Proċedura : 2016/2144(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A8-0033/2017

Testi mressqa :

A8-0033/2017

Dibattiti :

PV 13/03/2017 - 13
CRE 13/03/2017 - 13

Votazzjonijiet :

PV 14/03/2017 - 6.11
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P8_TA(2017)0075

RAPPORT     
PDF 822kWORD 75k
8.2.2017
PE 594.036v02-00 A8-0033/2017

dwar fondi tal-UE għall-ugwaljanza bejn is-sessi

(2016/2144(INI))

Kumitat għad-Drittijiet tan-Nisa u l-Ugwaljanza bejn is-Sessi

Rapporteur: Clare Moody

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW
 NOTA SPJEGATTIVA
 OPINJONI tal-Kumitat għall-Baġits
 OPINJONI tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit
 RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALIFIL-KUMITAT RESPONSABBLI
 VOTAZZJONI FINALI B'SEJĦA TAL-ISMIJIET FIL-KUMITAT RESPONSABBLI

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW

dwar fondi tal-UE għall-ugwaljanza bejn is-sessi

(2016/2144(INI))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 2 u l-Artikolu 3(3), it-tieni subparagrafu, tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE) u l-Artikolu 8 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 23 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) Nru 1311/2013 tat-2 ta' Diċembru 2013 li jistabbilixxi qafas finanzjarju pluriennali (QFP) għas-snin 2014-2020(1),

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni interistituzzjonali konġunta mehmuża mal-QFP dwar l-integrazzjoni tal-perspettiva tal-ġeneri,

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 1304/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 2013 dwar il-Fond Soċjali Ewropew u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1081/2006(2),

–  wara li kkunsidra l-Ftehim Interistituzzjonali tat-2 ta' Diċembru 2013 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar id-dixxiplina baġitarja, dwar il-kooperazzjoni f'materji ta' baġit u dwar ġestjoni finanzjarja tajba(3),

–  wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni intitolata "Rieżami/reviżjoni ta' nofs it-terminu tal-qafas finanzjarju pluriennali 2014-2020 - Baġit tal-UE ffukat fuq ir-riżultati" (COM(2016)0603),

–  wara li kkunsidra d-dokument ta' ħidma tal-persunal tal-Kummissjoni intitolat "Rapport ta' Monitoraġġ Annwali 2014 tal-Orizzont 2020" (SWD(2016)0123),

–  wara li kkunsidra d-dokument ta' ħidma tal-Kummissjoni dwar "Dikjarazzjonijiet tal-Programmi għan-nefqa operattiva għall-Abbozz tal-Baġit Ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2017" (COM(2016)0300),

–  wara li kkunsidra d-Dokument ta' Ħidma Konġunt tal-Persunal dwar "Gender Equality and Women's Empowerment: Transforming the Lives of Girls and Women through EU External Relations 2016-2020" (L-Ugwaljanza bejn is-Sessi u l-Emanċipazzjoni tan-Nisa: Nittrasformaw Ħajjet il-Bniet u n-Nisa permezz tar-Relazzjonijiet Esterni tal-UE 2016-2020) (SWD(2015)0182),

–  wara li kkunsidra d-dokument ta' ħidma tal-persunal tal-Kummissjoni intitolat "Strategic engagement for gender equality 2016-2019" (Impenn strateġiku għall-ugwaljanza bejn is-sessi 2016-2019) (SWD(2015)0278),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-13 ta' Settembru 2016 dwar il-Ħolqien ta' kundizzjonijiet fis-suq tax-xogħol favorevoli għal bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata(4),

–  wara li kkunsidra l-istudju bl-isem "The EU Budget for Gender Equality" (Il-baġit tal-UE għall-Ugwaljanza bejn is-Sessi), ippubblikat fl-2015 mid-Dipartiment Tematiku D tal-Parlament u l-istudju ta' segwitu dwar l-użu ta' fondi għall-ugwaljanza bejn is-sessi fi Stati Membri magħżula, ippubblikat fl-2016 mid-Dipartiment Tematiku C,

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-21 ta' Settembru 2010 intitolata "Strateġija għall-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel 2010-2015" (COM(2010)0491),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-8 ta' Marzu 2016 dwar l-Integrazzjoni tal-Perspettiva tal-Ġeneri fil-ħidma tal-Parlament Ewropew(5),

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kunsill tal-Ewropa dwar l-Ibbaġitjar li jqis l-Ugwaljanza bejn is-Sessi: rapport finali tal-Grupp ta' Speċjalisti dwar l-ibbaġitjar li jqis l-ugwaljanza bejn is-sessi – Strasburgu 2005,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 52 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għad-Drittijiet tan-Nisa u l-Ugwaljanza bejn is-Sessi u l-opinjonijiet tal-Kumitat għall-Baġits u l-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġits (A8-0033/2017),

A.  billi l-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel hija prinċipju fundamentali tal-Unjoni Ewropea minqux fit-Trattati; billi l-Artikolu 8 tat-TFUE jistabbilixxi l-prinċipju tal-integrazzjoni tal-perspettiva tal-ġeneri u jistipula li, "fl-attivitajiet kollha tagħha, l-Unjoni għandha tfittex li telimina l-inugwaljanzi u tinkoraġġixxi ugwaljanza bejn l-irġiel u n-nisa";

B.  billi, fost is-17-il Għan ta' Żvilupp Sostenibbli tan-Nazzjonijiet Uniti, li għandhom jintlaħqu sal-2030, Nru 5 huwa l-ugwaljanza bejn is-sessi, li japplika għas-17 li huma;

C.  billi l-Impenn Strateġiku tal-Kummissjoni għall-Ugwaljanza bejn is-Sessi 2016-2019, ippubblikat f'Diċembru 2015, jenfasizza r-rwol ewlieni tal-finanzjament tal-UE bħala appoġġ għall-ugwaljanza bejn is-sessi; billi l-ebda istituzzjoni tal-UE ma applikat b'mod konsistenti l-ibbaġitjar skont il-ġeneru;

D.  ifakkar li deċiżjonijiet ta' nfiq u dħul għandhom impatt differenti fuq in-nisa milli fuq l-irġiel;

E.  billi fil-Parlament, ir-riżoluzzjoni tiegħu tas-6 ta' Lulju 2016 dwar it-tħejjija tar-reviżjoni postelettorali tal-QFP 2014-2020: l-input tal-Parlament qabel il-proposta tal-Kummissjoni, jappoġġja l-integrazzjoni effettiva tal-integrazzjoni tal-perspettiva tal-ġeneri;

F.  billi l-kwistjonijiet dwar l-ugwaljanza bejn is-sessi huma ġeneralment aktar indirizzati f'oqsma ta' politika mhux vinkolanti bħalma huma l-iżvilupp tar-riżorsi umani, milli f'dawk vinkolanti, bħall-infrastruttura u l-ICT, li jirċievu appoġġ finanzjarju akbar;

G.  billi s-sistema maħsuba tajjeb ta' liv relatat mal-għoti ta' kura flimkien ma' kura ta' kwalità għolja, affordabbli u aċċessibbli, inklużi l-faċilitajiet pubbliċi għandha tiġi pprovduta sabiex jintlaħaq bilanċ bejn il-ħajja professjonali u dik privata, u billi n-nefqiet fuq dawn il-faċilitajiet għandhom ikunu kkunsidrati bħala parti minn investimenti infrastrutturali; billi dawn iż-żewġ fatturi huma prekundizzjoni għall-parteċipazzjoni tan-nisa fis-suq tax-xogħol u f'pożizzjonijiet ta' tmexxija, fix-xjenza u r-riċerka u b'hekk għall-ugwaljanza bejn is-sessi;

H.  billi d-Dikjarazzjoni Konġunta tal-Parlament Ewropew, il-Kummissjoni Ewropea u l-Kunsill Ewropew titlob li l-proċeduri baġitarji annwali applikati għall-QFP 2014-2020 jintegraw, kif inhu xieraq, elementi sensittivi għall-kwistjoni tal-ugwaljanza bejn is-sessi, waqt li jitqiesu l-modi li bihom il-qafas finanzjarju ġenerali tal-Unjoni jikkontribwixxi għal aktar ugwaljanza bejn is-sessi u jiżgura l-integrazzjoni tal-perspettiva tal-ġeneri; billi, minkejja dan il-fatt, hemm il-ħtieġa li jiżdied l-impenn sod lejn l-integrazzjoni tal-perspettiva tal-ġeneri, peress li kien hemm implimentazzjoni minima tal-politiki eżistenti u ġew allokati riżorsi baġitarji insuffiċjenti għal kwistjonijiet dwar is-sessi;

I.  billi wara l-kriżi tal-2008 sar evidenti li kien hemm tnaqqis fil-livell ta' ugwaljanza bejn is-sessi fid-dibattitu pubbliku u l-aġenda politika kemm fil-livell tal-UE kif ukoll f'dak nazzjonali; billi l-konsolidazzjoni fiskali u l-limiti baġitarji imposti mill-kriżi x'aktarx ikomplu jnaqqsu r-riżorsi disponibbli għal strateġiji u korpi għall-ugwaljanza bejn is-sessi;

J.  billi, f'salib it-toroq fejn hemm kriżi ta' fiduċja fl-UE, filwaqt li l-iżgurar li l-finanzi tagħha jkunu għal kollox trasparenti għandu jkun prijorità għall-istituzzjonijiet Ewropej kollha, u hija xi ħaġa li m'għandhiex tiġi injorata;

K.  billi, skont l-Indiċi tal-Ugwaljanza bejn is-Sessi tal-2015 ippubblikat mill-Istitut Ewropew għall-Ugwaljanza bejn is-Sessi (EIGE), l-għan tal-ugwaljanza bejn is-sessi fl-Ewropa fadallu ħafna biex jintlaħaq;

L.  billi paga ugwali hija waħda mill-iktar miżuri li juru l-ugwaljanza bejn is-sessi; billi madankollu l-isforzi tal-UE u r-riżultati tagħhom li jżidu l-parteċipazzjoni femminili fis-suq tax-xogħol u l-indipendenza ekonomika ugwali tan-nisa u l-irġiel, li jippromwovu l-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel fit-teħid ta' deċiżjonijiet, li jiġġieldu kontra l-vjolenza bbażata fuq il-ġeneru u li jipproteġu u jappoġġjaw il-vittmi, kif ukoll li jippromwovu l-ugwaljanza bejn is-sessi u d-drittijiet tan-nisa madwar id-dinja huma ta' importanza ugwali;

M.  billi fl-1995 il-Pjattaforma ta' Azzjoni ta' Beijing tan-Nazzjonijiet Uniti talbet għal approċċ sensittiv għall-ġeneru fil-proċessi baġitarji;

Osservazzjonijiet ġenerali

1.  Jilqa' l-integrazzjoni intenzjonali tal-ugwaljanza bejn is-sessi f'konformità mal-Artikolu 8 tat-TFUE bħala objettiv ta' politika li jolqot ħafna setturi tal-baġit tal-UE f'fondi u programmi tal-UE;

2.  Jiddispjaċih, madankollu, dwar il-fatt li l-impenn politiku ta' livell għoli tal-UE dwar l-ugwaljanza bejn is-sessi u l-integrazzjoni tal-perspettiva tal-ġeneri għadha ma ġietx riflessa kompletament fl-allokazzjonijiet tal-baġit u fid-deċiżjonijiet dwar l-infiq f'oqsma ta' politika tal-UE bħala parti minn metodoloġija ta' bbaġitjar skont il-ġeneru;

3.  Jinnota li l-ibbaġitjar skont il-ġeneru huwa parti minn strateġija globali dwar l-ugwaljanza bejn is-sessi u jenfasizza, għaldaqstant, li l-impenn tal-istituzzjonijiet tal-UE f'dan il-qasam huwa fundamentali; f'dan il-kuntest jiddispjaċih li ma ġiet adottata l-ebda strateġija għall-ugwaljanza bejn is-sessi għall-perjodu 2016-2020 u, jistieden lill-Kummissjoni ssaħħaħ l-istatus tal-Impenn Strateġiku tagħha għall-Ugwaljanza bejn is-Sessi 2016-2019 billi tadottah bħala Komunikazzjoni, filwaqt li jtenni l-Konklużjonijiet tal-Kunsill dwar l-Ugwaljanza bejn is-Sessi tas-16 ta' Ġunju 2016;

4.  Jenfasizza l-importanza tal-istrutturi u l-proċessi involuti fit-tfassil tal-baġit u l-ħtieġa li jinbidlu dawk li jidhru li jsostnu jew jippromwovu b'mod mhux intenzjonat, l-inugwaljanza bejn is-sessi;

5.  Jinnota li sensibilizzazzjoni u taħriġ dwar l-integrazzjoni tal-perspettiva tal-ġeneri u l-ibbaġitjar skont il-ġeneru huma meħtieġa biex jiġu żviluppati strutturi u proċeduri sensittivi fir-rigward tal-ġeneru;

6.  Jinnota li xi programmi tal-UE (pereżempju l-Fond Soċjali Ewropew (ESF), il-Programm tad-Drittijiet, l-Ugwaljanza u ċ-Ċittadinanza 2014-2020 (REC), l-Orizzont 2020, l-Istrument għall-Assistenza ta' Qabel l-Adeżjoni II (IPA II), fil-qasam tal-għajnuna umanitarja, l-Istrument ta' Finanzjament tal-Kooperazzjoni għall-Iżvilupp (DCI) u l-Istrument Ewropew għad-Demokrazija u għad-Drittijiet tal-Bniedem (EIDHR)) jinkludu azzjonijiet speċifiċi relatati mal-ugwaljanza bejn is-sessi, filwaqt li oħrajn (bħal, pereżempju, il-Programm tal-UE għall-Impjiegi u l-Innovazzjoni Soċjali (EaSI), il-Fond għal Għajnuna Ewropea għall-Persuni l-Aktar fil-Bżonn (FEAD), il-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd (FEMS), u l-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (FEG)) jinkludu referenzi għall-prinċipji ġenerali tal-ugwaljanza bejn is-sessi, iżda ftit huma l-programmi li effettivament jistabbilixxu miri ċari u riżorsi dedikati jew li jipprevedu l-implimentazzjoni u l-monitoraġġ sistematiċi;

7.  Jiddeplora l-fatt li bosta programmi jinkludu l-ugwaljanza bejn is-sessi biss bħala objettiv transversali, li mhux biss twassal għal inqas appoġġ għal azzjonijiet speċifiċi għas-sessi, iżda wkoll tagħmilha kważi impossibbli li jiġu stmati l-ammonti li jiġu allokati għal kwistjonijiet dwar il-ġeneru(6);

8.  Jiddeplora l-fatt li bosta programmi ffinanzjati mill-UE m'għandhomx azzjonijiet immirati speċifiċi b'allokazzjonijiet tal-baġit speċifiċi dwar l-ugwaljanza bejn is-sessi; jinnota li l-ugwaljanza bejn is-sessi għandha tiġi rikonoxxuta bħala għan ta' politika għat-titoli baġitarji tal-UE, u b'hekk l-ammont allokat għall-objettivi u l-azzjonijiet ta' politika individwali għandhom ikunu speċifikati sabiex dawn ikunu aktar trasparenti u ma jtellfux mill-importanza tal-objettivi tal-ugwaljanza bejn is-sessi; iqis, bl-istess mod, li l-kompiti tal-kontroll baġitarju għandhom jindikaw kemm il-baġit tal-UE u l-implimentazzjoni tiegħu jgħinu jew ifixklu l-politiki ta' ugwaljanza;

9.  Jiddispjaċih li għodod għall-integrazzjoni tal-perspettiva tal-ġeneri, bħalma huma indikaturi bbażati fuq il-ġeneru, valutazzjoni tal-impatt tal-ġeneru (GIA) u l-ibbaġitjar skont il-ġeneru (GB), rarament jintużaw fit-tfassil tal-politika u fl-implimentazzjoni tagħha, kemm jekk fil-livell tal-UE kif ukoll minn istituzzjonijiet nazzjonali; jiddispjaċih għan-nuqqas attwali ta' indikaturi komprensivi tal-ġeneru u data diżaggregata skont il-ġeneru u u jenfasizza l-fatt li l-EIGE għandu jiġbor l-indikaturi tal-ġeneru u jiġbor data diżaggregata skont il-ġeneru sabiex jagħtu stampa konsistenti tal-impatt tal-ugwaljanza bejn is-sessi tal-politiki possibbli tal-UE kif ukoll ir-responsabilità finanzjarja u baġitarja korretta fir-rigward tagħha; jenfasizza r-rwol fundamentali tal-EIGE biex isib soluzzjoni f'kollaborazzjoni bejn in-nies li jaħdmu fl-istatistika u dawk fil-politika sabiex iqajmu kuxjenza tal-isfidi involuti fil-ġbir ta' data sensittiva; itenni, għalhekk, it-talba tiegħu li l-indikaturi u l-istatistika dwar kwistjonijiet relatati mal-ġeneru jiġu żviluppati aktar biex jippermettu li ssir il-valutazzjoni tal-baġit tal-UE mill-perspettiva tal-ġeneri kif ukoll il-monitoraġġ ta' bbaġitjar skont il-ġeneru;

10.  Jiddispjaċih li, minkejja d-dikjarazzjoni konġunta mehmuża mal-QFP rigward l-integrazzjoni tal-perspettiva tal-ġeneri, s'issa l-progress kien żgħir wisq f'dan il-qasam;

11.  Jiddispjaċih ħafna dwar il-fatt li, mill-QFP 2014-2020, ma tfaċċat l-ebda strateġija dwar l-ugwaljanza bejn is-sessi b'objettivi speċifiċi, miri konkreti u allokazzjonijiet;

12.  Jiddispjaċih li l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar ir-rieżami ta' nofs it-terminu tal-QFP, ippubblikata f'Settembru 2016, ma tagħmel l-ebda referenza għall-implimentazzjoni tal-integrazzjoni tal-perspettiva tal-ġeneri;

13.  Jitlob biex l-istrateġija dwar l-ugwaljanza bejn is-sessi u l-integrazzjoni tagħha ssir parti mis-Semestru Ewropew;

14.  Jenfasizza li t-trasparenza u l-aċċess għall-informazzjoni dwar il-kisbiet reali fl-ugwaljanza bejn is-sessi pjuttost milli fuq l-implimentazzjoni għandha tkun prijorità reali għall-Unjoni Ewropea;

15.  Jitlob biex id-dispożizzjonijiet dwar l-integrazzjoni tal-perspettiva tal-ġeneri jiġu adottati wkoll f'oqsma politiċi li ma jitqisux li huma immedjatament relatati mal-ugwaljanza bejn is-sessi, bħall-ICT, it-trasport, in-negozju u l-appoġġ għall-investiment jew it-tibdil fil-klima;

16.  Iqis li netwerk ta' esperti esterni u organizzazzjonijiet għandu jkun involut fl-istadji kollha tal-proċess baġitarju biex jiżdiedu t-trasparenza u l-kwalità demokratika tiegħu, b'mod partikolari meta dan ikun jirrigwarda l-applikazzjoni ta' approċċ ta' bbaġitjar skont il-ġeneru;

Il-finanzjament tal-UE għall-ugwaljanza bejn is-sessi fl-oqsma tal-impjiegi, l-affarijiet soċjali u l-inklużjoni permezz tal-Fondi Ewropej Strutturali u ta' Investiment (Fondi SIE)

17.  Jirrimarka li l-Fondi SIE jikkostitwixxu l-aktar appoġġ finanzjarju importanti għall-implimentazzjoni tal-politika tal-ugwaljanza bejn is-sessi fl-UE, speċjalment fil-każ tal-FSE (Fond Soċjali Ewropew), li għandu l-għan li jrawwem l-integrazzjoni sħiħa tan-nisa fis-suq tax-xogħol; jissottolinja li r-Regolament Nru 1304/2013 jagħmel l-integrazzjoni tal-perspettiva tal-ġeneri parti obbligatorja fil-fażijiet kollha tal-programmi u l-proġetti ffinanzjati mill-FSE, inklużi l-preparazzjoni, l-implimentazzjoni, il-monitoraġġ u l-evalwazzjoni;

18.  Jisħaq fuq ir-rwol importanti tas-servizzi pubbliċi fil-promozzjoni tal-ugwaljanza bejn is-sessi; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jaħdmu lejn l-ilħuq tal-miri ta' Barċellona biex il-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata jsir realtà għal kulħadd, kif ukoll biex jużaw l-għodod u l-inċentivi xierqa, inklużi l-Fondi Ewropej bħalma huma l-FSE, il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali (FEŻR) u l-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (FAEŻR), li jiżguraw finanzjament għal infrastruttura soċjali meħtieġa għall-għoti ta' servizzi ta' kura ta' kwalità, affordabbli u aċċessibbli għat-tfal u persuni dipendenti oħra, inklużi d-dipendenti anzjani u l-membri tal-familja b'diżabilità; jinnota li dan se jirriżulta f'titjib fil-parteċipazzjoni tan-nisa fis-suq tax-xogħol u l-indipendenza ekonomika tan-nisa;

19.  Jiddeplora l-fatt li n-nisa għadhom ibatu minn inugwaljanzi fuq il-post tax-xogħol, bħal rati ta' parteċipazzjoni iktar baxxi fl-impjiegi, id-differenza fil-pagi, l-inċidenza akbar ta' impjiegi part-time jew atipiċi, drittijiet tal-pensjoni aktar foqra, segregazzjoni fil-karrieri u livelli aktar baxxi ta' progressjoni; jenfasizza l-importanza tal-Fond Soċjali Ewropew (FSE) fl-għoti ta' opportunitajiet ta' finanzjament għall-ġlieda kontra d-diskriminazzjoni u l-promozzjoni tal-ugwaljanza bejn is-sessi fuq il-post tax-xogħol;

20.  Jinnota li x-xogħol bla ħlas huwa element importanti ta' effiċjenza ekonomika, u li l-approċċ tradizzjonali jonqos milli jqis ix-xogħol mhux imħallas, bħall-kura tat-tfal u l-kura tal-anzjani fil-ħlas ta' benefiċċji soċjali;

21.  Jinnota li skont id-Dokument ta' Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni dwar l-involviment strateġiku għall-ugwaljanza bejn is-sessi 2016-2019, EUR 5,85 biljun se jintefqu fil-perjodu 2014-2020 fuq miżuri li jippromwovu l-ugwaljanza bejn is-sessi, li minnhom 1,6 % jaqgħu taħt l-FSE għall-prijorità ta' investiment speċifiku "L-ugwaljanza bejn l-irġiel u n-nisa fl-oqsma kollha, inkluż fl-aċċess għall-impjiegi, il-progress fil-karriera, ir-rikonċiljazzjoni tax-xogħol u l-ħajja privata u l-promozzjoni ta' paga ugwali għal xogħol ugwali";

22.  Jinnota li l-finanzjament FEŻR għandu jkompli jappoġġja l-investiment fil-kura tat-tfal, il-kura tal-anzjani u infrastrutturi soċjali oħra pubbliċi u privati biex jippromwovi, fost riżultati oħra, bilanċ aħjar bejn ix-xogħol u l-ħajja privata;

23.  Jenfasizza r-rwol importanti tal-FAEŻR fl-iżgurar tal-finanzjament meħtieġ biex ikunu appoġġjati s-servizzi pubbliċi u l-infrastruttura soċjali f'żoni rurali u fil-promozzjoni tal-aċċess għall-art u l-investiment għan-nisa;

24.  Jistieden lill-Kummissjoni tipproponi azzjonijiet immirati ġodda mmirati biex jinkoraġġixxu l-parteċipazzjoni tan-nisa fis-suq tax-xogħol, bħal programm speċifiku ffinanzjat mill-FAEŻR biex tiġi appoġġjata l-intraprenditorija femminili;

25.  Jistieden lill-Kummissjoni, lill-Istati Membri u lill-gvernijiet reġjonali u lokali biex jagħmlu użu mill-potenzjal ta' opportunitajiet ta' finanzjament li jolqot ħafna setturi taħt il-fondi SIE li jappoġġjaw proġetti mmirati biex jippromwovu l-ugwaljanza bejn is-sessi; jenfasizza l-importanza tal-prinċipju tas-sħubija applikat fi ħdan il-fondi SIE, li jikkontribwixxi b'mod pożittiv għall-integrazzjoni tal-perspettiva tal-ġeneri fil-livell lokali;

26.  Ifakkar fl-importanza tar-rekwiżit li jiġu inklużi indikaturi diżaggregati skont il-ġeneru fil-monitoraġġ u l-evalwazzjoni tal-Programmi Operattivi kif previst fir-Regolament (UE) Nru 1303/2013 li jistabbilixxi dispożizzjonijiet komuni dwar il-Fondi SIE, sabiex jikkonformaw mal-objettiv tal-ugwaljanza bejn is-sessi matul il-fażi ta' implimentazzjoni;

27.  Jiddeplora l-fatt li, minkejja l-isforzi biex jinħoloq "standard" f'dan il-qasam, għadu ma ġiex stabbilit metodu sistematiku għall-implimentazzjoni tal-integrazzjoni tal-perspettiva tal-ġeneri fi ħdan il-Fondi SIE, u lanqas ma ntrabtu azzjonijiet immirati mal-istrateġija ġenerali tal-integrazzjoni tal-perspettiva tal-ġeneri; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jżidu r-riżorsi għall-valutazzjoni dwar l-ugwaljanza bejn is-sessi u biex isegwu b'mod konsistenti l-implimentazzjoni tal-integrazzjoni tal-perspettiva tal-ġeneri;

28.  Ifakkar li l-Fondi SIE huma soġġetti għal kondizzjonalità ex ante dwar il-ġeneru, li tirrikjedi arranġamenti għat-taħriġ tal-persunal rilevanti u għall-involviment tal-korpi responsabbli għall-ugwaljanza bejn is-sessi tul it-tħejjija u l-implimentazzjoni tal-programmi; jistieden lill-Kummissjoni tiżgura li dan ir-rekwiżit jiġi ssodisfat; jitlob għall-użu effettiv tal-korpi permanenti eżistenti dwar l-ugwaljanza bejn is-sessi fil-livell tal-Istati Membri; jilqa' bis-sħiħ, f'dan il-kuntest, l-aħjar prattiki nazzjonali, bħalma huwa n-netwerk tal-Komunità Ewropea tal-Prattika dwar l-Integrazzjoni tal-Perspettiva tal-Ġeneri (Gender CoP) fl-Iżvezja; iħeġġeġ lill-Istati Membri jiggarantixxu l-indipendenza, l-effettività, kif ukoll biżżejjed setgħat u poteri għal korpi tal-ugwaljanza biex ikunu jistgħu jwettqu l-kompiti prinċipali tagħhom;

29.  Jenfasizza l-importanza li tingħata attenzjoni speċjali u prijorità lill-miżuri FSIE li jappoġġjaw l-investimenti fis-servizzi edukattivi, soċjali u tal-kura tas-saħħa, flimkien mal-faċilitajiet għall-kura tat-tfal, minħabba l-fatt li dawn is-servizzi qed jiffaċċjaw tnaqqis fil-finanzjament pubbliku fil-livell nazzjonali, reġjonali u lokali u li għalhekk dawn il-miżuri jżidu n-numru ta' impjiegi;

30.  Jirrakkomanda żieda fl-allokazzjonijiet finanzjarji fil-QFP għall-infrastrutturi u s-servizzi soċjali għall-kura tat-tfal u tal-anzjani;

31.  Jiddispjaċih li l-linji baġitarji taħt il-Programm tad-Drittijiet, l-Ugwaljanza u ċ-Ċittadinanza 2014-2020 (REC) ma jispeċifikawx ir-riżorsi allokati għal kull wieħed mill-objettivi tal-programm, u dan jagħmilha diffiċli ħafna biex jiġi analizzat l-infiq iddedikat għall-ugwaljanza bejn is-sessi u l-ġlieda kontra l-vjolenza fuq in-nisa;

Il-finanzjament tal-UE għall-ugwaljanza bejn is-sessi fil-qasam tad-drittijiet fundamentali, l-ugwaljanza u ċ-ċittadinanza permezz tal-Programm tad-Drittijiet, l-Ugwaljanza u ċ-Ċittadinanza 2014-2020 (REC)

32.  Jinnota li, skont id-Dokument ta' Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni dwar l-involviment strateġiku għall-ugwaljanza bejn is-sessi 2016-2019, iż-żewġ objettivi relatati mal-ugwaljanza bejn is-sessi u l-programm Daphne għall-ġlieda kontra l-vjolenza fil-konfront tan-nisa jikkostitwixxu madwar 35 % tal-fondi REC, filwaqt li l-baġit ġenerali għall-ugwaljanza bejn is-sessi fil-qasam tad-drittijiet fundamentali, l-ugwaljanza u ċ-ċittadinanza permezz tal-programm REC 2014-2020 huwa ta' EUR 439,5 miljun; jinnota li l-parti l-kbira tal-fondi kienu allokati skont l-objettiv Daphne meta mqabbel mal-objettiv tal-ugwaljanza bejn is-sessi; jiddispjaċih madankollu li l-programm Daphne m'għandu l-ebda linja baġitarja separata, meta jitqies li bħalissa huwa wieħed mill-objettivi speċifiċi tal-Programm REC; jenfasizza l-bżonn li jingħata appoġġ finanzjarju suffiċjenti għall-programm Daphne u li jinżammu l-viżibilità u l-profil ta' suċċess kbir tiegħu;

33.  Jissottolinja li għall-perjodu 2014-2020, l-applikazzjonijiet maħruġa taħt l-objettiv Daphne jindirizzaw il-forom kollha ta' vjolenza kontra n-nisa u/jew it-tfal; jinnota li l-biċċa l-kbira tar-riżorsi li ġew allokati għall-ġlieda u l-prevenzjoni tal-vjolenza marbuta ma' prattiki ta' ħsara (39 %) u għall-appoġġ għal vittmi ta' vjolenza abbażi tal-ġeneru, vjolenza domestika jew vjolenza f'relazzjoni intima huma pprovduti minn servizzi ta' appoġġ speċjalizzati mmirati għan-nisa (24 %);

34.  Jinnota li skont l-objettiv ta' ugwaljanza bejn is-sessi, ġew indirizzati l-prijoritajiet li ġejjin: l-indipendenza ekonomika ugwali tan-nisa u l-irġiel u l-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata (44 % tar-riżorsi allokati); il-promozzjoni ta' prattiki tajba dwar ir-rwoli tal-ġeneru u t-tagħlib tal-isterjotipi tal-ġeneru fl-edukazzjoni u t-taħriġ kif ukoll fuq il-post tax-xogħol (44 %) u appoġġ għal netwerks fil-livell tal-UE dwar temi tal-ugwaljanza bejn is-sessi (12 %);

35.  Jisħaq fuq il-fatt li l-bini ta' ċittadinanza għandu jiġi assoċjat mhux biss mad-difiża u l-estensjoni tad-drittijiet, iżda wkoll mal-ġid u l-benessri, l-edukazzjoni u t-taħriġ ħielsa mill-isterjotipi tal-ġeneru u l-aċċess għas-servizzi soċjali u tas-saħħa, inkluża s-saħħa sesswali u dik riproduttiva;

36.  Jiddeplora madankollu t-tnaqqis fil-fondi disponibbli għall-objettiv speċifiku tal-programm Daphne; jinnota li l-approprjazzjonijiet tal-baġit għall-programm Daphne kienu ta' EUR 18-il miljun f'impenji fl-2013 meta mqabbla ma' EUR 19,5 miljun fl-2012 u aktar minn EUR 20 miljun fl-2011; jinnota wkoll li fl-2016, il-programm ta' ħidma REC kien diġà ppreveda ftit aktar minn EUR 14-il miljun għall-objettiv;

37.  Jistieden lill-Kummissjoni biex, meta tkun qed tħejji l-programm ta' ħidma annwali, tosserva d-distribuzzjoni xierqa u ġusta tal-appoġġ finanzjarju bejn l-oqsma differenti koperti mill-objettivi speċifiċi tal-Programm REC, filwaqt li tqis il-livell ta' finanzjament li diġà ġie allokat fil-perjodu ta' programmazzjoni preċedenti (2007-2013);

38.  Jistieden lill-Kummissjoni żżid l-appoġġ għal netwerks Ewropej dwar temi tal-ugwaljanza bejn is-sessi, u b'hekk issaħħaħ l-opportunitajiet għal aktar tagħlim bejn il-pari, notevolment fost l-awtoritajiet sottonazzjonali; jinnota b'mod partikolari li huwa meħtieġ appoġġ speċifiku sabiex tiżdied il-parteċipazzjoni tan-nisa fit-teħid tad-deċiżjonijiet;

39.  Jitlob li jkun hemm aktar ċarezza dwar kif l-objettiv dwar il-ġlieda kontra l-vjolenza jkun segwit skont il-programm REC; jisħaq fuq l-importanza li l-fondi jilħqu l-organizzazzjonijiet tal-poplu u l-gvernijiet lokali u reġjonali sabiex jiżguraw l-implimentazzjoni effettiva; jitlob li tingħata prijorità lil organizzazzjonijiet li jaħdmu fuq il-prevenzjoni tal-vjolenza u l-appoġġ tal-vittmi tal-forom kollha ta' vjolenza;

40.  Jirrikonoxxi l-ħtieġa li jiġi żgurat sostenn għall-implimentazzjoni tal-inizjattivi lokali u reġjonali eżistenti dwar l-ugwaljanza bejn is-sessi bħalma huma l-Karta Ewropea għall-Ugwaljanza tan-Nisa u l-Irġiel fil-Ħajja Lokali;

41.  Jistieden lill-Kummissjoni ssaħħaħ ir-rekwiżit dwar il-ġbir ta' data diżaggregata skont il-ġeneru fl-implimentazzjoni ta' dan il-programm, bħala għodda essenzjali għal analiżi effettiva tal-ibbaġitjar abbażi tal-ġeneru;

Il-finanzjament tal-UE għall-ugwaljanza bejn is-sessi fil-qasam tar-riċerka u l-innovazzjoni permezz tal-programm Orizzont 2020

42.  Jenfasizza l-fatt li l-programm Orizzont 2020 (minn hawn 'il quddiem "dan il-programm"), f'konformità mar-rekwiżiti tal-Artikolu 16 tar-Regolament tiegħu, jintegra l-ugwaljanza bejn is-sessi u d-dimensjoni tal-ugwaljanza bejn is-sessi fir-riċerka bħala kwistjoni transversali f'kull waħda mill-partijiet differenti tal-programm ta' ħidma;

43.  Jiġbed l-attenzjoni lejn it-tliet għanijiet ta' integrazzjoni taħt dan il-programm, jiġifieri: it-trawwim ta' opportunitajiet indaqs u l-bilanċ bejn is-sessi f'timijiet ta' proġetti; l-iżgurar ta' bilanċ bejn is-sessi fit-teħid tad-deċiżjonijiet; u l-integrazzjoni tad-dimensjoni tal-ġeneru fil-kontenut tar-riċerka;

44.  Jilqa' l-fatt li dan il-programm jipprovdi appoġġ għal korpi ta' riċerka fl-implimentazzjoni tal-pjanijiet ta' ugwaljanza bejn is-sessi; jilqa' wkoll il-proġett konġunt tal-Kummissjoni u l-EIGE biex joħolqu għodda online għall-pjanijiet ta' ugwaljanza bejn is-sessi bħala mezz biex jiġu identifikati u skambjati l-aħjar prattiki mal-partijiet interessati relevanti;

45.  Jilqa' l-fatt li l-applikanti għandhom l-opportunità li jinkludu taħriġ u studji speċifiċi dwar il-ġeneru bħala spejjeż eliġibbli fil-proposti tagħhom;

46.  Jilqa' l-fatt li l-bilanċ bejn is-sessi fil-persunal huwa wieħed mill-fatturi ta' klassifikazzjoni tal-kriterji ta' evalwazzjoni f'dan il-programm u li l-mod li bih titqies l-analiżi tas-sess u/jew tal-ġeneru f'proposta huwa vvalutat mill-evalwaturi flimkien ma' aspetti relevanti oħra tal-proposta;

47.  Jilqa' l-indikaturi speċifiċi użati biex jimmonitorjaw l-implimentazzjoni ta' perspettiva tal-ugwaljanza bejn is-sessi f'dan il-programm, kif ukoll il-fatt li, fir-rigward tal-bilanċ bejn is-sessi fil-gruppi konsultattivi tal-programm Orizzont 2020 fl-2014, il-parteċipazzjoni tan-nisa kienet ta' 52 %(7);

48.  Iqis li rieżami ulterjuri huwa meħtieġ sabiex jiġu vvalutati r-riżultati, abbażi wkoll ta' indikaturi bħalma huma l-perċentwali ta' nisa parteċipanti u nisa koordinaturi tal-proġetti f'dan il-programm, u biex jiġu proposti aġġustamenti għall-azzjonijiet speċifiċi jekk dan ikun meħtieġ;

49.  Jitlob biex tissaħħaħ ulterjorment l-integrazzjoni tal-perspettiva tal-ġeneri f'dan il-programm, u biex jiġu żviluppati miri tal-ugwaljanza bejn is-sessi fl-istrateġiji, il-programmi u l-proġetti fl-istadji kollha taċ-ċiklu tar-riċerka;

50.  Jitlob għaż-żamma ta' linja indipendenti ta' finanzjament għal proġetti ta' tibdil strutturali speċifiċi għall-ġeneru (bħal Ugwaljanza bejn is-Sessi fir-Riċerka u l-Innovazzjoni (GERI) għall-2014-2016), kif ukoll suġġetti oħra ta' ugwaljanza bejn is-sessi fir-riċerka u l-innovazzjoni;

51.  Jilqa' l-fatt li wieħed mill-objettivi fi "Xjenza mas-Soċjetà u għaliha" huwa li jiżgura l-ugwaljanza bejn is-sessi, kemm fil-proċess ta' riċerka kif ukoll fil-kontenut tar-riċerka; jilqa', barra minn hekk, l-għotjiet għal "Appoġġ lil organizzazzjonijiet ta' riċerka biex jimplimentaw pjanijiet ta' ugwaljanza bejn is-sessi" u "Il-promozzjoni tal-ugwaljanza bejn is-sessi f'Orizzont 2020 u ż-Żona Ewropea tar-Riċerka"; jiddeplora, madankollu, li m'hemmx linji speċifiċi fil-baġit għal dawn l-għanijiet deskritti f'dan il-programm;

Programmi u fondi oħra inklużi objettivi speċifiċi dwar l-ugwaljanza bejn is-sessi

52.  Jiddeplora l-fatt li l-Fond Ewropew għal Investimenti Strateġiċi (FEIS) ma jinkludix perspettiva tal-ġeneri; jenfasizza li l-proċess ta' rkupru b'suċċess mhuwiex possibbli mingħajr ma jindirizza l-impatt tal-kriżi fuq in-nisa;

53.  Jenfasizza li d-diżastri naturali għandhom impatt kbir fuq l-infrastruttura marbuta ma' servizzi pubbliċi u, għaldaqstant, li n-nisa huma affettwati b'mod partikulari; jistieden lill-Kummissjoni tintroduċi rekwiżit għal analiżi sensittiva għas-sessi fil-Fond ta' Solidarjetà tal-UE meta tevalwa l-impatt fuq il-popolazzjonijiet;

54.  Jinnota li fil-qasam tal-azzjonijiet esterni u l-kooperazzjoni għall-iżvilupp, il-Pjan ta' Azzjoni dwar il-Ġeneru (GAP) stabbilit għall-perjodu 2016-2020 ikopri l-attivitajiet tal-UE f'pajjiżi terzi, u li hemm bosta strumenti ta' għajnuna esterna li jappoġġjaw l-objettivi tal-ugwaljanza bejn is-sessi;

55.  Jenfasizza li n-nisa u l-bniet vittmi ta' kunflitti armati għandhom id-dritt li jirċievu l-kura medika neċessarja, inkluż l-aċċess għall-kontraċezzjoni, kontraċezzjoni ta' emerġenza u servizzi ta' abort; ifakkar li l-għajnuna umanitarja tal-UE għandha tirrispetta d-drittijiet tal-bniet u n-nisa taħt id-dritt umanitarju internazzjonali u ma għandhiex tkun suġġetta għal restrizzjonijiet imposti minn donaturi sħab oħrajn, kif innutat fil-baġit tal-UE għall-2016; jilqa' l-approċċ tal-UE f'dan ir-rigward; iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex iżżomm il-pożizzjoni tagħha;

56.  Jenfasizza li l-integrazzjoni tal-perspettiva tal-ġeneri hija inkluża wkoll fost il-prinċipji bażiċi tal-Fond għall-Asil, il-Migrazzjoni u l-Integrazzjoni (AMIF) reċenti; itenni s-sejħa tiegħu biex titqies id-dimensjoni tal-ġeneru fil-politiki ta' migrazzjoni u asil billi jiġi żgurat li n-nisa jkollhom aċċess għal spazju sikur, kura tas-saħħa speċifika marbuta mas-saħħa u d-drittijiet sesswali u riproduttivi u li tingħata attenzjoni speċjali għall-bżonnijiet speċifiċi ta' persuni vulnerabbli, bħalma huma n-nisa li sofrew vjolenza, inkluża l-vjolenza sesswali, minorenni mhux akkumpanjati u gruppi oħra f'riskju, inklużi l-persuni LGBTI;

57.  Jitlob biex jiġi adottat sett komprensiv ta' linji gwida dwar il-ġeneru għall-UE kollha fir-rigward tal-politika dwar il-migrazzjoni u l-asil b'finanzjament adegwat għal programmi komprensivi ta' taħriġ għal professjonisti li jistgħu jiġu f'kuntatt ma' rifuġjati u persuni li jfittxu l-asil; jenfasizza li dawn għandhom ikunu sensittivi għall-ħtiġijiet speċifiċi għall-ġeneru ta' rifuġjati nisa u l-ħsara konkomitanti bbażata fuq il-ġeneru, bħalma huwa t-traffikar tan-nisa u l-bniet;

58.  Jenfasizza kwistjonijiet li għadhom għaddejjin dwar l-iffullar fiċ-ċentri ta' akkoljenza tar-rifuġjati u l-impatt li dan għandu fuq is-sikurezza tan-nisa; jitlob għal użu akbar tal-AMIF biex itejjeb ċentri ta' lqugħ b'faċilitajiet ta' rqad u sanitarji separati għan-nisa u l-irġiel, u aċċess għal servizzi tas-saħħa sensittivi għall-ġeneru inkluża l-kura ta' qabel u wara t-twelid;

59.  Jikkunsidra li l-Istati Membri għandhom jitħeġġu jagħmlu użu akbar mill-fondi ta' koeżjoni u l-Fondi SIE b'mod parallel mal-AMIF biex jippromwovu l-integrazzjoni tar-rifuġjati fis-suq tax-xogħol, b'enfasi partikolari fuq kif il-kura tat-tfal aċċessibbli tippermetti lin-nisa rifuġjati jkollhom aċċess għall-impjieg;

60.  Jitlob li jkun hemm rieżami tal-finanzjament miżjud u l-kamp ta' applikazzjoni usa' tal-programmi Daphne u Odysseus, b'valutazzjoni dwar l-espansjoni tagħhom biex jindirizzaw il-vulnerabilitajiet ħorox li jġarrbu n-nisa rifuġjati u jipprovdu appoġġ akbar biex jiġu indirizzati dawn il-ħsarat ibbażati tal-ġeneru;

61.  Jenfasizza li hemm fondi oħrajn, bħall-Fond għas-Sigurtà Interna, strumenti finanzjarji speċjali bħall-Istrument għall-Appoġġ ta' Emerġenza u strumenti u għotjiet ad hoc oħra, li ġew mobilizzati biex jindirizzaw il-ħtiġijiet fil-kuntest tal-kriżi tar-rifuġjati attwali; jirrimarka dwar id-diffikultà fil-monitoraġġ tal-użu ta' dawn il-fondi, b'mod partikolari mill-perspettiva tal-ġeneri, u jitlob li l-użu tal-finanzjament tal-UE f'dan il-qasam ikun ikkoordinat, effettiv, trasparenti u sensittiv għall-kwistjonijiet ta' ġeneru;

62.  Jitlob għal finanzjament speċifiku biex jappoġġja miżuri mmirati li jinvolvu organizzazzjonijiet tal-poplu, il-gvernijiet lokali u reġjonali biex jiġi żgurat li l-ħtiġijiet bażiċi, id-drittijiet tal-bniedem, is-sikurezza u s-sigurtà ta' tfittxija ta' asil, rifuġjati u nisa u bniet migranti, inklużi nisa tqal u anzjani, kif ukoll LGBTI ikunu protetti;

Rakkomandazzjonijiet ta' politika

63.  Itenni t-talba tiegħu li l-ibbaġitjar għall-perspettiva tal-ġeneri jintuża fil-livelli kollha tal-proċedura baġitarja tal-UE; jitlob biex l-ibbaġitjar għall-perspettiva tal-ġeneri jintuża b'mod konsistenti matul il-proċess baġitarju kollu sabiex l-infiq baġitarju jintuża bħala mezz għall-promozzjoni tal-ugwaljanza bejn is-sessi;

64.  Jappella sabiex fil-ġenerazzjoni ta' wara l-2020 tal-programmi ta' finanzjament tal-UE jiġu inkorporati u implimentati bbaġitjar għall-perspettiva tal-ġeneri u integrazzjoni tal-perspettiva tal-ġeneri b'saħħithom u effettivi, bil-għan li jiżdied il-finanzjament tal-UE għal miżuri li jiġġieldu d-diskriminazzjoni bbażata fuq il-ġeneru, filwaqt li jitqiesu l-aspetti li ġejjin:

  i) l-identifikazzjoni tal-kwistjonijiet impliċiti u espliċiti dwar il-ġeneru;

  ii) l-identifikazzjoni – meta possibbli – tal-allokazzjonijiet ta' riżorsi alleati; kif ukoll

  iii) il-valutazzjoni dwar jekk il-programmi ta' finanzjament tal-UE humiex se jippermettu li jkomplu l-inugwaljanzi eżistenti bejn in-nisa u l-irġiel (u gruppi ta' nisa u rġiel), is-subien u l-bniet u x-xejriet ta' relazzjonijiet bejn il-ġeneru jew humiex se jwasslu għal bidla;

65.  Jitlob li kwalunkwe titolu tal-baġit tal-UE isegwi miri tal-perspettiva tal-ġeneri u standards tal-integrazzjoni tal-perspettiva tal-ġeneri b'saħħithom b'mod indaqs;

66.  Jitlob li l-ammont li għandu jiġi allokat għal objettivi u azzjonijiet ta' politika individwali ddedikati għall-ugwaljanza bejn is-sessi jiġi speċifikat b'mod ċar sabiex jiżdiedu t-trasparenza u s-sens ta' responsabilità;

67.  Ifakkar li l-ibbaġitjar skont il-ġeneru huwa metodoloġija li għandha tiġi applikata fil-linji baġitarji kollha tal-UE, mhux biss għall-programmi fejn il-probabilità ta' impatt dwar il-ġeneru jidher li jkun l-aktar relevanti;

68.  Jinnota li l-integrazzjoni tal-perspettiva tal-ġeneri mhijiex eżerċizzju ta' darba u li l-ibbaġitjar ibbażat fuq il-ġeneru jeħtieġ impenn kontinwu għall-fehim dwar il-ġeneru, li jinkludi analiżi u konsultazzjoni u aġġustamenti baġitarji attwali biex jitqiesu l-ħtiġijiet li qed jinbidlu tan-nisa u l-irġiel, u tal-bniet u s-subien;

69.  Iqis li l-finanzjament fil-livell tal-UE ta' EUR 6,17 biljun allokati fil-QFP attwali sabiex jintlaħqu l-objettivi ta' dan l-impenn strateġiku skont il-ġeneru huwa l-ewwel pass, u jitlob li jkun hemm żieda f'dan l-ammont fil-QFP li jmiss;

70.  Jemmen li r-rieżami ta' nofs it-terminu tal-QFP seta' kien opportunità biex jitjiebu r-riżultati miksuba mill-baġit tal-UE fit-twettiq tal-ugwaljanza bejn is-sessi, u biex jintwerew dawn il-kisbiet lill-pubbliku;

71.  Jiddispjaċih, għalhekk, dwar id-deċiżjoni tal-Kummissjoni li ma tindirizzax il-kwistjoni tal-implimentazzjoni tal-integrazzjoni tal-perspettiva tal-ġeneri fir-rieżami ta' nofs it-terminu tal-QFP, u jitlob għal azzjoni aktar speċifika biex jiġi indirizzat dan in-nuqqas;

72.  Jitlob li jiġu applikati indikaturi speċifiċi għall-ġeneru fil-fażijiet tal-għażla, il-monitoraġġ u l-evalwazzjoni tal-proġetti tal-azzjonijiet kollha li jirċievu finanzjament mill-baġit tal-UE; jitlob, barra minn hekk, għal valutazzjoni obbligatorja tal-impatt fuq il-ġeneru bħala parti minn kondizzjonalità ġenerali ex ante, u għall-ġbir ta' data diżaggregata skont il-ġeneru dwar il-benefiċjarji u l-parteċipanti;

73.  Jirrakkomanda bil-qawwa li data diżaggregata skont il-ġeneru għandha tkun disponibbli għall-pubbliku sabiex tiġi żgurata r-responsabilità finanzjarja u t-trasparenza;

74.  Jitlob li tiġi adottata l-metodoloġija tar-rapport ''Gender Equality Index 2015 – Measuring gender equality in the European Union 2005-2012'', ippubblikat mill-EIGE fl-2015, għall-kejl tal-inugwaljanza bejn il-ġeneri bħala bażi għall-ippjanar u l-implimentazzjoni tal-programmi ta' finanzjament tal-UE;

75.  Jitlob lill-istituzzjonijiet tal-UE u lill-Istati Membri jorganizzaw taħriġ regolari u programmi ta' appoġġ tekniku dwar għodod għall-integrazzjoni tal-perspettiva tal-ġeneri għall-persunal kollu involut fit-tfassil tal-politiki u l-proċeduri baġitarji; jitlob li jitħeġġeġ l-użu tal-ibbaġitjar għall-perspettiva tal-ġeneri fiż-żewġ strateġiji nazzjonali u tal-UE sabiex tiġi promossa l-ugwaljanza bejn is-sessi b'mod aktar effettiv;

76.  Jistieden lill-Kummissjoni tissorvelja mill-qrib l-effettività ta' korpi nazzjonali għall-ilmenti u proċeduri fl-implimentazzjoni ta' direttivi għall-ugwaljanza bejn is-sessi;

77.  Jeżiġi li l-Qorti tal-Awdituri tinkorpora wkoll il-perspettiva tal-ġeneri meta tivvaluta l-eżekuzzjoni tal-baġit tal-Unjoni fir-rigward tal-objettivi speċifiċi tal-politiki ta' ugwaljanza tal-UE u tal-aspetti orizzontali ta' dawn il-politiki, kemm fir-rakkomandazzjonijiet kif ukoll fir-rapporti speċjali tagħha; jitlob biex, bl-istess mod, l-Istati Membri jintroduċu d-dimensjoni tal-ġeneru fil-baġits tagħhom sabiex janalizzaw il-programmi u l-politiki tal-gvern, l-impatt tagħhom fuq l-allokazzjoni tar-riżorsi u l-kontribut tagħhom għall-ugwaljanza bejn l-irġiel u n-nisa;

78.  Itenni t-tħassib tiegħu dwar in-nuqqas kbir ta' bilanċ bejn il-ġeneri – li jinvolvi l-iktar differenza wiesgħa fl-istituzzjonijiet kollha tal-UE – fost il-Membri tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri, li bħalissa hija komposta minn 28 raġel u 3 nisa (tnejn inqas mill-bidu tal-2016); jistieden lill-Kunsill, minn issa 'l quddiem u sakemm jintlaħaq bilanċ aċċettabbli, biex jipproponi żewġ kandidati għall-Parlament, mara u raġel, għal kull ħatra futura;

79.  Jitlob li jkun hemm monitoraġġ u evalwazzjoni tal-Pjan ta' Azzjoni Nazzjonali (NAP) għat-Trattament Ugwali 2013-2016 fil-Polonja; jesprimi t-tħassib tiegħu dwar il-fatt li l-ebda fondi separati mill-baġit ċentrali ma ġew allokati għall-ugwaljanza bejn is-sessi għall-implimentazzjoni tan-NAP min-naħa tal-amministrazzjoni pubblika; jitlob għal bilanċ li għandu jintlaħaq għat-twaqqif ta' korp ta' monitoraġġ, inklużi l-esperti u r-rappreżentanti tad-drittijiet tan-nisa u l-NGOs tal-ugwaljanza bejn is-sessi;

80.  Ifaħħar il-ħidma tal-Kummissarju għad-Drittijiet tal-Bniedem fil-Polonja, li skont il-Liġi dwar it-Trattament Ugwali, qed imexxi l-korp tal-ugwaljanza responsabbli għall-implimentazzjoni ta' trattament ugwali; jesprimi t-tħassib tiegħu dwar it-tnaqqis baġitarju reċenti li jaffettwa l-Kummissarju għad-Drittijiet tal-Bniedem; ifakkar li korp nazzjonali għall-ugwaljanza għandu jkollu biżżejjed persunal, għandu jkun iffinanzjat b'mod adegwat, u għandu jkollu l-indipendenza tiegħu rispettata u miżmuma;

°

°  °

81.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.

(1)

  ĠU L 347, 20.12.2013, p. 884.

(2)

ĠU L 347, 20.12.2013, p. 470.

(3)

  ĠU C 373, 20.12.2013, p. 1.

(4)

Testi adottati, P8_TA(2016)0338.

(5)

Testi adottati, P8_TA(2016)0072.

(6)

Id-dokument ta' ħidma tal-Kummissjoni dwar Dikjarazzjonijiet tal-Programmi għan-nefqa operattiva għall-Abbozz tal-Baġit Ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2017 (COM(2016)300), p.15

(7)

Il-Kummissjoni Ewropea, id-Direttorat Ġenerali għar-Riċerka u l-Innovazzjoni, "Rapport Annwali dwar il-Monitoraġġ 2014 tal-Orizzont 2020"), ISBN 978-92-79-57749-9, p. 44.


NOTA SPJEGATTIVA

L-ugwaljanza bejn l-irġiel u n-nisa hija prinċipju fundamentali tal-Unjoni Ewropea minqux fit-Trattati; L-ugwaljanza bejn is-sessi ġiet indirizzata wkoll fi 15-il direttiva li ġew adottati mill-UE u kienet mira espliċita ta' xi partijiet tal-Baġit tal-UE. Madankollu, irrispettivament mill-miżura li tintuża biex tkun determinata l-ugwaljanza bejn is-sessi għadna l-bogħod milli niksbu dan l-għan. Dan ir-rapport għalhekk jitlob li l-baġit jintuża b'mod ħafna aktar proattiv u mmirat biex jintlaħaq l-għan ta' ugwaljanza bejn is-sessi.

Il-finanzjament tal-UE diġà jagħmel kontribut pożittiv importanti għall-promozzjoni tal-ugwaljanza bejn is-sessi.

Xi programmi tal-UE (bħalma huma l-FSE, il-Programm tad-Drittijiet, l-Ugwaljanza u ċ-Ċittadinanza u Orizzont 2020) għandhom azzjoni speċifika marbuta mal-ugwaljanza bejn is-sessi, filwaqt li oħrajn jinkludu biss referenzi għall-prinċipji ġenerali ta' ugwaljanza bejn is-sessi. Madankollu huma verament ftit il-programmi li jipprevedu miri ċari u riżorsi dedikati u implimentazzjoni u monitoraġġ sistematiċi. B'mod ġenerali, il-kwistjonijiet dwar l-ugwaljanza bejn is-sessi huma ġeneralment aktar indirizzati f'oqsma ta' politika mhux vinkolanti bħalma huma l-iżvilupp tar-riżorsi umani, milli f' dawk vinkolanti, bħat-trasport, il-klima, l-ITC.

Dan ir-rapport jivvaluta kif l-integrazzjoni tal-ugwaljanza bejn is-sessi hi applikata fl-allokazzjonijiet tal-fondi tal-UE b'attenzjoni fuq il-finanzjament tal-UE għall-kura tat-tfal fil-qafas tal-Fondi SIE, l-integrazzjoni tal-ugwaljanza bejn is-sessi fl-użu tal-finanzjament tal-programm Orizzont 2020 u l-integrazzjoni tal-ugwaljanza bejn is-sessi fl-użu tal-programm tad-Drittijiet, l-Ugwaljanza u ċ-Ċittadinanza (enfasi fuq l-Objettiv tal-Ugwaljanza bejn is-Sessi u s-segwitu għall-programm Daphne dwar il-Vjolenza fuq in-Nisa). Huwa jagħti rakkomandazzjoni ta' politika dwar kif jiġi internalizzat aħjar il-prinċipju ddikjarat tal-UE tal-ugwaljanza bejn is-sessi u l-integrazzjoni tal-ugwaljanza bejn is-sessi fid-deċiżjonijiet tal-allokazzjoni u nfiq tal-baġit tal-oqsma ta' politika tal-UE.

Fi ħdan il-Fondi Strutturali u ta' Investiment Ewropej, skont il-Programmi Operattivi tal-KE maqbula mal-Istati Membri, ir-reġjuni u l-Kummissjoni, madwar EUR 5,85 biljun se jintefqu fl-2014-2020 fuq miżuri li jippromwovu l-ugwaljanza bejn is-sessi. Għaldaqstant il-Fondi SIE jikkostitwixxu l-aktar appoġġ finanzjarju importanti għall-implimentazzjoni tal-politika tal-ugwaljanza bejn is-sessi fl-UE, b'mod partikolari fil-każ tal-FSE, li għandu l-għan li jrawwem l-integrazzjoni sħiħa tan-nisa fis-suq tax-xogħol; EUR 5,85 biljun se jintefqu fl-2014-2020 fuq miżuri li jippromwovu l-ugwaljanza bejn is-sessi, li minnhom 1,6 % taħt l-FSE għall-prijorità ta' investiment speċifiku "l-ugwaljanza bejn l-irġiel u n-nisa fl-oqsma kollha, inkluż fl-aċċess għall-impjiegi, il-progress fil-karriera, ir-rikonċiljazzjoni tax-xogħol u l-ħajja privata u l-promozzjoni ta' paga ugwali għal xogħol ugwali". Tista' tittieħed azzjoni lil hinn minn dawn il-miżuri speċifiċi, pereżempju finanzjament mill-FEŻR għandu jintuża wkoll għall-appoġġ tal-investiment fil-kura tat-tfal u infrastrutturi soċjali oħrajn. Ir-riċerka wriet li l-investiment fis-servizzi ta' kura joħloq impjiegi għall-irġiel kważi daqs kemm jinħolqu b'investiment fil-kostruzzjoni u joħloq kważi erba' darbiet aktar impjiegi għan-nisa.

Il-Programm tad-Drittijiet, l-Ugwaljanza u ċ-Ċittadinanza 2014–2020 (li jissostitwixxi l-programmi aktar bikrin Progress, Drittijiet Fundamentali u Ċittadinanza u l-Programm Daphne III) għandu baġit ġenerali ta' EUR 439,5 miljun matul il-perjodu 2014-2020, li minnhom 35 % huma allokati għaż-żewġ objettivi tal-ugwaljanza bejn is-sessi taħt dan il-programm ("il-promozzjoni tal-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel u l-integrazzjoni tal-ugwaljanza bejn is-sessi" u "Il-prevenzjoni tal-vjolenza kontra t-tfal, iż-żgħażagħ, in-nisa u gruppi oħra f'riskju (Daphne)". Madankollu, hemm nuqqas ta' data diżaggregata skont il-ġeneru fil-fażi tal-implimentazzjoni ta' dan il-programm. Barra minn hekk, ir-rapporteur tiddeplora t-tnaqqis fil-fondi disponibbli għall-objettiv speċifiku tal-Programm Daphne u tirrakkomanda distribuzzjoni xierqa u ġusta tal-appoġġ finanzjarju bejn il-qasam differenti u aktar ċarezza dwar kif l-objettiv li tiġi miġġielda l-vjolenza qed jinkiseb fil-qafas tal-programm tad-Drittijiet, l-Ugwaljanza u ċ-Ċittadinanza.

Fil-qasam tal-programm Orizzont 2020, ir-rapporteur tilqa' l-approċċ ta' integrazzjoni tal-ugwaljanza bejn is-sessi bħala kwistjoni trasversali f'kull waħda mill-partijiet differenti tal-programm ta' ħidma, f'konformità mar-rekwiżiti tal-Artikolu 16 tar-Regolament tiegħu; madankollu rieżami ulterjuri huwa meħtieġ sabiex jiġu vvalutati r-riżultati abbażi tal-indikaturi u l-integrazzjoni tal-ugwaljanza bejn is-sessi għandha tissaħħaħ ulterjorment fil-pilastri kollha tal-programm. Ir-rapporteur tissottolinja li linji indipendenti għall-finanzjament ta' proġetti ta' tibdil strutturali speċifiċi għall-ġeneru (bħall-GERI għall-2014-2016) għandhom jinżammu filwaqt li t-tibdil previst biex jinkorpora l-finanzjament tal-ugwaljanza bejn is-sessi taħt intestatura aktar ġenerali għandu jiġi evitat.

Madankollu, ir-rapporteur temmen li l-UE tista' tagħmel użu ħafna aħjar mir-riżorsi baġitarji tagħha biex taħdem lejn dan l-għan. Studju EPRS ikkonkluda li strateġija ċara dwar l-ugwaljanza bejn is-sessi, b'objettivi, miri jew allokazzjonijiet speċifiċi ma tinsabx fil-QFP 2014-2020. L-ibbaġitjar għall-ugwaljanza bejn is-sessi mhuwiex applikat b'mod sistematiku fil-baġit ġenerali tal-UE. Ħafna drabi mhuwiex possibbli li jiġi ddeterminat, jekk ikun il-każ, liema huma r-riżorsi allokati għall-ilħuq tal-objettivi relatati mal-ugwaljanza bejn is-sessi fil-programmi. Għal ħafna programmi, informazzjoni minn perspettiva tal-ugwaljanza bejn is-sessi dwar allokazzjonijiet finanzjarji kif ukoll dwar l-implimentazzjoni u r-riżultati hija nieqsa jew mhux kompluta. Għodod importanti għall-integrazzjoni tal-ugwaljanza bejn is-sessi, bħalma huma Indikaturi bbażati fuq il-Ġeneru, Valutazzjoni tal-Impatt tal-Ġeneru (GIA) u l-Ibbaġitjar abbażi tal-Ġeneru (GB), rarament jintużaw, kemm fl-istituzzjonijiet tal-UE kif ukoll dawk nazzjonali. Hemm eċċezzjonijiet għal dan bħall-Programm ta' Qafas Orizzont 2020 li jinkludi l-integrazzjoni tal-ugwaljanza bejn is-sessi u indikaturi xierqa.

F'dawn l-aħħar snin kien hemm tbegħid mhux mixtieq mill-implimentazzjoni ta' politiki ta' ugwaljanza bejn is-sessi. Programmi mmirati relatati mal-ugwaljanza bejn is-sessi mhumiex immuni għal din ix-xejra, il-programm Daphne huwa eżempju wieħed fil-livell tal-UE ta' tnaqqis fil-finanzjament matul iż-żmien ta' politika speċifika għall-ugwaljanza bejn is-sessi.

L-integrazzjoni tal-ugwaljanza bejn is-sessi fil-baġit tal-UE tipprovdi opportunità biex tinforma u mbagħad timmira azzjoni biex tirkupra l-progress fit-triq iddikjarata tagħna lejn il-kisba tal-ugwaljanza bejn is-sessi. Billi tittieħed din il-viżjoni wiesa' tar-rwol pożittiv li jista' jiżvolġi l-Baġit tal-UE sabiex jiġi indirizzat dan l-għan fundamentali nistgħu inreġġgħu lura x-xejra riċenti kontra t-teħid ta' azzjoni.

Ir-rapporteur tinsab diżappuntata li r-rieżami tal-Kummissjoni ta' nofs it-terminu tal-qafas pluriennali ma għandha l-ebda proposta f'dan il-qasam u ma tagħmilx referenza għall-integrazzjoni tal-ugwaljanza bejn is-sessi. Ir-rapporteur temmen li l-ibbaġitjar għall-ugwaljanza bejn is-sessi bħala azzjoni waħedha tqajjem il-kuxjenza dwar il-ħtieġa li tiġi indirizzata l-inugwaljanza. Meta jiġu implimentati kif jixraq b'indikaturi tal-ġeneru huma għandhom juru wkoll fejn ikun hemm impatt pożittiv bħala konsegwenza tal-baġit tal-UE u juru fejn jista' jkun hemm nuqqasijiet fl-użu tal-baġit. Billi nkejlu b'mod ċar il-valur miżjud pożittiv li jitwassal permezz tal-implimentazzjoni ta' programmi tal-UE, se nkunu kapaċi nuru liċ-ċittadini tagħna differenza sinifikanti għall-ugwaljanza bejn is-sessi li titwassal permezz tal-baġit.

Dan ir-rapport għalhekk jitlob li l-baġit jintuża b'mod ħafna aktar proattiv biex jintlaħaq l-għan ta' ugwaljanza bejn is-sessi li kien ċentrali għall-ħidma tal-UE sa mill-bidu.


OPINJONI tal-Kumitat għall-Baġits (16.12.2016)

għall-Kumitat għad-Drittijiet tan-Nisa u l-Ugwaljanza bejn is-Sessi

dwar fondi tal-UE għall-ugwaljanza bejn il-ġeneri

(2016/2144(INI))

Rapporteur għal opinjoni: Eider Gardiazabal Rubial

SUĠĠERIMENTI

Il-Kumitat għall-Baġits jistieden lill-Kumitat għad-Drittijiet tan-Nisa u l-Ugwaljanza bejn is-Sessi, bħala l-kumitat responsabbli, biex jinkorpora s-suġġerimenti li ġejjin fil-mozzjoni għal riżoluzzjoni tiegħu:

A.  billi l-Involviment Strateġiku għall-Ugwaljanza bejn il-Ġeneri 2016-2019, ippubblikat f'Diċembru 2015, jenfasizza r-rwol ewlieni tal-finanzjament tal-UE bħala appoġġ għall-ugwaljanza bejn il-ġeneri, wieħed mill-valuri fundamentali tal-Unjoni Ewropea;

B.  billi l-Artikolu 8 TFUE jiddikjara li: "Fl-azzjonijiet kollha tagħha l-Unjoni għandha tfittex li telimina l-inugwaljanzi, u li tinkoraġixxi ugwaljanza, bejn l-irġiel u n-nisa."

C.  billi, fir-rapport tiegħu dwar ir-reviżjoni tal-QFP 2014-2020(1), il-Parlament irid jagħti appoġġ akbar lill-integrazzjoni effettiva tal-ugwaljanza bejn il-ġeneri sabiex jiġu miġġielda l-forom kollha ta' diskriminazzjoni;

D.  billi, skont l-Indiċi tal-Ugwaljanza bejn is-Sessi tal-2015 ippubblikat mill-Istitut Ewropew għall-Ugwaljanza bejn is-Sessi (EIGE), l-għan tal-ugwaljanza bejn il-ġeneri fl-Ewropa fadallu ħafna biex jintlaħaq;

E.  billi l-ibbaġitjar skont il-ġeneri jimplika l-introduzzjoni ta' perspettiva tal-ġeneri fil-livelli kollha tal-proċess baġitarju, mill-ippjanar u l-preparazzjoni sal-awditjar u l-evalwazzjoni, u l-ħtieġa li jiżdied il-finanzjament tal-UE li jippromwovi l-ugwaljanza bejn il-ġeneri;

F.  billi n-nuqqas ta' indikaturi speċifiċi għall-ġeneru u ta' ġbir ta' data diżaggregata skont il-ġeneru, kif ukoll strateġiji ta' implimentazzjoni insuffiċjenti, sfortunatament jagħmluha impossibbli li tinkiseb responsabbiltà finanzjarja u baġitarja korretta bil-ħsieb li jiġi evalwat l-impatt tal-ugwaljanza bejn il-ġeneri fil-politiki tal-UE;

G.  billi l-''Gender Equality Index 2015 – Measuring gender equality in the European Union 2005-2012'' (Indiċi tal-Ugwaljanza bejn is-Sessi tal-2015 – Inkejlu l-ugwaljanza bejn il-ġeneri fl-Unjoni Ewropea 2005–2012), ippubblikat mill-EIGE fl-2015, jippreżenta valutazzjoni dettaljata u metodoloġija soda tal-kejl tal-inugwaljanza bejn il-ġeneri b'konformità sħiħa mal-prinċipju tal-ugwaljanza bejn il-ġeneri;

H.  filwaqt li jfakkar fil-Ftehim Interistituzzjonali bejn il-Parlament, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar it-Tfassil Aħjar tal-Liġijiet tat-13 ta' April 2016, b'mod partikolari l-Artikoli 20 sa 24 tiegħu dwar l-evalwazzjoni ex-post tal-leġislazzjoni eżistenti bħala bażi għal aktar azzjoni;

I.  filwaqt li jilqa' l-isforzi li saru biex jiġu introdotti indikaturi speċifiċi għall-ġeneri u tinġabar data diżaggregata skont il-ġeneru f'xi miżuri leġiżlattivi u politiki tal-UE bħalma huma l-Fond Soċjali Ewropew (FSE);

1.  Jiddispjaċih li l-implimentazzjoni tal-baġit tal-UE attwalment ma taqbilx mal-impenn ta' livell għoli tal-UE għall-ugwaljanza bejn il-ġeneri;

2.  Jitlob li t-titoli kollha tal-baġit isegwu miri dwar il-ġeneri u standards dwar l-integrazzjoni tal-ġeneru ugwalment ambizzjużi u ċari, u li jispeċifikaw l-ammont li jkun ser jiġi allokat għal objettivi ta' politika u azzjonijiet individwali sabiex isiru aktar trasparenti u ma joskurawx l-objettivi relatati mal-ġeneru; jemmen li l-ugwaljanza bejn il-ġeneri għandha tiġi integrata bħala objettiv separat ta' politika f'kull titolu tal-baġit tal-UE;

3.  Jitlob li, fejn applikabbli, jiġu applikati indikaturi u kriterji speċifiċi għall-ġeneri fil-fażijiet ta' għażla tal-proġetti, ta' monitoraġġ u ta' evalwazzjoni tal-azzjonijiet kollha li jirċievu finanzjament mill-baġit tal-UE, u għall-ġbir sistematiku ta' data diżaggregata skont il-ġeneri dwar il-benefiċjarji u l-parteċipanti, inkluż fir-rigward tal-istrumenti appoġġati mill-baġit tal-UE, filwaqt li tiġi evitata r-regolamentazzjoni żejda;

4.  Iqis li l-finanzjament fil-livell tal-UE ta' EUR 6.17 biljun allokati fil-QFP attwali sabiex jintlaħqu l-objettivi ta' dan l-impenn strateġiku għall-ġeneri huwa l-ewwel pass, u jitlob li jkun hemm żieda f'dan l-ammont fil-QFP li jmiss; iqis li din iż-żieda għandha tkun ibbażata fuq l-evalwazzjoni tal-leġiżlazzjoni eżistenti kif maqbul fil-Ftehim Interistituzzjonali bejn il-Parlament, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar it-Tfassil Aħjar tal-Liġijiet;

5.  Jappella sabiex fil-ġenerazzjoni ta' wara l-2020 tal-programmi ta' finanzjament tal-UE jiġu inkorporati u implimentati bbaġitjar tal-ġeneru u integrazzjoni tal-ġeneri b'saħħithom u effettivi, bil-għan li jiżdied il-finanzjament tal-UE għal miżuri biex tiġi miġġielda d-diskriminazzjoni bbażata fuq il-ġeneri, filwaqt li jitqiesu l-aspetti li ġejjin:

  i) l-identifikazzjoni tal-kwistjonijiet impliċiti u espliċiti dwar il-ġeneru;

  ii) l-identifikazzjoni – meta possibbli – tal-allokazzjonijiet ta' riżorsi alleati; kif ukoll

  iii) il-valutazzjoni dwar jekk il-programmi ta' finanzjament tal-UE humiex se jkomplu jew ibiddlu l-inugwaljanzi eżistenti bejn in-nisa u l-irġiel (u gruppi ta' nisa u rġiel), subien u bniet u xejriet ta' relazzjonijiet bejn il-ġeneri;

6.  Jitlob li, għall-kejl tal-inugwaljanza bejn il-ġeneri, tiġi adottata l-metodoloġija ta' ''Gender Equality Index 2015 – Measuring gender equality in the European Union 2005-2012'', ippubblikat mill-EIGE fl-2015, bħala bażi għall-ippjanar u l-implimentazzjoni tal-programmi ta' finanzjament tal-UE.

RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT LI JINTALAB JAGĦTI OPINJONI

Data tal-adozzjoni

8.12.2016

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

22

5

2

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Nedzhmi Ali, Richard Ashworth, Jean-Paul Denanot, Gérard Deprez, José Manuel Fernandes, Eider Gardiazabal Rubial, Jens Geier, Ingeborg Gräßle, Zbigniew Kuźmiuk, Vladimír Maňka, Clare Moody, Paul Rübig, Petri Sarvamaa, Patricija Šulin, Eleftherios Synadinos, Indrek Tarand, Monika Vana, Marco Zanni

Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali

Xabier Benito Ziluaga, Bill Etheridge, Ivana Maletić, Andrey Novakov, Derek Vaughan

Sostituti (skont l-Artikolu 200(2)) preżenti għall-votazzjoni finali

Clara Eugenia Aguilera García, José Blanco López, Edouard Ferrand, Valentinas Mazuronis, Claudia Schmidt, Nils Torvalds

(1)

Testi adottati, P8_TA(2016)0309.


OPINJONI tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit (19.1.2017)

għall-Kumitat għad-Drittijiet tan-Nisa u l-Ugwaljanza bejn is-Sessi

dwar fondi tal-UE għall-ugwaljanza bejn il-ġeneri

(2016/2144(INI))

Rapporteur għal opinjoni: Luke Ming Flanagan

SUĠĠERIMENTI

Il-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit jistieden lill-Kumitat għad-Drittijiet tan-Nisa u l-Ugwaljanza bejn is-Sessi, bħala l-kumitat responsabbli, biex jinkorpora s-suġġerimenti li ġejjin fil-mozzjoni għal riżoluzzjoni tiegħu:

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kunsill tal-Ewropa dwar l-ibbaġitjar li jqis l-ugwaljanza bejn il-ġeneri: rapport finali tal-Grupp ta' Speċjalisti dwar l-ibbaġitjar li jqis l-ugwaljanza bejn il-ġeneri – Strasburgu 2005,

A.  billi l-ugwaljanza bejn l-irġiel u n-nisa hija prinċipju fundamentali tal-Unjoni Ewropea minqux fit-Trattati; billi l-istrateġija tal-UE għall-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel 2010-2015 waslet biex tintemm, li tipprovdi opportunità ta' eżerċizzju ta' valutazzjoni;

B.  billi d-Dikjarazzjoni Konġunta tal-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar dixxiplina baġitarja, dwar kooperazzjoni f'materji ta' baġit u dwar ġestjoni finanzjarja tajba titlob li l-proċeduri baġitarji annwali applikati għall-QFP 2014-2020 jintegraw, kif xieraq, elementi sensittivi għall-kwistjoni tal-ugwaljanza bejn il-ġeneri, waqt li jitqiesu modi li bihom il-qafas finanzjarju ġenerali tal-Unjoni jikkontribwixxi għal aktar ugwaljanza bejn il-ġeneri u tiżgura l-integrazzjoni tal-ugwaljanza bejn il-ġeneri;

C.  billi l-Impenn Strateġiku għall-Ugwaljanza bejn il-Ġeneri 2016-2019, ippubblikat f'Diċembru 2015, jafferma mill-ġdid l-impenn li titkompla l-ħidma għall-promozzjoni tal-ugwaljanza bejn l-irġiel u n-nisa u jenfasizza l-importanza ta' finanzjament tal-UE li jappoġġa l-ugwaljanza bejn il-ġeneri;

D.  billi l-finanzjament tal-UE għall-ugwaljanza bejn il-ġeneri fil-qasam tad-drittijiet fundamentali, l-ugwaljanza u ċ-ċittadinanza permezz tal-Programm tad-Drittijiet, l-Ugwaljanza u ċ-Ċittadinanza (REC) 2014–2020 għandu baġit ġenerali ta' EUR 439,5 miljun, li minnhom 35 % huma allokati għaż-żewġ objettivi relatati mal-ugwaljanza bejn il-ġeneri u l-programm Daphne għall-ġlieda kontra l-vjolenza fil-konfront tan-nisa;

E.  billi fi ħdan il-Fondi Strutturali u ta' Investiment Ewropej (FSIE), fl-2014-2020 se jintefqu madwar EUR 5,85 biljun fuq miżuri li jippromwovu l-ugwaljanza bejn il-ġeneri, li minnhom 1,6 % jaqgħu taħt il-Fond Soċjali Ewropew (FSE) għall-prijorità ta' investiment speċifiku 'L-ugwaljanza bejn l-irġiel u n-nisa fl-oqsma kollha, inkluż fl-aċċess għall-impjiegi, il-progress fil-karriera, ir-rikonċiljazzjoni tax-xogħol u l-ħajja privata u l-promozzjoni ta' paga ugwali għal xogħol ugwali';

F.  billi fi ħdan l-istituzzjoni ta' sorveljanza baġitarja tal-UE stess, il-Qorti Ewropea tal-Awdituri, hemm żbilanċ kbir bejn is-sessi, li kien ipperpetwat b'kull persuna ġdida nominata fl-2016;

G.  billi paga ugwali hija waħda mill-iktar miżuri li juru l-ugwaljanza bejn il-ġeneri, iżda ugwalment importanti huma l-isforzi tal-UE u r-riżultati tagħhom li jżidu l-parteċipazzjoni femminili fis-suq tax-xogħol u l-indipendenza ekonomika ugwali tan-nisa u l-irġiel, li jippromwovu l-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel fit-teħid ta' deċiżjonijiet, li jiġġieldu kontra l-vjolenza bbażata fuq il-ġeneru u li jipproteġu u jappoġġaw il-vittmi, kif ukoll li jippromwovu l-ugwaljanza bejn il-ġeneri u d-drittijiet tan-nisa madwar id-dinja;

H.  billi l-Ftehim Interistituzzjonali bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u l-Kummissjoni Ewropea dwar Tfassil Aħjar tal-Liġijiet tat-13 ta' April 2016 jappoġġa l-istabbiliment ta' rekwiżiti ta' monitoraġġ, inklużi indikaturi li jistgħu jitkejlu, bħala bażi li fuqha tinġabar evidenza tal-effetti tal-leġiżlazzjoni fuq il-post u li tappoġġa azzjoni ulterjuri filwaqt li tevita piżijiet amministrattivi;

I.  billi fl-1995 il-Pjattaforma ta' Azzjoni ta' Beijing tan-Nazzjonijiet Uniti talbet għal approċċ sensittiv għad-differenza bejn il-ġeneri fil-proċessi baġitarji;

1.  Jinnota li l-ibbaġitjar li jqis l-ugwaljanza bejn il-ġeneri għandu jkun strument ta' governanza demokratika li se jgħin jiżgura li l-ugwaljanza bejn il-ġeneri ssir realtà; iqis, bl-istess mod, li l-kompiti tal-kontroll baġitarju għandhom jindikaw kemm il-baġit tal-UE u l-implimentazzjoni tiegħu jgħin jew ifixkel il-politiki ta' ugwaljanza; huwa tal-opinjoni li d-differenza attwali li hemm bejn il-paga tal-irġiel u tan-nisa għall-istess xogħol hija totalment inaċċettabbli;

2.  Jinnota li l-ibbaġitjar għall-promozzjoni ta' opportunitajiet indaqs bejn l-irġiel u n-nisa huwa filfatt meqjus f'ċerti oqsma ta' politika (l-impjiegi, l-affarijiet soċjali u l-inklużjoni, l-affarijiet interni, il-ġustizzja, l-iżvilupp u l-kooperazzjoni, ir-riċerka u l-innovazzjoni, l-edukazzjoni u l-kultura), iżda jemmen li għandu jiġi inkluż f'dawk l-oqsma kollha ta' politika fejn jagħmel sens, u li għandu jgħin jiggarantixxi l-aċċess tan-nisa kemm għas-suq tax-xogħol u l-pożizzjonijiet ta' responsabilità kif ukoll għall-pożizzjonijiet ta' teħid ta' deċiżjonijiet bl-istess kundizzjonijiet tal-irġiel, u jgħin jelimina d-differenza fil-paga għall-istess xogħol;

3.  Jenfasizza l-importanza li l-integrazzjoni tal-ugwaljanza bejn il-ġeneri tiġi inkluża bħala kategorija ta' analiżi fil-proċess baġitarju billi tiżgura d-disponibbiltà ta' analiżi kwalitattiva biex tiġi mmonitorjata u essenzjalment titneħħa d-differenza bejn il-pagi tal-irġiel u n-nisa, u b'hekk nimxu lejn ugwaljanza sħiħa bejn il-ġeneri;

4.  Jemmen li meta l-ibbaġitjar li jqis l-ugwaljanza bejn il-ġeneri jiġi implimentat kif suppost, dan iħalli effett pożittiv, itejjeb il-prospetti ta' impjieg u ta' remunerazzjoni għan-nisa b'mod ġenerali, filwaqt li jwessa' l-bażi tax-xogħol;

5.  Jissuġġerixxi li tingħata attenzjoni partikolari lill-miżuri FSIE li jappoġġaw investimenti fis-servizzi edukattivi, soċjali u tal-kura tas-saħħa, minħabba li dawn is-servizzi qed jiffaċċjaw tnaqqis fil-finanzjament pubbliku fil-livell nazzjonali u lokali;

6.  Jiddeplora l-fatt li l-għanijiet tal-ugwaljanza bejn il-ġeneri ta' spiss jiġu assorbiti minn miri ta' politika oħra li huma indirizzati fl-istess linja baġitarja;

7.  Jiddispjaċih dwar in-nuqqas ta' data aggregata skont il-ġeneru u ta' indikaturi speċifiċi għall-ġeneru li huma meħtieġa għall-monitoraġġ u l-evalwazzjoni tal-azzjoni, li tirċievi finanzjament mill-baġit tal-UE biex tindirizza l-ugwaljanza bejn il-ġeneri; jilqa' l-isforzi li saru għall-introduzzjoni ta' indikaturi speċifiċi għall-ġeneru u l-ġbir ta' data diżaggregata abbażi tal-ġeneru f'xi leġiżlazzjonijiet u politiki tal-UE, pereżempju fil-Fond Soċjali Ewropew; jemmen li huwa importanti li jiġu intensifikati l-isforzi għall-iżvilupp ta' dawn l-indikaturi sabiex jiġu mmonitorjati l-oqsma kollha prinċipali ta' politika tal-UE dwar l-ugwaljanza bejn il-ġeneri; jilqa' u jappoġġa l-isforz fl-Impenn Strateġiku għall-Ugwaljanza bejn il--Ġeneri (2016–2019) biex jitjieb il-ġbir ta' data bl-appoġġ tal-Eurostat, l-Istitut Ewropew għall-Ugwaljanza bejn il-Ġeneri (EIGE), il-Eurofound, il-Kunsill tal-Ewropa (KtE) u l-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għad-Drittijiet Fundamentali (FRA);

8.  Itenni t-tħassib tiegħu dwar in-nuqqas kbir ta' bilanċ bejn il-ġeneri – bl-iktar differenza wiesgħa fl-istituzzjonijiet kollha tal-UE – fost il-Membri tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri, li bħalissa hija komposta minn 28 raġel u 3 nisa (tnejn inqas mill-bidu tal-2016); jistieden lill-Kunsill, minn issa 'l quddiem u sakemm jintlaħaq bilanċ aċċettabbli, biex jipproponi żewġ kandidati għall-Parlament, mara u raġel, għal kull ħatra futura;

9.  Jistieden lill-Qorti Ewropea tal-Awdituri, fid-dawl tal-approċċ il-ġdid għall-baġit tal-UE ibbażat fuq ir-rendiment, biex tipprovdi data dwar l-impatt tal-baġit u tal-programmi Ewropej fir-rigward tal-objettivi speċifiċi tal-politiki ta' ugwaljanza tal-UE u tal-aspetti orizzontali ta' dawn il-politiki, kemm fir-rakkomandazzjonijiet kif ukoll fir-rapporti speċjali tagħha;

10.  Jitlob lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jippromwovu dibattitu olistiku dwar il-politiki u l-għażliet baġitarji bl-għan li jissaħħu l-politiki li jikkontribwixxu għall-ugwaljanza bejn il-ġeneri u eventwalment jintlaħaq l-għan aħħari ta' paga ugwali għal xogħol ugwali għal kulħadd;

11.  Jitlob, f'konformità mal-prinċipju tal-użu responsabbli tar-riżorsi baġitarji tal-UE, għal analiżi dettaljata tal-ispejjeż imqabbla mal-benefiċċji, bl-għan li jitneħħew l-approprjazzjonijiet għall-integrazzjoni tal-perspettiva tal-ġeneri, li wrew li kienu ineffettivi;

12.  Jikkundanna l-forom kollha ta' diskriminazzjoni u vjolenza kontra l-irġiel u n-nisa;

RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALIFIL-KUMITAT LI JINTALAB JAGĦTI OPINJONI

Data tal-adozzjoni

9.1.2017

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

20

0

1

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Inés Ayala Sender, Ryszard Czarnecki, Dennis de Jong, Martina Dlabajová, Luke Ming Flanagan, Jens Geier, Ingeborg Gräßle, Verónica Lope Fontagné, Georgi Pirinski, Petri Sarvamaa, Claudia Schmidt, Bart Staes, Tomáš Zdechovský

Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali

Brian Hayes, Cătălin Sorin Ivan, Benedek Jávor, Dan Nica, Julia Pitera, Miroslav Poche, Patricija Šulin

Sostituti (skont l-Artikolu 200(2)) preżenti għall-votazzjoni finali

Clare Moody


RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALIFIL-KUMITAT RESPONSABBLI

Data tal-adozzjoni

25.1.2017

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

20

4

2

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Beatriz Becerra Basterrechea, Vilija Blinkevičiūtė, Anna Maria Corazza Bildt, Iratxe García Pérez, Arne Gericke, Teresa Jiménez-Becerril Barrio, Agnieszka Kozłowska-Rajewicz, Florent Marcellesi, Angelika Mlinar, Maria Noichl, Marijana Petir, João Pimenta Lopes, Terry Reintke, Liliana Rodrigues, Michaela Šojdrová, Ernest Urtasun, Ángela Vallina, Jadwiga Wiśniewska, Jana Žitňanská

Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali

Catherine Bearder, Biljana Borzan, Rosa Estaràs Ferragut, Eleonora Forenza, Mylène Troszczynski, Julie Ward

Sostituti (skont l-Artikolu 200(2)) preżenti għall-votazzjoni finali

Sorin Moisă


VOTAZZJONI FINALI B'SEJĦA TAL-ISMIJIET FIL-KUMITAT RESPONSABBLI

20

+

ALDE

Catherine Bearder, Beatriz Becerra Basterrechea, Angelika Mlinar

GUE/NGL

Eleonora Forenza, João Pimenta Lopes, Ángela Vallina

PPE

Anna Maria Corazza Bildt, Rosa Estaràs Ferragut, Teresa Jiménez-Becerril Barrio, Agnieszka Kozłowska-Rajewicz

S&D

Vilija Blinkevičiūtė, Biljana Borzan, Iratxe García Pérez, Sorin Moisă, Maria Noichl, Liliana Rodrigues, Julie Ward

VERTS/ALE

Florent Marcellesi, Terry Reintke, Ernest Urtasun

4

-

ECR

Arne Gericke, Jadwiga Wiśniewska, Jana Žitňanská

ENF

Mylène Troszczynski

2

0

PPE

Marijana Petir, Michaela Šojdrová

Tifsira tas-simboli użati:

+  :  favur

-  :  kontra

0  :  astensonijiet

Avviż legali