Proċedura : 2017/2286(BUD)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A8-0062/2018

Testi mressqa :

A8-0062/2018

Dibattiti :

PV 13/03/2018 - 15
CRE 13/03/2018 - 15

Votazzjonijiet :

PV 15/03/2018 - 10.11
CRE 15/03/2018 - 10.11
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P8_TA(2018)0089

RAPPORT     
PDF 721kWORD 62k
9.3.2018
PE 615.442v02-00 A8-0062/2018

dwar il-linji gwida ġenerali għat-tħejjija tal-baġit 2019, Taqsima III – Kummissjoni

(2017/2286(BUD))

Kumitat għall-Baġits

Rapporteur: Daniele Viotti

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW
 INFORMAZZJONI DWAR L-ADOZZJONIFIL-KUMITAT RESPONSABBLI
 VOTAZZJONI FINALI B'SEJĦA TAL-ISMIJIETFIL-KUMITAT RESPONSABBLI

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW

dwar il-linji gwida ġenerali għat-tħejjija tal-baġit 2019, Taqsima III – Kummissjoni

(2017/2286(BUD))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 314 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 106a tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika,

–  wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) Nru 1311/2013 tat-2 ta' Diċembru 2013 li jistabbilixxi l-qafas finanzjarju pluriennali għas-snin 2014-2020(1),

–  wara li kkunsidra l-Ftehim Interistituzzjonali tat-2 ta' Diċembru 2013 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar dixxiplina baġitarja, dwar kooperazzjoni f'materji ta' baġit u dwar ġestjoni finanzjarja tajba(2),

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Ottubru 2012 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002(3),

–  wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2014/335/UE, Euratom tas-26 ta' Mejju 2014 dwar is-sistema tar-riżorsi proprji tal-Unjoni Ewropea(4),

–  wara li kkunsidra l-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2018(5) u d-dikjarazzjonijiet komuni maqbulaa bejn il-Parlament, il-Kunsill u l-Kummissjoni li huma annessi miegħu,

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-20 ta' Frar 2018 dwar il-linji gwida baġitarji għall-2019 (06315/2018),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 86a tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Baġits (A8-0062/2018),

A.  billi n-negozjati dwar il-baġit tal-Unjoni għall-2019, l-aħħar wieħed taħt il-leġiżlatura kurrenti, se jseħħu b'mod parallel man-negozjati dwar il-Qafas Finanzjarju Pluriennali (QFP) li jmiss u dwar ir-riforma tas-sistema tar-riżorsi proprji tal-UE; billi s-sena 2019 se tkun is-sitt sena tal-QFP 2014-2020;

B.  billi ż-żewġ fergħat tal-awtorità baġitarja għandhom jaħdmu biex fil-Kumitat ta' Konċiljazzjoni jilħqu ftehim ambizzjuż u komprensiv dwar il-baġit għall-2019, sabiex jeżerċitaw influwenza pożittiva fuq in-negozjati paralleli u jippermettu li qbil dwar il-QFP ta' wara l-2020 u dwar ir-riżorsi proprji jintlaħaq sal-aħħar ta' din il-leġiżlatura;

C.  billi, wara l-qbil ta' Diċembru 2017 dwar il-varar tat-tieni fażi tan-negozjati, il-proċess tal-Brexit ma għandux ikollu impatt dirett fuq il-baġit għall-2019, peress li, skont ir-Rapport Konġunt tal-UE u tar-Renju Unit(6), ir-Renju Unit se jikkontribwixxi għall-implimentazzjoni tal-baġits annwali tal-Unjoni għas-snin 2019 u 2020 u jipparteċipa fiha, daqslikieku baqa' fl-Unjoni;

D.   billi l-movimenti populisti u estremisti li qed jikbru fl-Istati Membri kollha pprovdew u rewħu informazzjoni qarrieqa dwar l-UE u dwar il-baġit tagħha, b'mod li jenfasizza l-ħtieġa ta' informazzjoni aħjar u aktar trasparenti;

E.   billi, wara snin ta' perċezzjoni negattiva miċ-ċittadini dwar il-ġestjoni tal-kriżi finanzjarja, soċjali u ekonomika, il-prospettiva ekonomika tittejjeb tal-lum, li hija r-riżultat ta' sforzi koordinati biex l-Ewropa titqiegħed fit-triq lejn l-irkupru ekonomiku, tippermetti ppjanar baġitarju aktar ġeneruż;

F.   billi, tul dawn l-aħħar snin, il-Kunsill ripetutament ikkontradixxa lilu nnifsu, billi ppreżenta prijoritajiet politiċi ġodda għall-UE iżda fl-istess ħin wera li ma kienx lest jipprovdi approprjazzjonijiet ġodda biex jiffinanzjahom; billi prijoritajiet politiċi ġodda u sfidi futuri għall-UE għandhom jiġu ffinanzjati permezz ta' approprjazzjonijiet ġodda, u mhux billi jsir tnaqqis fi programmi eżistenti li rnexxew;

G.  billi, lejn tmiem il-perjodu ta' programmazzjoni finanzjarja kurrenti, l-implimentazzjoni tal-programmi pluriennali se taqbad ritmu ġmielu, u għalhekk il-bżonn li jkollhom riżorsi finanzjarji adegwati qed jikber;

Risposti għall-isfidi quddiem l-UE u għall-istennijiet taċ-ċittadini tal-UE

1.  Jirrikonoxxi l-irkupru mill-konsegwenzi tal-kriżi finanzjarja, ekonomika u soċjali, imsaħħaħ bħala riżultat tal-isforzi tal-UE u tal-Istati Membri biex joħolqu t-tkabbir u l-impjiegi, li jridu jiġu kkonsolidati aktar biex jiġġeneraw influwenza pożittiva fuq il-ħajja ta' kuljum taċ-ċittadini tal-UE, li ħafna minnhom intlaqtu ħażin ħafna mill-kriżi tul diversi snin; jitlob li ż-żgħażagħ u l-persuni f'riskju ta' faqar jew qgħad jingħataw attenzjoni partikolari, biex ikun żgurat li jħossu l-effetti benefiċi, u b'hekk jiġi evitat li l-inugwaljanzi soċjali u reġjonali jkomplu jikbru; jenfasizza, f'dan il-kuntest, li madankollu enfasi speċjali għandha titqiegħed fuq il-kapaċità tar-reġjuni differenti biex jieħdu vantaġġ mit-tkabbir li qed jitqawwa;

2.  Jenfasizza li, skont id-data tal-Eurostat u kontra n-narrattiva populista, iċ-ċittadini tal-UE huma ottimisti dwar il-ġejjieni tal-UE; jenfasizza li l-Unjoni għandha twettaq il-kompiti u r-responsabilitajiet tagħha u tagħmel aktar biex ittejjeb il-ħajja taċ-ċittadini tagħha, sew issa u sew fil-ġejjieni, iżda wkoll biex tipproteġihom kontra prattiki kummerċjali u ekonomiċi inġusti fis-suq dinji, filwaqt li tgħinhom jaħsdu l-benefiċċji ta' dak is-suq; jenfasizza li l-isfidi tat-tibdil fil-klima u tat-theddidiet għas-sigurtà internazzjonali jridu jiġu indirizzati; jemmen li, sabiex tissodisfa dawn l-istennijiet u tonora dawn l-impenji, l-UE jeħtiġilha ttejjeb il-prestazzjoni tagħha, fi ħdan il-mandat tal-kompetenzi tagħha, biex tkun tista' tappoġġja l-ħolqien ta' tkabbir u impjiegi sostenibbli u tnaqqas id-distakk fl-istandards ta' għajxien bejn iċ-ċittadini tal-UE fir-reġjuni kollha tagħha, filwaqt li żżomm bis-sħiħ mal-istrateġija UE 2020, mal-Għanijiet ta' Żvilupp Sostenibbli tan-NU u mal-Ftehim ta' Pariġi; jenfasizza l-ħtieġa li l-ekonomija Ewropea u ċ-ċittadini tal-UE jitħejjew għall-opportunitajiet tad-diġitalizzazzjoni; iqis li l-indirizzar tal-kawżi profondi tal-migrazzjoni u t-twaqqif ta' diversi tipi ta' diskriminazzjoni, bħad-diskriminazzjoni kontra n-nisa u l-persuni LGBTI, jirrappreżentaw ukoll sfidi importanti għall-2019;

It-tħejjija għal ġejjieni sostenibbli u solidarjetajiet imsaħħa fi ħdan l-Unjoni u lil hinn minnha

Il-prijoritajiet ewlenin għall-baġit tal-UE għall-2019

3.  Jemmen li l-baġit tal-UE għall-2019 għandu jsaħħaħ l-istrumenti rilevanti kollha għall-indirizzar tal-qgħad taż-żgħażagħ, speċjalment fir-reġjuni tal-UE li għadhom lura mil-lat ekonomiku, b'attenzjoni partikolari għat-titjib tal-ħiliet u tal-mobilità intraprenditorjali u professjonali, għar-rikonoxximent tal-kwalifiki fil-livelli kollha tal-edukazzjoni u tat-taħriġ vokazzjonali, u għas-sostenn tat-tkabbir, tal-kompetittività, tal-ħolqien tal-impjiegi, tal-investimenti fl-infrastruttura, tal-innovazzjoni, tar-riċerka u tal-SMEs; jenfasizza li l-qgħad fost iż-żgħażagħ, li għandu impatt soċjali kbir, huwa fost l-akbar sfidi fil-livell Ewropew;

4.  Jemmen li l-prijoritajiet għall-baġit tal-UE għall-2019 għandhom ikunu t-tkabbir, l-innovazzjoni, il-kompetittività, il-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima. it-tranżizzjoni lejn l-enerġija rinnovabbli, il-migrazzjoni u s-sigurtà;

  Jappoġġja t-twessigħ tal-opportunitajiet għaż-żgħażagħ biex jipparteċipaw f'attivitajiet ta' solidarjetà; jitlob li l-Korp Ewropew ta' Solidarjetà jiġi introdott bil-ħeffa u implimentat b'mod eżawrjenti wara l-adozzjoni tiegħu, prevista għall-2018;

6.  Jilqa' l-fatt li, fuq talba qawwija min-naħa tal-Parlament, ir-riżultat tal-konċiljazzjoni dwar il-baġit tal-UE għall-2018 kien li l-allokazzjoni speċifika proposta oriġinarjament għall-Inizjattiva favur l-Impjieg taż-Żgħażagħ (YEI) żdiedet b'EUR 116,7 miljun f'approprjazzjonijiet ġodda, hekk li l-ammont totali tagħha tela' għal EUR 350 miljun fl-2018, iżda jirrimarka li jeħtieġ li l-implimentazzjoni tal-fondi, li waqgħet lura, tittejjeb; jopponi l-interpretazzjoni tal-Kummissjoni, fl-aġġornament tekniku tagħha tal-ipprogrammar finanzjarju 2019-2020 wara l-adozzjoni tal-baġit għall-2018, dwar l-ipprogrammar finanzjarju għas-sena 2018, liema interpretazzjoni tqis dan it-tisħiħ bħala antiċipazzjoni tal-approprjazzjonijiet fis-snin li ġejjin, u jistenna li l-Kummissjoni twettaq il-wegħdiet li għamlet lill-Parlament fi tmiem il-perjodu ta' konċiljazzjoni tal-2017; jistenna li l-abbozz tal-baġit għall-2019 juri aktar ambizzjoni fil-ġlieda kontra l-qgħad fost iż-żgħażagħ, hekk li jsib bilanċ ġust bejn l-evoluzzjoni reali tal-kapaċità ta' assorbiment f'dak il-qasam u r-rieda politika li jintwera appoġġ għal din il-kwistjoni; ifakkar fl-impenn tal-Kummissjoni li tipproponi żieda addizzjonali fil-finanzjament għall-YEI permezz ta' baġit emendatorju f'każ li l-kapaċità ta' assorbiment tal-YEI fl-2018 tippermetti tali żieda; jinsisti li l-Istati Membri u l-Kummissjoni għandhom iqabblu l-offerti ta' impjieg, edukazzjoni jew taħriġ mal-profili tal-parteċipanti u mad-domanda tas-suq tax-xogħol, sabiex jippustjaw il-parteċipanti f'impjiegi sostenibbli;

7.  Jitlob li l-Kummissjoni tagħmel disponibbli, għall-proċedura għall-2019, id-data finanzjarja dwar l-implimentazzjoni tal-YEI, analizzata skont is-sehem nazzjonali, biex tikkomplementa r-rappurtar tad-data dwar l-ispejjeż totali li diġà huwa disponibbli għall-pubbliku; iħeġġeġ lill-Kummissjoni ttejjeb is-sinerġiji bejn il-YEI, il-Fond Soċjali Ewropew u l-baġits nazzjonali tal-Istati Membri, biex tiżgura li l-YEI ma ssirx sostitut għall-finanzjament nazzjonali għaż-żgħażagħ li jinsabu barra mill-edukazzjoni, impjieg jew taħriġ (NEETs);

8.  Jenfasizza li, fid-dawl taċ-ċelebrazzjoni tat-30 anniversarju tiegħu, l-Erasmus+ għadu l-programm ewlieni li jrawwem il-mobilità fost iż-żgħażagħ, jgħallem valuri Ewropej fundamentali u jindokrahom fost iż-żgħażagħ, flimkien mal-programmi kulturali tal-UE, kif juri l-volum ta' applikazzjonijiet li saru, li jisbqu l-finanzjament disponibbli; jemmen li l-baġit tal-Erasmus+ għall-2019 jeħtieġ li jiġi estiż aktar (għall-anqas jirdoppja) biex jissodisfa d-domanda eliġibbli għal dan il-programm, b'mod partikolari dik marbuta mat-tagħlim tul il-ħajja;

9.  Jemmen li r-riċerka, il-kompetittività u l-SMEs huma fundamentali biex jippermettu t-tkabbir ekonomiku u l-ħolqien tal-impjiegi; jissottolinja, għalhekk, l-importanza li l-kumpaniji tal-UE, speċjalment l-SMEs, jiġu pprovduti ambjent favorevoli għall-innovazzjoni, ir-riċerka u l-investimenti, biex tinħoloq ekonomija tal-UE tassew kompetittiva fil-livell dinji; jenfasizza li huwa importanti li jiżdied il-baġit taħt l-Intestatura 1a u li jiġi estiż il-finanzjament għal programmi li rnexxew, bħal Orizzont 2020 u programmi li jappoġġjaw lill-SMEs, inkluż il-programm tal-UE għall-Kompetittività tal-Intrapriżi u l-Intrapriżi Żgħar u Medji (COSME), li għandhom ferm aktar applikanti milli għandhom benefiċjarji ta' finanzjament; jenfasizza li huwa importanti li r-rekwiżiti speċifiċi u l-livell baxx ta' riżorsi amministrattivi tal-SMEs jiġu kkunsidrati fit-tfassil tal-programmi maħsuba għall-SMEs; iqis li dan huwa meħtieġ fid-dawl ta' dinja li qed tinbidel b'pass mgħaġġel u li hija kompetittiva ħafna, kif ukoll tal-bidliet profondi fis-setturi kollha kkawżati mid-diġitalizzazzjoni; jirrikonoxxi li l-Fondi Strutturali u ta' Investiment Ewropej (il-Fondi SIE) ukoll jikkontribwixxu għal dawn il-prijoritajiet kollha;

10.  Jenfasizza li l-investimenti fir-riċerka u fl-innovazzjoni jirrappreżentaw prekundizzjoni għall-ksib ta' kompetittività ġenwina fl-UE; jiddispjaċih li, bħala riżultat tal-fatt allarmanti li r-rata ta' suċċess tal-applikazzjonijiet tant kienet baxxa, anqas proġetti ta' kwalità għolja fil-qasam tar-riċerka u l-innovazzjoni qed jirċievu finanzjament mill-UE; jenfasizza, f'dan ir-rigward, li livell adegwat ta' approprjazzjonijiet irid ikun żgurat għal Orizzont 2020;

11.  Jisħaq fuq il-potenzjal għat-tkabbir ekonomiku li jirriżulta mit-trasformazzjoni teknoloġika u jitlob li l-baġit tal-UE jkollu rwol adatt fl-appoġġ għad-diġitalizzazzjoni tal-industrija Ewropea u fil-promozzjoni tal-ħiliet diġitali u tal-intraprenditorija diġitali;

12.  Jirrikonoxxi li l-SMEs għadhom is-sinsla tal-ekonomija Ewropea u li se jibqgħu jaqdu rwol deċiżiv fil-ħolqien tal-impjiegi u fit-tkabbir madwar l-UE kollha kemm hi; jitlob, f'dan ir-rigward, li fl-2019 l-approprjazzjonijiet għall-COSME jiżdiedu, fid-dawl tas-suċċess ta' dan il-programm;

13.  Jilqa' b'sodisfazzjon l-estensjoni u t-tisħiħ tal-Fond Ewropew għall-Investimenti Strateġiċi (FEIS), li l-fond ta' garanzija mkabbar tiegħu jaqdi rwol ewlieni fit-tnaqqis tad-distakk fl-investimenti fl-EU; ifakkar li l-fond ta' garanzija tal-FEIS kien iffinanzjat parzjalment minn fuq dahar Orizzont 2020 u l-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa (CEF), minkejja li t-tnejn huma programmi fit-tul u orjentati lejn il-ġejjieni; jissottolinja l-pożizzjoni li l-Parlament ilu jsostni li kwalunkwe inizjattiva ġdida trid tkun iffinanzjata b'approprjazzjonijiet ġodda u mhux bir-riallokazzjoni ta' approprjazzjonijiet, u li l-ħsara kkawżata lil programmi eżistenti trid tiġi kkoreġuta permezz tal-proċedura baġitarja annwali; itenni li t-tnaqqis f'dawk il-programmi għandu kemm jista' jkun jitreġġa' lura;

  Jenfasizza li l-FEIS estiż għandu jagħmel progress sinifikanti fl-2019 lejn it-twettiq ta' kopertura ġeografika aħjar, sabiex ir-reġjuni kollha jkunu jistgħu jibbenefikaw bl-istess mod mill-ingranaġġ finanzjarju pprovdut mill-garanzija tal-baġit tal-UE; jistieden lill-Istati Membri jimplimentaw riformi strutturali li jtejbu l-ambjent tal-investiment u l-kapaċitajiet lokali għall-implimentazzjoni b'suċċess tal-appoġġ mill-FEIS fir-reġjuni kollha;

15.  Jilqa' l-impenn meħud dan l-aħħar mill-Istati Membri fir-rigward ta' aġenda mġedda tal-UE dwar id-difiża, li għandha l-għan li ssaħħaħ kemm is-setgħa ta' koerċizzjoni u kemm dik ta' persważjoni, u jqis li din l-aġenda tirrifletti l-preokkupazzjonijiet taċ-ċittadini dwar is-sigurtà, fid-dawl ta' instabilità globali dejjem akbar li qed tiġi aggravata b'theddidiet ta' tipi ġodda; jappoġġa l-inizjattiva meħuda dan l-aħħar mill-Kummissjoni li tvara l-Programm Ewropew għall-Iżvilupp fl-Industrija tad-Difiża (EDIDP) bħala l-ewwel fażi tal-Fond Ewropew għad-Difiża; jirrikjedi li l-EDIDP jiġi ffinanzjat esklussivament minn marġnijiet mhux allokati u/jew strumenti speċjali u mhux, għalhekk, mir-riallokazzjoni ta' approprjazzjonijiet minn programmi eżistenti;

16.  Jissottolinja li l-indirizzar tas-sigurtà interna jrid jibqa' waħda mill-prijoritajiet ewlenin tal-Unjoni u jitlob li din il-politika li qed tevolvi tirċievi finanzjament imsaħħaħ; huwa konvint li l-UE għandha bżonn tinvesti aktar fit-tisħiħ u l-ġestjoni tal-fruntieri tagħha, fit-titjib tal-kooperazzjoni bejn l-aġenziji tal-infurzar tal-liġi u l-awtoritajiet nazzjonali, u fil-ġlieda kontra t-terroriżmu, ir-radikalizzazzjoni u l-kriminalità organizzata, billi timplimenta sistema ta' informazzjoni diġitali adegwata u moderna; jissottolinja, f'dan ir-rigward, ir-rwol tal-Fond għas-Sigurtà Interna (ISF) u l-bżonn li l-aġenziji jiġu ffinanzjati b'mod adegwat fl-oqsma tal-fruntieri, tas-sigurtà u tal-ġustizzja; ifakkar li l-pakkett finanzjarju ta' dan l-istrument tnaqqas b'mod sinifikanti għall-2018;

17.  Jitlob aktar fondi għall-ġlieda kontra l-fenomenu tar-radikalizzazzjoni li qed irawwem estremiżmu vjolenti fi ħdan l-Unjoni; iqis li dan l-objettiv jista' jintlaħaq billi tiġi promossa l-integrazzjoni u jiġu missielta d-diskriminazzjoni, ir-razziżmu, il-ksenofobija, il-fundamentaliżmu u l-inċitament għall-mibegħda bil-fomm u bil-kitba;

18.  Jilqa' b'sodisfazzjon ir-rwol li jaqdi l-Fond għall-Asil, il-Migrazzjoni u l-Integrazzjoni (AMIF); jitlob li dan il-fond ikollu baġitjar adegwat fl-2019 biex jappoġġja l-akkoljenza dinjituża ta' persuni li jfittxu l-asil fl-Istati Membri, strateġiji ta' ritorn ġusti, programmi ta' risistemazzjoni, politiki tal-migrazzjoni legali ul-promozzjoni ta' integrazzjoni effikaċi ta' ċittadini minn pajjiżi terzi u biex jindirizzal-migrazzjoni irregolari; jerġa' jafferma li huwa importanti li jkollna mezzi finanzjarji speċifiċi għall-indirizzar tal-kawżi profondi tal-kriżi tal-migranti u tar-rifuġjati; jisħaq fuq il-fatt li, għal dan il-għan, il-baġit tal-UE jrid jiffinanzja miżuri ta' finanzjament fil-pajjiżi ta' oriġini tal-migranti u fil-pajjiżi ospitanti tar-rifuġjati, fost l-oħrajn, miżuri li jindirizzaw il-faqar, il-qgħad, l-isfidi fl-edukazzjoni u fl-ekonomija, u l-instabilità;

19.  Jitlob li l-Kummissjoni tippreżenta proposta li tagħmel provvediment għall-espressjoni ta' solidarjetà finanzjarja fil-livell tal-UE mal-vittmi ta' atti terroristiċi u mal-familji tagħhom;

20.  Ifakkar fl-importanza li għandhom l-aġenziji tal-UE biex jiżguraw li l-prijoritajiet leġiżlattivi tal-UE jiġu implimentati u b'hekk jintlaħqu l-objettivi ta' politika tal-UE, bħal dawk relatati mal-kompetittività (l-impjiegi, it-tkabbir sostenibbli, l-Unjoni tal-Enerġija), il-migrazzjoni (l-asil, il-ġestjoni transfruntiera), l-appoġġ għad-drittijiet fundamentali (il-protezzjoni tad-data), u s-sigurtà (iċ-ċiberkriminalità, id-drogi, il-frodi, il-ħasil tal-flus, it-terroriżmu, il-kooperazzjoni ġudizzjarja, il-kooperazzjoni tal-pulizija, l-appoġġ għal sistemi ta' informazzjoni fuq skala kbira); jistenna li n-negozjati dwar il-baġit għall-2019 iwasslu għal finanzjament operazzjonali u amministrattiv li jkun realistiku u adegwat għall-aġenziji u għall-korpi l-oħra tal-UE, hekk li jkunu jistgħu jaqdu dmirijiethom, inklużi l-kompiti dejjem akbar u ż-żieda fil-volum tax-xogħol tagħhom; jitlob li ssir allokazzjoni ta' riżorsi adegwati biex jiżguraw li l-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew jiġi implimentat u jiffunzjona sewwa; jitlob, b'mod aktar ġenerali, li ssir valutazzjoni eżawrjenti tal-interess strateġiku u tal-kompiti tal-aġenziji kollha, kif ukoll tal-possibilità li l-aġenziji jiġu raggruppati skont in-natura strateġika tal-missjoni tagħhom u r-riżultati li jirreġistraw; itenni li l-2018 hija l-aħħar sena tal-implimentazzjoni tat-tnaqqis tal-persunal b'5 % u tal-hekk imsejħa "riserva ta' tqassim mill-ġdid tar-riżorsi umani"; jistenna li l-Kummissjoni u l-Kunsill joqogħdu lura milli jagħmlu aktar tnaqqis fir-riżorsi tal-aġenziji fil-baġit għall-2019;

21.  Iqis li l-baġit għall-2019, fi żmien meta atturi ewlenin, bħall-Istati Uniti, mhumiex lesti jimplimentaw l-impenji tagħhom li jiġġieldu kontra t-tibdil fil-klima skont il-Ftehim ta' Pariġi, irid iqiegħed lill-UE indiskutibbilment fuq quddiem nett ta' din l-isfida, waħda mill-akbar tal-ġenerazzjoni tagħna, billi jipprovdi appoġġ finanzjarju addizzjonali għal inizjattivi bħall-Programm għall-Ambjent u l-Azzjoni Klimatika (LIFE), ECOPOTENTIAL u Clean Sky; jissottolinja li n-nefqiet f'dan ir-rigward għandhom jitqiesu bħala investimenti fit-tul aktar milli bħala spejjeż, u li sew il-Qorti Ewropea tal-Awdituri u sew il-Kunsill Affarijiet Ekonomiċi u Finanzjarji kkonkludew li l-UE mhix qed tissodisfa l-mira ta' finanzjament tagħha għall-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima; jitlob li l-Kummissjoni tilħaq l-objettivi tal-Ftehim ta' Pariġi u l-miri fit-tul tal-UE stess rigward il-klima billi tissodisfa l-mira ta' nfiq ta' 20 % għall-klima fil-QFP kurrenti (2014-2020); jenfasizza, f'dan ir-rigward, li l-kontribuzzjoni għall-2019 għandha tisboq b'mod sinifikanti l-mira globali, sabiex tikkumpensa għall-allokazzjonijiet aktar baxxi li saru fl-ewwel snin tal-QFP, u li l-mekkaniżmu tal-integrazzjoni tat-tibdil fil-klima fil-politiki kollha għandu jiġi ottimizzat bis-sħiħ;

Solidarjetajiet imsaħħa biex nindirizzaw sfidi soċjali, territorjali u globali

22.  Jemmen li l-baġit tal-UE għandu jikkontribwixxi għall-isforzi li jsiru mill-Istati Membri f'oqsma bħalma huma l-qgħad u l-kura tas-saħħa, billi jwarrab finanzjament adegwat għal programmi li għandhom l-għan li jikkumbattu l-inugwaljanzi, itaffu l-agħar forom ta' faqar, speċifikament għall-popolazzjonijiet l-aktar iżolati u fraġli, b'mod partikolari t-tfal, u jgħinu liċ-ċittadini jiksbu l-ħiliet meħtieġa biex jadattaw għad-diġitalizzazzjoni;

23.  Jinsisti fuq il-ħtieġa li jissaħħaħ l-appoġġ għall-programmi tal-Unjoni li jrawmu t-tkabbir u l-ħolqien ta' impjiegi ta' kwalità fit-tul, b'mod partikolari għaż-żgħażagħ, b'mod komplementari għall-isforzi tal-Istati Membri biex jiggarantixxu kwalifiki tax-xogħol diversifikati minflok speċjalizzazzjoni prekoċi, bħala mezz sabiex iqawwu r-reżiljenza u jippermettu li s-soċjetà tadatta ruħha filwaqt li jindirizzaw ir-rigressjoni demografika, l-iskarsezzi ta' ħaddiema kwalifikati f'ċerti setturi u s-sostenibilità tas-sistemi ta' ħarsien soċjali; jinnota li l-kunsiderazzjoni ta' miżuri speċifiċi u mfassla apposta tista' tkun ta' siwi fis-setturi u/jew fir-reġjuni l-aktar milquta jew li saru ferm aktar vulnerabbli;

24.  Ifakkar fit-tixjiħ sinifikanti tal-popolazzjoni u fiż-żieda fl-għadd ta' nies li jeħtieġu kura speċjali u ddedikata, b'mod partikolari x-xjuħ; jitlob li l-Kummissjoni tintroduċi aktar miżuri ta' appoġġ biex tindirizza l-isfidi demografiċi, u jtenni l-appoġġ tiegħu għal inizjattivi bħalma huma rħula għal persuni bid-dimenzja, fejn dawn in-nies ikunu jistgħu jingħataw attenzjoni adatta sa minn stadju bikri;

25.  Jemmen li d-diskriminazzjoni abbażi tas-sessi, b'mod partikolari fis-suq tax-xogħol, mhux biss mhijiex kompatibbli mal-valuri tal-UE, iżda tikkostitwixxi wkoll ostaklu serju għat-tkabbir ekonomiku billi ma tħallix lin-nisa jipparteċipaw f'impjiegi sinifikattivi; jissottolinja l-kontribut vitali li l-għoti tas-setgħa lin-nisa jagħti għal soċjetajiet aktar inklussivi, ekwi u paċifiċi, li t-tkabbir tagħhom ikun aktar sostenibbli; jistenna li l-baġit għall-2019 jappoġġja l-intraprenditorija tan-nisa u jinkoraġġixxi l-aċċess tagħhom għal finanzjament mill-UE, pereżempju fil-qafas tal-programmi COSME u Orizzont 2020, u li jwessa' l-politika ta' koeżjoni biex tappoġġja aktar investimenti fl-infrastruttura marbuta mal-edukazzjoni, mal-kura tat-tfal u mal-kura tas-saħħa, u b'hekk tgħin lin-nisa jirrikonċiljaw il-ħajja privata u dik professjonali tagħhom;

26.  Itenni t-tħassib tiegħu dwar id-dewmien fl-implimentazzjoni tal-politika ta' koeżjoni, li hija l-espressjoni tas-solidarjetà territorjali tal-UE u l-politika ta' investiment prinċipali tagħha, iżda jirrikonoxxi li l-2017 kienet l-ewwel sena li fiha l-implimentazzjoni tal-programmi tal-Fondi SIE ġiet aċċelerata, u jistenna li din it-tendenza tkompli fl-2018 u l-2019; jemmen li għandhom jiġu pprovduti livelli suffiċjenti ta' approprjazzjonijiet ta' pagament biex l-implimentazzjoni tal-politika tipproċedi mingħajr xkiel;

27.  Ifakkar fil-kontribut importanti li l-Unjoni għamlet biex tinkoraġġixxi l-paċi u r-rikonċiljazzjoni fl-Irlanda, b'mod partikolari permezz tal-programmi PEACE u INTERREG, li huma diretti speċifikament lejn l-Irlanda ta' Fuq u l-kontej tal-fruntiera fin-Nofsinhar; jitlob li jkun hemm rispett sħiħ tal-qafas tal-impenji diġà meħuda, bħal fil-każ tal-Ftehim tal-Ġimgħa l-Kbira, f'dak li jirrigwarda l-istat tad-dritt u d-demokrazija; jitlob li l-Kummissjoni u l-Istati Membri jkomplu jappoġġjaw il-proċess tal-paċi billi jibqgħu jiffinanzjaw il-programm PEACE u l-programmi assoċjati miegħu;

28.  Jirrimarka li l-Politika Agrikola Komuni (PAK) hija wieħed mill-pedamenti tal-integrazzjoni Ewropea, li żgurat provvista sikura ta' ikel ta' kwalità għolja għaċ-ċittadini Ewropej, il-funzjonament tajjeb tas-suq uniku fl-agrikoltura u s-sostenibilità tar-reġjuni rurali għal bosta snin; ifakkar li l-fondi tal-PAK jikkontribwixxu b'mod partikolari għall-profittabilità u l-istabilità tal-agrikoltura tal-UE;

29.  Jitlob li l-Kummissjoni tibqa' tappoġġja lill-bdiewa madwar l-Ewropa kollha biex ikunu jistgħu jilqgħu għall-volatilità mhux mistennija tas-suq u jiżguraw provvisti ta' ikel sikuri u ta' kwalità għolja; jitlob li l-biedja u s-sajd fuq skala żgħira jingħataw attenzjoni xierqa;

30.  Iqis li r-reġjonalizzazzjoni u l-objettivi soċjoekonomiċi jeħtieġ li jkollhom rwol akbar fl-ambitu tal-Politika Komuni tas-Sajd, u li l-kamp ta' applikazzjoni tal-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd irid jitwessa'; jitlob li l-l-Kummissjoni tiffaċilita l-aċċess għall-finanzjament u tissimplifika l-proċeduri għall-ksib tiegħu; jesprimi tħassib partikolari rigward l-impatt negattiv potenzjali li l-ħruġ tar-Renju Unit mill-UE se jkollu fuq is-sajd, b'mod partikolari għall-Istati Membri kostali ġirien;

31.  Jilqa' l-proposta li l-kamp ta' applikazzjoni tal-Mekkaniżmu tal-Unjoni għall-Protezzjoni Ċivili jiġi estiż, u li l-Mekkaniżmu jiġi msaħħaħ; huwa tal-fehma li t-tisħiħ tal-Mekkaniżmu tal-Unjoni għall-Protezzjoni Ċivili huwa tal-akbar importanza, sabiex jingħata rispons aktar rapidu u koerenti fil-qasam tal-protezzjoni ċivili fil-livell tal-Unjoni, fl-oqsma tal-prevenzjoni, it-tħejjija u r-rispons għad-diżastri naturali u għal dawk ikkawżati mill-bniedem sew fl-Unjoni u sew lil hinn minnha;

32.  Jistenna li l-proċeduri u l-miżuri li għaddejjin bħalissa jittejbu fl-implimentazzjoni tal-baġit, fid-dawl tar-restrizzjonijiet ta' riżorsi li nqalgħu u tat-talbiet li l-UE tassumi responsabilitajiet akbar, sabiex jiġi żgurat li l-impenji finanzjarji jiġu onorati f'waqthom u b'mod kosteffikaċi;

33.  Jemmen li l-politiki, il-programmi u l-aġenziji tal-UE involuti fil-ġestjoni tal-flussi migratorji u tar-rifuġjati u fil-kontroll tal-fruntieri, jew li għandhom x'jaqsmu ma' dawn l-oqsma, għandhom jiġu pprovduti riżorsi finanzjarji u umani adegwati biex jittrattaw il-kriżi tar-rifuġjati tal-lum, li l-Istati Membri wkoll huma mistennija jieħdu responsabilità għaliha skont il-prinċipju tal-qsim tal-piżijiet u l-Konvenzjonijiet ta' Ġinevra; huwa konvint li l-UE, sabiex issib soluzzjoni fit-tul, għandha wkoll turi solidarjetà esterna billi trawwem kundizzjonijiet għall-paċi u għall-prosperità fil-pajjiżi ta' oriġini, billi tqiegħed enfasi akbar fuq l-investimenti u fuq il-politiki ta' żvilupp, speċjalment permezz tal-implimentazzjoni tal-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Sostenibbli (EFSD), tal-Istrument ta' Kooperazzjoni għall-Iżvilupp (DCI) u tal-Istrument ta' Għajnuna Umanitarja; jirrikonoxxi l-importanza u l-valur distint tal-politika tal-iżvilupp, li għandha prijoritajiet bħall-qerda tal-faqar, l-edukazzjoni, is-saħħa u l-iżvilupp ekonomiku; jissottolinja li jeħtieġ li l-azzjonijiet u l-programmi tal-Aġenzija ta' Fondi u tax-Xogħol tan-NU jingħataw appoġġ; jissottolinja li waħda mill-kundizzjonijiet għall-preservazzjoni tal-istabilità u tal-prosperità fl-UE hija Viċinat tal-UE stabbli; jitlob li l-Kummissjoni, għaldaqstant, tiżgura li l-investimenti fil-Viċinat tal-UE jingħataw prijorità bil-għan li jappoġġjaw l-isforzi biex jiġu indirizzati l-kwistjonijiet ewlenin li qed tiffaċċja din iż-żona – il-migrazzjoni, l-isfidi tar-rifuġjati u l-iżvilupp fil-Viċinat tan-Nofsinhar u l-instabilità f'dak tal-Lvant – li huma parzjalment dovuti għal politika barranija Russa li mhijiex konformi mal-liġi internazzjonali u mal-istandards tad-demokrazija u tad-drittijiet tal-bniedem; jenfasizza li l-prijoritajiet politiċi ġodda u l-isfidi li ġejjin għall-UE, bħas-sigurtà u d-difiża, għandhom jiġu ffinanzjati minn approprjazzjonijiet ġodda u mhux minn tnaqqis f'politiki u fi programmi eżistenti li rnexxew u li huma importanti, bħall-għajnuna għall-iżvilupp u dik umanitarja u l-politika tal-viċinat; jenfasizza, barra minn hekk, li l-politiki tas-sigurtà u tal-iżvilupp jinfluwenzaw lil xulxin, u li s-sigurtà hija kundizzjoni importanti biex jinħoloq stat li jiffunzjona;

34.  Itenni l-pożizzjoni tiegħu li l-mekkaniżmi baġitarji satellita, bħalma huma l-fondi fiduċjarji u strumenti oħra simili, iduru mal-proċedura baġitarja, jimminaw it-trasparenza tal-ġestjoni tal-baġit u jiksru d-dritt tal-Parlament li jwettaq skrutinju effettiv tal-infiq; iqis, għaldaqstant, li dawn l-istrumenti esterni, li nħolqu f'dawn l-aħħar snin, iridu jiġu inkorporati fil-baġit tal-Unjoni, u li jridu jinstabu soluzzjonijiet alternattivi biex l-Unjoni tkun tista' tirreaġixxi fil-pront għal sitwazzjonijiet ta' emerġenza u ta' wara l-emerġenzi fil-livell internazzjonali;

35.  Jenfasizza li l-Istrument għall-Assistenza ta' Qabel l-Adeżjoni (IPA) għandu primarjament jiffaċilita riformi politiċi u ekonomiċi f'pajjiżi tat-tkabbir, fost objettivi oħra; jistieden lill-Kummissjoni biex, f'dan il-kuntest, tevalwa aktar il-fondi tal-IPA fil-proposta tagħha dwar il-baġit għall-2019, filwaqt li tqis is-sitwazzjoni politika li sejra għall-agħar fit-Turkija kif ukoll il-ħtieġa urġenti li tiġi indirizzata r-radikalizzazzjoni li qed tikber fl-Istati tal-Balkani;

L-istennijiet rigward il-proċedura għall-2019

36.  Jistieden lill-Kummissjoni tkompli taġixxi bħala medjatur onest f'kull fażi individwali tal-proċedura, u timplimenta d-deċiżjonijiet tal-awtorità baġitarja b'mod fidil u akkurat;

37.  Jilqa' b'sodisfazzjon il-fatt li, wara r-reviżjoni ta' nofs it-terminu tal-QFP, u bil-kontra tal-konklużjonjiet tal-Kunsill tal-20 ta' Frar 2018 dwar il-linji gwida baġitarji għall-2019, il-proċedura għall-2018 uriet li l-awtorità baġitarja tista' teżerċita bis-sħiħ il-prerogattivi tagħha biex tiddetermina l-livell u l-kontenut tal-baġit tal-UE permezz tal-proċedura baġitarja annwali;

  Jemmen li, bħala l-fergħa tal-awtorità baġitarja li hija eletta direttament miċ-ċittadini, il-Parlament għandu jaqdi r-rwol politiku tiegħu u jressaq proposti għal Proġetti Pilota u Azzjonijiet Preparatorji li jesprimu l-viżjoni politika tiegħu għall-ġejjieni; jimpenja ruħu, f'dan il-kuntest, li jipproponi pakkett ta' Proġetti Pilota u Azzjonijiet Preparatorji żviluppati f'kooperazzjoni mill-qrib ma' kull wieħed mill-kumitati tiegħu sabiex jinstab bilanċ ġust bejn ir-rieda politika u l-fattibilità teknika, kif ivvalutata mill-Kummissjoni Ewropea;

39.  Jistenna li n-negozjati dwar il-baġit għall-2019 jiġu bbażati fuq ambizzjoni politika kondiviża u fuq is-solidarjetà, u li jqisu l-valur miżjud tal-programmi u tal-politiki tal-UE; jemmen li dan l-objettiv jista' jintlaħaq biss jekk il-partijiet fin-negozjati jiġu informati minnufih dwar il-pożizzjonijiet ta' xulxin, ivaraw in-negozjati fl-aktar stadju bikri possibbli u jkunu lesti jsibu kompromessi;

o

o    o

40.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-Qorti tal-Awdituri.

(1)

ĠU L 347, 20.12.2013, p. 884.

(2)

ĠU C 373, 20.12.2013, p. 1.

(3)

ĠU L 298, 26.10.2002, p. 1.

(4)

ĠU L 168, 7.6.2014, p. 105.

(5)

ĠU L 57, 28.2.2018, p. 1.

(6)

Rapport konġunt min-negozjaturi tal-Unjoni Ewropea u tal-Gvern tar-Renju Unit tat-8 ta' Diċembru 2017 dwar il-progress matul l-ewwel fażi tan-negozjati skont l-Artikolu 50 TFUE dwar il-ħruġ ordinat tar-Renju Unit mill-Unjoni Ewropea (TF50 (2017) 19 – Kummissjoni lill-UE-27).


INFORMAZZJONI DWAR L-ADOZZJONIFIL-KUMITAT RESPONSABBLI

Data tal-adozzjoni

8.3.2018

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

26

4

3

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Nedzhmi Ali, Jean Arthuis, Richard Ashworth, Reimer Böge, Lefteris Christoforou, Gérard Deprez, Manuel dos Santos, André Elissen, José Manuel Fernandes, Eider Gardiazabal Rubial, Iris Hoffmann, Monika Hohlmeier, John Howarth, Bernd Kölmel, Vladimír Maňka, Jan Olbrycht, Urmas Paet, Paul Rübig, Petri Sarvamaa, Patricija Šulin, Indrek Tarand, Isabelle Thomas, Daniele Viotti, Marco Zanni

Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali

Xabier Benito Ziluaga, Heidi Hautala, Andrey Novakov, Stanisław Ożóg, Eleftherios Synadinos, Marie-Pierre Vieu, Rainer Wieland

Sostituti (skont l-Artikolu 200(2)) preżenti għall-votazzjoni finali

Michael Detjen, Norbert Lins


VOTAZZJONI FINALI B'SEJĦA TAL-ISMIJIETFIL-KUMITAT RESPONSABBLI

26

+

ALDE

Nedzhmi Ali, Jean Arthuis, Gérard Deprez, Urmas Paet

ECR

Stanisław Ożóg

PPE

Richard Ashworth, Reimer Böge, Lefteris Christoforou, José Manuel Fernandes, Monika Hohlmeier, Norbert Lins, Andrey Novakov, Jan Olbrycht, Paul Rübig, Petri Sarvamaa, Rainer Wieland, Patricija Šulin

S&D

Michael Detjen, Eider Gardiazabal Rubial, Iris Hoffmann, John Howarth, Vladimír Maňka, Isabelle Thomas, Daniele Viotti, Manuel dos Santos

VERTS/ALE

Indrek Tarand

4

-

ECR

Bernd Kölmel

ENF

André Elissen, Marco Zanni

NI

Eleftherios Synadinos

3

0

GUE/NGL

Xabier Benito Ziluaga, Marie-Pierre Vieu

VERTS/ALE

Heidi Hautala

Tifsira tas-simboli użati:

+  :  favur

-  :  kontra

0  :  astensjoni

Aġġornata l-aħħar: 12 ta' Marzu 2018Avviż legali