Proċedura : 2017/2030(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A8-0059/2018

Testi mressqa :

A8-0059/2018

Dibattiti :

PV 16/04/2018 - 22
CRE 16/04/2018 - 22

Votazzjonijiet :

PV 17/04/2018 - 6.9
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P8_TA(2018)0100

RAPPORT     
PDF 786kWORD 71k
6.3.2018
PE 612.036v01-00 A8-0059/2018

dwar l-implimentazzjoni tas-Seba' Programm ta' Azzjoni Ambjentali

(2017/2030(INI))

Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza tal-Ikel

Rapporteur: Daciana Octavia Sârbu

NOTA SPJEGATTIVA – SOMMARJU TAL-FATTI U S-SEJBIET
 MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW
 INFORMAZZJONI DWAR L-ADOZZJONIFIL-KUMITAT RESPONSABBLI
 VOTAZZJONI FINALI B'SEJĦA TAL-ISMIJIET FIL-KUMITAT RESPONSABBLI

NOTA SPJEGATTIVA – SOMMARJU TAL-FATTI U S-SEJBIET

Introduzzjoni

Is-Seba' Programm ta' Azzjoni Ambjentali ("is-Seba' EAP") jistabbilixxi għanijiet vinkolanti li l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha għandhom jilħqu fil-qasam tal-ambjent sal-2020.

Dan ir-rapport jivvaluta l-implimentazzjoni tas-Seba' EAP sa issa u l-probabbiltà tal-ilħuq tal-għanijiet tal-Programm sal-2020. Huwa joffri rakkomandazzjonijiet għal titjib fl-implimentazzjoni u suġġerimenti għal kwalunkwe EAP futur.

Sejbiet ewlenin(1)

Il-kamp ta' applikazzjoni tas-"Seba' EAP" huwa rilevanti għall-ħtiġijiet attwali fil-qasam tal-ambjent. Il-Programm għandu influwenza moderata fuq il-politiki dwar l-ambjent u l-klima u jipprovdi gwida strateġika kemm fil-livell tal-UE kif ukoll f'dak tal-Istati Membri. Dan jgħin jistabbilixxi koerenza bejn politiki differenti kif ukoll viżjoni fuq terminu twil.

Il-progress lejn l-għanijiet tas-Seba' EAP huwa mħallat, u hemm inċertezza konsiderevoli dwar jekk l-għanijiet tal-2020 humiex se jintlaħqu. Minkejja din l-inċertezza u l-limitazzjonijiet ta' diversi indikaturi, il-prospettiva tissuġġerixxi li ħafna mill-għanijiet sekondarji taħt l-għan 1 (kapital naturali) mhumiex se jintlaħqu. Il-prospetti għall-kisba ta' riżultati tajbin fl-għan 2 (ekonomija b'livell baxx ta' emissjonijiet ta' karbonju u effiċjenza fir-riżorsi) huma ħafna aħjar. Il-prospettiva għall-għan 3 (riskji għas-saħħa u l-benesseri) hija diffiċli biex tiġi vvalutata minħabba nuqqas ta' data.

Għalkemm hemm koerenza ġenerali bejn is-Seba' EAP u strumenti ta' politika oħrajn ta' livell għoli tal-UE, hemm xi eċċezzjonijiet importanti. B'mod partikolari, il-Politika Agrikola Komuni (PAK) ġiet identifikata regolarment bħala nieqsa minn koerenza mas-Seba' EAP.

Il-livell ta' finanzjament disponibbli għall-azzjonijiet tas-Seba' EAP huwa meqjus bħala inadegwat, għalkemm dan huwa aktar ta' problema fil-livell tal-Istati Membri milli f'dak tal-UE. Hemm diffikultajiet konsiderevoli fl-iżgurar ta' investiment għall-politika dwar l-ambjent u l-klima, għalkemm fil-livell tal-UE dan ħafna drabi jkun ir-riżultat ta' fondi amministrati ħażin aktar milli nuqqas ta' flus.

Is-Seba' EAP kien meqjus b'mod wiesa' mill-partijiet ikkonċernati li jipprovdi valur miżjud tal-UE, u li għandu impatt pożittiv fuq iċ-ċittadini, in-natura u - minkejja li sa ċertu punt - fuq l-atturi ekonomiċi.

Hemm appoġġ qawwi fost il-partijiet ikkonċernati għat-Tmien EAP. Paradossalment, għalkemm tressqu ħafna suġġerimenti għal għanijiet sekondarji ġodda f'EAP futur, il-partijiet ikkonċernati qiesu wkoll li tali programm għandu jkun aktar sempliċi u aktar iffokat minn dak eżistenti. Aktar indikaturi u indikaturi aħjar itejbu l-monitoraġġ u l-feedback.

  Għan prijoritarju 1: jiġi protett, ippreservat u msaħħaħ il-kapital naturali tal-Unjoni

Dan huwa wieħed mill-aktar għanijiet problematiċi f'termini ta' implimentazzjoni. Minkejja t-tendenzi pożittivi tal-passat f'ċerti oqsma, l-indikaturi jissuġġerixxu li se jintlaħqu ftit wisq mill-għanijiet sekondarji tal-2020. It-telf fil-bijodiversità u l-implimentazzjoni dgħajfa tad-Direttivi dwar l-Għasafar u l-Ħabitats ġew identifikati ripetutament bħala ostakoli kbar għall-ilħuq tal-għanijiet tal-EAP. Il-fondi tal-UE mhumiex mobilizzati tajjeb biex jappoġġaw il-ġestjoni tan-netwerk Natura 2000, u l-istabbiliment tas-siti tal-baħar huwa partikolarment problematiku. L-użu tal-ibħra tal-Ewropa jibqa' insostenibbli.

•  Għan prijoritarju 2: biex l-Unjoni ssir ekonomija effiċjenti fir-riżorsi, ekoloġika u kompetittiva b'livell baxx ta' karbonju

Hemm tendenzi inkoraġġanti tal-passat fir-rigward tal-effiċjenza fir-riżorsi u l-ekonomija b'livell baxx ta' emissjonijiet ta' karbonju, għalkemm fil-każ tal-aħħar dan huwa parzjalment riżultat ta' tnaqqis fil-produzzjoni matul il-kriżi ekonomika. Is-settur tat-trasport huwa l-anqas probabbli li jnaqqas l-emissjonijiet tal-karbonju sal-2020. Il-ġestjoni tal-iskart hija l-aktar kwistjoni problematika fir-rigward tal-implimentazzjoni ta' dan l-għan, għalkemm tendenzi tal-passat juru titjib żgħir fit-tnaqqis tal-iskart u r-riċiklaġġ. L-UE għadha mhijiex qed tikkontribwixxi biżżejjed għall-ġlieda kontra l-problema tal-ħela tal-ikel, u n-nuqqas ta' definizzjoni ta' ħela tal-ikel u ta' linja ta' referenza li minnha titkejjel il-problema jibqa' ostakolu għall-progress. Għadu mhux ċar jekk l-għanijiet sekondarji kollha humiex se jintlaħqu sal-2020.

•  Għan prijoritarju 3: jitħarsu ċ-ċittadini tal-Unjoni minn pressjonijiet relatati mal-ambjent u r-riskji għas-saħħa u l-benesseri.

In-nuqqas ta' implimentazzjoni ta' leġiżlazzjoni dwar il-kwalità tal-arja f'żoni urbani huwa ta' tħassib partikolari minħabba li t-tniġġis tal-arja għadu l-kawża ambjentali prinċipali ta' mwiet fl-UE. Ġew irrapportati ċerti tendenzi pożittivi tal-passat fir-rigward tal-ossidu tal-kubrit, il-komposti organiċi volatili mhux metaniċi, l-ammonja u l-materja partikolata, għalkemm it-tnaqqis fl-ossidi tan-nitroġenu kien kompromess mid-differenza bejn l-emissjonijiet stmati u l-emissjonijiet f'sewqan reali minn vetturi tad-diżil. Il-livelli tal-ammonja għadhom stabbli minkejja li hemm miżuri tekniċi disponibbli biex dawn jitnaqqsu. Il-kombustjoni residenzjali ta' karburanti fossili u t-trasport huma s-sorsi prinċipali ta' materja partikolata. Għalkemm huwa improbabbli li l-UE tilħaq l-istandards tagħha stess dwar il-kwalità tal-arja f'żoni urbani sal-2020, hija x'aktarx li tilħaq obbligi internazzjonali skont il-Protokoll ta' Gothenburg(2). L-esponiment għall-ħsejjes ambjentali għadu għoli, u l-ilħuq tal-għan sekondarju tal-2020 huwa improbabbli. Mhux magħruf jekk l-UE hix se tilħaq l-għanijiet tagħha biex tkejjel u tnaqqas l-esponiment għal sustanzi kimiċi ta' ħsara għas-saħħa u l-ambjent, u tiżgura użu sostenibbli ta' pestiċidi. Sar progress sinifikanti lejn ilma aktar nadif għall-għawm u l-miri tal-2020 huma mistennija li jintlaħqu.

•  Għan prijoritarju 4: jiġu massimizzati l-benefiċċji ta' leġiżlazzjoni ambjentali tal-Unjoni billi tittejjeb l-implimentazzjoni

L-Analiżi tal-Implimentazzjoni Ambjentali (EIR) tipprovdi rapporti dettaljati mill-pajjiżi u tidentifika problemi komuni ta' implimentazzjoni għal ħafna mill-Istati Membri jew għall-Istati Membri kollha. Din tiddeskrivi wkoll il-kawżi bażi tal-problemi komuni, inklużi koordinazzjoni ineffettiva bejn l-awtoritajiet tal-Istati Membri, nuqqas ta' kapaċità amministrattiva u finanzjament, u inkoerenza fil-politiki. L-EIR identifikat ċerti oqsma fejn tjiebet l-implimentazzjoni, b'mod partikolari l-ilma għall-għawm u dak tax-xorb.

L-EIR hija proċess kontinwu li jinkludi ħidma mal-Istati Membri biex titjieb l-implimentazzjoni. Din hija opportunità importanti biex isir progress fi kwistjonijiet ewlenin bħall-kwalità tal-arja, it-tniġġis akustiku, il-ġestjoni tal-ilma, il-ġestjoni tal-iskart u l-bijodiversità. L-EIR ġiet ikkritikata minn ċerti partijiet ikkonċernati għax tinkludi biss lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri u mhux lil atturi tas-soċjetà ċivili.

•  Għan prijoritarju 5: tittejjeb il-bażi ta' għarfien u evidenza għall-politika ambjentali tal-Unjoni

Il-bażi tal-għarfien qiegħda titjieb fl-oqsma li ġejjin: l-impatti tat-tibdil fil-klima u tat-telf tal-ispeċijiet fuq is-servizzi tal-ekosistema; is-sustanzi li jfixklu s-sistema endokrinali; xi wħud mill-implikazzjonijiet għas-saħħa u ambjentali ta' sustanzi kimiċi; il-kosteffettività tal-metodi tal-adattament għat-tibdil fil-klima; u soluzzjonijiet ibbażati fuq in-natura għall-iżvilupp urban. Għad hemm lakuni importanti fil-limiti ambjentali stabbiliti (punti kritiċi), il-paradigma tal-ekonomija ċirkolari, l-effetti kkombinati ta' sustanzi kimiċi, in-nanomaterjali, il-metodi ta' identifikazzjoni tal-periklu, l-impatti tal-mikroplastik, u l-interazzjoni bejn ir-riskji sistemiċi u determinanti oħra tas-saħħa.

Ħafna partijiet ikkonċernati jirrapportaw li l-għarfien disponibbli mhuwiex jintuża minn dawk li jfasslu l-politika jew mhuwiex jiġi ttrasferit lill-atturi responsabbli għall-implimentazzjoni. L-oqsma affettwati jinkludu: il-konsum u l-ħela tal-ikel; is-sustanzi li jfixklu s-sistema endokrinali; il-bijoenerġija; il-PAK; il-miri tal-klima u l-enerġija; l-ippjanar u d-disinn urbani; u l-impatti tax-xejriet tal-konsum. In-nuqqas ta' rieda politika xi drabi jipprevjeni l-inkorporazzjoni tal-għarfien f'politika, għalkemm ostakoli regolatorji u nuqqas ta' riżorsi huma fatturi rilevanti wkoll.

Numru ta' indikaturi użati biex jintraċċaw il-progress lejn l-għanijiet tal-EAP ibatu minn limitazzjonijiet u jipprevjenu analiżi sħiħa tas-sitwazzjoni. Aktar indikaturi u indikaturi aħjar għandhom ikunu karatteristika ta' kull EAP futur sabiex jitjiebu l-monitoraġġ u l-implimentazzjoni.

•  Għan prijoritarju 6: jiġi assigurat l-investiment għall-politiki ambjentali u dwar il-klima u jiġu indirizzati l-esternalitajiet ambjentali

Permezz ta' sensiela ta' rapporti speċjali, il-Qorti Ewropea tal-Awdituri identifikat problemi multipli bl-implimentazzjoni ta' dan l-għan. Il-finanzjament mill-UE ma kisibx ir-riżultati mixtieqa fl-oqsma li ġejjin: l-iżgurar tal-integrità tas-suq tal-ETS; il-promozzjoni tas-sostenibbiltà ambjentali tal-akkwakultura u l-agrikultura; it-titjib fit-trattament tal-ilma urban mormi; il-promozzjoni tal-passaġġi fuq l-ilma u l-merkanzija bil-ferrovija; u l-appoġġ lin-netwerk Natura 2000. Fil-każijiet ta' kundizzjonalità mal-PAK u benefiċċji minn investiment fil-bijodiversità, ma kienx possibbli li ssir valutazzjoni. F'ċerti każijiet, l-implimentazzjoni tal-għanijiet 1 u 2 hija mxekkla minn finanzjament amministrat ħażin aktar milli nuqqas ta' flus. Min-naħa l-oħra, it-titjib fil-kwalità tal-ilma tax-xorb (għan 2) kien attribwit għal investiment sod tal-fondi tal-UE u aktar progress kien imxekkel minn nuqqas ta' finanzjament.

•  Għan prijoritarju 7: titjieb l-integrazzjoni ambjentali u l-koerenza politika

Għalkemm hemm koerenza ġenerali bejn politiki oħra u l-EAP, hemm ċerti eċċezzjonijiet notevoli. Il-PAK tippreżenta sfida partikolari. L-agrikoltura intensiva, imħeġġa mill-PAK, ma naqqsitx il-pressjonijiet fuq il-kapital naturali. Pjuttost, din żiedet il-piż kimiku fuq is-saħħa u l-ambjent u naqqset ir-riżorsi li l-agrikoltura tiddependi minnhom, kif ukoll ostakolat l-implimentazzjoni tad-Direttivi dwar l-Għasafar u l-Ħabitats u l-Istrateġija dwar il-Bijodiversità. L-inizjattivi ta' ekoloġizzazzjoni mhumiex meqjusa li ġabu biżżejjed benefiċċji.

Fil-passat, il-politika ta' koeżjoni appoġġat proġetti infrastrutturali li kienu ta' ħsara għall-ambjent, iżda titjib reċenti qed jibdel dan. Il-Politika Komuni tas-Sajd (PKS), fil-passat meqjusa bħala inkoerenti mal-għanijiet tal-EAP, tjiebet iżda se teħtieġ li tiġi implimentata aħjar biex tilħaq il-potenzjal tagħha. TEN-T kien identifikat bħala li joħloq sfida fir-rigward tal-għan 2 (effiċjenza fir-riżorsi u tibdil fil-klima).

Diversi Stati Membri ma rratifikawx ftehimiet internazzjonali li huma marbuta mal-għanijiet tal-EAP, li jimplika ċerta inkoerenza mal-politiki nazzjonali. L-Għanijiet ta' Żvilupp Sostenibbli (SDGs) huma meqjusa prinċipalment bħala kwistjoni esterna, iżda l-implikazzjonijiet tagħhom għall-politika interna għandhom jiġu rrikonoxxuti b'mod aktar wiesa' biex titjieb il-koerenza bejn l-EAP u l-obbligi internazzjonali tal-UE. Il-Kummissjoni Ewropea ħadet ċerti passi pożittivi f'dan ir-rigward.

•  Għan prijoritarju 8: tissaħħaħ is-sostenibbiltà tal-ibliet tal-Unjoni

Il-valutazzjoni tal-prestazzjoni u l-implimentazzjoni tal-EAP f'dan l-għan hija ta' sfida kbira minħabba l-varjetà wiesgħa ta' bliet fl-UE u n-nuqqas ta' miri speċifiċi f'dan il-qasam. Madankollu, analiżi limitata tissuġġerixxi li l-politiki tal-ibliet tal-UE huma koerenti b'mod wiesa' mal-EAP. Ġie rrapportat progress imħallat fir-rigward tal-effiċjenza fl-enerġija, it-trasport u l-mobilità sostenibbli, l-ippjanar u d-disinn urbani sostenibbli, il-bijodiversità urbana u l-bini sostenibbli.

•  Għan prijoritarju 9: tiżdied l-effettività tal-Unjoni fl-indirizzar ta' sfidi ambjentali u relatati mal-klima fil-livell internazzjonali

M'hemm l-ebda tendenza ċara dwar l-effettività tas-Seba' EAP f'dan il-qasam u l-progress lejn l-implimentazzjoni ta' inizjattivi speċifiċi jidher imħallat. L-UE ppromwoviet skemi għall-iskambju ta' kwoti tal-emissjonijiet fil-livell internazzjonali, iżda kellha anqas suċċess fl-iżgurar li jinkiseb tkabbir ekonomiku fi ħdan il-kapaċità tat-trasport tad-Dinja. Jidher li ftit li xejn sar progress fl-indirizzar tal-kwistjoni tad-domanda tal-UE għall-komoditajiet tal-ikel u mhux tal-ikel u l-impatti ambjentali li din għandha fil-livell internazzjonali.

Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

Ir-rapporteur hija tal-fehma li s-Seba' EAP jipprovdi gwida strateġika importanti kemm għall-UE kif ukoll għall-Istati Membri. Dan imexxi aġenda li għandha effett pożittiv fuq iċ-ċittadini u l-ambjent, u jżid ir-responsabbiltà. Madankollu, hemm diversi oqsma ewlenin fejn l-implimentazzjoni dgħajfa tal-EAP qed tikkontribwixxi għad-degradazzjoni ambjentali u toħloq theddid dirett għas-saħħa taċ-ċittadini. Dawn l-oqsma jinkludu: l-użu tal-art u s-sajd insostenibbli; it-telf tal-bijodiversità; il-kwalità tal-arja; il-ħsejjes ambjentali; il-ġestjoni tal-iskart; u l-esponiment għal sustanzi kimiċi. In-nuqqas li tiġi implimentata leġiżlazzjoni jew li jsiru politiki xierqa f'dawn l-oqsma jrid jiġi indirizzat b'mod urġenti. Jista' jinkiseb aktar progress lejn l-għanijiet kollha b'konċentrazzjoni fuq tliet temi ewlenin: lakuni fl-għarfien, koerenza politika, u finanzjament.

Ir-rapporteur tappoġġa l-adozzjoni tat-Tmien EAP, iżda l-prijorità immedjata għandha tkun l-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni eżistenti u l-appoġġ għall-politiki fl-oqsma deskritti aktar 'il fuq. EAP futur għandu jiffoka fuq kwistjonijiet li huma fundamentali għall-ħarsien ambjentali u s-saħħa tal-bniedem, aktar milli jżid varjetà wiesgħa ta' miri u għanijiet sekondarji ġodda ma' programm diġà ambizzjuż. Ir-rapporteur temmen li ċ-ċittadini, in-natura u l-atturi ekonomiċi kollha jibbenefikaw aktar jekk l-EAP ikun aktar sempliċi u ffokat, u li tali approċċ jiffaċilita wkoll monitoraġġ u feedback aħjar. It-titjib fil-koerenza ma' strumenti ta' politika eżistenti tal-UE huwa essenzjali.

Ir-rapporteur testendi l-grazzi tagħha lill-istituzzjonijiet tal-UE li appoġġaw il-produzzjoni ta' dan l-abbozz ta' rapport permezz ta' diversi studji, u lill-partijiet ikkonċernati esterni u lill-Istati Membri li pprovdew input estensiv permezz tal-istarriġ ta' konsultazzjoni mal-partijiet ikkonċernati.

(1)

Is-sejbiet huma bbażati fuq is-sorsi li ġejjin:

• Ir-Rapport dwar Indikaturi Ambjentali (l-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent, l-ewwel edizzjoni, Diċembru 2016);

• Ir-Rieżami tal-Implimentazzjoni Ambjentali (il-Kummissjoni Ewropea, l-ewwel edizzjoni, Frar 2017);

• Rapporti rilevanti tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri;

• Ir-riżultati minn konsultazzjoni mmirata ma' partijiet ikkonċernati dwar l-implimentazzjoni tal-Programm (is-Servizz ta' Riċerka tal-Parlament Ewropew - EPRS, Mejju-Settembru 2017);

• Il-Valutazzjoni tal-Implimentazzjoni Ewropea prodotta mis-Servizz ta' Riċerka tal-Parlament Ewropew (DĠ EPRS).

(2)

Il-Protokoll tal-1999 għat-tnaqqis tal-aċidifikazzjoni, l-ewtrofikazzjoni u l-ożonu troposferiku (il-"Protokoll ta' Gothenburg") għall-Konvenzjoni tan-NU dwar it-Tniġġis Transkonfinali tal-Arja Fuq Distanza Twila.


MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW

dwar l-implimentazzjoni tas-Seba' Programm ta' Azzjoni Ambjentali

(2017/2030(INI))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra d-Deċiżjoni Nru 1386/2013/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta' Novembru 2013 dwar Programm Ġenerali ta' Azzjoni Ambjentali tal-Unjoni sal-2020 "Ngħixu tajjeb, fil-limiti tal-pjaneta tagħna"(1) ("is-Seba' EAP"),

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 191 u 192 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, relatati mas-salvagwardja, il-ħarsien u t-titjib tal-kwalità tas-saħħa tal-bniedem u tal-ambjent,

  wara li kkunsidra l-Ftehim ta' Pariġi, Deċiżjoni 1/CP.21 u l-21 Konferenza tal-Partijiet (COP 21) għall-UNFCCC, li ġiet organizzata f'Pariġi mit-30 ta' Novembru sal-11 ta' Diċembru 2015,

  wara li kkunsidra l-Għanijiet ta' Żvilupp Sostenibbli tan-NU (SDGs) u n-natura interkonnessa u integrata tagħhom,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent ta' Diċembru 2016 bit-titolu "Environmental indicator report 2016 – In support to the monitoring of the 7th Environment Action Programme" (Rapport tal-2016 dwar indikaturi ambjentali – B'appoġġ għall-monitoraġġ tas-Seba' Programm ta' Azzjoni Ambjentali),

  wara li kkunsidra r-rapport tal-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent ta' Novembru 2017 bit-titolu "Environmental Indicator Report 2017 - In support to the monitoring of the Seventh Environment Action Programme" (Rapport tal-2017 dwar l-Indikaturi Ambjentali – b'appoġġ għall-monitoraġġ tas-Seba' Programm ta' Azzjoni Ambjentali),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-3 ta' Frar 2017 bit-titolu "L-Analiżi tal-Implimentazzjoni Ambjentali tal-UE: L-isfidi ewlenin u kif se ngħaqqdu l-isforzi biex nagħtu riżultati aħjar" (COM(2017)0063), u t-28 rapport ta' akkumpanjament mill-pajjiżi,

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tas-27 ta' Mejju 2016 bit-titolu "It-twassil tal-benefiċċji tal-politiki ambjentali tal-UE permezz ta' Analiżi regolari tal-Implimentazzjoni Ambjentali" (COM(2016)0316),

  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-16 ta' Novembru 2017 dwar l-Analiżi tal-Implimentazzjoni Ambjentali (EIR)(2),

  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tad-9 ta' Lulju 2015 dwar l-effiċjenza fl-użu tar-riżorsi: lejn ekonomija ċirkolari(3),

  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-2 ta' Frar 2016 dwar ir-rieżami ta' nofs it-terminu tal-Istrateġija tal-UE għall-Bijodiversità(4),

  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-15 ta' Novembru 2017 dwar Pjan ta' Azzjoni għan-natura, in-nies u l-ekonomija(5),

  wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tiegħu tal-4 ta' April 2017 lill-Kunsill u lill-Kummissjoni wara l-inkjesta dwar il-kejl tal-emissjonijiet fis-settur awtomobilistiku(6),

  wara li kkunsidra r-rapport tal-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent bit-titolu "SOER 2015 – The European environment – state and outlook 2015" (SOER 2015 – L-ambjent Ewropew – il-qagħda attwali u l-prospettiva 2015),

  wara li kkunsidra r-rapport tal-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent tad-19 ta' Mejju 2015 bit-titolu "State of Nature in the EU" (Il-qagħda tan-natura fl-UE),

–  wara li kkunsidra l-istudju ta' Valutazzjoni tal-Implimentazzjoni Ewropea ta' Novembru 2017 dwar "Mid-term review of the implementation of the 7th Environment Action Programme (2014-2020)" (Analiżi ta' nofs it-terminu tal-implimentazzjoni tas-Seba' Programm ta' Azzjoni Ambjentali (2014-2020)) imwettaq mis-Servizz ta' Riċerka tal-Parlament Ewropew, inkluż l-Istudju fl-Anness tagħha,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-20 ta' April 2012 dwar ir-rieżami tas-6 Programm ta' Azzjoni Ambjentali u l-istabbiliment tal-prijoritajiet għas-Seba' Programm ta' Azzjoni Ambjentali – Ambjent aħjar għall-ħajja aħjar(7),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-22 ta' Novembru 2016 bit-titolu "Il-passi li jmiss għal ġejjieni Ewropew sostenibbli" (COM(2016)0739),

  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni dwar id-Diversità Bijoloġika (KDB),

  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-20 ta' Settembru 2011 bit-titolu "Pjan Direzzjonali għal Ewropa b'Użu Effiċjenti tar-Riżorsi" (COM(2011)0571),

  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tad-29 ta' Novembru 2017 bit-titolu "Il-Ġejjieni tal-Ikel u tal-Biedja" (COM(2017)0713),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 52 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu, kif ukoll l-Artikolu 1(1)(e) u l-Anness 3 tad-deċiżjoni tal-Konferenza tal-Presidenti tat-12 ta' Diċembru 2002 dwar il-proċedura ta' awtorizzazzjoni għat-tħejjija ta' rapporti fuq inizjattiva proprja,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza tal-Ikel (A8-0059/2018),

A.  billi s-Seba' EAP jistabbilixxi għanijiet legalment vinkolanti fl-oqsma tal-ambjent u t-tibdil fil-klima li għandhom jintlaħqu sal-2020; billi huwa jistabbilixxi wkoll viżjoni fit-tul għall-2050;

B.  billi s-Seba' EAP ma fihx klawżola ta' analiżi ta' nofs it-terminu; billi r-rapport tal-Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza tal-Ikel dwar l-implimentazzjoni tas-Seba' EAP huwa opportunità biex jiġi vvalutat il-progress tal-EAP u jsiru rakkomandazzjonijiet ibbażati fuq l-evidenza għall-implimentazzjoni ulterjuri tal-EAP attwali u ta' kwalunkwe EAP futur; billi dan ir-rapport għandu jmur lil hinn milli jiddikjara mill-ġdid problemi magħrufa sew, u għandu jiffoka fuq il-proposti ta' soluzzjonijiet għall-ilħuq tal-miri stipulati fis-Seba' EAP;

C.  billi l-Kummissjoni qiegħda taħdem fuq rapport ta' evalwazzjoni li l-enfasi tiegħu se tkun fuq l-istruttura u r-rwol strateġiku li għandu s-Seba' EAP; billi l-għan tar-rapport huwa li jeżamina b'mod partikolari jekk il-qafas miftiehem huwiex qed jgħin fit-twassil tad-disa' għanijiet prijoritarji b'mod intelliġenti;

D.  billi l-UE għandha leġiżlazzjoni ambjentali b'saħħitha, li l-implimentazzjoni dgħajfa u ineffikaċi tagħha hija problema dejjiema; billi dawn id-diskrepanzi fl-implimentazzjoni huma ta' theddida għall-iżvilupp sostenibbli, għandhom impatti transkonfinali negattivi fuq l-ambjent u s-saħħa tal-bniedem u jġibu magħhom spejjeż soċjoekonomiċi konsiderevoli; billi, barra minn hekk, id-diskrepanzi fl-implimentazzjoni jimminaw il-kredibbiltà tal-UE;

E.  billi l-progress lejn l-għanijiet tal-2020 sa issa kien imħallat: huwa improbabbli li jintlaħaq l-għan 1 (protezzjoni tal-kapital naturali), iżda x'aktarx li jintlaħqu xi wħud mill-għanijiet sekondarji taħt l-għan 2 (ekonomija b'livell baxx ta' emissjonijiet ta' karbonju u effiċjenza fir-riżorsi); m'hemmx ċertezza jekk l-għan 3 (tnaqqis tal-pressjonijiet ambjentali u tar-riskji għas-saħħa tal-bniedem) hux se jintlaħaq;

F.  billi n-nuqqas kontinwu li tiġi implimentata l-leġiżlazzjoni u li l-għarfien speċjalizzat jiġi integrat fit-tfassil tal-politika f'oqsma bħall-kwalità tal-arja, il-ħsejjes ambjentali u l-esponiment għas-sustanzi kimiċi joħloq theddid serju għas-saħħa u jnaqqas il-kwalità u t-tul tal-ħajja għaċ-ċittadini tal-UE;

G.  billi l-aktar data riċenti ppubblikata mill-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent tikkonferma t-tendenzi ġenerali deskritti hawn fuq għal kull għan tematiku iżda tirrapporta wkoll tnaqqis fil-progress ta' wħud mill-oqsma; billi f'xi każijiet, bħall-emissjonijiet ta' gassijiet b'effett ta' serra u l-effiċjenza fl-enerġija, il-perspettiva għall-ilħuq tal-għanijiet sekondarji minn dawn it-tendenzi tibqa' l-istess;

H.  billi issa mhuwiex ċert jekk il-mira għall-emissjonijiet tal-ammonja hijiex se tintlaħaq u huwa probabbli li l-mira tal-użu tal-art mhijiex se tintlaħaq;

I.  billi teżisti inċertezza kbira fir-rigward tal-implimentazzjoni minħabba nuqqas ta' indikaturi u l-limitazzjonijiet tal-indikaturi eżistenzi; billi l-lakuni fl-għarfien jibqgħu jxekklu l-progess fuq tliet livelli: il-fehim tar-riskju; it-tfassil ta' politika xierqa għall-ġestjoni u t-tnaqqis tar-riskju; u l-monitoraġġ tal-effettività tal-politiki;

J.  billi ħafna drabi jeżisti għarfien iżda mhuwiex jintuża fit-tfassil tal-politika jew mhuwiex jiġi ttrasferit lill-partijiet responsabbli għall-implimentazzjoni; billi ħafna drabi dan huwa kkawżat minn nuqqas ta' rieda politika u interessi f'kompetizzjoni li mhumiex meqjusa bħala konsistenti mal-EAP jew mal-għanijiet ta' politika ambjentali inġenerali; billi t-tkabbir ekonomiku huwa dipendenti wkoll minn ambjent nadif;

K.  billi s-sinerġija bejn l-istrumenti ta' livell għoli tal-politika tal-Unjoni u l-EAP jeħtieġ li tittejjeb sabiex jintlaħqu l-għanijiet tal-programm;

L.  billi hemm finanzjament inadegwat f'ċerti livelli għall-implimentazzjoni xierqa tas-Seba' EAP; billi l-finanzjament fil-livell tal-UE xi drabi naqas milli jagħti r-riżultati mistennija u dan, f'każijiet multipli, kien ir-riżultat ta' finanzjament amministrat ħażin aktar milli nuqqas ta' flus;

M.  billi l-kamp ta' applikazzjoni tas-Seba' EAP huwa rilevanti għall-ħtiġijiet attwali fil-qasam tal-politika ambjentali, għalkemm ħafna partijiet ikkonċernati jirrakkomandaw iż-żieda ta' għanijiet sekondarji ġodda biex tiżdied ir-rilevanza tal-programm fil-futur;

N.  billi l-partijiet ikkonċernati jesprimu wkoll preferenza għal EAP anqas kumpless u aktar iffokat;

O.  billi hemm appoġġ ġenerali għat-Tmien EAP;

Konklużjonijiet prinċipali

1.  Iqis li s-Seba' EAP għandu valur miżjud u influwenza pożittiva fuq il-politiki ambjentali fil-livell tal-UE u dak tal-Istati Membri, b'benefiċċji għaċ-ċittadini, in-natura u l-partijiet ikkonċernati ekonomiċi;

2.  Itenni li s-Seba' EAP għandu viżjoni ċara fit-tul għall-2050, sabiex ikun hemm ambjent stabbli għal investiment u tkabbir sostenibbli, fi ħdan il-limiti ekoloġiċi tal-pjaneta;

3.  Jilqa' t-tendenzi pożittivi tal-passat fir-rigward ta' diversi għanijiet sekondarji tas-Seba' EAP u l-prospettiva inkoraġġanti għal xi wħud mill-għanijiet tal-2020;

4.  Jenfasizza, madankollu, li għad hemm potenzjal kbir għat-titjib u jistieden lill-Kummissjoni u lill-awtoritajiet kompetenti fl-Istati Membri jsaħħu r-rieda politika sal-ogħla livell biex jimplimentaw is-Seba' EAP;

5.  Jiddispjaċih li huwa improbabbli li jintlaħaq l-għan prijoritarju li l-kapital naturali tal-Unjoni jiġi protett, ikkonservat u mtejjeb; jinnota bi tħassib, barra minn hekk, li l-miri tal-Istrateġija għall-Bijodiversità 2020 tal-UE u l-Konvenzjoni dwar id-Diversità Bijoloġika tal-UE mhumiex se jintlaħqu jekk ma jsirux sforzi immedjati, sostanzjali u addizzjonali;

6.  Jinnota li sar xi progress f'ċerti oqsma għall-għan prijoritarju 2, b'mod partikolari għall-miri relatati mal-klima u l-enerġija; jinnota, madankollu, li jrid jsir sforz akbar fuq l-effiċjenza tar-riżorsi; itenni l-potenzjal tad-Direttiva dwar l-Ekodisinn(8) u tar-Regolament dwar l-Ekotikketta(9) sabiex jittejbu l-prestazzjoni ambjentali u l-effiċjenza fir-riżorsi tal-prodotti matul iċ-ċiklu tal-ħajja tagħhom, billi fost l-oħrajn jiġu indirizzati d-durabbiltà, ir-riparabbiltà, l-użu mill-ġdid, ir-riċiklabbiltà, il-kontenut riċiklat u t-tul tal-ħajja tal-prodott;

7.  Jiddispjaċih li sal-2020 l-għan sekondarju relatat mal-ilħuq tal-istat kwalittattiv tajjeb tal-korpi tal-ilma tal-wiċċ mhux se jintlaħaq minħabba l-pressjoni mit-tniġġis, l-interventi fil-morfoloġija tal-mogħdijiet tal-ilma u l-konsum eċċessiv li jirriżulta mill-ammonti kbar ta' ilma użati għall-ġenerazzjoni tal-idroelettriċità;

8.  Jenfasizza li l-għanijiet tas-Seba' EAP huma miri minimi, u li jeħtieġ li jsiru sforzi addizzjonali konsiderevoli sabiex jintlaħqu l-għanijiet tal-Ftehim ta' Pariġi u l-Għanijiet ta' Żvilupp Sostenibbli (SDGs);

9.  Ifakkar li l-UE u l-Istati Membri tagħha huma kollha firmatarji għall-Ftehim ta' Pariġi, u għalhekk huma impenjati għall-għanijiet tiegħu, u li huma ppreżentaw Kontribut Determinat fil-livell Nazzjonali li jwassal tnaqqis ta' 40 % tal-emissjonijiet tal-gassijiet b'effett ta' serra fl-ekonomija kollha sal-2030; jenfasizza l-ħtieġa li l-mira għall-2030 u l-mira tal-emissjonijiet żero netti fit-tul jiġu integrati bis-sħiħ fil-politiki u l-programmi kollha ta' finanzjament tal-Unjoni; jistieden lill-Kummissjoni żżomm il-miri tal-qafas dwar il-klima u l-enerġija taħt eżami, fil-kuntest tad-Djalogu ta' Faċilitazzjoni tal-2018 u tar-rendikonti globali ta' kull ħames snin, u jistedinha tħejji strateġija għal emissjonijiet żero sa nofs is-seklu għall-UE, li tipprovdi perkors kosteffikaċi biex jintlaħaq l-għan ta' emissjonijiet żero netti fil-Ftehim ta' Pariġi;

10.  Jinnota li hemm inċertezza konsiderevoli fir-rigward tal-progress lejn l-għanijiet għas-saħħa u l-benesseri tal-bniedem; jenfasizza li lakuni fl-għarfien u indikaturi limitati jxekklu l-iżvilupp u l-monitoraġġ tal-politika;

11.  Jilqa' l-inizjattivi eżistenti li jikkontribwixxu għat-tnaqqis tal-lakuni fl-għarfien, inkluż: il-mudell "Forza Mexxejja - Pressjoni - Qagħda Attwali - Esponiment - Effetti - Azzjoni" (DPSEEA) sabiex jiġu mifhuma l-ixprunaturi li jxekklu s-servizzi tal-ekosistema; il-"bijomonitoraġġ uman" (HBM) li jikkalkula l-esponiment tal-popolazzjonijiet umani għall-kontaminanti u l-effetti possibbli tagħhom fuq is-saħħa; u l-"Pjattaforma ta' Informazzjoni għall-Monitoraġġ tas-Sustanzi Kimiċi" (IPCheM);

12.  Jinsab imħasseb li l-għarfien speċjalizzat u l-kunsens xjentifiku mhux dejjem jitqiesu b'mod xieraq fit-tfassil tal-politika jew mhumiex jiġu ttrasferiti lill-partijiet responsabbli għall-implimentazzjoni; jenfasizza l-eżempji tal-bijoenerġija, iż-żejt tal-palm, il-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti, is-sustanzi li jfixklu s-sistema endokrinali, il-produzzjoni u l-konsum tal-ikel, l-ippjanar u d-disinn urban, it-tniġġis tal-arja u tal-ħsejjes, u l-iskart tal-ikel urban bħala oqsma fejn l-evidenza xjentifika ta' riskji għas-saħħa tal-bniedem u l-ambjent twarrbu fil-ġenb f'dibattiti pubbliċi u politiċi; jemmen li l-għarfien xjentifiku wiesa', kif ukoll l-aderenza għall-prinċipju ta' prekawzjoni minħabba n-nuqqas ta' data xjentifika suffiċjenti, għandhom jiggwidaw it-teħid politiku responsabbli ta' deċiżjonijiet; ifakkar l-importanza tal-parir xjentifiku tal-aġenziji tal-UE f'dan il-kuntest; jenfasizza li prinċipji ta' gwida oħrajn fil-liġi u l-politika ambjentali tal-UE jinkludu l-prinċipju ta' min iniġġes iħallas, l-azzjoni preventiva u l-indirizzar tal-kwistjonijiet tas-sors;

13.  Jikkundanna n-nuqqas tal-Kummissjoni li tirrispetta l-iskadenzi stipulati bil-liġi għall-abbozzar ta' kriterji armonizzati bbażati fuq il-periklu għall-identifikazzjoni ta' sustanzi li jfixklu s-sistema endokrinali u għar-rieżami tar-Regolament (KE) Nru 1223/2009(10) (ir-Regolament dwar il-Kożmetiċi) fir-rigward tas-sustanzi li jħarbtu s-sistema endokrinali; jistieden lill-Kummissjoni tirrevedi b'mod immedjat ir-Regolament dwar il-Kożmetiċi fir-rigward tas-sustanzi kimiċi li jfixklu s-sistema endokrinali mingħajr aktar dewmien; jiddispjaċih li n-nuqqas ta' progress suffiċjenti dwar sustanzit li jfixxklu s-sistema endokrinali tqiegħed riskji fuq is-saħħa taċ-ċittadini u tfixkel il-kisba tal-għan prijoritarju 3 tas-Seba' EAP;

14.  Jiddispjaċih dwar in-nuqqas ta' progress fl-iżvilupp ta' strateġija tal-Unjoni għal ambjent mhux tossiku, il-promozzjoni ta' ċikli ta' materjal mhux tossiku u u t-tnaqqis tal-espożizzjoni għal sustanzi perikolużi, inklużi sustanzi kimiċi fil-prodotti; jenfasizza l-fatt li huma meħtieġa aktar sforzi biex jiġi żgurat li, sal-2020, is-sustanzi kollha rilevanti ta' tħassib kbir, inklużi s-sustanzi bi proprjetajiet li jfixklu s-sistema endokrinali, jitpoġġew fil-lista ta' kandidati ta' REACH, kif stipulat fis-Seba' EAP; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jiżguraw li l-effetti kkombinati ta' sustanzi kimiċi jkunu indirizzati b'mod effettiv fil-leġiżlazzjoni kollha rilevanti tal-Unjoni mill-aktar fis possibbli, b'enfasi speċjali fuq ir-riskji għat-tfal li jirriżultaw minn esponiment għal sustanzi perikolużi; jilqa' l-istrateġija tal-Kummissjoni dwar il-plastiks u jitlob l-implimentazzjoni rapida tagħha; itenni, f'dan il-kuntest, li l-promozzjoni ta' ċikli ta' materjal mhux tossiku hija essenzjali għall-iżvilupp ta' suq funzjonali għall-materjali sekondarji;

15.  Jenfasizza li n-nuqqas ta' integrazzjoni tat-tħassib ambjentali f'oqsma ta' politika oħra huwa wieħed mill-kawżi ewlenin tad-diskrepanzi fl-implimentazzjoni fil-leġiżlazzjoni u l-politika ambjentali; iqis li s-sinerġiji bejn l-istrumenti ta' politika oħra ta' livell għoli tal-UE (bħal pereżempju l-politika agrikola komuni (PAK), il-politika komuni tas-sajd (PKS), il-fondi strutturali u ta' koeżjoni) u iktar koerenza bejn il-prijoritajiet politiċi ta' livell għoli jibqgħu fundamentali sabiex jinkisbu l-għanijiet tas-Seba' EAP; jitlob lill-Kummissjoni u lill-Kunsill, fil-kompożizzjonijiet kollha tagħhom, itejbu l-koordinazzjoni tal-politika u l-integrazzjoni tal-għanijiet tas-Seba' EAP; jenfasizza, barra minn hekk, il-ħtieġa li l-aspetti kollha tas-Seba' EAP li għadhom ma ġewx ittrattati fid-dettall jiġu integrati fis-Semestru Ewropew;

16.  Jissottolinja li l-potenzjal għall-istabbiliment ta' mekkaniżmi finanzjarji ġodda għall-konservazzjoni tal-bijodiversità bil-għan li jintlaħqu l-miri tal-2020 huwa limitat minħabba l-perjodu ta' żmien tal-qafas finanzjarju pluriennali (QFP) attwali; jitlob, f'dan ir-rigward, li r-riżorsi fi ħdan il-QFP attwali, inklużi l-LIFE, il-PAK u l-Fondi Strutturali, jintużaw bis-sħiħ u jitlob li fil-QFP li jmiss jiġu inklużi mekkaniżmi finanzjarji ġodda għall-konservazzjoni tal-bijodiversità;

17.  Jilqa' t-titjib fil-PKS u l-politika ta' koeżjoni, li żiedu l-koerenza mas-Seba' EAP; jiddispjaċih, madankollu, li minkejja t-titjib fil-qafas regolatorju, il-PKS għadha tbati minn implimentazzjoni dgħajfa; ifakkar l-importanza ta' stokkijiet tal-ħut b'saħħithom;

18.  Jagħraf li l-PAK, b'mod progressiv, integrat it-tħassib ambjentali iżda għada tippreżenta sfidi għall-ilħuq tal-għanijiet tal-EAP, b'mod partikolari fir-rigward tal-produzzjoni intensiva fl-użu tar-riżorsi u l-bijodiversità; ifakkar li l-PAK għandha l-isfida li tipprevjeni d-degradazzjoni ambjentali kkawżata minn prattiki agrikoli mhux xierqa (bħal bijofjuwils mhux sostenibbli), intensifikazzjoni agrikola mhux sostenibbli u abbandun tal-art, filwaqt li tipprovdi kwalità aħjar u aktar kwantitajiet ta' ikel u materja prima agrikola għal popolazzjoni dinjija li kulma jmur qiegħda tikber; jenfasizza li inizjattivi u appoġġ ulterjuri għal metodi agrikoli sostenibbli, inklużi r-rotazzjoni tal-uċuħ tar-raba' u pjanti li jikkonvertu n-nitroġenu, huma essenzjali u jeħtieġ jikkunsidraw l-agrikoltura u l-bdiewa bħala parti mis-soluzzjoni;

19.  Jenfasizza li l-protezzjoni u t-titjib tas-sigurtà tal-ikel fuq terminu twil bil-prevenzjoni tal-ħsara ambjentali u t-tendenza lejn sistema ta' ikel sostenibbli li tipprovdi ikel bi prezzijiet raġonevoli għall-konsumaturi għandhom ikunu prijoritajiet ewlenin ta' PAK riformata; jenfasizza li dawn l-għanijiet jistgħu jinkisbu biss permezz ta' ġestjoni sostenibbli tar-riżorsi naturali u ta' interventi politiċi li jiżguraw il-ħarsien tal-ekosistemi;

20.  Ifakkar li, fil-kuntest tat-tibdil fil-klima u popolazzjoni tad-dinja li qiegħda tikber, id-domanda li qiegħda tiżdied għal dieti rikki fil-proteini tal-annimali qiegħda toħloq pressjonijiet ambjentali sinifikanti fuq l-art agrikola u l-ekosistemi dejjem aktar fraġli; jenfasizza wkoll li d-dieti b'ammont eċċessiv ta' xaħam tal-annimali huma marbuta dejjem iżjed mal-piż ta' mard li ma jitteħidx;

21.  Ifakkar l-impenn tal-Kummissjoni tal-2016 li tintegra l-SDGs f'politiki u inizjattivi tal-UE; jirrikonoxxi li dan l-impenn m'għandux strateġija ċara u proposti konkreti għal strutturi istituzzjonali u qafas ta' governanza li jiżguraw l-integrazzjoni tal-SDGs fil-politiki tal-UE, fil-proposti leġiżlattivi, fl-implimentazzjoni u fl-infurzar; iqis li huwa importanti għall-UE li timpenja ruħha bis-sħiħ, bħala pijuniera, fl-ilħuq tal-għanijiet tal-Aġenda 2030 u tal-iżvilupp sostenibbli; jenfasizza, barra minn hekk, li s-Seba' EAP huwa strument ewlieni għall-implimentazzjoni tal-SDGs;

22.  Jinnota l-kwalità għolja tal-ilma tajjeb għax-xorb fl-UE; jistenna r-reviżjoni tad-Direttiva 98/83/KE ("id-Direttiva dwar l-Ilma tax-Xorb")(11) biex isiru l-aġġornamenti meħtieġa lil dan il-qafas legali; iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri, fil-kuntest tal-EAP, jintegraw aktar l-għanijiet tal-UE dwar l-ilma f'politiki settorjali oħra, b'mod partikolari l-PAK;

23.  Jilqa' t-titjib li sar minn diversi proġetti ffinanzjati mill-UE, iżda jiddispjaċih li ntilfet opportunità biex jingħataw riżultati aħjar kif enfasizzat mill-Qorti Ewropea tal-Awdituri (QEA); jenfasizza li l-QFP ta' wara l-2020 irid ikun orjentat lejn l-iżvilupp sostenibbli u l-integrazzjoni tal-politika ambjentali f'kull mekkaniżmu ta' finanzjament u linja baġitarja; jenfasizza l-ħtieġa li jiżdied l-investiment ekoloġiku, l-innovazzjoni u t-tkabbir sostenibbli bl-użu ta' għodod ġodda ta' finanzjament, kemm pubbliċi kif ukoll privati, u approċċi differenti għall-politika ta' investiment attwali bħalma huma l-eliminazzjoni gradwali ta' sussidji li jagħmlu ħsara lill-ambjent sabiex tinkiseb il-viżjoni fit-tul tas-Seba' EAP; iqis li kriterji ta' sostenibbiltà u għanijiet ibbażati fuq il-prestazzjoni ddefiniti b'mod ċar għandhom japplikaw għal fondi kollha strutturali u ta' investiment tal-UE; jitlob li jkun hemm użu iktar effiċjenti u mmirat tal-QFP attwali u l-fondi taħt il-politiki ta' żvilupp reġjonali u ta' koeżjoni, u biex il-problemi msemmija hawn fuq li saret referenza għaliha mill-QEA jiġu indirizzati b'mod urġenti; jitlob lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jappoġġaw it-tkomplija tal-allokazzjoni ta' riżorsi baġitarji tal-UE għal azzjoni dwar it-tibdil fil-klima u l-ambjent, kif ukoll iż-żieda possibbli tagħhom;

24.  Jiddeplora n-nuqqasijiet persistenti tat-trattament tal-ilma urban mormi f'għadd ta' reġjuni fl-Ewropa; jenfasizza l-potenzjal ta' trattament tal-ilma mormi u l-użu mill-ġdid biex itaffu sitwazzjonijiet ta' stress tal-ilma, tnaqqis jew irtirar diretti tal-ilma għall-produzzjoni tal-bijogass u jiggarantixxu ġestjoni aħjar tar-riżorsi tal-ilma, b'mod partikolari permezz tal-irrigazzjoni għall-agrikoltura; jistenna bil-ħerqa l-proposta leġiżlattiva dwar l-użu mill-ġdid tal-ilma mormi li l-Kummissjoni se tressaq fil-bidu tal-2018;

25.  Jinnota li l-akbar theddid ambjentali għas-saħħa huwa l-aktar evidenti f'żoni urbani iżda jaffettwa wkoll żoni periferali u agglomerazzjonijiet suburbani, u li sal-2020, 80 % tal-popolazzjoni hija mistennija li tkun qed tgħix f'żoni urbani u suburbani; jenfasizza l-fatt li l-emissjonijiet ta' sustanzi niġġiesa atmosferiċi, flimkien ma' ppjanar u infrastruttura inadegwati, għandhom konsegwenzi drammatiċi ekonomimċi, soċjali, fuq is-saħħa pubblika u ambjentali; jinnota li t-tniġġis tal-arja diġà jikkawża aktar minn 400 000 mewta prematura fl-UE(12) u li l-ispejjeż esterni relatati mas-saħħa jvarjaw minn EUR 330 biljun għal EUR 940 biljun;

26.  Jisħaq li tal-inqas 10 000 mewta prematura fl-UE huma kkawżati minn mard relatat mal-ħsejjes u madwar kwart tal-popolazzjoni Ewropea fl-2012 kienet esposta għal livelli ta' ħsejjes li jaqbżu l-limitu; jistieden lill-Istati Membri jipprijoritizzaw il-monitoraġġ tal-livelli ta' ħsejjes f'konformità mad-Direttiva 2002/49/KE(13), sabiex tiġi żgurata l-konformità tal-valuri ta' limitu applikabbli mal-ambjent estern u intern;

27.  Jirrikonoxxi l-progress fit-tnaqqis ta' ċerti sustanzi li jniġġsu l-atmosfera, b'mod partikolari fiż-żoni urbani, iżda jiddispjaċih bil-problemi persistenti tal-kwalità tal-arja, li l-emissjonijiet mit-trasport bit-triq u mill-agrikoltura huma fattur kontributorju sinifikanti għalihom; jirrikonoxxi l-pakkett ta' "mobilità nadifa" ppreżentat mill-Kummissjoni f'Novembru 2017 u l-Istrateġija Ewropea għal Mobbiltà b'Emissjonijiet Baxxi ppreżentata fl-2016, li tista' twitti t-triq lejn mobilità b'emissjonijiet baxxi fl-Unjoni;

28.  Jilqa' l-progress li sar fir-rigward tal-leġiżlazzjoni dwar il-pakkett tal-ekonomija ċirkolari; iħeġġeġ lill-partijiet kollha jilħqu ftehim b'miri ambizzjużi;

Rakkomandazzjonijiet

29.  Jistieden lill-Istati Membri jivvalutaw il-progress tagħhom fl-ilħuq tal-għanijiet tas-Seba' EAP u jorjentaw mill-ġdid l-azzjonijiet tagħhom fejn meħtieġ; iħeġġeġ lill-Istati Membri jagħmlu r-riżultati disponibbli għall-pubbliku;

30.  Jistieden lill-Kummissjoni tiżgura li kwalunkwe proposta leġiżlattiva timplimenta bis-sħiħ l-għanijiet u l-miżuri tas-Seba' EAP;

31.  Jistieden lill-Kummissjoni tiżgura l-inklużjoni attiva tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili fil-valutazzjoni tal-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni ambjentali tal-UE;

32.  Jitlob li l-istituzzjonijiet u l-aġenziji rilevanti tal-UE jagħtu prijorità lir-riċerka u jagħlqu l-lakuni fl-għarfien fl-oqsma li ġejjin: il-limiti ambjentali stabbiliti (punti kritiċi), il-paradigma tal-ekonomija ċirkolari, l-effetti kkombinati ta' sustanzi kimiċi, in-nanomaterjali, il-metodi ta' identifikazzjoni tal-periklu, l-impatti tal-mikroplastik, l-interazzjoni bejn ir-riskji sistemiċi u determinanti oħra tas-saħħa, l-użu tal-ħamrija u tal-art u l-ispeċijiet aljeni invażivi;

33.  Jilqa' r-Rieżami tal-Implimentazzjoni Ambjentali (EIR) bħala mekkaniżmu pożittiv biex titjieb l-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni u l-politika ambjentali tal-UE, li jista' jikkontribwixxi għall-monitoraġġ tal-implimentazzjoni tas-Seba' EAP, kif diġà enfasizzat fir-riżoluzzjoni tiegħu tal-16 ta' Novembru 2017 dwar ir-Reviżjoni Ambjentali tal-UE(14); iqis li l-EIR għandu jinvolvi b'mod sħiħ lill-partijiet interessati rilevanti kollha, inkluża s-soċjetà ċivili, u għandu jkopri l-ambitu sħiħ tal-għanijiet tematiċi ta' prijorità tal-EAP;

34.  Jistieden lill-Unjoni u lill-Istati Membri biex malajr u b'mod definittiv jabbandunaw sussidji li huma ta' ħsara għall-ambjent;

35.  Jistieden lill-Kummissjoni u l-Istati Membri jżidu u jikkoordinaw l-isforzi sabiex jippromwovu l-iżvilupp u l-validazzjoni tal-metodi alternattivi għall-ittestjar fuq l-annimali sakemm dawn jikkontribwixxu għall-ilħuq tal-għan prijoritarju Nru 5 tas-Seba' EAP;

36.  Isejjaħ lill-Kummissjoni u l-Istati Membri jagħmlu aktar sabiex itejbu l-bażi ta' għarfien u dik xjentifika tal-politiki ambjentali tal-UE, billi jżidu l-aċċessibbiltà tad-data għaċ-ċittadini u jippromwovu l-involviment tal-pubbliku fir-riċerka xjentifika;

37.  Jistieden lill-istituzzjonijiet tal-UE, kif ukoll lill-gvernijiet nazzjonali u reġjonali fejn xieraq, jużaw bis-sħiħ l-għarfien speċjalizzat disponibbli dwar ir-riskji għall-ambjent u s-saħħa tal-bniedem meta jfasslu u jissorveljaw il-politiki;

38.  Jappella għal titjib tas-sistema tal-awtorizzazzjoni tal-pestiċidi fl-UE, ibbażata fuq evalwazzjoni ta' studji xjentifiċi bejn il-pari u ta' trasparenza sħiħa dwar il-grad ta' esponiment għall-bniedem u għall-ambjent u għas-saħħa; jappella għal standards imtejba ta' monitoraġġ ta' pestiċidi u miri għat-tnaqqis tal-użu tagħhom; jieħu nota tal-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-12 ta' Diċembru 2017 dwar l-Inizjattiva taċ-Ċittadini Ewropej "Ipprojbixxu l-glifosat u pproteġu lin-nies u lill-ambjent mill-pestiċidi tossiċi" (C(2017) 8414);

39.  Jistieden lill-Kummissjoni tiżgura li sal-2020 jiġu identifikati azzjonijiet fit-tul bl-għan li jinkiseb ambjent mhux tossiku;

40.  Jitlob lill-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent iżżid il-kwantità u l-kwalità tal-indikaturi użati għall-monitoraġġ tal-progress;

41.  Jitlob li l-kwistjoni tal-implimentazzjoni tidher bħala punt rikorrenti fil-programmi u l-prijoritajiet tat-triju ta' Presidenzi, tiġi diskussa fil-Kunsill Ambjent tal-inqas darba fis-sena, possibbilment permezz ta' Kunsill ta' Implimentazzjoni ddedikat, u li dan jiġi kkomplementat minn forum ieħor li fih jiġu involuti wkoll il-Parlament u l-Kumitat tar-Reġjuni; jitlob laqgħat konġunti tal-Kunsill sabiex tiġi trattata l-implimentazzjoni ta' kwistjonijiet transsettorjali u orizzontali u ta' sfidi komuni, kif ukoll kwistjonijiet emerġenti b'impatti transkonfinali possibbli;

42.  Jitlob li titħaffef l-implimentazzjoni sħiħa tal-Istrateġija tal-Bijodiversità tal-UE;

43.  Jitlob li l-proġetti infrastrutturali, b'mod partikolari dawk relatati mat-TEN-T, iqisu bis-sħiħ l-impatti ambjentali fil-livell reġjonali u fil-livell tal-proġett; jinnota li koerenza bejn il-politiki ambjentali differenti hija rilevanti wkoll; jenfasizza l-importanza li l-ambjent u l-bijodiversità jiġu kkunsidrati fil-proġetti ta' infrastruttura għall-produzzjoni tal-enerġija idroelettrika u tal-baħar li tiġġedded;

44.  Isejjaħ lill-Istati Membri jwettqu aktar sforzi sabiex jiġi ppreservat l-użu u l-integrità tar-riżervi tal-ilma ħelu, minħabba l-inċertezza marbuta mal-possibbiltà li ma jintlaħaqx l-għan sekondarju inkluż f'dan ir-rigward fis-Seba' EAP; jistieden lill-Istati Membri jirrimedjaw bħala prijorità għall-istat ħażin tal-ilmijiet tal-wiċċ billi l-għanijiet ta' dan is-settur aktarx mhux se jintlaħqu sal-2020; jistieden lill-awtoritajiet kompetenti fl-Istati Membri jindirizzaw il-pressjonijiet fuq il-korpi tal-ilma, u dan billi tiġi eliminata l-oriġini tas-sorsi ta' tniġġis tal-ilmijiet, filwaqt li jiġu stabbiliti żoni mhux mittiefsa mid-derivazzjonijiet idroelettriċi u filwaqt li tiġi żgurata ż-żamma tal-flussi ekoloġiċi tul ix-xmajjar; jistieden lill-Kummissjoni ma ttawwalx il-valutazzjoni dwar il-konformità tat-tieni ċiklu ta' pjanijiet ta' mmaniġġjar tal-baċini tax-xmara, li ġew adottati mill-Istati Membri skont id-Direttiva Qafas dwar l-Ilma;

45.  Iħeġġeġ aktar riforma tal-PAK biex jiġu allinjati l-produzzjoni tal-ikel sostenibbli u l-miri tal-politika ambjentali, inklużi l-miri tal-bijodiversità, sabiex tiġi ssalvagwardjata s-sigurtà tal-ikel issa u fil-futur; jenfasizza l-ħtieġa għal politika agrikola intelliġenti b'impenn sod biex jinħolqu beni pubbliċi u servizzi tal-ekosistema relatati mal-ħamrija, l-ilma, il-bijodiversità, il-kwalità tal-arja, l-azzjoni klimatika u l-għoti ta' faċilitajiet li jiffavorixxu l-pajsaġġ; jitlob politika integrata b'approċċ immirat u ambizzjuż iżda flessibbli, fejn l-għoti ta' appoġġ lis-settur agrikolu ikun marbut kemm mas-sigurtà tal-ikel kif ukoll mat-twassil ta' riżultati ambjentali; jistieden lill-Istati Membri jirrikonoxxu l-agroforestrija bħala erja b'fokus ekoloġiku skont l-Artikolu 46 tar-Regolament (UE) Nru 1307/2013(15); jistieden lill-Kummissjoni tiżgura li l-prattiki tal-biedja ta' benefiċċju għall-ambjent jingħataw appoġġ xieraq fi kwalunkwe rieżami futur tal-PAK;

46.  Jistieden lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni jżidu l-adozzjoni ta' soluzzjonijiet għall-isfidi ambjentali, b'mod partikolari fejn jeżistu soluzzjonijiet tekniċi iżda li għadhom mhux qed jintużaw bis-sħiħ, bħat-tnaqqis tal-ammonja fl-agrikoltura;

47.  Jistieden lill-Kummissjoni ttejjeb b'mod sinifikanti l-volum, l-użu u l-amministrazzjoni tal-fondi tal-UE għall-għanijiet tal-EAP; jitlob monitoraġġ, trasparenza u responsabbiltà aħjar; jitlob li jiġu integrati kwistjonijiet klimatiċi u kwistjonijiet ambjentali oħra fil-baġit tal-UE;

48.  Jistieden lill-Kummissjoni tiżviluppa, mingħajr dewmien, qafas strateġiku komprensiv u ġenerali dwar l-implimentazzjoni tal-SDGs fl-UE, li jindirizza l-oqsma kollha ta' politika u li jinkludi mekkaniżmu ta' rieżami sabiex jiġi vvalutat il-progress tal-implimentazzjoni; jitlob lill-Kummissjoni tistabbilixxi verifika tal-SDGs ta' kull politika u leġiżlazzjoni ġdida u tiżgura koerenza tal-politika sħiħa fl-implimentazzjoni tal-SDGs;

49.  Jistieden lill-Kummissjoni tiggarantixxi l-infurzar tad-dritt tal-Unjoni eżistenti u tiżgura l-konformità sħiħa tal-Istati Membri mal-għanijiet tas-Seba' EAP billi tuża l-għodod kollha li għandha għad-dispożizzjoni tagħha, pereżempju l-proċeduri ta' ksur;

50.  Jilqa' r-rapporti speċjali eżistenti u l-awditi ta' prestazzjoni tal-QEA u jistieden lill-QEA tkompli tanalizza oqsma oħra rilevanti għall-EAP li ma ġewx inklużi fil-programm ta' ħidma sa issa;

51.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-awtoritajiet kompetenti fl-Istati Membri jipprovdu gwida xierqa sabiex il-fondi tal-UE jkunu aktar aċċessibbli, inklużi għall-proġetti lokali, b'mod partikolari fir-rigward tal-infrastruttura ekoloġika, il-bijodiversità, u d-Direttivi dwar l-Għasafar u l-Ħabitats;

52.  Jistieden lill-Istati Membri jiżguraw l-implimentazzjoni sħiħa tal-leġiżlazzjoni dwar il-kwalità tal-arja; jistieden lill-awtoritajiet reġjonali jipprovdu qafas ta' appoġġ, b'mod partikolari fir-rigward tal-ippjanar urban u t-tfassil ta' politika lokali, sabiex jitjiebu l-eżiti tas-saħħa fl-oqsma kollha, u b'mod partikolari fl-oqsma affettwati bl-agħar mod;

53.  Isejjaħ lill-awtoritajiet nazzjonali u reġjonali kompetenti jadottaw pjanijiet komprensivi ta' miżuri kredibbli sabiex tintemm il-problema tal-qbiż tal-valuri ta' limitu ta' kuljum u fis-sena stabbiliti mil-liġi tal-UE dwar il-materja partikolata fina u ultrafina fl-agglomeranti fejn il-kwalità tal-arja hija ħażina; jenfasizza l-fatt li dan huwa essenzjali sabiex jintlaħqu l-għanijiet prijoritarji Nru 2, 3 u 8 tas-Seba' EAP;

54.  Jipproponi l-azzjonijiet li ġejjin sabiex tittejjeb il-kwalità tal-arja fiż-żoni urbani: l-istabbiliment ta' żoni b'emissjonijiet baxxi; il-promozzjoni tal-faċilitajiet u s-servizzi tal-car-sharing u tar-ride-sharing; it-tneħħija gradwali tat-trattament fiskali preferenzjali għal vetturi li jniġġsu ħafna; l-introduzzjoni ta' "baġits tal-mobilità" għall-impjegati bħala alternattivi għall-karozzi tal-kumpaniji; l-applikazzjoni ta' politiki dwar l-ipparkjar li jnaqqsu l-volum tat-traffiku f'żoni konġestjonati; it-titjib fl-infrastruttura sabiex jitħeġġeġ iċ-ċikliżmu u jiżdiedu l-konnessjonijiet multimodali u tittejjeb is-sigurtà taċ-ċikliżmu; l-istabbiliment ta' żoni pedonali;

55.  Jappella għat-tisħiħ tal-ippjanar u l-iżvilupp urban fuq il-livelli ta' governanza xierqa biex l-infrastruttura tiġi adattata għall-vetturi elettriċi u vetturi nodfa kemm jista' jkun malajr, eż. bl-installazzjoni ta' infrastrutturi għall-iċċarġjar, u biex jiġu pprovduti benefiċċji ambjentali u tas-saħħa bħal dawk li jnaqqsu l-effett ta' gżejjer ta' sħana u jżidu l-attività fiżika, eż. billi tiżdied l-infrastruttura ekoloġika u l-irkupru ta' żoni industrijali degradati jew abbandunati; jirrikonoxxi li dawn il-miżuri se jtejbu l-kwalità tal-arja, jiġġieldu l-mard u l-imwiet prematuri kkawżati mit-tniġġis, u jippermettu li jsir progress lejn mobilità b'emissjonijiet żero;

56.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jiżguraw kompetizzjoni intermodali ġusta u qlib għal mezzi tat-trasport sostenibbli;

57.  Jistieden lill-Kummissjoni tippreżenta, sa mhux aktar tard mill-2019, Programm ta' Azzjoni Ambjentali globali tal-Unjoni għall-perjodu ta' wara l-2020, kif meħtieġ mill-Artikolu 192(3) tat-TFUE; jenfasizza l-importanza tat-trasparenza u tar-responsabbiltà demokratika meta jsir monitoraġġ tal-politika tal-UE; jenfasizza, għalhekk, li l-EAP li jmiss għandu jinkludi stadji importanti ta' nofs it-terminu li jkunu jistgħu jitkejlu u bbażati fuq ir-riżultati;

58.  Jistieden lill-Kummissjoni li jmiss tiddedika qasam ta' prijorità tat-terminu leġiżlattiv li jmiss għall-iżvilupp sostenibbli, il-protezzjoni ambjentali u klimatika b'mod ġenerali u l-għanijiet tas-Seba' EAP u t-8 EAP li jmiss b'mod partikolari;

º

º  º

59.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Qorti Ewropea tal-Awdituri, lill-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent, u lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri.

(1)

. ĠU L 354, 28.12.2013, p. 171.

(2)

Testi adottati, P8_TA(2017)0450.

(3)

ĠU C 265, 11.8.2017, p. 65.

(4)

ĠU C 35, 31.1.2018, p. 2.

(5)

Testi adottati, P8_TA(2017)0441.

(6)

Testi adottati, P8_TA(2017)0100.

(7)

ĠU C 258 E, 7.9.2013, p. 115.

(8)

Id-Direttiva 2009/125/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta' Ottubru 2009 li tistabbilixxi qafas għall-iffissar ta' rekwiżiti għall-ekodisinn għal prodotti relatati mal-enerġija (ĠU L 285, 31.10.2009, p. 10).

(9)

Ir-Regolament (KE) Nru 66/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Novembru 2009 dwar skema ta' Ekotikketta tal-UE (ĠU L 27, 30.1.2010, p. 1).

(10)

Ir-Regolament (KE) Nru 1223/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta' Novembru 2009 dwar il-prodotti kożmetiċi (ĠU L 342, 22.12.2009, p. 59).

(11)

Id-Direttiva tal-Kunsill 98/83/KE tat-3 ta' Novembru 1998 dwar il-kwalità tal-ilma maħsub għall-konsum mill-bniedem (ĠU L 330, 5.12.1998, p. 32).

(12)

Ir-rapport tal-EEA Nru 13/2017 tal-11.10.2017 dwar "air quality in Europe 2017" (il-kwalità tal-arja fl-Ewropa 2017).

(13)

Id-Direttiva 2002/49/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Ġunju 2002 li tirrigwardja l-istudju u l-amministrazzjoni tal-ħsejjes ambjentali (ĠU L 189, 18.07.2002, p. 12).

(14)

Testi adottati, P8_TA(2017)0450.

(15)

Ir-Regolament (UE) Nru 1307/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 2013 li jistabbilixxi regoli għal pagamenti diretti lill-bdiewa taħt skemi ta' appoġġ fil-qafas tal-politika agrikola komuni u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 637/2008 u r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 73/2009 (ĠU L 347, 20.12.2013, p. 608).


INFORMAZZJONI DWAR L-ADOZZJONIFIL-KUMITAT RESPONSABBLI

Data tal-adozzjoni

27.2.2018

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

55

1

3

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Margrete Auken, Pilar Ayuso, Zoltán Balczó, Ivo Belet, Biljana Borzan, Soledad Cabezón Ruiz, Miriam Dalli, Seb Dance, Angélique Delahaye, Mark Demesmaeker, Stefan Eck, Karl-Heinz Florenz, Francesc Gambús, Elisabetta Gardini, Jens Gieseke, Julie Girling, Françoise Grossetête, Andrzej Grzyb, Jytte Guteland, György Hölvényi, Anneli Jäätteenmäki, Karin Kadenbach, Kateřina Konečná, Urszula Krupa, Giovanni La Via, Peter Liese, Lukas Mandl, Valentinas Mazuronis, Susanne Melior, Miroslav Mikolášik, Rory Palmer, Gilles Pargneaux, Bolesław G. Piecha, Pavel Poc, John Procter, Julia Reid, Frédérique Ries, Michèle Rivasi, Annie Schreijer-Pierik, Renate Sommer, Nils Torvalds, Adina-Ioana Vălean, Jadwiga Wiśniewska, Damiano Zoffoli

Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali

Nikos Androulakis, Ismail Ertug, Eleonora Evi, Luke Ming Flanagan, Martin Häusling, Peter Jahr, Rupert Matthews, Ulrike Müller, Alojz Peterle, Stanislav Polčák, Bart Staes, Carlos Zorrinho

Sostituti (skont l-Artikolu 200(2)) preżenti għall-votazzjoni finali

Josu Juaristi Abaunz, Tomáš Zdechovský, Maria Gabriela Zoană


VOTAZZJONI FINALI B'SEJĦA TAL-ISMIJIET FIL-KUMITAT RESPONSABBLI

55

+

ALDE

Anneli Jäätteenmäki, Valentinas Mazuronis, Ulrike Müller, Frédérique Ries, Nils Torvalds

ECR

Mark Demesmaeker, Julie Girling, Rupert Matthews, John Procter

EFDD

Eleonora Evi

GUE/NGL

Stefan Eck, Luke Ming Flanagan, Josu Juaristi Abaunz, Kateřina Konečná

NI

Zoltán Balczó

PPE

Pilar Ayuso, Ivo Belet, Angélique Delahaye, Karl-Heinz Florenz, Francesc Gambús, Elisabetta Gardini, Jens Gieseke, Françoise Grossetête, Andrzej Grzyb, György Hölvényi, Peter Jahr, Giovanni La Via, Peter Liese, Lukas Mandl, Miroslav Mikolášik, Alojz Peterle, Stanislav Polčák, Annie Schreijer-Pierik, Renate Sommer, Adina-Ioana Vălean, Tomáš Zdechovský

S&D

Nikos Androulakis, Biljana Borzan, Soledad Cabezón Ruiz, Miriam Dalli, Seb Dance, Ismail Ertug, Jytte Guteland, Karin Kadenbach, Susanne Melior, Rory Palmer, Gilles Pargneaux, Pavel Poc, Maria Gabriela Zoană, Damiano Zoffoli, Carlos Zorrinho

Verts/ALE

Margrete Auken, Martin Häusling, Michèle Rivasi, Bart Staes

1

-

EFDD

Julia Reid

3

0

ECR

Urszula Krupa, Bolesław G. Piecha, Jadwiga Wiśniewska

Tifsira tas-simboli użati:

+  :  favur

-  :  kontra

0  :  astensjoni

Aġġornata l-aħħar: 23 ta' April 2018Avviż legali