Proċedura : 2017/0816(NLE)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A8-0341/2017

Testi mressqa :

A8-0341/2017

Dibattiti :

Votazzjonijiet :

PV 15/11/2017 - 13.8

Testi adottati :

P8_TA(2017)0434

RAPPORT     
PDF 589kWORD 54k
31.10.2017
PE 610.912v01-00 A8-0341/2017

dwar in-nomina ta' Bettina Jakobsen bħala Membru tal-Qorti tal-Awdituri

(C8‑0332/2017 – 2017/0816(NLE))

Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit

Rapporteur: Indrek Tarand

PROPOSTA GĦAL DEĊIŻJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW
 ANNESS 1: CURRICULUM VITAE TA' BETTINA JAKOBSEN
 ANNESS 2: SOMMARJU TA' BETTINA JAKOBSEN DWAR L-ESPERJENZA BĦALA MEMBRU TAL-QORTI U L-OBJETTIVI GĦAL MANDAT FUTUR
 PROĊEDURA TAL-KUMITAT RESPONSABBLI

PROPOSTA GĦAL DEĊIŻJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW

dwar in-nomina ta' Bettina Jakobsen bħala Membru tal-Qorti tal-Awdituri

(C8‑0332/2017 – 2017/0816(NLE))

(Konsultazzjoni)

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 286(2) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, skont liema artikolu ġie kkonsultat mill-Kunsill (C8‑0332/2017),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 121 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit (A8-0341/2017),

A.  billi l-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit tiegħu evalwa l-kwalifiki tal-kandidat propost, b'mod partikolari fir-rigward tal-kundizzjonijiet stipulati fl-Artikolu 286(1) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea;

B.  billi waqt il-laqgħa tiegħu tas-26 ta' Ottubru 2017, il-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit sema' lill-kandidat propost mill-Kunsill għall-kariga ta' Membru tal-Qorti tal-Awdituri;

1.  Jagħti opinjoni favorevoli dwar il-proposta tal-Kunsill għall-ħatra ta' Bettina Jakobsen bħala Membru tal-Qorti tal-Awdituri;

2.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din id-deċiżjoni lill-Kunsill u, għal skopijiet ta' informazzjoni, lill-Qorti tal-Awdituri kif ukoll lill-istituzzjonijiet l-oħra tal-Unjoni Ewropea u lill-istituzzjonijiet tal-awditjar tal-Istati Membri.


ANNESS 1: CURRICULUM VITAE TA' BETTINA JAKOBSEN

EDUKAZZJONI

Master fil-Governanza Pubblika (MPG), l-Università ta' Copenhagen u Copenhagen Business School (CBS), 2012

KIOL – kors fil-ġestjoni pubblika, 2004-2005

Lawrja fil-Liġi, l-Università ta' Copenhagen, 1990

Il-kwalifika għad-dħul fl-Università – speċjalizzazzjoni fil-lingwi moderni, Espergærde Amtsgymnasium, 1982

 

IMPJIEG

Membru Daniż tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri matul il-perjodu mill-1 ta' Settembru 2015 sat-28 ta' Frar 2018

Assistent Awditur Ġenerali, l-Uffiċċju Nazzjonali tal-Awditjar Daniż, mis-17 ta' Mejju 2005

Direttur, l-Uffiċċju Nazzjonali tal-Awditjar Daniż, mill-1 ta' Ġunju 2002

Awditur, il-Bord Internazzjonali tal-Awdituri għan-NATO, Kwartieri Ġenerali tan-NATO, Brussell, il-Belġju, 1997-2002

Konsulent speċjali, l-Uffiċċju Nazzjonali tal-Awditjar Daniż, 1996

Kap tat-Taqsima, l-Uffiċċju Nazzjonali tal-Awditjar Daniż, l-1 ta' Mejju 1990

 

ESPERJENZA PROFESSJONALI

2015 – 2018

 

Membru Daniż tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri matul il-perjodu mill-1 ta' Settembru 2015 sat-28 ta' Frar 2018.

 

 

Minn Settembru 2015 sa Mejju 2016 jien kont membru tal-Awla I tal-Qorti tal-Awdituri (użu sostenibbli tar-riżorsi naturali); Sussegwentement ġejt trasferita fuq talba tiegħi stess għall-Kamra III (Azzjoni esterna, ta' sigurtà u ġustizzja).

 

 

Matul dak il-perjodu, jien kont il-Membru responsabbli għal sitt rapporti speċjali:

 

1.  Rapport speċjali Nru 6/2016: Programmi ta' qerda, kontroll u monitoraġġ għat-trażżin tal-mard tal-annimali.

2.  Rapport speċjali Nru 18/2016: Is-sistema tal-UE għaċ-ċertifikazzjoni ta' bijokarburanti sostenibbli.

3.  Rapport speċjali Nru 30/2016: L-effettività tal-appoġġ tal-UE lis-setturi prijoritarji fil-Honduras.

4.  Rapport speċjali Nru 34/2016: Il-ġlieda kontra l-Ħela tal-Ikel: opportunità għall-UE sabiex ittejjeb l-effiċjenza fir-riżorsi tal-katina tal-provvista tal-ikel.

5.  Ir-rapport speċjali li jmiss dwar l-appoġġ tal-UE għall-ġlieda kontra t-traffikar tal-bnedmin fin-Nofsinhar/l-Asja tax-Xlokk (rapport li jrid jiġi ppubblikat fl-20 ta' Ġunju 2017).

6.  Ir-rapport speċjali li jmiss dwar il-Fond Fiduċjarju "Bêkou" tal-UE fir-Repubblika Ċentru-Afrikana (mistenni li jiġi ppubblikat f'Settembru/Ottubru 2017).

 

 

Il-kompiti strateġiċi interni tal-Qorti tal-Awdituri:

 

Membru ta' grupp ta' ħidma responsabbli għar-riorganizzazzjoni tal-Qorti tal-Awdituri. Il-kompiti kienu jinkludu l-aġġornament tal-istruttura tal-kamra sabiex tirrifletti aħjar il-prijoritajiet tal-Qorti tal-Awdituri u tappoġġa prijoritizzazzjoni, ippjanar u implimentazzjoni aktar flessibbli tal-kompiti ta' awditjar.

 

Sa mill-bidu ta' Ġunju 2016, b'mod parallel ma' dmirijieti fil-Kamra III, jien kont waħda fost it-tliet membri tal-Kumitat dwar il-Kontroll tal-Kwalità tal-Awditjar tal-Qorti tal-Awdituri. F'din il-kapaċità jien responsabbli għall-assigurazzjoni tal-kwalità tar-rapporti speċjali dwar l-użu sostenibbli tar-riżorsi naturali u r-rapporti speċjali dwar ir-regolamentazzjoni tas-suq u l-ekonomija tal-kompetizzjoni.

 

Attwalment nippresiedi grupp ta' ħidma li qed jorganizza seminar tal-membri f'Settembru 2017 dwar l-iżvilupp strateġiku tal-Qorti tal-Awdituri. Is-seminar se jiffoka fuq diversi aspetti relatati mal-prestazzjoni.

 

 

2013 – 2015

 

Assistent Awditur Ġenerali fl-Uffiċċju Nazzjonali tal-Awditjar Daniż. Awditjar tal-Ministeru tal-Impjiegi, il-Ministeru tat-Tfal, l-Ugwaljanza bejn is-Sessi, l-Integrazzjoni u l-Affarijiet Soċjali, il-Ministeru tal-Affarijiet Ekonomiċi u tal-Intern, il-Ministeru tas-Saħħa, il-Ministeru tal-Affarijiet Ekkleżjastiċi u l-Ministeru tal-Kultura. Awditi finanzjarji, ta' konformità u tal-prestazzjoni ta' sitt ministeri, awditi ta' ripagamenti tal-gvern ċentrali lill-muniċipalitajiet u awditi tal-prestazzjoni tar-reġjuni. Ġestjoni ta' erba' diretturi u madwar 50 membru tal-persunal. Membru tat-tim ta' ġestjoni tal-Uffiċċju Nazzjonali tal-Awditjar Daniż.

 

Bħala Assistent Awditur Ġenerali, kont responsabbli, fost affarijiet oħra, għal diversi rapporti relatati maċ-ċittadini għall-Kumitat tal-Kontijiet Pubbliċi, li kienu jittrattaw pereżempju: xelters għan-nisa, miżuri meħuda biex jgħinu persuni mingħajr dar, ħinijiet għall-ipproċessar tal-każijiet‑ fil-korpi statali amministrattivi, pagamenti tas-sigurtà soċjali mhux korretti, miżuri ta' integrazzjoni, is-superviżjoni tas-saħħa mentali fuq il-post tax-xogħol u riżorsi ta' riċerka fl-isptarijiet.

 

Bħala Assistent Awditur Ġenerali, jien kont responsabbli għat-tfassil ta' rapporti għall-Kumitat tal-Kontijiet Pubbliċi dwar l-awditjar tal-kontijiet tal-Istat għall-2013 u l-2014.

 

 

2010 – 2013

 

Assistent Awditur Ġenerali fl-Uffiċċju Nazzjonali tal-Awditjar Daniż. Kont responsabbli għall-preparazzjoni ta' stħarriġiet ewlenin li twettqu fil-Ministeru tan-Negozju u t-Tkabbir, il-Ministeru tal-Impjiegi, il-Ministeru tal-Ikel, l-Agrikoltura u s-Sajd, il-Ministeru tad-Djar, l-Affarijiet Urbani u Rurali, il-Ministeru tal-Affarijiet Soċjali u l-Integrazzjoni, il-Ministeru tas-Saħħa, il-Ministeru tat-Trasport, il-Ministeru tal-Klima, l-Enerġija u l-Bini, il-Ministeru tal-Ambjent, kif ukoll awditi tal-prestazzjoni fil-ħames reġjuni nazzjonali. Ġestjoni ta' erba' diretturi u madwar 40 membru tal-persunal. Membru tat-tim ta' ġestjoni tal-Uffiċċju Nazzjonali tal-Awditjar Daniż.

 

2005 – 2009

 

 

Assistent Awditur Ġenerali fl-Uffiċċju Nazzjonali tal-Awditjar Daniż. Kont responsabbli għall-awditi finanzjarji u ta' konformità tal-Uffiċċju tal-Prim Ministru, il-Ministeru tal-Affarijiet Barranin, il-Ministeru tal-Finanzi, il-Ministeru tal-Affarijiet Ekonomiċi u Kummerċjali, il-Ministeru tax-Xjenza, it-Teknoloġija u l-Innovazzjoni, il-Ministeru tat-Trasport, il-Ministeru tal-Klima, l-Enerġija u l-Bini kif ukoll awditi ta' pagi nazzjonali mwettqa mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Awditjar Daniż. Ġestjoni ta' erba' jew ħames diretturi u madwar 55 membru tal-persunal. Membru tat-tim ta' ġestjoni tal-Uffiċċju Nazzjonali tal-Awditjar Daniż.

 

2002 – 2005

 

 

Bħala Direttur tal-Unità C3 fl-Uffiċċju Nazzjonali tal-Awditjar Daniż, jien kont responsabbli għall-awditi finanzjarji u ta' konformità tal-Ministeru tal-Affarijiet Barranin, il-Ministeru tat-Trasport u l-Enerġija, il-Ministeru tal-Affarijiet Ekonomiċi u Kummerċjali kif ukoll ta' nofs il-Ministeru tax-Xjenza. Jien kont direttament responsabbli għal 17-il membru tal-persunal.

 

1997 – 2002

 

 

Awditur fil-Bord Internazzjonali tal-Awdituri għan-NATO, fi Brussell. Kont l-ewwel ċittadin Daniż li dam 27 sena f'din il-kariga u l-ewwel mara li qatt ħadmet bħala awditur fin-NATO. Ix-xogħol kien jinkludi l-awditi finanzjarji, ta' konformità u tal-prestazzjoni tad-diversi organizzazzjonijiet u proġetti tan-NATO. Kien jinkludi wkoll awditi mwettqa fuq il-programmi tal-infrastruttura tal-NSIP tan-NATO, li kienu jinvolvu vjaġġar estensiv fl-Istati Membri kollha tan-NATO. Għarfien tajjeb tal-istandards internazzjonali tal-awditjar u tal-kontabbiltà u l-użu tal-Ingliż u tal-Franċiż bħala lingwi ta' ħidma.

 

1990 – 1997

 

 

Kap tat-Taqsima, Uffiċċju Nazzjonali tal-Awditjar tad-Danimarka. Awditi finanzjarji, ta' konformità u tal-prestazzjoni tal-Ministeru tal-Edukazzjoni, il-Ministeru tax-Xjenza, il-Ministeru tal-Kultura u l-istituzzjonijiet tal-Kunsill Nordiku. Parteċipazzjoni fil-kooperazzjoni Nordika bejn uffiċċji nazzjonali ta' awditjar.

 

ESPERJENZAINTERNAZZJONALI

OĦRA

 

2014 – 2015: Maħtura mill-Bank Ewropew tal-Investiment (BEI) bħala membru tal-Kumitat tal-Awditjar tal-Fond Ewropew tal-Investiment (FEI) fil-Lussemburgu. Il-FEI jiffinanzja intrapriżi żgħar u ta' daqs medju fl-Ewropa permezz ta' garanziji u kapital ta' riskju. Il-Kumitat tal-Awditjar huwa responsabbli, fost oħrajn, biex jivverifika li l-attivitajiet tal-Fond huma organizzati b'mod xieraq u huma awditjati b'mod adegwat. L-awditjar jitwettaq f'konformità mal-istandards internazzjonali tal-awditjar.

 

 

Mejju 2013: Kelliem prinċipali fil-Konferenza tal-Bank Dinji u l-Bank Afrikan tal-Iżvilupp f'Abu Dhabi dwar l-iżvilupp tal-ġestjoni finanzjarja pubblika fir-reġjun Għarbi.

 

 

2012 – 2015: Maħtura mill-Awditur Ġenerali bħala President tal-Kumitat għall-Istandards Professjonali (PSC) tal-INTOSAI, li jfassal standards tal-awditjar pubbliku applikabbli għall-uffiċċji nazzjonali tal-awditjar fid-dinja.

 

 

2011 – 2015: Maħtura mill-Ministeru għall-Affarijiet Ekonomiċi u n-Negozju bħala l-membru Daniż tal-Kumitat tal-Awditjar tal-Bank Ewropew tal-Investiment (BEI) fil-Lussemburgu. Il-BEI huwa l-bank tal-Unjoni Ewropea. Il-Kumitat tal-Awditjar iwettaq funzjoni ta' governanza u huwa responsabbli, fost oħrajn, biex jivverifika li l-attivitajiet tal-BEI huma mwettqa b'mod trasparenti u xieraq, li l-Bank għandu ġestjoni adegwata tar-riskji u l-kontrolli interni meħtieġa, u li jikkonforma mal-aħjar prattika bankarja. L-awditjar jitwettaq f'konformità mal-istandards internazzjonali tal-awditjar.

 

 

2008 – 2011: Maħtura mill-Ministeru tal-Affarijiet Barranin bħala l-membru Daniż u president ta' kumitat tal-awditjar ġdid fil-Kunsill tal-Ewropa fi Strasburgu, organizzazzjoni li l-mandat tagħha jinkludi l-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem fi Strasburgu. Ir-responsabbiltajiet kienu jinkludu l-għoti ta' pariri lill-Kunsill tal-Ewropa u lis-Segretarju Ġenerali dwar kwistjonijiet relatati mal-awditjar, l-iżgurar ta' ġestjoni u governanza finanzjarja effikaċi u xierqa u l-iffaċilitar tal-koordinazzjoni bejn awditi interni u esterni fil-Kunsill tal-Ewropa. L-awditjar sar skont standards ta' awditjar internazzjonali.

 

 

2007 – 2012: Viċi President tal-PSC. F'isem l-Awditur Ġenerali, jiena ppresedejt il-laqgħat annwali tal-Kumitat ta' Tmexxija tal-PSC fil-Bahrain (2007), fil-Brażil (2009), f'Copenhagen (2010), fin-New Zealand (2011), fi Stokkolma (2012), f'Beijing (2013) u fil-Bahrain (2014). Il-kompiti kienu jinkludu li nippresiedi laqgħat li jinvolvu 50-60 delegat internazzjonali, id-definizzjoni tal-istrateġija u l-iżvilupp tal-PSC u l-iżvilupp ta' standards internazzjonali, normi u prinċipji għall-awditjar fis-settur pubbliku.

 

 

2007: Preżentatur fis-seminar tal-Bank Dinji f'Washington dwar it-tranżizzjoni għall-pajjiżi li qegħdin jiżviluppaw, li ffoka fuq it-trasparenza fil-kontabbiltà u l-amministrazzjoni tajba tal-fondi pubbliċi.

 

 

2006: Preżentatur fil-Kungress Dinji tal-IFAC tal-2006 f'Istanbul. L-IFAC (Federazzjoni Internazzjonali tal-Kontabilisti) hija assoċjazzjoni dinjija ta' awdituri privati. Il-preżentazzjoni ffokat fuq il-ħidma tal-INTOSAI dwar l-istandards ta' awditjar pubbliċi.

 

ESPERJENZA OĦRA

2014 – 2015: Ippresedejt grupp ta' ħidma konġunt tal-FSR – Awdituri Daniżi u l-Uffiċċju Nazzjonali tal-Awditjar tad-Danimarka li kellu l-kompitu li jfassal linji gwida komuni dwar il-ġestjoni u l-awditjar ta' sussidji statali u proċedura ta' approvazzjoni standard għall-għotjiet ta' proġetti.

 

 

2009 u 2011: Organizzajt u ospitajt iż-żewġ konferenzi nazzjonali dwar l-awditjar pubbliku li saru mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Awditjar tad-Danimarka fl-2009 u l-2011. Il-Konferenza tal-2011 iffokat fuq il-valur tal-awditjar fis-settur pubbliku u kellha l-għan li turi kif l-awditjar jista' jkompli jappoġġa l-iżvilupp u l-innovazzjoni f'dak is-settur.

 

 

2008 – 2010: Membru tal-Kunsill tal-Kontabbiltà Daniż, li wieħed mill-kompiti tiegħu huwa li jaġixxi bħala bord ta' diskussjoni għall-Ministeru tal-Finanzi fi kwistjonijiet li jikkonċernaw l-iżvilupp tal-istandards tal-kontabbiltà nazzjonali.

 

Ħafna snin ta' esperjenza bħala konsulent espert tal-ġestjoni fi programmi ta' konsulenza esperta ta' Djøf.

 

Nitkellem Ingliż tajjeb, għandi għarfien prattiku tajjeb tal-Franċiż u livell raġonevoli ta' Ġermaniż.


ANNESS 2: SOMMARJU TA' BETTINA JAKOBSEN DWAR L-ESPERJENZA BĦALA MEMBRU TAL-QORTI U L-OBJETTIVI GĦAL MANDAT FUTUR

Matul sentejn bħala Membru, jiena kont responsabbli għal sitt rapporti speċjali ppubblikati:

1.  Nru 6/2016: Programmi ta' qerda, kontroll u monitoraġġ għat-trażżin tal-mard tal-annimali.

2.  Nru 18/2016: Is-sistema tal-UE għaċ-ċertifikazzjoni ta' bijokarburanti sostenibbli.

3.  Nru 30/2016: L-effettività tal-appoġġ tal-UE lis-setturi prijoritarji fil-Honduras.

4.  Nru 34/2016: Il-ġlieda kontra l-Ħela tal-Ikel: opportunità għall-UE sabiex ittejjeb l-effiċjenza fir-riżorsi tal-katina tal-provvista tal-ikel.

5.  Nru 9/2017: L-appoġġ tal-UE għall-ġlieda kontra t-traffikar tal-bnedmin fin-Nofsinhar/l-Asja tax-Xlokk.

6.  Nru 11/2017: Il-fond fiduċjarju Bêkou tal-UE għar-Repubblika Ċentru-Afrikana: bidu promettenti minkejja xi nuqqasijiet.

Barra minn hekk, ikkontribwixxejt b'mod attiv għall-ħidma tal-Qorti bħala:

  Membru ta' grupp ta' ħidma responsabbli għar-riorganizzazzjoni tal-Qorti. Dan kien jinkludi aġġornament tal-istruttura tal-kamra sabiex tirrifletti aħjar il-prijoritajiet tal-Qorti u tiżgura aktar flessibbiltà fl-ippjanar u l-implimentazzjoni ta' kompiti tal-awditjar.

  Membru tal-Kumitat dwar il-Kontroll tal-Kwalità tal-Awditjar responsabbli biex niżgura l-kwalità u l-koerenza tar-rapporti speċjali tagħna.

  President ta' grupp ta' ħidma li organizza s-seminar annwali tal-Membri f'Settembru 2017 dwar l-iżvilupp strateġiku tal-Qorti, b'enfasi fuq aspetti differenti tal-awditjar tal-prestazzjoni.

  Membru ta' għadd ta' panels ta' reklutaġġ għal maniġers, li jirriżultaw fl-għażla ta' disa' Maniġers Prinċipali, sitta minnhom nisa. Il-Qorti għandha grupp ta' persunal b'ħafna ħiliet u jien sostenitur qawwi tat-titjib tal-bilanċ tagħna bejn is-sessi.

Awditjar tas-settur pubbliku li jiffunzjona tajjeb huwa kruċjali biex jiġu żgurati l-obbligu ta' rendikont u t-trasparenza fil-konfront taċ-ċittadini. L-objettiv tiegħi għal mandat futur ikun li nkompli nuża aktar minn 25 sena esperjenza ta' awditjar fis-settur pubbliku għall-promozzjoni u t-twettiq ta' awditi li jista' jkollhom impatt pożittiv fuq il-ħajja taċ-ċittadini.

Se nkompli nħeġġeġ it-titjib kemm fil-governanza kif ukoll fl-arranġamenti ta' awditjar. F'dan il-kuntest, jidhirli li huwa essenzjali li jkun hemm kooperazzjoni mill-qrib u kostruttiva mal-partijiet interessati tal-Qorti, bħall-Parlament u, b'mod partikolari, il-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit (CONT), li huma kollaboraturi importanti fejn jidħol ir-rispett tal-mandat tal-awditjar adegwat tal-fondi kollha tal-UE.

Bħala Membru tal-Kumitat dwar il-Kontroll tal-Kwalità tal-Awditjar, jiena nikkontribwixxi għall-produzzjoni ta' rapporti speċjali rilevanti, f'waqthom u robusti, li jistgħu jiġu invokati mill-partijiet interessati tagħna. L-objettiv tiegħi jkun li jkomplu jiżdiedu l-kwalità u l-impatt tar-rapporti speċjali tagħna.

F'mandat futur, se niffoka fuq l-azzjoni esterna, is-sigurtà u l-ġustizzja li huma l-oqsma li bħalissa qed nawditja. Fl-opinjoni tiegħi, il-Qorti jista' jkollha rwol akbar f'dawn l-oqsma, mhux biss f'dak li jirrigwarda l-għoti ta' assigurazzjoni u valutazzjonijiet indipendenti ta' politiki u fondi lill-partijiet interessati tagħna, iżda anke fl-għoti tas-sigurtà u l-fiduċja taċ-ċittadini tal-UE. L-objettiv tiegħi jkun li jiġi żgurat li l-Qorti tindirizza r-riskji kollha tal-UE u ċ-ċittadini tagħha meta nkunu nipprijoritizzaw u nippjanaw l-awditi tagħna u li jkollna l-kapaċità teknika biex nagħmlu dan.


PROĊEDURA TAL-KUMITAT RESPONSABBLI

Titolu

Tiġdid parzjali tal-Membri tal-Qorti tal-Awdituri - kandidat DK

Referenzi

10762/2017 – C8-0332/2017 – 2017/0816(NLE)

Data ta' konsultazzjoni/talba għal approvazzjoni

21.9.2017

 

 

 

Kumitat responsabbli

       Data tat-tħabbir fis-seduta plenarja

CONT

5.10.2017

 

 

 

Rapporteurs

       Data tal-ħatra

Indrek Tarand

2.10.2017

 

 

 

Data tal-adozzjoni

26.10.2017

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

22

0

1

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Nedzhmi Ali, Inés Ayala Sender, Zigmantas Balčytis, Martina Dlabajová, Luke Ming Flanagan, Ingeborg Gräßle, Cătălin Sorin Ivan, Arndt Kohn, Georgi Pirinski, José Ignacio Salafranca Sánchez-Neyra, Claudia Schmidt, Bart Staes, Indrek Tarand, Marco Valli, Derek Vaughan, Tomáš Zdechovský, Joachim Zeller

Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali

Richard Ashworth, Andrey Novakov, Julia Pitera, Patricija Šulin

Sostituti (skont l-Artikolu 200(2)) preżenti għall-votazzjoni finali

Angel Dzhambazki, Lieve Wierinck

Data tat-tressiq

31.10.2017

Avviż legali