Proċedura : 2017/2006(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A8-0045/2018

Testi mressqa :

A8-0045/2018

Dibattiti :

PV 12/03/2018 - 21
CRE 12/03/2018 - 21

Votazzjonijiet :

PV 13/03/2018 - 7.9
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P8_TA(2018)0068

RAPPORT     
PDF 878kWORD 85k
27.2.2018
PE 612.062v01-00 A8-0045/2018

dwar ir-rwol tar-reġjuni u l-bliet tal-UE fl-implimentazzjoni tal-Ftehim ta' Pariġi tas-COP 21 dwar it-tibdil fil-klima

(2017/2006(INI))

Kumitat għall-Iżvilupp Reġjonali

Rapporteur: Ángela Vallina

EMENDI
MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW
 NOTA SPJEGATTIVA
 OPINJONI tal-Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza tal-Ikel
 INFORMAZZJONI DWAR L-ADOZZJONIFIL-KUMITAT RESPONSABBLI
 VOTAZZJONI FINALI B'SEJĦA TAL-ISMIJIET FIL-KUMITAT RESPONSABBLI

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW

dwar ir-rwol tar-reġjuni u l-bliet tal-UE fl-implimentazzjoni tal-Ftehim ta' Pariġi tas-COP 21 dwar it-tibdil fil-klima

(2017/2006(INI))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni Qafas tan-Nazzjonijiet Uniti dwar it-Tibdil fil-Klima (UNFCCC) u l-Protokoll ta' Kjoto tagħha,

–  wara li kkunsidra l-Ftehim ta' Pariġi, id-Deċiżjoni 1/CP.21, u l-21 Konferenza tal-Partijiet (COP21) tal-UNFCCC u l-11-il Konferenza tal-Partijiet li serviet bħala l-Laqgħa tal-Partijiet għall-Protokoll ta' Kjoto (CMP11) li saru f'Pariġi, Franza, mit-30 ta' Novembru sal-11 ta' Diċembru 2015,

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 7(2) u 11(2) tal-Ftehim ta' Pariġi li jirrikonoxxu d-dimensjonijiet lokali, sottonazzjonali u reġjonali tat-tibdil fil-klima u l-azzjoni klimatika,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni leġiżlattiva tiegħu tal-4 ta' Ottubru 2016 dwar l-abbozz ta' deċiżjoni tal-Kunsill dwar il-konklużjoni, f'isem l-Unjoni Ewropea, tal-Ftehim ta' Pariġi adottat skont il-Konvenzjoni Qafas tan-Nazzjonijiet Uniti dwar it-Tibdil fil-Klima(1),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-6 ta' Ottubru 2016 dwar l-implimentazzjoni tal-Ftehim ta' Pariġi u l-Konferenza 2016 tan-NU dwar it-Tibdil fil-Klima f'Marrakech, il-Marokk (COP 22)(2),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-4 ta' Ottubru 2017 dwar il-Konferenza tan-NU dwar it-Tibdil fil-Klima 2017 f'Bonn, il-Ġermanja (COP 23)(3),

–  wara li kkunsidra l-Għanijiet ta' Żvilupp Sostenibbli l-ġodda tan-NU, u b'mod partikolari l-għan 11: li "l-bliet isiru inklużivi, siguri, reżiljenti u sostenibbli",

–  wara li kkunsidra d-dispożizzjonijiet tal-Patt ta' Amsterdam li jistabbilixxi l-Aġenda Urbana għall-UE,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tad-9 ta' Settembru 2015 dwar id-dimensjoni urbana tal-politiki tal-UE(4),

–  wara li kkunsidra r-rapport Nru 12/2016 "Urban adaptation to climate change in Europe 2016" (L-adattament urban għat-tibdil fil-klima fl-Ewropa 2016) u r-rapport Nru 1/2017 "Climate change, impacts and vulnerability in Europe 2016" (Tibdil fil-klima, impatti u vulnerabilità fl-Ewropa 2016) tal-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent (EEA).

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-2 ta' Marzu 2016, bit-titolu "Wara Pariġi: valutazzjoni tal-implikazzjonijiet tal-Ftehim ta' Pariġi" (COM(2016)0110),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tas-16 ta' April 2013 bit-titolu "Strateġija tal-UE dwar l-adattament għat-tibdil fil-klima" (COM(2013)0216),

–  wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni bit-titolu "Lejn strateġija ġdida tal-UE dwar l-adattament għat-tibdil fil-klima – approċċ integrat" (CDR 2430/2016 - 08/02/2017),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-18 ta' Lulju 2014 bit-titolu "Id-dimensjoni urbana tal-politiki tal-UE – aspetti prinċipali tal-aġenda urbana tal-UE" (COM(2014)0490),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 8 tar-Regolamenti dwar Dispożizzjonijiet Komuni (CPR) (ir-Regolament (UE) Nru 1303/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 2013), li jipprevedi li "l-objettivi tal-Fondi ESI għandhom jiġu segwiti konformement mal-prinċipju tal-iżvilupp sostenibbli"(5),

–  wara li kkunsidra l-Ftehimiet u ta' Sħubija u l-programmi taħt is-CPR, li, skont l-Artikolu 8 tas-CPR għandhom jippromwovu "l-effiċjenza fir-riżorsi, il-mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima u l-adattament għalih",

–  wara li kkunsidra l-objettivi tematiċi speċifiċi appoġġjati minn kull Fond SIE, inkluż l-iżvilupp teknoloġiku u l-innovazzjoni, il-bidla għal ekonomija b'livell baxx ta' emissjonijiet ta' karbonju, l-adattament għat-tibdil fil-klima u l-promozzjoni tal-effiċjenza fir-riżorsi,

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-3 ta' Marzu 2010 bit-titolu: "Ewropa 2020 – Strateġija għal tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklussiv" (COM(2010)2020),

–  wara li kkunsidra l-Ħames Rapport ta' Valutazzjoni tal-Grupp Intergovernattiv ta' Esperti dwar it-Tibdil fil-Klima,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 52 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Iżvilupp Reġjonali u l-opinjoni tal-Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza tal-Ikel (A8-0045/2018),

A.  billi ż-żieda fl-avvenimenti ta' temp estrem hija konsegwenza diretta tat-tibdil fil-klima kkawżat mill-bniedem u se tkompli jkollha impatt negattiv fuq ħafna partijiet tal-Ewropa b'aktar frekwenza, u tagħmel l-ekosistemi abitati tagħha aktar vulnerabbli; billi, skont il-Grupp Intergovernattiv ta' Esperti dwar it-Tibdil fil-Klima, it-temperatura tad-dinja tista' togħla bejn 0,9 u 5,8 ºC sal-2100;

B.  billi s-Seba' Programm ta' Azzjoni Ambjentali (EAP), li se jiggwida l-politika Ewropea dwar l-ambjent sal-2020, jidentifika t-titjib tas-sostenibilità tal-bliet tal-Unjoni bħala objettiv ta' prijorità, flimkien mat-tliet objettivi orizzontali ewlenin ta' protezzjoni, konservazzjoni u tisħiħ tal-kapital naturali tal-Unjoni, tal-bdil tal-Unjoni f'ekonomija b'livell baxx ta' karbonju effiċjenti fl-użu tar-riżorsi, ekoloġika u kompetittiva, u ta' salvagwardja taċ-ċittadini tal-Unjoni mill-pressjonijiet u r-riskji għas-saħħa u l-benesseri tagħhom relatati mal-ambjent;

C.  billi t-tibdil fil-klima jista' jaggrava l-bidliet soċjetali jekk ma jittiħdux passi ulterjuri; billi, meta jitqiesu l-flussi migratorji sinifikanti li huma mbassra bħala riżultat ta' dan it-tibdil fil-klima globali u huma implikati bil-konsegwenzi tal-movimenti tal-popolazzjonijiet li se joħolqu pressjonijiet ġodda fuq l-infrastruttura tal-bliet;

D.  billi, skont is-sejbiet ewlenin tar-rapport Nru 12/2016 tal-EEA, ir-realtà tat-tibdil fil-klima diġà qed jinħass fl-UE fil-forma ta' fenomeni ta' temp estrem u effetti gradwali fit-tul bħal uragani, maltempati, deżertifikazzjoni, nixfa, korrużjoni tal-art u tax-xtut, xita qawwija, mewġiet ta' sħana, għargħar, tlugħ fil-livelli tal-baħar, skarsezza ta' ilma, nirien fil-foresti u t-tifrix ta' mard tropikali;

E.  billi, bħala riżultat tat-tibdil fil-klima, hemm riskju akbar li xi speċijiet ta' pjanti u annimali jgħibu u li nesperjenzaw mard infettiv ikkawżat minn fatturi klimatiċi; billi żoni bħar-reġjuni ultraperiferiċi u reġjuni oħra tal-UE, li jistgħu jbatu minn vulnerabilità topografika jesperjenzaw b'mod aktar qawwi l-effetti tat-tibdil fil-klima;

F.  billi, barra minn hekk, studji reċenti juru li diversi tibdiliet osservati fl-ambjent u fis-soċjetà, bħal tibdiliet fl-ispeċijiet forestali, l-istabbiliment ta' speċijiet aljeni invażivi u tifqigħat ta' mard, ġew ikkawżati jew aggravati mit-tibdil fil-klima globali, u jagħmlu lill-persuna, lin-natura u lill-ekosistemi fejn jgħixu aktar vulnerabbli, sakemm ma jittiħdux miżuri konkreti; billi appoġġ integrat tal-UE sabiex jitjiebu s-solidarjetà u l-iskambju tal-aħjar prattiki fost l-Istati Membri jgħin biex jiġi żgurat li r-reġjuni l-aktar milquta mit-tibdil fil-klima jkunu kapaċi jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jadattaw;

G.  billi t-tibdil fil-klima qed jolqot id-differenzi soċjali li diġà kienu qegħdin jiżdiedu fl-UE matul dawn l-aħħar għaxar snin, u qed ikabbar il-vulnerabilità tal-aktar popolazzjonijiet dgħajfa tas-soċjetà, li huma inqas kapaċi u għandhom inqas riżorsi biex jindirizzaw l-effetti tiegħu; billi l-vulnerabilità tal-individwi għall-effetti tat-tibdil fil-klima hi fil-parti l-kbira tagħha determinata mill-ħila tagħhom li jkollhom aċċess għar-riżorsi bażiċi u billi l-awtoritajiet pubbliċi għandhom jiggarantixxu aċċess għal dawk ir-riżorsi bażiċi;

H.  billi kważi 72,5 % tal-popolazzjoni tal-UE, jiġifieri madwar 359 miljun persuna, jgħixu fil-bliet; billi, barra minn hekk, l-UE hija responsabbli għal 9 % tal-emissjonijiet globali, u ż-żoni urbani huma responsabbli għal bejn 60 % u 80 % tal-konsum globali tal-enerġija u sehem tal-istess daqs tal-emissjonijiet ta' CO2;

I.  billi l-għażliet tal-infrastruttura urbana li jsiru se jkollhom impatt fuq il-kapaċità tal-bliet li jifilħu għat-tibdil fil-klima; billi l-bliet, il-kumpaniji u atturi oħra mhux statali għandhom potenzjal ta' mitigazzjoni ta' bejn 2,5 u 4 biljun tunnellata ta' CO2 sal-2020; billi r-reġjuni u l-bliet huma kapaċi jnaqqsu l-emissjonijiet globali b'5 % biex jilħqu l-miri tal-Ftehim ta' Pariġi u billi dawn għandhom il-potenzjal li jnaqqsu l-emissjonijiet globali b'mod sinifikanti;

J.  billi l-Għan ta' Żvilupp Sostenibbli (SDG) nru 11 ("li l-bliet u l-insedjamenti umani jsiru inklużivi, siguri, reżiljenti u sostenibbli"), jimmira li sal-2020 jżid sostanzjalment in-numru ta' bliet u insedjamenti umani li adottaw u implimentaw politiki u pjanijiet integrati għall-inklużjoni, l-effiċjenza tar-riżorsi, il-mitigazzjoni u l-adattament għat-tibdil fil-klima u r-reżiljenza għad-diżastri, u jiżviluppa u jimplimenta, skont il-Qafas ta' Sendai għat-Tnaqqis tar-Riskju ta' Diżastri 2015-2030, ġestjoni olistika tar-riskju ta' diżastri, fuq kull livell;

K.  billi l-awtoritajiet muniċipali huma fost il-benefiċjarji prinċipali tal-finanzjament Ewropew;

L.  billi l-Artikolu 7(2) tal-Ftehim ta' Pariġi jirrikonoxxi li l-adattament huwa sfida globali li jiffaċċjaw id-dimensjonijiet lokali, sottonazzjonali, nazzjonali, reġjonali u internazzjonali kollha; billi l-azzjoni mill-awtoritajiet lokali u l-atturi mhux statali hija essenzjali biex il-gvernijiet ikunu jistgħu jimplimentaw l-impenji tagħhom fi ħdan qafas ta' azzjoni klimatika globali;

M.  billi l-Istrateġija tal-UE dwar l-adattament għat-tibdil fil-klima (COM(2013)0216) u r-regolamenti rispettivi tal-UE dwar il-FSIE jidentifikaw l-għanijiet ewlenin u l-azzjonijiet tal-politika assoċjati, b'mod partikolari permezz tal-introduzzjoni ta' mekkaniżmi bħall-kundizzjonalitajiet ex ante u l-objettivi tematiċi rilevanti għall-klima fil-Qafas tal-Politika ta' Koeżjoni 2014-2020, bħalma huma l-objettivi tematiċi (OT) 4: "L-appoġġ għat-trasferiment lejn ekonomija b'livell baxx ta' emissjonijiet tal-karbonju fl-oqsma kollha"; OT5: "Il-promozzjoni ta' adattament għat-tibdil fil-klima, il-prevenzjoni u l-ġestjoni tar-riskju" u OT6: "Il-preservazzjoni u l-protezzjoni tal-ambjent u l-promozzjoni tal-effiċjenza tar-riżorsi", li wasslu għal aktar finanzjament għal azzjoni dwar klimatika, finanzjament li huwa ffukat aħjar, taħt uħud mill-FSIE;

N.  billi r-reġjuni u l-bliet urew l-impenn tagħhom lejn il-proċess tal-UNFCCC permanenti tal-involviment tagħhom fl-Aġenda ta' Azzjoni Lima-Pariġi (LPAA) u fl-inizjattivi taż-Żona tal-Atturi Mhux Statali għall-Azzjoni Klimatika (NAZCA);

Kuntest ġenerali

1.  Jilqa' b'sodisfazzjon ir-rwol tal-UE fil-Ftehim ta' Pariġi/COP 21 u r-rwol tagħha bħala mexxejja dinjija fil-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima; jinnota li l-Ewropa għandha waħda mill-aktar miri ambizzjużi tad-dinja fir-rigward tat-tibdil fil-klima; iħeġġeġ li l-mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima titqies bħala prijorità importanti fil-politika ta' koeżjoni tal-UE sabiex jintlaħqu u jinżammu l-impenji tal-Ftehim ta' Pariġi/COP21 billi tkun promossa l-innovazzjoni fl-enerġija nadifa, l-ekonomija ċirkolari, l-enerġija rinnovabbli u l-effiċjenza enerġetika, mingħajr preġudizzju għall-miżuri ta' adattament neċessarji, filwaqt li jinżamm ir-rwol bażiku u l-objettivi tal-politika ta' koeżjoni f'konformità mal-Artikolu 174 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE);

2.  Japprova l-approċċ għall-indirizzar tat-tibdil fil-klima propost fl-Għanijiet ta' Żvilupp Sostenibbli (Nazzjonijiet Uniti) u fil-Patt ta' Amsterdam (Aġenda Urbana għall-Ewropa); jenfasizza li l-Ewropa jeħtieġ issir tassew mexxejja dinjija fil-qasam tal-enerġija rinnovabbli kif propost mill-Kummissjoni, u jfakkar li l-aġenda urbana tal-UE tikkontribwixxi għall-implimentazzjoni tal-Aġenda 2030 tan-Nazzjonijiet Uniti għall-Iżvilupp Sostenibbli permezz tal-objettiv ta' bliet inklużivi, siguri u sostenibbli; iqis, f'dan il-kuntest, il-varjetà ta' differenzi bejn l-awtoritajiet lokali Ewropej u l-fatt li l-potenzjal tagħhom ivarja; jitlob li jkun hemm approċċ flessibbli u mfassal apposta fl-implimentazzjoni tal-Aġenda Urbana, u li jiġu pprovduti inċentivi u gwida biex jiġi sfruttat għalkollox il-potenzjal tal-bliet;

3.  Ifakkar li r-riżoluzzjoni tiegħu tal-14 ta' Ottubru 2015, lejn ftehim internazzjonali ġdid dwar il-klima f'Pariġi(6) tistieden lill-Istati Membri biex jikkunsidraw il-possibilità li jassumu impenji komplementari ta' tnaqqis tal-gassijiet b'effett ta' serra; jenfasizza l-bżonn li jkun hemm livell massimu ta' trasparenza u skrutinju tal-proċess COP21;

4.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jimplimentaw miri ambizzjużi għall-mitigazzjoni u l-adattament skont il-leġiżlazzjoni eżistenti tal-UE dwar l-azzjoni klimatika, u wara t-talba li saret mill-Kumitat tar-Reġjuni fl-opinjoni tiegħu tas-9 ta' Frar 2017, "Lejn strateġija ġdida tal-UE dwar l-adattament għat-tibdil fil-klima - approċċ integrat;

5.  Jiddeplora l-istrateġiji irresponsabbli li jissugraw l-ambjent, bħal ċerti attivitajiet ekonomiċi u setturi industrijali speċifiċi li jiġġeneraw livelli għolja ta' tniġġis, u jenfasizza r-responsabilità tat-taqsimiet kollha tas-soċjetà biex jikkontribwixxu għal miżuri li huma vitali biex titreġġa' lura tendenza li qed thedded il-ħajja fuq il-pjaneta; jenfasizza l-fatt li hemm nuqqas ta' informazzjoni dwar il-miżuri meħuda minn xi setturi industrijali biex jiġġieldu l-effetti tat-tniġġis u dwar is-sejba ta' soluzzjonijiet li jniġġsu anqas; jiddispjaċih, madankollu, li ċerti mexxejja tal-opinjoni fl-oqsma tax-xjenza, il-midja u l-politika jibqgħu jiċħdu l-evidenza tat-tibdil fil-klima;

6.  Jiddispjaċih dwar l-intenzjoni ddikjarata tal-Istati Uniti li tirtira mill-Ftehimiet ta' Pariġi, u jilqa' l-għadd kbir ta' atturi mhux federali, b'mod partikolari stati u bliet fl-Istati Uniti, li affermaw mill-ġdid l-impenn tagħhom biex jilħqu l-miri stabbiliti permezz tal-Ftehim ta' Pariġi; iħeġġeġ lill-awtoritajiet lokali u reġjonali fl-Istati Uniti li jixtiequ jkunu involuti fil-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima biex jikkooperaw u jissieħbu ma' sħab pubbliċi u privati oħra fil-proġetti tagħhom u jiskambjaw il-prattiki tajba f'dan ir-rigward; jitlob li jkun hemm governanza ġdida li tista' tiżgura fondi għall-azzjoni klimatika u għal integrazzjoni aħjar tar-reġjuni u l-bliet u l-korpi rappreżentattivi tagħhom;

7.  Jenfasizza li l-bliet jeħtiġilhom jiżvolġu rwol deċiżiv fil-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima, b'interdipendenza kkoordinata mal-awtoritajiet nazzjonali u r-reġjun ta' madwarhom; jinkoraġġixxi aktar involviment bejn il-mexxejja sottonazzjonali u l-gvernijiet nazzjonali fil-livell internazzjonali permezz ta' pjattaformi bħall-Ħbieb tal-Bliet; jemmen li fil-każ speċifiku tal-iżvilupp urban sostenibbli integrat, l-awtoritajiet lokali għandhom ikollhom is-setgħa mhux biss li jagħżlu proġetti, iżda wkoll li jħejju, ifasslu u jimplimentaw skemi tal-iżvilupp lokali; jenfasizza l-aspetti pożittivi possibbli għat-tkabbir u l-impjiegi ekoloġiċi;

8.  Jinnota li l-awtoritajiet lokali huma responsabbli mill-implimentazzjoni tal-maġġor parti tal-miżuri ta' mitigazzjoni u adattament rigward it-tibdil fil-klima u mill-biċċa l-kbira tal-leġiżlazzjoni tal-UE dwar is-suġġett; jisħaq fuq il-bżonn li tittieħed azzjoni f'dawn l-oqsma: l-urbanistika, il-mobilità, it-trasport u l-infrastruttura pubbliċi, ir-rendiment tal-bini fl-użu tal-enerġija, il-kampanji ta' edukazzjoni, il-bliet intelliġenti, il-grilji intelliġenti u s-sussidji reġjonali, sabiex jiġi implimentat il-Ftehim ta' Pariġi;

9.  Jinnota li s-sindki tal-bliet għandhom obbligu ta' rendikondirett lejn l-elettorat tagħhom fir-rigward tad-deċiżjonijiet li jieħdu, u jistgħu jaġixxu b'mod aktar effikaċi u b'ħeffa, u sikwit b'riżultati immedjati li jħallu impatt qawwi;

10.  Jistieden lill-gvernijiet nazzjonali jgħinu lill-bliet u lir-reġjuni jwettqu l-impenji internazzjonali li jappoġġjaw l-inizjattivi tal-klima u tal-enerġija fil-livell lokali u reġjonali;

11.  Jindika li t-tibdil fil-klima jinteraġixxi ma' fatturi soċjali u ekonomiċi u li dan jeħtieġ viżjoni ġenerali, li se tkun effettiva fil-livell lokali u reġjonali;

12.  Iwissi dwar l-ispejjeż soċjetali u l-impatt ekonomiku tal-emissjonijiet ta' gassijiet b'effett ta' serra li bħalissa qed jolqtu l-infrastruttura urbana, is-saħħa pubblika u s-sistemi ta' kura soċjali li huma - f'xi waqtiet u f'ċerti bliet u reġjuni - mgħobbija żżejjed u li qed iħabbtu wiċċhom ma' sitwazzjoni ekonomika prekarja; jinnota li dawn is-sistemi se jitqiegħdu taħt pressjoni addizzjonali u se jkollhom ilaħħqu ma' ħtiġijiet dejjem tikber u aktar kumplessi; jilqa' l-benefiċċji ekonomiċi potenzjali għall-bliet li jinvestu u jkunu fuq quddiem fl-infrastruttura b'livell baxx ta' karbonju, fosthom spejjeż tal-elettriku iktar baxxi, spejjeż ta' manutenzjoni mnaqqsa u nefqa mnaqqsa tas-saħħa pubblika, li titjieb meta jonqsu s-sustanzi niġġiesa;

13.  Jirrikonoxxi li l-mitigazzjoni u l-adattament huma proċessi fit-tul li jittraxxendu kemm iċ-ċikli elettorali kif ukoll id-deċiżjonijiet meħuda fil-livell lokali u reġjonali, u jitlob li l-mitigazzjoni u l-adattament jitqiesu bħala opportunitajiet fil-konfront ta' sfidi oħrajn bħall-impjieg u l-azzjoni għat-titjib tas-saħħa, il-kwalità tal-ħajja u s-servizzi pubbliċi; jinnota li l-Ftehim ta' Pariġi jipprevedi l-involviment attiv tal-Partijiet Interessati li mhumiex Parti permezz tal-proċessi ta' eżamijiet tekniċi dwar il-mitigazzjoni u l-adattament;

14.  Jirrikonoxxi r-rwol vitali tar-reġjuni, il-bliet u l-irħula fil-promozzjoni tas-sjieda tat-tranżizzjoni tal-enerġija u biex il-miri relatati mal-klima u mal-enerġija jitmexxew minn taħt; jinnota li r-reġjuni u ż-żoni urbani huma l-aktar adattati għall-ittestjar u l-implimentazzjoni ta' soluzzjonijiet enerġetiċi integrati b'kooperazzjoni diretta maċ-ċittadini; jenfasizza l-ħtieġa li jiġu stimulati t-tranżizzjoni tal-enerġija u l-investiment lokali għall-miżuri ta' mitigazzjoni u adattament tal-klima; jenfasizza li l-innovazzjonijiet fil-qasam tal-enerġija nadifa u proġetti tal-enerġija rinnovabbli fuq skala żgħira jistgħu jiżvolġu rwol ewlieni biex jintlaħqu l-miri tal-Ftehim ta' Pariġi; iħeġġeġ lill-Kummissjoni u l-Istati Membri jibdew jipprovdu aċċess għal miżuri finanzjarji li jqisu l-karatteristiċi speċifiċi u l-valur fit-tul ta' komunitajiet tal-enerġija lokali għas-suq tal-enerġija, l-ambjent u s-soċjetà, u biex jippromwovu r-rwol ta' prosumaturi uniċi b'rabta mal-enerġija rinnovabbli, bil-għan li jkun hemm livell ogħla ta' awtosuffiċjenza u l-awtokonsum; jistieden lill-bliet u lir-reġjuni jieħdu rwol mexxej fil-promozzjoni tal-effiċjenza fl-enerġija u l-produzzjoni tal-enerġija rinnovabbli sabiex jitnaqqsu l-emissjonijiet tal-gassijiet b'effett ta' serra u t-tniġġis fl-arja;

15.  Itenni l-ħtieġa li r-reġjuni jimplimentaw id-Direttiva 2010/31/UE dwar ir-rendiment tal-bini fl-użu tal-enerġija, u d-Direttiva 2012/27/UE dwar l-effiċjenza fl-enerġija, u jitlob li l-Fondi Strutturali jkunu ffokati jew imsaħħa bil-għan li tiġi promossa l-effiċjenza enerġetika fil-binjiet pubbliċi u l-awtosuffiċjenza fil-muniċipji peremzz tal-enerġija rinnovabbli; u jitlob li proġetti tal-enerġija ċivika kooperattivi jiġu appoġġjati taħt il-Fondi Strutturali tal-UE u permezz ta' tnaqqis fil-piżijiet amministrattivi fil-livell nazzjonali u reġjonali;

16.  Jinnota li, skont l-aħħar statistika, is-sehem tal-UE mill-emissjonijiet globali ta' gassijiet b'effett ta' serra hu ta' madwar 10 %, u li għalhekk, mingħajr azzjoni globali x-xejriet klimatiċi negattivi ma jistgħux jitreġġgħu lura; jirrimarka, madankollu, li l-UE tista' tiżvolġi rwol ewlieni f'dan ir-rigward, partikolarment billi tippromwovi soluzzjonijiet u teknoloġiji ta' enerġija nadifa;

17.  Ifakkar li l-Aġenda Urbana tal-UE qed tippromwovi metodu ġdid ta' ħidma fejn il-potenzjal tal-bliet jintuża għalkollox biex iwieġeb għall-isfidi globali tat-tibdil fil-klima, u li jinvolvi attenzjoni partikolari għal regolamentazzjoni aħjar, aċċess għall-finanzi u l-iskambju tal-għarfien;

L-UE u l-politika ta' koeżjoni

18.  Jikkunsidra li l-qafas finanzjarju pluriennali (QFP) futur għandu, fejn xieraq, jgħolli l-livell ta' ambizzjoni tiegħu rigward il-ksib ta' objettivi klimatiċi, u li għandu jiżdied ukoll il-proporzjon tal-infiq allokat għal dan l-iskop;

19.  Ifakkar l-impenn li mill-inqas 20 % tal-baġit tal-UE għall-perjodu 2014-2020 (madwar EUR 212-il biljun) għandu jintefaq fuq azzjoni relatata mal-klima; jitlob lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jieħdu nota tar-Rapport Speċjali Nru 31 tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri, tal-2016, li jwissi li hemm riskju serju li l-mira ta' 20 % mhux se tintlaħaq jekk ma jittieħdux miżuri addizzjonali, u jitlob lill-Kummissjoni żżomm lill-Parlament aġġornat dwar il-progress f'dan il-qasam importanti; jenfasizza li fil-Fond Soċjali Ewropew, kif ukoll fil-politiki tal-agrikoltura, tal-iżvilupp rurali u tas-sajd, ma saret ebda tranżizzjoni sinifikanti favur l-azzjoni klimatika, u li l-opportunitajiet potenzjali għall-finanzjament ta' azzjoni relatata mal-klima ma ġew esplorati għalkollox;

20.  Jenfasizza r-rwol importanti li l-politika ta' koeżjoni għandha fl-indirizzar tat-tibdil fil-klima fuq skala reġjonali u lokali; itenni l-ħtieġa li jiżdied il-baġit tal-politika ta' koeżjoni għal wara l-2020; jenfasizza li l-politika ta' koeżjoni għandha tagħti attenzjoni partikolari għall-investiment urban fil-kwalità tal-arja, l-ekonomija ċirkolari, l-adattament għall-klima, soluzzjonijiet għall-iżvilupp ta' infrastruttura u enerġija ekoloġika u t-tranżizzjoni diġitali;

21.  Jappoġġa l-ħolqien ta' għodda nefqa/benefiċċji biex il-gvernijiet lokali jkunu jistgħu jifhmu l-impatti tal-proġetti f'termini ta' tnaqqis fl-emissjonijiet tal-karbonju u biex ikunu jistgħu jieħdu vantaġġ sħiħ mill-opportunitajiet ta' finanzjament disponibbli fil-livell tal-UE;

22.  Jemmen li l-politika ta' koeżjoni għandha tħaddan l-approċċ tal-mitigazzjoni kif ukoll dak tal-adattament, u ssir differenza bejniethom, iżda li fl-istess waqt jeħtieġ li jiġu kkoordinati, u jiġu stabbiliti mekkaniżmi ċari ta' finanzjament biex jistimulaw u jipprovdu inċentivi għall-politiki u l-miżuri f'kull qasam; jikkunsidra li dawn il-mekkaniżmi jistgħu jiġu implimentati permezz ta' pjanijiet tal-investiment ċari u li jistgħu jitkejlu bil-parteċipazzjoni tal-bliet u r-reġjuni (inklużi l-awtoritajiet pubbliċi, l-industrija, partijiet interessati u s-soċjetà ċivili), u li dik il-parteċipazzjoni għandha tinkludi wkoll l-istadji ta' implimentazzjoni u evalwazzjoni;

23.  Jinnota li ħmistax-il Stat Membru biss adottaw pjan ta' azzjoni u strateġija ta' adattament, bi ftit miżuri konkreti fuq il-post; jemmen li l-ippjanar futur tal-FSIE għandu jiġi integrat aħjar mal-pjanijiet nazzjonali dwar l-enerġija u l-klima għall-2030; jenfasizza li fil-Qafas Finanzjarju Pluriennali futur, l-integrazzjoni tal-objettivi klimatiċi għandha tittejjeb aktar, pereżempju billi l-investiment tal-politika ta' koeżjoni jintrabat aktar mill-qrib mal-pjanijiet ġenerali tal-Istati Membri biex iwettqu l-mira tal-2030; jirrimarka li l-miri klimatiċi tal-UE se jkollhom jitqiesu, għalhekk, fil-valutazzjoni tal-Ftehimiet ta' Sħubija, filwaqt li l-programmi operazzjonali se jkollhom iżommu rabta mill-qrib mal-istrateġiji u l-pjanijiet ta' adattament ta' kull Stat Membru sabiex jinkisbu koordinazzjoni u koerenza fil-livelli kollha tal-ippjanar u tal-ġestjoni, b'mod partikolari f'każijiet fejn il-fondi tal-UE jikkostitwixxu perċentwal kbir tal-infiq pubbliku disponibbli; josserva li, bħala riżultat ta' dan, il-valutazzjoni tal-programmi operattivi se jkollha tikkunsidra kemm kienu effettivi mil-lat ta' kontribut għal tnaqqis fl-emissjonijiet tal-gassijiet b'effett ta' serra, filwaqt li jimmiraw lejn metodoloġija ta' traċċar u proċess ta' monitoraġġ komuni, sabiex jiġi evitat il-"greenwashing";

24.  Iħeġġeġ li l-investimenti tal-politika ta' koeżjoni għandhom ikunu konsistenti ma' politika klimatika effettiva biex tkun garantita s-sostenibilità ambjentali;

25.  Jenfasizza li l-politika dwar l-innovazzjoni u d-dimensjoni urbana huma oqsma adatti għal sinerġiji bejn l-objettivi klimatiċi u l-għanijiet ekonomiċi usa' tal-politika ta' koeżjoni; jitlob, għalhekk, li jiġu żviluppati dispożizzjonijiet speċifiċi għall-iżvilupp urban sostenibbli u l-innovazzjoni urbana, b'tali mod li dawn l-oqsma jgawdu saħħa finanzjarja notevolment aqwa fil-politika ta' koeżjoni wara l-2020;

26.  Jistieden is-sħubijiet differenti li jaħdmu fuq kwistjonijiet relatati mal-mitigazzjoni tal-klima fil-qafas tal-Aġenda Urbana għall-UE biex b'ħeffa jadottaw u jippreżentaw il-pjanijiet ta' azzjoni tagħhom; jistieden, barra minn hekk, lill-Kummissjoni biex tikkunsidra l-proposti li jinsabu fiha, speċifikament b'referenza għal regolamentazzjoni, finanzjament u għarfien aħjar fil-proposti leġiżlattivi futuri;

27.  Jenfasizza li, biex jinkisbu l-objettivi fit-tul tal-Ftehim ta' Pariġi, tenħtieġ aktar koerenza fir-rigward tal-investiment bi trajettorja ta' dekarbonizzazzjoni fit-tul għas-suq reġjonali/ta' Stat Membru/ tal-UE kollha kemm hi, u jitlob li jkun hemm miżuri li jiffaċilitaw aċċess għal finanzjament li se jippermetti lil bliet u r-reġjuni iżgħar jaċċessaw il-finanzjament; jenfasizza, barra minn hekk, li l-finanzjaament ta' prijorità għandu jkun disponibbli għal reġjuni li jiddependu mill-karbonju biex ikun hemm tranżizzjoni mingħajr xkiel lejn ekonomija b'emissjonijiet baxxi, u li għandha tingħata prijorità lit-tranżizzjoni lejn impjieg alternattiv għall-ħaddiema f'industriji b'użu intensiv tal-karbonju; jistieden lill-Kummissjoni tipproponi li, fil-qafas tal-politika ta' koeżjoni għal wara l-2020, il-ksib ta' tnaqqis fl-emissjonijiet (flimkien ma' azzjonijiet oħra bħal xogħlijiet ta' riklamazzjoni jew attivitajiet għar-riġenerazzjoni u d-dekontaminazzjoni ta' siti industrijali żdingati (brownfield sites) għandu jkun element importanti fil-valutazzjoni tal-prestazzjoni tal-Programmi Operazzjonali;

28.  Jenfasizza l-importanza tal-użu ta' strumenti finanzjarji u politiki addizzjonali, bħall-Fond Ewropew għall-Investimenti Strateġiċi, il-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa u Orizzont 2020, għall-finanzjament ta' proġetti li se jgħinu biex jimmitigaw jew jaddattaw għat-tibdil fil-klima;

29.  Jinsisti li l-għotjiet lill-bliet u r-reġjuni għadhom il-forma ewlenija ta' finanzjament mill-UE taħt il-politika ta' koeżjoni, u tal-azzjonijiet relatati mal-klima b'mod partikolari; jenfasizza, madankollu, li, minkejja t-titjib fil-koerenza u fil-preċiżjoni tal-indikaturi tal-impatt u tar-riżultati rilevanti għall-klima, dawn tal-aħħar mhumiex suffiċjenti biex jiġi stabbilit il-livell ta' kontribut tal-politika ta' koeżjoni għall-ksib tal-objettivi klimatiċi globali tal-UE, u jqis li s-sistema ta' monitoraġġ u traċċar għall-infiq relatat mal-klima jeħtieġ li titjieb sabiex jiġi żgurat li l-infiq tal-UE jipprovdi kontribut speċifiku u li jista' jitkejjel għat-twettiq tal-miri tal-UE; jitlob li jkun hemm pjan direzzjonali tal-adattament biex jimmonitorja l-azzjoni dwar il-klima fil-livell reġjonali u lokali, u jistieden lill-Kummissjoni tivvaluta l-perċentwal ta' fondi li l-Istati Membri jonfqu fil-livell lokali biex inaqqsu l-emissjonijiet ta' gassijiet b'effett ta' serra u biex jiżguraw l-adattament tat-territorju għat-tibdil fil-klima;

30.  Jirrikonoxxi r-rwol tal-istrumenti għall-iżvilupp territorjali integrat, bħalma huma l-Investiment Territorjali Integrat u l-Iżvilupp Lokali Mmexxi mill-Komunità (CLLDs), li jistgħu jintużaw mill-bliet bħala għodda addizzjonali għall-finanzjament ta' strateġiji ta' żvilupp urban sostenibbli jew ta' oqsma funzjonali; jitlob li jkun hemm approċċi u strateġiji minn isfel għal fuq, lokali u integrati biex jiżguraw użu aktar effiċjenti tar-riżorsi, jibnu r-reżiljenza u jadattaw għall-impatt tat-tibdil fil-klima fiż-żoni l-aktar milquta;

31.  Jirrikonoxxi li l-bliet tal-UE fihom il-maġġoranza vasta tal-industrija tar-riċerka u l-iżvilupp tal-Ewropa ffukata fuq it-tibdil fil-klima; jistieden lill-Kummissjoni tipprovdi appoġġ imsaħħaħ għall-bliet u r-reġjuni fl-oqsma tat-taħriġ u s-sensibilizzazzjoni, gwida finanzjarja, l-għarfien speċjalizzat, il-komunikazzjoni, ir-riċerka u l-iżvilupp, l-edukazzjoni fil-qasam tal-ħarsien tal-klima u konsulenza dwar il-mitigazzjoni u l-adattament, partikolarment billi jissaħħu l-istrumenti eżistenti bħal pereżempju l-pjattaforma konsultattiva ta' investiment urban URBIS, URBACT u l-Inizjattiva ta' Azzjonijiet Innovattivi Urbani (UIA); jistieden lill-Kummissjoni biex tiżgura li dawn l-industriji jieħdu vantaġġ sħiħ mill-kooperazzjoni globali fir-riċerka u biex issaħħaħ dawn l-istrumenti biex jgħinu lill-gvernijiet lokali jwettqu proġetti adatti għall-iskop tagħhom, kif ukoll biex jaċċessaw għażliet tal-finanzjament sabiex jittestjaw soluzzjonijiet innovattivi fl-istrateġiji tal-iżvilupp urban; jappella biex l-awtoritajiet sottonazzjonali mhux tal-UE jkunu jistgħu jipparteċipaw b'mod volontarju fl-inizjattiva Ewropej tax-xjenza, ir-riċerka u t-teknoloġija, bħall-H2020, kemm formalment kif ukoll informalment, sabiex jintlaħqu l-objettivi kollettivi; jemmen li faċilitajiet finanzjarji bħall-fondi globali tal-klima għandhom ikunu aċċessibbli direttament għall-awtoritajiet lokali; jemmen li s-sinerġiji bejn il-politika ta' koeżjoni u l-politiki ta' riċerka u innovazzjoni għandhom jissaħħu biex jiġi żgurat l-użu rapidu ta' teknoloġiji ġodda b'emissjonijiet baxxi tal-karbonju;

32.  Jistieden lill-Kummissjoni Ewropea tiżgura li l-Programm H2020 iżid l-attenzjoni u l-finanzjament tiegħu għall-proġetti ta' innovazzjoni u riċerka fil-qasam tal-ekonomija ċirkolari u l-bliet sostenibbli; jistieden lill-Istati Membri, bl-appoġġ tal-Kummissjoni u tal-BEI, isaħħu l-kapaċità amministrattiva tar-reġjuni u tal-bliet biex ikunu jistgħu jieħdu vantaġġ sħiħ mill-opportunitajiet ta' finanzjament pubbliċi u privati disponibbli fil-livell tal-UE;

33.  Jistieden lill-awtoritajiet kompetenti jindirizzaw il-problema tal-iskart bil-ħsieb li titwettaq l-ekonomija ċirkolari u jiġu inċentivati promossi mezzi ta' rimi oħrajn għall-iskart li ma jistax jerġa' jintuża jew jiġi riċiklat, bħala alternattivi għall-inċinerazzjoni;

34.  Jemmen li, fil-perjodu ta' pprogrammar li jmiss, it-tibdil fil-klima se jkollu jiġi integrat fl-ipprogrammar tal-kooperazzjoni territorjali; jenfasizza r-rwol importanti li tiżvolġi l-kooperazzjoni territorjali, il-kooperazzjoni transkonfinali u l-istrateġiji makroreġjonali fl-azzjonijiet meħuda mir-reġjuni u l-bliet, kemm fl-UE kif ukoll barra mill-fruntieri tagħha, u jtenni l-ħtieġa li dan l-istrument jissaħħaħ politikament u finanzjarjament, kemm għall-mitigazzjoni kif ukoll għall-adattament; jenfasizza li qafas għall-implimentazzjoni ta' azzjonijiet konġunti u skambji ta' politika bejn atturi nazzjonali, reġjonali u lokali minn Stati Membri differenti, bħal pereżempju l-Interreg, huwa partikolarment xierqa għall-indirizzar tat-tibdil fil-klima u għat-twettiq ta' azzjonijiet xierqa ta' mitigazzjoni tal-effetti tiegħu; jilqa', f'dan ir-rigward, il-fatt li seba' mill-ħmistax-il programm transnazzjonali Interreg fl-Ewropa jiffinanzjaw strateġiji, azzjonijiet pilota, taħriġ u għodod, biex jgħinu lill-bliet iżidu l-kapaċitajiet tagħhom li jnaqqsu l-emissjonijiet ta' CO2 u jimmitigaw it-tibdil fil-klima sabiex jilġqu l-miri tal-UE;

Bliet u reġjuni

35.  Jilqa' inizjattivi bħalma huma il-Patt Globali tas-Sindki għall-Klima u l-Enerġija u r-rwol li għadd ta' bliet u reġjuni żvolġew fil-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima u fil-ħarsien tal-ambjent; iħeġġeġ lill-bliet u lir-reġjuni jikkooperaw u jinkorporaw il-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima fl-aġenda istituzzjonali sa grad ogħla u bħala kwistjoni ta' urġenza; jirrakkomanda li l-awtoritajiet urbani jimplimentaw u jaġġornaw b'mod regolari strateġiji tal-ippjanar fit-tul urban intelliġenti u approċċi innovattivi bħalma hi l-inizjattiva tal-bliet intelliġenti; jenfasizza l-ħtieġa ta' proġetti ta' djar sostenibbli u effiċjenti fl-enerġija u binjiet intelliġenti li se jiffrankaw l-enerġija, investimenti fl-enerġija rinnovabbli, sistemi tat-trasport pubbliku li ma jagħmlux ħsara lill-ambjent, aktar appoġġ għal proġetti li jippromwovu l-bliet u r-reġjun b'livell baxx ta' karbonju u għal alleanzi ta' bliet u gvernijiet lokali u reġjonali li jikkooperaw fil-ġlieda kontra t-tisħin globali;

36.  Jinnota l-importanza li jiġi implimentat qafas ta' rappurtar ibbażat fuq parametri oġġettivi u metodoloġiji ppruvati u ttestjati, u li jiġu monitorjati l-azzjonijiet klimatiċi meħuda mill-bliet u r-reġjuni sabiex jikkondividu d-data dwar l-impenji dwar il-klima u tiżdied it-trasparenza fost l-atturi sabiex jintlaħqu l-miri dwar il-klima;

37.  Ifakkar li s-settur tat-trasport huwa responsabbli kemm għall-emissjonijiet ta' gassijiet b'effett ta' serra kif ukoll għal sustanzi li jniġġsu fl-arja u li huma perikolużi għas-saħħa, li l-konċentrazzjoni tagħhom fl-arja urbana hija rregolata mid-Direttiva (UE) 2016/2284 dwar it-tnaqqis tal-emissjonijiet nazzjonali ta' ċerti inkwinanti atmosferiċi; huwa tal-fehma li r-reġjuni u l-bliet għandhom potenzjal enormi biex inaqqsu l-emissjonijiet ta' gassijiet b'effett ta' serra mit-trasport, u jenfasizza l-ħtieġa ta' finanzjament għal inizjattivi lokali u reġjonali li jiffaċilitaw il-mobilità lokali u reġjonali b'emissjonijiet baxxi ta' karbonju; jenfasizza kemm hu importanti li l-bliet jieħdu rwol mexxej fil-promozzjoni tal-użu tat-trasport pubbliku u fil-promozzjoni tal-elettrifikazzjoni tat-trasport pubbliku u privat, u jappella li għadd ta' reġjuni mudelli jiġu promossi għall-fini ta' riċerka dwar sistemi ta' trasport interkonness u intelliġenti bejn iż-żoni urbani u dawk rurali;

38.  Jilqa' b'sodisfazzjon l-inizjattivi mill-bliet, bħal bliet intelliġenti u grids intelliġenti, li jfittxu li jnaqqsu l-emissjonijiet tal-gassijiet b'effett ta' serra u jżiedu l-effiċjenza fl-użu tar-riżorsi; jenfasizza li r-reġjuni jridu jtejbu l-arranġamenti ta' bliet ekoloġiċi permezz tal-promozzjoni tat-trasformazzjoni enerġetika u diġitali u li soluzzjonijiet bħalma huma l-grids intelliġenti joffru l-potenzjal li jwasslu l-enerġija b'mod aktar effiċjenti lid-djar u l-binjiet; jirrikonoxxi li l-kollaborazzjoni bejn in-negozji u l-bliet tgħin biex jinħolqu soluzzjonijiet innovattivi u inklużivi u jitlob li dawn jiġu promossi; jenfasizza l-ħtieġa li jissaħħu l-investimenti f'soluzzjonijiet sostenibbli oħra bħall-infrastruttura ekoloġika u, b'mod partikolari, li tiżdied il-kopertura ta' veġetazzjoni ta' siġar fil-bliet; ifakkar li jeħtieġ mhux biss li jitnaqqsu l-emissjonijiet, iżda wkoll li tiżdied il-kapaċità ta' assorbiment tas-CO2 tal-ħamrija, u jitlob li jkun hemm aktar protezzjoni għall-foresti urbani eżistenti u stabbiliti reċentement fir-reġjuni tal-UE;

39.  Jenfasizza li ikel staġjonali prodott lokalment inaqqas l-emissjonijiet ta' gassijiet b'effett ta' serra kkawżati mit-trasport, u b'hekk inaqqas l-impronta ġenerali tal-karbonju tal-ikel; jistieden lill-Kummissjoni taħdem mas-settur tal-ikel bil-għan li tiżdied il-produzzjoni ta' ikel lokali u reġjonali sostenibbli, u jilqa' b'sodisfazzjon il-miżuri volontarji (bħal tikkettjar ta' tip simili għad-dwal tat-traffiku) biex tiġi żgurata l-viżibilità tal-impatt klimatiku u l-impronta tal-karbonju tal-ikel u ta' prodotti oħra; jitlob li jkun hemm indikaturi komuni għall-UE kollha li jippermettu tikkettar volontarju iżda paragunabbli u jistieden lill-awtoritajiet lokali jwettqu kampanji ta' informazzjoni biex iqajmu kuxjenza dwar l-impronta tal-karbonju tal-ikel;

40.  Jindika li l-miżuri ta' mitigazzjoni jridu jiġu ppjanati abbażi ta' distribuzzjoni ġusta tal-isforzi u l-benefiċċji bejn id-diversi atturi, u li l-miżuri ta' adattament jeħtieġ li jiffukaw fuq il-protezzjoni tas-setturi l-aktar vulnerabbli tal-popolazzjoni kollha kemm hi;

41.  Jirrikonoxxi d-diversità u n-natura speċifika tal-vulnerabilitajiet u l-potenzjal reġjonali, u jindika li l-isfidi, ir-riżorsi u miżuri l-aktar effettivi jistgħu ivarjaw f'kull territorju; itenni, għaldaqstant, l-impenn tiegħu għall-prinċipju tas-sussidjarjetà, u jenfasizza li l-bliet u r-reġjuni jeħtieġ li jkollhom il-kompetenza meħtieġa u awtonomija politika, amministrattiva u finanzjarja suffiċjenti biex jippjanaw u jimplimentaw l-azzjonijiet individwali; jenfasizza l-ħtieġa li l-bliet ifasslu l-ippjanar urban tagħhom billi jinvestu f'infrastruttura ekoloġika, il-mobilità, it-trasport pubbliku u grids intelliġenti biex jintlaħqu l-miri stipulati fil-Ftehim ta' Pariġi; itenni li l-awtoritajiet lokali u reġjonali (LRAs), bħala l-livelli ta' governanza li huma l-eqreb lejn kull ċittadin u wkoll l-eqreb lejn l-impatti tal-isfidi marbuta mat-tibdil fil-klima, għandhom l-aktar għarfien komprensiv ta' ħafna problemi u għalhekk jenfasizza l-importanza li l-awtoritajiet lokali u reġjonali jiġu provduti bil-kapaċità amministrattiva u l-għodod finanzjarji biex jiżviluppaw soluzzjonijiet imfassla apposta għall-mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima;

42.  Jitlob li jkun hemm governanza f'diversi livelli aktar effettiva, bi trasparenza sħiħa li tista' tinvolvi aħjar lill-gvern lokali, ir-reġjuni u l-bliet u l-korpi li jirrappreżentawhom fil-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet tal-UE u fi ħdan il-proċess UNFCCC; jappella li l-koordinazzjoni bejn l-awtoritajiet pubbliċi kollha tkun promossa u garantita, u għall-involviment tal-pubbliku, u tal-partijiet interessati soċjali u ekonomiċi, sabiex jiġi mrawwem, u jistieden lill-Kummissjoni tippromwovi l-koordinazzjoni u l-iskambju ta' informazzjoni u tal-aħjar prattiki bejn l-Istati Membri, ir-reġjuni, il-komunitajiet lokali u l-bliet; jirrimarka li mudelli parteċipattivi ta' governanza lokali għandhom jiġu mħeġġa;

43.  Jilqa' d-deċiżjoni tal-Grupp Intergovernattiv ta' Esperti dwar it-Tibdil fil-Klima li jfassal rapport speċjali dwar il-bliet u l-klima fl-2023, impenn li se jwassal għal żieda fir-riċerka dwar l-importanza tal-bliet fil-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima; jemmen li l-bliet għandhom jagħtu kontribut fir-Rapport Klimatiku Globali 2018. jemmen, barra minn hekk, li l-bliet u r-reġjuni jistgħu jinfluwenzaw it-tfassil tal-politika wara l-Ftehim ta' Pariġi, bl-implimentazzjoni ta' approċċ strateġiku biex jindirizzaw it-tisħin globali u jappoġġaw miżuri ta' mitigazzjoni u adattament fiż-żoni urbani, fejn tgħix aktar minn nofs il-popolazzjoni tad-dinja. jistieden lill-Kummissjoni tiffavorixxi viżjoni b'diversi livelli tal-azzjoni klimatika f'dan il-proċess, sabiex tippromwovi reġim klimatiku inklużiv li jirrikonoxxi l-azzjonijiet meħuda mill-awtoritajiet lokali u subnazzjonali;

44.  Jistieden lill-awtoritajiet nazzjonali jiddeċentralizzaw u jwettqu aħjar il-prinċipju tas-sussidjarjetà, u b'hekk jagħtu lok lill-awtoritajiet lokali u reġjonali jiżvolġu rwol aktar sod fl-indirizzar tat-tibdil fil-klima;

45.  Jinnota li ħafna elementi tal-industrija qed jinvestu fit-trasformazzjoni ekoloġika u impenjaw ruħhom li jimplimentaw politika ta' dekarbonizzazzjoni; jirrikonoxxi li l-kollaborazzjoni bejn in-negozji u l-bliet toħloq soluzzjonijiet innovattivi u inklużivi għall-azzjoni klimatika u tgħin lill-UE tilħaq il-miri tagħha; ifakkar li l-industrija taqdi rwol ewlieni fil-finanzjament u fl-għeluq tal-lakuni fl-investiment f'żoni urbani; jitlob li jkunu promossi s-sħubijiet bejn il-bliet u n-negozji;

46.  jenfasizza li l-ippjanar intelliġenti u l-investimenti f'infrastruttura urbana b'livell baxx ta' karbonju u reżiljenti għat-tibdil fil-klima jistgħu jtejbu l-ambjent u l-kwalità tal-ħajja taċ-ċittadini, joħolqu l-impjiegi, u jistimulaw l-ekonomija lokali u reġjonali;

47.  Jistieden lill-bliet u lir-reġjuni jieħdu vantaġġ mill-inizjattivi tal-UE, bħalma huma l-Azzjonijiet Innovattivi Urbani, biex jagħtu bidu għal proġetti pilota fil-qasam tal-iżvilupp urban sostenibbli;

48.  Jilqa' b'sodisfazzjon l-inizjattiva "Women4Climate" u l-involviment tas-settur privat f'din l-inizjattiva, li għandha tikkontribwixxi għal involviment akbar tal-mexxejja nisa fil-ġlieda kontra l-bidla fil-klima sabiex isaħħu l-ħiliet ta' tmexxija tagħhom u jinkoraġġixxu l-ġenerazzjoni li jmiss ta' mexxejja nisa biex jipparteċipaw fil-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima;

49.  Jirrikonoxxi r-responsabilità speċjali min-naħa tal-bliet biex jiġġieldu t-tibdil fil-klima, meta tqis li dawn huma responsabbli għal 70 % tal-emissjonijiet globali ta' CO2, u jtenni l-impenn tal-Parlament lejn it-twettiq globali b'suċċess tal-Patt tas-Sindki għall-Klima u l-Enerġija, inklużi l-Inizjattiva dwar l-Adattament għat-Tibdil fil-Klima (l-inizjattiva "Is-Sindki Jadattaw"), il-Memorandum ta' Qbil "Under 2 Degrees" u l-inizjattiva "RegionsAdapt"; jemmen li l-impenji li ttieħdu fid-Dikjarazzjoni tal-Belt ta' Pariġi fl-2015 ser jitwettqu biss permezz tal-involviment mal-Patt Globali tas-Sindki għall-Klima u l-Enerġija, u jħeġġeġ lill-bliet kollha tal-UE u mhux tal-UE biex jingħaqdu mal-Patt tas-Sindki u - mingħajr preġudizzju għall-parteċipazzjoni tagħhom f'netwerks istituzzjonali jew settorjali oħra bl-istess għanijiet - jimpenjaw ruħhom għal azzjoni klimatika ambizzjuża u li jorganizzaw skambju ta' esperjenzi ta' prattiki tajba; jinnota wkoll li għadd ta' Pjanijiet ta' Azzjoni sottomessi mill-bliet fihom impenji sal-2020, u għalhekk iħeġġeġ li jittieħed impenn ta' xogħol addizzjonali minn dawn il-bliet sal-2030; jemmen li l-UE għandha tkompli tagħti lill-bliet l-awtonomija biex jippjanaw l-istrateġiji ta' mitigazzjoni klimatika billi dawn spiss jirriżultaw f'miri aktar ambizzjużi;

50.  Jisħaq fuq il-bżonn ta' referenza ċara għar-rwol tal-gvernijiet lokali u reġjonali fil-Ftehim ta' Pariġi bil-għan li tkun żgurata tweġiba fit-tul għat-tibdil fil-klima; jissottolinja li l-UE jeħtieġ taħdem fuq il-post mal-bliet u mar-reġjuni biex tagħmel ir-reġjuni u l-bliet tal-UE aktar sostenibbli u konnessi aħjar, toħloq muniċipji effiċjenti fl-enerġija u tiżviluppa netwerks tat-trasport urban aktar intelliġenti;

51.  Jemmen li t-trasferiment tal-għarfien u l-esperjenza għandhom jitħeġġu fil-livell lokali u reġjonali, minħabba l-ammont kbir ta' esperjenza miksuba mir-reġjuni u l-bliet individwali, kif ukoll minn ċerti aġenziji reġjonali tal-protezzjoni ambjentali jew tal-enerġija;

52.  Jemmen li organizzazzjonijiet u assoċjazzjonijiet Ewropej u internazzjonali jew globali jew netwerks ta' bliet, muniċipji u reġjuni għandhom jintużaw biex ikun hemm kooperazzjoni aħjar fl-indirizzar tal-problemi tat-tibdil fil-klima fil-livell lokali u reġjonali;

53.  Jinnota li matul il-COP22 f'Marrakesh, l-awtoritajiet lokali u reġjonali żviluppaw il-Pjan Direzzjonali ta' Marrakesh għal Azzjoni, li jenfasizza l-ħtieġa tal-involviment aktar dirett tal-awtoritajiet lokali u li għandu jiġi rikonoxxut formalment bħala parti mid-diskussjoni uffiċjali dwar it-tibdil fil-klima, u mhux biss ikkunsidrat li għandu l-istess status bħal ta' atturi mhux statali oħra, bħall-NGOs jew is-settur privat;

°

°  °

54.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni, lill-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew, lill-Istati Membri u lill-Parlamenti nazzjonali u reġjonali tal-Istati Membri.

(1)

Testi adottati, P8_TA(2016)0363.

(2)

Testi adottati, P8_TA(2016)0383.

(3)

Testi adottati, P8_TA(2017)0380.

(4)

Testi adottati, P8_TA(2015)0307.

(5)

ĠU L 347, 20.12.2013, p. 342.

(6)

Testi adottati, P8_TA(2015)0359.


NOTA SPJEGATTIVA

DAĦLA

It-tibdil fil-klima huwa evidenza xjentifika li s-sintomi u l-konsegwenzi tagħha qegħdin isiru dejjem aktar perċepibbli, għaċ-ċittadini u għall-awtoritajiet pubbliċi responsabbli. Iż-żieda fit-temperatura fl-UE f'dawn l-aħħar għaxar snin kienet aktar rapida milli fil-kumplament tad-dinja(1); qegħdin nesperjenzaw żieda estrema fit-temperaturi, ta' nirien fil-foresti, ta' nixfiet, għargħar u tempesti; qegħdin naraw ukoll speċijiet eżotiċi invażivi u t-telf tal-bijodiversità, kompetizzjoni għall-ilma(2) u domanda għall-enerġija.

Ħafna setturi huma milquta: is-settur primarju u t-turiżmu, is-servizzi pubbliċi bħas-saħħa u l-provvista tal-ilma u tal-enerġija. L-ispejjeż ekonomiċi tat-tibdil fil-klima huma għaljin ħafna, inkluż għal livelli moderati ta' tibdil. Barra minn hekk, l-Ewropa Mediterranja hija aktar vulnerabbli u l-ispejjeż assoċjati magħha huma aktar għaljin, jiġifieri t-tibdil fil-klima jolqot il-koeżjoni territorjali tal-UE(3).

It-tibdil fil-klima jkabbar ukoll id-differenzi soċjali fi ħdan l-UE; hemm gruppi soċjali aktar esposti minn oħrajn (minħabba saħħa prekarja, dħul baxx, għajxien inadegwat, nuqqas ta' mobilità, sess, fost raġunijiet oħrajn). Il-faqar enerġetiku issa sar fattur kostanti fil-ħajja ta' ħafna Ewropej. Bl-istess mod, l-Ewropa għandha wkoll ir-responsabilità li ttaffi l-konsegwenzi umanitarji tat-tibdil fil-klima barra mill-Ewropa: il-ġuħ, in-nixfa u l-uragani, u mudell ta' żvilupp inġust joħolqu mewġa ta' rifuġjati klimatiċi, li tasal sal-UE u b'mod speċjali sal-bliet tagħha, fit-tfittxija ta' ħajja dinjituża.

STRATEĠIJI U FTEHIMIET

L-UE hija responsabbli għal 9 % tal-emissjonijiet globali, u l-bliet tagħha jiġġeneraw 75 % minnhom. Quddiem din l-isfida, l-Unjoni fl-2013 varat Strateġija dwar l-Adattament għat-tibdil fil-klima. L-iffirmar tal-Ftehim ta' Pariġi (COP21) isaħħaħ l-impenn tal-UE fil-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima(4), li huwa marbut mal-SDGs (li huma sottoskritti wkoll mill-UE) u li jistabbilixxi qafas xieraq għat-tfassil tal-politiki tal-Unjoni, li wara għandhom jilħqu l-livelli l-oħrajn: L-Istati Membri, l-awtoritajiet reġjonali u lokali, is-settur privat u ċ-ċittadini.

L-adozzjoni ta' dan il-Ftehim b'hekk hija opportunità ta' ġid u ta' żvilupp globali. L-irtirar egoist tal-Istati Uniti, li hija l-akbar produttur fid-dinja ta' gassijiet b'effett ta' serra, jagħmel il-proċess aktar diffiċli, iżda m'għandniex nibdlu r-rotta.

L-UE diġà għamlet progress f'dan l-aspett permezz tal-Pakkett dwar il-Klima u l-Enerġija tagħha: tnaqqis ta' 40 % fl-emissjonijiet ta' gassijiet b'effett ta' serra sal-2030; titjib ta' 27% fl-effiċjenza fl-użu tal-enerġija; u sehem ta' 40 % ta' enerġija rinnovabbli. L-ilħuq ta' dawn l-objettivi jvarja ħafna skont it-territorji, u teżisti sfida għas-snin li ġejjin li tingħata għajnuna b'mod speċjali lil dawk li huma l-aktar vulnerabbli. U fi kwalunkwe każ, sabiex jintlaħqu l-objettivi globali tal-Ftehim ta' Pariġi, jenħtieġ li jiġu promossi l-objettivi settorjali l-aktar ambizzjużi.

RAKKOMANDAZZJONIJIET TAR-RAPPORT

Il-bliet, l-aħjar livell għall-ġlieda

It-tibdil fil-klima huwa tibdil sistemiku b'interazzjoni ma' fatturi soċjoekonomiċi: l-isfida demografika, is-segregazzjoni soċjali, il-migrazzjoni, l-urbanizzazzjoni, it-tibdil teknoloġiku, u tranżizzjoni lejn enerġija b'livell baxx ta' emissjonijiet ta' karbonju. Minħabba dan hija meħtieġa aktar minn qatt qabel viżjoni inklużiva, li tgħaqqad miżuri settorjali u trażversali, fuq diversi livelli, tanġibbli u intanġibbli, pubbliċi u privati, teknoloġiċi u bbażati fuq ekosistemi. Din il-viżjoni inklużiva hija ferm aktar fattibbli u operattiva fuq livell lokali. L-awtoritajiet lokali huma dejjem l-amministrazzjoni l-aktar fil-qrib taċ-ċittadin(5).

Aktar minn 70 % taċ-ċittadini Ewropej u 73 % tal-impjiegi jinsabu f'żoni urbani: il-bliet għandhom responsabilità kbira għat-tisħin globali, u fl-istess ħin joffru potenzjal kbir f'termini tas-soluzzjonijiet. L-oqsma ta' azzjoni ewlenin huma: il-mobilità u t-trasport; il-prestazzjoni tal-enerġija tal-bini; il-produzzjoni, id-distribuzzjoni u l-konsum ta' prodotti u servizzi (inkluż il-fattur importanti tal-ikel); l-immaniġġjar tal-iskart; il-kwalità tal-arja; il-ippjanar territorjali u urban. Dawn l-aspetti kollha huma miġbura issa bħala prijoritajiet fl-Aġenda Urbana għall-UE (il-Patt ta' Amsterdam).

Sabiex jiġu adottati soluzzjonijiet għat-tibdil fil-klima, il-bliet tennew il-ħtieġa ta' appoġġ mill-UE f'dawn l-oqsma: qafas ġuridiku preskrittiv, il-ħolqien ta' kapaċitajiet, sensibilizzazzjoni u taħriġ, bażi ta' għarfien tekniku u xjentifiku, u finanzjament.

Tingħata prijorità lill-mitigazzjoni mingħajr ma jintesa l-adattament

Is-soluzzjonijiet possibbli huma fformulati madwar żewġ assi: l-adattament u l-mitigazzjoni. Min-naħa l-oħra, dawn iż-żewġ kategoriji joħorġu minn tliet approċċi possibbli(6):

•  Spontanju: adattament b'risposta għall-klima u l-effetti tagħha esperjenzati, mingħajr ippjanar espliċitu jew mingħajr ma din tkun iffukata b'mod konxju fuq it-tibdil fil-klima.

•  Inkrimentali: adattament li l-objettiv ċentrali tiegħu jkun li jinżammu l-essenza u l-integrità ta' sistema.

•  Trasformattiv: adattament li jimmodifika l-karatteristiċi fundamentali ta' sistema b'risposta għall-klima, sabiex jittaffew l-effetti tagħha.

L-approċċ spontanju u inkrimentali huma bbażati fuq teknoloġija u esperjenza pprovati, iżommu l-livell attwali ta' servizzi u ma jqajmux domandi dwar l-istil ta' ħajja fis-seħħ. Jenħtieġ li dawn jiġu kkombinati ma' soluzzjonijiet trasformattivi li jindirizzaw in-natura sistemika tat-tibdil fil-klima, billi jiffukaw fuq il-kawżi primarji.

Madankollu, s'issa, l-azzjonijiet meħuda mill-bliet kienu prinċipalment orjentati lejn l-adattament, u b'mod speċjali permezz tal-approċċ spontanju. Ġew adottati miżuri ta' adattament, għalkemm la huma identifikati hekk u lanqas ma jiffurmaw parti minn strateġija globali (tnaqqis ta' diżastri naturali, ġestjoni tal-ilma, ħolqien ta' żoni ħodor urbani...); madankollu, jistgħu jkunu ferm effikaċi: għal kull euro investit fl-evitar tal-għargħar, jiġu evitati EUR 6 fi ħsarat fuq medda ta' żmien twil. L-approċċ spontanju u dak inkrimentali għandhom, madankollu, limitazzjoni fir-rigward tal-kapaċità teknoloġika u l-bilanċ finali tal-gassijiet b'effett ta' serra. Min-naħa l-oħra, skandli bħal dieselgate jikkontribwixxu għal xettiċiżmu kbir tal-opinjoni pubblika fir-rigward ta' dawn l-approċċi.

B'mod inkwetanti, aktar minn 75 % tal-bliet Ewropej għadhom ma ħadux miżuri sostanzjali biex jadattaw għat-tibdil fil-klima. Barra minn hekk, hemm distakk ċar ġeografiku, bejn l-bliet tat-tramuntana u l-punent tal-Ewropa, u dawk tan-nofsinhar u tal-lvant. Fi kliem ieħor, huma preċiżament l-bliet li jinsabu fl-aktar reġjuni vulnerabbli għat-tibdil fil-klima li għandhom l-akbar diffikultajiet biex jadattaw għalih.

L-ostakli prinċipali identifikati huma: nuqqas ta' kuxjenza fost il-politikanti u dawk li jieħdu d-deċiżjonijiet, nuqqas ta' għarfien tekniku u aċċess diffiċli għall-finanzjament(7). F'dan kollu, ir-rwol tal-awtoritajiet statali u reġjonali huwa ambivalenti: ma jappoġġjawx b'mod attiv il-miżuri l-aktar innovattivi, normalment għal raġunijiet legali jew settorjali; jeżistu ostakli mhux teknoloġiċi għall-iskjerament ta' mudelli ġodda ta' urbaniżmu, ta' mobilità, jew ta' enerġija rinnovabbli.

Aktar milli l-adattament, għandha tingħata prijorità lill-mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima. Għal dan il-għan, hija meħtieġa bidla fil-mentalità, li tinkludi l-mod kif norganizzaw ħajjitna u xogħolna. Il-bidla hija trażversali u multidixxiplinari, u għaldaqstant il-mitigazzjoni hija proċess fuq medda ta' żmien twil, li jibda bl-ippjanar tal-belt, imur totalment lil hinn miċ-ċikli elettorali u l-perjodi tad-deċiżjonijiet fuq livell lokali, kif ukoll mill-konfini tal-belt, billi jpoġġiha f'relazzjoni mar-reġjun funzjonali tagħha.

Ir-rabta tal-mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima ma' sfidi oħrajn aktar qrib iċ-ċittadin (bħat-titjib tas-saħħa, jew it-tfittxija ta' opportunitajiet ekonomiċi ġodda), tista' tkun ferm utli sabiex jinkiseb l-involviment tal-korp soċjali kollu tal-belt fuq medda ta' żmien qasir u medju. Għal dan il-għan, is-sensibilizzazzjoni u t-taħriġ huma essenzjali.

Governanza armata sew u proattiva, li tkopri medda wiesgħa ta' atturi u tassumi impenji vertikali u orizzontali, hija kundizzjoni bażika għall-ippjanar u l-iżvilupp tajjeb tal-proċessi ta' adattament u mitigazzjoni. L-imsemmija governanza tinkludi sehem b'saħħtu tal-bliet fil-formulazzjoni tal-politiki li wara jiġu applikati b'mod vinkolanti; il-"Patt tas-Sindki għall-Klima u l-Enerġija" huwa eżempju li għandu jiġi żviluppat għall-imsemmija governanza.

Rikonoxximent tan-natura multifattorjali tal-problema

Il-bidliet lejn ekonomija b'livell baxx ta' emissjonijiet ta' karbonju jeħtieġu bidliet fit-teknoloġija, l-enerġija, l-ekonomija, il-finanzi u s-soċjetà. Dan jimplika sforzi akbar biex tiġi indirizzata r-rabta bejn it-tibdil fil-klima, ir-riżorsi naturali, il-prosperità, l-istabilità u l-migrazzjoni.

Għal dan il-għan, il-politiki kollha tal-UE għandhom ikunu allinjati f'dan is-sens. Dan ir-rapport jirreferi b'mod speċjali għat-tibdil fil-politika ta' koeżjoni, iżda politiki oħrajn (PAK, Orizzont 2020, Enerġija, Ambjent) huma essenzjali wkoll għat-twettiq tal-Ftehim ta' Pariġi fuq kull livell territorjali.

Fuq livell lokali, huwa essenzjali li l-adattamenti jkunu trażversali u ma jieqfux fit-taqsima tal-"ambjent": il-bliet għandhom jgħaqqdu t-tibdil fil-klima ma' politiki urbani oħrajn bħall-iżvilupp ekonomiku, ir-riġenerazzjoni urbana, u titjib fil-kwalità tal-ħajja. L-għoti ta' kapaċitajiet adegwati huwa fundamentali, sabiex tiġi indirizzata n-natura multisettorjali tal-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima, għat-titjib tal-governanza tal-imsemmija ġlieda permezz tal-impenn attiv tal-atturi lokali kollha (inklużi ċ-ċittadini u s-settur privat), u għal użu aħjar tar-riżorsi assenjati.

L-iżgurar ta' koerenza, titjib u ffaċilitar tal-aċċess għall-finanzjament

Uħud mill-istrumenti finanzjarji tal-UE jistgħu madankollu jikkontribwixxu aktar fil-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima, kif ikkonstatat il-QEA(8) fil-każ tal-FSE u l-FEMS. Rigward strumenti oħra kreditizji jew ta' assigurazzjoni, se jkun indispensabbli li l-bliet jingħataw aktar informazzjoni dwar kif jaċċessaw u jikkombinaw id-diversi fondi. Għandha tiġi promossa tassazzjoni tal-emissjonijiet tal-karbonju, is-sussidji fuq il-fjuwils fossili għandhom jiġu rriveduti 'l isfel, u għandhom jiġu mħeġġa l-enerġiji rinnovabbli u l-effiċjenza fl-enerġija, filwaqt li dejjem jitqies l-impjieg sabiex it-tranżizzjoni tal-enerġija lejn żvilupp sostenibbli mill-aspett ambjentali jkun sostenibbli wkoll mill-aspett soċjali.

Żieda, titjib u disseminazzjoni tal-bażi ta' għarfien

Il-ħolqien tal-metodi u tal-għarfien huwa essenzjali sabiex ikun magħruf il-punt ta' tluq tal-bliet fir-rigward tat-tibdil fil-klima, u sabiex tiġi vverifikata l-effikaċja tal-miżuri u kemm ikun mixtieq li jiġu implimentati.

Il-ħidma mwettqa minn mekkaniżmi Ewropej bħall-pjattaforma ADAPT, l-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent, il-JRC u ESPON jixraqilha tifħir. Bis-saħħa tagħhom, hemm informazzjoni tajba fuq livell tal-UE, iżda nuqqas ta' informazzjoni u indikaturi adegwati fuq il-livell tal-bliet, kemm fir-rigward tal-effetti kif ukoll tar-riskji tat-tibdil fil-klima: projezzjonijiet u indikaturi reġjonali tal-impatti, vulnerabilitajiet u riżultati, kif ukoll kalkoli tal-ispejjeż u l-benefiċċji tal-adattament, flimkien ma' strateġija ta' komunikazzjoni tajba għad-disseminazzjoni tal-aħjar prattiki u r-riżultati.

(1)

L-Istrateġija tal-UE dwar l-adattament għat-tibdil fil-klima, COM(2013)216 final.

(2)

Climate change, impacts and vulnerability in Europe 2016, key findings (Tibdil fil-klima, impatti u vulnerabilità fl-Ewropa 2016, sejbiet ewlenin). Aġenzija Ewropea għall-Ambjent, 2016.

(3)

COM(2013)216 final.

(4)

Wara Pariġi: valutazzjoni tal-implikazzjonijiet tal-Ftehim ta' Pariġi..., COM(2016)110 final.

(5)

Urban Agenda for the EU 'Pact of Amsterdam' (Aġenda Urbana għall-"Patt ta' Amsterdam" tal-UE), 2016.

(6)

Urban adaptation to climate change in Europe 2016, transforming cities in a changing climate. (L-adattament urban għat-tibdil fil-klima fl-Ewropa 2016 - nittrasformaw il-bliet fi klima li qiegħda tinbidel) Aġenzija Ewropea għall-Ambjent, 2016

(7)

Adaptation Strategies for European Cities (Strateġiji ta' Adattament għall-bliet Ewropej), KE – Direttorat Ġenerali għall-Azzjoni Klimatika, 2013.

(8)

Infiq ta' mill-inqas euro wieħed minn kull ħamsa mill-baġit tal-UE fuq l-azzjoni klimatika: qed isir xogħol ambizzjuż, iżda hemm riskju serju li ma jkunx suffiċjenti, QEA, Lussemburgu, 2016.


OPINJONI tal-Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza tal-Ikel (24.11.2017)

għall-Kumitat għall-Iżvilupp Reġjonali

dwar ir-rwol tar-reġjuni u l-ibliet tal-UE fl-implimentazzjoni tal-Ftehim ta' Pariġi tas-COP 21 dwar it-tibdil fil-klima

(2017/2006(INI))

Rapporteur għal opinjoni: Gilles Pargneaux

SUĠĠERIMENTI

Il-Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza tal-Ikel jistieden lill-Kumitat għall-Iżvilupp Reġjonali, bħala l-kumitat responsabbli, biex jinkorpora s-suġġerimenti li ġejjin fil-mozzjoni għal riżoluzzjoni tiegħu:

1.  Jinnota li r-reġjuni u l-ibliet diġà wrew l-impenn tagħhom fil-konfront tal-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima fil-kapaċità tagħhom bħala kontributuri ewlenin fl-Aġenda ta' Azzjoni Lima-Pariġi (LPAA) u fl-inizjattivi taż-Żona tal-Atturi Mhux Statali għall-Azzjoni Klimatika (NAZCA); jilqa' pożittivament l-inizjattivi bħall-Patt tas-Sindki għall-Klima u l-Enerġija, inklużi l-Inizjattiva dwar l-Adattament għat-Tibdil fil-Klima (l-inizjattiva "Is-Sindki Jadattaw"), il-Memorandum ta' Qbil "Under 2 Degrees" u l-inizjattiva "RegionsAdapt"; jinkoraġġixxi lil numru akbar ta' bliet tal-UE jingħaqdu f'dawn l-inizjattivi u jimpenjaw ruħhom favur azzjoni klimatika ambizzjuża; jemmen li l-kontribut ta' dawn l-inizjattivi jmissu jkun rikonoxxut u mħeġġeġ mill-gvernijiet sottonazzjonali u nazzjonali kif ukoll mill-organizzazzjonijiet intergovernattivi;

2.  Jinnota li l-awtoritajiet lokali huma responsabbli mill-implimentazzjoni tal-maġġor parti tal-miżuri ta' mitigazzjoni u adattament rigward it-tibdil fil-klima u mill-biċċa l-kbira tal-leġiżlazzjoni tal-UE dwar is-suġġett; jisħaq fuq il-bżonn li tittieħed azzjoni f'dawn l-oqsma: l-urbanistika, il-mobilità, it-trasport u l-infrastruttura pubbliċi, ir-rendiment tal-bini fl-użu tal-enerġija, il-kampanji ta' edukazzjoni, l-ibliet intelliġenti, il-grilji intelliġenti u s-sussidji reġjonali, bil-għan li jiġi implimentat il-Ftehim ta' Pariġi;

3.  Jinnota li llum il-ġurnata l-maġġoranza tal-Ewropej tgħix fl-ibliet; jinnota wkoll li l-opzjonijiet li dawk responsabbli għall-ibliet jagħżlu fil-qasam tal-infrastrutturi urbani se jkollhom impatt fuq il-kapaċità tar-reżistenza tal-ibliet għat-tibdil fil-klima, issa li x-xita aktar frekwenti, l-għargħar u l-mewġ tas-sħana se jkunu fost l-isfidi li probabbilment se jkollhom jiffaċċjaw iċ-ċittadini Ewropej bħala konsegwenza tat-tibdil fil-klima;

4.  Jenfasizza l-fatt li l-ibliet, il-kumpaniji u l-atturi mhux statali l-oħra għandhom potenzjal ta' mitigazzjoni fil-firxa ta' 2,5-4 biljun tunnellata CO2 sal-2020(1), aktar milli temetti l-Indja f'sena, u li dan huwa simili fil-kobor għall-4-6 biljun tunnellata CO2 li n-NU jipproġettaw li l-kontributi maħsubin determinati fil-livell nazzjonali (INDCs), adottati f'Pariġi, se jnaqqsu sal-2030, jiġifieri sa għaxar snin wara;

5.  Jenfasizza li r-reġjuni u l-ibliet jiżvolġu rwol ewlieni fl-indirizzar tat-tibdil fil-klima, li waħedhom kapaċi jnaqqsu l-emissjonijiet globali b'5 % biex ikunu konformi mal-Ftehim ta' Pariġi, u li, bi qbil ma' saffi oħra tal-gvern u tas-settur privat, dawn jistgħu potenzjalment inaqqsu l-emissjonijiet globali b'46 %(2);

6.  Ifakkar li s-settur tat-trasport huwa responsabbli mill-emissjonijiet tal-gassijiet serra kif ukoll minn sustanzi li jniġġsu fl-arja u li huma perikolużi għas-saħħa, filwaqt li l-konċentrazzjoni tagħhom fl-arja urbana hija rregolata mid-Direttiva (UE) 2012/2016 dwar it-tnaqqis tal-emissjonijiet nazzjonali ta' ċerti inkwinanti atmosferiċi(3);

7.  Ifakkar li l-Artikolu 7(2) tal-Ftehim ta' Pariġi jirrikonoxxi li l-adattament huwa sfida globali li jiffaċċjaw id-dimensjonijiet lokali, sottonazzjonali, nazzjonali, reġjonali u internazzjonali kollha;

8.  Jirrikonoxxi li azzjoni mill-awtoritajiet lokali hija essenzjali biex il-gvernijiet ikunu jistgħu jimplimentaw l-impenji tagħhom fi ħdan qafas ta' azzjoni klimatika globali;

9.  Jenfasizza li l-atturi mhux statali qed isiru element prinċipali tar-reġim tal-klima ta' wara l-Ftehim ta' Pariġi u tal-proċess tal-Konvenzjoni Qafas tan-Nazzjonijiet Uniti dwar it-Tibdil fil-Klima (UNFCCC); jenfasizza li dawn jistgħu jagħtu kontributi siewja fid-djalogu faċilitattiv u fir-rendikont globali, u jistgħu jikkontribwixxu għal proċess ta' rieżami aktar effikaċi fl-ambitu tal-Ftehim ta' Pariġi;

10.  Jitlob li tissaħħaħ kemm l-azzjoni individwali kif ukoll l-azzjoni koordinata fil-livell tal-UE, reġjonali u lokali għall-adattament għall-impatt tat-tibdil fil-klima;

11.  Jenfasizza li l-ibliet qed imexxu t-tfassil tal-politika urbanistika, bil-kapaċità li jgħaqqdu l-inizjattivi mal-pjanijiet ta' azzjoni nazzjonali u jiffukaw fuq l-inizjattivi bl-akbar impatt; jitlob l-involviment aktar intens tal-gvern lokali fil-proċess deċiżjonali tal-UE;

12.  Jinnota li s-sindki tal-ibliet iridu jagħtu kont ta' għemilhom quddiem l-elettorat tagħhom fir-rigward tad-deċiżjonijiet li jieħdu, u jistgħu jaġixxu b'mod aktar effikaċi u malajr, u ħafna drabi b'riżultati immedjati u li jħallu impatt;

13.  Jitlob governanza ġdida li tkun tista' tiggarantixxi fondi għall-azzjoni klimatika u integrazzjoni aħjar tar-reġjuni u tal-ibliet u l-korpi rappreżentattivi tagħhom, bħall-Kumitat tar-Reġjuni fil-livell tal-UE, fi ħdan il-proċess tal-UNFCCC, sabiex jiġi stabbilit djalogu dirett u permanenti bejn il-livelli differenti, li jibda fil-livell lokali u reġjonali; jinnota li t-tħabbira tal-irtirar tal-Istati Uniti mill-Ftehim ta' Pariġi ġiegħlet lil bosta stati u bliet tal-Istati Uniti jtennu l-impenn tagħhom għar-rispett tal-kontribut determinat fil-livell nazzjonali (NDC) biex inaqqsu l-emissjonijiet tal-Istati Uniti b'26 sa 28 % sal-2025 meta mqabbla mal-livelli tagħhom fl-2005, u li, fid-dawl tal-kuntest partikolari, l-awtoritajiet lokali u sottonazzjonali għandhom jiffurmaw parti integrali tal-proċess tal-UNFCCC, ħalli l-pożizzjonijiet tagħhom ikunu rappreżentati fi ħdan il-proċess u t-tixrid tal-aħjar prattiki lokali ikun faċilitat fir-rigward tal-mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima u tal-adattament għalih;

14.  Jisħaq fuq il-bżonn ta' riferiment ċar għar-rwol tal-gvernijiet lokali u reġjonali fl-ambitu tal-Ftehim ta' Pariġi bil-għan li tkun żgurata tweġiba fit-tul għat-tibdil fil-klima; jissottolinja li l-UE għandha taħdem fuq il-post mal-ibliet u mar-reġjuni sabiex ir-reġjuni u l-ibliet tal-UE jsiru konnessi b'mod aħjar u aktar sostenibbli, toħloq muniċipalitajiet effiċjenti fl-enerġija u tiżviluppa netwerks tat-trasport urban aktar intelliġenti;

15.  Jirrimarka li, sal-2030, kważi 60 % tal-popolazzjoni dinjija se tkun qed tgħix f'żoni urbani; jinnota li l-Għan ta' Żvilupp Sostenibbli (SDG) nru 11 ("li l-ibliet u l-insedjamenti umani jsiru inklużivi, siguri, reżiljenti u sostenibbli"), jimmira li sal-2020 jżid sostanzjalment in-numru ta' bliet u insedjamenti umani li adottaw u implimentaw politiki u pjanijiet integrati għall-inklużjoni, l-effiċjenza tar-riżorsi, il-mitigazzjoni u l-adattament għat-tibdil fil-klima u r-reżiljenza għad-diżastri, u jiżviluppa u jimplimenta, skont il-Qafas ta' Sendai għat-Tnaqqis tar-Riskju ta' Diżastri 2015-2030, ġestjoni olistika tar-riskju ta' diżastri, fuq kull livell; jinnota li, skont il-World Urbanisation Prospects tal-2014 tan-NU, 54 % tal-popolazzjoni dinjija tgħix f'żoni urbani fl-2014, waqt li fl-1950 din iċ-ċifra kienet ta' 30 %. jinnota li huwa stmat li fl-2050 din iċ-ċifra se tilħaq is-66 %;

16.  Jitlob li l-istruttura globali l-ġdida tkun tinvolvi formalment lill-awtoritajiet lokali u reġjonali fit-tħejjija u fl-implimentazzjoni ta' pjan ta' azzjoni ċar dwar il-klima għall-Ftehim ta' Pariġi; jisħaq fuq il-fatt li din l-istruttura trid timmonitorja objettivi vinkolanti, timmonitorja l-progress permezz ta' mekkaniżmi ta' evalwazzjoni u tipprovdi strumenti finanzjarji adattati sabiex l-impenji jinbidlu f'riżultati tanġibbli;

17.  Jitlob il-promozzjoni ta' koordinament bejn l-amministrazzjonijiet pubbliċi kollha, u t-trawwim tal-parteċipazzjoni taċ-ċittadini, tal-partijiet interessati fil-qasam soċjali u ekonomiku;

18.  Jitlob li jiġi implimentat pjan direzzjonali ta' adattament li jimmonitorja l-azzjoni klimatika reġjonali u lokali u li jinkorpora l-aħħar data dwar l-azzjoni ta' adattament fl-UE, inkluż għar-rapportar dwar il-kontributi determinati fil-livell nazzjonali tal-UE (NDCs tal-UE);

19.  Jinsab imħasseb bil-fatt li ż-żieda fil-fenomeni meteoroloġiċi estremi, bħall-mewġ ta' sħana, il-maltempati qawwijin, l-għargħar u n-nixfa, hija konsegwenza diretta tat-tibdil fil-klima kkawżat mill-bniedem, se tkompli tħalli impatt negattiv fuq bosta nħawi tal-Ewropa u bi frekwenza akbar, u b'hekk il-persuni, in-natura u l-ekosistemi li jgħixu fihom isiru aktar vulnerabbli sakemm ma jittiħdux miżuri konkreti u ċ-ċiklu idroloġiku jinġieb għal li kien; jenfasizza l-ħtieġa li jiżdiedu l-investimenti fl-infrastruttura ekoloġika li jistgħu jgħinu lill-ibliet jibqgħu friski u jagħtu protezzjoni jew sokkors matul fenomeni meteoroloġiċi estremi; jinnota li l-ibliet u r-reġjuni huma interkonnessi u jiddependu minn bliet u reġjuni oħra biex jipprovdulhom is-servizzi essenzjali bħall-ikel, l-ilma u l-enerġija u l-infrastruttura li tipprovdihom; jenfasizza li l-ippjanar u l-iżvilupp ta' adattament effikaċi jirrikjedu informazzjoni soda dwar ir-riskji klimatiċi futuri li tiffaċċja belt u dwar kif dan jirriżulta f'vulnerabbiltajiet fiżiċi u ekonomiċi; ifakkar li għad hemm bliet mingħajr informazzjoni speċifika għalihom dwar ir-riskju klimatiku li tinforma lill-proċessi tat-teħid ta' deċiżjonijiet dwar l-ippjanar u l-iżvilupp fil-livell lokali, u, biex dan jintlaħaq, jinħtieġ approċċ konġunt u komprensiv li jgħaqqad id-djalogu u s-sħubijiet li jaqsmu s-setturi u l-livelli governattivi; jitlob li jingħata appoġġ integrat tal-UE sabiex jitjiebu s-solidarjetà u l-iskambju tal-aħjar prattiki fost l-Istati Membri u li jiġi żgurat li r-reġjuni l-aktar milquta mit-tibdil fil-klima jkunu kapaċi jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jadattaw;

20.  Iħeġġeġ lir-reġjuni u lill-ibliet jadottaw pjanijiet speċifiċi fil-qasam tal-adattament, li jiggarantixxu t-tnaqqis tal-vulnerabbiltà tagħhom fil-konfront tat-tibdil fil-klima;

21.  Jenfasizza l-ħtieġa li jiżdiedu l-investimenti fl-infrastruttura ekoloġika li jistgħu jgħinu lill-ibliet inaqqsu t-temperaturi u jagħtu protezzjoni jew sokkors matul fenomeni meteoroloġiċi estremi;

22.  Jinnota li, b'mod partikolari, iż-żieda fil-kopertura ta' veġetazzjoni ta' siġar u arbuxelli fl-ibliet, b'għażla bir-reqqa ta' speċijiet xierqa għal żona partikolari, tnaqqas il-fluss tas-sħana sensibbli u t-temperatura tal-arja, u b'hekk ittejjeb b'mod effikaċi l-mikroklima tal-ibliet u l-kumdità termika tal-bniedem; jemmen li din il-kunsiderazzjoni għandha tkun il-bażi għall-ippjanar tal-użu tal-art u l-proġetti urbanistiċi tal-ibliet tal-UE;

23.  Jisħaq fuq il-bżonn li r-reġjuni jimplimentaw u jaġġornaw, fuq bażi regolari, il-programmi reġjonali li fihom miżuri li jaġevolaw l-adattament adegwat biex ikunu miġġielda l-effetti tat-tibdil fil-klima, u li r-reġjuni kollha jridu jikkooperaw fil-formulazzjoni ta' pjanijiet għall-adattament għall-impatt tat-tibdil fil-klima u fl-iżvilupp ta' pjanijiet integrati għall-ġestjoni taż-żoni kostali u tar-riżorsi tal-ilma;

24.  Ifakkar li l-istrateġija tal-UE dwar l-adattament għat-tibdil fil-klima (COM(2013)0216) tidentifika tliet objettivi kbar u azzjonijiet rispettivi: 1) il-promozzjoni tal-azzjoni min-naħa tal-Istati Membri; 2) l-inkoraġġiment tal-Istati Membri biex jadottaw strateġiji ta' adattament komprensivi; u 3) l-għoti ta' fondi LIFE b'appoġġ għall-bini tal-kapaċitajiet u għall-intensifikazzjoni tal-azzjoni ta' adattament fl-Ewropa (2013-2020);

25.  Ifakkar li bil-għan li jiġu rispettati l-obbligi li jirriżultaw mill-Ftehim ta' Pariġi, mhux biss jeħtieġ li l-emissjonijiet jitnaqqsu, iżda l-kapaċità ta' assorbiment ta' CO2 mill-ħamrija trid tiżdied, ħalli sat-tieni nofs tas-seklu ssir tneħħija netta ta' CO2 mill-atmosfera;

26.  Jitlob żieda fil-protezzjoni ta' foresti urbani eżistenti u dawk stabbiliti dan l-aħħar fir-reġjuni tal-UE, fid-dawl tal-importanza li dawn għandhom matul il-ħin liberu tal-popolazzjonijiet lokali u, f'xi nħawi, fl-għoti u fil-konservazzjoni tas-sorsi tal-ilma tax-xorb; jemmen li l-muniċipalitajiet għandhom jipprovdu l-appoġġ kollu meħtieġ biex iżommu dawn l-ekosistemi u s-servizzi tagħhom u jipprevjenu kull attività li tista' twassal għad-deterjorament tagħhom;

27.  Isostni li biex tiżdied ir-reżiljenza tas-soċjetà u tal-inħawi fejn jgħixu n-nies, bil-għan li jkunu indirizzati l-effetti inevitabbli tat-tibdil fil-klima, jeħtieġ li jittieħed numru ta' miżuri, inkluż użu aktar effiċjenti u razzjonali tal-ilma (il-miżuri ta' adattament relatati mal-ilma jmissu jkollhom prijorità, eżatt bħall-miżuri ta' mitigazzjoni li diġà qed jittieħdu fir-rigward tal-karbonju) u azzjoni fiż-żoni kostali; jiġu żviluppati strateġiji bbażati fuq l-urbanistika ekoloġika, b'attenzjoni partikolari fuq id-difiża mill-għargħar; ikunu mobilizzati l-kompetenzi tekniċi u r-riżorsi għall-adattament tal-għelejjel u għall-ġestjoni tal-foresti biex ikunu indirizzati l-problemi tan-nixfa u tan-nirien; u tiżdied il-konnettività fost l-ekosistemi biex l-ispeċijiet jitħeġġu jpassu;

28.  Jirrikonoxxi l-bżonn tal-miżuri ta' adattament biex jinkisbu koordinament u koerenza fil-livell kollha tal-ippjanar u tal-ġestjoni, u li huwa importanti li jiġu żgurati approċċi konġunti u koerenza sħiħa bejn l-istrateġiji nazzjonali ta' adattament u l-pjanijiet tal-ġestjoni lokali tar-riskju;

29.  Jirrimarka li l-vulnerabbiltà tal-individwi fil-konfront tal-effetti tat-tibdil fil-klima, b'mod speċjali l-hekk imsejħa fenomeni estremi, hija fil-biċċa l-kbira ddeterminata mill-kapaċità tagħha ta' aċċess għal riżorsi bażiċi bħall-enerġija u l-ilma; u, fid-dawl ta' dan, jitlob lill-awtoritajiet pubbliċi jiggarantixxu l-aċċess għal dawk iż-żewġ riżorsi bażiċi;

30.  Jinnota li ħmistax-il Stat Membru biss adottaw pjan ta' azzjoni u strateġija ta' adattament, bi ftit miżuri konkreti fuq il-post; jenfasizza l-ħtieġa li jiġu mmonitorjati u evalwati l-istrateġiji ta' adattament u l-pjanijiet ta' azzjoni kollha dwar il-prevenzjoni tar-riskju, il-ġestjoni tal-għargħar u tal-ilma;

31.  Jirrikonoxxi li ġestjoni effiċjenti tar-riżorsi hija fundamentali għall-finijiet ta' mitigazzjoni u ta' adattament, sabiex jiġu identifikati prijoritajiet konġunti; jitlob li l-istrateġiji lokali integrati jiżguraw l-użu effiċjenti tar-riżorsi, u jibnu r-reżiljenza u jadattaw għall-impatt tat-tibdil fil-klima fiż-żoni l-aktar milquta;

32.  Huwa tal-fehma li l-awtoritajiet lokali u reġjonali għandhom jieħdu azzjoni integrata u fit-tul dwar il-mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima u l-adattament għalih fil-livell lokali;

33.  Iqis li l-awtoritajiet lokali u sottonazzjonali għandhom ikunu jistgħu jiddefinixxu b'mod ċar l-impenji tagħhom f'termini ta' mitigazzjoni u adattament, kif għamlu n-nazzjonijiet permezz tal-kontributi determinati fuq livell nazzjonali, bil-għan li jikkontribwixxu b'mod sod u trasparenti, ibda minn proċessi ta' monitoraġġ, rapportar u verifikazzjoni (MRV) bir-reqqa, permezz ta' inizjattivi għall-Patt Globali tas-Sindki għall-Klima u l-Enerġija; jappella għall-ħolqien ta' sistema ta' kontributi determinati fil-livell lokali, li tkun attwata f'rabta diretta u b'mod kumplementari mal-kontributi determinati fil-livell nazzjonali; iqis li tali kontributi, sew jekk nazzjonali, sottonazzjonali, reġjonali jew lokali, għandhom jimxu fuq modalitajiet, proċeduri u linji gwida komuni, skont il-każ, bil-għan li tkun żgurata t-trasparenza tal-azzjoni u tal-appoġġ;

34.  Ifakkar li mill-inqas 20 % tal-baġit tal-UE għall-2014-2020 (madwar EUR 212-il biljun) għandu jintefaq fuq azzjoni relatata mal-klima; jinnota li fir-Rapport Speċjali Nru 31/2016, il-Qorti Ewropea tal-Awdituri tqis li hemm riskju serju li ma tintlaħaqx il-mira tal-20 % jekk ma jsir l-ebda sforz addizzjonali biex ikun indirizzat it-tibdil fil-klima, filwaqt li tirrikonoxxi li l-adozzjoni tal-mira rriżultat f'aktar finanzjament tal-azzjoni klimatika, u li hu aktar iffukat, fl-ambitu ta' wħud mill-Fondi Strutturali u ta' Investiment Ewropej, jiġifieri l-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali u l-Fond ta' Koeżjoni, iżda f'ċerti oqsma, bħall-Fond Soċjali Ewropew, l-agrikoltura, l-iżvilupp rurali u s-sajd, kollox baqa' miexi bħal qabel (li jfisser li ma kien hemm l-ebda bidla f'ġieħ l-azzjoni klimatika);

35.  Jilqa' l-inklużjoni tal-objettivi tematiċi TO4, TO5 u TO6 fost il-kriterji għall-allokazzjoni ta' finanzjament tal-koeżjoni; ifakkar li, skont il-Qorti Ewropea tal-Awdituri, l-impenn li jiżgura li mill-inqas 20 % tal-Qafas Finanzjarju Pluriennali jintefaq fuq azzjonijiet klimatiċi fil-perjodu 2014-2020 jaf ma jintlaħaqx jekk ma jitteħdux miżuri komplementari;

36.  Jenfasizza n-nuqqas ta' sistema ta' rappurtar dwar il-proporzjon tal-Fondi Strutturali u ta' Koeżjoni allokati għall-azzjonijiet ta' mitigazzjoni u adattament min-naħa tal-awtoritajiet lokali;

37.  Jitlob lill-Kummissjoni tpoġġi obbligu fuq l-Istati Membri li jindikaw il-perċentwal tal-fondi tal-UE minfuqa fil-livell lokali biex jitnaqqsu l-emissjonijiet tal-gassijiet b'effett ta' serra u biex jiġi żgurat l-adattament spazjali għat-tibdil fil-klima;

38.  Jistieden lill-Kummissjoni, lill-BEI u lill-Istati Membri jsaħħu l-kapaċità amministrattiva tar-reġjuni u tal-ibliet biex huma jkunu jistgħu jieħdu vantaġġ sħiħ tal-opportunitajiet ta' finanzjament pubbliċi u privati disponibbli fil-livell tal-UE; jenfasizza l-ħtieġa ta' assistenza finanzjarja mtejba biex l-awtoritajiet lokali u reġjonali jiġu megħjuna jimplimentaw miżuri klimatiċi koerenti; jemmen li l-faċilitajiet finanzjarji bħall-fondi globali għall-klima għandhom ikunu aċċessibbli b'mod dirett għall-awtoritajiet lokali;

39.  Huwa konxju mill-problemi li jħabbtu wiċċhom magħhom il-muniċipalitajiet u r-reġjuni li s'issa kienu dipendenti għalkollox f'termini ekonomiċi fuq l-estrazzjoni ta' sorsi tal-enerġija konvenzjonali bħall-faħam u jitlob li jkun hemm programmi ta' finanzjament Ewropej biex jappoġġaw it-trasformazzjoni strutturali tagħhom;

40.  Jistieden lill-awtoritajiet lokali u reġjonali jagħmlu dak kollu li jistgħu biex iwaqqfu fondi pubbliċi li jistgħu jintużaw, pereżempju, biex jippromwovu l-iżvilupp tal-enerġija rinnovabbli, jiddeċentralizzaw in-netwerks u jinkoraġġixxu l-użu ta' elettriku ġġenerat mill-konsumatur;

41.  Iħeġġeġ lill-awtoritajiet pubbliċi biex jirreġistraw l-azzjonijiet li jżidu l-vulnerabilità u l-emissjonijiet tal-gassijiet b'effett ta' serra, u biex jagħtu inċentivi fiskali għall-azzjonijiet li jippromwovu l-adattament għat-tibdil fil-klima u t-tnaqqis tal-emissjonijiet;

42.  Jenfasizza l-ħtieġa li tiġi stimolata t-tranżizzjoni tal-enerġija u l-investiment lokali fil-mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima u l-miżuri ta' adattament, billi jiġu ssimplifikati r-regolamenti, titnaqqas il-burokrazija, ikunu permessi soluzzjonijiet innovattivi, u inkoraġġuti sħubiji ma' komunitajiet lokali u s-soċjetà ċivili, bil-għan li tiġi promossa azzjoni klimatika; jitlob li jittieħdu inizjattivi nazzjonali biex iqajmu kuxjenza fost iċ-ċittadini dwar l-effett tat-tibdil fil-klima;

43.  Jenfasizza l-importanza tal-edukazzjoni fil-protezzjoni tal-klima u jitlob li jkun hemm miżuri suffiċjenti għall-muniċipalitajiet u l-iskejjel biex ikun iggarantit l-għarfien espert rekwiżit;

44.  Jilqa' l-inizjattivi tal-ibliet, bħal bliet intelliġenti u grilja intelliġenti, li jfittxu li jnaqqsu l-emissjonijiet ta' gassijiet b'effett ta' serra u jżidu l-effiċjenza tar-riżorsi billi jindirizzaw it-tibdil fil-klima, jiksbu tkabbir ekoloġiku u jippromwovu ż-żoni konnessi permezz tas-sistemi tat-trasport pubbliku; jenfasizza li r-reġjuni jeħtieġ li jtejbu l-arranġamenti tal-ibliet ekoloġiċi bl-għan li jkun hemm tkabbir ekoloġiku urban nazzjonali, peress li l-ibliet jipproduċu ħafna emissjonijiet ta' gassijiet b'effett ta' serra, u li s-soluzzjonijiet bħall-grilji intelliġenti joffru l-potenzjal li l-enerġija titwassal b'mod aktar effiċjenti fid-djar u fil-binjiet, u b'hekk titjieb l-effiċjenza fil-konsum tal-enerġija;

45.  Jistieden lill-awtoritajiet kompetenti biex jorjentaw il-produzzjoni agrikola u forestali lejn attivitajiet li jservu biex inaqqsu l-emissjonijiet diretti u indiretti ta' gassijiet b'effett ta' serra, u biex ifasslu pjanijiet favur żieda gradwali fil-kapaċità tal-assorbiment tal-ħamrija;

46.  Jilqa' l-qligħ ekonomiku potenzjali għall-ibliet li jiżvolġu rwol mexxej fl-infrastruttura b'livell baxx ta' karbonju, fosthom tnaqqis fl-ispejjeż tal-elettriku, tnaqqis fl-ispejjeż tal-manutenzjoni u tnaqqis fl-infiq fuq is-saħħa pubblika, minħabba li s-saħħa titjieb meta jonqsu s-sustanzi niġġiesa;

47.  Ifakkar li l-proġetti dwar l-enerġija rinnovabbli fuq skala żgħira, bħal proġetti ta' komunitajiet tal-enerġija rinnovabbli u awtokonsumaturi ta' sorsi rinnovabbli, jistgħu jikkontribwixxu għall-ilħuq tal-objettivi tal-Ftehim ta' Pariġi;

48.  Jenfasizza l-importanza li l-ibliet jieħdu rwol ewlieni fil-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima billi jippromwovu l-użu tat-trasport pubbliku, inkluż it-trasport ferrovjarju; jinnota li l-konġestjoni fit-toroq hija sors ewlieni tal-emissjonijiet tal-karbonju; jenfasizza li l-UE trid taħdem fuq il-post mal-ibliet u r-reġjuni sabiex ir-reġjuni u l-ibliet tal-UE jsiru aktar effiċjenti fl-enerġija u konnessi b'mod aħjar, sabiex jiġu żviluppati netwerks tat-trasport urban aktar intelliġenti għal dinja aktar reżiljenti għall-klima;

49.  Ifakkar li t-trasport jipproduċi mhux biss emissjonijiet b'impatt sinifikanti fuq is-saħħa, iżda wkoll emissjonijiet tal-gassijiet b'effett ta' serra; huwa tal-fehma li r-reġjuni u l-ibliet għandhom potenzjal enormi li jnaqqsu l-emissjonijiet tal-gassijiet b'effett ta' serra mit-trasport billi jqisuhom aktar fl-ippjanar tat-trasport; jenfasizza l-ħtieġa ta' finanzjament għal inizjattivi li jiffaċilitaw il-mobilità lokali u reġjonali b'livell baxx ta' karbonju;

50.  Jistieden lill-awtoritajiet lokali biex jimplimentaw pjanijiet fl-oqsma tat-trasport u l-loġistika sabiex jippromwovu t-trasport bl-elettriku pubbliku u privat, fosthom billi jistabbilixxu żoni li fihom ikunu jistgħu jintużaw biss ir-roti u l-vetturi elettriċi u billi jipprovdu għadd suffiċjenti ta' punti ta' ċċarġjar aċċessibbli faċilment;

51.  Jitlob sejħa għal offerti għal għadd ta' reġjuni mudelli bl-għan li titwettaq riċerka fuq sistema tat-trasport intelliġenti u interkonnessa bejn l-ibliet u ż-żoni rurali, billi jirrikonoxxi l-importanza partikolari tas-settur tat-trasport;

52.  Isejjaħ lill-Kummissjoni Ewropea sabiex il-Programm Orizzont 2020 isaħħaħ l-attenzjoni tiegħu u l-finanzjament għal proġetti ta' innovazzjoni u riċerka fil-qasam tal-ekonomija ċirkolari u tal-ibliet sostenibbli;

53.  Itenni l-ħtieġa li r-reġjuni jimplimentaw id-Direttiva 2010/31/UE dwar ir-rendiment tal-bini fl-użu tal-enerġija(4) u d-Direttiva 2012/27/UE dwar l-effiċjenza fl-enerġija(5);

54.  Jistieden lill-awtoritajiet lokali jagħmlu kampanji ta' informazzjoni, anke b'kollaborazzjoni ma' rappreżentanti ta' stabbilimenti tal-ikel, biex iqajmu kuxjenza dwar l-impronta tal-karbonju tal-ikel, bl-għan li jedukaw lin-nies dwar dieta tajba għas-saħħa u biex iħeġġuhom jieklu ikel b'impatt baxx fuq il-klima;

55.  Jenfasizza li l-ikel staġjonali prodott lokalment jista' jnaqqas l-emissjonijiet ta' gassijiet b'effett ta' serra mit-trasport, u b'hekk inaqqas l-impronta tal-karbonju ġenerali tal-ikel; jistieden lill-Kummissjoni ssaħħaħ il-produzzjoni tal-ikel sostenibbli lokali u reġjonali;

56.  Jitlob li jissaħħu s-sħubiji bejn l-UE u l-gvernijiet lokali u reġjonali biex ikunu rinforzati l-proċeduri li jaċċelleraw l-azzjoni klimatika lokali fil-qafas tal-ekonomija ċirkolari, sabiex jitnaqqas l-iskart, jiġi kkontrollat it-tibdil fil-klima u sabiex ir-riżorsi jintużaw b'mod aktar effiċjenti;

57.  Jenfasizza li l-ekonomija ċirkolari tikkostitwixxi għodda li għandha potenzjal enormi li ttejjeb is-sostenibilità fl-ibliet u jistieden lill-Kummissjoni tinkludi l-ibliet fl-istrateġija tal-ekonomija ċirkolari;

58.  Jistieden lill-awtoritajiet kompetenti jittrattaw il-problema tal-iskart bl-għan li titwettaq l-ekonomija ċirkolari u jippromwovu modi oħra ta' rimi apparti l-inċinerazzjoni fil-każ tal-iskart li ma jistax jiġi riċiklat jew użat mill-ġdid;

59.  Jitlob lill-Kummissjoni tfittex modi biex ittejjeb il-kooperazzjoni internazzjonali bejn ir-reġjuni u l-atturi fil-livell lokali sabiex jiġu skambjati l-aħjar prattiki u t-tagħlimiet meħuda biex jintlaħqu l-objettivi tal-Ftehim ta' Pariġi;

60.  Jitlob lill-gvernijiet nazzjonali biex jgħinu lill-ibliet u lir-reġjuni jwettqu l-impenji internazzjonali sabiex jappoġġaw l-inizjattivi tal-klima u tal-enerġija fil-livell lokali u reġjonali;

61.  Jistieden lill-ibliet u lir-reġjuni jiżvolġu rwol mexxej fil-promozzjoni tal-effiċjenza enerġetika u fil-produzzjoni tal-enerġija rinnovabbli sabiex inaqqsu l-emissjonijiet ta' gassijiet b'effett ta' serra u t-tniġġis fl-arja; jinnota li r-reġjuni u l-ibliet jista' jkollhom rwol ewlieni fid-dekarbonizzazzjoni tas-soċjetà u li l-involviment tagħhom fil-ħolqien ta' sistema enerġetika bbażata fuq l-enerġija rinnovabbli għandu jkun prijorità għall-UE u għall-Istati Membri individwali;

62.  Jilqa' d-deċiżjoni tal-Grupp Intergovernattiv ta' Esperti dwar it-Tibdil fil-Klima li jabbozza rapport speċjali dwar l-ibliet u l-klima fl-2023, impenn li se jwassal għal aktar riċerka dwar l-importanza tal-ibliet fil-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima; jistieden lill-Kummissjoni tieħu sehem attiv fit-tfassil ta' dan ir-rapport, u tippromovi viżjoni territorjali f'ħafna livelli tal-azzjoni klimatika; jemmen li l-ibliet għandhom jagħtu kontribut fir-Rapport dwar il-Klima Dinjija tal-2018; jemmen li l-ibliet u r-reġjuni jistgħu jinfluwenzaw it-tfassil tal-politika wara l-Ftehim ta' Pariġi u jimplimentaw approċċ strateġiku għall-indirizzar tat-tisħin globali u jappoġġaw il-miżuri ta' mitigazzjoni u ta' adattament fiż-żoni urbani, li fihom tgħix aktar minn nofs il-popolazzjoni tad-dinja;

63.  Jirrikonoxxi r-responsabilità speċjali tal-ibliet fl-indirizzar tat-tibdil fil-klima, meta jitqies li l-ibliet jipproduċu 70% tal-emissjonijiet globali tas-CO2; jemmen li l-impenji li saru fid-Dikjarazzjoni tal-Kunsill tal-Belt ta' Pariġi fl-2015 se jintlaħqu biss permezz ta' involviment mal-Patt Globali tas-Sindki għall-Klima u l-Enerġija u l-adozzjoni mifruxa ta' pjanijiet ta' azzjoni mill-ibliet fl-UE kollha; jistieden lill-Kummissjoni tgħin biex tkun żgurata, kull fejn ikun meħtieġ, l-integrazzjoni b'suċċess tal-"Compact of Mayors" u l-Patt tas-Sindki, li bdiet fit-22 ta' Ġunju 2016.

64.  Jinnota li matul it-22 Konferenza tal-Partijiet f'Marrakesh, l-awtoritajiet lokali u reġjonali żviluppaw il-Pjan Direzzjonali għall-Azzjoni ta' Marrakesh, li jenfasizza l-ħtieġa ta' involviment aktar dirett min-naħa tal-awtoritajiet lokali, li għandhom jiġu rikonoxxuti formalment bħala parti mid-diskussjoni uffiċjali dwar it-tibdil fil-klima, u mhux jitqiesu fl-istess livell ta' atturi oħra mhux statali, bħall-NGOs u s-settur privat;

65.  Jenfasizza li l-awtoritajiet pubbliċi bħala konsumaturi tal-enerġija għandhom jagħtu eżempju, u jitlob li l-Fondi Strutturali jkunu ffokati jew miżjuda bl-għan li tiġi promossa l-effiċjenza enerġetika fil-binjiet pubbliċi u l-awtosuffiċjenza tal-muniċipalitajiet permezz tal-enerġija rinnovabbli;

66.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jippromwovu skemi pilota u mudelli tal-awtoġestjoni enerġetika fil-livell lokali, mudelli bbażati fuq sistemi distributtivi li l-benefiċċji ekonomiċi tagħhom jintużaw biex jiffinanzjaw installazzjonijiet ġodda li jnaqqsu l-impatt fuq l-ambjent;

67.  Jistieden lill-Kummissjoni tippromwovi l-koordinazzjoni u l-iskambju ta' informazzjoni u l-aħjar prattiki bejn l-Istati Membri, ir-reġjuni, il-komunitajiet lokali u l-ibliet;

68.  Jinsab iddispjaċut bil-valutazzjoni tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri tal-2016, li l-għan tal-UE li tonfoq 20 % mill-baġit tagħha fil-perjodu ta' programmar attwali dwar l-azzjoni klimatika mhux se jintlaħaq; jirrikonoxxi l-għadd kbir ta' diffikultajiet meta jiġu biex jiġu mkejla u evalwati l-proġetti tal-UE favur il-mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima u l-impatti tiegħu; jistieden lill-Kummissjoni żżomm lill-Parlament aġġornat dwar il-progress f'dan il-qasam importanti.

69.  Jenfasizza l-importanza tal-proġetti enerġetiċi taċ-ċittadini li jkunu deċentralizzati u koperattivi, u jitlob li dawn jiġu appoġġati permezz tal-Fondi Strutturali u permezz ta' tnaqqis tal-piż burokratiku fil-livell nazzjonali u reġjonali;

70.  Jirrikonoxxi l-importanza ta' approċċi minn isfel għal fuq biex ikun żgurat li l-partijiet interessati jikkonvinċu rwieħhom li jaħdmu biex jittaffa t-tibdil fil-klima; jirrikonoxxi l-potenzjal tal-għodod stabbiliti fir-Regolament dwar Dispożizzjonijiet Komuni(6), bħall-investimenti territorjali integrati (ITIs) u l-iżviluppi lokali mmexxija mill-komunità (CLLDs), biex jgħinu fil-ksib tal-objettivi tal-UE f'dan il-qasam; jistieden lill-Kummissjoni taħdem mal-partijiet interessati fil-livell nazzjonali u lokali sabiex tiżgura li jagħmlu użu xieraq mill-firxa sħiħa ta' għodod li jinsabu għad-dispożizzjoni tagħhom;

71.  Itenni l-impenn tiegħu favur il-ksib tal-introduzzjoni globali b'suċċess tal-Patt tas-Sindki għall-Klima u l-Enerġija; jinnota l-importanza tal-istabbiliment ta' għanijiet li jistgħu jitkejlu għalkollox; jinnota, barra minn hekk, li għadd ta' pjanijiet ta' azzjoni mressqa jinkludu impenji sal-2020, u li l-ibliet ikkonċernati għaldaqstant għandhom xogħol addizzjonali x'jagħmlu sa l-2030;

72.  Jilqa' b'sodisfazzjon il-miżuri volontarji (tikettar tat-tip "dwal tat-traffiku") li jiżguraw il-viżibilità tal-impatt fuq il-klima u l-impronta tal-karbonju tal-ikel u ta' prodotti oħrajn, u jitlob li jinħolqu indikaturi uniformi fl-UE kollha li jagħmlu possibbli t-tikkettar volontarju iżda komparabbli, b'mod partikolari fil-qasam tal-kummerċ reġjonali;

INFORMAZZJONI DWAR L-ADOZZJONIFIL-KUMITAT LI JINTALAB JAGĦTI OPINJONI

Data tal-adozzjoni

21.11.2017

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

59

0

2

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Margrete Auken, Pilar Ayuso, Zoltán Balczó, Catherine Bearder, Ivo Belet, Simona Bonafè, Lynn Boylan, Soledad Cabezón Ruiz, Nessa Childers, Alberto Cirio, Birgit Collin-Langen, Miriam Dalli, Seb Dance, Angélique Delahaye, Mark Demesmaeker, Bas Eickhout, Francesc Gambús, Elisabetta Gardini, Gerben-Jan Gerbrandy, Arne Gericke, Jens Gieseke, Julie Girling, Françoise Grossetête, Andrzej Grzyb, Anneli Jäätteenmäki, Jean-François Jalkh, Benedek Jávor, Josu Juaristi Abaunz, Kateřina Konečná, Urszula Krupa, Giovanni La Via, Peter Liese, Norbert Lins, Valentinas Mazuronis, Joëlle Mélin, Susanne Melior, Rory Palmer, Gilles Pargneaux, Piernicola Pedicini, Bolesław G. Piecha, Pavel Poc, Frédérique Ries, Daciana Octavia Sârbu, Annie Schreijer-Pierik, Davor Škrlec, Renate Sommer, Ivica Tolić, Nils Torvalds, Adina-Ioana Vălean, Damiano Zoffoli

Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali

Jørn Dohrmann, Herbert Dorfmann, Eleonora Evi, Martin Häusling, Rupert Matthews, Stanislav Polčák, Christel Schaldemose, Bart Staes, Dubravka Šuica, Carlos Zorrinho

Sostituti (skont l-Artikolu 200(2)) preżenti għall-votazzjoni finali

Maria Noichl

VOTAZZJONI FINALI B'SEJĦA TAL-ISMIJIETFIL-KUMITAT LI JINTALAB JAGĦTI OPINJONI

59

+

ALDE

Catherine Bearder, Gerben-Jan Gerbrandy, Anneli Jäätteenmäki, Valentinas Mazuronis, Frédérique Ries, Nils Torvalds

ECR

Mark Demesmaeker, Jørn Dohrmann, Arne Gericke, Julie Girling, Urszula Krupa, Rupert Matthews, Bolesław G. Piecha

EFDD

Eleonora Evi, Piernicola Pedicini

GUE/NGL

Lynn Boylan, Josu Juaristi Abaunz, Kateřina Konečná

NI

Zoltán Balczó

PPE

Pilar Ayuso, Ivo Belet, Alberto Cirio, Birgit Collin-Langen, Angélique Delahaye, Herbert Dorfmann, Francesc Gambús, Elisabetta Gardini, Jens Gieseke, Françoise Grossetête, Andrzej Grzyb, Giovanni La Via, Peter Liese, Norbert Lins, Stanislav Polčák, Annie Schreijer-Pierik, Renate Sommer, Dubravka Šuica, Ivica Tolić, Adina-Ioana Vălean

S&D

Simona Bonafè, Soledad Cabezón Ruiz, Nessa Childers, Miriam Dalli, Seb Dance, Susanne Melior, Maria Noichl, Rory Palmer, Gilles Pargneaux, Pavel Poc, Christel Schaldemose, Daciana Octavia Sârbu, Damiano Zoffoli, Carlos Zorrinho

VERTS/ALE

Margrete Auken, Bas Eickhout, Martin Häusling, Benedek Jávor, Davor Škrlec, Bart Staes

0

-

 

 

2

0

ENF

Jean-François Jalkh, Joëlle Mélin

Tifsira tas-simboli użati:

+  :  favur

-  :  kontra

0  :  astensjoni

(1)

Rapport "Global Gender and Climate Alliance (GGCA)", Diċembru 2015.

(2)

Studju Arup bit-titolu "Deadline 2020. How cities will get the job done".

http://www.c40.org/researches/deadline-2020

(3)

Id-Direttiva (UE) 2016/2284 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta' Diċembru 2016 dwar it-tnaqqis tal-emissjonijiet nazzjonali ta' ċerti inkwinanti atmosferiċi, li temenda d-Direttiva 2003/35/KE u li tħassar id-Direttiva 2001/81/KE (ĠU L 344, 17.12.2016, p. 1).

(4)

Direttiva 2010/31/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-19 ta' Mejju 2010 dwar ir-rendiment tal-bini fl-użu tal-enerġija (ĠU L 153, 18.6.2010, p. 13).

(5)

Id-Direttiva 2012/27/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Ottubru 2012 dwar l-effiċjenza fl-enerġija, li temenda d-Direttivi 2009/125/KE u 2010/30/UE u li tħassar id-Direttivi 2004/8/KE u 2006/32/KE (ĠU L 315, 14.11.2012, p. 1).

(6)

Ir-Regolament (UE) Nru 1303/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 2013 li jistabbilixxi dispożizzjonijiet komuni dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew, il-Fond ta' Koeżjoni, il-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali u l-Fond Marittimu u tas-Sajd Ewropew u li jistabbilixxi d-dispożizzjonijiet ġenerali dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew, il-Fond ta' Koeżjoni u l-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1083/2006 (ĠU L 347, 20.12.2013, p. 320).


INFORMAZZJONI DWAR L-ADOZZJONIFIL-KUMITAT RESPONSABBLI

Data tal-adozzjoni

20.2.2018

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

33

4

1

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Mercedes Bresso, Steeve Briois, Andrea Cozzolino, Raymond Finch, John Flack, Iratxe García Pérez, Michela Giuffrida, Krzysztof Hetman, Ivan Jakovčić, Constanze Krehl, Sławomir Kłosowski, Louis-Joseph Manscour, Martina Michels, Iskra Mihaylova, Andrey Novakov, Paul Nuttall, Mirosław Piotrowski, Stanislav Polčák, Liliana Rodrigues, Fernando Ruas, Monika Smolková, Ruža Tomašić, Ramón Luis Valcárcel Siso, Ángela Vallina, Lambert van Nistelrooij, Kerstin Westphal, Joachim Zeller

Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali

Daniel Buda, Andor Deli, Ivana Maletić, Urmas Paet, Tonino Picula, Georgi Pirinski, Bronis Ropė, Milan Zver

Sostituti (skont l-Artikolu 200(2)) preżenti għall-votazzjoni finali

Eleonora Evi, Anna Hedh, Bogdan Brunon Wenta


VOTAZZJONI FINALI B'SEJĦA TAL-ISMIJIET FIL-KUMITAT RESPONSABBLI

33

+

ALDE

Ivan Jakovčić, Iskra Mihaylova, Urmas Paet

ECR

John Flack, Mirosław Piotrowski, Ruža Tomašić

EFDD

Eleonora Evi

GUE/NGL

Martina Michels, Ángela Vallina

PPE

Daniel Buda, Andor Deli, Krzysztof Hetman, Ivana Maletić, Lambert van Nistelrooij, Andrey Novakov, Stanislav Polčák, Fernando Ruas, Ramón Luis Valcárcel Siso, Bogdan Brunon Wenta, Milan Zver

S&D

Mercedes Bresso, Andrea Cozzolino, Iratxe García Pérez, Michela Giuffrida, Anna Hedh, Constanze Krehl, Louis-Joseph Manscour, Tonino Picula, Georgi Pirinski, Liliana Rodrigues, Monika Smolková, Kerstin Westphal

VERTS/ALE

Bronis Ropė

4

-

EFDD

Raymond Finch, Paul Nuttall

ENF

Steeve Briois

PPE

Joachim Zeller

1

0

ECR

Sławomir Kłosowski

Tifsira tas-simboli użati:

+  :  favur

-  :  kontra

0  :  astensjoni

Aġġornata l-aħħar: 9 ta' Marzu 2018Avviż legali