Proċedura : 2016/2309(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A8-0050/2017

Testi mressqa :

A8-0050/2017

Dibattiti :

PV 15/03/2017 - 18
CRE 15/03/2017 - 18

Votazzjonijiet :

PV 16/03/2017 - 6.9
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P8_TA(2017)0094

RAPPORT     
PDF 569kWORD 63k
2.3.2017
PE 595.414v01-00 A8-0050/2017

dwar ir-Rapport tal-Kummissjoni 2016 dwar il-Montenegro

(2016/2309(INI))

Kumitat għall-Affarijiet Barranin

Rapporteur: Charles Tannock

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW
 RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALIFIL-KUMITAT RESPONSABBLI
 VOTAZZJONI FINALI B'SEJĦA TAL-ISMIJIET FIL-KUMITAT RESPONSABBLI

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW

dwar ir-Rapport tal-Kummissjoni 2016 dwar il-Montenegro

(2016/2309(INI))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tad-19 u l-20 ta' Ġunju 2003 u l-anness tagħhom bit-titolu "L-Aġenda ta' Tessalonika għall-Balkani tal-Punent: lejn integrazzjoni Ewropea",

–  wara li kkunsidra l-Ftehim ta' Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni (FSA) bejn il-Komunitajiet Ewropej u l-Istati Membri tagħhom, fuq naħa waħda, u r-Repubblika tal-Montenegro, min-naħa l-oħra, tad-29 ta' Marzu 2010(1),

–  wara li kkunsidra l-eżitu tal-laqgħat tal-Konferenza dwar l-Adeżjoni UE-Montenegro fil-livell ta' deputati tat-30 ta' Ġunju 2016 u fil-livell ministerjali tat-13 ta' Diċembru 2016,

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tas-26 ta' Ġunju 2012 li ddeċieda li jiftaħ in-negozjati ta' adeżjoni mal-Montenegro fid-29 ta' Ġunju 2012, u l-konklużjonijiet tat-13 ta' Diċembru 2016 fejn il-Montenegro kiseb l-appoġġ tal-maġġoranza assoluta tad-delegazzjonijiet;

–  wara li kkunsidra s-seba' laqgħa tal-Kunsill ta' Stabbilizzazzjoni u ta' Assoċjazzjoni bejn il-Montenegro u l-UE, tal-20 ta' Ġunju 2016 fi Brussell,

–  wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tad-9 ta' Novembru 2016 bit-titolu ''Komunikazzjoni dwar il-Politika tat-Tkabbir tal-UE 2016'' (COM(2016)0715), akkumpanjata mid-Dokument ta' Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni dwar ir-Rapport 2016 dwar il-Montenegro (SWD(2016)0360),

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Finali tal-President tas-Summit ta' Pariġi dwar il-Balkani tal-Punent, tal-4 ta' Lulju 2016, u r-Rakkomandazzjonijiet tal-Organizzazzjonijiet tas-Soċjetà Ċivili għas-Summit ta' Pariġi 2016,

–  wara li kkunsidra d-deċiżjoni tal-Ministri għall-Affarijiet Barranin tal-Istati Membri tan-NATO tat-2 ta' Diċembru 2015, u l-firma tal-Montenegro, tal-Protokoll ta' Adeżjoni man-NATO fid-19 ta' Mejju 2016,

–  wara li kkunsidra r-Rapport Finali tal-Missjoni ta' Osservazzjoni Elettorali OSKE/ODIHR dwar l-elezzjonijiet parlamentari tas-16 ta' Ottubru 2016,

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Konġunta tat-8 laqgħa tal-Kumitat Konsultattiv Konġunt (JCC) tas-Soċjetà Ċivili UE-Montenegro, tat-8 ta' Novembru 2016, f'Budva,

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni u r-Rakkomandazzjonijiet tat-12-il Laqgħa tal-Kumitat Parlamentari ta' Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni UE-Montenegro (SAPC) bejn id-19 u l-20 ta' Mejju 2016, f'Podgorica,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar il-Montenegro,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 52 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Barranin (A8-0050/2017),

A.  billi l-integrazzjoni Ewro-Atlantika hi prijorità ewlenija tal-politika barranija tal-Montenegro;

B.  billi tkompla l-progress fin-negozjati ta' adeżjoni; billi l-Montenegro bħalissa hu kkunsidrat l-aktar pajjiż avvanzat fil-proċess ta' adeżjoni; billi l-qafas ġuridiku fil-qasam tal-istat tad-dritt jinsab kważi lest u l-istruttura istituzzjonali diġà ddaħħlet fis-seħħ;

C.  billi għad hemm tħassib dwar il-klima domestika ppolarizzata, u wkoll dwar il-bojkott mill-oppożizzjoni fil-Parlament; billi hu essenzjali li l-koalizzjoni fit-tmexxija u l-oppożizzjoni jipparteċipaw fi djalogu sostenibbli kif ukoll f'kooperazzjoni kostruttiva, sabiex jinżamm il-progress fil-proċess ta' adeżjoni;

D.  billi l-korruzzjoni u l-kriminalità organizzata għadhom kwistjonijiet ta' tħassib serju;

E.  billi l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili (OSĊ) jistgħu jipparteċipaw fi gruppi ta' ħidma, inkluż fin-negozjati ta' adeżjoni, iżda esprimew nuqqas ta' sodisfazzjon fil-grad ta' parteċipazzjoni tagħhom fit-tfassil ta' politika u fil-kapaċità tagħhom li jaċċedu għall-informazzjoni; billi għadu preokkupanti ħafna li xi attivisti tas-soċjetà ċivili sfaw il-mira ta' attakki personali mill-midja permezz ta' kampanji ta' malafama;

F.  billi l-progress tal-Montenegro skont il-kapitoli 23 u 24 dwar l-istat tad-dritt jibqa' essenzjali fit-tkomplija ġenerali tal-proċess ta' negozjati;

G.  billi l-libertà tal-espressjoni u l-libertà tal-midja huma valuri ewlenin tal-UE u huma wkoll elementi fundamentali ta' kull demokrazija; billi l-komunità tal-midja tal-Montenegro hi politiċizzata ħafna, billi għadhom jippersistu ċ-ċensura u l-awtoċensura, kif ukoll il-pressjoni ekonomika u politika fuq il-ġurnalisti;

1.  Jilqa' l-progress kontinwu fl-integrazzjoni mal-UE tal-Montenegro; jilqa' l-fatt li l-Montenegro kiseb progress kostanti fin-negozjati ta' adeżjoni, u jinnota li s'issa nfetħu 26 kapitolu għal negozjati u 2 kapitoli ngħalqu provviżorjament; jistieden lill-Kunsill iħaffef in-negozjati mal-Montenegro; iħeġġeġ li fl-2017, jinfetħu u jingħalqu aktar kapitoli fin-negozjati dwar l-adeżjoni; ifaħħar l-adozzjoni mill-Gvern tal-Montenegro tal-Programm ta' Adeżjoni mal-UE tal-Montenegro 2017-2018; iħeġġeġ lill-Montenegro jħaffef il-pass tar-riformi, iżid l-isforzi tiegħu biex jintlaħqu l-punti ta' riferiment kollha, u jkompli jiffoka fuq l-aspetti fundamentali tal-proċess ta' adeżjoni; ifakkar li hu essenzjali li jinkisbu riżultati konkreti b'rekord ta' implimentazzjoni qawwi u sostenibbli, speċjalment fl-oqsma tal-istat tad-dritt, il-ġustizzja u l-ġlieda kontra l-korruzzjoni u l-kriminalità organizzata;

2.  Ifaħħar lill-awtoritajiet kompetenti għaż-żamma b'mod ordnat tal-elezzjonijiet parlamentari tas-16 ta' Ottubru 2016, li matulhom il-libertajiet fundamentali, kienu ġeneralment rispettati; iħeġġeġ li jkun hemm allinjament akbar mal-istandards internazzjonali; jilqa' l-fatt li n-numru ta' nies li ħarġu jivvutaw kien l-ogħla wieħed sa mill-2002; jilqa' l-qafas ġuridiku rivedut li fih seħħew l-elezzjonijiet, iżda jinnota li xi nuqqasijiet amministrattivi għadhom jippersistu, inklużi dawk min-naħa tal-Kummissjoni Elettorali Statali (SEC), kif ukoll li għad hemm tħassib dwar il-politiċizzazzjoni u l-preċiżjoni tar-reġistru elettorali;

3.  Jiddispjaċih li, f'jum l-elezzjoni, kien hemm bżonn li l-pjattaformi ta' komunikazzjoni bl-internet jingħalqu b'mod temporanju, kif ukoll għall-hacking tas-sit web taċ-Ċentru għat-Tranżizzjoni Demokratika (CDT), li seħħ ftit jiem qabel l-elezzjonijiet, u li xekkel il-ħidma ta' monitoraġġ tal-elezzjonijiet mill-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili (OSĊ); jappella lill-awtoritajiet kompetenti jindirizzaw in-nuqqasijiet u jinvestigaw l-allegazzjonijiet dwar l-irregolaritajiet proċedurali, inklużi l-allegazzjonijiet ta' abbuż ta' fondi statali u l-abbużi mill-kariga, u kwalunkwe nuqqas ieħor irrappurtat, u li dawn jiġu investigati minnufih u b'mod trasparenti, u skont ir-rakkomandazzjonijiet tal-OSKE/ODIHR; jistenna li l-indipendenza tal-Kummissjoni Elettorali Statali tkompla tingħata appoġġ; hu tal-fehma li hemm bżonn li l-proċess elettorali jitjieb sabiex tinbena fiduċja sħiħa fil-proċess elettorali; jinnota b'dispjaċir li parti mill-oppożizzjoni ma rrikonoxxietx ir-riżultati tal-elezzjonijiet; jirrikonoxxi l-isforzi mwettqa minn atturi esterni biex jiskreditaw il-proċess elettorali u d-diffikultajiet li dan ħoloq; jistenna li l-Gvern il-ġdid iżomm l-impenn politiku tiegħu fir-rigward tal-proċess ta' riforma u jistieden lill-partiti politiċi kollha jerġgħu jipparteċipaw fi djalogu kostruttiv.

4.  Jikkonstata l-iffurmar ta' Gvern ta' Fiduċja Elettorali bi tħejjija għal dawn l-elezzjonijiet; jilqa' l-fatt li dan kien proċess immexxi min-nies tal-Montenegro u li kien wieħed li kiseb il-fiduċja tal-partiti;

5.  Jikkonstata bi tħassib l-allegazzjonijiet ta' sforzi mir-Russja li tinfluwenza l-iżviluppi fil-Montenegro, peress li din ix-xejra ta' imġiba fir-reġjun tista' timplika destabilizzazzjoni akbar tal-Balkani tal-Punent; jinsab imħasseb dwar l-inċidenti serji, li seħħew fis-16 ta' Ottubru 2016, inkluż l-allegazzjoni ta' kolp ta' stat, u jitlob lill-Viċi President tal-Kummissjoni Ewropea / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà (Vp/RGħ), u lill-Kummissjoni biex isegwu mill-qrib l-investigazzjonijiet li għaddejjin bħalissa mill-awtoritajiet kompetenti; ifaħħar ir-rieda tas-Serbja li tikkoopera f'dawn l-investigazzjonijiet; iqis li hu importanti li s-servizzi rilevanti tal-Istati Membri, jikkondividu bejniethom u flimkien mal-VP/RGħ u l-Kummissjoni, kull informazzjoni rigward dawn l-inċidenti;

6.  Jibqa' imħasseb ħafna dwar il-polarizzazzjoni tal-klima nazzjonali u dwar il-bojkott ta' attivitajiet parlamentari mill-membri tal-oppożizzjoni; jistieden lill-oppożizzjoni tilqa' l-offerta tal-Prim Ministru tal-Montenegro biex tipparteċipa fit-tmexxija bħala kontropartita għat-tmiem tal-bojkott; itenni l-bżonn li l-forzi politiċi kollha jipparteċipaw mill-ġdid fi djalogu u f'kooperazzjoni kostruttivi fi ħdan il-parlament tal-Montenegro; jitlob li jkompli jissaħħaħ l-iskrutinju parlamentari dwar il-proċess ta' adeżjoni u dwar il-kapaċità ta' sorveljanza tal-baġit; ifaħħar lill-parlament talli kompla juri livell ta' trasparenza għoli; jesprimi tħassib dwar l-użu ta' forza sproporzjonata matul il-protesti kontra l-gvern; jibqa' jinsisti dwar il-bżonn li jingħata segwitu għall-iskandlu tar-reġistrazzjoni tas-smigħ; jappella li jitjieb l-iskrutinju parlamentari tal-implimentazzjoni tal-miżuri fil-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata u l-korruzzjoni;

7.  Jistieden lill-Gvern itejjeb l-aċċess tal-pubbliku għall-informazzjoni, speċjalment fir-rigward ta' proġetti infrastrutturali kbar, bħall-kostruzzjoni ta' awtostradi, il-privatizzazzjoni, l-akkwist pubbliku u l-operazzjonijiet ġudizzjarji;

8.  Jilqa' l-istrateġija l-ġdida għar-riforma tal-amministazzjoni pubblika (PAR) 2016-2020, kif ukoll il-programm ta' riforma tal-ġestjoni finanzjarja pubblika, id-dħul fis-seħħ ta' liġi ġdida dwar is-salarji u s-semplifikazzjoni tal-proċeduri amministrattivi; jitlob li jkun hemm miżuri ta' allokazzjoni tar-riżorsi baġitarji adegwati għall-implimentazzjoni tal-PAR, kif ukoll li jkun hemm rieda politika konsistenti għar-razzjonalizzazzjoni tal-amministrazzjoni pubblika, anke fid-dawl tat-tħejjijiet għall-adeżjoni; jikkonstata l-progress limitat li twettaq fit-tisħiħ tal-kapaċità amministrattiva; iħeġġeġ id-depolitiċizzazzjoni totali tal-amministrazzjoni pubblika; iqis li hu essenzjali li jiġu rispettati l-prinċipji ta' mertu, professjonaliżmu, responsabilità, trasparenza u ta' valutazzjoni tal-impatt regolatorju f'waqtha, u li jiġu salvagwardjati d-drittijiet taċ-ċittadini għal amministrazzjoni tajba u ħielsa mill-korruzzjoni, u d-dritt għall-informazzjoni;

9.  Jinnota l-progress imwettaq fir-riforma ġudizzjarja, inkluż it-titjib tal-kapaċitajiet istituzzjonali; jibqa' mħasseb dwar l-influwenza eċċessiva fuq l-indipendenza tal-ġudikatura, partikolarment fir-rigward tal-ħatra tal-imħallfin; jenfasizza l-bżonn li tissaħħaħ ir-responsabilità tal-ġudikatura bl-iżvilupp ta' rekord ta' kisbiet tal-implimentazzjoni tal-kodiċi tal-etika u ta' sistemi dixxiplinari ġodda għall-imħallfin u għall-prosekuturi; jisħaq dwar il-bżonn li n-netwerk ġudizzjarju jiġi razzjonalizzat, u li jkun hemm aktar titjib tal-kapaċitajiet ta' monitoraġġ tax-xogħol pendenti fil-qrati u biex in-numru ta' każijiet pendenti jkompli jitnaqqas; jappella għal responsabilità istituzzjonali u individwali aktar effettiva fir-rigward tal-ipproċessar ta' akkużi ta' korruzzjoni, ħasil tal-flus u kriminalità organizzata; jenfasizza l-bżonn ta' implimentazzjoni b'effikaċja tad-deċiżjonijiet tal-qorti fir-rigward tal-aċċess għall-informazzjoni, u biex tiġi miġġielda l-prattika predominanti li biha dokumenti jiġu dikjarati kunfidenzjali sabiex jiġi limitat l-aċċess għalihom; jisħaq dwar l-importanza ta' sensibilizzazzjoni akbar tal-pubbliku dwar il-mekkaniżmi ta' lment eżistenti;

10.  Filwaqt li jinnota li twettaq xi progress fis-segwitu tad-delitti tal-gwerra, jistieden lill-awtoritajiet kompetenti jinvestigaw, iħarrku, jipproċessaw u jikkundannaw id-delitti tal-gwerra kif ukoll jiġġieldu l-impunità, b'konformità mal-istandards internazzjonali, partikolarment fir-rigward ta' uffiċjali responsabbli li jinsabu fil-quċċata tal-katina tal-kmand; jilqa' l-adozzjoni ta' strateġija ta' prosekuzzjoni bil-għan li jinfetħu każijiet ġodda u li jwasslu għal riżultati konkreti; jisħaq dwar il-bżonn li jkun żgurat aċċess mingħajr xkiel għall-ġustizzja u li jingħata kumpens ġust għall-vittmi tad-delitti tal-gwerra, kif ukoll biex tingħata protezzjoni lix-xhieda matul il-proċessi dwar delitti tal-gwerra;

11.  Jikkonstata bi tħassib il-prevalenza tal-korruzzjoni f'bosta oqsma, iżda jilqa' t-tkomplija tat-tisħiħ tal-qafas kontra l-korruzzjoni, fost l-oħrajn billi l-Aġenzija Kontra l-Korruzzjoni (ACA) issa saret operattiva bis-sħiħ, u bil-ħatra ta' prosekuturi speċjali kontra l-korruzzjoni, kif ukoll billi qed jiġi indirizzat il-bżonn ta' taħriġ speċjalizzat fuq perjodu twil ta' żmien; iqis li hu essenzjali li tkun żgurata l-indipendenza tagħhom fl-investigazzjonijiet; jenfasizza l-importanza ta' attivitajiet tal-ACA li jkunu politikament imparzjali, professjonali u trasparenti, speċjalment fir-rigward tal-każijiet ta' korruzzjoni f'każijiet ta' livell għoli u ta' finanzjament tal-partiti politiċi; jenfasizza b'mod ripetut il-bżonn li jiġi stabbilit track rekord dwar l-investigazzjonijiet u l-kundanni b'suċċess, partikolarment f'każijiet ta' korruzzjoni ta' livell għoli, u dwar miżuri għall-prevenzjoni tal-korruzzjoni, inkluża l-applikazzjoni aktar effettiva ta' sanzjonijiet legali; jistieden lill-gvern il-ġdid jpoġġi l-ġlieda kontra l-korruzzjoni bħala waħda mill-prijoritajiet tiegħu billi jalloka biżżejjed riżorsi umani u baġitarji għal dan il-kompitu;

12.  Jappella li ssir implimentazzjoni effikaċi tal-pjanijiet ta' azzjoni settorjali għall-oqsma li huma partikolarment vulnerabbli għall-korruzzjoni, bħall-akkwist pubbliku, il-privatizzazzjoni, l-ippjanar urban, l-edukazzjoni, il-kura tas-saħħa, il-gvern lokali u l-pulizija; jappella għal investigazzjoni effettiva ta' każijiet potenzjali ta' kxif ta' informazzjoni u li tingħatalhom il-protezzjoni adegwata; jappella li r-reat kriminali ta' arrikkiment illeċitu jiġi inkorporat fil-kodiċi kriminali tal-Montenegro; jappella li ssir implimentazzjoni effikaċi tal-Ftehim ta' Kooperazzjoni bejn il-Eurojust u l-Montenegro sabiex titjieb il-kooperazzjoni ġudizzjarja fil-ġlieda kontra reati gravi; jappella għal miżuri li jtejbu l-protezzjoni ta' min jikxef l-informazzjoni;

13.  Jikkonstata l-adozzjoni ta' pjan ta' azzjoni għall-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu, kif ukoll l-iffirmar ta' Protokoll Addizzjonali għall-Konvenzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa dwar il-Prevenzjoni tat-Terroriżmu; jenfasizza l-bżonn li jkompli jiġi żviluppat it-track rekord f'każijiet kontra l-kriminalità organizzata, speċjalment rigward it-traffikar tal-bnedmin, drogi u l-ħasil tal-flus, biex tkun żgurata kooperazzjoni aktar b'saħħitha bejn l-aġenziji u tkun intensifikata aktar il-kooperazzjoni reġjonali u internazzjonali fil-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata; jenfasizza l-bżonn ta' konsulenti ta' kontabilità forensika speċjalizzati li jassistu fl-investigazzjonijiet regolari;

14.  Jilqa' t-titjib imwettaq fil-qafas legali tal-ġlieda kontra t-traffikar ta' bnedmin; jisħaq, madankollu, li tinħtieġ identifikazzjoni aħjar tal-vittmi tat-traffikar u li jitjieb l-aċċess tagħhom għal assistenza, kumpens u protezzjoni;

15.  Jilqa' l-istrateġija l-ġdida għall-ġlieda kontra l-estremiżmu vjolenti fl-2016-2018, li tikkumplimenta l-istrateġija nazzjonali għall-prevenzjoni u l-ġlieda kontra t-terroriżmu, il-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu; jikkonstata l-ħolqien ta' unità ta' intelligence ġdida li għandha l-kompitu li tidentifika u timmonitorja membri potenzjali ta' gruppi ta' vjolenza estrema; iqis li hu essenzjali li l-persuni jiġu identifikati fl-istadji bikrija ta' radikalizzazzjoni sabiex dawn ma jitħallewx jiġu reklutati minn gruppi estremisti vjolenti, u biex dawn jiġu integrati mill-ġdid b'suċċess fis-soċjetà; iqis li hu importanti li l-miżuri meħuda f'dan ir-rigward jiżguraw ir-rispett tad-drittijiet tal-bniedem u tal-libertajiet fundamentali bi qbil mal-obbligi internazzjonali; jenfasizza l-importanza li tiżdied is-sensibilizzazzjoni taċ-ċittadini fir-rigward tal-monitoraġġ tal-possibilità ta' theddid terroristiku;

16.  Jitlob lill-awtoritajiet kompetenti, filwaqt li jirrikonoxxi l-parteċipazzjoni tas-OSĊ fit-tħejjijiet għall-adeżjoni, sabiex itejbu aktar l-aċċess tal-OSĊ għall-informazzjoni relatata mal-UE, u biex jiżguraw li l-konsultazzjonijiet mal-OSĊ, fejn possibbli, jinżammu b'mod li jagħmel sens; jappella lill-awtoritajiet kompetenti jiżviluppaw approċċ aktar ta' appoġġ u inklużiv li jiffaċilita l-attivitiajiet fil-livell lokali mill-OSĊ u li jħeġġeġ il-parteċipazzjoni attiva tagħhom fl-iskrutinju tal-proċess elettorali kollu; iħeġġeġ lill-awtoritajiet kompetenti jiżviluppaw finanzjament pubbliku għall-OSĊ, kemm fil-livell nazzjonali u lokali, b'mod aktar sostenibbli, trasparenti u effikaċi; jappella lill-awtoritajiet rilevanti kollha joħolqu kondizzjonijiet li jwasslu għal ħidma volontarja u għal grad ogħla ta' parteċipazzjoni ċivika; jinsab imħasseb serjament li tkomplew il-kampanji ta' malafama u l-isforzi ta' intimidazzjoni kontra ċerti attivisti tal-OSĊ; jappella lill-awtoritajiet kompetenti jinvestigaw u jiċċaraw il-kawżi ta' dawn l-attentati u jsaħħu l-isforzi tagħhom sabiex jipproteġu lill-attivisti tal-OSĊ;

17.  Jikkonstata li twettaq xi progress fit-titjib tas-sitwazzjoni tal-minoranzi, inkluża t-tlestija ta' bosta riformi leġiżlattivi li jiżguraw allinjament akbar mal-UE u mal-istandards internazzjonali tad-drittijiet tal-bniedem; jilqa' l-adozzjoni tal-istrateġija u l-pjan ta' azzjoni 2016-2020 dwar l-inklużjoni soċjali tar-Rom u tal-komunitajiet Eġizzjani; jitlob li jiġi allokat baġit adegwat sabiex il-pjan ta' azzjoni jkun jista' jiġi implimentat b'mod xieraq; jesprimi tħassib dwar id-diskriminazzjoni doppja li jiffaċċjaw in-nisa u t-tfajliet fil-komunità tar-Rom u dwar l-aċċess għall-kura tas-saħħa, djar u impjiegi mill-komunità tar-Rom, tal-minoranzi Eġizzjani u tal-poplu Ashkali; iħeġġeġ lill-awtoritajiet kompetenti biex ikomplu jsaħħu l-isforzi għas-salvagwardja tad-drittijiet tal-persuni LGBTI; jirrikonoxxi d-diffikultajiet biex tiġi aċċettata d-diversità sesswali fi ħdan is-soċjetà tal-Montenegro; jappella lill-awtoritajiet kompetenti jwettqu sforzi akbar biex iżidu l-għarfien kontra d-diskriminazzjoni fost il-pubbliku inġenerali; jibqa' mħasseb li bosta binjiet pubbliċi, inklużi ċentri mediċi u fakultajiet tal-università, għadhom mhumiex aċċessibbli għall-persuni b'diżabilità, u wkoll li n-numru ta' impjiegi ta' persuni b'diżabilità għadu limitat ħafna; jappella għal aktar miżuri ta' protezzjoni tal-identità multietnika tar-reġjun Boka Kotorska;

18.  Jappella li jkomplu jissaħħu l-istituzzjonijiet tad-drittijiet tal-bniedem, inkluż l-Ombudsperson u l-Ministeru għad-Drittijiet tal-Bniedem u l-Minoranzi, u hu tal-fehma li għandu jiżdied l-għarfien tagħhom tal-liġi u l-istandards tad-Drittijiet tal-Bniedem internazzjonali u Ewropej; jesprimi tħassib dwar in-nuqqas ta' approċċ uniformi u dwar il-livelli baxxi ta' pieni għal ksur ta' drittijiet tal-bniedem;

19.  Jibqa' mħasseb dwar il-vjolenza domestika kontinwa abbażi tal-ġeneru, u l-vjolenza sesswali, in-nuqqas ta' prosekuzzjonijiet u ta' għoti ta' sentenzi adegwati għal dawk li jwettqu r-reat bi qbil mal-istandards internazzjonali, u l-appoġġ ineffiċjenti lill-vittmi u l-protezzjoni tagħhom; jitlob għall-miżuri li jistabbilixxu servizzi ta' protezzjoni adegwati, isaħħu l-koordinament interistituzzjonali rilevanti, jagħmlu użu effiċjenti ta' databażi unifikata ta' każijiet ta' vjolenza domestika, u li jimplimentaw l-istrateġija 2016-2020 dwar il-ġlieda kontra l-vjolenza domestika; jissottolinja l-importanza li l-impjegati fl-istituzzjonijiet statali jiġu edukati u mħarrġa dwar kif għandhom jaħdmu mal-vittmi; jappella lill-awtoritajiet kompetenti jiżguraw protezzjoni xierqa, akkomodazzjoni fuq perjodu twil ta' żmien, appoġġ finanzjarju u programmi edukattivi għall-vittmi ta' żwiġijiet sfurzati, kif ukoll li jiżguraw il-prosekuzzjoni effiċjenti u l-ħruġ ta' sentenzi ta' kundanna għal dawk li jwettqu r-reat; jenfasizza l-importanza li tiġi mħeġġa r-rappreżentanza tan-nisa fil-politika, inkluż f'karigi ewlenin ta' teħid ta' deċiżjonijiet, kif ukoll biex jitjieb l-aċċess tagħhom għal rappreżentanza aħjar fis-suq tax-xogħol; jappella li tiġi żviluppata politika pubblika li tgħin biex tibbilanċja r-rabtiet bejn ix-xogħol u l-familja; jinnota t-tkomplija tal-implimentazzjoni tal-pjan ta' azzjoni 2013-2017 dwar l-ugwaljanza bejn is-sessi; iħeġġeġ lill-awtoritajiet kompetenti jagħmlu allokazzjonijiet baġitarji suffiċjenti għall-implimentazzjoni tagħha; jikkonstata li hemm sfidi fil-koordinament ta' politiki rigward it-tfal u li l-vjolenza kontra t-tfal għadha kwistjoni ta' tħassib;

20.  Jappella lill-awtoritajiet tal-Montenegro jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jipprevjenu l-vjolenza kontra t-tfal, it-traffikar tal-bnedmin u ż-żwiġijiet tat-tfal furzati li għadhom qed jiġu rrappurtati mill-NGOs;

21.  Jenfasizza l-bżonn li ssir ħidma kostanti u serja dwar l-armonizzazzjoni tas-sistema ġuridika tal-Montenegro mal-istandards ġuridiċi internazzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet tal-persuni b'diżabilità, sabiex jiġi żgurat li jiġu rispettati l-prinċipji tal-istat tad-dritt, tal-kostituzzjonalità u tal-legalità;

22.  Jibqa' mħasseb dwar l-istat tal-libertà tal-espressjoni u tal-libertà tal-midja fil-Montenegro u n-nuqqas ta' investigazzjonijiet effikaċi mill-gvern fir-rigward tal-attakki fuq il-ġurnalisti; iħeġġeġ għal darb'oħra lill-awtoritajiet kompetenti jsibu soluzzjoni għal każijiet ta' vjolenza kontra, l-intimidazzjoni ta' u t-theddid magħmul lill-ġurnalisti, li ilhom pendenti għal ħafna żmien, u biex jinħoloq ambjent sigur għal ġurnaliżmu ħieles u investigattiv; jesprimi tħassib dwar l-attakki mwettqa mill-forzi tal-pulizija u dwar il-każijiet reċenti ta' pressjoni u intimidazzjoni kontra l-ġurnalisti, inklużi kampanji ta' malafama, attakki fiżiċi u theddid, kif ukoll każijiet ta' interferenza fil-midja matul il-protesti kontra l-gvern, inklużi arresti arbitrarji u l-ħtif tat-tagħmir; jesprimi tħassib li għad hemm nuqqas ta' investigazzjonijiet adegwati f'dawn l-attakki u wkoll nuqqas ta' każijiet simili riżolti; jinnota li n-numru ta' każijiet ta' malafama għadu għoli ħafna; jinsisti fuq reklamar trasparenti mill-istat fil-midja privata, dwar l-emenda tal-kodiċi kriminali tal-Montenegro u dwar l-introduzzjoni ta' reati kriminali ġodda li għandhom l-għan li jipprevjenu u jippenalizzaw l-attakki fuq il-ġurnalisti fit-twettiq tad-doveri professjonali tagħhom; jirrikonoxxi l-miżuri legali meħuda biex ikun hemm indipendenza finanzjarja u sostenibilità akbar tax-xandar tas-servizz pubbliku l-RTCG, u jitlob li jitwettqu aktar passi biex tkun żgurata l-indipendenza tiegħu, inkluża l-indipendenza editorjali; jenfasizza l-ħtieġa li jiġu sostnuti u msaħħa l-mekkaniżi awtoregolatorji; jisħaq li l-Kodiċi ta' Etika għall-Ġurnalisti rivedut għandu jiġi applikat b'effikaċja u b'mod uniformi fost il-komunità tal-midja; jappella, fejn xieraq, biex l-osservaturi tad-Delegazzjoni tal-UE u l-ambaxxati tal-Istat Membru jattendu b'aktar regolarità għall-proċessi kontra l-ġurnalisti u l-professjonisti tal-midja;

23.  Jikkonstata li l-Kummissjoni Elettorali Statali (SEC) illimitat l-aċċess għall-midja matul l-elezzjonijiet tal-2016; jappella għall-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet rigward il-midja ppreżentati fir-Rapport Finali tal-OSKE/ODIHR dwar il-Missjoni ta' Osservazzjoni Elettorali dwar l-Elezzjonijiet Parlamentari 2016;

24.  Iħeġġeġ lill-gvern il-ġdid, filwaqt li jinnota l-iżviluppi ekonomiċi favorevoli, biex iwettaq il-miżuri li jiżguraw s-sostenibilità fiskali filwaqt li jissaħħu d-drittijiet soċjali u l-protezzjoni tal-konsumaturi, jitnedew aktar riformi strutturali bil-għan li titjieb il-klima kummerċjali u ta' investiment għall-ħolqien ta' impjiegi u tkabbir, u biex tinbena ekonomija aktar varjata, inkluż permezz ta' miżuri mfassla biex jiskalaw lura s-settur informali, u jinsisti dwar il-bżonn ta' ġlieda effettiva kontra l-evażjoni fiskali; jilqa' l-ftuħ tal-Kapitolu 19 u jemmen bil-qawwa li dan hu l-aqwa inċentiv biex il-gvern jaċċelera l-ħidma tiegħu dwar l-inklużjoni soċjali, u t-tnaqqis tal-faqar u dwar l-iskalar lura tas-settur informali; jitlob ir-razzjonalizzazzjoni tal-infiq pubbliku, kif ukoll li jiġu intensifikati l-isforzi għat-tisħiħ tal-istat tad-dritt u tal-infurzar tal-kuntratti; jappella li jinħtieġ li jiġu trattati l-iżbilanċi esterni għoljin u li tiġi evalwata mill-ġdid l-infrastruttura pubblika ta' proġetti ta' investiment li jisfidaw is-sostenibilità fiskali; jappella li aktar miżuri ta' natura finanzjarja u mhux finanzjarja jkunu disponibbli bħala appoġġ tal-SMEs u li jitwettqu aktar investimenti fi proġetti ta' innovazzjoni u sostenibilità sabiex tiġi stimolata l-ekonomija; jappella għal titjib fid-djalogu soċjali;

25.  Jikkonstata li filwaqt li twettaq xi progress fl-iżvilupp tal-infrastruttura tat-trasport, inkluż permezz tal-Osservatorju tat-Trasport tax-Xlokk tal-Ewropa, in-nuqqas ta' toroq transkonfinali qed ixekklu l-kummerċ u t-turiżmu; jilqa' l-isforzi li twettqu bil-għan li jiġi liberalizzat is-settur ferrovjarju tal-Montenegro; jisħaq dwar il-bżonn ta' koordinament mal-pajjiżi ġirien dwar kwistjonijiet ta' konnettività u biex dawn jitħallew jiffurmaw parti minn proċess ta' ppjanar għal proġetti infrastrutturali;

26.  Jenfasizza l-importanza li jissaħħaħ is-settur tal-SMEs u li jingħata appoġġ permezz ta' leġiżlazzjoni aħjar, il-finanzjament u l-implimentazzjoni tal-politika industrijali, u wkoll bit-tnaqqis tal-ekonomija informali, u billi titħaffef ir-reġistrazzjoni elettronika tal-kumpaniji fuq livell nazzjonali;

27.  Jinnota li l-ekonomija moħbija tal-Montenegro għadha tirriżulta f'sehem kbir tal-PDG kollu; ifakkar li l-ekonomija informali kbira tikkostitwixxi ostakolu ewlieni għall-intraprenditorija u għat-tkabbir ekonomiku u jħeġġeġ lill-Montenegro jwettaq il-passi meħtieġa biex jitnaqqas id-daqs tal-ekonomija moħbija;

28.  Jikkonstata bi tħassib li xi riżultati tal-bini ta' kapaċità ffinanzjati mill-IPA ma ntużawx bis-sħiħ jew ma ġewx segwiti mill-awtoritajiet; jenfasizza li, biex jinkisbu eżiti pożittivi, l-awtoritajiet jeħtieġu li jiżguraw id-disponibilità adegwata tal-persunal biex ir-riżultati jitħallew jintużaw u biex tingħata l-indipendenza meħtieġa lil istituzzjonijiet maħluqa ġodda;

29.  Jinnota t-tnaqqis ċkejken fil-qgħad; jilqa' l-istrateġija nazzjonali 2016-2020 il-ġdida għall-impjiegi u għall-iżvilupp tar-riżorsi umani u l-pjan ta' azzjoni għall-2016 li jakkumpanjaha; jibqa' jesprimi tħassib dwar il-qgħad għoli fost iż-żgħażagħ u n-nuqqas ta' mobilità tax-xogħol; jappella għal miżuri tas-suq proattivi biex tiżdied il-kwalità tal-impjiegi u biex jingħata appoġġ lin-nisa, lill-persuni vulnerabbli, persuni b'diżabilità u ż-żgħażagħ permezz tal-edukazzjoni, il-gwida tal-karriera, it-taħriġ u d-drittijiet tax-xogħol; itenni l-importanza ta' parteċipazzjoni attiva f'inizjattivi reġjonali għaż-żgħażagħ, bħall-Uffiċċju Reġjonali għall-Kooperazzjoni taż-Żgħażagħ tal-Balkani tal-Punent, inkluż billi jittieħed vantaġġ tal-programmi eżistenti sabiex tingħata spinta lill-konnettività fir-reġjun u biex jiġi ttrattat il-qgħad taż-żgħażagħ;

30.  Jikkonstata li l-infiq pubbliku għall-edukazzjoni għadu ferm anqas mill-medja tal-UE; jenfasizza l-bżonn li jiġu introdotti l-miżuri meħtieġa, partikolarment fir-rigward tal-kura bikrija tat-tfal u qabel l-iskola, fejn ir-reġistrazzjoni għadha baxxa ħafna u tinsab ferm anqas mill-mira tal-UE ta' 95 % sal-2020; hu tal-fehma li għandha tingħata attenzjoni speċjali lin-nuqqas ta' aċċess f'bosta universitajiet pubbliċi għall-persuni b'diżabilità;

31.  Jilqa' l-liġi ambjentali l-ġdida, kif ukoll l-istrateġija nazzjonali għat-traspożizzjoni u l-implimentazzjoni tal-acquis tal-UE dwar l-ambjent u t-tibdil fil-klima u l-pjan ta' azzjoni tagħha 2016-2020; jenfasizza l-bżonn li jissaħħu l-isforzi ta' implimentazzjoni, partikolarment fil-ġestjoni tal-kwalità tal-ilma, il-protezzjoni tan-natura u l-ġestjoni tal-iskart, kif ukoll tal-kapaċitajiet amministrattivi fil-livelli kollha; jinsab imħasseb dwar id-dewmien sinifikanti fl-istabbiliment tal-protezzjoni għas-sit potenzjali Natura 2000 ta' Ulcinj Salina; jappella li jitwettqu sforzi akbar għall-ippreservar tal-bijodiversità tas-Salina u għall-iżvilupp sostenibbli tal-kosta;

32.  Jistieden lill-awtoritajiet kompetenti jwettqu l-miżuri ta' protezzjoni u ta' konservazzjoni meħtieġa fir-rigward tal-Lag Skadar sabiex jinżammu l-karatteristiċi ekoloġiċi inkluża l-integrità ekoloġika tiegħu; jistieden lill-gvern jiżgura li t-trasformazzjoni tal-parks nazzjonali f'kumpanija pubblika b'responsabilità limitata mhux se jkollha effetti negattivi fuq il-protezzjoni tagħhom; jesprimi tħassib dwar id-dewmien sinifikanti biex tiġi stabbilita l-protezzjoni ta' żoni identifikati bħala żoni potenzjali tan-netwerk Natura 2000; ifakkar fil-bżonn ta' valutazzjonijiet tal-impatt ambjentali sodi u strateġiċi, f'konformità mal-acquis tal-UE u mal-istandards internazzjonali;

33.  Jisħaq dwar il-bżonn li jiġu implimentati l-impenji internazzjonali fil-qasam tal-mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima; jinsab imħasseb serjament dwar il-pjan ta' żvilupp tal-Gvern tal-impjant ta' produzzjoni tal-enerġija bil-faħam Pljevlja II, li mhuwiex kompatibbli mal-impenji meħuda skont il-Ftehim ta' Pariġi;

34.  Jirrikonoxxi l-progress tajjeb imwettaq fil-qasam tal-enerġija, inkluż fil-qasam tal-interkonnessjonijiet mal-pajjiżi sħab; jistieden lill-Montenegro jintroduċi leġiżlazzjoni li timplimenta t-Tielet Pakkett tal-Enerġija, partikolarment id-Direttiva dwar l-Enerġija Rinnovabbli; ikompli jesprimi tħassib dwar l-iżvilupp ta' impjanti idroelettriċi mhux sostenibbli u li ħafna minnhom qegħdin jiġu ppjanati mingħajr valutazzjonijiet tal-impatt ambjentali reali, partikolarment fir-rigward tal-protezzjoni tal-bijodiversità u l-impatt tagħhom fuq żoni protetti kif mitlub mil-leġiżlazzjoni tal-UE; jistieden lill-awtoritajiet kompetenti jżommu sorveljanza viġilanti tal-esplorazzjoni taż-żejt u tal-gass lil hinn mill-kosta u jimplimentaw il-miżuri proattivi kollha bi qbil mal-leġiżlazzjoni, ir-regolamenti adottati u mal-acquis tal-UE;

35.  Jappella lill-awtoritajiet tal-Montenegro, fid-dawl tat-tħejjijiet għas-summit dwar il-Balkani tal-Punent li se jsir fl-Italja fl-2017, ikabbru l-isforzi ta' implimentazzjoni ta' miżuri ġuridiċi u regolatorji fil-qasam tat-trasport u fis-settur tal-enerġija (miżuri mhux vinkolanti), sabiex iwettqu l-Aġenda ta' Konnettività tal-Unjoni Ewropea;

36.  Jilqa' l-parteċipazzjoni proattiva tal-Montenegro u r-rwol kostruttiv kontinwu tiegħu fil-kooperazzjoni għal viċinat tajjeb, f'dik reġjonali u internazzjonali; iħeġġeġ aktar kooperazzjoni f'dan ir-rigward; ifaħħar bil-qawwa lill-Montenegro talli kompla jallinja bis-sħiħ il-politika barranija tiegħu mal-Politika Estera u ta' Sigurtà Komuni tal-UE, inkluża d-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2016/1671, li tenniet il-miżuri restrittivi tal-UE kontra r-Russja; jilqa' l-parteċipazzjoni tal-Montenegro fil-missjonijiet tal-PSDK mmexxija mill-UE; iħeġġeġ lill-Montenegro, biex fi spirtu kostruttiv u ta' viċinat, ikompli jindirizza kwistjonijiet bilaterali pendenti mal-ġirien tiegħu, inklużi l-kwistjonijiet mhux riżolti dwar id-demarkazzjoni tal-fruntiera mas-Serbja u mal-Kroazja, malajr kemm jista' jkun fil-proċess ta' adeżjoni; itenni t-talba tiegħu lill-awtoritajiet biex jgħinu ħalli tinstab soluzzjoni għal kwistjonijiet ta' suċċessjoni marbuta mal-patrimonju ta' dik li kienet ir-Repubblika Soċjalista Federali tal-Jugoslavja (SFRY); jilqa' l-ftehim ta' demarkazzjoni tal-fruntieri mal-Bożnija-Ħerzegovina, u r-ratifikazzjoni tal-ftehim ta' demarkazzjoni tal-fruntieri mal-Kosovo; jissottolinja l-bżonn li jitkomplew in-negozjati dwar l-aġġustament tal-ftehimiet dwar il-qsim tal-fruntiera u dwar it-traffiku fil-fruntiera; ifaħħar il-kooperazzjoni mal-pajjiżi ġirien skont il-Proċess tad-Dikjarazzjoni ta' Sarajevo; iħeġġeġ lill-Montenegro jikkonforma mal-pożizzjonijiet komuni tal-UE dwar l-integrità tal-Istatut ta' Ruma u mal-prinċipji gwida tal-UE relatati mal-ftehimiet ta' immunità bilaterali;

37.  Jikkonstata li filwaqt li l-Montenegro mhuwiex fuq ir-"Rotta tal-Balkani tal-Punent", jibqa' pajjiż tranżitorju għar-rifuġjati u l-migranti, li l-maġġoranza tagħhom ġejjin mis-Sirja; jistieden lill-awtoritajiet tal-Montenegro jiżguraw li l-migranti u r-rifuġjati li japplikaw għal asil fil-Montenegro jew li jkunu qegħdin jivvjaġġaw f'territorju Montenegrin, jiġu trattati b'konformità mad-dritt internazzjonali u tal-UE, inkluż skont il-Konvenzjoni tar-Rifuġjati tal-1951 u l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea; jilqa' l-adozzjoni tal-Pjan ta' Azzjoni ta' Schengen u tal-Istrateġija 2017-2020 għall-Ġestjoni Integrata tal-Migrazzjoni;

38.  Jistieden lill-Kummissjoni tkompli l-ħidma dwar kwistjonijiet relatati mal-migrazzjoni flimkien mal-pajjiżi kollha tal-Balkani tal-Punent b'tali mod li tiżgura l-konformità man-normi u mal-istandards internazzjonali u dawk tal-UE; jilqa' l-ħidma magħmula s'issa f'dan ir-rigward;

39.  Jilqa' l-parteċipazzjoni attiva tal-Montenegro fis-Summit ta' Pariġi dwar il-Balkani tal-Punent tal-2016, partikolarment dwar l-aġenda ta' konnettività; jappella lill-awtoritajiet jimplimentaw il-Ftehim dwar il-Qsim tal-Fruntiera mal-Albanija li għadu kif ġie ffirmat, u biex jimplimentaw ir-Regolament dwar in-Netwerk trans-Ewropew dwar il-liċenzjar u l-permess ta' aċċess miftuħ għas-suq ferrovjarju; jinnota madankollu li għalkemm is-suq ferrovjarju fil-Montenegro kien miftuħ għall-kompetizzjoni sa mill-2014, s'issa l-ebda operatur privat ma wera interess biex jipparteċipa f'dan is-suq; jappella lill-gvern il-ġdid jipprovdi suq ferrovjarju miftuħ, b'tariffa trasparenti ta' aċċess għall-binarji u b'kapaċità ta' allokazzjoni li jkunu allinjati bis-sħiħ mal-acquis;

40.  Jilqa' l-fatt li l-Protokoll ta' Adeżjoni tal-Montenegro man-NATO, u li attwalment qiegħed jiġi ratifikat mill-membri tan-NATO, kien iffirmat f'Mejju 2016, b'rikonoxximent tal-isforzi tal-Montenegro fl-implimentazzjoni tar-riformi, u dan billi n-NATO hu fattur importanti li jiżgura l-istabilità u l-paċi fil-Balkani tal-Punent; iħeġġeġ lill-membri tan-NATO fi ħdan l-UE jipprijoritizzaw il-proċess ta' ratifikazzjoni u jirrikonoxxu li s-sħubija fin-NATO tal-Montenegro hi parti simbolika u strateġika importanti fil-proċess ta' integrazzjoni Ewro-Atlantika tal-pajjiż; ifakkar li n-negozjati dwar l-adeżjoni mal-UE huma indipendenti mill-proċess ta' adeżjoni man-NATO;

41.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-gvernijiet u l-parlamenti tal-Istati Membri u lill-Gvern u lill-Parlament tal-Montenegro.

(1)

ĠU L 108, 29.4.2010, p. 1.


RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALIFIL-KUMITAT RESPONSABBLI

Data tal-adozzjoni

28.2.2017

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

51

7

2

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Lars Adaktusson, Nikos Androulakis, Francisco Assis, Amjad Bashir, Mario Borghezio, Victor Boştinaru, Elmar Brok, Klaus Buchner, James Carver, Fabio Massimo Castaldo, Lorenzo Cesa, Javier Couso Permuy, Andi Cristea, Georgios Epitideios, Knut Fleckenstein, Anna Elżbieta Fotyga, Eugen Freund, Michael Gahler, Iveta Grigule, Sandra Kalniete, Manolis Kefalogiannis, Tunne Kelam, Andrey Kovatchev, Eduard Kukan, Ryszard Antoni Legutko, Arne Lietz, Barbara Lochbihler, Sabine Lösing, Andrejs Mamikins, Ramona Nicole Mănescu, Alex Mayer, David McAllister, Francisco José Millán Mon, Pier Antonio Panzeri, Demetris Papadakis, Ioan Mircea Paşcu, Alojz Peterle, Tonino Picula, Kati Piri, Cristian Dan Preda, Jozo Radoš, Sofia Sakorafa, Alyn Smith, Jordi Solé, Dubravka Šuica, Charles Tannock, László Tőkés, Ivo Vajgl, Johannes Cornelis van Baalen, Hilde Vautmans, Anders Primdahl Vistisen

Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali

Angel Dzhambazki, Takis Hadjigeorgiou, Urmas Paet, Miroslav Poche, José Ignacio Salafranca Sánchez-Neyra, Igor Šoltes, Eleni Theocharous, Bodil Valero, Željana Zovko


VOTAZZJONI FINALI B'SEJĦA TAL-ISMIJIET FIL-KUMITAT RESPONSABBLI

51

+

ALDE

Iveta Grigule, Urmas Paet, Jozo Radoš, Ivo Vajgl, Hilde Vautmans, Johannes Cornelis van Baalen

ECR

Amjad Bashir, Angel Dzhambazki, Anna Elżbieta Fotyga, Ryszard Antoni Legutko, Charles Tannock, Eleni Theocharous

PPE

Lars Adaktusson, Elmar Brok, Lorenzo Cesa, Michael Gahler, Sandra Kalniete, Manolis Kefalogiannis, Tunne Kelam, Andrey Kovatchev, Eduard Kukan, David McAllister, Francisco José Millán Mon, Ramona Nicole Mănescu, Alojz Peterle, Cristian Dan Preda, José Ignacio Salafranca Sánchez-Neyra, László Tőkés, Željana Zovko, Dubravka Šuica

S&D

Nikos Androulakis, Francisco Assis, Victor Boştinaru, Andi Cristea, Knut Fleckenstein, Eugen Freund, Arne Lietz, Andrejs Mamikins, Alex Mayer, Pier Antonio Panzeri, Demetris Papadakis, Ioan Mircea Paşcu, Tonino Picula, Kati Piri, Miroslav Poche

Verts/ALE

Klaus Buchner, Barbara Lochbihler, Alyn Smith, Jordi Solé, Bodil Valero, Igor Šoltes

7

-

EFDD

James Carver

ENF

Mario Borghezio

GUE/NGL

Javier Couso Permuy, Takis Hadjigeorgiou, Sabine Lösing, Sofia Sakorafa

NI

Georgios Epitideios

2

0

ECR

Anders Primdahl Vistisen

EFDD

Fabio Massimo Castaldo

Tifsira tas-simboli użati:

+  :  favur

-  :  kontra

0  :  astensjoni

Avviż legali