Proċedura : 2016/2078(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A8-0014/2017

Testi mressqa :

A8-0014/2017

Dibattiti :

PV 13/03/2017 - 17
CRE 13/03/2017 - 17

Votazzjonijiet :

PV 14/03/2017 - 6.1
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P8_TA(2017)0065

RAPPORT     
PDF 745kWORD 135k
1.2.2017
PE 589.295v02-00 A8-0014/2017

dwar sjieda responsabbli u kura tal-ekwidi

(2016/2078(INI))

Kumitat għall-Agrikoltura u l-Iżvilupp Rurali

Rapporteur: Julie Girling

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW
 NOTA SPJEGATTIVA
 RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT RESPONSABBLI

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW

dwar sjieda responsabbli u kura tal-ekwidi

(2016/2078(INI))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 39, 42 u 43 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) dwar il-funzjonament tal-politika agrikola komuni u tal-politika komuni tas-sajd,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 114 tat-TFUE dwar l-istabbiliment u l-funzjonament tas-suq uniku,

–  wara li kkunsidra l-Protokoll Nru 2 tat-TUE dwar l-applikazzjoni tal-prinċipji ta' sussidjarjetà u proporzjonalità,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 168(4)(b) tat-TFUE dwar miżuri fil-qasam veterinarju u f'dak fitosanitarju li l-objettiv dirett tagħhom huwa l-protezzjoni tas-saħħa pubblika,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 13 tat-TFUE, li jistabbilixxi li, fil-formulazzjoni u l-implimentazzjoni tal-politiki tal-Unjoni dwar l-agrikoltura, is-sajd, it-trasport, is-suq intern, ir-riċerka u l-iżvilupp teknoloġiku u l-ispazju, l-Unjoni u l-Istati Membri għandhom, billi l-annimali huma esseri sensibbli, iqisu bis-sħiħ il-ħtiġijiet tat-trattament xieraq tal-annimali, filwaqt li jirrispettaw id-dispożizzjonijiet leġiżlattivi jew amministrattivi u d-drawwiet tal-Istati Membri li għandhom x'jaqsmu, b'mod partikolari, mar-riti reliġjużi, it-tradizzjonijiet kulturali u l-wirt reġjonali,

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE) 2016/429 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta' Marzu 2016 dwar il-mard trasmissibbli tal-annimali u li jemenda u jħassar ċerti atti fil-qasam tas-saħħa tal-annimali ('Liġi dwar is-Saħħa tal-Annimali')(1),

–  wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2005 tat-22 ta' Diċembru 2004 dwar il-protezzjoni tal-annimali waqt it-trasport u operazzjonijiet relatati u li jemenda d-Direttivi 64/432/KEE u 93/119/KE u r-Regolament (KE) Nru 1255/97(2),

–  wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1099/2009 tal-24 ta' Settembru 2009 dwar il-protezzjoni tal-annimali waqt il-qatla(3),

–  wara li kkunsidra d-Direttiva tal-Kunsill 98/58/KE tal-20 ta' Lulju 1998 dwar il-ħarsien ta' annimali miżmuma għal skopijiet ta' biedja(4),

–  wara li kkunsidra r-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/262 tas-17 ta' Frar 2015 li jistabbilixxi regoli skont id-Direttivi tal-Kunsill 90/427/KEE u 2009/156/KE fir-rigward tal-metodi għall-identifikazzjoni tal-equidae (Regolament dwar il-Passaport Ekwin)(5),

–  Regolament (UE) 2016/1012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-8 ta' Ġunju 2016 dwar il-kondizzjonijiet żootekniċi u ġenealoġiċi għat-tnissil, kummerċ u dħul fl-Unjoni ta' annimali ta' razza pura għat-tnissil, ħnieżer tat-tnissil ibridi u tal-prodotti ġerminali tagħhom u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 652/2014, id-Direttivi tal-Kunsill 89/608/KEE u 90/425/KEE u jħassar ċerti atti fil-qasam tat-tnissil tal-annimali ("ir-Regolament dwar it-Tnissil tal-Annimali"),

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 1305/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 2013 dwar appoġġ għall-iżvilupp rurali mill-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (FAEŻR) u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1698/2005(6),

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 1306/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 2013 dwar il-finanzjament, il-ġestjoni u l-monitoraġġ tal-politika agrikola komuni u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nru 352/78, (KE) Nru 165/94, (KE) Nru 2799/98, (KE) Nru 814/2000, (KE) Nru 1290/2005 u (KE) Nru 485/2008(7),

–  wara li kkunsidra s-sentenza fil-kawża C-424/13, Zuchtvieh-Export GmbH vs Stadt Kempten, tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea tat-23 ta' April 2015,

–  wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni bit-titolu "Ewropa 2020: Strateġija għal tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklussiv" (COM(2010)2020),

–  wara li kkunsidra r-Regolament ta' Implimentazzjoni Nru 1337/2013 li jistipula r-regoli għall-applikazzjoni tar-Regolament (UE) Nru 1169/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-indikazzjoni tal-pajjiż ta' oriġini jew tal-post ta' provenjanza għal laħam frisk, imkessaħ jew iffirżat tal-majjal, tan-nagħaġ, tal-mogħoż u tat-tjur,

–  wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni bit-titolu "L-Ewropa, l-ewwel destinazzjoni turistika fid-dinja - qafas politiku ġdid għat-turiżmu Ewropew" (COM(2010)0352),

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-istudju EDUCAWEL tal-Kummissjoni(8),

–  wara li kkunsidra l-prinċipju tas-sussidjarjetà u dak tal-proporzjonalità,

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tal-Annimali li Jinżammu għal Skopijiet ta' Biedja,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 52 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Agrikoltura u l-Iżvilupp Rurali (A8-0014/2017),

A.  billi s-settur tal-ekwidi fi ħdan l-UE għandu valur ta' aktar minn EUR 100 biljun fis-sena(9) u kien jammonta għal fatturat totali addizzjonali ta' EUR 27.3 biljun fil-logħob tal-imħatri fl-2013 biss, li minnhom EUR 1.1 biljun marru għand il-gvernijiet tal-Istati Membri(10);

B.  billi l-industrija tal-isports ekwestri waħedha toħloq madwar 900 000 impjieg, ħamsa sa seba' ekwidi joħolqu impjieg wieħed full-time, u dawk l-impjiegi, li ma jistgħux jiġu rrilokati, jinsabu f'dawk li issa huma żoni rurali ekonomikament vulnerabbli;

C.  billi s-settur tal-ekwidi jissodisfa l-objettivi tal-politika tal-iżvilupp rurali tal-UE, li hija bbażata fuq il-vijabilità agrikola, il-ġestjoni sostenibbli tar-riżorsi naturali u l-promozzjoni tal-inklużjoni soċjali fil-komunitajiet rurali; billi l-ekwidi għadhom ferm użati fl-agrikoltura, filwaqt li qed jinstabu użijiet ġodda, bħalma hi l-produzzjoni tal-ħalib tal-ħmir, kif ukoll opportunitajiet u benefiċċji ġodda għall-iżvilupp ulterjuri ta' dawn il-prodotti għall-produtturi u għall-konsumaturi;

D.  billi s-settur tal-ekwidi qed jaqdi rwol attiv biex jintlaħqu l-objettiv tal-istrateġija Ewropa 2020 li ġġib tkabbir sostenibbli bbażat kemm fuq ekonomija aktar ħadra u kemm fuq it-tkabbir inklużiv, u billi s-settur tal-ekwidi hu importanti minħabba l-kontribuzzjoni vitali tiegħu lejn l-iżvilupp ambjentali, ekonomiku u soċjali fiż-żoni rurali;

E.  billi l-Unjoni Ewropea hija l-akbar suq għall-industrija tal-isports ekwestri globalment(11);

F.  billi s-7 miljun ekwidu li huma stmati li hemm fl-UE jwettqu rwoli li jvarjaw bil-kbir, b'relazzjoni antikissima mal-umanità, mill-annimali tal-kompetizzjoni u l-annimali tar-rikreazzjoni għall-annimali tax-xogħol fit-trasport, fit-turiżmu, fit-terapiji komportamentali, ta' riabilitazzjoni u ta' edukazzjoni, fl-isport, fl-edukazzjoni, fil-forestrija u fl-agrikoltura, annimali għejun ta' ħalib u laħam, annimali tar-riċerka, u annimali selvaġġi u annimali semiselvaġġi; billi dawn l-ekwidi jgħinu wkoll biex tinżamm il-bijodiversità u s-sostenibilità rurali u jistgħu jwettqu għadd minn dawn ir-rwoli matul ħajjithom;

G.  billi s-sjieda responsabbli u l-kura tal-ekwidi jibdew bl-attenzjoni xierqa għall-kundizzjonijiet tas-saħħa u l-benesseri tal-annimali, u billi l-kwistjonijiet tal-benesseri għandhom għaldaqstant ikunu ċentrali għall-attivitajiet kollha tal-ekwidi; billi l-ambjent regolatorju fil-livell tal-UE ivarja fost l-Istati Membri, u billi l-leġiżlazzjoni eżistenti tiġi implimentata b'mod differenti fi ħdan l-UE, sitwazzjoni li twassal għal distorsjoni tal-kompetizzjoni u deterjorament fit-trattament xieraq tal-annimali;

H.  billi l-ekwidi huma l-aktar annimali li jinġarru fl-Ewropa fi proporzjon mal-popolazzjoni tagħhom(12), u billi l-ħinijiet tat-trasport tal-annimali huma ta' tħassib serju għaċ-ċittadini tal-UE, li jitolbu b'insistenza ħinijiet tat-trasport iqsar, peress li l-ekwidi ġieli jinġarru ġewwa u barra mill-UE f'vetturi li mhumiex adattati għall-ġarr tal-ekwidi fuq distanzi twal bit-triq, bil-baħar u bl-ajru qabel ma jaslu fid-destinazzjoni finali tagħhom;

I.  billi d-data dwar il-movimenti tal-ekwidi għal finijiet kummerċjali tiġi rreġistrata permezz tas-sistema kompjuterizzata veterinarja integrata (Trade Control and Expert System - TRACES), iżda din id-data tiġi ppubblikata biss darba fis-sena u b'dewmien ta' sentejn mir-reġistrazzjoni tad-data;

J.  billi d-data faċilment disponibbli tista' tgħin lill-awtoritajiet kompetenti u lil organizzazzjonijiet oħra jimmonitorjaw aħjar l-effetti tas-saħħa tal-annimali u jinvestigaw l-indikazzjonijiet sussegwenti ta' bijosigurtà ħażina;

K.  billi ma hemmx biżżejjed data disponibbli li tikkwantifika direttament kemm hemm ekwidi li jaħdmu li qegħdin jintużaw f'azjendi tal-biedja żgħar u semisussistenti, li 86 % minnhom jinsabu fl-Istati Membri aktar ġodda, kif ukoll fit-turiżmu;

L.  billi l-Organizzazzjoni Dinjija għas-Saħħa tal-Annimali (OIE) adottat linji gwida li jikkonċernaw lill-ekwidi tax-xogħol f'Mejju 2016(13) fir-rigward tal-osservazzjoni tal-ħames libertajiet fundamentali tal-annimali, jiġifieri l-libertà mill-ġuħ, mill-għatx u mill-malnutrizzjoni; mill-biża' u mit-trawmi; mill-iskumdità fiżika u termali; mill-uġigħ, mill-korriment u mill-mard; u l-libertà li jesprimu imġiba (l-aktar) normali;

M.  billi l-ekwidi jipprovdu impjiegi u dħul siewja lil-lokalitajiet u liż-żoni rurali mill-agrikoltura, mill-attivitajiet ekwestri u mit-turiżmu li ma jistgħux jiġu rilokati, iżda l-benessri ta' ċerti ekwidi tiġi kompromessa u spiss jagħti l-każ li t-turisti ma jkunux infurmati biżżejjed biex jidentifikaw kwistjonijiet tat-trattament xieraq tal-annimali u jikkoreġu l-problema(14);

N.  billi t-tikketti tal-benesseri introdotti mill-industrija jistgħu jgħinu biex jiġi żgurat li l-attivitajiet jitwettqu kif suppost u li l-pubbliku jingħata l-informazzjoni meħtieġa;

O.  billi t-tnissil bla limitu, indiskriminat u irresponsabbli tal-ekwidi jista' jwassal għal annimali li ma jkollhomx valur ekonomiku u li sikwit jitħallew bi problemi serji ta' benesseri, b'mod partikolari matul perjodu ta' tnaqqis fir-ritmu ekonomiku; billi l-Parlament u l-Kunsill riċentement adottaw leġiżlazzjoni li tarmonizza r-regoli dwar il-kundizzjonijiet żootekniċi u dawk ġenealoġiċi għat-tnissil ta' razzez puri għat-tnissil, li jinkludu l-ekwidi, bl-objettivi li s-settur tat-tnissil tal-UE isir iktar kompetittiv u organizzat aħjar u li tittejjeb l-informazzjoni disponibbli dwar it-tnissil ta' razzez puri u dwar pura tat-tnissil fuq it-tnissil ta' annimali ta' razza pura u dwar l-annimali ta' razza pura għat-tnissil, b'mod partikolari l-ekwidi;

P.   billi l-abbandun tal-ekwidi żdied mill-2008 'l hawn fl-Istati Membri tal-Punent, speċjalment fejn dawn l-ekwidi saru lussu għali, u għaldaqstant jikkostitwixxu piż finanzjarju mill-akbar, aktar milli għajn ta' dħul; billi ma kien hemm l-ebda reazzjoni adegwata u sodisfaċenti għal din il-problema mill-Kummissjoni u mill-Istati Membri;

Q.  billi l-biċċa l-kbira tal-każijiet ta' dan l-aġir jista' jiġi assenjat lil sidien privati u ma jirrappreżentawx il-maġġoranza tas-settur professjonali taż-żwiemel fl-Ewropa;

R.  billi l-ekwidi huma annimali soċjali b'kapaċitajiet konjittivi u b'rabtiet affiljattivi qawwija, u billi huma użati f'firxa ta' programmi edukattivi u ta' taħriġ kif ukoll fi programmi ta' terapija u rijabilitazzjoni, inkluż f'każijiet ta' disturbi tal-ispettru awtistiku, il-paraliżi ċerebrali, aċċident ċerebrovaskulari, diżabilitajiet u diffikultajiet tat-tagħlim jew lingwistiċi, riabilitazzjoni tat-trasgressuri, psikoterapija, disturbi minn stress postrawmatiku u vizzji;

S.  billi s-sidien qed iħabbtu wiċċhom ma' deċiżjonijiet diffiċli meta ma jkunux għadhom kapaċi jieħdu ħsieb biżżejjed lill-ekwidi tagħhom, parzjalment minħabba l-ispejjeż veterinarji għolja, u billi f'xi Stati Membri l-ewtanasja hija wisq spiss l-ewwel rikors, u wieħed għali, għal sidien li m'għadhomx kapaċi jġarrbu l-ispiża tal-kura veterinarja u l-ispiża tal-iżgurar tat-ħtiġijiet għall-benesseri tal-ekwidu; billi f'xi Stati Membri oħra l-ekwidi jistgħu jiġu ewtanizzati biss fejn hemm il-ħtieġa veterinarji immedjata ċara, irrispettivament mill-benessri fit-tul tal-annimal ikkonċernat;

T.  billi f'ħafna pajjiżi barra mill-Unjoni l-ekwidi mhumiex meqjusa li huma annimali li jipproduċu l-ikel, u billi l-laħam ekwin huwa impurtat b'rutina minn dawn il-pajjiżi biex jinbiegħ u jiġi introdott fis-suq tal-UE; billi din is-sitwazzjoni tagħti lok għal kwistjonijiet ta' benesseri u distorsjonijiet tal-kompetizzjoni minħabba li, għalissa, l-UE ma tippermettix li laħam minn żwiemel Ewropej li ma kinux oriġinarjament maħsuba għall-produzzjoni tal-laħam u għall-qatla jidħol fil-katina tal-ikel tal-bnedmin, filwaqt li hija permessa aktar flessibilità għal-laħam importat minn pajjiżi terzi;

1.  Jirrikonoxxi l-kontribut ekonomiku, ambjentali u soċjali konsiderevoli li jagħmlu l-ekwidi fl-UE kollha u l-valuri kulturali u edukattivi direttament relatati magħhom, bħalma huma r-rispett għall-annimali u għall-ambjent;

2.   Jirrimarka li l-ekwidi kulma jmur qed jintużaw aktar u aktar għal finijiet edukattivi, sportivi, terapewtiċi u ta' rikreazzjoni f'azjendi agrikoli minn bdiewa li qed ifittxu li jiddiversifikaw l-attivitajiet tagħhom u jwessgħu l-bażi tad-dħul tagħhom, u jenfasizza li l-preżenza tal-ekwidi taġevola l-multifunzjonalità għal impriża tal-biedja, ħaġa li twassal biex tingħata spinta lill-impjieg fiż-żoni rurali u tikkontribwixxi għall-iżvilupp ta' relazzjonijiet urbani-rurali, u għas-sostenibilità u l-koeżjoni lokali;

3.  Jitlob li jkun hemm rikonoxximent akbar fil-livell tal-UE tas-settur tal-ekwidi, u tal-benefiċċji tiegħu għall-ekonomija rurali, li jagħti kontribut sinifikanti għall-objettivi strateġiċi u ġenerali tal-UE, u li jiġi inkorporat b'mod aktar wiesa' fid-diversi komponenti tal-PAK, inkluża l-għajnuna diretta taħt l-ewwel pilastru jew taħt it-tieni pilastru;

4.  Jinnota li stat tajjeb tas-saħħa u tal-benessri tal-ekwidi jagħti spinta lill-produzzjoni ekonomika kemm tal-azjendi tal-biedja u kemm tan-negozji u huwa ta' benefiċċji għall-ekonomija rurali ġenerali, filwaqt li jissodisfa wkoll id-domanda dejjem tikber taċ-ċittadini tal-UE għal standards ogħla tas-saħħa u tal-benesseri tal-annimali;

5.  Jistieden lill-Kummissjoni tirrikonoxxi l-istatus ta' annimali ħaddiema għall-ekwidi bħala għodda importanti fl-attivitajiet agrikoli fiż-żoni rurali tal-Ewropa, speċjalment fiż-żoni muntanjużi u fiż-żoni li diffiċli jintlaħqu;

6.  Jenfasizza li s-sidien tal-ekwidi għandu jkollhom livell minimu ta' għarfien dwar it-trobbija tal-ekwidi, u li s-sjieda ġġib magħha responsabilità personali għall-istandard tas-saħħa u t-trattament xieraq tal-annimali fil-kura tagħhom;

7.  Jenfasizza li l-iskambju tal-għarfien bejn is-sidien tal-ekwidi, iżda wkoll bejn l-Istati Membri, għandu jkun għodda importanti biex dawn il-bżonnijiet jiġu ssodisfati, u jinnota li flimkien mal-għarfien xjentifiku ġdid, l-iżviluppi leġiżlattivi u l-metodi ta' tagħlim ġodda li qed jitfaċċaw, il-professjonisti li jaħdmu fis-settur tal-ekwidi tejbu l-metodi ta' ħidma tagħhom b'tali mod li tejbu l-benesseri tal-ekwidi;

8.  Jinnota li l-biċċa l-kbira tas-sidien tal-ekwidi u ta' dawk li jieħdu ħsieb l-ekwidi jġibu ruħhom b'mod responsabbli; jenfasizza li l-promozzjoni akbar tal-benesseri tal-annimali tikkostitwixxi l-aħjar opportunità biex ta' suċċess fi ħdan il-qafas ta' sistemi ta' produzzjoni li huma ekonomikament vijabbli;

9.  Jinnota li l-professjonisti jeħtieġu jibqgħu ekonomikament vijabbli filwaqt li jwieġbu b'mod effettiv għall-isfidi l-ġodda bħalma huma r-riżorsi naturali limitati, l-effetti tal-bidla fil-klima u t-tfaċċar u t-tixrid ta' mard ġdid;

10.  Iħeġġeġ lill-Istati Membri joħolqu ambjent li fih in-negozji fl-azjendi tal-biedja jkunu vijabbli;

11.  Jenfasizza, b'referenza għall-10 prinċipji tal-OIE, l-importanza taċ-Ċentri ta' Referenza għat-Trattament Xieraq tal-Annimali li jmiss għal livelli mtejba ta' konformità sħiħa mal-leġiżlazzjoni, u għall-infurzar konsistenti tal-leġiżlazzjoni, flimkien mat-tixrid tal-informazzjoni u l-aqwa prattika marbuta mat-trattament xieraq tal-annimali;

12.  Jistieden lill-Kummissjoni tikkummissjona studju tal-Eurostat biex jiġi analizzat l-impatt ekonomiku, ambjentali u soċjali tal-aspetti kollha tas-settur tal-ekwidi tas-settur u biex tiġi pprovduta data statistika fuq bażi regolari dwar l-użu tas-servizzi, it-trasport u l-qatla tal-ekwidi;

13.  Jistieden lill-Kummissjoni tiżviluppa Linji Gwida Ewropej dwar il-Prattika Tajba fis-Settur l-Ekwidi għal diversi utenti u speċjalisti, imfassla f'konsultazzjoni mal-partijiet ikkonċernati u mal-organizzazzjonijiet mis-settur tal-ekwidi u msejsa fuq gwidi eżistenti, inkluża konċentrazzjoni fuq it-trattament xieraq u l-kura tal-imġiba speċifiċi għall-ispeċijiet, minbarra l-kura fi tmiem il-ħajja;

14.  Jistieden lill-Kummissjoni tiżgura l-applikazzjoni ugwali tal-Linji Gwida tal-UE u tirrilaxxa r-riżorsi għat-traduzzjoni ta' dan id-dokument;

15.  Jistieden lill-Kummissjoni tħeġġeġ u tiġbor l-iskambji tal-prattiki tajba u l-programmi edukattivi ta' Stati Membri differenti f'dak li hu t-trattament xieraq tal-annimali u tappoġġja l-produzzjoni u t-tixrid ta' din l-informazzjoni dwar kif għandhom jiġu ssodisfati l-ħtiġijiet tal-ekwidi, hu x'inhu r-rwol tagħhom, abbażi tal-"ħames libertajiet" u b'tali mod li tiġi koperta t-totalità tal-ħajja tal-ekwidu;

16.  Jistieden lill-Kummissjoni biex, meta tkun qed tistabbilixxi l-Linji Gwida Ewropej tagħha dwar il-Prattika Tajba fis-Settur tal-Ekwidi, tqis ir-rwol multifunzjonali tal-ekwidi billi tinkludi gwida dwar it-tnissil responsabbli, is-saħħa u l-benessri tal-annimali u l-benefiċċji tal-isterilizzazzjoni tal-ekwidi, tax-xogħol tal-ekwidi fit-turiżmu, fl-agrikoltura u fil-forestrija, it-trasport u l-qatla adatti għall-ispeċi u l-protezzjoni kontra prattiki frodulenti, inklużi d-doping, u jirrakkomanda li din il-gwida titqassam, b'kollaborazzjoni mal-organizzazzjonijiet agrikoli professjonali rappreżentattivi rikonoxxuti mill-UE, fost in-nissiela, is-soċjetajiet tal-ekwidi, l-azjendi tal-biedja, l-istalel, is-santwarji, it-trasportaturi u l-biċċeriji tal-ekwidi, u li tkun aċċessibbli f'varjetà ta' formati u lingwi;

17.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jappoġġjaw il-ħidma tal-European Horse Network (Netwerk Ewropew taż-Żwiemel) u tal-European State Stud Association (Assoċjazzjoni Ewropea taż-Żwiemel għar-Razza tal-Istat), billi dawn għandhom rwol importanti x'jaqdu fl-iżvilupp tas-settur Ewropew taż-żwiemel billi jservi bħala pjattaforma għall-iskambju tal-aħjar prattiki u billi jippreservaw it-tradizzjonijiet, il-ħiliet u l-għarfien, ir-razez antiki ta' żwiemel u l-impatt tas-settur;

18.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tespandi r-riżorsi edukattivi tagħha dwar it-trattament xieraq tal-annimali fl-azjendi tal-biedja, diretti kemm lejn l-ispeċjalisti li għandhom kuntatt dirett mal-ekwidi, bħalma huma l-kirurgi veterinarji, in-nissiela tal-annimali u s-sidien taż-żwiemel, u kemm lejn ċirku usa' ta' utenti, sabiex tinkludi t-trattament xieraq u t-tnissil tal-ekwidi, filwaqt li tenfasizza l-importanza tat-taħriġ u tal-informazzjoni, permezz tas-Sistema Konsultattiva għall-Azjendi tal-Biedja;

19.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jutilizzaw ukoll skemi ta' trasferiment tal-għarfien biex jikkondividu l-aħjar prattiki u mudelli tan-negozju, iqajmu kuxjenza dwar kwalunkwe kwistjoni u jrawmu l-innovazzjoni u ideat ġodda; jinnota li f'xi Stati Membri diġà jeżistu skemi ta' trasferiment tal-għarfien fis-settur tal-ekwidi;

20.  Jistieden lill-Kummissjoni terġa' timpenja ruħha għall-iżvilupp ta' Karta Ewropea għal Turiżmu Sostenibbli u Responsabbli, bit-tixrid ta' informazzjoni ċara maħsuba biex tgħin lit-turisti u lill-partijiet ikkonċernati jagħmlu għażliet li jiffavorixxu t-trattament xieraq tal-annimali meta jiġu biex jiddeċiedu jekk jużawx jew le s-servizzi tal-ekwidi li jintużaw għax-xogħol; jenfasizza li din il-karta għandha tkun ibbażata fuq karti ta' kwalità eżistenti li jkunu ġew stabbiliti minn organizzazzjonijiet agrikoli rappreżentattivi u professjonali rikonoxxuti, u jinnota li, filwaqt li xi Stati Membri għandhom linji gwida stretti għall-kundizzjonijiet tax-xogħol u għas-sigħat tax-xogħol, protezzjoni bħal din hija nieqsa fi Stati Membri oħra;

21.  Jistieden lill-Kummissjoni toħroġ gwida għall-Istati Membri dwar mudelli ta' turiżmu li jħarsu l-benesseri tal-annimali fir-rigward tal-ekwidi li jintużaw għax-xogħol;

22.  Iħeġġeġ lill-Istati Membri jistabbilixxu linji gwida volontarja għall-forza tax-xogħol, inklużi l-ħinijiet tax-xogħol u l-perjodi tal-mistrieħ ta' kuljum biex jipproteġu lill-ekwidi li jintużaw għax-xogħol mix-xogħol żejjed u mill-isfruttament ekonomiku;

23.  Jistieden lill-Kummissjoni tagħmel id-data minn TRACES disponibbli għall-pubbliku ferm aktar malajr milli hu l-każ fil-preżent;

24.   Jenfasizza li l-leġiżlazzjoni eżistenti tal-UE dwar il-protezzjoni tal-annimali waqt it-trasport u operazzjonijiet relatati hija intiża biex tipproteġi lill-annimali mill-korriment u t-tbatija, u biex tiżgura li l-annimali jiġu trasportati b'konformità ma' kundizzjonijiet u perjodi ta' żmien xierqa, u jinsab imħasseb dwar in-nuqqasijiet fl-infurzar tal-leġiżlazzjoni tal-UE dwar it-trasport fir-rigward tat-trattament xieraq tal-annimali minn ħafna awtoritajiet ta' Stati Membri;

25.  Jistieden lill-Kummissjoni tiżgura l-applikazzjoni xierqa u l-infurzar effettiv u uniformi tal-leġiżlazzjoni eżistenti tal-UE dwar it-trasport tal-annimali kif ukoll ir-rappurtar ġuridikament vinkolanti madwar fl-Istati Membri kollha;

26.  Jistieden lill-Istati Membri li jesportaw lill-ekwidi jsibu modi kif jinkoraġġixxu l-qatla fi ħdan it-territorju tagħhom ħalli jevitaw, fejn possibbli, it-trasport ta' ekwidi ħajjin, u jistieden lill-Kummissjoni tistabbilixxi mekkaniżmu għall-monitoraġġ effettiv tal-konformità mad-dispożizzjonijiet leġiżlattivi u regolatorji kemm fl-ambitu kemm tal-qafas ġuridiku futur u kemm ta' dak attwali;

27.  Jitlob li l-Kummissjoni tipproponi limitu massimu iqsar għaċ-ċaqliq kollu taż-żwiemel għall-qatla, abbażi tas-sejbiet tal-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel u abbażi tal-gwidi tat-trasport għall-ekwidi prodotti minn professjonisti tal-industrija, filwaqt li tqis il-karatteristiċi speċifiċi tal-industriji ekwini tal-pajjiżi differenti;

28.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jfasslu linji gwida biex jifformulaw gwida u jiffaċilitaw u jsaħħu r-riċerka xjentifika u jimplimentaw ir-riċerka eżistenti dwar it-trattament xieraq tal-ekwidi fil-ħin tal-qatla sabiex jiżviluppaw metodi ta' qatla mingħajr krudeltà aktar adattati għal ekwidi, u biex iqassmu dawn id-dokumenti ta' gwida fost l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri;

29.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jimpenjaw ruħhom bis-sħiħ u b'mod xieraq biex iwettqu spezzjonijiet u jmexxu verifiki regolari tal-biċċeriji fit-territorju tagħhom li huma liċenzjati biex jieħdu l-ekwidi, biex jiġi żgurat li huma kapaċi jissodisfaw il-ħtiġijiet speċifiċi ta' trattament xieraq tal-ekwidi, b'mod partikolari f'dawk li huma faċilitajiet u kwalifiki tal-persunal;

30.  Jistieden lill-Kummissjoni timpenja ruħha sabiex tiżviluppa indikaturi vvalidati tat-trattament xieraq tal-annimali, li jenħtieġ li jintużaw biex jiġi vvalutat it-trattament xieraq tal-ekwidi, jiġu identifikati l-problemi eżistenti u ikunu jistgħu jiġu xprunati t-titjibiet, filwaqt li jiġu żgurati l-implimentazzjoni u l-benefiċċji prattiċi għas-settur, u jqis li huwa importanti li jiġu inklużi l-partijiet ikkonċernati li jkunu implimentaw għodod simili madwar l-UE kollhs, u taħdem b'kooperazzjoni mill-qrib ma' rappreżentanti tal-organizzazzjonijiet professjonali miss-settur l-ekwidi fil-proċess tal-istabbiliment tal-indikaturi tat-trattament xieraq tal-annimali;

31.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex iħeġġu lis-sidien taż-żwiemel li jiffurmaw assoċjazzjonijiet;

32.  Jenfasizza l-importanza tat-trattament uman u tat-trattament xieraq tal-ekwidi, u l-prinċipju li imkien u taħt l-ebda ċirkostanza ma għandu jiġi ttollerat kwalunkwe trattament krudil u abbużiv min-naħa ta' kwalunkwe sid, ħarrieġ, mozz jew persuna oħra;

33.  Jistieden lill-Istati Membri japplikaw leġiżlazzjoni aktar stretta fir-rigward tat-trattament ħażin u l-abbandun tal-annimali, inklużi miżuri straordinarji biex jiġġieldu lill-abbandun, u biex jinvestigaw bis-sħiħ u kif jixraq rapporti ta' prattiki inumani ksur mil-lat tat-trattament xieraq fil-konfront tal-ekwidi;

34.  Jinnota li jeżistu differenzi bejn l-ispeċijiet tal-ekwidi u differenzi bħal dawn ibiddlu l-ħtiġijiet ta' trattament xieraq, inklużi dawk li jirrigwardaw il-kura fi tmiem il-ħajja u l-ħtiġijiet għall-qatla;

35.  Jistieden lill-Kummissjoni twettaq studju u tiddokumenta dawn id-differenzi u toħroġ linji gwida speċifiċi għall-ispeċijiet biex tiżgura li l-istandards tat-trattament xieraq jinżammu;

36.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jappoġġjaw ir-riċerka u l-iżvilupp dwar sistemi ta' trobbija tal-annimali adattati għall-ispeċijiet fis-settur tal-ekwidi, filwaqt li jqisu l-imġiba naturali tal-ekwidi bħala annimali tal-merħla b'tendenza li jaħarbu;

37  Jistieden lill-Kummissjoni tipprijoritizza proġett pilota li jeżamina l-użu ta' skemi ta' finanzjament ġodda u eżistenti li jippremjaw l-eżiti tajbin ta' trattament xieraq għall-ekwidi li jintużaw għax-xogħol, inklużi dawk f'azjendi tal-biedja żgħar u semisussistenti;

38.  Jistieden lill-Istati Membri jiżguraw li r-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/262 (Regolament dwar il-Passaport Ekwin) jiġi implimentat b'mod sħiħ u kif suppost;

39.  Jinnota li l-prezz tal-mediċini veterinarji, l-ispiża tar-rimi tal-karkassa u l-ispiża tal-ewtanażja, fejn din tkun permessa, jistgħu jservu, minnhom infushom, ta' ostakolu għat-temma tal-ħajja tal-ekwidu, sitwazzjoni li twassal għal tbatija mtawla;

40.  Jistieden lill-Istati Membri jinvestigaw rapporti ta' prattiki inumani waqt l-ewtanażja u ta' ksur tat-trattament xieraq bħalma hu l-użu impropju tad-drogi u jirrappurtaw il-vjolazzjonijiet lill-Kummissjoni;

41.  Jirrikonoxxi t-tkabbir tal-produzzjoni tal-ħalib tal-ħmara u tad-debba, u jistieden lill-Kummissjoni toħroġ gwida dwar il-biedja għat-trobbija tal-ħmir u tad-dwieb għall-ħalib;

42.  Jistieden lill-Istati Membri biex, b'kooperazzjoni ma' organizzazzjonijiet agrikoli professjonali, rappreżentattivi u rikonoxxuti, jagħmlu impenn li jżidu l-għadd ta' spezzjonijiet fuq l-azjendi tal-biedja li jrabbu l-ħmir u d-dwieb għall-ħalib;

43.   Jesprimi tħassib serju dwar l-importazzjoni u l-użu ta' prodotti mediċinali veterinarji li fihom il-Gonadotrofina tas-Seru ta' Debba Tqila (Pregnant Mare Serum Gonadotropin - PMSG);

44.  Jistieden lid-Direttorat għall-Awditi u l-Analiżi tal-Ikel u tas-Saħħa tal-Kummissjoni jispezzjona lill-produtturi ċċertifikati tal-ormoni tal-PMSG, permezz ta' verifiki, għall-konformità mad-dispożizzjonijiet dwar it-trattament xieraq tal-annimali waqt il-produzzjoni u jinvestiga u jipproduċi rapport dwar il-benesseri u t-trattament tad-dwieb li jintużaw għall-ġbir tal-ormoni għall-użu fl-industrija farmaċewtika;

45.  Jenfasizza li sistema fiskali ġusta, adattata għall-bżonnijiet differenti ta' kull Stat Membru, li tippermetti lill-bdiewa professjonali tal-ekwidi jiġġeneraw id-dħul meħtieġ sabiex isostnu l-attività ekonomika fl-azjendi tal-biedja ekwestri Ewropej, għadha mhijiex fis-seħħ;

46.  Jinnota li sistema fiskali aktar ġusta għas-settur ekwin tkun tippermetti lis-settur jopera taħt kundizzjonijiet ekwi, iżżid it-trasparenza tal-attivitajiet relatati mal-ekwidi u b'hekk tiġi miġġielda l-frodi u jiġu indirizzati kwistjonijiet tal-ekonomija griża u l-bdiewa professjonali li jrabbu ż-żwiemel ikunu jistgħu jiġġeneraw id-dħul meħtieġ sabiex isostnu l-attività ekonomika tagħhom;

47.  Huwa tal-fehma li jenħtieġ li l-liġi tal-VAT li tapplika għas-settur ekwin tiġi ċċarata waqt ir-reviżjoni li ġejja tad-Direttiva dwar il-VAT sabiex jitħeġġeġ l-iżvilupp ta' settur ekwin li jkun orjentat lejn it-tkabbir u l-impjiegi;

48.  Jistieden lill-Kummissjoni tieħu azzjoni sabiex tippermetti lill-Istati Membri aktar flessibilità fl-iffissar ta' rata mnaqqsa tal-VAT għall-attivitajiet kollha fl-industrija, u jemmen li jenħtieġ li din il-kjarifika tirriżulta fl-istabbiliment ta' qafas uniformi, affidabbli u b'miri speċifiċi għal rati mnaqqsa tal-VAT li ser iħalli lill-Istati Membri biżżejjed libertà biex ifasslu qafas tal-politiki fiskali tagħhom stess;

49.  Jenfasizza d-differenzi fir-rekwiżiti tas-saħħa applikabbli għal-laħam taż-żiemel prodott fl-Ewropa u dak li jiġi importat minn pajjiżi terzi;

50.  Ifakkar fil-ħtieġa li tiġi stabbilita traċċabilità effikaċi tal-laħam taż-żiemel, u jenfasizza li huwa mixtieq li jkun hemm livell ekwivalenti tar-rekwiżiti tas-sikurezza tal-ikel u tas-saħħa u konformità tal-importazzjoni għall-konsumatur Ewropew tkun xi tkun l-oriġini tal-laħam taż-żiemel ikkunsmat;

51.  Jistieden lill-Kummissjoni tieħu azzjoni biex treġġa' għal li kien il-bilanċ bejn il-livell ta' rekwiżiti fi ħdan l-UE u dak li għalih qed jitwettqu kontrolli fil-fruntieri, filwaqt li tħares is-saħħa tal-konsumatur;

52.  Jistieden għalhekk lill-Kummissjoni tagħmel mandatarja l-indikazzjoni tal-pajjiż ta' oriġini għal prodotti kollha tal-laħam taż-żiemel ipproċessat;

53.  Jistieden lill-Kummissjoni żżid l-għadd ta' verifiki mwettqa f'biċċeriji barra mill-Unjoni li huma awtorizzati għall-esportazzjoni tal-laħam ekwin lejn l-UE, u tissospendi kundizzjonalment l-importazzjoni tal-laħam ekwin prodott f'pajjiżi terzi li ma jissodisfawx ir-rekwiżiti tal-UE għat-traċċabilità u s-sikurezza tal-ikel;

54.  Jenfasizza l-ħtieġa li jitneħħa t-tabù minn fuq tmiem il-ħajja tal-ekwidi; iqis li l-aġevolar ta' tmiem il-ħajja ta' żiemel ma jeskludix li dan jiddaħħal fil-katina tal-ikel;

55.  Jistieden lill-Kummissjoni tagħti attenzjoni partikolari lill-kura fi tmiem il-ħajja għall-ekwidi, inkluż l-istabbiliment tal-livelli massimi ta' residwi (MRLs) għall-mediċini veterinarji użati b'mod komuni bħall-Phenylbutazone, sabiex tiġi ggarantita s-sikurezza fil-katina tal-ikel;

56.  Jistieden lill-Istati Membri jippromwovu l-integrazzjoni mill-ġdid fil-katina tal-ikel, permezz ta' sistema ta' "perjodu ta' rtirar" ibbażata fuq ir-riċerka xjentifika li se tagħmilha possibbli li annimal jiddaħħal lura fil-katina tal-ikel wara li tkun ġiet amministrata lilu mediċina għall-aħħar darba, filwaqt li tiġi protetta s-saħħa tal-konsumaturi;

57.  Jinnota li, għall-ekwidi li mhumiex destinati għall-biċċerija biex jipproduċu ikel għall-konsum mill-bniedem (irreġistrati bħala "mhux għall-użu fil-produzzjoni tal-ikel"), ma hemm l-ebda rekord f'xi Stati Membri ta' mediċini li jkunu ġew amministrati u huwa possibbli li dawn jista' jkun li jidħlu fiċ-ċirkwit tal-qatla illegali u b'hekk jipperikolaw serjament is-saħħa pubblika; jistieden lill-Kummissjoni, għalhekk, tirrimedja din il-lakuna regolatorja;

58.  Jistieden lill-Kummissjoni tikkunsidra, flimkien tal-Federazzjoni tal-Assoċjazzjonijiet Veterinarji Ekwini Ewropej (Federation of European Equine Veterinary Associations - FEEVA), l-armonizzazzjoni tal-aċċess għat-trattament u l-medikazzjoni fit-territorju Ewropew kollu kemm hu;

59.  Iqis li armonizzazzjoni bħal din ikollha l-vantaġġ li tevita kwalunkwe distorsjoni tal-kompetizzjoni u tiffaċilita t-trattament aktar wiesa' tal-mard tal-ekwidi u b'mod aktar effettiv ittaffi t-tbatija tal-ekwidi;

60.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jippromwovu l-iskambji tal-prattiki tajba sabiex jiffaċilitaw l-użu razzjonali tal-mediċini għall-ekwidi;

61.  Jinnota li, filwaqt li terapija u l-mediċini veterinarji huma xi kultant meħtieġa u xierqa, hemm il-ħtieġa li jsiru aktar sforzi biex jiġu indirizzati b'mod determinat il-livelli baxxi ta' investiment u n-nuqqas ta' mediċini, inklużi l-vaċċini, disponibbli għat-trattament tal-ekwidi;

62.  Barra minn hekk jiġbed l-attenzjoni lejn il-ħtieġa li jiġu żviluppati r-riċerka u l-innovazzjoni fis-settur farmaċewtiku fir-rigward tal-amministrazzjoni ta' mediċini lill-ekwidi, peress li f'dan is-settur jeżisti nuqqas kbir ta' mediċini adattati għall-metaboliżmi tal-ekwidi;

63.  Jistieden lill-Kummissjoni tiffinanzja riċerka addizzjonali dwar l-effetti possibbli ta' medikazzjonijiet differenti fuq il-ħajja tal-ekwidi;

64.  Jinnota li wħud mir-razez ekwini mrobbija fl-Istati Membri huma razez lokali li jiffurmaw parti mill-istil ta' ħajja u mill-kultura ta' ċerti komunitajiet, u li xi Stati Membri inkludew fil-programmi ta' żvilupp rurali tagħhom miżuri sabiex jipproteġu u jkomplu jifirxu lil dawn ir-razez;

65.  Jistieden lill-Kummissjoni timpenja ruħha favur programmi ta' għajnuna finanzjarja għall-preservazzjoni u l-protezzjoni tal-ispeċijiet indiġeni tal-ekwidi li jinsabu fis-selvaġġ jew li jinsabu fil-periklu ta' estinzjoni fl-UE;

66.  Jirrikonoxxi l-valur ekoloġiku u naturali għoli tal-popolazzjonijiet tal-ekwidi selvaġġi, li jikkontribwixxu għat-tindif u l-iffertilizzar taż-żoni fejn jgħixu, flimkien mal-valur relatat mat-turiżmu li l-popolazzjonijiet taż-żwiemel selvaġġi joffru, u jitlob li ssir aktar riċerka dwar il-problemi li dawn il-popolazzjonijiet jħabbtu wiċċhom magħhom;

67.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.

(1)

ĠU L 84, 31.3.2016, p. 1.

(2)

ĠU L 3, 5.1.2005, p. 1.

(3)

ĠU L 303, 18.11.2009, p. 1.

(4)

ĠU L 221, 8.8.1998, p. 23.

(5)

ĠU L 59, 3.3.2015, p. 1.

(6)

ĠU L 347, 20.12.2013, p. 487.

(7)

ĠU L 347, 20.12.2013, p. 549.

(8)

Ara http://ec.europa.eu/food/animals/docs/aw_eu-strategy_study_edu-info-activ.pdf, aċċessat fis-6 ta' Settembru 2016.

(9)

Fédération Equestre Internationale (FEI), Mistoqsijiet Frekwenti dwar il-Kunċett ta' "High Health, High Performance Horse (HHP)" adottat f'Mejju 2014 waqt is-Sessjoni Ġenerali tal-OIE.

(10)

Rapport Annwali tal-Federazzjoni Internazzjonali tal-Awtoritajiet tat-Tlielaq taż-Żwiemel.

(11)

Databażi tal-FEI, aċċessata fit-22 ta' Settembru 2014.

(12)

Bażi ta' data ta' TRACES tal-2012.

(13)

L-Organizzazzjoni Dinjija għas-Saħħa tal-Annimali – Il-Kodiċi tas-Saħħa tal-Annimali Terrestri (2016), Kapitolu 7.12.

(14)

Santorini Donkey and Mule Taxis – an Independent Animal Welfare Report for the Donkey Sanctuary (Il-Ħmir u l-Bgħula Taksis ta' Santorini – Rapport Indipendenti dwar it-Trattament Xieraq tal-Annimali għas-Santwarju tal-Ħmir), 2013.


NOTA SPJEGATTIVA

L-iskala tas-settur tal-ekwidi fl-Unjoni Ewropea

L-ekwidi għandhom post uniku fl-istorja u ċ-ċivilizzazzjoni tal-Ewropa. Huma l-aktar versatili fost l-annimali kollha, billi mhux biss jipprovdu l-ħalib u l-laħam, iżda huma wkoll atleti sportivi, annimali ta' kumpanija, annimali li jaħdmu fl-oqsma tat-trasport, tat-turiżmu, tal-forestrija, tal-agrikoltura u tat-terapija, annimali li jintużaw għar-riċerka, kif ukoll annimali selvaġġi u semiselvaġġi.

 

Figura 1: Popolazzjonijiet ta' ekwidi per capita

Skont il-Fédération Equestre Internationale, is-settur tal-ekwidi għandu valur ta' aktar minn EUR 100 biljun fis-sena. Is-7 miljun ekwidu li hu stmat li hemm fl-UE jużaw mill-inqas 2.6 miljun ettaru ta' art(1) u hemm mill-inqas 900 000(2) impjieg li jiddependi biss mill-industrija tal-isports ekwestri madwar l-UE.

Jidher b'mod ċar li s-settur tal-ekwidi jista' jkollu impatt kbir ħafna fuq l-ekonomiji lokali – b'mod partikolari f'żoni rurali. Rapport dwar is-settur tal-ekwidi fi Franza sab ukoll livelli għolja ta' impjieg tan-nisa fuq bażi part-time(3),

F'xi Stati Membri, l-ekwidi għandhom rwol inqas faċilment kwantifikabbli fl-ekonomija lokali – dak ta' annimali li jintużaw għax-xogħol f'azjendi tal-biedja żgħar u semisussistenti (small and semi-subsistence farms - SSFs) u fis-settur tat-turiżmu. Ma teżisti ebda data li tikkwantifika b'mod preċiż l-għadd ta' annimali li jintużaw fl-SSFs, madankollu, huwa rrapportat li hemm bejn 600 000 u 800 000 ekwidu preżenti fir-Rumanija, li madwar 80 % minnhom jintużaw għal attivitajiet ta' xogħol, bħat-trasportazzjoni ta' oġġetti u nies u għal xogħol fl-agrikoltura u l-forestrija(4).

Is-suq tal-isport u tar-rikreazzjoni bl-użu tal-ekwidi fl-Ewropa huwa l-akbar wieħed fid-dinja. 21 % tal-ekwidi ta' razza pura globali ġew prodotti fit-28 Stat Membru. Fl-2013, 93 % tat-tlielaq tal-qbiż tad-dinja saru fl-Unjoni, flimkien ma' 21 000 tellieqa tal-galopp u aktar minn 43 000 tellieqa tat-trott. Barra minn hekk, il-maġġoranza tal-avvenimenti tal-FEI (bħal qbiż, dressage, eventing u para-dressage) li ġew organizzati fl-2014 saru fl-UE.

Is-settur tal-ekwidi jipprovdi wkoll opportunitajiet għall-imprendituri madwar l-Ewropa u, b'mod partikolari, għal dawk f'żoni rurali. Pereżempju, it-trobbija tal-ħmir għall-ħalib hija prattika tradizzjonali f'partijiet tal-Italja u hemm ukoll azjendi tal-biedja li joperaw fil-Belġju, fil-Pajjiżi l-Baxxi, fi Franza, f'Ċipru u fir-Rumanija. Tabilħaqq, huwa maħsub li l-ħalib tal-ħmir huwa ta' benefiċċju għal dawk li jixorbuh b'għadd ta' modi u huwa meqjus bħala l-aqwa sostitut għall-ħalib tal-bniedem(5) għat-trabi u għat-tfal morda. Filwaqt li l-prezz tal-ħalib tal-ħmir ivarja, ġeneralment jinbiegħ bl-imnut għall-prezz ta' bejn EUR 8 u EUR 15 kull litru.

Bl-istess mod, l-ekwidi jintużaw b'mod wiesa' fit-terapija u fir-riabilitazzjoni u jipprovdu opportunitajiet ekonomiċi u benefiċċji soċjali ulterjuri permezz ta' dan. Il-hippotherapy tintuża mir-Riding for the Disabled Association u minn The Donkey Sanctuary fir-Renju Unit sabiex tgħin lil persuni li jbatu minn firxa ta' kundizzjonijiet, inklużi disturbi tal-ispettru tal-awtiżmu, paraliżi ċerebrali, inċident vaskulari ċerebrali u diżabilitajiet relatati mat-tagħlim tal-lingwa(6). Madwar l-Ewropa, 21 Stat Membru għandhom organizzazzjoni waħda jew aktar jew individwu wieħed jew aktar li huma membri tal-Federation of Horses in Education and Therapy International AISBL (HETI)(7).

L-ekwidi tal-UE jipprovdu wkoll sors ta' laħam u, fuq skala iżgħar, ġilda tal-ekwidi. L-għadd ta' annimali maqtula diffiċli jiġi aċċertat, minħabba li jvarja minn sena għal sena. Ħafna Stati Membri wrew żieda fil-qtil mill-2011 sal-2012, imbagħad iċ-ċifri reġgħu naqsu fl-2013.

Tħassib dwar it-trattament xieraq tal-annimali u l-kawżi li jħallu impatt negattiv fuq is-settur tal-ekwidi

Riċerka mwettqa minn World Horse Welfare u Eurogroup for Animals fir-rapport Removing the Blinkers: The Health and Welfare of European Equidae in 2015, turi li minkejja l-firxa tas-settur, il-problemi ta' trattament xieraq li jiffaċċjaw is-7 miljun ekwidu tal-Ewropa huma tassew simili.

It-trattament tal-ekwidi li jintużaw għax-xogħol huwa kawża ta' tħassib partikolari f'għadd ta' Stati Membri, speċjalment fejn hemm popolazzjonijiet kbar ta' ekwidi u fejn dawn jintużaw fl-SSFs. Billi ħafna minn dawn l-ekwidi jistgħu jgħixu fuq oġġetti tal-ikel faċilment disponibbli, bħal ħaxix u tiben, huma jistgħu jitqiesu bħala li ftit li xejn jeħtieġu attenzjoni speċjalizzata. Madankollu, il-problemi ta' trattament xieraq ikkawżati minn tnegħil dilettantesk u inespert jew minn arneżijiet mhux addattati mhux biss jikkawżaw tensjoni u tbatija għall-ekwidu individwali, iżda wkoll jikkompromettu kemm il-ħila tal-annimal li jaħdem b'mod effikaċi, kif ukoll il-lonġevità tiegħu, biex b'hekk iħallu wkoll impatt negattiv fuq l-azjenda agrikola jew in-negozju.

Ħafna mill-istess problemi jinstabu fejn l-ekwidi jintużaw fit-turiżmu. F'xi każijiet, it-trattament xieraq tal-ekwidi jiġi kompromess serjament mix-xogħol li jagħmlu, li konsegwentement iħalli impatt fuq il-funzjonament effikaċi tal-intrapriża. Għalkemm dawn l-annimali sikwit ikunu qed jaħdmu fid-deher, huma jistgħu jkomplu jsofru problemi ta' trattament xieraq jekk it-turisti ma jkunux jistgħu jidentifikaw il-problemi potenzjali tat-trattament xieraq tagħhom.

 

Figura 2: Problemi prevalenti ta' trattament xieraq kif irrapportati mill-NGOs f'Removing the Blinkers: The Health & Welfare of Equidae in 2015

Fis-settur tal-isport li jinvolvi l-ekwidi, dawk li jrabbu l-ekwidi fl-Ewropa ta' spiss jinstabu fuq quddiem nett tad-dinja. Ir-reġistri għaż-żwiemel tar-razza Ewropej imexxu l-klassifikazzjonijiet tal-World Breeding Federation for Sports Horses (WBFSH) għall-avvenimenti sportivi ta' eventing, qbiż u dressage. Madankollu, it-tnissil bla limitu tal-ekwidi jista' jikkawża problemi serji b'rabta mat-trattament xieraq tal-annimali. L-ekwidi malajr jistgħu jsiru l-vittmi ta' sfortuni ekonomiċi. Id-domanda għolja għall-ekwidi matul żminijiet ta' prosperità ekonomika għolja tista' twassal għal tnissil indiskriminat ta' annimali ta' kwalità inqas għolja. Fi żminijiet ta' tnaqqis fir-ritmu ekonomiku, dawn l-annimali jitilfu ħafna mill-valur li kellhom u jistgħu jsiru kompletament bla valur f'sens finanzjarju. Ma hija ebda sorpriża li ħafna Stati Membri, b'mod partikolari fil-punent tal-Unjoni, raw żieda drammatika fl-abbandun tal-ekwidi fis-snin riċenti(8).

L-ispiża taż-żamma tal-ekwidi tvarja ħafna skont l-Istat Membru u r-reġjun inkwistjoni, l-iskop tal-annimal u l-metodu taż-żamma. Madankollu, bi ftit għażliet għat-tqegħid lura fid-djar u fi żminijiet ta' suq kuntrattat għall-bejgħ tal-ekwidi, xi sidien jagħżlu li jibagħtu l-annimali tagħhom għall-qatla, jew inkella jewtanizzawhom, jekk din l-għażla tkun waħda affordabbli u legalment disponibbli. Sfortunatament, jidher ċar li dawk li jieħdu r-responsabilità għal ekwidu mhux dejjem ikunu konxji tal-ispejjeż u l-impenn ta' ħin involuti fil-kura ta' tali annimal, b'mod partikolari meta, matul żminijiet ta' provvista eċċessiva, il-prezzijiet tax-xiri waqgħu saħansitra għal-livell baxx ta' EUR 5 għal kull annimal(9).

Minħabba r-rwoli differenti tagħhom, ftit li xejn tista' titqies bħala sorpriża li l-ekwidi huma l-aktar annimali ttrasportati fl-UE, bħala proporzjon tal-popolazzjoni globali tagħhom(10). Filwaqt li dan iċ-ċaqliq jinqabad mis-Sistema Esperta tal-Kontroll tal-Kummerċ (Trade Control and Expert System - TRACES), bħalissa din id-data qed tiġi ppubblikata kull sena, b'dewmien ta' sentejn. Dan id-dewmien jimpedixxi lill-Awtoritajiet Kompetenti u lil organizzazzjonijiet oħrajn milli jaraw kif iċ-ċaqliq tal-ekwidi jiġi affettwat minn fatturi esterni u kif min-naħa tiegħu jaffettwa oqsma oħrajn. Pereżempju, iċ-ċaqliq tal-ekwidi għall-qatla jista' jkun marbut ma' żieda fl-inċidenza ta' mard notifikabbli(11) fil-popolazzjoni tal-ekwidi mhux maħsuba għall-qatla – u għalhekk forsi jindika li l-istandards tal-bijosigurtà huma ħżiena.

L-ekwidi għall-qatla jiċċaqilqu wkoll ta' spiss bejn l-Istati Membri u jiġu wkoll esportati lejn pajjiżi terzi (b'mod partikolari lejn ir-Russja), f'kundizzjonijiet li sikwit jikkompromettu t-trattament xieraq tagħhom(12). Huma partikolarment vulnerabbli minħabba li ftit li xejn hemm inċentiv għat-trasportaturi sabiex jiżguraw it-trattament xieraq ta' dawn l-annimali waqt it-tranżitu.

Fejn l-ekwidi jintużaw purament għal skopijiet ta' biedja, huwa importanti li s-saħħa u t-trattament xieraq tal-annimali jibqgħu prijoritajiet. Il-konsumaturi għandhom jibqgħu protetti u għandhom ikunu jafu li l-prodotti li ġejjin mill-ekwidi, bħall-ħalib tal-ħmir, huma sikuri. Tabilħaqq, it-trattament xieraq fl-azjendi tal-biedja fejn jiġi prodott il-ħalib tal-ħmir ivarja ħafna(13). F'xi azjendi tal-biedja, it-taħlib għadu jsir bl-idejn, filwaqt li oħrajn għandhom stabbiliti magni tat-taħlib. Barra minn hekk, il-livelli ta' sorveljanza bl-ebda mod ma huma komparabbli ma' dawk tal-azjendi tal-biedja li jrabbu l-baqar għall-ħalib, għalkemm dan jista' jkun dovut għall-fatt li jinstabu inqas patoġeni umani fil-ħalib tal-ħmir(14). Barra minn hekk, l-istandards legali li japplikaw għall-ħalib tal-ekwidi huma ambigwi u l-ispezzjonijiet u s-superviżjoni huma inkonsistenti madwar l-UE.

Rakkomandazzjonijiet sabiex jiġi sfruttat il-potenzjal ekonomiku tas-settur tal-ekwidi u għall-avvanz tas-saħħa tajba u t-trattament xieraq tal-ekwidi

Filwaqt li d-daqs sħiħ u l-iskala tas-settur tal-ekwidi mhumiex kompletament ċari, huwa evidenti li dan għandu impatt ekonomiku sproporzjonalment kbir fuq l-ekonomija, minħabba l-għadd relattivament żgħir ta' annimali involuti. Madankollu, jidher b'mod ċar li l-gwida u l-kondiviżjoni ta' prassi tajba jistgħu jixprunaw bidla minn isfel għal fuq u jistgħu jagħmlu ħafna biex jindirizzaw il-problemi li jirriżultaw minn sempliċi injoranza.

Pereżempju, għadd ta' organizzazzjonijiet wettqu ħidma biex jiżviluppaw gwidi dwar il-prattika tajba għat-trasportazzjoni tal-ekwidi. Fl-2014 ġew ippubblikati l-'Practical Guidelines on the Watering of Equine Animals Transported by Road' (Linji Gwida Prattiċi dwar it-Tisqija ta' Annimali Ekwini Trasportati bit-Triq) u riċentament ġew żviluppati linji gwida ġodda dwar l-idoneità tal-ekwidi għat-trasport. Il-Kummissjoni għandha tappoġġja b'mod attiv l-iżvilupp ta' tali gwidi għal prattika tajba, mhux biss sabiex tassisti fil-livelli ta' konformità u tiżgura li jkun hemm infurzar konsistenti, iżda b'mod fundamentali sabiex tiżgura l-kura xierqa ta' dawn l-annimali waqt it-trasportazzjoni tagħhom fuq distanza qasira u twila.

Bl-istess mod, ħafna NGOs ipproduċew gwida dwar l-issodisfar tal-ħtiġijiet bażiċi tal-ekwidi mit-twelid sa tmiem il-ħajja. Bħala eżempju, erba' snin ilu World Horse Welfare pproduċiet linji gwida intitolati 'Five ways to ensure a happy, healthy horse' (Ħames modi biex tiżgura żiemel kuntent u b'saħħtu). Tali gwida, adatta sabiex tissodisfa l-ħtiġijiet tal-ekwidi kollha, tradotta, disponibbli f'varjetà ta' formati u promossa mill-Kummissjoni, tista' tagħmel ħafna biex ittejjeb l-għarfien kemm tas-sidien tal-ekwidi kif ukoll ta' dawk li jieħdu ħsiebhom u tissalvagwardja mhux biss is-saħħa u t-trattament xieraq tal-annimali individwali, iżda wkoll il-valur ekonomiku u l-produzzjoni fit-tul tagħhom.

Il-Kummissjoni preċedenti bdiet tiżviluppa Karta Ewropea għal Turiżmu Sostenibbli u Responsabbli, li kienet prevista bħala li tinkludi informazzjoni li tgħin lit-turisti jagħmlu għażliet li jiffavorixxu t-trattament xieraq tal-annimali meta jiġu biex jiddeċiedu jekk jużawx jew le s-servizzi tal-ekwidi li jintużaw għax-xogħol. Ir-Rapporteur iħeġġeġ lill-Kummissjoni ġġedded l-impenn tagħha favur l-idea tal-karta, u tagħti lit-turisti l-kapaċità li jagħmlu għażliet li mhux biss jippremjaw lil dawk l-intrapriżi li jieħdu ħsieb sewwa lill-ekwidi tagħhom, iżda li jinformaw u jipprovdu wkoll serħan il-moħħ lill-konsumatur matul il-proċess.

Ir-rekwiżiti tat-trattament tal-ekwidi huma pjuttost differenti minn dawk għal ħafna speċijiet oħrajn u dan imkien mhuwa aktar evidenti minn fil-ħin tal-qatla. Il-Kummissjoni għandha tesplora l-possibilità tat-tixrid ta' gwida lill-biċċeriji li huma liċenzjati biex jieħdu l-ekwidi. Min-naħa tagħhom, il-FVO u l-Awtoritajiet Kompetenti għandhom iżidu wkoll l-għadd ta' spezzjonijiet f'dawn l-istabbilimenti.

Tabilħaqq, il-kejl tal-konformità ma' standards xierqa jgħin ukoll sabiex jiġi xprunat it-titjib. Bħala tali, il-Kummissjoni għandha timpenja ruħha għall-istabbiliment ta' Ċentri ta' Referenza ġodda għat-Trattament Xieraq tal-Annimali u għall-iżvilupp ta' Indikaturi vvalidati għat-Trattament Xieraq tal-Annimali ddedikati għall-ekwidi. Dawn l-indikaturi għandhom jintużaw biex jinkoraġġixxu u jippremjaw lill-bdiewa, fejn ikun possibbli, u l-Kummissjoni għandha timpenja ruħha li tinvestiga tali possibilitajiet permezz ta' proġett pilota ġdid.

Fl-aħħar nett, l-Istati Membri għandhom jimpenjaw ruħhom li jżidu l-għadd ta' spezzjonijiet fl-azjendi tal-biedja li jrabbu l-ħmir għall-ħalib tagħhom, b'mod partikolari minflok assoċjazzjoni professjonali għal dawk li jrabbu l-ħmir, u minħabba li ħafna minnhom ma jkollhomx l-istandards tal-kontroll tal-kwalità. Il-Kummissjoni jista' jkollha wkoll rwol hawnhekk fit-tixrid ta' gwida dwar it-trobbija tal-ħmir għall-ħalib tagħhom maħruġa minn istituti esperti u NGOs.

Filwaqt li s-sjieda u l-kura responsabbli għandhom dejjem ikunu mistennija bħala minimu, ħafna mill-problemi ta' saħħa u trattament xieraq tal-annimali li qegħdin jiffaċċjaw l-ekwidi Ewropej illum juru li dawn ta' spiss ħafna jitħallew fil-ġenb. Madankollu, l-inizjattivi suġġeriti hawnhekk mistennija jżidu l-għarfien, l-informazzjoni u l-inċentivi u jistgħu jgħinu sabiex jiġi sfruttat il-potenzjal ekonomiku sħiħ tas-settur tal-ekwidi fl-UE, filwaqt li jiġi protett aħjar it-trattament xieraq ta' dawn l-annimali uniċi li aħna tant napprezzaw bħala soċjetà.

(1)

Arahttp://faostat3.fao.org/browse/Q/QA/E, aċċessat fil-11 ta' Frar 2015

(2)

Preżentazzjoni lill-Assemblea Ġenerali tal-Federazzjoni Ekwestra Ewropea (European Equestrian Federation) minn Ali Küçük (Segretarju Ġenerali tal-EEF) fil-21 ta' Ottubru 2014

(3)

Advances in Animal Biosciences (Avvanzi fil-Bijoxjenzi tal-Annimali), Ottubru 2013. The French Horse Industry: Scenarios 2030 Cambridge University Press (2013), p. 55

(4)

Popescu, S. Duigan, E-A. 2012. The relationship between behavioural and other welfare indicators of working horses (Ir-relazzjoni bejn l-imġiba u indikaturi ta' benesseri oħra taż-żwiemel tax-xogħol). Journal of Equine Veterinary Science 33, 1-12

(5)

http://www.foodsmatter.com/allergy_intollerance/goat_sheep_milks/research/mares_milk.html, aċċessat fl-20 ta' Awwissu 2014

(6)

http://www.rda.org.uk/assets/understanding-hippotherapy7.pdf, aċċessat fit-2 ta' Settembru 2014

(7)

http://www.frdi.net/membership_list.html, aċċessat fit-2 ta' Settembru 2014

(8)

RSCPA, World Horse Welfare, Redwings, the British Horse Society, Blue Cross & Horse World: Left on the verge: in the grip of an equine crisis in England and Wales, 2013

(9)

DSPCA: ‘Ireland's Horse Crisis', http://www.dspca.ie/equinecrisis

(10)

Data ta' TRACES

(11)

The Donkey Sanctuary & University College Dublin: Donkey Welfare in Ireland in 2015 (Kapitolu 5, paġni 55 - 71)

(12)

World Horse Welfare, 2008, Dossier of Evidence: Recommendations for amendments to EU Council Regulation (EC) No 1/2005 u World Horse Welfare Dossier of Evidence, Second Edition, Part 1: Tul ta' Ħin tal-Vjaġġi

(13)

The Donkey Sanctuary, komunikazzjoni personali

(14)

Keith Meldrum CB BVM&S MRCVS DVSM Hon. FRSPH, komunikazzjoni personali


RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT RESPONSABBLI

Data tal-adozzjoni

25.1.2017

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

43

1

0

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

John Stuart Agnew, Clara Eugenia Aguilera García, Eric Andrieu, Richard Ashworth, Daniel Buda, Matt Carthy, Viorica Dăncilă, Michel Dantin, Jean-Paul Denanot, Albert Deß, Diane Dodds, Jørn Dohrmann, Herbert Dorfmann, Norbert Erdős, Luke Ming Flanagan, Martin Häusling, Anja Hazekamp, Esther Herranz García, Jan Huitema, Peter Jahr, Ivan Jakovčić, Jarosław Kalinowski, Elisabeth Köstinger, Zbigniew Kuźmiuk, Philippe Loiseau, Giulia Moi, Ulrike Müller, James Nicholson, Maria Noichl, Laurenţiu Rebega, Jens Rohde, Bronis Ropė, Czesław Adam Siekierski, Tibor Szanyi, Marc Tarabella, Marco Zullo

Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali

Franc Bogovič, Stefan Eck, Julie Girling, Karin Kadenbach, Norbert Lins, Florent Marcellesi, John Procter, Vladimir Urutchev

Sostituti (skont l-Artikolu 200(2)) preżenti għall-votazzjoni finali

Pilar Ayuso, Damiano Zoffoli

Avviż legali