Proċedura : 2016/2222(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A8-0066/2017

Testi mressqa :

A8-0066/2017

Dibattiti :

PV 03/04/2017 - 19
CRE 03/04/2017 - 19

Votazzjonijiet :

PV 04/04/2017 - 7.3
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P8_TA(2017)0098

RAPPORT     
PDF 842kWORD 94k
17.3.2017
PE 593.850v02-00 A8-0066/2017

dwar iż-żejt tal-palm u d-deforestazzjoni tal-foresti pluvjali

(2016/2222(INI))

Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza tal-Ikel

Rapporteur: Kateřina Konečná

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW
 NOTA SPJEGATTIVA
 OPINJONI tal-Kumitat għall-Iżvilupp
 OPINJONI tal-Kumitat għall-Kummerċ Internazzjonali
 OPINJONI tal-Kumitat għall-Agrikoltura u l-Iżvilupp Rurali
 RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALIFIL-KUMITAT RESPONSABBLI
 VOTAZZJONI FINALI B'SEJĦA TAL-ISMIJIET FIL-KUMITAT RESPONSABBLI

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW

dwar iż-żejt tal-palm u d-deforestazzjoni tal-foresti pluvjali

(2016/2222(INI))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-Ftehim ta' Pariġi li ntlaħaq fil-21 Konferenza tal-Partijiet tal-Konvenzjoni Qafas tan-Nazzjonijiet Uniti dwar it-Tibdil fil-Klima (COP21),

–  wara li kkunsidra r-Rapport Tekniku - 2013 - 063 tal-Kummissjoni dwar l-impatt tal-konsum tal-UE fuq id-deforestazzjoni,

–  wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni tas-17 ta' Ottubru 2008 bit-titolu "Nindirizzaw l-isfidi tad-deforestazzjoni u d-degradazzjoni tal-foresti sabiex niġġieldu t-tibdil fil-klima u t-telf tal-bijodiversità" (COM(2008)0645),  

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni ta' Amsterdam tas-7 ta' Diċembru 2015 bit-titolu "Towards Eliminating Deforestation from Agricultural Commodity Chains with European Countries" (Lejn l-eliminazzjoni tad-deforestazzjoni mill-ktajjen ta' prodotti agrikoli bażiċi agrikoli ma' pajjiżi Ewropej) favur katina tal-provvista taż-żejt tal-palm kompletament sostenibbli sal-2020 u favur it-tmiem tad-deforestazzjoni illegali sal-2020,

–  wara li kkunsidra l-wegħda ta' appoġġ mill-gvernijiet għall-iskema biex l-industrija taż-żejt tal-palm issir 100 % sostenibbli sal-2020, li saret mill-ħames Stati Membri u firmatarji tad-Dikjarazzjoni ta' Amsterdam: id-Danimarka, il-Ġermanja, Franza, ir-Renju Unit u n-Netherlands,

–  wara li kkunsidra l-Istrateġija Ewropea għal mobbiltà b'livell baxx ta' karbonju ta' Lulju 2016 u l-proposta għal direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta' Novembru 2016 dwar il-promozzjoni tal-użu tal-enerġija minn sorsi rinnovabbli (riformulazzjoni),

–  wara li kkunsidra l-istudju kkummissjonat u ffinanzjat mill-Kummissjoni tal-4 ta' Ottubru 2016 intitolat "The land use change impact of biofuels consumed in the EU: Quantification of area and greenhouse gas impacts" (L-impatt tal-bidla fl-użu tal-art tal-bijofjuwils kkunsmati fl-UE: Kwantifikazzjoni tal-erja u tal-impatti tal-gassijiet serra),

–  wara li kkunsidra r-rapport intitolat "Globiom: the basis for biofuel policy post-2020" (Globiom: il-bażi għal politika dwar il-bijokarburanti post-2020),

–  wara li kkunsidra r-Rapport Speċjali Nru 18/2016 tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri bit-titolu "Is-sistema tal-UE għaċ-ċertifikazzjoni ta' bijokarburanti sostenibbli",

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Diversità Bijoloġika (KDB),

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni dwar il-Kummerċ Internazzjonali fl-Ispeċijiet ta' Fawna u Flora Selvaġġi fil-Periklu (CITES),

–  wara li kkunsidra l-Protokoll ta' Nagoya dwar l-Aċċess għal Riżorsi Ġenetiċi u l-Qsim Ġust u Ekwu ta' Benefiċċji li Jirriżultaw mill-Użu tagħhom għall-Konvenzjoni dwar id-Diversità Bijoloġika li ġie adottat fid-29 ta' Ottubru 2010 f'Nagoya, il-Ġappun u li daħal fis-seħħ fit-12 ta' Ottubru 2014,

–  wara li kkunsidra l-istrateġija tal-UE għall-bijodiversità sal-2020, u r-rieżami ta' nofs it-terminu relatat(1),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-2 ta' Frar 2016 dwar ir-rieżami ta' nofs it-terminu tal-Istrateġija tal-UE għall-Bijodiversità(2),

–  wara li kkunsidra l-Kungress Dinji tal-IUCN dwar il-Konservazzjoni tan-Natura li sar f'Hawaii fl-2016 u l-Mozzjoni 066 tiegħu dwar il-mitigazzjoni tal-impatti tal-espansjoni taż-żejt tal-palm u l-operazzjonijiet dwar il-bijodiversità,

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni dwar id-Drittijiet tal-Popli Indiġeni (UNDRIP),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 52 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza tal-Ikel u l-opinjonijiet tal-Kumitat għall-Iżvilupp, il-Kumitat għall-Kummerċ Internazzjonali u l-Kumitat għall-Agrikoltura u l-Iżvilupp Rurali (A8-0066/2017),

A.  billi l-Unjoni Ewropea rratifikat il-Ftehim ta' Pariġi u jenħtieġ li jkollha rwol kruċjali fil-kisba tal-objettivi stabbiliti fl-oqsma li jikkonċernaw il-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima u t-twassil ta' protezzjoni ambjentali u żvilupp sostenibbli;

B.  billi l-UE kienet strumentali fl-istabbiliment tal-Għanijiet ta' Żvilupp Sostenibbli li huma marbuta mill-qrib mal-kwistjoni taż-żejt tal-palm (SDGs 2, 3, 6, 14, 16, 17 u, b'mod partikolari, 12, 13 u 15);

C.  billi, skont l-Aġenda 2030 għall-Iżvilupp Sostenibbli, l-UE impenjata tippromwovi l-implimentazzjoni tal-ġestjoni sostenibbli tat-tipi kollha ta' foresti, twaqqaf id-deforestazzjoni, tirrestawra l-foresti degradati u żżid b'mod sostenibbli l-afforestazzjoni u l-forestazzjoni mill-ġdid globalment sal-2020; billi skont l-Aġenda 2030, l-UE impenjata wkoll tiżgura mudelli ta' konsum u produzzjoni sostenibbli, tinkoraġġixxi lill-kumpaniji jadottaw prattiki sostenibbli u jintegraw informazzjoni dwar is-sostenibbiltà fiċ-ċiklu ta' rapportar tagħhom u tippromwovi prattiki ta' akkwist pubbliku sostenibbli, b'konformità mal-politiki nazzjonali u l-prijoritajiet globali sal-2020;

D.  billi hemm ħafna fatturi ewlenin tad-deforestazzjoni globali, inkluża l-produzzjoni ta' prodotti bażiċi agrikoli bħas-sojja, iċ-ċanga, il-qamħirrum u ż-żejt tal-palm;

E.  billi kważi nofs (49 %) id-deforestazzjoni tropikali reċenti kollha hija r-riżultat tal-ikklerjar illegali ta' art minħabba agrikoltura kummerċjali u din il-qerda hija mmexxija mid-domanda barranija għall-prodotti bażiċi agrikoli inklużi ż-żejt tal-palm, iċ-ċanga, is-sojja, u l-prodotti tal-injam; billi l-konverżjoni illegali tal-foresti tropikali għall-finijiet tal-agrikoltura kummerċjali hija stmata li tipproduċi 1,47 gigatunnellati ta' karbonju kull sena – ekwivalenti għal 25 % tal-emissjonijiet annwali tal-UE bbażati fuq il-karburanti fossili(3),

F.  billi n-nirien forestali tal-2015 fl-Indoneżja u f'Borneo kienu l-agħar fost dawk osservati matul kważi żewġ deċennji u seħħew b'riżultat tat-tibdil fil-klima globali, it-tibdil fl-użu tal-art u d-deforestazzjoni; billi l-kundizzjonijiet estremament xotti fir-reġjun inkwistjoni x'aktarx isiru avvenimenti aktar komuni fil-futur, sakemm ma titteħidx azzjoni miftiehma biex jiġu evitati n-nirien;

G.  billi n-nirien forestali fl-Indoneżja u f'Borneo esponew 69 miljun persuna għal tniġġis tal-arja mhux tajjeb għas-saħħa u huma responsabbli għal eluf ta' mwiet prematuri;

H.  billi n-nirien fl-Indoneżja tipikament ikunu r-riżultat ta' kklerjar ta' art għal pjantaġġuni taż-żejt tal-palm u użi agrikoli oħra; billi 52 % tan-nirien fl-Indoneżja fl-2015 seħħew f'torbieri b'livell għoli ta' karbonju, u minħabba f'hekk l-Indoneżja saret wieħed mill-akbar kontributuri għat-tisħin globali fid-Dinja(4);

I.  billi n-nuqqas ta' mapep preċiżi ta' konċessjonijiet taż-żejt tal-palm u ta' reġistri pubbliċi tal-artijiet f'ħafna pajjiżi li jipproduċu ż-żejt tal-palm jagħmilha diffiċli biex tiġi ddeterminata r-responsabbiltà għan-nirien tal-foresti;

J.  billi fid-Dikjarazzjoni ta' New York dwar il-Foresti, l-UE qablet li tgħin biex jintlaħaq l-għan tas-settur privat li tiġi eliminata d-deforestazzjoni mill-produzzjoni ta' prodotti bażiċi agrikoli bħaż-żejt tal-palm, is-sojja, il-karta u l-prodotti taċ-ċanga sa mhux aktar tard mill-2020 filwaqt li tirrikonoxxi li xi kumpaniji għandhom saħansitra miri aktar ambizzjużi;

K.  billi fl-2008, l-UE impenjat ruħha li tnaqqas id-deforestazzjoni b'mill-inqas 50 % sal-2020 u li twaqqaf it-telf tal-kopertura globali tal-foresti sal-2030;

L.  billi l-ekosistemi tropikali prezzjużi, li jkopru biss 7 % tal-wiċċ tad-Dinja, jinsabu taħt pressjoni li dejjem qiegħda tiżdied minħabba d-deforestazzjoni; billi l-istabbiliment ta' pjantaġġuni taż-żejt tal-palm qed iwassal għal nirien tal-foresta kbar ħafna, it-tnixxif tax-xmajjar, l-erożjoni tal-ħamrija, l-ixxottar tat-torbieri, it-tniġġis tal-passaġġi fuq l-ilma u t-telf ġenerali ta' bijodiversità, u dan imbagħad iwassal għat-telf ta' bosta servizzi tal-ekosistema u qed ikollu impatt kbir fuq il-klima, il-konservazzjoni ta' riżorsi naturali u l-preservazzjoni tal-ambjent globali għall-ġenerazzjonijiet preżenti u futuri;

M.  billi l-konsum taż-żejt tal-palm u tal-oġġetti pproċessati derivati tiegħu għandu rwol ewlieni fl-impatt tal-konsum tal-UE fuq id-deforestazzjoni globali;

N.  billi d-domanda għaż-żjut veġetali b'mod ġenerali mistennija tiżdied(5), filwaqt li d-domanda għaż-żejt tal-palm, skont l-istimi, se tirdoppja sal-2050(6); billi, sa mis-sebgħinijiet, 90 % tat-tkabbir fil-produzzjoni taż-żejt tal-palm kien ikkonċentrat fl-Indoneżja u fil-Malasja; billi, barra minn hekk, il-kultivazzjoni tal-palm taż-żejt ukoll qed jiżdied f'pajjiżi Asjatiċi oħrajn, kif ukoll fl-Afrika u fl-Amerka Latina, fejn b'mod kostanti qed jiġu stabbiliti pjantaġġuni ġodda filwaqt li dawk eżistenti qed jiġu estiżi, sitwazzjoni li se twassal għal ħsara ulterjuri tal-ambjent; jinnota, madankollu, li s-sostituzzjoni taż-żejt tal-palm bi żjut veġetali oħra toħloq il-bżonn ta' aktar art għall-kultivazzjoni;

O.  billi l-użu qawwi taż-żejt tal-palm primarjament huwa dovut għall-ispejjeż baxxi marbuta miegħu, u dan huwa possibbli grazzi għaż-żieda fin-numru ta' pjantaġġuni tal-palm taż-żejt f'żoni deforestati; billi, barra minn hekk, l-użu taż-żejt tal-palm fl-industrija alimentari huwa konformi ma' mudell ta' produzzjoni u konsum tal-massa mhux sostenibbli, li jmur kontra l-użu u l-promozzjoni ta' ingredjenti u prodotti organiċi, ta' kwalità għolja u b'żero kilometri;

P.  billi ż-żejt tal-palm qed jintuża dejjem aktar bħala bijokarburant u fl-ikel ipproċessat, u issa hemm madwar 50 % tal-prodotti ppakkettati li fihom żejt tal-palm;

Q.  billi xi kumpaniji fil-kummerċ taż-żejt tal-palm qed jonqsu milli juru mingħajr ebda dubju li ż-żejt tal-palm fil-katina tal-provvista tagħhom mhux marbut mad-deforestazzjoni, l-ixxottar tat-torbieri jew it-tniġġis ambjentali, u qed jonqsu wkoll milli juru li ġie prodott b'rispett sħiħ tad-drittijiet fundamentali tal-bniedem u standards soċjali adegwati;

R.  billi, skont is-7 Programm ta' Azzjoni Ambjentali (EAP), il-Kummissjoni meħtieġa tivvaluta l-impatt ambjentali, f'kuntest globali, tal-konsum tal-Unjoni ta' prodotti bażiċi alimentari u mhux alimentari u, jekk xieraq, tiżviluppa proposti ta' politika biex tindirizza s-sejbiet ta' tali valutazzjonijiet, u tqis l-iżvilupp ta' pjan ta' azzjoni tal-Unjoni dwar id-deforestazzjoni u d-degradazzjoni tal-foresti;

S.  billi l-Kummissjoni qed tippjana studji dwar id-deforestazzjoni u ż-żejt tal-palm;

T.  billi t-total tal-emissjonijiet ta' gassijiet serra mit-tibdil fl-użu tal-art relatat maż-żejt tal-palm mhuwiex magħruf; billi meħtieġ li jitjiebu l-valutazzjonijiet xjentifiċi f'dan ir-rigward;

U.  billi ma hemm l-ebda data disponibbli affidabbli fil-pajjiżi produtturi dwar iż-żoni tal-art mogħtija għall-kultivazzjoni tal-palm taż-żejt, kemm jekk b'awtorizzazzjoni kif ukoll jekk le; billi dan l-ostaklu, mill-bidu nett, idgħajjef il-miżuri meħuda għaċ-ċertifikazzjoni tas-sostenibbiltà taż-żejt tal-palm;

V.  billi s-settur tal-enerġija kien responsabbli għal 60 % tal-importazzjonijiet tal-UE taż-żejt tal-palm, b'46 % taż-żejt tal-palm importat użat bħala karburant għat-trasport (żieda ta' sitt darbiet apparagun tal-2010) u 15 % għall-ġenerazzjoni tal-enerġija u tas-sħana;

W.  billi huwa stmat li sal-2020 l-ammont ta' art li se tiġi kkonvertita globalment għall-produzzjoni taż-żejt tal-palm għall-bijodiżil se jkun miljun ettaru (1 Mha), li minnu 0,57 MHa se jiġi kkonvertit minn foresti primarji tax-Xlokk tal-Asja(7);

X.  billi t-tibdil fl-użu tal-art totali kkawżat mill-mandat tal-bijofjuwil tal-UE 2020 huwa 8,8 Mha, li minnhom 2,1 Mha ta' art huma kkonvertiti fl-Asja tax-Xlokk taħt pressjoni mill-espansjoni tal-pjantaġġuni tal-palm taż-żejt, li nofsha sseħħ a skapitu tal-foresti tropikali u t-torbieri;

Y.  billi d-deforestazzjoni tal-foresti pluvjali qed teqred il-ħabitats naturali ta' aktar min-nofs l-ispeċijiet tal-annimali tad-dinja u aktar minn żewġ terzi tal-ispeċijiet tal-pjanti tagħha u qed tipperikola s-sopravivenza tagħhom; billi l-foresti pluvjali jospitaw uħud mill-ispeċijiet l-aktar rari u ta' sikwit endemiċi tad-dinja, li huma inklużi fuq il-lista l-ħamra tal-Unjoni Internazzjonali għall-Konservazzjoni tan-Natura u tar-Riżorsi Naturali (IUCN) fil-kategorija ta' speċijiet f'periklu kritiku meqjusa li kienu għaddejjin minn tnaqqis osservat, stmat, inferit jew suspettat tad-daqs tal-popolazzjoni ta' iktar minn 80 % matul l-aħħar 10 snin jew tliet ġenerazzjonijiet; billi l-konsumaturi tal-UE jenħtieġ li jkunu infurmati aħjar dwar l-isforzi mwettqa biex jitħarsu dawk l-ispeċijiet ta' annimali u pjanti;

Z.  billi investigazzjonijiet multipli żvelaw abbużi mifruxa tad-drittijiet bażiċi tal-bniedem waqt l-istabbiliment u l-operat tal-pjantaġġuni taż-żejt tal-palm f'ħafna pajjiżi, inklużi evizzjonijiet furzati, vjolenza bl-armi, tħaddim tat-tfal, jasar tad-dejn jew diskriminazzjoni kontra l-komunitajiet indiġeni;

AA.  billi hemm rapporti(8) inkwetanti ħafna li parti sostanzjali tal-produzzjoni globali taż-żejt tal-palm tinsab fi ksur tad-drittijiet fundamentali tal-bniedem u standards soċjali adegwati, li t-tħaddim tat-tfal qed jiġi sfruttat b'mod frekwenti, u li hemm ħafna kunflitti dwar l-art bejn il-komunitajiet lokali u dawk indiġeni u d-detenturi tal-konċessjonijiet taż-żejt tal-palm;

Kunsiderazzjonijiet ġenerali

1.  Ifakkar li l-agrikoltura sostenibbli, is-sigurtà alimentari u l-ġestjoni sostenibbli tal-foresti huma objettivi fundamentali tal-SDGs;

2.  Ifakkar li l-foresti huma essenzjali għall-mitigazzjoni u l-adattament għat-tibdil fil-klima;

3.  Jinnota l-kumplessità tal-fatturi motriċi tad-deforestazzjoni globali, bħall-ikklerjar tal-art għall-bhejjem jew l-uċuħ tar-raba', b'mod partikolari għall-produzzjoni ta' għalf tas-sojja għall-bhejjem tal-UE, kif ukoll iż-żejt tal-palm, l-espansjoni urbana, il-qtugħ tas-siġar u attivitajiet agrikoli intensivi oħra;

4.  Jinnota li 73 % tad-deforestazzjoni globali tirriżulta mill-ikklerjar ta' art għal prodotti bażiċi agrikoli, b'40 % tad-deforestazzjoni globali kkawżata minn konverżjoni għal pjantaġġuni monokulturali taż-żejt tal-palm fuq skala kbira(9);

5.  Jinnota li l-isfruttament taż-żejt tal-palm mhuwiex il-kawża unika tad-deforestazzjoni, billi l-espansjoni ta' attivitajiet tal-qtugħ illegali tas-siġar u l-pressjonijiet demografiċi wkoll huma responsabbli għal din il-problema;

6.  Josserva li żjut oħra bbażati fuq il-pjanti prodotti mill-fażola tas-sojja, miż-żerriegħa tal-lift u minn uċuħ tar-raba' oħra, għandhom impronta ambjentali ferm ikbar u jirrikjedu użu tal-art ferm aktar estensiv miż-żejt tal-palm; jinnota li wċuh taż-żejt oħra tipikament jinvolvu użu aktar intensiv ta' pestiċidi u fertilizzanti;

7.  Josserva bi tħassib li l-ġirja globali għall-art hija mbuttata mid-domanda dejjem ikbar għall-bijokarburanti u l-materja prima, u mill-ispekulazzjoni fuq l-artijiet u fuq il-prodotti bażiċi agrikoli;

8.  Ifakkar li l-UE hija wieħed mill-importaturi prinċipali ta' prodotti li jirriżultaw mid-deforestazzjoni, b'impatti devastanti fuq il-bijodiversità;

9.  Jinnota li ftit inqas minn kwart (skont il-valur) tal-prodotti bażiċi agrikoli kollha fil-kummerċ internazzjonali miksuba mid-deforestazzjoni illegali huma destinati lejn l-UE, inklużi 27 % tas-sojja kollha, 18 % ta' żejt tal-palm kollu, 15 % laħam taċ-ċanga kollha u 31 % tal-ġild kollu(10);

10.  Jenfasizza li sabiex id-deforestazzjoni marbuta mal-konsum tal-prodotti bażiċi agrikoli tiġi miġġielda b'mod effettiv, l-azzjoni tal-UE jenħtieġ li tqis mhux biss il-produzzjoni taż-żejt tal-palm, iżda anki tali prodotti agrikoli importati kollha;

11.  Ifakkar li l-Malasja u l-Indoneżja, b'sehem tal-produzzjoni dinjija stmat bejn 85 % u 90 %, huma l-produtturi prinċipali taż-żejt tal-palm u jilqa' favorevolment iż-żieda fil-livelli tal-foresta primarja Malasjana mill-1990, iżda għadu mħasseb bil-livelli attwali ta' deforestazzjoni fl-Indoneżja, b'rata ta' telf kumplessiv ta' -0,5 % kull ħames snin;

12.  Ifakkar li l-Indoneżja dan l-aħħar saret it-tielet l-ikbar inkwinant ta' CO2 fid-dinja u qed tbati minn nuqqas dejjem akbar ta' bijodiversità, b'bosta speċi ta' fawna selvaġġa fil-periklu li jinsabu fix-xifer tal-estinzjoni;

13.  Ifakkar li ż-żejt tal-palm jammonta għal madwar 40 % tal-kummerċ globali taż-żjut veġetali u li l-UE hija t-tieni l-akbar importatur dinji, b'madwar 7 miljun tunnellata fis-sena;

14.  Jinsab allarmat bil-fatt li madwar nofs iż-żona kklerjati b'mod illegali tal-foresti tintuża għall-produzzjoni ta' żejt tal-palm għas-suq tal-UE;

15.  Jinnota li ż-żejt tal-palm jintuża bħala ingredjent u/jew sostitut mill-industrija agroalimentari minħabba l-produttività u l-proprjetajiet kimiċi tiegħu, pereżempju l-faċilità tal-ħżin tiegħu, il-punt ta' tidwib tiegħu u l-prezz iktar baxx tiegħu bħala materja prima;

16.  Jinnota wkoll li l-espellent tal-qalba tal-palm qed jintuża fl-UE għall-għalf tal-annimali, speċjalment għat-tismin tal-baqar tal-ħalib u ċ-ċanga;

17  Jenfasizza, f'dan il-kuntest, li l-istandards soċjali, tas-saħħa u ambjentali huma aktar stretti fl-UE;

18.  Huwa konxju bis-sħiħ dwar kemm hi kumplessa l-kwistjoni taż-żejt tal-palm u jenfasizza l-importanza li tiġi żviluppata soluzzjoni globali bbażata fuq responsabbiltà kollettiva ta' bosta atturi; jirrakkomanda bil-qawwa dan il-prinċipju għal dawk kollha involuti fil-katina tal-provvista tiegħu, inklużi: l-UE u organizzazzjonijiet internazzjonali oħra, l-Istati Membri, l-istituzzjonijiet finanzjarji, il-gvernijiet tal-pajjiżi produtturi, il-popli indiġeni u l-komunitajiet lokali, in-negozji nazzjonali u multinazzjonali involuti fil-produzzjoni, fid-distribuzzjoni u fl-ipproċessar taż-żejt tal-palm, l-assoċjazzjonijiet tal-konsumaturi u l-NGOs; jinsab konvint, barra minn hekk, li dawn l-atturi kollha bilfors irid ikollhom rwol billi jikkoordinaw l-isforzi tagħhom sabiex jirriżolvu l-ħafna problemi serji marbuta mal-konsum u l-produzzjoni mhux sostenibbli taż-żejt tal-palm;

19.  Jenfasizza r-responsabbiltà globali kondiviża fil-kisba ta' produzzjoni sostenibbli taż-żejt tal-palm, filwaqt li jenfasizza r-rwol importanti tal-industrija alimentari fl-akkwist ta' alternattivi bi produzzjoni sostenibbli;

20.  Jinnota li numru ta' produtturi u kummerċjanti tal-prodotti bażiċi, bejjiegħa bl-imnut u intermedjarji oħra fil-katina ta' provvista, fosthom kumpaniji Ewropej, impenjaw ruħhom favur produzzjoni u kummerċ ta' prodotti bażiċi b'deforestazzjoni żero, konverżjoni żero ta' torbieri b'livell għoli ta' karbonju, rispett għad-drittijiet tal-bniedem, trasparenza, traċċabbiltà, verifika minn parti terza u prattiki ta' ġestjoni responsabbli;

21.  Jirrikonoxxi li l-konservazzjoni tal-foresta pluvjali u l-bijodiversità globali huma ta' importanza kbira għall-futur tad-dinja u tal-umanità, imma jenfasizza li l-isforzi tal-preservazzjoni jenħtieġ li jiġu kkombinati mal-istrumenti ta' politika għall-iżvilupp rurali sabiex jiġi evitat il-faqar u tingħata spinta lill-impjiegi fil-komunitajiet tal-biedja żgħar fiż-żoni kkonċernati;

22.  Iqis li l-isforzi biex tintemm id-deforestazzjoni jridu jinkludu l-bini tal-kapaċitajiet lokali, l-għajnuna teknoloġika, l-iskambju tal-aħjar prattiki bejn il-komunitajiet u appoġġ li jgħin lill-bdiewa ż-żgħar jagħmlu l-aktar użu effettiv mill-uċuh tar-raba' eżistenti tagħhom mingħajr ma jirrikorru għal konverżjoni ulterjuri tal-foresti; jenfasizza, f'dan il-kuntest, il-potenzjal qawwi tal-prattiki agroekoloġiċi li jimmassimizzaw il-funzjonijiet tal-ekosistemi permezz ta' taħlita ta' tekniki ta' permakultura, agroforestrija u tħawwil b'diversità kbira, mingħajr ma jsir rikors għal dipendenza fuq l-input jew monokulturi;

23.  Jinnota li l-kultivazzjoni taż-żejt tal-palm tista' tagħti kontribut pożittiv għall-iżvilupp ekonomiku tal-pajjiżi u toffri opportunitajiet ekonomiċi vijabbli għall-bdiewa, bil-kundizzjoni li tali kultivazzjoni titwettaq b'mod responsabbli u sostenibbli u jiġu stabbiliti kundizzjonijiet stretti għal kultivazzjoni sostenibbli;

24.  Jinnota l-eżistenza ta' diversi tipi ta' skemi ta' ċertifikazzjoni volontarji, li jinkludu l-RSPO, l-ISPO u l-MSPO, u jilqa' r-rwol tagħhom fil-promozzjoni tal-kultivazzjoni sostenibbli taż-żejt tal-palm; jinnota, madankollu, li l-kriterji ta' sostenibbiltà ta' dawn l-istandards huma s-suġġett ta' kritika speċjalment fir-rigward tal-integrità ekoloġika u soċjali; jenfasizza madankollu li l-eżistenza ta' skemi differenti hija ta' konfużjoni għall-konsumaturi u li l-objettiv aħħari għandu jkun l-iżvilupp ta' skema ta' ċertifikazzjoni unika, li ttejjeb il-viżibilità taż-żejt tal-palm sostenibbli għall-konsumaturi; jistieden lill-Kummissjoni tiżgura li tali skema ta' ċertifikazzjoni se tiggarantixxi li ż-żejt tal-palm prodott b'mod sostenibbli biss jidħol fis-suq tal-UE;

25.  Jinnota li s-sħab tagħna mhux tal-UE wkoll jeħtieġ li jsiru aktar konxji tar-rwol tagħhom fl-indirizzar tal-kwistjonijiet tas-sostenibbiltà u d-deforestazzjoni, inkluż fil-prattiki tal-akkwist tagħhom;

Rakkomandazzjonijiet

26.  Jistieden lill-Kummissjoni tonora l-impenji internazzjonali tal-UE, inter alia, dawk magħmula fil-qafas tal-COP 21, il-Forum tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-Foresti (UNFF)(11), il-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Diversità Bijoloġika (UNCBD)(12), id-Dikjarazzjoni ta' New York dwar il-Foresti u l-Għan ta' Żvilupp Sostenibbli li titwaqqaf id-deforestazzjoni sal-2020;(13)

27.  Jinnota l-potenzjal ta' inizjattivi bħalma hi d-Dikjarazzjoni ta' New York dwar il-Foresti(14) li jkollhom l-għan li jgħinu sabiex jintlaħqu l-għanijiet tas-settur privat li tiġi eliminata d-deforestazzjoni li tirriżulta mill-produzzjoni ta' prodotti bażiċi agrikoli bħall-palm, is-sojja, il-karti u ċ-ċanga sal-2020; jinnota li xi kumpaniji għandhom miri aktar ambizzjużi, iżda filwaqt li 60 % tal-kumpaniji li jinnegozjaw fiż-żejt tal-palm impenjaw ruħhom għal tali inizjattivi, s'issa 2 % biss kapaċi jittraċċaw iż-żejt tal-palm li jikkummerċjaw għas-sors tiegħu(15);

28.  Jinnota l-isforzi u l-progress imwettqa mis-settur tal-manifattura alimentari favur l-akkwist ta' CSPO (żejt tal-palm iċċertifikat sostenibbli); jistieden lis-setturi kollha tal-industrija li jużaw iż-żejt tal-palm iżidu l-isforzi tagħhom favur l-akkwist ta' CSPO;

29.  Jistieden lill-Kummissjoni, u lill-Istati Membri kollha li għadhom m'għamlux dan, juru l-impenn tagħhom li jaħdmu lejn l-istabbiliment ta' impenn nazzjonali mal-UE kollha favur l-akkwist ta' żejt tal-palm iċċertifikat sostenibbli 100 % sal-2020 billi, inter alia, jiffirmaw u jimplimentaw id-Dikjarazzjoni ta' Amsterdam "Towards Eliminating Deforestation from Agricultural Commodity Chains with European Countries" (Lejn l-Eliminazzjoni tad-Deforestazzjoni mill-Ktajjen ta' Prodotti Bażiċi Agrikoli ma' Pajjiżi Ewropej), u li jaħdmu lejn l-istabbiliment ta' impenn tak-industrija billi, inter alia, jiffirmaw u jimplimentaw id-Dikjarazzjoni ta' Amsterdam "In Support of a Fully Sustainable Palm Oil Supply Chain by 2020" (Appoġġ Favur Katina tal-Provvista Kompletament Sostenibbli għaż-Żejt tal-Palm sal-2020);

30.  Jitlob li l-kumpaniji li jikkultivaw iż-żejt tal-palm jirrispettaw il-Ftehim ta' Bangkok dwar Approċċ Unifikat għall-Implimentazzjoni tal-Impenji ta' Deforestazzjoni Żero u jużaw l-approċċ ta' Ħażna Kbira ta' Karbonju, li jgħin biex jiġu stabbiliti żoni xierqa għal pjantaġġuni taż-żejt tal-palm, bħal artijiet degradati b'valur żgħir għall-ħżin tal-karbonju jew naturali;

31.  Jitlob li l-UE żżomm l-impenji tagħha, tħaffef in-negozjati li għaddejjin dwar Ftehimiet ta' Sħubija Volontarji FLEGT u tiżgura li l-ftehimiet finali jkopru l-konverżjoni tal-injam meħud mill-iżvilupp tal-pjantaġġuni taż-żejt tal-palm; jenfasizza l-ħtieġa li jiġi żgurat li dawn il-ftehimiet ikunu konformi mad-dritt internazzjonali u mal-impenji li jikkonċernaw il-protezzjoni ambjentali, id-drittijiet tal-bniedem u l-iżvilupp sostenibbli, u jwasslu għal miżuri adegwati għall-konservazzjoni u l-ġestjoni sostenibbli tal-foresti, inkluża l-protezzjoni tad-drittijiet tal-komunitajiet lokali u l-popli indiġeni; jinnota li approċċ simili jista' jittieħed ukoll bil-għan li jiġu żgurati ktajjen ta' provvista responsabbli taż-żejt tal-palm; jissuġġerixxi li l-politiki tal-UE għas-settur taż-żejt tal-palm jimxu fuq il-prinċipji FLEGT li jkun hemm djalogu ma' partijiet interessati multipli u li jiġu indirizzati l-kwistjonijiet ta' governanza b'għeruq fil-fond fil-pajjiżi produtturi, kif ukoll politiki ta' appoġġ dwar l-importazzjoni tal-UE; jinnota li dawn il-miżuri jistgħu jwasslu għal kontrolli mtejba fuq l-industrija tal-palm f'pajjiżi ta' destinazzjoni;

32.  Jinnota li element importanti jinvolvi l-kooperazzjoni mal-pajjiżi li jipproduċu permezz ta' skambju ta' informazzjoni dwar żviluppi u prattiki kummerċjali sostenibbli u ekonomikament vijabbli; jappoġġja lill-pajjiżi li jipproduċu fl-isforzi tagħhom biex jiżviluppaw prattiki sostenibbli li jistgħu jgħinu biex itejbu l-ħajja u l-ekonomija ta' dawk il-pajjiżi;

33.  Jistieden lill-Kummissjoni tinkoraġġixxi l-iskambju tal-aħjar prattiki dwar it-trasparenza u l-kooperazzjoni bejn il-gvernijiet u l-kumpaniji li jużaw iż-żejt tal-palm u, flimkien mal-Istati Membri, taħdem ma' pajjiżi terzi sabiex dawn jiżviluppaw u jimplimentaw liġijiet nazzjonali u jirrispettaw id-drittijiet konswetudinarji dwar art tal-komunità li jiżguraw li l-foresti, il-popli tal-foresti u l-għajxien tagħhom ikunu protetti;

34.  Jistieden lill-Kummissjoni tivvaluta l-bżonn li tistabbilixxi mekkaniżmi biex tiġi ttrattata l-konverżjoni tal-foresti għall-agrikoltura kummerċjali fi ħdan il-qafas tal-Ftehim ta' Sħubija Volontarju tal-Pjan ta' Azzjoni FLEGT u fil-proċess tawtonomizza ulterjorment l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, il-komunitajiet indiġeni u l-bdiewa/sidien tal-art;

35.  Jitlob li l-UE toħloq, bħala element supplimentari tal-ftehimiet ta' sħubija volontarji, leġiżlazzjoni ta' segwitu dwar dawn il-ftehimiet fir-rigward taż-żejt tal-palm fuq il-mudell tar-Regolament tal-UE dwar l-Injam li jinkludi kemm kumpaniji kif ukoll istituzzjonijiet finanzjarji; jinnota li l-UE rregolat il-ktajjen ta' provvista tal-injam, tal-ħut u tal-minerali ta' kunflitt, imma sa issa għadha ma rregolat l-ebda katina ta' provvista ta' prodotti bażiċi agrikoli ta' riskju għall-foresti; iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jżidu l-isforzi tagħhom biex jimplimentaw ir-Regolament dwar l-Injam, bl-għan li tiġi vverifikata aħjar l-effettività tiegħu u jaċċertaw jekk dan jistax jintuża bħala mudell għal att leġislattiv ġdid tal-UE mfassal biex jipprevjeni l-bejgħ ta' żejt tal-palm mhux sostenibbli fl-UE;

36.  Jistieden lill-Kummissjoni biex, f'kooperazzjoni mal-partijiet interessanti rilevanti kollha kemm mis-settur pubbliku kif ukoll mis-settur privat, tniedi kampanji ta' informazzjoni u tipprovdi informazzjoni komprensiva lill-konsumaturi dwar il-konsegwenzi ambjentali, soċjali u politiċi pożittivi tal-produzzjoni sostenibbli taż-żejt tal-palm; jistieden lill-Kummissjoni tiżgura li informazzjoni li tikkonferma li prodott huwa sostenibbli tkun ipprovduta lill-konsumaturi permezz ta' sinjal rikonoxxibbli immedjatament għall-prodotti kollha li fihom iż-żejt tal-palm, u jirrakkomanda bil-qawwa li dan is-sinjal ikun inkluż fuq il-prodott jew fuq l-ippakkjar, jew ikun aċċessibbli faċilment permezz ta' karatteristiċi teknoloġiċi;

37.  Jistieden lill-Kummissjoni taħdem mill-qrib ma' konsumaturi sinifikanti oħra taż-żejt tal-palm, bħaċ-Ċina, l-Indja u l-pajjiżi li jipproduċu ż-żejt tal-palm, sabiex iżżid is-sensibilizzazzjoni tagħhom u tesplora soluzzjonijiet komuni għall-problema tad-deforestazzjoni tropikali u d-degradazzjoni tal-foresti;

38.  Jistenna bil-ħerqa l-istudji tal-Kummissjoni dwar id-deforestazzjoni u ż-żejt tal-palm, li mistennija jiġu ppreżentati kemm jista' jkun malajr wara t-tlestija tagħhom;

39.  Jistieden lill-Kummissjoni tipprovdi data komprensiva dwar l-użu u l-konsum taż-żejt tal-palm fl-Ewropa u l-importazzjoni tiegħu fl-UE;

40.  Jitlob lill-Kummissjoni tintensifika l-isforzi ta' riċerka tagħha biex tiġbor informazzjoni dwar l-impatti tal-konsum u tal-investimenti Ewropej fuq il-proċess ta' deforestazzjoni, il-problemi soċjali, l-ispeċijiet fil-periklu u t-tniġġis ambjentali f'pajjiżi terzi, u tappella lis-sħab kummerċjali barra mill-UE biex jagħmlu l-istess;

41.  Jistieden lill-Kummissjoni tiżviluppa teknoloġiji u tippreżenta pjan ta' azzjoni konkret, inklużi kampanji ta' informazzjoni, sabiex jitnaqqas l-impatt tal-konsum u tal-investimenti Ewropej fuq id-deforestazzjoni f'pajjiżi terzi;

42.  Jirrikonoxxi l-kontribut pożittiv tal-iskemi ta' ċertifikazzjoni eżistenti, iżda jinnota b'dispjaċir li RISPO, ISPO, MPSO, u l-iskemi ta' ċertifikazzjoni rikonoxxuti, ewlenin l-oħra kollha ma jipprojbixxux b'mod effettiv lill-membri tagħhom milli jikkonvertu l-foresti tropikali jew it-torbieri fi pjantaġġuni tal-palm; iqis, għalhekk, li dawn l-iskemi ta' ċertifikazzjoni ewlenin qed jonqsu milli jillimitaw b'mod effettiv l-emissjonijiet tal-gassijiet serra matul l-istabbiliment u t-tħaddim tal-pjantaġġuni, u b'konsegwenza ta' dan ma setgħux jevitaw nirien kbar fil-foresta u fit-torbieri; jistieden lill-Kummissjoni tiżgura li jitwettqu monitoraġġ u awditjar indipendenti ta' dawk l-iskemi ta' ċertifikazzjoni, sabiex tiggarantixxi li ż-żejt tal-palm li jitqiegħed fis-suq tal-UE jissodisfa l-istandards meħtieġa kollha u jkun sostenibbli; jinnota li l-kwistjoni tas-sostenibbiltà fis-settur taż-żejt tal-palm ma tistax tiġi indirizzata b'politiki u miżuri volontarji biss, iżda l-kumpaniji taż-żejt tal-palm jenħtieġ li jkunu soġġetti wkoll għal regoli vinkolanti u skema ta' ċertifikazzjoni obbligatorja;

43.  Jitlob li l-UE tintroduċi kriterji minimi ta' sostenibbiltà għaż-żejt tal-palm u l-prodotti li fihom iż-żejt tal-palm li jidħlu fis-suq tal-UE, sabiex jiġi żgurat li ż-żejt tal-palm fl-UE:

-   ma jkunx wassal għal degradazzjoni ta' ekosistema, bħad-deforestazzjoni ta' foresti primarji u sekondarji u l-qerda jew id-degradazzjoni ta' torbieri jew ħabitats ta' valur ekoloġiku oħrajn, kemm direttament kif ukoll indirettament, u ma jkunx ikkawża telf fil-bijodiversità, b'mod partikolari, tal-ispeċijiet ta' annimali u pjanti fil-periklu kollha,

-   ma jkunx wassal għal tibdil fil-prattiki tal-ġestjoni tal-art b'impatti ambjentali negattivi,

-   ma jkunx ħoloq problemi ekonomiċi, soċjali u ambjentali u kunflitti, inklużi l-problemi partikolari ta' tħaddim tat-tfal, xogħol furzat, ħtif tal-art, jew evizzjoni ta' komunitajiet lokali jew indiġeni,

-   jirrispetta bis-sħiħ id-drittijiet soċjali u tal-bniedem fundamentali, u huwa f'konformità sħiħa ma' standards soċjali u tax-xogħol adegwati mfassla biex jiggarantixxu s-sikurezza u l-benesseri tal-ħaddiema,

-  jippermetti li l-kultivaturi taż-żejt tal-palm fuq skala żgħira jiġu inklużi fis-sistema ta' ċertifikazzjoni u jiżgura li dawn jirċievu s-sehem ġust tagħhom tal-profitti,

-   huwa kkultivat fuq pjantaġġuni ġestiti bl-użu ta' tekniki agroekoloġiċi moderni sabiex tiġi promossa l-konverżjoni għal prattiki agrikoli sostenibbli biex jiġu minimizzati l-eżiti soċjali u ambjentali negattivi;

44.  Jinnota li standards b'saħħithom għall-produzzjoni responsabbli taż-żejt tal-palm, inklużi dawk żviluppati mill-Palm Oil Innovation Group (Grupp ta' Innovazzjoni taż-Żejt tal-Palm) (POIG), diġà jeżistu imma għadhom iridu jiġu adottati b'mod wiesa' minn kumpaniji u sistemi ta' ċertifikazzjoni, bl-eċċezzjoni ta' RSPO Next;

45.  Jinnota l-importanza li l-atturi kollha fil-katina tal-provvista jkunu kapaċi jiddistingwu bejn żejt tal-palm, inklużi r-residwi u l-prodotti sekondarji tiegħu, b'oriġini sostenibbli u dak b'oriġini mhux sostenibbli; jinnota l-importanza tat-traċċabbiltà tal-prodotti bażiċi u tat-trasparenza fl-istadji kollha tal-katina ta' provvista;

46.  Jistieden lill-UE tistabbilixxi qafas regolatorju vinkolanti biex tiggarantixxi li l-ktajjen tal-provvista kollha tal-importaturi tal-prodotti bażiċi agrikoli jkunu traċċabbli sal-oriġini tal-materja prima;

47.  Jistieden lill-Kummissjoni żżid it-traċċabbiltà taż-żejt tal-palm importat fl-UE u, sakemm tiġi applikata skema ta' ċertifikazzjoni unika, tikkunsidra l-applikazzjoni ta' skemi ta' dazju doganali differenti li jirriflettu b'mod aktar preċiż l-ispejjeż reali assoċjati mal-piż ambjentali; jitlob lill-Kummissjoni tqis ukoll l-introduzzjoni u l-applikazzjoni ta' ostakli tariffarji u nontariffarji mhux diskriminatorji abbażi tal-impronta tal-karbonju taż-żejt tal-palm; jitlob li l-prinċipju ta' "min iniġġes iħallas" jiġi applikat b'mod sħiħ fir-rigward tad-deforestazzjoni;

48.  Jistieden lill-Kummissjoni tiddefenixxi b'mod ċar sanzjonijiet f'każ ta' nuqqas ta' konformità, filwaqt li żżomm ir-relazzjonijiet kummerċjali ma' pajjiżi terzi;

49.  Jistieden lill-Kummissjoni, f'dan ir-rigward, tibda riforma tan-Nomenklatura tas-Sistema Armonizzata (SA) fl-Organizzazzjoni Dinjija Doganali (WCO) li tippermetti distinzjoni bejn iż-żejt tal-palm ċertifikat sostenibbli u ż-żejt tal-palm mhux sostenibbli u d-derivattivi tagħhom;

50.  Jistieden lill-Kummissjoni tinkludi, mingħajr dewmien, impenji vinkolanti fil-kapitoli dwar l-iżvilupp sostenibbli fil-ftehimiet kummerċjali u ta' kooperazzjoni għall-iżvilupp tagħha bl-għan li tiġi evitata d-deforestazzjoni, inkluża, b'mod partikolari, garanzija kontra d-deforestazzjoni fil-ftehimiet kummerċjali ma' pajjiżi produtturi, u bl-għan li jiġu pprovduti miżuri qawwija u infurzabbli biex jindirizzaw il-prattiki mhux sostenibbli ta' forestrija fil-pajjiżi produturi;

51.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jiffukaw fuq l-iżvilupp ta' għodod li jiffaċilitaw l-integrazzjoni aħjar ta' kwistjonijiet ta' konservazzjoni fil-kooperazzjoni għall-iżvilupp; jinnota li approċċ bħal dan jgħin biex jiġi żgurat li l-attivitajiet ta' żvilupp ma jwasslux għal problemi ambjentali mhux intenzjonati, iżda minflok jaħdmu f'sinerġija mal-attivitajiet ta' konservazzjoni;

52.  Josserva li reġimi tar-reġistri tal-artijiet dgħajfa fil-pajjiżi li produtturi jikkostitwixxu ostaklu ewlieni għall-kontroll tal-espansjoni tal-pjantaġġuni taż-żejt tal-palm, u jillimitaw l-opportunitajiet tad-detenturi ż-żgħar li jaċċessaw il-kreditu li għandhom bżonn biex itejbu r-rekord tas-sostenibbiltà tal-pjantaġġuni tagħhom; jinnota li t-tisħiħ tal-governanza u tal-istituzzjonijiet tal-forestrija fil-livell lokali u f'dak nazzjonali huwa prekundizzjoni għal politika ambjentali effettiva; jistieden lill-Kummissjoni tipprovdi assistenza teknika u finanzjarja lill-pajjiżi produtturi sabiex isaħħu r-reġimi tar-reġistri tal-artijiet tagħhom u jtejbu s-sostenibbiltà ambjentali tal-pjantaġġuni taż-żejt tal-palm; jiġbed l-attenzjoni li l-immappjar f'pajjiżi produtturi, inkluż dak imwettaq permezz tat-teknoloġiji ġeospazjali u tas-satellita, huwa l-uniku mod biex jimmonitorjaw iż-żejt tal-palm u biex jistabbilixxu strateġiji mmirati għall-afforestazzjoni, il-forestazzjoni mill-ġdid u l-ħolqien ta' kurituri ekoloġiċi; jistieden lill-Kummissjoni tappoġġja lill-pajjiżi produtturi biex idaħħlu fis-seħħ skemi ta' prevenzjoni tan-nirien;

53.  Jappoġġja l-moratorju reċenti fuq it-torbiera mill-Gvern Indoneżjan, li jenħtieġ li jipprevjeni l-estensjoni tal-pjantaġġuni fuq torbiera afforestati; jappoġġja l-istabbiliment ta' Aġenzija għar-Restawr tat-Torbieri għall-finijiet tar-restawr ta' 2 miljun ettaru ta' torbiera milquta min-nirien;

54.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri japprovaw il-ħtieġa, bħala parti mid-djalogu ma' dawk il-pajjiżi, li jiġi impost iffriżar fuq iż-żona tal-kultivazzjoni tal-palm taż-żejt, inkluż bl-introduzzjoni ta' moratorju fuq konċessjonijiet ġodda, sabiex tiġi ssalvagwardjata l-foresta pluvjali li fadal;

55.  Huwa allarmat bil-fatt li l-ftehimiet dwar l-akkwist tal-art jiksru l-prinċipju tal-kunsens liberu minn qabel u informat tal-komunitajiet lokali, kif stabbilit fil-Konvenzjoni 169 tal-ILO; jistieden lill-UE u lill-Istati Membri tagħha jiggarantixxu li l-investituri bbażati fl-UE jirrispettaw totalment l-istandards internazzjonali fil-qasam tal-investimenti responsabbli fl-agrikoltura, b'mod partikolari l-Linji Gwida tal-FAO-OECD għall-Ktajjen tal-Provvista Agrikola Responsabbli, il-Linji Gwida Volontarji tal-FAO dwar il-Drittijiet għaż-Żamma tal-Art, il-Prinċipji Gwida tan-NU dwar in-Negozju u d-Drittijiet tal-Bniedem u l-Linji Gwida tal-OECD dwar l-Impriżi Multinazzjonali; jissottolinja l-bżonn li jittieħdu miżuri li jiggarantixxu l-aċċess għar-rimedji għall-vittmi tal-abbużi tal-kumpaniji;

56.  Jistieden għalhekk lill-awtoritajiet rilevanti fil-pajjiżi sors jirrispettaw id-drittijiet tal-bniedem, inklużi d-drittijiet tal-art ta' dawk li jgħixu fil-foresti, u jsaħħu l-impenji ambjentali, soċjali u tas-saħħa, b'kont meħud tal-linji gwida volontarji tal-Organizzazzjoni tal-Ikel u l-Agrikoltura tan-Nazzjonijiet Uniti (FAO) dwar il-pussess tal-art(16);

57.  Iħeġġeġ lill-UE ssostni lill-mikroimpriżi, lill-impriżi ż-żgħar u lill-impriżi familjari rurali lokali u tippromwovi r-reġistrazzjoni lokali legali tal-proprjetà jew tal-pussess tal-art;

58.  Jissottolinja r-rati baxxi ta' deforestazzjoni tal-artijiet indiġeni b'sistemi tradizzjonali siguri tad-dritt għaż-żamma tal-art u ġestjoni tar-riżorsi, b'potenzjal għoli li jnaqqsu b'mod effikaċi l-emissjonijiet mil-lat tal-ispejjeż u li jiżguraw servizzi ekosistemiċi globali; jappella biex il-fondi internazzjonali fl-oqsam tal-klima u l-iżvilupp jinżutaw biex jissalvagwardjaw l-artijiet indiġeni u tal-komuniatijiet u biex isostnu l-popolazzjonijiet u l-komunitajiet indiġeni li jinvestu fil-protezzjoni ta' artijiethom;

59.  Ifakkar li n-nisa fqar li jgħixu fiż-żoni rurali jiddependu b'mod partikolari mir-riżorsi forestali għas-sussistenza tagħhom; jisħaq fuq il-bżonn li tiġi integrata d-dimensjoni tal-ġeneru fil-politiki forestali u fl-istituzzjonijiet nazzjonali, b'tali mod li jkunu promossi pereżempju l-aċċess indaqs tan-nisa għas-sjieda tal-art u ta' riżorsi oħra;

60.  Ifakkar lill-Kummissjoni fil-Komunikazzjoni tagħha bit-titolu "Nindirizzaw l-isfidi tad-deforestazzjoni u d-degradazzjoni tal-foresti sabiex niġġieldu t-tibdil fil-klima u t-telf tal-bijodiversità"(17), li tenfasizza approċċ olistiku rigward id-deforestazzjoni tropikali, u tikkunsidra l-kawżi kollha tad-deforestazzjoni, inkluża l-produzzjoni taż-żejt tal-palm; ifakkar lill-Kummissjoni dwar l-objettiv tagħha fin-negozjati tal-COP21 għal waqfa tat-telf globali tal-kopertura tal-foresti mhux aktar tard mill-2030 u għat-tnaqqis tad-deforestazzjoni tropikali grossa mill-inqas b'50 % sal-2020 meta mqabbel mal-livelli attwali;

61.  Jistieden lill-Kummissjoni tkompli bl-iżvilupp ta' pjan ta' azzjoni tal-UE dwar id-deforestazzjoni u d-degradazzjoni tal-foresti li jkun jinkludi miżuri regolatorji konkreti sabiex ikun żgurat li l-ebda katina tal-provvista u tranżazzjoni finanzjarji marbuta mal-UE ma jirriżultaw f'deforestazzjoni u degradazzjoni tal-foresti, b'konformità mas-7 EAP, kif ukoll pjan ta' azzjoni tal-UE dwar iż-żejt tal-palm; jistieden lill-Kummissjoni tadotta definizzjoni unifikata waħda ta' "deforestazzjoni żero";

62.  Iħeġġeġ lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni jistabbilixxu definizzjoni ta' foresta li tiġbor fiha d-diversità bijoloġika, soċjali u kulturali, b'tali mod li timpedixxi l-ħtif tal-art u l-qerda tal-foresti tropikali li jirriżultaw minn sistema fardgħalla mifruxa ta' żejt tal-palm, peress li dan jipperikola l-impenji tal-UE fil-qasam tat-tibdil fil-klima; jisħaq fuq il-bżonn li tingħata prijorità lill-speċijiet indiġeni, sabiex b'hekk jitħarsu l-ekosistemi, il-ħabitats u l-komunitajiet lokali;

63.  Jistieden lill-Kummissjoni tressaq pjan ta' azzjoni tal-UE dwar il-kondotta responsabbli tan-negozju;

64.  Jinsisti li l-istituzzjonijiet finanzjarji fil-qasam tal-iżvilupp għandhom jiggarantixxu li l-politiki ta' salvagwardja soċjali u ambjentali tagħhom ikunu vinkolanti u totalment konformi mad-dritt internazzjonali fil-qasam tad-drittijiet tal-bniedem; jitlob aktar trasparenza fil-finanzjament tal-istituzzjonijiet finanzjarji privati u tal-organi finanzjarji pubbliċi;

65.  Jistieden lill-Istati Membri jintroduċu rekwiżiti obbligatorji li jiffavorixxu ż-żejt tal-palm sostenibbli fil-proċeduri kollha nazzjonali ta' akkwist pubbliku;

66.  Josserva bi tħassib li l-agrikoltura kummerċjali għadha xprun notevoli ta' deforestazzjoni u li madwar nofs id-deforestazzjoni tropikali kollha mill-2000 ġiet ikkawżata mill-konverżjoni illegali tal-foresti f'artijiet għall-agrikoltura kummerċjali li tista' tinvolvi wkoll riskju ta' kunflitt; jappella għal titjib fil-koordinament tal-politiki tal-foresti, tal-agrikoltura kummerċjali, tal-użu tal-art u tal-iżvilupp rurali bl-iskop li jinkisbu l-SDGs u l-impenji fil-qasam tat-tibdil fil-klima; jisħaq fuq il-bżonn ta' koerenza tal-politiki għall-iżvilupp anki f'dan il-qasam, inkluż fil-politika tal-enerġija rinnovabbli tal-UE;

67.  Jiġbed l-attenzjoni għall-problemi marbutin mal-proċessi ta' konċentrazzjoni tal-artijiet u mat-tibdil tal-użu tal-art li jirriżultaw meta jinħolqu sistemi fardgħalla, bħall-pjantaġġuni tal-palm taż-żejt;

68.  Jistieden lill-Kummissjoni tappoġġja riċerka ulterjuri dwar l-effetti tat-tibdil fl-użu tal-art, inklużi d-deforestazzjoni u l-produzzjoni tal-bijoenerġija, fuq l-emissjonijiet ta' gassijiet serra;

69.  Jistieden lill-Kummissjoni tagħti l-eżempju lill-pajjiżi l-oħra billi fil-leġiżlazzjoni tal-UE ddaħħal regoli tal-kontabbiltà għall-emissjonijiet ta' gassijiet serra mill-artijiet mistagħdra ġestiti u għat-tibdil tal-użu tal-artijiet mistagħdra;

70.  Jinnota l-effetti ta' sistemi fardgħalla kbar taż-żejt tal-palm, li jżidu l-preżenza ta' organiżmi ta' ħsara, it-tniġġis tal-ilma minn sustanzi agrokimiċi u l-erożjoni tal-ħamrija, u jħallu impatt fuq l-assorbiment tal-karbonju u l-ekoloġija tar-reġjun kollu, li jxekklu l-migrazzjoni ta' speċijiet tal-annimali;

71.  Jinnota li l-aktar riċerka reċenti tagħti prova li l-polikultivazzjoni tal-agroforestrija applikata għall-pjantaġġuni taż-żejt tal-palm tista' toffri benefiċċji kkombinati f'termini ta' bijodiversità, produttività u eżiti soċjali pożittivi;

72.  Jistieden lill-Kummissjoni tiżgura l-koerenza u ssaħħaħ is-sinerġiji bejn il-Politika Agrikola Komuni (PAK) u politiki oħra tal-UE, u tiżgura li dawn jitwettqu b'mod konsistenti ma' programmi mmirati lejn il-ġlieda kontra d-deforestazzjoni fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw, bħal REDD; jistieden lill-Kummissjoni tiżgura li r-riforma tal-PAK ma twassalx, direttament jew indirettament, għal deforestazzjoni ulterjuri u tappoġġja l-għan li tintemm id-deforestazzjoni globali; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jiżguraw li l-problemi ambjentali relatati mad-deforestazzjoni kkawżati miż-żejt tal-palm jiġu indirizzati wkoll fid-dawl tal-objettivi stabbiliti mill-Istrateġija tal-UE dwar il-Bijodiversità sal-2020, li jenħtieġ li tkun parti integrali mill-azzjoni esterna tal-Unjoni f'dan il-qasam;

73.  Jistieden lill-Kummissjoni tagħti appoġġ lill-organizzazzjonijiet li jiffukaw prinċipalment fuq il-konservazzjoni in situ iżda wkoll ex situ tal-ispeċijiet kollha ta' annimali affettwati mit-telf ta' ħabitat minħabba d-deforestazzjoni relatata maż-żejt tal-palm;

74.  Jitlob riċerka ulterjuri fil-livell tal-UE dwar l-għalf tal-annimali sostenibbli sabiex jiġu żviluppati alternattivi għall-prodotti tal-palm taż-żejt għall-agrikoltura Ewropea;

75.  Jinnota li 70 % tal-bijokarburanti kkunsmati fl-UE huma mkabbra/prodotti fl-UE u, mill-bijokarburanti importati fl-UE, 23 % huma żejt tal-palm, prinċipalment mill-Indoneżja, u 6 % oħra huma sojja(18);

76.  Jinnota l-effetti indiretti tad-domanda tal-bijokarburanti tal-UE assoċjati mal-qerda tal-foresti tropikali;

77.  Jinnota li ladarba jitqies it-Tibdil Indirett fl-Użu tal-Art (ILUC), il-bijokarburanti derivati mill-uċuh jistgħu f'xi każijiet anke jirriżultaw f'żieda netta fl-emissjonijiet ta' gassijiet serra, eż. il-ħruq ta' ħabitats bi stokkijiet b'karbonju għoli bħat-torbieri u l-foresti tropikali; huwa mħasseb li l-impatt tal-ILUC mhuwiex kopert mill-valutazzjoni tal-Kummissjoni ta' skemi volontarji;

78.  Jistieden lill-istituzzjonijiet tal-UE jinkludu, bħala parti mir-riforma tad-Direttiva dwar l-Enerġija Rinnovabbli, proċeduri ta' verifika speċifiċi rigward il-kunflitti minħabba d-dritt għaż-żamma tal-art, ix-xogħol furzat u t-tħaddim tat-tfal, il-kundizzjonijiet ta' xogħol inadegwati għall-bdiewa u r-riskji għas-saħħa u għas-sikurezza fis-sistema volontarja tagħha; jitlob ukoll lill-UE tqis l-impatt tal-ILUC u tinkludi rekwiżiti fil-qasam tar-responsabbiltà soċjali fir-riforma tad-Direttiva dwar l-Enerġija Rinnovabbli;

79.  Jitlob li fil-politika tal-bijokarburanti tal-UE jiġu inklużi kriterji ta' sostenibbiltà effettivi li jipproteġu l-art b'valur għoli ta' bijodiversità, il-ħażniet għolja ta' karbonju u t-torbieri, u li jinkludu kriterji soċjali;

80.  Jirrikonoxxi li l-aħħar rapport(19) tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri li janalizza l-iskemi ta' ċertifikazzjoni attwali għall-bijofjuwils, sab li dawn l-iskemi jonqoshom aspetti importanti dwar is-sostenibbiltà, bħal nuqqas ta' kunsiderazzjoni tal-effetti indiretti tad-domanda, u dwar il-verifika, u ma jistgħux jiggarantixxu li l-bijokarburanti ċċertifikati mhumiex qed jikkawżaw deforestazzjoni u effetti soċjoekonomiċi negattivi relatati; huwa konxju mit-tħassib dwar it-trasparenza fl-evalwazzjoni tal-iskemi ta' ċertifikazzjoni; jistieden lill-Kummissjoni ttejjeb it-trasparenza tal-iskemi ta' sostenibbiltà, inkluż billi tfassal lista xierqa tal-aspetti li jenħtieġ li jiġu skrutinizzati, bħal rapporti annwali u l-possibbiltà li jintalbu awditi, li jridu jitwettqu minn partijiet terzi indipendenti; jitlob li l-Kummissjoni jkollha setgħat imsaħħa għall-verifika u l-monitoraġġ tal-iskemi, tar-rapporti u tal-attivitajiet;

81.  Jitlob li r-rakkomandazzjonijiet rilevanti tal-Qorti jiġu implimentati, kif maqbul mill-Kummissjoni;

82.  Jinnota bi tħassib li 46 % taż-żejt tal-palm totali importat mill-UE jintuża għall-produzzjoni ta' bijokarburanti u li dan jinvolvi l-użu ta' madwar miljun ettaru ta' ħamrija tropikali; jistieden lill-Kummissjoni tieħu miżuri biex telimina gradwalment l-użu ta' żjut veġetali li jixprunaw id-deforestazzjoni, inkluż iż-żejt tal-palm, bħala komponent tal-bijokarburanti, preferibbilment sal-2020;

83.  Jinnota li l-projbizzjoni jew it-tneħħija gradwali tal-użu taż-żejt tal-palm biss tista' twassal biex żjut veġetali tropikali ta' sostituzzjoni jintużaw għall-produzzjoni tal-bijokarburanti, u li, f'kull probabbiltà, jitkabbru fl-istess reġjuni ekoloġikament sensittivi bħaż-żejt tal-palm u jista' jkollhom impatt ħafna ikbar fuq il-bijodiversità, fuq l-użu tal-art u fuq l-emissjonijiet ta' gassijiet serra miż-żejt tal-palm innifsu; jirrakkomanda s-sejbien u l-promozzjoni ta' alternattivi aktar sostenibbli għall-użu tal-bijokarburanti, bħaż-żjut Ewropej prodotti b'mod domestiku bħall-kolza u ż-żerriegħa tal-ġirasol;

84.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jappoġġjaw b'mod simultanju l-iżvilupp ulterjuri ta' bijokarburanti tat-tieni u tat-tielet ġenerazzjoni biex jitnaqqas ir-riskju tat-tibdil indirett fl-użu tal-art fl-Unjoni u biex tiġi promossa t-tranżizzjoni lejn bijokarburanti avvanzati fihom skont id-Direttiva (UE) 2015/1513 u b'konformità mal-ambizzjonijiet tal-Unjoni ta' ekonomija ċirkolari, effiċjenza fir-riżorsi u mobilità b'emissjonijiet baxxi;

85.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni, kif ukoll lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri.

(1)

  Komunikazzjoni tal-Kummissjoni intitolata "L-assigurazzjoni ta' ħajjitna, il-kapital naturali tagħna: strateġija tal-UE għall-bijodiversità sal-2020" (COM/2011/0244)

(2)

  Testi adottati, P8_TA(2016)0034.

(3)

  Sors: Forest Trends: Consumer Goods and Deforestation: An Analysis of the Extent and Nature of Illegality in Forest Conversion for Agriculture and Timber Plantations (Xejriet tal-Foresti: Prodotti għall-Konsumatur u d-Deforestazzjoni: Analiżi tal-Livell u n-Natura tal-Illegalità fil-Konverżjoni tal-Foresti għall-Agrikoltura u l-Pjantaġġuni tal-Injam) (http://www.forest-trends.org/documents/files/doc_4718.pdf)

(4)

  Sors: World Resources Institute (Istitut Dinji tar-Riżorsi) (http://www.wri.org/blog/2015/10/indonesia%E2%80%99s-fire-outbreaks-producing-more-daily-emissions-entire-us-economy)

(5)

  http://www.fao.org/docrep/016/ap106e/ap106e.pdf (FAO, World Agriculture Towards 2030/2050 - The 2012 Revision)

(6)

  http://wwf.panda.org/what_we_do/footprint/agriculture/palm_oil/ (WWF)

(7)

  Sors: Rapport Globiom (https://ec.europa.eu/energy/sites/ener/files/documents/Final%20Report_GLOBIOM_publication.pdf )

(8)

  Pereżempju: Amnesty International - The Great Palm Oil Scandal (L-iskandlu kbir taż-żejt tal-palm)(https://www.amnesty.org/en/documents/asa21/5243/2016/en/ ) u Rainforest Action Network - The Human Cost of Conflict Palm Oil (Ir-riperkussjonijiet umani tal-ż-żejt tal-palm ta' kunflitt)(https://d3n8a8pro7vhmx.cloudfront.net/rainforestactionnetwork/pages/15889/attachments/original/1467043668/The_Human_Cost_of_Conflict_Palm_Oil_RAN.pdf?1467043668)

(9)

  The impact of EU consumption on deforestation: Comprehensive analysis of the impact of EU consumption on deforestation (L-impatt tal-konsum tal-UE fuq id-deforestazzjoni: Analiżi komprensiva tal-impatt tal-konsum tal-UE fuq id-deforestazzjoni http://ec.europa.eu/environment/forests/pdf/1.%20Report%20analysis%20of%20impact.pdf (p.56)

(10)

  sors: FERN: Stolen Goods: The EU's complicity in illegal tropical deforestation (Oġġetti Misruqa: Il-kompliċità tal-UE fid-deforestazzjoni tropikali illegali) (http://www.fern.org/sites/fern.org/files/Stolen%20Goods_EN_0.pdf)

(11)

  Il-konklużjonijiet tal-Forum tan-NU dwar il-Foresti

(12)

  Il-Konvenzjoni tan-NU dwar il-Bijodiversità, il-miri ta' Aichi: https://www.cbd.int/sp/targets/

(13)

  Sustainable Development Goals, Art. 15.2, Target of halting deforestation (Għanijiet ta' Żvilupp Sostenibbli, Artikolu 15.2, Il-mira li titwaqqaf id-deforestazzjoni) https://sustainabledevelopment.un.org/sdg15

(14)

  Summit tan-NU dwar il-klima, 2014

(15)

  http://forestdeclaration.org/wp-content/uploads/2015/09/2016-NYDF-Goal-2-Assessment-Report.pdf

(16)

  Il-Linji Gwida Volontarji tal-FAO tan-NU dwar il-Governanza Responsabbli tal-Pussess tal-Art, is-Sajd u l-Foresti fil-Kuntest tas-Sigurtà Alimentari Nazzjonali, Ruma 2012, http://www.fao.org/docrep/016/i2801e/i2801e.pdf

(17)

  Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tas-17 ta' Ottubru 2008 (COM(2008)0645 final)

(18)

  EUROSTAT – Il-provvista, it-trasformazzjoni u l-konsum tal-enerġiji rinnovabbli; data annwali (nrg_107a), l-istudju Globiom "The land use change impact of biofuels consumed in the EU", 2015, u http://www.fediol.be/

(19)

  Sors: Qorti Ewropea tal-Awdituri: Ċertifikazzjoni ta' bijokarburanti: dgħufijiet fir-rikonoxximent u s-superviżjoni tas-sistema (http://www.eca.europa.eu/mt/Pages/NewsItem.aspx?nid=7171)


NOTA SPJEGATTIVA

Rigward is-suġġett tal-iżvilupp sostenibbli, il-Kummissjoni tgħid li: L-iżvilupp sostenibbli jfisser l-ilħuq tal-bżonnijiet tal-ġenerazzjonijiet attwali mingħajr ma tiġi pperikolata l-kapaċità tal-ġenerazzjonijiet futuri li jissodisfaw il-bżonnijiet tagħhom. Il-viżjoni tal-iżvilupp progressiv u fit-tul tas-soċjetà tal-bniedem hija waħda mill-pedamenti tal-UE, u għalhekk trid tkun ukoll aspett tal-proċess tagħna ta' teħid ta' deċiżjonijiet f'każijiet bħall-kwistjoni taż-żejt tal-palm.

Għadhom ma għaddewx għoxrin sena minn mindu ż-żejt tal-palm sar l-aktar żejt użat fid-dinja, u f'dan iż-żmien sar ukoll waħda mill-kawżi tad-devastazzjoni mifruxa ta' diversi ekosistemi f'żoni tropikali. Permezz ta' din il-komodità, il-każijiet tal-gżejjer ta' Sumatra u Borneo fl-Indoneżja tniżżlu fl-istorja bħala eżempji tal-aktar deforestazzjoni rapida fl-istorja tal-bniedem. Sfortunatament, minħabba r-ritmu mingħajr preċedent li bih qiegħda tespandi din l-industrija, mhux il-perikli kollha assoċjati mal-implimentazzjoni enormi tal-pjantaġġuni monokulturali ġew kompletament mifhuma. Iż-żmien wera li r-riskji kienu sottovalutati, u l-konnotazzjonijiet negattivi relatati mal-kultivazzjoni eċċessiva u kważi mhux regolata ta' din l-għalla issa huma evidenti.

L-ekosistemi tropikali, u b'mod partikolari l-foresti pluvjali - li jirrappreżentaw biss 7 % tal-veġetazzjoni tad-dinja - qegħdin jiffaċċjaw l-akbar sfida tagħhom sa mill-ħolqien tal-bniedem. Mhux biss qed tintilef veġetazzjoni ta' valur enormi, iżda qed jintilfu wkoll ħafna speċijiet, fosthom speċijiet li għadhom ma ġewx skoperti. L-impatt tal-kultivazzjoni taż-żejt tal-palm, madankollu, mhuwiex limitat għal foresti pluvjali. L-ekosistemi marini ta' biswit jinsabu wkoll taħt pressjoni li dejjem qiegħda tiżdied. L-ilma ta' taħt l-art insostitwibbli qiegħed jintilef, u x-xmajjar qegħdin jinxfu. Qegħdin iseħħu nirien kbar ħafna fil-foresti u t-torbieri, u qed tinbidel il-klima fir-reġjuni milquta, u dan kollu jikkontribwixxi għat-tibdil fil-klima globali. Dawn il-bidliet ma jaffettwawx biss il-flora u l-fawna tropikali; jaffettwaw ukoll l-abitanti lokali, li l-għajxien tagħhom huwa marbut mill-qrib ma' dawk l-ekosistemi. Iż-żejt tal-palm qed isir għalhekk il-kawża ta' diversi kunflitti ekonomiċi u soċjali. Il-ħeffa li biha qed iseħħu dawn il-bidliet hija allarmanti, u għalhekk hemm bżonn li tittieħed azzjoni immedjata.

L-UE hija t-tielet l-akbar suq għaż-żejt tal-palm, u għalhekk għandha rwol sinifikanti f'dak li qed jiġri f'pajjiżi tropikali fejn jiġi kkultivat iż-żejt tal-palm. Barra minn hekk, fost l-akbar investituri f'dan is-settur hemm istituzzjonijiet finanzjarji Ewropej. Għalhekk huma responsabbli għall-mod kif il-flus tagħhom qed jiġu ġestiti. Irid jiġi osservat li ħafna atturi għandhom rwol fil-ħolqien ta' dawn il-problemi, għalhekk ir-responsabilità tagħhom hija kondiviża. L-UE u l-Istati Membri tagħha, bħala atturi f'din is-sitwazzjoni, għandhom jerfgħu r-responsabilità tagħhom u jieħdu passi biex itejbu s-sitwazzjoni ddisprata attwali.

In-NU stabbiliet l-Aġenda 2030 għall-Iżvilupp Sostenibbli, li tistipula 17-il għan ewlieni li jenħtieġ li jintlaħqu f'dan il-perjodu ta' żmien. Il-kwistjoni taż-żejt tal-palm tirrigwarda kull wieħed minn dawn is-17-il għan, iżda hija marbuta mill-qrib ħafna mal-għanijiet 2, 3, 6, 14, 16 u 17, u b'mod partikolari l-għanijiet 12, 13 u 15. Dan juri kemm hija serja l-kwistjoni taż-żejt tal-palm u għalfejn huwa essenzjali li immedjatament ninvestigaw din il-kwistjoni u nfittxu soluzzjoni fit-tul li tkun sodisfaċenti.


OPINJONI tal-Kumitat għall-Iżvilupp (2.3.2017)

għall-Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza tal-Ikel

dwar iż-żejt tal-palm u d-deforestazzjoni tal-foresti pluvjali

(2016/2222(INI))

Rapporteur għal opinjoni: Heidi Hautala

SUĠĠERIMENTI

Il-Kumitat għall-Iżvilupp jistieden lill-Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza tal-Ikel, bħala l-kumitat responsabbli, biex jinkorpora s-suġġerimenti li ġejjin fil-mozzjoni għal riżoluzzjoni tiegħu:

1.  Ifakkar li l-agrikoltura sostenibbli, is-sigurtà alimentari u l-ġestjoni sostenibbli tal-foresti huma objettivi fundamentali tal-Għanijiet ta' Żvilupp Sostenibbli (SDGs); josserva bi tħassib li ż-żejt tal-palm huwa kawża importanti ta' deforestazzjoni, b'mod partikolari fil-Malasja, fl-Indoneżja, fil-Papua New Guinea, fil-Liberja, fil-Kamerun, fir-Repubblika tal-Kongo, fil-Kolombja u fil-Perù; ifakkar li l-foresti huma essenzjali għall-adattament għat-tibdil fil-klima u għall-mitigazzjoni tiegħu;

2.  Jissottolinja r-rati baxxi ta' deforestazzjoni tal-artijiet indiġeni b'sistemi tradizzjonali siguri tad-dritt għaż-żamma tal-art u ġestjoni tar-riżorsi, b'potenzjal għoli li jnaqqsu b'mod effikaċi l-emissjonijiet mil-lat tal-ispejjeż u li jiżguraw servizzi ekosistemiċi globali; jappella biex il-fondi internazzjonali fl-oqsam tal-klima u l-iżvilupp jinżutaw biex jissalvagwardjaw l-artijiet indiġeni u tal-komuniatijiet u biex isostnu l-popolazzjonijiet u l-komunitajiet indiġeni li jinvestu fil-protezzjoni ta' artijiethom.

3.  Ifakkar li n-nisa fqar li jgħixu fiż-żoni rurali jiddependu b'mod partikolari mir-riżorsi forestali għas-sussistenza tagħhom; jisħaq fuq il-bżonn li tiġi integrata d-dimensjoni tal-ġeneru fil-politiki forestali u fl-istituzzjonijiet nazzjonali, b'tali mod li jkunu promossi pereżempju l-aċċess indaqs tan-nisa għas-sjieda tal-art u ta' riżorsi oħra;

4.  Josserva bi tħassib li l-agrikoltura kummerċjali għadha xprun notevoli ta' deforestazzjoni u li madwar nofs id-deforestazzjoni tropikali kollha mill-2000 ġie kkawżat mill-konverżjoni illegali tal-foresti f'artijiet għall-agrikoltura kummerċjali li jista' wkoll jinvolvi riskju ta' kunflitt; jappella għal titjib fil-koordinament tal-politiki tal-foresti, tal-agrikoltura kummerċjali, tal-użu tal-art u tal-iżvilupp rurali bl-iskop li jinkisbu l-SDGs u l-impenji fil-qasam tat-tibdil fil-klima; jisħaq fuq il-bżonn ta' koerenza tal-politiki għall-iżvilupp anki f'dan il-qasam, inkluż fil-politika tal-enerġija rinnovabbli tal-UE;

5.  Josserva bi tħassib li l-ġirja globali għall-art hija imbuttata mid-domanda dejjem ikbar għal bijokarburant u materja prima, mill-ispekulazzjoni fuq l-artijiet u fuq il-prodotti agrikoli; jissottolinja l-konklużjoni tar-Rapport Speċjali Nru 18/2016 tal-Qorti tal-Awdituri skont liema s-sistema tal-UE ta' ċertifikazzjoni tas-sostenibbiltà tal-bijokarburanti mhijiex affidabbli għal kollox; jistieden lill-istituzzjonijiet tal-UE jdaħħlu, bħala parti mir-riforma tad-Direttiva dwar l-Enerġija Rinnovabbli, proċeduri ta' verifika speċifiċi rigward il-kunflitti minħabba d-dritt għaż-żamma tal-art, ix-xogħol furzat u t-tħaddim tat-tfal, il-kundizzjonijiet ta' xogħol inadegwati għall-bdiewa u r-riskji għas-saħħa u għas-sikurezza fis-sistema volontarja tagħha; jitlob ukoll lill-UE tqis l-impatt tat-tibdil indirett fl-użu tal-art (ILUC) u tinkludi rekwiżiti fil-qasam tar-responsabbiltà soċjali fir-riforma tad-Direttiva dwar l-Enerġija Rinnovabbli;

6.  Jenfasizza r-rwol fundamentali li tiżvolġi l-produzzjoni taż-żejt tal-palm fl-ekonomiji tal-pajjiżi li qed jiżviluppaw u li jipproduċu ż-żejt tal-palm, bħala għajn prezzjuża ta' introjtu u ta' impjiegi;

7.  Ifakkar lill-Kummissjoni bil-komunikazzjoni tagħha tas-17 ta' Ottubru 2008 bit-titolu "Nindirizzaw l-isfidi tad-deforestazzjoni u d-degradazzjoni tal-foresti sabiex niġġieldu t-tibdil fil-klima u t-telf tal-bijodiversità" (COM(2008)0645) li tenfasizza approċċ olistiku rigward id-deforestazzjoni tropikali, fid-dawl tal-kawżi kollha tad-deforestazzjoni, inkluża l-produzzjoni taż-żejt tal-palm; ifakkar lill-Kummissjoni bl-objettiv taghha fin-negozjati fil-Konvenzjoni Qafas tan-Nazzjonijiet Uniti dwar it-Tibdil fil-Klima (UNFCCC) biex jieqaf, sa mhux aktar tard mill-2030, it-telf ta' wċuħ forestali f'livell globali u titnaqqas id-deforestazzjoni tropikali grossa b'tal-anqas 50 % meta mqabbel mal-livelli attwali sal-2020;

8.  Jitlob li tingħata assistenza lill-pajjiżi li jipproduċu ż-żejt tal-palm għall-elaborazzjoni u għall-infurzar tal-politiki u tar-regolamenti nazzjonali rilevanti maħsuba biex jimminimizzaw l-impatt tas-settur fuq id-deforestazzjoni, l-ekosistema u l-patrimonju naturali;

9.  Jistieden lill-UE tistabbilixxi qafas regolatorju vinkolanti biex tiggarantixxi li l-katini tal-provvista kollha tal-importaturi tal-prodotti agrikoli bażiċi jkunu traċċabbli mill-oriġini tal-materja prima;

10.  Ifakkar li l-Malasja u l-Indoneżja, b'sehem tal-produzzjoni dinjija stmat bejn 85 % u 90 %, huma l-produtturi prinċipali ta' żejt tal-palm u jilqa' favorevolment iż-żieda fil-livelli tal-foresta primarja Malasjana mill-1990, iżda jibqa' mħasseb bil-livelli attwali ta' deforestazzjoni fl-Indoneżja, b'rata ta' telf kumplessiv ta' -0,5 % kull ħames snin;

11.  Ifakkar li l-UE hija wieħed mill-importaturi prinċipali ta' prodotti li jirriżultaw mid-deforestazzjoni, b'impatti devastanti fuq il-bijodiversità; jitlob it-tmiem immedjat tas-sussidji tal-UE għall-bijokarburanti li huma prodotti minn kultivazzjonijiet alimentari u l-eliminazzjoni gradwali ta' dawn il-karburanti li ma għandhomx ikunu eleġibbli għall-ilħuq tal-objettivi tal-UE fil-qasam tal-klima u tal-enerġija għall-2030, partikolarment il-bijodiżil li ġġenera domanda insostenibbli għaż-żejt tal-palm; jisħaq fuq il-bżonn li titjieb l-affidabbiltà tal-iskemi ta' ċertifikazzjoni volontarji, bħar-Round Table on Sustainable Palm Oil (RSPO), bil-għan li jkunu indirizzati aħjar il-ħtif tal-art, inkluż il-ħtif tal-ilma, u l-ksur tad-drittijiet tal-bniedem; jesprimi tħassib kbir dwar il-fatt li bosta investigazzjonijiet kixfu abbuż mifrux tad-drittijiet tal-bniedem ta' bażi fil-mument tal-ħolqien u tal-ġestjoni tal-pjantaġġuni ta' palm għaż-żejt f'ħafna pajjiżi, inklużi żgumbramenti furzati, vjolenza armata, tħaddim tat-tfal, jasar bid-dejn jew diskriminazzjoni tal-komunitajiet indiġeni;

12.  Jappella lill-Kummissjoni tadotta regolamenti vinkolanti għall-katini tal-provvista tal-importaturi tal-prodotti agrikoli bażiċi, bil-għan li tiggarantixxi katina tal-provvista taż-żejt tal-palm totalment sostenibbli sal-2020 konformement mad-Dikjarazzjoni ta' Amsterdam dwar iż-żejt tal-palm; jappella partikolarment għal qafas ta' diliġenza dovuta u mekkaniżmi ta' traċċabbiltà, matul il-katina tal-provvista kollha, adegwati u obbligatorji, konformi mal-aħjar standards adottati fil-livell globali u fid-dawl tar-riskji ta' kunflitt li jipproduċu l-prodotti bażiċi taż-żejt tal-palm; jinkoraġġixxi lill-UE tinvolvi atturi importanti bħall-Indja u ċ-Ċina fit-tisħiħ tal-produzzjoni responsabbli u sostenibbli taż-żejt tal-palm;

13.  Jisħaq fuq l-importanza li jitjiebu l-kundizzjonijiet li fihom jiġi prodott iż-żejt tal-palm permezz tas-sostenn favur is-sistemi ta' ċertifikazzjoni eżistenti, b'mod li jkun garantit li jkunu faċilment aċċessibbli għall-impriżi żgħar u ta' daqs medju u komprensibbli għall-konsumaturi, u jikkonfermaw li ż-żejt tal-palm inkwistjoni ġie prodott skont il-linji gwida fil-qasam tas-sostenibbiltà, inkluż ir-rekwiżit ta' traċċabbiltà effikaċi u trasparenti tal-prodott, matul il-katina tal-provvista kollha;

14.  Jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li l-industrija alimentari, flimkien mal-industrija tal-bijokarburanti, tuża sehem konsiderevoli taż-żejt tal-palm prodott; jistieden lill-UE toħloq inċentivi biex taħseb sabiex iż-żejt tal-palm li jintuża fl-Ewropa jkun 100 % sostenibbli sal-2020;

15.  Jistieden lill-Kummissjoni taħdem mal-pajjiżi li jipproduċu ż-żejt tal-palm biex iżidu l-bijodiversità fiż-żoni tal-pjantaġġuni, partikolarment b'miżuri bħall-ħolqien ta' kurituri għall-fawna selvaġġa;

16.  Ifakkar li fl-2015 in-nirien fl-Indoneżja, ġeneralment bħala konsegwenza tat-tħammil tal-artijiet għall-pjantaġġuni tal-palm għaż-żejt u użi agrikoli oħrajn, ħakmu, bejn it-30 % u l-50 % tal-każijiet, torbieri b'kontenut għoli ta' karbonju, u dan għamel lill-Indoneżja wieħed mill-pajjiżi li l-aktar jikkontribiwixxu għat-tisħin globali fid-dinja;

17.  Jistieden lill-Kummissjoni tivvaluta l-bżonn li tistabbilixxi mekkaniżmi biex tiġi ttrattata l-konverżjoni tal-foresti f'agrikoltura kummerċjali fi ħdan il-qafas tal-Ftehim ta' Sħubija Volontarju tal-Pjan ta' Azzjoni FLEGT u ssaħħaħ ulterjorment il-pożizzjoni tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, tal-komunitajiet indiġeni u tal-bdiewa/sidien tal-art fil-proċess; jappella għal aktar assistenza finanzjarja u teknika mill-UE favur il-pajjiżi produtturi u l-awtoritajiet lokali tagħhom, bil-għan li tkun miġġielda l-korruzzjoni u jitjiebu l-governanza u t-trasparenza kif ukoll ikunu promossi l-metodi ta' produzzjoni sostenibbli; jirrikonoxxi l-merti tal-Pjan ta' Azzjoni FLEGT, iżda josserva li huma rikjesti aktar sforzi biex tonqos l-impronta forestali tal-UE; jistieden lill-Kummissjoni tressaq b'urġenza pjan ta' azzjoni tal-UE dwar id-deforestazzjoni u d-degrad forestali;

18.  Josserva li ż-żejt tal-palm jista' jkun ikkoltivat b'mod responsabbli u jista' effettivament jikkontribwixxi għall-iżvilupp ekonomiku ta' pajjiż billi joffri opportunitajiet ekonomiċi fattibbli għall-bdiewa, għall-popolazzjonijiet indiġeni kif ukoll għar-residenti tal-komunitajiet li jipproduċu ż-żejt tal-palm, jekk dan ma jwassalx għad-deforestazzjoni, għall-ħolqien ta' pjantaġġuni fuq torbieri, jekk il-pjantaġġuni jitmexxew bl-użu ta' tekniki agroekoloġiċi moderni maħsuba biex jimminimizzaw l-impatti ambjentali u soċjali negattivi u jekk jissaħħew id-drittijiet tal-art, inklużi dawk tan-nisa u tal-komunitajiet indiġeni, kif ukoll id-drittijiet tal-bniedem u d-drittijiet tal-ħaddiema;

19.  Jistieden lill-Kummissjoni tagħti l-eżempju lill-pajjiżi l-oħra billi fil-leġiżlazzjoni tal-UE ddaħħal regoli tal-kontabbiltà għall-emissjonijiet ta' gassijiet serra mill-artijiet mistagħdra ġestiti u għat-tibdil tal-użu tal-artijiet mistagħdra;

20.  Iħeġġeġ lill-UE ssostni lill-mikroimpriżi, lill-impriżi ż-żgħar u lill-impriżi familjari rurali lokali u tippromwovi r-reġistrazzjoni lokali legali tal-proprjetà jew tal-pussess tal-art;

21.  Josserva li l-aktar riċerki reċenti juru li l-polikoltura agroforestali applikata għall-pjantaġġuni tal-palm għaż-żejt tista' toffri vantaġġi kombinati f'termini ta' bijodiversità, produttività u riżultati soċjali pożittivi;

22.  Ifakkar fil-bżonn li tingħata għajnuna lill-pajjiżi li qed jiżviluppaw biex itejbu l-kapaċitajiet umani tagħhom;

23.  Huwa inkwetat minħabba l-impatti negattivi tal-produzzjoni irresponsabbli taż-żejt tal-palm fuq it-tibdil fil-klima, l-użu tal-art, il-fertilità tal-ħamrija, il-bijodiversità, id-degrad forestali u d-drittjiet tal-bniedem tal-popolazzjonijiet indiġeni, tal-komunitajiet lokali u tal-bdiewa ż-żgħar, inklużi s-sistemi tradizzjonali ta' drittijiet għaż-żamma tal-art u ġestjoni tar-riżorsi, peress li jitpoġġew f'sogru l-mezzi ta' sussistenza tal-popolazzjonijiet li ħajjithom tiddependi mill-foresti għall-ikel; jistieden lill-gvernijiet tal-pajjiżi li jipproduċu ż-żejt tal-palm jiggarantixxu d-dritt tal-bniedem għall-ikel u n-nutrizzjoni (li jimplika l-osservanza tal-prinċipji ta' adegwatezza, disponibbiltà, aċċessibbiltà u sostenibbiltà) u jassumu impenn favur l-istandards bażiċi tax-xogħol tal-ILO u l-aġenda tax-xogħol deċenti u jimplimentawhom; jappella għall-eliminazzjoni tal-forom kollha ta' xogħol furzat jew obbligat, inkluż it-tħaddim tat-tfal, it-titjib tal-pożizzjoni tal-ħaddiema migranti, il-libertà ta' assoċjazzjoni u l-ħolqien ta' mekkaniżmu ta' lmenti leġittimu, aċċessibbli u trasparenti, konsistenti mal-aħjar prattika internazzjonali;

24.  Iħeġġeġ lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni jistabbilixxu definizzjoni ta' foresta li tiġbor fiha d-diversità bijoloġika, soċjali u kulturali, b'tali mod li timpedixxi l-ħtif tal-art u l-qerda tal-foresti tropikali li jirriżultaw minn fardgħalla mifruxa b'palm għaż-żejt, peress li dan jipperikola l-impenji tal-UE fil-qasam tat-tibdil fil-klima; jisħaq fuq il-bżonn li tingħata prijorità lill-speċijiet awtoktoni, b'hekk jitħarsu l-ekosistemi, il-ħabitats u l-komunitajiet lokali;

25.  Huwa inkwetat li l-ftehimiet dwar l-akkwist tal-art jiksru l-prinċipju tal-kunsens liberu minn qabel u informat tal-komunitajiet lokali, kif stabbilit fil-Konvenzjoni 169 tal-ILO; jistieden lill-UE u lill-Istati Membri tagħha jiggarantixxu li l-investituri bbażati fl-UE jirrispettaw totalment l-istandards internazzjonali fil-qasam tal-investimenti responsabbli fl-agrikoltura, b'mod partikolari l-Linji Gwida tal-FAO-OECD għall-Katini tal-Provvista Agrikola Responsabbli, il-Linji Gwida Volontarji tal-FAO dwar il-Drittijiet għaż-Żamma tal-Art, il-Prinċipji Gwida tan-NU dwar in-Negozju u d-Drittijiet tal-Bniedem u l-Linji Gwida tal-OECD dwar l-Impriżi Multinazzjonali; jissottolinja l-bżonn li jittieħdu miżuri li jiggarantixxu l-aċċess għar-rimedji għall-vittmi tal-abbużi tal-kumpaniji.

26.  Jinsisti li l-istituzzjonijiet finanzjarji fil-qasam tal-iżvilupp għandhom jiggarantixxu li l-politiki ta' salvagwardja soċjali u ambjentali tagħhom ikunu vinkolanti u totalment konformi mad-dritt internazzjonali fil-qasam tad-drittijiet tal-bniedem; jappella għal aktar trasparenza fil-finanzjament tal-istituzzjonijiet finanzjarji privati u tal-organi finanzjarji pubbliċi.

27.  Jiġbed l-attenzjoni għall-problemi marbutin mal-proċessi ta' konċentrazzjoni tal-artijiet u mat-tibdil tal-użu tal-art li ġejjin meta jinħolqu sistemi ta' fardgħalla bħall-pjantaġġuni ta' palm għaż-żejt;

28.  Jistieden lill-Kummissjoni tressaq pjan ta' azzjoni tal-UE dwar il-kondotta responsabbli tal-impriżi.

RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALIFIL-KUMITAT LI JINTALAB JAGĦTI OPINJONI

Data tal-adozzjoni

28.2.2017

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

20

1

2

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Nirj Deva, Raymond Finch, Doru-Claudian Frunzulică, Enrique Guerrero Salom, Heidi Hautala, Maria Heubuch, Teresa Jiménez-Becerril Barrio, Stelios Kouloglou, Arne Lietz, Linda McAvan, Norbert Neuser, Vincent Peillon, Maurice Ponga, Cristian Dan Preda, Lola Sánchez Caldentey, Elly Schlein, Eleftherios Synadinos, Eleni Theocharous, Bogdan Brunon Wenta, Anna Záborská, Željana Zovko

Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali

Ádám Kósa, Paul Rübig


OPINJONI tal-Kumitat għall-Kummerċ Internazzjonali (24.1.2017)

għall-Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza tal-Ikel

dwar iż-żejt tal-palm u d-deforestazzjoni tal-foresti pluvjali

(2016/2222(INI))

Rapporteur għal opinjoni: Tiziana Beghin

SUĠĠERIMENTI

Il-Kumitat għall-Kummerċ Internazzjonali jistieden lill-Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza tal-Ikel, bħala l-kumitat responsabbli, biex jinkorpora s-suġġerimenti li ġejjin fil-mozzjoni għal riżoluzzjoni tiegħu:

1.  Ifakkar li ż-żejt tal-palm jammonta għal madwar 40 % tal-kummerċ globali taż-żjut veġetali u li l-UE hija t-tieni l-akbar importatur dinji, b'madwar 7 miljun tunnellata fis-sena; jistieden lill-Kummissjoni, b'kooperazzjoni mal-Istati Membri, tnaqqas u tikkontrolla aħjar l-ammont ta' żejt tal-palm prodott b'mod mhux sostenibbli importat minn pajjiżi terzi, billi tapplika skemi ta' dazju doganali differenti għall-prodotti taż-żejt veġetali ċertifikati sostenibbli, inklużi prodotti taż-żejt tal-palm, billi tmur lil hinn minn sistemi ta' ċertifikazzjoni bħall-RSPO-Next tar-Roundtable on Sustainable Palm Oil (RSPO - Roundtable dwar iż-Żejt tal-Palm Sostenibbli)), f'konformità mar-rekwiżiti ta' sostenibbiltà stabbiliti mill-Palm Oil Innovation Group (POIG, Grupp ta' Innovazzjoni taż-Żejt tal-Palm); jitlob lill-Kummissjoni wkoll tassisti lill-pajjiżi li jipproduċu ż-żejt tal-palm fit-tfassil u l-implimentazzjoni tal-politiki ta' inċentivi relevanti u l-oqfsa kummerċjali regolatorji li jwasslu biex jimminizzaw l-impatt tal-industrija fuq id-deforestazzjoni, it-telf tal-bijodiversità, l-użu mhux sostenibbli tal-art, il-livell ta' applikazzjoni għoli tas-sustanzi kimiċi u t-tibdil fil-klima;

2.  Jinsab allarmat mill-fatt li madwar nofs iż-żoni forestali maqtugħin b'mod illegali jintużaw għall-produzzjoni taż-żejt tal-palm għas-suq tal-UE, u li 18 % taż-żejt tal-palm minn produzzjoni illegali jispiċċa fis-suq tal-UE; jinnota li l-kwistjoni ta' sostenibilità fis-settur taż-żejt tal-palm ma tistax tiġi indirizzata minn miżuri u politiki volontarji waħedhom, iżda hemm bżonn regoli vinkolanti u skemi ta' ċertifikazzjoni li jiġu infurzati anke għall-impriżi taż-żejt tal-palm; jistieden lill-Kummissjoni tipproponi leġiżlazzjoni simili għal FLEGT u r-Regolament dwar il-Minerali li joriġinaw f'żoni affettwati minn kunflitti;

3.  Jistieden lill-Kummissjoni, f'dan ir-rigward, tibda riforma tan-Nomenklatura tas-Sistema Armonizzata (SA) fl-Organizzazzjoni Dinjija Doganali (WCO) li tippermetti distinzjoni bejn iż-żejt tal-palm ċertifikat sostenibbli u ż-żejt tal-palm mhux sostenibbli u d-derivattivi tagħhom;

4.  Ifakkar li l-Malasja u l-Indoneżja huma l-produtturi ewlenin taż-żejt tal-palm, b'madwar 85-90 % tal-produzzjoni globali, u li d-domanda li dejjem qiegħda tikber għal dan il-prodott bażiku titfa' pressjoni fuq l-użu tal-art u għandha effetti sinifikanti fuq il-komunitajiet lokali, is-saħħa u t-tibdil fil-klima; jenfasizza, f'dan il-kuntest, li l-Ftehim ta' Kummerċ Ħieles UE-Indoneżja, il-Ftehim ta' Kummerċ Ħieles UE-Malasja, kif ukoll Ftehimiet ta' Kummerċ Ħieles oħrajn għandhom jindirizzaw it-tħassib rigward prodotti minn żjut veġetali mhux sostenibbli, inkluż iż-żejt tal-palm, u d-derivattivi tagħhom fi ħdan in-negozjati, flimkien ma' kapitoli vinkolanti u infurzabbli dwar l-iżvilupp sostenibbli li jkopru d-deforestazzjoni, l-ambjent, l-abbużi tad-drittijiet tal-bniedem, ix-xogħol tat-tfal u x-xogħol furzat, speċjalment in-nisa, it-tkeċċija furzata u d-diskriminazzjoni tal-komunitajiet indiġeni, il-konvenzjonijiet ewlenin tal-ILO u l-implimentazzjoni tagħhom; f'dan ir-rigward, jenfasizza li l-kultivazzjoni ta' bosta sostituti taż-żejt tal-palm tista' tiġġenera livell ogħla ta' gassijiet b'effett ta' serra u tikkawża proċess ta' deforestazzjoni akbar u aktar rapidu;

5.  Ifakkar li l-Indoneżja dan l-aħħar saret it-tielet l-ikbar inkwinant ta' CO2 fid-dinja u qed tbati minn bijodiversità dejjem tonqos, b'bosta speċi ta' fawna selvaġġa fil-periklu li jinsabu fix-xifer tal-estinzjoni;

6.  Jilqa' l-fatt li sa mill-1990, kien hemm żieda fil-livelli ta' foresta primarja fil-Malasja, iżda jibqa' kkonċernat li l-livelli ta' deforestazzjoni fl-Indoneżja attwalment miexja b'rata ta' -0.5% f'telf globali kull ħames snin;

7.  Barra minn hekk jenfasizza l-importanza u l-bżonn urġenti għal aktar azzjonijiet komplementari bejn bosta partijiet interessati u inizjattivi multilaterali, fil-livell tal-UE jew nazzjonali li jkollhom l-għan li jeliminaw b'mod gradwali l-kummerċ taż-żejt tal-palm mhux sostenibbli, f'konformità mal-istandards u r-regolamenti tad-WTO; itenni li, sabiex ikun żgurat l-ogħla grad ta' effikaċja, dawn l-inizjattivi għandhom jikkunsidraw is-sistemi ta' produzzjoni differenti u l-fatturi speċifiċi għal kull pajjiż fl-evalwazzjoni tal-grad ta' tħassib soċjoekonomiku u ambjentali;

8.  Għaldaqstant, iħeġġeġ lis-settur finanzjarju jinkludi kunsiderazzjonijiet dwar is-sostenibbiltà fl-operazzjonijiet ta' investiment u ta' self tiegħu;

9.  Jenfasizza l-importanza li s-sitwazzjoni tittejjeb permezz ta' ċertifikazzjoni adegwata, li tkun aċċessibbli faċilment għall-kultivaturi fuq skala żgħira u l-SMEs u li ma tiddiskriminax kontrihom, u tinftiehem mill-konsumaturi, u li tikkonferma li ż-żejt tal-palm inkwistjoni jkun ġie prodott b'mod ġenwin, b'konformità ma' linji gwida dwar is-sostenibbiltà u l-aħjar standards u prattiki adottati globalment, mingħajr ħsara għall-ambjent, il-bijodiversità, il-komunitajiet lokali, il-popli u s-soċjetajiet indiġeni u li l-prodott ikun traċabbli b'mod effettiv u trasparenti tul il-katina tal-provvista kollha; jinsab konvint li l-iskemi ta' ċertifikazzjoni volontarja jistgħu jaħdmu aħjar, jekk dawn jissaħħu aktar, bl-użu ta' kriterji aktar stretti mill-istandards attwali, li jkunu inkorporati fl-azzjoni tad-diliġenza dovuta tal-partijiet interessati rilevanti, billi tittieħed azzjoni legali kontra prattiki illegali u billi l-informazzjoni dwar il-konsumatur tittejjeb b'mod sostanzjali; jistieden lill-Kummissjoni tniedi kampanji ta' informazzjoni u tipprovdi lill-konsumaturi b'informazzjoni komprensiva dwar il-konsegwenzi tal-produzzjoni mhux sostenibbli taż-żejt tal-palm;

10.  Jenfasizza li, sabiex jiġi evitat l-impatt ta' taqlib fuq il-kummerċ internazzjonali, dawn l-iskemi ta' ċertifikazzjoni għandhom jiġu żviluppati permezz ta' proċess ta' parteċipazzjoni inklużiv flimkien mal-atturi relevanti kollha tul il-katina tal-provvista mill-pajjiżi kollha involuti;

11.  F'dan ir-rigward, jilqa' bil-qawwa, l-RSPO, fost inizjattivi oħra, iżda jenfasizza l-bżonn li din tissaħħaħ kontinwament, permezz ta', iżda mhux limitat biss, it-twessigħ tar-rappreżentanza tal-partijiet interessati bl-inklużjoni aħjar tal-SMEs u wkoll b'awditu u b'kapaċità ta' infurzar msaħħa;

12.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jkomplu r-riċerka f'alternattivi adegwati għall-bijodiżil derivat miż-żejt tal-palm;

13.  Iqis li d-Direttiva dwar l-Enerġija Rinnovabbli għall-bijolikwidi u d-Direttiva dwar il-Kwalità tal-Fjuwil għall-bijokarburanti jiddefinixxu b'mod legali s-sostenibilita taż-żejt tal-palm, filwaqt li ma jeżisti l-ebda kriterju legali għaż-żejt tal-palm, kif ukoll għaż-żjut veġetali l-oħra, inklużi dawk tal-kolza u tal-ġirasol, li jintużaw fl-industrija tal-ikel; għalhekk jappella biex ikun hemm definizzjoni ta' dan it-tip u jitlob lill-Kummissjoni tistudja l-possibilità li testendi l-kriterju ta' sostenibilità għal użi oħra tal-istess prodott tar-raba', f'konformità mar-regoli u r-regolamenti tad-WTO u mal-linji gwida tal-OECD;

14.  Jindika l-bżonn li jiġi żgurat li l-iskemi ta' ċertifikazzjoni jiggarantixxu żejt tal-palm realment sostenibbli skont protokolli li jipproteġu b'mod effettiv il-bijodiversità u li jissalvagwardjaw il-kondizzjonijiet tax-xogħol, filwaqt li jgħinu biex il-livelli ta' deforestazzjoni jinżammu qrib iż-żero;

15.  Jenfasizza li, fl-ambitu tar-Regolament dwar l-Infurzar tal-Liġi, it-Tmexxija u il-Kummerċ fis-Settur Forestali u tal-ftehimiet ta' sħubija volontarji bejn l-UE u l-pajjiżi li jipproduċu l-injam, l-ewwel skema ta' awtorizzazzjoni kompletament operattiva hija mal-Indoneżja, b'seħħ mill-15 ta' Novembru 2016. jistieden lill-UE issostni l-impenn favur il-ftehimiet ta' sħubija volontarji tal-FLEGT u tiżgura li dawn ikunu jkopru l-injam ta' konverżjoni mill-iżvilupp taż-żejt tal-palm; jissuġġerixxi li l-politiki tal-UE għas-settur taż-żejt tal-palm jitgħallmu mill-prinċipji tal-FLEGT li jkun hemm djalogu ma' partijiet interessati multipli u li jiġu indirizzati l-kwistjonijiet ta' governanza b'għeruq fil-fond fil-pajjiżi produtturi, kif ukoll il-politiki ta' appoġġ għall-importazzjoni tal-UE; jitlob li jkomplu jitniedu ftehimiet ta' sħubija volontarji, bħal pereżempju l-FLEGT; jinnota li jista' wkoll jittieħed approċċ simili fir-rigward taż-żejt tal-palm, u li dan jista' jwassal għal kontrolli mtejba fuq l-industrija tal-palm fil-pajjiżi ta' destinazzjoni;

16.  Iqis li inizjattivi bħal dawn huma ta' benefiċċju kbir u jitlob li dawn l-inizjattivi jiġu ulterjoment promossi u estiżi anke għal prodotti bażiċi oħrajn.

RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALIFIL-KUMITAT LI JINTALAB JAGĦTI OPINJONI

Data tal-adozzjoni

24.1.2017

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

35

4

2

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Laima Liucija Andrikienė, Maria Arena, Tiziana Beghin, David Borrelli, David Campbell Bannerman, Salvatore Cicu, Marielle de Sarnez, Santiago Fisas Ayxelà, Christofer Fjellner, Eleonora Forenza, Karoline Graswander-Hainz, Heidi Hautala, Yannick Jadot, Bernd Lange, David Martin, Emmanuel Maurel, Anne-Marie Mineur, Sorin Moisă, Alessia Maria Mosca, Franz Obermayr, Artis Pabriks, Franck Proust, Godelieve Quisthoudt-Rowohl, Inmaculada Rodríguez-Piñero Fernández, Tokia Saïfi, Matteo Salvini, Marietje Schaake, Helmut Scholz, Joachim Schuster, Joachim Starbatty, Adam Szejnfeld, Hannu Takkula, Iuliu Winkler, Jan Zahradil

Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali

Eric Andrieu, Bendt Bendtsen, Edouard Ferrand, Syed Kamall, Seán Kelly, Ramon Tremosa i Balcells

Sostituti (skont l-Artikolu 200(2)) preżenti għall-votazzjoni finali

Laura Agea


OPINJONI tal-Kumitat għall-Agrikoltura u l-Iżvilupp Rurali (2.3.2017)

għall-Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza tal-Ikel

dwar iż-żejt tal-palm u d-deforestazzjoni tal-foresti pluvjali

(2016/2222(INI))

Rapporteur għal opinjoni: Florent Marcellesi

SUĠĠERIMENTI

Il-Kumitat għall-Agrikoltura u l-Iżvilupp Rurali jistieden lill-Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza tal-Ikel, bħala l-kumitat responsabbli, biex jinkorpora s-suġġerimenti li ġejjin fil-mozzjoni għal riżoluzzjoni tiegħu:

1.  Jinnota l-użu miżjud taż-żejt tal-palm kemm bħala bijofjuwil kif ukoll fl-ikel ipproċessat, fejn l-użu tiegħu żdied meta mqabbel ma' dak ta' żjut veġetali oħra, billi madwar 50 % tal-prodotti ippakkettjati issa fihom iż-żejt tal-palm;

2.  Jinnota li ż-żejt tal-palm jammonta għal madwar terz tat-total tal-konsum globali taż-żejt veġetali, u madwar 60 % tal-kummerċ dinji fiż-żjut veġetali;

3.  Huwa mħasseb dwar ir-riskju potenzjali li jippreżenta għall-ambjent u għas-soċjetà l-ittriplikar previst tad-domanda dinjija għaż-żejt tal-palm fid-deċennji li ġejjin;

L-użu ta' xaħmijiet u żjut oħrajn

4.  Jinnota li ż-żejt tal-palm jintuża bħala ingredjent u/jew sostitut mill-industrija agroalimentari minħabba l-produttività u l-proprjetajiet kimiċi tiegħu, pereżempju l-faċilità tal-ħżin tiegħu, il-punt ta' tidwib u l-prezzijiet iktar baxxi bħala materja prima;

5.  Jinnota wkoll li qed jintuża espellent tal-qalba tal-palm fl-UE għall-għalf tal-annimali, speċjalment għat-tismin tal-baqar tal-ħalib u ċ-ċanga;

6.  Jinnota li pasta/prodotti sekondarji taż-żerriegħa tal-lift jistgħu jintużaw ukoll bħala għalf tal-annimali b'livell għoli ta' proteini li jista' jnaqqas id-dipendenza fuq l-importazzjonijiet globali tal-fażola tas-sojja;

7.  Jenfasizza, f'dan il-kuntest, li l-istandards soċjali, sanitarji u ambjentali huma aktar stretti fl-UE;

8.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jistabbilixxu politika biex, minflok, jagħmlu iktar użu minn provvisti akbar ta' xaħam tal-butir prodott fl-UE sabiex titnaqqas id-dipendenza fuq iż-żejt tal-palm importat minn pajjiżi terzi;

It-tikkettar

9.  Jilqa' d-dispożizzjoni taħt ir-Regolament (UE) Nru 1169/2011 dwar l-għoti ta' informazzjoni dwar l-ikel lill-konsumaturi għat-tikkettar obbligatorju ta' tipi ta' żjut veġetali, inkluż iż-żejt tal-palm, fil-lista ta' ingredjenti ta' ikel ippakkjat;

10.  Jinsisti dwar l-implimentazzjoni ta' dan it-tikkettar obbligatorju mill-Istati Membri u l-proċessuri, biex jippermettu t-traċċabbiltà u deċiżjonijiet infurmati dwar ix-xiri;

11.  Jinnota l-potenzjal kbir li jintużaw mezzi diġitali biex joffru informazzjoni lill-konsumaturi rigward is-sostenibbiltà taż-żejt tal-palm li jinsab fi prodotti pproċessati, pereżempju permezz ta' applikazzjonijiet għall-iskennjar ta' barcodes;

12.  Jistieden lill-Kummissjoni tipprovdi data komprensiva dwar l-użu u l-konsum taż-żejt tal-palm fl-Ewropa u l-importazzjoni tiegħu fl-UE;

Is-saħħa

13.  Jenfasizza s-sejbiet tal-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel (EFSA)(1) u studji oħrajn li indikaw li ż-żjut veġetali pproċessati, u b'mod partikolari ż-żejt tal-palm, fihom kontaminanti ġenotossiċi u karċinoġeniċi ffurmati waqt il-proċess tar-raffinar jew b'temperaturi għoljin, b'implikazzjonijiet għas-saħħa potenzjali;

14.  Iħeġġeġ lill-Istati Membri jkomplu jiżguraw il-konformità mal-leġiżlazzjoni dwar is-sigurtà fl-ikel u t-tikkettar ta' prodotti manifatturati bl-użu ta' xaħmijiet veġetali, inkluż iż-żejt tal-palm;

15.  Jinnota bi tħassib li, f'xi Stati Membri, iż-żejt tal-palm għadu jintuża fil-produzzjoni tal-prodotti tal-ħalib bħall-ġobon mingħajr ma dan ikun indikat fuq il-prodott, li jiżgwida lill-konsumaturi;

16.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jwettqu kampanji biex il-konsumaturi jiġu infurmati dwar il-karatteristiċi speċifiċi taż-żejt tal-palm sabiex jipproteġu s-saħħa tagħhom u jinkoraġġixxu konsum infurmat;

Il-kawżi tad-deforestazzjoni u l-iskala/firxa ġeografika

17.  Jinnota li l-produzzjoni taż-żejt tal-palm hija kawża ewlenija ta' aktar deforestazzjoni fuq skala allarmanti fiż-żoni tropikali;

18.  Jinnota li 73 % tad-deforestazzjoni globali jirriżultaw mill-ikklerjar ta' art għal komoditajiet agrikoli, b'40 % tad-deforestazzjoni globali kkawżati minn konverżjoni għal pjantaġġuni monokulturali taż-żejt tal-palm fuq skala kbira(2);

19.  Jinnota li l-maġġoranza tal-produzzjoni taż-żejt tal-palm isseħħ fil-Malasja u l-Indoneżja, li flimkien jammontaw għal madwar 85 % tal-produzzjoni globali, bi produzzjoni wkoll sinifikanti jew li qed tiżdied f'Papua New Guinea, il-Liberja, ir-Repubblika Demokratika tal-Kongo, il-Kolombja u l-Perù;

20.  Jinnota wkoll l-iskala u l-aċċelerazzjoni rapida ta' bidla, b'żoni konvertiti għall-irduppjar jew l-ittriplar taż-żejt tal-palm fuq wieħed jew żewġ deċennji f'dawk is-seba' pajjiżi esportaturi prinċipali, b'madwar 15 % telf tal-foresti fi ftit iktar minn għaxar snin;

21.  Jinnota l-kumplessità tal-fatturi li jikkawżaw id-deforestazzjoni globali, bħal art maħsuda għall-bhejjem jew uċuħ tar-raba', b'mod partikolari għall-produzzjoni ta' ikel mis-sojja għall-għalf tal-bhejjem tal-UE, kif ukoll żejt tal-palm, l-espansjoni urbana, il-qtugħ tas-siġar u attivitajiet agrikoli intensivi oħra;

22.  Jirrikonoxxi li hemm bżonn ta' approċċ komprensiv li jieħu kont tal-konklużjonijiet kollha tad-deforestazzjoni, b'azzjonijiet u kollaborazzjoni kemm fil-pajjiżi li jipproduċu kif ukoll f'dawk li jikkunsmaw;

L-effetti ambjentali

23.  Jirrikonoxxi l-importanza tal-konservazzjoni tal-foresta pluvjali u tal-bijodiversità; huwa mħasseb ħafna dwar il-konverżjoni ta' foresti tropikali b'bijodiversità kbira fi pjantaġġuni taż-żejt tal-palm monokulturali għad-detriment tal-ħabitats u l-ekosistemi naturali insostitwibbli li fihom għadd kbir ta' speċijiet endemiċi u f'periklu kritiku;

24.  Jinnota l-effetti ta' monokulturi kbar taż-żejt tal-palm, li jżidu l-preżenza ta' insetti, it-tniġġis tal-ilma minn sustanzi agrokimiċi u l-erożjoni tal-ħamrija, u jħallu impatt fuq l-assorbiment tal-karbonju u l-ekoloġija tar-reġjun kollu, li jxekklu l-migrazzjoni tal-ispeċijiet tal-annimali;

25.  Jinnota li l-ħruq tal-foresti tropikali u l-ħamrija bil-pit, fost l-oħrajn sabiex tkun ikkonvertita art għal inputs għas-sistemi agroalimentari u tal-enerġija, huwa assoċjat ma' ħsara ambjentali kbira, inkluż ir-rilaxx ta' volumi kbar ta' gassijiet b'effett ta' serra;

L-impatt fuq il-komunitajiet lokali, ħtif tal-art u bdiewa żgħar

26.  Jinnota l-effetti negattivi ħafna tal-konverżjoni għal pjantaġġuni taż-żejt tal-palm monokulturali fuq il-foresti, inkluż il-bdiewa fuq skala żgħira, li qed ikunu dejjem aktar dawk li qed jitilfu arthom jew inkella li jiġu mċaqalqa lejn iż-żoni l-anqas fertili;

27.  Jinnota bi tħassib il-prevalenza tal-qtugħ tas-siġar, il-ħtif tal-art u l-akkwist illegali jew furzat ta' art tal-pjantaġġuni; jinnota wkoll li l-qerda tal-foresti tropikali teqred ukoll l-għajxien ta' dawk il-komunitajiet li jiddependu fuqhom;

28.  Jinnota l-inġustizzja soċjali u l-kundizzjonijiet tax-xogħol foqra li jipprevalu fuq xi pjantaġġuni;

29.  Jistieden għalhekk lill-awtoritajiet relevanti fil-pajjiżi sors biex jirrispettaw id-drittijiet tal-bniedem, inklużi d-drittijiet tal-art ta' dawk li jgħixu fil-foresti, u biex isaħħu l-impenji ambjentali, soċjali u tas-saħħa, b'kont meħud tal-linji gwida volontarji tal-Organizzazzjoni tal-Ikel u l-Agrikoltura tan-Nazzjonijiet Uniti (FAO) dwar il-pussess tal-art(3);

L-iżvilupp rurali u l-prattiki agroekoloġiċi

30.  Iqis li l-preservazzjoni tal-foresti tropikali għandha tiġi kkombinata ma' żvilupp rurali sostenibbli sabiex timpedixxi l-faqar u tippromwovi l-impjiegi fl-oqsma kkonċernati, u jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jikkontribwixxu għall-iżvilupp soċjoekonomiku reġjonali b'dan il-mod;

31.  Jirrikonoxxi r-rwol taż-żejt tal-palm bħala parti minn diversi sistemi ta' kultivazzjoni varjata li jiżgura d-dħul ta' valur għal bdiewa żgħar;

32.  Iqis li l-isforzi biex tieqaf id-deforestazzjoni jridu jinkludu l-bini tal-kapaċitajiet lokali, l-għajnuna teknoloġika, l-iskambju tal-aħjar prattiki bejn il-komunitajiet u appoġġ li jgħin lill-bdiewa ż-żgħar jagħmlu l-aktar użu effettiv tal-uċuh tar-raba' eżistenti tagħhom mingħajr ma jirrikorru għal iktar konverżjoni tal-foresti; jenfasizza, f'dan il-kuntest, li hemm potenzjal qawwi tal-prattiki agroekoloġiċi li jimmassimizzaw il-funzjonijiet tal-ekosistemi permezz tat-tħawwil mħallat u b'diversità kbira, l-agroforestrija u t-tekniki ta' permakultura, mingħajr ma wieħed jirrikorri għal dipendenza fuq l-input jew il-monokulturi;

Il-bijokarburanti:

Żieda fiż-żejt tal-palm bħala bijokarburant

33.  Jinnota li fl-Ewropa d-domanda għaż-żejt tal-palm hija dovuta l-aktar għall-użu tiegħu bħala bijokarburant;

34.  Jinnota li 70 % tal-bijokarburanti kkunsmati fl-UE huma mkabbra/prodotti fl-UE u, mill-bijokarburanti importati fl-UE, 23 % huma żejt tal-palm, prinċipalment mill-Indoneżja, u 6 % oħra huma sojja(4);

35.  Jinnota, filwaqt li l-użu tiegħu jvarja bejn l-Istati Membri, it-tkabbir enormi fiż-żejt tal-palm bħala bijodiżil tal-ewwel ġenerazzjoni, li żdied b'2.6 miljun tunnellata bejn l-2010 u l-2014, ammont li jirrappreżenta żieda ta' 606 %, filwaqt li s-sehem totali taż-żejt tal-palm fil-konsum ta' bijodiżil tal-UE kiber minn 6 % fl-2010 għal kważi terz fl-2014 (31 %), u kważi nofs iż-żejt tal-palm użat fl-UE jintuża bħala fjuwil għat-trasport(5);

L-effetti indiretti, inkluż it-tibdil indirett fl-użu tal-art (ILUC)

36.  Jinnota l-effetti indiretti tad-domanda tal-bijofjuwil tal-UE assoċjati mal-qerda tal-foresti tropikali;

37.  Jinnota li ċerti toroq ta' produzzjoni tal-bijokarburanti jżidu l-emissjonijiet globali tal-gassijiet b'effett serra meta jitqiesu l-emissjonijiet minn tibdil indirett fl-użu tal-art (ILUC)(6), bil-bijodiżil taż-żejt tal-palm bħala l-bijokarburant bl-ogħla emissjonijiet(7);

38.  Jitlob, għalhekk, li l-ispiża sħiħa f'sens ta' enerġija ta' għelejjel tal-bijokarburant, li jkunu qed jikbru, titqies fl-analiżi tal-bijodiżil bħala fjuwil alternattiv, u li l-emissjonijiet ILUC li ġejjin mill-produzzjoni tal-bijokarburanti jitqiesu b'mod sħiħ fid-Direttiva dwar l-Enerġija Rinnovabbli;

39.  Iqis, f'konformità mal-prinċipju tal-Koerenza tal-Politika għall-Iżvilupp, li l-bijokarburanti m'għandhomx jikkaġunaw deforestazzjoni jew impatt fuq is-sigurtà tal-ikel u d-dritt għall-ikel f'pajjiżi terzi, u li wieħed għandu jimmira lejn it-tneħħija gradwali tal-appoġġ pubbliku għall-bijokarburanti prodotti miż-żejt tal-palm;

L-ewwel u t-tieni ġenerazzjoni tal-bijokarburant

40.  Jinnota d-dominanza tal-bijokarburanti tal-ewwel ġenerazzjoni u n-nuqqas ta' disponibbiltà kummerċjali ta' bijokarburanti tat-tieni ġenerazzjoni; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex ikomplu jappoġġjaw l-iżvilupp ta' bijokarburanti tal-ġenerazzjoni li jmiss sabiex tiġi evitata d-deforestazzjoni;

41.  Jitlob li jiġu eliminati gradwalment u rapidament l-inċentivi kollha għall-bijokarburanti derivati miż-żejt tal-palm, għax dawn jixprunaw il-kompetizzjoni għall-art a skapitu tal-produzzjoni tal-ikel, li tirriżulta f'deforestazzjoni u għaldaqstant tikkontribwixxi b'mod sinifikanti għal-emissjonijiet tal-gassijiet b'effett ta' serra;

42.  Jirreferi għall-istudju 'GLOBIOM' li juri l-livell għoli ħafna ta' emissjonijiet ta' gassijiet b'effett ta' serra attribwibbli għaż-żejt tal-palm;

43.  Jitlob li jkun hemm sistema obbligatorja tat-tikkettar tal-oriġini għall-ingredjenti tal-bijokarburant;

It-trasparenza tal-katina tal-provvista 

44.  Iqis li t-traċċabbiltà fil-katina tal-ikel hija essenzjali għall-importaturi u l-konsumaturi, b'mod partikolari għall-iskopijiet li wieħed ikun kapaċi jiddistingwi bejn żejt tal-palm u l-prodotti sekondarji tiegħu li jkunu prodotti legalment u illegalment jew li jkunu minn sorsi sostenibbli u mhux sostenibbli;

45.  Jinnota li t-trasparenza tal-ktajjen tal-provvista, tippermetti aċċess għal informazzjoni dwar żejt tal-palm li joriġina minn żoni ta' riskju għoli;

Iċ-ċertifikazzjoni

46.  Jirrikonoxxi r-rwol importanti u l-potenzjal ta' diversi tipi ta' skemi ta' ċertifikazzjoni ta' sostenibbiltà volontarji għal prodotti taż-żejt tal-palm, u jqis li dawn għandhom jieħdu kont tal-impatti ambjentali u soċjali tal-produzzjoni tiegħu;

47.  Jinnota li l-Qorti Ewropea tal-Awdituri kkonkludiet(8) li ċerti skemi ta' ċertifikazzjoni ma jiggarantixxux żejt tal-palm ġenwinament sostenibbli, u b'hekk mhumiex effettivi biex jiżguraw l-istandards relevanti u l-konformità magħhom;

48.  Josserva b'mod partikolari li l-Qorti tal-Awdituri sabet li xi skemi ma kinux trasparenti biżżejjed jew kellhom strutturi ta' governanza suxxettibbli li jkunu ppreġudikati li rriskjaw kunflitti ta' interess u komunikazzjoni ineffettiva, ikkritikat l-istandards ta' kriterji ta' sostenibbiltà, inklużi kunflitti dwar il-pussess ta' art, xogħol tat-tfal/xogħol furzat u kundizzjonijiet tax-xogħol ħżiena għall-bdiewa, u sabet ukoll li dawn in-nuqqasijiet irriżultaw fi statistika mhux affidabbli u stima żejda tal-volumi tal-bijokarburant iċċertifikat bħala sostenibbli;

49.  Huwa, għalhekk, imħasseb li s-sistema ta' ċertifikazzjoni tal-UE għas-sostenibbiltà tal-bijokarburanti mhijiex kompletament affidabbli, u jqis li l-iskemi ta' ċertifikazzjoni għandhom ikomplu jiġu żviluppati u mtejba b'mod kostanti sabiex tiġi żgurata ġenwinament il-produzzjoni sostenibbli taż-żejt tal-palm u l-konformità effettiva mal-istandards relevanti;

50.  Jitlob li r-rakkomandazzjonijiet relevanti tal-Qorti jiġu implimentati, kif qablet il-Kummissjoni;

51.  Jistieden lill-Kummissjoni tiżgura standards affidabbli u taħdem lejn l-istabbiliment ta' oqfsa b'saħħithom u vinkolanti sabiex tiġi garantita s-sostenibbiltà taż-żejt tal-palm;

52.  Jitlob biex il-prodotti sekondarji taż-żejt tal-palm (l-espellent jew it-tqieq tal-qalba tal-palm) użati fl-UE jkunu wkoll soġġetti għal ċertifikazzjoni;

L-inizjattivi

53.  Jilqa' kwalunkwe inizjattiva b'ħafna partijiet ikkonċernati li għandha l-għan li tistabbilixxi u timplimenta standards ambizzjużi għall-produzzjoni sostenibbli taż-żejt tal-palm, inklużi d-drittijiet tal-bniedem, tal-art u tax-xogħol;

54.  Jappoġġja l-għanijiet stipulati fl-Inizjattiva taż-Żejt tal-Palm Sostenibbli tan-NU u fid-Dikjarazzjoni ta' Amsterdam 2015 għal katina tal-provvista mingħajr deforestazzjoni u mingħajr kunflitti sal-2020;

55.  Jinnota l-potenzjal ta' inizjattivi bħalma hi d-Dikjarazzjoni ta' New York dwar il-Foresti(9) bl-għan li jgħinu sabiex jintlaħqu l-għanijiet tas-settur privat biex tiġi eliminata d-deforestazzjoni li tirriżulta mill-produzzjoni ta' komoditajiet agrikoli bħall-palm, is-sojja, il-karti u ċ-ċanga sal-2020; jinnota li xi kumpaniji għandhom miri aktar ambizzjużi, iżda filwaqt li 60 % tal-kumpaniji li jinnegozjaw f'żejt tal-palm impenjaw ruħhom għal inizjattivi bħal dawn, s'issa 2 % biss huma kapaċi jittraċċaw iż-żejt tal-palm li jikkummerċjaw għas-sors tiegħu(10);

56.  Jistieden lill-Kummissjoni, lill-Istati Membri u lill-industrija biex isostnu l-inizjattivi bħall-approċċ tal-Istokk tal-Karbonju Għoli (HCS), li jiddetermina oqsma adattati għat-tħawwil tal-palm għaż-żejt, eż. artijiet degradati b'ħażna baxxa tal-karbonju u livell baxx ta' valur ambjentali, u b'hekk jappoġġja ġenwinament iż-żejt tal-palm sostenibbli li jista' jiġi prodott mingħajr ma jbiddel il-foresti jew jinterferixxi fl-ekosistemi tal-foresti b'valur għoli ta' konservazzjoni;

Id-djalogu għal governanza aħjar fil-pajjiżi produtturi

57.  Jistieden lill-Kummissjoni tintensifika d-djalogu, fejn hu xieraq, mal- gvernijiet tal-pajjiżi u l-kumpaniji li jipproduċu ż-żejt tal-palm, inkluż permezz ta' ftehimiet bilaterali mal-pajjiżi produtturi, biex tinkoraġġixxi l-leġiżlazzjoni ambjentali effettiva li tevita l-ħsara ta' bidliet fl-użu tal-art u biex iżżid l-istandards ambjentali, il-konservazzjoni tal-bijodiversità, id-drittijiet tal-bniedem, id-drittijiet soċjali u d-drittijiet tal-art u l-liġijiet tax-xogħol, it-trasparenza tas-sjieda korporattiva u dik tal-proprjetà tal-art, u l-konsultazzjoni tal-komunitajiet lokali sabiex dawn jevitaw il-ħtif tal-art;

Il-qafas legali tal-UE, inklużi talbiet lill-Kummissjoni

58.  Huwa konxju mill-fatt li l-UE hija t-tielet l-akbar importatur taż-żejt tal-palm u lewż tal-palm fid-dinja kollha, u jenfasizza l-ħtieġa li jiddaħħlu regoli li jiżguraw is-sostenibbiltà ġenwina tal-produzzjoni taż-żejt tal-palm;

59.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jsaħħu l-istrumenti ta' kontroll eżistenti u jużaw kull mezz neċessarju biex jipprevjenu l-importazzjoni fl-UE taż-żejt tal-palm prodott bħala riżultat tad-deforestazzjoni, biex jistabbilixxu qafas regolatorju ta' miżuri qawwija u infurzabbli biex jiggarantixxu li l-atturi kollha tul il-katina tal-provvista kollha, inklużi l-istituzzjonijiet finanzjarji Ewropej, u s-self u l-investiment li jipprovdu, ikunu biss involuti fil-produzzjoni taż-żejt tal-palm ġenwinament sostenibbli li tiżgura l-protezzjoni tal-foresti, il-popli tal-foresti u l-bijodiversità;

60.  Jistieden lill-Kummissjoni biex tiddefenixxi b'mod ċar sanzjonijiet f'każ ta' nuqqas ta' konformità, filwaqt li żżomm ir-relazzjonijiet kummerċjali ma' pajjiżi terzi;

Il-preċedenza u l-leġiżlazzjoni eżistenti

61.  Iħares lejn il-mudell tas-settur tal-kawkaw biex jistabbilixxi standards internazzjonali għall-produzzjoni sostenibbli taż-żejt tal-palm, u jinnota li mekkaniżmi simili għar-Regolament tal-UE dwar l-Injam jistgħu jgħinu biex jiżguraw li l-prodotti magħmula b'mod legali biss jitqiegħdu fis-suq tal-UE;

62.  Jitlob li fil-politika tal-bijokarburanti tal-UE jiġu inklużi kriterji ta' sostenibbiltà effettivi li jipproteġu l-art b'valur għoli ta' bijodiversità, art tal-pit u ħażniet għolja ta' karbonju, u li jiddaħħlu kriterji soċjali;

L-użu ta' ftehimiet u kummerċ bilaterali

63.  Jinnota li mekkaniżmi bħalma huma l-Ftehimiet ta' Sħubija Volontarja jistgħu jgħinu sabiex jiġu ċċarati l-problemi tal-legalità assoċjati mal-ħtif tal-art u l-konverżjoni tal-foresti billi jitniedu riformi nazzjonali tal-artijiet u jkun hemm trasparenza dwar il-pussess tal-art;

64.  Jappella biex il-ftehimiet bilaterali jintużaw bħala katalist għal protezzjoni ambjentali effettiva, li tinkludi l-applikazzjoni ta' skemi ta' tariffi differenzjati skont jekk iż-żejt tal-palm huwiex sostenibbli jew le, jew li teskludi ż-żejt tal-palm mhux sostenibbli u d-derivattivi tiegħu minn ftehimiet ta' kummerċ ħieles;

65.  Jistieden lill-Kummissjoni biex tinkludi garanzija ta' 'non-deforestazzjoni' u l-ħtieġa li jiġu rrispettati d-drittijiet tal-komunità fin-negozjati ta' ftehimiet kummerċjali ma' pajjiżi li jipproduċu ż-żejt tal-palm;

L-għajnuna u l-bini tal-kapaċità

66.  Jinsisti fuq l-importanza tal-appoġġ lill-pajjiżi li qed jiżviluppaw bil-mezzi meħtieġa biex dawn itejbu l-governanza, il-proċeduri ta' infurzar u dawk ġudizzjarji fuq livell lokali, reġjonali u nazzjonali, sabiex jipproteġu l-foresti u l-artijiet tal-pit, u jespandu l-prattiki tal-biedja agroekoloġika;

67.  Jistieden lill-Kummissjoni biex tinkoraġġixxi l-iskambju tal-aħjar prattiki dwar it-trasparenza u l-kooperazzjoni bejn il-gvernijiet u l-kumpaniji li jużaw żejt tal-palm u, flimkien mal-Istati Membri, biex taħdem ma' pajjiżi terzi sabiex dawn jiżviluppaw u jimplimentaw il-liġijiet nazzjonali u li jirrispettaw id-drittijiet tal-art tal-komunità tas-soltu li jiżguraw li l-foresti, il-popli tal-foresti u l-għajxien tagħhom ikunu protetti;

L-impenji eżistenti tal-UE u pjan ta' azzjoni

68.  Jistieden lill-Kummissjoni biex tonora l-impenji internazzjonali tal-UE, inter alia, dawk li jsiru fil-qafas tal-Konferenza ta' Pariġi dwar il-Klima (COP 21), il-Forum tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-Foresti (UNFF)(11), il-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Diversità Bijoloġika (UNCBD)(12), id-Dikjarazzjoni ta' New York dwar il-Foresti, l-Għan ta' Żvilupp Sostenibbli li titwaqqaf id-deforestazzjoni sal-2020(13) u l-Pjan ta' Azzjoni FLEGT, u biex tintensifika l-isforzi tagħha biex tiżviluppa pjan ta' azzjoni dettaljat tal-UE li jipproteġi b'mod viżibbli u enfatiku l-foresti u d-drittijiet tal-popli tal-foresti u tressaq proposti konkreti biex twaqqaf id-deforestazzjoni u d-degradazzjoni tal-foresti, li jkunu jinkludu dispożizzjonijiet dwar il-kummerċ fil-prodotti agrikoli b'mod partikolari ż-żejt tal-palm, u biex il-pjantaġġuni monokulturali ma jiġux ikklassifikati bħala riforestazzjoni;

69.  Jissottolinja l-ħtieġa li jiġu stabbiliti kriterji soċjali u ambjentali, inkluż id-dritt ta' aċċess għall-art, li jkunu superjuri għal-loġika ta' sempliċi profitt finanzjarju fl-evalwazzjoni ta' diversi strateġiji forestali;

70.  Jappella għal iktar riċerka fuq il-livell tal-UE dwar l-għalf tal-annimali sostenibbli sabiex jiġu żviluppati alternattivi għall-prodotti tal-palm taż-żejt għall-agrikoltura Ewropea.

RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALIFIL-KUMITAT LI JINTALAB JAGĦTI OPINJONI

Data tal-adozzjoni

28.2.2017

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

34

3

3

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

John Stuart Agnew, Clara Eugenia Aguilera García, Eric Andrieu, Daniel Buda, Nicola Caputo, Matt Carthy, Viorica Dăncilă, Michel Dantin, Paolo De Castro, Jean-Paul Denanot, Albert Deß, Herbert Dorfmann, Luke Ming Flanagan, Beata Gosiewska, Martin Häusling, Anja Hazekamp, Esther Herranz García, Jan Huitema, Peter Jahr, Ivan Jakovčić, Jarosław Kalinowski, Elisabeth Köstinger, Zbigniew Kuźmiuk, Mairead McGuinness, Ulrike Müller, James Nicholson, Marijana Petir, Laurenţiu Rebega, Bronis Ropė, Maria Lidia Senra Rodríguez, Czesław Adam Siekierski, Tibor Szanyi, Marc Tarabella, Marco Zullo

Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali

Franc Bogovič, Michela Giuffrida, Florent Marcellesi, Anthea McIntyre, Susanne Melior, Sofia Ribeiro

VOTAZZJONI FINALI B'SEJĦA TAL-ISMIJIET FIL-KUMITAT RESPONSABBLI

34

+

ALDE

Jan Huitema, Ivan Jakovčić, Ulrike Müller

ECR

Beata Gosiewska, Zbigniew Kuźmiuk, Anthea McIntyre, James Nicholson

PPE

Franc Bogovič, Daniel Buda, Michel Dantin, Albert Deß, Herbert Dorfmann, Esther Herranz García, Peter Jahr, Jarosław Kalinowski, Elisabeth Köstinger, Mairead McGuinness, Marijana Petir, Sofia Ribeiro, Czesław Adam Siekierski

EUL/NGL

Matt Carthy

Verts/ALE

Martin Häusling, Florent Marcellesi, Bronis Ropė

S&D

Clara Eugenia Aguilera García, Eric Andrieu, Nicola Caputo, Viorica Dăncilă, Paolo De Castro, Jean-Paul Denanot, Michela Giuffrida, Susanne Melior, Tibor Szanyi, Marc Tarabella

3

-

EFDD

Marco Zullo

EUL/NGL

Luke Ming Flanagan, Anja Hazekamp

3

0

EFDD

John Stuart Agnew

ENF

Laurenţiu Rebega

EUL/NGL

Maria Lidia Senra Rodríguez

Tifsira tas-simboli użati:

+  :  favur

-  :  kontra

0  :  astensjoni

(1)

Il-Ġurnal tal-EFSA 2016;14(5):4426 [159 pp.], https://www.efsa.europa.eu/en/efsajournal/pub/4426

(2)

L-impatt tal-konsum tal-UE fuq id-deforestazzjoni: Analiżi komprensiva tal-impatt tal-konsum tal-UE fuq id-deforestazzjoni, 2013, Kummissjoni Ewropea, http://ec.europa.eu/environment/forests/pdf/1.%20Report%20analysis%20of%20impact.pdf (p. 56)

(3)

Il-Linji Gwida Volontarji tal-FAO tan-NU dwar il-Governanza Responsabbli tal-Pussess tal-Art, is-Sajd u l-Foresti fil-Kuntest tas-Sigurtà Alimentari Nazzjonali, Ruma 2012, http://www.fao.org/docrep/016/i2801e/i2801e.pdf

(4)

EUROSTAT – Il-provvista, it-trasformazzjoni u l-konsum tal-enerġiji rinnovabbli; data annwali (nrg_107a), l-istudju Globiom "The land use change impact of biofuels consumed in the EU", 2015, u http://www.fediol.be/

(5)

Ibid.

(6)

Ir-Rapport ta' Progress dwar l-Enerġija Rinnovabbli tal-Kummissjoni (SWD(2015)0117).

(7)

Globiom study "The land use change impact of biofuels consumed in the EU", 2015.

(8)

Rapport Speċjali Nru 18/2016 tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri (Kwittanza 2015): Is-sistema tal-UE għaċ-ċertifikazzjoni ta' bijokarburanti sostenibbli: http://www.eca.europa.eu/Lists/ECADocuments/SR16_18/SR_BIOFUELS_EN.pdf

(9)

Summit tan-NU dwar il-klima tal-2014.

(10)

http://forestdeclaration.org/wp-content/uploads/2015/09/2016-NYDF-Goal-2-Assessment-Report.pdf

(11)

Il-konklużjonijiet tal-Forum tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-Foresti.

(12)

Il-Konvenzjoni tan-NU dwar il-Bijodiversità, il-miri ta' Aichi: https://www.cbd.int/sp/targets/

(13)

Għanijiet ta' Żvilupp Sostenibbli, Artikolu 15.2, il-Mira biex titwaqqaf id-deforestazzjoni: https://sustainabledevelopment.un.org/sdg15


RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALIFIL-KUMITAT RESPONSABBLI

Data tal-adozzjoni

9.3.2017

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

56

1

0

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Marco Affronte, Margrete Auken, Zoltán Balczó, Ivo Belet, Simona Bonafè, Biljana Borzan, Lynn Boylan, Paul Brannen, Soledad Cabezón Ruiz, Nessa Childers, Alberto Cirio, Mireille D’Ornano, Seb Dance, Angélique Delahaye, Mark Demesmaeker, Ian Duncan, Stefan Eck, Bas Eickhout, José Inácio Faria, Francesc Gambús, Gerben-Jan Gerbrandy, Arne Gericke, Jens Gieseke, Sylvie Goddyn, Françoise Grossetête, Jytte Guteland, Benedek Jávor, Karin Kadenbach, Kateřina Konečná, Urszula Krupa, Peter Liese, Valentinas Mazuronis, Gilles Pargneaux, Bolesław G. Piecha, Pavel Poc, Julia Reid, Frédérique Ries, Annie Schreijer-Pierik, Davor Škrlec, Renate Sommer, Claudiu Ciprian Tănăsescu, Ivica Tolić, Estefanía Torres Martínez, Nils Torvalds, Adina-Ioana Vălean

Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali

Clara Eugenia Aguilera García, Nicola Caputo, Albert Deß, Eleonora Evi, Merja Kyllönen, James Nicholson, Gabriele Preuß, Christel Schaldemose, Bart Staes, Carlos Zorrinho

Sostituti (skont l-Artikolu 200(2)) preżenti għall-votazzjoni finali

Edouard Martin, Lieve Wierinck


VOTAZZJONI FINALI B'SEJĦA TAL-ISMIJIET FIL-KUMITAT RESPONSABBLI

56

+

ALDE

Gerben-Jan Gerbrandy, Valentinas Mazuronis, Frédérique Ries, Nils Torvalds, Lieve Wierinck

ECR

Mark Demesmaeker, Ian Duncan, Arne Gericke, Urszula Krupa, James Nicholson, Bolesław G. Piecha

EFDD

Eleonora Evi

ENF

Mireille D’Ornano, Sylvie Goddyn

GUE/NGL

Lynn Boylan, Stefan Eck, Kateřina Konečná, Merja Kyllönen, Estefanía Torres Martínez

NI

Zoltán Balczó

PPE

Ivo Belet, Alberto Cirio, Angélique Delahaye, Albert Deß, José Inácio Faria, Francesc Gambús, Jens Gieseke, Françoise Grossetête, Peter Liese, Annie Schreijer-Pierik, Renate Sommer, Ivica Tolić, Adina-Ioana Vălean

S&D

Clara Eugenia Aguilera García, Simona Bonafè, Biljana Borzan, Paul Brannen, Soledad Cabezón Ruiz, Nicola Caputo, Nessa Childers, Seb Dance, Jytte Guteland, Karin Kadenbach, Edouard Martin, Gilles Pargneaux, Pavel Poc, Gabriele Preuß, Christel Schaldemose, Claudiu Ciprian Tănăsescu, Carlos Zorrinho

VERTS/ALE

Marco Affronte, Margrete Auken, Bas Eickhout, Benedek Jávor, Bart Staes, Davor Škrlec

1

-

EFDD

Julia Reid

0

0

 

 

Tifsira tas-simboli użati:

+  :  favur

-  :  kontra

0  :  astensjoni

Avviż legali