Proċedura : 2016/2313(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A8-0026/2017

Testi mressqa :

A8-0026/2017

Dibattiti :

PV 14/02/2017 - 17
CRE 14/02/2017 - 17

Votazzjonijiet :

PV 15/02/2017 - 7.10
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P8_TA(2017)0037

RAPPORT     
PDF 654kWORD 65k
6.2.2017
PE 594.188v01-00 A8-0026/2017

dwar ir-Rapport tal-Kummissjoni 2016 dwar il-Bożnija-Ħerzegovina

(2016/2313(INI))

Kumitat għall-Affarijiet Barranin

Rapporteur: Cristian Dan Preda

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW
 RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALIFIL-KUMITAT RESPONSABBLI

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW

dwar ir-Rapport tal-Kummissjoni 2016 dwar il-Bożnija-Ħerzegovina

(2016/2313(INI))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-Ftehim ta' Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni (FSA) bejn il-Komunitajiet Ewropej u l-Istati Membri tagħhom, minn naħa waħda, u l-Bożnija-Ħerzegovina, min-naħa l-oħra,

–  wara li kkunsidra l-Protokoll dwar l-Adattament tal-FSA bejn il-Komunitajiet Ewropej u l-Istati Membri tagħhom, minn naħa, u l-Bożnija-Ħerzegovina, min-naħa l-oħra, sabiex titqies l-adeżjoni tar-Repubblika tal-Kroazja mal-Unjoni Ewropea, li ġie inizjalat fit-18 ta' Lulju 2016, u ffirmat fil-15 ta' Diċembru 2016;

–  wara li kkunsidra l-applikazzjoni tal-Bożnija-Ħerzegovina biex tissieħeb mal-Unjoni Ewropea fil-15 ta' Frar 2016,

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tad-19-20 ta' Ġunju 2003 dwar il-Balkani tal-Punent u l-anness tagħhom bit-titolu "L-Aġenda ta' Thessaloniki għall-Balkani tal-Punent: lejn integrazzjoni Ewropea",

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-20 ta' Settembru 2016 dwar l-applikazzjoni tal-Bożnija-Ħerzegovina għal sħubija fl-UE,

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Presidenza tal-UE tat-13 ta' Diċembru 2016,

–  wara li kkunsidra l-ewwel laqgħa tal-Kumitat Parlamentari ta' Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni UE–Bożnija-Ħerzegovina li saret f'Sarajevo fil-5‑6 ta' Novembru 2015 u l-ewwel laqgħat tal-Kunsill ta' Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni u tal-Kumitat ta' Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni bejn il-Bożnija-Ħerzegovina u l-UE li saru fil-11 u fis-17 ta' Diċembru 2015, rispettivament,

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Finali tal-President tas-Summit ta' Pariġi dwar il-Balkani tal-Punent tal-4 ta' Lulju 2016, u r-Rakkomandazzjonijiet tal-Organizzazzjonijiet tas-Soċjetà Ċivili għas-Summit ta' Pariġi tal-2016,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni konġunta tal-1 ta' Awwissu 2016 mill-Viċi President/Rappreżentant Għoli (VP/RGħ) u mill-Kummissarju għall-Politika Ewropea tal-Viċinat u n-Negozjati għat-Tkabbir rigward il-ftehim tal-awtoritajiet tal-Bożnija-Ħerzegovina dwar il-miżuri essenzjali biex il-pajjiż ikompli fi triqtu lejn l-UE,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni konġunta tas-17 ta' Settembru 2016 mill-VP/RGħ u mill-Kummissarju għall-Politika Ewropea tal-Viċinat u n-Negozjati għat-Tkabbir b'segwitu għad-deċiżjoni tal-Qorti Kostituzzjonali tal-Bożnija-Ħerzegovina fir-rigward ta' Jum ir-Repubblika Srpska,

–  wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tad-9 ta' Novembru 2016 bit-titolu "Komunikazzjoni dwar il-Politika tat-Tkabbir tal-UE 2016" (COM(2016)0715), akkumpanjata mid-Dokument ta' Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni bit-titolu "Rapport 2016 dwar il-Bożnija-Ħerzegovina" (SWD(2016)365),

–  wara li kkunsidra r-Rapport Speċjali tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri bit-titolu "Assistenza ta' qabel l-adeżjoni mogħtija mill-UE għat-tisħiħ tal-kapaċità amministrattiva fil-Balkani tal-Punent: Metaawditu"(1),

–  wara li kkunsidra l-Ħamsin Rapport lill-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU mir-Rappreżentant Għoli għall-Implimentazzjoni tal-Ftehim ta' Paċi dwar il-Bożnija-Ħerzegovina(2),

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni ta' Novembru 2016 f'isem l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha mill-Eċċellenza Tiegħu s-Sur João Vale de Almeida, il-Kap tad-Delegazzjoni tal-Unjoni Ewropea għan-Nazzjonijiet Uniti, waqt id-Dibattitu tal-Kunsill tas-Sigurtà dwar "Is-sitwazzjoni fil-Bożnija-Ħerzegovina",

–  wara li kkunsidra l-Aġenda ta' Riforma għall-Bożnija-Ħerzegovina 2015-2018 li ġiet adottata f'Lulju 2015, u l-Mekkaniżmu ta' Koordinament adottat mill-Kunsill tal-Ministri tal-Bożnija-Ħerzegovina u mill-gvernijiet tal-Federazzjoni tal-Bożnija-Ħerzegovina u r-Repubblika Srpska fit-23 ta' Awwissu 2016,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar il-pajjiż,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 52 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Barranin (A8-0026/2017),

A.  billi l-UE għadha impenjata favur il-perspettiva tal-Bożnija-Ħerzegovina lejn l-UE, u l-integrità territorjali, is-sovranità u l-unità tagħha; billi sar progress fit-triq lejn l-integrazzjoni mal-UE; billi l-Kunsill talab lill-Kummissjoni tħejji l-opinjoni tagħha dwar l-applikazzjoni mill-Bożnija-Ħerzegovina għas-sħubija;

B.  billi fid-9 ta' Diċembru 2016 f'Sarajevo, il-Kummissarju għall-Politika Ewropea tal-Viċinat u n-Negozjati għat-Tkabbir bagħat il-kwestjonarju lill-awtoritajiet tal-Bożnija-Ħerzegovina;

C.  billi s-sospensjoni tal-Miżuri Kummerċjali Awtonomi se titneħħa ladarba l-Protokoll dwar l-Adattament tal-FSA jkun ġie ffirmat u jkun qed jiġi applikat b'mod provviżorju;

D.  billi, bl-Aġenda ta' Riforma għall-Bożnija-Ħerzegovina 2013-2018, l-awtoritajiet fil-livelli kollha għarfu l-ħtieġa urġenti li jinbeda proċess ta' riabilitazzjoni u modernizzazzjoni tal-ekonomija bl-għan li jinħolqu impjiegi ġodda u jitrawwem tkabbir ekonomiku sostenibbli, effiċjenti, soċjalment ġust u stabbli; billi l-Bożnija-Ħerzegovina wriet l-impenn u r-rieda li tidħol għar-riformi soċjoekonomiċi ulterjuri li huma meħtieġa biex titnaqqas ir-rata tal-qgħad fost iż-żgħażagħ, li għadha għolja wisq;

E.  billi ġudikatura indipendenti, funzjonali u stabbli hija importanti sabiex tiggarantixxi l-istat tad-dritt u l-progress fit-triq lejn l-adeżjoni mal-UE;

F.  billi għad fadal sfidi fir-rigward tas-sostenibbiltà tal-proċess ta' rikonċiljazzjoni; billi l-progress fil-proċess ta' adeżjoni mal-UE se jiffaċilita rikonċiljazzjoni ulterjuri;

G.  billi l-Bożnija-Ħerzegovina għadha ma implimentatx id-deċiżjonijiet tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem fil-kawżi Sejdić-Finci, Zornić u Pilav;

H.  billi l-korruzzjoni, inkluż fl-ogħla livell, għadha mifruxa;

I.  billi għad hemm 74 000 persuna spostati internament u għadd sinifikanti ta' rifuġjati mill-Bożnija-Ħerzegovina fil-pajjiżi ġirien, madwar l-Ewropa kollha u madwar id-dinja, kif ukoll 6 808 persuni neqsin;

J.  billi l-edukazzjoni hija essenzjali biex toħloq u tippromwovi soċjetà tolleranti u inklużiva, kif ukoll trawwem fehim kulturali, reliġjuż u etniku fil-pajjiż;

K.  billi l-Bożnija-Ħerzegovina hija pajjiż firmatarju għall-Konvenzjoni dwar il-Valutazzjoni tal-Impatt Ambjentali f'Kuntest Transkonfinali (Espoo, 1991);

L.  billi l-pajjiżi kandidati (potenzjali) jiġi ġġudikati fuq il-merti tagħhom stess, u billi r-rapidità u l-kwalità tar-riformi meħtieġa jiddeterminaw il-kalendarju għall-adeżjoni;

1.  Jilqa' l-kunsiderazzjoni mill-Kunsill tal-applikazzjoni tal-Bożnija-Ħerzegovina għas-sħubija mal-UE u r-radda tal-kwestjonarju, u jistenna bil-ħerqa l-opinjoni tal-Kummissjoni dwar il-merti tal-applikazzjoni għas-sħubija; jappella lill-awtoritajiet kompetenti tal-Bożnija-Ħerzegovina fil-livelli kollha biex jimpenjaw ruħhom b'mod attiv favur dan il-proċess, u biex jikkooperaw u jikkoordinaw meta jipparteċipaw fil-proċess tal-Opinjoni tal-Kummissjoni billi jipprovdu sett uniku u koerenti ta' tweġibiet għall-mistoqsijiet tal-Kummissjoni; jinxika li dan l-eżerċizzju se jservi wkoll bħala prova tal-funzjonalità tal-istat; itenni li l-proċess ta' adeżjoni mal-UE huwa wieħed inklużiv u jinvolvi lill-partijiet ikkonċernati kollha;

2.  Japprezza u jilqa' r-rwol importanti li tiżvolġi l-Presidenza tripartitika fil-ħolqien tal-inċentiv għall-atturi istituzzjonali l-oħra kollha fil-livelli kollha biex jinvolvu rwieħhom fi sforzi sabiex iwettqu r-rwoli rispettivi tagħhom fil-proċess kumplessiv tal-approssimazzjoni tal-pajjiż lejn l-UE;

3.  Jilqa' l-progress li sar fir-rigward tal-implimentazzjoni tal-Aġenda ta' Riforma 2015-2018, kif ukoll id-determinazzjoni tal-pajjiż li jkompli b'riformi istituzzjonali u soċjoekonomiċi ulterjuri; ifakkar li l-approċċ imġedded tal-UE lejn il-Bożnija-Ħerzegovina tqanqal mis-sitwazzjoni soċjoekonomika diffiċli u ż-żieda fin-nuqqas ta' sodisfazzjon fost iċ-ċittadini; jinnota li s-sitwazzjoni tjiebet kemmxejn, iżda jisħaq li hemm bżonn ta' implimentazzjoni armonizzata u effikaċi tal-Aġenda ta' Riforma bi qbil mal-pjan ta' azzjoni sabiex tinkiseb bidla reali madwar il-pajjiż u jsir titjib tanġibbli fil-ħajja taċ-ċittadini kollha tal-Bożnija-Ħerzegovina;

4.  Jappella biex jinżamm il-momentum tar-riforma sabiex il-Bożnija-Ħerzegovina tiġi ttrasformata fi stat effikaċi, inklużiv u funzjonali għalkollox, ibbażat fuq l-istat tad-dritt, u li jiggarantixxi l-ugwaljanza u r-rappreżentanza demokratika tal-popli u ċ-ċittadini kostitwenti kollha tiegħu; jiddispjaċih li l-isforzi ta' riforma komuni spiss għadhom jiġu mxekkla mill-firdiet etniċi u politiċi, ikkawżati mit-tendenzi diżintegrattivi b'għeruq fil-fond li jrażżnu l-iżvilupp demokratiku normali, u permezz tal-politiċizzazzjoni ulterjuri tal-amministrazzjonijiet pubbliċi; jisħaq ukoll li l-kandidatura tal-Bożnija-Ħerzegovina għas-sħubija mal-UE mhijiex se tirnexxi sakemm jiġu stabbiliti l-kundizzjonijiet istituzzjonali xierqa; iħeġġeġ lill-mexxejja politiċi kollha jaħdmu fuq l-introduzzjoni tal-bidliet meħtieġa, inkluża r-riforma tal-liġi elettorali, filwaqt li jqisu wkoll il-prinċipji espressi fir-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu, inklużi l-prinċipji tal-federaliżmu, id-deċentralizzazzjoni u r-rappreżentanza leġittima; jikkunsira li huwa essenzjali li jinżamm il-kunsens dwar l-integrazzjoni mal-UE u li jsir progress b'mod ikkoordinat fir-rigward tal-istat tad-dritt, inklużi l-ġlieda kontra l-korruzzjoni u l-kriminalità organizzata, ir-riforma tal-ġudikatura u l-amministrazzjoni pubblika; jirrileva bl-istess mod il-ħtieġa li l-attenzjoni tkompli tiġi ffokata fuq ir-riformi soċjali u ekonomiċi, li jkun tajjeb li jibqgħu prijorità;

5.  Jilqa' l-ftehim dwar it-twaqqif ta' mekkaniżmu ta' koordinament rigward il-kwistjonijiet relatati mal-UE li huwa mmirat biex itejjeb il-funzjonalità u l-effiċjenza fil-proċess ta' adeżjoni, anke fir-rigward tal-assistenza finanzjarja mill-UE, u biex jippermetti interazzjoni aħjar mal-UE; jappella biex jiġi implimentat malajr; jappella, barra minn hekk, favur kooperazzjoni u komunikazzjoni effikaċi bejn il-livelli kollha tal-gvern u mal-UE b'mod li jiġu ffaċilitati l-allinjament u l-implimentazzjoni tal-acquis u jiġu pprovduti tweġibiet sodisfaċenti għall-mistoqsijiet tal-Kummissjoni fil-proċess tal-Opinjoni kollu kemm hu; iqis li huwa inaċċettabbli li l-Gvern tar-Repubblika Srpska qed jipprova jistabbilixxi kanali paralleli ta' komunikazzjoni billi jadotta dispożizzjonijiet dwar ir-rappurtar dirett lill-Kummissjoni; japella biex ir-rwol u l-kapaċitajiet tad-Direttorat għall-Integrazzjoni Ewropea jkomplu jissaħħu bil-ħsieb li dan jassumi l-funzjonijiet ta' koordinament kollha tiegħu fi ħdan l-implimentazzjoni tal-FSA u, kumplessivament, fil-proċess ta' adeżjoni;

6.  Jesprimi sodisfazzjon dwar l-iffirmar tal-Protokoll dwar l-adattament tal-FSA li beda jiġi applikat b'mod provviżorju mill-1 ta' Frar 2017, u li reġa' daħħal awtomatikament il-miżuri kummerċjali awtonomi li kienu ilhom sospiżi mill-1 ta' Jannar 2016; jistenna bil-ħerqa r-ratifikazzjoni rapida u mingħajr intoppi tal-Protokoll;

7.  Jiddispjaċih li r-Regoli ta' Proċedura tal-Kumitat Parlamentari ta' Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni għadhom ma ġewx adottati, minħabba t-tentattivi biex fihom jiġi introdott imblokkar etniku li l-konsegwenza tagħhom hija li l-Bożnija-Ħerzegovina baqgħet l-uniku pajjiż tat-tkabbir fejn korp ta' dan it-tip ma setax jiġi kkostitwit kif suppost; iħeġġeġ lill-korpi li jippresjedu l-Parlament tal-Bożnija-Ħerzegovina biex, mingħajr dewmien, isibu soluzzjoni sabiex jissodisfaw ir-rekwiżiti tal-qafas istituzzjonali u ġuridiku tal-UE u jipprovdu sorveljanza parlamentari sinifikanti tal-proċess ta' adeżjoni; ifakkar li l-FSA jirrikjedi li jiġu adottati r-Regoli ta' Proċedura u, jekk dan ma jsirx, ikun qed isir ksur dirett tal-implimentazzjoni tal-FSA;

8.  Jilqa' xi titjib li sar għal-leġislazzjoni elettorali bi qbil mar-rakkomandazzjonijiet tal-Uffiċċju għall-Istituzzjonijiet Demokratiċi u d-Drittijiet tal-Bniedem fl-Organizzazzjoni għas-Sigurtà u l-Kooperazzjoni fl-Ewropa (OSKE-ODIHR); jinnota li l-elezzjonijiet lokali tat-2 ta' Ottubru 2016 ġeneralment tmexxew b'mod ordnat; jiddispjaċih li, wara sitt snin, iċ-ċittadini ta' Mostar għadhom ma jistgħux jeżerċitaw id-drittijiet demokratiċi tagħhom li jeleġġu r-rappreżentanti lokali tagħhom minħabba li għad hemm nuqqas ta' qbil bejn il-mexxejja politiċi; iħeġġeġ biex is-sentenza tal-Qorti Kostituzzjonali dwar Mostar tiġi implimentata malajr billi jiġu emendati l-leġiżlazzjoni elettorali u l-Istatut tal-belt; jikkundanna b'qawwa l-vjolenza inaċċettabbli kontra l-uffiċjali elettorali fi Stolac u jappella lill-awtoritajiet kompetenti biex isolvu s-sitwazzjoni billi jirrispettaw l-istat tad-dritt, inkluż billi jinvestigaw l-atti ta' vjolenza u l-irregolaritajiet elettorali kollha, kif ukoll billi jħarrku lil min wettaqhom; jinnota li l-elezzjonijiet fi Stolac tħassru mill-Kummissjoni Elettorali Ċentrali tal-Bożnija-Ħerzegovina u jappella biex l-elezzjonijiet ġodda jsiru skont standards demokratiċi, b'mod paċifiku u f'atmosfera ta' tolleranza;

9.  Jiddispjaċih li l-impenn politiku imħabbar favur il-ġlieda kontra l-korruzzjoni ma ssarrafx f'riżultati tanġibbli; jissottolinja n-nuqqas storiku ta' każijiet ta' profil għoli, kif ukoll id-dgħufija u l-inadegwatezza tal-qafas ġuridiku u istituzzjonali biex tiġi miġġielda l-korruzzjoni sistemika, bħal fir-rigward tal-finanzjament tal-partiti politiċi, l-akkwist pubbliku, il-kunflitti ta' interess, u d-dikjarazzjonijiet tal-assi; jirrikonoxxi l-progress li sar fl-adozzjoni ta' pjanijiet ta' azzjoni kontra l-korruzzjoni u fit-twaqqif tal-korpi għall-prevenzjoni tal-korruzzjoni fid-diversi livelli ta' governanza, u jappella biex dawn id-deċiżjonijiet jiġu implimentati b'mod konsistenti u malajr; jinnota bi tħassib li l-frammentazzjoni u l-kooperazzjoni dgħajfa bejn l-aġenziji jxekklu l-effikaċja tal-miżuri kontra l-korruzzjoni; jappella għal aktar speċjalizzazzjoni professjonali fi ħdan il-pulizija u l-ġudikatura permezz tal-kanali xierqa ta' koordinament; jisħaq fuq il-bżonn li jibda jsir b'mod konsistenti skrutinju effikaċi tal-finanzjament tal-partiti politiċi u tal-kampanji elettorali, li jiġu żviluppati proċeduri ta' impjieg trasparenti fis-settur pubbliku aktar estensiv, kif ukoll li tiġi eliminata l-korruzzjoni fiċ-ċiklu tal-akkwist pubbliku;

10.  Jisħaq li r-riżultati taċ-ċensiment tal-2013 huma bażi importanti sabiex jiġi pprovdut rispons adegwat għall-kwestjonarju tal-Kummissjoni u huma essenzjali għal ippjanar soċjoekonomiku effikaċi; jilqa' l-valutazzjoni finali li għamlet l-Operazzjoni Internazzjonali ta' Monitoraġġ li kkonkludiet li ċ-ċensiment fil-Bożnija-Ħerzegovina kumplessivament twettaq f'konformità mal-istandards internazzjonali; jiddispjaċih li r-Repubblika Srpska rrifjutat li tirrikonoxxi l-leġittimità tar-riżultati taċ-ċensiment, u li l-awtoritajiet tar-Repubblika Srpska ppubblikaw riżultati għalihom, li huma differenti minn dawk ikkonfermati mill-Aġenzija għall-Istatistika tal-Bożnija-Ħerzegovina; iħeġġeġ lill-awtoritajiet tar-Repubblika Srpska jerġgħu jikkunsidraw l-approċċ tagħhom; jappella lill-aġenziji tal-istatistika fil-Bożnija-Ħerzegovina biex jagħmlu progress sinifikanti f'dan il-qasam kruċjali, u jallinjaw l-istatistika u l-metodoloġiji tagħhom mal-istandards tal-Eurostat;

11.  Ifakkar li amministrazzjoni pubblika professjonali, effikaċi u meritokratika hija s-sinsla tal-proċess ta' integrazzjoni għal kwalunkwe pajjiż li jkollu l-aspirazzjoni li jsir membru tal-UE; jinsab imħasseb dwar il-frammentazzjoni u l-politiċizzazzjoni li għadhom jeżistu fl-amministrazzjoni pubblika, li jxekklu r-riformi istituzzjonali u leġiżlattivi, u jrendu ineffiċjenti u għalja l-prestazzjoni tas-servizzi pubbliċi għaċ-ċittadini; jappella, bħala kwistjoni ta' urġenza, għal approċċ aktar armonizzat lejn l-iżvilupp tal-politiki u l-koordinament bejn il-livelli kollha tal-gvern, id-depolitiċizzazzjoni tal-amministrazzjoni pubblika u tas-settur pubbliku, ippjanar aħjar fuq żmien medju u strateġija ċara dwar il-ġestjoni finanzjarja pubblika;

12.  Itenni t-tħassib tiegħu dwar il-frammentazzjoni f'erba' ordinamenti ġuridiċi differenti li għadha teżisti; jisħaq fuq il-ħtieġa li jiġi indirizzat malajr kwalunkwe nuqqas pendenti tal-ġudikatura, li jissaħħu l-effiċjenza u l-indipendenza ġudizzjarji, anke permezz tad-depolitiċizzazzjoni tal-ġudikatura, li tiġi miġġieda l-korruzzjoni fil-ġudikatura u li jiġu implimentati proċeduri adegwati għall-eżekuzzjoni tad-deċiżjonijiet tal-qrati; iħeġġeġ biex il-pjan ta' azzjoni għall-implimentazzjoni tar-riforma tas-settur tal-ġustizzja 2014–2018 jiġi adottat rapidament; jappella għal implimentazzjoni sħiħa tal-liġijiet dwar il-protezzjoni tat-tfal u għal aċċess effikaċi għall-ġustizzja min-naħa tat-tfal; jilqa' l-adozzjoni tal-liġi dwar l-għajnuna legali mingħajr ħlas fil-livell statali, u l-introduzzjoni mill-Kunsill Ġudizzjarju u ta' Prosekuzzjoni Għoli ta' linji gwida dwar il-prevenzjoni tal-kunflitti ta' interess, l-abbozzar ta' pjanijiet dwar l-integrità u l-miżuri dixxiplinari;

13.  Jappella biex tiġi msaħħa l-effiċjenza globali tal-ġudikatura, biex jiżdiedu t-trasparenza u l-oġġettività tal-proċess għall-għażla ta' mħallfin u prosekuturi ġodda, kif ukoll biex jissaħħu l-mekkaniżmi ta' responsabbiltà u integrità fil-ġudikatura; jissottolinja l-ħtieġa li jissaħħu l-mekkaniżmi għall-prevenzjoni tal-kunflitti ta' interess u għall-istabbiliment tal-mekkaniżmi għat-trasparenza tar-rapporti finanzjarji u d-dikjarazzjonijiet tal-assi fil-ġudikatura; jinnota r-rwol importanti tad-Djalogu Strutturat dwar il-Ġustizzja biex jiġu indirizzati n-nuqqasijiet fil-ġudikatura tal-Bożnija-Ħerzegovina; jappella għal soluzzjoni leġiżlattiva li kieku tippermetti li jinżamm rendikont tal-effiċjenza tat-trattament tal-kawżi fit-territorju kollu tal-Bożnija Ħerzegovina;

14.  Jiddispjaċih li għadd kbir ta' deċiżjonijiet mill-qrati kostituzzjonali mhumiex qed jiġu implimentati, inkluża d-deċiżjoni rigward ir-rispett tad-drittijiet demokratiċi bażiċi taċ-ċittadini ta' Mostar li jivvotaw fl-elezzjonijiet lokali; jappella biex dawn id-deċiżjonijiet kollha jiġu implimentati minnufih; jirrileva, b'mod partikolari, id-deċiżjoni tal-qorti kostituzzjonali dwar Jum ir-Repubblika Srpska, li ġiet ikkontestata fir-referendum li sar fil-25 ta' Settembru 2016; jikkunsidra li dan huwa ksur serju tal-Ftehim ta' Paċi ta' Dayton u attakk fuq il-ġudikatura u l-istat tad-dritt; jisħaq fuq il-ħtieġa ta' djalogu aktar milli inizjattivi unilaterali; jenfasizza li r-retorika u l-azzjonijiet nazzjonalistiċi u populisti huma ostakli serji għall-iżvilupp u li r-rispett għall-istat tad-dritt u għall-qafas kostituzzjonali tal-pajjiż huwa tal-ogħla importanza sabiex isir progress fit-triq lejn l-UE u għaż-żamma tal-paċi u l-istabbiltà fil-Bożnija-Ħerzegovina;

15.  Jikkundanna b'qawwa l-Liġi dwar l-Ordni fir-Repubblika Srpska li għadha fis-seħħ u li ddgħajjef id-drittijiet demokratiċi fundamentali tal-libertà tal-għaqda, il-libertà tal-assoċjazzjoni u l-libertà tal-media, kif ukoll id-dispożizzjoni dwar il-piena tal-mewt fir-Repubblika Srpska; iħeġġeġ għal implimentazzjoni sħiħa tal-Att dwar il-Libertà tal-Aċċess għall-Informazzjoni; iħeġġeġ lill-awtoritajiet jimplimentaw malajr il-Protokoll Addizzjonali għall-Konvenzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa dwar iċ-Ċiberkriminalità, fir-rigward tal-kriminalizzazzjoni tal-atti ta' natura razzista u ksenofoba mwettqa permezz ta' sistemi ta' kompjuter;

16.  Iħeġġeġ lill-mexxejja fuq kull naħa joqogħdu lura minn retorika diviżiva, nazzjonalista u seċessjonista li tippolarizza lis-soċjetà, kif ukoll minn azzjonijiet li jirrappreżentaw sfida għall-koeżjoni, is-sovranità u l-integrità tal-pajjiż; iħeġġeġ minflok biex dawn jinvolvu rwieħhom bis-serjetà f'riformi li jtejbu s-sitwazzjoni soċjoekonomika taċ-ċittadini kollha tal-Bożnija-Ħerzegovina, joħolqu stat demokratiku, inklużiv u funzjonali u jqarrbu lill-pajjiż lejn l-UE;

17.  Jenfasizza l-importanza tad-deċiżjoni reċenti tal-Qorti Kostituzzjonali dwar il-prinċipju ta' status kostitwenti u l-ugwaljanza bejn it-tliet popli kostituttivi biex jeleġġu lir-rappreżentanti politiċi leġittimi tagħhom stess abbażi ta' rappreżentanza leġittima u proporzjonali fil-Kamra tal-Popli tal-Parlament tal-Federazzjoni tal-Bożnija-Ħerzegovina;

18.  Jinnota l-kooperazzjoni sodisfaċenti fir-rigward tal-kawżi dwar delitti tal-gwerra li kien hemm mat-Tribunal Kriminali Internazzjonali għal dik li kienet il-Jugoslavja u jħeġġeġ għal aktar kooperazzjoni reġjonali fir-rigward tal-ipproċessar tal-kawżi dwar delitti tal-gwerra; jesprimi tħassib dwar il-fatt li, meta jiġu proċessati l-kawżi dwar delitti tal-gwerra, jiġu applikati standards legali differenti; jilqa' l-fatt li l-kawżi arretrati dwar delitti tal-gwerra domestiċi qed jiġu indirizzati u li nkiseb xi progress ulterjuri rigward il-prosekuzzjoni b'suċċess tad-delitti tal-gwerra li jinvolvu l-vjolenza sesswali; jilqa' b'sodisfazzjon il-ftehim bejn id-Delegazzjoni tal-UE u l-Ministeru għall-Finanzi u t-Teżor tal-Bożnija-Ħerzegovina biex jiġu ffinanzjati l-attivitajiet tal-uffiċċji tal-prosekuturi u l-qrati fil-Bożnija-Ħerzegovina fir-rigward tal-ipproċessar ta' delitti tal-gwerra;

19.  Jikkundanna b'qawwa d-deċiżjoni tal-Assemblea Nazzjonali tar-Repubblika Srpska f'Ottubru 2016 li tesprimi apprezzament lill-ex mexxejja tar-Repubblika Srpska li ġew ikkundannati għal delitti tal-gwerra; jappella biex, bħala kwistjoni ta' urġenza, jiġu promossi r-rispett għall-vittmi tad-delitti tal-gwerra u r-rikonċiljazzjoni; ifakkar lill-mexxejja u l-istituzzjonijiet politiċi kollha fil-Bożnija-Ħerzegovina dwar ir-responsabbiltà tagħhom li jivvalutaw b'mod oġġettiv l-avvenimenti fi żmien ta' gwerra fl-interess tal-verità u r-rikonċiljazzjoni, u li jevitaw l-użu ħażin tal-ġudikatura għal skopijiet politiċi;

20. Ifaħħar il-progress li sar fir-rigward tal-prosekuzzjoni tad-delitti tal-gwerra li jinvolvu vjolenza sesswali u jħeġġeġ lill-awtoritajiet kompetenti jqawwu ulterjorment l-aċċess għall-ġustizzja għall-vittmi ta' vjolenza sesswali relatata mal-kunflitti, anke billi jqiegħdu għad-dispożizzjoni għajnuna legali bla ħlas, isaħħu s-servizzi psikosoċjali u tas-saħħa, kif ukoll jagħtu kumpens u segwitu aħjar; jappella għal garanziji li d-drittijiet għal riparazzjoni ta' dawn il-vittmi jiġu rikonoxxuti b'mod konsistenti;

21.  Jinnota li sar xi progress fir-rigward tar-rifuġjati u l-persuni spostati internament, li ġew spostati bħala riżultat tal-gwerra fil-Bożnija, f'termini tal-impussessar mill-ġdid tal-proprjetà u d-drittijiet ta' okkupanza, kif ukoll tar-rikostruzzjoni tad-djar; jappella lill-awtoritajiet kompetenti biex jiffaċilitaw ir-ritorn sostenibbli tagħhom, l-aċċess għall-kura tas-saħħa, l-impjiegi, il-protezzjoni soċjali u l-edukazzjoni, u biex jiddedikaw attenzjoni ulterjuri għall-kumpens għal ħsara lil proprjetà li ma tistax tintradd;

22.  Jinsab imħasseb dwar l-għadd dejjem għoli ta' persuni neqsin bħala riżultat tal-gwerra; jappella lill-awtoritajiet kompetenti biex jindirizzaw b'aktar qawwa l-kwistjoni tad-destin mhux magħruf tagħhom, anke billi jintensifikaw il-kooperazzjoni bejn iż-żewġ entitajiet; jisħaq li r-riżoluzzjoni ta' din il-kwistjoni hija tal-ogħla importanza għar-rikonċiljazzjoni u l-istabbiltà fir-reġjun ;

23.  Jesprimi t-tħassib tiegħu dwar l-istat tas-sistema tas-saħħa fil-Bożnija-Ħerzegovina, waħda mis-sistemi l-aktar soġġetti għall-korruzzjoni fil-pajjiż; jappella lill-awtoritajiet biex joqgħodu għassa ħalli jipprevjenu d-diskriminazzjoni fl-aċċess għall-kura medika;

24.  Jinnota li sar xi progress fil-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata; jinsab imħasseb, madankollu, dwar in-nuqqas ta' approċċ konsistenti fl-indirizzar tal-kriminalità organizzata minħabba l-pjanijiet ta' azzjoni numerużi mid-diversi aġenziji tal-infurzar tal-liġi fil-livelli differenti; jirrileva l-ħtieġa li l-qafas għall-kooperazzjoni bejn l-aġenziji jissaħħaħ ulterjorment; jilqa' l-investigazzjonijiet konġunti, iżda jappella għal aktar operazzjonijiet ikkoordinati u skambju aħjar ta' informazzjoni; jappella għat-tisħiħ tal-kapaċitajiet tal-korpi tal-infurzar tal-liġi, anke fir-rigward tal-ġlieda kontra t-terroriżmu; jappella lill-awtoritajiet kompetenti biex jieħdu miżuri biex jiġġieldu l-finanzjament tat-terroriżmu u l-ħasil tal-flus, u biex isaħħu l-kapaċità għat-twettiq ta' investigazzjonijiet finanzjarji; jilqa' l-iffirmar tal-ftehim ta' kooperazzjoni operattiva u strateġika mal-Europol, li għandu l-għan li jiġġieled kontra l-kriminalità transkonfinali permezz ta', inter alia, skambju ta' informazzjoni u ppjanar konġunt tal-attivitajiet operattivi; iħeġġeġ biex jiġi konkluż ftehim ta' kooperazzjoni mal-Eurojust ukoll;

25.  Jissottolinja l-ħtieġa li tittejjeb il-ġlieda kontra t-traffikar tal-bnedmin; jappella lill-entità Federali biex tagħmel tibdil rapidu għall-kodiċi kriminali li jipprojbixxi l-forom kollha ta' traffikar tal-bnedmin, li 80 % tal-vittmi tiegħu huma nisa u bniet;

26.  Jappella biex jissaħħu l-mekkaniżmi għall-ġbir, il-kondiviżjoni u l-analiżi tad-data dwar il-migrazzjoni, peress li l-istatistika turi xejra li qed tikber ta' persuni li qed jaslu fil-Bożnija-Ħerzegovina minn pajjiżi b'riskju migratorju għoli; jappella lill-awtoritajiet kompetenti biex jipproċessaw lir-rifuġjati u l-migranti kollha li japplikaw għall-asil jew li jgħaddu mit-territorju tagħhom bi qbil mad-dritt internazzjonali u tal-UE, kif ukoll biex jiżviluppaw ulterjorment il-qafas regolatorju dwar il-migrazzjoni u l-asil, isaħħu l-koordinament interistituzzjonali u jibnu l-kapaċitajiet meħtieġa; jappella lill-Kummissjoni biex tkompli taħdem rigward il-kwistjonijiet relatati mal-migrazzjoni flimkien mal-pajjiżi kollha tal-Balkani tal-Punent b'mod li tiżgura l-konformita man-normi u l-istandards Ewropej u internazzjonali;

27.  Jindika li l-polarizzazzjoni tal-pajjiż, flimkien mad-deterjorament tas-sitwazzjoni soċjoekonomika, speċjalment għaż-żgħażagħ, qed iżżid il-periklu li jinfirex ir-radikaliżmu; jappella, bħala kwistjoni ta' urġenza, biex tingħata spinta lill-isforzi għall-ġlieda kontra r-radikalizzazzjoni u għal miżuri ulterjuri li jidentifikaw, jimpedixxu u jisfrattaw il-fluss ta' ġellieda barranin, kif ukoll il-kanali ta' flus mhux traċċabbli maħsuba għal radikalizzazzjoni ulterjuri, anke permezz ta' kooperazzjoni mill-qrib mas-servizzi rilevanti tal-Istati Membri u l-pajjiżi fir-reġjun, kif ukoll billi jiġu inforzati l-liġijiet rilevanti; jappella għal koordinament aħjar bejn is-servizzi tas-sigurtà u tal-intelligence u l-pulizija; iħeġġeġ biex il-każijiet ta' diskors ta' mibegħda u t-trażmissjoni ta' ideoloġiji estremisti permezz tal-media soċjali jiġu riżolti u sanzjonati b'mod deċiż; jappella għall-introduzzjoni rapida ta' programmi dwar id-deradikalizzazzjoni u l-prevenzjoni tar-radikalizzazzjoni taż-żgħażagħ f'kooperazzjoni mas-soċjetà ċivili permezz ta' edukazzjoni komprensiva dwar id-drittijiet tal-bniedem b'mod li jikkontribwixxu għad-dekostruzzjoni tan-narrattivi dwar ir-radikalizzazzjoni u jibnu l-koeżjoni soċjali fost it-tfal u ż-żgħażagħ; jinkoraġġixxi, f'dan ir-rigward, aktar parteċipazzjoni min-naħa taż-żgħażagħ fil-proċess politiku demokratiku; iħeġġeġ lill-awtoritajiet kompetenti jiġġieldu kontra l-estremiżmu reliġjuż; jinnota bi tħassib l-eżistenza ta' komunitajiet radikalizzati madwar il-pajjiż u jirrileva r-rwol importanti tal-mexxejja reliġjużi, tal-għalliema u kumplessivament tas-sistema edukattiva f'dan ir-rigward; jisħaq ulterjorment fuq il-ħtieġa li jiġu pprovduti għodod għar-riintegrazzjoni u r-riabilitazzjoni fis-soċjetà u t-titjib u t-tisħiħ tal-għodod ta' deradikalizzazzjoni;

28.  Jinnota l-impenn attiv tal-Kumitat Parlamentari Konġunt għas-Sigurtà u d-Difiża fl-iżgurar tal-kontroll demokratiku fuq il-forzi armati tal-Bożnija-Ħerzegovina; jinnota bi tħassib li hemm ħażniet kbar ta' armi tan-nar u munizzjon mhux irreġistrati li qed jinżammu illegalment mill-popolazzjoni u jħeġġeġ favur il-qerda totali ta' dawn l-armamenti; jinsab ugwalment imħasseb dwar il-preżenza ta' ħażniet kbar ta' munizzjon u armi li qed jinżammu b'mod inadegwat taħt ir-responsabbiltà tal-forzi armati; jissottolinja l-importanza li jiġi indirizzat it-traffikar tal-armi u jappella għat-tisħiħ tal-kooperazzjoni bejn l-UE u l-Bożnija-Ħerzegovina għal dan l-għan; iħeġġeġ favur approċċ komprensiv biex jiġu indirizzati l-isfidi li għad fadal biex jitneħħew il-mini kollha mill-pajjiż sal-2019;

29.  Iqis li huwa essenzjali li tissaħħaħ il-parteċipazzjoni pubblika fit-teħid tad-deċiżjonijiet u li ċ-ċittadini, inklużi ż-żgħażagħ, jiġu involuti b'mod aktar effikaċi fil-proċess ta' adeżjoni mal-UE; itenni l-appelli tiegħu biex jiġu implimentati mekkaniżmi ta' konsultazzjoni pubblika trasparenti u inklużivi mal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili (OSĊ) fil-livelli governattivi kollha, kif ukoll biex jiġu introdotti proċeduri trasparenti u mhux diskriminatorji għall-allokazzjoni ta' finanzjament pubbliku lill-OSĊ; jinnota li s-soċjetà ċivili hija frammentata, istituzzjonalment u finanzjarjament dgħajfa, u li dan għandu impatt fuq is-sostenibbiltà u l-indipendenza tagħha; jappella għal appoġġ ulterjuri min-naħa tal-UE, mekkaniżmi ta' kooperazzjoni aħjar bejn il-gvern u l-OSĊ, inkluż l-iżvilupp ta' qafas strateġiku għall-kooperazzjoni, kif ukoll involviment aktar konkret tal-OSĊ fil-qasam ċivili fil-proċess ta' adeżjoni mal-UE; jikkundanna l-kampanji ta' malafama ripetuti u l-attakki vjolenti fuq ir-rappreżentanti tal-OSĊ u d-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem;

30.  Jissottolinja l-ħtieġa għal titjib sostanzjali fl-oqfsa strateġiċi, ġuridiċi, istituzzjonali u politiċi fir-rigward tal-osservanza tad-drittijiet tal-bniedem; jappella għall-adozzjoni ta' strateġija għall-pajjiż kollu dwar id-drittijiet tal-bniedem u n-nondiskriminazzjoni u għal miżuri ulterjuri biex jiżguraw l-implimentazzjoni effikaċi tal-istrumenti internazzjonali fil-qasam tad-drittijiet tal-bniedem li ġew iffirmati u rratifikati mill-Bożnija-Ħerzegovina; jappella għall-adozzjoni rapida tal-liġi dwar ir-riforma tal-Ombudsman tal-Bożnija-Ħerzegovina; jappella biex, meta tiġi adottata l-liġi, jiġu segwiti r-rakkomandazzjonijiet tal-Kumitat Internazzjonali ta' Koordinazzjoni u l-Kummissjoni ta' Venezja; jinsab imħasseb dwar il-fatt li l-Uffiċċju tal-Ombudsman mhux qed jiffunzjona kif suppost, prinċipalment minħabba nuqqas ta' riżorsi umani adegwati u restrizzjonijiet finanzjarji serji; jappella lill-awtoritajiet tal-Bożnija-Ħerzegovina fil-livell federali u fir-Repubblika Srpska biex jiffaċilitaw il-ħidma tal-Ombudsman għad-Drittijiet tal-Bniedem;

31.  Jinsab imħasseb dwar id-diskriminazzjoni kontinwa kontra l-persuni b'diżabbiltà fl-oqsma tal-impjiegi, l-edukazzjoni u l-aċċess għall-kura tas-saħħa; jappella biex jiġi adottat pjan ta' azzjoni nazzjonali uniku dwar id-drittijiet tal-persuni b'diżabbiltà; jappella għall-iżvilupp ta' strateġija komprensiva u integrata dwar l-inklużjoni soċjali u r-rappreżentanza tal-komunità tar-Rom; jappella biex l-assistenza soċjali tiġi mmirata aħjar b'mod li tilħaq lill-popolazzjonijiet l-aktar vulnerabbli; jilqa' l-fatt li xi gvernijiet u parlamenti bdew jiddiskutu d-drittijiet tal-persuni LGBTI u jfasslu miżuri speċifiċi għall-protezzjoni tagħhom; jappella biex jiġu ggarantiti s-sikurezza u d-dritt ta' għaqda tal-gruppi ta' persuni LGBTI; jilqa' l-bidliet għal-liġi kontra d-diskriminazzjoni tal-Bożnija-Ħerzegovina li estendew il-motivazzjonijiet elenkati għal diskriminazzjoni biex jinkludu l-età, id-diżabbiltà, l-orjentazzjoni sesswali u l-identità tal-ġeneru; jappella biex din tiġi infurzata kif suppost; jilqa' l-introduzzjoni tal-projbizzjoni tar-reati ta' mibegħda f'emendi għall-Kodiċi Kriminali tal-Bożnija-Ħerzegovina; jinkoraġġixxi l-inklużjoni ta' korsijiet dwar ir-reati ta' mibegħda fil-kurrikuli u l-programmi ta' taħriġ għall-uffiċjali tal-pulizija, il-prosekuturi u l-imħallfin, u jappella biex tittejjeb il-kooperazzjoni bejn il-pulizija u l-korpi ġudizzjarji fil-prosekuzzjoni tal-kawżi dwar reati ta' mibegħda; iħeġġeġ għal darba oħra r-revoka tad-dispożizzjoni dwar il-piena tal-mewt fil-kostituzzjoni tal-entità tar-Repubblika Srpska;

32. Jappella favur sforzi biex jissaħħu sistemi ulterjuri għall-protezzjoni tat-tfal b'mod li jipprevjenu u jindirizzaw il-vjolenza kontra t-tfal u l-abbuż, it-traskurar u l-isfruttament tat-tfal; jirrakkomanda li tiżdied l-allokazzjoni tar-riżorsi għall-prevenzjoni u li jissaħħaħ ulterjorment il-koordinament bejn il-komunitajiet u l-gvern fil-protezzjoni tat-tfal; jappella biex jiġi implimentat il-Pjan ta' Azzjoni tal-Bożnija-Ħerzegovina dwar it-Tfal 2015-2018;

33.  Jinnota li l-qafas ġuridiku għall-protezzjoni tal-minoranzi fil-biċċa l-kbira qiegħed fis-seħħ u huwa konformi mal-Konvenzjoni Qafas tal-Kunsill tal-Ewropa għall-Ħarsien tal-Minoranzi Nazzjonali; jilqa l-attivazzjoni mill-ġdid tal-entità Federali, il-Kunsill tal-Minoranzi Nazzjonali fil-Bożnija-Ħerzegovina; jinsab imħasseb dwar il-fatt li minħabba li għad hemm nuqqas ta' koordinament bejn l-istat u l-entitajiet, il-liġijiet eżistenti mhumiex qed jiġu implimentati u l-pjattaforma strateġika fil-livell statali dwar il-minoranzi nazzjonali għadha ma ġietx adottata; jiddispjaċih li l-minoranzi nazzjonali għad għandhom livell baxx ta' preżenza u parteċipazzjoni fid-dibattiti politiċi u pubbliċi u fil-media;

34.  Jappella għal sforzi ulterjuri biex tiġi promossa l-ugwaljanza bejn il-ġeneri u tiżdied il-parteċipazzjoni tan-nisa fil-ħajja politika u pubblika u fl-impjiegi, biex tittejjeb is-sitwazzjoni soċjoekonomika tagħhom u jissaħħu d-drittijiet tan-nisa b'mod ġenerali; jinnota li d-dispożizzjonijiet legali li jistitwixxu l-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel ġeneralment qegħdin fis-seħħ, imma li l-implimentazzjoni tagħhom tibqa' waħda ineffikaċi; jinnota bi tħassib li għad fadal diskriminazzjoni relatata mal-maternità fl-impjiegi u li l-entitajiet u l-kantuni m'għandhomx l-ebda leġiżlazzjoni armonizzata rigward il-maternità u l-liv tal-ġenituri; jirrileva barra minn hekk li l-miżuri attivi eżistenti fis-suq tax-xogħol li huma mmirati biex isostnu l-impjieg tal-gruppi vulnerabbli u qiegħda fuq żmien twil, bħall-persuni b'diżabbiltà, mhumiex qed jiġu implimentati b'mod effikaċi; jissottolinja l-importanza li tissaħħaħ ir-rata tal-bniet li jispiċċaw l-iskola primarja u sekondarja, b'mod partikolari dawk mill-komunità tar-Rom;

35.  Jirrileva l-importanza li l-leġiżlazzjoni dwar il-prevenzjoni tal-vjolenza abbażi ta' ġeneru u l-protezzjoni minnha tiġi implimentata b'mod effikaċi, bi qbil mal-konvenzjonijiet internazzjonali li jittrattaw il-prevenzjoni tal-vjolenza domestika u l-protezzjoni minnha li ffirmat u rratifikat il-Bożnija-Ħerzegovina; jilqa' l-impenn li ħadu l-awtoritajiet kompetenti li jimplimentaw il-Konvenzjoni ta' Istanbul tal-Kunsill tal-Ewropa dwar il-Prevenzjoni u l-Ġlieda Kontra l-Vjolenza fuq in-Nisa u l-Vjolenza Domestika; jappella biex il-leġiżlazzjoni u l-politiki pubbliċi jiġu armonizzati ma' din il-konvenzjoni; jappella biex in-nisa superstiti tal-vjolenza jiġu informati rigward il-forom ta' appoġġ u assistenza disponibbli u biex jiġu stabbiliti ċentri ta' kriżi għall-vittmi ta' stupru jew forom oħra ta' vjolenza sesswali; jinsab imħasseb dwar il-fatt li l-vjolenza abbażi ta' ġeneru ma tiġix reġistrata b'mod sistematiku;

36.  Jiddeplora l-fatt li l-Bożnija-Ħerzegovina għadha fi ksur tal-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem peress li ma implimentatx id-deċiżjonijiet tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, fil-kawżi Sejdić-Finci, Zornić u Pilav; jappella bis-sħiħ u bħala kwistjoni ta' urġenza biex isir progress f'dan ir-rigward b'mod li tiġi promossa l-perspettiva tal-pajjiż lejn l-UE; jisħaq li l-implimentazzjoni ta' dawn id-deċiżjonijiet kieku tikkontribwixxi biex tiġi stabbilita soċjetà demokratika li tiffunzjona tajjeb fejn ikunu ggarantiti drittijiet indaqs għal kulħadd; itenni li jekk dawn id-deċiżjonijiet ma jiġux implimentati, tkun qed tiġi permessa d-diskriminazzjoni manifesta taċ-ċittadini fil-Bożnija-Ħerzegovina u tinħoloq sitwazzjoni ta' inkompatibbiltà mal-valuri tal-UE;

37.  Jinsab imħasseb dwar il-każijiet ta' pressjoni politika u l-intimidazzjoni tal-ġurnalisti, inklużi attakki fiżiċi u verbali, anke dawk imwettqa minn uffiċjali ta' livell għoli jew ex uffiċjali, kif ukoll dwar in-nuqqas ta' trasparenza fis-sjieda tal-media; jinsab ukoll imħasseb dwar l-użu ta' kawżi ċivili ta' libell kontra l-mezzi tax-xandir u l-ġurnalisti li jikkritikaw; jenfasizza l-ħtieġa li jiġu investigati l-attakki kontra l-ġurnalisti u li jiġi żgurat is-segwitu ġudizzjarju xieraq; jappella lill-awtoritajiet biex jikkundannaw b'mod inekwivoku l-attakki kollha kontra l-ġurnalisti u l-mezzi tax-xandir, u biex jiżguraw li l-każijiet ta' dan it-tip jiġu kompletament investigati u li min ikun responsabbli jitressaq quddiem il-ġustizzja; jappella għall-miżuri ulterjuri meħtieġa biex jiggarantixxu r-rispett sħiħ tal-libertà tal-espressjoni, tal-istampa u tal-aċċess għall-informazzjoni, kemm fuq l-internet u kemm le; jappella lill-awtoritajiet tal-Bożnja-Ħerzegovina biex jieħdu miżuri urġenti biex isalvaw lill-media tas-servizz pubbliku mill-kollass; jappella lill-awtoritajiet kompetenti biex jiżguraw l-indipendenza u l-istabbiltà finanzjarja tat-tliet xandara tas-servizz pubbliku, kif ukoll l-indipendenza politika, operattiva u finanzjarja, flimkien mat-trasparenza tal-Awtorità Regolatorja tal-Komunikazzjonijiet; jappella lill-awtoritajiet kompetenti biex jiggarantixxu l-pluraliżmu medjatiku u jiżguraw xandir fil-lingwi uffiċjali kollha tal-Bożnija-Ħerzegovina; jappella biex it-tranżizzjoni diġitali tiġi ffinalizzata u biex titwaqqaf strateġija dwar il-broadband;

38.  Għadu mħasseb minħabba t-tkomplija tal-frammentazzjoni, is-segregazzjoni, l-ineffiċjenza u l-kumplessità fis-sistema edukattiva; jappella biex jiġi adottat kurrikulu bażiku komuni għall-pajjiż kollu li jkun jikkontribwixxi għall-koeżjoni tal-pajjiż; jappella biex ikun hemm koordinament aħjar bejn il-livelli differenti tal-governanza edukattiva, b'mod li tiġi promossa sistema edukattiva inklużiva u nondiskriminatorja u titrawwem il-kooperazzjoni trasversalment bejn linji kulturali, reliġjużi u etniċi; jappella lill-awtoritajiet biex jippromwovu l-prinċipji tat-tolleranza, id-djalogu u l-fehim interkulturali bejn il-gruppi etniċi differenti; iħeġġeġ favur l-adozzjoni ta' miżuri konkreti biex itejbu l-effiċjenza tas-sistema edukattiva u jeliminaw il-prattiki ta' segregazzjoni, filwaqt li jiggarantixxu d-dritt għal opportunitajiet indaqs għall-edukazzjoni fil-lingwi uffiċjali kollha tal-Bożnija-Ħerzegovina; għadu mħasseb dwar il-proporzjon għoli ta' dawk li jitilqu mill-edukazzjoni u mit-taħriġ qabel iż-żmien, u r-rati persistentement għoljin ta' studenti Rom li ma jkomplux bl-iskola; jiddispjaċih li għaddej bil-mod il-progress biex jiġu indirizzati u riżolti l-kwistjonijiet ta' "żewġt iskejjel taħt saqaf wieħed", skejjel monoetniċi u forom oħra ta' segregazzjoni u diskriminazzjoni fl-iskejjel;

39.  Jilqa' l-miżuri biex jimmodernizzaw il-leġiżlazzjoni dwar ix-xogħol, itejbu l-ambjent tan-negozju u jindirizzaw id-dgħufijiet fis-settur finanzjarju fi ħdan il-qafas tal-Aġenda ta' Riforma; jinnota b'mod pożittiv ukoll iż-żieda fl-impjiegi rreġistrati u l-passi li ttieħdu biex jissaħħaħ il-koordinament tal-politika ekonomika; jilqa' l-programm fuq tliet snin tal-Faċilità ta' Fond Estiża miftiehem mal-FMI, li huwa mistenni li jkompli jtejjeb il-klima kummerċjali, inaqqas id-daqs tal-gvern u jissalvagwardja lis-settur finanzjarju; għadu jiddispjaċih dwar in-nuqqas ta' żona ekonomika unika magħquda li jxekkel l-ambjent tan-negozju, l-investiment dirett barrani u l-impriżi ta' daqs żgħir u medju; jappella biex dawn il-kwistjonijiet jiġu indirizzati permezz ta' politiki industrijali u dwar l-impriżi ta' daqs żgħir u medju li jkunu armonizzati u kkoordinati fil-livell tal-pajjiż kollu kemm hu; jappella biex, bħala kwistjoni ta' urġenza, l-awtoritajiet kompetenti jfasslu miżuri kkoordinati bil-ħsieb li jsaħħu l-istat tad-dritt, jissemplifikaw il-proċeduri għall-infurzar tal-kuntratti u jiġġieldu kontra l-korruzzjoni fl-ekonomija;

40.  Jilqa' l-fatt li l-qgħad naqas ħarira; jibqa' mħasseb, madankollu, dwar il-fatt li, fil-biċċa l-kbira tiegħu, il-qgħad għadu ta' natura strutturali u li l-qgħad fost iż-żgħażagħ għadu għoli, u dan jirriżulta fl-eżodu ta' ħafna mħuħ; jinkoraġġixxi lill-Bożnija-Ħerzegovina tieħu sehem attiv fid-diversi programmi mfassla għaż-żgħażagħ fir-reġjun, bħal dawk fil-qafas tal-Aġenda Pożittiva għaż-Żgħażagħ fil-Balkani tal-Punent jew l-Uffiċċju Reġjonali għall-Kooperazzjoni rigward iż-Żgħażagħ; jappella lill-awtoritajiet kompetenti biex iqawwu ulterjorment lil-liġijiet eżistenti u jintroduċu politiki attivi tas-suq tax-xogħol immirati b'mod partikolari lejn iż-żgħażagħ, in-nisa, il-gruppi vulnerabbli, inklużi r-Rom, u dawk qiegħda fuq żmien twil, kif ukoll biex isaħħu l-kapaċitajiet tas-servizzi tal-impjiegi;

41.  Jiddispjaċih li l-liġijiet dwar ix-xogħol fiż-żewġ entitajiet ġew adottati permezz tal-proċedura urġenti u mingħajr id-djalogu xieraq mas-sħab soċjali; jinnota li d-drittijiet tax-xogħol u tat-trade unions għadhom limitati u jisħaq fuq l-importanza li dawn il-liġijiet ikomplu jissaħħu u jiġu armonizzati madwar il-pajjiż; ifakkar li l-Bożnija-Ħerzegovina ffirmat għadd ta' Konvenzjonijiet tal-ILO, li inter alia jirrikonoxxu l-prinċipji tad-djalogu soċjali u l-importanza ta' kooperazzjoni mas-sħab soċjali; jisħaq fuq l-importanza li l-liġijiet dwar is-saħħa u s-sikurezza jkomplu jissaħħu u jiġu armonizzati madwar il-pajjiż; jirrileva wkoll il-ħtieġa li s-sistemi frammentati għall-protezzjoni soċjali jiġu riformati u armonizzati, li tiġi promossa l-koeżjoni soċjali u li tiġi żgurata l-protezzjoni soċjali għal min huwa l-aktar vulnerabbli;

42. Jinnota li nkiseb xi progress fl-allinjament ulterjuri tal-politiki u l-leġiżlazzjoni fil-qasam tal-protezzjoni ambjentali; jappella favur sforzi sinifikanti fir-rigward tal-implimentazzjoni u l-infurzar adegwati u sistematiċi tal-leġiżlazzjoni eżistenti; jisħaq fuq il-ħtieġa li tiġi adottata strateġija għall-pajjiż kollu dwar l-approssimazzjoni tal-acquis ambjentali, li jissaħħaħ il-qafas ġuridiku, u li jitqawwew il-kapaċitajiet amministrattivi u ta' monitoraġġ; jinidika li l-leġiżlazzjoni li tirregola l-aċċess għall-informazzjoni ambjentali u l-parteċipazzjoni pubblika fil-proċessi deċiżjonali trid issir konformi mal-acquis; jappella, bħala kwistjoni ta' urġenza, biex fil-qasam tal-protezzjoni tan-natura jkun hemm allinjament mal-acquis tal-UE; jissottolinja li l-ippjanar u l-bini tal-impjanti u l-proġetti idroelettriċi jridu jkunu konformi mal-leġiżlazzjoni ambjentali internazzjonali u tal-UE; iħeġġeġ biex il-proġetti idroelettriċi ma jitwettqux f'ambjenti naturali protetti u ma jagħmlux ħsara lin-natura; jisħaq fuq il-ħtieġa għal parteċipazzjoni pubblika fil-proġetti rilevanti u għal konsultazzjoni mas-soċjetà ċivili dwarhom; jesprimi tħassib dwar in-nuqqas ta' progress fir-riżoluzzjoni tal-problema ta' tniġġis ambjentali eċċessiv u transkonfinali kkawżat mill-operazzjonijiet tar-raffinerija f'Bosanski Brod;

43.  Jirrileva li l-proġetti prijoritarji maqbula tal-UE għall-interkonnessjoni tat-trażmissjoni tal-elettriku u tal-gass mal-pajjiżi ġirien qed jiddewmu minħabba n-nuqqas ta' qbil politiku rigward strateġija dwar l-enerġija għall-pajjiż kollu kemm hu; iħeġġeb biex, f'dan ir-rigward, jiġu adottati strateġija dwar l-enerġija għall-pajjiż kollu kemm hu, kif ukoll qafas ġuridiku għall-gass, bi qbil mat-Tielet Pakkett dwar l-Enerġija, sabiex ikunu jistgħu jitneħħew is-sanzjonijiet tal-Komunità Ewropea tal-Enerġija; iħeġġeġ biex tiġi mgħoddija liġi dwar il-gass naturali bil-ħsieb li tiżdied is-sigurtà tal-provvista; iħeġġeġ lill-awtoritajiet biex jiżguraw l-allinjament mal-istandards u l-objettivi politiċi tal-UE u dawk internazzjonali fl-oqsma tal-enerġija u tat-tibdil fil-klima;

44. Jinnota d-defiċjenzi infrastrutturali tal-pajjiż u jargumenta li għandu jitkompla l-investiment fil-proġetti għat-titjib tal-konnessjonijiet tat-trasport kemm fil-Bożnija-Ħerzegovina u kemm mal-pajjiżi ġirien; jinkoraġġixxi l-parteċipazzjoni sħiħa tal-Bożnija-Ħerzegovina fl-implimentazzjoni tal-aġenda tal-UE dwar il-konnettività; ifaħħar l-adozzjoni tal-Istrateġija Qafas dwar it-Trasport għall-pajjiż kollu kemm hu għall-perjodu 2015-2030 f'Lulju 2016; jissottolinja li din tippermetti li l-Bożnija-Ħerzegovina jkollha aċċess għall-finanzjament mill-Istrument għall-Assistenza ta' Qabel l-Adeżjoni II; jappella lill-awtoritajiet biex jallinjaw il-qafas ġuridiku dwar it-trasport mal-leġiżlazzjoni rilevanti tal-UE, joħolqu ktajjen ta' trasport funzjonali, ineħħu l-punti ta' konġestjoni fil-kuritur Vc, kif ukoll josservaw ir-regoli dwar il-preżentazzjoni ta' offerti fi proċeduri ta' akkwist u l-prinċipju ta' trasparenza fl-għażla tal-kuntratturi, b'mod li jipprevjenu l-abbuż u l-korruzzjoni;

45.  Jilqa' r-rwol kostruttiv u proattiv li għad għandha l-Bożnija-Ħerzegovina fil-promozzjoni tal-kooperazzjoni bilaterali u reġjonali; jappella favur sforzi ulterjuri għar-riżoluzzjoni tal-kwistjonijiet bilaterali pendenti, inklużi d-demarkazzjoni tal-fruntieri mas-Serbja u l-Kroazja u l-każijiet ta' tniġġis transkonfinali; ifaħħar lill-Bożnija-Ħerzegovina talli kompliet iżżid ir-rata tal-allinjament tagħha mad-dikjarazzjonijiet u d-deċiżjonijiet rilevanti tal-UE skont il-Politika Estera u ta' Sigurtà Komuni (PESK) minn 62 % għal 77 %; jiddispjaċih dwar id-deċiżjoni mill-awtoritajiet tal-Bożnija-Ħerzegovina li ma jappoġġawx il-miżuri restrittivi tal-UE kontra r-Russja, wara li din tal-aħħar għaqqdet magħha lill-Krimea illegalment; ifakkar lill-Bożnija-Ħerzegovina dwar il-ħtieġa għal politika barranija unifikata u li l-allinjament tal-politika barranija huwa parti essenzjali mis-sħubija mal-UE; jikkunsidra li huwa importanti li l-politika barranija tal-Bożnija-Ħerzegovina tiġi koordinata mal-politika barranija tal-UE u li l-UE tibqa' attivament involuta fiż-żamma tas-sikurezza u s-sigurtà fil-Bożnija-Ħerzegovina; Jilqa' l-preżenza kontinwa tal-Operazzjoni Althea, li għad kapaċi tikkontribwixxi għall-kapaċità ta' deterrenza tal-awtoritajiet tal-Bożnija-Ħerzegovina jekk is-sitwazzjoni tkun tirrikjedi dan, filwaqt li tiffoka fuq il-bini tal-kapaċitajiet u t-taħriġ. jilqa' ugwalment il-fatt li, f'Novembru 2016, il-mandat tal-EUFOR ittawwal għal sena oħra mill-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU;

46.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-VP/RGħ, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Presidenza tal-Bożnija-Ħerzegovina, lill-Kunsill tal-Ministri tal-Bożnija-Ħerzegovina, lill-Assemblea Parlamentari tal-Bożnija-Ħerzegovina u lill-gvernijiet u l-parlamenti tal-Federazzjoni tal-Bożnija-Ħerzegovina u lill-entitajiet tar-Repubblika Srpska u tad-Distrett ta' Brčko u lill-gvernijiet tal-għaxar kantuni.

(1)

QEA 2016 Nru. 21.

(2)

S/2016/911.


RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALIFIL-KUMITAT RESPONSABBLI

Data tal-adozzjoni

31.1.2017

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

45

11

3

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Francisco Assis, Petras Auštrevičius, Amjad Bashir, Bas Belder, Goffredo Maria Bettini, Mario Borghezio, Victor Boştinaru, Elmar Brok, Klaus Buchner, Javier Couso Permuy, Andi Cristea, Arnaud Danjean, Georgios Epitideios, Knut Fleckenstein, Anna Elżbieta Fotyga, Eugen Freund, Michael Gahler, Sandra Kalniete, Manolis Kefalogiannis, Tunne Kelam, Afzal Khan, Janusz Korwin-Mikke, Andrey Kovatchev, Eduard Kukan, Barbara Lochbihler, Sabine Lösing, Andrejs Mamikins, Ramona Nicole Mănescu, Alex Mayer, David McAllister, Tamás Meszerics, Francisco José Millán Mon, Demetris Papadakis, Ioan Mircea Paşcu, Tonino Picula, Cristian Dan Preda, Jozo Radoš, Sofia Sakorafa, Jacek Saryusz-Wolski, Alyn Smith, Jordi Solé, Jaromír Štětina, Dubravka Šuica, László Tőkés, Ivo Vajgl, Elena Valenciano, Hilde Vautmans

Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali

Angel Dzhambazki, Mike Hookem, Othmar Karas, Antonio López-Istúriz White, Norica Nicolai, Urmas Paet, Soraya Post, György Schöpflin, Igor Šoltes, Željana Zovko

Sostituti (skont l-Artikolu 200(2)) preżenti għall-votazzjoni finali

Raymond Finch, Jasenko Selimovic

Avviż legali