Proċedura : 2016/2145(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A8-0006/2017

Testi mressqa :

A8-0006/2017

Dibattiti :

PV 15/02/2017 - 16
CRE 15/02/2017 - 16

Votazzjonijiet :

PV 16/02/2017 - 6.10

Testi adottati :

P8_TA(2017)0052

RAPPORT     
PDF 656kWORD 80k
26.1.2017
PE 587.505v02-00 A8-0006/2017

dwar l-Inizjattiva Ewropea dwar il-Cloud Computing

(2016/2145(INI))

Kumitat għall-Industrija, ir-Riċerka u l-Enerġija

Rapporteur: Jean-Luc Schaffhauser

EMENDI
MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW
 OPINJONI tal-Kumitat għas-Suq Intern u l-Ħarsien tal-Konsumatur
 OPINJONI tal-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern
 RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT RESPONSABBLI

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW

dwar l-Inizjattiva Ewropea dwar il-Cloud Computing

(2016/2145(INI))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni bit-titolu "Inizjattiva Cloud Ewropea – Il-bini ta' dejta kompetittiva u ekonomija tal-għarfien fl-Ewropa" (COM(2016)0178) u d-dokument ta' ħidma tal-persunal tal-Kummissjoni li jakkumpanjaha (SWD(2016)0106),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni bit-titolu "Strateġija għal Suq Uniku Diġitali għall-Ewropa" (COM(2015)0192) u d-dokument ta' ħidma tal-persunal tal-Kummissjoni li jakkumpanjaha (SWD(2015)0100),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-2 ta' Lulju 2014 bit-titolu "Lejn ekonomija ta' suċċess immexxija mid-dejta" (COM(2014)0442),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-10 ta' Ottubru 2012 bit-titolu "Industrija Ewropea Aktar B'saħħitha għat-Tkabbir u l-Irkupru Ekonomiku" (COM(2012)0582),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tas-27 ta' Settembru 2012 bit-titolu "L-isfruttar tal-potenzjal tal-Cloud Computing fl-Ewropa" (COM(2012)0529),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni bit-titolu "Informatika ta' Prestazzjoni Għolja: post l-Ewropa f'Tellieqa Globali" (COM(2012)0045),

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tas-27 ta' Mejju 2016 dwar it-tranżizzjoni lejn sistema tax-Xjenza Miftuħa,

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tad-29 ta' Mejju 2015 dwar riċerka miftuħa, intensiva fid-data u organizzata f'netwerk, bħala mutur għal innovazzjoni aktar veloċi u mifruxa,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-5 ta' Mejju 2010 dwar Aġenda Diġitali ġdida għall-Ewropa: 2015.eu(1),

–  wara li kkunsidra d-Deċiżjoni (UE) 2015/2240 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Novembru 2015 li tistabbilixxi programm dwar soluzzjonijiet ta' interoperabbiltà u oqfsa komuni għall-amministrazzjonijiet pubbliċi, in-negozji u ċ-ċittadini Ewropej (Programm ISA²) bħala mezz għall-modernizzazzjoni tas-settur pubbliku(2),

–  wara li kkunsidra d-Direttiva 2013/37/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta' Ġunju 2013 li temenda d-Direttiva 2003/98/KE dwar l-użu mill-ġdid tal-informazzjoni tas-settur pubbliku(3) (id-Direttiva PSI),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-10 ta' Marzu 2016 bit-titolu "Lejn ekonomija ta' suċċess immexxija mid-data"(4),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tad-19 ta' Jannar 2016 bit-titolu "Lejn Att dwar is-Suq Uniku Diġitali"(5),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-15 ta' Jannar 2014 bit-titolu "Ir-riindustrijalizzazzjoni tal-Ewropa biex jiġu promossi l-kompetittività u s-sostenibbiltà"(6),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-10 ta' Diċembru 2013 dwar l-isfruttar tal-potenzjal tal-Cloud Computing fl-Ewropa(7),

–  wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew TEN/494 tas-16 ta' Jannar 2013 dwar il-komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni bit-titolu "L-isfruttar tal-potenzjal tal-Cloud Computing fl-Ewropa." (COM(2012)0529 final),

–  wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew bit-titolu "Inizjattiva tal-Cloud Ewropea – Il-bini ta' ekonomija ta' data u għarfien kompetittiva fl-Ewropa" (2016 TEN/952 EESC-2016),

–  wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni bit-titolu "Inizjattiva Ewropea dwar il-Cloud Computing u l-Prijoritajiet għall-Istandardizzazzjoni tal-ICT għas-Suq Uniku Diġitali 2016" (SEDEC-VI-012),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-10 ta' Ġunju 2016 bit-titolu "Aġenda Ġdida għall-Ħiliet għall-Ewropa: Naħdmu flimkien biex insaħħu l-kapital uman, l-impjegabbiltà u l-kompetittività" (COM(2016)0381),

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta' April 2016 dwar il-protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta' data personali u dwar il-moviment liberu ta' tali data, u li jħassar id-Direttiva 95/46/KE (Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data)(8),

–  wara li kkunsidra d-Direttiva (UE) 2016/1148 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-6 ta' Lulju 2016 dwar miżuri għal livell għoli komuni ta' sigurtà tan-netwerks u tas-sistemi tal-informazzjoni madwar l-Unjoni,

–  wara li kkunsidra l-Proposta tal-Kummissjoni għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li tistabbilixxi l-Kodiċi Ewropew tal-Komunikazzjonijiet Elettroniċi (COM(2016)0590),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-25 ta' Mejju 2016 bit-titolu "Il-Pjattaformi Online u s-Suq Uniku Diġitali Opportunitajiet u Sfidi għall-Ewropa" (COM(2016)0288/2),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tad-9 ta' Diċembru 2015 bit-titolu "Għal qafas aktar modern u Ewropew dwar id-drittijiet tal-awtur" (COM(2015)0626),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tad-19 ta' April 2016 bit-titolu "L-istandards tal-ICT bħala l-Pedament tas-Suq Uniku Diġitali" (COM(2016)0176),

–  wara li kkunsidra r-rapport "Open Innovation, Open Science, Open to the World – A vision for Europe" ("Innovazzjoni Miftuħa, Xjenza Miftuħa, Miftuħin għad-Dinja – Viżjoni għall-Ewropa") ippubblikat mid-Direttorat Ġenerali tal-Kummissjoni Ewropea għar-Riċerka u l-Innovazzjoni (RTD) f'Mejju 2016,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 52 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Industrija, ir-Riċerka u l-Enerġija u l-opinjonijiet tal-Kumitat għas-Suq Intern u l-Ħarsien tal-Konsumatur u tal-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern (A8-0006/2017),

A.  billi l-kapaċità attwali tal-cloud computing disponibbli fl-UE mhijiex biżżejjed u għalhekk id-data prodotta mir-riċerka u mill-industrija tal-UE spiss qed tiġi pproċessata x'imkien ieħor, filwaqt li twassal biex ir-riċerkaturi u l-innovaturi tal-UE qed ifittxu postijiet oħra barra mill-UE, fejn il-kapaċità għolja tad-data u tal-informatika hi aktar disponibbli b'mod immedjat;

B.  billi n-nuqqas ta' struttura ċara ta' inċentivi sabiex isir skambju ta' data, in-nuqqas ta' interoperabbiltà ta' sistemi ta' data xjentifika u l-frammentazzjoni ta' infrastrutturi tad-data xjentifika fost id-dixxiplini u l-fruntieri jxekklu l-potenzjal sħiħ ta' xjenza mmexxija mid-data;

C.  billi l-UE għadha lura fl-iżvilupp tal-informatika ta' prestazzjoni għolja (HPC) bħala riżultat tan-nuqqas ta' investiment tagħha fl-istabbiliment ta' sistema kompleta tal-HPC, meta pajjiżi bħall-Istati Uniti tal-Amerka, iċ-Ċina, il-Ġappun u r-Russja qed jinvestu serjament f'dawn is-sistemi, u b'hekk qed jagħmluhom prijorità strateġika, bi programmi nazzjonali li qed jiżviluppawhom;

D.  billi l-potenzjal sħiħ tal-cloud computing għall-Ewropa jista' jintlaħaq biss meta d-data tkun tista' tiċċirkola liberament fl-Unjoni kollha b'regoli ċari, u meta flussi ta' data internazzjonali li jiżvolġu rwol dejjem aktar importanti fl-ekonomija Ewropea u globali;

E.  billi l-kapaċità li biha tiġi analizzata u sfruttata l-big data qed tbiddel il-mod li bih issir ir-riċerka xjentifika;

F.  billi l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni bit-titolu "Inizjattiva Cloud Ewropea – Il-bini ta' dejta kompettitiva u ekonomija tal-għarfien fl-Ewropa" tirrikonoxxi l-potenzjal trasformattiv tax-xjenza miftuħa u tal-cloud computing bħala parti mill-ekonomija diġitali tal-Ewropa;

G.  billi l-politiki ta' aċċess għan-netwerking, il-ħżin tad-data u l-informatika huma differenti bejn l-Istati Membri u b'hekk joħolqu nuqqas ta' kollaborazzjoni bejn il-partijiet u jtellfu ċ-ċirkolazzjoni tal-għarfien;

H.  billi r-Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data, id-Direttiva tal-NIS u l-Istrateġija tas-Suq Uniku Diġitali jistgħu jipprovdu l-bażi għal ekonomija Ewropea kompetittiva u ta' suċċess li hija miftuħa għall-parteċipanti kollha tas-suq li jimxu mar-regoli;

I.  billi d-data hija l-materja prima tal-ekonomija diġitali, u billi l-użu tad-data hu essenzjali għad-diġitalizzazzjoni tax-xjenza u l-industrija Ewropea, għall-iżvilupp ta' teknoloġiji ġodda u l-ħolqien ta' impjiegi ġodda;

J.  billi r-Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data adottat reċentement jipprevedi salvagwardji b'saħħithom għall-protezzjoni tad-data personali, u billi jenħtieġ ikun żgurat approċċ armonizzat lejn l-implimentazzjoni tiegħu;

K.  billi l-Istrateġija tas-Suq Uniku Diġitali tal-Kummissjoni għall-2015 wegħdet li tindirizza r-restrizzjonijiet fuq il-moviment liberu tad-data kif ukoll ir-restrizzjonijiet mhux ġustifikati fuq il-post fejn tinħażen jew tiġi pproċessata d-data;

L.  billi hu meħtieġ li l-Kummissjoni tressaq proposti konkreti biex tneħħi restrizzjonijiet fuq il-moviment liberu tad-data jekk trid toħloq u twassal l-aħjar Suq Uniku Diġitali possibbli;

M.  billi l-applikazzjoni u l-iżvilupp tas-servizzi tal-cloud qed jiffaċċjaw sfidi minħabba d-disponibbiltà insuffiċjenti ta' infrastruttura u ta' netwerks b'veloċità għolja meħtieġa fl-Ewropa;

N.  billi l-għan li jkunu ffaċilitati u appoġġjati l-implimentazzjoni u s-sostenibbiltà fuq terminu twil tal-infrastrutturi tar-riċerka u tad-data, inklużi ċ-Ċentri tal-Informatika ta' Prestazzjoni Għolja ta' klassi dinjija u netwerks oħra ta' infrastruttura tar-riċerka, permezz ta' kooperazzjoni intensiva u skambju ta' riżultati, se jgħinu l-isforzi biex jirrispondu għall-isfidi l-kbar li qed jiġu ffaċċjati fix-xjenza, l-industrija u s-soċjetà;

O.  billi l-volum tad-data qed jikber b'rata bla preċedent, b'16-il triljun gigabyte ta' data li mistennija tkun disponibbli sal-2020, li jikkorrispondi ma' rata ta' tkabbir annwali ta' 236 % f'ġenerazzjoni ta' data;

P.  billi ekonomija mmexxija mid-data tiddependi fuq ekosistema tal-ICT usa', inkluż internet tal-oġġetti (IoT) għall-forniment ta' netwerks tal-broadband b'veloċità għolja għat-trasport u cloud computing għall-ipproċessar tad-data kif ukoll xjenzati u impjegati kwalifikati;

Q.  billi l-kooperazzjoni fost ix-xjenzati Ewropej, l-użu u l-iskambju tad-data, dejjem skont l-awtoritajiet tal-protezzjoni tad-data, u l-użu ta' soluzzjonijiet teknoloġiċi ġodda, inkluż il-cloud computing u d-diġitalizzazzjoni tax-xjenza Ewropea, huma essenzjali għall-iżvilupp tas-Suq Uniku Diġitali; billi l-Cloud Ewropew tax-Xjenza Miftuħa (EOSC) se jkollu effetti pożittivi fuq l-iżvilupp xjentifiku fl-Ewropa; u billi l-EOSC jrid jiġi żviluppat u użat b'rispett dovut tad-drittijiet fundamentali minquxa fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali (KDF);

Ġenerali

1.  Jilqa' l-EOSC bħala mudell li fuqu jintuża cloud fis-setturi privati u pubbliċi; jilqa' l-pjan tal-Kummissjoni biex testendi l-bażi tal-utenti għall-industrija u l-gvernijiet malajr kemm jista' jkun;

2.  Jilqa' l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni bit-titolu "Inizjattiva Cloud Ewropea – Il-bini ta' dejta kompetittiva u ekonomija tal-għarfien fl-Ewropa", u jemmen li dan hu l-ewwel pass fit-twaqqif ta' bażi xierqa għal azzjonijiet miftuħa u kompetittivi Ewropej fil-qasam tal-cloud computing u tal-informatika ta' prestazzjoni għolja;

3.  Jilqa' l-Inizjattiva Ewropea dwar il-Cloud Computing tal-Kummissjoni bħala parti mill-implimentazzjoni tal-Istrateġija tas-Suq Uniku Diġitali (DSM) u tal-Pakkett dwar id-Diġitalizzazzjoni tal-Industrija Ewropea, fejn trawwem it-tkabbir tal-ekonomija diġitali Ewropea, tikkontribwixxi għall-kompetittività tan-negozji u s-servizzi Ewropej u ssaħħaħ il-pożizzjonament tagħhom fis-suq globali; jistieden lill-Kummissjoni biex, permezz ta' miżuri definiti b'mod ċar, tiżgura li din l-inizjattiva hija xierqa biex tilħaq l-iskop tagħha, tħares 'il barra, valida għall-futur u ma toħloqx ostakli sproporzjonati jew mhux ġustifikati;

4.  Jissottolinja l-importanza li l-Unjoni Ewropea ssir ċentru għar-riċerka globali, takkwista massa kritika u toħloq raggruppamenti ta' eċċellenza; jenfasizza li, sabiex l-Unjoni tattira riċerka dinjija ewlenija, huma meħtieġa kemm il-kapaċità f'termini ta' riżorsi kif ukoll ambjent attraenti; jenfasizza, barra minn hekk, li sabiex l-UE ssir l-aktar ekonomija kompetittiva bbażata fuq l-għarfien fid-dinja, hu ta' importanza kbira li jkun hemm ftuħ għal riċerkaturi internazzjonali u b'hekk tattira investimenti internazzjonali;

5.  Jenfasizza li jeħtieġ li tkun aċċelerata l-ħidma fuq l-istandardizzazzjoni fil-cloud computing; jenfasizza li standards u interoperabbiltà aħjar se jippermettu komunikazzjoni bejn id-diversi sistemi bbażati fuq il-cloud u se jevitaw l-effetti tal-lock-in tal-bejjiegħa għal prodotti u servizzi tal-cloud; jistieden lill-Kummissjoni tikkoopera mill-qrib mal-fornituri kummerċjali tal-cloud fl-iżvilupp ta' standards miftuħa għal dan il-qasam;

6.  Jenfasizza li l-valur miżjud ta' din l-inizjattiva Ewropea hu bbażat fuq il-kondiviżjoni ta' data miftuħa u fuq l-iżvilupp ta' ambjent miftuħ u fdat għall-komunità biex jinħażnu, jkunu kondiviżi u użati mill-ġdid id-data u r-riżultati xjentifiċi;

7.  Jenfasizza li l-ħolqien ta' aktar kuxjenza dwar il-benefiċċji tal-cloud computing hu kruċjali, minħabba li t-talba għas-servizzi tal-cloud għadha wisq baxxa fl-Ewropa; jirrimarka li l-cloud computing se jwassal għal tkabbir ekonomiku bħala riżultat tal-kosteffettività u l-iskalabbiltà tiegħu; itenni li l-SMEs huma l-mutur l-aktar importanti tal-Ewropa għat-tkabbir u l-impjiegi; jissottolinja li l-benefiċċji tal-cloud jistgħu partikolarment ikunu sostanzjali għall-SMEs minħabba li ta' spiss ma jkollhomx ir-riżorsi biex jinvestu f'sistemi fiżikament estensivi tal-IT fuq il-post;

8.  Jilqa' l-approċċ ta' Xjenza Miftuħa u r-rwol li dan l-approċċ għandu fil-ħolqien ta' ekonomija tal-għarfien Ewropea, u fil-promozzjoni ulterjuri tal-kwalità tar-riċerka u tal-iżvilupp tagħha fl-Unjoni Ewropea; jenfasizza li, attwalment, il-valur tad-data tar-riċerka miġbura mhuwiex sfruttat bis-sħiħ mill-industrija b'mod ottimali, speċjalment mill-SMEs, minħabba n-nuqqas ta' flussi transfruntiera liberi tad-data u aċċess għal pjattaforma jew portal uniċi, u jinnota li l-Kummissjoni għandha l-għan li tagħmel id-data xjentifika kollha prodotta mill-Programm Orizzont 2020 miftuħa b'mod awtomatiku;

9.  Jenfasizza li l-EOSC għandu jkun akkumpanjat minn strateġija ta' sigurtà ċibernetika komprensiva, peress li l-komunità xjentifika għandha l-ħtieġa ta' infrastruttura tad-data affidabbli li tista' tintuża mingħajr mar-riċerka tiġi esposta għal telf ta' data, korruzzjoni jew intrużjoni; jistieden lill-Kummissjoni tqis il-kwistjonijiet tas-sigurtà ċibernetika mill-ewwel fażi tal-inizjattivi kollha tagħha;

10.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tmexxi bl-eżempju u tara li d-data tar-riċerka kollha ffinanzjata mill-programmi Ewropej – bħal Orizzont 2020, il-Fond Ewropew għall-Investimenti Strateġiċi (FEIS), il-Fondi Strutturali u ta' Investiment Ewropej (FSIE) u oħrajn – u r-riżultati tagħha jkunu miftuħa b'mod awtomatiku, abbażi tal-prinċipji ta' traċċabbiltà, aċċessibbiltà, interoperabbiltà u użu mill-ġdid (il-prinċipji FAIR);

11.  Jinsab imħasseb dwar id-diskrepanza fil-finanzjament ta' EUR 4.7 biljun tal-Inizjattiva Ewropea dwar il-Cloud Computing; jitlob lill-Kummissjoni tidentifika mekkaniżmi ta' finanzjament xierqa għall-EOSC u l-Infrastruttura tad-Data Ewropea (EDI); jitlob, barra minn hekk, lill-Kummissjoni tipprovdi biżżejjed riżorsi għal dan il-qasam ta' politika f'Orizzont 2020 u fil-proposta tagħha għad-Disa' Programm ta' Qafas;

12.  Jirrakkomanda lill-Kummissjoni tiżgura li l-EOSC jibbenefika lir-reġjuni kollha tal-Unjoni, filwaqt li jesplora l-użu tal-fondi ta' żvilupp reġjonali għat-twessigħ tal-inizjattiva;

13.  Jenfasizza li fil-preżent 12 % biss tal-finanzjament impenjat taħt il-FEIS imur għal azzjonijiet relatati mas-settur diġitali; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tippreżenta passi mmirati li jistgħu verament isaħħu l-involviment tal-fondi tal-UE kollha, b'mod partikolari l-FEIS, fi proġetti relatati mas-Suq Uniku Diġitali, inklużi inizjattivi ta' kondiviżjoni tad-data, aċċessibbiltà diġitali, infrastruttura u konnettività diġitali madwar l-Unjoni kollha, u biex talloka aktar riżorsi għat-tisħiħ tar-riċerka, l-iżvilupp u l-innovazzjoni Ewropej, inkluż, fost affarijiet oħra, fil-qasam ta' teknoloġiji li jtejbu l-privatezza u s-sigurtà ta' sorsi miftuħa; jemmen li din l-inizjattiva għandha tiġi żviluppata f'sinerġija ma' programmi oħra ta' Orizzont 2020, inkluż dwar il-cloud computing privat u s-servizzi elettroniċi tal-gvern;

14.  Jemmen li s-settur privat għandu jkun involut fil-bażi tal-utent tal-EOSC mill-bidu, pereżempju permezz ta' offerta ta' softwer bħala servizz (SaaS); jirrimarka li n-negozju Ewropew huwa mistenni jikkontribwixxi għat-tnaqqis fid-distakk finanzjarju ta' EUR 4.7 biljun tal-Inizjattiva Ewropea dwar il-Cloud Computing; jinnota li huwa improbabbli li l-intrapriżi se jinvestu fil-programm jekk mhumiex se jkunu kapaċi jgawdu mill-benefiċċji tiegħu wkoll;

15.  Jenfasizza li infrastruttura ta' superkomputerizzazzjoni tal-ogħla livell hija kruċjali għall-kompetittività tal-UE; jistieden lill-Kummissjoni twettaq id-disponibbiltà ta' kompjuters fuq skala exa operazzjonali fl-UE sas-sena 2022;

16.  Jistieden lill-Kummissjoni tinċentiva l-parteċipazzjoni tal-SMEs u l-industriji Ewropej fil-manifattura ta' ħardwer u softwer tal-EDI, tagħti spinta lill-ekonomija tal-UE u tippromwovi t-tkabbir sostenibbli u l-ħolqien tal-impjiegi;

17.  Jistieden lill-Kummissjoni taħdem mal-Istati Membri, u ma' dawk li jiffinanzjaw ir-riċerka, fid-disinn u l-implimentazzjoni tal-pjan direzzjonali għal governanza u finanzjament, filwaqt li tiżgura li riżorsi xierqa huma allokati għal din l-inizjattiva, u biex tiffaċilita l-koordinazzjoni ta' sforzi nazzjonali, filwaqt li tiġi evitata d-duplikazzjoni mhux meħtieġa u l-infiq;

18.  Jaqbel li l-interoperabbiltà u l-portabbiltà tad-data huma essenzjali biex jiġu indirizzati sfidi soċjetali kbar li jirrikjedu kondiviżjoni effiċjenti tad-data u approċċ multidixxiplinarju u b'diversi atturi; jinnota li l-pjan ta' azzjoni previst fil-komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar l-Inizjattiva Ewropea dwar il-Cloud Computing (COM(2016)0178) huwa għodda meħtieġa biex titnaqqas il-frammentazzjoni u biex jiġi żgurat l-użu ta' data tar-riċerka skont il-prinċipju FAIR;

19.  Jitlob lill-Kummissjoni tippreżenta pjan ta' azzjoni, ibbażat fuq il-prinċipji ta' trasparenza u divulgazzjoni sħiħa, b'pakketti ta' ħidma u skedi ta' żmien ċari, li jiddefinixxu r-riżultati li għandhom jinkisbu, is-sorsi ta' finanzjament u l-partijiet interessati involuti matul il-proċess kollu;

20.  Jappoġġja l-EOSC bħala parti mill-Inizjattiva Ewropea dwar il-Cloud Computing li se toħloq ambjent virtwali fejn ix-xjentisti u l-professjonisti mir-reġjuni kollha jistgħu jaħżnu, jikkondividu, jiġġestixxu, janalizzaw u jużaw mill-ġdid id-data tar-riċerka tagħhom, inkluża data tar-riċerka ffinanzjata minn fondi pubbliċi, b'mod interdixxiplinari u transfruntier, sabiex b'hekk jingħata kontribut biex titneħħa l-frammentazzjoni tas-Suq Uniku; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tapplika approċċ komprensiv b'rabta max-xjenza miftuħa li jkun inklużiv fir-rigward tal-komunità tax-xjenza miftuħa u tax-xjentisti indipendenti, jipprovdi aktar ċarezza dwar id-definizzjonijiet użati fil-komunikazzjoni u, b'mod partikolari, joħloq distinzjoni ċara bejn l-Inizjattiva Ewropea dwar il-Cloud Computing u l-EUSC, u f'konformità ma' dan, jaġġorna l-leġiżlazzjoni biex jiffaċilita l-użu mill-ġdid tar-riżultati tar-riċerka;

21.  Jemmen li l-Inizjattiva Ewropea dwar il-Cloud Computing tiżgura investimenti fl-oqsma tax-xjenza u r-riċerka sabiex jinħolqu l-inċentivi u l-għodda biex jaqsmu u jużaw id-data bl-aktar mod wiesa' possibbli, ibbażata fuq il-bini ta' cloud u infrastruttura tad-data sodi fl-Unjoni Ewropea;

22.  Jenfasizza li l-SMEs huma fil-qalba tal-ekonomija tal-UE, u li hemm bżonn ta' aktar azzjonijiet sabiex tiġi promossa l-kompetittività globali tal-SMEs u n-negozji ġodda bil-għan li jinħoloq l-aħjar ambjent possibbli, b'data ta' kwalità għolja, analitika tad-data, servizzi siguri u kosteffiċjenza mistennija għall-użu ta' żviluppi teknoloġiċi ġodda promettenti;

23.  Jistieden lill-Kummissjoni tistabbilixxi bażi ekonomikament vijabbli għal Cloud Ewropea, u biex tieħu passi ċari biex jinkoraġixxu lill-SMEs joffru soluzzjonijiet kompetittivi għall-ipproċessar ta' data u ħżin f'faċilitajiet ibbażati fl-Istati Membri;

24.  Ifakkar fir-riżultati pożittivi miksuba mill-istrutturi pan-Ewropej eżistenti u d-data miftuħa disponibbli fil-faċilitajiet nazzjonali tal-ħżin tad-data; jirrikonoxxi li għad hemm ħafna ostakli fis-Suq Uniku li mhux qed jippermettu l-użu sħiħ ta' din l-inizjattiva; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jeżaminaw il-potenzjal tad-data diġà disponibbli, u jiżguraw strateġija koerenti dwar id-data miftuħa u l-użu mill-ġdid ta' din id-data madwar l-Istati Membri; jinnota li l-Kummissjoni u l-Istati Membri jridu jesploraw il-ħtieġa ta' investimenti ulterjuri f'infrastruttura fiżika transfruntiera b'enfasi speċjali fuq il-kombinament ta' HPC, networks tal-broadband b'veloċità għolja u faċilitajiet ta' ħżin ta' data tal-massa sabiex tinħoloq ekonomija ta' suċċess immexxija mid-data Ewropea b'saħħitha; jistieden lill-Kummissjoni tanalizza sħubijiet globali mmexxija mill-industrija u sħubijiet internazzjonali oħra b'rabta ma' din il-kwistjoni;

25.  Jinnota li l-użu tas-servizzi tal-cloud fost l-SMEs Ewropej jeħtieġ li jiġi inkoraġġit aktar; jinnota li fornituri tal-Cloud Ewropea jeħtieġu aktar appoġġ koordinat fil-parteċipazzjoni fid-dinja diġitali, fit-twessigħ tal-fiduċja min-naħa tal-utent u fit-tqajjim tal-kuxjenza dwar il-benefiċċji tal-adozzjoni tal-cloud computing;

26.  Jenfasizza li l-aċċess għall-internet bil-broadband għan-negozji u ċ-ċittadini huwa element indispensabbli ta' data kompetittiva u ekonomija tal-għarfien fl-UE; jemmen, f'dan ir-rigward, li l-iżvilupp tal-cloud għandu jmur id f'id ma' inizjattivi li jżidu l-aċċess għall-internet bil-broadband għan-negozji u ċ-ċittadini, speċjalment f'żoni rurali;

27.  Jinnota li l-azzjonijiet ta' edukazzjoni diġitali bejn il-ġenerazzjonijiet, inkluż il-ħiliet ċibernetiċi, huma kritiċi għall-iżvilupp tal-cloud sabiex jiġu indirizzati u tittieħed azzjoni fuq l-ogħla diskrepanzi fil-ħiliet tekniċi u f'dak li għandu x'jaqsam mal-effikaċja biex jinkisbu l-għanijiet diġitali; jilqa' l-proposti ppreżentati fi ħdan il-qafas tal-Aġenda Ġdida għall-Ħiliet għall-Ewropa tal-Kummissjoni adottata reċentament, u jissottolinja l-ħtieġa għal riżorsi finanzjarji xierqa;

28.  Jemmen li negozji ġodda tal-cloud qed joħorġu b'soluzzjonijiet speċjalizzati biex jagħmlu l-cloud computing aktar rapidu, eħfef u aktar affidabbli, flessibbli u sigur;

29.  Jenfasizza li l-HPC, li hija importanti għal żvilupp tal-cloud, għandha tiġi ttrattata bħala parti integrali mill-Infrastruttura Ewropea tad-Data matul l-ekosistema kollha, u li l-benefiċċji għandhom jiġu promossi b'mod wiesa';

30.  Jinnota li l-involviment ta' istituzzjonijiet akkademiċi u ta' riċerka, u ta' partijiet interessati oħra, għandu jiġi mħeġġeġ bil-ħsieb li jinżammu u jiġu appoġġjati l-infrastrutturi integrati tad-data xjentifika u l-HPC;

31.  Jinnota li, bis-servizzi eżistenti, u dawk li se jkunu offruti fil-futur mis-settur privat u mill-pajjiżi barra mill-UE, l-EOSC jeħtieġ jipprovdi kemm inċentivi kif ukoll servizzi ġodda li jkissru d-drawwa li ilha teżisti li jkun hemm dipendenza fuq prattiki ta' riċerka eżistenti;

32.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jiżguraw li jkun hemm enfasi fuq it-tkabbir Ewropew orjentat lejn il-futur biex tinbena industrija tal-cloud kompetittiva fl-UE; jenfasizza l-importanza li jiġi żgurat li d-domanda tas-suq għal soluzzjonijiet cloud qed tkompli tiżdied, u li l-adozzjoni tal-cloud tiġi inkoraġġuta fl-industriji vertikali bħall-finanzi, it-tassazzjoni u s-sigurtà soċjali, il-manifattura, il-banek, is-saħħa, il-midja u d-divertiment, u l-agrikultura;

33.  Jemmen li r-Regolament (UE) 2016/679 – ir-Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data (GDPR)(9) jipprovdi qafas għall-protezzjoni tad-data personali; jinnota, madankollu, li l-frammentazzjoni tal-implimentazzjoni tiegħu fl-Istati Membri se tagħmilha aktar diffiċli għar-riċerkaturi li jwettqu xogħolhom u jikkondividu s-sejbiet tagħhom, li min-naħa tagħhom se jimminaw l-isforzi biex jistabbilixxu l-kooperazzjoni bejn ir-riċerkaturi permessi permezz tal-cloud computing; jitlob, għalhekk, għall-implimentazzjoni u l-infurzar xierqa tal-GDPR;

34.  Jenfasizza li s-soluzzjonijiet taħt l-Inizjattiva Ewropea dwar il-Cloud Computing għandhom jiġu żviluppati filwaqt li jitqiesu d-drittijiet fundamentali minquxa fil-KDF, b'mod partikolari d-drittijiet tal-protezzjoni tad-data, il-privatezza, il-libertà u s-sigurtà;

35.  Jinnota li l-ekonomija tad-data għadha fl-aktar stadji bikrija tagħha, li l-mudelli tan-negozju għadhom qed jiżviluppaw u li dawk li jeżistu diġà qegħdin jiġu mfixkla u fil-proċess ta' evoluzzjoni; jistieden lill-Kummissjoni tiżgura li kwalunkwe leġiżlazzjoni f'dan il-qasam se tkun f'konformità mal-"prinċipju tal-innovazzjoni" teknoloġikament newtrali u mhux se timponi ostakli serji għall-innovazzjoni, id-diġitalizzazzjoni tal-industrija jew l-iżvilupp ta' teknoloġiji ġodda bħall-IoT u l-intelliġenza artifiċjali (AI) fl-UE;

36.  Jistieden lill-Kummissjoni taħdem mal-Istati Membri, u mal-partijiet interessati kollha, biex jipparteċipaw fl-identifikazzjoni tal-azzjonijiet ta' implimentazzjoni meħtieġa biex jiġi massimizzat il-potenzjal offrut mill-Inizjattiva Ewropea dwar il-Cloud Computing; jemmen li l-innovazzjoni miftuħa u x-xjenza miftuħa jinvolvu ħafna aktar atturi fil-proċess tal-innovazzjoni, mir-riċerkaturi għall-imprendituri, l-utenti, il-gvernijiet u s-soċjetà ċivili;

Il-cloud miftuħa tax-xjenza

37.  Jinnota s-sottorappreżentanza ta' partijiet interessati ewlenin fid-diskussjonijiet u fi proġetti pilota fuq skala kbira; iqis li, filwaqt li jiġu evitati piżijiet amministrattivi, l-involviment attiv ta' partijiet interessati pubbliċi u privati, u tas-soċjetà ċivili fil-livelli lokali, reġjonali, nazzjonali u tal-Unjoni jrid ikun prekundizzjoni għall-iskambju effikaċi tal-informazzjoni; jenfasizza li l-Inizjattiva Ewropea dwar il-Cloud Computing għandha tkun ta' benefiċċju u tissodisfa l-ħtiġijiet mhux biss tal-komunità xjentifika, iżda wkoll tal-industrija, inklużi l-SMEs u n-negozji l-ġodda, tal-amministrazzjonijiet pubbliċi u tal-konsumaturi.

38.  Jenfasizza li l-iżvilupp tal-EOSC għandu jsir b'attenzjoni xierqa għad-drittijiet fundamentali minquxa fil-KDF, b'attenzjoni partikolari għad-drittijiet ta' protezzjoni tad-data, il-privatezza, il-libertà u s-sigurtà, u li huwa jrid jirrispetta l-prinċipji tal-privatezza fid-disinn u b'mod awtomatiku, u l-prinċipji tal-proporzjonalità, in-neċessità, il-minimizzazzjoni tad-data u l-limitazzjoni tal-fini; jirrikonoxxi li l-applikazzjoni ta' salvagwardji addizzjonali, bħall-psewdonimizzazzjoni, l-anonimizzazzjoni jew il-kriptografija, inkluż il-kriptaġġ, tista' tnaqqas ir-riskji u ssaħħaħ il-protezzjoni għas-suġġetti tad-data meta d-data personali tintuża f'applikazzjonijiet tad-data kbar jew mill-cloud computing; ifakkar li l-anonimizzazzjoni tikkostitwixxi proċess irreversibbli, u jitlob lill-Kummissjoni tħejji linji gwida dwar kif għandha tiġi anonimizzata d-data; itenni l-ħtieġa għal protezzjoni speċjali għal data sensittiva f'konformità ma' leġiżlazzjoni eżistenti; jenfasizza li l-prinċipji msemmija hawn fuq, flimkien ma' standards għolja ta' kwalità, affidabbiltà u kunfidenzjalità, huma meħtieġa biex tiġi żgurata l-fiduċja tal-konsumaturi fl-Inizjattiva Ewropea dwar il-Cloud Computing;

39.  Jenfasizza li l-Inizjattiva Cloud Miftuħa tax-Xjenza għandha twassal għal cloud affidabbli għal kulħadd: ix-xjentisti, in-negozji u s-servizzi pubbliċi;

40.  Jinnota li hemm ħtieġa li titrawwem pjattaforma kollaborattiva miftuħa, affidabbli għall-ġestjoni, l-analiżi, l-iskambju, l-użu mill-ġdid u l-preservazzjoni tad-data tar-riċerka li fuqha s-servizzi innovattivi jistgħu jiġu żviluppati u mwassla taħt ċerti termini u kundizzjonijiet;

41.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jesploraw oqfsa xierqa ta' governanza u finanzjament, iqisu biżżejjed l-inizjattivi eżistenti, is-sostenibbiltà tagħhom u l-abbiltà tagħhom li jrawmu kundizzjonijiet ekwi madwar l-Ewropa kollha; jenfasizza li l-Istati Membri għandhom jikkunsidraw jintegraw il-programmi ta' finanzjament nazzjonali tagħhom mal-programmi ta' finanzjament tal-UE;

42.  Jistieden lill-Kummissjoni tanalizza l-firxa sħiħa ta' sorsi finanzjarji għall-istabbiliment tal-EOSC u ssaħħaħ strumenti eżistenti biex tiżgura żvilupp iktar rapidu, b'enfasi partikolari fuq l-aħjar prattiki;

43.  Jitlob lill-Kummissjoni tiżgura li r-riċerka u d-data xjentifika kollha prodotta mill-programm Orizzont 2020 tkun miftuħa b'mod awtomatiku, u jitlob lill-Istati Membri jadattaw il-programmi ta' riċerka nazzjonali tagħhom f'dan is-sens;

44.  Jifhem li l-EOSC se jippromwovi x-xjenza diġitali billi jintegra l-IT bħala servizz lis-settur tar-riċerka pubblika fl-UE; jappella għal "mudell federali tal-cloud tax-xjenza" li jiġbor flimkien l-organizzazzjonijiet tar-riċerka pubblika, il-partijiet interessati, l-SMEs, in-negozji l-ġodda u l-infrastrutturi elettroniċi b'fornituri kummerċjali sabiex tinbena pjattaforma komuni li toffri firxa ta' servizzi lill-komunitajiet ta' riċerka tal-UE;

45.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri, b'kooperazzjoni ma' partijiet interessati oħra, jistabbilixxu pjan direzzjonali biex, malajr kemm jista' jkun, jagħtu skeda ta' żmien ċara għall-implimentazzjoni tal-azzjonijiet previsti fl-EOSC;

46.  Jistieden lill-Kummissjoni tivvaluta bir-reqqa l-ħtiġijiet tar-riċerkaturi pubbliċi Ewropej sabiex tidentifika lakuni possibbli fil-provvista tal-infrastruttura cloud fl-UE; jemmen li, jekk jiġu identifikati lakuni, il-Kummissjoni għandha tistieden lill-fornituri Ewropej tal-infrastruttura cloud jikkondividu l-pjanijiet direzzjonali ta' żvilupp b'tali mod li jivvalutaw jekk l-investimenti privati huma biżżejjed biex jindirizzaw tali lakuni, jew jekk hux meħtieġ aktar finanzjament pubbliku biex jingħalqu;

47.  Jitlob lill-Kummissjoni tiżgura li r-riċerka u d-data xjentifika kollha prodotta mill-programm Orizzont 2020 għandha tibbenefika lin-negozji Ewropej u l-pubbliku; huwa favur bidla fl-istrutturi tal-inċentivi għall-akkademiċi, l-industrija u s-servizzi pubbliċi biex jiskambjaw id-data tagħhom u t-titjib tal-ġestjoni tad-data, it-taħriġ, il-ħiliet fl-inġinerija u l-litteriżmu;

48.  Jilqa' l-fatt li l-Inizjattiva tal-Cloud tiffoka fuq il-bini ta' netwerks fuq medda ta' frekwenza għolja, faċilitajiet ta' ħżin fuq skala kbira, informatika ta' prestazzjoni għolja u ekosistema Ewropea tal-big data;

49.  Jenfasizza li l-iżvilupp tal-5G, kif ukoll ir-regoli tal-Kodiċi Ewropew għall-Komunikazzjonijiet Elettroniċi, għandhom jagħmlu l-EOSC aktar attraenti billi joffru internet ta' kwalità għolja u infrastruttura ġdida u ta' kwalità għolja;

50.  Japprova l-ambizzjoni tal-Kummissjoni li l-Unjoni tkun kapaċi tiġġestixxi ammonti kbar ta' data, b'infrastrutturi mħaddma minn servizzi li jużaw data f'ħin reali minn sensuri jew applikazzjonijiet li jgħaqqdu d-data minn sorsi differenti; jinnota li l-Inizjattiva Ewropea dwar il-Cloud Computing għandha l-għan li tiżgura ħidma aħjar u aktar armonizzata fuq l-iżvilupp tal-infrastruttura;

51.  Jappoġġja l-iżvilupp ulterjuri tan-netwerk GÉANT bil-għan li dan isir l-iktar netwerk internazzjonali avvanzat u ż-żamma tar-rwol tat-tmexxija tal-UE fir-riċerka;

52.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jikkoordinaw ma' partijiet interessati sabiex titnaqqas il-frammentazzjoni tal-infrastrutturi diġitali billi jistabbilixxu pjan direzzjonali għal azzjonijiet u għal struttura b'saħħitha ta' governanza li tinvolvi finanzjaturi, xerrejja u utenti, u jenfasizza l-ħtieġa li jiġu promossi l-prinċipji tax-xjenza miftuħa għall-ġestjoni u l-iskambju ta' data mingħajr ma tixxekkel l-innovazzjoni u mingħajr ma jkun hemm ksur tal-privatezza u tal-propjetà intellettwali fl-era diġitali;

53.  Jenfasizza l-importanza li t-twaqqif tal-Inizjattiva Ewropea dwar il-Cloud Computing ikun ibbażat fuq l-elementi kostitwenti tal-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa, b'mod partikolari l-karti tal-identità elettroniċi u l-firem elettroniċi, bil-għan li tissaħħaħ il-fiduċja tal-utenti fil-komunikazzjonijiet elettroniċi siguri, interoperabbli u mingħajr xkiel madwar l-Unjoni;

54.  Jistieden lill-Kummissjoni talloka aktar riżorsi lejn it-tisħiħ tar-riċerka, l-iżvilupp, l-innovazzjoni u t-taħriġ Ewropej fil-qasam tal-cloud computing, filwaqt li jenfasizza l-ħtieġa għal infrastruttura u proċessi li jissalvagwardjaw id-data miftuħa u l-privatezza tal-utenti;

55.  Jinsisti li l-istandards għandhom jippermettu l-portabbiltà faċli u sħiħa, u grad għoli ta' interoperabbiltà, bejn is-servizzi tal-cloud;

56.  Jemmen b'mod qawwi li l-inizjattiva Cloud Ewropew tax-Xjenza Miftuħa għandha tistrieħ fuq standards miftuħa biex tiżgura interoperabbiltà u komunikazzjoni bla xkiel, u biex jiġi evitat lock-in;

57.  Jenfasizza li l-użu ta' standards miftuħa u ta' softwer mingħajr ħlas u minn sors miftuħ huwa partikolarment importanti biex tiġi żgurata t-trasparenza meħtieġa dwar kif data personali u tipi oħra ta' data sensittiva fil-fatt qed jiġu mħarsa;

58.  Jinnota li l-ekonomija Ewropea qed isserraħ dejjem iktar fuq is-setgħa ta' superkompjuters biex toħloq soluzzjonijiet innovattivi, tnaqqas l-ispejjeż u tnaqqas iż-żmien fejn prodotti u servizzi jiġu kkumerċjalizzati; jappoġġja l-isforzi tal-Kummissjoni biex toħloq sistema ta' superkompjuter fuq skala exa bbażata fuq teknoloġija tal-ħardwer Ewropea;

59.  Jemmen li l-Ewropa teħtieġ ekosistema HPC sħiħa biex jinkisbu superkompjuters tal-ogħla kwalità, tiżgura sistema tal-provvista HPC u tipprovdi servizzi HPC għall-industrija u l-SMEs għal simulazzjoni, viżwalizzazzjoni u prototipi; iqis li huwa ta' importanza fundamentali għall-UE li tikklassifika fost l-ewwel setgħat tas-superkomputerizzazzjoni fid-dinja sal-2022;

60.  Jemmen li l-Pjattaforma Ewropea għat-Teknoloġija u s-Sħubija Pubblika-Privata kuntrattwali (cPPP) dwar l-HPC huma kruċjali għad-definizzjoni tal-prijoritajiet tar-riċerka tal-UE fl-iżvilupp ta' teknoloġija Ewropea fis-setturi kollha tas-soluzzjoni tal-HPC fil-katina tal-provvista;

61.  Jilqa' l-proposta tal-Kummissjoni, f'konformità mal-Quantum Manifesto, biex tniedi inizjattiva fuq skala ewlenija ta' EUR 1 biljun fit-teknoloġija quantum;

62.  Ifakkar lill-Kummissjoni li l-industrija tas-servizzi tal-cloud diġà investiet biljuni ta' euro fil-bini ta' infrastruttura mill-aqwa fl-Ewropa; jirrimarka li x-xjenzati u r-riċerkaturi tal-UE llum jistgħu jużaw infrastruttura cloud li toffrilhom l-abbiltà li jesperimentaw u jinnovaw malajr billi jaċċessaw varjetà wiesgħa ta' servizzi, iħallsu biss għal dak li jużaw, biex b'hekk inaqqsu d-dewmien għax-xjenza; jinnota li l-appoġġ kritiku tal-UE għar-riċerka u l-iżvilupp m'għandux jinħela fuq id-duplikazzjoni ta' riżorsi eżistenti, iżda minflok fuq l-inkoraġġiment ta' riżultati rivoluzzjonarji f'oqsma ġodda xjentifiċi li jistgħu jagħtu spinta lit-tkabbir u lill-kompetittività;

63.  Jenfasizza li l-komunità xjentifika għandha bżonn ta' sors miftuħ, sikur u sigur ta' infrastruttura ta' kapaċità għolja bil-għan li tiġi avvanzata r-riċerka u jiġu evitati ksur tas-sigurtà potenzjali, attakki ċibernetiċi jew użu ħażin tad-data personali, speċjalment meta jinġabru, jinħażnu u jiġu pproċessati ammonti kbar ta' data; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jappoġġjaw u jinċentivaw l-iżvilupp tat-teknoloġija meħtieġa, inklużi t-teknoloġiji ta' kriptografija, filwaqt li jitqies l-approċċ tas-"sigurtà bid-disinn"; jappoġġja l-isforzi tal-Kummissjoni għat-tisħiħ tal-kooperazzjoni – fost l-awtoritajiet pubbliċi, l-industrija Ewropea (inklużi l-SMEs u n-negozji l-ġodda), ir-riċerkaturi u l-akkademiċi fil-qasam tal-ammonti kbar ta' data u ċ-ċibersigurtà – mill-istadji bikrija tal-proċess ta' riċerka u innovazzjoni, sabiex jippermetti l-ħolqien ta' soluzzjonijiet Ewropej innovattivi u affidabbli u opportunitajiet tas-suq, filwaqt li jiġi żgurat livell adegwat ta' sigurtà;

64.  Jemmen li l-iżvilupp ta' standards ċari għall-interoperabbiltà cloud, il-portabbiltà tad-data u l-ftehimiet dwar il-livell ta' servizz żgur se jiżguraw ċertezza u trasparenza kemm għall-fornituri tal-cloud kif ukoll għall-utenti aħħarin;

65.  Jenfasizza li l-affidabbiltà, is-sigurtà u l-protezzjoni tad-data personali huma meħtieġa biex tiġi żgurata l-fiduċja tal-konsumatur, b'din il-fiduċja tkun bażi għal kompetittività b'saħħitha;

66.  Jinnota li l-industrija għandha taqdi rwol ewlieni fl-iżvilupp ta' standards aċċettati b'mod wiesa' adatti għall-era diġitali, u li tali standards jistgħu jagħtu lill-fornituri tal-cloud il-kunfidenza biex jibqgħu jinnovaw, u lill-utenti l-kunfidenza biex jadottaw aktar is-servizzi tal-cloud fil-livell tal-Unjoni;

67.  Jistieden lill-Kummissjoni tieħu rwol ta' tmexxija fil-promozzjoni ta' interoperabbiltà intersettorjali, translingwistika u transfruntiera u ta' standards cloud, u fl-appoġġ ta' servizzi tal-cloud li jirrispettaw il-privatezza, affidabbli, siguri u effiċjenti fl-enerġija bħala parti integrali ta' strateġija komuni li tiffoka fuq il-massimizzazzjoni tal-opportunitajiet għall-iżvilupp ta' standards li għandhom il-kapaċità li jsiru standards dinjija;

68.  Jinnota li huwa meħtieġ pjan ta' azzjoni dwar l-interoperabbiltà tad-data biex tiġi sfruttata l-kwantità għolja ta' data li x-xjentisti Ewropej jipproduċu u biex jittejjeb l-użu mill-ġdid ta' din id-data fix-xjenza u l-industrija; jistieden lill-Kummissjoni taħdem ma' partijiet interessati xjentifiċi ewlenin biex jipproduċu sistemi effikaċi li jagħmlu d-data – inkluża meta-data, speċifikazzjonijiet komuni u identifikaturi tal-oġġett tad-data – li tista' tinstab, aċċessibbli, interoperabbli u li tista' tintuża mill-ġdid (FAIR);

69.  Jinnota li l-UE qiegħda tonqos milli tinvesti fl-ekosistema HPC tagħha sal-istess punt bħal kif qed isir f'reġjuni oħra tad-dinja, u dan mhuwiex f'konformità mal-potenzjal ekonomiku u ta' għarfien tagħha;

70.  Jistieden lill-Kummissjoni tippromwovi l-interoperabbiltà, u tevita sitwazzjonijiet ta' lock-in tal-bejjiegħa, billi tħeġġeġ fornituri diversi tal-cloud fl-Ewropa biex joffru għażla ta' servizzi tal-infrastruttura kompetittivi, interoperabbli u portabbli;

71.  Jitlob għal miżuri biex tiġi ppreservata sistema ta' standardizzazzjoni ta' kwalità għolja li tista' tattira l-aħjar kontribuzzjonijiet fit-teknoloġija; jitlob lill-Kummissjoni tadotta politiki li jneħħu l-ostakli eċċessivi fis-setturi innovattivi sabiex tinċentivizza investimenti fir-riċerka u fl-iżvilupp, u fl-istandardizzazzjoni madwar l-Unjoni kollha;

72.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni timmassimizza l-isforzi tagħha biex ikun evitat il-lock-in tal-bejjiegħa fuq is-suq diġitali mill-bidu, speċjalment f'oqsma emerġenti bħall-Inizjattiva Ewropea dwar il-Cloud Computing;

73.  Jirrikonoxxi l-importanza tal-interoperabbiltà u tal-istandards biex tingħata spinta lill-kompetittività fis-settur tal-ICT; jitlob lill-Kummissjoni tidentifika lakuni fl-istandards EOSC, inkluż fir-rigward tal-SMEs, in-negozji l-ġodda u s-setturi Ewropej ewlenin; jappoġġja l-iżvilupp ta' standards immexxija mis-suq, volontarji, newtrali mil-lat tat-teknoloġija, trasparenti, kompatibbli b'mod globali u rilevanti għas-suq;

74.  Iqis li l-programm ISA2 joffri opportunità li jiġu żviluppati standards ta' interoperabbiltà għall-ġestjoni tal-big data fi ħdan l-amministrazzjonijiet pubbliċi u fit-trattattivi tagħhom man-negozji u ċ-ċittadini;

75.  Jirrikonoxxi li l-istandards għandhom jirriflettu l-ħtiġijiet reali tal-industrija u ta' partijiet ikkonċernati oħra; jenfasizza li huwa essenzjali li jiġu żviluppati standards komuni ta' livell għoli u li jintlaħaq qbil dwarhom sabiex jiġi żgurat użu effiċjenti u l-kondiviżjoni tad-data lil hinn mill-fruntieri nazzjonali, l-istituzzjonijiet u d-dixxiplini individwali; jistieden lill-Kummissjoni tidentifika, fejn xieraq, l-aħjar skemi ta' ċertifikazzjoni fl-Istati Membri, bil-għan li jiġu stabbiliti, bl-involviment ta' partijiet interessati rilevanti, sett ta' standards immexxija mid-domanda, pan-Ewropej li jiffaċilita l-iskambju tad-data u li huwa bbażat fuq standards miftuħa u globali kull meta ġġustifikat; jenfasizza li l-azzjonijiet meħuda fir-rigward tal-Inizjattiva Ewropea dwar il-Cloud Computing jridu jiżguraw li l-ħtiġijiet tas-Suq Uniku jittieħdu inkonsiderazzjoni u li dan is-suq jibqa' aċċessibbli b'mod globali u jkun risponsiv għall-evoluzzjoni teknoloġika;

76.  Jappoġġja l-intenzjoni tal-Kummissjoni li tneħħi l-ostakli, speċjalment dawk tekniċi u ġuridiċi, għall-moviment liberu tad-data u tas-servizzi tad-data, li tneħħi wkoll ir-rekwiżiti sproporzjonati tal-lokalizzazzjoni tad-data, u li tippromwovi l-interoperabbiltà tad-data billi torbot l-Inizjattiva Ewropea dwar il-Cloud Computing mal-Inizjattiva dwar il-Fluss Liberu tad-Data; iqis li, sabiex tinkiseb soċjetà diġitali, il-fluss liberu tad-data jrid jitqies bħala l-ħames libertà fi ħdan is-Suq Uniku; jinnota li qafas ġuridiku ċar, kompetenzi u riżorsi suffiċjenti relatati mal-ġestjoni ta' big data, kif ukoll ir-rikonoxximent ta' kwalifiki professjonali rilevanti huma prerekwiżiti biex jiġi sfruttat il-potenzjal sħiħ tal-cloud computing; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tikkoopera mal-partijiet interessati, speċjalment mal-industrija, biex jiġu identifikati l-opportunitajiet ta' taħriġ fil-qasam tal-big data u tal-kodifikazzjoni anki fl-ambitu tal-Aġenda Ġdida għall-Ħiliet, u toħloq inċentivi għall-partijiet interessati, b'mod partikolari l-SMEs u n-negozji l-ġodda, biex jużaw, jiftħu u jikkondividu data fis-Suq Uniku;

77.  Jilqa' l-proposta tal-Kummissjoni, f'konformità mal-Quantum Manifesto biex tniedi inizjattiva fuq skala ewlenija ta' EUR 1 biljun fit-teknoloġija quantum; jenfasizza, madankollu, li sabiex jitħaffef l-iżvilupp tagħhom u l-prodotti kummerċjali jitressqu lejn l-utenti pubbliċi u privati, konsultazzjoni mal-partijiet interessati li hija trasparenti u miftuħa hi kruċjali;

Il-kondiviżjoni tad-data miftuħa, il-kondiviżjoni tad-data tar-riċerka

78.  Jilqa' l-fatt li l-iżvilupp tal-EOSC se jippermetti lir-riċerkaturi u lill-professjonisti tax-xjenza dwar post fejn jaħżnu, jikkondividu, jużaw u jużaw mill-ġdid id-data, u jista' jistabbilixxi l-pedament għal innovazzjoni mmexxija mid-data fl-UE; jenfasizza li l-benefiċċji ta' kondiviżjoni tad-data ġew rikonoxxuti b'mod wiesa';

79.  Jinnota li d-data saret essenzjali għat-teħid tad-deċiżjonijiet fil-livell lokali, nazzjonali u globali; jinnota li l-kondiviżjoni tad-data għandha wkoll benefiċċji importanti għall-awtoritajiet lokali u reġjonali, u l-ftuħ tad-data tal-gvern isaħħaħ id-demokrazija u joħloq opportunitajiet kummerċjali ġodda;

80.  Jappoġġja l-isforzi tal-Kummissjoni, flimkien ma' dawk tar-riċerkaturi u l-akkademiċi tal-industrija Ewropea, biex jiżviluppaw is-Sħubija Pubblika-Privata (PPP) tal-Valur tal-Big Data, f'sinerġija mas-cPPP dwar l-HPC li ssaħħaħ il-bini tal-komunità madwar id-data u l-HPC u tistabbilixxi l-bażi għal ekonomija ta' suċċess immexxija mid-data fl-UE; jappoġġja l-PPP taċ-ċibersigurtà li trawwem kooperazzjoni bejn atturi pubbliċi u privati fi stadji bikrija tal-proċess ta' riċerka u innovazzjoni sabiex ikun jistgħu jiġu aċċessati soluzzjonijiet Ewropej innovattivi u affidabbli;

81.  Jenfasizza li l-Kummissjoni għandha tikkoordina mill-qrib, u kemm jista' jkun malajr, mas-sħab tal-industrija, speċjalment l-SMEs u n-negozji l-ġodda, sabiex tiggarantixxi li r-rekwiżiti tan-negozji u tal-industrija huma indirizzati u integrati b'mod adegwat fl-istadju aktar tard tal-inizjattiva;

82.  Jinkoraġġixxi l-amministrazzjonijiet pubbliċi jikkunsidraw servizzi tal-cloud li huma sikuri, affidabbli u siguri billi jipprovdu qafas ġuridiku ċar u billi jaħdmu aktar biex jiżviluppaw skemi ta' ċertifikazzjoni speċifiċi għall-cloud; jinnota li n-negozji u l-konsumaturi għandhom bżonn li jħossuhom kunfidenti fl-adozzjoni ta' teknoloġiji ġodda;

83.  Jemmen li l-amministrazzjonijiet pubbliċi għandu jkollhom aċċess miftuħ għal data pubblika tal-gvern b'mod awtomatiku; jitlob li jsir progress f'li jiġi determinat il-grad u l-pass tar-rilaxx tal-informazzjoni bħala data miftuħa, fl-identifikazzjoni ta' settijiet ta' data ewlenin li jsiru disponibbli u fil-promozzjoni tal-użu mill-ġdid tad-data miftuħa f'forma miftuħa;

84.  Jinnota li t-tkabbir enormi fit-teknoloġiji diġitali huwa l-mutur ewlieni għall-ġenerazzjoni ta' flussi massivi ta' data mhux ipproċessata f'ambjenti cloud, u li dan il-ġbir enormi ta' flussi ta' data mhux ipproċessata f'sistemi ta' big data żied il-kumplessità komputazzjonali u l-konsum tar-riżorsi f'sistemi tal-estrazzjoni ta' data cloud-enabled; jinnota, barra minn hekk, li l-kunċett ta' kondiviżjoni tad-data ibbażat fuq mudell, jippermetti pproċessar tad-data lokali viċin is-sorsi tad-data u jittrasforma l-flussi ta' data mhux ipproċessata f'mudelli ta' għarfien azzjonabbli; ifakkar li dawn il-mudelli ta' għarfien għandhom utilità doppja f'dak li jikkonċerna d-disponibbiltà tal-mudelli ta' għarfien għal azzjonijiet immedjati kif ukoll għal kondiviżjoni ta' data parteċipatorja f'ambjenti cloud;

85.  Japprova l-konklużjonijiet tal-Kunsill ta' Mejju 2016 dwar it-tranżizzjoni lejn sistema ta' xjenza miftuħa, b'mod partikolari l-konklużjoni li l-prinċipju sottostanti għall-aħjar użu mill-ġdid tad-data tar-riċerka għandu jkun "miftuħ kemm jista' jkun, magħluq kif meħtieġ";

Estrazzjoni ta' test u ta' data

86.  Jenfasizza li d-disponibbiltà sħiħa tad-data pubblika fi ħdan l-EOSC mhix se tkun biżżejjed biex jitneħħew l-ostakli kollha bbażati fuq id-data tar-riċerka;

87.  Jinnota li l-inizjattiva għandha bżonn tkun ikkumplimentata minn qafas modern tad-drittijiet tal-awtur li għandu jippermetti t-tneħħija tal-frammentazzjoni u n-nuqqas ta' interoperabbiltà mill-proċess Ewropew tad-data tar-riċerka;

88.  Jemmen li l-inizjattiva għandha tippreserva l-bilanċ bejn id-drittijiet tar-riċerkaturi u dawk tad-detenturi tad-drittijiet u atturi oħra fil-qasam xjentifiku, bil-garanzija tar-rispett sħiħ tad-drittijiet tal-awturi u l-pubblikaturi, filwaqt li fl-istess ħin tiġi appoġġjata riċerka innovattiva fl-Ewropa;

89.  Jemmen li d-data tar-riċerka tista' tiġi kondiviża fi ħdan l-EOSC mingħajr preġudizzju għad-drittijiet tal-awtur li huma proprjetà tar-riċerkaturi jew tal-istituzzjonijiet ta' riċerka, billi jiġu stabbiliti mudelli ta' liċenzjar meta meħtieġ; jemmen li l-aħjar prattiki f'dan ir-rigward qed jiġu stabbiliti fi ħdan il-proġett pilota dwar l-aċċess miftuħ għad-data tar-riċerka (Open Research Data Pilot) ta' Orizzont 2020;

90.  Jemmen li d-Direttiva Database, li jeħtieġ li tiġi rieżaminata, tillimita l-użu ta' data mingħajr evidenza li toħloq valur ekonomiku jew xjentifiku miżjud;

Il-protezzjoni tad-data, id-drittijiet fundamentali u s-sigurtà tad-data

91.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tieħu azzjoni biex tippromwovi l-armonizzazzjoni ulterjuri tal-liġijiet fl-Istati Membri biex tevita konfużjoni u frammentazzjoni ġurisdizzjonali, u biex tiżgura li jkun hemm trasparenza fis-suq uniku diġitali;

92.  Jemmen li l-Unjoni Ewropea qiegħda fuq quddiem nett fir-rigward tal-protezzjoni tal-privatezza, u tirrakkomanda livell għoli ta' protezzjoni tad-data madwar id-dinja;

93.  Jenfasizza li huwa meħtieġ approċċ ikkoordinat li għandu jittieħed mill-awtoritajiet tal-protezzjoni tad-data, dawk li jfasslu l-politika u l-industrija, għall-benefiċċju tal-organizzazzjonijiet f'din it-tranżizzjoni billi jipprovdu għodod ta' konformità u interpretazzjoni u applikazzjoni uniformi tal-obbligi, u billi jqajmu kuxjenza dwar il-kwistjonijiet ewlenin għaċ-ċittadini u n-negozji;

94.  Jenfasizza li l-UE hija importatur u esportatur dinji ta' servizzi diġitali, u li teħtieġ cloud computing b'saħħtu u ekonomija mmexxija mid-data qawwija biex tkun kompetittiva; jistieden lill-Kummissjoni tieħu rwol ta' tmexxija fl-isforzi tagħha lejn il-ħolqien ta' standards aċċettati b'mod globali u uniformi tal-protezzjoni tad-data personali;

95.  Jemmen li l-flussi tad-data globali huma indispensabbli għall-kummerċ internazzjonali u t-tkabbir ekonomiku, u li l-inizjattiva tal-Kummissjoni dwar il-fluss liberu tad-data għandha tippermetti lill-kumpaniji li joperaw fl-Ewropa – u b'mod partikolari fis-settur dejjem jikber tal-cloud computing – biex ikunu minn ta' quddiem fit-tellieqa globali tal-innovazzjoni; jenfasizza li l-inizjattiva għandha wkoll l-għan li tneħħi kwalunkwe restrizzjoni arbitrarja dwar fejn il-kumpaniji għandhom isibu l-infrastruttura jew jaħżnu d-data, peress li tali restrizzjonijiet ixekklu l-iżvilupp tal-ekonomija tal-Ewropa;

96.  Jemmen li l-leġiżlazzjoni attwali tal-UE dwar il-protezzjoni tad-data, b'mod partikolari l-GDPR adottat reċentement u d-Direttiva dwar il-Protezzjoni tad-Data fir-rigward tal-Infurzar tal-Liġi (id-Direttiva (UE) 2016/680)(10), tipprovdi salvagwardji b'saħħithom għall-protezzjoni tad-data personali, inkluża dik miġbura, aggregata u psewdonimizzata għal skopijiet ta' riċerka xjentifika u data sensittiva relatata mas-saħħa, flimkien ma' kundizzjonijiet speċifiċi rigward il-pubblikazzjoni u l-iżvelar tagħha, id-dritt tas-suġġetti tad-data li joġġezzjonaw għall-ipproċessar ulterjuri, u regoli dwar l-aċċess għall-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi fil-kuntest ta' investigazzjonijiet kriminali; jistieden lill-Kummissjoni tqis dawn is-salvagwardji għall-iżvilupp tal-EOSC u l-implimentazzjoni ta' regoli li jirregolaw l-aċċess għal data maħżuna fih; jirrikonoxxi li approċċ armonizzat fir-rigward tal-implimentazzjoni tal-GDPR, inklużi l-linji gwida, l-għodod tal-konformità u l-kampanji ta' sensibilizzazzjoni għaċ-ċittadini, riċerkaturi u negozji, huwa kruċjali, speċjalment għall-iżvilupp tal-EOSC u l-faċilitazzjoni tal-kooperazzjoni fir-riċerka, inkluż permezz ta' informatika ta' prestazzjoni għolja;

97.  Iqis li l-fluss liberu tad-data huwa ta' benefiċċju għall-ekonomija diġitali u l-iżvilupp tax-xjenza u r-riċerka; jenfasizza li l-inizjattiva tal-Kummissjoni dwar il-fluss liberu tad-data għandha tippermetti lis-settur Ewropew tal-cloud computing li dejjem jikber li jkun minn ta' quddiem fit-tellieqa globali għall-innovazzjoni, inkluż għal finijiet ta' xjenza u innovazzjoni; ifakkar li kwalunkwe trasferiment ta' data personali lejn l-infrastrutturi tal-cloud jew reċipjenti oħra li jinsabu 'l barra mill-Unjoni għandu jirrispetta r-regoli għat-trasferimenti previst fil-GDPR, u li l-inizjattiva tal-Kummissjoni dwar il-fluss liberu tad-data għandha tkun f'konformità ma' dawn id-dispożizzjonijiet; jenfasizza li l-inizjattiva għandha timmira wkoll li tnaqqas ir-restrizzjonijiet fir-rigward tal-post fejn il-kumpaniji għandhom infrastruttura jew jaħżnu data, peress li dawn ixekklu l-iżvilupp tal-ekonomija tal-Ewropa u jipprevjenu lil xjenzati milli jgawdu l-benefiċċji sħaħ ta' xjenza mmexxija mid-data, filwaqt li jinżammu restrizzjonijiet skont il-leġiżlazzjoni dwar il-protezzjoni tad-data sabiex jiġu evitati abbużi possibbli fil-futur fir-rigward tal-EOSC;

98.  Jemmen bis-sħiħ li l-Unjoni għandha tkun fuq quddiem fir-rigward tas-sigurtà u l-protezzjoni tad-data personali, inkluża data sensittiva, u għandha tippromwovi livell għoli ta' protezzjoni tad-data u ta' sigurtà tad-data madwar id-dinja; jemmen li l-qafas tal-protezzjoni tad-data tal-UE, flimkien ma' strateġija ta' ċibersigurtà inklużiva li tiżgura infrastrutturi affidabbli tad-data li huma protetti kontra t-telf tad-data, interferenza jew attakki, jistgħu jirrappreżentaw vantaġġ kompetittiv għal kumpaniji Ewropej fir-rigward tal-privatezza; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tiżgura li l-EOSC jippreserva l-indipendenza u l-oġġettività xjentifika tar-riċerka, kif ukoll jipproteġi x-xogħol tal-komunità xjentifika fi ħdan l-Unjoni;

99.  Jistieden lill-Kummissjoni tiżgura li t-tħassib dwar id-drittijiet fundamentali, il-privatezza, il-protezzjoni tad-data, id-drittijiet tal-proprjetà intellettwali u l-informazzjoni sensittiva jiġu ttrattati b'konformità stretta mal-GDPR u mad-Direttiva dwar il-Protezzjoni tad-Data; jenfasizza li t-theddid għas-sigurtà tal-infrastruttura tal-cloud computing saru aktar internazzjonali, mifruxa u kumplessi, qed ixekklu l-użu aktar intensiv tagħha, u jirrikjedu kooperazzjoni Ewropea; iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-awtoritajiet nazzjonali tal-Istati Membri biex, f'konsultazzjoni mal-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea dwar is-Sigurtà tan-Netwerks u l-Informazzjoni (ENISA), jikkooperaw sabiex tiġi stabbilita infrastruttura diġitali sikura u affidabbli u jinkisbu livelli għolja ta' ċibersigurtà b'konformità mad-Direttiva dwar is-Sigurtà tan-Netwerks u tal-Informazzjoni;

100.  Jistieden lill-Kummissjoni tiżgura li din l-inizjattiva tkun adattata għall-iskop tagħha, tħares 'il barra, valida għall-futur u teknoloġikament newtrali, u jenfasizza l-fatt li l-Kummissjoni u l-Istati Membri jridu jieħdu rwol ta' tmexxija fis-suq u mill-industrija tal-cloud computing innifisha sabiex jilħqu d-domandi attwali u futuri tas-settur bl-aħjar mod, u biex jixprunaw l-innovazzjoni f'teknoloġiji bbażati fuq il-cloud;

101.  Jinnota l-potenzjal tal-big data biex toħloq innovazzjoni teknoloġika u tibni l-ekonomija tal-għarfien; jinnota li t-tnaqqis tal-ostakli u l-kondiviżjoni tal-għarfien se jagħti spinta lill-kompetittività tan-negozji filwaqt li jkun ta' benefiċċju wkoll għall-awtoritajiet lokali u reġjonali; jenfasizza l-importanza li tiġi ffaċilitata l-portabbiltà tad-data;

102.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jaħdmu ma' inizjattivi li jiffissaw standards u li huma mmexxija mill-industrija biex jiżguraw li s-suq uniku jibqa' aċċessibbli għall-pajjiżi terzi u risponsiv għall-evoluzzjoni teknoloġika, jevita ostakli li se jxekklu l-innovazzjoni u l-kompetittività fl-Ewropa; jinnota li l-iffissar ta' standards f'dak li jirrigwardja l-privatezza u s-sigurtà tad-data huwa relatat mill-qrib mal-kwistjoni tal-ġurisdizzjoni, u li l-awtoritajiet nazzjonali għandhom rwol ewlieni x'jaqdu;

103.  Jisħaq li jrid ikun hemm kunsiderazzjoni tal-inizjattivi eżistenti biex tiġi evitata d-duplikazzjoni li tista' xxekkel il-ftuħ, il-kompetizzjoni u t-tkabbir, u li standards xprunati mis-suq, pan-Ewropej għall-kondiviżjoni tad-data jridu jkunu f'konformità mal-istandards internazzjonali;

104.  Jenfasizza l-bżonn li jinstab bilanċ bejn it-tħassib leġittimu dwar il-protezzjoni tad-data u l-bżonn li jiġi żgurat "fluss liberu tad-data" mhux sfruttat; jisħaq dwar il-ħtieġa li regoli eżistenti dwar il-protezzjoni tad-data jiġu rrispettati f'suq miftuħ tal-big data;

105.  Jappoġġja l-proposta li tagħmel id-data tar-riċerka miftuħa l-opzjoni awtomatika għal proġetti ġodda ta' Orizzont 2020, peress li d-data tar-riċerka ffinanzjata pubblikament hija ġid pubbliku, prodott fl-interess pubbliku u għandha tkun disponibbli b'mod miftuħ, b'kemm jista' jkun ftit restrizzjonijiet u mingħajr dewmien u b'mod responsabbli;

106.  Jinnota li l-Inizjattiva Ewropea dwar il-Cloud Computing tiffoka fuq setturi potenzjalment sensittivi ta' R&D u e-Portals tal-gvern; itenni li l-aħjar mod li bih tiġi ttrattata ċ-ċibersigurtà għas-servizzi tal-cloud huwa permezz tal-qafas tad-Direttiva dwar is-Sigurtà tan-Netwerks;

107.  Jinnota l-importanza li tiġi ffaċilitata l-interoperabbiltà ta' tagħmir differenti fi ħdan in-netwerks, l-għoti ta' garanzija ta' sigurtà u l-promozzjoni ta' ktajjen tal-forniment tal-komponenti, kollha kemm huma importanti għall-kummerċjalizzazzoni tat-teknoloġija;

108.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.

(1)

Testi adottati, P7_TA(2010)0133.

(2)

ĠU L 318, 4.12.2015, p. 1.

(3)

ĠU L 175, 27.6.2013 p. 1.

(4)

Testi adottati, P8_TA(2016)0089.

(5)

Testi adottati, P8_TA(2016)0009.

(6)

Testi adottati, P7_TA(2014)0032.

(7)

Testi adottati, P7_TA(2013)0535.

(8)

ĠU L 119, 4.5.2016, p. 1.

(9)

ĠU L 119, 4.5.2016, p. 1.

(10)

ĠU L 119, 4.5.2016, p. 89.


OPINJONI tal-Kumitat għas-Suq Intern u l-Ħarsien tal-Konsumatur (29.12.2016)

għall-Kumitat għall-Industrija, ir-Riċerka u l-Enerġija

dwar l-Inizjattiva Ewropea dwar il-Cloud Computing

(2016/2145(INI))

Rapporteur għal opinjoni: Eva Paunova

SUĠĠERIMENTI

Il-Kumitat għas-Suq Intern u l-Ħarsien tal-Konsumatur jistieden lill-Kumitat għall-Industrija, ir-Riċerka u l-Enerġija, bħala l-kumitat responsabbli, biex jinkorpora s-suġġerimenti li ġejjin fil-mozzjoni għal riżoluzzjoni tiegħu:

1.  Jilqa' l-Inizjattiva Ewropea dwar il-Cloud Computing tal-Kummissjoni bħala parti mill-implimentazzjoni tal-Istrateġija tas-Suq Uniku Diġitali u tal-Pakkett dwar id-Diġitalizzazzjoni tal-Industrija Ewropea, li għaldaqstant trawwem it-tkabbir tal-ekonomija diġitali Ewropea, tikkontribwixxi għall-kompetittività tan-negozji u s-servizzi Ewropej u ssaħħaħ il-pożizzjonament tagħhom fis-suq dinji; jistieden lill-Kummissjoni biex, permezz ta' miżuri definiti b'mod ċar, tiżgura li din l-inizjattiva hija xierqa biex tilħaq l-iskop tagħha, tħares 'il barra, valida għall-futur u ma toħloqx ostakoli sproporzjonati jew mhux ġustifikati;

2.  Jilqa' l-approċċ ta' Xjenza Miftuħa u r-rwol li dan l-approċċ għandu fil-ħolqien ta' ekonomija tal-għarfien Ewropea, u fil-promozzjoni ulterjuri tal-kwalità tar-riċerka u tal-iżvilupp tagħha fl-Unjoni Ewropea; jenfasizza li attwalment, il-valur tad-data tar-riċerka miġbura mhuwiex sfruttat bis-sħiħ mill-industrija, speċjalment mill-SMEs, minħabba n-nuqqas ta' fluss transfruntier liberu tad-data u aċċess għal pjattaforma jew portal uniċi, u jinnota li l-Kummissjoni għandha l-għan li tagħmel id-data xjentifika kollha prodotta mill-Programm H2020 miftuħa b'mod awtomatiku;

3.  Jappoġġa l-Cloud Computing Ewropew tax-Xjenza Miftuħa bħala parti mill-Inizjattiva Ewropea dwar il-Cloud Computing li se toħloq ambjent virtwali fejn ix-xjentisti u l-professjonisti mir-reġjuni kollha jistgħu jaħżnu, jikkondividu, jiġġestixxu, janalizzaw u jużaw mill-ġdid id-data tar-riċerka tagħhom, inkluża data tar-riċerka ffinanzjata b'fondi pubbliċi, b'mod interdixxiplinari u transfruntier, sabiex b'hekk jingħata kontribut biex titneħħa l-frammentazzjoni tas-Suq Uniku; iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tapplika approċċ komprensiv b'rabta max-Xjenza Miftuħa li jkun inklużiv fir-rigward tal-komunità tax-xjenza miftuħa u tax-xjentisti indipendenti, biex tipprovdi aktar ċarezza dwar id-definizzjonijiet użati fil-Komunikazzjoni u b'mod partikolari biex toħloq distinzjoni ċara bejn l-Inizjattiva Ewropea dwar il-Cloud Computing u l-Cloud Computing Ewropew tax-Xjenza Miftuħa, u biex għaldaqstant taġġorna l-leġiżlazzjoni sabiex tiffaċilita l-użu mill-ġdid tar-riżultati tar-riċerka;

4.  Jappoġġa l-intenzjoni tal-Kummissjoni li tneħħi l-ostakoli, speċjalment dawk tekniċi u ġuridiċi, għall-moviment liberu tad-data u tas-servizzi tad-data u r-rekwiżiti sproporzjonati ta' lokalizzazzjoni tad-data, u li tippromwovi l-interoperabilità tad-data billi torbot l-Inizjattiva Ewropea dwar il-Cloud Computing mal-Inizjattiva dwar il-Fluss Liberu tad-Data; iqis li, sabiex tinkiseb soċjetà diġitali, il-fluss liberu tad-data jrid jitqies bħala l-ħames libertà fi ħdan is-Suq Uniku; jinnota li qafas legali ċar, kompetenzi u riżorsi suffiċjenti relatati mal-ġestjoni ta' Big Data, kif ukoll ir-rikonoxximent ta' kwalifiki professjonali rilevanti huma prerekwiżiti biex jiġi sfruttat il-potenzjal sħiħ tal-cloud computing; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tikkoopera mal-partijiet ikkonċernati, speċjalment mal-industrija, biex jiġu identifikati l-opportunitajiet ta' taħriġ fil-qasam tal-Big Data u tal-kodifikazzjoni anki fl-ambitu tal-Aġenda Ġdida għall-Ħiliet, u toħloq inċentivi għall-partijiet ikkonċernati, b'mod partikolari l-SMEs u n-negozjil-ġodda, biex jużaw, jiftħu u jikkondividu data fis-Suq Uniku;

5.  Jistieden lill-Kummissjoni tiżgura li t-tħassib dwar id-drittijiet fundamentali, il-privatezza, il-protezzjoni tad-data, id-drittijiet tal-proprjetà intellettwali u l-informazzjoni sensittiva jiġi ttrattat b'konformità stretta mar-Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data u mad-Direttiva dwar il-Protezzjoni tad-Data; jenfasizza li t-theddid għas-sigurtà tal-infrastruttura tal-cloud computing saru aktar internazzjonali, mifruxa u kumplessi, qed ixekklu l-użu aktar intensiv tagħha, u jirrikjedu kooperazzjoni Ewropea; iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-awtoritajiet nazzjonali tal-Istati Membri biex, f'konsultazzjoni mal-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea dwar is-Sigurtà tan-Netwerks u l-Informazzjoni (ENISA), jikkooperaw sabiex tiġi stabbilita infrastruttura diġitali sikura u affidabbli u jinkisbu livelli għolja ta' ċibersigurtà b'konformità mad-Direttiva dwar is-Sigurtà tan-Netwerks u tal-Informazzjoni;

6.  Ifakkar fir-riżultati pożittivi miksuba mill-istrutturi pan-Ewropej eżistenti u d-data miftuħa disponibbli fil-faċilitajiet nazzjonali tal-ħżin tad-data; jirrikonoxxi li għad hemm ħafna ostakoli fis-Suq Uniku li mhux qed jippermettu l-użu sħiħ ta' din l-inizjattiva; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jeżaminaw il-potenzjal tad-data diġà disponibbli u jiżguraw strateġija koerenti dwar id-data miftuħa u l-użu mill-ġdid ta' din id-data madwar l-Istati Membri; jinnota li l-Kummissjoni u l-Istati Membri jridu jesploraw il-ħtieġa ta' investimenti ulterjuri f'infrastruttura fiżika transfruntiera b'enfasi speċjali fuq il-kombinament ta' komputazzjoni ta' prestazzjoni għolja, networks tal-broadband b'veloċità għolja u faċilitajiet ta' ħżin ta' data tal-massa sabiex tinħoloq ekonomija xprunata mid-data Ewropea b'saħħitha; jistieden lill-Kummissjoni tanalizza sħubijiet globali mmexxija mill-industrija u sħubijiet internazzjonali oħra b'rabta ma' din il-kwistjoni;

7.  Jenfasizza l-importanza li l-Inizjattiva Ewropea dwar il-Cloud Computing tkun ibbażata fuq l-elementi kostitwenti tal-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa, b'mod partikolari l-karti tal-identità elettroniċi u l-firem elettroniċi, sabiex tissaħħaħ il-fiduċja tal-utenti f'komunikazzjonijiet elettroniċi sikuri, interoperabbli u mingħajr xkiel madwar l-Ewropa kollha;

8.  Jirrikonoxxi li l-istandards għandhom jirriflettu l-ħtiġijiet reali tal-industrija u ta' partijiet ikkonċernati oħra; jenfasizza li huwa essenzjali li jiġu żviluppati standards komuni ta' livell għoli u li jintlaħaq qbil dwarhom sabiex jiġi żgurat aċċess għall-użu effiċjenti u l-kondiviżjoni tad-data lil hinn mill-fruntieri nazzjonali, l-istituzzjonijiet u d-dixxiplini individwali; jistieden lill-Kummissjoni tidentifika l-aħjar skemi ta' ċertifikazzjoni madwar l-Istati Membri u, fejn xieraq, tistabbilixxi sett ta' standards pan-Ewropej xprunati mid-domanda, bl-involviment tal-partijiet ikkonċernati relevanti, biex tiġi ffaċilitata l-kondiviżjoni tad-data, u abbażi ta' standards globali u miftuħa kull meta dan ikun iġġustifikat; jenfasizza li l-azzjonijiet meħuda fir-rigward tal-Inizjattiva Ewropea dwar il-Cloud Computing iridu jiżguraw li l-ħtiġijiet tas-Suq Uniku jittieħdu inkonsiderazzjoni u li dan is-suq jibqa' aċċessibbli b'mod globali u jkun kapaċi jirreaġixxi għall-evoluzzjoni teknoloġika;

9.  Jenfasizza li fil-preżent 12 % biss tal-finanzjament impenjat taħt il-Fond Ewropew għall-Investimenti Strateġiċi (FEIS) imur għal azzjonijiet relatati mas-settur diġitali; iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tippreżenta passi mmirati li jistgħu verament isaħħu l-involviment tal-Fondi tal-UE kollha, b'mod partikolari tal-FEIS, fi proġetti relatati mas-Suq Uniku Diġitali, inklużi inizjattivi ta' kondiviżjoni tad-data, aċċessibbiltà diġitali, infrastruttura u konnettività diġitali madwar l-Ewropa kollha, u biex talloka aktar riżorsi għat-tisħiħ tar-riċerka, l-żvilupp u l-innovazzjoni Ewropej, inkluż, fost affarijiet oħra, fil-qasam ta' teknoloġiji li jtejbu l-privatezza u s-sigurtà ta' sorsi miftuħa; jemmen li din l-inizjattiva għandha tiġi żviluppata f'sinerġija ma' programmi oħra ta' Orizzont 2020, inkluż dwar il-cloud computing privat u s-servizzi elettroniċi tal-gvern;

10.  Jinnota s-sottorappreżentanza ta' partijiet ikkonċernati ewlenin fid-diskussjonijiet u fi proġetti Pilota fuq Skala Kbira; iqis li, filwaqt li jiġu evitati piżijiet amministrattivi, l-involviment attiv ta' partijiet ikkonċernati pubbliċi u privati u tas-soċjetà ċivili fil-livell lokali, reġjonali, nazzjonali u Ewropew irid ikun prekundizzjoni għall-iskambju effettiv tal-informazzjoni; jenfasizza li l-Inizjattiva Ewropea dwar il-Cloud Computing għandha tkun ta' benefiċċju u tissodisfa l-ħtiġijiet mhux biss tal-komunità xjentifika iżda anki tal-industrija, inklużi l-SMEs u n-negozji l-ġodda, tal-amministrazzjonijiet pubbliċi u tal-konsumaturi.

RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALIFIL-KUMITAT LI JINTALAB JAGĦTI OPINJONI

Data tal-adozzjoni

29.11.2016

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

30

2

2

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Dita Charanzová, Carlos Coelho, Anna Maria Corazza Bildt, Daniel Dalton, Dennis de Jong, Pascal Durand, Vicky Ford, Ildikó Gáll-Pelcz, Evelyne Gebhardt, Maria Grapini, Sergio Gutiérrez Prieto, Robert Jarosław Iwaszkiewicz, Liisa Jaakonsaari, Morten Løkkegaard, Marlene Mizzi, Jiří Pospíšil, Virginie Rozière, Christel Schaldemose, Olga Sehnalová, Igor Šoltes, Ivan Štefanec, Mylène Troszczynski, Mihai Ţurcanu, Marco Zullo

Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali

Lucy Anderson, Anna Hedh, Kaja Kallas, Roberta Metsola, Dariusz Rosati, Adam Szejnfeld, Theodoros Zagorakis

Sostituti (skont l-Artikolu 200(2)) preżenti għall-votazzjoni finali

Bill Etheridge, Andrey Kovatchev


OPINJONI tal-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern (14.12.2016)

għall-Kumitat għall-Industrija, ir-Riċerka u l-Enerġija

dwar l-Inizjattiva Ewropea dwar il-Cloud Computing

(2016/2145(INI))

Rapporteur għal opinjoni: Michał Boni

SUĠĠERIMENTI

Il-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern jistieden lill-Kumitat għall-Industrija, ir-Riċerka u l-Enerġija, bħala l-kumitat responsabbli, biex jinkorpora s-suġġerimenti li ġejjin fil-mozzjoni għal riżoluzzjoni tiegħu:

A.  billi l-kooperazzjoni fost ix-xjenzati Ewropej, l-użu u l-iskambju tad-data, dejjem skont l-awtoritajiet tal-protezzjoni tad-data, u l-użu ta’ soluzzjonijiet teknoloġiċi ġodda, inkluż il-cloud computing u d-diġitalizzazzjoni tax-xjenza Ewropea, huma essenzjali għall-iżvilupp tas-Suq Uniku Diġitali; billi l-Komunità Ewropea tal-cloud tax-xjenza miftuħa se jkollha effetti pożittivi fuq l-iżvilupp xjentifiku fl-Ewropa; u billi din għandha tiġi żviluppata u użata b’rispett dovut tad-drittijiet fundamentali minquxa fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali (KDF);

1.  Jenfasizza li l-iżvilupp tal-cloud tax-xjenza miftuħa Ewropea għandu jsir b’attenzjoni xierqa għad-drittijiet fundamentali minquxa fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali (KDF), b’mod partikolari għad-drittijiet ta’ protezzjoni tad-data, il-privatezza, il-libertà u s-sigurtà, u li huwa għandu jirrispetta l-prinċipji tal-privatezza fid-disinn u b’mod awtomatiku, u l-prinċipji tal-proporzjonalità, in-neċessità, il-minimizzazzjoni tad-data u l-limitazzjoni tal-fini; jirrikonoxxi li l-applikazzjoni ta’ salvagwardji addizzjonali, bħall-psewdonimizzazzjoni, l-anonimizzazzjoni jew il-kriptografija, inkluż il-kriptaġġ, tista’ tnaqqas ir-riskji u ssaħħaħ il-protezzjoni għas-suġġetti tad-data meta d-data personali tintuża f’applikazzjonijiet tad-data kbar jew mill-cloud computing; ifakkar li l-anonimizzazzjoni tikkostitwixxi proċess irreversibbli u jitlob lill-Kummissjoni tħejji linji gwida dwar kif għandha tiġi anonimizzata d-data; itenni l-ħtieġa għal protezzjoni speċjali għal data sensittiva f’konformità mal-leġislazzjoni eżistenti; jenfasizza li l-prinċipji msemmija hawn fuq, flimkien ma’ standards għoljin ta’ kwalità, affidabilità u kunfidenzjalità, huma meħtieġa biex tinkiseb il-fiduċja tal-konsumaturi f’din l-Inizjattiva Ewropea dwar il-Cloud Computing;

2.  Jenfasizza li l-użu ta’ standards miftuħa u ta’ softwer mingħajr ħlas u minn sors miftuħ huma partikolarment importanti biex tiġi żgurata t-trasparenza meħtieġa fir-rigward ta’ kif data personali u tipi oħra ta’ data sensittiva fil-fatt qed jiġu mħarsa;

3.  Jemmen li l-leġiżlazzjoni attwali tal-UE dwar il-protezzjoni tad-data, b’mod partikolari r-Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data (Regolament (UE) 2016/679 – GDPR)(1) adottat reċentement u d-Direttiva dwar l-Infurzar tal-Liġi (Direttiva (UE) 2016/680)(2), tipprovdi salvagwardji b’saħħithom għall-protezzjoni tad-data personali, inkluża data miġbura, aggregata u psewdonimizzata għal skopijiet ta’ riċerka xjentifika u data sensittiva relatata mas-saħħa, flimkien ma’ kundizzjonijiet speċifiċi rigward il-pubblikazzjoni u l-iżvelar tad-data, id-dritt tas-suġġetti tad-data li joġġezzjonaw għal ipproċessar ulterjuri, u regoli dwar l-aċċess għal awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi fil-kuntest ta’ investigazzjonijiet kriminali; jistieden lill-Kummissjoni tieħu kont ta’ dawn is-salvagwardji għall-iżvilupp tal-cloud tax-xjenza miftuħa Ewropea u l-implimentazzjoni ta’ regoli li jirregolaw l-aċċess għal data maħżuna fiha; jirrikonoxxi li approċċ armonizzat fir-rigward tal-implimentazzjoni tal-GDPR, inklużi l-linji gwida, l-għodod tal-konformità u l-kampanji ta’ sensibilizzazzjoni għaċ-ċittadini, riċerkaturi u negozji, huwa kruċjali, speċjalment għall-iżvilupp tal-cloud tax-xjenza miftuħa Ewropea u l-faċilitazzjoni tal-kooperazzjoni fir-riċerka, inkluż permezz ta’ informatika bi prestazzjoni għolja;

4.  Iqis li l-fluss ħieles tad-data huwa ta’ benefiċċju għall-ekonomija diġitali u l-iżvilupp tax-xjenza u r-riċerka; jenfasizza li l-inizjattiva tal-Kummissjoni dwar il-fluss ħieles tad-data għandha tippermetti s-settur Ewropew tal-cloud computing li dejjem jikber li jkun minn ta’ quddiem fit-tellieqa globali għall-innovazzjoni, inkluż għal finijiet ta’ xjenza u innovazzjoni; ifakkar li kwalunkwe trasferiment ta’ data personali lejn l-infrastrutturi tal-cloud jew reċipjenti oħra li jinsabu ‘l barra mill-Unjoni għandu jirrispetta r-regoli għat-trasferimenti previst fil-GDPR u li l-inizjattiva tal-Kummissjoni dwar il-fluss ħieles tad-data għandha tkun f’konformità ma’ dawn id-dispożizzjonijiet; jenfasizza li l-inizjattiva għandha timmira wkoll li tnaqqas ir-restrizzjonijiet fir-rigward tal-post fejn il-kumpaniji għandhom infrastruttura jew jaħżnu data, peress li dawn ixekklu l-iżvilupp tal-ekonomija tal-Ewropa u jipprevjenu lil xjenzati milli jgawdu l-benefiċċji sħaħ ta’ xjenza mmexxija mid-data, filwaqt li jinżammu restrizzjonijiet skont il-leġiżlazzjoni dwar il-protezzjoni tad-data sabiex jiġu evitati abbużi possibbli fil-futur fir-rigward tal-cloud tax-xjenza miftuħa Ewropea;

5.  Jenfasizza li l-komunità xjentifika għandha bżonn ta’ sors miftuħ, sikur u sigur ta’ infrastruttura ta’ kapaċità għolja, bl-għan li tiġi avvanzata r-riċerka u jiġu evitati ksur tas-sigurtà potenzjali, attakki ċibernetiċi jew użu ħażin tad-data personali, speċjalment meta jinġabru, jinħażnu u jiġu pproċessati ammonti kbar ta’ data; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jappoġġjaw u jinċentivaw l-iżvilupp tat-teknoloġija meħtieġa, inklużi t-teknoloġiji ta’ kriptografija, filwaqt li jitqies l-approċċ tas-sigurtà bid-disinn; jappoġġja l-isforzi tal-Kummissjoni għat-tisħiħ tal-kooperazzjoni fost l-awtoritajiet pubbliċi, l-industrija Ewropea, inklużi l-SMEs u n-negozji l-ġodda, ir-riċerkaturi u l-akkademiċi fil-qasam tal-ammonti kbar ta’ data u ċ-ċibersigurtà mill-istadji bikrija tal-proċess ta’ riċerka u innovazzjoni, sabiex jippermetti l-ħolqien ta’ soluzzjonijiet Ewropej innovattivi u affidabbli u opportunitajiet tas-suq, filwaqt li jiġi żgurat livell adegwat ta’ sigurtà;

6.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tiżgura żvilupp b’saħħtu u vitali tal-iktar sistemi ta’ kriptaġġ qawwijin, li ma jistgħux jiġu kompromessi, saħansitra minn atturi statali barranin ostili, u li se jipproteġu x-xogħol tal-komunità xjentifika fi ħdan l-UE, fejn meħtieġ;

7.  Jemmen bis-saħħa li l-Unjoni għandha tkun fuq quddiem fir-rigward tas-sigurtà u l-protezzjoni tad-data personali, inkluża data sensittiva, u għandha tippromwovi livell għoli ta’ protezzjoni tad-data u ta’ sigurtà tad-data madwar id-dinja; jemmen li l-qafas tal-protezzjoni tad-data tal-UE, flimkien ma’ strateġija ta’ ċibersigurtà inklużiva li tiżgura infrastrutturi affidabbli tad-data li huma protetti kontra t-telf tad-data, interferenza jew attakki, jistgħu jirrappreżentaw vantaġġ kompetittiv għal kumpaniji Ewropej fir-rigward tal-privatezza; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tiżgura li li l-cloud Ewropea tippreserva l-indipendenza u l-oġġettività xjentifika tar-riċerka kif ukoll tipproteġi x-xogħol tal-komunità xjentifika fi ħdan l-Unjoni.

RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT LI JINTALAB JAGĦTI OPINJONI

Data tal-adozzjoni

8.12.2016

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

48

1

2

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Jan Philipp Albrecht, Heinz K. Becker, Malin Björk, Caterina Chinnici, Ignazio Corrao, Agustín Díaz de Mera García Consuegra, Frank Engel, Cornelia Ernst, Tanja Fajon, Laura Ferrara, Lorenzo Fontana, Ana Gomes, Nathalie Griesbeck, Sylvie Guillaume, Jussi Halla-aho, Monika Hohlmeier, Filiz Hyusmenova, Barbara Kudrycka, Cécile Kashetu Kyenge, Marju Lauristin, Claude Moraes, József Nagy, Péter Niedermüller, Birgit Sippel, Branislav Škripek, Csaba Sógor, Helga Stevens, Traian Ungureanu, Bodil Valero, Marie-Christine Vergiat, Harald Vilimsky, Udo Voigt, Josef Weidenholzer, Cecilia Wikström, Kristina Winberg, Tomáš Zdechovský

Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali

Marina Albiol Guzmán, Carlos Coelho, Anna Maria Corazza Bildt, Pál Csáky, Daniel Dalton, Maria Grapini, Marek Jurek, Jean Lambert, Jeroen Lenaers, Angelika Mlinar, Morten Helveg Petersen, Salvatore Domenico Pogliese, Christine Revault D’Allonnes Bonnefoy

Sostituti (skont l-Artikolu 200(2)) preżenti għall-votazzjoni finali

Karoline Graswander-Hainz, Esther Herranz García

(1)

ĠU L 119, 4.5.2016, p. 1.

(2)

ĠU L 119, 4.5.2016, p. 89.


RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT RESPONSABBLI

Data tal-adozzjoni

12.1.2017

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

46

7

0

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Bendt Bendtsen, Xabier Benito Ziluaga, José Blanco López, Angelo Ciocca, Jakop Dalunde, Pilar del Castillo Vera, Fredrick Federley, Ashley Fox, Adam Gierek, Theresa Griffin, Roger Helmer, Eva Kaili, Kaja Kallas, Krišjānis Kariņš, Seán Kelly, Jeppe Kofod, Zdzisław Krasnodębski, Miapetra Kumpula-Natri, Edouard Martin, Angelika Mlinar, Dan Nica, Angelika Niebler, Herbert Reul, Jean-Luc Schaffhauser, Dario Tamburrano, Patrizia Toia, Evžen Tošenovský, Claude Turmes, Vladimir Urutchev, Adina-Ioana Vălean, Henna Virkkunen, Martina Werner, Lieve Wierinck, Hermann Winkler, Anna Záborská, Flavio Zanonato, Carlos Zorrinho

Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali

Pilar Ayuso, Michał Boni, Eugen Freund, Françoise Grossetête, Gunnar Hökmark, Svetoslav Hristov Malinov, Marisa Matias, Dominique Riquet, Massimiliano Salini, Anne Sander, Maria Spyraki, Anneleen Van Bossuyt, Cora van Nieuwenhuizen

Sostituti (skont l-Artikolu 200(2)) preżenti għall-votazzjoni finali

Florent Marcellesi, Georgi Pirinski, Ernest Urtasun

Avviż legali