Proċedura : 2017/2008(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A8-0271/2017

Testi mressqa :

A8-0271/2017

Dibattiti :

PV 02/10/2017 - 15
CRE 02/10/2017 - 15

Votazzjonijiet :

PV 03/10/2017 - 4.4
CRE 03/10/2017 - 4.4
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P8_TA(2017)0364

RAPPORT     
PDF 785kWORD 88k
13`.9.2017
PE 601.154v04-00 A8-0271/2017

dwar it-tisħiħ tal-pożizzjoni Ekonomika tan-Nisa fis-Setturi Privati u Pubbliċi fl-UE

(2017/2008(INI))

Kumitat għad-Drittijiet tan-Nisa u l-Ugwaljanza bejn is-Sessi

Rapporteur: Anna Hedh

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW
 NOTA SPJEGATTIVA
 OPINJONI tal-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali
 INFORMAZZJONI DWAR L-ADOZZJONIFIL-KUMITAT RESPONSABBLI
 VOTAZZJONI FINALI B'SEJĦA TAL-ISMIJIETFIL-KUMITAT RESPONSABBLI

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW

dwar it-tisħiħ tal-pożizzjoni Ekonomika tan-Nisa fis-Setturi Privati u Pubbliċi fl-UE

(2017/2008(INI))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 2 u 3(3) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 8 u 10, l-Artikoli 153(1) u 153(2) u l-Artikolu 157 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 23 u 33 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra d-Direttiva 2006/54/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-5 ta' Lulju 2006 dwar l-implimentazzjoni tal-prinċipju ta' opportunitajiet indaqs u ta' trattament ugwali tal-irġiel u n-nisa fi kwistjonijiet ta' impjiegi u xogħol (riformulazzjoni)(1),

–  wara li kkunsidra d-Direttiva 2010/41/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-7 ta' Lulju 2010 dwar l-applikazzjoni tal-prinċipju ta' trattament ugwali bejn l-irġiel u n-nisa li jeżerċitaw attività li fiha jaħdmu għal rashom u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 86/613/KEE(2),

–  wara li kkunsidra d-Direttiva tal-Kunsill 92/85/KEE tad-19 ta' Ottubru 1992 dwar l-introduzzjoni ta' miżuri li jinkoraġġixxu t-titjib fis-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol għall-ħaddiema nisa tqal u ħaddiema li welldu reċentement jew li qed ireddgħu (id-Direttiva dwar il-Leave tal-Maternità)(3),

–  wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni tat-2 ta' Lulju 2008 għal direttiva tal-Kunsill dwar l-implimentazzjoni tal-prinċipju ta' trattament ugwali bejn il-persuni irrispettivament mir-reliġjon jew it-twemmin, id-diżabilità, l-età jew l-orjentazzjoni sesswali (COM(2008)0426),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni leġiżlattiva tiegħu tat-2 ta' April 2009 dwar il-proposta għal direttiva tal-Kunsill dwar l-implimentazzjoni tal-prinċipju ta' trattament ugwali bejn il-persuni irrispettivament mir-reliġjon jew it-twemmin, id-diżabilità, l-età jew l-orjentazzjoni sesswali(4),

–  wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni tat-3 ta' Ottubru 2008 għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li temenda l-leave tal-maternità (COM(2008)0637),

–  wara li kkunsidra l-pożizzjoni adottata fl-ewwel qari fl-20 ta' Ottubru 2010 bil-ħsieb tal-adozzjoni tad-Direttiva 2011/.../UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 92/85/KEE dwar l-introduzzjoni ta' mizuri biex jinkoraġġixxu t-titjib fis-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol għall-ħaddiema nisa tqal u ħaddiema li welldu reċentement, jew li qed ireddgħu u dwar l-introduzzjoni ta' miżuri ta' appoġġ għall-ħaddiema sabiex jilħqu bilanċ bejn il-ħajja professjonali u dik familjari(5),

–  wara li kkunsidra d-Direttiva tal-Kunsill 2013/62/UE tas-17 ta' Diċembru 2013 li temenda d-Direttiva 2010/18/UE li timplimenta l-Ftehim Qafas rivedut dwar il-leave tal-ġenituri konkluż minn BUSINESSEUROPE, UEAPME, CEEP u ETUC, wara l-emenda tal-istatus tal-Majott fir-rigward tal-Unjoni Ewropea(6),

–  wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni tal-14 ta' Marzu 2012 għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar it-titjib tal-bilanċ bejn is-sessi fost diretturi mhux eżekuttivi ta' kumpaniji elenkati f'borża u miżuri relatati (Direttiva dwar in-nisa fuq bordijiet) (COM(2012)0614),

–  wara li kkunsidra l-pożizzjoni tiegħu adottata fl-ewwel qari fl-20 ta' Novembru 2013 bil-ħsieb tal-adozzjoni ta' direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar it-titjib tal-bilanċ bejn is-sessi fost diretturi mhux eżekuttivi ta' kumpaniji elenkati fil-borża u miżuri relatati(7),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-12 ta' Marzu 2013 dwar l-eliminazzjoni tal-istereotipi tas-sessi fl-UE(8),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-12 ta' Settembru 2013 dwar l-applikazzjoni tal-prinċipju ta' paga ugwali għall-ħaddiema rġiel u nisa għal xogħol ugwali jew għal xogħol ta' valur ugwali(9),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-20 ta' Mejju 2015 dwar il-leave tal-maternità(10),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-28 ta' April 2016 dwar il-ħaddiema domestiċi nisa u n-nisa li jaħdmu fis-settur tal-kura fl-UE(11),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-12 ta' Mejju 2016 dwar l-applikazzjoni tad-Direttiva tal-Kunsill 2010/18/UE tat-8 ta' Marzu 2010 li timplimenta l-Ftehim Qafas rivedut dwar il-leave tal-ġenituri konkluż minn BUSINESSEUROPE, UEAPME, CEEP u ETUC u li tħassar id-Direttiva 96/34/KE(12),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-26 ta' Mejju 2016 dwar "Il-Faqar: perspettiva tas-sessi"(13),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-13 ta' Settembru 2016 dwar il-ħolqien ta' kundizzjonijiet fis-suq tax-xogħol favorevoli għal bilanċ bejn il-ħajja tal-familja u dik tax-xogħol(14),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-15 ta' Settembru 2016 dwar l-applikazzjoni tad-Direttiva tal-Kunsill 2000/78/KE tas-27 ta' Novembru 2000 li tistabbilixxi qafas ġenerali għall-ugwaljanza fit-trattament fl-impjieg u fix-xogħol ('Direttiva dwar l-Ugwaljanza fl-Impjiegi')(15),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-8 ta' Ottubru 2015 dwar l-applikazzjoni tad-Direttiva 2006/54/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-5 ta' Lulju 2006 dwar l-implimentazzjoni tal-prinċipju ta' opportunitajiet indaqs u ta' trattament ugwali tal-irġiel u n-nisa fi kwistjonijiet ta' impjiegi u xogħol(16),

–  wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Parlament Ewropew tal-14 ta' Frar 2017 lill-Kunsill dwar il-prijoritajiet tal-UE għall-61 Sessjoni tal-Kummissjoni tan-NU dwar l-Istatus tan-Nisa (CSW)(17),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu ta1-14 ta' Marzu 2017 dwar l-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel fl-Unjoni Ewropea 2014–2015(18),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-4 ta' April 2017 dwar in-nisa u r-rwol tagħhom fiż-żoni rurali(19),

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tad-19 ta' Ġunju 2015 dwar 'Opportunitajiet ugwali ta' dħul għan-nisa u l-irġiel: Intemmu d-differenza bejn il-pensjonijiet tan-nisa u l-irġiel',

–  wara li kkunsidra l-Patt Ewropew għall-ugwaljanza bejn is-sessi għall-perjodu 2011–2020 adottat fil-konklużjonijiet tal-Kunsill tas-7 ta' Marzu 2011(20),

–  wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni tas-7 ta' Marzu 2014 dwar it-tisħiħ tal-prinċipju ta' paga ugwali għall-irġiel u n-nisa permezz tat-trasparenza (2014/124/UE)(21),

–  wara li kkunsidra l-inizjattiva tal-Kummissjoni ta' Diċembru 2015 bl-isem 'Pjan direzzjonali: Bidu ġdid biex jiġu indirizzati l-isfidi li jiffaċċjaw il-familji ta' bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata', kif ukoll il-konsultazzjonijiet pubbliċi u dawk mal-partijiet konċernati dwaru,

–  wara li kkunsidra Prinċipji Gwida tan-NU dwar in-Negozju u d-Drittijiet tal-Bniedem (UNGPs), l-ewwel ġabra ta' linji gwida globali dwar in-negozju u d-drittijiet tal-bniedem, li ġew approvati mingħajr ambigwità mill-Istati Membri kollha tan-NU waqt il-laqgħa tal-Kunsill tan-NU għad-Drittijiet tal-Bniedem tas-16 ta' Ġunju 2011; wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-25 ta' Ottubru 2011 dwar ir-Responsabbiltà Soċjali Korporattiva, li tħeġġeġ lill-Istati Membri tal-UE jadattaw il-UNGPs għall-kuntest nazzjonali tagħhom,

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tas-26 ta' April 2017 intitolata "L-istabbiliment tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali" (COM(2017)0250),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tas-26 ta' April 2017 intitolata "Inizjattiva ta' Appoġġ għall-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata għall-ġenituri u l-persuni li jindukraw li jaħdmu" (COM(2017)0252),

–  wara li kkunsidra l-Istrateġija ta' Grupp tal-Bank Ewropew tal-Investiment dwar l-Ugwaljanza bejn is-sessi u l-awtonomizzazzjoni ekonomika tan-nisa,

–  wara li kkunsidra d-dokument ta' ħidma tal-persunal tal-Kummissjoni tat-3 ta' Diċembru 2015 intotalata "L-impenn strateġiku għall-ugwaljanza bejn is-sessi 2016-2019" (SWD(2015)0278), b'mod partikolari l-Kapitolu 3.1 tagħha, "Inżidu l-parteċipazzjoni tan-nisa fis-suq tal-impjiegi u l-indipendenza ekonomika ugwali tan-nisa u l-irġiel",

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kummissjoni tal-2017 dwar l-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel fl-Unjoni Ewropea, b'mod partikolari l-Kapitolu 1 tiegħu dwar iż-żieda tal-parteċipazzjoni tan-nisa fis-suq tax-xogħol u l-indipendenza ekonomika ugwali u l-Kapitolu 2 dwar it-tnaqqis tad-differenzi fil-pagi, il-qligħ u l-pensjonijiet bejn in-nisa u l-irġiel,

–  wara li kkunsidra r-rapporti tal-Fondazzjoni Ewropea għat-Titjib tal-Kondizzjonijiet tal-Ħajja u tax-Xogħol (Eurofound) intitolata 'The gender employment gap: (Id-distakk bejn is-sessi fl-impjiegi:) challenges and solutions' (sfidi u soluzzjonijiet)(2016),'Work-life balance: (Bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata: creating solutions for everyone' (noħolqu soluzzjonjiet għal kulħadd(2016), ‘Social partners and gender equality in Europe' (Imsieħba soċjali u l-ugwaljanza bejn is-sesi fl-Ewropa) (2014), u ‘Developments in working life in Europe: (L-Iżviluppi fil-ħajja tax-xogħol fl-Ewropa: ) EurWORK annual review' (reviżjoni annwali EurWORK) (2014 u 2015), kif ukoll is-Sitt Stħarriġ Ewropew dwar il-Kundizzjonijiet tax-Xogħol (EWCS) (2016),

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tal-ILO dwar ir-Remunerazzjoni Indaqs (1951), il-Konvenzjoni tal-ILO dwar ix-Xogħol Part-Time (1994), il-Konvenzjoni tal-ILO dwar ix-Xogħol mid-Dar (1996), il-Konvenzjoni tal-ILO dwar il-Protezzjoni tal-Maternità (2000) u l-Konvenzjoni tal-ILO dwar il-Ħaddiema Domestiċi (2011),

–  wara li kkunsidra l-Konklużjonijiet Miftiehma tal-24 ta' Marzu 2017 tal-61 sessjoni tal-Kummissjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar l-Istatus tan-Nisa bl-isem 'Women's economic empowerment in the changing world of work' (L-emanċipazzjoni ekonomika tan-nisa fid-dinja tax-xogħol li qed tinbidel),

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Bord ta' Livell Għoli tas-Segretarju Ġenerali tan-NU dwar t-tisħiħ tal-pożizzjoni Ekonomika tan-Nisa ta' Settembru 2016 bl-isem 'Leave no one behind: (Ma nħallu lil ħadd jaqa' lura:) A call to action for gender equality and women's economic empowerment' Talba għal azzjoni dwar l-ugwaljanza bejn is-sessi u l-emanċipazzjoni ekonomika tan-nisa),

–  wara li kkunsidra l-Pjattaforma għal Azzjoni ta' Beijing u l-Konvenzjoni tan-NU dwar l-Eliminazzjoni ta' Kull Forma ta' Diskriminazzjoni kontra n-Nisa (CEDAW),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 52 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għad-Drittijiet tan-Nisa u l-Ugwaljanza bejn is-Sessi u l-opinjoni tal-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali (A8-0271/2017),

A.  billi l-UE hija impenjata li tippromwovi l-ugwaljanza bejn is-sessi u tiżgura l-integrazzjoni tal-kwistjonijiet ta' ugwaljanza bejn is-sessi fl-azzjonijiet kollha tagħha;

B.  billi l-parteċipazzjoni ndaqs tan-nisa fis-suq tax-xogħol u fit-teħid tad-deċiżjonijiet ekonomiċi hija prekundizzjoni għat-tisħiħ tal-pożizzjoni tan-nisa u l-konsegwenzi tagħha;

C.  billi madwar l-UE n-nisa għadhom konsiderevolment sottorappreżentati fis-suq tax-xogħol u fil-maniġment, b'rata ta' impjieg globali għan-nisa li tibqa' kważi 12 % anqas minn dik tal-irġiel;

D.  billi l-ostakoli ewlenin għat-tisħiħ tal-pożizzjoni ekonomika tan-nisa jinkludu normi soċjali b'effetti negattivi, liġijiet diskriminatorji jew nuqqas ta' protezzjoni legali, in-nuqqas tal-kondiviżjoni ndaqs tax-xogħol domestiku u tal-indukrar bla ħlas bejn l-irġiel u n-nisa, u n-nuqqas ta' aċċess għal assi finanzjarji, diġitali u immobbli; billi dawn l-ostakoli jistgħu jiġu aggravati aktar bl-intersezzjoni tad-diskriminazzjoni(22), abbażi ta' raġunijiet ta' razza u etniċità, reliġjon, diżabbiltà, saħħa, identità tal-ġeneru, orjentazzjoni sesswali u/jew kondizzjonijiet soċjoekonomiċi;

E.  billi l-ostakli strutturali għat-tisħiħ tal-pożizzjoni ekonomika tan-nisa huma r-riżultat ta' forom differenti u trasversali ta' inugwaljanzi, sterjotipi u diskriminazzjoni fl-isferi privati u pubbliċi;

F.  billi t-tisħiħ tal-pożizzjoni ekonomika tan-nisa fl-istess ħin huwa "ġust u intelliġenti", l-ewwel nett peress li din tirrappreżenta dimensjoni essenzjali tal-ugwaljanza bejn is-sessi u għaldaqstant hi kwistjoni ta' drittijiet fundamentali tal-bniedem, u t-tieni nett peress li l-parteċipazzjoni akbar tan-nisa fis-suq tax-xogħol tikkontribwixxi għall-iżvilupp ekonomiku sostenibbli fil-livelli kollha tas-soċjetà; billi l-kumpaniji li jirrispettaw il-valur tan-nisa u li jippermettulhom jipparteċipaw bis-sħiħ fis-suq tax-xogħol u fit-teħid ta' deċiżjonijiet huma aktar prosperużi u jgħinu fit-tisħiħ tal-produttività u t-tkabbir ekonomiku; billi l-evidenza tal-Istitut Ewropew għall-Ugwaljanza bejn is-Sessi (EIGE) tindika li t-titjib fl-ugwaljanza bejn is-sessi se jiġġenera sa 10.5 miljun impjieg addizzjonali sal-2050 fl-UE, li r-rata ta' impjieg tal-UE tilħaq kważi 80 % u li l-PDG per capita fl-UE jista' jiżdied b'bejn 6.1 % u 9.6 % u jixpruna tkabbir ta' bejn 15 % u 45 % fl-Istati Membri sal-2050;

G.  billi l-istrateġija Ewropa 2020 tistabbilixxi fost il-miri tal-UE l-kisba ta' 75 % tal-irġiel u n-nisa f'impjieg sal-2020 u, b'mod partikolari, it-tnaqqis tad-disparità bejn is-sessi fl-impjieg; billi se jenħtieġu sforzi kkoordinati sabiex tiġi ffaċilitata l-parteċipazzjoni tan-nisa fis-suq tax-xogħol;

H.  billi aktar tard fl-2015, il-Kummissjoni ppubblikat l-Pjan ta' Azzjoni dwar l-Ugwaljanza bejn is-Sessi 2016-2020, bid-drittijiet ekonomiċi u t-tisħiħ tal-pożizzjoni tan-nisa jkunu wieħed minn erba' "oqsma kruċjali" għal azzjoni;

I.  billi "it-tnaqqis tad-differenza bejn il-pagi, il-qligħ u l-pensjonijiet tal-irġiel u n-nisa u biex b'hekk jiġi miġġieled il-l-faqar fost in-nisa" huwa wieħed mill-prijoritajiet stabbiliti mill-Kummissjoni fid-dokument tagħha intitolat "L-Impenn Strateġiku għall-Ugwaljanza bejn is-Sessi 2016-2019";

J.  billi l-miri għat-tisħiħ tal-pożizzjoni ekonomika tan-nisa huma stabbiliti fost is-17-il-Għan ta' Żvilupp Sostenibbli (SDGs);

K.  billi bilanċ effettiv bejn il-ħajja u x-xogħol għandu impatt pożittiv fuq il-progress lejn il-mudell ta' "qligħ indaqs/indukrar indaqs" (equal earner/equal carer) bejn in-nisa u l-irġiel, kif ukoll fir-rigward ta' aspetti ta' saħħa, u jippromwovi ambjent ekonomiku inklużiv, tkabbir, kompetittività, parteċipazzjoni globali fis-suq tax-xogħol, ugwaljanza bejn is-sessi, riskju mnaqqas ta' faqar, u solidarjetà bejn il-ġenerazzjonijiet, u jgħin ukoll biex jiġu indirizzati l-isfidi ta' soċjetà li qed tixjieħ;

L.  billi s-sejbiet tal-Eurostat jindikaw li fl-UE, 31,5 % tan-nisa li jaħdmu jaħdmu f'impjieg part-time, meta mqabbel ma' 8,2 % tal-irġiel li jaħdmu, u billi ftit aktar minn 50 % tan-nisa għandhom impjieg full-time, meta mqabbel mal-71,2 % tal-irġiel, ċifri li jindikaw disparità ta' 25,5 % fir-rata ta' impjieg full-time; billi r-responsabilitajiet ta' ndukrar huma raġuni ta' inattività għal kważi 20 % ta' nisa li huma ekonomikament inattivi, filwaqt li dan jiġri f'anqas minn 2 % tal-irġiel ekonomikament inattivi; billi r-responsabilitajiet ta' ndukrar u d-diffikultajiet li jirriżultaw mill-bilanċ bejn il-ħajja tax-xogħol u l-ħajja privata, jindikaw li n-nisa għandhom probabbiltà akbar li jaħdmu part-time jew li jkunu ekonomikament inattivi mill-irġiel, u dan għandu impatt negattiv fuq il-pagi tagħhom u fuq id-dħul relatat mal-pensjoni;

M.  billi l-parti l-kbira tar-riċevituri ta' ndukrar spiss huma tfal, membri anzjani tal-familja jew membri tal-familja b'diżabbiltà li jkollhom persuni li jindukraw mingħajr ħlas;

N.  billi n-nisa jwettqu mill-anqas darbtejn u nofs aktar xogħol ta' ndukrar u tad-dar mill-irġiel;

O.  billi jenħtieġ li l-maternità ma titqiesx bħala ostaklu għall-iżvilupp professjonali tan-nisa, u konsegwentement għat-tisħiħ tal-pożizzjoni tagħhom;

P.  billi n-nisa u l-irġiel għandhom drittijiet u dmirijiet ugwali f'dak li għandu x'jaqsam mal-filjazzjoni (bl-eċċezzjoni tal-irkurpu tan-nisa wara li jwelldu), b'kunsiderazzjoni tal-fatt li t-trobbija tat-tfal jenħtieġ li tiġi kondiviża u għalhekk jenħtieġ li ma tingħatax b'mod esklużiv lill-ommijiet;

Q.  billi fl-2015 ir-rata ta' impjieg medja għan-nisa b'wild wieħed taħt l-età ta' sitt snin kienet ta' kważi 9 % anqas minn dik tan-nisa mingħajr tfal żgħar, u billi f'xi Stati Membri d-differenza taqbeż it-30 %;

R.  billi l-maternità u l-paternità jirrappreżentaw bażi inaċċettabbli għad-diskriminazzjoni kontra n-nisa f'dak li jirrigwarda l-aċċess tagħhom għas-suq tax-xogħol u l-permanenza tagħhom fih;

S.  billi qafas ta' immappjar tal-pagi aċċessibbli pubblikament, inkluż il-ġbir tad-data, għandu jiġi stabbilit bil-għan li tiġi eliminata d-differenza bejn il-pagi tal-irġiel u n-nisa billi titqiegħed pressjoni kemm fuq is-settur pubbliku kif ukoll fuq dak privat sabiex jevalwaw l-istrutturi tal-pagi tagħhom u joffru rimedju għal kwalunkwe differenza bbażata fuq is-sessi li jsibu, u għandu l-potenzjal li joħloq kultura ta' għarfien, li jagħmilha soċjalment inaċċettabbli li jkun hemm hemm differenza bejn il-pagi tal-irġiel u tan-nisa f'settur jew f'kumpanija partikolari;

T.  billi nstab li l-kwoti jtejbu l-prestazzjoni tal-kumpaniji privati u jagħtu spinta lil tkabbir ekonomiku usa', apparti l-fatt li jwasslu għal użu aħjar tat-totalità ta' talenti fil-forza tax-xogħol;

U.  billi l-ugwaljanza bejn is-sessi u d-diversità fir-rappreżentanza tal-ħaddiema fil-livell tal-bord tal-kumpaniji huma prinċipju demokratiku ewlieni b'impatti ekonomiċi pożittivi, fosthom it-teħid ta' deċiżjonjiet strateġiċi inklużivi u t-tnaqqis tad-differenza bejn il-pagi tal-irġiel u n-nisa;

V.  billi l-istudji tal-OECD juru li l-kumpaniji li jkollhom aktar nisa fuq il-bordijiet jesperjenzaw profittabbiltà akbar meta mqabbla ma' dawk b'bordijiet komposti minn irġiel biss;

W.  billi s-setturi jew ir-rwoli tipikament dominati min-nisa ġeneralment ikunu kkaratterizzati minn pagi aktar baxxi, meta mqabbel ma' setturi jew rwoli paragunabbli li huma ddominati mill-irġiel, u dan jikkostitwixxi element fid-differenzi bejn il-pagi u l-pensjonijiet tan-nisa u tal-irġiel, li bħalissa huma ta' 16 % u 40 % rispettivament;

X.  billi l-ILO żviluppat qafas fejn l-impjiegi jiġu evalwati fuq il-bażi ta' erba' fatturi: il-kwalifiki, l-isforz, ir-responsabbiltà u l-kundizzjonijiet tax-xogħol, u jiġu ppeżati skont l-importanza tagħhom għall-kumpanija jew l-organizzazzjoni kkonċernata;

Y.  billi s-sħab soċjali għandhom il-potenzjal li jsaħħu t-tisħiħ tal-pożizzjoni ekonomika tan-nisa, permezz ta' negozjar kollettiv, bil-promozzjoni ta' pagi ndaqs bejn in-nisa u l-irġiel, l-investiment fil-bilanċ bejn il-ħajja tax-xogħol u l-ħajja privata, billi jitħeġġeġ l-iżvilupp tal-karrieri tan-nisa fil-kumpaniji, u billi jiġu offruti informazzjoni u edukazzjoni fl-oqsma tad-drittijiet tal-ħaddiema;

Z.  billi l-evidenza turi li l-inugwaljanzi fil-pagi huma iżgħar fejn in-negozjar kollettiv ikun b'saħħtu(23);

Aa.  billi skont il-Eurostat, 24,4 % tan-nisa fl-UE jinsabu f'riskju tal-faqar, filwaqt li ommijiet waħedhom, nisa 'il fuq minn 55 sena u nisa b'diżabbiltà b'mod partikolari, jinsabu f'riskju partikolari ta' qgħad u inattività fis-suq tax-xogħol;

Ab.  billi l-implimentazjoni tal-Konvenzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa dwar il-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-vjolenza fuq in-nisa u l-vjolenza domestika (il-Konvenzjoni ta' Istanbul) huma prerekwiżit għat-tisħiħ tal-pożizzjoni tan-nisa u għaldaqstant għall-ugwaljanza bejn is-sessi; billi l-vjolenza abbażi tal-ġeneru hi forma inaċċettabbli ta' diskriminazzjoni u ksur tad-drittijiet fundamentali, li mhux biss taffettwa s-saħħa u l-benesseri tan-nisa, iżda wkoll l-aċċess tagħhom għall-impjieg u għall-indipendenza finanzjarja; billi l-vjolenza kontra n-nisa hi waħda mill-ostakoli ewlenin għall-ugwaljanza bejn is-sessi, filwaqt li l-edukazzjoni għandha l-potenzjal li tnaqqas ir-riskju tal-vjolenza abbażi tal-ġeneru; billi t-tisħiħ tal-pożizzjoni soċjali u ekonomika sussegwenti jista' jwassal lin-nisa biex jaħarbu minn sitwazzjonijiet ta' vjolenza; billi l-vjolenza u l-fastidju, inkluż is-sessiżmu u l-fastidju sesswali fuq il-post tax-xogħol, għandhom konsegwenzi negattivi serji għall-ħaddiema kollha milquta, il-koħaddiema tagħhom u l-familji tagħhom, kif ukoll l-organizzazzjoni li jaħdmu fihom u għas-soċjetà kollha kemm hi, u jistgħu jkunu parzjalment responsabbli biex in-nisa jirtiraw mis-suq tax-xogħol;

Ac.  billi l-vjolenza ekonomika hi forma ta' vjolenza bbażata fuq il-ġeneru li sseħħ fil-ħajja ta' kuljum tan-nisa, li xxekkel lin-nisa milli jeżerċitaw id-dritt ta' libertà tagħhom, li tirriproduċi l-inugwaljanza bejn is-sessi u tinjora r-rwol tan-nisa fis-soċjetà kollha kemm hi;

Ad.  billi bosta studji diġà wrew biċ-ċar li l-politiki ta' awsterità u tnaqqis fis-settur pubbliku kellhom impatt negattiv qawwi fuq in-nisa, it-tisħiħ tal-pożizzjoni ekonomika tagħhom u l-ugwaljanza bejn is-sessi;

Ae.  billi l-edukazzjoni, il-kwalifiki u l-kisba ta' ħiliet huma essenzjali għat-tisħiħ tal-pożizzjoni tan-nisa fil-livell soċjali, kulturali u ekonomiku u għal opportunitajiet edukattivi li huma rikonoxxuti bħala element ewlieni fil-ġlieda kontra l-inugwaljanzai bħas-sottorappreżentanza fit-teħid ta' deċiżjonijiet u impjiegi maniġerjali u fl-oqsma tal-inġinerija u tax-xjenza, biex b'hekk jissaħħaħ it-tisħiħ tal-pożizzjoni tan-nisa u tat-tfajliet;

Af.  billi d-diġitalizzazzjoni għandha effetti pożittivi f'termini ta' tiswir ta' opportunitajiet ta' impjieg u twassal għal bidla kostruttiva lejn xejriet ta' xogħol aktar flessibbli, partikolarment għan-nisa li jidħlu jew li jerġgħu jidħlu fis-suq tax-xogħol, u wkoll f'termini ta' kisba ta' bilanċ aħjar bejn l-attività ta' ndukrar u l-ħajja professjonali kemm għan-nisa kif ukoll għall-irġiel;

I. Kunsiderazzjonijiet ġenerali

1.  Iqis li l-parteċipazzjoni u t-tisħiħ tal-pożizzjoni ekonomika tan-nisa huma kruċjali għat-tisħiħ tad-drittijiet fundamentali tagħhom, peress li jippermettulhom jiksbu l-indipendenza ekonomika tagħhom, jeżerċitaw influwenza fis-soċjetà u jkollhom kontroll fuq ħajjithom, filwaqt li jegħlbu l-ostakli mhux rikonoxxuti li jipprevenuhom milli jiġu trattati ndaqs bħall-irġiel fil-ħajja tax-xogħol; iħeġġeġ, għalhekk, it-tisħiħ tal-pożizzjoni ekonomika tan-nisa permezz ta' mezzi politiċi u finanzjarji;

2.  Jenfasizza li t-tisħiħ tad-drittijiet tan-nisa u t-tisħiħ tal-pożizzjoni ekonomika tagħhom ifisser li jenħtieġ li jiġu indirizzati r-relazzjonijiet stabbiliti tal-poter ta' inugwaljanza bejn is-sessi li jwasslu għal diskriminazzjoni u vjolenza kontra n-nisa u t-tfajliet, kif ukoll kontra l-persuni LGBTI, u li l-istrutturi tal-poter tal-ġeneru jinteraġixxu ma' forom oħra ta' diskriminazzjoni u inugwaljanza bħal dawk relatati mar-razza, id-diżabbiltà, l-età u l-identità tal-ġeneru;

3.  Jappella lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jiżguraw ugwaljanza u nondiskriminazzjoni għal kulħadd fil-post tax-xogħol;

4.  Jistieden lill-Istati Membri jimplimentaw b'mod sħiħ kemm id-Direttiva dwar l-Ugwaljanza fl-Impjiegi kif ukoll id-Direttiva 2010/41/UE dwar l-applikazzjoni tal-prinċipju ta' trattament ugwali bejn l-irġiel u n-nisa li jeżerċitaw attività li fiha jaħdmu għal rashom; jistieden lill-Kummissjoni tiżgura applikazzjoni aħjar ta' dawn id-direttivi;

5.  Jirrimarka li r-rati baxxi ta' impjieg tan-nisa u l-esklużjoni tan-nisa mill-impjieg għandhom impatt negattiv fuq it-tisħiħ tal-pożizzjoni ekonomika tan-nisa; jenfasizza li l-ispejjeż ekonomiċi annwali totali dovuti għal rata aktar baxxa ta' impjieg tan-nisa, b'kunsiderazzjoni tat-telf fl-introjtu, il-kontribuzzjonijiet mitlufa ta' benefiċċji u spejjeż finanzjarji pubbliċi addizzjonali, jikkorrispondu għal 2,8 % tal-PDG tal-UE, jew EUR 370 biljun, fl-2013, skont stima tal-Eurofound, filwaqt li n-nefqa tal-esklużjoni tan-nisa ġiet stmata mill-EIGE li tlaħħaq bejn EUR 1.2 u 2 miljuni, dejjem skont il-livell ta' edukazzjoni tal-mara;

6.  Jisħaq li t-tisħiħ tal-pożizzjoni ekonomika tan-nisa u l-opportunitajiet ugwali fis-suq tax-xogħol huma l-ewwel nett kruċjali għan-nisa individwalment iżda huma wkoll strumentali għat-tkabbir ekonomiku tal-UE b'impatt pożittiv kemm fuq il-PDG, l-inklużività u l-kompetittività tan-negozji kif ukoll biex jiġu implimentati l-isfidi marbuta mat-tixjiħ tal-popolazzjoni fl-UE; jirrimarka li skont studju tal-2009, il-PDG tal-UE jista' teoretikament jiżdied bi kważi 27 % dejjem jekk is-suq tax-xogħol ikun jinsab f'bilanċ sħiħ bejn is-sessi;

II. Azzjonijiet u għodod li jsaħħu l-pożizzjoni ekonomika tan-nisa

Bilanċ imtejjeb bejn ix-xogħol u l-ħajja privata

7.  Jinnota li l-Kummissjoni wieġbet għall-istedina tal-Parlament għal bilanċ aħjar bejn ix-xogħol u l-ħajja privata billi nediet proposti mhux leġiżlattivi u proposta leġiżlattiva li jistabbilixxu tipi differenti ta' leave sabiex jiġu ffaċċjati l-isfidi tas-seklu 21; jisħaq li l-proposti magħmula mill-Kummissjoni huma pass 'il quddiem tajjeb biex jinkisbu l-istennijiet taċ-ċittadini Ewropej, peress li dawn jippermettu lin-nisa u l-irġiel li jikkondividu responsabilitajiet okkupazzjonali, responsabilitajiet ta' familja u soċjali b'mod aktar omoġenju, speċjalment fir-rigward tal-kura tal-persuni dipendenti u tl-kura tat-tfal; jistieden lill-istituzzjonijiet kollha jwettqu dan il-pakkett kemm jista' jkun malajr;

8.  Jistieden lill-Istati Membri jżidu l-protezzjoni kontra d-diskriminazzjoni u t-tkeċċija illegali relatata mal-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata u jiżguraw l-aċċess għall-ġustizzja u l-azzjoni legali; jappella lill-Kummissjoni biex iżżid il-monitoraġġ, it-traspożizzjoni u l-implimentazzjoni ta' leġiżlazzjoni tal-UE kontra d-diskriminazzjoni, it-tnedija ta' proċeduri ta' ksur fejn meħtieġ u l-promozzjoni tal-konformità bl-użu fost l-oħrajn ta' kampanji ta' informazzjoni u ż-żieda ta' għarfien tad-drittijiet legali għal trattament ugwali;

9.  Jenfasizza li jenħtieġ li r-remunerazzjoni u l-kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali jkomplu jitħallsu matul il-leave;

10.  Jistieden lill-Istati Membri jiggarantixxu leave ta' mistrieħ għall-ġenituri ta' tfal b'diżabbiltà, filwaqt li tingħata attenzjoni partikolari lill-ommijiet waħedhom, u dan fuq bażi ta' eżami tal-aħjar prattiki;

11.  Iħeġġeġ lill-Istati Membri jinvestu f'faċilitajiet ta' tagħlim informali wara l-ħin tal-iskola, iffokati fuq il-logħob, li jistgħu jipprovdu appoġġ għat-tfal wara l-ħin tal-iskola u tal-crèche b'mod partikulari, bħala mezz kif titnaqqas id-diskrepanza bejn il-ħinijiet tal-iskola u l-ħinijiet tax-xogħol;

12.  Jinsisti li l-ilħiq tal-miri ta' Barċellona u l-introduzzjoni ta' miri ta' kura għall-membri dipendenti u l-membri li qed jixjieħu tas-soċjetà, inkluż l-indukrar tat-tfal u kura oħra, faċilitajiet u servizzi, aċċessibbli, bi prezz raġonevoli u ta' kwalità, kif ukoll politiki għal għajxien indipendenti għall-persuni b'diżabbiltà, huma indispensabbli biex l-Istati Membri jkunu jistgħu jilħqu l-miri tal-Ewropa 2020; ifakkar li l-investiment fl-infrastruttura soċjali, bħall-indukrar tat-tfal, ma jiġġenerax biss effetti tal-impjieg konsiderevoli, iżda anki dħul addizzjonali sinifikanti għas-settur pubbliku fit-taxxi tal-impjieg u fl-iffrankar fir-rigward tal-assigurazzjoni kontra l-qgħad; jenfasizza, f'dan ir-rigward, il-ħtieġa għal faċilitajiet ta' indukrar tat-tfal li jkunu disponibbli f'żoni rurali, u jħeġġeġ lill-Istati Membri jippromwovu investiment fil-forniment ta' servizzi ta' kwalità għall-kura tul il-ħajja, bi prezz raġonevoli u aċċessibbli, inklużi servizzi ta' ndukrar tat-tfal, ta' persuni dipendenti u tal-anzjani; jemmen li servizzi adegwati ta' ndukrar tat-tfal għall-kura tat-tfal għandhom ikunu disponibbli u aċċessibbli wkoll biex il-ġenituri jkunu jistgħu jaċċedu għal opportunitajiet ta' tagħlim tul il-ħajja;

13.  Jenfasizza r-rwol kruċjali tas-servizzi pubbliċi u privati ta' kwalità għolja, speċjalment għan-nisa; jenfasizza l-importanza ta' aċċess universali għal servizzi pubbliċi ta' kwalità għolja, bi prezz raġonevoli, lokalizzati b'mod konvenjenti u mfassla skont it-talba bħala għodda biex jiżguraw it-tisħiħ tal-pożizzjoni ekonomika tan-nisa;

14.  Jinnota n-nuqqas ta' koerenza attwali bejn il-kisbiet tal-Istati Membri u l-għanijiet stabbiliti fi ħdan il-miri ta' Barċellona, u jħeġġeġ lill-Kummissjoni tissorvelja mill-qrib il-miżuri meħuda mill-Istati Membri sabiex jiżguraw li jissodisfaw l-obbligi tagħhom;

15.  Huwa konvint li l-involviment tal-irġiel fir-responsabilitajiet ta' indukrar huwa prekundizzjoni biex jinbidlu l-isterjotipi tradizzjonali relatati mar-rwoli tal-ġeneru; jemmen, barra minn hekk, li ż-żewġ sessi u s-soċjetà kollha kemm hi se jibbenefikaw minn tqassim aktar ġust tax-xogħol bla ħlas u minn teħid aktar ugwali tal-leave għall-indukrar; jinsab konvint li l-mudell ta' qligħ indaqs - indukrar indaqs huwa l-aktar mezz effettiv għall-ksib tal-ugwaljanza bejn is-sessi fl-oqsma kollha tal-ħajja;

16.  Jistieden lill-Istati Membri jsegwu politiki ta' impjieg u taħriġ attivi u speċifiċi sabiex jappoġġaw ir-ritorn lejn ix-xogħol ta' dawk in-nisa li jkunu ssospendew il-karrieri tagħhom biex jieħdu ħsieb id-dipendenti tagħhom;

17.  Jenfasizza li bilanċ aħjar bejn ix-xogħol u l-ħajja privata u ugwaljanza akbar bejn in-nisa u l-irġiel huma essenzjali għall-kisba tal-għanijiet tat-tisħiħ tal-pożizzjoni tan-nisa; jenfasizza li bilanċ aħjar bejn ix-xogħol u l-ħajja privata se jiżgura li jkun hemm distribuzzjoni aktar ġusta ta' xogħol bi ħlas u mingħajr ħlas fi ħdan il-familji, biex tiżdied il-parteċipazzjoni tan-nisa fis-suq tax-xogħol u biex bl-istess mod titnaqqas id-differenza bejn il-pagi u l-pensjonijiet tal-irġiel u n-nisa;

18.  Jenfasizza l-importanza ta' kundizzjonijiet tax-xogħol tajbin u sikuri li jippermettu kemm lin-nisa kif ukoll lill-irġiel jirrikonċiljaw ix-xogħol u l-ħajja privata, u jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jippromwovu t-tisħiħ tad-drittijiet tax-xogħol, in-negozjar kollettiv u ż-żieda fl-ugwaljanza bejn is-sessi;

19.  Jinkoraġġixxi bil-qawwa l-promozzjoni tal-individwalizzazzjoni tad-dritt għal arranġamenti ta' leave, in-nontrasferibbiltà bejn il-ġenituri tal-intitolamenti tagħhom għal leave tal-ġenituri, u qsim indaqs tal-kompiti ta' ndukrar bejn iż-żewġ ġenituri, bil-ħsieb li jinkiseb il-bilanċ bejn is-sessi fir-rikonċiljazzjoni tax-xogħol u l-ħajja privata;

20.  Jistieden lill-Kummissjoni tiffinanzja studji dwar l-analiżi tal-kwantità u l-valur tax-xogħol ta' kura tal-familja mhux imħallas imwettaq min-nisa u l-irġiel u l-għadd medju ta' sigħat mgħoddija fuq impjieg bi ħlas u mingħajr ħlas, b'referenza partikolari għall-indukrar tal-anzjani, it-tfal u l-persuni b'diżabbiltà;

21.  Jitlob l-iżvilupp ta' qafas iffokat fuq mudelli ta' impjieg flessibbli għan-nisa u l-irġiel, akkumpanjat minn miżuri adegwati ta' protezzjoni soċjali, sabiex jagħmilha aktar faċli li jinżamm bilanċ bejn ir-responsabbiltajiet professjonali u dawk personali; jemmen, fl-istess ħin, li d-drittijiet tal-ħaddiema u d-dritt li jiġi żgurat ix-xogħol għandhom jiġu qabel kull żieda fil-flessibbiltà fis-suq tax-xogħol, sabiex jiġi żgurat li l-flessibbiltà ma żżidx forom ta' xogħol u ta' impjieg prekarji, mhux mixtieqa u mhux sikuri u li ma jdgħajfux l-istandards tax-xogħol li attwalment jikkonċernaw aktar lin-nisa mill-irġiel, filwaqt li l-fehim tal-impjieg prekarju jitqies bħala wieħed li ma jikkonformax mal-istandards internazzjonali, nazzjonali jew tal-UE u l-liġijiet u/jew ma jipprovdix riżorsi biżżejjed għal ħajja diċenti jew għal protezzjoni soċjali xierqa, bħal xogħol mhux kontinwu, il-maġġoranza tal-kuntratti temporanji, kuntratti li ma jispeċifikawx il-ħinijiet tax-xogħol jew xogħol part-time involontarju; jenfasizza wkoll il-ħtieġa li jinħolqu l-kundizzjonijiet meħtieġa li jiggarantixxu d-dritt għar-ritorn minn xogħol volontarju part-time għal impjieg full-time;

Pagi ugwali għal xogħol ugwali ta' valur ugwali u l-immappjar tal-pagi

22.  Ifakkar li l-prinċipju ta' paga ugwali għall-ħaddiema irġiel u nisa għal xogħol ugwali jew għal xogħol ta' valur ugwali huwa stabbilit u ddefinit fl-Artikolu 157 tat-TFUE u jeħtieġ li jiġi applikat b'mod effikaċi mill-Istati Membri; jinsisti, f'dan il-kuntest, li r-rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni dwar it-tisħiħ tal-prinċipju ta' pagi ugwali għall-irġiel u n-nisa permezz tat-trasparenza għandu jintuża biex tiġi ssorveljata mill-qrib is-sitwazzjoni fl-Istati Membri u jitfasslu rapporti ta' progress, anke bl-appoġġ tas-sħab soċjali, u jinkoraġġixxi lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni jistabbilixxu u jimplimentaw il-politiki rilevanti f'konformità ma' din ir-rakkomandazzjoni bil-ħsieb li tiġi eliminata d-differenza persistenti bejn il-pagi tal-irġiel u n-nisa;

23.  Jitlob lill-Istati Membri u lill-kumpaniji jirrispettaw l-ugwaljanza tal-pagi u jintroduċu miżuri vinkolanti rigward it-trasparenza tal-pagi sabiex joħolqu metodi kif il-kumpaniji jittrattaw il-kwistjoni tad-differenzi bejn il-pagi tan-nisa u tal-irġiel, inkluż permezz ta' verifiki tal-pagi u l-inklużjoni ta' miżuri ta' pagi ugwali fin-negozjar kollettiv; jenfasizza l-importanza li jiġi pprovdut taħriġ xieraq dwar il-leġiżlazzjoni ta' nondiskriminazzjoni fl-impjieg u l-ġurisprudenza għall-impjegati ta' awtoritajiet nazzjonali, reġjonali u lokali u korpi ta' infurzar tal-liġi u għall-ispetturi tax-xogħol;

24.  Jissottolinja l-ħtieġa li jiġi rikonoxxut u evalwat mill-ġdid ix-xogħol tipikament iddominat min-nisa, bħal dak fis-setturi tas-saħħa, dak soċjali u tat-tagħlim, kif imqabbla max-xogħol tipikament iddominat mill-irġiel;

25.  Jesprimi l-konvinzjoni tiegħu li sabiex jinkisbu pagi ugwali għall-ħaddiema rġiel u nisa għal xogħol ugwali ta' valur ugwali, huwa meħtieġ qafas ċar ta' għodod speċifiċi ta' evalwazzjoni tax-xogħol b'indikaturi komparabbli sabiex jiġi vvalutat il-'valur' fl-impjiegi jew fis-setturi; iħeġġeġ lill-Kummissjoni, għalhekk, biex tikkkunsidra li tipprovdi qafas bħal dan u tgħin lill-Istati Membri u lis-sħab soċjali fl-implimentazzjoni tiegħu; iħeġġeġ lill-partijiet kollha jadottaw politiki u liġijiet li jiżguraw paga ugwali għal xogħol ugwali jew xogħol ta' valur ugwali;

26.  Ifakkar li, f'konformità mal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, jenħtieġ li l-valur tax-xogħol jiġi vvalutat u mqabbel skont kriterji oġġettivi, bħal rekwiżiti edukattivi, professjonali u dawk ta' taħriġ, il-ħiliet, l-isforzi u r-responsabilità, ix-xogħol li wieħed ikun qed jagħmel u n-natura tal-kompiti involuti;

27.   Jenfasizza l-importanza tal-prinċipju tan-newtralità bejn is-sessi fis-sistemi ta' evalwazzjoni u klassifikazzjoni tax-xogħol kemm fis-settur pubbliku kif ukoll f'dak privat; jilqa' l-isforzi tal-Istati Membri biex jippromwovu politiki li jimpedixxu d-diskriminazzjoni fir-reklutaġġ, u jinkoraġġihom jippromwovu CVs mingħajr l-identifikazzjoni tal-ġeneru sabiex il-kumpaniji u l-amministrazzjonijiet pubbliċi jiġu skoraġġiti milli joperaw abbażi tas-sessi matul il-proċessi tar-reklutaġġ tagħhom; jistieden lill-Kummissjoni tesplora l-possibbiltà li tiġi żviluppata 'Europass CV' anonimizzata; jissuġġerixxi li l-Istati Membri jfasslu programmi biex jikkumbattu l-isterjotipi soċjali u tas-sessi, b'mod partikolari fost il-gruppi iżgħar fl-età, bħala mezz biex tiġi evitata l-kategorizzazzjoni okkupazzjonali tal-iskali tax-xogħol li spiss tillimita l-aċċess tan-nisa għall-karigi u l-impjiegi l-aktar imħallsin;

Il-bilanċ bejn is-sessi fis-setturi pubbliċi u privati

28.  Iqis li l-kwoti fis-settur pubbliku jistgħu jkunu meħtieġa meta istituzzjonijiet pubbliċi ma jissodisfawx ir-responsabilità tagħhom li jiżguraw rappreżentanza ġusta, u b'hekk jistgħu jtejbu l-leġittimità demokratika tal-proċess tat-teħid ta' deċiżjonijiet tal-istituzzjonijiet;

29.  Jinnota li l-użu ta' kwoti tas-sessi u ż-zipped lists fit-teħid ta' deċiżjonijiet politiċi ddimostraw li huma għodod effettivi ħafna biex jindirizzaw id-diskriminazzjoni u żbilanċi ta' poter bejn is-sessi u biex titjieb ir-rappreżentanza demokratika f'korpi tat-teħid ta' deċiżjonijiet politiċi;

30.  Jistieden lill-Kummissjoni ttejjeb il-ġbir, l-analiżi u t-tixrid ta' data komprensiva, komparabbli u affidabbli u aġġornata regolarment dwar il-parteċipazzjoni tan-nisa fit-teħid ta' deċiżjonijiet;

31.  Jistieden lill-istituzzjonijiet tal-UE biex jinkoraġġixxu l-parteċipazzjoni tan-nisa fil-proċess elettorali Ewropew billi jinkludu listi bbilanċjati bejn is-sessi fir-reviżjoni li jmiss tal-liġi elettorali Ewropea;

32.  Itenni t-talba tiegħu lill-Kunsill għal adozzjoni rapida tad-direttiva dwar il-bilanċ bejn is-sessi fost diretturi mhux eżekuttivi ta' kumpaniji elenkati fil-borża, bħala l-ewwel pass importanti lejn rappreżentanza indaqs fis-settur pubbliku u f'dak privat, u jinnota li ġie skopert li l-bordijiet korporattivi b'iżjed nisa jtejbu l-prestazzjoni ta' kumpaniji privati; jinnota wkoll li l-progress huwa l-aktar tanġibbli (minn 11,9 % fl-2010 għal 22,7 % fl-2015) fl-Istati Membri li fihom ġiet adottata leġiżlazzjoni vinkolanti dwar il-kwoti għall-bordijiet(24); iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tkompli tagħmel pressjoni fuq l-Istati Membri biex jaqblu bejniethom;

Pjanijiet ta' ugwaljanza bejn is-sessi

33.  Jirrikonoxxi li l-Kummissjoni tappoġġa l-adozzjoni ta' pjanijiet ta' ugwaljanza bejn is-sessi permezz ta' organizzazzjonijiet li jwettqu r-riċerka u li jiffinanzjaw ir-riċerka;

34.  Jinnota li l-pjanijiet ta' ugwaljanza bejn is-sessi fil-livell ta' kumpanija jew f'dak settorjali jistgħu jinkludu diversi miżuri ta' riżorsi umani li jindirizzaw ir-reklutaġġ, il-paga, il-promozzjonijiet, it-taħriġ u l-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata; jinnota li dawn spiss jinkludu miżuri konkreti bħall-użu ta' lingwaġġ newtrali fir-rigward tal-ġeneri, il-prevenzjoni tal-fastidju sesswali, il-ħatra tas-sess sottorappreżentat fl-ogħla pożizzjonijiet, ix-xogħol part-time l-parteċipazzjoni tal-missirijiet fl-indukrar tat-tfal, u li teżisti varjetà ta' approċċi fl-Istati Membri rigward l-introduzzjoni obbligatorja ta' tali miżuri;

35.  Jirrikonoxxi li l-adozzjoni ta' pjanijiet ta' ugwaljanza bejn is-sessi u awditi dwar il-ġeneru fis-settur privat jistgħu jrawwmu stampa favur bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata ta' kumpaniji u jgħinu jżidu l-motivazzjoni tal-impjegati u jnaqqsu t-tibdil tal-persunal; jistieden lill-Kummissjoni, għalhekk, biex tinkoraġġixxi kumpaniji b'iktar minn 50 impjegat biex jinnegozjaw pjanijiet ta' ugwaljanza bejn is-sessi mas-sħab soċjali bil-ħsieb li jsaħħu l-ugwaljanza bejn is-sessi u tiġi miġġielda d-diskriminazzjoni fuq il-post tax-xogħol; jitlob li dawn il-pjanijiet ta' ugwaljanza bejn is-sessi jinkludi strateġija għall-indirizzar, il-prevenzjoni u l-eliminazzjoni tal-fastidju sesswali fuq il-post tax-xogħol;

Ftehimiet kollettivi u s-sħab soċjali

36.  Jesprimi l-konvinzjoni tiegħu li s-sħab soċjali u l-ftehimiet kollettivi għandhom il-potenzjal li jippromwovu l-ugwaljanza bejn is-sessi, biex tissaħħaħ il-pożizzjoni tan-nisa permezz tal-għaqda u biex jiġu miġġielda l-inugwaljanzi fil-pagi bejn is-sessi; jenfasizza li l-iżgurar ta' rappreżentanza ugwali u xierqa tan-nisa u l-irġiel fit-timijiet ta' negozjar kollettiv huwa kruċjali biex tiġi żgurata l-promozzjoni tat-tisħiħ tal-pożizzjoni ekonomika tan-nisa, u għalhekk iqis li s-sħab soċjali jenħtieġ li jsaħħu l-pożizzjoni tan-nisa fi ħdan l-istruttura ta' sħubija soċjali tagħhom fi rwoli ewlenin ta' teħid ta' deċiżjonijiet u jinnegozjaw pjanijiet ta' ugwaljanza bejn is-sessi fil-livell tal-kumpanija u f'dak settorjali;

37.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni taħdem mas-sħab soċjali u s-soċjetà ċivili sabiex issaħħaħhom fir-rwol essenzjali tagħhom tal-iżvelar ta' preġudizzji diskriminatorji fuq il-bażi tal-ġeneru fl-iffissar tal-iskali tal-pagi u l-għoti ta' evalwazzjonijiet tal-impjiegi li jkunu ħielsa minn preġudizzji fuq il-bażi tal-ġeneru;

III. Rakkomandazzjonijiet dwar it-titjib tal-pożizzjoni ekonomika tan-nisa

38.  Huwa tal-fehma li mudelli u prattiki ekonomiċi, il-politiki dwar it-taxxa u prijoritajiet ta' nfiq, speċjalment waqt kriżijiet, jenħtieġ li jinkludu perspettiva dwar is-sessi, iqisu lin-nisa bħala atturi ekonomiċi u jimmiraw li jnaqqsu d-distakk bejn is-sessi għall-benefiċċju taċ-ċittadini, in-negozji u s-soċjetà kollha kemm hi, u jtenni f'dan il-kuntest li l-kriżijiet ekonomiċi wasslu biex in-nisa jinsabu f'pożizzjoni żvantaġġata;

39.  Jitlob għal riformi biex tiżdied l-ugwaljanza bejn is-sessi kemm fil-ħajja tal-familja kif ukoll fis-suq tax-xogħol; huwa konvint li d-drittijiet tas-sigurtà soċjali individwalizzati u dritt statutorju b'saħħtu għal għal impjieg full-time, bil-possibbiltà ta' kuntratti part-time, se jikkontribwixxu għat-tisħiħ ekonomiku tan-nisa;

40.  Jinnota li n-nisa b'mod ġenerali għandhom karrieri li ma jippermettulhomx jagħmlu progress sinifikanti; jistieden lill-Istati Membri jħeġġu u jappoġġaw lin-nisa sabiex ikun possibbli li jkollhom karrieri ta' suċċess, u dan permezz ta' azzjonijiet bħal programmi ta' netwerking u ta' tutoraġġ, kif ukoll permezz tal-ħolqien ta' kundizzjonijiet xierqa u jiżguraw li, fejn jidħlu t-taħriġ, il-progress u t-taħriġ mill-ġdid, in-nisa jingħataw l-istess opportunitajiet tal-irġiel, u li n-nisa jkollhom drittijiet għall-pensjonijiet u benefiċċji tal-qgħad ugwali għal dawk applikabbli għall-irġiel;

41.  Iħeġġeġ lill-Istati Membri biex, abbażi tad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva  2014/24/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta' Frar 2014 dwar l-akkwist pubbliku (id-Direttiva dwar l-Akkwist Pubbliku)(25), jippromwovu l-użu ta' klawżoli soċjali fl-akkwist pubbliku bħala għodda biex tiżdied l-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel, fejn teżisti leġiżlazzjoni nazzjonali rilevanti u tista tintuża bħala bażi għal klawżoli soċjali;

42.  Jitlob li jiġu eżaminati mill-ġdid l-enfasijiet makroekonomiċi li skonthom qed jiġu vvalutati mill-ġdid il-prijoritajiet ta' nfiq pubbliku u tal-pensjoni sabiex jiġi żgurat li qed jikkontribwixxu għall-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel, il-ġustizzja soċjali u t-tnaqqis tal-faqar u li kemm in-nisa kif ukoll l-irġiel jibbenefikaw minn servizzi pubbliċi u ta' kwalità għolja u affordabbli fl-infrastruttura soċjali, l-aktar fis-settur tas-saħħa, tal-kura u dak soċjali;

43.  Jisħaq fuq il-ħtieġa li jiġu miġġielda l-forom kollha ta' vjolenza sessista, inkluża l-vjolenza domestika, bħal stupru, mutilazzjoni ġenitali femminili (MĠF), l-abbuż sesswali, l-isfruttament sesswali, il-fastidju sesswali u ż-żwieġ bikri/tat-tfal sfurzat, kif ukoll il-fenomenu tal-vjolenza ekonomika; jiġbed l-attenzjoni għall-fatt inkwetanti ħafna tal-livelli għoljin ta' fastidju sesswali fuq il-post tax-xogħol(26), u jenfasizza li, sabiex jirnexxi t-tisħiħ tal-pożizzjoni tan-nisa, il-post tax-xogħol jeħtieġ li jkun ħieles minn kull forma ta' diskriminazzjoni u vjolenza; jistieden lill-UE u lill-Istati Membri jirratifikaw il-Konvenzjoni ta' Istanbul mingħajr riżervi u jorganizzaw kampanji ta' sensibilizzazzjoni u informazzjoni pubbliċi dwar il-vjolenza kontra n-nisa, u sabiex jinkoraġġixxu l-iskambju ta' prattiki tajbin; jinnota li l-indipendenza ekonomika tan-nisa għandha rwol kruċjali fl-abbiltà tagħhom biex jaħarbu sitwazzjonijiet ta' vjolenza; jistieden lill-Istati Membri, għalhekk, biex jipprovdu sistemi ta' protezzjoni soċjali biex jappoġġaw lin-nisa li jinsabu f'din is-sitwazzjoni;

44.  Itenni li l-indipendenza u t-tisħiħ tal-pożizzjoni individwali, soċjali u ekonomika tan-nisa huma interkonnessi mad-dritt li jiddeċiedu dwar ġisimhom u s-sesswalità tagħhom stess; ifakkar li l-aċċess universali għal firxa sħiħa ta' saħħa u drittijiet sesswali u riproduttiva hija xprun kruċjali fit-tisħiħ tal-ugwaljanza għal kulħadd;

45.  Jilqa' l-konklużjonijiet tal-61 sessjoni tas-CSW dwar "It-tisħiħ tal-pożizzjoni ekonomika tan-nisa f'dinja tax-xogħol li qed tinbidel", li, għall-ewwel darba, jesprimu rabta espliċita u diretta bejn it-tisħiħ tal-pożizzjoni ekonomika tan-nisa u s-saħħa sesswali u riproduttiva tagħhom u d-drittijiet riproduttivi; jiddispjaċih, madankollu, li edukazzjoni komprensiva dwar is-sesswalità tħalliet barra kompletament mill-ftehim;

46.  Jinnota li n-nisa jikkostitwixxu 52 % tal-popolazzjoni totali Ewropea, iżda terz biss tal-ħaddiema li jaħdmu għal rashom jew dawk li jibdew negozju fl-UE; jinnota wkoll li n-nisa jħabbtu wiċċhom ma' aktar diffikultajiet mill-irġiel fejn jidħol l-aċċess għall-finanzi, għat-taħriġ, għan-netwerking u għaż-żamma ta' bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja; iħeġġeġ lill-Istati Membri jippromwovu miżuri u azzjonijiet ta' assistenza u pariri għal dawk in-nisa li jiddeċiedu li jsiru intraprendituri, filwaqt li jenfasizza li l-indipendenza finanzjarja hija essenzjali għall-kisba tal-ugwaljanza; jistieden lill-Istati Membri biex jiffaċilitaw l-aċċess għall-kreditu, inaqqsu l-burokrazija u jneħħu ostakoli oħra għall startups tan-nisa; jistieden lill-Kummissjoni tintensifika l-ħidma tagħha mal-Istati Membri biex tidentifika u tneħħi l-ostakli għall-intraprenditorija tan-nisa, u biex tinkoraġġixxi iktar nisa jibdew in-negozji tagħhom, inkluż permezz ta' aċċess imtejjeb għall-finanzi, ir-riċerka dwar is-suq, it-taħriġ u n-netwerks għal skopijiet ta' negozju, bħal pereżempju l-Pjattaforma WEgate għall-intraprendituri nisa u netwerks Ewropej oħra;

47.  Jenfasizza li t-titjib tal-ħiliet diġitali u l-litteriżmu fl-IT fost in-nisa u l-bniet u titħeġġeġ l-inklużjoni tagħhom fis-settur tal-ICT jista' jikkontribwixxi għall-indipendenza u t-tisħiħ tal-pożizzjoni ekonomika tagħhom, li jirriżulta fi tnaqqis tad-differenza totali fil-pagi tan-nisa u tal-irġiel; jistieden lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni jmexxu 'l quddiem l-isforzi tagħhom biex tintemm il-qasma diġitali bejn l-irġiel u n-nisa kif imsemmi fl-Istrateġija Diġitali tal-Ewropa 2020, billi jiżdied l-aċċess tan-nisa għas-soċjetà tal-informazzjoni, b'enfasi partikolari fuq viżibbiltà aħjar tan-nisa fis-settur diġitali;

48.  Jindika li n-nisa jirrappreżentaw kważi 60 % tal-persuni gradwati fl-UE iżda, minħabba diversi fatturi ta' ostakolu persisteni, xorta għadhom sottorappreżentati fix-xjenza, fil-matematika, fl-IT, fl-inġinerija u f'karrieri relatati; jistieden lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni biex, permezz ta' kampanji ta' informazzjoni u ta' sensibilizzazzjoni, jippromwovu l-parteċipazzjoni tan-nisa f'setturi li huma tradizzjonalment meqjusa 'maskili', partikolarment ix-xjenzi u t-teknoloġiji ġodda, fost l-oħrajn, permezz tal-integrazzjoni tal-ugwaljanza bejn is-sessi fl-aġenda diġitali għas-snin li ġejjin, kif ukoll il-promozzjoni tal-parteċipazzjoni tal-irġiel f'setturi li tradizzjonalment huma meqjusa bħala 'femminili', partikolarment il-kura u l-edukazzjoni; jenfasizza l-importanza li l-protezzjoni soċjali tiġi estiża u jiżdiedu l-pagi f'setturi fejn in-nisa jiffurmaw il-maġġoranza tal-forza tax-xogħol, bħalma hu l-każ tal-ħaddiema involuti fil-kura personali, fit-tindif u fl-għoti ta' assistenza, il-persunal fl-industrija tal-ikel u l-professjonisti assoċjati mas-saħħa, fost oħrajn; jenfasizza l-importanza tal-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali (ETV) biex jiddiversifikaw l-għażliet ta' karriera u l-introduzzjoni tan-nisa u l-irġiel għal opportunitajiet ta' karrieri mhux tradizzjonali sabiex tingħeleb l-esklużjoni orizzontali u vertikali u jiżdied l-għadd ta' nisa fil-korpi tat-teħid tad-deċiżjonijiet fl-isferi politiċi u ta' negozju;

49.  Jitlob lill-Istati Membri għal miżuri leġiżlattivi u mhux leġiżlattivi sabiex jiġu garantiti d-drittijiet ekonomiċi u soċjali ta' ħaddiema fl-hekk imsejħa setturi ffemminizzati; jenfasizza l-importanza li tiġi evitata s-sovrarappreżentanza tan-nisa f'impjiegi prekarji, u jfakkar fil-ħtieġa li tiġi missielta n-natura prekarja ta' dawn is-setturi, bħal dawk tal-kura jew ix-xogħol domestiku; jirrikonoxxi li x-xogħol domestiku u l-għoti ta' servizzi f'unità domestika, li fil-biċċa l-kbira tagħhom huma ffemminizzati, ta' sikwit jitwettqu bħala xogħol mhux iddikjarat; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jippromwovu u jkomplu jiżviluppaw aktar is-settur formali tas-servizzi domestiċi anki permezz tal-Pjattaforma Ewropea li Tindirizza x-Xogħol Mhux Iddikjarat, u jirrikonoxxu s-servizzi domestiċi, l-impjieg tal-familja u l-kura fid-dar bħala li jikkostitwixxu settur ekonomiku ta' valur b'potenzjal ta' ħolqien ta' impjiegi li jeħtieġ li jkun regolat aħjar fi ħdan l-Istati Membri, bil-ħsieb kemm li jinħolqu karigi siguri għall-ħaddiema domestiċi kif ukoll li l-familji jiġu pprovduti bil-kapaċità li jassumu r-rwol tagħhom bħala impjegaturi, kif ukoll b'opportunitajiet ta' rikonċiljazzjoni tal-ħajja privata u dik professjonali għall-familji li jaħdmu;

50.  Jenfasizza l-importanza tal-edukazzjoni fil-ġlieda kontra l-isterjotipi tas-sessi; jistieden, għalhekk, lill-Kummissjoni tippromwovi inizjattivi li jiżviluppaw programmi ta' taħriġ dwar l-ugwaljanza bejn is-sessi għal professjonisti fl-edukazzjoni, u li jimpedixxu l-infiltrazzjoni tal-isterjotipi mill-kurrikuli u materjal pedagoġiku;

51.  Jenfasizza l-importanza tal-integrazzjoni tal-ġeneru bħala għodda fundamentali fit-tfassil ta' politiki sensittivi għall-ġeneru u l-leġiżlazzjoni, inkluż fil-qasam tal-impjieg u l-affarijiet soċjali, u għalhekk biex jiġi żgurat it-tisħiħ tal-pożizzjoni ekonomika tan-nisa; jistieden lill-Kummissjoni tintroduċi valutazzjonijiet tal-impatt sistematiċi abbażi tal-ġeneru; jafferma mill-ġdid is-sejħa tiegħu lill-Kummissjoni biex issaħħaħ l-istatus ta' 'Impenn strateġiku għall-ugwaljanza bejn is-sessi 2016-2019' tagħha billi tadottah bħala komunikazzjoni; jistieden lill-Kummissjoni tintroduċi bbaġittjar li jirrispondi għall-ħtiġijiet tal-ġeneru fil-qafas finanzjarju pluriennali li jmiss u biex tinvolvi ruħha fi skrutinju dejjem aktar rigoruż ta' proċessi li jistabbilixxu l-baġit u l-infiq tal-UE, inkluż billi tieħu passi favur it-titjib tat-trasparenza u tar-rapportar dwar il-mod ta' kif il-fondi jintefqu; barra minn hekk jistieden lill-Bank Ewropew tal-Investiment biex jintegra l-ugwaljanza bejn is-sessi u t-tisħiħ tal-pożizzjoni ekonomika tan-nisa fl-attivitajiet tiegħu ġewwa u barra l-UE;

52.  Jistieden lill-Istati Membri jintegraw il-perspettiva tal-ugwaljanza bejn is-sessi fil-politiki nazzjonali tagħhom dwar il-ħiliet u s-suq tax-xogħol u jinkludu tali miżuri fi pjanijiet ta' azzjoni nazzjonali u bħala parti mis-Semestru Ewropew, b'konformità mal-linji gwida dwar l-impjiegi;

53.  Jenfasizza l-importanza tal-offerta ta' tagħlim tul il-ħajja għan-nisa f'żoni rurali, inkluż permezz ta', pereżempju, korsijiet ta' taħriġ bejn l-intrapriżi; jenfasizza l-proporzjon għoli ta' persuni li jaħdmu għal rashom f'żoni rurali b'nuqqas ta' protezzjoni soċjali xierqa u l-proporzjon għoli ta' xogħol "inviżibbli", li jolqot b'mod partikolari lin-nisa; jitlob lill-Istati Membri u lir-reġjuni b'setgħat leġiżlattivi, għalhekk, biex jiżguraw sigurtà soċjali kemm għall-irġiel kif ukoll għan-nisa li jaħdmu f'żoni rurali; jistieden ukoll lill-Istati Membri sabiex jiffaċilitaw l-aċċess ekwitabbli għall-art, jiżguraw drittijiet tal-proprjetà u tal-wirt, u jiffaċilitaw l-aċċess għall-kreditu għan-nisa;

54.  Jirrimarka li r-rati ta' nies f'riskju ta' faqar jew esklużjoni soċjali huma ogħla fost in-nisa milli fost l-irġiel, u jenfasizza, għalhekk, li l-miżuri li jiġġieldu l-faqar u l-esklużjoni soċjali għandhom impatt partikolari fuq it-tisħiħ tal-pożizzjoni ekonomika tan-nisa; jenfasizza li l-prevenzjoni u l-eliminazzjoni tad-diskrepanza fil-pensjonijiet bejn is-sessi u t-tnaqqis tal-faqar tan-nisa meta huma f'età avvanzata jiddependu l-ewwel u qabel kollox mill-ħolqien ta' kundizzjonijiet biex in-nisa jagħmlu kontribuzzjonijiet tal-pensjoni ugwali permezz tal-inklużjoni ulterjuri fis-suq tax-xogħol u mis-salvagwardja tal-opportunitajiet indaqs f'dawk li huma paga, progress fil-karriera u possibilitajiet ta' xogħol full-time; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jiżguraw li l-Fondi SIE u l-Fond Ewropew għall-Investimenti Strateġiċi, jikkontribwixxu għat-tnaqqis tal-faqar tan-nisa bil-għan li tintlaħaq il-mira ġenerali tat-tnaqqis tal-faqar tal-Ewropa 2020; jistieden lill-Istati Membri jiżguraw li 20 % tal-fondi tal-FSE allokati għal miżuri ta' inklużjoni soċjali jkunu użati wkoll biex jiżdied l-appoġġ għall-proġetti żgħar lokali mmirati biex in-nisa li jesperjenzaw il-faqar u l-esklużjoni soċjali jingħataw is-setgħa jimxu 'l quddiem;

55.  Jinnota li l-faqar għadu jiġi mkejjel fuq id-dħul akkumulat tal-unità domestika, liema prattika tassumi li l-membri kollha tal-unità domestika jaqilgħu l-istess u jqassmu r-riżorsi b'mod indaqs; jitlob drittijiet individwalizzati u kalkoli bbażati fuq id-dħul individwali bil-għan li jikxfu l-kobor veru tal-faqar tan-nisa;

56.  Jinnota li n-nisa kienu l-iktar affettwati minn miżuri ta' awsterità u tnaqqis fis-settur pubbliku (inqas servizzi tal-kura tat-tfal li kienu iktar għaljin, servizzi mnaqqsa għall-anzjani u l-persuni b'diżabbiltà, il-privatizzazzjoni u l-għeluq ta' sptarijiet), b'mod partikolari f'oqsma bħall-edukazzjoni, is-saħħa u l-ħidma soċjali, li jirrappreżentaw 70 % tal-forza tax-xogħol tas-settur pubbliku;

57.  Jisħaq fuq l-importanza li tingħata attenzjoni lill-ħtiġijiet speċifiċi u l-isfidi varjati ta' ċerti gruppi vulnerabbli li jħabbtu wiċċhom ma' ostakli partikolari ta' dħul fis-suq tax-xogħol; jistieden lill-Istati Membri jiżguraw, għal dawn l-individwi, l-aċċess bikri u faċli tagħhom għal taħriġ ta' kwalità, inklużi internships, sabiex tiġi żgurata l-integrazzjoni sħiħa tagħhom fis-soċjetajiet tagħna u fis-suq tax-xogħol, filwaqt li jiġu kkunsidrati l-ħiliet u l-kompetenzi informali u formali eżistenti tar-rifuġjati u t-talenti u l-għarfien espert tagħhom; jistieden lill-Istati Membri jieħdu miżuri għall-prevenzjoni tad-diskriminazzjoni intersezzjonali li tolqot b'mod partikolari lin-nisa f'sitwazzjonijiet vulnerabbli; jenfasizza kemm huwa importanti li d-Direttiva 2000/78/KE dwar l-ugwaljanza fit-trattament fl-impjieg u fix-xogħol, kif ukoll id-Direttiva 2000/43/KE tad-29 ta' Ġunju 2000 li timplimenta l-prinċipju tat-trattament ugwali bejn il-persuni irrespettivament mill-oriġini tar-razza jew etniċità,(27) jiġu implimentati b'mod korrett;

58.  Jistieden lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni biex isaħħu u jtejbu l-applikazzjoni prattika tal-politiki fuq il-post tax-xogħol u tal-liġijiet eżistenti, u jtejbu dawk il-politiki u liġijiet fejn xieraq, sabiex jipproteġu lin-nisa minn diskriminazzjoni diretta u indiretta, b'mod partikolari fir-rigward tal-għażla, fl-ingaġġ, fiż-żamma, fit-taħriġ vokazzjonali u fil-promozzjoni tan-nisa fl-impjieg kemm fis-settur pubbliku kif ukoll fis-settur privat, u joffru lin-nisa opportunitajiet ugwali f'termini ta' paga u avvanz fil-karriera;

59.  Jiddeplora bil-qawwa l-fatt li l-Kunsill għadu m'adottax il-proposta għal direttiva tal-2008 dwar l-implimentazzjoni tal-prinċipju tat-trattament ugwali bejn il-persuni, irrispettivament mir-reliġjon jew it-twemmin, id-diżabilità, l-età jew l-orjentazzjoni sesswali; jilqa' l-prijoritizzazzjoni ta' din id-Direttiva mill-Kummissjoni Ewropea; itenni t-talba tiegħu lill-Kunsill sabiex jadotta l-proposta mill-aktar fis possibbli;

60.  Jitlob lill-Kummissjoni ttejjeb il-ġbir ta' indikaturi tal-ġeneru speċifiċi u ta' data diżaggregata skont il-ġeneru sabiex jiġi stmat l-impatt tal-ugwaljanza bejn is-sessi tal-politiki tal-UE u tal-Istati Membri;

61.  Jenfasizza li n-nisa huma kkonċentrati b'mod sproporzjonat, u ħafna drabi involontarjament, f'xogħol prekarju; iħeġġeġ lill-Istati Membri jimplimentaw ir-rakkomandazzjonijiet tal-ILO maħsuba biex inaqqsu l-iskala ta' xogħol prekarju, bħal restrizzjoni taċ-ċirkostanzi li fihom jistgħu jintużaw kuntratti prekarji u li jillimitaw it-tul ta' żmien li l-ħaddiema jistgħu jkunu impjegati fuq kuntratt ta' dan it-tip;

62.  Jiddispjaċih dwar in-nuqqas ta' ambizzjoni tal-proposta tal-Kummissjoni biex jiġi żviluppat il-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali, u jistieden lill-Kummissjoni biex tipproponi direttiva dwar il-kundizzjonijiet tax-xogħol deċenti għall-ħaddiema kollha;

63.  Jiġbed l-attenzjoni għar-rwol tad-dħul mit-taxxa fil-finanzjament tas-sistemi ta' assistenza soċjali;

64.  Jistieden lill-EIGE jkompli l-ħidma tiegħu billi jiġbor data speċifika għas-sessi u jistabbilixxi tabelli ta' valutazzjoni fl-oqsma kollha ta' politika rilevanti;

65.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.

(1)

ĠU L 204, 26.7.2006, p. 23.

(2)

ĠU L 180, 15.7.2010, p. 1.

(3)

ĠU L 348, 28.11.1992, p. 1.

(4)

ĠU C 137 E, 27.5.2010, p. 68.

(5)

ĠU C 70 E, 8.3.2012, p. 163.

(6)

ĠU L 353, 28.12.2013, p. 7.

(7)

ĠU C 436, 24.11.2016, p. 225.

(8)

ĠU C 36, 29.1.2016, p. 18.

(9)

ĠU C 93, 9.3.2016, p. 110.

(10)

Testi adottati, P8_TA(2015)0207.

(11)

Testi adottati, P8_TA(2016)0203.

(12)

Testi adottati, P8_TA(2016)0226.

(13)

Testi adottati, P8_TA(2016)0235.

(14)

Testi adottati, P8_TA(2016)0338.

(15)

Testi adottati, P8_TA(2016)0360.

(16)

Testi adottati, P8_TA(2015)0351.

(17)

Testi adottati, P8_TA(2017)0029.

(18)

Testi adottati, P8_TA(2017)0073.

(19)

Testi adottati, P8_TA(2017)0099

(20)

It-3073 laqgħa tal-Kunsill Impjiegi, Politika Soċjali, Saħħa u Affarijiet tal-Konsumatur, organizzata fi Brussell fis-7 ta' Marzu 2011.

(21)

ĠU L 69, 8.3.2014, p. 112.

(22)

Il-Panel ta' Livell Għoli tan-NU dwar it-Tisħiħ tal-Pożizzjoni Ekonomika tan-Nisa: "Leave no one behind: A call to action for gender equality and economic women's empowerment" (Settembru 2016 - Ma nħallu lil ħadd warajna: Talba għal azzjoni għall-ugwaljanza bejn is-sessi u t-tisħiħ tal-pożizzjoni ekonomika tan-nisa).

(23)

Ara: ‘The European Trade Union Confederation', ‘Collective bargaining: our powerful tool to close the gender gap' (2015).

(24)

Ara: Skeda informattiva tal-Kummissjoni Ewropea "Il-bilanċ bejn is-sessi fil-bordijiet korporattivi – l-Ewropa qed tiġġieled kontra limiti li ma jidhrux", Ottubru 2015; Kummissjoni Ewropea, DĠ JUST, "In-nisa fit-teħid ta' deċiżjonijiet ekonomiċi fl-UE: Rapport ta' progress: Inizjattiva ta' Ewropa 2020", 2012; Aagoth Storvik u Mari Teigen ("In-Nisa Abbord: L-Esperjenza Norveġiża", Ġunju 2010.

(25)

ĠU L 94, 28.3.2014, p. 65

(26)

Stħarriġ tal-FRA dwar il-vjolenza fuq in-nisa

(27)

ĠU L 180, 19.7.2000, p. 22.


NOTA SPJEGATTIVA

L-Ewropa hija bla ebda dubju waħda mill-mexxejja dinjija f'dak li jirrigwarda d-drittijiet tan-nisa u l-ugwaljanza bejn is-sessi. Madankollu, prekundizzjoni biex neċċellaw fl-ugwaljanza u fit-tisħiħ tal-pożizzjoni tan-nisa hija l-parteċipazzjoni ugwali tan-nisa fis-suq tax-xogħol u fit-teħid tad-deċiżjonijiet ekonomiċi.

L-aħħar statistiki juru li l-UE għadha biss f'nofs it-triq lejn il-kisba tal-ugwaljanza bejn is-sessi. L-Indiċi dwar l-Ugwaljanza bejn is-Sessi tal-EIGE tal-2015 ma ppreżenta kważi l-ebda progress għall-UE u żieda mhux sinifikanti.

F'ħafna pajjiżi, l-ostakli ewlieni għat-tisħiħ tal-pożizzjoni ekonomika tan-nisa huma diversi normi soċjali jew liġijiet diskriminatorji. Minkejja l-fatt li bħala medja n-nisa għandhom livell ta' edukazzjoni ogħla mill-irġiel, id-differenza bejn il-pagi tan-nisa u tal-irġiel għadha prevalenti ħafna fil-livell ta' 16,1 % u dik tad-differenzi bejn il-pagi u l-pensjonijiet hija fil-livell allarmanti ta' 40,2 % għalkemm id-differenza bejn l-Istati Membri hija sinifikanti. Distribuzzjoni aktar ugwali tax-xogħol domestiku mhux imħallas hija wkoll meħtieġa biex in-nisa jkunu jistgħu jkunu preżenti fis-suq tax-xogħol bl-istess mod bħall-irġiel. Meta x-xogħol domestiku mhux imħallas isir simultanjament u jsir piż maqsum b'mod ugwali, kif ukoll meta jintlaħqu l-għanijiet stabbiliti mill-miri ta' Barċellona, se jkun hemm pedament aħjar għal bilanċ imtejjeb sew bejn ix-xogħol u l-ħajja privata li se jippermetti lin-nisa jikkompetu fuq bażi ugwali mal-irġiel.

L-abilità li wieħed ikun jista' jikkompeti bl-istess termini m'hiex biss dritt tal-bniedem u m'għandha tiffaċċja ebda reżistenza peress li kulħadd, irrispettivament ta' min hu jew x'inhu s-sess bijoloġiku tiegħu, għandu l-istess drittijiet u m'għandux jiffaċċjaw diskriminazzjoni. Barra li hija dritt tal-bniedem, hemm benefiċċji bħala riżultat ta' suq tax-xogħol aktar ugwali. In-nisa jaħdmu part-time iktar mill-irġiel, b'mod involontarju, u dan flimkien mad-differenza fil-pagi huwa telf kbir fid-dħul mit-taxxi għall-Istati Membri. Skont il-Eurofound, l-ispiża annwali totali tar-rata aktar baxxa ta' impjiegi fost in-nisa tikkorrispondi għal 2,8 % tal-PDG(1) tal-UE, filwaqt li l-ispiża tal-esklużjoni ta' mara mill-impjieg matul il-ħajja tax-xogħol tagħha hija stmata bejn EUR 1,2 u 2 miljuni, skont il-livell edukattiv tagħha;

Hemm għodod differenti li huma utli sabiex jintlaħaq l-objettiv tat-tisħiħ tal-pożizzjoni ekonomika tan-nisa. L-eżistenza tad-differenzi fil-pagi toħloq problema fundamentali ta' pagi ugwali għal xogħol ugwali u xogħol ta' valur ugwali. Sabiex niksbu pagi ugwali għal xogħol ugwali jeħtieġ li jkun hemm immappjar sistematiku sabiex ikun żgurat li kemm is-settur pubbliku kif ukoll dak privat josservaw il-prinċipju.

Sabiex nikkonfrontaw il-livell insuffiċjenti ta' setgħa ekonomika tan-nisa fl-UE, huwa neċessarju li l-impjiegi tradizzjonali tan-nisa jiġu vvalutati bl-istess mod bħall-impjiegi tipiċi tal-irġiel. Dan se jirrikjedi li s-setturi li huma affettwati, li huma ddominati min-nisa, iħallsu aħjar lill-impjegati tagħhom.

Kif imsemmi hawn fuq, iż-żieda tal-preżenza tan-nisa fis-suq tax-xogħol tista' biss twassal għal effetti pożittivi. F'dak li għandu x'jaqsam mal-bordijiet korporattivi u fis-settur pubbliku fejn jittieħdu deċiżjonijiet ta' livell għoli, l-esperjenza tal-inklużjoni tan-nisa wriet riżultati pożittivi. Aħna nistiednu lill-Kunsill jadotta b'mod rapidu d-direttiva dwar it-titjib tal-bilanċ bejn is-sessi fost diretturi mhux eżekuttivi ta' kumpaniji elenkati fil-borża ('id-Direttiva dwar in-Nisa fuq il-Bordijiet'). Sar progress f'dan il-qasam, iżda dan qed javvanza bil-mod wisq. L-akbar progress sar fil-pajjiżi li adottaw leġiżlazzjoni vinkolanti dwar il-kwoti. Fattur importanti huwa wkoll li mmexxu bl-eżempju. Bħalissa l-UE għandha ftit wisq nisa f'pożizzjonijiet ta' livell għoli jew fl-ogħla pożizzjonijiet fl-istituzzjonijiet tagħha u hemm bżonn li ssir bidla drastika.

Il-pjanijiet ta' ugwaljanza bejn is-sessi huma għodda li tindirizza l-inugwaljanza fil-post tax-xogħol permezz ta' ħafna modi differenti, l-indirizzar tar-reklutaġġ, il-pagi, il-promozzjonijiet, it-taħriġ u l-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata. Barra minn hekk, pjan ta' ugwaljanza bejn is-sessi jista' jaħdem għall-prevenzjoni tal-fastidju sesswali wkoll. 32 % tal-każijiet ta' fastidju sesswali fl-UE kienu esperjenzati min-nisa fuq il-post tax-xogħol tagħhom u, minħabba li jesperjenzaw vjolenza bħal din, għadd kbir ta' nisa jbiddlu l-imġiba tagħhom billi jevitaw li jkunu waħedhom ma' kollega jew kap partikolari. Jeħtieġ li jkollna politika ta' tolleranza żero kontra l-fastidju u li kulħadd, inklużi n-nisa, jeħtieġ li jkun jista' jħossu sigur fl-ambjent tax-xogħol tiegħu.

Aħna ninsabu biss tliet snin lil hinn mill-2020, u għandna miri għoljin ħafna li ġew stabbiliti minna stess, li rridu nilħqu. Ma nistgħux naċċettaw falliment u rridu nkomplu naħdmu biex nilħqu dawn il-miri rigward it-tisħiħ tal-pożizzjoni tan-nisa u l-preżenza tagħhom fis-suq tax-xogħol. Jeħtieġ li nuru tmexxija b'sens ferm li aħna ma nittollerawx l-inugwaljanza u li nistennew li kemm is-settur pubbliku kif ukoll dak privat jieħdu r-responsabilità għall-inugwaljanza li qed jirriproduċu permezz tal-problemi ppreżentati f'dan ir-rapport.

(1)

fl-2013, The gender employment gap: Challenges and solutions (Id-differenza fl-impjieg skont il-ġeneru: Sfidi u soluzzjonijiet)


OPINJONI tal-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali (23.6.2017)

għall-Kumitat għad-Drittijiet tan-Nisa u l-Ugwaljanza bejn is-Sessi

dwar l-Emanċipazzjoni Ekonomika tan-Nisa fis-Setturi Privati u Pubbliċi fl-UE

(2017/2008(INI))

Rapporteur: Tania González Peñas

SUĠĠERIMENTI

Il-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali jistieden lill-Kumitat għad-Drittijiet tan-Nisa u l-Ugwaljanza bejn is-Sessi, bħala l-kumitat responsabbli, biex jinkorpora s-suġġerimenti li ġejjin fil-mozzjoni għal riżoluzzjoni tiegħu:

A.  billi l-ostakli strutturali għall-emanċipazzjoni ekonomika tan-nisa huma r-riżultat ta' forom differenti u trasversali ta' inugwaljanzi, sterjotipi u diskriminazzjoni fl-isferi privati u pubbliċi;

B.   billi l-emanċipazzjoni ekonomika ikbar tan-nisa u t-titjib tal-ugwaljanza bejn is-sessi jirrappreżentaw opportunità ekonomika li se jkollha impatt pożittiv qawwi fuq il-PDG tal-UE u sal-2050 se twassal għal żieda tal-PDG per capita tal-UE ta' bejn 6,1 % u 9,6 %(1) u billi l-eliminazzjoni tad-disparità bejn is-sessi fl-impjiegi se twassal għal żieda fit-tkabbir ta' bejn 15 % u 45 % fl-Istati Membri(2); billi jekk jitqiesu t-telf fl-introjtu, it-telf fil-kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali u l-ispejjeż addizzjonali ta' finanzi pubbliċi, l-ispiża totali annwali tar-rata iktar baxxa tal-impjieg tan-nisa, fl-2013, kienet ta' EUR 370 biljun, liema ammont jikkorrispondi għal 2,8 % tal-PDG tal-UE(3), filwaqt li t-titjib tal-ugwaljanza bejn is-sessi jwassal ukoll għal 10,5 miljun impjieg addizzjonali(4);

C.  billi l-parteċipazzjoni ekonomika u l-emanċipazzjoni tan-nisa huma fundamentali biex in-nisa jkunu jistgħu jieħdu kontroll ta' ħajjithom u jeżerċitaw influwenza fuq is-soċjetà, u biex jiżdied l-aċċess tan-nisa għar-riżorsi u l-opportunitajiet ekonomiċi bħalma huma l-impjiegi, is-servizzi finanzjarji, il-proprjetà u assi oħra, u l-iżvilupp tal-ħiliet; billi huwa essenzjali li jiġi żgurat li n-nisa u l-irġiel ikollhom l-istess drittijiet u opportunitajiet ta' parteċipazzjoni fil-ħajja ekonomika u fis-suq tax-xogħol, peress li dan mhux biss huwa kruċjali, iżda huwa strumentali għat-tkabbir ekonomiku tal-UE b'impatt pożittiv fuq il-PDG, l-inklużività, il-kompetittività tan-negozji u l-isfidi marbuta mat-tixjiħ tal-popolazzjoni;

D.  billi l-istrateġija UE 2020 tistabbilixxi l-mira tal-UE li 75 % tal-irġiel u n-nisa jkunu f'impjieg sal-2020 u, b'mod partikolari, li titnaqqas id-disparità bejn is-sessi fl-impjieg; billi se jkunu meħtieġa sforzi kkoordinati sabiex tiġi ffaċilitata l-parteċipazzjoni tan-nisa fis-suq tax-xogħol;

E.  billi jenħtieġ li l-maternità ma tiġix ikkunsidrati bħala ostaklu għall-iżvilupp professjonali tan-nisa u konsegwentement għall-emanċipazzjoni tagħhom;

F.  billi n-nisa u l-irġiel għandhom drittijiet u dmirijiet ugwali f'dak li għandu x'jaqsam mal-filjazzjoni (bl-eċċezzjoni tal-irkurpu tan-nisa wara li jwelldu), fid-dawl tal-fatt li l-piż tat-trobbija tat-tfal jenħtieġ li jiġi kondiviż u għalhekk jenħtieġ li ma jiġix assenjat b'mod esklużiv lill-ommijiet;

G.  billi f'unitajiet domestiċi fejn l-iżgħar wild għandu inqas minn seba' snin, l-irġiel iqattgħu 41 siegħa fil-ġimgħa f'xogħol imħallas u 15-il siegħa f'xogħol mhux imħallas filwaqt li n-nisa jqattgħu 32 siegħa fil-ġimgħa f'xogħol imħallas, iżda 39 siegħa f'xogħol mhux imħallas;

H.  billi l-bilanċ bejn il-ħajja tax-xogħol u l-ħajja tal-familja huwa essenzjali sabiex il-karrieri professjonali tan-nisa jingħataw spinta, u dan jirrikjedi strutturi pubbliċi u privati għall-kura tat-tfal;

I.  billi minkejja li n-nisa jirrappreżentaw kważi 60 % tal-persuni gradwati fl-UE, xorta għadhom sottorappreżentati fix-xjenza, fil-matematika, fl-IT, fl-inġinerija u f'karrieri relatati minħabba fatturi ta' tfixkil persistenti; jenfasizza, konsegwentement, il-fatt li l-inugwaljanza fl-impjiegi qed tieħu forom ġodda u li, minkejja l-investiment fl-edukazzjoni, in-nisa żgħażagħ xorta huma darbtejn iktar probabbli li jkunu ekonomikament inattivi mill-irġiel żgħażagħ; billi huwa stmat li l-impjiegi fil-qasam tal-ICT u x-xjenza tal-kompjuters se jkollhom rwol sinifikanti fuq perjodu ta' żmien qasir, kemm f'termini ta' postijiet tax-xogħol battala kif ukoll f'termini ta' introjtu, u huwa ta' importanza kbira li jiġu attirati iktar nisa biex jistudjaw dawn is-suġġetti;

J.  billi, skont il-previżjonijiet, jekk il-livelli ta' produttività tan-nisa jiżdiedu sabiex ikunu jaqblu ma' dawk tal-irġiel, il-PDG tal-UE jista' jikber b'27 %;

K.  billi, skont studji tal-OECD, il-kumpaniji b'aktar nisa fuq il-bordijiet tagħhom jesperjenzaw profittabilità akbar meta mqabbla ma' dawk il-bordijiet magħmula minn irġiel biss, minkejja li fl-2014 in-nisa kienu jammontaw għal 20,2 % biss tal-membri tal-bordijiet tal-ikbar kumpaniji elenkati fil-Borża rreġistrati fil-pajjiżi tal-UE;

1.  Iqis li l-emanċipazzjoni ekonomika tan-nisa hija kruċjali sabiex jitnaqqas il-faqar u jiġi promoss l-iżvilupp ekonomiku; jinsisti, madankollu, li l-kisba tal-indipendenza ekonomika hija biss l-ewwel pass għall-emanċipazzjoni ekonomika tan-nisa, filwaqt li l-ugwaljanza fl-oqsma kulturali, soċjali u ta' politika hija meħtieġa wkoll għall-emanċipazzjoni tan-nisa fis-setturi pubbliċi u privati; iqis li l-implimentazzjoni tal-prinċipju ta' paga ugwali għall-ħaddiema maskili u femminili għal xogħol ugwali jew xogħol ta' valur ugwali mill-Istati Membri hija pass neċessarju għall-emanċipazzjoni ekonomika tan-nisa u għall-konsolidazzjoni tad-drittijiet fundamentali tagħhom; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jiggarantixxu dan il-prinċipju kif definit fl-Artikolu 157 tat-TFUE, u jiġġieldu d-diskriminazzjoni diretta u indiretta fis-suq tax-xogħol sabiex tinkiseb l-emanċipazzjoni ekonomika tan-nisa;

2.  Jistieden lill-Istati Membri jimplimentaw b'mod sħiħ id-Direttiva dwar l-Ugwaljanza fl-Impjiegi u d-Direttiva 2010/41/UE dwar l-applikazzjoni tal-prinċipju ta' trattament ugwali bejn l-irġiel u n-nisa li jeżerċitaw attività li fiha jaħdmu għal rashom; jistieden lill-Kummissjoni tiżgura applikazzjoni aħjar ta' dawn id-direttivi u tippromwovi l-implimentazzjoni ta' pjanijiet dwar l-ugwaljanza bejn is-sessi fost il-kumpaniji;

3.  Jistieden lill-Istati Membri jħarsu d-drittijiet tan-nisa u jippromwovu l-ugwaljanza bejn is-sessi u l-benessri soċjali, billi jiġġieldu d-diskrepanza fil-paga u fil-pensjoni, billi jindirizzaw u jeliminaw il-ksur tal-leġiżlazzjoni kontra d-diskriminazzjoni fl-impjieg, u billi jiġġieldu l-forom prekarji, mhux mixtieqa u mhux sikuri tax-xogħol u tal-impjieg, bil-fehim li impjieg prekarju huwa dak li ma jikkonformax mal-istandards u l-liġijiet internazzjonali, nazzjonali u tal-Unjoni, u/jew li ma jipprovdix riżorsi suffiċjenti għal ħajja deċenti jew protezzjoni soċjali adegwata, bħalma huma l-impjiegi mhux kontinwi, il-maġġoranza tal-kuntratti temporanji, il-kuntratti ta' żero sigħat jew ix-xogħol part-time involontarju, kif ukoll billi joħolqu l-kondizzjonijiet sabiex jiġi garantit id-dritt tar-ritorn mix-xogħol part-time volontarju għall-impjieg full-time;

4.  Jiddeplora l-persistenza tad-diskrepanza fil-paga bejn is-sessi, li tikkostitwixxi ksur tal-prinċipju fundamentali ta' paga ugwali għall-ħaddiema maskili u femminili għal xogħol ugwali minqux fl-Artikolu 157 tat-TFUE, u li jolqot b'mod partikolari lin-nisa li jkollhom u li jkunu qed irabbu t-tfal; jistieden lill-UE u lill-Istati Membri biex, f'kooperazzjoni mas-sħab soċjali u mal-organizzazzjonijiet favur l-ugwaljanza bejn is-sessi, jistabbilixxu u jimplimentaw politiki li jagħlqu d-diskrepanza fil-paga bejn is-sessi; jistieden lill-Istati Membri jwettqu mmappjar tal-pagi fuq bażi regolari b'mod komplementari għal dawn l-isforzi;

5.  Jenfasizza li l-prevenzjoni u l-eliminazzjoni tad-diskrepanza fil-paga bejn is-sessi u t-tnaqqis tal-faqar tan-nisa f'età avvanzata l-ewwel u qabel kollox jiddependu fuq il-ħolqien ta' kundizzjonijiet fejn in-nisa jistgħu jagħmlu kontribuzzjonijiet tal-pensjoni ugwali permezz tal-inklużjoni ikbar tagħhom fis-suq tax-xogħol u filwaqt li jiġu salvagwardjati l-opportunitajiet ugwali f'termini ta' paga, avvanz fil-karriera u possibbiltajiet ta' xogħol full-time;

6.  Jenfasizza li jeħtieġ li jiġu indirizzati l-kawżi u l-konsegwenzi tad-diskrepanza fil-pensjonijiet bejn is-sessi, peress li dan jikkostitwixxi ostakolu għall-indipendenza ekonomika tan-nisa f'età avvanzata, meta dawn ikunu esposti għal riskju ogħla ta' faqar mill-irġiel; jenfasizza l-importanza ta' sistemi ta' taxxa u ta' benefiċċji fl-Istati Membri li jkunu ħielsa minn diżinċentivi għal dawk li jirrapreżentaw it-tieni sors ta' dħul biex jaħdmu jew biex jaħdmu aktar, peress li n-nisa spiss ikunu t-tieni sors ta' dħul; jistieden lill-Istati Membri jissostitwixxu l-mudelli ta' unitajiet domestiċi bl-individwalizzazzjoni tad-drittijiet tas-sigurtà soċjali u tat-tassazzjoni sabiex jiġi żgurat li n-nisa jkollhom drittijiet individwali u sabiex jiġi miġġieled l-istatus ta' dipendenza permezz tas-sieħeb/sieħba tagħhom jew permezz tal-Istat;

7.  Jenfasizza li l-forom flessibbli tax-xogħol jagħmluha iktar faċli għan-nisa sabiex jibbilanċjaw il-ħajja tax-xogħol u dik familjari tagħhom u jistgħu jikkontribwixxu b'mod pożittiv għall-inklużjoni fil-ħajja tax-xogħol ta' nisa li jappartjenu għal gruppi żvantaġġjati;

8.  Jistieden lill-Istati Membri jtejbu l-kundizzjonijiet tax-xogħol ġenerali, inkluża l-organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol favur il-familja b'konsultazzjoni mal-ħaddiema;

9.  Iħeġġeġ lill-Istati Membri jiżguraw paga u liv tal-paternità adegwati sabiex jiġu żgurati l-istess opportunitajiet ta' avvanz fil-karriera għan-nisa u għall-irġiel;

10.  Jenfasizza l-bżonn li tiġi eliminata s-segregazzjoni tas-sessi orizzontali u vertikali tas-suq tax-xogħol billi jiġu indirizzati l-kawżi diretti u indiretti, l-imġiba soċjali diskriminatorji u l-isterjotipi, billi jkun hemm diversifikazzjoni tal-għażliet ta' karrieri tan-nisa u tal-irġiel, u billi jiġu promossi l-parteċipazzjoni ugwali tan-nisa u tal-irġiel fis-suq tax-xogħol, l-edukazzjoni ta' kwalità, it-taħriġ formali u mhux formali u t-taħriġ u t-tagħlim tul il-ħajja, kif ukoll il-koresponsabbiltà fl-għoti tal-kura; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jimplimentaw miżuri biex inaqqsu s-segregazzjoni u l-isterjotipi tas-sessi fis-suq tax-xogħol, fl-edukazzjoni, fit-taħriġ kif ukoll fil-ħidma domestika u fir-responsabbiltajiet marbuta mal-għoti tal-kura sabiex fil-ġejjieni l-kundizzjonijiet soċjoekonomiċi u l-introjtu tan-nisa jkunu aħjar;

11.  Ifakkar li l-finanzjament sostenibbli pubbliku u dak privat favur l-edukazzjoni huwa l-bażi ta' soċjetà demokratika, soċjalment ġusta u inklużiva – u din il-prijorità trid tiġi riflessa fil-baġits; jenfasizza r-rwol partikolari li l-edukazzjoni għall-bniet u n-nisa żgħażagħ għandha fir-rigward tal-emanċipazzjoni ekonomika u l-prospetti futuri ta' impjieg tagħhom; jistieden, f'dan ir-rigward, lill-Istati Membri biex isaħħu l-politiki u jżidu l-investiment f'taħriġ u edukazzjoni ta' kwalità, biex jippromwovu setturi u karigi fejn in-nisa huma sottorappreżentati, bħax-xjenza, it-teknoloġija, l-inġinerija u l-matematika (STEM), kif ukoll biex iżidu l-ingaġġ tan-nisa f'dawn l-impjiegi ta' kwalità; jenfasizza l-importanza tal-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali (ETV) għad-diversifikazzjoni tal-għażliet ta' karriera, u għall-introduzzjoni tan-nisa u tal-irġiel għal opportunitajiet ta' karriera mhux tradizzjonali; ifakkar fl-importanza li fis-sistemi edukattivi jiġi enfasizzat il-prinċipju tal-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel u dak ta' dritt ugwali ta' parteċipazzjoni fil-ħajja ekonomika;

12.  Jinnota li l-firxa rapida tat-teknoloġija diġitali qed ikollha impatt profond fuq is-suq tax-xogħol peress li qed tibdel il-ktajjen ta' valur, il-kundizzjonijiet u n-natura tax-xogħol; jinnota li l-opportunitajiet li ġabet magħha d-diġitizzazzjoni jistgħu jservu ta' għodda effettiva għall-inklużjoni ulterjuri tan-nisa fis-suq tax-xogħol u jistgħu jwasslu wkoll għal rikonċiljazzjoni aħjar tad-dmirijiet professjonali u dawk domestiċi kemm għan-nisa kif ukoll għall-irġiel; jirrimarka wkoll li d-diġitizzazzjoni tirriżulta f'domanda dejjem tikber għall-ħiliet sabiex tiġi indirizzata d-diskrepanza diġitali eżistenti bejn l-irġiel u n-nisa; jenfasizza li d-domanda għal ħiliet ġodda, b'mod partikolari fil-qasam tal-ICT, jeħtieġ li tiġi indirizzata permezz tat-taħriġ kif ukoll permezz tal-edukazzjoni ulterjuri u t-tagħlim tul il-ħajja, fl-interess tal-promozzjoni tal-litteriżmu diġitali u l-indirizzar tad-diskrepanza eżistenti bejn is-sessi sabiex jitkabbar il-grupp ta' kandidati bi kwalifiki għolja; jistieden għalhekk lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni jżidu l-isforzi tagħhom biex jagħtu spinta lill-inklużjoni fil-kuntest tal-ICT u jippromwovu ħiliet diġitali u litteriżmu elettroniku fost in-nisa u l-bniet, li għadhom sottorappreżentati f'dan is-settur, dan għaliex jista' jikkontribwixxi għall-indipendenza u l-emanċipazzjoni ekonomika tagħhom, u jwassal għal tnaqqis fid-diskrepanza fil-paga bejn is-sessi;

13.  Jistieden lill-Kummissjoni biex, flimkien mal-Istati Membri, tħeġġeġ u tappoġġa inizjattivi ta' intraprenditorija femminili minħabba li dan jista' jipprovdi lin-nisa l-għarfien li jeħtieġu biex iwaqqfu jew iwaqqfu b'mod konġunt in-negozji tagħhom stess abbażi tal-ideat innovattivi tagħhom; f'dan ir-rigward, huwa kruċjali li tiġi pprovduta l-informazzjoni dwar l-aċċess għat-taħriġ, sabiex l-intraprendituri nisa jiġu appoġġati ħalli jkollhom aċċess għal sorsi alternattivi ta' finanzjament u opportunitajiet ta' netwerking kummerċjali, u jingħataw ukoll konsulenza dwar il-bidu, il-ġestjoni u t-tkabbir tan-negozji tagħhom fil-fażijiet bikrija;

14.  Jistieden lill-Istati Membri jsegwu politiki attivi speċifiċi ta' impjieg u taħriġ sabiex jappoġġaw ir-ritorn lejn ix-xogħol ta' dawk in-nisa li jkunu ssospendew il-karrieri tagħhom biex jieħdu ħsieb persuni dipendenti;

15.  Jenfasizza l-ħtieġa li jiġi żgurat li l-fondi strutturali u ta' investiment jintużaw għat-titjib tal-edukazzjoni u t-taħriġ bil-ħsieb li jitjieb l-aċċess għas-suq tax-xogħol u li jiġu miġġielda l-qgħad, il-faqar u l-esklużjoni soċjali tan-nisa; jenfasizza li s-sehem ta' 20 % tal-FSE allokat għal miżuri ta' inklużjoni soċjali u proġetti ta' innovazzjoni soċjali jista' jintuża b'mod aktar attiv biex jiġu appoġġati inizjattivi bħal proġetti lokali żgħar li jkollhom l-għan li jemanċipaw lin-nisa li jkunu qed ibatu l-faqar u l-esklużjoni soċjali;

16.  Jitlob lill-Istati Membri miżuri leġiżlattivi u mhux leġiżlattivi sabiex jiġu garantiti d-drittijiet ekonomiċi u soċjali ta' ħaddiema fl-hekk imsejħa setturi ffemminizzati; jenfasizza l-importanza li tiġi evitata s-sovrarappreżentanza tan-nisa f'impjiegi prekarji u jfakkar fil-ħtieġa li tiġi missielta n-natura prekarja ta' dawn is-setturi, bħal dawk tal-kura jew ix-xogħol domestiku; jirrikonoxxi li x-xogħol domestiku u l-għoti ta' servizzi f'unità domestika, li fil-biċċa l-kbira tagħhom huma ffemminizzati, ta' sikwit jitwettqu bħala xogħol mhux iddikjarat; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jippromwovu u jkomplu jiżviluppaw aktar is-settur formali tas-servizzi domestiċi anki permezz tal-Pjattaforma Ewropea li Tindirizza x-Xogħol Mhux Iddikjarat, u jirrikonoxxu s-servizzi domestiċi, l-impjieg tal-familja u l-kura fid-dar bħala settur ekonomiku ta' valur b'potenzjal ta' ħolqien ta' impjiegi li jeħtieġ li jkun regolat aħjar fi ħdan l-Istati Membri bil-ħsieb kemm li jinħolqu karigi siguri għall-ħaddiema domestiċi kif ukoll li l-familji jiġu pprovduti bil-kapaċità li jassumu r-rwol tagħhom bħala impjegaturi u b'opportunitajiet ta' rikonċiljazzjoni tal-ħajja privata u dik professjonali għall-familji li jaħdmu;

17.  Jinnota r-rilevanza tas-settur tal-kura u x-xogħol domestiku u l-potenzjal tal-ħolqien ta' impjiegi tiegħu, u jenfasizza l-ħtieġa li jinħolqu impjiegi ta' kwalità li jwasslu għal xogħlijiet diċenti fl-ekonomija fl-għoti tal-kura fis-setturi pubbliċi u privati; jenfasizza l-importanza li l-protezzjoni soċjali tiġi estiża u jiżdiedu l-pagi f'dawn is-setturi fejn in-nisa jiffurmaw il-maġġoranza tal-forza tax-xogħol, bħalma huma, fost oħrajn, il-ħaddiema involuti fil-kura personali, fit-tindif u fl-għoti ta' assistenza, il-persunal fl-industrija tal-ikel u l-professjonisti assoċjati mas-saħħa;

18.  Jenfasizza wkoll l-importanza li tingħata attenzjoni fir-rigward tal-bżonnijiet speċifiċi u l-isfidi multidimensjonali ta' wħud mill-gruppi vulnerabbli li jaffaċċaw ostakoli partikolari għad-dħul fis-suq tax-xogħol bħalma huma n-nisa, in-nisa f'żoni rurali, in-nisa b'diżabilità kif ukoll ir-refuġjati u l-migranti nisa; jistieden lill-Istati Membri jiżguraw l-aċċess bikri u faċli tagħhom għal taħriġ ta' kwalità, inklużi internships, sabiex tiġi żgurata l-integrazzjoni sħiħa fis-soċjetajiet tagħna u fis-suq tax-xogħol, filwaqt li jiġu kkunsidrati l-ħiliet u l-kompetenzi informali u formali eżistenti tar-rifuġjati u t-talenti u l-għarfien espert tagħhom; jistieden lill-Istati Membri jieħdu miżuri għall-prevenzjoni tad-diskriminazzjoni intersezzjonali li tolqot b'mod partikolari lin-nisa f'sitwazzjonijiet vulnerabbli; jenfasizza kemm huwa importanti li d-Direttiva 2000/78/KE dwar l-ugwaljanza fit-trattament fl-impjieg u fix-xogħol, u d-Direttiva 2000/43/KE dwar it-trattament ugwali irrespettivament mill-oriġini tar-razza jew etniċità, jiġu implimentati b'mod korrett;

19.  Jistieden lill-Istati Membri u l-Kummissjoni biex isaħħu u jtejbu l-applikazzjoni prattika tal-politiki fuq il-post tax-xogħol u tal-liġijiet diġà eżistenti u jtejbu dawk il-politiki u liġijiet fejn xieraq sabiex jipproteġu lin-nisa minn diskriminazzjoni diretta u indiretta, b'mod partikolari fl-għażla, fl-ingaġġ, fiż-żamma, fit-taħriġ vokazzjonali u fil-promozzjoni tan-nisa fl-impjieg kemm fis-settur pubbliku kif ukoll fis-settur privat, u joffru lin-nisa opportunitajiet ugwali f'termini ta' paga u avvanz fil-karriera;

20. Jenfasizza l-importanza tal-prinċipju tan-newtralità bejn is-sessi fis-sistemi ta' evalwazzjoni u klassifikazzjoni tax-xogħol kemm fis-settur pubbliku kif ukoll f'dak privat; jilqa' l-isforzi tal-Istati Membri biex jippromwovu politiki li jimpedixxu d-diskriminazzjoni fir-reklutaġġ u jinkoraġġihom jippromwovu CV mingħajr l-identifikazzjoni tal-ġeneru sabiex il-kumpaniji u l-amministrazzjonijiet pubbliċi jiġu skoraġġiti milli jippreġudikaw abbażi tas-sessi matul il-proċess tar-reklutaġġ; jistieden lill-Kummissjoni tesplora l-possibbiltà li tiġi żviluppata Europass CV anonimizzata; jissuġġerixxi li l-Istati Membri jfasslu programmi biex jikkumbattu l-isterjotipi soċjali u tas-sessi, b'mod partikolari fost il-gruppi l-iżgħar fl-età, bħala mezz ta' biex tiġi evitata l-kategorizzazzjoni professjonali tal-iskali tax-xogħol li spiss tillimita l-aċċess tan-nisa għall-karigi u l-impjiegi l-aktar imħallsin;

21.  Jistieden lill-Istati Membri jdaħħlu fis-seħħ politiki proattivi u investiment xieraq immirati u mfassla b'mod li jkunu ta' appoġġ għan-nisa u għall-irġiel li jidħlu, jirritornaw, jibqgħu u javvanzaw fis-suq tax-xogħol, wara perjodi ta' liv relatat mal-familja u l-kura, b'impjieg sostenibbli u ta' kwalità, b'konformità mal-Artikolu 27 tal-Karta Soċjali Ewropea; jenfasizza b'mod partikolari l-ħtieġa li jiġu garantiti l-impjieg mill-ġdid fl-istess kariga jew f'kariga ekwivalenti jew simili, il-protezzjoni kontra t-tkeċċija jew it-trattament inqas favorevoli minħabba t-tqala jew minħabba l-applikazzjoni għal-liv jew it-teħid ta' liv tal-familja, u perjodu ta' protezzjoni wara r-ritorn tagħhom ħalli jkunu jistgħu jaġġustaw mill-ġdid għal xogħolhom;

22.  Iħeġġeġ lill-Istati Membri jimplimentaw, fejn applikabbli, skemi ta' protezzjoni tal-ġenituri li jinkludu liv tal-maternità u tal-paternità esklużiv u obbligatorju għal kull ġenitur, kif ukoll liv tal-ġenituri li jista' jintuża skont deċiżjoni konġunta tal-ġenituri, bħala mezz biex jiġu rikonoxxuti d-drittijiet taż-żewġ ġenituri u tiġi miġġielda kwalunkwe suppożizzjoni min-naħa ta' min iħaddem li r-responsabbiltajiet tal-ġenituri jaqgħu b'mod esklużiv fuq l-ommijiet;

23.  Jenfasizza li jenħtieġ li r-remunerazzjoni u l-kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali jkomplu jitħallsu matul il-liv;

24.  Jenfasizza l-importanza tar-rappreżentanza ugwali tan-nisa u tal-irġiel fil-karigi ta' teħid ta' deċiżjonijiet kemm fis-settur pubbliku kif ukoll f'dak privat; ifakkar fl-importanza tad-Direttiva dwar in-Nisa fuq il-Bordijiet li għandha l-għan li tibbilanċja s-sehem tal-ġeneru l-anqas rappreżentat f'karigi ta' membri tal-bord mhux eżekuttivi f'kumpaniji elenkati fil-Borża, bl-eċċezzjoni tal-intrapriżi żgħar u ta' daqs medju; jistieden, barra minn hekk, lill-Istati Membri biex jikkonkludu l-ħidma fil-Kunsill ħalli n-negozjati mal-Parlament ikunu jistgħu jibdew sabiex issir ħidma favur l-ilħuq tal-objettiv li sal-2020 tal-anqas 40 % tad-diretturi mhux eżekuttivi fuq il-bordijiet ta' kumpaniji elenkati fil-Borża jkunu nisa; jistieden lill-Istati Membri u lill-kumpaniji jtejbu l-bilanċ bejn is-sessi fil-karigi maniġerjali fis-suq tax-xogħol, fl-istrutturi u l-istituzzjonijiet ta' teħid ta' deċiżjonijiet ekonomiċi u politiċi, kif ukoll fl-intrapriżi u fil-bordijiet korporattivi, eż. permezz ta' kwoti skont is-sessi;

25.  Jenfasizza li l-aċċess għal kreditu, servizzi finanzjarji u konsulenza huwa kruċjali għall-emenċipazzjoni ta' dawk in-nisa li jkunu qed jaffaċċaw esklużjoni soċjali fl-intraprenditorija, u għat-tisħiħ tar-rappreżentanza tagħhom fis-settur privat; jirrakkomanda, għalhekk, li l-Fond Ewropew għall-Investimenti Strateġiċi (FEIS) u l-Fond Soċjali Ewropew (FSE) jenħtieġ li jiġu eżaminati fir-rigward tal-użu aktar flessibbli u anqas burokratiku tagħhom sabiex jingħata appoġġ lin-nisa intraprendituri fil-fażi tal-bidu;

26.  Jinkoraġġixxi t-tmexxija tan-nisa fit-trade unions u fl-organizzazzjonijiet tal-ħaddiema u jħeġġeġ lill-mexxejja kollha tat-trade unions jiggarantixxu rappreżentanza ugwali u jirrappreżentaw effettivament l-interessi tal-ħaddiema nisa;

27.  Jenfasizza l-importanza tas-sħab soċjali u tan-negozjar kollettiv fl-emanċipazzjoni ekonomika tal-ħaddiema nisa u jħeġġeġ reviżjoni ta' dawk il-kategoriji ta' xogħol fejn il-preġudizzju abbażi tas-sessi fil-kategoriji tal-impjieg jista' jirriżulta f'karigi tax-xogħol differenti li jwettqu l-istess kompiti;

28.  Jistieden lill-Istati Membri jsaħħu u jinfurzaw l-eżerċizzju sħiħ tad-dritt ta' negozjar kollettiv fis-setturi privati u pubbliċi; jistieden b'mod partikolari lis-sħab soċjali jużaw in-negozjar kollettiv biex jippromwovu opportunitajiet ugwali għan-nisa u għall-irġiel, jiżguraw li l-leġiżlazzjoni eżistenti dwar it-trattament ugwali tkun applikata fil-prattika u jindirizzaw u jissieltu d-diskrepanza fil-pagi bejn is-sessi; jenfasizza, f'dan ir-rigward, li s-sħab soċjali għandhom potenzjal kbir biex jappoġġaw l-ugwaljanza bejn is-sessi fis-suq tax-xogħol billi b'mod attiv iqajmu l-kwistjoni ta' paga ugwali u deċenti waqt in-negozjar kollettiv; iqis il-ħatra ta' rappreżentanti tal-ugwaljanza biex jissensibilizzaw, jinfurmaw u jikkomunikaw dwar l-ugwaljanza bejn is-sessi fuq il-post tax-xogħol bħala prattika tajba;

29.  Jistieden lill-Istati Membri jimplimentaw u jinfurzaw politiki pubbliċi dwar il-kura soċjali u jiżguraw ukoll id-disponibbiltà ta', u l-aċċess għal, servizzi ta' kura ta' kwalità għolja, affordabbli u universalment aċċessibbli għat-tfal, għall-persuni iktar avvanzati u għal dipendenti oħrajn permezz ta' reviżjoni 'l fuq tal-objettivi ta' Barċellona dwar il-faċilitajiet għall-kura tat-tfal; jistieden, barra minn hekk, lill-Istati Membri biex jiddefinixxu miri simili li jikkonċernaw servizzi ta' kura fit-tul, u jippromwovu l-kondiviżjoni ugwali tax-xogħol domestiku bla ħlas u tal-koresponsabbiltà fl-għoti tal-kura; jenfasizza li d-disponibbiltà tal-kura tat-tfal hija prekondizzjoni kruċjali għall-kapaċità tan-nisa li jilħqu l-potenzjal sħiħ tagħhom fil-post tax-xogħol u għar-rikonċiljazzjoni tal-ħajja privata u dik professjonali għall-familji li jaħdmu, kif ukoll sabiex tiżdied il-parteċipazzjoni tan-nisa fis-suq tax-xogħol; ifakkar fir-rwol importanti tas-servizzi pubbliċi fl-ilħuq tal-ugwaljanza bejn is-sessi; jinnota li l-infiq f'dawn l-oqsma jenħtieġ li jitqies bħala investiment li jħalli qligħ ekonomiku;

30.  Jenfasizza l-ħtieġa li jiġu eliminati l-inugwaljanzi bejn is-sessi fix-xogħol imħallas u f'dak mhux imħallas u tiġi promossa l-kondiviżjoni ugwali tar-responsabbiltajiet, tal-ispejjeż u tal-kura tat-tfal u ta' persuni dipendenti, bejn in-nisa u l-irġiel, u anki fis-soċjetà inġenerali, sabiex tiġi żgurata l-pożizzjoni ugwali tagħhom f'dak li jirrigwarda l-kura u l-paga li jaqilgħu; jinnota, f'dan ir-rigward, il-ħtieġa ta' proposti speċifiċi biex jintlaħaq bilanċ aħjar bejn il-ħajja tax-xogħol u dik privata;

31.  Jistieden lill-koleġislaturi jressqu miżuri effettivi ġodda favur it-titjib tal-bilanċ bejn il-ħajja tax-xogħol u dik privata, inklużi proposti leġiżlattivi rigward liv tal-maternità, tal-paternità, tal-ġenituri u ta' min jagħti l-kura, sabiex tiġi promossa l-ugwaljanza bejn is-sessi permezz tat-titjib tal-aċċess tan-nisa għas-suq tax-xogħol u l-kondiviżjoni ugwali tal-kompiti domestiċi u ta' kura bejn in-nisa u l-irġiel;

32.  Iħeġġeġ lill-Istati Membri jinkorporaw mekkaniżmi fil-leġiżlazzjoni tax-xogħol tagħhom bl-għan li joffru inċentiv għall-ħolqien ta' mudelli tax-xogħol flessibbli u telexogħol li se jagħmluha aktar faċli biex il-ġenituri jieħdu ħsieb it-tfal wara l-ħinijiet tal-iskola u li se jikkontribwixxu wkoll biex jinkiseb bilanċ bejn ir-responsabbiltajiet relatati max-xogħol u dawk tal-familja; jenfasizza, fl-istess ħin, li l-impjegati u min iħaddem għandhom responsabbiltà kondiviża biex ifasslu u jaqblu dwar l-aktar arranġamenti xierqa;

33.  Jistieden lill-Istati Membri jiggarantixxu liv ta' mistrieħ għall-ġenituri ta' tfal b'diżabilità, filwaqt li tingħata attenzjoni partikulari lill-ommijiet waħedhom, abbażi ta' eżami tal-aħjar prattiki;

34.  Iħeġġeġ lill-Istati Membri jinvestu f'faċilitajiet ta' tagħlim informali wara l-ħin tal-iskola li jiffukaw fuq il-logħob li jistgħu jipprovdu appoġġ għat-tfal wara l-ħin tal-iskola u tal-crèche b'mod partikulari, bħala reazzjoni sabiex titnaqqas id-diskrepanza bejn il-ħinijiet tal-iskola u l-ħinijiet tax-xogħol;

35.  Iħeġġeġ lill-Istati Membri biex, abbażi tad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva dwar l-Akkwist Pubbliku (2014/24/UE), jippromwovu l-użu ta' klawżoli soċjali fl-akkwist pubbliku bħala għodda biex tiżdied l-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel fejn jeżistu leġiżlazzjonijiet nazzjonali rilevanti u li jistgħu jservu ta' bażi għal klawżoli soċjali;

36.  Jenfasizza l-importanza ta' inizjattivi nazzjonali li jagħmlu l-finanzjament iktar aċċessibbli għall-imprendituri nisa u jenfasizza, f'dan ir-rigward, il-potenzjal tal-mikroself;

37.  Jistieden lill-Istati Membri jintegraw il-perspettiva tal-ugwaljanza bejn is-sessi fil-politiki nazzjonali tagħhom dwar il-ħiliet u s-suq tax-xogħol u jinkludu tali miżuri fi pjanijiet ta' azzjoni nazzjonali u/jew bħala parti mis-Semestru Ewropew, b'konformità mal-linji gwida dwar l-impjiegi.

INFORMAZZJONI DWAR L-ADOZZJONIFIL-KUMITAT LI JINTALAB JAGĦTI OPINJONI

Data tal-adozzjoni

21.6.2017

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

35

4

3

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Guillaume Balas, Brando Benifei, Mara Bizzotto, Vilija Blinkevičiūtė, Enrique Calvet Chambon, Lampros Fountoulis, Elena Gentile, Marian Harkin, Czesław Hoc, Danuta Jazłowiecka, Agnes Jongerius, Rina Ronja Kari, Jan Keller, Ádám Kósa, Jean Lambert, Jérôme Lavrilleux, Jeroen Lenaers, Verónica Lope Fontagné, Elisabeth Morin-Chartier, João Pimenta Lopes, Georgi Pirinski, Marek Plura, Terry Reintke, Sofia Ribeiro, Robert Rochefort, Anne Sander, Sven Schulze, Siôn Simon, Romana Tomc, Ulrike Trebesius, Marita Ulvskog, Jana Žitňanská

Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali

Georges Bach, Lynn Boylan, Miapetra Kumpula-Natri, António Marinho e Pinto, Tamás Meszerics, Joachim Schuster, Michaela Šojdrová

Sostituti (skont l-Artikolu 200(2)) preżenti għall-votazzjoni finali

Xabier Benito Ziluaga, Monika Smolková, Milan Zver

VOTAZZJONI FINALI B'SEJĦA TAL-ISMIJIETFIL-KUMITAT LI JINTALAB JAGĦTI OPINJONI

35

+

ALDE

GUE/NGL

PPE

 

S&D

 

VERTS/ALE

Enrique Calvet Chambon, Marian Harkin, Marinho e Pinto, Robert Rochefort

Xabier Benito Ziluaga, Lynn Boylan, Rina Ronja Kari

Georges Bach, Danuta Jazłowiecka, Ádám Kósa, Jérôme Lavrilleux, Verónica Lope Fontagné, Elisabeth Morin-Chartier, Marek Plura, Sofia Ribeiro, Anne Sander, Sven Schulze, Michaela Šojdrová, Romana Tomc, Milan Zver,

Guillaume Balas, Brando Benifei, Vilija Blinkevičiūtė, Elena Gentile, Agnes Jongerius, Jan Keller, Miapetra Kumpula-Natri, Georgi Pirinski, Joachim Schuster, Siôn Simon, Monika Smolková, Marita Ulvskog

Jean Lambert, Tamás Meszerics, Terry Reintke

4

-

ECR

NI

Czesław Hoc, Ulrike Trebesius, Jana Žitňanská

Lampros Fountoulis

3

0

ENF

GUE/GNL

PPE

Mara Bizzotto

João Pimenta Lopes

Jeroen Lenaers

Tifsira tas-simboli użati:

+  :  favur

-  :  kontra

0  :  astensjoni

(1)

L-Istitut Ewropew għall-Ugwaljanza bejn is-Sessi (EIGE); Il-benefiċċji ekonomiċi tal-ugwaljanza bejn is-sessi fl-UE (2017) paġna 3.

http://eige.europa.eu/sites/default/files/documents/economic_benefits_of_gender_equality_briefing_paper.pdf

(2)

http://europa.eu/rapid/press-release_IP-09-1527_en.htm?locale=en

(3)

https://www.eurofound.europa.eu/publications/report/2016/labour-market/the-gender-employment-gap-challenges-and-solutions

(4)

L-Istitut Ewropew għall-Ugwaljanza bejn is-Sessi (EIGE); Il-benefiċċji ekonomiċi tal-ugwaljanza bejn is-sessi fl-UE (2017) paġna 3.

http://eige.europa.eu/sites/default/files/documents/economic_benefits_of_gender_equality_briefing_paper.pdf


INFORMAZZJONI DWAR L-ADOZZJONIFIL-KUMITAT RESPONSABBLI

Data tal-adozzjoni

12.7.2017

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

22

8

1

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Daniela Aiuto, Maria Arena, Beatriz Becerra Basterrechea, Malin Björk, Vilija Blinkevičiūtė, Anna Maria Corazza Bildt, Viorica Dăncilă, Iratxe García Pérez, Arne Gericke, Anna Hedh, Teresa Jiménez-Becerril Barrio, Agnieszka Kozłowska-Rajewicz, Florent Marcellesi, Maria Noichl, Margot Parker, Marijana Petir, Terry Reintke, Michaela Šojdrová, Ernest Urtasun, Ángela Vallina, Elissavet Vozemberg-Vrionidi, Jadwiga Wiśniewska, Anna Záborská, Jana Žitňanská

Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali

Catherine Bearder, Ildikó Gáll-Pelcz, Edouard Martin, Dubravka Šuica, Mylène Troszczynski

Sostituti (skont l-Artikolu 200(2)) preżenti għall-votazzjoni finali

Theresa Griffin, Renate Weber


VOTAZZJONI FINALI B'SEJĦA TAL-ISMIJIETFIL-KUMITAT RESPONSABBLI

22

+

EPP

Ildikó Gáll-Pelcz, Teresa Jiménez-Becerril Barrio, Agnieszka Kozłowska-Rajewicz, Dubravka Šuica, Elissavet Vozemberg-Vrionidi

S&D

Maria Arena, Vilija Blinkevičiūtė, Viorica Dăncilă, Iratxe García Pérez, Theresa Griffin, Anna Hedh, Edouard Martin, Maria Noichl

ALDE

Catherine Bearder, Beatriz Becerra Basterrechea, Renate Weber

EFDD

Daniela Aiuto

VERTS

Florent Marcellesi, Terry Reintke, Ernest Urtasun

GUE/NGL

Malin Björk, Ángela Vallina

8

-

EPP

Marijana Petir, Michaela Šojdrová, Anna Záborská

ECR

Arne Gericke, Jadwiga Wiśniewska, Jana Žitňanská

EFDD

Margot Parker

ENF

Mylène Troszczynski

1

0

EPP

Anna Maria Corazza Bildt

Tifsira tas-simboli użati:

+  :  favur

-  :  kontra

0  :  astensjoni

Avviż legali