Proċedura : 2016/2066(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A8-0238/2017

Testi mressqa :

A8-0238/2017

Dibattiti :

Votazzjonijiet :

PV 12/09/2017 - 7.6

Testi adottati :

P8_TA(2017)0321

RAPPORT     
PDF 653kWORD 57k
27.6.2017
PE 595.445v02-00 A8-0238/2017

dwar l-implimentazzjoni tad-Direttiva 2008/52/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta' Mejju 2008 dwar ċerti aspetti tal-medjazzjoni f'materji ċivili u kummerċjali (id-"Direttiva dwar il-Medjazzjoni")

(2016/2066(INI))

Kumitat għall-Affarijiet Legali

Rapporteur: Kostas Chrysogonos

NOTA SPJEGATTIVA - SOMMARJU TAL-FATTI U S-SEJBIET
 MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW
 INFORMAZZJONI DWAR L-ADOZZJONIFIL-KUMITAT RESPONSABBLI
 VOTAZZJONI FINALI B'SEJĦA TAL-ISMIJIETFIL-KUMITAT RESPONSABBLI

NOTA SPJEGATTIVA - SOMMARJU TAL-FATTI U S-SEJBIET

I.  Għan

Id-Direttiva dwar il-Medjazzjoni għandha bħala l-għan tagħha l-faċilitazzjoni tal-aċċess għal soluzzjoni tat-tilwim alternattiva u l-promozzjoni tas-soluzzjoni amikevoli tat-tilwim, billi tħeġġeġ l-użu tal-medjazzjoni kif ukoll ta' relazzjoni bilanċjata bejn il-medjazzjoni u l-proċedimenti ġudizzjarji.

Skont l-Artikolu 11 tad-Direttiva 2008/52/KE, il-Kummissjoni hi meħtieġa tippreżenta rapport lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill u lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar l-applikazzjoni tad-Direttiva, li jqis l-iżvilupp tal-medjazzjoni fl-Unjoni Ewropea kollha u l-impatt tad-Direttiva fl-Istati Membri.

Il-Kumitat għall-Affarijiet Legali jsostni li rapport ta' implimentazzjoni abbażi tar-rapport tal-Kummissjoni jkun jirrappreżenta opportunità f'waqtha sabiex jiġi vvalutat l-impatt li d-Direttiva dwar il-Medjazzjoni, kif implimentata u infurzata mill-Istati Membri, kellha fuq iċ-ċittadini u n-negozji sa mid-dħul fis-seħħ tagħha u biex jagħmel rakkomandazzjonijiet konkreti.

II.  Sorsi ta' informazzjoni

Dan ir-rapport fuq inizjattiva proprja dwar l-implimentazzjoni tad-Direttiva dwar il-Medjazzjoni 2008/52/KE huwa bbażat fuq informazzjoni miġbura minn sorsi differenti, inklużi:

  Kompilazzjoni tal-2016 ta' analiżi fil-fond mid-Dipartiment Tematiku C fil-kuntest ta' sessjoni ta' ħidma tal-Kumitat għall-Affarijiet Legali dwar l-implimentazzjoni tad-Direttiva dwar il-Medjazzjoni fid-29 ta' Novembru 2016;

  Valutazzjoni tal-Implimentazzjoni Ewropea tal-2016 mis-Servizz ta' Riċerka tal-Parlament Ewropew dwar l-implimentazzjoni tad-Direttiva dwar il-Medjazzjoni u l-applikazzjoni tagħha fl-Istati Membri sa mill-2008;

  Rapport tal-2016 mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar l-applikazzjoni tad-Direttiva 2008/52/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar ċerti aspetti ta' medjazzjoni f'materji ċivili u kummerċjali;

  Studju tal-2013 dwar l-implimentazzjoni tad-Direttiva dwar il-Medjazzjoni mwettaq f'isem il-Kummissjoni u aġġornat fl-2016;(1)

III.  Sejbiet ewlenin

Abbażi tas-sorsi komparattivi tal-informazzjoni hawn fuq, joħroġ ċar li:

•  kważi l-Istati Membri kollha għażlu li jestendu r-rekwiżiti tad-Direttiva għal każijiet domestiċi;(2)

•  għadd ta' Stati Membri jippermettu l-użu ta' medjazzjoni f'materji ċivili u kummerċjali, inklużi kwistjonijiet tal-familja u l-impjieg, filwaqt li ma jeskludux b'mod espliċitu medjazzjoni f'materji ta' dħul, doganali jew amministrattivi jew għar-responsabbiltà tal-Istat għal atti u ommissjonijiet fl-eżerċizzju tal-awtorità tal-Istat;(3)

•  l-Istati Membri kollha jipprevedu l-possibbiltà li l-qrati jistiednu lill-partijiet biex jużaw il-medjazzjoni, bi ħmistax-il Stat Membru(4) jintroduċu l-possibbiltà li l-qrati jistiednu lill-partijiet għal sessjonijiet ta' informazzjoni dwar il-medjazzjoni;

•  inqas minn nofs l-Istati Membri introduċew obbligu fil-liġijiet nazzjonali tagħhom biex ixerrdu informazzjoni dwar il-medjazzjoni;(5)

•  tmintax-il Stat Membru introduċew mekkaniżmi ta' kontroll tal-kwalità vinkolanti;(6)

•  dsatax-il Stat Membru jeħtieġu l-iżvilupp ta' kodiċijiet ta' kondotta u l-adeżjoni magħhom;(7)

•  sbatax-il Stat Membru jinkoraġġixxu t-taħriġ jew jirregolawh fil-leġiżlazzjoni nazzjonali tagħhom;(8)

IV.  Relazzjoni bilanċjata bejn il-medjazzjoni u l-proċedimenti ġudizzjarji

Il-prinċipju ta' aċċess għall-ġustizzja huwa fundamentali u wieħed mill-għanijiet ewlenin tal-politika tal-UE fil-qasam tal-kooperazzjoni fil-ġustizzja ċivili. Il-Kunsill Ewropew fil-laqgħa tiegħu f'Tampere fil-15 u s-16 ta' Ottubru 1999 appella għal proċedimenti extra ġudizzjarji alternattivi li għandhom jinħolqu mill-Istati Membri bil-ħsieb li jiġi ffaċilitat aċċess aħjar għall-ġustizzja. Sistemi ta' ġustizzja effikaċi u effiċjenti huma ta' importanza fundamentali għall-funzjonament tajjeb tas-suq intern, għall-istabbiltà ekonomika, għall-investiment u għall-kompetittività. Dawn irawmu fiduċja fi tranżazzjonijiet kummerċjali, jiffaċilitaw is-soluzzjoni tat-tilwim u jgħinu biex jiġi żgurat li teżisti l-fiduċja meħtieġa biex jinkoraġġixxu l-attività ekonomika.

Skont l-aġenda Ġustizzja għat-Tkabbir u l-Istrateġija Ewropa 2020, il-medjazzjoni tista' titqies bħala mezz biex ittejjeb l-effiċjenza tas-sistema ġudizzjarja u biex tnaqqas l-ostakli li joħolqu proċedimenti ġudizzjarji twal u għalja għaċ-ċittadini u n-negozji; għalhekk, hi tista' tikkontribwixxi għat-tkabbir ekonomiku. Il-medjazzjoni tista' tikkontribwixxi wkoll biex tinżamm relazzjoni tajba bejn il-partijiet peress li, kuntrarjament għal proċedimenti ġudizzjarji, ma hemm ebda parti "rebbieħa" jew "telliefa", li hija partikolarment importanti, pereżempju f'kawżi tal-liġi tal-familja.

Ir-rapporteur hu tal-fehma li minkejja li l-medjazzjoni obbligatorja se tippromwovi l-użu tal-medjazzjoni bħala alternattiva għal soluzzjoni ġewwa l-qrati, żvilupp bħal dan imur kontra n-natura volontarja tal-medjazzjoni u jaffettwa l-eżerċizzju tad-dritt għal rimedju effikaċi quddiem qorti jew tribunal kif stabbilit fl-Artikolu 47 tal-Karta. Kif intwera mis-sentenza tal-Qorti Alassini(9), għalkemm implementazzjoni minn qabel ta' soluzzjoni ta' tilwim barra l-qrati għal tilwim speċifiku ma tkunx minnha nnifisha problematika, jeħtieġ jiġu attwati serje ta' salvagwardji biex jiġi żgurat li l-protezzjoni ġudizzjarja effikaċi ma tkunx imxekkla, inkluż, il-karattru mhux vinkolanti tad-deċiżjoni meħuda f'dawn il-proċeduri barra l-qrati, it-tlestija malajr u bi prezz baxx ħafna ta' dawn il-proċedimenti kif ukoll id-disponibbiltà ta' miżuri interim f'każijiet eċċezzjonali fejn l-urġenza tas-sitwazzjoni tkun teħtieġ hekk. Għaldaqstant, l-Artikolu 5(2) tad-Direttiva dwar il-Medjazzjoni jippermetti lill-Istati Membri jirrikorru għall-medjazzjoni obbligatorja jew dik soġġetta għal inċentivi jew sanzjonijiet, kemm jekk qabel jew wara l-bidu tal-proċedimenti ġudizzjarji, sakemm dan ma jimpedixxix lill-partijiet milli jeżerċitaw id-dritt ta' aċċess tagħhom għall-qrati.

Ir-rapporteur isostni li jeħtieġ jiġu implimentati salvagwardji adegwati fil-proċessi ta' medjazzjoni biex jiġi limitat ir-riskju li l-partijiet aktar dgħajfa, bħall-konsumaturi u l-litiganti mhux rappreżentati, ikunu mċaħħda mid-dritt tagħhom għal determinazzjoni ġudizzjarja indipendenti jew ikollhom il-perċezzjoni li qed jiġu mċaħħda minn dan. F'dan ir-rigward, huwa ta' importanza kbira li dawk li jirrakkomandaw, jeħtieġu jew iwettqu l-medjazzjonijiet jiżguraw li partijiet aktar dgħajfa ma jsolvux tilwima mingħajr ma jifhmu d-drittijiet ġuridiċi proprji tagħhom u li partijiet aktar b'saħħithom ma jużawx proċedimenti għas-soluzzjoni tat-tilwim aktar mgħaġġla, inkluż il-medjazzjoni, bħala mezz biex jevitaw l-obbligi ġuridiċi tagħhom jew itejbu b'mod mhux xieraq il-pożizzjoni ġuridika tagħhom kontra partijiet oħra.

(1)

http://bookshop.europa.eu/mt/study-for-an-evaluation-and-implementation-of-directive-2008-52-ec-the-

mediation-directive--pbDS0216335/

(2)

Tliet Stati Membri biss, jiġifieri l-Irlanda, in-Netherlands u r-Renju Unit, għażlu li jittrasponu d-Direttiva fir-rigward ta' każijiet transfruntiera biss.

(3)

AT, CZ, EE, EL, ES IE, PT, SI, SK, UK.

(4)

CY, CZ, ES, DE, FR, HU, IT, LT, PL, PT, RO, SK.

(5)

AT, BG, CY, EL, ES, HU, IT, LT, LV, PL, PT, RO, SI, SK.

(6)

AT, BE, BG, CY, CZ, DE, EE, EL, ES, HU, IT, LT, LV, PL, PT, RO, SI, SK.

(7)

AT, BE, BG, CY, EL, ES, FI, FR, IE, IT, LT, LV, MT, PL, PT, RO, SE, SI, SK.

(8)

AT, BE, BG, CY, EL, ES FI, HR, HU, IT, LT, LV, RO, SE, SI, SK, UK.

(9)

ECJ, C-317/08, C-318/08, C-319/08 u C-320/08 (par.2), ECLI:EU:C:2010:146.


MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW

dwar l-implimentazzjoni tad-Direttiva 2008/52/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta' Mejju 2008 dwar ċerti aspetti tal-medjazzjoni f'materji ċivili u kummerċjali (id-"Direttiva dwar il-Medjazzjoni") (2016/2066(INI))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra d-Direttiva 2008/52/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal- 21 ta' Mejju 2008 dwar ċerti aspetti tal-medjazzjoni f'materji ċivili u kummerċjali (id-"Direttiva dwar il-Medjazzjoni")(1),

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill u lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar l-applikazzjoni tad-Direttiva 2008/52/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar ċerti aspetti ta' medjazzjoni f'materji ċivili u kummerċjali (COM(2016)0542),

–  wara li kkunsidra l-kumpilazzjoni ta' analiżi fid-dettall mid-Direttorat Ġenerali għall-Politiki Interni bit-titolu "L-implimentazzjoni tad-Direttiva dwar il-Medjazzjoni – 29 ta' Novembru 2016"(2),

–  wara li kkunsidra l-istudju tal-Kummissjoni bit-titolu "Study for an evaluation and implementation of Directive 2008/52/EC – the 'Mediation Directive'" ("Studju għal evalwazzjoni u implimentazzjoni tad-Direttiva 2008/52/KE – id-"Direttiva dwar il-Medjazzjoni"") tal-2014(3),

–  wara li kkunsidra l-istudju mid-Direttorat Ġenerali għall-Politiki Interni bl-isem "Rebooting the Mediation Directive: Assessing the limited impact of its implementation and proposing measures to increase the number of mediations in the EU" ("Il-varar mill-ġdid tad-Direttiva dwar il-Medjazzjoni: Valutazzjoni tal-impatt limitat tal-implimentazzjoni tagħha u proposti għal miżuri biex jiżdied l-għadd ta' medjazzjonijiet fl-UE")(4),

–  wara li kkunsidra l-Valutazzjoni tal-Implimentazzjoni Ewropea dwar id-Direttiva dwar il-Medjazzjoni permezz tal-Valutazzjoni tal-Impatt Ex Post tas-Servizz ta' Riċerka tal-Parlament Ewropew (EPRS)(5),

–  wara li kkunsidra l-istudju mid-Direttorat Ġenerali għall-Politiki Interni bit-titolu "Quantifying the cost of not using mediation – a data analysis" ("Kwantifikazzjoni tal-ispejjeż f'kull każ meta ma tintużax il-medjazzjoni – analiżi tad-data")(6),

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 67 u 81(2)(g) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 52 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu, kif ukoll l-Artikolu 1(1)(e) u l-Anness 3 tad-deċiżjoni tal-Konferenza tal-Presidenti tat-12 ta' Diċembru 2002 dwar il-proċedura għall-awtorizzazzjoni tat-tfassil tar-rapporti fuq inizjattiva proprja,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Legali (A8-0238/2017),

A.  billi d-Direttiva 2008/52/KE kienet pass importanti 'l quddiem fir-rigward tal-introduzzjoni u l-użu tal-proċeduri ta' medjazzjoni fl-Unjoni Ewropea; billi, madankollu, l-implimentazzjoni tagħha kienet tvarja ħafna fost l-Istati Membri, skont l-eżistenza preċedenti jew le ta' sistemi ta' medjazzjoni nazzjonali, b'uħud mill-Istati Membri jagħżlu li jmorru għal implimentazzjoni relattivament litterali tad-dispożizzjonijiet tagħha, oħrajn għal reviżjoni fil-fond ta' modi alternattivi għas-soluzzjoni tat-tilwim (bħal pereżempju l-Italja li tuża l-medjazzjoni sitt darbiet aktar mill-bqija tal-Ewropa), u oħrajn li qiesu l-liġijiet eżistenti tagħhom bħala diġà konformi mad-Direttiva dwar il-Medjazzjoni;

B.  billi l-maġġoranza tal-Istati Membri estendew il-kamp ta' applikazzjoni tal-miżuri ta' traspożizzjoni nazzjonali tagħhom għal każijiet nazzjonali wkoll – bi tliet Stati Membri biss jagħżlu li jittrasponu d-Direttiva fir-rigward ta' każijiet transfruntiera biss(7) – liema traspożizzjoni, b'mod deċiżiv, kellha impatt pożittiv fuq il-liġijiet tal-Istati Membri u l-kategoriji ta' tilwim ikkonċernat;

C.  billi d-diffikultajiet li ħarġu fl-istadju tat-traspożizzjoni tad-direttiva ġeneralment jirriflettu d-differenzi fil-kultura ġuridika fis-sistemi ġuridiċi nazzjonali; billi jenħtieġ li, għalhekk, tingħata prijorità għal bidla fil-mentalità ġuridika permezz tal-iżvilupp ta' kultura ta' medjazzjoni bbażata fuq soluzzjoni amikevoli ta' tilwim – kwistjoni li tqajmet diversi drabi min-netwerks Ewropej tal-professjonisti legali mill-konċepiment tad-direttiva tal-Unjoni u sussegwentement waqt it-traspożizzjoni tagħha fl-Istati Membri;

D.  billi l-implimentazzjoni tad-Direttiva dwar il-Medjazzjoni pprovdiet valur miżjud tal-UE billi qajmet sensibilizzazzjoni fost il-leġiżlaturi nazzjonali dwar il-vantaġġi tal-medjazzjoni u ġabet magħha grad ta' allinjament fir-rigward tal-liġi proċedurali u l-prattiki diversi fl-Istati Membri;

E.  billi l-medjazzjoni, bħala proċedura barra l-qrati alternattiva, volontarja u kunfidenzjali, tista' tkun għodda utli sabiex jitnaqqas il-piż tax-xogħol fuq il-qrati f'ċerti każijiet u soġġett għas-salvagwardji meħtieġa, peress li tista' tippermetti lil persuni fiżiċi u ġuridiċi jsibu soluzzjoni barra l-qrati għat-tilwim b'mod rapidu u rħis – filwaqt li wieħed iżomm f'moħħu li proċedimenti tal-qorti twal wisq jiksru l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali – filwaqt li jiġi żgurat aċċess aħjar għall-ġustizzja u kontribuzzjoni għat-tkabbir ekonomiku;

F.  billi l-għanijiet imsemmija fl-Artikolu 1 tad-Direttiva dwar il-Medjazzjoni mmirati biex jinkoraġġixxu l-użu tal-medjazzjoni u b'mod partikolari biex jiksbu "relazzjoni bilanċjata bejn il-medjazzjoni u l-proċedimenti ġudizzjarji" ma ntlaħqux b'mod ċar, peress li l-medjazzjoni hija użata f'inqas minn 1 % tal-każijiet fil-qorti bħala medja fil-maġġoranza tal-Istati Membri(8);

G.  billi d-Direttiva dwar il-Medjazzjoni ma ħolqitx sistema tal-Unjoni għas-soluzzjoni tat-tilwim barra mill-qrati fl-aktar sens strett, bl-eċċezzjoni tal-introduzzjoni ta' dispożizzjonijiet speċifiċi fil-qasam tal-iskadenza tal-perjodi ta' limitazzjoni u ta' preskrizzjoni fi proċedimenti ġuridiċi meta jkun hemm tentattiv ta' medjazzjoni u fil-qasam tal-obbligi ta' kunfidenzjalità għall-medjaturi u l-persunal amministrattiv tagħhom;

Konklużjonijiet ewlenin

1.  Jilqa' l-fatt li f'ħafna Stati Membri, is-sistemi ta' medjazzjoni reċentament kienu soġġetti għal bidliet u reviżjonijiet, u f'oħrajn hemm previsti emendi għal-leġiżlazzjoni applikabbli(9);

2.  Jiddeplora l-fatt li tliet Stati Membri biss għażlu li jittrasponu d-direttiva fir-rigward ta' każijiet transfruntiera biss, u jinnota li jeżistu ċerti diffikultajiet fir-rigward tal-funzjonament tas-sistemi nazzjonali ta' medjazzjoni fil-prattika, fil-biċċa l-kbira relatati mat-tradizzjoni tal-kontradittorja u n-nuqqas ta' kultura ta' medjazzjoni fl-Istati Membri, il-livell baxx ta' sensibilizzazzjoni dwar il-medjazzjoni fil-maġġoranza tal-Istati Membri, in-nuqqas ta' għarfien dwar kif jiġu indirizzati każijiet transfruntiera, u l-funzjonament tal-mekkaniżmi ta' kontroll tal-kwalità għall-medjaturi(10);

3.  Jenfasizza li l-Istati Membri kollha jipprevedu l-possibbiltà li l-qrati jistiednu lill-partijiet biex jirrikorru għall-medjazzjoni jew, tal-inqas, biex jattendu sessjonijiet ta' informazzjoni dwar il-medjazzjoni; jinnota li f'ċerti Stati Membri l-parteċipazzjoni f'sessjonijiet ta' informazzjoni bħal dawn hija obbligatorja fuq l-inizjattiva tal-imħallef(11) jew f'ċerti tipi ta' tilwim previsti mill-liġi, b'mod partikolari fil-kawżi relatati ma' kwistjonijiet tal-familja(12); jindika, bl-istess mod, li ċerti Stati Membri jimponu fuq l-avukati d-dmir li jinformaw lill-klijenti tagħhom dwar il-possibbiltà tal-użu tal-medjazzjoni, jew jeħtieġu li r-rikorsi preżentati lill-qrati jikkonfermaw li kien hemm tentattiv għall-medjazzjoni jew li hemm motivi li jimpedixxu din il-medjazzjoni; jinnota, madankollu, li l-Artikolu 8 tad-Direttiva dwar il-Medjazzjoni jiżgura li l-partijiet li jkunu għażlu l-medjazzjoni sabiex jippruvaw isolvu tilwim ma jkunux sussegwentement imwaqqfa milli jitilgħu l-qorti minħabba ż-żmien li huma qattgħu fil-medjazzjoni; jenfasizza li l-ebda problema partikolari ma tqajmet mill-Istati Membri fir-rigward ta' dan il-punt;

4.  Jinnota wkoll li ħafna Stati Membri jipprovdu inċentivi finanzjarji lill-partijiet biex jużaw il-medjazzjoni, jew fil-forma ta' tnaqqis fl-ispejjeż, għajnuna legali, jew sanzjonijiet għal rifjut mhux ġustifikat għall-possibbiltà ta' medjazzjoni; josserva li r-riżultati miksuba f'dawn il-pajjiżi juru li l-medjazzjoni tista' tipprovdi soluzzjoni tat-tilwim extra ġudizzjarja rapida u kosteffikaċi permezz ta' proċessi mfassla apposta għall-ħtiġijiet tal-partijiet;

5.  Iqis li l-adozzjoni ta' kodiċi ta' kondotta tikkostitwixxi għodda importanti biex tiġi żgurata l-kwalità tal-medjazzjoni; josserva f'dan ir-rigward li l-Kodiċi ta' Kondotta Europew għall-medjaturi huwa jew direttament użat mill-partijiet ikkonċernati jew jikkostitwixxi referenza għall-kodiċi nazzjonali jew settorjali; josserva wkoll li l-biċċa l-kbira tal-Istati Membri għandhom proċeduri ta' akkreditazzjoni vinkolanti għall-medjaturi u/jew għandhom reġistri ta' medjaturi;

6.  Jiddispjaċih li hemm diffikultà f'li tinkiseb data statistika komprensiva dwar il-medjazzjoni, inkluż in-numru ta' każijiet li saru bil-medjazzjoni, it-tul medju u r-rati ta' suċċess tal-proċessi ta' medjazzjoni; jinnota li fl-assenza ta' bażi ta' data affidabbli huwa diffiċli ħafna li wieħed ikompli jippromwovi l-medjazzjoni u tiżdied il-fiduċja taċ-ċittadini fl-effikaċja tagħha; jissottolinja, min-naħa l-oħra, ir-rwol dejjem jikber tan-Netwerk Ġudizzjarju Ewropew fi kwistjonijiet ċivili u kummerċjali fit-titjib tal-ġbir tad-data nazzjonali dwar l-applikazzjoni tad-Direttiva dwar il-Medjazzjoni;

7.  Jilqa' l-importanza partikolari tal-medjazzjoni fil-qasam tal-liġi tal-familja (b'mod partikolari fi proċedimenti li jirrigwardaw il-kustodja tal-minuri, id-drittijiet ta' aċċess u l-każijiet ta' ħtif ta' minuri), fejn din tista' toħloq atmosfera kostruttiva għal diskussjonijiet u tiżgura t-trattament ekwu bejn il-ġenituri; jinnota, barra minn hekk, li soluzzjonijiet amikevoli jkunu x'aktarx aktar dejjiema u fl-aħjar interessi tal-minuri peress li jistgħu jindirizzaw ukoll, flimkien mar-residenza ewlenija tal-minuri, l-arranġamenti taż-żjajjar jew il-ftehimiet li jikkonċernaw il-manteniment tal-minuri; jenfasizza, f'dan il-kuntest, ir-rwol importanti li jaqdi n-Netwerk Ġudizzjarju Ewropew f'kwistjonijiet ċivili u kummerċjali fl-abbozzar ta' rakkomandazzjonijiet immirati li jsaħħu l-użu tal-medjazzjoni tal-familja f'kuntest transfruntier, b'mod partikolari f'każijiet ta' ħtif ta' minuri;

8.  Jenfasizza l-importanza tal-iżvilupp u l-manutenzjoni ta' taqsima separata fil-Portal Ewropew tal-Ġustizzja elettronika ddedikata għall-medjazzjoni transfruntiera fi kwistjonijiet tal-familja u li tipprovdi informazzjoni dwar is-sistemi nazzjonali ta' medjazzjoni;

9.  Jilqa' d-dedikazzjoni tal-Kummissjoni, għalhekk, li tikkofinanzja diversi proġetti mmirati lejn il-promozzjoni tal-medjazzjoni u t-taħriġ tal-imħallfin u l-prattikanti fl-Istati Membri;

10.  Jenfasizza li, minkejja n-natura volontarja tal-medjazzjoni, iridu jittieħdu aktar passi biex jassiguraw l-eżegwibbiltà ta' ftehimiet bil-medjazzjoni malajr u b'mod affordabbli, b'rispett sħiħ għad-drittijiet fundamentali, kif ukoll id-dritt tal-Unjoni u dak nazzjonali; ifakkar, f'dan ir-rigward, li l-infurzar nazzjonali ta' ftehim milħuq mill-partijiet fi Stat Membru għandu, bħala regola ġenerali, ikun ikkonfermat minn awtorità pubblika, u dan jagħti lok għal spejjeż addizzjonali, jieħu ħafna żmien għall-partijiet fil-ftehim u jista' b'hekk jaffetwa b'mod avvers il-prattika ta' medjaturi esterni, b'mod partikolari fil-każ ta' tilwim b'talbiet żgħar;

Rakkomandazzjonijiet

11.  Jistieden lill-Istati Membri jżidu l-isforzi tagħhom biex jinkoraġġixxu l-użu tal-medjazzjoni f'tilwim ċivili u kummerċjali, inkluż permezz ta' kampanji ta' informazzjoni xierqa li jipprovdu liċ-ċittadini u lill-persuni ġuridiċi b'informazzjoni xierqa u komprensiva rigward l-impatt tal-proċedura u l-vantaġġi tagħha f'termini ta' frankar ta' ħin u flus u jiżguraw kooperazzjoni mtejba bejn il-professjonisti ġuridiċi għal dak il-għan; jenfasizza, f'dan il-kuntest, il-ħtieġa ta' skambju tal-aħjar prattiki fil-ġurisdizzjonijiet nazzjonali diversi, bl-appoġġ tal-miżuri xierqa fil-livell tal-Unjoni, b'tali mod li tiżdied is-sensibilizzazzjoni dwar is-siwi tal-medjazzjoni;

12.  Jistieden lill-Kummissjoni tivvaluta l-ħtieġa għall-iżvilupp ta' standards ta' kwalità mal-UE kollha għall-forniment ta' servizzi ta' medjazzjoni, speċjalment fil-forma ta' standards minimi biex tiġi żgurata l-konsistenza, filwaqt li jitqies id-dritt fundamentali ta' aċċess għall-ġustizzja kif ukoll id-differenzi lokali f'kulturi ta' medjazzjoni, bħala mezz biex tkompli tippromwovi l-użu tal-medjazzjoni;

13.  Jistieden lill-Kummissjoni biex, barra minn hekk, tivvaluta l-ħtieġa għall-Istati Membri biex joħolqu u jżommu reġistri nazzjonali ta' proċedimenti ta' medjazzjoni, li jistgħu jkunu sors ta' informazzjoni għall-Kummissjoni iżda jistgħu jintużaw ukoll mill-medjaturi nazzjonali b'tali mod li jibbenefikaw mill-aħjar prattiki fl-Ewropa; jenfasizza li kwalunkwe reġistru bħal dan irid jiġi stabbilit f'konformità sħiħa mar-Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data (ir-Regolament (UE) 2016/679)(13);

14.  Jitlob li l-Kummissjoni twettaq studju dettaljat dwar l-ostakli għaċ-ċirkolazzjoni libera ta' ftehimiet ta' medjazzjoni barranin fl-Unjoni u dwar l-għażliet varji biex tippromwovi l-użu tal-medjazzjoni bħala mod sod, affordabbli u effikaċi biex jissolvew kunflitti f'tilwim intern u transfruntier fl-Unjoni, filwaqt li jitqies l-istat tad-dritt u l-iżviluppi internazzjonali għaddejja f'dan il-qasam;

15.  Jistieden lill-Kummissjoni biex, fir-rieżami tagħha tal-leġiżlazzjoni, issib soluzzjonijiet biex testendi b'mod effikaċi l-kamp ta' applikazzjoni tal-medjazzjoni anke għal kwistjonijiet oħra ċivili jew amministrattivi, fejn possibbli; jenfasizza, madankollu, li trid tingħata attenzjoni speċjali lill-implikazzjonijiet li l-medjazzjoni jista' jkollha fuq ċerti kwistjonijiet soċjali, bħal-liġi tal-familja; jirrakkomanda, f'dan il-kuntest, li l-Kummissjoni u l-Istati Membri japplikaw u jimplimentaw salvagwardji xierqa fil-proċessi tal-medjazzjoni sabiex jillimitaw ir-riskji għall-partijiet aktar dgħajfa u tipproteġihom kontra kull abbuż ta' proċedura jew pożizzjoni abbużiva mwettqa mill-partijiet aktar b'saħħithom, u tipprovdi data rilevanti bi statistika komprensiva; jissottolinja wkoll l-importanza li jiġi żgurat ir-rispett ta' kriterji ta' ekwità f'termini ta' spejjeż, speċjalment biex tingħata attenzjoni partikolari lill-protezzjoni tal-interessi ta' gruppi żvantaġġati; jinnota madankollu li l-medjazzjoni tista' titlef l-attraenza u l-valur miżjud tagħha jekk jiġu introdotti standards eċċessivament stretti għall-partijiet;

16.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni, kif ukoll lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri.

(1)

ĠU L 136, 24.5.2008, p.3.

(2)

PE 571.395.

(3)

http://bookshop.europa.eu/mt/study-for-an-evaluation-and-implementation-of-directive-2008-52-ec-the-mediation-directive--pbDS0114825/

(4)

PE 493.042.

(5)

PE 593.789.

(6)

PE 453.180.

(7)

‏Ara r-rapport tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill u lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar l-applikazzjoni tad-Direttiva 2008/52/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar ċerti aspetti ta' medjazzjoni f'materji ċivili u kummerċjali (COM(2016)0542), p. 5.

(8)

PE 571.395, p.25.

(9)

Il-Kroazja, l-Estonja, il-Greċja, l-Ungerija, l-Irlanda, l-Italja, il-Litwanja, in-Netherlands, il-Polonja, il-Portugall, is-Slovakkja u Spanja.

(10)

Ara r-rapport tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill u lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar l-applikazzjoni tad-Direttiva 2008/52/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar ċerti aspetti ta' medjazzjoni f'materji ċivili u kummerċjali (COM(2016)0542), p. 4.

(11)

Pereżempju fir-Repubblika Ċeka.

(12)

Pereżempju fil-Litwanja, il-Lussemburgu, l-Ingilterra u Wales.

(13)

ĠU L 119, 4.5.2016, p. 1.


INFORMAZZJONI DWAR L-ADOZZJONIFIL-KUMITAT RESPONSABBLI

Data tal-adozzjoni

20.6.2017

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

21

0

2

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Max Andersson, Joëlle Bergeron, Mady Delvaux, Rosa Estaràs Ferragut, Laura Ferrara, Lidia Joanna Geringer de Oedenberg, Mary Honeyball, Sylvia-Yvonne Kaufmann, António Marinho e Pinto, Emil Radev, Julia Reda, Evelyn Regner, Pavel Svoboda, József Szájer, Axel Voss

Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali

Daniel Buda, Angel Dzhambazki, Angelika Niebler, Jens Rohde, Virginie Rozière, Tiemo Wölken, Kosma Złotowski

Sostituti (skont l-Artikolu 200(2)) preżenti għall-votazzjoni finali

Gerolf Annemans, Mylène Troszczynski


VOTAZZJONI FINALI B'SEJĦA TAL-ISMIJIETFIL-KUMITAT RESPONSABBLI

21

+

PPE

S&D

ECR

ALDE

VERTS/ALE

EFDD

Daniel Buda, Rosa Estaràs Ferragut, Angelika Niebler, Emil Radev, Pavel Svoboda, József Szájer, Axel Voss

Mady Delvaux, Lidia Joanna Geringer de Oedenberg, Mary Honeyball, Sylvia-Yvonne Kaufmann, Evelyn Regner, Tiemo Wölken

Angel Dzhambazki, Kosma Zlotowski

António Marinho e Pinto, Jens Rohde

Max Andersson, Julia Reda

Joëlle Bergeron, Laura Ferrara

0

-

 

 

2

0

ENF

Gerolf Annemans; Mylène Troszczynski

Tifsira tas-simboli użati:

+  :  favur

-  :  kontra

0  :  astensjoni

Avviż legali