Proċedura : 2017/2098(BUD)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A8-0278/2017

Testi mressqa :

A8-0278/2017

Dibattiti :

Votazzjonijiet :

PV 13/09/2017 - 9.6

Testi adottati :

P8_TA(2017)0337

RAPPORT     
PDF 731kWORD 64k
1.9.2017
PE 606.282v02-00 A8-0278/2017

dwar il-proposta għal deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (applikazzjoni ppreżentata mill-Finlandja – EGF/2017/002 FI/Microsoft 2)

(COM(2017)0322 – C8-0193/2017 – 2098/2017(BUD))

Kumitat għall-Baġits

Rapporteur: Petri Sarvamaa

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW
 ANNESS: DEĊIŻJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL
 NOTA SPJEGATTIVA
 ANNESS: ITTRA TAL-KUMITAT GĦALL-IMPJIEGI U L-AFFARJIET SOĊJALI
 ANNESS: ITTRA TAL-KUMITAT GĦALL-IŻVILUPP REĠJONALI
 INFORMAZZJONI DWAR L-ADOZZJONIFIL-KUMITAT RESPONSABBLI
 VOTAZZJONI FINALI B'SEJĦA TAL-ISMIJIETFIL-KUMITAT RESPONSABBLI

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW

dwar il-proposta għal deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (applikazzjoni ppreżentata mill-Finlandja – EGF/2017/002 FI/Microsoft 2)

(COM(2017)0322 – C8-0193/2017 – 2017/2098(BUD))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill (COM(2017)0322 – C8-0193/2017),

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 1309/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 2013 dwar il-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (2014-2020) u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1927/2006(1) (ir-Regolament dwar il-FEG),

–  wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) Nru 1311/2013 tat-2 ta' Diċembru 2013 li jistabbilixxi l-qafas finanzjarju pluriennali għas-snin 2014-2020(2), u b'mod partikolari l-Artikolu 12 tiegħu,

–  wara li kkunsidra l-Ftehim Interistituzzjonali tat-2 ta' Diċembru 2013 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar dixxiplina baġitarja, dwar kooperazzjoni f'materji ta' baġit u dwar ġestjoni finanzjarja tajba(3) (il-FII tat-2 ta' Diċembru 2013), u b'mod partikolari l-punt 13 tiegħu,

–  wara li kkunsidra l-proċedura ta' trilogu prevista fil-punt 13 tal-FII tat-2 ta' Diċembru 2013,

–  wara li kkunsidra l-ittra tal-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali,

–  wara li kkunsidra l-ittra tal-Kumitat għall-Iżvilupp Reġjonali,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Baġits (A8-0278/2017),

A.  billi l-Unjoni stabbiliet strumenti leġiżlattivi u baġitarji biex tipprovdi appoġġ addizzjonali lill-ħaddiema li jkunu qegħdin ibatu l-konsegwenzi ta' bidliet strutturali kbar fl-andament tal-kummerċ dinji jew tal-kriżi finanzjarja u ekonomika globali u biex tgħin l-integrazzjoni mill-ġdid tagħhom fis-suq tax-xogħol;

B.  billi l-għajnuna finanzjarja tal-Unjoni għall-ħaddiema li ngħataw is-sensja għandha tkun waħda dinamika u disponibbli b'mod effiċjenti u rapidu;

C.  billi l-Finlandja ppreżentat l-applikazzjoni EGF/2017/002 FI/Microsoft 2 għal kontribuzzjoni finanzjarja mill-FEG skont il-kriterji ta' intervent tal-punt (a) tal-Artikolu 4(1) tar-Regolament dwar il-FEG, wara 1 248 sensja minn Microsoft Mobile Oy u 11-il fornitur u produttur downstream tagħha fil-Finlandja, li joperaw fis-settur ekonomiku kklasifikat taħt ir-Reviżjoni 62 tan-NACE (Programmar tal-kompjuter, konsulenza u attivitajiet relatati);

1.  Jaqbel mal-Kummissjoni li l-kundizzjonijiet stabbiliti fil-punt (a) tal-Artikolu 4(1) tar-Regolament dwar il-FEG huma ssodisfati u li, għalhekk, il-Finlandja hija intitolata għal kontribuzzjoni finanzjarja ta' EUR 3 520 080 skont dan ir-Regolament, ammont li jirrappreżenta 60 % tal-ispiża totali ta' EUR 5 559 300;

2.  Jinnota li l-Finlandja ppreżentat l-applikazzjoni tagħha fl-1 ta' Frar 2017, u li wara informazzjoni addizzjonali mogħtija mill-Finlandja, il-valutazzjoni tagħha ġiet konkluża mill-Kummissjoni fil-21 ta' Ġunju 2017;

3.  Ifakkar li l-Microsoft akkwistat in-negozju tat-telefon ċellulari Nokia, u li l-Microsoft Mobile Oy kienet stabbilita fl-2014; jinnota li madwar 4 700 impjegat tan-Nokia ġew trasferiti għall-Microsoft Mobile Oy fil-Finlandja;

4.  Jinnota li r-raġuni prinċipali għas-sensji fil-Microsoft Mobile Oy kienet il-kompetizzjoni mondajli fis-settur tat-telefonija ċellulari u t-telf tas-sehem tas-suq konsegwenti mill-Microsoft Mobile Oy u mis-sistema operazzjonali tagħha bbażata fuq il-Windows; jinnota li t-tnaqqis seħħ minkejja l-fatt li l-Microsoft Mobile Oy nediet apparat portabbli ġdid u investiet fid-disinn, il-komponenti u l-kummerċjalizzazzjoni;

5.  Jirrikonoxxi, b'dispjaċir, l-isfidi li jħabbtu wiċċhom magħhom il-manifatturi tal-mowbajls tal-UE; iqis li jeħtieġ li jiġi offrut appoġġ xieraq b'tali mod li l-ħaddiema milquta jkunu jistgħu jitħarrġu mill-ġdid ħalli jkunu f'pożizzjoni aħjar biex isibu impjiegi f'setturi industrijali relatati jew li qed jespandu;

6.  Jikkonkludi li s-sensji kellhom rabta mat-tibdil fil-manifattura ta' apparat portabbli għal pajjiżi b'rata ta' pagi inferjuri; jinnota li r-rebbieħa tal-kompetizzjoni ta' manifatturar tal-ismartphone kienu l-manifatturi bbażati fl-Istati Uniti u fl-Asja li jużaw sistema operattiva Android jew iOS;

7.  Jirrikonoxxi li r-reġjuni milquta ta' Helsinki-Uusimaa, Länsi-Suomi u Etelä-Suomi diġà esperjenzaw sensji estensivi minn ditti li joperaw fis-setturi tal-elettronika u tas-softwer u li r-reġjuni ta' Länsi-Suomi u Etelä-Suomi għandhom rati ta' qgħad reġjonali għoljin (14,6 % u 17,5 % tal-forza tax-xogħol rispettivament); jinnota li 1 000 mill-1 248 ħaddiem li ngħataw is-sensja u li huma eliġibbli għall-kontribuzzjoni mill-FEG huma mistennija jipparteċipaw fil-miżuri;

8.  Jinnota li 92,5 % tal-benefiċjarji indirizzati huma tal-età ta' bejn it-30 u l-54 sena u li bosta mill-ħaddiema li ngħataw is-sensja għandhom livell ta' edukazzjoni għoli; jinnota li r-rati ta' qgħad ta' persuni b'livell ta' edukazzjoni għoli żdiedu b'mod konsiderevoli fit-tliet reġjuni kollha; jinsab imħasseb dwar is-sitwazzjoni diġà diffiċli ta' qgħad ta' persuni b'edukazzjoni u ħiliet għolja, li l-prospettivi ta' impjieg tagħhom tradizzjonalment huma tajbin;

9.  Jinnota li l-Finlandja qiegħda tippjana sitt tipi ta' miżuri: (i) miżuri ta' kkowċjar u miżuri preparatorji oħrajn, (ii) impjiegi u servizzi tan-negozju, (iii) taħriġ, (iv) għotjiet għal negozji ġodda, (v) pagi ssussidjati u (vi) allowances għall-ivvjaġġar u l-akkomodazzjoni; jinnota li dawn l-azzjonijiet jikkostitwixxu miżuri attivi tas-suq tax-xogħol; jinnota li ġew allokati biżżejjed fondi għall-kontroll u r-rapportar;

10.  Jinnota li l-miżuri ta' appoġġ għall-introjtu huma ekwivalenti għal 26,74 % tal-pakkett kumplessiv ta' miżuri personalizzati, perċentwal li huwa taħt il-limitu massimu ta' 35 % stabbilit fir-Regolament dwar il-FEG, u li dawn l-azzjonijiet jiddependu fuq il-parteċipazzjoni attiva min-naħa tal-benefiċjarji fil-mira fl-attivitajiet ta' tiftix ta' xogħol jew ta' taħriġ;

11.  Jenfasizza l-importanza ta' miżuri attivi tas-suq tax-xogħol bl-appoġġ tal-FEG; jinnota li f'każijiet preċedenti tal-FEG is-servizz dirett għal ħaddiema li ngħataw is-sensja wera kemm huwa ferm utli;

12.  Jilqa' l-fatt li s-servizz tan-netwerk EURES qed jintuża biex ir-reklami għal impjiegi barranin jiġu mgħoddija lill-Finlandiżi li qed ifittxu xogħol; jilqa' pożittivament il-fatt li l-awtoritajiet Finlandiżi qegħdin iħeġġu lill-ħaddiema li ngħataw is-sensja biex jibbenefikaw bis-sħiħ mid-dritt tagħhom ta' libertà ta' moviment;

13.  Jifhem li l-miżuri ta' taħriġ iffinanzjati mill-FEG se jkunu komplementari għal dawk iffinanzjati minn fond stabbilit mill-kumpanija biex tgħin lill-ex impjegati jibdew negozji żgħar fis-settur tal-IT u f'setturi oħrajn; jilqa' din l-inizjattiva;

14.  Jilqa' l-fatt li l-awtoritajiet Finlandiżi bdew jipprovdu s-servizzi personalizzati lill-benefiċjarji indirizzati fit-12 ta' Lulju 2016, ferm qabel l-applikazzjoni għal appoġġ mill-FEG għall-pakkett koordinat propost;

15.  Jilqa' l-fatt li seħħew il-konsultazzjonijiet mal-partijiet interessati, inklużi r-rappreżentanti taċ-Ċentri għall-Iżvilupp Ekonomiku ("iċ-ċentri ELY"), tal-uffiċji tal-Impjiegi u l-Iżvilupp Ekonomiku ("l-uffiċċji TE") tar-reġjuni kkonċernati, ta' Microsoft, tal-Industriji Teknoloġiċi tal-Finlandja, tat-Trade Union Pro, tal-Unjoni tal-Inġiniera Professjonali fil-Finlandja u tal-Aġenzija Finlandiża tal-Finanzjament għall-Innovazzjoni;

16.  Ifakkar li t-tfassil tal-pakkett koordinat ta' servizzi personalizzati bl-appoġġ tal-FEG, għandu jantiċipa l-perspettivi tas-suq tax-xogħol għall-ġejjieni u l-ħiliet rikjesti u għandu jkun kompatibbli mal-bidla lejn ekonomija li tagħmel użu effiċjenti mir-riżorsi u li tkun sostenibbli;

17.  Jirrikonoxxi li l-applikazzjoni attwali hija l-kontinwazzjoni ta' sensiela ta' applikazzjonijiet preċedenti mill-Finlandja, b'segwitu għad-deklin tan-Nokia (EGF/2007/003 FI/Perlos, EGF/2012/006 FI/Nokia Salo, EGF/2013/001 FI/Nokia, EGF/2015/001 FI/Broadcom, EGF/2015/005 FI/Computer Programming, EGF/2016/001 FI/Microsoft u EGF/2016/008 FI/Nokia Network Systems);

18.  Jinnota li hemm għaddej intervent tal-FEG (EGF/2016/001 FI/Microsoft) immirat biex jappoġġa lill-ħaddiema li aktar kmieni ngħataw is-sensja mill-Microsoft; jisħaq li l-benefiċjarji indirizzati minn din il-proposta huma distinti mill-benefiċjarji ta' dak il-każ;

19.  Jinnota li l-awtoritajiet Finlandiżi pprovdew assigurazzjonijiet li l-azzjonijiet proposti mhux se jirċievu appoġġ finanzjarju minn strumenti finanzjarji jew fondi oħra tal-Unjoni, li kwalunkwe rduppjar ta' finanzjament se jiġi evitat u li dawn se jkunu komplemantari ma' azzjonjijiet iffinanzjati mill-Fondi Strutturali;

20.  Ifakkar fl-importanza li tittejjeb l-impjegabilità tal-ħaddiema kollha permezz ta' taħriġ adattat u r-rikonoxximent tal-ħiliet u l-kompetenzi miksuba tul il-karriera professjonali ta' ħaddiem; jistenna li t-taħriġ offrut fil-pakkett ikkoordinat jiġi adattat mhux biss għall-bżonnijiet tal-ħaddiema li ngħataw is-sensja, iżda anke għall-ambjent kummerċjali nnifsu;

21.  Itenni l-fatt li l-assistenza mill-FEG ma tistax tissostitwixxi la l-azzjonijiet li jkunu r-responsabilità tal-kumpaniji bis-saħħa tad-dritt nazzjonali jew ta' ftehimiet kollettivi, u lanqas il-miżuri għar-ristrutturar ta' kumpaniji jew setturi; jinnota li l-Finlandja kkonfermat li huwa minnu li l-kontribuzzjoni mill-FEG mhijiex se tissostitwixxihom;

22.  Jitlob lill-Kummissjoni tiżgura li l-pubbliku jkollu aċċess għad-dokumenti relatati mal-każijiet tal-FEG;

23.  Japprova d-deċiżjoni annessa ma' din ir-riżoluzzjoni;

24.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jiffirma din id-deċiżjoni flimkien mal-President tal-Kunsill u biex jiżgura li tiġi ppubblikata f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea;

25.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni, flimkien mal-anness tagħha, lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.

(1)

ĠU L 347, 20.12.2013, p. 855.

(2)

ĠU L 347, 20.12.2013, p. 884.

(3)

ĠU C 373, 20.12.2013, p. 1.


ANNESS: DEĊIŻJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

dwar il-mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni wara applikazzjoni mill-Finlandja - EGF/2017/002 FI/Microsoft 2

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidraw ir-Regolament (UE) Nru 1309/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 2013 dwar il-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (2014-2020) u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1927/2006(1), u b'mod partikolari l-Artikolu 15(4) tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-Ftehim Interistituzzjonali tat-2 ta' Diċembru 2013 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar dixxiplina baġitarja, dwar kooperazzjoni f'materji ta' baġit u dwar ġestjoni finanzjarja tajba(2), u b'mod partikolari l-punt 13 tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)  Il-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (minn hawn 'il quddiem "FEG") għandu l-iskop li jagħti appoġġ lill-ħaddiema li jkunu ngħataw is-sensja u lill-persuni li kienu jaħdmu għal rashom u kellhom iwaqqfu l-attività tagħhom minħabba bidliet strutturali kbar fix-xejriet tal-kummerċ dinji bħala riżultat tal-globalizzazzjoni, bħala riżultat tal-kontinwazzjoni tal-kriżi finanzjarja u ekonomika globali, jew bħala riżultat ta' kriżi finanzjarja u ekonomika globali ġdida, u li jassistihom fir-riintegrazzjoni tagħhom fis-suq tax-xogħol.

(2)  Il-FEG ma jridx jaqbeż ammont annwali massimu ta' EUR 150 miljun (prezzijiet tal-2011), kif previst fl-Artikolu 12 tar-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) Nru 1311/2013(3).

(3)  Fl-1 ta' Frar 2017, il-Finlandja ppreżentat applikazzjoni biex jiġi mmobilizzat il-FEG, fir-rigward tas-sensji f'Microsoft Oy (Microsoft Mobile Oy) u 11-il fornitur u produttur downstream u t-tmiem tal-attivitajiet. Din ġiet issupplimentata b'informazzjoni addizzjonali mogħtija skont l-Artikolu 8(3) tar-Regolament (UE) Nru 1309/2013. Dik l-applikazzjoni tikkonforma mar-rekwiżiti għad-determinazzjoni ta' kontribuzzjoni finanzjarja mill-FEG, kif stabbilit fl-Artikolu 13 tar-Regolament (UE) Nru 1309/2013.

(4)  Għaldaqstant, jenħtieġ li l-FEG jiġi mobilizzat sabiex jagħti kontribuzzjoni finanzjarja li tammonta għal EUR 3 520 080 għall-applikazzjoni ppreżentata mill-Finlandja.

(5)  Sabiex iż-żmien li jittieħed għall-mobilizzazzjoni tal-FEG jitnaqqas kemm jista' jkun, jenħtieġ li din id-deċiżjoni tidħol fis-seħħ mid-data tal-adozzjoni tagħha,

ADOTTAW DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Għall-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea stabbilit għas-sena finanzjarja 2017, il-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni għandu jiġi mobilizzat biex jipprovdi s-somma ta' EUR 3 520 080 f'approprjazzjonijiet ta' impenn u ta' pagament.

Artikolu 2

Din id-deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tagħha f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea. Din id-deċiżjoni għandha tapplika mill- ... [data ta' adozzjoni ta' din id-deċiżjoni](4)*.

Magħmul fi ...

Għall-Parlament Ewropew  Għall-Kunsill

Il-President    Il-President  

(1)

  ĠU L 347, 20.12.2013, p. 855.

(2)

  ĠU C 373, 20.12.2013, p. 1.

(3)

  Ir-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) Nru 1311/2013 tat-2 ta' Diċembru 2013 li jistabbilixxi l-qafas finanzjarju pluriennali għas-snin 2014-2020 (ĠU L 347, 20.12.2013, p. 884).

(4)

*   Id-data għandha tiddaħħal mill-Parlament qabel il-pubblikazzjoni fil-ĠU.


NOTA SPJEGATTIVA

I.  IL-KUNTEST

Il-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni nħoloq biex jipprovdi assistenza addizzjonali lill-ħaddiema li jkunu qed ibatu l-konsegwenzi ta' bidliet strutturali kbar fl-andament tal-kummerċ dinji.

Skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 12 tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 1311/2013 li jistabbilixxi l-qafas finanzjarju pluriennali għas-snin 2014-2020, u tal-Artikolu 15 tar-Regolament (UE) Nru 1309/20139, il-Fond ma jistax jaqbeż ammont annwali massimu ta' EUR 150 miljun (prezzijiet tal-2011). L-ammonti xierqa jiddaħħlu bħala provvediment fil-baġit ġenerali tal-Unjoni.

Fir-rigward tal-proċedura, skont il-punt 13 tal-Ftehim Interistituzzjonali tat-2 ta' Diċembru 2013 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar dixxiplina baġitarja, dwar kooperazzjoni f'materji ta' baġit u dwar ġestjoni finanzjarja tajba10, sabiex jiġi attivat il-Fond, il-Kummissjoni, f'każ ta' valutazzjoni pożittiva ta' applikazzjoni, tippreżenta lill-awtorità baġitarja proposta għall-mobilizzazzjoni tal-Fond u, fl-istess waqt, talba korrispondenti għal trasferiment. Fil-każ ta' nuqqas ta' qbil, għandu jinbeda trilogu.

II.  L-applikazzjoni tal-Finlandja u l-proposta tal-Kummissjoni

Nhar il-21 ta' Ġunju 2017, il-Kummissjoni adottat proposta għal deċiżjoni dwar il-mobilizzazzjoni tal-FEG favur il-Finlandja bħala appoġġ għar-riintegrazzjoni fis-suq tax-xogħol tal-ħaddiema b'segwitu għas-sensji li ngħataw fil-Microsoft (Microsoft Mobile Oy) u fi 11-il fornitur u produttur downstream fid-Diviżjoni 62 tan-NACE Reviżjoni 2 (Programmar tal-kompjuters, konsulenza u attivitajiet oħra) partikolarment fir-reġjuni tal-livell 2 NUTS11 ta' Helsinki-Uusimaa (Uusimaa) (FI1B1), Länsi-Suomi (Pirkanmaa) (FI197) u Etelä-Suomi (Varsinais-Suomi) (FI1C1).

L-intrapriżi u l-għadd ta' sensji matul il-perjodu ta' referenza

Microsoft Mobile Oy

1 191

Manpower Group Solutions

14

Accenture Oy

HCL Technologies Ltd

ISS Palvelut OyManpower

JOT Automation Oy

Lionbridge Oy

5

3

20

1

6

 

Sale Nordic Oy

Spellpoint Oy

Symbio Finland Oy

Tieto Oy

Varamiespalvelu-Group Oy

1

1

3

2

1

L-għadd totali ta' intrapriżi: 12

L-għadd totali ta' sensji:

1 248

L-għadd totali ta' ħaddiema indipendenti li l-attività tagħhom waqfet:

0

L-għadd totali ta' ħaddiema eliġibbli u ħaddiema indipendenti:

1 248

Din hija r-raba' applikazzjoni li se tiġi eżaminata fil-kuntest tal-baġit tal-2017 u t-tieni fir-rigward tad-Diviżjoni 62 Reviżjoni 2 NACE (Programmar tal-kompjuter, konsulenza u attivitajiet oħra) tas-settur. Għandha x'taqsam mal-1 248 ħaddiem li ngħataw is-sensja u tirreferi għall-mobilizzazzjoni ta' ammont totali ta' EUR 3 520 080 mill-FEG għall-Finlandja.

L-applikazzjoni ntbagħtet lill-Kummissjoni nhar l-1 ta' Frar 2017 u ġiet issupplimentata b'informazzjoni addizzjonali fi żmien sitt ġimgħat mit-talba tal-Kummissjoni. Il-Kummissjoni ffinalizzat il-valutazzjoni tagħha fil-21 ta' Ġunju 2017 u kkonkludiet, bi qbil mad-dispożizzjonijiet applikabbli kollha tar-Regolament dwar il-FEG, li l-applikazzjoni tissodisfa l-kundizzjonijiet għal kontribuzzjoni finanzjarja mill-FEG, kif imsemmi fl-Artikolu 4(1)(a) tar-Regolament dwar il-FEG.

Is-settur tat-Teknoloġiji tal-Informazzjoni u l-Komunikazzjoni huwa suxxettibbli ħafna għall-bidliet fl-ekonomija globali minħabba l-livell għoli ta' kompetizzjoni, ir-rapidità tal-progress teknoloġiku u l-innovazzjonijiet, il-fużjonijiet, l-akkwiżizzjonijiet u l-esternalizzazzjoni. Il-kompetizzjoni bejn l-impjegati mill-UE u dawk minn barra l-UE hija ħarxa. L-impjegati fis-settur Ewropew tat-Teknoloġiji tal-Informazzjoni u l-Komunikazzjoni qed jixjieħu u għandhom livell ta' edukazzjoni aktar baxx minn dak tal-kontropartijiet Amerikani u Asjatiċi tagħhom. Il-professjonisti Finlandiżi fil-qasam tat-Teknoloġiji tal-Informazzjoni u l-Komunikazzjoni qed jiffaċċjaw kompetizzjoni fuq livell dejjem aktar globali meta mqabbla mal-impjegati fi kwalunkwe settur ieħor.

Is-sitt tipi ta' miżuri li se jiġu pprovduti lill-ħaddiema li ngħataw is-sensja jinkludu:

–  Miżuri ta' tirwim u miżuri preparatorji oħra: Dawn il-miżuri se jinkludu taħriġ dwar tiftix għal impjieg, appoġġ għall-mobilità tax-xogħol (servizzi tal-EURES), gwida individwali (job coaching), coaching fil-karrieri u valutazzjonijiet tal-esperti.

–  Servizzi favur l-impjiegi u l-impriżi: Din il-miżura se tinkludi l-appoġġ għal persuni indipendenti li qed ifittxu impjieg, il-valutazzjoni tal-kompetenzi, try-outs u avvenimenti ta' reklutaġġ.

–  Taħriġ: Din il-miżura se tinkludi taħriġ vokazzjonali, taħriġ kontinwu u ta' bidla, ta' edukazzjoni mill-ġdid, taħriġ relatat mal-mobilità intraprenditorjali u tax-xogħol.

–  L-għotjiet għal negozji ġodda huma intenzjonati biex jippromwovu l-ħolqien ta' attività kummerċjali u l-impjieg indipendenti ta' persuni individwali. L-iskop tal-għotjiet għal negozji ġodda huwa li jiġi żgurat introjtu għal imprenditur aspiranti matul iż-żmien li jkun stmat li huwa meħtieġ biex jiġi varat u jiġi stabbilit negozju full time.

–  Is-sussidji fuq il-pagi se jkunu disponibbli għall-ħaddiema li jkunu ngħataw is-sensja bħala appoġġ għal impjieg f'xogħol ġdid jew għal apprendistat, billi jnaqqsu l-ispejjeż tal-pagi tal-impjegatur il-ġdid għal żmien limitat. Is-sussidju fuq il-pagi jkopri bejn it-30 u l-50 % tal-ispejjeż tal-pagi tal-ħaddiem għal perjodu limitat (bejn 6 xhur u 24 xahar).

–  Allowances għall-ispejjeż ta' vvjaġġar, ta' soġġorn u ta' ġarr: Persuna li tkun qed tfittex xogħol tista' tingħata allowance għall-ispejjeż ta' vvjaġġar u ta' akkomodazzjoni li tkun ġarrbet waqt li qed tfittex xogħol, jew għall-ispejjeż ta' vvjaġġar u akkomodazzjoni għall-parteċipazzjoni f'miżuri ta' taħriġ u kumpens għal spejjeż ta' ġarr.

Il-miżuri msemmija hawn fuq huma personalizzati u mmirati lejn il-ħaddiem li jkun ingħata is-sensja, filwaqt li l-miżuri fil-qasam tal-imprenditorjat huma mmirati lejn għadd limitat ta' persuni bi proġetti kummerċjali realistiċi.

Skont il-Kummissjoni, il-miżuri deskritti jikkostitwixxu miżuri attivi fis-suq tax-xogħol fi ħdan l-azzjonijiet eliġibbli stabbiliti fl-Artikolu 7 tar-Regolament dwar il-FEG. Dawn l-azzjonijiet ma jissostitwixxux miżuri passivi ta' protezzjoni soċjali.

Il-Finlandja pprovdiet l-assigurazzjonijiet meħtieġa kollha rigward dawn li ġejjin:

–  il-prinċipji tat-trattament indaqs u tan-nondiskriminazzjoni se jiġu rispettati fl-aċċess għall-azzjonijiet proposti u l-implimentazzjoni tagħhom,

–  hemm konformità mar-rekwiżiti stabbiliti fil-leġiżlazzjoni nazzjonali u tal-UE rigward is-sensji kollettivi,

–  l-impriżi li taw is-sensji, li komplew bl-attivitajiet tagħhom wara s-sensji, ikkonformaw mal-obbligi ġuridiċi tagħhom li jirregolaw is-sensji u pprovdew għall-ħaddiema tagħhom kif xieraq,

–  l-azzjonijiet proposti mhumiex se jirċievu appoġġ finanzjarju minn fondi jew strumenti finanzjarji oħra tal-Unjoni u mhu se jitħalla jsir l-ebda finanzjament doppju,

–  l-azzjonijiet proposti se jkunu komplementari għall-azzjonijiet iffinanzjati mill-Fondi Strutturali,

–  il-kontribuzzjoni finanzjarja mill-FEG se tkun konformi mar-regoli proċedurali u materjali tal-Unjoni dwar l-għajnuna mill-Istat.

III.  Proċedura

Sabiex tattiva l-mobilizzazzjoni tal-Fond, il-Kummissjoni se tippreżenta lill-Awtorità Baġitarja bi proposta għal trasferiment tal-ammont ta' EUR 3 520 080 f'approprjazzjonijiet lejn il-linja baġitarja rilevanti.

Sal-lum, din hija r-raba' talba għal trasferiment għall-mobilizzazzjoni tal-Fond ippreżentata lill-Awtorità Baġitarja matul l-2017.

F'każ ta' nuqqas ta' qbil għandha tinbeda l-proċedura ta' trilogu, kif previst fl-Artikolu 15(4) tar-Regolament dwar il-FEG.

Skont ftehim intern, jenħtieġ li l-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali jiġi assoċjat fil-proċess, sabiex joffri appoġġ kostruttiv u jagħti kontribut għall-valutazzjoni tal-applikazzjonijiet għall-Fond.


ANNESS: ITTRA TAL-KUMITAT GĦALL-IMPJIEGI U L-AFFARJIET SOĊJALI

  CF/jb

D(2017)27397

Is-Sur Jean Arthuis

President tal-Kumitat għall-Baġits

ASP 09G205

Suġġett: Opinjoni dwar il-mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (FEG) għall-każ EGF/2017/002 FI/Microsoft 2

Sur President,

Il-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali (EMPL) u l-Grupp ta' Ħidma dwar il-FEG fi ħdan l-istess Kumitat eżaminaw il-mobilizzazzjoni tal-FEG għall-każ EGF/2017/002 FI/Microsoft 2 u adottaw l-opinjoni li ġejja.

Il-Kumitat EMPL u l-Grupp ta' Ħidma tiegħu huma favur il-mobilizzazzjoni tal-Fond fir-rigward ta' din l-applikazzjoni. F'dan ir-rigward, il-Kumitat EMPL qed jippreżenta xi rimarki mingħajr, madankollu, ma jqajjem dubji dwar it-trasferiment tal-pagamenti.

Id-deliberazzjonijiet tal-Kumitat EMPL huma msejsa fuq il-kunsiderazzjonijiet li ġejjin:

A)  Billi din l-applikazzjoni hi bbażata fuq l-Artikolu 4(1)(a) tar-Regolament (UE) Nru 1309/2013 (ir-Regolament dwar il-FEG) u tikkonċerna 1 248 ħaddiem li ngħataw is-sensja f'Microsoft Oy (Microsoft Mobile Oy) u 11-il fornitur u produttur downstream, li joperaw fis-settur ekonomiku kklasifikat taħt in-NACE Reviżjoni 2 Diviżjoni 62: Programmar tal-kompjuter, konsulenza u attivitajiet relatati;

B)  Billi, sabiex tistabbilixxi r-rabta bejn is-sensji u l-bidliet strutturali ewlenin fix-xejriet kummerċjali dinjija dovuti għall-globalizzazzjoni, il-Finlandja ġabet l-argument li, ir-raġuni prinċipali wara t-tnaqqis fil-forza tax-xogħol hija l-kompetizzjoni globali fis-settur tal-mowbajls u t-telf konsegwenti fis-sehem mis-suq minn Microsoft Mobile Oy (u s-sistema operattiva tagħha bbażata fuq Windows).

C)  Billi 74 % tal-ħaddiema kkonċernati mill-miżura huma rġiel u 26 % huma nisa; billi 92,5 % tal-benefiċjarji fil-mira għandhom bejn 30 u 54 sena, filwaqt li 2,5 % għandhom bejn 25 u 29 sena u 5 % għandhom bejn 55 u 64 sena;

D)  Billi din hija t-tmien applikazzjoni tal-FEG mill-Finlandja b'rabta mad-deklin tan-Nokia.

Għalhekk, il-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali jistieden lill-Kumitat għall-Baġits, bħala l-kumitat responsabbli, biex jintegra s-suġġerimenti li ġejjin fil-mozzjoni għal riżoluzzjoni tiegħu dwar l-applikazzjoni Finlandiża:

1.  Jaqbel mal-Kummissjoni li l-kriterji ta' intervent stabbiliti fl-Artikolu 4(1)(a) tar-Regolament (UE) Nru 1309/2013 huma ssodisfati u li, għalhekk, il-Finlandja hija intitolata għal kontribuzzjoni finanzjarja ta' EUR 3 520 080 skont dan ir-Regolament, li tirrappreżenta 60 % tal-ispiża totali ta' EUR 5 559 300;

2.  Jinnota li l-Kummissjoni osservat l-iskadenza ta' 12-il ġimgħa mill-wasla tal-applikazzjoni kompluta mill-awtoritajiet Finlandiżi sal-finalizzazzjoni tal-valutazzjoni tagħha dwar il-konformità tagħha mal-kundizzjonijiet għall-għoti ta' kontribuzzjoni finanzjarja, fil-21 ta' Ġunju 2017, u nnotifikatha lill-Parlament fl-istess jum;

3.  Jirrikonoxxi li r-reġjuni milquta ta' Helsinki-Uusimaa, Länsi-Suomi u Etelä-Suomi diġà esperjenzaw sensji kollettivi minn ditti li joperaw fis-setturi tal-elettronika u tas-softwer u li dawn iż-żewġ reġjuni tal-aħħar għandhom rati ta' qgħad reġjonali għoljin (14,6 % u 17,5 % tal-forza tax-xogħol rispettivament);

4.  Jesprimi tħassib dwar ir-rata ta' qgħad li qed tikber fost il-persuni b'edukazzjoni ta' livell għoli;

5.  Jirrikonoxxi, b'dispjaċir, l-isfidi li jħabbtu wiċċhom magħhom il-manifatturi tal-mowbajls tal-UE; iqis li jeħtieġ li jiġi offrut appoġġ xieraq b'tali mod li l-ħaddiema milquta jkunu jistgħu jitħarrġu mill-ġdid ħalli jkunu f'pożizzjoni aħjar biex isibu impjiegi f'setturi industrijali relatati jew li qed jespandu;

6.  Jinnota li s-servizzi personalizzati kofinanzjati mill-FEG għall-ħaddiema li ngħataw is-sensja jinkludu miżuri ta' kkowċjar u miżuri oħra ta' tħejjija, servizzi ta' impjieg u ta' negozju, taħriġ, għotjiet għall-bidu ta' negozju, sussidju tal-pagi, u allowances għall-ivvjaġġar u l-akkomodazzjoni;

7.  Jilqa' l-konsultazzjonijiet mal-partijiet interessati, fosthom rappreżentanti taċ-Ċentri għall-Iżvilupp Ekonomiku ("iċ-ċentri ELY"), tal-uffiċji tal-Impjiegi u l-Iżvilupp Ekonomiku ("l-uffiċċji TE") tar-reġjuni kkonċernati, ta' Microsoft, tal-Industriji Teknoloġiċi tal-Finlandja, tat-Trade Union Pro, tal-Unjoni tal-Inġiniera Professjonali fil-Finlandja u tal-Aġenzija Finlandiża tal-Finanzjament għall-Innovazzjoni;

8.  Jifhem li l-miżuri ta' taħriġ iffinanzjati mill-FEG se jkunu komplementari għal dawk iffinanzjati minn fond stabbilit mill-kumpanija biex tgħin lill-ex impjegati jibdew negozji żgħar fis-settur tal-IT u f'setturi oħrajn; jilqa' din l-inizjattiva;

9.  Jinnota li l-miżuri ta' għajnuna għad-dħul se jammontaw għal 26,74 % tal-pakkett kumplessiv ta' miżuri personalizzati, jiġifieri inqas mill-massimu ta' 35 % stabbilit fir-Regolament; u li dawn l-azzjonijiet jiddependu fuq il-parteċipazzjoni attiva tal-benefiċjarji fil-mira fl-attivitajiet ta' taħriġ jew ta' tfittix ta' impjieg;

10.  Jinnota li l-awtoritajiet Finlandiżi pprovdew assigurazzjonijiet li l-azzjonijiet proposti mhux se jirċievu appoġġ finanzjarju minn strumenti finanzjarji jew fondi oħra tal-Unjoni, li kwalunkwe rduppjar ta' finanzjament se jiġi evitat u li dawn se jkunu komplemantari ma' azzjonjijiet iffinanzjati mill-Fondi Strutturali;

11.  Jilqa' l-konferma tal-Finlandja li kontribuzzjoni finanzjarja mill-FEG mhux se tissostitwixxi l-azzjonijiet li l-intrapriża kkonċernata meħtieġa tieħu skont id-dritt nazzjonali jew skont il-ftehimiet kollettivi;

12.  Ifakkar li, b'konformità mal-Artikolu 7 tar-Regolament, it-tfassil tal-pakkett ikkoordinat ta' servizzi personalizzati jenħtieġ li jantiċipa l-ħiliet meħtieġa u l-perspettivi futuri tas-suq tax-xogħol u jenħtieġ li jkun kompatibbli mal-bidla lejn ekonomija sostenibbli u effiċjenti fl-użu tar-riżorsi.

Dejjem tiegħek,

Thomas HÄNDEL

President tal-Kumitat EMPL


ANNESS: ITTRA TAL-KUMITAT GĦALL-IŻVILUPP REĠJONALI

Is-Sur Jean ARTHUIS

President

Kumitat għall-Baġits

Parlament Ewropew

Suġġett:  Il-mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni

Għażiż Sur Arthuis,

Proposta tal-Kummissjoni għal deċiżjoni dwar il-mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (FEG) ġiet riferuta lill-Kumitat għall-Iżvilupp Reġjonali għall-opinjoni tiegħu. Nifhem li hemm il-ħsieb li jiġi adottat rapport dwar din il-proposta fil-Kumitat għall-Baġits fil-31 ta' Awwissu 2017:

-  COM(2017)0322 tipproponi kontribuzzjoni tal-FEG ta' EUR 3 520 080 għal 1248 ħaddiem li ngħataw is-sensja fil-Micosoft Oy (Microsoft Mobile Oy) u għal 11-il fornitur u produttur fl-istadju aħħari tal-produzzjoni (downstream producers). L-intrapriża ewlenija topera fis-settur ekonomiku kklassifikat fid-Diviżjoni 62 tan-NACE Reviżjoni 2 Pprogrammar ta' kompjuters, konsulenza u attivitajiet oħra. Is-sensji li ngħataw mill-Microsoft Mobile Oy jinsabu prinċipalment fir-reġjuni tal-livell NUTS 2 ta' Helsinki-Uusimaa, Länsi-Suomi u Etelä-Suomi.

Ir-regoli applikabbli għall-kontribuzzjonijiet finanzjarji mill-FEG huma stabbiliti fir-Regolament (UE) Nru 1309/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 2013 dwar il-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (2014-2020) u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1927/2006.

Il-koordinaturi tal-Kumitat ivvalutaw din il-proposta u talbuni niktiblek biex ninfurmak li l-maġġoranza tal-membri ta' dan il-Kumitat m'għandhom l-ebda oġġezzjoni għal din il-mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni biex l-ammont imsemmi hawn fuq jiġi allokat kif propost mill-Kummissjoni.

Dejjem tiegħek,

Iskra MIHAYLOVA


INFORMAZZJONI DWAR L-ADOZZJONIFIL-KUMITAT RESPONSABBLI

Data tal-adozzjoni

30.8.2017

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

33

4

0

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Jonathan Arnott, Jean Arthuis, Richard Ashworth, Reimer Böge, Lefteris Christoforou, Gérard Deprez, Manuel dos Santos, André Elissen, José Manuel Fernandes, Eider Gardiazabal Rubial, Jens Geier, Iris Hoffmann, Monika Hohlmeier, John Howarth, Bernd Kölmel, Zbigniew Kuźmiuk, Vladimír Maňka, Siegfried Mureşan, Liadh Ní Riada, Jan Olbrycht, Younous Omarjee, Urmas Paet, Pina Picierno, Paul Rübig, Petri Sarvamaa, Jordi Solé, Patricija Šulin, Indrek Tarand, Isabelle Thomas, Inese Vaidere, Monika Vana, Daniele Viotti, Tiemo Wölken, Marco Zanni

Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali

Anneli Jäätteenmäki, Giovanni La Via, Tomáš Zdechovský


VOTAZZJONI FINALI B'SEJĦA TAL-ISMIJIETFIL-KUMITAT RESPONSABBLI

33

+

ALDE

Jean Arthuis, Gérard Deprez, Anneli Jäätteenmäki, Urmas Paet

ECR

Zbigniew Kuźmiuk

ENF

Marco Zanni

GUE/NGL

Liadh Ní Riada, Younous Omarjee

PPE

Reimer Böge, Lefteris Christoforou, José Manuel Fernandes, Monika Hohlmeier, Giovanni La Via, Siegfried Mureşan, Jan Olbrycht, Paul Rübig, Petri Sarvamaa, Inese Vaidere, Tomáš Zdechovský, Patricija Šulin

S&D

Eider Gardiazabal Rubial, Jens Geier, Iris Hoffmann, John Howarth, Vladimír Maňka, Pina Picierno, Isabelle Thomas, Daniele Viotti, Tiemo Wölken, Manuel dos Santos

Verts/ALE

Jordi Solé, Indrek Tarand, Monika Vana

4

-

ECR

Richard Ashworth, Bernd Kölmel

EFDD

Jonathan Arnott

ENF

André Elissen

0

0

 

 

Tifsira tas-simboli użati:

+  :  favur

-  :  kontra

0  :  astensjoni

Avviż legali