Proċedura : 2015/2342(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A8-0045/2017

Testi mressqa :

A8-0045/2017

Dibattiti :

PV 04/04/2017 - 14
CRE 04/04/2017 - 14

Votazzjonijiet :

PV 05/04/2017 - 9.22
CRE 05/04/2017 - 9.22
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P8_TA(2017)0124

RAPPORT     
PDF 856kWORD 85k
22.2.2017
A8-0045/2017

dwar l-indirizzar tal-movimenti tar-rifuġjati u tal-migranti: ir-rwol tal-azzjoni esterna tal-UE

(2015/2342(INI))

Kumitat għall-Affarijiet Barranin

Kumitat għall-Iżvilupp

Rapporteurs: Elena Valenciano, Agustín Díaz de Mera García Consuegra

(Laqgħat konġunti ta' kumitati – Artikolu 55 tar-Regoli ta' Proċedura)

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW
 OPINJONI tal-Kumitat għall-Baġits
 OPINJONI tal-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern
 RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT RESPONSABBLI
 VOTAZZJONI FINALI B'SEJĦA TAL-ISMIJIET FIL-KUMITAT RESPONSABBLI

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW

dwar l-indirizzar tal-movimenti tar-rifuġjati u tal-migranti: ir-rwol tal-azzjoni esterna tal-UE

(2015/2342(INI))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 3, 8 u 21 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE) u l-Artikoli 80, 208 u 216 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE),

–  wara li kkunsidra l-Istrateġija Globali għall-Politika Estera u ta' Sigurtà tal-Unjoni Ewropea ppubblikata f'Ġunju 2016,

  wara li kkunsidra l-komunikazzjonijiet tal-Kummissjoni intitolati: "Aġenda Ewropea dwar il-Migrazzjoni" tat-13 ta' Mejju 2015 (COM(2015)0240); "L-indirizzar tal-Kriżi tar-Rifuġjati fl-Ewropa: Ir-Rwol tal-Azzjoni Esterna tal-UE" tad-9 ta' Settembru 2015 (JOIN(2015)0040); "L-Ispustar bil-forza u l-Iżvilupp" tas-26 ta' April 2016 (COM(2016)0234); "It-twaqqif ta' Qafas ta' Sħubija ġdid ma' pajjiżi terzi skont l-Aġenda Ewropea dwar il-Migrazzjoni" tas-7 ta' Ġunju 2016 (COM(2016)0385); u "It-Tisħiħ tal-Investimenti Ewropej għall-impjieġ u t-tkabbir: Lejn it-tieni fażi tal-Fond Ewropew għall-Investimenti Strateġiċi u pjan ġdid ta' Investiment Estern għall-Ewropa" tal-14 ta' Settembru 2016 (COM(2016)0581); il-komunikazzjoni konġunta tal-Kummissjoni Ewropea lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill Ewropew u lill-Kunsill dwar "Il-migrazzjoni fuq ir-rotta tal-Mediterran Ċentrali Niġġestixxu l-flussi, insalvaw il-ħajjiet" tal-25 ta' Jannar 2017 (JOIN(2017)0004), u l-komunikazzjoni konġunta tal-Kummissjoni u tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà u Viċi President tal-Kummissjoni bit-titolu "Rieżami tal-Politika Ewropea tal-Viċinat" tat-18 ta' Novembru 2015 (JOIN(2015)0050),

  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Affarijiet Ġenerali dwar l-Approċċ Globali għall-Migrazzjoni u l-Mobilità (GAMM) tat-3 ta' Mejju 2012,

  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew dwar il-migrazzjoni tal-25-26 ta' Ġunju, tal-15 ta' Ottubru u tas-17-18 ta' Diċembru 2015 kif ukoll tas-17-18 ta' Marzu u tat-28 ta' Ġunju 2016,

  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Affarijiet Barranin dwar il-migrazzjoni fil-kooperazzjoni għall-iżvilupp tal-UE tat-12 ta' Diċembru 2014, dwar il-migrazzjoni tat-12 ta' Ottubru 2015, dwar l-approċċ tal-UE lejn iċ-ċaqliq sfurzat u l-iżvilupp tat-12 ta' Mejju 2016 u dwar l-aspetti esterni tal-migrazzjoni tat-23 ta' Mejju 2016,

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Affarijiet Barranin dwar il-prijoritajiet futuri tas-sħubija u l-patti mal-Ġordan u mal-Libanu tas-17 ta' Ottubru 2016,

  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni tal-Konferenza ta' Livell Għoli dwar ir-rotta tal-Balkani tal-Punent u l-Mediterran tal-Lvant tat-8 ta' Ottubru 2015,

  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Politika u l-Pjan ta' Azzjoni tas-Summit tal-Belt Valletta tal-11-12 ta' Novembru 2015,

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tas-Summit ta' Bratislava tas-16 ta' Settembru 2016,

  wara li kkunsidra r-Rapport Speċjali tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri (9/2016) intitolat "L-infiq tal-UE fuq il-politika esterna dwar il-migrazzjoni fil-pajjiżi tal-Viċinat tan-Nofsinhar tal-Mediterran u l-Viċinat tal-Lvant sal-2014",

  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni dwar l-Istatus tar-Rifuġjati u l-Protokoll relatat, u l-konvenzjonijiet internazzjonali fundamentali fil-qasam tad-drittijiet tal-bniedem, il-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjonijiet ta' Ġinevra u l-Protokolli Addizzjonali tagħhom li jirregolaw il-kondotta tal-kunflitt armat u li jimmiraw li jillimitaw l-effetti tiegħu,

  wara li kkunsidra d-dokument li rriżulta mis-Summit tan-Nazzjonijiet Uniti dwar l-Iżvilupp Sostenibbli tal-25 ta' Settembru 2015 intitolat "Nittrasformaw id-dinja tagħna: l-aġenda 2030 għall-iżvilupp sostenibbli",

  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni ta' New York għar-Rifuġjati u l-Migranti tal-Laqgħa ta' Livell Għoli tal-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti intitolata "Address Large Movements of Refugees and Migrants" (Insibu tarf tal-ispostamenti kbar ta' rifuġjati u migranti) tad-19 ta' Settembru 2016 u l-annessi tagħha intitolati "Comprehensive refugee response framework" (Qafas ta' risposta komprensiva għar-rifuġjati) u "Towards a global compact for safe, orderly and regular migration" (Lejn patt globali għall-migrazzjoni sigura, ordinata u regolari),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu, partikolarment dawk tad-9 ta' Lulju 2015 dwar ir-rieżami tal-Politika Ewropea tal-Viċinat(1), tat-8 ta' Marzu 2016 dwar is-sitwazzjoni tan-nisa rifuġjati u li jfittxu l-asil fl-UE(2), tat-12 ta' April 2016 dwar is-sitwazzjoni fil-Mediterran u l-ħtieġa ta' approċċ olistiku tal-UE għall-migrazzjoni(3), tat-13 ta' Settembru 2016 dwar il-Fond Fiduċjarju tal-UE għall-Afrika: l-implikazzjonijiet għall-iżvilupp u l-għajnuna umanitarja(4) u tal-25 ta' Ottubru 2016 dwar id-drittijiet tal-bniedem u l-migrazzjoni f'pajjiżi terzi(5),

  wara li kkunsidra l-Artikolu 52 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra d-deliberazzjonijiet konġunti tal-Kumitat għall-Affarijiet Barranin u tal-Kumitat għall-Iżvilupp skont l-Artikolu 55 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Barranin kif ukoll tal-Kumitat għall-Iżvilupp u l-opinjonijiet tal-Kumitat għall-Baġits kif ukoll tal-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern (A8-0045/2017),

A.  billi l-migrazzjoni hija dritt tal-bniedem minqux fl-Artikolu 13 tad-Dikjarazzjoni tan-NU dwar id-Drittijiet tal-Bniedem; billi l-persuni għandu jkollhom id-dritt li jgħixu ħajjithom f'pajjiżhom u fir-reġjun fejn ikunu twieldu u trabbew u fejn għandhom l-għeruq kulturali u soċjali tagħhom;

B.  billi l-mobilità umana tinsab f'livell għoli liema bħalu, b'244 miljun migrant internazzjonali, minħabba diversi raġunijiet, li jemigraw kemm volontarjament kif ukoll involontarjament; billi tali migrazzjoni internazzjonali sseħħ primarjament fi ħdan l-istess reġjun u bejn il-pajjiżi li qed jiżviluppaw; billi, skont l-Organizzazzjoni Internazzjonali għall-Migrazzjoni (IOM), il-migranti nisa jirrappreżentaw il-maġġoranza tal-migranti internazzjonali fl-Ewropa (52,4 %) u fl-Amerika ta' Fuq (51,2 %); billi l-flussi migratorji Nofsinhar-Nofsinhar baqgħu jiżdiedu meta mqabbla mal-movimenti Nofsinhar-Tramuntana: fl-2015, 90,2 miljun migrant internazzjonali mwielda fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw kienu jirrisjedu f'pajjiżi oħrajn fin-Nofsinhar globali, mentri 85,3 miljun imwielda fin-Nofsinhar kienu jirrisjedu fil-pajjiżi tat-Tramuntana globali;

C.  billi numru dejjem akbar ta' minorenni mhux akkumpanjati qiegħed jaqsam il-Mediterran, u, minkejja ż-żieda fl-operazzjonijiet ta' salvataġġ, in-numru ta' mwiet fil-Mediterran għadu qiegħed jikber (5 079 fl-2016 meta mqabbel ma' 3 777 fl-2015, skont iċ-ċifri tal-IOM);

D.  billi skont l-UNHCR, fl-2015 numru rekord ta' 65,3 miljun ruħ – fosthom 40,8 miljun persuna spostata internament (IDPs) u 21,3 miljun rifuġjat – għadhom spostati b'mod furzat minħabba kunflitti, vjolenza, ksur tad-drittijiet tal-bniedem, ksur tad-dritt umanitarju internazzjonali u destabbilizzazzjoni; billi dan seħħ flimkien mal-każ ta' dawk spostati minħabba d-diżastri naturali, l-inugwaljanzi, il-faqar, il-prospetti soċjoekonomiċi skarsi, it-tibdil fil-klima, in-nuqqas ta' politiki serji u effikaċi ta' żvilupp fit-tul kif ukoll in-nuqqas ta' rieda politika biex jiġu indirizzati b'mod deċiżiv il-problemi strutturali li jirfdu dawn il-flussi migratorji; billi l-Kummissarju Għoli tan-Nazzjonijiet Uniti għar-Rifuġjati jistma li fid-dinja hawn mill-inqas 10 miljun persuna apolida;

E.  billi d-data attwalment disponibbli turi żieda fl-għadd ta' rifuġjati ta' aktar minn 50 % f'dawn l-aħħar ħames snin; billi din iż-żieda impressjonanti hija spjegata minn għadd ta' elementi, inkluż il-fatt li r-rimpatriju volontarju tar-rifuġjati jinsab fil-livell l-aktar baxx mis-snin 1980, li n-numru ta' rifuġjati li jkunilhom offruti possibbiltajiet ta' integrazzjoni lokali għadu limitat u li ċ-ċifri ta' risistemazzjoni huma stabbli f'bejn wieħed u ieħor 100 000 fis-sena;

F.  billi 6,7 miljun rifuġjat qegħdin jgħixu f'sitwazzjonijiet ta' spostament fit-tul - li hu stmat li jtawwal għal medja ta' 26 sena - b'nuqqas totali ta' prospettivi; billi s-soluzzjonijiet dejjiema għall-ispostament jibqgħu inaċċettabbilment baxxi, li jrendi neċessarju l-fatt li l-ispostament furzat jitqies bħala sfida politika u ta' żvilupp, mhux waħda esklużivament ta' natura umanitarja;

G.  billi l-isfidi globali jirrikjedu approċċ olistiku u multilaterali bbażat fuq il-kooperazzjoni u s-sinerġiji internazzjonali, kif ukoll fuq soluzzjonijiet koordinati u konkreti, li ma għandhomx jirreaġixxu biss għal kriżijiet futuri iżda għandhom jantiċipawhom; billi 86 % tar-rifuġjati fid-dinja jgħixu f'reġjuni foqra, bil-pajjiżi l-anqas żviluppati jospitaw 26 % tat-total u li b'hekk ibatu minn kapaċitajiet sal-limitu tal-possibilitajiet tagħhom u minn destabbilizzazzjoni ulterjuri tal-koeżjoni u tal-iżvilupp soċjoekonomiċi tagħhom; billi dawn il-pajjiżi rarament ikollhom għodod ta' ħarsien tad-drittijiet tal-migranti, u lanqas għandhom għodod fil-qasam tal-asil; billi l-miljun ruħ li waslu fl-UE fl-2015 jirrappreżentaw 0,2 % tal-popolazzjoni tal-UE, meta mqabbel ma' perċentwali ferm ogħla (sa 20 %) fil-pajjiżi ġirien jew fl-Ewropa matul id-disgħinijiet;

H.  billi r-rifuġjati, il-persuni spostati internament u l-migranti jirrappreżentaw kategoriji ġuridikament separati iżda fir-realtà spiss il-persuni huma parti minn spostament imħallat ta' nies fuq skala kbira li jseħħ minħabba varjetà ta' implikazzjonijiet politiċi, ekonomiċi, soċjali, ta' żvilupp, umanitarji u tad-drittijiet tal-bniedem li jaqsmu l-fruntieri; billi d-dinjità umana tal-persuni kollha involuti f'dawn il-movimenti trid tkun fil-qalba tal-politiki Ewropej kollha f'dawn il-kwistjonijiet; billi, barra minn hekk, ir-rifuġjati u dawk li jfittxu asil jeħtiġilhom ikunu ttrattati dejjem konformement mal-istatus tagħhom u ma għandhom fl-ebda każ ikunu miċħuda mit-tgawdija tad-drittijiet li joħorġu mill-konvenzjonijiet internazzjonali fil-qasam u mill-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea; billi s-separazzjoni ġuridika bejn ir-rifuġjati u l-migranti ma għandhiex titqies li tindika li l-migrazzjoni għal raġunijiet ekonomiċi jew għal ħajja aħjar hija inqas leġittima mill-ħarba mill-persekuzzjoni; billi fil-maġġoranza tal-każijiet, kemm id-drittijiet politiċi kif ukoll dawk ekonomiċi, fost drittijiet fundamentali tal-bniedem oħrajn, jinsabu mhedda f'sitwazzjonijiet ta' kunflitt, instabilità jew diżordni u jibqgħu jitqiegħdu f'dubju bħala konsegwenza tal-ispostament furzat;

I.  billi l-kriżi alimentari u nutrizzjonali li għadha għaddejja fis-Saħel tikkaġuna l-erożjoni tar-reżiljenza tal-persuni, aggravata mis-suċċessjoni rapida tal-kriżijiet, mill-assenza ta' servizzi ta' bażi u mill-kunflitti fir-reġjun; billi din is-sitwazzjoni se tikkawża aktar migrazzjoni;

J.  billi f'kull stadju tal-vjaġġ tagħhom, il-migranti jiġu esposti għal kull tip ta' perikolu fiżiku u psikoloġiku, inkluża l-vjolenza, l-isfruttament, it-traffikar u l-abbuż sesswali u dak ibbażat fuq il-ġeneru; billi dan huwa b'mod partikolari l-każ tal-persuni vulnerabbli, bħan-nisa (pereżempju n-nisa li huma kapijiet tal-familja jew nisa tqal), tfal - kemm jekk mhux akkompanjati, separati jew akkompanjati mill-familji tagħhom - il-persuni LGBTI, il-persuni b'diżabilità, il-persuni fil-bżonn ta' kura medika urġenti u l-anzjani; billi dawn il-gruppi vulnerabbli għandhom, b'mod urġenti, jingħataw protezzjoni umanitarja u aċċess għall-protezzjoni u għal mekkaniżmi ta' referenza, għal status ta' residenza u għal servizzi bażiċi inkluża l-kura tas-saħħa, bħala parti mir-risistemazzjoni tagħhom, jew filwaqt li l-applikazzjonijiet tagħhom għall-asil qed jiġu kkunsidrati skont id-dritt applikabbli;

K.  billi ż-żieda fil-mobilità umana, jekk ġestita b'mod sigur, ordinat, regolari, responsabbli u preventiv, tista' ttaffi l-espożizzjoni għall-periklu tal-migranti u tar-rifuġjati, tista' tagħti vantaġġi notevoli, kif irrikonoxxiet l-Aġenda 2030, u tista' taġixxi wkoll bħala fattur ta' tkabbir qawwi lill-pajjiżi ospitanti, inkluża l-UE; billi dawn il-vantaġġi spiss huma sottovalutati ħafna; billi l-UE jeħtiġilha tipproduċi soluzzjonijiet fattibbli, anki bl-użu ta' ħaddiema barranin, biex tilqa' bil-quddiem għall-popolazzjoni Ewropea dejjem ixjaħ, bil-għan li jkun garantit bilanċ bejn il-persuni li jinsabu f'ħidma b'rimunerazzjoni u l-popolazzjoni mhux attiva u biex jintlaqgħu l-bżonnijiet speċifiċi tas-suq tax-xogħol;

L.  billi t-tweġiba tal-UE qanqlet mobilizzazzjoni ta' diversi strumenti interni u esterni, iżda tidher li kienet eċċessivament ikkonċentrata fuq terminu qasir jew biex tnaqqas jew twaqqaf il-movimenti; billi dan l-approċċ fuq terminu qasir la jindirizza l-kawżi tal-ispostament furzat u tal-flussi migratorji u lanqas il-bżonnijiet umanitarji tal-migranti; billi jenħtieġ aktar titjib fir-reazzjoni tal-UE dwar l-għodod fir-rigward tal-ġestjoni tal-kriżi u l-prevenzjoni tal-kunflitt, peress li l-kunflitti vjolenti jikkostitwixxu l-kawża fundamentali ewlenija tal-ispostament furzat;

M.  billi l-Qorti Ewropea tal-Awdituri esprimiet dubji serji dwar l-effikaċja tal-infiq tal-UE fuq il-migrazzjoni esterna, inkluż dwar il-proġetti għad-drittijiet tal-bniedem tal-migranti; billi l-Qorti waslet ukoll għall-konklużjoni li s-sigurtà u l-protezzjoni fil-fruntieri kienu l-element predominanti fl-infiq Ewropew għall-migrazzjoni;

N.  billi l-għajnuna umanitarja msejsa fuq il-bżonnijiet u r-rispett tal-prinċipji tal-umanità, tan-newtralità, tal-imparzjalità u tal-indipendenza, kif ukoll fuq il-konformità mad-dritt umanitarju internazzjonali u d-drittijiet tal-bniedem previsti mill-Konvenzjonijiet ta' Ġinevra u l-protokolli addizzjonali tagħhom, trid tkun fil-qalba tal-azzjonijiet esterni kollha tal-UE; billi l-indipendenza tal-għajnuna, jiġifieri l-għajnuna li tkun ħielsa minn kwalunkwe kunsiderazzjonijiet politiċi, ekonomiċi jew ta' sigurtà jew kwalunkwe tip ta' diskriminazzjoni, għandha tipprevali;

O.  billi l-implimentazzjoni b'suċċess ta' politika tal-migrazzjoni bbażata fuq id-drittijiet tal-bniedem tirrikjedi li nikkontestaw il-perċezzjonijiet negattivi tal-migrazzjoni u l-iżvilupp ta' narrattivi pożittivi li jpinġu l-idea tal-movimenti migratorji bħala opportunità għall-pajjiżi ospitanti, sabiex jikkumbattu l-estremiżmu u l-populiżmu;

P.  billi l-UE għandha r-responsabilità li ssostni lil sħabha fl-implimentazzjoni tal-assistenza u l-protezzjoni rapidi, effikaċi u ta' kwalità għolja u hija responsabbli quddiem il-popolazzjonijiet milquta; billi, f'dan ir-rigward, is-sħab tal-UE jirrikjedu finanzjamenti puntwali u prevedibbli u d-deċiżjonijiet dwar l-allokazzjoni ta' fondi għall-prijoritajiet modifikati jew ġodda għandhom jippermettulhom biżżejjed ħin għall-miżuri ta' ppjanar u ta' mitigazzjoni;

Q.  billi l-kooperazzjoni deċentralizzata tista' tgħin biex jinkiseb fehim aħjar tal-ħtiġijiet u l-kulturi ta' persuni spostati internament (IDPs), migranti u rifuġjati u żżid l-għarfien tal-popolazzjoni lokali dwar l-isfidi ffaċċjati mill-migranti fil-pajjiżi ta' oriġini tagħhom; billi l-gvernijiet Ewropej lokali u reġjonali jistgħu jaqdu rwol ewlieni biex jiġu indirizzati l-kawżi ewlenin, permezz tal-bini ta' kapaċità;

R.  billi l-Artikolu 21 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea jiddikjara b'mod espliċitu li "l-azzjoni tal-Unjoni fix-xena internazzjonali għandha tkun iggwidata mill-prinċipji li ispiraw il-ħolqien, l-iżvilupp u t-tkabbir tagħha, u li tipprova tippromwovi fil-bqija tad-dinja: id-demokrazija, l-istat ta' dritt, l-universalità u l-indiviżibilità tad-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali, ir-rispett għad-dinjità tal-bniedem, il-prinċipji tal-ugwaljanza u s-solidarjetà, u r-rispett għall-prinċipji tal-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti u d-dritt internazzjonali"; billi skont l-Artikolu 208 tat-Trattat ta' Lisbona, l-għajnuna għall-iżvilupp timmira għat-tnaqqis u, eventwalment, għall-qerda tal-faqar fil-pajjiżi terzi;

Azzjoni tal-UE komprensiva u bbażata fuq prinċipji bħala risposta għall-isfidi tal-mobilità

1.  Jissottolinja li fid-dinja tal-lum qed nesperjenzaw livell ta' mobilità umana liema bħalu u jenfasizza li l-komunità internazzjonali, b'urġenza jeħtiġilha ssaħħaħ ir-risposta komuni biex tittratta l-isfidi u l-opportunitajiet li jirrappreżenta dan il-fenomenu; jisħaq fuq il-fatt li tali risposta trid tkun imsejsa fuq il-prinċipju ta' solidarjetà u ma għandhiex tiffoka biss fuq approċċ ibbażat fuq is-sigurtà, iżda jeħtieġ li tkun immexxija mill-protezzjoni sħiħa tad-drittijiet u tad-dinjità ta' dawk kollha mġiegħla, minħabba kwalunkwe ċirkostanza, iħallu djarhom biex ifittxu ħajja aħjar u aktar sikura; jenfasizza li kwalunkwe rispons għandu jagħti attenzjoni partikolari lil dawk l-aktar vulnerabbli u jinkludi l-għoti ta' assistenza fil-pajjiż ta' oriġini tagħhom; jissottolinja li, minkejja li huma ttrattati minn żewġ oqfsa ġuridiċi separati, ir-rifuġjati u l-migranti għandhom l-istess drittijiet tal-bniedem u libertajiet fundamentali universali, li għandhom ikunu salvadwardjati indipendentement mill-istatus ġuridiku tagħhom; ifakkar li l-UE jeħtiġilha tirrispetta l-valuri u l-prinċipji tagħha fil-politiki komuni kollha kif ukoll tippromwovihom fir-relazzjonijiet esterni tagħha, inklużi dawk stipulati fl-Artikolu 21 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea; jenfasizza l-ħtieġa ta' konsistenza fil-politiki esterni tal-UE u fil-politiki l-oħrajn b'dimensjoni esterna;

2.  Jenfasizza li dan il-livell għoli ta' mobbiltà tal-bniedem joriġina minn diversi kawżi kumplessi li jirrikjedu deċiżjonijiet ibbażati fuq il-provi biex jużaw l-elementi tagħha u jiżviluppaw ir-risposti ta' politika mmirati; jissottolinja l-ħtieġa li l-UE u l-Istati Membri tagħha jqisu din ir-realtà attwali u jiżviluppaw approċċ ġdid għall-moviment tal-persuni abbażi ta' data reali u l-interessi tal-UE, billi tissaħħaħ ir-reżiljenza tal-persuni permezz taż-żieda tal-aċċess tagħhom għal servizzi bażiċi, primarjament l-edukazzjoni, u l-integrazzjoni u l-kontribut tagħhom fil-kuntesti lokali billi jiġu pprovduti opportunitajiet ta' impjieg u impjieg għal rashom;

3.  Jisħaq li l-migrazzjoni internazzjonali tista' tikkontribwixxi għall-iżvilupp soċjoekonomiku, kif għamlet storikament , u li d-diskors narrattiv użat f'dan ir-rigward jeħtieġ ikun wieħed pożittiv, li jippromwovi fehim ġenwin u oġġettiv tal-kwistjoni u tal-benefiċċji komuni relatati sabiex jikkuntrasta mad-diskorsi ksenofobi, populisti u nazzjonalistiċi; jilqa' għalhekk il-kampanja "Together" li tnediet min-NU li għandha l-għan li tnaqqas il-perċezzjonijiet u l-attitudnijiet negattivi fil-konfront tar-rifuġjati u tal-migranti u jistieden lill-istituzzjonijiet tal-UE jikkooperaw bis-sħiħ man-NU fl-appoġġ għal din il-kampanja; jenfasizza l-bżonn li jiġu adottati politiki globali, Ewropej, nazzjonali u lokali ffokati fuq terminu medju u twil u mhux biss iggwidati esklużivament mill-pressjonijiet politiċi immedjati jew mill-kunsiderazzjonijiet elettorali nazzjonali; jisħaq fuq il-fatt li dawn il-politiki jridu jkunu koerenti, sinifikanti, inklussivi u flessibbli bil-għan li jirregolaw il-migrazzjoni bħala fenomenu uman regolari u jindirizzaw it-tħassib leġittimu fir-rigward tal-ġestjoni tal-fruntieri, tal-protezzjoni soċjali għall-gruppi vulnerabbli u tal-integrazzjoni tar-rifuġjati u tal-migranti;

4.  Jenfasizza li s-sistema tal-għajnuna umanitarja hija estremament sfruttata u li qatt mhi se tkun biżżejjed biex tirrispondi għall-kriżijiet tal-ispostamenti furzati, partikolarment fid-dawl tan-natura mtawla tal-maġġor parti tagħhom; jieħu nota għaldaqstant tal-qafas politiku l-ġdid deskritt fil-komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar "L-Ispustar bil-forza u l-Iżvilupp" ta' April 2016, bħala pass fid-direzzjoni t-tajba u jitlob lis-SEAE u lill-Kummissjoni biex jimplimentaw il-kontenut tagħha fi ħdan il-Qafas ta' Sħubija ġdida ma' pajjiżi terzi; jikkonstata l-importanza ta' approċċ komprensiv u aktar sostenibbli għall-migrazzjoni, inkluża l-promozzjoni ta' rabtiet aktar stretti bejn il-lat umanitarju u dak ta' żvilupp, u l-bżonn ta' involviment ma' sħab differenti – atturi reġjonali, gvernijiet, awtoritajiet lokali, id-dijaspora, is-soċjetà ċivili, inklużi l-organizzazzjonijiet tar-rifuġjati u tal-migranti, organizzazzjonijiet reliġjużi lokali, u l-NGOs rilevanti u s-settur privat – bil-għan li jkunu żviluppati strateġiji mmirati bbażati fuq provi biex din l-isfida tkun indirizzata, filwaqt li jiġi rikonoxxut il-fatt li l-għajnuna umanitarja mhijiex għodda ta' ġestjoni tal-kriżijiet kif iddikjarat fil-Kunsens tal-UE dwar l-Għajnuna Umanitarja;

5.  Jisħaq fuq il-fatt li l-kooperazzjoni għall-iżvilupp għandha tkompli tindirizza u titratta b'effikaċja l-kawżi profondi tal-ispostamenti furzati u tal-migrazzjoni - partikolarment il-kunflitt armat, il-persekuzzjoni għal kwalunkwe raġuni, il-vjolenza abbażi tal-ġeneru, il-governanza ħażina, il-faqar, in-nuqqas ta' opportunitajiet ekonomiċi, u t-tibdil fil-klima - billi tiġi miġġielda l-fraġilità tal-istat, billi jiġu promossi l-paċi u s-sigurtà, ir-riżoluzzjoni tal-kunflitti u l-proċessi ta' rikonċiljazzjoni ta' wara l-kunflitt, il-ġustizzja, u l-ekwità, u permezz tat-tisħiħ tal-istituzzjonijiet, tal-kapaċità amministrattiva, id-demokrazija, il-governanza tajba, l-istat tad-dritt u r-rispett għad-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali, bi qbil mal-Għan ta' Żvilupp Sostenibbli Nru 16 fl-Aġenda 2030 il-ġdida u l-prinċipji stipulati fil-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti u tad-dritt internazzjonali;

6.  Jenfasizza l-bżonn li ssir enfasi fuq l-aspetti soċjoekonomiċi tal-fenomenu tal-migrazzjoni, biex jitwettqu l-analiżi meħtieġa ta' kull pajjiż dwar il-kawżi fundamentali tal-ispostar furzat u l-migrazzjoni, u biex il-pajjiżi ta' oriġini jiġu mħeġġa jadottaw u jimplimentaw miżuri u politiki li jwasslu għall-ħolqien ta' impjiegi diċenti u għal opportunitajiet ekonomiċi reali sabiex il-migrazzjoni ssir għażla u mhux bżonn; jistieden lill-UE tkompli il-politiki li jfittxu li jnaqqsu u fl-aħħar mill-aħħar jeqirdu l-faqar, jiġġieldu l-inugwaljanza u l-insigurtà tal-ikel, il-promozzjoni tal-iżvilupp ekonomiku, il-ġlieda kontra l-korruzzjoni u t-tisħiħ tas-servizzi pubbliċi bażiċi; jikkonstata li politika li tirnexxi għandha tirrikonoxxi l-ħtieġa li tinħoloq reżiljenza ekonomika kemm f'pajjiżi ta' oriġini kif ukoll dawk ospitanti; jissottolinja l-ħtieġa li tittejjeb il-koerenza tal-politiki għall-iżvilupp (PCD);

7.  Jissottolinja li l-impjiegi u l-opportunitajiet ekonomiċi huma kruċjali sabiex jittaffa l-impatt ta' vulnerabilitajiet ikkawżati mill-ispostament; jistieden lill-UE tgħin lill-migranti u lir-rifuġjati jimxu lejn postijiet li joffru dawn l-opportunitajiet, sabiex tgħin fil-ħolqien ta' opportunitajiet fil-post ta' eżilju tagħhom (inkluż billi jitneħħew ix-xkiel u l-ostakli li jimpedixxu l-aċċess għas-suq tax-xogħol) u ħalli tgħinhom jiżviluppaw ħiliet ġodda aktar adattati għall-ħtiġijiet tas-suq tax-xogħol lokali;

8.  Jilqa' l-impenn tal-UE għall-għajnuna umanitarja – bħala l-ikbar donatur fid-dinja – bil-għan li ttejjeb il-kondizzjonijiet ta' għajxien tar-rifuġjati; iħeġġeġ lill-UE u lill-Istati Membri jwettqu l-wegħdiet li diġà għamlu u jżidu l-impenji finanzjarji tagħhom skont iż-żieda fil-ħtiġijiet umanitarji; jinnota li r-rispons umanitarju se jkun dejjem l-ewwel element ta' kwalunkwe rispons għal kriżijiet ta' spostament; jenfasizza li d-dritt internazzjonali u l-prinċipji ta' umanità, newtralità, imparzjalità u indipendenza jeħtieġu jibqgħu il-qafas ta' gwida għar-rispons umanitarju tal-UE għall-kriżijiet tar-rifuġjati u tal-ispostament furzat;

9.  Jirrikonoxxi li d-drittijiet u d-dinjità ta' miljuni ta' bnedmin oħra bħalhom se jkomplu jonqsu jekk ikunu mifnija f'kampijiet tar-rifuġjati jew fil-periferiji tal-ibliet mingħajr aċċess għal ħtiġijiet bażiċi, l-għajxien u l-opportunitajiet ta' dħul ekonomiku;

10.  Jisħaq fuq l-importanza li tiġi rikonoxxuta d-dimensjoni tal-ġeneri fil-qasam tal-migrazzjoni, li tinkludi mhux biss il-vulnerabilità tan-nisa għal kull tip ta' abbuż, iżda wkoll ir-raġunijiet diversi għall-migrazzjoni, ir-rwol li jiżvolġu huma u jirrispondu għall-emerġenzi, il-kontributi soċjoekonomiċi tagħhom u l-parteċipazzjoni attiva tagħhom fir-riżoluzzjoni u fil-prevenzjoni tal-kunflitti, kif ukoll fil-proċessi ta' wara l-kunflitti u fil-bini ta' soċjetà demokratika; jikkonstata li enfasi fuq l-emanċipazzjoni tan-nisa u fuq ir-rwol akbar tagħhom bħala dawk li jieħdu d-deċiżjonijiet hija ewlenija biex jiġu indirizzati l-kawżi tal-ispostar furzat u biex jiġi żgurat ir-rispett tad-drittijiet tan-nisa u l-awtonomija tagħhom f'kull stadju tal-proċess ta' migrazzjoni; itenni li huwa neċessarju li tiġi applikata perspettiva tal-ġeneru u tal-età fil-politiki tal-UE dwar il-movimenti tar-rifuġjati u tal-migranti;

11.  Jappella li jkun hemm iżjed kooperazzjoni man-NU u atturi oħra, inklużi kontribuzzjonijiet finanzjarji miżjuda għall-UNHCR u l-UNRWA; jisħaq, f'dan il-kuntest dwar il-bżonn li jitjiebu l-kundizzjonijiet fil-kampijiet tar-rifuġjati, speċjalment f'termini ta' saħħa u edukazzjoni, u biex gradwalment tintemm id-dipendenza fuq l-għajnuna umanitarja f'sitwazzjonijiet ta' spostament eżistenti billi titrawwem r-reżiljenza u billi l-persuni spostati jkunu jistgħu jgħixu f'dinjità bħala kontributuri fil-pajjiżi ospitanti tagħhom, sa ma possibbilment jirritornaw b'mod volontarju jew jiġu risistemati;

12.  Jenfasizza l-passi importanti meħuda mill-UE biex tindirizza d-dimensjoni esterna tal-kriżi tal-migrazzjoni, b'mod partikolari l-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata li hija responsabbli għall-faċilitazzjoni tad-dħul klandestin ta' migranti u t-traffikar tal-bnedmin, u l-kooperazzjoni msaħħa mal-pajjiżi ta' oriġini u ta' tranżitu;

13.  Jenfasizza l-ħtieġa li jiġi stabbilit qafas u li jsiru l-arranġamenti adegwati fil-pajjiżi ta' oriġini biex jirċievu b'mod dinjituż migranti li jirritornaw, li jkunu vulnerabbli u emarġinati u biex jiġu megħjuna jintegraw b'suċċess f'termini soċjokulturali;

  Ifakkar li l-gruppi vulnerabbli, inklużi n-nisa, il-minuri (kemm jekk akkumpanjati mill-familji tagħhom kif ukoll jekk mhux akkumpanjati), il-persuni b'diżabilità, l-anzjani, u l-persuni LGBTI, huma partikolarment esposti għal kull tip ta' abbuż, f'kull stadju tal-proċess ta' migrazzjoni; ifakkar barra minn hekk li n-nisa u t-tfajliet, jinsabu f'riskju akbar ta' vjolenza u diskriminazzjoni sesswali u abbażi tal-ġeneru, anki meta jkunu waslu f'postijiet meqjusa bla periklu; jappella li dawn il-gruppi jingħataw assistenza speċjali u protezzjoni umanitarja akbar bħala parti mill-proċess tar-risistemazzjoni jew tal-integrazzjoni tagħhom, u li jingħataw prijorità fi proċeduri ta' akkoljenza sensittivi għad-differenza bejn is-sessi b'konformità akbar ma' standards minimi, u b'dispożizzjonijiet aktar effiċjenti dwar ir-riunifikazzjoni tal-familja; jappella għal aktar salvagwardji għall-persuni vulnerabbli kontra l-vjolenza u d-diskriminazzjoni matul il-proċess tal-asil, u biex dawn jiġu pprovduti b'aċċess għal status ta' residenza u għal servizzi bażiċi, inklużi l-kura tas-saħħa u l-edukazzjoni, b'konformità mad-dritt applikabbli; jitlob lill-Unjoni Ewropea tiżviluppa programmi ta' taħriġ fil-qafas tal-kooperazzjoni tagħha ma' pajjiżi terzi relatati mal-bżonnijiet speċifiċi tar-rifuġjati u l-migranti vulnerabbli;

15.  Jenfasizza li t-tfal jikkostitwixxu proporzjon sinifikanti tal-migranti u r-rifuġjati, u jridu jiġu żviluppati u implimentati proċeduri speċifiċi sabiex tkun żgurata l-protezzjoni tagħhom bi qbil mal-Konvenzjoni tan-NU dwar id-Drittijiet tat-Tfal; jappella lill-pajjiżi ospitanti jiżguraw li t-tfal rifuġjati jingħataw aċċess sħiħ għall-edukazzjoni, u jippromwovu kemm jista' jkun l-integrazzjoni u l-inklużjoni tagħhom fis-sistemi tal-edukazzjoni nazzjonali; jistieden ukoll lill-komunitajiet umanitarji u tal-iżvilupp jagħtu aktar attenzjoni lill-edukazzjoni u t-taħriġ tal-għalliema, kemm fil-komunitajiet spostati kif ukoll f'dawk ospitanti, u jistieden ukoll lid-donaturi internazzjonali jagħtu prijorità lill-edukazzjoni meta jkunu qed jirrispondu għall-kriżijiet tar-rifuġjati, permezz ta' programmi li jinvolvu u jappoġġjaw psikoloġikament lit-tfal migranti, kif ukoll jippromwovu t-tagħlim tal-lingwa tal-pajjiż ospitanti bil-għan li tiġi żgurata integrazzjoni aħjar tat-tfal rifuġjati; jilqa' l-appoġġ finanzjarju intiż biex jipprovdi aktar edukazzjoni u taħriġ għat-tfal Sirjani u ż-żieda reċenti, minn 4 % għal 6 % fis-sehem ta' nfiq fuq l-edukazzjoni mill-baġit tal-UE għall-għajnuna umanitarja, li jagħmel lill-UE mexxejja fl-appoġġ għal proġetti ta' edukazzjoni f'sitwazzjonijiet ta' emerġenza madwar id-dinja; jappella għal aktar effikaċja fl-implimentazzjoni ta' dan il-finanzjament il-ġdid;

16.  Jirrikonoxxi li l-apolidija hija sfida sinifikanti fil-qasam tad-drittijiet tal-bniedem; jitlob lill-Kummissjoni u lis-SEAE jiġġieldu l-apolidija fl-azzjonijiet esterni kollha tal-UE, b'mod partikolari billi jindirizzaw id-diskriminazzjoni fil-liġijiet dwar in-nazzjonalità abbażi ta' sess, reliġjon jew status minoritarju, billi jippromwovu d-dritt għal nazzjonalità tat-tfal u billi jappoġġjaw il-kampanja tal-Aġenzija tan-NU għar-Rifuġjati (UNHCR) immirata biex l-apolidija tintemm sal-2024; jikkundanna r-restrizzjonijiet u l-projbizzjonijiet tal-persuni milli joħorġu mit-territorju jew jirritornaw fih, li huma imposti f'ċerti Stati, u l-konsegwenzi ta' apolidija f'dak li hu aċċess għad-drittijiet; jistieden lill-gvernijiet u lill-parlamenti nazzjonali biex jabolixxu l-oqfsa legali punittivi li jikkaratterizzaw il-migrazzjoni bħala reat;

17.  Jissottolinja li, b'konformità mal-prinċipji tal-UE, objettiv ġenerali uniku tal-politiki tal-UE dwar il-migrazzjoni esterna għandu jkun li jiġi stabbilit reġim ta' governanza multilaterali fir-rigward tal-migrazzjoni internazzjonali, u li l-Laqgħa reċenti ta' Livell Għoli tan-NU kienet l-ewwel pass f'dan ir-rigward;

Titjib fil-ġestjoni tal-migrazzjoni internazzjonali: responsabilità globali

18.  Jesprimi tħassib qawwi dwar id-deċiżjoni reċenti mill-amministrazzjoni tal-Istati Uniti li b'mod temporanju tipprojbixxi id-dħul ta' ċittadini minn seba' pajjiżi b'maġġoranza Musulmana milli jidħlu fl-Istati Uniti u biex b'mod temporanju tissospendi s-sistema ta' rifuġjati tal-Istati Uniti; jemmen li din it-tip ta' deċiżjoni diskriminatorja talimenta diskorsi kontra l-immigrazzjoni u dawk ksenofobiċi, tista' ma tikkonformax mal-għodod ewlenin tad-dritt internazzjonali, bħall-Konvenzjoni ta' Ġinevra, u tista' ddgħajjef serjament l-isforzi globali attwali lejn il-kondiviżjoni ġusta internazzjonali tar-responsabilitajiet għar-rifuġjati; jistieden lill-UE u lill-Istati Membri jieħdu pożizzjoni komuni qawwija biex jiddefendu s-sistema ta' protezzjoni internazzjonali u ta' sigurtà ġuridika tal-popolazzjonijiet kollha milquta, partikolarment iċ-ċittadini tal-UE;

19.  Jilqa' l-Laqgħa ta' Livell Għoli tal-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti intitolata "Address Large Movements of Refugees and Migrants" (Insibu tarf tal-ispostamenti kbar ta' rifuġjati u migranti) tad-19 ta' Settembru 2016 u l-organizzazzjoni tas-Summit tal-Mexxejja min-naħa tal-Istati Uniti, billi l-flussi migratorji huma responsabilità globali li tesiġi risposta globali effikaċi u kooperazzjoni msaħħa bejn il-partijiet interessati kollha biex tinkiseb soluzzjoni sostenibbli li tirrispetta bis-sħiħ id-drittijiet tal-bniedem; jilqa' l-eżitu ta' dawn is-summits bħala l-espressjoni ta' impenn politiku ġenwin ta' saħħa mingħajr preċedenti, u jittama li dawn iniedu b'urġenza t-triq lejn ir-rispons tassew globali u l-kondiviżjoni internazzjonali tar-responsabilitajiet f'dawk li huma rifuġjati u movimenti migratorji kbar madwar id-dinja; jiddispjaċih bil-qawwi madankollu għan-nuqqas ta' wegħdiet speċifiċi jew impenji ġuridikament vinkolanti f'termini ta' għajnuna jew riforma, neċessarji biex jingħalaq id-distakk attwali bejn ir-retorika u r-realtà; jappella lill-partijiet kollha involuti jiggarantixxu impenn politiku u kooperazzjoni kontinwi, urġenti u effikaċi, l-iskambju ta' għarfien u esperjenza mal-pajjiżi sħab, mal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u mal-awtoritajiet lokali, u finanzjamenti u atti konkreti ta' solidarjetà b'risq il-pajjiżi ospitanti; jissottolinja l-ħtieġa għal aktar koordinazzjoni bejn l-UE u s-sħab internazzjonali tagħha fil-livell tan-NU biex jindirizzaw l-isfidi tal-migrazzjoni; jistieden lill-UE u lill-Istati Membri tagħha jassumu rwol ta' tmexxija fl-isforzi internazzjonali, partikolarment billi jiżguraw li l-ftehimiet, fosthom il-patti futuri tan-NU dwar ir-rifuġjati u dwar il-migrazzjoni sigura, ordinata u regolari, jissarrfu malajr fil-prattika, u billi jistabbilixxu mekkaniżmu ta' segwitu kif meħtieġ;

20.  Jenfasizza li l-kooperazzjoni globali dwar il-migrazzjoni u l-mobilità għandha tinbena fuq oqfsa reġjonali u subreġjonali; jistieden lill-UE ssaħħaħ il-pjanijiet ta' kooperazzjoni ma' organizzazzjonijiet reġjonali bħall-Unjoni Afrikana, il-Lega tal-Istati Għarab, u l-Kunsill ta' Kooperazzjoni tal-Golf, sabiex tippromwovi wkoll il-ġestjoni ta' mobilità intrareġjonali, u jissottolinja l-bżonn li dawn l-organizzazzjonijiet reġjonali jiġu mħeġġa jipparteċipaw bis-sħiħ f'din il-kooperazzjoni; jikkonstata li l-integrazzjoni ekonomika ta' entitajiet subreġjonali, b'mod partikolari fl-Afrika, toffri mezz ulterjuri għall-promozzjoni ta' approċċ b'ġestjoni konġunta u għall-inkoraġġiment ta' inizjattivi Nofsinhar-Nofsinhar dwar il-ġestjoni tal-migrazzjoni u l-mobilità; iħeġġeġ lill-UE tfittex rwol aktar b'saħħtu u kredibbli għall-Unjoni Afrikana fil-prevenzjoni ta' kriżijiet politiċi fl-Afrika;

21.  Jissottolinja li l-UE tista' tibbenefika minn kooperazzjoni aktar mill-qrib u sinerġija ma' banek multilaterali tal-iżvilupp u korpi speċjalizzati tan-NU, b'mod partikolari l-Uffiċċju tal-Kummissarju Għoli tan-Nazzjonijiet Uniti għar-Rifuġjati (UNHCR) u l-Organizzazzjoni Internazzjonali għall-Migrazzjoni (IOM), li issa hija relatata man-NU; jieħu nota tal-ideat reċenti mressqa mill-Bank Dinji dwar is-sitwazzjoni ta' persuni spostati b'mod furzat, u jilqa' r-rikonoxximent tal-ħtieġa li jiġu żviluppati politiki ta' mitigazzjoni u ta' asil li jappoġġjaw lill-persuni spostati b'mod furzat biex jintegraw ruħhom u, fl-istess ħin jobbligaw lill-komunitajiet ospitanti biex jilħqu l-miri tagħhom ta' żvilupp;

22.  Jissottolinja li r-risistemazzjoni ta' persuni spostati b'mod furzat hija responsabilità tal-komunità internazzjonali, u li fiha l-UNHCR għandu rwol importanti; jistieden lill-Istati Membri tal-UE jirrispettaw bis-sħiħ il-wegħdi tagħhom stess; iqis fundamentali l-implimentazzjoni b'urġenza ta' risposta koordinata u sostenibbli li tiżgura proċeduri ġusti u aċċessibbli biex persuni fil-bżonn ta' protezzjoni internazzjonali jingħataw asil fl-Unjoni Ewropea u f'pajjiżi riċeventi oħrajn, minflok ma r-responsabilità titħalla primarjament fuq spallejn l-Istati l-aktar esposti jew il-pajjiżi ġirien taż-żoni f'kunflitt; jenfasizza l-fatt li s-sostenn finanzjarju huwa inferjuri għall-portata u għall-kobor tal-ispostament, fatt aggravat bin-nuqqas ta' soluzzjonijiet xierqa u effikaċi li jindirizzaw il-kawżi profondi ta' dan l-ispostament furzat;

23.  Jenfasizza l-obbligi tad-dritt internazzjonali fir-rigward tar-rifuġjati u jistieden lill-pajjiżi kollha li għadhom ma għamlux dan sabiex jirratifikaw u jimplimentaw il-Konvenzjoni tar-Rifuġjati u l-Protokoll tagħha; jistieden lill-pajjiżi jwessgħu l-protezzjoni għall-persuni spostati internament, kif inhu l-każ f'mekkaniżmi bħall-Konvenzjoni tal-Unjoni Afrikana għall-Protezzjoni u l-Assistenza tal-Persuni Spostati Internament fl-Afrika (il-Konvenzjoni ta' Kampala), u jwessgħu d-definizzjoni ta' rifuġjati biex tinkludi lil dawk li ġew spostati b'mod furzat minħabba faqar estrem, tibdil fil-klima jew diżastri naturali;

24.  Jissottolinja li l-kunċetti ta' pajjiż bla periklu u ta' pajjiż ta' oriġini bla periklu m'għandhomx jimpedixxu l-eżami individwali tal-applikazzjonijiet għall-asil; jappella biex tinġabar informazzjoni speċjalizzata, dettaljata u aġġornata regolarment dwar id-drittijiet tal-persuni, speċjalment in-nisa, it-tfal, il-persuni b'diżabilità u l-persuni LGBTI, fil-pajjiżi tal-oriġini ta' dawk li jfittxu l-asil, inklużi dawk il-pajjiżi li huma meqjusa bħala bla periklu;

25.  Jenfasizza li jeħtieġ isir kulma hu possibbli biex jiġi ggarantit ambjent ta' għajxien dinjituż għar-rifuġjati fl-Istati Membri u fil-kampijiet tar-rifuġjati, b'mod partikolari fir-rigward tal-kura tas-saħħa, l-opportunitajiet edukattivi, u l-opportunitajiet ta' xogħol;

26.  Jissottolinja l-ħtieġa li jitjiebu l-opportunitajiet edukattivi; jappella biex ikun hemm armonizzazzjoni tal-politiki dwar ir-rikonoxximent tal-kwalifiki u l-protezzjoni tad-drittijiet tal-ħaddiema migranti u l-kopertura tas-sigurtà soċjali f'konformità mal-konvenzjonijiet ewlenin tal-ILO; jappella biex tiġi ffirmata u ratifikata l-Konvenzjoni Internazzjonali dwar il-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Ħaddiema Migranti Kollha u tal-Membri tal-Familji tagħhom;

27.  Iqis li protezzjoni temporanja jew sussidjarja bbażata fuq is-suppożizzjoni li r-rifuġjati jmorru lura pajjiżhom malajr kemm jista' jkun, toħloq nuqqas ta' prospetti u ta' opportunitajiet għall-integrazzjoni; ifakkar fl-importanza tar-rwol pożittiv li r-rifuġjati jistgħu jaqdu fir-rikostruzzjoni tas-soċjetajiet tagħhom meta jirritornaw lura pajjiżhom jew minn barra l-pajjiż;

28.  Jikkundanna l-għadd drammatiku ta' mwiet ta' migranti fil-Baħar Mediterran u jesprimi t-tħassib tiegħu dwar l-għadd dejjem jikber ta' abbużi tad-drittijiet tal-bniedem imwettqa kontra l-migranti u dawk li jkunu qed ifittxu l-asil fi triqthom lejn l-Ewropa;

29.  Jesprimi tħassib serju dwar l-għadd ta' minorenni mhux akkumpanjati li għebu; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri joħolqu bażi tad-data li jkun fiha d-dettalji tal-minorenni mhux akkumpanjati li daħlu l-Istati Membri;

30.  Jisħaq fuq il-bżonn li jinstabu soluzzjonijiet diplomatiċi u politiċi dejjiema għall-kunflitti vjolenti u jsir investiment f'mekkaniżmi ta' twissija bikrija u ta' prevenzjoni tal-kunflitti bil-għan li dawn jonqsu fil-ġejjieni; jitlob lill-UE, tagħti bidu għal sforzi diplomatiċi konġunti mas-sħab internazzjonali u mal-potenzi u l-organizzazzjonijiet reġjonali ewlenin sabiex tassumi rwol aktar b'saħħtu u proattiv fil-qasam tal-prevenzjoni tal-kunflitti, tal-medjazzjoni, tar-riżoluzzjoni u tar-rikonċiljazzjoni u biex ikun żgurat id-dritt tan-nies li jibqgħu fil-pajjiżi u r-reġjuni tagħhom; jissottolinja li dan jeħtieġ li jkun fil-qalba tal-attivitajiet tas-SEAE, li għandu jiġi mgħammar bir-riżorsi u bis-setgħat meħtieġa biex jagħmel dan possibbli, inkluż f'termini ta' baġit u persunal; jirrimarka li d-delegazzjonijiet tal-UE u r-rappreżentanti speċjali għandhom rwol fundamentali x'jiżvolġu f'dan ir-rigward; jisħaq li r-risposti għall-ispostament furzat tal-popolazzjoni u għall-migrazzjoni għandhom ikunu bbażati fuq l-esiġenzi u fuq id-drittijiet u jqisu l-vulnerabilitajiet tal-popolazzjoni u mhux limitati għall-assistenza umanitarja iżda wkoll jinvolvu lill-atturi tal-iżvilupp u tas-soċjetà ċivili;

31.  Jistieden lill-UE u lill-Istati Membri jieħdu r-responsabbiltajiet tagħhom rigward l-isfida tat-tibdil fil-klima bis-serjetà u jimplimentaw malajr il-Ftehim ta' Pariġi u jieħdu rwol ta' tmexxija fir-rikonoxximent tal-impatt tat-tibdil fil-klima fuq l-ispostament tal-massa, billi l-kobor u l-frekwenza tal-ispostamenti tal-persuni aktarx jiżdiedu; jistieden b'mod partikolari lill-UE tagħmel riżorsi suffiċjenti għad-dispożizzjoni tal-pajjiżi milquta mit-tibdil fil-klima sabiex tgħinhom jadattaw għall-konsegwenzi tiegħu u jtaffu l-effetti tiegħu; jenfasizza li dan jeħtieġ ma jiġrix għad-detriment tal-kooperazzjoni tradizzjonali għall-iżvilupp li timmira lejn it-tnaqqis tal-faqar; huwa tal-fehma li l-persuni spostati mill-effetti tat-tibdil fil-klima għandhom jingħataw status speċjali ta' protezzjoni internazzjonali li jqis in-natura speċifika tas-sitwazzjoni tagħhom;

32.  Ifaħħar il-ħidma, minkejja d-diffikultajiet u l-perikli kollha li jiffaċċjaw, tal-NGOs u tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili lokali u internazzjonali fl-għoti ta' assistenza urġenti lil dawk l-aktar vulnerabbli, u li f'ħafna każijiet salvatilhom ħajjithom, fil-pajjiżi ta' oriġini, ta' tranżitu jew ta' destinazzjoni tar-rifuġjati u tal-migranti; jirrimarka li din il-ħidma, f'ħafna każijiet, imliet il-vojt li ħallew l-Istati u l-komunità internazzjonali b'mod ġenerali;

33.  Iqis li huwa kruċjali li tingħeleb in-narrattiva attwali dwar ir-rifuġjati li huma mpinġija biss bħala piż u jenfasizza l-kontribut pożittiv li jistgħu jagħtu, jekk jingħataw iċ-ċans, lill-komunitajiet li jilqgħuhom; jirrakkomanda l-involviment tar-rifuġjati fid-definizzjoni u t-tfassil tar-risposti politiċi li jaffettwawhom direttament, u billi jinħolqu jew jissaħħu l-programmi meħtieġa; jistieden lill-istituzzjonijiet u lill-aġenziji Ewropej iniedu traineeships fl-amministrazzjonijiet tagħhom immirati speċifikament għar-rifuġjati żgħażagħ gradwati li huma residenti legalment fl-Unjoni Ewropea bħala mod biex imexxu bl-eżempju u juru l-benefiċċju li jsir investiment fil-ġenerazzjoni żagħżugħa;

Azzjoni esterna tal-UE u sħubijiet mal-pajjiżi terzi

34.  Jisħaq fuq il-fatt li l-azzjoni esterna tal-UE għandha tkun orjentata lejn il-paċi, proattiva u tħares 'il quddiem minflok ma tkun, prinċipalment, reattiva b'objettivi li jinbidlu bħala risposta lill-kriżijiet il-ġodda; jappoġġja kooperazzjoni aktar mill-qrib fl-oqsma tas-sigurtà, l-edukazzjoni u l-iskambju tal-informazzjoni, biex tittejjeb il-ġestjoni tal-migrazzjoni u biex jiġu evitati kriżijiet ġodda; ifakkar li l-fenomenu tal-migrazzjoni jinbet minn sensiela kumplessa ta' kawżi bħal popolazzjoni li qed tiżdied, faqar, nuqqas ta' opportunitajiet u ħolqien insuffiċjenti ta' impjiegi, instabilità politika, ksur tad-drittijiet tal-bniedem, oppressjoni politika, persekuzzjoni, kunflitti militari u forom oħra ta' vjolenza u tibdil fil-klima; ifakkar li l-indirizzar ta' dawn il-problemi jista' jnaqqas mill-ewwel il-fatturi ta' spinta li jiffavorixxu l-ispostament u l-migrazzjoni; jissottolinja l-ħtieġa essenzjali li tissaħħaħ il-koerenza politika f'żewġ livelli: bejn il-politiki interni u esterni tal-UE, u – fil-qafas tal-azzjoni esterna nfisha – bejn il-politika tat-tkabbir, il-Politika Ewropea tal-Viċinat u r-relazzjonijiet bilaterali mas-sħab strateġiċi tal-UE, kif ukoll il-politiki tal-iżvilupp u tal-kummerċ; iqis li l-politika kummerċjali mal-pajjiżi li qed jiżviluppaw għandha tkun ta' benefiċċju reċiproku filwaqt li jitqiesu kif dovut id-disparitajiet ekonomiċi bejn dawn il-pajjiżi u l-UE; jenfasizza l-importanza tal-Grupp ta' Kummissarji dwar l-Azzjoni Esterna fil-koordinament tal-azzjonijiet tal-UE dwar il-migrazzjoni fl-ogħla livell politiku u fl-impetu li jista' jagħti għal politika komuni ambizzjuża tal-UE dwar il-migrazzjoni;

35.  Jisħaq il-ħtieġa li jiġi stabbilit approċċ komprensiv għall-kunflitti u l-kriżijiet esterni bl-immappjar tal-impatti ekonomiċi, ambjentali, soċjali, fiskali u politiċi diretti u indiretti tal-ispostament fuq il-pajjiżi terzi sabiex il-politiki tal-iżvilupp jiġu adegwati aħjar għall-ħtiġijiet tagħhom;

36.  Jirrimarka li r-rieżami tal-Politika Ewropea tal-Viċinat (PEV), ippreżentat fit-18 ta' Novembru 2015, jinkludi pjanijiet biex jiġu involuti pajjiżi terzi li huma ġirien ta' pajjiżi sħab tal-viċinat tal-UE fil-kuntest ta' oqfsa ta' kooperazzjoni estiża; iħeġġeġ, għalhekk, li jiġu stabbiliti oqfsa tematiċi biex joffru kooperazzjoni bejn l-Unjoni, il-pajjiżi sħab fil-viċinat tan-Nofsinhar u atturi reġjonali ewlenin, speċjalment fl-Afrika, dwar kwistjonijiet reġjonali bħas-sigurtà, l-enerġija u l-ġestjoni tar-rifuġjati u tal-flussi migratorji;

37.  Itenni l-prinċipju ta' "aktar għal aktar" bħala l-bażi tal-politika barranija tal-UE u li skontha l-UE għandha tiżviluppa sħubijiet (finanzjarji) dejjem eqreb ma' dawk il-pajjiżi li jwettqu progress fil-qasam tar-riforma demokratika; jissottolinja li l-attenzjoni fuq it-titjib tal-kwalità tal-ħajja tan-nies fil-pajjiżi terzi għandha tkun waħda mill-prijoritajiet tal-politika barranija tal-UE;

38.  Jistieden lill-VP/RGħ biex, f'kooperazzjoni mal-Istati Membri, taħdem għall-bini ta' reżiljenza tal-istat, ekonomika u soċjetali, b'mod partikolari fil-pajjiżi ġirien tal-UE u f'reġjuni usa' fil-madwar, inkluż permezz tal-Politika Ewropea tal-Viċinat u strumenti oħra tal-UE;

39.  Jikkundanna l-kriminalizzazzjoni li dejjem qed tiżdied tal-migrazzjoni a skapitu tad-drittijiet tal-bniedem tal-persuni kkonċernati, kif ukoll it-trattament ħażin u d-detenzjoni arbitrarja tar-rifuġjati fil-pajjiżi terzi; jistieden lill-VP/RGħ u lis-SEAE jaffrontaw din il-kwistjoni, anki matul id-djalogi tagħhom dwar id-drittijiet tal-bniedem kif ukoll fis-sottokumitati għall-ġustizzja, il-libertà u s-sigurtà, u jiżviluppaw kapaċitajiet ta' protezzjoni fil-pajjiżi terzi ta' tranżitu;

40.  Jappella għall-ħolqien ta' politika migratorja komuni Ewropea vera u proprja, ibbażata fuq il-prinċipju tas-solidarjetà fost l-Istati Membri, kif minqux fl-Artikolu 80 TFUE, bl-iżgurar tal-fruntieri esterni tal-UE u b'kanali legali adegwati għall-migrazzjoni sigura u ordnata, inkluża l-migrazzjoni ċirkolari, bħala politika sostenibbli fit-tul għal finijiet ta' promozzjoni tat-tkabbir u tal-koeżjoni fi ħdan l-UE, bil-għan li jiġi stabbilit qafas ċar għar-relazzjonijiet tal-UE mal-pajjiżi terzi; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Kunsill isaħħu l-iskema tal-Karta Blu Ewropea biex jiġġestixxu aħjar il-migrazzjoni ekonomika; iwissi li kwalunkwe politika li tmur kontra l-valuri fundamentali tal-UE, kif minquxa fl-Artikolu 8 tat-TUE u fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, tkun ta' ħsara għall-kredibbiltà tal-UE u l-kapaċità tagħha li tinfluwenza l-iżviluppi internazzjonali; jinnota li l-politiki esterni tal-UE dwar il-migrazzjoni jeħtieġu li l-ftehimiet ma' pajjiżi terzi jkunu ggwidati minn objettivi fit-tul u bil-għan li jiġu stabbiliti sħubijiet dejjiema; ifakkar li kull sħubija simili għandha tkun ibbażata fuq id-djalogu, l-interessi komuni u s-sjieda reċiproka; jilqa' favorevolment il-Pjan ta' Azzjoni tal-UE kontra t-traffikar tal-migranti (2015-2020), li jipprevedi kooperazzjoni aktar mill-qrib mal-pajjiżi terzi, iżda jissottolinja li l-implimentazzjoni ta' politika komuni tal-UE dwar il-migrazzjoni legali twettaq rwol strumentali biex jitkisser il-mudell operattiv tat-traffikanti u biex jiġi miġġieled it-traffikar ta' bnedmin; jistieden lill-Kummissjoni ġġib l-acquis eżistenti tal-UE kompletament konformi mal-Protokoll tan-NU dwar it-Traffikar u tiżgura protezzjoni adegwata għall-migranti li jisfaw vittmi ta' vjolenza jew abbuż;

41.  Jitlob li l-ftehimiet kollha konklużi mal-pajjiżi terzi għandhom jiżguraw li d-drittijiet tal-migranti, irrispettivament mill-istatus tagħhom, ikunu konformi mad-dritt internazzjonali u jappella għall-adozzjoni tal-leġiżlazzjoni rilevanti, inkluż fir-rigward tal-asil, li tiddikjara b'mod partikolari li s-sempliċi qsim irregolari tal-fruntiera ma jistax jitqies bħala raġuni biex persuna teħel il-ħabs;

42.  Ifakkar fl-importanza tal-kooperazzjoni mal-pajjiżi terzi fil-ġlieda kontra l-faċilitazzjoni ta' dħul klandestin u t-traffikar tal-bnedmin sabiex jiġu fil-mira n-netwerks l-iktar bikrija possibbli tal-katina; jenfasizza f'dan ir-rigward il-ħtieġa li tissaħħaħ il-kooperazzjoni ġudizzjarja u tal-pulizija ma' dawn il-pajjiżi sabiex jiġu identifikati u żarmati n-netwerks; ifakkar ukoll fil-ħtieġa li jissaħħu l-kapaċitajiet ta' dawn il-pajjiżi sabiex ikunu jistgħu jħarrku u jwaħħlu pieni b'mod effikaċi lil dawk responsabbli; jitlob, għaldaqstant, li titħeġġeġ il-kooperazzjoni bejn l-UE, l-Istati Membri, l-Europol, l-Eurojust u l-pajjiżi terzi kkonċernati; jafferma mill-ġdid li l-miżuri meħuda kontra t-traffikar tal-bnedmin m'għandhomx jaffettwaw b'mod negattiv id-drittijiet tal-vittmi tat-traffikar, tal-migranti, tar-rifuġjati u tal-persuni li jinsabu fil-bżonn ta' protezzjoni internazzjonali; jitlob li tintemm immedjatament id-detenzjoni tal-vittmi tat-traffikar tal-bnedmin u tat-tfal;

43.  Ifakkar li n-netwerks tal-faċilitazzjoni ta' dħul klandestin u tat-traffikar tal-bnedmin jagħmlu użu sħiħ mill-internet biex imexxu l-attivitajiet kriminali tagħhom u li għalhekk huwa kruċjali li l-Unjoni ssaħħaħ l-azzjoni tagħha, b'mod partikolari fl-Europol u fl-Unità ta' Indikazzjoni ta' Kontenut fuq l-Internet (IRU) u l-kooperazzjoni tagħha mal-pajjiżi terzi f'dan ir-rigward;

44.  Ifakkar li r-rotot tat-traffikar jistgħu jużaw ir-rotot legali ta' migrazzjoni biex iġibu l-vittmi tagħhom fit-territorju Ewropew; iqis li l-kriterji li l-pajjiżi terzi għandhom jissodisfaw qabel kwalunkwe ftehim ta' liberalizzazzjoni tal-viżi mal-UE jridu jinkludu b'mod speċifiku l-kooperazzjoni ta' dawn il-pajjiżi terzi fil-qasam tal-ġlieda kontra t-traffikar tal-bnedmin; jistieden lill-Kummissjoni tagħti attenzjoni partikolari lil din il-problema kif ukoll lil dik tal-ġlieda kontra t-traffikanti fid-djalogi kollha li jsiru fil-qafas tan-negozjati ta' tali ftehimiet;

45.  Jilqa' l-approċċ li l-UE għandha tiffissa għaliha nnifisha prijoritajiet ċari u objettivi li jistgħu jitkejlu għal kull politika komuni u b'mod partikolari fin-negozjati ma' pajjiżi terzi; jissottolinja li l-Parlament jeħtieġ li jieħu sehem fit-tfassil ta' dawn l-objettivi ċari; iqis li azzjoni esterna tal-UE bbażata fuq approċċ komuni se tkun l-uniku mod li jiżgura politika aktar b'saħħitha u effikaċi; jitlob li jkun hemm azzjoni tassew unifikata u kkoordinata bejn l-UE u l-Istati Membri, billi l-inizjattivi unilaterali, kemm fl-affarijiet interni kif ukoll esterni, jistgħu jdgħajfu l-fattibbiltà u s-suċċess tal-politiki u l-interessi komuni tagħna;

46.  Jappella li jkun hemm protezzjoni aħjar tal-fruntieri esterni tal-UE bil-għan tal-prevenzjoni tad-dħul irregolari fl-UE, tal-indirizzar tal-faċilitazzjoni ta' dħul klandestin ta' persuni u l-prevenzjoni tat-telf tal-ħajjiet fuq il-baħar; jilqa', f'dan il-kuntest, il-ħolqien tal-Gwardja Ewropea tal-Fruntiera u tal-Kosta, li tibni fuq il-Frontex, peress li din tgħin biex tiġġestixxi l-migrazzjoni b'mod aktar effikaċi; jenfasizza, madankollu, il-ħtieġa ta' aktar għajnuna finanzjarja u teknika għall-protezzjoni tal-fruntieri għall-Istati Membri kollha tax-Xlokk tal-UE, il-pajjiżi kandidati tal-UE u pajjiżi sħab oħra f'dan ir-reġjun; jiddispjaċih b'mod partikolari għan-nuqqas ta' skrutinju parlamentari fuq l-attivitajiet esterni tal-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u jitlob, għalhekk li l-Aġenzija tirrapporta b'mod sistematiku lill-Parlament Ewropew dwar l-implimentazzjoni tal-arranġamenti ta' ħidma tagħha u tal-operazzjonijiet konġunti tagħha ma' pajjiżi terzi b'rabta mas-soċjetà ċivili;

47.  Jisħaq li l-ftuħ ta' kanali siguri u legali għal dawk li qegħdin ifittxu l-asil u l-migranti potenzjali jippermettulhom li jużaw kanali ta' dħul u ħruġ formali, biex b'hekk iċaħħdu l-attivitajiet lin-networks tat-traffikanti tal-bnedmin u tal-kriminalità organizzata assoċjata; jenfasizza li n-nuqqas ta' mezzi legali għal migrazzjoni spiss iwassal għal żieda ta' metodi irregolari ta' mobilità, li sikwit tissarraf f'vulnerabilità akbar u r-riskju ta' abbuż matul l-istadji kollha tal-fluss migratorju u tar-rifuġjati; jappella, f'dan ir-rigward, għall-istabbiliment urġenti, speċifiku u tanġibbli ta' kanali siguri u legali għall-UE kollha kemm hi, permezz ta' fost l-oħrajn, arranġamenti aktar effikaċi tal-familji u ta' programmi dwar ir-risistemazzjoni; itenni wkoll l-appelltiegħu li l-Istati Membri jużaw kwalunkwe possibilità eżistenti biex joħorġu viżi umanitarji, b'mod partikolari lill-persuni vulnerabbli u speċjalment lill-minorenni mhux akkumpanjati, fl-ambaxxati u fl-uffiċċji konsulari tal-Unjoni fil-pajjiżi ta' oriġini jew ta' tranżitu; jappella biex is-Sistema Ewropea Komuni tal-Asil tippermetti wkoll li l-applikazzjonijiet għall-asil, kif ukoll l-ipproċessar tat-talbiet għall-asil, isiru barra mill-UE jew fil-fruntieri esterni tal-UE; jappella għal appoġġ mill-UE kollha fil-ħolqien ta' kurituri umanitarji meta ffaċċjati bi kriżijiet ta' rifuġjati u ta' spostament qawwija, bil-għan li tingħata għajnuna umanitarja u jiġu koperti l-bżonnijiet l-aktar bażiċi ta' dawk ir-rifuġjati u li jiġu rispettati d-drittijiet tal-bniedem tagħhom; jinnota l-proposta tal-Kummissjoni dwar il-ħolqien ta' qafas tal-UE għar-risistemazzjoni iżda jitlob li tkompli l-ħidma fil-livell tal-UE dwar il-ħolqien u t-tisħiħ ta' kanali legali li jikkomplementaw ir-risistemazzjoni;

48.  Jilqa' l-approċċ fuq żewġ binarji tal-Qafas ta' Sħubija sabiex jinkludi għanijiet fuq żmien qasir bħal li jiġu salvati l-ħajjiet fil-baħar Mediterran u li tiżdied ir-rata tar-ritorn lejn il-pajjiżi ta' oriġini u ta' tranżitu, kif ukoll għanijiet fit-tul bħall-indirizzar tal-kawżi fundamentali tal-migrazzjoni irregolari u tal-ispostament furzat permezz ta' appoġġ imsaħħaħ tal-UE lil pajjiżi terzi għall-bini tal-kapaċità u billi dawn javvanzaw is-sitwazzjoni politika, soċjali u ekonomika tagħhom; jenfasizza li s-suċċess tal-approċċ definit fil-komunikazzjoni ta' Ġunju 2016 jiddependi mill-kapaċità tal-UE li toffri inċentivi reali u maqbula b'mod komuni lill-pajjiżi terzi ta' tranżitu u ta' oriġini u jinsab imħasseb bl-offerta limitata prinċipalment iffukata fuq il-ġestjoni tal-fruntieri jew l-iskemi ta' ritorn volontarju assistit, li, għad li huma essenzjali u bżonnjużi, jikkostitwixxu biss risposta parzjali għal żmien qasir għal sitwazzjoni kumplessa għall-aħħar; jenfasizza li l-oqfsa ta' sħubija l-ġodda m'għandhomx isiru l-unika pilastru tal-azzjoni tal-UE dwar il-migrazzjoni u jiġbed l-attenzjoni għall-bżonn li jibbilanċja u jikkomplementa din ir-risposta, b'enfasi fuq l-iżvilupp tal-ekonomiji lokali, il-kwalifika u l-mobilità reġjonali kif ukoll it-titjib tal-livelli ta' protezzjoni fil-pajjiżi ta' tranżitu u ta' oriġini;

49.  Ifakkar l-importanza ta' approċċ bilanċjat fil-Qafas ta' Sħubija l-ġdid; iwissi kontra kwalunkwe approċċ kwantitattiv fil-Qafas ta' Sħubija l-ġdid u l-"patti dwar il-migrazzjoni" relatati, li jqisu ż-"żidiet [...] miżurabbli fl-għadd u r-rata ta' ritorni" bħala wieħed mill-għanijiet ewlenin tal-UE; jirrimarka li l-għadd ta' ritorni jiddependi biċ-ċar min-natura tal-flussi migratorji u mis-sitwazzjonijiet fil-pajjiżi ta' oriġini; jisħaq fuq il-fatt li l-objettivi f'terminu qasir tal-patti għandhom jikkonċentraw fuq l-aħjar mod kif jiġu indirizzati l-isfidi li jħabbtu wiċċhom magħhom il-pajjiżi terzi, inkluż permezz tal-iżvilupp ta' kanali legali għall-migrazzjoni, li bis-saħħa ta' dawn se jonqsu l-livelli ta' migrazzjoni irregolari kif ukoll l-għadd ta' persuni li jitilfu ħajjithom fil-Mediterran; jitlob sabiex jiżdiedu l-boroż ta' studju disponibbli għal żgħażagħ minn pajjiżi terzi; jilqa' l-fatt li l-bini tal-kapaċità u t-titjib tal-ġestjoni tal-migrazzjoni fil-pajjiżi ta' tranżitu u ta' oriġini jibqgħu jingħataw appoġġ mill-programmi tal-UE dwar ir-ritorn u r-riintegrazzjoni; jitlob li ssir valutazzjoni tal-implimentazzjoni tal-politika ta' ritorn tal-UE; jirrimarka l-ħtieġa li l-pajjiżi terzi jissodisfaw l-obbligi tagħhom skont il-ftehimiet ta' riammissjoni;

50.  Jenfasizza l-ħtieġa tal-bini ta' sħubija mill-qrib mal-pajjiżi kandidati u l-pajjiżi kandidati potenzjali tal-UE mir-reġjun tal-Balkani tal-Punent dwar kwistjonijiet ta' migrazzjoni u li jingħataw l-appoġġ u l-kooperazzjoni meħtieġa fil-ġestjoni tal-flussi migratorji fir-reġjun;

51.  Jappella għal sħubijiet għall-mobilità u ftehimiet ta' migrazzjoni ċirkolari biex ikunu aġevolati l-ispostamenti taċ-ċittadini tal-pajjiżi terzi fost il-pajjiżi tagħhom u l-UE u biex ikun sostnut l-iżvilupp soċjoekonomiku taż-żewġ partijiet;

52.  Jenfasizza li, fil-qafas tal-attivitajiet ta' taħriġ tagħha u l-iskambju tal-aħjar prattiki ma' pajjiżi terzi, l-UE għandha tiffoka fuq id-dritt tal-Unjoni u dak internazzjonali kif ukoll fuq il-prattiki fil-qasam, inkluż fuq id-drittijiet fundamentali, l-aċċess għall-protezzjoni internazzjonali, l-operazzjonijiet ta' tiftix u salvataġġ, kif ukoll fuq it-titjib tal-identifikazzjoni u tal-għajnuna tal-persuni f'sitwazzjoni vulnerabbli; iqis li dan japplika b'mod partikolari għat-taħriġ relatat mal-ġestjoni tal-fruntieri, li kif previst fil-liġi internazzjonali, bl-ebda mod m'għandha tintuża bħala għodda biex il-persuni ma jitħallewx iħallu pajjiżhom;

53.  Jitlob l-akbar attenzjoni għat-trattament tal-migranti li jintbagħtu lura fil-pajjiż ta' oriġini tagħhom jew f'pajjiż terz; jemmen li kwalunkwe djalogu dwar ir-ritorn u r-riammissjoni, partikolarment fil-qafas ta' ftehimiet ta' riammissjoni, għandu jinkludi b'mod sistematiku l-kwistjoni tal-integrazzjoni mill-ġdid u tar-ritorn sikur tal-migranti; jenfasizza li dawn għandhom jibbenefikaw minn sigurtà sħiħa u l-protezzjoni kontra t-trattamenti degradanti u inumani, inkluż f'ċentri ta' detenzjoni u li l-UE għandha tappoġġja programmi ta' reintegrazzjoni; jirrimarka li l-ebda persuna ma għandha titkeċċa jew tintbagħat lura bil-forza lejn pajjiżi fejn hemm riskju ta' theddid fuq ħajjitha jew il-libertà tagħha minħabba l-oriġini, ir-reliġjon tagħha, in-nazzjonalità tagħha, is-sħubija tagħha fi grupp soċjali partikolari jew l-opinjonijiet politiċi, jew fejn tiffaċċja riskju ta' tortura, trattament degradanti, u b'mod aktar ġenerali, il-ksur tad-drittijiet tal-bniedem; jirrimarka li l-espulsjonijiet kollettivi u r-refoulements huma pprojbiti skont id-dritt internazzjonali;

54.  Iħeġġeġ lil dawk responsabbli għall-qasam tal-politika barranija u għall-iżvilupp biex jieħdu ħsieb li l-persuni li jiġu rritornati f'pajjiżhom jiġu trattati kif suppost u l-integrità tagħhom tiġi rrispettata; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jfasslu programmi ta' appoġġ li jiżguraw li fl-istati ta' oriġini jitwettqu programmi konkreti ta' assistenza li jinkludu kemm programmi ta' taħriġ professjonali kif ukoll programmi mmirati sabiex jinħolqu strutturi ekonomiċi, inklużi negozji ġodda u negozji żgħar, flimkien ma' programmi ta' skambju professjonali u akkademiku mal-Istati Membri;

55.  Jissottolinja li l-ftehimiet ta' sħubija bħal sħubijiet ta' mobbiltà, għandhom jiżguraw li l-migranti jistgħu jiġu rċevuti b'mod sikur f'pajjiżi ta' tranżitu u ta' oriġini, b'mod kompletament konsistenti mad-drittijiet fundamentali tagħhom; jisħaq li l-Parlament Ewropew għandu rwol ċar fil-ftehimiet ta' riammissjoni u ta' mobilità tal-UE kif stabbilit mit-Trattat ta' Lisbona (l-Artikolu 79(3) TFUE) u jenfasizza speċifikament li l-Parlament Ewropew irid jagħti l-approvazzjoni tiegħu qabel il-konklużjoni ta' ftehimiet ta' assoċjazzjoni u ftehimiet simili (l-Artikolu 218(6)(v) TFUE) u li jrid jiġi informat immedjatament u kompletament fl-istadji kollha tal-proċedura (l-Artikolu 218(10) TFUE;

56.  Ifakkar fil-pożizzjoni tal-Parlament kif espressa fir-Riżoluzzjoni tiegħu tat-12 ta' April 2016 fejn xtaq li l-ftehimiet ta' riammissjoni tal-Unjoni jkollhom prijorità fuq dawk bilaterali konklużi mill-Istati Membri ma' pajjiżi terzi; jirrimarka li reċentement tfassal dokument ġdid Ewropew dwar ir-ritorn u jenfasizza li r-rikonoxximent tiegħu għandu jitħeġġeġ b'mod sistematiku fi kwalunkwe ftehim ġdid ta' riammissjoni;

57.  Japprezza d-djalogi ta' livell għoli li wettqu l-VP/RGħ u l-Kummissjoni, u f'ċerti każijiet l-Istati Membri f'isem l-UE fit-totalità tagħha, bħala prattiki tajbin u effikaċi li jrawmu l-koordinament; jisħaq fuq il-fatt li l-koordinament għandu jkun f'idejn il-Kummissjoni u s-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE); jistieden lill-Kummissjoni u lis-SEAE jżommu lill-Parlament informat regolarment b'dawn id-djalogi u jirrapportaw dwar l-implimentazzjoni operattiva eżatta tal-proċessi ta' Rabat u Khartoum kif ukoll l-inizjattivi prijoritarji maqbula fl-okkażjoni tas-Summit tal-Belt Valletta; jirrimarka għal darb' oħra li sjieda kondiviża ta' sħubiji konklużi bejn l-UE u pajjiżi terzi hija prerekwiżit għas-suċċess tal-politika tal-migrazzjoni tal-UE; jiddispjaċih li l-pakketti maħsuba għall-pajjiżi prijoritarji bħala parti mill-Qafas ta' Sħubija l-ġdid, mill-Kummissjoni, mis-SEAE u mill-Istati Membri, la ġew preżentati, la diskussi u lanqas approvati mir-rappreżentanti eletti taċ-ċittadini Ewropej; jikkundanna dan in-nuqqas ta' trasparenza u jitlob l-involviment tal-Parlament Ewropew fl-iżvilupp ta' patti ta' migrazzjoni u l-iskrutinju tal-implimentazzjoni tagħhom, li għandhom jiżguraw ir-rispett sħiħ tad-drittijiet tal-bniedem, il-liġi umanitarja internazzjonali u l-impenji tat-Trattat tal-UE dwar l-iżvilupp;

58.  Josserva li t-twettiq tal-objettivi tal-Aġenda 2030 għall-Iżvilupp Sostenibbli jirrikjedi li l-UE u l-pajjiżi sħab jintegraw id-dinamika tal-migrazzjoni ġestita sew fl-istrateġiji tal-iżvilupp sostenibbli rispettivi tagħhom; jistieden, f'dan ir-rigward, lill-Kummissjoni u lis-SEAE biex jgħinu lill-pajjiżi ta' tranżitu jfasslu strateġiji ta' integrazzjoni tal-immigranti u jistabbilixxu sistemi tal-asil bi standards għolja ta' protezzjoni;

59.  Jissottolinja li l-assistenza u l-kooperazzjoni tal-UE jeħtieġu jkunu mingħajr kondizzjoni u mfassla mill-qrib biex jinkiseb l-iżvilupp u t-tkabbir f'pajjiżi terzi - biex b'hekk jiġi promoss ukoll it-tkabbir fi ħdan l-UE, u biex bi qbil mal-Artikolu 208 tat-TFUE, jitnaqqas u eventwalment jinqered il-faqar f'pajjiżi terzi u mhux biex jiġu inċentivizzati sabiex jikkooperaw fir-riammissjoni ta' migranti irregolari jew li biex in-nies jiġu skoraġġuti bil-forza milli jiċċaqilqu, jew biex jitwaqqfu l-flussi lejn l-Ewropa; ifakkar li kemm il-pajjiżi donaturi kif ukoll il-gvernijiet ta' pajjiżi li qed jirċievu l-għajnuna għandhom jaħdmu biex itejbu l-effikaċja tal-għajnuna, jirrimarka li l-flussi migratorji huma realtà internazzjonali u ma għandhomx isiru indikatur tal-prestazzjoni tal-politiki ta' migrazzjoni esterni tal-UE, u li l-ftehimiet ma' pajjiżi terzi jeħtieġ li jiġu ggwidati minn objettivi fit-tul u billi jiġu stabbiliti sħubiji dejjiema u bir-rispett tad-drittijiet tal-bniedem;

60.  Jenfasizza l-importanza li s-soċjetà ċivili tiġi kkonsultata fil-qafas tal-politiki esterni kollha tal-UE, b'attenzjoni partikolari lill-parteċipazzjoni sħiħa, lit-trasparenza u lit-tixrid xieraq tal-informazzjoni fil-politiki kollha u l-proċessi kollha relatati mal-migrazzjoni;

61.  Jistieden lill-Kummissjoni tikkoopera mill-qrib mal-NGOs u l-esperti li jaħdmu fil-pajjiżi ta' oriġini ta' dawk li jfittxu l-asil sabiex jitfasslu l-aħjar modi possibbli biex jgħinu lill-individwi u lill-gruppi soċjali fl-aktar sitwazzjonijiet vulnerabbli; jistieden lill-Kummissjoni tinvolvi lill-NGOs u lill-esperti fil-pajjiżi ta' oriġini ta' dawk li jfittxu l-asil sabiex issib il-mekkaniżmu u l-għodda ta' prevenzjoni tal-kunflitti li jiffunzjonaw l-aħjar;

62.  Jenfasizza li sabiex tiġi evitata d-duplikazzjoni tal-isforzi, jiġi mmassimizzat l-impatt u l-effettività tal-għajnuna globali u jiġi żgurat li l-attenzjoni ewlenija tkun fuq l-iżvilupp, il-Kummissjoni għandha żżomm djalogu b'saħħtu mal-NGOs lokali u internazzjonali, mas-soċjetà ċivili u mal-gvernijiet lokali fil-pajjiżi sħab kif ukoll man-NU għat-tfassil, l-implimentazzjoni u l-evalwazzjoni tal-politiki dwar il-migrazzjoni, l-ispostament u r-rifuġjati;

63.  Jiġbed l-attenzjoni lejn l-intenzjoni li jiġu riveduti d-dokumenti ta' programmar ta' kooperazzjoni għall-iżvilupp biex jinkisbu l-patti ġodda ta' migrazzjoni; jenfasizza li din ir-reviżjoni għandha titwettaq f'konformità ma' prinċipji tal-effettività tal-iżvilupp u fi djalogu mal-pajjiżi sħab, Ewropej u l-organizzazzjonijiet lokali tas-soċjetà ċivili u s-settur privat; jistieden lill-Parlament ikun involut bis-sħiħ f'kull stadju tar-reviżjoni, inkluż id-dokumenti ta' programmazzjoni skont il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp (FEŻ); jistieden lill-Istati Membri jirriformaw f'dan is-sens l-għajnuna għall-iżvilupp tagħhom, skont l-impenn ta' 0,7 % tal-ING, bil-għan li jintlaħqu l-għanijiet ta' żvilupp sostenibbli;

64.  Jappella għal diskussjoni bbilanċjata bejn l-UE u s-sħab esterni tagħha; jirrakkomanda li l-UE u l-Istati Membri tagħha jintrabtu li jipprovdu aktar opportunitajiet ta' migrazzjoni legali lejn l-UE, kemm jekk ikunu qed ifittxu protezzjoni, impjieg kif ukoll għal għanijiet edukattivi, jew ta' riunifikazzjoni tal-familja;

65.  Jistieden lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa biex jippromwovu t-trasferiment aktar mgħaġġel, orħos u aktar sikur tar-rimessi tal-migranti kemm fil-pajjiżi ta' oriġini kif ukoll fil-pajjiżi destinatarji, inkluż permezz tat-tnaqqis tal-ispejjeż tat-tranżazzjonijiet kif stipulat fid-Dikjarazzjoni ta' New York għar-Rifuġjati u l-Migranti tad-19 ta' Settembru 2016;

66.  Jinsab ferm imħasseb bil-kunflitt kontinwu fis-Sirja, li matulu l-vjolenza kontra l-persuni ċivili, l-attakki fuq infrastrutturi ċivili u fuq sptarijiet u l-ksur tad-dritt umanitarju internazzjonali f'dawn l-aħħar ħames snin wasslu għall-ispostament furzat ta' nofs il-popolazzjoni; jistieden lill-UE u lill-Istati Membri jtejbu l-mezzi ddedikati għall-prevenzjoni tal-kunflitti u l-ġestjoni tal-kriżi u biex jiżvolġu rwol akbar fir-riżoluzzjoni tal-kunflitti fil-viċinat tagħha u b'mod partikolari fil-kunflitt Sirjan; jesprimi s-sostenn totali tiegħu lill-pajjiżi fil-viċinat tas-Sirja, li qegħdin ikomplu juru solidarjetà straordinarja billi jilqgħu miljuni ta' rifuġjati minkejja r-riżorsi limitati; ifakkar li numru kbir minn dawn ir-rifuġjati għadhom jgħixu f'kundizzjonijiet foqra mingħajr aċċess jew b'aċċess limitat għar-rikonoxximent legali, għas-sistemi tas-saħħa u tal-edukazzjoni jew is-swieq tax-xogħol; jinsab imħasseb sew dwar id-destin u s-sitwazzjoni umanitarja ta' 75 000 persuna maqbuda fuq il-fruntiera tal-Ġordan fil-kamp informali ta' Rukban; jistieden lill-UE u lill-Istati Membri tagħha biex ikomplu bil-kooperazzjoni u jżiduha flimkien mad-djalogu tagħhom mal-Libanu u l-Ġordan, u biex iżidu l-appoġġ finanzjarju tagħhom kemm permezz ta' organizzazzjonijiet internazzjonali u kanali Ewropej, kif ukoll flimkien ma' pajjiżi terzi ospitanti, biex jiżguraw li, l-ewwel nett, popolazzjonijiet ta' rifuġjati jkunu jistgħu jgawdu kundizzjonijiet ta' għajxien deċenti, u l-aċċess għas-servizzi bażiċi, u jingħataw drittijiet ta' moviment liberu u ta' opportunitajiet ta' xogħol, u, it-tieni nett, li l-fondi jilħqu l-għanijiet finali tagħhom; jenfasizza li dan għandu jkun akkumpanjat minn assistenza għall-komunitajiet ospitanti sabiex tissaħħaħ ir-reżiljenza ekonomika tagħhom;

67.  Jinnota li, wara l-implimentazzjoni tal-ftehim politiku milħuq mill-Istati Membri u mit-Turkija fit-18 ta' Marzu 2016, in-numru ta' persuni li jaslu fl-Istati Membri l-aktar esposti naqsu; jissottolinja t-tħassib dwar dan il-ftehim politiku kif iddikjarat pubblikament minn organizzazzjonijiet umanitarji internazzjonali, partikolarment fir-rigward tar-rispett tad-drittijiet tal-bniedem u tad-dritt internazzjonali; jinsab imħasseb dwar is-sitwazzjoni fit-Turkija u l-impatt li din jista' jkollha dwar jekk titqiesx bħala pajjiż sikur; jenfasizza li l-liberalizzazzjoni tal-viża għat-Turkija ma tridx titqies bħala premju għall-kooperazzjoni mal-UE fil-qasam tal-migrazzjoni, iżda riżultat ta' osservazzjoni stretta tal-kriterji kollha stabbiliti mill-UE; iwissi kontra r-riproduzzjoni ta' dan il-mudell f'pajjiżi oħra peress li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni, il-partikolaritajiet ta' kull pajjiż u ta' kull reġjun;

68.  Jinsab imħasseb ħafna dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fit-Turkija, fejn il-ksur tad-drittijiet bażiċi bħal-libertà tal-espressjoni u tal-assemblea jseħħ kostantement, fejn il-popolazzjoni tax-Xlokk tal-pajjiż hija mhedda mill-Gvern tagħha stess, fejn aktar minn 30 000 impjegat pubbliku tkeċċa għal raġunijiet politiċi, u fejn aktar minn 130 organizzazzjoni tal-midja ingħalqu mill-awtoritajiet;

69.  Jiddispjaċih dwar in-nuqqas ta' konsultazzjoni u trasparenza fit-Triq Konġunta 'l Quddiem li ġiet iffirmata dan l-aħħar dwar kwistjonijiet ta' migrazzjoni bejn l-Afganistan u l-UE li hija ffukata primarjament fuq riammissjonijiet u li tikkomtempla ritorni bla limitu taċ-ċittadini Afgani, kemm jekk fuq bażi volontarja jew le; jinsab imħasseb dwar il-konsegwenzi possibbli fuq persuni Afgani li jfittxu l-asil, li fl-2016 kienu jammontaw għat-tieni l-akbar grupp nazzjonali fl-UE ta' persuni li japplikaw għal asil; ifakkar li r-ritorni jistgħu jseħħu biss wara li jkun tqies kull każ individwali b'rispett sħiħ tad-drittijiet tagħhom u jistieden lill-UE u lill-Istati Membri jallokaw ir-riżorsi meħtieġa biex jitħaffu l-proċeduri amministrattivi u ġudizzjarji attwali;

70.  Jiddispjaċih ħafna li fil-qafas ta' politika tal-UE dwar il-migrazzjoni u fir-rispons għall-movimenti tar-rifuġjati, l-UE u l-Istati Membri tagħha ddeċidew li jikkonkludu ftehimiet ma' pajjiżi terzi, li jevitaw l-iskrutinju parlamentari marbut mal-metodu Komunitarju; jistieden lill-Kummissjoni tinkludi tal-inqas Mekkaniżmu ta' Evalwazzjoni darbtejn fis-sena ta' kwalunkwe dikjarazzjoni politika ffirmata ma' pajjiżi terzi sabiex tiġi evalwata t-tkomplija jew il-konklużjoni ta' dawn il-ftehimiet; jenfasizza l-ħtieġa għall-inklużjoni ta' salvagwardji tad-drittijiet tal-bniedem f'kull ftehim konkluż fil-qafas tal-politiki tal-migrazzjoni u tar-rifuġjati;

71.  Jenfasizza li l-politika tal-UE dwar l-Afrika hija waħda mill-elementi ewlenin għall-istabbiltà u l-iżvilupp fl-għexieren ta' snin li ġejjin; iqis li l-UE teħtieġ tibqa' tiffoka fuq il-faxxa ta' pajjiżi mir-reġjun tas-Saħel sal-Qarn tal-Afrika, kif ukoll żoni ta' instabbiltà fit-Tramuntana u fin-Nofsinhar tagħha; jenfasizza r-rabta bejn l-iżvilupp, is-sigurtà u l-migrazzjoni u jappella għal kooperazzjoni aktar mill-qrib fil-prevenzjoni u l-ġestjoni ta' konflitti, kif ukoll biex jiġu indirizzati l-għeruq fundamentali tad-destabbilizzazzjoni, l-ispostament sfurzat u l-migrazzjoni irregolari, fil-promozzjoni tar-reżiljenza u tal-opportunitajiet ekonomiċi u indaqs u fil-prevenzjoni tal-abbużi tad-drittijiet tal-bniedem; iqis li l-UE għandha taqdi rwol ċentrali fl-istabbilizzazzjoni tal-Libja, anke bħala mezz biex jitwaqqfu l-abbużi tad-drittijiet tal-bniedem li qed iseħħu u li jaffettwaw lil-Libjani, lir-rifuġjati u lill-migranti;

Mezzi xierqa għall-azzjoni

72.  Jirrikonoxxi l-proposta tal-Kummissjoni għal Pjan ta' Investiment Estern (PIE) ġdid u ambizzjuż għall-mobilizzazzjoni tal-investimenti fil-pajjiżi tal-viċinat tal-UE u fil-pajjiżi terzi li qed jiżviluppaw, sakemm dak il-pjan jiġi implimentat b'mod kompletament trasparenti u l-investimenti jgħinu biex jitjiebu l-kundizzjonijiet fil-pajjiżi benefiċjarji u biex tiġi miġġielda l-korruzzjoni u l-governanza ħażina; jikkonstata li l-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Sostenibbli (EFSD) propost ser ikun iffinanzjat parzjalment permezz tal-allokazzjonijiet tal-Fond Ewropew għall-Iżvilupp (FEŻ), tal-Istrument tal-Kooperazzjoni għall-Iżvilupp (DCI) u tal-Istrument Ewropew ta' Viċinat (ENI), li jikkostitwixxi l-użu ta' Fondi għall-Iżvilupp għall-promozzjoni ta' investiment mis-settur privat; iqis li s-sostenn lis-setturi privati fil-pajjiżi terzi filwaqt li jitrawwem ambjent ta' governanza u ta' prattiki ta' negozju tajbin ma għandux jiġi ppreżentat bħala miżura ġdida iżda għandu jissaħħaħ aktar; jistieden lill-Kummissjoni tiggarantixxi l-koerenza bejn l-istrumenti finanzjarji esterni, pereżempju d-DCI u l-FEŻ, u proġetti bil-għan li l-assistenza tal-UE tkun ikkonċentrata fuq il-prijoritajiet u jkun evitat li l-fondi u l-isforzi jkunu sparpaljati; jisħaq il-ħtieġa ta' addizzjonalità sistematika, kemm fl-għażla tal-politiki li se jingħataw appoġġ kif ukoll fl-implimentazzjoni finanzjarja tagħhom;

73.  Jissottolinja li s-somma ta' EUR 3.35 biljun allokati għal Fond Ewropew għall-Iżvilupp Sostenibbli (EFSD) ġdid bħala parti mill-PIE tikkorrispondi għal aktar minn 5 % tal-fondi totali disponibbli mill-FEŻ, id-DCI u l-Istrument Ewropew ta' Viċinat (ENI) taħt il-qafas finanzjarju pluriennali (QFP); jistieden lill-Kummissjoni tipprovdi aktar dettalji dwar din l-istima, u dwar l-impatt mistenni, u tindika skont liema bażi qed tistenna li l-Istati Membri, donaturi oħra u sħab privati jikkontribwixxu sa EUR 44 biljun għaliha, meta xi Stati Membri għad iridu jikkontribwixxu għal Fondi Fiduċjarji attwali;

74.  Jirrakkomanda li għandhom jiġu allokati riżorsi adegwati għal miżuri mfassla apposta għall-ħin li jqattgħu r-rifuġjati u IDPs taħt arranġamenti ta' protezzjoni temporanja, li jeħtieġ ikun perjodu mimli b'opportunitajiet għal tkabbir u taħriġ għall-ġenerazzjonijiet kollha, u li tiġi pprovduta edukazzjoni għat-tfal, taħriġ vokazzjonali għaż-żgħażagħ u impjiegi għall-adulti; jemmen li dan se jiżgura li, meta jsir possibbli għalihom li jirritornaw lejn darhom, dawn in-nies se jkunu "riġenerati" u jkunu jistgħu jagħtu spinta ġdida lil pajjiżhom, minflok ma dawn jiterrew minn snin ta' stennija mingħajr prospetti reali;

75.  Jilqa' l-proposta tal-Kummissjoni dwar ir-reviżjoni tal-QFP, partikolarment fir-rigward tal-fatt li l-baġit tal-UE jiġi mogħni bi strumenti ta' kriżi akbar; jistenna li r-reviżjoni proposta tar-regoli finanzjarji se żżid ir-responsabbiltà u l-ġestjoni finanzjarja tajba; jenfasizza li l-indirizzar tal-kawżi profondi tal-flussi migratorji jinvolvi wkoll l-appoġġ favur il-pajjiżi terzi fil-bini tal-kapaċitajiet;

76.  Jissottolinja li l-UE trid tipprovdi lilha nnifisha bil-mezzi neċessarji biex tikseb l-objettivi tagħha u twettaq il-politiki tagħha (l-Artikolu 311 TFUE), peress li mingħajr biżżejjed finanzjamenti, l-UE ma tistax taqdi l-funzjonijiet li mistennija taqdi, u lanqas ma tista' tilħaq l-aspettativi tal-poplu Ewropew; jissottolinja l-prezz uman, politiku u ekonomiku tan-nuqqas ta' azzjoni; josserva li r-reviżjoni ta' nofs it-terminu tal-Qafas Finanzjarju Pluriennali (QFP) – jew, l-aktar l-aktar, in-negozjati tal-QFP li jmiss – toffri opportunità neċessarja għar-reviżjoni tal-istrumenti esterni relatati mal-migrazzjoni, kif ukoll biex jiżdied il-baġit tal-UE b'tali mod u manjiera li jkun possibbli li jintemmu l-istrumenti ad hoc u terġa' tinġieb l-unità tal-baġit; jenfasizza bil-qawwa l-ħtieġa li l-Parlament jingħata rwol ta' sorveljanza ewlieni anke f'dan il-qasam; jiddispjaċih bil-kbir li l-Kummissjoni ma pproponietx żieda tal-mezzi baġitarji għal azzjoni esterna - intestatura baġitarja li diġà kienet relattivament baxxa - iżda minflok qed tirridirezzjona l-istrumenti ta' żvilupp lejn il-migrazzjoni u b'hekk tiddevjhom minn prijoritajiet oħrajn;

77.  Jinnota li r-riorjentament tal-istrumenti ta' finanzjament estern lejn is-sigurtà, il-bini tal-paċi u r-riżoluzzjoni tal-kunflitti, il-migrazzjoni u l-ġestjoni tal-fruntieri kollha joħolqu sfidi ġodda fir-rigward tal-objettivi u l-prinċipji inizjali ta' dawn l-istrumenti;

78.  Jissottolinja li l-indirizzar ta' diżastri u vulnerabbiltajiet ġodda u kroniċi jeħtieġ investiment prevedibbli fit-tul u l-konformità mal-aġenda għall-iżvilupp sostenibbli ġdida, l-aktar billi jiġu promossi l-valutazzjoni tar-riskju, l-ippjanar u l-finanzjament konġunti bejn l-atturi impenjati fil-livell umanitarju, tal-iżvilupp, tal-bini tal-paċi u tat-tibdil fil-klima;

79.  Jemmen li r-rispett tal-istat tad-dritt u l-ġlieda kontra l-korruzzjoni jridu jkunu s-sisien ċentrali tal-azzjoni tal-UE fil-pajjiżi ta' oriġini; jenfasizza l-importanza li jsiru kontrolli xierqa dwar l-użu ta' finanzjament għal pajjiżi terzi, sabiex jiġi żgurat li dan jintuża għall-iskop maħsub tiegħu;

80.  Jikkonstata li l-ħolqien ta' fondi fiduċjarji u strumenti finanzjarji ad hoc, filwaqt li jgħin il-ġbir tar-riżorsi neċessarji u jagħti ħeffa u flessibilità lill-azzjoni tal-UE, jista' jipperikola wkoll il-prinċipji ta' żvilupp effikaċi u jimmina l-unità tal-baġit kif ukoll l-awtorità baġitarja tal-Parlament; jappella, għalhekk, li l-Parlament jingħata rwol superviżorju akbar fl-użu ta' dawn l-istrumenti, inkluż - iżda mhux biss limitat għal - billi jipparteċipa fil-kumitati ta' tmexxija; ifakkar li l-effikaċja tal-fondi fiduċjarji tiddependi bil-kbir mill-fatt jekk l-Istati Membri humiex disposti li jikkontribwixxu u jkunu involuti bis-sħiħ; iħeġġeġ li strumenti simili jitqegħdu taħt is-superviżjoni tal-Parlament u jitlob linji gwida dwar l-inkorporazzjoni tagħhom fil-baġit tal-UE u dwar l-ambitu tas-setgħat tiegħu;

81.  Jirrimarka li suppost kellhom jitħallsu EUR 3.6 biljun lill-fond fiduċjarju ta' emerġenza għall-istabilità u għall-indirizzar tal-kawżi fundamentali tal-migrazzjoni irregolari u tal-persuni spostati fl-Afrika, liema fond ġie mniedi fis-Summit tal-Belt Valletta; jistieden lill-Istati Membri jikkontribwixxu ammont simili għall-ammont ta' EUR 1.8 biljun rilaxxat mill-Kummissjoni;

82.  Jappella biex il-fondi fiduċjarji jsegwu l-istess regoli u regolamenti li japplikaw għal strumenti ta' finanzjament tradizzjonali tal-UE fir-rigward tat-trasparenza, it-trattament ugwali tas-sħab u l-kapaċità li jiġi pprovdut finanzjament prevedibbli u f'waqtu lis-sħab;

83.  Jesprimi tħassib li l-abbozz ta' baġit tal-UE għall-2017 jipprevedi żieda fil-proċess ta' ġestjoni tal-flussi ta' migrazzjoni jew ta' inizjattivi tas-sigurtà interna għad-dannu tal-fondi ta' koeżjoni tal-UE u tal-azzjoni madwar id-dinja;

84.  Jistieden lill-UE tevalwa b'attenzjoni u b'mod sistematiku l-impatt tal-azzjonijiet iffinanzjati fl-oqsma tal-migrazzjoni, l-ispostament u r-rifuġjati abbażi tal-kwalità tat-twassil tal-għajnuna umanitarja u l-għajnuna għall-iżvilupp;

85.  Jenfasizza li appoġġ immirat ibbażat fuq is-sitwazzjoni lokali huwa element ewlieni ta' politika effiċjenti u orjentata lejn ir-riżultati, u li appoġġ simili għandu jiġi nnegozjat ma' pajjiżi terzi; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jiżviluppaw objettivi ċari u li jistgħu jitkejlu li għandhom jiġu implimentati permezz ta' strumenti finanzjarji inklużi Fondi Fiduċjarji, b'mod koerenti u koordinat;

86.  Jilqa' l-użu tal-missjonijiet tal-politika ta' sigurtà u ta' difiża komuni (PSDK) bħall-EUCAP Sahel Niger u EUNAVFOR MED Operazzjoni Sophia, li għandhom ikomplu jissaħħu bħala mezz ta' protezzjoni tal-fruntieri esterni tal-UE, u ta' prevenzjoni tat-traffikar tal-bnedmin u l-faċilitazzjoni ta' migrazzjoni illegali; jappoġġja l-kooperazzjoni man-NATO u l-inizjattivi tal-UE bħat-Tim Operattiv Konġunt (TOK) Mare biex tinġabar l-informazzjoni tal-intelligence u jkunu miġġielda t-traffikanti, u jissottolinja li l-mobilità globali ma għandhiex titqies bħala theddida iżda bħala opportunità; ifakkar f'dan il-kuntest li l-fatt li jiġu salvati ħajjiet fuq il-baħar u l-iżgurar tad-drittijiet tal-migranti jridu jkunu ta' importanza ewlenija f'dawn l-operazzjonijiet kollha; jirrakkomanda l-użu tal-istrumenti tal-PSDK għat-twissija bikrija (tbassir), għall-medjazzjoni u għar-riżoluzzjoni tal-kunflitti, filwaqt li jisħaq fuq l-importanza li jinbeda l-ippjanar mill-aktar fis possibbli ta' soluzzjonijiet dejjiema f'sitwazzjonijiet ta' kunflitt;

87.  Ifakkar is-Sħubija Strateġika bejn in-NU-UE dwar iż-Żamma tal-Paċi u l-Ġestjoni tal-Kriżijiet u l-prijoritajiet tagħha għall-perjodu 2015-2018, kif maqbula f'Marzu 2015; iħeġġeġ aktar ħidma mill-UE sabiex tieħu kont tar-rwol ewlieni ta' organizzazzjonijiet u pajjiżi oħrajn u l-iffaċilitar tal-kontribuzzjonijiet tal-Istati Membri; jiddeplora l-fatt li 11 biss mit-28 Stat Membru ħadu impenn fis-Summit tal-Mexxejja dwar iż-Żamma tal-Paċi tat-28 ta' Settembru 2015; jappella lill-Istati Membri tal-UE sabiex iżidu b'mod sinifikanti l-kontributi militari u ta' pulizija tagħhom għall-missjonijiet taż-żamma ta' paċi tan-NU;

88.  Jilqa' u jappoġġja l-inizjattivi tal-Bank Ewropew tal-Investiment biex isostni r-reżiljenza ekonomika fil-Viċinat tan-Nofsinhar tal-UE u fir-reġjuni tal-Balkani tal-Punent permezz ta' proġetti li jwasslu għall-ħolqien ta' impjiegi, reżiljenza ekonomika u t-tnaqqis tal-faqar f'konformità mal-linji politiċi esterni tal-Unjoni Ewropea;

89.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lis-SEAE jipprovdu lill-Parlament u lill-pubbliku, mill-aktar fis possibbli, stampa dettaljata tad-diversi strumenti u programmi ta' finanzjament, u l-mod kif jiffunzjonaw flimkien mal-programmi tal-Istati Membri, fis-16-il pajjiż prijoritarju(6) li magħhom l-UE tipparteċipa fi djalogi ta' livell għoli dwar il-migrazzjoni, skont l-Approċċ Globali għall-Migrazzjoni u l-Mobilità (GAMM); jinsab serjament imħasseb li fost il-pajjiżi prijoritarji hemm reġimi ripressivi li huma stess huma l-kawża prinċipali għalfejn rifuġjati jaħarbu minn pajjiżhom; ifakkar li l-GAMM għadu l-qafas ġenerali tal-politika esterna tal-UE fil-qasam tal-migrazzjoni u tal-asil, iżda jinnota li l-inizjattivi politiċi reċenti għamlu referenza limitata għalih u jappella għal kjarifika dwar ir-rilevanza tal-GAMM fil-kuntest attwali kif ukoll rieżami tal-GAMM skont ir-rakkomandazzjonijiet tal-IOM;

90.  Jilqa' l-iskjerament ta' Uffiċjali ta' Kollegament dwar il-Migrazzjoni Ewropea f'pajjiżi prijoritarji bħala l-ewwel pass biex tissaħħaħ il-kooperazzjoni tal-UE ma' pajjiżi terzi fil-qasam tal-migrazzjoni; jirrakkomanda t-tisħiħ tal-persunal li jittrattaw kwistjonijiet dwar il-Ġustizzja u l-Affarijiet Interni fi ħdan id-Delegazzjonijiet tal-UE, u li jkollhom mandat ċar għall-iżvilupp tal-koordinazzjoni fi ħdan l-Istati Membri;

91.  Jissottolinja l-ħtieġa ta' approċċ deċentralizzat minflok ma jitkompla approċċ ċentralizzat minn Brussell, billi jsir użu aħjar tad-Delegazzjonijiet tal-UE - li saru għodda ta' valur kbir f'perjodu ta' żmien qasir ħafna - u biex tiġi applikata flessibilità akbar u perjodi ta' programmar aktar qosra għall-pajjiżi li jinsabu f'riskju; jitlob għall-ħatra ta' koordinaturi reġjonali li jkollhom il-kapaċità li jmexxu l-iżvilupp u l-kooperazzjoni u r-relazzjonijiet esterni sabiex jiżguraw approċċ koerenti bbażat fuq is-sitwazzjoni lokali fuq il-post;

92.  Jirrakkomanda l-promozzjoni, bl-appoġġ tal-UE, ta' kampanji ta' informazzjoni fil-pajjiżi terzi li jinfurmaw liċ-ċittadini dwar id-drittijiet u l-obbligi ta' mobilità tagħhom u li jwissuhom dwar ir-riskji li jistgħu jiffaċċjaw matul il-vjaġġ tagħhom - b'mod partikolari fir-rigward ta' persuni li jiffaċilitaw l-immigrazzjoni illegali u traffikanti - sabiex jgħinuhom jilħqu l-aktar deċiżjoni informata;

93.  Jitlob li l-programmi ta' ġemellaġġ u l-azzjoni TAIEX jintużaw aħjar, mhux sempliċiment għal skambji tal-aħjar prattiki u taħriġ iżda wkoll għall-iżvilupp u l-kooperazzjoni bi sforz speċjali fuq il-pajjiżi li jinsabu taħt pressjoni;

°

°  °

94.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-gvernijiet tas-16-il pajjiż prijoritarju identifikat fil-Qafas ta' Sħubija l-ġdid ma' pajjiżi terzi skont l-Aġenda Ewropea dwar il-Migrazzjoni u l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili li jirrappreżentaw migranti u rifuġjati u li jaħdmu magħhom.

(1)

Testi adottati, P8_TA(2015)0272.

(2)

Testi adottati, P8_TA(2016)0073.

(3)

Testi adottati, P8_TA(2016)0102.

(4)

Testi adottati, P8_TA(2016)0037.

(5)

Testi adottati, P8_TA(2016)0404.

(6)

l-Etjopja, l-Eritrea, il-Mali, in-Niġer, in-Niġerja, is-Senegal, is-Somalja, is-Sudan, il-Ghana, il-Kosta tal-Avorju, l-Alġerija, il-Marokk, it-Tuneżija, l-Afganistan, il-Bangladesh u l-Pakistan.


OPINJONI tal-Kumitat għall-Baġits (10.11.2016)

għall-Kumitat għall-Affarijiet BarraninKumitat għall-Iżvilupp

dwar l-indirizzar tal-movimenti tar-rifuġjati u tal-migranti: ir-rwol tal-azzjoni esterna tal-UE

(2015/2342(INI))

Rapporteur għal opinjoni: Daniele Viotti

SUĠĠERIMENTI

Il-Kumitat għall-Baġits jistieden lill-Kumitat għall-Affarijiet BarraninKumitat għall-Iżvilupp, bħala l-kumitat responsabbli, biex jinkorpora s-suġġerimenti li ġejjin fil-mozzjoni għal riżoluzzjoni tiegħu:

1.  Jenfasizza li r-reazzjoni finanzjarja għall-influss kontinwu ta' rifuġjati kienet waħda ad hoc li wriet li l-baġit u l-Qafas Finanzjarju Pluriennali (QFP) 2014-2020 tal-Unjoni huma nieqsa mir-riżorsi u mill-flessibbiltà meħtieġa għal approċċ komprensiv u rapidu għall-kriżijiet esterni l-kbar; jenfasizza l-importanza li jiġu indirizzati l-kawżi profondi tal-movimenti tar-rifuġjati u tal-migranti;

2.  Jiddispjaċih li l-Kummissjoni qed tirrikorri għal mekkaniżmi baġitarji satellitari, bħall-fondi fiduċjarji u l-Faċilità għar-Rifuġjati fit-Turkija, sabiex iżżid il-finanzjamenti disponibbli; jinnota li dan l-għan mhux dejjem intlaħaq b'suċċess sħiħ u li jipperikola l-ġestjoni trasparenti tal-baġit u jxekkel il-miżuri ta' kontroll baġitarju; jiġbed l-attenzjoni dwar l-emerġenzi tar-rifuġjati u tal-migrazzjoni l-oħrajn, li ilhom snin twal jaslu fin-Nofsinhar tal-Ewropa mill-kosta tal-Afrika tat-tramuntana;

3.  Jiddeplora l-fatt li l-mekkaniżmi baġitarji satellitari l-ġodda wasslu biex tinqabeż l-awtorità baġitarja u biex tiddgħajjef l-unità tal-baġit tal-Unjoni; jenfasizza li l-ħolqien ta' strumenti ta' finanzjament esterni għall-baġit tal-UE għandu jibqa' eċċezzjoni u, fi kwalunkwe każ, suġġett għall-iskrutinju tal-Parlament Ewropew; iħeġġeġ biex tali strumenti jitqiegħdu taħt is-superviżjoni tal-Parlament u jitlob linji gwida dwar l-inkorporazzjoni tagħhom fil-baġit tal-UE u wkoll dwar l-kamp ta' applikazzjoni tal-kompetenzi tagħhom;

4.  Jinnota li r-riorjentament tal-istrumenti ta' finanzjament estern lejn is-sigurtà, il-bini tal-paċi u r-riżoluzzjoni tal-kunflitti, il-migrazjoni u l-ġestjoni tal-fruntieri, kollha joħolqu sfidi ġodda fir-rigward tal-objettivi u l-prinċipji inizjali ta' dawn l-istrumenti;

5.  Jilqa' b'sodisfazzjon, madankollu, il-proposta tal-Kummissjoni għal Pjan ta' Investiment Estern Ewropew , b'enfasi ġdida fuq l-investiment għall-promozzjoni tal-iżvilupp ekonomiku u soċjali fil-viċinat tal-UE u fl-Afrika, u jenfasizza l-ħtieġa ta' addizzjonalità sistematika, kemm fl-għażla tal-politiki li se jingħataw appoġġ kif ukoll fl-implimentazzjoni finanzjarja tagħhom; jistenna li l-pjan ta' investiment se jippromwovi l-iżvilupp sostenibbli mingħajr ma jikkomprometti d-drittijiet tal-bniedem, il-mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima u l-governanza tajba u tkun żgurata l-ġestjoni trasparenti tal-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Sostenibbli u tal-proġetti tiegħu;

6.  Jilqa' l-proposta tal-Kummissjoni dwar ir-reviżjoni tal-QFP, partikolarment fir-rigward tal-fatt li l-baġit tal-UE jiġi mogħni bi strumenti ta' kriżi akbar; jistenna li r-reviżjoni proposta tar-regoli finanzjarji se żżid ir-responsabbiltà u l-ġestjoni finanzjarja tajba; jenfasizza li l-indirizzar tal-kawżi profondi tal-flussi migratorji jinvolvi wkoll li l-appoġġ favur il-pajjiżi terzi fil-bini tal-kapaċitajiet;

7.  Jenfasizza l-fatt li l-Istati Membri kollha għandhom jirrispettaw l-impenji finanzjarji tagħhom li ħadu fir-rigward tas-Sirja u tar-rifuġjati.

RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALIFIL-KUMITAT LI JINTALAB JAGĦTI OPINJONI

Data tal-adozzjoni

10.11.2016

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

19

4

5

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Jean Arthuis, Richard Ashworth, Reimer Böge, Lefteris Christoforou, Jean-Paul Denanot, Gérard Deprez, José Manuel Fernandes, Eider Gardiazabal Rubial, Jens Geier, Esteban González Pons, Vladimír Maňka, Ernest Maragall, Clare Moody, Siegfried Mureşan, Liadh Ní Riada, Jan Olbrycht, Patricija Šulin, Indrek Tarand, Isabelle Thomas, Monika Vana, Daniele Viotti, Marco Zanni, Auke Zijlstra

Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali

Andrey Novakov, Stanisław Ożóg, Nils Torvalds, Tomáš Zdechovský

Sostituti (skont l-Artikolu 200(2)) preżenti għall-votazzjoni finali

John Stuart Agnew


OPINJONI tal-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern (12.12.2016)

għall-Kumitat għall-Affarijiet Barranin u l-Kumitat għall-Iżvilupp

dwar l-indirizzar tal-movimenti tar-rifuġjati u tal-migranti: ir-rwol tal-azzjoni esterna tal-UE

(2015/2342(INI))

Rapporteur għal opinjoni: Marie-Christine Vergiat

SUĠĠERIMENTI

Il-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern jistieden lill-Kumitat għall-Affarijiet Barranin u l-Kumitat għall-Iżvilupp, bħala l-kumitati responsabbli, biex jinkorporaw is-suġġerimenti li ġejjin fil-mozzjoni għal riżoluzzjoni:

1.  Billi l-kriżi umanitarja laqtet aktar minn 65,3 miljun persuna "maqlugħa minn posthom"(1), fosthom 21,3 miljun rifuġjat u 40,8 miljun persuna spostata interna (jiġifieri tliet darbiet iktar persuni spostati mill-2014); billi dawn il-persuni ħarbu minn kunflitti u persekuzzjonijiet; billi 80 % tal-movimenti migratorji jseħħu bejn il-pajjiżi bi fruntieri komuni bi ftit differenzi fl-introjtu, u li dawn il-pajjiżi rarament ikollhom għodod ta' ħarsien tad-drittijiet tal-migranti, u lanqas fil-qasam tal-asil;

2.  Billi l-movimenti tal-persuni spiss isiru kemm minn persuni li jkollhom bżonn il-protezzjoni internazzjonali kif ukoll minn migranti, u billi dan x'aktarx isaħħaħ il-kumplessità tas-sitwazzjoni; billi huwa fundamentali li jitħarsu mhux biss l-istatus u d-drittijiet tar-rifuġjati u ta' dawk li jfittxu asil, li għandhom bżonn protezzjoni internazzjonali, iżda wkoll li jitħarsu d-drittijiet tal-migranti u li dawn ma jiġux stigmatizzati; billi kull persuna għandha l-jedd li tħalli pajjiż, inkluż pajjiżha stess;

3.  Billi n-numru ta' minorenni mhux akkumpanjati li jaqsmu l-Mediterran qed jiżdied b'mod kostanti u billi minkejja ż-żieda fis-salvataġġi, in-numru ta' mwiet fil-Mediterran qed ikompli jiżdied (4 233 persuna fil-bidu ta' Novembru f'paragun ma' 3 770 persuna fl-2015 kollha);

4.  Billi l-implimentazzjoni ta' qafas ta' migrazzjoni bbażat fuq id-drittijiet tal-bniedem, li jipprevedi l-ħolqien u l-iżvilupp ta' kanali migratorji legali għall-migranti u r-rifuġjati, inklużi opportunitajiet ta' risistemazzjoni, tippermetti lill-Unjoni li tgawdi mill-benefiċċji ekonomiċi u soċjali tal-mobbiltà u li tistabbilixxi b'mod reali politika olistika u tiżgura l-kredibbiltà tagħha fid-dibattitu dwar il-migrazzjoni u d-drittijiet tal-bniedem;

5.  Billi sal-2050 jistgħu jiġu spostati biljun persuna minħabba t-tibdil fil-klima, ladarba aktar minn 40 % tal-popolazzjoni dinjija tgħix f'żoni li jesperjenzaw nuqqas qawwi ta' ilma; billi diġà issa t-tibdil fil-klima sar kawża prinċipali tal-migrazzjoni; billi t-telf ekonomiku minħabba diżastri naturali x'aktarx li se jiżdied b'mod drammatiku mit-USD 300 biljun attwalment mitlufa kull sena;

6.  Billi l-Qorti Ewropea tal-Awdituri esprimiet dubji serji dwar l-effikaċja tal-infiq tal-Unjoni fir-rigward tal-migrazzjoni esterna, inkluż f'dak li jirrigwarda proġetti marbuta mar-rispett tad-drittijiet tal-bniedem tal-migranti; billi l-Qorti sabet ukoll li s-sigurtà u l-protezzjoni tal-fruntieri kienu l-elementi predominanti fl-infiq tal-Unjoni fir-rigward tal-migrazzjoni;

7.  Billi l-Kummissarju Għoli tan-Nazzjonijiet Uniti għar-Rifuġjati jistma li fid-dinja hawn mill-inqas 10 miljun persuna apolida;

8.  Jenfasizza li l-migrazzjoni hija fenomenu globali li titlob tweġiba komprensiva; jemmen li dan jirrikjedi djalogu strutturat u kontinwu mal-pajjiżi ta' oriġini, ta' tranżitu u ta' destinazzjoni tar-rifuġjati u tal-migranti; jinsisti li l-UE u l-Istati Membri tagħha, biex ikunu aktar kredibbli u jevitaw l-istandards doppji, għandhom jagħtu l-eżempju billi jiżguraw il-promozzjoni u l-protezzjoni tad-drittijiet tal-bniedem tal-migranti, fil-politiki interni u esterni tagħhom, u jikkooperaw ma' pajjiżi terzi fir-rispett sħiħ tad-dritt internazzjonali u tad-drittijiet tal-bniedem, il-prinċipju ta' non-refoulement u tad-dritt għall-asil; jistieden lill-UE u lill-Istati Membri tagħha biex juru solidarjetà mhux biss ma' xulxin iżda wkoll ma' pajjiżi terzi ta' oriġini u ta' tranżitu li jospitaw għadd kbir ta' rifuġjati u migranti, u billi jtejbu l-kundizzjonijiet tal-ħajja fil-kampijiet tar-rifuġjati viċin tal-pajjiżi ta' oriġini ta' dawk li jfittxu l-asil;

9.  Jesprimi s-solidarjetà tiegħu mal-persuni li jkollhom jitilqu minn pajjiżhom minħabba fatturi multipli, bħal kunflitti, persekuzzjonijiet, sfruttament, vjolenza fuq il-bażi tal-ġeneru, ksur tad-drittijiet tal-bniedem, sitwazzjonijiet ta' faqar estrem jew kawżi ambjentali, sew jekk naturali kif ukoll jekk maħluqa mill-bniedem;

10.  Jinsab imħasseb dwar il-proliferazzjoni tar-rapporti u x-xhieda li jqiegħdu fid-dieher iż-żieda fil-vjolenza kontra l-migranti u b'mod partikolari l-persuni vulnerabbli (nisa, minorenni iżolati, persuni b'diżabbiltà, persuni LGBTI); ifakkar li l-implimentazzjoni b'suċċess ta' politika tal-migrazzjoni bbażata fuq id-drittijiet tal-bniedem tirrikjedi li wieħed jikkontesta l-perċezzjonijiet negattivi tal-migrazzjoni u l-ideat dwar il-migrazzjoni li jirfdu miżuri tas-sigurtà kontroproduttivi u ineffikaċi, li jirriżultaw fil-kriminalizzazzjoni u l-istigmatizzazzjoni tal-migranti, u li jikkontribwixxu għaż-żieda fil-ksenofobija fl-Unjoni Ewropea;

11.  Jenfasizza li l-persuni spostati f'sitwazzjoni vulnerabbli, bħan-nisa, it-tfal u l-persuni LGBTI, jaffaċċjaw riskju akbar ta' diskriminazzjoni, sfruttament u abbuż fuq ir-rotot migratorji, li jfisser li dawn jeħtieġu protezzjoni u appoġġ speċjali; jitlob lill-Unjoni Ewropea tiżviluppa programmi ta' taħriġ fil-qafas tal-kooperazzjoni tagħha ma' pajjiżi terzi relatati mal-bżonnijiet speċifiċi tar-refuġjati u l-migranti vulnerabbli;

12.  Jiġbed l-attenzjoni għall-bżonn permanenti li l-UE tqis l-apolidija fil-qafas tal-politika tagħha dwar ir-relazzjonijiet esterni, b'mod partikolari minħabba li l-apolidija hija kawża ewlenija ta' spostament furzat b'konformità mal-impenn tal-Kummissjoni u tas-SEAE meħud fil-qafas strateġiku u mal-pjan ta' azzjoni tal-Unjoni Ewropea fil-qasam tad-drittijiet tal-bniedem u d-demokrazija; jikkundanna l-każijiet ta' restrizzjoni jew ta' projbizzjoni ta' ħruġ mit-territorju jew ta' ritorn f'ċerti Stati u l-konsegwenzi tal-apolidija f'dak li hu aċċess għad-drittijiet; jistieden lill-gvernijiet u lill-parlamenti nazzjonali biex jabolixxu l-oqfsa legali punittivi li jikkaratterizzaw il-migrazzjoni bħala reat;

13.  jagħraf li t-tfal jirrappreżentaw parti dejjem akbar tal-migranti u r-rifuġjati; ifakkar li t-tfal migranti huma partikolarment vulnerabbli, speċjalment meta ma jkunux akkumpanjati, u li huma intitolati għal protezzjoni internazzjonali bbażata fuq l-aqwa interessi tat-tfal; jenfasizza li d-detenzjoni tat-tfal abbażi biss tal-istatus migratorju tagħhom jew dak tal-ġenituri tagħhom tikkostitwixxi ksur tad-drittijiet tagħhom u li hija qatt ma tista' ssir fl-interess tagħhom; jitlob strateġija Ewropea ċara u globali bi proċeduri speċifiċi sabiex tkun żgurata l-protezzjoni tat-tfal kollha, kemm dawk li jinsabu waħidhom, kemm dawk akkumpanjati mill-ġenituri tagħhom kif ukoll dawk taħt ir-reponsabbiltà ta' persuni oħrajn, irrispettivament mill-istatus ta' migrazzjoni tagħhom, b'mod konformi mal-konvenzjoni tan-NU dwar id-drittijiet tat-tfal;

14.  Jenfasizza li n-nisa u l-persuni LGBTI jistgħu jkunu soġġetti għal forom speċifiċi ta' persekuzzjoni u ta' diskriminazzjoni bbażati fuq is-sess, li għandhom ikunu raġunijiet validi biex jintalab l-asil, inklużi fost oħrajn il-vjolenza fiżika, l-istupru u l-vjolenza sesswali, il-mutilazzjoni ġenitali femminili, iż-żwiġijiet furzati, il-vjolenza domestika u l-hekk imsejħa delitti tal-unur; iżid li n-nisa u l-persuni LGBTI jinsabu f'riskju ta' vjolenza bbażata fuq il-ġeneru, bħall-vjolenzi sesswali, tul ir-rotot ta' migrazzjoni, u jenfasizza li n-nisa u l-bniet mhux akkumpanjati, in-nisa tqal, il-persuni b'diżabbiltà u l-anzjani jistgħu jkunu saħansitra aktar vulnerabbli għal din il-vjolenza; jitlob li l-Unjoni Ewropea tiżviluppa dimensjoni tal-ġeneru fil-kooperazzjoni tagħha mal-pajjiżi terzi f'dan il-qasam; jitlob li tintemm immedjatament id-detenzjoni tan-nisa tqal, tal-vittmi tal-istupru, tal-vjolenza sesswali u tal-vjolenza sessista in ġenerali;

15.  Ifakkar li l-programmi ta' kooperazzjoni esterna tal-Unjoni ma' ċerti pajjiżi terzi m'għandhom qatt jaggravaw is-sitwazzjoni tal-persuni li għandhom bżonn protezzjoni internazzjonali u d-dritt li wieħed iħalli kwalunkwe pajjiż, inkluż pajjiżu stess, u jinnota t-tisħiħ tar-ridefinizzjoni tal-kooperazzjoni tal-Unjoni Ewropea ma' dawn il-pajjiżi, kif imħabbar fil-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea tas-7 ta' Ġunju 2016 kif ukoll tar-referenza għall-ħtieġa li nadattaw kull ftehim ġdid għas-sitwazzjoni ta' kull pajjiż terz ikkonċernat; jenfasizza li, meta jkun relevanti fid-dawl tas-sitwazzjoni tal-pajjiż terz ikkonċernat, il-ftehimiet għandhom kemm jista' jkun malajr jinkludu l-kwistjoni tar-rilokazzjoni jew ta' mezzi legali oħra biex tinkiseb il-protezzjoni internazzjonali fl-Unjoni; jieħu nota tar-rieda li f'dawn il-ftehimiet jiġu integrati dimensjonijiet multipli tal-politika Ewropea; jitlob, għalhekk, li l-kumitati kompetenti tal-Parlament jiġu infurmati kif xieraq dwar il-passi li jittieħdu fil-konklużjoni ta' kwalunkwe ftehim ġdid sabiex il-Parlament ikun jista' jiddeċiedi dwar l-għodod previsti u applikabbli għall-kundizzjonijiet speċifiċi ta' kull pajjiż terz ikkonċernat; jesprimi tħassib dwar in-negozjar ta' ftehimiet informali ma' pajjiżi terzi li jkopru l-kooperazzjoni dwar ir-ritorn sfurzat u r-riammissjoni fil-pajjiżi ta' oriġini jew ta' provenjenza ta' ċittadini ta' pajjiżi terzi li ma jissodisfawx jew li m'għadhomx jissodisfaw il-kundizzjonijiet għad-dħul, il-preżenza jew ir-residenza fit-territorju ta' wieħed mill-Istati Membri fin-nuqqas ta' skrutinju u sorveljanza dovuti tal-Parlament Ewropew, bħal fil-każ tan-negozjati tal-ftehim bejn l-UE u t-Turkija tat-18 ta' Marzu 2016 u tat-"Triq Konġunta 'l Quddiem dwar Kwistjonijiet ta' Migrazzjoni UE-Afganistan" tal-4 ta' Ottubru 2016; ifakkar li, b'konformità mal-Artikolu 218 tat-TFUE, l-approvazzjoni tal-Parlament Ewropew għandha tinkiseb qabel il-konklużjoni ta' ftehimiet ta' assoċjazzjoni u ftehimiet simili u li l-Parlament Ewropew għandu jinżamm infurmat immedjatament u kompletament fl-istadji kollha tal-proċedura.

16.  Jenfasizza li l-pajjiżi terzi, u fuq kollox il-pajjiżi li qed jiżviluppaw, qegħdin iħabbtu wiċċhom ma' sfidi li jikkompromettu l-protezzjoni ta' għadd dejjem akbar ta' persuni;

17.  Jieħu nota tad-Dikjarazzjoni ta' New York tad-19 ta' Settembru li għadda u jilqa' r-rieda li sal-2018 jiġu konklużi żewġ "ftehimiet globali" dwar ir-rifuġjati u l-migranti; jistieden lill-UE tikkoordina l-isforzi tal-Istati Membri tagħha fir-rigward tal-involviment tagħhom fit-tħejjija ta' dawn iż-żewġ ftehimiet; iqis li, f'dan ir-rigward, l-UE għandha tipprijoritizza t-tisħiħ tal-isforzi ta' risistemazzjoni fuq l-iskala dinjija sabiex il-komunità internazzjonali tassumi r-responsabbiltajiet tagħha fid-dawl tal-ħtiġijiet dinjija ta' risistemazzjoni; jitlob, għalhekk, li jsir progress rapidu dwar il-fajl rigward il-qafas tal-UE għar-risistemazzjoni sabiex tiġi massimizzata l-influwenza tal-UE f'dan il-qasam;

18.  Jagħraf li l-mezzi legali u sikuri għall-migranti u r-rifuġjati huma l-aħjar mod biex jiġi miġġieled it-traffikar tal-bnedmin u l-kuntrabandu tal-bnedmin kif ukoll l-istat tad-dritt, ir-rispett għad-demokrazija u l-istabbiliment ta' sistema tal-asil effikaċi; Ifakkar li l-kuntrabandu tal-migranti u t-traffikar tal-bnedmin huma fenomeni differenti, iżda li jistgħu wkoll ikunu kkumbinati flimkien u b'hekk jinvolvu r-riskju li l-gruppi kriminali jisfurzaw lir-rifuġjati u lill-migranti jidħlu fl-isfruttament bħala vittmi tat-traffikar, b'mod partikolari lill-minorenni mhux akkumpanjati u lin-nisa li jivvjaġġaw waħedhom; jafferma mill-ġdid li l-miżuri meħuda kontra t-traffikar tal-bnedmin m'għandhomx jaffettwaw b'mod negattiv id-drittijiet tal-vittmi tat-traffikar, tal-migranti, tar-rifuġjati u tal-persuni li jinsabu fil-bżonn ta' protezzjoni internazzjonali; jitlob li tintemm immedjatament id-detenzjoni tal-vittmi tat-traffikar tal-bnedmin u tat-tfal;

19.  Jieħu nota tal-proposta tal-Kummissjoni dwar il-ħolqien ta' qafas tal-UE għar-risistemazzjoni iżda jitlob li l-ħidmiet isiru fil-livell tal-UE għall-istabbiliment u t-tisħiħ ta' kanali legali li jkunu komplimentari għar-risistemazzjoni; Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jagħmlu progress b'miżuri konkreti, b'mod partikolari permezz ta' programmi ta' risistemazzjoni, ta' viżi umanitarji jew tal-karta blu, biex ikunu jistgħu jinfetħu realment rotot sikuri u legali għall-migranti u r-rifuġjati biex jintemmu l-kuntrabandu tal-migranti u t-traffikar tal-bnedmin u jiġu evitati l-imwiet fi triqthom lejn l-Ewropa; jemmen b'mod partikolari li għandhom jiġu żviluppati mezzi legali ta' migrazzjoni għall-ħaddiema, billi dawn jirrappreżentaw opportunità importanti għall-futur tal-Unjoni, meta jitqiesu l-isfidi enormi demografiċi u ekonomiċi li qed tiffaċċja; iqis ukoll li l-politika tal-UE dwar il-viżi għandha titħeġġeġ bħala għodda biex jissaħħu l-opportunitajiet ta' mobbiltà, l-iskambji interkulturali u xjentifiċi, iżda wkoll biex jiġu offruti aktar opportunitajiet ta' taħriġ u studji għal ċittadini ta' pajjiżi terzi;

20.  Jitlob li tiġi żgurata protezzjoni internazzjonali għal dawk li qed jaħarbu kunflitti u persekuzzjoni, anke permezz ta' programmi ta' risistemazzjoni obbligatorji fuq livell Ewropew u globali, flimkien mat-tkabbir tal-politika ta' riunifikazzjoni tal-familja u l-ħruġ ta' viżi umanitarji skont proċeduri armonizzati mill-konsulati u l-ambaxxati tal-Istati Membri; jitlob li l-persuni intitolati għall-protezzjoni internazzjonali jkunu jistgħu jibbenefikaw kemm fl-UE kif ukoll qrib ir-reġjun tal-oriġini tagħhom minn programmi ta' protezzjoni li jippermettulhom jgħixu f'kundizzjonijiet diċenti u fil-qies tal-bżonnijiet ta' persuni partikolarment vulnerabbli, u jitlob lill-Unjoni Ewropea biex tiffinanzja mekkaniżmi ta' protezzjoni u teħid ta' responsabbiltà tal-persuni vulnerabbli b'mod partikolari biex tiġi żgurata l-protezzjoni tagħhom matul il-vjaġġ kollu tal-migrazzjoni partikolarment billi spazji speċifiċi jitqiegħdu għad-dispożizzjoni tan-nisa u t-tfal;

21.  Jistieden lill-Kummissjoni, f'koordinazzjoni mal-Istati Membri, biex tippromwovi, fil-pajjiżi ta' oriġini u ta' tranżitu, kampanji ta' sensibilizzazzjoni dwar ir-riskji marbuta mal-migrazzjoni tal-minuri u l-isfruttament mill-kriminalità organizzata;

22.  Jenfasizza li l-politiki tal-UE u l-fondi għall-iżvilupp għandhom ikunu jistgħu joħolqu kundizzjonijiet favorevoli għat-tkabbir ekonomiku, it-tnaqqis tal-faqar u l-ħolqien tal-impjiegi fil-pajjiżi ta' oriġini tal-migranti; jinsab għalhekk imħasseb dwar it-tendenza, li qed tikber, li l-politiki kollha tal-Unjoni Ewropea jkunu kondizzjonali għall-kooperazzjoni dwar il-kontroll tal-fruntieri, b'mod partikolari permezz ta' ftehimiet ta' riammissjoni; jiddispjaċih dwar it-trasferiment ta' fondi mill-istrumenti ta' żvilupp għall-hekk imsejħa miżuri ta' ġestjoni tal-migrazzjoni; iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jieħdu nota tal-effetti kumulattivi tal-għadd kbir ta' persuni li jirritornaw, flimkien mar-ritorni ta' pajjiżi oħra, fuq l-istabbiltà tal-pajjiż fejn il-migranti jkunu ntbagħtu u jinsab imħasseb dwar l-ewwel rapport ta' progress tal-Kummissjoni dwar il-"Qafas ta' sħubija ma' pajjiżi terzi", b'mod partikolari fir-rigward tal-Etjopja, li jenfasizza n-nuqqas ta' riżultati fil-qasam tar-ritorn, f'pajjiż li għadu kif iddikjara l-istat ta' emerġenza;

23.  Jenfasizza li, fil-qafas tal-attivitajiet ta' taħriġ tagħha u l-iskambju tal-aħjar prattiki ma' pajjiżi terzi, l-UE għandha tiffoka fuq id-dritt tal-Unjoni u dak internazzjonali kif ukoll fuq il-prattiki fil-qasam, inkluż fuq id-drittijiet fundamentali, l-aċċess għall-protezzjoni internazzjonali, l-operazzjonijiet ta' tiftix u salvataġġ, kif ukoll fuq it-titjib tal-identifikazzjoni u tal-għajnuna tal-persuni f'sitwazzjoni vulnerabbli; iqis li dan japplika b'mod partikolari għat-taħriġ relatat mal-ġestjoni tal-fruntieri, li kif previst fil-liġi internazzjonali, bl-ebda mod m'għandha tintuża bħala għodda biex il-persuni ma jitħallewx iħallu pajjiżhom;

24.  Jitlob li l-ftehimiet kollha konklużi ma' pajjiżi terzi għandhom jiżguraw li d-drittijiet tal-migranti, irrispettivament mill-istatus tagħhom, ikunu konformi mal-liġi internazzjonali u jinkoraġġixxi l-adozzjoni tal-leġiżlazzjoni rilevanti, inkluż fir-rigward tal-asil, li jfisser b'mod partikolari li s-sempliċi qsim irregolari tal-fruntiera ma għandux jitqies bħala raġuni biex persuna teħel il-ħabs;

25.  Jenfasizza li l-kunċetti ta' pajjiż terz bla periklu u ta' pajjiż ta' oriġini sigur m'għandhomx jimpedixxu l-eżami individwali tal-applikazzjonijiet għall-asil u li, fiċ-ċirkostanzi kollha, il-migranti li jkunu jeħtieġu protezzjoni internazzjonali għandhom ikunu jistħgu jissottomettu l-applikazzjoni tagħhom u jaraw li tiġi eżaminata b'osservanza tad-dritt internazzjonali; jinsisti li dawn ikollhom aċċess għal mekkaniżmu ta' lmenti u jibbenefikaw minn salvagwardji adegwati rigward in-non-refoulement; jitlob li tinġabar informazzjoni speċjalizzata, dettaljata u aġġornata regolarment dwar id-drittijiet tal-persuni, speċjalment f'każ ta' nisa, tfal, persuni b'diżabbiltà u persuni LGBTI, fil-pajjiżi tal-oriġini ta' dawk li jfittxu l-asil, inklużi dawk il-pajjiżi li huma meqjusa bħala bla periklu; jitlob għaldaqstant li jingħataw aktar fondi għall-ipproċessar tal-applikazzjonijiet għall-asil, partikolarment fil-Greċja u l-Italja;

26.  Ifakkar fil-pożizzjoni tal-Parlament kif espressa fir-Riżoluzzjoni tiegħu tat-12 ta' April 2016 fejn xtaq li l-ftehimiet ta' riammissjoni tal-Unjoni jkollhom prijorità fuq dawk bilaterali konklużi mill-Istati Membri ma' pajjiżi terzi; ifakkar fil-ħolqien riċenti ta' dokument ġdid Ewropew dwar ir-ritorn u jenfasizza li r-rikonoxximent tiegħu għandu jitħeġġeġ b'mod sistematiku fi kwalunkwe ftehim ġdid ta' riammissjoni;

27.  Jistieden lill-Kummissjoni tikkoopera mill-qrib mal-organizzazzjonijiet nongovernattivi u l-esperti li jaħdmu fil-pajjiżi ta' oriġini ta' dawk li jfittxu l-asil sabiex isibu l-aħjar modi possibbli biex jgħinu lill-individwi u lill-gruppi soċjali fl-aktar sitwazzjonijiet vulnerabbli;

28.  Jistieden lill-Kummissjoni tinvolvi lill-organizzazzjonijiet nongovernattivi u lill-esperti fil-pajjiżi ta' oriġini ta' dawk li jfittxu l-asil sabiex tistabbilixxi l-mekkaniżmi u l-għodod l-aktar effikaċi fil-qasam tal-prevenzjoni tal-kunflitti;

29.  Jitlob l-akbar attenzjoni għat-trattament tal-migranti li jintbagħtu lura fil-pajjiż ta' oriġini tagħhom jew f'pajjiż terz; jemmen li kwalunkwe djalogu dwar ir-ritorn u r-riammissjoni, partikolarment fil-qafas ta' ftehimiet ta' riammissjoni, għandu jinkludi b'mod sistematiku l-kwistjoni tal-integrazzjoni mill-ġdid u tar-ritorn sikur tal-migranti; jenfasizza li dawn għandhom jibbenefikaw minn sigurtà sħiħa u l-protezzjoni kontra t-trattamenti degradanti u inumani, inkluż fʼċentri taʼ detenzjoni u li l-UE għandha tappoġġja programmi ta' reintegrazzjoni; ifakkar li l-ebda persuna ma għandha titkeċċa jew tintbagħat lura bil-forza lejn pajjiżi fejn hemm riskju ta' theddid fuq ħajjitha jew il-libertà tagħha minħabba l-oriġini, ir-reliġjon tagħha, iċ-ċittadinanza tagħha, is-sħubija tagħha fi grupp soċjali partikolari jew l-opinjonijiet politiċi, riskju ta' tortura, trattament degradanti, u b'mod aktar ġenerali, il-ksur tad-drittijiet tal-bniedem, ifakkar li t-tkeċċijiet kollettivi u r-refoulements huma pprojbiti skont il-liġi internazzjonali;

30.  Iħeġġeġ lil dawk responsabbli għall-qasam tal-politika barranija u għall-iżvilupp biex jieħdu ħsieb li l-persuni li jiġu rritornati f'pajjiżhom jiġu trattati kif suppost u l-integrità tagħhom tiġi rrispettata; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jfasslu programmi ta' appoġġ li jiżguraw li fl-istati ta' oriġini jitwettqu programmi konkreti ta' assistenza li jinkludu kemm programmi ta' taħriġ professjonali kif ukoll programmi mmirati sabiex jinħolqu strutturi ekonomiċi, inklużi negozji ġodda u negozji żgħar, kif ukoll programmi ta' skambju professjonali u akkademiku mal-Istati Membri;

31.  Ifakkar fl-importanza tal-kooperazzjoni mal-pajjiżi terzi fil-ġlieda kontra l-kuntrabandu u t-traffikar tal-bnedmin sabiex jiġu fil-mira n-netwerks l-iktar bikrija possibbli tal-katina; jenfasizza f'dan ir-rigward il-ħtieġa li tissaħħaħ il-kooperazzjoni ġudizzjarja u tal-pulizija ma' dawn il-pajjiżi sabiex jiġu identifikati u żarmati n-netwerks; ifakkar ukoll fil-ħtieġa li jissaħħu l-kapaċitajiet ta' dawn il-pajjiżi sabiex ikunu jistgħu iħarrku u jikkastigaw b'mod effikaċi lil dawk responsabbli; jitlob, għaldaqstant, li titħeġġeġ il-kooperazzjoni bejn l-UE, l-Istati Membri, l-Europol, l-Eurojust u l-pajjiżi terzi kkonċernati;

32.  Ifakkar li n-netwerks tal-kuntrabandisti u tat-traffikanti tal-bnedmin jagħmlu użu sħiħ mill-internet biex imexxu l-attivitajiet kriminali tagħhom u li għalhekk huwa kruċjali li l-Unjoni ssaħħaħ l-azzjoni tagħha, b'mod partikolari fil-Europol u l-Unità ta' Indikazzjoni ta' Kontenut fuq l-Internet (IRU) u l-kooperazzjoni tagħha mal-pajjiżi terzi f'dan ir-rigward;

33.  Ifakkar li r-rotot tat-traffikar jistgħu jużaw ir-rotot legali ta' migrazzjoni biex iġibu l-vittmi tagħhom fit-territorju Ewropew; iqis li l-kriterji li l-pajjiżi terzi għandhom jissodisfaw qabel kwalunkwe ftehim ta' liberalizzazzjoni tal-viżi mal-UE jridu jinkludu b'mod speċifiku l-kooperazzjoni ta' dawn il-pajjiżi terzi fil-qasam tal-ġlieda kontra t-traffikar tal-bnedmin; jistieden lill-Kummissjoni tagħti attenzjoni partikolari lil din il-problema kif ukoll lil dik tal-ġlieda kontra l-kuntrabandisti fid-djalogi kollha li jsiru fil-qafas tan-negozjati ta' tali ftehimiet;

34.  Jenfasizza li r-relazzjonijiet tal-Unjoni ma' pajjiżi terzi fil-qasam tal-migrazzjoni u l-asil iridu jissodisfaw il-kriterji ta' trasparenza, ta' kontroll demokratiku u ta' obbligu ta' rendikont; jitlob li jsiru valutazzjoni u kontroll baġitarju tal-fondi użati fil-qasam tal-politiki esterni tal-Unjoni Ewropea fil-qasam tal-migrazzjonijiet u tal-proċess ta' Rabat, ta' Khartoum, tal-ftehim bejn l-UE u t-Turkija u tal-Fond Fiduċjarju ta' Emerġenza għall-Afrika fir-rigward tal-implimentazzjoni, tal-impatt, tal-kontinwità u tal-koerenza tad-diversi strumenti finanzjarji disponibbli fl-UE favur il-pajjiżi terzi; iqis li huwa essenzjali li jiġu żgurati l-affidabbiltà u l-istabbiltà tal-pajjiżi terzi sħab ikkonċernati; jistieden lill-Kummissjoni Ewropea biex titlob aktar trasparenza fil-ġestjoni ta' dawn il-fondi u jitlob li l-ftehimiet konklużi mill-Unjoni mal-pajjiżi terzi, kif ukoll dawk konklużi bejn l-aġenziji tal-Unjoni u l-awtoritajiet kompetenti ta' dawn il-pajjiżi, għandhom ikunu soġġetti għal kontroll demokratiku; jiddispjaċih b'mod partikolari għan-nuqqas ta' kontroll parlamentari fuq l-attivitajiet esterni tal-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u jitlob, f'dan ir-rigward, li din tagħmel rapporti regolari lill-Parlament Ewropew dwar l-implimentazzjoni tal-arranġamenti ta' ħidma tagħha u tal-operazzjonijiet konġunti tagħha ma' pajjiżi terzi b'rabta mas-soċjetà ċivili;

35.  Jenfasizza s-solidarjetà eżemplari min-naħa tal-Libanu u l-Ġordan u l-isforzi kbar magħmula minn dawn iż-żewġ pajjiżi, li waħedhom jospitaw madwar 1,7 miljun rifuġjat Sirjan, fil-qafas tal-kriżi tar-rifuġjati u jistieden lill-Unjoni Ewropea ġġedded l-impenn u l-appoġġ finanzjarju tagħha lill-Aġenzija ta' Fondi u tax-Xogħol tan-Nazzjonijiet Uniti għar-refuġjati tal-Palestina (UNRWA), li topera fiż-żewġ pajjiżi;

36.  Jenfasizza l-importanza li s-soċjetà ċivili tiġi kkonsultata fil-qafas tal-politiki esterni kollha tal-UE, b'attenzjoni partikolari lill-parteċipazzjoni sħiħa, lit-trasparenza u lit-tixrid xieraq tal-informazzjoni fil-politiki kollha u l-proċessi kollha relatati mal-migrazzjoni;

37.  Ifakkar li d-degradazzjonijiet ambjentali, kemm jekk ikunu kkawżati mit-tibdil fil-klima, minn diżastri naturali, minn ħsarat industrijali jew minn ambjent degradat, jikkostitwixxu fattur dejjem akbar għall-ispostament tal-popolazzjoni; iqis li l-azzjoni esterna tal-UE għandha tikkontribwixxi għat-tnaqqis tal-vulnerabbiltà tal-popolazzjonijiet għal riskji ambjentali, tipprovdi assistenza lill-persuni spostati minħabba l-impatt tal-bidliet ambjentali, kif ukoll tikkoopera ma' pajjiżi terzi fuq skala globali sabiex jintlaqa' għal-isfida tal-migrazzjonijiet ambjentali; jitlob għalhekk b'mod partikolari lill-UE biex tqiegħed riżorsi suffiċjenti għad-dispożizzjoni tal-pajjiżi milquta mit-tibdil fil-klima sabiex tgħinhom jadattaw ruħhom għall-konsegwenzi u jtaffu l-effetti; jinsisti bil-qawwa fuq il-fatt li dan il-finanzjament m'għandux isir għad-detriment tal-kooperazzjoni tradizzjonali fil-qasam tal-iżvilupp, li tfittex li tnaqqas il-faqar; jitlob lill-UE u l-Istati Membri tagħha biex jassumu r-responsabbiltajiet tagħhom b'mod serju f'dak li jikkonċerna l-problema tat-tibdil fil-klima u biex jimplimentaw il-Ftehim ta' Pariġi; u biex jinvolvu ruħhom fid-dibattitu dwar it-termini ta' "rifuġjati minħabba l-klima" u ta' "spostati minħabba raġunijiet ambjentali", sabiex eventwalment jingħata status legali u protezzjoni internazzjonali lill-persuni li qed jaħarbu għal raġunijiet ambjentali;

38.  Jitlob li l-Unjoni Ewropea tappoġġja l-formazzjoni u t-taħriġ tal-awtoritajiet responsabbli mill-kontroll tal-fruntieri fil-pajjiżi terzi li għandhom fruntiera mal-Unjoni Ewropea, b'mod partikolari fl-istati li minnhom jgħaddu l-flussi migratorji prinċipali diretti lejn l-Ewropa.

39.  Jistieden lill-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna jsegwi politika esterna responsabbli li tittratta l-kawżi fundamentali tal-migrazzjoni;

40.  Jistieden lill-Unjoni Ewropea tikkontribwixxi għat-titjib tal-kundizzjonijiet fil-kampijiet tar-rifuġjati fil-Ġordan u l-Libanu, li bħalissa qed jospitaw aktar minn 1 800 000 rifuġjat;

RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT LI JINTALAB JAGĦTI OPINJONI

Data tal-adozzjoni

8.12.2016

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

26

22

0

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Jan Philipp Albrecht, Heinz K. Becker, Malin Björk, Caterina Chinnici, Ignazio Corrao, Agustín Díaz de Mera García Consuegra, Frank Engel, Cornelia Ernst, Tanja Fajon, Laura Ferrara, Lorenzo Fontana, Ana Gomes, Nathalie Griesbeck, Sylvie Guillaume, Jussi Halla-aho, Monika Hohlmeier, Filiz Hyusmenova, Barbara Kudrycka, Cécile Kashetu Kyenge, Marju Lauristin, Claude Moraes, József Nagy, Péter Niedermüller, Birgit Sippel, Branislav Škripek, Csaba Sógor, Helga Stevens, Traian Ungureanu, Bodil Valero, Harald Vilimsky, Udo Voigt, Josef Weidenholzer, Cecilia Wikström, Kristina Winberg, Tomáš Zdechovský

Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali

Marina Albiol Guzmán, Carlos Coelho, Anna Maria Corazza Bildt, Pál Csáky, Daniel Dalton, Jean Lambert, Jeroen Lenaers, Angelika Mlinar, Morten Helveg Petersen, Salvatore Domenico Pogliese, Christine Revault D’Allonnes Bonnefoy

Sostituti (skont l-Artikolu 200(2)) preżenti għall-votazzjoni finali

Maria Grapini, Karoline Graswander-Hainz, Esther Herranz García, Sabine Lösing

RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT LI JINTALAB JAGĦTI OPINJONI

Data tal-adozzjoni

8.12.2016

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

26

22

0

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Jan Philipp Albrecht, Heinz K. Becker, Malin Björk, Caterina Chinnici, Ignazio Corrao, Agustín Díaz de Mera García Consuegra, Frank Engel, Cornelia Ernst, Tanja Fajon, Laura Ferrara, Lorenzo Fontana, Ana Gomes, Nathalie Griesbeck, Sylvie Guillaume, Jussi Halla-aho, Monika Hohlmeier, Filiz Hyusmenova, Barbara Kudrycka, Cécile Kashetu Kyenge, Marju Lauristin, Claude Moraes, József Nagy, Péter Niedermüller, Birgit Sippel, Branislav Škripek, Csaba Sógor, Helga Stevens, Traian Ungureanu, Bodil Valero, Harald Vilimsky, Udo Voigt, Josef Weidenholzer, Cecilia Wikström, Kristina Winberg, Tomáš Zdechovský

Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali

Marina Albiol Guzmán, Carlos Coelho, Anna Maria Corazza Bildt, Pál Csáky, Daniel Dalton, Jean Lambert, Jeroen Lenaers, Angelika Mlinar, Morten Helveg Petersen, Salvatore Domenico Pogliese, Christine Revault D’Allonnes Bonnefoy

Sostituti (skont l-Artikolu 200(2)) preżenti għall-votazzjoni finali

Maria Grapini, Karoline Graswander-Hainz, Esther Herranz García, Sabine Lösing

(1)

http://www.unhcr.org/fr/news/stories/2016/6/57641727a/deplacements-populations-precedent-travers-monde.html


RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT RESPONSABBLI

Data tal-adozzjoni

31.1.2017

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

53

16

9

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Louis Aliot, Francisco Assis, Petras Auštrevičius, Amjad Bashir, Bas Belder, Goffredo Maria Bettini, Mario Borghezio, Victor Boştinaru, Klaus Buchner, Ignazio Corrao, Javier Couso Permuy, Andi Cristea, Arnaud Danjean, Georgios Epitideios, Raymond Finch, Knut Fleckenstein, Anna Elżbieta Fotyga, Eugen Freund, Doru-Claudian Frunzulică, Michael Gahler, Charles Goerens, Enrique Guerrero Salom, Heidi Hautala, György Hölvényi, Tunne Kelam, Afzal Khan, Janusz Korwin-Mikke, Stelios Kouloglou, Andrey Kovatchev, Eduard Kukan, Barbara Lochbihler, Sabine Lösing, Andrejs Mamikins, Ramona Nicole Mănescu, Alex Mayer, David McAllister, Linda McAvan, Tamás Meszerics, Francisco José Millán Mon, Demetris Papadakis, Ioan Mircea Paşcu, Tonino Picula, Kati Piri, Maurice Ponga, Cristian Dan Preda, Jozo Radoš, Sofia Sakorafa, Jacek Saryusz-Wolski, Elly Schlein, Alyn Smith, Jordi Solé, Jaromír Štětina, Dubravka Šuica, Eleftherios Synadinos, László Tőkés, Ivo Vajgl, Elena Valenciano, Hilde Vautmans, Anders Primdahl Vistisen, Bogdan Brunon Wenta, Anna Záborská

Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali

Marina Albiol Guzmán, Agustín Díaz de Mera García Consuegra, Angel Dzhambazki, Mariya Gabriel, Mike Hookem, Antonio López-Istúriz White, Bernd Lucke, Norbert Neuser, Norica Nicolai, Urmas Paet, Soraya Post, Paul Rübig, Jasenko Selimovic, Igor Šoltes, Adam Szejnfeld, Mylène Troszczynski, Željana Zovko


VOTAZZJONI FINALI B'SEJĦA TAL-ISMIJIET FIL-KUMITAT RESPONSABBLI

53

+

ALDE

Petras Auštrevičius, Charles Goerens, Norica Nicolai, Urmas Paet, Jozo Radoš, Jasenko Selimovic, Ivo Vajgl, Hilde Vautmans

EFDD

Ignazio Corrao

PPE

Agustín Díaz de Mera García Consuegra, Mariya Gabriel, Michael Gahler, György Hölvényi, Andrey Kovatchev, Eduard Kukan, Antonio López-Istúriz White, David McAllister, Francisco José Millán Mon, Ramona Nicole Mănescu, Paul Rübig, Adam Szejnfeld, László Tőkés, Bogdan Brunon Wenta, Željana Zovko, Jaromír Štětina, Dubravka Šuica

S&D

Francisco Assis, Goffredo Maria Bettini, Victor Boştinaru, Andi Cristea, Knut Fleckenstein, Eugen Freund, Doru-Claudian Frunzulică, Enrique Guerrero Salom, Afzal Khan, Andrejs Mamikins, Alex Mayer, Linda McAvan, Norbert Neuser, Demetris Papadakis, Ioan Mircea Paşcu, Tonino Picula, Kati Piri, Soraya Post, Elly Schlein, Elena Valenciano

VERTS/ALE

Klaus Buchner, Heidi Hautala, Barbara Lochbihler, Tamás Meszerics, Alyn Smith, Jordi Solé, Igor Šoltes

16

-

ECR

Amjad Bashir, Bas Belder, Angel Dzhambazki, Anna Elżbieta Fotyga, Bernd Lucke, Anders Primdahl Vistisen

EFDD

Raymond Finch, Mike Hookem

ENF

Louis Aliot, Mario Borghezio, Mylène Troszczynski

GUE/NGL

Marina Albiol Guzmán, Javier Couso Permuy

NI

Georgios Epitideios, Janusz Korwin-Mikke, Eleftherios Synadinos

9

0

GUE/NGL

Stelios Kouloglou, Sabine Lösing, Sofia Sakorafa

PPE

Arnaud Danjean, Tunne Kelam, Maurice Ponga, Cristian Dan Preda, Jacek Saryusz-Wolski, Anna Záborská

It-tifsira tas-simboli:

+  :  favur

-  :  kontra

0  :  astensjoni

Avviż legali