Proċedura : 2017/2130(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A8-0308/2017

Testi mressqa :

A8-0308/2017

Dibattiti :

PV 14/11/2017 - 14
CRE 14/11/2017 - 14

Votazzjonijiet :

PV 15/11/2017 - 13.14
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P8_TA(2017)0440

RAPPORT     
PDF 637kWORD 61k
16.10.2017
PE 607.922v01-00 A8-0308/2017

dwar rakkomandazzjoni tal-Parlament Ewropew lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lis-SEAE dwar is-Sħubija tal-Lvant, fit-tħejjija għas-Summit ta' Novembru 2017

(2017/2130(INI))

Kumitat għall-Affarijiet Barranin

Rapporteurs: Laima Liucija Andrikienė, Knut Fleckenstein

ABBOZZ TA' RAKKOMANDAZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW
 INFORMAZZJONI DWAR L-ADOZZJONI FIL-KUMITAT RESPONSABBLI
 VOTAZZJONI FINALI B'SEJĦA TAL-ISMIJIET FIL-KUMITAT RESPONSABBLI

ABBOZZ TA' RAKKOMANDAZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW

lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lis-SEAE dwar is-Sħubija tal-Lvant, fit-tħejjija għas-Summit ta' Novembru 2017

(2017/2130(INI))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 2, 3 u 8 u t-Titolu V, b'mod partikolari l-Artikoli 21, 22, 36 u 37 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE), kif ukoll il-Parti Ħamsa tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE),

–  wara li kkunsidra t-tnedija tas-Sħubija tal-Lvant fi Praga fis-7 ta' Mejju 2009 bħala sforz komuni tal-UE u s-sħab tal-Lvant tagħha l-Armenja, l-Ażerbajġan, il-Belarussja, il-Georgia, il-Moldova u l-Ukrajna,

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjonijiet Konġunti tas-Summits dwar is-Sħubija tal-Lvant tal-2011 f'Varsavja, tal-2013 f'Vilnius u tal-2015 f'Riga,

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni tal-mexxejja ta' 27 Stat Membru u tal-Kunsill Ewropew, tal-Parlament Ewropew u tal-Kummissjoni Ewropea adottata f'Ruma fil-25 ta' Marzu 2017,

–  wara li kkunsidra rakkomandazzjonijiet minn u l-attivitajiet tal-Assemblea Parlamentari Euronest, tal-Forum tas-Soċjetà Ċivili tas-Sħubija tal-Lvant, u tal-Kumitat tar-Reġjuni u l-Konferenza tal-Awtoritajiet Lokali u Reġjonali għas-Sħubija tal-Lvant (CORLEAP),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjonijiet tal-Kummissjoni Ewropea u s-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE) dwar il-Politika Ewropea tal-Viċinat (PEV), b'mod partikolari r-rapport tal-2017 dwar l-implimentazzjoni tar-rieżami tal-PEV (JOIN(2017)18) u d-dokument ta' ħidma rivedut tal-2017, bit-titolu "Is-Sħubija tal-Lvant – 20 Riżultat għall-2020: Enfasi fuq il-prijoritajiet ewlenin u r-riżultati tanġibbli" (SWD(2017)0300), kif ukoll il-Komunikazzjoni tal-2016 dwar l-"Istrateġija Globali għall-Politika Estera u ta' Sigurtà tal-Unjoni Ewropea",

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Affarijiet Barranin dwar il-PEV u s-Sħubija tal-Lvant,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tiegħu, b'mod partikolari dawk tal-5 ta' Lulju 2017 dwar it-72 Sessjoni tal-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti(1), tal-15 ta' Ġunju 2017 dwar il-każ ta' Afgan Mukhtarli u s-sitwazzjoni tal-midja fl-Ażerbajġan(2), tas-6 ta' April 2017(3) u tal-24 ta' Novembru 2016(4) dwar is-sitwazzjoni fil-Belarussja, tas-16 ta' Marzu 2017 dwar il-prijoritajiet tal-UE għas-sessjonijiet tal-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU fl-2017(5), tat-13 ta' Diċembru 2016 dwar id-drittijiet tan-nisa fl-Istati tas-Sħubija tal-Lvant(6), tal-21 ta' Jannar 2016 dwar il-Ftehimiet ta' Assoċjazzjoni/iż-Żoni ta' Kummerċ Ħieles Approfonditi u Komprensivi mal-Georgia, il-Moldova u l-Ukrajna(7) u tad-9 ta' Lulju 2015 dwar ir-rieżami tal-Politika Ewropea tal-Viċinat(8)

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Konġunta tal-Parlamenti tal-Georgia, il-Moldova u l-Ukrajna tat-3 ta' Lulju 2017,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 113 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Barranin (A8-0308/2017),

A.  billi s-Sħubija tal-Lvant hija bbażata fuq impenn kondiviż bejn l-Armenja, l-Ażerbajġan, il-Belarussja, il-Georgia, il-Moldova, l-Ukrajna u l-Unjoni Ewropea bil-għan li japprofondixxu r-relazzjonijiet tagħhom u jaderixxu mad-dritt internazzjonali u l-valuri fundamentali, inklużi d-demokrazija, l-istat tad-dritt, ir-rispett għad-drittijiet tal-bniedem, il-libertajiet fundamentali u l-ugwaljanza bejn is-sessi, kif ukoll l-ekonomija tas-suq soċjali, l-iżvilupp sostenibbli u l-governanza tajba;

B.  billi s-Sħubija tal-Lvant tfittex li tikseb l-għanijiet komuni tal-promozzjoni tal-istabbiltà, il-bini ta' fiduċja u l-kooperazzjoni, l-appoġġ għal riformi demokratiċi, ir-relazzjonijiet tajba mal-viċinat, is-soluzzjoni paċifika tal-kunflitt u l-kooperazzjoni reġjonali, it-tisħiħ tal-kuntatti bejn in-nies u l-ixprunar tal-kummerċ, sabiex jitkattar id-djalogu u l-assoċjazzjoni politika kif ukoll il-kooperazzjoni ekonomika u l-integrazzjoni;

C.  billi permezz tal-Istrateġija Globali u, l-PEV riveduta tagħha, l-UE tfittex li tqarreb is-sħab tagħha permezz ta' assoċjazzjoni politika u integrazzjoni ekonomika mħaffa mal-UE, waqt li fl-istess ħin għandha l-għan li tippromwovi l-istabbilizzazzjoni politika, ir-reżiljenza tas-soċjetà u l-prosperità ekonomika fil-viċinat tagħha, u toffri opportunitajiet għal relazzjonijiet ekonomiċi u politiċi privileġġati skont il-livell ta' ambizzjoni ta' kull pajjiż imsieħeb;

D.  billi, minħabba li l-UE tikkunsidra l-kooperazzjoni bħala valur fiha nnifisha u temmen bis-sħiħ li din twassal għal sitwazzjonijiet ta' benefiċċju reċiproku għall-partijiet kollha kkonċernati, hemm impenn min-naħa tal-UE biex tkompli taħdem mal-pajjiżi kollha tas-Sħubija tal-Lvant sakemm il-valuri ewlenin Ewropej ma jiġux dubitati jew imxekkla;

E.  billi l-UE u s-sħab tagħha jinħtieġu li jqabblu r-riżorsi u l-istrumenti mal-impenji magħmula u billi s-sħab għandhom jiffokaw aktar fuq l-implimentazzjoni tal-ftehimiet eżistenti;

F.  billi l-parteċipanti fis-Summit ta' Riga fl-2015 talbu li jsir progress sas-Summit li jmiss fl-oqsma ta': (1) it-tisħiħ tal-istituzzjonijiet u l-governanza tajba, (2) il-mobbiltà u l-kuntatti bejn il-persuni, (3) l-iżvilupp ekonomiku u l-opportunitajiet tas-suq, u (4) il-konnettività, l-effiċjenza tal-enerġija, l-ambjent u t-tibdil fil-klima;

G.  billi twettaq progress sinifikanti mill-aħħar Summit, partikolarment bil-konklużjoni u d-dħul fis-seħħ ta' tliet Ftehimiet ta' Assoċjazzjoni inkluża Żona ta' Kummerċ Ħieles Approfondit u Komprensiv (DCFTA) mal-Georgia, il-Moldova u l-Ukrajna, kif ukoll reġimi mingħajr viża mal-Georgia u l-Ukrajna sa mill-2017 (u mal-Moldova sa mill-2014), il-konklużjoni ta' negozjati dwar Ftehim ta' Sħubija Imtejba u Komprensiva mal-Armenja (li jservi bħala eżempju ta' kif is-sħubija tal-Unjoni Ekonomika Ewroasjatika u l-parteċipazzjoni fl-istrateġiji tal-viċinat tal-UE jistgħu jgħixu flimkien), it-tnedija ta' negozjati dwar ftehim komprensiv ġdid mal-Ażerbajġan, l-adozzjoni ta' riformi kbar f'għadd minn dawn il-pajjiżi bl-appoġġ politiku, tekniku u finanzjarju tal-Unjoni Ewropea, u t-tkomplija tal-politika ta' parteċipazzjoni kritika fil-konfront tal-Belarussja;

H.  billi mit-tnedija tas-Sħubija tal-Lvant fi Praga, xi membri fundaturi esperjenzaw deterjorament ġenerali tas-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem u t-treġġigħ lura ta' xejriet ta' demokratizzazzjoni; billi l-iffaċilitar ta' tranżizzjoni kontinwa għal tkabbir inklużiv, responsabbli, demokraziji stabbli u vijabbli hi waħda mill-isfidi ewlenin;

I.  billi żieda fil-mobbiltà u t-tisħiħ tal-kuntatti bejn il-persuni bejn il-pajjiżi sħab u l-UE tibqa' strument indispensabbli għall-promozzjoni tal-valuri Ewropej;

J.  billi pjan ġdid ta' ħidma strateġika propost mill-Kummissjoni Ewropea u s-SEAE li jgħaqqad flimkien il-kooperazzjoni bilaterali u dik reġjonali għandu l-għan li jiggwida l-ħidma futura mill-UE u s-sitt pajjiżi sħab billi jiffoka fuq għoxrin riżultat li jistgħu jinkisbu sal-2020;

K.  billi l-indipendenza, is-sovranità u l-integrità territorjali tas-sħab tal-Lvant tal-UE għadhom mhedda minn kunflitti reġjonali mhux solvuti, inklużi wħud li tnedew u li għadhom attivament sostnuti mill-Federazzjoni Russa f'kontradizzjoni mal-impenji internazzjonali tagħha li tiddefendi l-ordni ġuridiku internazzjonali; billi l-UE għandha twettaq rwol aktar attiv fis-soluzzjoni paċifika tal-konflitti kollha li għadhom għaddejjin fil-viċinat tagħha; billi l-aggressjoni Russa fil-konfront tal-Ukrajna, l-annessjoni tal-peniżola tal-Krimea u l-okkupazzjoni kontinwa taż-żewġ reġjuni tal-Georgia, kif ukoll it-theddid ibridu Russu inklużi l-attivitajiet ta' destabilizzazzjoni u propaganda, jheddu s-sigurtà Ewropea kollha kemm hi;

L.  billi l-politika tas-Sħubija tal-Lvant hija bbażata fuq id-dritt sovran ta' kull wieħed mis-sħab li jagħżel il-livell ta' ambizzjoni u l-miri li jaspira għalihom fir-relazzjonijiet tiegħu mal-UE; billi s-sħab li jfittxu relazzjonijiet aktar mill-qrib mal-UE għandhom ikunu kapaċi li jaċċedu għal aktar appoġġ u assistenza biex jinkisbu miri stipulati reċiproċi, jekk dawn jissodisfaw l-impenji ta' riforma eżistenti, bi qbil mal-prinċipju ta' "aktar għal aktar";

1.  Jirrakkomanda dan li ġej lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna:

Dwar il-futur tas-Sħubija tal-Lvant

(a)  li jiżguraw li s-summit ta' Novembru 2017 ikun wieħed li jħares 'il quddiem, li jinjetta dinamiżmu ġdid u li jfassal viżjoni politika ċara għall-futur tas-sħubija tal-Lvant bħala politika fuq il-perjodu twil; li jiżguraw li r-riżultati ta' dan is-Summit ta' Novembru 2017 ikollhom bħala l-ewwel prijorità, il-provviżjoni ta' bażi għad-difiża tal-valuri ewlenin tal-Unjoni Ewropea, b'mod partikolari r-rispett tad-demokrazija, id-drittijiet tal-bniedem, il-libertajiet fundamentali, l-istat tad-dritt, il-governanza tajba, id-drittijiet ċivili, in-nondiskriminazzjoni u l-ugwaljanza bejn is-sessi, li fuqhom hija bbażata s-Sħubija tal-Lvant, filwaqt li jenfasizza li dawn il-valuri jinsabu fil-qalba tal-Ftehimiet ta' Assoċjazzjoni u jirrikonoxxi l-impenji tas-sħab ikkonċernati biex jimplimentaw u jippromwovu dawn il-valuri;

(b)  li jissodisfaw l-aspettattivi għolja taċ-ċittadini fil-pajjiżi sħab kollha rigward il-qerda tal-korruzzjoni, il-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata u t-tisħiħ tal-istat tad-dritt u l-governanza tajba; li jfittxu għalhekk l-impenn imġedded tas-sħab biex jadottaw u jimplimentaw b'mod sħiħ ir-riformi relatati mal-ġudikatura, l-amministrazzjoni pubblika u l-ġlieda kontra l-korruzzjoni u l-kriminalità organizzata, skont pjani direzzjonali b'objettivi u skadenzi definiti biċ-ċar;

(c)  li jsaħħu s-soċjetà ċivili fil-pajjiżi sħab u r-rwol tagħha fi ħdan is-Sħubija tal-Lvant, kemm bħala attur dispensabbli fil-proċess ta' konsolidazjoni demokratika u bħala pjattaforma għal kooperazzjoni reġjonali billi topponi mingħajr kompromess kull tip ta' leġiżlazzjoni u miżuri li jfittxu li jnaqqsu l-attivitajiet leġittimi tagħha u billi jħeġġu l-involviment aktar profond tagħha fit-tfassil, fl-iskrutinju u fil-monitoraġġ tal-implimentazzjoni ta' riformi marbuta mas-Sħubija kif ukoll bil-promozzjoni tat-trasparenza u r-responsabbiltà tal-istituzzjonijiet pubbliċi;

(d)  li jinkoraġġixxu r-riformi elettorali li jiżguraw li l-oqfsa legali jkunu konformi mal-istandards internazzjonali, mar-rakkomandazzjonijiet minn missjonijiet ta' osservazzjoni internazzjonali mmexxija mill-OSKE u mal-opinjonijiet tal-Kummissjoni ta' Venezja u li jistgħu jinkisbu permezz ta' proċess trasparenti, u jkunu s-suġġett ta' konsultazzjoni wiesgħa u, sa fejn ikun possibbli, kunsens mal-oppożizzjoni u s-soċjetà ċivili, sabiex jittejbu l-oqfsa elettorali mingħajr l-ebda preġudizzju lejn il-partiti fil-gvern; li jiżguraw l-applikazzjoni stretta mill-UE tal-kundizzjonalità eżistenti fir-rigward tar-riforma elettorali;

(e)  li jiżguraw li l-eżitu tas-Summit ta' Novembru 2017 jieħu kont tar-riżultati tanġibbli li diġà nkisbu, li jenfasizza l-bżonn li jiġu ssodisfatti l-impenji kollha diġà magħmula u li jipprovdi impetu ġdid għall-futur tas-Sħubija, inkluż it-twassil ta' riżultati tanġibbli għaċ-ċittadini, partikolarment f'termini ta' impjiegi, it-tnaqqis tad-diskrepanzi soċjoekonomiċi, it-trasport u l-konnettività, l-indipendenza tal-enerġija, il-mobbiltà u l-edukazzjoni, filwaqt li tittieħed nota tal-fatt li Pjan ġdid ta' Investiment Estern Ewropew (PIE) huwa strument importanti f'dan ir-rigward;

(f)  li jkomplu bl-isforzi mmirati lejn l-indirizzar tal-qgħad, speċjalment il-qgħad fost iż-żgħażagħ, inkluż permezz ta' pakkett ta' miżuri ta' appoġġ għaż-żgħażagħ bħall-programm EU4Youth, u bl-iżvilupp ta' ħiliet adattati għall-ħtiġijiet li qed jevolvu tas-suq tax-xogħol, inkluż permezz ta' edukazzjoni u taħriġ vokazzjonali, it-trawwim tal-intraprenditorija u l-industriji lokali, l-appoġġ għal agrikoltura sostenibbli, l-iżvilupp tat-turiżmu u l-ekonomija diġitali, u l-espansjoni tal-infrastruttura soċjali u tas-setturi tas-servizzi pubbliċi u privati, inter alia fil-qasam tas-saħħa u tal-indukrar tas-saħħa;

(g)  li jippromwovu u jappoġġaw b'mod attiv l-implimentazzjoni ta' politiki kontra d-diskriminazzjoni fis-setturi kollha tas-soċjetà; li jiżguraw l-integrazzjoni tal-ugwaljanza bejn is-sessi fil-politiki pubbliċi u l-appoġġ għall-impjegabbiltà u l-intraprenditorija tan-nisa, bil-garanzija tal-kontinwità ta' politika lil hinn mid-data fil-mira tal-2020;

(h)  li jimpenjaw ruħhom biex jaħdmu flimkien fuq mobbiltà akbar bejn l-UE u l-pajjiżi sħab; li jappoġġaw lill-Moldova, lill-Georgia u lill-Ukrajna fl-implimentazzjoni tal-ftehim ta' liberalizzazzjoni tal-viża u li jiżguraw li l-mekkaniżmi ta' sospensjoni ma jiskattawx fil-futur, partikolarment permezz ta' kooperazzjoni mill-qrib fl-oqsma tal-pulizija u tad-dwana sabiex issir salvagwardja kontra t-theddid għas-sigurtà, il-kriminalità u l-qbiż tas-soġġorn awtorizzat; li jiftħu djalogi dwar il-viża mal-Armenja, li jinkoraġġixxu l-progress mill-Ażerbajġan fl-implimentazzjoni tal-Ftehimiet għall-Faċilitazzjoni tal-Viża u ta' Riammissjoni (VFA/RA) bil-ħsieb li jinfetaħ djalogu dwar il-viża fil-ġejjieni, u biex jiġu ffinalizzati n-negozjati tal-VFA/RA mal-Belarussja għall-benefiċċju taċ-ċittadini tagħha, jekk dawn il-pajjiżi jagħmlu progress sinifikanti fil-qasam tal-valuri fundamentali u jissodisfaw il-kondizzjonijiet preċiżi definiti fi pjanijiet direzzjonali dwar il-liberalizzazzjoni tal-viża;

(i)  li jkomplu jżidu l-opportunitajiet għal kooperazzjoni aktar mill-qrib fl-oqsma tal-edukazzjoni, ir-riċerka u l-innovazzjoni, partikolarment permezz ta' programmi bħal Erasmus+, Spreading excellence and widening participation (it-Tixrid tal-eċċellenza u firxa tal-parteċipazzjoni) u EU4Innovation kif ukoll l-għoti ta' garanziji ta' self mill-Grupp tal-Bank Ewropew tal-Investiment bħala parti mill-programm InnovFin tiegħu; li jipprovdu appoġġ sabiex issir ir-riforma tal-edukazzjoni u li jindirizzaw id-distakk fl-edukazzjoni u l-innovazzjoni;

(j)  li jiżguraw li r-riżultati tas-Summit ta' Novembru 2017 jipprovdu wkoll impetu mġedded sabiex jiġi xprunati t-tkabbir ekonomiku sostenibbli, l-immodernizzar tas-setturi eżistenti, l-opportunitajiet ta' kummerċ u investiment, inklużi l-opportunitajiet intrareġjonali għal kooperazzjoni transfruntiera u b'enfasi partikolari fuq l-Intrapriżi Żgħar u ta' Daqs Medju (SMEs);

(k)  li jitolbu appoġġ tal-UE kalibrat mill-ġdid għall-aġendi ta' Assoċjazzjoni u r-riformi strutturali relatati, b'mod partikolari dawk li jippermettu titjib fil-kompetittività, ambjent tan-negozju iktar favorevoli u aċċess adegwat għas-sorsi ta' finanzjament, inkluż permezz tal-inizjattiva EU4business; li jimmonitorjaw mill-qrib l-implimentazzjoni tad-DCFTAs sabiex ikun evitat id-dumping soċjali u ambjentali; li jfassalu assistenza mmirata għall-SMEs biex jgħinuhom jassorbu bis-sħiħ il-potenzjal tad-DCFTAs; li jippromwovu u jappoġġaw riforma ġenwina tas-sistema ekonomika li għandha l-għan li telimina gradwalment il-monopolji u li ddgħajjef ir-rwol tal-oligarki bl-introduzzjoni ta' liġijiet adegwati, kif ukoll permezz ta' riforma ewlenija tas-settur bankarju u finanzjarju bil-għan li jiġu miġġielda l-ħasil tal-flus u l-evażjoni fiskali;

(l)  li jappoġġaw l-iżvilupp tal-infrastruttura tat-trasport u l-konnettività meħtieġa, inkluż permezz ta' pjan ta' investiment ambizzjuż għan-netwerk ewlieni tat-TEN-T, u anke sabiex jippromwovu l-kummerċ intrareġjonali; li jappoġġaw proġetti infrastrutturali li se jipprovdu opportunitajiet ġodda għall-kummerċ u li jippermettu aktar komunikazzjoni u skambji bejn l-UE u l-pajjiżi sħab kif ukoll fost is-sħab infushom;

(m)  li jtejbu kemm l-indipendenza enerġetika kif ukoll l-effiċjenza permezz ta' investimenti speċifiċi u d-diversifikazzjoni tas-sorsi tal-enerġija, partikolarment fir-rigward tal-enerġija rinnovabbli u t-tnaqqis tad-dipendenza fuq il-fjuwils fossili, permezz ta' kooperazzjoni msaħħa fl-oqsma prijoritarji kollha koperti mill-Unjoni tal-Enerġija tal-UE u bl-integrazzjoni aktar mill-qrib tas-swieq tal-enerġija tas-sħab mas-suq tal-enerġija Ewropew, u b'enfasi partikolari fuq l-interkonnettività u l-infrastruttura; li jiżguraw li s-sezzjonijiet onshore u offshore tal-infrastruttura ta' pipeline il-ġdida fir-reġjun, inkluż il-pipeline Nord Stream 2, jikkonformaw bis-sħiħ mal-leġiżlazzjoni tal-UE u mal-istrateġija tal-Unjoni tal-enerġija u li dawn ma jipperikolawx is-sigurtà enerġetika reġjonali; li jaħdmu mas-sħab tal-Lvant biex jappoġġaw l-unitajiet domestiċi l-iktar milquta mill-prezzijiet dejjem ogħla tal-enerġija;

(n)  li jiżguraw ir-rispett sħiħ tas-sigurtà nukleari internazzjonali u l-ftehimiet u l-obbligi tal-protezzjoni ambjentali; li jżidu l-isforzi lejn it-twettiq tal-impenji tat-tibdil fil-klima inkluż permezz tas-sensibilizzazzjoni tal-pubbliku u permezz tat-tneħħija gradwali tal-impjanti tal-enerġija qodma fl-Armenja u fl-Ukrajna; li jsegwu mill-qrib l-iżvilupp ta' proġetti ġodda bħall-impjant tal-enerġija nukleari f'Ostrovets, il-Belarussja;

(o)  li jiżguraw li r-riżultati tas-Summit ta' Novembru 2017 jindirizzaw ukoll it-theddid għas-sigurtà u l-kunflitti li jaffettwaw is-sovranità, l-integrità territorjali, id-drittijiet fundamentali tal-bniedem u l-istabbiltà politika, soċjali u ekonomika u l-iżvilupp tas-sħab u tar-reġjun kollu kemm hu;

(p)  li jimpenjaw ruħhom biex isostnu l-unità ta' azzjoni fost l-Istati Membri tal-UE sabiex iżommu pressjoni kollettiva fuq ir-Russja, li minkejja kollox il-preżenza militari tagħha fir-reġjun kompliet tikber matul dawn l-aħħar snin, partikolarment permezz tat-tisħiħ ta' miżuri restrittivi mmirati, biex jissolva l-kunflitt fil-Lvant tal-Ukrajna billi jikkonformaw b'mod sħiħ u ġenwin l-implimentazzjoni tal-ftehimiet ta' Minsk u biż-żamma ta' missjoni ta' monitoraġġ tal-OSKE, biex jissolva l-kunflitt bejn ir-Russja u l-Georgia permezz ta' riżultati tanġibbli għad-Diskussjonijiet Internazzjonali ta' Ġinevra u l-implimentazzjoni sħiħa min-naħa tar-Russja tal-ftehim ta' waqfien mill-ġlied tal-2008, li terġa' tiġi stabbilita s-sovranità sħiħa tal-Ukrajna fil-Krimea, u dik tal-Georgia fit-territorji okkupati tal-Abkażja u tal-Ossezja tan-Nofsinhar tal-Moldova fit-Transnistrija, biex tingħata attenzjoni adegwata dwar is-sitwazzjoni ekoloġika perikoluża fil-Lvant tal-Ukrajna, li tappoġġa s-sħab tagħha fit-tisħiħ tar-reżiljenza tagħhom, u biex itemmu t-theddid addizzjonali ta' qtil, attakki ċibernetiċi, diżinformazzjoni u tipi oħra ta' destabilizzazzjoni sponsorizzati mill-istat;

(q)  li jenfasizzaw li l-parteċipazzjoni ta' sieħeb tal-Lvant f'eżerċizzji militari fil-konfront tal-UE u/jew ta' xi wħud mis-sħab, bħall-eżerċizzju Zapad 2017 immexxi mir-Russja, mhijiex aċċettabbli; li jiżguraw li wieħed mis-sħab ma jerġax jieħu sehem f'eżerċizzji bħal dawn fil-futur;

(r)  li jsejħu għal waqfien immedjat tal-ostilitajiet militari bejn il-forzi tal-Armenja u l-Ażerbajġan, li wasslu għall-mewt mhux meħtieġa ta' persuni ċivili u suldati filwaqt xekklu l-iżvilupp soċjoekonomiku; li jaffermaw mill-ġdid l-appoġġ għall-isforzi tal-Kopresident tal-Grupp ta' Minsk tal-OSKE biex jiġi solvut il-kunflitt ta' Nagorno-Karabakh, u għall-Prinċipji Bażiċi 2009 tagħhom, li jinkludu l-integrità territorjali, l-awtodeterminazzjoni u n-nuqqas ta' użu tal-forza; li jistiednu lill-Armenja u lill-Ażerbajġan biex jerġgħu jniedu mill-ġdid in-negozjati in bona fede bil-għan li jimplimentaw dawn il-prinċipji biex jissolva l-kunflitt, li ma jistax jiġi solvut bl-użu tal-forza militari; li jappellaw lill-Gvernijiet tal-Armenja u tal-Ażerbajġan biex jorganizzaw taħdidiet ta' livell għoli u jimpenjaw ruħhom għal miżuri ta' bini ta' kunfidenza u ta' djalogu ġenwin bejn is-soċjetà ċivili Armena u tal-Ażerbajġan; li jirratifikaw ftehimiet ġodda bejn l-UE u kull waħda mill-partijiet bil-kondizzjoni li jittieħdu impenji serji u jitwettaq progress sostanzjali lejn is-soluzzjoni tal-konflitt bħal biż-żamma tal-waqfien mill-ġlied u bl-appoġġ tal-implimentazzjoni tal-Prinċipji Bażiċi tal-2009;

(s)  li jappellaw għal appoġġ kontinwu għall-ħidma mwettqa mill-missjonijiet tal-UE u l-OSKE fil-Georgia, il-Moldova u l-Ukrajnatal-Lvant bħala operazzjonijiet essenzjali fl-iżgurar tal-paċi u s-sigurtà, l-ewwel u qabel kollox, għall-benefiċċju taċ-ċittadini fuq il-post; li jiżguraw l-implimentazzjoni effettiva tal-mandati ta' dawn il-missjonijiet u jħeġġu lir-Russja tiggarantixxi l-aċċess mingħajr xkiel tagħhom; li jikkunsidraw li jappoġġaw l-iskjerament ta' missjoni armata tal-pulizija tal-OSKE fil-Lvant tal-Ukrajna; li jirriflettu, b'mod konġunt mal-pajjiżi sħab, dwar il-prospett ta' rwol imsaħħaħ għall-UE f'termini li tinstab soluzzjoni għal dawn il-kunflitti, inkluż billi jitniedu missjonijiet tal-Politika ta' Sigurtà u ta' Difiża Komuni (PSDK) ambizzjużi u żviluppati bil-kompitu li jtejbu s-sigurtà u l-istabbiltà;

(t)  li jistiednu lis-sħab tal-UE biex jikkoperaw bis-sħiħ mal-UE biex jiġu indirizzati sfidi bħalma huma l-migrazzjoni illegali, it-terroriżmu, iċ-ċiberkriminalità, it-traffikar tal-bnedmin, il-kuntrabandu u l-kummerċ illeċitu;

(u)  li jikkunsidraw, fi ħdan il-politika tal-EaP, mudell ta' "EaP+" attraenti fuq medda itwal ta' żmien għal pajjiżi assoċjati li jkunu wettqu progress sostanzjali fl-implimentazzjoni tar-riformi relatati mal-AA/DCFTA, li eventwalment jistgħu jwasslu biex huma jingħaqdu mal-unjoni doganali, mal-unjoni tal-enerġija, mal-unjoni diġitali u maż-żona Schengen, jitkattar aktar l-aċċess għas-suq intern tal-UE, l-integrazzjoni fin-netwerks tat-trasport tal-UE, sħubijiet industrijali, żieda fil-parteċipazzjoni fi programmi u aġenziji oħra tal-UE, kooperazzjoni ulterjuri fil-qasam tal-PSDK, u aktar miżuri immedjati bħal preferenzi tariffarji unilaterali addizzjonali, qafas ta' żmien konkret għall-abolizzjoni tat-tariffi tar-roaming bejn is-sħab u l-UE, u l-iżvilupp ta' broadband b'kapaċita għolja; li jwessgħu l-mudell "EaP+" għal pajjiżi oħra tas-Sħubija tal-Lvant ladarba jkunu lesti għal tali impenji msaħħa u jkunu wettqu progress sinifikanti lejn l-implimentazzjoni ta' riformi maqbula b'mod reċiproku;

(v)  li jikkunsidraw, għal pajjiżi mhux assoċjati, mezzi ġodda ta' appoġġ għas-soċjetà ċivili, in-negozji, il-komunitajiet tal-midja akkademika u indipendenti u ż-żgħażagħ, inkluż permezz ta' finanzjament addizzjonali u sħubijiet ta' mobbiltà;

(w)  li jiżguraw li, fiż-żewġ każijiet, l-għanijiet komuni huma kemm fuq perjodu medju u fit-tul meta meħtieġ, li jinkoraġġixxu lil xi wħud mill-pajjiżi sħab biex imorru lil hinn mil-loġika ta' ċikli elettorali lejn viżjonijiet aktar strateġiċi;

Dwar l-implimentazzjoni tas-Sħubija tal-Lvant

(x)  li jtennu l-prinċipju tad-differenzjazzjoni u li l-ambitu u l-profondità tal-kooperazzjoni mal-UE jiġu determinati mill-ambizzjonijiet tagħha u minn dawk tas-sħab, kif ukoll ir-ritmu u l-kwalità tar-riformi li għandhom jiġu evalwati abbażi tal-implimentazzjoni sħiħa u effettiva tagħhom, partikolarment fir-rigward tar-rispett għad-demokrazija, id-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali, l-istat tad-dritt u l-governanza tajba;

(y)  li jenfasizzaw li s-Sħubija tal-Lvant għandha l-għan li toħloq il-kundizzjonijiet meħtieġa għal assoċjazzjoni politika mill-qrib u integrazzjoni ekonomika, inkluża l-parteċipazzjoni fil-programmi tal-UE; li jtennu li l-ftehimiet ta' assoċjazzjoni mal-Georgia, il-Moldova u l-Ukrajna ma jirrappreżentawx l-għan aħħari tar-relazzjonijiet tagħhom mal-UE; li jirrikonoxxu għal darb'oħra l-aspirazzjonijiet Ewropej ta' dawn il-pajjiżi; li jirrimarkaw, li skont l-Artikolu 49 tat-TUE u bi qbil mad-Dikjarazzjoni ta' Ruma tal-25 ta' Marzu 2017, kwalunkwe Stat Ewropew jista' japplika biex isir membru tal-UE, dment li jaderixxi mal-kriterji ta' Copenhagen u l-prinċipji tad-demokrazija, u li jirrispetta l-libertajiet fundamentali u d-drittijiet tal-bniedem inklużi dawk tal-gruppi ta' minoranzi u li jiżgura l-istat tad-dritt; li jħeġġu lill-Istati Membri sabiex f'dan ir-rigward, jilħqu ftehim dwar dikjarazzjoni ambizzjuża għas-Summit tal-2017, li tistabbilixxi miri rilevanti fuq il-perjodu ta' żmien twil;

(z)  li jistiednu lill-Georgia, lill-Moldova u lill-Ukrajna biex jiffokaw fuq l-implimentazzjoni tal-aġendi ta' Assoċjazzjoni sabiex jisfruttaw l-opportunitajiet kollha disponibbli permezz tal-Ftehimiet ta' Assoċjazzjoni, li jimpenjaw ruħhom ukoll fid-diskussjonijiet konġunti dwar il-progress, l-opportunitajiet u l-isfidi relatati ma' riformi marbuta ma' AA/DCFTA; li jtennu l-importanza ta' implimentazzjoni ġenwina tar-riformi msemmija hawn fuq għall-istabbiltà futura u l-iżvilupp tal-pajjiżi u l-benesseri tas-soċjetajiet tagħhom; li jaffermaw mill-ġdid li l-approfondiment tar-relazzjonijiet fi ħdan il-mudell "EAP+" kif ukoll kull prospettiva ta' sħubija fl-UE tirrikjedi progress sostanzjali f'termini tal-implimentazzjoni ta' dawn ir-riformi, speċjalment fir-rigward tal-istat tad-dritt, ir-rispett tad-drittijiet tal-bniedem u l-governanza tajba;

(aa)  li jiżguraw li l-livelli ta' kooperazzjoni attwali u ulterjuri jkunu marbuta b'kundizzjonalità stretta u b'appoġġ għas-sħab, u li tiġi rispettata wkoll; li jenfasizzaw li l-appoġġ finanzjarju tal-UE lis-sħab tagħha se jkun jiddependi fuq passi konkreti ta' riforma, u l-implimentazzjoni effettika tagħhom, u li l-approċċ ibbażat fuq l-inċentivi tal-UE se jkompli jibbenefika lil dawk is-sħab l-iktar involuti f'riformi ambizzjużi; li jipprevedu l-ħlas ta' għotjiet f'pagamenti iżgħar sabiex l-UE tkun tista' tirrispondi aħjar għal kriżiijiet mhux mistennija jew għal nuqqas ta' riformi; li jenfasizzaw b'mod partikolari li mhu se jkun ratifikat l-ebda ftehim komprensiv ma' pajjiż li ma jirrispettax il-valuri tal-UE, partikolarment permezz tan-nuqqas ta' implimentazzjoni ta' deċiżjonijiet mill-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, u bil-fastidju, l-intimidazzjoni u l-persekuzzjoni tad-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem, tal-NGOs u tal-ġurnalisti; li jenfasizzaw ukoll il-ħtieġa li jintlaħqu punti ta' riferiment ċari qabel ma jinbeda u jiġi konkluż kull djalogu ġdid dwar reġimi mingħajr viża; li jtennu li r-rigress fuq kisbiet preċedenti b'mod sistematiku se jwassal għas-sospensjoni ta' ftehimiet, inkluż fil-qasam ta' reġimi mingħajr viża u l-finanzjament tal-UE;

(ab)  li jappoġġaw id-dimensjoni multilaterali tas-Sħubija tal-Lvant bħala mezz kif tiżdied il-bini ta' fiduċja multilaterali, partikolarment f'żoni milquta mill-kunflitti, u l-ħolqien ta' opportunitajiet għal kooperazzjoni reġjonali, inkluż permezz ta' pjattaformi tas-soċjetà ċivili transnazzjonali, il-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet lokali u reġjonali, u l-proġetti transfruntiera bħall-programmi bejn il-persuni li jinvolvu d-djalogu interkulturali u l-ġenerazzjoni żgħażugħa bħala fatturi għall-bidla;

(ac)  li jenfasizzaw l-importanza tal-komunikazzjoni ta' politiki relatati mas-Sħubija tal-Lvant b'mod koerenti u effikaċi, kemm internament kif ukoll esternament, u li jiġu pprovduti attivitajiet ta' komunikazzjoni mfassla għal reġjuni speċifiċi, partikolarment sabiex jimtela' d-distakk tal-għarfien fir-rigward tal-UE u r-relazzjonijiet mas-sħab tagħha; li jirrikonoxxu l-ħidma eċċellenti mwettqa s'issa mit-Task Force East StratCom u li jappoġġaw l-attivitajiet tagħha b'finanzjament addizzjonali; li jindirizzaw l-isfida ta' informazzjoni aħjar dwar il-benefiċċji konkreti u l-għanijiet tas-Sħubija tal-Lvant, li jdaħlu fil-mira d-diżinformazzjoni permezz ta' informazzjoni ta' kwalità msejsa fuq il-fatti u aċċessibbli bil-lingwi kollha tal-pajjiżi sħab u li jiżguraw ir-rispett sħiħ għal-libertà tal-espressjoni;

(ad)  li jsostnu li l-appoġġ tal-UE jinħtieġ ikun imfassal apposta biex jilħaq il-livell ta' ambizzjoni komuni rigward il-kooperazzjoni ma' kull sieħeb skont il-prinċipji ta' "aktar għal aktar" u "anqas għal anqas"; li jappellaw b'mod partikolari biex l-UE tallinja l-istrumenti baġitarji bħalma huma l-Istrument Ewropew ta' Viċinat u Sħubija u l-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Sostenibbli mal-kompiti politiċi u mal-istrateġiji ta' implimentazzjoni b'mod partikolari fi ħdan il-proċeduri baġitarji annwali u pluriennali tagħha;

(ae)  li jilqgħu l-proposti tal-Kummissjoni biex is-sħab jiġu pprovduti b'assistenza makrofinanzjarja (MFA), filwaqt li ssir insistenza fuq kundizzjonalità stretta u effettiva mehmuża mal-proposti, notevolment f'termini tar-rispett għall-istat tad-dritt (inkluża ġudikatura indipendenti u sistema parlamentari multipartitika), l-iżgurar ta' governanza tajba (inkluża l-ġlieda kontra l-korruzzjoni b'mod effettiv) u d-difiża tad-drittijiet tal-bniedem u l-libertà tal-midja; li jipprovdu lill-Parlament u lill-Kunsill b'rapport bil-miktub dettaljat kull sitt xhur dwar il-progress li jkun sar f'dawn it-tliet oqsma għal sħab li diġà jibbenefikaw minn tali assistenza; li jappellaw lill-Kummissjoni tfassal programmi MFA ġodda għall-pajjiżi sħab li temmew b'suċċess il-programmi tal-passat, sabiex ikun hemm dispożizzjoni sistematika għall-kundizzjonalità msemmija aktar 'il fuq fi proposti futuri għal assistenza simili, u li jiżguraw li tiġi applikata b'mod strett, partikolarment fil-każ tal-Moldova;

(af)  li jitlobu lill-Kummissjoni, lill-Bank Ewropew tal-Investiment u lill-istituzzjonijiet finanzjarji multilaterali oħrajn biex jaħdmu lejn l-implimentazzjoni b'suċċess tal-Pjan ta' Investiment għall-Ewropa u ta' mekkaniżmu ta' appoġġ speċifiku għall-pajjiżi tas-Sħubija tal-Lvant impenjati li jimplimentaw il-ftehimiet ta' assoċjazzjoni; li jitlobu l-istabbiliment ta' fond fiduċjarju għall-Ukrajna, il-Georgia u l-Moldova bbażat fuq l-aħjar prattiki ta' strumenti b'diversi donaturi, filwaqt li jisħqu li dan il-fond fiduċjarju jinħtieġ li jiffoka fuq investimenti privati u pubbliċi, b'mod partikolari dawk fl-infrastruttura soċjali u ekonomika u li għandhom l-għan li jsaħħu l-kapaċità ta' assorbiment ta' investiment, u fuq il-koordinazzjoni ta' istituzzjonijiet finanzjarji internazzjonali u l-appoġġ ta' donaturi internazzjonali fil-post; li jikkunsidraw iż-żamma ta' konferenza tad-donaturi għall-Ukrajna b'appoġġ għall-bżonnijiet umanitarji tal-pajjiż kaġun tal-kunflitt fil-Lvant u tal-annessjoni tal-Krimea; li jiżguraw li l-użu tal-fondi kollha jkun mifli b'mod strett sabiex tiġi evitata kull miżapproprjazzjoni;

(ag)  li jtennu l-appoġġ qawwi tagħhom għal kontribut tal-parlament lejn il-politka tas-Sħubija tal-Lvant u l-iskrutinju tagħha, partikolarment fir-rigward tal-impatt tal-politika fuq il-ħajja taċ-ċittadini; li jsaħħu f'dan ir-rigward, ir-rwol tal-Assemblea Parlamentari Euronest fi ħdan l-arkitettura ġdida multilaterali tas-Sħubija tal-Lvant, kif ukoll tal-Kumitati ta' Assoċjazzjoni jew ta' Kooperazzjoni Parlamentari (PAC/PCC) fi ħdan il-Kunsilli ta' Assoċjazzjoni jew Kooperazzjoni; li jilqgħu l-programmi ta' Approċċ Komprensiv ta' Appoġġ għad-Demokrazija (CDSA) li qed jiġu implimentati; li jistiednu lill-membri parlamentari mill-pajjiżi sħab biex jaħdmu flimkien biex jiskrutinizzaw l-implimentazzjoni u jiskambjaw l-aħjar prattiki; li jkabbru f'dan il-proċess, il-parteċipazzjoni tal-Forum tas-Soċjetà Ċivili tas-Sħubija tal-Lvant;

(ah)  li jieħdu nota tar-riżoluzzjoni tal-Parlament biex jiżdied il-monitoraġġ tiegħu tal-implimentazzjoni ta' ftehimiet internazzjonali mas-sħab tal-Lvant u biex jiżdied l-iskrutinju tiegħu ta' appoġġ tal-UE f'dan ir-rigward; li jirrispondu għat-talba tal-Parlament lis-sħab u lill-Kummissjoni biex iżidu t-trasparenza tal-benefiċjarji kollha ta' finanzjament tal-UE; li jitlobu lill-Kummissjoni u lis-SEAE jibagħtu rapport dettaljat bil-miktub dwar l-implimentazzjoni ta' dawn il-ftehimiet kull sitt xhur lill-Parlament u lill-Kunsill;

(ai)  li jieħdu nota tar-riżoluzzjoni tal-Parlament biex jiżdied l-iskrutinju tiegħu tan-negozjati ta' ftehimiet internazzjonali futuri mas-sħab tal-lvant; li jappellaw lill-Kunsill biex mingħajr dewmien jipprovdi lill-Parlament bid-direttivi ta' negozjati kollha rilevanti f'konformità mal-Ftehim Interistituzzjonali rilevanti (2014/C 95/01); li jilqgħu l-kooperazzjoni effettiva mill-Kummissjoni u s-SEAE mal-Parlament fl-għoti ta' informazzjoni dwar dawn in-negozjati, iżda li jintalbu jipprovdu wkoll, mingħajr dewmien, l-abbozz ta' testi ta' negozjati u ftehimiet inizjalati, f'konformità mal-Ftehim Qafas rilevanti (2010/L 304/47);

2.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-rakkomandazzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni Ewropea ulis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna u, għal skopijiet ta' informazzjoni, lir-Rappreżentant Speċjali tal-UE għall-Kawkasu tan-Nofsinhar u l-kriżi fil-Georgia, lill-Assemblea Parlamentari tal-OSKE, lill-Assemblea Parlamentari tal-Kunsill tal-Ewropa u lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-pajjiżi tas-Sħubija tal-Lvant.

(1)

Testi adottati, P8_TA(2017)0304.

(2)

Testi adottati, P8_TA(2017)0267.

(3)

Testi adottati, P8_TA(2017)0126.

(4)

Testi adottati, P8_TA(2016)0456.

(5)

Testi adottati, P8_TA(2017)0089.

(6)

Testi adottati, P8_TA(2016)0487.

(7)

Testi adottati, P8_TA(2016)0018.

(8)

Testi adottati, P8_TA(2015)0272.


INFORMAZZJONI DWAR L-ADOZZJONI FIL-KUMITAT RESPONSABBLI

Data tal-adozzjoni

10.10.2017

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

40

6

1

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Lars Adaktusson, Goffredo Maria Bettini, Elmar Brok, Klaus Buchner, James Carver, Lorenzo Cesa, Georgios Epitideios, Knut Fleckenstein, Eugen Freund, Michael Gahler, Sandra Kalniete, Manolis Kefalogiannis, Tunne Kelam, Janusz Korwin-Mikke, Eduard Kukan, Ilhan Kyuchyuk, Ryszard Antoni Legutko, Barbara Lochbihler, Sabine Lösing, Alex Mayer, David McAllister, Francisco José Millán Mon, Clare Moody, Javier Nart, Demetris Papadakis, Alojz Peterle, Julia Pitera, Cristian Dan Preda, Jozo Radoš, Sofia Sakorafa, Jaromír Štětina, Charles Tannock, Miguel Urbán Crespo, Ivo Vajgl, Anders Primdahl Vistisen, Boris Zala

Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali

Laima Liucija Andrikienė, Raffaele Fitto, Rebecca Harms, Liisa Jaakonsaari, Urmas Paet, José Ignacio Salafranca Sánchez-Neyra, Helmut Scholz, Traian Ungureanu

Sostituti (skont l-Artikolu 200(2)) preżenti għall-votazzjoni finali

Heidi Hautala, Răzvan Popa, Gabriele Preuß


VOTAZZJONI FINALI B'SEJĦA TAL-ISMIJIET FIL-KUMITAT RESPONSABBLI

40

+

ALDE

Ilhan Kyuchyuk, Javier Nart, Urmas Paet, Jozo Radoš, Ivo Vajgl

ECR

Raffaele Fitto, Ryszard Antoni Legutko, Charles Tannock, Anders Primdahl Vistisen

PPE

Lars Adaktusson, Laima Liucija Andrikienė, Elmar Brok, Lorenzo Cesa, Michael Gahler, Sandra Kalniete, Manolis Kefalogiannis, Tunne Kelam, Eduard Kukan, David McAllister, Francisco José Millán Mon, Alojz Peterle, Julia Pitera, Cristian Dan Preda, José Ignacio Salafranca Sánchez-Neyra, Traian Ungureanu, Jaromír Štětina

S&D

Goffredo Maria Bettini, Knut Fleckenstein, Eugen Freund, Liisa Jaakonsaari, Alex Mayer, Clare Moody, Demetris Papadakis, Răzvan Popa, Gabriele Preuß, Boris Zala

VERTS/ALE

Klaus Buchner, Rebecca Harms, Heidi Hautala, Barbara Lochbihler

6

-

EFDD

James Carver

GUE/NGL

Sabine Lösing, Sofia Sakorafa, Helmut Scholz, Miguel Urbán Crespo

NI

Georgios Epitideios

1

0

NI

Janusz Korwin-Mikke

Tifsira tas-simboli użati:

+  :  favur

-  :  kontra

0  :  astensjoni

Avviż legali