Proċedura : 2017/0815(NLE)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A8-0342/2017

Testi mressqa :

A8-0342/2017

Dibattiti :

Votazzjonijiet :

PV 15/11/2017 - 13.7

Testi adottati :

P8_TA(2017)0433

RAPPORT     
PDF 519kWORD 54k
31.10.2017
PE 610.909v02-00 A8-0342/2017

dwar il-ħatra proposta ta' Baudilio Tomé Muguruza bħala Membru tal-Qorti tal-Awdituri

(C8-0331/2017 – 2017/0815(NLE))

Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit

Rapporteur: Indrek Tarand

PR_NLE_art108

PROPOSTA GĦAL DEĊIŻJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW
 ANNESS 1: CURRICULUM VITAE TA' BAUDILIO TOMÉ MUGURUZA
 ANNESS 2: SOMMARJU TA' BAUDILIO TOMÉ MUGURUZA DWAR L-ESPERJENZA BĦALA MEMBRU TAL-QORTI U L-OBJETTIVI GĦAL MANDAT FUTUR
 PROĊEDURA TAL-KUMITAT RESPONSABBLI

PROPOSTA GĦAL DEĊIŻJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW

dwar il-ħatra proposta ta' Baudilio Tomé Muguruza bħala Membru tal-Qorti tal-Awdituri

(C8-0331/2017 – 2017/0815(NLE))

(Konsultazzjoni)

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 286(2) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, skont liema artikolu ġie kkonsultat mill-Kunsill (C8-0331/2017),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 121 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit (A8-0342/2017),

A.  billi l-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit tiegħu evalwa l-kwalifiki tal-kandidat propost, b'mod partikolari fir-rigward tal-kundizzjonijiet stipulati fl-Artikolu 286(1) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea;

B.  billi waqt il-laqgħa tiegħu tas-26 ta' Ottubru 2017, il-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit sema' lill-kandidat propost mill-Kunsill għall-kariga ta' Membru tal-Qorti tal-Awdituri;

1.  Jagħti opinjoni favorevoli dwar il-proposta mill-Kunsill għall-ħatra ta' Baudilio Tomé Muguruza bħala Membru tal-Qorti tal-Awdituri;

2.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din id-deċiżjoni lill-Kunsill u, għal skopijiet ta' informazzjoni, lill-Qorti tal-Awdituri kif ukoll lill-istituzzjonijiet l-oħra tal-Unjoni Ewropea u lill-istituzzjonijiet tal-awditjar tal-Istati Membri.


ANNESS 1: CURRICULUM VITAE TA' BAUDILIO TOMÉ MUGURUZA

Sfond edukattiv

Lawrja fil-Liġi mill-Università Complutense ta' Madrid fl-1985. Lawrja fl-Ekonomija u l-Kummerċ mill-UNED (università nazzjonali għall-edukazzjoni mill-bogħod) fl-1989. Kiseb Master's fil-Liġi u ggradwa fil-Programm tat-Taxxa Internazzjonali minn Harvard Law School fl-1992.

Karriera professjonali

Professur assoċjat tal-finanzi pubbliċi fil-Fakultà tal-Liġi tal-Universidad Complutense ta' Madrid mill-1993 sal-1995. Ta wkoll korsijiet dwar kwistjonijiet tat-taxxa fl-Iskola tal-Finanzi Pubbliċi tal-Ministeru Spanjol għall-Ekonomija u l-Finanzi.

Fl-1986, għadda mill-eżami tad-dħul biex jingħaqad mal-Korp Superjuri tal-Ispetturi tat-Taxxa tal-Istat Spanjol. Spettur tat-taxxa fl-uffiċċju tat-taxxa f'A Coruña mill-1988 sal-1989. Sussegwentement kellu l-kariga ta' koordinatur tat-taxxa korporattiva fid-Direttorat Ġenerali għat-Tassazzjoni u rrappreżenta lill-Gvern Spanjol fil-gruppi ta' ħidma tal-Kunsill u l-Kummissjoni. Membru tat-Tribunal Ekonomiku u Amministrattiv ta' Madrid mill-1995 sal-1996.

Ħadem fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru ta' Spanja mill-1996 sal-2000, l-ewwel bħala Direttur tad-Dipartiment tal-Affarijiet Ekonomiċi u Soċjali, fejn kien joffri assistenza u konsulenza lill-Prim Ministru dwar kwistjonijiet ekonomiċi nazzjonali u internazzjonali u dwar it-tħejjijiet għal-laqgħat tal-Kunsill Ewropew, u mbagħad bħala Direttur tal-Uffiċċju tal-Baġit tal-Prim Ministru mill-1996 sal-2000, fil-grad ta' sottosegretarju, fejn kien joffri assistenza lill-Prim Ministru dwar il-formulazzjoni tal-politika baġitarja u s-sorveljanza tal-Baġit tal-Istat.

Okkupa l-kariga ta' Segretarju tal-Istat għat-Telekomunikazzjoni u għas-Soċjetà tal-Informazzjoni fi ħdan il-Ministeru għax-Xjenza u t-Teknoloġija mill-2000 sal-2002.

Fl-2002 mar lura fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru bħala Direttur tad-Dipartiment tar-Riċerka u l-Komunikazzjoni Politika u okkupa wkoll il-kariga ta' Segretarju Ġenerali tal-Fondazzjoni għall-Analiżi u l-Istudji Soċjali.

Ġie elett tliet darbiet, fl-2004, fl-2008 u fl-2011, bħala membru tal-Kungress tad-Deputati (it-tmien, id-disa' u l-għaxar leġiżlatura) u membru tal-Kumitati dwar l-Ekonomija u l-Finanzi, il-Baġits, u x-Xjenza u t-Teknoloġija. Għamilha wkoll ta' kelliem għall-finanzi għall-Partit Popolari fil-Kumitat għall-Ekonomija u l-Finanzi fi ħdan il-Kungress tad-Deputati.

Membru tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri mill-1 ta' Marzu 2012 'il quddiem, assenjat lill-Awla IV (ir-regolamentazzjoni tas-swieq u l-ekonomija kompetittiva). Dekan tal-Awla minn Mejju 2016 'il quddiem. Huwa wkoll membru tal-Kumitat Amministrattiv tal-Qorti.


ANNESS 2: SOMMARJU TA' BAUDILIO TOMÉ MUGURUZA DWAR L-ESPERJENZA BĦALA MEMBRU TAL-QORTI U L-OBJETTIVI GĦAL MANDAT FUTUR

Esperjenza bħala Membru tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri

Matul il-mandat tiegħi bħala Membru tal-Qorti, qdejt il-funzjonijiet inerenti għall-kariga tiegħi b'integrità u professjonaliżmu u tajt kontribut attiv għall-funzjonament tajjeb tal-Qorti u għall-governanza tagħha. Iffurmajt parti mill-Awla IV, l-ewwel bħala Membru u attwalment bħala Dekan. Din il-Kamra hija responsabbli għall-awditjar ta' kwistjonijiet marbuta mar-regolamentazzjoni tas-swieq u l-ekonomija kompetittiva.

Kont rapporteur għar-rapporti ta' awditjar finanzjarju u tal-konformità li ġejjin:

-  Kapitolu dwar "in-Nefqa amministrattiva" tar-Rapporti Annwali mill-2011 sal-2015

-  Rapporti Annwali Speċifiċi (2011 u 2012) dwar il-kontijiet tal-Impriżi Konġunti tal-UE

-  Rapport Annwali Speċifiku mill-2011 sal-2015 dwar il-kontijiet tal-Iskejjel Ewropej

Kont ukoll rapporteur għall-awditi tal-prestazzjoni li ġejjin:

-  L-arranġamenti kummerċjali preferenzjali huma ġestiti b'mod xieraq? (2/2014)

-  Assistenza finanzjarja pprovduta lil pajjiżi li jinsabu f'diffikultajiet (18/2015)

-  Jeħtieġ li tingħata aktar attenzjoni għar-riżultati biex jitjieb it-twassil tal-assistenza teknika lill-Greċja (19/2015)

-  Is-superviżjoni tal-Aġenziji ta' Klassifikazzjoni tal-Kreditu mill-UE: stabbilita tajjeb iżda għadha mhix kompletament effettiva (22/2015)

-  L-intervent tal-Kummissjoni fil-kriżi finanzjarja Griega (pubblikazzjoni mistennija lejn tmiem l-2017)

Barra minn hekk, kont ir-rappreżentant tal-Awla IV fil-laqgħat tal-Awla CEAD (Koordinament, evalwazzjoni, aċċertament u żvilupp) u, bħala Dekan, jiena membru tal-Kumitat Amministrattiv tal-Qorti. Kont ukoll wieħed mill-membri tal-gruppi ta' ħidma inkarigati mill-istudji preliminari li wasslu għar-riforma reċenti tal-Qorti.

Kull sena ppreżentajt ix-xogħol tal-Qorti lill-Kumitat Konġunt għall-UE tal-Parlament Spanjol; lill-Qorti tal-Awdituri ta' Spanja; lill-Organizzazzjonijiet ta' Kontroll Estern tal-Komunitajiet Awtonomi; kif ukoll lill-organizzazzjonijiet ta' ġestjoni u kontroll intern tal-fondi tal-UE fi Spanja. Dhert quddiem diversi Kumitati tal-Parlament Ewropew u dejjem kont disponibbli għal dawk il-Membri tal-Parlament Ewropew li kienu interessati fil-ħidma tal-Qorti. Irrappreżentajt il-Qorti wkoll f'diversi fora internazzjonali, bħal pereżempju fl-OLACEF (l-Organizzazzjoni tal-Istituzzjonijiet Supremi tal-Awditjar tal-Amerika Latina u tal-Karibew), l-INTOSAI (l-Organizzazzjoni Internazzjonali tal-Istituzzjonijiet Supremi tal-Awditjar), l-FMI (il-Fond Monetarju Internazzjonali) u l-Kumitat ta' Kuntatt, u xerridt il-ħidma tagħna f'ħafna oqsma tas-soċjetà ċivili.

Objettivi personali għal mandat futur bħala Membru tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri

Bħala Dekan, se nkompli niżgura l-funzjonament tajjeb tal-Awla IV u l-kwalità tar-rapporti li jiġu adottati fi ħdanha. Il-prijorità immedjata tiegħi hija wkoll l-implimentazzjoni tal-kompiti ġodda li għalihom jien inħtart bħala rapporteur: ir-rapport speċjali dwar l-użu mill-UE tal-istrumenti ta' kapital ta' riskju; u r-rapport panoramiku dwar il-prevenzjoni tal-kriżijiet finanzjarji.

Tkun liema tkun il-kariga li tafdali l-Qorti fil-ġejjieni, se niżgura li r-Rapport Annwali u r-Rapporti Speċjali jkomplu jipprovdu valur miżjud, ikunu dejjem aktar siewja u jwieġbu aħjar għall-bżonnijiet ta' dawk li jfasslu l-politika, filwaqt li jikkontribwixxu għal użu aktar effiċjenti tal-baġit u għat-tisħiħ tal-qafas ta' governanza, trasparenza u obbligu ta' rendikont tal-UE. Se nkompli naħdem għat-titjib kontinwu tal-komunikazzjoni mal-Parlament Ewropew, mal-Kunsill u ma' dawk kollha li jieħdu interess fil-ħidma tagħna.

L-UE bħalissa qed tħabbat wiċċha ma' sfidi kbar: governanza ekonomika, sigurtà, ambjent u tibdil fil-klima, tkabbir ekonomiku, tibdil demografiku u teknoloġiku, eċċ. F'dan ir-rigward, se niffavorixxi dawk il-miżuri li jikkontribwixxu għal titjib fl-ipprogrammar u fl-implimentazzjoni tal-ħidma tagħna, biex b'hekk il-Qorti twieġeb b'aktar ħeffa għall-problemi ta' awditjar li dawn l-isfidi jġibu magħhom.


PROĊEDURA TAL-KUMITAT RESPONSABBLI

Titolu

Tiġdid parzjali tal-Membri tal-Qorti tal-Awdituri - kandidat ES

Referenzi

11345/2017 – C8-0331/2017 – 2017/0815(NLE)

Data tal-konsultazzjoni / talba għal approvazzjoni

21.9.2017

 

 

 

Kumitat responsabbli

       Data tat-tħabbir fis-seduta plenarja

CONT

5.10.2017

 

 

 

Rapporteurs

       Data tal-ħatra

Indrek Tarand

2.10.2017

 

 

 

Data tal-adozzjoni

26.10.2017

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

18

1

4

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Nedzhmi Ali, Inés Ayala Sender, Zigmantas Balčytis, Martina Dlabajová, Luke Ming Flanagan, Ingeborg Gräßle, Cătălin Sorin Ivan, Arndt Kohn, Georgi Pirinski, José Ignacio Salafranca Sánchez-Neyra, Claudia Schmidt, Bart Staes, Indrek Tarand, Marco Valli, Derek Vaughan, Tomáš Zdechovský, Joachim Zeller

Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali

Richard Ashworth, Andrey Novakov, Julia Pitera, Patricija Šulin

Sostituti (skont l-Artikolu 200(2)) preżenti għall-votazzjoni finali

Angel Dzhambazki, Lieve Wierinck

Data tat-tressiq

31.10.2017

Avviż legali