Proċedura : 2016/2077(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A8-0011/2017

Testi mressqa :

A8-0011/2017

Dibattiti :

PV 13/03/2017 - 16
CRE 13/03/2017 - 16

Votazzjonijiet :

PV 14/03/2017 - 6.13
CRE 14/03/2017 - 6.13

Testi adottati :

P8_TA(2017)0077

RAPPORT     
PDF 642kWORD 63k
30.1.2017
PE 587.419v01-00 A8-0011/2017

dwar l-istandards minimi għall-protezzjoni tal-fniek tat-trobbija

(2016/2077(INI))

Kumitat għall-Agrikoltura u l-Iżvilupp Rurali

Rapporteur: Stefan Eck

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW
 NOTA SPJEGATTIVA
 RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT RESPONSABBLI

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW

dwar l-istandards minimi għall-protezzjoni tal-fniek tat-trobbija

(2016/2077(INI))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 13 u 43 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE),

–  wara li kkunsidra d-Direttiva tal-Kunsill 2008/120/KE li tistabbilixxi standards minimi għall-protezzjoni tal-majjali,

–  wara li kkunsidra d-Direttiva tal-Kunsill 2008/119/KE tat-18 ta' Diċembru 2008 li tistabbilixxi standards minimi għall-protezzjoni tal-għoġġiela,

–  wara li kkunsidra d-Direttiva tal-Kunsill 1999/74/KE tad-19 ta' Lulju 1999 li tistabbilixxi standards minimi għall-ħarsien ta' tiġieġ li jbid,

–  wara li kkunsidra d-Direttiva tal-Kunsill 2007/43/KE tat-28 ta' Ġunju 2007 li tistabbilixxi regoli minimi għall-protezzjoni tat-tiġieġ miżmuma għall-produzzjoni tal-laħam,

–  wara li kkunsidra d-Direttiva tal-Kunsill 98/58/KE tal-20 ta' Lulju 1998 dwar il-ħarsien ta' annimali miżmuma għal skopijiet ta' biedja,

–  wara li kkunsidra l-Ewrobarometru Speċjali 442, bit-titolu "Attitudes of Europeans towards Animal Welfare" ("L-Attitudnijiet tal-Ewropej lejn it-Trattament Xieraq tal-annimali", ippubblikat f'Marzu 2016,

–  wara li kkunsidra s-"Scientific Opinion Concerning the Welfare of Animals during Transport" ("Opinjoni Xjentifika Dwar il-Benessri tal-Annimali waqt it-Trasport") tal-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel (EFSA), tat-12 ta' Jannar 2011,

–  wara li kkunsidra l-opinjoni xjentifika tal-EFSA dwar "The impact of the current housing and husbandry systems on the health and welfare of farmed domestic rabbits" ("L-impatt tas-sistemi ta' akkomodazzjoni u ta' trobbija attwali fuq is-saħħa u t-trattament xieraq tal-fniek domestiċi mrobbija f'azjendi tal-biedja") tal-11 ta' Ottubru 2005

–  wara li kkunsidra l-Kapitolu 7.5 tal-Kodiċi tas-Saħħa tal-Annimali Terrestri, intitolat "Slaughter of animals" ("Il-qtil tal-annimali"), tal-Organizzazzjoni Dinjija għas-Saħħa tal-Annimali (OIE),

–  wara li kkunsidra l-Kodiċi ta' Rakkomandazzjonijiet għat-Trattament Xieraq tal-Fniek (Code of Recommendations for the Welfare of Rabbits) tal-Gvern tar-Renju Unit,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 52 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Agrikoltura u l-Iżvilupp Rurali (A8-0011/2017),

A.  billi l-fenek hu r-raba' l-aktar annimal imrobbi f'azjendi tal-biedja fid-dinja u t-tieni l-aktar speċi mrobbija f'azjendi tal-biedja fl-UE mil-lat ta' numri;

B.  billi l-produtturi Ewropej huma meħtieġa jissodisfaw standards għolja tas-saħħa u t-trattament xieraq tal-annimali li mhumiex dejjem obbligatorji f'pajjiżi terzi li jesportaw annimali għall-qatla lejn l-UE;

C.  billi l-konsumaturi qed isiru dejjem aktar attenti għall-kundizzjonijiet li fihom jitrabbew l-annimali;

D.  billi l-biedja tal-fniek intlaqtet ħażin ħafna mit-tnaqqis fil-konsum tal-laħam fl-Unjoni Ewropea u l-kriżi ekonomika fil-biedja u billi l-prezzijiet tal-bejgħ naqsu b'madwar 20 % fi tliet snin, filwaqt li l-ispejjeż tal-produzzjoni baqgħu kostanti;

E.  billi jenħtieġ li jittieħed kont tal-kontribuzzjoni nutrittiva magħmula mil-laħam tal-fenek u r-rwol li taqdi l-produzzjoni tiegħu fin-negozji mmexxija mill-familja, li jirrappreżentaw sehem sinifikanti ta' impjiegi għan-nisa f'ħafna żoni rurali fejn hemm ftit possibilitajiet ta' diversifikazzjoni tal-bhejjem;

F.  billi jenħtieġ li jittieħed kont daqstant ieħor tal-benessri tal-bdiewa kif ukoll tat-trattament xieraq tal-annimali;

G.  billi l-biċċa l-kbira tal-fniek jitrabbew għall-produzzjoni tal-laħam, fejn jinqatlu aktar minn 340 miljun fenek għal-laħam kull sena; billi t-trobbija tal-fniek f'azjendi tal-biedja tirrappreżenta inqas minn 1 % tal-produzzjoni finali tal-bhejjem tal-UE;

H.   billi s-settur tat-trobbija tal-fniek għal skopijiet ta' biedja fl-UE qed jiffaċċja tnaqqis kostanti u l-projezzjonijiet għall-2016 jindikaw tnaqqis ta' 3.9 % fil-produzzjoni minħabba x-xejra tal-konsumaturi ta' tnaqqis fil-konsum tal-laħam tal-fenek; billi s-settur tal-biedja tal-fniek jopera fil-kundizzjonijiet tas-suq globali u ma jibbenefikax minn għajnuna diretta jew minn interventi tas-suq taħt il-Pilastru I tal-Politika Agrikola Komuni;

I.   billi l-UE għandha bilanċ kummerċjali negattiv maċ-Ċina fir-rigward tal-laħam tal-fenek; billi 99 % tal-importazzjonijiet tal-laħam tal-fenek għal ġol-UE joriġinaw miċ-Ċina; billi l-produtturi Ċiniżi se jisbqu lill-bdiewa tal-UE fil-kompetizzjoni, b'implikazzjonijiet negattivi għat-trattament xieraq tal-annimali, jekk ma tittieħed l-ebda azzjoni;

J.  billi huwa kemm importanti kif ukoll meħtieġ li tintlaħaq u tinżamm il-produzzjoni profittabbli tal-fniek bl-għan li tkun tista' tkompli tgħin biex jiġu ppreservati n-nisġa u l-impjieg rurali, partikolarment għan-nisa, f'żoni fejn tipi oħra ta' produzzjoni mhumiex possibbli, kif ukoll biex tkompli toffri lill-konsumaturi ikel varjat u ta' kwalità għolja;

K.  billi l-Unjoni Ewropea hija l-produttur ewlieni fost il-produtturi tal-fniek fid-dinja, qabel l-Asja u b'mod partikolari ċ-Ċina, li, bil-produzzjoni tagħha ta' 417 000 tunnellata karkassi, hija l-akbar esportatriċi;

L.  billi l-bdiewa tal-fniek u s-settur kollu kemm hu għandhom interess li jiżguraw li t-trobbija tal-fniek f'konformità mal-mudell ta' produzzjoni Ewropew tkompli żżomm l-ogħla standards fid-dinja fir-rigward tas-sikurezza tal-ikel, is-saħħa u t-trattament xieraq tal-annimali u r-rispett għall-ambjent;

M.  billi l-biedja tal-fniek Ewropea hija bbażata fuq il-koeżistenza ta' sistemi differenti ta' produzzjoni, u billi l-biedja tal-fniek hija mod importanti ta' kif jiġi diversifikat l-introjtu ta' ħafna azjendi agrikoli żgħar fit-territorju kollu;

N.  billi, b'konsum medju ta' 1.70 kg għal kull abitant, il-laħam tal-fenek huwa wieħed mill-inqas laħmijiet ikkunsmati fl-Unjoni (bejn 1 % u 2 % tal-laħam kollu kkunsmat);

O.  billi hemm tħassib serju dwar in-nuqqas ta' trattament xieraq, il-livelli għolja ta' tensjoni u r-rati għolja ta' mortalità u morbidità fost il-fniek tat-trobbija fl-Ewropa, kif diġà ġie konkluż mill-EFSA fl-2005; billi l-akkomodazzjoni, l-għalf, il-ġenetika, l-aspetti tas-saħħa u l-ottimizzazzjoni tal-istat emozzjonali tal-fniek miżmuma għal skopijiet ta' biedja huma mistoqsijiet vitali għall-partijiet ikkonċernati involuti fit-trobbija tal-fniek għal skopijiet tal-biedja, speċjalment fir-rigward tas-sostenn tas-saħħa u t-trattament xieraq tal-annimali;

P.  billi, minħabba d-domestikazzjoni tagħhom, il-maġġoranza tal-fniek fl-UE normalment jinżammu f'gaġeġ, ħaġa li tista' – u dan spiss hu minnu – tvarja minn pajjiż għal ieħor f'dawk li huma l-ispeċifikazzjonijiet tagħhom;

Q.  billi l-fenek, bħal speċijiet oħra li jikkoeżistu mal-bnedmin, iżomm l-elementi tal-imġiba naturali tiegħu, u jeħtieġ, għalhekk, li ssir aktar riċerka dwar miżuri u kundizzjonijiet li jistgħu jiġu implimentati waqt it-trobbija biex jiġi żgurat li l-fniek huma kapaċi jżommu l-imġiba naturali tagħhom kemm jista' jkun, kemm-il darba dan ikollu impatt pożittiv fuq is-saħħa tagħhom stess;

R.   billi, għall-iskopijiet ta' biedja intensiva, jintużaw razez tal-fenek li jikbru malajr u minn kmieni – magħrufa qabel bħala “fniek tal-laħam” – b'mod partikolari ibridi kummerċjali li huma użati fl-azjendi tat-trobbija industrijali tal-annimali għall-produzzjoni tal-laħam tal-annimali;

S.  billi sistemi ta' produzzjoni organika fejn il-fniek tas-simna jinżammu fi mqawel għall-gruppi b'aċċess għal żona żgħira ta' mergħa u aktar spazju b'mod ġenerali huma alternattiva possibbli għat-trobbija fil-gaġeġ, għalkemm sistemi ta' akkomodazzjoni fi gruppi bħal dawn jistgħu joħolqu problemi fir-rigward tal-interazzjonijiet soċjali negattivi u aggressività fost l-annimali, li jikkawżaw leżjonijiet li jaffettwaw is-saħħa u l-benessri tal-annimali u żieda fil-mard trażmess permezz tar-rotta mill-ippurgar għall-ħalq;

T.   billi xi regoli nazzjonali dwar il-produzzjoni organika jirrakkomandaw li l-fniek jitrabbew f'imqawel għall-gruppi mgħammra b'aċċess għal żona żgħira ta' mergħa fil-qiegħ tal-maqjel;

U.   billi, bħal fil-każ ta' speċijiet oħra bħat-tjur, tista' titwettaq riċerka dwar sistemi ta' produzzjoni alternattivi, inklużi sistemi ta' produzzjoni organika li jistgħu joffru lill-konsumaturi firxa akbar ta' prodotti tal-ikel u li sal-lum ġew żviluppati biss b'mod limitat;

V.   billi, fid-dawl ta' dak li ntqal hawn fuq, għandha ssir aktar riċerka dwar l-isfidi u l-opportunitajiet tas-sistemi ta' akkomodazzjoni fi gruppi;

W.   billi l-livell baxx tas-sinifikat ekonomiku tas-settur fl-UE jirrappreżenta diżinċentiv qawwi għar-riċerka u l-innovazzjoni mmirati lejn it-titjib tas-saħħa u t-trattament xieraq tal-fniek;

X.  billi hemm standards minimi tal-UE għall-protezzjoni tal-ħnieżer(1), tal-għoġġiela(2), tat-tiġieġ tal-bajd(3) u tat-tiġieġ tas-simna(4), kif ukoll id-Direttiva ġenerali tal-Kunsill għall-protezzjoni tal-annimali miżmuma għal skopijiet ta' biedja(5), iżda ma hemm l-ebda leġiżlazzjoni speċifika tal-UE dwar standards minimi għall-protezzjoni tal-fniek imrobbija f'azjendi tal-biedja; billi għadd dejjem jikber ta' konsumaturi u ċittadini madwar l-UE qed jitlob regolamentazzjoni u trattament xieraq aħjar għall-fniek tat-trobbija;

Y.   billi l-projbizzjoni ta' gaġeġ konvenzjonali għat-tiġieġ li jbid skont id-Direttiva 1999/74/KE issa tinsab fis-seħħ u fil-parti l-kbira ġiet trasposta b'suċċess fl-Istati Membri;

Z.  billi xi Stati Membri għandhom leġiżlazzjoni nazzjonali u rekwiżiti ġuridiċi għat-trobbija tal-fniek għal skopijiet ta' biedja u żviluppaw gwidi tal-aħjar prattika f'kollaborazzjoni mas-settur; billi fl-2012 l-Awstrija pprojbixxiet iż-żamma tal-fniek f'gaġeġ għall-produzzjoni tal-laħam u l-Belġju għandu leġiżlazzjoni fis-seħħ li għandha l-għan li gradwalment tneħħi l-gaġeġ u minflokhom iddaħħal is-sistemi ta' parks sal-2025;

AA.  billi l-Istrateġija tal-UE għall-Benessri tal-Annimali argumentat li jenħtieġ li l-leġiżlazzjoni eżistenti tiġi implimentata bis-sħiħ qabel ma tiddaħħal aktar leġiżlazzjoni, u li l-iżvilupp ta' gwidi tal-aħjar prattika għandu jiġi mħeġġeġ;

AB.  billi, meta wieħed iqis id-domanda għal tranżizzjoni lejn sistemi ta' produzzjoni alternattivi u meta wieħed iqis il-piż ekonomiku modest tat-trobbija tal-fniek għal skopijiet ta' biedja fis-settur Ewropew tal-produzzjoni tal-annimali, jenħtieġ li l-Istati Membri u l-Kummissjoni jitħeġġu jidħlu għal aktar riċerka fl-oqsma tas-saħħa, il-benessri, it-trobbija, l-akkomodazzjoni, in-nutrizzjoni, l-imġiba u l-isturdar tal-fniek;

AC.  billi l-Opinjoni Xjentifika tal-EFSA tal-2005 dwar l-akkomodazzjoni u s-sistemi ta' trobbija tal-fniek imrobbija għal skopijiet ta' biedja rakkomandat żidiet fid-daqs tal-gaġeġ, densitajiet massimi aktar baxxi tal-istokk ta' annimali li qed jikbru u interventi terapewtiċi, inkluż l-użu ta' addittivi biex jitnaqqas il-mard;

AD.  billi skont ir-rakkomandazzjonijiet tal-Kodiċi tas-Saħħa tal-Annimali Terrestri tal-OIE dwar il-qatla tal-annimali, inklużi metodi ta' sturdament u rekwiżiti ta' għarfien għall-operaturi, tapplika għal-fniek;

AE.  Billi l-Artikolu 3 tad-Direttiva tal-Kunsill 98/58/KE dwar il-benessri tal-annimali tirrikjedi li jenħtieġ li jittieħdu "l-passi raġonevoli kollha" sabiex jiġi żgurat il-benessri tal-annimali, u l-Artikolu 4 jiddefinixxi l-istandards għaż-żamma tal-annimali f'termini tal-"esperjenza u l-għarfien xjentifiku stabbiliti", li jinkludu l-istandards stabbiliti mill-EFSA u l-OIE;

Kummenti ġenerali

1.  Jinnota li l-fniek fl-UE normalment jitrabbew f'gaġeġ konvenzjonali mhux arrikkiti, ambjent bla interess li jkollu biss ħawt għax-xorb u alimentatur għall-għalf u li ma jissodisfax il-kundizzjonijiet tal-biedja ottimali skont l-aħħar sejbiet xjentifiċi; jinnota wkoll li l-fniek xi drabi jiġu mgħalfa esklużivament il-gerbub, mingħajr aċċess għal materjal fibruż, u li l-għeluq u d-djuq ta' gaġeġ tal-wajer bla interess jista' jwassal għal imġiba anormali;

2.   Jinnota li jeħtieġ li ssir riċerka xjentifika ulterjuri dwar is-sistemi ta' akkomodazzjoni ta' kwalità li jistgħu jippromwovu s-saħħa u jillimitaw ir-riskju li l-annimali jistgħu jimirdu jew jiġu infettati;

3.  Jirrikonoxxi li l-alternattivi għat-trobbija tal-fniek f'azjendi tal-biedja fil-gaġeġ qegħdin jiġu implimentati b'suċċess, bħalma hi t-trobbija tal-fniek f'azjendi tal-biedja f'parks jew sistemi ta' kaxxi, bil-ħaxix bħala l-għalf prinċipali, li jtejbu l-kumdità u t-trattament xieraq tal-fniek imrobbija f'azjendi tal-biedja; iqis li jenħtieġ li jiġu żviluppati, imtejba u mħeġġa sistemi alternattivi filwaqt li jiġi rikonoxxut li d-domanda għal-laħam tal-fenek minn tali sistemi tista', sa ċertu punt, tiġi limitata mill-impatt tal-ispejjeż addizzjonali tal-produzzjoni fuq il-prezz mitlub lill-konsumatur;

4.  Jinkoraġġixxi l-użu ta' sistemi ta' parks kollettivi għall-fniek minħabba li dawn jippermettu spazju għall-għajxien aktar ġeneruż, peress li jippermettu mġiba soċjali lokomotiva; jirrimarka li l-użu ta' sistemi ta' parks kollettivi itejjeb it-trattament xieraq tal-fniek tat-trobbija billi jippermettulhom eżistenza li tixbah aktar mill-qrib l-istat naturali tagħhom; jenfasizza li s-saħħa tal-annimali tiddependi wkoll minn żewġ prattiki tal-biedja importanti, jiġifieri l-kundizzjonijiet ambjentali tal-bini u l-iżvilupp ta' prattiki adegwati ta' trobbija, bijosigurtà u ġestjoni;

5.   Jistieden lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni biex jidħlu għal riċerka ulterjuri għall-fini li jinstabu l-aħjar sistemi possibbli ta' akkomodazzjoni biex itejbu l-benessri tal-annimali f'tipi differenti ta' biedja, u hekk jagħmluha possibbli biex jiġu implimentati titjibiet fil-farms filwaqt li fl-istess ħin tiġi garantita s-sostenibilità tagħhom;

6.  Jisħaq fuq il-fatt li l-laħam tal-fenek kollu li jinsab fis-suq tal-UE jrid jaderixxu ma' standards għolja tas-sikurezza tal-ikel u standards tal-kwalità u kriterji tat-trattament xieraq tal-annimali, inklużi l-importazzjonijiet minn pajjiżi terzi; jenfasizza l-perikli tal-kompetizzjoni inġusta minn pajjiżi terzi jekk ma jiġux applikati għall-importazzjonijiet standards u kriterji ekwivalenti;

7.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jippreservaw il-kwalità u s-sikurezza tal-importazzjonijiet tal-laħam tal-fenek billi jwettqu kontrolli u spezzjonijiet bir-reqqa meta dawn l-importazzjonijiet jidħlu fl-Unjoni;

8.  Jilqa' l-istabbiliment ta' pjattaforma Ewropea dwar il-benessri tal-annimali u jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jiskambjaw u jitfgħu dawl fuq kodiċijiet ta' prattika fir-rigward tat-trobbija tal-fniek;

It-tnissil tal-fniek

9.  Jenfasizza li t-trobbija tal-fniek fl-UE hija intensifikata bil-kbir, għalkemm il-kundizzjonijiet li fihom jiġu mrobbija u miżmuma l-fniek ivarjaw, u dan minħabba d-differenzi fl-għanijiet tat-trobbija tal-fniek u fil-ħtiġijiet tal-konsumatur bejn is-swieq u l-Istati Membri;

10.  Jirrimarka li d-daqs tal-gaġeġ ivarja skont l-età u l-piż tal-annimali u li dan jinfluwenza l-movimenti tagħhom bħal pereżempju meta jistiraw, joqogħdu bilqiegħda u bilwieqfa b'widnejhom imwaqqfa (qagħda tipika ta' “għassa” li hija tipika tal-ispeċi), jippinnaw, iduru bil-kumdità u joqomsu; jenfasizza li dan in-nuqqas ta' eżerċizzju jista' jwassal ukoll biex l-għadam jiddgħajjef, jiżviluppaw mġiba sterjotipika u leżjonijiet tal-parti r-ratba tal-qiegħ tas-sieq;

11.  Jenfasizza li s-sistemi tal-akkomodazzjoni ttejbu biż-żmien biex issa jinkorporaw arranġamenti ġodda bħalma huma partijiet fejn il-fniek jistgħu jserrħu saqajhom, bl-għan li jitnaqqsu l-leżjonijiet u jittejjeb it-trattament xieraq tal-annimali; jirrimarka, madankollu, li xi wħud mill-mudelli aktar qodma ta' gaġeġ użati jista' jagħti l-każ li jkollhom disinn li ma jkunx adattat skont l-istandards moderni;

12.  Jinnota bi tħassib li hemm rata intrinsikament għolja ta' mard u mortalità fost il-fniek tat-trobbija minħabba fatturi bħal pereżempju rati ogħla ta' infezzjonijiet parassitiċi (koċċidjosi, pinworms, eċċ.) u suxxettibilità għal mard infettiv bħalma huma l-HDV u l-missomatożi;

13.   Jirrimarka li fl-2005 l-EFSA kkonkludiet li r-rati ta' mortalità u ta' morbidità tal-fniek imrobbija f'azjendi tal-biedja dehru li kienu konsiderevolment ogħla milli fil-każ ta' speċijiet oħra ta' annimali mrobbija f'azjendi tal-biedja minħabba infezzjonijiet enteriċi u respiratorji u problemi riproduttivi; jinnota wkoll li l-istess rapport tal-EFSA wissa dwar ir-riskji ogħla għas-saħħa tal-fniek li jirriżultaw mill-produzzjoni fuq l-art meta mqabbel mal-produzzjoni fil-gaġeġ, speċifikament minħabba tal-koċċidjożi u infezzjonijiet parassitiċi;

14.  Jilqa' l-progress li sar minn bosta produtturi billi daħħlu titjibiet fid-disinn tas-sistemi tal-akkomodazzjoni f'konformità mar-rakkomandazzjonijiet tal-EFSA; jesprimi t-tħassib tiegħu, madankollu, dwar l-iskarsezza tal-ammont ta' trattament u ta' riċerka mmirati biex jindirizzaw il-mard fost il-fniek tat-trobbija;

It-trobbija tal-fniek

15.  Jesprimi t-tħassib tiegħu li l-fniek imrobbija u msemmna għall-produzzjoni tal-laħam fl-UE u li huma miżmuma f'gaġeġ antikwati li ma jikkonformawx mar-rekwiżiti moderni tal-biedja qed jingħataw spazju għal kull fenek li huwa ta' inqas mill-firxa ta' żewġ folji ordinarji ta' karta A4;

16.  Jirrimarka li l-fniek huma annimali bil-wisq sensittivi u jistgħu jbatu minn firxa wiesgħa ta' problemi ta' trattament xieraq u mard ikkawżat minn kundizzjonijiet ta' trobbija mhux xierqa, inklużi viruses fatali, mard respiratorju u ħokkijiet muġugħa minħabba li jkunu bilqegħda fuq art tal-gaġġa magħmula mill-gożwajer;

17.  Jirrimarka li ftit hemm għodod terapewtiċi disponibbli għall-bdiewa li jrabbu l-fniek u għall-veterinarji biex jindirizzaw b'mod determinat il-problemi tas-saħħa li jinqalgħu, u li hemm il-ħtieġa li jsiru aktar sforzi biex jiġi indirizzat in-nuqqas ta' riċerka u investiment f'mediċini għat-trattament ta' użi minuri u ta' speċijiet minuri;

18.  Jinnota wkoll li n-nutrizzjoni għandha impatt qawwi fuq il-benessri tal-annimali u fuq is-saħħa tal-annimali, u għalhekk iqis li l-fniek għandu jkollhom aċċess permanenti għal dieta bilanċjata b'dożi fibrużi xierqa;

19.  Jinnota, madankollu, li r-riskji tas-saħħa huma limitati grazzi għar-regoli tas-saħħa stretti ħafna tal-UE u jisħaq li taħt il-leġiżlazzjoni li hemm fis-seħħ(6) l-annimali morda jenħtieġ li immedjatament jirċievu kura medika, li tkun akkumpanjata minn iżolament tal-annimal matul il-konvalexxenza tiegħu jew li tiġi segwita b'ewtanasja jekk ikun meħtieġ;

20.  Jirrikonoxxi l-importanza li jiġu pprovduti korsijiet ta' taħriġ għall-persuni involuti fl-aspetti kollha tat-trattament tal-annimali fit-trobbija tal-fniek f'azjendi tal-biedja, u gwidi ta' prattika tajba bbażati fuq analiżijiet tekniċi u xjentifiċi affidabbli, bl-għan li l-prestazzjoni u l-fehim tagħhom tar-rekwiżiti rilevanti tat-trattament xieraq tal-annimali jittejbu u b'hekk tiġi evitata t-tbatija bla bżonn tal-annimali;

21.  Jenfasizza li l-fniek miftuma għat-tismin u l-fniek nisa miżmuma f'sistemi alternattivi ta' parks kollettivi, li tipikament jipprovdu 750 cm² għal kull għal kull fenek tal-laħam u 800 cm² għal kull fenka, jibbenefikaw minn aktar spazju biex jiċċaqilqu, biex jinteraġixxu soċjalment u biex jilagħbu, u li l-pjattaformi fis-sistemi ta' parks kollettivi jippermettu lill-fniek jevitaw lill-aggressuri billi jwarrbu min-nofs, b'akkomodazzjoni separata għall-fniek nisa meta jkunu qed ireddgħu boton;

22.  Jirrikonoxxi li sistemi bħal dawn se jikkawżaw lill-azjendi tal-biedja jġarrbu spejjeż, ħaġa li teħtieġ li titqies billi tiġi pprovduta assistenza finanzjarja lil dawk il-bdiewa li jagħżlu din is-sistema għat-trobbija tal-fniek; jistieden lill-Kummissjoni biex fil-baġits tal-UE futuri tappoġġja s-settur tat-trobbija tal-fniek f'azjendi tal-biedja; jinnota li hemm disponibbli appoġġ finanzjarju taħt programmi ta' żvilupp rurali biex jingħata appoġġ lil dawk il-bdiewa li japplikaw il-miżuri ta' trattament xieraq tal-annimali li jtejbu l-benessri tal-fniek;

23.  Jirrimarka li kwalunkwe miżura obbligatorja mibdija se jkollha tiġi sostnuta mill-baġit meħtieġ biex jingħata appoġġ lil dawk li jrabbu l-fniek; isostni wkoll li għandha tiġi inkluża intestatura speċifika bl-għan li jiġi promoss il-konsum tal-laħam tal-fenek;

24.  Jenfasizza li jekk issir aktar riċerka dwar l-akkomodazzjoni tal-fniek nisa fi grupp din tkun ta' ġid għall-benessri tagħhom, b'mod partikolari fir-rigward taż-żmien li matulu l-fniek nisa jridu jinżammu f'akkomodazzjoni separata u meta sussegwentement iridu jerġgħu jiddaħħlu fil-grupp;

25.  Jagħti parir li l-fniek irġiel li għandhom aktar minn 12-il ġimgħa li jinżammu għat-tnissil jenħtieġ li dejjem jinżammu għalihom fi kwalunkwe sistema, minħabba problemi ta' aggressjoni;

It-trasport u l-qatla

26.  Ifakkar li t-trasport huwa esperjenza ta' tensjoni estrema għall-fniek; jenfasizza li l-fniek għandhom jiġu mitmugħa u misqija qabel it-trasport fuq distanza twila u jingħataw biżżejjed ikel, ilma u spazju fit-tranżitu, u li l-ħinijiet tat-trasport għandhom ikunu limitati kemm jista' jkun, minħabba s-sensittività tal-ispeċi; jenfasizza li hemm varjetà enormi ta' fatturi ta' tensjoni li jaffettwaw it-trattament xieraq tal-annimali bħalma huma s-sħana, il-ġuħ, id-deżidratazzjoni, l-uġigħ u t-trawma, il-kesħa, dardir mill-moviment fit-trasport u l-biża';

27.  Jenfasizza li t-trattament xieraq tal-fniek tat-trobbija matul it-trasport u l-qatla jiddependi wkoll mill-attitudnijiet u mill-proċeduri tat-trattament użati mill-bdiewa, mit-trasportaturi u mill-persunal tal-biċċerija, kif ukoll mill-loġistika tat-trasport; jistieden lill-Kummissjoni timmonitorja l-implimentazzjoni u l-infurzar tal-leġiżlazzjoni rilevanti tal-UE, speċjalment ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2005 dwar il-protezzjoni tal-annimali waqt it-trasport;

28.  Jenfasizza li l-fniek għandhom jiġu sturduti kompletament qabel il-qatla, biex jiġi żgurat li ma jgħaddu minn l-ebda tbatija, uġigħ jew tensjoni. ifakkar li l-qatla għandha titwettaq mingħajr ir-riskju li l-annimal sturdut jerġa' jiġi f'sensih f'konformità mar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1099/2009 tal-24 ta' Settembru 2009 dwar il-protezzjoni tal-annimali waqt il-qatla; ifakkar li l-iżvilupp ta' riċerka prattika dwar it-tekniki tal-isturdament użati fuq speċijiet oħra jagħmilha possibbli li jiġu stabbiliti metodi elettriċi jew metodi oħra ta' sturdament, bħalma hu l-isturdament b'taħlita ta' gassijiet, li jkunu jixirqu lill-karatteristiċi speċifiċi ta' fniek, li jistgħu jkunu kummerċjalment vijabbli kif ukoll aktar kompassjonanti;

Ir-reżistenza antimokrobika

29.  Jirrikonoxxi l-isforzi tal-produtturi Ewropej biex inaqqas l-użu tal-antibijotiċi fit-trobbija tal-fniek fl-azjendi tal-biedja; jenfasizza li l-użu mifrux ħafna tal-antibijotiċi fit-trobbija tal-fniek fl-azjendi tal-biedja, speċjalment fit-tipi ta' biedja intensiva, jista' jwassal għal żieda fir-reżistenza antimikrobika;

30.  Jinnota li d-dipendenza qawwija mill-antibijotiċi tista' twassal għal żieda fir-reżistenza antimikrobika, sitwazzjoni li tagħmilha vitali li nersqu lejn l-użu aktar responsabbli tal-antibijotiċi; huwa tal-fehma li t-trobbija tal-fniek fl-azjendi tal-biedja hija parti minn din is-sitwazzjoni flimkien ma' setturi oħra tal-produzzjoni tal-annimali u li għandha wkoll tagħmel sforz sinifikanti biex tippromwovi l-użu responsabbli tal-antibijotiċi sabiex tinżamm l-effikaċja u tiġi prevenuta r-reżistenza antimikrobika;

31.   Jenfasizza li sabiex jilħqu u jżommu standards għolja ta' iġjene fis-sistemi kollha tal-biedja, l-aktar permezz tal-iżvilupp ta' miżuri preventivi u kontrolli mmirati, l-Istati Membri għandhom jitħeġġu jeliminaw gradwalment l-użu tal-gaġeġ konvenzjonali madwar l-UE kollha, filwaqt li jippromwovu sistemi ta' biedja arrikkiti li jkunu ekonomikament vijabbli;

32.   Jenfasizza li l-antibijotiċi jridu jintużaw biss għal skopijiet ta' kura u għandhom jiġu segwiti mill-perjodu tal-irtirar ix-xieraq qabel il-qatla skont ir-Regolament (KE) Nru 470/2009 dwar il-limiti ta' residwi ta' sustanzi farmakoloġikament attivi fl-oġġetti tal-ikel li joriġinaw mill-annimali, sabiex jiġi garantit li l-laħam tal-fenek huwa sikur;

33.   Jenfasizza li tnaqqis fl-użu tal-antibijotiċi, u l-impatt pożittiv li dan se jkollu fuq is-saħħa pubblika, jista' jirnexxi biss jekk issir enfasi aktar qawwija fuq il-ġestjoni u l-monitoraġġ tal-azjendi tal-biedja li jrabbu l-fniek;

Konklużjonijiet

34.  Jinkoraġġixxi lill-Kummissjoni, fid-dawl tal-għadd għoli ta' fniek li qed jiġu mrobbija f'azjendi tal-biedja u maqtula fl-UE u l-implikazzjonijiet severi fuq it-trattament xieraq tal-annimali min-naħa tas-sistemi li qed jintużaw attwalment għaż-żamma tal-fniek, tfassal pjan direzzjonali favur standards minimi li jkunu finanzjarjament sostenibbli għall-protezzjoni tal-fniek tat-trobbija; jenfasizza li dan il-pjan direzzjonali jenħtieġ li jkun fih l-istadji importanti li jistgħu jitkejlu b'rappurtar regolari, u, f'ordni kronoloġika, għandu jikkonsisti, bħala minimu, f'dawn li ġejjin:

–  l-abbozzar ta' linji gwida li jkun fihom prattiki tajbin u li l-istabbiliment ta' regoli dwar it-trattament xieraq tal-annimali għall-fniek f'kooperazzjoni ma' dawk kollha involuti fil-produzzjoni u partijiet ikkonċernati oħra fis-settur tat-trobbija tal-fniek,

–  Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni, b'kont meħud tal-miżuri nazzjonali eżistenti, li jinkludi, fejn ikun xieraq, proposti għal approċċ komuni tal-UE, b'mod partikolari fir-rigward tas-saħħa, it-trattament xieraq u l-akkomodazzjoni tal-fniek;

35.  Jistieden lill-Kummissjoni tuża l-evidenza u s-sejbiet xjentifiċi bħala bażi meta tkun qed tipproponi miżuri għar-rekwiżiti ta' akkomodazzjoni għall-fniek nisa tat-tnissil u għall-fniek imrobbija għall-produzzjoni tal-laħam, filwaqt li tingħata kunsiderazzjoni xierqa lill-ħtiġijiet bijoloġiċi tal-annimali u lill-imġiba tagħhom speċifika għall-ispeċi fir-rigward ta' dawn ir-rekwiżiti ta' akkomodazzjoni;

36.  Jemmen li r-rekwiżiti fl-Artikoli 3 u 4 tad-Direttiva 98/58/KE li jittieħdu l-"passi raġonevoli kollha” għat-trattament xieraq tal-annimali u li jiddefinixxu l-istandards, skont "l-esperjenza stabbilita u l-għerf xjentifiku" għandhom jintużaw biex jiġu infurzati r-rakkomandazzjonijiet xjentifiċi dwar it-trattament xieraq tal-fniek stabbiliti mill-EFSA u mill-OIE;

37.  Jirrimarka li għandu jinżamm bilanċ bejn id-diversi aspetti li għandhom jiġu kkunsidrati, fir-rigward tal-benessri u s-saħħa tal-annimali, is-sitwazzjoni finanzjarja u l-kundizzjonijiet tax-xogħol tal-bdiewa, is-sostenibilità tal-produzzjoni, l-impatt ambjentali u l-protezzjoni tal-konsumatur; jirrimarka wkoll li għandhom jitqiesu l-ħtiġijiet tal-konsumaturi ta’ laħam tal-fenek affordabbli u ta' kwalità għolja;

38.   Jenfasizza li l-għan tal-PAK huwa li jiġu fornuti prodotti agrikoli u tal-ikel lill-konsumaturi madwar l-UE kollha filwaqt li jitqiesu l-ħtiġijiet u x-xewqat tagħhom ta' prodotti agrikoli u tal-ikel li jkunu tajba għas-saħħa u ta' kwalità għolja bi prezzijiet affordabbli;

39.  Iħeġġeġ lill-Istati Membri u lis-settur joħolqu sistemi ċari ta' tikkettar tal-produzzjoni u jagħmlu użu ta' skemi ta' tikkettar kif stipulati fil-Kapitolu V tar-Regolament (UE) Nru 1169/2011 dwar l-għoti ta' informazzjoni dwar l-ikel lill-konsumaturi, biex jiżguraw trasparenza akbar tas-suq, jinżammu l-istandards tal-kwalità u jħarsu s-saħħa tal-konsumaturi, u b'hekk jippermettu lill-konsumaturi jagħmlu għażliet ta' xiri infurmati u trasparenti, filwaqt li jenfasizzaw il-provenjenza tal-prodott u jipproteġu lill-prodott minn kompetizzjoni inġusta;

40.  Jenfasizza li r-regoli eżistenti kollha għandhom jiġu armonizzati fil-livell tal-UE; jenfasizza li l-iskambju ta' informazzjoni għall-fini tat-tfassil ta' gwidi ta' prattika tajba u l-appoġġ għall-gwidi nazzjonali huma kruċjali għal dan il-proċess;

41.  Iħeġġeġ lill-Istati Membri kollha jġibu d-dispożizzjonijiet tagħhom konformi mad-dispożizzjonijiet eżistenti dwar it-trattament xieraq tal-fniek stabbiliti mill-Awstrija, il-Belġju, il-Ġermanja u r-Renju Unit, fl-interessi ta' kondizzjonijiet ekwivalenti ta' kompetizzjoni;

42.  Jirrikonoxxi l-ħtieġa ta' aktar riċerka xjentifika dwar it-trobbija tal-fniek f'azjendi tal-biedja, b'kont meħud tad-domanda għal tranżizzjoni lejn sistemi ta' produzzjoni alternattivi; jinkoraġġixxi lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni jagħtu appoġġ baġitarju apposta u jwettqu riċerka fir-rigward ta' dawn li ġejjin:

– is-saħħa tal-fniek tat-trobbija,

– it-trattament xieraq tal-fniek tat-trobbija,

– l-akkomodazzjoni għall-fniek tat-trobbija,

– it-tgħammir tal-fniek tat-trobbija, inkluż it-tgħammir tal-fniek minn linji ġenetiċi li għandhom temperamenti aktar kalmi,

– it-trobbija tal-fniek tat-trobbija,

– l-imġiba tal-fniek tat-trobbija,

– in-nutrizzjoni għall-fniek tat-trobbija,

  – il-mard, il-morbidità u l-mortalità speċifiċi għall-ispeċi tal-fniek tat-trobbija,

– il-prodotti mediċinali, vaċċini u trattamenti xierqa għall-fniek tat-trobbija, filwaqt li jitqiesu l-problemi li dejjem qed jiżdiedu tar-reżistenza antimikrobika,

– il-metodi xierqa ta' sturdament, li juru kompassjoni, speċifiċi għall-ispeċi għall-fniek tat-trobbija;

43.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jipprovdu data dwar il-produzzjoni u l-kummerċ tal-laħam tal-fenek u jinkludu l-laħam tal-fenek fl-Osservatorju tas-Suq Ewropew tal-Laħam;

°

°  °

44.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.

(1)

Id-Direttiva tal-Kunsill 2008/120/KE tat-18 ta' Diċembru 2008 li tistabbilixxi standards minimi għall-protezzjoni tal-majjali. ĠU L 47, 18.2.2009, p. 5

(2)

Id-Direttiva tal-Kunsill 2008/119/KE tat-18 ta' Diċembru 2008 li tistabbilixxi standards minimi għall-protezzjoni tal-għoġġiela. ĠU L 10, 11.1.2009, p. 7.

(3)

Id-Direttiva tal-Kunsill 1999/74/KE tad-19 ta' Lulju 1999 li tistabilixxi standards minimi għall-ħarsien ta' tiġieġ li jbid. ĠU L 203, 3.8.1999, p. 53.

(4)

Id-Direttiva tal-Kunsill 2007/43/KE tat-28 ta' Ġunju 2007 li tistabbilixxi regoli minimi għall-protezzjoni tat-tiġieġ miżmuma għall-produzzjoni tal-laħam. ĠU L 182, 12.7.2007, p. 19.

(5)

Id-Direttiva tal-Kunsill 98/58/KE tal-20 ta' Lulju 1998 dwar il-ħarsien ta' annimali miżmuma għal skopijiet ta' biedja. ĠU L 221, 8.8.1998, p. 23.

(6)

Id-Direttiva tal-Kunsill 98/58/KE dwar il-ħarsien ta' annimali miżmuma għal skopijiet ta' biedja.


NOTA SPJEGATTIVA

L-isfond

Il-fniek, mil-lat ta' numri, huma t-tieni speċi ta' bhejjem l-aktar imrobbija fl-Unjoni Ewropea fejn kull sena jinqatlu 'l fuq minn 340 miljun fenek. Madankollu, it-trobbija tal-fniek f'azjendi tal-biedja fl-UE tammonta biss għal bejn wieħed u ieħor 1.1 % tat-total tal-produzzjoni tal-laħam tal-UE. Fil-preżent, hemm fis-seħħ leġiżlazzjoni tal-UE li tistabbilixxi standards minimi għall-protezzjoni tal-ħnieżer, l-għoġġiela, it-tiġieġ tal-bajd, it-tiġieġ tas-simna, kif ukoll id-Direttiva ġenerali tal-Kunsill għall-protezzjoni tal-annimali miżmuma għal skopijiet ta' biedja, iżda għad m'hemm l-ebda leġiżlazzjoni speċifika tal-UE dwar standards minimi għall-protezzjoni tal-fniek tat-trobbija.

Bħalissa, il-fniek fl-UE qed jinżammu f'kundizzjonijiet krudili fl-azjendi tal-biedja tat-tnissil u tat-tismin, minkejja l-eżistenza ta' salvagwardji ġuridiċi Ewropej bħalma huma d-Direttiva tal-Kunsill dwar il-Ħarsien ta' Annimali miżmuma għal skopijiet ta' Biedja (1998/58/KE) u l-Artikolu 13 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), li jgħid li "l-Unjoni u l-Istati Membri għandhom jagħtu konsiderazzjoni sħiħa tal-ħtiġijiet tal-benessri tal-annimali bħala esseri sensibbli".

Il-biċċa l-kbira tal-Istati Membri huma nieqsa minn leġiżlazzjoni speċifika għaż-żamma, it-tnissil u t-tismin tal-fniek. Madankollu, jeżistu xi eċċezzjonijiet: l-Awstrija (2012, projbizzjoni tal-batteriji ta' gaġeġ); il-Belġju (2014, it-tneħħija gradwali tal-gaġeġ u l-introduzzjoni ta' sistemi ta' parks fl-2025); il-Ġermanja (2014, titjib fil-leġiżlazzjoni dwar it-trattament xieraq tal-annimali speċifikament għat-trobbija tal-fniek f'azjendi tal-biedja) u r-Renju Unit (2007, il-"Welfare of Farmed Animals Regulations" (ir-Regolamenti dwar it-Trattament Xieraq tal-Annimali tat-Trobbija), li jinkludu rekwiżiti speċifiċi għall-ispeċi għat-trobbija tal-fniek f'azjendi tal-biedja).

Barra minn hekk, skont l-Ewrobarometru Speċjali 442 “Attitudni tal-Ewropej dwar it-trattament xieraq tal-annimali”, ippubblikat f'Marzu 2016, il-konsumaturi qed jitolbu standards ogħla tat-trattament xieraq tal-annimali. Il-maġġoranza l-kbira tal-konsumaturi li rrispondew għall-istħarriġ tal-Ewrobarometru indikaw li ma jarawhiex bi kbira li jħallsu iktar għal ikel li jiġi prodott b'livell għoli ta' rispett għat-trattament xieraq tal-annimali. Barra minn hekk, fil-proposta leġiżlattiva l-ġdida għall-produzzjoni organika li bħalissa qiegħda tiġi diskussa, il-fniek għandhom jinżammu f'imqawel għall-gruppi, bi spazju ta' mill-inqas 0.4 m2 għal kull fenek, u jingħataw aċċess għal żona ta' mergħa fuq barra fil-bażi tal-maqjel.

Il-Pożizzjoni tar-Rapporteur

Permezz ta' dan ir-rapport ta' inizjattiva, ir-rapporteur tagħkom għandu l-għan li jagħti bidu għal diskussjoni wiesgħa dwar it-trobbija tal-fniek f'azjendi tal-biedja fl-UE u l-metodi għaż-żamma tal-fniek imrobbija f'azjendi tal-biedja, kif ukoll li jħeġġeġ lill-Kummissjoni Ewropea tippreżenta abbozz ta' proposta leġiżlattiva ambizzjuża. Il-proposta għandu jkollha l-għan li tagħlaq il-lakuni eżistenti li jwasslu għal abbużi serji tat-trattament xieraq tal-annimali fiż-żamma, it-tnissil, it-trobbija, it-trasport u l-qatla tal-fniek tat-trobbija.

Fl-UE, li l-ħtiġijiet u t-trattament xieraq speċifiċi għall-ispeċi tal-fniek fil-biċċa l-kbira tagħhom ma jiġux ikkunsidrati. Fil-maġġoranza tal-Istati Membri, ma hemm l-ebda leġiżlazzjoni speċifika li fiha r-rekwiżiti minimi mandatarji għall-protezzjoni tal-fniek fl-agrikoltura. L-applikazzjoni, l-implimentazzjoni u l-infurzar tal-liġijiet ġenerali Ewropej u nazzjonali dwar it-trattament xieraq tal-annimali huma ġeneralment insuffiċjenti u l-faċilitajiet normalment użati fl-UE għat-trobbija u għat-tismin tal-fniek għall-produzzjoni tal-laħam lanqas biss jilħqu l-istandards l-aktar bażiċi tat-trattament xieraq tal-annimali. Hemm bżonn urġenti li tittejjeb is-sitwazzjoni ta' fniek tat-trobbija fl-UE u fil-fehma tar-rapporteur tagħkom, l-aktar triq xierqa 'l quddiem tkun dik ta' leġiżlazzjoni tal-UE dwar l-istandards minimi għall-protezzjoni ta' fniek tat-trobbija.

F'dan ir-rapport u fid-dokument ta' ħidma li wassal għar-rapport, ir-rapporteur tagħkom għamel għadd ta' rakkomandazzjonijiet. Fi ftit kliem, huwa imperattiv li gradwalment jitneħħew il-batteriji ta' gaġeġ u l-gaġeġ tal-wajer bla interess fit-trobbija tal-fniek fl-azjendi tal-biedja, u li ssir il-konverżjoni għal metodi alternattivi ta' trobbija tal-fniek fl-azjendi tal-biedja bħalma huma sistemi ta' parks li jipprovdu biżżejjed spazju għal kull fenek u fejn il-fniek jistgħu jinżammu fi gruppi. Il-bdiewa li jkunu qed jagħmlu din it-trasformazzjoni għandhom jingħataw appoġġ taħt il-programmi tal-iżvilupp rurali tal-PAK. Is-sistemi ta' akkomodazzjoni għall-fniek għandu jkollhom pjattaformi jew irqajja' ta' art elevati simili u materjali ta' arrikkiment suffiċjenti; Barra minn hekk, il-ħinijiet tat-trasport għandhom ikunu limitati kemm jista' jkun, minħabba s-sensitività tal-ispeċi, u l-fniek għandhom jiġu mitmugħa qabel it-trasport kif ukoll jingħataw aċċess għal ikel u ilma adegwati matul it-trasport. Iċ-ċestuni u l-gaġeġ tat-trasport għandhom jippermettu qgħad normali. Fl-aħħarnett, il-fniek għandhom jiġu sturduti kompletament qabel il-qatla, sabiex jiġi żgurat li ma jkun hemm l-ebda tbatija, uġigħ jew stress. Il-qatla għandha ssir mingħajr ir-riskju li l-annimal sturdut jerġa' jiġi f'sensih.

Barra minn hekk, ir-rapporteur tagħkom jemmen li l-leġiżlazzjoni tal-UE tkun tiżgura interpretazzjoni uniformi, toħloq kundizzjonijiet ekwi u tissodisfa d-domanda dejjem tiżdied mill-konsumaturi għal-trattament xieraq aħjar tal-annimali fil-biedja. F'dawn l-aħħar snin, organizzazzjonijiet u NGOs maġġuri Ewropej għat-trattament xieraq tal-annimali kulma jmur enfasizzaw aktar is-suġġett tat-trobbija tal-fniek fl-azjendi tal-biedja u varaw kampanji għall-abolizzjoni tal-batteriji ta' gaġeġ. Nistgħu nistennew li l-pressjoni pubblika dwar din il-kwistjoni se tikber fil-futur qrib.

Fl-aħħarnett, minħabba mard speċifiku għall-ispeċi u r-rata ta' mortalità għolja inerenti għat-trobbija tal-fniek fl-azjendi tal-biedja, l-amministrazzjoni ta' rutina mifruxa ħafna ta' antibijotiċi saret ħtieġa. Dan kompla ħarrax il-problemi taż-żieda fir-reżistenza għall-antimikrobiċi. It-trobbija tal-fniek f'azjendi tal-biedja fil-forma attwali tagħha qegħda għalhekk toħloq ukoll problema ta' saħħa pubblika, iktar u iktar għaliex qed jintużaw antibijotiċi ta' riserva, tal-aħħar istanza, qawwija ħafna fit-trobbija tal-fniek fl-azjendi tal-biedja. Ir-rapporteur tagħkom jemmen bis-saħħa li tranżizzjoni mit-trobbija fil-gaġeġ għal sistemi ta' mqawel se tnaqqas il-ħtieġa li jintużaw l-antibijotiċi u b'hekk jitnaqqsu r-riskji għas-saħħa pubblika.

Ir-rapporteur tagħkom huwa tal-fehma li jekk dawn ir-rakkomandazzjonijiet jiġu aċċettati fi proposta leġiżlattiva futura dwar standards minimi għall-protezzjoni tal-fniek tat-trobbija, u li bil-għan li jiġu żgurati kundizzjonijiet ekwi, l-istess standards jiġu japplikaw għall-prodotti importati tal-fenek, nistgħu fl-aħħar nibdew intejbu s-sitwazzjoni tas-saħħa u tat-trattament xieraq ta' miljuni u miljuni ta' fniek tat-trobbija miżmuma fl-Unjoni Ewropea u nissodisfaw id-domandi tal-konsumaturi li qed jitolbu standards ogħla tat-trattament xieraq tal-annimali fil-biedja.


RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT RESPONSABBLI

Data tal-adozzjoni

25.1.2017

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

29

7

9

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

John Stuart Agnew, Clara Eugenia Aguilera García, Eric Andrieu, Richard Ashworth, Daniel Buda, Matt Carthy, Viorica Dăncilă, Michel Dantin, Jean-Paul Denanot, Albert Deß, Diane Dodds, Jørn Dohrmann, Herbert Dorfmann, Norbert Erdős, Luke Ming Flanagan, Martin Häusling, Anja Hazekamp, Esther Herranz García, Jan Huitema, Peter Jahr, Ivan Jakovčić, Jarosław Kalinowski, Elisabeth Köstinger, Zbigniew Kuźmiuk, Philippe Loiseau, Giulia Moi, Ulrike Müller, James Nicholson, Maria Noichl, Laurenţiu Rebega, Jens Rohde, Bronis Ropė, Czesław Adam Siekierski, Tibor Szanyi, Marc Tarabella, Marco Zullo

Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali

Franc Bogovič, Angélique Delahaye, Stefan Eck, Jonás Fernández, Julie Girling, Karin Kadenbach, Norbert Lins, Florent Marcellesi, John Procter, Vladimir Urutchev, Miguel Viegas

Sostituti (skont l-Artikolu 200(2)) preżenti għall-votazzjoni finali

Pilar Ayuso, Stanislav Polčák, Damiano Zoffoli

Avviż legali