Proċedura : 2016/2240(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A8-0220/2017

Testi mressqa :

A8-0220/2017

Dibattiti :

PV 04/07/2017 - 19
CRE 04/07/2017 - 19

Votazzjonijiet :

PV 05/07/2017 - 8.11
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P8_TA(2017)0303

RAPPORT     
PDF 739kWORD 74k
13.6.2017
PE 599.563v01-00 A8-0220/2017

dwar lejn strateġija tal-UE għar-relazzjonijiet kulturali internazzjonali

(2016/2240(INI))

Kumitat għall-Affarijiet Barranin

Kumitat għall-Kultura u l-Edukazzjoni

Rapporteurs: Elmar Brok, Silvia Costa

(Proċedura ta' kumitati konġunti – Artikolu 55 tar-Regoli ta' Proċedura)

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW
 NOTA SPJEGATTIVA
 INFORMAZZJONI DWAR L-ADOZZJONIFIL-KUMITAT RESPONSABBLI
 VOTAZZJONI FINALI B'SEJĦA TAL-ISMIJIET FIL-KUMITAT RESPONSABBLI

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW

dwar lejn strateġija tal-UE għar-relazzjonijiet kulturali internazzjonali

(2016/2240(INI))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 167(3) u (4) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE),

‒  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tal-UNESCO tal-2005 dwar il-Protezzjoni u l-Promozzjoni tad-Diversità tal-Espressjonijiet Kulturali,

–  wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni 2347 tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti tal-24 ta' Marzu 2017,

–  wara li kkunsidra l-Aġenda tan-Nazzjonijiet Uniti tal-2030 għall-Iżvilupp Sostenibbli, b'mod partikolari l-Għanijiet ta' Żvilupp Sostenibbli 4 u 17,

‒  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni konġunta tal-Kummissjoni u tal-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà (RGħ/VP) lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill tat-8 ta' Ġunju 2016 bl-isem 'Lejn strateġija tal-UE għal relazzjonijiet kulturali internazzjonali' (JOIN(2016)0029),

‒  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-10 ta' Mejju 2007 dwar aġenda Ewropea għal kultura f'dinja li qed tiġi gglobalizzata (COM(2007)0242),

–  wara li kkunsidra l-Azzjoni Preparatorja għall-Kultura fir-Relazzjonijiet Esterni u r-rakkomandazzjonijiet tagħha(1),

–  wara li kkunsidra d-dokument bl-isem 'Shared Vision, Common Action: A Stronger Europe – A Global Strategy for the European Union's Foreign and Security Policy' (Viżjoni kondiviża, azzjoni komuni: Ewropa iktar b'saħħitha – Strateġija globali għall-Politika Estera u ta' Sigurtà tal-Unjoni Ewropea) ippreżentat mill-VP/RGħ fit-28 ta' Ġunju 2016,

‒  wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni tal-Kunsill tas-16 ta' Novembru 2007 dwar Aġenda Ewropea għall-Kultura(2),

‒  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kummissjoni dwar l-implimentazzjoni tal-Aġenda Ewropea għall-Kultura (COM(2010)0390),

‒  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-23 ta' Novembru 2016 dwar komunikazzjoni strateġika tal-UE biex tikkontrobatti l-propaganda kontriha minn partijiet terzi(3),

‒  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni Qafas tal-Kunsill tal-Ewropa dwar il-Valur tal-Wirt Kulturali għas-Soċjetà (Konvenzjoni ta' Faro) tal-2005(4),

‒  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tas-16 ta' Diċembru 2008 dwar il-promozzjoni tad-diversità kulturali u d-djalogu interkulturali fir-relazzjonijiet esterni tal-Unjoni u tal-Istati Membri tagħha(5),

‒  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-12 ta' Mejju 2011 dwar id-dimensjonijiet kulturali tal-azzjonijiet esterni tal-UE(6),

‒  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tad-19 ta' Jannar 2016 dwar ir-rwol tad-djalogu interkulturali, id-diversità kulturali u l-edukazzjoni fil-promozzjoni tal-valuri fundamentali tal-UE(7),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-24 ta' Novembru 2015 dwar ir-rwol tal-UE fin-NU - kif jistgħu jintlaħqu aħjar l-objettivi tal-UE fil-qasam tal-politika barranija(8),

‒  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tat-23 ta' Diċembru 2014 dwar Pjan ta' Ħidma għall-Kultura (2015–2018)(9),

‒  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tal-UNESCO dwar il-Protezzjoni tal-Patrimonju Dinji Kulturali u Naturali,

‒  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-8 ta' Settembru 2015 lejn approċċ integrat għall-wirt kulturali għall-Ewropa(10),

–  wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni CM/Res(2010)53, adottata mill-Kunsill tal-Ewropa, li tistabbilixxi Ftehim Parzjali Estiż (EPA) dwar Rotot Kulturali,

‒  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-13 ta' Diċembru 2016 dwar politika koerenti tal-UE għall-industriji kulturali u kreattivi(11),

‒  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-24 ta' Novembru 2015 dwar il-kultura fir-relazzjonijiet esterni tal-UE b'attenzjoni fuq il-kultura fil-kooperazzjoni għall-iżvilupp(12),

‒  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-30 ta' April 2015 dwar il-qerda ta' siti kulturali mwettqa mill-ISIS/Daesh, b'mod partikolari l-Artikolu 3 tagħha, li "[j]istieden lill-VP/RGħ tħaddem id-diplomazija kulturali u d-djalogu interkulturali bħala għodda f'dak l jirrigwarda r-rikonċiljazzjoni tal-komunitajiet differenti u r-rikostruzzjoni tas-siti meqruda"(13),

‒  wara li kkunsdra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-10 ta' April 2008 dwar aġenda Ewropea għall-kultura fl-era tal-globalizzazzjoni(14),

‒  wara li kkunsidra l-eżitu tat-3 502 laqgħa tal-Kunsill Edukazzjoni, Żgħażagħ, Kultura u Sport tal-21 u t-22 ta' Novembru 2016,

‒  wara li kkunsidra l-istudju tiegħu bl-isem 'Research for CULT Committee – European Cultural Institutes Abroad' (Ir-riċerka għall-Kumitat CULT – L-istituti kulturali Ewropej barra mill-UE)(15),

‒  wara li kkunsidra l-istudju tiegħu bl-isem 'Research for CULT Committee – European capitals of culture: success strategies and long-term effects' (Ir-riċerka għall-Kumitat CULT – Bliet kapitali Ewropej għall-kultura: strateġiji ta' suċċess u effetti fit-tul)(16),

‒  wara li kkunsidra l-istudju tal-2015 mitlub mis-Servizz tal-Kummissjoni tal-Istrumenti tal-Politika Barranija (FPI) bl-isem "Analiżi tal-perċezzjoni tal-UE u l-politiki tal-UE barra mill-pajjiż"(17),

‒  wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni dwar strateġija tal-UE għal relazzjonijiet kulturali internazzjonali,

‒  wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar strateġija tal-UE għal relazzjonijiet kulturali internazzjonali,

‒  wara li kkunsidra l-proposta għal deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar Sena Ewropea tal-Wirt Kulturali (2018) (COM(2016)0543),

‒  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar Korp Ewropew ta' Solidarjetà (COM(2016)0942),

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-14 ta' Diċembru 2015 dwar ir-Rieżami tal-Politika Ewropea tal-Viċinat,

–  wara li kkunsidra d-deċiżjoni tal-Qorti Kriminali Internazzjonali (QKI) tas-27 ta' Settembru 2016, li fiha, Ahmad Al Faqi Al Mahdi, instab ħati tal-qerda ta' bosta mawżolej f'Timbuktu, u li fiha ssentenzjat għall-ewwel darba, bi qbil mal-Istatut ta' Ruma, li l-qerda ta' patrimonju kulturali jista' jitqies bħala delitt tal-gwerra,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 52 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra d-deliberazzjonijiet konġunti tal-Kumitat għall-Affarijiet Barranin u tal-Kumitat għall-Kultura u l-Edukazzjoni skont l-Artikolu 55 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Barranin u l-opinjoni tal-Kumitat għall-Kultura u l-Edukazzjoni (A8-0220/2017),

A.  billi l-UE qed issir attur aktar prominenti fir-relazzjonijiet internazzjonali, u jenħtieġ li tixħet riżorsi u enerġija addizzjonali fil-promozzjoni tal-kultura komuni tagħha, tal-patrimonju kulturali, tal-kreazzjoni artistika u l-innovazzjoni fi ħdan id-diversità reġjonali, skont l-Artikolu 167 TFUE;

B.  billi l-UE hija attur prominenti fil-politika internazzjonali li għandha rwol dejjem akbar fl-affarijiet dinjija, anke permezz tal-promozzjoni tal-kultura u d-diversità lingwistika fir-relazzjonijiet internazzjonali;

C.  billi l-kultura għandha valur intrinsiku, u l-esperjenza tal-UE uriet li l-iskambji kulturali jistgħu jservu kemm biex jippromwovu l-objettivi esterni tagħha kif ukoll bħala pont b'saħħtu bejn il-popli ta' tradizzjonijiet etniċi, reliġjużi u soċjali differenti, mhux l-anqas billi ssaħħaħ id-djalogu interkulturali u interreliġjuż u l-fehim reċiproku, inkluż permezz tal-attivitajiet tas-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE); iqis, f'dan ir-rigward, li l-kultura jenħtieġ li ssir parti essenzjali mid-djalogu politiku mal-pajjiżi terzi u li hemm bżonn li l-kultura tiġi integrata b'mod sistematiku fi proġetti u programmi ta' żvilupp;

D.  billi, sabiex l-UE tkun tista' tippromwovi l-fehim interkulturali, jeħtieġ li tespandi l-għodod ta' komunikazzjoni komuni taħt il-forma ta' midja Ewropea ġenwina, bħal Arte, Euronews u Euranet;

E.  billi l-kultura u l-protezzjoni tal-kultura huma marbutin b'mod inseparabbli mar-rispett tad-drittijiet tal-bniedem u tal-libertajiet fundamentali;

F.  billi l-kooperazzjoni xjentifika tifforma element essenzjali tal-politika barranija bil-bini ta' konnessjonijiet bejn il-pajjiżi, bit-tisħiħ tal-kwalità tar-riċerka internazzjonali u billi tkabbar il-profil tad-diplomazija xjentifika;

G.  billi l-UE u l-Istati Membri tagħha għandhom varjetà ta' għeruq kulturali, lingwistiċi, storiċi u reliġjużi komuni, u billi bit-tislit ta' ispirazzjoni mill-patrimonju kulturali, reliġjuż u umanista Ewropew, huma rnexxilhom jiksbu unità fid-diversità; billi l-kultura u l-patrimonju kulturali Ewropew, kemm dak tanġibbli kif ukoll dak intanġibbli, jirrappreżentaw id-diversità tas-soċjetajiet u r-reġjuni Ewropej, tas-soċjetajiet ta' maġġoranza, kif ukoll tal-kulturi ta' minoranza tagħhom;

H.  billi d-"Dikjarazzjoni dwar il-promozzjoni taċ-ċittadinanza u l-valuri komuni tal-libertà, it-tolleranza u n-nondiskriminazzjoni permezz tal-edukazzjoni" adottata f'Pariġi f'Marzu 2015 tenfasizza l-ħtieġa li jitrawwem djalogu attiv bejn il-kulturi, kif ukoll solidarjetà globali u rispett reċiproku;

I.  billi tul l-istorja tal-UE, ir-relazzjonijiet kulturali kienu muturi fundamentali għall-koeżjoni soċjali u l-iżvilupp ekonomiku u uman sostenibbli, filwaqt li għandhom rwol kruċjali fit-tisħiħ tal-kapaċitajiet tas-soċjetà ċivili, u fil-kuntatti bejn il-persuni, u fil-prevenzjoni tar-radikalizzazzjoni, bil-għan li jħarsu l-patrimonju kulturali, jsaħħu l-proċessi ta' demokratizzazzjoni u jipparteċipaw fil-prevenzjoni, is-soluzzjoni u r-reżiljenza tal-kunflitti;

J.  billi d-diplomazija kulturali għandha tippromwovi d-diversità kulturali u lingwistika, inkluż il-preservazzjoni tal-lingwi minoritarji b'kunsiderazzjoni li dan jikkostitwixxi valur fih innifsu, u jikkontribwixxi għall-patrimonju kulturali Ewropew;

K.  billi d-drittijiet tal-bniedem jinkludu wkoll drittijiet kulturali, u billi għalhekk għandha tingħata attenzjoni ugwali għad-dritt ta' kull individwu li jieħu sehem fil-ħajja kulturali u li jgawdi l-kultura proprja tiegħu jew tagħha, filwaqt li jiġu rispettati d-drittijiet umani fundamentali ta' kulħadd;

L.  billi f'Diċembru 2014 tqiegħdu fis-seħħ miżuri restrittivi biex jiġi miġġieled in-negozju ta' oġġetti kulturali mis-Sirja; billi hemm bżonn ċar li jiġi stabbilit mekkaniżmu ta' rispons ta' emerġenza li jidentifika u jipprevjeni l-qerda ta' patrimonju kulturali u t-tneħħija ta' oġġetti kulturali, inkluż f'żoni jew f'pajjiżi ta' kunflitt, kif ukoll atti li jistgħu jintużaw f'sitwazzjonijiet ta' kunflitt biex jintimidaw jew jixxukkjaw, u li f'ċerti ċirkostanzi jistgħu jitqiesu bħala "tindif kulturali";

M.  billi l-kultura hi beni komuni, u t-tfassil ta' kunsens ġdid dwar l-iżvilupp għandu jinkludi riflessjoni dwar l-irkupru ta' beni pubbliċi komuni, inkluż permezz tal-kultura;

N.  billi l-UE u l-Istati Membri individwali jipprovdu aktar min nofs tal-għajnuna għall-iżvilupp globali, fatt li jimmerita li jiġi rikonoxxut;

O.  billi l-patrimonju kulturali hu wirt universali, u l-protezzjoni tiegħu, għalhekk hi prekundizzjoni għall-bini tal-paċi u r-reżiljenza;

P.  billi l-komunikazzjoni konġunta intitolata 'Lejn strateġija tal-UE għal relazzjonijiet kulturali internazzjonali' tipprovdi qafas għar-relazzjonijiet kulturali internazzjonali tal-UE; billi, madankollu, din tonqos milli tidentifika l-prijoritajiet tematiċi u ġeografiċi, l-objettivi u r-riżultati konkreti, il-gruppi fil-mira, l-interessi u l-inizjattivi komuni, id-dispożizzjonijiet ta' finanzjament, il-ġestjoni finanzjarja b'saħħitha, perspettiva lokali u reġjonali u l-modalitajiet ta' sfida u ta' implimentazzjoni;

Q.  billi l-kuntatti bejn il-persuni bħall-iskambji taż-żgħażagħ, ġemellaġġi ta' bliet u sħubijiet fil-qasam professjonali, kienu mezzi importanti għall-promozzjoni tal-fehim interkulturali u għandhom jiġu promossi mill-UE fir-relazzjonijiet ta' politika barranija;

R.  billi l-mobbiltà hi parti essenzjali mir-relazzjonijiet kulturali internazzjonali tal-UE, u teħtieġ il-ħolqien ta' mekkaniżmi li jiffaċilitaw l-aċċess għall-viża lejn u minn pajjiżi terzi għall-professjonisti kulturali, riċerkaturi, akkademiċi, għalliema, studenti u persunal u għan-netwerks tal-alumni ta' parteċipanti preċedenti fi programmi tal-UE(18);

S.  billi l-UE u l-istati tal-viċinat storikament influwenzaw lil xulxin fir-rigward tal-kultura;

T.  billi l-kooperazzjoni, it-taħriġ, il-mobbiltá tal-artisti u tal-professjonisti kulturali u ta' xogħlijiethom, inkluż permezz ta' netwerks Ewropej u internazzjonali, u r-residenzi tal-artisti huma fatturi ewlenin għat-tixrid u l-iskambju tal-kulturi u tal-arti Ewropej u mhux Ewropej u jeħtieġ li jiġu promossi u msaħħa;

U.  billi politika dwar il-viża għall-artisti u l-professjonisti kulturali hi ewlenija għall-kooperazzjoni b'suċċess u għaċ-ċirkolazzjoni ħielsa tax-xogħolijiet tagħhom, permezz tan-netwerks Ewropej u internazzjonali, kif ukoll biex jiġu żgurati l-programmi attivi ta' residenza tal-artisti li jinvolvu s-soċjetajiet ċivili fil-pajjiżi u r-reġjuni differenti tad-dinja;

V.  billi dan jista' jkun punt ta' tluq utli biex jittieħed rendikont ta' dak li nkiseb taħt "l-aġenda tal-UE għall-kultura" bil-għan li tkompli tiġi żviluppata u mtejba l-istrateġija, billi jiġu stabbiliti miri ċari u li jistgħu jitkejlu, prijoritajiet u riżultati realistiċi li jkunu konformi mal-partikolaritajiet tal-pajjiżi individwali, u billi wieħed jitgħallem mill-aħjar prattiki;

W.  billi, l-UE, bħala sieħba ewlenija tan-Nazzjonijiet Uniti, għandha taħdem mill-qrib mal-UNESCO biex tipproteġi l-patrimonju kulturali globali;

X.  billi l-koordinazzjoni fost il-programmi u r-riżorsi tal-UE għandhom isaħħu d-dimensjoni kulturali tar-relazzjonijiet internazzjonali tal-UE sabiex jinħoloq spazju kondiviż ta' djalogu għall-fehim u l-fiduċja transkulturali;

Y.  billi l-inizjattivi u l-azzjonijiet tal-UE għandhom ikunu aktar viżibbli f'pajjiżi terzi, inklużi f'dawk koperti mill-Politika Ewropea ta' Viċinat, u r-riżultati tagħhom għandhom jiġu attribwiti, valutati u mxerrda aħjar(19);

Z.  billi l-għadd ta' prodotti u servizzi mis-settur awdjoviżiv, kulturali u dak kreattiv qed jiżdied, kif qed jiżdied ukoll il-kontribut tagħhom għall-PGD u għaċ-ċirkolazzjoni internazzjonali;

AA.  billi bosta Rotot Kulturali Ewropej iċċertifikati mill-Kunsill tal-Ewropa jgħaddu minn pajjiżi fil-Viċinat tal-Lvant u tan-Nofsinhar tal-UE, kif ukoll minn pajjiżi kandidati u billi dan jikkontribwixxi għall-ħolqien ta' rabtiet bejn l-UE u l-pajjiżi tal-viċinat tagħha;

AB.  billi l-isforzi tal-Unjoni biex trawwem reżiljenza soċjetali billi tapprofondixxi l-ħidma dwar il-kultura, l-edukazzjoni u ż-żgħażagħ, tħeġġeġ il-pluraliżmu, il-koeżistenza u r-rispett;

Objettivi

1.  Jilqa' l-komunikazzjoni konġunta, li toffri ħarsa ġenerali tal-istrumenti, l-azzjonijiet, l-inizjattivi, il-programmi u l-proġetti kollha appoġġjati jew implimentati mill-UE u l-Istati Membri tagħha li d-denominatur komuni tagħhom huwa l-kultura; jitlob li tiġi żviluppata strateġija effettiva tal-UE għar-relazzjonijiet kulturali internazzjonali;

2.   Jirrikonoxxi li l-komunikazzjoni konġunta għandha l-għan li trawwem il-kooperazzjoni kulturali fi ħdan l-UE u mal-pajjiżi sħab tagħha u li tippromwovi ordni globali bbażat fuq iż-żamma tal-paċi, il-ġlieda kontra l-estremiżmu u r-radikalizzazzkjoni permezz tad-djalogu interkulturali u interreliġjuż, u dwar il-prevenzjoni tal-kunflitti b'osservanza tad-demokrazija, tal-istat tad-dritt, il-libertà tal-espressjoni, il-libertà artistika, il-fehim reċiproku, id-drittijiet tal-bniedem, id-diversità kulturali u lingwistika u l-valuri fundamentali; jenfasizza, barra minn hekk, ir-rwol importanti ta' diplomazija kulturali, u l-iskambju edukattiv u kulturali fit-tisħiħ ta' qafas komuni ta' valuri universali;

3.  Jirrikonoxxi l-isforzi mwettqa mis-SEAE, flimkien mal-Kummissjoni, biex tissaħħaħ id-dimensjoni esterna tal-politiki tax-xjenza u r-riċerka, u jħeġġeġ lill-Kummissjoni tippromwovi l-iżvilupp ta' diplomazija xjentifika ambizzjuża;

4.  Jitlob li d-drittijiet kulturali jiġu promossi bħala parti integrali mid-drittijiet fundamentali tal-bniedem, u li l-kultura titqies għall-valur intrinsiku tagħha bħala r-raba' pilastru awtonomu trasversali tal-iżvilupp sostenibbli flimkien mad-dimensjoni soċjali, ekonomika u dik ambjentali;

5.  Jilqa' l-approċċ tal-komunikazzjoni konġunta, li tidentifika tliet linji ta' ħidma: l-appoġġ tal-kultura bħala vettura għall-iżvilupp soċjali u ekonomiku sostenibbli; il-promozzjoni tal-kultura u tad-djalogu interkulturali għal relazzjonijiet interkomunitarji paċifiċi; u t-tisħiħ tal-kooperazzjoni dwar il-patrimonju kulturali;

6.  Jappella li l-libertà tal-espressjoni artistika tiġi promossa bħala valur u sforz tal-Unjoni Ewropea, bil-promozzjoni ta' djalogu ħieles u l-iskambju ta' prattiki tajba fil-livell internazzjonali;

7.   Jenfasizza li l-UE għandha esperjenzi multippli u diversi fil-governanza inklużiva u li s-saħħa tagħha tinsab fil-fatt li hija magħquda fid-diversità tagħha u li dan huwa fejn l-UE żżid fil-valur;

8.   Jirrikonoxxi li filwaqt li l-prinċipji ta' sussidjarjetà u proporzjonalità għandhom jiġu rispettati fil-qasam tal-kultura - b'kunsiderazzjoni ukoll tal-għeruq kulturali u ta' patrimonju komuni tal-UE u tal-Istati Membri, u r-riżultat ta' interazzjonijiet artistiċi u kulturali li tawlu s-snin - ħolqu attitudni għax-xogħol u l-kreazzjoni li flimkien għenu biex jinbena l-pedament ta' rispett għal u l-fehim ta' kulturi oħrajn;

9.   Jenfasizza li l-UE hija qasam fejn l-Istati Membri kollha jgħaqqdu l-forzi tagħhom biex ikollhom rwol aktar b'saħħtu fil-qasam tar-relazzjonijiet kulturali internazzjonali, billi jiksbu vantaġġ mill-benefiċċji ta' kooperazzjoni reċiproka;

10.   Jissuġġerixxi li kull Stat Membru jista' jniedi azzjonijiet konġunti flimkien mal-UE biex jiġi enfasizzat pajjiż differenti tal-UE kull sena, permezz ta' pereżempju esibizzjonijiet u koproduzzjonijiet, b'rwol speċjali mogħti lill-presidenza b'rotazzjoni, bil-għan li jitwassal valur intrinsiku addizzjonali għall-UE u għall-Istati Membri u biex tiżdied il-viżibbiltà tal-azzjonijiet u tal-inizjattivi tagħha barra mill-pajjiż, inkluż permezz ta' delegazzjonijiet mill-UE, bl-użu ta' riżorsi umani u finanzjarji speċifiċi għal dan il-għan;

11.  L-Istati Membri, speċjalment l-Istati Membri żgħar u l-istituzzjonijiet u l-atturi kulturali tagħhom, jistgħu jżidu l-valur tal-kisbiet kulturali tagħhom billi jużaw lill-UE biex jippromwovuhom u jxerrduhom lil hinn mill-Ewropa;

12.  Id-diplomazija kulturali tista' tiffunzjona bħala ambaxxatriċi tal-UE u tal-Istati Membri tagħha;

13.   Ifakkar, b'kunsiderazzjoni tal-patrimonju kulturali tanġibbli u intanġibbli, dwar l-importanza tal-kooperazzjoni fost l-Istati membri u l-istituzzjonijiet tal-UE f'termini ta' aċċessibbiltà għar-riċerka, il-promozzjoni, il-preservazzjoni u l-ġestjoni, u l-ġlieda kontra t-traffikar, is-sakkeġġ u l-qerda, inkluż permezz ta' fondi u assistenza dedikati, u permezz tal-kooperazzjoni transfruntiera tal-pulizija, kemm ġewwa kif ukoll barra mill-UE;

14.  Jenfasizza r-rwol tal-midja indipendenti fil-promozzjoni tad-diversità kulturali u l-kompetenzi interkulturali, u l-bżonn li tali midja tissaħħaħ bħala sors ta' informazzjoni kredibbli, speċjalment fil-viċinat tal-UE;

15.   Jilqa' l-fatt li l-komunikazzjoni konġunta tintroduċi industriji kulturali u kreattivi bħala element importanti tal-istrateġija tal-UE għar-relazzjonijiet kulturali internazzjonali; billi dawn l-industriji jikkontribwixxu għas-'soft-power' tal-Ewropa fir-rwol tagħhom ta' ambaxxaturi ta' valuri Ewropej, speċjalment fir-rigward taċ-ċentri kreattivi reġjonali u netwerks kulturali, u jirrakkomanda li dawn jiġu identifikati u jingħataw spinta kif ukoll li jiġu żviluppati l-ħiliet; jistieden lill-Kummissjoni taġġorna n-netwerks ta' aġenti u atturi kreattivi u kulturali, b'enfasi speċifiku fuq l-SMEs, id-distretti kreattivi Ewropej u pjattaformi kreattivi, bħala muturi ta' effetti multiplikaturi u ta' inovazzjoni, inkluż f'oqsma oħrajn;

16.  Jitlob lill-Kummissjoni u lill-VP/RGħ tidentifika "atturi kulturali" li jwettqu rwol integrali fl-implimentazzjoni tal-komunikazzjoni konġunta, tikkjarifika li dawn għandhom jinkludu, fost kategoriji oħrajn, l-artisti, il-professjonijisti kulturali u kreattivi, l-istituzzjonijiet kulturali, il-fondazzjonijiet privati u pubbliċi, l-universitajiet, u n-negozji kulturali u kreattivi;

Governanza u għodod

17.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-VP/RGħ jippreżentaw pjanijiet ta' azzjoni annwali u multiannwali f'dan il-qasam, li għandhom jinkludu azzjonijiet, prijoritajiet tematiċi u ġeografiċi strateġiċi u objettivi komuni, u li jsir rieżami perjodiku tal-implimentazzjoni tal-komunikazzjoni konġunta, li r-riżultati tagħha għandhom jiġu rrapportati lill-Parlament;

18.  Jenfasizza l-ħtieġa għal koerenza akbar fost il-politiki u l-azzjonijiet tal-UE li jinvolvu pajjiżi terzi; jenfasizza l-bżonn li jinsiltu r-riżultati tar-riċerka eżistenti, l-aħjar prattiki u inizjattivi u strumenti oħrajn iffinanzjati mill-UE fir-rigward tal-patrimonju kulturali li jista' jibbenefika l-kooperazzjoni ma' pajjiżi terzi; jappella għal sinerġiji msaħħa bejn l-atturi kollha involuti, u għal inizjattivi oħrajn iffinanzjati mill-UE, li jistgħu jkunu ta' benefiċċju biex jinkisbu l-objettivi tal-istrateġija, biex tkun garantita l-effiċjenza fir-riżorsi, l-eżiti ottimizzati u l-impatt imsaħħaħ tal-azzjonijiet u l-inizjattivi tal-UE; jirrakkomanda eżerċizzju ta' teħid ta' rendikont sabiex jiġi garantit approċċ effettiv;

19.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni, fil-qafas finanzjarju pluriennali li jmiss, tipprovdi linja baġitarja ddedikata għall-appoġġ ta' relazzjonijiet kulturali internazzjonali fil-programmi eżistenti u f'sejħiet futuri, speċjalment fil-ġenerazzjoni li jmiss ta' programmi dwar il-kultura u l-edukazzjoni, sabiex dawn ikunu jistgħu jiżviluppaw l-azzjoni internazzjonali tagħhom b'mod xieraq;

20.   Jipproponi li jitfassal programm iddedikat tal-UE u li r-riżorsi jiġu ffukati fuq il-mobbiltá u l-iskambji internazzjonali bħal programmi ta' residenza speċjalment għal professjonisti u artisti kulturali u kreattivi żgħażagħ;

21.  Jipproponi f'dan il-kuntest, li l-alumni u l-benefiċjarji preċedenti tal-Erasmus u ta' programmi edukattivi u ta' volontarjat ta' mobbiltà għandhom jiġu inkoraġġiti li jagħmlu użu mill-ħiliet u l-kompetenzi interkulturali għall-benefiċċju tal-oħrajn, u għandhom isiru atturi ta' influwenza fl-iżvilupp ta' sħubija fil-qasam tar-relazzjonijiet kulturali esterni;

22.  Jistieden lill-Kummissjoni tiżviluppa d-dimensjoni tat-turiżmu kulturali, permezz, pereżempju tat-tfassil u l-programmi tematiċi ta' skambju u l-aħjar prattiki sabiex jiffaċilita l-mobbiltà u l-iskambji internazzjonali ma' ċittadini minn pajjiżi terzi, kif ukoll dwar l-aċċess għal oġġetti kulturali;

23.  Jistieden lill-Kummissjoni u lis-SEAE jinkludu r-relazzjonijiet kulturali internazzjonali fl-istrumenti u l-programmi ta' kooperazzjoni internazzjonali b'mod orizzontali, u fil-kuntest tal-eżerċizzju tar-rieżami ta' nofs it-terminu, sabiex jiżguraw il-koerenza u sabiex ibiddlu r-relazzjonijiet kulturali internazzjonali f'għodda effiċjenti;

24.  Jistieden lill-Kummissjoni ssaħħaħ l-impatt tad-dimensjoni kulturali fir-relazzjonijiet internazzjonali bl-inklużjoni sistematika tad-dimensjoni kulturali fin-negozjati u fil-ftehimiet ta' assoċjazzjoni; jissottolinja l-bżonn li l-UE tfassal prinċipji ta' kondotta għas-sħab tal-kooperazzjoni fi proġetti transnazzjonali u għall-ħolqien ta' qafas flessibbli għall-faċilitazzjoni tal-kooperazzjoni kulturali transnazzjonali bit-tneħħija tal-ostakoli;

25.   Jistieden lill-Kummissjoni tappoġġja iktar ir-relazzjonijiet kulturali mal-pajjiżi tal-viċinat permezz ta' assistenza teknika, il-programmi ta' taħriġ għall-bini tal-kapaċità, l-iżvilupp ta' ħiliet u t-trasferiment tal-għarfien - anke fl-isfera tal-midja - u biex titjieb il-governanza u jiġu favoriti sħubijiet ġodda fil-livell nazzjonali, reġjonali, lokali u dak transkonfinali, filwaqt li jiġi provdut segwitu għall-programmi reġjonali fil-pajjiżi tal-viċiniat tan-Nofsinhar u tal-Lvant, inklużi l-Balkani tal-Punent;

26.  Jissottolinja l-fatt, li għal raġunijiet ta' sostenibbiltà, l-attivitajiet ta' finanzjament kulturali esterni tal-UE għandhom joħorġu minn parteċipazzjoni qawwija tas-sħab lokali, l-adattament tal-programmi għar-realtajiet lokali u bl-għoti ta' kunsiderazzjoni xierqa tal-perjodu ta' wara l-finanzjament għall-proġetti, inkluża t-tranżizzjoni għall-finanzjament nazzjonali u mudelli ta' introjtu oħrajn;

27.  Jenfasizza l-importanza ta' inizjattivi kulturali u tad-drittijiet tal-bniedem, li għandhom jimmiraw lejn il-ħolqien ta' professjonijiet kulturali f'pajjiżi jew f'reġjuni fejn id-drittijiet tagħhom huma mhedda; jappella li dawn il-programmi jiġu ffinanzjati b'mod konġunt mill-Fond Ewropew għad-Demokrazija u mill-Istrument Ewropew ta' Viċinat;

28.  Jenfasizza li soċjetà ċivili attiva f'pajjiżi sħab tista' tgħin konsiderevolment fit-tqassim tal-valuri promossi mill-UE, u għalhekk hu essenzjali li l-UE tkabbar l-appoġġ għall-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili fis-settur kulturali fil-pajjiżi sħab, meta tittratta r-relazzjonijiet bilaterali tagħha;

29.   Jappella lill-Kummisjsoni tinkludi l-kultura fil-ftehimiet bilaterali u multilaterali eżistenti u futuri, bi proviżżjonijiet baġitarji adegwati u b'rispett dovut għall-impenji magħmula skont il-Konvenzjoni tal-UNESCO dwar id-Diversità Kulturali, sabiex tingħata enfasi akbar fuq il-potenzjal ekonomiku tal-patrimonju kulturali u tas-setturi kulturali u kreattivi fil-promozzjoni tal-iżvilupp sostenibbli, inkluż fl-oqsma ta' tkabbir u impjiegi, u fuq l-impatt tagħhom fuq il-benesseri soċjali; jargumenta li dan jista' jsir, pereżempju, fil-mandat ta' negozjati li jmiss għal sħubija ġdida mal-pajjiżi AKP wara l-2020; jappella għall-iżvilupp ta' indikaturi tal-UE f'dan il-qasam bħala mezz li jingħata kontribut għad-dibattitu politiku kulturali;

30.  Jenfasizza l-importaza tal-mobbilta taż-żgħażagħ u tal-iskemi ta' kooperazzjoni universitarja, bħala miżuri ta' valur għoli għall-istabbiliment ta' relazzjonijiet akkademiċi u kulturali;

31.   Jistieden lill-Kummissjoni ssaħħaħ id-dimensjoni internazzjonali ta' Erasmus, Ewropa Kreattiva, Ewropa għaċ-ċittadini u Orizzont 2020; ifakkar, f'dan ir-rigward, ir-rwol kruċjali tal-programmi tal-UE fil-qasam tal-kultura, l-edukazzjoni, iż-żgħażagħ u l-isport bħala element ewlieni fil-ġlieda kontra l-intolleranza u l-preġudizzji, kif ukoll it-trawwim ta' sens ta' appartenenza komuni u rispett għad-diversità kulturali; jistieden lill-Kummissjoni tippromwovi, partikolarment fi ħdan il-kuntest tal-Politika Ewropea tal-Viċinat, il-parteċipazzjoni f'dawn il-programmi minn pajjiżi sħab l-eqreb lejn l-UE;

32.  Jirrikonoxxi l-isforzi tal-Kummissjoni għall-promozzjoni tar-rwol tax-xjenza, ir-riċerka, l-edukazzjoni u l-kooperazzjoni kulturali bħala għodda 'soft-power' fir-relazzjonijiet esterni Ewropej; jevidenzja kif l-iskambju xjentifiku u kulturali jista' jikkontribwixxi għall-bini ta' kapaċità u r-riżoluzzjoni tal-kunflitt, partikolarment fir-relazzjonijiet mal-pajjiżi tal-viċinat;

33.  Jistieden lill-Kummissjoni ssaħħaħ u tespandi l-COSME (il-programm tal-UE għall-Kompetittività tal-Intrapriżi, u l-intrapriżi żgħar u ta' daqs medju) biex tkopri l-istrateġija għar-relazzjonijiet kulturali internazzjonali, u biex issaħħaħ, permezz ta' programmi tematiċi tal-UE, SMEs attivi fis-settur kulturali fil-pajjiżi barra mill-UE;

34.  Jenfasizza r-rwol tal-Kumitat tar-Reġjuni u tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew, u r-rwol tal-awtoritajiet reġjonali u lokali, u tas-soċjetà ċivili, fil-formulazzjoni tal-istrateġija;

35.  Jenfasizza li l-Parlament għandu jkollu rwol attiv fil-promozzjoni tal-kultura fl-azzjoni esterna tal-UE, inkluż permezz tal-uffiċċji tal-informazzjoni u ta' kuntatt;

36.   Jistieden lill-Kummissjoni u lis-SEAE jaħtru 'punt ta' kuntatt' f'kull delegazzjoni tal-UE biex dan jikkollega mal-istituti kulturali nazzjonali, ir-rappreżentanti u s-soċjetajiet ċivili, l-atturi u l-awtoritajiet lokali fi proċess ta' djalogu strutturat immirat lejn l-identifikazzjoni konġunta ta' oqsma ta' prijorità, bżonnijiet u metodi ta' kooperazzjoni komuni, u biex jipprovdi baġit adegwat u taħriġ; jitlob lill-Kummissjoni u lis-SEAE jirrapportaw lill-Parlament dwar l-istat ta' implimentazzjoni u r-riżultati miksuba kull sentejn;

37.  Jitlob li jiġu allokati riżorsi umani u finanzjarji xierqa fis-SEAE għar-relazzjonijiet kulturali internazzjonali, biex b'hekk is-SEAE jiġi mgħammar bi rwol ta' mexxej katalitiku fis-servizzi differenti tal-UE li għandhom x'jaqsmu mar-relazzjonijiet kulturali internazzjonali;

38.  Jiffavorixxi relazzjonijiet kulturali internazzjonali bħala s-suġġett għall-edukazzjoni, it-taħriġ u r-riċerka, bil-għan li tinbena l-kapaċità tal-atturi f'dan il-qasam, kif ukoll biex tissaħħaħ il-parteċipazzjoni kulturali permezz tal-edukazzjoni, inkluż billi l-persunal tal-UE, jingħata t-taħriġ rilevanti dwar il-kompetenzi kulturali;

39.   Jappella li r-rwol tal-istituti kulturali tal-Istati Membri jiġi identifikat b'mod ċar fir-rigward tal-influwenza kulturali tal-UE barra mill-fruntieri tagħha, u fil-kuntest ta' narrativa inklużiva u kondiviża Ewropea, permezz tan-Netwerk tal-Istituti Nazzjonali għall-Kultura tal-UE (EUNIC) u ta' fora oħrajn, u jiffavorixxi approċċ inklużiv u ugwali lejn il-partijiet interessati kollha, inkluż is-soċjetà ċivili; ifaħħar, f'dan ir-rigward, ix-xogħol imwettaq sal-lum mill-istituzzjonijiet kulturali tal-Istati Membri; iħeġġeġ aktar kollaborazzjoni esterna bil-għan li l-interessi tal-Istati Membri jiġu ottimizzati, b'attenzjoni partikolari mogħtija lill-Istati Membri żgħar u Stati Membri mingħajr istituti kulturali barra mill-pajjiż, u l-bżonnijiet ta' rappreżentanza kulturali tagħhom;

40.  Jappella għat-tisħiħ tas-sħubija strateġika mal-UNESCO fl-implimentazzjoni tal-komunikazzjoni konġunta, billi tiġi sfruttata l-kredibbiltà tagħha fl-Ewropa u l-ilħiq globali tagħha sabiex jiġu mmultiplikati l-effetti tal-azzjonijiet konġunti mal-partijiet interessati kollha tal-UE u barra mill-UE, u biex jiġi kkunsidrat li din tiġi assoċjata mal-gruppi ta' ħidma jew bordijiet konsultattivi futuri sabiex tgħin fl-implimentazzjoni tal-komunikazzjoni;

41.   Jenfasizza l-bżonn li ssir definizzjoni mill-ġdid tar-rwol importanti tal-istituti kulturali nazzjonali fl-iskambji interkulturali, b'kunsiderazzjoni tal-fatt li uħud minnhom għandhom tradizzjonijiet twal u diversi kuntatti f'pajjiżi terzi, li jippermettulhom jservu ta' bażi solida għall-kooperazzjoni u l-komunikazzjoni fost l-atturi differenti Ewropej; jirrimarka, barra minn hekk, il-potenzjal tagħhom li jippromwovu u jiffaċilitaw ir-relazzjonijiet bilaterali bejn il-pajjiżi u fl-iżvilupp u l-implimentazzjoni ta' strateġija Ewropea għad-diplomazija kulturali;

42.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-VP/RGħ jappoġġjaw aktar l-iżvilupp ta' programm ta' studju EUVP (Unità tal-Programm ta' Żjarat tal-Unjoni Ewropea) personalizzat b'mod individwali, bħala għodda b'saħħitha għat-tisħiħ tad-djalogu, il-promozzjoni tad-demokrazija u l-forniment ta' pjattaforma permanenti għaż-żgħażagħ u l-mexxejja futuri u għal dawk li jiffurmaw l-opinjonijiet minn pajjiżi terzi, kif ukoll għal interlokuturi ewlenin fi ħdan l-istituzzjonijiet Ewropej u l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili;

43.  Jilqa' b'sodisfazzjon il-ħolqien tal-Pjattaforma ta' Diplomazija Kulturali, u jitlob li din issir sostenibbli, b'valutazzjoni regolari tal-objettivi, riżultati u governanza tagħha; jirrikonoxxi li diversi partijiet interessati istituzzjonali u mhux istituzzjonali differenti(20) huma attivi fil-qasam tar-relazzjonijiet kulturali internazzjonali, u jitlob lill-Kummissjoni tippromwovi djalogu strutturat bejn il-partijiet interessati kollha, inkluż permezz tal-metodu miftuħ ta' koordinazzjoni;

44.   Jitlob li jiġi stabbilit mingħajr dewmien mekkaniżmu ta' prevenzjoni, valutazzjoni, ta' rikostruzzjoni tal-patrimonju kulturali fil-perikolu, u valutazzjoni tat-telf, inkluż mekkaniżmu ta' emerġenza rapdiu għas-salvagwardja tal-patrimonju f'pajjiżi f'kunflitt, li jibni fuq l-esperjenza tal-inizjattiva tat-task force tal-Blue Helmets għall-Kultura tan-NU, f'kooperazzjoni mill-qrib u strutturata mal-UNESCO u bl-appoġġ teknoloġiku ta' Copernicus – il-Programm Ewropew ta' Osservazzjoni tad-Dinja; jilqa' f'dan ir-rigward, l-adozzjoni tar-Riżoluzzjoni 2347 tal-Kunsill ta' Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti,li tiddikjara li l-qerda ta' patrimonju kulturali tista' tikkostitwixxi delitt tal-gwerra, u jappella lill-UE u lis-SEAE jaħdmu mas-sħab kollha biex jikkontribwixxu għall-prevenzjoni tal-kunflitt, il-bini tal-paċi u l-proċessi ta' restawr u rikonċiljazzjoni fiż-żoni kollha milquta minn kunflitt;

45.  Jappella għal koordinazzjoni fil-livell tal-UE fil-ġlieda kontra t-traffikar illegali ta' oġġetti kulturali misruqa matul kunflitti armati u gwerer, u l-irkupru ta' tali oġġetti, b'rikonoxximent għall-fatt li tali koordinazzjoni għandha rwol ewlieni fl-isforzi biex jiġi imblukkat il-finanzjament ta' gruppi terroristiċi;

46.  Jenfasizza l-bżonn li tissaħħaħ is-sħubija strateġika UE-UNESCO bil-ħolqien ta' pjattaforma sostnuta għall-kooperazzjoni u komunikazzjoni dwar il-prijoritajiet kondiviżi, bil-għan li jiġu trattati b'mod effikaċi l-isfidi komuni fil-kultura u l-edukazzjoni;

47.  Jipproponi li fil-Forum Kulturali Ewropew tul il-Jiem Ewropej tal-Iżvilupp, tingħata attenzjoni speċjali lid-djalogu strutturat mas-soċjetà ċivili u mal-partijiet interessati dwar il-kwistjoni tar-relazzjonijiet kulturali internazzjonali tal-UE;

48.  Jistieden lill-Kummissjoni torganizza kollokju/forum speċifiku għall-atturi kulturali dwar il-kultura u l-iżvilupp, skont id-Dikjarazzjoni ta' Brussell UE-AKP ta' April 2009, u li din għandha tkun miftuħa għall-atturi mill-viċinat tal-UE u minn pajjiżi sħab strateġiċi oħrajn;

49.  Jikkunsidra d-deċiżjoni dwar Sena Ewropea tal-Patrimonju Kulturali 2018, bħala opportunità li tikkontribwixxi għall-promozzjoni tal-patrimonju kulturali, b'approċċ integrat, bħala element importanti tad-dimensjoni internazzjonali tal-UE, billi tkompli tibni fuq l-interess tal-pajjiżi sħab dwar il-patrimonju u l-għarfien espert tal-Ewropa;

50.  Jappella għal implimentazzjoni effikaċi tal-istrumenti legali li diġà hemm fis-seħħ, sabiex il-patrimonju kulturali, id-drittijiet tal-awtur u l-proprjetà intellettwali jiġu protetti; jitlob lill-Kummissjoni tippreżenta proposta leġiżlattiva li tkun maħsuba biex tirregola l-importazzjoni ta' beni kulturali fl-UE, b'mod partikolari beni kulturali minn żoni ta' kunflitt, u dan bħala mezz biex jiġi miġġieled it-traffikar;

51.  Jistieden lill-UE u lill-Istati Membri - li ffirmaw u rratifikaw, u b'hekk impenjaw ruħhom li jimplimentaw, il-Konvenzjoni tal-UNESCO dwar il-Protezzjoni u l-Promozzjoni tad-Diversità tal-Espressjonijiet Kulturali, tal-2005 - biex jappoġġjaw l-azzjonijiet komuni għall-implimentazzjoni tagħha;

Approċċ bejn il-persuni

52.  Jaqbel mal-proposta fil-komunikazzjoni konġunta biex issir bidla minn approċċ minn fuq għal isfel għal approċċ bejn il-persuni (P2P), billi jiġu enfasizzati l-proċessi ta' kokreazzjoni u koproduzzjoni fl-industriji kulturali u kreattivi; iqis li l-kultura għandha tilħaq liċ-ċittadini kollha;

53.   Jirrikonoxxi li ż-żgħażagħ huma wieħed mill-gruppi ta' mira ewlenin fl-UE u fil-pajjiżi sħab, u li l-esponiment għal kulturi u lingwi oħrajn toffri esperjenzi li spiss jiġġeneraw affinità tul il-ħajja, u jirrikonoxxi li l-arti tal-ispettaklu, l-arti viżiva, l-arti tat-triq, il-mużika, it-teatru, iċ-ċinema, il-letteratura u l-midja soċjali, kif ukoll il-pjattaformi diġitali b'mod ġenerali, huma l-aħjar kanali biex huma jintlaħqu u jiġu involuti;

54.  Jitlob li jiġu valorizzati l-proġetti konġunti bejn l-UE u l-pajjiżi terzi fil-qasam tar-riċerka u l-iżvilupp tad-diġitalizzazzjoni tal-patrimonju kulturali, anke sabiex jiġi ffaċilitat l-aċċess għall-għarfien, l-iżvilupp ta' servizzi u prodotti ġodda, u l-promozzjoni ta' turiżmu kulturali ġdid;

55.  Jappella li l-valur u r-rwol tal-kontenut kulturali, li l-Ewropa hi waħda mill-produtturi ewlenin tiegħu, jiġu integrati fil-politiki Ewropej, inkluż fis-settur diġitali, bil-għan li jinħolqu netwerks virtwali globali taċ-ċittadini, sabiex tiżdied il-parteċipazzjoni u l-iskambju kulturali;

56.  Jappella għall-ħolqien ta' inizjattiva ta' konnettività tal-UE li tassisti liż-żgħażagħ żvantaġġjati ġeografikament, sabiex dawn jitħallew jipparteċipaw b'mod aktar attiv;

57.  Jilqa' l-inizjattivi mill-Kummissjoni għall-promozzjoni ta' tagħlim bejn il-pari għall-intraprendituri kulturali żgħażagħ, bħall-programm Med Culture, jew tappoġġja inizjattivi għal taħriġ f'relazzjonijiet interkulturali, bħal More Europe;

58.   Jiffavorixxi miżuri li jagħmluha faċli kemm jista' jkun għal pajjiżi terzi biex jipparteċipaw aktar fi proġetti transfruntiera u konġunti bħar-Rotot Kulturali tal-Kunsill tal-Ewropa, kif ukoll biex jiġu inklużi bħala atturi fi strateġija futura ssuġġerita għad-delegazzjonijiet tal-UE f'pajjiżi terzi, biex b'hekk jitħallew jiksbu vantaġġ sħiħ għall-ħidma tagħhom f'attivitajiet kulturali ta' pajjiżi terzi tal-UE, bħall-Kapitali Ewropea tal-Kultura u l-Premju Lux; ifakkar li l-għodod diġitali, il-pjattaformi teknoloġiċi bħal Europeana u n-netwerks kulturali jista' jkollhom rwol kruċjali biex jintlaħqu udjenzi akbar u jinxterdu l-aħjar prattiki;

59.  Jappella għall-ħolqien ta' programm ta' viża kulturali, li jimxi fuq il-linji tal-Programm ta' Viża Xjentifika, għal ċittadini, artisti u professjonisti oħrajn fil-qasam kulturali, minn pajjiżi terzi, bil-għan li jiġu promossi relazzjonijiet kulturali u jitneħħew l-ostakoli għall-mobbiltà fis-settur tal-kultura;

60.  Jappella lill-Kummissjoni biex tagħti spinta lill-kollaborazzjoni mal-Kunsill tal-Ewropa, partikolarment fi programmi ddedikati biex jenfasizzaw il-kultura bħala vettura għad-demokrazija, id-djalogu interkulturali, il-patrimonju kulturali u d-dinja awdjoviżiva;

61.  Jirrikonoxxi l-ħtieġa għal għarfien fil-fond fil-qasam, u tal-atturi lokali u s-soċjetà ċivili, sabiex jitjieb l-aċċess għall-programmi u l-għoti ta' fondi ta' dawn l-atturi u biex jiġi żgurat li l-effett multiplikatur tal-parteċipazzjoni tagħhom fi programmi u inizjattivi tal-UE jiġi sfruttat; jirrakkomanda li jiġu kkonsultati l-atturi lokali, inklużi l-awtoritajiet lokali bil-ħsieb li jitfasslu programmi bi sħab; jitlob li jiġu żviluppati approċċi kollaborattivi innovattivi li jiddependu fuq l-għodod u n-netwerks li diġà jeżistu (għotjiet, sottogħotjiet)(21), u li dawn jiġu segwiti, filwaqt li jitqies il-bilanċ bejn il-ġeneri;

62.  Jirrikonoxxi li l-istrateġiji u l-programmi ta' żvilupp jiffukaw ħafna fuq il-privazzjoni materjali u soċjokulturali; jitlob li l-komunitajiet vulnerabbli, inkluż f'żoni rurali u remoti, jintlaħqu aħjar bil-għan li titrawwem il-koeżjoni soċjali;

63.  Jappella għal viżibbiltà mtejba u tqassim aħjar tal-attivitajiet tal-UE u tal-Istati Membri fil-qasam tal-kultura fil-livell internazzjonali, inkluż permezz tal-ħolqien ta' linji gwida komuni(22) u billi jintlaħqu l-udjenzi mira fil-lingwi nattivi tagħhom;

64.   Jappella għal bidla fl-approċċ fil-kopertura medjatika billi jħeġġeġ il-provviżjoni ta' informazzjoni kulturali Ewropea, bit-tnedija ta' portal kulturali tal-UE, festivals u t-tfassil tal-kunċett ta' Djar tal-Istorja Ewropea, inkluż permezz ta' parteċipazzjoni strutturata mal-pjattaformi tal-midja lokali u tal-midja soċjali, kif ukoll f'kooperazzjoni mal-EBU, EURONEWS u EURANET, fost l-oħrajn;

65.  Iħeġġeġ lill-UE tieħu vantaġġ sħiħ mill-potenzjal tar-riċerka multimedjali biex tifhem l-isfidi u l-opportunitajiet attwali fil-pajjiżi li qegħdin jiżviluppaw, inkluż dwar kwistjonijiet relatati mal-kultura u mal-valutazzjoni tar-rwol tal-kultura fl-iżvilupp u l-kooperazzjoni internazzjonali;

Strateġija globali tal-UE

66.   Jenfasizza r-rwol importanti tal-kultura fil-politika esterna tal-UE bħala forza ta' influwenza, katalist għaż-żamma tal-paċi, l-istabbiltà u r-rikonċiljazzjoni, u bħala magna għall-iżvilupp soċjoekonomiku u uman;

67.  Jenfasizza r-rwol kruċjali tal-edukazzjoni u l-kultura biex jitrawmu ċ-ċittadinanza u l-ħiliet interkulturali, kif ukoll biex jissawru prospetti soċjali, umani u ekonomiċi aħjar;

68.   Ifaħħar il-fatt li l-Istrateġija Globali tal-UE tenfasizza l-importanza tad-djalogu interkulturali u interreliġjuż fit-tisħiħ tal-fehim reċiproku; jiddispjaċih, madankollu, li l-valur intrinsiku tal-kultura u l-arti bħala strumenti ta' trażżin kontra r-radikalizzazzjoni, u t-terroriżmu ma jissemmiex; jitlob, għalhekk, li jissaħħu l-istrumenti ddedikati b'mod speċifiku għat-tisħiħ ta' u l-kooperazzjoni mas-settur kulturali;69.  Jappella lill-Kummissjoni ssaħħaħ il-kooperazzjoni tagħha mal-organizzazzjonijiet internazzjonali, bħan-Nazzjonijiet Uniti, il-UNESCO, l-Interpol, l-Organizzazzjoni Dinjija Doganali u l-Kunsill Internazzjonali tal-Mużewijiet, sabiex tissaħħaħ il-ġlieda kontra t-traffikar ta' beni kulturali li jista' jservi biex jiffinanzja l-attivitajiet kriminali, inkluż il-finanzjament ta' organizzazzjonijiet terroristiċi;

70.  Jistieden lill-VP/RGħ tagħti rwol speċifiku lill-kwistjonijiet kulturali fl-implimentazzjoni tal-pjan direzzjonali tal-Istrateġija Globali tal-UE;

71.  Jenfasizza li l-UE, li l-pedamenti tagħha huma msejsa fuq il-valuri tar-rispett għad-dinjità tal-bniedem, il-libertà, id-demokrazija, l-ugwaljanza, l-istat tad-dritt u r-rispett għad-drittijiet tal-bniedem, jeħtieġ li tibni fuq l-esperjenza tagħha u fuq il-lezzjonijiet tal-passat meta tiġi għall-politika esterna, u li dan għandu jkun rifless fl-iżvilupp tar-relazzjonijiet ma' pajjiżi terzi permezz tal-kultura u tal-patrimonju kulturali, jinnota f'dan ir-rigward li dan għandu jipprovdi opportunità ukoll biex l-UE tesponi u tesporta l-valuri kulturali tagħha;

72.  Jitlob li jkun hemm politiki kulturali u edukattivi mmirati li jistgħu jappoġġjaw l-objettivi tal-politika estera u ta' sigurtà tal-UE u jikkontribwixxu biex jissaħħu d-demokrazija, l-istat tad-dritt u l-protezzjoni tad-drittijiet tal-bniedem; ifakkar li l-2018 hu s-70 anniversarju tad-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem;

73.  Jirrikonoxxi li l-influwenza kulturali tal-UE jippermettilha tipproġetta l-viżibbiltà tagħha fi kwistjonijiet internazzjonali permezz tal-kanali tal-identità kulturali diversa tagħha;

74.  Ifakkar li l-edukazzjoni u l-kultura huma mexxejja fundamentali li jiffaċilitaw il-kisba tal-Għanijiet ta' Żvilupp Sostenibbli fl-2030, b'attenzjoni speċifika għar-riġenerazzjoni urbana u għall-bliet fl-Ewropa u fid-dinja; jappella, għalhekk għall-proposta ta' Kunsens Ewropew Ġdid għall-Iżvilupp li jenfasizza r-rwol tal-kultura u tal-protezzjoni u l-promozzjoni tal-espressjonijiet kulturali;

75.  Jitlob li jissaħħu r-relazzjonijiet kulturali internazzjonali fid-diskussjonijiet dwar il-politiki dwar il-migrazzjoni u r-rifuġjati; iħeġġeġ lill-UE, li s-saħħa tagħha hija li tkun magħquda fid-diversità, tadotta approċċ bilanċjat li jirrispetta d-differenzi kulturali, u li fih id-dijaspori jkollhom rwol importanti; jenfasizza li l-kultura għandha tkun pont għall-fehim reċiproku bil-ħsieb li ngħixu flimkien f'armonija akbar;

76.  Jirrikonoxxi li l-UE topera ukoll f'ambjenti speċifiċi fejn il-kuntest politiku u l-oqsfa ġuridiċi għall-ħolqien tar-relazzjonijiet kulturali huma ostili u ripressivi; jirrikonoxxi li fil-pajjiżi terzi, l-UE spiss tbati mill-konsegwenzi ta' informazzjoni mhux preċiża, parzjali u soġġettiva u spiss tkun il-mira ta' propaganda estrema; jappella għal miżuri speċjali u għal azzjoni xierqa f'dan ir-rigward;

77.  Jistieden lill-UE u lill-Istati Membri biex isaħħu r-riżorsi disponibbli għall-aċċess għall-edukazzjoni u l-kultura, partikolarment għal minorenni migranti u rifuġjati fl-UE u f'pajjiżi terzi; jitlob appoġġ għall-"kurituri edukattivi" għall-istudenti universitarji fl-universitajiet tal-UE (b'kollaborazzjoni ukoll mal-universitajiet telematiċi), dejjem bir-rispett għad-diversità lingwistika u kulturali;

78.  Jistieden lill-Kummissjoni u lis-SEAE irawmu r-relazzjonijiet kulturali mal-istati ġirien immedjati tal-UE bil-ħsieb li jiġu promossi azzjonijiet konkreti mmirati biex jistimulaw id-djalogu interkulturali(23) u li jiġu indirizzati l-kwistjonijiet tal-migrazzjoni, is-sigurtà u r-radikalizzazzjoni li qed tiffaċċja l-UE;

79.  Jirrakkomanda li l-UE taħdem mal-istituzzjonijiet rilevanti kollha li jaħdmu f'dan il-qasam u flimkien mas-sħab lokali biex tikseb l-objettivi tagħha fil-qasam tar-relazzjonijiet kulturali internazzjonali kemm permezz tal-kooperazzjoni multilaterali f'organizzazzjonijiet internazzjonali kif ukoll permezz ta' sħubijiet mal-atturi prinċipali fil-post;

80.  Jappella lill-Kummissjoni u lis-SEAE jsaħħu l-kooperazzjoni mal-Ftehim Parzjali Estiż dwar ir-Rotot Kulturali tal-Kunsill tal-Ewropa, li hu strument istituzzjonali għat-tisħiħ tar-relazzjonijiet kulturali lokali wkoll ma' pajjiżi terzi, bil-għan li jiġu promossi l-valuri fundamentali tad-diversità kulturali, id-djalogu interkulturali u l-iżvilupp sostenibbli tat-territorju ta' destinazzjonijiet kulturali anqas magħrufa, filwaqt li jiġi preservat il-patrimonju kulturali komuni tagħhom;

81.  Iħeġġeġ lill-UE taħdem mill-qrib mal-istati kollha li jikkondividu l-istess għanijiet u valuri tagħha u li huma lesti jaġixxu biex jappoġġjawhom; jenfasizza li dan huwa partikolarment importanti sabiex tiġi stabbilita azzjoni leġittima u stabbli biex l-UE tiġi rikonoxxuta bħala 'attur globali';

°

°  °

82.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Viċi President tal-Kummissjoni / ir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna kif ukoll lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri.

(1)

http://ec.europa.eu/culture/library/publications/global-cultural-citizenship_en.pdf

(2)

ĠU C 287, 29.11.2007, p. 1.

(3)

Testi adottati, P8_TA(2016)0441.

(4)

http://www.coe.int/en/web/conventions/full-list/-/conventions/treaty/199

(5)

ĠU C 320, 16.12.2008, p. 10.

(6)

ĠU C 377E, 7.12.2012, p. 135.

(7)

Testi adottati, P8_TA(2016)0005.

(8)

Testi adottati, P8_TA(2015)0403.

(9)

ĠU C 463, 23.12.2014, p. 4.

(10)

Testi adottati, P8_TA(2015)0293.

(11)

Testi adottati, P8_TA(2016)0486.

(12)

ĠU L 417, 15.12.2015, p. 41.

(13)

ĠU L 346, 21.9.2016, p. 55.

(14)

ĠU C 247 E, 15.10.2009, p. 32.

(15)

 http://www.europarl.europa.eu/RegData/etudes/STUD/2016/563418/IPOL_STU(2016)563418_EN.pdf

(16)

http://www.europarl.europa.eu/RegData/etudes/etudes/join/2013/513985/IPOL-CULT_ET(2013)513985_EN.pdf

(17)

http://ec.europa.eu/dgs/fpi/showcases/eu_perceptions_study_en.htm

(18)

Pereżempju, Erasmus, Orizzont 2020 u Ewropa Kreattiva.

(19)

Pereżempju, il-Programm tal-Viżitaturi tal-UE (EUVP) stabbilit fl-1974 mill-Parlament u l-Kummissjoni, huwa programm ta' studju individwali għal mexxejja żgħażagħ promettenti u fassala tal-opinjonijiet minn pajjiżi barra l-Unjoni Ewropea u l-motto tiegħu huwa "Ilna nikkondividu l-valuri tal-UE fid-dinja kollha mill-1974".

(20)

Id-Direttorati-Ġenerali tal-Kummissjoni, (b'mod partikolari d-DĠ Edukazzjoni, Żgħażagħ, Sport u Kultura (EAC), id-DĠ Kooperazzjoni Internazzjonali u Żvilupp (DEVCO), id-DĠ Viċinat u Negozjati għat-Tkabbir (NEAR), id-DĠ Riċerka u Innovazzjoni (RTD) u d-DĠ Netwerks tal-Komunikazzjonijiet, il-Kontenut u t-Teknoloġija (CONNECT)), is-SEAE, is-Servizz tal-Istrumenti tal-Politika Barranija (FPI), id-delegazzjonijiet tal-UE, id-delegazzjonijiet tal-Istati Membri, l-istituti kulturali tal-Istati Membri barra mill-pajjiż, il-Kunsill tal-Ewropa, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u l-Kumitat tar-Reġjuni, l-Istituti Nazzjonali tal-Unjoni Ewropea għall-Kultura (EUNIC), il-Kunsill Internazzjonali tal-Mużewijiet (ICOM), iċ-Ċentru Internazzjonali għall-Istudju tal-Preservazzjoni u r-Restawr tal-Proprjetà Kulturali (ICCROM), l-UNESCO, l-organizzazzjonijiet internazzjonali, l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, l-organizzazzjonijiet mhux governattivi, l-atturi lokali kulturali, l-artisti tat-triq u netwerks u pjattaformi oħrajn.

(21)

Pereżempju, il-programm iffinanzjat mill-UE Med Culture, li għandu l-għan li jiżviluppa u jtejjeb il-politiki u l-prattiki kulturali relatati mas-settur kulturali. L-approċċ parteċipattiv jinvolvi atturi tas-soċjetà ċivili, ministeri u istituzzjonijiet privati u pubbliċi li jaħdmu fil-qasam tal-kultura, kif ukoll f'setturi oħra relatati.

(22)

Suġġeriment wieħed hu l-ħolqien ta' "Ambaxxaturi għall-Kultura" li huma impenjati u li jappoġġjaw kemm l-integrazzjoni Ewropea u wkoll ir-relazzjonijiet internazzjonali (b'mod simili għal dak tal-Ambaxxaturi ta' Rieda Tajba tan-NU). Dawn jistgħu ikunu artisti, mużiċisti, kittieba, eċċ.

(23)

Bħal, pereżempju, il-proġett Young Arab Voice iffinanzjat mill-UE.


NOTA SPJEGATTIVA

Flimkien mal-pajjiżi sħab tagħha u l-Istati Membri tagħha, l-Unjoni Ewropea tippromwovi l-paċi, l-istabbiltá u l-benessri tal-popli tagħhom. Bid-destabbilizzazzjoni u d-diversi kriżijiet li qed taffaċċja d-dinja, li wieħed jaħseb f'modi ġodda kif tiġi indirizza d-diplomazija huwa essenzjali.

Għalhekk, l-Unjoni Ewropea, li s-saħħa tagħha tinsab f'li hi magħquda fid-diversità tagħha, jeħtieġ li ssib modi innovattivi biex tinvolvi l-partijiet billi toħloq spazju ta' djalogu u ta' tqajjim ta' kuxjenza. Il-kultura hija dritt fundamentali għall-individwi: din tgħin biex jinħoloq sodisfazzjoni individwali u kollettiv fis-soċjetajiet. Il-kultura ilha għal ħafna snin karatteristika strateġika standard tar-relazzjonijiet internazzjonali tal-UE(1) u hija settur rikonoxxut ta' kooperazzjoni b'approċċ trasversali kemm fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw kif ukoll f'dawk żviluppati(2). Il-promozzjoni tar-relazzjonijiet kulturali internazzjonali bħala għodda ta' influwenza hija essenzjali b'mod pożittiv. Dan għandu jimxi id f'id mar-reċiproċità: ir-relazzjonijiet kulturali internazzjonali għandhom l-għan kemm li jikkontribwixxu għat-tisħiħ tal-valuri Ewropej fil-bqija tad-dinja kif ukoll li jqajmu l-kuxjenza dwar kulturi oħrajn fost iċ-ċittadini Ewropej u l-kapaċità tagħna li nitgħallmu minnhom.

Il-Kummissjoni Ewropea u r-Rappreżentant Għoli fit-8 ta' Ġunju 2016 ippreżentaw il-Komunikazzjoni Konġunta "Lejn strateġija tal-UE għal relazzjonijiet kulturali internazzjonali"(3). Din għandha l-għan li tinkoraġġixxi l-kooperazzjoni kulturali bejn l-UE u l-pajjiżi sħab tagħha; u li tippromwovi ordni globali bbażat fuq il-paċi, l-istat tad-dritt, il-libertà tal-espressjoni, id-djalogu interkulturali u interreliġjuż, il-fehim reċiproku u r-rispett għall-valuri fundamentali.

Fl-2011, fir-riżoluzzjoni tiegħu tat-12 ta' Mejju 2011 dwar id-dimensjonijiet kulturali tal-azzjonijiet esterni tal-UE (2010/2161(INI)) il-Parlament Ewropew afferma mill-ġdid l-importanza tal-kultura fil-politiki esterni u esprima tħassib dwar il-frammentazzjoni tal-politiki u l-proġetti kulturali esterni tal-UE. Għalhekk talab għal "l-iżvilupp ta' strateġija komuni viżibbli tal-UE għall-aspetti kulturali tar-relazzjonijiet esterni tal-UE". Huwa talab li jkun hemm portal tal-internet ċentrali li għandu jkollu fih informazzjoni dwar il-programmi ta' għoti ta' fondi u l-avvenimenti kulturali rilevanti u talab li jkun hemm strutturi ddedikati għall-kultura fis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE) u persunal iddedikat fid-delegazzjonijiet tal-UE.

Barra minn hekk, fit-tħejjija tal-baġit għall-2013, il-PE vvota għal azzjoni preparatorja għall-kultura fir-relazzjonijiet esterni. Taħt din l-azzjoni preparatorja, tħejja studju li kien ibbażat fuq proċess estensiv ta' ġbir ta' informazzjoni u ta' konsultazzjoni li involva firxa wiesgħa ta' partijiet ikkonċernati mill-UE kif ukoll minn barra l-UE. Dan ġie ppreżentat u diskuss f'konferenza f'April 2014 u alimenta l-iżvilupp tal-istrateġija attwali.

Fil-konklużjonijiet tal-Kunsill tat-23 ta' Diċembru 2014 dwar Pjan ta' Ħidma għall-Kultura (2015–2018), il-Kunsill skeda aktar passi lejn approċċ strateġiku għall-kultura fir-relazzjonijiet esterni tal-UE, bħal studju dwar il-programmi eżistenti disponibbli għall-kultura għall-pajjiżi tal-Politika Ewropea tal-Viċinat (PEV) u laqgħat informali konġunti ta' uffiċjali għoljin mill-Istati Membri li jaħdmu fil-ministeri tal-kultura u/jew tal-affarijiet barranin u attivitajiet ta' segwitu dwar l-azzjoni preparatorja.

Bħala tweġiba għall-Komunikazzjoni konġunta, il-Parlament Ewropew iddeċieda li jħejji, taħt il-kappa tal-Kumitati CULT u AFET, dan ir-rapport fuq inizjattiva proprja. Ir-rapport jippreżenta l-objettivi tiegħu u jipproponi serje ta' azzjonijiet u rakkomandazzjonijiet konkreti fil-parti "governanza u għodod"; dan jinkludi wkoll rakkomandazzjoni li l-UE għandha tadotta fid-dawl tal-istabbiliment ta' strateġija futura dwar ir-relazzjonijiet kulturali internazzjonali.

Ir-rapport konġunt huwa strutturat madwar erba' elementi:

•  L-objettivi

•  Governanza u għodod

•  Approċċ interpersonali

•  Strateġija globali tal-UE

Ir-rapport jitlob li d-drittijiet kulturali jiġu promossi bħala parti integrali tad-drittijiet fundamentali tal-bniedem; u li l-kultura titqies għall-valur intrinsiku tagħha bħala r-raba' pilastru awtonomu u trasversali tal-iżvilupp sostenibbli flimkien mad-dimensjoni soċjali, ekonomika u dik ambjentali.

Wara li jirrikonoxxi li hija meħtieġa koerenza mtejba fost il-politiki u l-azzjonijiet tal-UE għall-pajjiżi terzi, ir-rapport jitlob sinerġiji mtejba bejn l-atturi involuti kollha, inklużi l-Istati Membri, l-organizzazzjonijiet internazzjonali u l-awtoritajiet lokali, sabiex tiġi żgurata l-effiċjenza tar-riżorsi. Ir-rapport jitlob lill-UE u lill-Istati Membri jgħaqqdu l-forzi tagħhom: il-presidenza rotatorja ta' kull Stat Membru tista' tnedi azzjonijiet konġunti flimkien mal-UE, bħal wirjiet u festivals, b'mod partikolari għall-pajjiżi bl-ebda rappreżentanza kulturali barra l-pajjiż. Huwa jirrakkomanda wkoll li jiġu ddedikati riżorsi umani u finanzjarji xierqa lis-SEAE u lill-Kummissjoni u li jinħatar "punt ta' kuntatt" f'kull delegazzjoni tal-UE biex dan jikkolega mal-partijiet ikkonċernati rilevanti u jippromwovi li r-relazzjonijiet kulturali internazzjonali jsiru suġġett għall-edukazzjoni, it-taħriġ u r-riċerka sabiex jitjieb il-bini tal-kapaċità tal-atturi f'dan il-qasam. Ir-rapport jitlob ukoll li jkun hemm qafas ċar għar-rwol tal-istituti kulturali tal-Istati Membri, permezz tal-EUNIC, u ta' netwerks oħra, u huwa favur approċċ inklużiv u ugwali għall-partijiet ikkonċernati kollha.

Ir-rapport jitlob lill-Kummissjoni u lill-VP/RGħ jippreżentaw pjanijiet ta' azzjoni annwali u multiannwali b'azzjonijiet, prijoritajiet tematiċi u ġeografiċi strateġiċi u objettivi komuni u li jsir rieżami perjodiku tal-implimentazzjoni tal-Komunikazzjoni Konġunta u biex dawn jirrapportaw lill-PE;

Huwa jitlob ukoll li l-kultura tiddaħħal fil-ftehimiet kollha bilaterali u multilaterali ta' kooperazzjoni eżistenti u futuri flimkien ma' baġits adegwati, u li tissaħħaħ id-dimensjoni internazzjonali b'mod partikolari f'Erasmus, Ewropa Kreattiva u Orizzont 2020.

Ir-rapport jipproponi t-tfassil ta' programm u riżorsi ddedikati tal-UE li jkunu ffukati fuq il-mobbiltá u l-iskambji internazzjonali, b'mod speċjali għall-professjonisti u l-artisti kulturali u kreattivi żgħażagħ bħal programmi ta' residenza;

Assi importanti ieħor indirizzat mir-rapport huwa l-ħtieġa li jiġu involuti ċ-ċittadini, il-partijiet ikkonċernati, in-netwerks, is-soċjetà ċivili u l-organizzazzjonijiet nongovernattivi, sabiex jitjieb l-aċċess tagħhom għall-programmi u l-finanzjament, b'mod partikolari l-importanza li jkun hemm bidla minn approċċ minn fuq għal isfel għal approċċ interpersonali. Għandha titqies iktar is-setgħa tas-soċjetà ċivili li tfittex li tikseb skambju interkulturali, djalogu interpersonali, inizjattivi għall-konsolidazzjoni tal-paċi u t-tisħiħ tal-koeżjoni soċjali. L-arti huma għodda b'saħħitha biex jagħmlu li dan iseħħ. L-UE tista' tkun attur ewlieni f'tali skambji: hija kapaċi tiżviluppa, tappoġġja u tiskambja l-aħjar prattiki.

Għandha tingħata attenzjoni partikolari lill-attivitajiet taż-żgħażagħ (eż. l-artisti lokali, l-isport b'parteċipazzjoni tal-massa) u lill-modi li bihom l-attivitajiet tagħhom jikkostitwixxu ħsieb kritiku ħafna u independenti u jinfluwenzaw kemm il-ħajja tagħhom ta' kuljum kif ukoll ir-relazzjonijiet bejn il-popli.

Għalhekk, ir-rapport jirrakkomanda l-konsultazzjoni bikrija tal-atturi lokali u l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, u li wieħed ikun jista' joqgħod fuq l-għarfien espert u n-netwerks diġà eżistenti permezz tal-promozzjoni ta' djalogu strutturat; Minbarra r-rakkomandazzjonijiet imsemmija hawn fuq, ir-rapport ifakkar li l-attivitajiet tal-UE fil-qasam tal-kultura fil-livell internazzjonali għandhom ikunu aktar viżibbli u għandhom jinxterdu aħjar.

Barra minn hekk, ir-rabta mal-Istrateġija Globali tal-UE hija fundamentali fir-rapport. Din hija ferm meħtieġa meta niġu għad-djalogu interkulturali u interreliġjuż. It-tisħiħ tad-djalogu bejn il-komunitajiet reliġjużi huwa essenzjali biex jitrawwem fehim reċiproku fid-dawl tal-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-estremiżmu, ir-radikalizzazzjoni u l-marġinalizzazzjoni. L-enfasi huwa fuq ir-rikonoxximent, il-fehim u t-tolleranza ta' kulturi oħrajn fuq il-bażi ta' etika globali vinkolanti msejsa fuq valuri universali u r-rispett reċiproku lil hinn mill-fruntieri kulturali (UNESCO).

Ir-rapport jitlob lill-UE tikkollabora mill-qrib ma' dawk l-istati kollha li jikkondividu l-istess miri u valuri u li huma lesti jaġixxu biex jappoġġjawhom; dan huwa partikolarment importanti sabiex tiġi stabbilita azzjoni leġittima u stabbli biex l-UE tiġi rikonoxxuta bħala "attur globali";

(1)

"Aġenda Ewropea għal kultura f'dinja li qed tiġi gglobalizzata" (COM(2007)0242).

(2)

Rapport tal-Kummissjoni dwar l-implimentazzjoni tal-Aġenda Ewropea għall-Kultura (COM(2010)0390).

(3)

http://eur-lex.europa.eu/legal-content/MT/TXT/?uri=CELEX:52016JC0029


INFORMAZZJONI DWAR L-ADOZZJONIFIL-KUMITAT RESPONSABBLI

Data tal-adozzjoni

30.5.2017

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

62

13

4

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Michèle Alliot-Marie, Nikos Androulakis, Petras Auštrevičius, Andrea Bocskor, Mario Borghezio, Victor Boştinaru, Klaus Buchner, James Carver, Fabio Massimo Castaldo, Nikolaos Chountis, Silvia Costa, Javier Couso Permuy, Andi Cristea, Arnaud Danjean, Angel Dzhambazki, Georgios Epitideios, Knut Fleckenstein, Anna Elżbieta Fotyga, Eugen Freund, Michael Gahler, María Teresa Giménez Barbat, Giorgos Grammatikakis, Iveta Grigule, Sandra Kalniete, Petra Kammerevert, Manolis Kefalogiannis, Janusz Korwin-Mikke, Eduard Kukan, Ilhan Kyuchyuk, Ryszard Antoni Legutko, Sabine Lösing, Ulrike Lunacek, Svetoslav Hristov Malinov, Andrejs Mamikins, David McAllister, Tamás Meszerics, Francisco José Millán Mon, Luigi Morgano, Javier Nart, Momchil Nekov, Pier Antonio Panzeri, Demetris Papadakis, Alojz Peterle, Tonino Picula, Kati Piri, Julia Pitera, Cristian Dan Preda, Jozo Radoš, Jordi Solé, Jaromír Štětina, Dubravka Šuica, Charles Tannock, Helga Trüpel, Miguel Urbán Crespo, Ivo Vajgl, Geoffrey Van Orden, Sabine Verheyen, Anders Primdahl Vistisen, Boris Zala, Bogdan Andrzej Zdrojewski, Krystyna Łybacka

Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali

Laima Liucija Andrikienė, Neena Gill, Marek Jurek, Antonio López-Istúriz White, Morten Løkkegaard, David Martin, Norica Nicolai, Soraya Post, Marietje Schaake, Jean-Luc Schaffhauser, Igor Šoltes, Bodil Valero, Marie-Christine Vergiat

Sostituti (skont l-Artikolu 200(2)) preżenti għall-votazzjoni finali

Ramona Nicole Mănescu, Josep-Maria Terricabras, Vladimir Urutchev, Jarosław Wałęsa, Flavio Zanonato


VOTAZZJONI FINALI B'SEJĦA TAL-ISMIJIET FIL-KUMITAT RESPONSABBLI

62

+

ALDE

Petras Auštrevičius, María Teresa Giménez Barbat, Iveta Grigule, Ilhan Kyuchyuk, Morten Løkkegaard, Javier Nart, Norica Nicolai, Jozo Radoš, Marietje Schaake, Ivo Vajgl

EFDD

Fabio Massimo Castaldo

PPE

Michèle Alliot-Marie, Laima Liucija Andrikienė, Andrea Bocskor, Arnaud Danjean, Michael Gahler, Sandra Kalniete, Manolis Kefalogiannis, Eduard Kukan, Antonio López-Istúriz White, Svetoslav Hristov Malinov, Ramona Nicole Mănescu, David McAllister, Francisco José Millán Mon, Alojz Peterle, Julia Pitera, Cristian Dan Preda, Jaromír Štětina, Dubravka Šuica, Vladimir Urutchev, Sabine Verheyen, Jarosław Wałęsa, Bogdan Andrzej Zdrojewski

S&D

Nikos Androulakis, Victor Boştinaru, Silvia Costa, Andi Cristea, Knut Fleckenstein, Eugen Freund, Neena Gill, Giorgos Grammatikakis, Petra Kammerevert, Krystyna Łybacka, Andrejs Mamikins, David Martin, Luigi Morgano, Momchil Nekov, Pier Antonio Panzeri, Demetris Papadakis, Tonino Picula, Kati Piri, Soraya Post, Boris Zala, Flavio Zanonato

Verts/ALE

Klaus Buchner, Ulrike Lunacek, Tamás Meszerics, Igor Šoltes, Jordi Solé, Josep-Maria Terricabras, Helga Trüpel, Bodil Valero

13

-

ECR

Angel Dzhambazki, Anna Elżbieta Fotyga, Marek Jurek, Ryszard Antoni Legutko, Charles Tannock, Geoffrey Van Orden, Anders Primdahl Vistisen

EFDD

James Carver

ENF

Mario Borghezio, Jean-Luc Schaffhauser

GUE/NGL

Nikolaos Chountis

NI

Georgios Epitideios, Janusz Korwin-Mikke

4

0

GUE/NGL

Javier Couso Permuy, Sabine Lösing, Miguel Urbán Crespo, Marie-Christine Vergiat

Tifsira tas-simboli użati:

+  :  favur

-  :  kontra

0  :  astensjoni

Avviż legali