Proċedura : 2016/2202(DEC)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A8-0125/2017

Testi mressqa :

A8-0125/2017

Dibattiti :

PV 26/04/2017 - 19
CRE 26/04/2017 - 19

Votazzjonijiet :

PV 27/04/2017 - 5.14

Testi adottati :

P8_TA(2017)0145

RAPPORT     
PDF 861kWORD 89k
30.3.2017
PE 593.839v05-00 A8-0125/2017

dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit tat-tmien, tad-disa', tal-għaxar u tal-ħdax-il Fond Ewropew għall-Iżvilupp għas-sena finanzjarja 2015

(2016/2202(DEC))

Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit

Rapporteur: Younous Omarjee

1. PROPOSTA GĦAL DEĊIŻJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW

1. PROPOSTA GĦAL DEĊIŻJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW

dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit tat-tmien, tad-disa', tal-għaxar u tal-ħdax-il Fond Ewropew għall-Iżvilupp għas-sena finanzjarja 2015

(2016/2202(DEC))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjonijiet finanzjarji u l-kontijiet tad-dħul u l-infiq tat-tmien, tad-disa', tal-għaxar u tal-ħdax‑il Fond Ewropew għall-Iżvilupp għas-sena finanzjarja 2015 (COM(2016)0485 – C8-0326/2016),

–  wara li kkunsidra l-informazzjoni finanzjarja dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp (COM(2016)0386),

–  wara li kkunsidra r-rapport annwali tal-Qorti tal-Awdituri dwar l-attivitajiet iffinanzjati mit-tmien, mid-disa', mill-għaxar u mill-ħdax‑il Fond Ewropew għall-Iżvilupp għas-sena finanzjarja 2015, flimkien mar-risposti tal-Kummissjoni(1),

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni ta' assigurazzjoni(2) dwar l-affidabbiltà tal-kontijiet u l-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet ta' bażi, ipprovduta mill-Qorti tal-Awdituri għas-sena finanzjarja 2015 skont l-Artikolu 287 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra r-rakkomandazzjonijiet tal-Kunsill tat-21 ta' Frar 2017 dwar il-kwittanza li għandha tingħata lill-Kummissjoni fir-rigward tal-implimentazzjoni tal-operazzjonijiet tal-Fondi Ewropej għall-Iżvilupp għas-sena finanzjarja 2015 (05376/2017 - C8-0081/2017, 05377/2017 - C8-0082/2017, 05378/2017 - C8-0083/2017, 05379/2017 - C8-84/2017 ),

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kummissjoni dwar is-segwitu għall-kwittanza għas-sena finanzjarja 2014 (COM(2016)0674) u d-dokumenti ta' ħidma tas-servizzi tal-Kummissjoni li jakkumpanjawh (SWD(2016)0338 u SWD(2016)0339),

–  wara li kkunsidra l-Ftehim ta' Sħubija bejn il-membri tal-Grupp ta' Stati Afrikani, tal-Karibew u tal-Paċifiku, minn naħa waħda, u l-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, min-naħa l-oħra, iffirmat f'Cotonou fit-23 ta' Ġunju 2000(3) u emendat f'Ouagadougou, (Burkina Faso) fit-22 ta' Ġunju 2010(4),

–  wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2013/755/UE tal-25 ta' Novembru 2013 dwar l-assoċjazzjoni tal-pajjiżi u t-territorji extra-Ewropej mal-Komunità Ewropea ("Deċiżjoni dwar l-Assoċjazzjoni Extra-Ewropea")(5),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 33 tal-Ftehim Intern tal-20 ta' Diċembru 1995 bejn ir-rappreżentanti tal-Gvernijiet tal-Istati Membri, li ltaqgħu fi ħdan il-Kunsill, dwar l-iffinanzjar u l-amministrazzjoni tal-għajnuna tal-Komunità taħt it-Tieni Protokoll Finanzjarju għar-raba' Konvenzjoni AKP-KE(6),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 32 tal-Ftehim Intern tat-18 ta' Settembru 2000 bejn ir-rappreżentanti tal-Gvernijiet tal-Istati Membri, li ltaqgħu fi ħdan il-Kunsill, dwar l-iffinanzjar u l-amministrazzjoni tal-għajnuna tal-Komunità permezz tal-Protokoll Finanzjarju għall-Ftehim ta' Sħubija bejn l-Istati Afrikani, tal-Karibew u tal-Paċifiku u l-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha ffirmat f'Cotonou (Benin) fit-23 ta' Ġunju 2000 u l-allokazzjoni tal-għajnuna finanzjarja għall-Pajjiżi u Territorji extra-Ewropej li dwarhom il-Parti Erbgħa tat-Trattat KE hija applikabbli(7),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 11 tal-Ftehim Intern tas-17 ta' Lulju 2006 u tas-26 ta' Ġunju 2013 bejn ir-rappreżentanti tal-gvernijiet tal-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea, imlaqqgħin fi ħdan il-Kunsill, dwar l-iffinanzjar ta' għajnuna mill-Unjoni Ewropea taħt il-Qafas Finanzjarju Pluriennali għall-perijodu mill-2008 sal-2013, skont il-ftehim ta' sħubija AKP-UE, u dwar l-allokazzjoni ta' assistenza finanzjarja għall-pajjiżi u territorji extra-Ewropej li għalihom tapplika r-Raba' Parti tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea(8),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 11 tal-Ftehim Intern tal-24  u s-26 ta' Ġunju 2013 bejn ir-rappreżentanti tal-gvernijiet tal-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea, imlaqqgħin fi ħdan il-Kunsill, dwar l-iffinanzjar ta' għajnuna mill-Unjoni Ewropea taħt il-Qafas Finanzjarju Pluriennali għall-perjodu mill-2014 sal-2020, skont il-Ftehim ta' Sħubija AKP-UE, u dwar l-allokazzjoni ta' assistenza finanzjarja għall-pajjiżi u territorji extra-Ewropej li għalihom tapplika r-Raba' Parti tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea(9),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 319 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 74 tar-Regolament Finanzjarju tas-16 ta' Ġunju 1998 applikabbli għall-kooperazzjoni għall-finanzjament tal-iżvilupp skont ir-raba' Konvenzjoni AKP-KE(10),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 119 tar-Regolament Finanzjarju tas-27 ta' Marzu 2003 applikabbli għad-disa' Fond Ewropew għall-Iżvilupp(11),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 50 tar-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 215/2008 tat-18 ta' Frar 2008 dwar ir-Regolament Finanzjarju applikabbli għall-għaxar Fond Ewropew għall-Iżvilupp(12),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 48 tar-Regolament tal-Kunsill (UE) 2015/323 dwar ir-Regolament Finanzjarju applikabbli għall-ħdax‑il Fond Ewropew għall-Iżvilupp(13),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 93, l-Artikolu 94(3) u l-Anness IV tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit u l-opinjoni tal-Kumitat għall-Iżvilupp (A8-0125/2017),

1.  Jagħti l-kwittanza lill-Kummissjoni għall-implimentazzjoni tal-baġit tat-tmien, tad-disa', tal-għaxar u tal-ħdax-il Fond Ewropew għall-Iżvilupp għas-sena finanzjarja 2015;

2.  Jippreżenta l-kummenti tiegħu fir-riżoluzzjoni t'hawn taħt;

3.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din id-deciżjoni, kif ukoll ir-riżoluzzjoni li hija parti integrali minnha, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Qorti tal-Awdituri u lill-Bank Ewropew tal-Investiment, u biex jiżgura li jiġu ppubblikati f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (serje L).

2. PROPOSTA GĦAL DEĊIŻJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW

dwar l-għeluq tal-kontijiet tat-tmien, tad-disa', tal-għaxar u tal-ħdax-il Fond Ewropew għall-Iżvilupp għas-sena finanzjarja 2015

(2016/2202(DEC))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjonijiet finanzjarji u l-kontijiet tad-dħul u l-infiq tat-tmien, tad-disa', tal-għaxar u tal-ħdax‑il Fond Ewropew għall-Iżvilupp għas-sena finanzjarja 2015 (COM(2016)0485 – C8-0326/2016),

–  wara li kkunsidra l-informazzjoni finanzjarja dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp (COM(2016)0386),

–  wara li kkunsidra r-rapport annwali tal-Qorti tal-Awdituri dwar l-attivitajiet iffinanzjati mit-tmien, mid-disa', mill-għaxar u mill-ħdax‑il Fond Ewropew għall-Iżvilupp għas-sena finanzjarja 2015, flimkien mar-risposti tal-Kummissjoni(14),

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni ta' assigurazzjoni(15) dwar l-affidabbiltà tal-kontijiet u l-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet ta' bażi, ipprovduta mill-Qorti tal-Awdituri għas-sena finanzjarja 2015 skont l-Artikolu 287 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra r-rakkomandazzjonijiet tal-Kunsill tal-21 ta' Frar 2017 dwar il-kwittanza li għandha tingħata lill-Kummissjoni fir-rigward tal-implimentazzjoni tal-operazzjonijiet tal-Fondi Ewropej għall-Iżvilupp għas-sena finanzjarja 2015 (05376/2017 - C8-0081/2017, 05377/2017 - C8-0082/2017, 05378/2017 - C8-0083/2017, 05379/2017 - C8-84/2017 ),

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kummissjoni dwar is-segwitu għall-kwittanza għas-sena finanzjarja 2014 (COM(2016)0674) u d-dokumenti ta' ħidma tas-servizzi tal-Kummissjoni li jakkumpanjawh (SWD(2016)0338 u SWD(2016)0339),

–  wara li kkunsidra l-Ftehim ta' Sħubija bejn il-membri tal-Grupp ta' Stati Afrikani, tal-Karibew u tal-Paċifiku, minn naħa waħda, u l-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, min-naħa l-oħra, iffirmat f'Cotonou fit-23 ta' Ġunju 2000(16) u emendat f'Ouagadougou, (Burkina Faso) fit-22 ta' Ġunju 2010(17),

–  wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2013/755/UE tal-25 ta' Novembru 2013 dwar l-assoċjazzjoni tal-pajjiżi u t-territorji extra-Ewropej mal-Komunità Ewropea ("Deċiżjoni dwar l-Assoċjazzjoni Extra-Ewropea")(18),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 33 tal-Ftehim Intern tal-20 ta' Diċembru 1995 bejn ir-rappreżentanti tal-Gvernijiet tal-Istati Membri, li ltaqgħu fi ħdan il-Kunsill, dwar l-iffinanzjar u l-amministrazzjoni tal-għajnuna tal-Komunità taħt it-Tieni Protokoll Finanzjarju għar-raba' Konvenzjoni AKP-KE(19),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 32 tal-Ftehim Intern tat-18 ta' Settembru 2000 bejn ir-rappreżentanti tal-Gvernijiet tal-Istati Membri, li ltaqgħu fi ħdan il-Kunsill, dwar l-iffinanzjar u l-amministrazzjoni tal-għajnuna tal-Komunità permezz tal-Protokoll Finanzjarju għall-Ftehim ta' Sħubija bejn l-Istati Afrikani, tal-Karibew u tal-Paċifiku u l-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha ffirmat f'Cotonou (Benin) fit-23 ta' Ġunju 2000 u li għalihom tapplika r-Raba' Parti tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea(20),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 11 tal-Ftehim Intern tas-17 ta' Lulju 2006 bejn ir-rappreżentanti tal-gvernijiet tal-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea, imlaqqgħin fi ħdan il-Kunsill, dwar l-iffinanzjar ta' għajnuna mill-Unjoni Ewropea taħt il-Qafas Finanzjarju Pluriennali għall-perijodu mill-2008 sal-2013, skont il-ftehim ta' sħubija AKP-UE, u dwar l-allokazzjoni ta' assistenza finanzjarja għall-pajjiżi u territorji extra-Ewropej li għalihom tapplika r-Raba' Parti tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea(21),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 11 tal-Ftehim Intern tal-24  u s-26 ta' Ġunju 2013 bejn ir-rappreżentanti tal-gvernijiet tal-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea, imlaqqgħin fi ħdan il-Kunsill, dwar l-iffinanzjar ta' għajnuna mill-Unjoni Ewropea taħt il-Qafas Finanzjarju Pluriennali għall-perjodu mill-2014 sal-2020, skont il-Ftehim ta' Sħubija AKP-UE, u dwar l-allokazzjoni ta' assistenza finanzjarja għall-pajjiżi u territorji extra-Ewropej li għalihom tapplika r-Raba' Parti tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea(22),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 319 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 74 tar-Regolament Finanzjarju tas-16 ta' Ġunju 1998 applikabbli għall-kooperazzjoni għall-finanzjament tal-iżvilupp skont ir-raba' Konvenzjoni AKP-KE(23),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 119 tar-Regolament Finanzjarju tas-27 ta' Marzu 2003 applikabbli għad-disa' Fond Ewropew għall-Iżvilupp(24),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 50 tar-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 215/2008 tat-18 ta' Frar 2008 dwar ir-Regolament Finanzjarju applikabbli għall-għaxar Fond Ewropew għall-Iżvilupp(25),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 48 tar-Regolament tal-Kunsill (UE) 2015/323 dwar ir-Regolament Finanzjarju applikabbli għall-ħdax‑il Fond Ewropew għall-Iżvilupp(26),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 93, l-Artikolu 94(3) u l-Anness IV tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit u l-opinjoni tal-Kumitat għall-Iżvilupp (A8-0125/2017),

1.  Japprova l-għeluq tal-kontijiet tat-tmien, tad-disa', tal-għaxar u tal-ħdax-il Fond Ewropew għall-Iżvilupp għas-sena finanzjarja 2015;

2.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din id-deciżjoni, kif ukoll ir-riżoluzzjoni li hija parti integrali minnha, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Qorti tal-Awdituri u lill-Bank Ewropew tal-Investiment, u biex jiżgura li jiġu ppubblikati f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (serje L).

3. MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW

li tinkludi l-kummenti li jagħmlu parti integrali mid-deċiżjoni dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit tat-tmien, tad-disa', tal-għaxar u tal-ħdax-il Fond Ewropew għall-Iżvilupp għas-sena finanzjarja 2015

(2016/2202(DEC))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra d-deċiżjoni tiegħu dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit tat-tmien, tad-disa', tal-għaxar u tal-ħdax-il Fond Ewropew għall-Iżvilupp għas-sena finanzjarja 2015,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 93, l-Artikolu 94(3) u l-Anness IV tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit u l-opinjoni tal-Kumitat għall-Iżvilupp (A8-0125/2017),

A.  billi l-għan ewlieni tal-Ftehim ta' Sħubija bejn il-membri tal-Grupp ta' Stati Afrikani, tal-Karibew u tal-Paċifiku, min naħa waħda, u l-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, min-naħa l-oħra, iffirmat f'Cotonou fit-23 ta' Ġunju 2000(27) u emendat f'Ouagadougou, il-Burkina Faso, fit-22 ta' Ġunju 2010(28) ("il-Ftehim ta' Cotonou"), bħala l-qafas tar-relazzjonijiet tal-Unjoni mal-pajjiżi Afrikani, tal-Karibew u tal-Paċifiku (AKP), huwa li jnaqqas u eventwalment jeqred l-faqar, b'mod konsistenti mal-objettivi fil-qasam tal-iżvilupp sostenibbli,

B.  billi l-objettiv ewlieni tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2013/755/UE(29) huwa li tikkontribwixxi għall-iżvilupp progressiv tal-pajjiżi u territorji extra-Ewropej (PTEE), billi tqawwi l-kompetittività u ssaħħaħ ir-reżiljenza tal-PTEE, tnaqqas il-vulnerabbiltà ekonomika u ambjentali tagħhom u tippromwovi l-kooperazzjoni bejniethom u sħab oħrajn,

C.  billi l-Fondi Ewropej għall-Iżvilupp (FEŻ) huma l-istrument finanzjarju ewlieni tal-Unjoni għall-kooperazzjoni għall-iżvilupp mal-pajjiżi tal-AKP u l-PTEE;

D.  billi 79 pajjiż jużaw firxa estensiva ta' metodi ta' implimentazzjoni li jirriflettu n-natura intergovernattiva tal-FEŻ b'regoli u proċeduri kumplessi fir-rigward tas-sejħiet għal offerti u l-għoti ta' kuntratti,

E.  billi l-attivitajiet marbuta mal-FEŻ jiġu implimentati f'kuntesti problematiċi u jaffaċċjaw esponiment għal riskju għoli rikorrenti, ta' natura ġeopolitika jew istituzzjonali,

F.  billi l-fatturi esterni għall-implimentazzjoni tajba tal-FEŻ jistgħu jtaffu jew jeqirdu l-isforzi magħmula f'termini ta' żvilupp,

G.  billi l-FEŻ huma ffinanzjati mill-Istati Membri u ġestiti kemm mill-Kummissjoni u kemm mill-Bank Ewropew tal-Investiment (BEI), waqt li l-Kummissjoni biss għandha r-responsabbiltà għall-kwittanza tal-FEŻ,

H.  billi l-Unjoni għandha l-potenzjal u s-saħħa biex tiddefinixxi r-reazzjonijiet għall-isfidi globali u ġeopolitiċi,

I.  billi l-istorja tal-Istati Membri tagħha tikkonferixxi ċertu obbligi fuq l-Unjoni fir-rigward tal-iżvilupp tal-pajjiżi AKP u l-PTEE,

J.  billi l-ġejjieni tal-Unjoni u dak tal-pajjiżi AKP u l-PTEE huma kkollegati minħabba l-ġeografija, il-globalizzazzjoni u t-tibdil demografiku,

K.  billi l-projezzjonijiet tal-popolazzjoni globali għall-2100, flimkien mal-effetti ta' flussi migratorji ġodda, kunflitti armati, it-tisħin globali u għadd ta' kriżijiet ekonomiċi u soċjali jirrikjedu attenzjoni immedjata mill-Unjoni, b'mod partikolari fl-objettivi fil-qasam tal-politika tagħha dwar l-iżvilupp, billi l-għajnuna għall-iżvilupp hi għodda essenzjali, li d-diversi metodi ta' implimentazzjoni tagħha jridu jiġu ottimizzati sabiex jiffaċċjaw dawn il-bosta sfidi globali,

L.  billi l-kriżi tal-migrazzjoni mhux biss ħolqot dubji dwar il-prinċipji u l-għanijiet tal-għajnuna internazzjonali iżda ssottolinjat li l-prinċipju ta' solidarjetà jeħtieġ li jiġi applikat b'mod aktar uniformi u mingħajr kondizzjonijiet mill-Istati Membri kollha,

M.  billi l-kriżijiet migratorji attwali ma jridux inaqqsu mill-importanza tas-sostenibbiltà tal-mewġiet migratorji kkollegati ma' taqlib demografiku u li jirrikjedu reazzjonijiet differenti,

N.  billi hemm bżonn li jiġġedded l-approċċ lejn il-pajjiżi AKP u l-PTEE li jirrikjedu inċentivi u strumenti finanzjarji ġodda,

O.  billi jeħtieġ li tingħata attenzjoni ġdida għall-fatt li l-parti l-kbira tal-pajjiżi AKP huma stati gżejjer żgħar li qed jiżviluppaw; billi l-gżejjer, b'mod partikolari l-gżejjer AKP, qed jiżvolġu rwol internazzjonali ġdid, b'mod partikolari b'riżultat tan-negozjati internazzjonali dwar it-tibdil fil-klima,

P.  billi għadd ta' PTEE jinsabu fl-istess reġjuni bħall-pajjiżi AKP; billi l-PTEE jaffaċċjaw sfidi simili fil-livell globali imma, b'differenza għall-pajjiżi AKP, huma parti mill-familja Ewropea u jkun tajjeb għalhekk li jirċievu aktar attenzjoni fit-twassil ta' fondi; billi d-daqs żgħir ħafna tal-PTEE u r-rabta kostituzzjonali bejn l-PTEE u l-Unjoni huma speċifiċitajiet li jkun tajjeb li jitqiesu,

Q.  billi d-Direttorati Ġenerali tal-Kummissjoni għall-Kooperazzjoni Internazzjonali u l-Iżvilupp u għall-Politika Reġjonali u Urbana ffirmaw Memorandum ta' Qbil f'Settembru 2013 sabiex iqawwu l-kooperazzjoni bejn il-pajjiżi tar-Reġjuni Ultraperiferiċi (OR), l-PTEE u l-pajjiżi AKP,

R.  billi l-interventi esterni tal-Unjoni jgħaddu minn organizzazzjonijiet internazzjonali li jew jimplimentaw il-finanzjament tal-UE jew jikkofinanzjaw proġetti flimkien mal-Unjoni li jinvolvu sfidi f'termini tas-sorveljanza u l-governanza,

S.  billi jeħtieġ li l-livell u n-natura tal-impenn tal-Unjoni jkunu differenzjati u kundizzjonali, skont isirx progress li jista' jitkejjel f'diversi oqsma bħal, pereżempju, id-demokratizzazzjoni, id-drittijiet tal-bniedem, il-governanza tajba, l-iżvilupp soċjoekonomiku sostenibbli, l-istat tad-dritt u l-ġlieda kontra l-korruzzjoni, u billi l-Unjoni toffri l-assistenza tagħha fejn tkun meħtieġa biex tgħin fit-trawwim tal-progress;

T.  billi djalogu politiku regolari u komprensiv huwa kruċjali biex jiġu żgurati sjieda akbar min-naħa tal-pajjiżi AKP u l-PTEE, u l-kapaċità li jiġu aġġustati l-objettivi politiċi,

U.  billi huwa ta' importanza fundamentali li tiġi żgurata l-koerenza bejn il-politiki kollha tal-Unjoni u l-objettivi tal-politika tal-Unjoni dwar l-iżvilupp,

V.  billi huwa ta' importanza fundamentali li l-viżibbiltà tal-Unjoni tiġi promossa u li l-valuri tal-Unjoni jiġu trażmessi fil-forom kollha tal-għajnuna għall-iżvilupp;

W.  billi s-semplifikazzjoni tal-proċessi ta' implimentazzjoni hija mutur biex titqawwa l-effikaċja tal-forniment tal-għajnuna,

X.  billi s-sostenibbiltà hija kruċjali biex tiżdied l-effikaċja kumplessiva tal-għajnuna għall-iżvilupp billi jiġu mmonitorati b'mod kostanti l-impatti permezz tal-modalitajiet kollha għall-forniment tal-għajnuna,

Y.  billi l-appoġġ għall-governanza mill-Unjoni huwa komponent kruċjali tal-għajnuna għall-iżvilupp biex jiġu ġġenerati riformi effikaċi tal-governanza,

Z.  billi l-appoġġ baġitarju, filwaqt li jista' jkun mutur ewlieni għall-bidla u biex jindirizza l-isfidi ewlenin fil-qasam tal-iżvilupp, iġorr miegħu riskju fiduċjarju konsiderevoli, u jkun tajjeb li jingħata biss jekk jipprovdi biżżejjed trasparenza, traċċabbiltà, obbligu ta' rendikont u effikaċja flimkien ma' impenn ippruvat fir-riformi politiċi; billi l-appoġġ baġitarju huwa partikolarment adattat għal territorji żgħar u iżolati, bħall-gżejjer AKP,

AA.  billi t-trasparenza u l-obbligu ta' rendikont huma prerekwiżiti għall-iskrutinju demokratiku, kif ukoll għall-effikaċja tal-għajnuna għall-iżvilupp,

AB.  billi l-ġestjoni tal-ispejjeż amministrattivi trid tiġi ssorveljata b'mod kostanti f'kull ċirkustanza u fir-rigward tal-modalitajiet kollha tal-għajnuna,

AC.  billi l-flussi finanzjarji illeċiti fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw jaggravaw il-faqar,

AD.  billi l-awtorità tal-kwittanza tenniet l-appell tagħha biex il-FEŻ jiġi inkluż fil-baġit ġenerali tal-Unjoni b'mod li jitqawwew il-viżibbiltà u l-iskrutinju demokratiku fuq il-FEŻ u l-politiki kumplessivi dwar l-iżvilupp,

AE.  billi, biex iċ-ċittadini tal-Unjoni jaderixxu mal-politika dwar l-iżvilupp, huma rikjesti il-massimu ta' trasparenza, ġestjoni tajba u prestazzjoni,

Dikjarazzjoni ta' assigurazzjoni

L-implimentazzjoni finanzjarja tal-fondi fl-2015

1.  Jinnota li, fl-2015, l-infiq kellu x'jaqsam ma' erba' FEŻ, b'mod partikolari t-tmien FEŻ, li ammonta għal EUR 12 480 miljun, id-disa' FEŻ, li ammonta għal EUR 13 800 miljun, l-għaxar FEŻ, li ammonta għal EUR 22 682 miljun, u l-ħdax‑il FEŻ, li ammonta għal EUR 30 506 miljun; jinnota li l-finanzjament tal-ħdax‑il FEŻ jalloka EUR 29 089 miljun lill-pajjiżi AKP u EUR 364,5 miljun lill-PTEE, u li dawk iż-żewġ ammonti jinkludu rispettivament EUR 1 134 miljun u EUR 5 miljun għall-faċilità ta' investiment AKP tal-BEI; jinnota li EUR 1 052,5 miljun huma relatati man-nefqa tal-Kummissjoni għall-ipprogrammar u l-implimentazzjoni tal-FEŻ;

2.  Josserva li dawn il-fondi qed jiġu implimentati permezz ta' proġetti u appoġġ baġitarju skont dawn l-erba' modalitajiet li ġejjin: 42 % tal-pagamenti saru permezz ta' ġestjoni diretta, u minn dawn, 24 % saru permezz ta' appoġġ baġitarju; josserva li t-58 % li jifdal saru taħt ġestjoni indiretta, speċifikament 31 % permezz ta' organizzazzjonijiet internazzjonali, 24 % permezz ta' pajjiżi terzi u 3 % permezz tal-korpi nazzjonali tal-Istati Membri;

3.  Jinnota bi tħassib li l-infiq fl-2015 għadu jinkludi fondi li ġejjin mit-tmien FEŻ li tnieda fl-1995;

4.  Jilqa' l-isforzi mwettqa minn EuropeAid fl-2015 fir-rigward tal-livell tal-impenji globali netti li ttieħdu fl-2015 b'EUR 5 034 miljun dovuti għad-dħul fis-seħħ tal-ħdax‑il FEŻ, li żied ir-riżorsi għall-impenji b'EUR 27 839 miljun; jinnota li l-ħdax‑il FEŻ kellu impatt fuq ir-rati ta' implimentazzjoni tal-impenji pendenti, li naqsu minn 98 % għal 69,7 % għall-impenji globali u minn 91,2 % għal 63,5 % għall-impenji individwali;

5.  Jiddispjaċih dwar il-fatt li n-nuqqas ta' approprjazzjonijiet ta' pagament li l-Kummissjoni ffaċċjat fl-2015 wassal għal sitwazzjoni baġitarja iebsa fil-qasam tal-kooperazzjoni għall-iżvilupp li għamlet ħsara għall-prestazzjoni globali tal-fondi, b'mod speċjali t-trasferiment ta' EUR 483 miljun lejn l-2016 u l-ħlas ta' ammont stmat ta' EUR 1 miljun bħala imgħax għal ħlas tardiv; jilqa' l-isforzi li wettqet il-Kummissjoni biex tiżgura t-tkomplija tal-għajnuna għall-iżvilupp u tillimita l-konsegwenzi negattivi tan-nuqqasijiet ta' pagamenti eżistenti;

6.  Jinnota wkoll l-isforzi kontinwi tal-Kummissjoni biex, għall-qasam kollu li hija responsabbli għalih, tnaqqas il-prefinanzjament l-antik (39 % miksub b'objettiv ta' 25 %), l-impenji pendenti antiki jew ir-reste à liquider (RAL) antik (46 % miksuba ipparagunati mal-objettiv ta' 25 %), kif ukoll l-għadd ta' kuntratti skaduti miftuħa, imma madankollu bi progress inqas sodisfaċenti għal dawn tal-aħħar taħt il-FEŻ; jinkoraġġixxi lis-servizzi tal-Kummissjoni jkomplu jnaqqsu s-sehem tal-FEŻ f'kuntratti skaduti;

L-affidabbiltà tal-kontijiet

7.  Jilqa' l-fatt li l-Qorti tal-Awdituri ("il-Qorti"), fir-rapport annwali tagħha dwar l-attivitajiet iffinanzjati mit-tmien, mid-disa', mill-għaxar u mill-ħdax‑il FEŻ għas-sena finanzjarja 2015, sabet li l-kontijiet annwali finali jippreżentaw b'mod ġust, fl-aspetti materjali kollha, il-pożizzjoni finanzjarja tal-FEŻ sal-31 ta' Diċembru 2015, u li r-riżultati tal-operazzjonijiet tagħhom, il-flussi ta' flushom u l-bidliet fl-assi netti għas-sena li kienet għadha kif intemmet huma konformi mad-dispożizzjonijiet tar-regolament finanzjarju tal-FEŻ u mar-regoli kontabilistiċi bbażati fuq l-istandards kontabilistiċi li ntlaħaq qbil dwarhom fil-livell internazzjonali fir-rigward tas-settur pubbliku;

8.  Jilqa' l-azzjoni li ħadet il-Kummissjoni biex issolvi l-kwistjoni tal-irkupru, kemm għall-imgħax fuq il-prefinanzjament ta' aktar minn EUR 750 000 u kemm għall-imgħax fuq il-prefinanzjament ta' bejn EUR 250 000 u EUR 750 000, li rriżultat biex EUR 2,5 miljun ta' mgħax gwadanjat ġie rreġistrat kif suppost fid-dikjarazzjonijiet finanzjarji tal-2015; jappella lill-Kummissjoni biex tikkunsidra wkoll is-sitwazzjoni tal-każijiet ta' anqas minn EUR 250 000;

9.  Jiddispjaċih li, fil-kuntest tal-ġestjoni tal-ordnijiet ta' rkupru, ġie rreġistrat inkorrettament dħul operattiv li ammonta għal EUR 9,6 miljuni li jikkorrispondu għal prefinanzjament mhux minfuq;

10.  Jiddispjaċih li EUR 29,6 miljun f'ordnijiet ta' rkupru taħt it-tmien, id-disa', l-għaxar u l-ħdax‑il FEŻ tħassru minħabba żbalji ta' kodifikazzjoni, korrezzjonijiet jew modifiki; jitlob lill-Kummissjoni tirrapporta dwar il-EUR 15,8 miljun li għadhom soġġetti għal litigazzjoni li għadha għaddejja;

11.  Jesprimi tħassib serju għall-fatt li, minn ordni ta' rkupru ta' EUR 1 miljun, EUR 623 000 ġew ikkanċellati wara li ntlaħqet soluzzjoni bonarja bejn il-Kummissjoni u d-debitur(30); jirrikonoxxxi l-koerenza mar-Regolament (UE, EURATOM) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Ottubru 2012 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002(31) ("ir-Regolament Finanzjarju") kif ukoll il-prinċipju ta' proporzjonalità fir-rigward tal-ordnijiet ta' rkupru; jenfasizza, madankollu, il-fatt li flus il-kontribwenti Ewropej qed jiġu mhedda u li jeħtieġu li jkunu protetti bil-mezzi meħtieġa;

Il-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet li fuqhom huma bbażati l-kontijiet

12.  Jilqa' l-fatt li l-opinjoni tal-Qorti sabet li d-dħul li fuqu huma bbażati l-kontijiet għas-sena 2015 huwa legali u regolari fl-aspetti materjali kollha;

13.  Jiddispjaċih li l-istimi li saru fir-rapport tal-Qorti huma li r-rata ta' żball l-aktar probabbli għat-tranżazzjonijiet ta' nefqa mit-tmien, id-disa', l-għaxar u l-ħdax‑il FEŻ baqgħet identika għal dik tal-2014, li kienet ta' 3,8 %, u ogħla minn dik tal-2013, li kienet ta' 3,4 %, u minn dik tal-2012, li kienet ta' 3 %; jappella lill-BEI u lill-Kummissjoni jħejju pjan ta' azzjoni biex terġa' tinqaleb ix-xejra dejjem akbar ta' żbalji materjali u jippreżentawha lill-awtorità tal-kwittanza;

14.  Jesprimi tħassib dwar il-valutazzjoni tal-Qorti relatata mal-legalità u r-regolarità tal-pagamenti li fuqhom huma bbażati l-kontijiet li huma materjalment milquta minn żbalji; jinsab imħasseb mir-riżultati tal-kampjuni li ttieħdu fir-rigward tat-tranżazzjonijiet ta' pagament fejn 35 minn 140 pagament (25 %) kienu milquta minn żbalji; jinnota li s-sistemi interni ta' kontroll u verifika tal-effettività tagħhom jinvolvu mhux biss il-kwartieri ġenerali tal-Kummissjoni u d-delegazzjonijiet tal-Unjoni fil-pajjiżi benefiċjarji, iżda ukoll atturi oħra bħall-uffiċjali awtorizzanti nazzjonali maħtura mill-pajjiżi AKP, fejn spiss ġew identifikati dgħufijiet fil-verifiki; jistieden lill-Kummissjoni tappoġġa u ssaħħaħ dawk il-kapaċitajiet istituzzjonali u amministrattivi fraġli;

15.  Jinsab imħasseb dwar il-fatt li t-tipoloġija tal-iżbalji li fuqhom hija bbażata r-rata ta' żball ta' 3,8 % fl-2015 baqgħet l-istess kif kienet fl-2014, jiġifieri n-nuqqas ta' dokumenti ta' sostenn (u s-somma milquta minn din il-kategorija ta' żball hija ta' EUR 3 692 833 miljun) u nuqqas ta' konformità mar-regoli tal-akkwist (u s-somma milquta minn din il-kategorija ta' żball tammonta għal EUR 1 176 140 miljun) li jirrappreżentaw 70 % tal-livell ta' żball stmat (imqabbel ma' 63 % fl-2014) jitlob lill-BEI u lill-Kummissjoni jżidu l-isforzi tagħhom u jtejbu b'mod effettiv kemm il-verifiki ex ante u kemm dawk ex post tal-proġetti ta' finanzjament sabiex jitnaqqsu b'mod konsiderevoli s-somom milquta minn żbalji f'kategoriji bħal "nuqqas ta' dokumenti ta' sostenn" u "nuqqas ta' konformità mar-regoli tal-akkwist";

16.  Jesprimi, barra minn hekk, it-tħassib li ilu jħoss rigward id-dgħufijiet tal-verifiki ex ante, inkwantu 16‑il tranżazzjoni finali mit-28 li kienu soġġetti għal verifiki ex ante sussegwentement ġew awtorizzati abbażi ta' żbalji kwantifikabbli li ġew żvelati mill-verifiki ex ante; jiddispjaċih li l-biċċa l-kbira tal-iżbalji li nstabu kellhom x'jaqsmu, kif ġara fis-snin preċedenti, mal-istimi għall-programmi, l-għotjiet u l-operazzjonijiet ġestiti mal-organizzazzjonijiet internazzjonali; jistieden għalhekk lill-Kummissjoni tagħti kunsiderazzjoni akbar lill-verifiki ex ante biex tiżgura l-legalità u r-regolarità tal-implimentazzjoni tal-FEŻ; jirrikonoxxi li n-natura tal-appoġġ baġitarju tillimita l-valutazzjoni tar-rata ta' żball fattwali tal-iżborżi ta' appoġġ baġitarju, li twassal biex it-tranżazzjonijiet ikunu suxxettibbli għal żbalji;

17.  Jenfasizza r-riskju inerenti fir-rigward tal-approċċ nozzjonali, li jiddikjara l-kontribuzzjonijiet mill-Kummissjoni għal proġetti b'diversi donaturi ħielsa minn żbalji regolatorji meta dawn jinġabru flimkien ma' dawk ta' donaturi oħra u ma jiġux assenjati għal partiti speċifiċi u identifikabbli tal-infiq, peress li l-Kummissjoni tassumi li hemm konformità mar-regoli ta' eliġibbiltà tal-UE meta l-ammonti miġburin flimkien ikunu jinkludu biżżejjed infiq eliġibbli biex tiġi koperta l-kontribuzzjoni mill-UE.

18.  Jesprimi tħassib li l-approċċ nozzjonali jillimita b'mod sostanzjali l-ħidma tal-Qorti, b'mod partikolari fid-dawl tal-fatt li għas-sena baġitarja 2015, ġew żborżati EUR 763 miljun permezz tal-appoġġ baġitarju, li jammonta għal 24 % tal-infiq tal-FEŻ għall-2015(32);

19.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tirrimedja malajr għal dawn in-nuqqasijiet fil-verifiki ex ante, filwaqt li jinnota li l-Kummissjoni kellha biżżejjed informazzjoni mis-sistemi ta' informazzjoni tagħha biex tipprevjeni, tidentifika u tikkoreġi l-iżbalji kwantifikabbli qabel twettaq in-nefqa b'effett pożittiv dirett fuq il-livell ta' żball stmat li kieku kien ikun ta' 1,7 punti perċentwali aktar baxx;

20.  Jieħu nota tal-fatt li EUR 89,9 miljun ġew irkuprati għar-rimborż tal-pagamenti li ma kinux dovuti minħabba irregolaritajiet u żbalji;

Il-komponenti tal-qafas ta' assigurazzjoni

21.  Jilqa' t-tranżizzjoni minn riżerva ġenerali għall-ħruġ ta' riżervi differenzjati kif talab il-Parlament fir-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar il-FEŻ, speċifikament (i) riżerva tematika waħda għaż-żewġ oqsma pendenti fejn hemm riskju għoli, l-għotjiet f'ġestjoni diretta (18 % tal-ammont totali mħallas fl-2015) u f'ġestjoni indiretta ma' organizzazzjonijiet internazzjonali; u (ii) riżerva speċifika għall-faċilità għall-Paċi fl-Afrika;

22.  Jinnota l-azzjonijiet li wettqet il-Kummissjoni rigward iż-żewġ oqsma fejn hemm riskju ogħla, u jappella lill-Kummissjoni biex tirrapporta dwar l-implimentazzjoni ta' dawk l-azzjonijiet lill-Parlament;

23.  Jistieden lill-Kummissjoni tkompli tirfina l-valutazzjoni tar-riskju tal-ibbaġitjar tagħha bbażat fuq l-attività biex tkompli tiżgura livell adegwat ta' assigurazzjoni settorjali; jitlob, f'dan il-kuntest, tevalwa l-livell tar-riskji u l-vulnerabbiltajiet tal-ġestjoni indiretta;

24.  Jesprimi tħassib dwar in-natura riskjuża tal-ġestjoni indiretta, b'mod partikolari minħabba n-nuqqas ta' traċċabbiltà tal-fondi fl-iżborż tagħhom mid-Direttorat Ġenerali għall-Kooperazzjoni Internazzjonali u l-Iżvilupp għall-atturi u s-sottokuntratturi lokali;

25.  Jikkunsidra li t-titjib tal-għodda biex jiġi mmonitorat jekk humiex qed jiġu segwiti l-konklużjonijiet tal-awditjar estern huwa pożittiv; jilqa' l-applikazzjoni ta' awditjar il-ġdida u l-grilja tal-kwalità li żviluppat il-Kummissjoni, u jappoġġa r-rakkomandazzjoni tal-Qorti biex dawn l-għodod ġodda jittejbu;

26.  Jilqa' l-fatt li għar-raba' sena konsekuttiva twettaq studju tar-rata tal-iżball residwu u li dan sar strument ewlieni fi ħdan l-istrateġija ta' kontroll, ta' monitoraġġ u ta' awditjar;

27.  Jenfasizza li r-RER tiġi kkalkulata billi jitnaqqsu l-korrezzjonijiet finanzjarji pluriennali imposti fil-livelli nazzjonali u f'dawk tal-Unjoni, ir-rati ta' żball annwali tal-awtoritajiet tal-awditjar;

28.  Jesprimi preokkupazzjoni kbira għall-fatt li fl-2015, ir-RER tal-operazzjonijiet kuntrattwali magħluqa inklużi fir-rapport annwali ta' attività kien stmat li kienet 2,2 %, li xorta tibqa' ogħla mil-livell limitu ta' materjalità ta' 2 % u huwa ekwivalenti għal madwar EUR 174 miljun, inklużi EUR 98 miljun għall-FEŻ;

29.  Jistieden lill-Kummissjoni żżomm standards metodoloġiċi għolja fil-valutazzjoni tar-RER tagħha kif ukoll biex timmonitorja u tinforza l-korrezzjonijiet finanzjarji mill-Istati Membri;

30.  Jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li hemm bżonn il-bilanċ bejn l-assorbiment, il-konformità u l-prestazzjoni li għandu jiġi rifless fil-ġestjoni tal-operazzjonijiet;

31.  Jilqa' l-fatt li l-ispejjeż stmati tal-kontroll tad-Direttorat Ġenerali tal-Kummissjoni għall-Kooperazzjoni Internazzjonali u l-Iżvilupp tnaqqsu minn EUR 371 miljun fl-2014 għal EUR 293 miljun fl-2015, u jinkoraġġixxi lill-Kummissjoni ttejjeb ulterjorment il-kost-effikaċja tal-kontroll tad-Direttur Ġenerali, filwaqt li tiżgura l-anqas ammont ta' żbalji possibbli;

32.  Jistieden lill-Kummissjoni biex tintegra fl-għodda tagħha għall-evalwazzjoni ex ante u ex post, il-ġestjoni u l-valutazzjoni tal-prestazzjoni, bi qbil mal-inizjattiva tal-Kummissjoni "Baġit iffokat fuq ir-Riżultati", immirata biex tanalizza l-impatt tal-politiki u l-azzjonijiet esterni l-oħra tal-Unjoni fuq is-sitwazzjoni tal-pajjiżi benefiċjarji;

Ir-riskji relatati ma' approċċ orjentat lejn ir-riżultati fil-qasam tal-kooperazzjoni għall-iżvilupp tal-Unjoni

33.  Jirrikonoxxi l-fatt li l-Kummissjoni integrat l-analiżi tar-riskji fil-ġestjoni tal-operazzjonijiet esterni tagħha, imwettqa f'ambjenti kumplessi u fraġli b'bosta tipi ta' riskji, peress li l-pajjiżi sħab għandhom livelli differenti ta' żvilupp u oqfsa ta' governanza;

34.  Jindika l-ħtieġa li jittejjeb l-użu tat-terminoloġija rigward ir-riżultati fuq żmien twil (riżultati, eżiti u impatti) u l-importanza li jissawru objettivi verament S.M.A.R.T. u sostenibbli qabel tittieħed kwalunkwe deċiżjoni dwar il-finanzjament ta' proġetti differenti; jenfasizza l-ħtieġa li tiġi ffokata aktar attenzjoni fuq it-tiswir ta' għanijiet "li jistgħu jinkisbu u realistiċi" sabiex jiġu evitati l-każijiet fejn l-objettivi inizjali jintlaħqu mill-pajjiżi sħab iżda mingħajr ma jinkisbu riżultati sinifikanti f'termini ta' żvilupp; itenni li għandhom jitqiesu l-aspetti soċjali u ambjentali, kif ukoll dawk ekonomiċi, meta jiġu eżaminati l-objettivi tal-iżvilupp;

35.  Jikkunsidra li hemm bżonn jiġi evitat li l-attenzjoni tiġi ffokata fuq l-eżitu baġitarju bħala l-uniku objettiv ġestjonali li jista' jkun ta' detriment għall-prinċipju ta' ġestjoni finanzjarja tajba u l-ksib ta' riżultati; jenfasizza li kwalunkwe approċċ ibbażat fuq l-inċentivi, ibbażat fuq sistema ta' "kundizzjonalità pożittiva" li jirriżulta f'inċentivi għall-benefiċjarji bi prestazzjoni tajba u f'kontrolli aktar stretti għall-benefiċjarji bi prestazzjoni ħażina, għandu jintrabat ma' indikaturi tal-prestazzjoni speċifiċi u stretti, b'mod li jippermetti approċċ kwantifikabbli sabiex jiġu vvalutati n-nuqqasijiet u l-miri milħuqa;

36.  Jenfasizza bil-qawwa li kwalunkwe sistema bbażata fuq "kundizzjonalità pożittiva" għandha taderixxi mingħajr eċċezzjoni għall-prinċipju ta' prekawzjoni;

37.  Ifakkar li monitoraġġ u mmappjar regolari tal-fatturi ta' riskju għoli (esterni, finanzjarji u operattivi) u l-kwantifikazzjoni tagħhom, mill-fażijiet ta' identifikazzjoni sa dawk ta' implimentazzjoni, huma prerekwiżit mhux biss għal ġestjoni finanzjarja tajba u nefqa ta' kwalità, iżda anke biex tiġi żgurata l-kredibbiltà, is-sostenibbiltà u r-reputazzjoni tal-interventi tal-Unjoni; huwa tal-fehma li l-istabbiliment ta' profili tar-riskju għal kull attività u kull pajjiż jiffaċilita wkoll id-disinn ta' strateġija għal mitigazzjoni rapida tar-riskji fil-każ li tiddeterjora s-sitwazzjoni f'pajjiż sieħeb;

38.  Jissottolinja l-ħtieġa għal adattament regolari tal-ambjent ta' kontroll u tal-funzjonijiet ta' ġestjoni tar-riskju sabiex jitqies il-fatt li qed ifeġġu forom ġodda ta' strumenti u faċilitajiet ta' assistenza, bħal finanzjament imħallat, fondi fiduċjarji u sħubijiet finanzjarji ma' istituzzjonijiet internazzjonali oħra, anke meta l-pajjiżi benefiċjarji jgawdu minn tipi differenti ta' forniment tal-għajnuna

39.  Jemmen li l-iżvilupp tal-bini tal-kapaċità tal-pajjiżi sħab, tal-oqfsa ta' governanza u tas-sjieda hu strumentali biex jittaffew ir-riskji sistemiċi, li jippermettu li l-fondi jilħqu l-iskopijiet intenzjonati tagħhom u jirrispondu għar-rekwiżiti tat-3 E (ekonomija, effiċjenza u effettività) filwaqt li jitqiesu wkoll l-ekoloġija, l-ugwaljanza u l-etika; iħeġġeġ lill-Kummissjoni, f'dan ir-rigward, teżamina ulterjorment il-possibbiltà u r-riskji tal-użu ta' ditti ta' awditjar lokali u ta' kuntratti ta' servizzi lokali, filwaqt li tiżgura kompletezza tat-trasparenza u l-obbligu ta' rendikont;

40.  Jirrikonoxxi li r-Regolament Finanzjarju jippermetti lill-benefiċjarji iqabbdu b'kuntratti lil ditti ta' awditjar lokali; hu, madankollu, mħasseb ħafna dwar in-nuqqasijiet fis-sistema ta' informazzjoni tal-ġestjoni tal-EuropeAid dwar ir-riżultati u s-segwitu ta' awditi esterni, kif imsemmi mill-Qorti fir-rigward tal-proċedura ta' kwittanza tal-FEŻ għall-2014; iħeġġeġ lid-Direttorat Ġenerali għall-Kooperazzjoni Internazzjonali u l-Iżvilupp biex jistabbilixxi grilja ta' kwalità li tivvaluta l-affidabbiltà tal-verifiki li jinsabu fis-seħħ għall-awditi u għal-verifiki tal-infiq magħmula minn kumpaniji ta' awditu lokali mqabbda direttament b'kuntratt mill-benefiċjarji, fejn ir-riskju ta' nuqqas ta' kwalità hu stmat li hu ogħla u r-rapporti tal-awditi u l-verifiki ma jkunx fihom informazzjoni biżżejjed dwar il-ħidma li tkun verament saret biex ill-grilja attwali tkun tista' tintuża b'mod effikaċi;

It-titjib tal-effikaċja tal-għajnuna mill-FEŻ

41.  Jissottolinja l-fatt li, sabiex tiġi stabbilita l-kredibbiltà tal-assistenza għall-iżvilupp fir-rigward tal-istrumenti li jintużaw, il-metodi għall-forniment tal-għajnuna u l-fondi kkonċernati, huwa essenzjali li jkunu jistgħu jintwerew il-valur tal-flus li jkunu ntefqu u r-riżultati miksuba b'dan l-appoġġ, iżda anke l-ilħuq tal-koerenza bejn il-politiki u l-azzjonijiet esterni tal-Unjoni u tal-objettivi tal-għajnuna għall-iżvilupp, partikolarment l-objettivi għall-iżvilupp soċjali, id-difiża tad-drittijiet tal-bniedem u l-protezzjoni ambjentali;

42.  Ifakkar li l-effikaċja tal-għajnuna, is-sjieda min-naħa tal-pajjiżi sħab fuq ir-riżultati fil-qasam tal-iżvilupp u d-dipendenza fuq l-oqfsa ta' governanza tal-pajjiżi sħab huma prinċipji ta' gwida li għandhom jiġu regolarment rfinuti;

43.  Jissottolinja l-fatt li huwa essenzjali li l-mod ta' implimentazzjoni tal-proġetti jiġi adattat għall-objettivi intenzjonati f'kull każ u għal kull proġett; jemmen li jistgħu jinkisbu riżultati aħjar f'termini ta' effiċjenza billi jiġu appoġġati proġetti li jkollhom dimensjoni adattata għall-objettivi li jkunu ġew stabbiliti minn qabel, b'mod li jwassal għal riżultati konkreti u identifikabbli u li jiffoka fuq l-iżvilupp sostenibbli tal-komunitajiet lokali;

44.  Iqis essenzjali li, għall-proġetti infrastrutturali ffinanzjati permezz tal-FEŻ, issir valutazzjoni ex ante indipendenti li tqis l-impatt soċjali u ambjentali tal-proġetti, kif ukoll il-valur miżjud tagħhom; iqis li d-deċiżjonijiet ta' finanzjament għandhom jiġu korrelatati ma' analiżi xierqa tal-kostijiet-benefiċċji, u l-proġetti għandhom jiġu ffinanzjati jekk l-implimentazzjoni tagħhom ma tkunx ambjentalment, finanzjarjament jew soċjalment kontroversjali;

45.  Ifakkar li, l-imminar tal-monitoraġġ tal-prestazzjoni u l-evalwazzjoni tar-riżultati hu ta' ħsara għall-miri tal-obbligu li jingħata rendikont pubbliku u l-informazzjoni komprensiva għal min ifassal il-politika. jindika li huwa indispensabbli li l-Parlament jingħata stampa ċara tal-livell reali sa fejn ikunu nkisbu l-objettivi prinċipali tal-Unjoni; jenfasizza l-importanza ta' approċċ aktar ibbilanċjat b'inqas kunfidenzjalità u b'aktar trasparenza, partikolarment fir-rigward tar-Rapporti dwar il-Ġestjoni tal-Assistenza Esterna;

46.  Jemmen li huwa kruċjali li r-riskji inerenti fl-għażla ta' modalità ta' implimentazzjoni partikolari jiġu vvalutati qabel jiġu impenjati riżorsi finanzjarji tal-Unjoni u meta jkunu qed jiġu kkunsidrati r-riżultati mistennija; jemmen li t-taħlit tal-proġetti, kemm f'termini tas-suġġett u kemm f'termini tat-tipi ta' implimentazzjoni, huwa essenzjali biex tiġi żgurata l-effikaċja tal-appoġġ mill-FEŻ;

47.  Jemmen li hemm bżonn ta' appoġġ akbar għal riżorsi tekniċi u amministrattivi sabiex tittejjeb l-effikaċja tal-għajnuna tal-FEŻ, partikolarment fir-rigward tal-kumplessità tar-regoli, peress li r-Regolament Finanzjarju tal-FEŻ mhux dokument awtonomu u jeħtieġ li jintuża flimkien ma' sorsi legali oħrajn, li jinvolvi riskju sinifikanti ta' inċertezza legali u żbalji;

48.  Jemmen li hemm bżonn is-semplifikazzjoni tar-regoli dwar l-allokazzjoni tal-fondi sabiex jiġi żgurat li l-fondi jintużaw aħjar u titqawwa l-effikaċja tal-forniment tal-għajnuna; jinkoraġġixxi lill-Kummissjoni tniedi s-semplifikazzjoni tar-regoli dwar l-allokazzjoni tal-fondi u tappoġġa lis-sħab lokali fl-implimentazzjoni tal-proġetti; jenfasizza, madankollu, li s-semplifikazzjoni ma tistax tkun ta' ħsara għas-sistema attwali ta' kontroverifiki ex ante u ex post, li huma essenzjali għal sorveljanza komprensiva; jenfasizza li diġà hemm nuqqasijiet persistenti fil-verifiki ex ante, qasam fejn hu meħtieġ li jitqies b'attenzjoni jekk is-semplifikazzjoni tpattix għar-riskji; ifakkar lill-Kummissjoni tenfasizza l-bilanċ tajjeb bejn inqas piż amministrattiv u kontroll finanzjarju effettiv filwaqt li tissemplifika r-regoli għall-allokazzjoni tal-fondi għall-iżvilupp;

49.  Jiddikjara li s-semplifikazzjoni tar-regoli għall-allokazzjoni tal-fondi ma għandhiex tiddevja l-approprjazzjonijiet mill-objettivi u l-prinċipji tal-atti bażiċi, u jemmen li kwalunkwe kanalizzar permezz ta' fondi fiduċjarji m'għandux isir askapitu tal-FEŻ u tal-politiki fuq terminu twil tal-Unjoni;

Task force "għarfien, prestazzjoni u riżultati"

50.  Jilqa' l-ewwel rapport dwar riżultati ta' proġetti magħżula fil-kuntest tat-tnedija tal-Qafas tar-Riżultati tal-Unjoni fl-Iżvilupp u l-Kooperazzjoni Internazzjonali bħala pass komplementari għall-impenn tal-Kummissjoni li ttejjeb l-obbligu tagħha li tagħti rendikont ta' għemilha u testendi r-rapportar tagħha dwar ir-riżultati għall-operazzjonijiet li jkunu għaddejjin; jinsab partikolarment interessat fil-lista tal-indikaturi ta' prestazzjoni organizzativa li jgħinu fil-kejl u r-rappurtar tal-impatt, l-eżiti u r-riżultati miksuba mill-pajjiżi sħab u mis-servizzi tal-Kummissjoni;

51.  Jikkunsidra li jkun utli li dik l-informazzjoni tiġi inkluża regolament fir-rapport annwali tal-attività li jkun imiss b'mod li tiġi mmonitorata l-evoluzzjoni tal-kontribuzzjonijiet tal-Unjoni għar-riżultati f'diversi oqsma tal-kooperazzjoni għall-iżvilupp, bħall-ġestjoni tal-finanzi pubbliċi, il-governanza tajba jew l-effetti ta' lieva li jinkisbu bl-attivitajiet ta' taħlit;

Il-valutazzjoni tar-riżultati miksuba mid-delegazzjonijiet tal-Unjoni

52.  Jilqa' l-progress li sar fl-analiżi tar-riżultati globali miksuba mid-delegazzjonijiet tal-Unjoni, abbażi tar-riżultati pprovduti mill-indikaturi ewlenin tal-prestazzjoni mqabbla mal-objettivi fir-rigward tal-effiċjenza tas-sistema ta' kontroll intern u s-sistemi tal-awditjar fis-seħħ, u abbażi tal-ġestjoni effikaċi tal-operazzjonijiet u r-riżorsi għall-2015;

53.  Jappella biex ikun hemm livell ogħla ta' ambizzjoni fl-istrateġija, il-ġestjoni u l-obbligu li jingħata rendikont tal-fondi tal-FEŻ; jenfasizza li hemm opportunità biex tiġi ottimizzata r-reżiljenza tal-attivitajiet kollha tal-FEŻ billi jissaħħu l-kriterji ta' effiċjenza ekonomika u finanzjarja u billi jiġu identifikati kisbiet fl-effiċjenza u fl-effikaċja, li jiġu riflessi fil-prestazzjoni ġestjonali; jikkunsidra li t-tħejjija tal-valutazzjonijiet tal-ħtiġijiet hi stadju preliminari effiċjenti biex tiġi żgurata l-effikaċja aħħarija tal-finanzjament tal-Unjoni;

54.  Jirrikonoxxi l-importanza kbira tal-informazzjoni li tiġi rrapportata fis-86 Rapport dwar il-Ġestjoni tal-Assistenza Esterna għall-assigurazzjoni li tkun trid tiġi pprovduta mill-Kummissjoni rigward il-ġestjoni tal-għajnuna esterna, kif ukoll it-tendenzi pożittivi tal-prestazzjoni tad-delegazzjonijiet, fejn 20 mill-24 indikatur ewlieni tal-prestazzjoni laħqu objettivi fl-2015, imqabbla ma' 15 li għamlu dan fl-2014;

55.  Jiddispjaċih madankollu li disa' delegazzjonijiet minn 86 ma laħqux il-parametru referenzjarju ta' 60 % tal-indikaturi ewlenin tal-prestazzjoni tagħhom; jappella lis-servizzi tal-Kummissjoni biex jimmonitoraw mill-qrib lil dawk id-delegazzjonijiet li dan l-aħħar laħqu l-objettiv ta' 60 % jew li jinsabu ftit 'il fuq mill-objettiv ta' 60 % sabiex jirfinaw u jikkonsolidaw l-analiżi tat-tendenzi fid-delegazzjonijiet;

56.  Jistieden lis-servizzi tal-Kummissjoni jaġġornaw regolarment id-definizzjoni tal-indikaturi ewlenin tal-prestazzjoni u l-modalitajiet ta' valutazzjoni relatati, u jiżviluppaw ulterjorment il-valutazzjoni tar-riskju tagħhom, b'mod partikolari billi jiġi stabbilit profili tar-riskji (riskji a priori jew relatati mar-riżultati) għall-proġetti fil-portafoll ta' kull delegazzjoni, bl-intenzjoni li ssir għażla aħjar ta' proġetti vijabbli biss minn stadju bikri; jissuġġerixxi bil-qawwi valutazzjoni tar-riskju ex ante aktar komprensiva sabiex jintgħażlu biss l-aktar proġetti vijabbli;

57.  Jistieden lill-Kummissjoni tiżviluppa tipoloġija tal-kawżi tal-punti ta' imblukkar u d-diffikultajiet li jinstabu fl-implimentazzjoni tal-proġetti, b'mod li tidentifika minnufih ir-reazzjonijiet u l-miżuri korrettivi l-aktar adegwati;

58.  Jikkunsidra li huwa essenzjali li l-kapijiet tad-delegazzjonijiet ikomplu jiġu sensibilizzati kontinwament rigward ir-rwol fundamentali tagħhom fit-tisħiħ kumplessiv tal-assigurazzjoni u fil-ġestjoni tal-operazzjonijiet tagħhom, b'mod partikolari fir-rigward tal-ponderazzjoni tad-diversi komponenti li x'aktarx jattivaw il-ħruġ ta' riżerva;

59.  Itenni bil-qawwa li hemm bżonn li l-obbligu li d-delegazzjonijiet tal-Unjoni b'persunal mis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE) jagħtu rendikont ta' għemilhom jiġi infurzat b'mod komprensiv; jemmen li dan għandu jsir apparti r-rapporti dwar il-ġestjoni tal-assistenza esterna, li jitħejjew u jiġu ffirmati mill-kapijiet tad-delegazzjonijiet tal-Unjoni;

60.  Huwa tal-fehma li l-Kapijiet tad-delegazzjonijiet tal-Unjoni għandhom jitfakkru b'mod ċar dwar dmirijiethom u r-responsabbiltajiet superviżorji u maniġerjali tagħhom u li m'għandhomx jikkonċentraw biss fuq il-komponent politiku ta' dmirijiethom;

61.  Jappella lill-Kummissjoni biex tirrapporta minnufih rigward l-azzjonijiet korrettivi speċifiċi li jittieħdu meta proġett ikun ġie kklassifikat bħala "aħmar" għal tliet snin konsekuttivi fir-rigward tal-indikatur ewlieni 5 (jiġifieri, il-perċentwal tal-proġetti b'dawl tat-traffiku aħmar rigward il-progress fl-implimentazzjoni) u tal-indikatur ewlieni 6 (jiġifieri, il-perċentwal tal-proġetti b'dawl tat-traffiku aħmar rigward il-ksib ta' riżultati) b'mod li teżamina mill-ġdid rapidament l-objettivi tal-ipprogrammar inizjali, talloka mill-ġdid il-fondi disponibbli għal proġetti u ħtiġijiet fil-qasam tal-għajnuna aktar adegwati, jew saħansitra tikkunsidra li possibbilment ittemm il-proġett;

62.  Jirrikonoxxi l-konsegwenzi diplomatiċi meta jitwaqqaf il-finanzjament tal-proġetti u l-iżborżi ta' appoġġ baġitarju dirett, iżda jenfasizza bil-qawwa l-importanza li jiġu protetti l-interessi finanzjarji tal-Unjoni;

63.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tagħti attenzjoni partikolari għall-monitoraġġ ta' operazzjonijiet imwettqa ma' organizzazzjonijiet internazzjonali bħan-Nazzjonijiet Uniti kif ukoll is-suborganizzazzjonijiet tagħha, għal impenji pendenti antiki, speċjalment fil-kuntest tal-FEŻ u l-affidabbiltà tad-data u l-valuri tas-Sistema Komuni ta' Informazzjoni dwar ir-Relazzjonijiet Esterni għat-tħejjija tar-rapporti dwar il-ġestjoni tal-assistenza esterna;

64.  Jissottolinja li r-riżorsi totali tat-tmien, tad-disa', tal-għaxar u tal-ħdax-il FEŻ jammontaw għal EUR 76,88 biljun, li minnhom EUR 41,98 biljun huma indikati bħala pagamenti; jinsab ferm imħasseb mill-fatt li l-impenji pendenti jammontaw għal EUR 11,61 biljun u li l-bilanċ disponibbli fl-aħħar tal-2015 kien jammonta għal EUR 23,27 biljun(33);

Monitoraġġ orjentat lejn ir-riżultati

65.  Jappella lill-Kummissjoni biex tiżgura li l-konnessjoni bejn l-evalwazzjonijiet u l-formulazzjoni tal-politiki tkun effikaċi billi tikkunsidra kull ma tkun tgħallmet fil-proċess deċiżjonali; jitlob lill-Kummissjoni talloka kapaċitajiet ġestjonali adegwati lid-diversi attivitajiet ta' evalwazzjoni, kif ukoll tiżgura l-affidabbiltà tas-sistemi ta' evalwazzjoni ta' EuropeAid u ta' monitoraġġ orjentati lejn ir-riżultati;

66.  Ifakkar li jkun tajjeb li jiġi pprovdut feedback estern, oġġettiv u imparzjali dwar il-prestazzjoni tal-proġetti u l-programmi ta' għajnuna tal-Kummissjoni bħala parti mill-impenn tal-Kummission favur l-assigurazzjoni tal-kwalità; jikkunsidra l-eżiti tal-evalwazzjonijiet bħala elementi ewlenin li jalimentaw il-proċess ta' rieżami tal-politika u dak politiku, l-għajnuna għall-aġġustament tal-objettivi politiċi strateġiċi u t-tisħiħ tal-koerenza kumplessiva tal-politiki tal-Unjoni; jikkunsidra li hu rakkomandabbli li jiggarantixxu li l-proġetti ffinanzjati se jgħaddu minn valutazzjoni finali permezz ta' analiżi ex post indipendenti;

67.   Jemmen li l-investiment fl-analiżi u fl-aggregazzjoni tar-riżultati u tal-evidenza għat-tipi ta' evalwazzjoni differenti jgħin lill-Kummissjoni sabiex mhux biss tikseb stampa kumplessiva tat-tendenzi iżda biex tislet tagħlimiet li jsaħħu l-effikaċja aħħarija tal-proċessi ta' evalwazzjoni filwaqt li jrendu wkoll bażi ta' evidenza aħjar għat-teħid tad-deċiżjonijiet u t-tfassil tal-politiki;

68.  Jikkunsidra li l-kondiviżjoni tal-għarfien bil-mezzi u l-għodda kollha disponibbli hija kruċjali mhux biss għall-iżvilupp ta' kultura ta' evalwazzjoni iżda prinċipalment għall-iżvilupp ta' kultura ta' prestazzjoni effikaċi;

L-attivitajiet ta' appoġġ baġitarju

69.  Josserva li, minn total ta' EUR 5 746 miljun f'pagamenti fl-2015, EUR 1 266 44 miljun (jew 22 %) ġew iddedikati għall-appoġġ baġitarju;

70.  Jikkunsidra li l-appoġġ baġitarju huwa modalità ta' għajnuna adattata għall-ispeċifiċitajiet tal-għajnuna għall-iżvilupp, li trawwem is-sjieda min-naħa tal-pajjiżi u l-effikaċja tal-għajnuna, u li wriet riżultati konkreti fl-ilħuq tal-objettivi tal-politika għall-iżvilupp; jinnota, madankollu, li l-appoġġ baġitarju jinvolvi riskji fiduċjarji u jista' jwassal għall-inċertezza fir-rigward tar-riżultati u l-prestazzjoni; jappella lill-Kummissjoni biex tiżgura l-użu tajjeb tal-għajnuna għall-iżvilupp permezz tal-appoġġ baġitarju, b'mod partikolari bl-offerta ta' taħriġ speċifiku u assistenza teknika lill-benefiċjarji;

71.  Jilqa' r-Rapport Annwali tal-Kummissjoni dwar l-Appoġġ Baġitarju tal-2016 li jeżamina l-indikaturi ewlenin tal-prestazzjoni tal-2015 madwar il-pajjiżi li jirċievu appoġġ baġitarju mill-Unjoni; jinkoraġġixxi lill-Kummissjoni tinkludi l-eżiti ta' dan ir-rapport fir-rapport annwali tal-attività tagħha li jmiss;

72.  Ifakkar fil-ħtieġa li jkun hemm rispett kostanti għall-erba' kriterji għall-eliġibbiltà fil-fażi ta' qabel il-kuntratt, l-evoluzzjoni tal-objettivi ddikjarati, u r-riżultati mistennija li ntlaħaq qbil dwarhom fl-iskrutinju tal-appoġġ baġitarju;

73.  Jisħaq li jeħtieġ li l-kontribuzzjoni tal-appoġġ baġitarju għall-eżiti mixtieqa fil-qasam tal-iżvilupp tintwera b'mod ċar u li l-użu tiegħu jsir kundizzjonali fuq it-titjib tal-ġestjoni finanzjarja u fuq is-sorveljanza u l-obbligu ta' rendikont demokratiċi, kif ukoll it-trasparenza sħiħa fir-rigward tal-parlamenti u ċ-ċittadini nazzjonali tal-pajjiżi destinatarji; jikkunsidra li huwa prijorita li l-għoti ta' dan l-appoġġ jiġi kkollegat/jintrabat mal-ġlieda kontra l-korruzzjoni fil-pajjiżi li jibbenefikaw mill-appoġġ baġitarju;

74.  Jikkunsidra li l-kriterji dwar il-prestazzjoni tal-iżborż huma fattur fil-qalba tal-ġestjoni tal-attivitajiet ta' appoġġ baġitarju, kif ukoll għal djalogu politiku u strateġiku approfondit;

75.  Iqis li huwa meħtieġ li jissaħħaħ id-djalogu politiku u dwar il-politika, il-kundizzjonalità tal-għajnuna u l-qafas tal-katina loġika biex jiżguraw koerenza bejn id-deċiżjonijiet u kundizzjonijiet minn qabel għal pagamenti billi l-pagamenti jiġu kkollegati b'mod ċar mal-kisba tar-riżultati, l-objettivi u l-indikaturi ewlenin tal-prestazzjoni predefiniti magħżula; jistieden lis-servizzi tal-Kummissjoni jikkonsolidaw ulterjorment il-qafas ta' superviżjoni tagħha konsegwentement; jappella lill-Kummissjoni biex timmonitora aktar mill-qrib u tirrapporta b'mod aktar sistematiku rigward il-prestazzjoni u r-riżultati;

76.  Jappella lis-servizzi tal-Kummissjoni biex regolarment jirrapportaw dwar l-implimentazzjoni tal-Inizjattiva Fiskali ta' Addis li tnediet fl-2015, b'mod partikolari rigward l-azzjonijiet li tnedew fl-2015 biex jiġu indirizzati l-evitar tat-taxxa, l-evażjoni tat-taxxa u l-flussi finanzjarji illeċiti; jikkunsidra li l-oqsmatal-effikaċja governattiva u l-ġestjoni finanzjarja pubblika, il-korruzzjoni u r-riskji ta' frodi jippreżenta dimensjoni ta' riskju ewlieni li għandu ssirilha skrutinju kontinwu u komprensiv;

L-iżvilupp tad-dimensjoni ta' sorveljanza fuq il-fondi fiduċjarji u l-istrumenti ta' taħlit

77.  Jirrikonoxxi l-motivazzjoni għall-iżvilupp ta' fondi fiduċjarji ddedikati bħala strumenti għall-akkomunament tar-riżorsi finanzjarji minn diversi partijiet ikkonċernati bil-ħsieb li tiżdied il-flessibbiltà u titħaffef ir-reazzjoni tal-Unjoni għall-kwistjonijiet internazzjonali globali, kriżijiet kbar jew sitwazzjonijiet ta' emerġenza; jemmen madankollu li anke dawk il-proġetti fuq skala żgħira b'objettivi, operaturi u benefiċjarji identifikati b'mod ċar, li jipproduċu riżultati konkreti u li jsegwu strateġija fuq żmien twil, jistgħu jieħdu sehem effikaċi fir-reazzjoni tal-Unjoni għal dawn l-isfidi;

78.  Jemmen li l-koerenza u l-komplimentarjetà ta' kull għodda ta' żvilupp ġdida mal-FEŻ għandhom jitqiesu kif jixraq, b'mod partikolari fir-rigward tal-impatt tal-għajnuna, il-ġestjoni u l-ispejjeż amministrattivi kkonfrontati mal-kontribuzzjonijiet totali; jappella lill-Kummissjoni biex tiżgura li dawn l-għodod ġodda fil-qasam tal-iżvilupp ikunu dejjem konformi mal-objettivi tal-istrateġija kumplessiva u tal-politika dwar l-iżvilupp tal-Unjoni;

79.  Jesprimi tħassib dwar il-multipliċità ta' fondi fiduċjarji u ta' pjattaformi ta' taħlit, iffinanzjati mill-Istati Membri b'ammonti sostanzjali iżda li mhumiex parti mill-baġit tal-Unjoni; jenfasizza bil-qawwa kwistjonijiet possibbli fir-rigward tal-governanza, l-effikaċja, it-trasparenza u l-obbligu ta' rendikont; iwissi lill-Kummissjoni dwar ir-riskju li l-objettivi tal-politika dwar l-iżvilupp jiġu esternalizzati jew dilwiti; jistieden lill-Qorti Ewropea tal-Awdituri tgħin fil-valutazzjoni tar-riskji, ittejjeb it-trasparenza u l-obbligu ta' rendikont ġenerali u tqabbel l-effettività tal-investimenti permezz tal-fondi fiduċjarji ma' dawk taħt il-ġestjoni diretta u indiretta tal-FEŻ;

80.  Jinnota li l-fondi fiduċjarji kienu parti minn reazzjoni ad hoc li turi li l-FEŻ, il-baġit tal-Unjoni u l-Qafas Finanzjarju Pluriennali huma nieqsa mir-riżorsi u l-flessibbiltà meħtieġa għal approċċ komprensiv u rapidu għal kriżijiet maġġuri; jemmen li hemm bżonn ta' aktar żmien biex tiġi ppruvata l-effikaċja tagħha;

81.  Jirrikonoxxi, il-ħolqien tal-Fond Fiduċjarju ta' Emerġenza tal-Unjoni għall-Afrika, iżda jiddispjaċih li ma saret l-ebda konsultazzjoni minn qabel tal-Parlament, avolja l-Parlament igawdi minn sorveljanza rinforzata fuq l-ipprogrammar tal-FEŻ abbażi ta' impenn politiku li ħadet il-Kummissjoni; josserva li 57 % tal-ammont inizjali mwiegħed mill-Istati Membri u d-donaturi l-oħra (l-Iżvizzera u n-Norveġja) tħallsu għall-Fond Fiduċjarju ta' Emerġenza tal-Unjoni għall-Afrika (jiġifieri EUR 47,142 miljun); jinnota li EUR 1,4 biljun mir-riżerva għall-FEŻ se jintużaw għall-Fond Fiduċjarju ta' Emerġenza tal-Unjoni għall-Afrika u li, b'kollox, il-wegħdiet finanzjarji li għamlu l-Istati Membri jirrappreżentaw biss EUR 81,492 miljun (jiġifieri 4,3 % mill-EUR 1,8 biljun previsti); jinnota li l-ammont imwiegħed u imħallas għall-Fond Fiduċjarju ta' Bekou kien ta' EUR 34,925 miljun;

82.  Jappella lill-Kummissjoni biex timplimenta mekkaniżmi ta' kontroll komprensivi biex tiżgura l-iskrutinju politiku, b'mod speċjali dak mill-Parlament, fuq il-governanza, il-ġestjoni u l-implimentazzjoni ta' dawn l-istrumenti l-ġodda fil-kuntest tal-proċedura ta' kwittanza; jikkunsidra li huwa importanti li jiġu żviluppati strateġiji speċifiċi għas-superviżjoni ta' dawk l-istrumenti, b'objettivi, miri u rieżamijiet speċifiċi;

83.  Huwa preokkupat ferm minħabba l-fatt li objettivi mhumiex speċifiċi biżżejjed u min-nuqqas ta' indikaturi vinkolanti u miri miżurabbli li jivvalutaw il-prestazzjoni tal-fondi fiduċjarji; jitlob li l-arranġamenti għall-monitoraġġ tal-prestazzjoni (jew il-matriċijiet jew l-oqfsa ta' riżultati) relatati ma' azzjonijiet ippjanati jiġu msaħħa aktar biex jinkludu għanjiet fuq żmien medju u twil f'konformità sħiħa mal-objettivi tal-politika tal-UE;

84.  Jinsab partikolarment interessat li jirċievi informazzjoni dwar il-proporzjonijiet ta' ingranaġġ li jinksibu mill-faċilitajiet ta' taħlit eżistenti li jkunu speċifikament iffokati fuq il-valur miżjud u l-addizzjonalità meta mqabbla mal-appoġġ klassiku mill-Unjoni;

It-tisħiħ tal-oqfsa ta' kooperazzjoni ma' organizzazzjonijiet internazzjonali

85.  Josserva li l-interventi tal-FEŻ li ġew implimentati permezz ta' ġestjoni indiretta ma' organizzazzjonijiet internazzjonali u l-aġenziji fil-qasam tal-iżvilupp ammontaw għal EUR 810 miljun, li minnhom EUR 347 miljun għaddew min-Nazzjonijiet Uniti;

86.  Jirrikonoxxi l-valur miżjud tal-kooperazzjoni ma' organizzazzjonijiet internazzjonali f'ċerti kuntesti speċifiċi; jirrimarka, madankollu, nuqqasijiet rikorrenti, bħal-livell ta' żbalji finanzjarji li jaffettwaw il-livell tar-rata ta' żball, ir-rappurtar ta' dgħufijiet, il-problema bis-sjieda tar-riżultati u, konsegwentement, in-nuqqas ta' viżibbiltà tal-Unjoni bħala donatur u l-ħtieġa li jiġu armonizzati l-aspettattivi fir-rigward tal-orjentament lejn ir-riżultati u l-valur tal-flus li jkunu ntefqu;

87.  Jinkoraġġixxi, b'mod partikolari fil-każ tal-inizjattivi kofinanzjati u b'diversi donaturi, lill-Kummissjoni jew l-istituzzjonijiet internazzjonali biex:

(i)  jivvalutaw u jippjanaw il-benefiċċji ġejjiena ta' proġett u l-mod kif kull sieħeb jikkontribwixxi lejn l-eżitu finali u l-impatt fuq livell aktar estensiv, b'mod li jiġu evitati l-mistoqsijiet dwar is-sjieda tar-riżultati, jiġifieri liema parti mir-riżultati kienet attribwibbli għall-finanzjament tal-Unjoni jew għall-interventi ta' donaturi oħra;

(ii)  jagħqdu l-oqfsa ta' governanza ma' dawk użati mill-Unjoni, b'mod partikolari billi jtejbu l-metodi tagħhom għall-ġestjoni tar-riskju; jikkunsidra li jkun tajjeb li l-funġibbiltà tal-fondi tiġi mmonitorata mill-qrib għal-livell għoli ta' riskju fiduċjarju li għandha;

(iii)  itejbu l-mudelli tal-oqfsa ta' kooperazzjoni li jintużaw mal-organizzazzjonijiet internazzjonali kollha biex jiġi żgurat b'mod partikolari kontroll aktar komprensiv tal-ispejjeż ġestjonali;

(iv)  jiżguraw koerenza bejn il-proġetti li jiġu implimentati f'qafas ta' kooperazzjoni ma' organizzazzjonijiet internazzjonali u l-azzjonijiet u l-politiki tal-Unjoni kollha kemm hi;

Il-ġestjoni tal-Faċilità għall-Paċi fl-Afrika

88.  Jinnota li l-Faċilità għall-Paċi fl-Afrika (FPA) hija l-istrument finanzjarju tal-UE li tfassal bħala appoġġ għall-kooperazzjoni mal-Afrika fl-ispazju ta' paċi u sigurtà b'total fl-2015 ta' EUR 901,2 miljun li ġew impenjati, ta' EUR 600 miljun li ġew ikkuntrattati u ammont totali li tħallas taħt il-ħdax‑il FEŻ; jieħu nota tal-fatt li madwar 90 % tal-fondi tal-FPA jiġu ġestiti permezz ta' ftehimiet iffirmati mal-Kummissjoni tal-Unjoni Afrikana li hija l-korp implimentattiv tal-Unjoni Afrikana;

89.  Jinnota li l-Kummissjoni ma għandhiex fiduċja fl-implimentazzjoni tal-Faċilità għall-Paċi fl-Afrika li ilha operattiva għal ħafna snin; jinsab sorpriż, f'dan il-kuntest, bil-proposta tal-Kummissjoni li tiddevja aktar fondi ta' żvilupp għal azzjonijiet ta' sigurtà fl-Afrika; jissottolinja wkoll li, għal dawn l-aħħar 15-il sena, il-finanzjament tal-Faċilità għall-Paċi fl-Afrika mill-FEŻ kien soluzzjoni temporanja; jenfasizza li matul dawk is-snin kollha l-finanzjament għall-iżvilupp ta kontribut finanzjarju importanti ħafna għall-politiki ta' sigurtà Afrikani, mentri l-infiq tal-Unjoni għas-sigurtà bi skopijiet ta' żvilupp ma jeżistix;

90.  Jiddeplora l-fatt li s-sistema ta' kontroll għall-monitoraġġ ġestjonali u operattiv tal-FPA ma kinitx effikaċi fil-ħarsien tal-FEŻ minn nefqa illegali u irregolari u l-implimentazzjoni tal-miżuri ta' mitigazzjoni ma kinitx adegwata bħala rimedju għad-dgħufijiet istituzzjonali identifikati; jiddispjaċih ukoll dwar id-dgħufijiet fis-sistemi ta' monitoraġġ u ta' rapportar dwar l-attivitajiet ffinanzjati mill-FPA;

91.  Jesprimi t-tħassib tiegħu li r-riżultati tal-valutazzjonijiet tal-pilastri li twettqu skont ir-rekwiżiti tar-Regolament Finanzjarju ma tqisux, speċifikament fir-rigward tan-nonkonformità tal-proċessi fl-oqsma tal-kontabbiltà, l-akkwist u s-sottodelegi; jiddispjaċih li l-miżuri korrettivi ma ġewx implimentati aktar malajr;

92.  Jistieden lill-Kummissjoni tadatta l-governanza, il-koordinament u r-responsabbiltajiet rispettivi tal-partijiet ikkonċernati involuti (jiġifieri s-servizzi tal-Kummissjoni, is-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna u d-delegazzjonijiet tal-Unjoni) fil-monitoraġġ tal-finanzjament mill-FPA u r-rapportar dwar il-proġetti attwali tagħha;

93.  Jitlob lill-Kummissjoni tirrapporta fiż-żmien dovut lill-Parlament dwar il-miżuri korrettivi, il-livell tal-irkupri u t-titjib fil-ġestjoni tal-fondi mill-FPA;

Koperazzjoni mal-PTEE

94.  Jirrikonoxxi li l-FEŻ jiffukaw prinċipalment fuq il-pajjiżi Afrikani u jikkunsidra li l-PTEE m'għandhomx jitwarrbu f'termini ta' objettivi politiċi; jistieden lill-Kummissjoni timplimenta aktar sinerġiji mal-politiki interni u orizzontali tal-Unjoni b'parteċipazzjoni konkreta mill-PTEE;

95.  Jemmen li jkun tajjeb li tingħata attenzjoni għall-prestazzjoni tal-għajnuna u l-impatt tal-politika għall-iżvilupp iżda anke tal-politiki Ewropej u internazzjonali l-oħra fuq il-pajjiżi li jinsabu fl-istess inħawi ġeografiċi bħall-PTEE; jitlob li tingħata attenzjoni partikolari għas-sitwazzjoni speċifika tal-Mayotte minħabba l-bidla fl-istatus minn OCT għal dak ta' reġjun ultraperiferiku fl-2014;

96.  Jistieden lill-Kummissjoni tiżgura li l-iffinanzjar ikun ta' benefiċċju għall-PTEE kollha b'mod ġust u ekwu; jistieden lill-Kummissjoni tkompli tappoġġa lill-amministrazzjonijiet OCT fl-implimentazzjoni tal-proġetti tal-FEŻ, b'mod partikolari permezz ta' taħriġ u ta' assistenza teknika;

97.  Ifakkar il-karatteristiċi ġeografiċi tal-PTEE; jistieden lill-Kummissjoni tintegra aħjar indikaturi ewlieni tal-prestazzjoni mmirati għall-finanzjament fl-PTEE; jistieden ukoll lill-Kummissjoni tipproponi, bħala parti mill-estensjoni tal-azzjoni preparatorja fi ħdan l-iskema BEST (l-iskema volontarja għal Servizzi ta' Bijodiversità u Ekosistemi fit-Territorji extra-Ewropej), mekkaniżmu permanenti għall-protezzjoni tal-bijodiversità, l-iżvilupp ta' servizzi tal-ekosistema u l-ġlieda kontra l-effetti tat-tibdil fil-klima fil-pajjiżi u t-territorji extra-Ewropej tal-Unjoni;

98.  Jistieden għal darb' oħra lill-Kummissjoni biex sal-2020 tistabbilixxi strument ta' finanzjament speċifiku għall-PTEE, fil-waqt li tqis l-istatus speċjali tagħhom u l-fatt li huma membri fil-familja Ewropea. Ir-risposta mill-FEŻ għall-isfidi globali urġenti

Il-kwistjoni tal-migrazzjoni u l-għajnuna għall-iżvilupp

99.  Ifakkar li l-għan ewlieni tal-politika tal-Unjoni għall-iżvilupp huwa li tnaqqas u eventwalment teqred il-faqar, u li l-FEŻ s'issa kisbu progress fil-pajjiżi AKP u fl-PTEE; jemmen li l-għajnuna għall-iżvilupp ta' suċċess u l-kwistjonijiet tal-migrazzjoni huma interkonnessi, peress li l-migrazzjoni tista' tirriżulta minn vulnerabbiltajiet ekonomiċi u soċjali u peress li l-oriġini tal-mitigazzjoni tal-kawżi prinċipali tal-migrazzjoni tista' tinstab fl-għajnuna għall-iżvilupp iffokata;

100.  Jinnota l-adozzjoni reċenti tal-Istrateġija Globali tal-Unjoni biex sal-2030 jinkiseb żvilupp sostenibbli, li tikkonsolida ulterjorment il-kollegament bejn l-iżvilupp u l-migrazzjoni u tqiegħed lill-migrazzjoni u s-sigurtà fil-qafas ġdid għall-iżvilupp u l-kooperazzjoni;

101.  Ifakkar fil-pożizzjoni tal-Parlament lejn approċċ olistiku għall-migrazzjoni bbażat fuq taħlita ta' politika ġdida li tinkludi t-tisħiħ tar-rabta bejn il-migrazzjoni u l-iżvilupp billi jiġu indirizzati l-kawżi primarji tal-migrazzjoni, filwaqt li tiġi promossa wkoll bidla fil-modi ta' finanzjament għar-risposta għall-kriżi tal-migrazzjoni.

102.  Jirrikonoxxi li l-Unjoni kabbret l-appoġġ għar-riformi fis-settur tas-sigurtà; jemmen, madankollu, li l-Kummissjoni għandha tiżgura li l-fondi ma jiġux imċaqilqa lejn il-promozzjoni tas-sigurtà mingħajr it-tisħiħ parallel tal-appoġġ għal riformi demokratiċi;

103.  Jemmen li l-kobor tal-kriżi tal-migrazzjoni xprunat il-ħtieġa għal reazzjoni u t-twassil tal-għajnuna aktar rapidi u effikaċi; jikkunsidra li hu utli li jiġi żviluppat kodiċi settorjali xieraq għall-"migrazzjoni" fil-Kumitat ta' Għajnuna għall-Iżvilupp tal-OECD sabiex il-migrazzjoni tiġi integrata aħjar fl-aġenda dwar l-iżvilupp, sabiex jiġu ffaċilitati l-kodifikazzjoni u l-użu tal-fondi, u sabiex l-ammonti ddestinati għall-azzjoni esterna dwar il-ġlieda kontra l-kawżi ewlenin tal-migrazzjoni jiġu segwiti u mmonitorati aħjar;

104.  Jilqa' t-tnedija prevista ta' pjan ta' investiment estern fl-Afrika skont il-mudell tal-Fond Ewropew għall-Investimenti Strateġiċi biex jindirizza l-punti ta' konġestjoni speċifiċi fl-investiment; iqis dan bħala wieħed mill-aktar għodda xierqa u effiċjenti biex jintlaħaq l-għan fit-tul tal-Parlament biex in-nies jingħataw kundizzjonijiet ta' għajxien xierqa, u b'hekk jiġu indirizzati wkoll il-kawżi fundamentali tal-migrazzjoni eċċessiva mill-Afrika;

105.  Jirrikonoxxi li l-fondi tal-FEŻ qed jikkontribwixxu biex jindirizzaw il-kawżi fundamentali tal-kriżi attwali globali tar-refuġjati u tal-migrazzjoni; jenfasizza li l-fondi tal-FEŻ m'għandhomx ikunu użati ħażin għal skopijiet li mhumiex determinati fid-dispożizzjonijiet bħall-kontroll tas-sigurtà tal-fruntieri u miżuri effettivi ta' ripatrijazzjoni; jistieden lill-Kummissjoni timpenja lilha nnifisha b'mod kostruttiv biex takkwista sinerġiji bejn il-baġit tal-Unjoni, il-FEŻ u l-kooperazzjoni bilaterali sabiex tindirizza kwistjonijiet li jikkonċernaw il-prevenzjoni tal-kriżi migratorja

106.  Jappella biex il-qbil u l-qafas strateġiċi tal-politiki esterni u l-alternattivi politiċi tal-Unjoni dwar il-migrazzjoni jiġu kontinwament rfinuti mal-atturi ewlenin sabiex jiġu żgurati ċ-ċarezza, kif ukoll mobilizzazzjoni kkoordinata u koerenti tal-mekkaniżmi relatati mal-migrazzjoni esterna fuq żmien qasir, fuq żmien medju u fuq żmien twil, kemm jekk fi ħdan il-qafas baġitarju tal-Unjoni u kemm jekk barra minnu;

107.  Jikkunsidra li hemm bżonn kruċjali li jiġi rrikonċiljat il-bżonn għal riżultati aħjar mad-disponibbiltà ta' biżżejjed fondi biex jiġi żgurat livell għoli ta' ambizzjoni fit-tfassil ta' reazzjoni komprensiva u sostenibbli mill-Unjoni għall-isfidi attwali u ġejjiena kkawżati mill-kriżi migratorja; huwa tal-opinjoni li hemm bżonn li l-infiq tal-Unjoni fil-qasam tal-migrazzjoni esterna jiġi żborżat b'mod aktar effiċjenti u li jissodisfa l-kriterji ta' "valur miżjud" b'mod li n-nies jiġu pprovduti b'kundizzjonijiet ta' għajxien adegwati fil-pajjiżi ta' oriġini tagħhom u pajjiżi AKP oħra;

108.  Jistieden lill-partijiet ikkonċernati ewlenin kollha biex jirriflettu b'mod adegwat dwar il-bilanċ bejn il-flessibbiltà fl-interventi, il-komplementarjetà tal-fondi, il-livell tagħhom u l-ingranaġġ meħtieġ, kif ukoll is-sinerġiji potenzjali u l-addizzjonalità kumplessiva tal-interventi tal-Unjoni, u biex jagħtuhom reazzjoni adegwata;

109.  Jemmen li l-frammentazzjoni attwali tal-istrumenti li jkollhom l-objettivi speċifiċi tagħhom mingħajr ma jkunu interkollegati, ixxekkel is-sorveljanza parlamentari fuq il-mod kif jiġu implimentati l-fondi u l-identifikazzjoni tar-responsabbiltajiet, u għaldaqstant tagħmilha diffiċli li jiġi vvalutat b'mod ċar l-ammonti finanzjarji li jkunu effettivament intefqu bħala appoġġ għall-azzjoni esterna fil-qasam tal-migrazzjoni; jiddispjaċih li dan iwassal għal nuqqas ta' effikaċja, trasparenza u obbligu ta' rendikont; jikkunsidra li hemm bżonn li l-modi kif jintużaw l-istrumenti politiċi eżistenti jiġu ffokati mill-ġdid, b'arkitettura ta' objettivi ċara u mġedda sabiex jiżdiedu l-effikaċja u l-viżibbiltà kumplessivi tagħhom;

110.  Jemmen f'dan il-kuntest li jkun tajjeb li tingħata l-attenzjoni dovuta biex l-għajnuna tiġi mmirata b'mod xieraq lejn il-kwistjonijiet differenti u li qed jevolvu fil-qasam tal-migrazzjoni esterna, filwaqt li tiġi żgurata wkoll l-adegwatezza tas-sorveljanza tal-fondi żborżati b'mod li jiġu evitati r-rikji ta' miżapproprijazzjoni ta' fondi u ta' finanzjament doppju, u waqt li jiġi żgurat li l-pajjiżi AKP l-oħra jkomplu jibbenefikaw mill-assistenza tal-FEŻ;

111.  Jemmen li t-tibdil fil-klima u l-isfidi tiegħu, il-migrazzjoni u l-iżvilupp huma strettament interrelatati; jappella għal fehim aħjar ta' din il-korrelazzjoni fl-allokazzjoni tal-għajnuna għall-iżvilupp u fl-għanijiet tal-politika tal-iżvilupp; jistieden lill-Kummissjoni u lill-BEI jevitaw is-sempliċi żieda tal-fondi minfuqa biex jiġu indirizzati l-problemi relatati mal-migrazzjonijiet mingħajr ma jitqiesu proġetti mmirati għall-adattamenti għat-tibdil fil-klima u proġetti ta' żvilupp oħrajn;

Il-kontribuzzjonijiet tal-BEI

112.  Jinnota li, fl-2015, ġew allokati EUR 936 miljun lill-pajjiżi AKP u lill-PTEE fi proġetti implimentati fi 15‑il pajjiż u f'6 raggruppamenti reġjonali;

113.  Jappoġġa l-objettivi predominanti tal-qafas tal-faċilità ta' investiment AKP, jiġifieri l-appoġġ għas-settur privat lokali u l-iżvilupp tal-impjiegi u tal-infrastrutturi soċjoekonomiċi li jippromwovu l-iżvilupp sostenibbli fil-livell lokali u f'dak reġjonali, kif ukoll l-iżvilupp tas-settur privat u tal-infrastrutturi fundamentali fi ħdan il-Fond Fiduċjarju tal-UE għall-Infrastruttura fl-Afrika;

114.  Jilqa' l-isforzi tal-BEI biex jikkontribwixxi għal reazzjoni tal-Unjoni għal kwistjonijiet internazzjonali ta' importanza kritika, b'mod partikolari permezz tal-pakkett tal-BEI dwar il-migrazzjoni AKP u l-inizjattiva dwar ir-reżiljenza ekonomika, b'appoġġ għall-Unjoni u l-pajjiżi sħab biex jiġu indirizzati l-isfidi soċjoekonomiċi li jikkontribwixxu għall-migrazzjoni, b'mod li jantiċipa l-pjan ta' investiment estern; javża madankollu dwar l-isfida attwali ta' kontroll politiku u demokratiku xieraq tal-attivitajiet tal-BEI;

115.  Jistieden lill-BEI jinsisti u jagħti prijorità lill-effett fuq żmien twil tal-investimenti u l-kontribut tagħhom għall-iżvilupp sostenibbli fl-aspetti ekonomiċi, soċjali u ambjentali kollha;

116.  Jinkoraġġixxi lill-BEI jagħti appoġġ ulterjuri lill-iżvilupp tas-settur privat lokali bħala mutur fundamentali tas-sostenibbiltà u appoġġ lill-infrastruttura soċjali u ekonomika bażika ta' interess immedjat għall-benefiċjarji, kif ukoll lit-tfittxija għal sħab lokali u reġjonali ġodda fil-qasam speċifiku tal-mikrofinanzjament; jistieden lill-BEI iżid l-addizzjonalità b'ġustifikazzjoni aħjar tal-użu tal-fondi;

117.  Jistieden lill-BEI jiżgura li l-proġetti li jkunu għaddejjin jiġu mmonitorati regolarment u li l-objettivi u l-kriterju oriġinali jiġu effettivament sodisfatti tul il-ħajja tal-proġett; jemmen li jkun tajjeb li l-BEI jqis l-evoluzzjoni possibbli ta' proġett u tal-objettivi tiegħu;

118.  Jilqa' t-tieni rapport tal-BEI fl-2015 dwar ir-riżultati tal-operazzjonijiet esterni tiegħu u l-użu tal-Qafas ta' Valutazzjoni tat-Tliet Pilastri u tal-Qafas għall-Kejl tar-Riżultati mill-BEI għall-valutazzjoni ex ante tar-riżultati mistennija mill-proġetti ta' investiment;

119.  Jemmen li l-qafas għall-kejl tar-riżultati u l-prestazzjoni tal-Faċilità ta' Investiment għandhom ikejlu l-impatt fuq l-iżvilupp għal kull proġett; jenfasizza l-importanza li ssir enfasi fuq l-istess objettivi u strateġiji bħall-politiki dwar l-iżvilupp tal-Unjoni; jistieden lill-BEI jallinja ulterjorment l-attivitajiet tiegħu mal-objettivi tal-politika tal-Unjoni dwar l-iżvilupp;

120.  Jappella favur żvelar sistematiku tal-faċilità ta' investiment AKP rigward il-ftehimiet ta' self, u trasparenza akbar dwar id-deċiżjonijiet tal-bord u għad-dokumenti direzzjonali;

121.  Jikkunsidra li l-awditjar tal-faċilità ta' investiment huwa prassi tajba f'termini tal-kooperazzjoni u l-iskrutinju kollaborattiv bejn il-Parlament u l-Qorti; jiddispjaċih madankollu li l-awditjar ma jkoprix il-proġetti implimentati fl-PTEE u l-fondi allokati lilhom; jiddeplora l-fatt li l-faċilità ta' investiment ma taqax fl-ambitu tal-awditu li għamlet il-Qorti għad-dikjarazzjoni ta' assigurazzjoni annwali tagħha, u mhijiex soġġetta għall-proċedura ta' kwittanza tal-Parlament;

Lejn ftehim wara dak ta' Cotonou

122.  Jirrikonoxxi l-kisbiet tal-FEŻ, filwaqt li jikkunsidra li jkun tajjeb li jiġu kkunsidrati prospetti ġodda sabiex jitqiesu l-bidliet fix-xenarju tal-pajjiżi AKP u l-PTEE, u fl-iżvilupp ta' objettivi sostenibbli ġodda, b'mod partikolari l-korrelazzjoni bejn il-paċi, l-għajnuna umanitarja, it-tibdil fil-klima u l-isfidi tagħha, it-telf tal-bijodiversità u l-migrazzjoni;

123.  Jilqa' l-Komunikazzjoni Konġunta lill-Parlament u lill-Kunsill dwar it-tiġdid tas-sħubija mal-pajjiż tal-Afrika, tal-Karibew u tal-Paċifiku, li l-Kummissjoni ppubblikat f'Novembru 2016, u jappella favur diskussjonijiet ulterjuri bejn l-istituzzjonijiet tal-Unjoni rigward il-ġejjieni tar-relazzjonijiet Unjoni-AKP;

124.  Josserva li filwaqt li l-Kummissjoni pproponiet semplifikazzjonijiet sostanzjali għar-Regolament Finanzjarju applikabbli għall-Baġit Ġenerali, kull FEŻ għadu mmexxi mir-Regolament Finanzjarju rispettiv tiegħu; jemmen li regolament finanzjarju uniku jnaqqas il-kumplessità fil-ġestjoni u fl-implimentazzjoni tal-FEŻ differenti; jenfasizza, barra minn hekk, li l-Parlament ilu ħafna jitlob l-integrazzjoni tal-FEŻ fil-baġit tal-Unjoni Ewropea;

125.  Jemmen li, fil-ftehim wara dak ta' Cotonou, ikun tajjeb li tiġi żgurata koerenza ulterjuri bejn l-objettivi fil-qasam tal-iżvilupp u l-politiki esterni kollha tal-Unjoni, u li elementi bħall-ġlieda kontra l-inugwaljanzi u l-azzjonijiet favur l-iżvilupp sostenibbli jsibu post ċentrali;

126.  Jinsab ħerqan li jiġi infurmat u kkonsultat bis-sħiħ dwar ir-rieżami ta' nofs it-terminu tal-11-il FEŻ li huwa mistenni jqis l-Aġenda 2030 u Kunsens Ewropew għall-Iżvilupp ġdid, iżda li għandu wkoll jirrispetta bis-sħiħ il-prinċipji tal-effikaċja tal-iżvilupp ikkonfermati mill-ġdid fil-Forum ta' Livell Għoli tas-Sħubija Globali li seħħ f'Nairobi, b'mod partikolari s-sjieda tal-prijoritajiet mill-pajjiżi destinatarji;

127.  Jirrakkomanda li l-ftehim wara dak ta' Cotonou jmur oltre kwistjonijiet ekonomiċi u jippromwovi djalogu politiku effiċjenti; ifakkar li d-djalogu politiku huwa wieħed mill-elementi kruċjali biex jiġu żgurati l-prestazzjoni u l-effikaċja tal-għajnuna;

128.  Jikkunsidra li jkun tajjeb li l-ftehim wara dak ta' Cotonou jippromwovi l-awtonomizzazzjoni u l-parteċipazzjoni tal-komunitajiet lokali u tas-soċjetà ċivili b'mod ġenerali, b'mod partikolari billi jiġu stabbiliti ftehimiet għal sħubijiet lokali, sabiex tiġi żgurata implimentazzjoni xierqa tal-proġetti fil-livell lokali, speċjalment fil-qafas tal-ġestjoni indiretta;

129.  Jappella biex jiġi rikonoxxut l-impatt tat-tibdil fil-klima u l-isfidi tagħha u t-telf tal-bijodiversità fil-fatturi kollha relatati mal-iżvilupp; jemmen li jkun tajjeb li l-ftehim wara dak ta' Cotonou jkun aktar iffokat fuq l-iżvilupp sostenibbli tal-pajjiżi benefiċjarji u b'mod speċjali fuq il-kwistjoni tal-awtosuffiċjenza enerġetika;

130.  Jappella lill-Kummissjoni biex tirrikonoxxi u tiżviluppa ulterjorment id-dimensjoni tal-gżejjer fil-politika dwar l-iżvilupp u biex toħloq strument speċifiku għall-istati gżejjer żgħar li qed jiżviluppaw, li jkun jippermetti allokazzjoni tal-fondi, prestazzjoni u kontroll adattat aħjar;

131.  Jissuġġerixxi li l-Kummissjoni tipprovdi valutazzjoni a priori u tirrapporta b'mod aktar sistematiku dwar l-impatt tal-politika dwar l-iżvilupp fuq il-pajjiżi u r-reġjuni fl-istess żona ġeografika sabiex tippermetti li jkun hemm aktar sinerġiji bejn il-Fondi kollha disponibbli f'dawk ir-reġjuni;

132.  Itenni l-appoġġ fuq żmien twil tal-Parlament għall-baġitizzazzjoni biex jiżdiedu l-iskrutinju demokratiku u l-obbligu ta' rendikont u biex jitqawwew l-effikaċja, it-trasparenza u l-viżibbiltà fl-użu tal-FEŻ; jissottolinja wkoll li l-baġitizzazzjoni kieku tnaqqas l-ispejjeż tat-tranżazzjonijiet u tissemplifika r-rekwiżiti fir-rigward tar-rapportar u l-kontabbiltà billi jkun hemm sett wieħed biss ta' regoli amministrattivi u strutturi deċiżjonali minflok tnejn;

Is-segwitu għar-riżoluzzjonijiet tal-Parlament

133.  Jappella lill-Qorti biex, fir-rapport annwali li jmiss tagħha, tinkludi rieżami tas-segwitu għar-rakkomandazzjonijiet tal-Parlament fir-rapport ta' kwittanza annwali tal-Parlament.

6.3.2017

OPINJONI tal-Kumitat għall-Iżvilupp

għall-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit

dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit tat-tmien, tad-disa', tal-għaxar u tal-ħdax-il Fond Ewropew għall-Iżvilupp għas-sena finanzjarja 2015

(2016/2202(DEC))

Rapporteur għal opinjoni: Paul Rübig

SUĠĠERIMENTI

Il-Kumitat għall-Iżvilupp jistieden lill-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit, bħala l-kumitat responsabbli, biex jinkorpora s-suġġerimenti li ġejjin fil-mozzjoni għal riżoluzzjoni tiegħu :

1.  Jiddispjaċih li l-Qorti Ewropea tal-Awdituri għal darb'oħra ma kinitx f'pożizzjoni li tagħti dikjarazzjoni ta' assigurazzjoni pożittiva dwar l-infiq tal-Fond Ewropew għall-Iżvilupp (FEŻ) għall-2015; jenfasizza r-rata ta' żball relattivament għolja ta' 5,8 % jekk jitħallew barra l-infiq mingħajr rata ta' żball bħal appoġġ baġitarju u l-pagamenti lill-organizzazzjonijiet internazzjonali; jinnota li din ir-rata ta' żball hi sostanzjalment ogħla mir-rata ta' żball għall-infiq tal-Ewropa Globali mill-baġit tal-Unjoni u jitlob lill-Kummissjoni tispjega dan il-fatt;

2.  Jilqa', fil-prinċipju, l-isforzi konkreti biex jinġabru flimkien fondi ġodda rapidament u biex jinstabu effetti ta' lieva sabiex jiġu trattati l-għeruq ta' dak li jikkawża l-migrazzjoni; jiddispjaċih, madankollu, li l-Parlament ma ġiex ikkonsultat minn qabel fil-ħolqien tal-Fond Fiduċjarju ta' Emerġenza tal-UE (EUTF) għall-Afrika, avolja l-Parlament igawdi d-dritt ta' sorveljanza rinforzata fuq l-ipprogrammar tal-FEŻ abbażi ta' impenn politiku meħud mill-Kummissjoni; jinnota li l-Kummissjoni ħabbret li kienet se timpenja total ta' EUR 1,5 biljun mill-ħdax-il FEŻ lejn l-EUTF, filwaqt li donaturi oħrajn wiegħdu EUR 81,5 miljun; jiddispjaċih li, sa nofs Novembru 2016, hija kienet ħallset biss EUR 47,14 miljun; jappella għal sforzi aktar effikaċi biex jissaħħu t-trasparenza tad-deċiżjonijiet u l-obbligu ta' rendikont fir-rigward tal-proġetti tal-EUTF u jissottolinja l-fatt li għad ma hemmx format adegwat għal konsultazzjoni regolari mal-Parlament u li ma ttieħdet l-ebda azzjoni f'dan ir-rigward; ifakkar li l-EUTF għandu l-għan li jindirizza l-għeruq ta' dak li jikkawża d-destabilizzazzjoni, iċ-ċaqliq sfurzat u l-migrazzjoni irregolari bil-promozzjoni ta' reżiljenza akbar, prospettivi ekonomiċi, opportunitajiet indaqs, sigurtà u żvilupp;

3.  Jenfasizza l-importanza ewlenija tal-prinċipji tal-effikaċja tal-iżvillupp miftehma fil-livell internazzjonali u sottoskritti mill-Unjoni – bħas-sjieda, l-għajnuna mhux marbuta, il-kundizzjonalitajiet miftiehma b'mod reċiproku, u l-allinjament mal-prijoritajiet tal-pajjiżi benefiċjarji – għal politika effikaċi tal-Unjoni fil-qasam tal-iżvilupp;

4.  Jinnota li l-Kummissjoni ma għandhiex fiduċja fl-implimentazzjoni tal-Faċilità għall-Paċi fl-Afrika li ilha operattiva għal ħafna snin; jinsab sorpriż, f'dan il-kuntest, bil-proposta tal-Kummissjoni li tiddevja aktar fondi ta' żvilupp għal azzjonijiet ta' sigurtà fl-Afrika; jissottolinja wkoll li, għal dawn l-aħħar 15-il sena, il-finanzjament tal-Faċilità għall-Paċi fl-Afrika mill-FEŻ kien soluzzjoni temporanja; jenfasizza li matul dawk is-snin kollha l-finanzjament għall-iżvilupp ta kontribut finanzjarju importanti ħafna għall-politiki ta' sigurtà Afrikani, mentri l-infiq tal-Unjoni għas-sigurtà bi skopijiet ta' żvilupp ma jeżistix;

5.  Josserva li filwaqt li l-Kummissjoni pproponiet semplifikazzjonijiet sostanzjali għar-Regolament Finanzjarju applikabbli għall-Baġit Ġenerali, kull FEŻ għadu mmexxi mir-regolament finanzjarju rispettiv tiegħu; jemmen li regolament finanzjarju uniku jnaqqas il-kumplessità fil-ġestjoni u fl-implimentazzjoni tal-FEŻ differenti; jenfasizza, barra minn hekk, li l-Parlament ilu ħafna jitlob l-integrazzjoni tal-FEŻ fil-baġit tal-Unjoni Ewropea;

6.  Jappoġġja l-użu ta' appoġġ baġitarju iżda jenfasizza li l-kontribut mixtieq għall-iżvilupp irid jiġi mmonitorjat biċ-ċar u l-użu tiegħu jrid ikun ikkundizzjonat għat-titjib tal-ġestjoni tal-finanzi pubbliċi, il-ġlieda effikaċi kontra l-korruzzjoni, is-sorveljanza demokratika u l-obbligu ta' rendikont kif ukoll trasparenza sħiħa fir-rigward tal-parlamenti u ċ-ċittadini nazzjonali tal-pajjiżi riċevituri;

7.  Jappella biex il-Kummissjoni tinkorpora approċċ għall-iżvilupp imsejjes fuq l-inċentivi bl-introduzzjoni tal-prinċipju "aktar għal aktar", fuq l-eżempju tal-Politika Ewropea tal-Viċinat; jemmen li aktar ma pajjiż jagħmel progress fir-riformi interni tiegħu għall-bini u l-konsolidazzjoni tal-istituzzjonijiet demokratiċi, ir-rispett tad-drittijiet tal-bniedem u l-istat tad-dritt u aktar ma jħaffef il-pass ta' tali progress, aktar għandu jirċievi appoġġ mill-Unjoni; jemmen li dan l-approċċ ta' "kundizzjonalità pożittiva", permezz ukoll ta' enfasi qawwija fuq il-finanzjament ta' proġetti fuq skala żgħira għall-komunitajiet rurali, jista' jwassal għal bidla reali u jiggarantixxi li l-flus tal-kontribwenti tal-Unjoni jintefqu b'mod aktar sostenibbli;

8.  Jinsab ħerqan li jiġi infurmat u kkonsultat bis-sħiħ dwar ir-reviżjoni ta' nofs it-terminu tal-11-il FEŻ li huwa mistenni jieħu kont tal-Aġenda 2030 u ta' Kunsens Ewropew għall-Iżvilupp ġdid, iżda li għandha wkoll tirrispetta bis-sħiħ il-prinċipji tal-effikaċja tal-iżvilupp ikkonfermati mill-ġdid fil-Forum ta' Livell Għoli tas-Sħubija Globali li seħħ f'Nairobi, b'mod partikolari s-sjieda tal-prijoritajiet mill-pajjiżi riċevituri;

9.  Jappella, għal darb'oħra, biex sal-2020 il-Kummissjoni tistabbilixxi strument ta' finanzjament speċifiku għall-Pajjiżi u Territorji extra-Ewropej, b'kunsiderazzjoni tal-istatus speċjali u s-sħubija tagħhom fil-familja Ewropea.

RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT LI JINTALAB JAGĦTI OPINJONI

Data tal-adozzjoni

28.2.2017

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

18

5

0

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Nirj Deva, Raymond Finch, Doru-Claudian Frunzulică, Enrique Guerrero Salom, Heidi Hautala, Maria Heubuch, Teresa Jiménez-Becerril Barrio, Stelios Kouloglou, Arne Lietz, Linda McAvan, Norbert Neuser, Vincent Peillon, Maurice Ponga, Cristian Dan Preda, Lola Sánchez Caldentey, Elly Schlein, Eleftherios Synadinos, Eleni Theocharous, Bogdan Brunon Wenta, Anna Záborská, Željana Zovko

Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali

Ádám Kósa, Paul Rübig

VOTAZZJONI FINALI B'SEJĦA TAL-ISMIJIET FIL-KUMITAT LI JINTALAB JAGĦTI OPINJONI

18

+

ECR

Nirj Deva, Eleni Theocharous

NI

Eleftherios Synadinos

PPE

Teresa Jiménez-Becerril Barrio, Ádám Kósa, Maurice Ponga, Cristian Dan Preda, Paul Rübig, Bogdan Brunon Wenta, Željana Zovko, Anna Záborská

S&D

Doru-Claudian Frunzulică, Enrique Guerrero Salom, Arne Lietz, Linda McAvan, Norbert Neuser, Vincent Peillon, Elly Schlein

5

-

EFDD

Raymond Finch

GUE/NGL

Stelios Kouloglou, Lola Sánchez Caldentey

VERTS/ALE

Heidi Hautala, Maria Heubuch

0

0

Tifsira tas-simboli użati:

+  :  favur

-  :  kontra

0  :  astensjoni

INFORMAZZJONI DWAR L-ADOZZJONI

FIL-KUMITAT RESPONSABBLI

Data tal-adozzjoni

23.3.2017

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

21

3

0

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Dennis de Jong, Tamás Deutsch, Ingeborg Gräßle, Cătălin Sorin Ivan, Jean-François Jalkh, Bogusław Liberadzki, Notis Marias, José Ignacio Salafranca Sánchez-Neyra, Claudia Schmidt, Bart Staes, Hannu Takkula, Indrek Tarand, Derek Vaughan, Tomáš Zdechovský, Joachim Zeller

Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali

Karin Kadenbach, Younous Omarjee, Julia Pitera, Miroslav Poche

Sostituti (skont l-Artikolu 200(2)) preżenti għall-votazzjoni finali

Ignazio Corrao, Raymond Finch, Ildikó Gáll-Pelcz, Lieve Wierinck

VOTAZZJONI FINALI B'SEJĦA TAL-ISMIJIET FIL-KUMITAT RESPONSABBLI

21

+

ALDE

Hannu Takkula, Lieve Wierinck

EFDD

Ignazio Corrao

GUE/NGL

Younous Omarjee, Dennis de Jong

PPE

Tamás Deutsch, Ingeborg Gräßle, Ildikó Gáll-Pelcz, Julia Pitera, José Ignacio Salafranca Sánchez-Neyra, Claudia Schmidt, Tomáš Zdechovský, Joachim Zeller

S&D

Cătălin Sorin Ivan, Karin Kadenbach, Bogusław Liberadzki, Miroslav Poche, Inmaculada Rodríguez-Piñero Fernández, Derek Vaughan

VERTS/ALE

Bart Staes, Indrek Tarand

3

-

ECR

Notis Marias

EFDD

Raymond Finch

ENF

Jean-François Jalkh

0

0

 

 

Tifsira tas-simboli użati:

+  :  favur

-  :  kontra

0  :  astensjoni

(1)

ĠU C 375, 13.10.2016, p. 287.

(2)

ĠU C 375, 13.10.2016, p. 297.

(3)

ĠU L 317, 15.12.2000, p. 3.

(4)

ĠU L 287, 4.11.2010, p. 3.

(5)

ĠU L 344, 19.12.2013, p. 1.

(6)

ĠU L 156, 29.5.1998, p. 108.

(7)

ĠU L 317, 15.12.2000, p. 355.

(8)

ĠU L 247, 9.9.2006, p. 32.

(9)

ĠU L 210, 6.8.2013, p. 1.

(10)

ĠU L 191, 7.7.1998, p. 53.

(11)

ĠU L 83, 1.4.2003, p. 1.

(12)

ĠU L 78, 19.3.2008, p. 1.

(13)

ĠU L 58, 3.3.2015, p. 17.

(14)

ĠU C 375, 13.10.2016, p. 287.

(15)

ĠU C 375, 13.10.2016, p. 297.

(16)

ĠU L 317, 15.12.2000, p. 3.

(17)

ĠU L 287, 4.11.2010, p. 3.

(18)

ĠU L 344, 19.12.2013, p. 1.

(19)

ĠU L 156, 29.5.1998, p. 108.

(20)

ĠU L 317, 15.12.2000, p. 355.

(21)

ĠU L 247, 9.9.2006, p. 32.

(22)

ĠU L 210, 6.8.2013, p. 1.

(23)

ĠU L 191, 7.7.1998, p. 53.

(24)

ĠU L 83, 1.4.2003, p. 1.

(25)

ĠU L 78, 19.3.2008, p. 1.

(26)

ĠU L 58, 3.3.2015, p. 17.

(27)

  ĠU L 317, 15.12.2000, p. 3.

(28)

  ĠU L 287, 4.11.2010, p. 3.

(29)

Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2013/755/UE tal-25 ta' Novembru 2013 dwar l-assoċjazzjoni tal-pajjiżi u t-territorji extra-Ewropej mal-Komunità Ewropea ("Deċiżjoni dwar l-Assoċjazzjoni Extra-Ewropea"), ĠU L 344, 19.12.2013, p. 1).

(30)

Komunikazzjoni CAB D(2016) Ares 06675546

(31)

ĠU L 298, 26.10.2012, p. 1.

(32)

Il-Qorti Ewropea tal-Awdituri, Rapport Annwali 2015

(33)

Il-Qorti Ewropea tal-Awdituri, Rapport Annwali 2015, paġna 295 - Grafika 2, Użu ta' riżorsi tal-FEŻ sal-31 ta' Diċembru 2015

Avviż legali