Proċedura : 2016/2154(DEC)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A8-0136/2017

Testi mressqa :

A8-0136/2017

Dibattiti :

PV 26/04/2017 - 19
CRE 26/04/2017 - 19

Votazzjonijiet :

PV 27/04/2017 - 5.17

Testi adottati :

P8_TA(2017)0148

RAPPORT     
PDF 632kWORD 63k
31.3.2017
PE 593.842v02-00 A8-0136/2017

dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2015, Taqsima IV - Il-Qorti tal-Ġustizzja

(2016/2154(DEC))

Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit

Rapporteur: Benedek Jávor

1. PROPOSTA GĦAL DEĊIŻJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW

1. PROPOSTA GĦAL DEĊIŻJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW

dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2015, Taqsima IV - Il-Qorti tal-Ġustizzja

(2016/2154(DEC))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2015(1),

–  wara li kkunsidra l-kontijiet annwali konsolidati tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2015 (COM(2016)0475 – C8-0272/2016)(2),

–  wara li kkunsidra r-rapport annwali tal-Qorti tal-Awdituri dwar l-implimentazzjoni tal-baġit għas-sena finanzjarja 2015, flimkien mar-risposti tal-istituzzjonijiet(3),

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni ta' assigurazzjoni(4) dwar l-affidabbiltà tal-kontijiet u l-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet ta' bażi, ipprovduta mill-Qorti tal-Awdituri għas-sena finanzjarja 2015 skont l-Artikolu 287 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 314(10) u l-Artikoli 317, 318 u 319 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Ottubru 2012 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002(5), u b'mod partikolari l-Artikoli 55, 99, 164, 165 u 166 tiegħu,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 94 u l-Anness IV tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit u l-opinjoni tal-Kumitat għall-Affarijiet Legali (A8-0136/2017),

1.  Jagħti l-kwittanza lir-Reġistratur tal-Qorti tal-Ġustizzja għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-Qorti tal-Ġustizzja għas-sena finanzjarja 2015;

2.  Jippreżenta l-kummenti tiegħu fir-riżoluzzjoni t'hawn taħt;

3.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din id-deċiżjoni, kif ukoll ir-riżoluzzjoni li hi parti integrali minnha, lill-Qorti tal-Ġustizzja, lill-Kunsill Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Qorti tal-Awdituri, lill-Ombudsman Ewropew, lill-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data u lis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna, u biex jiżgura li jiġu ppubblikati f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (serje  L).

2. MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW

li tinkludi l-kummenti li jagħmlu parti integrali mid-deċiżjoni dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2015, Taqsima IV – Il-Qorti tal-Ġustizzja

(2016/2154(DEC))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra d-deċiżjoni tiegħu dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2015, Taqsima IV - Il-Qorti tal-Ġustizzja,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 94 u l-Anness IV tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit u l-opinjoni tal-Kumitat għall-Affarijiet Legali (A8-0136/2017),

A.  billi, fil-kuntest tal-proċedura ta' kwittanza, l-awtorità ta' kwittanza tisħaq fuq l-importanza partikolari li tissaħħaħ ulterjorment il-leġittimità demokratika tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni permezz ta' titjib fit-trasparenza u r-responsabbiltà, permezz tal-implimentazzjoni tal-kunċett ta' baġitjar abbażi tal-prestazzjoni (PBB) u governanza tajba tar-riżorsi umani,

1.  Jinnota b'sodisfazzjon li, fir-rapport annwali tagħha għall-2015, il-Qorti tal-Awdituri ma identifikat l-ebda dgħufija sinifikanti fir-rigward tas-suġġetti awditjati relatati mar-riżorsi umani u l-proċeduri ta' akkwist għall-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea ("il-Qorti tal-Ġustizzja");

2.  Jilqa' l-fatt li, abbażi tal-ħidma ta' awditjar tagħha, il-Qorti tal-Awdituri kkonkludiet li l-pagamenti kollha kemm huma għas-sena li ntemmet fil-31 ta' Diċembru 2015 għan-nefqa amministrattiva u ta' tip ieħor tal-Qorti tal-Ġustizzja kienu ħielsa minn żbalji materjali;

3.  Jinnota li fl-2015, il-Qorti tal-Ġustizzja kellha approprjazzjonijiet li jammontaw għal EUR 357 062 000 (EUR 355 367 500 fl-2014), u li r-rata ta' implimentazzjoni kienet ta' 99 %; jilqa' r-rata ta' utilizzazzjoni għolja ħafna fl-2015, identika għar-rata fl-2014;

4.  Jinnota li d-dħul stmat tal-Qorti tal-Ġustizzja għas-sena finanzjarja 2015 kien jammonta għal EUR 44 856 000; jitlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tispjega għalfejn l-intitolamenti stabbiliti fis-sena finanzjarja 2015 huma ta' EUR 49 510 442, li huwa 10,4 % ogħla minn dak stmat;

5.  Jinnota li d-dħul minn intitolamenti riportat mill-2014 għall-2015 jammonta għal EUR 84 620,37 u li 84,28 % jirrappreżenta dħul minn persuni li jaħdmu mal-istituzzjonijiet u korpi oħra tal-Unjoni;

6.  Jinnota li l-baġit tal-Qorti tal-Ġustizzja huwa fil-biċċa l-kbira amministrattiv, 75 % minnu jintuża għal infiq relatat mal-persuni li jaħdmu fi ħdan il-Qorti tal-Ġustizzja u l-bqija għall-bini, għamara, tagħmir u avvenimenti speċjali mwettqa minnha; jenfasizza, madankollu, li l-introduzzjoni tal-kunċett ta' Baġitjar Abbażi tal-Prestazzjoni m'għandhiex tapplika biss għall-baġit tal-istituzzjoni kollu kemm hu, iżda għandha tinkludi wkoll l-iffissar ta' objettivi speċifiċi, li jistgħu jitkejlu u jinkisbu, realistiċi u marbuta mal-ħin (SMART) għall-pjanijiet annwali tad-dipartimenti individwali, tal-unitajiet u tal-persunal; f'dan ir-rigward, jistieden lill-Qorti tal-Ġustizzja biex tintroduċi l-prinċipju ta' Baġitjar Abbażi tal-Prestazzjoni b'mod aktar wiesa' fl-operazzjonijiet ta' kuljum tagħha;

7.  Jilqa' l-produttività tal-attività ġudizzjarja tal-Qorti tal-Ġustizzja fl-2015, b'1 711-il kawża mressqa quddiem it-tliet qrati u b'1 755 kawża magħluqa; jinnota li dan huwa l-ogħla numru annwali ta' kawżi fl-istorja tal-Qorti tal-Ġustizzja;

8.  Jinnota li l-Qorti tal-Ġustizzja għalqet 616 kawża fl-2015, ċifra li tirrappreżenta tnaqqis meta mqabbla ma' dik tal-2014 (719-il kawża magħluqa fl-2014), u tressqu quddiemha 713-il kawża ġdida (imqabbla ma' 622 fl-2014);

9.  Jinnota li fl-2015 il-Qorti Ġenerali rċeviet 831 kawża ġdida u ttrattat 987 kawża, u dan jikkostitwixxi żieda ġenerali meta mqabbel mas-snin preċedenti;

10.  Jinnota li fl-2015, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku għalaq 152 kawża, bħal fl-2014, u kellu 167 kawża ġdida; jenfasizza li għaxar snin wara l-istabbiliment tiegħu, l-2015 kienet l-aħħar sena ta' eżistenza tat-Tribunal; jemmen li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha tagħmel valutazzjoni fil-fond ta' dawk l-għaxar snin ta' attività;

11.  Jinnota li l-istatistiki tal-2015 għat-tliet qrati jikkonfermaw ix-xejra osservata f'dawn l-aħħar snin rigward it-tul ta' żmien medju tal-proċedimenti, li għadu sodisfaċenti (għall-Qorti tal-Ġustizzja, 15,3 xhur għal talbiet għal deċiżjonijiet preliminari (meta mqabbel ma' 15-il xahar fl-2014), 1,9 xhur għal talbiet urġenti għal deċiżjoni preliminari (meta mqabbel ma' 2,2 xhur fl-2014), 17,6 xhur għar-rikorsi diretti (meta mqabbel ma' 20 xahar fl-2014), u 14-il xahar għall-appelli (meta mqabbel ma' 14,5 xhur fl-2014); għall-Qorti Ġenerali u t-Tribunal għas-Servizz Pubbliku, rispettivament 20,6 xhur (meta mqabbel ma' 23,4 xhur fl-2014) u 12,1 xhur (meta mqabbel ma' 12,7 xhur fl-2014) għal kull tip ta' kawża; iqis li l-emendi għall-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea adottati fl-2015 jistgħu biss ikomplu jsaħħu dan l-isforz ta' simplifikazzjoni;

12.  Jilqa' l-fatt li l-għadd ta' kawżi solvuti żdied b'57 % fil-perjodu bejn l-2007 u l-2015, l-iktar minħabba l-isforzi koordinati tal-qrati u l-persunal awżiljari, minkejja ż-żieda limitata ħafna fil-kapaċità tal-persunal awżiljari f'dak il-perjodu;

13.  Jinnota l-fatt li l-2015 kienet is-sena ta' adozzjoni tar-riforma tal-arkitettura ġudizzjarja tal-Qorti tal-Ġustizzja, li kienet akkumpanjat mill-iżvilupp ta' regoli ta' proċedura ġodda għall-Qorti Ġenerali; jifhem li, minħabba li l-għadd ta' mħallfin tal-qorti Ġenerali qed jirdoppja fi proċess ta' tliet stadji li jestendi sal-2019, dik ir-riforma se tippermetti lill-Qorti tal-Ġustizzja tkompli tittratta ż-żieda fl-għadd ta' kawżi; jistenna bil-ħerqa li janalizza l-kisbiet ta' dik ir-riforma fil-kapaċità tal-Qorti tal-Ġustizzja li tittratta l-kawżi fi żmien raġonevoli u fl-osservanza tar-rekwiżiti ta' smigħ xieraq;

14.  Jemmen li dik ir-riforma se tippermetti lill-Qorti tal-Ġustizzja tindirizza l-volum dejjem jiżdied ta' kawżi b'iktar rapidità u effiċjenza u sservi l-interessi ta' dawk li jfittxu l-ġustizzja, filwaqt li jiġi rrispettat id-dritt tagħhom għal proċess dovut fi żmien raġonevoli, b'konformità mal-objettivi ta' servizz effettiv u ta' kwalità għolja;

15.  Jinnota r-riformulazzjoni li se ssir tal-Kodiċi ta' Kondotta għall-Membri, li fiha se jiġu ċċarati l-kundizzjonijiet għat-twettiq ta' attivitajiet esterni u l-pubblikazzjoni tal-interessi finanzjarji tagħhom; jappella għal livell ogħla ta' trasparenza dwar l-attivitajiet esterni ta' kull imħallef; jitlob li l-Qorti tal-Ġustizzja tipprovdi informazzjoni - fuq is-sit web tagħha u fir-rapporti ta' attività annwali tagħha - dwar karigi u attivitajiet esterni mħallsa oħra tal-imħallfin;

16.  Jinnota li mill-impenji ta' missjonijiet ta' EUR 295 500 intużaw biss EUR 41 209; jirrimarka li dan is-sottoinvestiment jista' jiġi evitat; jitlob lill-Qorti tal-Ġustizzja ttejjeb l-ibbaġitjar u l-obbligu ta' rendikont tagħha fir-rigward tal-baġit għall-missjonijiet u jisħaq fuq il-ħtieġa tal-prinċipju li l-missjonijiet ikunu kosteffikaċi;

17.  Iqis li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha tagħmel disponibbli ħarsa ġenerali tal-parteċipanti u l-kontenut tal-laqgħat tagħha ma' partijiet esterni minbarra dawk relatati mal-attività ġudizzjarja tagħha;

18.  Jitlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tipprovdi lill-awtorità tal-kwittanza b'lista ta' laqgħat ma' lobbyists, assoċjazzjonijiet professjonali u s-soċjetà ċivili sa Ġunju 2017; jitlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tippreżenta l-minuti ta' dawk il-laqgħat sa Ġunju 2017;

19.  Jinnota b'sodisfazzjon it-titjib li sar fl-applikazzjoni e-Curia u l-fatt li l-Istati Membri kollha wżawha fl-2015; iqis li flimkien mad-dematerjalizzazzjoni tad-dokumenti, is-sigurtà tad-data għandha tittejjeb;

20.  Jinnota li, skont ir-rapport annwali tal-ġestjoni għall-2015, il-Qorti tal-Ġustizzja taħdem mill-qrib mat-tim tal-Qorti tal-Awdituri maħtur biex iwettaq l-analiżi tal-prestazzjoni tagħha; jinnota f'dan ir-rigward li fil-bidu tal-proċess ta' awditjar, il-Qorti tal-Ġustizzja qajmet ostakli għall-ħidma tat-tim tal-awditjar; jinnota b'sodisfazzjon li l-Qorti tal-Ġustizzja tejbet il-kooperazzjoni tagħha mal-awdituri u pprovdiet dokumenti ulterjuri lill-Qorti tal-Awdituri; huwa konxju li l-prinċipju tas-segretezza tad-deliberazzjonijiet huwa meħtieġ biex jgħin jippreserva l-indipendenza tal-persuni li jieħdu d-deċiżjonijiet, sabiex jippromwovi l-konsistenza u l-finalità tad-deċiżjonijiet u biex iżomm lil dawk li jieħdu d-deċiżjonijiet milli jkollhom iqattgħu iżjed ħin jitkellmu dwar id-deċiżjonijiet tagħhom milli biex jeħduhom; jirrimarka, madankollu, li s-segretezza tad-deliberazzjonijiet bħala prinċipju ab ovo jipprevjeni kull kontroll estern; jistieden lill-Qorti tal-Ġustizzja, għalhekk, tiżviluppa mekkaniżmu intern ta' kontroll/rimedju sabiex jipprovdi ċertu livell ta' kontroll f'kawżi tali;

21.  Jinnota li l-Qorti tal-Ġustizzja tikkonforma mal-ftehim interistituzzjonali li tnaqqas il-persunal b'5 % matul perjodu ta' ħames snin;

22.  Jinnota l-proporzjon għoli ta' karigi okkupati (98 %) minkejja r-rata għolja ta' tibdil tal-persunal fil-Qorti tal-Ġustizzja, u jappoġġja l-politika ta' reklutaġġ attiva tagħha; jappella lill-Qorti tal-Ġustizzja biex jitwaqqfu regoli dwar "bibien iduru";

23.  Jilqa' l-iskambju ta' persunal li sar bejn il-Qorti tal-Ġustizzja u l-Bank Ċentrali Ewropew fl-2015, u jistenna li din il-kooperazzjoni tkompli fis-snin li ġejjin;

24.  Jilqa' l-inizjattiva tal-Qorti tal-Ġustizzja biex jittejjeb il-bilanċ bejn is-sessi f'karigi maniġerjali u l-fatt li l-bilanċ bejn is-sessi f'karigi maniġerjali tan-nofs u superjuri laħaq livell ta' bejn 35 % sa 65 % fl-2015; jemmen, madankollu, li hemm lok għal aktar titjib f'dan il-qasam fl-istituzzjoni; jinnota, barra minn hekk, li l-Parlament Ewropew u l-Kunsill iddikjaraw li hu l-objettiv tagħhom li jiżguraw rappreżentanza indaqs ta' nisa u rġiel meta jinħatru mħallfin ġodda għall-Qorti Ġenerali(6);

25.  Itenni li l-bilanċ ġeografiku, jiġifieri r-relazzjoni bejn iċ-ċittadinanza tal-persunal u d-daqs tal-Istati Membri, irid jibqa' element importanti tal-ġestjoni tar-riżorsi, partikolarment fir-rigward tal-Istati Membri li ssieħbu mal-Unjoni fl-2004 jew wara;

26.  Jilqa' b'sodisfazzjon il-fatt li l-Qorti tal-Ġustizzja laħqet kompożizzjoni aktar bilanċjata ta' uffiċjali mill-Istati Membri li ngħaqdu mal-Unjoni qabel l-2004 u uffiċjali mill-Istati Membri li saru membri fl-2004 jew wara; huwa mħasseb ħafna, madankollu, dwar l-iżbilanċ ġeografiku konsiderevoli fil-livelli tal-maniġment medju u superjuri, fejn l-Istati Membri li daħlu fl-Unjoni fl-2004 jew wara huma żvantaġġati; jappella lill-Qorti tal-Ġustizzja biex tagħmel minn kollox biex tikkoreġi din is-sitwazzjoni u tirrapporta lill-Parlament dwar it-titjib miksub f'dan ir-rigward;

27.  Jiddispjaċih dwar il-fatt li r-regoli interni tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar l-iżvelar ta' informazzjoni protetta ma ġewx adottati qabel il-bidu tal-2016; jirrakkomanda li l-Qorti tal-Ġustizzja xxerred dawn ir-regoli fost il-persunal tagħha biex il-ħaddiema kollha jkunu konxji dwarhom; jitlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tipprovdi, sa Ġunju 2017, dettalji tal-każijiet ta' informaturi fl-2015, jekk kien hemm, u dwar kif ġew ittrattati u finalizzati;

28.  Iħeġġeġ lill-Qorti tal-Ġustizzja tadotta s-sottomissjoni tad-dikjarazzjonijiet ta' interess, minflok id-dikjarazzjonijiet ta' nuqqas ta' kunflitti ta' interess, għax l-awtoevalwazzjoni tal-kunflitti ta' interessi hija, minnha nfisha, kunflitt ta' interess; iqis li l-evalwazzjoni ta' sitwazzjoni ta' kunflitt ta' interess trid issir minn parti indipendenti; jitlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tirrapporta sa Ġunju 2017 dwar il-bidliet introdotti u tindika min qed jikkontrolla s-sitwazzjonijiet ta' kunflitti ta' interess; itenni li t-trasparenza hija element fundamentali għall-fiduċja tal-pubbliku; jappella lill-Qorti tal-Ġustizzja tistabbilixxi regoli ċari dwar "bibien iduru" u toħloq miżuri u politiki dissważivi, bħat-tnaqqis tal-pensjonijiet jew il-projbizzjoni ta' xogħol għal mill-inqas tliet snin f'korpi simili, biex jiġu prevenuti każijiet ta' "bibien iduru";

29.  Jinnota l-kooperazzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja mas-servizzi ta' interpretazzjoni tal-Kummissjoni u tal-Parlament fi ħdan il-Kumitat Interistituzzjonali għat-Traduzzjoni u l-Interpretazzjoni, partikolarment fil-qasam tal-interpretazzjoni; jistenna li dik il-kooperazzjoni ser tiġi estiża fil-qasam tat-traduzzjoni u jappoġġjaha, kull meta jkun possibbli u mingħajr ma titnaqqas l-importanza tar-responsabbiltajiet tal-Qorti tal-Ġustizzja;

30.  Jistieden lill-Qorti tal-Ġustizzja tipprovdi lill-Parlament bl-ispejjeż tat-traduzzjoni skont il-metodoloġija armonizzata maqbula fi ħdan il-Grupp ta' Ħidma Interistituzzjonali dwar indikaturi ewlenin tal-attività u tal-prestazzjoni;

31.  Jinnota li d-direttorat tat-traduzzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja kellu żieda ta' 1,4 % fl-ammont ta' xogħol u li l-produttività tiegħu żdiedet b'7 % fl-2015 minħabba l-esternalizzazzjoni tal-kontroll tal-ammont ta' xogħol u l-implimentazzjoni ta' għodod ġodda ta' appoġġ għat-traduzzjoni;

32.  Jappoġġja l-analiżi tan-nefqa u tal-kondizzjonijiet għall-użu ta' karozzi uffiċjali mwettqa b'mod konġunt mis-servizzi tal-awditjar intern tal-Qorti tal-Ġustizzja u tal-Qorti tal-Awdituri; jistieden lill-Qorti tal-Ġustizzja tikkunsidra, fil-qafas ta' din l-analiżi, il-possibbiltà li tnaqqas l-għadd ta' karozzi uffiċjali għad-dispożizzjoni tal-membri u l-persunal tagħha; jistieden lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra minn hekk, biex ittejjeb il-kontrolli tagħha kontra l-użu ta' karozzi uffiċjali għal finijiet privati;

33.  Jilqa' l-impenn tal-Qorti tal-Ġustizzja lejn miri ambjentali għoljin; jinkoraġġixxi lill-istituzzjoni tapplika l-prinċipji ta' akkwist pubbliku ekoloġiku u jitlob li jiġu stabbiliti regoli u baġit suffiċjenti għall-kumpens għal emissjonijiet ta' karbonju;

34.  Jinnota l-informazzjoni dettaljata dwar il-politika tal-binjiet tal-Qorti tal-Ġustizzja, b'mod partikolari rigward il-kostruzzjoni tal-ħames estensjoni tal-kumpless ta' binjiet attwali;

35.  Jilqa' b'sodisfazzjon il-ftuħ tal-arkivju storiku tal-Qorti tal-Ġustizzja fl-Arkivji Storiċi tal-Unjoni f'Firenze;

36.  Jilqa' l-inizjattiva tal-Qorti tal-Ġustizzja li tippubblika r-rapport tal-attività annwali tagħha f'format ġdid; jappella lill-Qorti tal-Ġustizzja tippubblika r-rapport annwali tal-Qorti tal-Awdituri, b'mod partikolari l-partijiet li jirreferu għall-Qorti tal-Ġustizzja;

37.  Jistieden lill-Qorti tal-Ġustizzja ttejjeb il-politika tal-komunikazzjoni tagħha lejn iċ-ċittadini tal-Unjoni;

38.  Iqis li t-tweġiba mogħtija mill-Qorti tal-Ġustizzja għall-mistoqsija tal-Parlament (Mistoqsija Nru 26) dwar l-allowances mhix kompluta; jitlob lill-Qorti tal-Ġustizzja għal kjarifika u għal tweġiba ċara u dettaljata.

2.2.2017

OPINJONI tal-Kumitat għall-Affarijiet Legali

għall-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit

dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2015, Taqsima IV - Il-Qorti tal-Ġustizzja

( 2016/2154(DEC))

Rapporteur għal opinjoni: Gilles Lebreton

SUĠĠERIMENTI

Il-Kumitat għall-Affarijiet Legali jistieden lill-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit, bħala l-kumitat responsabbli, biex jinkorpora s-suġġerimenti li ġejjin fil-mozzjoni għal riżoluzzjoni tiegħu:

1.  Jilqa' l-fatt li r-rata ta' implimentazzjoni tal-approprjazzjonijiet għat-Taqsima IV – Qorti tal-Ġustizzja baqgħet għolja ħafna fl-2015 (99,1 % b'kollox u saħansitra 99,8 % fl-approprjazzjonijiet tal-kapitoli baġitarji 14 u 21);

2.  Jissottolinja li l-baġit tal-Qorti tal-Ġustizzja huwa purament amministrattiv, b'madwar 75 % tan-nefqa għall-persuni li jaħdmu mal-istituzzjoni u l-kumplament għall-bini, l-għamara, it-tagħmir u n-nefqiet operattivi varji;

3.  Jesprimi s-sodisfazzjon tiegħu li l-Qorti tal-Awdituri, fir-Rapport Annwali 2015 tagħha, ma għamlet l-ebda osservazzjoni rigward il-Qorti tal-Ġustizzja, kif diġà kien il-każ mis-sena 2010; jinnota wkoll li l-Qorti tal-Awdituri dan l-aħħar ma ħarġet l-ebda rapport speċjali dwar il-Qorti tal-Ġustizzja;

4.  Jinnota li l-istatistika ġudizzjarja għat-tliet qrati tal-Qorti għas-sena 2015 tikkonferma x-xejra osservata fis-snin preċedenti fir-rigward tat-tul tal-proċeduri, li baqa' f'livelli sodisfaċenti ħafna [Qorti tal-Ġustizzja: 15,3 xhur (kontra 15-il xahar fl-2014) bħala medja għar-rinviji għal deċiżjoni preliminari, 1,9 xhur (kontra 2,2 xhur fl-2014) għal proċeduri b'urġenza għal deċiżjoni preliminari, 17,6 xhur (kontra 20 xahar għall-2014) għal azzjonijiet diretti u 14-il xahar (kontra 14,5 xhur fl-2014) għall-appelli; Il-Qorti Ġenerali u t-Tribunal għas-Servizz Pubbliku: 20,6 xhur rispettivament (meta mqabbel ma' 23,4 xhur fl-2014) u 12,1 xhur (kontra 12,7 xhur fl-2014) għat-tipi ta' kawżi kollha]; iqis li r-riforma tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea adottata fl-2015 tista' biss tkompli tappoġġa dan l-isforz ta' simplifikazzjoni;

5.  Jinnota li t-tliet qrati tal-Qorti tal-Ġustizzja għalqu 1 755 kawża fl-2015, kontra 1 685 fl-2014, u dan jirrappreżenta żieda ta' 4,2 %; iqis, fl-istess waqt, li l-output annwali tal-istituzzjoni laħaq livell bla preċedent, u li l-għadd ta' kawżi ġodda żdied minn 1 691 fl-2014 għal 1 711 fl-2015, li ġie rreġistrat bħala l-ikbar numru ta' każijiet ġodda fl-istorja tal-istituzzjoni(7);

6.  Jilqa' l-fatt li l-għadd ta' kawżi solvuti żdied b'57 % fil-perjodu 2007-2015, l-iktar minħabba l-isforzi koordinati tal-qrati u l-persunal awżiljari, minkejja ż-żieda limitata sew fil-kapaċità tal-persunal awżiljari f'dak il-perjodu;

7.  Jemmen li r-riforma ġudizzjarja se tippermetti lill-Qorti tal-Ġustizzja tindirizza l-volum ta' kawżi dejjem jiżdied b'mod iktar imħaffef u effiċjenti u sservi l-interessi ta' dawk li jfittxu l-ġustizzja, filwaqt li jiġi rrispettat id-dritt tagħhom għal proċess dovut fi żmien raġonevoli, b'konformità mal-objettivi ta' servizz effikaċi u ta' kwalità għolja;

8.  Jilqa' s-suċċess tal-applikazzjoni "e-Curia" għall-preżentata u n-notifika tal-atti proċedurali b'mezz elettroniku, kif juri l-għadd dejjem jikber ta' kontijiet ta' aċċess għal din l-applikazzjoni (2 914 fl-2015, kontra 2 230 fl-2014) kif ukoll ta' Stati Membri li jużawha (26 fl-2015, kontra 25 fl-2014); iħeġġeġ, għaldaqstant, lill-Istati Membri jieħdu miżuri biex jippromwovu l-użu ta' din l-applikazzjoni u jistieden lill-Kummissjoni tipproponi strumenti għal dan l-għan, pereżempju l-organizzazzjoni ta' kampanji ta' informazzjoni għaċ-ċittadini fl-Istati Membri u t-tixrid ta' materjal informattiv permezz tal-qrati nazzjonali;

9.  Jinnota bi pjaċir li l-Qorti qed taħdem biex tiżgura l-bilanċ bejn is-sessi fil-livell ta' karigi ta' responsabbiltà (fl-2015, 53 % tal-amministraturi u 35 % tal-kariġi maniġerjali kienu okkupati minn nisa, li jirrappreżentaw madwar 60 % tal-persunal tal-Qorti), u li twaqqaf grupp ta' ħidma speċifiku biex jeżamina l-ostakli għall-progress f'dan il-qasam u l-miżuri biex dawn jitneħħew; jinnota wkoll li l-Parlament Ewropew u l-Kunsill iddikjaraw, bħala l-objettiv tagħhom, l-iżgurar ta' preżenza ugwali ta' nisa u rġiel meta jaħtru mħallfin ġodda fil-Qorti Ġenerali(8).

RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALIFIL-KUMITAT LI JINTALAB JAGĦTI OPINJONI

Data tal-adozzjoni

31.1.2017

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

16

0

7

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Max Andersson, Joëlle Bergeron, Marie-Christine Boutonnet, Jean-Marie Cavada, Kostas Chrysogonos, Therese Comodini Cachia, Mady Delvaux, Rosa Estaràs Ferragut, Lidia Joanna Geringer de Oedenberg, Sajjad Karim, Sylvia-Yvonne Kaufmann, Gilles Lebreton, António Marinho e Pinto, Jiří Maštálka, Emil Radev, Julia Reda, Evelyn Regner, Pavel Svoboda, József Szájer, Axel Voss, Tadeusz Zwiefka

Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali

Sergio Gaetano Cofferati, Angel Dzhambazki, Evelyne Gebhardt

INFORMAZZJONI DWAR L-ADOZZJONIFIL-KUMITAT RESPONSABBLI

Data tal-adozzjoni

22.3.2017

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

23

3

0

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Inés Ayala Sender, Dennis de Jong, Tamás Deutsch, Martina Dlabajová, Luke Ming Flanagan, Ingeborg Gräßle, Jean-François Jalkh, Bogusław Liberadzki, Notis Marias, Georgi Pirinski, José Ignacio Salafranca Sánchez-Neyra, Petri Sarvamaa, Claudia Schmidt, Bart Staes, Hannu Takkula, Derek Vaughan, Joachim Zeller

Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali

Richard Ashworth, Benedek Jávor, Karin Kadenbach, Markus Pieper, Patricija Šulin

Sostituti (skont l-Artikolu 200(2)) preżenti għall-votazzjoni finali

Raymond Finch, Jens Geier, Arne Lietz, Piernicola Pedicini

VOTAZZJONI FINALI B'SEJĦA TAL-ISMIJIET FIL-KUMITAT RESPONSABBLI

23

+

ALDE

ECR

EFDD

GUE/NGL

PPE

S&D

VERTS/ALE

Martina Dlabajová, Hannu Takkula

Richard Ashworth

Piernicola Pedicini

Luke Ming Flanagan, Dennis de Jong

Tamás Deutsch, Ingeborg Gräßle, Markus Pieper, José Ignacio Salafranca Sánchez-Neyra, Petri Sarvamaa, Claudia Schmidt, Patricija Šulin, Joachim Zeller

Inés Ayala Sender, Jens Geier, Karin Kadenbach, Bogusław Liberadzki, Arne Lietz, Georgi Pirinski, Derek Vaughan

Benedek Jávor, Bart Staes

3

-

ECR

EFDD

ENF

Notis Marias

Raymond Finch

Jean-François Jalkh

0

0

Tifsira tas-simboli użati:

+  :  favur

-  :  kontra

0  :  astensjoni

(1)

ĠU L 69, 13.3.2015.

(2)

ĠU C 380, 14.10.2016, p. 1.

(3)

ĠU C 375, 13.10.2016, p. 1.

(4)

ĠU C 380, 14.10.2016, p. 147.

(5)

ĠU L 298, 26.10.2012, p. 1.

(6)

Ara l-Anness għar-riżoluzzjoni leġiżlattiva tal-Parlament tat-28 ta' Ottubru 2015 - Dikjarazzjoni Konġunta mill-Parlament Ewropew u l-Kunsill - Testi adottati, P8_TA(2015)0377.

(7)

Rapport annwali 2015 - Rapport ta' ġestjoni – "RAPPORT TA' ATTIVITÀ ANNWALI MILL-UFFIĊJAL TA' AWTORIZZAZZJONI" – p. 6 - http://curia.europa.eu/jcms/upload/docs/application/pdf/2016-06/rapport_gestion_2015_en_version_web.pdf.

(8)

Ara l-anness għar-riżoluzzjoni leġiżlattiva tat-28 ta' Ottubru 2015 - Dikjarazzjoni konġunta tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill - Testi adottati ta' din id-data, P8_TA(2015)0377.

Avviż legali