Proċedura : 2017/2084(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A8-0005/2018

Testi mressqa :

A8-0005/2018

Dibattiti :

PV 05/02/2018 - 23
CRE 05/02/2018 - 23

Votazzjonijiet :

PV 06/02/2018 - 5.7
CRE 06/02/2018 - 5.7
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P8_TA(2018)0026

RAPPORT     
PDF 899kWORD 94k
23.1.2018
PE 609.590v01-00 A8-0005/2018

dwar l-aċċelerazzjoni tal-innovazzjoni fil-qasam tal-enerġija nadifa

(2017/2084(INI))

Kumitat għall-Industrija, ir-Riċerka u l-Enerġija

Rapporteur: Jerzy Buzek

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW
 NOTA SPJEGATTIVA
 OPINJONI tal-Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza tal-Ikel
 OPINJONI tal-Kumitat għat-Trasport u t-Turiżmu
 OPINJONI tal-Kumitat għall-Iżvilupp Reġjonali
 INFORMAZZJONI DWAR L-ADOZZJONIFIL-KUMITAT RESPONSABBLI
 VOTAZZJONI FINALI B'SEJĦA TAL-ISMIJIETFIL-KUMITAT RESPONSABBLI

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW

dwar l-aċċelerazzjoni tal-innovazzjoni fil-qasam tal-enerġija nadifa

(2017/2084(INI))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-30 ta' Novembru 2016 bit-titolu "Aċċellerazzjoni tal-Innovazzjoni fil-qasam tal-Enerġija Nadifa" (COM(2016)0763),

–  wara li kkunsidra l-Ftehim ta' Pariġi fl-ambitu tal-Konvenzjoni Qafas tan-Nazzjonijiet Uniti dwar it-Tibdil fil-Klima, ratifikat mill-Unjoni Ewropea fl-4 ta' Ottubru 2016,

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-15 ta' Settembru 2015 bit-titolu "Towards an Integrated Strategic Energy Technology (SET) Plan: Accelerating the European Energy System Transformation " (Lejn Pjan Strateġiku Integrat għat-Teknoloġija tal-Enerġija (SET): Aċċelerazzjoni tat-Trasformazzjoni tas-Sistema tal-Enerġija Ewropea) (C(2015)6317),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-25 ta' Frar 2015 bit-titolu ''Qafas Strateġiku għal Unjoni tal-Enerġija Reżiljenti b'Politika dwar il-Bidla fil-Klima li tħares 'il quddiem'' (COM(2015)0080), u r-riżoluzzjoni tiegħu, tal-15 ta' Diċembru 2015, bit-titolu ''Lejn Unjoni Ewropea tal-Enerġija''(1),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-15 ta' Diċembru 2011 bit-titolu "Pjan Direzzjonali għall-Enerġija 2050" (COM(2011)0885), u r-riżoluzzjoni tiegħu, tal-14 ta' Marzu 2013, dwar il-pjan direzzjonali għall-Enerġija 2050, futur b'enerġija(2),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-3 ta' Marzu 2010 bit-titolu ''Ewropa 2020: Strateġija għal tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklussiv'' (COM(2010)2020),

–  wara li kkunsidra l-proposta għal regolament tal-Kummissjoni, tat-30 ta' Novembru 2016, dwar il-Governanza tal-Unjoni tal-Enerġija, u b'mod partikolari d-dimensjoni tar-''riċerka, l-innovazzjoni u l-kompetittività" fl-Unjoni tal-Enerġija, speċjalment l-Artikolu 22 dwar ''Rapportar integrat dwar ir-riċerka, l-innovazzjoni u l-kompetittività'' (COM(2016)0759),

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 1291/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Diċembru 2013 li jistabbilixxi Orizzont 2020 – il-Programm Qafas għar-Riċerka u l-Innovazzjoni (2014-2020)(3),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-18 ta' Lulju 2017 bit-titolu ''Insaħħu l-Innovazzjoni fir-Reġjuni tal-Ewropa: Strateġiji għal tkabbir reżiljenti, inklużiv u sostenibbli'' (COM(2017)0376),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-22 ta' Novembru 2016 bit-titolu ''Il-mexxejja li jmiss tal-Ewropa: l-Inizjattiva favur in-Negozji l-ġodda u n-Negozji li qed jespandu'' (COM(2016)0733),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 52 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Industrija, ir-Riċerka u l-Enerġija, kif ukoll l-opinjonijiet tal-Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza tal-Ikel, il-Kumitat għat-Trasport u t-Turiżmu u l-Kumitat għall-Iżvilupp Reġjonali (A8-0005/2018),

A.  billi r-riċerka, l-iżvilupp u l-innovazzjoni (RŻI) jikkostitwixxu dimensjoni distinta tal-Unjoni tal-Enerġija tal-UE u jirrappreżentaw mutur ewlieni tas-supremazija industrijali tal-Unjoni, il-kompetittività tagħha fid-dinja, it-tkabbir sostenibbli tagħha u l-ħolqien tal-impjiegi, kif ukoll tas-sigurtà ġenerali tal-enerġija tal-Istati Membri u tal-Unjoni, billi jnaqqsu d-dipendenza fuq l-enerġija impurtata u jrawmu l-użu effiċjenti u sostenibbli tar-riżorsi kollha tal-enerġija;

B.  billi l-UE għadha fuq quddiem nett fid-dinja f'dak li għandu x'jaqsam ma' innovazzjonijiet b'livell baxx ta' emissjonijiet u b'valur għoli fil-qasam tal-enerġija, inkluż fl-effiċjenza enerġetika, fl-enerġija rinnovabbli u fit-teknoloġiji emerġenti nodfa, u dan jagħti lill-UE bażi solida biex tagħmel qabża ulterjuri fir-riċerka u l-innovazzjoni fil-qasam tal-enerġija nadifa, inkluż fl-iżvilupp ta' batteriji għall-elettromobbiltà u l-ħżin tal-enerġija; billi l-politiki ambizzjużi u mmirati dwar il-klima u l-enerġija, partikolarment permezz tal-qafas ta' politika għall-klima u l-enerġija għall-2030, kif ukoll il-Pjan Direzzjonali għall-Enerġija 2050, kienu l-muturi ewlenin ta' din is-supremazija; billi, f'dan il-kuntest, il-Ftehim ta' Pariġi żied b'mod sostanzjali l-livell tal-ambizzjoni globali u tal-impenji konkreti tal-firmatarji b'rabta mal-mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima; billi l-UE jeħtieġ tkompli tkun ambizzjuża fil-politiki u l-istrumenti tagħha sabiex tibgħat is-sinjali ta' investiment korretti u ma titlifx is-supremazija tagħha fis-suq dinji f'dak li għandu x'jaqsam mar-riċerka u l-innovazzjoni fil-qasam tal-enerġija nadifa;

C.  billi l-progress fl-effiċjenza enerġetika kif ukoll l-innovazzjonijiet u r-R&Ż ibbażati fuq l-enerġija rinnovabbli huma fundamentali għall-kompetittività tal-UE fil-futur, inkluż għall-industrija tal-Ewropa; billi l-UE ma tistax issir "in-numru wieħed fl-enerġija rinnovabbli" jekk mhux bl-adozzjoni ta' innovazzjonijiet kosteffikaċi u bl-intensifikazzjoni tal-isforzi fir-R&Ż f'dan is-settur speċifiku; billi l-implimentazzjoni tal-prinċipju "l-effiċjenza enerġetika tiġi l-ewwel" jeħtieġ tkun imsejsa fuq politika robusta dwar l-innovazzjoni fil-livell Ewropew, partikolarment b'rabta mal-integrazzjoni tas-sistemi;

D.  billi suq intern tal-enerġija kompetittiv u li jiffunzjona bis-sħiħ, b'qafas regolatorju u infrastruttura adegwati, huwa essenzjali biex ikomplu jiġu stimulati r-RŻI u tiġi massimizzata l-adozzjoni ta' teknoloġiji ġodda u nodfa min-naħa tas-suq fir-reġjuni kollha tal-UE billi jinħolqu ekonomiji ta' skala u ċertezza fir-regolamentazzjoni u l-investiment, biex b'hekk l-Unjoni tkun tista' tisfrutta l-potenzjal kollu ta' innovazzjoni enerġetika newtrali mil-lat teknoloġiku li trawwem l-effiċjenza, l-użu sostenibbli tas-sorsi tal-enerġija u soluzzjonijiet u teknoloġiji ta' ġenerazzjoni, ħżin u trasport deċentralizzati;

E.  billi l-innovazzjoni fil-qasam tal-enerġija nadifa għandha tikkontribwixxi wkoll biex il-konsumaturi Ewropej ikollhom provvista tal-enerġija bi prezzijiet aċċessibbli billi tgħinhom igawdu tariffi tal-enerġija aktar baxxi, aktar kontroll fuq il-konsum u l-produzzjoni tal-enerġija tagħhom u prodotti u servizzi li jikkunsmaw inqas enerġija;

F.  billi l-politika tal-enerġija u l-istrumenti ta' finanzjament tal-UE u tal-Istati Membri tagħha, inklużi l-investimenti pubbliċi rilevanti, għandhom jitfasslu b'tali mod li jittieħed vantaġġ sħiħ mill-aċċelerazzjoni tal-iżviluppi tekniċi, u għandhom jiffukaw primarjament fuq tranżizzjoni gradwali lejn sistemi tal-enerġija nodfa, effiċjenti ħafna, u b'livell baxx ta' emissjonijiet; billi minħabba l-inċertezza teknoloġika, xjentifika jew tas-suq, il-finanzjament mis-settur privat sikwit ikun insuffiċjenti jew indisponibbli; billi l-UE jeħtieġ toħloq inċentivi u tibgħat sinjali b'saħħithom u konsistenti, sabiex isserraħ moħħ l-investituri u tagħti spinta lill-investiment privat fl-innovazzjoni, fir-R&Ż u fl-użu ta' enerġija nadifa;

G.  billi l-innovazzjoni hija xprunata l-ewwel u qabel kollox mill-innovaturi u mid-domanda tas-suq; billi l-Kummissjoni għandha tiffoka l-isforzi tagħha primarjament fuq il-ħolqien ta' qafas ta' abilitazzjoni għall-innovaturi, li jvarja mis-simplifikazzjoni tal-aċċess għal finanzjament għar-riċerka għat-trasformazzjoni tal-għarfien fi prodotti kummerċjalment vijabbli; billi s-sħubijiet bejn ir-riċerkaturi u s-sħab industrijali rilevanti jistgħu jkunu ta' għajnuna f'dan il-kuntest;

H.  billi s-sussidji fuq l-enerġija jaffettwaw il-prezzijiet tas-suq, jaħbu l-ispejjeż reali tal-enerġija minn sorsi differenti u l-ispiża reali tat-teknoloġiji relatati mal-enerġija, u b'hekk jaffettwaw ħażin il-kundizzjonijiet għar-riċerka u l-investiment fl-innovazzjoni fil-qasam tal-enerġija nadifa, kif ukoll l-użu eventwali tagħha; billi, filwaqt li l-użu tas-sussidji għandu jitneħħa b'mod gradwali, dan l-użu għandu, sadanittant, ikun limitat għal strumenti temporanji mmirati lejn il-ħolqien ta' kundizzjonijiet ekwi u suq kompetittiv li jiffaċilita l-adozzjoni ta' teknoloġiji nodfa ġodda, b'mod speċjali fl-oqsma tal-effiċjenza fl-enerġija u l-enerġija rinnovabbli;

I.  billi l-valutazzjoni taċ-ċiklu tal-ħajja (LCA) tal-emissjonijiet ta' gassijiet serra mis-sorsi, min-netwerks tad-distribuzzjoni u mit-teknoloġiji tal-enerġija għandha tittieħed bħala referenza meta jiġu indirizzati politiki u inċentivi konkreti fil-livell tal-UE mmirati lejn it-trawwim ta' soluzzjonijiet u teknoloġiji nodfa, b'emissjonijiet baxxi u effiċjenti fl-enerġija, inkluż l-akkwist sostenibbli tal-materja prima u l-minerali; billi l-enfasi għandha tkun fuq dawk l-innovazzjonijiet tal-enerġija nadifa li għandhom rilevanza diretta għaċ-ċittadini u l-prosumaturi, u li jippermettu l-parteċipazzjoni tagħhom fit-tranżizzjoni tal-enerġija u jagħmlu t-tranżizzjoni nfisha aktar aċċessibbli mil-lat ekonomiku;

J.  billi r-riċerka marbuta mal-enerġija u l-innovazzjoni ġiet rikonoxxuta bħala qasam ta' prijorità fil-qafas tal-FP7 u ta' Orizzont 2020, u għandha tibqa' hekk fil-qafas tal-FP9, fid-dawl tal-impenji tal-UE fl-ambitu tal-Unjoni tal-Enerġija u tal-Ftehim ta' Pariġi, sabiex il-finanzjament pubbliku u privat fir-R&Ż jiġi sfruttat b'mod aktar effikaċi u jingħata kontribut biex jitnaqqsu r-riskji tal-investiment tal-aktar innovazzjonijiet prospettivi fil-qasam tal-enerġija nadifa, b'mod partikolari fl-effiċjenza enerġetika u l-enerġija rinnovabbli;

K.  billi s-settur tat-trasport jirrappreżenta terz tal-konsum enerġetiku tal-UE, għandu potenzjal enormi għall-effiċjenza enerġetika u għat-tnaqqis tal-emissjonijiet tal-karbonju, u għaldaqstant għandu jkollu rwol essenzjali fit-tranżizzjoni lejn soluzzjonijiet enerġetiċi ġodda u lejn soċjetà b'livell baxx ta' karbonju;

1.  Jilqa' l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni li tistabbilixxi l-qafas għall-aċċelerazzjoni tal-innovazzjoni tal-UE fil-qasam tal-enerġija nadifa; jenfasizza l-ħtieġa ta' qafas għar-regolamentazzjoni u l-finanzjament tal-innovazzjoni fil-qasam tal-enerġija li jkun koerenti mal-pjan direzzjonali għall-enerġija tal-UE għall-2050 u mal-impenji tagħha fil-qafas tal-Ftehim ta' Pariġi, u li jrawwem l-użu effiċjenti u sostenibbli tas-sorsi kollha tal-enerġija u b'hekk jirriżulta fi ffrankar tal-enerġija u f'benefiċċji akbar fl-oqsma tas-saħħa, is-sikurezza u l-kwalità tal-arja u tal-ilma, u fl-istess ħin jiżgura l-kompetittività industrijali tal-Unjoni, is-sigurtà tal-provvista tal-enerġija tagħha u l-konformità mal-obbligi li joħorġu mit-Trattat tal-UE, kif ukoll risposta komprensiva għall-kwistjonijiet ambjentali; jirrikonoxxi li l-qafas għall-aċċelerazzjoni tal-innovazzjoni fil-qasam tal-enerġija nadifa tal-UE huwa parti integrali minn sett usa' ta' proposti leġiżlattivi stabbiliti fil-pakkett "Enerġija Nadifa għall-Ewropej Kollha" u għalhekk għandu jsaħħaħ id-diversi elementi tiegħu, l-impenji tal-Unjoni fil-qafas tal-Ftehim ta' Pariġi u l-leġiżlazzjoni u l-prinċipji usa' tal-Unjoni tal-Enerġija, b'mod partikolari dawk li huma riflessi fil-qafas ta' politika għall-klima u l-enerġija għall-2030, u fil-pjan direzzjonali għall-2050, filwaqt li jirrispetta d-dispożizzjonijiet tal-Artikoli 191 u 194 tat-TFUE;

2.  Jirrikonoxxi li s-suċċess fl-adozzjoni ta' innovazzjonijiet fil-qasam tal-enerġija huwa sfida multidimensjonali li tiġbor fiha l-ktajjen tal-valur fuq in-naħa tal-provvista u tad-domanda, il-kapital uman, id-dinamika tas-suq, ir-regolamentazzjoni, l-innovazzjoni u kwistjonijiet ta' politika industrijali; jenfasizza li din l-isfida teħtieġ l-involviment taċ-ċittadini – konsumaturi u prosumaturi – kif ukoll ekosistema wiesgħa ta' partijiet ikkonċernati, inklużi l-akkademiċi, l-organizzazzjonijiet tar-riċerka u t-teknoloġija (RTOs), l-SMEs, in-negozji l-ġodda, il-kumpaniji tal-enerġija u tal-kostruzzjoni, il-fornituri tal-mobbiltà, il-fornituri tas-servizzi, il-manifatturi tat-tagħmir, il-kumpaniji tal-IT u tat-telekomunikazzjoni, l-istituzzjonijiet finanzjarji, l-awtoritajiet nazzjonali, reġjonali, lokali u tal-Unjoni, il-komunitajiet tal-enerġija rinnovabbli, l-NGOs, l-edukaturi u l-opinion leaders; jenfasizza l-valur ta' mudelli kummerċjali ġodda li jużaw teknoloġiji diġitali innovattivi biex, fost l-oħrajn, jottimizzaw l-awtoġenerazzjoni, il-ħżin, l-iskambju u l-awtokonsum ta' enerġija rinnovabbli fuq il-post u jżidu l-aċċess għall-enerġija rinnovabbli, anke għall-familji f'sitwazzjoni ta' faqar enerġetiku;

3.  Iqis li tranżizzjoni tal-enerġija kosteffikaċi lejn sistemi li ma jagħmlux ħsara lill-ambjent, orjentati lejn il-konsumatur u aktar diġitalizzati u deċentralizzati bi prosumaturi u komunitajiet ta' prosumaturi attivi tirrikjedi riċerka u l-adozzjoni ta' innovazzjonijiet fis-setturi kollha tas-sistema tal-enerġija, inklużi soluzzjonijiet speċifiċi u sistemiċi mhux teknoloġiċi, immirati – fost l-oħrajn – għall-effiċjenza u l-ġenerazzjoni deċentralizzata tal-enerġija; jirrikonoxxi li din it-tranżizzjoni qed trawwem mudelli organizzattivi ġodda, b'mod partikolari fil-ġenerazzjoni, it-trażmissjoni, id-distribuzzjoni u l-ħżin tal-enerġija, kif ukoll fl-elettromobbiltà, il-ġestjoni tan-negozju u tal-ħtiġijiet, u l-forniment tas-servizzi; jirrikonoxxi l-ħtieġa ta' standards komuni sabiex titrawwem sistema tal-enerġija konnessa u diġitalizzata; jenfasizza r-rwol li jista' jkollhom proġetti pilota sostenibbli fuq skala kbira, inklużi dawk ibbażati fil-komunità, fl-adozzjoni ta' innovazzjonijiet sistemiċi fil-qasam tal-enerġija;

4.  Ifakkar li l-effiċjenza enerġetika għandha tkun prijorità orizzontali trasversali fil-politika dwar ir-riċerka u l-innovazzjoni tal-UE li tkun tapplika għas-setturi kollha u ma tkunx limitata għal proġetti relatati mal-enerġija, tippromwovi u tinċentiva b'mod sistematiku l-produzzjoni ta' proċessi, servizzi u prodotti aktar effiċjenti, bl-implimentazzjoni tal-prinċipju li "l-effiċjenza enerġetika tiġi l-ewwel" tul il-katina tal-enerġija kollha, li tinkludi l-ġenerazzjoni, t-trażmissjoni, id-distribuzzjoni u l-użu aħħari tal-enerġija;

5.  Jirrikonoxxi l-importanza ta' aktar liberalizzazzjoni fis-swieq tal-enerġija Ewropej, b'mod partikolari billi jitneħħew l-ostakli għall-formazzjoni libera tal-prezzijiet u billi jitneħħew gradwalment is-sussidji fuq l-enerġija, sabiex dan jiffaċilita ż-żieda fl-innovazzjoni u l-adozzjoni ta' teknoloġiji ġodda li jwasslu għal użu aktar sostenibbli tal-enerġija u jrawmu provvista emerġenti ta' enerġija rinnovabbli, minbarra li joħloq kundizzjonijiet ekwi u suq kompetittiv li kapaċi jwasslu għal soluzzjoni aktar vantaġġuża għall-konsumaturi, il-prosumaturi, il-komunitajiet u n-negozji;

Il-koerenza tal-azzjonijiet tal-UE

6.  Jinnota li r-RŻI fil-qasam tal-enerġija nadifa jiddependu b'mod kruċjali fuq suq stabbli u fuq il-prevedibbiltà u ċ-ċertezza ta' qafas regolatorju, li jirrikjedi viżjoni politika ambizzjuża u fattibbli fit-tul, bl-inklużjoni ta' objettivi u impenji relatati mal-klima u l-enerġija, inċentivi mmirati sostnuti u kapital ta' ekwità "paċenzjuż" sabiex jinħolqu kundizzjonijiet ekwi fost it-teknoloġiji, biex b'hekk tiġi aġevolata l-innovazzjoni, tiġi ffaċilitata l-provvista tal-enerġija, jonqsu l-ostakli għad-dħul fis-suq u jsir aktar faċli għall-innovazzjonijiet fil-qasam tal-enerġija nadifa li jilħqu l-massa kritika meħtieġa biex jiġu adottati mis-suq; jilqa' u jinkoraġġixxi l-enfasi fuq it-teknoloġiji essenzjali, kif ikkonfermat fil-Pjan Strateġiku għat-Teknoloġija tal-Enerġija (Pjan SET) u fil-komunikazzjoni tal-Kummissjoni; itenni d-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 194 tat-TFUE u jinnota li dawn iridu jkunu riflessi fl-istrumenti tal-politika u l-finanzi li jappoġġjaw l-innovazzjoni fil-qasam tal-enerġija nadifa; jenfasizza l-ħtieġa, madankollu, ta' aktar prijoritizzazzjoni tal-innovazzjoni trasversali, transettorjali u sistemika fil-qasam tal-enerġija, kif ukoll il-promozzjoni tal-edukazzjoni u l-intraprenditorija, peress li l-innovazzjoni mhijiex xprunata mit-teknoloġija biss; jissottolinja l-ħtieġa li dan l-approċċ sistemiku jkun jista' jintegra b'mod effikaċi s-soluzzjonijiet differenti disponibbli jew li jkunu qed jiġu żviluppati, partikolarment fir-rigward tal-effiċjenza enerġetika u l-integrazzjoni tal-enerġija rinnovabbli; jappella biex il-pjattaformi tat-teknoloġija u l-innovazzjoni Ewropej jintużaw biex jgħinu fl-identifikazzjoni ta' innovazzjonijiet prospettivi fil-qasam tal-enerġija nadifa li jistħoqqilhom appoġġ immirat;

7.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri, u, fejn rilevanti, lill-awtoritajiet reġjonali, joħolqu mekkaniżmi għall-koordinazzjoni tal-programmi tal-UE, nazzjonali u reġjonali għar-riċerka u l-innovazzjoni fil-qasam tal-enerġija sabiex jitrawmu sinerġiji u tiġi evitata d-duplikazzjoni, u b'hekk jiġi żgurat l-aktar użu effikaċi tar-riżorsi u l-infrastruttura eżistenti, kif ukoll tas-sorsi tal-enerġija disponibbli fl-Istati Membri, sabiex tiġi massimizzata l-adozzjoni ta' innovazzjonijiet u teknoloġiji ġodda mis-suq u jitrawmu mudelli kummerċjali ġodda fl-UE kollha; jemmen li l-inklużjoni ta' informazzjoni rilevanti fil-pjanijiet nazzjonali integrati dwar l-enerġija u l-klima tista' twassal biex jintlaħaq dan l-objettiv; jenfasizza, f'dan il-kuntest, l-importanza li jitrawmu l-aħjar prattiki u l-iskambji ta' informazzjoni, kif ukoll li jiġu simplifikati r-regoli dwar il-parteċipazzjoni fi programmi ta' innovazzjoni fil-qasam tal-enerġija għall-organizzazzjonijiet, l-intrapriżi, l-universitajiet u l-istituti kollha, kemm mill-UE kif ukoll minn pajjiżi terzi;

8.  Jilqa' l-impenn tal-Kummissjoni li tkompli tiffinanzja r-riċerka fundamentali permezz ta' Orizzont 2020 u permezz tal-Kunsill Ewropew tar-Riċerka; jenfasizza l-ħtieġa li jitjieb aktar il-finanzjament tar-riċerka kollaborattiva fil-qafas tal-Isfidi tas-Soċjetà ta' Orizzont 2020 fil-qasam tal-enerġija, imma wkoll li tiġi simplifikata l-innovazzjoni fil-qasam tal-enerġija fl-isfidi l-oħra tas-soċjetà; jinnota l-proposta tal-Kummissjoni li jissaħħu l-innovazzjonijiet li joħolqu s-swieq billi jinħoloq Kunsill Ewropew tal-Innovazzjoni – minbarra l-Inizjattiva favur in-Negozji l-Ġodda u n-Negozji li Qed Jespandu – biex b'hekk jingħata kontribut għat-trawwim ta' innovazzjonijiet rivoluzzjonarji li jistgħu jattiraw u joħolqu swieq ġodda; jemmen li l-ħolqien ta' strumenti ta' finanzjament ibbażati fuq is-suq (bħal self u ekwità) m'għandux ikun ta' detriment għall-finanzjament ta' għotjiet li jippermetti lill-parteċipanti pubbliċi u mingħajr skop ta' qligħ, bħall-akkademiċi, l-universitajiet u s-soċjetà ċivili, jieħdu sehem fi proġetti Ewropej transnazzjonali ta' valur għoli;

9.  Huwa mħasseb dwar l-għadd kbir u l-kumplessità tal-istrumenti finanzjarji eżistenti u jenfasizza l-ħtieġa ta' koerenza akbar fost il-fondi rilevanti, inklużi l-fondi strutturali, iddedikati għall-effiċjenza enerġetika u għal proġetti ta' enerġija nadifa, u li l-istrumenti ta' finanzjament eżistenti fil-livell tal-UE u tal-Istati Membri jkunu aktar faċli biex jinftiehmu; jistieden lill-Kummissjoni timmappja l-fondi u l-istrumenti finanzjarji differenti tul il-katina tal-valur, u jqis li l-ippuljar tal-istrumenti differenti – mingħajr ma tiddgħajjef il-komplementarjetà tagħhom – għandu jiġi studjat bħala possibbiltà; iqis ukoll li xi Stati Membri m'għandhomx il-kapaċità biex jiżviluppaw azzjonijiet ta' appoġġ għall-innovazzjoni relatata mal-enerġija, b'mod partikolari permezz ta' skemi nazzjonali ta' appoġġ finanzjarju, u, f'dan ir-rigward, jistieden lill-Kummissjoni tkompli ssaħħaħ dawn il-kapaċitajiet filwaqt li tiżgura qafas ta' finanzjament koerenti u simplifikat għall-UE f'dak li għandu x'jaqsam mal-innovazzjoni fil-qasam tal-enerġija nadifa;

10.  Jistieden lill-Kummissjoni twettaq evalwazzjoni tar-rendiment tal-istrumenti finanzjarji u l-fondi relatati mal-enerġija tagħha u tipprovdi risposta "rapida" biex ittejjeb l-istrumenti jekk jiġu identifikati każijiet speċifiċi ta' paraliżi, inkoerenza jew bżonn ta' titjib u tadatta l-istrumenti u l-fondi msemmija għall-miri l-ġodda tal-UE dwar l-enerġija;

11.  Jistieden lill-Kummissjoni tipproponi, bħala parti mill-politika industrijali tal-Unjoni, dimensjoni tal-enerġija ffukata, fit-tul u teknoloġikament newtrali, ibbażata fuq effiċjenza enerġetika għolja, liberalizzazzjoni akbar tas-suq u aktar trasparenza biex ikunu jistgħu jiġu evitati investimenti f'assi mitlufa; jisħaq li din id-dimensjoni għandha tkun parti integrali mill-istrateġija u l-pjan ta' azzjoni tal-politika industrijali tal-Unjoni; jenfasizza r-rwol ta' proċessi u teknoloġiji innovattivi fit-titjib tal-prestazzjoni tal-emissjonijiet min-naħa tal-industriji li jużaw ħafna enerġija; jistieden lill-Kummissjoni tpoġġi l-effiċjenza enerġetika u tar-riżorsi fuq quddiem nett tar-riċerka u l-innovazzjoni, u jħeġġeġ lill-Istati Membri jużaw id-dħul mill-irkantijiet tal-ETS biex jagħmlu investimenti responsabbli fl-effiċjenza enerġetika u f'teknoloġiji sostenibbli u b'emissjonijiet baxxi; jenfasizza l-ħolqien ta' Fond ta' Innovazzjoni biex jingħata appoġġ lill-innovazzjoni f'teknoloġiji u proċessi b'livell baxx ta' karbonju matul il-Fażi IV tal-ETS; iqis li l-promozzjoni ta' sistema ta' innovazzjoni miftuħa fejn l-industrija u l-kumpaniji jippuljaw l-għarfien espert varjat tagħhom u jiżviluppaw flimkien soluzzjonijiet sostenibbli u ta' kwalità għolja hija essenzjali; jirrikonoxxi r-rwol tal-Forum dwar il-Kompetittività Industrijali għal Enerġija Nadifa fl-adozzjoni ta' innovazzjonijiet fundamentali fil-qasam tal-enerġija, inkluż fis-settur tal-enerġija fotovoltajka u fis-settur tal-enerġija mir-riħ, iżda possibbilment ukoll, fost l-oħrajn, għal soluzzjonijiet ta' ħżin, ġbir u ħżin tal-karbonju u bijoproċessi li jipproduċu l-enerġija; jilqa' l-impenn u l-appoġġ tal-Kummissjoni favur inizjattivi mmexxija mill-industrija għall-promozzjoni tas-supremazija globali tal-UE fl-enerġija nadifa u f'soluzzjonijiet teknoloġiċi b'livell baxx ta' emissjonijiet;

12.  Ifakkar li l-industrija fotovoltajka jeħtieġ tkun fil-qalba tal-politika industrijali Ewropea sabiex tilqa' għad-domanda ta' suq globali li qed jikber f'kuntest fejn il-maġġoranza taċ-ċelloli u l-moduli fotovoltajċi llum il-ġurnata huma manifatturati barra mill-UE, l-aktar fiċ-Ċina; jenfasizza l-ħtieġa li l-UE tkun integrata bis-sħiħ fiċ-ċiklu ta' investiment il-ġdid sabiex iżżomm is-supremazija tagħha fir-R&Ż fil-makkinarju tal-manifattura fotovoltajka, kif ukoll f'xi oqsma oħra bħall-invertituri, il-materja prima, il-pannelli fotovoltajċi integrati fil-bini, l-operazzjonijiet u l-manutenzjoni u l-bilanċ tas-sistemi; jenfasizza wkoll il-ħtieġa li żżomm l-għarfien espert tagħha fl-integrazzjoni tas-sistemi bħal soluzzjonijiet fotovoltajċi fuq skala żgħira għall-pajjiżi li qed jiżviluppaw;

13.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex, meta jindirizzaw is-settur tal-enerġija u setturi oħra relatati, iżidu l-isforzi tagħhom b'appoġġ għall-innovazzjoni f'sorsi sostenibbli ta' materja prima, fid-disinn aħjar tal-prodotti, fir-riċiklaġġ, fir-riutilizzazzjoni u fl-użu kaskata ta' metalli u materjal eżistenti fil-kuntest tal-ekonomija ċirkolari u l-iffrankar tal-enerġija;

14.  Jirrikonoxxi r-rabtiet bejn id-diġitalizzazzjoni, it-teknoloġiji tal-IT u r-riċerka u l-innovazzjoni fil-qasam tal-enerġija, b'mod partikolari fir-rigward tat-titjib fil-ġbir tad-data, l-interoperabbiltà, is-sigurtà tad-data assoċjata u l-garanziji tal-privatezza; iqis li t-teknoloġiji tar-reġistru distribwit, bħas-sistema tal-blockchain, jista' jkollhom rwol fit-titjib tal-effiċjenza tal-proċessi relatati mal-enerġija u fit-trawwim tal-involviment taċ-ċittadini fit-trasformazzjoni tas-sistema tal-enerġija, inkluż permezz tal-iskambji ta' enerġija bejn il-pari; jistieden lill-Kummissjoni, għal dan il-għan, tinkoraġġixxi din l-inizjattiva, ittejjeb il-qafas regolatorju tagħha u tiżgura l-koerenza bejn l-aspetti relatati tal-Unjoni tal-Enerġija, is-suq uniku diġitali, l-istrateġiji taċ-ċibersigurtà u l-Qafas Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data, sabiex tissaħħaħ il-kapaċità tal-Unjoni li tkun fuq quddiem nett ta' din it-tendenza l-ġdida;

15.  Jistieden lill-Kummissjoni twaqqaf tim iddedikat bl-involviment ta' servizzi differenti li fost l-oħrajn:(a)

  jippermetti l-ippjanar komuni ġdid tal-politika dwar ir-riċerka u l-innovazzjoni, sabiex jiġu żgurati l-konsistenza u l-koerenza u jiġu evitati bidliet frekwenti fil-prijoritajiet;

(b)  jidentifika l-partijiet interessati rilevanti fl-ekosistemi usa' tal-innovazzjoni tal-UE fil-qasam tal-enerġija, fil-livelli kollha u fis-setturi kollha, inklużi t-teknoloġiji tal-enerġija mir-riħ fuq il-baħar u teknoloġiji oħra tal-enerġija rinnovabbli;

(c)  jidentifika l-forums eżistenti tal-partijiet ikkonċernati li jaħdmu fir-riċerka u l-innovazzjoni fil-qasam tal-enerġija, b'mod speċjali fl-effiċjenza enerġetika u s-sorsi rinnovabbli; jippromowovi l-formazzjoni ta' raggruppamenti, l-integrazzjoni f'netwerks ta' ħolqien tal-valur internazzjonali, l-investiment u l-innovazzjoni; jipprovdi għodod għal skambji intersettorjali, interdixxiplinari u interreġjonali, inkluż dwar proġetti b'rabta mal-innovazzjoni fil-qasam tal-enerġija, politiki nazzjonali u lokali fit-tul tal-innovazzjoni fil-qasam tal-enerġija, opportunitajiet ta' investiment konġunt, l-approprjazzjoni tat-tranżizzjoni tal-enerġija min-naħa taċ-ċittadini u inizjattivi fil-livell lokali;

(d)  jagħti inċentiv lill-awtoritajiet pubbliċi fil-livelli kollha biex jiżviluppaw pjanijiet għal żidiet ta' kapital u jinċentivaw l-innovazzjoni fil-qasam tal-enerġija nadifa sabiex titrawwem il-fiduċja tal-investituri u tiġi attivata l-mobilizzazzjoni ta' kapital privat;

(e)  jistabbilixxi ġabra tal-aħjar prattiki, strumenti ta' politika u finanzjament fil-qasam tal-enerġija, inklużi PPPs, akkwist pubbliku u inċentivi fiskali, mekkaniżmi ta' skambju u informazzjoni, għodod ta' komunikazzjoni u kampanji, kif ukoll linji gwida operattivi u assistenza teknika dwar il-mobilizzazzjoni tal-innovazzjoni, l-adozzjoni u l-involviment tal-prosumaturi fil-qasam tal-enerġija nadifa, sabiex jiġi żgurat li l-UE tkun tista' tappoġġja b'mod adegwat l-istadji kollha taċ-ċiklu tal-innovazzjoni u, fl-aħħar mill-aħħar, jingħataw għodod prattiċi lill-Istati Membri, lill-awtoritajiet lokali u lill-partijiet interessati;

(f)  jeżamina modi kif jistgħu jitfasslu regoli għall-parteċipazzjoni fl-FP9 u regolamenti għall-Fondi Strutturali u ta' Investiment Ewropej li jkunu favorevoli għall-innovazzjoni, simplifikati u flessibbli u li jiffukaw fuq il-kisba ta' impatt akbar fit-tul, bil-għan li li jiġu allinjati aħjar, tiġi evitata l-ħela tar-riżorsi tal-applikanti u tiġi promossa l-eċċellenza fl-innovazzjoni fl-Ewropa kollha;

(g)  jistabbilixxi mekkaniżmu bil-għan li jingħata appoġġ lil ekosistema transnazzjonali ta' negozji ġodda fil-qasam tal-enerġija, li jinkludi sistema Ewropea ta' inkubaturi sabiex jiġi żgurat li l-introduzzjoni ta' mudelli kummerċjali u ta' innovazzjoni fil-qasam tal-enerġija tegħleb il-"wied mudlam" fiċ-ċiklu tal-innovazzjoni;

(h)  iżid is-sinerġiji ma' Orizzont 2020 u ma' inizjattivi oħra ta' finanzjament biex jissaħħaħ il-bini ta' kapaċità fir-riċerka u l-innovazzjoni għar-reġjuni tal-UE li għandhom rendiment baxx;

(i)  jagħti pariri lill-istituzzjonijiet Ewropej dwar prattiki ta' akkwist koerenti, li jrawmu l-adozzjoni aktar estensiva ta' innovazzjonijiet fil-qasam tal-enerġija; jgħin fid-definizzjoni ta' miri konkreti fl-akkwist pubbliku ta' soluzzjonijiet innovattivi fil-livell Ewropew;

(j)  ifassal proposti konkreti bil-ħsieb li jistabbilixxi struttura konsultattiva effikaċi bħala punt uniku ta' servizz għall-innovaturi f'dak li għandu x'jaqsam mal-finanzjament tal-innovazzjoni fil-qasam tal-enerġija permezz tal-fondi u l-istrumenti disponibbli fil-livell tal-UE, tal-Istat Membri u tal-Bank Ewropew tal-Investiment, kif ukoll minn sorsi privati potenzjali oħra; isaħħaħ l-assistenza teknika bl-aggregazzjoni ta' informazzjoni dwar il-possibbiltajiet ta' finanzjament pubbliku u privat u jiggwida lill-applikanti lejn l-aktar mekkaniżmu ta' finanzjament xieraq, b'mod partikolari fil-qasam tal-effiċjenza enerġetika fejn l-aggregazzjoni ta' proġetti żgħar f'portafolli usa' hija indispensabbli;

(k)  jidentifika modi kif jintroduċi inċentivi li jippromwovu soluzzjonijiet tal-enerġija innovattivi fil-leġiżlazzjoni tal-UE dwar l-akkwist fis-settur pubbliku;

16.  Jenfasizza li l-akkwist pubbliku jista' jixpruna l-innovazzjoni kif ukoll irawwem tkabbir aktar sostenibbli, kif rikonoxxut ukoll mill-Għanijiet ta' Żvilupp Sostenibbli; jindika li l-għażla ta' prodotti, servizzi u xogħlijiet pubbliċi sostenibbli hija essenzjali u tista' toħloq swieq pilota jew ġodda għal prodotti innovattivi; jilqa' l-inizjattiva tal-Kummissjoni fil-qafas tal-Inizjattiva favur in-Negozji l-Ġodda u n-Negozji li Qed Jespandu li tintroduċi miżuri dwar l-akkwist tal-UE sabiex, fost l-oħrajn, tinkoraġġixxi lill-Istati Membri jistabbilixxu miri ta' akkwist ambizzjużi fil-qasam tal-innovazzjoni; jenfasizza wkoll ir-rwol li l-awtoritajiet lokali u reġjonali jista' jkollhom fl-għoti ta' eżempju tajjeb kif ukoll fl-involviment tagħhom fl-iskambju ta' prattiki tajbin f'forums bħalma huwa l-Patt tas-Sindki;

17.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni ssaħħaħ il-komponent tal-kapaċità tal-innovazzjoni fl-ittestjar tal-kompetittività fil-qafas tal-valutazzjonijiet tal-impatt, u tapplika l-Għodda tar-Riċerka u l-Innovazzjoni għall-proposti ġodda kollha tal-politika dwar l-enerġija u r-rieżami tal-leġiżlazzjoni eżistenti, mingħajr ma ddgħajjef l-effikaċja tal-leġiżlazzjoni;

18.  Jitlob lill-Kummissjoni tiżgura li l-ħidma tagħha fuq l-innovazzjoni min-naħa waħda, u fuq l-istandards u l-interoperabbiltà fuq in-naħa l-oħra, tkun kompletament koerenti sabiex l-UE tafferma s-supremazija globali tagħha fl-iffissar ta' standards fis-setturi tal-enerġija nadifa integrati mal-"Internet tal-Oġġetti"; jilqa', bħala eżempju f'dan il-kuntest, l-iżvilupp tal-istandard Ewropew il-ġdid għall-apparat intelliġenti (Saref) li potenzjalment se joħloq lingwa ta' referenza ġdida bbażata fl-UE għad-data relatata mal-enerġija li tippermetti lill-apparat domestiku jaqsam informazzjoni ma' kwalunkwe sistema ta' ġestjoni tal-enerġija;

19.  Ifakkar li l-politiki dwar l-innovazzjoni fil-qasam tal-enerġija għandhom ikunu konformi mal-impenn tal-UE li tikkonserva u ssaħħaħ il-bjar tas-CO2 filwaqt li tippreserva l-bijodiversità, b'mod speċjali fil-foresti, fuq l-art u fil-baħar;

20.  Iħeġġeġ lill-Istati Membri rilevanti jikkontribwixxu b'mod adegwat biex tintlaħaq il-mira ta' 3 % tal-PDG tal-UE għar-R&Ż; jinnota li żieda globali għal 3 % tfisser ukoll aktar minn EUR 100 biljun fis-sena għar-riċerka u l-innovazzjoni fl-Ewropa; ifakkar li żewġ terzi tal-fondi tar-R&Ż huma mistennija li jiġu mis-settur privat;

Ċertezza ta' finanzjament fit-tul

21.  Itenni l-appell tiegħu għal baġit globali akbar ta' mill-inqas EUR 120 biljun għall-FP9 u jħeġġeġ lill-Kummissjoni żżid il-proporzjon ta' finanzjament sostenibbli relatat mal-enerġija fil-qafas tal-FP9 b'tal-inqas 50 % aktar mill-ammonti korrispondenti ta' Orizzont 2020, sabiex jiġi żgurat finanzjament suffiċjenti biex tiġi appoġġjata t-tranżizzjoni tal-enerġija tal-UE u l-implimentazzjoni effikaċi tal-Unjoni tal-Enerġija; jappella, b'mod partikolari, biex ir-riżorsi finanzjarji fil-qafas tal-FP9 jissaħħu sabiex jiġu stimulati l-progressi rivoluzzjonarji u l-innovazzjonijiet li joħolqu s-swieq, speċjalment min-naħa tal-SMEs u n-negozji l-ġodda; jenfasizza l-importanza ta' kriterji ta' eċċellenza b'saħħithom biex l-UE tinbidel f'ċentru globali għall-innovazzjoni, ir-riċerka u t-teknoloġiji ewlenin, inkluża r-riċerka mingħajr għan preċiż ("blue sky"); jirrimarka r-riżultati tal-evalwazzjoni interim ta' Orizzont 2020 li juru li, sal-1 ta' Jannar 2017, il-programm ma kienx qed jilħaq il-mira fir-rigward tan-nefqa għall-klima u s-sostenibbiltà; jilqa' ż-żieda fil-finanzjament ta' Orizzont 2020 għall-Isfida tas-Soċjetà relatata mal-enerġija fil-baġit tal-2018, iżda għadu mħasseb serjament dwar it-tnaqqis fil-proġetti tal-enerġija fil-qafas tal-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa, li jikkunsidrah inkompatibbli mal-għanijiet tal-Unjoni tal-Enerġija;

22.  Itenni l-bżonn li tittejjeb il-kwalità tal-investimenti ffinanzjati mill-Fond Ewropew għall-Investimenti Strateġiċi (FEIS) u li ssir enfasi partikolari fuq inċentivi għal allokazzjoni ġeografika aħjar, fid-dawl tal-iżbilanċ attwali fil-kopertura ġeografika tal-FEIS kif ukoll il-ħtiġijiet speċifiċi tar-reġjuni inqas żviluppati u fi tranżizzjoni; jirrikonoxxi l-ħtieġa ta' kooperazzjoni mal-banek ta' investiment promozzjonali nazzjonali, mal-pjattaformi ta' investiment u ma' intermedjarji finanzjarji eliġibbli permezz tal-possibbiltà ta' delega tal-użu tal-garanzija tal-UE; jappella għat-tisħiħ sostanzjali tar-rwol u l-kapaċità taċ-Ċentru Ewropew ta' Konsulenza għall-Investimenti, b'mod partikolari permezz ta' preżenza lokali u rwol proattiv fit-tħejjija tal-proġetti;

23.  Jemmen li l-FP9 għandu jappoġġja inizjattivi bħal "bliet 100 % rinnovabbli", bl-involviment tal-bliet u l-awtoritajiet lokali, bil-għan li tiżdied b'mod sostanzjali l-kapaċità tal-enerġija rinnovabbli għall-elettriku, il-mobbiltà, it-tisħin u t-tkessiħ fil-bliet permezz ta' proġetti ta' innovazzjoni, li potenzjalment jistgħu jinkludu grilji intelliġenti, il-ġestjoni tas-sistema tal-enerġija, attivitajiet li jippermettu l-akkoppjament tas-setturi, inċentivi għall-użu ta' vetturi elettriċi, eċċ.;

24.  Jirrikonoxxi r-rwol tal-Pjan SET, il-Komunità ta' Konoxxenza u Innovazzjoni (KKI) InnoEnergy u l-Inizjattivi Teknoloġiċi Konġunti (JTIs) rilevanti għall-ixprunar tal-innovazzjoni fil-qasam tal-enerġija; jenfasizza l-ħtieġa li dawn id-diversi oqfsa jiġu konnessi aħjar ma', fost l-oħrajn, l-inizjattiva InnovFin, il-FEIS u l-programm propost Fond ta' Fond(i) ta' Kapital ta' Riskju Pan-Ewropew (VC FoF), bħala parti minn strateġija ta' investiment koordinata u ffukata fl-innovazzjoni fil-qasam tal-enerġija nadifa li tgħin proġetti fi stadju bikri, negozji ġodda u SMEs jegħlbu b'mod effikaċi l-''wied tal-mewt'' u jilħqu l-livelli ta' maturità tas-suq meħtieġa għal espansjoni globali; iqis li inċentivi effikaċi għall-investiment fl-innovazzjoni fil-qasam tal-enerġija, permezz ta' fondi ta' investiment nazzjonali u fondi tal-pensjonijiet, jista' jkollhom rwol kruċjali fil-mobilizzazzjoni tal-kapital ta' ekwità meħtieġ;

25.  Ifakkar li l-proġetti FOAK (l-ewwel tat-tip tagħhom) huma riskjużi ħafna u l-provvista tal-ekwità u d-dejn tkun f'livelli ferm aktar baxxi milli fil-każ tal-finanzjament ta' teknoloġiji ppruvati b'emissjonijiet baxxi ta' karbonju; jistieden lill-Kummissjoni, għaldaqstant, tneħħi l-ostakli regolatorji li fadal u tipproponi l-ħolqien ta' Fond ta' Ekwità SET-FOAK;

26.  Jirrikonoxxi r-rwol li l-Kunsill Ewropew tal-Innovazzjoni jista' jiżvolġi fl-għajnuna li jista' jagħti lill-kumpaniji fi stadju bikri biex isibu l-finanzjament u jipproponi li jkollu r-rwol li jikkoordina d-diversi linji ta' strateġija ta' investiment koerenti fl-innovazzjoni fil-qasam tal-enerġija nadifa; jitlob aktar informazzjoni dwar l-istruttura tal-Kunsill Ewropew tal-Innovazzjoni u l-konsistenza tiegħu ma' strumenti eżistenti li jappoġġjaw l-innovazzjoni;

27.  Iqis li l-innovazzjoni fil-qasam tal-enerġija xprunata miċ-ċittadini teħtieġ inqas ostakli għad-dħul fis-suq u tiftaħ opportunitajiet mhux sfruttati għall-finanzjament tal-innovazzjoni; jistieden lill-Kummissjoni tesplora modi effikaċi għall-promozzjoni tal-innovazzjoni fil-qasam tal-enerġija, fost l-oħrajn permezz tal-crowdfunding, u tikkunsidra l-possibbiltà li twaqqaf fond kollettiv ta' ekwità fl-innovazzjoni fil-qasam tal-enerġija nadifa; iqis li dawn il-mezzi ta' finanzjament ġodda u varjati għandhom ikunu addizzjonali u komplementari għal dawk li diġà jeżistu;

28.  Jenfasizza l-importanza li jsir progress fit-teknoloġija tal-grilji intelliġenti, kif ukoll il-promozzjoni u l-integrazzjoni ta' ġenerazzjoni deċentralizzata axxendenti, inkluż permezz ta' raggruppamenti u skemi kooperattivi; jistieden lill-Kummissjoni tappoġġja dawn l-oqsma ta' innovazzjoni fil-qasam tal-enerġija nadifa permezz ta' mekkaniżmi finanzjarji, inklużi dawk li jtaffu r-riskju għall-investimenti privati u jnaqqsu l-piżijiet fuq l-investimenti pubbliċi fil-modernizzazzjoni tas-sistemi tal-enerġija; jilqa', barra minn hekk, l-intenzjoni tal-Kummissjoni li żżid l-użu ta' premjijiet ta' inkoraġġiment bħala għodda siewja biex jitrawmu innovazzjonijiet rivoluzzjonarji axxendenti;

29.  Jenfasizza li, sabiex jitħeġġeġ l-approċċ axxendenti għall-innovazzjoni, għandhom jitrawmu l-adozzjoni u r-raggruppament ta' applikazzjonijiet fuq skala żgħira (eż. NegaWatt, il-ġenerazzjoni fuq il-post, il-ħżin lokali, fost affarijiet oħra) biex jiġu attirati aktar investimenti u tiżdied l-aċċessibbiltà mil-lat ekonomiku, b'attenzjoni partikolari għall-familji b'introjtu baxx u l-bini kollettiv;

Is-supremazija globali tal-UE

30.  Jirrikonoxxi l-objettivi tal-Ftehim ta' Pariġi li jitrawmu sforzi globali għall-aċċelerazzjoni tal-innovazzjoni fil-qasam tal-enerġija nadifa; jissottolinja l-ħtieġa li jitkomplew il-finanzjament tar-riċerka u l-ġbir tad-data b'rabta mat-tibdil fil-klima; jistieden lill-Kummissjoni biex, f'konformità mal-Għanijiet ta' Żvilupp Sostenibbli (SDGs), tesplora l-modalitajiet differenti li bihom tista' tingħata għajnuna lill-pajjiżi li qed jiżviluppaw u l-ekonomiji emerġenti fit-tranżizzjoni tal-enerġija tagħhom, fost l-oħrajn permezz ta' miżuri ta' bini ta' kapaċità, għajnuna biex jitnaqqsu l-ispejjeż kapitali tal-enerġija rinnovabbli u ta' proġetti fil-qasam tal-effiċjenza fl-enerġija, it-trawwim tal-possibbiltà ta' trasferiment tat-teknoloġija, u l-għoti ta' soluzzjonijiet għall-iżvilupp ta' bliet intelliġenti, kif ukoll għall-komunitajiet remoti u rurali, biex b'hekk jissaħħu l-ekosistemi tal-innovazzjoni fil-qasam tal-enerġija fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw u dawn jingħataw l-għajnuna biex iwettqu l-impenji tagħhom skont il-Ftehim ta' Pariġi; jilqa', f'dan ir-rigward, il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Sostenibbli li għadu kif inħoloq;

31.  Jistieden lill-Kummissjoni tisfrutta l-potenzjal sħiħ tal-inizjattiva Missjoni Innovazzjoni, b'tali mod li l-membri kollha tagħha jkunu jistgħu jonoraw l-impenn tagħhom li jirduppjaw in-nefqa annwali fuq ir-R&Ż fil-qasam tal-enerġija nadifa bejn l-2015 u l-2020; jenfasizza l-importanza li jinstabu sinerġiji ma' inizjattivi globali oħrajn bħal, fost l-oħrajn, il-Breakthrough Energy Coalition, u ma' fondi ta' ekwità u ta' investiment globali; jilqa', f'dan ir-rigward, ir-rwol ta' tmexxija tal-UE fl-Isfida ta' Innovazzjoni relatata mat-Trasformazzjoni tad-Dawl tax-Xemx u l-Isfida ta' Innovazzjoni relatata mat-Tisħin u t-Tkessiħ Affordabbli tal-Bini; jappella, f'dan il-kuntest, biex tiġi esplorata l-possibbiltà ta' tqassim koordinat tax-xogħol fl-innovazzjoni fil-qasam tal-enerġija fuq skala globali;

32.  Jistieden lill-Kummissjoni tevalwa l-possibbiltà li tiżviluppa strateġija komprensiva dwar l-esportazzjoni għal teknoloġiji u soluzzjonijiet sistemiċi sostenibbli fil-qasam tal-enerġija nadifa, li tinkludi faċilità ta' appoġġ dedikata u assistenza ffukata mid-delegazzjonijiet tal-UE f'pajjiżi terzi; jissottolinja, f'dan il-kuntest, ir-rwol li ż-Żoni ta' Kummerċ Ħieles Approfonditi u Komprensivi (DCFTA) jista' jkollhom fl-implimentazzjoni ta' strateġija bħal din;

33.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jwettqu eżami bir-reqqa tal-proċeduri ta' reġistrazzjoni tal-privattivi u jitlob li jitneħħew il-piżijiet amministrattivi bla bżonn, li jxekklu l-proċess tal-penetrazzjoni ta' prodotti innovattivi fis-suq u jaffettwaw ir-rwol ta' supremazija tal-UE fit-tranżizzjoni lejn enerġija nadifa;

Innovazzjoni fl-enerġija xprunata miċ-ċittadini

34.  Jemmen li l-aċċelerazzjoni tal-innovazzjoni fil-qasam tal-enerġija nadifa tirrikjedi li l-Ewropej ibiddlu l-mentalità tagħhom b'mod li jmur lil hinn mis-sempliċi għarfien dwar kwistjonijiet ta' enerġija, lejn fehim aktar profond fil-bidliet fl-imġiba, speċjalment fl-iffrankar enerġetiku u fix-xejriet ġodda tal-konsum, li huma meħtieġa sabiex jintlaħqu l-isfidi urġenti tat-tkabbir sostenibbli u b'hekk jinsiltu l-vantaġġi tar-rivoluzzjoni diġitali u l-innovazzjoni fl-oqsma kollha u, fl-aħħar mill-aħħar, tirnexxi t-tranżizzjoni tal-enerġija; jinnota li l-innovazzjoni tista' tippermetti liċ-ċittadini jkollhom rwol aktar attiv fil-ġenerazzjoni tal-enerġija, inkluż bl-alimentazzjoni tal-grilja b'enerġija awtoġenerata, kif ukoll tikkontribwixxi għal użu aktar effiċjenti tal-enerġija billi jitnaqqas il-konsum fil-livell domestiku, u b'hekk jitnaqqsu kemm l-emissjonijiet kif ukoll il-kontijiet;

35.  Jenfasizza l-ħtieġa li tissaħħaħ il-bażi tal-għarfien tal-Ewropa u titnaqqas il-frammentazzjoni billi titrawwem l-eċċellenza fix-xjenza u fl-edukazzjoni, bil-għan li jinħolqu ċentri ta' riċerka li jkunu fuq quddiem nett tal-eċċellenza akkademika internazzjonali; jenfasizza l-ħtieġa li tiġi żviluppata strateġija li tiżgura li l-Ewropa tattira talent barrani filwaqt li żżomm kuntatt mal-aqwa talent Ewropew barra l-Ewropa; jirrikonoxxi li d-disponibbiltà ta' ħaddiema kwalifikati hija ta' vantaġġ kbir għall-Ewropa u tikkostitwixxi mutur ewlieni għall-iżvilupp tal-investiment fir-RŻI;

36.  Jirrikonoxxi l-importanza tal-involviment demokratiku sħiħ taċ-ċittadini u l-komunitajiet Ewropej, bħala parti essenzjali minn tranżizzjoni tal-enerġija li tirnexxi; jenfasizza, fl-istess waqt, li l-implimentazzjoni effikaċi ta' din it-trasformazzjoni tirrikjedi ftuħ, trasparenza u kundizzjonijiet ekwi u trid tkun imsejsa fuq kompetizzjoni ġusta;

37.  Jemmen fil-potenzjal tal-innovazzjoni fil-qasam tal-enerġiji nodfa u l-effiċjenza enerġetika fil-ħolqien ta' impjiegi ġodda u aħjar; iqis li sabiex it-tranżizzjoni lejn ekonomija dekarbonizzata sostenibbli tkun immaniġġjata b'suċċess, jeħtieġ li jiġi żgurat li s-swieq tax-xogħol ikunu jistgħu jwieġbu b'mod adegwat għall-esiġenzi l-ġodda ta' sistemi tal-enerġija nadifa innovattivi;

38.  Jistieden lill-Kummissjoni tagħti aktar attenzjoni għar-rabta bejn l-innovazzjoni fis-sistemi tal-enerġija u l-profili professjonali l-ġodda, il-ħtiġijiet edukattivi, l-impjiegi u r-rekwiżiti tat-taħriġ fl-inizjattivi tar-R&Ż tagħha;

39.  Jirrikonoxxi l-ħtieġa ta' edukazzjoni sistemika u skemi ta' impenn imfassla biex jgħinu lis-soċjetà tinvolvi ruħha bis-sħiħ fit-trasformazzjoni tas-sistema tal-enerġija u biex l-Ewropej ta' kull età jkunu jistgħu gradwalment jagħmlu progress minn għarfien u fehim lejn involviment attiv u responsabbilizzazzjoni; jistieden lill-Kummissjoni, l-Istati Membri, l-awtoritajiet reġjonali u lokali u s-settur privat jippromwovu l-għażliet infurmati min-naħa tal-konsumaturi u l-involviment taċ-ċittadini fi kwistjonijiet relatati mal-enerġija, fost l-oħrajn permezz ta' kampanji ta' sensibilizzazzjoni, informazzjoni komprensiva u aċċessibbli dwar il-kontijiet tal-enerġija u għodod ta' tqabbil tal-prezzijiet, il-promozzjoni ta' skemi ta' awtoġenerazzjoni, rispons tad-domanda u qsim kooperattiv, baġits parteċipattivi u crowdfunding għal investimenti marbuta mal-enerġija, kif ukoll inċentivi fiskali u għall-investiment, u anke billi jmexxu soluzzjonijiet u innovazzjonijiet teknoloġiċi; jistieden lill-Kummissjoni, l-Istati Membri u l-awtoritajiet rilevanti jidentifikaw l-aħjar prattiki fil-mod kif jiġi indirizzat il-faqar enerġetiku tal-familji;

40.  Jemmen li r-reġjuni u l-bliet għandhom rwol kruċjali fit-titjib tal-mudelli tal-enerġija sostenibbli; jirrikonoxxi r-rwol essenzjali tar-reġjuni, il-bliet u l-irħula fil-promozzjoni ta' sens ta' appartenenza fit-tranżizzjoni tal-enerġija u biex l-innovazzjoni relatata mal-klima u mal-enerġija titmexxa mill-qiegħ; jinnota li r-reġjuni u ż-żoni urbani huma l-aktar adatti għall-ittestjar u l-implimentazzjoni ta' soluzzjonijiet integrati bl-involviment dirett taċ-ċittadini; jenfasizza, f'dan ir-rigward, l-importanza tal-Patt tas-Sindki, bl-aspirazzjoni tiegħu li jrawwem l-iskambju tal-aħjar prattiki fil-livell dinji u possibbilment l-ippuljar ta' riżorsi u investimenti; jinnota li ż-żoni rurali jipprovdu wkoll spazju għal innovazzjoni li tista' tegħleb sfidi bħad-distanza jew it-tibdil demografiku, kif ukoll il-forniment ta' servizzi ġodda;

41.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jassistu lill-awtoritajiet reġjonali u lokali biex jieħdu passi koordinati sabiex jinċentivaw l-innovazzjoni fl-enerġija fil-livell lokali u transreġjonali, bil-għan li jiżviluppaw strateġiji koerenti; jissottolinja li t-tranżizzjoni tal-enerġija se jkollha impatt drammatiku fuq l-impjiegi f'xi reġjuni tal-Unjoni Ewropea u, f'dan il-kuntest, jinsisti li għandu jkun hemm enfasi partikolari fuq ir-reġjuni li jiffaċċjaw sfidi fl-eliminazzjoni gradwali tal-linjite, il-faħam u fjuwils fossili solidi oħra għall-ġenerazzjoni tal-enerġija u fuq l-industriji minerarji b'risposta għal deċiżjoni ta' Stat Membru, tal-awtoritajiet lokali jew tal-industrija, jew b'risposta għal ċirkustanzi oħra; jissottolinja l-ħtieġa li dawn ir-reġjuni jingħataw appoġġ fl-iżvilupp ta' strateġiji ta' tranżizzjoni inklużivi, lokali u ġusti u fl-indirizzar tal-impatti soċjali, soċjoekonomiċi u ambjentali, kif ukoll fir-rikonverżjoni tas-siti; jenfasizza l-alternattivi finanzjarji biex jingħata tali appoġġ permezz tal-użu parzjali tad-dħul mill-irkantijiet tal-ETS, kif ukoll permezz tal-Fond għall-Modernizzazzjoni li għandu jinħoloq għall-perjodu 2021-2030; iqis li l-proċessi inklużivi tal-partijiet ikkonċernati għandhom jiżviluppaw kif l-aħjar jiġu attirati negozji ġodda u industriji alternattivi u innovattivi, bil-għan li tinbena ekonomija reġjonali sostenibbli, tingħata spinta lid-dinjità tan-nies u jingħata kontribut biex il-kapaċità tal-ġenerazzjoni tal-elettriku tiġi sostitwita b'soluzzjonijiet ibbażati fuq l-enerġija rinnovabbli jew l-effiċjenza enerġetika; jappella biex il-politiki tar-riċerka u l-innovazzjoni jiffukaw fuq kif tingħata l-ħajja mill-ġdid lir-reġjuni kkonċernati f'termini ta' impjiegi sostenibbli u perspettivi ta' tkabbir, b'mod partikolari fejn l-eliminazzjoni tal-kapaċità ta' ġenerazzjoni tal-enerġija mil-linjite, il-faħam jew fjuwils fossili solidi oħra hija marbuta mal-attivitajiet minerarji;

42.  Jistieden lill-Kummissjoni tgħin fir-responsabbilizzazzjoni tal-awtoritajiet lokali u reġjonali fl-adozzjoni ta' innovazzjonijiet fil-qasam tal-enerġija nadifa, bħall-bliet intelliġenti, l-elettromobbiltà u l-grilji żgħar, kif ukoll fil-penetrazzjoni ta' sorsi ta' enerġija rinnovabbli fis-suq, skont il-livell ta' maturità tagħhom, u tgħin lil dawn l-awtoritajiet jindirizzaw l-isfidi fil-promozzjoni tat-tranżizzjoni tal-enerġija, pereżempju l-involviment taċ-ċittadini; jinkoraġġixxi l-iskambju tal-aħjar prattiki, l-ippuljar tal-investimenti u valutazzjoni aħjar tal-bankabbiltà tal-proġetti, kif ukoll l-iżvilupp ta' strateġiji ta' finanzjament bħall-istudji tal-fattibbiltà u l-użu tal-akkwist pubbliku u s-self;

43.  Jemmen li s-settur tat-trasport għandu potenzjal enormi u għandu jkollu rwol essenzjali fit-tranżizzjoni u jħeġġeġ lill-Kummissjoni tappoġġja l-finanzjament eżistenti biex tiġi implimentata l-infrastruttura għall-vetturi elettriċi; jistieden lill-Kummissjoni tkompli tappoġġja u tiżviluppa aktar inizjattivi, bħall-inizjattiva mifruxa madwar l-Ewropa kollha dwar l-elettromobbiltà, kif ukoll l-Impriża Konġunta taċ-Ċelloli tal-Fjuwil u l-Idroġenu;

44.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tirrikonoxxi l-benefiċċji tal-mobbiltà tal-idroġenu, kif ukoll l-akkoppjament settorjali bejn is-setturi tat-trasport u tal-elettriku u toħloq inċentivi għal mudelli kummerċjali ġodda f'oqsma simili, bħall-iċċarġjar intelliġenti u l-iskattaturi mill-vettura għall-grilja, li jippermettu lis-sidien tal-vetturi elettriċi jbigħu lis-sistema tal-enerġija b'mod flessibbli; jistieden lill-Kummissjoni tiżgura l-finanzjament tal-innovazzjoni mmirata lejn l-iżvilupp ta' soluzzjonijiet għall-ħżin tal-idroġenu u soluzzjonijiet avvanzati għall-ħżin fit-tul għall-vetturi elettriċi, l-iżvilupp ta' infrastruttura għall-iċċarġjar bl-idroġenu, kif ukoll infrastruttura u soluzzjonijiet rikarikabbli, inkluża l-infrastruttura tal-iċċarġjar għall-vetturi elettriċi; iħeġġeġ lill-Istati Membri u lill-awtoritajiet lokali jieħdu aktar inizjattivi, bħal inċentivi fiskali b'rabta mal-penetrazzjoni ta' vetturi elettriċi u tal-idroġenu fis-suq, tnaqqis u eżenzjonijiet mit-taxxa għas-sidien ta' vetturi elettriċi u tal-idroġenu, kif ukoll diversi inizjattivi oħra fir-rigward tal-promozzjoni tal-użu tal-vetturi elettriċi, bħal tnaqqis fil-prezzijiet, ħlas ta' bonusijiet u primjums għax-xerrejja ta' vetturi elettriċi, u l-ħolqien ta' spazji ta' parkeġġ bla ħlas għall-vetturi elettriċi;

45.  Jinnota l-isforzi kbar li qed isiru fl-ambitu tal-programm ta' riċerka u żvilupp tal-UE Orizzont 2020 bil-għan li jinkiseb tnaqqis ta' 60 % fl-emissjonijiet tal-gassijiet serra fis-settur tat-trasport sal-2050 meta mqabbla mal-livelli tal-1990(4); ifakkar li l-programmi ta' riċerka u innovazzjoni tal-UE jikkostitwixxu fattur ewlieni fl-adozzjoni ta' innovazzjonijiet fil-qasam tal-enerġija, tal-ICT u tas-sistemi ta' trasport intelliġenti min-naħa tas-suq; jistieden lill-Kummissjoni biex, fil-futur, tikkonċentra l-għajnuna finanzjarja disponibbli b'mod aktar ċar fuq prijoritajiet strateġiċi interkonnessi, bħall-mobbiltà b'livell baxx ta' emissjonijiet, l-infrastruttura tal-iċċarġjar bi fjuwils alternattivi u trasport urban integrat, b'attenzjoni partikolari għall-emissjonijiet kollha li jniġġsu, it-tnaqqis tal-istorbju, is-sikurezza stradali, il-konġestjoni u r-restrinġiment tat-traffiku, u dan f'konformità mal-prinċipju tan-newtralità teknoloġika; jirrimarka wkoll l-importanza tal-iżvilupp ta' bijofjuwils avvanzati, biex b'hekk jiżdied is-sehem tat-trasport ferrovjarju u l-użu tar-roti;

46.  Jilqa' l-fatt li l-Kummissjoni se tappoġġja l-adozzjoni ta' soluzzjonijiet innovattivi ta' enerġija nadifa min-naħa tas-suq permezz tal-akkwist pubbliku u r-reviżjoni tad-Direttiva dwar Vetturi Nodfa, u jirrikonoxxi l-benefiċċju li dan jista' jkollu għall-awtoritajiet u l-operaturi tat-trasport pubbliku, il-manifatturi tal-karozzi tal-linja, il-fornituri tal-industrija, il-fornituri tal-enerġija u l-assoċjazzjonijiet u ċ-ċentri ta' riċerka nazzjonali u internazzjonali; jistieden lill-Kummissjoni toħroġ malajr bi proposti f'dan is-sens;

47.  Iħeġġeġ it-twaqqif ta' Aġenda Strateġika għar-Riċerka u l-Innovazzjoni fit-Trasport, bi pjanijiet direzzjonali mfassla f'konsultazzjoni bejn l-Istati Membri u l-Kummissjoni, kif ukoll l-awtoritajiet u l-operaturi lokali u reġjonali, u mekkaniżmu korrispondenti ta' governanza, bħala sostenn għar-riċerka, l-innovazzjoni u t-tħejjija għall-użu ta' teknoloġiji ġodda fis-settur tat-trasport u bil-għan li tiġi mħeġġa l-mobbiltà b'livell baxx ta' emissjonijiet, li huma kollha elementi indispensabbli; jitlob li l-konklużjonijiet ta' dawn il-pjanijiet direzzjonali jiddaħħlu fil-programm ta' ħidma tal-Kummissjoni;

48.  Jappella għal approċċ integrat u kkoordinat biex titqies id-dimensjoni urbana tal-politiki u l-leġiżlazzjoni nazzjonali u tal-UE, kif ukoll biex jiġu żviluppati Pjanijiet ta' Mobbiltà Urbana Sostenibbli (SUMPs) bil-għan li l-Istati Membri jingħataw is-sostenn, il-possibbiltà u l-inkoraġġiment biex itejbu s-saħħa u l-kwalità tal-ħajja taċ-ċittadini u l-qagħda tal-ambjent fiż-żoni urbani; iħeġġeġ l-iżvilupp ta' Sistemi tat-Trasport Intelliġenti u Kooperattivi (C-ITS) u ta' vetturi awtonomi u l-użu ta' infrastrutturi li jikkomunikaw biex jiġu ggarantiti l-ħtiġijiet ta' kapaċità għolja u latenza baxxa għal netwerk 5G; jappella biex isiru sforzi attivi sabiex jitnaqqsu d-differenzi u tittejjeb il-kooperazzjoni bejn iż-żoni urbani u ż-żoni rurali u bejn ir-reġjuni aktar żviluppati u dawk li għadhom lura f'dak li għandu x'jaqsam mal-kwalità infrastrutturali;

49.  Jirrikonoxxi l-importanza tal-Kunsens Ewropew għall-Iżvilupp il-ġdid, iffirmat f'Ġunju 2017, li jistabbilixxi viżjoni u qafas ta' azzjoni komuni għall-UE u l-Istati Membri tagħha fil-qasam tal-kooperazzjoni għall-iżvilupp; jinnota li, għall-ewwel darba, is-17-il SDG u l-miri assoċjati li għandhom jintlaħqu sal-2030 huma applikabbli b'mod universali għall-pajjiżi kollha, fid-dawl tal-impenn tal-UE biex tkun minn ta' quddiem fl-implimentazzjoni tagħhom; josserva li dan il-Kunsens iġib il-politika tal-Unjoni dwar l-iżvilupp f'konformità mal-Aġenda 2030 għall-Iżvilupp Sostenibbli u jidentifika miżuri importanti fil-qasam tal-enerġija sostenibbli u t-tibdil fil-klima;

50.  Ifakkar li l-Artikolu 8 tar-Regolament dwar Dispożizzjonijiet Komuni (CPR) jistabbilixxi li "l-objettivi tal-Fondi ESI għandhom jiġu segwiti konformement mal-prinċipju tal-iżvilupp sostenibbli", mal-objettivi tal-UE li tippreserva, tħares u ttejjeb il-kwalità tal-ambjent, u mal-impenji tagħha fl-ambitu tal-Ftehim ta' Pariġi;

51.  Ifakkar li l-Ftehimiet ta' Sħubija u l-programmi fil-qafas tas-CPR għandhom l-għan li jippromwovu l-effiċjenza fir-riżorsi, il-mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima u l-adattament għalih, kif ukoll il-prinċipji orizzontali tas-sħubija, il-governanza fuq diversi livelli, in-nondiskriminazzjoni u l-ugwaljanza bejn is-sessi;

52.  Iqis li s-sinerġiji bejn il-politiki tal-UE għandhom jissaħħu permezz ta' pożizzjoni unifikata u konsistenti tal-UE dwar miżuri anti-dumping, bil-għan li jiġi żgurat li l-industrija tal-manifattura tieħu vantaġġ sħiħ mit-tranżizzjoni tal-enerġija;

53.  Jirrikonoxxi r-rwol essenzjali tar-reġjuni, il-bliet u l-irħula fil-promozzjoni ta' sens ta' appartenenza għat-tranżizzjoni tal-enerġija madwar id-dinja u fl-innovazzjoni axxendenti fil-qasam tal-klima u l-enerġija; jappella biex jiġu applikati l-istess standards ta' kwalità ambjentali għat-teknoloġija enerġetika kollha li tidħol fis-suq tal-UE; jesprimi t-tħassib tiegħu dwar il-ħarsien taż-żoni ekoloġiċi urbani;

o

o    o

54.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri.

(1)

Testi adottati, P8_TA(2015)0444.

(2)

ĠU C 36, 29.1.2016, p. 62.

(3)

ĠU L 347, 20.12.2013, p. 104.

(4)

  Kif stabbilit fil-White Paper tal-Kummissjoni tat-28 ta' Marzu 2011 bit-titolu "Pjan direzzjonali għal Żona Unika Ewropea tat-Trasport – Lejn sistema tat-trasport kompetittiva u li tuża r-riżorsi b'mod effiċjenti" (COM(2011)0144).


NOTA SPJEGATTIVA

I. Introduzzjoni

L-ekonomiji moderni għaddejjin minn tranżizzjoni profonda fil-mod kif jipproduċu, jittrażmettu, jaħżnu u jużaw l-enerġija. Din it-tranżizzjoni hija msejsa fuq tliet elementi: l-aktar fundamentali hija l-ħtieġa ta' enerġija bi prezzijiet aċċessibbli, affidabbli u sigura għall-alimentazzjoni tat-tkabbir ekonomiku tagħna; fuq perjodu twil, tkabbir ekonomiku kontinwu jeħtieġ użu dejjem aktar sostenibbli tar-riżorsi disponibbli; fl-aħħar nett, it-teknoloġiji l-ġodda – inklużi, aktar reċentement, dawk xprunati mir-rivoluzzjoni diġitali – joffru opportunitajiet ġodda u vasti għat-tfassil mill-ġdid ta' sistemi tal-enerġija sħaħ.

L-Unjoni Ewropea kienet minn ta' quddiem nett fid-dinja f'din it-tranżizzjoni tal-enerġija, li tibqa' element fundamentali għall-UE biex tibni l-vantaġġ komparattiv globali tagħha. Mill-2005 'l hawn, dan ġie rifless f'għadd ta' dokumenti strateġiċi, filwaqt li d-diversi konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew u l-isforzi tal-Kummissjoni wasslu għall-adozzjoni tal-Pakkett dwar il-Klima u l-Enerġija tal-2020. L-implikazzjonijiet soċjoekonomiċi usa' tat-tranżizzjoni tal-enerġija tal-UE kkontribwew għall-Istrateġija ''Ewropa 2020'' kif ukoll għall-qafas ta' politika għall-klima u l-enerġija għall-2030 u l-Istrateġija tal-Enerġija tal-UE għall-2050. Bil-proposta komprensiva għall-Qafas tal-Unjoni tal-Enerġija u l-leġiżlazzjoni sussegwenti tal-2016 u l-2017 li qed tiġi implimentata jew tinsab fil-proċess tal-adozzjoni, l-UE stabbiliet l-elementi meħtieġa biex timxi 'l quddiem b'suċċess f'din it-tranżizzjoni profonda fil-qasam tal-enerġija.

F'dan il-kuntest, meta ammont dejjem akbar ta' ekonomiji qegħdin jilqgħu u jfittxu l-vantaġġi li ġġib magħha t-tranżizzjoni tal-enerġija, il-kapaċità tal-UE biex taċċelera l-innovazzjoni fil-qasam tal-enerġija nadifa hija kwistjoni ta' importanza ġenerali. Dan huwa ċar hekk kif l-Unjoni qed tistinka biex tiżgura l-kompetittività industrijali globali tagħha, tkabbir sostenibbli u impjiegi ta' valur għoli għaċ-ċittadini tagħha, filwaqt li tagħmel tranżizzjoni lejn ekonomija b'effiċjenza għolja u b'emissjonijiet baxxi u ssaħħaħ is-sigurtà tal-enerġija globali tagħha u l-indipendenza mill-importazzjoni.

Il-pedamenti huma solidi. L-Indiċi ta' Innovazzjoni Global Cleantech tal-2017 jikklassifika ħames Stati Membri tal-UE fost l-aqwa 10 pajjiżi fl-innovazzjoni fil-qasam tat-teknoloġija nadifa emerġenti. Dan il-proporzjon huwa bejn wieħed u ieħor kostanti tul il-klassifika: 11-il Stat Membru tal-UE qegħdin fl-aqwa 20, filwaqt li 20 Stat Membru tal-UE qegħdin fil-grupp ta' 40 pajjiż analizzati madwar id-dinja. Is-supremazija globali tal-UE fil-qasam tal-invenzjonijiet ta' livell għoli f'teknoloġiji li jtaffu t-tibdil fil-klima hija riflessa wkoll fiċ-ċifri ppubblikati mill-Uffiċċju Ewropew tal-Privattivi. Fl-istess ħin, l-istatistika disponibbli turi li ħames Stati Membri biss fl-UE huma responsabbli għal madwar 80 % tal-innovazzjonijiet koperti minn privattiva f'dan il-qasam. Fir-rigward tal-enerġija rinnovabbli, skont iċ-ċifri tal-2016 ippubblikati mill-Aġenzija Internazzjonali għall-Enerġija Rinnovabbli, l-UE hija responsabbli għal kważi 21 % tal-kapaċità globali tal-enerġija rinnovabbli, u b'hekk qiegħda quddiem nett – per capita – fuq livell dinji u, f'termini assoluti, qiegħda biss wara ċ-Ċina. Madankollu, l-ekonomiji emerġenti – partikolarment fl-Asja – qegħdin jagħlqu dan id-distakk b'mod rapidu, u llum il-ġurnata l-UE diġà qiegħda lura meta mqabbla ma' ħafna mill-kompetituri prinċipali tagħha, u taħt il-medja globali fir-rigward tal-fattur tal-kapaċità RES tagħha. Dawn kollha juru b'mod ċar il-potenzjal li għadu mhux sfruttat biex l-UE kollha kemm hi tagħmel qabża sinifikanti lejn it-tisħiħ tas-supremazija tagħha fl-innovazzjoni fil-qasam tal-enerġija nadifa.

Filwaqt li jirrikonoxxi dawn l-implikazzjonijiet orizzontali u l-bidliet fix-xenarju tal-enerġija, ir-rapporteur jilqa' l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea dwar l-aċċelerazzjoni tal-innovazzjoni fil-qasam tal-enerġija nadifa, ippubblikata bħala parti mill-Pakkett "Enerġija Nadifa għall-Ewropej Kollha". Ir-rapporteur konvint li biex issir qabża kbira fir-riċerka dwar l-enerġija u tirnexxi l-adozzjoni tal-innovazzjonijiet, l-UE teħtieġ politiki u strumenti li huma ħfief u li jirrispondu aħjar għax-xenarju li qed jinbidel malajr u partikolarment għat-teknoloġiji emerġenti, iżda fl-istess ħin joħolqu prevedibbiltà u ċertezza fit-tul biex jiġi mobilizzat l-investiment meħtieġ. Jixtieq jenfasizza li Suq Intern tal-Enerġija li jiffunzjona kompletament huwa essenzjali biex tkompli tiġi stimulata r-riċerka marbuta mal-enerġija u tirnexxi l-adozzjoni tal-innovazzjonijiet.

II. Punti ewlenin identifikati mir-rapporteur

II.1. Il-koerenza tal-azzjonijiet tal-UE

Ir-rapporteur jirrikonoxxi l-ħtieġa ta' valutazzjoni taċ-ċiklu tal-ħajja (LCA) – fil-ġenerazzjoni, it-trażmissjoni, id-distribuzzjoni, il-ħżin, l-użu, kif ukoll ir-riċiklaġġ jew użu ieħor tar-residwu – tas-sorsi u t-teknoloġiji tal-enerġija meta jiġu indirizzati politiki u inċentivi konkreti mmirati lejn soluzzjonijiet b'livell baxx ta' emissjonijiet fil-livell tal-UE. Filwaqt li jirrikonoxxi l-implikazzjonijiet pożittivi estensivi ta' azzjonijiet immirati fil-qasam tal-effiċjenza enerġetika, kif ukoll l-użu sostenibbli u teknoloġikament newtrali tas-sorsi indiġeni kollha disponibbli fl-UE – mis-sorsi rinnovabbli għat-teknoloġiji nodfa tal-faħam – ir-rapporteur jemmen li għandha tingħata prijorità akbar lill-innovazzjoni orizzontali u sistemika fil-qasam tal-enerġija, li tilħaq lis-setturi kollha tas-sistema tal-enerġija. Dan huwa meħtieġ biex jiġu ssodisfati l-għanijiet ta' żvilupp sostenibbli tal-UE kif minquxa fl-Artikolu 3 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, u biex jiġi żgurat b'mod effettiv id-dritt tal-Istati Membri li jiddeterminaw l-għażla tat-taħlita enerġetika tagħhom, kif iddikjarat fl-Artikolu 194 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea. Dan l-approċċ huwa rifless fir-rapport kollu.

Ir-rapporteur huwa tal-fehma li l-iżgurar tal-koerenza ġenerali tal-qafas regolatorju fost il-politiki huwa wieħed mill-fatturi ewlenin biex tingħata spinta lill-innovazzjoni fil-qasam tal-enerġija. Dan jittratta viżjoni politika stabbli u fit-tul li tlaqqa' flimkien l-elementi differenti tagħha – inklużi l-Fondi Strutturali – u l-iskemi privati. Huwa kruċjali wkoll li jsir titjib fis-servizzi ta' konsulenza fil-qasam finanzjarju għall-innovaturi. Ir-rapporteur konvint ukoll dwar il-ħtieġa ta' koordinazzjoni effikaċi tal-programmi tal-UE u dawk nazzjonali biex tiġi evitata d-duplikazzjoni u jiġi żgurat l-aktar użu effikaċi tal-infrastruttura eżistenti tar-riċerka u r-riżorsi.

II.2. Ċertezza ta' finanzjament fit-tul

Ir-rapporteur jirrikonoxxi r-rwol kruċjali li se jkollu l-Programm Qafas li jmiss (2021-2027) fl-aċċelerazzjoni ta' innovazzjoni teknoloġikament newtrali fil-qasam tal-enerġija nadifa. F'dan il-kuntest huwa jtenni l-appell tal-Parlament għal żieda kumplessiva ta' EUR 120 biljun fil-baġit tal-FP9 u jipproponi wkoll li l-finanzjament relatat mal-enerġija jiżdied b'50 % meta mqabbel ma' Orizzont 2020. Fil-fatt dan għandu aktar milli jirdoppja l-investiment tal-UE fir-riċerka u l-innovazzjoni fil-qasam tal-enerġija fl-ambitu tal-Programm Qafas. Din il-proposta trid tiġi kkomplementata b'allinjament u taħlita akbar tal-istrumenti ta' investiment eżistenti tal-UE, kif ukoll kapital ta' ekwità privat, filwaqt li għandu jiġi esplorat l-involviment dirett taċ-ċittadini.

II.3. Is-supremazija globali tal-UE

Il-koordinazzjoni tal-isforzi mas-sħab globali, permezz tal-Missjoni Innovazzjoni kif ukoll id-diversi koalizzjonijiet u inizjattivi mobilizzati permezz tal-Ftehim ta' Pariġi hija element importanti biex tiġi sfruttata fuq livell globali s-supremazija tal-UE fl-innovazzjoni fil-qasam tal-enerġija. Ir-rapporteur konvint li hemm bżonn li jiżdied l-investiment fl-innovazzjoni fil-qasam tal-enerġija anke billi jiġu esplorati l-prospetti tat-tqassim tax-xogħol fost il-pajjiżi li qegħdin fuq quddiem f'dan il-qasam, kif ukoll billi tiġi promossa l-esportazzjoni ta' teknoloġiji ta' enerġija nadifa min-naħa tal-UE.

II.4. Innovazzjoni fl-enerġija xprunata miċ-ċittadini

Ir-rapporteur jappoġġja bis-sħiħ l-idea li ċ-ċittadini għandu jkollhom rwol ċentrali fit-trasformazzjoni tal-enerġija u fl-ixprunar tal-innovazzjoni. Hekk kif is-sistemi tal-enerġija qed isiru aktar mifruxa u ċċentrati fuq il-prosumaturi, ix-xenarju tal-enerġija b'mod ġenerali qed isir aktar demokratiku. Dan huwa minnu mhux biss fil-produzzjoni u l-konsum, iżda anke f'servizzi u soluzzjonijiet ġodda, kif ukoll fit-tfassil u l-applikazzjoni tal-innovazzjonijiet fil-qasam tal-enerġija. Ir-rapporteur jemmen li l-isforzi tal-UE biex tiġi aċċelerata l-innovazzjoni fil-qasam tal-enerġija nadifa jirnexxu biss jekk din tirrikonoxxi bis-sħiħ it-tranżizzjoni fil-mentalità li se jkollhom jagħmlu l-Ewropej. Dan m'għadux kwistjoni ta' għarfien u fehim aħjar tal-politiki u l-proċessi. Issa li t-teknoloġiji tal-IT u d-diġitalizzazzjoni qed irawmu d-deċentralizzazzjoni tas-sistemi u jiftħu dejjem aktar modi ġodda kif jinvolvu liċ-ċittadini, l-Ewropej ta' kull età gradwalment se jsiru aktar involuti b'mod attiv fit-tmexxija tal-innovazzjoni fil-qasam tal-enerġija. Bħal kull proċess soċjali ieħor, dan se jkun twil u jeħtieġ li jiġi indirizzat b'mod adegwat permezz ta' skemi edukattivi u ta' involviment sistemiċi. Il-Komunità ta' Konoxxenza u Innovazzjoni InnoEnergy fl-Istitut Ewropew tal-Innovazzjoni u t-Teknoloġija diġà bdiet il-ħidma fil-qasam tal-approprjazzjoni soċjali tal-enerġija, u r-rapporteur konvint bis-sħiħ li dan il-proċess se jkollu rwol dejjem iktar importanti fis-snin li ġejjin u għalhekk għandu jintlaqa' u jiġi appoġġjat bis-sħiħ.

Is-sistema tal-enerġija hija sors essenzjali għal ħafna mill-attivitajiet tal-bniedem. L-effetti tat-trasformazzjoni tagħha se jmorru ferm lil hinn mill-ekonomija. Il-mobilizzazzjoni tal-potenzjal uniku tal-UE li tkun innovattiva fis-setturi kollha tal-enerġija, u forsi b'mod partikolari fis-soluzzjonijiet sistemiċi, toffri l-aħjar opportunità biex l-isfidi tat-trasformazzjoni profonda tal-enerġija jinbidlu f'impetu għal tkabbir sigur u sostenibbli u għas-supremazija industrijali tal-UE fid-dinja, u hija wkoll element kruċjali għall-bini ta' soċjetà futura impenjata u bbażata fuq l-għarfien. Barra minn hekk, b'mod aktar profond, flimkien mal-objettivi tat-tranżizzjoni tal-enerġija tal-UE dan jista' jkun il-kontribut tal-Ewropa għall-futur li nixtiequ għall-ġenerazzjoni li jmiss ta' Ewropej.


OPINJONI tal-Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza tal-Ikel (25.10.2017)

għall-Kumitat għall-Industrija, ir-Riċerka u l-Enerġija

dwar aċċelerazzjoni tal-innovazzjoni fil-qasam tal-enerġija nadifa

(2017/0000(INI))

Rapporteur għal opinjoni: Stefan Eck

SUĠĠERIMENTI

Il-Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza tal-Ikel jistieden lill-Kumitat għall-Industrija, ir-Riċerka u l-Enerġija, bħala l-kumitat responsabbli, biex jinkorpora s-suġġerimenti li ġejjin fil-mozzjoni għal riżoluzzjoni tiegħu:

1.  Jirrikonoxxi li l-Unjoni Ewropea hija wieħed mill-mexxejja globali u l-akbar finanzjatur pubbliku tal-enerġija nadifa; iqis li r-riċerka u l-innovazzjoni, b'aktar minn EUR 10 biljun f'finanzjament f'dan il-qasam, huma essenzjali sabiex tiġi appoġġjata l-kompetittività globali u r-rwol tat-tmexxija tal-Ewropa f'teknoloġiji avvanzati fl-użu tal-enerġija u soluzzjonijiet ta' effiċjenza enerġetika;

2.  Iqis li ċ-ċittadini – bħala konsumaturi, produtturi u fornituri – jirrappreżentaw il-mezz ewlieni għall-adozzjoni, min-naħa tas-soċjetà, ta' soluzzjonijiet innovattivi b'livell baxx ta' emissjonijiet tal-karbonju, li għandhom impatt sostanzjali fuq il-livelli ta' konsum tal-enerġija nadifa; jistieden, għalhekk, lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jiffukaw aktar sforzi fuq li jiffaċilitaw u jtejbu l-aċċess taċ-ċittadini għal dawn is-soluzzjonijiet, inkluż fil-livell domestiku u b'mod partikolari fil-livell komunitarju; jappoġġja, f'dan ir-rigward, l-intenzjoni tal-Kummissjoni li tiddekarbonizz l-istokk kollu tal-bini tal-UE sal-2050, peress li dan waħdu huwa responsabbli għal aktar minn 40 % tad-domanda finali tal-enerġija tal-Unjoni; jesprimi tħassib dwar l-għodda u l-appoġġ finanzjarju disponibbli għall-kisba ta' din l-isfida ewlenija kif stabbilita fil-komunikazzjoni tal-Kummissjoni;

3.  Jilqa' l-fatt li l-Kummissjoni affermat mill-ġdid l-ambizzjoni tagħha li tħaffef it-tranżizzjoni lejn ekonomija kompetittiva b'livell baxx ta' emissjonijiet tal-karbonju billi ressqet strateġija komprensiva dwar inċentivi għall-investimenti privati, strumenti finanzjarji mfassla apposta u ffinanzjar tar-riċerka u l-innovazzjoni; jilqa, f'dan ir-rigward, id-deċiżjoni tal-Kummissjoni li tinvesti aktar minn EUR 2 biljun mill-fondi totali tal-programm ta' ħidma Orizzont 2018-2020 fir-riċerka u l-innovazzjoni fl-enerġija nadifa, l-elettromobbiltà, id-dekarbonizzazzjoni tal-istokk tal-bini u l-integrazzjoni tas-sorsi ta' enerġija rinnovabbli;

4.  Jirrimarka li r-riċerka u l-innovazzjoni jgħinu biex l-Ewropa ssir post aħjar fejn wieħed jgħix u jaħdem, jinkoraġixxu l-kompetittività u jagħtu spinta lit-tkabbir u lill-ħolqien tal-impjiegi; josserva li l-azzjonijiet sabiex titħaffef l-innovazzjoni fil-qasam tal-enerġija nadifa għandhom jiġu nkoraġġuti ħafna billi jiġu promossi l-investiment pubbliku u privat u l-kompetittività industrijali tal-UE, filwaqt li jiġi mmitigat l-impatt soċjali tat-tranżizzjoni għall-enerġija nadifa;

5.  Jisħaq dwar ir-rwol ewlieni tal-politiki dwar il-klima u l-enerġija nadifa bħala muturi għall-innovazzjoni fl-ekonomija reali; ifakkar li l-istandards u l-miri vinkolanti rawmu r-rwol ta' tmexxija tal-UE fl-ekoinnovazzjoni, u huwa kkonċernat li minħabba n-nuqqas ta' żieda fl-ambizzjoni tal-politika għall-klima u l-enerġija nadifa attwal, l-UE diġà qed titlef il-pożizzjoni ta' tmexxija tagħha fis-suq b'rabta ma' teknoloġiji ġodda u innovazzjonijiet kunċettwali;

6.  Jirrikonoxxi li finanzjament akbar għall-proġetti ta' riċerka se jwassal għal tnaqqis fl-ispejjeż u industrija tal-ħżin tal-enerġija Ewropea aktar kompetittiva; jinkoraġixxi lill-Istati Membri jiġbru flimkien ir-riżorsi tagħhom sabiex iwettqu proġetti ta' innovazzjoni fuq skala kbira b'livell baxx ta' emissjonijiet ta' karbonju bl-għan li tittejjeb il-kooperazzjoni bejn partijiet Ewropej ewlenin interessati fir-riċerka; jemmen li dan se jħaffef il-koordinazzjoni ta' dawn il-partijiet interessati, u jagħmilhom aktar kompetittivi;

7.  Jenfasizza l-potenzjal tal-Ġbir u l-Ħżin tal-Karbonju bħala soluzzjoni innovattiva għat-tnaqqis effikaċi tal-emissjonijiet mill-użu tal-enerġija fossili fil-proċessi industrijali;

8.  Ifakkar li l-kwalità regolatorja u l-integrità tas-settur pubbliku huma żewġ dimensjonijiet tal-governanza pubblika li huma ta' importanza kritika għal investiment fl-innovazzjoni u l-infrastruttura fil-qasam tal-enerġija nadifa; jappoġġja implimentazzjoni aktar intensiva ta' strumenti finanzjarji differenti għall-adozzjoni ta' soluzzjonijiet ta' enerġija nadifa innovattivi, minn organizzazzjonijiet kemm pubbliċi kif ukoll privati; jieħu nota tad-diskrepanzi fil-finanzjament privat ta' teknoloġiji innovattivi u jinkoraġġixxi l-użu aħjar tar-riżorsi pubbliċi sabiex jittejjeb investiment privat esoġenu;

9.  Jenfasizza l-importanza tal-Aġenda Urbana tal-UE, u jilqa' l-bidla politika li tagħti s-setgħa lill-awtoritajiet muniċipali u reġjonali biex jagħmlu investimenti ekoloġiċi li b'hekk tiffaċilita l-kooperazzjoni f'dan il-qasam; jenfasizza l-importanza tal-Patt Globali tas-Sindki għall-Klima u l-Enerġija, minħabba l-involviment essenzjali tal-awtoritajiet lokali u reġjonali fit-twettiq tat-tranżizzjoni lejn ekonomija b'livell baxx ta' emissjonijiet tal-karbonju;

10.  Jinnota li l-ibħra u l-oċeani tagħna jipprovdu sors vast u rinnovabbli ta' enerġija, b'mod partikolari tul il-kosta Atlantika, u jistgħu jsiru wkoll sorsi ewlenin tal-enerġija nadifa; josserva li l-enerġija rinnovabbli mill-ibħra, li tinkludi kemm l-irjiħat mill-baħar u l-oċean innifsu, toffri lill-UE opportunità biex tiġġenera tkabbir ekonomiku u ħolqien tal-impjiegi, issaħħaħ is-sigurtà tal-provvista tagħha ta' enerġija u tagħti spinta lill-kompetittività permezz tal-innovazzjoni teknoloġika;

11.  Jenfasizza li l-utilitajiet pubbliċi tal-ilma u d-dranaġġ huma enerġetikament intensivi u jikkontribwixxu wkoll għall-emissjonijiet ta' gassijiet serra minn dranaġġ mhux ittrattat; jinnota l-ħtieġa li jiġu promossi politiki konsistenti fl-ekonomija ċirkolari, b'mod partikolari fid-dawl tal-importanza vitali tal-konnessjoni bejn l-enerġija u l-ilma, permezz tal-użu aktar effiċjenti tal-ilma, it-tnaqqis tal-konsum tal-enerġija u l-inkoraġġiment tal-forniment ta' materjali bil-valur tas-suq, l-introduzzjoni ta' sistemi ġodda ta' awtomatizzazzjoni u sistemi tad-data effiċjenti u aċċessibbli, kif ukoll l-innovazzjoni u teknoloġiji ġodda;

12.  Jenfasizza l-importanza li jiġi żgurat li, fil-futur, tranżizzjoni Ewropea lejn livell baxx ta' emissjonijiet tal-karbonju tkun immirata lejn l-interessi ta' kulħadd, u tkun iffokata primarjament fuq il-bżonnijiet tal-konsumaturi, tal-SMEs u tas-servizzi pubbliċi; jinkoraġixxi l-akkwist pubbliku ta' soluzzjonijiet innovattivi b'livell baxx ta' emissjonijiet tal-karbonju;

13.  Jirrakkomanda żieda fl-isforzi fl-investiment fir-riċerka u l-innovazzjoni, fl-edukazzjoni tal-istudenti relatata mat-teknoloġija u s-saħħa u f'kooperazzjoni fi ħdan it-triangolu tal-għarfien (l-edukazzjoni, ix-xjenza u n-negozju), inkluż dwar sorsi ta' enerġija rinovabbli u l-effiċjenza enerġetika u l-impatt tagħhom fuq l-ambjent u fuq is-saħħa taċ-ċittadini;

14.  Jikkunsidra li l-politiki Ewropej dwar l-ilma u l-enerġija għandhom ikunu marbuta flimkien, b'tali mod li jinkoraġixxu kooperazzjoni u integrazzjoni aktar mill-qrib ma' setturi industrijali oħra, jippromwovu mudelli innovattivi ta' finanzjament u jużaw aktar enerġija rinnovabbli minflok fjuwils fossili għaċ-ċiklu tal-ilma urban mingħajr ma jiġu kompromessi l-affidabbiltà u l-effiċjenza;

15.  Jenfasizza li l-piż tad-degradazzjoni ambjentali, it-tniġġis tal-arja u l-ispejjeż tas-saħħa li jirriżultaw mill-estrazzjoni u l-ħruq tal-fjuwils fossili jrid ikun kwistjoni għall-partijiet ikkonċernati kollha; iqis li s-sussidji tal-fjuwils fossili joħolqu ostaklu ewlieni għall-innovazzjoni fil-qasam tal-enerġija nadifa u jinsisti fuq l-indirizzar mill-ġdid ta' tali riżorsi għall-finanzjament ta' innovazzjoni fil-qasam tal-enerġija nadifa u l-adozzjoni tagħha; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex b'mod konġunt jiżviluppaw pjan direzzjonali għat-tneħħija gradwali tas-sussidji tal-fjuwils fossili sal-2020, li jridu jkunu sostitwiti b'sussidji korrispondenti għall-proġetti b'enerġija nadifa, ibbażati domestikament jew fil-komunità, bi skedi ta' żmien stretti u b'eżiti miżurabbli u speċifiċi għall-pajjiż;

16.  Jinnota l-pakkket tal-"Enerġija Nadifa" preżentat mill-Kummissjoni fit-30 ta' Novembru 2016, li jintroduċi qafas regolatorju għall-enerġija rinnovabbli u s-suq intern tal-enerġija biex jiġu żgurati s-sigurtà tal-provvista u l-effiċjenza tal-enerġija fl-Unjoni Ewropea wara l-2020; jiddispjaċih, madankollu, li dan il-pakkett iħalli s-sussidji għall-fjuwils fossili u l-enerġija nukleari mhux mittiefsa u jonqos milli jintroduċi regoli għall-internalizzazzjoni tal-ispejjeż esterni ġġenerati minn dawk l-attivitajiet;

17.  Jenfasizza l-importanza tal-iffrankar tal-enerġija u tal-effiċjenza enerġetika fil-kuntest tal-innovazzjoni fil-qasam tal-enerġija nadifa; jenfasizza li l-effiċjenza enerġetika jeħtieġ tkun ikkunsidrata kemm f'dak li jirrigwarda l-produzzjoni tal-fjuwils/enerġija kif ukoll f'termini ta' użu;

18.  Ifakkar fl-impenn tal-Partijiet bħala parti mill-Ftehim ta' Pariġi li jikkonservaw u jsaħħu l-bjar forestali u jinnota l-potenzjal limitat tal-bijoenerġija peress li l-użu tagħha jista' jkollu impatti negattivi fuq il-klima, fuq is-servizz tal-ekosistema u fuq aspetti ambjentali oħra;

19.  Jirrikonoxxi l-importanza tal-Kunsens Ewropew dwar l-Iżvilupp il-ġdid li ġie ffirmat f'Ġunju 2017, li jistabbilixxi viżjoni u qafas ta' azzjoni komuni għall-UE u l-Istati Membri tagħha fil-qasam tal-kooperazzjoni għall-iżvilupp; jinnota li, għall-ewwel darba, is-17-il Għan ta' Żvilupp Sostenibbli (SDGs) u l-miri assoċjati li għandhom jintlaħqu sal-2030 huma universalment applikabbli għall-pajjiżi kollha, fid-dawl tal-impenn tal-UE biex tkun minn ta' quddiem fl-implimentazzjoni tagħhom; josserva li dan il-Kunsens iġib il-politika tal-Unjoni dwar l-iżvilupp f'konformità mal-Aġenda 2030 għall-Iżvilupp Sostenibbli u jidentifika miżuri importanti fil-qasam tal-enerġija sostenibbli u t-tibdil fil-klima;

20.  Jirrikonoxxi l-importanza tal-ipproċessar tad-demel, tal-bijofermentazzjoni u t-tisħiħ tan-nutrijenti għall-ekonomija tal-biedja u t-tranżizzjoni enerġetika fl-Unjoni u fl-Istati Membri, pereżempju permezz tal-produzzjoni ta' gass, elettriċità u tisħin ekoloġiku, u l-iffrankar tal-enerġija, it-titjib fil-kwalità tal-arja u tal-ħamrija u t-tnaqqis tal-emissjonijiet riżultanti;

21.  Jirrimarka li l-faqar enerġetiku jaffettwa bejn wieħed u ieħor 54 miljun ċittadin tal-UE (10,8 % tal-popolazzjoni tal-UE), li fl-2012 ma kinux f'qagħda li jsaħħnu djarhom b'mod adegwat; jistieden lill-Kummissjoni tippromwovi politika vigoruża ta' effiċjenza enerġetika fil-bini, li jammonta għall-ikbar parti (40 %) tal-enerġija kkunsmata fl-UE, billi tħeġġeġ xogħlijiet ta' rinnovazzjoni, bil-għan fit-tul li l-bini tal-UE jiġi dekarbonizzat, li attwalment xejn ma huwa sodisfaċenti f'termini ta' effiċjenza enerġetika.

INFORMAZZJONI DWAR L-ADOZZJONIFIL-KUMITAT LI JINTALAB JAGĦTI OPINJONI

Data tal-adozzjoni

12.10.2017

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

55

1

3

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Marco Affronte, Pilar Ayuso, Zoltán Balczó, Catherine Bearder, Ivo Belet, Biljana Borzan, Lynn Boylan, Paul Brannen, Soledad Cabezón Ruiz, Nessa Childers, Birgit Collin-Langen, Miriam Dalli, Seb Dance, Mark Demesmaeker, Stefan Eck, José Inácio Faria, Karl-Heinz Florenz, Francesc Gambús, Elisabetta Gardini, Gerben-Jan Gerbrandy, Arne Gericke, Jens Gieseke, Julie Girling, Sylvie Goddyn, Françoise Grossetête, Andrzej Grzyb, Jytte Guteland, Jean-François Jalkh, Benedek Jávor, Karin Kadenbach, Kateřina Konečná, Urszula Krupa, Jo Leinen, Peter Liese, Norbert Lins, Rupert Matthews, Valentinas Mazuronis, Susanne Melior, Gilles Pargneaux, Piernicola Pedicini, Julia Reid, Daciana Octavia Sârbu, Annie Schreijer-Pierik, Renate Sommer, Ivica Tolić, Nils Torvalds, Adina-Ioana Vălean, Damiano Zoffoli

Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali

Herbert Dorfmann, Luke Ming Flanagan, Elena Gentile, Merja Kyllönen, Ulrike Müller, Christel Schaldemose, Bart Staes, Keith Taylor

Sostituti (skont l-Artikolu 200(2)) preżenti għall-votazzjoni finali

John Howarth, Răzvan Popa, Sven Schulze

VOTAZZJONI FINALI B'SEJĦA TAL-ISMIJIETFIL-KUMITAT LI JINTALAB JAGĦTI OPINJONI

55

+

ALDE

Catherine Bearder, Gerben-Jan Gerbrandy, Valentinas Mazuronis, Ulrike Müller, Nils Torvalds

ECR

Mark Demesmaeker, Arne Gericke, Julie Girling, Urszula Krupa, Rupert Matthews

EFDD

Piernicola Pedicini

GUE/NGL

Lynn Boylan, Stefan Eck, Luke Ming Flanagan, Kateřina Konečná, Merja Kyllönen

PPE

Pilar Ayuso, Ivo Belet, Birgit Collin-Langen, Herbert Dorfmann, José Inácio Faria, Karl-Heinz Florenz, Francesc Gambús, Elisabetta Gardini, Jens Gieseke, Françoise Grossetête, Andrzej Grzyb, Peter Liese, Norbert Lins, Annie Schreijer-Pierik, Sven Schulze, Renate Sommer, Ivica Tolić, Adina-Ioana Vălean

S&D

Biljana Borzan, Paul Brannen, Soledad Cabezón Ruiz, Nessa Childers, Miriam Dalli, Seb Dance, Elena Gentile, Jytte Guteland, John Howarth, Karin Kadenbach, Jo Leinen, Susanne Melior, Gilles Pargneaux, Răzvan Popa, Christel Schaldemose, Daciana Octavia Sârbu, Damiano Zoffoli

VERTS/ALE

Marco Affronte, Benedek Jávor, Bart Staes, Keith Taylor

1

-

EFDD

Julia Reid

3

0

ENF

Sylvie Goddyn, Jean-François Jalkh

NI

Zoltán Balczó

Tifsira tas-simboli użati:

+  :  favur

-  :  kontra

0  :  astensjoni


OPINJONI tal-Kumitat għat-Trasport u t-Turiżmu (24.11.2017)

għall-Kumitat għall-Industrija, ir-Riċerka u l-Enerġija

dwar l-Aċċellerazzjoni tal-Innovazzjoni fil-qasam tal-Enerġija Nadifa

(2017/2084(INI))

Rapporteur għal opinjoni: Isabella De Monte

SUĠĠERIMENTI

Il-Kumitat għat-Trasport u t-Turiżmu jistieden lill-Kumitat għall-Industrija, ir-Riċerka u l-Enerġija, bħala l-kumitat responsabbli, biex jinkorpora s-suġġerimenti li ġejjin fil-mozzjoni għal riżoluzzjoni tiegħu:

A.  billi s-settur tat-trasport jirrappreżenta terz tal-konsum enerġetiku tal-UE, għandu potenzjal enormi għall-effiċjenza fl-użu tal-enerġija u għat-tnaqqis tal-emissjonijiet tal-karbonju, u għaldaqstant għandu jkollu rwol essenzjali fit-tranżizzjoni lejn soluzzjonijiet enerġetiċi ġodda u soċjetà b'emissjonijiet baxxi ta' karbonju; billi, għal dan il-għan, huma meħtieġa soluzzjonijiet ta' ħżin innovattivi u avvanzati, u infrastruttura bbażata fuq sorsi alternattivi, kif ukoll innovazzjoni diġitali, u dan bil-ħsieb li jiġu appoġġati n-negozji fil-qasam tat-turiżmu u s-servizzi ta' mobilità intelliġenti, b'mod partikolari l-SMEs, l-istart-ups u l-mudelli kummerċjali ġodda fis-settur tat-trasport;

B.  billi s-settur tat-trasport għandu rwol ċentrali x'jaqdi fl-implimentazzjoni tal-Ftehim ta' Pariġi dwar il-Klima u l-għan tiegħu li jillimita ż-żieda fit-temperatura globali sew taħt iż-2°C; billi d-dekarbonizzazzjoni tas-settur tat-trasport tiddependi fuq użu akbar ta' enerġija rinnovabbli, u għalhekk huma meħtieġa rabtiet b'saħħithom bejn il-qasam tal-enerġija u tat-trasport, kif ukoll integrazzjoni effikaċi bejn in-nisġa industrijali u r-riċerka xjentifika, u dan bil-għan li tinkiseb integrazzjoni settorjali b'rispett sħiħ tal-prinċipju tan-newtralità teknoloġika;

C.  billi ż-żieda fil-promozzjoni u s-sostenn tal-effiċjenza fl-użu tal-enerġija, it-teknoloġija tal-enerġija rinnovabbli u l-mobilità elettrika, flimkien mad-diġitalizzazzjoni, is-sistemi ta' trasport intelliġenti u l-infrastruttura intelliġenti li tottimizza l-ġenerazzjoni tal-enerġija, se tħaffef it-tranżizzjoni għal ekonomija b'emissjonijiet baxxi ta' karbonju kompetittiva, tipprovdi sostenn għall-impjiegi, it-tkabbir u l-investiment, u tagħti spinta lill-ekonomiji Ewropej;

1.  Jilqa' l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni(1) u l-azzjonijiet proposti fiha, inkluża l-intenzjoni tal-Kummissjoni u tal-Bank Ewropew tal-Investiment li jistabbilixxu Faċilità għal Trasport aktar Nadif, bħall-Faċilità għat-Tbaħħir Ekoloġiku li hemm bħalissa, bil-għan li jingħata sostenn għall-iżvilupp, it-tħejjija għall-użu u l-innovazzjoni f'dak li jikkonċerna soluzzjonijiet ġodda ta' trasport li jagħmel użu minn enerġija alternattiva; jilqa' wkoll ir-rwol tal-Fond Ewropew għall-Investimenti Strateġiċi (FEIS) fil-mobilizzazzjoni tal-investimenti privati f'dan il-qasam; jissottolinja li s-sħubijiet pubbliċi-privati u l-impriżi konġunti fil-qasam tar-riċerka, l-iżvilupp u l-innovazzjoni (bħalma hi l-Inizjattiva Teknoloġika Konġunta taċ-Ċelloli tal-Karburant u l-Idroġenu) jistgħu jnaqqsu l-fattur ta' riskju, u b'hekk joħolqu l-inċentivi u l-kundizzjonijiet adatti biex jattiraw l-investituri fl-enerġija nadifa;

2.  Jistieden lill-Kummissjoni tevalwa l-ħtiġijiet tal-infrastruttura għall-użu ta' karburanti alternattivi, bil-għan li tindirizza l-isfidi enerġetiċi speċifiċi kollha skont id-diversi setturi tat-trasport, inklużi l-ferroviji, il-vetturi tat-triq ħfief u tqal, u t-trasport bl-ajru, bil-baħar u bl-ilma;

3.  Jemmen bis-sħiħ li sabiex jintlaħqu l-għanijiet tal-enerġija rinnovabbli tal-UE, dawk li jfasslu l-politika jeħtieġ isaħħu b'mod urġenti l-kundizzjonijiet tal-investiment, mhux biss f'dak li jikkonċerna l-politika ta' investiment iżda wkoll il-politika tal-kompetizzjoni, tal-kummerċ u tas-suq finanzjarju; ifakkar li l-kundizzjonijiet tal-investiment huma fost il-fatturi ewlenin li qed iżommu lura l-investiment u l-innovazzjoni fl-enerġija rinnovabbli u li l-ambjent tal-investiment usa' m'għandux jikkontradixxi l-investiment u l-innovazzjoni fl-enerġija rinnovabbli;

4.  Jissottolinja li huwa importanti li jiġu appoġġati u inċentivati l-aktar innovazzjonijiet promettenti u t-teknoloġiji tal-ogħla livell fl-Ewropa, fil-qafas ta' approċċ axxendenti, iċċentrat fuq l-utent, newtrali mil-lat teknoloġiku u interdixxiplinari, fil-punti ta' intersezzjoni tal-enerġija, tal-industrija tat-trasport u tat-teknoloġiji diġitali, b'mod partikolari dawk it-teknoloġiji li jiggarantixxu ffrankar ta' gassijiet b'effett ta' serra mill-perspettiva taċ-ċiklu tal-ħajja (inklużi l-vetturi li jaħdmu bl-idroġenu u bl-elettriku); jilqa' l-ħidma tal-Kunsill Ewropew tar-Riċerka fil-qasam tar-riċerka fundamentali u l-inizjattiva tal-Kummissjoni biex jiġi stabbilit Kunsill Ewropew għall-Innovazzjoni; jemmen li s-sinerġiji bejn in-netwerks trans-Ewropej fil-qasam tat-trasport, tat-telekomunikazzjonijiet u tal-enerġija rinnovabbli għandu jkollhom appoġġ aktar b'saħħtu fil-qafas finanzjarju pluriennali tal-ġejjieni (QFP);

5.  Jinnota l-isforzi kbar li qed isiru fl-ambitu tal-Programm ta' riċerka u żvilupp tal-UE "Orizzont 2020" bil-għan li jinkiseb tnaqqis ta' 60 % fl-emissjonijiet tal-gassijiet b'effett ta' serra fis-settur tat-trasport sal-2050 meta mqabbla mal-livell li kienu laħqu fl-1990(2); ifakkar li l-programmi ta' riċerka u innovazzjoni tal-UE huma fattur ewlieni li jippermetti li l-enerġija, l-innovazzjoni fil-qasam tal-ICT u s-sistemi ta' trasport intelliġenti jidħlu fis-suq; jistieden lill-Kummissjoni biex, fil-futur, tikkonċentra l-għajnuna finanzjarja disponibbli b'mod aktar ċar fuq prijoritajiet strateġiċi interkonnessi, bħall-mobilità b'livell baxx ta' emissjonijiet, l-infrastruttura tal-iċċarġjar b'karburanti alternattivi u trasport urban integrat, b'attenzjoni partikolari għall-emissjonijiet kollha li jniġġsu, it-tnaqqis tal-istorbju, is-sigurtà fit-toroq, il-konġestjoni u r-restrinġiment tat-traffiku, u dan f'konformità mal-prinċipju tan-newtralità teknoloġika; jirrimarka wkoll dwar l-importanza tal-iżvilupp tal-bijokarburanti avvanzati, biex b'hekk jiżdied is-sehem tat-trasport ferrovjarju u l-użu tar-roti;

6.  Jilqa' l-fatt li l-Kummissjoni ser tappoġġa d-dħul fis-suq ta' soluzzjonijiet innovattivi ta' enerġija nadifa permezz tal-akkwist pubbliku u r-reviżjoni tad-Direttiva dwar il-Vetturi Nodfa, u jirrikonoxxi l-benefiċċju potenzjali għall-awtoritajiet u l-operaturi tat-trasport pubbliku, il-manifatturi tal-karozzi tal-linja, il-fornituri tal-industrija, il-fornituri tal-enerġija u l-assoċjazzjonijiet u ċ-ċentri ta' riċerka nazzjonali u internazzjonali; jistieden lill-Kummissjoni toħroġ malajr bi proposti għal dan il-għan;

7.  Iħeġġeġ it-twaqqif ta' Aġenda Strateġika ta' Riċerka u Innovazzjoni għat-Trasport, bi pjanijiet direzzjonali mfassla f'konsultazzjoni bejn l-Istati Membri u l-Kummissjoni, kif ukoll l-awtoritajiet u l-operaturi lokali u reġjonali, u mekkaniżmu korrispondenti ta' governanza, bħala sostenn għar-riċerka, l-innovazzjoni u t-tħejjija għall-użu ta' teknoloġiji ġodda fis-settur tat-trasport u bil-għan li tiġi mħeġġa l-mobilità b'livell baxx ta' emissjonijiet, li huma kollha elementi indispensabbli; jitlob li l-konklużjonijiet ta' dawn il-pjanijiet direzzjonali jiġu inklużi fil-programm ta' ħidma tal-Kummissjoni;

8.  Jissottolinja l-ħtieġa li jiġu kondiviżi u żviluppati l-aħjar prattiki u l-iskambju ta' informazzjoni bejn l-Istati Membri dwar proġetti urbani intelliġenti, sostenibbli u inklużivi; jissottolinja wkoll il-benefiċċji ta' standards aktar stretti f'dak li jikkonċerna s-CO2 wara l-2020/2021 f'konformità mal-objettivi ta' dekarbonizzazzjoni tal-UE bħala forza mexxejja għall-innovazzjoni u l-effiċjenza; jappella għal approċċ integrat u kkoordinat biex jittieħed kont tad-dimensjoni urbana tal-politiki u l-leġiżlazzjoni tal-UE u l-politiki u l-leġiżlazzjoni nazzjonali, kif ukoll biex jiġu żviluppati Pjanijiet ta' Mobilità Urbana Sostenibbli bil-għan li l-Istati Membri jingħataw is-sostenn, il-possibilità u l-inkoraġġiment biex itejbu s-saħħa u l-kwalità tal-ħajja taċ-ċittadini u l-qagħda tal-ambjent fiż-żoni urbani; iħeġġeġ l-iżvilupp ta' Sistemi tat-Trasport Intelliġenti u Kooperattivi (C-ITS) u ta' vetturi awtonomi u l-użu ta' infrastrutturi li jikkomunikaw biex jiġu ggarantiti l-ħtiġijiet ta' kapaċità għolja u latenza baxxa għal netwerk 5G; jitlob li jsiru sforzi attivi biex jitnaqqsu d-differenzi u tittejjeb il-kooperazzjoni bejn iż-żoni urbani u ż-żoni rurali u bejn reġjuni aktar żviluppati u dawk li għadhom lura f'dak li jikkonċerna l-kwalità infrastrutturali;

9.  Jinnota li t-trasport jirrappreżenta kważi kwart tal-emissjonijiet tal-gassijiet b'effett ta' serra tal-UE u huwa l-kawża prinċipali tat-tniġġis tal-arja fil-bliet; jirrimarka li l-karozzi tal-linja huma parti sinifikanti minn kwalunkwe sistema ta' trasport pubbliku u huma l-uniku mezz ta' trasport pubbliku f'bosta bliet fl-UE, u li l-elettrifikazzjoni tal-karozzi tal-linja flimkien ma' bosta soluzzjonijiet sostenibbli li jinvolvu l-użu ta' karburanti alternattivi tirrappreżenta opportunità promettenti biex titnaqqas il-marka tal-karbonju tas-servizzi tat-trasport pubbliku tal-UE;

10.  Jenfasizza li jekk irridu li jkollna trasport nadif, għandna nkunu kapaċi wkoll niġġeneraw enerġija nadifa; iqis li l-vetturi elettriċi fornuti minn impjanti tal-enerġija li jaħdmu bil-faħam sempliċement ma jaqgħux taħt il-kunċett ta' ekonomija li ma tużax il-karbonju;

11.  Jenfasizza li kwalunkwe investiment fir-riċerka u l-iżvilupp għat-teknoloġiji tal-futur meħtieġa għal mobilità nadifa u li ma tużax il-karbonju għandu jkun akkumpanjat minn rekwiżit bażiku biex jinbidel id-dħul ta' enerġija;

12.  Jappoġġa l-għanijiet globali stabbiliti mill-Kummissjoni, b'mod partikolari l-ħtieġa li tingħata prijorità lill-effiċjenza fl-użu tal-enerġija, fosthom li jkun hemm grilja elettrika intelliġenti unika tal-UE, li jingħata aktar sostenn finanzjarju, b'mod partikolari lill-SMEs u lill-industrija tat-turiżmu, u li jiġu adottati politiki u skemi ta' tassazzjoni favur l-enerġija nadifa bil-għan li titħaffef it-tranżizzjoni lejn sorsi enerġetiċi alternattivi b'livell baxx ta' emissjonijiet; iħeġġeġ lill-Istati Membri biex jissieħbu fl-Inizjattiva Missjoni Innovazzjoni u biex, fis-snin li ġejjin, iżidu n-nefqa tagħhom fil-qasam tar-riċerka dwar l-enerġija nadifa; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tinvesti wkoll f'kampanji ta' komunikazzjoni intiżi biex iżidu l-għarfien dwar iċ-ċiklu ta' produzzjoni tal-enerġija, l-isfidi għar-riċerka f'dan il-qasam, u r-riskji assoċjati ma' mudell ta' konsum mhux sostenibbli;

13.  Jinnota li, għat-trasport, huwa ċar li l-elettriku ġġenerat minn sorsi rinnovabbli u sorsi enerġetiċi alternattivi u sostenibbli oħra huma sostituti promettenti tal-karburanti fossili; jissottolinja, madankollu, li se jkun hemm bżonn ta' investiment sinifikanti biex tiġi żviluppata l-infrastruttura meħtieġa; ifakkar li huwa importanti li jiġi rikonoxxut li xi setturi se jkollhom aktar diffikultajiet minn oħrajn biex ibiddlu jew saħansitra jaqbdu t-triq lejn il-bidla għal alternattivi enerġetiċi aktar nodfa; jenfasizza l-ħtieġa li tiġi intensifikata r-riċerka dwar sistemi ta' enerġija rinnovabbli innovattivi fil-qasam tat-trasport, pereżempju billi tintuża l-enerġija solari u eolika għall-bastimenti u billi jingħaqdu s-sorsi ta' enerġija rinnovabbli man-netwerks ferrovjarji, u, minkejja li s-settur tal-avjazzjoni probabbilment se jibqa' jiddependi fuq il-karburanti likwidi tal-idrokarbonju fil-futur prevedibbli, dwar soluzzjonijiet li jkopru l-katina ta' valur tal-avjazzjoni li jaf jgħinu jnaqqsu l-impatti ambjentali tal-manifattura u l-innovazzjoni.

INFORMAZZJONI DWAR L-ADOZZJONIFIL-KUMITAT LI JINTALAB JAGĦTI OPINJONI

Data tal-adozzjoni

23.11.2017

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

33

2

5

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Lucy Anderson, Marie-Christine Arnautu, Georges Bach, Deirdre Clune, Michael Cramer, Luis de Grandes Pascual, Andor Deli, Isabella De Monte, Ismail Ertug, Jacqueline Foster, Dieter-Lebrecht Koch, Merja Kyllönen, Miltiadis Kyrkos, Bogusław Liberadzki, Peter Lundgren, Marian-Jean Marinescu, Gesine Meissner, Cláudia Monteiro de Aguiar, Renaud Muselier, Markus Pieper, Salvatore Domenico Pogliese, Gabriele Preuß, Christine Revault d’Allonnes Bonnefoy, Dominique Riquet, Massimiliano Salini, Jill Seymour, Pavel Telička, Wim van de Camp, Janusz Zemke, Roberts Zīle, Kosma Złotowski, Elżbieta Katarzyna Łukacijewska

Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali

Jakop Dalunde, Mark Demesmaeker, Jill Evans, Maria Grapini, Peter Kouroumbashev, Jozo Radoš, Olga Sehnalová

Sostituti (skont l-Artikolu 200(2)) preżenti għall-votazzjoni finali

Juan Fernando López Aguilar

VOTAZZJONI FINALI B'SEJĦA TAL-ISMIJIETFIL-KUMITAT LI JINTALAB JAGĦTI OPINJONI

33

+

ALDE

GUE/NGL

 

PPE

 

S&D

 

Verts/ALE

Gesine Meissner, Jozo Radoš, Dominique Riquet, Pavel Telička

Merja Kyllönen

Georges Bach, Deirdre Clune, Andor Deli, Dieter-Lebrecht Koch, Elżbieta Katarzyna Łukacijewska, Marian-Jean Marinescu, Cláudia Monteiro de Aguiar, Renaud Muselier, Markus Pieper, Salvatore Domenico Pogliese, Massimiliano Salini, Luis de Grandes Pascual, Wim van de Camp,

Lucy Anderson, Isabella De Monte, Ismail Ertug, Maria Grapini, Peter Kouroumbashev, Miltiadis Kyrkos, Bogusław Liberadzki, Juan Fernando López Aguilar, Gabriele Preuß, Christine Revault d’Allonnes Bonnefoy, Olga Sehnalová, Janusz Zemke

Michael Cramer, Jakop Dalunde, Jill Evans

2

-

EFDD

Peter Lundgren, Jill Seymour

5

0

ECR

ENF

Mark Demesmaeker, Jacqueline Foster, Roberts Zīle, Kosma Złotowski

Marie-Christine Arnautu

Tifsira tas-simboli użati:

+  :  favur

-  :  kontra

0  :  astensjoni

(1)

COM(2016)0763.

(2)

  Kif stabbilit fil-White Paper tal-Kummissjoni bl-isem "Lejn sistema tat-trasport kompetittiva u li tuża r-riżorsi b'mod effiċjenti" (COM(2011)0144).


OPINJONI tal-Kumitat għall-Iżvilupp Reġjonali (8.12.2017)

għall-Kumitat għall-Industrija, ir-Riċerka u l-Enerġija

dwar l-aċċellerazzjoni tal-innovazzjoni fil-qasam tal-enerġija nadifa

(2017/2084(INI))

Rapporteur għal opinjoni: Monika Smolková

SUĠĠERIMENTI

Il-Kumitat għall-Iżvilupp Reġjonali jistieden lill-Kumitat għall-Industrija, ir-Riċerka u l-Enerġija, bħala l-kumitat responsabbli, biex jinkorpora s-suġġerimenti li ġejjin fil-mozzjoni għal riżoluzzjoni tiegħu:

1.  Ifakkar li l-Artikolu 8 tar-Regolament dwar Dispożizzjonijiet Komuni jistabbilixxi li "l-objettivi tal-Fondi ESI għandhom jiġu segwiti konformement mal-prinċipju tal-iżvilupp sostenibbli", flimkien mal-għan tal-UE tal-preservazzjoni, tal-ħarsien u t-titjib tal-kwalità tal-ambjent, u mal-impenji tagħha fl-ambitu tal-Ftehim ta' Pariġi; jisħaq, f'dan ir-rigward, fuq il-ħtieġa għal koerenza akbar bejn il-politiki settorjali u ta' finanzjament tal-UE; iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jinvolvu l-bliet, ir-reġjuni u s-soċjetà ċivili, billi jtuhom rwol attiv fit-tfassil u l-implimentazzjoni ta' miżuri speċifiċi;

2.  Ifakkar li l-Ftehimiet ta' Sħubija u l-programmi taħt ir-Regolament dwar Dispożizzjonijiet Komuni għandhom l-għan li jippromwovu l-effiċjenza tar-riżorsi, il-mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima u l-adattatment għalih u l-prinċipji orizzontali tas-sħubija, il-governanza fuq diversi livelli, in-nondiskriminazzjoni u l-ugwaljanza bejn is-sessi;

3.  Ifakkar li l-Fondi Strutturali u ta' Investiment Ewropej (il-Fondi SIE) jipprovdu opportunitajiet importanti għall-innovazzjoni fil-qasam tal-enerġija u d-diffużjoni tagħha fis-suq u b'dan il-mod jista' jkollhom rwol importanti fit-tranżizzjoni enerġetika tal-Ewropa; jilqa' l-intenzjoni tal-Kummissjoni li tistabbilixxi strumenti finanzjarji maħsuba biex jintlaħaq bilanċ tajjeb bejn l-għotjiet u l-istrumenti finanzjarji u jissottolinja li s-sħubijiet pubbliċi-privati u l-impriżi konġunti fil-qasam tar-riċerka, l-iżvilupp u l-innovazzjoni jistgħu jħeġġu l-investimenti tas-settur privat fl-enerġija nadifa; jenfasizza li l-appoġġ għal reġjuni u bliet taħt il-Fondi SIE għandu jissaħħaħ fil-qasam tat-tranżizzjoni tal-enerġija; jirrimarka, b'mod partikolari, li l-appoġġ ekonomiku u r-riżorsi għall-implimentazzjoni tal-programmi ta' rinnovazzjoni tal-enerġija lokali għandhom jiżdiedu; iħeġġeġ lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni jwaqqfu l-appoġġ dirett jew indirett għal sussidji li jfixklu jew li jikkawżaw ħsara għall-ambjent bil-għan li l-flussi finanzjarji jiġu orjentati mill-ġdid lejn ir-riċerka dwar l-enerġija nadifa; ifakkar fil-wegħda tal-istrateġija 2020 tal-UE li tagħti prijorità lill-effiċjenza fl-użu tal-enerġija u lill-inizjattivi bbażati fuq sorsi rinnovabbli;

4.  Jinnota l-progress ġenerali fl-implimentazzjoni tal-għanijiet tal-Ewropa 2020 fir-rigward tat-tranżizzjoni għall-enerġija rinnovabbli; jissottolinja, madankollu, li r-riżultati jvarjaw b'mod sinifikanti minn Stat Membru għal ieħor; jirrimarka li żieda fl-investiment f'inizjattivi xjentifiċi relatati mal-enerġija nadifa jaf tgħin kemm biex jitwettqu l-kompiti stabbiliti kif ukoll biex jinkisbu riżultati tanġibbli; ifakkar li l-istandards u l-objettivi vinkolanti jistgħu jindirizzaw tħassib dwar it-tibdil fil-klima u l-ambjent, tiġi żgurata s-sigurtà sostenibbli tal-provvista u jiġi ppreservat il-vantaġġ kompetittiv tal-UE fil-qasam tat-teknoloġiji tal-enerġija li tirrispetta l-ambjent; jissottolinja li l-biċċa l-kbira tat-teknoloġiji tal-enerġija nadifa użati bħalissa (pereżempju, l-enerġija eolika u l-enerġija solari) huma ferm dipendenti fuq fatturi naturali varjabbli, u dan jaf jikkomprometti l-istabilità tal-provvista tal-enerġija f'reġjuni oħra jew anki fl-Istati Membri, u jitlob, għaldaqstant, li tingħata attenzjoni adegwata lill-interkonnettività tal-elettriku tal-grilji elettriċi, l-ibbilanċjar tas-setgħa ta' riżerva, il-ħżin u miżuri oħra neċessarji għal suq tal-enerġija għalkollox funzjonali; jitlob li l-investiment fir-riċerka u fi proġetti innovattivi jkun iffukat b'mod partikolari fuq il-kooperattivi tal-enerġija rinnovabbli, id-deċentralizzazzjoni tal-enerġija rinnovabbli u l-inizjattivi ta' awtoġenerazzjoni, u fuq azzjoni innovattiva min-naħa tal-SMEs; jirrimarka, barra minn hekk, l-importanza li jinżamm bilanċ territorjali fl-UE u li jiġi pprovdut appoġġ aktar estensiv għal reġjuni u bliet li huma inqas żviluppati f'dan is-sens;

5.  Iqis li l-approċċ ta' speċjalizzazzjoni intelliġenti (li jirriżulta f'aktar minn 120 strateġija ta' riċerka u innovazzjoni għall-ispeċjalizzazzjoni intelliġenti), kif stabbilit permezz tar-riforma tal-politika ta' koeżjoni għall-2014 - 2020, għandu jiġi żviluppat ulterjorment; iħeġġeġ ukoll, f'dan il-kuntest, l-istabbiliment ta' sħubijiet interreġjonali, anki fil-qasam tal-enerġija, b'konċentrazzjoni partikolari fuq proġetti ta' kooperazzjoni transfruntiera; jisħaq fuq il-ħtieġa li tittejjeb l-informazzjoni għall-benefiċjarji fil-livell lokali u reġjonali biex jiġi żgurat l-akbar involviment possibbli tal-intrapriżi żgħar u ta' daqs medju attivi f'dan il-qasam, flimkien ma' intraprendituri żgħażagħ, kif ukoll kooperazzjoni mal-universitajiet biex tiġi żgurata implimentazzjoni rapida ta' soluzzjonijiet innovattivi; jisħaq fuq il-punt li bil-għan li jintlaħqu l-għanijiet tal-UE f'dak li jikkonċerna l-enerġija nadifa hija meħtieġa politika ta' koeżjoni kontinwa u msaħħa fil-perijodu ta' wara l-2020;

6.  Jenfasizza l-karatteristiċi speċjali u l-opportunitajiet ipprovduti minn ċerti territorji, bħar-reġjuni ultraperiferiċi, f'dak li jirrigwarda l-innovazzjoni fil-qasam tal-enerġija nadifa; jissottolinja, f'dan il-kuntest, li hemm bżonn ta' aktar appoġġ għar-reġjuni inqas żviluppati, remoti u rurali bil-għan li tiġi żgurata l-konverġenza tal-enerġija fir-reġjuni kollha tal-UE;

7.  Jinsisti fuq l-importanza ta' approċċ minn isfel għal fuq, multidixxiplinari u newtrali fir-rigward tat-teknoloġija li jinvolvi lill-partijiet ikkonċernati kollha – l-awtoritajiet lokali, reġjonali u nazzjonali, l-universitajiet u l-SMEs – bil-għan li jiġu stimulati r-riċerka, l-iżvilupp u l-innovazzjoni, kemm f'termini ta' teknoloġija kif ukoll f'dak li jikkonċerna sħubijiet taħt il-kappa tal-Kunsill Ewropew tal-Innovazzjoni, li jista' jikkontribwixxi bi prodotti innovattivi, b'mod partikolari permezz ta' miżuri maħsuba għall-istabbiliment u l-espansjoni għall-SMEs; jisħaq fuq il-punt li sabiex tiġi żgurata tranżizzjoni enerġitika ta' suċċess, l-awtoritajiet lokali u reġjonali u l-partijiet ikkonċernati, inklużi dawk li huma iżgħar, għandhom ikunu involuti fil-proċess tat-tfassil tal-politika fi stadju bikri;

8.  Jinsab imħasseb dwar il-varjetà u l-kumplessità tal-istrumenti finanzjarji eżistenti (l-Orizzont 2020, il-Fondi SIE, il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Sostenibbli, il-Fond Ewropew għall-Investimenti Strateġiċi, eċċ.), li jistgħu jintużaw bħala għodda addizzjonali biss għal dawk is-setturi fejn ikunu wrew li huma aktar adatti mill-għotjiet għall-ksib tal-objettivi tal-politika ta' koeżjoni, u jinsisti li jsiru sforzi biex jiġu ssimplifikati u kkoordinati dawn l-istrumenti bil-għan li l-awtoritajiet reġjonali u lokali u l-promoturi ta' proġetti żgħar ikun jista' jkollhom aċċess aktar faċli għal sorsi ta' finanzjament u b'hekk jikkontribwixxu għat-tkabbir globali ekonomiku, soċjali u territorjali; jenfasizza li l-istrumenti għandhom jiġu mfassla skont il-ħtiġijiet speċifiċi tar-reġjuni differenti; jirrimarka li sabiex jittejbu s-sinerġiji u tiġi mitigata l-komplementarjetà tal-fondi tal-UE għandhom ikomplu jiġu żviluppati l-faċilità ta' konsulenza b'punt uniku u l-Portal Ewropew ta' Proġetti ta' Investiment, bil-ħsieb li l-investituri potenzjali jiġu ggwidati lejn strumenti finanzjarji adatti; jissottolinja li s-simplifikazzjoni u l-ingranaġġ tal-istrumenti finanzjarji tal-UE permezz tal-mobilizzazzjoni tal-investimenti privati waħedhom mhux se jkunu biżżejjed, u li se jkun meħtieġ finanzjament pubbliku tal-UE biex ikopri proġetti ta' infrastruttura meħtieġa u ambizzjużi, minħabba d-diffikultajiet fl-aċċess għal strumenti finanzjarji u l-kumplessità tal-proċeduri, li skont il-benefiċjarji jikkostitwixxu ostakli ewlenin; jinnota li m'għandu jkun hemm ebda mira vinkolanti għall-użu tal-istrumenti finanzjarji fil-politika ta' koeżjoni wara l-2020; jappoġġa l-idea li jiżdied l-infiq marbut mat-tibdil fil-klima fil-politika ta' koeżjoni wara l-2020;

9.  Jisħaq fuq il-ħtieġa li jkun hemm ambjent regolatorju stabbli, sostenibbli, trasparenti u prevedibbli għall-iżvilupp ta' proġetti innovattivi, kif ukoll allokazzjoni tematika u ġeografika ta' riżorsi għad-disseminazzjoni tal-innovazzjonijiet aktar diretta fost iċ-ċittadini; huwa tal-fehma li l-Istati Membri għandhom rwol ewlieni fil-qasam tat-tranżizzjoni enerġetika u jisħaq fuq il-ħtieġa li jiġu kkoordinati miżuri ta' riċerka u innovazzjoni orjentati lejn it-tranżizzjoni enerġetika fil-livell tal-UE biex jintlaħqu l-miri tal-UE b'rabta mal-enerġija; jenfasizza l-importanza li tiġi investita aktar enerġija fit-tranżizzjoni tar-reġjuni inqas żviluppati sabiex dawn ikunu jistgħu jisfruttaw il-potenzjal tal-enerġija nadifa u l-ekonomija ċirkolari bil-għan li tiġi żgurata l-koeżjoni; iħeġġeġ lill-Istati Membri jissieħbu fl-Inizjattiva Missjoni Innovazzjoni u biex iżidu n-nefqa tagħhom fuq ir-riċerka; jemmen li l-ippjanar futur tal-Fond SIE għandu jiġi integrat aħjar mal-pjanijiet nazzjonali dwar l-enerġija u l-klima għall-2030;

10.  Huwa tal-fehma li l-Aġenda Urbana tal-UE hija għodda importanti biex jiġu involuti l-bliet kif ukoll biex tiġi promossa t-tranżizzjoni enerġetika fl-UE, u jisħaq fuq l-importanza ta' inċentivi għall-innovazzjoni fil-qasam tal-effiċjenza tal-bini fl-użu tal-enerġija, bil-għan li, fl-2050, il-konsum tal-enerġija jitnaqqas għal minimu; jitlob li jkun hemm approċċ flessibbli, adattat għall-implimentazzjoni tal-Aġenda Urbana u li jipprovdi inċentivi u gwida biex jiġi sfruttat bis-sħiħ il-potenzjal tal-bliet; jinnota li r-reġjuni u ż-żoni urbani huma l-aktar adattati għall-ittestjar u l-implimentazzjoni ta' soluzzjonijiet enerġetiċi integrati f'rabta diretta maċ-ċittadini; iqis li s-sinerġiji bejn il-politiki tal-UE għandhom jissaħħu permezz ta' pożizzjoni unifikata u konsistenti tal-UE dwar miżuri anti-dumping, bil-għan li jiġi żgurat li l-industrija tal-manifattura tieħu vantaġġ sħiħ mit-tranżizzjoni enerġetika;

11.  Jilqa' r-reviżjoni li ġejja tad-Direttiva dwar ir-Rendiment tal-Bini fl-Użu tal-Enerġija; jistieden, madankollu, lill-Istati Membri jagħtu bidu għal aktar inizjattivi ħalli jtejbu l-kundizzjonijiet għal unitajiet domestiċi li jinsabu f'qagħda ta' faqar enerġetiku; iqis li t-titjib fl-effiċjenza fl-użu tal-enerġija jikkostitwixxi opportunità għall-ħolqien ta' impjiegi ġodda, b'mod partikolari fis-settur tal-bini; jirrakkomanda, għaldaqstant, li l-bijoekonomija tiġi promossa, speċjalment fost l-intraprendituri żgħażagħ attivi fis-settur;

12.  Jissottolinja l-ħtieġa li l-Pjan ta' Investiment għall-Ewropa għall-finanzjament tal-SMEs jiġi estiż kemm jista' jkun u li dan għandu jiġi adattat għall-bżonnijiet tagħhom;

13.  Jemmen li ċ-ċittadini għandhom ikunu fil-qalba tat-tranżizzjoni enerġetika u li sistema aktar deċentralizzata minn isfel għal fuq iffukata fuq l-utent, fejn il-konsumaturi, il-komunitajiet tal-enerġija lokali, il-bliet u l-istart ups iż-żgħar jistgħu jipparteċipaw u jinkoraġġixxu żviluppi u innovazzjonijiet futuri, tirrappreżenta forza mexxejja għall-innovazzjoni; jappoġġa, għaldaqstant, l-isforzi biex tiġi appoġġata u tiġi armonizzata l-edukazzjoni teknoloġika tat-tfal u taż-żgħażagħ fl-UE; jinnota l-importanza tal-kapaċitajiet amministrattivi u tal-kuxjenza ċivika fir-rigward tal-għanijiet finali u l-possibilitajiet ta' involviment fit-tranżizzjoni lejn enerġija nadifa;

14.  Jisħaq fuq l-importanza tal-identifikazzjoni u l-indirizzar ta' burokrazija eċċessiva u prattiki kummerċjali żleali minħabba l-impatt negattiv tagħhom fuq l-istadji bikrija ta' teknoloġiji ġodda rivoluzzjonarji;

15.  Jirrikonoxxi r-rwol vitali tar-reġjuni, il-bliet u l-irħula fil-promozzjoni tas-sjieda tat-tranżizzjoni enerġetika fil-livell globali u biex l-innovazzjoni relatata mal-klima u mal-enerġija titmexxa minn isfel għal fuq; jitlob li jiġu applikati l-istess standards ta' kwalità ambjentali għat-teknoloġija tal-enerġija kollha li tidħol fis-suq tal-UE; jesprimi t-tħassib tiegħu dwar is-salvagwardja taż-żoni ekoloġiċi urbani.

INFORMAZZJONI DWAR L-ADOZZJONI FIL-KUMITAT LI JINTALAB JAGHTI OPINJONI

Data tal-adozzjoni

7.12.2017

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

30

1

0

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Pascal Arimont, Victor Boştinaru, Andrea Cozzolino, Rosa D’Amato, John Flack, Michela Giuffrida, Krzysztof Hetman, Ivan Jakovčić, Constanze Krehl, Iskra Mihaylova, Andrey Novakov, Konstantinos Papadakis, Stanislav Polčák, Fernando Ruas, Monika Smolková, Ruža Tomašić, Ramón Luis Valcárcel Siso, Ángela Vallina, Monika Vana, Matthijs van Miltenburg, Lambert van Nistelrooij, Derek Vaughan, Kerstin Westphal, Joachim Zeller

Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali

Viorica Dăncilă, Andor Deli, Tunne Kelam, Norica Nicolai, Bronis Ropė, Claudia Schmidt, Milan Zver

VOTAZZJONI FINALI B'SEJĦA TAL-ISMIJIET FIL-KUMITAT LI JINTALAB JAGĦTI OPINJONI

30

+

ALDE

Ivan Jakovčić, Iskra Mihaylova, Matthijs van Miltenburg, Norica Nicolai

ECR

John Flack, Ruža Tomašić

EFDD

Rosa D’Amato

GUE/NGL

Ángela Vallina

PPE

Pascal Arimont, Andor Deli, Krzysztof Hetman, Tunne Kelam, Lambert van Nistelrooij, Andrey Novakov, Stanislav Polčák, Fernando Ruas, Claudia Schmidt, Ramón Luis Valcárcel Siso, Joachim Zeller, Milan Zver

S&D

Victor Boştinaru, Andrea Cozzolino, Viorica Dăncilă, Michela Giuffrida, Constanze Krehl, Monika Smolková, Derek Vaughan, Kerstin Westphal

VERTS/ALE

Bronis Ropė, Monika Vana

1

-

NI

Konstantinos Papadakis

0

0

 

 

Tifsira tas-simboli użati:

+  :  favur

-  :  kontra

0  :  astensjoni


INFORMAZZJONI DWAR L-ADOZZJONIFIL-KUMITAT RESPONSABBLI

Data tal-adozzjoni

11.1.2018

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

55

3

2

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Bendt Bendtsen, Xabier Benito Ziluaga, José Blanco López, David Borrelli, Jonathan Bullock, Reinhard Bütikofer, Jerzy Buzek, Edward Czesak, Fredrick Federley, Ashley Fox, Theresa Griffin, Hans-Olaf Henkel, Eva Kaili, Kaja Kallas, Barbara Kappel, Krišjānis Kariņš, Seán Kelly, Jeppe Kofod, Peter Kouroumbashev, Zdzisław Krasnodębski, Miapetra Kumpula-Natri, Christelle Lechevalier, Janusz Lewandowski, Edouard Martin, Csaba Molnár, Nadine Morano, Aldo Patriciello, Miroslav Poche, Paul Rübig, Massimiliano Salini, Algirdas Saudargas, Sven Schulze, Patrizia Toia, Claude Turmes, Vladimir Urutchev, Kathleen Van Brempt, Henna Virkkunen, Martina Werner, Lieve Wierinck, Hermann Winkler, Anna Záborská, Flavio Zanonato, Carlos Zorrinho

Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali

Michał Boni, Mario Borghezio, Jens Geier, Gerben-Jan Gerbrandy, Werner Langen, Morten Løkkegaard, Florent Marcellesi, Marian-Jean Marinescu, Rupert Matthews, Clare Moody, Răzvan Popa, Dennis Radtke, Michèle Rivasi, Sofia Sakorafa, Anneleen Van Bossuyt

Sostituti (skont l-Artikolu 200(2)) preżenti għall-votazzjoni finali

Max Andersson, Mihai Ţurcanu


VOTAZZJONI FINALI B'SEJĦA TAL-ISMIJIETFIL-KUMITAT RESPONSABBLI

55

+

ALDE

Fredrick Federley, Gerben-Jan Gerbrandy, Kaja Kallas, Morten Løkkegaard, Lieve Wierinck

ECR

Edward Czesak, Ashley Fox, Hans-Olaf Henkel, Zdzisław Krasnodębski, Rupert Matthews, Anneleen Van Bossuyt

EFDD

David Borrelli

ENF

Barbara Kappel

PPE

Bendt Bendtsen, Michał Boni, Jerzy Buzek, Krišjānis Kariņš, Seán Kelly, Werner Langen, Janusz Lewandowski, Marian-Jean Marinescu, Nadine Morano, Aldo Patriciello, Dennis Radtke, Paul Rübig, Massimiliano Salini, Algirdas Saudargas, Sven Schulze, Vladimir Urutchev, Henna Virkkunen, Hermann Winkler, Anna Záborská, Mihai Ţurcanu

S&D

José Blanco López, Jens Geier, Theresa Griffin, Eva Kaili, Jeppe Kofod, Peter Kouroumbashev, Miapetra Kumpula-Natri, Edouard Martin, Csaba Molnár, Clare Moody, Miroslav Poche, Răzvan Popa, Patrizia Toia, Kathleen Van Brempt, Martina Werner, Flavio Zanonato, Carlos Zorrinho

VERTS/ALE

Max Andersson, Reinhard Bütikofer, Florent Marcellesi, Michèle Rivasi, Claude Turmes

3

-

EFDD

Jonathan Bullock

GUE/NGL

Xabier Benito Ziluaga, Sofia Sakorafa

2

0

ENF

Mario Borghezio, Christelle Lechevalier

Tifsira tas-simboli użati:

+  :  favur

-  :  kontra

0  :  astensjoni

Aġġornata l-aħħar: 5 ta' Frar 2018Avviż legali