Proċedura : 2016/2225(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A8-0044/2017

Testi mressqa :

A8-0044/2017

Dibattiti :

PV 13/03/2017 - 15
CRE 13/03/2017 - 15

Votazzjonijiet :

PV 14/03/2017 - 6.12
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P8_TA(2017)0076

REPORT     
PDF 722kWORD 62k
20.2.2017
PE 592.279v01-00 A8-0044/2017

dwar l-implikazzjonijiet tal-Big Data fuq id-drittijiet fundamentali: il-privatezza, il-protezzjoni tad-data, in-nondiskriminazzjoni, is-sigurtà u l-infurzar tal-liġi

(2016/2225(INI))

Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern

Rapporteur: Ana Gomes

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW
 RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT RESPONSABBLI
 VOTAZZJONI FINALI B'SEJĦA TAL-ISMIJIET FIL-KUMITAT RESPONSABBLI

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW

dwar l-implikazzjonijiet tal-Big Data fuq id-drittijiet fundamentali: il-privatezza, il-protezzjoni tad-data, in-nondiskriminazzjoni, is-sigurtà u l-infurzar tal-liġi

(2016/2225(INI))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 16 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 1, 7, 8, 11, 14, 21, 47 u 52 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra l-linji gwida għar-regolamentazzjoni ta' fajls tad-data personali kompjuterizzati tal-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti fir-Riżoluzzjoni tagħha Nru 45/95 tal-14 ta' Diċembru 1990,

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta' April 2016 dwar il-protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta' data personali u dwar il-moviment liberu ta' tali data, u li jħassar id-Direttiva 95/46/KE (Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data - RĠPD)(1), kif ukoll id-Direttiva (UE) 2016/680 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta' April 2016 dwar il-protezzjoni ta' persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta' data personali mill-awtoritajiet kompetenti għall-finijiet tal-prevenzjoni, l-investigazzjoni, is-sejbien jew il-prosekuzzjoni ta' reati kriminali jew l-eżekuzzjoni ta' pieni kriminali, u dwar il-moviment liberu ta' tali data, u li tħassar id-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2008/977/ĠAI(2),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni tas-6 ta' Mejju 2015, bit-titolu "Strateġija għal Suq Uniku Diġitali għall-Ewropa" (COM(2015)0192),

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa għall-protezzjoni ta' individwi fir-rigward tal-ipproċessar awtomatiku ta' data personali tat-28 ta' Jannar 1981 (ETS 108) u l-Protokoll addizzjonali tagħha tat-8 ta' Jannar 2001 (ETS 181)(3),

–  wara li kkunsidra r-Rakkomandazzjoni CM/Rec(2010)13 tal-Kumitat tal-Ministri tal-Kunsill tal-Ewropa lill-Istati Membri dwar il-protezzjoni tal-individwi fir-rigward tal-ipproċessar awtomatiku tad-data personali fil-kuntest tat-tfassil ta' profili tat-23 ta' Novembru 2010(4),

–  wara li kkunsidra l-Opinjoni 7/2015 tal-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data tad-19 ta' Novembru 2015: Nindirizzaw l-isfidi tal-big data; Sejħa għal trasparenza, kontroll tal-utent, il-protezzjoni tad-data bid-disinn u l-obbligu ta' rendikont(5),

–  wara li kkunsidra l-Opinjoni 8/2016 tal-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data tat-23 ta' Settembru 2016: Opinjoni tal-KEPD dwar l-infurzar koerenti tad-drittijiet fundamentali fl-era tal-big data(6),

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-Grupp ta' Ħidma tal-Artikolu 29 dwar l-impatt tal-iżvilupp tal-big data fuq il-protezzjoni tal-individwi fir-rigward tal-ipproċessar tad-data personali tagħhom fl-UE tas-16 ta' Settembru 2014(7),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 52 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern (A8-0044/2017),

A.  billi t-terminu big data jirreferi għall-ġbir, l-analiżi u l-akkumulazzjoni rikorrenti ta' ammonti kbar ta' data, inkluża data personali, minn varjetà ta' sorsi, li hija suġġetta għal ipproċessar awtomatiku b'algoritmi tal-kompjuter u tekniki avvanzati tal-ipproċessar tad-data, bl-użu kemm ta' data maħżuna kif ukoll ta' data streamjata, sabiex jiġu ġġenerati ċerti korrelazzjonijiet, tendenzi u xejriet (analitika tal-big data);

B.  billi ċerti każijiet ta' użu tal-big data jinvolvu t-taħriġ ta' apparat ta' intelliġenza artifiċjali bħal netwerks newronali u mudelli statistiċi sabiex jitbassru ċerti avvenimenti u mġiba; billi d-data ta' taħriġ ta' spiss hija ta' kwalità dubjuża u mhux newtrali;

C.  billi l-progress tat-teknoloġiji tal-komunikazzjoni u l-użu kullimkien ta' apparat elettroniku, gadgets ta' monitoraġġ, il-midja soċjali, l-interazzjonijiet u n-netwerks tal-internet, inkluż apparat li jikkomunika informazzjoni mingħajr interferenza umana, wasslu għall-iżvilupp ta' settijiet enormi ta' data, li kulma jmur qegħdin jikbru, u li permezz ta' tekniki ta' pproċessar u analitika avvanzati, jipprovdu informazzjoni mingħajr preċedent dwar l-imġiba tal-bniedem, il-ħajja privata u s-soċjetajiet tagħna;

D.  billi s-servizzi tal-intelligence ta' pajjiżi terzi u l-Istati Membri qed isiru dejjem aktar dipendenti fuq l-ipproċessar u l-analitika ta' dawn is-settijiet ta' data, li mhumiex koperti minn xi qafas ġuridiku, jew l-aktar reċenti, kienu s-suġġett ta' leġiżlazzjoni li l-kompatibbiltà tagħha mal-liġi primarja u sekondarja tal-Unjoni tqajjem tħassib u li għadha trid tiġi aċċertata;

E.  billi ż-żieda fil-bullying, il-vjolenza kontra n-nisa u l-vulnerabbiltà tat-tfal qed iseħħ anke fuq l-internet; billi l-Kummissjoni u l-Istati Membri jenħtieġ li jadottaw il-miżuri legali meħtieġa kollha għall-ġlieda kontra dawn il-fenomeni;

F.  billi għadd dejjem akbar ta' korporazzjonijiet, negozji, korpi u aġenziji, organizzazzjonijiet governattivi u mhux governattivi (kif ukoll is-setturi pubbliċi u privati b'mod ġenerali), mexxejja politiċi, is-soċjetà ċivili, l-akkademja, il-komunità xjentifika u ċ-ċittadini b'mod ġenerali siltu vantaġġ minn dawn is-settijiet tad-data u l-analitika tal-big data biex isaħħu l-kompetittività, l-innovazzjoni, it-tbassir tas-suq, il-kampanji politiċi, ir-reklamar immirat, ir-riċerka xjentifika u tfassil tal-politika fil-qasam tat-trasport, it-tassazzjoni, is-servizzi finanzjarji, bliet intelliġenti, l-infurzar tal-liġi, it-trasparenza, is-saħħa pubblika u r-reazzjoni għad-diżastri, u biex jinfluwenzaw ir-riżultati elettorali u politiċi permezz, pereżempju, ta' komunikazzjonijiet immirati;

G.  billi s-suq tal-big data qed jikber peress li t-teknoloġija u l-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet immexxi mid-data qed jiġu aċċettati dejjem aktar bħala soluzzjoni; billi għad m'hemmx metodoloġija biex issir valutazzjoni abbażi ta' evidenza tal-impatt totali tal-big data, iżda hemm evidenza li tissuġġerixxi li l-analitika tal-big data jista' jkollha impatt orizzontali sinifikanti fis-setturi pubbliċi u privati; billi l-Istrateġija għal Suq Uniku Diġitali għall-Ewropa tal-Kummissjoni tirrikonoxxi l-potenzjal tat-teknoloġiji mmexxija mid-data, is-servizzi u l-big data biex jaġixxu ta' katalist għat-tkabbir ekonomiku, l-innovazzjoni u d-diġitalizzazzjoni fl-UE;

H.  billi l-analitika tal-big data tiġġenera valur miżjud f'varjetà ta' modi, b'għadd kbir ta' eżempji pożittivi, li jġib miegħu opportunitajiet sinifikanti għaċ-ċittadini, pereżempju fl-oqsma tal-kura tas-saħħa, il-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima, it-tnaqqis fil-konsum tal-enerġija, it-titjib fis-sigurtà tat-trasport u l-kapaċità ta' bliet intelliġenti, biex b'hekk dan itejjeb l-ottimizzazzjoni u l-effiċjenza tan-negozji u jikkontribwixxi għat-titjib fil-kundizzjonijiet tax-xogħol u biex tinstab u tiġi miġġielda l-frodi; billi l-big data tista' tipprovdi vantaġġ kompetittiv lill-proċessi tat-teħid tad-deċiżjonijiet tal-kumpaniji Ewropej, filwaqt li s-settur pubbliku jista' jibbenefika minn effiċjenza akbar bis-saħħa ta' aktar għarfien dwar il-livelli differenti ta' żviluppi soċjoekonomiċi;

I.  billi l-big data għandha l-potenzjal msemmi aktar 'il fuq għaċ-ċittadini, l-akkademja, il-komunità xjentifika u s-settur pubbliku u dak privat, iżda tinvolvi wkoll riskji sinifikanti, jiġifieri fir-rigward tal-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali, bħad-dritt għall-privatezza, il-protezzjoni tad-data u s-sigurtà tad-data, iżda wkoll il-libertà ta' espressjoni u n-nondiskriminazzjoni, kif iggarantit mill-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-UE u l-liġi tal-Unjoni; billi l-psewdonimizzazzjoni u t-tekniki ta' kriptaġġ jistgħu jtaffu riskji relatati mal-analitika tal-big data u għalhekk għandhom rwol importanti fis-salvagwardja tal-privatezza tas-suġġett tad-data, filwaqt li jrawmu l-innovazzjoni u t-tkabbir ekonomiku; billi dawn l-elementi għandhom jiġu kkunsidrati bħala parti mir-reviżjoni attwali tad-Direttiva dwar il-privatezza elettronika;

J.  billi l-prevalenza tas-sensuri, il-produzzjoni ta' data estensiva fuq bażi regolari u l-attivitajiet kontemporanji tal-ipproċessar tad-data mhux dejjem huma trasparenti biżżejjed, jirrappreżentaw sfidi lill-kapaċità tal-individwi u l-awtoritajiet biex jivvalutaw il-proċessi u l-iskop tal-ġbir, il-kompilazzjoni, l-analiżi u l-użu ta' data personali; billi bl-użu tal-analitika tal-big data jista' jkun hemm nuqqas ta' distinzjoni bejn id-data personali u dik mhux personali, u dan jista' jwassal sabiex tinħoloq data personali ġdida;

K.  billi s-settur tal-big data qed jikber b'40 % fis-sena, rata seba' darbiet aktar mgħaġġla mis-suq tal-IT; billi l-konċentrazzjoni ta' settijiet ta' data kbar prodotti minn teknoloġiji ġodda toffri informazzjoni kruċjali għall-korporazzjonijiet il-kbar, li tiskatta bidliet mingħajr preċedent fil-bilanċ tas-setgħa bejn iċ-ċittadini, il-gvernijiet u l-atturi privati; billi tali konċentrazzjoni ta' setgħa f'idejn il-korporazzjonijiet tista' tikkonsolida l-monopolji u l-prattiki abbużivi, u jista' jkollha effett detrimentali fuq id-drittijiet tal-konsumaturi u fuq il-kompetizzjoni ta' suq ġust; billi l-interess tal-individwu, kif ukoll il-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali, jenħtieġ li jitpoġġew aktar taħt skrutinju fil-kuntest tal-fużjonijiet tal-big data;

L.  billi l-big data għandha potenzjal enormi mhux realizzat bħala xprun tal-produttività u bħala mod li joffri prodotti u servizzi aħjar liċ-ċittadini; jenfasizza, madankollu, li l-użu ġeneralizzat ta' apparat intelliġenti, netwerks u applikazzjonijiet tal-internet miċ-ċittadini, in-negozji u l-organizzazzjonijiet mhux bilfors jindika sodisfazzjon bil-prodotti offruti, iżda pjuttost fehim usa' li dawn is-servizzi saru indispensabbli għall-ħajja, il-komunikazzjoni u x-xogħol, minkejja n-nuqqas ta' għarfien dwar ir-riskji li dawn jistgħu joħolqu għall-benessri, is-sigurtà u d-drittijiet tagħna;

M.  billi għandha ssir distinzjoni bejn il-kwantità tad-data u l-kwalità tad-data sabiex jiġi ffaċilitat l-użu effettiv tal-big data (algoritmi u għodod analitiċi oħrajn); billi data ta' kwalità baxxa u/jew proċeduri ta' kwalità baxxa li jirfdu proċessi ta' teħid tad-deċiżjonijiet u għodod analitiċi jistgħu jirriżultaw f'algoritmi preġudikati, korrelazzjonijiet foloz, żbalji, sottovalutazzjoni tal-implikazzjonijiet legali, soċjali u etiċi, ir-riskju li d-data tintuża għal għanijiet diskriminatorji jew frawdolenti u l-marġinalizzazzjoni tar-rwol tal-bnedmin f'dawn il-proċessi, li jwasslu għal proċeduri għat-teħid ta' deċiżjonijiet difettużi li jkollhom impatt negattiv fuq il-ħajja u l-opportunitajiet taċ-ċittadini, b'mod partikolari gruppi emarġinati, kif ukoll iwasslu għal impatt negattiv fuq is-soċjetajiet u n-negozji;

N.  billi r-responsabbiltà u t-trasparenza algoritmiċi jenħtieġ li jfissru l-implimentazzjoni ta' miżuri tekniċi u operazzjonali li jiżguraw it-trasparenza, in-nondiskriminazzjoni ta' teħid awtomatizzat ta' deċiżjonijiet u l-kalkolu ta' probabbiltajiet ta' mġiba individwali; billi t-trasparenza jenħtieġ li tagħti lill-individwi informazzjoni sinifikanti dwar il-loġika involuta, is-sinifikat u l-konsegwenzi previsti; billi dan jenħtieġ li jinkludi informazzjoni dwar id-data użata għat-taħriġ tal-analitika tal-big data u jippermetti lill-individwi jifhmu u jimmonitorjaw id-deċiżjonijiet li jaffettwawhom;

O.  billi l-analiżi tad-data u l-algoritmi għandhom impatt dejjem akbar fuq l-informazzjoni li tkun saret aċċessibbli għaċ-ċittadini; billi dawn it-tekniki, jekk użati ħażin, jistgħu jipperikolaw id-drittijiet fundamentali għall-informazzjoni kif ukoll il-libertà u l-pluraliżmu tal-midja; billi s-sistema tax-xandir pubbliku fl-Istati Membri hija direttament relatata mal-ħtiġijiet demokratiċi, soċjali u kulturali ta' kull soċjetà u mal-ħtieġa li jiġi ppreservat il-pluraliżmu tal-midja, kif iddikjarat fil-Protokoll dwar is-sistema tax-xandir pubbliku fl-Istati Membri għat-Trattat ta' Amsterdam (11997D/PRO/09);

P.  billi l-proliferazzjoni tal-ipproċessar tad-data u l-analitika, l-għadd kbir ta' atturi involuti fil-ġbir, iż-żamma, l-ipproċessar, il-ħżin u l-kondiviżjoni tad-data u l-kombinazzjoni ta' settijiet kbar ta' data li fihom data personali u mhux personali minn varjetà ta' sorsi, filwaqt li ġabu magħhom opportunitajiet sinifikanti, ħolqu inċertezza kbira għaċ-ċittadini u għas-settur pubbliku u privat dwar ir-rekwiżiti speċifiċi għall-konformità mal-liġi attwali tal-UE dwar il-protezzjoni tad-data;

Q.  billi hemm għadd kbir ta' sistemi ta' legat mhux strutturati li fihom volumi kbar ta' data miġbura minn kumpaniji tul ħafna snin, b'sistemi ta' governanza tad-data mhux ċari li jenħtieġ li jinġiebu konformi b'mod sistematiku;

R.  billi għandha titħeġġeġ kooperazzjoni aktar mill-qrib u koerenza bejn regolaturi u awtoritajiet ta' superviżjoni tal-kompetizzjoni, tal-protezzjoni tal-konsumaturi u tal-protezzjoni tad-data differenti fil-livell nazzjonali u tal-UE, sabiex jiġi żgurat approċċ konsistenti u fehim tal-implikazzjonijiet tal-big data għad-drittijiet fundamentali; billi l-istabbiliment u l-iżvilupp ulterjuri tal-kamra ta' kklerjar diġitali(8) bħala netwerk volontarju ta' korpi tal-infurzar jistgħu jikkontribwixxu għat-titjib ta' ħidmiethom u l-attivitajiet ta' infurzar rispettivi tagħhom u jistgħu jgħinu biex japprofondixxu s-sinerġiji u jissalvagwardjaw id-drittijiet u l-interessi ta' individwi;

Kunsiderazzjonijiet ġenerali

1.  Jenfasizza li l-prospetti u l-opportunitajiet tal-big data jistgħu jiġu sfruttati bis-sħiħ miċ-ċittadini, is-settur pubbliku u dak privat, l-akkademja u l-komunità xjentifika biss meta l-fiduċja tal-pubbliku f'dawn it-teknoloġiji tiġi żgurata permezz ta' infurzar qawwi tad-drittijiet fundamentali u konformità mal-liġi attwali dwar il-protezzjoni tad-data tal-UE u ċ-ċertezza legali għall-atturi kollha involuti; jenfasizza li l-ipproċessar ta' data personali jista' jsir biss skont kwalunkwe bażi ġuridika stabbilita fl-Artikolu 6 tar-Regolament (UE) 2016/679; iqis li huwa kruċjali li t-trasparenza u l-għoti ta' informazzjoni xierqa udjenzi kkonċernati jkunu l-elementi fundamentali għall-bini tal-fiduċja min-naħa tal-pubbliku u għall-protezzjoni tad-drittijiet individwali;

2.  Jenfasizza li l-konformità mal-leġiżlazzjoni eżistenti dwar il-protezzjoni tad-data, flimkien ma' standards xjentifiċi u etiċi b'saħħithom, huma kruċjali biex tiġi stabbilita l-fiduċja u l-affidabbiltà tas-soluzzjonijiet rigward il-big data; jenfasizza wkoll li l-informazzjoni żvelata mill-analiżi tal-big data ma toffrix stampa imparzjali ta' kwalunkwe suġġett u hija ta' min jorbot fuqha biss skont kemm tippermetti d-data sottostanti; jenfasizza li l-analiżi tat-tbassir abbażi tal-big data tista' toffri biss probabbiltà statistika u għalhekk mhux dejjem tista' tbassar b'mod preċiż l-imġiba individwali; jenfasizza, għalhekk, li standards xjentifiċi u etiċi b'saħħithom huma ta' importanza vitali għall-immaniġġjar tal-ġbir tad-data u biex jiġu ġġudikati r-riżultati ta' din l-analiżi;

3.  Jirrimarka li minn data mhux sensittiva jista' jkun hemm inferenza għal informazzjoni sensittiva dwar persuni, u b'hekk il-linja bejn data sensittiva u data mhux sensittiva ma tibqax ċara;

4.  Jenfasizza li nuqqas ta' għarfien u fehim tal-individwi dwar in-natura tal-big data tippermetti li l-informazzjoni personali tintuża b'modi mhux intenzjonati; jinnota li l-edukazzjoni u s-sensibilizzazzjoni dwar id-drittijiet fundamentali hija ta' importanza ewlenija fl-UE; iħeġġeġ lill-istituzzjonijiet tal-UE u l-Istati Membri jinvestu fil-litteriżmu diġitali u s-sensibilizzazzjoni dwar id-drittijiet diġitali, il-privatezza u l-protezzjoni tad-data fost iċ-ċittadini, inklużi t-tfal; jenfasizza li tali edukazzjoni jenħtieġ li tindirizza l-fehim tal-prinċipji/loġika ta' kif jaħdmu l-algoritmi u l-proċessi ta' teħid awtomatizzat ta' deċiżjonijiet u kif għandhom jiġu interpretati b'mod li jagħmel sens; jenfasizza wkoll il-ħtieġa li jitrawwem l-għarfien dwar fejn u kif jinġabru l-flussi tad-data (jiġifieri l-web scraping, il-kombinament tad-data tal-istreamjar ma' data minn netwerks soċjali u apparat konness u l-aggregazzjoni ta' dik l-informazzjoni fi fluss ta' data ġdid);

Big data għal finijiet kummerċjali kif ukoll fis-settur pubbliku

Il-privatezza u l-protezzjoni tad-data

5.  Jindika li l-liġi tal-Unjoni dwar il-protezzjoni tal-privatezza u tad-data personali, id-dritt għall-ugwaljanza u n-nondiskriminazzjoni, kif ukoll id-dritt ta' individwi li jirċievu informazzjoni dwar il-loġika involuta f'teħid ta' deċiżjonijiet u tfassil ta' profili b'mod awtomatizzat u d-dritt li wieħed ifittex rimedju ġudizzjarju huma applikabbli għall-ipproċessar tad-data meta l-ipproċessar ikun preċedut minn tekniki ta' psewdonimizzazzjoni jew, fi kwalunkwe każ, meta l-użu ta' data mhux personali jista' jkollu impatt fuq il-ħajja privata tal-individwi jew drittijiet u libertajiet oħra, u b'ghekk iwassal għall-istigmatizzazzjoni ta' gruppi sħaħ tal-popolazzjoni;

6.  Jissottolinja li s-Suq Uniku Diġitali jrid jinbena fuq netwerks u servizzi affidabbli, ta' veloċità għolja u li wieħed jista' jserraħ fuqhom li jissalvagwardjaw id-drittijiet fundamentali tas-suġġett tad-data għall-protezzjoni u l-privatezza, filwaqt li jħeġġeġ ukoll l-innovazzjoni u l-analitika tal-big data sabiex jinħolqu l-kundizzjonijiet t-tajbin u kundizzjonijiet ekwivalenti ta' kompetizzjoni sabiex tingħata spinta lill-ekonomija diġitali Ewropea;

7.  Jenfasizza wkoll il-possibbiltà li jerġgħu jiġu identifikati mill-ġdid individwi billi jiġu kkorelati tipi differenti ta' data anonimizzata; jenfasizza li l-liġi tal-Unjoni għall-protezzjoni tal-privatezza u tad-data personali tapplika għall-ipproċessar ta' tali data kkorrelata biss meta individwu jista' tabilħaqq jiġi identifikat mill-ġdid;

8.  Jenfasizza li l-prinċipji msemmija hawn fuq għandhom iservu bħala qafas għall-proċeduri ta' teħid ta' deċiżjonijiet fis-setturi pubbliċi u privati u ta' atturi oħra li jużaw data; jenfasizza l-ħtieġa għal aktar responsabbiltà u trasparenza algoritmika fir-rigward tal-ipproċessar u l-analitika tad-data min-naħa tas-setturi privati u pubbliċi u atturi oħra li jużaw analitika tad-data, bħala għodda essenzjali biex jiġi garantit li l-individwu jkun infurmat kif xieraq dwar l-ipproċessar tad-data personali tagħhom;

9.  Jenfasizza r-rwol fundamentali li jenħtieġ li jkollhom fil-futur il-Kummissjoni, il-Bord Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data, l-awtoritajiet nazzjonali tal-protezzjoni tad-data u awtoritajiet superviżorji indipendenti oħra biex jippromwovu trasparenza u proċess xieraq, ċertezza legali b'mod ġenerali u, b'mod aktar speċifiku, standards konkreti li jipproteġu d-drittijiet fundamentali u l-garanziji assoċjati mal-użu tal-ipproċessar tad-data u l-analitika mis-settur privat u s-settur pubbliku; jappella għal kollaborazzjoni aktar mill-qrib bejn regolaturi tal-imġiba fl-ambjent diġitali, sabiex jissaħħu s-sinerġiji bejn l-oqfsa regolatorji għall-konsumaturi u l-awtoritajiet tal-kompetizzjoni u tal-protezzjoni tad-data; jitlob, barra minn hekk, li jkun hemm finanzjament u numru ta' persunal xieraq għal tali awtoritajiet; jirrikonoxxi, barra minn hekk, il-ħtieġa li titwaqqaf kamra ta' kklerjar diġitali;

10.  Jissottolinja li l-għan intrinsiku tal-big data jenħtieġ li jkun li jinkisbu korrelazzjonijiet komparabbli bl-iċken ammont ta' data personali possibbli; jenfasizza, f'dan ir-rigward, li x-xjenza, in-negozju u l-komunitajiet pubbliċi jenħtieġ li jiffukaw fuq ir-riċerka u l-innovazzjoni fil-qasam tal-anonimizzazzjoni;

11.  Jirrikonoxxi li l-applikazzjoni ta' psewdonimizzazzjoni, anonimizzazzjoni jew kriptaġġ ta' data personali tista' tnaqqas ir-riskji għas-suġġetti tad-data kkonċernati meta d-data personali tintuża f'applikazzjonijiet tal-big data; jenfasizza barra minn hekk il-vantaġġi ta' psewdonimizzazzjoni previsti mir-RĠPD bħala salvagwardja xierqa; ifakkar li l-anonimizzazzjoni hija proċess irriversibbli li bih id-data personali ma tistax tintuża aktar waħedha biex tidentifika jew tiddistingwi persuna fiżika; huwa tal-fehma li l-obbligi kuntrattwali jenħtieġ li jiżguraw li d-data anonimizzata mhux se terġa' tiġi identifikata mill-ġdid bl-użu ta' korrelazzjonijiet addizzjonali billi jingħaqdu flimkien sorsi tad-data differenti; jistieden lis-settur pubbliku u privat u atturi oħra involuti fl-analiżi tal-big data jirrevedu regolarment tali riskji fid-dawl ta' teknoloġiji ġodda u jiddokumentaw l-adegwatezza tal-miżuri adottati; jistieden lill-Kummissjoni, lill-Bord Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data u awtoritajiet superviżorji indipendenti oħra jħejji linji gwida dwar il-mod kif għandha tiġi anonimizzata bix-xieraq id-data sabiex jiġi evitat milli jkun hemm abbuż ta' dawn il-miżuri fil-futur, u biex jiġu mmonitorjati l-prattiki;

12.  Iħeġġeġ lis-setturi pubbliċi u privati u lil kontrolluri oħra tad-data jagħmlu użu mill-istrumenti previsti mir-RĠPD, bħal kodiċijiet ta' kondotta u skemi ta' ċertifikazzjoni, sabiex ifittxu aktar ċertezza dwar l-obbligi speċifiċi tagħhom taħt il-liġi tal-Unjoni u jġibu l-prattiki u l-attivitajiet tagħhom f'konformità ma' standards u salvagwardji legali xierqa tal-UE;

13.  Jistieden lill-Kummissjoni u l-Istati Membri jiżguraw li t-teknoloġiji mmexxija mid-data ma jillimitawx jew ma jiddiskriminawx l-aċċess għal ambjent tal-midja pluralistika iżda pjuttost irawmu l-libertà u l-pluraliżmu tal-midja; jenfasizza li l-kooperazzjoni bejn il-gvernijiet, l-istituzzjonijiet edukattivi u l-organizzazzjonijiet tal-midja se jkollha rwol kruċjali biex jiġi żgurat li l-litteriżmu tal-midja diġitali jkun appoġġjat biex tingħata s-setgħa liċ-ċittadini u jiġu protetti d-drittijiet tagħhom għall-informazzjoni u għal-libertà ta' espressjoni;

14.  Huwa tal-fehma li l-pubblikazzjoni tad-data personali mill-awtoritajiet pubbliċi għal raġunijiet ta' interess pubbliku, bħall-prevenzjoni tal-korruzzjoni, il-kunflitti ta' interess, l-evażjoni tat-taxxa u l-ħasil tal-flus, tista' tkun ammissibbli f'soċjetà demokratika, dment li d-data tiġi żvelata skont kundizzjonijiet stabbiliti mil-liġi, ikunu fis-seħħ is-salvagwardji adegwati u li tali pubblikazzjoni tkun meħtieġa għall-għan mixtieq u proporzjonata miegħu;

Is-sigurtà

15.  Jirrikonoxxi l-valur miżjud tal-iżvilupp teknoloġiku li se jikkontribwixxi biex titjieb is-sigurtà; jirrikonoxxi li fost ir-riskji l-aktar urġenti assoċjati mal-attivitajiet tal-ipproċessar tad-data, bħal pereżempju t-tekniki tal-big data (speċjalment fil-kuntest tal-Internet tal-Oġġetti), li huma kwistjoni ta' tħassib għall-individwi, hemm il-ksur ta' sigurtà, l-aċċess mhux awtorizzat għad-data u użu ta' sorveljanza illegali; jemmen li l-indirizzar ta' tali theddid, mingħajr ma jiġu kompromessi d-drittijiet fundamentali, jitlob kooperazzjoni ġenwina u miftiehma bejn is-settur privat u dak pubbliku, l-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi u l-awtoritajiet superviżorji indipendenti; jenfasizza, f'dan ir-rigward, li jenħtieġ li tingħata attenzjoni speċifika lis-sigurtà tas-sistemi tal-gvern elettroniku, kif ukoll miżuri legali addizzjonali bħar-responsabbiltà tas-softwer;

16.  huwa tal-fehma li l-użu ta' kriptaġġ minn punt għal ieħor (end-to-end encryption) jenħtieġ li jitħeġġeġ ukoll u, fejn neċessarju, jingħata mandat skont il-prinċipju tal-protezzjoni tad-data mid-disinn; jirrakkomanda li kull qafas leġiżlattiv futur għal dan il-għan jipprojbixxi speċifikament lill-fornituri ta' kriptaġġ, lill-fornituri tas-servizzi tal-komunikazzjoni u lill-organizzazzjonijiet l-oħra kollha (fil-livelli kollha tal-katina tal-provvista) milli jippermettu jew jiffaċilitaw "backdoors";

17.  Jenfasizza li hekk kif tiżdied il-ġenerazzjoni tad-data u tal-flussi tad-data, ikun hemm aktar vulnerabbiltajiet u sfidi ġodda għas-sigurtà tal-informazzjoni; jitlob, f'dan il-kuntest, l-użu ta' privatezza mid-disinn u privatezza prestabbilita, tekniki ta' anonimizzazzjoni, fejn ikun xieraq, tekniki ta' kriptaġġ, u valutazzjonijiet tal-impatt dwar il-privatezza mandatorji; jenfasizza li miżuri bħal dawn għandhom jiġu applikati minn dawk kollha involuti fl-analtika tal-big data fis-setturi privati u pubbliċi u atturi oħra li jittrattaw data sensittiva, bħal avukati, ġurnalisti u persuni li jaħdmu fis-settur tas-saħħa sabiex jiġi żgurat li l-big data ma żżidx l-esponiment għal riskji tas-sigurtà tal-informazzjoni;

18.  Ifakkar li, f'konformità mal-Artikolu 15 tad-Direttiva 2001/31/KE, l-Istati Membri la għandhom jimponu obbligu ġenerali fuq il-fornituri tas-servizzi ta' trażmissjoni, ta' ħżin u dawk ta' hosting biex jimmonitorjaw l-informazzjoni li huma jittrażmettu jew jaħżnu, u lanqas obbligu ġenerali biex b'mod attiv ifittxu fatti jew ċirkostanzi li jindikaw attività illegali; itenni, b'mod partikolari, li l-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, fis-Sentenzi tagħha C-360/10 u C-70/10, irrifjutat miżuri għall-"monitoraġġ attiv" ta' kważi l-utenti kollha tas-servizzi kkonċernati (f'kawża minnhom il-fornituri tal-aċċess għall-internet, u fil-kawża l-oħra netwerk soċjali) u speċifikat li għandha tiġi eskluża kull ordni li tirrikjedi lil fornitur tas-servizzi ta' hosting iwettaq monitoraġġ ġenerali;

In-nondiskriminazzjoni

19  Jenfasizza li, minħabba s-settijiet ta' data u s-sistemi algoritmiċi użati meta jsiru valutazzjonijiet u tbassir fl-istadji differenti tal-ipproċessar tad-data, il-big data tista' tirriżulta mhux biss f'każijiet ta' ksur tad-drittijiet fundamentali ta' individwi, iżda wkoll fi trattament differenzjati u diskriminazzjoni indiretta kontra gruppi ta' persuni b'karatteristiċi simili, b'mod partikolari f'dak li jirrigwarda l-ġustizzja u l-ugwaljanza fl-opportunitajiet għall-aċċess għall-edukazzjoni u l-impjiegi, fir-reklutaġġ jew il-valutazzjoni ta' individwi jew meta jiġu determinati d-drawwiet ġodda tal-konsumaturi ta' utenti tal-midja soċjali;

20.  Jistieden lill-Kummissjoni, lill-Istati Membri u lill-awtoritajiet tal-protezzjoni tad-data jidentifikaw u jieħdu kwalunkwe miżura possibbli biex jimminimizzaw id-diskriminazzjoni u l-preġudizzju algoritmiċi u jiżviluppaw qafas etiku b'saħħtu u komuni għall-ipproċessar trasparenti ta' data personali u t-teħid awtomatizzat ta' deċiżjonijiet li jista' jiggwida l-użu tad-data u l-infurzar kontinwu tal-liġi tal-Unjoni;

21.  Jistieden lill-Kummissjoni, lill-Istati Membri u lill-awtoritajiet tal-protezzjoni tad-data jevalwaw b'mod speċifiku mhux biss il-ħtieġa għal trasparenza algoritmika, iżda wkoll għal trasparenza dwar preġudizzji possibbli fid-data ta' taħriġ użata biex isiru inferenzi abbażi tal-big data;

22.  Jirrakkomanda li n-negozji jwettqu valutazzjonijiet regolari dwar ir-rappreżentattività ta' settijiet ta' data, jeżaminaw jekk is-settijiet ta' data humiex affettwati minn elementi preġudikati, u jiżviluppaw strateġiji biex jingħelbu dawn il-preġudizzji; jenfasizza l-ħtieġa li jiġu riveduti l-eżattezza u s-sinifikat ta' tbassir ta' analitika tad-data, fuq il-bażi tal-korrettezza u t-tħassib etiku;

Big data għal għanijiet xjentifiċi

23.  Jenfasizza li l-analitika tal-big data tista' tkun ta' benefiċċju għall-iżvilupp u r-riċerka fil-qasam xjentifiku; jemmen li l-iżvilupp u l-użu tal-analitika tal-big data għal skopijiet xjentifiċi jenħtieġ li jitwettqu bil-kunsiderazzjoni dovuta tal-valuri fundamentali minquxa fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali u f'konformità mal-leġiżlazzjoni attwali tal-Unjoni dwar il-protezzjoni tad-data;

24.  Ifakkar li skont ir-RĠPD, l-ipproċessar ulterjuri tad-data personali għal skopijiet ta' statistika jista' jirriżulta biss f'data aggregata li ma tistax terġa' tiġi applikata għall-individwi;

Il-big data għall-finijiet ta' infurzar tal-liġi

Il-privatezza u l-protezzjoni tad-data

25.  Ifakkar lill-atturi kollha tal-infurzar tal-liġi li jużaw l-ipproċessar tad-data u l-analitika li d-Direttiva (UE) 2016/680(9): tirregola l-ipproċessar tad-data personali mill-Istati Membri għal skopijiet ta' infurzar tal-liġi; titlob li l-ġbir u l-ipproċessar ta' data personali għal finijiet ta' infurzar tal-liġi jridu dejjem ikunu adegwati, rilevanti u mhux eċċessivi meta mqabbla mal-iskopijiet speċifikati, espliċiti u leġittimi li għalihom tkun qed tiġi pproċessata; tiddikjara li l-iskop għall-ġbir ta' din id-data u l-ħtieġa għal dan il-ġbir għandu jkun ippruvat b'mod ċar; tiddikjara li kull deċiżjoni bbażata biss fuq ipproċessar awtomatizzat, inkluż it-tfassil ta' profili, li toħloq effett legali negattiv fuq is-suġġett tad-data jew tolqtu b'mod sinifikanti, hi pprojbita, sakemm ma tkunx awtorizzata mil-liġi tal-Unjoni jew mil-liġi tal-Istat Membru li jkun suġġett għaliha l-kontrollur u tipprovdi salvagwardji adatti għad-drittijiet u l-libertajiet tas-suġġett tad-data, tal-anqas id-dritt li jkun hemm intervent uman min-naħa tal-kontrolluri; tistieden lill-Kummissjoni, lill-Bord Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data u lil awtoritajiet superviżorji indipendenti oħra joħorġu linji gwida, rakkomandazzjonijiet u l-aħjar prattiki sabiex jispeċifikaw aktar il-kriterji u l-kundizzjonijiet għal deċiżjonijiet ibbażati fuq it-tfassil ta' profili u l-użu ta' big data għal skopijiet ta' infurzar tal-liġi;

26.  Jenfasizza l-importanza tal-konformità mad-Direttiva (UE) 2016/680 għal dak li jirrigwarda t-twettiq minn qabel ta' valutazzjonijiet tal-impatt u awditi li jqisu l-preokkupazzjonijiet etiċi sabiex jiġu vvalutati l-inklużività, il-preċiżjoni u l-kwalità tad-data, u li jkun żgurat li l-individwi fil-mira tad-deċiżjonijiet u/jew l-atturi involuti fil-proċessi tat-teħid tad-deċiżjonijiet ikollhom il-possibbiltà jifhmu u jikkontestaw il-ġbir jew l-analiżi, ix-xejriet u l-korrelazzjonijiet u jiġi evitat kwalunkwe effett ta' ħsara fuq ċerti gruppi ta' individwi;

27.  Jisħaq li l-fiduċja taċ-ċittadini fis-servizzi diġitali tista' tiġi pperikolata serjament minn attivitajiet ta' sorveljanza fuq skala kbira min-naħa tal-gvern u minn aċċess inġustifikat għad-data kummerċjali u data personali oħra minn awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi;

28.  Ifakkar li leġiżlazzjoni li tippermetti lill-awtoritajiet pubbliċi jkollhom aċċess għall-kontenut ta' komunikazzjonijiet elettroniċi fuq bażi ġeneralizzata trid titqies li tikkomprometti l-essenza tad-dritt fundamentali tar-rispett tal-ħajja privata, kif iggarantit mill-Artikolu 7 tal-Karta;

29.  Jenfasizza l-ħtieġa li linji gwida u sistemi jiġu inkorporati fis-sejħiet pubbliċi għal offerti għal mudelli tal-ipproċessar tad-data, għodod u programmi bbażati fuq big data għal skopijiet ta' infurzar tal-liġi sabiex ikun żgurat li l-kodiċi sottostanti jkun jista' jiġi ċċekkjat u effettivament jiġi ċċekkjat mill-awtorità tal-infurzar tal-liġi qabel ix-xiri finali u jista' jiġi vverifikat għal kemm hu adattat, korrett u sigur, b'kunsiderazzjoni tal-fatt li t-trasparenza u r-responsabbiltà huma limitati minn softwer proprjetarju; jindika li ċerti mudelli ta' regolamentazzjoni prevedibbli huma aktar favur il-privatezza minn oħrajn, pereżempju fejn isir tbassir probabilistiku dwar postijiet jew avvenimenti u mhux dwar persuni individwali;

Is-sigurtà

30.  Jissottolinja l-bżonn assolut li l-bażijiet tad-data tal-infurzar tal-liġi jitħarsu minn ksur tas-sigurtà u l-aċċess illegali, peress li din hija kwistjoni ta' tħassib għall-individwi; jemmen, għalhekk, li biex jiġu indirizzati dawn ir-riskji hemm bżonn ta' politika koordinata u effettiva bejn l-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi, is-settur privat, il-gvernijiet u l-awtoritajiet superviżorji indipendenti tal-protezzjoni tad-data; jinsisti, f'dan ir-rigward, fuq il-ħtieġa li tiġi żgurata sigurtà xierqa għad-data personali, skont ir-Regolament (UE) Nru 2016/679 u d-Direttiva (UE) Nru 2016/680, kif ukoll biex ikunu minimizzati l-vulnerabbiltajiet permezz ta' arkitetturi tal-bażi tad-data siguri u deċentralizzati;

In-nondiskriminazzjoni

31.  Iwissi li, minħabba l-intrużività tad-deċiżjonijiet u l-miżuri meħuda mill-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi – inkluż permezz tal-ipproċessar tad-data u l-analitika tad-data – fil-ħajja u d-drittijiet taċ-ċittadini, hemm bżonn tal-akbar kawtela sabiex tiġi evitata diskriminazzjoni illegali u li jiġu mmirati ċerti individwi jew gruppi ta' persuni definiti permezz ta' referenza għar-razza, il-kulur, l-oriġini etnika jew soċjali, il-karatteristiċi ġenetiċi, il-lingwa, ir-reliġjon jew it-twemmin, l-opinjoni politika jew xi opinjoni oħra, il-proprjetà, it-twelid, id-diżabilità, l-età, is-sess, l-identità jew l-espressjoni tas-sessi, l-orjentazzjoni sesswali, l-istatus ta' residenza, is-saħħa jew l-appartenenza għal minoranza nazzjonali, li ħafna drabi hija s-suġġett ta' tfassil ta' profili etniċi jew aktar regolazzjoni intensiva fl-infurzar tal-liġi, kif ukoll individwi li jinzertaw li jkunu definiti minn karatteristiċi partikolari; jitlob taħriġ xieraq għall-kolletturi prinċipali tad-data u l-utenti tal-intelligence derivati mil-livell tal-analiżi tad-data;

32.  Jistieden lill-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi tal-Istati Membri li jagħmlu użu minn analitika tad-data biex iżommu l-ogħla standards ta' etika fl-analiżi tad-data u jiżguraw intervent uman u responsabbiltà tul l-istadji differenti ta' teħid ta' deċiżjonijiet, mhux biss biex jivvalutaw ir-rappreżentanza, il-preċiżjoni u l-kwalità tad-data, iżda anke biex jivvalutaw l-adegwatezza ta' kull deċiżjoni li tittieħed fuq il-bażi ta' dik l-informazzjoni;

°

°  °

33.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.

(1)

ĠU L 119, 4.5.2016, p. 1.

(2)

ĠU L 119, 4.5.2016, p. 89.

(3)

http://www.coe.int/en/web/conventions/full-list/-/conventions/treaty/108

(4)

https://search.coe.int/cm/Pages/result_details.aspx?ObjectID=09000016805cdd00

(5)

 https://secure.edps.europa.eu/EDPSWEB/webdav/site/mySite/shared/Documents/Consultation/Opinions/2015/15-11-19_Big_Data_EN.pdf

(6)

https://secure.edps.europa.eu/EDPSWEB/webdav/site/mySite/shared/Documents/Consultation/Opinions/2016/

16-09-23_BigData_opinion_EN.pdf

(7)

http://ec.europa.eu/justice/data-protection/article-29/documentation/opinion-recommendation/files/2014/wp221_en.pdf

(8)

Opinjoni 8/2016 tal-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data tat-23 ta' Settembru 2016: Opinjoni tal-KEPD dwar infurzar koerenti tad-drittijiet fundamentali fl-era tal-big data, p.15.

(9)

Id-Direttiva (UE) 2016/680 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta'  April 2016 dwar il-protezzjoni ta' persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta' data personali mill-awtoritajiet kompetenti għall-finijiet tal-prevenzjoni, l-investigazzjoni, is-sejbien jew il-prosekuzzjoni ta' reati kriminali jew l-eżekuzzjoni ta' pieni kriminali, u dwar il-moviment liberu ta' tali data, u li tħassar id-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2008/977/ĠAI (ĠU L 119, 4.5.2016, p. 89).


RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT RESPONSABBLI

Data tal-adozzjoni

9.2.2017

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

37

1

1

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Michał Boni, Caterina Chinnici, Agustín Díaz de Mera García Consuegra, Tanja Fajon, Kinga Gál, Ana Gomes, Nathalie Griesbeck, Sylvie Guillaume, Monika Hohlmeier, Eva Joly, Dietmar Köster, Barbara Kudrycka, Cécile Kashetu Kyenge, Marju Lauristin, Juan Fernando López Aguilar, Monica Macovei, Roberta Metsola, Péter Niedermüller, Soraya Post, Judith Sargentini, Birgit Sippel, Branislav Škripek, Sergei Stanishev, Helga Stevens, Traian Ungureanu, Bodil Valero, Marie-Christine Vergiat, Udo Voigt, Josef Weidenholzer, Kristina Winberg, Tomáš Zdechovský

Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali

Andrea Bocskor, Jeroen Lenaers, Nadine Morano, Morten Helveg Petersen, Emil Radev, Axel Voss

Sostituti (skont l-Artikolu 200(2)) preżenti għall-votazzjoni finali

Josu Juaristi Abaunz, Georg Mayer


VOTAZZJONI FINALI B'SEJĦA TAL-ISMIJIET FIL-KUMITAT RESPONSABBLI

37

+

ALDE

Nathalie Griesbeck, Morten Helveg Petersen

ECR

Monica Macovei, Helga Stevens, Branislav Škripek

ENF

Georg Mayer

GUE/NGL

Josu Juaristi Abaunz, Marie-Christine Vergiat

PPE

Andrea Bocskor, Michał Boni, Agustín Díaz de Mera García Consuegra, Kinga Gál, Monika Hohlmeier, Barbara Kudrycka, Jeroen Lenaers, Roberta Metsola, Nadine Morano, Emil Radev, Traian Ungureanu, Axel Voss, Tomáš Zdechovský

S&D

Caterina Chinnici, Tanja Fajon, Ana Gomes, Sylvie Guillaume, Cécile Kashetu Kyenge, Dietmar Köster, Marju Lauristin, Juan Fernando López Aguilar, Péter Niedermüller, Soraya Post, Birgit Sippel, Sergei Stanishev, Josef Weidenholzer

Verts/ALE

Eva Joly, Judith Sargentini, Bodil Valero

1

-

NI

Udo Voigt

1

0

EFDD

Kristina Winberg

Tifsira tas-simboli użati:

+  :  favur

-  :  kontra

0  :  astensjoni

Avviż legali