Proċedura : 2017/2054(INL)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A8-0007/2018

Testi mressqa :

A8-0007/2018

Dibattiti :

PV 07/02/2018 - 4
CRE 07/02/2018 - 4

Votazzjonijiet :

PV 07/02/2018 - 7.2
CRE 07/02/2018 - 7.2
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P8_TA(2018)0029

RAPPORT     
PDF 761kWORD 68k
26.1.2018
PE 608.038v02-00 A8-0007/2018

dwar il-kompożizzjoni tal-Parlament Ewropew

(2017/2054(INL) – 2017/0900(NLE))

Kumitat għall-Affarijiet Kostituzzjonali

Rapporteurs: Danuta Maria Hübner u Pedro Silva Pereira

ERRATA/ADDENDA
MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW
 ANNESS GĦALL-MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW
 NOTA SPJEGATTIVA
 ANNESS
 OPINJONI TAL-MINORANZA
 INFORMAZZJONI DWAR L-ADOZZJONIFIL-KUMITAT RESPONSABBLI
 VOTAZZJONI FINALI B'SEJĦA TAL-ISMIJIETFIL-KUMITAT RESPONSABBLI I
 VOTAZZJONI FINALI B'SEJĦA TAL-ISMIJIETFIL-KUMITAT RESPONSABBLI II

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW

dwar il-kompożizzjoni tal-Parlament Ewropew

(2017/2054(INL)2017/0900(NLE))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 14(2) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 10 tat-TUE(1),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-13 ta' Marzu 2013 dwar il-kompożizzjoni tal-Parlament Ewropew fid-dawl tal-elezzjonijiet tal-2014(2),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-11 ta' Novembru 2015 dwar ir-riforma tal-liġi elettorali tal-Unjoni Ewropea, u l-proposta annessa magħha għal Deċiżjoni tal-Kunsill li tadotta d-dispożizzjonijiet li jemendaw l-Att dwar l-elezzjoni tal-Membri tal-Parlament Ewropew b'suffraġju universali dirett(3),

–  wara li kkunsidra d-deċiżjoni tal-Kunsill Ewropew 2013/312/UE tat-28 ta' Ġunju 2013 li tistabbilixxi l-kompożizzjoni tal-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-Ftehim tal-Ġimgħa l-Kbira tal-10 ta' April 1998,

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 45, 52 u 84 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Kostituzzjonali (A8-0007/2018),

A.  billi l-kompożizzjoni tal-Parlament Ewropew trid tirrispetta l-kriterji stabbiliti fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 14(2) tat-TUE, jiġifieri li l-għadd ta' rappreżentanti taċ-ċittadini tal-Unjoni Ewropea m'għandux jaqbeż is-seba' mija u ħamsin, minbarra l-President, li r-rappreżentanza tkun digressivament proporzjonali, b'mhux anqas minn sitt membri għal kull Stat Membru u li l-ebda Stat Membru m'għandu jkun allokat aktar minn sitta u disgħin siġġu;

B.  billi l-Artikolu 14(2) tat-TUE jiddikjara li l-Parlament Ewropew għandu jkun magħmul minn rappreżentanti taċ-ċittadini tal-Unjoni;

C.  billi t-TUE u t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea jenfasizzaw l-importanza tal-ugwaljanza u tat-trattament ugwali taċ-ċittadini mill-istituzzjonijiet tal-Unjoni; billi huwa essenzjali li l-ugwaljanza tar-rappreżentanza tissaħħaħ bl-għan li tiżdied il-leġittimità tal-Parlament Ewropew bħala l-korp leġiżlattiv li jirrappreżenta liċ-ċittadini tal-Unjoni;

D.  billi l-Parlament Ewropew eżamina għadd ta' proposti għal sistema permanenti għad-distribuzzjoni tas-siġġijiet ibbażata fuq formoli matematiċi li ġew ikkummissjonati minnu u mressqa lilu;

E.  billi fid-29 ta' Marzu 2017 u skont l-Artikolu 50(2) tat-TUE, il-gvern tar-Renju Unit innotifika lill-Kunsill Ewropew bl-intenzjoni tiegħu li jitlaq mill-Unjoni Ewropea u billi l-perjodu ta' sentejn għan-negozjar u l-konklużjoni ta' ftehim ta' ħruġ jintemm fid-29 ta' Marzu 2019, kemm-il darba l-Kunsill Ewropew, bi ftehim mar-Renju Unit, ma jiddeċidix b'mod unanimu li jestendi dak il-perjodu;

F.  billi, sakemm is-sitwazzjoni legali attwali ma tinbidilx, ir-Renju Unit mhux se jkun għadu membru tal-Unjoni Ewropea fi żmien l-elezzjonijiet Ewropej li jmiss fl-2019;

G.  billi, fil-proposta tiegħu tal-11 ta' Novembru 2015 għal deċiżjoni tal-Kunsill li tadotta d-dispożizzjonijiet li jemendaw l-Att li jikkonċerna l-elezzjoni tal-Membri tal-Parlament Ewropew b'suffraġju universali dirett, il-Parlament Ewropew ta fil-qosor il-pożizzjoni tiegħu dwar l-istabbiliment ta' kostitwenza konġunta fejn fuq nett fil-listi jkunu mniżżla l-kandidat jew il-kandidata ta' kull familja politika għall-pożizzjoni ta' President tal-Kummissjoni;

H.  billi għadd ta' Stati Membri dan l-aħħar esprimew appoġġ għall-ħolqien ta' kostitwenza konġunta li tibda mill-elezzjonijiet Ewropej fl-2019; billi l-modifika tal-Att li jikkonċerna l-elezzjoni tal-Membri tal-Parlament Ewropew b'suffraġju universali dirett hija prekundizzjoni għall-ħolqien ta' kostitwenza konġunta, u billi tali modifika jenħtieġ li tiġi adottata mill-inqas sena qabel l-elezzjonijiet Ewropej kif stipulat fil-Kodiċi ta' Prattika Tajba fi Kwistjonijiet Elettorali tal-Kummissjoni ta' Venezja;

I.  billi l-introduzzjoni ta' tali kostitwenza tirrinforza l-kunċett taċ-ċittadinanza Ewropea u ssaħħaħ il-karattru Ewropew tal-elezzjonijiet għall-Parlament Ewropew;

J.  billi huma mhux biss il-listi mressqa mill-partiti politiċi Ewropej stabbiliti li jenħtieġ li jkunu ammissibbli bħala listi transnazzjonali għall-elezzjonijiet Ewropej fil-kostitwenza konġunta, iżda huma wkoll il-listi mressqa mill-partiti jew movimenti politiċi nazzjonali li ma jkunux affiljati ma' xi partit politiku Ewropew, li huma konformi mal-kriterji Ewropej stabbiliti minn qabel;

K.  billi fil-proposta tiegħu tal-11 ta' Novembru 2015 għal Deċiżjoni tal-Kunsill li tadotta d-dispożizzjonijiet li jemendaw l-Att dwar l-elezzjoni tal-Membri tal-Parlament Ewropew b'suffraġju universali dirett, il-Parlament Ewropew talab b'insistenza l-introduzzjoni ta' limitu obbligatorju għall-kostitwenzi, u għall-Istati Membri b'kostitwenza waħda, li fihom tintuża s-sistema ta' listi u li huma magħmula minn aktar minn ċertu għadd ta' siġġijiet; iqis li dan il-limitu jeħtieġ li jiġi stabbilit b'kont meħud tal-allokazzjoni l-ġdida tas-siġġijiet;

1.  Jinnota li l-allokazzjoni attwali tas-siġġijiet fil-Parlament Ewropew kif stabbilita fid-Deċiżjoni tal-Kunsill Ewropew 2013/312/UE tapplika biss għal-leġiżlatura tal-2014-2019; jenfasizza, għalhekk, li hemm il-ħtieġa ta' deċiżjoni ġdida dwar il-kompożizzjoni tal-Parlament Ewropew għal-leġiżlatura tal-2019–2024;

2.  Jagħraf il-fatt li d-distribuzzjoni attwali tas-siġġijiet, f'diversi każijiet, ma tirrispettax il-prinċipju ta' proporzjonalità digressiva, u għalhekk trid tiġi kkoreġuta għall-kompożizzjoni tal-Parlament Ewropew ibda mill-elezzjonijiet Ewropej li jmiss fl-2019;

3.  Jirrikonoxxi l-fatt li għadd ta' Stati Membri jqisu li s-sistema ta' votazzjoni fil-Kunsill jeħtieġ li jittieħed kont tagħha meta tkun qed tittieħed deċiżjoni dwar l-allokazzjoni tas-siġġijiet fil-Parlament Ewropew;

4.  Jenfasizza li, filwaqt li l-formoli matematiċi juru li hemm potenzjal kbir biex tiġi pprovduta sistema permanenti għad-distribuzzjoni tas-siġġijiet fil-ġejjieni, mhuwiex politikament vijabbli li l-Parlament jissuġġerixxi sistema permanenti f'dan l-istadju;

5.  Jirrikonoxxi l-fatt li, jekk is-sitwazzjoni legali attwali ma tinbidilx, ir-Renju Unit mhux se jkun għadu Stat Membru fi żmien l-elezzjonijiet Ewropej li jmiss fl-2019;

6.  Jipproponi li mill-elezzjonijiet Ewropej li jmiss fl-2019 tiġi applikata allokazzjoni ġdida tas-siġġijiet fil-Parlament, li tirrispetta l-kriterji stabbiliti fl-Artikolu 14 tat-TUE; f'każ li s-sitwazzjoni legali msemmija hawn fuq dwar il-ħruġ tar-Renju Unit mill-Unjoni Ewropea tinbidel, l-allokazzjoni tas-siġġijiet applikata matul il-leġiżlatura tal-2014-2019 jenħtieġ li tapplika sa meta l-ħruġ tar-Renju Unit mill-Unjoni Ewropea jsir ġuridikament effettiv;

7.  Jenfasizza li s-siġġijiet li mistennija jitbattlu mir-Renju Unit mal-ħruġ tiegħu mill-Unjoni Ewropea se jiffaċilitaw l-adozzjoni ta' allokazzjoni ġdida tas-siġġijiet fil-Parlament, ħaġa li ser timplimenta l-prinċipju ta' proporzjonalità digressiva; ikompli jissottolinja li l-allokazzjoni l-ġdida proposta se tippermetti tnaqqis fid-daqs tal-Parlament; jinnota li l-użu ta' frazzjoni biss tas-siġġijiet imbattla mir-Renju Unit huwa biżżejjed biex jiġi żgurat li l-ebda Stat Membru ma jitlef xi siġġu u jagħmilha possibbli li jiġi allokat għadd sinifikanti ta' siġġijiet lill-kostitwenza konġunta;

8.  Jissottolinja li t-tnaqqis fid-daqs tal-Parlament iħalli għadd ta' siġġijiet li jkunu jistgħu jakkomodaw lit-tikbiriet tal-Unjoni Ewropea li jistgħu jsiru fil-futur u lill-membri eletti fuq il-listi transnazzjonali f'kostitwenza konġunta;

9.  Ifakkar li skont il-Ftehim tal-Ġimgħa l-Kbira, il-poplu tal-Irlanda ta' Fuq għandu dritt inerenti li jkollu jew ċittadinanza Irlandiża jew dik Brittanika, jew it-tnejn li huma u, bis-saħħa tad-dritt għaċ-ċittadinanza Irlandiża, iċ-ċittadinanza tal-Unjoni wkoll;

10.  Ifakkar li l-proporzjonalità digressiva, kif definita mit-Trattati, hija bbażata fuq il-għadd ta' siġġijiet għal kull Stat Membru u mhux fuq in-nazzjonalità tal-kandidati;

11.  Jistieden lill-Kunsill jiffinalizza malajr ir-reviżjoni tal-Att li jikkonċerna l-elezzjoni tal-Membri tal-Parlament Ewropew b'suffraġju universali dirett;

12.  Jissottolinja li r-riforma tal-Att li jikkonċerna l-elezzjoni tal-Membri tal-Parlament Ewropew b'suffraġju universali dirett proposta mill-Parlament Ewropew se ssaħħaħ il-karattru Ewropew tal-elezzjonijiet u se tibgħat messaġġ pożittiv għall-futur tal-proġett Ewropew;

13.  Jenfasizza li r-reviżjoni tal-Att li jikkonċerna l-elezzjoni tal-Membri tal-Parlament Ewropew b'suffraġju universali dirett għandha toħloq il-bażi ġuridika għall-istabbiliment tal-kostitwenza konġunta;

14.  Iqis li d-distribuzzjoni proposta bbażata fuq il-prinċipji tat-Trattati tagħti pedament sod għal metodu ta' kif tiġi ddeterminata l-allokazzjoni tas-siġġijiet fil-ġejjieni li jirrispetta l-kriterji tal-Artikolu 14 tat-TUE, b'mod partikolari l-prinċipju ta' proporzjonalità digressiva, kif ukoll li jkun wieħed ġust, trasparenti, oġġettiv, jirrispetta l-bidliet demografiċi l-aktar riċenti, u li ċ-ċittadini Ewropej jkunu jistgħu jifhmuh;

15.  Iressaq lill-Kunsill Ewropew il-proposta annessa għal deċiżjoni tal-Kunsill Ewropew li tistabbilixxi l-kompożizzjoni tal-Parlament Ewropew, abbażi tad-dritt ta' inizjattiva tiegħu stabbilit fl-Artikolu 14(2) tat-TUE; jenfasizza l-ħtieġa urġenti li dik id-deċiżjoni tiġi adottata, ħaġa li tirrikjedi l-approvazzjoni tiegħu, sabiex l-Istati Membri jkunu jistgħu jippromulgaw, fil-ħin xieraq, id-dispożizzjonijiet domestiċi meħtieġa biex ikunu jistgħu jorganizzaw l-elezzjonijiet Ewropej għal-leġiżlatura tal-2019-2024;

16.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni kif ukoll il-proposta għal deċiżjoni tal-Kunsill Ewropew annessa magħha, flimkien mar-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Kostituzzjonali tiegħu msemmi hawn fuq, lill-Kunsill Ewropew, lill-Kummissjoni u lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri.

(1)

Dak l-artikolu jistipola li "Fil-livell tal-Unjoni, iċ-ċittadini huma rappreżentati direttament fil-Parlament Ewropew",

(2)

Testi adottati, P7_TA(2013)0082.

(3)

Testi adottati, P8_TA(2015)0395.


ANNESS GĦALL-MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW

Proposta għal

Deċiżjoni tal-Kunsill Ewropew

li tistabbilixxi l-kompożizzjoni tal-Parlament Ewropew

IL-KUNSILL EWROPEW,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, b'mod partikolari l-Artikolu 14(2) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-inizjattiva tal-Parlament Ewropew,

Wara li kkunsidra l-approvazzjoni tal-Parlament Ewropew,

Billi:

(1) L-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 14(2) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea jistabbilixxi l-kriterji għall-kompożizzjoni tal-Parlament Ewropew, jiġifieri li l-għadd ta' rappreżentanti taċ-ċittadini tal-Unjoni Ewropea m'għandux jaqbeż is-seba' mija u ħamsin, minbarra l-President, li r-rappreżentanza tkun digressivament proporzjonali, b'mhux anqas minn sitt membri għal kull Stat Membru, u li l-ebda Stat Membru m'għandu jkun allokat aktar minn sitta u disgħin siġġu,

(2)  L-Artikolu 10 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea jipprevedi inter alia li l-funzjonament tal-Unjoni għandu jkun ibbażat fuq id-demokrazija rappreżentattiva biċ-ċittadini rappreżentati direttament fil-livell tal-Unjoni fil-Parlament Ewropew u l-Istati Membri rappreżentati mill-gvernijiet tagħhom, li min-naħa tagħhom huma responsabbli demokratikament lejn il-Parlamenti nazzjonali tagħhom jew lejn iċ-ċittadini, fil-Kunsill. L-Artikolu 14(2) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea dwar il-kompożizzjoni tal-Parlament Ewropew għalhekk japplika fil-kuntest tal-arranġamenti isitituzzjonali usa' stabbiliti fit-Trattati, li jinkludu wkoll id-dispożizzjonijiet dwar it-teħid ta' deċiżjonijiet fil-Kunsill,

(3)  Jeħtieġ li l-bażi ġuridika xierqa għal kostitwenza konġunta ffurmata mit-territorju kollu tal-Unjoni tingħata mid-deċiżjoni tal-Kunsill li tadotta d-dispożizzjonijiet li jemendaw l-Att li jikkonċerna l-elezzjoni tal-membri tal-Parlament Ewropew b'suffraġju universali dirett, u li jistipula, f'konformità mal-Artikolu 223(1) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, il-kundizzjonijiet għall-istabbiliment ta' tali kostitwenza konġunta;

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Fl-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 14(2) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, għandhom jiġu rispettati l-prinċipji li ġejjin:

–  l-allokazzjoni tas-siġġijiet fil-Parlament Ewropew għandha tutilizza għalkollox il-limitu minimu u l-limitu massimu għal kull Stat Membru stabbiliti mit-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, biex tirrifletti mill-qrib kemm jista' jkun id-daqsijiet tal-popolazzjonijiet rispettivi;

–  il-proporzjonalità digressiva għandha tiġi definita kif ġej: il-proporzjon bejn il-popolazzjoni u l-għadd ta' siġġijiet ta' kull Stat Membru qabel ma l-frazzjonijiet tan-numri jitqarrbu lejn numri sħaħ għandu jvarja skont il-popolazzjoni rispettiva tagħhom b'tali mod li kull Membru tal-Parlament Ewropew minn Stat Membru b'popolazzjoni akbar jirrappreżenta iktar ċittadini minn kull Membru ta' Stat Membru b'popolazzjoni iżgħar u, bil-maqlub, ikbar ma tkun il-popolazzjoni ta' Stat Membru, akbar ikun id-dritt tiegħu għal għadd akbar ta' siġġijiet,

  l-allokazzjoni tas-siġġijiet għandha tirrifletti l-iżviluppi demografiċi fl-Istati Membri.

Artikolu 2

  Il-popolazzjoni totali tal-Istati Membri hija kkalkolata mill-Kummissjoni (Eurostat) abbażi tad-data l-aktar reċenti pprovduta mill-Istati Membri, skont metodu stabbilit permezz tar-Regolament (UE) Nru 1260/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill(1).

Artikolu 3

1. L-għadd ta' rappreżentanti fil-Parlament Ewropew eletti f'kull Stat Membru huwa b'dan stabbilit kif ġej għall-leġiżatura 2019-2024:

Il-Belġju

21

Il-Bulgarija

17

Ir-Repubblika Ċeka

21

Id-Danimarka

14

Il-Ġermanja

96

L-Estonja

7

L-Irlanda

13

Il-Greċja

21

Spanja

59

Franza

79

Il-Kroazja

12

L-Italja

76

Ċipru

6

Il-Latvja

8

Il-Litwanja

11

Il-Lussemburgu

6

L-Ungerija

21

Malta

6

In-Netherlands

29

L-Awstrija

19

Il-Polonja

52

Il-Portugall

21

Ir-Rumanija

33

Is-Slovenja

8

Is-Slovakkja

14

Il-Finlandja

14

L-Iżvezja

21

2. Madankollu, fil-każ li r-Renju Unit ikun għadu Stat Membru tal-Unjoni fil-bidu tal-leġiżlatura tal-2019-2024, l-għadd ta' rappreżentanti fil-Parlament Ewropew eletti għal kull Stat Membru li jieħdu l-kariga għandu jkun dak previst fl-Artikolu 3 tad-Deċiżjoni tal-Kunsill Ewropew 2013/312/UE(2) sa meta l-ħruġ tar-Renju Unit mill-Unjoni Ewropea jsir ġuridikament effettiv.

Ladarba l-ħruġ tar-Renju Unit mill-Unjoni Ewropea jsir ġuridikament effettiv, l-għadd ta' rappreżentanti fil-Parlament Ewropew eletti f'kull Stat Membru għandu jkun dak indikat fil-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu.

Ir-rappreżentanti fil-Parlament Ewropew li jimlew is-siġġijiet addizzjonali li jirriżultaw mid-differenza bejn l-għadd ta' siġġijiet allokati lil dak l-Istat Membru skont l-ewwel u t-tieni subparagrafi ta' dan il-paragrafu għandhom jibdew jokkupaw is-siġġu tagħhom fil-Parlament fl-istess waqt.

Artikolu 4

Wara d-dħul fis-seħħ tal-bażi ġuridika xierqa għal-listi transnazzjonali, għandha tiġi stabbilita kostitwenza konġunta li tkun iffurmata mit-territorju kollu tal-Unjoni. It-termini ta' tali kostitwenza konġunta għandhom jiġu stipulati fid-Deċiżjoni tal-Kunsill li tadotta d-dispożizzjonijiet li jemendaw l-Att li jikkonċerna l-elezzjoni tal-Membri tal-Parlament Ewropew b'suffraġju universali dirett.

Madankollu, f'każ li r-Renju Unit ikun għadu Stat Membru tal-Unjoni fil-bidu tal-leġiżlatura tal-2019-2024, u jekk ikun hemm rappreżentanti fil-Parlament Ewropew eletti fuq listi transnazzjonali, dawn għandhom jibdew jokkupaw is-siġġu tagħhom biss ladarba l-ħruġ tar-Renju Unit mill-Unjoni jsir ġuridikament effettiv.

L-għadd ta' rappreżentanti eletti fil-kostitwenza konġunta għandu jiġi definit abbażi tal-għadd ta' Stati Membri.

Artikolu 5

Żmien biżżejjed li jkun ħafna qabel il-bidu tal-leġislatura 2024-2029, il-Parlament Ewropew għandu jressaq lill-Kunsill Ewropew, skont l-Artikolu 14(2) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, proposta għal allokazzjoni aġġornata tas-siġġijiet.

Artikolu 6

Din id-Deċiżjoni tidħol fis-seħħ l-għada tal-jum tal-pubblikazzjoni tagħha f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Magħmul fi ...

Għall-Kunsill Ewropew

Il-President

.

(1)

Ir-Regolament (UE) Nru 1260/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta' Novembru 2013 dwar statistika demografika Ewropea (ĠU L 330, 10.12.2013, p. 39).

(2)

Deċiżjoni tal-Kunsill Ewropew 2013/312/UE tat-28 ta' Ġunju 2013 li tistabbilixxi l-kompożizzjoni tal-Parlament Ewropew (ĠU L 181, 29.6.2013, p. 57).


NOTA SPJEGATTIVA

L-assenjament tas-siġġijiet fil-Parlament hija kwistjoni politikament sensittiva peress li għandha impatt dirett fuq ir-rappreżentanza taċ-ċittadini fl-unika istituzzjoni Ewropea li tiġi eletta direttament. F'dan ir-rigward, huwa tal-akbar importanza li jiġi żgurat li l-kompożizzjoni tal-Parlament Ewropew tkun ibbażata fuq prinċipji ġusti, trasparenti, oġġettivi, sostenibbli u ekwi.

Id-distribuzzjoni tas-siġġijiet tal-Parlament Ewropew trid issegwi d-dispożizzjonijiet ġenerali tal-Artikolu 14 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea. Dawn id-dispożizzjonijiet jikkonċernaw id-daqs tal-Parlament, l-għadd massimu u l-għadd minimu ta' siġġijiet allokati lil kull Stat Membru, u l-fatt li s-siġġijiet iridu jiġu allokati f'konformità mal-prinċipju ta' proporzjonalità digressiva. Dan il-prinċipju attwalment huwa definit mid-Deċiżjoni tal-Kunsill Ewropew 2013/312/UE.

Id-distribuzzjoni attwali tas-siġġijiet fil-Parlament tirrispetta parzjalment biss il-prinċipju ta' proporzjonalità digressiva kif definit fil-leġiżlazzjoni sekondarja. Id-distribuzzjoni attwali ġiet adottata bħala "soluzzjoni prammatika", li kienet imfassla wkoll biex tikkumpensa parzjalment għall-iżbilanċi li jirriżultaw mis-sistema attwali tal-votazzjoni fil-Kunsill. Fl-2013, din is-soluzzjoni prammatika kienet ibbażata fuq il-prinċipju li "ħadd ma jiggwadanja u ħadd ma jitlef iktar minn siġġu wieħed" bħala riżultat tal-kompromess politiku li kien intlaħaq. Tali kompromess politiku kien ifisser li f'xi każijiet il-Membri tal-Parlament Ewropew minn Stati Membri b'popolazzjoni iżgħar kienu jirrappreżentaw iktar ċittadini għal kull Membru mill-kollegi tagħhom minn Stati Membri b'popolazzjoni relattivament ikbar(1). Dan imur kontra l-prinċipju ta' proporzjonalità digressiva kif definit attwalment.

Il-Parlament Ewropew dejjem ta importanza kbira lill-bżonn li jiġi kkunsidrat it-twaqqif ta' sistema għad-distribuzzjoni tas-siġġijiet flimkien ma' reviżjoni tas-sistema tal-votazzjoni fil-Kunsill, sabiex jiġi żgurat bilanċ interistituzzjonali(2). Din il-kwistjoni ssir allużjoni għaliha fid-Deċiżjoni tal-Kunsill Ewropew tat-28 ta' Ġunju 2013 li tistabbilixxi l-kompożizzjoni tal-Parlament Ewropew (2013/312/UE). Ta' min jinnota, madankollu, li bidla fir-regoli tal-votazzjoni fil-Kunsill tkun teħtieġ bidla fit-Trattati.

Matul is-snin, il-Parlament irrikonoxxa l-importanza ta' sistema permanenti għad-distribuzzjoni ġusta, oġġettiva u trasparenti(3) tas-siġġijiet tiegħu, qabel kull elezzjoni Ewropea ġdida, f'konformità mad-dispożizzjonijiet kif stabbilita fit-Trattati. F'dan ir-rigward, huwa fittex li jsib metodu adatt billi kkummissjona għadd ta' studji biex jeżaminaw numru ta' mudelli matematiċi għall-allokazzjoni tas-siġġijiet tiegħu. Madankollu, għadha ma ġietx implimentata sistema permanenti.

Fir-Riżoluzzjoni tiegħu tat-13 ta' Marzu 2013 dwar il-kompożizzjoni tal-Parlament Ewropew fid-dawl tal-elezzjonijiet tal-2014(4), il-Parlament ħa l-impenn li jipproponi sistema għad-distribuzzjoni tas-siġġijiet tiegħu. Din l-idea ntużat mill-Kunsill Ewropew fl-Artikolu 4 tad-Deċiżjoni tiegħu ta' Ġunju 2013 li tistabbilixxi l-kompożizzjoni tal-Parlament Ewropew(5) (li għaliha l-Parlament ta l-approvazzjoni tiegħu). Din id-Deċiżjoni impenjat lill-Parlament biex jippreżenta proposta għad-definizzjoni ta' "... sistema li fil-ġejjieni tagħmilha possibbli, qabel kull elezzjoni ġdida tal-Parlament Ewropew, li jiġu allokati s-siġġijiet bejn l-Istati Membri..." sal-aħħar tal-2016. Minħabba raġunijiet politiċi konvinċenti marbuta mar-referendum tar-Renju Unit tat-23 ta' Ġunju 2016, il-Parlament ma setax iħejji proposta qabel tmiem l-2016, kif rekwiżit mid-Deċiżjoni tal-Kunsill Ewropew.

Ir-Rapporteurs eżaminaw għadd ta' proposti għal sistema permanenti għad-distribuzzjoni tas-siġġijiet fil-Parlament ibbażata fuq formoli matematiċi(6). Fost il-proposti li qorbu l-aktar lejn il-kriterji kollha kien hemm il-metodu FPS ("Fix, Proportional to population and Square root to Population" jiġifieri "fiss, proporzjonat għall-popolazzjoni u għerq kwadrat għall-popolazzjoni"). Dan il-metodu jipproduċi riżultati interessanti li jistħoqqilhom analiżi ulterjuri u għandu jitqies fir-rigward tal-allokazzjoni futura tas-siġġijiet mill-elezzjonijiet tal-2024 'il quddiem.

Filwaqt li din il-formula u formuli oħrajn jirrispettaw il-kundizzjonijiet formali meħtieġa għall-kompożizzjoni tal-Parlament, li tissodisfa għalkollox ir-rekwiżiti tal-Artikolu 14(2) tat-TUE, huma ma jipprovdux soluzzjoni li hija wkoll politikament aċċettabli fit-tul kif ukoll fil-kuntest attwali. Dan il-kuntest politiku attwali jagħmilha diffiċli ħafna biex jittieħed impenn għal sistema permanenti għad-distribuzzjoni tas-siġġijiet tal-Parlament f'dan il-waqt. L-inċertezza politika qed tkompli tikber minħabba l-inċertezza legali b'riżultat tal-attivazzjoni tal-Artikolu 50 mir-Renju Unit. Dan huwa speċjalment il-każ minħabba li l-proċedura sabiex tiġi ffinalizzata d-Deċiżjoni tal-Kunsill Ewropew fl-Anness ta' din ir-riżoluzzjoni trid tiġi konkluża sas-sajf tal-2018, minħabba restrizzjonijiet legali ta' xi Stati Membri. Sa dak iż-żmien, il-ħruġ tar-Renju Unit mill-UE se jkun għadu ma sarx għalkollox. Għalhekk, mhux fattibbli legalment u politikament li tiġi proposta sistema permanenti għad-distribuzzjoni tas-siġġijiet tal-Parlament f'dan l-istadju.

Barra minn hekk, minħabba li l-Parlament diġà enfasizza l-importanza tar-rabta bejn sistema permanenti għad-distribuzzjoni tas-siġġijiet tiegħu u rieżami tas-sistema tal-votazzjoni fil-Kunsill, li ma jistax isir mingħajr reviżjoni tat-Trattati, ir-Rapporteurs jikkunsidraw li l-istabbiliment ta' sistema għandu jiġi pospost sa żmien meta l-kuntest politiku ikun lest għal diskussjoni komprensiva dwar il-bilanċ interistituzzjonali.

Il-proposta tar-Rapporteurs: soluzzjoni bbażata fuq il-prinċipji

Ir-rapporteurs qed jippreżentaw abbozz ta' Deċiżjoni tal-Kunsill Ewropew dwar il-kompożizzjoni tal-Parlament li jipprovdi distribuzzjoni tas-siġġijiet fost l-Istati Membri li tkun ġusta, oġġettiva u bbażata fuq prinċipji ċari. Meta jqisu l-ħtieġa tal-Istati Membri li jkollhom ċertezza legali rigward l-għadd ta' rappreżentanti li jrid jeleġġu għal-leġiżlatura 2019-2024 fi żmien suffiċjenti qabel l-elezzjonijiet, ir-Rapporteurs jipproponu li d-distribuzzjoni tas-siġġijiet applikabbli attwalment tinżamm għall-perjodu li fih ir-Renju Unit ikun għadu Membru tal-Unjoni. Ladarba r-Renju Unit joħroġ formalment u legalment mill-Unjoni, id-distribuzzjoni l-ġdida tidħol fis-seħħ.

Din id-distribuzzjoni ġdida hija bbażata fuq tliet prinċipji:

1.  Ir-rispett għall-prinċipju ta' proporzjonalità digressiva, kif rekwiżit mill-Artikolu 14 tat-TUE

2.  Ebda telf ta' siġġijiet għal xi Stat Membru

3.  Ridistribuzzjoni minima tas-siġġijiet imbattla bil-ħruġ tar-Renju Unit mill-UE

Is-soluzzjoni proposta hija possibilità vijabbli fil-kuntest politiku attwali u tirrispetta għalkollox it-tliet prinċipji msemmija hawn fuq u l-kriterji kollha elenkati fl-Artikolu 14 tat-TUE. Il-proposta tar-Rapporteurs tuża għadd minimu tas-siġġijiet tar-Renju Unit li jkunu baqgħu battala meta l-ħruġ tar-Renju Unit mill-UE jkun ġie formalment u legalment komplut, u b'hekk id-daqs tal-Parlament jiċċekken għal 705 Membri tal-Parlament Ewropew. Dan ikun ifisser li 46 siġġu se jibqgħu disponibbli għall-każijiet futuri potenzjali ta' tikbir jew biex jintużaw parzjalment għal kostitwenza konġunta.

Barra minn hekk, id-distribuzzjoni l-ġdida bbażata fuq il-prinċipji tikkoreġi kull ksur tal-prinċipju ta' proporzjonalità digressiva mingħajr ma tinvolvi telf ta' siġġijiet għall-Istati Membri, filwaqt li fl-istess ħin tnaqqas id-daqs tal-Parlament.

L-Anness I juri l-impatt tal-proposta tar-Rapporteurs fuq id-distribuzzjoni tas-siġġijiet fost l-Istati Membri. B'mod partikolari juri li s-soluzzjoni proposta tirrispetta l-prinċipju ta' proporzjonalità digressiva billi jissodisfa ż-żewġ kriterji li ġejjin:

(1)  l-ebda Stat b'popolazzjoni iżgħar ma jingħata iktar siġġijiet minn Stat b'popolazzjoni ikbar,

(2)  il-proporzjon bejn il-popolazzjoni u s-siġġijiet għandu jiżdied hekk kif tiżdied il-popolazzjoni qabel ma n-numri deċimali jitqarrbu lejn numri sħaħ.

Rigward il-kwistjoni tal-kostitwenza konġunta, ir-Rapporteurs jissottolinjaw li din il-kwistjoni għandha tiġi riżolta fil-qafas ta' riforma tal-liġi elettorali Ewropea. Ir-riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-11 ta' Novembru 2015 dwar ir-riforma tal-liġi elettorali tal-Unjoni Ewropea spjegat il-possibbiltà tat-twaqqif ta' kostitwenza konġunta fejn fuq nett fil-listi tkun imniżżla l-persuna kandidata minn kull familja politika għall-pożizzjoni ta' President tal-Kummissjoni. Għalhekk, ladarba tkun ġiet adottata l-bażi ġuridika, għandhom jiġu kkunsidrati għall-elezzjonijiet futuri l-ħolqien ta' kostitwenza konġunta u t-twarrib ta' porzjon tas-siġġijiet tal-Parlament għal dan il-għan.

(1)

Il-Membri Franċiżi, Britanniċi u Spanjoli tal-Parlament Ewropew kienu jirrappreżentaw iktar ċittadini mill-Membri Ġermaniżi, il-Membri Netherlandiżi tal-Parlament Ewropew kienu jirrappreżentaw iktar ċittadini mill-Membri Rumeni, il-Membri Svediżi u Awstrijaċi kienu jirrappreżentaw iktar ċittadini mill-Membri Ungeriżi, id-Daniżi kellhom iktar ċittadini għal kull Membru mill-Bulgari, u l-Irlandiżi iktar mis-Slovakki.

(2)

Din il-kwistjoni tqajmet fir-riżoluzzjonjiet P6_TA(2007)0429 u P7_TA-PROV(2014)0082 tal-Parlament

(3)

Nota dwar l-allokazzjoni bejn l-Istati Membri tas-siġġijiet fil-Parlament Ewropew

http://www.europarl.europa.eu/RegData/etudes/note/join/2011/432760/IPOL-AFCO_NT(2011)432760_EN.pdf u analiżi profonda dwar ir-"riforma tal-Parlament Ewropew: kompożizzjoni, proċedura u leġittimità" (the "reform of the European Parliament: composition, procedure and legitimacy"): http://www.europarl.europa.eu/RegData/etudes/IDAN/2015/510002/IPOL_IDA(2015)510002_EN.pdf

(4)

P6_TA (2013) 0082

(5)

Deċiżjoni tal-Kunsill Ewropew tat-28 ta' Ġunju 2013 li tistabbilixxi l-kompożizzjoni tal-Parlament Ewropew

(6)

In-depth analysis on the Composition of the European Parliament, Policy Department C, PE583.117 and the proposals for the FPS method by Prof. Victoriano Ramírez González and the “700 No-loss Composition” solution proposed by Prof. Grimmett, Prof. Pukelsheim, Prof. Ramírez González, Prof. Słomczyński and Prof. Życzkowski (Analiżi profonda dwar il-Kompożizzjoni tal-Parlament Ewropew, Dipartiment Tematiku C, PE 583.117 u l-proposti għall-metodu FPS mill-Prof. Victoriano Ramírez González u s-soluzzjoni ta' “700 no-loss Composition” proposta mill-Prof. Grimmett, il-Prof. Pukelsheim, il-Professur Ramírez González, il-Prof. Słomczyński u l-Prof. Życzkowski)


ANNESS

Soluzzjoni bbażata fuq il-prinċipji għad-distribuzzjoni tas-siġġijiet fil-Parlament għal-leġiżlatura 2019-2024:

 

Popolazzjoni 2017(1)

Id-distribuzzjoni attwali tas-siġġijiet

Popolazzjoni/Membri tal-PE

Distribuzzjoni Ġdida

Popolazzjoni/Membri tal-PE

Il-Ġermanja

82064489

96

854838

96

854838

Franza

66661621

74

900833

79

854636

Ir-Renju Unit

65341183

73

895085

 

 

L-Italja

61302519

73

839761

76

806612

Spanja

46438422

54

859971

59

800662

Il-Polonja

37967209

51

744455

52

744455

Ir-Rumanija

19759968

32

617499

33

617499

In-Netherlands

17235349

26

662898

29

615548

Il-Belġju

11289853

21

537612

21

537612

Il-Greċja

10793526

21

513977

21

513977

Ir-Repubblika Ċeka

10445783

21

497418

21

497418

Il-Portugall

10341330

21

492444

21

492444

L-Ungerija

9830485

21

468118

21

468118

L-Iżvezja

9998000

20

499900

21

476095

L-Awstrija

8711500

18

483972

19

458500

Il-Bulgarija

7153784

17

420811

17

420811

Id-Danimarka

5700917

13

438532

14

407208

Il-Finlandja

5465408

13

420416

14

390386

Is-Slovakkja

5407910

13

415993

14

386279

L-Irlanda

4664156

11

424014

13

358781

Il-Kroazja

4190669

11

380970

12

349222

Il-Litwanja

2888558

11

262596

11

262596

Is-Slovenja

2064188

8

258024

8

258024

Il-Latvja

1968957

8

246120

8

246120

L-Estonja

1315944

6

219324

7

187992

Ċipru

848319

6

141387

6

141387

Il-Lussemburgu

576249

6

96042

6

96042

Malta

434403

6

72401

6

72401

TOTAL

510860699

751

 

705

 

(1)

Kif stabbilita permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2016/2353


OPINJONI TAL-MINORANZA (23.1.2018)

skont l-Artikolu 52a(4) tar-Regoli ta' Proċedura,

Kazimierz Ujazdowski f'isem il-Grupp ECR

Aħna ma naqblux mad-deċiżjoni li s-siġġijiet jiġu ddistribwiti mill-ġdid wara l-Brexit. Il-PE jitlef l-opportunità massiva li jnaqqas l-għadd ta' membri tiegħu għal 678 Membru. Parlament Ewropew iżgħar ikun aktar effiċjenti u t-tnaqqis fil-baġit ikun apprezzat bil-kbir miċ-ċittadini tagħna. Barra minn hekk, l-awturi tar-rapport, kuntrarju għar-riżoluzzjonijiet preċedenti tal-PE, ma ppreżentawx il-kriterji oġġettivi għad-distribuzzjoni l-ġdida, u għalhekk l-allokazzjoni tas-siġġijiet hija waħda arbitrarja.

Il-Grupp ECR jopponi wkoll l-appelli għall-ħolqien futur ta' lista transnazzjonali. Membri tal-Parlament Ewropew transnazzjonali, li jkunu jmorru lil hinn mill-konfini elettorali tradizzjonali, ser iservu biss biex iċ-ċittadini jħossuhom jerġa' aktar 'il bogħod mill-UE. Huwa inġenwu li nassumu li din il-ħaġa ser iżżid l-obbligu ta' rendikont u l-parteċipazzjoni fl-elezzjonijiet Ewropej meta sfortunatament se tagħmel eżattament il-kuntrarju.


INFORMAZZJONI DWAR L-ADOZZJONIFIL-KUMITAT RESPONSABBLI

Data tal-adozzjoni

23.1.2018

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

20

4

1

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Michał Boni, Mercedes Bresso, Elmar Brok, Fabio Massimo Castaldo, Pascal Durand, Esteban González Pons, Danuta Maria Hübner, Diane James, Ramón Jáuregui Atondo, Alain Lamassoure, Jo Leinen, Morten Messerschmidt, Maite Pagazaurtundúa Ruiz, Markus Pieper, Paulo Rangel, Helmut Scholz, György Schöpflin, Pedro Silva Pereira, Barbara Spinelli, Claudia Țapardel, Josep-Maria Terricabras, Kazimierz Michał Ujazdowski, Guy Verhofstadt

Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali

Max Andersson, Pervenche Berès, Roberto Gualtieri, Sylvia-Yvonne Kaufmann, Jérôme Lavrilleux, Georg Mayer, Rainer Wieland


VOTAZZJONI FINALI B'SEJĦA TAL-ISMIJIETFIL-KUMITAT RESPONSABBLI I

on the draft Proposal for a decision of the European Council establishing the composition of the European Parliament

21

+

ALDE

Maite Pagazaurtundúa Ruiz, Guy Verhofstadt

EFDD

Fabio Massimo Castaldo

GUE/NGL

Helmut Scholz, Barbara Spinelli

PPE

Michał Boni, Elmar Brok, Esteban González Pons, Danuta Maria Hübner, Alain Lamassoure, Markus Pieper, Paulo Rangel, György Schöpflin

S&D

Pervenche Berès, Mercedes Bresso, Ramón Jáuregui Atondo, Jo Leinen, Claudia Țapardel, Pedro Silva Pereira

VERTS/ALE

Pascal Durand, Josep-Maria Terricabras

4

-

ECR

Morten Messerschmidt, Kazimierz Michał Ujazdowski

ENF

Georg Mayer

NI

Diane James

0

0

 

 

Tifsira tas-simboli użati:

+  :  favur

-  :  kontra

0  :  astensjoni


VOTAZZJONI FINALI B'SEJĦA TAL-ISMIJIETFIL-KUMITAT RESPONSABBLI II

on the draft Motion for a European Parliament Resolution

20

+

ALDE

Maite Pagazaurtundúa Ruiz, Guy Verhofstadt

EFDD

Fabio Massimo Castaldo

GUE/NGL

Helmut Scholz, Barbara Spinelli

PPE

Michał Boni, Elmar Brok, Esteban González Pons, Danuta Maria Hübner, Alain Lamassoure, Paulo Rangel, György Schöpflin

S&D

Pervenche Berès, Mercedes Bresso, Ramón Jáuregui Atondo, Jo Leinen, Claudia Țapardel, Pedro Silva Pereira

VERTS/ALE

Pascal Durand, Josep-Maria Terricabras

4

-

ECR

Morten Messerschmidt, Kazimierz Michał Ujazdowski

ENF

Georg Mayer

NI

Diane James

1

0

PPE

Markus Pieper

Tifsira tas-simboli użati:

+  :  favur

-  :  kontra

0  :  astensjoni

Aġġornata l-aħħar: 5 ta' Frar 2018Avviż legali