Proċedura : 2017/2231(BUD)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A8-0366/2017

Testi mressqa :

A8-0366/2017

Dibattiti :

Votazzjonijiet :

PV 30/11/2017 - 8.6

Testi adottati :

P8_TA(2017)0457

RAPPORT     
PDF 679kWORD 63k
23.11.2017
PE 612.295v02-00 A8-0366/2017

dwar il-proposta għal deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (applikazzjoni ppreżentata mill-Finlandja – EGF/2017/005 FI/Retail)

(COM(2017)0618 – C8-0364/2017 – 2017/2231(BUD))

Kumitat għall-Baġits

Rapporteur: Răzvan Popa

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW
 ANNESS: DEĊIŻJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL
 NOTA SPJEGATTIVA
 ANNESS: ITTRA TAL-KUMITAT GĦALL-IMPJIEGI U L-AFFARJIET SOĊJALI
 ANNESS: ITTRA TAL-KUMITAT GĦALL-IŻVILUPP REĠJONALI
 INFORMAZZJONI DWAR L-ADOZZJONIFIL-KUMITAT RESPONSABBLI
 VOTAZZJONI FINALI B'SEJĦA TAL-ISMIJIET FIL-KUMITAT RESPONSABBLI

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW

dwar il-proposta għal deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (applikazzjoni ppreżentata mill-Finlandja – EGF/2017/005 FI/Retail)

(COM(2017)0618 – C8-0364/2017 – 2017/2231(BUD))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill (COM(2017)0618 – C8-0364/2017),

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 1309/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 2013 dwar il-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (2014-2020) u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1927/2006(1) (ir-Regolament dwar il-FEG),

–  wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) Nru 1311/2013 tat-2 ta' Diċembru 2013 li jistabbilixxi l-qafas finanzjarju pluriennali għas-snin 2014-2020(2), u b'mod partikolari l-Artikolu 12 tiegħu,

–  wara li kkunsidra l-Ftehim Interistituzzjonali tat-2 ta' Diċembru 2013 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar id-dixxiplina baġitarja, dwar kooperazzjoni f'materji ta' baġit u dwar ġestjoni finanzjarja tajba(3) (il-FII tat-2 ta' Diċembru 2013), u b'mod partikolari l-punt 13 tiegħu,

–  wara li kkunsidra l-proċedura ta' trilogu prevista fil-punt 13 tal-FII tat-2 ta' Diċembru 2013,

–  wara li kkunsidra l-ittra tal-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali,

–  wara li kkunsidra l-ittra tal-Kumitat għall-Iżvilupp Reġjonali,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Baġits (A8-0366/2017),

A.  billi l-Unjoni stabbiliet strumenti leġiżlattivi u baġitarji biex tipprovdi appoġġ addizzjonali lill-ħaddiema li jkunu qegħdin ibatu l-konsegwenzi ta' bidliet strutturali kbar fl-andament tal-kummerċ dinji jew tal-kriżi finanzjarja u ekonomika globali u biex tgħin l-integrazzjoni mill-ġdid tagħhom fis-suq tax-xogħol;

B.  billi l-għajnuna finanzjarja tal-Unjoni għall-ħaddiema li ngħataw is-sensja għandha tkun waħda dinamika u disponibbli b'mod effiċjenti u rapidu;

C.  billi l-Finlandja ppreżentat l-applikazzjoni EGF/2017/005 FI/Retail għal kontribuzzjoni finanzjarja mill-FEG skont il-kriterji ta' intervent stabbiliti fil-punt (b) tal-Artikolu 4(1) tar-Regolament dwar il-FEG b'segwitu għall-1 660 sensja fi tliet impriżi li joperaw fis-settur ekonomiku kklassifikat taħt id-Diviżjoni 47 ta' NACE Reviżjoni 2 (Negozju bl-imnut, għajr ta' vetturi bil-mutur u muturi) fir-reġjuni tal-livell NUTS 2 tal-Finlandja tal-Punent (Länsi-Suomi), ta' Helsinki-Uusimaa, tal-Finlandja tan-Nofsinhar (Etelä-Suomi) u tal-Finlandja tat-Tramuntana u tal-Lvant (Pohjois- ja Itä-Suomi) fil-Finlandja; billi 1 500 ħaddiem li ngħataw is-sensja huma mistennija jipparteċipaw fil-miżuri;

D.  billi l-kontroll finanzjarju tal-azzjonijiet appoġġati mill-FEG jinkombi għall-Istat Membru kkonċernat, kif stabbilit fl-Artikolu 21(1) tar-Regolament dwar il-FEG;

1.  Jaqbel mal-Kummissjoni li l-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 4(1) punt (b) tar-Regolament dwar il-FEG huma sodisfatti, u li għalhekk il-Finlandja għandha dritt għal kontribuzzjoni finanzjarja ta' EUR 2 499 360 skont dan ir-Regolament, li tirrappreżenta 60 % tal-ispiża totali ta' EUR 4 165 600;

2.  Jinnota li l-Kummissjoni rrispettat l-iskadenza tat-12-il ġimgħa mill-wasla tal-applikazzjoni kompluta mill-awtoritajiet Finlandiżi sal-finalizzazzjoni tal-valutazzjoni tagħha dwar il-konformità mal-kundizzjonijiet għall-għoti tal-kontribuzzjoni finanzjarja fit-23 ta' Ottubru 2017 u nnotifikatha lill-Parlament fl-istess ġurnata;

3.  Josserva li l-Finlandja sostniet li s-sensji kienu marbutin mal-bidliet strutturali kbar fl-andament tal-kummerċ dinji minħabba l-globalizzazzjoni, b'mod aktar partikolari t-tkabbir esponenzjali tal-kummerċ internazzjonali online; josserva, partikolarment, li ż-żieda fil-bejgħ online bl-imnut fil-Finlandja, flimkien mal-popolarità tal-ħwienet online mhux tal-UE mal-konsumaturi Finlandiżi, wasslet għal tnaqqis kostanti fil-bejgħ tal-ħwienet kbar konvenzjonali Finlandiżi mill-2014;

4.  Josserva li l-erba' reġjuni NUTS-2 kollha tal-Finlandja ntlaqtu mit-tkeċċijiet li saru f'żewġ katini ta' ħwienet Finlandiżi kbar; jirrikonoxxi li tali ħwienet ħabbtu wiċċhom ma' tnaqqis tal-profittabilità u tal-likwidità minħabba ż-żieda tal-kummerċ elettroniku, it-tibdil fid-drawwiet tax-xiri u fil-fiduċja skarsa tal-konsumaturi;

5.  Ifakkar li t-tkeċċijiet saru f'żewġ katini ta' ħwienet Finlandiżi kbar u f'waħda sussidjarja, li mill-2015 ilkoll għaddew minn problemi serji ta' tnaqqis tal-profittabilità u tal-likwidità minħabba ż-żieda tal-kummerċ elettroniku, it-tibdil fid-drawwiet tax-xiri u fil-fiduċja skarsa tal-konsumaturi; jiddispjaċih li kmieni fl-2017 tnejn mill-kumpaniji kkonċernati kellhom jagħlqu kompletament;

6.  Huwa konxju tal-fatt li, fl-istess ħin, saret bidla importanti fin-natura tal-impjiegi bl-imnut, u qegħdin jiżdiedu l-impjiegi part-time li jeħtieġu ħiliet ġodda, bħall-informatika, il-forecasting, l-analiżi tad-data, il-komunikazzjoni, l-għarfien tal-klijenti u l-ħiliet loġistiċi; jiddispjaċih li 43 % tal-persunal Finlandiż tal-ħwienet tal-imnut, ta' età ogħla minn 45 sena, ma għandux dawn il-ħiliet; iqis li l-impedimenti għal impjieg ieħor għal dawk il-persuni f'età akbar minn 50 sena jirrappreżentaw problemi importanti u jistenna b'interess evalwazzjoni tal-proġetti pilota ta' pariri dwar il-karriera li ddaħħlu għal dan il-grupp ta' ħaddiema ssensjati;

7.  Jissottolinja li numru kbir ta' ħaddiema ssensjati għandhom età ogħla minn 55 sena u 'l fuq minn 76 % huma nisa; fid-dawl ta' dan, jirrikonoxxi l-importanza tal-miżuri attivi tas-suq tax-xogħol kofinanzjati mill-FEG biex itejbu l-possibilitajiet ta' reintegrazzjoni fis-suq tax-xogħol ta' dawn il-gruppi vulnerabbli; jilqa' b'sodisfazzjon il-fatt li ngħatat importanza partikolari lill-adegwament tal-miżuri proposti għall-esiġenzi speċifiċi tal-gruppi kkonċernati;

8.  Jinnota li l-Finlandja qiegħda tippjana seba' tipi ta' miżuri għall-ħaddiema li ngħataw is-sensja koperti minn din l-applikazzjoni: (i) miżuri ta' kowċing u miżuri oħrajn preparatorji, (ii) impjiegi u miżuri oħra ta' negozju, (iii) korsijiet ta' taħriġ, (iv) għotjiet biex jinbeda negozju, (v) proġetti pilota ta' pariri dwar il-karriera, (vi) pagi ssussidjati, (vii) allowances għall-ivvjaġġar u l-akkomodazzjoni; jilqa' pożittivament il-proġetti pilota ta' pariri dwar il-karriera ppjanati li jqisu l-kwistjonijiet fiżiċi, mentali jew ta' tip ieħor li jistgħu jagħmluha ta' impediment għal impjieg ieħor fil-każ tal-benefiċjarji f'età akbar minn 50 sena; jinnota li ġew allokati biżżejjed fondi għall-kontroll u r-rapportar;

9.  Jinnota li l-miżuri ta' appoġġ għall-introjtu se jkunu 22,05 % tal-pakkett kumplessiv ta' miżuri personalizzati, perċentwal li huwa sew taħt il-limitu massimu ta' 35 % stabbilit fir-Regolament dwar il-FEG, u li dawn l-azzjonijiet jiddependu mill-parteċipazzjoni attiva min-naħa tal-benefiċjarji fil-mira fl-attivitajiet ta' tiftix ta' xogħol jew ta' taħriġ;

10.  Jikkonstata li l-pakkett koordinat ta' servizzi personalizzati tfassal f'konsultazzjoni mar-rappreżentanti taċ-Ċentri għall-Iżvilupp Ekonomiku, it-Trasport u l-Ambjent ta' Uusimaa, Pirkanmaa, Pohjois-Pohjanmaa, Varsinais-Suomi u tal-Uffiċċju għall-Impjiegi u l-Iżvilupp Ekonomiku ta' Uusimaa, kif ukoll mar-rappreżentanti tal-kumpaniji u tat-trade unions;

11.  Jinnota li l-awtoritajiet Finlandiżi pprovdew garanziji li l-azzjonijiet proposti mhumiex se jirċievu appoġġ finanzjarju minn fondi jew strumenti finanzjarji oħra tal-Unjoni, li kwalunkwe rduppjar ta' finanzjament se jiġi evitat u li dawn se jkunu komplemantari għall-azzjonjijiet iffinanzjati mill-Fondi Strutturali;

12.  Ifakkar li t-tfassil tal-pakkett koordinat ta' servizzi personalizzati bl-appoġġ tal-FEG għandu jantiċipa l-perspettivi tas-suq tax-xogħol għall-ġejjieni u l-ħiliet rikjesti u għandu jkun kompatibbli mal-bidla f'ekonomija li tagħmel użu effiċjenti mir-riżorsi u li tkun sostenibbli;

13.  Itenni l-fatt li l-assistenza mill-FEG ma tistax tissostitwixxi l-azzjonijiet li jkunu r-responsabilità tal-kumpaniji, bis-saħħa tad-dritt nazzjonali jew ta' ftehimiet kollettivi, jew il-miżuri għar-ristrutturar ta' kumpaniji jew setturi;

14.  Jistieden lill-Kummissjoni tħeġġeġ lill-awtoritajiet nazzjonali jipprovdu aktar dettalji fil-proposti futuri dwar is-setturi li għandhom il-prospettivi ta' tkabbir, u għalhekk aktarx li jirreklutaw, kif ukoll jiġbru data sostanzjata dwar l-impatt tal-finanzjament mill-FEG, inkluż dwar il-kwalità tal-impjiegi u r-rata ta' reintegrazzjoni miksuba mill-FEG;

15.  Ifakkar fl-appell tiegħu lill-Kummissjoni biex tiżgura li l-pubbliku jkollu aċċess għad-dokumenti kollha relatati ma' każijiet tal-FEG;

16.  Japprova d-deċiżjoni annessa ma' din ir-riżoluzzjoni;

17.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jiffirma din id-deċiżjoni flimkien mal-President tal-Kunsill u biex jiżgura li tiġi ppubblikata f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea;

18.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni, flimkien mal-anness tagħha, lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.

(1)

ĠU L 347, 20.12.2013, p. 855.

(2)

ĠU L 347, 20.12.2013, p. 884.

(3)

ĠU C 373, 20.12.2013, p. 1.


ANNESS: DEĊIŻJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

dwar il-mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (wara applikazzjoni ppreżentata mill-Finlandja – EGF/2017/005 FI/Retail)

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidraw ir-Regolament (UE) Nru 1309/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 2013 dwar il-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (2014-2020) u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1927/2006(1), u b'mod partikolari l-Artikolu 15(4) tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-Ftehim Interistituzzjonali tat-2 ta' Diċembru 2013 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar dixxiplina baġitarja, dwar kooperazzjoni f'materji ta' baġit u dwar ġestjoni finanzjarja tajba(2), u b'mod partikolari l-punt 13 tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)  Il-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (minn hawn 'il quddiem "FEG") għandu l-iskop li jagħti appoġġ lill-ħaddiema li jkunu ngħataw is-sensja u lill-persuni li kienu jaħdmu għal rashom u kellhom iwaqqfu l-attività tagħhom minħabba bidliet strutturali kbar fl-andament kummerċjali dinji bħala riżultat tal-globalizzazzjoni, bħala riżultat tal-kontinwazzjoni tal-kriżi finanzjarja u ekonomika globali, jew bħala riżultat ta' kriżi finanzjarja u ekonomika globali ġdida, u li jassistihom fir-reintegrazzjoni tagħhom fis-suq tax-xogħol.

(2)  Il-FEG ma jridx jaqbeż ammont annwali massimu ta' EUR 150 miljun (prezzijiet tal-2011), kif previst fl-Artikolu 12 tar-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) Nru 1311/2013(3).

(3)  Fit-12 ta' Ġunju 2017, il-Finlandja ppreżentat l-applikazzjoni għall-mobilizzazzjoni tal-FEG, fir-rigward tas-sensji fi tliet impriżi li joperaw fis-settur tal-bejgħ bl-imnut fir-reġjuni li ġejjin: Länsi Suomi (il-Finlandja tal-Punent), Helsinki-Uusimaa, Etelä-Suomi (il-Finlandja tan-Nofsinhar) u Pohjois- ja Itä-Suomi (il-Finlandja tat-Tramuntana u tal-Lvant) fil-Finlandja. Din ġiet issupplimentata b'informazzjoni addizzjonali mogħtija skont l-Artikolu 8(3) tar-Regolament (UE) Nru 1309/2013. Dik l-applikazzjoni tikkonforma mar-rekwiżiti għad-determinazzjoni ta' kontribuzzjoni finanzjarja mill-FEG, kif stabbilit fl-Artikolu 13 tar-Regolament (UE) Nru 1309/2013.

(4)  Għaldaqstant, jenħtieġ li l-FEG jiġi mobilizzat sabiex jagħti kontribuzzjoni finanzjarja li tammonta għal EUR 2 499 360 għall-applikazzjoni ppreżentata mill-Finlandja.

(5)  Sabiex iż-żmien li jittieħed għall-mobilizzazzjoni tal-FEG jitnaqqas kemm jista' jkun, jenħtieġ li din id-deċiżjoni tidħol fis-seħħ mid-data tal-adozzjoni tagħha,

ADOTTAW DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Għall-baġit ġenerali tal-Unjoni stabbilit għas-sena finanzjarja 2017, il-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni għandu jiġi mobilizzat biex jipprovdi s-somma ta' EUR 2 499 360 f'approprjazzjonijiet ta' impenn u ta' pagament.  

Artikolu 2

Din id-deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tagħha f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea. Din id-deċiżjoni għandha tapplika minn [data ta' adozzjoni ta' din id-deċiżjoni](4)*.

Magħmul fi ...,

Għall-Parlament Ewropew  Għall-Kunsill

Il-President  Il-President

(1)

  ĠU L 347, 20.12.2013, p. 855.

(2)

  ĠU C 373, 20.12.2013, p. 1.

(3)

  Ir-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) Nru 1311/2013 tat-2 ta' Diċembru 2013 li jistabbilixxi l-qafas finanzjarju pluriennali għas-snin 2014-2020 (ĠU L 347, 20.12.2013, p. 884).

(4)

*   Id-data għandha tiddaħħal mill-Parlament qabel il-pubblikazzjoni fil-ĠU.


NOTA SPJEGATTIVA

I.  Kuntest

Il-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni nħoloq biex jipprovdi assistenza addizzjonali lill-ħaddiema li jkunu qed ibatu l-konsegwenzi ta' bidliet strutturali kbar fl-andament tal-kummerċ dinji.

Skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 12 tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 1311/2013 li jistabbilixxi l-qafas finanzjarju pluriennali għas-snin 2014-2020(1) u tal-Artikolu 15 tar-Regolament (UE) Nru 1309/2013(2), il-Fond ma jistax jaqbeż ammont annwali massimu ta' EUR 150 miljun (prezzijiet tal-2011). L-ammonti xierqa jiddaħħlu bħala dispożizzjoni fil-baġit ġenerali tal-Unjoni.

Fir-rigward tal-proċedura, skont il-punt 13 tal-Ftehim Interistituzzjonali tat-2 ta' Diċembru 2013 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar dixxiplina baġitarja, dwar kooperazzjoni f'materji ta' baġit u dwar ġestjoni finanzjarja tajba(3), sabiex jiġi attivat il-Fond, il-Kummissjoni, f'każ ta' valutazzjoni pożittiva ta' applikazzjoni, tippreżenta lill-awtorità baġitarja proposta għall-mobilizzazzjoni tal-Fond u, fl-istess waqt, talba korrispondenti għal trasferiment. Fil-każ ta' nuqqas ta' qbil, għandu jinbeda trilogu.

II.  L-applikazzjoni tal-Finlandja u l-proposta tal-Kummissjoni

Fit-23 ta' Ottubru 2017, il-Kummissjoni adottat proposta għal deċiżjoni dwar il-mobilizzazzjoni tal-FEG favur il-Finlandja għall-appoġġ tar-reintegrazzjoni fis-suq tax-xogħol ta' ħaddiema li ngħataw is-sensja minn tliet impriżi li joperaw fid-Diviżjoni 47 (Negozju bl-imnut, għajr ta' vetturi bil-mutur u muturi) tan-NACE Reviżjoni 2 fir-reġjuni tal-livell NUTS 2 ta' FI19 - il-Finlandja tal-Punent (Länsi-Suomi), FI1B - Helsinki-Uusimaa, FI1C - il-Finlandja tan-Nofsinhar (Etelä-Suomi) u FI1D - il-Finlandja tat-Tramuntana u tal-Lvant (Pohjois- ja Itä-Suomi) fil-Finlandja. Il-parti l-kbira tas-sensji (835) seħħew fir-reġjun ta' Helsinki-Uusimaa.

Din hija l-ħames applikazzjoni, li hija taħt eżami fil-qafas tal-baġit tal-2017, u d-disa' waħda fis-settur tal-bejgħ bl-imnut (Diviżjoni 47 ta' NACE Reviżjoni 2) minn mindu ġie stabbilit il-FEG. Tikkonċerna 1 660 ħaddiem li ngħataw is-sensja, li minnhom 1 500 huma mistennija li jipparteċipaw fil-miżuri proposti, u tirreferi għall-mobilizzazzjoni ta' ammont totali ta' EUR 2 499 360 mill-FEG għall-Finlandja.

L-applikazzjoni ntbagħtet lill-Kummissjoni fit-12 ta' Ġunju 2017 u ġiet supplimentata b'informazzjoni addizzjonali sal-31 ta' Lulju 2017. Il-Kummissjoni ffinalizzat il-valutazzjoni tagħha fit-23 ta' Ottubru 2017 u kkonkludiet, bi qbil mad-dispożizzjonijiet applikabbli kollha tar-Regolament dwar il-FEG, li l-applikazzjoni tissodisfa l-kundizzjonijiet għal kontribuzzjoni finanzjarja mill-FEG, kif imsemmi fl-Artikolu 4(1)(b) tar-Regolament dwar il-FEG.

Il-Finlandja sostniet li s-sensji kienu marbutin mal-bidliet strutturali kbar fl-andament tal-kummerċ dinji minħabba l-globalizzazzjoni, b'mod aktar partikolari t-tkabbir esponenzjali tal-kummerċ internazzjonali online; Bejn l-2010 u l-2015 il-bejgħ online bl-imnut fil-Finlandja żdied b'34 % u l-konsumaturi Finlandiżi qegħdin jagħżlu dejjem iktar lill-ħwienet online mhux tal-UE (minn 6 % tal-bejgħ totali fl-2008 għal 19 % fl-2016). Dan wassal għal tnaqqis kostanti fil-bejgħ tal-ħwienet kbar konvenzjonali Finlandiżi mill-2014.

Fl-istess ħin, saret bidla importanti fin-natura tal-impjiegi bl-imnut, u qegħdin jiżdiedu l-impjiegi part-time li jeħtieġu ħiliet ġodda, bħall-informatika, il-forecasting, l-analiżi tad-data, il-komunikazzjoni, l-għarfien tal-klijenti u l-ħiliet loġistiċi. Mill-banda l-oħra, 43 % tal-persunal Finlandiż tal-ħwienet tal-imnut għandu ta' età ogħla minn 45 sena u ma għandux dawn il-ħiliet.

It-tkeċċijiet saru f'żewġ katini ta' ħwienet Finlandiżi kbar, Anttila u Stockman, u f'waħda sussidjarja, Vallila. Fl-ewwel xhur tal-2017, minkejja l-isforzi kollha li saru biex titjieb il-profittabilità u l-likwidità tagħhom, Anttila u Vallila kellhom jagħlqu l-bibien tagħhom għalkollox. Il-katina Stockman kienet ħabbtet wiċċha ma' problemi simili fl-2015 kaġun taż-żieda tal-kummerċ elettroniku, il-bidla fid-drawwiet tax-xiri u fiduċja skarsa tal-konsumaturi. B'konsegwenza ta' dan, iċ-ċifri marbuta mal-klijenti ta' Stockman waqgħu b'40 % bejn l-2012 u l-2016, il-fatturat ta' bejgħ naqas bi 38 % u l-marġni operattiv daħal fiż-żona negattiva.

Stockman u Anttila kienu jħaddmu ħafna nies fl-erba' reġjuni kkonċernati. Numru kbir ta' ħaddiema ssensjati għandhom età ogħla minn 55 sena u 'l fuq minn 76 % huma nisa; Il-miżuri attivi tas-suq tax-xogħol kofinanzjati mill-FEG huma aktar u aktar importanti biex itejbu l-possibilitajiet ta' reintegrazzjoni fis-suq tax-xogħol ta' dawn il-gruppi vulnerabbli. Ingħatat importanza partikolari lill-adegwament tal-miżuri proposti għall-esiġenzi speċifiċi tal-gruppi kkonċernati, bħal servizzi personalizzati ta' pariri dwar il-karriera għal dawk il-benefiċjarji 'l fuq minn 50 sena.

Is-seba' tipi ta' miżuri li għandhom jiġu offruti lill-ħaddiema li ngħataw is-sensja u li għalihom qed jintalab il-kofinanzjament mill-FEG jikkonsistu fi:

– Miżuri ta' kowċing u miżuri oħrajn preparatorji: din il-miżura tinkludi taħriġ dwar tiftix ta' impjieg, l-iżvilupp tal-awtokunfidenza u l-aġġornament tal-ħiliet għat-tiftix ta' impjieg. Dan jinkludi wkoll taħriġ fuq il-post tax-xogħol fuq bażi individwali.

– Impjiegi u miżuri oħra ta' negozju: din il-miżura qiegħda biex tipprovdi servizzi ta' informazzjoni, ta' pariri u ta' esperti għall-ippjanar tal-impjieg mill-ġdid tal-benefiċjarji permezz ta' servizzi online, gwida vokazzjonali u ta' tfittix ta' impjieg, l-offerti ta' impjieg, immappjar tal-kompetenzi, evalwazzjonijiet tal-abbiltà tax-xogħol u provi.

– Korsijiet ta' taħriġ: din il-miżura qiegħda biex tipprovdi korsijiet ta' taħriġ vokazzjonali, taħriġ kontinwu, taħriġ fil-bidla u taħriġ mill-ġdid. Din tinkludi wkoll korsijiet ta' taħriġ bħala appoġġ lill-imprenditorija. Il-korsijiet ser ikunu adattati skont il-grupp fil-mira.

– Għotjiet biex jinbeda negozju: l-għan tal-għotjiet huwa li jippromwovi l-ħolqien ta' attivitajiet tan-negozju u l-impjieg ta' persuni individwali. L-għotja biex jinbeda negozju tgħin biex jitnieda u jiġi stabbilit negozju full-time gradwalment. Din ser tingħata sa massimu ta' 12-il xahar. It-taħriġ u l-ikkowċjar huma marbuta wkoll mal-għotja.

Proġetti pilota ta' pariri dwar il-karriera: għal benefiċjarji li huma 'l fuq minn 50 sena, il-proġett pilota se jħares lejn kwistjonijiet fiżiċi jew mentali u kwistjonijiet oħra li jistgħu jkunu ta' impediment għal impjieg ieħor. Barra minn hekk, xi wħud mill-benefiċjarji jistgħu jeħtieġu gwida intensiva.

– Pagi sussidjati: dan is-sussidju se jkun disponibbli biex jappoġġa t-tħaddim f'impjieg ġdid billi jitnaqqsu l-ispejjeż tas-salarji. Is-sussidju tal-paga se jkun 30-50 fil-mija tal-ispejjeż tal-pagi u mħallsa lill-impjegatur. It-tul tas-sussidju huwa ta' bejn sitt xhur u 18-il xahar, skont it-tul tal-perjodu tal-qgħad.

– Allowances għall-ivvjaġġar u l-akkomodazzjoni: tista' tingħata lil min qiegħed ifittex impjieg għal spejjeż ta' vjaġġar u spejjeż ta' akkomodazzjoni mġarrba matul it-tfittxija tal-impjieg jew matul it-taħriġ, bl-għan li tippromwovi l-impjieg.

Skont il-Kummissjoni, il-miżuri deskritti jikkostitwixxu miżuri attivi fis-suq tax-xogħol fi ħdan l-azzjonijiet eleġibbli stabbiliti fl-Artikolu 7 tar-Regolament dwar il-FEG u ma jissostitwixxux miżuri passivi ta' protezzjoni soċjali.

L-awtoritajiet Finlandiżi pprovdew il-garanziji neċessarji kollha rigward dan li ġej:

il-prinċipji tat-trattament indaqs u tan-nondiskriminazzjoni se jiġu rrispettati fl-aċċess għall-azzjonijiet proposti u l-implimentazzjoni tagħhom,

hemm konformità mar-rekwiżiti stabbiliti fil-leġiżlazzjoni nazzjonali u tal-UE rigward is-sensji kollettivi,

l-impriżi li taw is-sensji, li komplew bl-attivitajiet tagħhom wara s-sensji, ikkonformaw mal-obbligi ġuridiċi tagħhom li jirregolaw is-sensji u pprovdew għall-ħaddiema tagħhom kif xieraq,

l-azzjonijiet proposti mhumiex se jirċievu appoġġ finanzjarju minn fondi jew strumenti finanzjarji oħra tal-Unjoni u mhu se jitħalla jsir l-ebda finanzjament doppju,

l-azzjonijiet proposti se jkunu komplementari għall-azzjonijiet iffinanzjati mill-Fondi Strutturali,

il-kontribuzzjoni finanzjarja mill-FEG se tkun konformi mar-regoli proċedurali u materjali tal-Unjoni dwar l-għajnuna mill-Istat.

Il-Finlandja nnotifikat lill-Kummissjoni dwar il-fatt li s-sorsi ta' prefinanzjament jew ta' kofinanzjament nazzjonali huma l-Ministeru tal-Affarijiet Ekonomiċi u l-Impjiegi u li ċerti servizzi se jkunu ffinanzjati wkoll min-nefqa operattiva taċ-Ċentri għall-Iżvilupp Ekonomiku, it-Trasport u l-Ambjent u tal-Uffiċċji għall-Impjiegi u l-Iżvilupp Ekonomiku. Il-kontribuzzjoni finanzjarja se tkun ġestita u kkontrollata mid-Dipartiment għall-Impjiegi u l-Imprenditorija tal-Ministeru msemmi. L-Unità indipendenti tal-Awditjar Intern, li topera taħt is-Segretarju Permanenti tal-Ministeru msemmi, se tkun responsabbli mill-awditjar.

III.  Proċedura

Sabiex timmobilizza l-Fond, il-Kummissjoni ressqet lill-Awtorità Baġitarja talba għal trasferiment għal ammont globali ta' EUR 2 499 360 mir-riżerva tal-FEG (40 02 43) għal-linja baġitarja tal-FEG (04 04 01).

Sal-lum, din hija l-ħames proposta ta' trasferiment għall-mobilizzazzjoni tal-Fond trażmessa lill-Awtorità Baġitarja matul l-2017.

F'każ ta' nuqqas ta' qbil għandha tinbeda l-proċedura ta' trilogu, kif previst fl-Artikolu 15(4) tar-Regolament dwar il-FEG.

Skont ftehim intern, il-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali għandu jiġi assoċjat fil-proċess sabiex joffri appoġġ kostruttiv u jagħti kontribut għall-valutazzjoni tal-applikazzjonijiet mill-Fond.

(1)

ĠU L 347, 20.12.2013, p. 884.

(2)

ĠU L 347, 20.12.2013, p. 855.

(3)

ĠU C 373, 20.12.2013, p. 1.


ANNESS: ITTRA TAL-KUMITAT GĦALL-IMPJIEGI U L-AFFARJIET SOĊJALI

D(2017)45120

L-Onor. Jean Arthuis

President tal-Kumitat għall-Baġits

ASP 09G205

Suġġett: Opinjoni dwar il-mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (FEG) għall-każ EGF/2017/005 FI/Retail - COM(2017) 618 final

Onor. President,

Il-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali (EMPL) kif ukoll il-Grupp ta' Ħidma tiegħu dwar il-FEAG eżaminaw il-mobilizzazzjoni tal-FEG għall-każ EGF/2017/005 FI/Retail u adottaw l-opinjoni li tidher hawn taħt.

Il-Kumitat EMPL u l-Grupp ta' Ħidma dwar il-FEG huma favur il-mobilizzazzjoni tal-Fond fir-rigward ta' din l-applikazzjoni. F'dan ir-rigward, il-Kumitat EMPL qed jippreżenta xi rimarki mingħajr, madankollu, ma jqajjem dubji dwar it-trasferiment tal-pagamenti.

Id-deliberazzjonijiet tal-Kumitat EMPL huma msejsa fuq il-kunsiderazzjonijiet li ġejjin:

A)  billi din l-applikazzjoni hija bbażata fuq l-Artikolu 4(1)(b) tar-Regolament (UE) Nru 1309/2013 (ir-Regolament dwar il-FEG) u tirrigwarda 1 660 ħaddiem li ngħataw is-sensja f'6 impriżi li joperaw fis-settur ekonomiku kklassifikati taħt id-Diviżjoni 47 ta' NACE Reviżjoni 2 (Negozju bl-imnut, għajr ta' vetturi bil-mutur u muturi);

B)  billi biex tkun stabbilita r-rabta bejn is-sensji u l-bidliet strutturali kbar fl-andament tal-kummerċ dinji minħabba l-globalizzazzjoni, il-Finlandja ssostni li ż-żieda fix-xiri online (żieda ta' 34 % fil-bejgħ online bl-imnut bejn l-2010 u l-2015) ħalliet impatt enormi fuq il-bejgħ tal-bejgħ tal-ħwienet kbar konvenzjonali u li l-ħwienet online mhux tal-UE huma partikolarment popolari mal-konsumaturi Finlandiżi;

C)  billi 76,3% tal-ħaddiema li jinsabu fil-mira tal-miżura huma nisa u 23,7% huma rġiel; billi 65,7% tal-benefiċjarji fil-mira għandhom bejn it-30 u l-54 sena, filwaqt li 17,5% għandhom bejn it-30 u l-64 sena u 16,5% għandhom bejn il-15 u l-29 sena;

Għalhekk, il-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali jistieden lill-Kumitat għall-Baġits, bħala l-kumitat responsabbli, biex jinkorpora s-suġġerimenti li ġejjin fil-mozzjoni għal riżoluzzjoni tiegħu dwar l-applikazzjoni Finlandiża:

1.  Jaqbel mal-Kummissjoni li l-kriterji ta' intervent stabbiliti fl-Artikolu 4(1)(b) tar-Regolament (UE) Nru 1309/2013 huma sodisfatti u li, għalhekk, il-Finlandja għandha dritt għal kontribuzzjoni finanzjarja ta' EUR 2 499 360 skont dan ir-Regolament, li tirrappreżenta 60 % tal-ispiża totali ta' EUR 4 165 600;

2.  Jinnota li l-Kummissjoni rispettat l-iskadenza ta' 12-il ġimgħa mill-wasla tal-applikazzjoni kompluta mill-awtoritajiet Finlandiżi sal-finalizzazzjoni tal-valutazzjoni tagħha dwar il-konformità mal-kundizzjonijiet għall-għoti ta' kontribuzzjoni finanzjarja, fit-23 ta' Ottubru 2017, u nnotifikatha lill-Parlament fl-istess ġurnata;

3.  Josserva li l-erba' reġjuni NUTS-2 kollha tal-Finlandja ntlaqtu mit-tkeċċijiet li saru f'żewġ katini ta' ħwienet Finlandiżi kbar; jirrikonoxxi li tali ħwienet ħabbtu wiċċhom ma' tnaqqis tal-profittabilità u tal-likwidità minħabba ż-żieda tal-kummerċ elettroniku, it-tibdil fid-drawwiet tax-xiri u fil-fiduċja skarsa tal-konsumaturi;

4.  Jinnota li s-servizzi personalizzati kofinanzjati mill-FEG għall-ħaddiema li ngħataw is-sensja jinkludu miżuri ta' kowċing u miżuri oħrajn preparatorji; impjiegi u miżuri oħra ta' negozju; korsijiet ta' taħriġ; għotjiet biex jinbeda negozju; proġetti pilota ta' pariri dwar il-karriera; pagi sussidjati u allowances għall-ivvjaġġar u l-akkomodazzjoni;

5.  Iqis li l-impedimenti għal impjieg ieħor għal dawk il-persuni f'età akbar minn 50 sena jirrappreżentaw problemi importanti u jistenna b'interess evalwazzjoni tal-proġetti pilota ta' pariri dwar il-karriera li ddaħħlu għal dan il-grupp ta' ħaddiema ssensjati;

6.  Huwa mħasseb bil-fatt li dawk li jħaddmu u li jirċievi pagi ssussidjati mhumiex obbligati jkomplu jimpjegaw lil dawk il-ħaddiema għal perjodi itwal minn dak tas-sussidju; josserva li l-esperjenza Finlandiża preċedenti tagħti x'tifhem li tali ħaddiema jsibu impjieg u joħorġu mis-sistema tas-sussidji relattivament malajr;

7.  Jilqa' b'sodisfazzjon il-konsultazzjonijiet mal-partijiet interessati inklużi mar-rappreżentanti taċ-Ċentri għall-Iżvilupp Ekonomiku, it-Trasport u l-Ambjent ("Ċentri ELY") ta' Uusimaa, Pirkanmaa, Pohjois-Pohjanmaa, Varsinais-Suomi u tal-Uffiċċju għall-Impjiegi u l-Iżvilupp Ekonomiku ("Uffiċċju TE") ta' Uusima, kif ukoll mar-rappreżentanti ta' Anttila u tat-trade unions (PAM: Service Unions United) li saru biex jitfassal il-pakkett koordinat ta' servizzi personalizzati;

8.  Jinnota li l-miżuri ta' appoġġ għall-introjtu ser ikunu 22,05% tal-pakkett globali tal-miżuri personalizzati, ferm taħt il-limitu massimu ta' 35 % stabbilit fir-Regolament; u li dawn l-azzjonijiet jiddependu mill-parteċipazzjoni attiva tal-benefiċjarji fil-mira fl-attivitajiet tat-tfittxija ta' impjieg jew tat-taħriġ;

9.  Jinnota li l-awtoritajiet Finlandiżi pprovdew garanziji li l-azzjonijiet proposti mhumiex se jirċievu appoġġ finanzjarju minn fondi jew strumenti finanzjarji oħra tal-Unjoni, li kwalunkwe rduppjar ta' finanzjament se jiġi evitat u li dawn se jkunu komplemantari għall-azzjonjijiet iffinanzjati mill-Fondi Strutturali;

10.  Jilqa' l-konferma tal-Finlandja li kontribuzzjoni finanzjarja mill-FEG mhux se tissostitwixxi l-azzjonijiet li l-impriża kkonċernata meħtieġa tieħu skont id-dritt nazzjonali jew skont il-ftehimiet kollettivi;

11.  Ifakkar li, f'konformità mal-Artikolu 7 tar-Regolament, it-tfassil tal-pakkett koordinat ta' servizzi personalizzati għandu jantiċipa l-perspettivi futuri tas-suq tax-xogħol u l-ħiliet meħtieġa, u għandu jkun kompatibbli mal-bidla lejn ekonomija effiċjenti fl-użu tar-riżorsi u sostenibbli.

Dejjem tiegħek,

Marita Ulvskog

L-Ewwel Viċi President, Aġent President

c.c. Thomas Händel


ANNESS: ITTRA TAL-KUMITAT GĦALL-IŻVILUPP REĠJONALI

Ittra tas-7 ta' Novembru 2017 minn Iskra Mihaylova, President tal-Kumitat għall-Iżvilupp Reġjonali, lil Jean Arthuis, President tal-Kumitat għall-Baġits

Traduzzjoni

Suġġett:  Il-mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni

Onor. Arthuis,

Il-proposta tal-Kummissjoni għal deċiżjoni dwar il-mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (FEG) ġiet riferuta lill-Kumitat għall-Iżvilupp Reġjonali għall-opinjoni tiegħu. Nifhem li hemm il-ħsieb li jiġi adottat rapport dwar din il-proposta mill-Kumitat għall-Baġits fit-22 ta' Novembru 2017:

-  Id-dokument COM(2017)0618 jipproponi kontribuzzjoni tal-FEG ta' EUR 2 499 360 għal 1 500 ħaddiem li ngħataw is-sensja minn tliet kumpaniji fis-settur tal-bejgħ bl-imnut fil-Finlandja. L-intrapriżi joperaw fis-settur ekonomiku kklassifikat taħt id-Diviżjoni 47 ta' NACE Reviżjoni 2 (Kummerċ bl-imnut, għajr vetturi bil-mutur u muturi). Is-sensji li ngħataw huma lokalizzati fir-reġjuni tal-livell NUTS 2 ta' FI19 - Länsi Suomi, FI1B - Helsinki-Uusimaa, FI1C - Etelä-Suomi u FI1D - Pohjois- ja Itä-Suomi FI1D.

Ir-regoli applikabbli għall-kontribuzzjonijiet finanzjarji mill-FEG huma stabbiliti fir-Regolament (UE) Nru 1309/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 2013 dwar il-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (2014-2020) u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1927/2006.

Il-koordinaturi tal-Kumitat ivvalutaw din il-proposta u talbuni niktiblek biex ninfurmak li l-maġġoranza tal-Membri ta' dan il-Kumitat m'għandhom l-ebda oġġezzjoni għal din il-mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni biex l-ammont imsemmi hawn fuq jiġi allokat kif propost mill-Kummissjoni.

Dejjem tiegħek,

Iskra MIHAYLOVA


INFORMAZZJONI DWAR L-ADOZZJONIFIL-KUMITAT RESPONSABBLI

Data tal-adozzjoni

22.11.2017

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

31

3

0

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Nedzhmi Ali, Richard Ashworth, Gérard Deprez, Manuel dos Santos, José Manuel Fernandes, Jens Geier, Esteban González Pons, Ingeborg Gräßle, Iris Hoffmann, Monika Hohlmeier, John Howarth, Bernd Kölmel, Zbigniew Kuźmiuk, Vladimír Maňka, Siegfried Mureşan, Liadh Ní Riada, Jan Olbrycht, Urmas Paet, Răzvan Popa, Paul Rübig, Patricija Šulin, Eleftherios Synadinos, Indrek Tarand, Inese Vaidere, Daniele Viotti, Tiemo Wölken, Marco Zanni

Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali

Jean-Paul Denanot, Javi López, Andrey Novakov

Sostituti (skont l-Artikolu 200(2)) preżenti għall-votazzjoni finali

Jonathan Bullock, Jordi Solé


VOTAZZJONI FINALI B'SEJĦA TAL-ISMIJIET FIL-KUMITAT RESPONSABBLI

31

+

ALDE

Nedzhmi Ali, Gérard Deprez, Urmas Paet,

ECR

Zbigniew Kuźmiuk,

ENF

Marco Zanni,

GUE/NGL

Liadh Ní Riada,

NI

Eleftherios Synadinos,

PPE

Reimer Böge, Lefteris Christoforou, José Manuel Fernandes, Esteban González Pons, Ingeborg Gräßle, Monika Hohlmeier, Siegfried Mureşan, Andrey Novakov, Jan Olbrycht, Paul Rübig, Inese Vaidere, Patricija Šulin

S&D

Jean-Paul Denanot, Jens Geier, Iris Hoffmann, John Howarth, Javi López, Vladimír Maňka, Răzvan Popa, Daniele Viotti, Tiemo Wölken, Manuel dos Santos

Verts/ALE

Jordi Solé, Indrek Tarand

3

-

ECR

Richard Ashworth, Bernd Kölmel

EFDD

Jonathan Bullock

0

0

Tifsira tas-simboli użati:

+  :  favur

-  :  kontra

0  :  astensjoni

Avviż legali