Proċedura : 2016/2141(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A8-0119/2017

Testi mressqa :

A8-0119/2017

Dibattiti :

PV 26/04/2017 - 22
CRE 26/04/2017 - 22

Votazzjonijiet :

PV 27/04/2017 - 5.66
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P8_TA(2017)0197

RAPPORT     
PDF 596kWORD 66k
30.3.2017
PE 592.416v02-00 A8-0119/2017

dwar is-sitwazzjoni attwali tal-konċentrazzjoni tal-art agrikola fl-UE: kif niffaċilitaw l-aċċess tal-bdiewa għall-art

(2016/2141(INI))

Kumitat għall-Agrikoltura u l-Iżvilupp Rurali

Rapporteur: Maria Noichl

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW
 NOTA SPJEGATTIVA
 INFORMAZZJONI DWAR L-ADOZZJONIFIL-KUMITAT RESPONSABBLI
 VOTAZZJONI FINALI B'SEJĦA TAL-ISMIJIETFIL-KUMITAT RESPONSABBLI

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW

dwar is-sitwazzjoni attwali tal-konċentrazzjoni tal-art agrikola fl-UE: kif niffaċilitaw l-aċċess tal-bdiewa għall-art

(2016/2141(INI))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew tal-21 ta' Jannar 2015 intitolata "Il-ħtif tal-art – sinjal ta' twissija għall-Ewropa u theddida għall-biedja mill-familji",

–  wara li kkunsidra l-Linji Gwida Volontarji dwar il-Governanza Responsabbli tal-Pussess tal-Art, tas-Sajd u tal-Foresti tal-Kumitat dwar is-Sigurtà Alimentari Dinjija (CFS) tat-12 ta' Mejju 2012,

–  wara li kkunsidra l-Petizzjoni 187/2015 lill-Parlament Ewropew dwar "Il-protezzjoni u l-konservazzjoni tar-raba' fl-Ewropa bħala ġid komuni tagħna: sejħa mill-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili għal politika tal-art sostenibbli u ġusta fl-UE",

–  wara li kkunsidra l-istudju dwar il-livell ta' ħtif ta' artijiet agrikoli fl-UE tal-Kumitat għall-Agrikoltura u l-Iżvilupp Rurali tal-Parlament Ewropew(1),

–  wara li kkunsidra l-proċeduri ta' ksur kontra l-Istati Membri l-Bulgarija, il-Latvja, il-Litwanja, il-Polonja, is-Slovakkja u l-Ungerija, li l-Kummissjoni bdiethom jew qed tippjana li tibdiehom,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 52 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Agrikoltura u l-Iżvilupp Rurali (A8-0119/2017),

A.  billi fl-2013, fl-UE ta' 27 Membru, biss 3,1 % tal-azjendi agrikoli kienu jikkontrollaw 52,2 % mill-artijiet agrikoli fl-Ewropea, u billi, b'kuntrast ma dan, fl-2013, 76,2 % tal-azjendi agrikoli kellhom l-użu ta' biss 11,2 % tal-art agrikola; billi din it-tendenza tmur kontra l-mudell agrikolu sostenibbli u multifunzjonali tal-Ewropa, li fih l-azjendi agrikoli familjali huma fattur importanti;

B.  billi dan iqiegħed l-inugwaljanza tal-użu tal-art fl-UE — b'koeffiċjent Gini ta' 0,82 — fuq l-istess livell ma' dik ta' pajjiżi bħall-Brażil, il-Kolombja u l-Filippini(2);

C.  billi din id-distribuzzjoni inugwali tal-art agrikola hija l-kontroparti tad-distribuzzjoni inugwali tas-sussidji tal-PAK, peress li l-pagamenti diretti – li jammontaw għal proporzjon kbira tal-ispiża tal-PAK – isiru prinċipalment għal kull ettaru;

D.  billi d-distribuzzjoni reali tal-art u tas-sussidji tista' tkun saħansitra aktar inugwali, billi l-istatistika disponibbli ma tħalli lil dak li jkun jiddetermina xejn dwar is-sjieda u l-kontroll tal-azjendi agrikoli;

E.  billi l-aċċess għall-art u l-possibilità ta' sjieda huma drittijiet essenzjali stabbiliti mil-liġijiet nazzjonali ta' kull Stat Membru;

F.  billi l-aċċess għall-art huwa essenzjali għat-twettiq ta' għadd ta' drittijiet tal-bniedem, u għandu impatt fuq il-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea;

G.  billi l-art hija proprjetà, minn naħa waħda u, min-naħa l-oħra, ġid pubbliku, u hija soġġetta għal obbligi soċjali;

H.  billi m'hemm l-ebda kompetenza tal-UE, esklussiva jew kondiviża, rigward l-art, peress li politiki varji tal-UE jindirizzaw aspetti politiċi, soċjali, kulturali u ambjentali differenti tal-ġestjoni tal-art, u b'hekk joħolqu l-ħtieġa ta' approċċ iżjed olistiku lejn il-governanza tal-art fil-livell tal-UE;

I.  billi l-Qorti Kostituzzjonali Ġermaniża kienet diġà ddeċidiet, fis-sentenza tagħha tat-12 ta' Jannar 1967 (1 BvR 169/63, 21, 73–87), li l-kummerċ tal-art rurali m'għandux għalfejn ikun liberu daqs dak fi kwalunkwe kapital ieħor, ladarba l-art ma tistax tiġġedded u hija indispensabbli, u li ordni legali u soċjali ekwu jirrikjedi li l-interess pubbliku fl-art jitqies wisq aktar milli fil-każ ta' kwalunkwe proprjetà oħra(3);

J.  billi l-art hija riżorsa dejjem aktar skarsa, li ma tistax tiġġedded, u billi hija l-bażi tad-dritt tal-bniedem għal ikel suffiċjenti u li jagħti s-saħħa u ta' bosta servizzi ekosistemiċi li huma essenzjali għas-sopravivenza, u għaldaqstant m'għandhiex tiġi ttrattata bħala oġġett ta' merkanzija ordinarja; billi l-art, barra minn hekk, hija mhedda doppjament, minn naħa waħda mit-telf ta' art agrikola permezz tal-issiġillar tal-ħamrija, l-iżvilupp urban, it-turiżmu, proġetti tal-infrastruttura, bdil tal-użu u afforestazzjoni u t-tixrid tad-deżertifikazzjoni kkawżata mit-tibdil fil-klima, u, min-naħa l-oħra, mill-konċentrazzjoni tal-art f'idejn impriżi agrikoli fuq skala kbira u f'idejn investituri minn barra s-settur agrikolu; billi, fl-istess ħin, hija r-responsabbiltà tal-awtoritajiet li jikkontrollaw u jillimitaw it-telf tal-art agrikola minħabba attivitajiet bħal dawn;

K.  billi r-riżorsi tal-art huma sors ta' kunflitti mhux biss rigward l-użu, iżda wkoll bħala riżultat tar-rivalità bejn investituri agrikoli u mhux agrikoli, u bejn ġenerazzjonijiet ta' bdiewa, peress li ż-żgħażagħ li jkunu qed ifittxu li jistabbilixxu lilhom infushom ikollhom aktar diffikultà, minħabba l-ispiża, biex jiksbu aċċess għall-art, speċjalment meta ma jkunux ġejjin minn familji ta' bdiewa;

L.  billi l-Istati Membri huma responsabbli għall-fatt li l-politika tas-suq tal-art u s-suq tal-art agrikola huma rregolati b'modi differenti fl-Istati Membri individwali, u billi dan jista' jkollu impatt serju fuq il-kompetittività tal-azjendi agrikoli fis-suq intern;

M.  billi l-art hija fattur ta' produzzjoni li l-finanzjament tiegħu huwa għali; billi huwa marbut ma' regoli nazzjonali dwar is-suċċessjoni, li jfisser li jkun meħtieġ finanzjament ġdid kull meta tieħu l-art taħt idejha ġenerazzjoni ġdida; billi l-prezzijiet tal-art jaffettwaw il-konċentrazzjoni tal-art; u billi jista' jiġri li l-bdiewa mingħajr familja, fl-aħħar tal-ħajja tax-xogħol tagħhom, ibigħu l-azjendi agrikoli tagħhom lill-ogħla offerent biex iqawwu l-pensjonijiet modesti tagħhom;

N.  billi, fir-Rapport Speċjali Nru 25/2016 tagħha, il-Qorti tal-Awdituri tal-UE tisħaq fuq il-fatt li jeħtieġ li jiġu mtejba s-sistemi użati biex jidentifikaw l-art agrikola għall-finijiet tal-kalkolu tal-eliġibbiltà għall-għajnuna fuq il-bażi tal-erja;

O.  billi l-għodod statistiċi eżistenti fil-livell tal-UE, bħan-Netwerk tad-Data tal-Kontabilità Agrikola (FADN), l-Istħarriġ dwar l-Istruttura tal-Azjendi Agrikoli tal-Eurostat u s-Sistema Integrata ta' Amministrazzjoni u Kontroll (IACS) jiġbru data dwar aspetti differenti tal-pussess tal-art; billi data komprensiva, aġġornata, trasparenti u ta' kwalità għolja dwar il-pussess tal-art, strutturi ta' proprjetà, strutturi tal-kiri, u l-movimenti tal-prezzijiet u tal-volumi fis-swieq tal-artijiet, kif ukoll dwar indikaturi soċjali u ambjentali rilevanti fil-livell Ewropew, sal-lum għadha nieqsa u, f'xi Stati Membri, tinġabar u tiġi ppubblikata biss b'mod parzjali;

P.  billi huwa essenzjali li jkun hemm biżżejjed trasparenza tas-suq, inkluż f'dak li għandu x'jaqsam mad-distribuzzjoni razzjonali tal-art, u billi din it-trasparenza għandha titwessa' biex tinkludi wkoll attivitajiet ta' istituzzjonijiet attivi fis-suq tal-artijiet;

Q.  billi l-bejgħ ta' artijiet agrikoli lil investituri u kumpaniji holding mhux agrikoli huwa problema urġenti madwar l-Unjoni kollha, u billi, wara l-iskadenza tal-moratorji fuq il-bejgħ tal-art lill-barranin, speċjalment l-Istati Membri l-ġodda ħabbtu wiċċhom ma' pressjonijiet partikolarment qawwija biex jemendaw il-leġiżlazzjoni tagħhom, peress li l-prezzijiet tal-art komparattivament baxxi aċċelleraw il-bejgħ ta' art agrikola lil investituri kbar;

R.  billi distribuzzjoni wiesgħa ta' art agrikola hija prinċipju fundatur essenzjali għall-ekonomija soċjali tas-suq, u prekondizzjoni importanti għall-koeżjoni soċjali, għall-ħolqien tal-impjiegi f'żoni rurali, għal livell għoli ta' valur miżjud agrikolu u għall-paċi soċjali;

S.  billi ż-żoni ta' art agrikola użati għall-biedja minn azjendi agrikoli żgħar huma partikolarment importanti għall-ġestjoni tal-ilma u għall-klima, għall-baġit tal-karbonju u għall-produzzjoni ta' ikel li jagħti s-saħħa, kif ukoll għall-bijodiversità, għall-fertilità tal-ħamrija u għall-konservazzjoni tal-pajsaġġ; billi madwar 20 % tal-meded tal-art agrikola fl-Ewropa diġà qed iġarrbu diffikultà minħabba t-tibdil fil-klima, l-erożjoni tal-ħamrija bl-ilma u bir-riħ u l-kultivazzjoni ħażina; u billi, minħabba t-tisħin tal-klima, xi reġjuni tal-UE, b'mod partikolari fin-Nofsinhar tal-Ewropa, diġà huma esposti għal nixfiet u fenomeni oħra ta' temp estrem, li se jikkawżaw deterjorament tal-ħamrija u jillimitaw l-aċċess għal art ta' kwalità tajba u/jew art tajba għall-użu agrikolu;

T.  billi hemm żbilanċ sostanzjali fid-distribuzzjoni ta' art agrikola ta' kwalità għolja, u billi tali art hija deċiżiva għall-kwalità u s-sigurtà tal-ikel, kif ukoll għall-benessri tan-nies;

U.  billi d-domanda għall-ikel u l-għalf, għal fjuwils mhux fossili u għal materja prima rinnovabbli għall-industriji tal-fjuwil, tal-kimika u tat-tessuti, kif ukoll għall-bijoekonmija, dejjem qiegħda tikber, kif qed jikber ukoll, għaldaqstant, il-prezz tal-art;

V.  billi l-azjendi agrikoli ta' daqs żgħir u medju, is-sjieda distribwita jew kiri rregolat sewwa, flimkien mal-aċċess għal art komuni, huma l-aħjar mod biex niżguraw relazzjoni responsabbli mal-art u ġestjoni sostenibbli tagħha, u nrawmu identifikazzjoni u sens ta' appartenenza; billi tali forom ta' pussess jinkoraġġixxu lin-nies jibqgħu fiż-żoni rurali u jippermettulhom jaħdmu f'dawk iż-żoni, li jħalli impatt pożittiv fuq l-infrastruttura soċjoekonomiku taż-żoni rurali, is-sigurtà tal-ikel, is-sovranità alimentari u l-preservazzjoni u l-mod ta' għajxien rurali; billi d-distribuzzjoni inugwali tal-art u tar-riżorsi naturali, u l-aċċess inugwali għalihom, ikattru r-riskji ta' firdiet fis-soċjetà, ta' żbilanċi soċjali, ta' telf fil-kwalità tax-xogħol u tal-ħajja, u ta' tifqir; billi l-konċentrazzjoni għolja ta' poter f'setturi fi ħdan is-suq tal-ikel tal-UE jista' jkolha effett ħażin fuq id-drittijiet tal-konsumaturi u tnaqqas l-introjtu tal-bdiewa; billi l-bdiewa li ma jippossedux l-art tagħhom għandhom jiġu żgurati kuntratti ta' kera li jkunu robusti biżżejjed, u ta' tul ta' żmien suffiċjenti, biex jissalvagwardjaw redditu fuq l-investimenti tagħhom;

W.  billi l-għan tal-politika agrikola Ewropea hija li tippreserva l-mudell Ewropew tal-agrikoltura, ibbażat fuq agrikoltura multifunzjonali kkaratterizzata primarjament minn azjendi agrikoli ta' daqs żgħir sa medju mmexxija minn familji jew minn kooperattivi, bi sjieda tal-art; billi distribuzzjoni wiesgħa ta' assi, sigurtà ta' pussess u aċċess għal art komuni, b'ġestjoni sostenibbli, jiggarantixxu aċċess ġust għar-riżorsi kif ukoll struttura agrikola diversa u bbażata fuq ir-residenza, bi tradizzjonijiet, ċertezza legali u responsabbiltà għall-benefiċċju tas-soċjetà; billi tali mudell jissalvagwardja l-prodotti tradizzjonali u s-sovranità alimentari, u jrawwem l-innovazzjoni filwaqt li jħares l-ambjent u l-ġenerazzjonijiet futuri;

X.  billi, minbarra li jipproduċu l-ikel, l-azjendi agrikoli mmexxija mill-familji jaqdu funzjonijiet soċjali u ambjentali ta' importanza kbira li l-biedja industrijalizzata mhux dejjem tkun fil-qagħda li tipprovdihom; billi l-agrikoltura żgħira u ta' daqs medju mmexxija mill-familji waħedhom, jew bl-appoġġ ta' konsumaturi, hija mudell promettenti ħafna għall-ġejjieni, inkluż mil-lat ekonomiku, peress li azjendi agrikoli ta' dan it-tip sikwit ikunu kkratterizzati minn ammont sostanzjali ta' diversifikazzjoni interna, b'tali mod li jkunu aktar reżiljenti, u jikkontribwixxu għal livell għoli ta' valur miżjud fiż-żoni rurali;

Y.  billi l-konċentrazzjoni tal-art agrikola għandha effett ħażin fuq l-iżvilupp tal-komunitajiet rurali u fuq il-vijabbiltà soċjoekonomika taż-żoni rurali, u twassal għat-telf ta' impjiegi agrikoli, u b'hekk tbaxxi l-istandard tal-għajxien għall-komunità agrikola u d-disponibbiltà ta' provvisti tal-ikel, u toħloq żbilanċi fl-iżvilupp territorjali u fl-isfera soċjali;

Z.  billi l-futur tas-settur agrikolu jiddependi mill-ġenerazzjoni żagħżugħa, u mir-rieda tagħha li tinnova u tinvesti, liema rieda hija fattur deċiżiv għall-ġejjieni taż-żoni rurali peress li tirrappreżenta l-uniku mod kif jista' jintemm it-tixjiħ tal-popolazzjoni tal-bdiewa u tiġi żgurata s-suċċessjoni fl-azjendi agrikoli, li mingħajrha tintilef ukoll il-validità tal-kuntratt bejn il-ġenerazzjonijiet; billi, min-naħa l-oħra, il-bdiewa żgħażagħ u l-imprendituri ġodda jsibuha partikolarment diffiċli li jiksbu aċċess għall-art u għall-kreditu, fatt li x'aktarx jagħmel is-settur anqas attraenti;

AA.  billi l-aċċess għall-art huwa l-prekundizzjoni ewlenija għat-twaqqif ta' azjenda agrikola, li mbagħad tkompli toħloq l-impjiegi u trawwem l-iżvilupp soċjali u ekonomiku;

AB.  billi l-prezzijiet tal-art agrikola u tal-kirjiet f'diversi reġjuni għolew għal livell li jinkoraġġixxu l-ispekulazzjoni finanzjarja, b'tali mod li sar ekonomikament impossibbli għal bosta azjendi agrikoli li jżommu art mikrija jew jakkwistaw art addizzjonali meħtieġa biex lill-azjendi agrikoli żgħar u ta' daqs medju jżommuhom vijabbli, aħseb u ara biex iwaqqfu azjendi agrikoli ġodda, peress li bilkemm għad hemm art disponibbli fis-suq;

AC.  billi differenzi bejn l-Istati Membri fil-prezzijiet tal-art agrikola jkomplu jaċċentwaw il-proċessi ta' konċentrazzjoni, u billi din ix-xejra fil-prezzijiet tal-art ma ssegwix it-tendenzi ekonomiċi f'setturi oħra;

AD.  billi, f'ħafna Stati Membri, il-prezzijiet tal-bejgħ u, f'xi każijiet, tal-kera tal-art agrikola m'għadhomx ibbażati fuq id-dħul li jista' jiġi ġġenerat mill-produzzjoni tal-ikel;

AE.  billi l-kirjiet m'għadhomx ibbażati fuq l-introjti li l-azjendi agrikoli jistgħu jsostnu, hekk li r-rekwiżiti kapitali huma għoljin wisq, u għandhom wisq riskju assoċjat magħhom biex jinkoraġġixxu 'l dak li jkun jidħol għall-attività agrikola;

AF.  billi d-domanda għall-ikel u għall-għalf hija ssupplimentata b'domanda dejjem tikber għal materja prima għall-"bijoekonomija", bħall-bijofjuwils u l-materjali għall-industrija tal-kimika u dik tat-tessuti, b'mod li jħajjar lil operaturi ġodda jakkwistaw art agrikola;

AG.  billi, fid-dawl tal-fatt li xi Stati Membri għad iridu jistabbilixxu politiki tal-art effikaċi, il-politiki u s-sussidji tal-UE jistgħu, f'xi każijiet, jinkoraġġixxu fenomeni ta' konċentrazzjoni, minħabba li l-pagamenti uniċi diretti skont l-erja huma ta' benefiċċju akbar għal azjendi agrikoli kbar u għal bdiewa li diġà huma stabbiliti sew, u billi l-użu ta' dawn il-fondi jwassal biex il-prezzijiet tal-art jogħlew, b'mod li s-suq tal-artijiet ma jibqax aċċessibbli għaż-żgħażagħ, għal operaturi ġodda li jfittxu l-art biex fuqha jistabbilixxu attività agrikola, għal impriżi żgħar u ta' daqs medju li spiss ikunu f'qagħda finanzjarja aktar batuta; billi dan ifisser li, ħafna drabi, fondi agrikoli Ewropej maħsuba wkoll għal azjendi agrikoli żgħar u ta' daqs medju jispiċċaw fil-bwiet il-ħżiena;

AH.  billi l-konċentrazzjoni tal-art f'idejn għadd żgħir ta' produtturi hija distorsjoni fil-proċessi tal-produzzjoni u tas-suq, u jista' jkollha effett kontraproduċenti fuq il-biedja fl-Istati Membri u/jew fl-UE kollha kemm hi;

AI.  billi l-Politika Agrikola Komuni (PAK), kif riformata fl-2013, ikkontribwiet ukoll biex tillimita dawn l-effetti billi introduċiet żieda fil-pagament għall-ewwel ettari, bi tnaqqis gradwali tal-appoġġ; billi, barra minn hekk, dawn il-pagamenti diretti skont l-erja, għandhom rwol essenzjali li jħallu lill-azjendi agrikoli Ewropej li jissodisfaw standards għoljin tal-produzzjoni jkunu kompetittiva u sostenibbli;

AJ.  billi x-xiri ta' art agrikola kien jitqies bħala investiment aktar sikur f'ħafna Stati Membri, b'mod partikolari mill-kriżi ekonomika u finanzjarja tal-2007 'l hawn; billi l-art agrikola nxtrat fi kwantitajiet allarmanti minn investituri mhux agrikoli u minn spekulaturi finanzjarji, bħalma huma fondi tal-pensjonijiet, kumpaniji tal-assigurazzjoni u negozji; u billi s-sjieda tal-art sejra tibqa' investiment sikur anke fil-każ ta' inflazzjoni fil-ġejjieni;

AK.  billi għadd ta' Stati Membri adottaw miżuri regolatorji biex jipproteġu r-raba' tagħhom milli jinxtara minn investituri; billi ġew irreġistrati każijiet ta' frodi fil-forma ta' xiri ta' art li jinvolvi l-użu ta' "pocket contracts", li fihom id-data tal-konklużjoni tal-kuntratt tkun iffalsifikata; billi, fl-istess waqt, investituri akkwistaw ammont kbir ta' art;

AL.  billi l-ħolqien ta' bżieżaq spekulattivi fis-swieq tal-art agrikola għandu konsegwenzi serji għall-biedja, u billi l-ispekulazzjoni fil-prodotti bażiċi fil-boroż tal-kambju tal-futuri tkompli tgħolli l-prezzijiet tal-art agrikola;

AM.  billi hemm bosta fatturi kontribwenti involuti fil-ħtif tal-art, fosthom aktar globalizzazzjoni, it-tkabbir tal-popolazzjoni, id-domanda dejjem tikber għall-prodotti tal-ikel u l-materja prima naturali, u l-effetti kontraproduċenti tal-politika agrikola;

AN.  billi l-konċentrazzjoni mhux ikkontrollata tal-art agrikola qed tirriżulta f'azjendi agrikoli kbar orjentati lejn li jiksbu l-ogħla profitt possibbli mill-produzzjoni agrikola, spiss filwaqt li jikkawżaw ħsara sinifikanti u irriversibbli lill-ambjent;

AO.  billi waħda mill-konsegwenzi tal-konċentrazzjoni ta' sjieda tal-art agrikola hija li l-profitti u l-ħlasijiet tat-taxxa jiġu ttrasferiti miż-żoni rurali lejn il-kwartieri ġenerali ta' negozji kbar;

AP.  billi r-regoli eżistenti dwar il-limiti massimi ta' pagamenti diretti 'l fuq minn EUR 150 000 ma jibqgħux operattivi jekk persuni ġuridiċi jkunu sidien ta' sussidjarji agrikoli multipli, li kull wieħed minnhom jirċievi anqas minn EUR 150 000 f'pagamenti diretti;

AQ.  billi kumpaniji b'responsabbiltà limitata qed jidħlu fl-agrikoltura b'ħeffa allarmanti; billi dawn il-kumpaniji ħafna drabi joperaw b'mod transfruntier, u ħafna drabi jkollhom mudelli ta' negozju ggwidati ħafna iżjed mill-interess fl-ispekulazzjoni fuq l-art milli fil-produzzjoni agrikola;

AR.  billi l-problemi deskritti hawn fuq japplikaw mhux biss għall-art agrikola iżda wkoll, bi grad simili ta' urġenza, għall-foresti u għas-sajd;

1.  Jirrimarka li l-art, il-ġestjoni tagħha, u r-regoli dwar l-iżvilupp urban huma kwistjonijiet li jaqgħu taħt il-kompetenza tal-Istati Membri; jistieden għaldaqstant lill-Istati Membri biex, fil-politiki pubbliċi tagħhom, jieħdu kont aħjar tal-konservazzjoni u l-ġestjoni tal-art agrikola, u tat-trasferimenti tal-art;

2.  Jistieden lill-Kummissjoni tistabbilixxi servizz ta' osservazzjoni għall-ġbir ta' informazzjoni u data dwar il-livell tal-konċentrazzjoni u l-pussess tal-art agrikola madwar l-Unjoni, filwaqt li jkollu l-kompitu li: iżomm rekord tal-prezzijiet tax-xiri u l-kiri u tal-imġiba tas-suq tas-sidien u l-kerrejja; josserva t-telf ta' art agrikola b'segwitu għal bdil fl-użu tal-art, xejriet fil-fertilità tal-ħamrija u l-erożjoni tal-art; joħroġ rapporti fuq bażi regolari;

3.  Iqis li l-Istati Membri jenħtiġilhom jagħtu informazzjoni lil xulxin u lill-Kummissjoni fuq bażi regolari dwar il-leġislazzjoni nazzjonali tagħhom rigward l-art, it-tibdil fl-użu tal-art u, b'mod partikolari, każijiet li jinvolvu xiri spekulattiv tal-art;

4.  Jistieden lill-Kummissjoni twaqqaf task force ta' livell għoli sabiex teżamina l-problema tal-konċentrazzjoni tal-art agrikola, tagħmel studju dwar l-impatt li l-miżuri tal-politika meħuda mill-UE u l-Istati Membri qed ikollhom fuq il-konċentrazzjoni tal-art agrikola u fuq il-produzzjoni agrikola, u tanalizza r-riskji li l-konċentrazzjoni tal-art ikollha għall-provvista tal-ikel, l-impjiegi, l-ambjent, il-kwalità tal-ħamrija u l-iżvilupp rurali;

5.  Jistieden lill-Istati Membri biex fil-politiki tagħhom dwar l-użu tal-art jiffukaw fuq l-użu tal-għodod disponibbli, bħal pereżempju t-tassazzjoni, skemi ta' għajnuna u l-finanzjament tal-PAK, biex madwar l-UE jinżamm mudell agrikolu ta' azjendi agrikoli mmexxija mill-familji;

6.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex b'mod regolari jiġbru data dwar il-livelli tal-kirjiet u l-prezzijiet ta' art ta' kwalità komparabbli, inkluż l-akkwist ta' art permezz ta' xiri ta' ishma u dwar tranżazzjonijiet li jinvolvu żoni kbar ta' art, it-telf ta' pussess, il-ksur tad-drittijiet tal-pussess tal-art, u żidiet fil-prezzijiet spekulattivi, fl-Istati Membri kollha; jistieden lill-Kummissjoni tippubblika linji gwida dwar l-armonizzazzjoni tal-prattiki tal-kontabbiltà, u tħeġġeġ l-iskambju tal-aħjar prattiki li jeżistu fil-leġiżlazzjonijiet nazzjonali, sabiex jiġu identifikati miżuri li jissalvagwardjaw l-art agrikola u l-attivitajiet tal-biedja;

7.  Iqis li huwa meħtieġ li l-Istati Membri joħolqu inventarji armonizzati tal-art agrikola li fihom jinżamm rekord aġġornat u komprensiv tad-drittijiet tas-sjieda kollha u tad-drittijiet tal-użu fir-rigward tal-akkwist ta' art agrikola, filwaqt li jiġu rispettati bis-sħiħ id-drittijiet ta' protezzjoni tad-data tal-partijiet involuti, u jiġu ppreżentati fil-forma ta' statistika anonimizzata u aċċessibbli għall-pubbliku;

8.  Jistieden lill-Kummissjoni, abbażi ta' dan, tirrapporta f'intervalli regolari lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar is-sitwazzjoni tal-użu tal-art u dwar l-istruttura, il-prezzijiet u l-politiki u l-liġijiet nazzjonali dwar is-sjieda u l-kiri tal-art agrikola, u tirrapporta lill-Kumitat dwar is-Sigurtà Alimentari Dinjija (CFS) dwar l-implimentazzjoni min-naħa tal-UE tal-Linji Gwida Volontarji tas-CFS dwar il-Governanza Responsabbli tal-Pussess tal-Art, is-Sajd u l-Foresti fil-Kuntest tas-Sigurtà Alimentari Nazzjonali (VGGT);

9.  Jinnota li l-programmi li jikkonsolidaw oqsma ta' art frammentati, bis-saħħa ta' diversi tipi ta' proċeduri fil-qafas ta' sistema ta' ġestjoni tal-art integrata li tqis il-kundizzjonijiet lokali u reġjonali, jikkostitwixxu strument indispensabbli għat-titjib tal-istrutturi agrikoli u għas-soluzzjoni ta' tilwim dwar l-użu tal-art; jirrakkomanda, f'dan ir-rigward, li fejn il-konsolidazzjoni tal-art issir permezz tal-kiri ta' art, il-prezzijiet tal-kiri jkunu marbuta mal-kapaċità produttiva u l-profittabbiltà, billi dawn huma l-aktar adatti għall-ekonomija agrikola, u jistieden lill-Istati Membri jaqsmu l-esperjenzi tagħhom fil-ġestjoni tal-art agrikola;

10.  Iqis li politiki maħsuba sew u koordinati dwar is-suq tal-artijiet, implimentati bl-istrument ta' ppjanar tal-użu tal-art reġjonali u lokali, għandhom jgħinu biex jitnaqqas l-użu mhux agrikolu tal-art ;

11.  Jirrikonoxxi li filwaqt li l-politika tal-art hija essenzjalment f'idejn l-Istati Membri, din tista' tkun affettwata mill-PAK jew oqsma ta' politika rilevanti, b'impatt serju fuq il-kompetittività tal-azjendi agrikoli fis-suq intern; iqis li l-politika tal-art jeħtiġilha tgħin biex tiġi żgurata distribuzzjoni wiesgħa, ġusta u ekwa tal-pussess tal-art u tal-aċċess għall-art, kif ukoll l-istatus tal-bdiewa bil-qbiela f'qafas xieraq, peress li dan għandu implikazzjonijiet diretti għall-għajxien rurali, il-kundizzjonijiet tax-xogħol u l-kwalità tal-ħajja; jiġbed l-attenzjoni lejn il-funzjoni soċjali importanti tal-pussess u l-ġestjoni tal-art tul il-ġenerazzjonijiet, billi t-telf ta' azjendi agrikoli u l-impjiegi se jwassal għall-kollass tal-agrikoltura fuq skala żgħira Ewropea u għall-qerda taż-żoni rurali, u b'hekk iwassal għal tibdil strutturali mhux mixtieq għas-soċjetà kollha kemm hi;

12.  Jistieden lill-Istati Membri, bil-ħsieb li jintlaħqu l-għanijiet tal-PAK, jagħtu prijorità lill-produtturi lokali żgħar u ta' daqs medju, lill-persuni li għadhom jidħlu fis-suq u lill-bdiewa żgħażagħ, filwaqt li jiġi żgurat aċċess indaqs bejn is-sessi, fix-xiri u l-kiri ta' art agrikola, inklużi drittijiet preventivi fejn stabbilit, u dan billi huwa fl-interess tal-iżvilupp sostenibbli u affidabbli tal-azjendi agrikoli li dawn ikunu s-sidien tal-ikbar parti possibbli tal-art li jikkultivaw, b'mod partikolari fi żmien meta persuni li mhumiex bdiewa huma dejjem aktar interessati li jixtru artijiet agrikoli, ħafna drabi purament għal skopijiet ta' spekulazzjoni; iħeġġeġ lill-Istati Membri jippromwovu azjendi agrikoli fuq skala żgħira mmexxija mill-familji u metodi ta' produzzjoni sostenibbli;

13.  Ifakkar li l-ispejjeż għoljin tal-investimenti jxekklu l-akkwist u l-kiri ta' art agrikola u ta' art b'foresta għall-azjendi agrikoli żgħar u ta' daqs medju mmexxija mill-familji u minn kooperattivi;

14.  Jirrikonoxxi l-importanza tal-azjendi agrikoli fuq skala żgħira mmexxija mill-familji, billi dawn għandhom rwol attiv fil-ħajja ekonomika taż-żoni rurali billi jikkonservaw il-wirt kulturali u jżommu għaddejja l-ħajja rurali, isostnu l-ħajja soċjali u jagħmlu użu sostenibbli mir-riżorsi naturali, apparti li jipproduċu ammont suffiċjenti ta' ikel tajjeb għas-saħħa u ta' kwalità għolja, u jiżguraw distribuzzjoni wiesgħa tas-sjieda tal-art f'żoni bħal dawn; jindika l-problemi li jinqalgħu fit-trasferiment ta' azjendi agrikoli minn ġenerazzjoni għal oħra, b'mod partikolari għal dak li jirrigwarda t-trasferiment ta' azjendi agrikoli barra l-familja, u jistieden lill-Istati Membri jiġbru d-data dwar dawn il-fenomeni u joħolqu qafas ġuridiku biex dawn il-problemi jiġu indirizzati;

15.  Ifakkar li l-PAK tagħti importanza li tħeġġeġ lill-bdiewa żgħażagħ, li l-għan ta' dan huwa li jiġi promoss l-aċċess tagħhom għall-biedja; jitlob, barra minn hekk, għal approċċ komprensiv li jippermetti lill-bdiewa żgħażagħ , lin-nisa u oħrajn b'ħiliet li jixtiequ jibdew attività tal-biedja jew jieħdu responsabbiltà ta' azjenda agrikola; jinnota, madankollu, li dawk li għadhom jidħlu fis-suq għadhom iħabbtu wiċċhom ma' ostakli strutturali bħalma huma l-prezzijiet għolja tal-art jew it-tassazzjoni għolja ta' suċċessjoni ta' azjendi agrikoli minn barra l-familja;

16.  Jenfasizza r-relevanza tal-politika strutturali Ewropea għall-promozzjoni taż-żoni rurali, pereżempju bl-għan li tiġi żgurata, għal dak li jirrigwarda l-aċċess għall-art agrikola, għajnuna speċjali lill-kumpaniji u kooperattivi individwali żgħar u ta' daqs medju, liżgħażagħ u, b'mod partikolari, lin-nisa;

17.  Jenfasizza d-diffikultajiet ta' aċċess għall-kreditu għall-akkwist jew il-pussess ta' art, speċjalment għal dawk li għadhom jidħlu fis-suq u għall-bdiewa żgħażagħ; jistieden lill-Kummissjoni tipprovdi strumenti xierqa, fil-qafas tal-PAK u politiki relatati, li jiffaċilitaw id-dħul tagħhom fil-biedja billi jiġi żgurat aċċess ġust għal kreditu sostenibbli;

18.  Iqis li l-komunitajiet lokali għandhom ikunu involuti fid-deċiżjonijiet dwar l-użu tal-art;

19.  Jistieden lill-Istati Membri jipprovdu inċentivi għall-iżvilupp tal-azjendi agrikoli urbani u forom oħra ta' arranġamenti għall-attività agrikola parteċipattiva u għall-kondiviżjoni tal-art, filwaqt li minn naħa jitqies l-aċċess limitat għall-art agrikola fiż-żoni rurali u, min-naħa l-oħra, l-interess dejjem jikber fl-agrikoltura urbana u periurbana;

20.  Iħeġġeġ lill-Istati Membri jimpenjaw ruħhom aktar fit-trasferiment tal-għarfien permezz ta' proġetti ta' riċerka u innovazzjoni, bl-għan li tittejjeb il-kwalità tal-ħamrija permezz tal-applikazzjoni ta' prattiki agroambjentali, b'rikonoxximent tal-fatt li l-art agrikola hija l-bażi tal-produzzjoni tal-ikel, ta' ekosistemi dejjiema u ta' żoni rurali li qed jirnexxu;

21.  Jistieden lill-Istati Membri jfasslu l-politiki tas-suq tal-art tagħhom, b'tali mod li jippermettu aċċess għas-sjieda jew pussess taħt kundizzjonijiet finanzjarji adattati għall-biedja, u jimmonitorjaw il-prezzijiet tal-art agrikola u l-kirjiet; jitlob, barra minn hekk, biex it-tranżazzjonijiet fuq art agrikola jkunu suġġetti għal proċedura ex-ante li tiċċekkja l-konformità fir-rigward tal-leġiżlazzjonijiet nazzjonali tal-artijiet, li tkun tapplika wkoll għall-fużjonijiet, għad-diviżjonijiet u għall-istabbiliment ta' fondazzjonijiet; huwa tal-fehma li jenħtieġ li jkun hemm kontrolli aktar stretti fuq kuntratti ta' kiri, rekwiżit ta' rappurtar ta' irregolaritajiet, u l-possibbiltà ta' penali, hekk kif spiss il-kiri huwa l-ewwel pass lejn ix-xiri; iħeġġeġ lill-Istati Membri jiżguraw li l-politika tal-kiri tinkludi r-rekwiżit li l-kerrejja jinvolvu ruħhom fil-biedja; iqis li l-politika tas-suq tal-artijiet jenħtieġ li tgħin biex jiġi pprevenut il-ħolqien ta' pożizzjonijiet dominanti fis-swieq tal-artijiet;

22.  Iħeġġeġ lill-Istati Membri kollha jużaw dawn l-istrumenti biex jirregolaw is-suq tal-artijiet kif diġà qed jiġri b'suċċess f'xi Stati Membri, b'konformità mad-dispożizzjonijiet tat-Trattat tal-UE, bħalma huma l-liċenzjar statali tal-bejgħ u l-kiri ta' artijiet, drittijiet ta' prelazzjoni, obbligi li l-kerrejja jinvolvu ruħhom fil-biedja, restrizzjonijiet fuq id-dritt ta' xiri minn persuni ġuridiċi, limiti massimi fuq l-għadd ta' ettari li jistgħu jinxtraw, preferenza għall-bdiewa, attivitajiet bankarji tal-artijiet, indiċi tal-prezzijiet b'referenza għall-introjtu fil-qasam agrikolu, eċċ.;

23.  Jenfasizza l-bżonn li s-sistemi ġudizzjarji nazzjonali jipproteġu d-drittijiet tal-partijiet kollha fir-rigward ta' irregolaritajiet f'kuntratti ta' kiri, u li l-awtoritajiet nazzjonali jeħtiġilhom jieħdu passi biex jeliminaw kull lakuna fil-leġiżlazzjonijiet nazzjonali eżistenti li jagħmluha possibbli li jsiru abbużi ta' kuntratt;

24.  Ifakkar fil-miżuri pożittivi meħuda minn xi Stati Membri fir-regolamentazzjoni tas-swieq tal-artijiet tagħhom sabiex jiġu evitati tranżazzjonijiet spekulattivi tal-art; ifakkar lill-Istati Membri li l-leġiżlazzjoni tat-taxxa tagħtihom vantaġġ effikaċi li permezz tiegħu jirregolaw is-suq tal-art;

25.  Jistieden lill-Istati Membri jsawru l-politika tar-regolamentazzjoni tas-suq tal-artijiet b'mod li tittaffa ż-żieda fil-prezzijiet tax-xiri u tal-kiri ta' art agrikola; jitlob, barra minn hekk, li dawn il-prezzijiet ikunu suġġetti għal proċedura ta' awtorizzazzjoni li tkun tapplika wkoll għall-fużjonijiet, għad-diviżjonijiet u għall-istabbiliment ta' fondazzjonijiet; huwa tal-fehma li jenħtieġ li jkun hemm kontrolli aktar stretti fuq kuntratti ta' kiri, rekwiżit ta' rappurtar ta' irregolaritajiet, u l-possibbiltà ta' penali, hekk kif spiss il-kiri huwa l-ewwel pass lejn ix-xiri;

26.  Jistieden lill-Istati Membri jappoġġaw jew joħolqu istituzzjonijiet adatti b'parteċipazzjoni mill-istat u superviżjoni pubblika għall-ġestjoni tal-art;

27.  Jistieden lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni jappoġġaw il-miżuri innovattivi kollha dwar il-kondiviżjoni tal-art li jippermettu lill-bdiewa żgħażagħ jistabbilixxu ruħhom, b'mod partikolari permezz ta' fondi ta' investiment, abbażi tal-prinċipju ta' solidarjetà, li jippermettu lil dawk li jfaddlu jinvestu l-fondi tagħhom b'mod soċjalment utli billi jgħinu liż-żgħażagħ li m'għandhomx riżorsi biżżejjed jakkwistaw l-art u jibdew karriera fil-biedja;

28.  Jistieden lill-UE u lill-Istati Membri tagħha biex, fl-interess li jiġi żviluppat prinċipju gwida ċar tal-UE dwar l-istruttura tal-biedja, jimplimentaw il-VGGT, ratifikati mill-Istati Membri kollha; jistieden partikolarment lill-Istati Membri biex meta jkunu qed jieħdu miżuri dwar l-użu u l-kontroll ta' riżorsi tal-istat jikkunsidraw l-objettivi soċjali, ekonomiċi u ambjentali usa', u jevitaw l-impatti mhux mixtieqa li jkollhom l-ispekulazzjoni u l-konċentrazzjoni tal-art fuq il-komunitajiet lokali; jistieden lill-Istati Membri jirrappurtaw lill-Kummissjoni dwar l-użu u l-applikazzjoni ta' dawn il-linji gwida fil-politiki tagħhom dwar il-governanza tal-art;

29.  Jissuġġerixxi, f'dan ir-rigward, li l-Kummissjoni tadotta rakkomandazzjonijiet dwar il-governanza tal-art tal-UE, f'konformità mal-VGGT u filwaqt li jitqiesu l-oqfsa orizzontali tal-UE dwar l-agrikoltura, l-ambjent, is-suq intern u l-koeżjoni territorjali;

30.  Jissuġġerixxi li l-pagamenti diretti joffru valur aħjar għall-flus li kieku kienu pagabbli abbażi tal-beni pubbliċi ambjentali u soċjoekonomiċi li toffri azjenda agrikola, aktar milli unikament fuq il-medda ta' art li tkopri;

31.  Jindika l-possibbiltajiet li għandhom l-Istati Membri li jnaqqsu parti mill-pagamenti diretti li jaqbżu l-limitu massimu ta' EUR 150 000 b' minn tal-anqas 5 %, kif stabbilit fl-Artikolu 11 tar-Regolament Nru 1307/2013 (Regolament dwar il-Pagamenti Diretti);

32.  Jemmen li, fil-qafas tal-PAK riformata, jenħtieġ li jiġu introdotti l-limiti u li l-iskema ta' pagamenti diretti tiġi aġġustata, b'tali mod li jingħata piż akbar għall-ewwel ettari, u li jenħtieġ li jittieħdu passi biex jiġi ffaċilitat l-investiment u l-iżburżar ta' għajnuna diretta lill-azjendi agrikoli żgħar; jistieden lill-Kummissjoni tintroduċi sistema ta' distribuzzjoni mill-ġdid aktar effikaċi tal-għajnuna kontra l-konċentrazzjoni tal-art agrikola;

33.  Iħeġġeġ lill-Istati Membri jagħmlu użu ikbar tal-ambitu diġà disponibbli għalihom biex jillimitaw u jqassmu mill-ġdid il-fondi tal-PAK, bħall-possibbiltà li 30 % tal-pagamenti diretti jkunu pagabbli fuq l-ewwel ettari, u dan bħala mod kif jissaħħu l-azjendi agrikoli fuq skala żgħira u dawk immexxija mill-familji, bil-kundizzjoni li, fl-istess ħin, japplikaw ir-rekwiżiti tal-Artikoli 41 u 42 tar-Regolament dwar il-Pagamenti Diretti; jipproponi li trattament favorevoli fuq l-ewwel ettari jenħtieġ li jkun ikkalkulat mhux għal kull azjenda agrikola iżda għal kull kumpanija omm; jistieden għalhekk lill-Kummissjoni tippubblika informazzjoni, f'konformità mar-regoli dwar il-protezzjoni tad-data, mhux biss dwar is-sidien ta' azjendi agrikoli li jirċievu sussidji tal-PAK, iżda wkoll dwar il-benefiċjarji bħalma huma s-sidien tal-art/kumpaniji omm;

34.  Jenfasizza l-importanza ta' definizzjoni distintiva madwar l-UE ta' 'bidwi attiv' li tkun marbuta b'mod ċar mal-kunċett ta' xogħol fuq azjenda agrikola u li tagħmel distinzjoni preċiża bejn art eliġibbli u art mhux eliġibbli (eż. ajruporti, żoni miftuħa industrijali, korsi tal-golf); jistieden lill-Kummissjoni tiżgura li l-bdiewa attivi biss ikunu benefiċjarji tal-appoġġ dirett;

35.  Jistieden lill-Kummissjoni timmonitorja l-oqsma politiċi rilevanti kollha, bħall-agrikoltura, l-enerġija, l-ambjent, l-iżvilupp reġjonali, il-mobbiltà, il-finanzi u l-investiment, biex tara jekk dawn jippromwovux jew jaġixxux kontra l-konċentrazzjoni tal-art agrikola fl-UE u, bil-parteċipazzjoni tal-bdiewa u l-organizzazzjonijiet tagħhom kif ukoll tal-atturi tas-soċjetà ċivili rilevanti oħra, tvara proċedura ta' konsultazzjoni biex tivvaluta s-sitwazzjoni attwali rigward l-amministrazzjoni tal-art agrikola f'konformità mal-VGGT u t-termini ta' referenza adottati mis-CFS;

36.  Jirrakkomanda li l-Istati Membri jwettqu eżami mmirat tal-implimentazzjoni nazzjonali tal-PAK attwali, bil-ħsieb li jiġi identifikat kwalunkwe effett mhux mixtieq tal-konċentrazzjoni tal-art;

37.  Jaqbel mal-konklużjoni tal-Kummissjoni li l-art hija riżorsa limitata li diġà qiegħda taħt ħafna pressjoni minħabba t-tibdil fil-klima, l-erożjoni tal-ħamrija u l-isfruttament żejjed jew bidla fl-użu tagħha, u għalhekk jappoġġa miżuri ekosoċjali li jipproteġu l-art, filwaqt li jenfasizza li l-art hija kwistjoni li r-responsabbiltà unika tagħha hija f'idejn l-Istati Membri;

38.  Jitlob li l-art agrikola tingħatalha protezzjoni speċjali bil-ħsieb li l-Istati Membri, f'koordinazzjoni mal-awtoritajiet lokali u l-organizzazzjonijiet tal-bdiewa, ikunu jistgħu jirregolaw il-bejgħ, l-użu u l-kiri tal-art agrikola sabiex tkun żgurata s-sigurtà tal-ikel b'konformità mat-Trattati tal-UE u l-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja dwar il-pussess tal-art u l-aċċess għall-art, u anke fir-rigward tal-erba' libertajiet fundamentali Ewropej u l-interess pubbliku;

39.  Jissuġġerixxi li, fl-interess tat-trasparenza interistituzzjonali, il-Kummissjoni jenħtieġ li tagħti lill-Parlament aktar għarfien dwar id-dokumenti ta' ksur tat-Trattati u l-proċedimenti preliminari fir-rigward tar-regolamentazzjoni tas-suq tal-artijiet mill-Istati Membri;

40.  Jistieden lill-Kummissjoni biex, flimkien mal-Istati Membri u l-partijiet interessati, tippubblika sett ċar u komprensiv ta' kriterji, inklużi tranżazzjonijiet ta' art agrikola fis-swieq kapitali, li jiżguraw kundizzjonijiet ekwi u jagħmluha ċara għall-Istati Membri liema miżuri ta' regolazzjoni tas-suq tal-artijiet huma permessi, filwaqt li jitqiesu l-interess pubbliku u l-erba' libertajiet fundamentali tal-Unjoni Ewropea, bil-ħsieb li jiġi żgurat akkwist aktar faċli mill-bdiewa ta' art għall-biedja u l-forestrija; jistieden lill-Kummissjoni tikkunsidra moratorju fuq il-proċedimenti li għaddejjin immirati biex jivvalutaw jekk il-leġiżlazzjonijiet tal-Istati Membri dwar il-kummerċ ta' art agrikola jikkonformawx mad-dritt tal-UE sa ma jiġi ppubblikat is-sett ta' kriterji msemmi qabel;

41.  Jistieden lill-Kummissjoni tqajjem kuxjenza fost l-Istati Membri u tappoġġahom fil-ġlieda kontra l-evażjoni tat-taxxa, il-korruzzjoni u l-prattiki illegali (bħal pereżempju l-'pocket contracts') fir-rigward tat-tranżazzjonijiet tal-art; jiġbed l-attenzjoni lejn l-abbużi li qed jiġu investigati mill-awtoritajiet ġudizzjarji f'ċerti Stati Membri dwar il-proċess tal-akkwist ta' art agrikola;

42.  Jilqa' l-proposta għas-simplifikazzjoni tal-PAK, b'mod partikolari dawk il-miżuri mmirati biex inaqqsu l-ispejjeż u l-piżijiet amministrattivi minn fuq l-azjendi agrikoli mmexxija mill-familji, kif ukoll għall-intrapriżi mikro, żgħar u ta' daqs medju f'żoni rurali;

43.  Jistieden lill-Kummissjoni biex, matul l-iżvilupp tal-abbozz tal-PAK għall-perjodu ta' wara l-2020, iżżomm il-miżuri kontra l-konċentrazzjoni tal-art agrikola u tiżviluppa miżuri addizzjonali għall-appoġġ lill-intrapriżi mikro, żgħar u ta' daqs medju;

44.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni, kif ukoll lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri.

(1)

Studju intitolat "Extent of Farmland Grabbing in the EU" tal-Kumitat għall-Agrikoltura u l-Iżvilupp Rurali tal-Parlament Ewropew, p. 24 (PE540.369).

(2)

ibid.

(3)

Landwirtschaftliche Bodenmarktpolitik: Allgemeine Situation und Handlungsoptionen Bericht der Bund-Länder-Arbeitsgruppe 'Bodenmarktpolitik' gemäß Beschluss der Amtschefinnen und Amtschefs der Agrarressorts der Länder vom 16. Januar 2014 (Marzu 2015), p. 37.


NOTA SPJEGATTIVA

Il-konċentrazzjoni tal-art – kwistjoni Ewropea

Kwistjonijiet bħall-ħtif tal-art u l-konċentrazzjoni tal-art ilhom żmien twil assoċjati mal-pajjiżi tan-Nofsinhar tad-dinja. Madankollu, wara eżami iżjed dettaljat, jidher li l-konċentrazzjoni tal-art agrikola ilha għal bosta snin kwistjoni Ewropea wkoll.

Il-konċentrazzjoni tal-art isseħħ meta l-kummerċ ta' art agrikola jwassal għal akkwist ta' art f'livell li mhuwiex normali fl-Ewropa.

Ċifri mill-2010 juru li fl-UE-27, 3 % biss tal-azjendi agrikoli diġà kienu jikkontrollaw 50 % tal-art agrikola utilizzata, filwaqt li fl-2012, 80 % tal-azjendi agrikoli kellhom l-użu biss ta' 12 % tal-art agrikola.

Il-livell ta' konċentrazzjoni tal-art agrikola fl-Ewropa huwa simili għad-distribuzzjoni żbilanċjata tas-sjieda tal-art f'pajjiżi bħalma huma l-Brażil, il-Kolombja u l-Filippini.

L-art agrikola mhijiex oġġett tal-merkanzija ordinarja, peress li l-ħamrija mhijiex rinnovabbli u l-aċċess għaliha huwa dritt tal-bniedem. Il-konċentrazzjoni tal-art agrikola f'idejn ftit operaturi biss hija marbuta ma' effetti soċjali, kulturali, ekonomiċi u politiċi profondi fl-Istati Membri kollha tal-UE.

L-istess bħall-konċentrazzjoni tal-ġid finanzjarju, konċentrazzjoni kbira żżejjed ta' art agrikola taqsam is-soċjetà, tiddestabbilizza l-ispazji rurali, tipperikola s-sikurezza tal-ikel u b'hekk tippreġudika l-objettivi ambjentali u soċjali tal-Ewropa.

B'mod ġenerali hemm nuqqas ta' data komprensiva, trasparenti, aġġornata u ta' kwalità għolja standardizzata f'livell Ewropew dwar iċ-ċaqliq tal-prezzijiet u tal-volumi fis-suq Ewropew tal-artijiet. Dan japplika kemm għall-prezzijiet tax-xiri u tal-kiri ta' art agrikola kif ukoll għall-ishma f'azjendi agrikoli.

L-impatt fuq l-agrikoltura fl-Ewropa

F'ħafna reġjuni Ewropej il-prezzijiet tal-bejgħ u l-kiri ta' art agrikola laħqu livell li jagħmilha impossibbli għal ħafna azjendi agrikoli li jipproteġu ruħhom mit-telf ta' art mikrija jew li jakkwistaw aktar art biex ikunu jistgħu jżommu l-azjendi agrikoli tagħhom vijabbli. Apparti l-fatt li bilkemm hemm art disponibbli fis-suq, il-prezzijiet tal-kiri m'għadhomx orjentati aktar lejn il-produzzjoni agrikola potenzjali. Għalhekk l-investiment ta' kapital meħtieġ għal bosta persuni li għadhom jidħlu fis-suq huwa għoli u riskjuż wisq.

L-impatt fuq is-soċjetà

Il-konċentrazzjoni tal-art tikkonċerna mal-ewwel daqqa t'għajn lill-bdiewa u lill-ħaddiema agrikoli. Iżda jekk wieħed janalizza l-kwistjoni aħjar, jirriżulta li hemm implikazzjonijiet għas-soċjetà kollha kemm hi.

Is-sjieda hija l-aħjar mod kif tiġi żgurata konnessjoni responsabbli mal-ħamrija u l-ġestjoni sostenibbli tagħha. Hija tippromwovi sens ta' appartenenza u b'hekk tħeġġeġ lill-persuni jibqgħu jgħixu fiż-żoni rurali.

Distribuzzjoni wiesgħa tas-sjieda tal-art hija prinċipju fundamentali ewlieni tal-ekonomija tas-suq soċjali u prekundizzjoni importanti għall-koeżjoni soċjali tal-ekonomija ta' pajjiż. L-artijiet użati għall-agrikoltura mhumiex biss il-bażi insostitwibbli għall-produzzjoni ta' ikel u għalf ta' kwalità għolja, iżda huma wkoll ta' importanza speċjali għall-ġestjoni tal-ilma, kif ukoll għall-bijodiversità u l-fertilità tal-ħamrija, li diġà qed isofru mit-tibdil fil-klima u l-erożjoni tal-ħamrija.

Raġunijiet għall-konċentrazzjoni tal-art agrikola fl-UE u l-isfidi tagħha

Anki jekk il-livell tal-prezzijiet tal-art agrikola fl-Istati Membri tal-UE jvarja, il-konċentrazzjoni tal-art qed tiżdied kontinwament, u għalhekk għandha impatti negattivi fuq il-bdiewa.

Ir-raġunijiet għall-konċentrazzjoni tal-art fl-UE huma diversi. Pereżempju, minħabba d-domanda dejjem ikbar għall-ikel, għall-għalf, għall-materja prima rinnovabbli għall-industrija tal-karburanti, tal-kimiċi u tat-tessuti, kif ukoll tal-karburanti mhux fossili, attwalment l-akkwist tal-art jitqies bħala wieħed mill-aħjar possibbiltajiet ta' investiment sikuri u ta' profitt għall-investituri mad-dinja kollha.

Il-fażi kontinwa ta' rati ta' interessi baxxi mindu bdiet il-kriżi finanzjarja hija waħda mir-raġunijiet għall-"ġirja lejn assi reali", jiġifieri lejn is-sjieda tal-art. Konsegwentement, anki investituri minn barra s-settur agrikolu huma interessati fl-akkwist tal-art.

Minbarra l-konċentrazzjoni tal-art, l-użu mhux agrikolu fil-forma tas-siġillar tal-ħamrija, l-iżvilupp urban, it-turiżmu u l-infrastruttura huwa theddida għall-art agrikola minnu nnifsu.

Barra minn hekk, diversi politiki u sussidji tal-UE jħeġġu lill-azjendi agrikoli jespandu jew jattiraw investituri barra mis-settur lejn is-sjieda tal-art. Pereżempju, il-pagamenti diretti marbuta mal-art iwasslu biex b'mod sproporzjonat l-akbar azjendi agrikoli jirċievu l-akbar appoġġ.

Programmi ta' appoġġ simili tal-UE jew tal-Istati Membri, li pereżempju, jippromwovu karburanti mhux fossili, għandhom effett simili, u b'hekk iżidu l-kompetizzjoni għall-art għall-"ikel, l-għalf u l-karburanti".

Il-firxa tal-konċentrazzjoni tal-art u l-ħeffa li biha qed isseħħ huma allarmanti, b'mod partikolari f'pajjiżi bħar-Rumanija, l-Ungerija u l-Bulgarija. Madankollu, dawn il-problemi jinħassu anke fil-Ġermanja, fl-Italja u fi Spanja.

Diversi Stati Membri rrikonoxxew il-problema u qed jippruvaw jegħilbu din ix-xejra permezz tal-leġiżlazzjoni. Dan spiss iwassal għal kunflitt ma' waħda mill-erba' libertajiet bażiċi Ewropej: il-moviment liberu tal-kapital. Din il-libertà fundamentali, li tapplika bi dritt fl-UE kollha u tinkorpora projbizzjoni fuq id-diskriminazzjoni kontra persuni b'ċittadinanza ta' pajjiżi oħra tal-UE, tiffaċċja reżistenza meta niġu għall-bejgħ ta' art agrikola.

L-aċċess għall-art agrikola huwa essenzjali

Il-konċentrazzjoni tal-art agrikola fl-UE għandha diversi impatti fuq is-soċjetà u fuq il-bdiewa li jipprattikaw xogħolhom. Il-futur tas-settur agrikolu jiddependi mill-aċċess għall-art agrikola miż-żgħażagħ. L-istat ta' tħejjija tagħhom għall-innovazzjoni u l-investiment huwa essenzjali għall-futur taż-żoni rurali. Huwa hekk biss li jista' jitwaqqaf it-tixjieħ fil-popolazzjoni attiva fil-biedja u jiġu żgurati s-suċċessjonijiet tal-azjendi agrikoli u l-għan ta' agrikoltura multifunzjonali, b'familji u kooperattivi sidien tal-azjendi agrikoli tagħhom stess.


INFORMAZZJONI DWAR L-ADOZZJONIFIL-KUMITAT RESPONSABBLI

Data tal-adozzjoni

21.3.2017

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

34

2

6

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

John Stuart Agnew, Clara Eugenia Aguilera García, Eric Andrieu, José Bové, Daniel Buda, Nicola Caputo, Michel Dantin, Jean-Paul Denanot, Albert Deß, Diane Dodds, Herbert Dorfmann, Norbert Erdős, Luke Ming Flanagan, Martin Häusling, Esther Herranz García, Jan Huitema, Peter Jahr, Ivan Jakovčić, Elisabeth Köstinger, Zbigniew Kuźmiuk, Philippe Loiseau, Mairead McGuinness, Nuno Melo, Ulrike Müller, James Nicholson, Maria Noichl, Marijana Petir, Laurenţiu Rebega, Jens Rohde, Maria Lidia Senra Rodríguez, Ricardo Serrão Santos, Czesław Adam Siekierski, Tibor Szanyi, Marco Zullo

Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali

Paul Brannen, Angélique Delahaye, Maria Heubuch, Karin Kadenbach, Anthea McIntyre, Massimo Paolucci, John Procter, Molly Scott Cato, Estefanía Torres Martínez, Vladimir Urutchev


VOTAZZJONI FINALI B'SEJĦA TAL-ISMIJIETFIL-KUMITAT RESPONSABBLI

34

+

ALDE

Jan Huitema, Ivan Jakovčić, Ulrike Müller, Jens Rohde

ECR

Zbigniew Kuźmiuk

EFDD

Marco Zullo

ENF

Laurenţiu Rebega

GUE/NGL

Luke Ming Flanagan, Maria Lidia Senra Rodríguez, Estefanía Torres Martínez

NI

Diane Dodds

PPE

Daniel Buda, Michel Dantin, Herbert Dorfmann, Norbert Erdős, Esther Herranz García, Elisabeth Köstinger, Nuno Melo, Marijana Petir, Czesław Adam Siekierski, Vladimir Urutchev

S&D

Clara Eugenia Aguilera García, Eric Andrieu, Paul Brannen, Nicola Caputo, Jean-Paul Denanot, Karin Kadenbach, Maria Noichl, Massimo Paolucci, Ricardo Serrão Santos, Tibor Szanyi

Verts/ALE

José Bové, Martin Häusling, Molly Scott Cato

2

-

EFDD

John Stuart Agnew

ENF

Philippe Loiseau

6

0

ECR

Anthea McIntyre, James Nicholson, John Procter

PPE

Albert Deß, Peter Jahr, Mairead McGuinness

Tifsira tas-simboli użati:

+  :  favur

-  :  kontra

0  :  astensjoni

Avviż legali