Proċedura : 2017/2125(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A8-0025/2018

Testi mressqa :

A8-0025/2018

Dibattiti :

PV 28/02/2018 - 22
CRE 28/02/2018 - 22

Votazzjonijiet :

PV 01/03/2018 - 8.14
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P8_TA(2018)0056

RAPPORT     
PDF 618kWORD 66k
13.2.2018
PE 612.015v01-00 A8-0025/2018

dwar ir-Rapport Annwali dwar is-Sitwazzjoni tad-Drittijiet Fundamentali fl-UE fl-2016

(2017/2125(INI))

Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern

Rapporteur: Frank Engel

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW
 NOTA SPJEGATTIVA
 OPINJONI TAL-MINORANZA
 INFORMAZZJONI DWAR L-ADOZZJONIFIL-KUMITAT RESPONSABBLI
 VOTAZZJONI FINALI B'SEJĦA TAL-ISMIJIETFIL-KUMITAT RESPONSABBLI

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW

dwar ir-Rapport Annwali dwar is-Sitwazzjoni tad-Drittijiet Fundamentali fl-UE fl-2016

(2017/2125(INI))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra r-referenzi magħmula fir-rapporti preċedenti dwar l-istat tad-drittijiet fundamentali fl-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet eżistenti tal-Parlament Ewropew u tal-istituzzjonijiet u l-aġenziji l-oħra Ewropej u internazzjonali,

–  wara li kkunsidra d-diversi rapporti mill-NGOs nazzjonali, Ewropej u internazzjonali,

–  wara li kkunsidra l-ħidma mwettqa mill-Aġenzija għad-Drittijiet Fundamentali, il-Kunsill tal-Ewropa u l-Kummissjoni ta' Venezja,

–  wara li kkunsidra l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea (QtĠ-UE) u tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem (QEDB),

–  wara li kkunsidra l-ħidma tal-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern, tal-Kumitat għall-Affarijiet Kostituzzjonali, tal-Kumitat għad-Drittijiet tan-Nisa u l-Ugwaljanza bejn is-Sessi, tal-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali kif ukoll tal-Kumitat għall-Petizzjonijiet,

–  wara li kkunsidra d-Direttiva tal-Kunsill 2000/43/KE tad-29 ta' Ġunju 2000 li timplimenta l-prinċipju tat-trattament ugwali bejn il-persuni irrespettivament mill-oriġini tar-razza jew etniċità, id-Direttiva tal-Kunsill 2000/78/KE tas-27 ta' Novembru 2000 li tistabbilixxi qafas ġenerali għall-ugwaljanza fit-trattament fl-impjieg u fix-xogħol u d-Direttiva tal-Kunsill 2013/33/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta' Ġunju 2013 li tistabbilixxi l-istandards dwar l-akkoljenza ta' applikanti għall-protezzjoni internazzjonali,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni konġunta tal-mexxejja Afrikani u Ewropej dwar is-sitwazzjoni tal-migranti fil-Libja tal-1 ta' Diċembru 2017 wara s-summit Unjoni Afrikana - Unjoni Ewropea (UA-UE) f'Abidjan,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 52 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern (A8-0025/2018),

A.  billi l-bażi tal-integrazzjoni Ewropea hija r-rispett u l-promozzjoni tad-drittijiet tal-bniedem, tal-libertajiet fundamentali, tad-demokrazija, tal-istat tad-dritt u tal-valuri u l-prinċipji minquxa fit-Trattati tal-UE, fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-UE u fl-istrumenti internazzjonali relatati mad-drittijiet tal-bniedem;

B.  billi, skont l-Artikolu 2 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE), l-Unjoni hija msejsa fuq il-valuri tar-rispett tad-dinjità tal-bniedem, il-libertà, id-demokrazija, l-ugwaljanza, il-primat tad-dritt u tad-drittijiet tal-bniedem, inklużi d-drittijiet tal-persuni li jappartienu lil minoranzi – valuri li huma kondiviżi mill-Istati Membri kollha u li għandhom jiġu rispettati u attivament promossi kemm mill-Unjoni kif ukoll minn kull Stat Membru individwalment fil-politiki kollha tagħhom, kemm fil-livell intern kif ukoll fil-livell estern b'mod konsistenti; billi l-Artikolu 17 tat-TUE jgħid li l-Kummissjoni għandha tiżgura l-applikazzjoni tat-Trattati;

C.  billi r-rispett tal-istat tad-dritt huwa prerekwiżit għall-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali, u billi l-Istati Membri għandhom ir-responsabilità aħħarija li jissalvagwardjaw id-drittijiet tal-bniedem tal-persuni kollha billi jadottaw u jimplimentaw it-trattati u l-konvenzjonijiet internazzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem; billi l-istat tad-dritt u d-drittijiet fundamentali jenħtieġ li jiġu kontinwament konsolidati; billi kull tentattiv biex dawn il-prinċipji jiddgħajfu huwa għad-detriment mhux biss tal-Istat Membru kkonċernat iżda anki tal-Unjoni kollha kemm hi;

D.  billi l-adeżjoni tal-UE mal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u l-Libertajiet Fundamentali hija obbligu tat-Trattat taħt l-Artikolu 6(2) tat-TUE;

E.  billi għandha tingħata attenzjoni speċjali lill-protezzjoni tad-drittijiet tal-bniedem tal-iktar gruppi vulnerabbli;

F.  billi d-devjazzjonijiet ta' governanza osservati f'xi Stati Membri juru approċċ selettiv tal-benefiċċji u r-responsabilitajiet ta' Stat Membru tal-Unjoni, u billi r-rifjut min-naħa ta' dawn l-Istati li jirrispettaw b'mod sħiħ id-dritt Ewropew, is-separazzjoni tal-poteri, l-indipendenza tal-ġudikatura u l-prevedibilità tal-azzjoni tal-istat ipoġġi fid-dubju l-kredibilità tal-Unjoni Ewropea bħala spazju tad-dritt;

G.  billi fl-2016 komplew jaslu fl-Ewropa migranti u persuni li jfittxu asil(1); billi ħafna minn dawn il-migranti jieħdu rotot estremament perikolużi, u jqiegħdu ħajjithom f'idejn it-traffikanti tal-bnedmin u l-kriminali, u huma vulnerabbli għall-vjolenza, l-abbuż u l-isfruttament; billi, skont iċ-ċifri tal-UNHCR, 27 % tal-migranti li jaslu l-Ewropa minn rotta tal-Mediterran huma tfal; billi, skont ir-rapporti tal-Unicef-IOM (Organizzazzjoni Internazzjonali għall-Migrazzjoni), madwar kwart l-adolexxenti mistħarrġa fir-rotta tal-Mediterran ċentrali qatt ma kienu marru l-iskola;

H.  billi fl-2016 ir-reazzjonijiet razzisti u ksenofobiċi kontra r-rifuġjati, il-persuni li jfittxu asil u l-migranti kienu mifruxa ma' kullimkien, u billi popolazzjonijiet partikolarment vulnerabbli qed ikomplu jesperjenzaw livelli ogħla ta' diskriminazzjoni, vjolenza u trawmatizzazzjoni mill-ġdid waqt il-proċess tal-asil;

I.  billi l-pressjoni migratorja qawwija li ċerti Stati Membri ġew soġġetti għaliha għal għadd ta' snin titlob solidarjetà reali tal-UE biex jiġu stabbiliti strutturi ta' akkoljenza adegwati għal dawk li l-aktar jinsabu fil-bżonn u vulnerabbli; billi ħafna migranti jqiegħdu ħajjithom f'idejn il-kuntrabandisti u l-kriminali u huma vulnerabbli għall-ksur tad-drittijiet tagħhom, inklużi l-vjolenza, l-abbuż u l-isfruttament;

J.  billi n-nisa u t-tfal jinsabu f'riskju akbar li jiġu ttraffikati, sfruttati u abbużati sesswalment f'idejn it-traffikanti u għalhekk hemm il-ħtieġa li jinbnew u jissaħħu s-sistemi ta' protezzjoni tat-tfal biex il-vjolenza, l-abbuż, in-negliġenza u l-isfruttament tat-tfal jiġu pprevenuti u tingħata reazzjoni għalihom, f'konformità mal-impenji mogħtija fil-Pjan ta' Azzjoni tal-Belt Valletta;

K.  billi l-mewġa kontinwa ta' attakki terroristiċi madwar it-territorju tal-Unjoni wasslet biex żviluppa nuqqas ta' fiduċja ġenerali fil-konfront tal-Musulmani, kemm jekk dawn huma ċittadini tal-UE u kemm jekk huma migranti, u billi ċerti partiti politiċi qed jisfruttaw dan in-nuqqas ta' fiduċja u qed jaddottaw retorika ta' iżolazzjoniżmu kulturali u ta' mibegħda fil-konfront ta' dawk li huma differenti;

L.  billi l-użu sistematiku ta' stati ta' emerġenza u miżuri ġudizzjarji u amministrattivi straordinarji kif ukoll ta' kontrolli fil-fruntieri huwa fil-parti l-kbira ineffettiv biex jiskoraġġixxi lit-terroristi, li spiss kienu ilhom żmien twil residenti u saħansitra ċittadini tal-Istati Membri tal-Unjoni;

M.  billi l-miżuri politiċi meħuda minn għadd ta' Stati Membri b'reazzjoni għall-wasla ta' persuni li jfittxu asil u migranti jinkludu l-introduzzjoni mill-ġdid ta' kontrolli fil-fruntieri interni fiż-żona Schengen, pass li kulma jmur qed jitqies bħala wieħed permanenti pjuttost milli temporanju;

N.  billi d-diskors ta' mibegħda jinkludi l-forom kollha ta' espressjoni, kemm online kif ukoll offline, li jxerrdu, jħeġġu, jippromwovu jew jiġġustifikaw il-mibegħda razzjali, il-ksenofobija, jew il-preġudizzju kontra s-sess, ir-razza, il-kulur, l-oriġini etnika jew soċjali, il-karatteristiċi ġenetiċi, il-lingwa, ir-reliġjon jew it-twemmin, l-opinjoni politika jew kwalunkwe opinjoni oħra, l-appartenenza lil minoranza nazzjonali, il-proprjetà, it-twelid, id-diżabilità, l-età jew l-orjentazzjoni sesswali ta' persuna jew forom oħra ta' mibegħda bbażati fuq l-intolleranza, inklużi l-partiti politiċi u l-mexxejja politiċi li jippromwovu ideat, politiki, diskorsi u prattiki razzisti u ksenofobiċi u li jxerrdu aħbarijiet foloz; billi l-iżvilupp ta' tipi ġodda ta' midja qed jagħmilha eħfef biex dak li jkun jinvolvi ruħu f'diskors ta' mibegħda online; billi, skont il-fehma tal-Kunsill tal-Ewropa, id-diskors ta' mibegħda fl-ambjent online jirrikjedi riflessjoni u azzjoni ulterjuri dwar ir-regolamentazzjoni u l-modi ġodda kif dan id-diskors jista' jiġi miġġieled;

O.  billi jeżisti r-riskju li l-livelli ogħla tal-mibegħda u l-vjolenza razzista jew sessista u l-ksenofobija, kemm jekk espressi fis-sura ta' reati ta' mibegħda, aħbarijiet foloz, messaġġi anonimi mxerrda fuq in-netwerks soċjali u pjattaformi oħra tal-internet, protesti jew propaganda politika, qed jibdew jitqiesu bħala normali fl-Istati Membri;

P.  billi s-soċjetajiet moderni ma jistgħux jiffunzjonaw u ma jistgħux jiżviluppaw mingħajr sistema ta' midja tal-massa ħielsa, indipendenti, professjonali u responsabbli ibbażata fuq prinċipji bħalma huma l-verifika tal-fatti, ir-rieda li tiġi riflessa pluralità ta' opinjonijiet informati u l-protezzjoni tal-kunfidenzjalità tas-sorsi tal-midja u s-sikurezza tal-ġurnalisti, kif ukoll il-protezzjoni tal-libertà tal-espressjoni u l-mezzi maħsuba biex jillimitaw tal-aħbarijiet foloz; billi l-midja pubblika taqdi rwol essenzjali biex tiġi ggarantita l-indipendenza tal-midja;

Q.  billi r-rapporti reċenti kollha tal-aġenziji u tal-organizzazzjonijiet internazzjonali u Ewropej u tas-soċjetà ċivili, inklużi l-NGOs, jindikaw bosta oqsma ta' progress; billi, madankollu, il-ksur tad-drittijiet fundamentali għadu jippersisti f'xi Stati Membri, fost l-oħrajn fir-rigward tad-diskriminazzjoni kontra l-minoranzi, korruzzjoni, tolleranza ta' diskors ta' mibegħda, kundizzjonijiet tal-detenzjoni u kundizzjonijiet tal-għajxien għall-migranti;

R.  billi r-rapport tal-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għad-Drittijiet Fundamentali bit-titolu "Violence against women: an EU-wide survey" ("Il-vjolenza kontra n-nisa: stħarriġ madwar l-UE kollha"), ippubblikat f'Marzu 2014, sab li terz tan-nisa kollha fl-Ewropa kienu ġarrbu atti ta' vjolenza fiżika jew sesswali tal-anqas darba matul il-ħajja adulta tagħhom, u li 20 % tan-nisa kienu ġarrbu fastidju online; billi l-vjolenza kontra n-nisa u l-vjolenza sessista, kemm fiżiċi kif ukoll psikoloġiċi, huma mifruxa ħafna fl-UE u għandhom jiġu mifhuma bħala forma estrema ta' diskriminazzjoni li taffettwa lin-nisa fil-livelli kollha tas-soċjetà; billi aktar miżuri huma meħtieġa biex in-nisa li kienu vittmi ta' vjolenza jiġu inkoraġġiti jirrapportaw l-esperjenzi tagħhom u jfittxu l-għajnuna;

S.  billi r-rispett tad-drittijiet tal-persuni li jappartienu għal minoranzi u tad-dritt għal trattament indaqs huwa wieħed mill-prinċipji li fuqhom hija msejsa l-UE; billi madwar 8 % taċ-ċittadini tal-Unjoni jappartienu għal xi minoranza nazzjonali, u madwar 10 % jitkellmu lingwa reġjonali jew minoritarja; billi, bħalissa, ħlief għall-proċedimenti ta' ksur, l-UE għandha biss għodod b'effikaċja limitata biex tirrispondi għal manifestazzjonijiet sistematiċi u istituzzjonali ta' diskriminazzjoni, razziżmu u ksenofobija kontra l-minoranzi; billi hemm diskrepanzi fost l-Istati Membri f'dawk li huma rikonoxximent tal-minoranzi u rispett tad-drittijiet tagħhom; billi, minkejja għadd kbir ta' appelli lill-Kummissjoni, ittieħdu biss passi limitati sabiex tiġi żgurata l-protezzjoni effettiva tal-minoranzi;

T.  billi l-midja diġitali pprovdew lit-tfal opportunitajiet vasti; billi, madankollu, fl-istess ħin it-tfal jiffaċċjaw riskji ġodda; billi t-tfal jenħtieġ li jiġu edukati dwar id-drittijiet fundamentali tagħhom fid-dinja diġitali ħalli nagħmluhielhom iktar sikura; billi l-linji telefoniċi għall-għajnuna għat-tfal huma għodod indispensabbli f'każijiet marbuta mal-ksur tad-drittijiet tat-tfal; billi l-iżvilupp tal-litteriżmu diġitali, inklużi l-litteriżmu fil-midja u dak fl-informazzjoni, jenħtieġ li jiġi promoss bħala parti mill-kurrikulu edukattiv bażiku u mis-snin l-aktar bikrija tal-iskola; billi d-drittijiet fundamentali jenħtieġ li jiġu promossi u protetti online bl-istess mod u sal-istess livell bħal fid-dinja offline;

U.  billi s-servizzi ta' Gvern elettroniku kulma jmur saru dejjem aktar aċċessibbli madwar l-UE fl-2016; billi l-Portal Ewropew tal-Ġustizzja Elettronika jippermetti liċ-ċittadini u lill-ġuristi jiksbu informazzjoni dwar proċeduri legali Ewropej u nazzjonali u dwar il-funzjonament tal-ġustizzja;

L-istat tad-dritt

1.  Jiddikjara li la s-sovranità nazzjonali u lanqas is-sussidjarjetà ma jistgħu jiġġustifikaw jew jagħmlu leġittimu li Stat Membru sistematikament jirrifjuta li jirrispetta l-valuri fundamentali tal-Unjoni Ewropea li nebbħu l-artikoli introduttorji tat-Trattati Ewropej, li kull Stat Membru volontarjament approva u impenja ruħu li jirrispetta;

2.  Jinnota li l-konformità mal-Kriterji ta' Copenhagen min-naħa tal-istati fi żmien l-adeżjoni tagħhom mal-UE għandha tkun soġġetta għal monitoraġġ kostanti u għal djalogu kostanti fi ħdan u bejn il-Parlament, il-Kummissjoni u l-Kunsill;

3.  Ifakkar li, skont l-Artikolu 17(1) tat-TUE, il-Kummissjoni, bħala l-gwardjana tat-Trattati, għandha l-leġittimità u l-awtorità li tiżgura li l-Istati Membri kollha qed jirrispettaw il-prinċipji tal-istat tad-dritt u l-valuri l-oħra msemmija fl-Artikolu 2 tat-TUE; iqis, għaldaqstant, li l-miżuri meħuda mill-Kummissjoni biex twettaq il-kompitu u tiżgura li l-kundizzjonijiet li kienu jeżistu qabel l-adeżjoni ta' Stat Membru għadhom qed jiġu ssodisfati ma jiksrux is-sovranità tal-Istati Membri; ifakkar fir-responsabilità li għandu l-Kunsill stess li jkun involut fil-kwistjonijiet marbuta mal-istat tad-dritt u l-governanza; jilqa' l-idea li jsiru taħdidiet regolari dwar l-istat tad-dritt fi ħdan il-Kunsill Affarijiet Ġenerali u jistieden lill-Kunsill ikompli miexi f'din it-triq ħalli kull Stat Membru jkun soġġett għal evalwazzjoni regolari;

4.  Jinnota l-isforzi tal-Kummissjoni sabiex tiżgura li l-Istati Membri kollha jirrispettaw bis-sħiħ l-istat tad-dritt, iżda jinnota wkoll l-ineffikaċja tal-istrumenti implimentati s'issa; iqis li l-kanali ta' djalogu kollha għandhom jiġu esplorati iżda li m'għandhomx jiġu mtawla b'mod indefinit mingħajr riżultati tanġibbli; jinsisti li l-Artikolu 7 tat-TUE ma jibqax jitqies bħala sempliċi għodda ipotetika, imma li jenħtieġ li jiġi applikat f'każ li l-mezzi kollha l-oħra jfallu; ifakkar, f'dak il-kuntest, li l-attivazzjoni tal-Artikolu 7 mhux awtomatikament tfisser li se jiġu imposti sanzjonijiet fuq l-Istat Membru kkonċernat;

5.  Jenfasizza li l-Unjoni teħtieġ approċċ komuni għall-governanza ta' stat demokratiku u l-applikazzjoni tal-valuri fundamentali, li s'issa għadu ma jeżistix, u li dan għandu jiġi deċiż u żviluppat b'mod demokratiku permezz tal-konverġenza tal-esperjenzi tal-governanza Ewropea; Iqis li dan l-approċċ komuni għall-governanza għandu jinkludi fehim komuni tar-rwol tal-maġġoranza fi ħdan demokrazija biex jiġi pprevenut l-abbuż li jista' jwassal għal tirannija mill-maġġoranza;

6.  Ifakkar fir-rabta intrinsika li teżisti bejn l-istat tad-dritt u d-drittijiet fundamentali; jinnota l-mobilizzazzjoni qawwija taċ-ċittadini tal-UE li permezz tagħha huma juru l-impenn qawwi tagħhom għad-drittijiet fundamentali u għall-valuri Ewropej; ifakkar, f'dan il-kuntest, fil-ħtieġa li tissaħħaħ is-sensibilizzazzjoni tal-Ewropej dwar il-valuri komuni tal-UE u dwar il-Karta;

7.  Iqis li d-differenzi fl-interpretazzjoni u n-nuqqas ta' konformità mal-valuri msemmija fl-Artikolu 2 tat-TUE jdgħajfu l-koeżjoni tal-proġett Ewropew, id-drittijiet tal-Ewropej kollha u l-fiduċja reċiproka meħtieġa fost l-Istati Membri;

8.  josserva li fir-riżoluzzjoni tiegħu tal-25 ta' Ottubru 2016(2) huwa jirrakkomanda l-istabbiliment ta' mekkaniżmu tal-UE dwar id-demokrazija, l-istat tad-dritt u d-drittijiet fundamentali; josserva li dan il-mekkaniżmu jkun jikkontribwixxi bil-kbir għall-approċċ ikkoordinat Ewropew lejn il-governanza, ħaġa li attwalment hija nieqsa; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tressaq proposta biex tistabbilixxi tali mekkaniżmu f'konformità mal-prinċipji tas-sussidjarjetà u tal-proporzjonalità;

9.  Jissottolinja li qafas ta' monitoraġġ usa' f'dak li jikkonċerna l-istat tad-dritt ikun jirriżulta f'koeżjoni aħjar bejn l-għodod eżistenti, effikaċja mtejba u ffrankar ta' spejjeż annwali. jissottolinja l-importanza li jsir użu minn sorsi varjati u indipendenti tul il-proċess ta' monitoraġġ kollu; itenni l-importanza tal-prevenzjoni tal-ksur tad-drittijiet fundamentali, aktar mit-teħid ta' azzjoni meta dan il-ksur jiġi ripetut;

10.  Jikkundanna bil-qawwa ż-żieda fir-restrizzjonijiet fuq il-libertà tal-għaqda, f'xi każijiet b'reazzjonijiet vjolenti min-naħa tal-awtoritajiet fil-konfront tad-dimostranti; jafferma mill-ġdid ir-rwol kruċjali ta' dawn il-libertajiet fundamentali fil-funzjonament tas-soċjetajiet demokratiċi, u jistieden lill-Kummissjoni tadotta rwol attiv fil-promozzjoni ta' dawn id-drittijiet f'konformità mal-istandards internazzjonali tad-drittijiet tal-bniedem;

11.  Ifakkar li d-dritt għall-aċċess għall-ġustizzja hu indispensabbli għall-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali kollha, tad-demokrazija u tal-istat tad-dritt;

12.  Jiġbed l-attenzjoni lejn il-fatt li fir-riżoluzzjoni tiegħu tal-25 ta' Ottubru 2016(3) huwa jistieden lill-Kummissjoni tissieħeb mas-soċjetà ċivili biex tiżviluppa u timplimenta kampanja ta' sensibilizzazzjoni, biex tippermetti liċ-ċittadini u r-residenti tal-Unjoni jieħdu sjieda sħiħa tad-drittijiet tagħhom li jirriżultaw mit-Trattati u mill-Karta (pereżempju l-libertà tal-espressjoni, il-libertà tal-għaqda u d-dritt tal-vot), li tipprovdi informazzjoni dwar id-drittijiet taċ-ċittadini għal rimedju ġudizzjarju u azzjonijiet legali f'kawżi relatati mal-ksur tad-demokrazija, tal-istat tad-dritt u tad-drittijiet fundamentali mill-gvernijiet nazzjonali jew l-istituzzjonijiet tal-Unjoni;

13.  Jistieden lill-Kummissjoni, bħala l-gwardjana tat-Trattati, tipproduċi bażijiet tad-data aġġornati dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet fundamentali fl-Istati Membri individwali, bi sħubija mal-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għad-Drittijiet Fundamentali (FRA);

14.  Ifakkar li l-korruzzjoni tipperikola l-istat tad-dritt, id-demokrazija, id-drittijiet tal-bniedem u t-trattament ugwali taċ-ċittadini kollha; itenni li l-korruzzjoni tikkostitwixxi theddida għall-governanza tajba u għall-eżistenza ta' sistema ġudizzjarja ġusta u soċjalment ekwa, u xxekkel l-iżvilupp ekonomiku; jistieden lill-Istati Membri u lill-istituzzjonijiet tal-UE jintensifikaw il-ġlieda tagħhom kontra l-korruzzjoni billi b'mod regolari jwettqu monitoraġġ tal-mod kif ikun qed jintuża il-finanzjament pubbliku tal-UE u dak nazzjonali;

15.  Jissottolinja r-rwol essenzjali li jaqdu x-xhieda u l-informaturi biex jiġi żgurat li l-attivitajiet tal-organizzazzjonijiet kriminali jew il-ksur gravi tal-istat tad-dritt jiġu mħarrka u kkastigati;

16.  Jistieden lill-Istati Membri jiffaċilitaw l-istabbiliment rapidu tal-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew;

Il-migrazzjoni u l-integrazzjoni

17.  Jinnota li l-fatturi li jikkawżaw il-migrazzjoni f'pajjiżi terzi huma prinċipalment il-kunflitti vjolenti, il-persekuzzjoni, l-inugwaljanza, it-terroriżmu, ir-reġimi ripressivi, id-diżastri naturali, il-kriżijiet ikkawżati mill-bniedem u l-faqar kroniku;

18.  Ifakkar li dawk li jfittxu l-asil u l-migranti qed ikomplu jitilfu ħajjithom u jiffaċċjaw diversi perikli waqt li jkunu qed jippruvaw jaqsmu l-fruntieri esterni tal-UE b'mod irregolari;

19.  Jinsab imħasseb dwar il-fatt li għadd ta' Stati Membri webbsu l-approċċ politiku tagħhom lejn l-asil u l-migrazzjoni u li ċerti Stati Membri mhumiex kompletament konformi mal-obbligi tagħhom fir-rigward ta' dawn l-oqsma;

20.  Jistieden lill-UE u lill-Istati Membri tagħha jqiegħdu s-solidarjetà u r-rispett għad-drittijiet fundamentali tal-migranti u ta' dawk li jfittxu l-asil fil-qalba tal-politiki tal-UE dwar il-migrazzjoni;

21.  Jistieden lill-Istati Membri jirrispettaw u jimplimentaw bis-sħiħ il-pakkett komuni Ewropew dwar l-asil li ġie adottat kif ukoll il-leġiżlazzjoni komuni dwar il-migrazzjoni, partikolarment bil-ħsieb li jħarsu lil dawk li jfittxu l-asil konrta l-vjolenza, id-diskriminazzjoni u t-trawmatizzazzjoni mill-ġdid waqt il-proċess tal-asil, u bil-ħsieb ukoll li jagħtu attenzjoni partikolari lill-gruppi vulnerabbli; ifakkar li t-tfal jirrappreżentaw kważi terz tal-persuni li jfittxu asil u li huma partikolarment vulnerabbli; jistieden lill-UE u lill-Istati Membri tagħha jżidu l-isforzi tagħhom biex jipprevjenu l-għajbien ta' minorenni mhux akkumpanjati;

22.  Jilqa' l-kooperazzjoni bejn il-FRA u l-FRONTEX biex jinħoloq manwal dwar it-trattament tat-tfal fil-fruntieri tal-art;

23.  Jinsab imħasseb dwar id-diverġenzi wiesgħa fil-kundizzjonijiet ta' akkoljenza offruti minn ċerti Stati Membri, fejn xi Stati Membri jonqsu milli jiżguraw it-trattament adegwat u dinjituż ta' min ikun qed japplika għall-protezzjoni internazzjonali;

24.  Jikkundanna bil-qawwa l-eskalazzjoni tat-traffikar tal-bnedmin, li l-awturi tiegħu – inklużi uffiċjali u atturi governattivi – jenħtieġ li jinżammu responsabbli u jitressqu quddiem il-ġustizzja u jħeġġeġ lill-Istati Membri jżidu l-kooperazzjoni u jintensifikaw il-ġlieda tagħhom kontra l-kriminalità organizzata, inkluż l-kuntrabandu u t-traffikar tal-bnedmin, iżda wkoll l-isfruttament, ix-xogħol furzat, l-abbuż sesswali, u t-tortura, dan kollu filwaqt li jiġu protetti l-vittmi;

25.  Ifakkar li n-nisa u t-tfal jinsabu f'riskju akbar li jiġu traffikati u li jiġu sfruttati u abbużati sesswalment f'idejn it-traffikanti;

26.  Huwa tal-fehma li jeħtieġ li jkunu disponibbli rotot sikuri u legali għall-migrazzjoni, u li l-aħjar mod kif jiġu mħarsa d-drittijiet tal-persuni li ma jistgħux jidħlu legalment fl-Ewropa huwa li jiġu indirizzati l-kawżi oriġinali tal-flussi migratorji, jinstabu soluzzjonijiet sostenibbli għall-kunflitti u jiġu żviluppati l-kooperazzjoni u sħubijiet; jemmen li dawn għandom jikkontribwixxu għall-iżvilupp b'saħħtu u robust tal-pajjiżi ta' oriġini u ta' tranżitu billi jiġu żviluppati l-ekonomiji lokali u jiġu offruti opportunitajiet ġodda hemmhekk, kif ukoll billi jsir investiment f'sistemi ta' asil fil-pajjiżi ta' tranżitu, liema sistemi jkunu jirrispettaw bis-sħiħ id-dritt internazzjonali u d-drittijiet fundamentali f'dan il-qasam;

27.  Jistieden lill-UE u lill-Istati Membri jsaħħu rotot sikuri u legali għar-rifuġjati u, b'mod partikolari, jżidu l-għadd ta' postijiet ta' risistemazzjoni offruti lir-rifuġjati l-aktar vulnerabbli;

28.  Ifakkar li l-politika tar-ritorn għandha tirrispetta għalkollox id-drittijiet fundamentali tal-migranti, inkluż id-dritt ta' non-refoulement; iqis li jenħtieġ li tingħata l-attenzjoni neċessarja lill-protezzjoni tad-dinjità tal-individwi li jkunu qed jintbagħtu lura u jitlob, f'dan ir-rigward, li r-ritorni volontarji u l-għajnuna għar-riintegrazzjoni fis-soċjetajiet ta' oriġini jiġu msaħħa;

29.  Jisħaq li l-UE jenħtieġ li tippromwovi politika ta' akkoljenza u ta' integrazzjoni fl-Istati Membri kollha, u li huwa inaċċettabbli li ċerti Stati Membri jallegaw li ma għandhomx x'jaqsmu mal-fenomenu tal-migrazzjoni; jenfasizza l-fatt li l-prinċipji ta' trattament ugwali u ta' nondiskriminazzjoni jenħtieġ li dejjem jiġu żgurati fil-politiki kollha tal-migrazzjoni u tal-integrazzjoni; jilqa' b'sodisfazzjon il-varar tan-Netwerk Ewropew ta' Integrazzjoni u jirrakkomanda li jiżdied l-iskambju tal-aħjar prattiki fost l-Istati Membri fil-qasam tal-integrazzjoni;

30.  Ifakkar fl-importanza li l-migranti, kemm tfal kif ukoll adulti, jingħataw edukazzjoni bħala neċessità għall-integrazzjoni tagħhom fis-soċjetà ospitanti; jinsisti fuq il-ħtiġijiet speċifiċi tagħhom, b'mod partikolari fir-rigward tat-tagħlim tal-lingwi; jisħaq fuq il-ħtieġa li jittieħdu miżuri fl-Istati Membri kollha biex lill-migranti jingħatalhom aċċess għall-kura tas-saħħa, għal kundizzjonijiet tal-għajxien tajba u għall-opportunità li jingħaqdu mill-ġdid mal-familja tagħhom;

31.  Jenfasizza l-ħtieġa li jiġi żgurat il-provvediment ta' riżorsi edukattivi dwar id-djalogu interkulturali għall-popolazzjoni ġenerali;

32.  Jenfasizza l-ħtieġa li f'kull Stat Membru jittieħdu miżuri bħala kwistjoni ta' prijorità biex it-tfal migranti kollha jingħataw kundizzjonijiet ta' akkoljenza adegwati u dinjitużi, korsijiet tal-lingwa, bażi fid-djalogu interkulturali, edukazzjoni u taħriġ professjonali;

33.  Jistieden lill-Istati Membri jsaħħu s-servizzi tagħhom tal-protezzjoni tat-tfal, inklużi dawk għat-tfal li jfittxu asil, dawk għat-tfal rifuġjati u dawk għat-tfal migranti; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tressaq kunċett koerenti ta' sistemi ta' tutela biex tipproteġi l-aħjar interess tal-minorenni mhux akkumpanjati; jitlob li jiġu żviluppati u stabbiliti proċeduri speċifiċi biex tiġi żgurata l-protezzjoni tat-tfal kollha, f'konformità mal-Konvenzjoni tan-NU dwar id-Drittijiet tat-Tfal;

34.  Jisħaq fuq il-ħtieġa assoluta li n-nies ta' sfond reliġjuż divers, inklużi dawk li diġà ilhom ħafna jgħixu fl-Unjoni Ewropea, jiġu integrati bl-aktar mod effettiv possibbli fis-soċjetà Ewropea;

35.  Jenfasizza li l-iżvilupp ta' strateġiji ta' inklużjoni soċjali u ta' edukazzjoni u l-iżvilupp ta' politiki li jindirizzaw b'mod determinat id-diskriminazzjoni u l-esklużjoni jistgħu jżommu lill-individwi vulnerabbli milli jingħaqdu ma' organizzazzjonijiet estremisti vjolenti;

36.  Jirrakkomanda li l-approċċi tas-sigurtà biex jiġu indirizzati b'mod determinat is-suriet kollha ta' radikalizzazzjoni u terroriżmu fl-Ewropa jiġu kkumplementati, b'mod partikolari fl-isfera ġudizzjarja, b'politiki fit-tul għall-prevenzjoni tar-radikalizzazzjoni u tar-reklutaġġ ta' ċittadini tal-UE minn organizzazzjonijiet estremisti vjolenti;

37.  Jinsab imħasseb dwar iż-żieda allarmanti fil-manifestazzjonijiet ta' mibegħda, fid-diskors ta' mibegħda u fl-aħbarijiet foloz; jikkundanna l-każijiet ta' reati ta' mibegħda u ta' diskors ta' mibegħda motivati mir-razziżmu, il-ksenofobija jew l-intolleranza reliġjuża jew minn preġudizzji kontra d-diżabilità, l-orjentazzjoni sesswali jew l-identità tal-ġeneru ta' persuna, li jseħħu ta' kuljum fl-UE; jenfasizza li t-tolleranza għall-propagazzjoni tar-retorika ta' mibegħda u tal-aħbarijiet foloz ikebbes lill-populiżmu u lill-estremiżmu; jemmen li miżuri sistematiċi tal-liġi ċivili jew kriminali jistgħu jwaqqfu din ix-xejra ta' ħsara;

38.  Jenfasizza li t-tixrid intenzjonat ta' informazzjoni falza dwar kwalunkwe kategorija ta' nies li jgħixu fl-UE, l-istat tad-dritt jew id-drittijiet fundamentali jirrappreżenta theddida enormi għall-valuri demokratiċi tal-UE u għall-unità tagħha;

39.  Jiġbed l-attenzjoni lejn il-fatt li n-netwerks soċjali u l-anonimità garantita minn ħafna pjattaformi tal-midja differenti jinkoraġġixxu bosta forom ta' espressjoni ta' mibegħda, inklużi l-estremiżmu tal-lemin estrem u l-estremiżmu ġiħadist, u jfakkar li l-internet ma jistax jikkostitwixxi spazju mingħajr liġi;

40.  Ifakkar li l-libertà tal-espressjoni, tal-informazzjoni u tal-midja huma fundamentali biex jiġu żgurati d-demokrazija u l-istat tad-dritt; jesprimi l-kundanna qawwija tiegħu tal-vjolenza, il-pressjoni jew it-theddid kontra l-ġurnalisti u l-midja, inkluż b'rabta mal-iżvelar ta' informazzjoni dwar il-ksur tad-drittijiet fundamentali;

41.  Jikkundanna n-normalizzazzjoni tad-diskors ta' mibegħda sponsorjat jew appoġġjat mill-awtoritajiet, mill-partiti politiċi jew mill-mexxejja politiċi u rrappurtat mill-midja soċjali;

42.  Ifakkar li l-ġlieda kontra dawn il-fenomeni tiddependi mill-edukazzjoni u mis-sensibilizzazzjoni tal-pubbliku; jistieden lill-Istati Membri jintroduċu programmi ta' sensibilizzazzjoni fl-iskejjel u jħeġġeġ lill-Kummissjoni tappoġġa l-isforzi li jsiru mill-Istati Membri f'dan ir-rigward, b'mod partikolari billi toħloq linji gwida għal dan il-proċess;

43.  Jemmen li s-sensibilizzazzjoni dwar ir-reati ta' mibegħda jenħtieġ li tiġi sistematikament żviluppata fost l-uffiċjali tal-pulizija u l-awtoritajiet ġudizzjarji fl-Istati Membri, u li l-vittmi ta' dawn ir-reati jenħtieġ li jingħataw il-parir u jiġu mħeġġa jirrappurtaw l-inċidenti; jitlob li fl-UE kollha jingħata taħriġ għall-uffiċjali tal-infurzar tal-pulizija fl-UE biex ikunu jistgħu jiġġieldu lir-reati ta' mibegħda u lid-diskors ta' mibegħda b'mod effettiv; jenfasizza li dan it-taħriġ jenħtieġ li jiġi pprovdut mill-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għat-Taħriġ fl-Infurzar tal-Liġi (CEPOL) u li jkun mibni fuq l-aħjar prattiki fil-livell nazzjonali u l-ħidma tal-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għad-Drittijiet Fundamentali (FRA);

44.  Jilqa' l-fatt li l-Kummissjoni ħolqot grupp ta' livell għoli biex tikkumbatti lir-razziżmu, lill-ksenofobija u lil forom oħra ta' intolleranza;

45.  Jistieden lil dan il-grupp ta' livell għoli li nħoloq mill-Kummissjoni biex jaħdem b'mod partikolari l-armonizzazzjoni tad-definizzjoni ta' "reat ta' mibegħda" u "diskors ta' mibegħda" fl-Ewropa kollha; jemmen li l-grupp jenħtieġ li jindirizza wkoll id-diskors ta' mibegħda u l-inċitament għall-vjolenza li jistgħu jiġu attribwiti lil personalitajiet politiċi;

46.  Jappella biex dan il-fenomenu jiġi mrażżan permezz tal-monitoraġġ, l-investigazzjoni u l-prosekuzzjoni mtejba, min-naħa tal-awtoritajiet ġudizzjarji rilevanti, tal-awturi ta' dikjarazzjonijiet jew kliem li hu inkompatibbli mal-liġijiet Ewropej, filwaqt li jiġu mħarsa l-libertà tal-kelma u l-libertà għall-privatezza, b'kollaborazzjoni mas-soċjetà ċivili u l-kumpaniji tal-IT;

47.  Jistieden lill-Kummissjoni, f'dan il-kuntest, tipproponi riformulazzjoni tad-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill dwar il-ġlieda kontra ċerti forom u espressjonijiet ta' razziżmu u ksenofobija permezz tal-liġi kriminali sabiex tkopri forom oħra ta' reati ta' preġudizzju;

Id-diskriminazzjoni

48.  Jikkundanna kwalunkwe diskriminazzjoni abbażi ta' kwalunkwe raġuni bħalma hu l-preġudizzju kontra s-sess, ir-razza, il-kulur tal-ġilda, l-oriġini etnika jew soċjali, il-karatteristiċi ġenetiċi, il-lingwa, ir-reliġjon jew it-twemmin, l-opinjoni politika jew kwalunkwe opinjoni oħra, l-appartenenza lil minoranza nazzjonali, il-proprjetà, it-twelid, id-diżabilità, l-età jew l-orjentazzjoni sesswali ta' persuna, kif hemm iddikjarat fl-Artikolu 21 tal-Karta, jew kwalunkwe sura oħra ta' intolleranza jew ksenofobija u jfakkar fl-Artikolu 2 tat-TUE;

49.  Jirrikonoxxi li s-sekulariżmu, f'dik li hi s-separazzjoni stretta bejn il-knisja u l-Istat, u n-newtralità tal-Istat huma essenzjali għall-protezzjoni tal-libertà tar-reliġjon jew twemmin, peress li jiggarantixxu t-trattament indaqs ta' kull reliġjon u twemmin u jiġġieldu lid-diskriminazzjoni bbażata fuq ir-reliġjon jew it-twemmin;

50.  Jinnota li d-Direttiva proposta dwar it-Trattament Ugwali tal-2008 għadha pendenti għall-approvazzjoni mill-Kunsill; itenni l-istedina tiegħu lill-Kunsill sabiex jadotta l-proposta mill-aktar fis possibbli;

51.  Ifakkar fl-obbligu tal-Istati Membri li jimplimentaw bis-sħiħ id-Direttiva 2004/38/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar id-drittijiet taċ-ċittadini tal-Unjoni u tal-membri tal-familja tagħhom biex jiċċaqilqu u jgħixu liberament fit-territorju tal-Istati Membri;

52.  Ifakkar li d-drittijiet tal-bniedem huma universali u li l-ebda minoranza ma għandha ġġarrab diskriminazzjoni; Jenfasizza l-fatt li d-drittijiet tal-minoranzi huma parti inaljenabbli mill-prinċipju tal-istat tad-dritt; jinnota li r-riskju ta' ksur tad-drittijiet tal-minoranzi huwa ogħla meta l-istat tad-dritt ma jiġix irrispettat;

53.  Jikkundanna l-każijiet ta' diskriminazzjoni, segregazzjoni, diskors ta' mibegħda, reati ta' mibegħda u esklużjoni soċjali mġarrba mir-Rom; jikkundanna d-diskriminazzjoni kontinwa kontra l-persuni Rom fl-aċċess għall-akkomodazzjoni, għall-kura tas-saħħa, għall-edukazzjoni u għas-suq tax-xogħol; ifakkar li ċ-ċittadini Ewropej kollha għandhom jirċievu l-istess assistenza u l-istess protezzjoni tkun x'itkun l-oriġini etnika tagħhom;

54.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jiġbru data affidabbli u komparabbli dwar l-ugwaljanza b'konsultazzjoni ma' rappreżentanti tal-minoranzi bil-għan li jitkejlu l-inugwaljanzi u d-diskriminazzjoni;

55.  Jistieden lill-Istati Membri jiskambjaw il-prattika tajba u japplikaw soluzzjonijiet ipprovati u ttestjati fl-indirizzar tal-problemi li jħabbtu wiċċhom magħhom il-minoranzi fl-Unjoni Ewropea kollha;

56.  Jinsisti fuq l-importanza li jiġu segwiti politiki ta' ugwaljanza li jippermettu lill-minoranzi etniċi, kulturali u reliġjużi kollha jgawdu d-drittijiet fundamentali tagħhom mingħajr kontestazzjoni;

57.  Iħeġġeġ lil dawk l-Istati Membri li għadhom ma rratifikawx il-Konvenzjoni Qafas għall-Ħarsien tal-Minoranzi Nazzjonali u l-Karta Ewropea għal-Lingwi Reġjonali jew Minoritarji biex dan jagħmluh; ifakkar, barra minn hekk, fil-ħtieġa li jiġu implimentati l-prinċipji żviluppati fil-qafas tal-Organizzazzjoni għas-Sigurtà u l-Kooperazzjoni fl-Ewropa (OSKE);

58.  Iħeġġeġ lill-Istati Membri jagħtu kunsiderazzjoni xierqa lid-drittijiet tal-minoranzi, jiżguraw id-dritt għall-użu ta' lingwa ta' minoranza u jħarsu d-diversità lingwistika fi ħdan l-Unjoni; jistieden lill-Kummissjoni ssaħħaħ il-pjan tagħha li tippromwovi t-tagħlim u l-użu tal-lingwi reġjonali, bħala mod potenzjali kif tiġi indirizzata d-diskriminazzjoni bejn il-lingwi fl-UE;

59.  Jinkoraġġixxi li fil-kurrikuli skolastiċi tiġi inkluża edukazzjoni dwar il-valur tat-tolleranza biex it-tfal jingħataw l-għodod li jeħtieġu biex jidentifikaw is-suriet kollha ta' diskriminazzjoni, kemm jekk tkun ta' natura anti-Musulmana, anti-Semitika, anti-Afrikana, anti-Rom jew anti-LGBTI, jew immirata lejn kwalunkwe minoranza oħra;

60.  Jistieden lill-Kummissjoni tikkondividi l-aħjar prattiki tal-Istati Membri għall-indirizzar tal-istereotipi tal-ġeneri fl-iskejjel;

61.  Jiddispjaċih għall-fatt li l-persuni LGBTI iġarrbu ibbuljar u intimidazzjoni, u jbatu d-diskriminazzjoni f'aspetti differenti tal-ħajja tagħhom;

62.  Jikkundanna s-suriet kollha ta' diskriminazzjoni kontra l-persuni LGBTI; jinkoraġġixxi lill-Istati Membri jadottaw liġijiet u politiki biex jiġġieldu lill-omofobija u lit-transfobija;

63.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tippreżenta aġenda li tiżgura drittijiet u opportunitajiet indaqs għaċ-ċittadini kollha, filwaqt li tirrispetta l-kompetenzi tal-Istati Membri, u tissorvelja t-traspożizzjoni u l-implimentazzjoni korretti tal-leġiżlazzjoni tal-UE rilevanti għall-persuni LGBTI; iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jaħdmu b'kooperazzjoni mill-qrib mal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili li jaħdmu għad-drittijiet tal-persuni LGBTI;

64.  Jiddeplora l-fatt li l-persuni transġeneru għadhom meqjusa bħala persuni b'mard mentali fil-maġġoranza tal-Istati Membri, u jistieden lil dawk l-istati jagħmlu rieżami tal-katalogi nazzjonali tas-saħħa mentali tagħhom u jiżviluppaw mudelli alternattivi ta' aċċess ħieles mill-istigmi, filwaqt li jiżguraw li l-kura medikament neċessarja tibqa' disponibbli għall-persuni transġeneru kollha; jiddeplora l-fatt li għadd ta' Stati Membri llum-il-ġurnata għadhom jimponu rekwiżiti fuq il-persuni transġeneru bħalma huma l-intervent mediku bil-għan li l-ġeneru mibdul ikun rikonoxxut (inkluż fil-passaporti u fid-dokumenti ta' identità uffiċjali) u l-isterilizzazzjoni furzata bħala kundizzjoni għall-bidla fis-sess; jinnota li tali rekwiżiti jikkostitwixxu ksur ċar tad-drittijiet tal-bniedem; jistieden lill-Kummissjoni toffri gwida lill-Istati Membri dwar l-aqwa mudelli ta' rikonoxximent ġuridiku tal-ġeneru fl-Ewropa; jistieden lill-Istati Membri jirrikonoxxu l-bidla fis-sess u jagħtu aċċess għal proċeduri rapidi, aċċessibbli u trasparenti għar-rikonoxximent ġuridiku tal-ġeneru mingħajr rekwiżiti mediċi bħalma huma l-intervent kirurġiku, l-isterilizzazzjoni jew il-kunsens psikjatriku;

65.  Jilqa' l-inizjattiva li wriet il-Kummissjoni li tirsisti favur l-idea li l-identitajiet transġeneru ma jibqgħux jitqiesu bħala patoloġija fir-rieżami tal-Klassifikazzjoni Internazzjonali tal-Mard (ICD) tal-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa; jistieden lill-Kummissjoni tintensifika l-isforzi ħalli timpedixxi li l-varjanza tal-ġeneru fit-tfulija ssir dijanjosi ġdida tal-Klassifikazzjoni Internazzjonali tal-Mard (ICD);

66.  Jistieden lill-Kummissjoni tiġbor data dwar il-ksur tad-drittijiet tal-bniedem li jħabbtu wiċċhom miegħu l-persuni intersesswali f'kull qasam tal-ħajja u toffri gwida lill-Istati Membri dwar l-aħjar prattiki għall-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali tal-persuni intersesswali; jiddispjaċih li l-interventi kirurġiċi ta' "normalizzazzjoni" ġenitali għat-tfal intersesswali għadhom jiġu pprattikati fl-Istati Membri tal-UE minkejja l-fatt li mil-lat mediku mhumiex neċessarji, anki jekk il-proċeduri mediċi fuq it-tfal jikkawżawlhom trawma psikoloġiku li tibqa' għal żmien twil;

67.  Jistieden lill-Istati Membri jimplimentaw bis-sħiħ id-Direttiva dwar id-drittijiet tal-vittmi(4) u jidentifikaw u jimlew il-lakuni li hemm fis-sistema tagħhom tal-protezzjoni tad-drittijiet tal-vittmi, filwaqt li jagħtu attenzjoni partikolari lill-gruppi vulnerabbli, bħalma huma t-tfal, il-gruppi ta' minoranza jew il-vittmi ta' reati ta' mibegħda;

68.  Jitlob, bħala kwistjoni ta' urġenza, li l-UE u l-Istati Membri tagħha jiġġieldu lill-forom kollha ta' vjolenza u diskriminazzjoni kontra n-nisa u jħarrku lit-trasgressuri; jistieden lill-Istati Membri b'mod partikolari jittrattaw b'mod effettiv l-effetti tal-vjolenza domestika u tal-isfruttament sesswali fil-forom kollha tagħhom, inkluż dak tar-rifuġjati u tat-tfal migranti, u ż-żwieġ prekoċi jew furzat;

69.  Jistieden lill-Istati Membri jiskambjaw bejniethom l-aħjar prattiki u jipprovdu taħriġ regolari għall-pulizija u għall-persunal fil-qasam ġudizzjarju dwar il-forom ġodda ta' vjolenza kontra n-nisa;

70.  Jilqa' l-fatt li kull Stat Membru ffirma l-Konvenzjoni ta' Istanbul u li l-Unjoni Ewropea aderixxiet għaliha; jistieden lill-Istati Membri li għadhom ma rratifikawx il-Konvenzjoni biex jagħmlu dan;

71.  Iħeġġeġ lill-Istati Membri jżidu l-isforzi tagħhom biex jiġġieldu lill-fastidju sesswali u lill-aggressjoni sesswali;

72.  Ifakkar li l-faqar fost l-anzjani jqanqal tħassib speċjalment fil-każ tan-nisa, minħabba d-differenza fil-pagi bejn is-sessi li għadha teżisti u li tirriżulta f'diskrepanza fil-pensjonijiet bejn is-sessi;

73.  Jistieden lill-Istati Membri jfasslu politiki xierqa biex jappoġġjaw in-nisa anzjani u jeliminaw il-kawżi strutturali tad-differenzi bejn in-nisa u l-irġiel fir-rigward tal-kumpens;

74.  Jisħaq fuq il-bżonn li titwaqqaf id-diskriminazzjoni fil-konfront tal-persuni b'diżabilità, billi jingħataw drittijiet soċjali u politiċi ndaqs, fosthom id-dritt tal-vot, kif iddikjarat fil-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Drittijiet ta' Persuni b'Diżabilità;

75.  Jirrikonoxxi li s-saħħa sesswali u riproduttivi tan-nisa hija marbuta ma' bosta drittijiet tal-bniedem, inkluż id-dritt għall-ħajja, id-dritt għall-ħelsien mit-tortura, id-dritt għas-saħħa, id-dritt għall-privatezza, id-dritt għall-edukazzjoni u l-projbizzjoni tad-diskriminazzjoni; jisħaq, f'dan ir-rigward, fuq il-punt li n-nies b'diżabilità huma intitolati li jgawdu d-drittijiet fundamentali tagħhom kollha fuq bażi ugwali mal-bqija tas-soċjetà;

76.  Jistieden lill-UE u lill-Istati Membri jirrikonoxxu d-dritt fundamentali għall-aċċess għall-kura tas-saħħa preventiva; jinsisti li l-Unjoni jeħtieġ li tiżvolġi rwol fis-sensibilizzazzjoni dwar l-aqwa prattiki, u fil-promozzjoni tagħhom, b'rabta ma' din il-kwistjoni, inkluż fil-kuntest tal-Istrateġija tal-UE dwar is-Saħħa, filwaqt li tirrispetta l-kompetenzi tal-Istati Membri, peress li s-saħħa hija dritt fundamentali tal-bniedem li hu essenzjali biex persuna tkun tista' teżerċita d-drittijiet tal-bniedem tagħha l-oħra; ifakkar, f'dan ir-rigward, li l-koerenza u l-konsistenza bejn il-politiki interni u dawk esterni tal-UE relatati mad-drittijiet tal-bniedem huma ta' importanza kbira;

77.  Jenfasizza li kwalunkwe sistema ta' sorveljanza indiskriminata tal-massa tikkostitwixxi indħil serju fid-drittijiet fundamentali taċ-ċittadini; jenfasizza li kwalunkwe proposta leġiżlattiva fl-Istati Membri relatata mal-kapaċitajiet ta' sorveljanza tal-korpi tal-intelligence jenħtieġ li dejjem tkun konformi mal-Karta u mal-prinċipji tan-neċessità, proporzjonalità u legalità;

78.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jippromwovu n-numru tal-hotline Ewropew għat-tfal neqsin (116 000) u n-numri tal-linji telefoniċi għall-għajnuna għat-tfal (116 u 111) fost il-pubbliku ġenerali u fost il-partijiet ikkonċernati rilevanti fis-sistemi nazzjonali tal-protezzjoni tat-tfal; jistieden lill-Istati Membri jiżguraw li ċ-ċittadini jkollhom aċċess għal servizzi adegwati u li jaġevolaw lit-tfal, aċċessibbli fl-UE kollha, 24 siegħa kuljum, sebat ijiem fil-ġimgħa; jistieden lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni jallokaw biżżejjed fondi jekk ikun meħtieġ;

79.  Jappella, bħala kwistjoni ta' urġenza, li l-istituzzjonijiet tal-UE u l-Istati Membri jingħaqdu fl-isforzi tagħhom biex jiġġieldu lill-ksur tad-drittijiet tat-tfal online; itenni t-talba tiegħu lil dawk l-Istati Membri li għadhom ma ttrasponux u ma implimentawx b'mod effettiv id-Direttiva dwar il-ġlieda kontra l-abbuż sesswali u l-isfruttament sesswali tat-tfal u l-pedopornografija(5) biex jagħmlu dan; jistieden lill-Istati Membri jsaħħu l-kapaċità legali, il-kapaċitajiet tekniċi u r-riżorsi finanzjarji tal-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi sabiex iżidu l-kooperazzjoni, inkluż mal-Europol, bil-ħsieb li dan il-fenomenu jiġi indirizzat; jenfasizza r-rwol tal-professjonisti li jaħdmu mat-tfal fir-rigward tal-identifikazzjoni ta' sinjali ta' vjolenza fiżika u psikoloġika kontra t-tfal, inkluż l-ibbuljar fuq l-internet; jistieden lill-Istati Membri jiżguraw li dawn il-professjonisti jiġu sensibilizzati u li jirċievu taħriġ adegwat;

80.  Jieħu nota tax-xejriet pożittivi f'ċerti Stati Membri fir-rigward tad-drittijiet tal-vittmi; jinnota, madankollu, li għad hemm lakuni ovvji fis-servizzi ġenerali li jipprovdu appoġġ għall-vittmi tal-kriminalità;

81.  Jilqa' l-Pjan ta' Azzjoni tal-UE dwar il-Gvern elettroniku għall-2016-2020 u l-Pjan ta' Azzjoni Ewropew dwar il-Ġustizzja Elettronika (2014-2018);

82.  Jinkoraġġixxi lill-Kummissjoni taħtar Koordinaturi tal-UE dwar l-Afrofobija u l-anti-Żingariżmu, li jkunu responsabbli mit-titjib tal-koordinament u tal-koerenza fost l-istituzzjonijiet tal-UE, l-aġenziji tal-UE, l-Istati Membri u l-atturi internazzjonali u mill-iżvilupp ta' politiki tal-UE eżistenti u ġodda bil-għan li jindirizzaw l-Afrofobija u l-anti-Żingariżmu; jenfasizza, b'mod partikolari, li r-rwol ta' Koordinatur tal-UE dwar l-anti-Żingariżmu jenħtieġ li jkun dak li jsaħħaħ u jikkomplementa l-ħidma tal-Unità tal-Kummissjoni responsabbli mill-koordinament ta' kwistjonijiet marbuta man-nondiskriminazzjoni u r-Rom billi jsaħħaħ it-tim, jalloka riżorsi adegwati u jimpjega lil aktar membri tal-persunal sabiex ikun hemm biżżejjed kapaċitajiet biex jiġi miġġieled l-anti-Żingariżmu, titqajjem kuxjenza dwar l-Olokawst tar-Rom u tiġi promossa t-tifkira tal-Olokawst; jirrakkomanda l-adozzjoni ta' oqfsa Ewropej biex l-istrateġiji nazzjonali jiġġieldu lill-Afrofobija, lill-anti-Semitiżmu u lill-Iżlamofobija;

83.  Jikkundanna l-azzjonijiet li ħadu l-gvernijiet tal-Istati Membri biex jimminaw u jiddemonizzaw lis-soċjetà ċivili u lill-NGOs; iħeġġeġ lill-Istati Membri jipprovdu sostenn lill-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili peress li spiss jagħmlu xogħol importanti li jikkomplementa lis-servizzi soċjali mogħtija mill-Istat jew saħansitra jimlew il-vojt li mhux kopert mill-istat;

84.  Jipproponi li jinħatar koordinatur tal-UE għall-ispazju ċiviku u d-demokrazija, bil-kompitu li jikkoordina l-ħidma mwettqa mill-UE u mill-Istati Membri f'dan il-qasam, filwaqt li jwettaq rwol superviżorju u jservi bħala punt ta' kuntatt għall-NGOs fir-rigward ta' inċidenti relatati mal-fastidju li jirrestrinġu l-ħidma tagħhom;

85.  Jistieden lill-Kummissjoni tistabbilixxi linji gwida għall-involviment tas-soċjetà ċivili u indikaturi għall-ispazju ċiviku;

°

°  °

86.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.

(1)

http://migration.iom.int/docs/2016_Flows_to_Europe_Overview.pdf

(2)

Testi adottati, P8_TA(2016)0409.

(3)

Testi adottati, P8_TA(2016)0409.

(4)

Direttiva 2012/29/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Ottubru 2012 li tistabbilixxi standards minimi fir-rigward tad-drittijiet, l-appoġġ u l-protezzjoni tal-vittmi tal-kriminalità, u li tissostitwixxi d-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2001/220/ĠAI.

(5)

Id-Direttiva 2011/92/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta' Diċembru 2011 dwar il-ġlieda kontra l-abbuż sesswali u l-isfruttament sesswali tat-tfal u l-pedopornografija, u li tissostitwixxi d-Deċiżjoni Kwadru tal-Kunsill 2004/68/ĠAI, ĠU L 335, 17.12.2011, p. 1.


NOTA SPJEGATTIVA

Ir-rispett tad-drittijiet fundamentali taċ-ċittadini jikkostitwixxi ambizzjoni ddikjarata tal-Unjoni Ewropea u impenn kontinwu tal-proċess ta' integrazzjoni tal-Ewropa. Għal deċennji, l-iżvilupp ta' Ewropa bħala entità politika mexa flimkien ma' salvagwardji legali u ġudizzjarji li għandhom iċ-ċittadini Ewropej biex jasserixxu d-drittijiet tagħhom. Lil hinn mill-fruntieri tagħna, l-Istati Ewropej u l-Unjoni tagħhom huma meqjusa bħala sur għad-difiża tad-drittijiet u l-libertajiet individwali - u dan jispjega b'mod qawwi għaliex il-kontinent tagħna jiġbed lejh lil dawk li, għax ikunu ppersegwitati jew fil-periklu f'pajjiżhom stess, ifittxu rifuġju u protezzjoni fl-Ewropa.

L-Ewropa hija kontinent sinjur fejn il-possibilitajiet u l-opportunitajiet li persuna għandha sabiex tilħaq il-milja tagħha huma numerużi. Din il-perċezzjoni - li kultant hi kkontestata hawnhekk f'darna - tibqa' sħiħa fiż-żoni ġirien: fil-Lvant Nofsani, fit-Turkija u fl-Afrika. Mijiet ta' eluf ta' persuni qabdu t-triq, fejn spiss esponew ruħhom għal perikli estremami, bil-ħsieb li jersqu aktar qrib tal-Ewropa u, idealment fl-aħħar jaslu fiha. Huma jġarrbu kull xorta ta' abbuż u trattament ħażin. Dawn il-persuni se jkomplu jħabbtu l-bibien tal-Ewropa. Huwa indispensabbli li l-migranti, li l-Ewropa tilqa', jitqiegħdu f'pożizzjoni li jikkontribwixxu bis-sħiħ għall-kontinent li jkunu għażlu. Huwa indispensabbli wkoll li l-Ewropa tikkomunika b'mod ċar, mingħajr tlaqliq u b'onestà, li ma nistgħux nilqgħu lil kull persuna individwali li tixtieq tiġi tgħix fl-Ewropa mingħajr ma jkollha dritt jew intitolament li tagħmel dan. Li naċċettaw l-istat tad-dritt ifisser li ma nistgħux ikollna sitwazzjoni li kollox jgħaddi qisu xejn m'hu xejn. Jekk huwa kruċjali li niġġieldu d-diskorsi ta' mibegħda u vjolenza kontra "oħrajn", huwa ugwalment importanti li jiġu żgurati l-effikaċja u l-effiċjenza tal-leġiżlazzjoni dwar il-qsim tal-fruntieri u tal-immigrazzjoni.

L-Ewropa hi, u għandha tibqa', art ta' asil. L-individwi li ħajjithom jew l-integrità fiżika tagħhom huma mhedda minn ċirkostanzi li huma kostretti jaħarbu minnhom, għandhom ikunu jistgħu jistrieħu fuq l-akkoljenza u l-attenzjoni fl-Ewropa. Idealment, għandhom jiġu introdotti sistema u approċċ Ewropej għall-asil u l-protezzjoni temporanja, sabiex tiġi żgurata uniformità fil-kriterji ta' ammissjoni għall-istatus ta' protezzjoni.

Il-prevalenza tal-istat tad-dritt għandha tkun ħaġa naturali fl-Ewropa. Il-prevedibilità tal-proċess tat-teħid ta' deċiżjonijiet politiċi; l-applikazzjoni konsistenti tal-kostituzzjonijiet u l-liġijiet; il-libertà mill-azzjoni arbitrarja tal-istat; u r-rifjut tal-favoritiżmu politiku u tal-korruzzjoni politika għandhom kollha japplikaw b'mod universali u inkontrovertibbli. Sadattant, qegħdin naraw li l-każijiet ta' ksur tal-prinċipji tal-istat tad-dritt qed jimmoltiplikaw ruħhom madwar l-Unjoni Ewropea. Dan l-istat ta' fatt huwa deplorabbli u allarmanti: kważi tletin sena wara li l-governanza demokratika ħarġet rebbieħa madwar il-kontinent Ewropew kollu, qed jitfaċċaw xejriet awtoritarji ġodda, kemm fir-retorika użata minn partiti fl-oppożizzjoni kif ukoll fl-għażliet li jsiru minn partiti li jinsabu fil-gvern. L-Unjoni Ewropea hija komunità bbażata fuq id-dritt u l-valuri minquxa fit-Trattat kostituttiv. Hija ma tistax taċċetta nuqqasijiet ta' governanza fi ħdanha li jiksru kemm il-forma kif ukoll is-sustanza tat-Trattat.

L-isfidi li niffaċċjaw fil-qasam tad-drittijiet fundamentali huma bosta - iktar numerużi minn dawk li għadhom kemm ġew deskritti. Ir-rapporteur, fit-test tiegħu, sadattant, xtaq jiffoka fuq dak li huwa jqis bħala l-prijoritajiet assoluti f'dan il-mument. It-tul ta' dan ir-rapport fuq inizjattiva proprja huwa limitat mir-Regoli ta' Proċedura; fi kwalunkwe każ, madankollu, ir-Rapporteur jemmen li, sabiex nibagħtu messaġġ politiku ċar u b'saħħtu, ikun raġonevoli li nikkonċentraw l-attenzjoni tagħna fuq ftit oqsma ewlenin li huma kawża ta' tħassib.

Rapporti oħra li jenfasizzaw l-attenzjoni li jagħti l-Parlament Ewropew lid-drittijiet u l-libertajiet fil-kuntesti kollha għadhom kemm ġew ippreżentati jew waslu biex jiġu ppreżentati Ir-rapporteur huwa tal-fehma li dan ir-rapport m'għandux jerġa' jelenka fid-dettall il-kwistjonijiet kollha indirizzati speċifikament f'rapporti parlamentari oħra. Għalhekk huwa jissuġġerixxi li jkun hemm approċċ aktar iffukat u konċiż.

L-Istat tad-dritt u l-migrazzjoni u l-integrazzjoni, dawn huma assi li jsawru l-abbozz ta' rapport. Dawn bla dubju kienu s-suġġetti ewlenin tas-snin 2015 u 2016, u ma tilfu xejn mir-rilevanza tagħhom jew l-attwalità tagħhom. Barra minn hekk, dawn huma marbuta mill-qrib ma' xulxin: il-kwistjoni tal-migrazzjoni trid tiġi indirizzata billi jittieħdu miżuri konsistenti mal-istat tad-dritt, u dan min-naħa tiegħu irid iservi biex isaħħaħ il-fiduċja tal-pubbliku fl-istituzzjonijiet nazzjonali u Ewropej u fil-kapaċità tagħhom li jaġixxu b'mod effettiv.

Ir-rapporteur għażel ukoll li jinkludi deskrizzjoni qasira tal-iżviluppi b'reazzjoni għar-rapporti annwali preċedenti dwar id-drittijiet fundamentali. Għaldaqstant, fejn dan kien possibbli, il-progress li sar mindu tfasslu l-aħħar rapporti ġie deskritt fil-qosor f'taqsima separata. Taqsima oħra tagħti sommarju, għall-Istati Membri kollha, tat-tħassib espress mid-difensuri tad-drittijiet fundamentali. Turi li ħadd u li l-ebda Stat Membru – sa issa! – ma għandu biex jiftaħar f'dak li jirrigwarda d-drittijiet fundamentali. Dan huwa tant aktar importanti minħabba li dan jista' jwassalna, flimkien, biex naħdmu sabiex intejbu l-prattiki tagħna, u ma noqogħdux nintilfu f'approċċi ta' kritika għamja u ta' rifjut ta' kritika fuq il-bażi tas-sensittivitajiet rispettivi. Ir-rapporteur ikompli jippromwovi bil-qawwa t-tfassil ta' governanza Ewropea, mixtieqa u aċċettata mill-Istati Membri kollha tal-Unjoni, kif ukoll tal-istituzzjonijiet tagħha, governanza Ewropea b'rispett sħiħ tad-drittijiet fundamentali ta' kull individwu.

Ir-rapporteur jixtieq ifakkar fir-rilevanza tal-ħidma preċedenti tal-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern u tal-Kumitat għall-Affarijiet Kostituzzjonali, il-Kumitat għad-Drittijiet tan-Nisa u l-Ugwaljanza bejn is-Sessi u l-Kumitat għall-Impjiegi u tal-Affarijiet Soċjali u l-Kumitat għall-Petizzjonijiet,

–  Rapport dwar aspetti tad-drittijiet fundamentali fl-integrazzjoni tar-Rom fl-UE: il-ġlieda kontra l-anti-Żingariżmu Rapporteur: Soraya Post

–  Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-1 ta' Ġunju 2017 dwar il-ġlieda kontra l-anti-Semitiżmu (2017/2692(RSP))

–  Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-15 ta' Settembru 2016 dwar l-applikazzjoni tad-Direttiva tal-Kunsill 2000/78/KE tas-27 ta' Novembru 2000 li tistabbilixxi qafas ġenerali għall-ugwaljanza fit-trattament fl-impjieg u fix-xogħol ("Direttiva dwar l-Ugwaljanza fl-Impjiegi" ) (2015/2116(INI))

–  Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-12 ta' Settembru 2017 dwar il-proposta għal deċiżjoni tal-Kunsill dwar l-iffirmar u l-konklużjoni, mill-Unjoni Ewropea, tal-Konvenzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa dwar il-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-vjolenza fuq in-nisa (COM(2016)0109 u COM(0062)0109),

–  Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-14 ta' Marzu 2017 dwar l-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel fl-Unjoni Ewropea 2014-2015 (2016/2249(INI))

–  Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-14 ta' Ġunju 2017 dwar il-ħtieġa ta' strateġija tal-UE biex titwaqqaf u tiġi evitata d-differenza bejn il-pensjonijiet tan-nisa u tal-irġiel (2016/2061(INI))

–  Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-14 ta' Marzu 2017 dwar l-applikazzjoni tad-Direttiva tal-Kunsill 2004/113/KE li timplimenta l-prinċipju ta' trattament ugwali bejn l-irġiel u n-nisa fl-aċċess għal u l-provvista ta' merkanzija u servizzi (2016/2012(INI))

–  Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-12 ta' Mejju 2016 dwar l-implimentazzjoni tad-Direttiva 2011/36/UE tal-5 ta' April 2011 dwar il-prevenzjoni u l-ġlieda kontra t-traffikar tal-bnedmin u l-protezzjoni tal-vittmi tiegħu minn perspettiva tal-ġeneru (2015/2118(INI))

–  Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-1 ta' Ġunju 2017 li tinkludi rakkomandazzjonijiet lill-Kummissjoni dwar il-protezzjoni tal-adulti vulnerabbli (2015/2085(INL))

–  Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-25 ta' Ottubru 2016 dwar il-ġlieda kontra l-korruzzjoni u segwitu għar-riżoluzzjoni CRIM (2015/2110(INI))

–  Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-14 ta' Marzu 2017 dwar l-implikazzjonijiet tal-Big Data fuq id-drittijiet fundamentali: il-privatezza, il-protezzjoni tad-data, in-nondiskriminazzjoni, is-sigurtà u l-infurzar tal-liġi (2016/2225(INI).


OPINJONI TAL-MINORANZA

skont l-Artikolu 52a(4) tar-Regoli ta' Proċedura,

Marek Jurek

Il-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali jenħtieġ li ssaħħaħ il-libertà ta' dibattitu f'kull Stat Membru tal-UE u ma tiġix mibdula f'għodda ideoloġika ta' pressjoni fuq l-opinjoni pubblika ta' dawn il-pajjiżi. Madankollu, din hija n-natura tal-valutazzjoni inkluża fir-Rapport dwar is-Sitwazzjoni tad-Drittijiet Fundamentali, li tindirizza b'mod dirett il-politika tal-emigrazzjoni ta' ċerit Stati Membri u parti kbira mill-opinjoni pubblika fl-Ewropa. Huwa ta' dispjaċir li, fil-kuntest ta' din il-kwistjoni, il-proposta li mal-proġett jiżdied appell biex jiġu promossi l-valuri Ewropej, bħalma hi l-libertà tar-reliġjon u tat-twemmin, f'pajjiżi mhux Ewropej li jinsabu fil-periklu minħabba kunflitti interni ġiet miċħuda.

Nenfasizzaw ukoll li s-sejħa għar-ratifika tal-Konvenzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa dwar il-Prevenzjoni u l-Ġlieda Kontra l-Vjolenza fuq in-Nisa u l-Vjolenza Domestika (il-Konvenzjoni ta' Istanbul), li hija inkluża fir-rapport u għadha ma ġietx ratifikata minn iktar minn terz tal-pajjiżi tal-UE, serjament tikser il-prinċipju tas-sussidjarjetà.


INFORMAZZJONI DWAR L-ADOZZJONIFIL-KUMITAT RESPONSABBLI

Data tal-adozzjoni

1.2.2018

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

41

8

3

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Asim Ademov, Heinz K. Becker, Malin Björk, Michał Boni, Caterina Chinnici, Frank Engel, Cornelia Ernst, Raymond Finch, Lorenzo Fontana, Kinga Gál, Ana Gomes, Nathalie Griesbeck, Sylvie Guillaume, Monika Hohlmeier, Brice Hortefeux, Filiz Hyusmenova, Sophia in ‘t Veld, Dietmar Köster, Barbara Kudrycka, Cécile Kashetu Kyenge, Juan Fernando López Aguilar, Roberta Metsola, Claude Moraes, Péter Niedermüller, Ivari Padar, Soraya Post, Judith Sargentini, Birgit Sippel, Branislav Škripek, Csaba Sógor, Sergei Stanishev, Helga Stevens, Traian Ungureanu, Marie-Christine Vergiat, Udo Voigt, Josef Weidenholzer, Kristina Winberg, Tomáš Zdechovský, Auke Zijlstra

Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali

Kostas Chrysogonos, Carlos Coelho, Maria Grapini, Teresa Jiménez-Becerril Barrio, Marek Jurek, Andrejs Mamikins, Angelika Mlinar, Maite Pagazaurtundúa Ruiz, Jaromír Štětina

Sostituti (skont l-Artikolu 200(2)) preżenti għall-votazzjoni finali

Georges Bach, Jonathan Bullock, Julia Reda, Francis Zammit Dimech


VOTAZZJONI FINALI B'SEJĦA TAL-ISMIJIETFIL-KUMITAT RESPONSABBLI

41

+

ALDE

Nathalie Griesbeck, Filiz Hyusmenova, Sophia in 't Veld, Angelika Mlinar, Maite Pagazaurtundúa Ruiz

EFDD

Kristina Winberg

GUE/NGL

Malin Björk, Kostas Chrysogonos, Cornelia Ernst, Marie-Christine Vergiat

PPE

Asim Ademov, Georges Bach, Heinz K. Becker, Michał Boni, Carlos Coelho, Frank Engel, Brice Hortefeux, Teresa Jiménez-Becerril Barrio, Barbara Kudrycka, Roberta Metsola, Csaba Sógor, Jaromír Štětina, Traian Ungureanu, Francis Zammit Dimech

S&D

Caterina Chinnici, Ana Gomes, Maria Grapini, Sylvie Guillaume, Dietmar Köster, Cécile Kashetu Kyenge, Juan Fernando López Aguilar, Andrejs Mamikins, Claude Moraes, Péter Niedermüller, Ivari Padar, Soraya Post, Birgit Sippel, Sergei Stanishev, Josef Weidenholzer

VERTS/ALE

Julia Reda, Judith Sargentini

8

-

ECR

Marek Jurek, Branislav Škripek

EFDD

Jonathan Bullock, Raymond Finch

ENF

Lorenzo Fontana, Auke Zijlstra

NI

Udo Voigt

PPE

Kinga Gál

3

0

ECR

Helga Stevens

PPE

Monika Hohlmeier, Tomáš Zdechovský

Tifsira tas-simboli użati:

+  :  favur

-  :  kontra

0  :  astensjoni

Aġġornata l-aħħar: 23 ta' Frar 2018Avviż legali