Proċedura : 2014/2249(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A8-0386/2016

Testi mressqa :

A8-0386/2016

Dibattiti :

PV 14/02/2017 - 3
CRE 14/02/2017 - 3

Votazzjonijiet :

PV 16/02/2017 - 6.7

Testi adottati :

P8_TA(2017)0049

RAPPORT     
PDF 878kWORD 88k
9.1.2017
PE 573.146v02-00 A8-0386/2016

dwar it-titjib tal-funzjonament tal-Unjoni Ewropea bl-isfruttament tal-potenzjal tat-Trattat ta' Lisbona

(2014/2249(INI))

Kumitat għall-Affarijiet Kostituzzjonali

Rapporteurs: Mercedes Bresso, Elmar Brok

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW
 OPINJONI tal-Kumitat għall-Baġits
 OPINJONI tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit
 RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALIFIL-KUMITAT RESPONSABBLI

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW

dwar it-titjib tal-funzjonament tal-Unjoni Ewropea bl-isfruttament tal-potenzjal tat-Trattat ta' Lisbona

(2014/2249(INI))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra t-Trattat ta' Lisbona li jemenda t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, li kien iffirmat fit-13 ta' Diċembru 2007,

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni tad-9 ta' Mejju 1950, li ddikjarat li l-ħolqien tal-Komunità Ewropea tal-Faħam u l-Azzar irrappreżenta l-ewwel pass fil-federazzjoni tal-Ewropa,

–  wara li kkunsidra l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-20 ta' Frar 2008 dwar it-Trattat ta' Lisbona(1),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-7 ta' Mejju 2009 dwar l-impatt tat-Trattat ta' Lisbona fuq l-iżvilupp tal-bilanċ istituzzjonali tal-Unjoni Ewropea(2),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-13 ta' Marzu 2014 dwar l-implimentazzjoni tat-Trattat ta' Lisbona fir-rigward tal-Parlament Ewropew(3),

–  wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew tas-16 ta' Settembru 2015(4),

–  wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni tat-8 ta' Lulju 2015(5),

–  wara li kkunsidra r-rapport lill-Kunsill Ewropew mill-Grupp ta' Riflessjoni dwar il-Futur tal-UE 2030,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-ħames Presidenti (il-Kummissjoni, il-Kunsill, il-Grupp tal-Euro, il-Parlament u l-BĊE) dwar l-ikkompletar tal-Unjoni Ekonomika u Monetarja,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-12 ta' April 2016 dwar ir-rapporti annwali 2012-2013 dwar is-sussidjarjetà u l-proporzjonalità(6), u l-opinjoni tal-Kumitat għall-Affarijiet Kostituzzjonali dwar dak ir-rapport;

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 52 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Kostituzzjonali u l-opinjonijiet tal-Kumitat għall-Baġits u l-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit (A8-0386/2016),

A.  billi l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha qegħdin jiffaċċjaw sfidi kbar, li ebda Stat Membru ma jista' jindirizza waħdu;

B.   billi, minħabba l-kriżi ekonomika, finanzjarja u soċjali fost affarijiet oħra, l-UE qed tiffaċċja wkoll diżillużjoni taċ-ċittadini tagħha dwar il-proġett Ewropew, kif jidher ukoll mil-livell dejjem baxx ta' votanti fl-elezzjonijiet Ewropej u l-qawmien ta' forzi politiċi Ewroxettiċi jew espliċitament kontra l-Ewropa;

C.   billi l-uniku mezz biex ikunu jistgħu jitwettqu ċerti proposti li għandhom l-għan li jindirizzaw l-isfidi li qed tiffaċċja l-Unjoni u biex isaħħu l-integrazzjoni tagħha bil-ħsieb li jittejjeb il-funzjonament tagħha għall-benefiċċju taċ-ċittadini tagħha huwa permezz ta' bidla fit-Trattat; billi għandha ssir dispożizzjoni għal approċċ f'żewġ stadji għar-riforma tal-UE (fi ħdan it-Trattati u lil hinn mit-Trattati); billi d-dispożizzjonijiet tat-Trattat ta' Lisbona u l-protokolli tiegħu għadhom ma ġewx sfruttati fil-potenzjal kollu tagħhom, u din ir-riżoluzzjoni għandha l-għan uniku li tipprovdi valutazzjoni tal-possibilitajiet ġuridiċi fit-Trattati għal titjib tal-funzjonament tal-UE;

D.   billi r-rwol dominanti tal-Kunsill Ewropew jikkostitwixxi ċaħda kontinwa tal-metodu Komunitarju bil-kunċett tiegħu tal-leġittimità doppja;

E.   billi l-metodu Komunitarju jrid jiġi ppreservat u mhux jiddgħajjef b'rikors għal deċiżjonijiet intergovernattivi, inkluż f'oqsma fejn mhux l-Istati Membri kollha jissodisfaw il-kundizzjonijiet għall-parteċipazzjoni; billi r-rwol tal-Kummissjoni għandu jissaħħaħ sabiex tkun tista' taqdi l-funzjoni tagħha bħala l-magna tal-metodu Komunitarju b'mod sħiħ u effettiv;

F.   billi s-suq intern, li jiffaċilita l-moviment liberu ta' merkanzija, persuni, servizzi u kapital, huwa ġebla tax-xewka tal-UE;  

G.   billi l-Parlament Ewropew, elett demokratikament permezz ta' vot dirett universali, u għalhekk fil-qalba tad-demokrazija fil-livell tal-Unjoni huwa l-parlament tal-Unjoni kollha, u għandu rwol essenzjali fl-iżgurar tal-leġittimità u tal-obbligu ta' rendikont tad-deċiżjonijiet tal-UE, inkluża r-responsabilità demokratika ta' azzjonijiet u deċiżjonijiet speċifiċi għaż-żona tal-euro;

H.   billi skont l-Artikolu 10(2) tat-TFUE, il-Parlament Ewropew jirrappreżenta liċ-ċittadini tal-Unjoni, indipendentement min-nazzjonalità tagħhom, u l-Kunsill jirrappreżenta liċ-ċittadini tal-Istati Membri permezz tal-gvernijiet nazzjonali;

I.  billi għandu jissaħħaħ id-djalogu politiku bejn il-parlamenti nazzjonali u l-Parlament Ewropew, u għandhom jittejbu l-possibilitajiet prattiċi għall-użu tal-"karta safra" u "karta oranġjo";

J.   billi l-metodi ta' ħidma tal-Kunsill Ewropew għandhom isiru aktar trasparenti vis-à-vis il-Parlament u l-kompiti tiegħu għandhom jitwettqu fil-limiti tad-dispożizzjonijiet tat-Trattat;

K.  billi sabiex tinħoloq sistema leġiżlattiva bikamerali ġenwina li tkun demokratika u trasparenti fil-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet tagħha, id-deċiżjonijiet tal-Kunsill għandhom jittieħdu b'vot leġiżlattiv wieħed tal-Kunsill, filwaqt li l-konfigurazzjonijiet leġiżlattivi speċjalizzati eżistenti tal-Kunsill għandhom jinbidlu f'korpi preparatorji, simili għall-kumitati fil-Parlament;

L.   billi l-unità tar-responsabilità u l-kontroll hija prerekwiżit ewlieni għall-istabilità ta' kwalunkwe struttura istituzzjonali, u b'mod partikolari fir-rigward ta' kwistjonijiet ekonomiċi, fiskali u monetarji; billi l-politika ekonomika tal-UE hija mibnija fuq sjieda nazzjonali qawwija mill-Istati Membri, inkluż il-prinċipju tal-"ebda salvataġġ" tal-Artikolu 125 tat-TFUE; billi ż-żieda tas-setgħat konferiti lill-livell Ewropew timplika ftehim dwar it-tnaqqis tas-sovranità nazzjonali tal-Istati Membri;

M.   billi l-UE għandha tippromwovi l-ogħla livell ta' ħarsien tad-drittijiet tal-bniedem u tal-libertajiet fundamentali, u jrid jiġi żgurat li l-UE, l-istituzzjonijiet tagħha u l-Istati Membri jirrispettaw u jippromwovu dawk id-drittijiet u l-libertajiet;

N.  billi r-rwol tal-Kummissjoni bħala l-eżekuttiv għandu jissaħħaħ fil-qasam tal-politika ekonomika u fiskali;

O.   billi l-Artikolu 2 tal-Protokoll (Nru 14) dwar il-Grupp tal-Euro ma jispeċifikax li l-President tal-Grupp tal-Euro għandu jiġi elett minn fost il-membri tiegħu;

P.   billi għat-titjib tal-leġittimità politika tal-Kummissjoni fir-rigward tal-implimentazzjoni tal-governanza ekonomika u tar-regoli fiskali, huwa fundamentali li l-President tal-Kummissjoni jintgħażel permezz ta' proċedura ċara u mifhuma sew fl-elezzjonijiet Ewropej;

Q.  billi t-Trattat ta' Lisbona afferma mill-ġdid il-qafas legali tal-Qorti tal-Awdituri biex din tippromwovi r-responsabilità pubblika u tassisti lill-Parlament u lill-Kunsill fis-sorveljanza tal-implimentazzjoni tal-baġit tal-UE, u b'hekk tikkontribwixxi għall-protezzjoni tal-interessi finanzjarji taċ-ċittadini; billi l-Artikolu 318 tiegħu jipprevedi aktar djalogu bejn il-Parlament u l-Kummissjoni u għandu jistimola kultura ta' prestazzjoni fl-eżekuzzjoni tal-baġit tal-UE;

R.  billi l-istituzzjonijiet u l-korpi Ewropej, notevolment il-Kumitat tar-Reġjuni (KtR), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (KESE) u, b'mod speċjali, il-Parlament Ewropew, għandhom, fil-ħidma tagħhom ta' kuljum, jimmonitorjaw ir-rispett għall-prinċipju ta' sussidjarjetà vertikali u orizzontali fl-Unjoni Ewropea; billi l-istituzzjonijiet Ewropej għandhom iqisu r-rwol tal-KtR u l-KESE fil-qafas leġiżlattiv, u l-importanza li jqisu l-opinjonijiet tagħhom;

S.   billi l-Artikolu 137 tat-TFUE u l-Protokoll 14 jistabbilixxu l-Grupp tal-Euro bħala korp informali;

T.   billi l-kompiti l-ġodda konferiti lill-Grupp tal-Euro permezz tar-regolamenti "Six-Pack" u "Two-Pack", flimkien mal-identità ta' dawk li jiffurmaw il-Grupp tal-Euro u l-Bord tal-Gvernaturi tal-MES u l-identità tal-President tal-Grupp tal-Euro u l-President tal-Bord tal-Gvernaturi tal-MES, jagħtu lill-Grupp tal-Euro rwol de facto kruċjali fil-governanza ekonomika taż-żona tal-euro;

U.   billi l-proċedura tal-iżbilanċi makroekonomiċi mhijiex tintuża biżżejjed; billi jekk tintuża sal-massimu tal-kapaċità tagħha, tista' tgħin biex jiġu kkoreġuti l-iżbilanċi ekonomiċi fi stadju bikri, tiġi pprovduta deskrizzjoni preċiża tas-sitwazzjoni f'kull Stat Membru u fl-Unjoni kollha kemm hi, jiġu evitati l-kriżijiet, u jsir kontribut għat-titjib tal-kompetittività; billi hemm bżonn ta' aktar konverġenza strutturali bejn il-membri, peress li din tgħin biex tikkontribwixxi għal tkabbir sostenibbli u koeżjoni soċjali; billi, għalhekk, it-tlestija tal-UEM hija meħtieġa b'mod urġenti, flimkien ma' sforzi sabiex l-istruttura istituzzjonali tagħha tkun aktar leġittima u demokratikament responsabbli;

V.   billi l-istruttura istituzzjonali tal-UEM għandha tiġi ttrasformata billi tiġi mibdula fi gvern ekonomiku effikaċi u demokratiku, bil-Parlament u l-Kunsill jaġixxu bħala koleġiżlaturi ugwali, il-Kummissjoni tissodisfa r-rwol tal-eżekuttiv, il-parlamenti nazzjonali jiskrutinizzaw l-azzjonijiet tal-gvernijiet nazzjonali aħjar fil-livell Ewropew, il-Parlament Ewropew jiskrutinizza t-teħid tad-deċiżjonijiet fil-livell tal-UE, u permezz ta' rwol imsaħħaħ tal-Qorti tal-Ġustizzja;

W.   billi l-Unjoni teħtieġ applikazzjoni xierqa u infurzar tal-qafas attwali tal-politika ekonomika eżistenti, kif ukoll dispożizzjonijiet ġuridiċi ġodda dwar il-politika ekonomika u riformi strutturali kruċjali fl-oqsma tal-kompetittività, it-tkabbir u l-koeżjoni soċjali;

X.  billi l-proċess tas-Semestru Ewropew għandu jiġi ssimplifikat u jsir aktar iffokat u demokratiku, permezz ta' tisħiħ tar-rwol ta' skrutinju tal-Parlament fuqu u b'investiment fih bi rwol aktar sostanzjali fid-diversi ċikli tan-negozjati;

Y.  billi t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) poġġa lill-Parlament fl-istess livell tal-Kunsill f'dak li għandu x'jaqsam mal-proċedura annwali tal-baġit; billi t-Trattat ta' Lisbona huwa biss implimentat parzjalment fil-baġit minħabba b'mod partikolari l-assenza ta' riżorsi proprji veri;

Z.  billi l-użu tal-baġit tal-Unjoni għandu jkun aktar issimplifikat, id-dħul tiegħu għandu joriġina minn riżorsi proprji ġenwini u mhux b'mod predominanti minn kontribuzzjonijiet ta' Dħul Nazzjonali Gross (DNG), filwaqt li l-proċedura għall-adozzjoni tal-Qafas Finanzjarju Pluriennali (QFP) tista', taħt it-Trattati, tinbidel minn votazzjoni ta' unanimità għal votazzjoni b'maġġoranza kwalifikata;

AA.   billi, skont l-Artikolu 21 tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012, il-prinċipju tal-universalità tal-baġit ma jipprekludix grupp ta' Stati Membri milli jassenjaw kontribuzzjoni finanzjarja għall-baġit tal-UE jew dħul speċifiku għal partita speċifika tan-nefqa, kif qed jiġri diġà, pereżempju, fil-każ tar-reattur ta' fluss għoli skont id-Deċiżjoni 2012/709/Euratom;

AB.   billi d-dħul assenjat skont l-Artikolu 21 tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 mhuwiex, skont il-premessa 8 tar-Regolament Nru 1311/2013 tal-Qafas Finanzjarju Pluriennali, parti mill-QFP, u bħala tali ma jaqax taħt il-limiti massimi tal-QFP;

AC.   billi s-sistema ta' riżorsi proprji ma tipprojbixxix riżorsi proprji ffinanzjati biss minn grupp ta' Stati Membri;

AD.   billi l-Unjoni għandha tiġi mogħnija b'kapaċità ta' investiment akbar permezz tal-iżgurar ta' użu ottimu tal-Fondi Strutturali eżistenti u billi jintuża l-Fond Ewropew għall-Investimenti Strateġiċi, kif ukoll billi jiżdiedu l-kapaċitajiet tal-BEI, il-FEI u l-FEIS;

AE.   billi l-istabbiliment ta' kapaċità fiskali fiż-żona tal-euro u l-qafas, il-finanzjament, il-modi ta' intervent u l-kundizzjonijiet ta' integrazzjoni tagħha fil-baġit tal-Unjoni qed jiġu kkunsidrati;

AF.  billi l-potenzjal tat-tkabbir tas-suq intern għandu jiġi sfruttat aktar fl-oqsma tas-servizzi, tas-Suq Uniku Diġitali, tal-Unjoni tal-Enerġija, tal-Unjoni Bankarja u tal-Unjoni tas-Swieq Kapitali;

AG.   billi, skont it-Trattati, l-Unjoni għandha tiġġieled kontra l-esklużjoni soċjali u d-diskriminazzjoni, u għandha tippromwovi l-ġustizzja u l-protezzjoni soċjali, l-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel u s-solidarjetà bejn il-ġenerazzjonijiet;

AH.   billi t-tisħiħ tas-suq uniku għandu jkun akkumpanjat minn koordinazzjoni fiskali mtejba;

AI.   billi d-dritt ta' moviment liberu u d-drittijiet tal-ħaddiema għandhom jiġu garantiti u sostnuti billi jiġi sfruttat b'mod sħiħ il-potenzjal tat-Trattat ta' Lisbona;

AJ.   billi, il-leġiżlatur tal-Unjoni jista' jadotta l-miżuri meħtieġa fil-qasam tas-sigurtà soċjali għal ħaddiema li jeżerċitaw id-drittijiet ta' moviment liberu tagħhom fl-ambitu tal-Artikolu 48 tat-TFUE; billi hu jista' jadotta miżuri għall-protezzjoni tad-drittijiet soċjali tal-ħaddiema indipendentement mill-użu tad-drittijiet ta' moviment liberu fl-ambitu tal-Artikolu 153 tat-TFUE;

AK.   billi abbażi tal-Artikolu 153(1)(a) sa (i) tat-TFUE, il-leġiżlatur tal-Unjoni jista' jadotta miżuri ta' armonizzazzjoni minima fil-qasam tal-politika soċjali; billi tali leġiżlazzjoni ma tistax taffettwa d-dritt tal-Istati Membri li jiddefinixxu l-prinċipji fundamentali tas-sistemi tas-sigurtà soċjali tagħhom; billi tali leġiżlazzjoni ma tistax taffettwa b'mod sinifikanti l-bilanċ finanzjarju tas-sistemi ta' sigurtà soċjali nazzjonali; billi dawn il-limiti għal armonizzazzjoni tal-politika soċjali għadhom jagħtu xi marġini mhux użati lil-leġiżlatur tal-Unjoni biex jadotta miżuri fil-qasam tal-politika soċjali;

AL.   billi l-prinċipju ta' paga ugwali għall-ħaddiema rġiel u nisa għal xogħol ugwali jew xogħol ta' valur ugwali, kif stabbilit fl-Artikolu 157 tat-TFUE, għadu ma twettaqx;

AM.   billi hemm nuqqasijiet fir-rigward tal-funzjonament u l-implimentazzjoni tal-istrument tal-Inizjattiva taċ-Ċittadini Ewropej, u għalhekk hemm bżonn ta' titjib sabiex tkun tista' tiffunzjona b'mod effettiv u tkun verament strument għad-demokrazija parteċipattiva u ċ-ċittadinanza attiva;

AN.   billi l-libertà ta' moviment, b'mod partikolari dik tal-ħaddiema, hija dritt minqux fit-Trattati (Artikolu 45 tat-TFUE) u jikkostitwixxi mutur fundamentali għat-tlestija tas-suq uniku;

AO.  billi jeħtieġ li l-Unjoni żżid l-effikaċja, il-koerenza u l-obbligu ta' rendikont tal-Politika Estera u ta' Sigurtà Komuni (PESK), u dan jista' jsir billi jintużaw id-dispożizzjonijiet eżistenti tat-Trattat sabiex issir il-bidla mill-unanimità għal votazzjoni b'maġġoranza kwalifikata (VMK) għal aktar u aktar oqsma ta' politiki esterni, kif ukoll billi jiġu implimentati d-dispożizzjonijiet għal flessibilità u kooperazzjoni msaħħa, meta jkun hemm bżonn;

AP.  billi l-isfidi riċenti għas-sigurtà, uħud minnhom fil-viċinanza immedjata tal-fruntieri tal-UE, urew il-ħtieġa li nimxu b'mod progressiv lejn l-istabbiliment ta' politika ta' difiża komuni u, eventwalment difiża komuni; billi t-Trattat diġà fih dispożizzjonijiet ċari dwar kif dan jista' jsir, b'mod partikolari fl-Artikoli 41, 42, 44 u 46 tat-TUE;

AQ.   billi r-rappreżentanza esterna għandha tiġi żgurata fl-interess tal-Unjoni fejn huma kkonċernati kompetenzi esklussivi tal-Unjoni u l-kompetenzi komuni tal-Unjoni li diġà ġew eżerċitati mill-Unjoni; billi f'oqsma fejn l-Unjoni għadha ma użatx il-kompetenza kondiviża tagħha, l-Istati Membri għandhom id-dmir li jikkooperaw b'mod sinċier u biex jastjenu minn kwalunkwe miżura li tista' timmina l-interessi tal-Unjoni;

AR.   billi hemm il-ħtieġa ta' pożizzjoni kkoordinata u strutturata tal-Unjoni u tal-Istati Membri f'organizzazzjonijiet internazzjonali u fora internazzjonali sabiex tissaħħaħ l-influwenza tal-Unjoni u tal-Istati Membri tagħha f'dawk l-organizzazzjonijiet u l-fora;

AS.   billi d-dħul tal-Unjoni jew tal-Istati Membri f'obbligi internazzjonali ma jistax inaqqas ir-rwol tal-parlamenti nazzjonali u tal-Parlament Ewropew għal sempliċi approvazzjoni awtomatika;

AT.  billi l-kriżi tar-rifuġjati esponiet il-ħtieġa għal politika komuni dwar l-asil u l-immigrazzjoni, li għandha tipprevedi wkoll distribuzzjoni ġusta tal-persuni li qegħdin ifittxu l-asil madwar l-UE;

AU.   billi l-ftehim iffirmat mill-Kapijiet ta' Stat jew ta' Gvern jiddikjara d-dritt ta' approfondiment ulterjuri tal-UEM u li r-Renju Unit biss huwa eżentat minn integrazzjoni politika ulterjuri, mingħajr preġudizzju għat-Trattat ta' Lisbona u l-obbligi u d-drittijiet tal-Istati Membri u l-istituzzjonijiet, inklużi d-drittijiet leġiżlattivi kollha tal-Parlament Ewropew fuq il-bażi ta' proposta mill-Kummissjoni wara r-riżultat tar-referendum;

AV.   billi d-diskriminazzjoni bbażata fuq kwalunkwe raġuni, bħas-sess, ir-razza, il-kulur, l-oriġini etnika jew soċjali, il-karatteristiċi ġenetiċi, il-lingwa, ir-reliġjon jew it-twemmin (politiku jew ieħor), l-appartenenza għal minoranza nazzjonali, il-proprjetà, it-twelid, id-diżabilità, l-età, l-orjentazzjoni sesswali jew l-identità tas-sessi, għadha problema f'kull Stat Membru;

AW.   billi l-kriżijiet reċenti wrew li l-approssimazzjoni ta' dispożizzjonijiet ġuridiċi mhijiex biżżejjed biex tiżgura l-funzjonament tas-suq intern jew taż-żona ta' libertà, sigurtà u ġustizzja minħabba differenzi fl-implimentazzjoni tad-dispożizzjonijiet ġuridiċi armonizzati;

AX.   billi l-leġiżlatur tal-Unjoni ma jistax jikkonferixxi setgħat diskrezzjonali lill-aġenziji tal-Unjoni li jeħtieġu għażliet politiċi;

AY.   billi l-leġislatur tal-Unjoni jeħtieġlu jiżgura li jkun hemm biżżejjed kontroll politiku fuq id-deċiżjonijiet u l-attivitajiet tal-aġenziji tal-Unjoni;

AZ.   billi l-fatt li l-Istati Membri jonqsu milli jikkonformaw mal-ftehimiet adottati fis-summits Ewropej u fil-Kunsilli Ewropej ixekkel serjament il-kredibilità tal-istituzzjonijiet Ewropej, u għalhekk għandha tiġi garantita b'mod iktar effettiv l-implimentazzjoni tagħhom;

1.   Jinnota li l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha qegħdin jiffaċċjaw sfidi bla preċedenti, bħall-kriżi tar-rifuġjati, l-isfidi tal-politika barranija fil-viċinat immedjat u l-ġlieda kontra t-terroriżmu, kif ukoll il-globalizzazzjoni, it-tibdil fil-klima, l-iżviluppi demografiċi, il-qgħad, il-kawżi u l-konsegwenzi tal-kriżi finanzjarja u tad-dejn, in-nuqqas ta' kompetittività u l-konsegwenzi soċjali f'bosta Stati Membri, flimkien mal-ħtieġa li jissaħħaħ is-suq intern tal-UE, li kollha jeħtieġ li jiġu indirizzati b'mod iktar adegwat;

2.   Jissottolinja li dawn l-isfidi ma jistgħux jiġu indirizzati b'mod adegwat mill-Istati Membri individwalment, iżda jeħtieġu reazzjoni kollettiva min-naħa tal-Unjoni, ibbażata fuq ir-rispett għall-prinċipju ta' governanza fuq livelli differenti;

3.   Ifakkar li s-suq intern, li jiffaċilita l-moviment liberu ta' merkanzija, persuni, servizzi u kapital huwa ġebla tax-xewka tal-UE; ifakkar ukoll li l-eċċezzjonijiet għas-suq intern joħolqu tgħawwiġ tal-kompetizzjoni fi ħdan l-Unjoni u jeqirdu l-ambjent ekwu;

4.   Jenfasizza li l-Unjoni għandha ġġib lura l-fiduċja mitlufa taċ-ċittadini tagħha billi ssaħħaħ it-trasparenza tat-teħid tad-deċiżjonijiet tagħha u l-obbligu ta' rendikont tal-istituzzjonijiet, l-aġenziji u l-korpi informali tagħha (bħall-Grupp tal-Euro), billi ssaħħaħ il-kooperazzjoni bejn l-istituzzjonijiet, kif ukoll billi ttejjeb il-kapaċità tagħha li taġixxi;

5.  Jirrimarka li mhux id-dispożizzjonijiet kollha tat-Trattat ta' Lisbona ġew sfruttati fil-potenzjal sħiħ tagħhom s'issa, minkejja li dawn fihom xi għodod neċessarji li setgħu ġew applikati sabiex jipprevjenu wħud mill-kriżijiet li qiegħda tħabbat wiċċha magħhom l-Unjoni, jew jistgħu jintużaw sabiex din tlaħħaq mal-isfidi attwali mingħajr ma jkollha bżonn tibda reviżjoni tat-Trattat fi żmien qasir;

6.   Jenfasizza li l-metodu Komunitarju huwa l-aktar metodu adatt għall-funzjonament tal-Unjoni u għandu għadd ta' vantaġġi fuq il-metodu intergovernattiv, minħabba li huwa l-uniku wieħed li jippermetti iktar trasparenza, effiċjenza, VMK fil-Kunsill u d-dritt ugwali ta' koleġiżlazzjoni mill-Parlament Ewropew u mill-Kunsill, kif ukoll il-prevenzjoni ta' frammentazzjoni tar-responsabilitajiet istituzzjonali u l-iżvilupp ta' istituzzjonijiet kompetituri;

7.   Huwa tal-opinjoni li s-soluzzjonijiet intergovernattivi għandhom ikunu biss strument ultima ratio, soġġett għal kundizzjonijiet stretti, b'mod partikolari r-rispett għad-dritt tal-Unjoni, l-objettiv tal-approfondiment tal-integrazzjoni Ewropea, u r-rieda ta' aċċess għall-adeżjoni minn Stati Membri mhux parteċipanti, u jemmen li dawn għandhom jiġu sostitwiti bi proċeduri tal-Unjoni mill-iktar fis possibbli, anki f'oqsma fejn mhux l-Istati Membri kollha jissodisfaw il-kundizzjonijiet għall-parteċipazzjoni, sabiex l-Unjoni tkun tista' twettaq il-kompiti tagħha fi ħdan qafas istituzzjonali uniku; jopponi f'dan il-kuntest il-ħolqien ta' istituzzjonijiet ġodda barra mill-qafas tal-Unjoni, u jkompli jistinka biex l-MES jiġi inkorporat fid-dritt tal-Unjoni dment li jkun stabbilit skrutinju xieraq fi ħdan il-Parlament Ewropew, kif ukoll id-dispożizzjonijiet rilevanti tal-Patt Fiskali, kif maħsub fit-TSKG innifsu, abbażi ta' valutazzjoni tal-esperjenza bl-implimentazzjoni tiegħu;

8.   Jenfasizza li l-Parlament Ewropew elett direttament għandu rwol essenzjali sabiex jiżgura l-leġittimità tal-Unjoni, u jagħmel is-sistema tat-teħid tad-deċiżjonijiet tal-Unjoni responsabbli vis-à-vis iċ-ċittadini billi jiġi żgurat skrutinju parlamentari xieraq fuq l-eżekuttiv fil-livell tal-Unjoni u permezz tal-proċedura ta' kodeċiżjoni leġiżlattiva, li l-kamp ta' applikazzjoni tagħha għandu jiġi estiż;

9.  Ifakkar li l-Parlament Ewropew huwa l-parlament tal-Unjoni kollha kemm hi, u jqis li trid tiġi żgurata responsabilità demokratika xierqa anki fl-oqsma fejn ma jipparteċipawx l-Istati Membri kollha, inklużi azzjonijiet u deċiżjonijiet speċifiċi għaż-żona tal-euro;

10.  Huwa tal-fehma li d-djalogu politiku bejn il-parlamenti nazzjonali u l-Parlament Ewropew għandu jiġi intensifikat u jsir aktar sinifikanti u sostanzjali, mingħajr ma jinqabżu żżejjed il-limiti tal-kompetenzi kostituzzjonali rispettivi tagħhom; jirrimarka, f'dan ir-rigward, li l-parlamenti nazzjonali jinsabu fl-aħjar pożizzjoni sabiex jagħtu mandat u jiskrutinizzaw, fil-livell nazzjonali, l-azzjoni tal-gvernijiet rispettivi tagħhom fl-affarijiet Ewropej, filwaqt li l-Parlament Ewropew għandu jiggarantixxi r-responsabilità demokratika u l-leġittimità tal-eżekuttiv Ewropew;

11.   Iqis li huwa essenzjali li jissaħħu t-trasparenza u l-ftuħ istituzzjonali fl-UE, kif ukoll il-mod li bih jiġi kkomunikat it-teħid ta' deċiżjonijiet politiċi fl-UE; jinsisti li għandhom jiżdiedu l-isforzi bil-ħsieb tar-reviżjoni tar-Regolament (KE) Nru 1049/2001 dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni, u tad-Direttiva 93/109/KE, dwar arranġamenti dettaljati sabiex jiġi eżerċitat id-dritt għall-vot u għall-kandidatura fl-elezzjonijiet għall-Parlament Ewropew għaċ-ċittadini tal-Unjoni li joqgħodu fi Stat Membru li ma jkunux ċittadini tiegħu;

12.  Ifakkar li huwa possibbli li jissaħħaħ id-dritt ta' inkjesta tal-Parlament u l-Inizjattiva taċ-Ċittadini Ewropej (ECI) permezz tad-dritt sekondarju tal-Unjoni, u jtenni t-talba tiegħu lill-Kummissjoni biex tipproponi reviżjoni tar-Regolament dwar l-ECI;

13.   Iqis li huwa neċessarju li l-Kummissjoni tirriforma l-ECI bħala għodda li tiffunzjona għall-involviment demokratiku, filwaqt li jitqies ir-rapport fuq inizjattiva proprja tat-28 ta' Ottubru 2015, u jistieden lill-Kummissjoni, fost l-oħrajn, biex tqajjem kuxjenza pubblika u tagħti prominenza lill-ECI; tagħmel is-softwer tagħha għall-ġbir tal-firem online aktar faċli għall-utent, filwaqt li tagħmlu aċċessibbli għall-persuni b'diżabilità; tipprovdi gwida legali u prattika xierqa u komprensiva; tikkunsidra li twaqqaf uffiċċju dedikat tal-ECI fir-rappreżentanzi tagħha f'kull Stat Membru; tispjega fid-dettall ir-raġunijiet għar-rifjut ta' ECI, u tesplora modi kif tirreferi l-proposti magħmula fl-inizjattivi li jaf jaqgħu barra mill-kamp ta' applikazzjoni tal-kompetenzi tal-Kummissjoni lil awtoritajiet iktar xierqa;

14.  Huwa tal-fehma li s-Servizz Volontarju Ewropew għandu rwol integrali fil-bini taċ-ċittadinanza Ewropea u għaldaqstant jirrakkomanda li l-Kummissjoni tikkunsidra kif jista' jsir aktar faċli għaż-żgħażagħ biex jipparteċipaw;

Il-qafas istituzzjonali, id-demokrazija u r-responsabilità

Il-Parlamenti

15.   Jinsisti li s-setgħat leġiżlattivi u d-drittijiet ta' kontroll tal-Parlament għandhom jiġu ggarantiti, ikkonsolidati u msaħħa, inkluż permezz ta' ftehimiet interistituzzjonali u bl-użu tal-bażi ġuridika korrispondenti mill-Kummissjoni;

16.   Iqis li huwa neċessarju li l-Parlament Ewropew jirriforma l-metodi ta' ħidma tiegħu sabiex ikun jista' jlaħħaq mal-isfidi li ġejjin, billi jsaħħaħ l-eżerċizzju tal-funzjonijiet tiegħu ta' kontroll politiku fuq il-Kummissjoni, inkluż fir-rigward tal-implimentazzjoni u l-applikazzjoni tal-acquis fl-Istati Membri, billi jillimita l-ftehimiet fl-ewwel qari għall-każijiet eċċezzjonali ta' urġenza u meta tkun ittieħdet deċiżjoni kkunsidrata u espliċita, u, f'dawn il-każijiet, itejjeb it-trasparenza tal-proċedura li twassal għall-adozzjoni ta' ftehimiet bħal dawn; ifakkar ukoll, f'dan il-kuntest, il-proposti tal-Parlament biex jarmonizza aktar il-proċedura elettorali tiegħu, elenkati fir-riżoluzzjoni tiegħu tal-11 ta' Novembru 2015 dwar ir-riforma tal-liġi elettorali tal-Unjoni Ewropea;

17.   Jesprimi l-intenzjoni tiegħu li jagħmel aktar użu minn rapporti ta' inizjattiva leġiżlattiva skont l-Artikolu 225 tat-TFUE;

18.   Hu tal-fehma li l-Parlament għandu joħloq reġistru tad-dħul fis-sede tiegħu fid-delegazzjonijiet kollha fl-Istati Membri, biex iċ-ċittadini jkunu jistgħu jagħtu d-dokumenti personalment, biċ-ċertifikazzjoni tal-kontenut;

19.   Huwa tal-fehma li għandu jiġi introdott Ġurnal Uffiċjali tal-Parlament Ewropew elettroniku biex jawtentika r-riżoluzzjonijiet u r-rapporti kollha approvati minnu;

20.   Jinkoraġġixxi djalogu politiku mal-parlamenti nazzjonali dwar il-kontenut tal-proposti leġiżlattivi, meta jkun rilevanti; jenfasizza, madankollu, li d-deċiżjonijiet iridu jittieħdu fil-livell tal-kompetenzi kostituzzjonali u li hemm delineazzjoni ċara tal-kompetenzi rispettivi ta' teħid tad-deċiżjonijiet tal-parlamenti nazzjonali u tal-Parlament Ewropew, fejn tal-ewwel iridu jeżerċitaw il-funzjoni Ewropea tagħhom fuq il-bażi tal-kostituzzjonijiet nazzjonali tagħhom, b'mod partikolari permezz tal-kontroll tal-gvernijiet nazzjonali tagħhom bħala membri tal-Kunsill Ewropew u tal-Kunsill, peress li dan huwa l-livell fejn huma jinsabu fl-aħjar pożizzjoni sabiex jinfluwenzaw direttament il-kontenut tal-proċess leġiżlattiv Ewropew u jeżerċitaw skrutinju fuqu; huwa għalhekk kontra l-ħolqien ta' korpi parlamentari konġunti ġodda b'setgħat ta' teħid ta' deċiżjonijiet;

21.   Jenfasizza l-importanza tal-kooperazzjoni bejn il-Parlament Ewropew u l-parlamenti nazzjonali f'korpi konġunti bħall-Konferenza tal-Kumitati Parlamentari għall-Affarijiet Ewropej (COSAC) tal-Parlamenti tal-Unjoni Ewropea u l-Konferenza Interparlamentari dwar il-Politika Estera u ta' Sigurtà Komuni (PESK-KIP) u fil-qafas tal-Artikolu 13 tat-Trattat dwar l-Istabilità, il-Koordinazzjoni u l-Governanza fl-Unjoni Ekonomika u Monetarja, abbażi tal-prinċipji ta' kunsens, kondiviżjoni tal-informazzjoni u konsultazzjoni, sabiex ikun jista' jiġi eżerċitat kontroll fuq l-amministrazzjonijiet rispettivi tagħhom; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Kunsill biex jipparteċipaw f'livell politiku għoli fil-laqgħat interparlamentari; jenfasizza l-ħtieġa għal kooperazzjoni aktar mill-qrib bejn il-kumitati tal-Parlament Ewropew u l-ekwivalenti nazzjonali tagħhom fi ħdan dawn il-korpi konġunti, billi jissaħħu l-koerenza, it-trasparenza u l-iskambju reċiproku ta' informazzjoni;

22.   Jinkoraġġixxi l-iskambju tal-aqwa prassi fl-iskrutinju parlamentari bejn il-parlamenti nazzjonali, bħall-organizzazzjoni ta' dibattiti regolari bejn il-ministri rispettivi u l-kumitati speċjalizzati fil-parlamenti nazzjonali qabel u wara l-laqgħat tal-Kunsill, u mal-Kummissarji f'qafas ta' żmien xieraq, kif ukoll laqgħat mal-parlamenti nazzjonali għal skambji mal-Membri tal-Parlament Ewropew; jinkoraġġixxi l-istabbiliment ta' skambji ta' uffiċjali tal-istituzzjonijiet u tal-gruppi politiċi bejn l-amministrazzjonijiet tal-Parlament Ewropew u l-parlamenti nazzjonali;

23.   Hu tal-fehma li għandha tingħata attenzjoni sabiex jiġi evitat kwalunkwe regolamentazzjoni żejda tal-leġiżlazzjoni tal-UE min-naħa tal-Istati Membri, u li l-parlamenti nazzjonali għandhom rwol importanti x'jaqdu f'dan ir-rigward;

Il-Kunsill Ewropew

24.   Jiddispjaċih li billi l-Kunsill ma jużax VMK, spiss wisq irrefera kwistjonijiet leġislattivi lill-Kunsill Ewropew; iqis li l-prattika tal-Kunsill Ewropew li jagħti l-kompitu lill-Kunsill tmur lil hinn mir-rwol fil-linji gwida strateġiċi li ġie attribwit lilu mit-Trattati, u għalhekk tmur kontra t-test u l-ispirtu tat-Trattati, kif ġie spjegat fl-Artikolu 15(1) tat-TUE, li jistipula li l-Kunsill Ewropew għandu jiddefinixxi d-direzzjonijiet u l-prijoritajiet politiċi ġenerali tal-Unjoni iżda m'għandux jeżerċita funzjonijiet leġiżlattivi; iqis li huwa meħtieġ li jitjiebu r-relazzjonijiet tax-xogħol bejn il-Kunsill Ewropew u l-Parlament;

25.   Ifakkar li l-President tal-Kummissjoni se jiġi elett mill-Parlament Ewropew, fuq proposta tal-Kunsill Ewropew, filwaqt li jitqiesu l-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew, u wara konsultazzjonijiet xierqa, u li għaldaqstant, kif kien il-każ fl-2014, il-partiti politiċi Ewropej għandhom jippreżentaw kandidati ewlenin sabiex jagħtu lill-poplu għażla lil min jiġi elett bħala President tal-Kummissjoni; jilqa' l-proposta tal-President tal-Kummissjoni li jiġi emendat il-Ftehim Qafas dwar ir-relazzjonijiet bejn il-Parlament Ewropew u l-Kummissjoni Ewropea dwar il-parteċipazzjoni tal-Kummissarji bħala kandidati għall-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew;

26.   Ifakkar, barra minn hekk, li, għalkemm mhuwiex fl-interess tal-Parlament Ewropew, huwa possibbli li l-funzjoni ta' President tal-Kunsill Ewropew tingħaqad ma' dik ta' President tal-Kummissjoni;

27.   Jitlob lill-Kunsill Ewropew sabiex jagħmel użu mill-'klawżola passerelle' (l-Artikolu 48(7) tat-TUE) li tawtorizza lill-Kunsill biex juża l-VMK minflok l-unanimità f'każijiet applikabbli fejn it-Trattati attwalment jirrikjedu l-unanimità;

28.   Jistieden lill-President tal-Parlament Ewropew biex jinforma lill-Konferenza tal-Presidenti minn qabel bl-opinjonijiet li hu għandu l-ħsieb li jesprimi fid-diskors tiegħu lill-Kunsill Ewropew;

Il-Kunsill

29.  Jipproponi li l-Kunsill jiġi ttrasformat f'kamra verament leġiżlattiva billi jitnaqqas l-għadd ta' konfigurazzjonijiet tal-Kunsill permezz ta' deċiżjoni tal-Kunsill Ewropew, sabiex b'hekk tinħoloq sistema leġiżlattiva ġenwinament bikamerali li tinvolvi lill-Kunsill u lill-Parlament, bil-Kummissjoni taġixxi bħala l-entità eżekuttiva; jissuġġerixxi l-involviment tal-konfigurazzjonijiet leġiżlattivi speċjalizzati tal-Kunsill attivi attwalment bħala korpi preparatorji għal laqgħa leġiżlattiva waħda tal-Kunsill fil-pubbliku, simili għall-funzjonament tal-kumitati fil-Parlament Ewropew;

30.   Jinsisti fuq l-importanza tal-garanzija tat-trasparenza tat-teħid tad-deċiżjonijiet leġiżlattivi tal-Kunsill b'mod ġenerali, kif ukoll tat-titjib tal-iskambju ta' dokumenti u informazzjoni bejn il-Parlament u l-Kunsill u l-aċċess tar-rappreżentanti tal-Parlament bħala osservaturi fil-laqgħat tal-Kunsill u tal-korpi tiegħu, b'mod partikolari f'każijiet ta' leġiżlazzjoni;

31.   Jemmen li huwa possibbli li jkun hemm fużjoni tal-pożizzjoni tal-President tal-Grupp tal-Euro u l-Kummissarju għall-Affarijiet Ekonomiċi u Finanzjarji, u f'dan il-każ, jipproponi li l-President tal-Kummissjoni jaħtar lil dan il-Kummissarju bħala Viċi President tal-Kummissjoni; iqis li dan il-Kummissarju għall-Affarijiet Ekonomiċi u Finanzjarji - li għandu jingħata l-mezzi u l-kapaċitajiet kollha meħtieġa biex japplika u jinforza l-qafas ta' governanza ekonomika eżistenti, fuq linji simili, pereżempju, għar-rwol tal-Kummissarju għall-Kompetizzjoni - jista' jissejjaħ "Ministru tal-Finanzi tal-UE" ladarba jiġu stabbiliti kapaċità fiskali u Fond Monetarju Ewropew;

32.   Jenfasizza l-ħtieġa li jiġi modifikat il-Ftehim Qafas dwar ir-relazzjonijiet bejn il-Parlament Ewropew u l-Kummissjoni Ewropea sabiex jiġi inkluż obbligu legali għall-President tal-Kummissjoni li juża d-dritt tiegħu/tagħha li jitlob/titlob ir-riżenja tal-Ministru tal-Finanzi tal-UE skont l-Artikolu 17(6) tat-TUE jekk il-Parlament Ewropew jiddeċiedi dwar dan b'maġġoranza tal-membri komponenti tiegħu;

33.   Jitlob li, fi ħdan il-qafas attwali tat-Trattat, il-President u l-membri tal-Grupp tal-Euro jiġu soġġetti għal mekkaniżmi xierqa ta' responsabilità demokratika lejn il-Parlament Ewropew, partikolarment li l-President tiegħu jwieġeb għall-mistoqsijiet parlamentari; jitlob għall-adozzjoni ta' regoli ta' proċedura interni u l-pubblikazzjoni tar-riżultati;

34.   Jitlob sabiex il-Kunsill jaqleb kompletament għal VMK kull meta jkun possibbli skont it-Trattati, u li jabbanduna l-prattika li jittrasferixxi l-oqsma leġiżlattivi kontenzjużi lill-Kunsill Ewropew, minħabba li din tmur kontra t-test u l-ispirtu tat-Trattat, li jistipula li l-Kunsill Ewropew jista' jiddeċiedi unanimament biss, u għandu jagħmel dan biss fuq miri politiċi wiesgħa, mhux fuq il-leġiżlazzjoni;

35.  Huwa determinat li jimplimenta bis-sħiħ id-dispożizzjonijiet tat-Trattat dwar il-kooperazzjoni mtejba billi jimpenja ruħu li ma jagħtix il-kunsens tiegħu għal kwalunkwe proposta ġdida ta' kooperazzjoni mtejba sakemm l-Istati Membri parteċipanti ma jkunux impenjaw ruħhom li jattivaw il-'klawżola passerelle' speċjali minquxa fl-Artikolu 333 tat-TFUE biex jaqilbu mill-unanimità għall-VMK, u minn proċedura leġiżlattiva speċjali għal waħda ordinarja;

36.   Jenfasizza l-importanza li jittieħed vantaġġ sħiħ mill-proċedura ta' kooperazzjoni msaħħa kif stabbilita fl-Artikolu 20 tat-TUE, speċjalment fost l-Istati Membri taż-żona tal-euro, sabiex dawk l-Istati Membri li jixtiequ jistabbilixxu kooperazzjoni msaħħa bejniethom fil-qafas tal-kompetenzi mhux esklużivi tal-Unjoni jistgħu, permezz ta' dan il-mekkaniżmu, jippromwovu l-ksib tal-objettivi tal-Unjoni u jsaħħu l-proċess ta' integrazzjoni tagħhom soġġett għal-limiti u skont l-arranġamenti stabbiliti fl-Artikoli 326 sa 334 tat-TFUE;

Il-Kummissjoni

37.   Huwa determinat li jsaħħaħ ir-rwol tal-Parlament fl-elezzjoni tal-President tal-Kummissjoni billi jirrinforza l-konsultazzjonijiet formali tal-gruppi politiċi tiegħu mal-President tal-Kunsill Ewropew, kif previst fid-Dikjarazzjoni 11 annessa mal-Att Finali tal-Konferenza Intergovernattiva li adottat it-Trattat ta' Lisbona, sabiex ikun żgurat li l-Kunsill Ewropew jieħu kont sħiħ tar-riżultati tal-elezzjoni meta jiġi ppreżentat kandidat sabiex jiġi elett mill-Parlament, kif kien il-każ fl-elezzjonijiet Ewropej tal-2014;

38.   Itenni l-ħtieġa li l-proposti kollha tal-Kummissjoni jkunu ġġustifikati bis-sħiħ u akkumpanjati minn valutazzjoni tal-impatt dettaljata, inkluża valutazzjoni fir-rigward tad-drittijiet tal-bniedem;

39.   Huwa tal-fehma li l-indipendenza tal-President tal-Kummissjoni tista' tiżdied kieku kull Stat Membru kellu jaħtar mill-inqas tliet kandidati taż-żewġ sessi li jistgħu jiġu kkunsidrati mill-President elett tal-Kummissjoni bl-għan li jikkostitwixxu l-Kummissjoni tiegħu jew tagħha;

40.   Jinsisti fuq l-iżgurar ta' koordinazzjoni u rappreżentanza mtejba tal-UE/taż-żona tal-euro fi ħdan il-Fond Monetarju Internazzjonali (FMI), il-Bank Dinji u istituzzjonijiet finanzjarji internazzjonali oħrajn, u jindika li l-Artikolu 138(2) tat-TFUE jipprovdi bażi ġuridika għall-adozzjoni ta' miżuri li jiżguraw rappreżentanza unifikata tal-UE/taż-żona tal-euro fi ħdan l-istituzzjonijiet u l-konferenzi finanzjarji internazzjonali;

41.   Jappella għat-twaqqif ta' "djalogu" formali u regolari, li għandu jiġi organizzat fil-Parlament Ewropew dwar kwistjonijiet li jirrigwardaw ir-rappreżentanza esterna tal-Unjoni;

42.   Ifakkar li l-Kummissjoni, l-Istati Membri u l-Parlament u l-Kunsill jeħtiġilhom, kull wieħed fil-limiti tal-kompetenzi tiegħu, jgħinu biex jiġu żgurati applikazzjoni u implimentazzjoni ħafna aħjar tad-dritt tal-Unjoni Ewropea u tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali;

Il-Qorti tal-Awdituri

43.  Jirrikonoxxi r-rwol kruċjali tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri biex jiġi żgurat infiq aħjar u aktar intelliġenti tal-fondi Ewropej; ifakkar li minbarra d-dmir importanti tagħha li tipprovdi informazzjoni dwar l-affidabilità tal-kontijiet u l-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet ta' bażi, il-Qorti tal-Ġustizzja hija f'pożizzjoni preminenti biex tipprovdi lill-Parlament bl-informazzjoni li għandu bżonn biex iwettaq il-kompitu tiegħu u l-mandat ta' skrutinju demokratiku tal-baġit Ewropew, u biex joffri informazzjoni dwar ir-riżultati u l-eżiti miksuba mill-attivitajiet u l-politiki ffinanzjati mill-Unjoni, bl-għan li tittejjeb l-ekonomija, l-effiċjenza u l-effettività tagħhom; jirrakkomanda, għalhekk, li tissaħħaħ il-Qorti tal-Awdituri; jistenna li l-Qorti tibqa' impenjata lejn l-indipendenza, l-integrità, l-imparzjalità u l-professjonalità, filwaqt li tibni relazzjonijiet professjonali b'saħħithom mal-partijiet interessati tagħha;

44.    Iqis li n-nuqqas ta' kooperazzjoni sostnuta mill-Kunsill jagħmilha impossibbli għall-Parlament li jieħu deċiżjoni infurmata dwar l-għoti tal-kwittanza, u li sussegwentement, dan iħalli effett negattiv fit-tul fuq il-perċezzjoni taċ-ċittadini dwar il-kredibilità tal-istituzzjonijiet tal-UE u dwar it-trasparenza fl-użu tal-fondi tal-UE; jemmen li dan in-nuqqas ta' kooperazzjoni għandu wkoll impatt negattiv fuq il-funzjonament tal-istituzzjonijiet u jiskredita l-proċedura ta' skrutinju politiku tal-ġestjoni tal-baġit stabbilita fit-Trattati;

45.    Jenfasizza li l-kompożizzjoni tal-Qorti u l-proċedura tal-ħatra tagħha huma stabbiliti fl-Artikoli 285 u 286 tat-TFUE; iqis li l-Parlament u l-Kunsill għandhom ikunu fuq l-istess livell meta jaħtru l-Membri tal-Qorti tal-Awdituri, sabiex jiġu żgurati l-leġittimità demokratika, it-trasparenza u l-indipendenza sħiħa tal-Membri tagħha; jitlob lill-Kunsill jirrispetta d-deċiżjonijiet meħuda mill-Parlament wara s-smigħ tal-kandidati nnominati bħala Membri tal-Qorti tal-Awdituri;

Il-Kumitat tar-Reġjuni u l-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

46.   Jitlob lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill u lill-Kummissjoni biex itejbu l-modalitajiet ta' kooperazzjoni mal-Kumitat tar-Reġjuni (KtR) u l-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (KESE), inkluż fl-istadju preleġiżlattiv waqt it-twettiq tal-valutazzjonijiet tal-impatt, sabiex jiġi żgurat li l-fehmiet u l-valutazzjonijiet tagħhom jistgħu jiġu kkunsidrati matul il-proċess leġiżlattiv;

L-Aġenziji

47.   Jenfasizza li kwalunkwe għoti ta' setgħat ta' implimentazzjoni lil aġenziji tal-Unjoni jirrikjedi grad suffiċjenti ta' kontroll fuq id-deċiżjonijiet u l-azzjonijiet tal-aġenziji tal-Unjoni mil-leġiżlatur tal-Unjoni; ifakkar li superviżjoni effettiva tkopri, inter alia, il-ħatra u t-tkeċċija tal-persunal maniġerjali tal-aġenzija tal-Unjoni, il-parteċipazzjoni fil-bord ta' superviżjoni tal-aġenzija tal-Unjoni, id-drittijiet ta' veto fir-rigward ta' ċerti deċiżjonijiet tal-aġenzija tal-Unjoni, l-obbligi ta' informazzjoni u r-regoli ta' trasparenza, u d-drittijiet baġitarji fir-rigward tal-baġit tal-aġenzija tal-Unjoni;

48.   Iqis l-adozzjoni ta' regolament qafas għall-aġenziji tal-Unjoni li jistgħu jeżerċitaw setgħat ta' implimentazzjoni li jkopri l-mekkaniżmu ta' kontroll politiku meħtieġ mil-leġiżlatur tal-Unjoni u li jinkludi, fost l-oħrajn, id-dritt tal-Parlament Ewropew li jaħtar u jkeċċi l-persunal maniġerjali tal-aġenzija tal-Unjoni, li jipparteċipa fil-bord ta' superviżjoni tal-aġenzija tal-Unjoni, id-drittijiet ta' veto tal-Parlament Ewropew fir-rigward ta' ċerti deċiżjonijiet tal-aġenzija tal-Unjoni, l-obbligi ta' informazzjoni u trasparenza tar-regoli u d-drittijiet baġitarji tal-Parlament Ewropew fir-rigward tal-baġit tal-aġenzija tal-Unjoni;

Rispett għall-prinċipji tas-sussidjarjetà u tal-proporzjonalità

49.  Jenfasizza l-importanza tal-prinċipju tas-sussidjarjetà kif stipulat fl-Artikolu 5 tat-TUE, li jorbot lill-istituzzjonijiet u l-korpi kollha tal-Unjoni, kif ukoll tal-istrumenti inklużi fil-Protokoll (Nru 2) dwar l-applikazzjoni tal-prinċipji tas-sussidjarjetà u tal-proporzjonalità; ifakkar, f'dan il-kuntest, ir-rwoli rispettivi assenjati lill-parlamenti nazzjonali u l-KtR; jissuġġerixxi flessibilità fir-rigward tad-data ta' trażmissjoni ta' abbozzi ta' atti leġiżlattivi minquxa fil-Protokoll, u jitlob lill-Kummissjoni sabiex ittejjeb il-kwalità tar-reazzjonijiet tagħha għal opinjonijiet motivati;

50.   Ifakkar lill-parlamenti nazzjonali dwar ir-rwol ewlieni tagħhom fil-monitoraġġ tal-applikazzjoni tal-prinċipju tas-sussidjarjetà; jirrimarka li l-possibilitajiet formali għall-parlamenti nazzjonali li jiggarantixxu l-prinċipji ta' sussidjarjetà u ta' proporzjonalità joffru ħafna opportunitajiet f'dan ir-rigward, iżda li l-kooperazzjoni prattika bejn il-parlamenti nazzjonali jeħtieġ li tissaħħaħ, inter alia bl-għan li huma jkunu jistgħu, b'kooperazzjoni mill-qrib bejniethom, jilħqu l-kworum neċessarju skont l-Artikolu 7(3) tal-Protokoll dwar l-applikazzjoni tal-prinċipji ta' sussidjarjetà u proporzjonalità f'każ ta' allegazzjoni ta' ksur;

51.   Jenfasizza l-importanza tal-Artikolu 9 tat-TFUE biex jiġi żgurat li l-konsegwenzi soċjali ta' miżuri legali u ta' politika tal-UE jkunu kkunsidrati;

Estensjoni u approfondiment tal-Unjoni Ekonomika u Monetarja

52.   Ifakkar li l-iżvilupp ulterjuri tal-UEM irid ikun ibbażat fuq l-leġiżlazzjoni eżistenti u l-implimentazzjoni tagħha, u jibni fuqhom, u jrid ikun marbut ma' approfondiment tad-dimensjoni soċjali;

53.  Jappella għal aktar riformi istituzzjonali sabiex l-UEM tiġi pprovduta bi gvern ekonomiku demokratiku u effettiv b'kapaċitajiet imtejba u li jkun integrat fil-qafas istituzzjonali tal-Unjoni, fejn il-Kummissjoni taġixxi bħala l-entità eżekuttiva u l-Parlament u l-Kunsill jaġixxu bħala koleġiżlaturi;

Att legali ġdid dwar il-politika ekonomika

54.  Ifakkar fir-riżoluzzjoni tiegħu tat-12 ta' Diċembru 2013 dwar Problemi kostituzzjonali ta' governanza b'diversi livelli fl-Unjoni Ewropea(7), li ħolqot l-idea ta' Kodiċi ta' Konverġenza adottat skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja, bl-għan li jinħoloq qafas aktar effettiv għall-koordinazzjoni tal-politika ekonomika (b'għadd ta' kriterji ta' konverġenza, li għandhom jiġu determinati), miftuħ għall-Istati Membri kollha u appoġġjat minn mekkaniżmu bbażat fuq l-inċentivi;

55.  Jemmen li għandu jiġi stabbilit għadd limitat ta' oqsma kruċjali għal riformi strutturali li jżidu l-kompetittività, il-potenzjal tat-tkabbir, il-konverġenza ekonomika reali u l-koeżjoni soċjali fuq perjodu ta' ħames snin bil-għan li tissaħħaħ l-ekonomija soċjali tas-suq Ewropew, kif spjegat fl-Artikolu 3(3) tat-TUE;

56.  Jenfasizza l-importanza ta' diviżjoni ċara tal-kompetenzi bejn l-istituzzjonijiet tal-UE u l-Istati Membri, u l-ħtieġa li l-Istati Membri jżidu s-sjieda tagħhom tal-programmi ta' implimentazzjoni u r-rwol tal-parlamenti nazzjonali fihom;

57.  Jappella għal użu aħjar tal-istrumenti disponibbli flimkien mal-Artikolu 136 tat-TFUE sabiex jiġu ffaċilitati l-adozzjoni u l-implimentazzjoni ta' miżuri ġodda fiż-żona tal-euro;

58.   Jappella għall-ħolqien ta' qafas għal proċedura awtomatika sovrana ordinata għar-rikonċiljazzjoni tal-Artikolu 125 tat-TFUE mal-istrumenti ta' stabilizzazzjoni eżistenti bħall-MES;

Proċess ta' Semestru Ewropew issimplifikat, aktar iffokat u aktar demokratiku

59.  Jirrimarka l-ħtieġa għal inqas Rakkomandazzjonijiet Speċifiċi għall-Pajjiżi (CSR), li għandhom ikunu aktar immirati, abbażi tal-qafas ta' politika stabbilit fil-Kodiċi ta' Konverġenza u fl-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir (SAT) u abbażi tal-proposti konkreti ppreżentati minn kull Stat Membru, skont l-għanijiet ewlenin ta' riforma rispettivi tagħhom, minn firxa wiesgħa ta' riformi strutturali, li jrawmu l-kompetittività, il-konverġenza ekonomika reali u l-koeżjoni soċjali;

60.   Jenfasizza l-importanza tax-xejriet demografiċi għas-Semestru Ewropew, u jitlob li dan l-indikatur jingħata iktar importanza;

61.   Ifakkar li mekkaniżmi tad-djalogu ekonomiku li diġà jeżistu, b'mod partikolari permezz tal-ħolqien tad-"djalogu ekonomiku" fil-qafas tal-leġiżlazzjoni "six-pack" u "two-pack"; iqis li din hi għodda effettiva biex il-Parlament ikun jista' jingħata rwol aktar sostanzjali fin-negozjati li jsiru fil-qafas tas-Semestru Ewropew sabiex jissaħħaħ id-djalogu bejn il-Parlament, il-Kunsill, il-Kummissjoni u l-Grupp tal-Euro, u jipproponi l-formalizzazzjoni tar-rwol ta' skrutinju tal-Parlament fis-Semestru Ewropew permezz ta' ftehim interistituzzjonali (FII); jenfasizza li l-leġittimità demokratika tal-proċess tas-Semestru tissaħħaħ permezz tal-FII, li għandu jippermetti d-definizzjoni ta' Linji Gwida Ġenerali għall-Politiki Ekonomiċi u l-Linji Gwida dwar l-Impjiegi mill-Parlament u mill-Kunsill, biex b'hekk tipprovdi għal skrutinju parlamentari sinifikanti u regolari tal-proċess; jenfasizza, f'dan ir-rigward, li l-Kummissjoni tista' timpenja ruħha li tibgħat l-abbozzi ta' rakkomandazzjonijiet dwar is-Semestru Ewropew lill-Parlament qabel l-adozzjoni tagħhom; iqis, barra minn hekk, li fil-prinċipju mhuwiex meħtieġ li l-informazzjoni dwar in-negozjati u l-monitoraġġ ta' programmi ta' aġġustament makroekonomiku tiġi ttrattata bħala kunfidenzjali; barra minn hekk, jilqa' u jinkoraġġixxi l-involviment tal-parlamenti nazzjonali fil-livell nazzjonali u l-kooperazzjoni bejn il-parlamenti nazzjonali u l-Parlament Ewropew fil-qafas tas-Semestru Ewropew u l-governanza ekonomika b'mod aktar ġenerali, pereżempju permezz tal-"Ġimgħa Parlamentari Ewropea" u l-"Konferenza dwar l-Artikolu 13"; iqis, barra minn hekk, li jista' jittejjeb l-involviment ta' sħab soċjali fil-proċess tas-Semestru Ewropew;

62.  Iqis li huwa neċessarju li ssir valutazzjoni ġenerali tas-sitwazzjonijiet u l-prospetti baġitarji fl-UE u fiż-żona tal-euro b'mod ġenerali, tal-Istati Membri individwali fiż-żona tal-euro u tal-membri kollha tal-patt fiskali, qabel jitlaqqa' l-Kunsill Ewropew tar-Rebbiegħa, filwaqt li jiġi żgurat li huma l-Istati Membri individwali li huma obbligati jikkonformaw mar-rekwiżiti tal-leġiżlazzjoni "6-pack" u "2-pack";

63.   Jitlob li d-dispożizzjonijiet rilevanti tal-Patt Fiskali jiġu integrati fil-qafas ġuridiku tal-UE, abbażi ta' valutazzjoni komprensiva tal-implimentazzjoni tiegħu u sal-limitu li għadu mhux kopert minn leġiżlazzjoni sekondarja eżistenti;

Ir-rwol tal-baġit tal-UE fl-UEM

64.  Jirrimarka dwar il-possibilità tal-bidla mill-unanimità għal VMK għall-adozzjoni tar-Regolament dwar il-Qafas Finanzjarju Pluriennali (QFP), bl-użu tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 312(2) tat-TFUE meta jiġi adottat ir-Regolament tal-QFP li jmiss; jenfasizza l-importanza li tiġi stabbilita rabta bejn it-tul tat-terminu leġiżlattiv tal-Parlament, il-mandat tal-Kummissjoni u t-tul tal-QFP, li jista' jitnaqqas għal ħames snin skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 312(1) tat-TFUE; jitlob li l-QFP futuri jiġu allinjati mal-mandat parlamentari li jmiss; jistieden lill-Kunsill jissottoskrivi dan ir-rekwiżit demokratiku;

65.   Jistenna b'interess ir-rapport tal-Grupp ta' Livell Għoli dwar ir-Riżorsi Proprji; jixtieq jerġa' lura għat-test u l-ispirtu tat-Trattati u jibdel is-sistema attwali bbażata fuq il-kontribuzzjonijiet mill-Introjtu Nazzjonali Gross (ING) għal waħda bbażata fuq ir-riżorsi proprji reali għall-UE u, eventwalment, baġit taż-żona tal-euro, li għalihom teżisti firxa sħiħa ta' ideat, bħal riforma tat-Taxxa fuq il-Valur Miżjud (VAT), Taxxa fuq it-Tranżazzjonijiet Finanzjarji (TTF), taxxa fuq il-karbonju, sehem ta' Bażi Komuni Konsolidata tat-Taxxa Korporattiva, taxxa Ewropea fuq il-ġid, u dħul minn sorsi oħrajn bħall-Iskema għall-Iskambju ta' Kwoti ta' Emissjonijiet jew il-profitti tal-BĊE;

66.    Ifakkar li skont l-Artikolu 24 tar-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) Nru 1311/2013 tat-2 ta' Diċembru 2013 li jistabbilixxi l-qafas finanzjarju pluriennali għas-snin 2014-2020, l-infiq u d-dħul kollu tal-Unjoni u l-Euratom għandhom jiġu inklużi fil-baġit ġenerali tal-Unjoni f'konformità mal-Artikolu 7 tar-Regolament Finanzjarju;

67.   Jipproponi l-introduzzjoni ta' baġit taż-żona tal-euro bi dħul li joriġina mill-Istati Membri li l-munita tagħhom hija l-euro u li, skont l-Artikolu 21 tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012, ikun assenjat għall-infiq li jista' jintuża biss fi Stat Membru li l-munita tiegħu hija l-euro; iqis li tali dħul jeħtieġ l-introduzzjoni ta' "riżorsa proprja" ġdida ffinanzjata mill-Istati Membri li l-munita tagħhom hija l-euro; ifakkar li d-dħul assenjat skont l-Artikolu 21 tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 mhux kopert mir-Regolament QFP jew il-limiti massimi stabbiliti minnu;

Kapaċità akbar tal-UE għall-investiment

68.   Jappella għal użu aħjar tal-Fondi Strutturali eżistenti fid-direzzjoni tat-trawwim tal-kompetittività u l-koeżjoni tal-UE, u għal żieda fil-kapaċità ta' investiment tal-UE permezz tal-isfruttar ta' approċċi innovattivi bħal, pereżempju, il-FEIS, li jinkludi faċilitajiet speċifiċi għall-finanzjament u l-garanzija ta' proġetti infrastrutturali fl-interess tal-Unjoni;

69.   Jinsisti dwar l-implimentazzjoni sħiħa tal-qafas "six-pack" u "two-pack" u s-Semestru Ewropew u dwar il-ħtieġa b'mod partikolari li jiġu indirizzati l-iżbilanċi makroekonomiċi u li jiġi żgurat kontroll fit-tul fuq id-defiċit u l-livelli ta' dejn li għadhom għoljin ħafna permezz ta' konsolidazzjoni fiskali li tiffavorixxi t-tkabbir u permezz ta' titjib fl-effiċjenza tal-infiq, bil-prijoritizzazzjoni tal-investimenti produttivi, bl-għoti ta' inċentivi għal riformi strutturali sostenibbli u ġusti, u filwaqt li jitqiesu l-kundizzjonijiet taċ-ċiklu kummerċjali;

It-twaqqif ta' kapaċità fiskali fiż-żona tal-euro permezz ta' parti mill-baġit tal-UE

70.  Ifakkar li l-euro hija l-munita tal-Unjoni u li l-baġit tal-UE huwa maħsub biex jintlaħqu l-objettivi tal-Unjoni stabbiliti fl-Artikolu 3 tat-TUE, u biex jiġu ffinanzjati l-politiki komuni, jiġu megħjuna r-reġjuni dgħajfa billi jiġi applikat il-prinċipju ta' solidarjetà, jitlesta s-suq intern, jiġu promossi s-sinerġiji Ewropej, issir reazzjoni għall-isfidi preżenti u futuri li jitolbu approċċ pan-Ewropew, kif ukoll li dawn jikkontribwixxu għall-għajnuna lill-Istati Membri inqas żviluppati biex ilaħħqu mal-bqija u jkunu jistgħu jissieħbu fiż-żona tal-euro;

71.   Jieħu nota tad-diversi proposti għall-istabbiliment ta' kapaċità baġitarja fiż-żona tal-euro; Jindika li dawn il-proposti jassenjaw funzjonijiet differenti għal tali kapaċità u jista' jkollhom disinji differenti (eż. Strument ta' konverġenza li jipprovdi appoġġ kundizzjonali għal riformi strutturali jew mekkaniżmu ta' assorbiment tax-xokkijiet); ifakkar li l-Parlament insista li din il-kapaċità għandha tiġi żviluppata fi ħdan il-qafas tal-UE;

72. Jirrimarka li, filwaqt li jiddependi fuq id-disinn, il-funzjoni u d-daqs ta' kapaċità baġitarja ġdida jekk tali kapaċità tistax tiġi stabbilita fl-ambitu tal-qafas attwali tat-Trattat, huwa possibbli skont it-Trattati li jiżdiedu l-limiti massimi tar-riżorsi proprji, li jiġu stabbiliti kategoriji ġodda ta' riżorsi proprji (anki jekk dawn ir-riżorsi proprji jiġu biss minn numru ta' Stati Membri) u li jiġi assenjat ċertu dħul għall-finanzjament ta' nefqa speċifika; jirrimarka, barra minn hekk, li l-baġit tal-UE diġà jipprovdi garanziji għal operazzjonijiet speċifiċi ta' self u li jeżistu diversi strumenti ta' flessibilità li għalihom ikun jista' jiġi mobilizzat finanzjament lil hinn mil-limiti massimi tan-nefqa tal-QFP;

73.   Ifakkar fil-ħolqien tal-Awtoritajiet Superviżorji Ewropej u l-Unjoni Bankarja; jitlob biex issir ħidma ulterjuri dwar il-kwistjoni tad-dejn sovran u li tkompli tiżdied ir-reżiljenza tal-UEM meta tiffaċċja xokkijiet ekonomiċi u mġiba spekulattiva fis-swieq tal-bonds sovrani; jitlob għall-adozzjoni ta' politiki mfassla biex jassorbu x-xokkijiet asimetriċi u jippromwovu l-konverġenza fost l-Istati Membri filwaqt li jipprevjenu trasferimenti fiskali permanenti, f'konformità mal-Artikoli 125 u 136(3) tat-TFUE;

74.   Itenni li hu favur l-integrazzjoni tal-Mekkaniżmu Ewropew ta' Stabilità fil-qafas legali tal-Unjoni sakemm jiġi stabbilit skrutinju xieraq fi ħdan il-Parlament Ewropew;  

75.  Jemmen li t-twaqqif ta' kapaċità fiskali Ewropea u l-Fond Monetarju Ewropew jistgħu jkunu passi fil-proċess għall-ħolqien ta' Teżor Ewropew, li għandu jagħti rendikont lill-Parlament Ewropew;

76.  Jappella sabiex tingħata kunsiderazzjoni xierqa lis-sejbiet ewlenin tal-Grupp ta' Esperti maħluq mill-Kummissjoni bil-għan li jiġi stabbilit Fond ta' Tifdija;

Is-Suq Uniku u l-integrazzjoni finanzjarja

77.   Jemmen li s-Suq Uniku huwa wieħed mill-ġebliet tax-xewka tal-UE u huwa essenzjali għall-prosperità, it-tkabbir u l-impjiegi fl-Unjoni; jindika li s-suq uniku, li joffri benefiċċji tanġibbli kemm lill-kumpaniji kif ukoll lill-konsumaturi, fih potenzjal ta' tkabbir li għadu ma ġiex sfruttat għalkollox, b'mod partikolari b'referenza għas-Suq Uniku Diġitali, is-servizzi finanzjarji, l-enerġija, l-unjoni bankarja u l-unjoni tas-swieq kapitali; jappella, għalhekk, għal kontroll iktar mill-qrib tal-applikazzjoni korretta u infurzar aħjar tal-acquis eżistenti f'dawn l-oqsma;

78.   Jitlob li t-tlestija pass pass iżda rapida ta' unjoni bankarja msejsa fuq mekkaniżmu superviżorju uniku (MSU), Mekkaniżmu Uniku ta' Riżoluzzjoni (SRM) u skema Ewropea ta' Assigurazzjoni tad-Depożiti (EDIS) u sostnuta minn garanzija ta' kontinġenza adegwata u newtrali mil-lat fiskali; japprezza l-ftehim dwar mekkaniżmu ta' finanzjament tranżitorju sakemm jibda jopera l-Fond Uniku ta' Riżoluzzjoni, u jitlob għal Skema Ewropea ta' Insolvenza;

79.   Ifakkar li l-Awtorità Superviżorja Ewropea għandha taġixxi bl-għan li ttejjeb l-operat tas-suq intern, b'mod partikolari billi jkun żgurat livell għoli, effikaċi u konsistenti ta' regolazzjoni u superviżjoni filwaqt li jitqiesu d-diversi interessi tal-Istati Membri kollha u n-natura differenti tal-parteċipanti fis-swieq finanzjarji; iqis li kwistjonijiet li jaffettwaw lill-Istati Membri kollha għandhom jitqajjmu, jiġu diskussi u deċiżi mill-Istati Membri kollha, u li biex jissaħħu l-kundizzjonijiet ekwi fis-suq uniku hi essenzjali ġabra unika tar-regoli applikabbli għall-parteċipanti kollha tas-suq finanzjarju fl-UE, sabiex tiġi evitata l-frammentazzjoni tas-suq uniku fis-servizzi finanzjarji u l-kompetizzjoni inġusta minħabba n-nuqqas ta' kundizzjonijiet ekwi;

80.  Jappella għat-twaqqif ta' unjoni vera tas-swieq kapitali;

81.  Jappoġġja l-ħolqien ta' sistema ta' awtoritajiet tal-kompetittività li jkunu inkarigati li jlaqqgħu flimkien lill-korpi nazzjonali responsabbli li jsegwu l-progress fil-qasam tal-kompetittività f'kull Stat Membru u jipproponi li s-segwitu tal-progress ta' sistema bħal din għandu jsir taħt is-superviżjoni tal-Kummissjoni;

82.   Huwa tal-fehma li jeħtieġ li jittejjeb l-iskambju awtomatiku tal-informazzjoni bejn l-awtoritajiet fiskali nazzjonali sabiex jiġu evitati l-frodi fiskali u l-evażjoni tat-taxxa, l-ippjanar fiskali, l-erożjoni tal-bażi tat-taxxa u t-trasferiment tal-profitt, kif ukoll għall-promozzjoni ta' azzjonijiet ikkoordinati maħsuba biex jiġġieldu r-rifuġju fiskali; jitlob għall-adozzjoni ta' direttiva dwar il-Bażi Komuni Konsolidata tat-Taxxa Korporattiva li tistabbilixxi rata minima u li tiddeskrivi l-għanijiet komuni għal konverġenza progressiva; iqis li hemm bżonn li jsir rieżami komprensiv tal-leġiżlazzjoni eżistenti dwar il-VAT, li jindirizza, fost l-oħrajn, l-introduzzjoni tal-prinċipju tal-pajjiż ta' oriġini;

Struttura istituzzjonali aktar demokratika għall-UEM

83.  Ifakkar fil-ħtieġa li jiġu żgurati r-responsabilità u l-leġittimità demokratika xierqa fil-livell tat-teħid tad-deċiżjonijiet, fejn il-parlamenti nazzjonali jiskrutinizzaw lill-gvernijiet nazzjonali u bi rwol ta' skrutinju msaħħaħ għall-Parlament Ewropew fil-livell tal-UE, inkluż rwol ċentrali, flimkien mal-Kunsill, fl-adozzjoni tal-Kodiċi ta' Konverġenza wara l-proċedura leġiżlattiva ordinarja;

84.  Huwa favur l-użu ġenerali tal-"klawżola passerelle" minquxa fl-Artikolu 48(7); Ifakkar li l-Kummissjoni Ewropea, fil-Pjan ta' Azzjoni tagħha għal UEM profonda u ġenwina,(8) ipproponiet it-twaqqif ta' Strument ta' Konverġenza u Kompetittività bbażat fuq l-Artikolu 136 tat-TFUE jew fuq l-Artikolu 352 tat-TFUE, jekk meħtieġ permezz tal-kooperazzjoni msaħħa; jirrimarka li f'każ ta' kooperazzjoni msaħħa, l-użu tal-Artikolu 333(2), li jipprevedi l-użu tal-proċedura leġiżlattiva ordinarja, isaħħaħ il-leġittimità demokratika u l-effikaċja tal-governanza tal-UE u r-rwol tal-Parlament fihom;

85.   Itenni li l-kooperazzjoni interparlamentari m'għandhiex twassal għall-istabbiliment ta' korp parlamentari ġdid jew istituzzjoni ġdida, minħabba li l-euro hija l-munita tal-UE u l-Parlament Ewropew huwa l-parlament tal-UE; ifakkar li l-UEM hija stabbilita mill-Unjoni, li ċ-ċittadini tagħha huma direttament irrappreżentati fil-livell tal-Unjoni mill-Parlament, li għandu jsib u jkun kapaċi jimplimenta modi kif tiggarantixxi r-responsabilità demokratika parlamentari tad-deċiżjonijiet speċifiċi għaż-żona tal-euro; jissuġġerixxi li tittieħed ispirazzjoni minn soluzzjonijiet tal-passat li jiddifferenzjaw l-involviment fit-teħid tad-deċiżjonijiet, filwaqt li jfakkar, pereżempju, l-istatus tal-membri ta' Berlin tal-Bundesrat Ġermaniż qabel ir-riunifikazzjoni, li kellhom id-dritt li jipparteċipaw imma li l-voti tagħhom ma ġewx ikkunsidrati;

86.  Jinsisti li l-Kummissjoni għandha tiġi mogħnija bis-setgħat li timplimenta u tinforza kwalunkwe strument eżistenti jew ġejjieni adottat fil-qasam tal-UEM;

87.   Iqis li huwa neċessarju li tiġi indirizzata d-dgħufija fl-istruttura istituzzjonali eżistenti tal-UEM, b'mod partikolari d-defiċit demokratiku tagħha, filwaqt li jitqies ukoll li ċerti partijiet tat-Trattat jistgħu jiġu ssorveljati mill-Qorti tal-Ġustizzja, filwaqt li oħrajn huma esklużi minn tali skrutinju; iqis li hemm ħtieġa għal skrutinju parlamentari iktar sod għall-implimentazzjoni dettaljata tal-Artikolu 121(3) u (4) tat-TFUE, rigward koordinazzjoni iktar mill-qrib tal-politiki ekonomiċi;

88.  Huwa tal-opinjoni li l-integrazzjoni differenzjata għandha tibqa' miftuħa għall-Istati Membri kollha;

89.  Ifakkar li għandha tingħata prijorità lill-proċeduri leġiżlattivi u baġitarji ordinarji fil-livell tal-UE billi jsir użu fejn meħtieġ minn derogi u mit-twaqqif ta' linji baġitarji ddedikati; ifakkar li kwalunkwe dispożizzjoni oħra, bħad-dispożizzjonijiet dwar iż-żona tal-euro jew dwar il-kooperazzjoni msaħħa, għandhom jintużaw biss meta l-proċeduri msemmija qabel ma jkunux legalment jew politikament possibbli;

L-ikkompletar tas-suq intern bħala l-ewwel ġeneratur tat-tkabbir

90.  Huwa konvint li l-approfondiment tal-UEM għandu jimxi id f'id mat-tlestija tas-suq intern billi jitneħħew l-ostakoli interni kollha li fadal, speċjalment fejn għandu x'jaqsam mal-Unjoni tal-Enerġija, is-suq diġitali komuni u s-suq tas-servizzi;

91.  Jitlob għal infurzar sħiħ tal-leġiżlazzjoni eżistenti dwar is-suq intern tal-enerġija skont l-Artikolu 194 tat-TFUE, sabiex titwaqqaf Unjoni tal-Enerġija;

92.  Jappoġġja t-tisħiħ tad-dmirijiet u l-kompetenzi tal-Aġenzija Ewropea għall-Kooperazzjoni tar-Regolaturi tal-Enerġija (ACER) lejn, fl-aħħar, il-ħolqien ta' Aġenzija Ewropea tal-Enerġija skont l-Artikolu 54 tat-Trattat Euratom, kif ukoll l-integrazzjoni tas-swieq tal-enerġija, it-twaqqif ta' riżerva strateġika Ewropea bbażata taħlita ta' riżervi nazzjonali u ta' ċentru ta' negozjar konġunt mal-fornituri, bl-għan li titlesta l-istruttura istituzzjonali tal-Unjoni tal-Enerġija;

93.  Jinkoraġġixxi l-użu ta' "bonds tal-proġetti", b'kooperazzjoni mill-qrib mal-BEI, għall-finanzjament tal-proġetti tal-infrastruttura u tal-enerġija;

94.   Jistieden lill-Kummissjoni tuża l-Artikolu 116 tat-TFUE li jipprovdi l-bażi ġuridika neċessarja biex il-Parlament u l-Kunsill jaġixxu skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja sabiex jiġu eliminati l-prattiki li jirriżultaw f'distorsjoni tal-kompetizzjoni fis-suq intern permezz ta' politiki fiskali li jagħmlu l-ħsara;

Id-dimensjoni soċjali

95.  Jenfasizza li d-drittijiet tal-ħaddiema, partikolarment meta jeżerċitaw id-dritt tagħhom tal-mobilità, għandhom jiġu garantiti, flimkien mad-drittijiet soċjali tagħhom, filwaqt li jsir użu sħiħ mill-istrumenti legali rilevanti previsti fit-Titoli IV, IX u X u skont il-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-UE, sabiex tiġi żgurata bażi soċjali stabbli għall-Unjoni; jindika f'dan il-kuntest b'mod partikolari d-drittijiet li jinstabu fid-Direttiva 2004/38/KE dwar id-drittijiet taċ-ċittadini tal-Unjoni u tal-membri tal-familja tagħhom biex jiċċaqilqu u jgħixu liberament fit-territorju tal-Istati Membri;

96.   Jenfasizza l-importanza tal-ħolqien ta' Ewropa soċjali, sabiex il-proġett ta' integrazzjoni Ewropea jkompli jkollu l-appoġġ tal-ħaddiema;

97.   Jindika l-importanza tal-promozzjoni tal-idea ta' paga minima determinata minn kull Stat Membru, u l-esplorazzjoni tal-għażliet għal skema ta' benefiċċju minimu tal-qgħad, li jkunu jeħtieġu l-eżistenza ta' regoli u kundizzjonijiet komuni għal suq tax-xogħol tal-UE, u jissuġġerixxi li, skont id-dispożizzjonijiet tat-Trattat attwali, "Direttiva dwar il-Mobilità tal-Ħaddiema" tista' tiġi adottata sabiex jitnaqqsu l-ostakoli li għadhom jeżistu għall-impjegati;

98.   Jinnota li l-faċilitajiet ipprovduti mill-Unjoni u l-ħtieġa li l-ħaddiema żgħażagħ jiġu inklużi b'mod attiv fis-suq tax-xogħol, u jinkoraġġixxi aktar l-iskambju ta' ħaddiema żgħażagħ, b'konformità mal-Artikolu 47 tat-TFUE;

99.  Jistieden lill-Kummissjoni tinkludi kriterji tal-impjiegi fl-evalwazzjoni tal-prestazzjoni makro-ekonomika tal-Istati Membri, u għar-rakkomandazzjoni u l-appoġġ għal riformi strutturali wkoll bl-għan li jiġi żgurat użu aħjar tal-fondi soċjali u reġjonali;

100.  Jitlob lill-Kummissjoni sabiex tivvaluta sew il-ħtieġa għal azzjoni tal-UE u l-impatti ekonomiċi, soċjali u ambjentali potenzjali ta' għażliet alternattivi tal- politika qabel ma tipproponi inizjattiva ġdida (eż. proposti leġiżlattivi, inizjattivi mhux leġiżlattivi, atti delegati u ta' implimentazzjoni) b'konformità mal-Ftehim Interistituzzjonali dwar it-Tfassil Aħjar tal-Liġijiet tat-13 ta' April 2016;

101.   Jitlob għall-ħolqien ta' patt soċjali ġdid (li jista' jieħu l-forma ta' protokoll soċjali) maħsub biex irawwem l-ekonomija tas-suq soċjali tal-Ewropa u biex inaqqas inugwaljanzi, bl-iżgurar li jiġu rrispettati d-drittijiet fundamentali taċ-ċittadini kollha, inkluż inter alia d-dritt għal negozjar kollettiv u l-libertà ta' moviment; jirrimarka li patt bħal dan jista' jsaħħaħ il-koordinazzjoni tal-politiki soċjali tal-Istati Membri;

102.   Jistieden lill-Kummissjoni biex terġa' tagħti l-ħajja lid-djalogu soċjali tal-UE permezz ta' ftehimiet vinkolanti bejn is-sħab soċjali f'konformità mal-Artikoli 151 sa 161 tat-TFUE;

Azzjoni Esterna

It-tkabbir tal-effikaċja, il-koerenza u r-responsabilità politika tal-Politika Estera u ta' Sigurtà Komuni (PESK)

103.  Hu tal-fehma li l-approċċ komprensiv tal-Unjoni Ewropea għall-kunflitti u l-kriżijiet esterni għandu jkun imsaħħaħ billi jinġiebu eqreb ta' xulxin l-atturi u l-istrumenti differenti fil-fażijiet kollha taċ-ċiklu tal-kunflitt;

104.   Jinsisti fuq l-użu tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 22 tat-TUE sabiex jiġi stabbilit qafas strateġiku ġenerali għal, u jittieħdu deċiżjonijiet dwar, l-interessi strateġiċi u l-objettivi stabbiliti fl-Artikolu 21 tat-TUE, li jistgħu jiġu estiżi lil hinn mill-PESK għal oqsma oħrajn ta' azzjoni esterna, u li jeħtieġ konsistenza ma' politiki oħra bħalma huma l-kummerċ, l-agrikoltura u l-għajnuna għall-iżvilupp; ifakkar li d-deċiżjonijiet meħuda abbażi ta' strateġija bħal din jistgħu jiġu implimentati b'VMK; Jinnota li l-leġittimità demokratika ta' dawn id-deċiżjonijiet tista' tissaħħaħ jekk il-Kunsill u l-Parlament jadottaw dokumenti strateġiċi konġunti fuq il-bażi tal-proposti mal-Viċi President/Rappreżentant Għoli (RGħ/VP);

105.  Jitlob sabiex tissaħħaħ is-superviżjoni parlamentari tal-azzjoni esterna tal-UE, inkluż billi jissoktaw il-konsultazzjonijiet fuq bażi regolari mal-VP/RGħ, mas-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE) u mal-Kummissjoni, kif ukoll sabiex jiġu konklużi n-negozjati fuq is-sostituzzjoni tal-Ftehim Interistituzzjonali tal-2002 dwar l-aċċess għal informazzjoni sensittiva tal-Kunsill fil-qasam tal-PESK;

106.  Iqis li huwa neċessarju li r-Rappreżentanti Speċjali tal-UE jiġu integrati fis-SEAE, inkluż billi l-baġit tagħhom jiġi ttrasferit mil-linji tal-PESK għal-linji tas-SEAE, hekk kif dan huwa mistenni li jżid il-koerenza tal-isforzi tal-UE;

107.  Jappella għall-użu tal-Artikolu 31(2) tat-TUE, li jippermetti lill-Kunsill jieħu ċerti deċiżjonijiet dwar kwistjonijiet relatati mal-PESK b'VMK, u l-"klawżola passerelle" inkluża fl-Artikolu 31(3) tat-TUE sabiex issir il-bidla progressiva lejn VMK għad-deċiżjonijiet fil-qasam tal-PESK li ma jkollhomx implikazzjonijiet militari jew ta' difiża; ifakkar li l-Artikolu 20(2) tat-TUE, li jistabbilixxi d-dispożizzjonijiet għal kooperazzjoni msaħħa, jipprovdi possibilitajiet addizzjonali għall-Istati Membri sabiex jimxu 'l quddiem bil-PESK u, għalhekk, għandu jintuża;

108.  Jemmen li jeħtieġ li tiżdied il-flessibilità tar-regoli finanzjarji għall-azzjoni esterna sabiex ikun evitat kull dewmien fl-iżborżament operazzjonali tal-fondi tal-UE u b'hekk tiżdied il-kapaċità tal-UE li tirrispondi malajr u b'mod effettiv għall-kriżijiet; iqis li huwa neċessarju, f'dan ir-rigward, li tiġi stabbilita proċedura rapida għall-assistenza umanitarja sabiex ikun żgurat li l-għajnuna tiġi provduta bl-aktar mod effiċjenti u effettiv possibbli;

109.  Iħeġġeġ lill-Kunsill, lis-SEAE u lill-Kummissjoni sabiex iħarsu l-obbligi rispettivi tagħhom li jgħarrfu minnufih u b'mod sħiħ lill-Parlament fl-istadji kollha tal-proċessi tan-negozjati u l-konklużjoni ta' ftehimiet internazzjonali, kif stipulat fl-Artikolu 218(10) tat-TFUE u kif spjegat fid-dettall fil-ftehimiet interistituzzjonali mal-Kummissjoni u mal-Kunsill;

110.   Jirrimarka li l-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja kkonfermat li l-Parlament għandu d-dritt skont l-Artikolu 218(10) tat-TFUE li jiġi infurmat bis-sħiħ u minnufih fl-istadji kollha tal-proċedura għan-negozjati u għall-konklużjoni ta' ftehimiet internazzjonali - anki fir-rigward tal-PESK - biex ikun jista' jeżerċita s-setgħat tiegħu b'għarfien sħiħ tal-azzjoni tal-Unjoni Ewropea kollha kemm hi; jistenna, għalhekk, li n-negozjati interistituzzjonali li għandhom isiru dwar arranġamenti prattiċi mtejba għall-kooperazzjoni u l-iskambju ta' informazzjoni fil-kuntest tan-negozjati u l-konklużjoni ta' ftehimiet internazzjonali ser iqisu sew il-każistika tal-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja;

Lejn politika tad-difiża komuni

111.  Jitlob li jittieħdu passi progressivi lejn politika tad-difiża komuni (Artikolu 42(2) tat-TUE) u, eventwalment, difiża komuni, li tista' tiġi stabbilita permezz ta' deċiżjoni unanima tal-Kunsill Ewropew filwaqt li tissaħħaħ is-soċjetà ċivili fuq il-bażi ta' approċċi ta' prevenzjoni u riżoluzzjoni tal-konflitti bbażati fuq in-nonvjolenza, partikolarment permezz ta' żieda fir-riżorsi finanzjarji, amministrattivi u r-riżorsi umani bl-għan li jittrattaw il-medjazzjoni, id-djalogu, ir-rikonċiljazzjoni u r-rispons immedjat għall-kriżi bbażat fuq l-organizzazzjoni tas-soċjetà ċivili;

112.   Jissuġġerixxi, bħala l-ewwel pass f'din id-direzzjoni, illi jiġu implimentati d-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 46 tat-TUE rigward it-twaqqif ta' Kooperazzjoni Strutturata Permanenti (PESCO) permezz ta' VMK fil-Kunsill, billi dan l-istrument jippermetti lill-Istati Membri aktar ambizzjużi jikkooperaw aktar mill-qrib b'mod koordinat fil-qasam tad-difiża taħt l-umbrella tal-UE, u jagħtihom is-setgħa li jużaw l-istituzzjonijiet, l-istrumenti u l-baġit tal-UE;

113.   Jirrakkomanda t-twaqqif ta' Kunsill ta' Ministri tad-Difiża, li għandu jkun presedut mill-VP/RGħ bl-għan li ssir koordinazzjoni tal-politiki ta' difiża tal-Istati Membri, partikolarment fir-rigward taċ-ċibersigurtà u l-ġlieda kontra t-terroriżmu, u b'mod konġunt jiżviluppaw strateġija u prijoritajiet ta' difiża tal-UE;

114.   Jinsisti fuq l-istabbiliment ta' ktieb abjad tal-UE dwar is-sigurtà u d-difiża fuq il-bażi tal-istrateġija globali tal-UE għal politika estera u ta' sigurtà ppreżentata mill-VP/RGħ kif ukoll l-aġenda ta' Bratislava, minħabba li dokument bħal dan ikompli jiddefinixxi l-objettivi strateġiċi tal-UE fil-qasam tas-sigurtà u tad-difiża u jidentifika l-kapaċitajiet eżistenti u dawk meħtieġa; jistieden lill-Kummissjoni biex tibbaża l-ħidma preparatorja li għaddejja tagħha fuq pjan ta' azzjoni għad-difiża Ewropea dwar ir-riżultati tal-ktieb abjad tal-UE futur dwar is-sigurtà u d-difiża, li għandu jindirizza wkoll il-kwistjoni dwar kif u taħt liema kundizzjonijiet l-użu ta' forza militari huwa xieraq u leġittimu;

115.  Jenfasizza l-ħtieġa li tiġi definita politika Ewropea komuni dwar il-kapaċitajiet u l-armamenti (l-Artikolu 42(3) tat-TUE), li tkun tinkludi l-ippjanar konġunt, l-iżvilupp u l-akkwist ta' kapaċitajiet militari, kif ukoll proposti għar-reazzjoni għal theddidiet ċibernetiċi, ibridi u asimmetriċi; iħeġġeġ lill-Kummissjoni sabiex taħdem fuq Pjan ta' Azzjoni ambizzjuż għad-Difiża Ewropea, kif imħabbar fil-Programm ta' Ħidma għall-2016;

116.   Jenfasizza l-potenzjal kbir li għandha l-Aġenzija Ewropea tad-Difiża (EDA) biex tgħin tiżviluppa suq uniku tad-difiża li jkun kompetittiv, effiċjenti, imsejjes fuq ir-riċerka, l-iżvilupp u l-innovazzjoni u ffokat fuq il-ħolqien ta' impjiegi speċjalizzati, u jappoġġa, għal dan l-għan, l-istudju tal-possibilità ta' sħubiji pubbliċi-privati; itenni l-ħtieġa urġenti li tissaħħaħ l-EDA billi tiġi pprovduta bir-riżorsi u s-sostenn politiku meħtieġa, sabiex b'hekk jippermettilha jkollha rwol ta' koordinazzjoni ewlieni fl-iżvilupp tal-kapaċità, fir-riċerka u fl-akkwist; itenni l-fehma tiegħu li dan isir l-aħjar permezz ta' finanzjament tal-persunal u tal-ispejjeż tal-Aġenzija mill-baġit tal-Unjoni;

117.  Ifakkar fl-eżistenza tal-Artikolu 44 tat-TUE, li jipprovdi dispożizzjonijiet ta' flessibilità addizzjonali u jintroduċi l-possibilità li l-implimentazzjoni tal-kompiti tal-ġestjoni tal-kriżijiet tiġi fdata lil grupp ta' Stati Membri, li jwettqu dawn il-kompiti f'isem l-UE u taħt il-kontroll politiku u l-gwida strateġika tal-Kumitat Politiku u ta' Sigurtà (KPS) u tas-SEAE;

118.  Jissuġġerixxi li l-Artikolu 41(3) tat-TUE jintuża sabiex jistabbilixxi fond ta' tnedija magħmul minn kontribuzzjonijiet tal-Istati Membri sabiex jiġu ffinanzjati attivitajiet ta' tħejjija li jappartjenu għall-attivitajiet tal-PSDK mhux imħallsin mill-baġit tal-Unjoni;

119.  Jenfasizza l-importanza tal-estensjoni tal-finanzjament komuni fil-qasam tal-PSDK militari, inkluż permezz tal-mekkaniżmu Athena, minħabba li dan inaqqas id-diżinċentivi finanzjarji min-naħa tal-Istati Membri fil-kontribuzzjoni għall-missjonijiet u l-operazzjonijiet tal-PSDK militari u, b'hekk, tittejjeb il-ħila tal-UE li tirreaġixxi għall-kriżijiet;

120.  Jitlob għall-ħolqien ta' sede militari u ċivili permanenti, b'Kapaċità Militari ta' Ppjanar u ta' Kondotta (MPCC) u Kapaċità Ċivili ta' Ppjanar u Kondotta (CPCC); jitlob għall-istituzzjonalizzazzjoni tad-diversi strutturi militari Ewropej (fost l-oħrajn, il-gruppi tattiċi differenti, il-Euroforces, il-kooperazzjoni tad-difiża bejn Franza u r-Renju Unit u l-kooperazzjoni tad-difiża bl-ajru tal-Benelux) fil-qafas tal-UE, kif ukoll biex tiżdied il-possibilità tal-użu tal-gruppi tattiċi tal-UE, fost l-oħrajn, permezz tal-estensjoni tal-finanzjament komuni u tal-kunsiderazzjoni tal-iskjerament tagħhom, b'mod awtomatiku, bħala forza ta' intervent inizjali fix-xenarji futuri ta' ġestjoni tal-kriżijiet;

121.  Jinnota li dawn il-kwartieri ġenerali permanenti jistgħu jiġu involuti f'ippjanar ta' kontinġenza permanenti u jkollhom rwol ta' koordinazzjoni ewlieni fl-applikazzjonijiet futuri tal-Artikolu 42(7) tat-TUE; huwa tal-fehma li l-‘klawżola ta' difiża reċiproka', kif stipulata f'dak l-artikolu u invokata minn Franza matul il-Kunsill Affarijiet Barranin fis-17 ta' Novembru 2015, tista' tikkostitwixxi katalista għall-iżvilupp ulterjuri tal-politika ta' difiża u ta' sigurtà tal-UE, li twassal għal impenn aktar qawwi mill-Istati Membri kollha;

122.   Iqis li jeħtieġ li tissaħħaħ il-kooperazzjoni bejn l-UE u n-NATO fil-livelli kollha f'oqsma bħall-iżvilupp tal-kapaċità u l-ippjanar ta' kontinġenza għal theddidiet ibridi, kif ukoll li jiġu intensifikati l-isforzi sabiex jitneħħew l-ostakoli politiċi li jifdal; iħeġġeġ li tiġi stabbilita sħubija politika u militari komprensiva bejn l-UE u n-NATO;

123.   Jitlob li tittieħed azzjoni deċiżiva biex tiġi żgurata koerenza tal-politiki għall-iżvilupp (PCD), b'konformità mal-Artikolu 208 tat-TFUE, u jitlob li titjieb is-sistema tal-valutazzjoni tal-impatt tal-PCD u l-istabbiliment ta' mekkaniżmu ta' arbitraġġ biex jirrimedja kwalunkwe diskrepanza f'diversi politiki tal-UE, u billi l-President tal-Kummissjoni jingħata r-responsabilità politika għal-linji gwida ġenerali tagħha u s-soluzzjoni ta' kwistjonijiet f'konformità mal-impenji tal-UE dwar il-PCD;

Ġustizzja u Affarijiet Interni (ĠAI)

124.   Jenfasizza li, filwaqt li jiġu rrispettati d-drittijiet u l-libertajiet fundamentali u ssir insistenza fuq il-ħtieġa għal sorveljanza demokratika u ġudizzjarja tal-politiki kontra t-terroriżmu, fid-dawl tal-attakki reċenti u ż-żieda tat-theddida terroristika, skambju obbligatorju, sistematiku u strutturat ta' informazzjoni u data bejn l-awtoritajiet nazzjonali tal-infurzar tal-liġi u s-servizzi tal-intelligence, kif ukoll mal-Europol, il-Frontex u l-Eurojust, huwa assolutament essenzjali u jeħtieġ li jiġi implimentat mill-aktar fis possibbli;

125.   Jirrimarka li, bħal fil-każ ta' attakki preċedenti, dawk li wettqu l-attakki ta' Pariġi kienu diġà magħrufa lill-awtoritajiet tas-sigurtà u kienu s-suġġett ta' investigazzjonijiet u miżuri ta' superviżjoni; jesprimi t-tħassib tiegħu dwar il-fatt li d-data eżistenti dwar dawn l-individwi ma ġietx skambjata bejn l-Istati Membri, minkejja r-rekwiżiti tal-Artikolu 88 tat-TFUE; jistieden lill-Kunsill biex jadotta, abbażi tal-Artikolu 352, skambju obbligatorju ta' data bejn l-Istati Membri; huwa tal-fehma li l-potenzjal ta' kooperazzjoni msaħħa għandu jintuża jekk ma tintlaħaqx l-unanimità;

126.   Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Kunsill biex iwettqu evalwazzjoni komprensiva tal-miżuri tal-UE kontra t-terroriżmu u l-miżuri relatati b'mod partikolari fir-rigward tal-implimentazzjoni tagħhom fil-liġi u fil-prattika fl-Istati Membri, sa liema punt hemm kooperazzjoni mal-aġenziji tal-UE f'dan il-qasam, b'mod partikolari l-Europol u l-Eurojust, u valutazzjoni korrispondenti tal-lakuni li fadal, kif ukoll il-konformità tagħhom mal-obbligi tal-UE rigward id-drittijiet fundamentali, bl-użu tal-proċedura prevista fl-Artikolu 70 tat-TFUE;

127.  Ifakkar, f'dan il-kuntest, li l-Artikolu 222 tat-TFUE jipprevedi klawżola ta' solidarjetà li tista' u għandha tiġi attivata meta Stat Membru jkun fil-mira ta' attakk terroristiku jew il-vittma ta' diżastru naturali jew ikkawżat mill-bniedem;

128.   Jiddispjaċih li d-Direttiva dwar il-Protezzjoni Temporanja ma ġietx attivata fid-dawl tal-kriżi tar-rifuġjati, minkejja li ġiet stabbilita biex tindirizza l-fluss ta' mases ta' ċittadini ta' pajjiżi terzi;

129.   Jenfasizza l-ħtieġa li tiġi stabbilita politika ta' komuni tal-UE dwar l-asil u l-immigrazzjoni ġusta u effettiva, ibbażata fuq il-prinċipji tas-solidarjetà, in-nondiskriminazzjoni, il-prinċipju tan-non-refoulement u kooperazzjoni sinċiera bejn l-Istati Membri kollha, li għandha tipprevedi wkoll distribuzzjoni mill-ġdid ġusta ta' dawk li qed ifittxu asil fi ħdan l-UE; huwa tal-fehma li tali politika għandha tinvolvi lill-Istati Membri kollha; ifakkar lill-Istati Membri dwar l-obbligi tagħhom f'dan ir-rigward, u jenfasizza li qafas ġdid għall-asil u l-migrazzjoni għandu jkun ibbażat fuq id-drittijiet fundamentali tal-migranti;

130.   Jirrimarka li huma meħtieġa passi ulterjuri biex jiġi żgurat li s-Sistema Ewropea Komuni tal-Asil ssir verament sistema uniformi; jistieden lill-Istati Membri jarmonizzaw il-leġiżlazzjoni u l-prattiki tagħhom fir-rigward tal-kriterji dwar min jikkwalifika bħala benefiċjarju ta' protezzjoni internazzjonali, u fir-rigward ta' garanziji rigward il-proċeduri ta' protezzjoni internazzjonali u kundizzjonijiet ta' akkoljenza, f'konformità mal-ġurisprudenza tal-QEDB u QtĠ-UE u l-aqwa prassi stabbiliti fi Stati Membri oħra;

131.  Jilqa' l-adozzjoni tar-Regolament 2016/1624 li jespandi l-kompiti u s-setgħat tal-Frontex u l-għoti tal-isem ġdid ta' Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta; iqis li l-aġenzija tista' tkun appoġġjata, fejn meħtieġ, minn strumenti militari bħal Forza Marittima Ewropea (Euromarfor) u Korp Ewropew (Eurocorps) ammeljorat, flimkien mar-riżorsi miġbura flimkien permezz tal-Kooperazzjoni Strutturata Permanenti; jenfasizza li r-regolament jinsisti li l-Istati Membri għandhom, fl-interess tagħhom u fl-interess tal-Istati Membri l-oħra, idaħħlu d-data f'bażijiet ta' data Ewropej; jissuġġerixxi li għandhom jiġu previsti wkoll l-interoperabilità tal-bażijiet ta' data ta' aġenziji tal-fruntieri bħal Eurodac u l-interoperabilità tal-bażijiet ta' data tal-Europol;

132.   Jappella għal rieżami urġenti tar-Regolament ta' Dublin permezz tat-twaqqif ta' sistema permanenti legalment vinkolanti fl-UE kollha għat-tqassim ta' persuni li jfittxu asil fost l-Istati Membri kollha, ibbażata fuq allokazzjoni ġusta u obbligatorja;

133.   Jirrimarka li, minħabba l-flussi bla preċedent ta' migranti li waslu u li qed ikomplu jaslu fil-fruntieri esterni tal-Unjoni, u ż-żieda kostanti fl-għadd ta' persuni li jitolbu protezzjoni internazzjonali, l-Unjoni teħtieġ approċċ leġiżlattiv vinkolanti u obbligatorju għar-risistemazzjoni, kif stabbilit fl-Aġenda tal-Kummissjoni dwar il-Migrazzjoni;

134.  Jappella għall-iffirmar ta' ftehimiet ma' pajjiżi terzi sikuri sabiex jiġu kkontrollati u jitnaqqsu l-flussi tal-immigrazzjoni qabel ma l-immigranti jaslu fil-fruntiera tal-UE; jinsisti, fl-istess waqt, fuq proċeduri stretti għall-applikanti li jirritornaw b'talbiet bla bażi;

135.   Jitlob lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex iżidu l-infiq fuq it-taħriġ ta' professjonisti fil-qasam tal-asil u jtejbu l-effiċjenza tal-proċeduri tal-asil;

136.   Iqis li d-dimensjoni esterna għandha tiffoka fuq kooperazzjoni mal-pajjiżi terzi sabiex jiġu trattati u indirizzati l-kawżi fundamentali tal-flussi ta' migranti irregolari lejn l-Ewropa; huwa tal-fehma li s-sħubiji u l-kooperazzjoni mal-pajjiżi ta' oriġini, ta' tranżitu u ta' destinazzjoni ewlenin għandhom ikomplu jkunu ta' prijorità; jirrakkomanda li l-kooperazzjoni ma' pajjiżi terzi għandha tinvolvi l-valutazzjoni tas-sistemi tal-asil ta' dawk il-pajjiżi, l-appoġġ tagħhom lir-rifuġjati, u l-ħila u r-rieda tagħhom li jiġġieldu t-traffikar u l-kuntrabandu ta' persuni lejn u f'dawk il-pajjiżi; jirrikonoxxi li hemm il-ħtieġa li tittejjeb l-effikaċja tas-sistema ta' ritorn tal-Unjoni, iżda jemmen li r-ritorn tal-migranti għandu jitwettaq biss b'kondizzjonijiet ta' sikurezza, b'konformità sħiħa mad-drittijiet fundamentali u proċedurali tal-migranti kkonċernati;

137.   Jilqa' l-fatt li r-Regolament 2016/1624 il-ġdid dwar l-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u l-Kosta jipprevedi li jekk il-kontroll tal-fruntiera esterna isir ineffettiv b'tali mod li jissogra li jipperikola l-funzjonament taż-żona Schengen, minħabba li Stat Membru ma jiħux il-miżuri meħtieġa jew minħabba li ma jkunx talab appoġġ suffiċjenti minn Frontex jew mhux qed jimplimenta din l-għajnuna, il-Kummissjoni tista' tipproponi lill-Kunsill deċiżjoni li tidentifika l-miżuri li għandhom jiġu implimentati mill-Aġenzija u li titlob lill-Istat Membru kkonċernat biex jikkoopera mal-Aġenzija fl-implimentazzjoni ta' dawk il-miżuri; jirrimarka, barra minn hekk, li ir-regolament jinkludi wkoll dispożizzjonijiet dwar ir-responsabilità ċivili u kriminali tal-membri tal-grupp u mekkaniżmu ta' lmenti għall-monitoraġġ u l-iżgurar tal-ħarsien tad-drittijiet fundamentali fl-attivitajiet kollha tal-Aġenzija;

138.   Jemmen li jkun meħtieġ titjib tal-kapaċitajiet umani u finanzjarji tal-Uffiċċju Ewropew ta' Appoġġ fil-qasam tal-Asil (EASO) jekk dan kellu jintalab jikkoordina l-applikazzjonijiet ta' asil tal-UE kollha waqt li joffri appoġġ lill-Istati Membri li jkunu taħt pressjoni partikolari ta' immigrazzjoni fl-ipproċessar tat-talbiet għal asil, inkluż fil-mandat tiegħu għat-twettiq ta' operazzjonijiet konġunti, proġetti pilota u interventi rapidi simili għal dawk miżjuda permezz tar-Regolament 1168/2011 mal-mandat tal-Frontex;

139.  Jenfasizza l-importanza ta' koordinazzjoni mtejba bejn l-EASO, il-Frontex u l-Uffiċċju tal-Ombudsman Ewropew sabiex jingħata lok għal adozzjoni aktar bla xkiel tar-Rapporti dwar Twissija Bikrija f'każ ta' pressjoni migratorja partikolari, li x'aktarx tpoġġi f'riskju r-rispett għal-libertajiet fundamentali tal-persuni li jfittxu asil; iqis li huwa possibbli għall-Kummissjoni li tuża dawn ir-Rapporti dwar Twissija Bikrija bħala bażi sabiex jiskattaw il-miżuri ta' kontinġenza previsti fl-Artikolu 78(3) tat-TFUE;

140.  Isib li huwa imperattiv li jissaħħaħ ir-rwol tal-Parlament bħala koleġiżlatur, fuq bażi ugwali mal-Kunsill, permezz tal-użu tal-Artikolu 81(3) tat-TFUE, li jagħmilha possibbli li t-teħid tad-deċiżjonijiet fil-qasam tal-liġi tal-familja b'implikazzjonijiet transkonfinali jinqaleb għall-proċedura leġiżlattiva ordinarja jekk il-Kunsill jiddeċiedi hekk b'mod unanimu, wara li jkun ikkonsulta mal-Parlament; jitlob li l-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet dwar il-politiki l-oħrajn kollha fil-qasam tal-ĠAI jinbidel għall-proċedura leġiżlattiva ordinarja, bl-użu tal-"klawżola passerelle" stipulata fl-Artikolu 48(7) tat-TUE;

141.   Jistieden lill-Kummissjoni biex, fuq il-bażi tal-Artikolu 83 tat-TFUE, tipproponi regoli minimi dwar id-definizzjonijiet u s-sanzjonijiet relatati mal-ġlieda kontra t-terroriżmu, it-traffikar ta' bnedmin u l-isfruttament sesswali tan-nisa u t-tfal, it-traffikar illeċitu ta' droga, it-traffiku illeċitu ta' armi, il-ħasil tal-flus, il-korruzzjoni, il-falsifikazzjoni ta' mezzi ta' pagament, il-kriminalità fl-informatika u l-kriminalità organizzata;

142.  Jinsisti fuq it-tqegħid fil-prattika tal-prinċipji minquxa fit-Trattat ta' Lisbona, jiġifieri s-solidarjetà u l-kondiviżjoni tar-responsabilità bejn l-Istati Membri, il-prinċipju tar-rikonoxximent reċiproku fl-implimentazzjoni tal-politiki tal-ĠAI (l-Artikolu 70 tat-TFUE) u d-dispożizzjonijiet tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-UE;

143.   Iqis li l-UE trid tiggarantixxi l-protezzjoni tad-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali u r-rispett kontinwat tal-kriterji ta' Kopenħagen, u tiżgura li l-Istati Membri kollha jirrispettaw il-valuri komuni stabbiliti fl-Artikolu 2 tat-TUE;

144.   Jenfasizza l-importanza li jitlesta l-"pakkett ta' garanziji proċedurali", b'mod partikolari billi titfassal leġiżlazzjoni dwar id-detenzjoni amministrattiva u d-detenzjoni tal-minuri, oqsma li fihom ir-regoli ta' ħafna Stati Membri mhumiex kompletament kompatibbli mad-drittijiet tal-bniedem u standards internazzjonali oħra;

145.   Jenfasizza l-importanza li jsir aktar progress fl-iżvilupp tad-dritt kriminali Ewropew, partikolarment fir-rigward tar-rikonoxximent reċiproku u l-infurzar ta' sentenzi kriminali;

146.   jenfasizza l-importanza tal-iżvilupp ta' kultura ġudizzjarja Ewropea, bħala prerekwiżit ewlieni biex iż-żona ta' libertà, sigurtà u ġustizzja ssir realtà għaċ-ċittadini u jkun żgurat applikazzjoni aħjar tad-dritt tal-UE;

147.   Huwa tal-fehma li jeħtieġ li jinħatar Prosekutur Pubbliku Ewropew sabiex jiġġieled kontra l-kriminalità organizzata, il-frodi u l-korruzzjoni, jipproteġi l-interessi finanzjarji tal-Unjoni u jirrimedja l-frammentazzjoni fil-qasam tal-infurzar tal-liġi Ewropea;

148.   Jenfasizza li, skont l-Artikolu 86 tat-TFUE, jista' jiġi stabbilit Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew (UPPE) biex jiġġieled ir-reati li jolqtu l-interessi finanzjarji tal-UE ("reati PIF") biss bl-approvazzjoni tal-Parlament Ewropew; għalhekk itenni r-rakkomandazzjonijiet li saru fid-deċiżjonijiet tiegħu ta' Marzu 2014 u April 2015 dwar l-organizzazzjoni preċiża tal-UPPE, u jenfasizza li r-Regolament dwar l-UPPE għandu jiġi adottat mingħajr dewmien sabiex l-UPPE jista' jkollu s-setgħa li jinvestiga r-reati PIF kollha, inkluża l-frodi tal-VAT, u jiftaħ proċedura kontra dawk suspettati li wettqu xi reat;

149.   Ifakkar fl-obbligu għall-adeżjoni tal-Unjoni mal-Konvenzjoni għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u l-Libertajiet Fundamentali (KEDB), skont l-Artikolu 6(2) tat-TUE, u jħeġġeġ it-tnedija mill-ġdid bla xkiel tan-negozjati mal-Kunsill tal-Ewropa għal dan il-għan, filwaqt li titqies l-opinjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja Ewropea tat-18 ta' Diċembru 2015; ifakkar lill-Kummissjoni, fir-rwol tagħha bħala negozjatur ewlieni, li din l-adeżjoni se ttejjeb il-protezzjoni tad-drittijiet tal-bniedem taċ-ċittadini kollha Ewropej;

150. Itenni li din ir-riżoluzzjoni għandha l-għan biss li tipprovdi valutazzjoni dwar il-possibilitajiet ġuridiċi fit-Trattati u għandha tkun il-bażi għal titjib fil-funzjonament tal-Unjoni Ewropea fi żmien qasir; ifakkar li riforma aktar fundamentali fil-futur tkun teħtieġ reviżjoni tat-Trattati;

151.  Jagħti struzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Qorti tal-Awdituri, lill-Bank Ċentrali Ewropew, lill-Kumitat tar-Reġjuni, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-parlamenti u l-gvernijiet tal-Istati Membri.

(1)

OJ C 184 E, 6.8.2009, p. 25.

(2)

OJ C 212 E, 5.8.2010, p. 82.

(3)

Testi adottati, P7_TA(2014)0249.

(4)

OJ C 103, 15.1.2016, p. 183.

(5)

OJ C 313, 22.9.2015, p. 9.

(6)

Testi adottati, P8_TA(2016)0103.

(7)

P7_TA (2013)0598.

(8)

COM(2012)0777/2, it-30 ta' Diċembru 2012


OPINJONI tal-Kumitat għall-Baġits (26.5.2015)

għall-Kumitat għall-Affarijiet Kostituzzjonali

dwar it-titjib tal-funzjonament tal-Unjoni Ewropea bl-isfruttament tal-potenzjal tat-Trattat ta' Lisbona

(2014/2249(INI))

Rapporteur għal opinjoni: Jean Arthuis

SUĠĠERIMENTI

Il-Kumitat għall-Baġits jistieden lill-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit, bħala l-kumitat responsabbli, biex jinkorpora s-suġġerimenti li ġejjin fil-mozzjoni għal riżoluzzjoni tiegħu:

A.  billi t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) saħħaħ il-leġittimità demokratika tal-politiki tal-Unjoni Ewropea u poġġa lill-Parlament fl-istess livell tal-Kunsill f'dak li għandu x'jaqsam mal-proċedura annwali tal-baġit; billi bħallisa l-UE ma għandhiex il-mezzi baġitarji neċessarji biex tissodisfa b'mod komprensiv il-kompiti li assenjawlha l-Istati Membri firmatarji tat-Trattati;

B.  billi t-Trattat ta' Lisbona huwa biss implimentat parzjalment fil-baġit minħabba b'mod partikolari l-assenza ta' riżorsi proprji veri;

C.  billi l-livell maqbul tal-impenji fir-rigward tal-livell tal-pagamenti wera ruħu insostenibbli f'dawn l-aħħar snin u ħoloq riskju gravi ta' defiċit strutturali kostantement f'żieda tal-baġit tal-UE li jkun jikser it-Trattat ta' Lisbona;

D.  billi l-leġiżlatur sab ruħu quddiem sfidi kbar biex tiġi garantita l-koerenza tan-negozjati paralleli tal-qafas finanzjarju pluriennali (QFP) 2014-2020 u tal-programmi pluriennali;

E.  billi, skont it-Trattat ta' Lisbona, il-proċedura tal-baġit trid tkun konkluża fi żmien strett ħafna, bi skadenza annwali fl-1 ta' Settembru għall-preżentazzjoni tal-abbozz tal-baġit u terminu ta' 21 ġurnata biex jintlaħaq qbil mal-Kunsill ladarba l-Parlament ikun iddeċieda l-baġit; billi l-proċeduri ta' konċiljazzjoni tal-2011, tal-2013 u tal-2015 kienu konklużi mingħajr riżultati;

1.  Jistieden lill-Kunsill Ewropew jagħmel użu mill-Artikolu 48(7) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE) u mill-Artikolu 312(2) tat-TFUE u jabbanduna r-regola tal-unanimità favur il-maġġoranza kwalifikata fl-okkażjoni tal-adozzjoni tar-Regolament QFP li jmiss, b'hekk ikun faċilitat qbil bilanċjat;

2.  Ifakkar li l-Kunsill Ewropew ma għandux id-dritt jeżerċita l-funzjoni leġiżlattiva, u li din il-projbizzjoni hija indikata b'mod ċar fl-Artikolu 15(1) tat-TUE; jiddispjaċih bil-fatt li waqt l-adozzjoni tal-QFP 2014-2020, il-Kunsill Ewropew ħa deċiżjonijiet preliminari rigward il-kontenut ta' ċerti programmi ffinanzjati mill-baġit tal-UE, b'hekk ġew kompromessi l-prerogattivi leġiżlattivi tal-Parlament;

3.  Jiddispjaċih bil-fatt li l-baġit tal-UE jissejjes prinċipalment fuq kontribuzzjonijiet nazzjonali minflok fuq riżorsi proprji veri, kif previst mit-Trattati Ewropej sa mit-Trattat ta' Ruma; jiddeplora l-fatt li, konsegwentement, id-dibattitu dwar in-nefqa fi ħdan il-Kunsill jittratta d-dħul nett minflok il-valur miżjud Ewropew u r-"ritorn ġust" minflok l-imperattiv ta' solidarjetà stabbilit mill-preamboli tat-TFUE; jistieden lill-Kunsill jirritorna għall-ittra u għall-ispirtu tat-Trattati u jistabbilixxi sistema ta' riżorsi proprji awtentiċi li jkunu ċari, sempliċi u ġusti u li jtejbu l-viżibilità u l-effikaċja tal-baġit tal-UE billi jtaffu, fl-istess ħin, il-pressjoni fuq il-baġits nazzjonali; jissottolinja r-rwol tal-Grupp ta' Livell Għoli fil-qasam tar-Riżorsi Proprji mmexxi minn Mario Monti; jistieden lill-Kunsill jieħu kont tar-rakkomandazzjonijiet tal-Grupp;

4.  Jiddenunzja l-akkumulu ta' dewmien fis-saldu tal-impenji minħabba l-insuffiċjenza tal-approprjazzjonijiet ta' pagament li għaddej minnha l-baġit tal-UE, bi ksur tad-dispożizzjonijiet tal-Artikoli 310 u 323 tat-TUE, b'hekk tiġi kompromessa l-awtorità tal-Unjoni; jiddispjaċih li s-sitwazzjoni insostenibbli hija sinjal tan-nuqqas ta' fehim u jtenni l-bżonn ta' analiżi kondiviża tal-problema; jemmen li r-reviżjoni postelettorali tal-QFP 2014-2020, li għandha titnieda sa mhux aktar tard minn tmiem l-2016, toffri opportunità tajba biex terġa' tkun eżaminata l-kwistjoni u jsiru l-adattamenti neċessarji biex tittaffa l-problema;

5.  Jistieden lill-Kunsill jakkumpanja d-deċiżjonijiet kollha tiegħu li għandhom impatt baġitarju bi spjegazzjoni baġitarja dettaljata;

6.  Ifakkar li l-użu tal-baġit tal-UE bħala garanzija għas-self fis-swieq minn uħud minn dawn l-istrumenti, bħall-faċilità li tipprovdi għajnuna finanzjarja għall-bilanċ tal-pagamenti, il-Mekkaniżmu Ewropew ta' Stabbilizzazzjoni Finanzjarja (EFSM) u strumenti ta' politika barranija bħall-garanzija għall-mandat estern tal-BEI, l-assistenza makrofinanzjarja u l-assistenza makrofinanzjarja kif ukoll il-Fond Ewropew għal Investimenti Strutturali (FEIS) li dalwaqt li jkun stabbilit, ipoġġi de facto lill-Unjoni f'sitwazzjoni ta' dejn, fatt insè kuntrarju għall-prinċipju tal-ekwilibriju tal-baġit inkluż fit-Trattat ta' Lisbona; josserva li, fil-qafas tal-EFSM, il-kontribuzzjonijiet tal-baġit tal-UE mhumiex suġġetti għas-superviżjoni tal-Parlament Ewropew u jipproponi li tali superviżjoni ssir konġuntament minn dan tal-aħħar flimkien mal-parlamenti nazzjonali;

7.  Ifakkar li, bil-maqlub tal-prassi attwali, it-Trattat ta' Lisbona jipprevedi l-possibilità ta' adozzjoni ta' QFP għal perjodu ta' ħames snin; jitlob l-allinjament tal-QFP futur fil-leġiżlatura li jmiss biex jifred il-proċess leġiżlattiv mill-adozzjoni tal-programmi pluriennali, b'hekk jaġevola l-koordinament leġiżlattiv u jimpedixxi effettivament lill-Kunsill Ewropew milli jeżerċita funzjonijiet leġiżlattivi; jistieden lill-Kunsill jissottoskrivi dan ir-rekwiżit demokratiku fl-okkażjoni tar-reviżjoni postelettorali tal-QFP;

8.  Jistieden lill-Kunsill jiddelibera pubblikament fil-fażi tal-adozzjoni tal-pożizzjoni tiegħu dwar il-baġits annwali u emendatorji u jevita użu eċċessiv tal-proċedura bil-miktub, li timmina t-trasparenza tal-proċess deċiżjonali, kif previst mill-Artikolu 10(3) tat-TUE, u li għandha tintuża biss f'sitwazzjonijiet ta' emerġenza reali;

9.  Ifakkar li, skont l-Artikolu 24 tar-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) Nru 1311/2013 tat-2 ta' Diċembru 2013 li jistabbilixxi l-qafas finanzjarju pluriennali għas-snin 2014-2020, l-infiq u d-dħul kollu tal-Unjoni u l-Euratom għandhom jiġu inklużi fil-baġit ġenerali tal-Unjoni f'konformità mal-Artikolu 7 tar-Regolament Finanzjarju;

10.  Jistieden lill-Kummissjoni tħejji rapport annwali biex jakkumpanja l-baġit ġenerali tal-Unjoni, li jgħaqqad flimkien l-informazzjoni disponibbli u mhux kunfidenzjali relatata ma':

  - l-attiv u l-passiv tal-Unjoni, inklużi dawk li jirriżultaw minn operazzjonijiet ta' għoti u teħid b'self imwettqa mill-Unjoni jew skont is-setgħat konferiti lilha mit-Trattati;

  - id-dħul, in-nefqa, l-attiv u l-passiv tal-Fond Ewropew għall-Iżvilupp (FEŻ), tal-Faċilità Ewropea ta' Stabbiltà Finanzjarja (EFSF), tal-Mekkaniżmu Ewropew ta' Stabbiltà (MES), u ta' mekkaniżmi oħra possibbli futuri, inklużi l-fondi fiduċjarji;

  - in-nefqa imġarrba mill-Istati Membri fil-qafas tal-kooperazzjoni msaħħa, sakemm din mhix inkluża fil-baġit ġenerali tal-Unjoni.

RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT

Data tal-adozzjoni

6.5.2015

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

30

4

0

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Jean Arthuis, Lefteris Christoforou, Jean-Paul Denanot, Gérard Deprez, José Manuel Fernandes, Eider Gardiazabal Rubial, Jens Geier, Ingeborg Gräßle, Iris Hoffmann, Monika Hohlmeier, Carlos Iturgaiz, Bernd Kölmel, Vladimír Maňka, Ernest Maragall, Siegfried Mureșan, Victor Negrescu, Liadh Ní Riada, Jan Olbrycht, Paul Rübig, Patricija Šulin, Eleftherios Synadinos, Paul Tang, Indrek Tarand, Inese Vaidere, Marco Valli, Monika Vana, Daniele Viotti, Marco Zanni

Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali

Andrey Novakov, Claudia Tapardel, Miguel Urbán Crespo, Anders Primdahl Vistisen, Tomáš Zdechovský

Sostituti (skont l-Artikolu 200(2)) preżenti għall-votazzjoni finali

Emilian Pavel


OPINJONI tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit (24.2.2016)

għall-Kumitat għall-Affarijiet Kostituzzjonali

dwar it-titjib tal-funzjonament tal-Unjoni Ewropea bl-isfruttament tal-potenzjal tat-Trattat ta' Lisbona

(2014/2249(INI))

Rapporteur għal opinjoni: Petri Sarvamaa

SUĠĠERIMENTI

Il-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit jistieden lill-Kumitat għall-Affarijiet Kostituzzjonali, bħala l-kumitat responsabbli, biex jinkorpora s-suġġerimenti li ġejjin fil-mozzjoni għal riżoluzzjoni tiegħu:

A.  billi l-iskarsezza tar-riżorsi qed tkompli tiġi aggravata minn kuntest ekonomiku u finanzjarju diffiċli; billi l-istituzzjonijiet tal-Unjoni u l-Istati Membri, għalhekk, għandhom jikkooperaw bis-sħiħ sabiex jiġi massimizzat il-potenzjal tat-Trattat ta' Lisbona f'dak li għandu x'jaqsam mal-implimentazzjoni u l-ħarsien effettiv tal-baġit tal-Unjoni Ewropea;

B.  billi l-baġit tal-UE jibqa' sors importanti ta' finanzjament għall-Istati Membri, u f'xi każi s-sors ewlieni ta' investiment pubbliku, b'enfasi fuq it-tkabbir, l-impjiegi u l-kompetittività;

C.  billi l-istituzzjonijiet kollha tal-UE għandhom ikunu kompletament trasparenti u jagħtu rendikont sħiħ liċ-ċittadini tal-Unjoni għall-fondi fdati lilhom;

D.  billi t-Trattat ta' Lisbona afferma mill-ġdid il-qafas legali tal-Qorti tal-Awdituri, jiġifieri li tippromwovi r-responsabbiltà pubblika u tassisti lill-Parlament u lill-Kunsill fis-sorveljanza tal-implimentazzjoni tal-baġit tal-UE, u b'hekk tikkontribwixxi għall-protezzjoni tal-interessi finanzjarji taċ-ċittadini;

E.  billi l-Artikolu 318 tat-Trattat ta' Lisbona jipprevedi aktar djalogu bejn il-Parlament u l-Kummissjoni u għandu jistimola kultura ta' prestazzjoni fl-eżekuzzjoni tal-baġit tal-UE;

F.  billi l-Artikolu 166(1) tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 jirrikjedi li kull istituzzjoni tal-UE tieħu l-passi kollha neċessarji biex taġixxi fuq il-kummenti li jakkumpanjaw id-deċiżjoni ta' kwittanza tal-Parlament;

Baġit tal-UE – Artikolu 318 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea

1.  Jikkunsidra l-fatt li, hekk kif il-kompiti tal-Unjoni komplew jiżdiedu, l-iskrutinju annwali tal-Parlament fuq il-Kummissjoni u fuq istituzzjonijiet u korpi oħra li għandhom il-kompitu jimplimentaw l-approprjazzjonijiet tal-baġit tal-UE sar dejjem aktar importanti għall-kontribwenti tal-Unjoni;

2.  Iqis li huwa fundamentali li tiġi osservata d-dixxiplina baġitarja u li l-fondi disponibbli tal-UE jintużaw b'mod effiċjenti u effettiv; jinnota li l-Fondi Strutturali eżistenti għandhom jintużaw b'mod aktar effettiv u trasparenti biex jitrawmu l-kompetittività u l-koeżjoni soċjali, b'superviżjoni stretta tal-implimentazzjoni xierqa tagħhom;

3.  Jenfasizza li, meta l-Kummissjoni tforni lill-Parlament u lill-Kunsill bil-valutazzjonijiet tal-prestazzjoni tal-Unjoni previsti fl-Artikolu 318 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), din għandha tirrapporta dwar ir-riżultati miksuba, b'enfasi qawwija fuq il-prestazzjoni abbażi ta' analiżi preċiża tal-ekonomija u l-effiċjenza u l-effettività tar-riżultati miksuba bl-użu tal-fondi tal-UE, kif ukoll analiżi tal-konformità mal-għanijiet u l-politiki kif stabbiliti fit-Trattati;

4.  Jinnota li sa issa, minkejja li sar xi progress, ir-rapport ta' evalwazzjoni kif previst fl-Artikolu 318 tat-TFUE għadu mhuwiex kontribut siewi għall-evidenza disponibbli meta l-Parlament, fis-setgħa tiegħu bħala awtorità ta' kwittanza, jagħti l-kwittanza lill-Kummissjoni (l-Artikolu 319 tat-TFUE); jistieden lill-Kummissjoni tispeċifika u tistabbilixxi indikaturi tal-prestazzjoni ċari u kwantifikabbli fir-rapport ta' evalwazzjoni annwali tagħha;

Kwittanza tal-Kunsill

5.  Jinsab imħasseb dwar il-fatt li mill-2009 'l hawn il-Kunsill irrifjuta li jikkoopera fil-proċedura ta' kwittanza hekk kif implimentata mill-Parlament, ma pprovdiex l-informazzjoni meħtieġa, ma weġibx il-mistoqsijiet bil-miktub u ma attendiex is-seduti u d-dibattiti dwar l-implimentazzjoni tal-baġit tiegħu stess; jenfasizza li, wara bosta snin fejn irrifjuta li jagħti l-kwittanza lill-Kunsill, dik l-istituzzjoni għadha ma ħaditx l-azzjoni neċessarja biex jiġu ssodisfati r-rekwiżiti ta' trasparenza u responsabbiltà quddiem il-Parlament – l-unika istituzzjoni Ewropea eletta direttament u demokratikament u l-unika waħda b'mandat li tagħti l-kwittanza għall-baġit Ewropew kollu kemm hu – u b'hekk qed jimmina l-leġittimità u l-legalità tar-responsabbiltajiet tal-Parlament;

6.  Jindika li, b'rabta ma' dan, il-Parlament hu l-unika istituzzjoni eletta direttament miċ-ċittadini u jqis li s-superviżjoni effikaċi tal-implimentazzjoni tal-baġit tal-Unjoni teħtieġ kooperazzjoni bejn il-Parlament, il-Kunsill Ewropew u l-Kunsill biex tiżdied it-trasparenza fil-ġestjoni finanzjarja u titjieb ir-responsabbiltà demokratika lejn il-kontribwenti fl-UE;

7.  Iqis li n-nuqqas ta' kooperazzjoni sostnuta mill-Kunsill jagħmilha impossibbli għall-Parlament li jieħu deċiżjoni infurmata dwar l-għoti tal-kwittanza, u li sussegwentement dan iħalli effett negattiv fit-tul fuq il-perċezzjoni taċ-ċittadini dwar il-kredibbiltà tal-istituzzjonijiet tal-UE u tat-trasparenza fl-użu tal-fondi tal-UE; jemmen li dan in-nuqqas ta' kooperazzjoni għandu wkoll impatt negattiv fuq il-funzjonament tal-istituzzjonijiet u jiskredita l-proċedura ta' skrutinju politiku tal-ġestjoni tal-baġit stabbilita fit-Trattati;

8.  Jiddispjaċih mill-fatt li mhux l-istituzzjonijiet kollha tal-UE japplikaw l-istess standards b'rabta mat-trasparenza u jemmen li l-Kunsill għandu jagħmel titjib f'dan ir-rigward; jinsab konvint li l-Parlament u l-Kunsill, bħala koleġiżlaturi, għandhom japplikaw l-istess standards ta' trasparenza;

Il-Qorti tal-Awdituri

9.  Jirrikonoxxi r-rwol kruċjali tal-Qorti tal-Awdituri, l-unika awtorità ta' awditjar pubblika Ewropea, fl-iżgurar ta' infiq aħjar u aktar intelliġenti tal-fondi Ewropej; ifakkar li minbarra d-dmir importanti tagħha li tipprovdi informazzjoni dwar l-affidabbiltà tal-kontijiet u l-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet ta' bażi, il-Qorti tal-Ġustizzja hija f'pożizzjoni preminenti biex tipprovdi lill-Parlament bl-informazzjoni li għandu bżonn biex iwettaq il-kompitu tiegħu u l-mandat ta' skrutinju demokratiku tal-baġit Ewropew, u biex joffri informazzjoni dwar ir-riżultati u l-eżiti miksuba mill-politiki tal-Unjoni, bl-għan li tittejjeb l-ekonomija, l-effiċjenza u l-effettività tal-attivitajiet iffinanzjati mill-Unjoni;

10.  Jirrakkomanda, għalhekk, li tissaħħaħ il-Qorti Ewropea tal-Awdituri; jistenna li l-Qorti tibqa' impenjata lejn l-indipendenza, l-integrità, l-imparzjalità u l-professjonalità, filwaqt li tibni relazzjonijiet professjonali b'saħħithom mal-partijiet interessati tagħha;

11.  Hu tal-opinjoni li, skont l-Artikolu 287(3) tat-TFUE, għandu jkun hemm impenn lejn kooperazzjoni aktar mill-qrib bejn il-Qorti u l-istituzzjonijiet ta' awditjar supremi nazzjonali, partikolarment b'rabta ma' rapporti ta' awditjar dwar il-valur għall-flus ta' politiki u programmi differenti tal-UE u l-awditjar ta' arranġamenti ta' kontroll kondiviż; jistenna riżultati konkreti f'dak li għandu x'jaqsam mal-kondiviżjoni tal-programm ta' ħidma annwali tal-Qorti;

12.  Jenfasizza li l-kompożizzjoni tal-Qorti u l-proċedura tal-ħatra tagħha huma stabbiliti fl-Artikoli 285 u 286 tat-TFUE; iqis li l-Parlament u l-Kunsill għandhom ikunu fuq l-istess livell meta jaħtru l-Membri tal-Qorti tal-Awdituri, sabiex jiġu żgurati l-leġittimità demokratika, it-trasparenza u l-indipendenza sħiħa tal-Membri; jitlob lill-Kunsill jirrispetta d-deċiżjonijiet meħuda mill-Parlament wara s-smigħ tal-kandidati nnominati bħala Membri tal-Qorti tal-Awdituri;

13.  Jiddispjaċih li attwalment inqas minn 20 % tal-Membri tal-Qorti tal-Awdituri huma nisa; jistieden lill-Istati Membri jikkoordinaw l-attivitajiet tagħhom ta' ħatriet għall-Qorti biex jiżguraw li jkun hemm rappreżentazzjoni ugwali ta' rġiel u nisa fost il-membri tiegħu;

L-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew

14.  Ifakkar li l-Artikolu 86 tat-TFUE jintroduċi l-possibbiltà li jinħoloq Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew għall-ġlieda kontra r-reati li jaffettwaw l-interessi finanzjarji tal-Unjoni; jindika, bl-istess mod, li l-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew ser ikun jista' jipproċedi kontra reati bħal dawn, kif ukoll kontra l-awturi u l-kompliċi, u se jkollu s-setgħa jieħdu proċedimenti kriminali quddiem il-qrati nazzjonali; jindika li l-Parlament diġà ta l-opinjoni tiegħu dwar il-proposta għal regolament dwar l-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew (UPPE) f'April 2015, u jħeġġeġ lill-Kunsill, filwaqt li jqis il-pożizzjoni espressa mill-Parlament, jadotta dan ir-Regolament mill-aktar fis possibbli, li se jippermetti lill-UE tipproteġi l-interessi finanzjarji tagħha b'mod aktar effettiv.

RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALIFIL-KUMITAT LI JINTALAB JAGĦTI OPINJONI

Data tal-adozzjoni

23.2.2016

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

25

0

0

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Nedzhmi Ali, Louis Aliot, Inés Ayala Sender, Zigmantas Balčytis, Ryszard Czarnecki, Dennis de Jong, Tamás Deutsch, Martina Dlabajová, Ingeborg Gräßle, Bogusław Liberadzki, Verónica Lope Fontagné, Monica Macovei, Dan Nica, Georgi Pirinski, Petri Sarvamaa, Claudia Schmidt, Bart Staes, Michael Theurer, Marco Valli, Derek Vaughan, Tomáš Zdechovský, Joachim Zeller

Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali

Cătălin Sorin Ivan, Benedek Jávor, Markus Pieper, Julia Pitera, Patricija Šulin


RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALIFIL-KUMITAT RESPONSABBLI

Data tal-adozzjoni

8.12.2016

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

16

6

1

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Mercedes Bresso, Elmar Brok, Fabio Massimo Castaldo, Richard Corbett, Pascal Durand, Danuta Maria Hübner, Diane James, Ramón Jáuregui Atondo, Constance Le Grip, Jo Leinen, Paulo Rangel, Barbara Spinelli, Claudia Țapardel, Kazimierz Michał Ujazdowski, Guy Verhofstadt

Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali

Gerolf Annemans, Sven Giegold, Charles Goerens, Jérôme Lavrilleux

Sostituti (skont l-Artikolu 200(2)) preżenti għall-votazzjoni finali

Inés Ayala Sender, Pál Csáky, Teresa Jiménez-Becerril Barrio, John Procter

Avviż legali