Proċedura : 2016/2156(DEC)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A8-0144/2017

Testi mressqa :

A8-0144/2017

Dibattiti :

PV 26/04/2017 - 19
CRE 26/04/2017 - 19

Votazzjonijiet :

PV 27/04/2017 - 5.19

Testi adottati :

P8_TA(2017)0150

RAPPORT     
PDF 681kWORD 58k
31.3.2017
PE 593.844v02-00 A8-0000/2017

dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2015, Taqsima VI - Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

(2016/2156(DEC))

Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit

Rapporteur: Bart Staes

1. PROPOSTA GĦAL DEĊIŻJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW

1. PROPOSTA GĦAL DEĊIŻJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW

dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2015, Taqsima VI - Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

(2016/2156(DEC))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2015(1),

–  wara li kkunsidra l-kontijiet annwali konsolidati tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2015 (COM(2016)0475 – C8-0274/2016)(2),

–  wara li kkunsidra r-rapport annwali tal-Qorti tal-Awdituri dwar l-implimentazzjoni tal-baġit għas-sena finanzjarja 2015, flimkien mar-risposti tal-istituzzjonijiet(3),

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni ta' assigurazzjoni(4) dwar l-affidabbiltà tal-kontijiet u l-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet ta' bażi, ipprovduta mill-Qorti tal-Awdituri għas-sena finanzjarja 2015, skont l-Artikolu 287 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 314(10) u l-Artikoli 317, 318 u 319 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Ottubru 2012 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002(5), u b'mod partikolari l-Artikoli 55, 99, 164, 165 u 166 tiegħu,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 94 u l-Anness IV tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit (A8-0000/2017),

1.  Jagħti l-kwittanza lis-Segretarju Ġenerali tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew għas-sena finanzjarja 2015;

2.  Jippreżenta l-kummenti tiegħu fir-riżoluzzjoni t'hawn taħt;

3.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din id-deċiżjoni, kif ukoll ir-riżoluzzjoni li hi parti integrali minnha, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew, lill-Kunsill Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, lill-Qorti tal-Awdituri, lill-Ombudsman Ewropew, lill-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data u lis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna, u biex jiżgura li jiġu ppubblikati f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (serje L).

2. MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW

li tinkludi l-kummenti li jagħmlu parti integrali mid-deċiżjoni dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2015, Taqsima VI – Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

(2016/2156(DEC))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra d-deċiżjoni tiegħu dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2015, Taqsima VI – Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 94 u l-Anness IV tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit (A8-0144/2017),

A.  billi, fil-kuntest tal-proċedura ta' kwittanza, l-awtorità ta' kwittanza tisħaq fuq l-importanza partikolari li tissaħħaħ ulterjorment il-leġittimità demokratika tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni permezz ta' titjib fit-trasparenza u r-responsabilità, permezz tal-implimentazzjoni tal-kunċett ta' bbaġitjar abbażi tal-prestazzjoni (PBB) u governanza tajba tar-riżorsi umani;

1.  Jilqa' l-konklużjoni tal-Qorti tal-Awdituri ("il-Qorti") li skontha l-pagamenti kollha kemm huma għas-sena li ntemmet fil-31 ta' Diċembru 2015 għall-infiq amministrattiv u għal infiq ieħor tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew ("il-Kumitat") kienu ħielsa minn żbalji materjali;

2.  Jinnota b'sodisfazzjon li, fir-rapport annwali għall-2015, il-Qorti ma identifikat l-ebda dgħufija sinifikanti fir-rigward tat-temi awditjati b'rabta mar-riżorsi umani u l-proċeduri ta' akkwist għall-Kumitat;

3.  Jinnota li fl-2015 il-baġit tal-Kumitat ammonta għal EUR 129 100 000 (meta mqabbel mal-EUR 128 559 380 tal-2014), b'rata ta' użu ta' 95,9 %; jinnota li kien hemm żieda żgħira fir-rata ta' użu fl-2015 meta mqabbla mal-2014;

4.  Jinnota li l-baġit tal-Kumitat huwa fil-biċċa l-kbira wieħed amministrattiv, b'ammont kbir minnu użat għan-nefqa li tikkonċerna persuni li jaħdmu fi ħdan l-istituzzjoni u l-bqija għal bini, għamara, tagħmir u kostijiet operattivi mixxellanji; jenfasizza, madankollu, li l-introduzzjoni ta' PBB ma għandhiex tapplika għall-baġit tal-Kumitat kollu kemm hu, iżda għandha tinkludi wkoll l-iffissar ta' objettivi speċifiċi, li jistgħu jitkejlu u jintlaħqu, li jkunu realistiċi u bbażati fuq perjodu ta' żmien (SMART) għad-dipartimenti individwali, għall-unitajiet u għall-pjanijiet annwali tal-membri tal-persunal; f'dan ir-rigward, jistieden lill-Kumitat jintroduċi l-prinċipju ta' PBB aktar fil-wisa' fl-operazzjonijiet ta' kuljum tiegħu;

5.  Jinnota l-osservazzjonijiet ta' segwitu tal-Kumitat għar-riżoluzzjoni ta' kwittanza 2014 tal-Parlament, mehmuża mar-rapport annwali tal-attività tiegħu; jilqa' t-twaqqif ta' servizz ta' appoġġ speċifiku għall-akkwist pubbliku fl-2015;

6.  Jinnota li l-2015 kienet l-ewwel sena tal-mandat il-ġdid tal-Kumitat, u dan seta' affettwa l-kisbiet, b'mod partikolari tad-direttorati leġiżlattivi, inklużi d-direttorati tal-interpretazzjoni u l-komunikazzjoni u tar-riżorsi umani;

7.  Jinnota li r-rapport dwar l-implimentazzjoni tal-Ftehim ta' Kooperazzjoni bejn il-Parlament u l-Kumitat ("il-Ftehim") jivvaluta f'waqtu u b'mod pożittiv il-kooperazzjoni bejn iż-żewġ istituzzjonijiet;

8.  Jinnota li, skont il-Kumitat, jenħtieġ li n-natura tal-koperazzjoni "intensifikata", imsemmija fil-Ftehim tiġi ċċarata aħjar, u li xi elementi għad iridu jiġu implimentati bis-sħiħ u jirrikjedu impenn sostnut miż-żewġ istituzzjonijiet; huwa konvint li permezz ta' sforzi ulterjuri favur l-implimentazzjoni sħiħa tal-Ftehim u l-iżvilupp ta' sinerġiji, se jkun hemm riżultati pożittivi għaż-żewġ partijiet;

9.  Itenni t-talba tiegħu biex tiġi inkluża valutazzjoni konġunta tal-iffrankar baġitarju li jirriżulta mill-Ftehim fir-rieżami ta' nofs it-terminu jew fir-rapport ta' segwitu li jmiss tal-Ftehim;

10.  Jinnota li l-opinjonijiet tal-Kumitat mhumiex integrati sew fil-ħidma tal-Parlament u jappella lill-Kumitat biex flimkien mas-Segretarju Ġenerali tal-Parlament jiżviluppaw proposti biex jiġu semplifikati l-proċeduri tal-Kumitat u tal-Parlament f'dan ir-rigward;

11.  Jinnota l-konklużjoni ta' ftehim bilaterali ta' kooperazzjoni amministrattiva bejn il-Kumitat u l-Kumitat tar-Reġjuni, iffirmat fl-2015; huwa fiduċjuż li dan il-ftehim jiżgura aktar effiċjenza fil-prestazzjoni taż-żewġ kumitati; huwa tal-fehma li funzjonijiet amministrattivi simili għandhom jitwaħħdu sabiex jiġi evitat l-irduppjar bla bżonn tal-attivitajiet;

12.  Jinnota li l-aċċess dirett bejn il-binjiet RMD u REM ingħalaq mill-Parlament minħabba tħassib dwar is-sigurtà wara l-attakk terroristiku ta' Pariġi f'Novembru 2015; huwa fiduċjuż li l-Parlament se jivvaluta mill-ġdid it-tħassib dwar is-sigurtà minħabba li l-ftuħ mill-ġdid tal-passaġġ ikun ta' benefiċċju għat-tliet istituzzjonijiet;

13.  Jilqa' l-bidliet amministrattivi applikati fl-2015, b'mod partikolari l-implimentazzjoni sħiħa ta' sistema bbażat fuq il-kost għar-rimborż tal-ispejjeż ta' vjaġġar tal-membri u t-tiġdid sħiħ tal-portal tal-membri; jistieden lill-Kumitat biex jipprovdi ħarsa ġenerali annwali komparattiva tal-ispejjeż tal-ivvjaġġar tal-membri għall-2014, 2015 u 2016;

14.  Jinnota li, skont ir-regoli ta' proċedura tal-Kumitat, il-membri tiegħu huma totalment indipendenti fil-qadi ta' dmirijiethom, fl-interess ġenerali tal-Unjoni; jinnota li d-dikjarazzjonijiet tal-interessi tal-membri huma disponibbli fuq is-sit web tal-Kumitat; jistieden lill-Kumitat jingħaqad fil-Ftehim Interistituzzjonali futur dwar Reġistru Obbligatorju tat-Trasparenza;

15.  Jinsab imħasseb dwar in-numru għoli ta' karigi permanenti vakanti fl-2015 u jħeġġeġ lill-Kumitat biex jimplimenta l-miżuri meħtieġa biex itejjeb il-proċeduri ta' reklutaġġ tiegħu;

16.  Jinnota bi tħassib l-iżbilanċ kontinwu bejn il-ġeneri f'karigi marbuta ma' maniġment superjuri u ma' dak intermedju (30 % / 70 % fil-każ ta' maniġment superjuri); jiddispjaċih wkoll li l-iżbilanċ ġeografiku fil-karigi maniġerjali intermedju u superjuri, b'mod partikolari n-nuqqas ta' persunal minn pajjiżi tal-Lvant; jistieden lill-Kumitat jieħu azzjoni biex jirranġa dawn l-iżbilanċi u biex jirrapporta lura lill-awtorità ta' kwittanza dwar il-miżuri meħuda u dwar ir-riżultati miksuba;

17.  Jinnota l-pjan tal-Kumitat li jikkonforma mal-ftehim interistituzzjonali li jnaqqas il-persunal b'5 % fuq perjodu ta' ħames snin; jitlob li jkun infurmat dwar kif dan it-tnaqqis jikkorrispondi għas-sitwazzjoni fl-2016 li tinkludi tliet karigi ġodda; jissuġġerixxi li l-Kumitat jirrapporta lura lill-Parlament dwar kwalunkwe ffrankar alternattiv miksub biex jiġi kkumpensat id-dewmien possibbli fit-tnaqqis tal-persunal;

18.  Jilqa' l-fatt li r-regoli interni dwar l-iżvelar ta' informazzjoni protetta daħlu fis-seħħ fil-bidu tal-2016;

19.  Jappoġġa bis-sħiħ il-ħolqien ta' karigi ta' konsulenti tal-etika biex jgħinu f'sitwazzjonijiet relatati ma' fastidju possibbli u jipprovdu taħriġ speċifiku biex jitjiebu l-għarfien u l-ġestjoni tal-każijiet ta' żvelar ta' informazzjoni protetta; jiddispjaċih li tliet każijiet marbuta ma' fastidju kellhom jgħaddu minn azzjoni legali;

20.  Ma jistax jagħti l-opinjoni tiegħu dwar il-livell ta' assenteiżmu marbut ma' liv minħabba mard peress li r-rapport ipprovdut mill-Kumitat dwar din il-kwistjoni huwa wieħed fjakk; jistieden lill-Kumitat jirrapporta dwar il-liv minħabba mard tal-persunal tiegħu diviż bin-numru ta' jiem ta' xogħol fuq liv minħabba mard għal kull membru individwali tal-persunal;

21.  Jinnota li l-Kumitat naqqas l-ispejjeż medji tal-"away days" tiegħu għal 35 % għal kull parteċipant meta mqabbla mal-2014 u li 218-il persuna biss ħadu sehem fl-avveniment, meta mqabbla ma' 415 fl-2014; jistieden lill-Kumitat jqiegħed fil-mira l-attivitajiet ta' benessri tiegħu sabiex dawn jinkludu kemm jista' jkun membri tal-persunal sabiex jikkontribwixxu għat-titjib ulterjuri tal-benessri tal-persunal;

22.  Jinnota b'sodisfazzjon it-tendenza ta' tnaqqis fir-rata tas-servizzi tal-interpretazzjoni mitluba iżda mhux użati - minn 4,3 % fl-2014 għal 3,5 % fl-2015;

23.  Jilqa' b'sodisfazzjon il-preżentazzjoni tad-data tat-traduzzjoni skont il-metodoloġija armonizzata stabbilita mill-kumitat interistituzzjonali għat-traduzzjoni u l-interpretazzjoni; jinnota r-reviżjoni attwali tal-Kodiċi ta' Kondotta għat-Traduzzjoni li għandha ssir b'mod konġunt mal-Kumitat tar-Reġjuni;

24.  Jinnota li r-rata ta' esternalizzazzjoni tat-traduzzjoni żdiedet għal kważi 10 % fl-2015 minħabba t-trasferiment ta' persunal lill-Parlament skont il-Ftehim; jistieden lill-Kumitat jagħmel valutazzjoni tal-kosteffettività tal-arranġament il-ġdid fis-seħħ;

25.  Jilqa' l-qafas strateġiku tal-Kumitat għat-tagħlim u l-iżvilupp, b'mod partikolari l-attenzjoni l-ġdida mogħtija lit-tagħlim mill-kollegi għall-kollegi; jitlob lill-Kumitat jipprovdi segwitu għal dak il-metodu partikolari fir-rapport ta' attività annwali li jmiss tiegħu;

26.  Jinnota b'sodisfazzjon kbir l-isforzi u r-riżultati miksuba s'issa fit-titjib tal-marka ambjentali tal-Kumitat u t-tiġdid taċ-ċertifikazzjoni tal-Iskema ta' Mmaniġġjar u Awditjar Ekoloġiċi (EMAS);

27.  Jinnota l-arranġamenti amministrattivi bejn il-Kumitat u l-Uffiċċju Ewropew Kontra l-Frodi bil-ħsieb li jiġi stabbilit qafas strutturat għall-kooperazzjoni u jiġi ffaċilitat l-iskambju rapidu tal-informazzjoni;

28.  Jilqa' l-informazzjoni dwar il-politika dwar il-bini tal-Kumitat fir-rapport ta' attività annwali tiegħu, speċjalment peress li huwa importanti li l-ispejjeż ta' tali politika jiġu razzjonalizzati b'mod xieraq u ma jkunux eċċessivi;

29.  Jinnota l-isforzi u l-kisbiet tal-Kumitat fl-intensifikazzjoni tal-politika ta' informazzjoni u komunikazzjoni tiegħu; jenfasizza, madankollu, li huwa aktar importanti li l-effikaċja tal-opinjonijiet tiegħu dwar it-teħid ta' deċiżjonijiet tal-Unjoni tiġi mtejba milli l-viżibilità ġenerali tagħha.

INFORMAZZJONI DWAR L-ADOZZJONIFIL-KUMITAT RESPONSABBLI

Data tal-adozzjoni

22.3.2017

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

22

4

1

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Inés Ayala Sender, Dennis de Jong, Tamás Deutsch, Martina Dlabajová, Luke Ming Flanagan, Ingeborg Gräßle, Jean-François Jalkh, Bogusław Liberadzki, Notis Marias, Georgi Pirinski, José Ignacio Salafranca Sánchez-Neyra, Petri Sarvamaa, Claudia Schmidt, Bart Staes, Hannu Takkula, Derek Vaughan, Joachim Zeller

Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali

Richard Ashworth, Benedek Jávor, Karin Kadenbach, Markus Pieper, Patricija Šulin

Sostituti (skont l-Artikolu 200(2)) preżenti għall-votazzjoni finali

Raymond Finch, Jens Geier, Arne Lietz, Piernicola Pedicini, Lieve Wierinck

VOTAZZJONI FINALI B'SEJĦA TAL-ISMIJIETFIL-KUMITAT RESPONSABBLI

22

+

ALDE

Martina Dlabajová, Hannu Takkula, Lieve Wierinck

GUE/NGL

Luke Ming Flanagan, Dennis de Jong

PPE

Tamás Deutsch, Ingeborg Gräßle, Markus Pieper, José Ignacio Salafranca Sánchez-Neyra, Petri Sarvamaa, Claudia Schmidt, Patricija Šulin, Joachim Zeller

S&D

Inés Ayala Sender, Jens Geier, Karin Kadenbach, Bogusław Liberadzki, Arne Lietz, Georgi Pirinski, Derek Vaughan

Verts/ALE

Benedek Jávor, Bart Staes

4

-

ECR

Notis Marias

EFDD

Raymond Finch, Piernicola Pedicini

ENF

Jean-François Jalkh

1

0

ECR

Richard Ashworth

Tifsira tas-simboli użati:

+  :  favur

-  :  kontra

0  :  astensjoni

(1)

ĠU L 69, 13.3.2015.

(2)

ĠU C 380, 14.10.2016, p. 1.

(3)

ĠU C 375, 13.10.2016, p. 1.

(4)

ĠU C 380, 14.10.2016, p. 147.

(5)

ĠU L 298, 26.10.2012, p. 1.

Avviż legali