Proċedura : 2017/2199(IMM)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A8-0398/2017

Testi mressqa :

A8-0398/2017

Dibattiti :

Votazzjonijiet :

PV 12/12/2017 - 5.6

Testi adottati :

P8_TA(2017)0479

RAPPORT     
PDF 637kWORD 52k
8.12.2017
PE 613.657v02-00 A8-0398/2017

dwar it-talba għall-ħarsien tal-privileġġi u l-immunitajiet ta' Eleonora Forenza

(2017/2199(IMM))

Kumitat għall-Affarijiet Legali

Rapporteur: Gilles Lebreton

PROPOSTA GĦAL DEĊIŻJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW
 NOTA SPJEGATTIVA
 INFORMAZZJONI DWAR L-ADOZZJONIFIL-KUMITAT RESPONSABBLI

PROPOSTA GĦAL DEĊIŻJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW

dwar it-talba għall-ħarsien tal-privileġġi u l-immunitajiet ta' Eleonora Forenza

(2017/2199(IMM))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra t-talba ta' Gabriele Zimmer tal-20 ta' Lulju 2017, imħabbra fis-seduta plenarja fil-11 ta' Settembru 2017, fid-dawl tal-ħarsien tal-privileġġi u l-immunitajiet ta' Eleonora Forenza fir-rigward ta' inċident li din tal-aħħar ġarrbet waqt dimostrazzjoni li seħħet fil-kuntest tas-Summit tal-G20 f'Hamburg, fit-8 ta' Lulju 2017,

–  wara li sema' lil Eleonora Forenza skont l-Artikolu 9(6) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 8 u 9 tal-Protokoll Nru 7 dwar il-Privileġġi u l-Immunitajiet tal-Unjoni Ewropea kif ukoll l-Artikolu 6(2) tal-Att dwar l-elezzjoni tal-Membri tal-Parlament Ewropew b'suffraġju universali dirett, tal-20 ta' Settembru 1976,

–  wara li kkunsidra s-sentenzi mogħtija mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea fit-12 ta' Mejju 1964, fl-10 ta' Lulju 1986, fil-15 u fil-21 ta' Ottubru 2008, fid-19 ta' Marzu 2010, fis-6 ta' Settembru 2011 u fis-17 ta' Jannar 2013(1),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 5(2), l-Artikolu 7 u l-Artikolu 9 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Legali (A8-0398/2017),

A.  billi Gabriele Zimmer, Membru tal-Parlament Ewropew u President tal-Grupp GUE/NGL, talbet, bis-saħħa tal-Artikoli 8 u 9 tal-Protokoll Nru 7, il-ħarsien tal-immunità parlamentari ta' Eleonora Forenza, Membru tal-PE fl-istess grupp, li ġiet perkwiżita u mbagħad miżmuma mill-pulizija Ġermaniża flimkien ma' attivisti oħra waqt dimostrazzjoni li seħħet fil-kuntest tas-Summit tal-G20 f'Hamburg fit-8 ta' Lulju 2017; billi l-perkwiżizzjoni u l-arrest seħħew wara l-imsemmija dimostrazzjoni, meta s-Sa Forenza u l-grupp tagħha kienu fi triqthom biex jieklu flimkien;

B.  billi l-Parlament għandu setgħa diskrezzjonali wiesgħa fir-rigward tal-orjentazzjoni li jixtieq jagħti lil deċiżjoni fir-rigward ta' talba għall-ħarsien ta' immunità mressqa minn Membru(2);

C.  billi l-Artikoli 8 u 9 tal-Protokoll Nru 7 dwar il-Privileġġi u l-Immunitajiet tal-Unjoni Ewropea jeskludu lil xulxin(3); billi l-każ inkwistjoni ma jikkonċerna ebda opinjoni espressa minn Membru tal-Parlament Ewropew, iżda pjuttost imġieba meqjusa perikoluża għall-ordni pubblika (allegata parteċipazzjoni f'rewwixta); billi, għalhekk, l-Artikolu 9 tal-Protokoll Nru 7 japplika b'mod ċar għal dan il-każ;

D.  billi, skont l-Artikolu 9 tal-Protokoll Nru 7 dwar il-Privileġġi u l-Immunitajiet tal-Unjoni Ewropea, il-Membri tal-Parlament Ewropew igawdu, fit-territorju tal-Istat tagħhom stess, l-immunitajiet mogħtija lill-membri tal-parlament ta' pajjiżhom u, fit-territorju ta' kull Stat Membru ieħor, l-immunità minn kull tip ta' detenzjoni u minn proċedimenti legali. billi s-Sa Forenza, bħala Membru Taljan tal-Parlament Ewropew li kienet fil-Ġermanja, għalhekk tgawdi minn din l-immunità;

E.  billi, skont it-talba għall-ħarsien tal-immunità, is-Sa Forenza, mal-ewwel kuntatti tagħha mal-pulizija Ġermaniża, iddikjarat li hija kienet Membru tal-Parlament Ewropew; billi hija immedjatament ippreżentat dokumenti li jikkonfermaw l-istatus tagħha; billi kien irnexxielha saħansitra tqiegħed lill-konslu Taljan f'Hamburg f'kuntatt mal-uffiċjal tal-pulizija responsabbli;

F.  billi, minkejja l-istatus tagħha ta' Membru tal-Parlament Ewropew, il-pulizija Ġermaniża xorta wettqet perkwiżizzjoni bir-reqqa fuq il-persuna tas-Sa Forenza u mbagħad poġġietha f'detenzjoni għal erba' siegħat;

G.  billi l-pulizija Ġermaniża, fid-dawl ta' dak kollu li ntqal hawn fuq, kienet konxja mill-fatt li hija kienet arrestat Membru tal-Parlament Ewropew; billi dan jammonta għal ksur tal-Protokoll Nru 7 dwar il-Privileġġi u l-Immunitajiet tal-Unjoni Ewropea, b'mod partikolari tal-punt (b) tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 9 tiegħu;

H.  billi, fid-dawl taċ-ċirkustanzi tal-każ, huwa evidenti li s-Sra Forenza ma ġietx arrestata in flagrante delicto, u b'hekk l-eċċezzjoni prevista fit-tielet paragrafu tal-Artikolu 9 tal-Protokoll Nru 7 dwar il-Privileġġi u l-Immunitajiet tal-Unjoni Ewropea ma tapplikax, u billi s-Sa Forenza hija kompletament koperta mill-immunità tagħha.

1.  Jiddeċiedi li jħares il-privileġġi u l-immunitajiet ta' Eleonora Forenza;

2.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi minnufih din id-deċiżjoni u r-rapport tal-kumitat responsabbli tiegħu lill-awtorità kompetenti tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja u lil Eleonora Forenza.

(1)

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-12 ta' Mejju 1964, Wagner vs Fohrmann u Krier, 101/63, ECLI:EU:C:1964:28; sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-10 ta' Lulju 1986, Wybot vs Faure et., 149/85, ECLI:EU:C:1986:310; sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-15 ta' Ottubru 2008, Mote vs Il-Parlament, T-345/05, ECLI:EU:T:2008:440; sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-21 ta' Ottubru 2008, Marra vs De Gregorio u Clemente, C-200/07 u C-201/07, ECLI:EU:C:2008:579; sentenza tal-Qorti Ġenerali tad-19 ta' Marzu 2010, Gollnisch vs Il-Parlament, T-42/06, ECLI:EU:T:2010:102; sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-6 ta' Settembru  2011, Patriciello, C-163/10, ECLI:EU:C:2011:543; sentenza tal-Qorti Ġenerali tas-17 ta' Jannar 2013, Gollnisch vs Il-Parlament, T-346/11 u T-347/11, ECLI:EU:T:2013:23.

(2)

Kawża T-42/06, Gollnisch vs Il-Parlament, iċċitata iktar 'il fuq, punt 101.

(3)

Kawżi magħquda C-200/07 u C-201/07, Marra eċċ., iċċitati iktar 'il fuq, punt 45.


NOTA SPJEGATTIVA

1.  Sfond

Matul is-seduta tal-11 ta' Settembru 2017, il-President, b'konformità mal-Artikolu 9(1) tar-Regoli ta' Proċedura, ħabbar li rċieva talba mingħand is-Sa Gabriele Zimmer, President tal-Grupp GUE/NGL, għall-ħarsien tal-immunità parlamentari tas-Sa Eleonora Forenza, Membru tal-Parlament Ewropew, fir-rigward ta' inċident li din tal-aħħar ġarrbet waqt dimostrazzjoni li seħħet fil-kuntest tas-Summit tal-G20 f'Hamburg fit-8 ta' Lulju 2017(1).

B'konformità mal-Artikolu 9(1) tar-Regoli ta' Proċedura, il-President irrefera lura din it-talba lill-Kumitat għall-Affarijiet Legali.

It-talba għall-ħarsien tal-immunità inkwistjoni tinkludi rapport qasir dwar l-inċident li s-Sa Forenza bagħtet lis-Sa Zimmer fl-10 ta' Lulju 2017. Estratt minn dan ir-rapport jgħid:

"Fit-8 ta' Lulju, waqqfuni l-pulizija f'xi l-16.00 f'Ludwig-Erhard-Strasse f'Hamburg, waqt li kont qed naqsam Holstenwall flimkien mal-assistent parlamentari tiegħi [...] u 13-il attivist Taljan ieħor. Kien eżatt wara t-tmiem tad-dimostrazzjoni waqt li konna sejrin lejn post biex nieklu flimkien. Nixtieq nikkjarifika li dak il-ħin ma konna qed nagħmlu xejn ħlief nimxu b'mod paċifiku.

F'Ludwig-Erhard-Strasse, il-pulizija talbu l-karti tal-identità tagħna u waqt li konna qed nagħtuhom lill-uffiċjali tal-pulizija, grupp ta' madwar 25-30 pulizija nġabru madwarna u ġielu lili u l-grupp tiegħi noqgħodu mal-ħajt.

Jien identifikajt ruħi mill-ewwel bħala Membru tal-Parlament Ewropew, u wrejt lill-uffiċjali tal-pulizija l-baġġ tal-Parlament Ewropew u l-laissez-passer tiegħi. Hekk kif għamilt hekk, il-pulizija daħku bija kemm il-darba filwaqt li d-dokumenti, il-baġġ u l-laissez-passer ġew ikkonfiskati minnhom. Kelli l-possibbiltà li nġibhom lura biss wara l-ħelsien tiegħi mill-faċilità ta' detenzjoni (Gefangenensammelstelle) f'xi t-20:00.

Meta saqsejt għar-raġuni għal tali trattament, il-pulizija qalet b'mod ċar li kellha informazzjoni mis-servizzi ta' intelligence li ħafna ċittadini Taljani kienu se jmorru Hamburg biex jieħdu sehem f'rewwixti fit-toroq. Għalhekk ġejt ikkunsidrata, minkejja l-istatus tiegħi ta' Membru tal-Parlament Ewropew, bħala "perikoluża", peress li kont fi grupp u kont qed nitkellem bit-Taljan. Dik kienet ir-raġuni biex jiġu ġġustifikati u awtorizzati d-detenzjoni tiegħi u l-arrest tal-persuni li kienu miegħi.

Jien qattajt iktar minn nofs siegħa mblukkata f'dik it-triq, imdawra mill-uffiċjali tal-pulizija. Kont suġġetta ukoll għal perkwiżizzjoni bir-reqqa fuq il-persuna: persunti, flimkien mal-basktijiet u l-oġġetti personali tiegħi ġew spezzjonati. L-istess ġara lil kulħadd u ma nstab xejn li setgħa jintuża biex jitwettaq attakk fuq persuna u lanqas ma nstabu ħwejjeġ intiżi għall-ħabi tal-wiċċ. Wara l-perkwiżizzjoni fuq persunti, kelli l-opportunità li nċempel lill-Konslu Taljan f'Hamburg u nqiegħdu f'kuntatt mal-uniku uffiċjal tal-pulizija li kien jitkellem bl-Ingliż li deher li kien qed imexxi l-operazzjoni. Madankollu t-telefonata ma pproduċiet ebda riżultat u ġejt iddikjarata "taħt arrest" flimkien mal-14-il attivist l-ieħor mingħajr spjegazzjoni ċara dwar l-allegazzjonijiet li jiġġustifikaw id-detenzjoni ta' Membru tal-Parlament Ewropew.

Wara l-arrest, aħna ġejna ttrasferiti f'żewġ vannijiet tal-pulizija u miżmuma f'kustodja f'ċellel għal madwar 3 sigħat flimkien ma' 4 persuni oħra fi spazju żgħir mingħajr il-possibbiltà li nikkomunikaw jew li nirċievu assistenza legali. Wara tteħidna lejn il-faċilità ta' detenzjoni f'Hamburg, dejjem taħt arrest. [...] Kien biss wara ħafna sigħat minn meta ġejt imwaqqfa, jiġifieri għall-ħabta tat-20.00, li jien ġejt finalment rilaxxata abbażi tar-rikonoxximent tal-istatus tiegħi. [...]

Min-naħa l-oħra, l-14-il persuna l-oħra tal-grupp tiegħi, ittieħdu fiċ-ċellel [...].

Anki wara li ġejt rilaxxata, ġejt mhedda diversi drabi li se ninħareġ 'il barra bil-forza mill-faċilità ta' detenzjoni jekk nibqa' nirrifjuta milli nitlaq il-faċilità, u dan de facto impedixxa l-mandat ta' spezzjoni tiegħi bħala Membru tal-Parlament Ewropew. Ġejt miċħuda niċċarġja l-mowbajl tiegħi kif ukoll assistenza u informazzjoni mit-tim legali.

Tlaqt iż-żona fejn tinsab il-faċilità ta' detenzjoni għall-ħabta tas-18.00 fid-9 ta' Lulju, meta l-parti l-kbira tat-Taljani tal-grupp tiegħi li kienu detenuti ġew rilaxxati mingħajr akkużi u anki mingħajr kwalunkwe dokument li jispjega r-raġuni tal-arrest tagħhom.

Dak il-lejl ġejt murija tweet mill-kont tal-Hamburg Polizei li kkonferma u faħħar l-arrest tiegħi bħala Membru tal-PE [...]"

Fl-24 ta' Lulju 2017, is-Sa Zimmer ressqet talba għall-ħarsien tal-immunità tas-Sa Forenza, datata l-20 ta' Lulju 2017, fis-sens tal-Artikoli 8 u 9 tal-Protokoll Nru 7 u tal-Artikoli 7 u 9 tar-Regoli ta' Proċedura tal-Parlament Ewropew.

Fil-21 ta' Novembru 2017, il-Kumitat għall-Affarijiet Legali sema' lis-Sa Forenza, b'mod konformi mal-Artikolu 9(6) tar-Regoli ta' Proċedura.

2.  Il-liġi u l-proċedura applikabbli għall-immunità tal-Membri tal-Parlament Ewropew

L-Artikoli 8 u 9 tal-Protokoll (Nru 7) dwar il-Privileġġi u l-Immunitajiet tal-Unjoni Ewropea jipprevedu :

Artikolu 8

Membri tal-Parlament Ewropew m'għandhom ikunu suġġetti għal ebda forma ta' investigazzjoni, detenzjoni jew proċeduri legali, fir-rigward ta' opinjonijiet espressi jew voti mogħtija minnhom fil-qadi ta' dmirijiethom.

Artikolu 9

Waqt is-sessjonijiet tal-Parlament Ewropew, il-membri tiegħu, għandhom igawdu :

(a) fit-territorju tal-Istat tagħhom stess, l-immunitajiet mogħtija lil membri tal-parlament tagħhom;

(b) fit-territorju ta' kull Stat Membru ieħor, l-immunità minn kull tip ta' detenzjoni u minn proċeduri legali.

L-immunità bl-istess mod tkun tgħodd għall-Membri waqt li jkunu qed jivvjaġġaw lejn u mill-post fejn jiltaqa' l-Parlament Ewropew.

L-immunità ma tistax tintalab meta membru jinqabad fil-fatt ta' reat u ma tipprekludix lill-Parlament Ewropew milli jeżerċita d-dritt tiegħu li jirrinunzja għall-immunità ta' xi wieħed mill-membri tiegħu.

L-Artikoli 5, 7 u 9 tar-Regoli ta' Proċedura tal-Parlament Ewropew jipprevedu :

Artikolu 5: Privileġġi u immunitajiet

1. Il-Membri jgawdu l-privileġġi u l-immunitajiet stabbiliti fil-Protokoll Nru 7 dwar il-Privileġġi u l-Immunitajiet tal-Unjoni Ewropea.

2. Fl-eżerċizzju tas-setgħat tiegħu rigward il-privileġġi u immunitajiet, il-Parlament għandu jaġixxi biex iħares l-integrità tiegħu bħala assemblea leġiżlattiva demokratika u jiżgura l-indipendenza tal-Membri tiegħu fil-qadi ta' dmirijiethom. L-immunità parlamentari mhix privileġġ personali ta' Membru imma garanzija tal-indipendenza tal-Parlament kollu kemm hu u tal-Membri tiegħu. [...]

Artikolu 7: Ħarsien tal-privileġġi u l-immunità

1. Fil-każijiet fejn jiġi allegat li seħħ jew li jkun se jseħħ ksur tal-privileġġi u l-immunitajiet ta' Membru jew ex Membru mill-awtoritajiet ta' Stat Membru, tista' ssir talba għal deċiżjoni tal-Parlament dwar jekk seħħx ksur jew hux probabbli li se jseħħ ksur ta' dawk il-privileġġi u immunitajiet skont it-termini tal-Artikolu 9(1).

2. B'mod partikolari, tali talba għall-ħarsien tal-privileġġi u l-immunitajiet tista' ssir jekk jitqies li ċ-ċirkostanzi jkunu jikkostitwixxu restrizzjoni amministrattiva jew ta' xorta oħra fuq il-moviment liberu ta' Membri li jivvjaġġaw lejn jew mill-post tal-laqgħa tal-Parlament jew restrizzjoni amministrattiva jew ta' xorta oħra fuq l-opinjoni espressa jew vot mixħut fit-twettiq ta' dmirijiethom, jew jekk iċ-ċirkostanzi jaqgħu fl-ambitu tal-Artikolu 9 tal-Protokoll Nru 7 dwar il-Privileġġi u l-Immunitajiet tal-Unjoni Ewropea.

3. Talba għall-ħarsien tal-privileġġi u l-immunitajiet ta' Membru m'għandhiex tkun ammissibbli jekk talba għat-tneħħija jew il-ħarsien tal-immunità ta' dak il-Membru tkun ġa ġiet riċevuta fir-rigward tal-istess fatti, kemm jekk tali talba preċedenti tkun tat lok għal deċiżjoni kemm jekk le. [...]

Artikolu 9: Proċeduri dwar l-immunità

1. Kwalunkwe talba indirizzata lill-President minn awtorità kompetenti ta' Stat Membru għat-tneħħija tal-immunità ta' xi Membru, jew minn Membru jew xi ex Membru għal ħarsien tal-privileġġi u l-immunitajiet, għandha titħabbar fil-Parlament u tiġi riferuta lill-kumitat responsabbli.

2. Bil-qbil tal-Membru jew tal-ex Membru kkonċernat, it-talba tista' ssir minn Membru ieħor, li għandu jitħalla jirrappreżenta lill-Membru jew lill-ex Membru kkonċernat fl-istadji kollha tal-proċedura.

Il-Membru li jirrappreżenta lill-Membru jew lill-ex Membru kkonċernat m'għandux ikun involut fid-deċiżjonijiet meħuda mill-kumitat.

3. Il-kumitat għandu jeżamina mingħajr dewmien, imma billi titqies il-komplessità relattiva tagħhom, it-talbiet għat-tneħħija tal-immunità jew it-talbiet għall-ħarsien tal-privileġġi u tal-immunitajiet.

4. Il-kumitat għandu jagħmel proposta għal deċiżjoni motivata li tirrakkomanda l-adozzjoni jew iċ-ċaħda tat-talba għat-tneħħija tal-immunità jew għall-ħarsien tal-privileġġi u l-immunitajiet. L-emendi m'għandhomx ikunu ammissibbli. Jekk proposta tiġi miċħuda, jitqies li tkun ġiet adottata d-deċiżjoni kuntrarja.

5. Il-kumitat jista' jitlob lill-awtorità kkonċernata għal informazzjoni jew spjegazzjoni li l-kumitat iqis li hija meħtieġa sabiex ikun jista' jifforma opinjoni dwar għandhiex l-immunità ttneħħa jew titħares.

6. Il-Membru kkonċernat għandu jingħata l-opportunità li jinstema' u jista' jippreżenta kwalunkwe dokument jew evidenza oħra bil-miktub li jħoss li huma rilevanti.

Il-Membru kkonċernat ma għandux ikun preżenti matul id-dibattiti dwar it-talba għat-tneħħija jew il-ħarsien tal-immunità tiegħu, ħlief għas-smigħ innifsu.

Il-president tal-kumitat għandu jistieden lill-Membru għas-smigħ, billi jindika d-data u l-ħin. Il-Membru kkonċernat jista' jirrinunzja d-dritt tiegħu li jipparteċipa fis-smigħ.

Jekk il-Membru kkonċernat ma jattendix għas-smigħ skont dik l-istedina, huwa jitqies li rrinunzja id-dritt li jiġi mismugħ, sakemm ma jitlobx li jkun eżonerat mis-smigħ f'dik id-data u ħin kif proposti, u jagħti r-raġunijiet tiegħu. Il-president tal-kumitat għandu jagħti deċiżjoni dwar jekk tali talba għall-eżonerazzjoni tintlaqax fid-dawl tar-raġunijiet mogħtija. Il-Membru kkonċernat ma jkunx jista' appella minn din id-deċiżjoni.

Jekk il-president tal-kumitat jilqa' t-talba għall-eżonerazzjoni, huwa għandu jistieden lill-Membru kkonċernat jinstema' f'data u ħin ġodda. Jekk il-Membru kkonċernat jonqos li jimxi mat-tieni stedina li jinstema', il-proċedura tissokta mingħajr ma jinstema' l-Membru. L-ebda talba ulterjuri għall-eżonerazzjoni, jew għas-smigħ, ma tista' tintlaqa'.

7. Jekk it-talba tfittex li tneħħi jew li tħares l-immunità għal aktar minn raġuni waħda, kull waħda minn dawn ir-raġunijiet tista' tkun suġġetta għal deċiżjoni separata. Ir-rapport tal-kumitat jista', bħala eċċezzjoni, jipproponi li t-tneħħija jew il-ħarsien tal-immunità tapplika biss għal proċeduri ta' prosekuzzjoni u li, sakemm tingħata sentenza definittiva, il-Membru għandu jkun immuni minn kull forma ta' detenzjoni jew rimandar jew minn kull miżura oħra li ma tħallihx iwettaq id-dmirijiet marbuta mal-mandat tiegħu. [...]

3.  Ġustifikazzjoni għad-deċiżjoni proposta

Kummenti ġenerali

Fit-talba tagħha, is-Sa Zimmer tinvoka kemm l-Artikoli 8 kif ukoll l-Artikolu 9 tal-Protokoll Nru 7 dwar il-Privileġġi u l-Immunitajiet tal-Unjoni Ewropea.

Fir-realtà, dawn iż-żewġ artikoli jeskludu lil xulxin. L-Artikolu 9 tal-Protokoll japplika biss għall-proċedimenti ġudizzjarji relatati ma' reati li ma jikkonsistux f'dawk imwettqa permezz ta' opinjoni espressa jew ta' vot mitfugħ. Dawn tal-aħħar jidħlu biss, min-naħa l-oħra, fl-ambitu tal-Artikolu 8 tal-Protokoll(2). Peress li dan il-każ ma jinvolvix opinjonijiet espressi minn Membru tal-Parlament Ewropew, iżda mġieba meqjusa perikoluża għall-ordni pubblika (allegata parteċipazzjoni f'rewwixta), jidher ċar li l-Artikolu 9 biss japplika f'dan il-każ.

Kif ippreċiżat il-Qorti Ġenerali, l-Artikolu 9 tal-Protokoll huwa intiż "sabiex jassigura l-indipendenza tal-Membri tal-Parlament billi jipprojbixxi li xi pressjoni, fil-forma tar-riskju ta' arrest jew ta' proċeduri legali, tkun eżerċitata fuqhom waqt il-perijodu tas-sessjonijiet tal-Parlament"(3).

Għalkemm l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet nazzjonali imposti mill-punt (a) tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 9 tinvolvi firxa wiesgħa ta' regoli u tista' tirriżulta f'disparità ta' trattament bejn il-Membri(4), il-punt (b) tal-istess dispożizzjoni jistabbilixxi reġim verament supranazzjonali u uniformi għall-Membri li jkunu f'pajjiż li ma jkunx tagħhom. Fil-fatt, irrispettivament min-nazzjonalità tagħhom u l-Istat Membru kkonċernat, dawn igawdu mill-immunità minn kull tip ta' detenzjoni u minn proċedimenti ġudizzjarji.

Id-dispożizzjoni inkwistjoni hija formulata b'mod perentorju bħall-Artikolu 8 tal-Protokoll li jistabbilixxi l-immunità msejħa assoluta. Minn dan isegwi li huwa possibbli li jiġi applikat, għall-immunità msemmija fil-punt (b) tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 9 tal-Protokoll, l-istess approċċ meħud mill-Qorti tal-Ġustizzja biex tiddetermina l-portata tal-immunità assoluta msemmija fl-Artikolu 8, jiġifieri li tali immunità għandha tiġi determinata fuq il-bażi tal-liġi tal-UE biss(5). Bħall-Artikolu 8, il-punt (b) tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 9 għalhekk ma jippermettix li ssir referenza għal xi dispożizzjonijiet nazzjonali.

Għal dak li jikkonċerna l-proċedura interna tal-Parlament Ewropew, b'mod konformi mal-Artikoli 7 u 9 tar-Regoli ta' Proċedura, il-Membri jistgħu jintroduċu t-talbiet għall-ħarsien tal-immunità fil-qafas tal-Artikolu 9. Madankollu, kif affermat b'mod ċar mill-Qorti Ġenerali, il-Parlament għandu setgħa diskrezzjonali wiesgħa fir-rigward tal-orjentazzjoni li jixtieq jagħti lil deċiżjoni fir-rigward ta' talba għall-ħarsien ta' immunità relatata mal-Artikolu 9 tal-Protokoll(6).

L-applikabbiltà tal-punt (b) tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 9 tal-Protokoll fil-każ tas-Sa Forenza

F'dan il-kuntest, il-Kumitat għall-Affarijiet Legali jqis li l-fatti ta' dan il-każ, hekk kif jirriżultaw mit-talba tas-Sa Zimmer u mis-smigħ tas-Sa Forenza, jindikaw li l-pulizija Ġermaniża għaddiet lil din tal-aħħar minn perkwiżizzjoni fuq il-persuna u mbagħad ġiet detenuta meta l-pulizija Ġermaniża kienet konxja bis-sħiħ dwar l-istatus tagħha ta' Membru tal-Parlament Ewropew.

Peress li s-Sa Forenza kienet tinsab fi Stat Membru li ma kienx tagħha, hija tissodisfa l-kundizzjonijiet kollha għall-applikazzjoni tal-immunità msemmija fil-punt (b) tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 9 tal-Protokoll għall-każ tagħha. Minn dan isegwi li l-pulizija Ġermaniża, meta fittxet u arrestat lis-Sa Forenza, intenzjonalment kisret il-privileġġi u l-immunitajiet li hija tgawdi minnhom.

Fid-dawl ta' dak li ntqal hawn fuq, jidher li l-pulizija Ġermaniża pproċediet illegalment għall-perkwiżizzjoni fuq il-persuna u għall-arrest tas-Sa Forenza.

Fl-aħħarnett, fid-dawl taċ-ċirkustanzi tal-każ, huwa evidenti li s-Sa Forenza ma ġietx arrestata in flagrante delicto, u b'hekk l-eċċezzjoni prevista fit-tielet paragrafu tal-Artikolu 9 tal-Protokoll Nru 7 dwar il-Privileġġi u l-Immunitajiet tal-Unjoni Ewropea ma tapplikax u għalhekk is-Sa Forenza hija kompletament koperta mill-immunità parlamentari msemmija fil-punt (b) tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 9 tal-Protokoll.

4.  Konklużjoni

B'mod konformi mal-Artikolu 9(3) tar-Regoli ta' Proċedura, wara li eżamina l-argumenti kemm favur kif ukoll kontra l-ħarsien tal-immunità tas-Sa Forenza, il-Kumitat għall-Affarijiet Legali jirrakkomanda li l-Parlament Ewropew iħares il-privileġġi u l-immunitajiet ta' Eleonora Forenza.

(1)

B'konformità mal-Artikolu 9(2) tar-Regoli ta' Proċedura, bil-qbil tal-Membru jew tal-ex Membru kkonċernat, it-talba għall-ħarsien tal-immunità ta' Membru tista' ssir minn Membru ieħor, li għandu jitħalla jirrappreżenta lill-Membru jew lill-ex Membru kkonċernat fl-istadji kollha tal-proċedura.

(2)

Kawżi magħquda C-200/07 u C-201/07, Marra eċċ., iċċitati iktar 'il fuq, punt 45.

(3)

Is-sentenza Mote, iċċitata iktar 'il fuq, punt 50, issemmi d-digriet tal-Qorti Ġenerali fil-Kawża Rothley et vs Il-Parlament, T-17/00 R, ECLI:EU:T:2000:119, punt 90.

(4)

F'ċerti pajjiżi, il-Membri ma jgawdu minn ebda immunità. Dan hu l-każ pereżempju fir-Renju Unit: ara L-Ewwel Rapport tal-Kumitat Konġunt dwar il-Privileġġi Parlamentari, 9 ta' April 1999, HC 214-I 1998–99, punt 242 : "Jekk Membru jiġi akkużat b'reat kriminali, t-tneħħija tal-immunità mhijiex meħtieġa. Jekk Membru jiġi arrestat u ma jistax ikun preżenti fil-Kamra, iż-żewġ Kmamar għandhom sempliċement jiġu infurmati".

(5)

Kawżi magħquda C-200/07 u C-201/07, Marra eċċ., iċċitati iktar 'il fuq, punt 26.

(6)

Is-sentenza Gollnisch, iċċitata iktar 'il fuq, punt 101.


INFORMAZZJONI DWAR L-ADOZZJONIFIL-KUMITAT RESPONSABBLI

Data tal-adozzjoni

7.12.2017

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

9

0

0

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Marie-Christine Boutonnet, Jean-Marie Cavada, Gilles Lebreton, Evelyn Regner, Pavel Svoboda, Axel Voss, Tadeusz Zwiefka

Sostituti (skont l-Artikolu 200(2)) preżenti għall-votazzjoni finali

Maria Arena, Anne-Marie Mineur, Pier Antonio Panzeri

Avviż legali