Proċedura : 2017/2050(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A8-0333/2017

Testi mressqa :

A8-0333/2017

Dibattiti :

PV 16/11/2017 - 3
CRE 16/11/2017 - 3

Votazzjonijiet :

PV 16/11/2017 - 7.6
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P8_TA(2017)0447

RAPPORT     
PDF 534kWORD 56k
24.10.2017
PE 604.510v03-00 A8-0333/2017

li fih mozzjoni għal riżoluzzjoni mhux leġiżlattiva dwar l-abbozz ta' deċiżjoni tal-Kunsill dwar il-konklużjoni f'isem l-Unjoni tal-Ftehim ta' Sħubija dwar ir-Relazzjonijiet u l-Kooperazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa waħda, u New Zealand, min-naħa l-oħra

(15470/2016 – C8-0027/2017 – 2016/0366(NLE) – 2017/2050(INI))

Kumitat għall-Affarijiet Barranin

Rapporteur: Charles Tannock

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI MHUX LEĠIŻLATTIVA TAL-PARLAMENT EWROPEW
 INFORMAZZJONI DWAR L-ADOZZJONIFIL-KUMITAT RESPONSABBLI
 VOTAZZJONI FINALI B'SEJĦA TAL-ISMIJIET FIL-KUMITAT RESPONSABBLI

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI MHUX LEĠIŻLATTIVA TAL-PARLAMENT EWROPEW

dwar l-abbozz ta' deċiżjoni tal-Kunsill dwar il-konklużjoni f'isem l-Unjoni tal-Ftehim ta' Sħubija dwar ir-Relazzjonijiet u l-Kooperazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa waħda, u New Zealand, min-naħa l-oħra

(15470/2016 – C8-0027/2017 – 2016/0366(NLE)2017/2050(INI))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-abbozz ta' deċiżjoni tal-Kunsill (15470/2016),

–  wara li kkunsidra l-abbozz ta' Ftehim ta' Sħubija dwar ir-Relazzjonijiet u l-Kooperazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa waħda, u New Zealand, min-naħa l-oħra(1) (09787/2016),

–  wara li kkunsidra t-talba għall-approvazzjoni preżentata mill-Kunsill skont l-Artikoli 207 u 212(1) u l-Artikolu 218(6)(a) u t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 218(8) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (C8-0027/2017),

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Konġunta dwar ir-Relazzjonijiet u l-Kooperazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u New Zealand, adottat f'Lisbona fl-2007(2),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni reċenti tiegħu dwar New Zealand tal-25 ta' Frar 2016 dwar il-bidu tan-negozjati dwar l-FTA mal-Awstralja u New Zealand(3),

–  wara li kkunsidra l-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u New Zealand li jistabbilixxi qafas għall-parteċipazzjoni ta' New Zealand f'operazzjonijiet tal-Unjoni Ewropea għall-immaniġġar ta' kriżijiet, iffirmat fl-2012(4),

–  wara li kkunsidra l-Ftehim dwar kooperazzjoni xjentifika u teknoloġika bejn il-Komunità Ewropea u l-Gvern ta' New Zealand, li daħal fis-seħħ fl-2009(5),

–  wara li kkunsidra t-22 laqgħa interparlamentari UE-New Zealand, li saret Brussell fit-23 ta' Marzu 2017,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni leġiżlattiva tiegħu ta' ... dwar l-abbozz ta' deċiżjoni,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 99(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Barranin (A8-0333/2017),

A.  billi New Zealand igawdi minn sħubija stretta u storika mal-Unjoni Ewropea u mal-Istati Membri tagħha;

B.  billi l-Unjoni Ewropea tikkondividi valuri u prinċipji komuni ma' New Zealand, inklużi r-rispett tal-prinċipji demokratiċi, tad-drittijiet tal-bniedem, tal-libertajiet fundamentali, tal-istat tad-dritt, tad-dritt internazzjonali, tal-paċi u s-sigurtà;

C.  billi l-Unjoni Ewropea għadha t-tielet l-akbar sieħeb kummerċjali ta' New Zealand u ż-żewġ naħat iżommu firxa wiesgħa ta' interessi ekonomiċi u kummerċjali;

D.  billi l-ewwel ambaxxatur residenti fi New Zealand assuma l-kariga f'Settembru 2016, okkażjoni li mmarkat it-tranżizzjoni sħiħa lejn Delegazzjoni awtonoma tal-Unjoni Ewropea fi New Zealand;

E.  billi New Zealand igawdi minn relazzjonijiet tajbin ma' għadd tal-eqreb sħab tal-UE, partikolarment mal-Awstralja u mal-Istati Uniti; josserva, f'dan ir-rigward, id-Dikjarazzjoni ta' Wellington tal-2010 li tistabbilixxi qafas ta' sħubija strateġika bejn New Zealand u l-Istati Uniti, kif ukoll il-Ftehim dwar l-Intensifikazzjoni tar-Relazzjonijiet Ekonomiċi (Closer Economic Relations - CER) iffirmat mal-Awstralja fl-1983;

F.  billi New Zealand, membru tal-Kumitat ta' Għajnuna għall-Iżvilupp (DAC) tal-OECD, huwa sieħeb prezzjuż għall-iżvilupp u fornitur importanti ta' assistenza f'termini ta' għajnuna uffiċjali għall-iżvilupp (ODA) bħala perċentwal tal-ING u jikkontribwixxi għall-iżvilupp sostenibbli u għat-tnaqqis tal-faqar fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw għal pjaneta aktar ġusta, aktar sikura u aktar prospera;

G.  billi New Zealand huwa membru tal-alleanza tal-intelligence "Five Eyes" flimkien mal-Istati Uniti, mar-Renju Unit, mal-Kanada u mal-Awstralja; billi Stati Membri oħra tal-UE (Franza, il-Ġermanja, l-Italja, in-Netherlands, il-Belġju, l-Iżvezja, id-Danimarka u Spanja) huma parti mill-arranġament anqas strett magħruf bl-isem ta' "Fourteen Eyes";

H.  billi New Zealand ipoġġi enfasi speċjali fuq l-iżvilupp tar-relazzjonijiet fir-reġjun tal-Asja-Paċifiku, partikolarment maċ-Ċina, mal-Asja tax-Xlokk u mal-Ġappun, u jikkontribwixxi għall-istabilità reġjonali tal-Asja tax-Xlokk u tal-Paċifiku tal-Lbiċ;

I.  billi reġjun tal-Asja-Paċifiku integrat, li fih New Zealand jiżvolġi rwol prominenti, jikkontribwixxi għal sistema globali bbażata fuq valuri u regoli u, għaldaqstant, għas-sigurtà tal-istess Unjoni;

J.  billi New Zealand huwa membru fundatur tal-Forum tal-Gżejjer tal-Paċifiku (PIF) u għandha sħubija strateġika mal-ASEAN;

K.  billi New Zealand ikkonkluda ftehimiet bilaterali ta' kummerċ ħieles mal-Awstralja, ma' Singapore, mat-Tajlandja, maċ-Ċina, ma' Hong Kong, mat-Tajwan, mal-Malasja u mal-Korea t'Isfel, kif ukoll ftehimiet kummerċjali multilaterali tal-Ftehim tas-Sħubija Strateġika u Ekonomika Trans-Paċifika ma' Singapore, maċ-Ċilì u mal-Brunei, il-Ftehim ta' Kummerċ Ħieles ASEAN-Awstralja-New Zealand u l-Ftehim ta' Kummerċ Ħieles New Zealand-Kunsill ta' Kooperazzjoni tal-Golf (GCC); billi ċ-Ċina u New Zealand qegħdin jippruvaw iqawwu l-ftehimiet kummerċjali tagħhom;

L.  billi New Zealand huwa wkoll parti tal-ftehim tas-Sħubija Trans-Paċifika (TPP), u rratifikah, u huwa parti attiva fin-negozjati għas-Sħubija Ekonomika Komprensiva Reġjonali (RCEP);

M.  billi New Zealand kien membru mhux permanenti tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti għal mandat ta' sentejn mill-2015 sal-2016 li matulu assuma, b'sens ta' tmexxija u viżjoni b'saħħtu, il-presidenza tal-Kunsill tas-Sigurtà darbtejn;

N.  billi New Zealand ilu żmien twil membru tal-Organizzazzjoni għall-Kooperazzjoni u l-Iżvilupp Ekonomiċi (OECD), tal-Fond Monetarju Internazzjonali (FMI), tal-Bank Dinji u tal-Bank Asjatiku tal-Iżvilupp (ADB) u huwa membru tal-Bank Asjatiku tal-Investiment fl-Infrastruttura (AIIB) b'sede f'Shanghai li għadu kif twaqqaf;

O.  billi New Zealand ta l-kontribut tiegħu lill-operazzjonijiet għaż-żamma tal-paċi tan-NU, inklużi fil-Bożnija, fil-Kosovo, fi Sierra Leone u fl-Afganistan; billi fl-Afganistan mexxa skwadra għar-rikostruzzjoni fil-provinċja ta' Bamyan, kif ukoll missjonijiet ta' taħriġ biex jgħin fl-iżvilupp tal-Armata Nazzjonali Afgana, barra milli kkontribwixxa għall-missjoni EUPOL sal-2012 biex tingħata assistenza fl-istabbiliment mill-ġdid tal-ordni pubbliku;

P.  billi New Zealand ilu mill-2015 iwettaq missjoni ta' taħriġ mhux għall-ġlied fl-Iraq bil-għan li jħarreġ il-forzi tas-sigurtà tal-Iraq fl-ambitu tal-ġlieda kontra l-IS/Daesh;

Q.  billi New Zealand kien l-ewwel pajjiż fid-dinja li adotta l-vot universali fl-1893;

R.  billi New Zealand huwa proponent tal-produzzjoni ekoloġika, partikolarment tal-ikel, u ilu jippromwovi l-ftehimiet komprensivi globali fil-qasam tal-klima fi ħdan il-Konvenzjoni Qafas tan-Nazzjonijiet Uniti dwar it-Tibdil fil-Klima, l-implimentazzjoni tal-ftehim ta' Pariġi COP21 u l-azzjoni effikaċi ta' mitigazzjoni min-naħa tal-pajjiżi żviluppati kollha u tal-pajjiżi li qed jiżviluppaw prinċipali li huma għajn ta' emissjonijiet, anki billi jaġixxi ta' prekursur bl-istabbiliment ta' skema nazzjonali għan-negozjar ta' emissjonijiet;

S.  billi New Zealand u l-Unjoni Ewropea jikkooperaw fil-promozzjoni tal-iżvilupp sostenibbli, tar-reżiljenza u tal-mitigazzjoni biex jiġġieldu l-effetti tat-tibdil fil-klima fir-reġjun tal-Asja-Paċifiku, speċjalment billi jrawmu l-użu sistematiku tal-enerġija rinnovabbli;

T.  billi New Zealand u l-Unjoni Ewropea jikkooperaw fil-promozzjoni tal-iżvilupp sostenibbli u fil-mitigazzjoni tal-effetti tat-tibdil fil-klima fir-reġjun tal-Paċifiku, b'attenzjoni partikolari fuq ir-rwol li jiżvolġu l-għejun ta' enerġija rinnovabbli;

U.  billi New Zealand jikkontribwixxi fil-Fond Internazzjonali għall-Irlanda, organizzazzjoni li taħdem għall-promozzjoni tal-progress ekonomiku u soċjali, u tinkoraġġixxi u tiffaċilita d-djalogu u r-rikonċiljazzjoni bejn il-komunitajiet;

1.  Jilqa' pożittivament il-konklużjoni tal-Ftehim ta' Sħubija dwar ir-Relazzjonijiet u l-Kooperazzjoni, li se joffri qafas politiku projettat lejn il-futur għar-relazzjonijiet UE-New Zealand kif ukoll kooperazzjoni fl-iżvilupp sostenibbli u f'firxa komprensiva ta' kwistjonijiet li se jiġu żviluppati ulterjorment fis-snin li ġejjin biex tingħata tweġiba lil ambizzjonijiet u aspirazzjonijiet ġodda;

2.  Jappoġġa t-tnedija tan-negozjati dwar il-ftehim ta' kummerċ ħieles bejn l-UE u New Zealand, li għandhom jitmexxew fi spirtu ta' reċiproċità u benefiċċju għal xulxin, b'kont meħud tas-sensittività ta' ċerti prodotti agrikoli u ta' tip ieħor; jisħaq fuq il-fatt li huwa importanti li jissaħħaħ id-djalogu politiku u titjieb il-kooperazzjoni dwar it-tkabbir ekonomiku, il-ħolqien tal-impjiegi, il-kummerċ u l-investimenti;

3.  Japprezza l-ġest tal-Prim Ministru Bill English li bih enfasizza u tenna l-impenn lejn ir-relazzjonijiet speċjali mal-Ewropa meta għamel l-ewwel żjara uffiċjali tiegħu barra l-pajjiż fl-Unjoni Ewropea, fil-Parlament Ewropew, f'Londra u f'Berlin f'Jannar 2017, xahar wara biss li nħatar Prim Ministru;

4.  Jirrikonoxxi r-relazzjonijiet bilaterali storiċi u b'saħħithom bejn New Zealand u l-Istati Membri tal-UE, inklużi r-rabtiet kulturali, ekonomiċi u interpersonali;

5.  Jissottolinja l-kooperazzjoni tal-Unjoni Ewropea ma' New Zealand fil-qasam tal-paċi, tas-sigurtà u tal-istabilità reġjonali fir-reġjun tal-Asja-Paċifiku, tal-agrikoltura, tal-iżvilupp sostenibbli, tas-sajd u tal-affarijiet marittimi, tat-trasport, tal-għajnuna umanitarja, tal-miżuri sanitarji, tal-enerġija, tal-ambjent u tat-tibdil fil-klima;

6.  Jissottolinja l-kooperazzjoni tal-Unjoni Ewropea ma' New Zealand għat-tisħiħ tal-governanza ambjentali u tal-oċeani, li hi neċessarja biex jintlaħqu l-objettivi ta' konservazzjoni u użu sostenibbli tar-riżorsi;

7.  Jieħu nota tal-pjan direzzjonali UE-New Zealand fil-qasam tal-kooperazzjoni fix-xjenza u t-teknoloġija dwar ir-riċerka u l-innovazzjoni; jinkoraġġixxi aktar investiment u opportunitajiet ġodda fil-kooperazzjoni xjentifika, akkademika u teknoloġika;

8.  Jilqa' b'sodisfazzjon l-artikoli tal-Ftehim ta' Sħubija dwar ir-Relazzjonijiet u l-Kooperazzjoni dwar il-kooperazzjoni fil-ġlieda kontra t-terroriżmu, partikolarment l-impenji għall-iskambju tal-informazzjoni dwar il-gruppi u n-netwerks terroristiċi u l-iskambju ta' fehmiet dwar il-prevenzjoni u l-ġlieda kontra t-terroriżmu u l-propaganda, ir-radikalizzazzjoni u ċ-ċiberkriminalità tiegħu, filwaqt li jiżguraw il-protezzjoni tad-drittijiet tal-bniedem u jirrispettaw l-istat tad-dritt;

9.  Jenfasizza l-parteċipazzjoni ta' New Zealand fl-operazzjonijiet tal-UE għall-immaniġġar ta' kriżijiet biex ikunu promossi l-paċi u s-sigurtà internazzjonali u l-kontribut tiegħu fl-operazzjonijiet kontra l-piraterija EUNAVFOR Atalanta 'l barra mix-xtut tal-Qarn tal-Afrika, fl-EUPOL Afghanistan u fl-EUFOR Althea fil-Bożnija-Ħerzegovina;

10.  Ifaħħar l-impenn li New Zealand ilu li ħa favur il-koalizzjoni internazzjonali kontra t-terroriżmu; ifakkar li New Zealand jista' jiżvolġi rwol sinifikanti fil-ġlieda kontra t-terroriżmu internazzjonali fir-reġjun tal-Asja-Paċifiku; jilqa' bi pjaċir il-fatt li l-pajjiż diġà joffri sostenn lill-gvernijiet u lill-NGOs fil-pajjiżi tal-Asja tax-Xlokk kontra l-estremiżmu vjolenti u r-radikalizzazzjoni;

11.  Jirrikonoxxi r-rwol ta' New Zealand fil-kosponsorizzazzjoni tar-riżoluzzjonijiet tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU dwar il-Proċess ta' Paċi fis-Sirja u fil-Lvant Nofsani fi tmiem l-2016 fil-mument meta kien membru tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU;

12.  Jilqa' b'sodisfazzjon l-impenn li New Zealand ilu li ħa fir-rigward tal-Qorti Kriminali Internazzjonali (QKI) u jifraħlu tal-isforzi u tal-kontributi kostruttivi tiegħu favur l-iżvilupp u l-effikaċja tal-QKI bħala mezz biex jissaħħu l-paċi u l-ġustizzja internazzjonali;

13.  Jilqa' b'sodisfazzjon ir-ratifika min-naħa ta' New Zealand tal-ftehim dwar il-klima COP21 u josserva pożittivament il-fatt li aktar minn 80 % tal-elettriku tiegħu ġej minn sorsi enerġetiċi rinnovabbli;

14.  Jieħu nota tas-Sħubija UE-New Zealand fis-settur tal-enerġija għall-Paċifiku; jistieden liż-żewġ partijiet iqawwu l-kooperazzjoni dwar l-enerġija sostenibbli konformement mal-inizjattiva tan-Nazzjonijiet Uniti "Enerġija sostenibbli għal kulħadd";

15.  Jirrikonoxxi l-kontribut ta' New Zealand fil-protezzjoni, fil-konservazzjoni u fl-użu sostenibbli tar-riżorsi tal-baħar u fir-riċerka relatata mal-baħar;

16.  Jemmen li New Zealand huwa sieħeb importanti fil-kooperazzjoni dwar l-ambjent u fil-protezzjoni tiegħu fir-reġjun tal-Paċifiku u fl-Antartika;

17.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna, lill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri kif ukoll lill-Gvern u lill-Parlament ta' New Zealand.

(1)

ĠU L 321, 29.11.2016, p. 3.

(2)

ĠU C 32, 6.2.2008, p. 1.

(3)

Testi adottati, P8_TA(2016)0064.

(4)

ĠU L 160, 21.6.2012, p. 2.

(5)

ĠU L 171, 1.7.2009, p. 28.


INFORMAZZJONI DWAR L-ADOZZJONIFIL-KUMITAT RESPONSABBLI

Data tal-adozzjoni

10.10.2017

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

46

2

7

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Lars Adaktusson, Michèle Alliot-Marie, Francisco Assis, Goffredo Maria Bettini, Mario Borghezio, Elmar Brok, Klaus Buchner, James Carver, Lorenzo Cesa, Andi Cristea, Georgios Epitideios, Knut Fleckenstein, Eugen Freund, Michael Gahler, Sandra Kalniete, Manolis Kefalogiannis, Tunne Kelam, Janusz Korwin-Mikke, Eduard Kukan, Ilhan Kyuchyuk, Ryszard Antoni Legutko, Barbara Lochbihler, Sabine Lösing, Alex Mayer, David McAllister, Francisco José Millán Mon, Clare Moody, Javier Nart, Demetris Papadakis, Alojz Peterle, Julia Pitera, Cristian Dan Preda, Jozo Radoš, Sofia Sakorafa, Jaromír Štětina, Charles Tannock, Miguel Urbán Crespo, Ivo Vajgl, Geoffrey Van Orden, Hilde Vautmans, Anders Primdahl Vistisen, Boris Zala

Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali

Laima Liucija Andrikienė, Raffaele Fitto, Ana Gomes, Rebecca Harms, Liisa Jaakonsaari, Urmas Paet, Miroslav Poche, José Ignacio Salafranca Sánchez-Neyra, Helmut Scholz, Traian Ungureanu

Sostituti (skont l-Artikolu 200(2)) preżenti għall-votazzjoni finali

Heidi Hautala, Răzvan Popa, Gabriele Preuß


VOTAZZJONI FINALI B'SEJĦA TAL-ISMIJIET FIL-KUMITAT RESPONSABBLI

46

+

ALDE

Ilhan Kyuchyuk, Javier Nart, Urmas Paet, Jozo Radoš, Ivo Vajgl, Hilde Vautmans

ECR

Raffaele Fitto, Ryszard Antoni Legutko, Charles Tannock, Geoffrey Van Orden, Anders Primdahl Vistisen

PPE

Lars Adaktusson, Michèle Alliot-Marie, Laima Liucija Andrikienė, Elmar Brok, Lorenzo Cesa, Michael Gahler, Sandra Kalniete, Manolis Kefalogiannis, Tunne Kelam, Eduard Kukan, David McAllister, Francisco José Millán Mon, Alojz Peterle, Julia Pitera, Cristian Dan Preda, José Ignacio Salafranca Sánchez-Neyra, Traian Ungureanu, Jaromír Štětina

S&D

Francisco Assis, Goffredo Maria Bettini, Andi Cristea, Knut Fleckenstein, Eugen Freund, Ana Gomes, Liisa Jaakonsaari, Alex Mayer, Clare Moody, Demetris Papadakis, Miroslav Poche, Răzvan Popa, Gabriele Preuß, Boris Zala

Verts/ALE

Rebecca Harms, Heidi Hautala, Barbara Lochbihler

2

-

EFDD

James Carver

NI

Georgios Epitideios

7

0

ENF

Mario Borghezio

GUE/NGL

Sabine Lösing, Sofia Sakorafa, Helmut Scholz, Miguel Urbán Crespo

NI

Janusz Korwin-Mikke

Verts/ALE

Klaus Buchner

Tifsira tas-simboli użati:

+  :  favur

-  :  kontra

0  :  astensjoni

Avviż legali