Proċedura : 2017/0814(NLE)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A8-0338/2017

Testi mressqa :

A8-0338/2017

Dibattiti :

Votazzjonijiet :

PV 15/11/2017 - 13.6

Testi adottati :

P8_TA(2017)0432

RAPPORT     
PDF 683kWORD 63k
26.10.2017
PE 610.924v01-00 A8-0338/2017

dwar il-ħatra proposta ta' Hannu Takkula bħala Membru tal-Qorti tal-Awdituri

(C8-0330/2017 – 2017/0814(NLE))

Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit

Rapporteur: Indrek Tarand

PROPOSTA GĦAL DEĊIŻJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW
 ANNESS 1: CURRICULUM VITÆ TA' Hannu Takkula
 ANNESS 2: TWEĠIBIET TA' Hannu Takkula GĦALL-KWESTJONARJU
 PROĊEDURA TAL-KUMITAT RESPONSABBLI

PROPOSTA GĦAL DEĊIŻJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW

dwar il-ħatra proposta ta' Hannu Takkula bħala Membru tal-Qorti tal-Awdituri

(C8-0330/2017 – 2017/0814(NLE))

(Konsultazzjoni)

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 286(2) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, skont liema artikolu ġie kkonsultat mill-Kunsill (C8-0330/2017),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 121 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit (A8-0338/2017),

A.  billi l-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit tiegħu evalwa l-kwalifiki tal-kandidat propost, b'mod partikolari fir-rigward tal-kundizzjonijiet stipulati fl-Artikolu 286(1) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea;

B.  billi waqt il-laqgħa tiegħu tad-19 ta' Ottubru 2017, il-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit sema' lill-kandidat propost mill-Kunsill għall-kariga ta' Membru tal-Qorti tal-Awdituri;

1.  Jagħti opinjoni favorevoli dwar il-proposta tal-Kunsill għall-ħatra ta' Hannu Takkula bħala Membru tal-Qorti tal-Awdituri;

2.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din id-deċiżjoni lill-Kunsill u, għal skopijiet ta' informazzjoni, lill-Qorti tal-Awdituri kif ukoll lill-istituzzjonijiet l-oħra tal-Unjoni Ewropea u lill-istituzzjonijiet tal-awditjar tal-Istati Membri.


ANNESS 1: CURRICULUM VITÆ TA' Hannu Takkula

Edukazzjoni

Dottorat fl-Edukazzjoni 2016 (Università ta' Lapland)

Grad ta' Masters fl-Edukazzjoni 1993 (Università ta' Lapland)

Kors ta' Difiża Nazzjonali 1997

Taħriġ ta' Tmexxija fil-Politika Ekonomika 1997

Karriera professjonali

Membru tal-Parlament Ewropew 2004–2014, 2015–

Membru tal-Parlament Finlandiż 1995–2004

Għalliem fl-iskola elementari Anetjärvi, Posio 1992-1995

Kap Editur għall-istazzjoni tar-radju lokali "Radio Roy", Rovaniemi 1990–1992

Ġurnalist kulturali indipendenti 1987–1990

Kontabilist, Nopan rakennusliike Oy 1985-1986

Kor tal-Opera ta' Tampere 1984–1986

Krupier, Raha-automaattiyhdistys, RAY 1982–1983

Messaġġier, Seuturakennus Oy u Oulun Rakennus 1979–1981

Unuri

Kavallier tal-Ewwel Klassi tal-Ordni tal-Iljun tal-Finlandja – FL K I 2003

Attivitajiet

Partit Ċentrali Finlandiż, Viċi president 2002–2003

Assoċjazzjoni Finlandiża tal-Volleyball, Viċi president 2015–2016

Teosto ry, membru espert tal-bord 2014–2016

Assoċjazzjoni Kummerċjali Finlandja-Iżrael, kontabilist 2009–2015

Assoċjazzjoni Psoriasis, il-Finlandja, President 2004–2011

Kunsill Sportiv tal-Istat, il-Finlandja, membru 2002–2007

Kumitat organizzattiv għall-Kampjonati Dinjija tal-Atletika 2005, membru 2003–2005

Bord Amministrattiv tal-Fondazzjoni Finlandiża tal-Opera Nazzjonali, membru 1999–2004

Klabb tal-volleyball Napapiirin Palloketut, President 2000–2007

Assoċjazzjoni tal-Klabbs taż-Żgħażagħ ta' Lapland, President 1997–2002

Festival tal-Finlandja Jutajaiset, President 1997–2002

Distrett rurali Rovaniemi, membru tal-kunsill muniċipali 2000–2004

Klabb tal-Iski ta' Ounasvaara, Kumitat tar-Relazzjonijiet Pubbliċi 1990–1992

Posion Pyrintö, ħarrieġ minuri, Kumitat tar-Relazzjonijiet Pubbliċi 1992–1996

Union tal-Istudenti Għalliema tal-Finlandja SOOL ry. President 1990

Ħiliet lingwistiċi

Il-Finlandiż (lingwa materna), l-Ingliż (mexxej, lingwa ta' ħidma), l-Iżvediż (Intermedju, ċertifikat tal-profiċjenza fil-lingwa 1992)

Karigi okkupati fil-Parlament Nazzjonali tal-Finlandja

Sħubiji u karigi preċedenti fil-Parlament Nazzjonali tal-Finlandja:

Awditur Statali 01.01.2004–08.09.2004

Delegazzjoni Finlandiża għall-Assemblea Parlamentari tal-OSKE 02.04.2003–20.07.2004

Delegazzjoni Finlandiża għall-Kunsill tal-Ewropa 02.04.2003–20.07.2004

Konvenzjoni dwar il-Futur tal-Ewropa, membru 1.6.2003 – 31.12.2003

Awditur għall-Parlament Finlandiż 11.02.1997–31.12.1999

Delegazzjoni għall-Fond tal-Pensjonijiet Pubbliċi Nazzjonali, membru 16.06.1997– 01.04.2003

Delegazzjoni Finlandiża għall-Kunsill Nordiku 11.02.2000–18.03.2003

Kulleġġ Elettorali 31.03.1995–23.03.1999

Kumitat Ogħla 29.04.2003–20.07.2004, (Viċi-President) 30.04.2003–20.07.2004

Kumitat tad-Difiża (Membru sostitut) 02.04.2003–20.07.2004

Kumitat għall-Affarijiet Barranin 07.04.1999–20.07.2004

Kumitat dwar il-Futur (Membru sostitut) 27.02.1996–23.03.1999

Kumitat għall-Ambjent 05.04.1995–18.03.2003

Kumitat għall-Edukazzjoni u l-Kultura 05.04.1995–23.03.1999, (Membru sostitut) 07.04.1999–18.03.2003

Attività fil-Parlament Ewropew

Gruppi politiċi

27.04.2015–      : Grupp tal-Alleanza tal-Liberali u d-Demokratiċi għall-Ewropa

14.07.2009–30.06.2014 : Grupp tal-Alleanza tal-Liberali u d-Demokratiċi għall-Ewropa

20.07.2004–13.07.2009 : Grupp tal-Alleanza tal-Liberali u d-Demokratiċi għall-Ewropa

Viċi President

01.02.2007–13.07.2009 : Kumitat għall-Kultura u l-Edukazzjoni

Membru

01.02.2017–   : Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit

29.04.2015–     : Kumitat għall-Kummerċ Internazzjonali  

29.04.2015–     : Delegazzjoni għar-relazzjonijiet mal-Istati Uniti

29.04.2015– : Grupp ta' Tmexxija tal-Konferenza Parlamentari dwar id-WTO

13.02.2012–30.06.2014 : Delegazzjoni għar-relazzjonijiet mal-Awstralja u New Zealand

19.01.2012–30.06.2014 : Kumitat għall-Kultura u l-Edukazzjoni

16.09.2009–30.06.2014 : Delegazzjoni għall-Assemblea Parlamentari tal-Unjoni għall-Mediterran

16.09.2009–30.06.2014 : Delegazzjoni għar-relazzjonijiet mal-Iżrael

16.07.2009–18.01.2012 : Kumitat għall-Kultura u l-Edukazzjoni

14.03.2007–13.07.2009 : Delegazzjoni għar-relazzjonijiet mal-Awstralja u New Zealand

31.01.2007–31.01.2007 : Kumitat għall-Kultura u l-Edukazzjoni

15.01.2007–30.01.2007 : Kumitat għall-Kultura u l-Edukazzjoni

15.09.2004–13.03.2007 : Delegazzjoni għar-relazzjonijiet mal-Awstralja u New Zealand

21.07.2004–14.01.2007 : Kumitat għall-Kultura u l-Edukazzjoni

Membru Sostitut

02.09.2015–     : Delegazzjoni għar-relazzjonijiet mal-Awstralja u New Zealand

01.09.2015–     : Delegazzjoni għar-relazzjonijiet mal-Belarussja

01.09.2015–     : Delegazzjoni għall-Assemblea Parlamentari Euronest

29.04.2015–     : Kumitat għall-Agrikoltura u l-Iżvilupp Rurali

29.04.2015–     : Delegazzjoni għall-Kumitat Parlamentari Konġunt UE-Turkija

29.04.2015–     : Kumitat għall-Iżvilupp Reġjonali

01.09.2015–06.02.2017 : Kumitat għall-Kultura u l-Edukazzjoni

19.01.2012–30.06.2014 : Kumitat għall-Industrija, ir-Riċerka u l-Enerġija

16.09.2009–12.02.2012 : Delegazzjoni għar-relazzjonijiet mal-Awstralja u New Zealand

16.07.2009–18.01.2012 : Kumitat għall-Industrija, ir-Riċerka u l-Enerġija

14.03.2007–13.07.2009 : Delegazzjoni għar-relazzjonijiet mal-Iżrael

31.01.2007–13.07.2009 : Kumitat għall-Kummerċ Internazzjonali

31.01.2007–13.07.2009 : Sottokumitat għad-Drittijiet tal-Bniedem

15.01.2007–30.01.2007 : Kumitat għat-Trasport u t-Turiżmu

15.09.2004–13.03.2007 : Delegazzjoni għar-relazzjonijiet mal-Iżrael

15.09.2004–13.07.2009 : Delegazzjoni għall-Assemblea Parlamentari Konġunta AKP-UE 03.09.2004–14.01.2007 : Kumitat għat-Trasport u t-Turiżmu

30.07.2004–02.09.2004 : Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza tal-Ikel 22.07.2004–29.07.2004 : Kumitat għat-Trasport u t-Turiżmu

Intergruppi

27.04.2015–     Intergrupp dwar l-Isports

20.09.2004–30.06.2014 Intergrupp dwar l-Isports

20.09.2004–30.06.2014 Intergrupp Friends of Music

Pubblikazzjonijiet:

Kotba: Tulevaisuuden Puolesta, Sydänääniä Euroopasta (2014); Quo vadis, Europe? (2009);

Mistä löytyisi rohkeus? (2007); Aamussa tuoksuu voitto-runosarja (ġabra ta' poeżiji, 1985)

Artikli: Kittieb ta' rubrika, 1995–2004, pereżempju għal Kaleva, Itä-Häme, Suomenmaa, Koillissanomat, Karjalainen, Forum24, Sanansaattaja

Rekordings: LP: Karavaani (1987); CD: Matkan varrelta… (2013)

Passatempi u interessi

Sports, mużika u attivitajiet organizzattivi


ANNESS 2: TWEĠIBIET TA' Hannu Takkula GĦALL-KWESTJONARJU

Esperjenza professjonali

1.  Esperjenza professjonali fil-finanzi pubbliċi. Jekk jogħġbok elenka l-esperjenza professjonali tiegħek fil-finanzi pubbliċi, sew jekk hija fil-pjanifikazzjoni baġitarja, fl-implimentazzjoni tal-baġit, fil-ġestjoni tal-baġit, fil-kontroll jew l-awditjar tal-baġit.

Okkupajt bosta karigi differenti fil-qasam tal-amministrazzjoni pubblika, bil-pjanifikazzjoni baġitarja, l-implimentazzjoni tal-baġit u l-kontroll u l-awditjar tal-baġit fost ir-responsabbiltajiet tiegħi. L-esperjenza professjonali tiegħi fil-finanzi pubbliċi ssaħħet aktar bix-xogħol tiegħi bħala membru tal-kunsill muniċipali u aktar minn 20 sena ta' esperjenza fix-xogħol parlamentari, l-ewwel fil-Parlament Finlandiż u mbagħad fil-Parlament Ewropew. Flimkien ma' dik l-esperjenza, l-istima tal-effikaċja tal-attivitajiet finanzjarji saret approċċ naturali għalija fil-kuntesti professjonali kollha.

Fl-1997, il-Parlament Finlandiż ħatarni bħala delegat għall-Istituzzjoni tal-Assigurazzjoni Soċjali tal-Finlandja. L-Istituzzjoni tal-Assigurazzjoni Soċjali tal-Finlandja hija korp indipendenti rregolat bil-liġi pubblika, u l-amministrazzjoni u l-attivitajiet tagħha huma ssorveljati minn delegati maħtura mill-Parlament. Id-dmirijiet tiegħi bħala delegat kienu jinkludu l-monitoraġġ tal-kwalità u tad-disponibbiltà tas-servizzi tal-Istituzzjoni tal-Assigurazzjoni Soċjali. Id-delegazzjoni kienet tivverifika l-kontijiet annwali tal-Istituzzjoni, u l-ġustifikazzjonijiet għalihom, u tieħu d-deċiżjoni biex tagħti l-kwittanza lill-Gvern, suġġetta għall-bażi ġuridika meħtieġa. Kull sena konna nirrapportaw dwar l-attivitajiet tagħna lill-Parlament. Jiena kelli d-dmirijiet ta' delegat għal total ta' seba' snin, li matulhom stajt insir familjari ħafna mal-ġestjoni tal-baġit u mal-kontroll u l-awditjar tal-baġit fil-finanzi pubbliċi.

Ħdimt bħala awditur għall-Parlament Finlandiż għal sentejn. L-awdituri huma inkarigati mill-awditjar tal-kontijiet u mill-amministrazzjoni tal-Parlament u tal-korpi tiegħu. Il-korpi tal-Parlament li ġejjin kienu inklużi fl-ambitu ta' dawn ir-responsabbiltajiet: l-Uffiċċju Parlamentari, l-Uffiċċju tal-Ombudsman Parlamentari, l-Uffiċċju Nazzjonali tal-Awditjar tal-Finlandja u l-Istitut tar-Riċerka għar-Relazzjonijiet Internazzjonali u l-Affarijiet tal-UE (l-Istitut tal-Affarijiet Internazzjonali Finlandiż).

Kelli wkoll il-kariga ta' Awditur tal-Istat. Id-dmirijiet tiegħi kienu jinkludu l-monitoraġġ tal-legalità u tal-adegwatezza tal-ġestjoni u l-konformità baġitarja tal-Istat. Fix-xogħol superviżorju tagħhom, l-Awdituri tal-Istat iridu jikkonċentraw fuq l-istat ġenerali u l-ġestjoni tal-finanzi pubbliċi, kif ukoll fuq suġġetti li jistgħu b'mod raġonevoli jinġiebu għall-għarfien tal-Parlament.

Bħala Awditur tal-Istat, jiena eżerċitajt is-superviżjoni billi żort u awditjajt diversi korpi. Kont nista' wkoll niddeċiedi liema organizzazzjonijiet ikunu studjati. Pereżempju, jiena tajt bidu għal studju dwar l-effetti tal-iskejjel politekniċi fuq l-ekonomiji reġjonali, li s-sejbiet tiegħu saħħew il-fehim ta' dawk li jieħdu d-deċiżjonijiet fuq livell reġjonali tal-importanza tal-investiment fl-edukazzjoni għall-iżvilupp reġjonali.

Fil-Parlament Ewropew, ħdimt fil-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit, li jissorvelja l-użu tar-riżorsi baġitarji tal-Unjoni. Bħala membru ta' dan il-Kumitat, jien aġixxejt ta' rapporteur fuq il-Fond Ewropew għall-Investimenti Strateġiċi (FEIS), fost dmirijiet oħra. Is-sħubija tiegħi fil-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit offriet perspettiva tajba biex neżamina l-ġestjoni tal-baġit tal-Unjoni. B'riżultat tar-responsabbiltajiet mogħtija lili fil-Kumitat, stajt insir aktar familjari mal-attivitajiet u l-finanzi ta' diversi programmi u istituzzjonijiet fl-UE. Xogħli bħala membru f'dan il-Kumitat għeni fil-fehim wiesa' tiegħi tar-relazzjonijiet bejn l-objettivi, l-attivitajiet u l-finanzi tal-Unjoni li akkwistajt matul il-mandati tiegħi fil-Parlament Ewropew.

2.  Xinhuma l-aktar riżultati sinifikanti li ksibt tul il-ħajja professjonali tiegħek?

Fil-biċċa l-kbira tal-karriera tiegħi, ħdimt fil-politika. Għalija, il-politika dejjem fissret l-indirizzar ta' suġġetti ta' tħassib komuni flimkien mal-kollegi tiegħi, sabiex kull suċċess u kisba jkunu ntlaħqu bl-għajnuna ta' netwerks b'saħħithom kif ukoll permezz tal-ħiliet u l-għarfien kondiviżi. Li wieħed jiddeskrivi d-deċiżjonijiet bħala kisbiet ta' individwi ma jagħmilx ġustizzja lill-proċess.

Jiena ħdimt ukoll kemm fis-settur pubbliku kif ukoll dak privat u ġejt fdat b'karigi f'organizzazzjonijiet mhux governattivi. Kull fażi tal-karriera tiegħi fiha kisbiet li kienu sinifikanti f'dak il-perjodu partikolari.

Fis-snin bikrija tal-karriera tiegħi, forsi l-aktar kisba importanti tiegħi seħħet meta kont qed naħdem għal stazzjon tar-radju lokali f'Rovaniemi. Ġejt promoss minn ġurnalist tal-affarijiet kurrenti għal editur kap u Uffiċjal Kap Eżekuttiv. Ġejt mitlub intejjeb u norganizza mill-ġdid l-attivitajiet tal-istazzjon tar-radju, li kien qed jesperjenza diffikultajiet finanzjarji. Permezz tal-isfond tiegħi ta' kontabilist, kelli l-ħiliet professjonali meħtieġa biex nirnexxi f'dan il-kompitu. Ilħaqt u qbiżt il-miri finanzjarji stabbiliti mill-Bord pjuttost malajr. Din kienet indikazzjoni bikrija tal-kapaċità tiegħi li naħdem b'mod effiċjenti fl-amministrazzjoni finanzjarja. Is-suċċess tiegħi f'dan l-inkarigu u l-ispunt mill-aqwa li rċevejt mill-Bord kienu fost l-aktar kisbiet importanti fil-karriera tiegħi barra mill-politika.

Bħala stadji importanti fil-karriera politika tiegħi, nista' nsemmi li lħaqt il-kariga ta' Viċi President tal-Partit Ċentrali tal-Finlandja fl-2002 u, b'riżultat ta' dan, ilħaqt negozjatur tal-koalizzjoni fl-2003. Waqt li kienet qed tifforma l-koalizzjoni, jiena kont responsabbli mis-settur amministrattiv kollu tal-Ministeru tal-Edukazzjoni u l-Kultura. Dan kien jinkludi t-tfassil ta' programmi politiċi u oqfsa baġitarji għat-terminu governattiv tal-2003-2007. Jiena kont inkarigat immexxi l-proċess tad-dokumentazzjoni għas-settur amministrattiv tal-Ministeru tal-Edukazzjoni u l-Kultura biex jintemm b'suċċess, li kien wieħed mill-fatturi li wassal lill-Parlament biex japprova l-programm tal-gvern. Dan jiena nqisu bħala wieħed mill-aktar kisbiet importanti fil-karriera tiegħi.

Bħala membru tal-Parlament Ewropew, kont involut f'ħafna proċessi ta' abbozzar legali li jaffettwaw il-ħajja taċ-ċittadini. Jiena nqis ix-xogħol tiegħi bħala r-rapporteur għall-programm "L-Ewropa għaċ-Ċittadini" bħala l-aktar kisba importanti tiegħi bħala MPE. Ir-rapport tiegħi kien għall-ewwel programm "L-Ewropa għaċ-Ċittadini". Li taħdem f'qasam li kien ġdid kemm għall-Kummissjoni kif ukoll għar-rappreżentanti tal-Istati Membri kien kemm ta' sfida kif ukoll ta' sodisfazzjon. Fl-opinjoni tiegħi, il-mod pożittiv li ntlaqa' bih il-programm fl-Istati Membri u l-ammont vast ta' spunti pożittiv miċ-ċittadini juri l-kapaċità tiegħi li nikkontrolla oqsma tematiċi wiesgħa u nikkoordina l-kooperazzjoni bejn l-istituzzjonijiet u l-gruppi ta' interess.

Fuq livell personali, forsi l-aħjar spunti li qatt irċevejt kien mingħand student li kont ngħallem, li qalli li t-tagħlim tiegħi kien fisser il-bidu ta' futur ġdid aktar sabiħ. Kien emozzjonanti għalija li nisma' li l-metodi tat-tagħlim u l-inkoraġġiment li applikajt f'xogħli kienu ħeġġew xi ħaġa tant sinifikanti fil-ħajja tal-istudent tiegħi.

3.  X'esperjenza professjonali għandek ta' organizzazzjonijiet jew istituzzjonijiet internazzjonali, multikulturali u multilingwi bbażati barra pajjiżek?

Matul l-istudji universitarji tiegħi ġejt elett bħala l-President tal-Union tal-Istudenti Għalliema tal-Finlandja, u dan ippermetieli nikseb l-ewwel kuntatt tiegħi mal-moviment Nordiku u internazzjonali tal-istudenti. Aktar tard, meta kont qed naħdem fuq it-teżi tad-dottorat tiegħi dwar l-edukazzjoni tal-għalliema fl-Ewropa, jiena ħdimt f'kooperazzjoni mill-qrib mal-Ministeri tal-Edukazzjoni tal-Istati Membri kollha u ma' bosta universitajiet.

Bħala Membru tal-Parlament Finlandiż, ħadt sehem f'kooperazzjoni interparlamentari permezz tal-Unjoni Interparlamentari. Ħadt sehem ukoll f'kooperazzjoni Nordika bħala membru tal-Kunsill Nordiku. Barra minn hekk, irrappreżentajt lill-Finlandja fl-Assemblea Parlamentari tal-OSKE, kif ukoll fil-Kunsill tal-Ewropa u fil-Kumitat tiegħu għad-Drittijiet tal-Bniedem.

Bħala membru tal-Kumitat tal-Affarijiet Barranin tal-Parlament Finlandiż, kull sena ħadt sehem fid-delegazzjoni Finlandiża għall-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti u fil-laqgħat tal-Kunsill tal-Artiku, u, bħala membru tal-Kummissjoni Għolja tal-Parlament, fil-laqgħat tal-COSAC.

Bħala membru tal-Parlament Ewropew, servejt fil-Kumitat ta' Tmexxija tal-Konferenza Parlamentari dwar id-WTO. Fil-kapaċità tiegħi bħala membru tal-Kumitat għall-Kummerċ Internazzjonali tal-Parlament Ewropew kelli wkoll bosta kompiti ta' rappurtar u segwejt mill-qrib il-politika kummerċjali tal-Unjoni Ewropea u l-implimentazzjoni tagħha. Bħala MPE, ħadt sehem b'mod attiv fil-kooperazzjoni parlamentari mal-pajjiżi tal-Mediterran u tal-Lvant Nofsani u fl-attivitajiet tad-delegazzjonijiet li jittrattaw man-New Zealand, l-Awstralja u l-Istati Uniti. Bħala l-Viċi President tal-Kumitat għall-Kultura u l-Edukazzjoni ppresedejt ukoll il-kumitat ta' għażla għall-Premjijiet tal-Istilel tad-Deheb tal-Kummissjoni. Il-premjijiet huma mmirati li jżidu d-djalogu interkulturali.

L-appoġġ għall-multilingwiżmu u għal-lingwi minoritarji kien l-għan fit-tul tiegħi fil-Parlament Ewropew. Sa mill-2008, organizzajt il-Ġimgħa Lingwistika fil-Parlament f'kooperazzjoni mal-unità ESOL tal-Università ta' Cambridge għall-ittestjar lingwistiku. Fl-2013 l-Università ta' Cambridge onoratni bil-premju "Kontribuzzjoni Eċċezzjonali" bħala rikonoxximent ta' xogħli fl-appoġġ għall-multilingwiżmu.

Jiena nemmen li bħala membru tal-Qorti tal-Awdituri, ser ikolli l-għarfien espert biex neżamina l-attivitajiet li jkunu qed iseħħu f'ambjenti kulturali differenti u nifhem il-punti tat-tluq u l-isfidi differenti tagħhom.

4.  Ingħatajt kwittanza għad-dmirijiet amministrattivi li kont twettaq preċedentement, jekk tapplika proċedura ta' dan it-tip?

Fil-karigi kollha li fihom ġiet applikata l-proċedura ta' kwittanza, jiena ngħatajt il-kwittanza. L-aktar karigi ta' tmexxija sinifikanti tiegħi kienu bħala l-Viċi President tal-Partit Ċentrali tal-Finlandja, il-President tal-Assoċjazzjoni Finlandiża tal-Psorjażi, il-President tal-Assoċjazzjoni tal-Klabbs taż-Żgħażagħ ta' Lapland u l-Uffiċjal Kap Eżekuttiv tal-istazzjon tar-radju lokali f'Rovaniemi.

5.  Liema mill-pożizzjonjiet professjonali preċedenti tiegħek kienu r-riżultat ta' nomina politika?

Qabel l-attivitajiet parlamentari tiegħi, intgħażilt għal karigi differenti fuq il-bażi tal-kwalifiki professjonali tiegħi. Ġejt elett fil-Parlament Finlandiż u aktar tard fil-Parlament Ewropew mil-lista ta' kandidati għall-Partit Ċentrali tal-Finlandja b'riżultat ta' proċess elettorali demokratiku.

6.  Xinhuma l-aktar tliet deċiżjonijiet importanti li kont involut fihom fil-ħajja professjonali tiegħek?

Tul il-karriera tiegħi dejjem kelli l-għan li nsaħħaħ l-istrutturi tas-soċjetà ċivili attiva, sabiex kulħadd ikun jista' jkollu l-opportunità li jiżviluppa lilu nnifsu u javvanza l-ħiliet professjonali tiegħu. Dan ifisser il-konsolidazzjoni tal-valuri Ewropej ewlenin, pereżempju d-demokrazija, id-drittijiet tal-bniedem, il-libertà ta' opinjoni u l-istat tad-dritt, b'tali mod li ċ-ċittadini li jkunu f'sitwazzjonijiet vulnerabbli jkun jista' jkollhom is-salvagwardji li għandhom bżonn bħala l-pedament għal ħajja ferħana u sigura.

1. Ir-riforma tal-leġiżlazzjoni Finlandiża dwar l-edukazzjoni

Wieħed mill-elementi importanti ta' ħajja tajba u bilanċjata għaċ-ċittadini huwa l-aċċess għal edukazzjoni tajba mingħajr ħlas. Bħala membru tal-Kumitat tal-Edukazzjoni u l-Kultura, kelli rwol ċentrali fir-riforma tal-leġiżlazzjoni tagħna dwar l-edukazzjoni bejn l-1995 u l-1997, biex b'hekk ngħinu fil-ħolqien ta' pedament b'saħħtu għall-ġejjieni tas-soċjetà Finlandiża. Ftit snin biss wara, it-titjib fl-edukazzjoni offruta mill-iskejjel Finlandiżi wassal għal riżultati aħjar fil-valutazzjonijiet ibbażati fuq il-ħiliet u fuq l-għarfien u għal żieda fl-għarfien espert tas-soċjetà tagħna. Dan kien meta tqiegħdu l-pedamenti għas-suċċess tas-sistema tal-iskola tagħna f'valutazzjonijiet komparattivi internazzjonali bħal PISA u PIRLS.

Kien sinifikanti li l-gruppi politiċi kollha appoġġjaw l-inizjattiva tal-kumitat. Ir-riformi ntlaqgħu tajjeb ukoll fil-qasam. Id-deċiżjoni relatata kellha sehem fil-ftuħ ta' kapitolu internazzjonali ġdid fil-politiki tal-edukazzjoni tal-Finlandja. Ir-riforma tal-liġijiet tagħna dwar l-edukazzjoni kienet eżempju għal ħafna pajjiżi kemm fl-Unjoni kif ukoll barra. Permezz tal-kondiviżjoni tal-aħjar prattiki tagħna, din id-deċiżjoni (li saret fuq livell nazzjonali) serviet ukoll biex tippromwovi u tavvanza l-edukazzjoni, it-tagħlim u l-ħiliet fuq skala akbar.

2. Il-Konvenzjoni dwar il-Futur tal-Ewropa

Bħala Membru tal-Parlament Finlandiż, ħadt sehem fil-Konvenzjoni dwar il-Futur tal-Ewropa bħala rappreżentant tal-grupp politiku tiegħi u tal-Finlandja bħala tali. Il-Konvenzjoni kienet attiva fl-2002 u fl-2003. L-objettiv tagħha kien li tissemplifika l-istrutturi tal-Unjoni u li tagħmel l-Unjoni aktar miftuħa u demokratika.

Ħassejt li kien partikolarment importanti li naħdem fil-Konvenzjoni dwar il-Futur tal-Ewropa biex titħejja t-triq għat-tkabbir tal-Unjoni Ewropea kif ukoll biex jiġi diskuss il-mod kif għandhom jitfasslu u jiġu ppjanati l-istrutturi tal-UE filwaqt li jitqiesu l-ħtiġijiet ta' mhux inqas minn 30 Stat Membru. Inqis li huwa importanti li, minbarra li tqiegħed il-pedamenti għat-tkabbir tal-Unjoni lejn il-Lvant, il-Konvenzjoni stabbiliet ukoll il-fatt li l-pajjiżi kollha Ewropej li jixtiequ jikkondividu l-valuri komuni tagħna u jissodisfaw il-kundizzjonijiet tas-sħubija stabbiliti fil-kriterji ta' Copenhagen huma milqugħa biex jissieħbu mal-Unjoni.

Il-Konvenzjoni dwar il-Futur tal-Ewropa ppreżentat abbozz ta' kostituzzjoni li jiddefinixxi pedament ġdid għall-Unjoni, li għamel it-tkabbir possibbli. Barra minn hekk, ġew enfasizzati l-valuri ewlenin komuni marbuta mad-demokrazija u ssaħħew il-prinċipji tas-sħubija. Bħala membru tal-Konvenzjoni, kont involut fit-teħid ta' deċiżjoni fundamentali u wiesgħa li stabbiliet il-pedamenti għal Ewropa akbar u aktar magħquda.

Wieħed mill-prinċipji ewlenin ta' dan it-tkabbir kien it-trattament indaqs tal-Istati Membri antiki u ġodda u taċ-ċittadini tagħhom. Ridna ntemmu l-qasma tal-Ewropa. Bħala persuna li nieħu d-deċiżjonijiet fuq livell Ewropew, ħassejtni ġenwinament kburi għall-kontinent tiegħi meta ħejjejna din id-deċiżjoni. Bħala membru tal-Qorti tal-Awdituri rrid inkompli b'xogħli, li ġie ispirat minn din l-esperjenza, sabiex inkunu nistgħu niżguraw li ċ-ċittadini tal-UE kollha jgawdu minn trattament indaqs u d-dritt li jkunu jafu kif il-fondi komuni tal-Unjoni, li jkunu nġabru mingħandhom, qed jintużaw biex jiżviluppaw l-Unjoni b'mod ġust u bilanċjat.

3. Il-politika tal-iżvilupp u l-politika kummerċjali fl-Unjoni Ewropea

It-tielet deċiżjoni importanti tikkonċerna l-politika kummerċjali, li għandha implikazzjonijiet wesgħin għall-politiki tal-iżvilupp. Fil-Kumitat għall-Affarijiet Barranin tal-Parlament Finlandiż, irrappreżentajt lill-grupp tiegħi u kont responsabbli mill-qasam tal-iżvilupp. F'dan ir-rwol, segwejt mill-qrib il-proġetti tal-iżvilupp bilaterali tal-Finlandja.

Bħala membru tal-Kumitat għall-Kummerċ Internazzjonali tal-Parlament Ewropew, ħadt sehem fin-negozjati finali taċ-Ċiklu multilaterali ta' Doha f'Nairobi fl-2015. Din il-laqgħa ministerjali wasslet għal deċiżjoni li tabolixxi s-sussidji għall-esportazzjoni, li hija ta' sinifikat kbir għall-koperazzjoni għall-iżvilupp. L-eliminazzjoni tas-sussidji għall-esportazzjoni tappoġġja l-iżvilupp agrikolu fil-pajjiżi fil-fażi tal-iżvilupp u bħala riżultat tippromwovi l-istabbiltà finanzjarja. Din id-deċiżjoni tirrifletti wkoll is-solidarjetà tal-Unjoni fil-politika kummerċjali, li hija waħda mill-għodod ewlenin tagħna biex ninfluwenzaw u ngħinu l-pajjiżi fil-fażi tal-iżvilupp biex jibnu r-rekwiżiti ta' ħajja aħjar għaċ-ċittadini tagħhom.

Minħabba x-xogħol tiegħi fil-politika kummerċjali, jiena familjari wkoll mal-mekkaniżmi ta' appoġġ f'dan is-settur tal-politika, b'mod partikolari permezz tal-mekkaniżmu ta' assistenza makrofinanzjarja għall-pajjiżi tal-viċinat tal-Unjoni. Inħoss li dawn id-deċiżjonijiet li jikkonċernaw il-politiki tal-iżvilupp u dawk kummerċjali kienu partikolarment importanti, mhux biss għall-Unjoni, imma wkoll għall-umanità b'mod ġenerali.

Indipendenza

7.  It-Trattat jistipula li l-Membri tal-Qorti tal-Awdituri għandhom ikunu "kompletament indipendenti" fil-qadi ta' dmirijiethom. Kieku inti kif twettaq dan l-obbligu fil-qadi tad-dmirijiet prospettivi tiegħek?

L-indipendenza hija rekwiżit ċentrali għax-xogħol ta' membru tal-Qorti tal-Awdituri. L-operazzjonijiet ugwali u effettivi mill-awtorità tal-awditjar jirrikjedu imparzjalità u indipendenza, u awditur irid jiżgura li l-ġudizzju tiegħu jew tagħha huwa mħares minn kwalunkwe influwenza esterna. Bħala membru tal-Qorti tal-Awdituri, għandi nżomm ma' dan il-prinċipju mingħajr kundizzjonijiet. Meta nwettaq id-dmirijiet tiegħi m'għandix nieħu struzzjonijiet minn gvernijiet jew partijiet oħra. Irrid nikkonforma mar-rekwiżit ta' indipendenza kompleta u nirrifjuta kwalunkwe attività li tista' tipperikolaha.

Jekk tirriżulta sitwazzjoni li fiha jista' jkun hemm il-possibbiltà tal-anqas kunflitt ta' interess, jiena nirreferi l-kwistjoni immedjatament lill-President tal-Qorti tal-Awdituri u nitlob struzzjonijiet dwar kif għandi nipproċedi. Billi naġixxi b'dan il-mod, inkun qed nagħmel il-parti tiegħi biex niżgura li l-imparzjalità tiegħi ma tiġix ipperikolata, imma tinżamm fl-attivitajiet kollha.

8.  Inti jew qrabatek intimi (ġenituri, aħwa, sieħeb/sieħba legali u tfal) għandek jew għandhom xi parteċipazzjoni tan-negozju jew parteċipazzjoni finanzjarja, jew xi impenji oħra, li jistgħu jidħlu f'kunflitt mad-dmirijiet prospettivi tiegħek?

Wieħed mit-tfal tiegħi għandu SME li timmaniġġja s-servizzi tal-ibbukkjar ta' sawni fil-Finlandja, u l-operazzjonijiet tagħha m'għandhomx u mhu ser ikollhom l-ebda rabta mal-attivitajiet tal-Unjoni jew operazzjonijiet iffinanzjati mill-UE.

9.  Lest tiżvela l-interessi finanzjarji tiegħek kollha u impenji oħra li jista' jkollok lill-President tal-Qorti, u li tagħmilhom pubbliċi?

Assolutament. Bħala Membru tal-Parlament Ewropew, żvelajt l-impenji finanzjarji tiegħi. Jiena ser niżvela l-interessi finanzjarji tiegħi kollha kif ukoll kull impenn ieħor tiegħi lill-President tal-Qorti tal-Awdituri u, jekk ikun meħtieġ, nippubblikahom. Dan huwa importanti għall-prinċipju tat-trasparenza u għat-tisħiħ tal-fiduċja taċ-ċittadini.

10.  Inti involut f'xi proċedimenti legali kurrenti? Jekk iva, jekk jogħġbok agħti d-dettalji.

Le m'iniex.

11.  Għandek xi rwol attiv jew eżekuttiv fil-politika? Jekk iva, f'liema livell? Okkupajt xi kariga politika f'dawn l-aħħar 18-il xahar? Jekk iva, jekk jogħġbok agħti d-dettalji.

Jiena Membru tal-Parlament Ewropew u l-President tad-Delegazzjoni Parlamentari tal-Partit Ċentrali tal-Finlandja. Jiena wkoll sostitut tal-Bord tat-Tmexxija tal-Partit Ċentrali tal-Finlandja.

12.  Tirtira minn kull kariga uffiċjali li kont elett għaliha jew titlaq kull funzjoni attiva b'responsabbiltajiet f'partit politiku jekk tinħatar Membru tal-Qorti?

Iva.

13.  Kieku kif tittratta irregolarità maġġuri jew saħansitra każ ta' frodi u/jew korruzzjoni li jinvolvi persuni fl-Istat Membru tal-oriġini tiegħek?

Bħala membru tal-Qorti tal-Awdituri, irrid naġixxi b'indipendenza kompleta u b'mod assolutament imparzjali f'kull operazzjoni. Dan ifisser li jien ser nittratta kull każ ta' irregolarità, frodi u korruzzjoni bl-istess mod, irrispettivament minn fejn ikunu seħħew l-irregolaritajiet jew minn liema pajjiżi jkunu ġejjin iċ-ċittadini involuti. Bħala membru tal-Qorti tal-Awdituri ma jistax ikolli standards doppji biex nindirizza kwalunkwe kwistjoni, u rrid dejjem naħdem b'mod kompletament imparzjali u b'indipendenza totali.

Il-prevenzjoni tal-frodi, tal-korruzzjoni u tal-irregolaritajiet hija partikolarment importanti għaż-żamma tal-kredibbiltà u tal-affidabbiltà tal-Unjoni Ewropea. Jekk ikun hemm suspett ta' frodi, jiena immedjatament nirrapporta l-kwistjoni lill-President tal-Qorti tal-Awdituri u lill-Uffiċċju Ewropew Kontra l-Frodi (OLAF). Iċ-ċittadini jridu jkunu jistgħu jafdaw il-korpi tal-Unjoni taħt iċ-ċirkostanzi kollha, u b'mod speċjali lill-Qorti tal-Awdituri u l-imparzjalità tal-membri tagħha.

Qadi ta' dmirijiet

14.  X'għandhom ikunu l-karatteristiċi ewlenin ta' kultura ta' amministrazzjoni finanzjarja soda fi kwalunkwe servizz pubbliku? Il-QEA b'liema mod tista' tgħin fl-infurzar ta' din il-kultura?

  Il-kultura ta' amministrazzjoni finanzjarja soda għandha tkun rekwiżit assolut fl-amministrazzjoni pubblika. Il-ġestjoni immakulata tal-flus tal-kontribwenti għandha tkun dritt fundamentali taċ-ċittadini tal-Unjoni. Skont il-prinċipju tal-amministrazzjoni soda, huwa essenzjali li wieħed mhux biss jaġixxi skont ir-regoli, iżda wkoll li jkun hemm biżżejjed kondiviżjoni ta' informazzjoni.

L-amministrazzjoni finanzjarja soda tirrikjedi li wieħed isegwi l-kunċett tat-tliet Ejiet: l-ekonomija, l-effiċjenza u l-effikaċja. Ir-rwol tal-Qorti tal-Awdituri, għas-sodisfazzjon ta' dan il-prinċipju, huwa li tipprovdi rapporti tal-awditjar indipendenti dwar oqsma rilevanti u tippubblikahom fi żmien raġonevoli. B'dak il-mod kemm il-Parlament Ewropew kif ukoll iċ-ċittadini tal-UE jkunu infurmati fil-ħin adatt dwar kif il-fondi tagħhom qed jiġu ġestiti. Ir-rapporti għandhom jagħtu dettalji kemm dwar il-prattika tajba kif ukoll dwar kwistjonijiet li jirrikjedu titjib. Bil-kondiviżjoni ta' kwistjonijiet kemm pożittivi kif ukoll negattivi, nistgħu ninfluwenzaw u ntejbu l-amministrazzjoni finanzjarja bl-aktar mod effikaċi possibbli.

Il-puntwalità hija garantita billi jiġu segwiti proċessi leġiżlattivi, li b'hekk jippermettu lill-Qorti tal-Awdituri tagħżel il-miri tar-rapporti speċjali tagħha sabiex dawn jaqdu bl-aħjar mod il-proċess leġiżlattiv u jipprovdu lill-Parlament bl-informazzjoni li jeħtieġ. Din hija wkoll parti mill-użu tar-riżorsi proprji tal-QEA b'mod effikaċi.

L-ewwel u qabel kollox, trid tingħata attenzjoni għat-trasparenza tal-proċessi. Għandu jkun ċar għal kull kontribwent fejn sejrin il-flus u kif qed jintużaw. Il-kondiviżjoni ta' din l-informazzjoni m'għandhiex tkun l-eċċezzjoni, imma r-regola. Iċ-ċittadini tal-Unjoni jridu jkunu jistgħu jafdaw li l-fondi tagħhom qed jiġu ġestiti kif xieraq.

15.  Skont it-Trattat, il-Qorti għandha l-obbligu li tassisti lill-Parlament huwa u jeżerċita s-setgħat tiegħu ta' kontroll fuq l-implimentazzjoni tal-baġit. Kieku inti kif tkompli ttejjeb il-kooperazzjoni bejn il-Qorti u l-Parlament Ewropew (b'mod partikolari, il-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit tiegħu) biex issaħħaħ sew is-sorveljanza pubblika fuq l-infiq ġenerali kif ukoll il-kosteffettività ta' dak l-infiq?

L-esperjenza professjonali tiegħi fil-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit tal-Parlament Ewropew ċertament ser tkun ta' benefiċċju għat-titjib tal-kooperazzjoni bejn il-Qorti tal-Awdituri u l-Parlament Ewropew. L-għoti tal-assistenza msemmija fl-Artikolu 287 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (li jistabbilixxi l-Qorti tal-Awdituri), jirrikjedi li l-QEA tqis l-importanza tal-kooperazzjoni bejn il-QEA u l-Parlament Ewropew meta tippjana x-xogħol u l-awditjar tagħha stess.

Biex din il-kooperazzjoni tkun ta' suċċess, l-interazzjoni trid taħdem. Kooperazzjoni li tiffunzjona bejn żewġ istituzzjonijiet importanti tirrikjedi ppjanar minn qabel: programm ta' ħidma annwali ċar għall-Qorti tal-Awdituri u skeda ta' żmien ippjanata għar-rapporti tal-awditjar tal-ġejjieni ser jagħmlu l-ippjanar tax-xogħol aktar faċli għall-Parlament u għall-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit b'mod partikolari. B'dan il-mod, il-puntwalità tad-dmirijiet tista' tiġi garantita u nkunu nistgħu nevitaw sitwazzjonijiet li fihom kwistjoni ma tkunx tista' tiġi diskussa mill-Parlament sakemm ma tkunx għaddiet mill-eżaminazzjoni tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit fil-proċess leġiżlattiv u tal-baġit. Il-Qorti tal-Awdituri għandha tipprovdi lill-Parlament Ewropew bil-pjan annwali tagħha kmieni biżżejjed biex il-Parlament ifassal il-pjan ta' ħidma u l-kalendarju tiegħu.

Kif enfasizzajt fit-taqsima 14, il-puntwalità hija waħda mir-rekwiżiti għall-kontroll tal-użu tal-finanzi u biex tiġi garantita effikaċja partikolari.

16.  X'valur miżjud taħseb li jġib miegħu l-awditjar tal-prestazzjonijiet, u s-sejbiet kif għandhom jiġu inkorporati fil-proċeduri tal-amministrazzjoni?

L-awditjar tal-prestazzjonijiet jipprovdi ħarsa lejn l-aktar kwistjoni ċentrali fl-użu tal-fondi, li hija jekk humiex qed jintużaw b'mod xieraq. Il-fondi jistgħu jintużaw eżattament skont ir-regoli, imma dak mhux neċessarjament ikun il-mod ekonomiku, effettiv jew influwenti kif nipproċedu. Il-kisba tar-riżultati għandha tkun enfasizzata b'mod aktar b'saħħtu għaliex din tagħmilha verament possibbli li nistmaw jekk il-fondi ntużawx b'mod xieraq.

Il-Qorti tal-Awdituri twettaq l-awditjar tal-prestazzjonijiet biex tipproduċi osservazzjonijiet u rakkomandazzjonijiet, u mbagħad tkun ir-responsabbiltà tal-Kummissjoni li tikkunsidrahom, b'mod partikolari l-Kummissarju responsabbli mis-suġġett inkwistjoni u d-Direttur Ġenerali kkonċernat.

L-awditi u r-rakkomandazzjonijiet maħruġa mill-Qorti tal-Awdituri għandhom jitqiesu fl-attivitajiet amministrattivi bħala parti mill-iżvilupp ta' operazzjonijiet. L-informazzjoni li toħroġ mill-awditjar għandha tintuża biex jitjiebu kemm il-proċessi amministrattivi eżistenti kif ukoll l-ippjanar għall-proċessi tal-ġejjieni. B'dak il-mod jistgħu jinkisbu l-aqwa benefiċċji possibbli mill-awditjar imwettaq u mill-informazzjoni li tirriżulta.

17.  Kif tista' tittejjeb il-kooperazzjoni bejn il-Qorti tal-Awdituri, l-istituzzjonijiet ta' awditjar nazzjonali u l-Parlament Ewropew (il-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit) rigward l-awditjar tal-baġit tal-UE?

M'hemmx kooperazzjoni mingħajr djalogu u interazzjoni. L-iżvilupp tal-kooperazzjoni bejn il-Qorti tal-Awdituri, il-korpi ta' awditjar nazzjonali u l-Parlament Ewropew (il-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit) jista' jibda wkoll bil-kondiviżjoni tal-aħjar prattiki. Il-kondiviżjoni tal-aħjar prattiki mill-istituzzjonijiet ta' awditjar nazzjonali tiffaċilita b'mod partikolari l-kooperazzjoni bejn il-korpi. Skont il-prattika ppreżentata fir-Rapport Annwali ta' din is-sena, l-aħjar prattiki jistgħu jinstabu u jiġu kondiviżi fuq livell internazzjonali, inkluż barra mill-fruntieri tal-UE.

L-awditi miftiehma huma wkoll forma ta' kooperazzjoni li tippermetti li tiġi żviluppata prattika tajba. Il-prinċipju tal-indipendenza stabbilit fit-Trattati jrid jiġi osservat meta jitwettqu attivitajiet konġunti. B'mod partikolari fir-rigward tal-kondiviżjoni tax-xogħol u tal-evitar ta' duplikazzjoni, il-kooperazzjoni bejn l-istituzzjonijiet ta' awditjar nazzjonali u l-Qorti tal-Awdituri tista' tirriżulta f'iffrankar siewi tar-riżorsi.

F'xogħli bħala membru tal-Qorti tal-Awdituri, jiena ser ninvolvi ruħi b'mod attiv fid-djalogu kemm mal-Parlament Ewropew kif ukoll mal-istituzzjonijiet ta' awditjar nazzjonali. Il-pedament ta' kooperazzjoni tajba huwa li l-Qorti tal-Awdituri tikkondividi b'mod attiv l-informazzjoni dwar l-attivitajiet tagħha u b'hekk tippromwovi l-prinċipju tat-trasparenza bejn il-Parlament Ewropew u l-istituzzjonijiet ta' awditjar nazzjonali. 

18.  Kieku inti kif tiżviluppa aktar ir-rappurtar tal-QEA biex il-Parlament Ewropew jingħata kull informazzjoni meħtieġa dwar l-akkuratezza tad-data mogħtija mill-Istati Membri lill-Kummissjoni Ewropea?

Informazzjoni affidabbli u preċiża mogħtija mill-Istati Membri lill-Kummissjoni hija meħtieġa għall-implimentazzjoni ordnata tal-baġit. Kull Stat Membru huwa responsabbli għaċ-ċittadini tiegħu biex jikkonformaw mar-regoli tal-amministrazzjoni finanzjarja, ikollhom prinċipji eżemplari ta' governanza tajba u jipprovdu lill-Kummissjoni b'informazzjoni vera u biżżejjed dwar ir-raġunijiet għall-pagamenti.

Billi jiena naf ix-xogħol tal-Parlament Ewropew, u b'mod partikolari tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit, li jaħdem mill-qrib mal-Qorti tal-Awdituri, ċertament ser inqis l-utilità tar-rappurtar lill-Parlament Ewropew. L-investiment għandu jkollu direzzjoni speċifika bil-għan li titjieb il-kwalità tal-kontenut tar-rappurtar u b'hekk tiġi pprovduta informazzjoni rilevanti lill-Membri tal-Parlament: l-għan għandu jkun li nipproduċu valur miżjud għax-xogħol tal-Parlament, b'mod partikolari fir-rigward tar-rapporti ta' kwittanza. Il-komunikazzjoni kollha mill-Qorti tal-Awdituri lill-Parlament Ewropew trid tkun ċara, u l-kwalità għandha tkun is-suġġett ta' attenzjoni kontinwa.

Ir-Rapport Annwali tal-Qorti tal-Awdituri mhuwiex l-unika opportunità għall-kondiviżjoni tal-informazzjoni: għall-kuntrarju, hemm bosta modi għall-kondiviżjoni tal-analiżi tal-affidabbiltà tal-informazzjoni. Il-Qorti tal-Awdituri tista' tipproduċi wkoll rapporti qosra u malajr dwar l-akkuratezza tal-informazzjoni mogħtija mill-Istati Membri f'ċerti oqsma ta' politika.

Matul is-sena d-dieħla, l-UE ser tkun qed tħallas ammont rekord ta' fondi ta' koeżjoni, li ntlaqat minn dewmien mhux tas-soltu. Partikolarment f'sitwazzjonijiet bħal dawn, hemm bżonn li nkunu nistgħu nafdaw dejjem aktar li l-informazzjoni kollha ser tiġi ppreżentata b'onestà u b'mod adegwat, filwaqt li niggarantixxu li l-Qorti tal-Awdituri tuża r-riżorsi tagħha b'mod effiċjenti sabiex telimina raġunijiet żbaljati għall-ħlas. Bil-pressjoni tal-awditjar dejjem tikber, ser ikun essenzjali li r-riżorsi jiġu mmirati b'akkuratezza, u dan jeħtieġ li jiġi ppjanat bir-reqqa mill-Qorti tal-Awdituri.

Punt wieħed li semmejt bosta drabi huwa l-kondiviżjoni tal-informazzjoni. Il-Kummissjoni għandha tinforma b'mod attiv u ċar lill-Istati Membri dwar x'informazzjoni jeħtieġ li jipprovdu. Il-Parlament spiss innota li l-informazzjoni hija disponibbli permezz tal-Internet. Meta l-informazzjoni tkun ser tiġi skambjata, dejjem ikun hemm diskussjoni dwar modi kif jiġi evitat il-piż amministrattiv. Il-bilanċ milħuq jenħtieġ li jenfasizza d-disponibbiltà ta' informazzjoni xierqa u suffiċjenti rigward ir-raġunijiet għall-ħlas aktar milli s-semplifikazzjoni tal-proċeduri amministrattivi. Dan kollu dejjem iwassal għall-prinċipju bażiku li ċ-ċittadini tal-Unjoni Ewropea għandhom ikunu jafu kif, u għaliex, qed jintefqu l-fondi tal-Unjoni.

Kwistjonijiet sussidjarji

19.  Tirtira l-kandidatura tiegħek jekk l-opinjoni tal-Parlament dwar il-ħatra tiegħek bħala Membru tal-Qorti ma tkunx favorevoli?

Iva. It-Trattat jirrikjedi li l-membri tal-Qorti tal-Awdituri jwettqu dmirijiethom b'mod indipendenti u b'mod professjonali fl-interess ġenerali tal-Unjoni. Sabiex dawn id-dmirijiet jitwettqu b'mod tajjeb u b'suċċess, huwa essenzjali li tinżamm relazzjoni kunfidenzjali mal-Parlament u mal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit.


PROĊEDURA TAL-KUMITAT RESPONSABBLI

Titolu

Tiġdid parzjali tal-Membri tal-Qorti tal-Awdituri - kandidat FI

Referenzi

12248/2017 – C8-0330/2017 – 2017/0814(NLE)

Data tal-konsultazzjoni / talba għal approvazzjoni

21.9.2017

 

 

 

Kumitat responsabbli

       Data tat-tħabbir fis-seduta plenarja

CONT

5.10.2017

 

 

 

Rapporteurs

       Data tal-ħatra

Indrek Tarand

2.10.2017

 

 

 

Data tal-adozzjoni

19.10.2017

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

13

9

2

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Nedzhmi Ali, Jonathan Arnott, Inés Ayala Sender, Luke Ming Flanagan, Ingeborg Gräßle, Cătălin Sorin Ivan, Arndt Kohn, Bogusław Liberadzki, Monica Macovei, Notis Marias, Petri Sarvamaa, Bart Staes, Indrek Tarand, Tomáš Zdechovský, Joachim Zeller

Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali

Richard Ashworth, Karin Kadenbach, Julia Pitera, Patricija Šulin

Sostituti (skont l-Artikolu 200(2)) preżenti għall-votazzjoni finali

Jan Huitema, Wajid Khan, Momchil Nekov, Monika Smolková, Lieve Wierinck

Data tat-tressiq

26.10.2017

Avviż legali