Proċedura : 2018/2025(BUD)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A8-0061/2018

Testi mressqa :

A8-0061/2018

Dibattiti :

Votazzjonijiet :

PV 14/03/2018 - 8.7

Testi adottati :

P8_TA(2018)0074

RAPPORT     
PDF 684kWORD 83k
8.3.2018
PE 618.124v02-00 A8-0061/2018

dwar il-proposta għal deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (applikazzjoni ppreżentata mill-Ġermanja – EGF/2017/008 DE/Goodyear)

(COM(2018)0061 – C8-0031/2018 – 2018/2025(BUD))

Kumitat għall-Baġits

Rapporteur: Ingeborg Gräßle

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW
 ANNESS: DEĊIŻJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL
 NOTA SPJEGATTIVA
 ANNESS: ITTRA TAL-KUMITAT GĦALL-IMPJIEGI U L-AFFARJIET SOĊJALI
 ANNESS: ITTRA TAL-KUMITAT GĦALL-IŻVILUPP REĠJONALI
   INFORMAZZJONI DWAR L-ADOZZJONI FIL-KUMITAT RESPONSABBLI
 VOTAZZJONI FINALI B'SEJĦA TAL-ISMIJIETFIL-KUMITAT RESPONSABBLI

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW

dwar il-proposta għal deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (applikazzjoni ppreżentata mill-Ġermanja – EGF/2017/008 DE/Goodyear)

(COM(2018)0061 – C8-0031/2018 – 2018/2025(BUD))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill (COM(2018)0061 – C8-0031/2018),

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 1309/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 2013 dwar il-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (2014-2020) u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1927/2006(1) ("ir-Regolament dwar il-FEG"),

–  wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) Nru 1311/2013 tat-2 ta' Diċembru 2013 li jistabbilixxi l-qafas finanzjarju pluriennali għas-snin 2014-2020(2), u b'mod partikolari l-Artikolu 12 tiegħu,

–  wara li kkunsidra l-Ftehim Interistituzzjonali tat-2 ta' Diċembru 2013 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar dixxiplina baġitarja, dwar kooperazzjoni f'materji ta' baġit u dwar ġestjoni finanzjarja tajba(3) (FII tat-2 ta' Diċembru 2013), u b'mod partikolari l-punt 13 tiegħu,

–  wara li kkunsidra l-proċedura ta' trilogu prevista fil-punt 13 tal-FII tat-2 ta' Diċembru 2013,

–  wara li kkunsidra l-ittra tal-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali,

–  wara li kkunsidra l-ittra tal-Kumitat għall-Iżvilupp Reġjonali,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Baġits (A8-0061/2018),

A.  billi l-Unjoni stabbiliet strumenti leġiżlattivi u baġitarji biex tipprovdi appoġġ addizzjonali lill-ħaddiema li jkunu qegħdin ibatu l-konsegwenzi ta' bidliet strutturali kbar fl-andament tal-kummerċ internazzjonali jew tal-kriżi finanzjarja u ekonomika globali u biex tgħin ir-riintegrazzjoni tagħhom fis-suq tax-xogħol;

B.  billi l-għajnuna finanzjarja tal-Unjoni għall-ħaddiema li ngħataw is-sensja għandha tkun waħda dinamika u disponibbli b'mod effiċjenti u rapidu kemm jista' jkun;

C.  billi l-Ġermanja ppreżentat l-applikazzjoni EGF/2017/008 DE/Goodyear għal kontribuzzjoni finanzjarja mill-FEG, b'segwitu għal 646 sensja fis-settur ekonomiku kklassifikat taħt id-Diviżjoni 22 ta' NACE Reviżjoni 2 (Manifattura ta' prodotti tal-gomma u tal-plastik) fir-reġjun ta' Regierungsbezirk Karlsruhe (DE12) tal-livell NUTS 2 fil-Ġermanja;

D.  billi l-applikazzjoni hi msejsa fuq il-kriterji ta' intervent tal-punt (a) tal-Artikolu 4(1) tar-Regolament dwar il-FEG, li jirrikjedi li jrid ikun hemm mill-inqas 500 ħaddiem li ngħataw is-sensja matul perjodu ta' referenza ta' erba' xhur f'intrapriża fi Stat Membru, inklużi l-ħaddiema li ngħataw is-sensja minn fornituri u produtturi aktar 'l isfel fil-katina ta' produzzjoni u / jew minn persuni li jaħdmu għal rashom u li l-attività tagħhom waqfet;

1.  Jaqbel mal-Kummissjoni li l-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 4(1) tar-Regolament dwar il-FEG huma sodisfatti, u li l-Ġermanja għandha d-dritt għal kontribuzzjoni finanzjarja ta' EUR 2 165 231 skont dan ir-Regolament, li tirrappreżenta 60 % tal-ispiża totali ta' EUR 3 608 719;

2.  Jinnota li l-awtoritajiet Ġermaniżi ppreżentaw l-applikazzjoni fis-6 ta' Ottubru 2017, u li, wara l-għoti ta' informazzjoni addizzjonali mill-Ġermanja, il-Kummissjoni ffinalizzat il-valutazzjoni tagħha fid-9 ta' Frar 2018 u l-Parlament ġie avżat fl-istess ġurnata;

3.  Jinnota li s-sehem mis-suq tat-tajers dinji tal-manifatturi Asjatiċi miċ-Ċina, it-Tajwan u Singapore żdirf minn 4 % fl-2011 għal 20 % fl-2013;

4.  Jinnota li l-Ġermanja bdiet tipprovdi s-servizzi personalizzati lill-benefiċjarji fil-mira fl-1 ta' Jannar 2018. Għalhekk, in-nefqa fuq dawn l-azzjonijiet se tkun eliġibbli għal kontribuzzjoni finanzjarja mill-FEG;

5.  Jinnota li l-Ġermanja qed issostni li s-sensji huma marbutin mal-bidliet strutturali kbar fl-andament tal-kummerċ internazzjonali minħabba l-globalizzazzjoni u l-impatt negattiv tagħha fuq il-produzzjoni tat-tajers tal-karozzi tas-segment B fl-Unjoni;

6.  Ifakkar li s-sensji li ngħataw fil-Goodyear huma mistennija jpoġġu pressjoni negattiva konsiderevoli fuq l-ekonomija lokali, u li l-impatt tas-sensji huwa marbut mad-diffikultajiet ta' riallokazzjoni minħabba l-iskarsezza ta' impjiegi, il-livell baxx ta' edukazzjoni tal-ħaddiema li ngħataw is-sensja, mill-iżvilupp tagħhom ta' ħiliet vokazzjonali speċifiċi f'settur li sejjer lura, u mill-għadd kbir ta' dawk li qed ifittxu impjieg;

7.  Jinsab konxju mit-tnaqqis fil-produzzjoni tal-karozzi u fis-sehem mis-suq tal-Unjoni bħala riżultat tal-globalizzazzjoni; jirrikonoxxi li b'riżultat ta' dan, inbniet kapaċità żejda sinifikanti fis-segment B tat-tajers tal-Goodyear, li ġiegħlet lill-kumpanija tagħlaq wieħed mill-impjanti Ewropej tagħha, li kien l-akbar impjegatur fir-reġjun; jinnota li l-FEG jista' jiffaċilita wkoll il-moviment transfruntier tal-ħaddiema minn setturi li qed jiċkienu li jinsabu f'xi Stati Membri għal setturi li qed jespandu fi Stati Membri oħra;

8.  Jinnota li l-applikazzjoni tikkonċerna 646 ħaddiem li ngħataw is-sensja mill-Goodyear, li fil-parti l-kbira tagħhom għandhom bejn it-30 u l-54 sena; jindika wkoll il-fatt li perċentwal sinifikanti tal-ħaddiema li ngħataw is-sensja huma fl-età ta' bejn il-55 u l-64 sena u għandhom ħiliet speċifiċi għas-settur tal-manifattura; jinnota barra minn hekk li madwar 300 ħaddiem minn dawk li ngħataw is-sensja huma bla ħiliet u għandhom passat ta' migrazzjoni u mingħajr kwalifika formali, bħal taħriġ vokazzjonali, li jpoġġihom fi żvantaġġ fis-suq tal-impjiegi reġjonali; jenfasizza li r-reġjun ta' Waghäusel, li fih jinsab l-impjant ta' Philippsburg, qed jiffaċċja bidliet strutturali; fid-dawl ta' dan, jirrikonoxxi l-importanza tal-miżuri attivi tas-suq tax-xogħol kofinanzjati mill-FEG biex jitjiebu l-possibbiltajiet ta' riintegrazzjoni fis-suq tax-xogħol ta' dawn il-gruppi;

9.  Jinnota li l-Ġermanja qiegħda tippjana sitt tipi ta' azzjonijiet għall-ħaddiema li ngħataw is-sensja koperti minn din l-applikazzjoni: (i) miżuri ta' titjib tal-ħiliet, (ii) gruppi ta' pari / gruppi ta' ħidma, (iii) servizz ta' pariri dwar il-bidu ta' negozju, (iv) tfittxija għal impjieg, (v) mentoring ta' segwitu / l-iżgurar tal-impjiegi, u (vi) allowance għat-taħriġ;

10.  Jinnota li l-miżuri ta' appoġġ għall-introjtu se jirrappreżentaw massimu ta' 35 % tal-pakkett kumplessiv ta' miżuri personalizzati stabbilit fir-Regolament dwar il-FEG u li dawn l-azzjonijiet jiddependu mill-parteċipazzjoni attiva min-naħa tal-benefiċjarji fil-mira fl-attivitajiet ta' tiftix ta' xogħol jew ta' taħriġ;

11.  Jilqa' l-konsultazzjonijiet mal-partijiet ikkonċernati inklużi r-rappreżentanti tal-ħaddiema li ngħataw is-sensja, is-sħab soċjali u l-awtoritajiet reġjonali, kif ukoll il-kunsill tal-ħaddiema, it-trade unions u l-maniġment, li seħħew waqt li tfassal tal-pakkett koordinat ta' servizzi personalizzati;

12.  Jilqa' d-deċiżjoni tas-servizz pubbliku għall-impjiegi biex jieħu kont kemm tal-ħtiġijiet futuri tas-suq tax-xogħol kif ukoll tal-kwalifiki tal-ħaddiema kkonċernati fit-tfassil ta' strateġija ta' kwalifiki u ħiliet;

13.  Ifakkar li, f'konformità mal-Artikolu 7 tar-Regolament dwar il-FEG, il-pakkett koordinat ta' servizzi personalizzati għandu jitfassal b'mod li jantiċipa l-perspettivi u l-ħiliet li se jkun hemm bżonn fis-suq tax-xogħol fil-futur, u għandu jkun kompatibbli mal-bidla lejn ekonomija sostenibbli u effiċjenti fl-użu tar-riżorsi; jilqa' l-assigurazzjoni li l-miżuri organizzati huma f'konformità mal-istrateġija ta' sostenibbiltà tal-Ġermanja, u li l-korp li jistabbilixxi ż-żewġ kumpaniji ta' trasferiment ikollu ċertifikazzjoni ta' sostenibbiltà.

14.  Jinnota li l-awtoritajiet Ġermaniżi pprovdew assigurazzjonijiet li l-azzjonijiet proposti mhux se jirċievu appoġġ minn strumenti finanzjarji jew fondi oħra tal-Unjoni, li kwalunkwe finanzjament doppju se jiġi evitat u li dawn se jkunu komplementari għal azzjonjijiet iffinanzjati mill-Fondi Strutturali;

15.  Jikkonstata l-konferma tal-Ġermanja li kontribuzzjoni finanzjarja mill-FEG mhix se tissostitwixxi l-azzjonijiet li l-intrapriża kkonċernata hija meħtieġa tieħu skont id-dritt nazzjonali jew skont il-ftehimiet kollettivi, jew miżuri għal kumpaniji jew setturi ta' ristrutturar;

16.  Jistieden lill-Kummissjoni tħeġġeġ lill-awtoritajiet nazzjonali jipprovdu aktar dettalji fil-proposti futuri dwar is-setturi li għandhom il-prospettivi ta' tkabbir, u għalhekk aktarx li jirreklutaw, kif ukoll jiġbru data sostanzjata dwar l-impatt tal-finanzjament mill-FEG, inkluż dwar il-kwalità, it-tul ta' żmien u s-sostenibbiltà ta' impjiegi ġodda, dwar l-għadd u l-perċentwal ta' persuni li jaħdmu għal rashom u start-ups, u r-rata ta' riintegrazzjoni miksuba mill-FEG;

17.  Ifakkar fl-appell tiegħu lill-Kummissjoni biex tiżgura li l-pubbliku jkollu aċċess għad-dokumenti kollha relatati ma' każijiet tal-FEG;

18.  Japprova d-deċiżjoni annessa ma' din ir-riżoluzzjoni;

19.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jiffirma din id-deċiżjoni flimkien mal-President tal-Kunsill u biex jiżgura li tiġi ppubblikata f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea;

20.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni, flimkien mal-anness tagħha, lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.

(1)

ĠU L 347, 20.12.2013, p. 855.

(2)

ĠU L 347, 20.12.2013, p. 884.

(3)

ĠU C 373, 20.12.2013, p. 1.


ANNESS: DEĊIŻJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

dwar il-mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (applikazzjoni ppreżentata mill-Ġermanja – EGF/2017/008 DE/Goodyear)

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidraw ir-Regolament (UE) Nru 1309/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 2013 dwar il-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (2014-2020) u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1927/2006(1), u b'mod partikolari l-Artikolu 15(4) tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-Ftehim interistituzzjonali tat-2 ta' Diċembru 2013 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar dixxiplina baġitarja, dwar kooperazzjoni f'materji ta' baġit u dwar ġestjoni finanzjarja tajba(2), u b'mod partikolari l-punt 13 tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1) Il-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (minn hawn 'il quddiem "FEG") għandu l-iskop li jagħti appoġġ lill-ħaddiema li jkunu ngħataw is-sensja u lill-persuni li kienu jaħdmu għal rashom u kellhom iwaqqfu l-attività tagħhom minħabba bidliet strutturali kbar fl-andament tal-kummerċ internazzjonali bħala riżultat tal-globalizzazzjoni, bħala riżultat tal-kontinwazzjoni tal-kriżi finanzjarja u ekonomika globali, jew bħala riżultat ta' kriżi finanzjarja u ekonomika globali ġdida, u li jassistihom fir-riintegrazzjoni tagħhom fis-suq tax-xogħol.

(2) Il-FEG ma jridx jaqbeż ammont annwali massimu ta' EUR 150 miljun (prezzijiet tal-2011), kif previst fl-Artikolu 12 tar-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) Nru 1311/2013(3).

(3) Fis-6 ta' Ottubru 2017, il-Ġermanja ppreżentat applikazzjoni biex timmobilizza l-FEG, fir-rigward tas-sensji fil-Goodyear Dunlop Tires Germany GmbH fil-Ġermanja. Din l-applikazzjoni ġiet issupplimentata b'informazzjoni addizzjonali mogħtija skont l-Artikolu 8(3) tar-Regolament (UE) Nru 1309/2013. L-applikazzjoni hija konformi mar-rekwiżiti għad-determinazzjoni tal-kontribuzzjoni finanzjarja mill-FEG kif stabbilit fl-Artikolu 13 tar-Regolament (UE) Nru 1309/2013.

(4) Għaldaqstant, il-FEG għandu jiġi mobilizzat sabiex jipprovdi kontribuzzjoni finanzjarjali tammonta għal EUR 2 165 231 għall-applikazzjoni ppreżentata mill-Ġermanja.

(5) Sabiex iż-żmien li jittieħed għall-mobilizzazzjoni tal-FEG jitnaqqas kemm jista' jkun, din id-deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ mid-data tal-adozzjoni tagħha,

ADOTTAW DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Għall-baġit ġenerali tal-Unjoni stabbilit għas-sena finanzjarja 2018, il-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni għandu jiġi mobilizzat biex jipprovdi s-somma ta' EUR 2 165 231 f'approprjazzjonijiet ta' impenn u ta' pagament.  

Artikolu 2

Din id-deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tagħha f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea. Din id-deċiżjoni għandha tapplika minn [data ta' adozzjoni ta' din id-deċiżjoni](4)*.

Magħmul fi ...,

Għall-Parlament Ewropew  Għall-Kunsill

Il-President  Il-President

(1)

  ĠU L 347, 20.12.2013, p. 855.

(2)

  ĠU C 373, 20.12.2013, p. 1.

(3)

  Ir-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) Nru 1311/2013 tat-2 ta' Diċembru 2013 li jistabbilixxi l-qafas finanzjarju pluriennali għas-snin 2014-2020 (ĠU L 347, 20.12.2013, p. 884).

(4)

*   Id-data għandha tiddaħħal mill-Parlament qabel il-pubblikazzjoni fil-ĠU.


NOTA SPJEGATTIVA

I.  Kuntest

Il-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni nħoloq biex jipprovdi assistenza addizzjonali lill-ħaddiema li jkunu qed ibatu l-konsegwenzi ta' bidliet strutturali kbar fl-andament tal-kummerċ internazzjonali.

Skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 12 tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 1311/2013 li jistabbilixxi l-qafas finanzjarju pluriennali għas-snin 2014-2020(1) u tal-Artikolu 15 tar-Regolament (UE) Nru 1309/2013(2), il-Fond ma jistax jaqbeż ammont annwali massimu ta' EUR 150 miljun (prezzijiet tal-2011). L-ammonti xierqa jiddaħħlu bħala dispożizzjoni fil-baġit ġenerali tal-Unjoni.

Fir-rigward tal-proċedura, skont il-punt 13 tal-Ftehim Interistituzzjonali tat-2 ta' Diċembru 2013 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar dixxiplina baġitarja, dwar kooperazzjoni f'materji ta' baġit u dwar ġestjoni finanzjarja tajba(3), sabiex jiġi attivat il-Fond, f'każ ta' valutazzjoni pożittiva tal-applikazzjoni, il-Kummissjoni tippreżenta, lill-awtorità baġitarja, proposta għal mobilizzazzjoni tal-Fond u, fl-istess waqt, talba korrispondenti għal trasferiment. Fil-każ ta' nuqqas ta' qbil, għandu jinbeda trilogu.

II.  L-applikazzjoni tal-Ġermanja u l-proposta tal-Kummissjoni

Fid-9 ta' Frar 2017, il-Kummissjoni adottat proposta għal deċiżjoni dwar il-mobilizzazzjoni tal-FEG favur il-Ġermanja bħala appoġġ għar-riintegrazzjoni fis-suq tax-xogħol tal-ħaddiema li ngħataw is-sensja minn intrapriża waħda li topera fis-settur ekonomiku kklassifikat taħt id-Diviżjoni 22 ta' NACE Reviżjoni 2 (Manifattura ta' prodotti tal-gomma u tal-plastik). Is-sensji li ngħataw mill-Goodyear jinsabu prinċipalment fir-reġjun tal-livell NUTS 2 ta' Regierungsbezirk Karlsruhe (DE12) fil-Ġermanja. Din il-proposta ntbagħtet lill-Parlament Ewropew fid-9 ta' Frar 2018.

Din hija t-tielet applikazzjoni li se tkun eżaminata fil-qafas tal-baġit tal-2018, u l-ewwel waħda fis-settur ekonomiku kklassifikat taħt id-Diviżjoni 22 ta' NACE Reviżjoni 2 (Manifattura ta' prodotti tal-gomma u tal-plastik) mill-istabbiliment tal-FEG. Tikkonċerna 646 ħaddiem li ngħataw is-sensja u tirreferi għall-mobilizzazzjoni ta' ammont totali ta' EUR 2 165 231 mill-FEG għall-Ġermanja.

L-applikazzjoni ntbagħtet lill-Kummissjoni fis-6 ta' Ottubru 2017 u ġiet issupplimentata b'informazzjoni addizzjonali sal-4 ta' Diċembru 2017. Il-Kummissjoni ffinalizzat il-valutazzjoni tagħha fid-9 ta' Frar 2018 u kkonkludiet, bi qbil mad-dispożizzjonijiet applikabbli kollha tar-Regolament dwar il-FEG, li l-applikazzjoni tissodisfa l-kundizzjonijiet għal kontribuzzjoni finanzjarja mill-FEG, kif imsemmi fl-Artikolu 4(1) tar-Regolament dwar il-FEG.

Il-Ġermanja qed ssostni li s-sensji huma marbutin mal-bidliet strutturali kbar fl-andament tal-kummerċ internazzjonali minħabba l-globalizzazzjoni, u l-impatt negattiv tagħha fuq il-produzzjoni ta' tajers tal-karozzi tas-segment B fl-Unjoni Ewropea. Minħabba t-tnaqqis fil-produzzjoni tal-karozzi fl-UE u fis-sehem mis-suq fid-dawl tal-globalizzazzjoni, inbniet kapaċità żejda sinifikanti fis-segment B tal-Goodyear, li ġiegħlet lill-kumpanija tagħlaq l-impjant ta' Philippsburg, li kellu l-ikbar kapaċità ta' produzzjoni għal tajers tas-segment B fost l-impjanti Ewropej tal-Goodyear.

Is-sensji seħħew fid-distrett ta' Karlsruhe, li qed jiffaċċja bidla strutturali. Bosta kumpaniji żgħar jew ta' daqs medju fir-reġjun issensjaw mijiet ta' ħaddiema. L-impjant tal-Goodyear kien l-akbar impjegatur fir-reġjun.

Numru kbir tal-ħaddiema li ngħataw is-sensja huma rġiel. Fil-parti l-kbira tagħhom għandhom bejn it-30 u l-54 sena filwaqt li 26 % minnhom għandhom bejn il-55 u l-64 sena. Madwar 300 ħaddiem minn dawk li ngħataw is-sensja huma bla ħiliet u għandhom passat ta' migrazzjoni (bi wħud minnhom huma ċittadini tal-UE, u oħrajn ċittadini ta' pajjiżi terzi). Il-miżuri attivi tas-suq tax-xogħol kofinanzjati mill-FEG huma aktar u aktar importanti biex jittejbu l-possibbiltajiet ta' riintegrazzjoni fis-suq tax-xogħol għal dawn il-gruppi.

Is-sitt tipi ta' azzjonijiet li għandhom jiġu offruti lill-ħaddiema li ngħataw is-sensja u li għalihom qed jintalab il-kofinanzjament mill-FEG jikkonsistu fi:

– Miżuri għat-titjib tal-ħiliet: Dawn huma offruti lil ħaddiema eliġibbli wara l-ħolqien ta' profili u intervisti ta' gwida dwar il-karriera, u għandhom l-intenzjoni li jgħinuhom jibbenefikaw mill-opportunitajiet fis-suq tax-xogħol.

– Gruppi ta' pari / gruppi ta' ħidma: Dawn se jkunu fora ta' gruppi assistiti minn faċilitatur, li se jgħin lill-parteċipanti jaqsmu ideat u riflessjonijiet.

– Servizz ta' pariri dwar il-bidu ta' negozju: Dan se jinkludi pakkett ta' servizzi ta' konsulenza għal dawk interessati li jibdew in-negozji tagħhom stess. Dawn is-servizzi se jinkludu miżuri ta' kowċing imfassla apposta u individwalizzati.

– Tfittxija għal impjieg: Il-job scouts professjonali se jgħinu biex jidentifikaw postijiet tax-xogħol vakanti potenzjali li għadhom ma ġewx ippubblikati, li jistgħu jissodisfaw xi ħaddiema eliġibbli. Hemm ippjanata wkoll fiera tal-impjiegi.

– Mentoring ta' segwitu/l-iżgurar tal-impjiegi: Il-ħaddiema jistgħu jibbenefikaw minn servizzi oħrajn ta' konsulenza ta' gwida wara li jibdew jaħdmu fl-impjieg il-ġdid biex tiġi ffaċilitata t-tranżizzjoni fl-impjieg il-ġdid u biex jitnaqqas ir-riskju ta' telf ta' impjiegi.

– Allowance tat-taħriġ: Il-ħlas jibda mid-data li fiha l-ħaddiem jidħol fil-kumpanija ta' trasferiment, u jintemm hekk kif il-persuna titlaq minn mal-kumpanija ta' trasferiment.

Skont il-Kummissjoni, il-miżuri deskritti jikkostitwixxu miżuri attivi fis-suq tax-xogħol skont l-azzjonijiet eliġibbli stabbiliti fl-Artikolu 7 tar-Regolament dwar il-FEG u ma jissostitwixxux miżuri passivi ta' protezzjoni soċjali.

L-awtoritajiet Ġermaniżi pprovdew l-assigurazzjonijiet neċessarji kollha rigward dan li ġej:

– il-prinċipji tat-trattament indaqs u tan-nondiskriminazzjoni se jiġu rrispettati fl-aċċess għall-azzjonijiet proposti u fl-implimentazzjoni tagħhom,

– hemm konformità mar-rekwiżiti stabbiliti fil-leġiżlazzjoni nazzjonali u tal-UE rigward is-sensji kollettivi,

– l-intrapriżi li taw is-sensji, li komplew bl-attivitajiet tagħhom wara s-sensji, ikkonformaw mal-obbligi ġuridiċi tagħhom li jirregolaw is-sensji u pprovdew għall-ħaddiema tagħhom kif xieraq,

– l-azzjonijiet proposti mhumiex se jirċievu appoġġ finanzjarju minn fondi jew strumenti finanzjarji oħra tal-Unjoni u mhu se jitħalla jsir l-ebda finanzjament doppju,

– l-azzjonijiet proposti se jkunu komplementari għall-azzjonijiet iffinanzjati mill-Fondi Strutturali,

– il-kontribuzzjoni finanzjarja mill-FEG se tkun konformi mar-regoli proċedurali u materjali tal-Unjoni dwar l-għajnuniet mill-Istat.

Il-Ġermanja nnotifikat lill-Kummissjoni li s-sorsi ta' prefinanzjament jew ta' kofinanzjament nazzjonali huma l-baġit federali u l-Bundesagentur für Arbeit (Servizz Pubbliku Federali għall-Impjiegi). Il-Ġermanja nnotifikat lill-Kummissjoni li l-kontribuzzjoni finanzjarja se tiġi amministrata mill-istess entitajiet fi ħdan il-Ministeru Federali għax-Xogħol u l-Affarijiet Soċjali (Bundesministerium für Arbeit und Soziales) li jiġġestixxu l-Fond Soċjali Ewropew (FSE).

III.  Proċedura

Sabiex timmobilizza l-Fond, il-Kummissjoni ressqet lill-Awtorità Baġitarja talba għal trasferiment għal ammont globali ta' EUR 2 165 231 mir-riżerva tal-FEG (40 02 43) għal-linja baġitarja tal-FEG (04 04 01).

Sal-lum, din hija t-tielet proposta ta' trasferiment għall-mobilizzazzjoni tal-Fond li ġiet trażmessa lill-Awtorità Baġitarja matul l-2018.

F'każ ta' nuqqas ta' qbil għandha tinbeda l-proċedura ta' trilogu, kif previst fl-Artikolu 15(4) tar-Regolament dwar il-FEG.

Skont ftehim intern, il-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali għandu jiġi assoċjat fil-proċess sabiex joffri appoġġ kostruttiv u jagħti kontribut għall-valutazzjoni tal-applikazzjonijiet mill-Fond.

 

(1)

ĠU L 347, 20.12.2013, p. 884.

(2)

ĠU L 347, 20.12.2013, p. 855.

(3)

ĠU C 373, 20.12.2013, p. 1.


ANNESS: ITTRA TAL-KUMITAT GĦALL-IMPJIEGI U L-AFFARJIET SOĊJALI

D(2018)7922

Onor. Jean Arthuis

President tal-Kumitat għall-Baġits

ASP 09G205

Suġġett: Opinjoni dwar il-mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (FEG) għall-każ EGF/2017/008 DE/Goodyear

Onor. President,

Il-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali (EMPL) kif ukoll il-Grupp ta' Ħidma tiegħu dwar il-FEG eżamina l-mobilizzazzjoni tal-FEG għall-każ EGF/2017/008 DE/Goodyear u adotta l-opinjoni li ġejja.

Il-Kumitat EMPL u l-Grupp ta' Ħidma dwar il-FEG huma favur il-mobilizzazzjoni tal-Fond fir-rigward ta' din it-talba. F'dan ir-rigward, il-Kumitat EMPL jippreżenta xi kummenti mingħajr, madankollu, ma jqajjem dubji dwar it-trasferiment tal-ħlasijiet.

Id-deliberazzjonijiet tal-Kumitat EMPL huma msejsa fuq il-kunsiderazzjonijiet li ġejjin:

A) Billi din l-applikazzjoni hija bbażata fuq l-Artikolu 4(1)(a) tar-Regolament (UE) Nru 1309/2013 (ir-Regolament dwar il-FEG) u tirrigwarda l-2 646 ħaddiem li ngħataw is-sensja minn intrapriża li topera fis-setturi ekonomiċi kklassifikati taħt id-Diviżjoni 22 ta' NACE Reviżjoni 2 (Manifattura ta' prodotti tal-gomma u tal-plastik);

B) Billi, sabiex tiġi stabbilita r-rabta bejn is-sensji u l-bidliet strutturali kbar fix-xejriet tal-kummerċ dinji minħabba l-globalizzazzjoni, il-Ġermanja sostniet li f'dawn l-aħħar snin, il-fornituri Asjatiċi kisbu sehem sinifikanti tas-suq fejn tidħol il-produzzjoni tat-tajers tal-karozzi li jappartjenu għal "Segment B" (li tipikament jintużaw għal vetturi żgħar jew ta' daqs medju);

C) Billi aktar minn 99 % tal-ħaddiema fil-mira tal-miżuri huma rġiel, u inqas minn 1 % huma nisa; billi 66 % tal-benefiċjarji fil-mira għandhom bejn it-30 u l-54 sena, 26 % għandhom bejn il-55 u l-64 sena u 6 % għandhom inqas minn 30 sena;

Għalhekk, il-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali jistieden lill-Kumitat għall-Baġits, bħala l-kumitat responsabbli, jintegra s-suġġerimenti li ġejjin fil-mozzjoni għal riżoluzzjoni tiegħu rigward l-applikazzjoni Ġermaniża:

1. Jaqbel mal-Kummissjoni li l-kriterji ta' intervent stabbiliti fl-Artikolu 4(1)(a) tar-Regolament (UE) Nru 1309/2013 huma ssodisfati, u li għaldaqstant, skont dan ir-Regolament, il-Ġermanja intitolata għal kontribuzzjoni finanzjarja ta' EUR 2 165 231, li tirrappreżenta 60 % tal-ispiża totali ta' EUR 3 608 719;

2. Jinnota li l-Kummissjoni osservat l-iskadenza ta' 12-il ġimgħa, mir-riċeviment tal-applikazzjoni kompluta min-naħa tal-awtoritajiet Ġermaniżi, biex ikkonkludiet il-valutazzjoni tagħha dwar il-konformità mal-kundizzjonijiet għall-għoti ta' kontribuzzjoni finanzjarja, fid-9 ta' Frar 2018, u nnotifikatha lill-Parlament fl-istess ġurnata;

3. Jenfasizza li d-distrett Waghäusl, fejn jinsab l-impjant ta' Philippsburg, qed jiffaċċja tibdil strutturali u li proporzjon għoli ta' ħaddiema li ngħataw is-sensja minn Goodyear għandhom sfond migratorju jew huma persuni anzjani; gruppi li jidhru li huma l-aktar żvantaġġati fis-suq tal-impjiegi reġjonali;

4. Jilqa' d-deċiżjoni tas-servizz pubbliku għall-impjiegi biex jieħu kont kemm tal-ħtiġijiet futuri tas-suq tax-xogħol kif ukoll tal-kwalifiki tal-ħaddiema kkonċernati fit-tfassil ta' strateġija ta' kwalifiki u ħiliet;

5. Jinnota li l-FEG ikkofinanzja servizzi personalizzati għall-ħaddiema li ngħataw is-sensja, inklużi miżuri ta' titjib tal-ħiliet, gruppi ta' pari/gruppi ta' ħidma, servizz ta' konsulenza għall-bidu ta' negozju, tiftix ta' xogħol, mentoring ta' segwitu u allowances għal taħriġ;

6. Jilqa' l-konsultazzjonijiet mal-partijiet ikkonċernati inklużi r-rappreżentanti tal-ħaddiema li ngħataw is-sensja, is-sħab soċjali u l-awtoritajiet reġjonali, kif ukoll il-kunsill tax-xogħol, it-trade unions u l-manigment, li seħħew waqt li tfassal tal-pakkett koordinat ta' servizzi personalizzati;

7. Jinnota li l-miżuri ta' appoġġ għall-introjtu se jammontaw għal massimu ta' 35 % tal-pakkett globali ta' miżuri personalizzati stabbilit fir-Regolament; u li dawk l-azzjonijiet jiddependu mill-parteċipazzjoni attiva tal-benefiċjarji fil-mira fl-attivitajiet ta' tfittix ta' impjieg jew ta' taħriġ;

8. Jilqa' l-konferma tal-Ġermanja li kontribuzzjoni finanzjarja mill-FEG mhux se tieħu post l-azzjonijiet li l-intrapriża kkonċernata meħtieġa tieħu skont id-dritt nazzjonali jew skont ftehimiet kollettivi;

9. Jerġa' jesprimi t-tħassib tiegħu li l-finanzjament tal-FEG iservi biex isir iżjed minn dak li l-kumpanija ta' trasferiment ġeneralment tagħmel għall-ħaddiema; jistieden lill-Kummissjoni tipprovdi analiżi dettaljata li turi li dan il-finanzjament tal-FEG mhux qed jintuża biex jissostitwixxi l-obbligi tal-Istat Membru jew tal-kumpanija;

10. Jinnota li l-awtoritajiet Ġermaniżi pprovdew assigurazzjonijiet li l-azzjonijiet proposti mhux se jirċievu appoġġ minn strumenti finanzjarji jew fondi oħra tal-Unjoni, li kwalunkwe finanzjament doppju se jiġi evitat u li dawn se jkunu komplementari għal azzjonjijiet iffinanzjati mill-Fondi Strutturali;

11. Ifakkar fil-fatt li, skont l-Artikolu 7 tar-Regolament, il-pakkett koordinat ta' servizzi personalizzati għandu jitfassal b'mod li jantiċipa l-perspettivi u l-ħiliet li se jkun hemm bżonn fis-suq tax-xogħol fil-futur, u għandu jkun kompatibbli mal-bidla lejn ekonomija sostenibbli u effiċjenti fl-użu tar-riżorsi; jilqa' l-assigurazzjoni li l-miżuri organizzati huma f'konformità mal-istrateġija ta' sostenibbiltà tal-Ġermanja, u li l-korp li jistabbilixxi ż-żewġ kumpaniji ta' trasferiment ikollu ċertifikazzjoni ta' sostenibbiltà.

Dejjem tiegħek,

Marita ULVSKOG

Aġent President tal-Kumitat EMPL


ANNESS: ITTRA TAL-KUMITAT GĦALL-IŻVILUPP REĠJONALI

Onor. Jean Arthuis

President tal-Kumitat għall-Baġits

ASP 09G205

Suġġett:  Mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni

Sur President,

Il-proposta tal-Kummissjoni għal deċiżjoni dwar il-mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (FEG) ġiet riferuta lill-Kumitat għall-Iżvilupp Reġjonali għall-opinjoni tiegħu. Nifhem li hemm il-ħsieb li jiġi adottat rapport dwar din il-proposta fil-Kumitat għall-Baġits fit-8 ta' Marzu 2018:

-  COM(2018)61 tipproponi kontribuzzjoni mill-FEG ta' EUR 2 165 231 għal 646 ħaddiem li ngħataw is-sensja mill-Goodyear Dunlop Tires Germany GmbH. Din l-intrapriża topera fis-settur ekonomiku kklassifikat taħt id-Diviżjoni 22 tan-NACE Reviżjoni 2 (Manifattura ta' prodotti tal-gomma u tal-plastik). Is-sensji li ngħataw mill-Goodyear jinsabu prinċipalment fir-reġjun tal-livell NUTS 2 ta' Regierungsbezirk Karlsruhe (DE12) fil-Ġermanja.

Ir-regoli applikabbli għall-kontribuzzjonijiet finanzjarji mill-FEG huma stabbiliti fir-Regolament (UE) Nru 1309/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 2013 dwar il-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (2014-2020) u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1927/2006.

Il-koordinaturi tal-Kumitat ivvalutaw din il-proposta u talbuni niktiblek biex ninfurmak li l-maġġoranza tal-Membri ta' dan il-Kumitat m'għandhom l-ebda oġġezzjoni għal din il-mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni biex l-ammont imsemmi hawn fuq jiġi allokat kif propost mill-Kummissjoni.

Dejjem tiegħek,

Iskra MIHAYLOVA


  INFORMAZZJONI DWAR L-ADOZZJONI FIL-KUMITAT RESPONSABBLI

Data tal-adozzjoni

8.3.2018

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

28

3

0

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Nedzhmi Ali, Jean Arthuis, Richard Ashworth, Reimer Böge, Lefteris Christoforou, Gérard Deprez, Manuel dos Santos, André Elissen, José Manuel Fernandes, Eider Gardiazabal Rubial, Iris Hoffmann, Monika Hohlmeier, John Howarth, Bernd Kölmel, Vladimír Maňka, Urmas Paet, Paul Rübig, Petri Sarvamaa, Patricija Šulin, Eleftherios Synadinos, Indrek Tarand, Daniele Viotti, Marco Zanni

Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali

Xabier Benito Ziluaga, Heidi Hautala, Andrey Novakov, Stanisław Ożóg, Marie-Pierre Vieu, Rainer Wieland

Sostituti (skont l-Artikolu 200(2)) preżenti għall-votazzjoni finali

Michael Detjen, Norbert Lins


VOTAZZJONI FINALI B'SEJĦA TAL-ISMIJIETFIL-KUMITAT RESPONSABBLI

28

+

ALDE

Nedzhmi Ali, Jean Arthuis, Gérard Deprez, Urmas Paet

ECR

Stanisław Ożóg

ENF

Marco Zanni

GUE/NGL

Xabier Benito Ziluaga, Marie-Pierre Vieu

PPE

Richard Ashworth, Reimer Böge, Lefteris Christoforou, José Manuel Fernandes, Monika Hohlmeier, Norbert Lins, Andrey Novakov, Paul Rübig, Petri Sarvamaa, Rainer Wieland, Patricija Šulin

S&D

Michael Detjen, Eider Gardiazabal Rubial, Iris Hoffmann, John Howarth, Vladimír Maňka, Daniele Viotti, Manuel dos Santos

Verts/ALE

Heidi Hautala, Indrek Tarand

3

-

ECR

Bernd Kölmel

ENF

André Elissen

NI

Eleftherios Synadinos

0

0

Tifsira tas-simboli użati:

+  :  favur

-  :  kontra

0  :  astensjoni

Aġġornata l-aħħar: 12 ta' Marzu 2018Avviż legali