Proċedura : 2016/2238(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A8-0191/2017

Testi mressqa :

A8-0191/2017

Dibattiti :

PV 03/07/2017 - 24
CRE 03/07/2017 - 24

Votazzjonijiet :

PV 04/07/2017 - 6.15
CRE 04/07/2017 - 6.15
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P8_TA(2017)0289

RAPPORT     
PDF 722kWORD 57k
17.5.2017
PE 594.042v02-00 A8-0191/2017

dwar il-kumpaniji tas-sigurtà privati

(2016/2238(INI))

Kumitat għall-Affarijiet Barranin

Rapporteur: Hilde Vautmans

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW
 OPINJONI TAL-MINORANZA
 INFORMAZZJONI DWAR L-ADOZZJONIFIL-KUMITAT RESPONSABBLI
 VOTAZZJONI FINALI B'SEJĦA TAL-ISMIJIET FIL-KUMITAT RESPONSABBLI

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW

dwar il-kumpaniji tas-sigurtà privati

(2016/2238(INI))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra d-dokument ta' Montreux dwar obbligi legali internazzjonali pertinenti u prattiki tajba għall-Istati relatati mal-operazzjonijiet ta' kumpaniji militari u tas-sigurtà privati matul konflitt armat,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet 15/26, 22/33, 28/7 u 30/6 tal-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU,

  wara li kkunsidra l-Grupp ta' Ħidma tan-NU dwar l-użu tal-merċenarji bħala mezz biex jinkisru d-drittijiet tal-bniedem u jiġi impedut l-eżerċizzju tad-drittijiet tal-popli għall-awtodeterminazzjoni, li ġie stabbilit f'Lulju 2005,

–  wara li kkunsidra r-rapporti tal-grupp ta' ħidma intergovernattiv indeterminat biex titqies il-possibbiltà li jiġi elaborat qafas regolatorju internazzjonali dwar ir-regolamentazzjoni, il-monitoraġġ u s-sorveljanza tal-attivitajiet tal-kumpaniji militari u tas-sigurtà privati,

–  wara li kkunsidra l-Linji Gwida tan-NU dwar l-Użu tas-Servizzi tas-Sigurtà Armati minn Kumpaniji tas-Sigurtà Privati, li dan l-aħħar ġew estiżi biex ikopru lis-servizzi tas-sigurtà mhux armati,

–  wara li kkunsidra l-Kodiċi ta' Kondotta tan-NU għall-Uffiċjali tal-Infurzar tal-Liġi,

–  wara li kkunsidra l-abbozz ta' Konvenzjoni possibbli dwar il-Kumpaniji Militari u tas-Sigurtà Privati (PMSCs) għal kunsiderazzjoni u azzjoni mill-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem,

–  wara li kkunsidra l-Kodiċi ta' Kondotta Internazzjonali għall-Fornituri tas-Sigurtà Privati (ICoC) stabbilit mill-Assoċjazzjoni Internazzjonali dwar il-Kodiċi ta' Kondotta, li huwa mekkaniżmu ta' awtoregolamentazzjoni tal-industrija li l-istandards tiegħu huma volontarji,

–  wara li kkunsidra l-Kodiċi ta' Kondotta tal-Assoċjazzjoni tal-Operazzjonijiet ta' Stabbiltà Internazzjonali, li huwa mekkaniżmu ta' awtoregolamentazzjoni tal-industrija,

–  wara li kkunsidra l-Kodiċi ta' Kondotta u Etika għas-Settur tas-Sigurtà Privat tal-Konfederazzjoni tas-Servizzi tas-Sigurtà Ewropej u l-UNI Europa,

–  wara li kkunsidra s-Sistema ta' Ġestjoni għal Operazzjonijiet tas-Sigurtà Privati ISO 18788, li tistabbilixxi parametri għall-ġestjoni ta' kumpaniji tas-sigurtà privati,

–  wara li kkunsidra r-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tat-13 ta' Ġunju 2002 dwar il-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti tal-Istati Membri responsabbli għas-settur tas-sigurtà privat,

–  wara li kkunsidra d-Direttiva 2014/24/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta' Frar 2014 dwar l-akkwist pubbliku u li tħassar id-Direttiva 2004/18/KE(1),

–  wara li kkunsidra d-Direttiva 2009/81/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta' Lulju 2009 dwar il-koordinazzjoni tal-proċeduri għall-għoti ta' ċerti kuntratti ta' xogħlijiet, provvisti u servizzi minn awtoritajiet jew entitajiet kontraenti fl-oqsma tad-difiża u s-sigurtà, u li temenda d-Direttiva 2004/17/KE u d-Direttiva 2004/18/KE(2),

–  wara li kkunsidra l-Kunċett tal-UE għal Appoġġ Loġistiku għall-Operazzjonijiet Militari mmexxija mill-UE u l-Kunċett tal-UE għal Appoġġ min-naħa ta' Kuntratturi għall-Operazzjonijiet Militari mmexxija mill-UE,

–  wara li kkunsidra r-Rakkomandazzjonijiet tal-Proġett Priv-War għal Azzjoni Regolatorja tal-UE fil-Qasam tal-Kumpaniji Militari u tas-Sigurtà Privati u s-Servizzi tagħhom,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-8 ta' Ottubru 2013 dwar il-korruzzjoni fis-settur pubbliku u f'dak privat: l-impatt fuq id-drittijiet tal-bniedem f'pajjiżi terzi(3) u r-riżoluzzjoni tiegħu tas-6 ta' Frar 2013 dwar ir-Responsabilità Soċjali Korporattiva: promozzjoni tal-interessi tas-soċjetà u triq lejn l-irkupru sostenibbli u inklużiv(4),

–  wara li kkunsidra l-ħafna riskji, sfidi u theddid differenti fl-Unjoni Ewropea u barra minnha,

  wara li kkunsidra l-Gwida Interim tal-Organizzazzjoni Marittima Internazzjonali (OMI) f'Mejju 2012 dwar il-persunal tas-sigurtà armat abbord il-bastimenti,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 52 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Barranin (A8-0191/2017),

A.  billi s-sigurtà u d-difiża huma beni pubbliċi mmaniġġjati mill-awtoritajiet pubbliċi abbażi tal-kriterji ta' effiċjenza, effettività, l-obbligu ta' rendikont u l-istat tad-dritt, li ma jiddependux biss fuq il-forniment ta' riżorsi finanzjarji suffiċjenti, iżda wkoll fuq l-għarfien; billi f'ċerti oqsma l-awtoritajiet pubbliċi jistgħu ma jkollhomx il-kapaċitajiet u l-ħiliet neċessarji;

B.  billi jenħtieġ li s-sigurtà u d-difiża jiġu pprovduti primarjament mill-awtoritajiet pubbliċi;

C.  billi l-istħarriġ tal-Ewrobarometru juri li ċ-ċittadini tal-UE jridu li l-UE tkun aktar attiva fil-qasam tas-sigurtà u d-difiża;

D.  billi aktar minn 1.5 miljun kuntrattur tas-sigurtà privat kienu impjegati f'madwar 40 000 kumpanija tas-sigurtà privati (PSCs) fl-Ewropa fl-2013; billi dawn iċ-ċifri qed ikomplu jiżdiedu; billi l-fatturat ta' dawn il-kumpaniji f'dik is-sena ammonta għal madwar EUR 35 biljun; billi, fuq livell globali, fl-2016 ġie kkalkulat li l-valur tal-industrija tas-sigurtà privata kien ta' USD 200 biljun b'madwar 100 000 PSC u 3,5 miljun impjegat;

E.  billi, matul dawn l-aħħar ftit deċennji, il-PSCs, terminu li għall-finijiet ta' din ir-riżoluzzjoni ser jinkludi wkoll il-kumpaniji militari privati, kienu qed jiġu impjegati dejjem aktar minn gvernijiet nazzjonali kif ukoll mill-aġenziji militari u ċivili, kemm biex jipprovdu servizzi domestiċi kif ukoll bħala appoġġ għal operazzjonijiet barra mill-pajjiż;

F.  billi l-firxa ta' servizzi pprovduti mill-PSCs hija estremament wiesgħa, u tvarja minn servizzi loġistiċi għal appoġġ konkret waqt il-ġlied, il-forniment ta' teknoloġija militari u l-parteċipazzjoni fir-rikostruzzjoni ta' wara l-konflitt; billi l-PSCs jipprovdu wkoll servizzi vitali ġewwa l-Istati Membri bħall-ġestjoni ta' ħabsijiet u s-sorveljanza ta' siti ta' infrastruttura; billi l-PSCs intużaw kemm f'missjonijiet ċivili kif ukoll f'dawk militari taħt il-Politika ta' Sigurtà u ta' Difiża Komuni (PSDK) għal protezzjoni tad-delegazzjonijiet tal-UE, għal kostruzzjoni ta' akkampamenti fuq il-post, taħriġ, trasport bl-ajru u biex jappoġġjaw l-attivitajiet ta' għajnuna umanitarja;

G.  billi, fil-kuntest tal-UE, il-prattiki tal-Istati Membri dwar l-użu tal-PSCs, il-proċeduri biex jingħatawlhom il-kuntratti u l-kwalità tas-sistemi regolatorji jvarjaw bil-kbir, u ħafna jużawhom biex jappoġġjaw il-kontinġenti tagħhom f'operazzjonijiet multilaterali;

H.  billi l-esternalizzazzjoni ta' attivitajiet militari, li qabel kienet tagħmel parti integrali mill-attivitajiet tal-forzi armati, qed issir, fost affarijiet oħra, biex tipprovdi servizzi b'mod aktar kosteffiċjenti, iżda wkoll biex tikkumpensa għal nuqqas fil-ħiliet tal-forzi armati li qed jiċkienu fil-kuntest ta' numru dejjem jikber ta' missjonijiet multilaterali barra mill-pajjiż u baġits dejjem aktar ristretti, u dan minħabba n-nuqqas ta' rieda ta' dawk li jieħdu d-deċiżjonijiet li jimpenjaw riżorsi adegwati; billi dan jenħtieġ li jkun eċċezzjoni; billi hemm ħtieġa li jiġu indirizzati n-nuqqasijiet; billi l-PSCs jistgħu jipprovdu wkoll ħiliet li huma kompletament nieqsa fil-forzi armati nazzjonali, spiss bi ftit preavviż u b'mod komplementari; billi l-PSCs ntużaw ukoll għal raġunijiet ta' konvenjenza politika biex jiġu evitati l-limitazzjonijiet fuq l-użu ta' truppi, speċjalment biex jingħeleb in-nuqqas possibbli ta' appoġġ pubbliku għall-involviment tal-forzi armati; billi l-użu tal-PSCs bħala għodda tal-politika barranija jeħtieġlu jkun soġġett għal kontroll parlamentari effettiv;

I.  billi l-PSCs kienu akkużati bl-involviment f'numru ta' episodji ta' ksur tad-drittijiet tal-bniedem u inċidenti li wasslu għal telf ta' ħajja; billi tali inċidenti jvarjaw skont iż-żmien u l-pajjiż, u jammontaw f'xi każijiet għal ksur serju tal-liġi umanitarja internazzjonali, inklużi delitti tal-gwerra; billi xi wħud minn dawn il-każijiet ġew imħarrka; billi dan, flimkien man-nuqqas ta' trasparenza tagħhom, ħalla riperkussjonijiet fuq l-isforzi tal-komunità internazzjonali fil-pajjiżi kkonċernati u żvela diskrepanzi konsiderevoli fl-istrutturi tal-obbligu ta' rendikont minħabba, fost affarijiet oħra, il-ħolqien ta' diversi saffi ta' sussidjarji jew sottokuntratti f'diversi pajjiżi, partikolarment dawk lokali, u dan iwassal, f'ċerti każijiet, għal nuqqas ta' kapaċità li tiġi garantita s-sigurtà bażika tal-popolazzjoni ċivili f'pajjiżi ospitanti;

J.  billi jenħtieġ li l-UE u l-Istati Membri tagħha jkollhom l-għan li jevitaw tali sitwazzjonijiet fil-futur, u joqogħdu lura milli jesternalizzaw l-operazzjonijiet militari li jinvolvu l-użu ta' forza u armi, milli jipparteċipaw f'ostilitajiet u milli jinvolvu ruħhom fi ġlied jew f'żoni ta' ġlied għal raġunijiet għajr l-awtodifiża leġittima; billi l-operazzjonijiet u l-attivitajiet esternalizzati lil PSCs f'żoni ta' konflitt jenħtieġ li jkunu ristretti għall-forniment ta' appoġġ loġistiku u l-protezzjoni tal-istallazzjonijiet, mingħajr il-preżenza effettiva tal-PSCs fiż-żoni fejn hemm attivitajiet ta' ġlied; billi l-użu tal-PSCs, taħt l-ebda ċirkostanza ma jista' jkun sostitut għal persunal tal-forzi armati nazzjonali; billi matul l-implimentazzjoni tal-politiki ta' difiża, jenħtieġ li tingħata l-akbar prijorità biex jiġi żgurat li l-forzi armati tal-Istati Membri jkollhom biżżejjed riżorsi, strumenti, taħriġ, għarfien u mezzi, li permezz tagħhom ikunu jistgħu jwettqu bis-sħiħ il-kompiti tagħhom;

K.  billi, biex l-istati jibbenefikaw mill-vantaġġi offruti mill-PSCs, u biex jiġi żgurat li jkunu jistgħu jagħtu rendikont ta' għemilhom, jenħtieġ li jiġi stabbilit qafas legali b'mekkaniżmi regolatorji u ta' monitoraġġ vinkolanti fil-livell internazzjonali biex jirregola l-użu tagħhom u jipprovdi biżżejjed kontroll fuq l-attivitajiet tagħhom; billi l-PSCs huma parti minn industrija li hija ta' natura altament transnazzjonali u hija marbuta ma' atturi governattivi u intergovernattivi u, għalhekk, tirrikjedi approċċ globali għar-regolamentazzjoni; billi s-sitwazzjoni regolatorja attwali f'dan is-settur hija magħmula minn sensiela ta' regoli inkonsistenti li jvarjaw ħafna bejn l-Istati Membri; billi l-leġiżlazzjoni nazzjonali u l-awtoregolamentazzjoni mhux omoġenji adottati minn ċerti PSCs jipprovdu deterrent dgħajjef għall-prevenzjoni tal-abbuż, minħabba n-nuqqas ta' penali, u jista' jkollhom impatt kbir fuq kif il-PSCs joperaw f'interventi multilaterali u f'reġjuni ta' konflitt;

L.  billi hemm nuqqas ta' definizzjonijiet maqbula tal-PSCs, il-PMCs u s-servizzi tagħhom; billi, kif issuġġerit mid-definizzjoni inkluża fl-abbozz tal-konvenzjoni mħejji mill-Grupp ta' Ħidma tan-NU dwar il-Merċenarji, PSC tista' tiġi definita bħala entità korporattiva li tipprovdi servizzi militari u/jew tas-sigurtà minn persuni fiżiċi u/jew entitajiet legali fuq bażi kumpensatorja; billi f'dan il-kuntest is-servizzi militari jistgħu jiġu definiti bħala servizzi speċjalizzati relatati ma' azzjonijiet militari li jinkludu ppjanar strateġiku, intelligence, investigazzjoni, rikonjizzjoni fuq l-art, bil-baħar jew bl-ajru, operazzjonijiet bl-ajru ta' kwalunkwe tip, bl-ekwipaġġ jew mingħajru, sorveljanza u intelligence bis-satelliti, kwalunkwe tip ta' trasferiment ta' għarfien b'applikazzjonijiet militari, appoġġ materjali u tekniku għall-forzi armati u attivitajiet oħra relatati; billi s-servizzi tas-sigurtà jistgħu jiġu definiti bħala għassa jew protezzjoni armati ta' bini, istallazzjonijiet, proprjetà u nies, kwalunkwe tip ta' trasferiment ta' għarfien b'applikazzjonijiet fl-oqsma tas-sigurtà u tal-pulizija, żvilupp u implimentazzjoni ta' miżuri tas-sigurtà tal-informazzjoni u attivitajiet oħra relatati;

M.  billi d-dokument ta' Montreux huwa l-ewwel dokument ewlieni li jiddefinixxi kif il-liġi internazzjonali tapplika għall-PSCs; billi l-Kodiċi ta' Kondotta Internazzjonali għall-Fornituri tas-Servizzi tas-Sigurtà Privati (ICoC) jiddefinixxi l-istandards tal-industrija u qed jintwera dejjem aktar li huwa għodda li sservi biex jiġu żgurati l-istandards bażiċi komuni f'industrija globali; billi l-Kodiċi ta' Kondotta Internazzjonali għall-Assoċjazzjoni tal-Fornituri tas-Servizzi tas-Sigurtà Privati (ICoCA) għandu l-għan li jippromwovi, jimmaniġġja u jissorvelja l-implimentazzjoni tal-ICoC u jħeġġeġ il-forniment responsabbli tas-servizzi tas-sigurtà u r-rispett għad-drittijiet tal-bniedem u l-liġi nazzjonali u internazzjonali; billi l-affiljazzjoni mal-ICoCA tirriżulta minn att volontarju, akkumpanjat minn pagament, u l-ħlasijiet għoljin ta' sħubija ma jippermettux li l-kumpaniji tas-sigurtà privati kollha jsiru membri;

N.  billi l-ħidma fuq ir-regolamentazzjoni tal-PSCs għaddejja bħalissa f'bosta fora internazzjonali, inkluż il-Forum tad-Dokument ta' Montreux, fejn l-UE ġiet eletta fil-Grupp tal-Ħbieb tal-President, il-grupp ta' ħidma intergovernattiv indeterminat biex titqies il-possibbiltà li jiġi elaborat qafas regolatorju internazzjonali dwar ir-regolamentazzjoni, il-monitoraġġ u s-sorveljanza tal-attivitajiet tal-kumpaniji militari u tas-sigurtà privati, u l-Assoċjazzjoni Internazzjonali tal-Kodiċi ta' Kondotta;

O.  billi l-UE u 23 Stat Membru ngħaqdu mad-dokument ta' Montreux u billi l-UE hija membru tal-Grupp ta' Ħidma dwar l-Assoċjazzjoni Internazzjonali tal-Kodiċi ta' Kondotta; billi l-UE tikkontribwixxi fil-kuntest tal-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem għall-iżvilupp possibbli ta' qafas regolatorju internazzjonali; billi l-UE tiżvolġi rwol kritiku fil-promozzjoni tal-kontroll nazzjonali u reġjonali fuq il-forniment u l-esportazzjoni ta' diversi servizzi militari u tas-sigurtà;

P.  billi l-Unjoni Ewropea ma għandhiex qafas regolatorju tagħha stess, minkejja n-numru kbir ta' PSCs ta' oriġini Ewropea u/jew involuti f'missjonijiet u f'operazzjonijiet taħt il-PSDK jew fid-delegazzjonijiet tal-UE; billi l-oqfsa regolatorji eżistenti huma kważi esklussivament ibbażati fuq il-mudell Amerikan, li ġie stabbilit matul il-gwerra fl-Iraq u li serva l-interessi tal-kumpaniji militari involuti f'missjonijiet ta' ġlied; billi dawn ir-referenzi ma jikkorrispondu la għall-format Ewropew u lanqas għall-missjonijiet tal-PSCs Ewropej;

Q.  billi huwa ta' importanza vitali li tingħata prijorità lill-istabbiliment ta' regoli ċari għal interazzjoni, kooperazzjoni u assistenza bejn l-awtoritajiet għall-infurzar tal-liġi u l-kumpaniji tas-sigurtà privati;

R.  billi l-PSCs jistgħu jiżvolġu rwol aktar importanti fil-ġlieda kontra l-piraterija u fit-titjib tas-sigurtà marittima, fil-missjonijiet li jinvolvu l-klieb, id-difiża ċibernetika, ir-riċerka u l-iżvilupp ta' għodod tas-sigurtà, il-missjonijiet ta' sorveljanza mħallta u taħriġ f'kooperazzjoni mal-awtoritajiet pubbliċi u taħt is-superviżjoni tagħhom; billi l-użu tal-PSCs armati ħoloq sfidi speċifiċi għas-settur marittimu u kkawża diversi inċidenti li wasslu għat-telf ta' ħajja u konflitti diplomatiċi;

L-użu tal-PSCs b'appoġġ lill-militar barra mill-pajjiż

1.  Jinnota li l-PSCs jiżvolġu rwol komplementari importanti fl-għoti ta' għajnuna lill-aġenziji militari u ċivili tal-Istat billi jimlew in-nuqqasijiet fil-ħiliet maħluqa minn domanda dejjem tikber għall-użu tal-forzi barra mill-pajjiż, filwaqt li okkażjonalment, jekk iċ-ċirkostanzi jippermettu, jipprovdu kapaċità f'każ ta' żieda drastika fid-domanda; jenfasizza li, f'każijiet eċċezzjonali, is-servizzi tal-PSCs jimlew in-nuqqasijiet fil-kapaċitajiet eżistenti, li, madankollu, l-Istati Membri għandhom l-ewwel jippruvaw jimlew bil-forzi armati jew bil-pulizija nazzjonali; jenfasizza li l-PSCs jintużaw bħala strument għall-implimentazzjoni tal-politika barranija ta' dawn il-pajjiżi;

2.  Jissottolinja l-ħtieġa li l-PSCs, meta joperaw fil-pajjiżi ospitanti u b'mod partikolari fil-pajjiżi li huma sinifikament differenti f'dak li għandu x'jaqsam mal-kultura u r-reliġjon, jirrispettaw id-drawwiet lokali sabiex ma jipperikolawx l-effettività tal-missjoni tagħhom u jbiegħdu l-popolazzjoni lokali;

3.  Jinnota li, meta mqabbla mat-truppi nazzjonali, il-PSCs – partikolarment dawk ibbażati fil-pajjiżi ospitanti – jistgħu jipprovdu għarfien lokali siewi, u ta' spiss jiffrankaw l-ispejjeż, għalkemm irid jiġi żgurat li l-kwalità ma tkunx kompromessa; jenfasizza, madankollu, li l-użu ta' servizzi pprovduti minn kumpaniji tas-sigurtà privati lokali f'pajjiżi fraġli u f'reġjuni suxxettibbli għall-kriżijiet jista' jkollu implikazzjonijiet negattivi fuq l-objettivi tal-politika barranija tal-UE jekk tali użu jsaħħaħ ċerti atturi armati lokali li jistgħu jsiru parti mill-konflitt; jinnota l-importanza li ssir distinzjoni legali ċara bejn l-operazzjonijiet ta' kumpaniji tas-sigurtà privati u atturi privati involuti direttament f'attivitajiet militari;

4.  Jenfasizza li l-ebda attività ma għandha tiġi esternalizzata lil PSCs li tkun timplika l-użu tal-forza u/jew il-parteċipazzjoni attiva fl-ostilitajiet, ħlief għal awtodifiża; jenfasizza li, fil-qasam tas-sigurtà u d-difiża tal-UE, il-prijorità għandha tkun it-tisħiħ tal-forzi armati nazzjonali, li għalihom il-PSCs jistgħu jkunu biss komplement, mingħajr l-ebda awtorità fuq deċiżjonijiet strateġiċi; jenfasizza l-fatt li kwalunkwe parteċipazzjoni minn kumpaniji tas-sigurtà privati f'operazzjonijiet militari trid tiġi ġġustifikata, b'objettivi definiti b'mod ċar li jistgħu jiġu vverifikati permezz tal-użu ta' indikaturi reali, ikollha baġit bid-dettalji kollha u data tal-bidu u tat-tmiem speċifiċi, u tirrispetta kodiċi ta' etika strett; jirrimarka li x-xogħol tal-forzi armati u l-forzi tas-sigurtà f'pajjiż barrani huwa ta' valur fundamentali fiż-żamma tal-paċi u l-prevenzjoni tal-konflitti, kif ukoll fir-rikostruzzjoni soċjali u r-rikonċiljazzjoni nazzjonali ulterjuri;

5.  Jenfasizza li l-prinċipju tal-kosteffettività tal-impjieg tal-PSC prinċipalment joffri benefiċċji għal żmien qasir, speċjalment jekk ma jiġix ikkunsidrat in-numru ta' elementi varjabbli soċjoekonomiċi, u għalhekk m'għandux isir il-kriterju ewlieni meta jiġu ttrattati l-kwistjonijiet ta' sigurtà; ifakkar li mekkaniżmi tal-obbligu ta' rendikont u sorveljanza huma kruċjali sabiex jiġi żgurat li l-leġittimità u l-benefiċċji potenzjali tal-PSCs jinkisbu bis-sħiħ;

6.  Jenfasizza l-importanza tas-sorveljanza parlamentari fuq l-użu statali tal-PSCs mill-Istati Membri;

L-użu tal-PSCs mill-UE

7.  Jinnota li l-UE tagħmel użu minn PSCs barra mill-pajjiż biex tħares id-delegazzjonijiet u l-persunal tagħha u biex tappoġġja l-missjonijiet ċivili u militari tagħha taħt il-PSDK; jinnota li għalhekk l-użu tagħhom jikkontribwixxi għar-reputazzjoni tal-UE u l-perċezzjoni minn partijiet terzi, li jagħmilhom aspetti importanti tal-preżenza lokali tal-UE u jħalli impatt fuq il-livell ta' fiduċja fl-UE; jeżiġi li l-Kummissjoni u l-Kunsill jipproduċu ħarsa ġenerali ta' fejn, meta u għal liema raġuni l-PSCs ġew impjegati b'appoġġ għall-missjonijiet tal-UE; iqis li ma jkunx illoġiku jekk, fis-sejħiet għall-offerti tagħha li jikkonċernaw is-sigurtà tad-delegazzjonijiet tagħha, l-Unjoni Ewropea tiffavorixxi l-użu tal-PSCs ġenwinament ibbażati fl-Ewropa, li jikkonformaw mar-regolamenti tal-Unjoni Ewropea u jkunu soġġetti għat-tassazzjoni tal-Unjoni Ewropea;

8.  Jenfasizza, madankollu, li b'mod partikolari fl-ambjenti li huma suxxettibbli għall-konflitti, il-fatt li PSC tiġi impjegata għal ċerti kompiti jista' jkollha effetti sekondarji negattivi għall-UE, speċjalment għal-leġittimità tagħha, billi b'mod aċċidentali din tiġi assoċjata mal-atturi armati f'żona ta' konflitt, b'riperkussjonijiet negattivi fil-każ ta' inċidenti armati, jew billi possibbilment jiġu kompromessi l-isforzi ta' Diżarm, Demobilizzazzjoni u Reintegrazzjoni (DDR) u ta' Riforma tas-Settur tas-Sigurtà (RSS) permezz tat-tisħiħ aċċidentali tal-atturi lokali; jinnota b'mod partikolari r-riskji li jinħolqu mis-sottokuntrattar mhux ikkontrollat, partikolarment għal PSCs lokali;

9.  Jirrimarka d-diversi problemi legali u politiċi serji assoċjati mal-prattika attwali ta' sottokuntrattar fil-qasam tas-servizzi militari u tas-sigurtà, speċjalment is-servizzi pprovduti minn sottokuntratturi f'pajjiżi terzi; jemmen li l-Istati Membri, is-SEAE u l-Kummissjoni għandhom jaqblu li jsegwu l-eżempju tan-NATO billi jagħtu kuntratti biss lill-PSCs li huma bbażati fl-Istati Membri tal-UE;

10.  Jirrakkomanda, għaldaqstant, li l-Kummissjoni tipproponi linji gwida komuni dwar l-għoti ta' kuntratti lill-PSCs għar-reklutaġġ, l-użu u l-ġestjoni ta' kuntratturi militari u tas-sigurtà li b'mod ċar jistabbilixxu fid-dettall ir-rekwiżiti biex il-PSCs jikkwalifikaw għal kuntratti tal-UE, bil-għan li tiġi sostitwita l-frammentazzjoni attwali tal-approċċi; iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lis-SEAE jużaw l-istess linji gwida għar-reklutaġġ, l-użu u l-ġestjoni ta' kuntratturi militari u tas-sigurtà fl-azzjonijiet, il-missjonijiet u l-operazzjonijiet esterni kollha, għad-Delegazzjonijiet tal-UE fil-pajjiżi u r-reġjuni kollha u għas-servizzi kollha ta' Lista Militari Komuni riveduta tal-Unjoni Ewropea; iqis li dawn il-linji gwida għandhom ikunu bbażati kemm fuq l-aħjar prattiki internazzjonali b'rabta mat-tmexxija u l-ġestjoni tal-PSCs, b'mod partikolari d-dokument ta' Montreaux u l-ICoC, kif ukoll iqisu l-ħtieġa li tingħata attenzjoni partikolari meta jintgħażlu l-PSCs f'kuntest kumpless ta' wara kriżi; iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lis-SEAE jużaw biss lill-fornituri ċertifikati mill-ICoC, kif diġà jsir min-NU, li għalihom iċ-ċertifikazzjoni mill-ICoC hija rekwiżit; jirrimarka l-approċċ meħud mill-awtoritajiet tal-Istati Uniti, li jinkludi standards u rekwiżiti dettaljati f'kull kuntratt individwali, u jistieden lill-UE ssegwi dan l-eżempju; jenfasizza li l-kuntratti mal-PSCs għandhom jinkludu, fost l-oħrajn, klawsoli dwar il-pussess ta' liċenzji u awtorizzazzjonijiet, rekords tal-persunal u tal-proprjetà, taħriġ, l-akkwist legali u l-użu ta' armi, u l-organizzazzjoni interna;

11.  Jitlob li superviżur tas-sigurtà tal-UE ta' kumpanija tas-sigurtà tal-UE jkun preżenti fis-siti ffinanzjati mill-UE u d-delegazzjonijiet tal-UE u jkun inkarigat li jiżgura il-kwalità tas-servizzi tas-sigurtà pprovduti, l-iskrutinju u t-taħriġ tal-persunal tas-sigurtà reklutat lokalment, li jistabbilixxi u jżomm relazzjonijiet tajba mal-forzi tas-sigurtà lokali, li jipprovdi valutazzjonijiet tar-riskju u jkun l-ewwel punt ta' kuntatt fi kwistjonijiet relatati mas-sigurtà għad-delegazzjoni;

12.  Jirrakkomanda li l-Kummissjoni tistabbilixxi lista miftuħa ta' kuntratturi li jikkonformaw mal-istandards tal-UE dwar kwistjonijiet bħar-rekords ta' kondotta nadifa, il-kapaċità finanzjarja u ekonomika, il-pussess ta' liċenzji u awtorizzazzjonijiet u l-iskrutinju tal-persunal; jinnota li l-istandards madwar l-UE fir-rigward tal-PSCs jvarjaw ħafna u jemmen li l-Istati Membri għandhom jistinkaw biex jiksbu standards simili; iqis li din il-lista għandha tiġi aġġornata f'intervalli ta' mhux aktar minn sentejn;

13.  Jenfasizza li meta l-UE sserraħ fuq il-PSCs f'pajjiżi terzi li magħhom tkun ikkonkludiet ftehim dwar l-istatus tal-forzi (SOFA), tali ftehimiet iridu dejjem jinkludu l-PSCs impjegati u jiċċaraw b'mod speċifiku li l-kumpaniji ser ikunu obbligati jagħtu rendikont ta' għemilhom skont il-liġi tal-UE;

14.  Jenfasizza li l-Kunċett tal-UE għal Appoġġ min-naħa ta' Kuntratturi għandu jissaħħaħ u jsir vinkolanti għall-Istati Membri u l-istituzzjonijiet tal-UE; jemmen li dan għandu, b'mod partikolari, jispeċifika standards aktar stretti għal inklużjoni f'kuntratti, ibbażati pereżempju fuq l-istandards tal-Istati Uniti, u li għandu jirrikjedi wkoll li l-ebda PSC lokali m'għandha tiġi impjegata jew sottokuntrattata f'reġjuni ta' konflitt; jenfasizza li l-PSCs internazzjonali għandu jkollhom il-possibbiltà li jimpjegaw persunal lokali, iżda individwalment u direttament biss, sabiex ikun żgurat skrutinju effettiv u jiġi evitat il-ħolqien ta' industriji tas-sigurtà lokali f'reġjuni ta' konflitt;

Ir-regolamentazzjoni tal-PSCs

15.  Jirrakkomanda li l-Kummissjoni tħejji Green Paper bl-objettiv li tinvolvi lill-partijiet ikkonċernati kollha mis-setturi tas-sigurtà pubbliċi u privati f'konsultazzjoni wiesgħa u diskussjoni ta' proċessi biex jiġu identifikati l-opportunitajiet għal kollaborazzjoni diretta b'mod aktar effiċjenti u biex jiġi stabbilit sett bażiku ta' regoli tal-ingaġġ u ta' prattiki tajba; jirrakkomanda l-ħolqien ta' standards ta' kwalità tal-UE speċifiċi għas-settur; jirrakkomanda, għalhekk, li d-definizzjoni ta' PSCs tiġi ċċarata qabel ma tiġi introdotta regolamentazzjoni effettiva tal-attivitajiet tagħhom, minħabba li n-nuqqas ta' tali definizzjoni tista' toħloq lakuni leġiżlattivi;

16.  Jemmen li, bħala l-ewwel pass, l-UE għandha tiddefinixxi s-servizzi militari u tas-sigurtà rilevanti b'mod preċiż; iħeġġeġ lill-Kunsill, f'dan ir-rigward, biex iżid is-servizzi militari u tas-sigurtà mill-PSCs mal-Lista Militari Komuni tal-Unjoni Ewropea mingħajr dewmien;

17.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tiżviluppa mudell regolatorju Ewropew effettiv li ser:

–  jgħin biex jarmonizza d-differenzi legali bejn l-Istati Membri permezz ta' direttiva;

–  jevalwa mill-ġdid, u b'hekk jiddefinixxi mill-ġdid, strateġiji ta' kollaborazzjoni pubbliċi-privati kontemporanji;

–  jidentifika kumpaniji b'użu finali waħdieni jew multiplu;

–  ipoġġi f'kuntest in-natura preċiża u r-rwol tal-kumpaniji militari u tas-sigurtà privati;

–  jistabbilixxi standards ta' livell għoli għall-fornituri tas-servizzi tas-sigurtà privati fl-UE jew li joperaw barra mill-UE, fosthom livelli xierqa ta' investigazzjoni tas-sigurtà tal-persunal u rimunerazzjoni ġusta;

–  jiżgura r-rapportar tal-irregolaritajiet u l-illegalitajiet tal-PSCs u jagħmilha possibbli li jkunu obbligati jagħtu rendikont tal-ksur, inkluż ksur tad-drittijiet tal-bniedem, matul l-attivitajiet tagħhom barra mill-UE;

–  jintegra perspettiva marittima speċifika, filwaqt li jqis ir-rwol ewlieni tal-Organizzazzjoni Marittima Internazzjonali (OMI);

18.  Jinnota li l-oqfsa regolatorji globali li għadhom fil-bidu, bħad-dokument ta' Montreux, l-ICoC u inizjattivi regolatorji oħra fil-qafas tan-NU, jikkostitwixxu progress ċar meta mqabbla man-nuqqas ta' regolamentazzjoni sinifikanti li kien prevalenti biss għaxar snin ilu;

19.  Ifaħħar l-isforzi li saru minn bosta Stati Membri tal-UE, skont il-prattika tajba deskritta fid-dokument ta' Montreux, biex jintroduċu regolamentazzjoni nazzjonali effettiva tal-PSCs;

20.  Jinnota, madankollu, li l-evalwazzjoni tal-prestazzjoni tal-PSCs hija mfixkla min-nuqqas ta' rapportar konsistenti dwar l-użu tagħhom kemm mill-istituzzjonijiet tal-UE kif ukoll mill-gvernijiet tal-Istati Membri; iħeġġeġ lill-Istati Membri u lill-istituzzjonijiet tal-UE jipprovdu din l-informazzjoni b'mod aktar konsistenti u trasparenti sabiex tkun tista' ssir valutazzjoni xierqa tal-użu tal-PSCs mill-awtoritajiet baġitarji rispettivi tagħhom u l-awdituri indipendenti; jirrakkomanda li l-parlamenti u l-NGOs għandhom ikunu involuti b'mod attiv fil-proċessi ta' evalwazzjoni neċessarji li huma kruċjali għar-regolamentazzjoni u s-sorveljanza ta' din l-industrija;

21.  Jirrakkomanda li l-Kummissjoni u l-Kunsill jistabbilixxu qafas legali li jirrikjedi leġiżlazzjoni nazzjonali li tikkontrolla l-esportazzjoni ta' servizzi militari u tas-sigurtà, u li, fir-Rapport Annwali tal-UE dwar esportazzjonijiet ta' armamenti, jiġi rrapportat dwar il-liċenzji ta' esportazzjoni tas-servizzi militari u tas-sigurtà mogħtija mill-Istati Membri, sabiex tiżdied it-trasparenza u l-obbligu ta' rendikont pubbliċi;

22.  Jenfasizza li n-natura transnazzjonali tal-PSCs u, b'mod partikolari, l-attivitajiet tagħhom fir-reġjuni tad-dinja affettwati minn kriżi, tista' xi drabi twassal għal lakuni ġuriżdizzjonali, partikolarment fejn l-istruttura legali lokali hi dgħajfa, u dawn il-lakuni jistgħu joħolqu diffikultajiet biex il-kumpaniji jew l-impjegati tagħhom jinżammu responsabbli għall-azzjonijiet tagħhom; jinnota li r-regolamentazzjoni nazzjonali tal-PSCs spiss ma jkollhiex applikazzjoni extra territorjali; jenfasizza l-fatt li l-PSCs iridu dejjem ikunu rregolati mil-liġijiet u jkunu soġġetti għal sorveljanza effettiva kemm mill-pajjiż ospitanti kif ukoll mill-istat kontraenti; josserva li ta' spiss ikun hemm vojt legali fil-każ ta' tilwim jew inċidenti li jinvolvu l-PSCs u l-aġenti tal-Unjoni Ewropea, li jistgħu jseħħu f'żoni ta' riskju għoli; jirrakkomanda għalhekk it-twaqqif ta' regoli uniformi u ċari għall-istituzzjonijiet Ewropej li jużaw il-PSCs biex jipproteġu lill-persunal tal-UE, li jippreċiżaw b'mod ċar ir-responsabbiltajiet biex jiġu evitati nuqqas ta' protezzjoni u impunità u li jikkunsidraw il-qafas legali tal-istat ospitanti; iħeġġeġ ukoll lis-SEAE, lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jikkuntrattaw biss PSCs ibbażati fl-UE u li jirrispettaw l-obbligu li jeżegwixxu s-servizzi direttament mingħajr rikors għal sottokuntratturi lokali f'pajjiżi terzi li ta' spiss ikunu fraġli;

23.  Iħeġġeġ, għalhekk, li l-UE u l-Istati Membri tagħha jużaw l-istatus tagħhom fil-Forum tad-Dokument ta' Montreux biex jinsistu fuq ir-rieżamijiet regolari tal-istat ta' implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet tad-Dokument ta' Montreux għal prattika tajba mill-parteċipanti tiegħu; iħeġġeġ lill-Istati Membri li għadhom ma għamlux dan biex jingħaqdu mad-dokument ta' Montreux mill-aktar fis possibbli; iħeġġeġ lill-Istati Membri jimpenjaw ruħhom fi skambju tal-aħjar prattiki;

24.  Iħeġġeġ lill-UE u lill-Istati Membri tagħha jaħdmu favur strument internazzjonali legalment vinkolanti li jmur lil hinn mid-dokument ta' Montreux, billi jirregolaw l-attivitajiet tal-PSCs, jistabbilixxu kundizzjonijiet ekwi sabiex jiġi żgurat li l-istati ospitanti jkollhom l-awtorità li jirregolaw il-PSCs u l-istati kontraenti jkunu jistgħu jużaw is-setgħa tagħhom biex jipproteġu d-drittijiet tal-bniedem u jipprevjenu l-korruzzjoni; jenfasizza li tali qafas irid jinkludi sanzjonijiet dissważivi għall-ksur, l-obbligu ta' rendikont ta' dawk responsabbli għall-ksur u aċċess effettiv għal rimedji għall-vittmi, minbarra sistema ta' liċenzjar u monitoraġġ li tirrikjedi li l-PSCs kollha jkunu soġġetti għal verifiki indipendenti u l-persunal tagħhom jipparteċipa f'taħriġ obbligatorju dwar id-drittijiet tal-bniedem;

25.  Iħeġġeġ lill-VP / RGħ, lill-Istati Membri, lis-SEAE u lill-Kummissjoni jappoġġjaw bil-qawwa l-ħolqien ta' konvenzjoni internazzjonali maħsuba biex tistabbilixxi sistema legali internazzjonali li tirregola s-servizzi rilevanti pprovduti mill-PSCs;

26.  Ifaħħar l-isforzi tal-OMI fl-għoti ta' linji gwida għall-użu ta' timijiet tas-sigurtà armati privati; jinkoraġġixxi lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jkomplu jaħdmu flimkien mal-OMI lejn l-applikazzjoni globali ta' din il-gwida;

27.  Jenfasizza li wieħed mill-aktar modi effettivi biex jiġu influwenzati l-PSCs huwa permezz ta' deċiżjonijiet dwar l-akkwist pubbliku; jenfasizza, għalhekk, l-importanza li l-għoti ta' kuntratti lill-PSCs jiġi jiddependi fuq l-adozzjoni tal-aħjar prattiki, bħat-trasparenza u l-parteċipazzjoni tagħhom fl-ICoC, li xi Stati Membri diġà implimentaw; jinnota, madankollu, li jeħtieġ li jissaħħaħ il-mekkaniżmu ta' konformità mal-ICoC u tiġi żgurata l-indipendenza sħiħa tiegħu sabiex dan isir inċentiv kredibbli għall-konformità; jinnota li l-uniċi Stati Membri li aderixxew mal-ICoC huma l-Isvezja u r-Renju Unit u jemmen li l-UE għandha tiffoka fuq li tiżgura li l-Istati Membri l-oħra jirreġistraw bħala l-ewwel pass;

28.  Jinnota li l-PSCs għandu jkollhom assigurazzjoni ta' responsabbiltà minħabba li dan jagħmel is-suq tas-sigurtà aktar stabbli u affidabbli, li jattira wkoll lejh PSCs ta' daqs iżgħar u medju;

29.  Jenfasizza li l-għoti ta' kuntratti lill-PSCs għandu jqis, filwaqt li jkun evalwat fuq din il-bażi, l-esperjenza tal-PSCs u l-perjodu ta' xogħol f'ambjenti ostili, aktar milli abbażi tal-fatturat ta' kuntratt simili;

30.  Jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li l-PSCs, barra milli joffru servizzi tas-sigurtà, iwettqu wkoll attivitajiet ta' intelligence li, minħabba l-implikazzjonijiet potenzjali tagħhom, jirrikjedu regolamentazzjoni effiċjenti u kontroll;

31.  Jinnota l-influwenza konsiderevoli li jgawdu minnha l-UE u l-Istati Membri tagħha mill-industrija tas-sigurtà globali bħala riżultat ta' bosta atturi ewlenin li jkollhom il-kwartieri ġenerali tagħhom fl-UE; għalhekk jagħmel enfasi partikolari fuq ir-reviżjoni li ġejja tal-Lista Militari Komuni bħala opportunità biex jiġu inklużi ċerti servizzi pprovduti mill-PSCs, b'tali mod li huma jkunu soġġetti għal regolamenti dwar l-esportazzjoni u jkunu mistennija li japplikaw standards bażiċi għall-attivitajiet tagħhom barra mill-pajjiż;

°

°  °

32.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Viċi President tal-Kummissjoni / ir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, u lill-parlamenti nazzjonali tal-Istati Membri.

(1)

ĠU L 94, 28.3.2014, p. 65.

(2)

ĠU L 216, 20.8.2009, p. 76.

(3)

ĠU C 181, 19.5.2016, p. 2.

(4)

ĠU C 24, 22.1.2016, p. 33.


OPINJONI TAL-MINORANZA

dwar il-kumpaniji tas-sigurtà privati (2016/2238(INI))

Kumitat għall-Affarijiet Barranin, Rapporteur: Hilde Vautmans

Opinjoni tal-minoranza mressqa mill-MPE Javier Couso Permuy (GUE/NGL)

Dan ir-rapport huwa ffokat fuq il-kumpaniji tas-sigurtà privati, inklużi kumpaniji militari privati, u s-siwi tagħhom għall-UE u l-Istati Membri fil-qasam tas-sigurtà u d-difiża. Ir-rapport huwa intenzjonat biex jiffaċilita l-użu tal-kumpaniji tas-sigurtà privati.

Dawn il-kumpaniji attwalment jikkontribwixxu kemm sostenn loġistiku bħala appoġġ fil-ġlied fuq il-post, kif ukoll billi jipparteċipaw fir-rikostruzzjoni ta' wara kunflitt. Ġew ukoll impjegati biex ikopru kemm missjonijiet ċivili u kemm dawk militari fl-ambitu tal-PSDK.

Aħna nopponu r-rapport għax:

–  Nirrifjutaw l-użu ta' kumpaniji tas-sigurtà privati fis-sigurtà u d-difiża tal-istati, peress li l-kwistjoni mhix waħda li tista' titħalla f'idejn interessi privati li jimpjegaw merċenarji militari.

–  Id-difiża ta' kull Stat Membru hija r-responsabbiltà ta' kull stat sovran.

–  Nirrifjutaw l-użu ta' flejjes pubbliċi għall-finanzjament ta' dawn il-kumpaniji privati, li fil-prattika jkunu qed jintużaw biex jitqabbdu merċenarji b'sottokuntratti biex jiġġieldu fil-gwerer, b'mod li jikkontribwixxu għall-insigurtà u l-instabbiltà fid-dinja.

–  Nirrifjutaw direttament il-privatizzazzjoni tal-qasam tas-sigurtà u d-difiża, u kwalunkwe forma ta' privatizzazzjoni tal-gwerra.

–  L-użu tal-kumpaniji tas-sigurtà privati jippermetti li jingħata sostenn għall-missjonijiet militari li ftit li xejn ikunu popolari maċ-ċittadini mingħajr ma jkun hemm bżonn il-mobilizzazzjoni ta' truppi li tkun tirrikjedi awtorizzazzjoni parlamentari, u b'dibattitu pubbliku minimu (it-telf ta' merċenarji ma jgħoddx bħala telf militari).

Qed nipproponu:

–  Tmiem għall-privatizzazzjoni tal-qasam tas-sigurtà u d-difiża.

–  Projbizzjoni tal-parteċipazzjoni min-naħa tal-kumpaniji tas-sigurtà privati fir-rikostruzzjoni ta' wara kunflitt.

–  Il-qasam tas-sigurtà u d-difiża għandu jiġi żviluppat mill-professjonisti, il-forzi armati, li huma l-uniċi li għandhom ir-responsabbiltà leġittima biex jużaw il-forza.

–  Is-settur għandu jiġi regolat fil-qafas tal-Konvenzjoni Internazzjonali kontra r-Reklutaġġ, l-Użu, il-Finanzjament u t-Taħriġ ta' Merċenarji tan-Nazzjonijiet Uniti.

–  Projbizzjoni fl-UE li jitqabbdu kumpaniji privati b'sottokuntratt għal finijiet militari jew biex jiggarantixxi s-sigurtà tad-delegazzjonijiet jew il-missjonijiet tal-UE.

–  Trażżin tal-impunità li teżisti attwalment għall-ksur tad-drittijiet tal-bniedem li qed jiġi reġistrat fost il-merċenarji.


INFORMAZZJONI DWAR L-ADOZZJONIFIL-KUMITAT RESPONSABBLI

Data tal-adozzjoni

2.5.2017

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

50

7

1

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Francisco Assis, Petras Auštrevičius, Amjad Bashir, Goffredo Maria Bettini, Mario Borghezio, Victor Boştinaru, James Carver, Fabio Massimo Castaldo, Lorenzo Cesa, Javier Couso Permuy, Arnaud Danjean, Georgios Epitideios, Knut Fleckenstein, Eugen Freund, Iveta Grigule, Sandra Kalniete, Tunne Kelam, Janusz Korwin-Mikke, Eduard Kukan, Ilhan Kyuchyuk, Arne Lietz, Barbara Lochbihler, Sabine Lösing, Andrejs Mamikins, Ramona Nicole Mănescu, Tamás Meszerics, Francisco José Millán Mon, Javier Nart, Pier Antonio Panzeri, Demetris Papadakis, Alojz Peterle, Julia Pitera, Cristian Dan Preda, Jordi Solé, Jaromír Štětina, Dubravka Šuica, László Tőkés, Ivo Vajgl, Johannes Cornelis van Baalen, Anders Primdahl Vistisen, Boris Zala

Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali

Laima Liucija Andrikienė, Neena Gill, Andrzej Grzyb, Antonio López-Istúriz White, David Martin, Godelieve Quisthoudt-Rowohl, José Ignacio Salafranca Sánchez-Neyra, Marietje Schaake, Ernest Urtasun, Paavo Väyrynen

Sostituti (skont l-Artikolu 200(2)) preżenti għall-votazzjoni finali

Birgit Collin-Langen, Jonás Fernández, Eider Gardiazabal Rubial, Karoline Graswander-Hainz, Andrey Novakov, Virginie Rozière, Josef Weidenholzer


VOTAZZJONI FINALI B'SEJĦA TAL-ISMIJIET FIL-KUMITAT RESPONSABBLI

50

+

ALDE

Petras Auštrevičius, Iveta Grigule, Ilhan Kyuchyuk, Javier Nart, Marietje Schaake, Ivo Vajgl, Paavo Väyrynen, Johannes Cornelis van Baalen

EFDD

Fabio Massimo Castaldo

PPE

Laima Liucija Andrikienė, Lorenzo Cesa, Birgit Collin-Langen, Arnaud Danjean, Andrzej Grzyb, Sandra Kalniete, Tunne Kelam, Eduard Kukan, Antonio López-Istúriz White, Francisco José Millán Mon, Ramona Nicole Mănescu, Andrey Novakov, Alojz Peterle, Julia Pitera, Cristian Dan Preda, Godelieve Quisthoudt-Rowohl, José Ignacio Salafranca Sánchez-Neyra, László Tőkés, Jaromír Štětina, Dubravka Šuica

S&D

Francisco Assis, Goffredo Maria Bettini, Victor Boştinaru, Jonás Fernández, Knut Fleckenstein, Eugen Freund, Eider Gardiazabal Rubial, Neena Gill, Karoline Graswander-Hainz, Arne Lietz, Andrejs Mamikins, David Martin, Pier Antonio Panzeri, Demetris Papadakis, Virginie Rozière, Josef Weidenholzer, Boris Zala

VERTS/ALE

Barbara Lochbihler, Tamás Meszerics, Jordi Solé, Ernest Urtasun

7

-

ECR

Amjad Bashir, Anders Primdahl Vistisen

EFDD

James Carver

GUE/NGL

Javier Couso Permuy, Sabine Lösing

NI

Georgios Epitideios, Janusz Korwin-Mikke

1

0

ENF

Mario Borghezio

Tifsira tas-simboli użati:

+  :  favur

-  :  kontra

0  :  astensjoni

Avviż legali