Proċedura : 2015/2062(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A8-0251/2017

Testi mressqa :

A8-0251/2017

Dibattiti :

PV 05/10/2017 - 2
CRE 05/10/2017 - 2

Votazzjonijiet :

PV 05/10/2017 - 4.5
CRE 05/10/2017 - 4.5
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P8_TA(2017)0385

RAPPORT     
PDF 700kWORD 72k
6.7.2017
PE 601.203v02-00 A8-0251/2017

dwar is-sistemi penitenzjarji u l-kundizzjonijiet fil-ħabsijiet

(2015/2062(INI))

Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern

Rapporteur: Joëlle Bergeron

EMENDI
MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW
 NOTA SPJEGATTIVA
 OPINJONI tal-Kumitat għad-Drittijiet tan-Nisa u l-Ugwaljanza bejn is-Sessi
 INFORMAZZJONI DWAR L-ADOZZJONIFIL-KUMITAT RESPONSABBLI
 VOTAZZJONI FINALI B'SEJĦA TAL-ISMIJIETFIL-KUMITAT RESPONSABBLI

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW

dwar is-sistemi penitenzjarji u l-kundizzjonijiet fil-ħabsijiet

(2015/2062(INI))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 2, 6 u 7 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikoli 4, 19, 47, 48 u 49 tiegħu,

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali (KEDB) (Artikolu 3, Artikolu 8), il-protokolli tal-KEDB u l-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, il-Konvenzjoni Ewropea tal-1987 dwar il-Prevenzjoni tat-Tortura u t-Trattament u Pieni Inumani jew Degradanti u r-rapporti tal-Kumitat Ewropew għall-Prevenzjoni tat-Tortura (CPT),

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem (Artikoli 3 u 5), il-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi (l-Artikolu 7) u l-Konvenzjoni kontra t-Tortura u Trattamenti jew Pieni Oħra Krudili, Inumani jew Degradanti,

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tan-NU dwar id-Drittijiet tat-Tfal, adottata fi New York fl-20 ta' Novembru 1989,

–  wara li kkunsidra l-Kummenti Ġenerali li ġejjin tal-Kumitat tan-NU dwar id-Drittijiet tat-Tfal: in-Nru 10 (2007) dwar id-drittijiet tat-tfal fil-ġustizzja tal-minorenni, in-Nru 13 (2011) dwar id-dritt tat-tfal għall-ħelsien minn kull forma ta' vjolenza u n-Nru 17 (2013) dwar id-dritt tat-tfal għall-mistrieħ, divertiment, logħob, attivitajiet rikreattivi, ħajja kulturali u l-arti (Artikolu 31),

–  wara li kkunsidra r-regoli minimi tan-NU dwar it-trattament tal-ħabsin u d-dikjarazzjonijiet u l-prinċipji adottati mill-Assemblea Ġenerali tan-NU; wara li kkunsidra r-Regoli Standard Minimi tan-NU għall-Amministrazzjoni tal-Ġustizzja tal-Minorenni (ir-Regoli ta' Beijing) adottati mill-Assemblea Ġenerali; wara li kkunsidra l-Linji Gwida tal-Kumitat tal-Ministri tal-Kunsill tal-Ewropa dwar il-ġustizzja li tiffavorixxi t-tfal; wara li kkunsidra r-rakkomandazzjonijiet tal-Kumitat tal-Ministri tal-Kunsill tal-Ewropa, notevolment ir-Rakkomandazzjoni CM/Rec (2006)2 dwar ir-Regoli Ewropej dwar il-Ħabsijiet, ir-Rakkomandazzjoni CM/Rec (2006)13 dwar l-użu tal-arrest provviżorju, il-kundizzjonijiet li fihom iseħħ u l-għoti ta' salvagwardji kontra l-abbuż, ir-Rakkomandazzjoni CM/Rec (2008)11 dwar ir-regoli Ewropej għal delinkwenti minorenni suġġetti għal sanzjonijiet jew miżuri, ir-Rakkomandazzjoni CM/Rec (2010)1 dwar ir-Regoli tal-Kunsill tal-Ewropa dwar il-probazzjoni, u r-Rakkomandazzjoni CM/Rec (2017)3 dwar ir-Regoli Ewropej dwar is-sanzjonijiet u l-miżuri; wara li kkunsidra wkoll ir-rakkomandazzjonijiet adottati mill-Assemblea Parlamentari tal-Kunsill tal-Ewropa,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tiegħu tat-18 ta' Jannar 1996 dwar il-kundizzjonijiet foqra fil-ħabsijiet fl-Unjoni Ewropea(1), u tas-17 ta' Diċembru 1998 dwar il-kundizzjonijiet fil-ħabsijiet fl-Unjoni Ewropea: titjib u pieni alternattivi(2), tal-25 ta' Novembru 2009 dwar il-programm multi-annwali 2010-2014 dwar iż-Żona ta' libertà, sigurtà u ġustizzja (il-Programm ta' Stokkolma)(3) u tal-15 ta' Diċembru 2011 dwar il-kundizzjonijiet ta' detenzjoni fl-Unjoni(4),

–  wara li kkunsidra d-Deċiżjoni Kwadru tal-Kunsill 2002/584/ĠAI tat-13 ta' Ġunju 2002 dwar il-mandat ta' arrest Ewropew u l-proċeduri ta' ċediment bejn l-Istati Membri(5),

–  wara li kkunsidra d-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2008/909/ĠAI tas-27 ta' Novembru 2008 dwar l-applikazzjoni tal-prinċipju ta' rikonoxximent reċiproku ta' sentenzi f'materji kriminali li jimponu pieni ta' kustodja jew miżuri li jinvolvu ċ-ċaħda tal-libertà bil-għan li jiġu infurzati fl-Unjoni Ewropea(6) ("trasferimenti ta' priġunieri"),

–  wara li kkunsidra d-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2008/947/ĠAI tas-27 ta' Novembru 2008 dwar l-applikazzjoni tal-prinċipju ta' rikonoxximent reċiproku ta' sentenzi u deċiżjonijiet li jinvolvu probation bil-ħsieb ta' sorveljanza ta' miżuri ta' probation u ta' sanzjonijiet alternattivi(7) ("probation u sanzjonijiet alternattivi"),

–  wara li kkunsidra d-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2009/829/ĠAI tat-23 ta' Ottubru 2009 dwar l-applikazzjoni bejn l-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea tal-prinċipju ta' rikonoxximent reċiproku għal deċiżjonijiet dwar miżuri ta' superviżjoni bħala alternattiva għal detenzjoni proviżorja(8) ("ordni ta' sorveljanza Ewropea"),

–  wara li kkunsidra d-Direttiva (UE) 2016/800 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Mejju 2016 dwar il-garanziji proċedurali għal tfal li huma suspettati jew li huma persuni akkużati fi proċedimenti kriminali(9),

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għad-Drittijiet Fundamentali intitolata "Id-detenzjoni kriminali u l-alternattivi: aspetti tad-drittijiet fundamentali fit-trasferimenti transfruntiera tal-UE",

–  wara li kkunsidra l-Green Paper tal-Kummissjoni tal-14 ta' Ġunju 2001 bit-titolu "Tisħiħ tal-fiduċja reċiproka fiż-żona ġudizzjarja Ewropea – Green Paper dwar l-applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni tal-UE dwar il-ġustizzja kriminali fil-qasam tad-detenzjoni" (COM(2011)0327),

–  wara li kkunsidra s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea fil-Kawżi magħquda C-404/15 u C-659/15 PPU, Pál Aranyosi u Robert Căldăraru,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-25 ta' Novembru 2015 dwar il-prevenzjoni tar-radikalizzazzjoni u tar-reklutaġġ ta' ċittadini Ewropej minn organizzazzjonijiet terroristiċi(10), u l-Manwal UNODC dwar il-ġestjoni ta' priġunieri estremisti vjolenti u l-prevenzjoni tar-radikalizzazzjoni għall-vjolenza fil-ħabsijiet(11);

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni bil-Miktub 0006/2011 tiegħu tal-14 ta' Frar 2011 dwar il-ksur tad-drittijiet fundamentali tad-detenuti fl-Unjoni Ewropea,

  wara li kkunsidra l-konvenzjonijiet, ir-rakkomandazzjonijiet u r-riżoluzzjonijiet tal-Kunsill tal-Ewropa dwar il-kwistjonijiet penitenzjarji,

–  wara li kkunsidra l-white paper tal-Kunsill tal-Ewropa dwar l-affollament eċċessiv tal-ħabsijiet tat-28 ta' Settembru 2016,

–  wara li kkunsidra r-Rakkomandazzjoni CM/Rec (2017)3 tal-Kumitat tal-Ministri tal-Kunsill tal-Ewropa lill-Istati Membri dwar ir-Regoli Ewropej dwar is-sanzjonijiet u l-miżuri komunitarji adottata mill-Kumitat tal-Ministri fit-22 ta' Marzu 2017,

–  wara li kkunsidra r-Rakkomandazzjoni CM/Rec (2012)12 tal-Kumitat tal-Ministri tal-Kunsill tal-Ewropa lill-Istati Membri dwar il-ħabsin barranin, adottata mill-Kumitat tal-Ministri fl-10 ta' Ottubru 2012,

–  wara li kkunsidra r-Rakkomandazzjoni CM/Rec (2012)5 tal-Kumitat tal-Ministri tal-Kunsill tal-Ewropa lill-Istati Membri dwar il-Kodiċi Ewropew tal-Etika għall-Persunal tal-Ħabs, adottata mill-Kumitat tal-Ministri fit-12 ta' April 2012,

–  wara li kkunsidra r-Rakkomandazzjoni CM/Rec (2008)11 tal-Kumitat tal-Ministri tal-Kunsill tal-Ewropa lill-Istati Membri dwar ir-Regoli Ewropej għad-delinkwenti minorenni soġġetti għal sanzjonijiet jew miżuri, adottata mill-Kumitat tal-Ministri fil-5 ta' Novembru 2008,

–  wara li kkunsidra l-manwal tal-Kunsill tal-Ewropa għas-servizzi fil-ħabs u tal-probazzjoni rigward ir-radikalizzazzjoni u l-estremiżmu vjolenti,

–  wara li kkunsidra l-istudji tal-Osservatorju Penali Ewropew (EPO), "Il-bidla ta' prattiki nazzjonali għal linji gwida Ewropej: inizjattivi interessanti fil-ġestjoni tal-ħabsijiet" (2013) u "korpi ta' monitoraġġ nazzjonali tal-kundizzjonijiet fil-ħabs u l-istandards Ewropej" (2015),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 52 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern u l-opinjoni tal-Kumitat għad-Drittijiet tan-Nisa u l-Ugwaljanza bejn is-Sessi (A8-0251/2017),

A.  billi, fl-2014, aktar minn nofs miljun persuna nżammu fil-ħabsijiet fl-Unjoni Ewropea, inklużi l-persuni li nstabu ħatja li kienu qed jiskontaw il-pieni definittivi tagħhom u l-persuni akkużati b'reat u li kienu jinsabu f'detenzjoni proviżorja;

B.  billi l-kundizzjonijiet ta' detenzjoni u l-ġestjoni tal-ħabsijiet jaqgħu taħt ir-responsabbiltà tal-Istati Membri, iżda l-UE wkoll għandha rwol neċessarju x'taqdi fil-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali tal-ħabsin u fil-ħolqien ta' Spazju Ewropew ta' Libertà, Sigurtà u Ġustizzja; billi hija l-UE li għandha tħeġġeġ l-iskambju tal-aħjar prattiki bejn l-Istati Membri li jaffaċċjaw problemi komuni li joħolqu tħassib konkret fil-qasam tas-sigurtà fit-territorju Ewropew;

C.  billi s-sitwazzjoni fil-ħabsijiet u l-kundizzjonijiet ta' detenzjoni kultant degradanti u inumani f'ċerti Stati Membri huma preokkupanti ħafna, kif juru rapporti bħal dawk tal-Kumitat Ewropew għall-Prevenzjoni tat-Tortura tal-Kunsill tal-Ewropa;

D.  billi l-affollament eċċessiv tal-ħabsijiet huwa problema rikorrenti fl-Unjoni, kif jirrikonoxxi aktar minn terz tal-Istati Membri u juru r-rapporti bħall-aktar pubblikazzjoni reċenti tal-Istatistika Penali Annwali tal-Kunsill tal-Ewropa (SPACE) ippubblikata fl-14 ta' Marzu 2017; u billi l-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem qieset l-affollament eċċessiv bħala ksur tal-Artikolu 3 tal-KEDB;

E.  billi l-affollament eċċessiv tal-ħabsijiet ifixkel l-estradizzjoni jew it-trasferiment ta' persuni kkundannati minħabba tħassib rigward il-kundizzjonijiet ħżiena fil-ħabsijiet fl-istat riċeventi; billi s-sitwazzjoni f'ċerti Stati Membri qed tkompli tiggrava, tant li saret inkontrollabbli fi ftit mill-ħabsijiet tagħhom;

F.  billi l-affollament eċċessiv tal-ħabsijiet huwa ta' detriment serju għall-kwalità tal-kundizzjonijiet ta' detenzjoni, jista' jikkontribwixxu għar-radikalizzazzjoni, għandu effetti negattivi fuq is-saħħa u l-benessri tal-ħabsin, huwa ostakolu għal riabilitazzjoni soċjali, u jikkontribwixxi għal ambjent tax-xogħol għall-persunal tal-ħabsijiet li jkun nieqes mis-sikurezza, ikkumplikat u mhux tajjeb għas-saħħa;

G.   billi fis-sentenza tagħha tas-6 ta' Ottubru 2005 fil-kawża Hirst vs ir-Renju Unit, il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem ikkonfermat li projbizzjoni ġenerali u awtomatika tad-dritt tal-vot tal-ħabsin ma kinitx konformi mad-demokrazija; billi fl-2011, 58.7 % tal-ħabsin intitolati li jivvutaw fil-Polonja pparteċipaw fl-elezzjonijiet parlamentari;

H.   billi m'hemm l-ebda korrelazzjoni bejn il-gravità tal-pieni u t-tnaqqis fir-rata tal-kriminalità;

I.  billi l-priġunerija hija sitwazzjoni partikolarment mhux adattata biex jitqiegħdu fiha ċerti persuni vulnerabbli, bħall-minorenni, l-anzjani, in-nisa tqal, u l-persuni li jsofru minn mard mentali jew fiżiku serju jew invalidità; billi tali persuni jeħtieġu approċċ xieraq imfassal b'mod speċifiku;

J.  billi l-Artikolu 37 tal-Konvenzjoni tan-NU dwar id-Drittijiet tat-Tfal jistipula li d-detenzjoni tat-tfal "għandha tintuża biss bħala l-aħħar miżura u għall-iqsar perijodu ta' żmien possibbli" u li "t-tfal għandhom jinżammu separati mill-adulti sakemm ma jkunx meqjus li jkun fl-aħjar interess tat-tifel/tifla li ma jsirx hekk";

K.  billi, skont id-data tal-Eurostat, aktar minn 20 % tal-popolazzjoni totali tal-ħabs fl-2014 kienet tikkonsisti minn detenuti miżmuma taħt arrest;

L.  billi d-detenzjoni ta' qabel proċess jenħtieġ li tintuża biss bħala miżura tal-aħħar istanza; billi t-tfal jenħtieġ li qatt ma jinżammu f'faċilità fejn ikunu vulnerabbli għal influwenzi negattivi; billi jenħtieġ li dejjem jitqiesu l-ħtiġijiet speċifiċi tat-tfal fil-fażi ta' żvilupp;

M.  billi l-priġunerija, inkluża d-detenzjoni qabel il-proċess, jenħtieġ li tintuża biss f'każijiet iġġustifikati legalment u l-applikazzjoni ta' sanzjonijiet bħala alternattivi għall-priġunerija - bħal detenzjoni d-dar jew miżuri oħrajn - jenħtieġ li jingħataw prijorità fil-każ ta' ħabsin li ma jippreżentawx periklu serju għas-soċjetà, billi jinżammu f'ambjent miftuħ u familjari u jingħataw aċċess aħjar għas-servizzi soċjali, il-kura u r-reintegrazzjoni;

N.  billi d-delinkwenti minorenni jenħtieġ li, fil-prinċipju, dejjem ikunu intitolati għal alternattivi għad-detenzjoni irrispettivament mir-reat li jkunu wettqu;

O.  billi skont iċ-ċifri tal-Kunsill tal-Ewropa għall-2015, medja ta' 10.8 % tad-detenuti fil-ħabsijiet Ewropej huma barranin – ċifra li fl-2014 telgħet għal 13.7 % – u billi huma ta' spiss f'detenzjonijiet proviżorji minħabba riskju ogħla possibbli li jaħarbu;

P.  billi l-persunal penitenzjarju jwettaq funzjoni essenzjali f'isem il-komunità u jenħtieġ li jkollu kundizzjonijiet ta' impjieg li jixirqu l-kwalifiki tal-persunal u li jqisu n-natura eżiġenti tax-xogħol tagħhom; billi meta titqies in-natura diffiċli u delikata tal-attività tagħhom, miżuri bħal taħriġ inizjali u kontinwu aħjar għall-persunal tal-ħabs, żieda fil-finanzjament iddedikat, il-kondiviżjoni tal-aħjar prattiki, kundizzjonijiet tax-xogħol deċenti u sikuri u żieda fil-livelli tal-persunal huma essenzjali biex jiġu żgurati kundizzjonijiet tajbin ta' detenzjoni fil-ħabsijiet; billi t-taħriġ kontinwu jista' jgħin biex jappoġġja persunal tal-ħabs fl-indirizzar ta' sfidi ġodda u emerġenti bħalma huma r-radikalizzazzjoni fil-ħabs;

Q.  billi l-persunal tal-ħabs li jkun motivat, dedikat u rispettat huwa prekundizzjoni għal kundizzjonijiet ta' detenzjoni umani u għalhekk għas-suċċess tal-kunċetti tad-detenzjoni ddisinjati biex itejbu l-ġestjoni tal-ħabsijiet, ir-reintegrazzjoni b'suċċess fis-soċjetà, u t-tnaqqis tar-riskji tar-radikalizzazzjoni u tar-reċidiviżmu; 

R.  billi l-awtoleżjoniżmu u l-imġiba vjolenti tal-ħabsin ta' spiss huma provokati mill-affollament eċċessiv fil-ħabs u mill-kundizzjonijiet deplorevoli ta' detenzjoni; billi fattur addizzjonali huwa li l-persunal mhuwiex imħarreġ jew kwalifikat b'mod xieraq; billi f'ħafna ħabsijiet il-livell ta' tensjoni qed joħloq kundizzjonijiet tax-xogħol partikolarment diffiċli għall-persunal, li f'għadd ta' każijiet wasslu għal azzjoni industrijali fl-Istati Membri;

S.  billi l-amministrazzjoni penitenzjarja effiċjenti trid tirċievi fondi u persunal adegwati biex twettaq il-missjoni ta' sigurtà u ta' riabilitazzjoni tagħha;

T   billi l-projbizzjoni ta' tortura jew trattament jew pieni krudili, inumani jew degradanti oħra hija norma universali, applikabbli għall-adulti kif ukoll għat-tfal, u kwalunkwe ksur tad-drittijiet fundamentali tal-ħabsin li ma jirriżultax minn restrizzjonijiet li huma vitali għaċ-ċaħda tal-libertà jikkostitwixxi detriment għad-dinjità tal-bniedem;

U.  billi r-rata ta' suwiċidju fil-ħabsijiet tal-Unjoni Ewropea hija partikolarment allarmanti;

V.  billi r-radikalizzazzjoni f'ħafna ħabsijiet fl-UE hija fenomenu ta' tħassib kbir li teħtieġ attenzjoni partikolari, u għandha bżonn tiġi indirizzata permezz ta' mezzi xierqa, fuq bażi ta' rispett sħiħ għad-drittijiet tal-bniedem u l-obbligi internazzjonali; billi l-fatturi li jikkawżaw iż-żieda f'dan il-fenomenu jistgħu jinkludu kundizzjonijiet inumani ta' detenzjoni fil-ħabsijiet u l-affollament eċċessiv fil-ħabs, li jistgħu jinkoraġġixxu l-influwenza ta' dawk li jirreklutaw għal estremiżmu vjolenti;

W.  billi l-Unjoni għamlet il-finanzjament disponibbli taħt l-Aġenda Ewropea dwar is-Sigurtà sabiex tindirizza r-radikalizzazzjoni fil-ħabsijiet; billi minħabba l-kuntest tas-sigurtà fl-Ewropa, hemm ħtieġa urġenti li kull Stat Membru jadotta miżuri ta' prevenzjoni tar-radikalizzazzjoni fil-ħabsijiet; billi l-iskambju tal-aħjar prattiki fil-livell Ewropew huwa kruċjali;

X.  billi xi wħud mis-sistemi u l-faċilitajiet attwali tal-ħabs, u proporzjon sinifikanti mill-binjiet li bħalissa qed jintużaw bħala ħabsijiet f'numru ta' pajjiżi Ewropej imorru lura għas-seklu 19; billi xi wħud minn dawn il-binjiet m'għadhomx xierqa għall-użu fis-seklu 21 peress li joffru kundizzjonijiet deplorabbli li jiksru d-drittijiet fundamentali tal-bniedem;

Y.  billi r-riċerka kkonkludiet li l-iżvilupp ta' demokrazija rappreżentattiva u ta' djalogu kostruttiv fil-ħabsijiet kien ta' benefiċċju għall-ħabsin, għall-persunal u għas-soċjetà inġenerali u jgħin biex jitjiebu r-relazzjonijiet bejn il-persunal u l-ħabsin;

1.  Huwa allarmat dwar il-kundizzjonijiet ta' detenzjoni eżistenti f'ċerti Stati Membri u dwar l-istat ta' bosta ħabsijiet Ewropej; iħeġġeġ lill-Istati Membri jirrispettaw ir-regoli tad-detenzjoni, li jirriżultaw minn strumenti tad-dritt internazzjonali u tal-istandards tal-Kunsill tal-Ewropa; jinnota li ċ-ċaħda tal-libertà ma twassalx għal ċaħda tad-dinjità; jistieden lill-Istati Membri jadottaw mekkaniżmu indipendenti ta' sorveljanza penitenzjarja kif previst fil-Protokoll Fakultattiv għall-Konvenzjoni Kontra t-Tortura (OPCAT);

2.  Jistieden lill-Istati Membri jsaħħu s-sistemi ġuridiċi tagħhom u jinvestu fit-taħriġ għall-imħallfin;

3.  Jerġa' jafferma li l-kundizzjonijiet ta' detenzjoni huma element deċiżiv għall-applikazzjoni tal-prinċipju tar-rikonoxximent reċiproku tas-sentenzi fl-Ispazju ta' Libertà, Sigurtà u Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, kif il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet fil-kawżi Aranyosi u Căldăraru; ifakkar l-importanza fundamentali tal-prinċipju tar-rikonoxximent reċiproku tas-sentenzi stipulat fit-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea;

4.  Jiddeplora l-fatt li l-affollament eċċessiv fil-ħabsijiet huwa komuni ħafna fl-Ewropa; huwa allarmat dwar il-livelli rekord ġodda ta' affollament eċċessiv f'ċerti Stati Membri; jenfasizza li skont l-aħħar edizzjoni tal-istatistika penali annwali tal-Kunsill tal-Ewropa tal-14 ta' Marzu 2017, in-numru ta' detenuti jkompli jaqbeż in-numru ta' postijiet disponibbli f'terz tal-istituzzjonijiet penitenzjarji Ewropej; jistieden lill-Istati Membri jsegwu r-rakkomandazzjonijiet tal-white paper tal-Kunsill tal-Ewropa dwar l-affollament eċċessiv fil-ħabsijiet tat-28 ta' Settembru 2016 u r-Rakkomandazzjoni R(99)22 tal-Kumitat tal-Ministri tal-Kunsill tal-Ewropa tat-30 ta' Settembru 1999 dwar l-affollament eċċessiv fil-ħabsijiet u l-inflazzjoni fil-popolazzjoni tal-ħabsijiet;

5.  Jinnota li l-Istati Membri jikkalkolaw il-kapaċità tal-ħabsijiet u, b'konsegwenza, ir-rata ta' affollament eċċessiv fil-ħabsijiet, skont parametri spazjali differenti ħafna minn Stat Membru għall-ieħor, li jagħmilha diffiċli, jekk mhux impossibbli, li jsir paragun fil-livell tal-Unjoni;

6.  Jiddeplora wkoll il-fatt li, f'ħafna każijiet, l-affollament eċċessiv fil-ħabsijiet għandu impatt serju fuq is-sikurezza tal-persunal tal-ħabs u l-ħabsin, li jaffettwa l-kundizzjonijiet ta' għajxien u s-saħħa, l-attivitajiet disponibbli, il-kura medika u psikoloġika u r-riabilitazzjoni u l-monitoraġġ tal-ħabsin; iħeġġeġ lill-Istati Membri jistabbilixxu sistemi u databases għall-monitoraġġ f'ħin reali tal-kundizzjonijiet ta' detenzjoni tal-ħabsin, u tiġi żgurata distribuzzjoni effiċjenti tal-popolazzjoni tal-ħabs tagħhom;

7.  Iqis li ż-żieda fil-kapaċità tal-ħabsijiet mhijiex l-unika soluzzjoni għall-affollament eċċessiv, peress li l-popolazzjoni fil-ħabsijiet għandha t-tendenza li tikber bl-istess rata taż-żieda fil-kapaċità tal-ħabsijiet; madanakollu jistieden lill-Istati Membri biex jallokaw riżorsi adegwati għar-rinnovament u l-modernizzazzjoni tal-ħabsijiet sabiex jagħtu prijorità lil unitajiet żgħar b'akkomodazzjoni għal numru ristrett ta' ħabsin, jipprovdu kundizzjonijiet ta' detenzjoni dinjitużi, joħolqu spazji kollettivi li jilħqu l-objettivi tal-provvediment ta' attivitajiet u tas-soċjalizzazzjoni, iħeġġu r-riabilitazzjoni u r-reintegrazzjoni fis-soċjetà, jiżviluppaw aktar faċilitajiet edukattivi, u jiżguraw ambjent aktar sigur kemm għall-ħabsin kif ukoll għall-persunal;

8.  Iqis li r-regoli ta' detenzjoni li jvarjaw skont il-ħabsin u l-livell ta' riskju li jippreżentaw jikkostitwixxu metodu tajjeb għall-prevenzjoni tar-reċidiviżmu u t-tħeġġiġ tar-reintegrazzjoni fis-soċjetà; jinnota għal darb'oħra li l-miżuri ta' reintegrazzjoni għandhom jiġu internalizzati u jibdew japplikaw matul id-detenzjoni; iħeġġeġ lill-Istati Membri biex iqisu t-tip ta' delitt imwettaq meta jiddeċiedu kif iqassmu l-popolazzjoni kkalzrata fil-ħabsijiet, billi jevitaw il-kuntatt ta' persuni detenuti għal żmien qasir u dawk ikkundannati għal reati minuri ma' ħabsin ikkundannati għal żmien twil;

9.  Jistieden lill-Istati Membri jipprovdu lid-detenuti bi programm ibbilanċjat ta' attivitajiet u biex ikunu jistgħu jqattgħu kemm jista' jkun sigħat fil-ġurnata barra miċ-ċelel tagħhom daqs kemm hu neċessarju għal livell adegwat ta' interazzjoni umana u soċjali u biex jitnaqqsu l-frustrazzjoni u l-vjolenza; jenfasizza li l-akkomodazzjoni pprovduta għall-ħabsin, u b'mod partikolari l-kundizzjonijiet tal-irqad, għandhom jirrispettaw id-dinjità tal-bniedem u l-privatezza, u jissodisfaw ir-rekwiżiti tas-saħħa u tal-iġjene, billi tingħata l-attenzjoni dovuta għall-kundizzjonijiet klimatiċi u b'mod speċjali għall-ispazju ta' art, il-kontenut kubiku tal-arja, id-dawl, l-evitar ta' livelli għoljin ta' storbju, it-tisħin u l-ventilazzjoni; Jistieden lill-Istati Membri kollha jadottaw definizzjoni komuni ta' "spazju minimu" li għandu jingħata lil kull detenut; ifakkar li l-Kummissjoni, dan l-aħħar, semmiet il-possibbiltà ta' finanzjament għall-Istati Membri mill-Fondi Strutturali tal-UE;

10.   Jistieden lill-Istati Membri biex jaħsbu għar-reklutaġġ ta' voluntiera, fl-ambitu tal-eżekuzzjoni tas-sanzjonijiet, biex jappoġġjaw il-persunal professjonali, bil-għan li tinħoloq rabta li tħeġġeġ ir-reintegrazzjoni tal-individwi fis-soċjetà; iqis li l-kompiti tal-voluntiera għandhom ikunu distinti b'mod ċar minn dawk imwettqa mill-persunal professjonali u għandhom jaqgħu fil-limiti tal-kompetenzi tagħhom;

11.  Jissuġġerixxi li l-Istati Membri jenħtieġ li jistabbilixxu l-ispettorati għall-bini ta' detenzjoni (bħalma jsir f'ċerti Stati Membri), biex jinsiltu l-lezzjonijiet mill-ħidma ta' korpi indipendenti għall-evalwazzjoni tal-kundizzjonijiet tal-ħabsijiet;

12.  Huwa mħasseb dwar iż-żieda fil-privatizzazzjoni ta' sistemi tal-ħabsijiet fl-UE, u jfakkar li l-privatizzazzjoni ta' sistemi kriminali spiss tħalli bosta mistoqsijiet mhux imwieġba rigward l-impatt tagħha fuq il-kundizzjonijiet tad-detenzjoni u fuq ir-rispett għad-drittijiet fundamentali; jiddeplora l-fatt li saru verament ftit studji komparattivi biex jiġu evalwati l-ispejjeż u l-kwalità tal-ġestjoni fir-rigward tal-ħabsijiet pubbliċi u privati; jenfasizza li l-ħidmiet ewlenin tal-gwida, tas-sorveljanza u tal-amministrazzjoni tal-qrati jridu jibqgħu f'idejn l-Istat;

13.  Ifakkar li d-detenzjoni proviżorja trid tibqa' miżura bħala l-aħħar alternattiva, li tintuża biss f'każijiet fejn tkun strettament neċessarja u għall-aktar perjodu ta' żmien qasir kemm jista' jkun skont il-kodiċi nazzjonali tal-proċedura kriminali li tkun tapplika; jiddeplora li, f'ħafna Stati Membri, fil-prattika, id-detenzjoni proviżorja tintuża b'mod sistematiku, li flimkien ma' kundizzjonijiet ħżiena ta' detenzjoni, imma mhux biss, tista' tikkostitwixxi ksur tad-drittijiet fundamentali tal-ħabsin; iqis li biex tissolva l-problema tal-użu żejjed ta' detenzjoni qabel il-proċess hemm bżonn ta' soluzzjonijiet innovattivi, inkluż permezz tal-modernizzazzjoni tal-kodiċi tal-proċeduri kriminali u tat-tisħiħ tal-ġudikatura;

14.  Ifakkar li r-Regoli Ewropej dwar il-Ħabsijiet, adottati mill-Kumitat tal-Ministri tal-Kunsill tal-Ewropa, jissottolinjaw li l-ħabsin jenħtieġ li jkunu kapaċi jieħdu sehem fl-elezzjonijiet u r-referenda u f'aspetti oħra tal-ħajja pubblika, sa fejn id-dritt tagħhom li jagħmlu dan ma jkunx ristrett mil-liġi nazzjonali; ifakkar li l-parteċipazzjoni fl-attivitajiet elettorali tippermetti lill-ħabsin jerġgħu jsiru membri attivi tas-soċjetà, li jgħin fit-triq tar-reintegrazzjoni tagħhom; iħeġġeġ lill-Istati Membri jiffaċilitaw l-aċċess prattiku għad-drittijiet elettorali għall-ħabsin, bħall-istabbiliment ta' kmamar tal-votazzjoni fil-ħabsijiet fil-ġranet tal-elezzjoni;

15.  Jinsisti li jenħtieġ li tiġi implimentata ġestjoni effiċjenti fit-tul tas-sistemi penitenzjarji, biex jonqos in-numru ta' ħabsin permezz ta' użu aktar frekwenti ta' miżuri punittivi mhux ta' kustodja – bħall-ordnijiet għas-servizz fil-komunità jew sorveljanza elettronika – u jiġi mminimizzat ir-rikors għal detenzjoni qabel proċess;

16.  Jistieden lill-Istati Membri biex jiżguraw li, flimkien mal-aspetti punittivi tal-priġunerija, tingħata wkoll attenzjoni lill-iżvilupp ta' ħiliet prattiċi u r-riabilitazzjoni tal-ħabsin sabiex ikun hemm ġestjoni aħjar tal-pieni, reintegrazzjoni soċjali ta' suċċess u inqas reċidiviżmu; Jinnota li l-priġunerija, meta mqabbla ma' miżuri alternattivi, twassal għal aktar reċidivi fil-każ tal-pieni qosra;

17.  Iħeġġeġ lill-Istati Membri jistabbilixxu miżuri ta' aġġustament tal-pieni, speċjalment għall-pieni l-aktar qosra, inkluż l-użu ta' rilaxxi għal jum, il-permess li l-pieni jsiru matul il-vaganzi sabiex jiġi evitat li l-ħabsi jitlef l-impjieg tiegħu, servizz fil-komunità, u użu akbar ta' detenzjoni d-dar u sorveljanza elettronika; isostni wkoll li huwa xieraq li tissaħħaħ l-individwalizzazzjoni tal-piena għal eżekuzzjoni aħjar;

18.  Iqis li, sabiex il-miżuri ġodda mhux ta' kustodja jkunu effettivi, l-introduzzjoni ta' dawn tal-aħħar jenħtieġ li tkun akkumpanjata b'miżuri oħra bħal riformi penali, edukattivi u soċjali li jfittxu li jippromwovu r-reintegrazzjoni u kuntatt mas-soċjetà u l-ekonomija esterni; f'dan ir-rigward, jemmen li l-amministrazzjonijiet penitenzjarji jenħtieġ li jistabbilixxu rabtiet qawwija mal-komunitajiet lokali, jipproduċu dokumenti ta' spjegazzjoni u evidenza statistika mmirata biex tipperswadi lill-opinjoni pubblika li miżuri mhux ta' kustodja huma meħtieġa biex inaqqsu r-reċidiviżmu kif ukoll biex jiżguraw is-sigurtà fit-tul fis-soċjetà tagħna; f'dan ir-rigward jiġbed l-attenzjoni għall-aħjar prattiki li jeżistu fil-pajjiżi Skandinavi;

19.  Jistieden lill-Kummissjoni twettaq studju komparattiv biex tanalizza l-miżuri alternattivi tal-Istati Membri u tappoġġja t-tixrid tal-aħjar prattiki nazzjonali;

20.  Jistieden lill-Istati Membri kollha biex jintroduċu miżuri aktar b'saħħithom għall-monitoraġġ tal-ħabsin wara li joħorġu mill-ħabs, meta dawn ikunu kkundannati għal raġunijiet serji; jissuġġerixxi li jiġu stabbiliti miżuri ta' monitoraġġ wara r-rilaxx, b'sejħa ta' udjenza mmexxija minn imħallef u assistit minn aġenti ta' probazzjoni u ta' reintegrazzjoni, sabiex jevalwaw ir-reintegrazzjoni fis-soċjetà u r-riskju ta' reċidiviżmu;

21.  Jenfasizza li d-Deċiżjoni Qafas dwar probazzjoni u sanzjonijiet alternattivi tipprevedi mekkaniżmi ta' rikonoxximent reċiproku applikabbli għal miżuri użati mill-Istati Membri, bħal restrizzjonijiet fuq l-ivvjaġġar, ordnijiet ta' servizz fil-komunità, restrizzjonijiet ta' komunikazzjoni u ta' miżuri ta' tneħħija u li d-Deċiżjoni Qafas dwar ordnijiet ta' sorveljanza Ewropea tipprevedi l-istess għad-detenzjoni proviżorja;

22.  Jistieden lill-Istati Membri jsegwu r-rakkomandazzjonijiet speċifiċi rigward il-kundizzjonijiet tal-ħabsijiet għad-detenuti vulnerabbli; jiddeplora l-fatt li, xi kultant, il-persuni li jbatu minn mard mentali jintefgħu u jibqgħu l-ħabs sempliċiment minħabba nuqqas ta' servizzi adegwati fuq barra, u jfakkar li skont il-QEDB, it-trattament mhux adegwat ta' persuni b'diżordni mentali jista' jammonta għal ksur tal-Artikolu 3 tal-KEDB u tal-Artikolu 2 tagħha (id-dritt għall-ħajja) fil-każ ta' ħabsin suwiċidali;

23.  Jiddeplora l-fatt li s-sitwazzjoni vulnerabbli tal-ħabsin anzjani u dawk b'diżabbiltà mhijiex ikkunsidrata bis-sħiħ f'xi Stati Membri; jistieden lill-Istati Membri jiżguraw li l-ħabsin anzjani li jibdew isofru minn diżabbiltà jiġu rilaxxati u li d-detenuti b'diżabbiltà jiġu pprovduti bl-infrastruttura meħtieġa;

24.  Jistieden lill-Istati Membri jaġixxu kontra kull forma ta' diskriminazzjoni fit-trattament tal-ħabsin abbażi tal-orjentament sesswali jew l-identità tal-ġeneru, u biex jiggarantixxu d-drittijiet tal-ħabsin għas-sesswalità tagħhom;

25.  Jenfasizza li d-detenuti nisa għandhom ħtiġijiet speċifiċi u jrid ikollhom aċċess għal servizzi mediċi u eżaminazzjonijiet mediċi adegwati u għal miżuri sanitarji xierqa; jistieden lill-Istati Membri jsegwu r-rakkomandazzjonijiet eżistenti rigward it-trattament tad-detenuti nisa filwaqt li jevitaw kwalunkwe forma ta' diskriminazzjoni bbażata fuq il-ġeneru;

26.  Iqis li huwa essenzjali li tingħata attenzjoni speċjali għall-ħtiġijiet tan-nisa fil-ħabsijiet waqt it-tqala u wkoll wara li jkunu welldu, billi jingħataw spazji adegwati li fihom ikunu jistgħu jreddgħu u għal kura minn infermiera kwalifikati u speċjalizzati; iqis li huwa xieraq li ssir riflessjoni fuq mudelli alternattivi li jqisu l-benessri tat-tfal fil-ħabsijiet; isostni li s-separazzjoni awtomatika tal-omm minn uliedha toħloq disturbi emozzjonali maġġuri fit-tfal, u tista' tikkostitwixxi piena addizzjonali li taffettwa kemm l-omm kif ukoll lit-tfal;

27.  Jesprimi t-tħassib tiegħu għal-livell għoli ta' suwiċidji fil-ħabsijiet; jistieden lil kull Stat Membru biex ifassal pjan ta' azzjoni fuq livell nazzjonali għall-prevenzjoni tas-suwiċidju ta' persuni f'detenzjoni;

28.  Iħeġġeġ lill-Istati Membri biex jiżguraw li l-ħabsin għandhom kuntatti regolari mal-familji u l-ħbieb tagħhom billi jippermettulhom li jiskontaw il-pieni tagħhom fi stabbilimenti viċin djarhom, u billi jiġu promossi żjarat, telefonati u l-użu ta' komunikazzjonijiet elettroniċi, suġġetti għal awtorizzazzjoni mill-imħallef u monitoraġġ mill-amministrazzjoni tal-ħabs, għall-finijiet ta' preżervazzjoni tar-rabtiet tal-familja; ifakkar li l-kunċett ta' familja għandu jiġi interpretat b'mod wiesa' biex jinkludi relazzjonijiet mhux formalizzati; iqis bħala importanti li jingħataw kundizzjonijiet xierqa sabiex jinżammu dawn ir-rabtiet;

29.  Jikkundanna l-politika ta' tbegħid penitenzjarju applikata minn xi Stati Membri, billi din tirrappreżenta pieni miżjuda li jaffettwaw lill-familji tal-ħabsin; iħeġġeġ li jiġu stabbiliti miżuri biex jippermettu lill-ħabsin kollha li jinsabu 'l bogħod minn djarhom biex jersqu eqreb, sakemm l-awtorità ġudizzjarja ma tiddeċidix mod ieħor għal raġunijiet ġustifikati legalment; ifakkar li skont il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, iż-żamma ta' persuna f'ħabs li huwa tant 'il bogħod mill-familja tiegħu jew tagħha li jagħmel iż-żjarat mill-familjari diffiċli ħafna jew anke impossibbli jista' jikkostitwixxi ksur tal-Artikolu 8 tal-KEDB (id-dritt għar-rispett għall-ħajja privata u għall-ħajja tal-familja);

30.  Jerġa' jafferma l-importanza li jiġi żgurat li t-tfal jiġu trattati b'mod li jqis l-aħjar interessi tagħhom, inkluż li fl-ebda ħin ma jinżammu separati mill-adulti, anki matul it-trasferimenti bejn il-ħabsijiet, u li jkollhom id-dritt li jżommu kuntatt mal-familji tagħhom sakemm il-qorti ma tiddeċidix mod ieħor;; jiddispjaċih li f'xi Stati Membri d-delinkwenti minorenni jinżammu f'faċilitajiet flimkien ma' adulti, u b'hekk jiġu esposti għar-riskju tal-abbuż u l-vjolenza u jiċċaħħdu mill-kura speċifika li grupp vulnerabbli jeħtieġ; ifakkar li d-Direttiva (UE) 2016/800 dwar il-garanziji proċedurali għat-tfal tiddikjara preferenza għall-użu ta' miżuri alternattivi; jistieden lill-Istati Membri jistabbilixxu ċ-ċentri ta' attendenza għall-adoloxxenti;

31.  Ifakkar li t-tfal fid-detenzjoni għandhom jirċievu kura, protezzjoni u l-għajnuna individwali kollha meħtieġa - soċjali, edukattiva, vokazzjonali, psikoloġika, medika u fiżika - li jistgħu jeħtieġu fid-dawl tal-età, is-sess u l-personalità tagħhom; iħeġġeġ lill-Istati Membri biex jippromwovu ċentri edukattivi siguri b'faċilitajiet għall-kura psikjatrika tat-tfal għall-aktar tfal diffiċli, minflok ma jirrikorru għall-ħabs; jistieden lill-Istati Membri jestendu kura partikolari u protezzjoni speċjali lit-tfal f'detenzjoni;

32.  Jistieden lill-Istati Membri jipprovdu faċilitajiet tal-edukazzjoni xierqa għall-minorenni fil-ħabsijiet; jinnota li t-tfal fid-detenzjoni jrid ikollhom aċċess għal programmi li jħejjuhom bil-quddiem għar-ritorn tagħhom fil-komunitajiet tagħhom, billi tingħata attenzjoni sħiħa lilhom fir-rigward tal-ħtiġijiet emozzjonali u fiżiċi tagħhom, tar-relazzjonijiet familjari tagħhom, tal-akkomodazzjoni, tat-tagħlim u tal-possibbiltajiet ta' impjieg u tal-istatus soċjoekonomiku tagħhom;

33.  Jinkoraġġixxi lill-Kummissjoni tistabbilixxi gruppi ta' ħidma speċifiċi magħmula minn rappreżentanti tal-ministeri tal-ġustizzja tal-Istati Membri u tal-awtoritajiet nazzjonali kif ukoll tal-NGOs li jaħdmu fil-qasam sabiex jiffaċilitaw l-iskambju tal-aħjar prattiki;

34.  Jinnota li t-tfal fid-detenzjoni jenħtieġ li jżommu kuntatt regolari u sinifikanti mal-ġenituri, mal-familja u mal-ħbieb permezz ta' żjarat u korrispondenza, ħlief meta jkunu meħtieġa restrizzjonijiet fl-interessi tal-ġustizzja u fl-interessi tat-tfal; ifakkar li r-restrizzjonijiet fuq dan id-dritt jenħtieġ li ma jintużaw qatt bħala piena;

35.  Jitlob lill-Kummissjoni tippromwovi politiki mmirati biex tingħeleb id-diskriminazzjoni li jistgħu jbatu minnha l-ulied ta' ġenituri l-ħabs, biex tissaħħaħ l-integrazzjoni soċjali u tinbena soċjetà ġusta u inklużiva;

36.  Jirrikonoxxi d-dritt tat-tfal li jżommu kuntatt dirett mal-ġenitur detenut tagħhom u, fl-istess ħin, itenni d-dritt tal-ħabsi għat-trobbija tal-ulied bħala ġenitur; iqis f'dan ir-rigward li l-ħabsijiet għandhom ikunu mgħammra bi spazju xieraq għat-tfal, fejn it-tfal ikunu jistgħu jiġu indokrati minn uffiċjali tal-ħabs imħarrġa b'mod adegwat, inklużi assistenti soċjali u voluntiera minn NGOs li jkunu jistgħu jgħinu lit-tfal u lill-familji tagħhom waqt iż-żjarat fil-ħabs;

37.  Jistieden lill-Kummissjoni tevalwa l-possibbiltà li jitfassal memorandum ta' qbil fil-livell tal-UE sabiex tiġi żgurata l-preservazzjoni tar-relazzjoni ta' paternità mal-ġenituri l-ħabs u tippermetti lill-ġenituri jkunu preżenti waqt mumenti importanti fl-edukazzjoni ta' wliedhom, u b'hekk jiġu ssalvagwardjati l-interessi tal-minorenni;

38.  Jissottolinja li l-ħabsin li jinżammu fi Stat Membru ieħor li mhux l-Istat Membru ta' residenza tagħhom ikollhom aktar diffikultajiet biex iżommu kuntatt mal-familji tagħhom;

39.  Jistieden lill-Istati Membri jsegwu r-rakkomandazzjonijiet fis-seħħ dwar it-trattament tal-ħabsin barranin, ibbażati fuq id-dritt tagħhom li ma jiġux iddiskriminati, u b'mod partikolari billi jiffavorixxu l-intervent ta' medjaturi kulturali;

40.  Jistieden lill-Istati Membri biex jużaw reklużjoni biss bħala l-aħħar alternattiva u fejn ħabsi jirrappreżenta periklu lil ħabsin oħrajn jew lilu nnifsu jew lilha nnifisha, u biex toħloq il-mekkaniżmi possibbli kollha biex jiġi evitat l-abbuż; jistieden lill-Istati Membri biex jieqfu jużaw ir-reklużjoni għall-minorenni;

41.  Jistieden lill-Istati Membri jiġġieldu l-fenomenu tat-traffikar ta' sustanzi u drogi illeċiti fil-ħabsijiet b'mod aktar effettiv;

42.  Ifakkar fil-prinċipju tad-dritt universali għas-saħħa, u jistieden lill-Istati Membri jiggarantixxu l-aċċess għal servizzi tal-kura tas-saħħa adegwati u faċilitajiet mediċi adegwati fil-ħabs u biex jiżguraw li l-ħabsin ikollhom aċċess għal kura tas-saħħa meta meħtieġ billi jkun hemm prattikanti mediċi kwalifikati maħtura f'numri suffiċjenti għal kull ħabs; jesprimi tħassib dwar id-diffikultajiet esperjenzati minn ħabsin f'għadd ta' Stati Membri biex jiksbu aċċess għal tabib jew appoġġ psikoloġiku;

43.  Iħeġġeġ lill-Istati Membri biex jiżguraw li l-ħabsin li jbatu minn patoloġiji serji jew kroniċi inkluż il-kanser jirċievu t-trattamenti speċifiċi li jkunu meħtieġa;

44.  Jistieden lil dawk l-Istati Membri li ma joperawx diġà tali prattiki biex jitqies l-aġġustament tas-sentenzi ta' ħabsin morda serjament għal raġunijiet umanitarji, soġġetta għall-awtorizzazzjoni ġudizzjarja, u b'kont meħud tal-grad ta' periklu tad-detenuti u l-opinjoni ta' kumitat ta' esperti;

45.  Jitlob lill-Istati Membri biex jiġġieldu kontra l-fenomenu dejjem jikber tar-radikalizzazzjoni fil-ħabsijiet filwaqt li jħarsu l-libertà tar-reliġjon u jevitaw diskriminazzjonijiet relatati mal-ipprattikar ta' twemmin partikolari; jissottolinja li kwalunkwe programm speċifiku ddedikat lil ċertu grupp ta' ħabsin, bħal dawk meqjusa bħala "radikalizzati", irid jirrispetta l-istess kriterji tad-drittijiet tal-bniedem u tal-obbligi internazzjonali li japplikaw għal kwalunkwe ħabsi ieħor; jirrakkomanda li l-amministrazzjonijiet tal-ħabsijiet tinforma lill-awtoritajiet kompetenti rigward ir-radikalizzazzjoni ta' individwi;

46.  Jenfasizza li l-kundizzjonijiet ta' detenzjoni inumani, it-trattament ħażin u l-affollament eċċessiv tal-ħabsijiet jistgħu jikkostitwixxu fatturi li jżidu r-riskju ta' radikalizzazzjoni;

47.  Iqis li r-radikalizzazzjoni tista' tiġi indirizzata b'mod effikaċi permezz, inter alia, tat-titjib tad-detezzjoni ta' sinjali bikrija tal-fenomenu (pereżempju permezz ta' taħriġ tal-persunal tal-ħabs u t-titjib tal-intelligence fil-ħabsijiet), it-titjib ta' mekkaniżmi li jittrattaw imġiba estremista, l-iżvilupp ta' miżuri edukattivi, u l-appoġġ ta' djalogu u komunikazzjoni bejn ir-reliġjonijiet; iqis li mentoraġġ aħjar, aktar kura psikoloġika u skambji ma' individwi deradikalizzati huma essenzjali fil-ġlieda kontra r-radikalizzazzjoni; jinnota li ż-żgħażagħ huma partikolarment vulnerabbli għall-propaganda tal-organizzazzjonijiet terroristiċi; iħeġġeġ lill-Istati Membri jistabbilixxu programmi ta' deradikalizzazzjoni;

48.  Huwa tal-fehma li l-attivitajiet ta' monitoraġġ tal-Istati Membri għandhom jinkludu s-sinjalizzazzjoni tal-ħabsin radikalizzati l-aktar perikolużi lill-awtoritajiet ġudizzjarji u/jew lill-awtoritajiet nazzjonali responsabbli għall-ġlieda kontra t-terroriżmu;

49.  Iħeġġeġ lill-Istati Membri biex jiskambjaw l-aħjar prattiki bil-għan li tiġi evitata u miġġielda r-radikalizzazzjoni fil-ħabsijiet u fiċ-ċentri ta' detenzjoni għall-minorenni; Ifakkar li skont l-Aġenda Ewropea dwar is-Sigurtà, l-UE għamlet il-finanzjament disponibbli biex jappoġġja t-taħriġ tal-persunal tal-ħabs bil-għan li tiġi miġġielda r-radikalizzazzjoni fil-ħabsijiet; jistieden lill-Istati Membri jagħmlu użu sħiħ miċ-Ċentru ta' Eċċellenza tan-Netwerk ta' Sensibilizzazzjoni dwar ir-Radikalizzazzjoni (RAN), u b'mod speċifiku biex jikkondividu aktar l-għarfien espert permezz tal-Grupp ta' Ħidma dwar il-Ħabsijiet u l-Probazzjoni fih;

50.  Jinnota li r-regoli ta' detenzjoni differenzjata tad-detenuti li tqiesu li ġew radikalizzati jew reklutati minn organizzazzjonijiet terroristiċi jirrappreżentaw miżura possibbli li tillimita r-radikalizzazzjoni fil-ħabsijiet; iwissi, madankollu, li tali miżuri għandhom jiġu imposti biss fuq bażi ta' każ b'każ u għandhom ikunu bbażati fuq deċiżjoni ġudizzjarja u suġġetti għal rieżami mill-awtoritajiet ġudizzjarji kompetenti;

51.  Jenfasizza li l-persunal tal-ħabs iwettaq xogħol ferm eżiġenti f'isem il-komunità, u għalhekk għandu jkollu rimunerazzjoni adegwata u jgawdi minn kundizzjonijiet tax-xogħol deċenti, li jinkludu konsulenza psikoloġika bla ħlas u linji telefoniċi għall-għajnuna speċjalizzati li jkunu mfassla biex jipprovdu appoġġ lill-persunal li jiffaċċja problemi li aktarx jaffettwaw ix-xogħol tagħhom;

52.  Ifakkar li r-rikonoxximent soċjali u t-taħriġ sistematiku tal-persunal tal-ħabs huma essenzjali biex jiżguraw kundizzjonijiet ta' detenzjoni siguri u xierqa fil-ħabsijiet; iħeġġeġ lill-Istati Membri jikkondividu l-informazzjoni, jiskambjaw u japplikaw l-aħjar prattiki u jadottaw kodiċi ta' kondotta u etika għall-persunal tal-ħabs tagħhom; jitlob għal dan l-għan li tiġi organizzata Assemblea Ġenerali tal-Amministrazzjonijiet Penitenzjarji, li jenħtieġ li tinkludi rappreżentanti tal-persunal tal-ħabs;

53.  Ifakkar fir-rwol fundamentali tad-djalogu soċjali mal-persunal tal-ħabs kif ukoll il-bżonn għall-involviment tagħhom permezz ta' informazzjoni u konsultazzjoni, b'mod speċjali meta jiġu żviluppati kunċetti ta' detenzjoni ġodda ddisinjati biex itejbu s-sistemi u l-kundizzjonijiet tal-ħabsijiet, inkluż dawk immirati biex irażżnu t-theddid mir-radikalizzazzjoni;

54.  Jistieden lill-Istati Membri jiżguraw djalogu regolari bejn il-ħabsin u l-persunal tal-ħabs, għaliex ir-relazzjonijiet professjonali tajba bejn il-persunal u l-ħabsin huma element essenzjali ta' sigurtà dinamika biex jitnaqqas il-potenzjal ta' inċidenti jew biex tiġi rrestawrata l-ordni tajba permezz ta' proċess ta' djalogu;

55.  Jistieden lill-Istati Membri jinkoraġġixxu lill-gvernaturi tal-ħabsijiet jimpenjaw ruħhom għall-iżvilupp ta' kunsilli tal-ħabs fl-istabbilimenti kollha;

56.  Jistieden lill-Kummissjoni tniedi Forum Ewropew dwar il-kundizzjonijiet tal-ħabsijiet sabiex tinkoraġġixxi l-iskambju tal-aħjar prattiki bejn esperti u prattikanti minn madwar l-Istati Membri kollha;

57.  Jitlob lill-Kummissjoni u lill-istituzzjonijiet tal-UE jieħdu l-miżuri meħtieġa fl-oqsma tagħhom ta' kompetenza biex jiggarantixxu r-rispett u l-ħarsien tad-drittijiet fundamentali tal-ħabsin, u b'mod partikolari ta' persuni vulnerabbli, tfal, persuni b'mard mentali, persuni b'diżabbiltà u nisa, inkluża l-adozzjoni ta' standards u regoli Ewropej komuni ta' detenzjoni fl-Istati Membri kollha;

58.  Jistieden lill-Kummissjoni timmonitorja u tiġbor informazzjoni u statistika dwar il-kundizzjonijiet ta' detenzjoni fl-Istati Membri kollha u dwar kwalunkwe każ ta' ksur tad-drittijiet fundamentali tad-detenuti, abbażi tar-rispett għall-prinċipju tas-sussidjarjetà; jistieden lill-Istati Membri jippermettu lill-MEPs id-dritt ta' aċċess għall-ħabsijiet u għaċ-ċentri ta' detenzjoni mingħajr tfixkil; 

59.  Jistieden lill-Istati Membri jadottaw Karta Ewropea tal-Ħabsijiet, skont ir-Rakkomandazzjoni 1656/2004 tas-27 ta' April 2004 tal-Kunsill tal-Ewropa;

60.  Jistieden lill-Istati Membri biex jippromwovu politiki rigward ir-reintegrazzjoni tal-ħabsin fil-ħajja ċivili, b'mod partikolari politiki li għandhom l-għan li jneħħu ostakoli strutturali li jipprevjenu r-reintegrazzjoni tal-eks-ħabsin fis-soċjetà, u biex jistabbilixxu politiki dwar il-monitoraġġ u l-aġġustament tal-pieni; jinnota li r-reċidiviżmu huwa inqas frekwenti meta l-ħabsin jgħaddu b'mod gradwali mill-ħajja wara l-ħitan għall-ħajja barra l-ħitan tal-ħabs;

61.  Iqis li, idea restorattiva u protettiva tas-sistemi tal-ġustizzja kriminali, awtomatikament tinvolvi aktar rispett lejn id-dinjità tal-bniedem tal-individwu, minħabba li l-għan tagħha huwa l-protezzjoni tas-soċjetà u r-riabilitazzjoni tal-persuna billi ssir aktar faċli li jinkisbu l-objettivi tal-kastig b'għan ta' edukazzjoni mill-ġdid, li l-ħabsin jerġgħu jintegraw soċjalment u li jitnaqqas ir-reċidiviżmu; jiddispjaċih li l-iżvilupp tal-medjazzjoni u tal-prattiki restorattivi fuq l-użu ta' proċedimenti dixxiplinari huwa kważi totalment nieqes fil-maġġoranza tal-Istati Membri; iħeġġeġ lill-Istati Membri biex jagħtu preferenza lill-politiki u l-leġiżlazzjonijiet li jiffukaw fuq ġustizzja restorattiva u bbażata fuq il-medjazzjoni, li tagħmel użu minn strumenti soċjali, ekonomiċi u kulturali aktar milli miżuri purament punittivi;

62.  Jenfasizza l-importanza li jingħata aċċess għal kwalifiki edukattivi u professjonali għall-ħabsin; jinkoraġġixxi lill-Istati Membri joffru attivitajiet sinifikanti bħal taħriġ edukattiv jew opportunitajiet ta' xogħol skont l-istandards internazzjonali għall-ħabsin kollha, bl-għan li jissoċjalizzaw mill-ġdid lid-detenuti u jipprovduhom b'għodod għal ħajja ħielsa mill-kriminalità wara ż-żmien li jkunu qattgħu fil-ħabs; iħeġġeġ lill-Istati Membri biex jiżguraw li d-detenuti jaħdmu, jistudjaw għal kwalifika jew jattendu kors ta' taħriġ matul id-detenzjoni, sabiex jimmaniġġjaw aħjar il-ħin tagħhom u jippreparaw rwieħhom għall-integrazzjoni mill-ġdid tagħhom fis-soċjetà; iqis li huwa indispensabbli li l-minorenni jkollhom aċċess għall-edukazzjoni u għat-taħriġ vokazzjonali;

63.  Iħeġġeġ lill-Istati Membri jiżviluppaw għodod sabiex jappoġġjaw ir-ritorn tall-ħabsin fil-ħajja professjonali sabiex jidentifikaw il-possibbiltajiet ta' impjieg fir-rigward tal-bżonnijiet tat-territorju, biex jorganizzaw u jissorveljaw it-taħriġ u l-impjieg b'mod kemm jista' jkun personalizzat u biex jiddjalogaw b'mod kostanti mar-rappreżentanti tal-impjegaturi; iħeġġeġ lill-Istati Membri jistabbilixxu sistema ta' taħriġ immirata biex tinkoraġġixxi lill-impjegaturi u lil kumpaniji privati jipprovdu taħriġ professjonali lid-detenuti bil-għan li jiġu reklutati fl-aħħar tal-perjodu tad-detenzjoni; iħeġġeġ lill-Istati Membri sabiex joħolqu inċentivi għal min iħaddem li jixtiequ jimpjegaw ħabsin jew jinkoraġġixxu ex ħabsin biex iwaqqfu n-negozju tagħhom, inklużi inċentivi finanzjarji u fiskali; iħeġġeġ ukoll lill-Istati Membri biex jistabbilixxu punti ta' kuntatt biex jinħelsu d-detenuti li joffru informazzjoni u appoġġ għal attivitajiet ta' tiftix ta' impjieg kif ukoll tagħlim mandatorju u strettament sorveljat mill-bogħod;

64.  Ifakkar li l-Fond Soċjali Ewropew huwa strument finanzjarju tal-Unjoni bil-għan li jtejjeb il-prospetti tal-impjiegi għal miljuni ta' Ewropej, b'mod partikolari għal dawk li jsibuha diffiċli biex isibu x-xogħol, inklużi l-ħabsin u l-eks-delinkwenti; jilqa' l-istabbiliment ta' proġetti li jgħinu lill-ħabsin jerġgħu jintegraw mill-ġdid fis-soċjetà u fis-suq tax-xogħol ladarba jkunu skontaw is-sentenza tagħhom;

65.  Jenfasizza li l-ebda xogħol imwettaq minn ħabsi m'għandu jitqies bħala forma ta' piena u li jrid jiġi miġġieled l-abbuż potenzjali; jenfasizza li opportunitajiet ta' xogħol offruti lill-ħabsin jenħtieġ li jkunu rilevanti għall-istandards u t-tekniki tax-xogħol kontemporanji u jenħtieġ li jkunu organizzati biex jiffunzjonaw f'sistemi ta' ġestjoni u proċessi tal-produzzjoni moderni; jistieden lill-Istati Membri jiżguraw li x-xogħol fil-ħabs jiġi renumerat aħjar milli huwa attwalment; jistieden lill-Kummissjoni twettaq studju komparattiv dwar il-pagi tal-ħabsin fl-Istati Membri, bl-għan li jiġu identifikati livelli ta' rikompens ġusti u sostenibbli li jippermettu li kull ħabsi jkun jista' jaħdem;

66.  Jinkoraġġixxi lill-Istati Membri jikkondividu l-aħjar prattika dwar l-edukazzjoni, ir-riabilitazzjoni u l-programmi ta' reintegrazzjoni, b'mod partikolari sabiex tittejjeb ir-reintegrazzjoni wara li joħorġu mill-ħabs u jgħinu biex jiġu evitati r-reċidiviżmu u aktar każijiet ta' radikalizzazzjoni;

67.  Jistieden lill-istituzzjonijiet tal-UE jappoġġjaw b'mod tekniku u ekonomiku, sa fejn possibbli, it-titjib fis-sistemi u fil-kundizzjonijiet tal-ħabsijiet, b'mod speċjali fl-Istati Membri li jiffaċċjaw diffikultajiet finanzjarji serji; 

68.  Jistieden lill-Kummissjoni tippubblika rapporti dettaljati dwar is-sitwazzjoni tal-ħabsijiet fl-Ewropa b'intervalli ta' ħames snin, wara l-approvazzjoni ta' din ir-riżoluzzjoni preżenti, inkluż analiżi fil-fond dwar il-kwalità tal-edukazzjoni u tat-taħriġ mogħtija lid-detenuti u valutazzjoni tar-riżultati (inklużi r-rati ta' reċidiviżmu) ta' miżuri alternattivi għad-detenzjoni;

69.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri, kif ukoll lill-Kunsill tal-Ewropa, lill-Assemblea Parlamentari tal-Kunsill tal-Ewropa, lill-Kummissarju għad-Drittijiet tal-Bniedem tal-Kunsill tal-Ewropa u lill-Kumitat Ewropew għall-Prevenzjoni tat-Tortura.

(1)

ĠU C 32, 5.2.1996, p. 102.

(2)

ĠU C 98, 9.4.1999, p. 299.

(3)

ĠU C 285 E, 21.10.2010, p. 12.

(4)

ĠU C 168, 14.6.2013, p. 82.

(5)

ĠU L 190, 18.7.2002, p. 1.

(6)

ĠU L 327, 5.12.2008, p. 27.

(7)

ĠU L 337, 16.12.2008, p. 102.

(8)

ĠU L 294, 11.11.2009, p. 20.

(9)

ĠU L 132, 21.5.2016, p. 1.

(10)

Testi adottati, P8_TA(2015)0410.

(11)

www.unodc.org/documents/brussels/News/2016.10_Handbook_on_VEPs.pdf


NOTA SPJEGATTIVA

Għalkemm taf tidher stramba, fil-livell tal-Kunsill tal-Ewropa, il-popolazzjoni fil-ħabsijiet niżlet b'7 % bejn l-2013 u l-2014. Il-proporzjon ta' detenuti għal kull 100 post niżel minn 99 fl-2011 għal 96 fl-2013 u għal 94 fl-2014 skont l-Edizzjoni 2014 tal-Istatistika kriminali annwali tal-Kunsill tal-Ewropa (SPACE), ippubblikata fit-8 ta' Marzu 2016. Iżda s-sitwazzjoni għadha problematika f’ħafna pajjiżi, fosthom ċerti Stati Membri bħal pereżempju l-Ungerija, il-Belġju, il-Greċja, Spanja, Franza, il-Portugall u l-Italja. Jekk il-ħabsijiet fl-Ewropa jibqgħu qrib is-saturazzjoni tal-kapaċità tagħhom, il-postijiet ta' detenzjoni jaqbżuha regolarment. B'1 600 324 persuna miżmuma fl-Ewropa fl-2014, ċifra li tinkludi kemm il-persuni fil-ħabs wara kundanna, kif ukoll dawk f’detenzjoni proviżorja u li qed jistennew li jgħaddu ġuri, din tikkostitwixxi problema umana kbira. Apparti ċ-ċaħda tal-libertà, li hija fiha nnifisha l-piena li għaliha huma kkundannati d-detenuti, jiżdiedu wisq ta' spiss kundizzjonijiet ta' għajxien f’detenzjoni li jikkostitwixxu trattament inuman jew degradanti fis-sens tal-Artikolu 3 tal-Konvenzjoni Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem.

Ma' din id-diffikultà jiżdiedu l-problemi marbuta mal-istrutturi tal-ħabs antikwati, man-nuqqas ta’ kura u attenzjoni medika, mal-vjolenza bejn id-detenuti, iżda wkoll bejn id-detenuti u persunal tal-ħabs; il-persunal huwa ta' spiss b’nuqqas ta’ persunal u ma jittiħidx biżżejjed in konsiderazzjoni. Il-mezzi ddedikati għat-tħejjija tar-reintegrazzjoni waqt li jkunu fil-ħabs u għall-probation soċjo-ġuridika favur ir-reintegrazzjoni tad-detenuti huma ta' spiss injorati f’xi Stati Membri sat-tali punt li r-rata ta’ ħabsin reċidivi u ta' dħul mill-ġdid il-ħabs tista’ tilħaq aktar minn 50 % fil-5 snin ta' wara l-ħruġ mid-detenzjoni. Għalhekk, jeħtieġ li jitħeġġeġ l-iżvilupp ta’ appoġġ edukattiv u soċjali bħala preparazzjoni għar-rilaxx tad-detenuti u l-probation soċjo-ġuridika wara r-rilaxx sabiex ikun hemm ġestjoni aħjar tal-piena, suċċess għar-reintegrazzjoni fis-soċjetà u tnaqqis tar-riskju li d-detenuti jkunu reċidivi.

Ir-rapporteur iqis li huwa urġenti li naffaċċjaw ir-realtà quddiemna. Il-fatti huma indiskutibbli u juru li s-sistemi li huma "għal kollox punittivi" huma ineffettivi u saħansitra kontroproduttivi. Jeħtieġ li titħeġġeġ l-aħjar prattika li teżisti f’diversi Stati Membri, notevolment il-pajjiżi Skandinavi li jagħtu pieni alternattivi, il-kura medika-soċjali tad-detenuti u t-tħejjija għar-reintegrazzjoni permezz ta’ sistemi ta’ ħabsijiet miftuħa. Il-kunċett il-ġdid li għandu jkollna tal-politika penitenzjarja għandha toħloq aktar spazju għal miżuri li jillimitaw iċ-ċaħda tal-libertà bħala alternattiva għad-detenzjoni.

Madankollu, għandna nqisu li wara ċ-ċaħda tal-libertà u l-eżekuzzjoni tal-piena, il-missjoni tal-ħabsijiet jinbidel u jsir l-implimentazzjoni tar-reintegrazzjoni tad-detenuti. Probabbilment huwa billi jiġi żgurat monitoraġġ aħjar tad-detenuti, individwalizzazzjoni tal-pieni inkorsi, kura tal-morda psikjatriċi li għandhom bilfors jintefgħu f’istituzzjonijiet ad hoc, billi jkun hemm viġilanza fir-rigward tad-detenuti l-aktar fraġli sabiex jiġu limitati r-riskji ta’ suwiċidju filwaqt li nibqgħu viġilanti fir-rigward tal-fenomenu tar-radikalizzazzjoni sabiex nikbru u nipproteġu s-soċjetajiet tagħna aħjar mill-effett boomerang tal-ħabs.

Il-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali tad-detenuti u l-preservazzjoni tad-dinjità umana għandhom jibqgħu preżenti f’dan ir-rapport. Sfortunatament, kull sena, il-Kumitat Ewropew għall-Prevenzjoni tat-Tortura (CPT) u l-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem itennu li, f'wisq każijiet, dawk l-aspetti huma ttraskurati f'ħafna modi.

Ejjew ma nitqarrqux. Ma jeżistix metodu wieħed, iżda diversi soluzzjonijiet li għandhom iwasslu għall-implimentazzjoni ta' rieda politika reali tal-gvernijiet u tal-UE.


OPINJONI tal-Kumitat għad-Drittijiet tan-Nisa u l-Ugwaljanza bejn is-Sessi (12.5.2017)

għall-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern

dwar is-sistemi penitenzjarji u l-kundizzjonijiet fil-ħabsijiet

(2015/2062(INI))

Rapporteur għal opinjoni: Barbara Matera

SUĠĠERIMENTI

Il-Kumitat għad-Drittijiet tan-Nisa u l-Ugwaljanza bejn is-Sessi jistieden lill-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern, bħala l-kumitat responsabbli, biex jinkorpora s-suġġerimenti li ġejjin fil-mozzjoni għal riżoluzzjoni tiegħu:

A.  billi, fil-medja, in-nisa jirrappreżentaw 4,5 % tal-priġunieri fit-28 Stat Membru u billi ż-żieda fl-għadd tan-nisa fil-ħabsijiet hija parzjalment dovuta għall-fatt li l-kundizzjonijiet ekonomiċi tan-nisa qed jiħżienu; billi s-segregazzjoni tal-priġunieri nisa skont l-età hija prinċipju fundamentali tal-protezzjoni tal-minorenni; billi kull ċentru ta' detenzjoni għandu jkollu taqsima li fiha jkunu jistgħu jinżammu l-priġunieri vulnerabbli;

B.  billi l-priġunieri nisa spiss huma ommijiet u jrabbu wliedhom żgħar weħidhom; billi, minħabba l-kopertura territorjali xejn uniformi ta' stabbilimenti li jistgħu jakkomodawhom, dawn in-nisa spiss jinżammu 'l bogħod minn uliedhom u jsofru aktar minħabba t-tħarbit tar-rabtiet familjari tagħhom;

C.  billi n-natura mhux imħallta tal-attivitajiet u l-iżolazzjoni tal-kwartieri tad-detenzjoni tan-nisa f'ħabsijiet fejn hemm priġunieri taż-żewġ sessi jagħmluha partikolarment diffiċli li n-nisa jkollhom aċċess għal faċilitajiet sanitarji, spazji soċjokulturali, faċilitajiet sportivi jew libreriji; billi mhux il-priġunieri nisa kollha jistgħu jokkupaw kariga f'servizzi ċentrali tal-ħabs minħaba li huma pprojbiti milli jiffrekwentaw ċerti faċilitajiet komuni; billi dan l-aċċess, li għandu jkun żgurat għall-priġunieri nisa, jgħinhom jerġgħu jibnu ħajjithom soċjali u jagħmel il-ħajja fil-ħabs anqas aljenanti, ħaġa li hija prekundizzjoni għal kwalunkwe reintegrazzjoni;

D.  billi r-Regola Ewropea dwar il-Ħabsijiet 19.7 tiddikjara li "għandha ssir provvista speċjali għall-ħtiġijiet sanitarji tan-nisa" u r-Regola 23(1) tar-Regoli Minimi Standard dwar it-Trattament tal-Priġunieri tiddikjara li "fl-istituzzjonijiet tan-nisa, għandu jkun hemm akkomodazzjoni għall-kull trattament ta' qabel it-twelid u ta' wara t-twelid"; billi, madankollu, dawn ir-regoli rari jiġu rrispettati fl-Istati Membri, u, kif jinnota l-Osservatorju Ewropew tal-Ħabsijiet, "fil-prattika, il-ħtiġijiet sanitarji tan-nisa xi drabi jintesew u mhux dejjem jiġu rrispettati";

E.  billi l-Kumitat Ewropew għall-Istandards dwar il-Prevenzjoni tat-Tortura u tat-Trattament jew tal-Pieni Inumani jew Degradanti jirrikjedi li l-ħabsijiet ikollhom persunal taż-żewġ sessi, u li "t-tiftix fuq il-persuni mċaħħda mil-liberta tagħhom għandu jsir biss minn persunal tal-istess sess u kwalunkwe tiftixa li tirrikjedi li persuna detenuta tinża ħwejjiġha għandha ssir fejn membri tal-persunal kustodjali tas-sess oppost ma jistgħux jarawha"; billi r-Regoli Minimi Standard dwar it-Trattament tal-Priġunieri jiddikjaraw li "l-ebda membru tal-persunal raġel ma għandu jidħol fil-parti tal-istituzzjoni allokata għan-nisa dment li ma jkunx akkumpanjat minn uffiċjal mara", u li "l-priġunieri nisa għandhom ikunu taħt il-kura u s-superviżjoni ta' uffiċjali nisa"; billi, madankollu, dawn il-prattiki mhux dejjem jiġu segwiti fl-Istati Membri;

1.  Jistieden lill-Istati Membri jiġbru informazzjoni dwar l-aspetti kollha tal-priġunerija, janalizzaw id-data kollha skont il-ġeneru u jagħmlu l-istatistika disponibbli sabiex nifhmu liema huma l-aktar reati u offiżi komuni li jitwettqu min-nisa, u jistedinhom iqisu wkoll forom alternattivi ta' detenzjoni għal reati minuri; jistieden lill-Istati Membri, f'dan ir-rigward, jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa biex jikkumbattu s-sovrapopolazzjoni tal-ħabsijiet, li bl-ebda mod ma tista' titħalla tikkostitwixxi ostaklu għall-prinċipju tal-ugwaljanza bejn l-irġiel u n-nisa;

2.  Jistieden lill-Istati Membri jiżguraw li l-ħabsijiet jissodisfaw kull ħtieġa sanitarja u tas-saħħa tan-nisa, inkluż rigward is-saħħa ġinekoloġika, il-kura ta' qabel u ta' wara t-twelid, prodotti għall-mestrwazzjoni u s-saħħa sesswali u riproduttiva, u jieħdu miżuri adatti biex jindirizzaw il-livell sproporzjonatament għoli tal-użu ta' drogi fost il-priġunieri nisa;

3.  Jinnota li l-mard mentali huwa aktar frekwenti min-norma fost in-nisa fil-ħabs, u li n-nisa huma aktar suxxettibbli li jidorbu lilhom infushom, jikkommettu suwiċidju, ikollhom problemi tad-droga u tal-abbuż tal-alkoħol u jsofru minn sfruttament sesswali; jistieden lill-Istati Membri jtejbu l-kundizzjonijiet għan-nisa fil-ħabsijiet billi jqisu l-ħtiġijiet speċifiċi tagħhom, fost l-oħrajn permezz ta' appoġġ psikoloġiku, prevenzjoni, monitoraġġ kif ukoll trattament adatt u suffiċjenti ta' problemi tas-saħħa fiżika u mentali; jistieden lill-Istati Membri, għaldaqstant, jinvestu f'persunal ta' apoġġ kwalifikat biex jiżguraw li dawn il-kwistjonijiet jiġu indirizzati u li jkun jista' jsir titjib tanġibbli, u jipprovdu, fejn dan ikun possibbli, għas-segregazzjoni tan-nisa skont l-età u għal taqsima għall-aktar priġunieri vulnerabbli;

4.  Jistieden lill-Istati Membri jagħtu attenzjoni partikolari għall-protezzjoni tas-saħħa, tad-dinjità u tal-privatezza tan-nisa fiċ-ċentri ta' detenzjoni, fir-rigward tal-ħtiġijiet mediċi u iġjeniċi speċifiċi tagħhom, minħabba li dawn jistgħu jiġu ttraskurati jew ittrattati b'mod inadatt minħabba l-għadd żgħir ta' nisa f'dawn iċ-ċentri; ifakkar lill-Istati Membri li komponent essenzjali tad-dinjità umana huwa li persuna tkun tista' terġa' tikseb l-istima tagħha nfisha;

5.  Iqis li huwa essenzjali li tingħata attenzjoni speċjali għall-ħtiġijiet tan-nisa fil-ħabsijiet waqt it-tqala u wkoll wara li jkunu welldu, bil-provvista ta' spazji adegwati li fihom ikunu jistgħu jreddgħu u ta' kura minn infermiera kwalifikati u speċjalizzati; iqis li huwa xieraq li ssir riflessjoni fuq mudelli alternattivi li jqisu l-benessri tat-tfal fil-ħabsijiet; isostni li s-separazzjoni awtomatika tal-omm minn binha jew bintha toħloq disturbi emozzjonali maġġuri għat-tifel jew tifla, u tista' tikkostitwixxi piena addizzjonali għall-omm; jistieden lill-Istati Membri jimplimentaw provvedimenti li bihom l-ommijiet ikunu jistgħu jibqgħu ma' wliedhom għall-itwal żmien possibbli; jistieden lill-Istati Membri jieħdu miżuri biex jappoġġjaw lil priġunieri li jkunu ommijiet billi jipprovdu appoġġ prattiku u finanzjarju għal uliedhom li jkunu qed iżuruhom u għal min ikun qed jieħu ħsieb dawn l-ulied, u billi jestendu l-ħinijiet taż-żjajjar għat-tfal u l-ħin tat-telefonati għall-ommijiet; jistieden lill-Istati Membri jipprovdu servizzi tas-saħħa sesswali u riproduttiva għan-nisa fil-ħabsijiet;

6.  Jistieden lill-Istati Membri ma jibqgħux jittolleraw il-vjolenza kontra l-priġunieri nisa u l-prattiki degradanti li jikkostitwixxu ksur tad-drittijiet fundamentali tal-bniedem; jistieden lill-Istati Membri jieħdu azzjoni proattiva u preventiva fil-ġlieda kontra kull forma ta' vjolenza mwettqa fil-ħabsijiet minn membri tal-persunal u minn priġunieri oħra kontra n-nisa u l-persuni LGBTQI; jistieden lill-Istati Membri jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa biex jipprovdu appoġġ psikoloġiku, permezz ta' membri tal-persunal kwalifikati, lill-priġunieri nisa kollha li jisfaw vittmi ta' forom multipli ta' vjolenza;

7.  Jissottolinja l-kundizzjonijiet diffiċli li l-persuni transġeneru jġarrbu fil-ħabsijiet; iħeġġeġ lill-Istati Membri jiżguraw l-aċċess għat-trattament ormonali u għall-appoġġ psikoloġiku għal persuni li jkunu għaddejjin minn tranżizzjoni tal-ġeneru, u li dawn il-persuni jinżammu f'ħabsijiet li jikkorrispondu għall-identità sesswali tagħhom;

8.  Jenfasizza l-vulnerabbiltà estrema tal-priġunieri LGBTQI, li jiffaċċjaw l-akbar riskju ta' diskriminazzjoni, abbuż u vjolenza sesswali; jistieden lill-Istati Membri jipprovdu ċelel individwali biex jiżguraw is-sikurezza, id-dinjità u l-privatezza ta' priġunieri transesswali u intersesswali;

9.  Jinkoraġġixxi lill-Istati Membri fejn prostituti nisa jiġu detenuti għaliex iħajru lil klijenti prospettivi jirrevedu l-leġiżlazzjoni tagħhom fid-dawl tal-mudell Żvediż, u jipproponu strateġiji li jgħinu lill-prostituti jabbandunaw il-prostituzzjoni;

10.  Jikkundanna, bi rbit ma' dan, il-prattika sistematika li n-nisa detenuti mill-pulizija jitneħħielhom il-bra, prattika li mhijiex proporzjonata għar-riskji involuti;

11.  Jitlob li l-Kummissjoni tistabbilixxi bi prijorità pjan ta' azzjoni biex timplimenta u tevalwa l-istrateġija tal-UE għall-ġlieda kontra r-radikalizzazzjoni u r-reklutaġġ għat-terroriżmu b'politika ta' approċċ speċifiku skont il-ġeneru, inklużi rakkomandazzjonijiet biex jipprevjenu r-radikalizzazzjoni tan-nisa fil-ħabsijiet abbażi tal-aqwa prattiki; jistieden lill-Istati Membri jikkoordinaw l-istrateġiji tagħhom u jaqsmu bejniethom l-informazzjoni u l-esperjenzi li għandhom għad-dispożizzjoni tagħhom bil-għan li jieħdu kull azzjoni meħtieġa biex jipprevjenu r-radikalizzazzjoni potenzjali tan-nisa fil-ħabsijiet; jirrimarka li l-gruppi terroristiċi jistgħu jinvolvu lin-nisa detenuti b'ħafna modi differenti, inkluż permezz taż-żwieġ u billi jipperswaduhom biex jirreklutaw lil ħaddieħor jew iwettqu atti vjolenti; ifakkar fil-bżonn li, matul il-perjodu ta' priġunerija u warajh, jiġu implimentati miżuri ta' għajnuna soċjali maħsuba biex jippreparaw u jassistu lill-ħabsin fir-reintegrazzjoni tagħhom, b'mod partikolari fis-sejbien ta' akkomodazzjoni u impjieg, bil-għan li jkunu evitati sitwazzjonijiet ta' esklużjoni soċjali u ta' reċidiviżmu;

12.  Iqis li huwa essenzjali li l-priġunieri nisa u LGBTQI ikollhom aċċess adegwat għal servizzi tal-kura tal-ġisem u tal-iġjene personali; jenfasizza li l-kura tal-ġisem u l-iġjene personali huma drittijiet inaljenabbli tal-persuna u li dawn iridu jitqiesu li huma marbuta mal-benessri mentali;

13.  Jirrikonoxxi li l-livell ta' edukazzjoni tan-nisa fil-ħabsijiet huwa pjuttost baxx, fil-medja; jitlob lill-Istati Membri, għaldaqstant, jiddedikaw aktar attenzjoni għal programmi edukattivi, għat-taħriġ vokazzjonali u għal miżuri ta' reintegrazzjoni soċjali, bil-għan li jiffaċilitaw ir-reintegrazzjoni tan-nisa fis-soċjetà;

14.  Iħeġġeġ lill-Istati Membri jiżguraw li jsegwu l-istandards internazzjonali u Ewropej dwar id-distribuzzjoni tal-ġeneri fost il-persunal, bil-għan li jipproteġu lill-priġunieri nisa mill-vjolenza min-naħa ta' membri tal-persunal irġiel;

15.  Iqis li huwa essenzjali li jittieħdu passi adatti biex jiżguraw ir-reintegrazzjoni sħiħa u ġusta tal-priġunieri nisa, inkluż permezz tal-eradikazzjoni ta' prattiki li jippreparaw lin-nisa għal xogħol li fih jitħallsu anqas mill-irġiel, bħal fl-industrija tat-tessuti u fit-tindif, u permezz tal-implimentazzjoni ta' programmi ta' reintegrazzjoni speċifiċi għall-ġeneri;

16.  Jistieden lill-Istati Membri jipprovdu taħriġ adatt lill-membri tal-persunal mediku u tal-ħabs li jaħdmu ma' priġunieri nisa, minħabba li n-nisa spiss ikunu soġġetti għal atti ta' abbuż, vjolenza jew sfruttament speċifiċi għall-ġeneru min-naħa ta' priġunieri oħra jew ta' membri tal-persunal.

INFORMAZZJONI DWAR L-ADOZZJONIFIL-KUMITAT LI JINTALAB JAGĦTI OPINJONI

Data tal-adozzjoni

11.5.2017

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

22

2

4

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Daniela Aiuto, Maria Arena, Beatriz Becerra Basterrechea, Malin Björk, Iratxe García Pérez, Arne Gericke, Anna Hedh, Mary Honeyball, Teresa Jiménez-Becerril Barrio, Agnieszka Kozłowska-Rajewicz, Florent Marcellesi, Angelika Mlinar, Margot Parker, Marijana Petir, Pina Picierno, Jadwiga Wiśniewska, Jana Žitňanská

Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali

Izaskun Bilbao Barandica, Edouard Martin, Clare Moody, Jordi Solé, Mylène Troszczynski, Monika Vana, Julie Ward

Sostituti (skont l-Artikolu 200(2)) preżenti għall-votazzjoni finali

Eduard Kukan, Claudia Schmidt, Claudiu Ciprian Tănăsescu, Axel Voss

VOTAZZJONI FINALI B'SEJĦA TAL-ISMIJIETFIL-KUMITAT LI JINTALAB JAGĦTI OPINJONI

22

+

ALDE

Beatriz Becerra Basterrechea, Izaskun Bilbao Barandica, Angelika Mlinar

EFDD

Daniela Aiuto

GUE/NGL

Malin Björk

PPE

Teresa Jiménez-Becerril Barrio, Agnieszka Kozłowska-Rajewicz, Eduard Kukan, Claudia Schmidt, Axel Voss

S&D

Maria Arena, Iratxe García Pérez, Anna Hedh, Mary Honeyball, Edouard Martin, Clare Moody, Pina Picierno, Claudiu Ciprian Tănăsescu, Julie Ward

VERTS/ALE

Florent Marcellesi, Jordi Solé, Monika Vana

2

-

EFDD

Margot Parker

ENF

Mylène Troszczynski

4

0

ECR

Arne Gericke, Jadwiga Wiśniewska, Jana Žitňanská

PPE

Marijana Petir

Tifsira tas-simboli użati:

+  :  favur

-  :  kontra

0  :  astensjoni


INFORMAZZJONI DWAR L-ADOZZJONIFIL-KUMITAT RESPONSABBLI

Data tal-adozzjoni

21.6.2017

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

44

4

3

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Martina Anderson, Gerard Batten, Heinz K. Becker, Michał Boni, Caterina Chinnici, Daniel Dalton, Rachida Dati, Agustín Díaz de Mera García Consuegra, Cornelia Ernst, Laura Ferrara, Monika Flašíková Beňová, Kinga Gál, Ana Gomes, Sylvie Guillaume, Monika Hohlmeier, Sophia in ‘t Veld, Eva Joly, Dietmar Köster, Barbara Kudrycka, Marju Lauristin, Monica Macovei, Roberta Metsola, Claude Moraes, József Nagy, Judith Sargentini, Birgit Sippel, Csaba Sógor, Sergei Stanishev, Traian Ungureanu, Marie-Christine Vergiat, Udo Voigt, Beatrix von Storch, Kristina Winberg, Auke Zijlstra

Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali

Joëlle Bergeron, Carlos Coelho, Pál Csáky, Gérard Deprez, Iratxe García Pérez, Maria Grapini, Petr Ježek, Sylvia-Yvonne Kaufmann, Nuno Melo, Maite Pagazaurtundúa Ruiz, Morten Helveg Petersen, Christine Revault D’Allonnes Bonnefoy, Josep-Maria Terricabras, Anders Primdahl Vistisen, Axel Voss

Sostituti (skont l-Artikolu 200(2)) preżenti għall-votazzjoni finali

Josu Juaristi Abaunz, Karin Kadenbach


VOTAZZJONI FINALI B'SEJĦA TAL-ISMIJIETFIL-KUMITAT RESPONSABBLI

44

+

ALDE

Gérard Deprez, Petr Ježek, Maite Pagazaurtundúa Ruiz, Morten Helveg Petersen, Sophia in 't Veld

EFDD

Joëlle Bergeron, Laura Ferrara

GUE/NGL

Lucy Anderson, Cornelia Ernst, Josu Juaristi Abaunz, Marie-Christine Vergiat

NI

Udo Voigt

PPE

Heinz K. Becker, Michał Boni, Carlos Coelho, Pál Csáky, Rachida Dati, Agustín Díaz de Mera García Consuegra, Kinga Gál, Monika Hohlmeier, Barbara Kudrycka, Nuno Melo, Roberta Metsola, József Nagy, Csaba Sógor, Traian Ungureanu, Axel Voss

S&D

Caterina Chinnici, Monika Flašíková Beňová, Iratxe García Pérez, Ana Gomes, Maria Grapini, Sylvie Guillaume, Karin Kadenbach, Sylvia-Yvonne Kaufmann, Dietmar Köster, Marju Lauristin, Claude Moraes, Christine Revault D'Allonnes Bonnefoy, Birgit Sippel, Sergei Stanishev

Verts/ALE

Eva Joly, Judith Sargentini, Josep-Maria Terricabras

4

-

EFDD

Gerard Batten, Kristina Winberg, Beatrix von Storch

ENF

Auke Zijlstra

3

0

ECR

Daniel Dalton, Monica Macovei, Anders Primdahl Vistisen

Tifsira tas-simboli użati:

+  :  favur

-  :  kontra

0  :  astensjoni

Avviż legali