Proċedura : 2016/2062(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A8-0021/2017

Testi mressqa :

A8-0021/2017

Dibattiti :

PV 16/02/2017 - 2
CRE 16/02/2017 - 2

Votazzjonijiet :

PV 16/02/2017 - 6.12
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P8_TA(2017)0054

RAPPORT     
PDF 1238kWORD 99k
2.2.2017
PE 589.131v02-00 A8-0021/2017

dwar Strateġija tal-Avjazzjoni għall-Ewropa

(2016/2062(INI))

Kumitat għat-Trasport u t-Turiżmu

Rapporteur: Pavel Telička

Rapporteur għal opinjoni (*):

Ole Christensen, Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali

(*) Kumitat assoċjat – Artikolu 54 tar-Regoli ta' Proċedura

ERRATA/ADDENDA
MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW
 NOTA SPJEGATTIVA
 OPINJONI tal-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali
 OPINJONI tal-Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza tal-Ikel
 OPINJONI tal-Kumitat għas-Suq Intern u l-Ħarsien tal-Konsumatur
 RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALIFIL-KUMITAT RESPONSABBLI

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW

dwar Strateġija tal-Avjazzjoni għall-Ewropa

(2016/2062(INI))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tas-7 ta' Diċembru 2015 bl-isem 'Strateġija tal-Avjazzjoni għall-Ewropa' (COM(2015)0598),

–  wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikoli 4(2)(b), 4(2)(g) u 16 u t-Titoli VI u X tiegħu,

–  wara li kkunsidra l-Protokoll (Nru 2) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) dwar l-applikazzjoni tal-prinċipji ta' sussidjarjetà u proporzjonalità,

–  wara li kkunsidra l-opinjoni tal-14 ta' Lulju 2016 tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar "Strateġija tal-Avjazzjoni għall-Ewropa”(1),

–  wara li kkunsidra d-deċiżjoni tal-Kummissjoni tal-20 ta' Diċembru 2011 dwar l-applikazzjoni tal-Artikolu 106(2) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea għall-għajnuna mill-Istat taħt il-forma ta' kumpens għas-servizzi pubbliċi mogħti lil ċerti impriżi inkarigati mill-ġestjoni ta' servizzi ta' interess ekonomiku ġenerali,

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni intitolata "Linji gwida dwar l-għajnuna mill-Istat għall-ajruporti u l-linji tal-ajru" (2014/C 99/03),

–  wara li kkunsidra li l-avviż tal-Kummissjoni dwar il-kunċett ta' għajnuna mill-Istat kif imsemmi fl-Artikolu 107(1) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (2016/C 262/01),

–  wara li kkunsidra l-abbozz ta' Regolament tal-Kummissjoni (UE) li jemenda r-Regolament (UE) Nru 651/2014 li jiddikjara li ċerti kategoriji ta' għajnuna huma kompatibbli mas-suq intern skont l-Artikoli 107 u 108 tat-Trattat,

–  wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni tas-7 ta' Diċembru 2015 dwar regoli komuni fil-qasam tal-avjazzjoni ċivili u li tistabbilixxi Aġenzija tas-Sikurezza tal-Avjazzjoni tal-Unjoni Ewropea, u li tħassar ir-Regolament (KE) Nru 216/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill,

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-konferenza ta' livell għoli "Aġenda Soċjali għat-Trasport", li saret fl-4 ta' Ġunju 2015 fi Brussell(2),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-4 ta' Frar 2016 dwar is-sitwazzjoni speċifika tal-gżejjer(3),

–  wara li kkunsidra l-eżitu tad-39 Sessjoni tal-Assemblea tal-Organizzazzjoni tal-Avjazzjoni Ċivili Internazzjonali (ICAO), li saret fl-2016,

–  wara li kkunsidra r-Regolament (KE) Nru 551/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-10 ta' Marzu 2004 dwar l-organizzazzjoni u l-użu tal-ispazju tal-arja fl-Ajru Uniku Ewropew,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-11 ta' Novembru 2015 dwar l-avjazzjoni(4),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tad-29 ta' Ottubru 2015 dwar l-allokazzjoni mill-Konferenza Dinjija dwar ir-Radjukomunikazzjoni, li saret f'Ġinevra mit-2 sas-27 ta' Novembru 2015, tal-banda tal-ispettru tar-radju meħtieġa biex tappoġġja l-iżvilupp futur ta' teknoloġija satellitari għall-implimentazzjoni ta' sistemi globali ta' rintraċċar tat-titjiriet(5),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-7 ta' Ġunju 2011 dwar Ftehimiet Internazzjonali dwar l-Ajru skont it-Trattat ta' Lisbona(6),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-25 ta' April 2007 dwar l-istabbiliment ta' Żona Ewropea ta' Avjazzjoni Komuni(7),

–  wara li kkunsidra l-pożizzjoni tiegħu adottata fl-ewwel qari fit-12 ta' Marzu 2014 dwar il-proposta għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-implimentazzjoni tal-Ajru Uniku Ewropew (riformulazzjoni)(8),

–  wara li kkunsidra l-pożizzjoni tiegħu adottata fl-ewwel qari fit-12 ta' Marzu 2014 dwar il-proposta għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament (KE) Nru 216/2008 fil-qasam tal-ajrudromi, tal-ġestjoni tat-traffiku tal-ajru u tas-servizzi tan-navigazzjoni tal-ajru(9),

–  wara li kkunsidra l-pożizzjoni tiegħu adottata fl-ewwel qari tal-5 ta' Frar 2014 dwar il-proposta għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament (KE) Nru 261/2004 li jistabbilixxi regoli komuni dwar il-kumpens u l-assistenza għal passiġġieri fil-każ li ma jitħallewx jitilgħu u ta' kanċellazzjoni jew dewmien twil ta' titjiriet, u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 2027/97 dwar ir-responsabbilità ta' trasportaturi bl-ajru, fejn jidħol it-trasport bl-ajru tal-passiġġieri u l-bagalji tagħhom(10),

–  wara li kkunsidra l-pożizzjoni tiegħu adottata fl-ewwel qari fit-12 ta' Diċembru 2012 dwar il-proposta għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar ir-regoli komuni għall-allokazzjoni ta' slots f'ajruporti tal-Unjoni Ewropea (tfassil mill-ġdid)(11),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tad-29 ta' Ottubru 2015 dwar l-użu sikur ta' sistemi ta' inġenji tal-ajru ppilotati mill-bogħod (RPAS), komunement magħrufa bħala inġenji tal-ajru mingħajr ekwipaġġ (UAVs), fil-qasam tal-avjazzjoni ċivili(12),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-2 ta' Lulju 2013 dwar "Il-Politika Esterna tal-UE dwar l-Avjazzjoni – Nindirizzaw l-Isfidi tal-Futur"(13),

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tas-Summit Ewropew dwar l-Avjazzjoni fl-ajruport ta' Schiphol (in-Netherlands) fl-20 u l-21 ta' Jannar 2016(14),

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni ta' Chicago tas-7 ta' Diċembru 1944,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 52 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għat-Trasport u t-Turiżmu u l-opinjonijiet tal-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali, tal-Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza tal-Ikel u tal-Kumitat għas-Suq Intern u l-Ħarsien tal-Konsumatur (A8–0021/2017),

A.  billi l-politika tat-trasport tal-UE fl-aħħar mill-aħħar għandha l-għan li taqdi l-interessi taċ-ċittadini u tan-negozji Ewropej billi tipprovdi konnettività dejjem akbar, l-ogħla livell ta' sikurezza u sigurtà u swieq mingħajr ostakli;

B.  billi standards stretti ta' sikurezza għandhom jibqgħu objettiv ewlieni fil-ħidma favur il-kompetittività fit-trasport bl-ajru;

C.  billi s-suq uniku tal-avjazzjoni tal-UE hu eżempju verament ta' suċċess ta' liberalizzazzjoni reġjonali tat-trasport bl-ajru, li kkontribwixxiet ħafna għal livelli mingħajr preċedent ta' konnettività bl-ajru billi espandiet l-opportunitajiet tal-ivvjaġġar fi ħdan l-Ewropa u lil hinn minnha filwaqt li baxxiet il-prezzijiet; billi s-settur tal-avjazzjoni huwa parti fundamentali min-netwerk Ewropew tat-trasport, indispensabbli biex jiġu żgurati l-konnettività u l-koeżjoni territorjali fi ħdan l-UE u madwar id-dinja; billi l-pożizzjoni ġeografika remota u iżolata tar-reġjuni ultraperiferiċi, għall-kuntrarju ta' reġjuni li jinsabu f'pożizzjoni aktar ċentrali u integrata tajjeb, ma toffri ebda alternattiva għat-trasport bl-ajru; billi l-għan li tiġi appoġġata aktar konnettività tal-ajru għandu jkun mhux biss l-espansjoni tan-netwerk ta' konnessjonijiet iżda wkoll l-iżgurar ta' konnettività ta' kwalità xierqa ta' konnettività f'termini ta' frekwenza tat-titjiriet, il-firxa tan-netwerk u l-konvenjenza tal-iskedi;

D.  billi s-settur tal-avjazzjoni huwa mutur b'effett multiplikatur għat-tkabbir u għall-ħolqien tal-impjiegi u huwa pilastru importanti tal-ekonomija tal-UE, filwaqt li jrawwem l-innovazzjoni, il-kummerċ u l-kwalità tal-impjiegi, u dan għandu benefiċċji diretti u indiretti sinifikanti għaċ-ċittadini; billi t-tkabbir u d-disponibbiltà tat-traffiku tal-ajru u l-varjetà ta' titjiriet b'konnessjonijiet jippromwovu t-tkabbir ekonomiku, u jikkonfermaw li t-trasport bl-ajru jaġixxi bħala katalista għall-iżvilupp ekonomiku; billi l-ajruporti reġjonali u lokali wkoll jaqdu rwol sinifikanti fl-iżvilupp tar-reġjuni billi jżidu l-kompetittività tagħhom u jiffaċilitaw l-aċċess għat-turiżmu;

E.  billi 4.7 miljun impjieg fl-Unjoni huma direttament (1.9 miljun) u indirettament (2.8 miljun) iġġenerati mit-trasport bl-ajru, l-ajruporti u l-industrija tal-manifattura relatata; billi 917 000 impjieg ieħor fl-ekonomija globali huma sostnuti mill-industrija tal-avjazzjoni Ewropea; billi n-natura mobbli u transnazzjonali tal-avjazzjoni tagħmilha diffiċli li jiġu identifikati l-abbużi soċjali u ċ-ċirkomvenzjoni tal-istandards tax-xogħol u dan ifisser li huwa impossibbli li l-problemi jiġu indirizzati biss fil-livell nazzjonali; billi s-sejbiet reċenti tal-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol (ILO) juru deterjorament fil-kundizzjonijiet tax-xogħol fis-settur tal-avjazzjoni; billi diversifikazzjoni akbar fil-kuntratti tista' tkun għodda għal aktar flessibbiltà, iżda tista' wkoll tintuża ħażin billi jintgħażlu l-aktar regoli vantaġġużi biex jiġi evitat il-ħlas tal-kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali;

F.  billi n-nuqqas ta' implimentazzjoni xierqa tal-leġiżlazzjoni tal-UE u nuqqas ta' rieda politika fil-Kunsill, ma jħallux lis-settur tal-avjazzjoni jisfrutta l-potenzjal sħiħ tiegħu, u b'hekk jagħmlu ħsara lill-kompetittività tiegħu u jwasslu għal spejjeż ikbar għad-detriment tan-negozji, il-passiġġieri u l-ekonomija;

G.  billi f'settur immexxi mit-teknoloġija u mir-riċerka u l-innovazzjoni, li jirrikjedu kemm investiment fuq skala kbira kif ukoll infrastruttura żviluppata, is-suċċess ta' strateġija jinsab fil-kapaċità tagħha li tadotta viżjoni fit-tul b'investiment ippjanat sew u li tqis għalkollox il-modi kollha tat-trasport;

H.  billi t-trasport bl-ajru jiżvolġi rwol importanti fl-issodisfar tal-objettivi klimatiċi tal-UE billi jintroduċu miżuri biex jitnaqqsu l-emissjonijiet ta' gassijiet serra;

I.  billi, minkejja li l-Ajru Uniku Ewropew jipprevedi t-twaqqif ta' blokok ta' spazju tal-ajru funzjonali, l-implementazzjoni ta' dawn il-blokok ta’ spazju tal-ajru funzjonali s'issa sofriet dewmien konsiderevoli; billi, għalhekk, il-Kummissjoni stmat li madwar EUR 5 biljun kull sena qed jintilfu minħabba n-nuqqas ta' progress f'dan ir-rigward;

J.  billi s-sigurtà hija waħda mill-isfidi li l-industrija tal-avjazzjoni tħabbat wiċċha magħha bl-aktar mod dirett;

1.  Jilqa' l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar Strateġija tal-Avjazzjoni għall-Ewropa u l-isforzi tagħha biex tidentifika s-sorsi għat-tisħiħ tas-settur billi jinstabu opportunitajiet ġodda fis-suq u jitneħħew l-ostakli, u biex il-proposti tagħha jilqgħu u jantiċipaw l-isfidi l-ġodda abbażi ta' viżjoni Ewropea komuni, permezz tal-iżvilupp ta' oqfsa regulatorji moderni; jemmen li, f'perspettiva aktar fit-tul għandu jkun hemm approċċ aktar olistiku u aktar ambizzjuż sabiex jipprovdi l-ispinta meħtieġa għal industrija tal-avjazzjoni Ewropea kompetittiva u sostenibbli;

2.  Jemmen li s-sikurezza hi prinċipju gwida tal-Istrateġija tal-Avjazzjoni Ewropea u li din trid tittejjeb kontinwament; jilqa', għaldaqstant, ir-rieżami tar-Regolament Bażiku tal-Aġenzija Ewropea tas-Sikurezza tal-Ajru (EASA) (ir-Regolament (KE) Nru 216/2008), bl-għan li jinkisbu l-ogħla livelli ta' sikurezza fl-avjazzjoni; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Kunsill, f'dan ir-rigward, biex jgħammru lill-EASA b'riżorsi u persunal suffiċjenti biex ikunu żgurati standards għoljin ta' sigurtà u biex jissaħħaħ ir-rwol tagħha fix-xena internazzjonali;

3.  Iħeġġeġ lill-Kunsill u lill-Istati Membri biex finalment jagħmlu progress b'ħeffa fuq fajls essenzjali oħra li bħalissa huma staġnati, bħar-Riformulazzjoni tar-Regolament dwar l-Implimentazzjoni tal-Ajru Uniku Ewropew (SES2 +) u r-reviżjoni tar-Regolament dwar is-Slots u r-Regolament dwar id-Drittijiet tal-Passiġġieri bl-Ajru; Jistieden lill-Kummissjoni terġa' tikkunsidra l-inizjattivi li għaddejjin bħalissa u tipproponi alternattivi vijabbli biex jitneħħew in-nuqqasijiet tas-settur tal-avjazzjoni li jirriżultaw mill-implimentazzjoni tardiva u mhux kompluta tal-leġiżlazzjoni tal-UE, bħall-Ajru Uniku Ewropew (SES); jenfasizza li ċ-ċarezza u ċ-ċertezza legali għandhom jiġu żgurati, il-pubblikazzjoni ta' linji gwida, għalkemm hija siewja, mhijiex sostitut għal reviżjoni xierqa tar-regolamenti eżistenti;

4.  Jenfasizza li fajls tal-avjazzjoni bblokkjati fil-Kunsill huma maħsuba sabiex jgħammru lill-UE b'ċertezza legali aqwa u qafas imsaħħaħ għall-protezzjoni tad-drittijiet tal-passiġġieri tal-ajru, użu aktar effiċjenti u razzjonali tal-ispazju tal-ajru tal-UE u dispożizzjonijiet imtejba għall-implimentazzjoni tal-Ajru Uniku Ewropew, li kollha huma elementi essenzjali għat-twettiq tal-Istrateġija tal-Avjazzjoni; jistieden lill-Kunsill jieħu passi biex jimxi 'l quddiem bin-negozjati dwar dawn il-fajls;

Id-dimensjoni internazzjonali tal-Istrateġija tal-Avjazzjoni

5.  Jilqa' l-proposta tal-Kummissjoni biex jiġi rivedut ir-Regolament 868/2004, sabiex jiġu indirizzati l-prattiki inġusti attwali, bħal għajnuna inaċċettabbli mill-Istat, li la hu adegwat u lanqas effettiv, u b'hekk jintefa' dawl fuq it-tħassib ewlieni dwar distorsjonijiet potenzjali tal-kompetizzjoni taħt ir-regoli Ewropej; jenfasizza, madankollu, li la tendenza inaċċettabbli lejn il-protezzjoniżmu, u lanqas, waħedhom, il-miżuri biex jiżguraw il-kompetizzjoni ġusta jistgħu jiggarantixxu l-kompetittività tas-settur tal-avjazzjoni tal-UE;

6.  Jemmen li s-settur tal-avjazzjoni Ewropew, għalkemm qed jiffaċċja aktar pressjoni minn kompetituri ġodda, li ħafna minnhom użaw it-trasport bl-ajru bħala għodda strateġika għall-iżvilupp internazzjonali, jista' jdaħħal lilu nniffsu f'ambjent globali kompetittiv billi jkompli jibni fuq l-assi tiegħu u jiżviluppahom, assi bħal standards għolja ta' sikurezza u sigurtà, ir-rwol tal-EASA, il-pożizzjonar ġeografiku, industrija innovattiva u għanijiet soċjali u ambjentali; jemmen bis-sħiħ li l-kompetizzjoni minn pajjiżi terzi, jekk tkun ġusta, għandha titqies bħala opportunità biex jiġi żviluppat aktar mudell tal-avjazzjoni Ewropew innovattiv li għandu l-potenzjal li jipprovdi rispons uniku u kompetittiv għall-ispeċifiċitajiet tal-kompetituri;

7.  Jemmen li l-possibilità li nattiraw l-investiment barrani huwa importanti għall-kompetittività tal-kumpaniji tal-ajru tal-UE, u m'għandhiex tiġi mxekkla; jilqa', għalhekk, l-intenzjoni tal-Kummissjoni li toħroġ linji gwida li se jġibu ċ-ċarezza rigward ir-regoli tas-sjieda u tal-kontroll, kif stabbiliti fir-Regolament (KE) Nru 1008/2008, b'referenza partikolari għall-kriterji ta' "kontroll effettiv", sabiex tiġi żgurata l-effikaċja ta' dawn ir-regoli;

8.  Jilqa' l-inizjattivi biex jiġu negozjati ftehimiet dwar it-trasport bl-ajru fil-livell tal-UE u ftehimiet bilaterali dwar is-sikurezza tal-avjazzjoni ma' pajjiżi terzi li jirrappreżentaw swieq emerġenti u strateġiċi (iċ-Ċina, il-Ġappun, l-ASEAN, it-Turkija, il-Qatar, l-Emirati Għarab Magħquda, l-Armenja, il-Messiku, iċ-Ċina, il-Bahrain, il-Kuwajt, l-Oman u l-Arabja Sawdija), u jinkoraġġixxi negozjati kostruttivi bla telf ta' żmien; ifakkar li ftehimiet ġodda għandhom jiġu implimentati u infurzati b'mod korrett mill-partijiet kollha u jeħtieġ li tiddaħħal klawżola dwar il-kompetizzjoni ġusta fuq il-bażi ta' standards internazzjonali (ICAO, ILO); jistieden lill-Kummissjoni u lill-Kunsill, abbażi tar-rispett tal-Artikolu 218 tat-TFUE, sabiex jinvolvu bis-sħiħ lill-Parlament Ewropew fl-istadji kollha tan-negozjati;

9.  Jistieden lill-Kummissjoni biex tinnegozja ftehim dwar it-trasport bl-ajru ma' pajjiżi terzi bil-kundizzjoni li l-istandards għoljin ta' sikurezza, standards xierqa tax-xogħol u soċjali u l-parteċipazzjoni fl-istruttment ibbażat fuq is-suq dwar it-tibdil fil-klima għall-emissjonijiet mit-trasport bl-ajru u, fi ftehimiet dwar it-trasport bl-ajru, biex jiġi żgurat l-aċċess indaqs għas-suq, l-istess kundizzjonijiet ta' sjieda u kundizzjonijiet ekwi tal-kompetizzjoni bbażati fuq ir-reċiproċità;

10.  Jitlob lill-Kummissjoni li jkun hemm konklużjoni rapida tan-negozjati li għaddejjin bħalissa, u fil-futur biex tniedi djalogi ġodda dwar l-avjazzjoni ma' sħab strateġiċi oħra tal-avjazzjoni; jenfasizza li l-ftehimiet dwar servizzi tal-ajru jikkontribwixxu wkoll għall-promozzjoni tal-progress teknoloġiku, kif ukoll għall-implimentazzjoni u t-tisħiħ ta' politiki Ewropej oħra, bħall-politika tal-viċinat;

Il-konsolidament tas-suq uniku tal-avjazzjoni tal-UE

11.  Ifakkar li l-ispazju tal-ajru huwa wkoll parti mis-suq uniku tal-UE, u li kwalunkwe frammentazzjoni li tirriżulta mill-użu ineffiċjenti tagħha, kif ukoll minn prattiki nazzjonali diverġenti (rigward, pereżempju, il-proċeduri operattivi, it-taxxi, l-imposti, eċċ), tikkawża ħinijiet ta' titjir itwal, dewmien, konsum żejjed ta' fjuwil, u livelli ogħla ta' emissjonijiet ta' CO2, minbarra li jkollha impatt negattiv fuq il-bqija tas-suq u xxekkel il-kompetittività tal-UE;

12.  Jinnota li l-Artikolu 3 tar-Regolament 551/2004 jipprevedi, mingħajr preġudizzju għas-sovranità tal-Istati Membri fuq l-ispazju tal-ajru tagħhom, l-istabbiliment ta' reġjun uniku Ewropew ta' informazzjoni dwar titjir aktar 'il fuq (EUIR), u jistieden lill-Kummissjoni timplimentah, minħabba li dan jippermetti li jingħelbu l-konġestjonijiet reġjonali u jagħti lok għall-kontinwità tas-servizzi tal-ajru fl-iktar partijiet densi tal-ispazju tal-arja fil-każ ta' ċirkostanzi mhux previsti jew interruzzjonijiet tat-traffiku tal-ajru; jemmen li l-EUIR se jippermetti l-istabbiliment gradwali ta' Awtostrada tal-Ajru Trans-Ewropea, li tkun pass ieħor lejn it-tlestija tal-Ajru Uniku Ewropew u ġestjoni kosteffikaċi tal-ispazju tal-ajru tal-UE; jilqa' l-progress li diġà sar fil-qasam tal-ġestjoni tat-traffiku tal-ajru bl-għan li jżidu l-effiċjenza u jnaqqsu l-ispejjeż u l-emissjonijiet, partikolarment bis-saħħa ta' ħidmet il-Maniġer tan-Netwerk, u jistieden lill-Istati Membri biex ilestu l-blokok ta' spazju tal-ajru funzjonali mingħajr aktar dewmien biex jiffaċilitaw aktar progress lejn l-Ajru Uniku Ewropew;

13.  Jemmen bis-sħiħ li s-settur tal-avjazzjoni għandu jibbenefika għalkollox minn teknoloġiji bbażati fuq satelliti Ewropej, bħal pereżempju EGNOS u Galileo, li jippermettu navigazzjoni u proċeduri ta' approċċ aktar sikura u aktar effiċjenti filwaqt li jippermettu l-użu sħiħ tal-proġett SESAR; għalhekk jinsisti fuq il-ħtieġa għall-implimentazzjoni wiesgħa ta' dawn it-teknoloġiji; jirrimarka li biex tiġi żgurata l-implimentazzjoni xierqa tal-proġett SESAR, u fl-interess li tinkiseb l-interoperabbiltà globali, għandu jiġi allokat baġit speċifiku u ambizzjuż - apparti l-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa (CEF) — għall-implimentazzjoni tiegħu;

14.  Jieħu nota tal-volum ta' traffiku bl-ajru, li attwalment huwa konsiderevoli u huwa previst li jiżdied fil-ftit snin li ġejjin, kif ukoll ir-restrizzjonijiet tal-kapaċità tal-ajruporti Ewropej biex jakkomodaw madwar 2 miljun titjira sal-2035; jenfasizza li dan se jirrikjedi użu kkoordinat u effiċjenti tal-kapaċità tal-ajruporti u tal-ispazju tal-ajru sabiex tittaffa l-konġestjoni;

15.  Jenfasizza l-importanza vitali tas-settur tal-avjazzjoni għat-tkabbir ekonomiku, il-ħolqien tal-impjiegi u l-iżvilupp tat-turiżmu; jenfasizza li ajruporti żgħar u reġjonali jaqdu rwol prinċipali fil-promozzjoni tal-konnettività, il-koeżjoni territorjali, l-inklużjoni soċjali u t-tkabbir ekonomiku, speċjalment għar-reġjuni ultraperiferiċi u għall-gżejjer; iqis, f'dan ir-rigward, il-ħtieġa għal ippjanar strateġiku għas-sistema tal-ajruporti Ewropea li jista' jidentifika l-kapaċitajiet attwali, id-domanda prevista, l-ostakli attwali u l-ħtiġijiet tal-infrastruttura ġejjiena fil-livell Ewropew, u li jista' jżomm l-aċċess għaċ-ċittadini tal-UE għas-servizzi tal-avjazzjoni;

16.  Jirrikonoxxi d-distakk sinifikanti tal-konnettività fi ħdan l-UE, ikkaratterizzat minn għadd inqas ta' konnessjonijiet bl-ajru f'ċerti partijiet tal-Unjoni, u l-importanza tal-konnettività reġjonali (inklużi żoni ġeografiċi esklużi mit-TEN-T); jinkoraġġixxi lill-Kummissjoni tkompli tissorvelja u tindirizza l-konnettività bl-ajru fi ħdan l-UE;

17.  Jemmen li ħafna mil-limiti sinifikanti għat-tkabbir, kemm fl-ajru kif ukoll fuq l-art (eż. il-kriżi tal-kapaċità, l-użu nieqes jew żejjed tal-infrastrutturi, il-Fornitur ta' Servizz tan-Navigazzjoni bl-Ajru (ANSP) differenti jew investiment limitat), kif ukoll id-distakki fil-konnettività bl-ajru bejn ir-reġjuni differenti tal-UE, jistgħu jiġu indirizzati billi l-konnettività titqies – fil-livelli kollha (nazzjonali, Ewropew u internazzjonali) – bħala waħda mill-indikaturi ewlenin waqt il-valutazzjoni u l-ippjanar ta' azzjonijiet fis-settur;

18.  Iqis li l-konnettività m'għandhiex biss tkun limitata għall-għadd, il-frekwenza u l-kwalità tas-servizzi tat-trasport bl-ajru, iżda għandha tiġi vvalutata wkoll fil-kuntest ta' netwerk tat-trasport modern integrat u għandha tinkludi wkoll kriterji oħra, bħalma huma l-ħin, il-kontinwità territorjali, integrazzjoni akbar tan-netwerk, l-aċċessibbiltà, id-disponibbiltà ta' alternattivi tat-trasport, prezz li jintlaħaq u l-prezz ambjentali, sabiex tirrifletti l-valur miżjud reali ta' rotta; jistieden, għalhekk, lill-Kummissjoni tesplora l-possibbiltà li jiġi żviluppat indikatur tal-UE bbażat fuq indiċijiet oħra eżistenti u fuq il-ħidma esploratorja li diġà twettqet mill-Eurocontrol u mill-Osservatorju tal-Ajruporti;

19.  Jemmen li tali indiċi tal-konnettività, inkluża analiżi pożittiva tal-kostijiet u l-benefiċċji, għandha tikkunsidra l-konnessjonijiet bl-ajru minn perspettiva wiesgħa, filwaqt li ma timminax l-objettiv tal-UE ta' koeżjoni territorjali, li ser tittejjeb permezz tal-linji gwida interpretattivi li se joħorġu dalwaqt dwar ir-regoli tal-Obbligi tas-Servizz Pubbliku; jenfasizza li dan l-indiċi jista' jaqdi l-interessi tal-ippjanar strateġiku ġenerali, sabiex jiġi evitat li jinħlew il-flus ta' dawk li jħallsu t-taxxa billi ssir id-distinzjoni bejn l-opportunitajiet vijabbli minn proġetti li ma jrendux profitti, sabiex, fost affarijiet oħrajn, tingħata prijorità lill-ispeċjalizzazzjoni bi profitt tal-ajruporti, inklużi raggruppamenti jew netwerks ta' ajruporti, tiġi evitata l-emerġenza futura ta' "ajruporti fantażma", u jkun żgurat l-użu effiċjenti tal-kapaċità tal-ajruport u l-ispazju tal-ajru, u wkoll billi jiġu identifikati soluzzjonijiet intermodali, kosteffikaċi u sostenibbli;

20.  Jemmen li l-benefiċċji tal-komplementarjetà tal-modi kollha tat-trasport, mingħajr eċċezzjoni għandhom jiġu sfruttati sabiex tittejjeb il-mobilità u tinkiseb netwerk tat-trasport reżiljenti fl-interess tal-utenti, kemm għat-trasport tal-passiġġieri kif ukoll tal-merkanzija; jindika li l-intermodalità, billi tippermetti bidla modali, hija l-uniku mod kif jista' jiġi żgurat l-iżvilupp dinamiku u sostenibbli ta' settur tal-avjazzjoni kompettitiv fl-UE; jenfasizza li l-intermodalità tippermetti użu aktar effiċjenti tal-infrastruttura, billi tespandi u tqis ż-żoni koperti minn ajruport u tevita t-trikkib tagħhom, bir-riżultat li jkunu liberati xi slots u jingħata kontribut lill-ħolqien ta' ambjent favorevoli għall-kummerċ, it-turiżmu u l-operazzjonijiet tal-merkanzija; jirrikonoxxi s-suċċessi li nkisbu f'dan il-qasam permezz tal-integrazzjoni tal-infrastrutturi ferrovjarji u dawk tal-ajru, u jinkoraġġixxi aktar progress f'dan ir-rigward;

21.  Itenni li l-kurituri tat-TEN-T huma s-sinsla għall-iżvilupp ta' għażliet multimodali fejn l-ajruporti huma ċentri ewlenin; jiddispjaċih li l-inizjattivi multimodali fl-Ewropa huma frammentati u limitati fl-għadd; jenfasizza l-ħtieġa ta' konnessjonijiet rapidi, effiċjenti u faċli biex jintużaw bejn in-netwerks tat-trasport pubbliku u l-infrastruttura tal-ajruporti; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jagħtu prijorità akbar lill-objettiv multimodali tal-kurituri tat-TEN-T filwaqt li jitneħħew il-konġestjonijiet; jistieden lill-Kummissjoni tippreżenta minnufih il-proposta tagħha għal approċċ multimodali u interoperabbli għat-trasport, bl-integrazzjoni sħiħa tas-settur tal-avjazzjoni, u jistieden lill-Istati Membri jagħmlu użu aħjar mill-istrumenti finanzjarji għad-dispożizzjoni tagħhom biex jippromwovu l-konnessjonijiet intermodali;

22.  Iqis li sabiex it-trasport intermodali madwar l-Ewropa jsir aktar attraenti, soluzzjonijiet mingħajr ostakli, informazzjoni fil-ħin reali u servizzi integrati (eż. biljetti integrati) għandhom ikunu offruti lill-passiġġieri kollha (inklużi l-persuni b'mobbiltà mnaqqsa); jirrimarka li l-proġetti ffinanzjati mill-UE wrew il-vijabbiltà teknika tal-iżvilupp ta' sistemi multimodali ta' informazzjoni u ta' ħruġ ta' biljetti; jistieden lill-Kummissjoni, għaldaqstant, tappoġġja t-twassil tagħhom lill-passiġġieri madwar l-UE;

23.  Jemmen li l-operaturi tat-trasport u l-fornituri tas-servizz se jimpenjaw ruħhom biex isibu soluzzjonijiet intermodali u multimodali jekk, permezz ta' qafas regolatorju tal-UE, jiġu provudi kjarifika u ċertezza legali f'dak li jirrigwarda d-drittijiet tal-passiġġieri, ir-responsabilità, id-dewmien u l-kanċellazzjonijiet, approvazzjoni tas-sigurtà, id-data miftuħa u l-istandards tal-kondiviżjoni tad-data; jistieden lill-Kummissjoni biex taġixxi f'dan ir-rigward;

24.  Jinnota li l-finanzjament kemm pubbliku kif ukoll privat fis-settur tal-avjazzjoni huwa essenzjali biex tiġi żgurata l-koeżjoni territorjali, titrawwem l-innovazzjoni u jinżamm jew jerġa' jinkiseb rwol mexxej Ewropew tal-industrija tagħna; ifakkar li kwalunkwe finanzjament irid josserva l-linji gwida tal-UE dwar l-għajnuna mill-istat u l-liġi tal-kompetizzjoni; isostni li meta jingħata appoġġ pubbliku għandu jiġi żgurat li l-investiment konċernat ser jkun kosteffettiv u tajjeb għall-iskop tiegħu;

25.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri, b'konformità mal-"Linji gwida dwar l-għajnuna mill-Istat għall-ajruporti u l-linji tal-ajru" (2014/C 99/03) tal-Kummissjoni u mal-komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar il-kunċett ta' għajnuna mill-Istat kif imsemmi fl-Artikolu 107(1) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (2016/C 262/01), biex isostnu strateġija fit-tul biex jindirizzaw, min-naħa l-waħda, l-ajruporti żejda li qed jagħmlu t-telf f'reġjuni fejn huma disponibbli mezzi oħra ta' trasport, u min-naħa l-oħra, il-kontribut tal-ajruporti sekondarji għall-iżvilupp, il-kompetittività u l-integrazzjoni tar-reġjuni tal-UE;

26.  Jinnota l-importanza ta' qafas regolatorju favorevoli għall-ajruporti biex jiġi attirat u mobilizzat l-investiment privat; iqis li l-evalwazzjoni tal-Kummissjoni tad-Direttiva dwar l-Imposti tal-Ajruporti, flimkien ma' konsultazzjoni effettiva mal-linji tal-ajru u mal-ajruporti, għandha tgħin biex jiġi ċċarat jekk id-dispożizzjonijiet attwali humiex għodda effettiva biex tkun promossa l-kompetizzjoni kontra r-riskju ta' abbuż ta' poter monopolistiku u biex jiġu estiżi l-interessi tal-konsumaturi Ewropej u tkun promossa l-kompetizzjoni, jew jekk hemmx bżonn ta' riforma; jirrikonoxxi l-kontribut tad-dħul minn attivitajiet mhux ajrunawtiċi għall-vijabbiltà kummerċjali tal-ajruporti;

27.  Jinnota li l-Kummissjoni ħabbret, fl-Istrateġija tal-Avjazzjoni tagħha ppubblikata f'Diċembru 2015, evalwazzjoni tad-Direttiva tal-Kunsill 96/67/KE dwar is-servizzi ta' groundhandling fl-ajruporti tal-UE; jappoġġja l-inklużjoni tal-groundhandling fil-kamp ta' applikazzjoni tal-EASA, bl-għan li tkun koperta l-katina kollha tas-sikurezza tal-avjazzjoni;

L-Istrateġija tal-Avjazzjoni: il-ġejjieni

28.  Jemmen li l-katina tal-valur kollha tal-avjazzjoni għandha l-potenzjal li tkun settur strateġiku għall-investiment, li jeħtieġ li jiġi sfruttat iktar billi jiġu stabbiliti objettivi fit-tul u billi jingħataw inċentivi għal inizjattivi intelliġenti li jissodisfaw dawk l-objettivi, bħal ajruporti jew inġenji tal-ajru iktar ekoloġiċi, it-tnaqqis tal-istorbju, il-konnessjoni bejn il-faċilitajiet tal-ajruporti u t-trasport pubbliku; jistieden lill-Kummissjoni u l-Istati Membri jikkunsidraw aktar miżuri biex jippromovu inizjattivi bħal dawn, anke permezz tal-użu effettiv tal-Fond Ewropew għal Investimenti Strateġiċi (FEIS), u biex ikomplu jippromwovu u jiffinanzjaw programmi bħal Clean Sky u SESAR; jenfasizza li l-industrija ajrunawtika hija kontributur ewlieni għall-kompetittività fis-settur tal-avjazzjoni tal-UE, u tagħti appoġġ qawwi lill-promozzjoni ta' teknoloġiji aktar nodfa u appoġġ lil SESAR;

29.  Jieħu nota tal-emissjonijiet ta' CO2 iġġenerati mis-settur tal-avjazzjoni; jenfasizza l-firxa wiesgħa ta' azzjonijiet meħuda diġà jew li ser jittieħdu biex jinkiseb tnaqqis fl-emissjonijiet ta' CO2 u ta' gassijiet b'effett ta' serra, kemm mil-lat tekniku permezz tal-iżvilupp ta' fjuwils alternattivi u inġenji tal-ajru aktar effiċjenti kif ukoll mil-lat politiku permezz tal-osservanza tal-ftehimiet internazzjonali; jilqa' b'sodisfazzjon il-ftehim li ntlaħaq mid-39 Assemblea tal-ICAO fis-6 ta' Ottubru 2016, bl-adozzjoni ta' miżura globali bbażata fuq is-suq (GMBM) sabiex jitnaqqsu l-emissjonijiet tal-avjazzjoni internazzjonali, u l-impenn meħud minn 65 pajjiż li jipparteċipaw fil-fażi volontarja sal-2027, li jfisser li madwar 80 % tal-emissjonijiet ogħla mil-livelli tal-2020 se jiġu kkumpensati mill-iskema sal-2035; jenfasizza l-importanza li tinżamm wara l-31 ta' Diċembru 2016 id-deroga mogħtija taħt l-Iskema tal-Iskambju tal-Emissjonijiet (ETS) għal emissjonijiet minn titjiriet minn jew lejn ajruport f'reġjun ultraperiferiku kif definit fl-Artikolu 349 tat-TFUE; jilqa' l-intenzjoni tal-Kummissjoni li tirrevedi l-miżuri tal-UE għat-tnaqqis tal-emissjonijiet ta' CO2 mill-avjazzjoni fid-dawl ta' dan il-ftehim;

30.  Huwa tal-fehma li, fid-dawl ukoll tal-Pakkett tal-Ekonomija Ċirkolari tal-Kummissjoni, għandhom jiġu mħeġġa inizjattivi ulterjuri bl-għan li tiżdied il-kapaċità ambjentali u jitnaqqsu l-emissjonijiet u l-istorbju minn attivitajiet operazzjonali minn, lejn u fl-ajruporti, bħall-pereżempju permezz tal-adozzjoni ta' fjuwils rinnovabbli (eż. bijofjuwils), billi jiġu żviluppati sistemi effiċjenti għal riċiklaġġ, żarmar u użu mill-ġdid tal-inġenji tal-ajru ċertifikat li ma jagħmilx ħsara lill-ambjent, billi jkunu promossi l-ajruporti ekoloġiċi u t-trasport ekoloġiku lejn l-ajruport, u billi tinkiseb il-ġestjoni loġistika l-aktar effiċjenti;

31.  Jappella li jiġu miġbura u disseminati l-aħjar prattiki ta' tnaqqis fl-emissjonijiet fi ħdan is-settur, filwaqt li nżommu f'moħħna li l-istandards ambjentali għoljin għandhom jiġu ppreservati u mtejba matul iż-żmien sabiex ikun żgurat li l-avjazzjoni tiżviluppa b'mod sostenibbli;

32.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jissorveljaw b'mod strett il-proċeduri l-ġodda li ilhom fis-seħħ minn Ġunju 2016 biex jitnaqqas l-istorbju u l-partikoli ultrafini fl-emissjonijiet tal-gass tal-exhaust minn inġenji tal-ajru li jitilqu minn ajruporti viċin il-bliet u l-inħawi popolati, sabiex tittejjeb il-kwalità tal-ħajja u speċjalment il-kwalità tal-arja;

33.  Jirrikonoxxi l-ispiża sostanzjali tal-miżuri ta' sigurtà; jenfasizza li l-isfidi tas-sigurtà, inkluża s-sigurtà ċibernetika, li qed iħabbat wiċċu magħha s-settur tal-avjazzjoni se jiżdiedu fil-futur, u jirrikjedu bidla immedjata lejn approċċ aktar ibbażat fuq ir-riskju u l-intelliġenza u sistema tas-sigurtà reattiva li jtejjeb is-sigurtà tal-faċilitajiet fl-ajruporti u jagħmel possibbli l-adattament għal theddidiet li jevolvu mingħajr rispons kostanti b'miżuri ġodda jew sempliċement ċaqliq tar-riskju minflok it-tnaqqis tar-riskju;

34.  Jilqa' l-proposta tal-Kummissjoni għal sistema ta' ċertifikazzjoni tal-UE għal tagħmir ta' skrinjar tas-sigurtà tal-avjazzjoni; jinsisti fuq il-ħtieġa għal implimentazzjoni konsistenti tar-regoli eżistenti dwar ir-reklutaġġ u t-taħriġ tal-persunal; jistieden lill-Kummissjoni tistudja l-possibilità li tapprofondixxi l-kunċett ta' kontroll uniku tas-sigurtà (one-stop-security) u li tiżviluppa sistema tal-UE ta' kontroll minn qabel li tippermetti lill-vjaġġaturi tal-UE rreġistrati minn qabel jgħaddu mill-approvazzjoni tas-sigurtà b'mod aktar effiċjenti; iħeġġeġ lill-Istati Membri jimpenjaw ruħhom li jikkondividu l-intelliġenza b'mod sistematiku u jiskambjaw l-aħjar prattiki dwar is-sistemi tas-sigurtà tal-ajruporti;

35.  Jieħu nota tar-Rapport ta' Livell Għoli dwar iż-Żoni ta' Kunflitt, u jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jiżguraw li jiġu implimentati r-rakkomandazzjonijiet tar-rapport, inkluża l-kondiviżjoni tal-informazzjoni sabiex ikun żgurat l-iżvilupp ta' valutazzjoni tar-riskju tal-UE u l-ħila ta' skambjar ta' informazzjoni b'mod rapidu; jissottolinja wkoll li t-tħassib dwar is-sigurtà li jirriżulta minn titjiriet militari mhux kooperattivi mingħajr transponders attivi jridu jkomplu jiġu indirizzati;

36.  Jissottolinja li l-innovazzjoni hija prerekwiżit għal industrija tal-avjazzjoni Ewropea kompetittiva; jinnota li meta jitqabbel ma' modi oħra tat-trasport, l-avjazzjoni diġà huwa settur minn ta' quddiem fl-użu tal-benefiċċji tad-diġitalizzazzjoni, it-teknoloġiji tal-informazzjoni u l-komunikazzjoni u d-data miftuħa, u jħeġġeġ lis-settur ikompli jieħu rwol ewlieni f'dan il-proċess, filwaqt li jiżgura l-kompetizzjoni ġusta, l-interoperabbiltà tas-sistemi, in-newtralità, u t-trasparenza ta' aċċess għal informazzjoni ċara u fil-qosor għall-utenti kollha, bħal, pereżempju, konsumaturi li jibbukkjaw vjaġġ sħiħ jew kumpaniji tal-merkanzija involuti f'operazzjonijiet tat-trasport tal-merkanzija bl-ajru; jilqa' l-proposta tal-Kummissjoni għal proġett Big Data dwar l-avjazzjoni u jitlob kjarifiki dwar l-implimentazzjoni tiegħu;

37.  Ifakkar fl-"indaġni" tas-siti web tas-servizz tal-ivvjaġġar fl-Unjoni, imwettqa mill-Kummissjoni u mill-korpi nazzjonali tal-infurzar fl-2013; jinnota li din l-indaġni kixfet problemi sinifikanti f'iktar minn żewġ terzi tas-siti li ġew kontrollati; jitlob lill-Kummissjoni tirrapporta b'mod aktar sħiħ dwar il-progress li sar biex is-siti web tal-ivvjaġġar isiru konformi mad-dritt tal-UE, u dwar il-pjanijiet futuri tagħha għall-infurzar f'dan il-qasam, kemm fir-rigward tal-bejgħ online kif ukoll tal-bejgħ offline ta' biljetti tal-ajru; ifakkar li l-konsumaturi għandu dejjem ikollhom disponibbli aċċess għal sistema biex iressqu l-ilmenti tagħhom lill-kummerċjanti u jitolbu rifużjonijiet; jemmen li tali aċċess għandu jkun disponibbli b'mod li ma jiddiswadix lill-konsumaturi milli jeżerċitaw id-drittijiet tagħhom u dan l-aċċess għandu jiġi indikat lill-konsumaturi b'mod ċar; jistieden lill-Kummissjoni taħdem mill-qrib mal-korpi nazzjonali tal-infurzar sabiex tiżgura li l-operaturi jissodisfaw dawn ir-rekwiżiti;

38.  Jilqa' b'sodisfazzjon l-innovazzjoni u l-iżvilupp ekonomiku li jistgħu jiġu promossi permezz tal-iżvilupp ulterjuri tal-użu ċivili ta' sistemi ta' inġenji tal-ajru ppilotati mill-bogħod (RPAS); jinnota li s-suq għall-RPAS qed jikber b'mod mgħaġġel, u li tali inġenji tal-ajru qed jintużaw dejjem aktar għal skopijiet privati, f'attivitajiet kummerċjali u mill-awtoritajiet pubbliċi fit-twettiq tal-kompiti tagħhom; jenfasizza l-ħtieġa urġenti għal adozzjoni rapida ta' qafas regolatorju ċar, proporzjonat, armonizzat u msejjes fuq ir-riskju għall-RPASs, sabiex jiġu stimulati l-investiment u l-innovazzjoni fis-settur u jiġi sfruttat għalkollox il-potenzjal enormi tiegħu filwaqt li jinżammu l-ogħla standards ta' sikurezza possibbli;

39.  Ifakkar li r-regolamentazzjoni tas-settur tal-avjazzjoni għandha tqis il-bżonnijiet speċifiċi tal-avjazzjoni ġenerali, fuq bażi li tipprovdi għal soluzzjonijiet tat-trasport tal-ajru individwali, kif ukoll għal attivitajiet sportivi bl-ajru;

L-aġenda soċjali tal-Istrateġija tal-Avjazzjoni

  Bażi ta' residenza:

40.  Jirrikonoxxi l-ħtieġa li jiġi ċċarat il-kriterju ta' 'bażi ta' residenza' u d-definizzjoni ta' "post prinċipali tan-negozju" sabiex jiġi żgurat li jkunu jistgħu jiġu applikati b'mod konsistenti u jiġi prevenut b'mod effettiv l-użu ta' bnadar ta' konvenjenza" u l-prattiki tal-għażla tal-aktar regoli vantaġġużi; ifakkar li waħda mir-responsabbiltajiet prinċipali tal-EASA huwa li toħroġ kemm Ċertifikati tal-Operazzjonijiet tal-Ajru kif ukoll awtorizzazzjonijiet ta' Operaturi ta' Pajjiżi Terzi, bl-għan li jiggarantixxu s-sikurezza u jikkontribwixxu għal titjib fil-kundizzjonijiet tax-xogħol;

Sikurezza

41.  Jistieden lill-EASA u l-Istati Membri ikomplu bl-iskrutinju mudelli ġodda ta' negozju u ta' impjieg sabiex tiġi żgurata s-sikurezza tal-avjazzjoni, u jitlob lill-Kummissjoni biex tirregola fejn meħtieġ; jinnota li għandha tingħata attenzjoni partikolari, fost affarijiet oħra, lil kuntratti li ma jispeċifikawx l-ammont ta' sigħat (zero-hour), skemi pay-to-fly, impjiegi indipendenti fittizju u s-sitwazzjoni ta' ekwipaġġ minn pajjiżi terzi fuq inġenji tal-ajru reġistrati fl-UE; jenfasizza l-importanza tar-Regolament dwar ir-Rappurtar ta' Okkorrenzi fl-Avjazzjoni u l-prattiki ta' "kultura ġusta" għat-tisħiħ u t-titjib tal-istandards tas-sikurezza, kif ukoll is-saħħa u l-kundizzjonijiet tax-xogħol;

Taħriġ

42.  Ifakkar li taħriġ b'livell għoli ta' kwalità jikkontribwixxi għas-sikurezza tal-avjazzjoni; jenfasizza l-kontribut importanti tal-EASA għall-istabbiliment ta' standards komuni ta' taħriġ u sikurezza għall-piloti, il-membri tal-ekwipaġġ u l-kontrolluri tat-traffiku tal-ajru, anke permezz tal-Akkademja Virtwali tagħha, u jistieden lill-Istati Membri jinvestu fl-edukazzjoni u t-taħriġ tul il-ħajja għall-partijiet kollha tal-katina tal-valur tal-avjazzjoni, għax is-suċċess tal-avjazzjoni Ewropea jiddependi ħafna fuq ħaddiema tas-sengħa u l-innovazzjoni; jirrikonoxxi l-ħtieġa li tiġi indirizzata kwalunkwe lakuna li jista' jkun hemm mil-lat ta' ħiliet; jenfasizza l-importanza ta' sħubiji bejn l-istituzzjonijiet edukattivi, iċ-ċentri tar-riċerka u s-sħab soċjali sabiex jiġu aġġornati l-programmi ta' taħriġ u jiġi żgurat li dawn jirriflettu l-ħtiġijiet tas-suq tax-xogħol;

43.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jespandu l-mudelli ta' taħriġ doppju fl-inġinerija ajrunawtika, u biex jestenduhom permezz tal-kooperazzjoni internazzjonali;

44.  Jinkoraġġixxi lill-Kummissjoni tressaq inizjattivi konkreti sabiex tipproteġi d-drittijiet tal-ħaddiema; jistieden lill-Istati Membri jiggarantixxu lill-ħaddiema kollha fis-settur tal-avjazzjoni kundizzjonijiet tax-xogħol deċenti, inklużi s-saħħa u s-sikurezza fuq il-post tax-xogħol, irrispettivament mid-daqs u mit-tip ta' kumpanija li timpjegahom, mill-post tax-xogħol jew mill-kuntratt sottostanti;

45.  Jinnota li l-linji tal-ajru kollha li joperaw fl-Unjoni Ewropea jridu jkunu kompletament konformi mar-rekwiżiti soċjali u tal-impjieg tal-UE u tal-Istati Membri; jindika li hemm differenzi sinifikanti bejn l-Istati Membri fir-rigward tal-kundizzjonijiet tax-xogħol u l-protezzjoni soċjali u li l-impriżi jisfruttaw il-libertà ta' stabbiliment sabiex inaqqsu l-ispejjeż; jistieden lill-Istati Membri jrażżnu din il-kompetizzjoni dannuża; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jippreżentaw proposti dwar kif jevitaw li impjiegi indiretti jintużaw ħażin biex jaħarbu l-leġiżlazzjoni tal-UE u dik nazzjonali dwar it-taxxa u s-sigurtà soċjali fis-settur tal-avjazzjoni; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jipprevjenu l-abbużi soċjali u ċ-ċirkomvenzjoni tal-istandards tax-xogħol billi jiggarantixxu protezzjoni għal dawk li jipprovdu l-informazzjoni, jiffaċilitaw ir-rappurtar miftuħ u jsaħħu l-kooperazzjoni bejn l-ispettorati tax-xogħol tal-Istati Membri; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jiżguraw l-applikazzjoni u l-infurzar korrett tal-liġi dwar ix-xogħol, il-leġiżlazzjoni soċjali u l-ftehimiet kollettivi għal-linji tal-ajru li joperaw fi Stat Membru partikolari;

46.  Jenfasizza li d-dritt li tifforma u tingħaqad ma' trejdjunjin u li tieħu azzjoni kollettiva huwa dritt fundamentali u li jrid jiġi rispettat, kif stabbilit fl-Artikolu 12 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea; jiċħad kull tentattiv biex jiddgħajjef id-dritt tal-istrajkjar fis-settur tal-avjazzjoni; jenfasizza l-importanza ta' sħab soċjali b'saħħithom u indipendenti fis-settur tal-avjazzjoni, djalogu soċjali regolari u istituzzjonalizzat fil-livelli kollha, u l-parteċipazzjoni u r-rappreżentazzjoni tal-impjegati fil-kwistjonijiet tal-kumpanija; jinsisti fuq proċess ta' konsultazzjoni xieraq u djalogu soċjali msaħħaħ qabel kwalunkwe inizjattiva tal-UE li tikkonċerna s-settur tal-avjazzjoni; jilqa' l-isforzi tas-sħab soċjali biex jinnegozjaw ftehim dwar il-kundizzjonijiet tax-xogħol u d-drittijiet soċjali tal-ħaddiema fis-settur Ewropew tal-avjazzjoni; iħeġġiġhom jinnegozjaw ftehimiet kollettivi fil-partijiet kollha tas-settur f'konformità mal-liġijiet u l-prattiki nazzjonali, peress li tali ftehimiet huma strument effettiv fil-ġlieda kontra l-ġirja lejn l-aktar livell baxx fir-rigward tal-istandards soċjali, tax-xogħol u tal-impjieg u fl-iżgurar ta' renumerazzjoni deċenti għall-ħaddiema kollha;

47.  Jemmen li l-ebda impjegat ma għandu jiġi f'dubju dwar il-leġiżlazzjoni applikabbli tax-xogħol jew dwar fejn hu jew hi huma intitolati għas-sigurtà soċjali; jiġbed l-attenzjoni dwar is-sitwazzjoni speċjali ta' ħaddiema mobbli ħafna fis-settur tal-avjazzjoni f'dan il-kuntest, u jappella għal koordinazzjoni aħjar tas-sistemi tas-sigurtà soċjali fl-UE; jinsisti li l-ħtieġa ta' kjarifika ulterjuri tal-liġi applikabbli u tal-qrati kompetenti fir-rigward ta' kuntratti tal-impjieg ta' ħaddiema mobbli fl-avjazzjoni għandha tiġi vvalutata b'kooperazzjoni mill-qrib mar-rappreżentanti ta' dawk il-ħaddiema;

48.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.

(1)

KESE, AC TEN/581.

(2)

http://ec.europa.eu/transport/media/events/2015-06-04-social-agenda-for-transport_en.htm

(3)

Testi adottati, P8_TA(2016)0049.

(4)

Testi adottati, P8_TA(2015)0394.

(5)

Testi adottati, P8_TA(2015)0392.

(6)

Testi adottati, P7_TA(2011)0251.

(7)

Testi adottati P6_TA(2007)0153.

(8)

Testi adottati, P7_TA(2014)0220.

(9)

Testi adottati, P7_TA(2014)0221.

(10)

Testi adottati, P7_TA(2014)0092.

(11)

Testi adottati, P7_TA(2012)0495.

(12)

Testi adottati, P8_TA(2015)0390.

(13)

Testi adottati, P7_TA(2013)0290.

(14)

https://english.eu2016.nl/documents/reports/2016/01/20/report-aviation-summit-2016


NOTA SPJEGATTIVA

Is-settur tal-avjazzjoni llum il-ġurnata

Is-settur tal-avjazzjoni tal-UE llum jirrappreżenta wieħed mill-pedamenti ewlenin tan-netwerk Ewropew tat-trasport, element indispensabbli għall-mobilità tal-persuni u n-negozji fl-UE u lil hinn minnha, li jagħmlu wieħed mill-aktar stejjer ta' suċċess tal-UE.

Is-settur tal-avjazzjoni jimpjega b'mod dirett bejn 1.4 u 2 miljun ruħ u b'mod ġenerali jipprovdi bejn 4.8 miljun u 5.5 miljun impjieg, u jikkontribwixxi EUR 110 biljun għall-PDG tal-UE. Bla dubju, is-settur kollu tal-avjazzjoni huwa forza qawwija li tistimola t-tkabbir ekonomiku, il-ħolqien tal-impjiegi u l-kummerċ fl-UE, billi l-effett multiplikatur tiegħu huwa tali li, għal kull euro ta' valur miżjud għas-settur tat-trasport bl-ajru, jiġu pprovduti kważi tliet euro f'valur miżjud għall-ekonomija b'mod ġenerali.

Matul l-aħħar għoxrin sena, il-liberalizzazzjoni tas-suq intern tal-UE għas-servizzi tal-ajru taw kontribut biex tiġi żviluppata industrija Ewropea kompetittiva, jiżdiedu l-opportunitajiet ta' vvjaġġar fl-Ewropa u lil hinn minnha u jitbaxxew il-prezzijiet. Illum, madankollu, is-settur tal-avjazzjoni qed iħabbat wiċċu ma' sfidi ġodda u li qed jikbru, li xi wħud minnhom jinkludu żieda fil-kompetizzjoni minn pajjiżi terzi, nuqqas fil-kapaċità mistenni sal-2035, tħassib dwar is-sigurtà u l-ambjent, kif ukoll il-bżonn permanenti li jiġu żviluppati teknoloġiji ġodda.

Il-proposta tal-Kummissjoni għal Strateġija tal-Avjazzjoni għall-Ewropa

Fis-7 ta' Diċembru 2015, f'tentattiv biex jiġu indirizzati l-isfidi għas-settur tal-avjazzjoni, il-Kummissjoni ppubblikat Komunikazzjoni dwar Strateġija tal-Avjazzjoni għall-Ewropa. Il-Komunikazzjoni tipproponi modi kif l-ekonomija tal-Ewropa tingħata spinta, tissaħħaħ il-bażi industrijali tagħha u tiġi rinforzata l-pożizzjoni ta' tmexxija globali tagħha fis-settur tal-avjazzjoni. Il-Kummissarju Violeta Bulc mal-pubblikazzjoni ddikjarat li "Din se żżomm il-kumpaniji Ewropej kompetittivi, permezz ta' investimenti u opportunitajiet ta' negozju ġodda, li jippermettulhom li jikbru b'mod sostenibbli. Iċ-ċittadini Ewropej se jibbenefikaw ukoll minn aktar għażla, minn prezzijiet orħos u mill-ogħla livelli ta' sikurezza u sigurtà." L-istrateġija tressaq tliet prijoritajiet ewlenin biex jinkisbu l-għanijiet varji, jiġifieri:

1.  Li nisfruttaw is-swieq li qed jikbru billi ntejbu l-aċċess għas-suq u l-opportunitajiet ta' investiment tal-avjazzjoni tal-UE ma' pajjiżi terzi. Għal dan l-għan, il-Kummissjoni tipproponi l-adozzjoni ta' politika esterna tal-avjazzjoni ambizzjuża permezz tan-negozjar ta' ftehimiet komprensivi dwar l-avjazzjoni li għandhom jinkludu dispożizzjonijiet effettivi dwar il-kompetizzjoni ġusta, kif ukoll permezz tal-espansjoni ta' ftehimiet bilaterali dwar is-sikurezza tal-avjazzjoni sabiex jinkiseb rikonoxximent reċiproku tal-istandards taċ-ċertifikati tas-sikurezza u permezz tal-appoġġ tal-kummerċ fl-inġenji tal-ajru u fi prodotti relatati.

2.  Li nindirizzaw il-limiti għat-tkabbir ekonomiku kemm fl-ajru kif ukoll fuq l-art billi nnaqqsu l-limiti għall-kapaċità u l-effiċjenza li jimpedixxu lis-settur milli jikber b'mod sostenibbli, filwaqt li jikkawżaw konġestjoni, dewmien u spejjeż li qed jiżdiedu u billi tittejjeb il-konnettività.

3.  Li nżommu standards għoljin ta' sikurezza u ta' sigurtà fl-UE billi ssir bidla għal approċċ abbażi tar-riskju u tal-prestazzjoni.

F'dan il-kuntest, il-Kummissjoni identifikat il-ħtieġa li l-UE taġixxi wkoll biex issaħħaħ l-aġenda soċjali, iżżid il-protezzjoni tad-drittijiet tal-passiġġieri, tħaddan era ġdida ta' innovazzjoni u teknoloġiji u tikkontribwixxi għal standards ambjentali għolja.

Ir-rapporteur jilqa' l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni u jaqbel mal-valutazzjoni globali tal-qagħda attwali. Huwa jaqbel ukoll mal-objettivi stabbiliti fl-istrateġija u jistenna twettiq f'waqtu wara l-pjan ta' azzjoni indikattiv, fost l-oħrajn, proposta leġiżlattiva għal miżuri biex jiġu indirizzati il-prattiki żleali fit-trasport internazzjonali bl-ajru, linji gwida interpretattivi li jispjegaw ir-regoli attwali li jirregolaw l-obbligu ta' servizz pubbliku, linji gwida dwar is-sjieda u l-kontroll u evalwazzjoni dwar id-Direttiva dwar l-Imposti tal-Ajruporti 2009/12/KE.

Ir-rapporteur jilqa' wkoll l-inizjattiva biex isiru negozjati fil-livell tal-UE dwar ftehimiet dwar it-trasport bl-ajru u ftehimiet bilaterali dwar is-sikurezza tal-avjazzjoni ma' pajjiżi terzi li jirrappreżentaw swieq emerġenti u strateġiċi (iċ-Ċina, il-Ġappun, l-Assoċjazzjoni tan-Nazzjonijiet tax-Xlokk tal-Asja (ASEAN), it-Turkija, il-Qatar, l-Emirati Għarab Magħquda, l-Armenja, il-Messiku, iċ-Ċina, il-Baħrejn, il-Kuwajt, l-Oman u l-Arabja Sawdija) u jittama li l-Kummissjoni u l-Kunsill, b'konformità mal-Artikolu 218 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, se jinvolvu u jinformaw b'mod sħiħ lill-Parlament fl-istadji kollha tan-negozjati ta' ftehimiet internazzjonali dwar l-ajru.

Madankollu, ir-rapporteur jemmen li hija meħtieġa strateġija Ewropea għall-avjazzjoni komprensiva u aktar awdaċi biex jingħelbu l-isfidi attwali kif ukoll biex jiġu antiċipati l-proċessi futuri.

Passi meħuda mir-rapporteur

Ir-rapporteur jara dan ir-rapport bħala opportunità biex jiġi kondiviż u jkompli jissaħħaħ l-impetu tal-Parlament Ewropew għal strateġija komprensiva tal-avjazzjoni għall-Ewropa. F'dan l-ispirtu, huwa ddeċieda li jiffoka primarjament fuq is-suġġetti li, fil-fehma tiegħu, jew tħallew barra jew ma ġewx indirizzati biżżejjed fil-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni. Sabiex jiġi evitat l-irduppjar tax-xogħol, qed tiġi riżervata biss referenza għal biċċiet essenzjali oħra ta' leġiżlazzjonijiet għaliex dawn jew qegħdin għaddejjin minn proċedura leġiżlattiva tal-Parlament (jiġifieri reviżjoni tar-regolament bażiku tal-EASA, inkluż qafas tal-UE għal inġenji tal-ajru mingħajr ekwipaġġ) jew qed jinżammu ostaġġi fil-Kunsill (eż. ir-reviżjoni tar-Regolament dwar is-Slots, ir-reviżjoni tar-Regolament dwar id-Drittijiet tal-Passiġġieri, ir-riformulazzjoni tar-Regolament dwar l-Implimentazzjoni tal-Ajru Uniku Ewropew).

Ir-rapport jinkludi xi ħsibijiet żviluppati wara l-missjoni tal-Kumitat TRAN fil-Kanada f'Mejju 2016 fejn id-delegazzjoni ltaqgħet ma' rappreżentanti tal-Organizzazzjoni tal-Avjazzjoni Ċivili Internazzjonali (ICAO), tal-industrija tal-ajru u tal-awtoritajiet tas-sigurtà. Skont ir-rapporteur, din iż-żjara ta' studju kien partikolarment rilevanti biex turi kif l-innovazzjonijiet avvanzati fis-settur tal-avjazzjoni jistgħu jissodisfaw l-objettivi ambjentali u ta' sigurtà.

Bil-ħsieb tal-abbozzar tar-rapport, ir-rapporteur, fil-preżenza tax-shadow rapporteurs, ospita wkoll sessjoni ta' skambju ta' ideat li laqqgħet rappreżentanti minn għas-settur kollu tal-avjazzjoni (ara l-annessi): l-istituzzjonijiet tal-UE, linji tal-ajru, ajruporti, l-industrija, servizzi tal-ivvjaġġar, passiġġieri u organizzazzjonijiet nongovernattivi għall-ambjent. Il-laqgħa kellha l-għan li tiġbor il-fehmiet tal-partijiet ikkonċernati dwar l-iżvilupp ta' indikatur ta' konnettività, l-inklużjoni tas-settur tal-avjazzjoni f'netwerk tat-trasport multimodali kif ukoll l-iżvilupp ta' perspettivi dwar is-settur għal tletin sena li ġejjin. Il-parteċipanti esprimew b'mod qawwi l-ħtieġa ta' approċċ strateġiku globali u koordinat, li jibni fuq il-kumplimentarità tal-modi kollha ta' trasport.

Prinċipji ta' gwida

Li titjieb il-konnettività, li tingħata spinta lill-kompetittività u li tinżamm perspettiva mmexxija mis-suq huma l-linji ewlenin ta' dan ir-rapport li spiraw il-valutazzjoni tar-rapporteur tal-istrateġija u kwalunkwe proposta ġdida li ressaq.

Skont ir-rapporteur, ħafna mill-isfidi ffaċċjati mis-settur tal-avjazzjoni, bħal pereżempju l-limiti għall-kapaċità, l-użu mhux biżżejjed jew iżżejjed tal-infrastrutturi, il-fornituri differenti ta' servizz tan-navigazzjoni bl-ajru (ANSP) jew investimenti limitati, jistgħu jiġu indirizzati billi tittejjeb il-konnettività u billi l-konnettività tinbidel fi strument ta' tfassil ta' politika.

Ir-rapporteur jirrikonoxxi li s-suq tal-avjazzjoni huwa estremament kompetittiv, kemm internament kif ukoll globalment. Fl-UE, huwa jilqa' l-intenzjoni tal-Kummissjoni li tindirizza l-prattiki nazzjonali diverġenti attwali (eż.: taxxi, imposti, eċċ.) li qed ixekklu l-funzjonament tajjeb tas-suq uniku tal-avjazzjoni tal-UE. Barra l-UE, ir-rapporteur huwa tal-fehma li l-ftehimiet ma' pajjiżi terzi jistgħu jgħinu biex jiġi stabbilit qafas għal kundizzjonijiet ġusti ta' kompetizzjoni. Madankollu, huwa jinnota li f'suq globali tal-avjazzjoni, ċerti pajjiżi għandhom karatteristiċi inerenti, bħalma huma vantaġġi ġeografiċi jew prattiki kulturali u storiċi, li wieħed ma jistax jikkumpensa għalihom, minkejja l-fatt li dawn ifixklu l-kompetizzjoni.

Barra minn hekk, skont ir-rapporteur, is-suċċess tal-istrateġija jiddependi wkoll fuq il-kapaċità tagħha li tipprovdi l-istrumenti u l-qafas li se jippremjaw u jinċentivaw l-aħjar innovazzjonijiet mis-suq kemm għall-passiġġieri kif ukoll għall-merkanzija, pereżempju billi taħtaf il-benefiċċji tal-varar sħiħ tat-TIK u tikseb il-ġestjoni loġistika l-iktar effiċjenti fis-settur kollu, u billi żżomm lura milli timponi standards riġidi. F'perspettiva orjentata lejn is-suq, kwalunkwe finanzjament pubbliku jew privat għandu jirrispetta l-linji gwida attwali tal-UE dwar l-għajnuna statali u l-liġi tal-kompetizzjoni.

Proposti

Fid-dawl ta' dan ta' hawn fuq, ir-rapporteur għamel għadd ta' proposti intiżi biex jikkontribwixxu għall-iżvilupp ta' strateġija komprensiva dwar l-avjazzjoni:

- Li jkompli jiġi żvilippat mudell Ewropew tal-avjazzjoni: il-protezzjoniżmu qatt mhu soluzzjoni u s-suċċessi kummerċjali jinstabu meta wieħed jaġixxi f'suq miftuħ. Billi nibnu fuq l-assi Ewropej tagħna, inklużi fost oħrajn standards għoljin tas-sikurezza, pożizzjonar ġeografiku, industrija innovattiva, għanijiet soċjali u ambjentali, is-settur tal-avjazzjoni tal-UE għandu l-potenzjal li jipprovdi mudell uniku u kompetittiv li jkun kapaċi jadatta u jwieġeb għall-ispeċifiċitajiet tal-kompetituri sabiex jingħeleb u jerġa' jkun hemm kundizzjonijiet ekwi fis-suq globali.

- Li jkun hemm Rotta Trans-Ewropea tal-Ajru: l-Artikolu 3 tar-Regolament (KE) Nru 551/2004 li jipprevedi l-istabbiliment ta' żona unika ta' Reġjun Ewropew għall-Informazzjoni dwar it-Titjiriet Aktar 'il Fuq (EUIR), mingħajr ħsara għas-sovranità tal-Istati Membri, għadu ma ġiex implimentat. Tali EUIR għandu jippermetti l-bini ta' Rotta Trans-Ewropea tal-Ajru sabiex tittaffa l-frammentazzjoni attwali tal-ispazju tal-ajru Ewropew u t-tfixkil tas-sistema tat-trasport bl-ajru li qed jaffettwaw ħafna l-kontinwità tas-servizzi tal-ajru u qed jagħmlu ħsara lill-kompetittività tal-UE. Sabiex jintlaħqu l-miri tal-istrateġija tal-avjazzjoni tal-UE, għalhekk huwa urġenti li tali kunċett jiġi tradott f'realtà.

- Li jiġi żviluppat indiċi ta' konnettività: indiċi ta' konnettività għandu l-għan li jirrifletti l-valur miżjud veru ta' rotta speċifika. Tali indikatur għandu mhux biss jieħu inkunsiderazzjoni l-kriterji normali tan-numru, il-frekwenza u l-kwalità ta' konnessjonijiet, iżda għandu jqis ukoll iż-żmien, iż-żidiet fl-integrazzjoni tan-netwerk, l-affordabilità u l-ispejjeż ambjentali. Dan l-indiċi għandu jikkunsidra bis-sħiħ il-komplementarjetà tal-mezzi kollha tat-trasport sabiex ikun jista' jgħin ukoll biex jiġu identifikati soluzzjonijiet intermodali u aktar kosteffiċjenti. Indiċi ta' konnettività għandu jappoġġja l-ippjanar strateġiku u l-investiment fis-settur tal-avjazzjoni billi jagħmel distinzjoni bejn proġetti ekonomikament vijabbli u dawk li ma jrendux qligħ sabiex wieħed jiffavorixxi, pereżempju, l-ispeċjalizzazzjoni bi profitt tal-ajruporti u sabiex jiġu evitati l-ajruporti fantażma. Dan l-indiċi jista' jiġi żviluppat abbażi ta' dawk eżistenti u tal-ħidma esploratorja li diġà twettqet mill-Eurocontrol u mill-osservatorju dwar l-ajruporti.

- Li titħeġġeġ il-multimodalità: minħabba l-ħtieġa ta' effiċjenza dejjem akbar tal-infrastrutturi eżistenti kif ukoll tar-razzjonalizzazzjoni tal-investimenti, huwa evidenti li l-benefiċċji l-komplementarjetà tal-modi kollha tat-trasport mhux qed jintużaw biżżejjed. Għal dawn ir-raġunijiet, huwa urġenti li jiġi sfruttat il-potenzjal ta' soluzzjonijiet multimodali li jinkludu bis-sħiħ is-settur tal-avjazzjoni. Il-kurituri tan-netwerk TEN-T jibbenefikaw mill-qafas u l-finanzjament xierqa u għandhom il-potenzjal li jospitaw inizjattivi pilota f'din il-perspettiva. Għal dan l-għan, għandha tingħata prijorità akbar għat-twettiq ta' dan l-objettiv. Id-domanda għal soluzzjonijiet multimodali teżisti u se tiġi indirizzata jekk il-qafas leġiżlattiv jipprovdi ċertezza legali xierqa, li timplika li tinstab soluzzjoni għall-kwistjonijiet ta' responsabilità u d-drittijiet tal-passiġġieri, iżda wkoll li tingħata ħarsa lejn il-kontinwità tas-servizzi għall-passiġġieri matul il-vjaġġi multimodali tagħhom bħal pereżempju l-ġarr tal-bagalji u l-proċeduri ta' sigurtà. Il-multimodalità teħtieġ ukoll l-assigurazzjoni ta' data miftuħa.

- Li jinħoloq ambjent favorevoli għall-investiment intelliġenti: filwaqt li għandu jkun immexxi mit-teknoloġija, is-settur tal-avjazzjoni jeħtieġ ukoll investimenti kbar fit-tul u infrastrutturi. Sabiex jiġi massimizzat l-użu ta' dawn l-infrastrutturi u l-profittabilità ta' dawn l-investimenti, jeħtieġ li dawn jidħlu f'viżjoni strateġika fit-tul għas-settur. L-appoġġ għall-innovazzjoni fis-settur tal-avjazzjoni għandu jimmobilizza l-industrija. Dawk li jfasslu l-politika għandhom jikkontribwixxu aktar biex jagħmlu l-katina kollha tal-valur tal-avjazzjoni settur strateġiku kemm għall-investimenti pubbliċi kif ukoll għal dawk privati billi jistabbilixxu objettivi fit-tul u jagħtu inċentivi għal inizjattivi intelliġenti, pereżempju, it-tnaqqis tal-emissjonijiet ta' CO2 u l-istorbju fl-ajruporti, il-kisba tal-multimodalità u t-titjib tal-proċeduri ta' sigurtà. F'dan ir-rigward, il-FEIS jista' jkun strument xieraq biex jiġu stimulati tali tipi ta' proġetti bbażati fuq is-suq.

- Li jintlaħqu l-objettivi ambjentali: meta jitqies l-impenn tal-UE lejn il-miri ambjentali internazzjonali, il-Komunikazzjoni reċenti tal-Kummissjoni dwar "Strateġija Ewropea għal Mobilità b'Emissjonijiet Baxxi" u l-Pakkett dwar l-Ekonomija Ċirkolari, il-qafas globali huwa favorevoli b'mod pożittiv għat-tnaqqis tal-emissjonijiet ta' CO2 ġġenerati mis-settur tat-trasport. Tingħata attenzjoni qawwija u dovuta lit-tnaqqis tal-emissjonijiet tas-CO2 minn attivitajiet reali tat-trasport u appoġġ għal soluzzjonijiet innovattivi mmirati lejn l-iżvilupp ta' fjuwils alternattivi u inġenji tal-ajru eħfef fost affarijiet oħra, sforzi li kollha kemm huma għandhom jinżammu. Għandha tingħata attenzjoni ugwali lill-attivitajiet ġenerali tal-ajruporti fejn prattiki jistgħu jiġu promossi u inċentivizzati prattiki li ma jagħmlux ħsara lill-ambjent, pereżempju billi ssir distinzjoni bejn l-ajruport u dawn jiġu mmarkati "itinerarji ekoloġiċi lejn l-ajruport" u billi tinkiseb il-pestjoni loġistika l-aktar effiċjenti.

- Li titjieb is-sigurtà: minkejja investimenti konsiderevoli u spejjeż li diġà ġew impenjati għal finijiet ta' sigurtà, dawn l-aħħar xhur urew li s-sigurtà għandha tibqa' prijoritarja fl-aġenda tal-UE u li huwa meħtieġ titjib ulterjuri b'mod urġenti kemm fl-ajru kif ukoll fuq l-art. F'dan ir-rigward, huwa essenzjali l-impenn tal-Istati Membri għall-kondiviżjoni sistematika tal-informazzjoni ta' intelliġenza kif ukoll bidla lejn approċċ ibbażat aktar fuq l-intelliġenza u reattiv tas-sistema ta' sigurtà. Madankollu, se jkunu meħtieġa sforzi speċjali sabiex ma jintefax piż żejjed fuq il-passiġġieri tal-ajru, konsegwenza li tista' tkun ta' ħsara għas-settur. F'dan ir-rigward għandu jitħeġġeġ l-iżvilupp ta' soluzzjonijiet innovattivi fil-qasam tas-sigurtà għandu, kemm għall-passiġġieri kif ukoll għall-merkanzija. Filwaqt li tibni fuq il-kunċett eżistenti ta' kontroll uniku tas-sigurtà (one-stop security), il-Kummissjoni għandha teżamina l-possibilità li tiġi żviluppata sistema tal-UE ta' kontrolli minn qabel, ispirata mis-sistema Amerikana "TSA precheck", li tippermetti lill-vjaġġaturi tal-UE li jirreġistraw volontarjament minn qabel u jgħaddu minn kontroll tas-sigurtà aktar mgħaġġel u eħfef ladarba jkunu fl-ajruport.

Annexes

29 June 2016

Brainstorming Session

Aviation Strategy: what is missing

Room ASP5G365, European Parliament, Brussels

Note: Session only in EN, no interpretation available.

14.00 – 14.10

Introductory remarks by EP Rapporteur Pavel Telička

14.10 – 14.55

Connectivity

Question: How central is the role played by Connectivity in deploying the EU Aviation strategy?

How do you assess connectivity? What is the difficulty in trying to improve connectivity? How would you ensure/ improve it? What drives the strategy to open a certain route and not another? What are the incentives to build / develop airports and / or another line? Based on previous experience, how would you identify ghost airports? What distinguishes them from a “necessary” airport? Would the development of a connectivity index help identify growth potentials?

Round table discussions

14.55 – 15.35

Intermodality

Question: How aviation can contribute and benefit from being integrated into a multimodal network?

What is the experience today as concerns transfers to airports? What are the partnerships / solutions provided by airports / airlines ? What would be the difficulties / solutions to develop an ‘intermodal fast lane’? What are the strategies in place for the aviation sector to fit into an intermodal European transport network? How do you assess the competition / complementarity of high speed railway lines?

Round table discussions

15.35 – 16.15

Aviation 2050

Question: How should the aviation sector look in 2050?

How are ICTs concretely used today and used in 2050? What new technology developments are to be expected to respond to airport security, capacity crunch, environment requirements? How would you assess the synergy within the sector to ensure the coherence of innovative developments? How should connectivity in an ICT world look like in 2050? How should aviation infrastructures (on the ground and on air) look like in 2050?

Round table discussions

16.15 - 16.45

Aviation Strategy: what is still missing?

Looking into concrete proposals.

Round table discussions

16.45 - 17.00

Conclusion

29 June 2016

Brainstorming Session

Aviation Strategy: what is missing

Room ASP5G365, European Parliament, Brussels

List of Participants

First name

Last name

Organisation

Olivier

Jankovec

ACI-Europe

Markus

Broich

Airbus Group

Guillaume

Xavier-Bender

Airlines 4 Europe

Niamh

McCourt

Airlines for America

Léa

Bodossian

Airport Regions Conference

Alexandra

Covrig

Airport Regions Conference

Juan-Jesus

Garcia

Amadeus

Petr

Votoupal

Committee of Regions

Nathalie

Vande Velde

DG MOVE E3

Luc

Tytgat

EASA

Philip

von Schöppenthau

Eurocockpit

Stefania

Gazzina

Eurocontrol

John

Hanlon

European Low Fare Airlines Association (ELFAA)

Stijn

Lewyllie

European Passengers’ Federation

Leonardo

Massetti

European Regions Airline Association (ERA)

Rupert

Hornig

German Airport Association (ADV)

Clemens

Brandt

German Airport Association (ADV)

Philippe

Morin

International Air Transport Association

Bill

Hemmings

Transport&Environment

Andrew

Murphy

Transport&Environment

Luka

De Bruyckere

Transport&Environment

Follow up to the

Brainstorming Session

on

Aviation Strategy: what is missing

hold on 29 June 2016

Organisation / Contact:

Questionnaire :

Connectivity

Question: How central is the role played by Connectivity in deploying the EU Aviation strategy?

How do you assess connectivity?

What is the difficulty in trying to improve connectivity?

How would you ensure/ improve it?

What drives the strategy to open a certain route and not another?

What are the incentives to build / develop airports and / or another line?

Based on previous experience, how would you identify ghost airports?

What distinguishes them from a “necessary” airport?

Would the development of a connectivity index help identify growth potentials?

Intermodality

 

Question: How aviation can contribute and benefit from being integrated into a multimodal network?

What is the experience today as concerns transfers to airports?

What are the partnerships / solutions provided by airports / airlines ?

What would be the difficulties / solutions to develop an ‘intermodal fast lane’?

What are the strategies in place for the aviation sector to fit into an intermodal European transport network? How do you assess the competition / complementarity of high speed railway lines?

Aviation 2050

 

Question: How should the aviation sector look in 2050?

How are ICTs concretely used today and used in 2050? What new technology developments are to be expected to respond to airport security, capacity crunch, environment requirements?

How would you assess the synergy within the sector to ensure the coherence of innovative developments?

How should connectivity in an ICT world look like in 2050?

How should aviation infrastructures (on the ground and on air) look like in 2050?

Role of the aviation industry?

Aviation Strategy

What is still missing and what is essential

Looking into concrete proposals.

Number 3 to 5 elements without which the Aviation Strategy will not fly.

 

 

Deadline: In order for your contribution/ideas to be potentially reflected in the report, thank you for submitting your replies to the questionnaire by next Tuesday 5 July 2016.


OPINJONI tal-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali (14.10.2016)

għall-Kumitat għat-Trasport u t-Turiżmu

dwar Strateġija tal-Avjazzjoni għall-Ewropa

(2016/2062(INI))

Rapporteur għal opinjoni: Ole Christensen

(*)  Kumitat assoċjat – Artikolu 54 tar-Regoli ta' Proċedura

SUĠĠERIMENTI

Il-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali jistieden lill-Kumitat għat-Trasport u t-Turiżmu, bħala l-kumitat responsabbli, biex jinkorpora s-suġġerimenti li ġejjin fil-mozzjoni għal riżoluzzjoni tiegħu:

A.  billi 4,7 miljun impjieg fl-Unjoni huma direttament (1,9 miljun) u indirettament (2,8 miljun) iġġenerati mit-trasport bl-ajru, l-ajruporti u l-industrija tal-manifattura1; billi 917 000 impjieg ieħor fl-ekonomija globali huma sostnuti mill-industrija tal-avjazzjoni Ewropea; billi minkejja l-fatt li s-suq tal-avjazzjoni fl-Unjoni kien qed jikber fil-perjodu ta' bejn l-2000 u l-2013, bit-traffiku tal-passiġġieri jiżdied b'47 %, l-għadd ta' impjiegi fl-avjazzjoni baqa' stabbli jew saħansitra naqas f'xi sottosetturi;

B.  billi s-settur tal-avjazzjoni fl-Unjoni qed jiffaċċja kompetizzjoni ħarxa u inġusta bħal għajnuna mill-Istat illegali u nuqqas ta' konformità mal-istandards internazzjonali tax-xogħol minn trasportaturi bbażati f'pajjiżi terzi; billi din il-kompetizzjoni inġusta tpoġġi lill-kumpaniji tal-ajru Ewropej taħt pressjoni, b'tali mod li jintilfu aktar impjiegi fl-Ewropa; billi l-istandards internazzjonali tax-xogħol u l-prinċipji ta' kompetizzjoni soda jridu jiġu rrispettati sabiex ikunu żgurati kundizzjonijiet ekwi;

C.  billi minħabba ż-żieda fl-internalizzazzjoni, il-liberalizzazzjoni u l-kompetizzjoni globali, tfaċċaw mudelli ġodda tan-negozju u tal-impjieg;

D.  billi skont il-Eurocontrol, it-traffiku tal-ajru fl-Ewropa x'aktarx se jkun 50 % aktar fl-2035 minn dak fl-2012;

E.  billi s-sejbiet reċenti tal-ILO juru deterjorament fil-kundizzjonijiet tax-xogħol fis-settur tal-avjazzjoni; billi diversifikazzjoni akbar fil-kuntratti tista' tkun għodda għal aktar flessibbiltà, iżda tista' wkoll tintuża ħażin għal skopijiet ta' "xiri selettiv" ("rule shopping") biex jiġi evitat il-ħlas tal-kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali; billi f'xi każijiet l-impjiegi atipiċi jista' jkollhom effett negattiv fuq id-drittijiet soċjali u tax-xogħol, is-sikurezza, il-kompetizzjoni, il-pagi, is-saħħa u s-sigurtà u l-istandards tal-kwalità; billi xi linji tal-ajru joffru lill-kadetti karigi b'kundizzjonijiet deplorevoli, jew saħansitra jirrikorru għal skemi pay-to-fly fejn il-bdot iħallas lil-linja tal-ajru biex itir fuq titjiriet li jġibu d-dħul;

F.  billi f'xi spazji tal-ajru, 94 % tad-dewmien huwa kkawżat minn nuqqas ta' kapaċità f'ċentri ta' kontroll tal-erja (ACCs);

G.  billi studju mwettaq mill-Università ta' Ghent sab li aktar minn bdot wieħed minn kull sitta mistħarrġa(1) kienu qed jiffaċċjaw kundizzjonijiet tal-impjieg atipiku, eż. billi jiġu impjegati permezz ta' aġenzija tax-xogħol temporanju, jew bħala li jaħdmu għal rashom, jew b'kuntratt ta' żero sigħat mingħajr ebda garanzija ta' paga minima; billi l-linji tal-ajru bi spejjeż baxxi huma bil-bosta l-akbar utenti tal-impjieg atipiku;

H.  billi n-natura mobbli u transnazzjonali tal-avjazzjoni tagħmilha diffiċli li jiġu identifikati l-abbużi soċjali u ċ-ċirkomvenzjoni tal-istandards tax-xogħol u dan ifisser li huwa impossibbli li l-problemi jiġu indirizzati biss fil-livell nazzjonali ;

I.  billi s-sħab soċjali Ewropej, fid-Dikjarazzjoni Konġunta kontra Bnadar ta' Konvenjenza fl-Avjazzjoni bbażati fl-UE, appellaw lil-leġiżlaturi Ewropej sabiex jieħdu azzjoni urġenti biex jevitaw l-iżvilupp ta' bnadar ta' konvenjenza fl-avjazzjoni bbażati fl-UE, jew l-importazzjoni ta' bnadar ta' konvenjenza mhux tal-UE fis-settur;

1.  Jilqa' l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar "Strateġija tal-Avjazzjoni għall-Ewropa"; jenfasizza li huma meħtieġa aktar sforzi biex tissaħħaħ l-aġenda soċjali u jinħolqu u jinżammu impjiegi ta' kwalità għolja fl-avjazzjoni, kif ukoll biex tissaħħaħ il-kompetittività fis-settur tal-avjazzjoni Ewropew; jemmen li l-iżgurar ta' kundizzjonijiet ekwi fis-settur huwa kruċjali; jinkoraġġixxi lill-Kummissjoni tressaq inizjattivi konkreti sabiex tevita l-kompetizzjoni inġusta u tipproteġi d-drittijiet tal-ħaddiema;

2.  Jirrimarka li hemm differenzi sinifikanti bejn l-Istati Membri fir-rigward tal-kundizzjonijiet tax-xogħol u l-protezzjoni soċjali u li l-impriżi jisfruttaw mil-libertà ta' stabbiliment sabiex inaqqsu l-ispejjeż; jistieden lill-Istati Membri jwaqqfu din il-kompetizzjoni dannuża;

3.  Jenfasizza l-importanza li jkollok sħab soċjali b'saħħithom u indipendenti fis-settur tal-avjazzjoni, djalogu soċjali regolari u istituzzjonalizzat fil-livelli kollha, u l-parteċipazzjoni u r-rappreżentazzjoni tal-impjegati fil-kwistjonijiet tal-kumpanija; jinsisti fuq proċess ta' konsultazzjoni xieraq u djalogu soċjali msaħħaħ qabel kwalunkwe inizjattiva tal-UE li tikkonċerna s-settur tal-avjazzjoni;

4.  Jenfasizza li d-dritt li tifforma u tingħaqad ma' trejdjunjin u li tieħu azzjoni kollettiva huwa dritt fundamentali u li jrid jiġi rispettat, kif stabbilit fl-Artikolu 12 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea; jiċħad kull attentat li jdgħajjef d-dritt tal-istrajkjar fis-settur tal-avjazzjoni;

5.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jimmonitorjaw mill-qrib u b'mod kontinwu t-tendenzi tal-impjiegi fl-avjazzjoni ċivili Ewropea u, fejn meħtieġ, jirregolaw il-mudelli ġodda tan-negozju u tal-impjieg; jissuġġerixxi li l-Aġenzija Ewropea tas-Sikurezza tal-Avjazzjoni (EASA) tista' tiskrutinizza l-mudelli ġodda tan-negozju u tal-impjieg sabiex tiżgura s-sikurezza tal-avjazzjoni; jinsisti li l-EASA tinvolvi s-sħab soċjali f'kompitu bħal dan;

6.  Jenfasizza li l-impjieg indipendenti fittizju fl-avjazzjoni għandu konsegwenzi negattivi sinifikanti fir-rigward tas-sikurezza tal-avjazzjoni, tal-protezzjoni soċjali tal-ħaddiema kif ukoll tal-kompetizzjoni ġusta fis-suq; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jżidu l-isforzi biex jiġġieldu l-impjieg indipendenti fittizju fis-settur tal-avjazzjoni; jinkoraġġixxi lill-Istati Membri biex, fejn meħtieġ, jipprovdu għal distinzjoni ċara bejn impjegati u persuni li jaħdmu għal rashom, b'kollaborazzjoni mas-sħab soċjali;

7.  Jilqa' l-isforzi tas-sħab soċjali biex jinnegozjaw ftehim dwar il-kundizzjonijiet tax-xogħol u d-drittijiet soċjali tal-ħaddiema fis-settur Ewropew tal-avjazzjoni; iħeġġiġhom jinnegozjaw ftehimiet kollettivi fil-partijiet kollha tas-settur tal-avjazzjoni f'konformità mal-liġijiet u l-prattiki nazzjonali, peress li huma strument effikaċi fil-ġlieda kontra ġirja lejn l-aktar livell baxx fir-rigward tal-istandards soċjali, tax-xogħol u tal-impjieg u f'li tiġi żgurata renumerazzjoni deċenti għall-ħaddiema kollha;

8.  Jenfasizza li m'hemm l-ebda ħtieġa għal aktar liberalizzazzjoni tas-servizzi fuq l-art fl-ajruporti tal-Unjoni; jenfasizza l-ħtieġa li jiġu żgurati kundizzjonijiet tax-xogħol aħjar, livelli ogħla ta' kwalifiki, ta' sikurezza u ta' servizzi ta' kwalità aħjar fis-settur tas-servizzi fuq l-art; jappella għal kjarifika tal-kunċett ta' "entità ekonomika", bil-għan li jiġu estiżi l-benefiċċji tad-Direttiva 2001/23/KE għall-ħaddiema tas-servizzi fuq l-art f'każ ta' sejħa għall-offerti jew telf parzjali tal-attivitajiet;

9.  Jiġbed l-attenzjoni lejn numru ta' każijiet ta' kompetizzjoni inġusta fis-settur tal-avjazzjoni; ifakkar li l-kompetizzjoni inġusta tista' tikkontribwixxi għad-degradazzjoni tal-kundizzjonijiet tax-xogħol; jistieden lill-awtoritajiet responsabbli jissanzjonaw adegwatament kwalunkwe mġiba ħażina f'dan ir-rigward;

10.  Iqis li l-kundizzjonijiet tax-xogħol prekarji, li huma partikolarment komuni għall-bdoti u għall-membri tal-ekwipaġġ żgħażagħ, jikkostitwixxu riskju għas-sikurezza; jinsisti li l-impjieg dirett jibqa' l-mudell standard tal-impjieg fl-avjazzjoni; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jiżguraw kundizzjonijiet tax-xogħol u tal-impjieg deċenti;

11.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jippreżentaw proposti dwar kif jevitaw li impjiegi indiretti jintużaw ħażin biex jaħarbu l-leġiżlazzjoni tal-UE u dik nazzjonali dwar it-taxxa u s-sigurtà soċjali fis-settur tal-avjazzjoni;

12.  Jinnota li l-linji tal-ajru kollha li joperaw fl-Unjoni Ewropea jridu jkunu kompletament konformi mar-rekwiżiti soċjali u tal-impijieg tal-UE u tal-Istati Membri;

13.  Jistieden lill-Kummissjoni tiżgura li l-kundizzjonijiet tax-xogħol għall-persunal, speċjalment il-bdoti, huma tali li jipprevjenu li l-istandards tas-sikurezza jiġu kompromessi bħala riżultat ta' għeja żejda;

14.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex, b'rispett tal-kompetenzi rispettivi, iressqu inizjattivi leġiżlattivi biex jipprevjenu bnadar ta' konvenjenza, "xiri selettiv" u kompetizzjoni inġusta, anke fir-rigward ta' kuntratti ta' żero sigħat u skemi pay-to-fly fl-avjazzjoni kummerċjali Ewropea, b'tali mod li jiġu garantiti kundizzjonijiet ġusti tax-xogħol u tal-impjieg;

15.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jiżguraw l-applikazzjoni u l-infurzar korrett tal-liġi dwar ix-xogħol, il-leġiżlazzjoni soċjali u l-ftehimiet kollettivi għal-linji tal-ajru li joperaw fi Stat Membru partikolari;

16.  Jistieden lill-Kummissjoni tiżgura l-applikazzjoni xierqa tar-Regolament (KE) Nru 1008/2008 u tevalwa l-bżonn li tirrevedi dan ir-Regolament bil-għan li ssaħħaħ il-kriterju tas-"sede prinċipali";

17.  Jappella għal kjarifika u applikazzjoni konsistenti tal-kriterju ta' "bażi tas-servizz" sabiex jiġi żgurat li huwa jiddetermina l-leġiżlazzjoni soċjali, tal-impjieg u fiskali applikabbli għall-operazzjonijiet kollha tal-inġenji tal-arju ta' trasportaturi fil-pussess ta' Ċertifikat tal-Operatur tal-Ajru (AOC) tal-UE, fl-operazzjonijiet kemm fis-suq intern kif ukoll internazzjonali; jemmen li l-ebda impjegat ma għandu jiġi f'dubju dwar il-leġiżlazzjoni applikabbli tax-xogħol jew dwar fejn hu jew hi huma intitolati għas-sigurtà soċjali; jiġbed l-attenzjoni dwar is-sitwazzjoni speċjali ta' ħaddiema mobbli ħafna fis-settur tal-avjazzjoni f'dan il-kuntest, u jappella għal koordinazzjoni aħjar tas-sistemi tas-sigurtà soċjali fl-UE;

18.  Jitlob li kull membru tal-ekwipaġġ tal-ajru minn pajjiżi terzi jikkonforma bis-sħiħ mar-rekwiżiti tal-liċenzjar tal-UE/tal-EASA sabiex ikun jista' jħaddem inġenju tal-ajru rreġistrat fl-UE; jenfasizza l-ħtieġa li jiġi evitat u jitnaqqas id-dumping soċjali u kwalunkwe forma ta' sfruttament tal-ħaddiema jew użu illegali tal-ekwipaġġ tal-arju minn pajjiżi terzi abbord inġenju tal-ajru rreġistrat fl-UE, sabiex jiġu żgurati kundizzjonijiet tal-impjieg ġusti u livell għoli ta' sikurezza; jappella, f'dan il-kuntest, lill-Kummissjoni biex testendi l-applikazzjoni tad-Direttiva dwar il-Permess Uniku (2011/98/UE) għal ħaddiema mobbli fl-avjazzjoni ċivili; ifakkar li l-ekwipaġġ minn pajjiżi terzi għandu l-istess drittijiet f'termini ta' protezzjoni tax-xogħol u kundizzjonijiet tax-xogħol bħall-ekwipaġġ ibbażat fl-UE;

19.  Jinsisti li kwalunkwe ftehim fil-qasam tal-politika esterna tal-UE dwar l-avjazzjoni jrid jinkludi r-rispett lejn id-drittijiet tal-bniedem u l-konvenzjonijiet rilevanti tal-ILO, kif ukoll mezzi effikaċi ta' infurzar, inkluż ir-rifjut jew l-irtirar tad-drittijiet għall-inżul; jistieden lill-Kummissjoni tiżgura li n-negozjati ma' pajjiżi terzi ma jwasslux għal ftehimiet dwar l-avjazzjoni li jdgħajfu l-protezzjoni tal-ħaddiema jew l-istandards soċjali fl-Ewropa;

20.  Jenfasizza li meta jiġi infurzat ir-Regolament dwar "Rapportar tal-Okkorrenzi fl-Avjazzjoni", huwa kruċjali li inċidenti li jinvolvu l-għeja tal-ekwipaġġ kif ukoll l-arja kkontaminata fil-kabini tal-bdoti jiġu rrappurtati regolarment, sabiex jittejbu l-istandards tas-saħħa tal-ekwipaġġ u s-sikurezza kemm tal-persunal tat-titjir kif ukoll tal-passiġġieri;

21.  Itenni li kwalunkwe ftehim dwar l-avjazzjoni jrid jinkludi r-rispett lejn id-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali kif minquxa fil-Karta Soċjali Ewropea u l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-UE;

22.  Jiddispjaċih li r-rekwiżiti għal linji tal-ajru ta' pajjiżi terzi li joperaw lejn u minn ajruporti fl-Unjoni mhumiex infurzabbli jew huma saħansitra ineżistenti; jinsisti li l-kompetizzjoni inġusta minn linji tal-ajru ta' pajjiżi terzi, minħabba pereżempju għajnuna diretta u indiretta mill-Istat, sussidji jew sfruttament tal-ħaddiema, trid tiġi indirizzata b'mod effikaċi, u li l-għodod eżistenti biex tiġi miġġielda l-kompetizzjoni inġusta jridu jiġu evalwati fil-fond u, fejn meħtieġ, aġġornati; jemmen bis-sħiħ li sakemm ma jiġux inklużi klawżoli ta' kompetizzjoni ġusta, inkluż ir-rispett għad-drittijiet tal-ħaddiema, fil-ftehimiet tat-trasport bl-ajru ma' pajjiżi terzi, id-drittijiet tagħhom li joperaw fl-Unjoni għandhom ikunu limitati;

23.  Jistieden lill-Istati Membri jinvestu fl-edukazzjoni u t-taħriġ tul il-ħajja fil-partijiet kollha tal-katina tal-valur tal-avjazzjoni, peress li s-suċċess tal-avjazzjoni Ewropea huwa dipendenti ħafna fuq il-ħaddiema tas-sengħa u l-innovazzjoni; jirrikonoxxi l-ħtieġa li jiġi indirizzat kwalunkwe nuqqas ta' ħiliet li jista' jkun hemm; jenfasizza l-importanza ta' sħubiji bejn l-istituzzjonijiet tal-edukazzjoni, iċ-ċentri tar-riċerka u s-sħab soċjali sabiex jiġu aġġornati l-programmi ta' taħriġ u jiġi żgurat li dawn jirriflettu l-ħtiġijiet tas-suq tax-xogħol; jirrakkomanda li komponenti teoretiċi u prattiċi u apprendistati jiġu inkorporati fi programmi edukattivi u li tingħata attenzjoni partikolari lejn l-aħħar żviluppi teknoloġiċi, bħad-drones;

24.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jiżguraw li jkun hemm biżżejjed investiment pubbliku u privat f'riċerka u żvilupp fis-settur tal-avjazzjoni; jenfasizza, f'dan il-kuntest, l-importanza tal-manifattura u l-forniment ta' servizzi tul il-katina tal-valur tal-avjazzjoni, bħala ta' importanza kbira għall-impjiegi u t-tkabbir; jemmen bil-qawwa li r-rwol tagħhom irid jiġi indirizzat aħjar fl-istrateġija tal-avjazzjoni;

25.  Jenfasizza li l-liċenzja tal-bdoti Ewropea għandha tiżgura livell għoli ta' sikurezza u sigurtà, peress li dan huwa ta' benefiċċju għall-persunal u għall-passiġġieri kollha; jinnota li r-reklutaġġ ta' persuni li m'għandhomx il-liċenzja tal-bdoti Ewropea jista' jwassal għal tnaqqis ġenerali fis-salarji tal-bdoti;

26.  Jemmen li netwerk ta' istituti ta' taħriġ fl-avjazzjoni taħt l-awspiċji tal-Akkademja Virtwali tal-EASA se jgħin biex jistabbilixxi standards komuni ta' taħriġ u sikurezza;

27.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jistabbilixxu sistema ta' ċertifikazzjoni għal ċentri edukattivi li jipprovdu taħriġ għall-ekwipaġġ tal-kabina, sabiex tissaħħaħ is-sikurezza u s-sigurtà;

28.  Jirrakkomanda li għandhom jiġu stabbiliti standards komuni rigward il-kompetenzi tal-ispetturi tas-sikurezza tal-avjazzjoni;

29.  Ifakkar lill-Kummissjoni li l-proċess ta' liberalizzazzjoni tal-Ajru Uniku Ewropew (SES), u b'mod partikolari l-iskema ta' prestazzjoni għall-Fornituri ta' Servizz tan-Navigazzjoni bl-Ajru (ANSP), m'għandhomx jitwettqu għad-detriment tal-kundizzjonijiet tax-xogħol tal-persunal operattiv b'livell għoli ta' ħiliet jew iwasslu għal tnaqqis fl-investiment f'teknoloġiji ġodda u fit-taħriġ tal-persunal il-ġdid; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tikkunsidra kif jista' jiġi evitat tali żvilupp, peress li dan ma jkunx qed jaqdi l-għan ta' servizz tat-traffiku tal-ajru fl-Ewropa aħjar, aktar effikaċi u aktar produttiv;

30.  Jistieden lill-Istati Membri jiggarantixxu lill-ħaddiema kollha fis-settur tal-avjazzjoni kundizzjonijiet tax-xogħol deċenti, inklużi s-saħħa u s-sikurezza fuq il-post tax-xogħol, irrispettivament mid-daqs u mit-tip ta' kumpanija li timpjegahom, mill-post tax-xogħol jew mill-kuntratt sottostanti; jenfasizza li dan jinkludi l-protezzjoni kontra l-esponiment għat-tniġġis bil-partiċelli fl-ajruporti; jenfasizza l-ħtieġa ta' regoli trasparenti dwar is-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol fis-settur tal-avjazzjoni li jridu jagħmlu l-inġenji tal-ajru kollha b'AOC tal-UE soġġetti għal sorveljanza regolari b'rispett tal-kompetenzi nazzjonali;

31.  Jenfasizza l-ħtieġa għal monitoraġġ regolari tal-benessri psikoloġiku tal-ekwipaġġ tal-ajru biex jiġu żgurati s-saħħa u s-sikurezza tagħhom fuq il-post tax-xogħol; jenfasizza l-importanza tal-ħin tal-mistrieħ għall-ekwipaġġ tal-ajru, sabiex jiġi żgurat l-ogħla livell ta' sikurezza u ta' sigurtà matul il-ħin tax-xogħol tagħhom;

32.  Jinsisti li l-ħtieġa ta' kjarifika ulterjuri tal-liġi applikabbli u tal-qrati kompetenti fir-rigward ta' kuntratti tal-impjieg ta' ħaddiema mobbli fl-avjazzjoni għandha tiġi vvalutata b'kooperazzjoni mill-qrib mar-rappreżentanti ta' dawk il-ħaddiema;

33.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jipprevjenu l-abbużi soċjali u ċ-ċirkomvenzjoni tal-istandards tax-xogħol billi jiggarantixxu protezzjoni għal dawk li jipprovdu l-informazzjoni, jiffaċilitaw ir-rappurtar miftuħ u jsaħħu l-kooperazzjoni bejn l-ispettorati tax-xogħol tal-Istati Membri;

34.  Jistieden lill-awtoritajiet kompetenti jtejbu l-qagħda attwali rigward l-ACCs billi, pereżempju, iżidu n-numru tal-persunal u jtejbu l-kundizzjonijiet tax-xogħol, sabiex jindirizzaw iż-żieda mistennija fit-traffiku tal-ajru u jnaqqsu l-għadd ta' dewmien u l-konġestjoni fl-ispazju tal-ajru tal-UE;

35.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jiżguraw implimentazzjoni u infurzar aħjar tal-leġiżlazzjoni eżistenti tal-Unjoni fis-settur tal-avjazzjoni.

RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALIFIL-KUMITAT LI JINTALAB JAGĦTI OPINJONI

Data tal-adozzjoni

12.10.2016

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

46

6

0

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Laura Agea, Guillaume Balas, Brando Benifei, Vilija Blinkevičiūtė, Enrique Calvet Chambon, Ole Christensen, Martina Dlabajová, Lampros Fountoulis, Elena Gentile, Arne Gericke, Marian Harkin, Czesław Hoc, Danuta Jazłowiecka, Agnes Jongerius, Rina Ronja Kari, Jan Keller, Ádám Kósa, Agnieszka Kozłowska-Rajewicz, Jean Lambert, Jérôme Lavrilleux, Jeroen Lenaers, Verónica Lope Fontagné, Javi López, Morten Løkkegaard, Thomas Mann, Dominique Martin, Anthea McIntyre, Joëlle Mélin, Elisabeth Morin-Chartier, Emilian Pavel, João Pimenta Lopes, Georgi Pirinski, Marek Plura, Terry Reintke, Anne Sander, Sven Schulze, Siôn Simon, Jutta Steinruck, Romana Tomc, Yana Toom, Ulrike Trebesius, Marita Ulvskog, Renate Weber, Tatjana Ždanoka, Jana Žitňanská

Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali

Georges Bach, Deirdre Clune, Tania González Peñas, Dieter-Lebrecht Koch, Neoklis Sylikiotis, Flavio Zanonato

Sostituti (skont l-Artikolu 200(2)) preżenti għall-votazzjoni finali

Raymond Finch

(1)

Y. Jorens, D. Gillis, L. Valcke u J. De Coninck, "Atypical Forms of Employment in the Aviation Sector", Djalogu Soċjali Ewropew, Kummissjoni Ewropea, 2015


OPINJONI tal-Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza tal-Ikel (29.9.2016)

għall-Kumitat għat-Trasport u t-Turiżmu

dwar Strateġija tal-Avjazzjoni għall-Ewropa

(2016/2062(INI))

Rapporteur għal opinjoni: Tibor Szanyi

SUĠĠERIMENTI

Il-Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza tal-Ikel jistieden lill-Kumitat għat-Trasport u t-Turiżmu, bħala l-kumitat responsabbli, biex jinkorpora s-suġġerimenti li ġejjin fil-mozzjoni għal riżoluzzjoni tiegħu:

1.  Jilqa' l-fatt li l-proposta tal-Kummissjoni dwar Strateġija tal-Avjazzjoni tenfasizza l-kontribut importanti tas-settur tal-avjazzjoni għall-UE billi jġib benefiċċji ekonomiċi, soċjali, teknoloġiċi u ta' konnettività; jenfasizza li l-Ewropa għandu jkollha rwol ewlieni fl-avjazzjoni internazzjonali u tkun mudell ta' referenza globali għal avjazzjoni sostenibbli, u li hemm bżonn aktar passi ambizzjużi u sostenibbli li għandhom iqisu l-aspetti ambjentali, klimatiċi, tas-saħħa u tal-impjiegi b'tali mod li jgħaqqdu l-ekoloġija mal-ekonomija, l-ambjent mal-finanzi, u viżjoni fit-tul mal-interessi politiċi immedjati;

2.  Jinnota li l-iżvilupp sostenibbli tas-settur huwa essenzjali sabiex jiġi evitat li impatti ambjentali bħat-tibdil fil-klima, it-tnaqqis tal-ożonu stratosferiku, it-tniġġis tal-arja u l-istorbju jsiru aktar gravi; jinnota li għalkemm l-inġenji tal-ajru tal-lum jiġġeneraw inqas emissjonijiet mill-ekwivalenti tagħhom ta' 30 sena ilu, l-inġenji tal-ajru mibjugħa fis-suq globali jridu jkunu regolati minn standards ambjentali minimi globali; jilqa', f'dan ir-rigward, l-istandard internazzjonali l-ġdid tal-Organizzazzjoni tal-Avjazzjoni Ċivili Internazzjonali (ICAO) rigward l-istorbju, li japplika għal tipi ġodda ta' inġenji tal-ajru kbar mill-2017 'il quddiem;

3.  Jesprimi t-tħassib tiegħu li, fl-2050, l-emissjonijiet tas-CO2 mill-avjazzjoni internazzjonali mistennija jkunu seba' darbiet ogħla milli kienu fl-1990, minkejja t-titjib fl-effiċjenza tal-kombustjoni u l-azzjoni li diġà ttieħdet biex jinkiseb tkabbir newtrali fir-rigward tal-emissjonijiet tal-karbonju mill-2020 'il quddiem, bħat-titjib fl-effiċjenza u l-iżvilupp ta' fjuwils alternattivi u inġenji tal-ajru eħfef; jilqa' l-isforzi teknoloġiċi kollha magħmula permezz ta' attivitajiet ta' R&Ż bħal standards addizzjonali għall-emissjonijiet tas-CO2 tal-inġenji tal-ajru u għall-emissjonijiet ta' materja partikolata mill-magni tal-inġenji tal-ajru;

4.  Jenfasizza l-importanza li jsiru għadd ta' ratifiki li huma meħtieġa biex il-Ftehim ta' Pariġi jidħol fis-seħħ; iħeġġeġ lill-Istati Membri, f'dan il-kuntest, jirratifikaw il-Ftehim immedjatament huma wkoll; ifakkar li t-trasport huwa t-tieni l-akbar settur ta' emissjonijiet ta' gassijiet serra, u jiddispjaċih li l-avjazzjoni internazzjonali mhix imsemmija b'mod espliċitu fil-Ftehim ta' Pariġi, peress li s-setturi ekonomiċi kollha jeħtieġ jikkontribwixxu għat-tranżizzjoni lejn emissjonijiet baxxi ta' karbonju; jinnota li l-limitu tat-temperatura tal-Ftehim u r-referenza għall-emissjonijiet antropoġeniċi, madankollu, jirrikjedu sforzi ambizzjużi ta' tnaqqis tal-emissjonijiet mis-settur tal-avjazzjoni; jinnota li jekk it-tkabbir tas-settur tal-avjazzjoni dinji fil-futur ma jkunx akkumpanjat mis-sostenibbiltà ambjentali u minn sforzi ta' mitigazzjoni globali, dawn l-objettivi ma jkunux jistgħu jintlaħqu;

5.  Jappella biex aktar tard din is-sena tiġi stabbilita miżura globali bbażata fuq is-suq (GMBM) ġusta u robusta, li għandha tiġi implimentata fil-livell internazzjonali mill-2020 'il quddiem; jesprimi d-diżappunt kbir tiegħu dwar il-proposta attwali diskussa fl-ICAO; jenfasizza li l-GMBG jeħtieġ tirrifletti bis-sħiħ l-objettivi tal-Ftehim ta' Pariġi biex is-settur tal-avjazzjoni jkun jista' jikkontribwixxi b'mod ġust u effikaċi għall-objettivi klimatiċi tal-2030 u għall-objettivi tal-Ftehim ta' Pariġi, li għandhom jiġu implimentati fil-livell internazzjonali mill-2020 'il quddiem u rieżaminati f'intervalli fissi sabiex tiżdied kemm jista' jkun l-effiċjenza tagħhom;

6.  Jappella biex l-iskema tal-UE għan-negozjar ta' emissjonijiet (ETS) tittejjeb; ifakkar li kwalunkwe emenda tal-leġiżlazzjoni eżistenti dwar l-inklużjoni tal-avjazzjoni fl-ETS tal-UE tista' tiġi kkunsidrata biss jekk il-GMBM tkun ambizzjuża, u li – ikun x'ikun il-każ – it-titjiriet intra-Ewropej se jkomplu jkunu koperti mill-ETS tal-UE; jappella biex id-dispożizzjonijiet dwar l-avjazzjoni fl-ETS tal-UE jinżammu u jissaħħu bħala parti essenzjali mill-miżuri biex jintlaħaq l-objettiv tal-UE li l-emissjonijiet jitnaqqsu mill-inqas b'40 % sal-2030; jinnota li għalkemm l-emissjonijiet mit-titjiriet fl-UE huma inklużi fl-ETS, fl-2014 dawn żdiedu bi 3 % meta mqabbel mas-sena preċedenti u fl-2015 żdiedu bi 3.6 % oħra meta mqabbel mal-2014;

7.  Jappella biex dawn l-eżenzjonijiet jintemmu, l-ewwel nett għat-titjiriet intra-UE, fid-dawl tal-fatt li l-eżenzjonijiet mit-taxxa fuq il-fjuwils u mill-VAT għall-avjazzjoni huma ta' diżinċentiv għall-effiċjenza u jfixklu s-suq intern; jiddispjaċih li l-istandard tal-effiċjenza tas-CO2 li qed jiġi kkunsidrat mill-ICAO mhuwiex se jnaqqas l-emissjonijiet taħt il-livelli tal-istatus quo; jappella biex il-miżuri adottati fil-livell tal-UE jmorru lil hinn mill-istandard globali;

8.  Jinnota li s-suċċess ta' avjazzjoni sostenibbli huwa marbut intrinsikament mal-appoġġ kontinwu għal programmi ta' riċerka b'saħħithom bħal Clean Sky u SESAR; jilqa' d-deċiżjoni li jiġi estiż il-mandat legali tal-Impriża Konġunta SESAR u ta' Clean Sky 2, fid-dawl tal-kontribut sinifikanti tagħhom biex l-avjazzjoni Ewropea ssir aktar sikura u ambjentalment sostenibbli, billi, pereżempju, l-emissjonijiet ta' CO2 jitnaqqsu potenzjalment b'madwar 50 miljun tunnellata permezz tal-proġett SESAR; jinnota wkoll li għal avjazzjoni sostenibbli hemm bżonn investimenti sinifikanti f'teknoloġiji ġodda u innovattivi, bħal fid-disinn tal-inġenji tal-ajru, fjuwils alternattivi, inklużi l-bijofjuwils tat-tieni ġenerazzjoni, u t-teknoloġiji diġitali, u jistieden lill-Kummissjoni tpoġġi r-riċerka fuq quddiem fl-aġenda politika;

9.  Jirrikonoxxi li għad hemm bosta titjiriet qosra li fihom jintużaw teknoloġiji li għadda żmienhom u li jiġġeneraw livelli għoljin ta' emissjonijiet; jappella għal miżuri li jinkoraġġixxu bidla lejn modi ta' trasport reġjonali aktar favorevoli għall-ambjent, bħall-ferrovija; jenfasizza l-importanza, f'dan il-kuntest, li jiġu integrati wkoll mezzi differenti ta' trasport sostenibbli;

10.  Jirrikonoxxi, f'konformità mad-Dikjarazzjoni ta' Riga(1), il-potenzjal kbir għall-iżvilupp rapidu tat-teknoloġija tad-drones u s-suq tad-drones ċivili bil-ħsieb li s-servizzi u l-applikazzjonijiet eżistenti jsiru aktar favorevoli għall-klima u għall-ambjent, aktar sostenibbli, aktar sikuri u orħos; jinnota li tekniki intelliġenti fl-agrikoltura – bħal sistemi ta' inġenji tal-ajru ppilotati mill-bogħod (RPAS) – jistgħu jipprovdu ammonti bla għadd ta' servizzi differenti u jikkontribwixxu għal titjib fil-produttività u fl-effiċjenza fl-użu tar-riżorsi, kif ukoll sostenibbiltà ambjentali akbar; jirrikonoxxi l-effetti pożittivi li dan jista' jkollu fuq l-ambjent, kif ukoll għat-tirsis tal-ħamrija u l-mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima; iħeġġeġ it-twaqqif ta' qafas tal-UE rigward is-sistemi ta' inġenji tal-ajru ppilotati mill-bogħod u li jaħdmu bl-elettriku u rigward l-użu tad-drones; jenfasizza l-importanza li jiġi sfruttat il-potenzjal tad-drones, u jenfasizza li għandu jinstab bilanċ tajjeb bejn l-aspetti tas-sikurezza u s-sigurtà, iċ-ċertezza legali u l-protezzjoni tal-privatezza u tad-data;

11.  Jappella biex fil-leġiżlazzjoni dwar l-avjazzjoni jiddaħħlu r-rekwiżiti għall-RPAS, filwaqt li jiġu rispettati r-rekwiżiti dwar is-sikurezza u l-privatezza taċ-ċittadini u l-proprjetà; jinnota li sabiex jiġi sfruttat il-potenzjal sħiħ tat-teknoloġija tal-RPAS jeħtieġ jingħata permess għal operat "beyond-visual-line-of-sight" (BVLOS) fiż-żoni rurali; jappella biex ma jkunx hemm limitazzjonijiet ta' piż, peress li l-RPAS jistgħu jissostitwixxu vetturi ta' tranżitu akbar u jġorru tagħbijiet akbar fuq distanzi itwal, b'inqas enerġija;

12.  Jappella biex jinġabru u jinxterdu l-aħjar prattiki li jnaqqsu l-emissjonijiet fis-settur; jenfasizza – fid-dawl tal-fatt li l-istandards ambjentali jridu jinżammu u jittejbu matul iż-żmien sabiex jiġi żgurat li l-avjazzjoni tiżviluppa b'mod sostenibbli – l-urġenza u l-importanza li jitwaqqfu programmi u inċentivi ulterjuri għall-iżvilupp tas-settur u l-ħolqien ta' impjiegi marbuta mar-riċerka, l-effiċjenza, is-sostenibbiltà tal-enerġija, it-tnaqqis fl-impatt ambjentali u l-innovazzjoni teknoloġika, b'enfasi fuq miżuri globali li jindirizzaw l-impatt tal-avjazzjoni fuq il-klima, inklużi l-objettivi tal-UE u tal-Istati Membri dwar l-ekonomija ċirkolari;

13.  Jenfasizza l-importanza tal-impatti klimatiċi tal-avjazzjoni mhux marbuta mas-CO2 u tal-potenzjal għat-tnaqqis tagħhom u tal-impatti ambjentali l-oħra tal-avjazzjoni billi titjieb il-prestazzjoni tal-ġestjoni tat-traffiku tal-ajru, inkluża l-ġestjoni gate-to-gate; jappella, f'dan ir-rigward, biex ikomplu jsiru sforzi sabiex titnaqqas il-frammentazzjoni tal-ispazju tal-ajru Ewropew u jissaħħaħ l-Ajru Uniku Ewropew;

14.  Jifhem il-ħtieġa li tiġi ottimizzata r-regolamentazzjoni u li jitjiebu l-infrastruttura u l-kapaċità, kemm fl-ajruporti kif ukoll fl-ajru; jenfasizza li, jekk ma jiġux indirizzati, dawn il-kwistjonijiet se jxekklu t-tkabbir tal-avjazzjoni fl-UE, partikolarment minħabba l-ispejjeż tal-frammentazzjoni; jiġbed l-attenzjoni, sadanittant, għall-ħtieġa ta' protezzjoni b'saħħitha fir-rigward tal-ambjent u tal-konsumatur, b'regoli ċari dwar id-drittijiet tal-passiġġieri u l-protezzjoni tagħhom, sabiex iċ-ċittadini jkollhom titjiriet aktar sikuri, iqsar, aktar nodfa u orħos, kif ukoll għażla akbar;

15.  Jappella biex ir-rieżami attwali tal-Aġenzija Ewropea tas-Sikurezza tal-Avjazzjoni (EASA) jespandi r-rwol tal-aġenzija fi kwistjonijiet ambjentali, inkluż billi l-UE tingħata flessibbiltà akbar fl-adozzjoni ta' standards ambjentali.

RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT LI JINTALAB JAGĦTI OPINJONI

Data tal-adozzjoni

29.9.2016

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

53

2

7

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Marco Affronte, Margrete Auken, Pilar Ayuso, Zoltán Balczó, Catherine Bearder, Ivo Belet, Simona Bonafè, Biljana Borzan, Lynn Boylan, Soledad Cabezón Ruiz, Nessa Childers, Birgit Collin-Langen, Miriam Dalli, Seb Dance, Angélique Delahaye, Jørn Dohrmann, Stefan Eck, Eleonora Evi, José Inácio Faria, Elisabetta Gardini, Jens Gieseke, Julie Girling, Sylvie Goddyn, Matthias Groote, Andrzej Grzyb, Anneli Jäätteenmäki, Jean-François Jalkh, Benedek Jávor, Josu Juaristi Abaunz, Giovanni La Via, Peter Liese, Norbert Lins, Susanne Melior, Massimo Paolucci, Piernicola Pedicini, Bolesław G. Piecha, Pavel Poc, Frédérique Ries, Michèle Rivasi, Daciana Octavia Sârbu, Annie Schreijer-Pierik, Dubravka Šuica, Tibor Szanyi, Claudiu Ciprian Tănăsescu, Nils Torvalds, Jadwiga Wiśniewska, Damiano Zoffoli

Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali

Nikos Androulakis, Paul Brannen, Mark Demesmaeker, Christofer Fjellner, Karol Karski, Elisabeth Köstinger, Merja Kyllönen, Alessandra Mussolini, James Nicholson, Gabriele Preuß, Bart Staes, Carlos Zorrinho, Elżbieta Katarzyna Łukacijewska

Sostituti (skont l-Artikolu 200(2)) preżenti għall-votazzjoni finali

Pál Csáky, Iveta Grigule

(1)

Direttorat Ġenerali għall-Mobilità u t-Trasport tal-KE. (is-6 ta' Marzu 2015) Id-Dikjarazzjoni ta' Riga dwar l-inġenji tal-ajru ppilotati mill-bogħod, "Framing the Future of Aviation". http://ec.europa.eu/transport/modes/air/news/doc/2015-03-06-drones/2015-03-06-riga-declaration-drones.pdf


OPINJONI tal-Kumitat għas-Suq Intern u l-Ħarsien tal-Konsumatur (18.7.2016)

għall-Kumitat għat-Trasport u t-Turiżmu

dwar strateġija tal-avjazzjoni għall-Ewropa

(2016/2062(INI))

Rapporteur għal opinjoni: Anneleen Van Bossuyt

SUĠĠERIMENTI

Il-Kumitat għas-Suq Intern u l-Ħarsien tal-Konsumatur jistieden lill-Kumitat għat-Trasport u t-Turiżmu, bħala l-kumitat responsabbli, biex jinkorpora s-suġġerimenti li ġejjin fil-mozzjoni għal riżoluzzjoni tiegħu:

1.  Jilqa' l-inklużjoni ta' taqsima speċifika dwar il-konsumaturi fl-Istrateġija tal-Avjazzjoni tal-Kummissjoni; jinnota li fir-rigward tal-konsumaturi li jipprenotaw vjaġġ, ħafna mid-drittijiet applikabbli għadhom ibbażati fuq leġiżlazzjoni orizzontali dwar il-ħarsien tal-konsumaturi; iqis, għalhekk, li l-"Kontroll tal-Idoneità" tal-acquis tal-konsumatur għandu jqis dan;

2.  Jirrikonoxxi l-importanza tas-settur tal-avjazzjoni bħala forza motriċi għat-tkabbir, għall-impjiegi u għal opportunitajiet kummerċjali ġodda għall-ekonomija Ewropea, u r-rwol kruċjali tiegħu fil-mobilità tal-oġġetti, il-persuni u s-servizzi fis-suq intern;

3.  Jirrikonoxxi l-importanza tas-settur tal-avjazzjoni fl-industrija Ewropea tal-ajrunawtika, li hija minn ta' quddiem fid-dinja fil-produzzjoni ta' inġenji tal-ajru ċivili u li permezz tagħha nħolqu aktar minn 500 000 impjieg fl-UE;

4.  Jirrikonoxxi l-benefiċċji misluta mil-liberalizzazzjoni tas-settur tat-trasport bl-ajru fl-UE u mill-ħolqien tas-suq uniku għas-servizzi tal-passiġġieri tal-ajru;

5.  Jiddispjaċih dwar il-frammentazzjoni tal-ispazju tal-ajru tal-Unjoni Ewropea, li l-kost tagħha huwa stmat għal EUR 5 biljun mill-Kummissjoni u li, b'mod partikolari, tirriżulta f'dewmien għall-passiġġieri;

6.  Jiddispjaċih li għadu ma ntlaħaqx ftehim fil-Kunsill dwar ir-Regolament dwar id-Drittijiet tal-Passiġġieri (reviżjoni tar-Regolament (KE) Nru 261/2004), li dwaru l-Parlament ippreżenta r-rapport tiegħu f'April 2014; jilqa' d-deċiżjoni tal-Kummissjoni li tagħmel użu minn linji gwida interpretattivi għar-regoli attwali, iżda jemmen li l-adozzjoni tar-Regolament rivedut Nru 261/2004 hija neċessarja sabiex tiġi pprovduta ċertezza tad-dritt għall-konsumaturi u għall-industrija tal-avjazzjoni u sabiex jiġu indirizzati l-lakuni fil-leġiżlazzjoni attwali; jenfasizza li d-drittijiet imsaħħa tal-konsumaturi għandhom ikunu wieħed mill-objettivi ewlenin tal-istrateġija tal-avjazzjoni u ta' kwalunkwe riforma tar-regoli dwar l-avjazzjoni;

7.  Ifakkar fl-"indaġni" ta' siti web tas-servizz tal-ivvjaġġar madwar l-Unjoni mwettqa mill-Kummissjoni u mill-korpi nazzjonali tal-infurzar fl-2013; jinnota li din l-"indaġni" kixfet problemi sinifikanti f'iktar minn żewġ terzi tas-siti web spezzjonati, b'diffikultajiet relatati ma': nuqqas ta' għoti ta' informazzjoni ta' kuntatt obbligatorja; nuqqas ta' struzzjonijiet dwar kif jitressaq ilment; inċertezza dwar jekk l-ilment wasalx jew nuqqas ta' risposta; ħlasijiet addizzjonali bħalma huma t-tariffi fuq il-bagalji u l-assigurazzjoni, jew politiki dwar il-kanċellazzjoni u t-tibdil fil-prenotazzjoni li ma jkunux jidhru fuq bażi ta' "inklużjoni fakultattiva"; u prezzijiet totali li ma jintwerewx minnufih;

8.  Jistieden lill-Kummissjoni, għaldaqstant, twettaq riċerka ulterjuri dwar l-evoluzzjoni tas-suq diġitali tal-ivvjaġġar bl-għan li jiġu identifikati politiki sabiex jiġu żgurati kundizzjonijiet ekwi għall-kumpaniji tal-ivvjaġġar filwaqt li jkun hemm ħarsien tal-konsumaturi billi jiġu pprovduti bi trasparenza u newtralità meta jfittxu, jippjanaw u jipprenotaw prodotti u servizzi tal-ivvjaġġar;

9.  Jirrikonoxxi l-progress li sar b'segwitu għall-"indaġni", fejn 191 sit web ġew aġġornati fi żmien tnax-il xahar filwaqt li siti web oħra ġew soġġetti għal proċedimenti li għadhom għaddejjin;

10.  Jissottolinja l-fatt li l-konsultazzjoni pubblika li twettqet qabel l-Istrateġija tal-Avjazzjoni tindika li l-konsumaturi għadhom iħabbtu wiċċhom ma' problemi meta jkunu qed jipprenotaw vjaġġar bl-ajru jew jagħmlu check-in online; jitlob lill-Kummissjoni tirrapporta b'mod aktar sħiħ dwar il-progress li sar biex is-siti web tal-ivvjaġġar jiġu konformi mad-dritt tal-UE, u dwar il-pjanijiet futuri tagħha għall-infurzar f'dan il-qasam, kemm fir-rigward tal-bejgħ online kif ukoll tal-bejgħ offline ta' biljetti tal-ajru;

11.  Jistieden lill-Kummissjoni żżid il-kontrolli fuq il-linji tal-ajru b'mod ġenerali, u fuq il-linji tal-ajru "low-cost", b'mod partikolari, biex tiżgura li jkunu qed jikkonformaw mad-dritt tal-UE dwar id-drittijiet tal-passiġġieri u s-sikurezza tal-avjazzjoni;

12.  Jissottolinja l-importanza li jiġi żgurat li s-siti web tal-ivvjaġġar jirrispettaw id-dritt tal-UE, b'mod partikolari d-dritt tal-UE dwar id-drittijiet tal-konsumaturi, fid-dawl tal-fatt li fl-2015 il-prenotazzjonijiet tal-ivvjaġġar u tal-akkomodazzjonijiet għal waqt btala kienu jammontaw għal 52 % tax-xiri kollu li sar online, u l-fiduċja tal-konsumatur fis-settur u l-fiduċja akbar fl-ambjent online huma ta' importanza vitali għall-iżvilupp tal-SMEs fl-industrija tat-turiżmu; huwa tal-fehma li l-konsumaturi li jużaw is-siti jridu jiġu infurmati korrettament u mhux jiġu mqarrqa, u li l-kumpaniji jeħtieġ li jieħdu l-passi meħtieġa biex jipproteġu lill-konsumaturi u lil dawk li jkunu qed joffru ospitazzjoni fir-rigward tas-sikurezza u tas-sigurtà;

13.  Jirrimarka l-importanza li jitħarsu u jiġu infurzati, kemm online kif ukoll offline, id-drittijiet tal-konsumaturi li jipprenotaw il-vjaġġi u ta' dawk li jivvjaġġaw, inklużi l-persuni b'diżabilità u l-persuni b'mobilità mnaqqsa, fir-rigward tal-aċċessibilità, l-assistenza, u l-aċċess għall-informazzjoni;

14.  Jilqa' l-ftehim finali u l-adozzjoni tad-Direttiva dwar il-Vjaġġi Kollox Inkluż; iqis li r-regoli l-ġodda se joħolqu benefiċċji sinifikanti għall-konsumaturi li jkunu interessati jixtru servizzi tal-ivvjaġġar u servizzi relatati oħra b'dan il-mod;

15.  Itenni l-impenn tiegħu favur livell għoli ta' standards ta' sikurezza u ta' sigurtà fl-ajruporti; jilqa' l-eżami tal-approċċ ta' kontroll uniku tas-sigurtà u l-intenzjoni tal-Kummissjoni li tippromwovi l-adozzjoni ta' dan l-approċċ ma' sħab kummerċjali ewlenin; jappoġġja, barra minn hekk, l-intenzjoni tal-Kummissjoni li żżomm dawk l-istandards għoljin filwaqt li ttaffi l-piż tal-kontrolli tas-sigurtà bl-użu ta' teknoloġiji ġodda;

16.  Jilqa' ż-żieda notevoli fil-konnettività tal-ajruporti fl-UE matul l-aħħar 10 snin; jiddispjaċih dwar il-fatt li xi reġjuni għadhom moqdija ħażin u li l-konsumaturi fi bliet, reġjuni u pajjiżi inqas konnessi għalhekk jinsabu fi żvantaġġ kompetittiv meta mqabbla ma' dawk konnessi permezz ta' hubs ewlenin; huwa tal-fehma li għandha tingħata attenzjoni partikolari fl-Istrateġija tal-Avjazzjoni fir-rigward tar-reġjuni inqas konnessi u l-ajruporti iżgħar, speċjalment fir-reġjuni ultraperiferiċi u dawk b'popolazzjoni baxxa, u li għandu jittieħed kont dovut tal-konklużjonijiet tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri f'dan il-qasam(1); jenfasizza l-ħtieġa li tiġi riveduta d-Direttiva dwar l-Imposti tal-Ajruporti, u jħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tevalwa l-impatt negattiv tal-imposti tal-avjazzjoni attwali;

17.  Jistieden lill-Kummissjoni tivvaluta kemm huma ġusti l-prattiki fejn il-konsumaturi jaffaċċjaw imposti sinifikanti b'rabta ma' tariffi tal-bagalji jew servizzi tal-biljetti meta dawn ma jiġux prenotati qabel ma l-konsumatur jagħmel iċ-check-in jew jasal fis-sala tat-tluq;

18.  Jilqa' l-ambizzjoni tal-Kummissjoni li ssaħħaħ ir-responsabbiltà regolatorja tal-Aġenzija Ewropea tas-Sikurezza tal-Avjazzjoni (EASA); jenfasizza li l-kunsiderazzjonijiet ta' sikurezza u sigurtà jridu jkunu fil-qalba ta' kwalunkwe sforz biex jittejbu l-prestazzjoni u l-effiċjenza tas-Suq Uniku Ewropew tal-Avjazzjoni, sabiex jiġu żgurati l-fiduċja kontinwa tal-konsumaturi u l-kompetittività tas-settur tal-avjazzjoni tal-UE fid-dinja; jissottolinja l-ħtieġa ta' penali effikaċi, proporzjonati u dissważivi biex tiġi żgurata kultura ta' konformità u standards għoljin tas-sikurezza u tas-sigurtà fis-settur tal-avjazzjoni kollu tal-UE;

19.  Ifakkar li l-konsumaturi għandu dejjem ikollhom disponibbli aċċess għal sistema biex iressqu l-ilmenti tagħhom lill-kummerċjanti u jitolbu rifużjonijiet; jemmen li tali aċċess għandu jkun disponibbli b'mod li ma jiddiswadix lill-konsumaturi milli jeżerċitaw id-drittijiet tagħhom u dan l-aċċess għandu jiġi indikat lill-konsumaturi b'mod ċar; jistieden lill-Kummissjoni taħdem mill-qrib mal-korpi nazzjonali tal-infurzar sabiex tiżgura li l-operaturi jissodisfaw dawn ir-rekwiżiti;

20.  Iqis, filwaqt li jirrikonoxxi l-potenzjal tal-użu li qed jespandi rapidament tad-drones, li s-sikurezza u s-sigurtà tal-passiġġieri jikkostitwixxu prijorità, u għalhekk iħeġġeġ lill-Kummissjoni ddaħħal fis-seħħ qafas xieraq biex jiġi żgurat l-użu sikur tagħhom fl-UE;

21.  Jitlob li l-Kummissjoni tipprovdi informazzjoni ulterjuri dwar il-miżuri li biħsiebha tieħu fir-rigward ta' siti web għat-tqabbil tal-prezzijiet fil-qasam tal-ivvjaġġar bl-ajru, li jistgħu jkunu ta' detriment għall-konsumaturi jekk jiġu ppreżentati b'mod inġust li jagħti trattament preferenzjali abbażi ta' arranġamenti kummerċjali;

22.  Jenfasizza l-ħtieġa li l-operaturi u l-aġenti tal-ajru jippromwovu n-numru Ewropew tal-emerġenza 112 fis-siti web u fuq il-biljetti elettroniċi tagħhom;

23.  Jenfasizza l-importanza li jinżammu standards għolja u approċċ ikkoordinat fost l-Istati Membri f'oqsma relatati mas-settur tal-avjazzjoni, bħat-turiżmu, l-impjiegi, il-politika tal-konsumatur u l-ambjent, inkluż fir-rigward tat-tnaqqis tal-istorbju u l-kwalità tal-arja.

RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALIFIL-KUMITAT LI JINTALAB JAGĦTI OPINJONI

Data tal-adozzjoni

14.7.2016

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

31

0

2

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Carlos Coelho, Sergio Gaetano Cofferati, Nicola Danti, Vicky Ford, Ildikó Gáll-Pelcz, Evelyne Gebhardt, Maria Grapini, Sergio Gutiérrez Prieto, Robert Jarosław Iwaszkiewicz, Liisa Jaakonsaari, Jiří Maštálka, Eva Paunova, Jiří Pospíšil, Virginie Rozière, Christel Schaldemose, Andreas Schwab, Olga Sehnalová, Ivan Štefanec, Catherine Stihler, Richard Sulík, Róża Gräfin von Thun und Hohenstein, Mylène Troszczynski, Anneleen Van Bossuyt, Marco Zullo

Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali

Jan Philipp Albrecht, Pascal Arimont, Kaja Kallas, Julia Reda, Ulrike Trebesius, Lambert van Nistelrooij, Kerstin Westphal

Sostituti (skont l-Artikolu 200(2)) preżenti għall-votazzjoni finali

Gesine Meissner, Lieve Wierinck

(1)

"Infrastrutturi tal-ajruporti ffinanzjati mill-UE: valur baxx għall-flus" tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri (21/2014)


RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALIFIL-KUMITAT RESPONSABBLI

Data tal-adozzjoni

26.1.2017

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

32

7

3

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Lucy Anderson, Marie-Christine Arnautu, Inés Ayala Sender, Georges Bach, Izaskun Bilbao Barandica, Deirdre Clune, Michael Cramer, Luis de Grandes Pascual, Andor Deli, Karima Delli, Isabella De Monte, Ismail Ertug, Jacqueline Foster, Tania González Peñas, Dieter-Lebrecht Koch, Miltiadis Kyrkos, Bogusław Liberadzki, Peter Lundgren, Marian-Jean Marinescu, Gesine Meissner, Cláudia Monteiro de Aguiar, Jens Nilsson, Salvatore Domenico Pogliese, Tomasz Piotr Poręba, Gabriele Preuß, Christine Revault D’Allonnes Bonnefoy, Dominique Riquet, Massimiliano Salini, David-Maria Sassoli, Claudia Schmidt, Jill Seymour, Claudia Țapardel, Keith Taylor, Pavel Telička, István Ujhelyi, Peter van Dalen, Wim van de Camp, Janusz Zemke, Roberts Zīle, Kosma Złotowski

Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali

Michael Gahler

Sostituti (skont l-Artikolu 200(2)) preżenti għall-votazzjoni finali

Dariusz Rosati

Avviż legali