Proċedura : 2015/2328(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A8-0030/2017

Testi mressqa :

A8-0030/2017

Dibattiti :

PV 02/03/2017 - 2
CRE 02/03/2017 - 2

Votazzjonijiet :

PV 02/03/2017 - 6.7
CRE 02/03/2017 - 6.7
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P8_TA(2017)0062

RAPPORT     
PDF 852kWORD 74k
7.2.2017
PE 589.315v01-00 A8-0030/2017

dwar l-implimentazzjoni tar-Regolament (UE) Nru 1295/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Diċembru 2013 li jistabbilixxi l-Programm Ewropa Kreattiva (2014 sa 2020) u li jirrevoka d-Deċiżjonijiet Nru 1718/2006/KE, Nru 1855/2006/KE u Nru 1041/2009/KE

(2015/2328(INI))

Kumitat għall-Kultura u l-Edukazzjoni

Rapporteur: Silvia Costa

EMENDI
NOTA SPJEGATTIVA - SOMMARJU TAL-FATTI U S-SEJBIET
 OPINJONI tal-Kumitat għall-Baġits
 MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW
 RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALIFIL-KUMITAT RESPONSABBLI
 VOTAZZJONI FINALI B'SEJĦA TAL-ISMIJIET FIL-KUMITAT RESPONSABBLI

NOTA SPJEGATTIVA - SOMMARJU TAL-FATTI U S-SEJBIET

Ir-Regolament li jistabbilixxi l-Programm Ewropa Kreattiva(1) daħal fis-seħħ fl-1 ta' Jannar 2014 u l-programm se jkun implimentat mill-1 ta' Jannar 2014 sal-31 ta' Diċembru 2020.

Il-Programm Ewropa Kreattiva jiġbor flimkien il-Programmi MEDIA u Kultura preċedenti (2007-2013) u MEDIA MUNDUS u jkopri s-setturi kulturali, kreattivi u awdjoviżivi(2).

L-għan tar-rapport ta' implimentazzjoni huwa li jevalwa kif il-programm jirrealizza l-objettivi ġenerali u speċifiċi(3) stipulati fir-Regolament u kif qed jiġi implimentat. Dan ir-rapport jiġi qabel ir-rapport ta' rieżami ta' nofs it-terminu li għandu jiġi sottomess mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u l-Kunsill sal-31 ta' Diċembru 2017.

Il-programm jikkonsisti f'żewġ sottoprogrammi separati Kultura u MEDIA, u Qasam Transsettorjali, inkluż strument finanzjarju ġdid, il-Faċilità ta' Garanzija. Is-sottoprogramm MEDIA jinkludi serje ta' miżuri ta' appoġġ(4) u s-sottoprogramm Kultura fih erba' azzjonijiet(5). Is-sottoprogramm Kultura huwa kkompletat minn sett ta' azzjonijiet speċjali, bħal premjijiet kulturali Ewropej (għal-letteratura, l-arkitettura komtemporanja, Border Breakers għall-mużika u l-wirt kulturali) u inizjattivi: il-Kapitali Ewropej tal-Kultura u ċ-Ċertifikat tal-Patrimonju Ewropew.

Il-Qasam Transsettorjali jappoġġa t-twaqqif ta' Faċilità ta' Garanzija mmirata lejn is-setturi kulturali u kreattivi, il-promozzjoni tal-kooperazzjoni tal-politika transnazzjonali u netwerk ta' Uffiċċji tal-Ewropa Kreattiva.

Il-pajjiżi li ġejjin jipparteċipaw fis-Sottoprogrammi Kultura u MEDIA u l-Qasam Transsettorjali minbarra l-Faċilità ta' Garanzija: l-Albanija, il-Bożnija-Ħerzegovina, l-Eks-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja, il-Montenegro u s-Serbja. Il-Ġeorġja, il-Moldova, it-Turkija(6) u l-Ukraina jipparteċipaw bis-sħiħ fis-Sottoprogramm Kultura, il-Qasam Transsettorjali minbarra l-Faċilità ta' Garanzija u jipparteċipaw parzjalment fis-sottoprogramm MEDIA. Din il-parteċipazzjoni parzjali tfisser li huma eliġibbli biss għat-taħriġ, l-aċċess għas-suq, il-festivals u l-iskemi ta' żvilupp tal-udjenza. Hemm għaddejjin negozjati mal-Iżrael.

Mill-1 ta' Jannar 2015, il-programm huwa mmexxi minn żewġ Direttorati Ġenerali (DĠ EAC u DĠ CONNECT) u mill-Aġenzija Eżekuttiva għall-Edukazzjoni, l-Awdjoviżiv u l-Kultura (EACEA). Id-DĠ EAC huwa responsabbli minn Kultura, id-DĠ CONNECT mill-Programm MEDIA, iżda għandu wkoll rwol ta' tmexxija għall-Faċilità ta' Garanzija. Fl-EACEA, żewġ entitajiet separati qed jittrattaw iż-żewġ sottoprogrammi. Taskforce speċjali ġiet stabbilita biex tiffaċilita l-kooperazzjoni bejn iż-żewġ DĠs.

Il-baġit totali għall-programm Ewropa Kreattiva għall-perjodu 2014-2020, li jaqa' taħt l-Intestatura 3 tal-QFP, huwa ffissat għal EUR 1.46 biljun. Dan jirrappreżenta 0. 14 % tal-baġit totali tal-portafoll tal-QFP. Mill-allokazzjoni finanzjarja totali, minimu ta' 31 % jiġi allokat għal Kultura, minimu ta' 56 % għal MEDIA u massimu ta' 13 % għall-Qasam Transsettorjali.

Il-baġit tal-Programm Ewropa Kreattiva huwa ġestit mid-DĠ EAC u l-EACEA. Il-finanzjament huwa primarjament użat fil-forma ta' għotjiet u jingħata permezz tas-sistema ta' sejħiet għal proposti mmexxija mill-EACEA. Finanzjament għal xi miżuri (bħal studji, l-organizzazzjoni ta' Premji, eċċ.) jiġi pprovdut permezz tal-akkwist pubbliku.

Il-Ftehim ta' Delegazzjoni dwar il-Faċilità ta' Garanzija Finanzjarja mal-Fond Ewropew tal-Investiment (FEI) ġie ffirmat fit-30 ta' Ġunju 2016. Il-Faċilità se tipprovdi garanziji lil istituzzjonijiet ta' self u ta' garanzija biex dawn jiġu mħeġġa joffru self lill-SMEs, l-istituzzjonijiet kulturali u l-assoċjazzjonijiet fis-settur. Is-sejħa għal istituzzjonijiet finanzjarji ġiet ippubblikata fit-18 ta' Lulju 2016 mill-FEI u se tkun miftuħa sa Settembru 2020. L-applikazzjonijiet mingħand l-intermedjarji finanzjarji qed jiġu sottomessi u bħalissa għaddejjin minn eżami tad-diliġenza dovuta.  Għall-perjodu 2014-2020, il-Faċilità kellha baġit ta' EUR 121 miljun.

Uffiċċji tal-Ewropa Kreattiva huma preżenti fil-pajjiżi kollha li huma parti mill-Programm Ewropa Kreattiva, b'kofinanzjament mill-Istati Membri. 39 Uffiċċju ġew stabbiliti fi 38 pajjiż - 29 fi 28 Stat Membru tal-UE peress li hemm żewġ Uffiċċji separati għall-Belġju, 2 f'pajjiżi membri taż-ŻEE/EFTA u 8 f'pajjiżi terzi. Il-missjoni tagħhom hija li jipprovdu informazzjoni bla ħlas, gwida dwar kif jaċċessaw l-opportunitajiet ta' finanzjament taħt il-Programm Ewropa Kreattiva u jorganizzaw attivitajiet ta' netwerking sabiex jiffaċilitaw il-kuntatti bejn l-operaturi kulturali.

Fit-tħejjija ta' dan ir-rapport, ir-rapporteur ibbażat il-konklużjonijiet tagħha fuq studji(7) kkummissjonati mid-Dipartiment Tematiku B u Valutazzjoni Interna mis-Servizz ta' Riċerka tal-Parlament Ewropew(8). Ir-rapporteur iltaqgħet ma' partijiet interessati, operaturi kulturali, benefiċjarji u benefiċjarji potenzjali tal-programm. Barra minn hekk, ir-rapporteur ipparteċipat fil-Forum Kultura fi Brussell u fil-parti l-kbira tal-Forum Ewropew tal-Films fil-Festivals f'Berlin, Cannes, Venezja u Karlovy-Vary, kif ukoll netwerks u laqgħat tal-benefiċjarji fost l-oħrajn fi Krakovja, San Sebastian u Ruma. Laqgħat nazzjonali mal-benefiċjarji u kandidati li ma kellhomx suċċess seħħew ukoll fl-Italja u fi Franza. Ir-rapporteur irċeviet diversi dokumenti ta' pożizzjoni min-netwerks ewlenin u l-assoċjazzjonijiet professjonali Ewropej li jkopru s-setturi kollha. Ġew organizzati wkoll laqgħat regolari ma' kull DĠ u mal-EACEA.

Motivazzjoni

Ewropa Kreattiva huwa l-uniku programm diretti tal-UE għas-setturi kreattivi, kulturali u awdjoviżivi u kkonsolida r-rwol tiegħu f'dan ir-rigward, b'kontinwità ma' programmi preċedenti, u b'mod partikolari bit-tradizzjoni ta' skambji u djalogu fil-komunità ta' artisti u istituzzjonijiet kulturali tal-Istati Membri.

Il-programm Ewropa Kreattiva kien ta' suċċess biex antiċipa xejriet ġodda fis-setturi rilevanti billi ħoloq konnessjoni bejn il-kultura u l-kreattività, u rawwem il-moviment ta' artisti żgħażagħ ta' talent u l-iżvilupp ta' udjenza fl-ekosistema tas-Suq Uniku Diġitali. L-Uffiċċji tal-Ewropa Kreattiva kkontribwew għas-suċċess tiegħu; netwerk estensiv ħafna, dejjem aktar integrat minħabba l-qies limitat tal-programm. Ewropa Kreattiva huwa programm relattivament żgħir b'ambitu wiesa' u b'livell għoli ta' ambizzjoni.

Il-partijiet ikkonċernati jaffermaw li l-programm Ewropa Kreattiva sawwar il-mod kif jaħdmu fid-dimensjoni Ewropea, kemm b'mod kooperattiv kif ukoll transsettorjali, u li m'hemm ebda triq lura: il-programm għandu jitkompla wara l-2020. Ir-rapporteur tissuġġerixxi li jsiru xi tibdiliet li jistgħu jiġu skjerati diġà fir-reviżjoni ta' nofs it-terminu.

Il-programm Ewropa Kreattiva jgħin fl-iżvilupp ta' massa kritika permezz tal-konsolidazzjoni tas-setturi kulturali, kreattivi u awdjoviżivi. Għalkemm id-differenzi bejn fuq naħa waħda s-setturi awdjoviżivi u, fuq in-naħa l-oħra assoċjazzjonijiet, istituzzjonijiet kulturali u industriji kulturali u kreattivi, huma konsiderevoli, ġie stabbilit djalogu interdixxiplinari, imsaħħaħ mill-isfidi komuni tal-ambjent diġitali, il-ħtieġa għal aktar ħiliet maniġerjali u ta' taħriġ, relazzjonijiet ma' udjenza usa', iktar varjata u parteċipattiva, aċċess għall-kreditu, u t-tfittxija għal soluzzjonijiet għall-isfidi li jirriżultaw mill-globalizzazzjoni. Għal dawn ir-raġunijiet, u minkejja xi diffikultajiet, ir-rapporteur tibqa' konvinta mill-għażla ta' programm wieħed maqsum f'sottoprogrammi.

L-approċċ ekonomiku tal-Ewropa Kreattiva, li jiġġustifika l-inklużjoni tiegħu fl-Istrateġija Ewropa 2020, stabbilixxa objettivi u adotta sett ta' kriterji ta' evalwazzjoni, li jtejbu l-kwalità tal-pjanijiet ta' negozju, il-kredibilità tan-netwerk, l-innovazzjoni u l-impatt fuq udjenzi ġodda u estiżi, iżda ttraskura l-kwalità artistika u proposti kreattivi u kulturali, li mingħajrhom l-arti tissogra li ssir purament kummerċjali. Il-programm jissogra li jippremja lil min isegwi l-format stabbilit pjuttost milli jipprova jiskopri kwalità reali.

Il-programm, għalkemm għall-ewwel kien ikkonċepit bħala integrat ħafna, fil-fatt, wara l-qsim taż-żewġ DĠs, beda jirrifletti d-differenzi bejn iż-żewġ setturi, l-awdjoviżiv iktar intraprenditorjali, il-kultura iktar ibrida. Dan seħħ ukoll minħabba li l-Qasam Transsettorjali, li kien meqjus bħala spazju ta' djalogu bejn id-dixxiplini, minflok intuża bħala għodda ta' finanzjament, prinċipalment għal attivitajiet ta' komunikazzjoni u promozzjoni. Fil-fatt, il-ħtieġa ta' aċċess għal swieq ġodda, ta' żvilupp ta' udjenzi ġodda, u ta' provvista ta' taħriġ tal-ħiliet maniġerjali u diġitali hija komuni għaż-żewġ sottoprogrammi u għandha tiġi indirizzata fil-Qasam Transsettorjali.

L-ewwel tal-istituzzjonijiet finanzjarji li se jieħdu sehem fil-Faċilità ta' Garanzija għas-setturi kulturali u kreattivi, li ser tagħmel disponibbli EUR 120 miljun bi stima ta' fattur ta' multiplikazzjoni ta' 5.7, se jitħabbru fi tmiem l-2016. Filwaqt li jiddispjaċiha dwar id-dewmien li bih l-istrument kien ippreżentat, ir-Rapporteur tilqa' b'mod pożittiv id-deċiżjoni li tiġi provduta lista miftuħa.

Il-programm ġustament jassumi kompitu ġdid billi, fl-2015, ta EUR 1.6 miljun għall-inklużjoni soċjali tar-rifuġjati, bħala espressjoni ta' djalogu interkulturali daqstant meħtieġ fis-soċjetà tagħna. Hija ħasra li ma ġewx allokati riżorsi addizzjonali għal dan l-għan.

Xi għażliet li jmorru kontra l-programmi preċedenti, bħal pereżempju t-tneħħija tal-Ambaxxaturi, il-partikolaritajiet ta' Media Mundus u l-għotjiet operazzjonali għan-netwerks fil-fatt illimitaw il-kapaċità tal-programm li jirreaġixxi għax-xenarji soċjoekonomiċi internazzjonali ġodda u jsaħħaħ sħubijiet transnazzjonali. Xi reviżjoni hija għalhekk meħtieġa.

Il-Programm Ewropa Kreattiva qed ibati minħabba s-suċċess tiegħu stess: il-proporzjon ta' applikazzjonijiet imressqa u appoġġati huwa estremament baxx b'rata ta' suċċess biss ta' 15.83 % għal Kultura u ta' 32 % għal MEDIA(9), esklużi l-iskemi ta' appoġġ għad-distribuzzjoni awtomatika.

Fl-ewwel snin tal-Programm (2014, 2015 u l-ewwel nofs tal-2016), is-sottoprogramm Kultura rċieva 13.67 % tal-applikazzjonijiet għal Talbiet ta' Kooperazzjoni, 39.66 % għal Netwerks, 11.27 % għal Pjattaformi, u 24.03 % għal Traduzzjonijiet Letterarji. Fis-Sejħa għal proġetti ta' Integrazzjoni tar-Rifuġjati, inbagħtu 274 applikazzjoni, u ntgħażlu 12 biss, ammont li jirrappreżenta rata ta' suċċess ta' biss 4. 38 %(10).

Il-limitu għall-finanzjament huwa għoli ħafna u ħafna proposti ġew esklużi għal sempliċi frazzjonijiet ta' punt minħabba nuqqas ta' finanzjament. Din hija r-raġuni għaliex żieda sostanzjali fil-baġit tal-programm hija meħtieġa. Dan jispjega l-livell ta' frustrazzjoni mifruxa tal-partijiet interessati u n-nuqqas ta' motivazzjoni tagħhom li japplikaw mill-ġdid.

B'mod partikolari, il-partijiet interessati jiddeploraw l-inadegwatezza tas-sejħa dwar il-Kooperazzjoni (Kultura), bl-argument li din hija komprensiva wisq, ġenerika wisq u ffinanzjata b'mod inadegwat. Għalhekk qed jiġi propost li din is-sejħa tinqasam f'azzjonijiet separati b'karatteristiċi speċifiċi.

L-amministrazzjoni tal-programmi huwa fejn il-biċċa l-kbira tal-partijiet interessati jidderieġu l-kritika tagħhom. Huma jesprimu diżappunt dwar in-nuqqas kbir ta' simplifikazzjoni, trasparenza, komunikazzjoni, prevedibilità u, b'mod partikolari, il-kriterji ta' evalwazzjoni, l-għoti ta' punteġġi u l-kompetenza tal-evalwaturi dwar is-suġġett speċifiku, kif ukoll il-metodi ta' ħidma tagħhom, b'mod partikolari l-evalwazzjoni mill-bogħod.

Is-sistema ta' punti awtomatiċi fis-sottoprogramm MEDIA hija kontroversjali u jidher li taffettwa b'mod negattiv il-kundizzjonijiet ekwi u twassal għal distorsjoni tas-suq.

Il-prijorità l-ġdida ta' inklużjoni soċjali għandha tiġi inkluża b'mod permanenti, b'attenzjoni partikolari għal gruppi u persuni vulnerabbli f'riskju ta' marġinalizzazzjoni u radikalizzazzjoni.

Qasam ieħor fejn hu meħtieġ titjib jikkonċerna l-involviment limitat ta' pajjiżi terzi, speċjalment dawk fiż-żona tal-Mediterran. Ir-rapporteur tenfasizza l-ħtieġa urġenti li pajjiżi tal-Viċinat Ewropew tan-Nofsinhar jiġu inklużi urġentement, billi hemm bżonn ta' sforz konsiderevoli biex jiġu promossi l-ftehimiet bilaterali. Ir-rapporteur tħeġġeġ il-ftuħ immedjat tan-negozjati mat-Tuneżija.

Il-programm għandu jrawwem id-diversità kulturali fil-livell internazzjonali skont il-Konvenzjoni tal-Unesco tal-2005. Sejħa ddedikata għandha titqies kemm għas-settur kulturali u kreattiv kif ukoll għal dak awdjoviżiv.

Fid-dawl tal-Komunikazzjoni reċenti dwar id-diplomazija kulturali(11), il-Programm Ewropa Kreattiva għandu jiġi promoss dejjem iżjed mill-persunal li jittratta speċifikament dwar il-politika tal-kultura fid-delegazzjonijiet tal-UE f'pajjiżi terzi bl-għan ta' promozzjoni tal-kultura u l-kreattività Ewropej fid-dinja u t-trawwim tal-paċi, l-iskambju interkulturali u l-iżvilupp tas-suq.

Għandhom isiru iktar sforzi sabiex jissaħħu s-sinerġiji ppjanati bejn il-Programm Ewropa Kreattiva u diversi programmi pluriennali u fondi relatati, bħal Erasmus +, Orizzont 2020, il-Fondi Strutturali (b'mod partikolari biex tissaħħaħ id-dimensjoni ekonomika u innovattiva tas-setturi kulturali u kreattivi għall-Istrateġija S3, il-bliet intelliġenti u l-iżvilupp rurali). Għandu jsir iktar ukoll biex tissaħħaħ il-kompetenza tal-Kapitali Ewropej tal-Kultura, iċ-ċertifikat tal-patrimonju Ewropew, il-Premji Ewropej u Rotot Kulturali tal-Kunsill tal-Ewropa. Il-kisbiet tal-programm għandhom jiġu mħarsa u mtejba filwaqt li tinżamm l-istruttura tal-programm u jittejjeb il-Qasam Transsettorjali. F'dan ir-rigward, it-tibdil f'nofs it-terminu għandu jipprepara l-programm il-ġdid għal wara l-2020.

(1)

Ir-Regolament (UE) Nru 1295/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Diċembru 2013 li jistabbilixxi l-Programm Ewropa Kreattiva (2014 sa 2020) u li jirrevoka d-Deċiżjonijiet Nru 1718/2006/KE, Nru 1855/2006/KE u Nru 1041/2009/KE.

(2)

L-industriji kulturali u kreattivi jinkludu inter alia l-arkitettura, l-arkivji, il-libreriji u l-mużewijiet, is-snajjiet artistiċi, l-awdjoviżiv (inkluż il-film, it-televiżjoni, il-logħob tal-vidjo u l-multimidja), il-wirt kulturali tanġibbli u intanġibbli, id-disinn, il-festivals, il-mużika, il-letteratura, l-arti tal-ispettaklu, il-pubblikazzjoni, ir-radju u l-arti viżiva.

(3)

Skont id-dispożizzjonijiet ġenerali tar-Regolament, l-objettivi ġenerali huma: li jissalvagwardja, jiżviluppa u jippromwovi d-diversità kulturali u lingwistika Ewropea u jippromwovi l-wirt’kulturali tal-Ewropa; li jsaħħaħ il-kompetittività tas-setturi kulturali u kreattivi Ewropej, b'mod partikolari tas-settur awdjoviżiv, bil-ħsieb li jiġi promoss it-tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklussiv.

L-objettivi speċifiċi huma: l-appoġġ għall-kapaċità tas-setturi kulturali u kreattivi Ewropej biex joperaw b'mod tranżnazzjonali u internazzjonali, għall-promozzjoni tal-mobilità transnazzjonali ta' atturi kulturali u kreattivi u biex tissaħħaħ il-kapaċità finanzjarja tal-SMEs u l-organizzazzjonijiet mikro, żgħar u ta' daqs medju fis-setturi kulturali u kreattivi b'mod sostenibbli u biex jitrawwem l-iżvilupp tal-politika, l-innovazzjoni, il-kreattività, l-iżvilupp tal-udjenzi u mudelli ġodda ta' negozju u ġestjoni.

(4)

It-taħriġ ta' professjonisti awdjoviżivi, l-iżvilupp ta' proġetti individwali u gruppi ta' proġetti (Slate Funding), l-iżvilupp ta' logħbiet tal-vidjo Ewropej, il-programmi tat-televiżjoni dwar xogħlijiet awdjoviżivi, l-aċċess għas-swieq, l-iskema "Ċinema Awtomatika", festivals tal-films, netwerks taċ-ċinema, id-distribuzzjoni onlajn, l-iżvilupp tal-udjenza.

(5)

Proġetti ta' kooperazzjoni, netwerks Ewropej, pjattaformi Ewropej, proġetti ta' traduzzjoni letterarja.

(6)

It-Turkija nnotifikat lill-Kummissjoni dwar l-irtirar tagħha mill-programm li bħalissa qed jiġi nnegozjat bejn tal-EU u l-Gvern Tork, li għandu jkun effettiv mill-1 ta' Jannar 2017.

(7)

http://www.europarl.europa.eu/RegData/etudes/STUD/2016/573451/IPOL_STU(2016)573451_EN.pdf

http://www.europarl.europa.eu/RegData/etudes/STUD/2016/573452/IPOL_STU(2016)573452_EN.pdf

(8)

http://www.eprs.sso.ep.parl.union.eu/lis/lisrep/13-EPRS-publications/2016/EPRS_IDAN_581413_The_Creative_Europe_programme.pdf

(9)

Ir-rata tal-għażla fost sejħiet miftuħa għal proposti tal-Programm MEDIA tal-Ewropa Kreattiva hija ta' madwar 32 % (± 8 800 applikazzjoni u 2800 proġett magħżul). Dan bl-esklużjoni tat-tiġdid fl-Isħubija ta' Qafas u l-iskemi ta' appoġġ għad-Distribuzzjoni Awtomatika, minħabba li joperaw taħt regoli ta' għażla differenti.

(10)

Data pprovduta mill-Kummissjoni Ewropea, DĠ EAC.

(11)

JOIN(2016) 29 finali, Lejn strateġija tal-UE għal relazzjonijiet kulturali internazzjonali,


OPINJONI tal-Kumitat għall-Baġits (8.12.2016)

għall-Kumitat għall-Kultura u l-Edukazzjoni

dwar l-abbozz ta' rapport dwar l-implimentazzjoni tar-Regolament (UE) Nru 1295/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Diċembru 2013 li jistabbilixxi l-Programm Ewropa Kreattiva (2014 sa 2020) u li jirrevoka d-Deċiżjonijiet Nru 1718/2006/KE, Nru 1855/2006/KE u Nru 1041/2009/KE

(Test b'relevanza għaż-ŻEE)

(2015/2328(INI))

Rapporteur: Clare Moody

SUĠĠERIMENTI

Il-Kumitat għall-Baġits jistieden lill-Kumitat għall-Kultura u l-Edukazzjoni, bħala l-kumitat responsabbli, biex jinkorpora s-suġġerimenti li ġejjin fil-mozzjoni għal riżoluzzjoni tiegħu:

–  wara li kkunsidra l-Ftehim Interistituzzjonali bejn il-Parlament, il-Kunsill tal-UE u l-Kummissjoni dwar tfassil aħjar tal-liġijiet tat-13 ta' April 2016, partikolarment l-Artikoli 20 u 24 tiegħu dwar il-valutazzjoni ex-post tal-leġislazzjoni eżistenti,

1.  Jilqa' għadd ta' miżuri ta' simplifikazzjoni f'termini ta' ġestjoni ta' programm li ilhom fis-seħħ sa mill-2014;

2.  Jiddispjaċih li n-nuqqas ta' kapaċità finanzjarja, flimkien mal-ostakoli amministrattivi u regulatorji, huma uħud mill-ostakoli ewlenin għal applikanti potenzjali; iħeġġeġ lill-Kummissjoni, lill-Aġenzija Eżekuttiva għall-Edukazzjoni, l-Awdjoviżiv u l-Kultura (EACEA) u lill-Uffiċċji Nazzjonali ta' Ewropa Kreattiva biex jippruvaw jindirizzaw is-sottorappreżentanza ta' operaturi kulturali fost l-organizzazzjonijiet iffinanzjati u fost ċerti setturi fis-subprogramm Kultura;

3.  Jistenna bil-ħerqa li jara l-ewwel riżultati tal-Faċilità ta' Garanzija Finanzjarja li ġiet imnedija fl-2016; jistenna li dan l-istrument tas-suq il-ġdid, billi jiffaċilita l-aċċess għal self għal SMEs u mikrointrapriżi, li jgħin biex il-finanzjament ta' proġetti kulturali u kreattivi, li huma setturi li jammontaw għal 4,4 % tal-PDG tal-UE u 3,8 % tal-forza tax-xogħol tagħhom, sabiex dawn jilħqu l-potenzjal sħiħ tagħhom bħala sors promettenti ta' tkabbir u impjiegi u bħala mutur għall-kompetittività, id-diversità kulturali u l-kooperazzjoni transkonfinali; jiddispjaċih ħafna, madankollu, li l-Faċilità se tiffunzjona b'mod operattiv biss f'dawk il-pajjiżi fejn diġà hemm fis-seħħ strument simili;

4.  Jinnota li r-rati ta' implimentazzjoni li kienu konsistentement, jew kważi, fil-livell ta' 100 % fl-2014 u fl-2015, ikomplu jixhdu r-rilevanza kontinwa tal-programm; jara każ ċar, fid-dawl ta' dan ir-riżultat eċċellenti, biex il-finanzjament jinżamm stabbli jew anke jiżdied, fis-snin li ġejjin, filwaqt li jitqies il-profil tal-baġit differit tal-Faċilità;

5.  Jilqa', fid-dawl tal-influss sinifikanti ta' migranti u ta' rifuġjati fl-UE tul is-snin li għaddew, id-dimensjoni interkulturali dejjem akbar tal-programm, li wieħed jittama li twassal għal aktar proġetti li jsaħħu d-diversità kulturali u d-djalogu interkulturali u jippromwovu l-multilingwiżmu sa mill-2017; jenfasizza li dan għandu jkun appoġġjat bħala komponent regolari tal-programm, peress li l-integrazzjoni kulturali hija probabbli li tibqa' sfida f'ħafna pajjiżi tal-UE għas-snin li ġejjin.

RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALIFIL-KUMITAT LI JINTALAB JAGĦTI OPINJONI

Data tal-adozzjoni

8.12.2016

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

25

3

1

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Nedzhmi Ali, Richard Ashworth, Xabier Benito Ziluaga, Jean-Paul Denanot, Gérard Deprez, Bill Etheridge, José Manuel Fernandes, Eider Gardiazabal Rubial, Jens Geier, Ingeborg Gräßle, Zbigniew Kuźmiuk, Ivana Maletić, Vladimír Maňka, Clare Moody, Andrey Novakov, Paul Rübig, Petri Sarvamaa, Patricija Šulin, Eleftherios Synadinos, Indrek Tarand, Monika Vana, Marco Zanni

Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali

Bill Etheridge, Nils Torvalds, Derek Vaughan

Sostituti (skont l-Artikolu 200(2)) preżenti għall-votazzjoni finali

José Blanco López, Edouard Ferrand, Valentinas Mazuronis, Claudia Schmidt


MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW

dwar l-implimentazzjoni tar-Regolament (UE) Nru 1295/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Diċembru 2013 li jistabbilixxi l-Programm Ewropa Kreattiva (2014 sa 2020) u li jirrevoka d-Deċiżjonijiet Nru 1718/2006/KE, Nru 1855/2006/KE u Nru 1041/2009/KE

(2015/2328(INI))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 1295/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Diċembru 2013 li jistabbilixxi l-Programm Ewropa Kreattiva (2014 sa 2020) u li jirrevoka d-Deċiżjonijiet Nru 1718/2006/KE, Nru 1855/2006/KE u Nru 1041/2009/KE(1),

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 167 u 173 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–   wara li kkunsidra l-Konvenzjoni dwar il-Protezzjoni u l-Promozzjoni tad-Diversità tal-Espressjonijiet Kulturali, adottata mill-Organizzazzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti għall-Edukazzjoni, ix-Xjenza u l-Kultura (UNESCO) fl-20 ta' Ottubru 2005,

–   wara li kkunsidra l-komunikazzjoni konġunta tat-8 ta' Ġunju 2016 lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill bl-isem "Towards an EU strategy for international cultural relations" (Lejn strateġija tal-UE għal relazzjonijiet kulturali internazzjonali) (JOIN(2016)0029),

–   wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tas-26 ta' Settembru 2012 bl-isem "Il-promozzjoni tas-setturi kulturali u kreattivi għal tkabbir u l-impjiegi fl-UE" (COM(2012)0537),

–   wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni tat-30 ta' Ġunju 2010 bit-titolu "L-Ewropa, l-ewwel destinazzjoni turistika fid-dinja – qafas politiku ġdid għat-turiżmu Ewropew" (COM(2010)0352),

–   wara li kkunsidra l-Green Paper tal-Kummissjoni tas-27 ta' April 2010 bl-isem "L-esplojtazzjoni tal-potenzjal tal-industriji kulturali u kreattivi" (COM(2010)0183),

–   wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 2015/1017 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Ġunju 2015 dwar il-Fond Ewropew għall-Investimenti Strateġiċi, iċ-Ċentru Ewropew ta' Konsulenza għall-Investimenti u l-Portal Ewropew ta' Proġetti ta' Investiment u li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1291/2013 u (UE) Nru 1316/2013 – il-Fond Ewropew għall-Investimenti Strateġiċi(2),

–   wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tas-27 ta' Mejju 2015 dwar kollegamenti kulturali u kreattivi biex jiġu stimulati l-innovazzjoni, is-sostenibilità ekonomika u l-inklużjoni soċjali,

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-8 ta' Settembru 2015 "Lejn approċċ integrat għall-wirt kulturali għall-Ewropa"(3),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tad-19 ta' Jannar 2016 dwar ir-rwol tad-djalogu interkulturali, id-diversità kulturali u l-edukazzjoni fil-promozzjoni tal-valuri fundamentali tal-UE

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-28 ta' April 2015 dwar il-films Ewropej fl-era diġitali

–  wara li kkunsidra l-istudju bl-isem "European capitals of culture: success strategies and long-term effects" (Il-Kapitali Ewropej tal-Kultura: strateġiji ta' suċċess u effetti fit-tul), imwettaq mid-Dipartiment Tematiku B: Politiki Strutturali u ta’ Koeżjoni fl-2013 fuq talba tal-Kumitat għall-Kultura u l-Edukazzjoni,

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-12 ta' Settembru 2013 dwar il-promozzjoni tas-setturi kulturali u kreattivi Ewropej bħala sorsi ta' tkabbir ekonomiku u mpjiegi(4),

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-12 ta' Mejju 2011 dwar id-dimensjonijiet kulturali tal-azzjonijiet esterni tal-UE(5),

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-12 ta' Mejju 2011 bl-isem "L-isfruttar tal-potenzjal tal-industriji kulturali u kreattivi"(6),

–  wara li kkunsidra l-Pjan ta' Ħidma għall-Kultura tal-UE għall-perjodu 2015-2018,

–  wara li kkunsidra l-Ftehim Interistituzzjonali bejn il-Parlament, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar tfassil aħjar tal-liġijiet tat-13 ta' April 2016, partikolarment l-Artikoli 20 u 24 tiegħu dwar il-valutazzjoni ex-post tal-leġislazzjoni eżistenti,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 52 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu, kif ukoll l-Artikolu 1(1)(e) ta', u l-Anness 3, tad-Deċiżjoni tal-Konferenza tal-Presidenti tat-12 ta’ Diċembru 2002 dwar il-proċedura għall-għoti ta’ awtorizzazzjoni għat-tfassil ta’ rapporti fuq inizjattiva proprja,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kultura u l-Edukazzjoni u l-opinjoni tal-Kumitat għall-Baġits (A8-0030/2017),

A.  billi l-programm Ewropa Kreattiva għandu l-objettivi li jissalvagwardja u jippromwovi d-diversità kulturali u lingwistika Ewropea, filwaqt li minn naħa waħda jippromwovi l-wirt kulturali tal-Ewropa u min-naħa l-oħra jsaħħaħ il-kompetittività tas-setturi kulturali u kreattivi Ewropej;

B.  billi l-kultura hija fattur ewlieni fil-promozzjoni tal-integrazzjoni Ewropea;

C.  billi l-programm Ewropa Kreattiva, b'mod partikolari s-sottoprogramm tiegħu Kultura, mhumiex iffinanzjati biżżejjed u konsegwentement qed ikollhom diffikultà biex jilħqu aspettattivi għoljin;

D.  billi, skont l-Artikoli 3 u 4 tar-Regolament, il-promozzjoni tad-diversità kulturali u lingwistika Ewropea u tal-patrimonju kulturali tal-Ewropa – u b'mod aktar speċifiku l-promozzjoni taċ-ċirkolazzjoni transnazzjonali ta' xogħlijiet kulturali u kreattivi – huma fost l-objettivi bażiċi tal-programm;

E.  billi, skont l-Artikolu 12 tar-Regolament il-promozzjoni taċ-ċirkolazzjoni u l-mobilità transnazzjonali – u b'mod speċifiku l-appoġġ għaċ-ċirkolazzjoni tal-letteratura Ewropea bl-għan li tiġi żgurata l-aċċessibilità l-aktar wiesgħa possibbli tagħha – huma fost il-prijoritajiet tas-sottoprogramm Kultura;

F.  billi l-istruttura ta' programm uniku tistabbilixxi vantaġġi li jwasslu għall-kisba ta' massa kritika u potenzjalment tagħti viżibilità lil oqsma li għadhom sottovalutati u li qed jiffaċċjaw l-istess sfidi fir-rigward ta' frammentazzjoni, globalizzazzjoni, nuqqas ta' data u diffikultajiet ta' aċċess għall-kreditu;

G.  billi l-istruttura tal-programm f'żewġ sottoprogrammi, li tippreserva l-partikularitajiet u l-identità tat-tnejn, u ż-żieda ta' qasam transsettorjali, huma assi biex jiġi pprovdut fehim aħjar tal-kooperazzjoni u l-iżviluppi fil-qasam kulturali, billi ssir konnessjoni mal-pajjiżi terzi;

H.  billi l-qasam transsettorjali żviluppa biss parzjalment il-mira strateġika tiegħu li jippromwovi kooperazzjoni kulturali transnazzjonali u transsettorjali;

I.  billi l-programm Ewropa Kreattiva jippermetti kooperazzjoni u azzjoni konġunta ma' pajjiżi li mhumiex qed jieħdu sehem fil-programm u ma' organizzazzjonijiet internazzjonali li huma attivi fis-setturi kulturali u kreattivi bħall-UNESCO, il-Kunsill tal-Ewropa, u l-Organizzazzjoni għall-Kooperazzjoni u l-Iżviluppi Ekonomiċi, abbażi ta' kontribuzzjoni konġunta fil-kisba tal-objettivi tal-programmi;

J.  billi s-sistema tal-indikaturi tal-prestazzjoni prevista fl-Artikolu 18 tar-Regolament, inkluż l-indikaturi għall-objettivi ġenerali tal-programm, l-indikaturi marbuta mas-sottoprogrammi MEDIA u Kultura rispettivament, u indikaturi speċifiċi li jikkonċernaw l-istrument tal-Faċilità ta' Garanzija, s'issa għadhom ma ġewx stabbiliti jew saru operattivi;

K.  billi s-sistema attwali ta' evalwazzjoni wriet li mhix adattata għan-natura u l-ispeċifiċità tal-programm u għalhekk għandha tittejjeb;

L.  billi azzjonijiet speċifiċi, bħal pereżempju l-Kapitali Ewropej tal-Kultura, inkluż in-netwerk tiegħu, il-premji u ċ-Ċertifikat tal-Patrimonju Ewropew żvelaw il-potenzjal għal żvilupp ekonomiku lokali sostenibbli u għat-turiżmu kulturali u għalhekk għandhom jissaħħu u jiġu promossi b'mod iktar proattiv;

M.  billi sejħa speċifika għal integrazzjoni tar-rifuġjati fis-soċjetà Ewropea ġiet imnedija fl-2016 fi ħdan il-Qasam Transsettorjali, biex tippromwovi u tappoġġa l-kreattività u d-djalogu interkulturali;

N.  billi ż-żona ta' finanzjament tal-"proġetti ta' kooperazzjoni" tas-sottoprogramm Kultura tieħu madwar 70 % tal-baġit tas-sottoprogramm, hija popolari ħafna fost l-operaturi kulturali u hija mmirata lejn approċċi komuni fuq bażi transfruntiera, li jippermettu formulazzjoni miftuħa ta' proġetti mhux prevedibbli, innovattivi ħafna u kreattivi, li jintlaqgħu b'mod espliċitu;

O.  billi, għalkemm ir-Regolament jipprevedi l-istabbiliment ta' ftehimiet bilaterali ma' pajjiżi terzi bl-għan li jipparteċipaw fil-programm jew f'partijiet minnu, s'issa ftit pajjiżi biss ikkumpletaw il-proċedura;

P.  billi, grazzi għal azzjoni tal-Parlament, il-kultura, l-industriji kulturali u kreattivi (CCIs) u s-settur awdjoviżiv ġew inklużi, għalkemm b'mod inadegwat, f'Erasmus +, Orizzont 2020 u l-programmi pluriennali Cosme, il-Fondi Strutturali u l-prijoritajiet tal-Fond Ewropew għall-Investimenti Strateġiċi (FEIS);

Q.  billi hemm sinerġija qawwija bejn it-tagħlim informali u s-settur kreattiv u tal-midja, peress li ħafna organizzazzjonijiet tal-arti, tal-midja u dawk kulturali jipprovdu opportunitajiet ta' edukazzjoni informali;

R.  billi l-proporzjon ta' applikanti li kellhom suċċess huwa ta' 15 % f'Kultura u ta' 44 % f'MEDIA, iżda saħansitra aktar baxx (32 %) f'dan is-sottoprogramm jekk jiġu esklużi l-iskemi awtomatiċi;

S.  billi MEDIA s'issa rreġistra total ta' 13 000 applikazzjoni, u għażel aktar minn 5 500 proġett;

T.  billi s-sistema ta' punti awtomatiċi f'MEDIA, li għandha l-għan li tiżgura kundizzjonijiet ugwali bejn l-Istati Membri, twassal għal distorsjoni tas-suq u tippenalizza lil ħafna pajjiżi b'kapaċità għolja ta' produzzjoni awdjoviżiva;

U.  billi t-tip ta' għotjiet mogħtija għal proġetti ta' kooperazzjoni fi ħdan is-sottoprogramm kultura tal-programm Ewropea Kreattiva ma jissodisfawx il-ħtiġijiet tan-netwerks, li jiddependu fuq struttura u attivitajiet operattivi, bħal fil-programm preċedenti Kultura 2007-2013;

V.  billi l-ġestjoni amministrattiva (il-proċessi ta' applikazzjoni, evalwazzjoni u rapportar) ġiet ikkritikata mill-partijiet interessati bħala li għadha piż żejjed; jenfasizza għalhekk il-bżonn ta' simplifikazzjoni tal-proċedura tal-applikazzjoni, sabiex jiġi ffaċilitat l-aċċess għall-programm, u titħeġġeġ il-parteċipazzjoni fost il-benefiċjarji potenzjali;

W.  billi l-Uffiċċji tal-Ewropa Kreattiva (CEDs) huma l-intermedjarji kruċjali bejn il-Kummissjoni, l-Aġenzija Eżekuttiva għall-Edukazzjoni, l-Awdjoviżiv u l-Kultura (EACEA) u l-applikanti, u billi huma għandhom ikunu aktar infurmati dwar il-proċess attwali ta’ teħid ta’ deċiżjonijiet u jkunu involuti aktar mill-qrib fl-għoti ta' informazzjoni dwar proġetti u l-promozzjoni tar-riżultati tagħhom;

X.  billi l-operaturi jiddeploraw il-piż amministrattiv kbir fil-proċess tal-applikazzjoni, li jinkludi linji gwida estensivi u numru kbir ta' dokumenti li xi kultant ikun fihom informazzjoni kontradittorja;

Y.  billi r-reġistrazzjoni ta’ kumpaniji fi ħdan is-sistema tas-Servizz ta' Awtentikazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea (ECAS) jidher li hija problematika; billi, madankollu, il-formola elettronika ntlaqgħet tajjeb ħafna;

1.  Iħeġġeġ lill-Istati Membri jżidu l-baġit ta’ Ewropa Kreattiva biex iġibuha konformi kemm mal-aspettattivi taċ-ċittadini Ewropej kif ukoll mal-ambizzjonijiet ta’ kull sottoprogramm, biex b’hekk jiġi aċċettat li l-valuri ta’ produzzjoni kulturali ma jistgħux jitkejlu f’termini ta’ ċifri ekonomiċi biss u jiġu permessi aktar effiċjenza u riżultati aħjar;

2.  Jilqa' għadd ta' miżuri ta' simplifikazzjoni f'termini ta' ġestjoni ta' programm li ilhom fis-seħħ sa mill-2014;

3.  Jiddispjaċih li n-nuqqas ta' kapaċità finanzjarja, flimkien mal-ostakoli amministrattivi u regulatorji, huma uħud mill-ostakoli ewlenin għal applikanti potenzjali; iħeġġeġ lill-Kummissjoni, lill-Aġenzija Eżekuttiva għall-Edukazzjoni, l-Awdjoviżiv u l-Kultura (EACEA) u lill-uffiċċji nazzjonali ta' Ewropa Kreattiva biex jippruvaw jindirizzaw is-sottorappreżentanza ta' operaturi kulturali fost l-organizzazzjonijiet iffinanzjati u fost ċerti setturi fis-subprogramm Kultura;

4.  Jitlob lill-Kummissjoni ttejjeb il-konsistenza tal-programm mal-politiki rilevanti kollha tal-UE u sorsi oħra ta' finanzjament;

5.  Jitlob lill-Kummissjoni tiżgura koordinazzjoni tajba bejn id-DĠs responsabbli mill-programm Ewropa Kreattiva, kif ukoll mal-EACEA u l-Uffiċċji tal-Ewropa Kreattiva li jieħdu ħsieb il-fażijiet differenti tal-implimentazzjoni tal-programm Ewropa Kreattiva, billi jfakkar li r-rwol tal-Uffiċċji tal-Ewropa Kreattiva u l-EACEA huwa kruċjali minħabba li dan mhux biss jinvolvi rabtiet diretti mal-benefiċjarji, iżda wkoll mas-settur kulturali u kreattiv kollu;

6.  Jitlob lill-Kummissjoni taħdem kemm jista' jkun mill-qrib mal-UNESCO, il-Kunsill tal-Ewropa, kif ukoll mal-OECD, sabiex tiżviluppa bażi aktar b'saħħitha ta' kontribuzzjonijiet konġunti fl-insegwiment tal-objettivi tal-programm u l-evalwazzjoni tal-impatt, b'mod partikolari fid-dimensjoni internazzjonali u f’termini ta’ rispett tal-valuri tal-bniedem u dawk ekonomiċi speċifiċi tal-kultura u l-ħolqien;

7.  Jistieden lill-Kummissjoni żżomm l-istruttura attwali ta’ Ewropa Kreattiva, filwaqt li teżamina u tiddefinixxi aħjar l-ispeċifiċitajiet taż-żewġ sottoprogrammi differenti, issaħħaħ il-potenzjal tal-qasam transsettorjali, u tivverifika jekk il-Fond ta’ Garanzija huwiex effettiv fl-implimentazzjoni tiegħu;

8.  Jitlob lill-Kummissjoni tilħaq bilanċ aħjar, kemm fiż-żewġ sottoprogrammi kif ukoll il-linji gwida għall-evalwaturi, bejn il-komponent artistiku u kreattiv u l-aspetti maniġerjali u innovattivi, speċjalment fil-każ tal-industriji kulturali u kreattivi;

9.  Jitlob lill-Kummissjoni tuża s-sistema tal-indikaturi tal-prestazzjoni prevista fl-Artikolu 18 tal-bażi legali tal-programm Ewropa Kreattiva, u b'hekk tinsisti fuq il-komponent artistiku u kreattiv tal-programm, li ta' spiss jiġi ssagrifikat minħabba kunsiderazzjonijiet purament ekonomiċi bħall-kapaċitajiet maniġerjali jew l-iżvilupp kwantitattiv tal-udjenza;

10.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tiffissa aktar mis-sitt oqsma eżistenti ta' kompetenza għall-evalwaturi sabiex jiġu trattati b'mod iktar effettiv l-oqsma speċifiċi;

11.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni u l-EACEA jtejbu l-proċedura ta' evalwazzjoni billi jżidu l-għadd ta' evalwaturi fl-ewwel fażi, u jipprevedu rawnd ta' deċiżjonijiet kolleġġjali de visu għall-għażla ta' kandidati minn fost dawk magħżula fit-tieni fażi; jenfasizza li jinħtieġ li jkun hemm trasparenza kbira ħafna u li r-raġunijiet għar-rifjut ta' proġetti jkunu spjegati b'mod ċar ħafna u bir-reqqa sabiex ma tiġix ipperikolata l-aċċettazzjoni tal-programm minħabba nuqqas ta' ftehim;

12.  Jitlob lill-Kummissjoni tipprovdi opportunitajiet ta' taħriġ u ta' bini tal-kapaċità għal operaturi kulturali li jixtiequ jtejbu l-ħiliet tagħhom fir-rigward ta’ proċeduri tal-applikazzjoni, tal-ġestjoni globali tal-proġetti u l-implimentazzjoni tal-proġetti;

13.  Jitlob lill-Kummissjoni u l-EACEA jappoġġaw aħjar lill-operaturi kulturali biex dawn isibu sħab għall-proġetti ta' kooperazzjoni permezz ta' miżuri, inklużi, iżda mhux limitati għal, taqsimiet iddedikati għat-tqabbil fi ħdan l-aktar avvenimenti kulturali Ewropej importanti, fit-titjib tal-għodod eżistenti tat-tiftix u fil-bażijiet ta' data, kif ukoll fl-organizzazzjoni ta' opportunitajiet tan-netwerking dwar temi mħabbra preċedentement;

14.  Jitlob lill-Kummissjoni u lill-EACEA jieħdu miżuri sabiex itejbu t-trasparenza tal-proċedura tal-kontestazzjoni għal applikazzjonijiet miċħuda, u b'hekk titnaqqas il-frustrazzjoni globali fost il-kandidati u tiżdied il-kredibilità tal-programm fit-tul;

15.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tissimplifika ulterjorment il-proċeduri ta' applikazzjoni u ta' rappurtar billi tillimita u tissimplifika l-linji gwida u dokumenti oħra, tagħmel l-iskeda tal-ħinijiet inqas riġida u tfassal mudell għall-ftehim ta' kooperazzjoni;

16.  Jitlob lill-Kummissjoni tuża l-għodod kollha disponibbli għal promozzjoni u disseminazzjoni aħjar tar-riżultati tal-proġetti implimentati, kif ukoll għal informazzjoni dwar il-valur miżjud Ewropew tal-azzjonijiet kollha mwettqa fil-programm;

17.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tevita t-tibdil jew iż-żieda ta' prijoritajiet u regoli ġodda bla ma tagħti lill-Uffiċċji tal-Ewropa Kreattiva u lill-partijiet interessati ż-żmien neċessarju biex jippreparaw għas-sejħiet li jmiss;

18.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tissimplifika ulterjorment l-aspetti finanzjarji, anke billi testendi l-istrument ta’ somom f’daqqa u billi tħeġġeġ l-użu ta’ rimborżi b’rata fissa, u tuża kriterji li ma jfixklux proġetti żgħar biex ikollhom aċċess għall-finanzjament, u biex tiżgura li l-ħlas finali tal-għotjiet isir fl-aħjar żmien possibbli, li għandhom ikunu kriterji ta' eċċellenza għax-xogħol tal-EACEA, kemm għas-sottoprogramm Kultura kif ukoll MEDIA;

19.  Jinnota li hemm differenzi nazzjonali sinifikanti fil-livelli tal-paga tal-persunal involut fil-proġetti ta' kooperazzjoni, li mbagħad iwasslu għal diskrepanzi konsiderevoli f'termini ta' poter ta' kofinanzjament bejn sħab minn Stati Membri differenti; jitlob, għalhekk, lill-Kummissjoni tikkunsidra alternattiva possibbli għall-evalwazzjoni tax-xogħol tal-persunal fi ħdan il-proġetti ta' kooperazzjoni abbażi ta' indikaturi oħra milli abbażi tal-grad tal-paga biss;

20.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex, flimkien mal-Eurostat, tkompli tistabbilixxi kriterji speċifiċi skont in-natura speċifika tas-setturi (ħolqien, valur kulturali u artistiku, innovazzjoni, tkabbir, inklużjoni soċjali, żvilupp tal-komunità, internazzjonalizzazzjoni, titjib tal-intraprenditorija, kapaċitajiet sabiex jinħolqu effetti konsegwenzjali u kontaminazzjoni pożittiva, eċċ.) u biex tevalwa l-inklużjoni possibbli taċ-Ċentru Konġunt tar-Riċerka f'dan il-proċess; f'dan ir-rigward jenfasizza l-importanza tal-iżvilupp ta' riżorsi ta' għarfien ta' kwalità għolja dwar is-setturi, kif ukoll riċerka statistika u aċċess għal riżorsi ta' data komparabbli fil-qasam, u b'hekk ikun possibbli l-monitoraġġ effettiv u l-analiżi tal-impatt kulturali, ekonomiku u fuq is-soċjetà tal-politiki fis-setturi kulturali u kreattivi;

MEDIA

21.  Jilqa’ l-ħidma attwali tal-Kummissjoni u l-EACEA li jimmodifikaw is-sistema tal-punti awtomatiċi sabiex jippermettu kundizzjonijiet ekwi ġenwini, filwaqt li jittieħed kont, b’mod bilanċjat, tal-kriterji kollha msemmija fil-programm "Ewropa Kreattiva" (natura transnazzjonali, żvilupp tal-kooperazzjoni transnazzjonali, ekonomiji ta’ skala, massa kritika, effett ta’ lieva), kif ukoll il-kapaċitajiet ta’ produzzjoni u skemi nazzjonali ta’ appoġġ eżistenti għall-industrija awdjoviżiva;

22.  Jirrikonoxxi l-fatt li MEDIA kien ibbażat sew fis-settur awdjoviżiv diversifikat u jappoġġa u b'mod effiċjenti d-diversità kulturali u l-politika industrijali;

23.  Iħeġġeġ aktar żvilupp ta' sottotitolar u dubbing sabiex tiġi faċilitata ċ-ċirkolazzjoni ta' prodotti awdjoviżivi fl-UE u barra mill-UE;

24.  Jirrakkomanda li l-patrimonju awdjoviżiv Ewropew jiġi żgurat u jsir disponibbli għal finijiet ta' studju, involviment tal-udjenza u promozzjoni ekonomika, billi jiġu diġitalizzati l-films u l-arkivji awdjoviżivi;

25.  Jenfasizza li, f’xenarju ċinematografiku internazzjonali u dejjem iżjed kompetittiv, is-settur awdjoviżiv Ewropew għad irid ikompli bil-miżuri tiegħu biex jissalvagwardja d-diversità u l-indipendenza; jenfasizza li appoġġ dirett għall-produzzjoni awdjoviżiva Ewropea huwa meħtieġ, partikolarment matul il-fażi ta’ żvilupp tal-proġett, u għandu jsir billi t-taħriġ jiġi estiż biex ikopri iktar azzjonijiet u billi tissaħħaħ il-kompetittività tas-settur;

26.  Jirrakkomanda t-tisħiħ tal-azzjonijiet għal pajjiżi fil-viċinat taħt il-programm bl-għan li tingħata spinta lill-promozzjoni tax-xogħlijiet Ewropej fuq it-territorju tagħhom u ta' proġetti kreattivi konġunti;

27.  Jirrikonoxxi li l-pjattaformi onlajn Ewropej għadhom mhumiex kompetittivi fuq livell internazzjonali minkejja l-appoġġ mogħti għad-distribuzzjoni onlajn u li l-kontenut Ewropew fuq pjattaformi eżistenti huwa diffiċli biex jinstab u jiġi aċċessat;

28.  Jilqa' b'sodisfazzjon il-qsim tal-iżvilupp tal-udjenza bejn litteriżmu tal-films, b'enfasi fuq l-edukazzjoni tal-films fl-iskejjel, u inizjattivi għall-iżvilupp tal-udjenza;

29.  Jenfasizza l-ħtieġa li l-Kummissjoni tippreżenta proġett Ewropew xprunat mid-data li jinvolvi lill-udjenza, li jkollu l-għan li jesplora u jsaħħaħ il-kapaċità tas-settur awdjoviżiv u tal-films tal-Ewropa billi jiġbor, janalizza u jbassar id-data dwar l-imġiba tal-udjenza bl-għan li tiżdied id-domanda għall-films Ewropej mhux nazzjonali;

30.  Jenfasizza li l-appoġġ għal produtturi indipendenti tat-televiżjoni għal serjejiet ta' finzjoni li jippruvaw jikkompetu fuq livell dinji għadu għaddej, b'mod partikolari sabiex jiġu provduti reazzjonijiet awtentikament Ewropej għad-domanda attwalment qawwija għal serjejiet ta' kwalità għolja, anke jekk l-aħjar riżultati jidher li qed jinkisbu b'dokumentarji u setturi tat-tfal;

31.  Jitlob lill-Kummissjoni żżomm l-appoġġ tagħha għan-netwerks taċ-ċinemas, bħall-Europa Cinemas, li jippromwovu l-films Ewropej fid-dinja kollha billi jgħinu b'mod finanzjarju u operattiv liċ-ċinemas li juru numru sinifikanti ta' films Ewropej u jenfasizza r-rwol kruċjali li ċ-ċinemas għandhom fis-sensibilizzazzjoni tal-udjenza u fiż-żamma tal-element soċjali tal-esperjenza taċ-ċinema;

32.  Jitlob lill-Kummissjoni tbiddel is-sistema tal-bonus għal rilaxxi simultanji fit-teatri jew permez tal-VOD (vidjow fuq talba);

33.  Jirrakkomanda li l-evalwaturi jiġu pprovduti b'sett ta' għodda li jkun iqis l-ispeċifiċità ta' kull skema ta' appoġġ nazzjonali, sabiex ikunu ggarantiti kundizzjonijiet ekwi f'MEDIA;

34.  Jitlob lill-Kummissjoni tgħolli l-livell massimu tal-finanzjament għal-logħob tal-vidjo Ewropew, sabiex jitqiesu l-ispejjeż tal-produzzjoni għoljin u li dejjem jiżdiedu tagħhom; jenfasizza, barra minn hekk, il-ħtieġa li jiġi rivedut il-kriterju tal-eliġibilità relatat man-natura esklussivament narrattiva ta' logħba tal-vidjo sabiex titwessa' l-firxa biex tinkludi proġetti b'potenzjal ta' distribuzzjoni transnazzjonali (logħob tal-isport, logħob sandbox, eċċ.) u biex jiġi inkorporat il-"gameplay" fil-kriterji ta' evalwazzjoni għal proġetti, sabiex tiġi riflessa ċ-ċentralità ta' dan l-aspett fis-suċċess ta' prodott;

Is-sottoprogramm Kultura

35.  Jitlob lill-Kummissjoni tibbilanċja l-piż tad-dimensjoni ekonomika bil-valur intrinsiku tal-arti u l-kultura per se, u tiffoka aktar fuq l-artisti u l-kreaturi;

36.  Jirrakkomanda li proġetti ta’ kooperazzjoni Ewropea jqisu l-innovazzjoni, il-mobilità u l-koproduzzjonijet estiżi;

37.  Jitlob lill-Kummissjoni tintroduċi miżuri possibbli biex tillimita l-isproporzjon bejn in-numru ta' benefiċjarji u n-numru ta' applikanti, inkluż, fost affarijiet oħrajn, żieda fil-baġit tas-sottoprogramm Kultura, rappreżentazzjoni aktar adegwata tas-setturi kulturali u kreattivi kollha u aktar appoġġ għal proġetti fuq skala iżgħar;

38.   Jenfasizza l-importanza tat-traduzzjoni għall-promozzjoni tad-diversità lingwistika tal-patrimonju, u jirrakkomanda li proġetti ta’ traduzzjoni litterarja jinkludu l-promozzjoni ta’ kotba u tal-qari, kif ukoll l-appoġġ tal-parteċipazzjoni f’fieri tal-kotba, inkluża l-konsiderazzjoni tal-Fiera tal-Ktieb Ewropea annwali, sabiex tiżdied iċ-ċirkolazzjoni tal-kotba, jiġu promossi skambji letterarji Ewropej u tiġi żguratra wkoll il-preżentazzjoni ta’ letteraturi nazzjonali differenti, kif ukoll aċċess għal kulħadd, inkluż għal persuni b’diżabilità;

39.  Jilqa' l-ħolqien ta' "ċentri" (proġetti tal-pjattaforma Ewropea) biex jappoġġaw u jippermettu lill-artisti u lill-ħallieqa jiskambjaw u jaħdmu flimkien;

40.  Jinsisti li netwerks kulturali Ewropej stabbli u rappreżentattivi ħafna huma fundamentali għall-viżibilità tal-attivitajiet kulturali u artistiċi fl-Ewropa u mal-pajjiżi terzi, peress li ħafna drabi dawn ikunu minn tal-ewwel biex jidħlu f'kooperazzjoni ma' oqsma, setturi jew pajjiżi ġodda; iqis li r-rwol tagħhom bħala koordinaturi tal-azzjonijiet u l-promoturi tal-kultura u l-kreattività għal oqsma artistiċi sħaħ għandu jiġi appoġġat b'għotjiet operazzjonali; jemmen f'dan ir-rigward li kriterji tal-għażla ċari u trasparenti għandhom jiġu stabbiliti minn qabel;

41.  Jitlob lill-Kummissjoni u lill-EACEA biex jagħtu lis-sottoprogramm Kultura opportunitajiet biex jippreżenta lilu nnifsu esternalment u biex jorganizzaw laqgħat strutturati ma' operaturi fis-settur;

42.  Jirrakkomanda li jerġa' jiġi introdott il-Premju Teatrali Ewropew u li jiġi allokat finanzjament adegwat;

43.  Jenfasizza s-suċċess u s-sinifikat tal-iskema Kapitali Ewropej tal-Kultura (ECOC), abbażi tad-dinamiki tal-bliet u r-reġjuni involuti fil-proċess, li miċ-ċertifikat u l-kontribut finanzjarju modest ħafna tal-UE żviluppat assi reali għal aktar finanzjament u attivitajiet, lilhinn sew mis-sena attwali;

44.  Jilqa' b'sodisfazzjon l-estensjoni li ġejja tal-iskema ECOC lil pajjiżi kandidati u tal-EFTA mill-2020 u jirrakkomanda tixrid aħjar ta' din l-esperjenza fl-UE u lil hinn minnha;

45.  Jirrakkomanda li ċ-Ċertifikat tal-Patrimonju Ewropew jingħata aktar viżibilità u jenfasizza s-sinifikat tas-siti (materjali u immaterjali) ikkonċernati fir-rigward tal-identità Ewropea u l-promozzjoni ta’ sensazzjoni komuni ta’ appartenenza għall-Ewropa, il-bini tal-UE u t-tagħlim dwar patrimonju differenti għal futur aħjar;

46.  Jirrakkomanda t-teħid ta' passi biex jiġu kkoordinati u appoġġati b'mod xieraq l-inizjattivi taħt is-Sena Ewropea tal-Wirt Kulturali 2018 mal-Ewropa Kreattiva, billi wieħed jibda mis-sena preparatorja 2017, anki jekk permezz ta' linja baġitarja ddedikata, u li ma jużawx riżorsi allokati għas-sottoprogramm Kultura, kif propost mill-Kummissjoni;

47.  Jitlob lill-Kummissjoni tikkunsidra modi biex jiġi ffaċilitat l-aċċess għall-programm Ewropa Kreattiva fir-rigward ta' dawk ir-rifuġjati li għandhom ħiliet fl-arti;

Qasam transsettorjali

48.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tiżviluppa u tagħmel użu sħiħ mill-potenzjal ta' dan il-qasam biex tilħaq l-objettivi tagħha, kif stabbiliti fir-Regolament, u b'mod partikolari l-promozzjoni ta' kooperazzjoni transnazzjonali u transsettorjali;

49.  Jirrakkomanda l-introduzzjoni ta' tliet miżuri ġodda ta' appoġġ taħt il-qasam: (a) Ewropa Mundus Kreattiva għall-kooperazzjoni transnazzjonali, (b) inklużjoni soċjali u (c) proġetti innovattivi ta' kontaminazzjoni pożittiva u transsettorjali;

50.  Jitlob lill-Kummissjoni tfittex li tikseb bilanċ ġeografiku u settorjali fil-Faċilità ta’ Garanzija, tiżgura aċċess indaqs għal organizzazzjonijiet fuq skala żgira u inizjattivi popolari u proġetti mill-Istati Membri kollha, tevalwa l-impatt tagħha b’mod partikolari fuq l-intrapriżi kulturali żgħar, il-medjaturi kulturali u n-netwerks, u biex teżamina possibilitajiet fir-rigward tal-iżvilupp ta’ sinerġiji mal-FEIS u ma’ programmi oħra, b’mod partikolari l-COSME, sabiex tiżgura li l-Faċilità ta’ Garanzija tintuża bl-aktar mod effiċjenti sabiex tgħin lis-settur kulturali u kreattiv;

51.  Jistenna bil-ħerqa li jara l-ewwel riżultati tal-Faċilità ta' Garanzija Finanzjarja li ġiet imnedija fl-2016; jistenna li dan l-istrument tas-suq il-ġdid, billi jiffaċilita l-aċċess għal self għal SMEs u mikrointrapriżi, li jgħin biex il-finanzjament ta' proġetti kulturali u kreattivi, li huma setturi li jammontaw għal 4,4 % tal-PDG tal-UE u 3,8 % tal-forza tax-xogħol tagħhom, sabiex dawn jilħqu l-potenzjal sħiħ tagħhom bħala sors promettenti ta' tkabbir u impjiegi u bħala mutur għall-kompetittività, id-diversità kulturali u l-kooperazzjoni transkonfinali; jiddispjaċih ħafna, madankollu, li l-Faċilità se tiffunzjona b'mod operattiv biss f'dawk il-pajjiżi fejn diġà hemm fis-seħħ strument simili;

52.  Jilqa' b'sodisfazzjon l-azzjonijiet meħuda mill-Kummissjoni u l-EACEA biex jiġi pprovdut taħriġ u jiġu bbilanċjati l-ħiliet fl-Uffiċċji tal-Ewropa Kreattiva kollha u jirrakkomanda li dawn l-isforzi jitkomplew;

53.   Jistieden lill-Kummissjoni u l-EACEA jtejbu l-komunikazzjoni u l-iskambju ta’ informazzjoni mas-CEDs dwar proċessi pendenti ta’ teħid ta’ deċiżjonijiet, inkluż dwar l-istrumenti finanzjarji u dwar inizjattivi transsettorjali ġodda; jirrakkomanda li l-Kummissjoni, sabiex titjieb l-implimentazzjoni tal-programm, tqis l-għarfien tas-CED 'il fuq u 'l isfel tal-proċedura ta’ għażla, u tagħmel l-għodda u d-dokumentazzjoni prodotta mis-CED disponibbli online bħala mudelli ta’ prattika tajba; jenfasizza l-bżonn ta' kollaborazzjoni aħjar bejn l-Uffiċċji tal-Ewropa Kreattiva, sabiex dawn isiru għodod ta' konsulenza aktar effettivi għall-applikanti nazzjonali tagħhom; jindika li skambju kunfidenzjali ta’ rapporti ta’ evalwazzjoni, anke dawk negattivi, jista’ jgħin biex itejjeb il-kapaċità tagħhom, u jitlob lill-Kummissjoni żżid it-trasparenza tal-evalwazzjonijiet u tal-proċeduri ta’ għażla;

Rakkomandazzjonijiet għal ġenerazzjonijiet futuri tal-programm

54.  Jirrakkomanda li l-programm Ewropa Kreattiva jitkompla, jiġi rivedut u mtejjeb matul il-perjodu 2021-2028, bħala programm li jinkludi s-setturi kulturali u kreattivi kollha, b’enfasi fuq proġetti ta’ kwalità għolja, bl-istess valur u prijoritajiet, b’żewġ sottoprogrammi u qasam transsettorjali inkluż it-taħriġ, l-iżvilupp tal-udjenzi, l-aċċess għas-swieq, l-inklużjoni soċjali, il-kooperazzjoni transsettorjali u fejn jiltaqgħu l-programmi, proġetti u t-tagħlim bejn il-pari, kif ukoll komunikazzjoni, studji, appoġġ speċifiku għas-setturi kulturali u kreattivi, faċilità ta’ garanzija, u l-appoġġ għas-CEDs;

55.  Jilqa', fid-dawl tal-influss sinifikanti ta' migranti u ta' rifuġjati fl-UE tul is-snin li għaddew, id-dimensjoni interkulturali dejjem akbar tal-programm, li wieħed jittama li twassal għal aktar proġetti li jsaħħu d-diversità kulturali u d-djalogu interkulturali u jippromwovu l-multilingwiżmu sa mill-2017; jenfasizza li dan għandu jkun appoġġat bħala komponent regolari tal-programm, peress li l-integrazzjoni kulturali hija probabbli li tibqa' sfida f'ħafna Stati Membri tal-UE għas-snin li ġejjin.

56.  Jirrakkomanda li l-bażi ġuridika għall-programm li jmiss għandha tinkludi b'mod espliċitu l-promozzjoni ta' kwalità kulturali u artistika u l-valur intrinsiku tal-kultura fost l-objettivi tal-programm u s-sottoprogrammi kif ukoll fost il-kriterji tal-għażla u tal-evalwazzjoni;

57.  Jitlob lill-Kummissjoni biex, fir-reviżjoni tas-sottoprogramm MEDIA, teżamina jekk l-appoġġ mogħti jkunx jista' jsir aktar effiċjenti billi jiġu assenjati proġetti iżgħar għall-oqsma tal-programmi tal-produzzjoni, il-festivals, iċ-ċinemas u ta' distribuzzjoni;

58.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tieħu approċċ proattiv għad-dħul ta' pajjiżi ġodda fil-programm, bi status speċjali għal pajjiżi tal-Viċinat Ewropew tan-Nofsinhar u tal-Lvant;

59.  Jinnota li l-koproduzzjonijiet tal-films Ewropej huma kruċjali sabiex jiġi żgurat li l-prodotti tagħna huma kompetittivi biżżejjed u biex jintlaħqu l-isfidi tas-suq, u jirrakkomanda li jiġu żviluppati permezz ta' metodi u riżorsi proporzjonati, anke permezz ta' kollaborazzjoni ma' istituzzjonijiet Ewropej ewlenin fis-settur, bħal Eurimages;

60.  Jitlob lill-Kummissjoni tivvaluta jekk jagħmilx sens, meta titqies il-multipliċità tal-industriji kreattivi, li toħloq osservatorju Ewropew dwar il-kultura u l-kreattività komparabbli mal-Osservatorju Awdjoviżiv Ewropew, bi standards komparabbli ma' dawk tal-Osservatorju Awdjoviżiv Ewropew, u, f'dak il-każ, jistedinha telabora kriterji kwalitattivi li jikkorrispondu għan-natura speċifika tas-setturi;

61.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-Aġenzija Eżekuttiva għall-Edukazzjoni, l-Awdjoviżiv u l-Kultura.

(1)

ĠU L 347, 20.12.2013, p. 221.

(2)

ĠU L 169, 1.7.2015, p. 1.

(3)

Testi adottati, P8_TA(2015)0293.

(4)

ĠU C 93, 9.3.2016, p. 95.

(5)

ĠU C 377 E, 7.12.2012, p. 133.

(6)

ĠU C 377 E, 7.12.2012, p. 142.


RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALIFIL-KUMITAT RESPONSABBLI

Data tal-adozzjoni

24.1.2017

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

24

0

4

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Dominique Bilde, Andrea Bocskor, Nikolaos Chountis, Silvia Costa, Mircea Diaconu, Jill Evans, María Teresa Giménez Barbat, Giorgos Grammatikakis, Petra Kammerevert, Andrew Lewer, Svetoslav Hristov Malinov, Curzio Maltese, Luigi Morgano, Momchil Nekov, John Procter, Michaela Šojdrová, Yana Toom, Helga Trüpel, Sabine Verheyen, Julie Ward, Bogdan Brunon Wenta, Theodoros Zagorakis, Bogdan Andrzej Zdrojewski, Milan Zver, Krystyna Łybacka

Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali

Sylvie Guillaume, Marc Joulaud, Emma McClarkin


VOTAZZJONI FINALI B'SEJĦA TAL-ISMIJIET FIL-KUMITAT RESPONSABBLI

24

+

ALDE:

Mircea Diaconu, María Teresa Giménez Barbat, Yana Toom

GUE/NGL:

Nikolaos Chountis, Curzio Maltese

PPE:

Andrea Bocskor, Marc Joulaud, Svetoslav Hristov Malinov, Michaela Šojdrová, Sabine Verheyen, Bogdan Brunon Wenta, Theodoros Zagorakis, Bogdan Andrzej Zdrojewski, Milan Zver

S&D:

Silvia Costa, Giorgos Grammatikakis, Sylvie Guillaume, Petra Kammerevert, Krystyna Łybacka, Luigi Morgano, Momchil Nekov, Julie Ward

Verts/ALE:

Jill Evans, Helga Trüpel

0

-

4

0

ECR:

Andrew Lewer, Emma McClarkin, John Procter

ENF:

Dominique Bilde

Tifsira tas-simboli użati:

+  :  favur

-  :  kontra

0  :  astensjoni

Avviż legali