Proċedura : 2015/2318(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A8-0194/2017

Testi mressqa :

A8-0194/2017

Dibattiti :

PV 12/06/2017 - 17
CRE 12/06/2017 - 17

Votazzjonijiet :

PV 13/06/2017 - 5.2
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P8_TA(2017)0246

RAPPORT     
PDF 652kWORD 59k
10.5.2017
PE 597.439v01-00 A8-0194/2017

dwar il-kosteffikaċja tas-7 Programm ta' Riċerka

(2015/2318(INI))

Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit

Rapporteurs: Inés Ayala Sender, Martina Dlabajová

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW
 INFORMAZZJONI DWAR L-ADOZZJONIFIL-KUMITAT RESPONSABBLI
 VOTAZZJONI FINALI B'SEJĦA TAL-ISMIJIETFIL-KUMITAT RESPONSABBLI

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW

dwar il-kosteffikaċja tas-7 Programm ta' Riċerka

(2015/2318(INI))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra t-Titolu XIX tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE),

–  wara li kkunsidra d-Deċiżjoni Nru 1982/2006/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta' Diċembru 2006 dwar is-Seba' Programm Kwadru tal-Komunità Ewropea għall-attivitajiet ta' riċerka, ta' żvilupp teknoloġiku u ta' dimostrazzjoni (2007-2013)(1),

–  wara li kkunsidra l-Protokoll (Nru 1) għat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea dwar ir-rwol tal-parlamenti nazzjonali fl-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra l-Protokoll (Nru 2) għat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea dwar l-applikazzjoni tal-prinċipji ta' sussidjarjetà u proporzjonalità,

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 1291/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Diċembru 2013 li jistabbilixxi Orizzont 2020 - il-Programm Qafas għar-Riċerka u l-Innovazzjoni (2014-2020)(2),

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Ottubru 2012 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni(3),

–  wara li kkunsidra r-rapport annwali tal-Qorti tal-Awdituri dwar l-implimentazzjoni tal-baġit għas-sena finanzjarja 2014, flimkien mar-risposti tal-istituzzjonijiet(4),

–  wara li kkunsidra r-Rapport Speċjali Nru 2/2013 tal-Qorti tal-Awdituri, bit-titolu "Il-Kummissjoni żgurat l-implimentazzjoni effiċjenti tas-Seba' Programm Kwadru għar-Riċerka?",

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għax-Xjenza u t-Teknoloġija tal-House of Commons tar-Renju Unit tas-16 ta' Novembru 2016 "Leaving the EU: implications and opportunities for science and research’, of 16 November 2016(5),

–  wara li kkunsidra d-deċiżjoni tiegħu tat-28 ta' April 2016 dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2014, Taqsima III – Il-Kummissjoni(6),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 52 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit (A8-0194/2017),

A.  billi l-Qafas Finanzjarju Pluriennali (QFP) 2007-2013 ġie fi tmiemu, imma l-implimentazzjoni tas-Seba' Programm Kwadru għar-riċerka u l-innovazzjoni (FP7) għadha għaddejja;

B.  billi l-proġetti ta' riċerka u innovazzjoni matul l-QFP 2014-2020 jaqgħu taħt ir-Regolament dwar Orizzont 2020(7);

C.  billi, sa fejn jaf, ma teżisti l-ebda analiżi komprensiva tal-kosteffikaċja fir-rigward tal-FP7;

D.  billi evalwazzjoni komprensiva tal-FP7 imissha - idealment - saret qabel id-dħul fis-seħħ ta' Orizzont 2020;

E.  billi r-rati ta' żball u evalwazzjoni ex post tal-programm ma joffrux informazzjoni komprensiva dwar il-kosteffikaċja

Is-Seba' Programm Kwadru (FP7)

1.  Jenfasizza l-fatt li l-FP7, b'kollox, irrappreżenta baġit totali ivvotat ta' EUR 55 biljun, li huwa stmat li jammonta għal 3 % tan-nefqa totali fil-qasam tar-riċerka u żvilupp teknoloġiku (RTD) fl-Ewropa, jew 25 % ta' finanzjament kompetittiv; fis-seba' snin li dam l-FP7, tressqu aktar minn 139 000 proposta għal riċerka, li minnhom intgħażlu u rċevew finanzjament 25 000 proġett tal-ogħla kwalità; id-destinatarji ewlenin fost id-29 000 organizzazzjoni li kienu qed jieħdu sehem fl-FP7 kienu, inter alia, l-universitajiet (44 % tal-finanzjament mill-FP7), l-organizzazzjonijiet fl-oqsma tar-riċerka u t-teknoloġija (27 %), kumpaniji privati kbar (11 %) u intrapriżi żgħar u medji (13 %), filwaqt li s-settur pubbliku (3 %) u l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili (2 %) rrappreżentaw sehem anqas sinifikanti;

2.  Huwa konxju li l-FP7 jaqdi lil benefiċjarji mill-Istati Membri kollha tal-UE, il-pajjiżi kandidati assoċjati bħall-Iżvizzera, l-Iżrael, in-Norveġja, l-Iżlanda, il-Liechtenstein, it-Turkija, il-Kroazja, Dik li kienet ir-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja, is-Serbja, l-Albanija, il-Montenegro, il-Bożnja-Ħerzegovina, il-Gżejjer Faeroe u l-Moldova, u pajjiżi sħab ta' kooperazzjoni internazzjonali;

3.  Jinnota li l-evalwazzjoni ex post tal-FP7, li twettqet minn grupp ta' esperti ta' livell għoli(8), ikkunsidrat li l-FP7 kien suċċess; il-grupp ta' livell għoli ssottolinja b'mod partikolari li l-FP7:

–  inkoraġġixxa l-eċċellenza xjentifika fil-livell individwali u istituzzjonali,

–  ippromwova riċerka rivoluzzjonarja permezz tal-programm ġdid Fp7-Ideas (Kunsill Ewropew tar-Riċerka),

–  involva lill-industrija u lill-intrapriżi żgħar u medji b'mod strateġiku,

–  qawwa modalità ġdida ta' kollaborazzjoni u qafas għall-innovazzjoni miftuħ,

–  saħħaħ liż-Żona Ewropea tar-Riċerka billi aġixxa ta' katalista għal kultura ta' kooperazzjoni u bena netwerks komprensivi adattati biex jindirizzaw l-isfidi tematiċi,

–  indirizza ċerti sfidi għas-soċjetà permezz tar-riċerka, it-teknoloġija u l-innovazzjoni permezz ta' FP7-Cooperation,

–  inkoraġġixxa l-armonizzazzjoni tas-sistemi u l-politiki nazzjonali għar-riċerka u l-innovazzjoni,

–  qanqal il-mobilità tar-riċerkaturi madwar l-Ewropa – FP7-PEOPLE ħoloq il-kundizzjonijiet meħtieġa għal suq tax-xogħol miftuħ għar-riċerkaturi,

–  ippromwova l-investiment fl-infrastrutturi Ewropej għar-riċerka,

–  laħaq massa kritika ta' riċerka madwar il-panorama Ewropew u dak globali;

4.  Jinnota li l-konsultazzjoni pubblika mal-partijiet interessati fil-kuntest tal-evalwazzjoni tal-FP7, li saret bejn Frar u Mejju 2015, indikat id-dgħufijiet li ġejjin:

–  piż amministrattiv kbir, u regoli legali u finanzjarji kkumplikati,

–  grad għoli ta' sottoskrizzjoni eċċessiva,

–  nuqqas ta' attenzjoni għall-impatt fuq is-soċjetà,

–  l-ambitu tas-suġġetti u s-sejħiet kien strett wisq,

–  nuqqas ta' attenzjoni għall-parteċipazzjoni min-naħa tal-industrija,

–  limitu minimu għoli għal min ikun għadu jibda; rati baxxi tal-medja ta' suċċess ta' 19 % u 22 % rispettivament għall-proposti u l-applikanti;

  komunikazzjoni dgħajfa;

5.  Jinsab imħasseb dwar il-fatt li, skont il-Kummissarju, l-FP7 mhux se jiġi kompletament eżegwit u evalwat qabel l-2020, u dan jista' jikkawża dewmien fil-programmi ta' segwitu fil-ġejjieni; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tippubblika r-rapport ta' evalwazzjoni malajr kemm jista' jkun u mhux aktar tard minn qabel tippreżenta l-programm ta' riċerka għal wara Orizzont 2020.

Is-sejbiet tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri (QEA)

6.  Jenfasizza bi tħassib li l-Qorti tikkunsidra li s-sistemi ta' superviżjoni u kontroll għall-politiki dwar ir-riċerka u politiki interni oħrajn huma "parzjalment effettivi";

7.  Jappella lill-Kummissjoni biex tinforma lill-kumitat responsabbli tagħha fid-dettall dwar l-10 tranżazzjonijiet li kienu jirrappreżentaw 77 % tal-iżbalji u l-miżuri ta' rimedju meħuda fl-2015;

8.  Jinnota bi tħassib li r-rata ta’ żball rar-riċerka, l-iżvilupp u l-innovazzjoni (RDI) fil-kwittanza għas-snin finanzjarji reċenti minn dejjem kienet ogħla minn 5 %;

9.  Jinnota li, fl-2015, mill-150 tranżazzjoni awditjati mill-Qorti, 72 (48 %) kienu milquta minn żbalji; abbażi tat-38 żball li kkwantifikat il-Qorti, hija stmat li l-livell ta' żball kien ta' 4,4 %; barra minn hekk, f'16-il każ ta' żbalji kwantifikabbli, il-Kummissjoni, l-awtoritajiet nazzjonali jew l-awdituri indipendenti kellhom informazzjoni suffiċjenti biex jipprevjenu jew jidentifikaw u jikkoreġu l-iżbalji qabel jaċċettaw in-nefqa; kieku din l-informazzjoni kollha ntużat għall-korrezzjoni tal-iżbalji, il-livell ta' żball stmat għal dan il-kapitolu kien ikun 0,6 % aktar baxx;

10.  Jiddeplora l-fatt li f'10 mit-38 tranżazzjoni li kienu soġġetti għal żball ikkwantifikat, il-Qorti rrapportat żbalji li jaqbżu l-20 % tal-partiti eżaminati; dawn l-għaxar każijiet (disgħa mis-Seba' Programm Kwadru għar-Riċerka u wieħed mill-Programm Kompetittività u Innovazzjoni 2007-2013) jirrappreżentaw 77 % tal-livell ta' żball stmat kumplessiv għall-intestatura "Kompetittività għat-tkabbir u l-impjiegi" fl-2015;

11.  Jiddispjaċih li l-biċċa l-kbira tal-iżbalji kkwantifikati li sabet il-Qorti (33 minn 38) kellhom x'jaqsmu mar-rimborż tal-persunal u l-ispejjeż indiretti ineliġibbli li ddikjaraw il-benefiċjarji u li kważi l-iżbalji kollha li sabet il-Qorti fid-dikjarazzjonijiet tal-ispejjeż kienu dovuti għal miżinterpretazzjoni tar-regoli kumplessi dwar l-eliġibbiltà jew kalkolu inkorrett tal-ispejjeż eliġibbli min-naħa tal-benefiċjarji, u dan iwassal għall-konklużjoni ovvja li hemm bżonn li dawn ir-regoli jiġu ssemplifikati;

12.  Jirrikonoxxi li l-Kummissjoni kkalkolat li r-rata ta' żball residwu (fi tmiem il-programm u wara l-korrezzjonijiet) kienet ta' 3 % fl-2014 (2,88 % fl-2015);

13.  Ifakkar fil-pożizzjoni tiegħu fil-kwittanza tal-Kummissjoni għall-2012 u l-2014: "Jibqa' konvint li l-Kummissjoni għandha tkompli tfittex bilanċ aċċettabbli bejn kemm il-programmi jkunu attraenti għall-parteċipanti u l-ħtieġa leġittima tar-responsabilità u l-kontroll finanzjarju; ifakkar, f'dan il-kuntest, fid-dikjarazzjoni tad-Direttur Ġenerali fl-2012 li proċedura li timmira li tikseb rata ta' żball residwu ta' 2 % f'kull sitwazzjoni mhijiex soluzzjoni vijabbli";

14.  Jiddispjaċih li s-sorsi prinċipali tal-iżbalji kienu l-ispejjeż tal-persunal li ġew ikkalkulati b'mod inkorrett u l-ispejjeż diretti u indiretti ineliġibbli;

15.  Jindika u jinsab imħasseb dwar is-sejbiet tar-Rapport Speċjali Nru 2/2013 tal-QEA, fejn il-Qorti tikkonkludi li l-proċessi tal-Kummissjoni huma indirizzati biex jiżguraw li l-finanzjament jiġi investit f'riċerka ta' kwalità għolja; madankollu, kien hemm anqas attenzjoni fir-rigward tal-effiċjenza;

–  l-għodda eżistenti fil-qasam tat-teknoloġija tal-informazzjoni ma ppermettewx implimentazzjoni effiċjenti tal-proġetti, u fit-tmien servizzi tal-Kummissjoni hemm impjegati aktar minn 2 500 membru tal-persunal sabiex jimplimentaw l-FP7, li fosthom 1 500 (60 %) huma assenjati direttament għall-ġestjoni tal-implimentazzjoni tal-Programm Speċifiku fil-Qasam tal-Kooperazzjoni,

–  iż-żmien għall-għotja għandu jkompli jitqassar, u

–  il-mudell ta' kontroll finanzjarju tal-FP7 ma jqisx biżżejjed ir-riskju ta' żbalji;

16.  Jinnota r-risposti tal-Kummissjoni għall-konklużjonijiet tal-Qorti, li indikaw li, madankollu, ġew iffirmati 4 324 għotja, bi kważi 20 000 parteċipant, li ż-żmien għall-għotja diġà tqassar u li l-arkitettura ta' kontroll ġiet iddisinjata b'tali mod li tiddependi l-aktar fuq il-kontroll ex post;

Il-kosteffikaċja taħt l-FP7

17.  Jissottolinja li jkun tajjeb li l-kosteffikaċja titkejjel fir-rigward tal-ekonomija, l-effiċjenza u l-effikaċja (ġestjoni finanzjarja tajba)(9) fil-ksib tal-objettivi politiċi;

18.  Jinnota li l-implimentazzjoni tal-programmi qafas għar-riċerka kienet maqsuma bejn id-direttorati ġenerali differenti, l-aġenziji eżekuttivi, l-impriżi konġunti, il-korpi hekk imsejħa tal-Artikolu 185, il-Bank Ewropew tal-Investiment (BEI) u l-Istitut Ewropew tal-Innovazzjoni u t-Teknoloġija (EIT);

19.  Jindika li d-Direttorat Ġenerali għar-Riċerka u l-Innovazzjoni (DĠ RTD) awtorizza EUR 3,8 biljun f'pagamenti fl-2015, li minnhom 67,4 % saru taħt ir-responsabilità diretta tad-DĠ, 12,6 % mill-impriżi konġunti, 10,7 % mill-BEI u l-Fond Ewropew tal-Investiment (FEI), u 2,4 % mill-aġenziji eżekuttivi;

20.  Jinnota li, skont ir-rapport annwali tal-attività(10) tad-DĠ RTD għall-2015, l-Unjoni Ewropea kkontribwixxiet EUR 44,56 biljun għall-programm FP7, li minnhom 58 % marru l-Ġermanja (16 %), ir-Renju Unit (16 %), Franza (11 %), l-Italja (8 %) u Spanja (7 %);

21.  Josserva li d-DĠ RTD stabbilixxa qafas ta' kontroll immirat biex itaffi r-riskji inerenti fl-istadji differenti tal-proċess ta' ġestjoni tal-għotjiet diretti u indiretti; barra minn hekk, id-DĠ RTD stabbilixxa strateġija ta' superviżjoni għall-istrumenti finanzjarji, li jiġu implimentati mill-BEI u l-FEI;

22.  Jinnota li fir-rigward tal-FP7 2007-2013, id-DĠ RTD lesta u għalaq, sa tmiem l-2015, 3 035 ftehim ta' għotja minn 4 950, kif ukoll 1 915-il proġett, waqt li fadal EUR 1,6 biljun x'jitħallsu; id-DĠ RTD għamel 826 pagament finali fl-2015; iħeġġeġ lid-DĠ jiżviluppa dawn l-istatistiċi fi snin finanjarji sussegwenti;

23.  Jindika b'mod partikolari l-fatt li l-indikaturi bħaż-żmien għall-għotja, iż-żmien għall-informazzjoni u ż-żmien għall-pagament urew tendenza pożittiva u kienu kkunsidrati sodisfaċenti (konformità ta' 93-100 %);

24.  Jinnota li d-DĠ RTD wettaq 1 550 awditu, li koprew 1 404 benefiċjarji u 58,7 % tal-baġit matul il-perjodu ta' programmazzjoni tal-FP7;

25.  Jirrimarka li d-DĠ RTD jikkunsidra li ntuża total ekwivalenti ta' 9,4 ingaġġi full-time għas-superviżjoni u l-koordinament tal-attivitajiet relatati mal-aġenziji eżekuttivi; dan jirrappreżenta EUR 1,26 miljun jew 1,35 % tal-ispejjeż amministrattivi totali; barra minn hekk, l-Aġenzija Eżekuttiva għar-Riċerka (REA) u l-Aġenzija Eżekuttiva tal-Kunsill Ewropew għar-Riċerka (ERCEA) implimentaw baġit operattiv ta' EUR 1,94 biljun, u l-Aġenzija Eżekuttiva għall-Intrapriżi Żgħar u Medji (EASME) u l-Aġenzija Eżekuttiva għall-Innovazzjoni u n-Netwerks (INEA) implimentaw EUR 480,5 miljun f'approprjazzjonijiet ta' pagament fl-2015;

26.  Josserva li d-DĠ RTD ġarrab spejjeż ta' EUR 1,67 miljun jew 0,35 % mill-EUR 479,9 miljun li tħallsu lill-impriżi konġunti għas-superviżjoni tal-attivitajiet tagħhom; josserva barra minn hekk li d-DĠ RTD ġarrab spejjeż ta' EUR 0,7 miljun jew 0,78 % mill-pagamenti li saru lill-korpi tal-Artikolu 185 għas-superviżjoni tal-attivitajiet tagħhom;

27.  Jenfasizza li l-impriżi konġunti u l-korpi tal-Artikolu 185 huma responsabbli għall-awditjar tagħhom innifishom, u r-riżultati ta' dan jiġu kkomunikati lid-DĠ RTD;

28.  Jinnota bi tħassib il-fatt li d-DĠ RTD stima li r-rata ta' żball kumplessiva identifikata hija ta' 4,35 %; fl-istess ħin, id-Direttorat Ġenerali kkunsidra li r-rata ta' żball residwu (fi tmiem il-programm u wara l-korrezzjonijiet) hija ta' 2,88 %;

29.  Jinnota li, sa tmiem l-2016, l-ammont li kellu jiġi rkuprat kien ta' EUR 68 miljun, li minnhom effettivament inġabru EUR 49,7 miljun;

30.  Josserva, madankollu, li r-regoli tal-FP7 ma kinux kompatibbli biżżejjed mal-prattiki kummerċjali ġenerali, li s-sistema ta' kontroll meħtieġa biex ikun hemm bilanċ aħjar bejn ir-riskju u l-kontroll, li l-benefiċjarji kellhom bżonn gwida aħjar biex ilaħħqu mal-kumplessità tal-iskema, u li l-metodi ta' rimborż kellhom ikunu aktar effiċjenti;

31.  Jinsab imħasseb dwar il-fatt li, fir-rapport annwali tal-attività tad-DĠ Riċerka u Innovazzjoni, huwa indikat li sa tmiem l-2015, 1 915-il proġett taħt l-FP7, b'valur ta' EUR 1,63 biljun, kienu għadhom ma tlestewx, li setgħu jtawlu l-implimentazzjoni ta' Orizzont 2020;

32.  Jinnota li l-istabbiliment ta' sinerġiji bejn is-settur tar-riċerka u l-innovazzjoni minn naħa u l-fondi strutturali mill-oħra, kien fl-interess tal-Unjoni Ewropea;

33.  Jinnota li l-Kummissjoni għandha tiżgura li l-FP7 u l-finanzjament ta' riċerka nazzjonali jkunu koerenti mar-regoli tal-UE dwar l-għajnuna mill-istat sabiex jiġu evitati l-inkonsistenzi u l-irduppjar ta' finanzjament; jisħaq li għandu jingħata kont tal-karatteristiċi nazzjonali speċifiċi;

34.  Jenfasizza l-importanza tal-istrumenti finanzjarji fil-qasam tar-riċerka u l-innovazzjoni; jenfasizza li, b'kunsiderazzjoni tar-riċerka tal-kompetittività, l-użu ta' strumenti finanzjarji għal proġetti f'livelli ta' tlestija teknoloġika akbar (TRL) jista' joffri biżżejjed ritorn mill-investiment pubbliku; jindika, f'dan il-kuntest, il-fatt li "Il-Faċilità ta' Finanzjament għall-Kondiviżjoni tar-Riskji (2007-2013) toffri wkoll self u finanzjament ibridu jew intermedju biex jittejjeb l-aċċess għall-finanzjament ta' riskju għal proġetti R&I. Il-kontribuzzjoni tal-Unjoni RSFF 2007-2015 ta' EUR 961 miljun appoġġat attività li tgħodd għal iktar minn EUR 10,22 biljuni minn EUR 11,31 biljun li kienu mistennija. [...]"; jinnota li l-Istrument għall-Kondiviżjoni tar-Riskji għall-Industriji Żgħar u Medji pprovda finanzjament ta' aktar minn EUR 2,3 biljun, li għalih l-Unjoni kkontribwiet EUR 270 miljun(11); huwa tal-opinjoni li dawn iċ-ċifri jissottolinjaw l-interess għoli tal-kumpaniji u tal-benefiċjarji l-oħra fil-finanzjament ta' riskju;

35.  Josserva l-bżonn li l-istrumenti finanzjarji FP7 jkunu iktar fil-mira sabiex ikun żgurat li jingħata appoġġ lill-operaturi l-ġodda b'aċċess limitat għall-finanzjament fil-qasam tar-riċerka u l-innovazzjoni;

36.  Jinnota li ċerti miżuri rrakkomandati mill-awditur estern u/jew is-servizz ta' awditu intern tal-Kummissjoni, jiġifieri żewġ miżuri li jikkonċernaw is-sistemi ta' kontroll għas-superviżjoni ta' korpi esterni, u tliet miżuri għal Fond ta' Garanzija tal-Parteċipanti, ma ġewx inklużi;

37.  Jissuġġerixxi komunikazzjoni aħjar tar-riżultati fl-Istati Membri u fil-kampanji ta' informazzjoni tal-programm;

Il-prospettivi ġejjiena taħt Orizzont 2020

38.  Jirrileva l-fatt li, sa tmiem l-2015 198 sejħa bi skadenza għas-sottomissjonijiet sa dik id-data kienu ġew ippubblikati għal Orizzont 2020a; b'rispons għal dawn is-sejħiet, b'kollox waslu 78 268 proposta, li 10 658 minnhom tqiegħdu fil-lista ewlenija jew dik ta' riżerva; dan ifisser li, jekk jitqiesu biss il-proposti eliġibbli, ir-rata ta' suċċess kienet ta' madwar 14 %; fl-istess perjodu, ġew iffirmati 8 832 ftehim ta' għotja mal-benefiċjarji, li 528 minnhom ġew iffirmati mid-DĠ RTD;

39.  Jirrikonoxxi li kien hemm iffrankar ta' spejjeż ta' EUR 551 miljun fil-FP7 meta mqabbel mal-FP6, u li l-Kummissjoni fittxet li tissemplifika aktar l-implimentazzjoni tal-Orizzont 2020, meta mqabbel mal-FP7; jenfasizza, l-importanza tal-oqsma ta' politika kollha, inklużi l-fondi strutturali, li jibbenefikaw mis-semplifikazzjoni bl-intenzjoni li jinżamm trattament ugwali tal-benefiċjarji tal-assistenza finanzjarja Ewropea;

40.  Jinnota b'sodisfazzjon li d-DĠ RTD qed jipprova jkompli jnaqqas l-ispejjeż ġenerali u amministrattivi billi jesternalizza l-ġestjoni tal-kuntratti lill-aġenziji eżekuttivi u l-korpi l-oħra; jisħaq f'dan il-kuntest li, taħt Orizzont 2020, 55 % tal-baġit se jkun ġestit mill-aġenziji eżekuttivi;

41.  Jissottolinja li l-għadd kbir ta' atturi politiċi, inklużi d-direttorati ġenerali tal-Kummissjoni, l-aġenziji eżekuttivi, l-impriżi konġunti u l-korpi tal-Artikolu 185, jirrikjedi koordinament konsiderevoli, li l-effikaċja tiegħu hija ta' importanza ewlenija;

42.  Jinnota d-differenza fl-opinjonijiet tal-Istitut Ewropew għat-Teknoloġija u l-Kummissjoni minn naħa, u tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri min-naħa l-oħra fir-rigward tal-legalità tal-pagamenti; huwa tal-opinjoni li jeħtieġ li s-soluzzjoni għal din it-tilwima ma tiġġenerax ħsara għal dawk il-benefiċjarji li l-azzjoni tagħhom kienet in bona fide;

43.  Jilqa' l-fatt li, taħt Orizzont 2020:

–  l-istruttura tal-programm hija anqas kumplessa u tipprevedi l-interoperabilità fost il-partijiet differenti,

–  issa japplika sett ta' regoli wieħed,

–  issa hemm rata ta' finanzjament waħda għal kull proġett,

–  l-ispejjeż indiretti huma koperti b'rata fissa (25 %),

–  qed tiġi vverifikata l-vijabilità finanzjarja tal-koordinaturi tal-proġetti biss,

–  ġie introdott approċċ għall-prestazzjoni aktar kalkolabbli,

–  strateġija tal-awditjar waħda hija applikabbli għall-familja tar-riċerka u l-innovazzjoni,

–  inħoloq portal għall-parteċipanti wieħed għall-ġestjoni tal-għotjiet u l-esperti,

–  il-ġestjoni tal-għotjiet, tal-kuntratti tal-esperti u tal-arkivjar qed issir elettronikament;

44.  Jilqa' l-ħolqien ta' Ċentru ta' Appoġġ Komuni, li se jgħin fil-koordinament u fl-eżekuzzjoni tal-programm b'mod effiċjenti u armonizzat f'seba' direttorati ġenerali tal-Kummissjoni, erba' aġenziji eżekuttivi u sitt impriżi konġunti; sal-1 ta' Jannar 2014, iċ-Ċentru ta' Appoġġ Komuni kien qed jipprovdi servizzi komuni fl-oqsma tal-appoġġ legali, l-awditjar ex post, is-sistemi u l-operazzjonijiet tal-IT, il-proċessi kummerċjali, l-informazzjoni u d-data relatati mal-programm lid-direttorati ġenerali fil-qasam tar-riċerka, l-aġenziji eżekuttivi u l-impriżi konġunti kollha involuti fl-implimentazzjoni ta' Orizzont 2020;

45.  Jissuġġerixxi li r-rwol għall-Punti ta' Kuntatt Nazzjonali jenħtieġ li jitqawwa b'mod li jiġi pprovdut appoġġ tekniku ta' kwalità fuq il-post; valutazzjoni annwali tar-riżultati, taħriġ u gwadanji għall-Punti ta' Kuntatt Nazzjonali li jkollhom prestazzjoni effikaċi jżidu r-rata ta' suċċess tal-programm Orizzont 2020.

46.  Jilqa' wkoll il-fatt li sehem il-fondi minn Orizzont 2020 li ġie allokat għall-intrapriżi żgħar u medji żdied minn 19,4 % fl-2014 għal 23,4 % fl-2015, u jirrakkomanda li din ix-xejra titħeġġeġ b'mod proattiv;

47.  Jikkunsidra li huwa inaċċettabbli li d-DĠ Riċerka u Innovazzjoni ma kkonformax mat-talba tal-Parlament li d-direttorati ġenerali tal-Kummissjoni jeħtiġilhom jippubblikaw kull rakkomandazzjoni speċifika għall-pajjiżi individwali li joħorġu fir-rapporti annwali tal-attività tagħhom;

48.  Jistieden lill-Kummissjoni tieħu l-miżuri biex tiżgura paga ndaqs għar-riċerkaturi li jagħmlu l-istess xogħol fi ħdan l-istess proġett u biex tipprovdi lista, ta' nazzjonalitá, tal-intrapriżi kollha elenkati fil-Borża u/jew li juru profitt fid-dikjarazzjoni annwali tal-kontijiet u li jirċievu fondi mill-Orizzont 2020;

49.  Jirrikonoxxi li l-elementi l-ġodda li ġew introdotti f'Orizzont 2020 jirriflettu wkoll l-osservazzjonijiet li saru mill-Qorti Ewropea tal-Awdituri;

50.  Ifakkar li qed jitħejja d-Disa' Programm Qafas ta' Riċerka; jissottolinja l-bżonn li jiġu żgurati li l-aħjar prattiki tal-Orizzont 2020 jintużaw fid-definizzjoni tal-programm; jissuġġerixxi aktar finanzjament għal innovazzjoni, li hi ekonomikament effiċjenti għas-settur kummerċjali, u flessibbiltà akbar bejn il-baġits tas-sottoprogrammi differenti sabiex jiġi evitat nuqqas ta' finanzjament għal dawk kwalifikati bħala "eċċellenti";

Riperkussjonijiet għall-FP7 dwar il-ħruġ tar-Renju Unit mill-Unjoni Ewropea

51.  Jinnota b'rispett il-vot taċ-ċittadini tar-Renju Unit tat-23 ta' Ġunju 2016, li permezz tiegħu esprimew ir-rieda politika li jitilqu mill-Unjoni Ewropea;

52.  Jilqa' l-ħidma tal-House of Commons tar-Renju Unit fl-evalwazzjoni tar-riperkussjonijiet ta' dan il-vot fuq il-qasam tax-xjenza u r-riċerka(12), u fit-tentattiv li jżommu l-impatt negattiv fuq il-kompetittività Ewropea f'livell minimu;

53.  Jindika li l-organizzazzjonijiet ibbażati fir-Renju Unit irċevew EUR 1,27 biljun f'sejħiet għal finanzjament b'għotjiet fl-2014, li kienu jirrappreżentaw 15 % tat-total, u EUR 1,18-il biljun f'sejħiet fl-2015, li kienu jirrappreżentaw 15,9 % tat-total – l-akbar sehem ta' finanzjament mill-UE li Stat Membru rċieva f'dik is-sena(13);

Konklużjonijiet

54.  Jikkonkludi li l-ġestjoni tal-ispejjeż tal-FP7 min-naħa tal-Kummissjoni – kumplessivament – kienet waħda effikaċi; jinnota li l-programm tejjeb ukoll l-effikaċja tiegħu minkejja d-dewmien u r-rati ta' żball ripetuti fl-implimentazzjoni tiegħu;

55.  Jilqa' l-fatt li t-tħassib tal-Qorti ġie kkunsidrat;

56.  Jappella lill-Kummissjoni biex tiżgura li l-modernizzazzjonijiet li ġew introdotti taħt Orizzont 2020, bħal rati fissi għall-ispejjeż indiretti, strateġija tal-awditjar waħda, portal għall-parteċipanti wieħed, eċċ., jiġu applikati b'mod simili fl-oqsma ta' politika l-oħra, eż. il-fondi strutturali; jisħaq li jkun tajjeb li l-benefiċjarji kollha tal-għotjiet jiġu ttrattati b'mod ġust u ugwali;

57.  Jappella lill-Istati Membri jagħmlu sforz addizzjonali bl-għan li jintlaħaq l-objettiv li 3 % tal-PDG jiġi investit fir-riċerka; iqis li dan kieku jagħti spinta lill-eċċellenza u l-innovazzjoni; jappella għalhekk lill-Kummissjoni biex teżamina l-possibbiltà li tipproponi Patt favur ix-Xjenza fil-livelli lokali, reġjonali u nazzjonali, billi tibni fuq id-dinamika li diġà nħolqot mill-Patt tas-Sindki;

58.  Jinsab imħasseb dwar il-fatt li, fir-rapporti ta' evalwazzjoni tagħhom, iż-żewġ aġenziji, l-REA u l-ERCEA, indikaw li ċ-ċirkwiti ta' feedback u l-komunikazzjoni bejn il-Kummissjoni u l-aġenziji eżekuttivi jistgħu jittejbu ulterjorment;

°

°  °

59.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-gvernijiet u l-parlamenti tal-Istati Membri, lill-Qorti Ewropea tal-Awdituri u lill-Kummissjoni;

(1)

  ĠU L 412, 30.12.2006, p. 1.

(2)

  ĠU L 347, 20.12.2013, p. 104.

(3)

  ĠU L 298, 26.10.2012, p. 1.

(4)

  ĠU C 373, 10.11.2015, p. 1.

(5)

  http://www.parliament.uk/business/committees/committees-a-z/commons-select/science-and-technology-committee/inquiries/parliament-2015/leaving-the-eu-inquiry-16-17/publications/

(6)

  Testi adottati, P8_TA(2016)0147.

(7)

  Regolament (UE) Nru 1291/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Diċembru 2013 li jistabbilixxi Orizzont 2020 - il-Programm Qafas għar-Riċerka u l-Innovazzjoni (2014-2020) u li jħassar id-Deċiżjoni Nru 1982/2006/KE (ĠU L 347, 20.12.2013, p. 104).

(8)

  Impenn u Koerenza, evalwazzjoni ex post tas-Seba' Programm Kwadru tal-UE, Novembru 2015 https://ec.europa.eu/research/evaluations/pdf/fp7_final_evaluation_expert_group_report.pdf

(9)

  Il-Kapitolu 7 tar-Regolament Finanzjarju.

(10)

  http://ec.europa.eu/atwork/synthesis/aar/doc/rtd_aar_2015.pdf, p. 33.

(11)

  COM(2016)0675, p. 18 u19.

(12)

  http://www.parliament.uk/business/committees/committees-a-z/commons-select/science-and-technology-committee/inquiries/parliament-2015/leaving-the-eu-inquiry-16-17/publications/

(13)

  Ir-Rapport ta' Monitoraġġ tal-2015 dwar Orizzont 2020, p. 21 f.


INFORMAZZJONI DWAR L-ADOZZJONIFIL-KUMITAT RESPONSABBLI

Data tal-adozzjoni

3.5.2017

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

22

0

0

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Nedzhmi Ali, Inés Ayala Sender, Martina Dlabajová, Luke Ming Flanagan, Cătălin Sorin Ivan, Arndt Kohn, Monica Macovei, Georgi Pirinski, José Ignacio Salafranca Sánchez-Neyra, Petri Sarvamaa, Bart Staes, Hannu Takkula, Indrek Tarand, Marco Valli, Derek Vaughan, Tomáš Zdechovský

Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali

Karin Kadenbach, Andrey Novakov, Julia Pitera, Patricija Šulin

Sostituti (skont l-Artikolu 200(2)) preżenti għall-votazzjoni finali

Lefteris Christoforou, Alfred Sant


VOTAZZJONI FINALI B'SEJĦA TAL-ISMIJIETFIL-KUMITAT RESPONSABBLI

22

+

ALDE

ECR

EFDD

GUE/NGL

PPE

S&D

Verts/ALE

Nedzhmi Ali, Martina Dlabajová, Hannu Takkula

Monica Macovei

Marco Valli

Luke Ming Flanagan

Lefteris Christoforou, Andrey Novakov, Julia Pitera, José Ignacio Salafranca Sánchez-Neyra, Petri Sarvamaa, Tomáš Zdechovský, Patricija Šulin

Inés Ayala Sender, Cătălin Sorin Ivan, Karin Kadenbach, Arndt Kohn, Georgi Pirinski, Alfred Sant, Derek Vaughan

Bart Staes, Indrek Tarand

0

-

 

 

0

0

 

 

Tifsira tas-simboli użati:

+  :  favur

-  :  kontra

0  :  astensjoni

Avviż legali