Proċedura : 2017/0134(COD)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A8-0009/2018

Testi mressqa :

A8-0009/2018

Dibattiti :

Votazzjonijiet :

PV 31/01/2019 - 9.11

Testi adottati :

P8_TA(2019)0056

RAPPORT     ***I
PDF 223kWORD 63k
30.1.2018
PE 612.210v03-00 A8-0009/2018

dwar il-proposta għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-armonizzazzjoni tal-introjtu nazzjonali gross bi prezzijiet tas-suq ("ir-Regolament dwar l-ING") li jħassar id-Direttiva tal-Kunsill 89/130/KEE, Euratom u r-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1287/2003

(COM(2017)0329 – C8-0192/2017 – 2017/0134(COD))

Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji

Rapporteur: Roberto Gualtieri

ABBOZZ TA' RIŻOLUZZJONI LEĠIŻLATTIVA TAL-PARLAMENT EWROPEW
 PROĊEDURA TAL-KUMITAT RESPONSABBLI
 VOTAZZJONI FINALI B'SEJĦA TAL-ISMIJIET FIL-KUMITAT RESPONSABBLI

ABBOZZ TA' RIŻOLUZZJONI LEĠIŻLATTIVA TAL-PARLAMENT EWROPEW

dwar il-proposta għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-armonizzazzjoni tal-introjtu nazzjonali gross bi prezzijiet tas-suq ("ir-Regolament dwar l-ING") li jħassar id-Direttiva tal-Kunsill 89/130/KEE, Euratom u r-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1287/2003

(COM(2017)0329 – C8-0192/2017 – 2017/0134(COD))

(Proċedura leġiżlattiva ordinarja: l-ewwel qari)

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill (COM(2017)0329),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 294(2) u l-Artikolu 338(1) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, skont liema artikoli l-Kummissjoni ppreżentat il-proposta lill-Parlament (C8-0192/2017),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 294(3) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 59 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji (A8-0009/2018),

1.  Jadotta l-pożizzjoni fl-ewwel qari li tidher hawn taħt;

2.  Jitlob lill-Kummissjoni biex terġa' tirreferi l-kwistjoni lill-Parlament jekk tibdel il-proposta tagħha, temendaha b'mod sustanzjali jew ikollha l-ħsieb li temendaha b'mod sustanzjali;

3.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi l-pożizzjoni tal-Parlament lill-Kunsill u lill-Kummissjoni kif ukoll lill-parlamenti nazzjonali.

Emenda    1

EMENDI TAL-PARLAMENT EWROPEW(1)*

għall-proposta tal-Kummissjoni

---------------------------------------------------------

Proposta għal

REGOLAMENT TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

dwar l-armonizzazzjoni tal-introjtu nazzjonali gross bi prezzijiet tas-suq ("ir-Regolament dwar l-ING") li jħassar id-Direttiva tal-Kunsill 89/130/KEE, Euratom u r-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1287/2003

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 338(1) tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Wara li l-abbozz tal-att leġislattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,

Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġislattiva ordinarja,

Billi:

(-1)  L-introjtu nazzjonali gross bil-prezzijiet tas-suq (ING) jikkostitwixxi l-bażi għall-kalkolu tal-akbar sehem ta' riżorsi proprji fil-baġit tal-Unjoni.

(1)  Is-sehem li qed jiżdied tar-riżorsi proprji tal-Unjoni bbażat fuq l-ING tal-Istati Membri joħloq il-ħtieġa li jiġu infurzati aktar il-komparabilità, l-affidabilità u l-eżawrjenza ta' dan l-aggregat.

(2)  L-integrità tal-istatistika permezz tar-rispett tal-prinċipji tal-Kodiċi ta' Prattika tal-Istatistika Ewropea kif rivedut u aġġornat mill-Kumitat tas-Sistema Ewropea tal-Istatistika fit-28 ta' Settembru 2011, u tar-Regolament (KE) Nru 223/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill(2), hija ta' importanza kbira meta l-istatistika tintuża direttament għal finijiet amministrattivi u għat-tfassil tal-politika fil-livell tal-Unjoni, nazzjonali u reġjonali.

(3)  Dik id-dejta hija wkoll għodda analitika importanti għall-koordinazzjoni tal-politika ekonomika nazzjonali u għad-diversi politiki tal-Unjoni, kif ukoll għall-attivitajiet ta' riċerka.

(4)  B'konformità mal-Artikolu 2(7) tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2014/335/UE, Euratom, għall-finijiet tar-riżorsi proprji, l-ING ifisser l-ING annwali bil-prezz tas-suq, kif previst fl-Anness A tar-Regolament (UE) Nru 549/2013 ("ESA 2010"). ▌B'konformità mal-Artikolu 10(1) tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2014/335/UE, Euratom(3), u soġġetta għall-Artikolu 10(2) tagħha, id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2007/436/KE, Euratom(4) ġiet imħassra.

(5)  Huwa essenzjali li d-dejta tal-ING tkun komparabbli fost l-Istati Membri u għalhekk id-definizzjonijet u r-regoli tal-kontabilità relevanti tal-ESA 2010 jenħtieġ li jiġu rispettati. Għal dak il-għan, il-proċeduri ta' valutazzjoni u d-dejta bażika użati bħalissa jenħtieġ li jippermetu l-applikazzjoni korretta tad-definizzjonijiet u tar-regoli tal-kontabbiltà tal-ESA 2010.

(6)  Huwa essenzjali li s-sorsi u l-metodi użati għall-kompilazzjoni tal-ING ikunu affidabbli. Dan ifisser li kemm jista' jkun jenħtieġ li jiġu applikati tekniki tajba għal statistika bażika li tkun robusta, adatta u aġġornata.

(7)  Huwa essenzjali li d-dejta tal-ING tkun eżawrjenti▌. Għaldaqstant jenħtieġ li tqis ukoll l-attivitajiet u t-tranżazzjonijiet informali, mhux reġistrati u ta' tip ieħor li ma jiġux irrappurtati fl-istħarriġ statistiku jew lill-awtoritajiet fiskali, soċjali u lil awtoritajiet amministrattivi oħra. Kopertura mtejba tal-ING tassumi l-iżvilupp ta' bażijiet statistiċi u ta' proċeduri ta' valutazzjoni xierqa biex tiġi prodotta statistika affidabbli u, fejn ikun applikabbli, biex isiru l-aġġustamenti meħtieġa.

(8)  Sabiex ikunu żgurati kundizzjonijiet uniformi għall-implimentazzjoni ta' dan ir-Regolament permezz tal-provvediment ta' dejta tal-ING għal finijiet tar-riżorsi proprji, is-setgħat ta' implimentazzjoni jenħtieġ li jingħataw lill-Kummissjoni sabiex tieħu miżuri li jikkonċernaw l-istruttura tal-inventarju tas-sorsi u l-metodi użati sabiex tiġi prodotta d-dejta tal-ING u l-komponenti tiegħu▌. Jenħtieġ li dawk is-setgħat jiġu eżerċitati b'konformità mar-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill(5).

(8a)  Sabiex jiġu żgurati l-affidabbiltà, l-eżawrjenza, u l-ogħla livell possibbli ta' komparabilità tad-dejta tal-ING, is-setgħa li tadotta atti skont l-Artikolu 290 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea jenħtieġ li tiġi ddelegata lill-Kummissjoni fir-rigward tad-definizzjoni tal-kontenut tal-inventarju tas-sorsi u l-metodi użati biex tiġi prodotta d-dejta tal-ING, kif ukoll miżuri li jiżguraw li d-dejta tal-ING tkun affidabbli, eżawrjenti u komparabbli. Huwa partikolarment importanti li l-Kummissjoni twettaq konsultazzjonijiet xierqa matul il-ħidma ta' tħejjija tagħha, inkluż fil-livell tal-esperti, u li dawk il-konsultazzjonijiet jitwettqu f'konformità mal-prinċipji stipulati fil-Ftehim Interistituzzjonali dwar it-Tfassil Aħjar tal-Liġijiet tat-13 ta' April 2016(6). B'mod partikolari, biex tiġi żgurata parteċipazzjoni ugwali fit-tħejjija tal-atti delegati, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill jirċievu d-dokumenti kollha fl-istess ħin li jirċevuhom l-esperti tal-Istati Membri, u l-esperti tagħhom ikollhom aċċess sistematiku għal-laqgħat tal-gruppi tal-esperti tal-Kummissjoni li jittrattaw it-tħejjija ta' atti delegati.

(9)  Ir-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) Nru 608/2014(7) jipprevedi żjarat ta' spezzjoni fl-Istati Membri bil-għan li jiġu vverifikati r-riżorsi proprji. Minbarra dawk l-ispezzjonijiet, il-Kummissjoni jenħtieġ li tkun intitolata twettaq żjarat ta' informazzjoni relatati mal-ING sabiex ikun żgurat li d-dejta tal-ING tkun komparabbli, affidabbli u eżawrjenti. Il-parteċipazzjoni tar-rappreżentanti tal-awtoritajiet nazzjonali tal-istatistika fiż-żjarat ta' informazzjoni relatati mal-ING fi Stati Membri oħrajn hija essenzjali biex tiżdied it-trasparenza u l-akkuratezza tal-proċess ta' verifika tal-ING.

(10)  B'konformità mal-Artikolu 7 tar-Regolament (KE) Nru 223/2009, il-Kumitat tas-Sistema Ewropea tal-Istatistika (ESSC) intalab sabiex jipprovdi l-gwida professjonali tiegħu.

(11)  Il-Kumitat tal-ING imsemmi fl-Artikolu 4 tar-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1287/2003(8) ta opinjonijiet kif ukoll ta parir u assista lill-Kummissjoni fl-eżerċizzju tas-setgħat ta' implimentazzjoni tiegħu. Bl-istrateġija għal struttura ġdida tas-Sistema Ewropea tal-Istatistika biex jitjiebu l-koordinazzjoni u s-sħubija permezz ta' struttura piramida ċara fi ħdan is-Sistema, il-Kumitat tas-Sistema Ewropea tal-Istatistika, stabbilit permezz tar-Regolament (KE) Nru 223/2009, jenħtieġ li jkollu rwol konsultattiv u jassisti lill-Kummissjoni waqt li tkun qed teżerċita s-setgħat ta' implimentazzjoni tagħha. Għal dan il-għan, il-Kumitat tal-ING jenħtieġ li jiġi sostitwit mill-ESSC bil-għan li jassisti lill-Kummissjoni fl-eżerċizzju tas-setgħat ta' implimentazzjoni tagħha skont ir-Regolament attwali. Madankollu, għall-finijiet ta' funzjonijiet oħra li qabel kienu jsiru mill-Kumitat tal-ING skont ir-Regolament (KE, Euratom) Nru 1287/2003, u li mhumiex relatati ma' assistenza fl-eżerċizzju tal-poteri tal-implimentazzjoni tal-Kummissjoni, il-Kummissjoni jenħtieġ li tistabbilixxi grupp formali ta' esperti biex jassistiha f'għanijiet oħra bħal dawn.

(12)  Id-Direttiva tal-Kunsill 89/130/KEE, Euratom(9) u r-Regolament (KE, Euratom) Nru 1287/2003 stabbilew proċedura għall-verifika u l-valutazzjoni tal-komparabiltà, l-affidabilità u l-eżawrjenza tal-GNP u l-ING fi ħdan il-Kumitati tal-GNP u tal-ING li fihom l-Istati Membri u l-Kummissjoni jikkooperaw mill-qrib. Din il-proċedura jenħtieġ tiġi aġġustata biex tqis l-użu tal-ING skont l-ESA 2010 għall-finijiet tar-riżorsi proprji, l-iskeda taż-żmien riveduta biex isiru disponibbli r-riżorsi proprji u l-iżviluppi reċenti fi ħdan is-Sistema Ewropea tal-Istatistika. Għalhekk dawk l-atti jenħtieġ li jitħassru,

ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:

Kapitolu I

Definizzjoni u kalkolu tal-introjtu nazzjonali gross bi prezzijiet tas-suq

Artikolu 1

1. L-introjtu nazzjonali gross bi prezzijiet tas-suq (ING) u l-prodott domestiku gross bi prezzijiet tas-suq (PDG) għandhom ikunu definiti skont is-sistema Ewropea tal-kontijiet nazzjonali u reġjonali (ESA 2010), stabbilita permezz tar-Regolament (UE) Nru 549/2013.

2. Skont il-punt 8.89 tal-Anness A tar-Regolament (UE) Nru 549/2013, il-PDG huwa r-riżultat finali tal-attività ta' produzzjoni tal-unitajiet tal-produtturi residenti. Dan jista' jiġi definit bi tliet modi:

(a)  approċċ tal-produzzjoni: Il-PDG hu s-somma tal-valur gross miżjud tad-diversi setturi istituzzjonali jew id-diversi industriji bl-addizzjoni tat-taxxi u t-tnaqqis tas-sussidji fuq il-prodotti (li mhumiex allokati għal setturi u industriji). Huwa wkoll l-entrata saldatorja fil-kont tal-produzzjoni tal-ekonomija totali;

(a)  approċċ tan-nefqa: Il-PDG hu s-somma tal-użi finali tal-oġġetti u s-servizzi minn unitajiet istituzzjonali residenti (konsum finali u formazzjoni grossa ta' kapital), bl-addizzjoni tal-esportazzjonijiet u t-tnaqqis tal-importazzjonijiet ta' oġġetti u servizzi;

(b)  approċċ tal-introjtu: Il-PDG hu s-somma tal-użi fil-kont tal-ġenerazzjoni tal-introjtu tal-ekonomija totali (kumpens tal-impjegati, taxxi fuq il-produzzjoni u importazzjonijiet nieqes is-sussidji, eċċess operattiv gross u introjtu mħallat tal-ekonomija totali).

3. Skont il-punt 8.94 tal-Anness A tar-Regolament (UE) Nru 549/2013, l-ING jirrappreżenta l-introjtu primarju totali riċevibbli minn unitajiet istituzzjonali residenti: il-kumpens ta' impjegati, it-taxxi fuq il-produzzjoni u l-importazzjonijiet mingħajr is-sussidji, l-introjtu mill-proprjetà (ir-riċevibbli mingħajr il-pagabbli), l-eċċess operattiv gross u l-introjtu mħallat gross. L-ING huwa daqs il-PDG meta minnu jitnaqqas l-introjtu primarju pagabbli minn unitajiet istituzzjonali residenti lil unitajiet istituzzjonali mhux residenti u jiżdied l-introjtu primarju riċevibbli minn unitajiet istituzzjonali residenti mill-bqija tad-dinja.

Kapitolu II

It-trażmissjoni tad-dejta tal-ING u informazzjoni oħra

Artikolu 2

1. L-Istati Membri għandhom jikkalkulaw l-ING kif definit fl-Artikolu 1, flimkien mas-servizzi nazzjonali ta' dejta dwar il-kontabilità.

2. Qabel l-aħħar ta' Settembru ta' kull sena, l-Istati Membri għandhom jipprovdu lill-Kummissjoni (Eurostat), fil-kuntest tal-proċeduri tal-kontijiet nazzjonali, iċ-ċifri għall-ING aggregat u l-komponenti tiegħu, b'konformità mad-definizzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 1. Is-somom totali għall-PDG u l-komponenti tiegħu għandhom jiġu ppreżentati skont it-tliet approċċi msemmija fl-Arikolu 1(2). Id-dejta pprovduta għandha tkun trażmessa għas-sena preċedenti u kull tibdil addizzjonali li jkun sar fid-dejta tas-snin preċedenti għandu jiġi kkomunikat fl-istess mument.

3. It-trażmissjoni tad-dejta msemmija fil-paragrafu 2 għandha tkun akkumpanjata b'rapport dwar il-kwalità tad-dejta tal-ING. Dak ir-rapport għandu jgħid fid-dettall il-metodoloġija użata biex tiġi prodotta d-dejta, u b'mod partikolari għandu jiddeskrivi kull tibdil sinifikanti fis-sorsi u fil-metodi użati u jispjega r-reviżjonijiet li saru fl-istimi tal-ING preċedenti.

Artikolu 3

1. ▌L-Istati Membri għandhom jipprovdu lill-Kummissjoni (il-Eurostat) inventarju tas-sorsi u l-metodi użati biex tiġi prodotta d-dejta tal-ING u l-komponenti tagħha skont l-ESA 2010.

1a. Il-Kummissjoni għandha tadotta atti delegati li jissupplimentaw dan ir-Regolament, b'konformità mal-Artikolu 6a, billi tiddefinixxi l-kontenut tal-inventarju msemmi fil-paragrafu 1, kif ukoll il-kalendarju għall-aġġornament tiegħu.

2. Il-Kummissjoni għandha tadotta atti ta' implimentazzjoni li jistabbilixxu l-istruttura dettaljata tal-inventarju msemmi fil-paragrafu 1▌. Dawk l-atti ta' implimentazzjoni għandhom jiġu adottati b'konformità mal-proċedura ta' eżami msemmija fl-Artikolu 7(2).

Kapitolu III

Il-Proċeduri u l-kontrolli fuq il-kalkolu tal-ING

Artikolu 4

Il-Kummissjoni għandha tistabbilixxi grupp formali ta' esperti, magħmul minn rappreżentanti kkwalifikati indikati mill-Istati Membri u ppresedut minn rappreżentant tal-Kummissjoni, biex jagħti pariri lill-Kummissjoni u biex jesprimi l-fehmiet tiegħu dwar kemm il-kalkoli tal-ING huma komparabbli, affidabbli u eżawrjenti, sabiex jimmoniterja l-implimentazzjoni ta' dan ir-Regolament u biex joħroġ opinjonijiet annwali dwar l-adegwatezza tad-dejta tal-ING mibgħuta mill-Istati Membri għall-finijiet tar-riżorsi proprji.

Artikolu 5

1. Il-Kummissjoni għandha tivverifika li s-sorsi, l-użu tagħhom u l-metodi fl-inventarju msemmi fl-Artikolu 3(1) jikkonformaw mal-ESA 2010. Għal dan il-għan għandu jintuża mudell ta' verifika, imfassal mill-Kummissjoni bil-koperazzjoni mill-qrib mal-grupp ta' esperti msemmi fl-Artikolu 4. Il-mudell għandu jkun ibbażat fuq il-prinċipji ta' evalwazzjoni bejn il-pari u tal-kosteffettività.

1a. Id-dejta tal-ING għandha tkun affidabbli, eżawrjenti u komparabbli.

Il-Kummissjoni għandha tadotta atti delegati f'konformità mal-Artikolu 6a li jissupplimentaw id-dispożizzjonijiet stabbiliti fl-ewwel subparagrafu billi jistabbilixxu miżuri li jiżguraw li d-dejta tal-ING tkun affidabbli u eżawrjenti, kif ukoll tal-ogħla livell possibbli ta' komparabbiltà.

Artikolu 6

1. Mingħajr preġudizzju għall-ispezzjonijiet previsti fl-Artikolu 2 tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 608/2014, iż-żjarat ta' informazzjoni relatati mal-ING, fejn xieraq, jistgħu jsiru fl-Istati Membri mill-Kummissjoni (il-Eurostat).

2. Meta twettaq żjarat ta' informazzjoni fl-Istati Membri, il-Kummissjoni (il-Eurostat) tista' u hija mħeġġa titlob l-assistenza ta' esperti nazzjonali tal-kontabbiltà li jirrapreżentaw l-awtoritajiet nazzjonali tal-istatistika.

L-esperti nazzjonali tal-kontabilità għandhom ikunu rreġistrati fuq lista kostitwita abbażi ta' proposti volontarji mibgħuta lill-Kummissjoni (il-Eurostat) mill-awtoritajiet nazzjonali responsabbli għar-rappurtar tal-kontijiet nazzjonali.

Il-parteċipazzjoni tal-Istati Membri f'dawk iż-żjarat hija volontarja.

Artikolu 6a

1. Is-setgħa tal-adozzjoni ta' atti delegati tingħata lill-Kummissjoni soġġetta għall-kundizzjonijiet stabbiliti f'dan l-Artikolu.

2. Il-Kummissjoni għandha tingħata s-setgħa li tadotta l-atti delegati msemmija fl-Artikoli 3(1a) u 5(1a) għal perjodu ta' ħames snin minn ... [id-data tad-dħul fis-seħħ ta' dan ir-Regolament](10).

3. Id-delega tas-setgħa msemmija fl-Artikoli 3(1a) u 5(1a) tista' tiġi revokata fi kwalunkwe mument mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill. Deċiżjoni ta' revoka għandha ttemm id-delega tas-setgħa speċifikata f'dik id-deċiżjoni. Hija għandu jkollha effett fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tad-deċiżjoni f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea jew f'data aktar tard speċifikata fiha. Hija ma għandhiex taffettwa l-validità tal-atti delegati diġà fis-seħħ.

4. Qabel ma tadotta att delegat, il-Kummissjoni għandha tikkonsulta mal-esperti nnominati minn kull Stat Membru f'konformità mal-prinċipji stabbiliti fil-Ftehim Interistituzzjonali tat-13 ta' April 2016 dwar it-Tfassil Aħjar tal-Liġijiet.

5. Hekk kif tadotta att delegat, il-Kummissjoni għandha tinnotifikah b'mod simultanju lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.

6. Att delegat adottat skont l-Artikoli 3(1a) u 5(1a) għandu jidħol fis-seħħ biss jekk ma tiġix espressa oġġezzjoni mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill fi żmien perjodu ta' xahrejn min-notifika ta' dak l-att lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill jew jekk, qabel ma jiskadi dak il-perjodu, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill ikunu t-tnejn infurmaw lill-Kummissjoni li mhumiex sejrin joġġezzjonaw. Dak il-perjodu għandu jiġi estiż b'xahrejn fuq l-inizjattiva tal-Parlament Ewropew jew tal-Kunsill.

Artikolu 7

1. Fl-implimentazzjoni ta' dan ir-Regolament, il-Kummissjoni għandha tiġi assistita mill-Kumitat tas-Sistema Ewropea tal-Istatistika stabbilit permezz tal-Artikolu 27(1) tar-Regolament (KE) Nru 223/2009. Dak il-kumitat għandu jkun kumitat fis-sens tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.

2. Fejn issir referenza għal dan il-paragrafu, għandu japplika l-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.

Kapitolu IV

Dispożizzjonijiet finali

Artikolu 8

Sa mhux aktar tard mill-31 ta' Diċembru 2022, il-Kummissjoni għandha tippreżenta rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar l-applikazzjoni ta' dan ir-Regolament.

Artikolu 9

Id-Direttiva 89/130/KEE, Euratom u r-Regolament (KE, Euratom) Nru 1287/2003 jitħassru.

Ir-referenzi għall-atti mħassra għandhom jitqiesu bħala referenzi għal dan ir-Regolament u għandhom jinqraw skont it-tabella ta' korrelazzjoni stabbilita fl-Anness ta' dan ir-Regolament.

Artikolu 10

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell,

Għall-Parlament Ewropew  Għall-Kunsill

Il-President  Il-President

(1)

* Emendi: it-test ġdid jew modifikat huwa indikat permezz tat-tipa korsiva u grassa; it-tħassir huwa indikat permezz tas-simbolu ▌.

(2)

  Ir-Regolament (KE) Nru 223/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Marzu 2009 dwar l-Istatistika Ewropea u li jħassar ir-Regolament (Euratom, KE) Nru 1101/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar it-trażmissjoni ta' data soġġetta għall-kunfidenzjalità statistika lill-Uffiċċju tal-Istatistika tal-Komunitajiet Ewropej, ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 322/97 u d-Deċiżjoni tal-Kunsill 89/382/KEE, Euratom li tistabbilixxi Kumitat dwar il-Programmi tal-Istatistika tal-Komunitajiet Ewropej (ĠU L 87, 31.3.2009, p. 164)

(3)

  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2014/335/UE, Euratom tas-26 ta' Mejju 2014 dwar is-sistema tar-riżorsi proprji tal-Unjoni Ewropea (ĠU L 168, 7.6.2014, p. 105).

(4)

  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2007/436/KE, Euratom tas-7 ta' Ġunju 2007 dwar is-sistema tar-riżorsi proprji tal-Komunitajiet Ewropej (ĠU L 163, 23.6.2007, p. 17).

(5)

  Ir-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Frar 2011 li jistabbilixxi r-regoli u l-prinċipji ġenerali dwar il-modalitajiet ta' kontroll mill-Istati Membri tal-eżerċizzju mill-Kummissjoni tas-setgħat ta' implimentazzjoni (ĠU L 55, 28.2.2011, p. 13).

(6)

  ĠU L 123, 12.5.2016, p. 1.

(7)

  Ir-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) Nru 608/2014 tas-26 ta' Mejju 2014 li jistabbilixxi miżuri li jimplimentaw is-sistema tar-riżorsi proprji tal-Unjoni Ewropea (ĠU L 168, 7.6.2014, p. 29).

(8)

  Ir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1287/2003 tal-15 ta' Lulju 2003 fuq l-armonizzazzjoni tad-dħul gross nazzjonali bi prezzijiet tas-suq (Regolament GNI) (ĠU L 181, 19.7.2003, p. 1).

(9)

  Id-Direttiva tal-Kunsill 89/130/KEE, Euratom tat-13 ta' Frar 1989 dwar l-armonizzazzjoni u il-kumpilazzjoni tal-prodott nazzjonali gross bi prezzijiet tas-suq (ĠU L 49, 21.2.1989, p. 26).

(10)

Uffiċċju tal-Pubblikazzjonijiet, jekk jogħġbok daħħal id-data korretta.


PROĊEDURA TAL-KUMITAT RESPONSABBLI

Titolu

Armonizzazzjoni tal-introjtu nazzjonali gross bi prezzijiet tas-suq (ir-Regolament dwar l-ING)

Referenzi

COM(2017)0329 – C8-0192/2017 – 2017/0134(COD)

Data meta ġiet ippreżentata lill-PE

20.6.2017

 

 

 

Kumitat responsabbli

       Data tat-tħabbir fis-seduta plenarja

ECON

3.7.2017

 

 

 

Kumitati mitluba jagħtu opinjoni

       Data tat-tħabbir fis-seduta plenarja

BUDG

3.7.2017

 

 

 

Opinjoni(jiet) mhux mogħtija

       Data tad-deċiżjoni

BUDG

29.6.2017

 

 

 

Rapporteurs

       Data tal-ħatra

Roberto Gualtieri

6.7.2017

 

 

 

Eżami fil-kumitat

6.11.2017

11.1.2018

 

 

Data tal-adozzjoni

24.1.2018

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

53

4

0

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Gerolf Annemans, Burkhard Balz, Hugues Bayet, Pervenche Berès, Udo Bullmann, David Coburn, Esther de Lange, Markus Ferber, Jonás Fernández, Sven Giegold, Roberto Gualtieri, Brian Hayes, Cătălin Sorin Ivan, Barbara Kappel, Wajid Khan, Wolf Klinz, Philippe Lamberts, Werner Langen, Sander Loones, Bernd Lucke, Olle Ludvigsson, Ivana Maletić, Fulvio Martusciello, Gabriel Mato, Costas Mavrides, Bernard Monot, Caroline Nagtegaal, Luděk Niedermayer, Stanisław Ożóg, Dimitrios Papadimoulis, Sirpa Pietikäinen, Dariusz Rosati, Pirkko Ruohonen-Lerner, Anne Sander, Martin Schirdewan, Molly Scott Cato, Pedro Silva Pereira, Peter Simon, Kay Swinburne, Paul Tang, Ramon Tremosa i Balcells, Ernest Urtasun, Marco Valli, Tom Vandenkendelaere, Jakob von Weizsäcker, Marco Zanni

Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali

Enrique Calvet Chambon, Matt Carthy, Herbert Dorfmann, Paloma López Bermejo, Thomas Mann, Emmanuel Maurel, Luigi Morgano, Lieve Wierinck

Sostituti (skont l-Artikolu 200(2)) preżenti għall-votazzjoni finali

Edward Czesak, Manolis Kefalogiannis, Rainer Wieland

Data tat-tressiq

30.1.2018


VOTAZZJONI FINALI B'SEJĦA TAL-ISMIJIET FIL-KUMITAT RESPONSABBLI

53

+

ALDE

Enrique Calvet Chambon, Wolf Klinz, Caroline Nagtegaal, Ramon Tremosa i Balcells, Lieve Wierinck

ECR

Edward Czesak, Sander Loones, Bernd Lucke, Stanisław Ożóg, Pirkko Ruohonen-Lerner, Kay Swinburne

EFDD

Marco Valli

ENF

Barbara Kappel

GUE/NGL

Matt Carthy, Paloma López Bermejo, Dimitrios Papadimoulis, Martin Schirdewan

PPE

Burkhard Balz, Herbert Dorfmann, Markus Ferber, Brian Hayes, Manolis Kefalogiannis, Esther de Lange, Werner Langen, Ivana Maletić, Thomas Mann, Fulvio Martusciello, Gabriel Mato, Luděk Niedermayer, Sirpa Pietikäinen, Dariusz Rosati, Anne Sander, Tom Vandenkendelaere, Rainer Wieland

S&D

Hugues Bayet, Pervenche Berès, Udo Bullmann, Jonás Fernández, Roberto Gualtieri, Cătălin Sorin Ivan, Wajid Khan, Olle Ludvigsson, Emmanuel Maurel, Costas Mavrides, Luigi Morgano, Pedro Silva Pereira, Peter Simon, Paul Tang, Jakob von Weizsäcker

VERTS/ALE

Sven Giegold, Philippe Lamberts, Molly Scott Cato, Ernest Urtasun

4

-

EFDD

David Coburn

ENF

Gerolf Annemans, Bernard Monot, Marco Zanni

0

0

 

 

Tifsira tas-simboli użati:

+  :  favur

-  :  kontra

0  :  astensjoni

Aġġornata l-aħħar: 12 ta' Frar 2018Avviż legali