Proċedura : 2016/2298(BUD)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A8-0379/2016

Testi mressqa :

A8-0379/2016

Dibattiti :

Votazzjonijiet :

PV 14/12/2016 - 9.8
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P8_TA(2016)0495

RAPPORT     
PDF 671kWORD 59k
9.12.2016
PE 594.034v02-00 A8-0379/2016

dwar il-proposta għal deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (applikazzjoni ppreżentata minn Spanja – EGF/2016/004 ES/Comunidad Valenciana – Vetturi)

(COM(2016)0708 – C8-0454/2016 – 2016/2298(BUD))

Kumitat għall-Baġits

Rapporteur: Esteban González Pons

EMENDI
MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW
 ANNESS: DEĊIŻJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL
 NOTA SPJEGATTIVA
 ANNESS: ITTRA TAL-KUMITAT GĦALL-IMPJIEGI U L-AFFARJIET SOĊJALI
 ANNESS: ITTRA TAL-KUMITAT GĦALL-IŻVILUPP REĠJONALI
 RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALIFIL-KUMITAT RESPONSABBLI

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW

dwar il-proposta għal deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (applikazzjoni ppreżentata minn Spanja – EGF/2016/004 ES/Comunidad Valenciana – Vetturi)

(COM(2016)0708 – C8-0454/2016 – 2016/2298(BUD))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill (COM(2016)0708 – C8-0454/2016),

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 1309/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 2013 dwar il-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (2014-2020) u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1927/2006(1) (ir-Regolament dwar il-FEG),

–  wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) Nru 1311/2013 tat-2 ta' Diċembru 2013 li jistabbilixxi l-qafas finanzjarju pluriennali għas-snin 2014-2020(2), u b'mod partikolari l-Artikolu 12 tiegħu,

–  wara li kkunsidra l-Ftehim Interistituzzjonali tat-2 ta' Diċembru 2013 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar dixxiplina baġitarja, dwar kooperazzjoni f'materji ta' baġit u dwar ġestjoni finanzjarja tajba(3) (il-FII tat-2 ta' Diċembru 2013), u b'mod partikolari l-punt 13 tiegħu,

–  wara li kkunsidra l-proċedura ta' trilogu prevista fil-punt 13 tal-FII tat-2 ta' Diċembru 2013,

–  wara li kkunsidra l-ittra tal-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali,

–  wara li kkunsidra l-ittra tal-Kumitat għall-Iżvilupp Reġjonali,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Baġits (A8-0379/2016),

A.  billi l-Unjoni stabbiliet strumenti leġiżlattivi u baġitarji biex tagħti appoġġ addizzjonali lill-ħaddiema li jkunu qegħdin ibatu l-konsegwenzi ta' bidliet strutturali kbar fl-andament tal-kummerċ dinji jew tal-kriżi finanzjarja u ekonomika globali u biex tassistihom fl-integrazzjoni mill-ġdid tagħhom fis-suq tax-xogħol;

B.  billi l-għajnuna finanzjarja tal-Unjoni lill-ħaddiema li jkunu ngħataw is-sensja għandha tkun dinamika u titqiegħed għad-dispożizzjoni kemm jista' jkun malajr u bl-aktar mod effiċjenti possibbli, bi qbil mad-Dikjarazzjoni Konġunta tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni, adottata waqt il-laqgħa ta' konċiljazzjoni tas-17 ta' Lulju 2008, u b'kunsiderazzjoni xierqa għall-FII tat-2 ta' Diċembru 2013 fir-rigward tal-adozzjoni ta' deċiżjonijiet biex jiġi mobilizzat il-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (il-FEG);

C.  billi l-adozzjoni tar-Regolament dwar il-FEG tirrifletti l-ftehim li ntlaħaq bejn il-Parlament u l-Kunsill biex jiġi introdott mill-ġdid il-kriterju tal-mobilizzazzjoni f'każ ta' kriżi, biex il-kontribuzzjoni finanzjarja tal-Unjoni tiġi stabbilita għal 60 % tal-istima tal-ammont totali kemm se jiġu jiswew il-miżuri proposti, biex tiżdied l-effiċjenza għat-trattament tal-applikazzjonijiet għall-FEG fil-Kummissjoni u mill-Parlament u mill-Kunsill billi jitqassar iż-żmien għall-valutazzjoni u għall-approvazzjoni, biex l-azzjonijiet u l-benefiċjarji eliġibbli jiġu estiżi għall-persuni li jaħdmu għal rashom u għaż-żgħażagħ, u biex jiġu ffinanzjati l-inċentivi għat-twaqqif ta' intrapriżi proprji;

D.  billi Spanja ressqet l-applikazzjoni EGF/2016/004 ES/ Comunidad Valenciana – Vetturi, għall-kontribuzzjoni finanzjarja mill-FEG, wara sensji fis-settur ekonomiku kklassifikat fid-Diviżjoni 29 ta' NACE Reviżjoni 2 (Manifattura ta' vetturi bil-mutur, trejlers u semitrejlers), l-aktar fir-reġjun tal-livell NUTS 2 tal-Comunidad Valenciana (ES52), u billi 250 ħaddiem li ngħataw is-sensja eliġibbli għal kontribuzzjoni mill-FEG huma mistennija li jipparteċipaw fil-miżuri;

E.  billi l-applikazzjoni tressqet skont il-kriterji ta' intervent stabbiliti fl-Artikolu 4(2) tar-Regolament dwar il-FEG, li jidderoga mill-kriterji stabbiliti fil-punt (b) tal-Artikolu 4(1), li jeħtieġu li tal-inqas 500 ħaddiem ikunu ngħataw is-sensja fuq perjodu ta' referenza ta' disa' xhur f'intrapriżi li joperaw fl-istess settur ekonomiku definit fil-livell tad-Diviżjoni ta' NACE Reviżjoni 2, u li jkun jinsab f'reġjun wieħed jew f'żewġ reġjuni kontigwi definiti fil-livell NUTS 2 fi Stat Membru;

F.  billi l-UE-27 qiegħda taffaċċa tnaqqis fil-produzzjoni ta' vetturi bil-mutur ta' 0,5 miljun unità fl-2015 meta mqabbel mal-2006 (minn 18,7 miljun unità fl-2006 għal 18,2 miljun unità fl-2015), filwaqt li l-produzzjoni globali żdiedet b'31,1 % (minn 69,2 miljun unità fl-2006 għal 90,9 miljun unità fl-2015)(4), b'mod partikolari fiċ-Ċina kif ukoll f'ekonomiji oħra tax-Xlokk tal-Asja;

1.  Jaqbel mal-Kummissjoni li l-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 4(2) tar-Regolament dwar il-FEG huma sodisfatti, u li għalhekk Spanja hija intitolata għal kontribuzzjoni finanzjarja ta' EUR 856 800 skont dan ir-Regolament, li tirrappreżenta 60 % tal-ispiża totali ta' EUR 1 428 000, għall-integrazzjoni mill-ġdid fis-suq tax-xogħol tal-250 ħaddiem li ngħataw is-sensja;

2.  Iqis li l-għoti ta' appoġġ lil ex impjegati ta' intrapriżi żgħar u medji jiġġustifika wkoll l-approvazzjoni ta' applikazzjoni li tikkonċerna inqas minn 500 sensja;

3.  Jinnota li Spanja ppreżentat l-applikazzjoni għal kontribuzzjoni finanzjarja mill-FEG fil-21 ta' Ġunju 2016, u li l-valutazzjoni ta' din l-applikazzjoni ġiet finalizzata mill-Kummissjoni fit-8 ta' Novembru 2016 u ġiet innotifikata lill-Parlament dakinhar stess;

4.  Jinnota li s-settur tal-manifattura ta' vetturi bil-mutur, trejlers u semitrejlers kien is-suġġett ta' 23 applikazzjoni għall-FEG, li 13 minnhom kienu bbażati fuq globalizzazzjoni relatata mal-kummerċ(5) u 10 mal-kriżi ekonomika u finanzjarja globali(6); jinnota li 3 minn dawn l-applikazzjonijiet għall-FEG kienu minn Spanja (EGF/2008/002 ES Delphi, EGF/2008/004 ES Castilla y León u Aragón u EGF/2010/002 ES Cataluña - vetturi);

5.  Jinnota li t-tnaqqis fis-sehem tas-suq tal-Unjoni fl-industrija tal-vetturi huwa parti minn xejra fuq perjodu itwal, kif ġie ddikjarat mill-Kummissjoni fil-valutazzjonijiet tagħha tal-applikazzjonijiet preċedenti għall-FEG dwar is-settur tal-vetturi abbażi tal-globalizzazzjoni relatata mal-kummerċ, li rat l-Unjoni titlef kważi nofs sehemha mis-suq bejn l-2000 u l-2015;

6.  Jirrimarka li, fi Spanja, it-tnaqqis fil-produzzjoni tal-karozzi kkawża riduzzjoni kemm ta' intrapriżi kif ukoll ta' impjiegi, u li fil-Comunidad Valenciana 62 impriża tal-vetturi minn total ta' 187 waqqfu l-attivitajiet tagħhom matul il-perjodu 2008 – 2014, li jirrappreżenta tnaqqis ta' 33,16 %;

7.  Jinnota li Bosal S.A. bdiet topera fl-1986 meta ż-żona ta' Sagunto ġiet iddikjarata bħala "Żona għall-Industrijalizzazzjoni mill-Ġdid Preferenzjali" wara sensji fil-forn tal-blast lokali. jinnota li l-falliment u l-għeluq ta' Bosal S.A. ikkawżaw it-telf ta' 250 impjieg fil-belt ta' Sagunto, li jirrappreżentaw għadd pjuttost kbir ta' impjiegi f'din il-belt, u li kellhom impatt serju fuq l-ekonomija lokali u reġjonali, b'mod partikolari meta jitqiesu l-karatteristiċi speċifiċi ta' belt żgħira f'żona rurali li soffriet bil-kbir mill-kriżi ekonomika kif ukoll mill-konsegwenzi tal-proċess ta' globalizzazzjoni fis-setturi tal-vetturi; ifakkar li r-rata ta' qgħad fil-Comunidad Valenciana għadha fil-livell ta' 20,17 %(7), għalkemm hemm sinjali ta' rkupru fir-rata tal-impjieg;

8.  Jiddispjaċih dwar iż-żieda fl-għadd ta' persuni qiegħda f'Sagunto bejn l-2007 (2 778) u l-2015 (6 437) u li r-rata ta' qgħad ta' 25,8 % taggrava aktar is-sitwazzjoni li diġà hija fraġli f'din iż-żona;

9.  Jissottolinja li mill-għadd globali tal-ħaddiema li ngħataw is-sensja kkonċernati minn din l-applikazzjoni, 71 % għandhom 'il fuq minn 45 sena, 78 % kienu impjegati mill-istess intrapriża għal mill-inqas 15-il sena konsekuttiva u 50 % ma għandhomx kwalifiki edukattivi; jinnota, barra minn hekk, li dan l-aħħar ma nfetaħ l-ebda impjant fiż-żona; jirrimarka li dawn iċ-ċirkostanzi kollha jagħmlu lill-ħaddiema ferm vulnerabbli f'kuntest fejn mhux qed jinħolqu biżżejjed impjiegi, filwaqt li jżidu d-diffikultajiet biex jinstab impjieg ġdid;

10.  Jinnota li Spanja qiegħda tippjana 12-il azzjoni differenti, li minnhom 6 huma servizzi personalizzati, bħal sessjonijiet ta' informazzjoni, gwida okkupazzjonali, kollakamenti ta' impjiegi jew promozzjoni tal-intraprenditorija, u 6 huma allowances u inċentivi għall-ħaddiema li ngħataw is-sensja koperti minn din l-applikazzjoni, bħal kontribuzzjonijiet għall-ispejjeż tal-ivvjaġġar u għat-tibdil tar-residenza, jew benefiċċji ta' għoti ta' impjieg; jirrimarka li dawn l-azzjonijiet jikkostitwixxu miżuri attivi tas-suq tax-xogħol;

11.  Jilqa' d-deċiżjoni ta' Spanja li toffri miżuri ta' taħriġ li jiffukaw fuq l-għoti ta' liċenzji vokazzjonali, bħal dik meħtieġa għat-trasport tal-passiġġieri, u fuq setturi jew oqsma fejn diġà jeżistu jew se jqumu opportunitajiet, bħas-settur tal-ikel, tat-tisjir, tal-prevenzjoni tar-riskju u tal-kontroll tal-kwalità u standards ambjentali, tat-tisħin, proġetti ta' ventilazzjoni u l-arja kkundizzjonata u l-manutenzjoni ta' tagħmir industrijali; japprova l-offerta ta' taħriġ f'ħiliet li jikkontribwixxu għal prestazzjoni aħjar tax-xogħol, bħat-teknoloġiji tal-informazzjoni u tal-komunikazzjoni, lingwi barranin u ġestjoni ta' negozju;

12.  Jilqa' r-rieda tar-rappreżentanti tal-ħaddiema li kienu jaħdmu ma' Bosal (l-intrapriża li tat is-sensja lill-maġġoranza tal-ħaddiema kkonċernati minn din l-applikazzjoni) biex jappoġġaw applikazzjoni għall-finanzjament mill-FEG u l-involviment tagħhom fit-tfassil tal-miżuri li se jiġu offruti lill-ħaddiema li ngħataw is-sensja; jinnota li s-sħab soċjali, l-assoċjazzjoni rilevanti ta' min iħaddem u l-awtoritajiet lokali (Sagunto) kienu wkoll involuti f'dan il-proċess;

13.  Jinnota li l-miżuri ta' appoġġ għall-introjtu se jirrappreżentaw inqas minn 25 % tal-pakkett kumplessiv ta' miżuri personalizzati, u huma ferm taħt il-limitu massimu ta' 35 % stabbilit fir-Regolament dwar il-FEG, u li dawn l-azzjonijiet jiddependu fuq il-parteċipazzjoni attiva min-naħa tal-benefiċjarji fil-mira fl-attivitajiet ta' tiftix ta' impjiegi jew ta' taħriġ;

14.  Ifakkar li, skont l-Artikolu 7 tar-Regolament dwar il-FEG, id-disinn tal-pakkett koordinat ta' servizzi personalizzati appoġġat mill-FEG għandu jantiċipa l-perspettivi u l-ħiliet rikjesti fis-suq tax-xogħol fil-ġejjieni u għandu jkun kompatibbli mat-tranżizzjoni lejn ekonomija sostenibbli u li tagħmel użu effiċjenti mir-riżorsi;

15.  Jinnota li Spanja kkonfermat li l-azzjonijiet eliġibbli ma jirċevux assistenza minn strumenti finanzjarji oħra tal-Unjoni; itenni l-appell tiegħu lill-Kummissjoni biex tippreżenta evalwazzjoni komparattiva ta' dik id-data fir-rapporti annwali tagħha sabiex tiżgura r-rispett sħiħ tar-regolamenti eżistenti u li ma jkunx jista' jkun hemm duplikazzjoni tas-servizzi ffinanzjati mill-Unjoni;

16.  Ifakkar fl-importanza li tittejjeb l-impjegabbiltà tal-ħaddiema kollha permezz ta' taħriġ adattat u r-rikonoxximent tal-ħiliet u l-kompetenzi miksuba tul il-karriera professjonali ta' ħaddiem; jistenna li t-taħriġ offrut fil-pakkett koordinat jiġi adattat mhux biss għall-bżonnijiet tal-ħaddiema li ngħataw is-sensja, iżda anke għall-ambjent kummerċjali reali;

17.  Jemmen li użu aktar mifrux tad-deroga mil-limiti minimi ta' eliġibbiltà, partikolarment għall-benefiċċju ta' impjegati ta' SMEs, estensjoni tal-perjodi ta' referenza, kif ukoll il-possibbiltà li jiġu inklużi ħaddiema li kienu jipprovdu servizzi relatati lill-kumpanija ta' referenza, għandhom jiġu vvalutati bir-reqqa, każ b'każ, b'tali mod li jiġi limitat b'kull mezz użu ħażin tal-baġit tal-FEG; jaqbel għalhekk mad-deċiżjoni tal-Kummissjoni li tagħti għajnuna lil 250 ħaddiem minn 29 intrapriża fir-reġjun tal-Comunidad Valenciana;

18.  Itenni li l-assistenza mill-FEG ma tridx tissostitwixxi la l-azzjonijiet li jkunu r-responsabbiltà tal-kumpaniji bis-saħħa tad-dritt nazzjonali jew ta' ftehimiet kollettivi, u lanqas il-miżuri għar-ristrutturar ta' kumpaniji jew setturi;

19.  Jitlob lill-Kummissjoni tiżgura li l-pubbliku jkollu aċċess għad-dokumenti relatati mal-każijiet tal-FEG;

20.  Japprova d-deċiżjoni annessa ma' din ir-riżoluzzjoni;

21.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jiffirma din id-deċiżjoni flimkien mal-President tal-Kunsill u biex jiżgura li tiġi ppubblikata f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea;

22.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni, flimkien mal-anness tagħha, lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.

(1)

ĠU L 347, 20.12.2013, p. 855.

(2)

ĠU L 347, 20.12.2013, p. 884.

(3)

ĠU C 373, 20.12.2013, p. 1.

(4)

Databażi OICA: http://www.oica.net/category/production-statistics/

(5)

EGF/2016/004 ES Comunidad Valenciana – Vetturi, COM(2016) 0708. EGF/2007/001 FR Fornituri Peugot S.A. COM(2007)0415; EGF/2007/010 PT Lisboa Alentejo. COM(2008)094; EGF/2008/002 ES Delphi. COM(2008)0547; EGF/2008/004 ES Castilla y León Aragón. COM(2009)0150; EGF/2009/013 DE Karmann COM(2010)007; EGF/2012/005 SE Saab, COM(2012)0622; EGF/2012/008 IT De Tomaso; COM(2013)0469; EGF/2013/006 PL Fiat Auto Poland COM(2014)0699¸ EGF/2013/012 BE Ford Genk, COM(2014)0532; EGF/2014/006 FR PSA, COM(2014)0560; EGF/2015/003 BE Ford Genk, COM(2015)0336 u EGF/2015/009 SE Volvo Trucks, COM(2016)061

(6)

EGF/2009/007 SE Volvo, COM(2009)0602 EGF/2009/009 AT Steiermark, COM(2009)0602; EGF/2009/019 FR Renault, COM(2011)0420; EGF/2010/002 ES Cataluña – Vetturi, COM(2010)0453; EGF/2010/004 PL Wielkopolskie, COM(2010)0616; EGF/2010/015 FR Peugeot, COM(2012)0461; EGF/2010/031 BE General Motors Belgium, COM(2011)0212; EGF/2011/003 DE Arnsberg u Düsseldorf – Vetturi, COM(2011)0447; EGF/2011/005 PT Norte-Centro – Vetturi, COM(2011)0664; u EGF/2015/002 DE Adam Opel, COM(2015)0342.

(7)

EPA Q3 2016. http://www.ine.es/infografias/tasasepa/desktop/tasas.html?t=0&lang=es


ANNESS: DEĊIŻJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

dwar il-mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni waraapplikazzjoni minn Spanja – EGF/2016/004 ES/Comunidad Valenciana - Vetturi

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidraw ir-Regolament (UE) Nru 1309/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 2013 dwar il-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (2014-2020) u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1927/2006(1), u b'mod partikolari l-Artikolu 15(4) tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-Ftehim Interistituzzjonali tat-2 ta' Diċembru 2013 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar dixxiplina baġitarja, dwar kooperazzjoni f'materji ta' baġit u dwar ġestjoni finanzjarja tajba(2), u b'mod partikolari l-punt 13 tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)  Il-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (FEG) għandu l-għan li jipprovdi appoġġ lill-ħaddiema li jkunu ngħataw is-sensja u fil-każ ta' persuni li jaħdmu għal rashom meta l-attività tagħhom tkun intemmet b'riżultat ta' bidliet strutturali kbar fl-andament tal-kummerċ dinji minħabba l-globalizzazzjoni, b'riżultat ta' kontinwazzjoni tal-kriżi finanzjarja u ekonomika globali, jew b'riżultat ta' kriżi ekonomika u finanzjarja globali ġdida, u biex jgħinhom fl-integrazzjoni mill-ġdid tagħhom fis-suq tax-xogħol.

(2)  Il-FEG ma għandux jaqbeż l-ammont annwali massimu ta' EUR 150 miljun (prezzijiet tal-2011), kif stabbilit fl-Artikolu 12 tar-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) Nru 1311/2013(3).

(3)  Fil-21 ta' Ġunju 2016, Spanja ppreżentat applikazzjoni għall-mobilizzazzjoni tal-FEG, fir-rigward ta' sensji f'29 intrapriża fis-settur awtomobilistiku fi Spanja. Din kienet issupplimentata b'informazzjoni addizzjonali pprovduta skont l-Artikolu 8(3) tar-Regolament (UE) Nru 1309/2013. Dik l-applikazzjoni tikkonforma mar-rekwiżiti għad-determinazzjoni ta' kontribuzzjoni finanzjarja mill-FEG kif stabbilit fl-Artikolu 13 tar-Regolament (UE) Nru 1309/2013.

(4)  F'konformità mal-Artikolu 4(2) tar-Regolament (UE) Nru 1309/2013, l-applikazzjoni minn Spanja titqies ammissibbli peress li s-sensji għandhom impatt serju fuq l-impjiegi u l-ekonomija lokali, reġjonali jew nazzjonali.

(5)  Għalhekk, il-FEG jenħtieġ li jiġi mmobilizzat sabiex jipprovdi kontribuzzjoni finanzjarja ta' EUR 856 800 fir-rigward tal-applikazzjoni ppreżentata minn Spanja.

(6)  Biex jitnaqqas kemm jista' jkun iż-żmien biex jiġi mmobilizzat il-FEG, din id-Deċiżjoni jenħtieġ li tapplika mid-data tal-adozzjoni tagħha,

ADOTTAW DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Għall-baġit ġenerali tal-Unjoni għas-sena finanzjarja 2016, il-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni għandu jiġi mmobilizzat biex jagħti s-somma ta' EUR 856 800 f'approprjazzjonijiet ta' impenn u ta' pagament.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tagħha f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea. Din għandha tapplika minn ... [id-data tal-adozzjoni tagħha]*.

(4)Magħmul fi,

Għall-Parlament Ewropew  Għall-Kunsill

Il-President  Il-President

(1)

  ĠU L 347, 20.12.2013, p. 855.

(2)

  ĠU C 373, 20.12.2013, p. 1.

(3)

  Ir-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) Nru 1311/2013 tat-2 ta' Diċembru 2013 li jistabbilixxi l-qafas finanzjarju pluriennali għas-snin 2014-2020 (ĠU L 347, 20.12.2013, p 884).

(4)

*   Id-data għandha tiddaħħal mill-Parlament qabel il-pubblikazzjoni fil-ĠU.


NOTA SPJEGATTIVA

I. Sfond

Il-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni nħoloq biex jipprovdi assistenza addizzjonali lill-ħaddiema li jkunu qed ibatu l-konsegwenzi ta' bidliet strutturali kbar fl-andament tal-kummerċ dinji.

Skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 12 tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 1311/2013 li jistabbilixxi l-qafas finanzjarju pluriennali għas-snin 2014-2020(1), u tal-Artikolu 15 tar-Regolament (UE) Nru 1309/2013(2), il-Fond ma jistax jaqbeż ammont annwali massimu ta' EUR 150 miljun (prezzijiet tal-2011). L-ammonti xierqa jiddaħħlu bħala provvediment fil-baġit ġenerali tal-Unjoni.

Fir-rigward tal-proċedura, skont il-punt 13 tal-Ftehim Interistituzzjonali tat-2 ta' Diċembru 2013 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar dixxiplina baġitarja, dwar kooperazzjoni f'materji ta' baġit u dwar ġestjoni finanzjarja tajba(3), sabiex jiġi attivat il-Fond, il-Kummissjoni, f'każ ta' valutazzjoni pożittiva ta' applikazzjoni, tippreżenta lill-awtorità baġitarja proposta għall-mobilizzazzjoni tal-Fond u, fl-istess waqt, talba korrispondenti għal trasferiment. Fil-każ ta' nuqqas ta' qbil, għandu jinbeda trilogu.

II. L-applikazzjoni ta' Spanja u l-proposta tal-Kummissjoni

Fit-8 ta' Novembru 2016, il-Kummissjoni adottat proposta għal deċiżjoni dwar il-mobilizzazzjoni tal-FEG favur Spanja għall-appoġġ tal-integrazzjoni mill-ġdid fis-suq tax-xogħol ta' ħaddiema li ngħataw s-sensja wara l-falliment u l-għeluq ta' Bosal S.A., l-intrapriża li tat is-sensja lill-ħaddiema kkonċernati b'din l-applikazzjoni u li topera fid-Diviżjoni 29 ta' NACE Reviżjoni 2 ("Manifattura ta' vetturi bil-mutur, trejlers u semitrejlers") prinċipalment fir-reġjun ta' livell NUTS 2(4) tar-reġjun ta' Valencia (Comunidad Valenciana - ES52).

Din hija l-għaxar applikazzjoni li se tiġi eżaminata fil-kuntest tal-baġit tal-2016 u t-tlieta u għoxrin waħda fir-rigward tal-manifattura ta' vetturi bil-mutur, trejlers u semitrejlers u tirreferi għall-mobilizzazzjoni ta' ammont globali ta' EUR 856 800 mill-FEG għal Spanja. Hija tikkonċerna 250 ħaddiem li ngħataw is-sensja.

L-applikazzjoni ġiet ippreżentata lill-Kummissjoni fil-21 ta' Ġunju 2016 u ġiet supplimentata b'informazzjoni addizzjonali sas-16 ta' Awwissu 2016. Il-Kummissjoni kkonkludiet, f'konformità mad-dispożizzjonijiet kollha applikabbli tar-Regolament dwar il-FEG, li l-applikazzjoni tissodisfa l-kundizzjonijiet għal kontribuzzjoni finanzjarja mill-FEG, kif imsemmi fl-Artikolu 4(2) tar-Regolament dwar il-FEG.

Bosal S.A. bdiet l-operazzjonijiet tagħha fil-belt ta' Sagunto fl-1986. L-attività ċentrali tagħha kienet il-manifattura ta' parts u aċċessorji għal vetturi bil-mutur (b'mod partikolari fis-sistemi tal-egżost tal-vetturi, konvertituri katalitiċi, eċċ.). Bosal S.A. bdiet tipproduċi prinċipalment għas-suq tal-vetturi Spanjol. Madankollu, il-produzzjoni ġiet iddiversifikata aktar tard u l-intrapriża mmanifatturat komponenti oriġinali ta' vetturi oħra wkoll għal swieq oħra tal-vetturi. Mill-2012, l-intrapriża kienet f'diffikultajiet minħabba t-tnaqqis fil-produzzjoni tal-vetturi fl-UE. Biex taġġusta l-kapaċità ta' produzzjoni skont id-domanda u tnaqqas l-ispejjeż, Bosal S.A. għamlet użu minn skedi ta' xogħol imnaqqsa b'mod obbligatorju, li ġew applikati għall-persunal kollu. Madankollu, dawn il-miżuri ma ħadmux u fil-15 ta' Jannar 2015 l-intrapriża ddikjarat falliment u tpoġġiet taħt amministrazzjoni speċjali.

L-azzjonijiet li għandhom jiġu pprovduti lill-ħaddiema li ngħataw is-sensja jikkonsistu fi 12-il miżura differenti: 6 miżuri huma azzjonijiet ta' servizzi personalizzati skont l-Artikolu 7(1)(a) u (c) tar-Regolament dwar il-FEG u 6 huma allowances u inċentivi kif imsemmija fl-Artikolu 7(1)(b) tar-Regolament dwar il-FEG. L-azzjonijiet ta' servizzi personalizzati jirrappreżentaw aktar minn 75 % tal-ammont globali.

Skont il-Kummissjoni, il-miżuri deskritti jikkostitwixxu miżuri attivi tas-suq tax-xogħol fi ħdan l-azzjonijiet eliġibbli stabbiliti fl-Artikolu 7 tar-Regolament dwar il-FEG. Dawn l-azzjonijiet ma jissostitwixxux il-miżuri passivi ta' protezzjoni soċjali.

Spanja tat l-assigurazzjonijiet kollha meħtieġa rigward dawn li ġejjin:

–  il-prinċipji tat-trattament ugwali u tan-nondiskriminazzjoni se jiġu rispettati fl-aċċess għall-azzjonijiet proposti u l-implimentazzjoni tagħhom,

–  hemm konformità mar-rekwiżiti stabbiliti fil-leġiżlazzjoni nazzjonali u tal-UE dwar is-sensji kollettivi,

–  l-intrapriżi li taw is-sensji, li komplew bl-attivitajiet tagħhom wara s-sensji, ikkonformaw mal-obbligi legali li jirregolaw is-sensji u pprovdew għall-ħaddiema tagħhom skont tali obbligi,

–  l-azzjonijiet proposti mhux se jirċievu appoġġ finanzjarju minn fondi jew strumenti finanzjarji oħra tal-Unjoni u mhu se jitħalla jsir l-ebda finanzjament doppju,

–  l-azzjonijiet proposti se jkunu komplementari għall-azzjonijiet iffinanzjati mill-Fondi Strutturali,

–  il-kontribuzzjoni finanzjarja mill-FEG se tkun konformi mar-regoli proċedurali u materjali tal-Unjoni dwar l-għajnuna mill-Istat.

III. Proċedura

Għall-mobilizzazzjoni tal-Fond, il-Kummissjoni għamlet talba lill-Awtorità Baġitarja għal trasferiment ta' ammont globali ta' EUR 856 000 mir-riżerva tal-FEG (40 02 43) għal-linja baġitarja tal-FEG (04 04 01).

Sal-lum, din hija l-għaxar proposta ta' trasferiment għall-mobilizzazzjoni tal-Fond trażmessa lill-Awtorità Baġitarja matul l-2016.

F'każ ta' nuqqas ta' qbil għandha tinbeda l-proċedura ta' trilogu, kif previst fl-Artikolu 15(4) tar-Regolament dwar il-FEG.

Skont ftehim intern, il-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali għandu jiġi assoċjat fil-proċess, sabiex joffri appoġġ kostruttiv u jagħti kontribut għall-valutazzjoni tal-applikazzjonijiet mill-Fond.

(1)

ĠU L 347, 20.12.2013, p. 884.

(2)

ĠU L 347, 20.12.2013, p. 855.

(3)

ĠU C 373, 20.12.2013, p. 1.

(4)

Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 1046/2012 tat-8 ta' Novembru 2012 li jimplimenta r-Regolament (KE) Nru 1059/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-istabbiliment ta' klassifikazzjoni komuni ta' unitajiet territorjali għall-istatistika (NUTS), fejn tidħol it-trażmissjoni tas-serje kronoloġiċi għat-tqassim reġjonali l-ġdid (ĠU L 310, 9.11.2012, p. 34).


ANNESS: ITTRA TAL-KUMITAT GĦALL-IMPJIEGI U L-AFFARJIET SOĊJALI

CF/jb

D(2016)50456

Onor. Jean Arthuis

President tal-Kumitat għall-Baġits

ASP 09G205

Suġġett: Opinjoni dwar il-mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (FEG) għall-każ EGF/2016/004 EE/Comunidad Valenciana - Vetturi

Onor. President,

Il-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali (EMPL) u l-Grupp ta' Ħidma dwar il-FEG fi ħdan l-istess Kumitat eżamina l-mobilizzazzjoni tal-FEG għall-każ EGF/2016/004 ES/Comunidad Valenciana Automotive u adotta l-opinjoni li ġejja.

Il-Kumitat EMPL u l-Grupp ta' Ħidma dwar il-FEG huma favur il-mobilizzazzjoni tal-Fond fir-rigward ta' din l-applikazzjoni. F'dan ir-rigward, il-Kumitat EMPL qiegħed jippreżenta xi kummenti mingħajr, madankollu, ma jqajjem dubji dwar it-trasferiment tal-pagamenti.

Id-deliberazzjonijiet tal-Kumitat EMPL huma msejsa fuq il-kunsiderazzjonijiet li ġejjin:

A)  Billi din l-applikazzjoni hija bbażata fuq l-Artikolu 4(2) tar-Regolament (UE) Nru 1309/2013 (ir-Regolament dwar il-FEG) u tirrigwarda 250 ħaddiem li ngħataw is-sensja f'29 intrapriża li joperaw fis-setturi ekonomiċi kklassifikati taħt id-Diviżjoni 29 (Manifattura ta' vetturi bil-mutur, trejlers u semitrejlers) tan-NACE Reviżjoni 2;

B)  Billi, sabiex tiġi stabbilita r-rabta bejn is-sensji u l-bidliet strutturali kbar fl-andament kummerċjali dinji minħabba l-globalizzazzjoni, Spanja targumenta li l-industrija awtomobilistika Ewropea tilfet sehem sinifikanti tas-suq f'dawn l-aħħar għaxar snin u li forza ewlenija wara din it-tendenza hija l-bidla ġeografika fil-konsum marbuta mal-globalizzazzjoni, b'mod partikolari t-tkabbir rapidu fid-domanda fis-suq Asjatiku li l-produtturi tal-UE huma anqas kapaċi li jibbenefikaw minnu, peress li tradizzjonalment, dawn il-produtturi jinsabu f'pożizzjoni inqas tajba f'dawn is-swieq;

C)  Billi l-industrija tal-karozzi Ewropea kienet ukoll milquta mit-tnaqqis fid-domanda domestika minħabba l-kriżi ekonomika u finanzjarja u l-għadd totali ta' reġistrazzjonijiet għadu taħt il-livelli milħuqa fis-snin ta' qabel il-kriżi ekonomika u finanzjarja;

D)  Billi aktar minn 96 % tal-ħaddiema li l-miżura hija mmirata lejhom huma rġiel; billi 23,2 % tal-ħaddiema li ngħataw is-sensja għandhom bejn il-55 u l-64 sena u 76,4 % għandhom bejn it-30 u l-54 sena;

E)  Billi Spanja ressqet disa' applikazzjonijiet tal-FEG favur il-ħaddiema li ngħataw is-sensja fir-reġjun tal-Comunidad Valenciana sa mill-2009, f'varjetà ta' setturi, l-aktar riċenti EGF/2014/004 ES Comunidad Valenciana metal, li ġiet ippreżentata u approvata fl-2014;

Għaldaqstant, il-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali jistieden lill-Kumitat għall-Baġits, bħala l-kumitat responsabbli, biex jintegra s-suġġerimenti li ġejjin fil-mozzjoni għal riżoluzzjoni tiegħu dwar l-applikazzjoni Spanjola:

1.  Jaqbel mal-Kummissjoni li l-kriterji ta' intervent stabbiliti fl-Artikolu 4(2) tar-Regolament (UE) Nru 1309/2013 huma ssodisfati u li, għalhekk, Spanja hija intitolata għal kontribuzzjoni finanzjarja ta' EUR 856 800 fil-qafas ta' dan ir-Regolament, ammont li jirrappreżenta 60 % tal-kost totali ta' EUR 1 428 000;

2.  Jinnota li l-Kummissjoni osservat l-iskadenza ta' 12-il ġimgħa mill-wasla tal-applikazzjoni kompluta mill-awtoritajiet Spanjoli, fis-16 ta' Awwissu 2016, sa ma ffinalizzat il-valutazzjoni tagħha dwar il-konformità mal-kundizzjonijiet għall-għoti ta' kontribuzzjoni finanzjarja, fit-8 ta' Novembru 2016, u nnotifikatha lill-Parlament fl-istess ġurnata;

3.  Jenfasizza li Sagunto, it-territorju milqut mis-sensji, huwa xhieda ta' ħafna kumpaniji marbuta mal-industrija awtomobilistika li għalqu jew li naqqsu bil-kbir l-attività tagħhom sa mill-2008, minħabba l-kriżi ekonomika u finanzjarja u l-globalizzazzjoni fil-manifattura tal-karozzi, u dan irriżulta f'inqas ħin tax-xogħol u f'sensji;

4.  Jiddispjaċih għaż-żieda fl-għadd ta' persuni qiegħda f'Sagunto bejn l-2007 (2 778) u l-2015 (6 437) u għar-rata tal-qgħad ta' 25,8 %;

5.  Jirrikonoxxi l-fatt li l-każ jinvolvi ċirkostanzi eċċezzjonali li għandhom impatt serju fuq l-impjiegi u l-ekonomija lokali, reġjonali jew nazzjonali peress li 250 impjieg mitlufa f'Sagunto huwa numru kbir għal belt żgħira u żona rurali;

6.  Iqis li l-għoti ta' appoġġ lil ex impjegati ta' intrapriżi żgħar u ta' daqs medju jiġġustifika wkoll l-approvazzjoni ta' applikazzjoni li tikkonċerna inqas minn 500 sensja;

7.  Jinnota li, mill-ħaddiema li ngħataw is-sensja kkonċernati minn din l-applikazzjoni, 71 % għandhom 'il fuq minn 45 sena, 78 % kienu impjegati mill-istess intrapriża għal mill-anqas 15-il sena konsekuttivi u 50 % ma għandhomx kwalifiki edukattivi, fatt li jagħmilhom vulnerabbli ħafna f'żona fejn l-impjiegi huma skarsi;

8.  Jilqa' d-deċiżjoni ta' Spanja li toffri miżuri ta' taħriġ li jiffukaw fuq l-għoti ta' liċenzji vokazzjonali, bħal dik meħtieġa għat-trasport tal-passiġġieri, u fuq setturi jew oqsma fejn diġà jeżistu opportunitajiet jew dawn se jiżdiedu, bħas-settur tal-ikel, tat-tisjir, tal-prevenzjoni tar-riskju u tal-kontroll tal-kwalità u standards ambjentali, tat-tisħin, proġetti ta' ventilazzjoni u l-arja kkundizzjonata u l-manutenzjoni ta' tagħmir industrijali; japprova l-offerta ta' taħriġ f'ħiliet li jikkontribwixxu għal prestazzjoni aħjar tax-xogħol, bħat-Teknoloġiji tal-Informazzjoni u tal-Komunikazzjoni, lingwi barranin u ġestjoni ta' negozju;

9.  Jilqa' r-rieda tar-rappreżentanti tal-ħaddiema li kienu jaħdmu ma' Bosal (l-intrapriża li tat is-sensja lill-maġġoranza tal-ħaddiema kkonċernati minn din l-applikazzjoni) biex jappoġġaw l-applikazzjoni għall-finanzjament mill-FEG u l-involviment tagħhom fit-tfassil tal-miżuri li se jiġu offruti lill-ħaddiema; jinnota li s-sħab soċjali, l-assoċjazzjoni rilevanti ta' min iħaddem u l-awtoritajiet lokali (Sagunto) kienu wkoll involuti f'dan il-proċess;

10.  Jinnota li l-miżuri ta' appoġġ għad-dħul se jkunu inqas minn 25 % tal-pakkett kumplessiv ta' miżuri personalizzati, ferm taħt il-limitu massimu ta' 35 % stabbilit fir-Regolament u li dawn l-azzjonijiet jiddependu fuq il-parteċipazzjoni attiva min-naħa tal-benefiċjarji fil-mira fl-attivitajiet ta' tiftix ta' impjiegi jew ta' taħriġ;

11.  Jinnota li l-awtoritajiet Spanjoli assiguraw li l-azzjonijiet proposti mhux se jirċievu appoġġ finanzjarju minn fondi jew strumenti finanzjarji oħra tal-Unjoni, li se jiġi evitat kwalunkwe finanzjament doppju, u li l-azzjonijiet proposti se jkunu komplementari għall-azzjonijiet iffinanzjati mill-Fondi Strutturali;

12.  Jilqa' l-konferma ta' Spanja li l-kontribuzzjoni finanzjarja mill-FEG mhix se tieħu post l-azzjonijiet li l-intrapriża kkonċernata għandha l-obbligu li tagħmel skont id-dritt nazzjonali jew skont ftehimiet kollettivi;

13.  Ifakkar li, f'konformità mal-Artikolu 7 tar-Regolament dwar il-FEG, il-pakkett ikkoordinat ta' servizzi personalizzati għandu jkun imfassal b'mod li jantiċipa l-perspettivi futuri tas-suq tax-xogħol u l-ħiliet meħtieġa, u għandu jkun kompatibbli mal-bidla lejn ekonomija effiċjenti fl-użu tar-riżorsi u sostenibbli.

Dejjem tiegħek,

Thomas HÄNDEL

President tal-Kumitat EMPL


ANNESS: ITTRA TAL-KUMITAT GĦALL-IŻVILUPP REĠJONALI

Is-Sur Jean ARTHUIS

President

Kumitat għall-Baġits

Parlament Ewropew

Suġġett:  Il-mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni

Għażiż Sur Arthuis,

Proposta tal-Kummissjoni għal deċiżjoni dwar il-mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (FEG) ġiet riferuta lill-Kumitat għall-Iżvilupp Reġjonali għall-opinjoni tiegħu. Nifhem li hemm il-ħsieb li jiġi adottat rapport dwar din il-proposta fil-Kumitat għall-Baġits fit-8 ta' Diċembru 2016:

-  Id-dokument COM(2016)0708 jipproponi kontribuzzjoni mill-FEG ta' ammont ta' EUR 856 800 għal 250 ħaddiem li ngħataw is-sensja fis-settur ekonomiku kklassifikat taħt id-Diviżjoni 29 ta' NACE Reviżjoni 2 (Manifattura ta' vetturi bil-mutur, trejlers u semitrejlers) fir-reġjun tal-livell NUTS 2 ta' Comunidad Valenciana (ES52) fi Spanja.

Ir-regoli applikabbli għall-kontribuzzjonijiet finanzjarji mill-FEG huma stabbiliti mir-Regolament (UE) Nru 1309/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 2013 dwar il-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (2014-2020) u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1927/2006.

Il-koordinaturi tal-Kumitat ivvalutaw din il-proposta u talbuni niktiblek biex ninfurmak li l-maġġoranza tal-membri ta' dan il-Kumitat m'għandhom l-ebda oġġezzjoni għal din il-mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni biex l-ammont imsemmi hawn fuq jiġi allokat kif propost mill-Kummissjoni.

Dejjem tiegħek,

Iskra MIHAYLOVA


RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALIFIL-KUMITAT RESPONSABBLI

Data tal-adozzjoni

8.12.2016

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

28

4

0

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Nedzhmi Ali, Richard Ashworth, Jean-Paul Denanot, Gérard Deprez, José Manuel Fernandes, Eider Gardiazabal Rubial, Ingeborg Gräßle, Monika Hohlmeier, Zbigniew Kuźmiuk, Vladimír Maňka, Clare Moody, Siegfried Mureşan, Paul Rübig, Petri Sarvamaa, Patricija Šulin, Eleftherios Synadinos, Indrek Tarand, Monika Vana, Marco Zanni

Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali

Xabier Benito Ziluaga, Bill Etheridge, Ivana Maletić, Andrey Novakov, Nils Torvalds, Derek Vaughan, Tomáš Zdechovský

Sostituti (skont l-Artikolu 200(2)) preżenti għall-votazzjoni finali

Clara Eugenia Aguilera García, José Blanco López, Edouard Ferrand, Valentinas Mazuronis, József Nagy, Claudia Schmidt

Avviż legali