Proċedura : 2018/2014(BUD)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A8-0033/2018

Testi mressqa :

A8-0033/2018

Dibattiti :

Votazzjonijiet :

PV 01/03/2018 - 8.11

Testi adottati :

P8_TA(2018)0053

RAPPORT     
PDF 738kWORD 56k
23.2.2018
PE 615.522v02-00 A8-0033/2018

dwar il-proposta għal deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (applikazzjoni ppreżentata minn Spanja – EGF/2017/006 ES/Galicia apparel)

(COM(2017)0686 – C8‑0011/2018 – 2018/2014(BUD))

Kumitat għall-Baġits

Rapporteur: Esteban González Pons

EMENDI
MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW
 ANNESS: DEĊIŻJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL
 NOTA SPJEGATTIVA
 ANNESS: ITTRA TAL-KUMITAT GĦALL-IMPJIEGI U L-AFFARJIET SOĊJALI
 ANNESS: ITTRA TAL-KUMITAT GĦALL-IŻVILUPP REĠJONALI
 INFORMAZZJONI DWAR L-ADOZZJONIFIL-KUMITAT RESPONSABBLI
 VOTAZZJONI FINALI B'SEJĦA TAL-ISMIJIETFIL-KUMITAT RESPONSABBLI

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW

dwar il-proposta għal deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (applikazzjoni ppreżentata minn Spanja – EGF/2017/006 ES/Galicia apparel)

(COM(2017)0686 – C8-0011/2018 – 2018/2014(BUD))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill (COM(2017)0686 – C8-0011/2018),

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 1309/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 2013 dwar il-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (2014-2020) u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1927/2006(1) (ir-Regolament dwar il-FEG),

–  wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) Nru 1311/2013 tat-2 ta' Diċembru 2013 li jistabbilixxi l-qafas finanzjarju pluriennali għas-snin 2014-2020(2), u b'mod partikolari l-Artikolu 12 tiegħu,

–  wara li kkunsidra l-Ftehim Interistituzzjonali tat-2 ta' Diċembru 2013 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar dixxiplina baġitarja, dwar kooperazzjoni f'materji ta' baġit u dwar ġestjoni finanzjarja tajba(3) (FII tat-2 ta' Diċembru 2013), u b'mod partikolari l-punt 13 tiegħu,

–  wara li kkunsidra l-proċedura ta' trilogu prevista fil-punt 13 tal-FII tat-2 ta' Diċembru 2013,

–  wara li kkunsidra l-ittra tal-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali,

–  wara li kkunsidra l-ittra tal-Kumitat għall-Iżvilupp Reġjonali,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Baġits (A8-0033/2018),

A.  billi l-Unjoni stabbiliet strumenti leġiżlattivi u baġitarji biex tipprovdi appoġġ addizzjonali lill-ħaddiema li jkunu qegħdin ibatu l-konsegwenzi ta' bidliet strutturali kbar fix-xejriet tal-kummerċ dinji jew tal-kriżi finanzjarja u ekonomika globali u biex tgħin ir-riintegrazzjoni tagħhom fis-suq tax-xogħol;

B.  billi l-għajnuna finanzjarja tal-Unjoni għall-ħaddiema li ngħataw is-sensja għandha tkun waħda dinamika u disponibbli b'mod effiċjenti u rapidu;

C.  billi Spanja ppreżentat l-applikazzjoni EGF/2017/006 ES/Galicia apparel għal kontribuzzjoni finanzjarja mill-FEG, b'segwitu għat-303 sensji fis-settur ekonomiku kklassifikat taħt id-Diviżjoni 14 ta' NACE Reviżjoni 2 (Manifattura tal-ħwejjeġ) fir-reġjun tal-Galicia tal-livell NUTS 2 fi Spanja (ES11);

D.  billi l-applikazzjoni hija bbażata fuq il-kriterju tal-intervent tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament dwar il-FEG li jidderoga mill-kriterju fil-punt (b) tal-Artikolu 4(1) ta' dak ir-Regolament, li jeħtieġu tal-inqas 500 ħaddiem ikunu ngħataw is-sensja fuq perjodu ta' referenza ta' disa' xhur f'intrapriżi li joperaw fl-istess settur ekonomiku definit fil-livell tad-diviżjoni NACE Reviżjoni 2 u li jkun jinsab f'reġjun wieħed jew f'żewġ reġjuni kontigwi definiti fil-livell NUTS 2 fi Stat Membru;

1.  Jaqbel mal-Kummissjoni li l-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 4(2) tar-Regolament dwar il-FEG huma sodisfatti, u li Spanja għandha dritt għal kontribuzzjoni finanzjarja ta' EUR 720 000 skont dan ir-Regolament, li tirrappreżenta 60 % tal-ispiża totali ta' EUR 1 200 000;

2.  Jinnota li l-awtoritajiet Spanjoli ppreżentaw l-applikazzjoni fid-19 ta' Lulju 2017, u li, wara l-għoti ta' informazzjoni addizzjonali minn Spanja, il-Kummissjoni ffinalizzat il-valutazzjoni tagħha fit-28 ta' Novembru 2017 u l-Parlament ġie avżat fil-15 ta' Jannar 2018;

3.  Josserva li Spanja sostniet li s-sensji kienu marbutin mal-bidliet strutturali kbar fix-xejriet tal-kummerċ dinji minħabba l-globalizzazzjoni, b'mod aktar partikolari l-liberalizzazzjoni tal-kummerċ fit-tessuti u l-ħwejjeġ, wara li l-Arranġament dwar il-Multifibri tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ skada fi tmiem l-2004, li wasslet għal bidliet radikali fl-istruttura tal-kummerċ dinji;

4.  Ifakkar li s-sensji li ngħataw f'ħames intrapriżi huma mistennija jpoġġu pressjoni kbira fuq it-territorju milqut, u li l-impatt tas-sensji huwa marbut mad-diffikultajiet ta' riallokazzjoni minħabba l-iskarsezza ta' impjiegi, peress li t-territorju huwa 'l bogħod miċ-ċentri industrijali ewlenin, mil-livell baxx tal-isfond edukattiv tal-ħaddiema li ngħataw is-sensja, mill-iżvilupp tagħhom ta' ħiliet vokazzjonali speċifiċi f'settur li sejjer lura, u mill-għadd kbir ta' dawk li qed ifittxu impjieg;

5.  Jenfasizza li Ordes, ir-reġjun milqut mis-sensji, huwa dipendenti ħafna mill-industrija tal-ilbies u ra tnaqqis sinifikanti fin-numru ta' intrapriżi tal-ħwejjeġ f'dawn l-aħħar snin; jiddispjaċih li l-PDG per capita tar-reġjun qiegħed jonqos ukoll;

6.  Iqis li, b'kont meħud tal-popolazzjoni li qed tonqos, il-PDG per capita u l-bażi industrijali tar-reġjun ikkonċernat, l-applikazzjoni tissodisfa l-kriterji għall-intervent tal-FEG minkejja li tinvolvi inqas minn 500 sensja;

7.  Huwa konxju li ż-żieda tal-importazzjonijiet lejn l-Unjoni poġġiet pressjoni 'l isfel fuq il-prezzijiet, li kellha effett negattiv fuq il-pożizzjoni finanzjarja tal-intrapriżi fis-settur tat-tessuti fl-Unjoni u wasslet biex fl-industrija tat-tessuti u l-ħwejjeġ hemm tendenza ġenerali lejn produzzjoni offshore f'pajjiżi b'anqas spejjeż barra mill-UE; jirrikonoxxi l-fatt li fil-Galicia, dan irriżulta fi tnaqqis kostanti fl-għadd ta' kumpaniji tal-ħwejjeġ u, għaldaqstant, f'żieda ta' sensji;

8.  Jissottolinja li 83,5 % tal-benefiċjarji fil-mira huma nisa u li l-maġġoranza kbira minnhom għandhom bejn 30 u 54 sena; fid-dawl ta' dan, jirrikonoxxi l-importanza tal-miżuri attivi tas-suq tax-xogħol kofinanzjati mill-FEG biex itejbu l-possibilitajiet ta' riintegrazzjoni fis-suq tax-xogħol ta' dan il-grupp vulnerabbli;

9.  Jinsab imħasseb dwar il-fatt li dawn is-sensji jistgħu jaggravaw aktar is-sitwazzjoni tal-qgħad li r-reġjun inkwistjoni ilu jħabbat wiċċu magħha mill-bidu tal-kriżi ekonomika u finanzjarja;

10.  Jinnota li Spanja qiegħda tippjana sitt tipi ta' azzjonijiet għall-ħaddiema li ngħataw is-sensja koperti minn din l-applikazzjoni: (i) sessjonijiet ta' merħba u workshops preparatorji, (ii) gwida okkupazzjonali, (iii) taħriġ, (iv) għajnuna intensiva għat-tfittix ta' impjieg, (v) tutela wara r-riintegrazzjoni fl-impjieg, (vi) inċentivi; iqis li l-kontribuzzjoni għall-ispejjeż għal min jieħu ħsieb persuni dipendenti tkun ta' importanza partikolari fid-dawl tal-profil tal-ħaddiema li ngħataw is-sensja;

11.  Iqis li t-taħriġ vokazzjonali li għandu jingħata jrid iwessa' l-ispettru ta' opportunitajiet għall-persuni qiegħda, li l-attivitajiet ta' taħriġ għandhom ikunu relatati ma' studju prospettiv tax-xejriet tal-impjiegi, li għandhom ikunu inklużi fi ħdan l-azzjonijiet ta' dan il-finanzjament, u li t-taħriġ għandu jespandi l-għażliet ta' karrieri professjonali mingħajr ebda preġudizzju bejn is-sessi jew limitazzjoni għal impjieg mhux kwalifikat.

12.  Iqis li l-programm approvat għandu jappoġġa, permezz ta' pariri u appoġġ finanzjarju, inizjattivi għall-ħolqien ta' kooperattivi li l-persuni li jirċievu s-servizzi personalizzati previsti għandhom iwettqu.

13.  Jirrimarka li t-tfassil tal-pakkett koordinat ta' servizzi personalizzati bl-appoġġ tal-FEG għandu jkun immirat lejn inizjattivi li jikkontribwixxu għall-impjiegi, għall-kompetenzi tal-ħaddiema, għall-valorizzazzjoni tal-karrieri tagħhom bil-għan li jersqu lejn il-komunità tan-negozju, inklużi l-kooperattivi, u għandu jkun koordinat mal-programmi eżistenti tal-Unjoni, inkluż il-Fond Soċjali Ewropew;

14.  Jirrikonoxxi li l-pakkett koordinat ta' servizzi personalizzati tfassal b'konsultazzjoni mas-sħab soċjali;

15.  Jiddispjaċih li din l-applikazzjoni ma tinkludi l-ebda miżura għal dawk iż-żgħażagħ li jinsabu barra mill-edukazzjoni, impjieg jew taħriġ (NEET) minħabba t-tendenza li ż-żgħażagħ jitilqu mir-reġjun biex ifittxu opportunitajiet ekonomiċi akbar.

16.  Jinnota li l-miżuri ta' appoġġ għall-introjtu se jikkostitwixxu 18,21 % tal-pakkett globali tal-miżuri personalizzati, ferm taħt il-limitu massimu ta' 35 % stabbilit fir-Regolament dwar il-FEG; u li dawk l-azzjonijiet jiddependu mill-parteċipazzjoni attiva tal-benefiċjarji fil-mira fl-attivitajiet ta' taħriġ jew ta' tfittix ta' impjieg;

17.  Ifakkar li, f'konformità mal-Artikolu 7 tar-Regolament dwar il-FEG, il-pakkett koordinat ta' servizzi personalizzati għandu jitfassal b'mod li jantiċipa l-perspettivi u l-ħiliet li se jkun hemm bżonn fis-suq tax-xogħol fil-futur, u għandu jkun kompatibbli mal-bidla lejn ekonomija sostenibbli u effiċjenti fl-użu tar-riżorsi; jilqa' d-dikjarazzjoni ta' Spanja li l-pakkett koordinat juri potenzjal kbir biex tiġi faċilitata din il-bidla.

18.  Jisħaq fuq il-fatt li l-awtoritajiet Spanjoli kkonfermaw li l-azzjonijiet eleġibbli ma jirċevux assistenza minn fondi jew strumenti finanzjarji oħra tal-Unjoni;

19.  Jilqa' l-konferma ta' Spanja li kontribuzzjoni finanzjarja mill-FEG mhix se tissostitwixxi l-azzjonijiet li l-intrapriżi kkonċernati huma meħtieġa jieħdu skont id-dritt nazzjonali jew skont il-ftehimiet kollettivi, jew miżuri għal kumpaniji jew setturi ta' ristrutturar;

20.  Jistieden lill-Kummissjoni tħeġġeġ lill-awtoritajiet nazzjonali jipprovdu aktar dettalji fil-proposti futuri dwar is-setturi li għandhom il-prospettivi ta' tkabbir, u għalhekk aktarx li jirreklutaw, kif ukoll jiġbru data sostanzjata dwar l-impatt tal-finanzjament mill-FEG, inkluż dwar il-kwalità tal-impjiegi u r-rata ta' riintegrazzjoni miksuba mill-FEG;

21.  Ifakkar fl-appell tiegħu lill-Kummissjoni biex tiżgura li l-pubbliku jkollu aċċess għad-dokumenti kollha relatati ma' każijiet tal-FEG;

22.  Japprova d-deċiżjoni annessa ma' din ir-riżoluzzjoni;

23.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jiffirma din id-deċiżjoni flimkien mal-President tal-Kunsill u biex jiżgura li tiġi ppubblikata f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea;

24.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni, flimkien mal-anness tagħha, lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.

(1)

ĠU L 347, 20.12.2013, p. 855.

(2)

ĠU L 347, 20.12.2013, p. 884.

(3)

ĠU C 373, 20.12.2013, p. 1.


ANNESS: DEĊIŻJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

dwar il-mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (applikazzjoni ppreżentata minn Spanja – EGF/2017/006 ES/Galicia apparel)

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidraw ir-Regolament (UE) Nru 1309/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 2013 dwar il-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (2014-2020) u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1927/2006(1), u b'mod partikolari l-Artikolu 15(4) tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-Ftehim Interistituzzjonali tat-2 ta' Diċembru 2013 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar dixxiplina baġitarja, dwar kooperazzjoni f'materji ta' baġit u dwar ġestjoni finanzjarja tajba(2), u b'mod partikolari l-punt 13 tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)  Il-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (minn hawn 'il quddiem "FEG") għandu l-iskop li jagħti appoġġ lill-ħaddiema li jkunu ngħataw is-sensja u lill-persuni li kienu jaħdmu għal rashom u kellhom iwaqqfu l-attività tagħhom minħabba bidliet strutturali kbar fix-xejriet tal-kummerċ dinji bħala riżultat tal-globalizzazzjoni, bħala riżultat tal-kontinwazzjoni tal-kriżi finanzjarja u ekonomika globali, jew bħala riżultat ta' kriżi finanzjarja u ekonomika globali ġdida, u li jassistihom fir-riintegrazzjoni tagħhom fis-suq tax-xogħol.

(2)  Il-FEG ma jridx jaqbeż ammont annwali massimu ta' EUR 150 miljun (prezzijiet tal-2011), kif previst fl-Artikolu 12 tar-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) Nru 1311/2013(3).

(3)  Fid-19 ta' Lulju 2017, Spanja ppreżentat applikazzjoni biex timmobilizza l-FEG, fir-rigward ta' sensji f'5 intrapriżi li joperaw fis-settur tal-manifattura tal-ħwejjeġ fir-reġjun tal-Galicia fi Spanja. Din ġiet issupplimentata b'informazzjoni addizzjonali mogħtija skont l-Artikolu 8(3) tar-Regolament (UE) Nru 1309/2013. L-applikazzjoni hija konformi mar-rekwiżiti għad-determinazzjoni tal-kontribuzzjoni finanzjarja mill-FEG kif stabbilit fl-Artikolu 13 tar-Regolament (UE) Nru 1309/2013.

(4)  F'konformità mal-Artikolu 4(2) tar-Regolament (UE) Nru 1309/2013, l-applikazzjoni minn Spanja titqies ammissibbli peress li s-sensji għandhom impatt serju fuq l-impjiegi u l-ekonomija lokali.

(5)  Għaldaqstant, jenħtieġ li l-FEG jiġi mobilizzat sabiex jagħti kontribuzzjoni finanzjarja li tammonta għal EUR 720 000 għall-applikazzjoni ppreżentata minn Spanja.

(6)  Sabiex iż-żmien li jittieħed għall-mobilizzazzjoni tal-FEG jitnaqqas kemm jista' jkun, jenħtieġ li din id-deċiżjoni tidħol fis-seħħ mid-data tal-adozzjoni tagħha,

ADOTTAW DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Għall-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea stabbilit għas-sena finanzjarja 2018, il-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni għandu jiġi mobilizzat biex jipprovdi s-somma ta' EUR 720 000 f'approprjazzjonijiet ta' impenn u ta' pagament.  

Artikolu 2

Din id-deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tagħha f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea. Din id-deċiżjoni għandha tapplika minn [data ta' adozzjoni ta' din id-deċiżjoni](4)*.

Magħmul fi ...,

Għall-Parlament Ewropew  Għall-Kunsill

Il-President  Il-President

(1)

  ĠU L 347, 20.12.2013, p. 855.

(2)

  ĠU C 373, 20.12.2013, p. 1.

(3)

  Ir-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) Nru 1311/2013 tat-2 ta' Diċembru 2013 li jistabbilixxi l-qafas finanzjarju pluriennali għas-snin 2014-2020 (ĠU L 347, 20.12.2013, p. 884).

(4)

*   Id-data għandha tiddaħħal mill-Parlament qabel il-pubblikazzjoni fil-ĠU.


NOTA SPJEGATTIVA

I.  Kuntest

Il-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni nħoloq biex jipprovdi assistenza addizzjonali lill-ħaddiema li jkunu qed ibatu l-konsegwenzi ta' bidliet strutturali kbar fix-xejriet tal-kummerċ dinji.

Skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 12 tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 1311/2013 li jistabbilixxi l-qafas finanzjarju pluriennali għas-snin 2014-2020(1) u tal-Artikolu 15 tar-Regolament (UE) Nru 1309/2013(2), il-Fond ma jistax jaqbeż ammont annwali massimu ta' EUR 150 miljun (prezzijiet tal-2011). L-ammonti xierqa jiddaħħlu bħala proviżjonament fil-baġit ġenerali tal-Unjoni.

Fir-rigward tal-proċedura, skont il-punt 13 tal-Ftehim Interistituzzjonali tat-2 ta' Diċembru 2013 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar dixxiplina baġitarja, dwar kooperazzjoni f'materji ta' baġit u dwar ġestjoni finanzjarja tajba(3), sabiex jiġi attivat il-Fond, il-Kummissjoni, f'każ ta' valutazzjoni pożittiva ta' applikazzjoni, tippreżenta proposta lill-awtorità baġitarja għall-mobilizzazzjoni tal-Fond u, fl-istess waqt, talba korrispondenti għal trasferiment. Fil-każ ta' nuqqas ta' qbil, għandu jinbeda trilogu.

II.  L-applikazzjoni ta' Spanja u l-proposta tal-Kummissjoni

Fit-28 ta' Novembru 2017, il-Kummissjoni adottat proposta għal deċiżjoni dwar il-mobilizzazzjoni tal-FEG favur Spanja bħala appoġġ għar-riintegrazzjoni fis-suq tax-xogħol tal-ħaddiema li ngħataw is-sensja minn ħames intrapriżi li joperaw fis-settur ekonomiku kklassifikat taħt id-Diviżjoni 14 ta' NACE Reviżjoni 2 (Manifattura tal-ħwejjeġ) fir-reġjun tal-Galicia tal-livell NUTS 2 fi Spanja (ES11). Din il-proposta ntbagħtet lill-Parlament Ewropew fil-15 ta' Jannar 2018.

Din hija l-ewwel applikazzjoni li se tkun taħt eżami fil-qafas tal-baġit tal-2018, u l-ħames waħda fis-settur ekonomiku kklassifikat taħt id-Diviżjoni 14 ta' NACE Reviżjoni 2 (Manifattura tal-ħwejjeġ) minn mindu ġie stabbilit il-FEG. Din hija t-tieni applikazzjoni li tikkonċerna sensji f'SMEs li joperaw fis-settur tal-ħwejjeġ fil-Galicia. Din tikkonċerna 303 ħaddiema li ngħataw is-sensja u tirreferi għall-mobilizzazzjoni ta' ammont totali ta' EUR 720 000 mill-FEG għal Spanja.

L-applikazzjoni ntbagħtet lill-Kummissjoni fid-19 ta' Lulju 2017 u ġiet supplimentata b'informazzjoni addizzjonali sat-13 ta' Settembru 2017. Il-Kummissjoni ffinalizzat il-valutazzjoni tagħha fis-6 ta' Diċembru 2017 u kkonkludiet, bi qbil mad-dispożizzjonijiet applikabbli kollha tar-Regolament dwar il-FEG, li l-applikazzjoni tissodisfa l-kundizzjonijiet għal kontribuzzjoni finanzjarja mill-FEG, kif imsemmi fl-Artikolu 4(2) tar-Regolament dwar il-FEG.

Spanja sostniet li s-sensji kienu marbutin mal-bidliet strutturali kbar fix-xejriet tal-kummerċ dinji minħabba l-globalizzazzjoni, b'mod aktar partikolari l-liberalizzazzjoni tal-kummerċ fit-tessuti u l-ħwejjeġ. Iż-żieda tal-importazzjonijiet lejn l-UE poġġiet pressjoni 'l isfel fuq il-prezzijiet, li kellha effett negattiv fuq il-pożizzjoni finanzjarja tal-intrapriżi fis-settur tat-tessuti fl-UE u wasslet biex fl-industrija tat-tessuti u l-ħwejjeġ hemm tendenza ġenerali lejn produzzjoni offshore f'pajjiżi b'anqas spejjeż barra mill-UE. Fil-Galicia, dan irriżulta fi tnaqqis kostanti fl-għadd ta' kumpaniji tal-ħwejjeġ (tnaqqis ta' 26 % fuq il-perjodu 2010-2016) u għaldaqstant f'żieda ta' sensji.

Is-sensji ngħataw f'ħames intrapriżi fit-territorju ta' Ordes/Órdenes, li wara ż-żieda fl-importazzjonijiet tal-ħwejjeġ fl-UE kien qed isofri mit-tnaqqis fl-għadd ta' intrapriżi tal-ħwejjeġ kaġun ta' tmiem tal-attivitajiet jew produzzjoni offshore. Il-qgħad fis-settur tal-manifattura f'Ordes żdied b'40 % matul il-perjodu Diċembru 2016 – April 2017, meta ngħataw il-maġġoranza tas-sensji konċernati.

Spanja qed tħabbat wiċċha ma' ċirkostanzi eċċezzjonali li għandhom impatt serju fuq l-impjiegi u l-ekonomija lokali, reġjonali jew nazzjonali. It-territorji interni fil-Galicia qed jiffaċċjaw kwistjonijiet ta' depopolament u nuqqas ta' impjiegi, hekk kif in-nies qed jiċċaqalqu u jikkonċentraw qrib iċ-ċentri ekonomiċi.

Għadd kbir ta' ħaddiema li ngħataw is-sensja huma nisa u l-maġġoranza kbira minnhom għandhom bejn 30 u 54 sena. Il-miżuri attivi tas-suq tax-xogħol kofinanzjati mill-FEG huma aktar u aktar importanti biex itejbu l-possibilitajiet ta' riintegrazzjoni fis-suq tax-xogħol ta' dan il-grupp vulnerabbli.

Is-sitt tipi ta' azzjonijiet li għandhom jiġu offruti lill-ħaddiema li ngħataw is-sensja u li għalihom qed jintalab il-kofinanzjament mill-FEG jikkonsistu fi:

– Sessjonijiet ta' merħba u workshops preparatorji: jinkludu informazzjoni ġenerali dwar programmi disponibbli għal konsulenza u taħriġ; u dwar allokazzjonijiet u inċentivi; it-tfassil ta' profil tal-ħaddiema li qed jipparteċipaw, kif ukoll aktar informazzjoni dettaljata dwar riallokazzjoni, setturi li jirrikjedu liċenzji jew ċertifikati ta' kompetenza professjonali, ċertifikazzjoni ta' kompetenzi u ħiliet personali akkwistati f'sitwazzjonijiet tax-xogħol; u kif itemmu l-edukazzjoni obbligatorja.

– Gwida okkupazzjonali lejn impjieg dipendenti jew impjieg indipendenti se tkun provduta matul il-perjodu ta' implimentazzjoni.

– Taħriġ fuq kompetenzi ewlenin, kompetenzi orizzontali, taħriġ vokazzjonali bħat-taħriġ għal impjiegi b'valur miżjud ogħla fi ħdan is-settur tal-ħwejjeġ, kura ġerjatrika u kura tas-saħħa u soċjali għal persuni dipendenti, magażinaġġ, monitoraġġ ta' divertiment u rikreazzjoni, kif ukoll preparazzjoni għal testijiet lejn ir-rikonoxximent ta' ħiliet miksuba permezz tal-esperjenza tax-xogħol jew ir-rikonoxximent ta' tagħlim u taħriġ preċedenti għall-intraprenditorija.

– Għajnuna intensiva għat-tfittix ta' impjieg, inkluż it-tfittix attiv tal-opportunitajiet tax-xogħol lokali u reġjonali (għal persuni li jaħdmu għal rashom ukoll) u t-tqabbil tal-impjieg mal-ħiliet.

– Tutela wara r-riintegrazzjoni fl-impjieg: il-ħaddiema riintegrati fix-xogħol se jkunu ggwidati matul l-ewwel xhur sabiex ikun evitat li jinqalgħu problemi possibbli fl-impjiegi ġodda tagħhom.

– Inċentivi: inkluż inċentiv ta' parteċipazzjoni; kontribuzzjoni għall-ispejjeż tal-ivvjaġġar; kontribuzzjoni għall-ispejjeż għal min jieħu ħsieb persuni dipendenti; u kumpens għal paga għal dawk li jerġgħu jintegraw fix-xogħol bħal persuni li jaħdmu għal rashom.

Skont il-Kummissjoni, il-miżuri deskritti jikkostitwixxu miżuri attivi fis-suq tax-xogħol fi ħdan l-azzjonijiet eleġibbli stabbiliti fl-Artikolu 7 tar-Regolament dwar il-FEG u ma jissostitwixxux miżuri passivi ta' protezzjoni soċjali.

L-awtoritajiet Spanjoli pprovdew il-garanziji neċessarji kollha rigward dan li ġej:

– il-prinċipji tat-trattament indaqs u tan-nondiskriminazzjoni se jiġu rrispettati fl-aċċess għall-azzjonijiet proposti u l-implimentazzjoni tagħhom,

– hemm konformità mar-rekwiżiti stabbiliti fil-leġiżlazzjoni nazzjonali u tal-UE rigward is-sensji kollettivi,

– l-intrapriżi li taw is-sensji, li komplew bl-attivitajiet tagħhom wara s-sensji, ikkonformaw mal-obbligi ġuridiċi tagħhom li jirregolaw is-sensji u pprovdew għall-ħaddiema tagħhom kif xieraq,

– l-azzjonijiet proposti mhumiex se jirċievu appoġġ finanzjarju minn fondi jew strumenti finanzjarji oħra tal-Unjoni u mhu se jitħalla jsir l-ebda finanzjament doppju,

– l-azzjonijiet proposti se jkunu komplementari għall-azzjonijiet iffinanzjati mill-Fondi Strutturali, – il-kontribuzzjoni finanzjarja mill-FEG se tkun konformi mar-regoli proċedurali u materjali tal-Unjoni dwar l-għajnuniet mill-Istat.

Spanja avżat lill-Kummissjoni dwar il-fatt li s-sorsi ta' prefinanzjament jew ta' kofinanzjament nazzjonali huma l-fondi tar-reġjun awtonomu tal-Galicia. Il-kontribuzzjoni finanzjarja se tkun ġestita u kkontrollata mill-istess korpi li jmexxu u jikkontrollaw il-FEG. Il-"Xunta de Galicia" se tkun il-korp intermedjarju għall-awtorità ta' ġestjoni.

III.  Proċedura

Sabiex timmobilizza l-Fond, il-Kummissjoni ressqet lill-Awtorità Baġitarja talba għal trasferiment għal ammont globali ta' EUR 720 000 mir-riżerva tal-FEG (40 02 43) għal-linja baġitarja tal-FEG (04 04 01).

Sal-lum, din hija t-tieni proposta għal trasferiment għall-mobilizzazzjoni tal-Fond trażmessa lill-Awtorità Baġitarja matul l-2018.

F'każ ta' nuqqas ta' qbil għandha tinbeda l-proċedura ta' trilogu, kif previst fl-Artikolu 15(4) tar-Regolament dwar il-FEG.

Skont ftehim intern, il-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali għandu jiġi assoċjat fil-proċess sabiex joffri appoġġ kostruttiv u jagħti kontribut għall-valutazzjoni tal-applikazzjonijiet mill-Fond.

(1)

ĠU L 347, 20.12.2013, p. 884.

(2)

ĠU L 347, 20.12.2013, p. 855.

(3)

ĠU C 373, 20.12.2013, p. 1.


ANNESS: ITTRA TAL-KUMITAT GĦALL-IMPJIEGI U L-AFFARJIET SOĊJALI

Onor. Jean Arthuis

President tal-Kumitat għall-Baġits

ASP 09G205

Suġġett: Opinjoni dwar il-mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (FEG) għall-każ EGF/2017/006 ES/Galicia apparel

Onor. President,

Il-Kumitat għall-Impjiegi u Affarijiet Soċjali (EMPL) kif ukoll il-Grupp ta' Ħidma tiegħu dwar il-FEG eżaminaw il-mobilizzazzjoni tal-FEG għall-każ EGF/2017/006 ES/Galicia apparel u adottaw l-opinjoni li ġejja.

Il-Kumitat EMPL u l-Grupp ta' Ħidma dwar il-FEG huma favur il-mobilizzazzjoni tal-Fond fir-rigward ta' din it-talba. F'dan ir-rigward, il-Kumitat EMPL qed jippreżenta xi kummenti mingħajr, madankollu, ma jqajjem dubji dwar it-trasferiment tal-ħlasijiet.

Id-deliberazzjonijiet tal-Kumitat EMPL huma msejsa fuq il-kunsiderazzjonijiet li ġejjin:

A)  Billi din l-applikazzjoni hija bbażata fuq l-Artikolu 4(2) tar-Regolament (UE) Nru 1309/2013 (ir-Regolament dwar il-FEG) u tirrigwarda 303 ħaddiema li ngħataw is-sensja f'ħames intrapriżi li joperaw fis-setturi ekonomiċi kklassifikati taħt id-Diviżjoni 14 ta' NACE Reviżjoni 2 (Manifattura ta' ħwejjeġ);

B)  Billi, sabiex tiġi stabbilita r-rabta bejn is-sensji u l-bidliet strutturali kbar fix-xejriet kummerċjali dinjija minħabba l-globalizzazzjoni, Spanja ssostni li l-liberalizzazzjoni tal-kummerċ fit-tessuti u l-ħwejjeġ — wara l-iskadenza tal-Arranġament dwar il-Multifibri tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ fi tmiem l-2004 — wasslet għal bidliet radikali fl-istruttura tal-kummerċ dinji inkluża żieda kbira fl-importazzjoni ta' ħwejjeġ min-naħa tal-UE;

C)  Billi 83,5 % tal-ħaddiema kkonċernati mill-miżuri huma nisa u 16,5 % huma rġiel; billi 71,62 % tal-benefiċjarji fil-mira għandhom bejn 30 u 54 sena filwaqt li 23,43 % għandhom bejn 55 u 64 sena;

Għalhekk, il-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali jistieden lill-Kumitat għall-Baġits, bħala l-kumitat responsabbli, biex jintegra s-suġġerimenti li ġejjin fil-mozzjoni għal riżoluzzjoni tiegħu dwar l-applikazzjoni Spanjola:

1.  Jaqbel mal-Kummissjoni li l-kriterji ta' intervent stabbiliti fl-Artikolu 4(2) tar-Regolament (UE) Nru 1309/2013 huma ssodisfati, u li għaldaqstant Spanja għandha dritt għal kontribuzzjoni finanzjarja ta' EUR 720 000 skont dan ir-Regolament, li tirrappreżenta 60 % tal-ispiża totali ta' EUR 1 200 000;

2.  Jenfasizza li Ordes, it-territorju milqut mis-sensji, huwa dipendenti ħafna mill-industrija tal-ħwejjeġ u ra tnaqqis sinifikanti fin-numru ta' intrapriżi tal-ħwejjeġ f'dawn l-aħħar snin; jiddispjaċih li l-PDG per capita kien ukoll qed jonqos;

3.  Iqis li l-popolazzjoni li qed tonqos, il-PDG per capita u l-bażi industrijali tat-territorju kkonċernat ifissru li l-applikazzjoni tissodisfa l-kriterji għall-intervent tal-FEG minkejja li tinvolvi inqas minn 500 sensja;

4.  Jitlob li jekk konsultazzjoni tkun għadha ma saritx qabel ma titfassal l-offerta għat-taħriġ, għandha ssir konsultazzjoni individwali fost in-nisa u l-irġiel fil-mira tal-azzjonijiet iffinanzjati mill-FEG; jinnota l-importanza li jiġi żgurat li l-imsemmi taħriġ jkun aġġustat għall-interessi tal-ħaddiema milquta;

5.  Jilqa' d-deċiżjoni li jiġu offruti miżuri ta' taħriġ bil-għan li jħejju lill-ħaddiema li ngħataw is-sensja għal xogħol b'valur miżjud ogħla fi ħdan is-settur tal-ħwejjeġ u f'xogħol b'potenzjal ta' tkabbir aktar b'saħħtu, inkluż fis-setturi tal-kura ġerjatrika u l-kura tas-saħħa u soċjali għal persuni dipendenti, il-magażinaġġ, id-divertiment u r-rikreazzjoni;

6.  Jinnota li s-servizzi personalizzati kkofinanzjati mill-FEG għall-ħaddiema li ngħataw is-sensja jinkludu sessjonijiet ta' merħba u workshops preparatorji, gwida okkupazzjonali, taħriġ, għajnuna instensiva għat-tfittix ta' impjieg, tutela wara r-riintegrazzjoni fl-impjieg, u inċentivi; iqis li l-kontribuzzjoni għall-ispejjeż għal min jieħu ħsieb persuni dipendenti tkun ta' importanza partikolari fid-dawl tal-profil tal-ħaddiema li ngħataw is-sensja;

7.  Jiddispjaċih li din l-applikazzjoni ma tinkludi l-ebda miżura għal dawk iż-żgħażagħ li jinsabu barra mill-edukazzjoni, impjieg jew taħriġ (NEET) minħabba t-tendenza li ż-żgħażagħ jitilqu mir-reġjun biex ifittxu opportunitajiet ekonomiċi akbar.

8.  Jilqa' l-involviment tas-sħab soċjali fit-tfassil tal-pakkett koordinat tas-servizzi personalizzati u l-parteċipazzjoni tagħhom fil-laqgħat fejn ġew diskussi l-miżuri li għandhom jiġu pprovduti;

9.  Jinnota li l-miżuri ta' appoġġ għall-introjtu se jkunu 18,21 % tal-pakkett globali tal-miżuri personalizzati, ferm taħt il-limitu massimu ta' 35 % stabbilit fir-Regolament dwar il-FEG; u li dawk l-azzjonijiet jiddependu mill-parteċipazzjoni attiva tal-benefiċjarji fil-mira fl-attivitajiet ta' taħriġ jew ta' tfittix ta' impjieg;

10.  Jinnota li l-awtoritajiet Spanjoli pprovdew assigurazzjonijiet li l-azzjonijiet proposti mhux se jirċievu appoġġ minn strumenti finanzjarji jew fondi oħra tal-Unjoni, li kwalunkwe finanzjament doppju se jiġi evitat u li dawn se jkunu komplementari għal azzjonjijiet iffinanzjati mill-Fondi Strutturali;

11.  Jilqa' l-konferma ta' Spanja li kontribuzzjoni finanzjarja mill-FEG mhux se tieħu post l-azzjonijiet li l-intrapriża kkonċernata tkun meħtieġa tieħu skont id-dritt nazzjonali jew skont ftehimiet kollettivi;

12.  Ifakkar fil-fatt li, skont l-Artikolu 7 tar-Regolament, il-pakkett koordinat ta' servizzi personalizzati għandu jitfassal b'mod li jantiċipa l-perspettivi u l-ħiliet li se jkun hemm bżonn fis-suq tax-xogħol fil-futur, u għandu jkun kompatibbli mal-bidla lejn ekonomija sostenibbli u effiċjenti fl-użu tar-riżorsi; jilqa' d-dikjarazzjoni ta' Spanja li l-pakkett koordinat juri potenzjal kbir biex tiġi faċilitata din il-bidla.

Dejjem tiegħek,

Marita ULVSKOG

Aġent President tal-Kumitat EMPL


ANNESS: ITTRA TAL-KUMITAT GĦALL-IŻVILUPP REĠJONALI

Onor. Jean ARTHUIS

President

Kumitat għall-Baġits

Parlament Ewropew

Suġġett:  Mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni

Onor. Arthuis,

Il-proposta tal-Kummissjoni għal deċiżjoni dwar il-mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (FEG) ġiet riferuta lill-Kumitat għall-Iżvilupp Reġjonali għall-opinjoni tiegħu. Nifhem li hemm il-ħsieb li jiġi adottat rapport dwar din il-proposta mill-Kumitat għall-Baġits fil-21-22 ta' Frar 2018:

-  COM(2017)0686 jipproponi kontribuzzjoni tal-FEG ta' EUR 720 000 għal 303 ħaddiema li ngħataw is-sensja minn ħames kumpaniji fis-settur tal-manifattura fi Spanja. L-intrapriżi joperaw fis-settur ekonomiku kklassifikat taħt id-Diviżjoni 14 ta' NACE Reviżjoni 2 (Manifattura tal-ħwejjeġ). Is-sensji mogħtija jinsabu fir-reġjun tal-livell NUTS 2 tal-Galicia (ES11).

Ir-regoli applikabbli għall-kontribuzzjonijiet finanzjarji mill-FEG huma stabbiliti fir-Regolament (UE) Nru 1309/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 2013 dwar il-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (2014-2020) u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1927/2006.

Il-koordinaturi tal-Kumitat ivvalutaw din il-proposta u talbuni niktiblek biex ninfurmak li l-maġġoranza tal-Membri ta' dan il-Kumitat m'għandhom l-ebda oġġezzjoni għal din il-mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni biex l-ammont imsemmi hawn fuq jiġi allokat kif propost mill-Kummissjoni.

Dejjem tiegħek,

Iskra MIHAYLOVA


INFORMAZZJONI DWAR L-ADOZZJONIFIL-KUMITAT RESPONSABBLI

Data tal-adozzjoni

22.2.2018

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

30

1

1

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Nedzhmi Ali, Lefteris Christoforou, Gérard Deprez, Manuel dos Santos, André Elissen, José Manuel Fernandes, Eider Gardiazabal Rubial, Jens Geier, Esteban González Pons, John Howarth, Zbigniew Kuźmiuk, Vladimír Maňka, Siegfried Mureşan, Jan Olbrycht, Urmas Paet, Paul Rübig, Petri Sarvamaa, Jordi Solé, Patricija Šulin, Eleftherios Synadinos, Indrek Tarand, Isabelle Thomas, Inese Vaidere, Daniele Viotti, Tiemo Wölken, Marco Zanni

Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali

Xabier Benito Ziluaga, Jean-Paul Denanot, Janusz Lewandowski, Ivana Maletić, Pavel Poc, Tomáš Zdechovský


VOTAZZJONI FINALI B'SEJĦA TAL-ISMIJIETFIL-KUMITAT RESPONSABBLI

30

+

ALDE

Nedzhmi Ali, Gérard Deprez, Urmas Paet

ECR

Zbigniew Kuźmiuk

ENF

Marco Zanni

GUE/NGL

Xabier Benito Ziluaga

PPE

Lefteris Christoforou, José Manuel Fernandes, Esteban González Pons, Janusz Lewandowski, Ivana Maletić, Siegfried Mureşan, Jan Olbrycht, Paul Rübig, Petri Sarvamaa, Inese Vaidere, Tomáš Zdechovský, Patricija Šulin

S&D

Jean-Paul Denanot, Eider Gardiazabal Rubial, Jens Geier, John Howarth, Vladimír Maňka, Pavel Poc, Isabelle Thomas, Daniele Viotti, Tiemo Wölken, Manuel dos Santos

Verts/ALE

Jordi Solé, Indrek Tarand

1

-

ENF

André Elissen

1

0

NI

Eleftherios Synadinos

Tifsira tas-simboli użati:

+  :  favur

-  :  kontra

0  :  astensjoni

Aġġornata l-aħħar: 27 ta' Frar 2018Avviż legali