Proċedura : 2016/2075(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A8-0162/2017

Testi mressqa :

A8-0162/2017

Dibattiti :

PV 15/05/2017 - 18
CRE 15/05/2017 - 18

Votazzjonijiet :

PV 16/05/2017 - 6.8
CRE 16/05/2017 - 6.8
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P8_TA(2017)0208

RAPPORT     
PDF 605kWORD 67k
7.4.2017
PE 595.633v01-00 A8-0162/2017

dwar l-evalwazzjoni tal-aspetti esterni tal-prestazzjoni u l-ġestjoni doganali bħala għodda biex jiġi ffaċilitat il-kummerċ u jiġi miġġieled il-kummerċ illeċitu

(2016/2075(INI))

Kumitat għall-Kummerċ Internazzjonali

Rapporteur: Tiziana Beghin

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW
 OPINJONI tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit
 INFORMAZZJONI DWAR L-ADOZZJONIFIL-KUMITAT RESPONSABBLI

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW

dwar l-evalwazzjoni tal-aspetti esterni tal-prestazzjoni u l-ġestjoni doganali bħala għodda biex jiġi ffaċilitat il-kummerċ u jiġi miġġieled il-kummerċ illeċitu

(2016/2075(INI))

Il-Parlament Ewropew

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tas-14 ta' Ottubru 2015 bit-titolu "Kummerċ għal Kulħadd – Lejn politika aktar responsabbli għall-kummerċ u l-investiment'' (COM(2015)0497),

–  wara li kkunsidra l-Pjan Strateġiku tad-DĠ TAXUD 2016-2020, Ares (2016) 1266241 tal-14 ta' Marzu 2016, u l-Pjan ta' Ġestjoni tad-DĠ TAXUD 2016, Ares (2016) 1266241 tal-14 ta' Marzu 2016,

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-21 ta' Awwissu 2014 bit-titolu "L-Istrateġija u l-Pjan ta' Azzjoni tal-UE għall-ġestjoni tar-riskju doganali: L-indirizzar ta' riskji, it-tisħiħ tas-sigurtà tal-katina tal-provvista u l-iffaċilitar tal-kummerċ" (COM (2014)0527),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tad-19 ta' Lulju 2016 bit-titolu "Rapport ta' Progress dwar l-implimentazzjoni tal-Istrateġija u l-Pjan ta' Azzjoni tal-UE għall-immaniġġjar tar-riskju doganali" (COM(2016)0476),

–  wara li kkunsidra l-Linji Gwida għall-Operaturi Ekonomiċi Awtorizzati (TAXUD/B2/047/2011),

–  wara li kkunsidra l-proġett pilota li joħloq Rotot Kummerċjali Intelliġenti u Siguri bejn l-UE u ċ-Ċina,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tal-Kunsill dwar il-Pjan ta' Azzjoni Doganali tal-UE għall-ġlieda kontra l-Ksur tad-drittijiet ta' proprjetà intellettwali għas-snin 2013 sal-2017 (2013/C 80/01)(1),

–  wara li kkunsidra r-rapport tad-DĠ TAXUD dwar l-infurzar doganali tal-UE tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali għall-2015,

–  wara li kkunsidra l-Qafas Strateġiku għall-Kooperazzjoni Doganali bejn l-UE u ċ-Ċina,

–  wara li kkunsidra l-Pjan ta' Azzjoni dwar il-kooperazzjoni doganali bejn l-UE u ċ-Ċina fir-rigward tad-drittijiet ta' proprjetà intellettwali (2014-2017),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tas-26 ta' Frar 2014 bit-titolu "Il-Pjan ta' Azzjoni għall-monitoraġġ tat-tħaddim ta' arranġamenti ta' kummerċ preferenzjali" (COM(2014)0105),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-2 ta' Frar 2016 bit-titolu "Pjan ta' Azzjoni għat-tisħiħ tal-ġlieda kontra l-finanzjament tat-terroriżmu" (COM(2016)0050),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-21 ta' Diċembru 2016 bit-titolu "Żvilupp u tal-Unjoni Doganali tal-UE u l-Governanza tagħha" (COM(2016)0813),

  wara li kkunsidra l-mozzjoni għal riżoluzzjoni tiegħu tad-9 ta' Ġunju 2015 dwar strateġija għall-protezzjoni u l-infurzar tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali f'pajjiżi terzi(2),

–  wara li kkunsidra r-Rapport Speċjali 23/2016 tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri: "It-trasport marittimu fl-UE: f'baħar ta' inkwiet - sar ħafna investiment li la huwa effettiv u lanqas sostenibbli",

–  wara li kkunsidra l-Ftehim ta' Marrakexx li stabbilixxa l-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-OECD tat-18 ta' April 2016 dwar il-kummerċ illeċitu u l-konverġenza tan-netwerks kriminali,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 21 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE),

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 207, 208 u 218 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE),

–  wara li kkunsidra r-Regolament 952/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta' Ottubru 2013 li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali tal-Unjoni(3), u l-Att Delegat (Regolament Delegat Nru 2015/2446), l-Att ta' Implimentazzjoni (Regolament ta' Implimentazzjoni Nru 2015/2447), Att Delegat Tranżitorju (Regolament Delegat Nru 2016/341), u l-Programm ta' Ħidma (Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni Nru 2016/578) relatati tiegħu,

–  wara li kkunsidra d-dritt r-Regolament (UE) Nru 608/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta' Ġunju 2013 dwar l-infurzar doganali tad-drittijiet ta' proprjetà intellettwali u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1383/2003(4),

–  wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni għal direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta' Diċembru 2013 dwar il-qafas ġuridiku tal-Unjoni għal ksur doganali u sanzjonijiet (COM(2013)0884), u l-opinjoni tal-Kumitat għall-Kummerċ Internazzjonali lill-Kumitat għas-Suq Intern u l-Ħarsien tal-Konsumatur dwar il-proposta,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 24.2 tar-Regolament (UE) 2015/478 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Marzu 2015 dwar ir-regoli komuni għall-importazzjonijiet(5),

–  wara li kkunsidra l-prinċipju tal-koerenza tal-politiki għall-iżvilupp kif iddikjarat fit-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tad-19 ta' Jannar 2017 dwar l-indirizzar tal-isfidi tal-implimentazzjoni tal-Kodiċi Doganali tal-Unjoni(6),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 52 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kummerċ Internazzjonali u l-opinjoni tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit (A8-0162/2017),

A.  billi l-Unjoni Doganali hija pilastru bażiku tal-Unjoni Ewropa, u dan jagħmilha wieħed mill-akbar blokok kummerċjali fid-dinja, u billi Unjoni Doganali kompletament funzjonanti hija essenzjali għall-kredibbiltà li għandha bżonn l-UE biex tiggarantixxi l-qawwa tagħha fin-negozjar tal-ftehimiet kummerċjali;

B.  billi l-implimentazzjoni tal-Kodiċi Doganali tal-Unjoni (KDU) hija essenzjali għas-salvagwardja tar-riżorsi proprji tal-UE, b'mod speċjali d-dazji doganali u l-interessi fiskali nazzjonali;

C.  billi Unjoni Doganali kompletament funzjonanti hija l-bażi għal ġlieda effikaċi kontra l-flussi finanzjarji illeċiti u l-ħasil tal-flus ibbażat fuq il-kummerċ;

D.  billi hemm ir-riskju li l-implimentazzjoni tal-Kodiċi Doganali tal-Unjoni, imnedija fl-1 ta' Mejju 2016, tiġi mdewma minħabba n-nuqqas ta' finanzjament xieraq għal sistemi informatiċi komuni u funzjonanti sal-31 ta' Diċembru 2020;

E.  billi r-rapport dwar il-progress fir-rigward tal-implimentazzjoni tal-Istrateġija u tal-Pjan ta' Azzjoni tal-UE għall-immaniġġjar tar-riskju doganali jirrileva l-fatt li l-insuffiċjenza tal-finanzjamenti għall-aġġornament tas-sistemi informatiċi eżistenti u għall-iżvilupp tas-sistemi l-ġodda neċessarji hija problema sinifikanti li xxekkel il-progress, b'riferiment partikolari għas-Sistema ta' Kontroll tal-Importazzjoni l-ġdida ; billi, fl-assenza ta' riżorsi addizzjonali, għadd ta' azzjonijiet mhumiex se jkunu jistgħu jiġu implimentati sa tmiem l-2020, kif previst mill-Istrateġija u l-Pjan ta' Azzjoni; billi dewmien jaf ukoll jolqot l-implimentazzjoni tal-impenji għall-aspetti relatati mad-dwana fil-kuntest tal-Aġenda tal-UE dwar is-Sigurtà;

F.  billi l-frammentazzjoni attwali tal-politiki ta' kontroll doganali bejn l-Istati Membri ma tridx twassal għal sitwazzjoni li tirriżulta f'piżijiet ulterjuri fil-livell amministrattiv u tal-ħin jew f'distorsjoni tal-flussi kummerċjali interni;

G.  billi l-proposta għal direttiva dwar qafas ġuridiku tal-Unjoni għal ksur doganali u sanzjonijiet ma tagħmilx distinzjoni ċara bejn is-sanzjonijiet kriminali u dawk amministrattivi fi ħdan l-Istati Membri b'rispett sħiħ tas-sussidjarjetà; billi dan jaf jinkoraġġixxi lill-operaturi ekonomiċi frawdolenti biex jagħmlu għażliet strateġiċi meta jkunu qed jimportaw minn pajjiżi terzi, b'mod li jikkawżaw distorsjonijiet fil-ġbir tat-taxxa u impatt negattiv fuq l-ambjent, u għaldaqstant is-sanzjonijiet qed juru li mhumiex deterrent effikaċi għall-attivitajiet kummerċjali illegali;

H.  billi r-regoli u tal-proċeduri doganali kumplessi u l-kriterji u s-sanzjonijiet differenti applikati mill-awtoritajiet jistgħu jitfgħu piż żejjed fuq l-impriżi ta' daqs żgħir u medju, u jeżerċitaw pressjoni notevoli fuq ir-riżorsi limitati tagħhom u jaffetwaw il-perkors kummerċjali tagħhom;

I.  billi kooperazzjoni doganali effikaċi bejn l-amministrazzjonijiet doganali, l-operaturi ekonomiċi awtorizzati, il-forzi tal-pulizija, l-awtoritajiet ġudizzjarji, kif ukoll l-atturi rilevanti l-oħra tal-Istati Membri ma' pajjiżi terzi u f'livell multilaterali tiżvolġi rwol essenzjali, fid-dawl tal-volumi notevoli ta' kummerċ, u tirrappreżenta pedament fil-ġlieda kontra l-kummerċ illeċitu, it-terroriżmu, il-kriminalità organizzata, il-ħasil tal-flus, it-traffikar ta' speċijiet selvaġġi, l-evażjoni tat-taxxa, it-traffikar tad-droga u tat-tabakk, u l-mediċini falsifikati, kif ukoll fil-ħarsien tad-drittijiet ta' proprjetà intellettwali fl-UE, l-implimentazzjoni u r-rispett tal-proċeduri ta' diliġenza dovuta għall-prodotti fil-katina tal-valur globali, hekk kif inhu indikat fl-istrateġija tal-Kummissjoni "Kummerċ għal Kulħadd", u l-identifikazzjoni u l-eliminazzjoni eventwali tal-interkonnessjonijiet bejn l-atturi frawdolenti involuti f'attivitajiet kummerċjali illeċiti fil-katina tal-provvista internazzjonali;

J.  billi l-UE kkonkludiet ftehimiet ta' kooperazzjoni doganali u ta' assistenza amministrattiva reċiproka mal-Korea t'Isfel, mal-Kanada, mal-Istati Uniti, mal-Indja, maċ-Ċina u mal-Ġappun;

K.  billi l-biċċa l-kbira tal-prodotti illegali jew kontrafatti li jidħlu fl-Unjoni qed tiġi pprovduta minn ċerti sħab kummerċjali; billi l-esportazzjonijiet mill-Malasja jirrappreżentaw biss valur ta' madwar EUR 2,5 miljun, filwaqt li dawk miċ-Ċina u minn Hong Kong għandhom valur ta' 'l fuq minn EUR 300 miljun u EUR 100 miljun rispettivament; billi, fl-2015, il-Belarussja waħedha kkawżat telf fiskali ta' EUR 1 biljun lill-UE, peress li kienet qed tesporta prodotti li jevitaw kompletament ir-regoli dwar il-VAT, kif ukoll ir-regolamenti dwar is-saħħa;

L.  billi, skont l-aktar rapport reċenti tal-Kummissjoni dwar l-infurzar tad-drittijiet ta' proprjetà intellettwali min-naħa tal-awtoritajiet doganali tal-UE, il-volum tal-prodotti kontrafatti kkonfiskati minn dawn l-awtoritajiet żdied b'15 % bejn l-2014 u l-2015, billi, minħabba s-suspett ta' ksur tad-drittijiet ta' proprjetà intellettwali, ġew ikkonfiskati aktar minn 40 miljun prodott, li laħqu valur totali ta' kważi EUR 650 miljun, fil-fruntieri esterni tal-Unjoni;

M.  billi ż-żoni internazzjonali ta' kummerċ ħieles, flimkien ma' dawk il-pajjiżi terzi li jkunu l-aktar għejun frekwenti ta' kummerċ illeċitu, potenzjalment jirrappreżentaw kuntesti fejn tista' tkompli l-proliferazzjoni tal-kummerċ ta' prodotti illegali fl-UE, u dan iwassal għal kontrolli aktar rigorużi mal-fruntieri, u għaldaqstant x'aktarx li se jirrikjedu analiżi ulterjuri speċifika;

N.  billi l-kummerċ fil-prodotti kontrafatti jista' jikkontribwixxi għall-finanzjament tal-organizzazzjonijiet kriminali attivi fit-terroriżmu, fit-traffikar tad-droga, fl-armi tan-nar, fil-ħasil tal-flus u fit-traffikar tal-bnedmin;

O.  billi l-ġlieda kontra l-kontrafazzjoni hija essenzjali biex jitħarsu d-drittijiet ta' proprjetà intellettwali fl-Ewropa, jiġi salvagwardjat l-għarfien espert u titħeġġeġ l-innovazzjoni;

P.  billi r-rwol li tiżvolġi d-dwana fil-qasam tas-sigurtà huwa partikolarment rilevanti biex l-organizzazzjonijiet terroristiċi jitwaqqfu milli jċaqalqu l-fondi tagħhom u biex jinqatgħu l-għejun ta' dħul finanzjarju tagħhom, kif inhu rikonoxxut fil-Pjan ta' Azzjoni tal-Kummissjoni biex tissaħħaħ il-ġlieda kontra l-finanzjament tat-terroriżmu;

Q.  billi, fil-kuntest tal-ambjent kummerċjali globali, is-servizzi doganali jiżvolġu rwol importanti fl-affrontar tal-ħsara li ssir minn kummerċ illeċitu lill-ekonomija formali filwaqt li jgħinu wkoll biex dan l-istess kummerċ illeċitu jiġi miftiehem u miġġieled aħjar;

R.  billi n-netwerks ta' attivitajiet illeċiti jkollhom impatt negattiv fuq l-ekonomija tal-Istati Membri f'termini ta' tkabbir, impjiegi, investiment barrani, integrità tas-swieq, kompetizzjoni, kummerċ u telf ta' introjtu doganali, u billi dan l-aħħar telf finalment jiġġarrab mill-kontribwent Ewropew;

S.  billi l-kummerċ illeċitu huwa ta' tħassib ewlieni għall-impriżi u jirrappreżenta theddida sinifikanti b'riskji dejjem jikbru fil-livell globali, f'termini tat-trasparenza, l-integrità u l-valur finanzjarju, b'mod li jirrifletti l-użu tal-iskemi ta' kummerċ u l-ktajjen ta' provvista fil-livell globali;

T.  billi l-kontrafazzjoni, il-kummerċ illegali tal-armi, u t-traffikar tad-droga jiġġeneraw somom kbar għall-kriminalità organizzata transnazzjonali permezz ta' kanali ekonomiċi u kummerċjali illeċiti;

U.  billi l-ammont dejjem jiżdied ta' każijiet ta' kuntrabandu, traffikar u forom oħra ta' kummerċ illegali u illeċitu, mhux biss qed ikollu impatt fuq il-ġbir tad-dazji doganali mill-Istati Membri u fuq il-baġit tal-UE, iżda huwa wkoll assoċjat b'mod qawwi mal-kriminalità organizzata internazzjonali, mat-theddid għall-konsumatur u ma' effetti negattivi fuq il-funzjonament tas-suq uniku, li jimminaw l-ekwità tal-kundizzjonijiet ta' kompetizzjoni għall-kumpaniji kollha involuti, b'mod partikolari l-impriżi ta' daqs żgħir u medju;

V.  billi l-ħarsien tad-drittijiet ta' proprjetà intellettwali hija kruċjali kemm għall-protezzjoni u għat-trawwim tal-ekonomija tal-UE, kif ukoll għat-tkabbir u għall-impjiegi;

1.  Jappella lill-Kummissjoni biex taħdem mill-qrib mal-Istati Membri biex tiżgura implimentazzjoni koordinata, uniformi u effiċjenti tas-sistema l-ġdida stabbilita mill-KDU, filwaqt li tiskoraġġixxi lill-prattiki diverġenti fost l-Istati Membri wara l-perjodu ta' tranżizzjoni permezz ta' linja gwida bażika komuni għad-dwani Ewropej kollha; jappella lill-Kummissjoni biex, f'dan ir-rigward, tfassal analiżi komparattiva u informazzjoni dwar l-operazzjonijiet doganali u l-proċeduri ta' infurzar fl-Istati Membri;

2.  Jirrileva li ma teżisti l-ebda sistema għall-identifikazzjoni u għall-monitoraġġ tad-differenzi fit-trattament tal-operaturi ekonomiċi min-naħa tal-awtoritajiet doganali; jappella lill-Kummissjoni biex tirrikjedi li l-Istati Membri jipprovdu informazzjoni speċifika dwar it-tip u n-numru tal-kontrolli doganali fil-livell tal-portijiet prinċipali individwali;

3.  Jistieden lill-Kummissjoni tkompli l-kooperazzjoni mal-Istati Membri u mal-partijiet interessati rilevanti ta' natura kummerċjali biex issolvi l-lakuni li jeżistu fis-sistemi ta' kontroll, tiżviluppa semplifikazzjonijiet doganali ulterjuri u tnaqqas il-piżijiet amministrattivi għal min ikun qed jopera legalment fis-settur kummerċjali, filwaqt li tiffoka fuq l-objettiv ta' kummerċ aktar sempliċi u aktar sigur u, fl-istess ħin, tiżgura kontrolli adegwati, effikaċi, effiċjenti u armonizzati fil-fruntieri tal-UE, kif ukoll is-sostenn neċessarju lill-awtoritajiet rilevanti; jindika li kontrolli doganali effikaċi jridu jiggarantixxu lill-UE s-sigurtà, is-sikurezza tal-konsumaturi, ir-rispett tal-obbligi fil-qasam ambjentali u tar-regolamenti fil-qasam tas-saħħa u l-ħarsien tal-interessi ekonomiċi, b'attenzjoni partikolari għall-protezzjoni tad-drittijiet ta' proprjetà intellettwali u għall-ġlieda kontra l-kummerċ illeċitu, it-terroriżmu, il-ħasil tal-flus, it-traffikar ta' speċijiet selvaġġi, l-evażjoni tat-taxxa, it-traffikar tad-droga u tat-tabakk u l-mediċini falsifikati, kif ukoll għall-ġlieda kontra kull forma ta' kompetizzjoni inġusta li jafu jħabbtu wiċċhom magħha l-impriżi Ewropej li jirrispettaw l-istandards tal-UE;

4.  Jenfasizza l-importanza li titlesta l-ħidma ta' armonizzazzjoni tal-kontrolli fil-punti kollha ta' dħul fl-Unjoni Doganali, b'mod partikolari fuq il-bażi tal-istrumenti eżistenti;

5.  Jappella lill-Kummissjoni biex tipprova tikseb livell ogħla ta' kollaborazzjoni mas-settur privat fl-identifikazzjoni tal-operaturi frawdolenti; jisħaq fuq l-importanza li l-partijiet interessati privati jiġu involuti fil-ġlieda kontra l-kummerċ illegali, inkluż dak li jinvolvi l-ispeċijiet selvaġġi u l-prodotti tagħhom;

6.  Ifakkar li l-opportunità li joffri l-KDU u r-regoli relatati dwar is-sistemi informatiċi interkonnessi u l-iskambji elettroniċi jmissha tintuża biex ikun hemm aċċess għad-data dwar il-kummerċ affidabbli u legali u biex din titqiegħed għad-dispożizzjoni permezz ta' kanali apparti d-dikjarazzjonijiet doganali, pereżempju permezz ta' programmi internazzjonali ta' skambju reċiproku, bħall-programm rigward l-operaturi ekonomiċi awtorizzati jew il-proġett "Rotot Kummerċjali Intelliġenti u Siguri", bl-għan li jiġu ffaċilitati l-iskambji;

7.  Ifakkar li l-iżvilupp tas-sistemi informatiċi rikjesti għandu bżonn finanzjament biżżejjed u jappella lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jiżguraw id-disponibbiltà tar-riżorsi għas-sistemi informatiċi meħtieġa b'mod li jintlaħqu l-objettivi tal-Istrateġija u l-Pjan ta' Azzjoni tal-UE għall-immaniġġjar tar-riskji doganali;

8.  Jappella lill-Kummissjoni biex tinsisti fuq użu aktar mifrux tal-programm rigward l-operaturi ekonomiċi awtorizzati; jisħaq fuq l-importanza tal-promozzjoni tal-vantaġġi tiegħu għall-kummerċ, filwaqt li jinżammu regoli ta' konformità stretti u jiġu ppreżervati l-qawwa, l-affidabbiltà u l-konformità tiegħu mar-regoli doganali tal-pajjiżi terzi fl-ambitu tan-negozjati dwar ftehimiet kummerċjali;

9.  Jitlob lill-Kummissjoni tikkoordina u tikkoopera mad-dwani, mal-awtoritajiet tal-fruntieri fuq il-post u mal-partijiet interessati fi ħdan l-UE, kif ukoll mas-sħab kummerċjali tagħha, fir-rigward tal-kondiviżjoni tad-data u b'mod partikolari f'dak li għandu x'jaqsam mar-rikonoxximent tal-kontrolli doganali, is-sħab kummerċjali fdati u l-istrateġiji ta' mitigazzjoni għaż-żarmar tan-netwerks tal-kummerċ illeċitu; jappella lill-Kummissjoni biex ittejjeb u tintensifika l-kooperazzjoni fost id-diversi direttorati ġenerali tagħha fir-rigward tal-kwistjonijiet doganali, u tippromwovi, meta jkun hemm bżonn, koordinament aħjar fost l-awtoritajiet doganali u dawk għall-infurzar tal-liġiijiet, b'mod partikolari fir-rigward tal-kriminalità organizzata, tas-sigurtà u tal-ġlieda kontra t-terroriżmu, kemm f'livell nazzjonali kif ukoll f'dak tal-UE;

10.  Jistieden lill-Kummissjoni tippreżenta komunikazzjoni dwar "L-aħjar prassi fl-ambitu tal-kontrolli doganali u l-infurzar tar-regoli kummerċjali" fil-perjodu interim, bl-iskop li tipprovdi qafas ta' riferiment lill-korpi ta' kontroll kompetenti fl-Istati Membri, tirrileva l-aħjar prattiki u riżultati, tistabbilixxi ġabra ta' indikaturi ewlenin tal-prestazzjoni, u tanalizza l-flussi kummerċjali tal-prodotti kontrafatti fil-punti ta' qsim tal-fruntieri;

11.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tkompli taħdem fuq l-implimentazzjoni tal-Istrateġija u l-Pjan ta' Azzjoni tal-UE għall-immaniġġjar tar-riskju doganali, b'mod partikolari fl-oqsma tad-disponibbiltà tad-data, l-aċċess għall-informazzjoni u l-iskambju tagħha għal finijiet ta' mmaniġġjar tar-riskju doganali, u t-tisħiħ tal-kapaċitajiet;

12.  Jappella lill-Kummissjoni biex tirrapporta perjodikament lill-kumitati responsabbli tal-Parlament Ewropew dwar il-monitoraġġ u l-evalwazzjoni tal-implimentazzjoni tal-Istrateġija u l-Pjan ta' Azzjoni tal-UE għall-immaniġġjar tar-riskji doganali;

13.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tinvestiga l-prattiki differenti għall-kontrolli doganali fl-UE u l-impatt tagħhom fuq id-devjazzjoni tat-traffiku kummerċjali, filwaqt li tiffoka b'mod partikolari fuq id-dwana tal-UE fil-frunteri esterni;

14.  Josserva li d-differenzi proċedurali attwali fid-dwani, b'mod partikolari rigward l-iżdoganar, l-ispezzjonijiet, is-sanzjonijiet u l-kontrolli, qed joħolqu frammentazzjoni, piżijiet amministrattivi addizzjonali, dewmien, varjazzjonijiet fil-ġbir tat-taxxa bejn l-Istati Membri, distorsjoni tas-suq u impatt negattiv fuq l-ambjent; jisħaq li dawn id-differenzi proċedurali fid-dwani spiss jistgħu jiffavorixxu l-aċċess għal ċerti portijiet b'detriment għal oħrajn b'operaturi illeġittimi li jimportaw prodotti kontrafatti jew sottovalutati, bir-riżultati li l-prodotti jaslu fid-destinazzjoni finali tagħhom permezz ta' rotta inabitwali u l-iżdoganar jintalab fi Stat Membru differenti minn dak li importa l-prodotti, bil-għan li tonqos il-probabbiltà li jiġu suġġetti għall-kontrolli jew li kwalunkwe proċedura ta' rkupru potenzjali ssir ikkumplikata; jitlob lill-Kummissjoni, għaldaqstant, tanalizza din il-problema tal-għażla opportunistika tal-ġurisdizzjoni ("forum shopping") u l-impatt tagħha fuq il-kummerċ, id-dħul mit-taxxi, l-effetti klimatiċi u d-dazji doganali;

15.  Ifakkar lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni fl-importanza li jiżguraw li jkollhom biżżejjed riżorsi disponibbli puntwalment għas-sistemi informatiċi neċessarji sabiex jilħqu l-objettivi tal-Istrateġija u l-Pjan ta' Azzjoni tal-UE għall-immaniġġjar tar-riskju doganali, filwaqt li jiżguraw l-interoperabbiltà tas-sistemi għall-ġid tal-awtoritajiet doganali, tal-kummerċjanti li joperaw legalment u, fl-aħħar mill-aħħar, tal-konsumaturi, kif ukoll jippromwovu l-impjiegi u t-tkabbir ekonomiku fl-UE;

16.  Jinsisti fuq il-bżonn li jsir progress mill-kuntest doganali attwali li juża anqas karti, għal kuntest li ma jagħmel l-ebda użu mill-karti;

17.  Jitlob lill-Kummissjoni taħdem mill-qrib mal-Istati Membri, mal-OECD u mal-Organizzazzjoni Dinjija Doganali (WCO) biex inaqqsu l-lakuni attwali fis-sistemi ta' kontroll doganali, billi jiżguraw li l-kummerċ illeċitu, il-kontrafazzjoni u l-frodi jiġu miġġielda permezz ta' kontrolli bbażati fuq ir-riskju u jiġu kkoordinati b'mod aktar sistematiku, abbażi ta' kriterji armonizzati għall-ispezzjonijiet, tal-aħjar prassi u ta' proċeduri u metodi ta' ħidma komuni, f'termini ta' sigħat operattivi, riżorsi ekonomiċi u umani u sistemi informatiċi interoperabbli, b'awtoritajiet kompetenti oħrajn jipprovdu sostenn puntwali u adegwat; ifakkar, f'dan ir-rigward, fl-importanza li jiġi żgurat li l-aġenziji doganali u tal-fruntiera kollha tal-UE, u li jiġi garantit taħriġ xieraq lill-operaturi tagħhom;

18.  Jappella lill-awtoritajiet doganali fl-Istati Membri biex jużaw l-istrumenti elettroniċi għall-kondiviżjoni tad-data b'mod proattiv sabiex jikkooperaw mal-awtoritajiet għall-infurzar tal-liġi fl-identifikazzjoni tal-anomaliji marbutin mat-tbagħbis fil-prezzijiet biex jinbidel il-valur kummerċjali, u b'hekk jiġġieldu l-flussi finanzjarji illeċiti u l-ħasil tal-flus ibbażat fuq il-kummerċ;

19.  Jappella lill-Kummissjoni biex tiżgura li l-implimentazzjoni progressiva tal-KDU ġġib valur addizzjonali għall-operaturi ekonomiċi, billi tistabbilixxi kundizzjonijiet ekwi ta' kompetizzjoni fl-Unjoni kollha, filwaqt li fl-istess ħin tiżgura li s-semplifikazzjoni miżjuda tal-proċeduri doganali ma toħloqx lakuni fis-sistemi ta' mmaniġġjar u ta' kontroll tar-riskju doganali li jistgħu jxekklu l-ġlieda effikaċi kontra l-kummerċ illeċitu; iqis li huwa essenzjali li tiġi armonizzata l-leġiżlazzjoni tal-UE fil-qasam tad-dwana u jappella lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex iwettqu monitoraġġ regolari tar-regoli tal-UE u tal-applikazzjoni uniformi tagħhom min-naħa tal-awtoritajiet kompetenti, b'mod li jiffaċilitaw il-kummerċ internazzjonali u jrażżnu l-attivitajiet transnazzjonali illegali;

20.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tkompli taħdem mal-Istati Membri fuq il-kondiviżjoni tal-aħjar prattiki fil-qasam tal-proċeduri doganali u l-VAT, tikkoopera mad-diversi awtoritajiet kompetenti u, fejn xieraq, tallinja l-politiki fir-rigward tad-dwana u tal-VAT, bil-għan li tiżgura s-sinerġiji, anke biex jinstabu u jiġu applikati soluzzjonijiet ġuridiċi u prattiċi għall-isfidi u għall-opportunitajiet relatati ma' konsenji żgħar, mal-kummerċ elettroniku u mas-semplifikazzjoni;

21.  Jappella lill-Kummissjoni biex, fid-dawl tal-Artikolu 23 tal-Ftehim ta' Faċilitazzjoni tal-Kummerċ tad-WTO li jappella għall-ħolqien ta' organu ta' faċilitazzjoni tal-kummerċ, tikkunsidra li tittrasferixxi l-kompetenzi tal-awtoritajiet doganali mil-livell nazzjonali għal-livell tal-UE b'mod li tiżgura trattament armonizzat fil-punti ta' dħul fl-UE kollha, tissorvelja l-prestazzjoni u l-attivitajiet tal-amministrazzjonijiet tad-dwana, kif ukoll tiġbor u tipproċessa d-data doganali;

22.  Jistieden lill-Kummissjoni, barra minn hekk, tiżviluppa b'mod aħjar analiżi akkurata tal-ispejjeż imqabbla mal-benefiċċji tal-implikazzjonijiet tal-armonizzazzjoni tal-infurzar tas-sanzjonijiet kriminali fis-seħħ fl-Istati Membri biex jiġu miġġielda l-attivitajiet kummerċjali illeċiti u, jekk ikun hemm bżonn, tippreżenta proposta li jkun fiha regoli armonizzati, dejjem fir-rispett tas-sussidjarjetà, fir-rigward tad-definizzjoni ta' tali sanzjonijiet u reati fil-każijiet ta' kriminalità transnazzjonali;

23.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jagħmlu aktar biex jiżviluppaw u jsostnu il-possibbiltajiet ta' taħriġ konġunt għall-uffiċjali tad-dwana fl-Istati Membri; jenfasizza li l-armonizzazzjoni tat-taħriġ għall-uffiċjali tad-dwana fl-Ewropa se tikkontribwixxi għal implimentazzjoni effikaċi tal-KDU;

24.  Jitlob lill-Kummissjoni ssaħħaħ il-kooperazzjoni mal-partijiet interessati ta' natura kummerċjali u mar-rappreżentanti kummerċjali fil-livell internazzjonali, biex tindirizza l-isfidi kollha li jirriżultaw mill-implimentazzjoni tal-KDU, fosthom id-differenzi u d-diverġenzi bejn ir-regoli nazzjonali, il-metodi u l-mezzi ta' rapportar, kif ukoll it-tħassib tal-impriżi ta' daqs żgħir u medju involuti fil-kummerċ ma' pajjiżi terzi;

25.  Ifakkar li ċerti azjendi frawdolenti b'sede f'pajjiżi terzi qegħdin jużaw il-kummerċ elettroniku biex joffru prodotti kontrafatti lill-konsumaturi Ewropej u li wħud minn dawn il-prodotti jistgħu jinħarġulhom fatturi bi prezzijiet orħos mil-livelli minimi biex jevitaw li jiġu kkontrollati mill-awtoritajiet jew jista' jkun li qed jidħlu fis-suq billi jisfruttaw id-differenzi fl-arranġamenti ta' fatturazzjoni, ir-regoli doganali u l-penalitajiet; jitlob lill-Kummissjoni tinvestiga ulterjorment dawn il-problemi u twieżen liema jkun l-aħjar mod biex tindirizza r-riskji assoċjati mal-kummerċ elettroniku, kif ukoll taħdem mill-qrib mal-atturi kollha interessati, inklużi t-trasportaturi u l-kurrieri, ħalli ssostni lill-Istati Membri fit-trażżin ta' din il-prattika mingħajr ma jinħolqu ostakli għat-tkabbir tal-kummerċ elettroniku u mingħajr ma jixxekkel il-kummerċ leġittimu;

26.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tiżgura, b'mod konġunt mal-Istati Membri, li l-UE timplimenta sal-massimu possibbli l-Ftehim ta' Faċilitazzjoni tal-Kummerċ (TFA) tad-WTO, u tkompli tippromwovi l-implimentazzjoni tiegħu mill-membri l-oħra tad-WTO għall-benefiċċju tal-esportaturi tal-UE, inkluż billi tikkontribbwixxi għall-isforzi ta' pajjiżi fil-fażi tal-iżvilupp, sabiex tissaħħaħ il-faċilitazzjoni tal-kummerċ fid-dinja kollha;

27.  Jistieden lill-Kummissjoni ssaħħaħ il-kooperazzjoni internazzjonali biex tiżviluppa ulterjorment l-implimentazzjoni tal-Istrateġija u l-Pjan ta' Azzjoni tal-UE għall-immaniġġjar tar-riskji doganali fil-katina tal-provvista;

28.  Jistieden lill-Kummissjoni ssaħħaħ il-kooperazzjoni tagħha f'materji doganali mas-sħab kummerċjali ewlenin tagħha u mal-awtoritajiet doganali tagħhom, kif ukoll tidħol fi djalogu mal-pajjiżi ewlenin minn fejn joriġinaw il-prodotti kontrafatti, bil-għan li jkun hemm kollaborazzjoni fil-ġlieda kontra l-flussi finanzjarji illeċiti, il-ħasil tal-flus, il-korruzzjoni bbażata fuq il-kummerċ, il-frodi u l-evażjoni tat-taxxa, il-kriminalità organizzata u t-terroriżmu, li lkoll kemm huma jimminaw is-saħħa u s-sikurezza tal-konsumaturi, joħolqu riskji għas-soċjetà u għas-suq filwaqt li jagħmlu ħsara lill-ekonomiji, u tkompli tiffaċilita l-kummerċ bilaterali oltre l-impenji rigorużi fl-ambitu tal-Ftehim ta' Faċilitazzjoni tal-Kummerċ; jindika li dan jista' jinkiseb billi jiġu inklużi suġġetti fil-qasam tal-faċilitazzjoni tal-kummerċ bħar-regoli standardizzati dwar il-metodi, it-trasparenza, l-integrità u l-obbligu ta' rendikont fir-rigward tal-proċeduri doganali, u billi jiġu inklużi kapitoli antifrodi u antikontrafazzjoni fin-negozjati kollha dwar ftehimiet ta' kummerċ ħieles, jew permezz ta' ftehimiet doganali speċifiċi;

29.  Jistieden lill-Kummissjoni tkompli u tapprofondixxi l-kooperazzjoni doganali fil-qasam tad-drittijiet ta' proprjetà intellettwali mal-pajjiżi terzi u maż-żoni ta' kummerċ ħieles li jkunu l-aktar għajn frekwenti tal-kummerċ illeċitu; jemmen, f'dan ir-rigward, li huwa neċessarju li tiġi promossa kemm il-kooperazzjoni amministrattiva bejn l-awtoritajiet doganali fil-livell internazzjonali kif ukoll l-iżvilupp ta' sħubijiet mal-impriżi privati, sabiex jiġi miġġieled il-ksur doganali u l-evitar tal-obbligi tat-taxxa;

30.  Jistieden lill-Kummissjoni ssaħħaħ il-kooperazzjoni mal-Uffiċċju tal-Proprjetà Intellettwali tal-Unjoni Ewropea (EUIPO) u, b'mod partikolari, mal-Osservatorju Ewropew tal-Ksur tad-Drittijiet tal-Proprjetà Intellettwali, bil-għan li jiġu sostnuti l-inizjattivi għall-infurzar tad-drittijiet ta' proprjetà intellettwali, bħall-proċeduri ta' faċilitazzjoni għad-detenturi tad-drittijiet ibbażati fuq l-iskambju elettroniku tad-data, li kieku jkun ta' benefiċċju anke għall-impriżi ta' daqs żgħir u medju, u biex tqiegħed il-ġlieda kontra l-kontrafazzjoni u l-frodi fost il-prijoritajiet tagħha fi ħdan id-WTO, filwaqt li tinvolvi lill-OECD u d-WCO fil-ħidma tagħha fil-qasam; jisħaq għalhekk li r-Regolament attwali dwar l-infurzar doganali tad-drittijiet ta' proprjetà intellettwali jiżvolġi rwol importanti fil-ġlieda kontra l-kontrafazzjoni (ksur tat-trademarks), il-piraterija (ksur tad-drittijiet tal-awtur) u l-kuntrabandu ta' prodotti sensittivi, kif ukoll fl-ambiti tal-indikazzjonijiet ġeografiċi, tal-marki tal-oriġini u tal-kummerċ illegali; jemmen li huwa essenzjali li dan ir-Regolament jiġi implimentat kif dovut fl-Unjoni kollha kemm hi flimkien mad-Direttiva dwar l-infurzar tad-drittijiet ta' proprjetà intellettwali u li l-awtoritajiet doganali jwettqu l-infurzar meħtieġ b'mod li ma jimpedixxix lill-kummerċjanti leġittimi milli joperaw in bona fede;

31.  Jitlob lill-Kummissjoni tikkoordina b'mod aħjar id-difiża tal-indikazzjoni ġeografika rigward prodotti agroalimentari fil-Kummissjoni u anke mal-EUIPO, billi tirrappreżenta tassew valur miżjud fuq is-swieq esterni; ifakkar lill-Kummissjoni fl-importanza tal-iżvilupp ta' politika daqstant ambizzjuża dwar l-indikazzjonijiet ġeografiċi mhux agroalimentari; ifakkar fl-introduzzjoni ta' sistema ta' protezzjoni tal-prodotti mhux agrikoli li tuża l-indikazzjoni ġeografika u li hija koerenti, sempliċi, trasparenti u li ma timponix piżijiet f'livell amministrattiv u finanzjarju tirrappreżenta opportunità għall-impriżi ta' daqs żgħir u medju u tkun issaħħaħ il-pożizzjoni tal-UE fin-negozjati kummerċjali internazzjonali;

32.  Jinnota li s-servizzi doganali qegħdin jiffaċċjaw tipi ġodda ta' sfidi, relatati kemm ma' metodi ġodda ta' negozjar u mas-sigurtà u l-protezzjoni ta' prodotti skont proċeduri tal-importazzjoni jew fi tranżitu internazzjonali b'destinazzjoni fl-Ewropa;

33.  Jinnota li l-effiċjenza tal-proċeduri doganali hi kruċjali mhux biss biex jiġi ffaċilitat il-kummerċ, iżda wkoll biex tiġi infurzata l-liġi b'mod effikaċi u mtejjeb, fir-rigward tal-kontrafazzjoni u tal-kuntrabandu ta' prodotti suġġetti għas-sisa li jidħlu fl-UE; iqis li s-servizzi doganali huma f'nofs triq bejn il-moviment garantit tal-merkanzija li jipproteġi lill-konsumaturi fi ħdan l-UE u l-implimentazzjoni tad-dispożizzjonijiet tal-ftehimiet kummerċjali;

34.  Huwa tal-fehma li l-kwalità u r-riżultati tal-kontrolli doganali dwar it-tranżitu ta' merkanzija, b'mod partikolari għall-operazzjonijiet ta' vjaġġi u trasport fil-portijiet u fil-fruntieri, huma ta' importanza primarja u għandhom jiġu mtejba; jiddispjaċih li bħalissa hemm differenza fattwali f'termini tat-tip ta' kontrolli fi ħdan l-Unjoni li tiffavorixxi ċerti rotot ta' aċċess, b'mod partikolari l-portijiet, bi ħsara għall-oħrajn, fejn il-kontrolli mwettqa huma aktar stretti; iqis li jeħtieġ li jiġi żgurat li jkun hemm tekniki ta' kontroll omoġenji u standardizzati fost l-Istati Membri biex jiffiltraw fil-portijiet u fil-fruntieri, bil-promozzjoni ta' strateġiji ta' kontroll moderni, teknoloġikament avvanzati u bbażati fuq il-ġestjoni tar-riskji;

35.  Iqis li jkun tajjeb li l-Istati Membri jikkonċentraw il-kontrolli doganali, u sa fejn hu possibbli kwalunkwe kontroll rilevanti ieħor fil-fruntieri, fuq il-konsenji ta' riskju għoli, li jintgħażlu b'mod każwali bl-użu ta' kriterji ta' għażla komuni, inklużi dawk li jirrigwardaw in-natura u d-deskrizzjoni tal-merkanzija, il-pajjiż tal-oriġini, il-pajjiż minn fejn il-merkanzija ntbagħtet, il-valur tal-merkanzija, il-provi tal-konformità regolatorja tal-kummerċjanti u l-mezzi ta' trasport;

36.  Jappoġġa l-isforzi kollha biex l-integrità fil-kummerċ internazzjonali tiġi promossa permezz tat-tranżizzjoni lejn proċeduri doganali kompletament elettroniċi fl-UE sal-2020, kif previst skont il-Kodiċi Doganali tal-Unjoni l-ġdid, li se jtejjeb it-trasparenza tal-għażla tal-kampjuni ta' kontroll tal-merkanzija u l-kontejners;

37.  Jemmen li hemm bżonn koordinament aħjar bejn l-Uffiċċju Ewropew Kontra l-Frodi (OLAF), l-awtoritajiet doganali u l-awtoritajiet tas-sorveljanza tas-suq sabiex mhux biss jiġġieldu kontra l-kontrafazzjoni, imma jrażżnu wkoll il-kummerċ fil-prodotti illegali li jiksru l-liġijiet dwar il-proprjetà intellettwali fl-UE;

38.  Jisħaq fuq ir-rwol tal-OLAF fl-investigazzjoni dwar l-evażjoni tad-dazji tal-importazzjoni (inklużi d-dazji konvenzjonali, anti-dumping u kompensatorji) fuq it-tipi kollha ta' prodotti bażiċi u merkanzija, speċjalment bl-involviment ta' dikjarazzjonijiet tal-oriġini foloz (kemm taħt ir-reġimi preferenzjali u kemm taħt dak mhux preferenzjali) u ta' sottovalutazzjoni u deskrizzjoni ħażina tal-merkanzija; jappella lill-OLAF biex jiżvolġi rwol aktar attiv fil-koordinament tal-investigazzjonijiet relatati mis-servizzi doganali nazzjonali tal-Istati Membri tal-UE u sħab oħra kemm fl-UE kif ukoll barra minnha;

39.  Jindika li l-Operazzjonijiet Doganali Konġunti regolari jiżvolġu rwol vitali fis-salvagwardja tal-finanzi pubbliċi tal-UE, billi jidentifikaw fejn jinsabu r-riskji fuq rotot kummerċjali speċifiċi u jipproteġu liċ-ċittadini u l-impriżi leġittimi billi jwaqqfu lill-prodotti illegali milli jidħlu fl-UE; jappella lill-OLAF biex jintensifika l-appoġġ tiegħu favur l-awtoritajiet doganali tal-Istati Membri tal-UE, kif ukoll ta' xi pajjiżi terzi huma u jwettqu aktar operazzjonijiet doganali konġunti, permezz tal-infrastruttura teknika, l-għodod informatiċi u ta' komunikazzjoni, l-analiżi strateġika, kif ukoll l-appoġġ finanzjarju u amministrattiv, sabiex titjieb l-effikaċja tas-servizzi doganali fit-twettiq ta' kontrolli mmirati fuq livell Ewropew;

40.  Jemmen li l-Kummissjoni għandha tissorvelja aħjar, fuq bażi ta' riskju standardizzat, lill-pajjiżi li jibbenefikaw minn trattament preferenzjali, partikolarment sabiex tivverifika l-implimentazzjoni tar-regoli dwar l-oriġini u l-akkumulazzjoni; jikkunsidra, f'dan il-kuntest, li l-kontroll tal-istatus ta' oriġini tal-prodotti importati u l-adegwatezza tad-dokumenti li jikkonċedu trattament preferenzjali, huwa komponent kruċjali tal-istrateġiji ta' kontroll u t-traċċabbiltà;

41.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.

(1)

ĠU C 80, 19.3.2013, p. 1.

(2)

Testi adottati, P8_TA(2015)0219.

(3)

ĠU L 269, 10.10.2013, p. 1.

(4)

ĠU L 181, 29.6.2013, p. 15.

(5)

ĠU L 83, 27.3.2015, p. 16.

(6)

Testi adottati, P8_TA(2017)0011.


OPINJONI tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit (10.11.2016)

għall-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit

dwar l-evalwazzjoni tal-aspetti esterni tal-prestazzjoni u l-ġestjoni doganali bħala għodda biex jiġi ffaċilitat il-kummerċ u jiġi miġġieled il-kummerċ illeċitu

(2016/2075(INI))

Rapporteur għal opinjoni: Nedzhmi Ali

SUĠĠERIMENTI

Il-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit jistieden lill-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit, bħala l-kumitat responsabbli, biex jinkorpora s-suġġerimenti li ġejjin fil-mozzjoni għal riżoluzzjoni tiegħu:

A.  billi s-servizzi doganali għandhom rwol importanti fil-kuntest ta' ambjent kummerċjali globali, sabiex ilaħħqu mal-ħsara li ssir minn kummerċ illeċitu lill-ekonomija formali filwaqt li jgħinu wkoll biex jiġi miftiehem aħjar u miġġieled dan l-istess kummerċ illeċitu;

B.  billi n-netwerks ta' attivitajiet illeċiti għandhom impatt ta' ħsara fuq l-ekonomija tal-Istati Membri tal-UE f'termini ta' tkabbir, impjiegi, investiment barrani, integrità tas-swieq, kompetizzjoni, kummerċ u t-telf ta' dħul mid-dwana, li dan tal-aħħar finalment jitħallas mill-kontribwent Ewropew;

C.  billi l-kummerċ illeċitu huwa ta' tħassib ewlieni għan-negozji u jippreżenta theddida sinifikanti b'riskji globali li qed jikbru, f'termini ta' trasparenza, integrità u valur finanzjarju, li jirrifletti l-użu ta' skemi ta' kummerċ globali u ta' ktajjen ta' provvista;

D.  billi l-kummerċ illeċitu ta' prodotti tat-tabakk, u b'mod partikolari t-trasport ta' sigaretti bil-kuntrabandu u sigaretti ffalsifikati, iwassal biex kull sena l-Istati Membri jġarrbu telf ta' aktar minn EUR 10 biljuni fi dħul (dwana, VAT u dazji tas-sisa);

E.  billi l-iffalsifikar, il-kummerċ illegali ta' armi, u t-traffikar tad-droga jiġġeneraw somom kbar għall-kriminalità transnazzjonali organizzata permezz ta' kanali ekonomiċi u kummerċjali illeċiti;

F.  billi ż-żieda ta' każijiet ta' kuntrabandu, traffikar u ta' forom oħra ta' kummerċ illegali u illeċitu, mhux biss għandhom impatt fuq il-ġbir tad-dazji doganali mill-Istati Membri, u fuq il-baġit tal-UE, iżda huma wkoll assoċjati b'mod qawwi mal-kriminalità internazzjonali organizzata, mat-theddid għall-konsumatur u ma' effetti negattivi fuq il-funzjonament tas-suq uniku, li jimminaw kundizzjonijiet ekwi ta' kompetizzjoni għall-kumpaniji, b'mod partikolari l-SMEs;

G.  billi l-ħarsien tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali (DPI) hija kruċjali kemm għall-protezzjoni u t-trawwim tal-ekonomija tal-UE, kif ukoll għat-tkabbir u l-impjiegi;

1.  Jinnota li s-servizzi doganali qegħdin jiffaċċjaw tipi ġodda ta' sfidi, relatati kemm ma' metodi ġodda ta' negozjar u mas-sigurtà u l-protezzjoni ta' prodotti skont proċeduri tal-importazzjoni jew fi tranżitu internazzjonali b'destinazzjoni fl-Ewropa;

2.  Jinnota li l-effiċjenza tal-proċeduri doganali hi kruċjali mhux biss biex jiġi ffaċilitat il-kummerċ, iżda wkoll biex tiġi infurzata l-liġi b'mod effettiv u mtejjeb, fir-rigward tal-iffalsifikar u l-kuntrabandu ta' prodotti soġġetti għas-sisa li jidħlu fl-UE; iqis li s-servizzi doganali huma f'salib it-toroq bejn il-moviment ta' merkanzija sigur, il-protezzjoni tal-konsumaturi fi ħdan l-UE u l-implimentazzjoni tad-dispożizzjonijiet tal-ftehimiet kummerċjali;

3.  Jemmen li l-faċilitazzjoni tal-kummerċ għandha tinkludi regoli komuni u standardizzati dwar il-metodi, it-trasparenza, l-integrità u r-responsabbiltà tal-proċeduri doganali, li l-Istati Membri għandhom ikunu konformi magħhom;

4.  Huwa tal-fehma li l-kwalità u l-prestazzjoni ta' kontrolli doganali dwar it-tranżitu ta' merkanzija, b'mod partikolari għal operazzjonijiet ta' ġarr fuq il-baħar u trasport fil-portijiet u fil-fruntieri, huma ta' importanza primarja u għandhom jiġu mtejba; jiddispjaċih li bħalissa hemm differenza fattwali fit-tip ta' kontrolli fi ħdan l-Unjoni li tiffavorixxi ċerti rotot ta' aċċess, b'mod partikolari l-portijiet, bi ħsara għal oħrajn, meta l-verifiki mwettqa huma aktar stretti; iqis li jeħtieġ li jiġi żgurat li jkun hemm tekniki ta' kontroll omoġenji u standardizzati fost l-Istati Membri biex jiffiltraw fil-portijiet u fil-fruntieri, bil-promozzjoni ta' strateġiji ta' kontroll moderni, teknoloġikament avvanzati u bbażati fuq l-immaniġġjar;

5.  Iqis li l-Istati Membri għandhom jikkonċentraw il-kontrolli doganali, u sa fejn hu possibbli kwalunkwe kontrolli relevanti oħra fil-fruntieri, fuq il-kunsinni ta' riskju għoli, li jintgħażlu b'mod każwali bl-użu ta' kriterji ta' għażla komuni, inklużi dawk li jirrigwardaw in-natura u d-deskrizzjoni tal-merkanzija, il-pajjiż tal-oriġini, il-pajjiż minn fejn il-merkanzija ntbagħtet, il-valur tal-merkanzija, ir-rekord ta' konformità regolatorja tal-kummerċjanti u l-mezzi ta' trasport;

6.  Jappoġġa l-isforzi kollha sabiex jiġu promossi l-integrità fil-kummerċ internazzjonali flimkien maċ-ċaqlieq lejn il-kisba ta' proċeduri doganali kompletament elettroniċi fl-UE sal-2020, kif previst skont il-Kodiċi Doganali tal-Unjoni l-ġdid, li ser itejjeb it-trasparenza tal-kampjuni ta' kontroll ta' oġġetti u kontenituri;

7.  Jinnota li l-amministrazzjoni u l-immodernizzar doganali jiswew ħafna flus; jemmen li wieħed mill-objettivi ewlenin tar-riformi ta' proċeduri u operazzjonijiet doganali għandu jkun il-kisba ta' effiċjenza akbar, li għandha twassal għal tnaqqis fl-ispejjeż u għal iffrankar fuq perjodu twil ta' żmien;

8.  Jemmen li, jenħtieġ koordinament aħjar bejn l-OLAF, l-awtoritajiet doganali u l-awtoritajiet tas-sorveljanza tas-suq sabiex mhux biss jiġġieldu kontra l-iffalsifikar, iżda wkoll inaqqsu l-kummerċ fl-UE ta' prodotti illegali li jiksru l-liġijiet dwar il-proprjetà intellettwali;

9.  Jisħaq fuq ir-rwol tal-OLAF fl-investigazzjoni dwar l-evażjoni tad-dazji tal-importazzjoni (inklużi dazji konvenzjonali, antidumping u kompensatorji) għat-tipi kollha ta' prodotti bażiċi u merkanzija, speċjalment bl-involviment ta' dikjarazzjonijiet foloz tal-oriġini (fiż-żewġ reġimi preferenzjali u mhux preferenzjali) u s-sottovalutazzjoni u deskrizzjoni ħażina tal-merkanzija; jappella lill-OLAF ikollu rwol aktar attiv fil-koordinament ta' investigazzjonijiet relatati mis-servizzi doganali nazzjonali tal-Istati Membri tal-UE u sħab oħra kemm fl-UE kif ukoll barra minnha;

10.  Jindika li l-Operazzjonijiet Doganali Konġunti regolari għandhom rwol vitali biex jissalvagwardjaw il-finanzi pubbliċi tal-UE, billi jidentifikaw il-preżenza ta' riskji li jinsabu fuq rotot kummerċjali speċifiċi u l-protezzjoni taċ-ċittadini u n-negozji leġittimi bil-prevenzjoni tad-dħul fl-UE ta' prodotti illegali; jappella lill-OLAF isaħħaħ l-appoġġ għall-awtoritajiet doganali tal-Istati Membri tal-UE, kif ukoll ta' xi pajjiżi terzi biex iwettqu aktar operazzjonijiet doganali konġunti, permezz tal-infrastruttura teknika tagħha, tal-għodod tal-IT u tal-komunikazzjoni, u ta' analiżi strateġika, appoġġ finanzjarju u amministrattiv, sabiex titjieb l-effikaċja tas-servizzi doganali fit-twettiq ta' kontrolli mmirati fuq livell Ewropew;

11.  Iqis, fir-rigward tal-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-UE, li, filwaqt li ma jqajjimx dubji dwar il-ħtieġa li jiġu konklużi ftehimiet kummerċjali ambizzjużi u mifruxa mas-sħab kummerċjali ewlenin tal-UE bil-għan li tnaqqas u telimina t-tariffi doganali, huwa meħtieġ li ssir aktar valutazzjoni bir-reqqa tal-effetti tal-implimentazzjoni ta' ftehimiet ta' kummerċ ħieles (FTAs) skont il-baġit tal-Unjoni, f'termini tat-telf ta' riżorsi proprji fl-għamla ta' dazji doganali (li attwalment jammontaw għal 12 % tar-riżorsi baġitarji tal-Unjoni);

12.  Jemmen li l-Kummissjoni għandha tissorvelja aħjar fuq bażi ta' riskju standardizzat lill-pajjiżi li jibbenefikaw minn trattament preferenzjali, partikolarment sabiex tivverifika l-implimentazzjoni tar-regoli tal-oriġini u tal-kumulu; iqis li, f'dan il-kuntest, il-verifika tal-istatus ta' oriġini tal-prodotti importati u l-adegwatezza tad-dokumenti li jingħataw trattament preferenzjali, bħala komponent ewlieni ta' strateġiji ta' kontroll u traċċabbiltà;

13.  Huwa tal-opinjoni li l-ħolqien ta' profili tar-riskju tal-UE dwar il-ftehimiet ta' kummerċ ħieles, bħala parti mis-sistemi ta' ġestjoni tar-riskju u tal-istrateġija ta' kontroll tal-Istati Membri, se jippermettulhom li jikkondividu approċċ komuni għall-analiżi tar-riskju sabiex jitnaqqas it-telf lill-baġit tal-UE;

14.  Jappoġġja l-inklużjoni ta' klawżoli kontra l-frodi fi ftehimiet kummerċjali u ta' investiment sabiex jiġu protetti l-interessi finanzjarji tal-Unjoni, li jinkludu l-frodi tat-taxxa u l-evażjoni tat-taxxa, il-korruzzjoni u l-ħasil tal-flus fil-livell kummerċjali; jistieden lill-UE, barra minn hekk, biex tagħmel aktar użu fil-ftehimiet futuri kollha ta' kummerċ minn miżuri ta' prekawzjoni u ta' salvagwardja, bħalma huma s-sospensjoni tal-preferenzi taħt il-klawżola kontra l-frodi jew il-ġestjoni ta' klawżoli ta' żbalji amministrattivi introdotti fi ftehimiet ta' kummerċ ħieles;

15.  Jenfasizza l-ħtieġa li titressaq proposta li jkun fiha regoli armonizzati dwar id-definizzjoni ta' reati u sanzjonijiet kriminali f'każijiet ta' kriminalità organizzata u transnazzjonali, bl-għan li jiġu evitati u miġġielda l-attivitajiet illegali b'mod effettiv;

16.  Jemmen, barra minn hekk, li hu kruċjali li jsir aktar faċli għall-intrapriżi fl-UE jkollhom aċċess għal proċeduri mħaffa ta' antidumping, b'kunsiderazzjoni tat-telf potenzjali kemm għall-baġits nazzjonali u wkoll għall-baġit tal-UE li jirriżultaw minn distorsjonijiet tal-kompetizzjoni attribwibbli għal prattiki kummerċjali inġusti jew sħab li jkollhom effett ta' ħsara fuq l-SMEs;

17.  Jappella għal kooperazzjoni doganali iktar mill-qrib, kemm fi ħdan l-Unjoni u ma' pajjiżi terzi, sabiex jiżdiedu l-azzjonijiet immirati kontra l-kummerċ illeċitu fil-fruntieri tal-UE u biex tingħata għajnuna lil dawk li jfasslu l-politika fl-immappjar tas-suq u tal-vulnerabilitajiet tal-katina ta' provvista internazzjonali, kif ukoll it-traċċar u l-qerda ta' interkonnessjonijiet bejn l-atturi involuti f'attivitajiet ta' kummerċ illeċitu;

18.  Jindika, barra minn hekk, il-ħtieġa ta' skambju effettiv ta' informazzjoni statistika relatata ma' kontrolli ta' importazzjoni tal-UE sabiex jiġu identifikati l-lakuni fid-data meħtieġa biex jiġu żviluppati strateġiji ta' mitigazzjoni għat-tkissir tan-netwerks ta' kummerċ illeċitu, u li jindirizzaw is-sors tal-problema billi jipprevjenu l-importazzjoni ta' merkanzija li tikser l-IPR u l-istabbiliment ta' mezzi ġodda u rotot ta' kuntrabandu; jemmen li huwa neċessarju li tiġi promossa kemm il-kooperazzjoni amministrattiva bejn l-awtoritajiet doganali fil-livell internazzjonali u l-iżvilupp ta' sħubiji ma' negozji, sabiex jiġi miġġieled il-ksur doganali u l-evażjoni tal-obbligi tat-taxxa;

19.  Jirrikonoxxi li l-infurzar effettiv tad-drittijiet ta' proprjetà intellettwali huwa għan komprensiv, li għandu dejjem jiġi segwit mill-awtoritajiet doganali għall-benefiċċju tas-suq uniku tal-UE u taċ-ċittadini tal-UE u permezz ta' kooperazzjoni xierqa mas-sħab kummerċjali fil-kuntest ta' ftehimiet ta' kummerċ ħieles, sabiex jiġi miġġieled il-ksur tad-DPI fi ktajjen ta' provvista internazzjonali f'oqsma bħal falsifikazzjoni (ksur tal-liġi dwar il-marki tad-ditti), tal-piraterija (ksur tad-drittijiet tal-awtur), il-kuntrabandu ta' prodotti sensittivi bħalma huma l-farmaċewtika jew oġġetti b'taxxa għolja, l-indikazzjonijiet ġeografiċi u l-marki tal-oriġini, it-trasport marittimu u l-bejgħ ta' prodotti ffalsifikati, u l-evażjoni tat-taxxa;

20.  Jinnota li x-xewqa li tiġi evitata regolamentazzjoni ta' kontroll għall-esportazzjoni/importazzjoni tista' tinjora s-saħħa u s-sigurtà tal-konsumaturi, b'hekk tippreżenta riskji għas-soċjetà u għas-swieq filwaqt li tagħmel ħsara lill-ekonomiji fi gradi differenti.

RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALIFIL-KUMITAT LI JINTALAB JAGĦTI OPINJONI

Data tal-adozzjoni

8.11.2016

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

16

0

1

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Nedzhmi Ali, Zigmantas Balčytis, Martina Dlabajová, Ingeborg Gräßle, Bogusław Liberadzki, Monica Macovei, Dan Nica, Georgi Pirinski, Petri Sarvamaa, Claudia Schmidt, Bart Staes, Indrek Tarand, Michael Theurer, Marco Valli, Derek Vaughan, Tomáš Zdechovský

Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali

Julia Pitera


INFORMAZZJONI DWAR L-ADOZZJONIFIL-KUMITAT RESPONSABBLI

Data tal-adozzjoni

21.3.2017

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

29

5

4

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

William (The Earl of) Dartmouth, Laima Liucija Andrikienė, Maria Arena, Tiziana Beghin, David Borrelli, David Campbell Bannerman, Daniel Caspary, Salvatore Cicu, Marielle de Sarnez, Karoline Graswander-Hainz, Bernd Lange, David Martin, Emmanuel Maurel, Anne-Marie Mineur, Sorin Moisă, Franz Obermayr, Artis Pabriks, Franck Proust, Godelieve Quisthoudt-Rowohl, Viviane Reding, Inmaculada Rodríguez-Piñero Fernández, Tokia Saïfi, Matteo Salvini, Marietje Schaake, Joachim Schuster, Joachim Starbatty, Adam Szejnfeld, Hannu Takkula, Iuliu Winkler, Jan Zahradil

Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali

Klaus Buchner, Agnes Jongerius, Stelios Kouloglou, Ramona Nicole Mănescu, Ramon Tremosa i Balcells, Jarosław Wałęsa

Sostituti (skont l-Artikolu 200(2)) preżenti għall-votazzjoni finali

Philippe Loiseau, Jordi Solé

VOTAZZJONI FINALI B'SEJĦA TAL-ISMIJIET FIL-KUMITAT RESPONSABBLI

29

+

ALDE

Marietje Schaake, Takkula Hannu, Tremosa i Balcells Ramon, de Sarnez Marielle

EFDD

Beghin Tiziana, Borrelli David

ENF

Obermayr Franz, Salvini Matteo

PPE

Andrikienė Laima Liucija, Caspary Daniel, Cicu Salvatore, Mănescu Ramona Nicole, Pabriks Artis, Proust Franck, Quisthoudt-Rowohl Godelieve, Reding Viviane, Saïfi Tokia, Szejnfeld Adam, Wałęsa Jarosław, Winkler Iuliu

S&D

Arena Maria, Graswander-Hainz Karoline, Jongerius Agnes, Lange Bernd, Martin David, Maurel Emmanuel, Moisă Sorin, Rodríguez-Piñero Fernández Inmaculada, Schuster Joachim

5

-

ENF

Loiseau Philippe

GUE/NGL

Kouloglou Stelios, Mineur Anne-Marie

VERTS/ALE

Buchner Klaus, Solé Jordi

4

0

ECR

Campbell Bannerman David, Starbatty Joachim, Zahradil Jan

EFDD

(The Earl of) Dartmouth William

Tifsira tas-simboli użati:

+  :  favur

-  :  kontra

0  :  astensjoni

Avviż legali