Proċedura : 2015/2059(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A8-0123/2017

Testi mressqa :

A8-0123/2017

Dibattiti :

PV 17/05/2017 - 20
CRE 17/05/2017 - 20

Votazzjonijiet :

PV 18/05/2017 - 11.9
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P8_TA(2017)0225

RAPPORT     
PDF 619kWORD 57k
10.4.2017
PE 587.531v03-00 A8-0123/2017

dwar l-implimentazzjoni tal-Ftehim ta' Kummerċ Ħieles bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tal-Korea

(2015/2059(INI))

Kumitat għall-Kummerċ Internazzjonali

Rapporteur: Adam Szejnfeld

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW
 OPINJONI tal-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali
 INFORMAZZJONI DWAR L-ADOZZJONIFIL-KUMITAT RESPONSABBLI
 VOTAZZJONI FINALI B'SEJĦA TAL-ISMIJIET FIL-KUMITAT RESPONSABBLI

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW

dwar l-implimentazzjoni tal-Ftehim ta' Kummerċ Ħieles bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tal-Korea

(2015/2059(INI))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-Ftehim ta' Kummerċ Ħieles tas-16 ta' Settembru 2010 bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, min-naħa waħda, u r-Repubblika tal-Korea, min-naħa l-oħra(1),

–  wara li kkunsidra l-Ftehim Qafas dwar il-Kummerċ u l-Koperazzjoni tat-30 ta' Marzu 2001, bejn il-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, fuq naħa waħda, u r-Repubblika tal-Korea, fuq in-naħa l-oħra(2),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-14 ta' Ottubru 2015 bit-titolu "Kummerċ għal kulħadd – Lejn politika aktar responsabbli għall-kummerċ u l-investiment'' (COM(2015)0497)(3),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-7 ta' Lulju 2015 dwar l-impatt estern tal-politika kummerċjali u tal-investiment tal-UE fuq l-inizjattivi pubbliċi-privati f'pajjiżi barra l-UE(4),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-27 ta' Settembru 2011 dwar Politika Kummerċjali Ġdida għall-Ewropa fl-ambitu tal-Istrateġija Ewropa 2020(5),

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 511/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Mejju 2011 li jimplimenta l-klawsola ta' salvagwardja bilaterali tal-Ftehim ta' Kummerċ Ħieles bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha u r-Repubblika tal-Korea(6),

–  wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill tas-16 ta' Settembru 2010 dwar l-iffirmar, f'isem l-Unjoni Ewropea, u l-applikazzjoni provviżorja tal-Ftehim ta' Kummerċ Ħieles bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, min-naħa waħda, u r-Repubblika tal-Korea, min-naħa l-oħra(7),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-17 ta' Frar 2011 dwar l-abbozz ta' deċiżjoni tal- Kunsill dwar il-konklużjoni tal-Ftehim ta' Kummerċ Ħieles bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, min-naħa l-waħda, u r-Repubblika tal-Korea, min-naħa l-oħra(8),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-25 ta' Novembru 2010 dwar il-Politika dwar il-Kummerċ Internazzjonali fil-kuntest tal-imperattivi marbuta mat-tibdil fil-klima(9),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-25 ta' Novembru 2010 dwar id-drittijiet tal-bniedem u l-istandards soċjali u ambjentali fil-Ftehimiet ta' Kummerċ Internazzjonali(10),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-25 ta' Novembru 2010 dwar ir-responsabilità soċjali tal-kumpaniji fil-ftehimiet kummerċjali internazzjonali(11),

–  wara li kkunsidra l-Ftehim ta' Marrakech li stabbilixxa l-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ,

  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-5 ta' Lulju 2016 dwar strateġija futura ġdida progressiva u innovattiva dwar il-kummerċ u l-investiment(12),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 21 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE),

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 207, 208 u 218 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 52 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kummerċ Internazzjonali u l-opinjoni tal-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali (A8-0123/2017),

A.  billi l-1 ta' Lulju 2016 inzerta l-ħames anniversarju tad-dħul fis-seħħ tal-Ftehim ta' Kummerċ Ħieles bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha u r-Repubblika tal-Korea ("il-Korea");

B.  billi l-istrateġija kummerċjali l-ġdida tal-Kummissjoni "Kummerċ għal Kulħadd" tenfasizza l-importanza li tiġi żgurata implimentazzjoni effettiva tal-ftehimiet ta' kummerċ ħieles tal-UE, inkluż permezz tal-użu tal-mekkaniżmi għas-soluzzjoni tat-tilwim tagħha;

C.  billi l-Ftehim ta' Kummerċ Ħieles bejn l-UE u l-Korea ("il-Ftehim") daħal fis-seħħ b'mod formali wara li ġie rratifikat mill-Istati Membri tal-UE fit-13 ta' Diċembru 2015;

D.  billi l-Ftehim ta' Kummerċ Ħieles bejn l-UE u l-Korea huwa l-ewwel minn ġenerazzjoni ġdida ta' ftehimiet ta' kummerċ ħieles konklużi mill-UE ma' wieħed mill-pajjiżi sħab tal-Asja, li minbarra li jneħħi t-tariffi, jinkludi wkoll regoli dwar l-eliminazzjoni ta' ostakli nontariffarji, biex b'hekk joħloq opportunitajiet ġodda ta' aċċess għas-suq għas-servizzi u l-investimenti, kif ukoll fl-oqsma tal-proprjetà intellettwali, l-akkwist pubbliku u l-politika tal-kompetizzjoni, u b'hekk se jservi ta' mudell għall-ftehimiet ta' kummerċ ħieles fil-ġejjieni;

E.  billi matul il-perjodu tal-validità tal-Ftehim ta' Kummerċ Ħieles bejn l-UE u l-Korea:

– id-defiċit kummerċjali tal-UE, li kien jammonta għal EUR 7,6 biljun fil-perjodu ta' 12-il xahar ta' qabel sar validu l-Ftehim, inbidel f'bilanċ kummerċjali favorevoli ta' EUR 2,5 biljun fil-ħames sena tal-validità tal-Ftehim;

– l-esportazzjonijiet mill-UE lejn il-Korea kibru b'47 %, minn EUR 30,6 biljun fil-perjodu ta' 12-il xahar qabel sar validu l-Ftehim, għal EUR 44,9 biljun fil-ħames sena tal-validità tal-Ftehim, inklużi l-esportazzjonijiet tal-UE lejn il-Korea ta' prodotti li kienu kompletament jew parzjalment liberalizzati mill-Ftehim, li żdiedu b'57 % u 71 % rispettivament, u l-esportazzjonijiet tal-UE lejn il-Korea ta' prodotti soġġetti għal rata ta' dazju żero taħt il-klawsola tan-Nazzjon l-Aktar Iffavorit (MFN), li żdiedu b'25 % (EUR 1,9 biljun);

+– l-importazzjonijiet lejn l-UE mill-Korea fil-ħames sena tal-validità tal-Ftehim kienu jammontaw għal EUR 42,3 biljun u kienu kibru bi 11 % meta mqabbla mal-perjodu ta' 12-il xahar qabel sar validu l-Ftehim, inklużi l-esportazzjonijiet Koreani lejn l-UE ta' prodotti li kienu kompletament jew parzjalment liberalizzati mill-Ftehim, li żdiedu b'35 % u 64 % rispettivament (b'EUR 5,0 biljun u EUR 0,5 biljun rispettivament), u l-esportazzjonijiet Koreani lejn l-UE ta' prodotti soġġetti għal rata ta' dazju żero taħt il-klawsola tan-Nazzjon l-Aktar Iffavorit (MFN), li żdiedu b'29 % (EUR 5,8 biljun);

– is-sehem tal-UE fit-total ta' importazzjonijiet Koreani kiber minn 9 % qabel id-dħul fis-seħħ tal-Ftehim għal 13 % fir-raba' sena tal-validità tiegħu; fl-istess ħin, is-sehem tal-UE fit-total tal-esportazzjonijiet Koreani naqas minn 11 % għal ftit anqas minn 9 %;

– l-esportazzjonijiet ta' vetturi tal-passiġġieri mill-UE lejn il-Korea kibru b'246 %, minn EUR 2,0 biljun fil-perjodu ta' 12-il xahar qabel sar validu l-Ftehim għal EUR 6,9 biljun fil-ħames sena tal-validità tiegħu;

– l-importazzjonijiet fl-UE ta' vetturi tal-passiġġieri mill-Korea kibru b'71 %, minn EUR 2,6 biljun fil-perjodu ta' 12-il xahar qabel sar validu l-Ftehim għal EUR 4,5 biljun fil-ħames sena tal-validità tiegħu;

– l-esportazzjonijiet tal-UE ta' servizzi kienu jammontaw għal EUR 11,9 biljun fl-2014, tkabbir ta' 11 % meta mqabbel mas-sena preċedenti, u wasslu għal bilanċ kummerċjali favorevoli għall-UE mal-Korea fis-settur tas-servizzi li kien jammonta għal EUR 6,0 biljun fl-2014; fl-istess ħin, l-importazzjonijiet lejn l-UE ta' servizzi mill-Korea kienu jammontaw għal EUR 6,0 biljun, li jfisser żieda ta' 4 % meta mqabbel mal-2013;

– l-investiment dirett barrani (IDB) tal-UE fil-Korea fl-2014 laħaq EUR 43,7 biljun, li jagħmel mill-UE l-akbar investitur fil-Korea; l-IDB mill-Korea fl-UE, min-naħa l-oħra, laħaq l-EUR 20,3 biljun, li jfisser żieda ta' 35 % meta mqabbel mas-sena preċedenti;

- ir-rata tal-utilizzazzjoni tal-preferenzi tal-UE fis-suq Korean kibret għal 68,5 %, filwaqt li r-rata tal-utilizzazzjoni tal-preferenzi tal-Korea kienet tammonta għal madwar 85 %;

– ġew stabbiliti seba' kumitati speċjali, seba' gruppi ta' ħidma, u djalogu dwar il-proprjetà intellettwali;

– il-Kumitat għall-Kummerċ u l-Iżvilupp Sostenibbli – li huwa korp speċjalizzat li jiffoka fuq l-implimentazzjoni tal-kapitolu dwar il-kummerċ u l-iżvilupp sostenibbli tal-Ftehim UE-Korea – qiegħed jiffunzjona;

1.  Ifakkar li l-Ftehim ta' Kummerċ Ħieles bejn l-UE u l-Korea jirrappreżenta proċess u mhux tranżazzjoni ta' darba, u għaldaqstant l-attivitajiet tiegħu, skont id-dispożizzjonijiet tal-Ftehim, fil-prattika għandhom ikomplu jibqgħu soġġetti għal analiżijiet u valutazzjonijiet perjodiċi dwar l-impatt kummerċjali fuq setturi ekonomiċi speċifiċi tal-UE u ta' kull Stat Membru rispettivament; jenfasizza f'dan il-kuntest, l-importanza li jiġi żgurat li l-Ftehim jiġi implimentat kif xieraq u d-dispożizzjonijiet tiegħu jiġu osservati;

2.  Jilqa' l-fatt li l-Ftehim wassal għal tkabbir sinifikanti fil-kummerċ bejn l-UE u l-Korea; iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex ikomplu jeżaminaw il-konsegwenzi u l-impatt dirett tal-Ftehim fuq il-benesseri tal-konsumatur, l-intraprendituri u l-ekonomija Ewropea u biex il-pubbliku jiġi informat b'mod aktar effettiv dwar tali impatti;

3.  Jenfasizza li l-konklużjoni tal-Ftehim kienet mingħajr preċedent, kemm f'termini tal-ambitu tal-Ftehim kif ukoll f'termini tal-ħeffa li biha l-ostakli għall-kummerċ kellhom jitneħħew, pereżempju, ħames snin wara li l-Ftehim daħal fis-seħħ prattikament id-dazji kollha fuq l-importazzjoni kienu tneħħew miż-żewġ naħat;

4.  Jirrimarka li l-Ftehim ta' Kummerċ Ħieles bejn l-UE u l-Korea, bħal ftehimiet oħra dwar il-kummerċ ħieles, is-servizzi u l-investimenti, għandu impatt pożittiv fuq l-iżvilupp soċjoekonomiku tal-partijiet għall-Ftehim, fuq l-integrazzjoni ekonomika, fuq l-iżvilupp sostenibbli, u fuq it-tqarrib tal-pajjiżi u ċ-ċittadini tagħhom;

5.  Jikkonstata l-isforzi tal-Forum tas-Soċjetà Ċivili u tal-gruppi konsultattivi domestiċi li ġew stabbiliti bi qbil mad-dispożizzjonijiet stipulati fil-kapitolu dwar il-Kummerċ u l-Iżvilupp Sostenibbli, li hu parti integrali tal-pakkett globali tal-Ftehim ta' Kummerċ Ħieles; ifakkar li ż-żewġ partijiet impenjaw lilhom infushom, skont l-Artikolu 13.4 tal-Ftehim li jirrispettaw, jippromwovu u jwettqu fil-liġijiet u l-prattiki tagħhom, il-prinċipji li joriġinaw mill-obbligi tagħhom derivati mis-sħubija fl-ILO u mid-Dikjarazzjoni tal-ILO dwar il-Prinċipji u d-Drittijiet Fundamentali fuq ix-Xogħol, partikolarment il-libertà ta' assoċjazzjoni u d-dritt għal negozjar kollettiv; jenfasizza, madankollu, li l-progress magħmul mill-Korea dwar l-objettivi li jirfdu l-kapitolu dwar il-Kummerċ u l-Iżvilupp Sostenibbli mhuwiex sodisfaċenti, u li għad hemm każijiet ta' ksur tal-libertà ta' assoċjazzjoni, inkluż każijiet preokkupanti ta' tfigħ il-ħabs ta' kapijiet ta' trejdjunjins, u interferenza fin-negozjati, li għandha taqa' fi ħdan l-awtonomija tas-sħab fin-negozjaturi; f'dan ir-rigward, iħeġġeġ lill-Kummissjoni tniedi konsultazzjonijiet formali mal-Gvern Korean, bi qbil mal-Artikolu 13.14 tal-Ftehim, u jekk dawn il-konsultazzjonijiet ifallu, jappella lill-panel ta' esperti msemmija fl-istess artikolu biex jieħdu azzjoni u biex ikomplu d-djalogu dwar in-nuqqas tal-Gvern Korean li jikkonforma ma' wħud mill-impenji tiegħu, u partikolarment biex iwettaq sforzi kontinwi u sostnuti, bi qbil mal-obbligi li jirfdu l-Ftehim, sabiex tiġi żgurata r-ratifika mill-Korea tal-Konvenzjonijiet fundamentali tal-ILO, li dan il-pajjiż għadu ma rratifikax;

6.  Jenfasizza li hemm differenzi sinifikanti fil-livell ta' utilizzazzjoni tal-preferenzi bejn l-Istati Membri tal-UE, li jvarja bejn 16 % u 92 %; jirrimarka li aktar utilizzazzjoni tal-preferenzi fis-seħħ tista' twassal għal benefiċċji ulterjuri għall-esportaturi tal-UE li jkunu jammontaw għal aktar minn EUR 900 miljun; jissuġġerixxi li l-użu tal-preferenzi f'dan il-ftehim kummerċjali u f'oħrajn għandu jiġi analizzat sabiex jiġi mmassimizzat l-użu tal-benefiċċji kummerċjali;

7.  Jirrikonoxxi li, filwaqt li l-Ftehim jilħaq l-aspettattivi tal-partijiet f'termini ta' żieda fil-kummerċ bilaterali u ta' sħubija kummerċjali aktar profonda, il-kwistjonijiet li ġejjin għandhom jiġu analizzati u infurzati u implimentati kif xieraq skont it-tifsira tal-Ftehim u għandhom jiġu riveduti bħala rimedju għall-problemi eżistenti, dan skont il-Ftehim u bħala parti mid-djalogu mal-Korea:

a) l-ostakli tekniċi għall-kummerċ, bħal: il-klawsola dwar it-trasport dirett, li tipprevjeni l-kumpaniji milli jottimizzaw ekonomikament il-vjeġġi bil-kontejners, il-klawsola dwar prodotti msewwija, l-inklużjoni ta' trakkijiet-tratturi fl-ambitu tal-Ftehim, u – importanti bl-istess mod – il-kwistjoni tar-regoli u l-proċeduri li jirregolaw iċ-ċertifikati għal magni esportati lejn il-Korea;

b) l-ostakli fil-qasam tal-miżuri sanitarji u fitosanitarji, inkluż: l-ostakli li jillimitaw l-esportazzjonijiet taċ-ċanga u l-majjal tal-UE, kif ukoll prodotti tal-ħalib;

c) id-drittijiet ta' proprjetà intellettwali, bħal: ir-rikonoxximent u l-protezzjoni ta' indikazzjonijiet ġeografiċi u ta' drittijiet kummerċjali fir-rigward tar-rappreżentazzjoni pubblika ta' xogħlijiet mużikali, fonogrammmi u rappreżentazzjonijiet protetti mid-drittijiet tal-awtur jew minn drittijiet relatati;

d) il-kapitolu dwar il-kummerċ u l-iżvilupp sostenibbli: ir-ratifika u l-implimentazzjoni mill-parti Koreana tal-Konvenzjonijiet fundamentali tal-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol;

e) il-formulazzjoni tat-test tar-regoli dwar l-oriġini u l-effett tagħhom fuq ir-rata ta' utilizzazzjoni tal-preferenzi;

f) kwistjonijiet b'rabta doganali inklużi proċeduri ta' verifika tal-oriġini;

8.  Jinnota li dan l-aħħar kien hemm każijiet ta' ħolqien ta' ostakli nontariffarji ġodda, bħal normi tekniċi għal magni, tagħmir jew vetturi li qabel ma kinux jeżistu; jisħaq li fenomenu partikolarment inaċċettabbli hu l-irtirar tal-omologazzjoni tat-tip ta' vettura għad-diversi produtturi tal-karozzi Ewropej, fuq bażi mhux sostanzjata; jistieden lill-Kummissjoni tibda taħdidiet bilaterali biex telimina dan il-fenomenu negattiv;

9.  Jirrimarka li ħafna intrapriżi żgħar u ta' daqs medju (SMEs) mhumiex konxji mill-opportunitajiet li jġib il-Ftehim; jistieden, għalhekk lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jistudjaw b'mod partikolari r-rata ta' utilizzazzjoni tal-preferenzi tal-SMEs u jieħdu passi effettivi biex iżidu l-għarfien fost l-SMEs rigward l-opportunitajiet li ħoloq il-Ftehim;

10.  Jappoġġa l-approfondiment ulterjuri tar-relazzjonijiet kummerċjali u ta' investiment bejn l-UE u l-Korea, partikolarment il-Kapitolu dwar l-Investiment tal-Ftehim; jistenna li d-diffikultajiet li jikkonċernaw il-kapitolu dwar il-Kummerċ u l-Iżvilupp Sostenibbli jiġu solvuti qabel in-negozjati dwar il-Kapitolu dwar l-Investiment; jappoġġa l-parteċipazzjoni tal-partijiet għall-Ftehim fil-ħolqien ta' aktar tkabbir ekonomiku u żvilupp sostenibbli għall-benefiċċju taċ-ċittadini tal-UE u tal-Korea; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Gvern tar-Repubblika tal-Korea biex ma jużawx il-metodu tal-ISDS l-antik fl-eventwalità ta' negozjati dwar kapitolu fuq l-investiment, iżda biex minflok jibnu fuq Sistema ta' Qorti tal-Investiment ġdida proposta mill-Kummissjoni, u jappella lill-Kummissjoni sabiex tiżviluppa sistema ta' qorti tal-investiment multilaterali fuq il-perjodu twil li potenzjalment tieħu post il-mekkaniżmi ta' riżoluzzjoni tat-tilwim fl-FTAs attwali u fil-ġejjieni;

11.  Jisħaq fuq l-importanza li l-kooperazzjoni internazzjonali tissaħħaħ aktar fil-qafas internazzjonali, fil-livelli multilaterali, plurilaterali u reġjonali, fil-kuntest tad-WTO, bħal fir-rigward tan-negozjati dwar il-Ftehim dwar il-Beni Ambjentali (EGA) u tal-Ftehim dwar il-Kummerċ fis-Servizzi (TISA);

12.  Jisħaq li l-valuri strateġiċi tal-FTA bejn l-UE u l-Korea jmorru lil hinn mill-isfera kummerċjali peress li jipprovdi bażi soda għal relazzjonijiet aktar profondi b'impenn fuq il-perjodu twil u jikkontribwixxi għall-istabbiliment ta' sħubija strateġika bejn l-UE u l-Korea;

13.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri tal-UE, u lill-Gvern u lill-Assemblea Nazzjonali tar-Repubblika tal-Korea.

(1)

ĠU L 127, 14.5.2011, p. 1.

(2)

ĠU L 90, 30.3.2001, p. 46.

(3)

http://ec.europa.eu/trade/policy/in-focus/new-trade-strategy/index_en.htm

(4)

Testi adottati, P8_TA(2015)0250.

(5)

ĠU C 56 E, 26.2.2013, p. 87.

(6)

ĠU L 145, 31.5.2011, p. 19.

(7)

ĠU L 127, 14.5.2011, p. 1.

(8)

ĠU C 188 E, 28.6.2012, p. 113.

(9)

ĠU C 99 E, 3.4.2012, p. 94.

(10)

ĠU C 99 E, 3.4.2012, p. 31.

(11)

ĠU C 99 E, 3.4.2012, p. 101.

(12)

Testi adottati, P8_TA(2016)0299.


OPINJONI tal-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali (17.6.2016)

għall-Kumitat għall-Kummerċ Internazzjonali

dwar l-implimentazzjoni tal-Ftehim ta' Kummerċ Ħieles bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tal-Korea

(2015/2059(INI))

Rapporteur għal opinjoni: Siôn Simon

SUĠĠERIMENTI

Il-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali jistieden lill-Kumitat għall-Kummerċ Internazzjonali, bħala l-kumitat responsabbli, biex jinkorpora s-suġġerimenti li ġejjin fil-mozzjoni għal riżoluzzjoni tiegħu:

A.  billi l-Ftehim ta' Kummerċ Ħieles (FTA) bejn l-UE u r-Repubblika tal-Korea ġab benefiċċji sinifikanti għall-kummerċ bejn iż-żewġ partijiet, li kkontribwixxew għall-iżvilupp ekonomiku, fetħu opportunitajiet ġodda ta' negozju u ħolqu impjiegi ġodda u sostenibbli, kemm fl-UE kif ukoll fir-Repubblika tal-Korea;

B.  billi l-Ftehim ta' Kummerċ Ħieles bejn l-UE u r-Repubblika tal-Korea fetaħ opportunitajiet ġodda ta' kummerċ fis-suq tal-Asja tal-Lvant li qed jikber b'rata mgħaġġla;

C.  billi, skont il-Kapitolu 13 tal-FTA, ir-Repubblika tal-Korea daħlet f'impenn li tirrispetta, tippromwovi u tirrealizza, fid-dritt u l-prassi tagħha, l-istandards bażiċi internazzjonali stabbiliti f'konvenzjonijiet tal-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol (ILO);

D.  billi l-FTA bejn l-UE u r-Repubblika tal-Korea huwa l-ewwel wieħed minn ġenerazzjoni ġdida ta' FTAs konklużi mill-UE, fejn l-ambitu tiegħu huwa usa' minn dak ta' kwalunkwe ftehim preċedenti u jinkludi impenji dwar id-drittijiet tax-xogħol, sistema ta' segwitu u l-involviment tas-sħab soċjali u tas-soċjetà ċivili;

E.  billi, skont il-Kapitolu 13 tal-FTA, l-UE u r-Repubblika tal-Korea jikkonfermaw id-dritt tal-Partijiet li jistabbilixxu livelli proprji ta' protezzjoni ambjentali u tax-xogħol filwaqt li jimmiraw lejn livell għoli ta' protezzjoni;

F.  billi l-istrateġija għall-kummerċ futur tiddikjara drittijiet tax-xogħol b'saħħithom bħala wieħed mill-għanijiet ta' politika kummerċjali ġusta;

1.  Jilqa' l-passi meħuda mill-Kummissjoni fir-rigward tar-relazzjonijiet kummerċjali mar-Repubblika tal-Korea biex tippromwovi l-iżvilupp sostenibbli, b'mod partikolari fil-qasam tal-impjieg u tax-xogħol;

2.  Jinsab imħasseb dwar l-aħħar repressjoni tat-trade unions fir-Repubblika tal-Korea; jistieden lill-Kummissjoni tagħti bidu għal konsultazzjonijiet mal-awtoritajiet Koreani dwar vjolazzjonijiet tad-drittijiet fundamentali rappurtati, bħal-libertà ta' assoċjazzjoni u n-nuqqas li jkun żgurat ir-rikonoxximent effettiv tad-dritt ta' negozjar kollettiv; jitlob lill-Kummissjoni tippubblika l-valutazzjoni tagħha dwar is-sitwazzjoni; jemmen li huwa importanti li nħarsu 'l quddiem u ninvestigaw fejn il-ftehim ta' kummerċ ħieles jista' jitjieb b'mod li jibbenefika liż-żewġ partijiet, fir-rigward mhux biss tal-interessi tan-negozju, iżda wkoll l-interessi tal-impjegati u tal-pubbliku inġenerali;

3.  Ifakkar li Parti ma tistax iddgħajjef jew tnaqqas il-protezzjoni tax-xogħol mogħtija fil-liġijiet tagħha sabiex tinkoraġġixxi l-kummerċ jew l-investiment; jinsab imħasseb dwar ir-reviżjoni riċenti tal-liġi tax-xogħol fir-Reupplika tal-Korea u għalhekk jitlob lill-Kummissjoni tinvestiga n-nuqqas ta' konformità u tħejji miżuri adegwati f'każ ta' ksur tar-rekwiżiti stabbiliti fil-Kapitolu 13;

4.  Iħeġġeġ lir-Repubblika tal-Korea tirratifika u timplimenta mingħajr dewmien il-Konvenzjonijiet fundamentali tal-ILO li għadha ma rratifikatx; jilqa' t-tnedija ta' proġett iffinanzjat mill-UE biex jappoġġja r-Repubblika tal-Korea fl-implimentazzjoni tal-konvenzjoni tal-ILO dwar in-nondiskriminazzjoni fl-impjieg u fix-xogħol, bħala inizjattiva importanti fil-ħarsien tad-drittijiet fundamentali tal-ħaddiema;

5.  Ifaħħar ir-rwol tal-Gruppi Konsultattivi Domestiċi (DAGs) fit-tħejjija ta' proġett konġunt dwar l-implimentazzjoni tal-Konvenzjoni 111 tal-ILO u jissuġġerixxi li d-DAGs iħejju proġett simili dwar l-implimentazzjoni tal-konvenzjonijiet fundamentali kollha tal-ILO fil-futur qarib;

6.  Jiddeplora n-nuqqas ta' klawżola fil-Ftehim ta' Kummerċ Ħieles bejn l-UE u r-Repubblika tal-Korea li teżenta mid-dazji doganali l-oġġetti msewwija meta jergħu jidħlu lura fil-pajjiż; jistieden lill-Kummissjoni ssib, bħala kwistjoni ta' urġenza, soluzzjoni għal din il-problema, li tikkostitwixxi żvantaġġ kompetittiv għall-kumpaniji Ewropej, u tqiegħed l-impjiegi f'riskju;

7.  Jitlob lill-Kummissjoni tara li l-iżvilupp tas-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fir-Repubblika tal-Korea ikun osservat mid-DAGs u biex tirċievi, teżamina u ssib soluzzjonijiet għar-riżultati tad-diskussjonijiet tad-DAGs.

8.  Ifakkar l-impenn kemm tal-UE kif ukoll tar-Repubblika tar-Korea għall-promozzjoni ta' xogħol deċenti, il-libertà tal-assoċjazzjoni u l-għarfien effettiv tad-dritt tan-negozjar kollettiv, l-eliminazzjoni ta' kull forma ta' xogħol furzat jew obbligatorju, l-abolizzjoni effettiva tax-xogħol magħmul mit-tfal u l-eliminazzjoni tad-diskriminazzjoni fir-rigward tal-impjiegi u tax-xogħol;

9.  Jenfasizza li l-istandards tax-xogħol m'għandhomx jikkostitwixxu ostakli mhux tariffarji għall-kummerċ iżda għandhom jikkontribwixxu sabiex tiġi żgurata protezzjoni adegwata tal-interessi ta' min iħaddem u tal-impjegati, jgħollu l-istandards tal-għajxien, u jippromwovu t-tkabbir ekonomiku, il-kompetittività u l-istabbiltà;

10.  Jistenna li l-partijiet għal dan il-Ftehim jirrispettaw id-drittijiet fundamentali tal-ħaddiema u l-istandards internazzjonali fundamentali tax-xogħol f'konformità mal-Artikolu 13 tal-FTA; jirrakkomanda li l-Kummissjoni tipprovdi valutazzjoni tal-implimentazzjoni tiegħu; jemmen li l-intrapriżi Ewropej għandhom rwol importanti fil-promozzjoni tal-istandards internazzjonali dwar il-governanza tajba u d-drittijiet tal-bniedem; jappoġġja l-inklużjoni ta' klawsoli dwar id-drittijiet tal-ħaddiema fil-ftehimiet internazzjonali rilevanti kollha bejn l-UE u l-pajjiżi terzi, inkluż fir-rigward tal-istandards tax-xogħol;

11.  Jistieden lill-Kummissjoni timmonitorja mill-qrib l-impatt tal-ftehim fuq is-Suq tax-Xogħol Ewropew u fuq setturi ekonomiċi speċifiċi fil-livell tal-Unjoni u tal-Istati Membri.

12.  Jenfasizza l-importanza ta' djalogu bejn il-Kummissjoni, is-sħab soċjali u s-soċjetà ċivili bl-għan li titkompla l-implimentazzjoni tal-impenji stabbiliti fil-Ftehim.

RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALIFIL-KUMITAT LI JINTALAB JAGĦTI OPINJONI

Data tal-adozzjoni

15.6.2016

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

39

3

4

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Guillaume Balas, Tiziana Beghin, Brando Benifei, Vilija Blinkevičiūtė, Enrique Calvet Chambon, David Casa, Martina Dlabajová, Lampros Fountoulis, Elena Gentile, Marian Harkin, Danuta Jazłowiecka, Agnes Jongerius, Rina Ronja Kari, Agnieszka Kozłowska-Rajewicz, Kostadinka Kuneva, Jérôme Lavrilleux, Javi López, Morten Løkkegaard, Thomas Mann, Dominique Martin, Elisabeth Morin-Chartier, João Pimenta Lopes, Georgi Pirinski, Marek Plura, Terry Reintke, Sofia Ribeiro, Maria João Rodrigues, Claude Rolin, Anne Sander, Siôn Simon, Jutta Steinruck, Romana Tomc, Yana Toom, Marita Ulvskog, Renate Weber, Tatjana Ždanoka

Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali

Daniela Aiuto, Georges Bach, Lynn Boylan, Eva Kaili, Eduard Kukan, Edouard Martin, Michaela Šojdrová, Neoklis Sylikiotis, Tom Vandenkendelaere, Flavio Zanonato


INFORMAZZJONI DWAR L-ADOZZJONIFIL-KUMITAT RESPONSABBLI

Data tal-adozzjoni

21.3.2017

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

33

4

1

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

William (The Earl of) Dartmouth, Laima Liucija Andrikienė, Maria Arena, Tiziana Beghin, David Borrelli, David Campbell Bannerman, Daniel Caspary, Salvatore Cicu, Marielle de Sarnez, Karoline Graswander-Hainz, Bernd Lange, David Martin, Emmanuel Maurel, Anne-Marie Mineur, Sorin Moisă, Franz Obermayr, Artis Pabriks, Franck Proust, Godelieve Quisthoudt-Rowohl, Viviane Reding, Inmaculada Rodríguez-Piñero Fernández, Tokia Saïfi, Matteo Salvini, Marietje Schaake, Joachim Schuster, Joachim Starbatty, Adam Szejnfeld, Hannu Takkula, Iuliu Winkler, Jan Zahradil

Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali

Klaus Buchner, Agnes Jongerius, Stelios Kouloglou, Ramona Nicole Mănescu, Ramon Tremosa i Balcells, Jarosław Wałęsa

Sostituti (skont l-Artikolu 200(2)) preżenti għall-votazzjoni finali

Philippe Loiseau, Jordi Solé


VOTAZZJONI FINALI B'SEJĦA TAL-ISMIJIET FIL-KUMITAT RESPONSABBLI

33

+

ALDE

Schaake Marietje, Takkula Hannu, Tremosa i Balcells Ramon, de Sarnez Marielle

ECR

Campbell Bannerman David, Starbatty Joachim, Zahradil Jan

EFDD

(The Earl of) Dartmouth William, Beghin Tiziana, Borrelli David

PPE

Andrikienė Laima Liucija, Caspary Daniel, Cicu Salvatore, Mănescu Ramona Nicole, Pabriks Artis, Proust Franck, Quisthoudt-Rowohl Godelieve, Reding Viviane, Saïfi Tokia, Szejnfeld Adam, Wałęsa Jarosław, Winkler Iuliu

S&D

Arena Maria, Graswander-Hainz Karoline, Jongerius Agnes, Lange Bernd, Martin David, Maurel Emmanuel, Moisă Sorin, Rodríguez-Piñero Fernández Inmaculada, Schuster Joachim

VERTS/ALE

Buchner Klaus, Solé Jordi

4

-

ENF

Loiseau Philippe, Salvini Matteo

GUE/NGL

Kouloglou Stelios, Mineur Anne-Marie

1

0

ENF

Obermayr Franz

Tifsira tas-simboli użati:

+  :  favur

-  :  kontra

0  :  astensjoni

Avviż legali