Proċedura : 2015/2129(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A8-0368/2017

Testi mressqa :

A8-0368/2017

Dibattiti :

PV 13/12/2017 - 24
CRE 13/12/2017 - 24

Votazzjonijiet :

PV 14/12/2017 - 8.7
CRE 14/12/2017 - 8.7
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P8_TA(2017)0501

RAPPORT     
PDF 787kWORD 83k
27.11.2017
PE 607.796v02-00 A8-0368/2017

dwar l-implimentazzjoni tad-Direttiva 2011/93/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta' Diċembru 2011 dwar il-ġlieda kontra l-abbuż sesswali u l-isfruttament sesswali tat-tfal u l-pedopornografija

(2015/2129(INI))

Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern

Rapporteur: Anna Maria Corazza Bildt

EMENDI
NOTA SPJEGATTIVA – SOMMARJU TAL-FATTI U S-SEJBIET
 MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW
 OPINJONI tal-Kumitat għad-Drittijiet tan-Nisa u l-Ugwaljanza bejn is-Sessi
 OPINJONI tal-Kumitat għall-Kultura u l-Edukazzjoni
 INFORMAZZJONI DWAR L-ADOZZJONIFIL-KUMITAT RESPONSABBLI
 VOTAZZJONI FINALI B'SEJĦA TAL-ISMIJIET FIL-KUMITAT RESPONSABBLI

NOTA SPJEGATTIVA – SOMMARJU TAL-FATTI U S-SEJBIET

Il-proċedura

Skont ir-riżoluzzjoni tal-PE tal-11 ta' Marzu 2015 dwar l-abbuż sesswali tat-tfal online, il-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern talab awtorizzazzjoni biex ifassal rapport dwar l-implimentazzjoni tad-Direttiva 2011/93/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta' Diċembru 2011 dwar il-ġlieda kontra l-abbuż sesswali u l-isfruttament sesswali tat-tfal u l-pedopornografija u l-awtorizzazzjoni ngħatat f'Mejju 2015.

Skont l-Artikolu 28 tad-Direttiva 2011/93/UE, il-Kummissjoni kienet obbligata tressaq sat-18 ta' Diċembru 2015 lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill rapport li jivvaluta sa liema punt l-Istati Membri jkunu ħadu l-miżuri meħtieġa sabiex jikkonformaw ma' din id-Direttiva u rapport li jivvaluta l-implimentazzjoni tal-miżuri msemmija fl-Artikolu 25.

Minħabba dewmien fit-traspożizzjoni tad-Direttiva minn ċerti Stati Membri, il-Kummissjoni dewmet il-pubblikazzjoni ta' dawk ir-rapporti b'sena u ressqithom lill-Parlament fis-16 ta' Diċembru 2016.

Direttiva 2011/93/UE – il-kuntest, il-kamp ta' applikazzjoni u t-traspożizzjoni

L-abbuż sesswali tat-tfal online u offline huwa traġedja li qed tikber li għandha bħala vittmi lil tfal li xi drabi jkollhom biss sentejn. Huwa delitt transfruntier li jeħtieġ kooperazzjoni transfruntiera sabiex jiġi indirizzat b'mod determinat. In-netwerks kriminali li jorganizzaw l-abbuż sesswali tat-tfal online huma sofistikati u l-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi tagħna qed jiffaċċjaw l-isfida li l-leġiżlazzjonijiet mhux dejjem ikunu adatti għall-futur. Id-Direttiva 2011/93/UE (id-Direttiva) hija strument legali komprensiv, li fih dispożizzjonijiet dwar id-dritt kriminali sostantiv, il-proċedura kriminali, miżuri amministrattivi u miżuri ta' politika. Hija tagħti lill-Istati Membri standards minimi ċari għal sanzjonijiet u miżuri biex jiġi pprevenut l-abbuż, tiġi miġġielda l-impunità u jiġu protetti l-vittmi.

L-aktar titjibiet importanti introdotti permezz tad-Direttiva jinkludu definizzjoni aktar dettaljata tal-pedopornografija, żieda fil-pieni kriminali, il-kriminalizzazzjoni tal-pussess u l-akkwist ta' materjal ta' abbuż sesswali tat-tfal online, l-introduzzjoni ta' reat ġdid "grooming" u dispożizzjonijiet biex jitneħħew u/jew jiġu mblukkati l-websites li fihom materjal ta' abbuż sesswali tat-tfal. L-Istati Membri kellhom skadenza ta' sentejn għat-traspożizzjoni tad-Direttiva, li skadiet fit-18 ta' Diċembru 2013.

Ir-rapporti ta' implimentazzjoni tal-Kummissjoni vvalutaw sa liema punt l-Istati Membri ttrasponew id-Direttiva għal ġol-leġiżlazzjoni nazzjonali tagħhom, mingħajr madankollu ma setgħu f'dan l-istadju jivvalutaw l-implimentazzjoni tad-dispożizzjonijiet tagħha fil-prattika. Il-konklużjoni ġenerali tal-Kummissjoni hija li, minkejja l-isforzi mill-ikbar li għamlu l-Istati Membri biex jittrasponu dan l-istrument legali kumpless u t-titjib li dan il-proċess ġab fir-rigward tal-protezzjoni tat-tfal mill-abbuż sesswali, għad hemm ħafna x'jista' jsir biex id-Direttiva tilħaq il-potenzjal sħiħ tagħha.

Ir-Rapporteur tidentifika oqsma fejn l-Istati Membri għandhom jagħmlu aktar u tiċċara ċerti dispożizzjonijiet fid-Direttiva biex tiġi ffaċilitata l-implimentazzjoni korretta u sħiħa mill-Istati Membri: l-investigazzjoni u l-prosekuzzjoni il-prevenzjoni; l-assistenza u l-protezzjoni tal-vittmi; l-imblukkar u t-tneħħija tal-pedopornografija online.

Ir-Rapporteur tirrakkomanda wkoll lill-Istati Membri biex imorru lil hinn mis-sempliċi obbligu li jittrasponu d-Direttiva, u tħeġġiġhom jibnu l-kapaċità u jiskambjaw l-aħjar prattiki. Ir-Rapporteur tindirizza s-sitwazzjoni tat-tfal migranti, b'mod speċjali dawk mhux akkumpanjati, li huma partikolarment vulnerabbli għall-abbuż, għat-traffikar u għall-isfruttament sesswali u tistieden lill-Istati Membri jieħdu azzjonijiet konkreti biex jipproteġu lit-tfal li għebu. Fl-abbozz ta' rapport, hija tinkludi wkoll forom ġodda ta' delitti, bħal pereżempju l-pornografija ta' vendetta u l-estorsjoni tas-sess, li qegħdin jinfirxu fuq l-internet u jaffettwaw lil ħafna żgħażagħ, b'mod partikolari lill-bniet li jikkawżawlhom dannu serju u xi drabi jwasslu għas-suwiċidju tal-vittmi.

L-investigazzjoni u l-prosekuzzjoni

Id-Direttiva 2011/93/UE tagħti obbligu li l-Istati Membri jipprovdu lill-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi u lill-prosekuzzjoni għodod effettivi biex jinvestigaw l-offiżi ta' abbuż sesswali tat-tfal u jidentifikaw lit-tfal vittmi fi stadju bikri. Id-Direttiva tipprevedi wkoll ġurisdizzjoni estiża għar-reati ta' abbuż sesswali tat-tfal u għall-abolizzjoni tal-prinċipju ta' kriminalità doppja.

L-investigazzjoni u l-prosekuzzjoni tar-reati ta' abbuż sesswali tat-tfal online għadhom qed jippreżentaw sfidi għall-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi u għall-ġudikatura. L-esperti li ppreżentaw evidenza quddiem il-Kumitat LIBE identifikaw għadd ta' fatturi li jnaqqsu l-effikaċja tat-tekniki investigattivi online: il-kriptaġġ tal-komunikazzjonijiet online, id-diskrepanzi fir-regoli applikabbli dwar iż-żamma tad-data fl-Istati Membri, l-użu dejjem akbar ta' għodod ta' anonimizzazzjoni u l-użu tal-"cloud storage". F'dawk is-sitwazzjonijiet, spiss hu l-każ li ma jkunx ċar liema pajjiż għandu l-ġurisdizzjoni u liema leġiżlazzjoni tkun tapplika għall-ġbir tal-evidenza. F'dan ir-rigward, hija essenzjali l-kooperazzjoni msaħħa kemm internazzjonali kif ukoll tal-UE.

Ir-Rapporteur tistieden, għaldaqstant, lill-Istati Membri jżidu l-kooperazzjoni tal-pulizija u dik ġudizzjarja tagħhom kif ukoll jagħmlu użu sħiħ tal-għodod ta' kooperazzjoni eżistenti tal-UE pprovduti mill-Europol u mill-Eurojust sabiex jiġi żgurat suċċess fl-investigazzjonijiet u l-prosekuzzjoni tal-awturi tar-reati. Għal dak il-għan, hija tenfasizza li l-Europol u l-Eurojust għandhom jingħataw ir-riżorsi xierqa biex iwettqu l-kompitu tagħhom f'dan il-qasam.

Hija tħeġġeġ ukoll lill-Istati Membri jaqsmu l-aħjar prattiki f'dawk li huma għodod investigattivi u metodi ta' prosekuzzjoni.

Il-prevenzjoni

Id-Direttiva tipprovdi dispożizzjonijiet speċifiċi dwar miżuri preventivi minn kampanji ta' informazzjoni u sensibilizzazzjoni, edukazzjoni u taħriġ sa l-iskwalifika li tirriżulta minn kundanni u programmi ta' intervent preventiv għat-trasgressuri biex jiġi indirizzat b'mod determinat ir-reċidiviżmu.

Kemm ir-rapport tal-Kummissjoni dwar it-traspożizzjoni u kemm l-istudju tal-EPRS (is-Servizz ta' Riċerka tal-Parlament Ewropew) enfasizzaw li d-dispożizzjonijiet dwar miżuri preventivi huma l-aktar ta' sfida għall-Istati Membri.

L-iskambju ta' informazzjoni dwar kundanni ta' trasgressuri akkużati b'reati ta' abbuż sesswali tat-tfal fost l-Istati Membri rriżulta diffiċli biex jiġi implimentat minħabba li d-Direttiva ma tipprovdi l-ebda obbligu li l-Istati Membri jibagħtu informazzjoni lill-Istat Membru l-ieħor li jkun talabha, u f'xi Stati Membri l-liġi nazzjonali diġà tipprevedi kundizzjonijiet addizzjonali biex tintbagħat l-informazzjoni. Ir-Rapporteur temmen li hemm il-ħtieġa ta' żvilupp ulterjuri f'dan il-qasam u għalhekk tistieden lill-Istati Membri jaġġornaw il-lista tagħhom tat-trasgressuri u jikkondividu l-informazzjoni dwar il-kundanni kriminali u dwar l-iskwalifika ma' Stati Membri oħra ħalli t-trasgressuri jinżammu milli jmorru minn Stat Membru għal ieħor, mingħajr ħadd ma jinduna, għal xogħol jew għal volontarjat mat-tfal jew f'istituzzjonijiet tat-tfal.

L-identifikazzjoni tal-vittmi

L-abbuż sesswali tat-tfal jikkostitwixxi reat li huwa partikolarment diffiċli biex jinkixef u jiġi rrappurtat. L-awtorappurtar huwa limitat minħabba li t-tfal huma żgħar wisq, huma wisq trawmatizzati jew dipendenti mill-awtur tar-reat, u dawn il-fatturi kollha jżommuhom milli jikxfu r-reat. F'dan ir-rigward, il-helplines għat-tfal jaqdu rwol importanti billi jipprovdu assistenza adattata għall-bżonnijiet tat-tfal u jgħinu lit-tfal jirrappurtaw id-delitt. Huwa importanti wkoll li l-Istati Membri jistabbilixxu hotlines effikaċi biex jinstabu t-tfal neqsin u biex tiżdied il-kooperazzjoni għall-każijiet transfruntiera. L-identifikazzjoni tat-tfal vittmi ta' abbuż sesswali tat-tfal online tiddependi bil-wisq fuq il-kapaċitajiet investigattivi tal-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi f'dak li hu l-użu ta' teknoloġiji ġodda u persunal imħarreġ. L-Istati Membri jenħtieġ li jinvestu aktar fl-iżvilupp u fl-użu ta' għodod forensiċi ġodda sabiex ikunu aktar effikaċi u jsalvaw lill-vittmi tfal.

L-assistenza u l-protezzjoni tal-vittmi;

Id-Direttiva 2011/93/UE tirrikjedi wkoll li l-Istati Membri jdaħħlu fil-liġi tal-proċedura kriminali tagħhom miżuri li jiggarantixxu l-protezzjoni tal-vittmi tfal waqt id-durata kollha tal-proċedimenti kriminali kif ukoll jiżguraw li huma jirċievu l-assistenza u l-appoġġ. Ir-Rapporteur tqis li l-Istati Membri jenħtieġ li jimplimentaw bis-sħiħ id-Direttiva 2012/29/UE dwar id-drittijiet tal-vittmi ta' reati u jenħtieġ li jżidu l-miżuri speċifiċi biex il-vittmi ta' abbuż sesswali tat-tfal jiġu protetti b'mod aktar effikaċi, ukoll billi jtejbu r-rwol tal-linji telefoniċi nazzjonali għall-għajnuna u jikkondividu l-aħjar prattiki.

It-tneħħija u/jew l-imblukkar

L-Artikolu 25 tad-Direttiva jimmira li jiżgura l-prevenzjoni tal-abbuż sesswali u l-isfruttament sesswali tat-tfal u li jnaqqas il-vittimizzazzjoni sekondarja billi jaqta' l-aċċess għall-materjal ta' abbuż tat-tfal online. Jirrikjedi li l-Istati Membri jneħħu minnufih il-materjal minn fuq websites ospitati fuq it-territorju tagħhom u li jistinkaw biex jiżguraw it-tneħħija tagħhom jekk ikunu ospitati xi mkien ieħor. L-Istati Membri ttransponew din id-dispożizzjoni permezz ta' miżuri bbażati fuq id-Direttiva dwar il-Kummerċ Elettroniku (proċedura ta' notifika u tneħħija) jew permezz ta' miżuri tad-dritt kriminali għall-materjal ospitat fuq it-territorju tagħhom. L-Istati Membri ttrasponew id-Direttiva f'dak li jirrigwarda l-materjal ospitat barra mit-territorju tagħhom jew permezz ta' miżuri li jinvolvu li tiġi stabbilita hotline awtorizzata biex tivvaluta l-materjal u biex tikkuntattja l-pajjiż fejn ikun ospitat permezz tan-netwerk ta' hotlines INHOPE, jew permezz tal-Europol jew l-Interpol.

L-Artikolu 25 paragrafu 2 jintroduċi l-possibbiltà li l-Istati Membri jaqtgħu l-aċċess għall-materjal ta' abbuż sesswali tat-tfal permezz ta' miżuri ta' imblukkar. Huma biss nofs l-Istati Membri li għażlu li jittrasponu din id-dispożizzjoni. Komunement, biex jiġi implimentat l-imblukkar, jintużaw listi suwed tal-websites li fihom materjal ta' abbuż sesswali tat-tfal. Saret dispożizzjoni għal salvagwardji differenti biex tiġi żgurata l-libertà tal-espressjoni.

L-evidenza miġbura fit-tħejjija ta' dan ir-rapport uriet li l-imblukkar fil-prattika hu aktar effiċjenti minħabba li jsir ħafna aktar malajr mit-tneħħija. Jekk ikunu fis-seħħ biżżejjed salvagwardji biex jipproteġu l-libertajiet fundamentali, dan jenħtieġ li jintuża b'mod aktar mifrux mill-Istati Membri.

Il-kooperazzjoni mal-fornituri tas-servizzi tas-soċjetà tal-informazzjoni hija essenzjali biex tiġi sfrattata d-disponibbiltà ta' materjal ta' abbuż sesswali tat-tfal online. Mingħajr il-parteċipazzjoni attiva tagħhom, ħafna drabi fuq bażi volontarja, il-proċess tat-tneħħija u tal-imblukkar ma jkunx possibbli. Ir-Rapporteur temmen li l-industrija u l-partijiet ikkonċernati fir-rigward tal-internet għandhom jerfgħu r-responsabbiltà kondiviża tagħhom u jiżviluppaw soluzzjoni innovattiva sabiex ikun jistgħu jikkumbattu l-abbuż sesswali tat-tfal online.

Sorsi:

Minbarra r-rapporti ta' implimentazzjoni tal-Kummissjoni, ir-Rapporteur ġabret informazzjoni mis-sorsi li ġejjin, fost oħrajn:

-  smigħ li sar fil-l-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern fil-25 ta' April 2017;

-  valutazzjoni tal-Impatt Ex Post mis-servizzi tal-EPRS tal-Parlament, ippubblikata f'April 2017;

-  seduta ta' smigħ organizzata mill-grupp politiku PPE dwar il-ġlieda kontra l-abbuż sesswali tat-tfal fuq l-Internet, fid-29 ta' Ġunju 2016;

-  studju tad-Dipartiment Tematiku C dwar Id-drittijiet taċ-Ċittadini u l-Affarijiet Kostituzzjonali imħejji għall-Kumitat LIBE dwar il-ġlieda kontra l-abbuż sesswali tat-tfal online, ippubblikat f'Ottubru 2015;

-  laqgħa mas-Sur Benyam Dawit Mezmur, President tal-Kumitat tan-NU dwar id-Drittijiet tat-Tfal.


MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW

dwar l-implimentazzjoni tad-Direttiva 2011/93/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta' Diċembru 2011 dwar il-ġlieda kontra l-abbuż sesswali u l-isfruttament sesswali tat-tfal u l-pedopornografija

(2015/2129(INI))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 3 u 6 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE) u l-Artikoli 82(2) u 83(1) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE),

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 7, 8, 24, 47, 48 u 52 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tan-NU dwar id-Drittijiet tat-Tfal tal-20 ta' Novembru 1989, u l-Protokolli tagħha,

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa dwar il-Protezzjoni tat-Tfal kontra l-Isfruttament Sesswali u l-Abbuż Sesswali tal-25 ta' Ottubru 2007,

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa dwar iċ-Ċiberkriminalità tat-23 ta' Novembru 2001,

–  wara li kkunsidra l-adozzjoni mill-Kunsill tal-Ewropa tal-Istrateġija tiegħu dwar id-Drittijiet tat-Tfal (2016-2021),

–  wara li kkunsidra d-Direttiva 2011/93/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-13 ta' Diċembru 2011, dwar il-ġlieda kontra l-abbuż sesswali u l-isfruttament sesswali tat-tfal u l-pedopornografija, u li tissostitwixxi d-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2004/68/ĠAI(1),

–  wara li kkunsidra d-Direttiva 2012/29/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Ottubru 2012 li tistabbilixxi standards minimi fir-rigward tad-drittijiet, l-appoġġ u l-protezzjoni tal-vittmi tal-kriminalità, u li tissostitwixxi d-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2001/220/ĠAI(2),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-27 ta' Novembru 2014 dwar il-25 anniversarju tal-Konvenzjoni tan-NU dwar id-Drittijiet tat-Tfal(3),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-11 ta' Marzu 2015 dwar il-Ġlieda kontra l-abbuż sesswali tat-tfal fuq l-internet(4),

–  wara li kkunsidra l-Kommunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-2 ta' Mejju 2012 dwar "Strateġija Ewropea għal Internet Aħjar għat-Tfal" (COM(2012)0196), u wara li kkunsidra r-rapport mill-Kummissjoni tas-6 ta' Ġunju 2016 bit-titolu "Evalwazzjoni finali tal-programm multiannwali tal-UE dwar il-ħarsien tat-tfal li jużaw l-Internet u t-teknoloġiji l-oħrajn tal-komunikazzjoni (Internet Aktar Sikur)" (COM(2016)0364),

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kummissjoni tas-16 ta' Diċembru 2016 li jivvaluta kemm l-Istati Membri ħadu l-miżuri meħtieġa sabiex ikunu konformi mad-Direttiva 2011/93/UE (COM(2016)0871 finali), u r-rapport tal-Kummissjoni tas-16 ta' Diċembru 2016 li jivvaluta l-implimentazzjoni tal-miżuri msemmija fl-Artikolu 25 tad-Direttiva 2011/93/UE (COM(2016)0872),

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Europol tal-2016 dwar il-Valutazzjoni tat-Theddida mill-Kriminalità Organizzata ffaċilitata mill-Internet (iOACTA),

–  wara li kkunsidra r-rapport mill-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għad-Drittijiet Fundamentali tas-27 ta' Frar 2017 bit-titolu "Ġustizzja adatta għat-tfal: Perspettivi u esperjenzi ta' tfal involuti fi proċedimenti ġudizzjarji bħala vittmi, xhieda jew partijiet f'disa' Stati Membri tal-UE,

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-12 ta' April 2017 bit-titolu "Il-protezzjoni tat-tfal migranti" (COM(2017)0211),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 52 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu, kif ukoll l-Artikolu 1(1)(e), u l-Anness 3 tad-deċiżjoni tal-Konferenza tal-Presidenti tat-12 ta' Diċembru 2002 dwar il-proċedura għall-awtorizzazzjoni tat-tfassil tar-rapporti fuq inizjattiva proprja,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern u l-opinjonijiet tal-Kumitat għall-Kultura u l-Edukazzjoni kif ukoll tal-Kumitat għad-Drittijiet tan-Nisa u l-Ugwaljanza bejn is-Sessi (A8-0368/2017),

A.  billi l-abbuż sesswali u l-isfruttament sesswali tat-tfal jikkostitwixxu ksur serju tad-drittijiet fundamentali, b'mod partikolari d-dritt tat-tfal għall-protezzjoni u l-kura meħtieġa għall-benesseri tagħhom, kif previst fil-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti tal-1989 dwar id-Drittijiet tat-Tfal u fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea;

B.  billi l-aħjar interessi tat-tfal iridu jkunu kunsiderazzjoni primarja meta tiġi implimentata kwalunkwe miżura biex jiġu miġġielda dawn ir-reati, f'konformità mal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-UE u l-Konvenzjoni tan-NU dwar id-Drittijiet tat-Tfal;

C.  billi d-Direttiva 2011/93/UE hija strument ġuridiku komprensiv li fih dispożizzjonijiet dwar id-dritt kriminali sostantiv u dwar il-proċeduri kriminali, miżuri ta' assistenza u protezzjoni tal-vittmi u għall-prevenzjoni, inklużi miżuri amministrattivi, u l-implimentazzjoni tagħha tirrikjedi l-involviment mill-qrib ta' atturi minn setturi differenti bħalma huma l-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi, il-ġudikatura, assoċjazzjonijiet tal-ġenituri u tal-familja li għandhom rwol attiv fir-rigward tal-protezzjoni tal-minorenni, l-organizzazzjonijiet mhux governattivi, il-fornituri tas-servizz tal-internet u oħrajn;

D.  billi r-rapport ta' implimentazzjoni tal-Kummissjoni ma jipprovdi l-ebda statistika fir-rigward tat-tneħħija u l-imblukkar ta' websites li fihom jew li jxerrdu stampi ta' abbuż sesswali tat-tfal, speċjalment l-istatistika dwar kemm il-kontenut idum biex jitneħħa, il-frekwenza li biha r-rapporti jiġu segwiti minn awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi, id-dewmien fit-tneħħija minħabba l-ħtieġa li tiġi evitata interferenza mal-investigazzjonijiet li jkunu għaddejjin, jew il-frekwenza li biha kwalunkwe tali data maħżuna verament tintuża minn awtoritajiet ġudizzjarji jew tal-infurzar tal-liġi;

E.  billi waħda mill-isfidi ewlenin fl-investigazzjoni tal-abbuż sesswali tat-tfal u l-prosekuzzjoni tal-agressuri hija n-nuqqas ta' rapportar mill-vittmi; billi huwa anqas probabbli li s-subien jirrappurtaw abbuż;

F.  billi t-tfal, li huma vittmi ta' abbuż jew sfruttament sesswali, isofru minn trawmi fiżiċi u / jew psikoloġiċi multipli u fit-tul li jistgħu jibqgħu jippersegwitawhom fit-tul fil-ħajja adulta;

G.  billi l-abbuż sesswali u l-isfruttament sesswali tat-tfal online huwa fenomenu li qed jevolvi u nħolqu fuq l-internet forom ġodda tal-kriminalità, bħalma huma "l-pornografija ta' vendetta" u l-estorsjoni sesswali, u jeħtieġ li jiġu indirizzati b'miżuri konkreti mill-Istati Membri;

H.  billi l-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi qed jiffaċċjaw sfidi ppreżentati min-netwerks ta' bejn il-pari (peer-to-peer) u privati li jiskambjaw materjal ta' abbuż sesswali tat-tfal; billi hemm il-ħtieġa li titqajjem kuxjenza fi stadju bikri fost il-bniet u s-subien dwar ir-riskji u dwar kemm hu importanti li jirrispettaw id-dinjità u l-privatezza tal-oħrajn fl-era diġitali;

I.  billi t-tfal migranti - speċjalment il-bniet iżda wkoll perċentwal sinifikanti ta' subien(5) - huma partikolarment esposti għall-abbuż sesswali u għall-isfruttament sesswali tat-tfal f'idejn it-traffikanti, kuntrabandisti, traffikanti tad-droga, ċrieki tal-prostituzzjoni, kif ukoll individwi jew ċrieki oħra, li jisfruttaw il-vulnerabbiltà tagħhom, matul ir-rotta u ladarba jaslu l-Ewropa

J.  billi l-industrija tat-turiżmu tas-sess taffettwa għadd sinifikanti ta' tfal, speċjalment bniet iżda wkoll perċentwal sinifikanti ta' subien;

K.  billi, sabiex ikun hemm konformità mal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, il-miżuri li jittieħdu skont il-premessa 47 tad-Direttiva 2011/93/UE dwar l-imblukkar u t-tneħħija ta' websites online jridu jirrispettaw is-salvagwardji elenkati fl-Artikolu 25 tad-Direttiva;

L.  billi reviżjoni sistematika u metaanaliżi sabu li, meta mqabbla mal-pari tagħhom mingħajr diżabbiltà, tfal b'diżabilità kellhom tliet darbiet aktar probabbiltà li jġarrbu vjolenza fiżika jew sesswali;

M.  billi l-użu tat-terminu "pornografija tat-tfal" mhuwiex xieraq biex jiġu definiti r-reati fl-Artikoli 5 u 2(c) tad-Direttiva 2011/93/UE, u jaf ikun ta' ħsara għall-vittmi tfal;

Il-konklużjonijiet u r-rakkomandazzjonijiet ewlenin

1.  Jikkundanna għalkollox il-forom kollha ta' abbuż jew sfruttament sesswali tat-tfal, kif ukoll il-vittimizzazzjoni vjolenti u abbużiva tat-tfal f'kull livell; jilqa' l-adozzjoni mill-Kunsill tal-Ewropa tal-Istrateġija tiegħu dwar id-Drittijiet tat-Tfal (2016-2021); jistieden lill-istituzzjonijiet tal-UE u l-Istati Membri kollha biex jieħdu miżuri xierqa bil-għan li jipprevjenu il-forom kollha ta' vjolenza fiżika u psikoloġika, inkluż abbuż fiżiku u sesswali u sfruttament sesswali, u jipproteġu lit-tfal; jistieden lill-Istituzzjonijiet u l-Istati Membri kollha tal-UE biex jieħdu azzjoni magħquda u effikaċi sabiex jeqirdu l-abbuż u l-isfruttament sesswali u, b'mod aktar ġenerali, ir-reati sesswali kollha kontra t-tfal; jistieden lill-istituzzjonijiet u lill-Istati Membri kollha tal-UE biex b'mod espliċitu jikkunsidraw il-protezzjoni tat-tfal bħala prijorità meta jipprogrammaw u jimplimentaw il-politiki, li jaf ikollhom impatt negattiv fuqhom;

2.  Iqis li d-Direttiva 2011/93/UE hija qafas ġuridiku solidu u sħiħ għall-ġlieda kontra l-abbuż sesswali u l-isfruttament sesswali tat-tfal; jiddeplora l-fatt li l-Istati Membri ħabbtu wiċċhom ma' dewmien sinifikanti fit-traspożizzjoni u l-implimentazzjoni ta' din id-Direttiva, b'mod partikolari fir-rigward tad-dispożizzjonijiet dwar il-prevenzjoni, l-investigazzjoni u l-prosekuzzjoni kif ukoll fir-rigward tal-protezzjoni u l-assistenza lill-vittmi, u l-fatt li għadu ma ġiex sfruttat il-potenzjal sħiħ tad-Direttiva. iħeġġeġ lill-Istati Membri jżidu l-isforzi tagħhom biex jittrasponu d-Direttiva b'mod sħiħ u korrett; jistieden lill-Istati Membri jiżguraw li t-traspożizzjoni legali tiġi tradotta f'implimentazzjoni effikaċi sabiex jiżguraw il-protezzjoni u l-assistenza għall-vittmi tfal u tolleranza żero għall-abbuż sesswali tat-tfal;

3.  Jiddeplora li l-Kummissjoni ma kinitx f'pożizzjoni li tippreżenta r-rapporti ta' implimentazzjoni tagħha fi żmien l-iskadenza stabbilita fl-Artikolu 28 tad-Direttiva 2011/93/UE u li ż-żewġ rapporti ta' evalwazzjoni ppreżentati mill-Kummissjoni ddokumentaw sempliċement it-traspożizzjoni fil-liġi nazzjonali mill-Istati Membri u ma vvalutax bis-sħiħ il-konformità tad-Direttiva; jitlob lill-Istati Membri jikkooperaw u jgħaddu lill-Kummissjoni l-informazzjoni rilevanti kollha dwar l-implimentazzjoni tad-Direttiva, inkluża l-istatistika;

4.  Jisħaq fuq il-punt li t-terminu "materjal ta' abbuż sesswali tat-tfal" huwa aktar xieraq minn "pornografija tat-tfal" għal tali reati kontra t-tfal; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jadottaw l-użu tat-terminu "materjal ta' abbuż sesswali tat-tfal" minflok it-terminu "pornografija tat-tfal"; jisħaq, madankollu, li t-terminoloġija l-ġdida m'għandha bl-ebda b'mod tirrestrinġi r-reati elenkati bħala "pornografija tat-tfal" fl-Artikolu 5 tad-Direttiva 2011/93/UE b'rabta mal-Artikolu 2(c);

5.  Jiddispjaċih li r-rapport ta' implimentazzjoni tal-Kummissjoni jonqos milli jsemmi jekk ivvalutatx l-effiċjenza tas-sistema INHOPE meta tittrasferixxi r-rapporti lil kontropartijiet f'pajjiżi terzi;

6.  Iqis li huwa ta' dispjaċir li l-Kummissjoni naqset milli tiġbor data dwar it-tipi ta' mblukkar li ntużaw; jiddispjaċih li ma ġietx ippubblikata data dwar in-numru ta' websites fuq il-listi tal-imblukkar f'kull pajjiż; iqis li huwa ta' dispjaċir li m'hemm l-ebda valutazzjoni tal-użu ta' metodi ta' sigurtà, bħal kriptaġġ, sabiex jiġi żgurat li l-listi tal-imblukkar ma jiġux żvelati u jsiru serjament kontroproduttivi; jilqa' l-fatt li, wara li ppromwoviet l-imblukkar obbligatorju fl-2011, il-Kummissjoni b'mod espliċitu abbandunat din il-pożizzjoni;

Id-Dritt Kriminali Sostantiv (l-Artikoli 3, 4 u 5 tad-Direttiva)

7.  Jieħu nota tal-fatt li d-dispożizzjonijiet dwar id-dritt kriminali sostantiv tad-Direttiva 2011/93/UE ġew trasposti mill-Istati Membri; jinsab imħasseb, madankollu, li xi Stati Membri ma ttrasponewx bis-sħiħ id-dispożizzjonijiet dwar ir-reati li jikkonċernaw l-isfruttament sesswali (l-Artikolu 4), ir-reati li jikkonċernaw l-abbuż sesswali meta jsir abbuż ta' pożizzjoni rikonoxxuta ta' fiduċja, awtorità jew influwenza (Artikolu 3(5)(i)) jew meta jsir abbuż minn sitwazzjoni partikolarment vulnerabbli tat-tifel jew tifla (Artikolu 3(5)(ii)), u fir-rigward tar-responsabbiltà tal-persuni ġuridiċi (Artikolu 12);

8.  Iqis, b'mod partikolari, li l-Istati Membri jenħtieġ li jagħmlu kull sforz possibbli biex jiġġieldu kontra l-impunità tal-aggressuri ta' abbuż sesswali tat-tfal, kif ukoll ta' individwi jew persuni ġuridiċi, li jgħinu, jassistu jew li huma kompliċi ta' kwalunkwe reat ta' sfruttament sesswali jew abbuż sesswali tat-tfal; iqis li huwa ta' importanza fundamentali li l-Istati Membri jiżguraw ir-responsabbiltà kemm tal-persuni fiżiċi kif ukoll ġuridiċi, fejn in-nuqqas ta' monitoraġġ jew superviżjoni ta' persuna li hija membru ta' dik l-entità ġuridika, ikun ippermetta jew iffaċilita t-twettiq ta' reati;

9.  Jinsab partikolarment imħasseb dwar it-theddid u r-riskji li toħloq id-dimensjoni online għat-tfal, b'mod partikolari f'dak li jirrigwarda r-reklutaġġ tat-tfal online, kif ukoll il-grooming u forom oħra ta' inċitament; iqis li għaldaqstant iridu jinstabu modi ta' kif jiġu identifikati, irrappurtati u investigati prattiki perikolużi bħal dawn; jisħaq fuq il-ħtieġa li jiżdied il-livell ta' protezzjoni tat-tfal online filwaqt li fl-istess ħin jitniedu programmi ta' sensibilizzazzjoni u informazzjoni dwar il-perikli li jeżistu online;

10.  Jinsab imħasseb dwar iż-żieda fil-webstreaming dirett tal-abbuż sesswali tat-tfal, fejn it-trasgressuri għandhom ħiliet għolja u qed ikunu innovattivi ħafna fl-użu ta' teknoloġija avvanzata; iqis li l-Istati Membri kollha għalhekk jenħtieġ li jfittxu li jiżviluppaw applikazzjonijiet tekniċi innovattivi biex jidentifikaw u jimblukkaw l-aċċess għal kontenut bħal dan, filwaqt li fl-istess ħin jistabbilixxu restrizzjonijiet fuq il-ħlas għal servizzi ta' dan it-tip;

11.  Jissottolinja l-ħtieġa li jiġu indirizzati forom ġodda ta' reati online, bħalma huma l-pornografija ta' vendetta u l-estorsjoni sesswali, li jaffettwaw lil ħafna minorenni, b'mod partikolari lit-tfajliet adoloxxenti; jistieden lill-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi u lill-ġudikatura tal-Istati Membri jadottaw miżuri konkreti biex jiġġieldu din il-forma ġdida ta' kriminalità, u lill-industrija tal-internet, lill-hotlines, lill-NGOs u lill-korpi rilevanti kollha jistedinhom jerfgħu r-responsabbiltà kondiviża tagħhom filwaqt li jfittxu li jipprovdu soluzzjonijiet biex jiġu miġġielda dawn ir-reati, fosthom billi jsir użu aħjar tat-teknoloġiji disponibbli u billi jiġu żviluppati teknoloġiji ġodda biex tiġi ffaċilitata l-identifikazzjoni tal-persuni li wettqu delitti online;

12.  Itenni d-dritt ta' kull individwu li jiddeċiedi dwar id-destin tad-data personali tiegħu jew tagħha, b'mod partikolari d-dritt esklussiv li jikkontrolla l-użu u d-divulgazzjoni ta' informazzjoni personali u d-dritt li jintesa definit bħala l-possibbiltà li persuni jiksbu t-tneħħija immedjata tal-kontenut li jista' jkun ta' preġudizzju għad-dinjità proprja tagħhom;

13.  Jinsisti fuq il-ħtieġa li l-Istati Membri li s'issa għadhom ma jikkriminalizzaw is-cyberstalking jew it-taħjir tat-tfal fuq l-internet, kif ukoll "l-online grooming"; ifakkar li t-terminu "cyberstalking" jirreferi għal sitwazzjoni meta adulti jikkomunikaw online ma' minorenni jew persuna li jaħsbu li hija minorenni bil-għan li sussegwentement iwettqu att kriminali jew delitt kontriha;

14.  Iqis li huwa ta' dispjaċir li mhija pprovduta l-ebda statistika fir-rigward tal-użu ta' proċeduri tal-liġi kriminali sabiex f'każijiet rilevanti jiġi ssekwestrat l-apparat;

L-investigazzjoni u l-prosekuzzjoni

15.  Jinnota li għadd ta' Stati Membri ma implimentawx ir-rekwiżit li ssir prosekuzzjoni tar-reati fi żmien suffiċjenti wara li l-vittma tkun laħqet l-età maġġuri; iħeġġeġ, għalhekk, lill-Istati Membri jiżguraw li l-limiti statutorji li fihom dawn ir-reati jistgħu jiġu rappurtati u proċessati huma ta' tul suffiċjenti u, għall-inqas, li jibdew mill-età maġġuri tat-tfal vittmi, sabiex jiżguraw il-possibbiltà li ssir il-prosekuzzjoni tar-reat;

16.  Jissottolinja l-importanza tal-implimentazzjoni tal-Artikolu 17 bl-għan li jiġi żgurat li l-Istati Membri jkollhom ġurisdizzjoni fuq l-offiżi kommessi permezz tat-teknoloġija tal-informazzjoni u l-komunikazzjoni (ICT) aċċessata mit-territorju tagħhom kemm jekk hija bbażata fit-territorju tagħhom kif ukoll jekk le. jenfasizza l-ħtieġa li tiġi żviluppata l-bażi prattika għal approċċ komuni tal-UE rigward il-kwistjoni ta' ġurisdizzjoni fiċ-ċiberspazju, kif enfasizzat fil-laqgħa informali tal-ministri tal-ġustizzja u l-affarijiet interni li saret fis-26 ta' Jannar 2016;

17.  Jiddeplora li mhux ir-reati kollha elenkati fid-Direttiva 2011/92/UE huma inklużi fil-leġiżlazzjoni nazzjonali tal-Istati Membri, f'dak li jirrigwarda ġurisdizzjoni extraterritorjali; jiddispjaċih li xi Stati Membri jiggarantixxu li ssir prosekuzzjoni ta' reati ta' abbuż sesswali mwettqa barra mill-pajjiż mingħajr ilment mill-vittma; jistieden lill-Istati Membri biex jindirizzaw dawn in-nuqqasijiet b'mod effikaċi;

18.  Jistieden lill-Istati Membri kollha biex jallokaw riżorsi finanzjarji u umani adegwati għall-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi u l-awtoritajiet ġudizzjarji sabiex jiġġieldu l-abbuż u l-isfruttament sesswali tat-tfal, inkluż taħriġ speċifiku għall-pulizija u l-investigaturi; jitlob lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jsaħħu r-riżorsi ddedikati għall-identifikazzjoni tal-vittmi u jistieden minnufih lill-Istati Membri li għadhom ma ttrasponewx l-Artikolu 15(4) tad-Direttiva 2011/93/UE dwar l-identifikazzjoni tal-vittmi, biex jagħmlu dan mill-aktar fis u sabiex jimplimentaw din id-dispożizzjzoni billi jistabbilixxu skwadri speċjali ta' investigazzjoni, li jingħataw l-għodod u r-riżorsi xierqa;

19.  Jiddispjaċih li għad hemm nuqqas ta' statistika u data preċiżi dwar in-numru ta' reati mwettqa speċjalment fil-qasam tal-abbuż sesswali u l-isfruttament tat-tfal minħabba l-perċentwal għoli ta' każijiet li ma jiġux irrappurtati, in-novità tar-reati, u d-differenzi fid-definizzjonijiet u l-metodoloġiji użati f'diversi Stati Membri;

20.  Jisħaq fuq il-punt li uħud mill-isfidi ewlenin li jħabbtu wiċċhom magħhom l-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi u l-awtoritajiet ġudizzjarji fl-investigazzjoni u l-prosekuzzjoni tal-offiżi ta' abbuż sesswali tat-tfal online, li jirriżultaw l-aktar mid-dimensjoni transkonfinali tal-investigazzjonijiet u mid-dipendenza mit-tekniki tal-evidenza elettronika; jinnota, b'mod partikolari, il-ħtieġa li jittejbu t-tekniki investigattivi diġitali bil-għan li jkunu jistgħu jlaħħqu mal-pass mgħaġġel tal-iżvilupp teknoloġiku;

21.  Jistieden lill-Istati Membri jsaħħu l-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi tagħhom, fosthom permezz ta' użu akbar tal-iskwadri ta' investigazzjoni konġunti; iħeġġeġ lill-awtoritajiet jirrikonoxxu li dipendenza żejda fuq il-hotlines u l-industrija tista' tkun kontroproduttiva u testernalizza biss il-ġlieda kontra materjal ta' abbuż sesswali tat-tfal;

22.  Jistieden lill-Istati Membri japplikaw id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2011/93/UE b'mod validu għall-ġejjieni; iħeġġeġ lill-industrija u lill-fornituri tas-servizz tal-internet japplikaw teknoloġija aġġornata u jinvestu f'soluzzjonijiet innovattivi biex jiżdiedu l-possibbiltajiet li t-trasgressuri jiġu identifikati u mressqa quddiem il-ġustizzja, jiġu żarmati n-netwerks kriminali online u jiġu protetti l-vittmi;

23.  Jesprimi tħassib dwar l-użu mill-fornituri tas-servizzi tal-internet ta' teknoloġiji tat-Traduzzjoni tal-Indirizz tan-Netwerk fil-Grad ta' Portatur (NAT CGN) li jagħmilha possibbli li diversi utenti jikkondividu indirizz IP wieħed fl-istess ħin, u b'hekk jipperikolaw is-sigurtà online u l-possibbiltà li tiġi stabbilita r-responsabbiltà; jistieden lill-Istati Membri jħeġġu lill-fornituri tas-servizzi tal-Internet u lill-operaturi tan-netwerk jieħdu l-miżuri meħtieġa sabiex jillimitaw in-numru ta' utenti għal kull indirizz IP, ineħħu gradwalment l-użu tat-teknoloġiji CGN u jagħmlu l-investimenti meħtieġa sabiex jadottaw b'urġenza l-ġenerazzjoni li jmiss ta' indirizzi IP (verżjoni 6 - IPv6);

24.  Jistieden lill-Istati Membri jżidu l-kooperazzjoni tal-pulizija u dik ġudizzjarja tagħhom kif ukoll jagħmlu użu sħiħ tal-għodod ta' kooperazzjoni eżistenti tal-UE pprovduti mill-Europol - b'mod partikolari fil-kuntest tal-Proġett ta' Analiżi AP Twins u l-European Cybercrime Centre - u l-Eurojust biex jiżguraw li jirnexxu l-investigazzjoni u l-prosekuzzjoni tat-trasgressuri u l-kompliċi possibbli; jenfasizza li l-Europol u l-Eurojust jenħtieġ li jingħataw ir-riżorsi xierqa biex iwettqu l-kompiti tagħhom f'dan ir-rigward u jħeġġeġ lill-Istati Membri jikkondividu l-aħjar prattiki;

25.  Jistieden lill-Istati Membri jżidu l-kooperazzjoni tal-pulizija u dik ġudizzjarja tagħhom sabiex jiġġieldu lit-traffikar u lill-kuntrabandu tat-tfal migranti, li huma partikolarment vulnerabbli għall-abbuż, għat-traffikar u għall-isfruttament sesswali, speċjalment il-bniet, iżda anki s-subien; jappella għal kooperazzjoni msaħħa u skambju rapidu ta' informazzjoni bejn l-awtoritajiet biex jiġu ttraċċati t-tfal neqsin, u jitlob li l-bażijiet tad-data jkunu interoperabbli; jistieden lill-Istati Membri jadottaw approċċ olistiku li jinvolvi l-atturi kollha kkonċernati u jżidu l-kooperazzjoni mal-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi, is-servizzi soċjali u s-soċjetà ċivili; jirrikonoxxi r-rwol importanti tas-soċjetà ċivili fl-identifikazzjoni ta' tfal vulnerabbli, minħabba n-nuqqas ta' fiduċja li t-tfal migranti wrew fl-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi;

26.  Iħeġġeġ lill-Istati Membri jintensifikaw l-isforzi tagħhom biex jiġġieldu lit-turiżmu sesswali tat-tfal u jħarrku lit-trasgressuri u lill-kompliċi, filwaqt li jqisu r-responsabbiltà tal-atturi kollha involuti;

27.  Iqis li l-Istati Membri jenħtieġ li jkunu mħeġġa biex jiżviluppaw netwerk internazzjonali speċjalizzat għall-ġlieda kontra t-turiżmu sesswali, akkumpanjat minn politiki mmexxija mill-gvern bħall-introduzzjoni ta' programmi ta' finanzjament biex tingħata għajnuna lill-familji u t-tfal li jgħixu f'żoni perikolużi;

Il-prevenzjoni (l-Artikoli 22, 23 u 24 tad-Direttiva)

28.  Jistieden lill-Istati Membri jimplimentaw programmi effettivi ta' prevenzjoni u ta' intervent, inklużi, programmi ta' taħriġ regolari, għall-uffiċjali, l-edukaturi u l-partijiet ikkonċernati kollha li għandhom kuntatt mat-tfal biex jivvalutaw aħjar ir-riskju ta' twettiq ta' reati;

29.  Iħeġġeġ lill-Istati Membri kollha biex jimplimentaw miżuri xierqa bħas-sensibilizzazzjoni tal-pubbliku, kampanji ta' prevenzjoni, taħriġ u programmi ddedikati ta' edukazzjoni għall-awtoritajiet, il-ġenituri, l-għalliema, it-tfal u l-minorenni - anki f'kooperazzjoni mal-assoċjazzjonijiet tal-ġenituri li għandhom rwol attiv fil-protezzjoni tat-tfal u l-minorenni, kif ukoll mal-organizzazzjoni tas-soċjetà ċivili rilevanti, sabiex jippromwovu l-importanza tal-valuri tal-familja (eż. ir-responsabbiltà, ir-rispett u l-kura reċiproki), id-dinjità tal-bniedem, l-awtostima, in-nonvjolenza u, b'mod aktar ġenerali, id-dritt tat-tfal li jiġu protetti kontra kull forma ta' abbuż u sfruttament sesswali;

30.  Jistieden lill-istituzzjonijiet tal-UE u lill-Istati Membri biex iwaqqfu sistema b'diversi stadji fil-protezzjoni tat-tfal abbażi tal-aħjar interessi tal-wild u r-rispett sħiħ tad-drittijiet fundamentali tiegħu jew tagħha, sabiex jintbagħat messaġġ ċar li kull forma ta' abbuż fiżiku, sesswali u emozzjonali fuq it-tfal hija inaċċettabbli u punibbli bil-liġi; 

31.  Iħeġġeġ lill-Istati Membri jaqsmu l-aħjar prattiki dwar materjal edukattiv u programmi ta' taħriġ għall-atturi kollha involuti, bħalma huma l-għalliema, il-ġenituri, l-edukaturi u l-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi, biex titqajjem kuxjenza dwar il-grooming u riskji oħra għas-sikurezza tat-tfal online; iħeġġeġ lill-Istati Membri jistabbilixxu programmi edukattivi ambizzjużi maħsuba kemm għall-ġenituri kif ukoll għat-tfal bil-għan li jsaħħu l-pożizzjoni tagħhom, u dan billi jsiru aktar konxji tal-perikli tal-internet u jiġu mħeġġa jirrappurtaw l-inċidenti li jkunu raw jew li kienu vittmi tagħhom, b'mod partikolari permezz ta' linji telefoniċi apposta għat-tfal; iqis li huwa importanti ħafna li l-ġenituri jingħataw linji gwida sabiex jivvalutaw ir-riskji li jistgħu jaffaċċjaw uliedhom u jidentifikaw sinjali bikrija ta' abbuż sesswali online potenzjali; jistieden lill-fornituri tas-servizzi jintensifikaw l-isforzi tagħhom biex iżidu l-għarfien dwar ir-riskju tal-internet, b'mod partikolari għat-tfal, billi jiżviluppaw għodod interattivi u materjal ta' informazzjoni;

32.  Iħeġġeġ lill-Istati Membri biex fil-leġiżlazzjoni tagħhom jintroduċu verifiki mandatarji tal-preċedenti kriminali għall-persuni li japplikaw jew li joffru ruħhom volontarji għal attivitajiet jew impjiegi fejn ikollhom kuntatt jew awtorità fuq it-tfal, u jħeġġiġhom ukoll jiskambjaw b'mod sistematiku informazzjoni dwar individwi li jikkostitwixxu riskju għat-tfal;

33.  Jistieden lill-Istati Membri jiskambjaw informazzjoni dwar l-awturi ta' abbuż sesswali tat-tfal bil-għan li ma jħalluhomx jiċċaqilqu minn Stat Membru għall-ieħor għal raġunijiet ta' xogħol jew biex jagħmlu volontarjat mat-tfal jew ma' istituzzjonijiet tat-tfal; iħeġġeġ lill-Istati Membri jżidu l-kondiviżjoni tal-informazzjoni dwar il-kundanni kriminali u dwar l-iskwalifiki, kif ukoll jiżguraw l-ġbir sistematiku u koerenti tad-data fir-reġistri nazzjonali tat-trasgressuri; iħeġġeġ lill-Istati Membri jissodisfaw l-obbligi tagħhom skont l-Artikolu 22 tad-Direttiva 2011/93/UE u jipprovdu programmi ta' intervent u miżuri effikaċi u rieżaminati b'mod akkademiku għal persuni li jkollhom biża' li jwettqu reati ta' abbuż sesswali tat-tfal u reati oħra msemmija fl-Artikoli 3 sa 7 tad-Direttiva;

34.  Jinnota li xi Stati Membri żviluppaw sistemi operattivi ddedikati u kapaċitajiet forensiċi intiżi għall-investigazzjoni ta' abbużi sesswali tat-tfal; jinnota, madankollu, li l-biċċa l-kbira tal-Istati Membri la għandhom servizzi investigattivi speċjalizzati, u lanqas il-mezzi finanzjarji sabiex jakkwistaw materjali forensiċi, bħal software speċifiku li jippermetti li jitwettqu investigazzjonijiet online; jirrakkomanda lill-UE, għaldaqstant, biex tappoġġa lil dawn is-servizzi billi tipprovdi l-fondi rilevanti, fejn meħtieġ;

35.  Jinnota l-fatt li l-parti l-kbira tal-każijiet ta' abbuż sesswali u ta' sfruttament sesswali tat-tfal rarament jiġu rrapportati lis-servizzi tal-infurzar tal-liġi; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jieħdu l-passi meħtieġa biex itejbu u jsaħħu r-rapportar ta' dawn ir-reati, kif ukoll jikkunsidraw iwaqqfu mekkaniżmi diretti sistematiċi ta' rapportar;

36.  Jistieden lill-Istati Membri biex jiżviluppaw jew isaħħu linji ta' għajnuna għat-tfal li jipprovdu għajnuna u appoġġ għal tfal li huma vittmi ta' abbuż jew sfruttament sesswali u li jirrispettaw id-dritt fundamentali tat-tfal li jinstemgħu; jitlob lill-Istati Membri jiżguraw id-disponibbiltà 24 siegħa kuljum ta' dawn il-linji ta' għajnuna, l-aċċessibbiltà tagħhom permezz ta' mezzi differenti ta' komunikazzjoni, il-kunfidenzjalità tagħhom, li huma b'xejn għat-tfal iżda wkoll għal-linji ta' għajnuna, il-pożizzjoni ċara tagħhom fi ħdan sistemi nazzjonali tal-protezzjoni tat-tfal u jiggarantixxu finanzjament strutturali u fit-tul għal dawn il-linji ta' għajnuna;

L-assistenza u l-protezzjoni tal-vittmi (l-Artikoli 18, 19 u 20 tad-Direttiva)

37.  Jistieden lill-Istati Membri jimplimentaw bis-sħiħ id-Direttiva 2012/29/UE dwar id-drittijiet tal-vittmi tal-kriminalità, jadottaw miżuri speċifiċi biex jipproteġu lit-tfal vittmi u jikkondividu l-aħjar prattiki biex jiżguraw li t-tfal jirċievu assistenza u appoġġ xierqa tul id-durata kollha tal-proċedimenti kriminali u minn hemm 'il quddiem;

38.  Jilqa' l-aħjar prattiki adottati f'xi Stati Membri għall-protezzjoni tat-tfal, bħalma hu l-Barnhuset fl-Iżvezja, fost oħrajn; jistieden lill-Istati Membri jiffukaw fuq l-iżgurar tal-għoti ta' għajnuna legali, appoġġ psikoloġiku u assistenza u jevitaw il-vittimizzazzjoni sekondarja tat-tfal; iħeġġeġ lill-Istati Membri jagħtu bidu għal kampanji ta' sensibilizzazzjoni kemm fil-livell reġjonali kif ukoll fil-livell nazzjonali biex jippromwovu l-appoġġ għall-vittmi tfal u jrawmu bidla kulturali fl-opinjoni pubblika biex tiġi evitata kwalunkwe attitudni li tagħti tort lill-vittmi, li jaf tirriżulta fi trawma addizzjonali għat-tfal vittmi ta' abbuż; 

It-tneħħija u l-imblukkar (Artikolu 25)

39.  Jilqa' l-fatt li l-Istati Membri stabbilixxew miżuri leġiżlattivi u amministrattivi biex ineħħu l-paġni web li fihom materjal ta' abbuż sesswali tat-tfal ospitati fuq it-territorju tagħhom; jistieden lill-Istati Membri biex jimplimentaw bis-sħiħ l-Artikolu 25 tad-Direttiva 2011/93/UE u jiżguraw li l-materjal ta' abbuż sesswali tat-tfal jitneħħa mal-ewwel f'ras il-għajn, u li jistabbilixxu s-salvagwardji rilevanti; jiddispjaċih għall-fatt li huma biss nofs l-Istati Membri li inkorporaw disposizzjonijiet fil-leġiżlazzjoni tagħhom li jagħmluha possibbli li l-aċċess għal paġni web bħal dawn jiġu imblukkati għall-utenti fi ħdan it-territorju tagħhom; ifakkar li fil-ġlieda kontra t-tixrid ta' materjal ta' abbuż sesswali tat-tfal, il-miżuri ta' tneħħija huma, fil-prinċipju, aktar effettivi mill-imblukkar peress li dan tal-aħħar ma jħassarx il-kontenut;

40.  Jiddispjaċih u jesprimi tħassib għall-fatt li, minkejja li l-Kummissjoni ssemmi li xi Stati Membri m'għandhomx proċeduri ta' "avviż u tneħħija" funzjonali, 16-il sena wara d-dħul fis-seħħ tad-Direttiva 2000/31/KE (Direttiva dwar il-Kummerċ Elettrotroniku), ma indikatx jekk hux se tittieħed xi azzjoni sabiex dawk l-Istati Membri jikkonformaw mad-dritt tal-Unjoni;

41.  Jistieden lill-Kummissjoni tagħmel aktar sforzi sabiex tiġbor l-informazzjoni meħtieġa ħalli taċċerta xi proċeduri jintużaw fi Stati Membri fejn m'hemm l-ebda proċedura ta' "avviż u tneħħija" u l-ebda pieni kriminali stabbiliti, u tagħti bidu għal proċedimenti ta' ksur kontra l-Istati Membri jekk kemm-il darba jinstab li ma jikkonformawx mal-obbligi stabbiliti fid-Direttiva 2000/31/KE dwar din il-kwistjoni;

42.  Jiddispjaċih għall-fatt li l-Kummissjoni la vvalutat is-sigurtà tal-listi tal-imblukkar, it-teknoloġiji użati għall-imblukkar f'dawk il-pajjiżi li implimentaw il-miżuri, l-implimentazzjoni ta' miżuri ta' sigurtà, bħall-kriptaġġ, għall-ħażna u l-komunikazzjoni tal-listi tal-imblukkar u lanqas ma wettqet analiżi sinifikanti tal-effikaċja ta' din il-miżura;

43.  Jinnota li d-Direttiva 2011/92/UE ma teħtieġx imblukkar obbligatorju; jirrikonoxxi li l-imblukkar mhuwiex la teknoloġija unika u lanqas waħda affidabbli; jirrakkomanda t-tneħħija ta' materjal ta' abbuż tat-tfal, sfruttament tat-tfal u abbuż sesswali tat-tfal minn ras il-għajn fil-kuntest ta' azzjonijiet ġudizzjarji u tal-infurzar tal-liġi effiċjenti;

44.  Iħeġġeġ lill-Istati Membri biex, f'kooperazzjoni mal-industrija tal-Internet, iħaffu l-proċeduri ta' notifika u tneħħija, li għadhom twal wisq, u jistabbilixxu sħubiji mal-industrija tas-settur online, l-Europol u l-Eurojust biex jipprevjenu l-hacking u l-użu ħażin tan-netwerks u s-sistemi biex jitqassam materjal ta' abbuż sesswali tat-tfal;

45.  Jistieden lill-Istati Membri, f'każijiet fejn il-kontenut isir disponibbli minn pajjiżi terzi, biex iżidu l-kooperazzjoni tagħhom mal-pajjiżi terzi kkonċernati u mal-Interpol bil-għan li jiżguraw it-tneħħija fil-pront tal-kontenut inkwistjoni;

46.  Jirrakkomanda li l-listi suwed tal-websites li fihom materjal ta' abbuż sesswali tat-tfal jiġu aġġornati regolarment mill-awtoritajiet rilevanti u kkomunikati lill-fornituri tas-servizzi tal-internet sabiex jġi evitat, pereżempju, l-imblukkar żejjed u sabiex tiġi żgurata l-proporzjonalità; jirrakkomanda l-kondiviżjoni ta' tali listi suwed ta' websites bejn l-Istati Membri, mal-Europol u ċ-Ċentru Ewropew taċ-Ċiberkriminalità tiegħu, kif ukoll mal-Interpol; iqis, f'dan ir-rigward, li tista' tintuża t-teknoloġija tal-"hashing" li għadha kemm ġiet żviluppata, li tinvolvi l-identifikazzjoni u r-rikonixximent awtomatiku tal-immaġnijiet; jisħaq fuq il-punt li kwalunkwe teknoloġija implimentata għandha tiġi eżaminata bir-reqqa biex tiġi eliminata, jew tal-inqas titnaqqas, il-possibbiltà ta' hacking, abbuż jew effetti kontroproduttivi;

47.  Iħeġġeġ lin-Netwerk INHOPE jaħdem mal-membri tiegħu sabiex joħloq mekkaniżmu ta' rapportar anonimu sikur dwar in-netwerks Deep Web, bħan-Netwerks Dark Net li jinstabu fin-netwerk TOR, li tipprovdi l-istess anonimità bi standard għoli bħal dik li l-organizzazzjonijiet tal-istampa jipprovdu lill-informaturi sabiex dawk li jużaw dawn in-netwerks jingħataw l-opportunità biex jersqu 'l quddiem b'informazzjoni jew rapporti dwar materjal ta' abbuż sesswali tat-tfal;

48.  Iħeġġeġ lill-Istati Membri jagħmluha mandatarja li l-fornituri tas-servizzi tal-Internet (ISP) jirrappurtaw b'mod proattiv il-materjal ta' abbuż sesswali tat-tfal li jkun instab fl-infrastruttura tagħhom lill-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi, kif ukoll lill-hotlines nazzjonali; jistieden lill-Kummissjoni tkompli l-finanzjament tagħha skont il-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa (CEF) bil-għan li lill-hotlines tipprovdilhom ir-riżorsi xierqa biex jissodisfaw il-mandat tagħhom biex jittrattaw kontenut illegali online;

49.  Jirrikonoxxi r-rwol attiv u ta' appoġġ li l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili jaqdu fil-ġlieda kontra l-materjal ta' abbuż sesswali tat-tfal fuq l-internet, bħan-Netwerk ta' Hotlines INHOPE, inkluża l-Fondazzjoni Internet Watch fir-Renju Unit; iħeġġeġ lill-Kummissjoni, f'kooperazzjoni mal-INHOPE, biex tidentifika u timplimenta l-aħjar prattiki, b'mod partikolari fir-rigward ta' rapportar tal-istatistika u interazzjoni effiċjenti mal-infurzar tal-liġi; iħeġġeġ lill-Istati Membri li għadhom ma stabbilixxewx hotlines biex dan jagħmluh u huwa tal-fehma li dawn għandhom jitħallew ifittxu materjal ta' abbuż sesswali tat-tfal online b'mod proattiv;

50.  Iħeġġeġ lill-Istati Membri li għadhom m'għamlux dan biex jistabbilixxu mingħajr dewmien mekkaniżmi ta' rapportar u ta' konsulenza sikuri u sensittivi għat-tfal, bħalma huma hotlines tat-telefown jew tal-kompjuter b'indirizzi tal-email, jew applikazzjonijiet tat-tablet jew smartphone li fuqhom l-utenti tal-Internet ikunu jistgħu jirrappurtaw - anke b'mod anonimu - il-materjal ta' abbuż sesswali tat-tfal li jsibu online u li huma kapaċi jivvalutaw b'mod rapidu dan il-kontenut irrappurtat bil-għan li jimplimentaw proċeduri ta' avviż u tneħħija malajr, u t-tneħħija ta' kontenut li jinsab barra t-territorju tagħhom; jitlob li dawn il-hotlines jiġu rrikonoxxuti b'mod ċar u jissaħħu, u jħeġġeġ lill-Istati Membri jipprovdulhom ir-riżorsi adegwati, inklużi baġits xierqa u professjonisti b'għarfien espert mħarrġa; huwa tal-fehma li dawn il-hotlines jenħtieġ li jitħallew ifittxu materjal online ta' abbuż sesswali tat-tfal b'mod proattiv filwaqt li jirċievu rapporti mill-pubbliku;

51.  Jenfasizza l-ħtieġa li jiġu promossi u appoġġjati programmi ta' informazzjoni tal-UE li jippermettu lill-membri tal-pubbliku jiġbdu l-attenzjoni tal-awtoritajiet dwar kontenut online li huwa illegali jew ta' ħsara għat-tfal;

52.  Jistieden lill-Kummissjoni tkompli żżomm lill-Parlament infurmat b'mod regolari dwar is-sitwazzjoni attwali b'rabta mal-konformità tal-Istati Membri mad-Direttiva, billi tipprovdi data diżaggregata u komparabbli dwar il-prestazzjoni tal-Istati Membri fil-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-abbuż u l-isfruttament sesswali tat-tfal offline u online; jistieden lill-Kummissjoni tippreżenta rapport aktar komprensiv dwar l-implimentazzjoni tad-Direttiva, li għandu jinkludi informazzjoni u statistika addizzjonali dwar it-tneħħija u l-imblukkar ta' websites li fihom materjal ta' abbuż sesswali tat-tfal, statistika dwar il-veloċità li biha jitneħħa kontenut illegali wara perjodu ta' 72 siegħa u dwar is-segwitu li jsir mill-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi għar-reati rrappurtati, id-dewmien fit-tneħħija bħala konsegwenza tal-ħtieġa li tiġi evitata interferenza ma' investigazzjonijiet li jkunu għaddejjin, informazzjoni dwar l-użu tad-data miżmuma mill-awtoritajiet ġudizzjarji u l-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi u dwar l-azzjonijiet li jittieħdu mill-hotlines wara li jinfurmaw lill-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi biex jikkuntattjaw lill-fornituri ospitanti; jagħti istruzzjonijiet lill-kumitat rilevanti tiegħu biex jorganizza seduta ta' smigħ dwar is-sitwazzjoni attwali fir-rigward tal-implimentazzjoni ta' din id-Direttiva u possibilment jikkunsidra l-adozzjoni ta' rapport addizzjonali dwar is-segwitu mogħti għall-implimentazzjoni ta' din id-Direttiva;

°

°  °

53.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni kif ukoll lill-parlamenti u lill-gvernijiet tal-Istati Membri.

(1)

ĠU L 335, 17.12.2011, p. 1.

(2)

ĠU L 315, 14.11.2012, p. 57.

(3)

ĠU C 289, 9.8.2016, p. 57.

(4)

ĠU C 316, 30.8.2016, p. 109.

(5)

L-istudji juru li s-subien, b'mod partikolari, jaf joqogħdu lura milli jikxfu abbuż sesswali, fosthom għal raġunijiet relatati mal-assunzjonijiet li s-soċjetà għandha fil-konfront tal-irġiel. Ara, pereżempju, l-istudju mill-Unità ta' Valutazzjoni tal-Impatt Ex Post tas-Servizz ta' Riċerka tal-Parlament Ewropew, PE 598.614, p. 16 u Schaefer, G.A., Mundt, I.A,,Ahlers, C.J., u Bahls, C, "Child sexual abuse and psychological impairment in victims: results of an online study initiated by victims" (L-abbuż sesswali tat-tfal u l-indeboliment psikoloġiku fil-vittmi: riżultati ta' studju online mibdi mill-vittmi), Journal of Child Sex Abuse, Vol. 21, No 3, 2012, pp. 343-360.


OPINJONI tal-Kumitat għad-Drittijiet tan-Nisa u l-Ugwaljanza bejn is-Sessi (4.7.2017)

għall-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern

dwar l-implimentazzjoni tad-Direttiva 2011/93/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta' Diċembru 2011 dwar il-ġlieda kontra l-abbuż sesswali u l-isfruttament sesswali tat-tfal u l-pedopornografija

(2015/2129(INI))

Rapporteur għal opinjoni: Clare Moody

SUĠĠERIMENTI

Il-Kumitat għad-Drittijiet tan-Nisa u l-Ugwaljanza bejn is-Sessi jistieden lill-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern, bħala l-kumitat responsabbli, biex jinkorpora s-suġġerimenti li ġejjin fil-mozzjoni għal riżoluzzjoni tiegħu:

A.  billi r-riċerka turi li l-abbuż sesswali tat-tfal jaffettwa lill-bniet aktar milli lis-subien (ir-rati ta' prevalenza huma 13.4 % għall-bniet u 5.7 % għas-subien) u huwa kommess prinċipalment minn irġiel; billi l-aspett tal-ġeneri jrid jiġi rifless fil-prevenzjoni tal-abbuż sesswali tat-tfal u fil-protezzjoni kontrih;

B.  billi l-esponiment għall-pornografija jista' jżid il-vulnerabbiltà tat-tfal u taż-żgħażagħ għall-abbuż sesswali u għall-isfruttament sesswali; billi l-istatistika turi li 12 % mis-siti web huma siti pornografiċi, li fuqhom jistgħu xi drabi jkunu moħbija wkoll vidjows pornografiċi li jinvolvu t-tfal; billi kullħadd, ikun ta' liema eta' jkun, jista' jkollu aċċess liberu għal dawn is-siti u jniżżel il-vidjows li jrid;

C.  billi l-vittmi tal-abbuż sesswali jsibu ma' wiċċhom riskji fiżiċi u psikoloġiċi serji li jistgħu jaffettwaw il-ħajja privata u soċjali tagħhom;

D.  billi l-bniet li jkunu qed jaħarbu mill-kunflitti u mill-persekuzzjoni jinsabu esposti għal riskju akbar ta' stupru, ta' abbuż sesswali u ta' sfruttament sesswali u ta' żwieġ furzat, u billi r-riċerka turi li l-ostakli lingwistiċi, it-tabujiet kulturali, il-biża' li ma jaslux fid-destinazzjoni finali tagħhom u fatturi oħra jfissru li xi tfal rifuġjati vittmi ma jirrappurtawx il-każijiet lill-awtoritajiet;

1.  Jinsab imħasseb dwar il-fatt li d-distribuzzjoni mhux kunsenswali ta' materjal erotiku jew pornografiku, inkluż online u permezz tal-midja soċjali, bħalma hu l-fenomenu tal-hekk imsejħa "pornografija ta' vendetta" – forma ta' abbuż u persekuzzjoni li qed tikber b'mod mgħaġġel – taffettwa b'mod predominanti ħafna lin-nisa u lill-bniet, li wħud minnhom huma taħt l-età ta' kunsens sesswali; jistieden lill-Istati Membri jimmonitorjaw l-internet sabiex irażżnu l-"pornografija ta' vendetta" fil-pront u b'mod effikaċi, u jintroduċu firxa ta' politiki leġiżlattivi biex jipprevjenu u jissanzjonaw din il-forma ġdida ta' reat; jistieden lill-industrija tal-internet tieħu responsabbiltà kondiviża għal dan il-fenomenu; jenfasizza l-ħtieġa li jkun hemm edukazzjoni u sensibilizzazzjoni għal kulħadd, b'mod speċjali għall-bniet u għas-subien, fir-rigward tal-konsegwenzi possibbli ta' meta jirreġistraw jew jirrekordjaw immaġini intimi, bħalma huma ritratti u filmati tagħhom infushom, u jagħmluhom disponibbli għal oħrajn; jenfasizza l-ħtieġa ta' sensibilizzazzjoni u taħriġ dwar il-kwistjoni għall-ħaddiema u l-voluntiera fil-qasam tal-edukazzjoni, maż-żgħażagħ u fil-komunità, kif ukoll il-ħtieġa li tissaħħaħ il-kapaċità tal-aġenziji tal-infurzar tal-liġi biex jindirizzaw dawn ir-riskji b'mod sensittiv għall-ġeneru;

2.   Iħeġġeġ lill-awtoritajiet kompetenti fl-Istati Membri jinkludu l-edukazzjoni tal-bniet u tas-subien dwar ir-relazzjonijiet ibbażati fuq il-kunsens, ir-rispett u r-reċiproċità fl-edukazzjoni sesswali u relazzjonali (ESR) komprensiva tagħhom, peress li r-riċerka wriet li l-edukazzjoni sesswali u relazzjonali komprensiva bbażata fuq id-drittijiet hija mezz adattat u effikaċi biex it-tfal u ż-żgħażagħ jiġu protetti kontra r-riskji ta' abbuż u sfruttament sesswali;

3.  Jistieden lil dawk l-Istati Membri li ma għandhomx edukazzjoni sesswali u relazzjonali mandatarja (il-Bulgarija, il-Kroazja, l-Ungerija, l-Italja, il-Litwanja, ir-Rumanija, is-Slovakkja u Spanja) biex jintroduċuha; jistieden lill-Istati Membri kollha jirrikjedu li fl-edukazzjoni sesswali u relazzjonali ssir enfasi fuq il-kunsens sesswali u fuq ir-rispett;

4.  Jissottolinja l-importanza, fl-iskejjel, tal-programmi tal-litteriżmu diġitali u tas-sikurezza fuq l-internet, li huma indispensabbli għat-tfal, iżda anke għall-ġenituri u għal dawk li għandhom kuntatt mat-tfal; iħeġġeġ lill-Istati Membri jvaraw kampanji ta' informazzjoni dwar iċ-ċibersikurezza u l-prinċipji ta' mġiba etika fuq l-internet fir-rigward tal-privatezza personali u l-privatezza tal-oħrajn; jinnota li l-programmi u l-kontenut edukattivi li jindirizzaw b'mod determinat dawn il-kwistjonijiet iridu jiffukaw ukoll fuq l-irġiel u fuq is-subien, biex jeqirdu l-istereotipi tal-ġeneru u jiġġieldu lis-sessiżmu u lill-imġiba li twassal għall-fastidju online;

5.  Jistieden lill-Istati Membri, b'kooperazzjoni mal-awtoritajiet ġudizzjarji u tal-pulizija, itejbu s-sistemi ta' kontroll tal-ġenituri permezz tal-użu ta' teknoloġiji ġodda, inklużi applikazzjonijiet għall-ismartphones, sabiex jipproteġu lit-tfal b'mod aktar effikaċi;

6.  Jenfasizza l-ħtieġa li titqajjem kuxjenza fi stadju bikri fost il-bniet u s-subien kollha dwar kif iħarsu ruħhom online u dwar kemm hu importanti li jirrispettaw id-dinjità u l-privatezza tal-oħrajn fl-era diġitali; jinkoraġġixxi lill-Istati Membri jaqsmu l-aħjar prattiki dwar materjal edukattiv u programmi ta' taħriġ dwar il-grooming u suriet oħra ta' theddid tas-sikurezza online tat-tfal, b'mod partikolari tal-bniet, fost l-atturi kollha involuti, inklużi l-għalliema, l-edukaturi u l-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi; ifakkar li s-sensibilizzazzjoni fost il-ġenituri u qraba oħra hija importanti daqskemm hija importanti s-sensibilizzazzjoni fost it-tfal infushom;

7.  Iqis li t-tneħħija tal-kontenut trid tibqa' prijorità, iżda jirrikonoxxi li din tista' tkun proċedura li tieħi fit-tul; jemmen, għalhekk, li jenħtieġ li jiġu stabbiliti mekkaniżmi ta' tneħħija rapida u li l-proċeduri ta' tneħħija jenħtieġ li jiġu aċċelerati;

8.  Jitlob lill-Istati Membri jqisu d-dimensjoni qawwija tal-ġeneru f'dik li hi r-rata ta' żvelar, fejn is-subien u l-irġiel jirrappurtaw l-abbuż b'mod inqas spiss mill-bniet u n-nisa, li min-naħa tagħhom spiss idumu biex iwettqu l-awtorappurtar;

9.  Jirrakkomanda li waqt it-traspożizzjoni tal-Artikolu 15 jew waqt l-emendar tad-dispożizzjonijiet leġiżlattivi dwar l-istatut ta' limitazzjonijiet fuq l-awtorappurtar ta' reati sesswali kommessi kontra l-minorenni, u kwalunkwe statut ta' limitazzjonijiet jenħtieġ li jibda mid-data li fiha tkun intlaħqet l-età maġġuri minflok mid-data li fiha jkun ġie kommess ir-reat;

10.  Iħeġġeġ lid-disa' Stati Membri li għadhom ma ttrasponewx l-Artikolu 15(4) dwar l-identifikazzjoni tal-vittmi, biex jagħmlu dan mingħajr dewmien u biex jimplimentawh billi, pereżempju, jistabbilixxu timijiet investigattivi speċjalizzati, jinvestu f'għodod forensiċi u jipparteċipaw f'investigazzjonijiet transfruntiera;

11.  Jistieden lill-Istati Membri jżidu l-kooperazzjoni tagħhom u jiskambjaw id-data biex jidentifikaw lit-tfal vittmi ta' abbuż sesswali, inklużi t-tfal li sfaw nieqsa, u speċjalment il-bniet, li huma partikolarment vulnerabbli għat-traffikar u għall-isfruttament sesswali;

12.  Jistieden lill-Kummissjoni tinvesti fi programmi transnazzjonali kontinwi ta' identifikazzjoni tat-tfal vittmi billi tgħin lill-Istati Membri fil-kapaċitajiet forensiċi tagħhom u billi tikkoopera f'dan il-qasam, inkluż fl-iżvilupp ta' riżorsi umani u tagħmir speċjalizzati;

13.  Jistieden lill-Istati Membri biex meta jkunu qed jidentifikaw vittmi potenzjali jiddedikaw attenzjoni aktar mill-qrib lill-gruppi vulnerabbli ta' tfal, bħalma huma t-tfal Rom, it-tfal b'diżabilità mentali u t-tfal rifuġjati, b'mod speċjali l-minorenni mhux akkumpanjati u t-tfal li jfittxu asil li jinsabu f'detenzjoni u li jinsabu f'riskju ta' abbuż sesswali u sfruttament sesswali f'istituzzjonijiet, kampijiet tar-rifuġjati u ċentri tal-asil; jenfasizza l-importanza, għalhekk, ta' miżuri bħalma huma t-twettiq ta' verifika tal-preċedenti personali fuq il-persunal, l-assistenti soċjali u l-voluntiera li jkollhom kuntatt mt-tfal, l-istabbiliment ta' sistemi ta' rappurtar u l-għoti ta' assistenza lill-vittmi; itenni, f'dan ir-rigward, li l-miżuri ta' appoġġ għall-vittmi huma importanti mhux biss waqt l-investigazzjoni ta' abbuż sesswali jew ta' sfruttament sesswali, iżda wkoll fi stadju aktar tard, bil-għan li jgħinuhom jegħlbu l-istress posttrawmatiku u jirċievu l-parir mediku u psikoloġiku adattat u l-għajnuna legali xierqa; jistieden lill-Istati Membri jtejbu l-kapaċità ta' komunikazzjoni tal-imħallfin, tal-prosekuturi pubbliċi u tal-uffiċjali tal-pulizija meta jkunu qed jinvestigaw l-abbuż sesswali jew l-isfruttament sesswali tat-tfal, b'konċentrazzjoni fuq il-komunikazzjoni mat-tfal bi bżonnijiet speċjali, u jippromwovu miżuri oħra ffokati fuq il-prevenzjoni tal-vittimizzazzjoni sekondarja;

14.  Jistieden lill-Istati Membri jżidu l-miżuri għall-protezzjoni tal-vittmi tal-abbuż sesswali tat-tfal u jtejbu r-rwol tal-linji telefoniċi nazzjonali għall-għajnuna, filwaqt li jiġi segwit approċċ li hu sensittiv għall-ġeneru;

15.  Jinsisti fuq l-importanza tat-traspożizzjoni adegwata tal-Artikolu 20(3)(a), u jħeġġeġ lill-Istati Membri jinterpretaw il-frażi "dewmien mhux ġustifikat" b'mod konservattiv meta jkunu qed imexxu l-intervisti mat-tfal vittmi; jirrikonoxxi l-prattika tajba fl-Iżvezja tas-smigħ tat-tfal fi żmien ġimagħtejn minn meta jkun ġie rrappurtat ir-reat; jitlob lill-Istati Membri, barra minn hekk, biex jistabbilixxu l-miżuri meħtieġa biex jittrasponu kif suppost id-dispożizzjoni li tippreċiża l-kundizzjonijiet proċedurali meħtieġa biex it-tfal jiġu mħarsa kontra l-vittimizzazzjoni sekondarja;

16.  Jinnota bi tħassib li l-industrija tat-traffikar tal-bnedmin u tat-turiżmu tas-sess taffettwa għadd sinifikanti ta' bniet minorenni; jinkoraġġixxi lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jintensifikaw l-isforzi tagħhom biex jiġġieldu kontra t-turiżmu tas-sess mat-tfal u t-traffikar tal-bnedmin u jiffukaw fuq l-organizzazzjonijiet u l-awtoritajiet tal-ivvjaġġar bil-ħsieb li jissensibilizzaw lill-vjaġġaturi bil-gravità ta' dawn ir-reati;

17.  Jistieden lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni jippromulgaw leġiżlazzjoni li tippermetti l-kundanna ta' vjaġġaturi li jinstabu ħatja li jkunu marru pajjiż terz għal skopijiet sesswali bl-involviment ta' minorenni u mbagħad irritornaw lejn l-UE;

18.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jippromulgaw leġiżlazzjoni li tippermetti l-kundanna tal-operaturi tal-ivvjaġġar li jinstabu ħatja ta' promozzjoni tat-turiżmu sesswali li jinvolvi l-minorenni;

19.  Jistieden lill-Istati Membri jiddedikaw iżjed riżorsi biex it-tfal jiġu edukati dwar kif għandhom ifittxu l-għajnuna u jagħrfu l-predaturi, kif ukoll filwaqt li jiġu edukati wkoll l-adulti dwar kif għandhom jidentifikaw l-abbuż u jappoġġjaw lit-tfal f'servizzi individwali, kif ukoll riżorsi għall-esperti investigattivi, li għandhom ikunu konxji ta' kif id-differenzi bejn il-ġeneri jaffettwaw il-mod li bih il-bniet u s-subien jirreaġixxu għall-abbuż sesswali. jenfasizza, barra minn hekk, il-ħtieġa li jiġu miġġielda l-istereotipi persistenti tal-ġeneri u s-sesswalizzazzjoni li kibret tat-tfal fil-midja;

20.  Jissottolinja l-fatt li l-azzjoni preventiva hija dgħajfa fl-UE kollha kemm hi, u jistieden lill-Istati Membri jimplimentaw l-Artikolu 22 tad-Direttiva billi jistabbilixxu programmi ta' intervent għal dawk li jkollhom il-biża' li jistgħu jikkommettu xi reat; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tistabbilixxi skambji transkonfinali regolari ta' prattiki tajba dwar programmi preventivi; jistieden lill-Istati Membri, b'konformità mal-Artikolu 24(1), jistabbilixxu programmi ta' intervent obbligatorji għat-trasgressuri kollha li jkunu nstabu ħatja sabiex jiġi pprevenut ir-reċidiviżmu;

21.  Iħeġġeġ l-iskambju ta' fehmiet bejn l-uffiċjali tal-ħarsien tat-tfal, il-pedjatri, l-istituzzjonijiet edukattivi u l-organizzazzjonijiet taż-żgħażagħ u t-tfal fl-investigazzjoni tal-każijiet ta' abbuż tat-tfal sabiex ikunu jistgħu jiżvolġu rwol attiv fis-sensibilizzar dwar din il-kwistjoni;

22.  Jirrikonoxxi l-kisbiet ta' INHOPE, netwerk kollaborattiv ta' 46 linja telefonika diretta li hu ddedikat biex jelimina l-abbuż sesswali tat-tfal minn fuq l-internet; jistieden lill-Kummissjoni tassisti lill-Istati Membri jiżguraw l-eżistenza ta' hotline bħal din f'kull Stat Membru u jarmonizzaw il-protokolli rilevanti;

23.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jużaw ir-riċerka dwar l-integrazzjoni tal-perspettiva tal-ġeneri u l-istatistika dwar l-abbuż sesswali u l-isfruttament sesswali tat-tfal biex jippromwovu l-iskambju ta' prattiki tajba fit-tfassil tal-politiki u l-implimentazzjoni tal-programm;

24.  Jinnota n-nuqqas ta' riċerka fil-qasam tal-abbuż imġarrab mill-persuni LGBTI żgħażagħ; jenfasizza l-ħtieġa li ssir aktar riċerka f'dan il-qasam li tkun tqis l-atti ta' vjolenza u ta' fastidju sesswali mġarrba mill-persuni LGBTI u l-vulnerabbiltà tal-persuni żgħażagħ bla dar, li ħafna minnhom huma persuni LGBTI li jkunu ħarbu minn darhom.

INFORMAZZJONI DWAR L-ADOZZJONIFIL-KUMITAT LI JINTALAB JAGĦTI OPINJONI

Data tal-adozzjoni

26.6.2017

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

18

0

5

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Maria Arena, Vilija Blinkevičiūtė, Mary Honeyball, Agnieszka Kozłowska-Rajewicz, Florent Marcellesi, Maria Noichl, Marijana Petir, João Pimenta Lopes, Ernest Urtasun, Jana Žitňanská

Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali

Catherine Bearder, Stefan Eck, Eleonora Forenza, Edouard Martin, Clare Moody, Mylène Troszczynski, Julie Ward, Marco Zullo

Sostituti (skont l-Artikolu 200(2)) preżenti għall-votazzjoni finali

James Carver, Claudia Schmidt, Molly Scott Cato, Axel Voss, Branislav Škripek

VOTAZZJONI FINALI B'SEJĦA TAL-ISMIJIETFIL-KUMITAT LI JINTALAB JAGĦTI OPINJONI

18

+

EPP

Agnieszka Kozłowska-Rajewicz, Claudia Schmidt, Axel Voss

S&D

Maria Arena, Vilija Blinkevičiūtė, Mary Honeyball, Edouard Martin, Clare Moody, Maria Noichl, Julie Ward

VERTS/ALE

Florent Marcellesi, Molly Scott Cato, Ernest Urtasun

ALDE

Catherine Bearder

GUE/NGL

Stefan Eck, Eleonora Forenza, João Pimenta Lopes

EFDD

Marco Zullo

0

-

5

0

EPP

Marijana Petir

ECR

Branislav Škripek, Jana Žitňanská

EFDD

James Carver

ENF

Mylène Troszczynski

Tifsira tas-simboli użati:

+  :  favur

-  :  kontra

0  :  astensjonijiet


OPINJONI tal-Kumitat għall-Kultura u l-Edukazzjoni (4.7.2017)

għall-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern

dwar l-implimentazzjoni tad-Direttiva 2011/93/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta' Diċembru 2011 dwar il-ġlieda kontra l-abbuż sesswali u l-isfruttament sesswali tat-tfal u l-pedopornografija

(2015/2129(INI))

Rapporteur: Sabine Verheyen

SUĠĠERIMENTI

Il-Kumitat għall-Kultura u l-Edukazzjoni jistieden lill-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern, bħala l-kumitat responsabbli, biex jinkorpora s-suġġerimenti li ġejjin fil-mozzjoni għal riżoluzzjoni tiegħu:

1.  Ifakkar li l-ġlieda kontra l-abbuż sesswali fuq it-tfal u l-minuri u l-pedopornografija jenħtieġ li tkun prijorità għall-Istati Membri u, bħala tali, teħtieġ approċċ komprensiv, multidixxiplinari u tolleranza zero; jinsisti, għaldaqstant, li miżuri bħalma huma s-sensibilizzazzjoni tal-pubbliku, il-kampanji preventivi, it-taħriġ u l-edukazzjoni għall-awtoritajiet, il-ġenituri, l-għalliema, it-tfal u l-minuri - f'kooperazzjoni, b'mod partikolari mal-assoċjazzjonijiet tal-ġenituri li huma attivi f'dak li jikkonċerna l-protezzjoni tat-tfal u l-minuri, kif ukoll mal-organizzazzjonijiet rilevanti tas-soċjetà ċivili - huma essenzjali fil-ġlieda kontra dawn id-delitti daqs l-għajnuna lill-vittmi u l-familji tagħhom, l-investigazzjoni tad-delitti, it-tneħħija ta' materjal pedopornografiku u l-prosekuzzjoni tat-trasgressuri;

2.  Jieħu nota tar-rapport tal-Kummissjoni dwar l-implimentazzjoni tad-Direttiva 2011/93/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta' Diċembru 2011 dwar il-ġlieda kontra l-abbuż sesswali u l-isfruttament sesswali tat-tfal u l-pedopornografija(1), u jaqbel li, minkejja l-iżviluppi riċenti, għad hemm lok għal titjib sakemm id-Direttiva tikseb il-potenzjal sħiħ tagħha fl-Istati Membri kollha; itenni li l-aħjar interessi tat-tfal iridu jkunu l-kunsiderazzjoni ewlenija fl-implimentazzjoni ta' din id-Direttiva; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tgħin lill-Istati Membri jiksbu t-traspożizzjoni u l-implimentazzjoni korretti u sħaħ tad-Direttiva madwar l-UE sabiex it-tfal ikunu jistgħu jibbenefikaw mill-valur miżjud kollu tagħha;

3.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jagħtu prijorità lill-prevenzjoni tal-abbuż sesswali u l-isfruttament sesswali tat-tfal u jsaħħu l-kooperazzjoni tagħhom mal-istituzzjonijiet edukattivi u ta' taħriġ, l-uffiċċji ta' appoġġ f'każijiet ta' abbuż sesswali, l-organizzazzjonijiet internazzjonali, mhux governattivi u tas-soċjetà ċivili u l-industriji privati bil-għan li jiġu stabbiliti politiki ta' prevenzjoni effikaċi u innovattivi, inkluż l-iżvilupp ta' materjal ta' tagħlim u taħriġ b'rabta ma' din il-kwistjoni;

4.  Jinnota bi tħassib li l-isfidi ewlenin għall-Istati Membri fl-implimentazzjoni tad-Direttiva 2011/93 huma relatati mad-dispożizzjonijiet dwar il-miżuri ta' prevenzjoni u intervent u l-assistenza, u l-appoġġ u l-protezzjoni għal tfal vittmi; iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex fir-rapport ta' implimentazzjoni tagħha tipprovdi informazzjoni dwar l-aħjar prattiki li jinvolvu miżuri attwali adottati fi Stati Membri differenti u l-impatt tagħhom fil-ġlieda kontra l-abbuż sesswali u l-isfruttament sesswali tat-tfal u l-immaġnijiet ta' abbuż tat-tfal;

5.  Jirrapporta li l-abbuż sesswali u l-isfruttament sesswali tat-tfal offline u online, inkluż materjal marbut mal-abbuż tat-tfal, jibqa' sors ewlieni ta' tħassib u delitt serju, kif ukoll ksur tad-drittijiet fundamentali tal-vittmi; jenfasizza li dawn id-delitti jikkawżaw ħsara fiżika, psikoloġika u soċjali kemm fuq medda qasira- kif ukoll fuq medda twila- ta' żmien lit-tfal, b'riskju kontinwu ta' vittimizzazzjoni mill-ġdid u stigmatizzazzjoni tal-vittmi permezz tal-ambjent online;

6.  Iħeġġeġ li rispons komprensiv ta' politika kontra l-forom ġodda ta' sfruttament u abbuż sesswali tat-tfal fuq l-internet, bħalma huma l-fenomenu taċ-ċiberpredaturi, l-estorsjoni sesswali, il-webstreaming kummerċjali, il-vendetta pornografika, il-voyeurism u l-grooming, huwa meħtieġ b'mod urġenti, fosthom it-tisħiħ tal-isforzi u r-riżorsi ddedikati għall-identifikazzjoni tal-vittmi u s-servizzi li jiffukaw fuq il-vittmi; jirrakkomanda lill-Kummissjoni, f'dan ir-rigward, biex tkompli tivvaluta jekk l-objettivi tad-Direttiva 2011/93 intlaħqux b'mod effikaċi u jekk id-Direttiva tipprovdix rispons rilevanti għall-isfidi u t-theddid diġitali u teknoloġiċi ġodda;

7.  Iħeġġeġ lill-Istati Membri li għadhom ma implimentawx b'mod sħiħ l-Artikoli 22, 23, 24 u l-Artikoli 18, 19 u 20 tad-Direttiva sabiex jagħmlu dan mingħajr dewmien ulterjuri u b'mod partikolari jadottaw miżuri preventivi dwar it-taħriġ sistematiku għall-uffiċjali li x'aktarx ikollhom kuntatt mat-tfal u l-minuri;

8.  Iħeġġeġ lill-Istati Membri jimplimentaw dispożizzjonijiet b'rabta mal-assistenza, il-miżuri ta' appoġġ u protezzjoni għat-tfal u l-minuri li huma vittmi ta' reati sesswali (l-Artikoli 18, 19 u 20), isaħħu l-isforzi tagħhom biex jidentifikaw il-vittmi minnufih u jipprovdulhom appoġġ psikoloġiku; jistieden lill-Istati Membri biex, filwaqt li jqisu l-aħjar interessi tat-tfal, jiżguraw li t-tfal vittmi ta' reati sesswali jitqiesu bħala vittmi partikolarment vulnerabbli skont id-Direttiva dwar id-Drittijiet tal-Vittmi(2) billi jadottaw miżuri ta' assistenza u protezzjoni speċjali, bħall-possibilità li jixhdu mingħajr ma jkunu obbligati jagħtu xhieda f'seduta pubblika, u l-possibilità li jiġu megħjuna biss minn persuni li jkunu ġew imħarrġa apposta għal dan il-għan;

9.  Jistieden lill-Istati Membri biex, f'konformità mal-Artikolu 23, jipprovdu taħriġ xieraq u jibnu kompetenzi biex jiġu indirizzati t-theddidiet il-ġodda fl-ambjent tal-internet u l-użu mifrux ta' teknoloġiji mobbli u tal-internet u l-aċċess għalihom, b'mod partikolari fost il-ġudikatura u l-unitajiet tal-pulizija biex jgħinuhom jinvestigaw b'mod xieraq u jressqu quddiem il-ġustizzja lit-trasgressuri u joffru assistenza lill-vittmi;

10.  Itenni li huma meħtieġa fondi, riżorsi umani u setgħat u għodod investigattivi suffiċjenti, inklużi l-iżvilupp ta' kapaċitajiet b'teknoloġija għolja, biex ma jittellax kontenut illegali online, tingħata identifikazzjoni tal-vittmi u tat-trasgressuri aħjar u aktar rapida, u jsir rispons għal fenomeni u xejriet ġodda li qed jinfirxu online, inklużi mudelli ġodda ta' distribuzzjoni u tranżazzjoni għal materjal ta' abbuż tat-tfal;

11.  Jistieden lill-Kummissjoni tippromwovi u tappoġġa l-iskambju ta' prattiki tajba u esperjenzi fl-Istati Membri; jisħaq li l-inizjattivi volontarji min-naħa tal-partijiet ikkonċernati rilevanti jistgħu jipprovdu appoġġ utli għall-ġlieda kontra reati bħal dawn, iżda ma jistgħux jissostitwixxu dispożizzjonijiet leġiżlattivi effikaċi;

12.  Jaqbel li l-materjali, il-kanali u l-kampanji ta' sensibilizzazzjoni kemm għat-tfal kif ukoll għall-adulti, speċjalment il-ġenituri u dawk f'kuntatt mat-tfal, jeħtieġ li jiġu promossi fil-livell lokali bil-għan li jkunu jistgħu jifhmu u jevitaw ir-riskji online, jipprovdu ambjent online sikur u jippromwovu esperjenzi pożittivi fuq l-internet għat-tfal;

13.  Jissottolinja li l-miżuri ta' prevenzjoni għandhom ikopru b'mod partikolari l-aspetti relatati mat-teknoloġija, bil-ħsieb li jiżguraw internet aktar sikur u l-litteriżmu diġitali; iħeġġeġ lill-Istati Membri, għaldaqstant, biex jikkunsidraw l-inklużjoni ta' inizjattivi ta' taħriġ u edukazzjoni fil-programmi u l-kurrikuli edukattivi tagħhom b'mod li jkun adatt għall-età, bil-għan li jippromwovu l-litteriżmu medjatiku u s-sikurezza online u sabiex it-tfal u l-minuri jitgħallmu dwar il-prevenzjoni tal-abbuż sesswali minn età bikrija, fosthom dwar kif jidentifikaw u jipproteġu lilhom infushom mill-periklu li jista' jirrappreżenta l-materjal online, kif jagħrfu sinjali ta' mġiba mhux xierqa u kif jirrapportawhom; jistieden, għaldaqstant, lill-Istati Membri jadottaw dispożizzjonijiet sabiex japplikaw miżuri tekniċi stretti, bħall-konfigurazzjonijiet tal-privatezza adatti għall-età, il-kriptaġġ u l-kontroll mill-ġenituri bħala opzjoni awtomatika, bil-għan li jiġi żgurat l-ogħla livell ta' protezzjoni għat-tfal u l-minuri;

14.  Jenfasizza li meta titqies l-evoluzzjoni rapida tan-natura taċ-ċiberkriminalità u l-pass li bih tevolvi t-teknoloġija, hemm bżonn ta' approċċ adattabbli b'mod kostanti għal riċerka u żvilupp ta' mekkaniżmi u tekniki avvanzati, inklużi l-iżvilupp tas-software, li jippermetti l-iskoperta bikrija, l-imblukkar u t-tneħħija ta' kontenut illegali, bħal kontenut ta' abbuż sesswali tat-tfal online; jistieden, għalhekk, lill-Istati Membri jsaħħu l-azzjonijiet tagħhom u b'mod kostanti jadattaw il-pjanijiet u l-politiki ta' prevenzjoni tagħhom tal-abbuż sesswali tat-tfal biex jikkumbattu l-abbuż sesswali tat-tfal u l-isfruttament sesswali tat-tfal u l-pedopornografija online, u jistieden lill-Kummissjoni tappoġġa l-isforzi tagħhom;

15.  Jistieden lill-Kummissjoni tkompli tissorvelja mill-qrib il-miżuri ta' traspożizzjoni adottati mill-Istati Membri u tagħti bidu għal proċedura ta' ksur minnufih jekk dawn il-miżuri ma jkunux konformi mad-Direttiva;

16.  Jenfasizza r-rwol tal-ġenituri fil-prevenzjoni tal-isfruttament sesswali tat-tfal u l-minuri billi jistabbilixxu linji gwida, isegwu l-użu min-naħa tat-tfal u l-minuri tal-internet u l-media soċjali u billi t-tfal u l-minuri jiġu infurmati dwar il-perikli tal-pedopornografija;

17.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jiffaċilitaw l-aċċess għall-fondi pubbliċi għall-NGOs biex jorganizzaw attivitajiet ta' prevenzjoni u edukazzjoni f'dak li jikkonċerna l-isfruttament sesswali tat-tfal u l-minuri online u l-pedopornografija, u jagħtu aktar attenzjoni pubblika lil din il-kwistjoni;

18.  Ifakkar li l-isfruttament sesswali online tat-tfal u l-minuri huwa fenomenu tal-biża' li qed jevolvi b'mod kostanti u parallel mal-iżviluppi teknoloġiċi u li għandu konsegwenzi rikorrenti fit-tul għall-vittmi tiegħu, u, skont l-International Association of Internet Hotlines (INHOPE), l-età medja tal-vittmi tal-materjal tal-abbuż tat-tfal qiegħda dejjem tonqos; jissottolinja li n-netwerk "peer-to-peer", id-Deep Web u d-Darknet jipprovdu livell għoli ta' anonimità għat-trasgressuri u għaldaqstant jintużaw għall-iskambju ta' materjal pedopornografiku;

19.  Iħeġġeġ lill-mezzi tax-xandir u lis-setturi tal-pubbliċità jissalvagwardjaw id-dinjità u l-innoċenza tat-tfal u l-minuri fil-produzzjonijiet tagħhom, permezz ta' mekkaniżmi ta' koregolamentazzjoni, kodiċi ta' kondotta u azzjoni volontarja oħra;

20.  Jirrakkomanda li l-listi suwed ta' websites bil-pedopornografija, li huma mħejjija mill-awtoritajiet nazzjonali u kkomunikati lill-fornituri tas-servizzi tal-internet permezz ta' mezzi siguri bil-għan li jneħħu l-kontenuti illegali, ikunu bbażati fuq kriterji ċari u trasparenti li jipprovdu livell adegwat ta' ċertezza tad-dritt u li jikkonformaw ma' din id-Direttiva u l-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u l-Libertajiet Fundamentali u l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (CFREU); jisħaq fuq il-punt li, peress li din hija kwistjoni globali li tmur lil hinn mill-fruntieri nazzjonali, huwa neċessarju li tali listi suwed ta' websites jiġu kondiviżi bejn l-Istati Membri permezz ta' kooperazzjoni msaħħa mal-Interpol, il-Europol u ċ-Ċentru Ewropew taċ-Ċiberkriminalità tiegħu, u ma' pajjiżi terzi; jirrakkomanda li dawn il-listi jenħtieġ ukoll li jkunu mmirati u aġġornati regolarment;

21.  Iħeġġeġ lill-Istati Membri biex, f'konformità mal-Artikolu 24(4), jiżguraw li t-trasgressuri kkundannati jiġu soġġetti għal valutazzjoni tal-periklu u r-riskju ta' reċidiviżmu li jirrappreżentaw; jappoġġa l-iskambju regolari ta' tali valutazzjoni u informazzjoni mir-rekords kriminali dwar l-awturi ta' abbuż sesswali fuq it-tfal bejn l-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi bil-għan li ma jitħallewx jiċċaqalqu minn Stat Membru għal ieħor mingħajr ma jinduna ħadd b'mod partikolari jekk ikunu qed jaħdmu jew jagħmlu volontarjat mat-tfal u l-minuri jew istituzzjonijiet tat-tfal; jistieden lill-Istati Membri jżidu l-kondiviżjoni tal-informazzjoni dwar il-kundanni kriminali u dwar l-iskwalifiki u jtejbu l-ġbir tad-data fir-reġistri nazzjonali tat-trasgressuri;

22.  Jisħaq fuq il-punt li l-ġbir regolari ta' data u t-tqassim regolari ta' informazzjoni fattwali dwar il-livelli u l-metodi attwali ta' abbuż sesswali u ta' sfruttament sesswali tat-tfal, kif ukoll l-għoti ta' għarfien u għodod xierqa lit-tfal, lill-ġenituri u lill-individwi li jaħdmu mat-tfal, huma essenzjali għat-tiċkin u l-prevenzjoni ta' din it-theddida;

23.  Jistieden lill-Kummissjoni tqis id-deċiżjonijiet tal-Kunsill tal-Ewropa, b'referenza speċjali għar-Rakkomandazzjoni tal-Assemblea Parlamentari (PACE) 2092 (2016) dwar il-ġlieda kontra s-sesswalizzazzjoni żejda tat-tfal;

24.  Iħeġġeġ lill-Istati Membri, f'kollaborazzjoni mal-hotlines nazzjonali, jobbligaw lill-fornituri tas-servizz tal-internet (ISP) biex jirrappurtaw u jneħħu materjal ta' abbuż sesswali u pedopornografija li jkun instab fl-infrastruttura tagħhom lill-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi, kif ukoll lill-hotlines nazzjonali, u jistieden lill-fornituri tas-servizz tal-internet iħarsu l-evidenza abbażi ta' proċedimenti legali dovuti u f'konformità mal-CFREU u l-Konvenzjoni tan-NU dwar id-Drittijiet tat-Tfal; jisħaq fuq ir-rwol importanti tat-teknoloġiji tal-informazzjoni u tal-komunikazzjoni (ICT) u tal-fornituri tas-servizz tal-internet fl-iżgurar tat-tneħħija veloċi u effiċjenti ta' kontenut illegali online fuq talba tal-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi responsabbli;

25.  Iħeġġeġ bil-qawwa lill-Istati Membri li għadhom m'għamlux dan biex jistabbilixxu, mingħajr dewmien, mekkaniżmi ta' rappurtar u konsulenza li jkunu sikuri u sensittivi għall-ħtiġijiet tat-tfal, bħalma huma l-hotlines telefoniċi jew tal-kompjuter permezz tal-indirizzi tal-email, jew applikazzjonijiet fuq it-tablet jew l-ismartphone li fuqhom l-utenti tal-internet ikunu jistgħu jirrappurtaw - anki b'mod anonimu - il-kontenut ta' abbuż sesswali fuq it-tfal li jsibu online u li jkunu kapaċi jivvalutaw dan il-kontenut irrappurtat malajr bil-għan li jiġu implimentati proċeduri ta' avviż u tneħħija fil-pront, u li jitneħħa l-kontenut ospitat barra mit-territorju tagħhom. huwa tal-fehma li dawn il-hotlines għandhom jitħallew ifittxu materjal ta' abbuż sesswali fuq it-tfal b'mod proattiv, bħalma huwa l-każ tal-Internet Watch Foundation (IWF) fir-Renju Unit; jistieden lill-Istati Membri jiksbu kooperazzjoni aħjar bejn il-helplines u l-hotlines biex jiżguraw il-protezzjoni tat-tfal u l-minuri li huma vittmi tal-isfruttament u l-abbuż sesswali;

26.  Iħeġġeġ bil-qawwa lill-Istati Membri biex fil-leġiżlazzjoni tagħhom jintroduċu verifiki obbligatorji tal-preċedenti personali għal persuni li japplikaw jew li joffru ruħhom volontarji għal attivitajiet u impjiegi relatati mat-tfal jew impjiegi li huma relatati direttament mal-indirizzar determinat ta' materjal ta' abbuż sesswali tat-tfal, u jħeġġiġhom ukoll jiskambjaw b'mod sistematiku informazzjoni dwar individwi li jikkostitwixxu riskju għat-tfal;

27.  Jilqa' l-fatt li madwar nofs l-Istati Membri għażlu li japplikaw – minbarra miżuri mmirati lejn it-tneħħija minnufih ta' webpages li fihom materjal ta' abbuż sesswali fuq it-tfal skont l-Artikolu 25(1) – miżuri li huma fakultattivi skont l-Artikolu 25(2) tad-Direttiva biex jiġi bblukkat l-aċċess għal websites li fihom jew li jiddistribwixxu l-pedopornografija; iħeġġeġ lil dawk l-Istati Membri li għadhom ma introduċewx tali miżuri biex jagħmlu dan; jistieden lill-Kummissjoni, fil-kuntest tal-possibilità ta' reviżjoni futura, tikkunsidra l-introduzzjoni ta' miżuri aktar stretti fl-Artikolu 25(2) u jħeġġeġ li jintużaw il-fondi tal-UE, fosthom għar-riċerka, biex jiġu identifikati soluzzjonijiet teknoloġiċi ta' potenzjal għoli f'dan il-qasam; jinnota li t-tneħħija tal-kontenut illegali hija mod validu kif jiġi miġġieled l-isfruttament sesswali tat-tfal u tal-minuri u l-pedopornografija;

28.  Jinnota bi tħassib ir-riżultati tar-rapport annwali tal-Internet Watch Foundation (IWF), ippubblikat fil-bidu ta' April 2017, li jgħid li dominji tal-internet ibbażati fl-Ewropa issa jospitaw 60 % tal-webpages li fihom immaġini ta' abbuż sesswali tat-tfal, li jammonta għal żieda ta' 19-il punt perċentwali mill-2015 'l hawn, u li kien hemm żieda qawwija ta' URLs ta' abbuż sesswali f'xi Stati Membri; jistieden lill-Istati Membri jsaħħu l-kooperazzjoni tagħhom, l-iskambji tal-informazzjoni u l-kondiviżjoni tal-prattiki tajba bil-għan li jnaqqsu d-disponibilità ta' materjal ta' abbuż sesswali tat-tfal online;

29.  Jisħaq fuq il-punt li meta l-Istati Membri jimponu miżuri li jillimitaw id-drittijiet fundamentali fuq l-internet meta japplikaw l-Artikolu 25, jeħtieġ li l-prinċipji tat-trasparenza, tan-neċessità u tal-proporzjonalità jiġu ssalvagwardjati f'konformità mad-dritt tal-UE u tal-Istati Membri u jeħtieġ li l-Istati Membri jipprovdu raġunijiet għar-restrizzjoni, kif ukoll possibilità ta' rimedju;

30.  Jisħaq fuq il-ħtieġa li titqajjem kuxjenza dwar il-periklu u r-riskji tal-esponiment tat-tfal fuq il-media soċjali;

31.  Jisħaq li jenħtieġ li d-data personali tat-tfal tiġi imħarsa kif jixraq u li t-tfal u l-ġenituri jeħtieġ li jiġu informati dwar ir-riskji li hemm meta jużaw id-data personali tat-tfal fuq l-internet u l-konsegwenzi ta' dan;

32.  Jaqbel li l-involviment tal-bosta partijiet ikkonċernati u l-kooperazzjoni bejn is-settur privat u s-settur pubbliku, inklużi s-soċjetà ċivili, l-aġenziji tal-infurzar tal-liġi, l-aġenziji li jaħdmu mat-tfal, is-servizzi soċjali u l-partijiet ikkonċernati tal-industriji privati bħalma hi l-industrija tat-teknoloġija, huma kruċjali biex jiġu identifikati u miġġielda b'mod effikaċi l-materjal illegali u t-tixrid ta' materjal ta' abbuż sesswali tat-tfal online;

33.  Jenfasizza, barra minn hekk, il-ħtieġa ta' kooperazzjoni internazzjonali u ta' investigazzjoni transnazzjonali mas-sħab strateġiċi u l-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi tal-UE biex jiġu miġġielda l-abbuż sesswali u l-isfruttament sesswali tat-tfal online;

34.  Itenni li għad hemm nuqqas ta' statistika u data preċiżi dwar in-numru ta' delitti mwettqa b'mod partikolari fil-qasam tal-abbuż sesswali tat-tfal minħabba l-perċentwali għoli ta' każijiet li ma jiġux irrappurtati, in-novità tar-reati, u d-differenzi fid-definizzjonijiet u l-metodoloġiji użati f'diversi Stati Membri;

35.  Jistieden lill-Istati Membri jaċċeleraw, f'kooperazzjoni mal-fornituri tal-kontenut u s-servizzi - abbażi ta' proċess legali dovut u f'konformità mal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea u l-Konvenzjoni tan-NU dwar id-Drittijiet tat-Tfal - il-proċeduri ta' avviż u tneħħija għal kontenut li jinvolvi l-abbuż u l-isfruttament sesswali tat-tfal, inkluża l-pedopornografija, b'mod partikolari bil-għan li jipprovdu salvagwardji adegwati biex jiżguraw li l-interferenza hija limitata għal dak li huwa neċessarju u proporzjonali, u li jinkludu l-possibilità ta' rimedju ġudizzjarju; jistieden lill-Kummissjoni tiffaċilita u ssaħħaħ l-iskambju tal-aħjar prattiki f'dan il-qasam u jistieden, barra minn hekk, lill-Istati Membri jsaħħu l-kooperazzjoni tagħhom bil-għan li jindirizzaw dawn il-kwistjonijiet b'mod effikaċi;

36.  Jenfasizza li teżisti theddida li kulma jmur qiegħda tikber għat-tfal milquta mill-kriżi tar-rifuġjati li qed tesponihom għal riskju akbar ta' sfruttament sesswali u ta' abbuż sesswali, u dan jgħodd b'mod partikolari għal minuri mhux akkumpanjati, peress li ħafna jiġu rappurtati nieqsa wara l-wasla tagħhom; iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jindirizzaw dan il-fenomenu u jadottaw miżuri effikaċi biex itejbu din is-sitwazzjoni u jsaħħu l-protezzjoni tat-tfal;

37.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jqajmu kuxjenza fost iċ-ċittadini dwar l-importanza tal-ġlieda kontra l-abbuż sesswali, l-isfruttament sesswali tat-tfal u tal-minuri u l-pedopornografija billi jippromwovu u jipparteċipaw bis-sħiħ f'inizjattivi u kampanji ta' informazzjoni, bħall-Jum Ewropew dwar il-Protezzjoni tat-Tfal kontra l-Isfruttament Sesswali u l-Abbuż Sesswali, stabbilit mill-Kunsill tal-Ewropa;

38.  Iħeġġeġ lill-Istati Membri li għadhom ma stabbilixxewx servizzi ta' assistenza, inklużi servizzi online, biex jagħmlu dan ħalli jipprovdu appoġġ, informazzjoni u taħriġ dwar kif wieħed jagħraf is-sinjali tal-abbuż sesswali u tal-isfruttament sesswali u kif dak li jkun għandu jirreaġixxi meta josserva mġiba inkwetanti li għadha mhix abbużiva;

39.  Jistieden lill-Istati Membri jiżguraw li l-kontenut illegali mhux biss jitneħħa malajr, iżda li ma jerġax jittella';

40.  Jappoġġa approċċ lejn il-protezzjoni tat-tfal li jkun ibbażat fuq id-drittijiet filwaqt li jqis l-ordni legali internazzjonali; ifakkar, f'dan il-kuntest, li l-Aġenda tal-UE tal-2011 għad-Drittijiet tat-Tfal tikkunsidra "it-Trattati, il-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea u l-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Drittijiet tat-Tfal (UNCRC) bħala bażi komuni għall-azzjoni kollha tal-UE li hija rilevanti għat-tfal".

INFORMAZZJONI DWAR L-ADOZZJONI FIL-KUMITAT LI JINTALAB JAGHTI OPINJONI

Data tal-adozzjoni

29.6.2017

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

22

1

0

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Isabella Adinolfi, Silvia Costa, Angel Dzhambazki, María Teresa Giménez Barbat, Giorgos Grammatikakis, Petra Kammerevert, Svetoslav Hristov Malinov, Luigi Morgano, Momchil Nekov, Michaela Šojdrová, Helga Trüpel, Sabine Verheyen, Bogdan Brunon Wenta, Bogdan Andrzej Zdrojewski, Milan Zver, Krystyna Łybacka

Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali

Santiago Fisas Ayxelà, Morten Løkkegaard, Michel Reimon, Remo Sernagiotto

Sostituti (skont l-Artikolu 200(2)) preżenti għall-votazzjoni finali

Lefteris Christoforou, Andrejs Mamikins, Jana Žitňanská

VOTAZZJONI FINALI B'SEJĦA TAL-ISMIJIET FIL-KUMITAT LI JINTALAB JAGĦTI OPINJONI

22

+

ALDE

María Teresa Giménez Barbat, Morten Løkkegaard

ECR

Angel Dzhambazki, Remo Sernagiotto, Jana Žitňanská

EFDD

Isabella Adinolfi

PPE

Lefteris Christoforou, Santiago Fisas Ayxelà, Svetoslav Hristov Malinov, Michaela Šojdrová, Sabine Verheyen, Bogdan Brunon Wenta, Bogdan Andrzej Zdrojewski, Milan Zver

S&D

Silvia Costa, Giorgos Grammatikakis, Krystyna Łybacka, Andrejs Mamikins, Luigi Morgano, Momchil Nekov

Verts/ALE

Michel Reimon, Helga Trüpel

1

-

S&D

Petra Kammerevert

0

0

 

 

Tifsira tas-simboli użati:

+  :  favur

-  :  kontra

0  :  astensjoni

(1)

ĠU L 335, 17.12.2011, p. 1.

(2)

Id-Direttiva 2012/29/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Ottubru 2012 li tistabbilixxi standards minimi fir-rigward tad-drittijiet, l-appoġġ u l-protezzjoni tal-vittmi tal-kriminalità, u li tissostitwixxi d-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2001/220/ĠAI, ĠU L 315, 14.11.2012, p. 57;


INFORMAZZJONI DWAR L-ADOZZJONIFIL-KUMITAT RESPONSABBLI

Data tal-adozzjoni

13.11.2017

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

46

1

1

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Asim Ademov, Jan Philipp Albrecht, Monika Beňová, Agustín Díaz de Mera García Consuegra, Frank Engel, Cornelia Ernst, Laura Ferrara, Lorenzo Fontana, Kinga Gál, Ana Gomes, Nathalie Griesbeck, Jussi Halla-aho, Monika Hohlmeier, Brice Hortefeux, Filiz Hyusmenova, Sophia in ‘t Veld, Dietmar Köster, Barbara Kudrycka, Cécile Kashetu Kyenge, Juan Fernando López Aguilar, Roberta Metsola, Claude Moraes, Soraya Post, Judith Sargentini, Birgit Sippel, Sergei Stanishev, Helga Stevens, Traian Ungureanu, Bodil Valero, Harald Vilimsky, Josef Weidenholzer, Kristina Winberg, Tomáš Zdechovský, Auke Zijlstra

Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali

Carlos Coelho, Anna Maria Corazza Bildt, Miriam Dalli, Gérard Deprez, Maria Grapini, Teresa Jiménez-Becerril Barrio, Marek Jurek, Miltiadis Kyrkos, Jeroen Lenaers, Andrejs Mamikins, Emilian Pavel, Róża Gräfin von Thun und Hohenstein

Sostituti (skont l-Artikolu 200(2)) preżenti għall-votazzjoni finali

Othmar Karas, Iuliu Winkler


VOTAZZJONI FINALI B'SEJĦA TAL-ISMIJIET FIL-KUMITAT RESPONSABBLI

46

+

ALDE

Gérard Deprez, Nathalie Griesbeck, Filiz Hyusmenova, Sophia in 't Veld

ECR

Jussi Halla-aho, Marek Jurek, Helga Stevens

EFDD

Laura Ferrara, Kristina Winberg

ENF

Lorenzo Fontana, Harald Vilimsky

PPE

Asim Ahmedov Ademov, Carlos Coelho, Anna Maria Corazza Bildt, Agustín Díaz de Mera García Consuegra, Frank Engel, Kinga Gál, Monika Hohlmeier, Brice Hortefeux, Teresa Jiménez-Becerril Barrio, Othmar Karas, Barbara Kudrycka, Jeroen Lenaers, Roberta Metsola, Róża Gräfin von Thun und Hohenstein, Traian Ungureanu, Iuliu Winkler, Tomáš Zdechovský

S&D

Monika Beňová, Miriam Dalli, Ana Gomes, Maria Grapini, Dietmar Köster, Cécile Kashetu Kyenge, Miltiadis Kyrkos, Juan Fernando López Aguilar, Andrejs Mamikins, Claude Moraes, Emilian Pavel, Soraya Post, Birgit Sippel, Sergei Stanishev, Josef Weidenholzer

VERTS/ALE

Jan Philipp Albrecht, Judith Sargentini, Bodil Valero

1

-

ENF

Auke Zijlstra

1

0

GUE/NGL

Cornelia Ernst

Tifsira tas-simboli użati:

+  :  favur

-  :  kontra

0  :  astensjonijiet

Avviż legali