Proċedura : 2016/2186(DEC)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A8-0079/2017

Testi mressqa :

A8-0079/2017

Dibattiti :

PV 26/04/2017 - 19
CRE 26/04/2017 - 19

Votazzjonijiet :

PV 27/04/2017 - 5.32
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P8_TA(2017)0163

RAPPORT     
PDF 727kWORD 65k
28.3.2017
PE 593.863v02-00 A8-0079/2017

dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-Awtorità Bankarja Ewropea għas-sena finanzjarja 2015

(2016/2186(DEC))

Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit

Rapporteur: Inés Ayala Sender

1. PROPOSTA GĦAL DEĊIŻJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW

1. PROPOSTA GĦAL DEĊIŻJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW

–  wara li kkunsidra l-kontijiet annwali finali tal-Awtorità Bankarja Ewropea għas-sena finanzjarja 2015,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Qorti tal-Awdituri dwar il-kontijiet annwali tal-Awtorità Bankarja Ewropea għas-sena finanzjarja 2015, flimkien mat-tweġiba tal-Awtorità(1),

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni ta' assigurazzjoni(2) dwar l-affidabbiltà tal-kontijiet u l-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet ta' bażi, ipprovduta mill-Qorti tal-Awdituri għas-sena finanzjarja 2015 skont l-Artikolu 287 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kunsill tal-21 ta' Frar 2017 dwar il-kwittanza li għandha tingħata lill-Awtorità fir-rigward tal-implimentazzjoni tal-baġit għas-sena finanzjarja 2015 (05873/2017 – C8-0072/2017),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 319 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Ottubru 2012 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002(3), u b'mod partikolari l-Artikolu 208 tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 1093/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta' Novembru 2010 li jistabbilixxi Awtorità Superviżorja Ewropea (Awtorità Bankarja Ewropea) u li jemenda d-Deċiżjoni Nru 716/2009/KE u jħassar id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2009/78/KE(4), u b'mod partikolari l-Artikolu 64 tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-Regolament ta' Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 1271/2013 tat-30 ta' Settembru 2013 dwar Regolament Finanzjarju ta' qafas għall-korpi msemmija fl-Artikolu 208 tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill(5), u b'mod partikolari l-Artikolu 108 tiegħu,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 94 u l-Anness IV tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit u l-opinjoni tal-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji (A8-0079/2017),

1.  Jagħti l-kwittanza lid-Direttur Eżekuttiv tal-Awtorità Bankarja Ewropea għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-Awtorità għas-sena finanzjarja 2015;

2.  Jippreżenta l-kummenti tiegħu fir-riżoluzzjoni t'hawn taħt;

3.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din id-deċiżjoni, kif ukoll ir-riżoluzzjoni li hija parti integrali minnha, lid-Direttur Eżekuttiv tal-Awtorità Bankarja Ewropea, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-Qorti tal-Awdituri, u biex jiżgura li jiġu ppubblikati f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (serje L).

2. PROPOSTA GĦAL DEĊIŻJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW

dwar l-għeluq tal-kontijiet tal-Awtorità Bankarja Ewropea għas-sena finanzjarja 2015

(2016/2186(DEC))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-kontijiet annwali finali tal-Awtorità Bankarja Ewropea għas-sena finanzjarja 2015,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Qorti tal-Awdituri dwar il-kontijiet annwali tal-Awtorità Bankarja Ewropea għas-sena finanzjarja 2015, flimkien mat-tweġiba tal-Awtorità(6),

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni ta' assigurazzjoni(7) dwar l-affidabbiltà tal-kontijiet u l-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet ta' bażi, ipprovduta mill-Qorti tal-Awdituri għas-sena finanzjarja 2015 skont l-Artikolu 287 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kunsill tal-21 ta' Frar 2017 dwar il-kwittanza li għandha tingħata lill-Awtorità fir-rigward tal-implimentazzjoni tal-baġit għas-sena finanzjarja 2015 (05873/2017 – C8-0072/2017),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 319 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Ottubru 2012 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002(8), u b'mod partikolari l-Artikolu 208 tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 1093/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta' Novembru 2010 li jistabbilixxi Awtorità Superviżorja Ewropea (Awtorità Bankarja Ewropea) u li jemenda d-Deċiżjoni Nru 716/2009/KE u jħassar id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2009/78/KE(9), u b'mod partikolari l-Artikolu 64 tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-Regolament ta' Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 1271/2013 tat-30 ta' Settembru 2013 dwar Regolament Finanzjarju ta' qafas għall-korpi msemmija fl-Artikolu 208 tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill(10), u b'mod partikolari l-Artikolu 108 tiegħu,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 94 u l-Anness IV tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit u l-opinjoni tal-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji (A8-0079/2017),

1.  Japprova l-għeluq tal-kontijiet tal-Awtorità Bankarja Ewropea għas-sena finanzjarja 2015;

2.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din id-deċiżjoni lid-Direttur Eżekuttiv tal-Awtorità Bankarja Ewropea, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-Qorti tal-Awdituri, u biex jiżgura li jiġu ppubblikati f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (serje L).

3. MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW

li tinkludi l-kummenti li jagħmlu parti integrali mid-deċiżjoni dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-Awtorità Bankarja Ewropea għas-sena finanzjarja 2015

(2016/2186(DEC))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra d-deċiżjoni tiegħu dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-Awtorità Bankarja Ewropea għas-sena finanzjarja 2015,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 94 u l-Anness IV tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit u l-opinjoni tal-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji (A8-0079/2017),

A.  billi, skont id-dikjarazzjonijiet finanzjarji tagħha, il-baġit finali tal-Awtorità Bankarja Ewropea ("l-Awtorità") għas-sena finanzjarja 2015 kien jammonta għal EUR 33 419 863, li jirrappreżenta tnaqqis ta' 0,54 % meta mqabbel ma' dak għall-2014, u dan minħabba l-fatt li l-Awtorità ġiet stabbilita reċentement; billi l-Awtorità hija ffinanzjata minn kontribuzzjoni mill-Unjoni (EUR 13 367 600, jiġifieri 40 %), u minn kontribuzzjonijiet mill-Istati Membri (EUR 20 051 400, jiġifieri 60 %);

B.  billi l-Qorti tal-Awdituri ("il-Qorti"), fir-rapport tagħha dwar il-kontijiet annwali tal-Awtorità Bankarja Ewropea għas-sena finanzjarja 2015 ("ir-rapport tal-Qorti"), stqarret li kisbet assigurazzjonijiet raġonevoli li l-kontijiet annwali tal-Awtorità għas-sena finanzjarja 2015 huma affidabbli u li t-tranżazzjonijiet ta' bażi huma legali u regolari;

C.  billi fil-kuntest tal-proċedura ta' kwittanza, l-awtorità ta' kwittanza tisħaq fuq l-importanza speċjali li tissaħħaħ ulterjorment il-leġittimità demokratika tal-istituzzjonijiet tal-UE billi jitjiebu t-trasparenza u r-responsabbiltà, jiġi implimentat il-kunċett ta' baġittjar abbażi tal-prestazzjoni (PBB) u jkun hemm governanza tajba tar-riżorsi umani;

1.  Ifakkar li l-Parlament Ewropew serva ta' xprun għall-istabbiliment ta' Sistema Ewropea ta' Superviżjoni Finanzjarja (SESF) ġdida u komprensiva, inklużi t-tliet Awtoritajiet Superviżorji Ewropej (ASE), biex tiġi żgurata sistema ta' superviżjoni finanzjarja aħjar wara l-kriżi finanzjarja;

Segwitu għall-kwittanza 2014

2.  Jinnota mir-rapport tal-Qorti li, fir-rigward ta' kumment wieħed li sar fir-rapport tal-Qorti tal-2012 dwar il-kontribuzzjoni tal-edukazzjoni, li l-azzjoni korrettiva għalih kienet immarkata bħala ''għadha għaddejja'' fir-rapporti tal-Qorti tal-2013 u tal-2014, ittieħdu azzjonijiet korrettivi mill-Awtorità u ġew iffirmati kuntratti ma' 20 minn 21 skola li fihom jattendu t-tfal tal-membri tal-persunal;

Ġestjoni baġitarja u finanzjarja

3.  Jinnota, madankollu, li l-valutazzjoni tal-Qorti tal-Awdituri hija qasira ħafna u toffri ftit suġġerimenti biex titjieb l-effiċjenza fil-ġestjoni tal-baġit tal-Awtorità;

4.  Jirrikonoxxi li l-isforzi ta' monitoraġġ tal-baġit matul is-sena finanzjarja 2014 irriżultaw f'rata ta' implimentazzjoni baġitarja ta' 99,34 %, li tfisser tnaqqis ta' 0,47 % meta mqabbla mal-2014, u li r-rata ta' eżekuzzjoni tal-approprjazzjonijiet ta' pagament kienet ta' 89,70 %, li tfisser żieda ta' 5,76 % meta mqabbla mal-2014; jinnota mill-Awtorità li r-rata għolja ta' eżekuzzjoni hija dovuta kemm għal ippjanar u monitoraġġ tajbin tal-baġit u kemm għan-natura limitata tal-baġit tal-Awtorità; jinnota li xi elementi tal-programm ta' ħidma tal-Awtorità kellhom jiġu posposti għall-2016 jew imwettqa f'livell imnaqqas minħabba t-tnaqqis fil-baġit;

5.  Jinnota li l-Parlament Ewropew u l-Kunsill naqqsu r-riżorsi finanzjarji tal-Awtorità għall-2015 b'6 % meta mqabbla mas-sena preċedenti, minkejja li allokaw livelli akbar ta' persunal; jinnota li, sabiex timplimenta dak it-tnaqqis, l-Awtorità kellha tnaqqas il-programm ta' ħidma tagħha u tnaqqas l-ispejjeż f'oqsma bħalma huma l-missjonijiet u l-laqgħat operattivi, proġetti operattivi tal-IT u taħriġ tal-persunal; jirrikonoxxi barra minn hekk li l-euro tilfet valur sinifikanti kontra l-lira sterlina matul is-sena, u li b'hekk l-Awtorità kellha titlob baġit emendatorju ta' EUR 1,9 miljun, li ġie adottat f'Awwissu 2015, sabiex tkun tista' tissodisfa l-obbligi finanzjarji tagħha;

6.  Jisħaq fuq l-importanza li jkunu żgurati livell adegwat ta' prijoritizzazzjoni u effiċjenza fir-rigward tal-allokazzjoni tar-riżorsi; iqis, f'dan ir-rigward, li t-tnaqqis inizjali tal-baġit ma kellux ikun implimentat permezz tal-posponiment tal-pubblikazzjoni tal-istandards u tal-linji gwida jew permezz tat-tnaqqis fil-parteċipazzjoni fil-gruppi ta' ħidma tal-Kumitat ta' Basel dwar is-Superviżjoni Bankarja (BCBS); jenfasizza li kull żieda potenzjali fil-mezzi tal-Awtorità trid tkun akkumpanjata minn miżuri ta' prijoritizzazzjoni adegwati; jissuġġerixxi li, hekk kif ix-xogħol tal-Awtorità qiegħed jinbidel dejjem aktar minn kompiti leġiżlattivi għal konverġenza superviżorja u infurzar, il-baġit tal-Awtorità u l-persunal jenħtieġ li jiġu allokati kif xieraq;

7.  Jilqa' b'sodisfazzjon il-fatt li l-baġit 2016 tal-Awtorità ġie mtejjeb b'mod sinifikanti, minħabba li l-Awtorità u l-Parlament Ewropew u l-Kunsill ikkunsidraw il-lezzjonijiet misluta mill-proċess tas-sena preċedenti, u li dan irriżulta f'żieda ta' 20 % meta mqabbel mal-baġit inizjali tal-2015;

Impenji u riporti

8.  Jinnota li l-Awtorità kompliet tnaqqas ir-rata globali ta' approprjazzjonijiet impenjati riportati minn 15,90 % fl-2014 għal 9,7 % fl-2015; jinnota mir-rapport tal-Qorti li r-riporti ta' approprjazzjonijiet impenjati għat-Titolu II (nefqa amministrattiva) kienu għoljin fil-livell ta' EUR 1 487 794, jew 28 % tat-total tal-approprjazzjonijiet impenjati taħt dan it-titolu, meta mqabbla ma' EUR 3 431 070 jew 48 % fl-2014; jirrikonoxxi li dawn ir-riporti kienu jinkludu kwistjoni mhux solvuta f'dak li jirrigwarda l-VAT pendenti li jrid jitħallas fuq il-ħlas ta' bbilanċjar tal-bini l-ġdid tal-Awtorità, kif ukoll fattura li tikkonċerna rati ta' negozju mill-Uffiċċju tal-Valutazzjonijiet tar-Renju Unit;

9.  Jilqa' l-fatt li l-Awtorità naqqset il-valur tar-riporti għall-2016 b'40 % meta mqabbel mas-sena preċedenti, fil-kuntest ta' tnaqqis ta' 0,5 % fil-baġit totali bejn is-sentejn; jirrikonoxxi li dan jirrifletti ritorn għal livelli aktar normali ta' riporti fi tmiem l-2015, wara r-riport ta' livell għoli tal-2014 b'riżultat taċ-ċaqliq tal-Awtorità lejn il-bini l-ġdid tagħha f'Diċembru 2014;

Trasferimenti

10.  Jinnota mill-kontijiet finali tal-Awtorità li din wettqet 30 trasferiment baġitarju matul l-2015; josserva li l-limitu ta' 10 % imsemmi fl-Artikolu 27 tar-Regolament Finanzjarju tal-Awtorità nqabeż darba waħda biss; jinnota b'sodisfazzjon li l-livell u n-natura tat-trasferimenti fl-2015 baqgħu fi ħdan il-limiti tar-regoli finanzjarji;

Proċeduri ta' akkwist u reklutaġġ

11.  Jinnota li l-għadd totali ta' persunal tal-Awtorità żdied għal 156 fl-2015 minn 146 fl-2014, u kien magħmul minn 45 % nisa u 55 % irġiel; jieħu nota tal-fatt li r-rata totali ta' moviment tal-persunal minħabba riżenja, nuqqas ta' tiġdid tal-kuntratt jew skadenza tal-kuntratt kienet ta' 10,3 %, li tfisser 2,6 % inqas minn dik fl-2014; jinnota b'sodisfazzjon li l-Awtorità wettqet eżerċizzju ta' evalwazzjoni tal-karigi bħal fis-snin preċedenti, li wera li 80,1 % tal-impjiegi kienu operattivi, jiġifieri direttament iffukati fuq l-implimentazzjoni tal-mandat tal-Awtorità, 12,5 % inkludew amministrazzjoni u koordinazzjoni u 7,4 % kienu newtrali; jindika li għal kull erba' postijiet marbuta mal-implimentazzjoni diretta tal-mandat tal-Awtorità, hemm biss post amministrattiv wieħed;

12.  Jinnota li l-Awtorità għandha tiżgura bilanċ ġeografiku u bejn is-sessi u rispett tal-prinċipju ta' opportunitajiet indaqs, skont l-Artikoli 1d u 27 tar-Regolamenti tal-Persunal u l-Kundizzjonijiet tal-Impjieg ta' Impjegati Oħra tal-Komunitajiet Ewropej; jinnota li l-Awtorità ppubblikat fuq il-websajt tagħha l-postijiet vakanti kollha tagħha;

Prevenzjoni u ġestjoni tal-kunflitti ta' interess u t-trasparenza

13.  Jinnota li l-Awtorità adottat politika dwar il-kunflitti ta' interess f'Ottubru 2014, u li mill-2012 għandha fis-seħħ linji gwida dwar l-etika; jirrikonoxxi li matul il-proċedura ta' reklutaġġ, il-persunal futur irid jiddikjara l-kunflitti ta' interess potenzjali, minbarra l-valutazzjoni tal-curriculum vitae tagħhom; jieħu nota tal-fatt li l-membri kollha tal-persunal iridu jiddikjaraw kunflitti ta' interess potenzjali fuq bażi annwali, li huma evalwati mill-uffiċjal tal-etika tal-Awtorità; jinnota li l-membri tal-Bord tas-Superviżuri u s-sostituti tagħhom iridu wkoll jiddikjaraw il-kunflitti ta' interess attwali jew potenzjali tagħhom, inklużi l-interessi ekonomiċi, b'mod partikolari kwalunkwe parteċipazzjonijiet f'ishma ta' istituzzjonijiet finanzjarji; jinnota wkoll li dawn id-dikjarazzjonijiet kollha u dawk tal-maniġment superjuri tal-Awtorità huma ppubblikati fuq is-sit web tagħha u jiġu aġġornati kull sena; jiddispjaċih, madankollu, li la l-curriculum vitae tal-Bord Maniġerjali u lanqas tal-Bord tas-Superviżuri ma huma ppubblikati fuq is-sit web tal-Awtorità; jistieden lill-Awtorità tippubblika dawk id-dokumenti malajr kemm jista' jkun biex tiġi żgurata sorveljanza u skrutinju pubbliku tal-ġestjoni tagħha;

14.  Josserva li l-Awtorità adottat Strateġija Kontra l-Frodi li kellha tiġi implimentata għalkollox sa tmiem l-2016; jinnota b'sodisfazzjon li fl-2016 l-Awtorità wettqet valutazzjoni inizjali tar-riskju ta' frodi fid-dipartimenti kollha, minbarra li ħolqot taqsima speċifika ddedikata għall-ġlieda kontra l-frodi fuq l-intranet tagħha, b'mezz ta' komunikazzjoni għall-informaturi;

15.  Jirrikonoxxi mill-Awtorità li din taħdem mill-qrib mal-Istati Membri kollha fit-tħejjija ta' rapporti regolatorji fil-qasam ta' kompetenza tagħha, li hija tippubblika b'mod regolari; jinnota b'sodisfazzjon li l-Awtorità implimentat miżuri biex tiżgura t-trasparenza rigward avvenimenti għal diskorsi pubbliċi u mal-partijiet interessati li tiltaqa' magħhom;

16.  Iqis li l-minuti tal-laqgħat tal-Bord tas-Superviżuri u tal-Gruppi ta' Partijiet Interessati, li huma disponibbli pubblikament, jenħtieġ li jiġu ppubblikati immedjatament wara l-laqgħa biex jitnaqqas il-perjodu ta' massimu ta' tliet xhur bejn il-laqgħat u d-divulgazzjoni tal-minuti, u biex tingħata stampa aħjar tad-diskussjonijiet, tal-pożizzjonijiet u tal-mod kif jivvutaw il-membri; jemmen li l-ħidma ta' kuntatt maċ-ċittadini tal-UE tista' titqawwa wkoll permezz ta' xandir dirett fuq l-internet tal-avvenimenti; jinsab imħasseb dwar il-fatt li partijiet interessati differenti, inkluż il-Parlament Ewropew, m'għandhomx aċċess ugwali għad-dokumenti u l-informazzjoni minn laqgħat interni; jilqa' l-fatt li minn fost l-ASE, l-Awtorità tipprovdi l-iktar livell xieraq ta' divulgazzjoni ta' informazzjoni dwar il-laqgħat tal-persunal tagħha mal-partijiet interessati; huwa tal-fehma li l-Awtorità jenħtieġ li tistabbilixxi mezz sigur għall-informaturi fil-qafas tal-pjan ta' azzjoni tagħha għas-snin li ġejjin;

Awditu intern

17.  Jinnota li s-Servizz tal-Awditjar Intern (IAS) tal-Kummissjoni wettaq segwitu għar-rieżami limitat dwar il-ġestjoni tal-proġetti tal-IT, li oriġinarjament kien jinkludi erba' rakkomandazzjonijiet; jinnota barra minn hekk li rakkomandazzjoni waħda mmarkata bħala ''importanti'' kienet diġà ngħalqet fi Frar 2015 fuq il-bażi ta' rieżami dokumentarju tal-IAS;

18.  Josserva li l-IAS wettaq awditu fuq il-ġestjoni tar-riżorsi umani, li wassal għal sitt rakkomandazzjonijiet, tnejn minnhom immarkati bħala ''importanti ħafna'', erbgħa mmarkati bħala ''importanti'', filwaqt li ma kien hemm l-ebda rakkomandazzjoni kritika; jilqa' l-fatt li l-Awtorità aċċettat l-osservazzjonijiet u r-rakkomandazzjonijiet kollha u żviluppat pjanijiet ta' azzjoni adegwati li qed jiġu segwiti regolarment mill-Awtorità;

Prestazzjoni

19.  Jieħu nota tal-fatt li l-Awtorità tikkoopera mill-qrib mal-Awtorità Ewropea tal-Assigurazzjoni u l-Pensjonijiet tax-Xogħol u mal-Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq (ESMA) fil-funzjonijiet ta' appoġġ kollha sabiex tnaqqas l-ispejjeż amministrattivi kull fejn possibbli, tisfrutta s-sinerġiji u tikkondividi l-aħjar prattiki; jistenna bil-ħerqa sforzi ulterjuri min-naħa tal-Awtorità biex issaħħaħ il-kooperazzjoni ma' aġenziji deċentralizzati oħra u tnaqqas aktar l-ispejjeż ġenerali u amministrattivi;

Kummenti oħra

20.  Jinnota li fit-23 ta' Ġunju 2016, iċ-ċittadini tar-Renju Unit ivvutaw biex jitilqu mill-Unjoni; jindika li l-Artikolu 50 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea jipprevedi li Stat Membru li jiddeċiedi li joħroġ mill-Unjoni għandu jinnotifika lill-Kunsill Ewropew bl-intenzjoni tiegħu, u l-Unjoni għandha tinnegozja u tikkonkludi ma' dak l-Istat ftehim li jistabbilixxi l-arranġamenti għall-ħruġ tiegħu; jirrikonoxxi mir-rapport tal-Qorti li l-kontijiet u n-noti relatati tal-Awtorità, li tinsab f'Londra, tħejjew bl-użu tal-informazzjoni li kienet disponibbli fid-data tal-iffirmar ta' dawn il-kontijiet, meta r-riżultati tar-referendum kienu għadhom mhumiex magħrufa u kienet għadha ma ġietx ippreżentata n-notifika formali li tinvoka l-Artikolu 50;

21.  Jieħu nota tal-fatt li, wara l-eżitu tar-referendum tar-Renju Unit fit-23 ta' Ġunju 2016, l-Awtorità abbozzat valutazzjonijiet tal-impatt għal kull qasam ta' appoġġ, jiġifieri tal-IT, ir-riżorsi umani, l-akkwist, is-servizzi korporattivi u l-komunikazzjoni, li se jiġu aġġornati skont l-iżviluppi;

22.  Jilqa' l-informazzjoni dettaljata pprovduta mill-Awtorità lill-awtorità ta' kwittanza dwar l-impenji u l-obbligazzjonijiet kuntrattwali attwali tagħha marbuta mal-preżenza fiżika tagħha fir-Renju Unit; jinnota li, minbarra l-kuntratt tal-kiri, l-impenn jew l-obbligazzjoni kuntrattwali potenzjali massimi tal-Awtorità huma ta' EUR 33,16 miljun, iżda li ma jkun hemm l-ebda penalità finanzjarja għal terminazzjoni bikrija ta' dawn il-kuntratti jekk jiġu osservati l-perjodi ta' notifika applikabbli ta' bejn xahar u tliet xhur; jesprimi tħassib, madankollu, dwar ir-riskji potenzjali operattivi u ta' tkomplija tan-negozju u l-ispejjeż relatati ma' deċiżjoni ta' rilokazzjoni, bħalma huma xogħol ta' akkwist addizzjonali li jista' jkun hemm bżonn li jitwettaq fi żmien qasir jekk iż-żmien ma jipprovdix perjodu ta' tranżizzjoni suffiċjenti lejn post ġdid;

23.  Jinnota li l-Awtorità ffirmat kirja ta' 12-il sena bi skadenza tat-8 ta' Diċembru 2026 u li, taħt kundizzjonijiet kuntrattwali normali, hemm l-obbligu li titħallas kera sħiħa għall-perjodu kollu; josserva, madankollu, li l-Awtorità nnegozjat klawsola ta' ħelsien f'nofs il-perjodu tal-kuntratt, li jfisser li jekk din il-klawsola tiġi eżerċitata, l-Awtorità se tkun eżentata mill-obbligu li tħallas il-kera għall-aħħar sitt snin; jinnota wkoll li jekk tiġi attivata l-klawsola, l-Awtorità jkollha obbligu li tħallas lura nofs inċentiv (32 xahar ta' ħelsien mill-kera), li diġà kienet ibbenefikat minnu u li kien imsejjes fuq it-12-il sena sħaħ tal-kuntratt; jinnota li l-Awtorità għandha r-responsabbiltà li meta titlaq, treġġa' lura l-proprjetà għall-kundizzjoni oriġinali tagħha, jiġifieri f'dan il-każ l-Awtorità hija obbligata tħallas biex tneħħi t-tagħmir tal-uffiċċju li kienet installat fil-bini; jinnota li l-ammont eżatt huwa suġġett għal stimi tal-esperti u negozjati oħra; jitlob lill-Awtorità tinforma lill-Parlament dwar l-ammont ladarba jkun magħruf;

24.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Kunsill, wara li ġie invokat l-Artikolu 50 mill-Gvern tar-Renju Unit, jagħmlu l-merti u l-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet dwar ir-rilokazzjoni tal-post tal-Awtorità, trasparenti u demokratiċi;

25.  Ifakkar li l-arranġament ta' finanzjament imħallat tal-Awtorità, li jiddependi ħafna fuq il-kontribuzzjonijiet mill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti, huwa inadegwat, mhux flessibbli, oneruż u ta' theddida potenzjali għall-indipendenza tagħha; jistieden għalhekk lill-Kummissjoni tniedi fil-White Paper ippjanata għat-tieni trimestru tal-2016 u fi proposta leġiżlattiva li se tkun ippreżentata sal-2017, arranġament finanzjarju differenti li jkun ibbażat fuq linja baġitarja separata fil-baġit tal-Unjoni u fuq is-sostituzzjoni kompluta tal-kontribuzzjonijiet mill-awtoritajiet nazzjonali, fejn dawn jiġu sostitwiti minn tariffi mħallsa mill-parteċipanti tas-suq;

26.  Jisħaq fuq il-fatt li, filwaqt li tiżgura li l-funzjonijiet kollha assenjati lilha jitwettqu bis-sħiħ u fil-ħin, l-Awtorità jenħtiġilha żżomm biss mal-kompiti assenjati lilha mill-Parlament Ewropew u mill-Kunsill; jemmen li l-Awtorità jenħtiġilha tisfrutta bis-sħiħ il-mandat tagħha biex trawwem b'mod effikaċi l-proporzjonalità; jinnota li, meta l-Awtorità tkun awtorizzata tfassal miżuri ta' Livell 2 u 3, din għandha tagħti attenzjoni partikolari, hija u tfassal dawn l-istandards, lill-karatteristiċi speċifiċi tad-diversi swieq nazzjonali, u li l-parteċipanti tas-suq u l-organizzazzjonijiet tal-ħarsien tal-konsumatur ikkonċernati jenħtieġ li jkunu involuti f'fażi bikrija fil-proċess ta' definizzjoni tal-istandards u matul il-fażijiet ta' tfassil u implimentazzjoni;

27.  Josserva bi tħassib li l-Awtorità ma teżerċitax bis-sħiħ il-prerogattivi kollha tagħha stabbiliti fil-qafas ġuridiku tagħha; jenfasizza li l-Awtorità jenħtiġilha tiżgura li r-riżorsi huma massimizzati sabiex tissodisfa bis-sħiħ il-mandat ġuridiku tagħha; jinnota f'dan ir-rigward, li jekk tiffoka aktar fuq il-mandat li ngħatalha mill-Parlament Ewropew u mill-Kunsill, dan jista' jwassal biex ir-riżorsi tagħha jintużaw b'mod aktar effiċjenti u biex l-objettivi tagħha jintlaħqu b'aktar effikaċja; jenfasizza li, waqt it-twettiq ta' xogħolha u b'mod partikolari fl-abbozzar tal-istandards tekniċi u tal-pariri tekniċi, l-Awtorità jeħtiġilha li b'mod tempestiv, regolari u komprensiv tinforma lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar l-attivitajiet tagħha;

°

°  °

28.  Jirreferi, fir-rigward tal-kummenti l-oħrajn li jakkumpanjaw id-deċiżjoni tiegħu dwar il-kwittanza, li huma ta' natura orizzontali, għar-riżoluzzjoni tiegħu ta' [xx xxxx 2017](11) [dwar il-prestazzjoni, il-ġestjoni finanzjarja u l-kontroll tal-aġenziji].).

1.3.2017

OPINJONI tal-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji

għall-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit

dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-Awtorità Bankarja Ewropea għas-sena finanzjarja 2015

(2016/2186(DEC))

Rapporteur għal opinjoni: Sander Loones

SUĠĠERIMENTI

Il-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji jistieden lill-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit, bħala l-kumitat responsabbli, biex jinkorpora s-suġġerimenti li ġejjin fil-mozzjoni għal riżoluzzjoni tiegħu:

1.  Jissottolinja li r-rwol tal-EBA huwa essenzjali biex jiġu favoriti applikazzjoni konsistenti tad-dritt tal-Unjoni u koordinament aħjar fost l-awtoritajiet nazzjonali u biex jiġu żgurati stabbiltà finanzjarja, trasparenza, swieq finanzjarji integrati aħjar u aktar sikuri, kif ukoll livell għoli ta' ħarsien tal-konsumatur u prattiki ta' superviżjoni konverġenti f'dan is-settur;

2.  Jirrikonoxxi li, fil-fehma tal-Qorti tal-Awdituri, it-tranżazzjonijiet tal-EBA li fuqhom huma bbażati l-kontijiet annwali għas-sena li ntemmet fil-31 ta' Diċembru 2015 huma legali u regolari fl-aspetti materjali kollha; jinnota, madankollu, li l-valutazzjoni tal-Qorti tal-Awdituri hija qasira ħafna u toffri ftit suġġerimenti biex titjieb l-effiċjenza fil-ġestjoni tal-baġit tal-EBA;

3.  Ifakkar li l-Parlament Ewropew serva ta' forza motriċi għall-istabbiliment ta' Sistema Ewropea ta' Superviżjoni Finanzjarja (SESF) ġdida u komprensiva, inklużi t-tliet Awtoritajiet Superviżorji Ewropej (ASE), biex tiġi żgurata sistema ta' superviżjoni finanzjarja aħjar wara l-kriżi finanzjarja;

4.  Jikkonstata l-kuntratt ta' kiri (lease) tal-EBA, li jagħlaq fit-8 ta' Diċembru 2026, iżda li jinkludi klawsola ta' rexissjoni wara sitt snin, li tattiva penali ekwivalenti għal 16-il xahar kera, jiġifieri EUR 3 246 216; jistieden lill-ABE tikkalkula l-konsegwenzi u l-kostijiet potenzjali kollha tal-Brexit u b'mod partikolari l-kostijiet marbuta ma' trasferiment tas-sede; iqis li l-kontijiet tal-2016 jenħtieġ li jiddivulgaw totalment kull kost ta' rilokalizzazzjoni futur; jistieden lill-EBA tkun trasparenti mal-partijiet interessati kollha fir-rigward ta' kunsiderazzjonijiet b'rabta ma' kwalunkwe rilokalizzazzjoni futura;

5.  jisħaq fuq l-importanza li jkunu żgurati effiċjenza, prijoritizzazzjoni u livell adegwat fir-rigward tal-allokazzjoni tar-riżorsi; iqis, f'dan ir-rigward, li t-tnaqqis inizjali tal-baġit ma kellux ikun implimentat permezz tal-posponiment tal-pubblikazzjoni tal-istandards u tal-linji gwida jew permezz tat-tnaqqis fil-parteċipazzjoni fil-gruppi ta' ħidma tal-BCBS; jenfasizza li kull żieda potenzjali fil-mezzi tal-EBA trid tkun akkumpanjata minn miżuri ta' prijoritizzazzjoni adegwati; jissuġġerixxi li, hekk kif ix-xogħol tal-EBA qiegħed jinbidel dejjem aktar minn kompiti leġiżlattivi għal konverġenza superviżorja u infurzar, il-baġit tal-EBA u l-persunal għandhom jiġu allokati kif meħtieġ;

6.  Jisħaq fuq il-fatt li, filwaqt li tiżgura li l-funzjonijiet kollha assenjati lilha jitwettqu bis-sħiħ u fil-ħin, l-EBA għandha żżomm biss mal-kompiti assenjati lilha mill-Parlament Ewropew u mill-Kunsill; jemmen li l-EBA għandha tisfrutta bis-sħiħ il-mandat tagħha biex trawwem b'mod effikaċi l-proporzjonalità; jinnota li, meta l-EBA tkun awtorizzata tfassal miżuri ta' Livell 2 u 3, għandha tagħti attenzjoni partikolari, hija u tfassal dawn l-istandards, lill-karatteristiċi speċifiċi tad-diversi swieq nazzjonali u li l-parteċipanti tas-suq u l-organizzazzjonijiet tal-ħarsien tal-konsumatur ikkonċernati għandhom ikunu involuti f'fażi bikrija fil-proċess ta' definizzjoni tal-istandards u matul il-fażijiet ta' tfassil u implimentazzjoni;

7.  Josserva bi tħassib li l-EBA ma teżerċitax bis-sħiħ il-prerogattivi kollha tagħha stabbiliti fil-qafas ġuridiku tagħha; jenfasizza li l-EBA għandha tiżgura li r-riżorsi huma massimizzati sabiex tissodisfa bis-sħiħ il-mandat ġuridiku tagħha; jinnota f'dan ir-rigward, li jekk tiffoka aktar fuq il-mandat li ngħatalha mill-Parlament Ewropew u mill-Kunsill, dan jista' jwassal biex ir-riżorsi tagħha jintużaw b'mod aktar effiċjenti u biex l-objettivi tagħha jintlaħqu b'aktar effikaċja; jenfasizza li, waqt it-twettiq ta' xogħolha u b'mod partikolari fl-abbozzar tal-istandards tekniċi u tal-pariri tekniċi, l-EBA jeħtiġilha li b'mod tempestiv, regolari u komprensiv tinforma lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar l-attivitajiet tagħha;

8.  Jikkonstata l-baġit emendat b'EUR 1 904 000 bil-għan li tissaħħaħ il-lira sterlina matul l-2015; isostni talba li saret mill-EBA biex jitnaqqas il-baġit tal-2016 fid-dawl tal-fluttwazzjonijiet 'l isfel tar-rata tal-kambju GBP-EUR;

9.  Jikkonkludi li l-arranġament ta' finanzjament tal-EBA għandu jiġi rivedut; jistieden lill-Kummissjoni teżamina l-possibilità li timmodifika l-arranġament ta' finanzjament attwali billi ddaħħal, b'mod xieraq u proporzjonat, drittijiet kalibrati mħallsa mill-parteċipanti tas-suq possibbilment bħala sostituzzjoni parzjali tal-kontributi tal-awtoritajiet nazzjonali kompetenti filwaqt li jkunu żgurati l-awtonomija u l-azzjoni ta' superviżjoni tagħha;

10.  Iqis li l-minuti tal-laqgħat tal-Bord tas-Superviżuri u tal-Gruppi ta' Partijiet Interessati, disponibbli pubblikament għandhom jiġu ppubblikati aktar rapidament biex jitnaqqas il-perjodu latenti attwali ta' massimu ta' tliet xhur bejn il-laqgħat u d-divulgazzjoni tal-minuti, u li dawn għandhom joffru stampa aħjar tad-diskussjonijiet, tal-pożizzjonijiet u tal-imġiba tal-vot tal-membri; jemmen li l-ħidma ta' kuntatt maċ-ċittadini tal-UE tista' titqawwa wkoll permezz tax-xandir dirett fuq l-Internet tal-avvenimenti; iqis deplorevoli li partijiet interessati differenti, inkluż il-Parlament Ewropew, fil-fatt m'għandhomx aċċess ugwali għad-dokumenti u l-informazzjoni minn laqgħat interni; jilqa' l-fatt li minn fost l-ASE, l-EBA tipprovdi l-iktar livell xieraq ta' divulgazzjoni ta' informazzjoni dwar il-laqgħat tal-persunal tagħha mal-partijiet interessati; huwa tal-fehma li l-EBA għandha tistabbilixxi mezz sigur għall-informaturi fil-qafas tal-pjan ta' azzjoni tagħha għas-snin li ġejjin.

RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT LI JINTALAB JAGĦTI OPINJONI

Data tal-adozzjoni

28.2.2017

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

42

1

4

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Gerolf Annemans, Burkhard Balz, Hugues Bayet, Esther de Lange, Fabio De Masi, Anneliese Dodds, Markus Ferber, Jonás Fernández, Sven Giegold, Sylvie Goulard, Roberto Gualtieri, Brian Hayes, Gunnar Hökmark, Danuta Maria Hübner, Cătălin Sorin Ivan, Petr Ježek, Barbara Kappel, Georgios Kyrtsos, Alain Lamassoure, Sander Loones, Bernd Lucke, Olle Ludvigsson, Ivana Maletić, Marisa Matias, Gabriel Mato, Costas Mavrides, Bernard Monot, Luigi Morgano, Stanisław Ożóg, Dimitrios Papadimoulis, Dariusz Rosati, Pirkko Ruohonen-Lerner, Molly Scott Cato, Pedro Silva Pereira, Peter Simon, Theodor Dumitru Stolojan, Paul Tang, Ramon Tremosa i Balcells, Tom Vandenkendelaere, Miguel Viegas, Beatrix von Storch, Jakob von Weizsäcker

Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali

Eva Joly, Thomas Mann, Joachim Starbatty, Nils Torvalds

Sostituti (skont l-Artikolu 200(2)) preżenti għall-votazzjoni finali

Cécile Kashetu Kyenge

INFORMAZZJONI DWAR L-ADOZZJONIFIL-KUMITAT RESPONSABBLI

Data tal-adozzjoni

22.3.2017

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

23

4

0

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Inés Ayala Sender, Dennis de Jong, Tamás Deutsch, Martina Dlabajová, Luke Ming Flanagan, Ingeborg Gräßle, Cătălin Sorin Ivan, Jean-François Jalkh, Bogusław Liberadzki, Monica Macovei, Notis Marias, José Ignacio Salafranca Sánchez-Neyra, Petri Sarvamaa, Claudia Schmidt, Bart Staes, Hannu Takkula, Derek Vaughan, Joachim Zeller

Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali

Richard Ashworth, Gerben-Jan Gerbrandy, Benedek Jávor, Karin Kadenbach, Julia Pitera, Patricija Šulin

Sostituti (skont l-Artikolu 200(2)) preżenti għall-votazzjoni finali

Jens Geier, Piernicola Pedicini, Janusz Zemke

VOTAZZJONI FINALI B'SEJĦA TAL-ISMIJIET FIL-KUMITAT RESPONSABBLI

23

+

ALDE

ECR

GUE/NGL

PPE

S&D

VERTS/ALE

Martina Dlabajová, Gerben-Jan Gerbrandy, Hannu Takkula

Monica Macovei

Luke Ming Flanagan, Dennis de Jong

Tamás Deutsch, Ingeborg Gräßle, Julia Pitera, José Ignacio Salafranca Sánchez-Neyra, Petri Sarvamaa, Claudia Schmidt, Joachim Zeller, Patricija Šulin

Inés Ayala Sender, Jens Geier, Cătălin Sorin Ivan, Karin Kadenbach, Bogusław Liberadzki, Derek Vaughan, Janusz Zemke

Benedek Jávor, Bart Staes

4

-

ECR

EFDD

ENF

Richard Ashworth, Notis Marias

Piernicola Pedicini

Jean-François Jalkh

0

0

Tifsira tas-simboli użati:

+  :  favur

-  :  kontra

0  :  astensjoni

(1)

ĠU C 449, 1.12.2016, p. 72.

(2)

ĠU C 449, 1.12.2016, p. 72.

(3)

ĠU L 298, 26.10.2012, p. 1.

(4)

ĠU L 331, 15.12.2010, p. 12

(5)

ĠU L 328, 7.12.2013, p. 42.

(6)

ĠU C 449, 1.12.2016, p. 72.

(7)

ĠU C 449, 1.12.2016, p. 72.

(8)

ĠU L 298, 26.10.2012, p. 1.

(9)

ĠU L 331, 15.12.2010, p. 12.

(10)

ĠU L 328, 7.12.2013, p. 42.

(11)

Testi adottati ta' dik id-data, P[8_TA(-PROV)(2017)0000].

Avviż legali