Proċedura : 2017/2126(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A8-0328/2017

Testi mressqa :

A8-0328/2017

Dibattiti :

PV 15/11/2017 - 20
CRE 15/11/2017 - 20

Votazzjonijiet :

PV 16/11/2017 - 7.8
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P8_TA(2017)0449

RAPPORT     
PDF 575kWORD 62k
23.10.2017
PE 604.708v02-00 A8-0328/2017

dwar ir-rapport annwali dwar l-attivitajiet tal-Ombudsman Ewropew fl-2016

(2017/2126 (INI))

Kumitat għall-Petizzjonijiet

Rapporteur: Marlene Mizzi

PR_INI_AnnOmbud

ERRATA/ADDENDA
MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW
 NOTA SPJEGATTIVA
 INFORMAZZJONI DWAR L-ADOZZJONIFIL-KUMITAT RESPONSABBLI
 VOTAZZJONI FINALI B'SEJĦA TAL-ISMIJIETFIL-KUMITAT RESPONSABBLI

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW

dwar ir-rapport annwali dwar l-attivitajiet tal-Ombudsman Ewropew fl-2016

(2017/2126(INI))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra r-rapport annwali dwar l-attivitajiet tal-Ombudsman Ewropew fl-2016,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 15 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE),

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 24 u 228 tat-TFUE,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 11 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 41 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 42 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 43 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tan-NU dwar id-Drittijiet ta' Persuni b'Diżabilità,

–  wara li kkunsidra d-Deċiżjoni 94/262/KEFA, KE, Euratom tal-Parlament Ewropew tad-9 ta' Marzu 1994 rigward ir-regolamenti u l-kundizzjonijiet ġenerali li jirregolaw it-twettiq tal-obbligi tal-Ombudsman(1),

–  wara li kkunsidra l-Kodiċi Ewropew ta' Kondotta Amministrattiva Tajba kif adottat mill-Parlament Ewropew fis-6 ta' Settembru 2001(2),

–  wara li kkunsidra l-Ftehim Qafas dwar il-Kooperazzjoni konkluż bejn il-Parlament Ewropew u l-Ombudsman Ewropew fil-15 ta' Marzu 2006, li daħal fis-seħħ fl-1 ta' April 2006,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar l-attivitajiet tal-Ombudsman Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 220(1) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Petizzjonijiet (A8-0328/2017),

A.  billi r-rapport annwali dwar l-attivitajiet tal-Ombudsman Ewropew fl-2016 ġie ppreżentat uffiċjalment lill-President tal-Parlament fis-17 ta' Mejju 2017, u billi l-Ombudsman, Emily O'Reilly, ippreżentat ir-rapport tagħha lill-Kumitat għall-Petizzjonijiet fi Brussell fit-30 ta' Mejju 2017;

B.  billi l-Artikoli 24 u 228 tat-TFUE jagħtu s-setgħa lill-Ombudsman Ewropew li jilqa' l-ilmenti li jinvolvu każijiet ta' amministrazzjoni ħażina fl-attivitajiet tal-istituzzjonijiet, il-korpi u l-organi tal-Unjoni, bl-eċċezzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea fl-eżerċizzju tal-funzjonijiet ġudizzjarji tagħha;

C.  billi l-Artikolu 15 tat-TFUE jistipula li "sabiex tiġi promossa t-tmexxija tajba u sabiex tiġi assigurata l-parteċipazzjoni tas-soċjetà ċivili, l-istituzzjonijiet, il-korpi u l-organi tal-Unjoni għandhom iwettqu x-xogħol tagħhom b'mod kemm jista' jkun miftuħ" u "kull ċittadin tal-Unjoni, u kull persuna fiżika jew ġuridika li toqgħod jew li jkollha l-uffiċċju reġistrat tagħha fi Stat Membru, għandu jkollha d-dritt għall-aċċess għal dokumenti tal-istituzzjonijiet, il-korpi u l-organi tal-Unjoni"; billi l-garanzija li ċ-ċittadini tal-UE jirċievu servizzi ta' kwalità għolja u li l-amministrazzjoni tal-UE tirreaġixxi għall-bżonnijiet u l-preokupazzjonijiet tagħhom huma essenzjali sabiex jiġu protetti d-drittijiet u l-libertajiet fundamentali taċ-ċittadini.

D.  billi l-Artikolu 41 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali jistipula li "kull persuna għandha d-dritt li dak kollu li jirrigwardaha jiġi trattat b'mod imparzjali, b'mod ġust u fi żmien raġonevoli mill-istituzzjonijiet, il-korpi u l-aġenziji tal-Unjoni.";

E.  billi l-Artikolu 43 tal-Karta jistipula li "kull ċittadin tal-Unjoni, u kull persuna fiżika jew ġuridika li tirrisjedi jew li jkollha l-uffiċċju tagħha reġistrat fi Stat Membru għandhom id-dritt li jirrikorru għand l-Ombudsman Ewropew f'każijiet ta' amministrazzjoni ħażina fl-attivitajiet tal-istituzzjonijiet, tal-korpi jew tal-aġenziji tal-Unjoni, bl-eċċezzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea meta tkun qed taġixxi fir-rwol ġudizzjarju tagħha"

F.  billi l-prijorità ewlenija tal-uffiċċju tal-Ombudsman Ewropew hija li jiżgura r-rispett sħiħ tad-drittijiet taċ-ċittadini u li d-dritt għal amministrazzjoni tajba tal-istituzzjonijiet, tal-korpi, tal-uffiċċji jew tal-aġenziji tal-UE jirrifletti l-ogħla standards;

G.  billi fl-2016, 15 797 ċittadin talbu għall-għajnuna lis-servizzi tal-Ombudsman, li minnhom 12 646 ingħataw konsulenza permezz tal-Gwida Interattiva li tinsab fis-sit web tal-Ombudsman, filwaqt li mill-bqija, 1 271 talba ngħaddew lil ħaddieħor għal informazzjoni u 1 880 ġew trattati mill-Ombudsman bħala lmenti;

H.  billi mill-għadd totali ta' 1 880 ilment ipproċessati mill-Ombudsman, 711 kienu jidħlu fil-portata tal-mandat tiegħu filwaqt li 1 169 kienu barra l-portata tal-mandat tiegħu;

I.  billi fl-2016 l-Ombudsman fetħet 245 inkjesta, li minnhom 235 kienu bbażati fuq ilmenti u 10 kienu inkjesti fuq inizjattiva proprja, filwaqt li għalaq 291 inkjesta (278 ibbażati fuq ilmenti u 13-il inkjesta fuq inizjattiva proprja); billi ħafna mill-inkjesti kienu jikkonċernaw lill-Kummissjoni Ewropea (58,8 %), segwita mill-aġenziji tal-UE (12,3 %), il-Parlament Ewropew (6,5 %), l-Uffiċċju Ewropew għas-Selezzjoni tal-Persunal (EPSO) (5,7 %), is-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE) (4,5 %), l-Uffiċċju Ewropew ta' Kontra l-Frodi (OLAF) (0,8 %) u istituzzjonijiet oħra (11,4 %).

J.  billi l-uffiċċju tal-Ombudsman kull sena jirċievi għadd kbir ta' lmenti minn individwi u organizzazzjonijiet dwar l-amministrazzjoni tal-UE, u billi it-tliet preokkupazzjonijiet prinċipali fl-inkjesti li ngħalqu mill-Ombudsman fl-2016 kienu: it-trasparenza u l-aċċess tal-pubbliku għall-informazzjoni u għad-dokumenti (29,6 %); il-ġestjoni tajba ta' kwistjonijiet relatati mal-persunal tal-UE (28,2 %); u l-kultura ta' servizz (25,1 %); billi kwistjonijiet oħra jinkludu l-użu xieraq tad-diskrezzjoni anki matul il-proċeduri ta' ksur, il-ġestjoni finanzjarja tajba ta' għotjiet u kuntratti tal-UE, u r-rispett għad-drittijiet proċedurali u fundamentali; billi r-rilevanza ta' dawn il-kwistjonijiet tenfasizza r-rwol ċentrali tal-Ombudsman fl-iżgurar tat-trasparenza sħiħa u l-imparzjità kompleta fil-proċessi deċiżjonali u l-amministrazzjoni fil-livell tal-UE, bil-għan li jiġu protetti d-drittijiet taċ-ċittadini u tissaħħaħ il-fiduċja tagħhom;

K.  billi fil-ħidma strateġika tiegħu fl-2016, l-uffiċċju tal-Ombudsman għalaq 5 inkjesti strateġiċi u fetaħ 4 ġodda dwar, fost suġġetti oħrajn, kunflitti ta' interess possibbli ta' konsulenti speċjali u d-dewmien fl-ittestjar ta' kimika, u barra minn hekk, fetaħ 10 inizjattivi strateġiċi ġodda;

L.  billi l-Ombudsman nediet inkjesta strateġika wiesgħa fuq kif il-Kummissjoni taħtar il-konsulenti speċjali tagħha u twettaq il-valutazzjonijiet ta' kunflitt ta' interess fir-rigward ta' dawn il-konsulenti, li spiss jaħdmu għal klijenti tas-settur privat u għall-UE fl-istess ħin;

M.  billi l-Ombudsman eżaminat il-Kodiċi ta' Kondotta għall-Membri tal-Bord tal-Bank Ewropew tal-Investiment (BEI), filwaqt li nnota li dan ma jipprevedix l-obbligu li tiġi ppreżentata dikjarazzjoni ta' interessi jew divulgazzjoni ta' interess finanzjarju;

N.  billi l-kriżi finanzjarja ġabet kriżi ekonomika u soċjali, u b'hekk dgħajfet il-kredibilità tal-istituzzjonijiet tal-UE;

O.  billi l-Ombudsman irrilevat li l-fatt li l-Kummissjoni tal-2009-2014 naqset milli tittratta ksur tal-Kodiċi ta' Kondotta għall-Kummissarji minn eks Kummissarju u milli tinvestiga kif xieraq il-kompatibilità tal-kuntratt tax-xogħol fis-settur privat tal-Kummissarju mal-obbligi tat-Trattat tal-UE jikkostitwixxi amministrazzjoni ħażina; billi l-każijiet ta' amministrazzjoni ħażina relatati mal-attivitajiet tal-Kummissarji, inkluż il-President tal-Kummissjoni, wara t-tmiem tal-mandat tagħhom iqawwu n-nuqqas ta' fiduċja taċ-ċittadini fil-konfront tal-Kummissjoni;

P.  billi l-uffiċċju tal-Ombudsman jikkoopera wkoll ma' organizzazzjonijiet internazzjonali oħra, bħan-NU, u huwa parti mill-qafas tal-UE skont il-Konvenzjoni tan-NU dwar id-Drittijiet ta' Persuni b'Diżabilità (CPRD), inkarigat mill-protezzjoni, il-promozzjoni u l-monitoraġġ tal-implimentazzjoni tal-Konvenzjoni fil-livell tal-istituzzjonijiet tal-UE;

Q.  billi, skont l-Ewrobarometru Flash dwar iċ-Ċittadinanza tal-Unjoni Ewropea ta' Marzu 2016, 9 minn 10 ċittadini tal-UE (87 %) huma konxji mill-istatus tagħhom ta' ċittadini Ewropej u mid-dritt tagħhom li jressqu lment lill-Parlament, lill-Kummissjoni jew lill-Ombudsman;

1.  Japprova r-rapport annwali għall-2016 ippreżentat mill-Ombudsman Ewropew, u jilqa' l-preżentazzjoni ċara u faċilment leġġibbli fejn huma miġbura l-aktar fatti u ċifri importanti dwar il-ħidma tal-Ombudsman għall-2016;

2.  Jifraħ lil Emily O'Reilly għall-ħidma eċċellenti tagħha fit-titjib tal-kwalità u l-aċċessibilità tas-servizzi tal-Ombudsman u għall-kooperazzjoni kollaborativa u pożittiva ta' ħidmitha mal-Parlament, b'mod partikolari mal-Kumitat għall-Petizzjonijiet, kif ukoll mal-istituzzjonijiet, il-korpi, l-uffiċċji u l-aġenziji l-oħra tal-UE;

3.  Jirrikonoxxi r-rwol tal-inkjesti u l-inizjattivi strateġiċi, u jappoġġja lil dawk imwettqa mill-Ombudsman fuq inizjattiva tagħha, dwar suġġetti strateġikament importanti li huma fl-interess pubbliku taċ-ċittadini Ewropej; ifaħħar l-isforzi mill-Ombudsman biex tagħmel użu aħjar mill-ħidma strateġika tagħha billi tippermetti li l-każijiet ibbażati fuq ilmenti b'kontenut simili jiġu ttrattati b'mod kollettiv;

4.  Jilqa' d-determinazzjoni tal-Ombudsman li tirreaġixxi fil-pront u b'mod effiċjenti għall-ħtiġijiet u l-preokupazzjonijiet taċ-ċittadini tal-UE, u jappoġġja l-metodi ġodda ta' ħidma u l-proċedura ssimplifikata għat-trattament ta' każijiet introdotta fl-2016, li jippermettu aktar flessibbiltà u effiċjenza u impatt akbar fuq numru ikbar ta' ċittadini;

5.  Jaqbel li l-isfidi attwali u mingħajr preċedent li qed tiffaċċja l-UE, bħalma huma l-qgħad, l-inugwaljanzi ekonomiċi u soċjali, il-kriżi tal-migrazzjoni u Brexit, iġiegħlu lill-istituzzjonijiet, il-korpi, l-uffiċċji u l-aġenziji tal-Unjoni, inkluż l-Ombudsman, jaħdmu b'aktar sforz u determinazzjoni ħalli jiżguraw l-ogħla livelli ta' ġustizzja soċjali, responsabilità u trasparenza fil-livell Ewropew;

6.  Jenfasizza l-ħtieġa li jittejjeb id-djalogu soċjali;

7.  Jenfasizza li l-fiduċja bejn iċ-ċittadini u l-istituzzjonijiet hija tal-ogħla importanza fis-sitwazzjoni ekonomika attwali;

8.  Jieħu att tal-fatt li l-uffiċċju tal-Ombudsman irreġistra t-tieni l-ogħla rata ta' konformità mad-deċiżjonijiet u/jew rakkomandazzjonijiet tiegħu s'issa; jirrakkomanda lill-Ombudsman tibqa' attenta, tidentifika r-raġunijiet għal nuqqas ta' konformità mar-rakkomandazzjonijiet tagħha u tinforma lill-Parlament dwar kwalunkwe każ ripetut ta' nuqqas ta' konformità mill-amministrazzjoni tal-UE;

9.  Jieħu att tat-tnaqqis fin-numru ta' inkjesti li jikkonċernaw l-istituzzjonijiet Ewropej imwettqa mill-Ombudsman fl-2016 (245 fl-2016, 261 fl-2015); iħeġġeġ lill-istituzzjonijiet, il-korpi, l-uffiċċji u l-aġenziji tal-UE biex jirrispondu u jirreaġixxu fi żmien raġonevoli għar-rimarki ta' kritika tal-Ombudsman u jtejbu r-rata ta' konformità tagħhom mar-rakkomandazzjonijiet u/jew deċiżjonijiet tal-Ombudsman;

10.  Jieħu att tal-fatt li fl-2016, il-biċċa l-kbira tal-każijiet ġestiti mill-Ombudsman ingħalqu fi żmien 12-il xahar u li ż-żmien medju meħtieġ biex tingħalaq inkjesta kien 10 xhur, u li 30 % biss tal-każijiet jingħalqu wara 12-il xahar jew aktar; iħeġġeġ lill-Ombudsman tkompli ttejjeb il-metodi ta' ħidma tagħha u tqassar iż-żmien meħud għat-trattament tal-ilmenti, speċjalment għal każijiet li għadhom miftuħa wara 12-il xahar, mingħajr ma tikkomprometti l-effiċjenza tax-xogħol tagħha;

11.  Jieħu att tal-fatt li l-inkjesti relatati mat-trasparenza, b'mod partikolari dawk relatati ma' kwistjonijiet li għandhom x'jaqsmu mat-trasparenza tal-proċessi deċiżjonali, it-trasparenza tal-lobbying u l-aċċess għad-dokumenti tal-UE, għal darb'oħra jirrappreżentaw l-akbar proporzjon ta' każijiet ittrattati mill-Ombudsman, segwiti minn problemi oħra relatati ma' firxa wiesgħa ta' kwistjonijiet, mill-ksur tad-drittijiet fundamentali u kwistjonijiet etiċi sal-kuntratti u l-għotjiet tal-UE;

12.  Jenfasizza r-rwol essenzjali tat-trasparenza, tal-amministrazzjoni tajba u tal-kontrolli u l-bilanċi istituzzjonali fil-ħidma tal-istituzzjonijiet tal-UE; jiddispjaċih li inkjesti relatati mat-trasparenza u l-aċċess għal informazzjoni u dokumenti jikkostitwixxu, b'mod konsistenti, aktar minn 20 % tat-talbiet kollha ppreżentati lill-Ombudsman u baqgħu preokkupazzjoni importanti fost iċ-ċittadini Ewropej matul is-snin; jistieden lill-istituzzjonijiet tal-UE jippubblikaw informazzjoni u dokumenti b'mod proattiv ħalli jżidu t-trasparenza u jnaqqsu l-amministrazzjoni ħażina;

13.  Jemmen li bħala regola għandu jkun hemm livell massimu ta' trasparenza tad-dokumenti miżmuma mill-istituzzjonijiet u aċċess komplut għalihom; ifakkar li l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea (QtĠ-UE) tagħti liċ-ċittadini tal-Unjoni d-dritt ta' aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-istituzzjonijiet, il-korpi u l-organi l-oħra tal-Unjoni u li d-derogi possibbli kif ukoll l-eċċezzjonijiet potenzjali għall-istess dritt dejjem għandhom jiġu evalwati fil-kuntest tal-prinċipji ta' trasparenza u ta' demokrazija, bħala prekundizzjoni għall-eżerċizzju tad-drittijiet demokratiċi tagħhom. iqis li r-reviżjoni tar-Regolament (KE) Nru 1049/2001 hija meħtieġa sabiex tiġi ffaċilitata l-ħidma tal-Ombudsman fl-iskrutinju tal-għoti ta' aċċess għal dokumenti mill-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni;

14.  Jistieden lill-Kummissjoni ttejjeb it-trasparenza u l-aċċess għal dokumenti u informazzjoni, partikolarment f'dak li għandu x'jaqsam mal-proċeduri pilota tal-UE fir-rigward tal-petizzjonijiet riċevuti u mal-proċeduri pilota tal-EU u proċeduri ta' ksur li diġà ngħalqu; jissottolinja l-importanza li ll-Kummissjoni tiżgura segwitu regolari mal-Parlament; jinkoraġġixxi t-tkomplija tal-inkjesta strateġika tal-Ombudsman fuq it-trasparenza tal-Kummissjoni fit-trattament ta' lmenti dwar ksur fil-qafas tal-proċeduri pilota tal-UE, u jħeġġeġ lill-Ombudsman tkompli tinvestiga l-kwistjoni fl-2017 b'determinazzjoni u b'reqqa;

15.  Ifaħħar id-determinazzjoni tal-Ombudsman li tikseb l-ogħla livell ta' trasparenza fil-proċess deċiżjonali tal-UE; jisħaq fuq il-bżonn li tiġi mmonitorjata l-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet tal-Ombudsman għat-trasparenza fit-trilogi; jappella lill-Kunsill u lill-Kummissjoni biex jippubblikaw informazzjoni rilevanti rigward id-deċiżjonijiet li jittieħdu fit-trilogi; itenni, barra minn hekk, il-ħtieġa għal trasparenza sħiħa u msaħħa fil-ftehimiet u n-negozjati kummerċjali, u jistieden lill-Ombudsman tkompli bl-isforzi tagħha fil-monitoraġġ tat-trasparenza fin-negozjati tal-ftehimiet kummerċjali kollha tal-UE ma' pajjiżi terzi, filwaqt li żżomm f'moħħha li dan ma għandux jimmina l-pożizzjoni ta' negozjar tal-UE;

16.  Itenni l-importanza ta' trasparenza min-naħa tal-istituzzjonijiet kollha tal-UE fin-negozjati bejn l-UE u r-Renju Unit fir-rigward tal-ħruġ ta' dan tal-aħħar mill-Unjoni mingħajr ma tiġi pperikolata l-pożizzjoni ta' negozjar tal-partijiet; jistieden lill-Ombudsman tissorvelja l-konformità mat-trasparenza fil-proċess tan-negozjati tal-ħruġ;

17.  Jappella għal trasparenza akbar fil-proċess deċiżjonali tal-UE fl-ambitu tal-ekonomija u l-finanzi, b'mod partikolari fil-qasam tas-superviżjoni bankarja mwettqa mill-Bank Ċentrali Ewropew; jappoġġja, barra minn hekk, ir-rakkomandazzjonijiet tal-Ombudsman li tiżdied it-trasparenza tal-BEI u tal-Grupp tal-Euro u li jissaħħu r-regoli ta' etika interni tagħhom, filwaqt li jirrikonoxxi l-isforzi reċenti tagħha f'dan ir-rigward u l-fatt li r-Regolament (UE)Nru 1049/2001 ma japplikax għall-Grupp tal-Euro peress li dan mhuwiex istituzzjoni jew korp fis-sens tat-Trattati; jitlob konformità mar-rakkomandazzjonijiet tal-Ombudsman dwar ir-Reviżjoni tal-Mekkaniżmu tal-Ilmenti tal-BEI (BEI-CM) u jissottolinja l-importanza ta' mekkaniżmu tal-ilmenti indipendenti; jistieden lill-Ombudsman Ewropew tiżvolġi rwol aktar attiv sabiex tiżgura li l-BEI-CM ġdid jibqa' kredibbli u effiċjenti u jirrispetta l-prinċipji ta' indipendenza operazzjonali, trasparenza, aċċessibilità, tempesitività u riżorsi xierqa;

18.  Jesprimi l-appoġġ sħiħ tiegħu għall-objettiv aħħari tal-Ombudsman, li hu li tikkontribwixxi għat-tisħiħ tal-istrutturi u l-istituzzjonijiet f'termini ta' responsabilità u trasparenza fil-livell tal-UE, u ttejjeb il-kwalità tad-demokrazija fl-Unjoni Ewropea;

19.  Jieħu att tal-konstatazzjonijiet tal-Ombudsman ta' amministrazzjoni ħażina fir-rigward tal-Kodiċi ta' Kondotta għall-Kummissarji; jenfasizza l-importanza ta' standards morali u etiċi għolja fi ħdan l-UE, u jieħu att tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni li testendi l-perjodu ta' preklużjoni għal sentejn fil-każ ta' eks Kummissarji, u għal tliet snin fil-każ ta' eks Presidenti tal-Kummissjoni, iżda jemmen bil-qawwa li hemm bżonn li jiġu applikati regoli etiċi aktar stretti fl-istituzzjonijiet kollha tal-UE, anki kemm għall-politiċi kif ukoll għall-persunal tal-UE, bil-għan li jiġi garantit ir-rispett għad-dmir ta' mġiba b'integrità u diskrezzjoni kif ukoll ta' indipendenza totali mis-settur privat; jistieden lill-Kummissjoni tiggarantixxi pubblikazzjoni proattiva u trasparenza sħiħa fir-rigward tal-impjiegi ta' eks Kummissarji wara t-tmiem tal-mandat tagħhom; jappoġġja r-rakkomandazzjonijiet tal-Ombudsman għal aktar reviżjoni tal-Kodiċi f'konformità mal-obbligi tat-Trattat permezz ta' regoli aktar espliċiti u faċilment applikabbli biex b'hekk jiġu żgurati l-kredibilità, l-imparzjalità u n-nuqqas ta' kunflitt ta' interess fuq bażi ta' każ b'każ; iħeġġeġ lill-Ombudsman biex tkompli tissorvelja u tivvaluta l-livell ta' indipendenza tal-Kumitat tal-Etika Ad Hoc tal-Kummissjoni;

20.  Jieħu att tal-passi tal-Kummissjoni bi tweġiba għar-rakkomandazzjonijiet tal-Ombudsman dwar kif ir-regoli tal-persunal tal-UE li jirregolaw il-fenomenu tal-hekk imsejjaħ "bieb idur" ġew implimentati, u jistenna bil-ħerqa l-inkjesta ta' segwitu tal-Ombudsman li se tivvaluta kif qed jaħdmu fil-prattika r-regoli ġodda;

21.  Jistieden lill-Ombudsman tkompli bix-xogħol tagħha biex tiżgura l-pubblikazzjoni f'waqtha tal-ismijiet tal-uffiċjali kollha tal-UE involuti f'każijiet ta' "bieb idur" u biex tiggarantixxi t-trasparenza sħiħa fir-rigward tal-informazzjoni relatata kollha;

22.   Jappoġġja l-impenn tal-Ombudsman biex ittejjeb it-trasparenza tal-lobbying fl-UE, u jistieden lill-Kummissjoni tikkonforma bis-sħiħ mas-suġġerimenti tal-Ombudsman għat-titjib fir-Reġistru tat-Trasparenza tal-UE billi tagħmlu punt ċentrali ta' trasparenza obbligatorju għall-istituzzjonijiet u l-aġenziji kollha tal-UE; jenfasizza li għandha tittieħed azzjoni ċara u koerenti u jiġu żviluppati skedi ta' xogħol effikaċi għal dan il-għan; jisħaq fuq l-importanza ta' trasparenza akbar, anki fir-rigward ta' informazzjoni dwar finanzjament, gruppi ta' interess u interessi finanzjarji;

23.  Jilqa' l-inkjesta strateġika tal-Ombudsman dwar kif il-Kummissjoni twettaq valutazzjonijiet ta' kunflitti ta' interess għall-konsulenti speċjali tagħha; jistieden lill-Kummissjoni timplimenta bis-sħiħ ir-rakkomandazzjonijiet tal-Ombudsman dwar il-proċedura għall-ħatra ta' konsulenti speċjali, il-valutazzjoni ta' kwalunkwe kunflitt ta' interess potenzjali qabel u wara l-ħatra tagħhom u l-provvediment ta' aċċess pubbliku u informazzjoni fir-rigward ta' dokumenti u laqgħat;

24.  Jappoġġja l-inkjesta strateġika tal-Ombudsman dwar il-gruppi esperti tal-Kummissjoni; iħeġġeġ lill-Ombudsman tiżgura li l-ġestjoni ta' kunflitt ta' interess u rappreżentanza bilanċjata u ndaqs għall-partijiet interessati kollha, inklużi l-partijiet soċjali interessati, jittejbu fir-regoli l-ġodda tal-Kummissjoni, inkluż l-elenkar tal-esperti kollha fir-Reġistru għat-Trasparenza tal-UE;

25.  Jieħu att tal-pożizzjoni tal-Kummissjoni fir-rigward tat-trasparenza tal-laqgħat tagħha mal-lobbyists tat-tabakk u l-miżuri ta' trasparenza implimentati mid-Direttorat Ġenerali għas-Saħħa tagħha; itenni l-appell tiegħu lill-Kummissjoni biex tbiddel il-prattika tagħha u trendi xogħolha kompletament trasparenti billi tippubblika onlajn data dwar il-laqgħat kollha mal-lobbyists jew ir-rappreżentanti legali tagħhom, kif ukoll il-minuti ta' dawn il-laqgħat, f'konformità mal-obbligi tagħha fil-qafas tal-Konvenzjoni Qafas tan-NU dwar il-Kontroll tat-Tabakk (FCTC);

26.  Jilqa' r-rakkomandazzjonijiet prattiċi tal-Ombudsman dwar l-interazzjoni tal-uffiċjali pubbliċi mal-lobbyists; iħeġġeġ lill-Ombudsman biex iżżid is-sensibilizzazzjoni dwar dawn ir-rakkomandazzjonijiet fost il-membri tal-persunal fl-istituzzjonijiet kollha tal-UE permezz ta' taħriġ edukattiv, seminars u miżuri ta' sostenn relatati u jistieden lill-istituzzjonijiet kollha tal-UE biex jimplimentaw il-Kodiċi ta' Kondotta Amministrattiva Tajba tal-Ombudsman u l-miżuri ta' trasparenza tal-Konvenzjoni ta' Qafas tan-NU dwar il-Kontroll fuq it-Tabakk (FCTC);

27.  Ifaħħar l-inkjesta strateġika tal-Ombudsman fuq l-aċċess għal dokumenti relatati mal-korpi preparatorji tal-Kunsill, inklużi l-Kumitati, il-gruppi ta' ħidma u l-Kumitat tar-Rappreżentanti Permanenti (COREPER) tiegħu, meta jiġu diskussi abbozzi ta' atti leġiżlattivi tal-UE; iħeġġeġ lill-Ombudsman biex titlob lill-Kunsill itejjeb it-trasparenza fir-rigward tal-laqgħat tiegħu mal-partijiet interessati u d-deċiżjonijiet adottati, jikkonforma mar-rekwiżiti ta' aċċess għal dokumenti, u jipprovdi dan l-aċċess fi żmien utli u mingħajr dewmien;

28.  Ifaħħar il-ħidma tal-Ombudsman fit-trattament ta' kwistjonijiet ta' interess pubbliku ġenerali, bħad-drittijiet fundamentali, is-sigurtà u l-effikaċja tal-mediċina, il-ħarsien tal-ambjent u tas-saħħa, u l-protezzjoni kontra r-riskji ambjentali; jistieden lill-Ombudsman tagħti segwitu għall-proposti tagħha lill-Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi dwar diżinċentivi relatati mal-ittestjar fuq l-annimali meta jiġu rreġistrati fis-suq prodotti kożmetiċi ġodda u lill-EPSO dwar l-applikazzjoni tal-prinċipju ta' force majeure u t-trasparenza tal-kompetizzjonijiet tal-EPSO;

29.  Jappoġġja r-rwol tal-Ombudsman fit-tfassil ta' politika proattiva u trasparenti fir-rigward tal-provi kliniċi mwettqa mill-Aġenzija Ewropea għall-Mediċini (EMA) u b'mod partikolari r-rakkomandazzjonijiet tal-Ombudsman rigward l-approvazzjoni ta' Humira, waħda mid-drogi li jinbigħu l-aktar l-aktar fid-dinja, li tintuża għat-trattament tal-marda ta' Crohn; iħeġġeġ lill-Ombudsman tkompli tissorvelja l-EMA biex tiżgura li din tilħaq l-ogħla standards fil-qasam tat-trasparenza u tal-aċċess għal informazzjoni dwar il-provi kliniċi, jiġifieri standards li huma fl-interess pubbliku u ta' valur għat-tobba, il-pazjenti u r-riċerkaturi;

30.  Jilqa' l-inkjesti tal-Ombudsman insegwitu ta' lmenti minn persuni b'diżabilità, u jinkoraġġixxi l-ħidma tagħha bħala parteċipant attiv fil-Qafas tal-UE għall-Konvenzjoni tan-NU dwar id-Drittijiet ta' Persuni b'Diżabilità u l-kontribut tagħha fl-implimentazzjoni tal-Istrateġija Ewropea dwar id-Diżabilità; jafferma mill-ġdid l-appoġġ sħiħ tiegħu għall-implimentazzjoni sħiħa tal-Konvenzjoni fil-livell tal-UE;

31.  Jistieden lill-Ombudsman tiżgura li l-Kummissjoni tikkunsidra l-proposti u r-rakkomandazzjonijiet tal-Ombudsman dwar ir-reviżjoni fil-futur tal-istrument tal-Inizjattiva taċ-Ċittadini Ewropej (ECI) bil-għan li jiġi garantit li l-proċeduri u l-kundizzjonijiet meħtieġa għall-ECI jkunu ġenwinament ċari, sempliċi, faċilment applikabbli u proporzjonati;

32.  Jistieden lill-Ombudsman tiżgura li l-Kummissjoni tikkontribwixxi għall-ħolqien ta' infrastruttura li tipprovdi pariri legali fuq l-inizjattivi taċ-ċittadini Ewropej u ta' qafas legali li jipproteġi lill-membri tal-ECI;

33.  Ifakkar li l-informaturi għandhom rwol kruċjali fl-iżvelar ta' każijiet ta' amministrazzjoni ħażina, u jappoġġja miżuri li jinkoraġġixxu l-iżvelar b'mod effikaċi u jipproteġu lill-informaturi mir-rappreżalji, u jistieden lill-Ombudsman sabiex tkompli tivvaluta l-implimentazzjoni tar-regoli interni ġodda dwar l-iżvelar fl-istituzzjonijiet tal-UE; iħeġġeġ segwitu fuq l-inkjesti tal-Ombudsman tal-2015 relatati mar-regoli interni dwar l-iżvelar tal-istituzzjonijiet tal-UE; jilqa' r-regoli tal-Ombudsman stess f'dan il-qasam u jħeġġeġ lil istituzzjonijiet tal-UE oħra biex jużawhom bħala gwida; itenni l-appell tiegħu għal leġiżlazzjoni orizzontali tal-UE dwar il-protezzjoni tal-informaturi li tistabbilixxi mezzi u proċeduri xierqa għar-rapportar tal-forom kollha ta' amministrazzjoni ħażina, kif ukoll garanziji adegwati u salvagwardji legali fil-livelli kollha għall-individwi involuti;

34.  Jilqa' l-inizjattiva tal-Ombudsman li tidentifika l-aħjar prattiki fl-amministrazzjoni tal-UE u ġġibhom aktar għall-attenzjoni tal-pubbliku permezz tal-Premju għal Amministrazzjoni Tajba tal-Ombudsman;

35.  Iħeġġeġ lill-Ombudsman tkompli tikkollabora mal-ombudsmen nazzjonali permezz tan-Netwerk Ewropew tal-Ombudsmen; jappoġġja l-idea ta' konferenza annwali tan-Netwerk Ewropew tal-Ombudsmen fi Brussell, li seħħet għall-ewwel darba fl-2016, u l-impenn tal-Kummissjoni li taħdem b'mod aktar effikaċi man-Netwerk;

36.  Qed jikkunsidra l-idea li fil-futur jiġu organizzati konferenzi annwali tan-Netwerk Ewropew tal-Ombudsmen fil-binjiet tal-Parlament, fid-dawl tar-rabtiet diretti bejn il-Kumitat għall-Petizzjonijiet u l-Ombudsman;

37.  Ifakkar li n-Netwerk Ewropew tal-Ombudsmen jista' jkollu rwol importanti fid-difiża tad-drittijiet taċ-ċittadini tal-UE fin-negozjati dwar il-ħruġ tar-Renju Unit mill-UE;

38.  Ifaħħar lill-Ombudsman talli għamlet laqgħat ma' ombudsmen nazzjonali b'mod individwali u mas-soċjetà ċivili u ma' organizzazzjonijiet tan-negozju; iħeġġeġ lill-Ombudsman tirreplika dawk il-laqgħat fl-Istati Membri kollha u tkompli tqajjem kuxjenza dwar x'jista' jagħmel l-Uffiċċju tal-Ombudsman għaċ-ċittadini u n-negozji Ewropej;

39.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni u r-rapport tal-Kumitat għall-Petizzjonijiet lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Ombudsman Ewropew, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri kif ukoll lill-ombudsmen tal-Istati Membri jew lill-entitajiet kompetenti simili.

(1)

ĠU L 113, 4.5.1994, p. 15.

(2)

ĠU C 72 E, 21.3.2002, p. 331.


NOTA SPJEGATTIVA

Ir-rapport annwali dwar l-attivitajiet tal-Ombudsman Ewropew fl-2016 ġie ppreżentat uffiċjalment lill-President Antonio Tajani fis-17 ta' Mejju 2017. Is-Sra Emily O'Reilly, l-Ombudsman Ewropew, ippreżentat ir-rapport lill-Kumitat għall-Petizzjonijiet fi Brussell fit-30 ta' Mejju 2017.

Il-bażi ġuridika għall-mandat tal-Ombudsmen Ewropew tinsab fl-Artikoli 24 u 228 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE). Iċ-ċittadini Ewropew għandhom is-setgħa li jilmentaw lill-Ombudsman Ewropew skont l-Artikolu 24 tat-TFUE u l-Artikolu 43 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea. Bid-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta' Lisbona, il-mandat tal-Ombudsman twessa' biex jinkludi l-amministrazzjoni possibbilment ħażina fil-qafas tal-Politika Estera u ta' Sigurtà Komuni (PESK), inkluża l-Politika ta' Sigurtà u ta' Difiża Komuni (PSDK).

Id-definizzjoni tal-Ombudsman għal amminstrazzjoni ħażina, li hija approvata mill-Parlament Ewropew u mill-Kummissjoni Ewropea, tistipula: "L-amministrazzjoni ħażina tokkorri meta korp pubbliku ma jaġixxix skont regola jew prinċipju li huma vinkolanti għalih". Għall-istituzzjonijiet dan jimplika rispett għall-istat tad-dritt, għall-prinċipji tal-amministrazzjoni tajba u għad-drittijiet fundamentali. Il-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tinkludi wkoll id-dritt għal amministrazzjoni tajba bħala dritt fundamentali għaċ-ċittadini tal-UE (Artikolu 41) u l-Karta hija vinkolanti fuq l-amministrazzjonijiet tal-istituzzjonijiet tal-UE.

Ir-rapporteur tapprezza l-format, li huwa faċilment leġġibbli, tar-rapport annwali tal-Ombudsman, kif kien il-każ tar-rapport preċedenti tal-2015, fejn ġew indirizzati l-kwistjonijiet ewlenin u ngħatat informazzjoni dettaljata dwar l-attivitajiet u l-ħidma li saret mill-Ombudsman fl-2016. Ir-rapport jippreżenta, permezz ta' infografiċi ċari u sempliċi, bejn wieħed u ieħor l-istess oqsma bħal tas-sena li għaddiet.

Fl-2016, 15 797 ċittadin tal-UE kienu assistiti mill-Ombudsman u 12 646 ingħataw konsulenza permezz tal-Gwida Interattiva li tinsab fis-sit web tal-Ombudsman, u mill-bqija tat-talbiet 1 880 każ kienu ttrattati bħala lmenti u 1 271 kienu talbiet għal informazzjoni u twieġbu mis-servizzi tal-Ombudsman Ewropew.

Mill-għadd totali ta' 1 880 ilment ipproċessati mill-Ombudsman fl-2016, 711 kienu jidħlu fil-portata u 1 169 kienu barra l-portata tal-mandat tal-Ombudsman. L-għadd ta' lmenti li ma kinux jidħlu fil-portata tal-mandat tal-Ombudsman naqas għal numru rekord baxx (1 169), bħala riżultat ta' komunikazzjoni effettiva dwar il-ħidma tal-Ombudsman u l-Gwida Interattiva pprovduta fis-sit web tagħha. L-470 ilment (57,5 % tal-ilmenti) li ma kinux fil-portata tal-mandat tal-Ombudsman ġew trasferiti lill-membri tan-Netwerk, li minnhom 429 lil ombudsman nazzjonali jew reġjonali u 41 lill-Kumitat għall-Petizzjonijiet. Ilmenti oħra ġew ittrasferiti lill-Kummissjoni (116, 14,2 % tal-ilmenti kollha ttrasferiti) u istituzzjonijiet u korpi oħra (407, 49,8 %).

Meta mqabbel mas-sena ta' qabel, l-għadd ta' lmenti kien kemxejn inqas mill-2016 (17 033 ċittadin u 2 077 ilment fl-2015). Ittieħdu azzjonijiet fir-rigward tal-ilmenti: fi 816-il każ (43,4 %), ingħata parir jew il-każ ġie ttrasferit lil korp ta' lmenti ieħor; f'788 każ (41,9 %), dawk li ressqu l-ilmenti ġew infurmati li ma setax jingħata parir ulterjuri; u f'235 każ (12,5 %) infetħet inkjesta.

Fl-2016 l-Ombudsman fetħet 245 inkjesta, li minnhom 235 kienu bbażati fuq ilmenti u 10 kienu inkjesti fuq inizjattiva proprja, filwaqt li għalqet 291 inkjesta (278 ibbażati fuq ilmenti u 13-il inkjesta fuq inizjattiva proprja). Mill-291 inkjesta magħluqa, f'148 każ (50,9 %) intlaħqet soluzzjoni jew il-każ ġie solvut mill-istituzzjoni, f'89 każ (30,6 %) ma nstabet l-ebda amministrazzjoni ħażina, fi 52 każ (17,9 %) ma kinux ġustifikati inkjesti addizzjonali u f'20 każ (6,9 %) instabet amministrazzjoni ħazina.

Ir-rapporteur tilqa' t-tnaqqis fin-numru ta' inkjesti li jikkonċernaw l-istituzzjonijiet Ewropej miftuħa mill-Ombudsman Ewropew fl-2016 (245 fl-2016, 261 fl-2015); Madankollu, fil-fehma tar-rapporteur, l-istituzzjonijiet, il-korpi, l-uffiċċji u l-aġenziji tal-UE għandhom ikomplu jirrispondu u jirreaġixxu fi żmien raġonevoli għar-rimarki ta' kritika tal-Ombudsman u jenħtieġ li jtejbu aktar ir-rata ta' konformità tagħhom mar-rakkomandazzjonijiet u/jew deċiżjonijiet tal-Ombudsman;

Għal dak li għandu x'jaqsam mal-oriġini nazzjonali tal-ilmenti, Spanja tibqa' fil-quċċata bi 308 ilmenti, segwita mill-Polonja (163), il-Belġju (150) u r-Renju Unit (145). Jippersisti l-fenomenu li l-għadd ta' lmenti li joriġinaw minn Stat Membru partikolari mhuwiex ekwivalenti għal għadd proporzjonali ta' inkjesti li nfetħu għal dak l-Istat. Pereżempju, kif ippreżentat mir-rapport tal-Ombudsman tal-2016, għal 150 ilment mill-Belġju nfetħu 50 inkjesta, filwaqt li nfetħu 28 inkjesta biss fir-rigward tat-308 ilment minn Spanja.

Fir-rapport, ir-rapporteur tisħaq ukoll dwar l-importanza ta' kwistjonijiet marbuta mat-trasparenza u l-aċċess għal informazzjoni u dokumenti bħala s-suġġett prinċipali tal-inkjesti mressqa quddiem l-Ombudsman (29,6 %), segwit mill-ġestjoni tajba tal-persunal tal-UE (28,2 %), u l-kultura ta' servizz (25,1 %). Kwistjonijiet oħra jinkludu l-użu xieraq tad-diskrezzjoni anki fil-proċeduri ta' ksur, il-ġestjoni finanzjarja soda ta' għotjiet u kuntratti tal-UE, u r-rispett tad-drittijiet proċedurali u fundamentali.

Fuq il-bażi ta' proċedura ssimplifikata ġdida għat-trattament ta' każijiet, każijiet fuq il-bażi ta' lment b'kontenut simili jistgħu jiġu ttrattati kollettivament bħala inkjesti strateġiċi, li minnhom infetħu 4 u ngħalqu 5 fl-2016. L-inkjesti strateġiċi miftuħa fl-2016 jinkludu valutazzjonijiet ta' kunflitt ta' interess għall-konsulenti speċjali tal-Kummissjoni, il-programm pilota tal-Kummissjoni, l-approvazzjoni ta' pestiċidi għas-suq Ewropew, u d-dewmien fl-awtorizzazzjoni ta' 20 applikazzjoni għall-ikel u l-għalf immodifikat ġenetikament.

L-Ombudsman fetħet ukoll 10 inizjattivi strateġiċi fis-sena ta' referenza, dwar il-fenomenu tal-hekk imsejjaħ "bieb idur", in-nuqqas ta' trasparenza tan-negozjati bejn l-UE u l-Istati Uniti dwar it-TTIP, l-implimentazzjoni tal-Konvenzjoni UNCRPD, it-trasparenza tal-Fond għall-Asil, il-Migrazzjoni u l-Integrazzjoni, it-trasparenza tal-Grupp tal-Euro u tal-BEI, l-aċċessibbiltà tas-siti web tal-Kummissjoni għall-persuni b'diżabilità u t-trasparenza tal-Proċess ta' Reviżjoni u Evalwazzjoni Superviżorji tal-BĊE. Ir-rapporteur tappoġġja l-ħidma strateġika li saret mill-Ombudsman fl-2016, li fl-opinjoni tagħha serviet l-interess pubbliku billi għenet lill-istituzzjonijiet tal-UE jtejbu l-kwalità tas-servizzi tagħhom.

Fl-inkjesti fejn ġiet ikkonstatata amministrazzjoni ħażina, kien hemm 9 każijiet (45 %) fejn l-istituzzjoni kkonċernata sarulha rimarki kritiċi u 11-il każ (55 %) fejn ir-rakkomandazzjoni tal-Ombudsman ġiet aċċettata għalkollox jew parzjalment mill-istituzzjoni. Rimarka kritika ssir meta ma jkunx aktar possibbli li l-istituzzjoni telimina l-każ ta' amministrazzjoni ħażina, l-amministrazzjoni ħażina ma jkollhiex implikazzjonijiet ġenerali jew ma jkunx hemm bżonn ta' azzjoni ta' segwitu mill-Ombudsman. L-Ombudsman tista' tagħmel ukoll rimarka kritika meta tqis li abbozz ta' rakkomandazzjoni ma jkunx effettiv jew f'każijiet fejn l-istituzzjoni kkonċernata ma taċċettax abbozz ta' rakkomandazzjoni iżda l-każ ta' amministrazzjoni ħażina ma jiġġustifikax it-tfassil ta' rapport speċjali għall-Parlament.

Rimarka kritika madankollu sservi ta' konferma għal min ressaq l-ilment dan tal-aħħar kien ġustifikat u tindika b'mod ċar lill-istituzzjoni kkonċernata fejn aġixxiet ħażin, sabiex tkun tista' tevita azzjoni simili fil-futur. Fl-2015 l-Ombudsman indirizzat rimarki kritiċi lill-istituzzjonijiet fi 19-il każ.

Rigward l-istituzzjonijiet li huma suġġetti għall-inkjesti tal-Ombudsman, il-Kummissjoni Ewropea tibqa' fl-ewwel post b'aktar minn nofs il-każijiet (58,8 %), segwita mill-aġenziji tal-UE (12,3 %), il-Parlament Ewropew (6,5 %), l-Uffiċċju Ewropew għas-Selezzjoni tal-Persunal (EPSO) (5,7 %), is-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE) (4,5 %), l-Uffiċċju Ewropew ta' Kontra l-Frodi (OLAF) (0,8 %) u istituzzjonijiet oħra (11,4 %). Meta mqabbla mal-2015, istituzzjonijiet oħra jidhru bħala kategorija ġdida, li rċeviet t-tielet l-akbar ammont ta' inkjesti, u l-Parlament Ewropew tela' fir-raba' post, hekk li qabeż lill-EPSO.

Ir-rapporteur tilqa' wkoll b'sodisfazzjon l-inizjattiva tal-Ombudsman li, f'Ottubru 2016, tniedi sejħa għal nomini tal-Premju għal Amministrazzjoni Tajba, bl-għan li jiġu identifikati l-aħjar prattiki fl-amministrazzjoni tal-UE u li dawn jinġiebu aktar għall-attenzjoni tal-pubbliku. L-Ombudsman ippreparat ukoll lista ta' ħwejjeġ li għandhom isiru u oħrajn li m'għandhomx isiru għall-uffiċjali li jinteraġixxu mal-lobbyists.

L-Ombudsman tikkoopera wkoll mill-qrib mal-kontropartijiet tagħha fl-Istati Membri, permezz tan-Netwerk Ewropew tal-Ombudsmen (ENO). Fl-2016, l-ENO ġie riorganizzat u ngħata l-istatus ta' membru ex officio tal-Forum Konsultattiv tal-Uffiċċju Ewropew ta' Appoġġ fil-qasam tal-Asil (EASO). In-Netwerk Ewropew tal-Ombudsmen bħalissa għandu 96 uffiċċju f'36 pajjiż Ewropew u jipprovdi pjattaforma għall-kooperazzjoni bejn l-Ombudsman u l-kontropartijiet reġjonali jew nazzjonali tagħha. Il-Kumitat għall-Petizzjonijiet tal-Parlament Ewropew huwa wkoll membru tan-Netwerk. Ilmenti li ma jidħlux fil-portata tal-mandat tal-Ombudsman jistgħu f'ħafna każijiet jiġu ttrattati minn membru tan-Netwerk, eż. minn ombudsman nazzjonali jew reġjonali.

L-avveniment prinċipali tan-Netwerk fl-2016 kien l-ewwel konferenza annwali organizzata mill-Ombudsman u li saret fi Brussell fid-19 u l-20 ta' Ġunju. Ir-rapporteur tappoġġja l-idea li saret konferenza annwali tan-Netwerk Ewropew tal-Ombudsmen fi Brussell għall-ewwel darba fl-2016 u l-impenn tal-Kummissjoni li taħdem b'mod aktar effettiv man-Netwerk. Din il-konferenza interattiva kienet miftuħa għal dawk li mhumiex membri u laqgħet 250 parteċipant biex jaħdmu fuq temi attwali li kienu jinkludu l-kriżi tal-migrazzjoni tal-Ewropa, il-promozzjoni tat-trasparenza tal-lobbying u l-isfidi tal-istat tad-dritt.

L-Artikolu 33(2) tal-Konvenzjoni tan-NU dwar id-Drittijiet ta' Persuni b'Diżabilità jipprevedi l-istabbiliment ta' Qafas tal-UE inkarigat mill-promozzjoni, il-protezzjoni u l-monitoraġġ tal-implimentazzjoni tal-Konvenzjoni. Huwa l-kompitu tal-Ombudsman Ewropew li tipproteġi d-drittijiet tal-persuni b'diżabilità u li tiżgura li l-amministrazzjoni tal-UE tkun konxja mir-responsabbiltajiet tagħha fir-rigward ta' dawn id-drittijiet. F'Mejju 2016, l-Ombudsman nediet inkjesta, li għadha għaddejja, dwar jekk il-reġim komuni tal-assigurazzjoni tal-mard tal-UE (RKAM) jikkonformax mal-UNCRPD, u segwiet żewġ inizjattivi strateġiċi, waħda dwar l-aċċessibilità tas-siti web u l-għodod onlajn ġestiti mill-Kummissjoni u l-oħra dwar kif l-iskejjel Ewropej jindirizzaw il-kwistjonijiet imqajma mill-Kumitat UNCRPD fir-rigward tal-implimentazzjoni tal-Konvenzjoni.

Il-baġit tal-Ombudsman huwa taqsima indipendenti fil-baġit tal-UE. Il-baġit tal-Ombudsman għall-2016 kien jammonta għal EUR 10 658 951 u l-pjan ta' stabbiliment tal-istituzzjoni fih 75 pożizzjoni.


INFORMAZZJONI DWAR L-ADOZZJONIFIL-KUMITAT RESPONSABBLI

Data tal-adozzjoni

11.10.2017

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

19

1

1

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Heinz K. Becker, Pál Csáky, Eleonora Evi, Rikke Karlsson, Jude Kirton-Darling, Svetoslav Hristov Malinov, Notis Marias, Roberta Metsola, Marlene Mizzi, Gabriele Preuß, Laurenţiu Rebega, Virginie Rozière, Sofia Sakorafa, Jarosław Wałęsa, Cecilia Wikström, Tatjana Ždanoka

Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali

Demetris Papadakis, Julia Pitera, Igor Šoltes, Ángela Vallina

Sostituti (skont l-Artikolu 200(2)) preżenti għall-votazzjoni finali

Mircea Diaconu


VOTAZZJONI FINALI B'SEJĦA TAL-ISMIJIETFIL-KUMITAT RESPONSABBLI

19

+

ALDEECR

EFDD

GUE/NLG

PPE

 

S&D

 

VERTS/ALE

 

Mircea Diaconu, Cecilia WikströmRikke Karlsson

Eleonora Evi

Sofia Sakorafa, Ángela Vallina

Heinz K. Becker, Pál Csáky, Svetoslav Hristov Malinov, Roberta Metsola, Julia Pitera, Jarosław Wałęsa

Jude Kirton-Darling, Marlene Mizzi, Demetris Papadakis, Gabriele Preuß, Virginie Rozière

Igor Šoltes, Tatjana Ždanoka

 

1

-

ECR

Notis Marias

1

0

ENF

Laurenţiu Rebega

Tifsira tas-simboli użati:

+  :  favur

-  :  kontra

0  :  astensjoni

Avviż legali