Proċedura : 2016/2245(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A8-0329/2017

Testi mressqa :

A8-0329/2017

Dibattiti :

PV 13/11/2017 - 19
CRE 13/11/2017 - 19

Votazzjonijiet :

PV 14/11/2017 - 5.6
CRE 14/11/2017 - 5.6
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P8_TA(2017)0427

RAPPORT     
PDF 840kWORD 77k
23.10.2017
PE 604.887v01-00 A8-0329/2017

dwar l-użu ta' strumenti tal-politika ta' koeżjoni mir-reġjuni biex jiġi indirizzat it-tibdil demografiku

(2016/2245(INI))

Kumitat għall-Iżvilupp Reġjonali

Rapporteur: Iratxe García Pérez

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW
 NOTA SPJEGATTIVA
 POŻIZZJONI FIL-FORMA TA' EMENDI tal-Kumitat għad-Drittijiet tan-Nisa u l-Ugwaljanza bejn is-Sessi
 INFORMAZZJONI DWAR L-ADOZZJONIFIL-KUMITAT RESPONSABBLI
 VOTAZZJONI FINALI B'SEJĦA TAL-ISMIJIETFIL-KUMITAT RESPONSABBLI

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW

dwar l-użu ta' strumenti tal-politika ta' koeżjoni mir-reġjuni biex jiġi indirizzat it-tibdil demografiku

(2016/2245(INI))

Il-Parlament Ewropew,

  wara li kkunsidra l-Artikoli 174 u 175 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE),

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 1303/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 2013 li jistabbilixxi dispożizzjonijiet komuni dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew, il-Fond ta' Koeżjoni, il-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali u l-Fond Marittimu u tas-Sajd Ewropew u li jistabbilixxi d-dispożizzjonijiet ġenerali dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew, il-Fond ta' Koeżjoni u l-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1083/2006(1),

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 1301/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 2013 dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali u dwar dispożizzjonijiet speċifiċi li jikkonċernaw l-Investiment li għandu fil-mira t-tkabbir ekonomiku u l-impjiegi, u li jirrevoka r-Regolament (KE) Nru 1080/2006(2),

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 1304/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 2013 dwar il-Fond Soċjali Ewropew u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1081/2006(3),

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 1299/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 2013 dwar dispożizzjonijiet speċifiċi għall-appoġġ mill-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali għall-għan ta' kooperazzjoni territorjali Ewropea(4),

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 1302/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 2013 li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1082/2006 dwar raggruppament Ewropew ta' kooperazzjoni territorjali (REKT) fir-rigward tal-kjarifika, is-simplifikazzjoni u t-titjib għat-twaqqif u l-funzjonament ta' tali raggruppamenti(5),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-4 ta' Frar 2016 dwar is-sitwazzjoni speċjali tal-gżejjer(6),

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 1300/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 2013 dwar il-Fond ta' Koeżjoni u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1084/2006(7),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-4 ta' April 2017 dwar in-nisa u r-rwol tagħhom fiż-żoni rurali(8),

  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-10 ta' Mejju 2016 dwar il-politika ta' koeżjoni fir-reġjuni muntanjużi tal-Unjoni Ewropea(9),

  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tad-9 ta' Settembru 2015 dwar ir-Rapport dwar l-implimentazzjoni, ir-riżultati u l-valutazzjoni ġenerali tas-Sena Ewropea 2012 għat-Tixjiħ Attiv u s-Solidarjetà bejn il-Ġenerazzjonijiet(10),

  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-10 ta' Mejju 2016 dwar għodod ġodda għall-iżvilupp territorjali fil-politika ta' koeżjoni 2014–2020: Investiment Territorjali Integrat (ITI) u Żvilupp Lokali Mmexxi mill-Komunità (CLLD)(11),

  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-15 ta' Novembru 2011 dwar it-tibdil demografiku u l-konsegwenzi tiegħu għall-politika ta' koeżjoni futura tal-UE(12),

  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-11 ta' Novembru 2010 dwar l-isfida demografika u s-solidarjetà bejn il-ġenerazzjonijiet(13),

  wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni tiegħu tat-22 ta' Settembru 2010 dwar l-istrateġija Ewropea għall-iżvilupp ekonomiku u soċjali tar-reġjuni muntanjużi, tal-gżejjer u ta' żoni li fihom ma tantx jgħixu nies(14),

  wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni tiegħu tal-21 ta' Frar 2008 dwar il-ġejjieni demografiku tal-Ewropa(15),

  wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni tiegħu tat-23 ta' Marzu 2006 dwar l-isfidi demografiċi u s-solidarjetà bejn il-ġenerazzjonijiet(16),

  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kummissjoni intitolat "The 2015 Ageing Report. Economic and budgetary projections for the 28 EU Member States (2013-2060)" (Ir-Rapport dwar it-Tixjiħ tal-2015. Tbassir ekonomiku u baġitarju għat-28 Stat Membru tal-UE) (European Economy 3|2015),

  wara li kkunsidra s-Sitt Rapport tal-Kummissjoni dwar il-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali bit-titolu "Investiment għall-impjiegi u t-tkabbir: Il-promozzjoni tal-iżvilupp u tal-governanza tajba fir-reġjuni u l-ibliet tal-UE" tat-23 ta' Lulju 2014,

  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tas-26 ta' April 2017 intitolata "Inizjattiva ta' appoġġ għall-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata għall-ġenituri u l-persuni li jindukraw li jaħdmu" (COM(2017)0252),

  wara li kkunsidra l-Kommunikazzjoni tal-Kummissjoni tad-29 ta' April 2009 bit-titolu "Kif għandna nittrattaw l-impatt tat-tixjieħ tal-popolazzjoni fl-UE (Ir-Rapport dwar it-Tixjieħ 2009)" (COM(2009)0180),

  wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-10 ta' Mejju 2007 bit-titolu ''Il-Promozzjoni tas-Solidarjetà bejn il-Ġenerazzjonijiet'' (COM(2007)0244),

  wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni tat-12 ta' Ottubru 2006 intitolata "Il-ġejjieni demografiku tal-Ewropa, il-bidla ta' sfida f'opportunità" (COM(2006)0571),

  wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tas-16 ta' Marzu 2005 bit-titolu "Green Paper: "Quddiem it-tibdiliet demografiċi: solidarjetà ġdida bejn il-ġenerazzjonijiet"" (COM(2005)0094),

  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tas-6 ta' Mejju 2015 bit-titolu "Strateġija għal Suq Uniku Diġitali għall-Ewropa" (COM(2015)0192),

  wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni tas-16 ta' Ġunju 2016 dwar Ir-rispons tal-UE għall-isfida demografika(17),

  wara li kkunsidra l-istudju datat Settembru 2013 tad-Direttorat Ġenerali għall-Politiki Interni, Dipartiment Tematiku B: Politiki Strutturali u ta' Koeżjoni, intitolat "Il-politiki reġjonali u ta' koeżjoni kif jistgħu jindirizzaw l-isfidi demografiċi?",

  wara li kkunsidra l-pubblikazzjoni ESPON dwar "Niżvelaw il-potenzjalitajiet territorjali u t-tiswir ta' politiki ġodda f'tipi speċifiċi ta' territorji fl-Ewropa: gżejjer, muntanji, żoni b'popolazzjoni baxxa u reġjuni kostali"(18),

  wara li kkunsidra l-Artikolu 52 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kultura u l-Edukazzjoni u l-pożizzjoni fil-forma ta' emendi tal-Kumitat għad-Drittijiet tan-Nisa u l-Ugwaljanza bejn is-Sessi (A8-0329/2017),

A.  billi t-tibdil demografiku huwa problema reali fl-Ewropa u madwar id-dinja u jikkostitwixxi sfida ewlenija, mhux biss b'mod ġenerali iżda wkoll għall-iżvilupp lokali u territorjali u t-titjib tal-politiki fl-UE llum, flimkien ma' kwistjonijiet relatati mal-impjieg, il-globalizzazzjoni bla kontroll, it-tibdil fil-klima, it-tranżizzjoni lejn ekonomiji b'livell baxx ta' karbonju u l-isfidi li ġġib magħha l-bidla industrijali u teknoloġika u l-inklużjoni soċjali u ekonomika;

B.  billi, kif inhu l-każ f'ħafna soċjetajiet postindustrijali, il-popolazzjoni tal-Ewropa kienet ikkaratterizzata minn żieda fil-lonġevità u rati ta' fertilità baxxi għal diversi għexieren ta' snin, u dan huwa suxxettibbli li jibdel l-istruttura tal-popolazzjoni u l-piramida tal-età, u jista' jwassal għal effetti sekondarji ta' popolazzjoni ta' età tax-xogħol li dejjem qiegħda tonqos u ta' popolazzjoni li qed tixjiħ; billi l-kriżi ekonomika li laqtet lill-Unjoni Ewropea kollha kellha impatt kbir fuq ħafna setturi u reġjuni, partikolarment fuq il-kampanja, u b'mod partikolari ġġenerat faqar u depopolazzjoni; billi d-differenza persistenti bejn il-pagi u fil-pensjonijiet tal-irġiel u n-nisa tfixkel b'mod qawwi l-parteċipazzjoni tan-nisa fis-suq tax-xogħol;

C.  billi t-tkabbir rapidu tal-popolazzjoni f'pajjiżi li qed jiżviluppaw u t-tnaqqis demografiku fil-popolazzjoni tal-UE huwa mbassar li jiġu tradotti fi tnaqqis tal-persentaġġ tal-Unjoni Ewropea tal-popolazzjoni dinjija minn 6.9 % fl-2015 għal 5.1 % fl-2060(19);

D.  billi huwa mbassar li 132 minn 273 reġjun tal-livell NUTS 2 se jaraw tnaqqis fil-popolazzjoni bejn l-2015 u l-2050(20); billi dan it-tnaqqis se jolqot lill-Unitajiet Amministrattivi Lokali (LAUs) b'mod partikolari;

E.  billi l-prijorità ewlenija tal-Unjoni Ewropea u tal-Istati Membri kollha hija li jiġi promoss tkabbir li jkun fl-istess waqt intelliġenti, sostenibbli u inklużiv;

F.  billi fatturi ġeografiċi u demografiċi jservu biex jitħarrxu l-problemi tal-iżvilupp; billi, għal din ir-raġuni, it-Trattat ta' Lisbona żied il-koeżjoni territorjali mal-miri tal-koeżjoni ekonomika u soċjali;

G.  billi t-tibdil demografiku ma jaffettwax lill-pajjiżi u r-reġjuni kollha b'mod uniformi, kemm minħabba d-dinamika naturali tiegħu kif ukoll minħabba l-movimenti migratorji li dan jinvolvi, fejn il-biċċa l-kbira taż-żoni urbani u, b'mod partikolari, l-inħawi metropolitani qed jesperjenzaw żieda fil-popolazzjoni u l-parti l-kbira taż-żoni rurali u ż-żoni mbiegħda qed jesperjenzaw deklin, filwaqt li l-istampa hija waħda mħallta ħafna fir-reġjuni ultraperiferiċi; billi dawn l-iżbilanċi qed jippreżentaw sfidi kbar kemm għal territorji li jsofru minn depopolazzjoni kif ukoll għal dawk li jesperjenzaw influss ta' popolazzjoni; billi ż-żoni iżolati u ż-żoni li għalihom l-aċċess huwa limitat huma dawk l-aktar esposti għal tnaqqis demografiku; billi, mill-banda l-oħra, jenħtieġ li jiġu enfasizzati l-effetti tas-"suburbanizzazzjoni", li, bħala konsegwenza ta' movimenti kbar tal-popolazzjoni mill-bliet kbar għar-reġjuni ta' madwarhom, li jitfgħu pressjoni fuq l-awtoritajiet kemm lokali kif ukoll reġjonali;

H.  billi r-reġjuni Ewropej mhumiex meded uniformi ta' territorju; billi dawn jistgħu jinkludu żoni ta' qgħad u faqar u jiffaċċjaw sfidi partikolari, l-aktar f'dak li għandu x'jaqsam mat-tibdil demografiku, li jagħmilha essenzjali li jitwaqqfu strumenti mmirati li jnaqqsu d-differenzi subreġjonali u jġibu bilanċ territorjali aħjar f'termini ta' żoni urbani, periurbani u rurali;

I.  billi n-nisa, u b'mod partikolari l-ommijiet waħedhom, huma aktar esposti għall-faqar u l-esklużjoni;

J.  billi t-tibdil demografiku jippreżenta sfida fl-iżgurar tal-koeżjoni soċjali u l-benesseri tal-popolazzjoni kollha, u fil-promozzjoni ta' żvilupp ekonomiku bilanċjat; billi t-tibdil demografiku għandu riperkussjonijiet fuq l-infrastruttura, l-aċċessibbiltà u l-kwalità tas-servizzi, u dan ifisser problemi ta' konnettività jew iżolament mediku, u huwa spiss riżultat ta' konnessjonijiet insuffiċjenti bejn il-popolazzjonijiet urbani u rurali;

K.  billi t-tibdil demografiku jinvolvi sfidi ewlenin ta' strateġija politika f'oqsma differenti marbuta ma' firxa wiesgħa ta' oqsma tal-politika ta' koeżjoni; billi l-politika reġjonali u l-Fondi Strutturali u ta' Investiment Ewropej (Fondi SIE), inkluż il-Fond ta' Koeżjoni, huma strumenti ewlenin għal dan it-tibdil;

L.  billi f'żoni mhux urbanizzati fl-Unjoni Ewropea jgħixu 113-il miljun ruħ, hemm 12-il miljun ażjenda agrikola u 172 miljun ettaru ta' art agrikola u jagħmlu kontribut estensiv għall-ekonomiji, il-kulturi u l-ekosistemi Ewropej;

M.  billi infrastruttura adegwata u livell adegwat ta' servizzi huma fatturi importanti fil-ġestjoni tal-istruttura tal-popolazzjoni f'reġjuni li huma ftit li xejn popolati jew li jbatu minn emigrazzjoni, fejn l-importanza tal-investiment u l-impjiegi hija ikbar;

N.  billi infrastruttura adegwata u l-aċċess għal servizzi pubbliċi u impjiegi ta' kwalità huma fatturi importanti li jinfluwenzaw id-deċiżjoni ta' jekk wieħed joqgħodx f'żona partikolari;

O.  billi n-nisa huma aktar esposti għall-faqar u l-esklużjoni soċjali mill-irġiel – aktar u aktar meta jkollhom aktar minn 60 sena;

P.  billi t-tibdil demografiku għandu impatt ikbar fuq reġjuni li qed jaqgħu lura;

Q.  billi t-tibdil demografiku li qed jaffettwa ż-żoni rurali għandu konsegwenzi ekonomiċi u soċjali, jikkawża frammentazzjoni territorjali u jaffettwa l-kwalità tal-ħajja u tal-ambjent, minbarra l-konsegwenzi demografiċi serji tiegħu;

R.  billi l-ugwaljanza bejn is-sessi hija dritt fundamentali, valur komuni tal-UE, u kundizzjoni meħtieġa għall-kisba tal-għanijiet tal-UE tat-tkabbir, l-impjieg u l-koeżjoni soċjali;

S.  billi l-ugwaljanza bejn is-sessi tirrappreżenta għodda importanti għall-iżvilupp ekonomiku u l-koeżjoni soċjali;

T.  billi t-tibdil demografiku negattiv iżid id-domanda għal solidarjetà aktar qawwija bejn il-ġenerazzjonijiet;

Ġenerali

1.  Jenfasizza li t-tibdil demografiku jġib miegħu diffikultajiet ekonomiċi, soċjali, fiskali u pressjonijiet ambjentali fuq il-gvernijiet tal-Istati Membri u l-awtoritajiet reġjonali u lokali f'dak li għandu x'jaqsam mal-għoti tas-servizzi pubbliċi, b'mod partikolari s-servizzi soċjali u tal-benessri, il-bini u l-ġestjoni ta' infrastruttura, u l-iżgurar tal-preżervazzjoni tal-ekosistemi permezz ta' ġestjoni sostenibbli tat-territorju; jenfasizza li dawn il-pressjonijiet se jiħraxu minħabba l-popolazzjoni attiva li qed tonqos u l-proporzjon ta' dipendenza ogħla; jenfasizza r-rwol kruċjali tas-servizzi pubbliċi u privati ta' kwalità għolja; jenfasizza l-importanza ta' servizzi pubbliċi u privati aċċessibbli ta' kwalità għolja u affordabbli bħala għodda biex tiġi żgurata l-ugwaljanza bejn is-sessi;

2.  Iqis li t-tibdil demografiku għandu jiġi indirizzat b'mod koordinat permezz tal-azzjoni tal-awtoritajiet kollha Ewropej, nazzjonali, reġjonali u lokali u billi jiġu segwiti strateġiji ta' adattament li jirriflettu r-realtajiet lokali u reġjonali u joffru governanza f'diversi livelli li tkun effettiva kemm fl-istruttura ta' dawn il-politiki speċifiċi mmirati lejn reġjuni partikolari kif ukoll fl-implimentazzjoni tagħhom; huwa tal-fehma li tali reazzjoni kkoordinata u integrata għandha timmira li ttejjeb il-kwalità tal-ħajja taċ-ċittadini u tipprovdilhom opportunitajiet ekonomiċi aħjar, u għandha tfittex li tinvesti fil-kwalità, id-disponibbiltà u l-affordabbiltà ta' servizzi pubbliċi u soċjali fir-reġjuni kkonċernati; iqis, barra minn hekk, li r-rappreżentanti tas-soċjetà ċivili u partijiet interessati oħra għandhom ikunu involuti wkoll; jirrimarka li kwalunkwe approċċ komprensiv għandu jirrifletti r-rwol tal-bliet, iż-żoni rurali, iż-żoni tas-sajd u ż-żoni kostali, kif ukoll żoni li jiffaċċjaw problemi speċifiċi minħabba s-sitwazzjoni ġeografika jew demografika tagħhom, u li, għaldaqstant, l-imsemmi approċċ se jkollu wkoll iqis l-isfidi speċifiċi tal-aktar reġjuni mbiegħda, ir-reġjuni tat-Tramuntana mbiegħda b'densità ta' popolazzjoni baxxa ħafna, u reġjuni insulari, reġjuni transkonfinali u reġjuni muntanjużi, kif espressament rikonoxxut fit-Trattat ta' Lisbona; jistieden lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni jqisu l-effetti ta' politiki differenti fuq l-ugwaljanza bejn is-sessi u t-tibdil demografiku;

3.  Jirrikonoxxi li l-tibdil demografiku, filwaqt li jġib miegħu sfidi ġodda, joffri wkoll opportunitajiet ta' żvilupp fil-livell lokali, bħala riżultat tal-bidliet fid-domanda f'soċjetajiet urbani, speċjalment f'dak li għandu x'jaqsam mal-ikel, id-divertiment u l-mistrieħ, permezz tal-potenzjal tal-agrikoltura, il-forestrija u s-sajd li jipproduċu prodotti ta' kwalità għolja, sikuri u distintivi; iqis li t-turiżmu rurali b'mod ġenerali u l-ekoturiżmu, il-kummerċ elettroniku, is-servizzi bbażati fuq il-komunità u l-ekonomija tal-anzjani b'mod partikolari jipprovdu wkoll opportunitajiet għall-iżvilupp fil-livell lokali, filwaqt li jivvalorizzaw prodotti domestiċi agrikoli jew mhux agrikoli, bħalma huma l-prodotti magħmula bl-idejn, ir-rakkmu u ċ-ċeramika, permezz ta' sistema Ewropea ta' protezzjoni tal-indikazzjonijiet ġeografiċi; jenfasizza, f'dan ir-rigward, l-importanza ta' strateġiji ta' speċjalizzazzjoni intelliġenti biex jingħata appoġġ lir-reġjuni u t-territorji fl-identifikazzjoni ta' attivitajiet b'valur miżjud għoli u attraenti biex jinbnew ekosistemi ta' innovazzjoni fuq il-bażi ta' strateġija ta' żvilupp rurali ġenwina multifunzjonali li tinkorpora l-ekonomija ċirkolari fl-ippjanar reġjonali; jinnota li l-agroturiżmu, li jgħin biex iżomm stil ta' ħajja dinamiku fiż-żoni rurali, ukoll huwa settur sinifikanti; jenfasizza l-importanza tad-djalogu soċjali u li s-sħab soċjali jiġu inklużi flimkien ma' partijiet interessati u awtoritajiet lokali oħra fil-fażijiet kollha tal-programmazzjoni u l-implimentazzjoni tal-Fondi SIE biex jiġu antiċipati l-effetti tat-tibdil demografiku fuq is-swieq tax-xogħol lokali u jiġu żviluppati strateġiji ġodda li jindirizzaw dawn l-isfidi;

Karatteristiċi tat-tibdil demografiku fl-UE

4.  Jinnota li l-problemi prinċipali marbuta mat-tibdil demografiku li qed jesperjenzaw bħalissa ħafna partijiet tal-UE huma marbuta mat-tixjiħ dovut għat-taqlib tal-piramida tal-etajiet, tnaqqis fir-rati ta' twelid u tnaqqis drastiku sussegwenti fil-popolazzjonijiet ta' trabi u żgħażagħ, depopolazzjoni kostanti, skarsezzi ta' forza tax-xogħol b'ħiliet, nuqqas ta' impjiegi, żgħażagħ li jitilqu miż-żona minħabba nuqqas ta' opportunitajiet ta' xogħol u bidliet fl-istruttura demografika; jirrikonoxxi li l-politika attwali dwar l-agrikoltura, it-telf tal-attivitajiet tradizzjonali, prodotti, sistemi ta' produzzjoni, il-forza tax-xogħol u l-għarfien espert lokali, ix-xogħol inviżibbli mwettaq min-nisa, in-nuqqas ta' intraprenditorija, reġjuni li waqgħu lura jew li ma jistgħux jikkompetu minħabba nuqqas ta' investiment, jew telf ta' bijodiversità, u t-telf ta' msaġar għall-arbuxelli u r-riskju ta' nirien, huma problemi sinifikanti ulterjuri konnessi mat-tibdil demografiku; jenfasizza li l-impatt ta' dawn it-tendenzi jvarja b'mod sinifikanti minn reġjun għall-ieħor, parzjalment minħabba ċ-ċaqliq tal-persuni lejn ċentri urbani kbar sabiex isibu x-xogħol;

5.  Jenfasizza li wieħed mill-objettivi ewlenin ta' politika demografika tal-UE għandu jkun li jittieħdu inkunsiderazzjoni t-territorji bi żbilanċi demografiċi u l-karatteristiċi speċifiċi ta' dawk it-territorji, fatturi li l-politika ta' koeżjoni ilha tfittex li tadatta għalihom, u li se jkollha tagħmel ħafna iktar sabiex tadatta għalihom wara l-2020; jenfasizza l-fatt li filwaqt li t-tibdil demografiku jaffettwa ż-żoni kollha, kemm dawk rurali kif ukoll dawk urbani, l-implikazzjonijiet tiegħu jvarjaw u jiddependu fuq fatturi differenti bħall-intensità u r-ritmu li bih iseħħ it-tibdil jew jekk dan jolqotx ir-reġjuni b'immigrazzjoni netta jew ir-reġjuni b'popolazzjoni li qed tiċkien;

6.  Jenfasizza l-ħtieġa li jiġu promossi u appoġġati l-azjendi agrikoli żgħar u ta' daqs medju rurali u fil-muntanji li, bl-użu ta' tekniki u metodi ta' produzzjoni tradizzjonali li jisfruttaw ir-riżorsi naturali, bħall-mergħat u tipi differenti ta' għelejjel li jintużaw għall-għalf tal-annimali — b'mod integrat u sostenibbli, jipproduċu prodotti b'karatteristiċi speċifiċi ta' kwalità u jistgħu jservu biex ireġġgħu lura jew tnaqqas id-depopolazzjoni f'dawk l-oqsma;

7.  Jenfasizza li l-fenomeni demografiċi li qed jolqtu lill-Unjoni mhumiex ġodda, iżda issa żdiedu b'intensità mingħajr preċedent, b'mod partikolari bħala riżultat ta' pressjonijiet soċjali u ekonomiċi; jiġbed l-attenzjoni dwar iż-żieda kostanti fl-għadd ta' persuni anzjani — madwar 2 miljuni kull sena jilħqu l-età ta' 60 sena — li tħalli impatt fuq l-ippjanar spazjali, l-akkomodazzjoni u t-trasport u fuq tipi oħra ta' infrastruttura u servizzi; jinnota bi tħassib li r-reġjuni kkaratterizzati minn tnaqqis sinifikanti fil-popolazzjoni fl-età tax-xogħol se jintlaqtu b'mod partikolarment ħażin mill-isfidi demografiċi; jirrikonoxxi li n-nuqqas ta' investiment, l-infrastruttura fqira, ir-rati baxxi ta' konnettività, l-aċċess limitat għal servizzi soċjali u n-nuqqas ta' impjiegi huma fatturi ewlenin li jikkontribwixxu għad-depopolazzjoni; jenfasizza li l-bidliet demografiċi jista' jkollhom impatt konsiderevoli fuq il-pensjonijiet u fuq is-sostenibbiltà ambjentali b'mod partikolari, peress li d-depopolazzjoni taż-żoni rurali u ż-żieda fl-urbanizzazzjoni jolqtu l-ekosistemi, il-konservazzjoni tan-natura u l-użu tar-riżorsi naturali, b'riperkussjonijiet partikolari fuq l-użu tal-art urbana, l-infrastruttura, is-swieq tad-djar u ż-żoni ħodor;

8.  Iqis li d-dimensjoni tal-ġeneru tat-tibdil demografiku għandha tiġi kkunsidrata b'mod trażversali, billi r-reġjuni li qed jesperjenzaw deklin demografiku qed isofru wkoll minn żbilanċi tal-ġeneri u tal-etajiet minħabba l-emigrazzjoni ('l barra???); jemmen li l-isfidi ppreżentati mit-tibdil demografiku jistgħu u jeħtieġ jiġu indirizzati fi ħdan qafas ta' politika li jiffavorixxu l-ugwaljanza bejn is-sessi, u huwa għalhekk li l-ugwaljanza bejn is-sessi trid tiġi kkunsidrata fid-dibattiti dwar il-kwistjonijiet kollha marbuta ma' kwistjonijiet demografiċi; iqis, għalhekk, li l-implimentazzjoni tal-integrazzjoni tal-ugwaljanza bejn is-sessi fi ħdan il-Fondi SIE kollha għandha tkompli tissaħħaħ fil-ġejjieni;

9.  Ifakkar li l-Istrateġija Ewropa 2020 tindirizza l-isfidi demografiċi f'ħafna mis-seba' inizjattivi ewlenin tagħha, li kienu ddiżinjati biex jingħelbu l-problemi u jiġu stabbiliti l-prijoritajiet vitali għall-UE fl-oqsma tal-impjieg, l-innovazzjoni, l-edukazzjoni, it-tnaqqis tal-faqar, u l-klima u l-enerġija; jinnota li parti fundamentali mill-implimentazzjoni tal-istrateġija u tal-inizjattivi ewlenin tagħha hija bbażata fuq appoġġ finanzjarju permezz tal-istrumenti tal-politika ta' koeżjoni, inklużi dispożizzjonijiet biex jindirizzaw it-tibdil u t-tixjiħ tal-popolazzjoni, u li dawn id-dimensjonijiet jeħtieġ li jiġu enfasizzati fl-istrumenti kollha tal-Unjoni Ewropea;

10.  Iqis li l-isfidi tal-popolazzjonijiet li qed jonqsu u jixjieħu se jkollhom bżonn objettiv, rivalutazzjonijiet dettaljati u komprensivi ta' ħafna politiki u programmi ekonomiċi, soċjali u politiċi stabbiliti, li se jeħtieġu li jinkorporaw perspettiva fit-tul;

Il-koordinazzjoni tal-politiki tal-UE

11.  Jitlob li jkun hemm koordinazzjoni akbar bejn l-istrumenti tal-UE, b'mod partikolari l-Politika Agrikola Komuni, il-Fondi SIE inkluż il-Fond ta' Koeżjoni, il-Kooperazzjoni Territorjali Ewropea, il-Fond Ewropew għal Investimenti Strateġiċi (FEIS) u l-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa, biex jiġi żgurat approċċ aktar komprensiv għat-tibdil demografiku; jissuġġerixxi li, minħabba li l-mekkaniżmi użati s'issa ma żammewx lura l-avvanż tal-iżbilanċi demografiċi, jeħtieġ isir rieżami tal-politiki eżistenti u tal-funzjonament tal-mekkaniżmi kollha ta' dan it-tip; jilqa', f'dan il-kuntest, l-isforzi li saru biex jiġu massimizzati s-sinerġiji bejn il-Fondi SIE u l-FEIS; jistieden lill-Kummissjoni għal darb' oħra biex tipproponi strateġija dwar it-tibdil demografiku li tipprijoritizza l-oqsma li ġejjin: xogħol deċenti u relazzjonijiet industrijali ta' kwalità tajba, filwaqt li tingħata attenzjoni speċjali għal forom ġodda ta' impjiegi u r-rwol soċjali tagħhom; l-aspett territorjali tal-politiki li jippromwovu l-attività ekonomika u l-impjieg; il-promozzjoni tal-infrastruttura bħala fattur li jinfluwenza l-lok ta' negozju, biex it-territorji li qed jiffaċċjaw sfidi demografiċi isiru aċċessibbli u kompetittivi; kopertura mifruxa tal-ICT, kompetittiva fir-rigward kemm tal-kwalità kif ukoll tal-prezz, f'territorji fejn id-densità tal-popolazzjoni hija aktar baxxa; il-provvediment ta' servizzi tas-sigurtà soċjali bażiċi f'territorji li qed jiffaċċjaw sfidi demografiċi; it-trasport pubbliku lokali biex jiġi żgurat l-aċċess għas-servizzi pubbliċi; politiki mfassla biex jiżguraw bilanċ aħjar bejn l-impenji tal-familja u dawk professjonali, tiġdid ġenerazzjonali sostenibbli u kura adegwata għall-persuni dipendenti; politiki dwar l-akkoljenza, l-integrazzjoni u r-ritorn ta' migranti u rifuġjati taħt protezzjoni internazzjonali; u l-użu estensiv ta' ambjenti ġodda u aktar attraenti biex titwassal l-informazzjoni dwar il-ħajja rurali; jenfasizza l-importanza ta' inizjattivi eżistenti bħas-Sħubija Ewropea għall-Innovazzjoni dwar it-Tixjiħ Attiv u b'Saħħtu, Għajxien Megħjun Kuntestwalment (AAL) u l-Komunitajiet ta' Għarfien u Innovazzjoni Diġitali u Saħħa tal-Istitut Ewropew tal-Innovazzjoni u t-Teknoloġija (EIT); jistieden lill-Kummissjoni tikkunsidra s-soluzzjonijiet żviluppati diġà minn dawn l-inizjattivi meta jiġu indirizzati l-isfidi demografiċi li jiffaċċjaw ir-reġjuni Ewropej; jenfasizza l-importanza tal-Qafas Ewropew tal-Kwalifiki għat-Tagħlim tul il-Ħajja bħala mezz ta' appoġġ għall-edukazzjoni u t-taħriġ f'żoni fejn jeżisti r-riskju ta' depopolazzjoni; iqis li l-aġenda għal regolamentazzjoni aħjar għandha teħtieġ li l-analiżi tal-impatt imwettqa qabel kwalunkwe inizjattiva leġiżlattiva tal-UE tinkludi l-effetti li dawn l-inizjattivi jista' jkollhom fuq id-demografija;

12.  Jenfasizza l-importanza li l-UE tinkorpora kunsiderazzjonijiet demografiċi fl-ispettru politiku kollu, fosthom fl-intestaturi baġitarji tagħha, sabiex ikun possibbli l-iżvilupp ta' dawn il-politiki, b'mod partikolari fir-rigward tal-koeżjoni, l-impjieg, l-agrikoltura, l-ambjent, is-soċjetà tal-informazzjoni, ir-RŻI (riċerka, żvilupp u innovazzjoni), l-edukazzjoni, il-politika soċjali, u t-trasport; jikkunsidra li s-sejbiet fir-rapporti dwar l-impatt demografiku jridu jiġu inkorporati fit-tfassil tal-politiki tagħha u l-kriterji demografiċi meqjusa fil-valutazzjonijiet tal-eżiti u tal-effetti mhux mixtieqa ta' dawk il-politiki bl-għan li jiġi ffavorit approċċ lejn it-tibdil demografiku li jinkludi l-involviment tal-awtoritajiet reġjonali u lokali; huwa tal-opinjoni li għandha tingħata attenzjoni speċjali lil żoni rurali li qed iħabbtu wiċċhom ma' dawn il-problemi demografiċi b'mod partikolarment qawwi; jenfasizza, f'dan il-kuntest, il-potenzjal tal-inizjattiva għal Irħula Intelliġenti, li permezz ta' teknoloġiji moderni bħall-5G u l-innovazzjoni, komunitajiet rurali jistgħu jingħataw ħajja ġdida; jenfasizza, barra minn hekk, l-importanza ta' kooperazzjoni msaħħa bejn żoni rurali u dawk urbani; jenfasizza l-importanza li jiġi pprovdut aċċess universali għal servizzi pubbliċi u infrastrutturi ta' kwalità għolja u bi prezz aċċessibbli, inklużi s-servizzi pubbliċi u infrastrutturi diġitali, b'mod partikolari għat-tfal, iż-żgħażagħ u l-anzjani, sabiex titrawwem l-inklużjoni soċjali, tiġi żgurata l-ugwaljanza bejn is-sessi u jittaffew il-konsegwenzi tat-tibdil demografiku; jenfasizza l-importanza li jiġu pprovduti opportunitajiet ġodda ta' impjieg bi ħlas, b'mod partikolari f'żoni fejn jeżisti r-riskju ta' depopolazzjoni, sabiex jiġu ppreservati l-komunitajiet u jinħolqu l-kundizzjonijiet li jiffaċilitaw bilanċ sodisfaċenti bejn ix-xogħol u l-ħajja privata; iqis li huwa importanti li ssir enfasi fuq viżjoni ġeografika globali taż-żoni urbani u rurali bħala spazji funzjonali komplementari; jenfasizza li hi meħtieġa integrazzjoni akbar bejn id-diversi fondi, sabiex ikun hemm ġenwinament parteċipattiv u sostenibbli; jindika li l-politika demografika tal-UE għandha timmira li tkun aktar kompluta u aktar koordinata mal-Istati Membri u orizzontalment; ifakkar li l-Unjoni Ewropea mhux biss tikkontribwixxi fondi għall-iżvilupp reġjonali iżda wkoll tifforma, fil-parti l-kbira, il-kapaċità tal-awtoritajiet lokali u reġjonali li jużaw il-fondi tagħhom stess biex jiġġieldu l-inugwaljanzi territorjali soċjali; jenfasizza li anki jekk, bħala riżultat tal-immodernizzar tal-għajnuna mill-Istat, dawk l-eċċezzjonijiet li għalihom notifika mhix meħtieġa ġew simplifikati u se jiżdiedu fin-numru, il-qafas attwali għadu kumpless u peżanti ħafna għal awtoritajiet reġjonali u lokali iżgħar; iqis li minkejja li r-regolamenti dwar l-akkwist pubbliku ġew simplifikati fl-2014, xorta għad hemm wisq ostakli għall-awtoritajiet lokali u reġjonali żgħar biex dawn ikunu jistgħu itejbu l-ekonomija ta' dawn iż-żoni sensittivi;

13.  Iqis li l-UE għandha tappoġġja l-politiki tal-immigrazzjoni u l-inklużjoni fl-Istati Membri, billi jiġu rrispettati d-drittijiet u l-kompetenzi ta' dawk l-Istati Membri, kif ukoll il-prinċipju tas-sussidjarjetà, sabiex jitnaqqsu kemm jista' jkun ix-xejriet demografiċi negattivi; jenfasizza r-rwol sinifikanti tal-politiki favur il-ħolqien u l-appoġġ tal-familji; jemmen li l-entitajiet lokali u reġjonali għandhom ikunu awtorizzati jimplimentaw b'suċċess politiki ta' integrazzjoni fil-post; huwa tal-fehma li l-awtoritajiet lokali u reġjonali għandhom jipparteċipaw b'mod attiv fil-miżuri meħuda biex jiġu indirizzati l-isfidi demografiċi; jitlob li l-istħarriġ annwali dwar it-tkabbir u r-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż iqisu d-disparitajiet u l-iżbilanċi reġjonali bejn ir-reġjuni fi ħdan l-Istati Membri; iqis li f'reġjuni konfinali, tali kooperazzjoni trid tirrifletti kemm id-domandi kif ukoll l-ambitu għall-inizjattivi transkonfinali; jissuġġerixxi l-iżvilupp ta' programmi ta' taħriġ f'dan il-qasam, biex il-kwistjonijiet involuti jinftiehmu aħjar u tinħoloq kuxjenza akbar dwarhom; iqis li l-indirizzar ta' problemi demografiċi jrid ikun parti integrali fl-Ewropa kollha u li s-soluzzjoni ta' problema f'parti mill-kontinent m'għandhiex ikollha effetti negattivi fuq bnadi oħra tal-Ewropa; jappella għall-ħolqien, f'livell pan-Ewropew, ta' netwerks għall-iskambju ta' prattiki tajba u esperjenzi li permezz tagħhom l-awtoritajiet lokali u reġjonali, kif ukoll l-atturi tas-soċjetà ċivili, jistgħu jedukaw lil xulxin dwar l-indirizzar ta' kwistjonijiet maħluqa mit-tibdil demografiku;

Tissaħħaħ l-effikaċja tal-fondi Ewropej

14.  Jenfasizza li l-Fondi SIE jridu jindirizzaw it-tibdil demografiku b'mod aktar effettiv fil-perjodu ta' programmazzjoni li jmiss, permezz ta': fokus akbar u iktar immirat fuq it-tibdil demografiku bħala qasam ta' prijorità fir-regolamenti finali u fil-linji gwida biex jiġu appoġġati l-Istati Membri, ir-reġjuni u l-gvernijiet lokali, u l-esplorazzjoni tal-potenzjal tal-Fondi SIE bl-għan li jiġi indirizzat it-tibdil demografiku u li jitfasslu u jiġu implimentati ftehimiet ta' assoċjazzjoni u programmi operazzjonali; approċċ proattiv iktar fit-tfassil tal-politika demografika u l-iskambju ta' prattiki u esperjenzi tajba għat-tagħlim istituzzjonali; appoġġ tekniku għall-awtoritajiet ta' ġestjoni u l-partijiet interessati lokali fl-implimentazzjoni ta' politiki effettivi li jindirizzaw it-tibdil demografiku fil-livell nazzjonali kif ukoll reġjonali; u l-parteċipazzjoni attiva obbligatorja tal-awtoritajiet lokali fit-tfassil, fil-ġestjoni u fl-evalwazzjoni interna tal-programmi li jimplimentaw il-fondi u l-identifikazzjoni meħtieġa ta' reġjuni li qed iħabbtu wiċċhom ma' sfidi demografiċi fil-livell ta' NUTS 3 u tal-unitajiet amministrattivi lokali (LAUs); iħeġġeġ l-għoti ta' appoġġ tekniku u taħriġ lill-partijiet interessati lokali u lill-awtoritajiet ta' ġestjoni biex jiġu implimentati politiki effettivi li jindirizzaw it-tibdil demografiku fil-livell nazzjonali, reġjonali u lokali; huwa tal-fehma li f'xi Stati Membri, is-sussidji fil-livell NUTS 2 sikwit jaħbu inugwaljanzi soċjoterritorjali, intrareġjonali u saħansitra suprareġjonali; jitlob li l-mapep tal-UE jużaw skala suffiċjenti biex tirrifletti l-problemi relatati mat-territorju, sabiex ikunu jistgħu jgħinu biex l-appoġġ ikun iffukat fuq iż-żoni l-aktar żvantaġġati;

15.  Jitlob li l-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali (FEŻR) jagħti kontribut ikbar u jipprovdi aktar appoġġ biex jiġu megħjuna żoni b'indiċijiet għoljin ta' tixjiħ, ruralità u depopolazzjoni biex titejjeb l-infrastruttura tat-trasport u tat-telekomunikazzjonijiet tagħhom, jiċċekken id-distakk diġitali (inkluż bejn il-ġenerazzjonijiet) u jgawdu servizzi pubbliċi aqwa; jenfasizza, f'dan il-kuntest, l-importanza tal-qasam tas-saħħa elettronika; jistieden lill-Istati Membri u r-reġjuni biex jimmiraw aħjar l-investimenti disponibbli għall-indirizzar tal-bidliet demografiċi u l-impatt tagħhom;

16.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tuża l-miżuri tal-politika ta' koeżjoni biex trażżan il-proċess ta' migrazzjoni minn reġjuni b'popolazzjoni skarsa, fejn infrastruttura adegwata u livell adegwat ta' servizzi huma prekondizzjonijiet essenzjali, b'mod partikolari biex jinżammu familji bi tfal;

17.  Jenfasizza li l-Fond Soċjali Ewropew (FSE) għandu jżid il-ħidma tiegħu fit-taħriġ u l-edukazzjoni taż-żgħażagħ, u għandu jippromwovi l-impjegabilità, jgħin lin-nies jilħqu bilanċ aħjar bejn ix-xogħol u l-ħajja privata u jiġġieled l-esklużjoni soċjali u diġitali ta' persuni anzjani; jenfasizza, barra minn hekk, li dan il-fond għandu jtejjeb il-prospetti tal-impjieg permezz ta' programmi ta' tħejjija għall-abitanti ta' reġjuni li qed jesperjenzaw deklin, u billi jagħti spinta lill-inklużjoni soċjali u diġitali tan-nisa, iż-żgħażagħ u l-anzjani f'dawn l-inħawi; jirrimarka, f'dan ir-rigward, li se tingħata attenzjoni, meta l-FSE jintuża biex jiġu appoġġati r-reġjuni ultraperiferiċi, sabiex jiġi żgurat bilanċ aħjar bejn il-ħajja tax-xogħol u l-ħajja tal-familja; jistieden lill-Kummissjoni tikkunsidra li tistabbilixxi pakkett speċifiku, fl-ambitu tal-fondi eżistenti, dedikat biex jindirizza l-inħawi li qed jesperjenzaw żvantaġġi demografiċi gravi u permanenti; jitlob biex il-fond jiġi żborżat skont arranġamenti li jagħtu prijorità lil linji ta' azzjoni fuq perjodu ta' żmien qasir, medju u twil; jenfasizza l-importanza li l-Fond ta' Koeżjoni jiġi inkluż fi strateġiji ġejjiena biex jiġi indirizzat it-tibdil demografiku, filwaqt li jfakkar li l-fond ġie stabbilit bil-ħsieb li jsaħħaħ il-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali tal-UE; iqis li huwa importanti ħafna li jkun hemm aktar appoġġ provdut permezz tal-FSE għal organizzazzjonijiet żgħar li jiżviluppaw u jmexxu proġetti soċjali innovattivi, kif ukoll proġetti pilota transnazzjonali pan-UE li jindirizaw kwistjonijiet soċjali u tal-impjieg, sabiex tiġi ffaċilitata l-kooperazzjoni reġjonali, transfruntiera, transnazzjonali u makroreġjonali innovattiva u b'hekk jiġu mwieġba l-isfidi maħluqa minħabba t-tibdil demografiku;

18.  Jiddispjaċih dwar il-fatt li, kif enfasizzat mir-Rapport Speċjali Nru 5/2017 tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri, il-Garanzija għaż-Żgħażagħ tal-UE, li għandha l-għan li tgħin liż-żgħażagħ bla impjieg, taħriġ jew edukazzjoni, għamlet progress limitat, u r-riżultati tagħha ma laħqux l-aspettattivi inizjali;

19.  Huwa tal-fehma li, bl-għan li jiġu evitati distakki territorjali, il-FEIS għandhom igawdu minnu r-reġjuni li għandhom l-aktar dinamiki demografiċi sfavorevoli permezz ta' investiment akbar f'oqsma ta' prijorità tal-UE bħall-enerġija, it-trasport, l-edukazzjoni, in-negozju, l-innovazzjoni, ir-riċerka, il-SMEs, l-edukazzjoni u l-infrastruttura soċjali; huwa tal-fehma li l-kunsiderazzjoni ta' status speċjali għal reġjuni demografikament żvantaġġati għandha tiġi diskussa fl-iżvilupp tal-politika ta' koeżjoni wara l-2020;

Il-ġejjieni tal-politika ta' koeżjoni biex jiġi indirizzat it-tibdil demografiku

20.  Jemmen li l-politika ta' koeżjoni tipprovdi l-għodod it-tajba għall-indirizzar tat-tibdil demografiku, speċjalment b'rabta ma' politiki oħra nazzjonali, reġjonali u tal-UE, fir-rigward kemm tat-tixjiħ kif ukoll tat-telf tal-popolazzjoni, u għaldaqstant għandu jkollha rwol aktar prominenti biex tappoġġa r-reġjuni u tipprovdi flessibbiltà fl-adattament għat-tibdil demografiku; jemmen li dan għandu jkun rifless ukoll fir-regolamenti speċifiċi għall-fondi fl-indirizzar tat-tibdil demografiku, bħala parti mill-mandat espliċiti tiegħu skont l-Artikolu 174 tat-TFUE; jappella għal definizzjoni preċiża tal-kunċett ta' żvantaġġi demografiċi gravi u permanenti msemmi fl-Artikolu 174 tat-TFUE u l-Artikolu 121 tar-Regolament (UE) Nru 1303/2013, billi dan jippermetti li l-isfidi demografiċi jiġu kwantifikati statistikament; jenfasizza l-importanza tar-rabtiet bejn iż-żoni urbani u dawk rurali, u jistieden lill-Kummissjoni tirrifletti dwar l-opportunità biex tikkomplementa strateġiji ta' żvilupp urban sostenibbli u integrat ma' sħubijiet għal żvilupp sostenibbli urban-rurali; iqis li l-Kummissjoni għandha tieħu miżuri proattivi biex tipprevjeni l-effetti negattivi tat-tibdil demografiku u tipprovdi assistenza teknika lir-reġjuni l-aktar milquta mid-depopolazzjoni;

21.  Jenfasizza li l-politika ta' koeżjoni għandha tippromwovi l-impjegabilità u l-inklużjoni tan-nisa, speċjalment l-ommijiet li jsibiha diffiċli biex isibu impjieg; jitlob, għalhekk, li n-nisa jingħataw aċċess għal programmi ta' tagħlim u ta' taħriġ; jirrimarka, madankollu, li l-kwalifiki miksuba għandhom iwieġbu għall-ħtiġijiet tas-suq tax-xogħol; jenfasizza l-importanza li l-ommijiet żgħażagħ jiġu megħjuna jidħlu lura fid-dinja tax-xogħol billi jiġu pprovduti servizzi ta' ndukrar tat-tfal affidabbli u għall-jum kollu għat-tfal ta' kull età, inklużi faċilitajiet għal tagħlim qabel l-iskola, sabiex titwaqqaf id-depopolazzjoni;

22.  Jemmen li sabiex jiġu indirizzati l-isfidi demografiċi, ir-reġjuni għandhom jużaw il-Fondi SIE b'mod aktar proattiv sabiex jiġi indirizzat il-qgħad fost iż-żgħażagħ u sabiex iż-żgħażagħ jingħataw l-opportunità li jibdew karriera sew; jinnota li dan jista' jinkiseb billi jkunu appoġġati l-programmi ta' taħriġ u intraprenditorija għaż-żgħażagħ;

23.  Jitlob li jiġi stabbilit qafas legali fi ħdan ir-Regolament dwar Dispożizzjonijiet Komuni futur, sabiex jiġu rikonoxxuti reġjuni li jħabbtu wiċċhom ma' sfidi demografiċi gravi u permanenti; jenfasizza l-bżonn ta' approċċ aktar proattiv u dedikat għat-tfassil tal-politika demografika, għax id-diverġenza reġjonali fit-tendenzi demografiċi probabbilment se tipproduċi impatt soċjoekonomiku inugwali sostanzjali fuq it-territorji Ewropej, li jaf ikompli jżid id-disparitajiet reġjonali fl-UE; jitlob għat-tisħiħ u r-razzjonalizzazzjoni amministrattiva tal-istrumenti ġodda għat-titjib tal-approċċ minn isfel għal fuq u l-governanza f'diversi livelli — bħalma huma l-iżvilupp lokali mmexxi mill-komunità (CLLD) u l-investiment territorjali integrat (ITI) — sabiex tiżdied il-parteċipazzjoni lokali u reġjonali bħala parti minn approċċ integrat u olistiku għall-iżvilupp reġjonali; jitlob li jinħolqu servizzi bbażati fuq portal, li se jgħinu lin-negozji rurali eżistenti biex jikkomunikaw aħjar mal-kontropartijiet tagħhom ibbażati f'żoni urbani; jenfasizza l-importanza li jitqiesu aktar, fl-ambitu tal-politika ta' koeżjoni tal-futur, il-karatteristiċi territorjali speċifiċi li jimmanifestaw ruħhom fil-livelli subreġjonali; jenfasizza li nuqqas ta' kapaċità u ta' governanza robusta fi ħdan ħafna awtoritajiet lokali u reġjonali hu ostaklu maġġuri għas-suċċess tal-programmi tal-FEIS u jitlob, f'dan ir-rigward, li jitfasslu strumenti għall-bini tal-kapaċitajiet;

24.  Jistieden lill-Kummissjoni tikkunsidra li tiddefinixxi kriterji ġodda li bihom tiddistingwi bejn territorji li jiffaċċaw sfidi demografiċi permezz ta' varjabbli demografiċi, ekonomiċi, tal-impatt ambjentali u tal-aċċessibbiltà, u biex twettaq studji dwar l-indikaturi soċjoekonomiċi u ambjentali potenzjali biex jikkomplementaw l-indikatur tal-PDG bi kriterji li jinkludu l-kapital soċjali, l-istennija tal-ħajja u l-kwalità tal-ambjent; iqis li l-PDG u d-densità tal-popolazzjoni mhumiex indikaturi suffiċjenti fihom infushom sabiex jiġu kklassifikati territorji bi żvantaġġi demografiċi gravi u permanenti; jitlob lill-Kummissjoni biex tinkorpora fil-politika ta' koeżjoni, minbarra l-indikatur tal-PDG, indikaturi ġodda u dinamiċi, bħal pereżempju indikatur demografiku u, b'mod partikolari l-Indiċi tal-Progress Soċjali Reġjonali tal-UE, sabiex tingħata stampa aktar sħiħa tal-isfidi speċifiċi li jħabbtu wiċċhom magħhom dawn ir-reġjuni, jew biex tiġi kkunsidrata allokazzjoni addizzjonali għal dawn ir-reġjuni, simili għal dik għal żoni li għandhom rata' ta' popolazzjoni baxxa fil-perjodu ta' programmazzjoni attwali (Regolament dwar Dispożizzjonijiet Komuni, Anness VII, punt 9); jenfasizza l-ħtieġa ta' għodda speċifiċi għall-monitoraġġ u l-evalwazzjoni tal-impatt potenzjali u reali tal-Fondi SIE fl-indirizzar tat-tibdil demografiku billi jiġu abbozzati linji gwida għall-iżvilupp sussegwenti tal-indikaturi demografiċi rilevanti; jisħaq fuq l-importanza li jkun hemm statistiki diżaggregati, affidabbli u aġġornati għall-finijiet ta' amministrazzjoni politika aktar effiċjenti u oġġettiva, b'mod partikolari għal komprensjoni aktar dettaljata tal-karatteristiċi intrinsiċi tad-diversi żoni b'popolazzjoni skarsa fl-UE; jitlob, għalhekk, li l-Uffiċċju tal-Istatistika tal-Unjoni Ewropea (Eurostat) jipprovdi aktar dettall fi statistiki ta' rilevanza għat-tfassil ta' politika demografika Ewropea xierqa, speċjalment indikaturi demografiċi, soċjali, ekonomiċi u relatati mal-familja, u għalhekk iħeġġeġ li dawn jiġu maqsuma tal-inqas fil-livell subreġjonali, jiġifieri NUTS III;

25.  Iqis li l-politika ta' koeżjoni tal-ġejjieni għandha tinkludi miżuri speċifiċi għaż-żoni l-aktar milquta mill-isfidi demografiċi, u tippermetti aktar flessibbiltà fl-iffissar tal-objettivi tematiċi jew tar-rati ta' kofinanzjament, bil-ħsieb li jiġu kkoordinati strateġiji interreġjonali u intrareġjonali fi ħdan l-istess Stat Membru, b'parteċipazzjoni lokali; jistieden lill-Kummissjoni tikkunsidra strateġija nazzjonali għall-iżvilupp demografiku bħala kondizzjonalità ex-ante ġdida;

26.  Jistieden lill-Kummissjoni tinkorpora inizjattiva ewlenija dwar id-demografija fl-Istrateġija Ewropa 2020, iffinanzjata minn fondi SIE eżistenti u li tinkludi sensiela ta' miżuri fi tliet kategoriji: tkabbir intelliġenti, permezz ta' azzjoni biex tgħin lir-reġjuni milquta minn sfidi denografiċi fl-oqsma tal-ICT, ir-RŻI, u l-SMEs; tkabbir inklużiv, permezz ta' azzjoni speċifika li tinkoraġġixxi ż-żgħażagħ jibqgħu fir-reġjun tagħhom, tiżgura t-tiġdid ġenerazzjonali sostenibbli, l-impjieg indipendenti u miżuri ta' inklużjoni soċjali għall-migranti u rifuġjati taħt protezzjoni internazzjonali; u t-tkabbir sostenibbli, permezz ta' miżuri biex jgħinu lil dawn ir-reġjuni jinvestu fl-ekonomija ekoloġika, inklużi sistemi tat-trasport sostenibbli; jilqa' l-Azzjoni tal-UE għal Irħula Intelliġenti, li titlob li jkun hemm politiki li jagħtu attenzjoni partikolari biex tingħeleb il-qasma diġitali bejn iż-żoni rurali u dawk urbani u biex jiġi sfruttat il-potenzjal offrut mill-konnettività u d-diġitalizzazzjoni ta' żoni rurali, u li tappoġġja l-Inizjattiva Gżejjer Intelliġenti bħala sforz minn isfel għal fuq min-naħa tal-awtoritajiet u tal-komunitajiet ta' gżejjer Ewropej li qed ifittxu li jtejbu l-ħajja fuq il-gżejjer permezz ta' soluzzjonijiet sostenibbli u integrati;

27.  Jikkunsidra li l-qafas finanzjarju pluriennali ta' wara l-2020 għandu jagħti spinta deċiżiva u qawwija lill-isforzi biex jiġu indirizzati l-isfidi demografiċi, filwaqt li jitqiesu s-sitwazzjoni u t-tendenzi demografiċi attwali, u jridu jinkorporaw il-promozzjoni ta' soluzzjonijiet li jużaw miżuri mmirati bħal pereżempju linja baġitarja fil-finanzjament, fejn ikun xieraq; jappella għat-tisħiħ ta' servizzi u infrastruttura li jsaħħu l-inklużjoni soċjali u diġitali taħt it-tieni pilastru tal-PAK, maħsuba biex irawmu l-iżvilupp rurali u ffinanzjati mill-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (FAEŻR), u għat-treġġigħ lura ta' xejriet lejn telqa ekonomika u soċjali u depopolazzjoni f'żoni bi żvantaġġi demografiċi gravi u permanenti; jistieden lill-awtoritajiet nazzjonali, reġjonali u lokali jiskambjaw esperjenzi, l-aħjar prattiki u approċċi ġodda għall-prevenzjoni tal-konsegwenzi negattivi tat-tibdil demografiku; jemmen li n-netwerks Trans-Ewropej tat-trasport (TEN-T) u l-awtostradi tal-baħar (MoS) għandhom iservu żoni bi żvantaġġi demografiċi gravi u permanenti;

28.  Jenfasizza l-valur miżjud tal-unika metodoloġija ta' żvilupp lokali mmexxi mill-komunità (CLLD) għall-Fondi SIE kollha għall-iżvilupp u l-implimentazzjoni ta' soluzzjonijiet minn isfel għal fuq (bootm-up) integrati u magħmula apposta; jiddispjaċih, madankollu, li l-iżvilupp lokali mmexxi mill-komunità huwa obbligatorju biss għall-FAEŻR u li l-approċċi lokali u parteċipattivi qed jonqsu fl-FEŻR, l-FSE u l-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd (FEMS); jistieden lill-Kummissjoni, għalhekk, biex tagħmel l-użu tal-iżvilupp lokali mmexxi mill-komunità obbligatorju fil-Fondi SIE kollha;

°

°  °

29.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.

(1)

ĠU L 347, 20.12.2013, p. 320.

(2)

Ibid, p. 289.

(3)

Ibid, p. 470.

(4)

Ibid, p. 259.

(5)

Ibid, p. 303.

(6)

Testi adottati, P8_TA(2016)0049.

(7)

ĠU L 347, 20.12.2013, p. 281.

(8)

Testi adottati, P8_TA(2017)0099.

(9)

Testi adottati, P8_TA(2016)0213.

(10)

Testi adottati, P8_TA(2015)0309.

(11)

Testi adottati, P8_TA(2016)0211.

(12)

ĠU C 153 E, 31.5.2013, p. 9.

(13)

ĠU C 74 E, 13.3.2012, p. 19.

(14)

ĠU C 50 E, 21.2.2012, p. 55.

(15)

ĠU C 184E, 6.8.2009, p. 75.

(16)

ĠU C 292E, 1.12.2006, p. 131.

(17)

ĠU C 17, 18.1.2017, p. 40.

(18)

Dokument ta' Ħidma ESPON. Il-Lussemburgu, ESPON EGTC, Marzu 2017.

(19)

Eurostat, "L-UE fid-Dinja", edizzjoni tal-2016.

(20)

Eurostat, "L-Annwarju Reġjonali tal-Eurostat", edizzjoni tal-2016.


NOTA SPJEGATTIVA

It-tibdil demografiku huwa waħda mill-akbar sfidi li r-reġjuni Ewropej iridu jiffaċċjaw issa u fil-futur qarib. Iċ-ċifri ppubblikati mill-Eurostat juru projezzjoni ta' Ewropa li qiegħda tixjieħ, kif is-sehem tal-popolazzjoni fl-età tax-xogħol hu mistenni jonqos fid-daqs minn 65.5 % tal-popolazzjoni totali fl-2015 għal 56.2 % fl-2080, filwaqt li l-proporzjon ta' persuni li għandhom aktar minn 65 sena se jiżdied minn 18.9 % fl-2015 għal 28.7 % fl-2080(1). Fi kliem ieħor, il-proporzjon attwali tal-età tax-xogħol meta mqabbel mal-popolazzjoni anzjana se jonqos minn madwar 4 għal kull 1 bħalissa għal 2 għal kull 1 fl-2080. B'mod parallel, il-popolazzjoni Ewropea globali hija mistennija tikber aktar bil-mod milli kien qed iseħħ qabel, sal-2050, u mbagħad tonqos gradwalment biex tilħaq livell baxx sal-2075. Matul il-perjodu 2008-2030, reġjun wieħed minn kull tlieta — prinċipalment fl-Ewropa Ċentrali, fil-Ġermanja tal-Lvant, fin-Nofsinhar tal-Italja u fit-Tramuntana ta' Spanja — hu maħsub li jesperjenza tnaqqis fil-popolazzjoni(2). Ir-rapporteur tixtieq tenfasizza hawnhekk xi wħud mill-kwistjonijiet l-aktar sinifikanti li dawn il-fenomeni demografiċi jqajmu għat-territorji tal-UE fil-livell reġjonali u lokali. Għandu jiġi enfasizzat li l-isfidi demografiċi tal-Unjoni Ewropea la huma ġodda u lanqas mhux magħrufa. Dak li llum huwa uniku hija l-intensità ta' dawn il-proċessi u l-problemi li qed jinħolqu f'dawk ir-reġjuni fejn iseħħu dawn kollha jew bosta minnhom, u bhekk isaħħu lil xulxin.

1.  L-identifikazzjoni ta' territorji suġġetti għal tibdil demografiku fl-Unjoni Ewropea u l-isfidi li jiffaċċjaw

Waħda mill-ewwel sfidi demografiċi għad-definizzjoni ta' politika demografika fil-livell Ewropew hija li jeħtieġ li tieħu inkunsiderazzjoni t-territorji tal-Istati Membri li jiffaċċjaw żvantaġġi u żbilanċi demografiċi serji kif ukoll il-karatteristiċi tagħhom u karatteristiċi speċjali. Dan jirrekjedi identifikazzjoni rigoruża ta' fenomeni demografiċi u tal-ekwilibriji għal popolazzjoni partikolari u territorju.

Erba' kwistjonijiet bażiċi jistgħu jiġu identifikati fl-evoluzzjoni demografika tar-reġjuni tal-UE li jirrappreżentaw l-isfidi ewlenin tal-Unjoni Ewropea f'dan il-qasam, speċjalment meta dawn iseħħu b'mod kumulattiv, kif inhu l-każ f'ħafna territorji, filwaqt li jiġu eżaċerbati l-aktar effetti negattivi tagħhom.

L-ewwel sfida hija d-densità baxxa. Huwa magħruf li din tkopri żewġ realtajiet li jistgħu jseħħu f'daqqa, f'ċerti territorji: minn naħa, hemm ir-realtà storika tar-reġjuni b'mudell ta' bilanċ bejn popolazzjoni u territorju kkaratterizzat minn densità baxxa, minħabba l-karatteristiċi speċifiċi tagħhom (fiżiċi, demografiċi, politiċi, eċċ.); min-naħa l-oħra, dan jista' jieħu l-forma ta' proċess riċenti iżda kontinwu ta' tnaqqis fid-densità, li qed ibiddel il-kundizzjonijiet storiċi ta' insedjament ta' nies. Wieħed mill-fenomeni assoċjati ma' dawn il-proċessi hija l-polarizzazzjoni territorjali: il-popolazzjoni takkumula f'ċerti ċentri filwaqt li tiżvojta parti kbira taż-żoni dipendenti. Għalhekk, huwa importanti li jiġu analizzati fenomeni ta' densità baxxa fuq l-iskala xierqa. F'dan ir-rigward, il-livell NUTs 3 huwa iktar xieraq mil-livell NUTs 2 u, f'ħafna każijiet, l-isfidi ta' densità demografika huma aktar evidenti meta l-iskala tal-LAUs tittieħed inkunsiderazzjoni.

It-tieni sfida hija t-tixjiħ tal-popolazzjoni. Bħal fil-każ ta' qabel, dan huwa fenomenu demografiku magħruf u mifrux fl-Unjoni Ewropea, li minnu nistgħu wkoll niddistingwu żewġ xenarji differenti, min-natura u l-intensità tagħhom: f'xi każijiet, dan huwa r-riżultat ta' proċess gradwali ta' tranżizzjoni demografika; f'każijiet oħrajn, huwa dovut aktar għad-destrutturazzjoni tal-piramida tal-popolazzjoni, b'mod li ż-żieda fil-medja ta' għomor tal-bniedem hija akkumpanjata minn emigrazzjoni taż-żgħażagħ u tal-popolazzjoni adulta u tnaqqis fir-rata tat-twelid u l-popolazzjoni tat-tfal.

It-tielet kwistjoni, jew sfida, hija t-tnaqqis fir-rati ta' twelid, li tinvolvi tnaqqis drastiku fil-popolazzjoni tat-trabi u żgħażagħ, u għaldaqstant, timmodifika l-aspettattivi f'termini ta' sostituzzjoni u bilanċ fuq perjodu medju ta' żmien tar-rata ta' dipendenza. Dan mhuwiex fenomenu ġdid, iżda f'xi reġjuni l-proċess ma jidhirx li qed jistabbilizza.

Fl-aħħar nett, ir-raba' sfida hija t-telf kontinwu tal-popolazzjoni. Dan huwa fenomenu li sa ċertu punt huwa dovut għall-fenomeni preċedenti u li jintensifika, fejn dan iseħħ, l-isfidi demografiċi l-oħra. F'bosta reġjuni tal-Unjoni, u saħansitra f'għadd akbar ta' entitajiet lokali, proċess serju u kontinwu ta' depopulazzjoni qed iseħħ, kemm minħabba l-movimenti migratorji kif ukoll id-dinamika naturali. B'hekk, hemm reġjuni li akkumulaw bilanċi negattivi għal bosta snin, u dan jirriżulta f'telf ta' sehem importanti ħafna tal-popolazzjoni. Id-depopolazzjoni u rata baxxa ta' popolazzjoni ma għandhomx jiġu konfużi peress li tal-ewwel qed iseħħ kemm f'żoni b'popolazzjoni skarsa kif ukoll f'żoni b'densità għolja ta' popolazzjoni. Bl-istess mod, xi reġjuni b'densità baxxa ma jinsabux għaddejjin minn proċess ta' depopolazzjoni, iżda jibqgħu fil-bilanċi storiċi tagħhom.

In-NUTs, bħala skala ta' analiżi demografika, tippermetti li tiġi kopruta parti kbira mill-problemi demografiċi li qed jiffaċċjaw it-territorji tal-Unjoni Ewropea. Dawn il-kwistjonijiet isiru iktar evidenti meta l-LAUs jittieħdu bħala referenza. Il-mezzi tekniċi disponibbli jippermettu kwalunkwe skala ta' analiżi, madankollu għandu jitfakkar li l-politiki huma aktar dipendenti fuq l-istrutturi politiċi.

2.  L-implikazzjonijiet ta' dawn l-isfidi demografiċi fuq oqsma ta' politika

Ir-rapporteur hija konxja mill-fatt li, minħabba l-impatt soċjali, ekonomiku u ambjentali sinifikanti tiegħu fuq l-iżvilupp lokali, it-tibdil demografiku joħloq sfidi ġodda f'bosta oqsma tal-politika għar-reġjuni Ewropej ikkonċernati, filwaqt li joħloq ukoll opportunitajiet ta' żvilupp ġodda fl-istess ħin. Dawn l-isfidi saru dejjem iktar punt fokali ta' dibattiti dwar il-futur tal-UE. Ir-reġjuni jridu jadattaw il-provvista tas-servizzi, l-infrastrutturi u t-tfassil tal-politika għal dawk ix-xejriet u tendenzi demografiċi. Huwa meħtieġ intervent ta' politika effettiva, b'mod partikolari fl-oqsma li ġejjin:

a.  Impjieg

F'ċertu skala, hemm korrelazzjoni qawwija bejn il-popolazzjoni u l-impjiegi, pereżempju fil-livell ta' reġjun jew ta' provinċja. Il-movimenti tal-popolazzjoni huma biss l-aġġustament permanenti tal-istruttura demografika għall-istruttura produttiva. Fuq livell lokali jew reġjonali, ma jistax jingħad l-istess, għax jista' jkun hemm inċentivi għall-popolazzjoni biex ikollha r-residenza tagħha f'ċerta distanza mill-post tax-xogħol jew, għall-kuntrarju, jista' jkun hemm ostakli biex din tiġi stabbilita fl-istess lokalità jew fl-inħawi ta' madwarha. F'termini ġenerali, huwa bilanċ bejn l-aċċessibilità tad-djar, servizzi, divertiment u elementi oħrajn intanġibbli, bħalma huma l-ispejjeż ta' vjaġġar lejn il-post fejn jinstabu tali opportunitajiet fi kwantità u kwalità suffiċjenti. Il-prekarjetà tal-impjieg fost iż-żgħażagħ, kif ukoll is-sigħat twal li jqiegħdu f'xogħolhom ma jrawmux l-irkupru tar-rati tat-twelid. Forom ġodda ta' impjieg — aktar prekarji, inqas stabbli — jippromwovu mobilità ġeografika akbar tal-popolazzjoni. Peress li l-futur tal-impjieg jista' jiġi affettwat mill-inkorporazzjoni tat-teknoloġija u l-intelliġenza artifiċjali fi proċessi ta' produzzjoni, flessibilità akbar tar-rabta territorjali bejn l-impjieg u l-popolazzjoni tista' sseħħ.

b.  Ippjanar urban u rurali

Xi reġjuni qed jesperjenzaw fenomenu ta' polarizzazzjoni, b'depopolazzjoni ta' żoni rurali/imbiegħda filwaqt li l-popolazzjoni qed tikkonċentra fuq iċ-ċentri urbani u metropolitani. Dawn ix-xejriet qed jaċċelleraw minħabba l-kriżi ekonomika. Dawk iż-żoni jeħtieġ li jiġu adattati fid-dawl tal-fatt li l-bidliet demografiċi jaffettwaw lid-domanda ġdida għall-iżvilupp lokali, b'konsegwenzi fuq l-akkomodazzjoni, it-trasport, il-mobilità u l-edukazzjoni. B'mod parallel, wieħed jista' jidentifika effett ta' "agglomerazzjoni": jekk l-ekonomija ma tkunx ġestita, il-ħtiġijiet ta' produttività u t-tendenza li wieħed jimmassimizza l-profitti għandhom it-tendenza li jwasslu għal konċentrazzjoni ta' attivitajiet ekonomiċi f'għadd żgħir ta' postijiet, u l-ħolqien ta' agglomerazzjonijiet li f'ċertu livell jistgħu jwasslu għal diżekonomiji. Dawk id-diżekonomiji għandhom impatt akbar fuq il-baġits pubbliċi u l-familji milli fuq kumpaniji, u għalhekk huwa diffiċli li titrażżan din iċ-ċaqliqa lejn skala "ottimali". Din it-tendenza għal konċentrazzjoni ta' investimenti, li tista' tiġi osservata fil-livell nazzjonali, reġjonali u provinċjali, twassal għall-agglomerazzjoni tal-popolazzjoni fi ftit punti u għad-deżertifikazzjoni ta' territorji kbar. Iżda l-effett ta' agglomerazzjoni nnifsu jikkostitwixxi fattur ta' attrazzjoni tal-popolazzjoni għall-aċċessibilità apparenti għal servizzi pubbliċi u kummerċjali, u minħabba li l-akkumulazzjoni tad-domanda għax-xogħol f'territorju partikolari toħloq aspettattivi ta' opportunitajiet ta' impjiegi ta' kwalità u mobilità soċjali.

c.  L-infrastrutturi

L-infrastrutturi huma fattur ewlieni għal-lokalizzazzjoni ta' investimenti minħabba li dawn jippermettu aċċess għas-swieq ta' provvista u bejgħ tal-prodotti. It-teknoloġiji tal-komunikazzjoni jippermettu, f'ċerti swieq, li jiġu evitati l-iżvantaġġi ġeografiċi. Madankollu, dan jirrikjedi kopertura sħiħa b'kundizzjonijiet kompetittivi għal kwalità u prezz, u din s'issa għadha ma teżistix. L-infrastrutturi jiffaċilitaw ukoll l-aċċess għas-servizzi, u b'mod partikolari l-ICTs, li jiftħu l-bieb għal dinja virtwali u l-opportunitajiet tagħha mingħajr limiti jew fruntieri. Dawn huma bla dubju element rilevanti biex jiġbdu u jżommu n-nies f'territorju.

d.  L-għoti tas-servizzi

Is-soċjetà tal-konsum ikkonsolidat l-assoċjazzjoni ta' aċċessibbiltà għal servizzi, kemm soċjali kif ukoll kummerċjali, u l-kwalità tal-ħajja. Il-provvista ta' servizzi, kemm pubbliċi kif ukoll privati, toħloq ċirku vizzjuż li jirrifletti d-daqs tal-popolazzjoni: popolazzjoni li qed tiċkien twassal għal inqas servizzi u impjiegi disponibbli għall-popolazzjoni u, fl-aħħar mill-aħħar, għall-emigrazzjoni minħabba n-nuqqas ta' servizzi u opportunitajiet ta' impjieg. Il-politiki ta' tfixkil f'dak li għandu x'jaqsam ma' dan il-varjabbli jeħtieġ li jittrattaw il-kummerċjalizzazzjoni ta' servizzi, l-istabbiliment ta' sistemi flessibbli ħafna tat-trasport pubbliku, kif ukoll politiki fiskali li jikkumpensaw għall-ispejjeż tal-mobilità, u inċentivi favur servizzi ambulanti fiż-żoni rurali, jew ta' servizzi li jinsabu f'ċentri żgħar. Servizzi online fil-qasam tas-saħħa, is-servizzi soċjali, l-edukazzjoni jew il-kultura jista' jkollhom effett kumpensatorju, iżda jenfasizzaw ukoll in-nuqqas ta' servizzi personali diretti. L-implimentazzjoni tagħhom se jteħtieġ, fejn xieraq, politiki attivi għall-adattament għal dan il-mod ta' forniment.

e.  Trasport

F'ambjent depopolat b'dispersjoni qawwija ta' persuni, it-trasport pubbliku huwa diffiċli li jiġi sostnut daqs kemm hu meħtieġ, biex tiġi garantita l-inklużività tal-abitanti. Hemm ħtieġa kemm għall-flessibbiltà kif ukoll għall-istabilità fil-forniment ta' dawk is-servizzi. Dawn huma servizzi mhux profittabbli għall-ekonomija privata li jeħtieġu appoġġ sinifikanti mill-baġit pubbliku. Għandha tiġi prevista esperimentazzjoni b'rabta mal-kooperazzjoni bejn is-settur pubbliku u dak privat f'dan il-qasam.

3.  L-importanza tal-politika ta' koeżjoni biex jiġu indirizzati l-isfidi demografiċi

F'dan il-kuntest, ir-rapporteur tixtieq tenfasizza l-importanza tal-miżuri ta' politika ta' koeżjoni peress li dawn ta' spiss huma d-dispożizzjonijiet ewlenin li jindirizzaw l-isfidi demografiċi fil-livell reġjonali u lokali u ta' spiss jikkumplementaw l-istrateġiji nazzjonali u reġjonali. Fost l-oħrajn, hija tqis li:

1.  hemm bżonn ta' aktar koordinazzjoni tal-istrumenti tal-UE biex jiġi żgurat approċċ aktar komprensiv għat-tibdil demografiku: il-potenzjal tal-interventi tal-politika ta' koeżjoni kien limitat minħabba n-nuqqas ta' strateġija Ewropea trażversali li tindirizza l-isfidi demografiċi;

2.  l-attivitajiet promossi mill-fondi strutturali għandhom jibbenefikaw minn integrazzjoni aħjar u flessibilità akbar biex itejbu l-kumplementaritajiet u l-konsistenza fit-trattament tat-tibdil demografiku;

3.  hemm il-ħtieġa li jiġi esplorat ulterjorment il-potenzjal tal-fondi strutturali fl-indirizzar tat-tibdil demografiku. Għandha ssir dejjem aktar enfasi speċifika fuq it-tibdil demografiku bħala qasam ta' prijorità fil-gwida dwar il-fondi strutturali u ta' investiment;

4.  il-kwistjonijiet li tqajmu mit-tibdil demografiku jeħtieġ li jiġu indirizzati f'kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet lokali u reġjonali, flimkien mal-Istati Membri u l-istituzzjonijiet Ewropej: dawk il-livelli differenti kollha għandhom rwol x'jaqdu biex jiżguraw politiki u strateġiji li huma allinjati u biex jiskambjaw l-aħjar prattiki dwar is-suġġett;

5.  ir-rapporteur tixtieq tenfasizza wkoll l-importanza li tkompli titqajjem kuxjenza fil-livelli kollha dwar is-sinifikat tal-isfidi relatati mat-tibdil demografiku għall-Unjoni Ewropea u dwar il-potenzjal tal-fondi strutturali fl-indirizzar tat-tibdil demografiku.

(1)

Eurostat, Annwarju tal-Eurostat, edizzjoni tal-2016.

(2)

Parlament Ewropew, DĠ IPOL, Dipartiment Tematiku B, REGI (2013), "Il-politiki reġjonali u ta' koeżjoni kif jistgħu jindirizzaw l-isfidi demografiċi?", p. 21.


POŻIZZJONI FIL-FORMA TA' EMENDI tal-Kumitat għad-Drittijiet tan-Nisa u l-Ugwaljanza bejn is-Sessi (22.6.2017)

għall-Kumitat għall-Iżvilupp Reġjonali

dwar l-użu ta' strumenti tal-politika ta' koeżjoni mir-reġjuni biex jiġi indirizzat it-tibdil demografiku

Rapporteur għal opinjoni: Arne Gericke

(2016/2245(INI))

EMENDI

Il-Kumitat għad-Drittijiet tan-Nisa u l-Ugwaljanza bejn is-Sessi jistieden lill-Kumitat għall-Iżvilupp Reġjonali, bħala l-kumitat responsabbli, biex jieħu inkunsiderazzjoni l-emendi li ġejjin:

Emenda    1

Abbozz ta' rapport

Premessa Ea (ġdida)

Abbozz ta' rapport

Emenda

 

Ea. billi n-nisa, u b’mod partikolari l-ommijiet waħedhom, huma aktar esposti għall-faqar u l-esklużjoni;

 

Emenda    2

Abbozz ta' rapport

Premessa Eb (ġdida)

 

Abbozz ta' rapport

Emenda

 

Eb. billi l-aċċess għal servizzi tat-twelid, l-infrastrutturi adegwati tal-kura tas-saħħa materna u l-garanzija ta’ twelid sikur huma nieqsa f’żoni rurali;

 

Emenda    3

Abbozz ta' rapport

Premessa Ec (ġdida)

 

Abbozz ta' rapport

Emenda

 

Ec. billi r-rwol tan-nisa fl-agrikoltura u l-azjendi agrikoli tal-familji għadu fattur importanti u inviżibbli u f’ħafna każijiet mhux imħallas;

 

 

Emenda    4

Abbozz ta' rapport

Premessa Ga (ġdida)

 

Abbozz ta' rapport

Emenda

 

 

GA. billi n-nisa huma aktar esposti għall-faqar u l-esklużjoni soċjali mill-irġiel – aktar u aktar meta jkunu akbar minn 60 sena;

 

Emenda    5

Abbozz ta' rapport

Premessa Gb (ġdida)

 

Abbozz ta' rapport

Emenda

 

Gb. billi l-ugwaljanza bejn is-sessi hija dritt fundamentali, valur komuni tal-UE, u kundizzjoni meħtieġa għall-kisba tal-għanijiet tal-UE tat-tkabbir, l-impjieg u l-koeżjoni soċjali;

 

 

Emenda    6

Abbozz ta' rapport

Premessa Gc (ġdida)

Abbozz ta' rapport

Emenda

 

Gc. billi l-ugwaljanza bejn is-sessi tirrappreżenta għodda importanti għall-iżvilupp ekonomiku u l-koeżjoni soċjali;

 

 

Emenda    7

Abbozz ta' rapport

Premessa Ja (ġdida)

 

Abbozz ta' rapport

Emenda

 

Ja. billi l-bidla demografika negattiva żżid id-domanda għal solidarjetà aktar b'saħħitha bejn il-ġenerazzjonijiet;

 

 

Emenda    8

Abbozz ta' rapport

Paragrafu 1a (ġdid)

 

Abbozz ta' rapport

Emenda

 

1a. Jenfasizza r-rwol kruċjali tas-servizzi pubbliċi u privati ta’ kwalità għolja, speċjalment għan-nisa; jenfasizza l-importanza ta' servizzi pubbliċi u privati aċċessibbli ta' kwalità għolja u affordabbli bħala għodda biex tiġi żgurata l-ugwaljanza bejn is-sessi;

 

 

Emenda    9

Abbozz ta' rapport

Paragrafu 2a (ġdid)

 

Abbozz ta' rapport

Emenda

 

 

2a. jistieden lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni biex iqisu l-effetti tal-politiki differenti dwar l-ugwaljanza bejn is-sessi u l-bidla demografika;

 

Emenda    10

Abbozz ta' rapport

Paragrafu 3a (ġdid)

 

Abbozz ta' rapport

Emenda

 

 

3a. Ifakkar fid-deċiżjoni tal-Ombudsman Ewropew fil-Kawża OI/8/2014/AN dwar ir-rispett tad-drittijiet fundamentali fl-implimentazzjoni tal-politika ta' koeżjoni tal-UE;  

 

Emenda    11

Abbozz ta' rapport

Paragrafu 3b (ġdid)

 

Abbozz ta' rapport

Emenda

 

3b. Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jużaw il-Fondi Strutturali Ewropej b'mod attiv bħala għodda biex titjieb l-ugwaljanza bejn is-sessi;

 

 

Emenda    12

Abbozz ta' rapport

Paragrafu 7a (ġdid)

 

Abbozz ta' rapport

Emenda

 

7a. Jistieden lill-Istati Membri u l-Kummissjoni jwettqu analiżi tal-ġeneru u jaħdmu bl-ibbaġitjar skont il-ġeneru bl-għan li tinkiseb allokazzjoni ugwali bejn il-ġeneri tar-riżorsi finanzjarji;

 

 

Emenda    13

Abbozz ta' rapport

Paragrafu 7a (ġdid)

 

Abbozz ta' rapport

Emenda

 

7a. Iqis li l-isfidi tal-popolazzjonijiet li qed jonqsu u jixjieħu se jkollhom bżonn objettiv, rivalutazzjonijiet dettaljati u komprensivi ta' ħafna politiki u programmi ekonomiċi, soċjali u politiċi stabbiliti, li se jeħtieġu li jinkorporaw perspettiva fit-tul;

 

Emenda    14

Abbozz ta' rapport

Paragrafu 7b (ġdid)

 

Abbozz ta' rapport

Emenda

 

 

7b. Jirrimarka li n-nisa fi ħdan komunitajiet emarġinati jiffaċċjaw diskriminazzjoni multipla, li tpoġġihom f'riskju dejjem akbar ta' faqar u esklużjoni soċjali, speċjalment fl-aċċess għax-xogħol, l-edukazzjoni, il-kura tas-saħħa u s-servizzi soċjali;

 

Emenda    15

Abbozz ta' rapport

Paragrafu 7c (ġdid)

 

Abbozz ta' rapport

Emenda

 

7c. Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex iqisu d-djalogu interġenerazzjonali u s-solidarjetà bejn il-ġenerazzjonijiet bħala għodda biex tinkiseb l-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel;

 

 

Emenda    16

Abbozz ta' rapport

Paragrafu 7d (ġdid)

 

Abbozz ta' rapport

Emenda

 

 

7d. Jirrimarka li r-rata tal-qgħad fost in-nisa hija sottovalutata minħabba l-fatt li ħafna nisa mhumiex reġistrati bħala qiegħda, partikolarment dawk li jgħixu f'żoni rurali jew remoti jew li jgħinu fl-impriżi u l-farms tal-familja;

 

Emenda    17

Abbozz ta' rapport

Paragrafu 7e (ġdid)

 

Abbozz ta' rapport

Emenda

 

 

7e. Jistieden lill-Istati Membri u l-Kummissjoni jippromwovu l-intraprenditorjat tan-nisa f'żoni rurali;

 

Emenda    18

Abbozz ta' rapport

Paragrafu 7f (ġdid)

 

Abbozz ta' rapport

Emenda

 

 

7f. Jenfasizza l-ħtieġa li jkun hemm faċilitajiet li jipprovdu l-kura tat-tfal u kura għal dipendenti oħrajn biex ikunu disponibbli fiż-żoni rurali kollha, u jħeġġeġ lill-Kummissjoni tappoġġja lill-Istati Membri, inkluż permezz tal-għoti ta' fondi disponibbli mill-UE, fil-ħolqien ta' faċilitajiet bħal dawn f'forma li tkun aċċessibbli għal kulħadd;

 

Emenda    19

Abbozz ta' rapport

Paragrafu 8a (ġdid)

 

Mozzjoni għal riżoluzzjoni

Emenda

 

 

8a. Jistieden lill-Kummissjoni u l-Istati Membri biex jadottaw l-integrazzjoni tal-familji bħala l-prinċipju bażi tal-proposti ta’ politika kollha;

 

Emenda    20

Abbozz ta' rapport

Paragrafu 10a (ġdid)

 

Abbozz ta' rapport

Emenda

 

10a. Jenfasizza l-importanza tal-awtoritajiet lokali u reġjonali fl-implimentazzjoni ta' politiki u miżuri li jipprovdu l-impjiegi u l-possibilitajiet ta' impjieg indipendenti, b’mod speċjali għan-nisa, li jwaqqfu t-tendenza ta’ migrazzjoni;

 

 

Emenda    21

Abbozz ta' rapport

Paragrafu 14a (ġdid)

 

Abbozz ta' rapport

Emenda

 

 

14a. Jistieden lill-Kummissjoni tuża fondi reġjonali biex ittejjeb l-kura tat-twelid deċentralizzata;

 

INFORMAZZJONI DWAR L-ADOZZJONIFIL-KUMITAT LI JINTALAB JAGĦTI OPINJONI

Data tal-adozzjoni

20.6.2017

 

 

 


INFORMAZZJONI DWAR L-ADOZZJONIFIL-KUMITAT RESPONSABBLI

Data tal-adozzjoni

9.10.2017

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

28

6

0

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Franc Bogovič, Andrea Cozzolino, Rosa D’Amato, John Flack, Iratxe García Pérez, Krzysztof Hetman, Marc Joulaud, Louis-Joseph Manscour, Martina Michels, Iskra Mihaylova, Jens Nilsson, Andrey Novakov, Paul Nuttall, Konstantinos Papadakis, Mirosław Piotrowski, Stanislav Polčák, Liliana Rodrigues, Maria Spyraki, Ruža Tomašić, Ángela Vallina, Monika Vana, Matthijs van Miltenburg, Lambert van Nistelrooij, Derek Vaughan, Joachim Zeller

Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali

Daniel Buda, Andor Deli, Raffaele Fitto, John Howarth, Ivana Maletić, Tonino Picula

Sostituti (skont l-Artikolu 200(2)) preżenti għall-votazzjoni finali

James Carver, Esther Herranz García, Susanne Melior


VOTAZZJONI FINALI B'SEJĦA TAL-ISMIJIETFIL-KUMITAT RESPONSABBLI

28

+

ECR

Raffaele Fitto, John Flack, Mirosław Piotrowski, Ruža Tomašić

EFDD

Rosa D'Amato

GUE/NGL

Martina Michels, Ángela Vallina

PPE

Franc Bogovič, Daniel Buda, Esther Herranz García, Krzysztof Hetman, Marc Joulaud, Ivana Maletić, Andrey Novakov, Stanislav Polčák, Maria Spyraki, Joachim Zeller, Lambert van Nistelrooij

S&D

Andrea Cozzolino, Iratxe García Pérez, John Howarth, Louis-Joseph Manscour, Susanne Melior, Jens Nilsson, Tonino Picula, Liliana Rodrigues, Derek Vaughan

VERTS/ALE

Monika Vana

6

-

ALDE

Iskra Mihaylova, Matthijs van Miltenburg

EFDD

James Carver, Paul Nuttall

NI

Konstantinos Papadakis

PPE

Andor Deli

0

0

 

 

Tifsira tas-simboli użati:

+  :  favur

-  :  kontra

0  :  astensjoni

Avviż legali