Proċedura : 2018/0801(NLE)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A8-0027/2018

Testi mressqa :

A8-0027/2018

Dibattiti :

Votazzjonijiet :

PV 01/03/2018 - 8.4
CRE 01/03/2018 - 8.4

Testi adottati :

P8_TA(2018)0046

RAPPORT     
PDF 560kWORD 58k
22.2.2018
PE 616.842v02-00 A8-0027/2018

dwar il-ħatra proposta ta' Annemie Turtelboom bħala Membru tal-Qorti tal-Awdituri

(C8‑0008/2018 – 2018/0801(NLE))

Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit

Rapporteur: Indrek Tarand

PROPOSTA GĦAL DEĊIŻJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW
 ANNESS 1: CURRICULUM VITÆ TA' Annemie Turtelboom
 ANNESS 2: TWEĠIBIET TA' Annemie Turtelboom GĦALL-KWESTJONARJU
 PROĊEDURA TAL-KUMITAT RESPONSABBLI

PROPOSTA GĦAL DEĊIŻJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW

dwar il-ħatra proposta ta' Annemie Turtelboom bħala Membru tal-Qorti tal-Awdituri

(C8‑0008/2018 – 2018/0801(NLE))

(Konsultazzjoni)

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 286(2) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, li dwaru ġie kkonsultat mill-Kunsill (C8‑0008/2018),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 121 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit (A8-0027/2018),

A.  billi l-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit tiegħu evalwa l-kwalifiki tal-kandidat propost, b'mod partikolari fir-rigward tal-kundizzjonijiet stipulati fl-Artikolu 286(1) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea;

B.  billi waqt il-laqgħa tiegħu tal-20 ta' Frar 2018, il-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit sema' lill-kandidat propost mill-Kunsill għall-kariga ta' Membru tal-Qorti tal-Awdituri;

1.  Jagħti opinjoni favorevoli dwar il-proposta tal-Kunsill għall-ħatra ta' Annemie Turtelboom bħala Membru tal-Qorti tal-Awdituri;

2.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din id-deċiżjoni lill-Kunsill u, għal skopijiet ta' informazzjoni, lill-Qorti tal-Awdituri, kif ukoll lill-istituzzjonijiet l-oħra tal-Unjoni Ewropea u lill-istituzzjonijiet tal-awditjar tal-Istati Membri.


ANNESS 1: CURRICULUM VITÆ TA' Annemie Turtelboom

Karigi u dmirijiet pubbliċi

2016 – Sal-lum  Membru tal-Parlament Federali Belġjan

2014 – 2016  Deputat Prim Ministru, Ministru għall-Baġit, il-Finanzi u l-Enerġija, il-Gvern Fjamming

2012 – 2014   Ministru għall-Ġustizzja, il-Gvern Federali tal-Belġju

2009 – 2012  Ministru għall-Affarijiet Interni, il-Gvern Federali tal-Belġju

2008 – 2009  Ministru għall-Ażil u l-Migrazzjoni, il-Gvern Federali tal-Belġju

2008 – 2014  Membru, il-Kunsill tal-Ġustizzja u l-Affarijiet Interni, l-Unjoni Ewropea

2010  President, il-Kunsill tal-Ġustizzja u l-Affarijiet Interni, l-Unjoni Ewropea

2003 – 2007  Membru tal-Parlament Federali Belġjan

2012 – Sal-lum  Membru tal-Kunsill tal-Belt ta' Antwerp

2012 – Sal-lum   Membru tal-Bord tad-Diretturi, il-Port ta' Antwerp  

2006 – 2012  Membru tal-Kunsill tal-Belt ta' Puurs

2000 – 2006   Membru taċ-Ċentru Pubbliku għall-Assistenza Soċjali ta' Puurs

2008   Membru tal-Persunal, Uffiċċju tal-Prim Ministru  

2001 – 2003   Kap tad-Dipartiment tal-Kummerċjalizzazzjoni, Katholieke Hogeschool Leuven

1993 – 2001   Għalliema, Katholieke Hogeschool Leuven

Edukazzjoni

1993    MA fl-Ekonomija (distinction), Katholieke Hogeschool Leuven

1988    Ċertifikat ta' Għalliema, Guardini

Il-lingwi

In-Netherlandiż   Lingwa nattiva

L-Ingliż  Fluwenti

Il-Franċiż    Fluwenti


ANNESS 2: TWEĠIBIET TA' Annemie Turtelboom GĦALL-KWESTJONARJU

Esperjenza professjonali

1.  Jekk jogħġbok elenka l-esperjenza professjonali tiegħek fil-finanzi pubbliċi, sew jekk hija fl-ippjanar baġitarju, fl-implimentazzjoni jew fil-ġestjoni tal-baġit, jew fil-kontroll jew l-awditjar tal-baġit.

Filwaqt li s-CV tiegħi telenka l-isfond professjonali kollu tiegħi, jiena hawnhekk namplifika l-isfond tiegħi fl-oqsma msemmija hawn fuq, l-ewwel esperjenza tiegħi f'dawn l-oqsma kienet matul l-istudji tiegħi dwar l-ekonomija. B'mod speċjali fil-korsijiet tal-Finanzi Pubbliċi, akkwistajt għarfien fil-fond tal-prinċipji bażiċi tal-ippjanar, il-ġestjoni u l-kontroll tal-finanzi pubbliċi. Aktar tard, fil-karriera tiegħi, jiena bnejt fuq dan l-għarfien billi għallimt lill-istudenti universitarji fil-programm tal-kontabbiltà u l-politika fiskali.

Matul il-kariga tiegħi bħala Deputat Prim Ministru, Ministru tal-Baġit, il-Finanzi u l-Enerġija fil-Gvern Fjamming, il-ġestjoni tal-finanzi pubbliċi u r-responsabbiltà għar-rapportar dwar il-fondi pubbliċi u l-awditjar tal-użu tagħhom kienu r-responsabbiltà primarja tiegħi. Kont responsabbli għall-abbozzar u l-kontroll tal-baġit tal-2014 u l-2015. Matul dan il-perjodu, jiena kkooperajt mill-qrib mal-Qorti Belġjana tal-Awdituri, u tlabt kemm rapporti annwali dwar il-baġit Fjamming, kif ukoll rapporti speċjali dwar, fost l-oħrajn, is-sigurtà tal-informazzjoni tal-Aġenzija Fiskali Fjamminga, u l-implimentazzjoni tas-Sistema Ewropea tal-Kontijiet (ESA) mill-Gvern Fjamming. Barra minn hekk, jiena kont involuta fil-valutazzjoni tal-impatt finanzjarju u baġitarju tas-Sitt riforma statali Belġjana.

Matul il-karriera politika kollha tiegħi, il-finanzi pubbliċi dejjem kellhom rwol ewlieni fix-xogħol tiegħi. Wara li qdejt diversi mandati bħala membru tal-Kamra tar-Rappreżentati federali tal-Belġju u tmien snin fil-gvern federali u Fjamming, issa ninsab ferm konxja mir-responsabbiltajiet fundamentali li jġibu magħhom il-ġestjoni u l-kontroll tal-finanzi pubbliċi.

Matul is-snin tiegħi bħala ministru fil-gvern Belġjan, billi kont responsabbli għad-dipartimenti tas-sigurtà, l-Ażil u l-Migrazzjoni, l-Affarijiet Interni u l-Ġustizzja konsekuttivament, jiena abbozzajt il-pjanijiet tal-baġit għal kull dipartiment, u anke kkoordinajt il-kontroll tagħhom. Jiena ħabbrikt bla waqfien biex jiġu ottimizzati l-effiċjenza u l-prestazzjoni, u tlabt diversi awditi mill-Qorti Belġjana tal-Awdituri għal dan il-għan.

Barra minn hekk, bħala ministru tad-dipartimenti tas-sigurtà domestika, jiena ħdimt f'kooperazzjoni mill-qrib mal-Kumitat Permanenti għall-Monitoraġġ tal-Pulizija, kif ukoll il-Kumitat ta' Reviżjoni Permanenti Belġjan għall-Aġenziji tal-Intelligence. Iż-żewġ korpi jwettqu awditi tal-prestazzjoni fl-istruttura tas-sigurtà u tal-intelligence Belġjana, u t-tnejn li huma kienu ta' importanza konsiderevoli fl-amministrazzjoni u r-riforma effiċjenti tad-dipartimenti tas-sigurtà rilevanti.

Jiena kkooperajt ukoll mal-Kunsill Għoli għall-Ġustizzja, li, fost l-oħrajn, jgħin lis-sistema tal-ġustizzja Belġjana biex topera aħjar permezz ta' kontroll estern permezz ta' awditi.

2.  X'inhuma l-aktar riżultati sinifikanti li ksibt tul il-karriera professjonali tiegħek?

Il-fokus tiegħi bħala Ministru tal-Ġustizzja Belġjan kien l-ewwel riforma bir-reqqa tal-istrutturi tal-qorti Belġjana minn żmien Napuljun. Ir-riforma kienet tinkludi, fost l-oħrajn, it-tnaqqis tan-numru ta' distretti ġudizzjarji minn 27 għal 12, it-tisħiħ ġenerali tat-tielet fergħa bl-għoti ta' aktar awtonomija lill-maġistrati, u bidla lejn kultura orjentata lejn il-prestazzjoni, li fiha jintużaw u jiġu awditjati ftehimiet maniġerjali mill-Istituzzjoni Suprema tal-Awditjar Belġjana biex tiżdied l-effiċjenza u tiġi vvalutata l-effikaċja. Iż-żieda fl-effiċjenza kienet l-għan tar-riformi kollha tiegħi f'dan il-perjodu. Barra minn hekk, f'dan il-perjodu, jiena ssorveljajt l-iżvilupp ta' kodiċi legali tal-arbitraġġ Belġjan, li jippermetti lill-kumpaniji jsolvu t-tilwim tagħhom permezz ta' arbitraġġ u medjazzjoni aktar milli kawżi fil-qorti.

L-effiċjenza u t-trasparenza kienu wkoll il-prinċipji ta' gwida għar-riformi tiegħi bħala Ministru tad-dipartiment tal-Affarijiet Interni. Taħt is-sorveljanza tiegħi, twettqet ir-riforma tad-dipartiment tat-tifi tan-nar, u tnaqqas in-numru ta' distretti tal-pulizija. Dawn ir-riformi kkoinċidew ma' snin intensivi fid-dipartiment tal-Affarijiet Interni, li kien responsabbli għall-ġestjoni ta' għadd kbir ta' diżastri, bħal splużjoni kbira tal-gass, ħabta ta' ferrovija, u għargħar. Jiena amministrajt ukoll elezzjoni mhux mistennija, u l-presidenza Belġjana tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea.

Bħala membru tal-Gvern Fjamming, jiena kont impenjata prinċipalment bir-riforma fiskali. Kont responsabbli mit-tnaqqis tat-taxxi għal koppji li qed jisseparaw fir-rigward tat-tqassim tad-dar tagħhom. Jiena mexxejt ukoll il-kodiċi fiskali għat-trasportazzjoni personali fid-direzzjoni ekoloġika biex jiġu pprovduti bonusijiet għal karozzi b'emissjonijiet baxxi jew b'emissjonijiet żero. Fl-aħħar nett, jiena wittejt it-triq għal riforma bir-reqqa tal-liġi u t-taxxi tas-suċċessjoni, li attwalment qed titlesta mis-suċċessur tiegħi.

3.  X'esperjenza professjonali għandek ta' organizzazzjonijiet jew istituzzjonijiet internazzjonali, multikulturali u multilingwi bbażati barra pajjiżek?

Il-ħidma f'ambjent internazzjonali kienet aspett kontinwu tal-karriera tiegħi. Ir-rappreżentanza tal-Belġju fil-Kunsill tal-Ġustizzja u l-Affarijiet Interni (ĠAI), li jiena kont membru tiegħu għal sitt snin u li ppresedejt matul il-presidenza Belġjana fl-2010, kienet waħda mir-responsabbiltajiet tiegħi bħala ministru għad-dipartimenti tas-sigurtà. Bħala president tal-ĠAI, jiena pparteċipajt f'diversi taħdidiet trilaterali dwar is-sigurtà f'Washington u Brussell u dwar it-terroriżmu u r-radikalizzazzjoni f'Madrid. Barra minn hekk, jiena kelli kuntatti u laqgħat regolari ma' organizzazzjonijiet internazzjonali, bħan-Nazzjonijiet Uniti, il-Kunsill tal-Ewropa, l-OECD, il-Europol, u l-Eurojust, kif ukoll taħdidiet bilaterali ma' numru ta' pajjiżi sħab, bħall-Marokk u l-Greċja. Bħala Ministru tal-Enerġija fil-gvern Fjamming, jiena żort b'mod frekwenti proġetti tal-enerġija innovattivi barra mill-pajjiż, u kkollaborajt b'mod kontinwu fil-kunsill tal-Benelux.

Barra minn hekk, il-ħidma tiegħi bħala membru tal-Parlament ipprovdietni b'biżżejjed opportunità biex nikkoopera ma' organizzazzjonijiet internazzjonali. Jiena attendejt u kont kelliema ewlenija f'varjetà wiesgħa ta' konferenzi, u kkollaborajt fir-rigward ta' ħafna inizjattivi internazzjonali. Id-diskors ewlieni fis-summit GLOBSEC Tatra tal-2016 u l-ħidma sussegwenti fuq l-Inizjattiva ta' Riforma tal-Intelligence GLOBSEC (GIRI) jistħoqqilhom referenza speċifika. Jiena pparteċipajt fil-missjoni ta' osservazzjoni elettorali tal-OSKE għall-elezzjoni Armena tal-2016.

Barra minn hekk, minn Awwissu sa Diċembru tal-2017, jiena għext u studjajt f'ambjent multikulturali u multilingwistiku, fejn intgħażilt għall-Yale Greenberg World Fellows Program. F'din l-Università ta' Ivy League, jiena mhux biss attendejt programm ta' kors eżiġenti, iżda anke tajt diversi lekċers dwar l-Unjoni Ewropea, u għallimt numru ta' studenti internazzjonali dwar l-ippjanar tal-karriera fil-futur matul l-istudji tagħhom.

4.  Ingħatajt kwittanza għad-dmirijiet amministrattivi li kont twettaq preċedentement, jekk tapplika proċedura ta' dan it-tip?

Skont il-liġi Belġjana, il-Parlament japprova r-rapport annwali tal-gvern dwar l-implimentazzjoni tal-baġit, wara li jkun sema' s-sentenza tal-Qorti Belġjana tal-Awdituri. Teżisti proċedura simili għall-implimentazzjoni tal-baġit fir-Reġjun Fjamming. Mil-lat legali, dawn il-proċeduri jvarjaw f'ħafna aspetti mill-proċedura ta' kwittanza fil-Parlament Ewropew.

5.  Liema mill-pożizzjonijiet professjonali preċedenti tiegħek kienu r-riżultat ta' nomina politika?

Kif spjegajt fis-CV tiegħi u fir-risposti tiegħi għall-mistoqsijiet preċedenti, jiena kelli erba' karigi ministerjali differenti, konsekuttivament bħala: (1) il-Ministru tal-Ażil u l-Migrazzjoni, (2) il-Ministru tal-Affarijiet Interni, u (3) u l-Ministru tal-Ġustizzja (kollha fil-gvern Belġjan), u (4) id-Deputat Prim Ministru, il-Ministru tal-Baġit, tal-Finanzi u tal-Enerġija fil-Gvern Fjamming. Dawn il-pożizzjonijiet kollha kienu r-riżultat ta' nomina politika.

Barra minn hekk, bħala kunsilliera eletta fil-kunsill tal-belt ta' Antwerp, jiena kont innominata biex nirrappreżenta l-kunsill fil-Bord tad-Diretturi tal-Port ta' Antwerp, kif ukoll il-kumitat tal-awditjar tiegħu. Mill-2006 sal-2012, jiena kont innominata, bħala kunsillier muniċipali tal-muniċipalità ta' Puurs, biex nagħmel parti mill-kunsill taċ-Ċentru Pubbliku lokali għall-Assistenza Soċjali (OCMW/CPAS).

6.  X'inhuma l-aktar tliet deċiżjonijiet importanti li kont involuta fihom fil-ħajja professjonali tiegħek?

Kif deskritt fil-mistoqsijiet preċedenti, ir-riforma ġenerali tad-Dipartiment tal-Ġustizzja, li ssorveljajt, hija fost l-akbar kisbiet fil-karriera professjonali tiegħi u involviet l-aktar deċiżjonijiet importanti li jiena kont parti minnhom. L-għan ewlieni ta' din ir-riforma huwa d-devoluzzjoni ta' kompetenza finanzjarja, li qed tagħti lid-distretti ġudizzjarji aktar awtonomija finanzjarja u li l-Qorti Belġjana tal-Awdituri hija kompetenti li tawditja. Dawn ir-riformi jżidu b'mod sinifikanti l-kwalità tal-prestazzjoni u l-effettività tas-sistema ġudizzjarja kollha.

Jiena kont parti fin-negozjati u d-deċiżjonijiet eventwali tas-sitt riforma statali Belġjana, li inkludiet devoluzzjoni ulterjuri konsiderevoli ta' kompetenzi mil-liġi nazzjonali għal dik reġjonali. Din ir-riforma kienet ir-riżultat tal-formazzjoni tal-gvern Belġjan tal-2010-2011, u r-riforma tat lir-reġjuni kompetenzi ekonomiċi u ta' impjiegi, u tat ukoll lill-komunitajiet ir-responsabbiltà għal politika dwar il-familja. Barra minn hekk, mir-riforma, il-komunitajiet u r-reġjuni huma ffinanzjati b'mod differenti, u għandhom aktar awtonomija fiskali.

Jiena kont l-ewwel Ministru fil-Belġju responsabbli għal portafoll tal-Ażil u l-Migrazzjoni separat, u dan taħt ċirkostanzi diffiċli. Ix-xogħol iebes tiegħi fil-gvern wassalni biex nieħu l-pożizzjoni ta' Ministru għall-Affarijiet Interni, l-ewwel mara f'dan ix-xogħol fl-istorja tal-Belġju.

Jiena kont parti minn ħafna aktar deċiżjonijiet sinifikanti matul il-karriera politika tiegħi. Għal dawn nirreferi għat-tweġibiet tiegħi għall-mistoqsijiet 1-3.

Indipendenza

7.  It-Trattat jistipula li l-Membri tal-Qorti tal-Awdituri jeħtiġilhom ikunu "kompletament indipendenti" fil-qadi ta' dmirijiethom. Kieku inti, kif twettaq dan l-obbligu fil-qadi tad-dmirijiet prospettivi tiegħek?

L-indipendenza hija prekundizzjoni kruċjali għall-funzjonament għal kwalunkwe istituzzjoni suprema tal-awditjar. Din l-indipendenza hija minquxa fl-Artikoli 285-287 tat-TFUE, u deskritta b'mod estensiv fid-Dikjarazzjoni ta' Lima maħruġa mill-Organizzazzjoni Internazzjonali ta' Istituzzjonijiet Supremi tal-Awditjar. Jiena nappoġġja b'mod sħiħ dawn il-prinċipji, u nkompli nappoġġjahom mingħajr kundizzjoni bħala Membru tal-Qorti. M'iniex se niġi influwenzata mill-organizzazzjonijiet awditjati, u m'iniex se nkun dipendenti fuq dawn l-organizzazzjonijiet, u lanqas m'jiena se nieħu istruzzjoni minn kwalunkwe gvern jew partijiet oħra.

Biex niggarantixxi l-indipendenza kompleta tiegħi, għandi nirriżenja mill-mandati politiċi tiegħi u m'iniex se nwettaq kwalunkwe attività li tista' tfixkel l-indipendenza tiegħi fil-futur. Fit-twettiq tad-dmirijiet tiegħi bħala Membru, jiena nevita kwalunkwe sitwazzjoni ta' kunflitt ta' interess, inkluż it-twettiq ta' attivitajiet professjonali esterni jew iż-żamma ta' mandati politiċi. Nevita wkoll kwalunkwe sitwazzjoni fejn nista' nitqies li għandu kunflitt ta' interess.

8.  Inti jew qrabatek intimi (ġenituri, aħwa, sieħeb/sieħba legali u tfal) għandek jew għandhom xi parteċipazzjoni tan-negozju jew parteċipazzjoni finanzjarja, jew xi impenji oħra, li jistgħu jidħlu f'kunflitt mad-dmirijiet prospettivi tiegħek?

Le. La jien u lanqas qrabati intimi m'għandna parteċipazzjoni f'negozju jew parteċipazzjoni finanzjarja, jew xi impenji oħra, li jistgħu jidħlu f'kunflitt mad-dmirijiet prospettivi tiegħi bħala Membru tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri.

9.  Lesta tiżvela l-interessi finanzjarji tiegħek kollha u impenji oħra li jista' jkollok lill-President tal-Qorti, u li tagħmilhom pubbliċi?

Iva, naturalment. Bħala uffiċjal elett fil-Belġju, jiena diġà kont meħtieġa nippreżenta dikjarazzjoni ta' interessi, li dejjem ikkompilajt fil-pront u b'mod korrett.

10.  Inti involuta f'xi proċedimenti legali attwali? Jekk iva, jekk jogħġbok agħtina dettalji.

Le, bħalissa m'jiena involuta fl-ebda proċediment legali.

11.  Għandek xi rwol attiv jew eżekuttiv fil-politika, u, jekk iva, f'liema livell? Okkupajt xi pożizzjoni politika f'dawn l-aħħar 18-il xahar? Jekk iva, jekk jogħġbok agħtina dettalji.

Iva. Jiena ġejt eletta għall-Kamra tar-Rappreżentanti Belġjana fl-elezzjonijiet ġenerali tal-2014, u ħadt il-kariga f'Ġunju 2016. Fil-parlament, jiena membru tal-Kumitat għall-Affarijiet Barranin. Separatament, jiena ġejt eletta kunsilliera fil-kunsill tal-belt ta' Antwerp mill-1 ta' Jannar 2013. Jiena nagħmel parti mill-partit Fjamming (Open Vld) u jiena membru tal-bureau tiegħu.

12.  Tirtira minn kull kariga uffiċjali li kont eletta għaliha jew titlaq kull funzjoni attiva b'responsabbiltajiet f'partit politiku jekk tinħatar Membru tal-Qorti?

Iva. Jiena nirriżenja immedjatament mill-funzjonijiet attivi tiegħi kollha sabiex neżerċita b'mod indipendenti d-dmirijiet tiegħi bħala awditur.

13.  Kieku kif tittratta irregolarità ewlenija jew saħansitra każ ta' frodi u/jew korruzzjoni li jinvolvi persuni fl-Istat Membru tal-oriġini tiegħek?

La l-frodi u l-korruzzjoni, u lanqas l-indirizzar tagħhom, ma jiddistingwu bejn in-nazzjonalitajiet. Kwalunkwe membru tal-Qorti jenħtieġ li jaġixxi b'imparzjalità u integrità sħiħa, u jikkonforma mar-regoli interni u l-proċedura standard tal-Qorti. Meta kkonfrontata b'irregolarità, frodi jew korruzzjoni ewlenija li jinvolvu persuna waħda jew aktar minn persuna waħda tal-Istat Membru tiegħi, jiena għalhekk ma naġixxix differenti minn kwalunkwe każ ieħor minn kwalunkwe Stat Membru, bi professjonaliżmu u approċċ proattiv.

Fil-każ ta' frodi suspettata, jiena nirrapporta l-kwistjoni fil-pront lill-president tal-Qorti, u niżgura li każijiet ta' frodi jitressqu quddiem l-Uffiċċju Ewropew Kontra l-Frodi (OLAF), kif meħtieġ minn deċiżjoni tal-Qorti dwar il-kooperazzjoni bejn il-QEA u l-Uffiċċju Ewropew Kontra l-Frodi (OLAF) rigward każijiet ta' frodi suspettata mill-QEA matul il-ħidma tal-awditjar tagħha jew ipprovduti lilha bħala denunzji mhux mitluba minn partijiet terzi.

Qadi ta' dmirijiet

14.  X'jenħtieġ li jkunu l-karatteristiċi ewlenin ta' kultura ta' amministrazzjoni finanzjarja soda fi kwalunkwe servizz pubbliku? Il-QEA b'liema mod tista' tgħin fl-infurzar ta' din il-kultura?

Il-karatteristiċi ewlenin ta' kultura ta' amministrazzjoni finanzjarja soda f'servizz pubbliku huma li jkollha fis-seħħ sistemi funzjonali, kemm sistemi operazzjonali kif ukoll ta' kontroll. Is-sistemi jenħtieġ li jkunu mibnija madwar mudell ta' "Tliet Linji ta' Difiża":

–  Funzjonijiet li jippossjedu u jiġestixxu r-riskju

–  Funzjonijiet li jissorveljaw jew jispeċjalizzaw fil-ġestjoni tar-riskju u l-konformità

–  Funzjonijiet li jipprovdu assigurazzjoni indipendenti, inkluż l-awditu.

Il-ġestjoni kollha ta' flus il-kontribwenti fi kwalunkwe servizz pubbliku jenħtieġ li ssegwi l-prinċipji tat-tliet "E's" kif definiti fir-Regolament Finanzjarju applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni: l-ekonomija (il-kisba ta' inputs fi żmien debitu tal-kwantità u l-kwalità ġusta bl-aħjar prezz), l-effiċjenza (il-produzzjoni tal-aktar prestazzjoni utli mil-livell partikolari ta' inputs), u l-effikaċja (il-kisba tal-objettivi speċifikati u r-riżultati mistennija tal-attività). Bil-provvista ta' rapporti tal-awditjar indipendenti u rilevanti b'mod f'waqtu, il-Qorti tal-Awdituri tista' tappoġġja dawn il-prinċipji ta' amministrazzjoni finanzjarja soda.

Il-kontroll intern tal-ġestjoni finanzjarja huwa element essenzjali tal-governanza tajba. Il-Qorti għandha rwol kruċjali fl-iżgurar tal-obbligu ta' rendikont fil-qafas istituzzjonali tal-Unjoni Ewropea. Bil-ħruġ ta' rapporti li jiddeskrivu l-prattiki tajba u li jidentifikaw sitwazzjonijiet li jirrikjedu t-titjib, il-Qorti hija f'pożizzjoni unika biex tinforma b'mod imparzjali kemm lill-Parlament Ewropew kif ukoll liċ-ċittadini tal-UE dwar kif qed jiġu ġestiti l-fondi tagħhom. Tali rwol u obbligu ta' rendikont jipprovdu lill-Qorti bir-responsabbiltà kondiviża biex iżżid il-fiduċja taċ-ċittadini fil-qafas istituzzjonali u l-ġestjoni finanzjarja tal-UE.

Minbarra awditi finanzjarji u ta' konformità regolari, il-ġestjoni finanzjarja soda tinvolvi wkoll awditi tal-prestazzjoni, li, matul il-karriera tiegħi, jiena fhimt l-importanza tagħhom, kif enfasizzat fit-tweġiba tiegħi għall-ewwel mistoqsija. Hija ta' importanza kruċjali li l-QEA tivvaluta jekk kwalunkwe kultura ta' ġestjoni finanzjarja fil-qafas istituzzjonali tal-UE twassalx l-objettivi ta' politika stabbiliti b'mod ekonomiku u effiċjenti. Is-sejbiet u r-rakkomandazzjonijiet tal-Qorti jenħtieġ li jiġu implimentati b'mod sħiħ permezz ta' ġestjoni rilevanti fil-proċeduri tagħhom.

Għaldaqstant, filwaqt li teżegwixxi r-rwol tagħha b'mod impekkabbli, il-Qorti hija essenzjali fis-salvagwardja tat-trasparenza, l-integrità u katina ċara ta' responsabbiltà fi ħdan l-Unjoni Ewropea. Ir-Rapport Annwali tal-Qorti huwa element fundamentali fit-titjib gradwali tal-ġestjoni finanzjarja soda fl-UE u jenħtieġ li jinħareġ b'mod li jiżgura rilevanza u utilità massima.

15.  Skont it-Trattat, il-Qorti għandha l-obbligu li tassisti lill-Parlament huwa u jeżerċita s-setgħat tiegħu ta' kontroll fuq l-implimentazzjoni tal-baġit. Kieku inti, kif tkompli ttejjeb il-kooperazzjoni bejn il-Qorti u l-Parlament Ewropew (b'mod partikolari, il-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit tiegħu) biex issaħħaħ sew is-sorveljanza pubblika fuq l-infiq ġenerali kif ukoll il-kosteffettività ta' dak l-infiq?

Il-QEA hija istituzzjoni indipendenti, iżda dan ma jfissirx li taħdem f'vakwu. Abbażi tal-Artikoli 287 u 319 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, relazzjoni tajba bejn il-Parlament Ewropew, u b'mod speċjali l-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit tiegħu, hija kruċjali għas-sorveljanza tal-implimentazzjoni tal-baġit tal-UE. Aktar ma jkun tajjeb is-segwitu tar-rapporti tal-Qorti mill-Parlament Ewropew, aktar ma jkun sinifikanti l-impatt tas-sejbiet u r-rakkomandazzjonijiet tal-Qorti. Biex tiġi massimizzata kooperazzjoni effiċjenti, l-input tal-Parlament jinħtieġ aktar kmieni fl-istadju tal-ippjanar tal-programm ta' ħidma tal-Qorti. Għaldaqstant, id-djalogu mill-qrib u l-kuntatt frekwenti bejn il-Qorti u l-Parlament Ewropew huma essenzjali. Jiena nfittex li nifhem il-ħtiġijiet tal-informazzjoni tal-Parlament Ewropew f'termini ta' approċċ tal-awditu u riżultati tanġibbli u nappoġġja l-programm ta' ħidma annwali tal-QEA li jintegra aktar awditi ffokati fuq il-prijoritajiet tal-PE għaċ-ċittadini tal-UE.

Barra minn hekk, sabiex tiżdied il-viżibbiltà, il-Qorti jenħtieġ li tħabbrek biex tikkoopera ma' firxa aktar wiesgħa ta' kumitati, b'mod speċjali f'dak li jirrigwarda rapporti speċifiċi għas-settur. Filwaqt, naturalment, li l-Parlament Ewropew jiddeċiedi b'mod awtonomu kif jorganizza l-ħidmiet interni tiegħu, il-Qorti tista' tidentifika u tirrakkomanda oqsma li fihom kooperazzjoni usa' tista' tkun ta' benefiċċju għaż-żewġ istituzzjonijiet.

16.  X'valur miżjud taħseb li jġib miegħu l-awditjar tal-prestazzjonijiet, u s-sejbiet kif jenħtieġ li jiġu inkorporati fil-proċeduri tal-ġestjoni?

L-awditjar tal-prestazzjonijiet huwa definit mill-Manwal tal-Awditu tal-Prestazzjonijiet tal-QEA u standards internazzjonali oħra bħala eżami indipendenti, oġġettiv u affidabbli ta' jekk impriżi, sistemi, operazzjonijiet, programmi, attivitajiet jew organizzazzjonijiet humiex qed joperaw b'mod konformi mal-prinċipji tal-ekonomija, l-effiċjenza u l-effikaċja u filwaqt li jitqiesu prinċipji rilevanti oħra bħall-ugwaljanza, l-ambjent u l-etika. Għaldaqstant, l-awditjar tal-prestazzjonijiet huwa komplement neċessarju għall-awditjar finanzjarju, b'mod speċjali minħabba li programmi tal-gvern li jużaw flus il-kontribwenti jikbru fid-daqs u l-kumplessità. Jiena għalhekk nilqa' l-bidla tal-Qorti lejn bilanċ aħjar bejn awditi finanzjarji u tal-prestazzjoni. Awditjar tal-prestazzjonijiet jagħti lill-Parlament Ewropew, u liċ-ċittadini tal-UE għarfien aħjar fir-rigward tal-valur għall-flus tagħhom, u għaldaqstant iżid it-trasparenza u l-obbligu ta' rendikont demokratiku.

Aktar milli awditjar finanzjarju, awditjar ta' prestazzjonijiet u r-rapporti (speċjali) li jirriżultaw minnu jistgħu jidentifikaw oqsma fejn jistgħu jiżdiedu l-ekonomija, l-effiċjenza u l-effikaċja. Dawn is-sejbiet jenħtieġ li mbagħad jiġu kkomunikati b'mod ċar u prattiku lill-Parlament Ewropew, l-istituzzjonijiet rilevanti u l-pubbliku ġenerali, sabiex tiġi massimizzata s-sensibilizzazzjoni u tiżdied il-probabbiltà ta' implimentazzjoni ta' prattiki tajba u rakkomandazzjonijiet oħra.

Barra minn hekk, l-iskeda taż-żmien ta' dan l-awditjar tal-prestazzjonijiet teħtieġ li tkun ippjanata b'mod xieraq. Ippjanar b'attenzjoni jiżgura li l-konklużjonijiet u r-rakkomandazzjonijiet ikunu disponibbli b'mod f'waqtu sabiex iservu bħala input għall-proċess tat-teħid ta' deċiżjonijiet tal-UE. Dawn imbagħad jistgħu jappoġġjaw reviżjonijiet futuri ta' regolamenti, jgħinu biex jerġgħu jiġu definiti objettivi ta' politika, u jinfurmaw diskussjonijiet dwar oqfsa finanzjarji pluriennali u/jew id-disinn ta' programmi tal-UE futuri.

17.  Kif tista' tittejjeb il-kooperazzjoni bejn il-Qorti tal-Awdituri, l-istituzzjonijiet ta' awditjar nazzjonali u l-Parlament Ewropew (il-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit) rigward l-awditjar tal-baġit tal-UE?

Filwaqt li l-indipendenza relattiva bejn l-Istituzzjonijiet Supremi tal-Awditjar Ewropej u nazzjonali tibqa' essenzjali kif iddikjarat fl-Artikolu 287(3) tat-TFUE, hija meħtieġa kooperazzjoni aktar mill-qrib fl-ispirtu ta' fiduċja bejn dawn il-livelli. Din il-kooperazzjoni jenħtieġ li titrawwem mill-Kumitati ta' Kuntatt tal-QEA, u tħaddan approċċi differenti. L-ewwel nett, il-QEA u l-istituzzjonijiet tal-awditjar nazzjonali jistgħu jżidu l-kondiviżjoni tal-aħjar prattiki. Rigward l-awditjar ta' konformità, il-QEA jenħtieġ li xxerred il-metodoloġiji rilevanti tagħha fost dawk l-istituzzjonijiet nazzjonali interessati, u viċe versa. F'dak li jirrigwarda l-awditjar tal-prestazzjonijiet, l-istituzzjonijiet fil-livell Ewropew u nazzjonali jistgħu, għalkemm mhux mingħajr l-isfidi tiegħu, jikkooperaw f'oqsma li jirrikjedu kunsens usa' fis-soċjetà. It-tieni, l-awditjar fil-livell nazzjonali u dak Ewropew jista' jiġi koordinat sabiex jiġi evitat it-trikkib u tiżdied l-effiċjenza.

Jiena ninnota x-xewqa tal-Parlament Ewropew għal kooperazzjoni msaħħa fl-awditjar tal-baġit tal-UE. Bħala membru, nixtieq inrawwem ir-relazzjoni mal-Parlament, u ninvolvi ruħi b'mod attiv fi djalogu kemm mal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit kif ukoll ma' partijiet ikkonċernati rilevanti oħra.

18.  Kieku inti, kif tiżviluppa aktar ir-rapportar tal-QEA biex il-Parlament Ewropew jingħata kull informazzjoni meħtieġa dwar l-akkuratezza tad-data mogħtija mill-Istati Membri lill-Kummissjoni Ewropea?

Il-prodotti tar-rapporti kollha maħruġa mill-QEA jenħtieġ li, fuq kollox, ikunu kkomunikati b'mod ċar. Dan ir-rekwiżit huwa deskritt b'mod komprensiv fl-Istrateġija tal-QEA tal-2018-2020. Barra minn hekk, ir-rapporti jenħtieġ li jkunu rilevanti, utli u f'waqthom.

Biex il-Qorti tipproduċi prodotti ta' rapporti ċari, teħtieġ li titwassal informazzjoni affidabbli u preċiża mill-Istati Membri lill-Kummissjoni. Billi l-QEA ma tistax titlob din l-informazzjoni mill-Istati Membri b'mod dirett, jenħtieġ li tenfasizza l-importanza tal-kwalità tad-data lill-Kummissjoni fid-djalogu tagħha mal-Istati Membri.

L-għan tal-QEA jenħtieġ li jkun dejjem il-produzzjoni ta' valur miżjud għall-ħidma tal-Parlament Ewropew. F'dan ir-rigward, jiena nilqa' l-istabbiliment mill-QEA ta' grupp ta' ħidma ta' livell għoli biex jiġu eżaminati l-possibbiltajiet biex jiżdied aktar il-valur miżjud tar-Rapporti Annwali tagħha lill-utenti tagħha, b'mod partikolari l-Parlament Ewropew. Dan jista' jsir billi jiġi pprovdut aktar għarfien ġeografiku, tiġi vvalutata l-prestazzjoni għal oqsma addizzjonali tal-baġit tal-UE u tinkiseb assigurazzjoni mill-kontrolli interni fil-livelli tal-UE u tal-Istati Membri. Billi dawn il-proposti ġew adottati fl-2017, ninsab ħerqana li nara l-valur miżjud fir-rapportar futur tal-QEA.

Mistoqsijiet oħra

19.  Tirtira l-kandidatura tiegħek jekk l-opinjoni tal-Parlament dwar il-ħatra tiegħek bħala Membru tal-Qorti ma tkunx favorevoli?

Iva.


PROĊEDURA TAL-KUMITAT RESPONSABBLI

Titolu

Tiġdid parzjali tal-Membri tal-Qorti tal-Awdituri - kandidat BE

Referenzi

05161/2018 – C8-0008/2018 – 2018/0801(NLE)

Data tal-konsultazzjoni / talba għal approvazzjoni

11.1.2018

 

 

 

Kumitat responsabbli

       Data tat-tħabbir fis-seduta plenarja

CONT

18.1.2018

 

 

 

Rapporteurs

       Data tal-ħatra

Indrek Tarand

17.1.2018

 

 

 

Data tal-adozzjoni

20.2.2018

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

20

2

0

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Nedzhmi Ali, Inés Ayala Sender, Martina Dlabajová, Luke Ming Flanagan, Ingeborg Gräßle, Cătălin Sorin Ivan, Arndt Kohn, Monica Macovei, José Ignacio Salafranca Sánchez-Neyra, Claudia Schmidt, Bart Staes, Indrek Tarand, Marco Valli, Derek Vaughan, Tomáš Zdechovský, Joachim Zeller

Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali

Richard Ashworth, Brian Hayes, Miroslav Poche, Patricija Šulin

Sostituti (skont l-Artikolu 200(2)) preżenti għall-votazzjoni finali

Monika Smolková, Hilde Vautmans

Data tat-tressiq

22.2.2018

Aġġornata l-aħħar: 23 ta' Frar 2018Avviż legali