Proċedura : 2016/2143(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A8-0381/2016

Testi mressqa :

A8-0381/2016

Dibattiti :

PV 01/02/2017 - 21
CRE 01/02/2017 - 21

Votazzjonijiet :

PV 02/02/2017 - 7.1
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P8_TA(2017)0012

RAPPORT     
PDF 750kWORD 69k
12.12.2016
PE 589.221v02-00 A8-0381/2016

dwar approċċ integrat għall-Politika tal-Isport: governanza tajba, aċċessibilità u integrità

(2016/2143(INI))

Kumitat għall-Kultura u l-Edukazzjoni

Rapporteur: Hannu Takkula

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW
 NOTA SPJEGATTIVA
 RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALIFIL-KUMITAT RESPONSABBLI

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW

dwar approċċ integrat għall-Politika tal-Isport: governanza tajba, aċċessibilità u integrità

(2016/2143(INI))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 165 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), li jispeċifika l-għanijiet tal-politika tal-isport tal-UE,

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-18 ta' Jannar 2011 bit-titolu "L-Iżvilupp tad-Dimensjoni Ewropea fl-Isport" (COM(2011)0012),

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Grupp ta' Esperti tal-UE dwar il-Governanza Tajba bl-isem "The Principles for Good Governance of Sport in the EU" (Il-Prinċipji ta' Governanza Tajba tal-Isport fl-UE) ta' Ottubru 2013,

  wara li kkunsidra r-rapport tal-Grupp ta' Livell Għoli dwar l-Isport tal-Massa bl-isem "Grassroots Sport – Shaping Europe" (L-Isport tal-Massa – Insawru l-Ewropa) ta' Ġunju 2015,

  wara li kkunsidra r-rapport tal-Grupp ta' Livell Għoli dwar id-Diplomazija fl-Isport ta' Ġunju 2016,

  wara li kkunsidra l-programm Erasmus+, li għandu l-għan li jindirizza t-theddid transkonfinali għall-intergrità tal-isport, jippromwovi u jappoġġja l-governanza tajba fl-isport, il-karrieri doppji tal-isportivi u l-attivitajiet ta' volontarjat fl-isport, flimkien mal-inklużjoni soċjali u l-opportunitajiet indaqs,

–  wara li kkunsidra l-White Paper tal-Kummissjoni dwar l-Isport (COM(2007)0391),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-11 ta' Ġunju 2015 dwar l-iżvelar reċenti ta' każijiet ta' korruzzjoni fl-ogħla livelli tal-FIFA(1),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-23 ta' Ottubru 2013 dwar il-kriminalità organizzata, il-korruzzjoni u l-ħasil tal-flus: rakkomandazzjonijiet dwar azzjonijiet u inizjattivi li għandhom jittieħdu(2),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-10 ta' Settembru 2013 dwar il-logħob tal-azzard onlajn fis-suq intern(3),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-14 ta' Marzu 2013 dwar ix-xiri tal-logħob u l-korruzzjoni fl-isport(4),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-2 ta' Frar 2012 dwar id-dimensjoni Ewropea fl-isport(5),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-8 ta' Mejju 2008 dwar il-White Paper dwar l-Isport(6),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tad-29 ta' Marzu 2007 dwar il-futur tal-futbol professjonali fl-Ewropa(7),

  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-17 ta' Ġunju 2010 dwar l-aġenti tal-plejers fl-isports(8),

  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-21 ta' Novembru 2013 dwar il-Qatar: is-sitwazzjoni tal-ħaddiema migranti(9),

  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tad-19 ta' Jannar 2016 dwar ir-rwol tad-djalogu interkulturali, id-diversità kulturali u l-edukazzjoni fil-promozzjoni tal-valuri fundamentali tal-UE(10),

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-31 ta' Mejju 2016 dwar it-tisħiħ tal-integrità, it-trasparenza u l-governanza tajba fl-avvenimenti sportivi ewlenin,

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tas-26 ta' Mejju 2015 dwar il-massimizzazzjoni tar-rwol tal-isport tal-massa fl-iżvilupp tal-ħiliet trasversali, speċjalment fost iż-żgħażagħ,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tal-Kunsill tal-21 ta' Mejju 2014 dwar Pjan ta' Ħidma tal-Unjoni Ewropea għall-Isport (2014–2017),

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tas-26 ta' Novembru 2013 dwar il-kontribut tal-isport għall-ekonomija tal-UE, b'mod partikolari biex jiġi indirizzat il-qgħad fost iż-żgħażagħ u l-inklużjoni soċjali tagħhom,

–  wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kunsill tal-25 ta' Novembru 2013 dwar il-promozzjoni transettorjali ta' attività fiżika favur is-saħħa,

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tat-18 ta' Novembru 2010 dwar ir-rwol tal-isport bħala sors u mutur ta' inklużjoni soċjali attiva(11),

–  wara li kkunsidra l-konvenzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa tat-3 ta' Lulju 2016 dwar approċċ integrat għas-sikurezza, is-sigurtà u s-servizzi waqt partiti tal-futbol u avvenimenti sportivi oħra,

–  wara li kkunsidra l-konvenzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa tat-18 ta' Settembru 2014 dwar il-manipulazzjoni ta' kompetizzjonijiet sportivi,

–  wara li kkunsidra l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja u tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea u d-deċiżjonijiet tal-Kummissjoni dwar kwistjonijiet relatati mal-isport, l-imħatri u l-logħob tal-azzard,

–  wara li kkunsidra l-Aġenda Globali għall-2030 dwar l-Għanijiet ta' Żvilupp Sostenibbli,

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 6 u 165 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 52 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kultura u l-Edukazzjoni (A8-0381/2016),

A.  billi, bid-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta' Lisbona fl-2009, l-Unjoni Ewropea kisbet kompetenza speċifika għall-isport biex tibni u timplimenta politika kkoordinata tal-isport tal-UE li hija appoġġjata minn linja baġitarja speċifika, u biex tiżviluppa kooperazzjoni ma' korpi internazzjonali fil-qasam tal-isport, filwaqt li tqis in-natura speċifika tal-isport u tirrispetta l-awtonomija tal-istrutturi governattivi tal-isport;

B.  billi l-isport għandu rwol prominenti fil-ħajja ta' miljuni ta' ċittadini tal-UE; billi l-isport tad-dilettanti u l-isport professjonali mhumiex biss kwistjoni ta' kapaċitajiet atletiċi, riżultati pożittivi u kompetizzjonijiet fl-isport, iżda jagħtu wkoll kontribut soċjali, edukattiv, ekonomiku, kulturali u unifikanti sinifikanti lill-ekonomija u s-soċjetà tal-UE, kif ukoll lill-objettivi strateġiċi u l-valuri soċjali tal-UE;

C.  billi l-isport jirrappreżenta settur kbir tal-ekonomija tal-UE li qed jikber malajr u jagħti kontribut importanti għat-tkabbir, l-impjiegi u s-soċjetà, anke fil-livell lokali, b'effetti fuq il-valur miżjud u l-impjiegi li jaqbżu l-medja tar-rati ta' tkabbir; billi l-impjiegi relatati mal-isport ġew stmati li huma ekwivalenti għal 3,51 % tal-impjiegi totali tal-UE, u s-sehem tal-valur miżjud gross relatat mal-isport għal EUR 294 biljun (2,98 % tal-valur miżjud gross totali tal-UE);

D.  billi l-isport mhuwiex biss realtà ekonomika li qed tikber, iżda wkoll fenomenu soċjali li jagħti kontribut importanti lill-objettivi strateġiċi u lill-valuri soċjali tal-Unjoni Ewropea bħat-tolleranza, is-solidarjetà, il-prosperità, il-paċi, ir-rispett għad-drittijiet tal-bniedem u l-fehim fost in-nazzjonijiet u l-kulturi;

E.  billi l-ipprattikar tal-isport jikkontribwixxi għal kwalità tal-ħajja aħjar, jevita l-mard u għandu rwol fundamentali fit-tisħiħ tal-iżvilupp personali u l-kundizzjoni tas-saħħa;

F.  billi l-konformità mad-drittijiet bażiċi tax-xogħol hija essenzjali għall-atleti professjonisti;

G.  billi l-isport jikkontribwixxi wkoll għall-integrazzjoni tan-nies u jmur lil hinn mir-razza, ir-reliġjon u l-etniċità;

H.  billi l-integrità tal-isport hija ta' importanza kbira jekk il-kredibilità tiegħu u l-attrazzjoni tiegħu għandhom jiġu promossi;

I.  billi l-isport għandu natura speċifika li hija bbażata fuq strutturi ta' volontarjat u li hija prerekwiżit tal-funzjonijiet edukattivi u soċjali tiegħu;

J.  billi l-iskandli reċenti ta' korruzzjoni fl-isport, u fl-organizzazzjonijiet sportivi fil-livell Ewropew u dak internazzjonali, ħassru l-immaġni tal-isport billi qajmu tħassib u mistoqsijiet dwar il-bżonn ta' riformi ġenwini u strutturali tal-korpi u l-organizzazzjonijiet ta' tmexxija tal-isport filwaqt li titqies id-diversità kbira tal-istrutturi tal-isport f'pajjiżi Ewropej differenti u l-fatt li l-organizzazzjonijiet sportivi huma min-natura tagħhom fil-biċċa l-kbira awtoregolatorji;

K.  billi kemm l-isport professjonali kif ukoll dak tal-massa għandhom rwol ewlieni fil-promozzjoni globali tal-paċi, ir-rispett għad-drittijiet tal-bniedem u s-solidarjetà, iġibu benefiċċji tas-saħħa u ekonomiċi għas-soċjetajiet u għandhom rwol essenzjali fl-enfasizzar tal-valuri edukattivi u kulturali fundamentali kif ukoll fil-promozzjoni tal-inklużjoni soċjali;

L.  billi l-governanza tajba fl-isport jenħtieġ li tirrispetta r-regolamentazzjoni xierqa tal-isport permezz ta' prinċipji ta' ġestjoni effettiva, trasparenti, etika u demokratika, governanza partiċipattiva, u proċessi u strutturi bil-parteċipazzjoni tal-partijiet ikkonċernati;

M.  billi l-organizzazzjonijiet sportivi huma responsabbli mill-iżgurar ta' standards ta' governanza u ta' integrità għoljin u għandhom jgħolluhom iktar, u jaderixxu magħhom fiċ-ċirkostanzi kollha, sabiex terġa' tinkiseb il-fiduċja taċ-ċittadini u tiżdied il-fiduċja pubblika fil-valur pożittiv tal-isport;

N.  billi politiki bbilanċjati li għandhom l-għan li jżidu t-trasparenza finanzjarja, l-istabilità u l-kredibilità fl-isport huma kruċjali biex jittejbu l-istandards finanzjarji u ta' governanza;

O.  billi l-mudell Ewropew tal-isport organizzat huwa bbażat fuq il-prinċipji ta' territorjalità u nazzjonalità, b'federazzjoni waħda għal kull dixxiplina, u b'mekkaniżmi ta' solidarjetà bejn l-isport tal-atleti tal-ogħla livell u dak tal-massa, kif ukoll fuq ir-relegazzjoni u l-promozzjoni, kompetizzjonijiet miftuħa u rridistribuzzjoni finanzjarja;

P.  billi r-rikonoxximent tal-prinċipju ta' federazzjoni unika għal kull sport huwa ta' rilevanza partikolari u jsib l-għeruq tiegħu fl-importanza soċjali tal-isport bħala l-aħjar mezz biex jitħarsu l-interessi tal-isport u l-benefiċċji li jipprovdi lis-soċjetà;

Q.  billi huwa leġittimu u neċessarju għall-partijiet ikkonċernati kollha li jiġi meħtieġ li kwalunkwe kompetizzjoni sportiva tintlagħab u tiġi deċiża skont ir-regoli tal-logħba rikonoxxuti fuq livell internazzjonali;

R.  billi t-tribunali sportivi għandhom rwol ċentrali fil-garanzija tal-universalità tar-regoli tal-logħba, id-dritt għal proċess ġust f'kawżi relatati mal-isport u l-governanza tajba, peress li dawn jikkostitwixxu l-aktar mezzi xierqa ta' soluzzjoni tat-tilwimiet fil-qasam tal-isport b'konformità mad-drittijiet proċedurali fundamentali tal-UE;

S.  billi l-ammonti dejjem jiżdiedu ta' flus li jiċċirkolaw fis-settur tal-isport u fl-organizzazzjonijiet involuti wasslu għal talbiet ta' governanza u trasparenza aħjar; billi l-isport, bħala attività ekonomika, huwa kkonfrontat minn sensiela ta' skandli ta' xiri tal-logħob li jinvolvu diversi reati u attivitajiet illegali oħra bħall-ħasil tal-flus, il-korruzzjoni u t-tixħim;

T.  billi l-prattiki tad-doping li qed jiżdiedu huma theddida għall-integrità u r-reputazzjoni tal-isport peress li dawn jiksru l-valuri u l-prinċipji etiċi tal-isport bħal-logħob ġust, u billi l-użu tad-doping jipperikola b'mod serju s-saħħa tal-atleti kkonċernati, u ħafna drabi jikkawża ħsara serja u permanenti, u billi l-ġlieda kontra d-doping hi kwistjoni ta' interess pubbliku u ta' saħħa pubblika;

U.  billi kwalunkwe att ta' vjolenza, ħulliganiżmu u diskriminazzjoni diretta kontra grupp ta' persuni jew membru ta' tali grupp, sew jekk fl-isport tad-dilettanti jew f'dak professjonali, iħammeġ l-immaġni tiegħu u jiskoraġġixxi lill-ispettaturi milli jattendu avvenimenti sportivi;

V.  billi l-promozzjoni tal-isport għall-persuni b'diżabilità intellettwali u fiżika għandha tkun prijorità ewlenija fil-livell Ewropew, nazzjonali u lokali;

W.  billi l-parteċipazzjoni u l-viżibilità tan-nisa fl-isport u l-kompetizzjonijiet sportivi jeħtieġ li jitjiebu;

X.  billi l-atleti, b'mod partikolari l-minuri, iħabbtu wiċċhom ma' pressjonijiet ekonomiċi u jiġu ttrattati bħala oġġetti u, għalhekk, għandhom jiġu protetti kontra kwalunkwe forma ta' abbuż, vjolenza jew diskriminazzjoni li jistgħu jseħħu waqt il-parteċipazzjoni tagħhom fl-isport;

Y.  billi fl-isports tat-timijiet fl-Ewropa hemm tendenza dejjem tikber u inkwetanti ta' sjieda minn partijiet terzi li permezz tagħha l-plejers, li spiss ikunu ta' età żgħira ħafna, ikunu parzjalment jew integralment proprjetà ta' investituri privati u ma jistgħux jiddeterminaw aktar it-toroq li jridu jaqbdu fil-karrieri tagħhom;

Z.  billi l-prattiki ħżiena marbuta mal-aġenti u t-trasferimenti tal-plejers wasslu għal każijiet ta' ħasil tal-flus, frodi u sfruttament tal-minuri;

AA.  billi l-isport tal-massa joffri opportunitajiet biex tiġi indirizzata d-diskriminazzjoni, jitrawmu l-inklużjoni, il-koeżjoni u l-integrazzjoni soċjali u jsir kontribut siewi għall-iżvilupp tal-ħiliet trasversali;

AB.  billi numru dejjem jiżdied ta' klabbs jiddependu prinċipalment fuq is-suq tat-trasferimenti biex jifformaw it-timijiet tagħhom, meta għandhom jagħtu aktar attenzjoni lit-taħriġ lokali;

AC.  billi l-isport jitqies bħala dritt fundamentali għal kulħadd u billi kulħadd għandu jkollu dritt ugwali biex jieħu sehem fl-attività fiżika u fl-isport;

AD.  billi, b'mod ġenerali, l-attività fiżika qed tistaġna minkejja evidenza qawwija li din ittejjeb is-saħħa personali, inkluża s-saħħa mentali u l-benesseri, u billi b'konsegwenza ta' dan l-Istati Membri jiffrankaw b'mod sinifikanti f'termini ta' nefqa pubblika fuq is-saħħa, u minkejja tendenza dejjem tikber lejn l-isport rikreazzjonali, bħall-ġogging, li jiġi wkoll ipprattikat barra minn struttura organizzata;

AE.  billi l-avvenimenti u l-attivitajiet sportivi, u b'mod partikolari l-kompetizzjonijiet internazzjonali ewlenin, juru l-benefiċċji pożittivi tal-isport u għandhom impatt soċjali, ekonomiku u ambjentali;

AF.  billi t-timijiet nazzjonali għandhom rwol essenzjali mhux biss f'termini ta' trawwim ta' identità nazzjonali u ta' ispirazzjoni lill-atleti żgħażagħ biex jilħqu l-ogħla livell ta' prestazzjoni sportiva, iżda anki billi jippromwovu s-solidarjetà bl-isport tal-massa;

AG.  billi l-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali ulterjuri tal-atleti huma parti kruċjali biex dawn jitħejjew għall-karrieri tagħhom fl-aħħar tal-karrieri sportivi tagħhom;

AH.  billi l-investiment fi u l-promozzjoni tat-taħriġ u fl-edukazzjoni ta' atleti żgħażagħ b'talent fil-livell lokali huma kruċjali għall-iżvilupp fit-tul u r-rwol tal-isport fis-soċjetà;

AI.  billi l-voluntiera huma s-sinsla tal-isport organizzat, billi jipprovdu għall-iżvilupp u l-aċċessibilità tal-attivitajiet sportivi, speċjalment fil-livell tal-massa; billi, barra minn hekk, dan joffri opportunità eċċellenti oħra ta' taħriġ u ta' edukazzjoni mhux formali għaż-żgħażagħ, kemm internazzjonalment kif ukoll flimkien ma' programmi ta' kooperazzjoni u żvilupp f'żoni barra l-UE fejn jeħtieġ li d-djalogu jissaħħaħ u l-politika esterna tal-UE tiġi appoġġjata;

AJ.  billi l-isport, fl-aktar sens wiesa' tiegħu, jirrappreżenta sistema ta' valuri għal komunità, u billi dawn il-valuri jiffurmaw il-bażi ta' lingwa kondiviża li tisboq l-ostakli kulturali u lingwistiċi kollha; billi dan jista' jgħin u għandu jitqies bħala opportunità biex jissaħħu d-djalogu u s-solidarjetà ma' pajjiżi terzi, biex tiġi promossa l-protezzjoni tad-drittijiet u l-libertajiet bażiċi tal-bniedem fid-dinja kollha u biex tiġi appoġġjata l-politika esterna tal-UE;

AK.  billi l-każjiet ta' ksur tad-dritt ta' proprjetà intellettwali tal-organizzazzjonijiet sportivi, inkluż fil-forma ta' piraterija diġitali, speċjalment it-trażmissjoni diretta mingħajr liċenzja ta' avvenimenti sportivi, iqajmu tħassib serju għall-finanzjament fuq terminu twil tal-isport, fil-livelli kollha;

AL.  billi l-libertà tal-istampa għandha tiġi żgurata fl-avvenimenti sportivi kollha;

AM.  billi l-isport jista' jikkontribwixxi sabiex jintlaħqu l-objettivi tal-Istrateġija Ewropa 2020;

L-integrità u l-governanza tajba tal-isport

1.  Jirrepeti li l-ġlieda kontra l-korruzzjoni fl-isport teħtieġ sforzi transnazzjonali u kooperazzjoni bejn il-partijiet ikkonċernati kollha, inklużi l-awtoritajiet pubbliċi, l-aġenziji tal-infurzar tal-liġi, l-industrija tal-isport, l-atleti u l-partitarji;

2.  Jistieden lill-organizzazzjonijiet sportivi internazzjonali, Ewropej u nazzjonali jimpenjaw ruħhom biex ikollhom prattiki ta' governanza tajba u biex jiżviluppaw kultura ta' trasparenza u finanzjament sostenibbli, billi jagħmlu disponibbli għall-pubbliku rekords finanzjarji u l-kontijiet tal-attivitajiet, inklużi l-obbligi ta' divulgazzjoni fir-rigward tal-kumpens tal-ogħla diriġenti u l-limiti tal-mandati;

3.  Iqis li l-iżvilupp ta' kultura ta' trasparenza għandu jiġi kkumplimentat minn separazzjoni aħjar tas-setgħat fil-korpi ta' tmexxija tal-isport, tqassim aħjar bejn l-attivitajiet kummerċjali u ta' karità u proċeduri awtoregolatorji interni aħjar biex jikxfu, jidentifikaw, jinvestigaw u jissanzjonaw reati marbuta mal-isport u attivitajiet illegali fl-organizzazzjonijiet sportivi;

4.  Ifakkar li l-governanza tajba, li jenħtieġ li tkun prijorità fil-Pjan ta' Ħidma tal-UE għall-Isport li jmiss, trid tkun kundizzjoni għall-awtonomija tal-organizzazzjonijiet sportivi, f'konformità mal-prinċipji tat-trasparenza, tar-responsabilità, tal-opportunitajiet indaqs, tal-inklużjoni soċjali u tad-demokrazija, inkluża inklużività xierqa tal-partijiet ikkonċernati;

5.  Jisħaq fuq il-ħtieġa ta' politika ta' tolleranza żero għall-korruzzjoni u tipi oħra ta' kriminalità fl-isport;

6.  Jissottolinja li l-applikazzjoni tal-prinċipji ta' governanza tajba fl-isport, flimkien mal-monitoraġġ, is-superviżjoni u l-istrumenti legali xierqa, hija fattur ewlieni li jgħin biex tinqered il-korruzzjoni u abbużi oħra;

7.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri, u lill-organizzazzjonijiet sportivi u lill-entitajiet li jressqu kandidaturi, jiżguraw li l-offerti biex jiġu ospitati avvenimenti kbar jikkonformaw mal-istandards ta' governanza tajba, mad-drittijiet tal-bniedem u tax-xogħol, u mal-prinċipju tad-demokrazija, sabiex ikun żgurat impatt soċjali, ekonomiku u ambjentali pożittiv fuq il-komunitajiet lokali, filwaqt li jiġu rrispettati d-diversità u t-tradizzjonijiet bil-għan li jiġu garantiti wirt sostenibbli u kredibilità fl-isport;

8.  Huwa tal-opinjoni li l-pajjiżi li jressqu kandidaturi għal avvenimenti sportivi jew li jospitawhom jeħtieġ li jimplimentaw ippjanar, organizzazzjoni, implimentazzjoni, parteċipazzjoni u segwitu ta' dawn l-avvenimanti li jkunu soċjalment, ambjentalment u ekonomikament responsabbli; jistieden lill-organizzazzjonijiet sportivi u lill-pajjiżi li jospitaw tali avvenimenti biex jevitaw tibdil mhux mixtieq fl-ambjent fejn jgħixu r-residenti lokali, inkluż l-ispostament ta' popolazzjonijiet lokali;

9.  Jistieden lill-Kummissjoni tiżviluppa bord ta' impenn u tesplora l-possibilità li jinħoloq kodiċi ta' kondotta fl-oqsma ta' governanza tajba u integrità fl-isport; huwa tal-fehma li l-organizzazzjonijiet sportivi jenħtieġ li jistabbilixxu regoli dwar it-trasparenza, standards etiċi, kodiċi ta' kondotta għall-korpi superviżorji, il-kumitati eżekuttivi u l-membri tagħhom, kif ukoll politiki u prattiki operattivi li jiggarantixxu l-indipendenza u l-konformità mar-regoli stabbiliti; jemmen, barra minn hekk, li l-esplorazzjoni ta' strumenti ġodda għall-kooperazzjoni bejn il-gvernijiet, l-organizzazzjonijiet sportivi u l-UE tista' tgħin biex jiġu indirizzati ftit mill-isfidi attwali li qed tiffaċċja l-industrija sportiva;

10.  Iħeġġeġ lill-Istati Membri jagħtu finanzjament pubbliku għall-isport, suġġett għall-konformità mal-istandards minimi ta' governanza, monitoraġġ u rapportaġġ stabbiliti u disponibbli għall-pubbliku;

11.  Jemmen li t-titjib tal-governanza tajba u l-integrità fl-isport jeħtieġ bidla fil-mentalità tal-partijiet ikkonċernati rilevanti kollha; jappoġġja l-inizjattivi meħuda mill-organizzazzjonijiet sportivi u mill-partijiet ikkonċernati rilevanti oħra biex itejbu l-istandards ta' governanza sportiva u jsaħħu d-djalogu u l-kooperazzjoni mal-awtoritajiet lokali u nazzjonali;

12.  Jitlob lill-organizzazzjonijiet sportivi biex sal-2018 iressqu, u jimplimentaw kif dovut, proposti konkreti biex itejbu l-istandards ta' governanza tajba għall-organizzazzjonijiet sportivi, il-korpi governattivi sportivi u l-assoċjazzjonijiet membri tagħhom, u biex jippubblikaw ir-riżultati; jenfasizza li monitoraġġ xieraq huwa essenzjali f'dan ir-rigward;

13.  Jistieden lill-Istati Membri jistabbilixxu x-xiri tal-logħob bħala reat kriminali speċifiku u jiżguraw li kwalunkwe attività kriminali, bħax-xiri tal-logħob u l-korruzzjoni fl-isports, tkun suġġetta għal proċedimenti ġudizzjarji u sanzjoni xierqa, fejn dan għadu mhux il-każ, peress li x-xiri tal-logħob u l-manipulazzjoni tal-kompetizzjonijiet sportivi jiksru l-etika u l-integrità tal-isport u diġà huma suġġetti għal sanzjonijiet mill-awtoritajiet sportivi;

14.  Jirrimarka li l-isfidi assoċjati mal-investigazzjoni ta' każijiet internazzjonali ta' xiri tal-logħob jeħtieġu l-iskambju ta' informazzjoni transkonfinali u l-kooperazzjoni bejn il-korpi sportivi, l-awtoritajiet statali u l-operaturi tal-logħob tal-azzard, fil-qafas tal-pjattaformi nazzjonali, sabiex jiġi identifikat, investigat u jitressaq quddiem il-ġustizzja x-xiri tal-logħob; Jistieden lill-Istati Membri jikkunsidraw li jdaħħlu, fejn għadhom m'għamlux dan, servizzi ta' prosekuzzjoni dedikati inkarigati speċifikament biex jinvestigaw każijiet ta' frodi fl-isports; ifakkar, f'dan ir-rigward, li r-raba' Direttiva dwar il-Ġlieda Kontra l-Ħasil tal-Flus iddaħħal rekwiżit għall-fornituri tal-logħob tal-azzard biex iwettqu kontrolli ta' diliġenza dovuta fuq tranżazzjonijiet għoljin;

15.   Iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jsibu soluzzjoni li tippermetti lill-UE u l-Istati Membri tagħha jiffirmaw u jirratifikaw il-Konvenzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa dwar il-manipulazzjoni tal-kompetizzjonijiet sportivi bil-għan li din tiġi implimentata u ratifikata b'mod sħiħ, u jħeġġeġ lill-Kummissjoni tappoġġja u tiffaċilita dan il-proċess u tiżgura li dan ikun segwit b'mod effettiv;

16.  Ifakkar lill-Kummissjoni dwar il-wegħda tagħha li toħroġ rakkomandazzjoni dwar l-iskambju tal-aħjar prattiki fil-prevenzjoni u l-ġlieda kontra it-tqarriq tal-logħob relatat mal-azzard u jħeġġiġha tippubblika din ir-rakkomandazzjoni mingħajr dewmien;

17.  Jistieden lill-Kummissjoni ssaħħaħ ir-rabtiet interistituzzjonali mal-Kunsill tal-Ewropa, u sussegwentement tiżviluppa programmi operattivi kkoordinati li jiżguraw l-aktar użu effiċjenti tar-riżorsi;

18.  Jappoġġja, u jinkoraġġixxi iktar, il-prevenzjoni, l-edukazzjoni u l-kampanji ta' sensibilizzazzjoni u l-programmi ta' informazzjoni li jservu biex jipprovdu lill-atleti, il-kowċis, l-uffiċjali u l-partijiet ikkonċernati rilevanti fil-livelli kollha b'pariri dwar it-theddid tax-xiri tal-logħob, id-doping u kwistjonijiet oħra relatati mal-integrità, inklużi r-riskji li jistgħu jiltaqgħu magħhom u modi kif jistgħu jirrapportaw approċċi dubjużi; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jipproponu miżuri konkreti biex dawn jiddaħħlu fil-Pjan ta' Ħidma li jmiss tal-UE, bħal programmi u proġetti pilota, immirati li jiżguraw li ż-żgħażagħ jingħataw edukazzjoni ċivika fl-isport minn età kemm jista' jkun żgħira;

19.  Jistieden lill-Kummissjoni Ewropea tkompli tappoġġja l-proġetti kontra d-doping permezz tal-programm Erasmus+, filwaqt li tivvaluta l-impatt tiegħu u tiżgura li dan jikkumplimenta b'mod utli l-iskemi ta' finanzjament eżistenti fil-ġlieda kontra d-doping;

20.  Jistieden lill-Kummissjoni tappoġġja l-governanza tajba fi proġetti ta' ġestjoni tal-isport permezz tal-programm Erasmus+;

21.  Jistieden lill-Istati Membri jappoġġjaw il-kontrolli tad-doping, il-programmi ta' ttestjar nazzjonali u l-leġiżlazzjonijiet li jippermettu l-koordinazzjoni u l-iskambju ta' informazzjoni bejn l-awtoritajiet tal-istat u l-aġenziji kontra d-doping; jistieden lill-Istati Membri jippermettu lil dawn tal-aħħar jistabbilixxu programmi ta' monitoraġġ estensiv għad-doping, u jipproċessaw u jiskambjaw id-data b'konformità mar-regoli attwali u futuri dwar il-protezzjoni tad-data tal-UE;

22.  Jinnota l-importanza tal-Aġenzija Dinjija tal-Antidoping (World Anti-Doping Agency – WADA) għall-monitoraġġ u l-koordinazzjoni ta' politiki u regoli kontra d-doping fid-dinja kollha; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jaħdmu mill-qrib mal-Aġenzija Dinjija tal-Antidoping, il-UNESCO u l-Kunsill tal-Ewropa bil-għan li jevitaw u jiġġieldu kontra d-doping b'mod iktar effikaċi billi jsaħħu l-impenji legali u politiċi tal-Kodiċi Dinji Kontra d-Doping (World Anti-Doping Code – WADAC); jistieden lill-UE tinkoraġġixxi l-iskambju ta' informazzjoni u tal-aħjar prattiki dwar il-politiki dwar is-saħħa u l-prevenzjoni fil-ġlieda kontra d-doping;

23.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Kunsill jinkoraġġixxu u jiffaċilitaw in-negozjar tal-ftehimiet bejn il-pajjiżi li jippermettu lit-timijiet ta' kontroll tad-doping awtorizzati kif xieraq minn pajjiżi oħra iwettqu testijiet, filwaqt li jirrispettaw id-drittijiet fundamentali tal-atleti, b'konformità mal-Konvenzjoni Internazzjonali kontra d-doping fl-isport;

24.  Huwa tal-opinjoni li d-doping huwa wkoll problema li qed tikber fis-settur tal-isport rikreattiv, fejn kampanji ta' edukazzjoni u informazzjoni u strutturi u ħarrieġa esperjenzati u professjonali huma meħtieġa biex jgħinu biex tiġi promossa imġiba sana fir-rigward tad-doping;

25.  Jistieden lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni jaħdmu mill-qrib mal-Aġenzija Dinjija tal-Antidoping u mal-Kunsill tal-Ewropa fid-definizzjoni ta' politika għall-protezzjoni tal-informaturi;

26.  Iħeġġeġ lill-organizzazzjonijiet sportivi u lill-awtoritajiet pubbliċi nazzjonali jistabbilixxu sistemi koordinati kontra d-doping għall-monitoraġġ transkonfinali u jieħdu miżuri konkreti kontra l-manifattura u t-traffikar ta' sustanzi illegali li jtejbu l-prestazzjoni fid-dinja tal-isport;

27.  Jilqa' l-Konvenzjoni l-ġdida tal-Kunsill tal-Ewropa dwar Approċċ Integrat ta' Sikurezza, Sigurtà u Servizz f'Partiti tal-Futbol u Avvenimenti Sportivi oħra, u jħeġġeġ lill-Istati Membri jiffirmawha u jirratifikawha mingħajr dewmien; itenni l-proposta tiegħu biex fl-Ewropa jiddaħħal ir-rikonoxximent reċiproku tal-projbizzjonijiet mill-istadiums u l-iskambju ta' data f'dan ir-rigward;

28.  Jistieden lill-Kummissjoni tesplora modi ta' kondiviżjoni tal-informazzjoni fil-kuntest tal-vjolenza fl-isport permezz tan-netwerks eżistenti;

29.  Jinnota li t-theddida tat-terroriżmu titlob sforzi ġodda biex jiġu żgurati s-sikurezza u s-sigurtà operattivi waqt avvenimenti sportivi;

30.  Jenfasizza li l-korpi sportivi għandhom jiżguraw l-aċċess meħtieġ u opportunitajiet ta' ġbir ta' aħbarijiet fl-avvenimenti sportivi kollha għall-midja ta' aħbarijiet indipendenti sabiex jippermettulhom jaqdu r-rwol tagħhom bħala osservaturi importanti u kritiċi ta' avvenimenti sportivi u tal-amministrazzjoni sportiva;

31.   Jikkundanna bil-qawwa l-forom kollha ta' diskriminazzjoni fl-isport, kemm fil-grawnd kif ukoll barra l-grawnd, u jissottolinja l-ħtieġa li tali mġiba tiġi evitata fil-livelli kollha, li jitjiebu r-rappurtar u l-monitoraġġ ta' tali inċidenti u li jiġu promossi valuri fundamentali bħar-rispett, il-ħbiberija it-tolleranza u l-ispirtu ta' logħob ġust; huwa tal-fehma li l-organizzazzjonijiet sportivi li josservaw standards għoljin ta' governanza tajba huma mgħammra aħjar biex jippromwovu r-rwol tal-isport fis-soċjetà u biex jiġġieldu kontra r-razziżmu, id-diskriminazzjoni u l-vjolenza;

32.  Ifakkar fil-ħtieġa li tissaħħaħ il-ġlieda kontra t-traffikar tal-bnedmin fl-isport, b'mod partikolari t-traffikar tat-tfal;

33.   Jilqa' l-prattiki awtoregolatorji tajbin bħall-inizjattiva tal-Fair Play Finanzjarju, fis-sens li dawn jinkoraġġixxu razzjonalità aktar ekonomika u standards aħjar ta' ġestjoni finanzjarja fl-isport professjonali b'fokus fuq terminu twil minflok fuq terminu qasir u b'hekk jikkontribwixxu għall-iżvilupp san u sostenibbli tal-isport fl-Ewropa; Jenfasizza li l-inizjattiva tal-Fair Play Finanzjarju ħeġġet standards ta' ġestjoni finanzjarja aħjar u għandha, għalhekk, tiġi applikata strettament;

34.  Jilqa' l-investiment trasparenti u sostenibbli fl-isport u fl-organizzazzjonijiet sportivi, dment li dawn ikunu suġġetti għal kontrolli stretti u rekwiżiti ta' divulgazzjoni u ma jkunux ta' ħsara għall-integrità tal-kompetizzjonijiet u l-atleti;

35.  Iqis il-mudell ta' sjieda fejn il-membri tal-klabbs iżommu l-kontroll tal-klabb (permezz tar-regola 50+1) bħala prattika tajba fl-UE, u jistieden lill-Istati Membri, lill-korpi tat-tmexxija tal-isport, lill-federazzjonjiet nazzjonali u lill-kampjonati biex jibdew djalogu u skambju kostruttiv fuq dan il-mudell;

36.  Jisħaq fuq il-fatt li l-atleti, b'mod partikolari l-minuri, għandhom ikunu protetti minn prattiki abbużivi bħas-sjieda minn parti terza, prattiki li jqajmu għadd ta' mistoqsijiet dwar l-integrità u l-etika ta' natura usa'; jappoġġja deċiżjonijiet minn korpi governattivi biex il-projbizzjoni tas-sjieda minn parti terza ta' plejers, u jistieden lill-Kummissjoni tikkunsidra il-projbizzjoni ta' sjieda ta' parti terza skont il-liġi tal-UE u jistieden lill-Istati Membri jieħdu miżuri addizzjonali biex jindirizzaw id-drittijiet tal-atleti;

37.  Iqis li hija meħtieġa valutazzjoni mill-ġdid tar-regoli li jippromwovu lill-plejers lokali sabiex jitwessgħu l-opportunitajiet għall-plejers żgħażagħ b'talent biex jilagħbu fl-ewwel tim tal-klabb tagħhom u b'hekk jissaħħaħ il-bilanċ kompetittiv fl-Ewropa kollha;

38.  Jistieden lill-korpi tat-tmexxija u lill-awtoritajiet nazzjonali fil-livelli kollha jieħdu miżuri li jiggarantixxu kumpens lill-klabbs li jħarrġu sabiex jiġi inkoraġġit ir-reklutaġġ u t-taħriġ tal-plejers żgħażagħ, b'konformità mas-Sentenza Bernard tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea tas-16 ta' Marzu 2010;

39.  Itenni l-impenn tiegħu lejn il-mudell Ewropew tal-isport organizzat, fejn il-federazzjonijiet għandhom rwol ċentrali, peress li dan jibbilanċja l-bosta interessi diverġenti bejn il-partijiet ikkonċernati kollha, bħall-atleti, il-plejers, il-klabbs, il-kampjonati, l-assoċjazzjonijiet u l-voluntiera, b'rappreżentanza xierqa u demokratika u mekkaniżmi ta' trasparenza tul il-proċess ta' teħid ta' deċiżjonijiet, u b'kompetizzjonijiet mifutħa bbażati fuq il-mertu sportiv; jitlob li jkun hemm iktar solidarjetà finanzjarja fil-livelli kollha;

40.  Jilqa' l-Forum annwali tal-Isport tal-UE li jippromwovi djalogu annwali mal-partijiet ikkonċernati minn federazzjonijiet tal-isport internazzjonali u Ewropej, il-moviment Olimpiku, l-organizzazzjonijiet umbrella tal-isport Ewropej u nazzjonali u organizzazzjonijiet oħra relatati mal-isport; jirrimarka li l-istruttura ta' djalogu mal-partijiet ikkonċernati, il-funzjonijiet tal-forum u s-segwitu tad-diskussjoni jeħtieġ li jitjiebu aktar;

41.  Jilqa' l-isforzi tal-Kummissjoni, u tal-partijiet kkonċernati kollha, biex jippromwovu d-djalogu soċjali fl-isport, li huwa opportunità eċċellenti biex jiġi pprovdut bilanċ bejn id-drittijiet fundamentali u tax-xogħol tal-isportivi u n-natura ekonomika tal-isport bl-involviment tal-partijiet ikkonċernati kollha, inklużi s-sħab soċjali fid-diskussjoni u l-konklużjoni tal-ftehimiet; jirrikonoxxi r-responsabilità tal-organizzazzjonijiet sportivi li jimpenjaw ruħhom li jiżviluppaw kultura ta' trasparenza; jinsisti li l-UE għandha tippromwovi b'mod attiv standards minimi ta' impjieg u ta' xogħol għall-atleti professjonali fl-Ewropa kollha;

42.  Itenni t-talba tiegħu biex jiġu stabbiliti reġistri ta' trasparenza għall-pagament tal-aġenti sportivi, sostnuti minn sistema ta' monitoraġġ effiċjenti, bħal kamra tal-ikklirjar għal pagamenti u sanzjonijiet xierqa, b'kooperazzjoni mal-awtoritajiet pubbliċi rilevanti, sabiex jiġu indirizzati l-prattiki ħżiena tal-aġenti; itenni t-talba tiegħu biex l-aġenti sportivi jingħataw liċenzja u jiġu rreġistrati, kif ukoll biex jiddaħħal livell minimu ta' kwalifiki; jistieden lill-Kummissjoni tagħti segwitu għall-konklużjonijiet tal-istudju tagħha bl-isem "Study on sports agents in the European Union" (Studju dwar l-aġenti sportivi fl-Unjoni Ewropea), b'mod partikolari fir-rigward tal-osservazzjoni li l-aġenti huma ċentrali fi flussi finanzjarji li spiss ma jkunux trasparenti, u b'hekk ikunu suxxettibbli għal attivitajiet illegali;

43.  Jemmen li approċċ integrat għall-ugwaljanza bejn is-sessi fl-isport jista' jgħin biex jiġu evitati l-isterjotipi u jinħoloq ambjent soċjali pożittiv għal kulħadd; Jilqa' l-inizjattivi li jinkoraġġixxu l-ugwaljanza bejn is-sessi u l-parteċipazzjoni ugwali f'karigi ta' teħid ta' deċiżjonijiet fl-isport, li jipperemettu lill-atleti nisa jirrikonċiljaw il-ħajja tal-familja mal-ħajja professjonali tagħhom, u li jfittxu li jnaqqsu d-differenza bejn il-pagi tan-nisa u tal-irġiel u d-disparitajiet fl-għotijiet, kif ukoll kwalunkwe tip ta' sterjotipu jew fastidju fl-isport; jitlob lill-assoċjazzjonijiet sportivi jagħtu attenzjoni partikolari lid-dimensjoni tal-ġeneru billi jħeġġu l-parteċipazzjoni tan-nisa fl-isport;

L-inklużjoni soċjali, il-funzjoni soċjali u l-aċċessibilità tal-isport

44.  Jemmen li l-investiment fl-isports se jgħinna nibnu soċjetajiet uniti u inklużivi, inwarrbu l-ostakli u nagħmluha possibbli li n-nies jirrispettaw lil xulxin billi jibnu pontijiet bejn il-kulturi u bejn il-firdiet etniċi u soċjali, u nippromwovu messaġġ pożittiv ta' valuri kondiviżi, bħar-rispett reċiproku, it-tolleranza, il-kompassjoni, it-tmexxija, l-ugwaljanza fl-opportunitajiet u l-istat tad-dritt;

45.  Jilqa' l-avvenimenti sportivi transnazzjonali li jsiru f'diversi pajjiżi Ewropej sakemm dawn jikkontribwixxu għall-promozzjoni tal-valuri komuni ewlenin tal-UE bħall-pluraliżmu, it-tolleranza, il-ġustizzja, l-ugwaljanza u s-solidarjetà; ifakkar li l-attivitajiet u l-avvenimenti sportivi jippromwovu t-turiżmu fil-bliet u t-territorji Ewropej;

46.  Jenfasizza l-valur tal-ħiliet trasversali miksuba permezz tal-isport bħala parti mit-tagħlim mhux formali u informali, u jenfasizza ulterjorment ir-rabta bejn l-isport, l-impjegabilità, l-edukazzjoni u t-taħriġ;

47  Jenfasizza r-rwol tal-isport fl-inklużjoni u l-integrazzjoni tal-gruppi żvantaġġjati; jilqa' inizjattivi li jagħtu lir-rifuġjati, lill-migranti u lil dawk li jfittxu l-asil il-possibilità li jikkompetu bħala atleti fil-kompetizzjonijiet sportivi;

48.  Jenfasizza l-importanza tal-edukazzjoni permezz tal-isport u l-potenzjal tal-isport li jgħin biex iż-żgħażagħ soċjalment vulnerabbli jerġgħu jqumu lura fuq saqajhom; jirrikonoxxi l-importanza tal-isport tal-massa fil-prevenzjoni tar-radikalizzazzjoni u l-ġlieda kontra dan il-fenomenu, u jinkoraġġixxi u jappoġġja inizjattivi f'dan ir-rigward; jilqa', f'dan ir-rigward, żewġ proġetti pilota adottati mill-Parlament Ewropew: "Sport as a tool for integration and social inclusion of the refugees" (L-isports bħala għodda għall-integrazzjoni u l-inklużjoni soċjali tar-refuġjati) u "Monitoring and coaching through sports of youngsters at risk of radicalisation" (Il-monitoraġġ u t-taħriġ permezz tal-isports ta' żgħażagħ f'riskju ta' radikalizzazzjoni);

49.  Ifakkar li l-atleti żgħażagħ Ewropej spiss jiffaċċjaw sfidi fejn ikollhom jikkombinaw il-karrieri sportivi tagħhom mal-edukazzjoni u x-xogħol; jirrikonoxxi li l-edukazzjoni ogħla u t-taħriġ vokazzjonali huma kruċjali għall-għan li tiġi massimizzata l-inklużjoni futura ta' atleti fis-suq tax-xogħol; jappoġġja l-introduzzjoni ta' sistemi effettivi ta' karriera doppja, b'rekwiżiti minimi ta' kwalità u monitoraġġ xieraq tal-progress tal-programmi ta' karriera doppja fl-Ewropa, kif ukoll il-forniment ta' servizzi ta' gwida għall-karriera permezz ta' ftehimiet ma' universitajiet jew istituti ta' edukazzjoni ogħla; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jiffaċilitaw il-mobilità transkonfinali tal-atleti, jarmonizzaw ir-rikonoxximent tal-kwalifiki tal-isport u tal-edukazzjoni, inkluża l-edukazzjoni mhux formali u informali miksuba permezz tal-isport, u jsaħħu l-iskambju ta' prattiki tajbin;

50.  Jenfasizza l-ħtieġa li jiġi żgurat appoġġ finanzjarju sostenibbli għall-progammi ta' skambju ta' karriera doppja fil-livell tal-UE u dak nazzjonali permezz tal-kapitolu tal-isport tal-Erasmus+ u li titħeġġeġ iktar riċerka f'dan il-qasam; jistieden lill-Istati Membri jippromwovu, b'kollaborazzjoni mal-istituzzjonijiet edukattivi, l-iskambji transkonfinali ta' atleti u jipprovdu aċċess għal boroż ta' studju għall-atleti;

51.  Jappoġġja l-mobilità tal-kowċis u ta' fornituri oħra tas-servizzi (bħall-fiżjoterapisti u l-konsulenti dwar il-karriera doppja), u l-iskambju ta' prattiki tajbin, b'enfasi fuq ir-rikonoxximent tal-kwalifiki u l-innovazzjonijiet tekniċi;

52.  Jistieden lill-organizzazzjonijiet sportivi jippromvowu, flimkien mal-Istati Membri, standards minimi għall-kowċis li jinkludu kontrolli tal-kondotta kriminali, taħriġ fis-salvagwardja u l-protezzjoni tal-minuri u tal-adulti vulnerabbli, kif ukoll fil-prevenzjoni tad-doping u tax-xiri tal-logħob u fil-ġlieda kontrihom;

53.  Jenfasizza li n-nuqqas ta' attività fiżika huwa identifikat mid-WHO bħala r-raba' fattur ta' riskju ewlieni ta' mortalità globali, b'impatti u spejjeż soċjali u ekonomiċi diretti u indiretti konsiderevoli għall-Istati Membri; jinsab imħasseb li, minkejja l-flejjes konsiderevoli li ntefqu biex tiġi promossa l-attività fiżika, u minkejja l-impatt sinifikanti fuq is-saħħa ġenerali tan-nuqqas tagħha, il-livelli tal-attività fiżika qed jonqsu f'xi Stati Membri;

54.  Jistieden lill-organizzazzjonijiet sportivi u lill-Istati Membri jikkooperaw biex jappoġġjaw l-impjegabilità u l-mobilità tal-kowċis li qed ifittxu li jaħdmu fl-UE, permezz ta' impenn li jiġu żgurati l-kontrolli tal-kwalità tal-kompetenza tagħhom u l-istandards tal-kwalifiki u t-taħriġ;

55.  Iħeġġeġ lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni jagħmlu lill-attività fiżika prijorità politika fil-Pjan ta' Ħidma tal-Unjoni Ewropea għall-Isport li jmiss, speċjalment għaż-żgħażagħ u l-komunitajiet vulnerabbli minn żoni soċjalment deprivati fejn il-parteċipazzjoni fiżika hija baxxa;

56.  Jistieden lill-federazzjonijiet internazzjonali u nazzjonali, u lil fornituri oħra tal-edukazzjoni, jiżguraw li l-kwistjonijiet relatati mal-integrità fl-isport jiġu inklużi fil-kurrikulu tal-kwalifiki tat-taħriġ fl-isport;

57.  Jissottolinja li l-promozzjoni tal-edukazzjoni fiżika fl-iskejjel hija punt tad-dħul essenzjali għat-tfal biex jitgħallmu ħiliet għall-ħajja, attitudnijiet, valuri, għarfien u fehim, kif ukoll biex igawdu minn attività fiżika tul il-ħajja; ifakkar li l-parteċipazzjoni fl-isport fl-universitajiet u mill-persuni anzjani għandha rwol vitali fiż-żamma ta' stili ta' ħajja sani u fil-promozzjoni tal-interazzjoni soċjali;

58.  Iqis il-fatt li l-popolazzjoni tal-UE qed tixjieħ, u li għalhekk għandha tingħata attenzjoni speċifika lill-impatt pożittiv li l-attività fiżika jista' jkollha fuq is-saħħa u l-benesseri tal-anzjani;

59.  Jenfasizza l-fatt li l-isport u l-attività fiżika jenħtieġ li jiġu promossi b'mod aħjar fis-setturi politiċi kollha; jinkoraġġixxi lill-awtoritajiet lokali u lill-muniċipalitajiet jippromwovu aċċess ugwali għall-attività fiżika; jirrakkomanda lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni jinkoraġġixxu liċ-ċittadini biex jipprattikaw attivitajiet fiżiċi fuq bażi aktar regolari permezz ta' politiki u programmi xierqa dwar is-saħħa għall-ħajja ta' kuljum tagħhom;

60.  Jistieden lill-Istati Membri jippromwovu aħjar l-isport fost il-gruppi soċjalment esklużi u fost il-persuni li jgħixu f'żoni soċjalment deprivati, fejn il-parteċipazzjoni fl-isport spiss tkun baxxa, u jtejbu l-kooperazzjoni mal-organizzazzjonijiet mhux governattivi u mal-iskejjel attivi f'dan il-qasam, b'mod partikolari fl-ippjanar urban u fil-kostruzzjoni ta' faċilitajiet sportivi, sabiex jitqiesu l-ħtiġijiet speċjali tal-pubbliku u b'mod partikolari tal-gruppi vulnerabbli; jistieden lill-Istati Membri jiżguraw aċċess sħiħ u ugwali għall-faċilitajiet sportivi pubbliċi fl-oqsma kollha u jippromwovu l-istabbiliment ta' klabbs sportivi ġodda, b'mod partikolari fiż-żoni rurali u urbani żvantaġġjati;

61.  Jenfasizza li l-persuni b'diżabilità għandu jkollhom aċċess ugwali għall-faċilitajiet sportivi kollha, u għat-trasport u faċilitajiet oħra, u l-persunal ta' appoġġ, li dan jeħtieġ, u jitlob li jkun hemm integrazzjoni akbar tal-komponenti kollha relatati mal-isport skont il-prinċipju li l-faċilitajiet sportivi għandhom ikunu aċċessibbli għal kulħadd; iħeġġeġ lill-Istati Membri jimplimentaw programmi sportivi inklużivi għall-persuni b'diżabilità fl-iskejjel u fl-universitajiet, inkluż billi jipprovdu kowċis imħarrġa u programmi adattati ta' attività fiżika, billi jibdew mil-livelli l-aktar baxxi fl-iskejjel, sabiex l-istudenti b'diżabilità jkunu jistgħu jipparteċipaw fil-lezzjonijiet tal-isport u fl-attivitajiet extrakurrikulari sportivi;

62.  Jagħraf ir-rwol fundamentali tal-Logħob Paralimpiku Internazzjonali fit-trawwim tal-kuxjenza, fil-ġlieda kontra d-diskriminazzjoni u fil-promozzjoni ta' aċċess għall-isport għall-persuni b'diżabilità; jistieden lill-Istati Membri jżidu l-isforzi lejn l-inklużjoni tal-persuni b'diżabilità f'attivitajiet sportivi u jżidu l-viżibilità fil-midja pubblika u x-xandir pubbliku tal-Logħob Paralimpiku u kompetizzjonijiet oħra li jinvolvu atleti b'diżabilità;

63.  Jistieden lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni jiżguraw li t-tfal jipprattikaw l-isport f'ambjent sikur;

64.  Jilqa' l-inizjattivi meħuda biex jiġu promossi l-inklużjoni, l-integrità u l-aċċessibilità fl-isports permezz tal-użu ta' teknoloġiji ġodda u l-innovazzjoni;

65.  Jilqa' s-suċċess tal-Ġimgħa Ewropea tal-Isport, li għandha l-għan li tippromwovi l-isport, l-attività fiżika u stil ta' ħajja aktar san għal kulħadd fl-Ewropa kollha irrispettivament mill-età, l-isfond jew il-livell ta' saħħa fiżika, u jistieden lill-istituzzjonijiet u l-Istati Membri jieħdu sehem f'din l-inizattiva u jippromwovuha ulterjorment, filwaqt li jiżguraw li din tkun aċċessibbli għall-akbar għadd ta' persuni possibbli, partikolarment fl-iskejjel;

66.  Iqis li l-isports tradizzjonali huma parti mill-wirt kulturali Ewropew;

67.  Jilqa' l-istudju tal-Kummissjoni dwar l-ispeċifiċità tal-isport; jistieden lill-Kummissjoni u lill-organizzazzjonijiet sportivi jikkunsidraw passi ulterjuri biex tiġi żviluppata l-ispeċifiċità tal-isport;

68.  Jenfasizza li l-finanzjament huwa għodda politika importanti tal-UE li tintuża biex ittejjeb l-oqsma ewlenin tal-attività tal-UE fl-isport; jistieden lill-Kummissjoni talloka aktar fondi lill-isport fl-ambitu ta' Erasmus+, b'enfasi fuq l-isport u l-edukazzjoni tal-massa, u żżid il-viżibilità u l-aċċesibilità tiegħu sabiex ittejjeb l-integrazzjoni tal-isport fi programmi oħra ta' finanzjament bħall-FSIE jew il-Programm tas-Saħħa; jitlob li jkun hemm komunikazzjoni aħjar bejn il-Kummissjoni u l-Istati Membri sabiex dawn il-fondi jkunu jistgħu jintużaw b'mod aktar effikaċji u sabiex jiġi minimizzat il-piż amministrattiv fuq organizzazzjonijiet tal-isport tal-massa;

69.  Iħeġġeġ lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni jappoġġjaw miżuri u programmi li jippromwovu l-mobilità, il-parteċipazzjoni, l-edukazzjoni, l-iżvilupp tal-ħiliet u t-taħriġ tal-voluntiera fl-isport, kif ukoll ir-rikonoxximent tal-ħidma tagħhom; jirrakkomanda l-iskambju tal-aħjar prattiki fil-volontarjat billi tingħata daqqa t'id lill-promozzjoni tal-iżvilupp ta' prattiki u kultura tal-isports, inkluż permezz tal-linji previsti mill-programm Erasmus+;

70.  Jitlob lill-Kummissjoni toħroġ linji gwida rigward l-applikazzjoni tar-regoli antitrust filwaqt li jitqiesu l-miri soċjali, kulturali u edukattivi tal-isport sabiex ikun hemm iktar ċertezza legali; iqis, f'dan ir-rigward, li l-ebda organizzazzjoni sportiva, b'mod partikolari l-organizzazzjonijiet tal-isport tal-massa, ma għandha tiġi diskriminata meta tapplika għall-fondi pubbliċi fil-livell nazzjonali u lokali;

71.  Iqis li huwa kruċjali li l-mekkaniżmi ta' solidarjetà finanzjarja fl-isports jistabbilixxu r-rabta meħtieġa bejn l-isport professjonali u dak tad-dilettanti; jilqa', f'dan ir-rigward, il-kontribut li jagħtu l-lotteriji nazzjonali għall-isport tal-massa, u jħeġġeġ lill-Istati Membri jiżguraw li l-operaturi tal-logħob tal-azzard bil-liċenzja jkunu suġġetti għal introjtu finanzjarju obbligatorju u ġust għall-isport tal-massa u l-proġetti mmirati biex itejbu l-aċċess tal-massa għall-isport, bil-ħsieb li tiġi żgurata s-sostenibilità, it-trasparenza u t-traċċabilità tagħhom, flimkien mal-kontributi finanzjarji li diġà saru permezz tal-bejgħ ta' drittijiet tal-midja u tax-xandir;

72.  Jisħaq li l-bejgħ tad-drittijiet televiżivi fuq bażi ċentralizzata, esklużiva u territorjali, bil-kondiviżjoni ekwa tad-dħul, huwa essenzjali għall-finanzjament sostenibbli tal-isport fil-livelli kollha u biex jiġu żgurati kundizzjonijiet ta' kompetizzjoni ekwi;

73.  Jenfasizza li l-ksur tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali fl-isport jhedded il-finanzjament fit-tul tiegħu;

74.  Jirrakkomanda li l-Istati Membri jdaħħlu u jużaw b'mod attiv is-sistemi tat-taxxa rispettivi tagħhom biex jappoġġjaw l-eżenzjoni mill-VAT, il-ħelsien mit-taxxa u forom oħra ta' inċentivi finanzjarji għall-isport tal-massa; jirrikonoxxi li r-regoli dwar l-għajnuna statali jenħtieġ li ma japplikawx għal tali appoġġ;

75.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jallokaw aktar fondi biex jinfetħu grawnds sportivi u żoni tal-logħob rikreattiv pubbliċi sabiex tissaħħaħ l-aċċessibilità faċli għall-isport tal-massa;

76.  Iqis li s-sostenibilità u l-protezzjoni ambjentali għandhom jikkostitwixxu parti integrali mill-avvenimenti sportivi u li l-partijiet ikkonċernati sportivi jenħtieġ li jikkontribwixxu għall-Aġenda Globali għall-2030 dwar l-Għanijiet ta' Żvilupp Sostenibbli;

77.  Iħeġġeġ lill-kumitati Olimpiċi nazzjonali u lill-federazzjonijiet sportivi tal-Istati Membri jadottaw u jużaw il-bandiera u s-simbolu tal-UE, flimkien ma' bnadar individwali u simboli nazzjonali fl-okkażjoni ta' avvenimenti sportivi internazzjonali;

78.  Jenfasizza li l-isport huwa fattur qawwi fil-ħolqien u t-tisħiħ ta' sentiment ta' appartenenza lokali, nazzjonali u anki Ewropea;

79.  Jenfasizza l-importanza li jkun hemm trasparenza sħiħa ta' sjieda fil-klabbs sportivi professjonali;

80.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jibgħat din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni, kif ukoll lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri, u lill-federazzjonijiet u l-kampjonati sportivi Ewropej, internazzjonali u nazzjonali.

(1)

Testi adottati, P8_TA(2015)0233.

(2)

Testi adottati, P7_TA(2013)0444.

(3)

Testi adottati, P7_TA(2013)0348.

(4)

Testi adottati, P7_TA(2013)0098.

(5)

ĠU C 239 E, 20.8.2013, p. 46.

(6)

ĠU C 271 E, 12.11.2009, p. 51.

(7)

ĠU C 27 E, 31.1.2008, p. 232.

(8)

Testi adottati, P7_TA(2010)0233.

(9)

Testi adottati, P7_TA(2013)0517.

(10)

Testi adottati, P8_TA(2016)0005.

(11)

ĠU C 326, 3.12.2010, p. 5.


NOTA SPJEGATTIVA

Mindu ġie ratifikat it-Trattat ta' Lisbona fl-2009, l-Unjoni Ewropea kellha kompetenza diskreta fil-politika tal-isport. Seba' snin wara, dan ir-rapport għandu l-għan li jevalwa din id-direzzjoni politika. Dan ir-rapport huwa bbażat fuq ir-rapport Fisas dwar Id-dimensjoni Ewropea tal-isport(1). Waħda mill-miri ta' dan ir-rapport hija li jingħataw linji gwida u rakkomandazzjonijiet għall-ħidma tal-Kummissjoni Ewropea dwar l-evalwazzjoni tal-implimentazzjoni tal-politika tagħha u biex jingħataw indikazzjonijiet lill-Istati Membri u lis-settur tal-isport organizzat, f'kooperazzjoni mal-awtoritajiet pubbliċi nazzjonali u Ewropej. Ir-rapport huwa maqsum fi tliet temi ewlenin: l-integrità, il-governanza tajba u l-aċċessibilità.

L-isport jirrifletti s-soċjetà. Ir-raġuni wara l-ħolqien ta' paradigma ta' politika sportiva ġdida, l-aċċessibilità, hija minħabba li l-aċċess għall-isport illum huwa meqjus bħala dritt fundamentali(2) u kulħadd, inklużi l-gruppi l-aktar vulnerabbli mil-lat soċjali, bħall-anzjani, il-migranti u l-persuni b'diżabilità, jeħtiġilhom ikollhom drittijiet ugwali biex jinvolvu ruħhom fl-attività fiżika u l-isport. L-isport huwa mezz ta' integrazzjoni bejn diversitajiet kulturali, etniċi, soċjetali u nazzjonali. Fl-Ewropa tal-lum, li qiegħda tħabbat wiċċha ma' sfidi soċjetali kbar, l-aċċessibilità saret ukoll forza mexxejja ewlenija għall-inklużjoni soċjali.

L-attività fiżika hija kwistjoni oħra marbuta mal-aċċessibilità. Il-prattika tal-isport tipprevjeni l-mard deġenerattiv u tikkontribwixxi għal kwalità tal-ħajja aħjar u t-tixjiħ attiv. L-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa telenka n-nuqqas ta' attività fiżika bħala r-raba' kawża ewlenija ta' mortalità fid-dinja. Minħabba t-tixjiħ tal-popolazzjoni, l-Ewropa ser tħabbat wiċċha ma' diffikultajiet demografiċi, li se joħolqu sfidi baġitarji minħabba ż-żieda fin-nefqa soċjali. Fl-istess ħin hemm tendenza dejjem tikber ta' staġnar fl-attività fiżika. It-titjib tal-attività fiżika għandu jkun fil-qalba kemm tal-politiki sportivi, kif ukoll fil-politiki marbuta mal-edukazzjoni, is-soċjetà u s-saħħa. Waħda mill-inizjattivi ta' politika konkreta għall-promozzjoni tal-isport tal-massa u l-volontarjat fl-isport hija li tingħata eżenzjoni mill-VAT għall-isport tal-massa fl-Istati Membri kollha.

L-isport mhuwiex biss fenomenu soċjali. Il-kontribut ekonomiku tal-isport għas-soċjetà huwa enormi u din ix-xejra qed tkompli tikber. L-isport huwa forza ekonomika mexxejja wara t-turiżmu, il-benesseri, l-industrija tal-prodotti, u qed isir dejjem aktar importanti fis-servizzi diġitali. Aktar minn 7 miljun Ewropew jaħdmu fis-settur tal-isport, u n-negozju tal-isport jirrappreżenta kważi € 300 biljun(3). Għaldaqstant, it-tfassil tal-politiki fil-qasam tal-isport jirrikjedi ħsieb transettorjali;

Dan ir-rapport jappella biex ikun hemm tolleranza żero għall-korruzzjoni fl-isport. L-iskandli riċenti fil-governanza ta' organizzazzjonijiet sportivi nazzjonali, Ewropej u internazzjonali juru li wasal iż-żmien li nirreaġixxu. Aħna nappellaw lill-organizzazzjonijiet sportivi fil-livelli kollha biex iressqu proposti konkreti dwar kif tista' tittejjeb il-governanza tajba sal-2018.

Il-mudell Ewropew tal-isport huwa bażi unika u ta' suċċess għall-isport organizzat. Dan żviluppa fl-Ewropa tul perjodu ta' aktar minn 100 sena. Dan il-mudell irid jiġi mħares minn għadd ta' theddidiet. Fl-istess ħin, huwa għandu jindirizza sfidi ġodda u jibbilanċja bosta interessi ta' tipi differenti. Huwa ċar li l-mudell Ewropew tal-isport huwa inkompatibbli ma' kwalunkwe tip ta' abbuż jew malprassi, li huma inaċċettabbli.

Huwa importanti ħafna li wieħed jifhem li l-politika dwar l-isport ma tikkonċernax biss l-isport organizzat. Teżisti tendenza dejjem tikber ta' sport rikreattiv li ma jiġix ipprattikat fi strutturi organizzati. Li wieħed jibża' għal saħħtu, jiġġoggja, idur bl-iskejtbord jew jilgħab il-futbol ġo park huwa importanti daqs il-prattika ta' sport fi grupp organizzat. Wieħed ikun qed jagħmel attività fiżika anki meta jagħżel li jitla' t-taraġ minflok jieħu l-lift. Il-politika tal-UE dwar l-isport għandha tirrifletti din it-tendenza pożittiva.

Anki fl-isport jeżistu setturi u oqsma sensittivi peress li l-interessi tal-partijiet ikkonċernati jvarjaw, pereżempju bejn l-isport rikreattiv u l-isport organizzat, bejn l-isport tal-massa u l-isport tal-ogħla livell, bejn il-lotteriji nazzjonali u l-operaturi tal-imħatri privati u bejn il-federazzjonijiet u l-klabbs. L-għan ta' dan ir-rapport huwa li jżid il-koeżjoni u jibni l-pontijiet. Fl-istess ħin, it-titjib tal-attività fiżika fil-livelli kollha tas-soċjetà għandha tkun il-mira ewlenija.

It-tribunali sportivi għandhom rwol importanti biex jiżguraw interpretazzjoni koerenti fil-livell internazzjonali tar-regoli tal-logħba, filwaqt li jiggarantixxu aċċess għall-ġustizzja għal kulħadd. Fl-istess ħin, kwalunkwe nuqqas u malprassi fil-governanza għandhom ikunu soġġetti għall-proċedura kriminali ordinarja. Ir-reġim tas-sussidji pubbliċi fl-isport jistħoqqlu aktar ċarezza fl-interess tal-gvernijiet lokali, l-organizzazzjonijiet sportivi u l-kontribwenti.

L-atleti tal-ogħla livell jistgħu jkunu mudelli eżemplari għaż-żgħażagħ dment li dawn jikkonformaw mal-prinċipji bażiċi tal-integrità fl-isport. Sfortunatament, fl-isport tal-ogħla livell inħabbtu wiċċna ma' sfidi etiċi bħad-doping, ix-xiri tal-logħob u s-sjieda minn parti terza, li jridu jiġu indirizzati b'mod aktar effiċjenti. Is-soluzzjonijiet għall-isfidi li jfixklu l-integrità jistgħu jinsabu biss fil-livell Ewropew u internazzjonali, u l-protezzjoni tal-minorenni għandha tkun fil-qalba ta' dawn il-battalji. Għaldaqstant, l-għan ta' dan ir-rapport huwa li jinstabu soluzzjonijiet biex jiġu indirizzati dawn il-kwistjonijiet ta' integrità permezz ta' azzjonijiet konkreti, eż. reġistru ta' trasparenza għall-aġenti sportivi, u b'hekk tiżdied it-trasparenza fl-isport.

L-iżgurar ta' wirt pożittiv u sostenibbli minn avvenimenti sportivi kbar huwa importanti mhux biss għall-isport iżda wkoll għall-koeżjoni tal-bliet u l-pajjiżi fejn jiġu organizzati tali kompetizzjonijiet. Avvenimenti sportivi ewlenin jipprovdu opportunità kbira biex l-isport organizzat jippromwovi valuri pożittivi, b'mod partikolari meta dawn jikkonformaw mal-politiki ambjentali. Huma joffru wkoll opportunitajiet biex l-isport jintuża bħala element fundamentali għat-turiżmu u n-negozji lokali.

Il-programm Erasmus+ huwa l-aktar għodda effikaċi tal-politika tal-UE dwar l-isport. Madankollu, dan jista' jintuża b'mod saħansitra aktar effikaċi. Għandu jkun hemm aktar komunikazzjoni bejn il-Kummissjoni Ewropea u l-Istati Membri. Bħala indikatur ulterjuri biex tiġi indirizzata l-isfida tan-nuqqas ta' attività fiżika fl-Ewropa, l-UE għandha talloka aktar fondi għall-isport fl-ambitu tal-programm Erasmus+. Il-mobilità tal-voluntiera, il-kowċis, l-atleti u t-trejners jeħtieġ li tissaħħaħ. L-atleti tal-ogħla livell jimpenjaw ruħhom ta' kuljum, iżda l-aktar żmien iebes spiss jasal meta tintemm il-karriera tagħhom. F'dan ir-rigward għandhom jitqiesu t-titjib tas-sistema tal-karrieri doppji u l-involviment tal-programm Erasmus+.

(1)

P7_TA(2012)0025.

(2)

Il-Karta Internazzjonali riveduta tal-UNESCO dwar l-Edukazzjoni Fiżika, l-Attività Fiżika u l-Isport

(3)

http://www.europarl.europa.eu/EPRS/EPRS-IDA-565908-EU-sport-policy-overview-FINAL-28pages.pdf


RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALIFIL-KUMITAT RESPONSABBLI

Data tal-adozzjoni

5.12.2016

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

24

0

1

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Isabella Adinolfi, Dominique Bilde, Andrea Bocskor, Nikolaos Chountis, Silvia Costa, Mircea Diaconu, Angel Dzhambazki, María Teresa Giménez Barbat, Giorgos Grammatikakis, Petra Kammerevert, Andrew Lewer, Svetoslav Hristov Malinov, Stefano Maullu, Luigi Morgano, Momchil Nekov, Michaela Šojdrová, Helga Trüpel, Sabine Verheyen, Bogdan Brunon Wenta, Bogdan Andrzej Zdrojewski, Milan Zver, Krystyna Łybacka

Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali

Dietmar Köster, Ernest Maragall, António Marinho e Pinto

Avviż legali