Proċedura : 2016/0077(NLE)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A8-0010/2017

Testi mressqa :

A8-0010/2017

Dibattiti :

Votazzjonijiet :

PV 14/02/2017 - 8.1
CRE 14/02/2017 - 8.1

Testi adottati :

P8_TA(2017)0019

RAKKOMANDAZZJONI     ***
PDF 646kWORD 62k
30.1.2017
PE 582.199v02-00 A8-0010/2017

dwar l-abbozz ta' deċiżjoni tal-Kunsill dwar il-konklużjoni f'isem l-Unjoni Ewropea ta' Ftehim ta' Sħubija dwar is-Sajd Sostenibbli bejn l-Unjoni Ewropea u l-Gvern tal-Gżejjer Cook u tal-Protokoll ta' Implimentazzjoni tiegħu

(07592/2016 – C8-0431/2016 – 2016/0077(NLE))

Kumitat għas-Sajd

Rapporteur: João Ferreira

ABBOZZ TA' RIŻOLUZZJONI LEĠIŻLATTIVA TAL-PARLAMENT EWROPEW
 ĠUSTIFIKAZZJONI QASIRA
 OPINJONI tal-Kumitat għall-Iżvilupp
 OPINJONI tal-Kumitat għall-Baġits
 PROĊEDURA TAL-KUMITAT RESPONSABBLI

ABBOZZ TA' RIŻOLUZZJONI LEĠIŻLATTIVA TAL-PARLAMENT EWROPEW

dwar l-abbozz ta' deċiżjoni tal-Kunsill dwar il-konklużjoni f'isem l-Unjoni Ewropea ta' Ftehim ta' Sħubija dwar is-Sajd Sostenibbli bejn l-Unjoni Ewropea u l-Gvern tal-Gżejjer Cook u tal-Protokoll ta' Implimentazzjoni tiegħu

(07592/2016 – C8-0431/2016 – 2016/0077(NLE))

(Approvazzjoni)

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-abbozz ta' deċiżjoni tal-Kunsill (07592/2016),

–  wara li kkunsidra l-abbozz ta' Ftehim ta' Sħubija dwar is-Sajd Sostenibbli bejn l-Unjoni Ewropea u l-Gvern tal-Gżejjer Cook u l-Protokoll ta' Implimentazzjoni tiegħu (07594/2016),

–  wara li kkunsidra t-talba għall-approvazzjoni mressqa mill-Kunsill skont l-Artikolu 43(2) u l-Artikolu 218(6), it-tieni subparagrafu, punt (a)(v), u (7) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (C8-0431/2016),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni nonleġiżlattiva tiegħu tal-14 ta' Frar 2017(1) dwar l-abbozz ta' deċiżjoni tal-Kunsill,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 99(1) u (4) u l-Artikolu 108(7) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kumitat għas-Sajd u l-opinjonijiet tal-Kumitat għall-Iżvilupp kif ukoll tal-Kumitat għall-Baġits (A8-0010/2017),

1.  Jagħti l-approvazzjoni tiegħu għall-konklużjoni tal-ftehim;

2.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi l-pożizzjoni tal-Parlament lill-Kunsill u lill-Kummissjoni, kif ukoll lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri u tal-Gżejjer Cook.

(1)

Testi adottati, P8_TA(2017)0000.


ĠUSTIFIKAZZJONI QASIRA

Il-Gżejjer Cook, li huma arċipelagu ta' ħmistax-il gżira tal-Paċifiku maqsuma f'żewġ gruppi, għandhom popolazzjoni ta' bejn wieħed u ieħor 15 000 ruħ (ċifri tal-2011). Għandu jiġi enfasizzat li l-Gżejjer Cook għandhom relazzjoni privileġġjata ma' New Zealand b'tali mod li huma għandhom munita komuni – dik ta' New Zealand – u l-Cookjani kollha għandhom il-jedd għan-nazzjonalità New Zealandiża. Is-settur tas-sajd jammonta għal 3 % tal-PDG tal-Gżejjer Cook, ċifra li baqgħet kostanti fil-perjodu mill-2007 sal-2011 filwaqt li l-PDG żdied b'madwar 34 %, li jfisser li l-importanza tiegħu naqset meta mqabbel mal-ekonomija lokali b'mod ġenerali. Fl-2011, l-esportazzjonijiet ta' prodotti tas-sajd laħqu l-valur ta' EUR 1.35 miljun.

Mill-2007 sal-2010, il-kwantità ta' tonn maqbud mill-flotta domestika kien jammonta għal inqas minn 3 000 tunnellata, u dan kien jikkonsisti primarjament f'tonn isfar (Thunnus albacares). Hemm 19-il bastiment tas-sajd bil-konz li jtajru l-bandiera tal-Gżejjer Cook, u s-sajd artiġjanali fuq skala żgħira jifforma l-bqija tas-settur. Il-qabdiet telgħu għal 3 984 tunnellata fl-2011, b'żidiet fil-kwantitajiet tat-tonn isfar u tat-tonn obeż. Il-qabdiet domestiċi tat-tonn, fil-parti l-kbira tagħhom, jinħattu l-art barra mill-Gżejjer Cook (dawk imħatta l-art fil-port ta' Avatiu f'Rarotonga, li jammontaw għal mhux aktar minn 250 tunnellata fis-sena, ikopru l-konsum domestiku u l-esportazzjonijiet lejn in-New Zealand u l-Ġappun).

Iż-Żona Ekonomika Esklussiva (ŻEE) tal-Gżejjer Cook, li tmiss ma' Kiribati, it-Tokelau, il-Polineżja Franċiża, is-Samoa Amerikana, Niue, u żoni ta' baħar miftuħ, testendi fuq aktar minn 1.98 miljun km². Dan iżid mal-potenzjal ekonomiku tas-settur tas-sajd, iżda jinvolvi wkoll problemi fir-rigward tal-monitoraġġ u l-kontroll, peress li s-sajd illegali, mhux irrappurtat u mhux irregolat huwa diffiċli biex jiġi indirizzat b'mod determinat fuq medda tant vasta li fiha r-riżorsi huma daqshekk mifruxa.

Tradizzjonalment il-Gżejjer Cook kienu jippermettu l-aċċess lill-bastiment tas-sajd minn pajjiżi oħra fiż-ŻEE tagħhom. Il-ftehimiet inkwistjoni, madankollu, ġew konklużi fuq bażi privata għal finijiet purament kummerċjali u b'hekk jagħmluha aktar diffiċli biex jinbnew relazzjonijiet ibbażati fuq kriterji ta' sostenibilità tal-istokkijiet; l-impatt tagħhom fuq ċerti speċijiet ta' tonn u fuq il-komunitajiet kostali kien wieħed konsiderevoli.

Il-qabdiet li saru fl-2011 minn bastimenti minn pajjiżi li jistadu fiż-ŻEE tal-Gżejjer Cook kienu jammontaw għal 1 516-il tunnellata minn bastimenti tas-sajd bit-tartarun tal-borża tal-Istati Uniti (l-unika flotta tas-sajd bit-tartarun tal-borża fil-Gżejjer Cook). Madankollu, il-volum huwa maħsub li żdied għal aktar minn 12 000 tunnellata fl-2012 (l-ebda ċifra eżatta ma hi disponibbli) minħabba li l-bijomassa tal-plamtu ġiet spustata minn El Niño u reġgħet infetħet fabbrika tal-ippriservaf fil-laned fis-Samoa Amerikana, li fetħet opportunitajiet ekonomiċi ġodda fir-reġjun. Fl-2011, l-ammont ta' qabdiet ta' ħut bil-bastimenti tas-sajd bil-konz tela' għal 6 696 tunnellata. Fost id-detenturi tal-awtorizzazzjoni għall-qbid ta' ħut bil-bastimenti tas-sajd bil-konz (31) hemm jiddominaw bastimenti miċ-Ċina (16) u bastimenti minn Vanuatu (9). Fl-2012 it-tariffi tal-liċenzji annwali tas-sajd bil-bastimenti tas-sajd bil-konz kienu jammontaw għal anqas minn EUR 5 000 għaż-żewġ bastimenti nazzjonali ibbażati lokalment, u kienu jvarjaw minn EUR 25 718 għall-bastimenti tas-sajd barranin b'tul ta' inqas minn 40 m sa EUR 48 222 għall-bastimenti tas-sajd barranin ta' 'l fuq minn 40 m tul. L-Istati Uniti għandhom 39 liċenzja għas-sajd bit-tartarun tal-borża fir-reġjun, iżda fl-2012 16 biss ġew użati fl-ilmijiet tal-Gżejjer Cook, li jagħtu kontribuzzjoni finanzjarja totali (kost ta' aċċess u għajnuna għall-iżvilupp) ta' USD 7 875 (EUR 6 406) għal kull ġurnata.

Attwalment l-ebda bastiment tas-sajd tal-UE ma huwa attiv fl-ilmijiet tal-Gżejjer Cook. Il-flotta tal-Ewropea li qed topera fir-reġjun tikkonsisti f'bastimenti bit-tartarun tal-borża. Fid-dawl tal-fatt li l-qabdiet tal-bastimenti tas-sajd bil-konz tal-UE kellhom it-tendenza li jsiru fl-ilmijiet aktar sħan fin-Nofsinhar tal-Gżejjer Cook u meta tqiesu l-esiġenzi tar-regolamenti tal-Gżejjer Cook dwar il-konservazzjoni tal-klieb il-baħar, l-evalwazzjoni ex ante sabet li fil-ġejjieni ma kien se jkun hemm l-ebda interess li l-bastimenti tas-sajd bil-konz tal-UE jistadu fiż-ŻEE tal-Gżejjer Cook.

Il-konklużjoni ta' Ftehim ta' Sħubija dwar is-Sajd Sostenibbli huwa għażla strateġika għall-UE u għall-Gżejjer Cook li se toffri opportunitajiet tas-sajd għall-bastimenti li jtajru l-bandiera ta' Stat Membru, teoretikament abbażi tal-aqwa parir xjentifiku disponibbli, suġġett għar-rispett tal-miżuri ta' konservazzjoni u ġestjoni stabbiliti mill-Kummissjoni għas-Sajd fil-Punent tal-Paċifiku u l-Paċifiku Ċentrali (WCPFC) fil-limiti tal-eċċess disponibbli. Id-deċiżjoni li jintgħażel ftehim f'dan il-kuntest hija appoġġjata mill-evalwazzjoni ex ante msemmija hawn fuq, li twettqet f'Ġunju 2013 minn esperti esterni li kkonkludew li, fid-dawl tan-negozjati diretti li saru bejn bastimenti tas-sajd u l-awtoritajiet tal-Gżejjer Cook, li jiġi mfassal protokoll ikun l-aħjar soluzzjoni fit-tul għas-sostenibilità tal-istokkijiet tal-ħut, għar-rispett tad-drittijiet tal-ħaddiema, u għal-iżvilupp tas-setturi tas-sajd taż-żewġ naħat.

Il-Protokoll jipprevedi opportunitajiet ta' sajd għal erba' bastimenti tas-sajd għat-tonn bit-tartarun. Fid-dawl tar-rekwiżiti tal-ftehimiet li japplikaw għall-Paċifiku tal-Punent u għall-Paċifiku Ċentrali (Kiribati, il-Gżejjer Solomon), il-Protokoll se jippermetti lill-flotot tal-Istati Membri jibqgħu fl-ambjent operattiv preżenti tagħhom u se jgħin biex jinħoloq netwerk ta' opportunitajiet tas-sajd li jistgħu jġibu benefiċċji għall-ġejjieni fit-tul.

Il-Ftehim jipprevedi kontribuzzjoni finanzjarja annwali ta' EUR 735 000 għall-ewwel u t-tieni sena u EUR 700 000 għat-tielet u r-raba' sena, abbażi ta':

(a) tunnellaġġ ta' referenza ta' 7 000 tunnellata, li għalih l-ammonti marbuta mal-aċċess ġew stabbiliti għal EUR 385 000 għall-ewwel u t-tieni sena, u għal EUR 350 000 għat-tielet u r-raba' sena; kif ukoll

(b) appoġġ għall-iżvilupp tal-politika settorjali tas-sajd tal-Gżejjer Cook, li jammonta għal EUR 350 000 għall-ewwel, it-tieni, it-tielet u r-raba' sena. Dan huwa konsistenti mal-għanijiet tal-politika nazzjonali tas-sajd, u jwieġeb b'mod partikolari għall-ħtiġijiet tal-Gżejjer Cook kemm fir-rigward tal-appoġġ għar-riċerka xjentifika u għas-sajd fuq skala żgħira u kemm f'dak li għandu x'jaqsam mal-monitoraġġ, il-kontroll, is-sorveljanza, u l-miżuri għall-ġlieda kontra s-sajd illegali.

F'dan ir-rigward, ir-rapporteur jenfasizza li l-kontribuzzjonijiet maħsuba biex ikunu ta' appoġġ għall-iżvilupp tal-politika settorjali tas-sajd tal-Gżejjer Cook ivarjaw bejn 47.6 % u 50 % tal-fondi totali li jridu jiġu ttrasferiti li, mill-perspettiva ta' perċentwali, jammontaw għal kontribuzzjoni maġġuri. Il-kontribuzzjoni reali għas-sostenibilità ta' pajjiż sieħeb tingħata permezz tal-appoġġ għall-iżvilupp settorjali, peress li jgħin biex tissaħħaħ l-indipendenza operattiva tal-pajjiż, tintrifed l-istrateġija ta' żvilupp tiegħu, u tiġi ggarantita s-sovranità tiegħu. Dan l-approċċ huwa l-kontra tal-pożizzjoni neokolonjali li timxi skont il-motto "wieħed iħallas sabiex jinqeda" – pożizzjoni li spiss tiddetermina s-sħubijiet li jiġu konklużi ma' pajjiżi terzi u li fil-kuntest tagħhom ir-riżorsi u l-komunitajiet jiġu sfruttati sal-limitu tagħhom.

Meta tiġi vvalutata l-implimentazzjoni tal-Protokoll, jenħtieġ li l-Kummissjoni dejjem tiftakar li l-Gżejjer Cook qed isegwu politika strateġika definita b'mod ċar bl-għan li jżidu l-kapaċità tagħhom għall-monitoraġġ, il-kontroll u s-sorveljanza tal-istokkijiet tal-ħut tagħhom u tas-sajd li jsir fl-ilmijiet tagħhom, b'enfasi partikolari fuq il-miżuri għall-ġlieda kontra s-sajd IUU, itejbu l-għarfien xjentifiku disponibbli dwar l-ekosistemi tal-baħar u l-istokkijiet tal-ħut fl-ilmijiet tagħhom ibbażati lokalment, u jiżviluppaw sajd mhux industrijali ibbażat lokalment u l-komunitajiet li jiddependu minnu sabiex iżidu l-kontribuzzjoni tagħhom lill-ekonomija lokali, jgħinu biex tittejjeb is-sikurezza abbord u l-introjtu tas-sajjieda, u jappoġġjaw l-iżvilupp ta' faċilitajiet lokali għall-ipproċessar u l-kummerċjalizzazzjoni tal-ħut, kemm jekk biex ifornu s-suq domestiku u kemm jekk għall-esportazzjoni.

Ir-rapporteur jirrakkomanda li l-Parlament jagħti l-approvazzjoni tiegħu għall-konklużjoni tal-Protokoll, minħabba l-importanza tiegħu kemm għall-Gżejjer Cook kif ukoll għall-flotot tal-UE li joperaw fl-ilmijiet ta' dan il-pajjiż.

Madankollu, ir-rapporteur iqis li huwa neċessarju li l-ftehim u l-prospetti tiegħu għall-ġejjieni jiġu vvalutati u eżaminati b'aktar reqqa. Filwaqt li jitqiesu r-rwol u l-kompiti tal-Parlament Ewropew f'dan il-qasam, ir-rapporteur iqis li huwa xieraq u meħtieġ li tiġi adottta riżoluzzjoni mhux leġiżlattiva dwar dan il-ftehim, li tispjega l-kunsiderazzjonijiet u r-rakkomandazzjonijiet li, huwa ttamat, se jitqiesu mill-Kummissjoni għal kemm idum jgħodd il-Protokoll kif ukoll fil-qafas ta' kwalunkwe negozjati relatati li jistgħu jsiru fil-ġejjieni.

Ir-rapporteur jissottolinja għadd ta' kwistjonijiet li jidhirlu li għandhom jingħataw attenzjoni partikolari:

  - Il-konklużjoni tal-ftehim jenħtieġ li dejjem tqis l-interessi taż-żewġ partijiet u l-għoti ta' opportunitajiet tas-sajd lill-bastimenti tal-Unjoni fiż-żoni tas-sajd tal-Gżejjer Cook għandu jingħata l-istess prijorità daqs l-objettivi l-oħra. Il-kooperazzjoni bejn l-UE u l-Gżejjer Cook għandha tiġi promossa bil-ħsieb li tinħoloq politika tas-sajd sostenibbli u jsir sfruttament responsabbli tal-istokkijiet tal-ħut fiż-żona tas-sajd tal-Gżejjer Cook kif ukoll tal-industriji u l-attivitajiet relatati filwaqt li titqies il-politika strateġika tal-iżvilupp tal-Gżejjer Cook ħalli l-pajjiż ikun jista' jikseb valur miżjud akbar billi jikkapitalizza minn fuq ir-riżorsi naturali tiegħu.

- Jenħtieġ li jiġu mrawma sinerġiji bejn l-appoġġ settorjali li għandu jingħata fil-qafas tal-Ftehim dwar is-Sajd u l-istrumenti disponibbli ta' appoġġ għall-iżvilupp u l-kooperazzjoni implimentati fir-reġjun, filwaqt li jiġi enfasizzat l-iżvilupp sovran;

- Għandhom isiru titjibiet fir-rigward tal-kwantità u l-eżattezza tad-data dwar il-qabdiet u, b'mod aktar ġenerali, dwar l-istat ta' konservazzjoni tal-istokkijiet tal-ħut, u jenħtieġ li jiġi stabbilit kumitat xjentifiku konġunt bil-ħsieb li jiġi żgurat l-involviment tal-organizzazzjonijiet li jirrappreżentaw lis-settur tas-sajd.

- Jenħtieġ li l-proċessi kollha tat-tfassil tal-politiki u dawk tal-valutazzjonijiet jinvolvu kemm jista' jkun il-parteċipazzjoni tal-partijiet ikkonċernati, inklużi l-komunitajiet kostali.

- Jekk il-prezzijiet tal-ħut jogħlew, u dan iwassal għal żieda korrispondenti fil-kosti għall-aċċess fir-reġjun, l-UE mhix se tkun tista' tinnegozja l-aċċess għall-bastimenti tal-Unjoni b'tariffi li jkunu simili għat-tariffi li kienu japplikaw s'issa fir-reġjun.

Fl-aħħar nett, ir-rapporteur jenfasizza li l-Parlament għandu, f'kull stadju, jiġi infurmat bis-sħiħ mingħajr dewmien dwar il-proċeduri relatati mal-Protokoll jew it-tiġdid tiegħu. Jenħtieġ li ta' kull sena jitressaq rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar l-eżitu tal-programm settorjali pluriennali kif imsemmi fl-Artikolu 3 tal-Protokoll.


OPINJONI tal-Kumitat għall-Iżvilupp (1.9.2016)

għall-Kumitat għas-Sajd

dwar il-proposta għal deċiżjoni tal-Kunsill dwar il-konklużjoni ta' Ftehim ta' Sħubija dwar is-Sajd Sostenibbli bejn l-Unjoni Ewropea u l-Gvern tal-Gżejjer Cook u tal-Protokoll ta' Implimentazzjoni tiegħu

(COM(2016)0146 – C8-0000/2016 – 2016/0077(NLE))

Rapporteur għal opinjoni: Maurice Ponga

ĠUSTIFIKAZZJONI QASIRA

Il-Gżejjer Cook huma arċipelagu li jinsab fin-Nofsinhar tal-Oċean Paċifiku, magħmul minn disa' gżejjer, u b'popolazzjoni ta' madwar 18 000 ċittadin. Ikklassifikati bħala "pajjiż bi dħul medju superjuri" bi PDG ta' madwar EUR 12 000 fl-2014, il-Gżejjer Cook għandhom ekonomija li madankollu hija vulnerabbli għax-xokkijiet esterni u fraġli b'mod partikolari minħabba n-natura remota tas-swieq esterni, b'popolazzjoni baxxa, riżorsi naturali limitati kif ukoll infrastrutturi mnaqqsa. Is-settur tat-turiżmu jirrappreżenta 60 % tal-PDG, filwaqt li dak tas-sajd jirrappreżenta biss 2 %.

Dan il-ftehim dwar is-sajd negozjat u ffirmat fil-21 ta' Ottubru 2015 huwa l-ewwel wieħed ta' dan it-tip fir-relazzjonijiet bejn l-UE u l-Gżejjer Cook. Huwa jimmira lejn il-promozzjoni tas-sajd sostenibbli abbażi tal-isfruttament responsabbli tar-riżorsi marittimi.

Il-ftehim huwa konkluż għal tul ta' tmien snin, u l-protokoll tal- implimentazzjoni tiegħu huwa previst għal tul ta' erba' snin bil-possibilità li jiġġedded. Huwa jipprevedi aċċess għal erba' bastimenti tas-sajd għat-tonn bit-tartarun Ewropej. It-tunnellaġġ ta' referenza huwa ta' 7000 tunnellata fis-sena għall-ispeċijiet li jpassu ħafna.

Il-kontribuzzjoni finanzjarja annwali tal-UE hija maqsuma kif ġej: EUR 735 000 għall-ewwel snin u EUR 700 000 għas-sentejn ta' wara. Pakkett annwali ta' EUR 350 000 jiġi allokat biex jiġi appoġġjat l-iżvilupp tal-politika tas-settur tas-sajd fil-Gżejjer Cook. Ma' din il-kontribuzzjoni annwali tal-UE jiżdiedu d-drittijiet ta' aċċess imħallsa mis-sidien tal-bastimenti Ewropej.

Ir-rapporteur jixtieq jenfasizza l-importanza ta' dan il-ftehim għall-Gżejjer Cook minħabba l-ammonti allokati. Fil-fatt, il-pakkett settorjali annwali huwa superjuri għal dak tal-11-il FEŻ – EUR 200 000 f'seba' snin. Barra minn hekk, dan il-ftehim jippermetti lill-UE tippromwovi fir-reġjun tal-Paċifiku l-prinċipji tas-sajd sostenibbli u responsabbli.

Ir-rapporteur huwa tal-fehma li l-ftehim u l-protokoll tiegħu jissodisfaw il-kriterji kollha meħtieġa skont il-Politika Komuni tas-Sajd il-ġdida, b’mod partikolari f'termini ta' preservazzjoni tar-riżorsi, tas-sajd responsabbli u sostenibbli, il-ġlieda kontra s-sajd illegali, mhux irrappurtat u mhux irregolat, ir-rispett tad-drittijiet tal-bniedem u tal-prinċipji demokratiċi u tal-istat tad-dritt, u kif ukoll tat-trasparenza. Għal dawn ir-raġunijiet, ir-rapporteur jipproponi l-approvazzjoni ta' dan il-ftehim u l-protokoll tiegħu.

******

Il-Kumitat għall-Iżvilupp jistieden lill-Kumitat għas-sajd, bħala l-kumitat responsabbli, jirrakkomanda l-adozzjoni tal-proposta għal deċiżjoni tal-Kunsill dwar il-konklużjoni ta' Ftehim ta' Sħubija dwar is-Sajd Sostenibbli bejn l-Unjoni Ewropea u l-Gvern tal-Gżejjer Cook u tal-Protokoll ta' Implimentazzjoni tiegħu.

PROĊEDURA TAL-KUMITAT LI JINTALAB JAGĦTI OPINJONI

Titolu

Ftehim ta’ Sħubija dwar is-Sajd Sostenibbli bejn l-UE u l-Gvern tal-Gżejjer Cook

Referenzi

COM(2016)01462016/0077(NLE)

Kumitat responsabbli

 

PECH

 

 

 

 

Rapporteur għal opinjoni

       Data tal-ħatra

Maurice Ponga

3.5.2016

Eżami fil-kumitat

11.7.2016

 

 

 

Data tal-adozzjoni

31.8.2016

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

19

1

2

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Louis Aliot, Beatriz Becerra Basterrechea, Ignazio Corrao, Manuel dos Santos, Doru-Claudian Frunzulică, Nathan Gill, Enrique Guerrero Salom, Maria Heubuch, Teresa Jiménez-Becerril Barrio, Stelios Kouloglou, Arne Lietz, Linda McAvan, Norbert Neuser, Cristian Dan Preda, Lola Sánchez Caldentey, Eleni Theocharous, Paavo Väyrynen, Bogdan Brunon Wenta, Rainer Wieland, Anna Záborská

Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali

Brian Hayes

Sostituti (skont l-Artikolu 200(2)) preżenti għall-votazzjoni finali

Liliana Rodrigues


OPINJONI tal-Kumitat għall-Baġits (11.10.2016)

għall-Kumitat għas-Sajd

dwar l-abbozz ta' deċiżjoni tal-Kunsill dwar il-konklużjoni ta' Ftehim ta' Sħubija dwar is-Sajd Sostenibbli bejn l-Unjoni Ewropea u l-Gvern tal-Gżejjer Cook u tal-Protokoll ta' Implimentazzjoni tiegħu.

(COM(2016)0146 – C8-0000/2016 – 2016/0077(NLE))

Rapporteur għal opinjoni: Indrek Tarand

ĠUSTIFIKAZZJONI QASIRA

Abbażi tad-direttivi ta' negozjazzjoni rilevanti, il-Kummissjoni Ewropea mexxiet negozjati mal-Gvern tal-Gżejjer Cook bil-ħsieb li tikkonkludi Ftehim ta' Sħubija ġdid dwar is-Sajd Sostenibbli u Protokoll ta' Implimentazzjoni għalih bejn l-Unjoni Ewropea u l-Gżejjer Cook.

B'segwitu għal dawn in-negozjati, fil-21 ta' Ottubru 2015 ġew inizjalati Ftehim u Protokoll ġodda. Dawn ikopru perjodu ta' tmien snin u ta' erba' snin rispettivament mid-data tal-applikazzjoni provviżorja tagħhom, jiġifieri mid-data meta jiġu ffirmati.

Il-Ftehim il-ġdid se jiddisponi għal qafas li jqis il-prijoritajiet tal-Politika Komuni tas-Sajd riformata u d-dimensjoni esterna tagħha bil-ħsieb li tinħoloq sħubija strateġika bejn l-Unjoni Ewropea u l-Gżejjer Cook.

Il-Protokoll il-ġdid għandu l-għan ewlieni li lill-bastimenti tal-Unjoni jagħtihom opportunitajiet tas-sajd fiż-żona tas-sajd tal-Gżejjer Cook, abbażi tal-aqwa pariri xjentifiċi disponibbli u b'rispett tal-miżuri ta' konservazzjoni u ta' ġestjoni tal-Kummissjoni għas-Sajd fil-Punent tal-Paċifiku u l-Paċifiku Ċentrali (WCPFC) u, meta applikabbli, fi ħdan il-limiti tal-eċċess disponibbli.

L-għan huwa wkoll li tissaħħaħ il-koperazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Gżejjer Cook ħalli jiġu promossi politika tas-sajd sostenibbli u sfruttament responsabbli tar-riżorsi tas-sajd fiż-żona tas-sajd tal-Gżejjer Cook, fl-interess taż-żewġ partijiet.

Il-kontribuzzjoni finanzjarja totali għandha tkun ta' EUR 2 870 000 għaż-żmien kollu kemm idum fis-seħħ dan il-Protokoll. Din il-kontribuzzjoni finanzjarja totali għandha tinkludi żewġ elementi dissoċjati:

•  ammont annwali għall-aċċess għaż-żoni tas-sajd tal-Gżejjer Cook ta' EUR 385 000 għall-ewwel u t-tieni sena, u ta' EUR 350 000 għat-tielet u r-raba' sena, li huma ekwivalenti għal tunnellaġġ ta' riferiment ta' 7 000 tunnellata fis-sena, u

•  ammont annwali speċifiku ta' EUR 350 000 għall-appoġġ u l-implimentazzjoni tal-politika settorjali dwar is-sajd tal-Gżejjer Cook.

******

Il-Kumitat għall-Baġits jistieden lill-Kumitat għas-Sajd, bħala l-kumitat responsabbli, sabiex jirrakkomanda l-approvazzjoni tal-proposta għal deċiżjoni tal-Kunsill dwar il-konklużjoni ta' Ftehim ta' Sħubija dwar is-Sajd Sostenibbli bejn l-Unjoni Ewropea u l-Gvern tal-Gżejjer Cook u tal-Protokoll ta' Implimentazzjoni tiegħu.

Il-Kumitat għall-Baġits jissuġġerixxi lill-Kumitat għas-Sajd li jkun tajjeb li jadotta riżoluzzjoni mhux leġiżlattiva ta' akkumpanjament, li tkun tinkludi l-paragrafu li ġej:

•  Jappella lill-Kummissjoni biex, qabel jiskadi l-Protokoll jew qabel jibdew in-negozjati biex possibbilment jiġi sostitwit, tippreżenta lill-Parlament u lill-Kunsill evalwazzjoni ex post tal-Protokoll, inkluża analiżi tal-ispejjeż imqabbla mal-benefiċċji.

PROĊEDURA TAL-KUMITAT LI JINTALAB JAGĦTI OPINJONI

Titolu

Ftehim ta’ Sħubija dwar is-Sajd Sostenibbli bejn l-UE u l-Gvern tal-Gżejjer Cook

Referenzi

COM(2016)01462016/0077(NLE)

Kumitat responsabbli

 

PECH

 

 

 

 

Rapporteur għal opinjoni

       Data tal-ħatra

Indrek Tarand

26.5.2016

Eżami fil-kumitat

31.8.2016

 

 

 

Data tal-adozzjoni

11.10.2016

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

31

3

1

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Nedzhmi Ali, Jonathan Arnott, Jean Arthuis, Richard Ashworth, Reimer Böge, Lefteris Christoforou, Jean-Paul Denanot, Gérard Deprez, José Manuel Fernandes, Eider Gardiazabal Rubial, Jens Geier, Esteban González Pons, Ingeborg Gräßle, Iris Hoffmann, Monika Hohlmeier, Bernd Kölmel, Zbigniew Kuźmiuk, Vladimír Maňka, Ernest Maragall, Siegfried Mureşan, Jan Olbrycht, Urmas Paet, Paul Rübig, Petri Sarvamaa, Patricija Šulin, Eleftherios Synadinos, Indrek Tarand, Isabelle Thomas, Inese Vaidere, Daniele Viotti, Auke Zijlstra

Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali

Afzal Khan, Derek Vaughan

Sostituti (skont l-Artikolu 200(2)) preżenti għall-votazzjoni finali

Daniela Aiuto, Edouard Ferrand


PROĊEDURA TAL-KUMITAT RESPONSABBLI

Titolu

Ftehim ta’ Sħubija dwar is-Sajd Sostenibbli bejn l-UE u l-Gvern tal-Gżejjer Cook

Referenzi

07592/2016 – C8-0431/2016 – COM(2016)01462016/0077(NLE)

Data tal-konsultazzjoni / talba għal approvazzjoni

20.10.2016

 

 

 

Kumitat responsabbli

       Data tat-tħabbir fis-seduta plenarja

PECH

27.10.2016

 

 

 

Kumitati mitluba jagħtu opinjoni

       Data tat-tħabbir fis-seduta plenarja

DEVE

27.10.2016

BUDG

27.10.2016

 

 

Rapporteurs

       Data tal-ħatra

João Ferreira

27.4.2016

 

 

 

Eżami fil-kumitat

15.6.2016

11.10.2016

5.12.2016

 

Data tal-adozzjoni

26.1.2017

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

19

4

0

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Marco Affronte, Clara Eugenia Aguilera García, Renata Briano, Alain Cadec, Richard Corbett, Diane Dodds, Linnéa Engström, Mike Hookem, Ian Hudghton, Carlos Iturgaiz, Werner Kuhn, António Marinho e Pinto, Gabriel Mato, Liadh Ní Riada, Ulrike Rodust, Annie Schreijer-Pierik, Remo Sernagiotto, Ricardo Serrão Santos, Ruža Tomašić, Jarosław Wałęsa

Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali

Ian Duncan, Verónica Lope Fontagné

Sostituti (skont l-Artikolu 200(2)) preżenti għall-votazzjoni finali

João Pimenta Lopes

Data tat-tressiq

30.1.2017

Avviż legali