Proċedura : 2017/2040(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A8-0389/2017

Testi mressqa :

A8-0389/2017

Dibattiti :

PV 15/01/2018 - 15
CRE 15/01/2018 - 15

Votazzjonijiet :

PV 16/01/2018 - 5.2

Testi adottati :

P8_TA(2018)0002

RAPPORT     
PDF 720kWORD 73k
1.12.2017
PE 604.868v01-00 A8-0389/2017

dwar l-implimentazzjoni tal-istrateġiji makroreġjonali tal-UE

(2017/2040(INI))

Kumitat għall-Iżvilupp Reġjonali

Rapporteur: Andrea Cozzolino

NOTA SPJEGATTIVA – SOMMARJU TAL-FATTI U S-SEJBIET
 MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW
 OPINJONI tal-Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza tal-Ikel
 INFORMAZZJONI DWAR L-ADOZZJONIFIL-KUMITAT RESPONSABBLI
 VOTAZZJONI FINALI B'SEJĦA TAL-ISMIJIETFIL-KUMITAT RESPONSABBLI

NOTA SPJEGATTIVA – SOMMARJU TAL-FATTI U S-SEJBIET

Sfond

Fis-snin riċenti, l-istrateġiji makroreġjonali (SMR) kisbu importanza bħala pjattaforma għal kooperazzjoni transnazzjonali bejn l-Istati Membri iżda wkoll ma' pajjiżi terzi. Dawn jipprovdu qafas integrat sabiex jiġu indirizzati l-isfidi reċiproċi u jiġi sfruttrat il-potenzjal komuni. Fil-perjodu ta' programmazzjoni 2014-2020, l-SMR ġew inkorporati fil-programmi tal-Fondi Strutturali u ta' Investiment Ewropej (Fondi SIE).

Attwalment, erba' SMR eżistenti (tal-Baltiku, id-Danubju, l-Adrijatiku-Joniku u Alpin) qed jgħaqqdu flimkien 19-il Stat Membru u 8 pajjiżi mhux tal-UE. Xi Stati Membri jieħdu sehem f'aktar minn SMR waħda.

L-SMRs huma stabbiliti fi ħdan il-konfini tal-prinċipju tat-"tliet l-ebda": l-ebda fond ġdid tal-UE, l-ebda struttura formali addizzjonali tal-UE u l-ebda leġislazzjoni ġdida tal-UE.

L-appoġġ finanzjarju jingħata fil-forma ta' programmi ta' kooperazzjoni transnazzjonali bħalma hu l-programm ta' Kooperazzjoni Territorjali Ewropea (ETC), li huma ffinanzjati mill-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali (FEŻR). Erba' programmi bħal dawn qed jappoġġjaw l-implimentazzjoni tal-SMR (baġit totali tal-programm operattiv fil-parentesi):

-  Baħar Baltiku (EUR 333,414,456)

-  Reġjun tad-Danubju (EUR 262,989,839)

-  Adrijatiku-Joniku (EUR 117,918,198)

-  Żona Alpina (EUR 139,751,456)

Min-naħa l-oħra, il-pajjiżi huma mħeġġa jużaw sorsi ta' finanzjament differenti (Fondi SIE u strumenti oħra tal-UE, IPA, ENI, riżorsi nazzjonali, reġjonali u lokali, sorsi privati eċċ) biex jikkontribwixxu għall-għanijiet komuni deskritti fl-SMR.

Kif tiddikjara l-Kummissjoni(1), l-SMR ma jinkorporawx fihom biss il-finanzjament, għaliex dawn "[i]ressqu liċ-ċittadini ta' Stati Membri differenti flimkien u jtejbu l-kondizzjonijiet tal-ħajja soċjali u ekonomika tagħhom permezz ta' kooperazzjoni transkonfinali."

L-SMR għandhom strutturi ta' governanza differenti u jesperjenzaw sfidi differenti. Fi gradi differenti, xi problemi huma komuni, bħall-iżgurar ta' livell adegwat ta' impenn politiku u t-tqegħid għad-dispożizzjoni ta' biżżejjed riżorsi.

Il-Kummissjoni għandha rwol ta' koordinazzjoni fl-implimentazzjoni tal-SMR.

Fl-2010, wara talbiet mill-Kunsill, il-Kummissjoni stabbiliet Grupp ta' Livell Għoli ta' Strateġiji makroreġjonali bl-għan li "jassistiha fl-eżerċitar tal-poteri u r-responsabbiltajiet tagħha dwar it-tħaddim tal-istrateġiji makroreġjonali" u kompitu speċifiku li "jagħti pariri lill-Kummissjoni dwar il-koordinazzjoni u l-monitoraġġ tal-istrateġiji makroreġjonali"(2). Il-membri tiegħu huma rappreżentanti tal-Istati Membri u ta' pajjiżi mhux tal-UE li jieħdu sehem fl-SMR. Ir-rappreżentanti tal-Kumitat tar-Reġjuni u l-Bank Ewropew tal-Investiment huma mistiedna wkoll jattendu l-laqgħat bħala osservaturi.

Il-futur

Id-diskussjonijiet dwar il-politika ta' koeżjoni wara l-2020 jinsabu fi stadju avvanzat u wasal iż-żmien li jiġi diskuss il-futur tal-SMR fil-kuntest ta' din il-politika.

Jenħtieġ li tingħata risposta għal diversi mistoqsijiet fir-rigward tal-futur tal-SMR:

-  sjieda u impenn politiku - kif għandu jiġi żgurat li l-pajjiżi parteċipanti kollha jinvestu biżżejjed riżorsi fl-SMR?

-  orjentazzjoni lejn ir-riżultati - hemm xi ċans li r-riżultati tal-SMR ikunu jistgħu jitkejlu aħjar?

-  kamp ta' applikazzjoni - hemm xi raġuni għaliex għandu jiġi estiż il-kunċett tal-SMR?

Filwaqt li jirrikonoxxi l-importanza tal-SMR u jafferma mill-ġdid il-prinċipju tar-"rifjut triplu", il-Kunsill "jibqa' miftuħ biex jeżamina kwalunkwe inizjattiva miftiehma u matura ta' Stati Membri li jiffaċċjaw l-istess sfidi f'żona ġeografika ddefinita li l-għan tagħha huwa li tistabbilixxi strateġija makroreġjonali ġdida"(3).

Il-kumitat REGI ser jorganizza sessjoni ta' ħidma mal-esperti dwar l-SMR fil-laqgħa tiegħu tat-12-13 ta' Lulju 2017 sabiex jappoġġja l-ħidma dwar dan ir-rapport ta' implimentazzjoni. Is-sejbiet ser jiġu riflessi fl-emendi tal-abbozz tar-rapport.

(1)

Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-14 ta' Diċembru 2015 bit-titolu "Ninvestu f'impjiegi u tkabbir – nimmassimizzaw il-kontribuzzjoni tal-Fondi Strutturali u ta' Investiment Ewropej" (COM(2015)0639final)

(2)

Reġistru ta' gruppi ta' esperti tal-Kummissjoni u entitajiet oħrajn simili - Grupp ta' Livell Għoli tal-Istrateġiji Makroreġjonalihttp://ec.europa.eu/transparency/regexpert/index.cfm?do=groupDetail.groupDetail&groupID=2455

(3)

Konklużjonijiet tal-Kunsill dwar l-implimentazzjoni tal-Istrateġiji Makroreġjonali tal-UE http://ec.europa.eu/regional_policy/sources/cooperate/macro_region_strategy/pdf/concl_implementation_macro_region_strategy_mt.pdf


MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW

dwar l-implimentazzjoni tal-istrateġiji makroreġjonali tal-UE

(2017/2040(INI))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) u, b'mod partikolari, it-Titolu XVIII tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 1303/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 2013 li jistabbilixxi dispożizzjonijiet komuni dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew, il-Fond ta' Koeżjoni, il-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali u l-Fond Marittimu u tas-Sajd Ewropew u li jistabbilixxi d-dispożizzjonijiet ġenerali dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew, il-Fond ta' Koeżjoni u l-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1083/2006 (minn hawn 'il quddiem 'ir-Regolament dwar Dispożizzjonijiet Komuni')(1),

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 1299/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 2013 dwar dispożizzjonijiet speċifiċi għall-appoġġ mill-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali għall-għan ta' kooperazzjoni territorjali Ewropea(2),

  wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 1302/2013 tas-17 ta' Diċembru 2013 li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1082/2006 dwar raggruppament Ewropew ta' kooperazzjoni territorjali (REKT) fir-rigward tal-kjarifika, is-simplifikazzjoni u t-titjib għat-twaqqif u l-funzjonament ta' tali raggruppamenti(3),

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-25 ta' April 2017 dwar l-implimentazzjoni tal-Istrateġiji Makroreġjonali tal-UE,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kummissjoni tas-16 ta' Diċembru 2016 dwar l-implimentazzjoni ta' strateġiji makroreġjonali tal-UE (COM(2016)0805) u d-Dokument ta' Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni li jakkumpanjah (SWD(2012)0443),

–  wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-10 ta' Ġunju 2009 dwar l-Istrateġija tal-UE għar-Reġjun tal-Baħar Baltiku (COM(2009)0248),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-8 ta' Diċembru 2010 bit-titolu "Strateġija tal-Unjoni Ewropea għar-Reġjun tad-Danubju" (COM(2010)0715),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tas-17 ta' Ġunju 2014 li tikkonċerna l-Istrateġija tal-Unjoni Ewropea għar-Reġjun Adrijatiku u Joniku (COM(2010)0357),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-28 ta' Lulju 2015 dwar Strateġija tal-Unjoni Ewropea għar-Reġjun tal-Alpi (COM(2010)0366),

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kummissjoni tal-20 ta' Mejju 2014 dwar il-governanza tal-istrateġiji makroreġjonali (COM(2014)0284),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-14 ta' Diċembru 2015 bit-titolu "Ninvestu f'impjiegi u tkabbir – nimmassimizzaw il-kontribuzzjoni tal-Fondi Strutturali u ta' Investiment Ewropej" (COM(2015)0639),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-17 ta' Frar 2011 dwar l-implimentazzjoni tal-istrateġija tal-Unjoni għar-reġjun tad-Danubju(4),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-3 ta' Lulju 2012 dwar l-evoluzzjoni tal-istrateġiji makroreġjonali tal-UE: Prassi attwali u prospettivi futuri, b'mod partikolari fil-Mediterran(5),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-13 ta' Settembru 2012 dwar l-istrateġija għar-reġjun tal-Atlantiku fil-qafas tal-politika ta' koeżjoni tal-Unjoni(6),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-28 ta' Ottubru 2015 dwar strateġija tal-UE għar-reġjun Adrijatiku u Joniku(7),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-13 ta' Settembru 2016 dwar Strateġija tal-UE għar-reġjun Alpin(8),

–  wara li kkunsidra l-istudju ta' Jannar 2015 bit-titolu "Rwol ġdid tal-makroreġjuni fil-Kooperazzjoni Territorjali Ewropea" ppubblikat mid-Direttorat-Ġenerali għall-Politiki Interni, Dipartiment B: Politiki Strutturali u ta' Koeżjoni,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Interact ta' Frar 2017 bit-titolu "Added value of macro-regional strategies – programme and project perspective" (Il-valur miżjud tal-istrateġiji makroreġjonali – persepettiva tal-programm u tal-proġett),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 52 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu, kif ukoll l-Artikolu 1(1)(e) tad-Deċiżjoni tal-Konferenza tal-Presidenti tat-12 ta' Diċembru 2002 u l-Anness 3 tagħha dwar il-proċedura ta' awtorizzazzjoni għat-tħejjija ta' rapport fuq inizjattiva proprja,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Iżvilupp Reġjonali u l-opinjoni tal-Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza tal-Ikel (A8-0389/2017),

A.  billi makroreġjun jista' jiġi definit bħala żona ġeografika li tinkludi reġjuni minn għadd ta' pajjiżi differenti assoċjati ma' karatteristika jew sfida waħda jew aktar komuni(9)6;

B.  billi l-istrateġiji makroreġjonali (SMR) ġew stabbiliti f'oqsma li jirrappreżentaw l-evoluzzjoni naturali tal-UE f'termini ta' kooperazzjoni transfruntiera; billi dawn huma importanti, peress li huma kapaċi jimmobilizzaw l-atturi pubbliċi u privati, lis-soċjetà ċivili u lill-akkademja, u jimmobilizzaw ir-riżorsi lejn il-kisba tal-għanijiet tal-politika komuni tal-UE;

C.  billi l-SMRs jipprovdu pjattaforma għal interazzjoni aktar profonda u usa' fil-livell transsettorjali, reġjonali u transfruntiera bejn l-Istati Membri tal-UE u l-pajjiżi ġirien sabiex jiġu indirizzati sfidi komuni, ippjanar konġunt u trawwim ta' kooperazzjoni bejn is-sħab differenti u s-setturi ta' politika u t-titjib tagħha, inkluż fl-oqsma tal-ambjent u tal-protezzjoni tal-bijodiversità, il-mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima u strateġiji ta' adattament, it-trattament tal-iskart u l-provvista tal-ilma, l-ippjanar spazjali marittimu u l-ġestjoni integrata tal-kosta; jilqa', f'dan il-kuntest, l-isforzi li saru biex tiġi promossa l-kooperazzjoni bejn il-Fondi SIE u l-IPA;

D.  billi l-makroreġjuni huma involuti fl-implimentazzjoni ta' attivitajiet ta' politika fit-tul, interkonnessi u trażversali, peress li dawn il-makroreġjuni huma marbuta mal-politika ta' koeżjoni permezz tal-objettivi tal-SMRs inkorporati fil-PO tagħhom, u joħolqu proġetti permezz ta' sinerġiji intelliġenti; billi b'hekk il-makroreġjuni jikkontribwixxu b'mod aktar effettiv biex jintlaħqu l-miri tal-SMRs, u allura jattiraw l-investiment privat, billi juru l-fiduċja, filwaqt li jinvolvu ruħhom fi djalogu, kooperazzjoni transfruntiera u solidarjetà;

E.  billi l-SMRs huma bbażati fuq il-prinċipju tat-"tliet ebda", jiġifieri l-ebda finanzjament ġdid, l-ebda struttura ġdida u l-ebda leġiżlazzjoni ġdida fi ħdan il-qafas politiku tal-UE eżistenti;

F.  billi mekkaniżmi diġà eżistenti ta' kooperazzjoni fil-livell tal-UE u bejn l-Istati Membri u r-reġjuni jiffaċilitaw l-implimentazzjoni tal-SMRs, b'mod partikolari fil-fażijiet bikrin;

G.  billi kull sentejn il-Kummissjoni tadotta rapport uniku dwar l-implimentazzjoni tal-SMRs kollha eżistenti tal-UE, fejn jissemmew is-suċċessi tagħhom kif ukoll xi titjib ulterjuri li jeħtieġ li jsir, u r-rapport li jmiss huwa dovut sa tmiem l-2018; iqis li, f'dan il-qafas, jeħtieġ li jkun hemm evalwazzjoni tal-aspetti relatati mal-ambjent, bħala wieħed mill-pilastri tal-iżvilupp sostenibbli;

Strateġiji makroreġjonali bħala pjattaformi għall-kooperazzjoni u l-koordinazzjoni

1.  Ir-rilevanza tal-SMRs ġiet issottolinjata mill-proċess tal-globalizzazzjoni, li wassal biex pajjiżi individwali jsiru interdipendenti u jitlob soluzzjonijiet għall-problemi transkonfinali;

2.  Jirrikonoxxi li – fi gradi differenti – elementi li fuqhom tiddependi l-kwalità tal-implimentazzjoni, bħalma huma l-impenn, is-sjieda, ir-riżorsi u l-governanza jibqgħu diffiċli biex jiġu megħluba fil-kisba tal-miri stabbiliti minn qabel;

3.  Jenfasizza li l-SMRs qed jibqgħu jagħtu kontribut imprezzabbli u innovattiv lill-kooperazzjoni transfruntiera, transsettorjali u f'diversi livelli fl-Ewropa, li l-potenzjal tiegħu għadu ma ġiex esplorat biżżejjed, bl-għan li tittejjeb il-konnettività u jiġu kkonsolidati r-rabtiet ekonomiċi u t-trasferiment tal-għarfien bejn ir-reġjuni u l-pajjiżi; jinnota madankollu li — bħala riżultat tal-proċess ta' qbil dwar azzjonijiet konġunti f'diversi livelli u bejn bosta pajjiżi/reġjuni — l-aċċess għall-fondi tal-UE għal proġetti SMR għadu jikkostitwixxi sfida;

4.  Iqis li l-SMRs u l-programmi ambjentali assoċjati huma strumenti utli sabiex il-benefiċċji tal-kooperazzjoni Ewropea jkunu viżibbli għaċ-ċittadini, u għalhekk iħeġġeġ lill-partijiet kollha biex jikkommettu ruħhom bis-sħiħ għall-istrateġiji u jaqdu r-rwol tagħhom fl-implimentazzjoni tagħhom;

5.  Huwa tal-fehma li l-governanza f'diversi livelli bi rwol xieraq tar-reġjuni fi ħdan il-qafas tagħha għandu jkun element fundamentali ta' kwalunkwe strateġija makroreġjonali sa mill-bidu tagħha, billi jiġu involuti l-komunitajiet lokali u reġjonali u l-partijiet interessati tas-settur pubbliku, ta' dak privat u tat-tielet settur fil-proċess; iħeġġeġ lill-Istati Membri u r-reġjuni involuti, biex b'hekk jiżviluppaw strutturi xierqa ta' governanza u arranġamenti ta' ħidma għall-faċilitazzjoni tal-kooperazzjoni, inklużi l-ippjanar konġunt, it-tisħiħ tal-opportunitajiet ta' finanzjament u approċċ minn isfel għal fuq;

6.  Iħeġġeġ koordinazzjoni u sħubiji aħjar, kemm vertikali kif ukoll orizzontali, bejn l-atturi pubbliċi u privati differenti, l-akkademja u l-NGOs, kif ukoll organizzazzjonijiet internazzjonali li joperaw f'dan il-qasam, u diversi politiki fil-livell tal-UE, nazzjonali, reġjonali u lokali biex tiġi faċilitata u mtejba l-implimentazzjoni tal-istrateġiji makroreġjonali u l-SMRs; jistieden lill-Kummissjoni tinkoraġġixxi l-parteċipazzjoni ta' dawn il-partijiet interessati, inter alia, f'bordijiet ta' tmexxija tal-SMRs, waqt li jirrispettaw l-applikazzjoni tal-prinċipji tal-UE;

7.  Jenfasizza l-importanza ta' riżorsi umani u ta' kapaċità amministrattiva suffiċjenti għall-awtoritajiet nazzjonali u reġjonali kompetenti sabiex jiġi żgurat li l-impenn politiku jissarraf f'implimentazzjoni effikaċi tal-istrateġiji; jenfasizza, f'dan ir-rigward, il-valur tal-Programm ta' Appoġġ għal Riformi Strutturali, li jista' jipprovdi assistenza f'kapaċitajiet u appoġġ effettiv għall-iżvilupp u l-finanzjament ta' proġetti SMR fuq talba ta' Stat Membru; jistieden, barra minn hekk, lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex b'mod attiv jippromwovu t-tixrid u l-applikazzjoni ta' prattika amministrattiva tajba u esperjenza mill-implimentazzjoni b'suċċess ta' SMRs;

8.  Jenfasizza l-fatt li l-SMRs għandhom ikunu flessibbli biżżejjed biex ikunu jistgħu jiġu aġġustati u biex jirrispondu b'mod effettiv għal avvenimenti mhux previsti u għal ħtiġijiet li b'mod ġenerali jistgħu jaffettwaw lir-reġjuni involuti, l-Istati Membri u l-UE; iqis li l-implimentazzjoni tal-SMRs jeħtieġ li tieħu kont ta' kondizzjonijiet lokali u reġjonali speċifiċi; jenfasizza l-ħtieġa tar-rwol ta' koordinazzjoni tal-Kummissjoni f'dan ir-rigward, anki bil-ħsieb li jiġu irfinati l-objettivi speċifiċi ta' kull strateġija;

L-Istrateġija tal-UE għar-Reġjun tal-Baħar Baltiku (EUSBSR)

9.  Jilqa' r-riżultati miksuba mit-tnedija tal-istrateġija fl-2009, b'mod partikolari fir-rigward tal-mekkaniżmi ta' kooperazzjoni mhux biss bejn (jiġifieri fi ħdan il-Kunsill fil-laqgħat ministerjali rilevanti), iżda wkoll fi ħdan ir-reġjuni u l-pajjiżi involuti, bħal fi ħdan il-parlament jew il-gvern; jinnota li l-Istrateġija tal-UE għar-Reġjun tal-Baħar Baltiku (EUSBSR) tikkostitwixxi qafas ta' kooperazzjoni stabbli b'aktar minn 100 inizjattiva ewlenija u netwerks ġodda;

10.  Jenfasizza l-isfidi li fadal, b'mod partikolari dawk relatati mal-ambjent u l-konnettività; iħeġġeġ lill-pajjiżi parteċipanti jżidu l-isforzi tagħhom biex jittrattaw it-tniġġis (jiġifieri, il-kwalità tal-arja u tal-ilma, u l-ewtrofikazzjoni) tal-Baħar Baltiku, peress li huwa wieħed mill-ibħra l-aktar imniġġsa fid-dinja; jinnota li l-kisba ta' status ambjentali tajjeb sal-2020 hija waħda mill-objettivi ewlenin tal-azzjonijiet ta' politika f'dan ir-reġjun;

11.  Jagħti importanza lill-possibbiltà ta' konnessjoni bejn ir-reġjun Baltiku u n-netwerks tal-enerġija sabiex jitnaqqas u jiġi eliminat il-faqar enerġetiku u tiżdied is-sigurtà tal-enerġija u s-sigurtà tal-provvista;

L-Istrateġija tal-UE għar-Reġjun tad-Danubju (EUSDR)

12.  Jenfasizza li l-istrateġija kellha impatt pożittiv fuq il-kooperazzjoni bejn il-pajjiżi u r-reġjuni parteċipanti, billi ttejbu l-mobilità u l-interkonnessjonijiet għall-modi kollha tat-trasport, bil-promozzjoni ta' enerġija nadifa, il-kultura u t-turiżmu sostenibbli u, b'mod partikolari, isaħħu l-kuntatti diretti bejn in-nies u l-kisba ta' aktar koeżjoni bejn ir-reġjuni u l-pajjiżi parteċipanti fl-istrateġija;

13.  Iqis li l-proġett "Aċċess għall-Euro", l-inizjattiva "Inżommu d-Danubju Nadif" u d-Djalogu dwar il-Finanzjament tad-Danubju huma eżempji pożittivi ċari ta' mezz kif jistgħu jingħelbu d-diffikultajiet fl-iffinanzjar u l-ostakoli li jiffaċċjaw ta' spiss proġetti ta' rilevanza transnazzjonali u transfruntiera; huwa tal-fehma li, permezz ta' dan id-djalogu, id-differenzi fl-iżvilupp bejn ir-reġjuni fil-baċir tad-Danubju jistgħu jitnaqqsu ulterjorment; iqis, barra minn hekk, li l-ftuħ mill-ġdid tal-Punt ta' Strateġija tad-Danubju jista' jikkontribwixxi għal implimentazzjoni aktar faċli tal-istrateġija;

14.  Jenfasizza li l-prevenzjoni tal-ħsara kkawżata minn għargħar kbir tibqa' waħda mill-akbar sfidi ambjentali għall-pajjiżi tal-makroreġjun tad-Danubju; jenfasizza li għandhom jiġu kkunsidrati miżuri supplimentari konġunti biex jimpedixxu t-tniġġis transfruntier;

15.  Ifakkar fil-bżonn ta' proġetti strateġiċi u jenfasizza li huwa essenzjali li jinżamm grad għoli ta' appoġġ politiku u li jiżdiedu r-riżorsi u l-kapaċità ta' awtoritajiet statali kompetenti sabiex jiġu indirizzati l-isfidi li jifdal; jenfasizza l-ħtieġa, għalhekk, li jinżamm il-momentum politiku għall-Istrateġija Ewropea għar-Reġjun tad-Danubju (EUSDR) u biex jiġi żgurat li l-Grupp ta' Tmexxija tal-EUSDR jagħmel ħidma tajba;

16.  Jistieden lill-pajjiżi parteċipanti, minħabba rabta naturali bejn tax-Xmara tad-Danubju u l-Baħar l-Iswed, sabiex itejbu l-koordinazzjoni bejn l-EUSDR u l-Kooperazzjoni Transkonfinali tal-Baħar l-Iswed u biex jaħdmu mill-qrib biex jegħlbu l-isfidi soċjoekonomiċi, ambjentali u tat-trasport;

17.  Jenfasizza li approċċ aktar integrat għall-mobilità u l-multimodalità fir-reġjun tad-Danubju ser ikun ukoll ta' benefiċċju għall-ambjent;

L-Istrateġija tal-UE għar-Reġjun Adrijatiku u Joniku (EUSAIR)

18.  Jenfasizza n-natura distinta tal-Istrateġija tal-Unjoni Ewropea għar-Reġjun Adrijatiku u Joniku (EUSAIR) minħabba l-għadd ta' pajjiżi parteċipanti potenzjali u kandidati, u jqis li dan il-format ta' kooperazzjoni jista' jkun opportunità kbira għar-reġjun kollu; huwa tal-fehma li l-EUSAIR jista' jagħti spinta ġdida lill-proċess ta' tkabbir u ta' integrazzjoni;

19.  Jinnota bi tħassib il-problemi persistenti fir-rigward tan-nuqqas ta' rabta effettiva bejn id-disponibilità tar-riżorsi, il-governanza u s-sjieda, li qegħdin jipprevjenu l-objettivi tal-EUSAIR milli jintlaħqu kompletament; jistieden lill-pajjiżi parteċipanti jipprovdu lill-awtoritajiet kompetenti b'appoġġ u miżuri adattati biex tiġi implimentata l-istrateġija;

20.  Jenfasizza li fis-snin riċenti, ir-reġjun kien minn ta' quddiem nett fil-kriżi tal-migrazzjoni; iqis li l-EUSAIR tista' tgħin biex jiġu indirizzati dawn l-isfidi bl-istrumenti u r-riżorsi meħtieġa; jilqa', f'dan il-kuntest, l-isforzi tal-Kummissjoni biex issib soluzzjonijiet għall-mobilizzazzjoni ta' riżorsi finanzjarji għal attivitajiet relatati mal-migrazzjoni, inkluża l-kooperazzjoni ma' pajjiżi terzi;

21.  Iqis il-pilastru tat-Turiżmu Sostenibbli tar-reġjun Adrijatiku u Joniku bħala strument pożittiv biex joħloq tkabbir ekonomiku sostenibbli fir-reġjun kif ukoll biex iqajjem kuxjenza għall-isfidi ambjentali u l-SMRs;

22.  Jistieden lill-pajjiżi kkonċernati jagħtu prijorità lill-bini tal-kapaċità għall-implimentaturi ewlenin tal-EUSAIR, kif ukoll l-awtoritajiet tal-programm responsabbli mill-programmi operazzjonali relatati tal-EUSAIR;

L-Istrateġija tal-UE għar-Reġjun tal-Alpi (EUSALP)

23.  Iqis l-EUSALP bħala prova li l-kunċett makroreġjonali jista' jiġi applikat b'suċċess ukoll għal aktar reġjuni żviluppati; jistieden lill-partijiet interessati tiegħu jippromwovu investimenti relatati mal-ambjent li jindirizzaw il-konsegwenzi tat-tibdil fil-klima; Jirrimarka barra minn hekk li r-reġjun Alpin huwa ċentru importanti tat-trasport reġjonali u, fl-istess ħin, huwa wieħed mill-akbar żoni uniċi naturali u ta' rikreazzjoni li jeħtieġ li jiġi ppreservat; jenfasizza, għalhekk, li jeħtieġ li jiġu mfittxija strateġiji tat-trasport sostenibbli u interkonnessi;

24.  Jilqa' l-istruttura ta' governanza tal-istrateġija li qed titpoġġa fis-seħħ bħalissa, billi l-ewwel passi fl-implimentazzjoni tal-istrateġija rriżulta li kienu diffiċli u kienu rregolati minn strutturi, oqfsa u limiti ta' żmien differenti; jistieden, għaldaqstant, lill-pajjiżi parteċipanti jkomplu bl-isforzi tagħhom ta' impenn u appoġġ lill-membri tal-Grupp ta' Azzjoni tal-EUSALP;

25.  Jenfasizza li l-Istrateġija tal-UE għar-reġjun tal-Alpi tista' tkun eżempju tajjeb ta' mudell għal koeżjoni territorjali, peress li fl-istess ħin tinkorpora oqsma speċifiċi, żoni produttivi, muntanji u żoni rurali differenti u xi wħud mill-aktar bliet importanti u żviluppati fl-UE, u toffri pjattaforma biex jiġu indirizzati b'mod konġunt l-isfidi li jiffaċċjaw (it-tibdil fil-klima, id-demografija, il-bijodiversità, il-migrazzjoni, il-globalizzazzjoni, it-turiżmu sostenibbli u l-agrikoltura, il-provvista tal-enerġija, it-trasport u l-mobilità u d-distakk diġitali); jappella lill-pajjiżi u lir-reġjuni parteċipanti jagħtu l-attenzjoni dovuta lill-użu tal-programm tal-Interreg dwar l-Ispazji Alpini u fondi rilevanti oħra biex jindirizzaw il-prijoritajiet komuni;

26.  Jenfasizza li r-reġjun Alpin huwa mdawwar b'ħafna fruntieri u li t-tneħħija ta' dawn il-fruntieri hija prerekwiżit biex taħdem il-kooperazzjoni, b'mod partikolari għas-suq tax-xogħol u l-attivitajiet ekonomiċi relatati mal-SMEs; jinnota li l-EUSALP tista' tipprovdi wkoll l-opportunità biex tissaħħaħ il-kooperazzjoni transfruntiera transnazzjonali bejn reġjuni, bliet u komunitajiet lokali qrib xulxin, u biex jinħolqu rabtiet u netwerks bejn persuni, ukoll f'termini ta' interkonnessjonijiet tat-trasport u kopertura diġitali; jirrimarka, barra minn hekk, il-fraġilità ambjentali ta' dan ir-reġjun;

Ewropa makroreġjonali wara l-2020?

27.  Jirrimarka li l-SMRs jagħtu l-frott jekk ikunu ġejjin minn perspettiva politika fit-tul u jkunu organizzati b'tali mod li l-pubbliku kollu, b'mod speċjali l-awtoritajiet lokali u reġjonali, u l-partijiet interessati privati u s-soċjetà ċivili jkunu rappreżentati b'mod effettiv mill-bidu, u dan jirrikjedi skambju effettiv ta' informazzjoni, l-aħjar prattika, għarfien espert u esperjenza bejn il-makroreġjuni u l-awtoritajiet reġjonali u lokali tagħhom; iqis li jeħtieġ li tissaħħaħ il-governanza f'diversi livelli ta' SMRs, li għandha tkun trasparenti, b'koordinazzjoni aktar effettiva u mekkaniżmi ta' komunikazzjoni pubbliċi sabiex l-SMRs ikunu magħrufa għalihom u biex tinkiseb l-aċċettazzjoni tagħhom fil-komunitajiet lokali u reġjonali;

28.  Jemmen li l-implimentazzjoni ta' strateġija tista' biss tkun ta' suċċess jekk tkun ibbażata fuq viżjoni fit-tul u strutturi effiċjenti ta' koordinazzjoni u kooperazzjoni bil-kapaċità amministrattiva meħtieġa, kif ukoll fuq l-impenn politiku fit-tul kondiviż bejn il-livelli istituzzjonali kkonċernati, u jekk din tkun appoġġjata b'finanzjament adegwat; jenfasizza, għalhekk, il-bżonn li tiżdied l-effikaċja tal-investimenti permezz ta' allinjament, sinerġiji u komplementarjetajiet ta' finanzjament reġjonali u nazzjonali ma' strumenti ta' finanzjament eżistenti tal-UE, li, minbarra li jsaħħu l-programmi tal-ETC, jippromwovu proġetti transfruntiera fi ħdan il-fondi SIE u l-FEIS u wkoll permezz ta' finanzjament dirett;

29.  Jemmen li s-simplifikazzjoni tal-fondi u tal-proċeduri għall-użu tagħhom fi ħdan il-qafas tal-istrateġiji makroreġjonali żżid l-effikaċja tagħhom;

30.  Jipproponi li l-pajjiżi parteċipanti jieħdu impenji ċari f'termini ta' finanzjament u riżorsi umani għall-implimentazzjoni tal-SMRs mill-bidu; jistieden lill-Kummissjoni tgħin biex ittejjeb il-koordinazzjoni fi ħdan l-SMRs, tippromwovi prattiki tajba u tiżviluppa inċentivi li jinkoraġixxu l-parteċipazzjoni attiva u l-koordinazzjoni bejn il-partijiet kollha kkonċernati, ukoll bil-ħsieb li tissaħħaħ ir-rabta bejn il-politiki tal-UE u l-implimentazzjoni ta' SMRs; jinkoraġġixxi, barra minn hekk, lill-SMRs jużaw l-akkwist pubbliku ekoloġiku sabiex jagħtu spinta lill-ekoinnovazzjoni, lill-bijoekonomija, lill-iżvilupp ta' mudelli ġodda ta' negozju u lill-użu ta' materja prima sekondarja, bħal fl-ekonomija ċirkolari, sabiex jinkisbu livelli ogħla ta' ħarsien tal-ambjent u tas-saħħa u jiġu promossi rabtiet mill-qrib bejn il-produtturi u l-konsumaturi;

31.  Jenfasizza li huwa meħtieġ aktar orjentament lejn ir-riżultati u jeħtieġ li jiġu megħluba sfidi konkreti, inkluż fil-qasam tal-ħarsien ambjentali, sabiex jiġu żviluppati pjanijiet li jkollhom impatt reali fuq it-territorju, u biex jiġi ġustifikat l-investiment ta' riżorsi, li min-naħa tiegħu, għandu jkun proporzjonat mal-għanijiet stabbiliti, u jirrigwarda l-ħtiġijiet reali tat-territorji kkonċernati;

32.  Jitlob li kwalunkwe mistoqsija dwar l-SMRs, bħalma huma l-mistoqsijiet dwar is-sjieda u l-inċentivi politiċi meħtieġa, tiġi indirizzata skont modus operandi li jkun miftiehem minn qabel mir-reġjuni kollha kkonċernati;

33.  Huwa tal-fehma li l-viżibilità u l-perċezzjoni pubblika tal-attivitajiet tal-makroreġjuni fir-reġjuni fil-mira, kif ukoll ir-riżultati miksuba, jeħtieġ li jiġu msaħħa billi jitwettqu kampanji ta' informazzjoni u ta' skambju tal-aħjar prattiki, inkluż permezz ta' pjattaformi onlajn u netwerks soċjali, li b'hekk jagħmluhom faċilment aċċessibbli għall-pubbliku ġenerali;

34.  Jenfasizza li r-reviżjoni li jmiss tal-qafas finanzjarju pluriennali (QFP) hija opportunità sabiex jiġu riveduti l-objettivi tal-SMRs fl-istess ħin, sabiex tissaħħaħ ir-rabta tagħhom mal-prijoritajiet tal-UE u jiġu kkonsolidati l-impenji finanzjarji assoċjati;

35.  Jistieden lill-Kummissjoni tippreżenta, bħala parti mir-reviżjoni li jmiss tar-regolamentazzjoni tal-politika ta' koeżjoni, proposti għall-promozzjoni ta' implimentazzjoni aħjar ta' SMRs;

36.  Jistieden lill-Kummissjoni, bħala parti mir-rapport li jmiss dwar l-implimentazzjoni tal-SMRs li huwa dovut fl-2018, twettaq analiżi aktar bir-reqqa, inkluż b'mod partikolari dwar:

a.  l-effettività ta' programmi transnazzjonali tal-ETC fl-għoti ta' impetu finanzjarju u strateġiku għall-SMR;

b.  indikaturi li jistgħu jiġu integrati f'kull SMR sabiex jiġu permessi orjentazzjoni lejn ir-riżultati, monitoraġġ u evalwazzjoni aħjar;

c.  miżuri li jsaħħu r-rabta mal-prijoritajiet tal-UE;

d.  is-simplifikazzjoni tal-implimentazzjoni u l-integrazzjoni ta' skemi ta' finanzjament;

e.  il-kwalità tal-involviment tal-awtoritajiet lokali u reġjonali fl-implimentazzjoni tal-SMRs;

37.  Jenfasizza li sejħa biex jiġu żviluppati strateġiji ġodda pereżempju għar-reġjuni tal-Karpazji, l-Atlantiku, il-Mediterran jew dak Iberiku m'għandhiex tiddevja l-attenzjoni mill-objettiv primarju ta' implimentazzjoni mtejba u iktar profonda tal-SMRs eżistenti;

38.  Jappoġġa l-prinċipju tat-"tliet ebda", għall-SMRs (l-ebda leġiżlazzjoni ġdida tal-UE, l-ebda finanzjament ġdid tal-UE u l-ebda strutturi ġodda tal-UE); jissuġġerixxi, madankollu, li l-Kummissjoni tevalwa l-impatt ta' dawn "it-tliet ebda" fuq programmi taħt il-Fondi SIE fir-rapport dwar l-implimentazzjoni tagħha li jmiss dwar l-SMRs;

39.  Jenfasizza l-ħtieġa ta' approċċ territorjali b'rabta ma' attivitajiet ta' kooperazzjoni fuq bażi ta' każ b'każ, peress li l-SMRs huma mmirati lejn l-indirizzar ta' sfidi territorjali li jistgħu jiġu solvuti flimkien b'mod aktar effettiv; jenfasizza l-importanza li joħolqu sinerġiji u konverġenza bejn il-komponenti differenti tal-kooperazzjoni territorjali fil-programmi tal-Kooperazzjoni Territorjali Ewropea u l-makroreġjuni sabiex jissaħħaħ l-impatt ta' programmi transnazzjonali, jinġabru flimkien ir-riżorsi, jiġi ssimplifikat il-finanzjament tal-SMRs u jittejbu l-eżitu tal-implimentazzjoni tagħhom u l-effiċjenza tar-riżorsi investiti;

40.  Itenni l-impenn tal-UE lejn l-implimentazzjoni tal-Għanijiet ta' Żvilupp Sostenibbli; jenfasizza l-importanza li jiġu allinjati l-objettivi tal-SMRs mal-inizjattivi ewlenin, bħall-Unjoni tal-Enerġija, il-Ftehim ta' Pariġi dwar it-tibdil fil-klima u t-tkabbir blu f'makroreġjuni tal-baħar; jiġbed l-attenzjoni għall-ġestjoni tar-riskji ambjentali, bħalma huma l-konservazzjoni tan-natura, il-bijodiversità, u l-istokkijiet tas-sajd u l-ġlieda kontra l-iskart fil-baħar, kif ukoll l-iżvilupp sostenibbli u t-turiżmu ambjentali; jinkoraġġixxi l-kooperazzjoni fil-qasam tal-enerġija rinnovabbli; iħeġġeġ, f'dan il-kuntest, l-użu ta' strateġiji ta' speċjalizzazzjoni intelliġenti (S3), it-tisħiħ tal-SMEs u l-ħolqien ta' impjiegi ta' kwalità;

41.  Jenfasizza li l-Parlament mill-bidu nett appoġġja l-makroreġjuni permezz ta' proġetti pilota u azzjonijiet preparatorji; jindika, barra minn hekk, l-esperjenza miksuba mir-reġjun tal-Baħar Baltiku li turi li l-ħsieb fuq perjodu twil għandu jibqa' s-sies tal-kooperazzjoni makroreġjonali;

42.  Jistieden lill-Kummissjoni tistieden lill-Parlament jieħu sehem bħala osservatur fil-ħidma tal-Grupp ta' Livell Għoli ta' Strateġiji Makroreġjonali;

o

o    o

43.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Kumitat tar-Reġjuni, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-gvernijiet u lill-parlamenti nazzjonali u reġjonali tal-Istati Membri u lill-pajjiżi terzi li jipparteċipaw fl-SMR.

(1)

ĠU L 347, 20.12.2013, p. 320.

(2)

ĠU L 347, 20.12.2013, p. 259.

(3)

ĠU L 347, 20.12.2013, p. 303.

(4)

ĠU CE 188, 28.6.2012, p. 30.

(5)

ĠU C 349 E, 29.11.2013, p. 1.

(6)

ĠU C 353 E, 3.12.2013, p. 122.

(7)

ĠU C 355, 20.10.2017, p. 23.

(8)

Testi adottati, P8_TA(2016)0336.

(9)

6 Schmitt et al (2009), "EU macro-regions and macro-regional strategies – A scoping study" (Makroreġjuni u strateġiji makroreġjonali tal-UE – Studju dwar il-kamp ta' applikazzjoni), dokument ta' ħidma elettroniku 2009:4.


OPINJONI tal-Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza tal-Ikel (28.9.2017)

għall-Kumitat għall-Iżvilupp Reġjonali

dwar l-implimentazzjoni tal-istrateġiji makroreġjonali tal-UE

(2017/2040(INI))

Rapporteur għal opinjoni: Biljana Borzan

SUĠĠERIMENTI

Il-Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza tal-Ikel jistieden lill-Kumitat għall-Iżvilupp Reġjonali, bħala l-kumitat responsabbli, biex jinkorpora s-suġġerimenti li ġejjin fil-mozzjoni għal riżoluzzjoni tiegħu:

1.  Jirrikonoxxi l-importanza tal-istrateġiji makroreġjonali eżistenti tal-UE, jiġifieri l-Istrateġija tal-UE għar-Reġjun tal-Baħar Baltiku tal-2009 (EUSBSR), l-Istrateġija tal-UE għar-Reġjun tad-Danubju tal-2011 (EUSDR), l-Istrateġija tal-UE għar-Reġjun Adrijatiku u Joniku tal-2014 (EUSAIR) u l-Istrateġija tal-UE għar-Reġjun tal-Alpi tal-2015 (EUSALP); jinnota li l-istrateġiji makroreġjonali qed jiġu integrati b'mod konsistenti fl-ippjanar tal-politika fil-livell tal-UE, iżda b'mod iktar sporadiku fil-livell nazzjonali u reġjonali; jilqa' r-rapport tal-Kummissjoni imma jqis li kienet meħtieġa valutazzjoni ulterjuri dwar l-implimentazzjoni tal-istrateġiji makroreġjonali eżistenti, u speċjalment ta' aspetti li jirrigwardaw l-ambjent, bħala wieħed mill-pilastri tal-iżvilupp sostenibbli; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tiffoka b'mod partikolari fuq ir-riżultati tal-proġetti taħt l-istrateġiji makroreġjonali fir-rapporti li jmiss;

2.  Jirrikonoxxi l-importanza tal-istrateġiji makroreġjonali fil-ħolqien ta' qafas integrat uniku u fit-trawwim ta' azzjoni kkoordinata biex jiġu indirizzati l-isfidi komuni ffaċċjati minn atturi differenti f'żona ġeografika definita li tkopri Stati Membri u pajjiżi terzi, li b'dan il-mod jibbenefikaw minn kooperazzjoni msaħħa li tikkontribwixxi għall-kisba ta' koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali; jistieden lill-Kummissjoni u l-pajjiżi parteċipanti u r-reġjuni tagħhom jiżviluppaw sinerġiji, u jintegraw aktar l-istrateġiji makroreġjonali f'politiki settorjali tal-UE, b'mod partikolari fl-oqsma tal-ħarsien ambjentali u tal-bijodiversità, il-mitigazzjoni u l-adattament tal-klima;

3.  Jenfasizza l-benefiċċji potenzjali ta' azzjoni kollettiva fil-qafas tal-istrateġiji makroreġjonali fir-rigward ta' kwistjonijiet ambjentali, inkluż iżda mhux limitat għal dawk ta' natura transfruntiera, bħalma huma t-tnaqqis tal-gassijiet serra u l-emissjonijiet ta' sustanzi li jniġġsu, il-ħarsien ambjentali u tal-bijodiversità, kif ukoll strateġiji ta' adattament ibbażati fuq l-ekosistema għat-tibdil fil-klima; iqis li l-istrateġiji xorta jistgħu jkunu amministrati b'mod saħansitra aktar effikaċi fir-rigward tal-iżvilupp sostenibbli, it-tibdil fil-klima, l-enerġija rinnovabbli u l-ekonomija blu; jemmen li l-koordinazzjoni tal-politika fost ir-reġjuni hija approċċ effikaċi biex jinstabu soluzzjonijiet dejjiema għall-isfidi ambjentali; jitlob li l-kunċett ta' integrazzjoni ambjentali jsir parti mit-tfassil u l-implimentazzjoni ta' diversi politiki transettorjali għal makroreġjuni attwali u futuri;

4.  Jinkoraġġixxi l-espansjoni taż-żoni ta' konservazzjoni biex jiġi mħares l-ambjent u jitwaqqaf it-telf tal-bijodiversità, b'mod partikolari permezz tat-titjib tan-netwerks tan-Natura 2000, tal-Emerald, u l-programm LIFE;

5.  Iqis li l-istrateġiji makroreġjonali u l-programmi ambjentali assoċjati huma strumenti utli sabiex jagħmlu l-benefiċċji tal-kooperazzjoni Ewropea viżibbli għaċ-ċittadini, u għalhekk iħeġġeġ lill-partijiet kollha involuti biex jikkommettu ruħhom bis-sħiħ għall-istrateġiji u jaqdu r-rwol tagħhom fl-implimentazzjoni tagħhom;

6.  Jitlob li jkun hemm adozzjoni f'waqtha tal-ippjanar spazjali marittimu u tal-istrateġiji integrati għall-immaniġġjar tal-ilmijiet kostali mill-Istati Membri kif ukoll mill-pajjiżi kostali kemm dawk kandidati kif ukoll dawk potenzjali;

7.  Jirrimarka li fiż-żoni rurali n-natura hija l-bażi ekonomika għal ħafna mill-abitanti, u li programmi ambjentali jistgħu jirnexxu biss jekk ikunu appoġġjati mill-abitanti lokali; jenfasizza, għalhekk, li sabiex jintlaħqu l-għanijiet għall-ħarsien ambjentali, proġetti bħal dawn iridu jqisu bis-sħiħ l-interessi ekonomiċi fuq terminu twil tan-nies tal-lokal;

8.  Iħeġġeġ lill-partijiet interessati kollha li hu essenzjali li jkunu segwiti politiki dwar it-tibdil fil-klima li jkopru mudelli ta' produzzjoni u ta' konsum li huma konformi mal-prinċipji tal-ekonomija ċirkolari, il-ħarsien ambjentali u tas-saħħa u ta' ċikli aktar qosra fil-katina tal-provvista tal-ikel, u biex titqiegħed enfasi akbar fuq l-użu razzjonali u l-użu mill-ġdid tal-materjali lokali u r-riżorsi naturali, ikun assigurat ċikli tal-materjal mhux tossiċi, inklużi l-ilma mormi u l-iskart tal-biedja, u t-trawwim ta' rabtiet mill-qrib mal-produtturi u l-konsumaturi fil-livell lokali; jinkoraġġixxi lill-istrateġiji makroreġjonali kollha japplikaw politika ta' akkwist pubbliku ekoloġiku sabiex jagħtu spinta lill-ekoinnovazzjoni u l-iżvilupp ta' mudelli ġodda ta' negozju;

9.  Jitlob li jkun hemm tisħiħ ta' netwerk tan-NATURA 2000 tal-baħar, u netwerk koerenti u rappreżentattiv ta' żoni protetti tal-baħar skont id-Direttiva Kwadru dwar l-Istrateġija Marina sal-2020;

10.  Jenfasizza l-importanza ta' djalogu bejn il-partijiet interessati u komunikazzjoni pubblika tal-istrateġiji makroreġjonali biex jagħmluhom magħrufa u jiksbu l-aċċettazzjoni fil-komunitajiet lokali; iqis li dan huwa element ewlieni biex l-istrateġiji makroreġjonali jkunu ta' suċċess;

11.  Jitlob li jkun hemm sinkronizzazzjoni speċifika u koordinazzjoni aħjar tal-użu tal-fondi eżistenti fil-livelli kollha biex jintlaħqu l-objettivi makroreġjonali, u jiġi sfruttat il-potenzjal tal-istrateġiji makroreġjonali; jirrakkomanda li l-esperjenzi miksuba minn strateġiji makroreġjonali jintużaw sabiex itejbu l-effikaċja tal-istrumenti finanzjarji rilevanti tal-Unjoni; jieħu nota li l-finanzjament tal-Unjoni huwa normalment marbut ma' proġetti definiti peress li l-isfidi ambjentali jeħtieġu approċċ fuq terminu twil; jenfasizza l-ħtieġa li l-Kummissjoni, l-Istati Membri u l-awtoritajiet kompetenti jikkunsidraw din il-perspettiva fuq terminu twil għall-finanzjament ta' proġetti u fit-tfassil ta' programmi ta' finanzjament futuri u biex jikkoordinaw b'mod aktar effikaċi r-riżorsi disponibbli għall-finanzjament tal-għanijiet ambjentali partikolari tal-makroreġjuni u jadattaw l-użu tagħhom lejn prijoritajiet politiċi;

12.  Jenfasizza l-importanza li jiġu żviluppati għodod ta' monitoraġġ u evalwazzjoni għal diversi indikaturi sabiex jitkejlu aħjar il-kisbiet tal-miri ambjentali mingħajr ma jinħoloq piż amministrattiv bla bżonn għas-sħab u l-partijiet interessati tal-proġett;

13.  Jitlob lill-partijiet interessati tal-makroreġjuni jużaw il-Fondi Strutturali u ta' Investiment Ewropej (Fondi SIE) u fondi oħra tal-Unjoni biex jippromwovu investimenti relatati mal-ambjent li jkollhom il-mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima fost l-objettivi tagħhom;

14.  Jistieden lill-partijiet interessati fil-makroreġjuni, minbarra l-fondi rilevanti għall-istrateġiji makroreġjonali u l-istrumenti għall-finanzjament ta' objettivi ambjentali partikolari, biex iqisu wkoll l-użu tal-Fond Ewropew għall-Investimenti Strateġiċi (FEIS);

15.  Jirrimarka li l-baħar tar-reġjun Adrijatiku u Joniku hu mhedded minn diversi sorsi ta' tniġġis, inkluż skart mhux trattat, skart tal-baħar, effluwent mhux trattat u l-ewtrofikazzjoni minn tnixxija minn art agrikola u l-farms tal-ħut; jitlob, għalhekk, lill-pajjiżi parteċipanti jintensifikaw aktar l-isforzi tagħhom biex jindirizzaw dawn l-isfidi ambjentali; jenfasizza l-importanza li għal dan l-iskop tiġi introdotta sistema adatta għat-trattament tal-iskart u l-effluwent u l-protezzjoni tal-provvisti tal-ilma;

16.  Jirrimarka li l-Baħar Adrijatiku, minħabba n-natura semi-magħluqa tiegħu, huwa partikolarment vulnerabbli għat-tniġġis u għandu karatteristiċi idrografiċi mhux tas-soltu – il-fond tiegħu u t-tul tal-kosta tiegħu jvarjaw b'mod konsiderevoli bejn it-Tramuntana u n-Nofsinhar tar-reġjun; jilqa' l-fatt li kull wieħed mill-erba' pilastri tar-reġjun Adrijatiku u Joniku huma mfassla biex jikkontribwixxu għal għanijiet ta' sostenibbiltà;

17.  Jemmen li t-tlestija tal-infrastrutturi tat-triq u tat-trasport u miżuri biex jitwettaq il-potenzjal enormi iżda mhux sfruttat tas-sorsi tal-enerġija rinnovabbli huma kundizzjonijiet essenzjali biex jintlaħqu l-għanijiet tas-sostenibbiltà ambjentali fil-makroreġjun;

18.  Jiġbed l-attenzjoni għall-ħtieġa li tiġi żgurata s-sostenibbiltà ambjentali fil-makroreġjun Adrijatiku u Joniku permezz ta' miżuri speċifiċi tal-ħarsien ambjentali, inklużi proġetti għat-tnedija ta' stħarriġ u l-prevenzjoni ta' ċediment tal-art;

19.  Ifakkar fil-pożizzjoni preċedenti tiegħu dwar ir-riżoluzzjoni tiegħu tat-3 ta' Lulju 2012 dwar l-evoluzzjoni tal-istrateġiji makroreġjonali tal-UE: prassi attwali u prospettivi futuri, b'mod partikolari fil-Mediterran; jirrimarka li l-ispazju tal-Mediterran huwa wieħed koerenti, li jifforma żona unika kulturali u ambjentali, u li jikkondividi għadd imdaqqas ta' karatteristiċi u prijoritajiet komuni minħabba "l-klima Mediterranja": l-istess għelejjel, riżorsi tal-enerġija rinnovabbli abbundanti, b'mod partikolari l-enerġija solari, l-importanza tat-turiżmu, l-istess riskji fir-rigward ta' katastrofi naturali (nirien, għargħar, terremoti, nuqqas fir-riżorsa tal-ilma), u l-istess riskji fir-rigward tal-attività umana, b'mod partikolari t-tniġġis tal-baħar; itenni għal darb'oħra l-appoġġ tiegħu għat-twaqqif ta' strateġija makroreġjonali għall-baċir tal-Mediterran biex jiġi offrut pjan ta' azzjoni ħalli jiġu indirizzati l-isfidi komuni u problematiċi li qed jiffaċċjaw il-pajjiżi u r-reġjuni tal-Mediterran u sabiex tingħata struttura lil din iż-żona li hi kruċjali għall-iżvilupp u l-integrazzjoni tal-Ewropa, u jitlob lill-Kunsill u lill-Kummissjoni jaġixxu malajr fuq dan il-kwistjoni;

20.  Jistieden lill-Kummissjoni tiżgura li l-pajjiżi terzi involuti fi proġetti fil-makroreġjun jikkonformaw mal-acquis tal-Unjoni rilevanti, sabiex jiggarantixxu l-isfruttar sostenibbli tar-riżorsi tal-Unjoni, b'mod partikolari d-Direttiva Kwadru dwar l-Istrateġija Marina, id-Direttiva Qafas dwar l-Ilma, id-Direttiva dwar it-Trattament tal-Ilma Urban Mormi, in-Nitrati, l-Iskart, id-Direttivi dwar l-Għasafar u l-Ħabitats u l-Istrateġija għall-Infrastruttura Ekoloġika; jirrakkomanda li l-ftehimiet u l-konvenzjonijiet jiġu użati biex jinvolvu pajjiżi barra l-UE fi proġetti ambjentali tal-UE;

21.  Iqis il-pilastru tat-Turiżmu Sostenibbli tar-reġjun Adrijatiku u Joniku bħala strument pożittiv biex joħloq tkabbir eknomiku sostenibbli fir-reġjun kif ukoll biex iqajjem kuxjenza għall-isfidi ambjentali u l-istrateġiji makroreġjonali;

22.  Jirrimarka li l-bijodiversità rikka taż-żoni kostali marittimi tar-reġjun Adrijatiku u Joniku tiġbed ħafna attivitajiet turistiċi, rikreattivi u tas-sajd, u tikkontribwixxi għall-wirt kulturali tal-makroreġjun; iqis, għalhekk, in-nuqqas ta' mapep tal-ħabitat bħala wieħed deplorevoli; jistieden lill-pajjiżi parteċipanti biex iwettqu azzjonijiet ta' mmappjar fi ħdan il-qafas tal-EUSAIR;

23.  Jenfasizza li approċċ ibbażat fuq l-ekosistemi għall-koordinazzjoni tal-attivitajiet huwa meħtieġ fi ħdan il-qafas ta' Ġestjoni Integrata tal-Kosta (ICM) u tal-Ippjanar Spazjali Marittimu (MSP), sabiex jiġi żgurat l-użu sostenibbli tar-riżorsi, peress li dawn iż-żewġ oqfsa huma stimulanti importanti għal kollaborazzjoni transfruntiera u kooperazzjoni mal-partijiet interessati tul attivitajiet tas-settur marittimu u kostali, u għandhom il-potenzjal li jġibu flimkien servizzi tal-ekosistema u opportunitajiet ta' Tkabbir Blu b'mod sostenibbli;

24.  Jitlob li tiġi stabbilita sistema ta' monitoraġġ ikkoordinata u bażi ta' dejta dwar l-iskart fil-baħar u t-tniġġis tal-baħar, inkluż l-identifikazzjoni ta' sorsi u tipi ta' skart u tniġġis, kif ukoll bażi ta' dejta ta' sistema ta' informazzjoni ġeografika (GIS) dwar il-lok u s-sorsi tal-iskart fil-baħar;

25.  Jitlob li jkun hemm l-abbozzar u l-implimentazzjoni ta' pjan ta' kontinġenza konġunt għat-tixrid taż-żejt u għal avvenimenti oħra ta' tniġġis fuq skala kbira, li jibni fuq il-ħidma tal-pjan ta' kontinġenza subreġjonali żviluppat mill-kummissjoni konġunta għall-Protezzjoni tal-Baħar Adrijatiku u ż-Żoni Kostali tiegħu, u l-protokolli tal-Konvenzjoni ta' Barċellona;

26.  Jistieden lill-pajjiżi involuti biex jagħtu prijorità lill-bini tal-kapaċità mmirat lejn l-implimentaturi ewlenin tal-EUSAIR, kif ukoll lejn l-awtoritajiet tal-programm responsabbli mill-programmi operazzjonali rilevanti tal-EUSAIR;

27.  Jenfasizza li l-prevenzjoni tal-ħsara kkawżata minn għargħar tibqa' waħda mill-akbar sfidi ambjentali għall-pajjiżi tal-makroreġjun tad-Danubju; jenfasizza li għandhom jiġu kkunsidrati miżuri supplimentari konġunti biex jimpedixxu t-tniġġis transfruntier;

28.  Jinnota b'apprezzament l-implimentazzjoni ta' proġetti bħal DANUBEPARKS 2.0, STURGEON 2020, SEERISK, CC-WARE u r-raggruppament Danube Air Nexus fil-kisba tal-miri ambjentali tal-EUSDR;

29.  Jilqa' l-proġett tar-reġjun tad-Danubju bit-titolu "EuroAccess" bħala għodda biex jagħmel il-finanzjament disponibbli iżjed aċċessibbli u jinkoraġġixxi reġjuni makroreġjonali oħra jqisu dan bħala l-aħjar prattika;

30.  Jistieden lill-Kummissjoni tibda l-iżvilupp ta' makroreġjun tal-Peniżola Iberika li jindirizza l-isfidi ta' tmexxija ta' politika forestali ppjanata sewwa f'konformità mar-rekwiżiti klimatiċi, fi sforz biex tirrimedja d-depopolazzjoni rurali, id-deżertifikazzjoni u l-erożjoni tal-ħamrija permezz ta' ġestjoni ekoloġika xierqa u d-diversifikazzjoni tal-foresti, it-tħawwil ta' siġar deċidwi indiġeni li huma aktar reżistenti għan-nar, b'tali mod li jgħinu biex ireġġgħu lura d-dannu sostnut min-nar mill-foresti kull sena fil-Portugall u Spanja;

31.  Jilqa' t-twaqqif ta' Programm Transnazzjonali tad-Danubju Interreg bħala għodda biex jiġi pprovdut appoġġ lill-governanza tiegħu, u jenfasizza l-kontribut dirett tiegħu għall-implimentazzjoni tal-istrateġija bħala wieħed mill-aktar riżultati viżibbli tal-EUSDR;

32.  Jenfasizza li approċċ aktar integrat għall-mobbiltà u l-multimodalità fir-reġjun tad-Danubju ser ikun ukoll ta' benefiċċju għall-ambjent;

33.  Jenfasizza li l-Kummissjoni jenħtieġ li mingħajr dewmien tibda studji għall-iżvilupp ta' makroreġjun Iberiku fid-dawl tal-isfidi kbar transfruntiera li jirriżultaw f'konnessjoni mat-tibdil fil-klima, il-ħarsien tal-ambjent, il-prevenzjoni u l-ġestjoni tar-riskji, l-effiċjenza fl-użu tar-riżorsi, il-konservazzjoni tan-natura, il-bijodiversità, ir-riżorsi tal-ilma kondiviżi u l-esplorazzjoni tal-potenzjal tal-ekonomija blu u tal-enerġija rinnovabbli;

34.  Jilqa' l-istabbiliment tal-Punt ta' Strateġija tad-Danubju bħala korp ġdid għall-iffaċilitar tal-implimentazzjoni tal-EUSDR, u jinkoraġġixxi l-involviment tal-partijiet ikkonċernati kollha u l-atturi potenzjalment interessati;

35.  Jinnota bi tħassib li, meta mqabbel mal-ewwel snin tal-attività tagħha, il-EUSDR issa tidher li ngħatat inqas prijorità fin-narrattiva politika fil-livell nazzjonali f'dawk il-pajjiżi involuti; jenfasizza l-ħtieġa li jinżamm il-momentum politiku minħabba li l-impenn mill-pajjiżi jaffettwa direttament id-disponibbiltà tar-riżorsi umani fl-amministrazzjonijiet nazzjonali u reġjonali, u dan huwa kruċjali għall-funzjonament tajjeb tal-istrateġija, u għall-ħidma lejn konsolidazzjoni tal-progress li sar u r-riżultati miksuba sa issa;

36.  Jistieden lill-pajjiżi parteċipanti sabiex jiżguraw parteċipazzjoni adegwata tar-rappreżentanti nazzjonali f'laqgħat tal-Grupp ta' Tmexxija tal-EUSDR dwar oqsma ta' prijorità, u jikkunsidraw inaqqsu n-numru u l-kamp ta' applikazzjoni tal-oqsma ta' prijorità attwali jekk ma jiġux allokati biżżejjed riżorsi fi ħdan skedi ta' żmien definiti sew;

37.  Jenfasizza l-kwistjoni ta' għadd kbir ta' bastimenti mgħarrqa fid-Danubju li joħloq periklu ta' navigazzjoni u ekoloġiku, speċjalment fejn il-livelli tal-ilma huma baxxi; jirrimarka li l-bastimenti mgħarrqa fihom ammonti sinifikanti ta' fjuwil u sustanzi oħra li jniġġsu l-ilma kontinwament, filwaqt li s-sadid tal-metall tal-bastimenti jiġġenera tniġġis fuq bażi kontinwa b'riperkussjonijiet serji; jitlob għall-mobilizzazzjoni ta' fondi tal-UE biex tiġi indirizzata din il-problema u kooperazzjoni akbar fil-qafas tal-EUSDR;

38.  Jitlob lill-partijiet interessati tal-makroreġjun Alpin jużaw il-Fondi tas-SIE u fondi oħra tal-Unjoni biex jippromwovu investimenti relatati mal-ambjent li jkollhom il-mitigazzjoni u l-adattament tat-tibdil fil-klima fost l-objettivi tagħhom; jilqa', b'mod partikolari, l-approċċ integrat tar-reġjun biex jallinja l-preservazzjoni tal-ambjent u l-ekosistemi mal-insegwiment tal-prosperità ekonomika u soċjali;

39.  Jissottolinja li l-politika ambjentali għandha natura trażversali u li l-għażliet ippreferuti tas-setturi varji tal-istrateġija Alpina jridu jirrikonċiljaw is-sostenibbiltà ambjentali u l-iżvilupp ekonomiku; jirrimarka li r-reġjun Alpin huwa ċentru tat-trasport reġjonali importanti u, fl-istess ħin, wieħed mill-akbar żoni naturali u ta' rikreazzjoni, u wieħed mill-aktar reġjuni turistiċi attraenti fl-Ewropa; jinnota madankollu li, minħabba l-kundizzjonijiet partikolarii ġeografiċi u naturali, l-aċċess għal partijiet tar-reġjun huwa sfida; iqis li, sabiex jiġu ppreżervati l-Alpi bħala żona naturali unika, huwa essenzjali li jinħolqu strateġiji tat-trasport sostenibbli u interrelatati u jiġu kkunsidrati l-politiċi dwar il-mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima u l-preżervazzjoni tal-bijodiversità bħall-konnettività ekoloġika, li jippermettu l-migrazzjoni tal-ispeċijiet;

40.  Jinsab imħasseb dwar il-fatt li t-tibdil fil-klima jista' jwassal għall-instabbiltà idroġeoloġika u jhedded il-bijodiversità fir-reġjun Alpin; jenfasizza li ż-żieda fit-temperaturi hija theddida serja għas-sopravivenza tal-popolazzjonijiet tal-ispeċijiet li jgħixu f'altitudnijiet għolja, filwaqt li l-fatt li l-glaċieri jdubu jagħti lok għal tħassib ulterjuri peress li dan għandu impatt kbir fuq ir-riżervi tal-ilma ta' taħt l-art;

41.  Jenfasizza l-fatt li s-settur tat-turiżmu u agrikolu tar-reġjun Alpin huwa parti interessata ewlenija għall-iżvilupp sostenibbli reġjonali u għalhekk jenħtieġ li jiġi integrat fl-istadji kollha tal-implimentazzjoni tal-proġetti ambjentali;

42.  Jinnota li l-ewwel passi fl-implimentazzjoni tal-istrateġija EUSALP urew li l-integrazzjoni tagħha fil-programmi eżistenti hija diffiċli, peress li dawn huma rregolati minn strutturi, oqfsa u skedi ta' żmien li spiss huma inkompatibbli mal-ħtiġijiet ta' strateġija makroreġjonali;

43.  Jistieden lill-pajjiżi parteċipanti biex isaħħu l-impenn, il-kontinwità, l-istabbiltà, l-għoti ta' setgħa u l-appoġġ tagħhom lill-membri tal-Grupp ta' Azzjoni tal-EUSALP li ser jirrappreżentawhom, u biex jiġi żgurat li l-Gruppi ta' Azzjoni kollha jkunu rappreżentati b'mod adegwat;

44.  Jilqa' l-implimentazzjoni ta' proġetti ta' benefiċċju għall-ambjent fir-reġjun Baltiku, bħal BLASTIC biex jitnaqqas l-iskart tal-baħar, il-Pjattaforma tad-Djalogu dwar il-Klima biex jissaħħaħ ir-rispons integrat għall-isfidi klimatiċi u PRESTO biex titjieb il-kwalità tal-ilma; iqis, madankollu, li aktar sforzi huma meħtieġa biex ikunu indirizzati l-isfidi ambjentali li qed jiffaċċja l-makroreġjun Baltiku, u b'mod partikolari fir-rigward tal-ewtrofikazzjoni, ta' protezzjoni aħjar tal-baħar innifsu, tal-kwalità tal-arja u t-tniġġis;

45.  Jirrimarka li l-qagħda ambjentali tal-Baħar Baltiku baqgħet fiċ-ċentru tal-attenzjoni tal-EUSBSR minn mindu tnediet fl-2009;

46.  Ifakkar li l-Baħar Baltiku huwa wieħed mill-aktar ibħra mniġġsa fid-dinja; jenfasizza l-importanza tal-kooperazzjoni biex tittejjeb il-qagħda tal-Baħar Baltiku; jitlob li l-programmi tal-viċinat ikomplu tul iż-żona tal-baċin tal-Baħar Baltiku u fihom jinkludu finanzjament li permezz tiegħu l-istat tal-ambjent ikun jista' jittejjeb tul iż-żona ta' qbid;

47.  Jinnota li l-kisba ta' status ambjentali tajjeb sal-2020 hija waħda mill-objettivi ewlenin tal-azzjonijiet ta' politika fir-Reġjun tal-Baħar Baltiku;

48.  Iqis li huwa kundannabbli, mill-perspettiva tal-makroreġjuni tal-baħar, li l-bastimenti jistgħu jarmu effluwent mhux trattat fil-baħar jekk dawn jinsabu iktar minn 12-il mil nawtiku (madwar 22 kilometru) mill-kosta u li l-effluwent trattat jista' saħansitra jintrema fl-ilma tliet mili nawtiċi (madwar 5,5 kilometri) mill-kosta; jitlob li jiġi pprovdut finanzjament biex tiżdied il-kapaċità ta' akkoljenza għall-effluwent fil-portijiet sabiex il-bastimenti tal-passiġġieri kollha jkunu jistgħu jittrattaw l-effluwent tagħhom kif meħtieġ mill-Anness IV rivedut għall-Konvenzjoni MARPOL;

49.  Jistieden lill-partijiet interessati kollha biex jorganizzaw diskussjonijiet politiċi aktar frekwenti u regolari dwar l-EUSBSR fil-livell nazzjonali fi ħdan il-parlament jew il-gvern, u anke fi ħdan il-Kunsill fil-laqgħat Ministerjali rilevanti;

50.  Jilqa', mill-perspettiva tal-mikroreġjun Baltiku, id-Direttiva dwar il-Kubrit adottata mill-UE u d-deċiżjoni mill-Kumitat tal-Protezzjoni tal-Ambjent tal-Baħar tal-Organizzazzjoni Marittima Internazzjonali (OMI) tas-27 ta' Ottubru 2016 biex il-Baħar Baltiku u l-Baħar tat-Tramuntana jiġu nnominati bħala Żona ta' Kontroll tal-Emissjonijiet tal-NOx (NECA); ifakkar li l-fjuwils maħmuġin użati mill-vetturi għadhom qed iwasslu għal emissjonijiet ta' kwantitajiet kbar ta' nitroġenu u kubrit fl-arja, li mbagħad jaqgħu fil-baħar;

51.  Jinnota li l-EUSBSR tikkostitwixxi qafas ta' kooperazzjoni stabbli b'aktar minn 100 inizjattiva ewlenija u netwerks ġodda; madankollu, iħeġġeġ lill-partijiet interessati biex ikomplu jżommu l-momentum u jtejbu l-koordinazzjoni u l-kontenut tal-politika billi jibnu fuq ir-riżultati tal-proġett;

52.  Iqis li huwa importanti li jiġu rieżaminati l-permessi għall-utenti ta' purifikaturi tal-kubrit b'ċirkwit miftuħ biex jintrema l-ilma tal-purifikaturi tal-kubrit lura fil-baħar; josserva li l-effluwent minn purifikaturi tal-kubrit b'ċirkwit magħluq għandu jiġi ttrattat, iżda li effluwent minn purifikaturi b'ċirkwit miftuħ jintrema direttament fil-baħar, fejn joħloq mudell operazzjonali taparsi ambjentali, li fih il-kubrit jitneħħa mill-arja iżda jispiċċa fil-baħar;

53.  Ifakkar l-importanza tas-sikurezza fuq il-baħar, b'mod partikolari fil-Baltiku; jenfasizza l-importanza ta' kooperazzjoni fost il-pajjiżi tar-reġjun Baltiku sabiex jiġu indirizzati l-isfidi li jirriżultaw mill-volum dejjem jikber ta' trasport marittimu u b'mod partikolari t-trasport ta' żejt u sustanzi perikolużi;

54.  Ifakkar li t-Tkabbir Blu fil-makroreġjuni tal-baħar huwa bbażat fuq l-użu sostenibbli tal-potenzjal tal-ibħra, li jfisser li l-aspett ambjentali jrid jiġi kkunsidrat fl-attivitajiet kollha; ifakkar li, fi ħdan il-qafas tal-Bijoekonomija Blu, huwa possibbli li jinstabu prodotti u servizzi ġodda, u jiġi żviluppat u kkultivat għarfien espert ibbażat fuqhom sabiex jiġu promossi l-impjiegi; jenfasizza li użu sostenibbli tar-riżorsi naturali u status favorevoli ta' ambjenti akkwatiċi u tal-baħar joħolqu bażi soda għall-Bijoekonomija Blu;

55.  Jenfasizza l-bidla sinifikanti lejn il-bijoekonomija u l-ekonomija ċirkolari fl-iżvilupp tal-ħsieb ekonomiku, il-modi ta' azzjoni u l-metodi, li jistgħu jgħinu biex jiġu indirizzati l-isfidi ambjentali fil-Baltiku; ifakkar l-opportunitajiet għall-isfruttament ta' enerġija rinnovabbli u għat-titjib tal-effiċjenza fl-enerġija fir-reġjun Baltiku;

56.  Jagħti importanza lill-possibbiltà ta' konnessjoni bejn ir-reġjun Baltiku u n-netwerks tal-enerġija sabiex jitnaqqas u jiġi eliminat il-faqar enerġetiku u tiżdied is-sigurtà tal-enerġija u s-sigurtà tal-provvista.

INFORMAZZJONI DWAR L-ADOZZJONIFIL-KUMITAT LI JINTALAB JAGĦTI OPINJONI

Data tal-adozzjoni

28.9.2017

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

59

1

2

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Marco Affronte, Margrete Auken, Pilar Ayuso, Zoltán Balczó, Ivo Belet, Simona Bonafè, Biljana Borzan, Paul Brannen, Birgit Collin-Langen, Mireille D’Ornano, Seb Dance, Angélique Delahaye, Bas Eickhout, Arne Gericke, Jens Gieseke, Julie Girling, Françoise Grossetête, Andrzej Grzyb, Jytte Guteland, Anneli Jäätteenmäki, Jean-François Jalkh, Benedek Jávor, Josu Juaristi Abaunz, Karin Kadenbach, Kateřina Konečná, Urszula Krupa, Jo Leinen, Peter Liese, Norbert Lins, Rupert Matthews, Valentinas Mazuronis, Gilles Pargneaux, Piernicola Pedicini, Bolesław G. Piecha, Pavel Poc, Frédérique Ries, Michèle Rivasi, Annie Schreijer-Pierik, Davor Škrlec, Renate Sommer, Claudiu Ciprian Tănăsescu, Ivica Tolić, Nils Torvalds, Adina-Ioana Vălean, Jadwiga Wiśniewska, Damiano Zoffoli

Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali

Guillaume Balas, Jørn Dohrmann, Eleonora Evi, Christofer Fjellner, Elena Gentile, Anja Hazekamp, Merja Kyllönen, Ulrike Müller, Stanislav Polčák, Gabriele Preuß, Elżbieta Katarzyna Łukacijewska

Sostituti (skont l-Artikolu 200(2)) preżenti għall-votazzjoni finali

Matt Carthy, Olle Ludvigsson, Bernard Monot, Jens Nilsson, Marita Ulvskog

VOTAZZJONI FINALI B'SEJĦA TAL-ISMIJIETFIL-KUMITAT LI JINTALAB JAGĦTI OPINJONI

59

+

ALDE

Anneli Jäätteenmäki, Valentinas Mazuronis, Ulrike Müller, Frédérique Ries, Nils Torvalds

ECR

Jørn Dohrmann, Arne Gericke, Julie Girling, Urszula Krupa, Rupert Matthews, Bolesław G. Piecha, Jadwiga Wiśniewska

EFDD

Eleonora Evi, Piernicola Pedicini

GUE/NGL

Matt Carthy, Anja Hazekamp, Josu Juaristi Abaunz, Kateřina Konečná, Merja Kyllönen

NI

Zoltán Balczó

PPE

Pilar Ayuso, Ivo Belet, Birgit Collin-Langen, Angélique Delahaye, Christofer Fjellner, Jens Gieseke, Françoise Grossetête, Andrzej Grzyb, Peter Liese, Norbert Lins, Elżbieta Katarzyna Łukacijewska, Stanislav Polčák, Annie Schreijer-Pierik, Renate Sommer, Ivica Tolić, Adina-Ioana Vălean

S&D

Guillaume Balas, Simona Bonafè, Biljana Borzan, Paul Brannen, Seb Dance, Elena Gentile, Jytte Guteland, Karin Kadenbach, Jo Leinen, Olle Ludvigsson, Jens Nilsson, Gilles Pargneaux, Pavel Poc, Gabriele Preuß, Claudiu Ciprian Tănăsescu, Marita Ulvskog, Damiano Zoffoli

VERTS/ALE

Marco Affronte, Margrete Auken, Bas Eickhout, Benedek Jávor, Michèle Rivasi, Davor Škrlec

1

-

ENF

Mireille D’Ornano

2

0

ENF

Jean-François Jalkh, Bernard Monot

Tifsira tas-simboli użati:

+  :  favur

-  :  kontra

0  :  astensjoni


INFORMAZZJONI DWAR L-ADOZZJONIFIL-KUMITAT RESPONSABBLI

Data tal-adozzjoni

23.11.2017

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

34

1

1

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Pascal Arimont, Franc Bogovič, Mercedes Bresso, Rosa D’Amato, John Flack, Iratxe García Pérez, Michela Giuffrida, Krzysztof Hetman, Ivan Jakovčić, Marc Joulaud, Constanze Krehl, Sławomir Kłosowski, Martina Michels, Iskra Mihaylova, Andrey Novakov, Younous Omarjee, Konstantinos Papadakis, Stanislav Polčák, Monika Smolková, Maria Spyraki, Ruža Tomašić, Monika Vana, Matthijs van Miltenburg, Lambert van Nistelrooij

Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali

Daniel Buda, Viorica Dăncilă, Raffaele Fitto, Elena Gentile, John Howarth, Ivana Maletić, Demetris Papadakis, Dimitrios Papadimoulis, Bronis Ropė, Damiano Zoffoli, Milan Zver

Sostituti (skont l-Artikolu 200(2)) preżenti għall-votazzjoni finali

Olle Ludvigsson


VOTAZZJONI FINALI B'SEJĦA TAL-ISMIJIETFIL-KUMITAT RESPONSABBLI

34

+

ALDE

Ivan Jakovčić, Iskra Mihaylova, Matthijs van Miltenburg

ECR

Raffaele Fitto, Sławomir Kłosowski, Ruža Tomašić

EFDD

Rosa D'Amato

GUE/NGL

Martina Michels, Younous Omarjee, Dimitrios Papadimoulis

PPE

Pascal Arimont, Franc Bogovič, Daniel Buda, Krzysztof Hetman, Marc Joulaud, Ivana Maletić, Andrey Novakov, Stanislav Polčák, Maria Spyraki, Milan Zver, Lambert van Nistelrooij

S&D

Mercedes Bresso, Viorica Dăncilă, Iratxe García Pérez, Elena Gentile, Michela Giuffrida, John Howarth, Constanze Krehl, Olle Ludvigsson, Demetris Papadakis, Monika Smolková, Damiano Zoffoli,

VERTS/ALE

Bronis Ropė, Monika Vana

1

-

NI

Konstantinos Papadakis

1

0

ECR

John Flack

Tifsira tas-simboli użati:

+  :  favur

-  :  kontra

0  :  astensjoni

Avviż legali